Rapport Speċjali
Nru16 2019

Il-Kontijiet Ekonomiċi Ambjentali Ewropej: l-utilità tagħhom għal min ifassal il-politika tista’ tittejjeb

Dwar ir-rapport: Il-Kontijiet Ekonomiċi Ambjentali Ewropej (EEEA) huma sors importanti ta’ data biex jiġu mmonitorjati u evalwati l-politiki ambjentali, bħas-Seba’ Programm ta’ Azzjoni Ambjentali u l-progress biex jintlaħqu l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti. L-EEEA huma qafas statistiku li jikkonsisti minn sett komprensiv ta’ tabelli u kontijiet li jiddeskrivu r-relazzjoni bejn l-ambjent u l-ekonomija tal-UE.
Aħna wettaqna awditu ta’ jekk il-Kummissjoni stabbilietx, immaniġġjatx u użatx l-EEEA sewwa. L-awditu li wettaqna wera li l-moduli tal-EEEA ma ntużawx bil-potenzjal sħiħ tagħhom għall-monitoraġġ tal-politiki ambjentali ewlenin. Ibbażat fuq is-sejbiet tagħna, aħna nirrakkomandaw li l-Kummissjoni ttejjeb il-qafas strateġiku tagħha għad-data tal-EEEA, ir-rilevanza tal-moduli tal-EEEA għat-tfassil tal-politika ambjentali, u t-tempestività tad-data tal-EEEA.
Rapport speċjali tal-QEA skont l-Artikolu 287(4), it-tieni subparagrafu, TFUE.

Din il-pubblikazzjoni hija disponibbli bi 23 lingwa fil-format li ġej:
PDF
PDF General Report

Sommarju eżekuttiv

I

Il-Kontijiet Ekonomiċi Ambjentali Ewropej (EEEA) huma sors importanti ta’ data biex jiġu mmonitorjati u evalwati l-politiki ambjentali, bħas-Seba’ Programm ta’ Azzjoni Ambjentali u l-progress biex jintlaħqu l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti. L-EEEA huma qafas statistiku li jikkonsisti minn sett komprensiv ta’ tabelli u kontijiet li jiddeskrivu r-relazzjoni bejn l-ambjent u l-ekonomija tal-UE.

II

Aħna wettaqna awditu ta’ jekk il-Kummissjoni stabbilietx, immaniġġjatx u użatx il-Kontijiet Ekonomiċi Ambjentali Ewropej sewwa. L-awditu li wettaqna wera li l-Kummissjoni ma stabbilietx perspettiva fuq terminu twil għall-ħtiġijiet rigward id-data tal-EEEA għat-tfassil tal-politika ambjentali. Il-Kummissjoni ma kkompilatx il-ħtiġijiet tal-EEEA, u lanqas ma spjegat fid-dettall liema indikaturi huma meħtieġa. Filwaqt li hemm strateġija għall-EEEA, ma kienx hemm pjan ta’ azzjoni komprensiv għall-implimentazzjoni tal-objettivi. Aħna sibna li l-istrateġiji suċċessivi rrepetew xi objettivi strateġiċi għal aktar minn 10 snin.

III

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri pproponew dwar jekk il-moduli tal-EEEA għandhomx ikunu obbligatorji jew le fil-biċċa l-kbira fuq il-bażi tad-disponibbiltà u l-maturità tad-data kif ukoll fuq il-bażi ta’ kunsiderazzjonijiet rigward il-piż amministrattiv fl-Istati Membri, aktar milli fuq il-bażi tal-ħtiġijiet tad-data kkompilata. Il-Kummissjoni implimentat il-moduli tal-EEEA mingħajr analiżi sħiħa tal-ispejjeż imqabbla mal-benefiċċji. Il-moduli tal-EEEA ma ntużawx bil-potenzjal sħiħ tagħhom għall-monitoraġġ tal-politiki ambjentali ewlenin.

IV

Jekk id-data tkun disponibbli aktar malajr, l-utilità tagħha titjieb. Aħna sibna li għalkemm il-Kummissjoni ppubblikat xi data aktar kmieni milli meħtieġ, hija ma sfruttatx il-mezzi kollha sabiex tipprovdi d-data aktar malajr. Ma hemm l-ebda kalendarju tar-rilaxx biex tingħata indikazzjoni ta’ meta d-data se ssir disponibbli.

V

Abbażi tas-sejbiet tagħna, aħna nirrakkomandaw li jenħtieġ li l-Kummissjoni ttejjeb:

  1. il-qafas strateġiku għad-data tal-EEEA;
  2. ir-rilevanza tal-moduli tal-EEEA għat-tfassil tal-politika ambjentali;
  3. it-tempestività tad-data tal-EEEA.

Introduzzjoni

01

Huwa importanti li min ifassal il-politika jkollu informazzjoni aġġornata u affidabbli sabiex il-progress ekonomiku, soċjali u ambjentali lejn l-iżvilupp sostenibbli jiġi mmonitorjat. Il-kontijiet ekonomiċi ambjentali huma qafas statistiku li jikkonsisti minn sett komprensiv ta’ tabelli u kontijiet. Dawn il-kontijiet jiddeskrivu r-relazzjoni bejn l-ambjent u l-ekonomija, inkluż l-impatt tal-ekonomija fuq l-ambjent.

02

Fil-livell globali, il-Kummissjoni tal-Istatistika tan-Nazzjonijiet Uniti approvat is-Sistema ta’ Kontijiet Ekonomiċi Ambjentali bħala l-istandard internazzjonali tal-istatistika għall-kontabbiltà ekonomika ambjentali. Is-sistema tuża kunċetti, definizzjonijiet u klassifikazzjonijiet li huma konsistenti mas-Sistema ta’ Kontijiet Nazzjonali tan-Nazzjonijiet Uniti, u żviluppati min-Nazzjonijiet Uniti (NU), il-Kummissjoni, il-Fond Monetarju Internazzjonali, l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) u l-Bank Dinji. Din tiffaċilita l-produzzjoni ta’ statistika u kontijiet li jistgħu jitqabblu fuq livell internazzjonali.

03

Fl-1994, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat l-ewwel strateġija1 dwar il-“kontabbiltà nazzjonali ekoloġika”. Minn dak iż-żmien ’il hawn, il-Kummissjoni ħadmet flimkien mal-Istati Membri, in-NU, u l-OECD biex tanalizza l-firxa ta’ data statistika li hemm disponibbli għall-“Kontijiet Ekonomiċi Ambjentali Ewropej” (EEEA). Il-Kummissjoni u l-Istati Membri jimplimentaw l-EEEA taħt l-Istrateġija Ewropea għall-Kontijiet Ambjentali f’konformità mas-Sistema tal-Kontabbiltà Ekonomika Ambjentali tan-Nazzjonijiet Uniti.

