Rapport Speċjali
01 2020

L-azzjoni tal-UE fil-qasam tal-Ekodisinn u t-Tikkettar tal-Enerġija: il-kontribut importanti għal effiċjenza akbar fl-enerġija tnaqqas minn dewmien sinifikanti u nuqqas ta’ konformità

Dwar ir-rapport: Il-leġiżlazzjoni dwar l-Ekodisinn taħdem billi tistabbilixxi rekwiżiti minimi tal-effiċjenza fl-enerġija kif ukoll rekwiżiti ambjentali għal prodotti domestiċi u industrijali. It-tikketti tal-enerġija tal-UE jipprovdu informazzjoni lill-konsumaturi dwar il-konsum tal-enerġija u l-prestazzjoni ambjentali tal-prodotti, u jgħinuhom biex jieħdu deċiżjonijiet infurmati.
Aħna sibna li l-azzjonijiet tal-UE kkontribwew b’mod effettiv biex jintlaħqu l-objettivi tal-politika dwar l-Ekodisinn u t-Tikkettar tal-Enerġija, iżda din l-effettività tnaqqset minħabba dewmien sinifikanti fil-proċess regolatorju u nuqqas ta’ konformità mill-manifatturi u mill-bejjiegħa bl-imnut.
Ir-rakkomandazzjonijiet tagħna lill-Kummissjoni jindirizzaw titjib fil-proċess regolatorju u fil-mod kif jitkejjel l-impatt tal-politika, kif ukoll azzjonijiet li jiffaċilitaw l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Awtoritajiet tas-Sorveljanza tas-Suq u li jtejbu l-konformità mal-politika.
Rapport speċjali tal-QEA skont l-Artikolu 287(4), it-tieni subparagrafu, TFUE.

Din il-pubblikazzjoni hija disponibbli bi 23 lingwa fil-format li ġej:
PDF
PDF General Report

Sommarju eżekuttiv

I

Iffaċċjati bl-isfida kruċjali tal-prevenzjoni u l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, il-mexxejja tal-UE impenjaw ruħhom li jiffrankaw 20 % tal-konsum tal-enerġija tal-UE sal-2020, u 32.5 % sal-2030 (meta mqabbel mal-livelli pproġettati kif stabbiliti fl-2007). Iż-żieda tal-effiċjenza fl-enerġija tal-prodotti hija wieħed mill-istrumenti ewlenin biex jintlaħqu dawn il-miri. Il-prodotti li huma maħsuba biex ikunu aktar effiċjenti jistgħu jgħinu biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta' serra u biex iġibu ffrankar finanzjarju sinifikanti għan-negozji u għall-unitajiet domestiċi.

II

Il-leġiżlazzjoni dwar l-Ekodisinn taħdem billi tistabbilixxi rekwiżiti minimi tal-effiċjenza fl-enerġija kif ukoll rekwiżiti ambjentali għal prodotti domestiċi u industrijali. It-tikketti tal-enerġija tal-UE jipprovdu informazzjoni lill-konsumaturi dwar il-konsum tal-enerġija u l-prestazzjoni ambjentali tal-prodotti, u jgħinuhom biex jieħdu deċiżjonijiet infurmati.

III

F’dan l-awditu, aħna vvalutajna jekk l-azzjonijiet tal-UE fil-qasam tal-Ekodisinn u t-Tikkettar tal-Enerġija kinux ikkontribwew b’mod effettiv biex jintlaħqu l-objettivi tagħha f'dak li jirrigwarda l-effiċjenza fl-enerġija u l-ambjent. Aħna eżaminajna jekk il-Kummissjoni kinitx immaniġġjat il-proċess regolatorju b'mod tajjeb u jekk kinitx immonitorjat u rrappurtat b’mod adegwat ir-riżultati miksuba. Aħna eżaminajna wkoll jekk il-Kummissjoni kinitx issorveljat u appoġġat l-attivitajiet ta’ sorveljanza tas-suq b’mod effettiv u jekk il-proġetti ffinanzjati mill-UE kinux wasslu għal titjib sostenibbli fis-sorveljanza tas-suq.

IV

Aħna kkonkludejna li l-azzjonijiet tal-UE kkontribwew b’mod effettiv biex jintlaħqu l-objettivi tal-politika dwar l-Ekodisinn u t-Tikkettar tal-Enerġija, iżda li kien hemm inqas effettività minħabba dewmien sinifikanti fil-proċess regolatorju u minħabba nuqqas ta’ konformità mill-manifatturi u mill-bejjiegħa bl-imnut.

V

Il-politika tkopri l-biċċa l-kbira mill-prodotti bl-ogħla potenzjal ta’ ffrankar tal-enerġija. Il-Kummissjoni użat metodoloġiji tajbin u trasparenti biex tiddeċiedi liema prodotti għandha tirregola, biex b’hekk il-politika jkollha impatt massimu.

VI

Madankollu, aħna sibna li l-proċess biex jiġu stabbiliti r-regolamenti speċifiċi għall-prodotti jieħu fit-tul, u li l-Kummissjoni setgħet tevita xi dewmien. Barra minn hekk, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tadotta miżuri bħala pakkett kienet tfisser li l-gruppi ta’ prodotti li huma lesti biex jiġu rregolati qegħdin iġarrbu dewmien saħansitra itwal. Dan naqqas l-impatt tal-politika, billi r-rekwiżiti tad-disinn tal-prodotti mhux dejjem jirriflettu l-progress teknoloġiku. Barra minn hekk, it-tikketti tal-enerġija mhuxdejjem għadhom jgħinu lill-konsumaturi biex jiddistingwu bejn il-prodotti.

VII

Il-mod kif il-Kummissjoni integrat kunċetti dwar l-ekonomija ċirkolari bħall-possibbiltà ta' tiswija u r-riċiklabbiltà fil-politika dwar l-Ekodisinn u t-Tikkettar tal-Enerġija kien ad hoc. Madankollu, aħna osservajna li r-regolamenti dwar il-prodotti li ġew adottati reċentement urew li l-Kummissjoni tat aktar attenzjoni lil dawn l-aspetti.

VIII

Kull sena, il-Kummissjoni tirrapporta dwar ir-riżultati tal-politika dwar l-Ekodisinn u t-Tikkettar tal-Enerġija, billi tipprovdi informazzjoni utli lill-partijiet ikkonċernati u lil dawk li jfasslu l-politika. Aħna sibna li l-metodoloġija attwali applikata għall-kontabbiltà tal-impatt mhijiex kompleta, minħabba li ma tiħux inkunsiderazzjoni l-impatt tan-nuqqas ta’ konformità mar-regolamenti, id-dewmien fl-implimentazzjoni u d-differenza bejn il-konsum tal-enerġija fil-ħajja reali u l-konsum teoretiku.

IX

Jenħtieġ li s-sorveljanza effettiva tas-suq ikollha rwol kritiku biex tiżgura li l-prodotti mibjugħa fl-UE jkunu konformi mar-rekwiżiti tal-Ekodisinn u li l-konsumaturi jibbenefikaw minn tikketti tal-enerġija preċiżi. Huwa r-rwol tal-Istati Membri li jivverifikaw li l-prodotti mibjugħa jkunu konformi mal-leġiżlazzjoni. Madankollu, id-data disponibbli turi li n-nuqqas ta’ konformità mill-manifatturi u mill-bejjiegħa bl-imnut għadu problema sinifikanti.

X

Il-Kummissjoni tiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-Awtoritajiet tas-Sorveljanza tas-Suq. Jenħtieġ li s-Sistema ta’ Informazzjoni u Komunikazzjoni dwar is-Sorveljanza tas-Suq, imħaddma mill-Kummissjoni, tippermetti l-kooperazzjoni billi tawtorizza lill-awtoritajiet jikkondividu r-riżultati tal-ispezzjoni. Aħna sibna li xi limitazzjonijiet funzjonali fid-database naqqsu l-effettività tagħha. Il-Kummissjoni qed tistabbilixxi database tal-prodotti, li, fost affarijiet oħra, se tiffaċilita s-sorveljanza tas-suq, iżda hija għadha lura f’dan ir-rigward.

XI

Il-proġetti ffinanzjati mill-UE li kellhom l-għan li jtejbu s-sorveljanza tas-suq taw xi riżultati, iżda huma pprovdew biss soluzzjoni temporanja għal ħtieġa rikorrenti.

XII

Ir-rapport tagħna jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni li għandhom l-għan li jtejbu l-impatt tal-politika dwar l-Ekodisinn u t-Tikkettar tal-Enerġija. Ir-rakkomandazzjonijiet tagħna jkopru t-titjib fil-proċess regolatorju biex jitwasslu regolamenti speċifiċi għall-prodotti li jkunu f’waqthom u li jħallu impatt; titjib fil-mod kif jitkejjel u jiġi rrappurtat l-impatt tal-politika u azzjonijiet maħsuba biex jiffaċilitaw l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Awtoritajiet tas-Sorveljanza tas-Suq u biex itejbu l-konformità mal-politika.  

Introduzzjoni

Għalfejn l-effiċjenza fl-enerġija hija importanti

01

Fl-2007, iffaċċjati bl-isfida kruċjali tal-prevenzjoni u l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, il-mexxejja tal-UE stabbilew tliet miri li għandhom jintlaħqu sal-20201:

  • tnaqqis ta’ 20 % fl-emissjonijiet ta’ gassijiet b'effett ta' serra (mil-livelli tal-1990);
  • żieda ta’ 20 % fl-effiċjenza fl-enerġija (meta mqabbel mal-livelli pproġettati kif stabbiliti fl-2007);
  • żieda fil-proporzjon tal-konsum totali tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli għal 20 %.
02

It-titjib tal-effiċjenza fl-enerġija se jnaqqas l-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta' serra u jgħin fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, jipprovdi ffrankar finanzjarju sinifikanti għan-negozji u għall-unitajiet domestiċi, itejjeb il-kwalità tal-arja u jgħin lill-UE biex tnaqqas id-dipendenza tagħha fuq il-karburanti fossili.

03

Il-valutazzjoni l-aktar reċenti tal-Kummissjoni dwar il-progress li sar mill-Istati Membri lejn il-miri tal-effiċjenza fl-enerġija2 turi li l-mira tal-UE għall-2020 x’aktarx li ma tintlaħaqx. Il-konsum tal-enerġija żdied bejn l-2014 u l-2017. Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni tissuġġerixxi li l-fatturi ewlenin kienu t-tkabbir ekonomiku, il-prezzijiet baxxi taż-żejt, il-kundizzjonijiet tat-temp, u l-implimentazzjoni kajmana tal-miżuri tal-effiċjenza fl-enerġija f’xi Stati Membri. Ir-rapport jikkonkludi li “jidher ċar li hemm il-ħtieġa li jiżdiedu l-isforzi mhux biss biex jintlaħqu l-miri għall-2020, iżda wkoll biex tiġi stabbilita l-bażi ġusta għad-deċennju ta’ wara meta saħansitra ser ikun meħtieġ livell ogħla ta’ ambizzjoni”.

04

F’Diċembru 20183, id-Direttiva emendata dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija stabbiliet il-mira tal-effiċjenza fl-enerġija għall-2030 għal żieda ta’ 32.5 % meta mqabbla mal-projezzjonijiet stabbiliti fl-2007. Biex tintlaħaq din il-mira ambizzjuża, huwa importanti li jiġu adottati miżuri deċiżivi li jnaqqsu l-konsum tal-enerġija.

05

It-titjib fl-effiċjenza fl-enerġija jista’ jkopri firxa wiesgħa ta’ setturi u oqsma, bħad-disinn u r-rinnovazzjoni tal-bini għall-konservazzjoni tal-enerġija, it-titjib tal-mezzi tat-trasport, il-produzzjoni industrijali, u d-disinn u l-użu ta’ prodotti aħjar. Il-Kummissjoni tistma4 li l-politika dwar l-Ekodisinn u t-Tikkettar tal-Enerġija se tikkontribwixxi madwar nofs il-mira tal-effiċjenza fl-enerġija għall-2020.

06

Skont id-data tal-Eurostat mill-20175, il-konsum tal-enerġija fl-unitajiet domestiċi jirrappreżenta madwar kwart (27.2 %) tal-konsum finali tal-enerġija fl-Ewropa. Il-biċċa l-kbira mill-enerġija kkunsmata mill-unitajiet domestiċi (82.5 %) ġejja minn sorsi mhux rinnovabbli. It-tikketti tal-enerġija jkopru l-aktar is-settur tal-unitajiet domestiċi. Il-Figura 1 ta’ hawn taħt turi li l-qasam prinċipali tal-konsum tal-enerġija fl-unitajiet domestiċi huwa t-tisħin u l-ilma sħun, segwit minn dawk tad-dawl u l-apparat domestiku, kif ukoll tat-tisjir.

Figura 1

Konsum tal-enerġija fl-unitajiet domestiċi tal-UE

Sors: L-Eurostat, 2017.

Ir-rwol tal-Ekodisinn u tat-Tikkettar tal-Enerġija

07

L-Ekodisinn huwa l-integrazzjoni ta' aspetti ambjentali fid-disinn tal-prodott. L-għan tiegħu huwa li jtejjeb il-prestazzjoni ambjentali ta’ prodott matul iċ-ċiklu tal-ħajja tiegħu. Il-leġiżlazzjoni dwar l-Ekodisinn taħdem billi tistabbilixxi rekwiżiti tal-effiċjenza fl-enerġija u rekwiżiti oħra għad-disinn tal-prodott, biex b’hekk ittejjeb il-prestazzjoni ambjentali. Il-prodotti li ma jissodisfawx dawn ir-rekwiżiti ma jistgħux jinbiegħu fl-UE, b’hekk il-prodotti bl-agħar prestazzjoni jitneħħew mis-suq.

08

It-tikketti tal-enerġija tal-UE juru kif apparat jikklassifika fuq skala minn A sa G skont il-konsum tal-enerġija tiegħu. Huma jistmaw l-enerġija annwali kkunsmata minn kull prodott u jikklassifikaw prodotti simili skont il-klassi tal-effiċjenza fl-enerġija tagħhom. Dan jippermetti lill-konsumaturi biex jieħdu deċiżjonijiet infurmati.

09

L-ekodisinn u t-tikketti tal-enerġija huma komplementari. Huma jikkondividu l-objettivi ta’ politika:

  • taż-żieda tal-effiċjenza fl-enerġija tal-prodotti u tal-ħarsien ambjentali;
  • tal-promozzjoni tal-moviment ħieles ta’ prodotti relatati mal-enerġija fl-UE;
  • tal-għoti ta’ informazzjoni lill-konsumaturi, li tippermettilhom jagħżlu prodotti aktar effiċjenti.
10

Fil-bidu tas-snin disgħin, il-Kummissjoni żviluppat rekwiżiti tar-rendiment fl-użu tal-enerġija għall-ħiters u r-refriġeraturi, imbagħad għad-dawl fluworexxenti fl-1999. L-ewwel Direttiva dwar l-Ekodisinn, li ġiet adottata fl-20056, kienet tkopri l-prodotti kollha li jużaw l-enerġija. Id-Direttiva attwali7 kompliet testendi l-ambitu tal-prodotti relatati mal-enerġija, billi inkludiet prodotti b’impatt indirett fuq il-konsum tal-enerġija.