04

Il-qafas legali għall-EEEA2 jistipula standard komuni għall-ġbir, il-kompilazzjoni, it-trażmizzjoni u l-evalwazzjoni tal-kontijiet. It-Tabella 1 tiġbor fil-qosor is-sitt moduli attwali. Il-Kummissjoni tiġbor data għal żewġ moduli addizzjonali fuq bażi volontarja – il-kontijiet tar-riżorsi forestali Ewropej kif ukoll is-sussidji ambjentali u kontijiet simili ta’ trasferiment. Hija qiegħda tiżviluppa tliet moduli oħra addizzjonali – il-kontijiet tal-kapital naturali/kontijiet tal-ekosistemi, il-kontijiet tal-ilma u l-kontijiet ta’ nfiq għall-ġestjoni tar-riżorsi. L-EEEA jirrappurtaw data għal 64 attività ekonomika flimkien mal-unitajiet domestiċi. Aktar informazzjoni fid-dettall dwar l-EEEA tinsab fl-Anness 1.

Tabella 1 – Moduli inklużi fir-Regolament dwar l-EEEA

Nru Moduli L-ewwel sena tal-ġbir tad-data Deskrizzjoni
1 Kontijiet tal-emissjonijiet tal-arja 2013 Il-flussi fiżiċi ta’ materjali gassużi u partikuli (sitt gassijiet b’effett ta’ serra, inkluż is-CO2 u seba’ sustanzi li jniġġsu l-arja) emessi mill-ekonomija fl-atmosfera.
2 Taxxi marbutin mal-ambjent skont l-attività ekonomika 2013 Data dwar it-taxxi fl-oqsma tal-enerġija, it-trasport, it-tniġġis u r-riżorsi, ta’ xi ħaġa li hemm provi li għandha impatt negattiv speċifiku fuq l-ambjent.
3 Kontijiet tal-fluss ta’ materjal mifrux mal-ekonomija kollha 2013 Ħarsa ġenerali aggregata, f’eluf ta’ tunnellati fis-sena, tal-flussi ta’ materjali ġewwa u ’l barra minn ekonomija. Hija tkopri materjali solidi, gassużi, u likwidi, ħlief il-flussi tal-massa tal-ilma u l-arja.
4 Kontijiet tal-infiq għall-protezzjoni ambjentali 2017 L-attivitajiet kollha mmirati direttament għall-prevenzjoni, it-tnaqqis u l-eliminazzjoni tat-tniġġis jew kwalunkwe degradazzjoni oħra tal-ambjent.
5 Kontijiet tas-settur tal-prodotti u s-servizzi ambjentali 2017 Data dwar l-output ta’ prodotti u servizzi ambjentali tal-produtturi, imkejjel f’valuri monetarji, il-valur miżjud gross u l-impjieg marbut ma’ din il-produzzjoni.
6 Kontijiet tal-flussi fiżiċi tal-enerġija 2017 Il-flussi ta’ enerġija (f’tera-joules) mill-ambjent għall-ekonomija (inputs naturali), fl-ekonomija (prodotti), u mill-ekonomija lura għall-ambjent (residwi).

Sors: il-QEA.

05

L-EEEA jistipulaw is-sehem li s-settur tal-prodotti u s-servizzi ambjentali għandu fl-ekonomija inġenerali, kif ukoll l-ammont ta’ produzzjoni u konsum tar-riżorsi naturali u tal-enerġija. Pereżempju, il-kontijiet jidentifikaw l-aktar attivitajiet li jniġġsu jew dawk li l-aktar li jnaqqsu r-riżorsi naturali. Il-kontijiet jagħmluha possibbli li jiġi identifikat kemm tiswa l-protezzjoni tal-ambjent u min iħallas għaliha. L-EEEA jużaw u jikkomplementaw l-istatistika ambjentali eżistenti (skart u foresti) u l-istatistika ekonomika (komponenti tal-kontijiet nazzjonali, u statistika dwar il-finanzi pubbliċi u n-negozju). Pereżempju, il-modulu tal-kontijiet tal-emissjonijiet tal-arja jista’ jinkiseb mill-inventarji tal-gassijiet b'effett ta' serra3 jew mill-istatistika dwar l-enerġija.

06

L-EEEA jistgħu jipprovdu tweġibiet għal mistoqsijiet bħal:

  • X’inhuma l-implikazzjonijiet għas-sostenibbiltà tax-xejriet attwali tagħna rigward il-produzzjoni u l-konsum?
  • X’impatt ikollhom taxxi ambjentali ġodda? Min jerfa’ l-piż tat-taxxi – il-produtturi (l-industriji) jew il-konsumaturi (l-unitajiet domestiċi)?
  • Xi pressjonijiet ambjentali huma kkawżati mix-xejriet tagħna rigward il-kummerċ f’pajjiżi mhux tal-UE?
  • Kemm jaħdmu nies fl-industrija tal-ambjent, li jipproduċu prodotti u servizzi ambjentali bħal turbini eoliċi jew pannelli solari?
07

L-utenti prinċipali tal-EEEA huma l-Kummissjoni u l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent. Pereżempju, l-EEEA huma sorsi ewlieni ta' data biex jiġu mmonitorjati u evalwati l-politiki ambjentali, bħas-Seba’ Programm ta’ Azzjoni Ambjentali (is-Seba’ EAP) u biex jitkejjel il-progress lejn l-ilħuq tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti (SDGs)4 (ara l-Figura 1). Utenti potenzjali oħra tal-EEEA jinkludu l-Istati Membri tal-UE u r-riċerkaturi.

Figura 1

L-SDGs u s-Seba’ EAP

Sors: il-QEA, ibbażat fuq informazzjoni mill-Kummissjoni u min-Nazzjonijiet Uniti.
©Nazzjonijiet Uniti, sors: https://www.un.org/sustainabledevelopment/.

08

L-Eurostat jippromwovi l-iżvilupp u l-użu tal-EEEA. L-Istati Membri kollha jikkompilaw il-kontijiet rispettivi tagħhom u jippreżentaw id-data tal-EEEA kull sena lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni tivvaluta l-kwalità tal-kontijiet skont il-prinċipji u l-kriterji tal-kwalità għall-istatistika Ewropea5, u tipprovdi gwida metodoloġika biex ittejjeb il-kwalità u l-affidabbiltà tad-data. Il-Figura 2 tiġbor fil-qosor ir-rwoli u r-responsabbiltajiet ta’ partijiet interessati differenti.

Figura 2

Min jagħmel xiex?

Sors: il-QEA.

09

Il-Kontijiet Ekonomiċi Ambjentali Ewropej huma wieħed minn għadd ta’ metodi li permezz tagħhom il-Kummissjoni Ewropea tiġbor u teżamina informazzjoni dwar kwistjonijiet ambjentali. Metodi oħra jinkludu l-Inventarji tal-Gassijiet b'Effett ta' Serra, l-użu dejjem jiżdied ta’ immaġnijiet bis-satellita, proġetti speċifiċi ta’ riċerka, u l-immudellar ambjentali u ekonomiku mwettaq minn u għaċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka. Il-punt qawwi tal-EEEA jinsab fl-integrazzjoni ma’ data statistika oħra, b’mod partikolari l-integrazzjoni mad-data ekonomika, li permezz tagħha min ifassal il-politika jista’ jivvaluta l-interazzjoni bejn problemi ambjentali u problemi ekonomiċi.