11

Il-Kunsill tal-Komunitajiet Ewropej adotta l-ewwel Direttiva tal-UE dwar it-tikkettar tal-enerġija fl-19928, li tkopri l-apparat domestiku prinċipali. L-ewwel tikketti għall-UE kollha ġew introdotti għar-refriġeraturi fl-1994, li kklassifikaw il-klassi tal-effiċjenza fl-enerġija ta’ kull mudell fuq skala minn A sa G. Minn dakinhar, il-konsum tal-enerġija tar-refriġeraturi naqas b’aktar minn 60 %9. Fl-2010, il-Kummissjoni introduċiet il-klassijiet tal-enerġija “A+”, “A++” u “A+++”, li hija ma baqgħetx tuża fit-tikketta li għadha kif ġiet adottata fl-2019 (ara l-paragrafu 41). Il-Figura 2 turi l-evoluzzjoni tat-tikketta tal-enerġija tal-UE għar-refriġeraturi.

Figura 2

L-evoluzzjoni tat-tikketta tal-enerġija tal-UE għar-refriġeraturi

Sors: Il-QEA.

12

Il-Kunsill Dinji tal-Enerġija rrikonoxxa l-politika tal-UE dwar l-Ekodisinn u t-Tikkettar tal-Enerġija bħala waħda li rnexxiet10. Il-konsumaturi huma familjari mat-tikketti tal-enerġija, b’85 % tal-Ewropej jirrikonoxxu u jużaw it-tikketta tal-enerġija meta jixtru prodott11. Il-politika hija appoġġata b'mod mifrux minn manifatturi, konsumaturi u organizzazzjonijiet ambjentali12. Speċifikament:

  • titjib fid-disinn tal-prodott li jista’ jwassal għal prezzijiet tal-bejgħ ogħla u, konsegwentement, għal redditi akbar u żieda fis-sehem mis-suq għall-manifatturi li jinnovaw, hekk kif il-prodotti ineffiċjenti jitneħħew mis-suq tal-UE. Il-Kummissjoni tistma li dan se joħloq madwar 1 000 000 impjieg sal-203013;
  • in-negozji jibbenefikaw minn spejjeż operazzjonali aktar baxxi meta jużaw prodotti li huma aktar effiċjenti;
  • il-konsumaturi li jużaw prodotti li huma aktar effiċjenti jibbenefikaw minn kontijiet tal-enerġija aktar baxxi, li jikkumpensaw l-ispiża ogħla bil-quddiem.
13

Ir-rekwiżiti tal-Ekodisinn u tat-Tikkettar tal-Enerġija jiffukaw primarjament fuq l-effiċjenza fl-enerġija, iżda jistgħu jkopru wkoll karatteristiċi oħrajn. Pereżempju, il-leġiżlazzjoni tistabbilixxi limiti fuq il-konsum tal-ilma għall-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ, rekwiżiti ta’ durabbiltà għal prodotti tad-dawl u vacuum cleaners, u tipprovdi informazzjoni rigward iż-żarmar u r-riċiklaġġ ta’ vacuum cleaners, ċirkolaturi u tagħmir għal immaġnijiet. Ħafna tikketti tal-prodotti jinkludu pittogrammi li jagħtu informazzjoni dwar il-karatteristiċi tal-prodotti, il-prestazzjoni u l-impatt ambjentali, bħall-konsum tal-ilma jew il-ħoss emess (ara l-Figura 3).

Figura 3

Pittogrammi fuq it-tikketti tal-enerġija li jipprovdu informazzjoni dwar il-karatteristiċi, il-prestazzjoni u l-impatt ambjentali

Sors: Il-QEA.

14

Ir-regoli tal-Ekodisinn u t-Tikkettar tal-Enerġija jkopru 14-il grupp ta’ prodotti, filwaqt li 11 oħra huma koperti biss mir-rekwiżiti tal-Ekodisinn (ara l-Figura 4). Hemm fis-seħħ ukoll miżuri orizzontali li jkopru l-modalità mitfija u l-konsum tal-enerġija fuq standby tal-prodotti elettriċi u elettroniċi.

Figura 4

Prodotti koperti mill-Ekodisinn u mit-tikketti tal-enerġija

14-il grupp ta’ prodotti koperti mir-rekwiżiti tal-Ekodisinn u tat-tikkettar
  • magni tal-ħasil tal-platti
  • magni tal-ħasil
  • magni tat-tnixxif tal-ħwejjeġ
  • refriġeraturi
  • refriġerazzjoni professjonali u kummerċjali
  • lampi
  • unitajiet tal-wiri elettroniċi
  • apparat tat-tisjir domestiku
  • ħiters
  • ħiters tal-ilma
  • ħiters tal-post lokali
  • bojlers tal-fjuwil solidu
  • kundizzjonaturi tal-arja
  • unitajiet ta’ ventilazzjoni residenzjali
11-il grupp ta’ prodotti koperti biss mir-rekwiżiti tal-Ekodisinn
  • kaxxi ta’ fuq is-sett ("set-top boxes") sempliċi
  • provvisti tal-enerġija esterni
  • muturi elettriċi
  • ċirkolaturi
  • fannijiet industrijali
  • pompi tal-ilma
  • trasformaturi tal-enerġija
  • tagħmir tal-iwweldjar
  • prodotti għat-tisħin tal-arja
  • kompjuters u servers
  • prodotti għall-ħażna tad-data online

Sors: Il-QEA.

15

Wara l-adozzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni għall-Ekonomija Ċirkolari tal-UE fl-201514, fl-2016 il-Kummissjoni ħabbret l-intenzjoni tagħha li tikkontribwixxi aktar għall-ekonomija ċirkolari billi tagħmel il-prodotti aktar durabbli u aktar faċli biex jissewwew, jerġgħu jintużaw jew jiġu rriċiklati. F’ekonomija ċirkolari, il-valur tal-prodotti u tal-materjali jinżamm għall-itwal żmien possibbli; l-użu tar-riżorsi u l-iskart jiġu mminimizzati, u r-riżorsi jinżammu fi ħdan l-ekonomija meta prodott ikun wasal fi tmiem il-ħajja tiegħu, biex jintużaw ripetutament bl-għan li jinħoloq valur ulterjuri.

Ir-rwol tas-sorveljanza tas-suq

16

Mil-leġiżlazzjoni dwar l-Ekodisinn u t-Tikkettar tal-Enerġija jibbenefikaw il-konsumaturi u l-ambjent jekk il-prodotti mibjugħa fl-UE jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Ekodisinn u tat-tikkettar tal-enerġija, u jekk il-bejjiegħa juru tikketti tal-enerġija preċiżi kif suppost biex jinfurmaw lill-konsumaturi.

17

Il-fornituri ta’ prodotti mibjugħa fl-UE jridu jipprovdu dikjarazzjoni ta’ konformità u jwaħħlu l-markatura “CE”15 mal-prodott. Il-markatura ma tipprovax li parti terza jew l-awtoritajiet ittestjaw il-prodott b’mod indipendenti. Hija turi li l-manifattur iqis li l-prodott tiegħu huwa konformi mar-regolamenti applikabbli kollha u huwa adatt għall-bejgħ legali. Il-manifatturi huma responsabbli biex jiżguraw li t-tikketta tal-enerġija li jipprovdu lill-bejjiegħa tkun preċiża.

Figura 5

Markatura CE fuq televiżjoni

Sors: Il-QEA.

18

Is-sorveljanza tas-suq fl-UE tkopri 33 settur, inkluż dak tal-Ekodisinn u t-Tikkettar tal-Enerġija. L-Istati Membri huma responsabbli għas-sorveljanza tas-suq fit-territorju tagħhom. Kull Stat Membru jrid jinnomina Awtorità tas-Sorveljanza tas-Suq (MSA) u jipprovdilha setgħa u riżorsi suffiċjenti biex tissodisfa l-obbligi tagħha. Biex jiżguraw il-konformità tal-prodotti mibjugħa f’pajjiżhom, l-MSAs iridu jwettqu kontrolli xierqa fuq skala adegwata.

19

Il-Kummissjoni tappoġġa u trawwem il-kooperazzjoni bejn l-MSAs billi torganizza laqgħat, tipprovdi gwida u taħriġ, u tħaddem żewġ databases. Il-baġit tal-UE jipprovdi finanzjament (EUR 15-il miljun bejn l-2009 u l-2018) għal proġetti bl-għan li jgħinu fit-titjib tal-attivitajiet ta’ sorveljanza tas-suq fl-UE għas-settur tal-Ekodisisnn u t-Tikkettar tal-Enerġija. 

Ambitu u approċċ tal-awditjar

20

Dan ir-rapport jivvaluta jekk l-azzjonijiet tal-UE dwar l-Ekodisinn u t-Tikkettar tal-Enerġija jikkontribwux b’mod effettiv biex jintlaħqu l-objettivi tagħha f'dak li jirrigwarda l-effiċjenza fl-enerġija u l-ambjent. Aħna ddeċidejna li nħarsu lejn dan il-qasam ta’ politika minħabba li għandu rwol kruċjali fl-ilħuq tal-miri tal-effiċjenza fl-enerġija stabbiliti mill-UE u minħabba li, bl-adozzjoni ta’ pakkett leġiżlattiv ġdid fl-2019, hemm interess akbar mill-pubbliku u mill-partijiet ikkonċernati f’dan il-qasam. Aħna eżaminajna jekk il-Kummissjoni kinitx immaniġġjat il-proċess regolatorju b'mod tajjeb u jekk kinitx immonitorjat u rrappurtat ir-riżultati miksuba. Aħna eżaminajna wkoll jekk il-Kummissjoni kinitx issorveljat u appoġġat l-attivitajiet tal-MSA, billi ffukajna fuq it-tħaddim taż-żewġ databases fil-livell tal-UE, u jekk il-proġetti ffinanzjati mill-UE kinux wasslu għal titjib sostenibbli fis-sorveljanza tas-suq.

21

Biex nivvalutaw jekk il-Kummissjoni kinitx ipproponiet miżuri ta’ implimentazzjoni f’konformità mal-objettivi ta’ politika, aħna għażilna tliet gruppi ta’ prodotti bħala studji ta’ każijiet:

  • combi-boilers tat-tisħin ċentrali u ħiters tal-post;
  • refriġerazzjoni tad-dar (refriġeraturi u friżers);
  • unitajiet tal-wiri elettroniċi (televiżjonijiet u monitors).

Aħna għażilna dawn il-gruppi ta’ prodotti abbażi tal-konsum tal-enerġija primarja tagħhom u tal-iffrankar stmat tal-miżuri tal-Ekodisinn u tat-Tikkettar tal-Enerġija adottati, bl-għan li jiġu koperti kemm il-prodotti tat-tisħin kif ukoll l-apparati domestiċi tipiċi.

22

Aħna żorna d-Direttorat Ġenerali għall-Enerġija (DĠ ENER), id-Direttorat Ġenerali għas-Suq Intern, l-Industrija, l-Intraprenditorija u l-SMEs (DĠ GROW) u l-Aġenzija Eżekuttiva għall-Intrapriżi Żgħar u Medji (EASME). Biex nivvalutaw l-impatt u s-sostenibbiltà tal-proġetti ffinanzjati mill-UE maħsuba biex itejbu s-sorveljanza tas-suq, aħna wettaqna analiżi dokumentarja ta’ disa’ proġetti u analizzajna r-riżultati tagħhom. Aħna żorna wkoll l-MSAs responsabbli għall-Ekodisinn u t-Tikkettar tal-Enerġija fi Franza, il-Lussemburgu, il-Polonja u l-Iżvezja, li ħadu sehem fi wħud minn dawn il-proġetti. Aħna għażilna dawn l-Istati Membri minħabba li jirrappreżentaw taħlita differenti ta’ daqsijiet tas-suq, filwaqt li kkunsidrajna l-bilanċ ġeografiku. Sabiex nikkonsultaw mal-partijiet ikkonċernati li jirrappreżentaw lill-konsumaturi, l-ambjent u l-industrija, aħna wettaqna wkoll intervisti mal-Uffiċċju Ewropew tal-Għaqdiet tal-Konsumaturi (BEUC), l-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Koordinazzjoni tar-Rappreżentanza tal-Konsumaturi fl-Istandardizzazzjoni (ANEC), l-Uffiċċju Ambjentali Ewropew (EEB) u l-Home Appliance Europe (APPLiA).

23

Ir-riżultati tal-awditu jistgħu jikkontribwixxu għat-tħejjija tal-Pjan ta’ Ħidma tal-Ekodisinn ta’ tliet snin li jmiss għall-perjodu wara l-2020 u jistgħu jinfluwenzaw il-mod kif il-Kummissjoni timmaniġġja l-proċess leġiżlattiv u kif hija tappoġġa l-attivitajiet ta’ sorveljanza tas-suq imwettqa mill-Istati Membri.

Osservazzjonijiet

Il-ġestjoni tal-proċess regolatorju

Il-Kummissjoni pprijoritizzat il-gruppi ta’ prodotti bl-ogħla potenzjal ta’ ffrankar tal-enerġija

24

Id-Direttiva dwar l-Ekodisinn u r-Regolament dwar it-Tikkettar tal-Enerġija stabbilew qafas ġenerali li jiddefinixxi l-objettivi ta’ politika u r-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-Kummissjoni, tal-awtoritajiet ta’ sorveljanza tas-suq, tal-manifatturi, tan-negozjanti, eċċ. Taħt dan il-qafas, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta miżuri ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu r-rekwiżiti tal-Ekodisinn u tat-Tikkettar tal-Enerġija għal gruppi ta’ prodotti speċifiċi. Skont id-Direttiva dwar l-Ekodisinn, jenħtieġ li l-Kummissjoni tagħżel il-gruppi ta’ prodotti li għandha tirregola abbażi ta’ tliet kriterji: il-volum tal-bejgħ, l-impatt ambjentali attwali u l-potenzjal għal titjib16.

25

Aħna eżaminajna jekk il-Kummissjoni kinitx tat prijorità lill-gruppi ta’ prodotti bl-ogħla ffrankar potenzjali tal-enerġija għall-Pjan ta’ Ħidma tagħha għall-perjodu 2016-2019. Il-Kummissjoni eżaminat minn qabel aktar minn 100 grupp ta’ prodotti u analizzat 16 minnhom. Il-Kummissjoni mbagħad ikklassifikat il-prodotti skont il-potenzjal tagħhom ta’ ffrankar tal-enerġija. Il-klassifikazzjoni pprovdiet ukoll valutazzjoni kwalitattiva ta’ fatturi ambjentali oħra bħall-konsum tal-ilma, l-inklużjoni ta’ materja prima kritika, id-durabbiltà u r-riċiklabbiltà.

26

Fl-2016, il-Kummissjoni ħabbret li hija għandha tinvestiga l-possibbiltà li tistabbilixxi rekwiżiti għal prodotti tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni (ICT) separatament (bħal smartphones u tagħmir ta’ netwerking fid-dar). Dan huwa dovut għan-natura li qed timxi b’pass mgħaġġel ta’ dan is-settur u għad-diffikultajiet biex jiġi stmat l-iffrankar potenzjali tal-enerġija. Il-Kummissjoni qed tippjana li tibda din il-ħidma sa tmiem l-2019.

27

Aħna sibna li l-miżuri ta’ implimentazzjoni eżistenti (li jkopru aktar minn 30 grupp ta’ prodotti) kienu jkopru ħafna mill-prodotti bl-ogħla potenzjal ta’ ffrankar tal-enerġija. Dawn jinkludu prodotti li jirrappreżentaw l-akbar konsum ta’ enerġija domestika u aktar minn nofs il-konsum tal-enerġija fis-setturi tal-industrija u tas-servizzi17.

Id-dewmien sinifikanti fil-proċess regolatorju naqqas l-effettività tal-politika

28

Meta l-Kummissjoni tadotta miżuri ta’ implimentazzjoni, il-puntwalità tal-proċess regolatorju hija fattur ewlieni fis-suċċess tal-politika. Hekk kif it-teknoloġija titjieb u l-prodotti jsiru aktar effiċjenti, ir-rekwiżiti tal-Ekodisinn u tat-tikkettar jistgħu ma jibqgħux japplikaw u l-politika ma jibqax ikollha impatt.

29

Għall-aħħar ftit snin, f’ħafna gruppi ta’ prodotti, il-progress teknoloġiku kien ifisser li r-rekwiżiti minimi tal-effiċjenza fl-enerġija ma baqgħux japplikaw u li l-biċċa l-kbira mill-mudelli tal-prodotti, jew kollha kemm huma, kienu fl-aqwa tliet klassijiet tal-enerġija. Minn naħa, dan juri li l-prodotti disponibbli fis-suq huma aktar effiċjenti fl-enerġija minn qabel u li l-politika kellha impatt pożittiv. Min-naħa l-oħra, meta l-prodotti kollha disponibbli jkunu fl-aqwa klassijiet tal-enerġija, ikun aktar diffiċli għall-konsumaturi li jiddistingwu bejn il-prodotti bl-aqwa prestazzjoni u dawk bl-agħar prestazzjoni u jkun hemm inqas inċentiv għall-manifatturi biex jinnovaw. Aħna eżaminajna l-proċess regolatorju għat-tliet gruppi ta’ prodotti magħżula: unitajiet tal-wiri elettroniċi, refriġeraturi u ħiters.

30

Fl-2015, wara kopertura tal-midja xejn favorevoli tal-politika, instigata mill-attakki fuq ir-regolazzjoni żejda perċepita tal-UE u minn kawża tal-qorti ppubbliċizzata tajjeb dwar il-vacuum cleaners18, il-Kummissjoni ddeċidiet li tiffriża temporanjament il-proċess regolatorju sabiex tanalizza l-adegwatezza tal-politika kollha kemm hi. Dan dewwem ix-xogħol fuq il-gruppi ta’ prodotti ġodda li tqiesu bħala prijorità (jiġifieri sistemi ta’ kontroll u awtomazzjoni tal-bini, ktieli elettriċi, nixxiefa tal-idejn, liftijiet, pannelli solari u invertituri, kontenituri refriġerati u apparat tat-tindif bi pressa għolja), kif ukoll ir-reviżjoni tal-miżuri eżistenti, bi kważi sentejn. Madankollu, din ma kinitx l-unika raġuni għad-dewmien, kif spjegat fil-paragrafi li jmiss.

31

L-iżvilupp ta’ miżuri tal-effiċjenza enerġetika huwa proċess kumpless u li jieħu fit-tul (ara l-Figura 6), li jirrikjedi konsultazzjonijiet bir-reqqa mal-partijiet ikkonċernati19. Il-Kummissjoni stmat li proċess regolatorju standard għal grupp ta’ prodotti jieħu madwar tliet snin u nofs20. Il-proċess jibda minn dak il-ħin li jibda l-istudju preparatorju sal-ħin li l-att delegat jew l-att ta’ implimentazzjoni jiġi ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali.

Figura 6

Proċess regolatorju teoretiku għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni taħt il-qafas tal-Ekodisinn u tat-tikkettar tal-enerġija

Sors: Il-QEA, ibbażat fuq informazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea.

32

Aħna sibna li għat-tliet gruppi ta’ prodotti analizzati, il-proċess ħa ferm aktar minn tliet snin u nofs. Il-Figura 7 tipprovdi eżempju tal-proċess regolatorju effettiv biex jiġu analizzati r-rekwiżiti għall-unitajiet tal-wiri elettroniċi.

Figura 7

Il-proċess regolatorju effettiv għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni tal-Ekodisinn u t-tikkettar tal-enerġija għall-unitajiet tal-wiri elettroniċi

Sors: Il-QEA.

33

Aħna sibna li l-proċess regolatorju effettiv kien darbtejn itwal mill-proċess teoretiku għall-gruppi ta’ prodotti analizzati, li jdum tmien snin għall-unitajiet tal-wiri elettroniċi, seba’ snin għall-ħiters u sitt snin għar-refriġeraturi. Il-Kummissjoni tenniet xi passi ewlenin, pereżempju, hija organizzat:

  • għall-unitajiet tal-wiri elettroniċi: tliet laqgħat tal-forum ta’ konsultazzjoni u tliet konsultazzjonijiet pubbliċi; il-Kummissjoni nnotifikat darbtejn lill-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) dwar il-miżuri tal-Ekodisinn proposti u aġġornat l-istudju dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt darbtejn;
  • għar-refriġeraturi: żewġ laqgħat tal-forum ta’ konsultazzjoni u tliet konsultazzjonijiet pubbliċi;
  • għall-ħiters: tliet laqgħat tal-forum ta’ konsultazzjoni u żewġ konsultazzjonijiet bejn is-servizzi.
34

Għall-kuntrarju tal-istudji preparatorji, l-istudji ta’ reviżjoni jikkonċernaw ir-regolamenti eżistenti dwar il-gruppi ta’ prodotti li se jiġu aġġornati. Huma ma jsegwux proċedura jew approċċ standardizzati, bħal struttura u kriterji komuni, li jfisser li l-profondità tal-analiżi mwettqa tvarja bejn il-gruppi ta’ prodotti. L-istudji ta’ reviżjoni inizjali għall-unitajiet tal-wiri elettroniċi u r-refriġeraturi ma kinux jinkludu l-informazzjoni li il-Kummissjoni kellha bżonn biex tiżviluppa proposta leġiżlattiva. Għalhekk, hija kkummissjonat studji addizzjonali għal dawn il-gruppi ta’ prodotti, li tawlu l-proċess regolatorju b’erba’ snin.

35

Fl-2016, il-Kummissjoni ddeċidiet li tadotta diversi miżuri ta’ implimentazzjoni bħala pakkett uniku21, li jfisser li hija għandha tadotta regolamenti dwar diversi gruppi ta’ prodotti f’daqqa. Skont il-Kummissjoni, dan l-approċċ jgħin fil-komunikazzjoni dwar l-impatt ġenerali ta’ bosta gruppi ta’ prodotti u juri aħjar li l-politika tagħti riżultati sinifikanti. Madankollu, aħna sibna li dan wassal għal dewmien għal dawk il-gruppi ta’ prodotti li jkunu lesti aktar kmieni, sakemm il-pakkett sħiħ ikun lest biex jiġi adottat, li jwassal għal aktar dewmien fi proċess diġà twil.

36

Diversi partijiet ikkonċernati u esperti tal-politika enfasizzaw li d-dewmien ifisser li ntilfu opportunitajiet biex jiġi sfruttat il-potenzjal sinifikanti għall-iffrankar tal-enerġija u biex jitnaqqas l-impatt ambjentali22. Barra minn hekk, meta l-Kummissjoni tadotta regolamenti wara dewmien twil, hemm riskju li r-rekwiżiti jitqiesu bħala antikwati. Pereżempju:

  • għall-ħiters: il-miżura tal-Ekodisinn tal-2013 kienet tirrikjedi livell minimu ta’ effiċjenza enerġetika ta’ 86 % għall-aktar tip komuni ta’ ħiters mill-2015. Dan kien diġà l-livell medju ta’ effiċjenza ddikjarat tal-ħiters tal-post kollha li ġew mibjugħa fl-UE fl-2013;
  • għat-televiżjonijiet: ir-rekwiżiti tal-Ekodisinn adottati fl-2009 kienu bbażati fuq data li ma kinitx għadha tapplika u ftit li xejn ikkontribwew biex itejbu l-effiċjenza fl-enerġija. L-evalwazzjoni tad-Direttiva dwar l-Ekodisinn23 turi li fl-2010 ħafna mill-prodotti kienu diġà ssodisfaw ir-rekwiżiti tal-2012.
37

Għall-aktar reviżjoni reċenti tar-regolamenti għall-unitajiet tal-wiri domestiċi u r-refriġeraturi, aħna sibna li l-Kummissjoni qieset din il-kwistjoni u aġġornat id-data tas-suq bosta drabi matul il-proċess regolatorju. Madankollu, għal dawn iż-żewġ gruppi ta’ prodotti, iż-żmien li għadda bejn il-mument meta l-Kummissjoni analizzat l-aħħar sett ta’ data u d-data tad-dħul fis-seħħ tar-rekwiżiti l-ġodda kien ta’ tliet snin u ħames snin, rispettivament.

Il-Kummissjoni qed tieħu passi biex ittejjeb it-tikketti tal-enerġija

38

Il-prodotti kollha koperti mir-regolamenti rilevanti fl-UE jridu juru t-tikketti tal-enerġija. Billi l-iskop tagħhom huwa li jippermettu lill-konsumaturi jieħdu deċiżjonijiet infurmati aħjar, huwa importanti li t-tikketti jkunu jinftiehmu.

39

Bħala eżempju, it-tikketti tal-enerġija għall-ħiters juru l-ħtieġa għal ċarezza. Il-Kummissjoni ma wettqet l-ebda studju dwar il-fehim tal-konsumaturi qabel ma adottat it-tikketti tal-enerġija fl-2013. Il-Figura 8 turi d-disinn attwali ta’ tikketta tal-enerġija għal sistema ta’ tisħin li jista’ jħawwad lill-konsumaturi. Studju tal-2016 dwar it-tikketti tal-enerġija24 sab li inqas minn terz ta’ dawk li wieġbu setgħu jifhmu l-informazzjoni kollha pprovduta fuq it-tikketta.

Figura 8

Eżempju ta’ tikketta li spiss tinftiehem ħażin jew li ma tkunx ċara għall-konsumaturi (sistemi tat-tisħin)

Sors: Ir-Regolament (UE) Nru 811/2013.

40

Fir-rapport tagħha dwar ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar it-tikkettar tal-enerġija 2010/30/UE preċedenti25, li ġiet sostitwita mir-Regolament il-ġdid dwar it-Tikkettar tal-Enerġija, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li xi elementi tat-tikketti għal diversi gruppi ta’ prodotti kienu diffiċli biex jinftiehmu. Biex tindirizza din id-dgħufija, il-Kummissjoni ddeċidiet li twettaq ittestjar tal-konsumaturi meta żviluppat tikketti tal-enerġija speċifiċi għall-prodotti, biex tivverifika li kwalunkwe pittogramma u t-tikketta kollha kienu jinftiehmu. Għal gruppi ta’ prodotti bħal ħiters (kif jidher fil-Figura 8 ta’ hawn fuq), il-bidliet possibbli se jkunu viżibbli biss għall-konsumaturi wara li tiġi adottata u tidħol fis-seħħ miżura ta’ implimentazzjoni ġdida, li tista’ tieħu ħafna snin.

41

Madankollu, għall-pakkett ġdid ta’ miżuri li ġie adottat f’Marzu 2019, il-Kummissjoni wettqet studji dwar il-fehim tal-konsumaturi għat-tikketti tal-gruppi ta’ prodotti kollha. Il-Kummissjoni ppreżentat is-sejbiet lill-esperti tal-Istati Membri, li pproponew għadd ta’ simplifikazzjonijiet għat-tikketti qabel l-adozzjoni tagħhom.

42

Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-klassijiet A+, A++ u A+++ kienu inqas effettivi mill-klassifikazzjoni tal-effiċjenza enerġetika A sa G u ddeċidiet li tneħħihom gradwalment. Dawn il-klassijiet tal-enerġija se jitwaqqfu matul il-ftit snin li ġejjin meta jiġu adottati tikketti ġodda għall-gruppi ta’ prodotti. Dan diġà huwa l-każ għall-miżuri tat-tikkettar tal-enerġija li se japplikaw mill-2021.

Il-Kummissjoni żiedet il-fokus fuq l-effiċjenza fir-riżorsi iżda ma wasslitx is-sett ta’ għodod tal-ekonomija ċirkolari

43

Fl-2016, il-Kummissjoni ħabbret fil-Pjan ta’ Ħidma tagħha li hija għandha tiżviluppa sett ta’ għodod tal-ekonomija ċirkolari biex tipprovdi gwida dwar l-inklużjoni tal-effiċjenza fir-riżorsi u fil-materjali fil-miżuri ta’ implimentazzjoni. Dan jirrikjedi l-iżvilupp ta’ metodu standardizzat għall-valutazzjoni tal-impatt fuq l-effiċjenza fir-riżorsi f’bosta gruppi ta’ prodotti u t-twettiq ta’ analiżijiet fil-fond sistematiċi tal-potenzjal tal-ekonomija ċirkolari matul l-istudji preparatorji.

44

Il-Kummissjoni ħadet l-ewwel passi biex tiżviluppa sett ta’ għodod. Hija bdiet tiżviluppa standards orizzontali tal-effiċjenza fil-materjali u tirrevedi l-Metodoloġija għall-Ekodisinn tal-Prodotti relatati mal-Enerġija (MEErP). Aħna sibna li l-kontenut, il-profondità u l-ambitu tal-istudji preparatorji u ta’ reviżjoni eżistenti li jesploraw kunċetti tal-ekonomija ċirkolari jvarjaw bejn il-gruppi ta’ prodotti. Dan kien minħabba li dawn l-istudji ma segwew l-ebda metodoloġija standardizzata, u l-Kummissjoni kellha tikkuntratta studji addizzjonali biex tiġbor l-informazzjoni meħtieġa dwar kwistjonijiet tal-ekonomija ċirkolari. Dan ikkontribwixxa għad-dewmien deskritt fil-paragrafu 33.