Ambitu u approċċ tal-awditjar

10

L-EEEA huma sors importanti ta’ informazzjoni għall-politiki ambjentali. Għalhekk, il-kwalità u r-rilevanza tal-EEEA huma kruċjali biex jiġi massimizzat l-impatt tagħhom. Valutazzjoni tal-EEEA hija partikolarment rilevanti issa minħabba li d-data għall-ewwel tliet moduli tal-EEEA ilha tinġabar mill-2013 u, għat-tieni tliet moduli, ilha tinġabar mill-2017. Attwalment qegħdin jitqiesu moduli ġodda. Il-valutazzjoni tal-moduli implimentati f’dan il-punt tista’ tippermetti li jintgħallmu xi lezzjonijiet u li jiġu applikati r-riżultati fit-tfassil tal-moduli l-ġodda.

11

L-objettiv tal-awditu kien li titwettaq valutazzjoni ta’ kif il-Kummissjoni mmaniġġjat l-iżvilupp tal-EEEA u jekk dawn jissodisfawx il-ħtiġijiet ta’ min ifassal il-politika tal-UE. Il-mistoqsija ġenerali tal-awditu tagħna kienet “Il-Kummissjoni stabbiliet, immaniġġjat u użat il-Kontijiet Ekonomiċi Ambjentali Ewropej tajjeb?”. Biex inwieġbu din il-mistoqsija, aħna vvalutajna:

  • Jekk il-Kummissjoni ħaditx inkunsiderazzjoni l-ħtiġijiet tas-servizzi tal-Kummissjoni (b’mod partikolari d-DĠ Ambjent, id-DĠ Ċentru Konġunt tar-Riċerka u l-Eurostat) u tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent fit-tfassil u l-iżvilupp tal-EEEA.
  • L-użu tal-EEEA għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-politiki ambjentali, bħas-Seba’ EAP, u għall-kejl tal-progress lejn l-ilħuq tal-SDGs;
  • Il-mod kif il-Kummissjoni vvalutat il-kwalità tad-data tal-EEEA tal-Istati Membri u jekk ġietx ipprovduta gwida metodoloġika f’waqtha.
12

Ġbarna l-evidenza għall-awditjar permezz ta’:

  • Eżaminar tal-Istrateġiji Ewropej suċċessivi għall-Kontijiet Ambjentali, tad-dokumenti ta’ politika, tal-minuti tal-laqgħat f’livelli differenti u tad-dokumenti ta’ sostenn rispettivi;
  • Stħarriġiet u intervisti ma’ servizzi rilevanti tal-Kummissjoni li jħejju u jużaw l-EEEA. Id-DĠ Ambjent (DĠ ENV), id-DĠ Ċentru Konġunt tar-Riċerka (DĠ JRC), l-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea (Eurostat) u l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA) kienu kkonċernati f’dan l-awditu bħala utenti tad-data. L-Eurostat kien ikkonċernat ukoll bħala l-fornitur prinċipali tad-data tal-EEEA;
  • Eżaminar tad-data għall-perjodu 2015-2017 fir-rigward ta’ erba’ Stati Membri b’settijiet ta’ data relattivament kompleti (il-Belġju, l-Ungerija, il-Polonja u l-Iżvezja) għall-moduli li ġejjin: il-kontijiet tal-emissjonijiet tal-arja, it-taxxi marbutin mal-ambjent skont l-attività ekonomika u l-kontijiet tal-fluss ta’ materjal mifrux mal-ekonomija kollha, biex niċċekkjaw il-mod kif l-Eurostat wettaq il-valutazzjoni tal-kwalità;
  • Analiżi tal-kompletezza, tal-puntwalità6 u tat-tempestività7 għall-Istati Membri kollha u għas-sitt moduli kollha tal-EEEA.
13

Aħna ma rġajniex wettaqna l-proċeduri ta’ assigurazzjoni tal-kwalità tal-Istati Membri biex nivvalutaw l-affidabbiltà tad-data.

Osservazzjonijiet

Il-qafas strateġiku għall-EEEA għadu mhuwiex komprensiv

Il-Kummissjoni ma kkompilatx sett sħiħ ta’ ħtiġijiet rigward id-data tal-EEEA

14

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tikkoordina l-ħtiġijiet ta’ informazzjoni ambjentali tagħha. Jenħtieġ li hija tiddefinixxi d-data li tkun meħtieġa għall-analiżi tal-politika (billi tindika l-livell ta’ dettall, id-data l-aktar reċenti u l-perjodiċità), u tiżgura li jkun hemm kooperazzjoni u djalogu kostruttiv regolari bejn is-servizzi kkonċernati. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tikkonsulta mal-fornituri u l-utenti tad-data sabiex tiżgura d-disponibbiltà tad-data rilevanti biex żviluppi tal-politiki u inizjattivi oħra jingħataw appoġġ.

15

Aħna sibna li għall-istatistika u l-kontijiet ambjentali Ewropej, ftehimiet speċifiċi bejn l-Eurostat u s-servizzi rilevanti tal-Kummissjoni jidentifikaw it-tip prinċipali ta’ data meħtieġa għall-ippjanar u l-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE dwar l-ambjent. Huma jiddefinixxu wkoll ir-rwoli u r-responsabbiltajiet ta’ kull parti, l-oqsma ta’ kooperazzjoni u l-prijoritajiet f’termini tal-iżviluppi statistiċi li għaddejjin bħalissa u dawk futuri. Dawn il-ftehimiet jiġu aġġornati kull sena.

16

Iseħħ skambju ta’ fehmiet f’livell strateġiku u f’livell operattiv bejn l-Eurostat u l-Istati Membri (bħala l-fornituri tad-data nazzjonali) (ara l-Figura 3). Il-gruppi jiltaqgħu kull sena. Is-servizzi tal-Kummissjoni li jużaw l-EEEA jiġu mistiedna għal-laqgħat bħala osservaturi.

Figura 3

Gruppi operazzjonali ta’ esperti dwar data ambjentali

Sors: il-QEA ibbażat fuq informazzjoni tal-Kummissjoni.

17

Il-ħtiġijiet ta’ informazzjoni ambjentali fuq terminu medju u fuq terminu twil jiġu espressi permezz ta’ dokumenti strateġiċi bħas-Seba’ EAP, li jkopri seba’ snin. Il-ħtiġijiet rigward id-data tal-EEEA jiġu espressi permezz tal-Istrateġija Ewropea għall-Kontijiet Ambjentali, li tkopri ħames snin. Madankollu, il-proċess ta’ implimentazzjoni ta’ modulu tal-EEEA jieħu madwar 10 snin (ara l-paragrafu 28). Żminijiet twal bħal dawn bejn il-bidu u t-tmiem tal-proċess ta’ implimentazzjoni jippreżentaw sfida meta l-ħtiġijiet tad-data jiġu espressi. Ma hemmx dokumenti li jistipulaw perspettiva kumplessiva u fuq terminu twil għad-data tal-EEEA li l-Kummissjoni tkun tirrikjedi għat-tfassil ta’ politika ambjentali. Dokument bħal dan ikun jipprovdi bażi għall-iżvilupp proattiv, f’waqtu u rilevanti tal-kontijiet ambjentali.