45

Fil-proposti reċenti tagħha, il-Kummissjoni żiedet l-attenzjoni fuq l-effiċjenza fir-riżorsi. L-awditu sab li l-istudji mwettqa biex tiġi riveduta l-leġiżlazzjoni dwar l-unitajiet tal-wiri elettroniċi u r-refriġeraturi kkunsidraw diversi aspetti ambjentali minbarra l-enerġija, bħall-immaniġġjar tal-iskart, il-preżenza ta’ materjali kritiċi u rari, ir-riċiklabbiltà, il-possibbiltà ta' tiswija u d-durabbiltà. Abbażi tas-sejbiet tal-istudju u ta’ konsultazzjoni, il-Kummissjoni inkludiet numru ta’ rekwiżiti relatati ma’ dawn l-aspetti fil-proposti regolatorji tagħha (ara l-eżempju fil-Kaxxa 1).

Kaxxa 1

L-ilħuq ta’ bilanċ bejn l-effiċjenza enerġetika u t-tnaqqis tal-ħela tal-ikel

Il-ħela tal-ikel hija problema globali li kienet fiċ-ċentru tal-attenzjoni f’dawn l-aħħar snin minħabba l-konsegwenzi ekonomiċi u ambjentali tagħha. Madwar 11 % tal-ikel u x-xorb maħżuna fir-refriġeraturi jinħlew minħabba tħassir u ppjanar ħażin.

Sors: Il-QEA, ibbażat fuq l-istudju ta’ VHK dwar il-ħażna ottimali tal-ikel (2017).

Skont studju għar-refriġerazzjoni fl-unitajiet domestiċi, disinn aħjar jista’ jgħin biex tiġi evitata l-ħela tal-ikel26, minħabba li tipi differenti ta’ ikel jiġu ppreservati l-aħjar f’temperaturi differenti, u r-refriġeraturi b’bosta kompartimenti (bħal kantina u chiller) jistgħu jgħinu biex l-ikel jiġi kkonservat aktar. L-istudju wera li dawn it-tipi ta’ refriġeraturi jikkunsmaw mill-inqas 20 % aktar elettriku mir-refriġeratur medju tal-lum, iżda sab li anki tnaqqis ta’ żewġ punti perċentwali fil-ħela tal-ikel jikkumpensa għall-użu ogħla tal-enerġija.

Abbażi ta’ dawn is-sejbiet, il-Kummissjoni pproponiet li dawn ir-refriġeraturi jibbenefikaw minn klassifikazzjoni “kkoreġuta” tal-effiċjenza enerġetika, aħjar milli kieku tkun fir-realtà, sabiex tippromwovihom. L-uffiċċji Ewropej tal-għaqdiet tal-konsumaturi27 kkritikaw din id-deċiżjoni, billi sostnew li din straħet wisq fuq is-suppożizzjoni li l-konsumaturi jirranġaw u jaħżnu l-ikel kif suppost. Huma kkritikaw ukoll il-fatt li, billi l-fattur ta’ korrezzjoni mhuwiex viżibbli għall-konsumaturi, huma ma jkollhomx informazzjoni preċiża dwar l-ispejjeż operatorji addizzjonali qabel ma jixtru prodott.

Il-kontabbiltà tal-impatt tal-ekodisinn tistma b'mod eċċessiv l-impatt tal-politika, għalkemm kien hemm titjib reċenti

46

Għalkemm mhuwiex rekwiżit legali, il-Kummissjoni tikkomunika regolarment ir-riżultati tal-politika tagħha dwar l-Ekodisinn u t-Tikkettar tal-Enerġija lill-pubbliku. Il-Kummissjoni ilha mill-2013 tippubblika kull sena rapport dwar il-Kontabbiltà tal-Impatt tal-Ekodisinn (EIA), fejn tistma r-riżultati kumulattivi tal-politika dwar l-Ekodisinn u t-Tikkettar tal-Enerġija sal-2020 u l-2030. L-EIA tiżviluppa projezzjonijiet futuri abbażi ta’ tqabbil ta’ żewġ xenarji: xenarju ta’ żamma tal-istatus quo u xenarju ta’ ECO. Ix-xenarju ta’ żamma tal-istatus quo jirrappreżenta l-iżvilupp tas-suq mingħajr l-ebda miżura ta’ Ekodisinn u Tikkettar tal-Enerġija. Ix-xenarju ta’ ECO huwa x-xenarju elaborat li jqis l-effett tal-politika mill-bidu għal kull grupp ta’ prodotti.

47

Il-Figura 9 turi l-mod kif ir-rapport tal-EIA jippreżenta r-riżultati għal grupp wieħed ta’ prodotti.

Figura 9

Kontabbiltà tal-impatt għal grupp ta’ prodotti (ħiters)

Sors: EIA overview report 2018, VHK għall-Kummissjoni Ewropea.

48

Ir-rapport tal-EIA għall-2018 jistma li l-impatt tat-titjib li sar mis-snin disgħin 'il hawn fir-rigward tal-prodotti u tat-tikketti tal-enerġija se jkollu benefiċċju sinifikanti fl-2020. Huwa jistma li l-politika se ġġib:

  • 150 mega tunnellata tal-ekwivalenti taż-żejt ta’ enerġija ffrankata (9 % tat-total tal-UE);
  • tnaqqis ta' 306 mega tunnellata tal-ekwivalenti CO2 fl-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta' serra (7 % tat-total tal-UE);
  • EUR 63 biljun f’iffrankar nett għall-konsumaturi;
  • EUR 66 biljun fi dħul addizzjonali għall-industrija, il-bejjiegħa u l-installaturi.

Skont l-EIA, dawn ir-riżultati mistennija jiżdiedu b’aktar minn 60 % sal-2030.

49

Ir-rapport tal-EIA jiddikjara li jenħtieġ li l-istimi ppreżentati hawn fuq isegwu tliet “regoli bażiċi”: jenħtieġ li dawn ikunu realistiċi, idonei għall-iskop tagħhom u bbażati fuq il-miżuri eżistenti. Aħna sibna li xi suppożizzjonijiet użati kellhom il-probabbiltà li jistmaw b'mod eċċessiv l-impatt tal-politika dwar l-Ekodisinn u t-Tikkettar tal-Enerġija. Speċifikament:

  • l-EIA tistma l-impatt futur tal-politika, aktar milli tevalwa dak li nkiseb diġà. B’hekk hija tieħu inkunsiderazzjoni wkoll il-leġiżlazzjoni li mistennija tidħol fis-seħħ fil-futur qarib. Dawn ir-regolamenti huma kkunsidrati fuq il-bażi tad-data proposta għad-dħul fis-seħħ. Jekk ir-rekwiżiti effettivament adottati jsiru inqas stretti jew ikun hemm dewmien, iċ-ċifri tal-EIA jiġu b’hekk stmati b'mod eċċessiv;
  • l-EIA tassumi li r-regolament se jiġi rrispettat bis-sħiħ u li ma hemmx nuqqasijiet fis-sorveljanza tas-suq. Madankollu, il-Kummissjoni u partijiet ikkonċernati oħrajn28 jistmaw li n-nuqqas ta’ konformità jwassal għal telf li jammonta sa 10 % tal-iffrankar tal-enerġija. L-awditu tagħna sab ukoll nuqqasijiet fis-sorveljanza tas-suq (ara l-paragrafi 55-73);
  • l-EIA tuża informazzjoni teknika tal-prodott ipprovduta mill-manifatturi li tkun ibbażata fuq l-istandards armonizzati rilevanti aktar milli fuq id-data dwar il-konsum reali. Dawn l-istandards mhux dejjem ikunu rappreżentattivi tal-konsum reali tal-enerġija fil-kundizzjonijiet tal-ħajja reali, kif tispjega l-Kaxxa 2.

Kaxxa 2

Nuqqasijiet tal-istandards armonizzati tal-UE

Rapport indipendenti29 esplora n-nuqqasijiet tal-istandards armonizzati Ewropej użati għall-ittestjar ta’ tliet gruppi ta’ prodotti: magni tal-ħasil, televiżjonijiet u friġġijiet. Huwa kkonkluda li l-kundizzjonijiet tal-ittestjar preskritti mill-istandards kienu differenti mill-użu fil-ħajja reali, b’hekk jistmaw b'mod insuffiċjenti l-konsum fil-ħajja reali. Pereżempju:

  • il-magni tal-ħasil tal-platti jiġu ttestjati fuq il-programm ekoloġiku l-aktar effiċjenti, iżda dan il-programm jintuża b’mod mhux frekwenti (18 % tal-ħin);
  • it-televiżjonijiet jiġu ttestjati b’filmat mill-2007 li ma jirriflettix il-wiri tipiku fid-djar; u
  • il-friġġ friżers jiġu ttestjati mingħajr ma jinfetħu l-bibien u mingħajr ikel ġewwa.

Abbażi ta’ kampjun żgħir ta’ prodotti, l-istudju stima li l-magni tal-ħasil tal-platti jistgħu jikkunsmaw bejn 6 % u 73 % aktar enerġija meta jintużaw bi programmi differenti, it-televiżjonijiet ittestjati b’sekwenza tal-vidjo differenti kkunsmaw minn 6 % inqas sa 47 % aktar enerġija, ir-refriġeraturi kkunsmaw sa 47 % aktar enerġija bil-bieba tinfetaħ kull 12-il siegħa.

Ir-rapport wera wkoll li l-manifatturi jistgħu jisfruttaw il-lakuni fl-istandards jew jużaw tekniki ta’ ċirkomvenzjoni30 (bħal “apparat ta’ qerq” biex jinstab li qed isir test) sabiex jiksbu klassifikazzjonijiet aħjar jew jaffermaw b’mod falz il-konformità mar-rekwiżiti tal-Ekodisinn.

50

Biex tiddetermina l-effiċjenza fl-enerġija tal-apparat, il-politika dwar l-Ekodisinn u t-tikkettar tal-enerġija tistrieħ fuq l-istandards żviluppati mill-organizzazzjonijiet tal-istandardizzazzjoni biex jiġu pprovduti definizzjonijiet miftiehma tal-kunċetti tekniċi u l-metodi tal-kejl. Ladarba jkun inħareġ standard minn organizzazzjoni tal-istandardizzazzjoni Ewropea u l-Kummissjoni tkun ippubblikat it-titolu u r-referenza tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, dan isir “standard armonizzat Ewropew” u, b’hekk, isir parti mid-dritt tal-UE.

51

Fin-nuqqas ta’ standard armonizzat, jistgħu jintużaw standards aktar antiki, standards internazzjonali jew metodi rilevanti oħra biex jitkejjel il-konsum tal-enerġija, iżda dan jista’ jwassal għal riżultati differenti, u jsir diffiċli li l-leġiżlazzjoni tiġi applikata u infurzata. Huwa għalhekk li l-istandards armonizzati, li huma affidabbli, preċiżi, riproduċibbli u rappreżentattivi tal-użu fil-ħajja reali huma importanti.

52

Fl-aħħar nett, l-EIA hija studju prospettiv, li jfittex li jevalwa l-impatt futur ta’ politika, aktar milli r-riżultati reali miksuba sa data partikolari. Dan jagħmel il-proċess tal-kontabbiltà sensittiv għal ċerti varjazzjonijiet fil-parametri, bħar-rati tal-inflazzjoni jew il-prezzijiet tal-enerġija futuri. Fl-2019, il-Kummissjoni rrevediet is-suppożizzjonijiet tagħha għall-prezzijiet tal-enerġija futuri użati għall-kontabbiltà fuq l-impatt. Dan wassal għal tnaqqis qawwi fl-iffrankar nett stmat għall-konsumaturi tal-UE fl-2020: l-iffrankar annwali mistenni għal kull unità domestika naqas minn EUR 473 għal EUR 286.

53

Studju indipendenti31 enfasizza li l-EIA hija bbażata fuq xenarji u ppruvat tirrikonċilja l-iffrankar tal-enerġija kkontabbilizzat mill-kontabbiltà tal-impatt mal-iffrankar tal-enerġija osservat fil-Ġermanja għal xi gruppi ta’ prodotti. Skont l-istudju, l-iffrankar osservat fir-realtà kien sinifikanti, iżda kien aktar baxx mill-projezzjonijiet tal-kontabbiltà tal-impatt, b’marġini sinifikanti: darbtejn sa 15-il darba jew 1.7 sa 11.6 darbiet, skont il-bażi tal-kalkolu u l-grupp ta’ prodotti. Filwaqt li l-ambitu u l-metodoloġija tal-istudju jistgħu ma jippermettux tqabbil dirett maċ-ċifri rrappurtati mill-EIA, l-istudju juri li hemm riskju li l-iffrankar jiġi stmat b'mod eċċessiv.

54

Billi l-EIA hija l-uniku sors ta’ informazzjoni rigward il-kontribut tal-politika dwar l-Ekodisinn u t-Tikkettar tal-Enerġija biex tintlaħaq il-mira tal-effiċjenza enerġetika għall-2020, hemm ir-riskju li l-istimar eċċessiv tar-riżultati jipprovdi input mhux preċiż lil dawk li jfasslu l-politika. Fl-aktar rapport ta’ valutazzjoni reċenti tal-progress li sar, sal-2018, lejn il-miri tal-effiċjenza fl-enerġija għall-2020, il-Kummissjoni ma rrappurtatx aktar dwar l-impatt tal-politika. Mhuwiex ċar jekk hijiex se tagħmel dan fir-rapporti li ġejjin.

Sorveljanza tas-suq

In-nuqqas ta’ konformità min-naħa tal-manifatturi u l-bejjiegħa bl-imnut mal-leġiżlazzjoni dwar l-Ekodisinn u t-Tikkettar tal-Enerġija jnaqqas il-benefiċċji tal-politika

55

Is-sorveljanza tas-suq taqa' taħt il- kompetenza esklussiva tal-Istati Membri. Huma għandhom jikkonformaw mar-Regolament tal-UE dwar is-Sorveljazna tas-Suq32. L-Awtoritajiet tas-Sorveljanza tas-Suq (MSAs) huma responsabbli biex jiżguraw li l-prodotti mibjugħa f’pajjiżhom ikunu konformi. Għalkemm xi NGOs għall-ħarsien tal-konsumaturi wettqu spezzjonijiet fil-ħwienet u xi testijiet tal-prodotti, huma ma għandhomx l-awtorità li jinfurzaw ir-regolament, li huwa l-prerogattiva tal-MSAs.

56

Meta l-ħwienet ma jurux it-tikketti tal-enerġija kif suppost, il-konsumaturi jsibuha aktar diffiċli biex jieħdu deċiżjoni infurmata. Tikketti skorretti jistgħu jiżgwidaw lill-konsumaturi biex jixtru prodotti li jikkunsmaw aktar enerġija jew li jkollhom prestazzjoni li tkun aktar baxxa minn dik iddikjarata. Ir-rappreżentanti tal-industrija talbu għal infurzar aħjar tar-regolament33 sabiex jinkisbu l-benefiċċji tal-politika.

57

Il-proġetti ta’ sorveljanza tas-suq iffinanzjati mill-UE ilhom mill-2009 jiffinanzjaw l-ispezzjonijiet fil-ħwienet u t-testijiet fil-laboratorji biex jivverifikaw jekk il-prodotti humiex konformi mar-rekwiżiti tal-Ekodisinn u tat-Tikkettar tal-Enerġija, kif ukoll li l-klassi tal-enerġija tagħhom hija korretta. Il-proġetti wrew li n-nuqqas ta’ konformità mal-leġiżlazzjoni huwa kwistjoni sinifikanti. In-natura u l-livell tan-nuqqas ta’ konformità jvarjaw skont it-tip ta’ prodott ivverifikat u l-metodu ta’ spezzjoni użat (is-sejbiet tal-proġetti jintwerew fil-Figura 10). Minħabba li dawn il-proġetti spiss immiraw għal mudelli ta’ prodotti li x’aktarx ma kinux konformi, ir-rati tan-nuqqas ta’ konformità ppreżentati hawn taħt ma jistgħux jiġu estrapolati għall-gruppi kollha ta’ prodotti, jew għas-suq tal-UE fl-intier tiegħu.

Figura 10

Sejbiet tal-proġetti ffinanzjati mill-UE

Sors: Il-QEA, ibbażat fuq ir-rapporti finali tal-proġetti rilevanti ffinanzjati mill-UE.

58

Abbażi tar-riżultati tal-proġetti tal-UE u tad-data addizzjonali pprovduta mill-Istati Membri, fl-2019, il-Kummissjoni stmat34 li, b’mod ġenerali, madwar 10-25 % tal-prodotti mibjugħa fis-suq ma kinux konformi, u dan wassal għal tnaqqis fl-iffrankar tal-enerġija ta’ madwar 10 %. Il-Kummissjoni ma setgħetx tipprovdi tqassim ta’ dawn iċ-ċifri. Dan ikun ekwivalenti għall-konsum annwali tal-elettriku tal-Iżvezja u tal-Ungerija flimkien. It-telf stmat fl-iffrankar tal-enerġija minħabba nuqqas ta’ konformità huwa ta’ 174.8 TWh fis-sena sal-2020, li bejn wieħed u ieħor jikkorrispondi għall-konsum finali tal-elettriku tal-Iżvezja u tal-Ungerija flimkien, li huwa ta’ 170 TWh/fis-sena, ibbażat fuq id-data tal-Eurostat mill-2017. Studju ieħor mid-Dipartiment għall-Ambjent, l-Ikel u l-Affarijiet Rurali (Defra) tar-Renju Unit fl-2011 stima li l-impatt35 tan-nuqqas ta’ konformità mill-manifatturi u l-bejjiegħa bl-imnut fuq l-iffrankar tal-enerġija kien ta’ 6.2 %, iżda wissa li din kienet stima prudenti ħafna.

59

L-infurzar effettiv tar-regolament jista’ jgħin biex jitnaqqas dan it-telf. Studju mwettaq minn grupp ta’ MSAs36 stima, abbażi tad-data miġbura mill-2011 sal-2013, li euro wieħed investit fis-sorveljanza tas-suq wassal għal iffrankar ta' EUR 13 minħabba titjib fl-effiċjenza enerġetika. Huwa kkonkluda li r-redditu fuq l-investiment kien għoli biżżejjed biex jiġi kkonfermat li s-sorveljanza tas-suq tista’ tkun kosteffikaċi. Pereżempju, jekk is-sorveljanza tas-suq titwettaq bl-aħjar mod mill-pajjiżi Nordiċi kollha (l-Iżlanda, il-Finlandja, in-Norveġja, l-Iżvezja u d-Danimarka), bi spiża addizzjonali ta’ EUR 2.1 miljun, din tirriżulta f’iffrankar annwali tal-enerġija ta’ 168 GWh, li jwassal għal iffrankar ta’ EUR 28 miljun fis-sena għall-konsumaturi għat-13-il grupp ta’ prodotti vvalutati. Studju ieħor37 stima li l-benefiċċju nett ta’ sistema ta’ sorveljanza tas-suq aktar b’saħħitha għandu jkun ta’ madwar GBP 164 miljun fuq perjodu ta’ 10 snin fir-Renju Unit biss. Studji oħrajn urew li s-sorveljanza tas-suq u l-ittestjar jistgħu jsiru b’mod sistematiku, effettiv u kosteffikaċi38.

L-UE pprovdiet għodod biex tappoġġa lill-Awtoritajiet tas-Sorveljanza tas-Suq li kellhom impatt limitat għall-Ekodisinn u t-Tikkettar tal-Enerġija

60

Sabiex ittejjeb il-livell ta’ konformità mal-leġiżlazzjoni dwar l-Ekodisinn u t-Tikkettar tal-Enerġija, jenħtieġ li l-MSA twettaq sorveljanza tas-suq effettiva. Ir-regolament dwar is-sorveljanza tas-suq ma jispeċifikax liema livell ta’ sorveljanza tas-suq huwa meħtieġ, iżda sempliċiment li jenħtieġ li l-MSAs iwettqu kontrolli “xierqa” fuq skala “adegwata”. Jenħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu, jimplimentaw u jaġġornaw perjodikament il-programmi ta’ sorveljanza tas-suq tagħhom u li jikkomunikaw dawn il-programmi lill-Kummissjoni.

61

Skont ir-rapporti ppreżentati lill-Kummissjoni, in-numru ta’ prodotti spezzjonati kull sena jvarja minn inqas minn 20 sa aktar minn 100 000 fis-sena għal kull Stat Membru. Dawn iċ-ċifri huma diffiċli biex jiġu interpretati, minħabba li t-tifsira ta’ “spezzjoni” hija wiesgħa. Skont l-Istat Membru, spezzjoni tista’ tkun wieħed mill-kontrolli li ġejjin, jew inkella kombinament tagħhom:

  • spezzjoni viżwali f’ħanut jew online (pereżempju, biex jiġi vverifikat jekk tikketta tkunx tidher jew jekk il-prodott għandux il-markatura “CE”);
  • kontroll dokumentarju ta’ prodott (pereżempju, biex jiġi vverifikat jekk l-iskeda ta’ informazzjoni tal-prodott fihiex ir-referenzi xierqa għar-regolament u l-informazzjoni teknika meħtieġa);
  • test fil-laboratorju ta’ prodott biex tiġi vverifikata l-konformità tiegħu mar-rekwiżiti tal-Ekodisinn, bħall-konsum tal-enerġija tiegħu u l-preċiżjoni tat-tikketta tiegħu.
62

It-tipi differenti ta’ spezzjonijiet iservu skopijiet differenti. Il-verifika tal-preżenza tat-tikketti fil-ħwienet tgħin biex jiġi żgurat li l-konsumaturi jiġu infurmati b'mod xieraq dwar il-prestazzjoni tal-prodott li jixtiequ jixtru. Il-politika dwar it-tikkettar tal-enerġija ma tistax tkun effettiva jekk it-tikketti ma jkunux jidhru. Il-kontrolli dokumentarji jistgħu jindividwaw nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti tal-informazzjoni u jidentifikaw il-prodotti li jistgħu jkunu jeħtieġu ttestjar fil-laboratorji. Aħna sibna li t-tip u l-firxa tal-ispezzjonijiet u tal-kontrolli dokumentarji kienu jvarjaw ħafna fost l-Istati Membri u l-awtoritajiet li żorna, kif jintwera fil-Kaxxa 3.

Kaxxa 3

Spezzjonijiet fil-ħwienet u kontrolli dokumentarji f’erba’ Stati Membri

Fi Franza, biex tivverifika jekk it-tikketti humiex jidhru b'mod xieraq, l-awtorità responsabbli għat-tikkettar tal-enerġija tispezzjona mijiet ta’ ħwienet madwar il-pajjiż u fuq l-internet. B’kuntrast ma’ dan, l-awtorità responsabbli għall-Ekodisinn ma wettqet l-ebda spezzjoni. Fl-Iżvezja, f’dawn l-aħħar snin, l-MSA ffukat il-kontrolli tagħha fuq il-preżenza tat-tikketti tal-enerġija fuq il-prodotti mibjugħa online. Għall-kuntrarju, l-MSAs Pollakki ma jwettqux kontrolli online, iżda jispezzjonaw madwar 200 mudell ta’ prodott kull sena. Fil-Lussemburgu, l-MSA wettqet kampanja ta’ spezzjoni waħda f’diversi ħwienet madwar il-pajjiż u l-ħwienet online tagħhom, iżda għall-magni tal-ħasil biss.

63

Fil-fehma tal-Kummissjoni, l-ittestjar fil-laboratorju huwa l-uniku mod kif jiġi vverifikat jekk prodott jissodisfax ir-rekwiżiti tal-effiċjenza fl-enerġija u tal-prestazzjoni, u jekk tikketta tal-enerġija hijiex korretta39. L-ittestjar jista’ jkun għali, skont il-prodott magħżul u l-laboratorju użat, li jvarjaw minn mijiet sa eluf ta’ euro għal kull prodott. F’ħafna każijiet, l-MSAs jixtru l-prodott u jħallsu għat-test fil-laboratorju. Biex jiġi kkonfermat nuqqas ta’ konformità suspettat, iridu jiġu ttestjati tliet unitajiet ta’ prodott. Għal prodotti għaljin, bħal televiżjonijiet, bojlers, jew friġġijiet, dan jista’ jiswa ħafna flus. Aħna sibna li n-numru ta’ testijiet fil-laboratorji mwettqa varja wkoll bejn l-MSAs li żorna, kif jintwera fil-Kaxxa 4.

Kaxxa 4

Testijiet fil-laboratorji f’erba’ Stati Membri

L-MSA Żvediża topera l-laboratorju intern tagħha stess, u tittestja madwar 70 prodott ta’ diversi tipi kull sena. Fil-Polonja, l-MSA responsabbli kull sena tittestja fil-laboratorju tagħha madwar 100 televiżjoni, "set-top boxes" sempliċi, kompjuters, provvisti tal-enerġija esterni u apparat tad-dar u tal-uffiċċju (għal konsum fuq modalità "standby" biss), iżda l-ebda tip ta’ prodott ieħor ma jiġi ttestjat regolarment. Fi Franza, l-MSA responsabbli għat-tikketti tal-enerġija tivverifika l-klassi tal-enerġija ta’ inqas minn 10 prodotti f’laboratorju kull sena. L-awtorità responsabbli għall-Ekodisinn ma twettaq l-ebda tip ta’ testijiet fil-laboratorju. Fil-Lussemburgu, l-awtorità bdiet tittestja l-prodotti fl-2018 u kienet ittestjat 13-il friġġ sa Ġunju 2019.

64

Il-Figura 11 turi ħarsa ġenerali lejn it-testijiet fil-laboratorju mwettqa mill-MSAs irrappurtati lill-Kummissjoni għall-2016.

Figura 11

In-numru ta’ testijiet fil-laboratorju mwettqa mill-MSAs (ibbażat fuq l-aħħar data rrappurtata lill-Kummissjoni, 2016)

Sors: Il-QEA, ibbażat fuq ir-rapporti dwar is-sorveljanza tas-suq tal-Istati Membri.

65

Il-Kummissjoni tappoġġa lill-MSAs, b’mod aktar speċifiku hija:

  • tiffaċilita l-organizzazzjoni ta’ “gruppi ta’ kooperazzjoni amministrattiva”, netwerk ta’ MSAs li jiltaqgħu darbtejn fis-sena biex jikkondividu l-esperjenza u l-għarfien;
  • tippubblika linji gwida u l-aħjar prattika dwar is-sorveljanza tas-suq b’mod ġenerali u għal kull regolament speċifiku għall-prodotti;
  • b’kooperazzjoni mal-MSAs, toħroġ mistoqsijiet frekwenti kkonsolidati li jipprovdu tweġibiet għal kwistjonijiet komuni li jiltaqgħu magħhom l-MSAs għal prodotti speċifiċi;
  • topera żewġ databases biex ixxerred informazzjoni rilevanti, ara l-Figura 12;
  • tipprovdi finanzjament għal proġetti ddedikati għat-tisħiħ tas-sorveljanza tas-suq.
66

Iż-żewġ databases imħaddma mill-Kummissjoni għandhom l-għan li jiffaċilitaw il-kooperazzjoni40 bejn l-MSAs u jappoġġaw l-attività tagħhom, kif deskritt fil-Figura 12.

Figura 12

Ir-rwol tas-Sistema ta’ Informazzjoni u Komunikazzjoni għas-Sorveljanza tas-Suq (ICSMS) u d-Database Ewropea tal-Prodotti għat-Tikkettar tal-Enerġija (EPREL)

ICSMS

• Id-database hija operattiva u tippermetti:

  • L-MSAs għandhom itellgħu l-ispezzjonijiet tagħhom u r-riżultati tat-test fil-laboratorju;
  • L-MSAs għandhom jużaw l-ispezzjonijiet u t-testijiet fil-laboratorju mwettqa minn oħrajn biex jieħdu azzjoni korrettiva kontra prodotti mhux konformi;
  • L-MSAs għandhom jevitaw ix-xogħol doppju billi ma jittestjawx prodotti li MSA oħra diġà tkun sabet li jkunu konformi.
EPREL

• Id-database qed tiġi żviluppata u għandha l-għan li tipprovdi:

  • li l-MSAs ikollhom informazzjoni teknika dwar il-prodott imtella' mill-manifatturi;
  • li l-pubbliku jkollu informazzjoni dwar prodotti u t-tikketti tal-enerġija tagħhom;
  • li l-Kummissjoni jkollha informazzjoni aġġornata dwar l-effiċjenza fl-enerġija għall-prodotti għall-fini tar-reviżjoni tat-tikketti tal-enerġija.

Sors: Il-QEA.