18

L-analiżi li aħna wettaqna tal-minuti tal-laqgħat bejn l-2015 u l-2018 uriet li l-utenti tal-EEEA kienu jeħtieġu aktar data kompleta u f’waqtha kif ukoll kontijiet tar-riżorsi forestali, tal-ekosistemi u tal-ilma. Madankollu, il-minuti ma żvelawx in-natura tal-indikaturi jew il-ħtieġa għalihom. Aħna sibna li s-servizzi tal-Kummissjoni jibbażaw prinċipalment fuq l-informazzjoni diġà pprovduta mill-Eurostat, li hija kkomplementata b’sorsi ta’ data minn servizzi u organizzazzjonijiet oħra kif ukoll mill-komunità tar-riċerka.

L-istrateġija ma kinitx ikkomplementata bi pjan ta’ azzjoni komprensiv

19

Fl-Istrateġija Ewropea għall-Kontijiet Ambjentali (ESEA) tagħha, jenħtieġ li l-Kummissjoni tiddefinixxi l-iżvilupp tal-EEEA, abbażi tal-ħtiġijiet ta’ politika. Biex timplimenta l-istrateġija b’mod effettiv, jenħtieġ li l-Kummissjoni tipprijoritizza l-objettivi, u tindika kif dawn se jiġu implimentati u milħuqa.

20

L-ESEA tiddeskrivi l-prijoritajiet u l-azzjonijiet għall-armonizzazzjoni tal-iżvilupp u l-użu tal-kontijiet ambjentali biex dawn jiġu applikati b’mod konsistenti fl-Ewropa kollha. Sa issa kien hemm erba’ strateġiji għall-kontijiet ambjentali (ara l-Figura 4). L-istrateġiji kienu jinkludu taqsimiet dwar il-ħtiġijiet ta’ politika u l-ħidma futura dwar l-ambjent, li mbagħad intużaw bħala mandat għall-gruppi ta’ ħidma dwar il-kontijiet ambjentali. Il-ħidma futura ġiet iddefinita f’termini ta’ objettivi, ikklassifikati skont il-prijorità.

Figura 4

Elementi ewlenin tal-erba’ strateġiji

Sors: il-QEA ibbażat fuq informazzjoni tal-Kummissjoni.

21

Bħall-istrateġiji preċedenti, l-ESEA 2019-2023 issemmi użi potenzjali għall-kontijiet eżistenti u futuri. L-għanijiet prinċipali ta’ din l-istrateġija huma li l-EEEA jissodisfaw il-ħtiġijiet li l-utent ikollu għal data ta’ kwalità għolja u li l-kontenut tagħhom ikun rikonoxxut u apprezzat b’mod ġenerali. Biex jintlaħqu dawn l-għanijiet, għadd ta’ objettivi qegħdin jiġu proposti. Madankollu, l-istrateġija ma tiddeskrivix pjan ta’ azzjoni komplet li jkopri l-ħidma futura f’dan il-qasam, inklużi l-objettivi intermedji u l-estimi baġitarji. Punti ta’ azzjoni jiġu proposti f’dokument dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġija. Madankollu, id-dokument ma jistipulax kif dawn l-azzjonijiet għandhom jiġu implimentati. Għal xi punti hemm dati mmirati li ġew inklużi, iżda għal oħrajn le.

22

Xi wħud mill-objettivi huma ripetuti fl-aħħar tliet strateġiji. Eżempju ta’ dan huwa l-objettiv li tittejjeb il-komunikazzjoni dwar ir-rilevanza tal-EEEA u jiġi promoss l-użu tagħhom. Skont id-dokumenti tal-Kummissjoni, inkluża l-istrateġija, sa issa l-EEEA ma kinux magħrufa b’mod ġenerali jew użati bil-potenzjal sħiħ tagħhom minn min ifassal il-politika. Eżempji ta’ objettivi oħra, li ilhom jiġu ripetuti mill-2003 jew mill-2008, huma ppreżentati fil-Kaxxa 1.

Kaxxa 1

Objettivi strateġiċi ripetuti fl-ESEA:

  • Tkabbir tal-EEEA f’oqsma ġodda, bħall-kontijiet tal-ilma, il-kontijiet tar-riżorsi forestali, il-kontijiet ta’ nfiq għall-ġestjoni tar-riżorsi u s-sussidji u trasferimenti simili fuq prodotti ambjentali (mill-2003)
  • Titjib tal-kwalità tal-EEEA (mill-2008 ’l hawn)

In-nuqqasijiet fl-implimentazzjoni tal-moduli tal-EEEA naqqsu r-rilevanza ta’ dawn il-moduli għall-proċess ta’ tfassil tal-politika

Il-Kummissjoni implimentat il-moduli tal-EEEA mingħajr analiżi sħiħa tal-ispejjeż imqabbla mal-benefiċċji

23

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tagħżel il-moduli tal-EEEA abbażi tal-prijoritajiet, maqbula b’mod konġunt, tal-utenti tad-data. Jenħtieġ li l-Kummissjoni twettaq analiżi tal-ispejjeż imqabbla mal-benefiċċji qabel ma tipproponi meta modulu jsir obbligatorju.

24

Il-proċess tal-istabbiliment tal-kontijiet jibda bl-espressjoni tal-ħtiġijiet mis-servizzi tal-Kummissjoni kkonċernati u jkompli b’analiżi mill-Eurostat tad-disponibbiltà tad-data u tal-metodoloġiji li għandhom jintużaw. Qabel ma l-Kummissjoni tipproponi li tagħmel obbligatorji l-kontijiet, hija tista’ tagħti għotjiet lill-Istati Membri għal studji pilota biex il-metodoloġiji jiġu stabbiliti u/jew armonizzati u biex il-ġbir ta’ data jiġi ttestjat.

25

Għall-ewwel tliet moduli tal-EEEA (ara t-Tabella 1) miżjuda mar-Regolament, il-Kummissjoni wettqet analiżi bbażata fuq l-ispejjeż tal-implimentazzjoni tal-moduli. Din l-analiżi fil-qosor ma esprimietx użi konkreti u lanqas ma ddefiniet il-benefiċċji tal-moduli. Għat-tliet moduli l-oħra li ġew miżjuda mar-Regolament, il-Kummissjoni ma analizzatx l-ispejjeż jew il-benefiċċji bis-sħiħ.

26

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri pproponew dwar jekk il-moduli tal-EEEA għandhomx ikunu obbligatorji jew le fil-biċċa l-kbira fuq il-bażi tad-disponibbiltà u l-maturità tad-data kif ukoll fuq il-bażi ta’ kunsiderazzjonijiet rigward il-piż amministrattiv fl-Istati Membri, aktar milli fuq il-bażi tal-ħtiġijiet tad-data kkompilata.