67

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri rrikonoxxew il-lakuni u l-inkonsistenzi sinifikanti fid-data rrappurtata fl-ICSMS. Aħna identifikajna n-nuqqasijiet li ġejjin:

  • Tmien Stati Membri ma jipprovdux informazzjoni dwar l-attivitajiet tagħhom fil-qasam tal-Ekodisinn u t-Tikkettar tal-Enerġija. L-MSAs se jintalbu jirrappurtaw b’mod sistematiku dwar l-attività tagħhom bl-użu tal-ICSMS mill-2021.
  • It-tfittxija għar-riżultat ta’ mudell ta’ prodott speċifiku hija diffiċli. Il-manifatturi spiss jużaw numri ta’ identifikazzjoni tal-prodotti differenti fi swieq differenti u d-database ma tindikax in-numru/i ta’ identifikazzjoni ekwivalenti. Għalhekk, ma jistax ikun possibbli li jintużaw ir-riżultati tat-test minn mudell ekwivalenti, minħabba li dawn ma jistgħux jiġu identifikati.
  • L-MSAs għandhom prattiki differenti meta jirrappurtaw ir-riżultati tal-ispezzjoni tagħhom. Pereżempju, xi wħud jipprovdu biss informazzjoni dwar mudelli li mhumiex konformi, filwaqt li oħrajn jikkondividu r-riżultati kollha tagħhom. Xi awtoritajiet jikkategorizzaw l-ispezzjonijiet tagħhom f’kategorija ġenerika intitolata “Ekodisinn” jew “tikkettar tal-enerġija” aktar milli f'dik għar-regolament speċifiku dwar il-prodotti. Dan jagħmel ir-riżultati aktar diffiċli biex jinstabu.
  • Ma hemm l-ebda qasam iddefinit minn qabel biex jiddistingwi bejn nuqqas ta' konformità fid-dokumentazzjoni u, pereżempju, konsum skorrett tal-enerġija jew klassi skorretta tal-enerġija. Għalhekk, l-informazzjoni dwar prodotti li mhumiex konformi ma tippermettix li l-MSAs ikunu jistgħu jidentifikaw it-tip ta’ nuqqas ta’ konformità.
  • Ir-rapporti tat-testijiet fil-laboratorji mtella' mill-MSAs mhumiex standardizzati u huma disponibbli bil-lingwi oriġinali mingħajr il-funzjoni ta’ traduzzjoni. L-MSAs mhux dejjem itellgħu r-rapporti tat-testijiet, għalkemm jiddikjaraw li jkun sar test.
68

Il-Kummissjoni ilha mill-2016 taħdem mal-Istati Membri fuq l-aġġornament ta’ kif id-data tiġi rrappurtata fl-ICSMS għall-Ekodisinn u t-Tikkettar tal-Enerġija. Dan ma wassal għall-ebda bidla fid-disinn tas-sistema saż-żmien tat-tfassil ta’ dan ir-rapport (il-ħarifa tal-2019).

69

Kull MSA tista’ tiddeċiedi sa liema punt hija se tuża l-informazzjoni disponibbli fl-ICSMS biex tappoġġa l-attivitajiet tagħha. L-MSA responsabbli għas-sorveljanza tar-regolament dwar l-Ekodisinn fi Franza, li żorna, qatt ma kkonsultat l-informazzjoni mdaħħla fl-ICSMS minn MSAs oħrajn. L-MSAs l-oħra li żorna qalulna li huma għamlu użu mhux frekwenti mid-database biex jinvestigaw jew jieħdu azzjoni korrettiva għal każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità misjuba minn Stati Membri oħrajn li affettwaw is-suq tagħhom stess. Huma ma użawx ukoll l-informazzjoni biex jevitaw id-duplikazzjoni tal-kontrolli għal prodotti partikolari. F’xi każijiet, il-leġiżlazzjoni nazzjonali tista’ twaqqaf lill-MSAs milli jużaw l-informazzjoni pprovduta minn oħrajn biex jieħdu azzjoni korrettiva fis-suq tagħhom - dan kien il-każ għall-Polonja u għal Franza (sakemm mhux bħala parti minn kampanja tal-UE).

70

Skont ir-Regolament dwar it-Tikkettar tal-Enerġija, mill-1 ta’ Jannar 2019, jenħtieġ li l-fornituri jdaħħlu informazzjoni fid-database tal-prodotti EPREL kull meta jqiegħdu unità ta’ mudell ġdid fis-suq. Il-Kummissjoni suppost li kellha tagħmel id-database aċċessibbli għall-MSAs u għall-pubbliku41, iżda hija ma kinitx għamlet dan saż-żmien meta sar l-awditu.

Il-proġetti ta’ sorveljanza tas-suq iffinanzjati mill-UE huma utli iżda jipprovdu soluzzjoni temporanja għal ħtieġa rikorrenti

71

Fl-2015, il-Kummissjoni kkonkludiet li hemm livell baxx ta’ attività ta’ sorveljanza tas-suq fil-biċċa l-kbira mill-Istati Membri42 u li kien hemm il-ħtieġa li tiżdied il-kooperazzjoni. Fl-aħħar 10 snin, hija ffinanzjat 10 proġetti għas-sorveljanza tas-suq tal-Ekodisinn u tat-Tikkettar tal-Enerġija permezz ta’ għotjiet taħt il-programmi Enerġija Intelliġenti - Ewropa u Orizzont 2020, b’baġit totali ta’ EUR 19.5 miljun u kontribuzzjoni mill-UE ta’ EUR 15-il miljun. Uħud minn dawn il-proġetti43 ġew immaniġġjati mill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq.

72

L-analiżi tagħna tikkonferma r-riżultati pożittivi ta’ dawn il-proġetti; huma għamluha possibbli li jiffinanzjaw kampanji ta’ ttestjar speċifiċi għal gruppi ta’ prodotti li jiswew aktar biex jiġu ttestjati u li, b’mod ġenerali, kieku l-MSAs infushom ma kinux jittestjaw. Huma indirizzaw il-ħtieġa li jiżdied in-numru ta’ spezzjonijiet u ta' testijiet fil-laboratorju, filwaqt li tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni tal-UE. Barra minn hekk, huma pproduċew linji gwida tal-aħjar prattika u moduli ta’ taħriġ, li għenu lill-MSAs biex jiżviluppaw l-għarfien u l-kompetenzi tagħhom, inkluż dwar kwistjonijiet emerġenti bħall-prevenzjoni ta’ ċirkomvenzjoni.

73

Abbażi tad-data disponibbli dwar l-attivitajiet ta’ sorveljanza tas-suq fl-UE, mhuwiex ċar li l-attivitajiet ta’ sorveljanza tas-suq imwettqa barra mill-proġetti tal-UE tjiebu minħabba l-proġetti. Filwaqt li l-programmi tas-sorveljanza tas-suq disponibbli huma pjuttost konċiżi, l-ebda waħda mill-MSAs ma rrappurtat dwar bidliet jew titjib fix-xogħol tagħhom b’segwitu għall-parteċipazzjoni tagħhom fi proġetti tal-UE, lanqas dwar żieda fl-għadd ta’ testijiet tal-laboratorju mwettqa barra mill-proġetti tal-UE. Minħabba n-natura kontinwa tal-finanzjament tal-UE għal dawn l-attivitajiet mill-2012 'il hawn – kif muri mill-fatt li meta jitlesta proġett ikun hemm ieħor li jsegwih – hemm riskju li l-Istati Membri jistrieħu fuq il-finanzjament fil-livell tal-UE biex iwettqu r-responsabbiltajiet tas-sorveljanza tas-suq domestiku tagħhom f’dan il-qasam. B’hekk, il-proġetti tal-UE jipprovdu soluzzjoni temporanja għal ħtieġa rikorrenti.

Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

74

Aħna vvalutajna jekk l-azzjonijiet tal-UE fil-qasam tal-Ekodisinn u t-Tikkettar tal-Enerġija kinux kkontribwew biex jintlaħqu l-objettivi tagħha f'dak li jirrigwarda l-effiċjenza fl-enerġija u l-ambjent. Aħna kkonkludejna li l-azzjonijiet tal-UE kienu kkontribwew b’mod effettiv biex jintlaħqu l-objettivi tal-politika dwar l-Ekodisinn u t-Tikkettar tal-Enerġija, iżda li l-effettività tnaqqset minħabba dewmien sinifikanti u nuqqas ta’ konformità mill-manifatturi u mill-bejjiegħa bl-imnut.

75

Aħna sibna li l-miżuri ta’ implimentazzjoni bħalissa jkopru l-biċċa l-kbira mill-prodotti bl-ogħla potenzjal ta’ ffrankar tal-enerġija, u jirrappreżentaw kważi l-konsum kollu tal-enerġija fl-unitajiet domestiċi u aktar minn nofs il-konsum tal-enerġija fis-setturi industrijali u tas-servizzi. Barra minn hekk, biex tagħti prijorità lill-gruppi ta’ prodotti li għandhom jiġu rregolati jew analizzati, il-Kummissjoni użat metodoloġiji tajbin u trasparenti (il-paragrafi 24-27).

76

Il-proċess regolatorju jieħu fit-tul, u dan huwa parzjalment spjegat mill-kumplessità teknika tar-regolamenti u mill-ħtieġa li l-partijiet ikkonċernati jiġu kkonsultati bir-reqqa. Madankollu, aħna sibna li xi dewmien seta’ jiġi evitat. Id-dewmien twil inaqqas l-impatt tal-politika billi r-rekwiżiti tal-Ekodisinn ma għadhomx ilaħħqu mal-progress teknoloġiku u t-tikketti tal-enerġija ma għadhomx jgħinu lill-konsumaturi biex jiddistingwu bejn il-prodotti. Minħabba d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tadotta miżuri bħala pakkett, hija ma għadhiex tadotta regolamenti speċifiċi għall-prodotti meta dawn ikunu lesti (il-paragrafi 28-37).

77

Aħna sibna li l-Kummissjoni qed tieħu passi biex ittejjeb it-tikketti tal-enerġija, madankollu, jridu jgħaddu ftit snin qabel ma l-bidliet isiru viżibbli għall-konsumaturi (il-paragrafi 38-42). Il-Kummissjoni inkludiet kunċetti tal-ekonomija ċirkolari fil-proposti l-aktar reċenti tagħha. Filwaqt li l-mod li bih dawn jiġu vvalutati u integrati għadu ad hoc, il-Kummissjoni bdiet il-proċess biex tipproduċi approċċ standard għall-valutazzjoni (il-paragrafi 43-45).

Rakkomandazzjoni 1 – Jittejjeb il-proċess regolatorju

Biex ittejjeb il-proċess regolatorju, jenħtieġ li l-Kummissjoni:

  1. tiddefinixxi u tapplika approċċ standard għall-istudji ta’ reviżjoni biex tevita l-ħtieġa għal studji addizzjonali;
  2. tiżviluppa qafas metodoloġiku standard għall-inklużjoni tar-rekwiżiti tal-ekonomija ċirkolari li għandhom jiġu applikati matul l-istudji ta’ tħejjija u dawk ta' reviżjoni biex is-sejbiet tagħhom ikunu jistgħu jiġu ppreżentati kmieni fil-proċess ta’ konsultazzjoni;
  3. tadotta miżuri ta’ implimentazzjoni meta jkunu lesti, minflok meta pakkett ikun komplet;
  4. b’mod partikolari għal prodotti bbażati fuq teknoloġiji li qed jimxu b’pass mgħaġġel bħall-ICT, tivvaluta b’mod aktar regolari d-data tas-suq biex tiżgura li r-rekwiżiti u t-tikketti tal-effiċjenza fl-enerġija li ma jkunux għadhom rilevanti jiġu aġġornati malajr.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: Diċembru 2021

78

Il-Kontabbiltà tal-Impatt tal-Ekodisinn hija eżerċizzju trasparenti, li jipprovdi lill-partijiet ikkonċernati u lil dawk li jfasslu l-politika b’data utli dwar ir-riżultati tal-politika dwar l-Ekodisinn u t-tikkettar tal-enerġija. Madankollu, aħna sibna li l-metodoloġija attwali applikata għall-kontabbiltà tal-impatt tistima b'mod eċċessiv ir-riżultat tal-politika. L-impatt tan-nuqqas ta’ konformità ma jiġix ikkunsidrat, u lanqas id-dewmien fl-implimentazzjoni. Il-kontabbiltà tal-impatt hija bbażata fuq id-differenza bejn żewġ xenarji fit-tul u hija affettwata mil-lakuni bejn il-konsum tal-enerġija fil-ħajja reali u l-istimi li xi drabi ma jkunux realistiċi u li jittieħdu mill-istandards armonizzati (il-paragrafi 46-53).

Rakkomandazzjoni 2 – Tittejjeb il-Kontabbiltà tal-Impatt

Jenħtieġ li l-Kummissjoni:

  1. ittejjeb is-suppożizzjonijiet relatati mal-kontabbiltà tal-impatt, b’mod partikolari billi tieħu kont tan-nuqqas ta’ konformità, tad-dewmien fl-implimentazzjoni u tad-devjazzjonijiet bejn il-konsum tal-enerġija fuq il-bażi ta’ standards armonizzati u l-użu fil-ħajja reali;
  2. tivvaluta l-ambitu għall-evalwazzjoni tar-riżultati tal-politika billi tuża metodoloġija bbażata fuq kampjuni biex tkejjel il-konsum reali tal-enerġija mill-utenti finali bil-ħsieb li tittejjeb il-preċiżjoni tal-mudell tal-kontabbiltà tal-impatt;
  3. tikkwantifika l-kontribut tal-politika għall-mira tal-effiċjenza fl-enerġija għall-2020 fir-rapport ta’ valutazzjoni dwar il-progress li sar mill-Istati Membri.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: Diċembru 2021

79

Abbażi tad-data disponibbli, aħna sibna li n-nuqqas ta’ konformità mill-manifatturi u mill-bejjiegħa bl-imnut għadu problema sinifikanti. Kienu relattivament ftit il-mudelli ta’ prodotti li ġew ittestjati fil-laboratorji u l-Istati Membri li żorna ma użawx ir-riżultati pprovduti minn Stati Membri oħra biex jimplimentaw miżuri ta’ infurzar. B’riżultat ta’ dan, il-konsumaturi madwar l-Ewropa mhumiex protetti b'mod ugwali (il-paragrafi 55-69).

80

Ir-rwol importanti li għandha l-Kummissjoni fil-faċilitazzjoni tal-kooperazzjoni jgħin lill-Awtoritajiet tas-Sorveljanza tas-Suq biex iwettqu dmirijiethom. Id-database tal-ICSMS, imħaddma mill-Kummissjoni, tippermetti l-kooperazzjoni permezz tal-kondiviżjoni tar-riżultati tal-ispezzjoni tal-MSAs. Madankollu, huwa meħtieġ titjib biex l-effettività tagħha tiżdied. Il-Kummissjoni stabbiliet id-database EPREL tard, li kienet għadha mhijiex aċċessibbli mill-MSAs fiż-żmien meta sar l-awditu. Il-proġetti ffinanzjati mill-UE taw ir-riżultati, iżda mhuwiex ċar li dawn wasslu għal bidliet sostenibbli fil-mod kif titwettaq is-sorveljanza tas-suq (il-paragrafi 65-73).

Rakkomandazzjoni 3 – Tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni tal-MSAs

Biex ittejjeb l-attivitajiet ta’ sorveljanza tas-suq u tiffaċilita l-iskambju ta’ informazzjoni fost l-MSAs:

Jenħtieġ li l-Kummissjoni:

  1. twassal titjib fl-ICSMS biex tiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-Awtoritajiet tas-Sorveljanza tas-Suq, pereżempju, billi tippermetti l-identifikazzjoni rapida tan-numri tal-mudelli ekwivalenti u tgħaqqadha mal-EPREL;
  2. Data mmirata għall-implimentazzjoni: Diċembru 2020

  3. fuq talba, tipprovdi taħriġ online lill-MSAs biex jippromwovu l-użu tal-ICSMS bl-għan li jappoġġaw l-attivitajiet tagħhom;
  4. Data mmirata għall-implimentazzjoni: Diċembru 2020

  5. tivvaluta l-użu tal-aħjar prattika min-naħa tal-MSAs f'dak li jirrigwarda l-attivitajiet ta’ sorveljanza tas-suq, li ġiet identifikata mill-proġetti ffinanzjati mill-UE, inkluż it-twettiq ta’ spezzjonijiet kosteffettivi.
  6. Data mmirata għall-implimentazzjoni: April 2022

Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla I, immexxija mis-Sur Nikolaos Milionis, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tal-4 ta’ Diċembru 2019.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Klaus-Heiner Lehne
Il-President

Glossarju

Awtoritajiet tas-Sorveljanza tas-Suq: Korp nazzjonali responsabbli biex jivverifika li l-prodotti fis-suq fl-Istat Membru jkunu konformi mal-leġiżlazzjoni applikabbli, bħar-rekwiżiti tal-Ekodisinn u tat-tikkettar tal-enerġija.

Durabbiltà: Il-kapaċità ta’ tagħmir jew materjal li jiflaħ għat-tkagħbir bl-użu, għal pressjoni jew ħsara, u b’hekk jibqa’ funzjonali mingħajr manutenzjoni jew tiswija mhux ekonomika.

Effiċjenza fl-enerġija: Il-proporzjon bejn il-produzzjoni ta’ sistema jew apparat u l-enerġija kkunsmata.

Ekodisinn: L-inkorporazzjoni ta’ aspetti ambjentali fid-disinn ta’ prodott biex jiġi żgurat livell għoli ta’ prestazzjoni ambjentali matul il-ħajja tiegħu.

Klassi tal-enerġija: Waħda mis-seba’ kategoriji (minn A sa G) li jindikaw l-effiċjenza fl-enerġija ta’ prodott.

Kontabbiltà tal-Impatt tal-Ekodisinn: Metodoloġija għall-monitoraġġ u r-rappurtar tal-impatt tal-miżuri tal-Ekodisinn u tat-tikkettar tal-enerġija fuq il-konsum tal-enerġija, l-impjiegi, l-iżvilupp teknoloġiku u d-dħul industrijali.

Possibbiltà ta' tiswija: Il-potenzjal ta’ prodott li jerġa' jibda jaħdem.

Riċiklabbiltà: Il-potenzjal ta’ materjal ta’ skart li jiġi pproċessat mill-ġdid u/jew użat mill-ġdid.

Sorveljanza tas-suq: Il-monitoraġġ u l-ittestjar mill-awtoritajiet pubbliċi tal-punt sa fejn il-prodotti jkunu konformi mal-leġiżlazzjoni applikabbli, bħar-rekwiżiti tal-Ekodisinn u tat-tikkettar tal-enerġija.

Tikketta tal-enerġija: Informazzjoni dwar il-konsum tal-enerġija u l-klassi tal-enerġija, li trid takkumpanja l-bejgħ ta’ kwalunkwe prodott kopert minn miżura ta’ tikkettar tal-enerġija.

Risposti tal-Kummissjoni

Sommarju eżekuttiv

I

Il-Kummissjoni tirrikonoxxi l-kontribuzzjoni importanti għal aktar effiċjenza fl-enerġija li nkisbet permezz tal-azzjoni tal-UE dwar l-Ekodisinn u t-Tikkettar tal-Enerġija, kif irrapportat mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri. Il-leġiżlazzjoni f’dan il-qasam toħloq benefiċċji għall-konsumaturi, għall-industrija u għall-ambjent. Minħabba l-impatti importanti ta’ din il-politika, il-Kummissjoni ssegwi proċess regolatorju robust, inkluż konsultazzjoni estensiva mal-partijiet ikkonċernati, analiżi ddettaljata tal-ispejjeż u l-benefiċċji u skrutinju politiku. F’dawn l-aħħar snin, fatturi differenti żiedu t-tul ta’ dan il-proċess, li seta’ wassal għal nuqqas fl-iffrankar tal-enerġija. Fl-istess ħin, hu r-rwol tal-Istati Membri li jivverifikaw li l-prodotti li jinbiegħu fit-territorju tagħhom jikkonformaw mar-rekwiżiti applikabbli. Madankollu, għad hemm wisq prodotti mhux konformi fis-suq tal-UE, u b’hekk titnaqqas l-effettività tar-regolamenti. Ir-Regolament (UE) 2019/1020 il-ġdid dwar is-sorveljanza tas-suq għandu l-għan li jtejjeb dan.

X

Is-Sistema ta’ Informazzjoni u Komunikazzjoni għas-Sorveljanza tas-Suq (ICSMS) tippermetti li l-Awtoritajiet tas-Sorveljanza tas-Suq (MSAs) jaħżnu r-riżultati tal-ispezzjoni, filwaqt li l-bażi tad-data għar-reġistrazzjoni tal-prodotti stabbilita skont ir-Regolament qafas dwar it-Tikkettar tal-Enerġija titlob li l-manifatturi u l-importaturi jtellgħu data dwar il-prodotti li jpoġġu fis-suq tal-Unjoni.

XI

Il-Kummissjoni tqis li l-proġetti ffinanzjati mill-UE wasslu għal titjib operazzjonali sostenibbli f’ħafna MSAs, iżda tirrikonoxxi li f’xi istanzi pprovdew soluzzjoni temporanja għal ħtieġa rikorrenti.

Osservazzjonijiet

34

Il-Kummissjoni tqis li l-istudji inizjali ta’ rieżami kien fihom l-informazzjoni meħtieġa biex jiġu żviluppati proposti leġiżlattivi. Madankollu, għall-wiri, fatturi oħra (pereżempju rigward ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar it-Tikkettar tal-Enerġija) kienu jeħtieġu l-ġbir ta’ data addizzjonali.

Għall-friġġijiet, abbażi ta’ eżerċizzju inizjali u wiesgħa dwar l-ambitu, twettaq studju ta’ analiżi fil-fond. Kien akkumpanjat minn studju ddedikat li ffoka fuq il-ħela tal-ikel, li twettaq fl-istess ħin mingħajr ma kkawża dewmien addizzjonali.

49

It-tielet inċiż: Filwaqt li l-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-istandards armonizzati mhux dejjem huma rappreżentattivi tal-konsum attwali tal-enerġija f’kundizzjonijiet fil-ħajja reali, saru sforzi kontinwi biex jiġu aġġornati dawn l-istandards biex jirriflettu aħjar l-użu fil-ħajja reali. Pereżempju fl-istandard il-ġdid għall-magni tal-ħasil tal-platti, it-tagħbija tat-test inbidlet biex tirrifletti aħjar l-użu tal-konsumaturi, inkluż oġġetti tal-plastik, maggijiet tal-kafè, borom tal-azzar inossidabbli u skutelli tal-ħġieġ. Fl-istess ħin, il-kundizzjonijiet u l-proċeduri tat-testijiet iridu josservaw kriterji oħra li huma daqstant importanti, bħall-eżattezza, l-affidabbiltà u r-riproduċibbiltà. Irid jinżamm bilanċ bejn il-kriterji kollha msemmija hawn fuq.

Tweġiba komuni għall-paragrafi 67 u 68.

Il-kwalità tad-data (u, għaldaqstant, l-effettività) tal-ICSMS tiddependi kompletament fuq l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq.

L-ICSMS għandha mekkaniżmu ta’ tiftix komprensiv li jippermetti tiftix skont diversi parametri. L-informazzjoni dwar in-numri ta’ mudelli ekwivalenti trid tiġi mingħand l-operaturi ekonomiċi. Huwa meħtieġ li dan jiddaħħal fil-Bażi ta’ Data Ewropea tal-Prodotti għat-Tikkettar tal-Enerġija (EPREL) u se jkun hemm rabta bejn l-EPREL u l-ICSMS.

L-ICSMS għandha kampijiet tad-data dwar diversi aspetti ta’ konformità. Inkluż qasam biex jiġi identifikat il-livell ta’ riskju li jvarja minn “ebda riskju” għal “riskju serju”, b’possibbiltà li tingħata aktar informazzjoni. Il-Kummissjoni ppubblikat metodoloġija ta’ valutazzjoni tar-riskju li, fost affarijiet oħra, tispjega kif ir-riskju jista’ jiġi vvalutat għall-interessi pubbliċi għajr is-sikurezza.

Hemm diskussjoni kontinwa għaddejja mal-Istati Membri għall-fehim u l-irfinar tan-natura tal-bidliet meħtieġa fl-ICSMS fir-rigward tal-Ekodisinn u t-Tikkettar tal-Enerġija. Madankollu, minħabba l-livell relattivament baxx ta’ użu tal-ICSMS għall-Ekodisinn u t-Tikkettar tal-Enerġija, dawn il-modifiki mhumiex fost il-prijoritajiet ta’ fuq nett għall-iżvilupp tal-ICSMS.

Il-fatt li r-rapporti tat-testijiet mhumiex standardizzati jirriżulta minn prattiki differenti fid-diversi awtoritajiet. Billi r-rapporti tat-testijiet huma tipikament fajls u mhux kampijiet tad-data definiti minn qabel, it-traduzzjoni awtomatika hija aktar ikkumplikata.

73

It-testimonjanzi fir-rapporti tal-proġetti kkonċernati jindikaw li ħafna mill-MSAs involuti jużaw l-aħjar prattiki u r-rakkomandazzjonijiet ifformulati fil-proġetti. L-attivitajiet ta’ ttestjar barra mill-proġetti tal-UE jiddependu fuq il-baġits nazzjonali tal-MSAs.

Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

Rakkomandazzjoni 1 – Jittejjeb il-proċess regolatorju

Il-Kummissjoni taċċetta r-Rakkomandazzjonijiet (a) u (b).

Il-Kummissjoni bdiet ir-reviżjoni tal-metodoloġija għall-Ekodisinn tal-prodotti relatati mal-Enerġija (MEErP), bil-ħsieb li dawn l-aspetti jiġu inklużi fir-reviżjoni. Il-Kummissjoni ħarġet talba għal standardizzazzjoni fir-rigward tar-rekwiżiti tal-effiċjenza tal-materjali, li hija l-bażi komuni għall-iżvilupp tal-istandards speċifiċi għall-prodotti dwar l-aspetti tal-ekonomija ċirkolari. Xi wħud minn dawn l-istandards diġà ġew finalizzati, filwaqt li oħrajn huma mistennija dalwaqt. Il-Pjan ta’ Ħidma dwar l-Ekodisinn u t-Tikkettar tal-Enerġija 2020-2024 se jkompli jelabora fuq kwistjonijiet ta’ ekonomija ċirkolari.

Il-Kummissjoni ma taċċettax ir-Rakkomandazzjoni (c). Il-Kummissjoni għażlet li tadotta miżuri dwar l-Ekodisinn u t-Tikkettar tal-Enerġija mħabbra skont il-Pjan ta’ Ħidma dwar l-Ekodisinn 2016-2019 bħala pakkett, biex turi u tenfasizza l-kontribut ġenerali ta’ dawn il-miżuri għall-objettivi tal-UE fir-rigward tal-klima, l-enerġija u l-ekonomija ċirkolari. F’dan l-istadju, il-Kummissjoni ma tistax tippreġudika x’se tkun il-pożizzjoni tagħha rigward kwalunkwe miżura futura.

Il-Kummissjoni taċċetta r-Rakkomandazzjoni (d). B’mod partikulari, għall-prodotti tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni u tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni (ICT), il-Kummissjoni nediet studju li għandu l-għan li jidentifika dawk il-prodotti li għalihom il-proċess attwali huwa xieraq u li jipproponi għażliet politiċi (inkluż għodod ta’ politika ġodda possibbli) għal prodotti oħra tal-ICT.

Rakkomandazzjoni 2 – Tittejjeb il-Kontabbiltà tal-Impatt

Il-Kummissjoni taċċetta r-Rakkomandazzjoni (a). Se tieħu passi biex tagħmel tajjeb għal kwistjonijiet ta’ nuqqas ta’ konformità u ta’ dewmien fl-implimentazzjoni tal-ħidma marbuta mal-kontabbiltà tal-impatt fil-ġejjieni. Il-kwistjoni tad-devjazzjonijiet bejn il-konsum tal-enerġija abbażi tal-istandards armonizzati u l-użu fil-ħajja reali hija debitament rikonoxxuta u qed isiru sforzi sinifikanti biex jiġu żviluppati standards li huma eqreb lejn l-użu fil-ħajja reali.

Il-Kummissjoni taċċetta r-Rakkomandazzjoni (b). F’din il-valutazzjoni, il-Kummissjoni se tqis aspetti metodoloġiċi kif ukoll l-implikazzjonijiet tar-riżorsi ta’ din l-evalwazzjoni.

Il-Kummissjoni parzjalment taċċetta r-Rakkomandazzjoni (c). Il-Kummissjoni se tinvestiga l-fattibbiltà li ssir din il-kwantifikazzjoni, u ma tistax tiggarantixxi li l-eżiti ta’ din l-investigazzjoni tal-fattibbiltà jirriżultaw f’kapaċità li tiġi ssodisfata r-rakkomandazzjoni.

79

Dan huwa fil-parti l-kbira tiegħu barra mill-mandat tal-Kummissjoni billi s-sorveljanza tas-suq hija kompetenza tal-Istati Membri. Madankollu, il-Kummissjoni ffaċilitat l-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2019/1020 il-ġdid dwar is-sorveljanza tas-suq u l-konformità tal-prodotti, li għandu l-għan li jtejjeb dan, u se jappoġġja n-Netwerk tal-UE għall-Konformità tal-Prodotti tar-Regolament.

Rakkomandazzjoni 3 – Tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni tal-MSAs

Il-Kummissjoni taċċetta r-Rakkomandazzjoni (a). Il-prijorità hija li jiġu ssodisfati l-obbligi ġuridiċi li jirriżultaw mir-Regolamenti (UE) 2017/1369, 2019/515, u 2019/1020. Dan jinkludi l-irbit mal-EPREL.

Il-Kummissjoni taċċetta r-Rakkomandazzjoni (b). Il-Kummissjoni għandha l-persunal u l-materjal disponibbli għat-taħriġ fuq l-ICSMS permezz ta’ webinar jekk l-awtoritajiet rilevanti jkunu jeħtieġu dan it-taħriġ, u jkunu disponibbli għalih.