L-implimentazzjoni ta’ modulu tal-EEEA kienet tieħu madwar 10 snin

27

Għas-sitt moduli obbligatorji tal-EEEA, aħna vvalutajna ż-żmien tal-implimentazzjoni mill-ewwel studju pilota sal-inklużjoni tal-modulu fil-qafas legali (ara l-Figura 5). Aħna sibna li l-proċess ta’ implimentazzjoni ta’ 4 mis-6 moduli obbligatorji kien jieħu aktar minn 10 snin.

Figura 5

Durata tal-implimentazzjoni tal-EEEA

Sors: il-QEA ibbażat fuq informazzjoni tal-Kummissjoni.

28

Fl-2003, il-Kummissjoni pproponiet moduli volontarji oħra bħala oqsma futuri ta’ żvilupp (bħall-kontijiet tar-riżorsi forestali u l-kontijiet tal-ilma). Sa issa, il-ħidma fuq dawn il-moduli għadha għaddejja. Pereżempju, id-DĠ ENV talab modulu dwar il-kontijiet tar-riżorsi forestali. Fid-data meta wettaqna l-awditu, dan il-modulu kien għadu ma ġiex implimentat b’mod sħiħ (ara l-Kaxxa 2).

Kaxxa 2

Il-Kontijiet tar-Riżorsi Forestali Ewropej

L-Eurostat jiġbor data kull sena dwar il-kontijiet tar-riżorsi forestali sa minn tmiem id-disgħinijiet ’il hawn, fuq bażi volontarja billi juża kwestjonarju dwar il-kontijiet tar-riżorsi forestali. Dan il-kwestjonarju ġie aġġornat bosta drabi. L-aħħar verżjoni, li ilha tintuża mill-2016’il hawn, fiha informazzjoni dwar l-istokkijiet u l-flussi tal-imsaġar u l-injam, u data ekonomika dwar il-forestrija.

Minkejja l-interess kbir espress minn min ifassal il-politika, u minkejja l-maturità tal-metodoloġija u l-fatt li d-data kienet ilha tinġabar għal aktar minn 20 sena, fuq bażi volontarja, il-modulu tal-kontijiet tar-riżorsi forestali għadu xogħol mhux lest. Il-modulu kien għadu ma ġiex inkluż fil-qafas legali tal-EEEA. Skont l-Eurostat, il-kwalità tad-data miġbura għadha baxxa, minħabba data inkonsistenti, settijiet ta’ data mhux kompleti jew settijiet ta’ data li ma sar l-ebda rapportar tagħhom.

L-attivitajiet proposti fl-implimentazzjoni tal-ESEA 2019-2023 għall-kontijiet tar-riżorsi forestali jirreferu, prinċipalment, għall-użu ta’ sorsi oħra ta’ data (bħal immaġnijiet bis-satellita) jew għall-inklużjoni ta’ partijiet mill-kontijiet tar-riżorsi forestali f’moduli oħra tal-EEEA. L-istrateġija tipproponi l-kontijiet forestali bħala kandidat għall-inklużjoni bħala modulu obbligatorju.

29

L-implimentazzjoni ta’ modulu ġdid tal-EEEA tieħu żmien twil. Fit-terminu qasir u f’dak medju, il-Kummissjoni qiegħda tikkomplementa d-data tal-EEEA b’sorsi bħalma hija data li tinġabar minn organizzazzjonijiet oħra, ikkompilata mill-komunità tar-riċerka jew ibbażata fuq teknoloġiji ġodda bħalma huma immaġnijiet bis-satellita.

Il-Kummissjoni ma użatx il-moduli tal-EEEA fil-politiki rilevanti kollha

30

Skont ir-Regolament Nru 691/2011, jenħtieġ li l-EEEA “jintużaw b’mod attiv u preċiż fl-Istati Membri u fit-tfassil tal-politika kollha tal-Unjoni rilevanti, bħala kontribut ewlieni għall-valutazzjonijiet tal-impatt, il-pjani ta’ azzjoni, il-proposti leġiżlattivi u riżultati sinifikanti oħra tal-proċess ta’ politika”. Jenħtieġ li l-Kummissjoni u l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent jużaw il-kontijiet, b’mod partikolari għall-monitoraġġ tal-SDGs fl-Ewropa u għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tas-Seba’ EAP – żewġ inizjattivi Ewropej ewlenin f’termini tas-sostenibbiltà ambjentali u ekonomika.

31

Aħna sibna li d-data minn tliet moduli (il-kontijiet tal-fluss ta’ materjal mifrux mal-ekonomija kollha, il-kontijiet tal-infiq għall-protezzjoni ambjentali u l-kontijiet tas-settur tal-prodotti u s-servizzi ambjentali) tintuża b’mod regolari. Pereżempju, il-Kummissjoni użathom fi briefings u analiżijiet relatati mal-progress favur l-effiċjenza fir-riżorsi fl-Ewropa, it-tranżizzjoni għal ekonomija ċirkolari8, it-tranżizzjoni għal ekonomija ħadra jew l-infiq għall-protezzjoni ambjentali. Għalkemm il-Kummissjoni u l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent jużaw data dwar it-taxxi ambjentali, huma ma jużawx l-analiżi skont l-attività ekonomika pprovduta mill-EEEA (il-modulu dwar it-taxxi marbutin mal-ambjent skont l-attività ekonomika). L-utenti li awditjajna tal-EEEA fil-Kummissjoni u l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent ma użawx il-moduli dwar l-emissjonijiet tal-arja u l-flussi fiżiċi ta’ enerġija fil-proċess ta’ tfassil tal-politika.

32

Mis-17-il għan globali stabbiliti mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fl-2015 biex sal-2030 jinkiseb żvilupp sostenibbli madwar id-dinja kollha, 7 huma meqjusa bħala ambjentali fil-biċċa l-kbira (l-SDGs 6, 7, 11, 12, 13, 14 u 15), filwaqt li oħrajn għandhom dimensjoni ambjentali/ta’ sostenibbiltà u jinkludu miri ambjentali (l-SDGs 2, 3, 8 u 9). Fl-Ewropa, l-Eurostat jimmonitorja l-progress li sar favur is-17-il SDG mill-2017 ’il hawn permezz ta’ sett iddedikat ta’ indikaturi tal-SDGs tal-UE u l-pubblikazzjoni tar-rapport ta’ monitoraġġ tal-SDGs tal-UE. L-indikaturi tal-SDGs tal-UE huma allinjati b’mod ġenerali mal-indikaturi tal-SDGs tal-NU9.