Il-Kummissjoni taċċetta r-Rakkomandazzjoni (c). Studju possibbli dwar l-impatt tal-proġetti ffinanzjati taħt l-Orizzont 2020 fil-qasam tal-effiċjenza tal-enerġija huwa previst fil-Programm ta’ Ħidma tal-H2020 2018-2020, li jista’ jinkludi din il-valutazzjoni.

Tim tal-awditjar

Ir-rapporti speċjali tal-QEA jistabbilixxu r-riżultati tal-awditi tagħha tal-politiki u l-programmi tal-UE, jew ta’ suġġetti relatati mal-ġestjoni minn oqsma baġitarji speċifiċi. Il-QEA tagħżel u tfassal dawn il-kompiti tal-awditjar biex timmassimizza l-impatt tagħhom billi tqis ir-riskji għall-prestazzjoni jew għall-konformità, il-livell ta’ introjtu jew ta’ nfiq involut, l-iżviluppi li jkunu għad iridu jseħħu u l-interess politiku u pubbliku.

Dan l-awditu tal-prestazzjoni twettaq mill-Awla I tal-Awditjar, Użu sostenibbli tar-riżorsi naturali, li hija mmexxija minn Nikolaos Milionis, Membru tal-QEA. L-awditu tmexxa minn Phil Wynn Owen, Membru tal-QEA, li ngħata appoġġ minn Olivier Prigent u Ramona Bortnowschi, Attachés tal-Kabinett; Helder Faria Viegas, Maniġer Prinċipali; Frédéric Soblet, Kap tal-Kompitu; Diana Voinea, Viċi Kap tal-Kompitu, u Arfah Chaudry, Nicholas Edwards, Joanna Kokot, Roberto Resegotti, Awdituri. Zuzanna Filipski u Mark Smith ipprovdew appoġġ lingwistiku.

Mix-xellug għal-lemin: Olivier Prigent, Diana Voinea, Nicholas Edwards, Frédéric Soblet, Ramona Bortnowschi, Arfah Chaudry, Phil Wynn Owen.

Noti finali

1 Sit web tal-Kummissjoni dwar l-objettivi tal-2020. Ara wkoll ir-Rapport Speċjali Nru 18/2019 tal-QEA - L-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fl-UE: Rappurtar tajjeb, iżda jinħtieġ għarfien aħjar dwar it-tnaqqis fil-ġejjieni.

2 Valutazzjoni tal-2018 tal-progress li għamlu l-Istati Membri biex jinkisbu l-miri tal-effiċjenza enerġetika għall-2020 u l-progress lejn l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija meħtieġa mill-Artikolu 24(3) tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija 2012/27/UE, COM(2019) 224 final, 2019.

3 Direttiva UE/2018/2002.

4 Komunikazzjoni mill-Kummissjoni, Pjan ta’ Ħidma dwar l-Ekodisinn 2016-2019, COM(2016) 773.

5 Data tal-Eurostat, 2017.

6 Direttiva 2005/32/KE.

7 Direttiva 2009/125/KE.

8 Direttiva 92/75/KEE.

9 Studju ta’ reviżjoni preparatorju, 2016.

10 Energy Efficiency Policies around the World: Review and Evaluation, p. 48, il-Kunsill Dinji tal-Enerġija 2008.

11 Study on the impact of the energy label – and potential changes to it – on consumer understanding and on purchase decisions. LE London Economics u IPSOS, Ottubru 2014.

12 Joint Industry letter on Ecodesign, Mejju 2018; Ittra miftuħa lill-President Juncker minn 55 NGO, Settembru 2018.

13 EIA overview report 2018, Jannar 2019.

14 COM(2015) 614/2.

15 L-abbrevjazzjoni storikament tfisser “Conformité Européenne”.

16 L-Artikolu 15(2) tad-Direttiva 2009/125/KE.

17 Ecodesign Impact Accounting – Overview report 2018, p. 8, VHK, Jannar 2019.

18 Il-Kawża T-544/13 Dyson Ltd vs Il-Kummissjoni Ewropea, sentenza finali tat-8 ta’ Novembru 2018. Manifattur tal-vacuum cleaners mingħajr borża talab għall-annullament tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 665/2013 fuq il-bażi tal-fatt li dan żgwida lill-konsumaturi dwar l-effiċjenza enerġetika tal-vacuum cleaners minħabba li l-istandards tal-ittestjar imsemmija fir-regolament ma kinux adegwati. Il-Qorti annullat ir-regolament.

19 Ara r-Rapport Speċjali Nru 14/2019 tal-QEA “‘Semma’ leħnek!’: Il-konsultazzjonijiet pubbliċi tal-Kummissjoni jinvolvu liċ-ċittadini, iżda l-attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni mhumiex biżżejjed”.

20 Spjegazzjoni tat-tikketti l-ġodda tal-effiċjenza enerġetika, il-Kummissjoni Ewropea, 2019.

21 Is-sit web tal-Kummissjoni dwar l-Ekodisinn.

22 Issejvja l-pakkett tat-tikkettar tal-enerġija tal-Ekodisinn. Ittra konġunta lill-Kummissjoni Ewropea; Ittra konġunta tal-Industrija dwar l-Ekodisinn; Id-Direttiva dwar l-Ekodisinn (2009/125/KE), il-Valutazzjoni tal-Implimentazzjoni Ewropea, is-Servizz Ewropew ta’ Riċerka Parlamentari, Novembru 2017.

23 COM(2015) 345 finali.

24 Elke Dünnhoff: “Comprehensibility of the Energy Label for space heaters and water heaters and of the new Efficiency Label for old space heaters in Germany. Results of two focus groups and a representative consumer survey”, Mainz, 14 ta’ Diċembru 2016.

25 Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill - Reviżjoni tad-Direttiva 2010/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Mejju 2010 dwar l-indikazzjoni permezz ta’ ttikkettar u l-informazzjoni standard tal-prodott dwar il-konsum tal-enerġija u riżorsi oħra minn prodotti marbutin mal-enerġija, COM(2015) 345 final.

26 Preparatory/review study for household refrigeration, VHK, 2016; riċerka addizzjonali, VHK, 2017.

27 ECOS, EEB, Coolproducts, rreuse, topten, ifixit Europe, Position on the Commission’s proposals to revise the Ecodesign & Energy Labelling measures on domestic refrigeration, 2018.

28 Il-Kummissjoni Ewropea; CLASP, ECOS, EEB u Topten (2017) Closing the ‘reality gap’ – ensuring a fair energy label for consumers, il-paġna 9; Impact Assessment of the compliance & enforcement regime of the Energy-Using Products (EuP) & Energy Labelling Dir., Defra, 2009.

29 STEP project – Closing the ‘reality gap’ – ensuring a fair energy label for consumers, CLASP, ECOS, EEB, Topten, Ġunju 2017.

30 Ara Definition of Circumvention, ANTICSS, 2018.

31 Öko-Institut e.V. u ifeu – Institut für Energie- und Umweltforschung Heidelberg (2017). "Living up to expectations? Monitoring the effects of Ecodesign and energy labelling in Germany", ECEEE, 2017.

32 Regolament (KE) 765/2008.

33 Ittra tal-industrija konġunta dwar l-Ekodisinn, 2018.

34 Spjegazzjoni tat-tikketti l-ġodda tal-effiċjenza enerġetika, il-Kummissjoni Ewropea, 2019.

35 Impact Assessment of the compliance & enforcement regime of the Energy-Using Products (EuP) & Energy Labelling Dir., Defra, 2009.

36 "The Nordic Ecodesign Effect Project, Estimating benefits of Nordic market surveillance of Ecodesign and energy labelling", Troels Fjordbak Larsen, 2015.

37 Impact Assessment of the compliance & enforcement regime of the Energy-Using Products (EuP) & Energy Labelling Dir., Defra, 2009.

38 Ara, pereżempju: ATLETE I, Appliance Testing for Energy Label Evaluation Publishable result-oriented report, 2011; ATLETE II, Appliance Testing for Washing Machines Energy Label & Ecodesign Evaluation, publishable result-oriented report, 2014.

39 COM(2015) 345 finali.

40 L-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 765/2008 dwar il-prinċipji tal-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni.

41 L-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) 2017/1369 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2017 li jistabbilixxi qafas għat-tikkettar tal-enerġija u li jħassar id-Direttiva 2010/30/UE.

42 COM(2015) 345 finali.

43 Proġett Ewropew ta’ Konformità tal-Ekodisinn (ECOPLIANT), Prodotti Konformi mal-Effiċjenza fl-Enerġija (EEPLIANT I u II), il-Ġlieda kontra ċ-Ċirkomvenzjoni tal-Istandards għal Sorveljanza Aħjar tas-Suq (ANTICSS).

Kronoloġija

Avveniment Data
Il-Memorandum ta’ Ppjanar tal-Awditjar (APM) jiġi adottat / L-awditu jinbeda 12.12.2018
L-abbozz ta’ rapport jintbagħat uffiċjalment lill-Kummissjoni (jew lill-entità l-oħra awditjata) 28.10.2019
Ir-rapport finali jiġi adottat wara l-proċedura kontradittorja 4.12.2019
Ir-risposti uffiċjali tal-Kummissjoni (jew tal-entità l-oħra awditjata) jaslu bil-lingwi kollha 10.1.2020

Kuntatt

IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI
12, rue Alcide De Gasperi
1615 Luxembourg
LUXEMBOURG

Tel. +352 4398-1
Mistoqsijiet: eca.europa.eu/mt/Pages/ContactForm.aspx
Sit web: eca.europa.eu
Twitter: @EUAuditors

Ħafna informazzjoni addizzjonali dwar l-Unjoni Ewropea hija disponibbli fuq l-Internet.
Jista’ jsir aċċess għaliha permezz tas-server Europa (http://europa.eu).

Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2020

PDF ISBN 978-92-847-4105-2 ISSN 1977-5741 doi:10.2865/25568 QJ-AB-19-024-MT-N
HTML ISBN 978-92-847-4114-4 ISSN 1977-5741 doi:10.2865/826011 QJ-AB-19-024-MT-Q

DRITTIJIET TAL-AWTUR

© European Union, 2020.

Il-politika tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) dwar l-użu mill-ġdid hija implimentata bid-Deċiżjoni Nru 6-2019 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar il-politika tad-data miftuħa u l-użu mill-ġdid ta’ dokumenti.

Sakemm ma jkunx indikat mod ieħor (eż. f’avviżi individwali dwar id-drittijiet tal-awtur), il-kontenut tad-dokumenti tal-QEA, li huwa proprjetà tal-UE, huwa liċenzjat taħt il-liċenzja Creative Commons Attribution 4.0 International (CC BY 4.0). Dan ifisser li l-użu mill-ġdid huwa awtorizzat, dment li l-awturi jingħataw kreditu xieraq u li l-bidliet jiġu indikati. Il-persuni li jużaw mill-ġdid dan il-kontenut ma jistgħux ibiddlu s-sinifikat jew il-messaġġ oriġinali tad-dokumenti. Il-QEA ma għandhiex tkun responsabbli għal kwalunkwe konsegwenza relatata mal-użu mill-ġdid.

Inti meħtieġ tikseb drittijiet addizzjonali ċari jekk kontenut speċifiku juri individwi privati identifikabbli, pereżempju f’ritratti li jkun fihom il-membri tal-persunal tal-QEA, jew jekk ikun jinkludi xogħlijiet ta’ parti terza. Fejn ikun inkiseb permess, tali permess għandu jikkanċella l-permess ġenerali msemmi hawn fuq u għandu jindika b’mod ċar kwalunkwe restrizzjoni dwar l-użu.

Biex tuża jew tirriproduċi kontenut li ma jkunx proprjetà tal-UE, inti jista’ jkun li jkollok titlob il-permess direttament mingħand id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur. Softwer jew dokumenti li jkunu koperti mid-drittijiet ta’ proprjetà industrijali, bħal privattivi, trademarks, disinji rreġistrati, logos u ismijiet, huma esklużi mill-politika tal-QEA dwar l-użu mill-ġdid u inti ma għandekx il-liċenzja biex tużahom.

Il-familja ta’ Siti Web istituzzjonali tal-Unjoni Ewropea, fi ħdan id-dominju europa.eu, tipprovdi links għal siti ta’ partijiet terzi. Peress li dawn ma jaqgħux taħt il-kontroll tal-QEA, inti mħeġġeġ biex teżamina l-politiki tagħhom dwar il-privatezza.

Użu tal-logo tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri

Ma jistax isir użu mil-logo tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri mingħajr ma jinkiseb il-kunsens tagħha minn qabel.

Kif tikkuntattja lill-UE

Personalment
Madwar l-Unjoni Ewropea kollha hemm mijiet ta’ ċentri ta’ informazzjoni tal-Europe Direct. Tista’ ssib l-indirizz tal-eqreb ċentru għalik f'dan is-sit: https://europa.eu/european-union/contact_mt

Bit-telefown jew bil-posta elettronika
Europe Direct huwa servizz li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar l-Unjoni Ewropea. Tista’ tikkuntattja dan is-servizz:

  • bit-telefown bla ħlas: 00 800 6 7 8 9 10 11 (ċerti operaturi jafu jimponu ħlas għal dawn it-telefonati),
  • fuq dan in-numru standard: +32 22999696, jew
  • bil-posta elettronika permezz: https://europa.eu/european-union/contact_mt

Kif issib tagħrif dwar l-UE

Onlajn
L-informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE hija disponibbli fuq is-sit web Europa fuq: https://europa.eu/european-union/index_mt

Pubblikazzjonijiet tal-UE
Tista’ tniżżel mill-internet jew tordna l-pubblikazzjonijiet tal-UE, li xi wħud minnhom huma bla ħlas u xi oħrajn bil-ħlas, minn: https://op.europa.eu/mt/publications. Kopji multipli ta’ pubblikazzjonijiet bla ħlas tista’ tiksibhom billi tikkuntattja lil Europe Direct jew liċ-ċentru tal-informazzjoni lokali tiegħek (ara https://europa.eu/european-union/contact_mt).

Il-liġi tal-UE u dokumenti relatati
Għal aċċess għall-informazzjoni legali tal-UE, inkluż il-liġijiet kollha tal-UE mill-1952 ’l hawn, fil-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali kollha, żur is-sit EUR-Lex hawnhekk: http://eur-lex.europa.eu

Dejta Miftuħa mill-UE
Il-portal tad-Dejta Miftuħa mill-UE (http://data.europa.eu/euodp/mt) jipprovdi aċċess għal settijiet tad-dejta mill-UE. Id-dejta tista’ titniżżel mill-internet u tintuża mill-ġdid bla ħlas, kemm għal skopijiet kummerċjali kif ukoll mhux kummerċjali.