33

Is-sett ta’ indikaturi tal-SDGs tal-UE fih madwar 100 indikatur. Il-Kummissjoni teżaminah kull sena permezz ta’ proċess konsultattiv. Is-sett ta’ indikaturi jrid jikkonformi ma’ sensiela ta’ prinċipji, li jinkludu:

  • l-indikaturi jridu jkunu limitati għal sitta għal kull SDG. Is-sett ta’ indikaturi tal-SDGs tal-UE jista’ jinkludi wkoll indikaturi addizzjonali bi skopijiet multipli, li jintużaw biex jimmonitorjaw aktar minn għan wieħed. B'riżultat ta' dan, kull għan jiġi mmonitorjat permezz ta’ bejn 5 u 11-il indikatur b’kollox fis-sett ta’ indikaturi tal-SDGs tal-UE għall-2019;
  • biex jiġi miżjud indikatur ġdid għal għan li diġà għandu sitt indikaturi, irid jitneħħa indikatur ieħor;
  • L-indikaturi jistgħu jiġu sostitwiti biss jekk l-indikaturi ġodda se jwasslu għal kejl aktar preċiż. Għalhekk, kwalunkwe indikatur ġdid irid ikun żviluppat b’mod sħiħ, rilevanti għall-politika u jkollu kwalità statistika aħjar mill-indikatur li jkun se jissostitwixxi.
34

L-Eurostat juża żewġ moduli tal-EEEA biex jimmonitorja l-progress sabiex jintlaħqu l-SDGs fl-UE (ara l-Figura 6). Madankollu, skont l-Istrateġija Ewropea għall-Kontijiet Ambjentali għall-perjodu 2019-2023, il-moduli obbligatorji kollha tal-EEEA, ħlief il-kontijiet tal-infiq għall-protezzjoni ambjentali, kif ukoll żewġ kontijiet li l-ħidma għalihom għadha għaddejja (il-kontijiet tal-ekosistemi u l-kontijiet tal-ilma) jistgħu jikkontribwixxu għall-monitoraġġ tal-SDGs fl-Ewropa.

Figura 6

Użu tal-moduli tal-EEEA għall-monitoraġġ tal-progress li qed tagħmel l-UE lejn l-ilħuq tal-SDGs

Sors: il-QEA, ibbażat fuq informazzjoni mill-Kummissjoni u min-Nazzjonijiet Uniti.
©Nazzjonijiet Uniti, sors: https://www.un.org/sustainabledevelopment/.

35

Fl-2018 u fl-2019, servizzi differenti tal-Kummissjoni pproponew żewġ indikaturi alternattivi, li jużaw il-moduli dwar l-emissjonijiet tal-arja u s-settur tal-prodotti u s-servizzi ambjentali (l-emissjonijiet tal-arja skont l-industrija, u l-ekonomija ħadra). L-Eurostat issospenda l-indikaturi minħabba nuqqas ta’ qbil dwar is-sorsi ta’ data li għandhom jintużaw jew dwar is-sostituzzjoni tal-indikaturi tal-SDGs eżistenti, jew minħabba n-nuqqas ta’ disponibbiltà tad-data fil-livell tal-pajjiż.

36

Is-Seba’ EAP huwa l-istrateġija ambjentali tal-UE, li tiggwida l-politika ambjentali Ewropea sas-sena 2020. Is-Seba’ EAP ma jistipulax kif l-EEEA jistgħu jintużaw għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni ta’ din il-politika. L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent tipprovdi indikaturi bħala parti mill-proċess ta’ monitoraġġ. L-Aġenzija tuża tliet moduli tal-EEEA10 fir-rapporti annwali tagħha dwar l-indikaturi, għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tas-Seba’ EAP. Taħt is-Seba’ EAP, l-Aġenzija tagħżel liema indikaturi għandhom jintużaw.

37

Wieħed mit-tliet objettivi ewlenin tas-Seba’ EAP huwa “li jipproteġi, jikkonserva u jsaħħaħ il-kapital naturali tal-Unjoni”. Biex timmonitorja dan l-objettiv, il-Kummissjoni qiegħda tiżviluppa l-kontijiet tal-kapital naturali11 (imsemmija wkoll bħala l-kontijiet tal-ekosistemi12) bħala modulu ġdid tal-EEEA. Il-kontijiet tal-kapital naturali jkunu jindirizzaw ukoll SDGs orjentati lejn l-ambjent bħalma huma l-SDG 6, l-SDG 14 u l-SDG 15 li għalihom il-Kummissjoni ma għandhiex għażla sodisfaċenti ta’ indikaturi.

38

Biex jimmonitorja s-Seba’ EAP, min ifassal il-politika jeħtieġ li l-kontijiet ambjentali jkunu ppreżentati f’qafas integrat. Qafas ta’ dan it-tip ikun jikkombina l-kontijiet ambjentali ma’ data ekonomika oħra (pereżempju, tabelli input-output13). Dan ikun jippreżenta l-interazzjoni bejn l-ekonomija u l-ambjent (pereżempju, dwar l-emissjonijiet tal-arja, it-taxxi ambjentali, l-estrazzjoni u l-użu tal-materjali, l-attivitajiet għall-protezzjoni ambjentali). L-Eurostat jippubblika l-moduli dwar il-kontijiet ambjentali separatament. Filwaqt li tkompli l-ħidma għall-ħolqien ta’ qafas integrat ta’ dan it-tip14, il-Kummissjoni tuża sorsi ta’ data alternattivi li huma bbażati fuq metodoloġiji differenti. (Ara l-Kaxxa 3).

Kaxxa 3

Indikaturi tal-impronta

L-indikaturi tal-impronta ambjentali jirriflettu l-pressjoni ambjentali li tirriżulta mill-konsum finali tal-prodotti. L-indikaturi tal-impronta jistgħu jidentifikaw il-prodotti li jikkawżaw l-akbar pressjonijiet ambjentali. Fuq il-bażi ta’ dawn l-indikaturi, min ifassal il-politika jista’ jaġixxi fuq il-pressjonijiet ambjentali abbażi tax-xejriet rigward il-konsum. L-indikaturi tal-impronta jipprovdu eżempju ta’ użu integrat tal-moduli tal-EEEA.

L-Eurostat jikkalkula l-impronti materjali u tal-emissjonijiet tal-arja. Fil-kalkoli tagħhom, l-Eurostat jassumi li l-pajjiżi mhux tal-UE jużaw l-istess tekniki ta’ produzzjoni bħall-pajjiżi tal-UE. Dawn il-kalkoli jistgħu jwasslu għal stima insuffiċjenti, jew stima eċċessiva, tal-pressjonijiet ambjentali globali.

Fir-Rapport annwali dwar l-Indikaturi Ambjentali għas-Seba’ EAP, l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent tuża impronti bħalma huma l-potenzjal ta’ tisħin globali, l-użu tal-art, il-konsum tal-ilma, l-użu tal-materjali, l-użu ta’ enerġija, l-aċidifikazzjoni u l-ewtrofikazzjoni. Billi mhux dawn l-indikaturi kollha jiġu kkalkulati mill-Eurostat u billi dawk ikkalkulati jirriflettu l-pressjonijiet ambjentali evitati, l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent tuża għodod li jiġu żviluppati mill-komunità tar-riċerka. Dawn l-għodod jipprovdu varjetà wiesgħa ta’ impronti ambjentali, iżda jippreżentaw sensiela ta’ nuqqasijiet relatati mal-kwalità tagħhom. L-Eurostat qiegħed jiżviluppa sistema tal-istatistika, u r-riżultati huma mistennija li jaslu sal-2022.

L-Eurostat jiffaċċja sfidi biex jiġbor data f’waqtha u ta’ kwalità għolja

39

Jenħtieġ li l-Istati Membri jippreżentaw id-data tal-EEEA u r-rapport dwar il-kwalità relatat tagħhom sad-dati ta' skadenza, skont l-istandards kontabilistiċi maqbula li jkunu ġew iddefiniti fil-livell tal-UE. Jenħtieġ li l-Eurostat jivvaluta l-kwalità tad-data tal-EEEA skont il-prinċipji15 u l-kriterji16 stabbiliti. Jenħtieġ li l-Eurostat jipprovdi gwida metodoloġika bħala mod biex jittejbu l-kwalità u l-affidabbiltà u jenħtieġ li jipproduċi u jippubblika stimi għad-data li ma tkunx ġiet ippreżentata mill-Istati Membri.

40

Il-Figura 7 turi l-proċess ta’ valutazzjoni tal-kwalità mill-preżentazzjoni tad-data sal-pubblikazzjoni tagħha.

Figura 7

Il-proċess ta’ valutazzjoni tal-kwalità tal-EEEA: mill-preżentazzjoni sal-pubblikazzjoni tad-data

Sors: il-QEA ibbażat fuq informazzjoni tal-Kummissjoni.

L-isfidi biex id-data tinġabar fil-ħin

41

It-tempestività tad-data hija kriterju importanti tal-kwalità. Il-pressjonijiet ambjentali qegħdin jiżdiedu, u d-data f’waqtha tgħin biex tinftiehem is-sitwazzjoni sabiex tkun tista’ tittieħed azzjoni effettiva. Jenħtieġ li d-data tal-EEEA tinġabar u ssir disponibbli biex il-Kummissjoni tkun tista’ tuża l-EEEA fil-pront u b’mod ġenerali fit-tfassil u l-monitoraġġ tal-politiki tal-UE.

42

Il-qafas legali għall-EEEA jistabbilixxi li jenħtieġ li l-Istati Membri jipprovdu d-data b’intervall latenti ta’ sentejn. Aħna sibna li s-servizzi ewlenin tal-Kummissjoni li jużaw id-data talbu lill-Eurostat għal data aktar f’waqtha minn dik mitluba mir-regolament. Konsegwentement, l-Eurostat żviluppa proċeduri biex jistma data aktar reċenti għall-ewwel tliet moduli. Il-Kummissjoni tipprovdi stimi b’intervall latenti ta’ 6 xhur għall-kontijiet tal-fluss ta’ materjal mifrux mal-ekonomija kollha u ta’ sena għall-kontijiet tal-emissjonijiet tal-arja. Għat-taxxi marbutin mal-ambjent skont l-attività ekonomika, l-Eurostat qiegħed jaħdem biex jipprovdi stimi b’intervall latenti ta’ sena. Għat-tliet moduli l-oħra, il-Kummissjoni ppreżentat dokument ta’ diskussjoni lil grupp ta’ ħidma DIMESA (ara l-Figura 3) fil-15 ta’ Mejju 2019 dwar it-trażmissjoni bikrija tad-data.

43

Aħna eżaminajna tqabbil għal modulu wieħed (il-kontijiet tal-fluss ta’ materjal mifrux mal-ekonomija kollha) magħmul mill-Eurostat bejn l-istimi tiegħu u d-data reali mibgħuta mill-Istati Membri għall-2013 u għall-2014. Dan il-modulu jintuża biex jinkiseb l-indikatur “Estrazzjoni domestika” (ara l-Kaxxa 4). L-analiżi tal-Eurostat qabblet id-differenza bejn l-istimi tal-Kummissjoni u d-data reali għall-indikatur (u d-diżaggregazzjoni tiegħu fit-tipi ta’ materjali). B’mod ġenerali, fil-livell tal-UE, id-differenza assoluta hija żgħira, minkejja d-differenzi sinifikanti għal xi elementi individwali. Sabiex jittejbu l-istimi bikrija, hija meħtieġa aktar ħidma biex l-ispeċifiċitajiet tal-Istati Membri jittieħdu inkunsiderazzjoni.

Kaxxa 4

X’inhi l-estrazzjoni domestika?

L-estrazzjoni domestika tikkorrispondi għall-flussi ta’ materjali mill-ambjent għall-ekonomija. L-inputs ta’ materjali dderivati mill-ambjent u użati fl-ekonomija jirreferu għall-estrazzjoni jew il-moviment ta’ materjali naturali apposta u mill-bniedem u b’mezzi tat-teknoloġija kkontrollati mill-bniedem (jiġifieri li jinvolvu x-xogħol). Dawn il-flussi li ġew kontabilizzati fil-kontijiet tal-fluss ta’ materjal mifrux mal-ekonomija kollha ssemmew estrazzjoni domestika. L-estrazzjoni tal-materjali tikkawża bosta pressjonijiet fuq l-ambjent naturali, bħal pereżempju t-tfixkil tal-materjal naturali u ċ-ċikli tal-enerġija u servizzi oħra tal-ekosistema. It-Tabella 2 tiġbor fil-qosor ir-riżultat ta’ dan it-tqabbil għal erba’ Stati Membri u għalll-UE fl-intier tagħha.

Tabella 2 – Differenzi fl-istimi għall-indikatur “Estrazzjoni Domestika”

Sehem tal-Istat Membru fl-UE (%) Differenza 2013
( % tar-"reali")
Differenza 2014
( % tar-"reali")
2013 2014 Stima Bikrija Stima Bikrija
Total tal-UE Bijomassa -0.4 -2.1
Minerali tal-metall -11.9 5.1
Minerali mhux metalliċi 1.3 2.8
Materjali/trasportaturi ta’ enerġija mill-fossili -0.9 1.6
Estrazzjoni Domestika 0.05 1.2
Il-Belġju Bijomassa 2.0 2.0 -4.3 -4.3
Minerali tal-metall - - - -
Minerali mhux metalliċi 1.9 1.9 5.5 0.4
Materjali/trasportaturi ta’ enerġija mill-fossili - - - -
Estrazzjoni Domestika 1.6 1.6 1.89 -1.4
L-Ungerija Bijomassa 2.4 2.6 5.4 -3.2
Minerali tal-metall 0.1 0.0 61.6 126.8
Minerali mhux metalliċi 1.3 1.8 8.5 -12.1
Materjali/trasportaturi ta’ enerġija mill-fossili 1.6 1.7 -19.5 -2.1
Estrazzjoni Domestika 1.6 2.0 3.7 -7.4
Il-Polonja Bijomassa 10.1 10.5 0.1 -7.4
Minerali tal-metall 16.8 17.7 -1.4 -1.0
Minerali mhux metalliċi 9.2 8.8 9.6 6.4
Materjali/trasportaturi ta’ enerġija mill-fossili 18.6 18.9 0.4 0.0
Estrazzjoni Domestika 11.0 10.9 4.4 0.5
L-Iżvezja Bijomassa 3.5 3.6 -2.2 -2.8
Minerali tal-metall 40.3 43.0 -9.3 -0.7
Minerali mhux metalliċi 2.7 2.8 5.4 9.0
Materjali/trasportaturi ta’ enerġija mill-fossili 0.1 0.1 -41.5 -19.0
Estrazzjoni Domestika 3.9 4.0 -1.9 2.3

Sors: il-QEA, ibbażat fuq informazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni.

44

Għall-Kontijiet Nazzjonali u l-Kontijiet Ekonomiċi għall-Agrikoltura, l-Istati Membri, rispettivament il-Kummissjoni, joħorġu d-data f’żewġ stadji. Fl-ewwel stadju bikri, tiġi ppreżentata data aggregata, li tinkludi l-istimi. Fi stadju aktar tard, tinħareġ data aktar preċiża u aktar dettaljata. Din il-proċedura ta’ ħruġ f’żewġ stadji żżid it-tempestività u għalhekk l-utilità tal-kontijiet. Għall-moduli tal-EEEA, ma tintużax tali proċedura ta’ ħruġ f’żewġ stadji.

45

Għall-ewwel tliet moduli (ara t-Tabella 1), il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri rrispettaw id-dati ta' skadenza stabbiliti fir-regolament. Ħlief għal Stat Membru wieħed, l-Istati Membri kollha bagħtu r-rapporti dwar il-kwalità sad-data ta' skadenza fl-2016 u fl-2017. Fl-2017, erba’ Stati Membri biss bagħtu d-data wara d-data ta’ skadenza (tnejn għal modulu wieħed, u tnejn għal żewġ moduli).

46

Fir-rigward tat-tieni tliet moduli, il-Kummissjoni ppermettiet estensjoni ta’ tliet xhur għall-preżentazzjoni tar-rapporti dwar il-kwalità għal kull modulu fl-ewwel sena ta’ applikazzjoni. Tmien17 Stati Membri bagħtu r-rapporti wara d-data ta’ skadenza estiża. In-nuqqas ta’ rapporti dwar il-kwalità waqt il-proċess ta’ validazzjoni jimpedixxi lill-Kummissjoni milli tivvaluta b’mod xieraq il-komparabbiltà tad-data. Erba’ Stati Membri kellhom derogi biex jippreżentaw id-data wara d-data ta' skadenza għal modulu wieħed jew aktar. Stat Membru wieħed, li ma kellux deroga, ma bagħat ebda data dwar il-kontijiet tas-settur tal-prodotti u s-servizzi ambjentali sa tmien xhur wara d-data ta' skadenza legali.

47

Fil-perjodu 2015-2017, iż-żmien bejn il-validazzjoni u l-pubblikazzjoni għas-sitt moduli obbligatorji tjieb għal ċerti moduli. Dan wassal biex id-data tiġi ppubblikata aktar kmieni. Madankollu, ma hemm ebda kalendarju ppubblikat għal meta jinħarġu l-moduli tal-EEEA. L-Eurostat jippubblika d-data ladarba tiġi validata. Minħabba nuqqas ta’ kalendarju tar-rilaxx, is-servizzi prinċipali tal-Kummissjoni li jużaw id-data jkollhom biss indikazzjoni tal-iskeda ta’ żmien li twassal għall-pubblikazzjoni tad-data tal-EEEA. Jekk Stat Membru jibgħat id-data tal-EEEA wara d-data ta' skadenza jew jieħu wisq żmien biex iwieġeb għat-talbiet tal-Kummissjoni għal kjarifiki, dan jista’ jtawwal iż-żmien meħud biex jiġi finalizzat il-proċess ta’ validazzjoni u, konsegwentement, jittardja l-pubblikazzjoni.

48

It-Tabella 3 turi l-perċentwal ta’ varjabbli mhux mibgħuta mill-Istati Membri fil-ġbir tad-data tal-2017, fid-dati rispettivi tal-pubblikazzjoni. Ħlief għal ftit eċċezzjonijiet, l-Istati Membri bagħtu d-data meħtieġa għall-ewwel tliet moduli. Madankollu, għat-tieni tliet moduli, id-data kienet anqas kompleta, speċjalment għas-settur tal-prodotti u s-servizzi ambjentali, fejn 16-il Stat Membru, li minnhom 3 kellhom deroga, ma bagħtux id-data. Fil-każ ta’ data nieqsa tal-Istati Membri, il-Kummissjoni tistma l-varjabbli speċifiċi meħtieġa biex jiġu kkalkulati l-aggregati Ewropej.

Tabella 3 – Trażmissjoni tad-data, min-naħa tal-Istati Membri, fl-2017

49

L-Eurostat jikkuntattja informalment kwalunkwe Stat Membru li ma jkunx ippreżenta d-data tal-EEEA kollha jew parti minnha qabel id-data ta' skadenza. Għat-3 snin li eżaminajna, aħna sibna li 16-il Stat Membru ma bagħtux data kompleta dwar il-modulu tal-emissjonijiet tal-arja. L-Eurostat sab problemi f’xi data relatata mal-kontijiet tal-fluss ta’ materjal mill-Finlandja fl-2015. L-Eurostat issostitwixxa din id-data bl-istimi proprji tagħhom, li l-Finlandja kienet qablet magħhom, u ppubblikaha flimkien mad-data għall-Istati Membri l-oħra fl-2015, fl-2016 u fl-2017. Il-Finlandja bagħtet data aġġornata għall-perjodu 2015-2017 fl-2018.

50

F’ħames każijiet, l-Eurostat bagħat ittri uffiċjali fejn talab id-data nieqsa għall-moduli tal-EEEA. Il-Kummissjoni ma bagħtitx ittri uffiċjali lil Stati Membri oħra biex titlob l-EEEA neqsin. Il-Kummissjoni hija intitolata li tieħu azzjoni legali (proċedura ta’ ksur) kontra kwalunkwe Stat Membru, li jonqos milli jimplimenta d-dritt tal-Unjoni. Ma sibniex aktar evidenza li l-Eurostat ġiegħel lill-Istati Membri jipprovdu d-data kollha meħtieġa.

Sfidi fil-kwalità tad-data

51

L-Eurostat iwettaq kontrolli ta’ validazzjoni fuq id-data tal-Istati Membri. Dawn il-kontrolli sabu problemi. Pereżempju, fil-ġbir tal-2015, il-Finlandja bagħtet il-kontijiet tal-fluss ta’ materjal mifrux mal-ekonomija kollha iżda waqt il-kontrolli ta’ validazzjoni, l-Eurostat sab problemi u ma approvax id-data. Bħala soluzzjoni alternattiva, l-Eurostat stama t-totali għall-Finlandja għall-perjodu 2015-2017, bil-qbil tal-Istat Membru, għall-istima tal-aggregat Ewropew.

52

Fl-analiżi tagħna tal-fajls tal-erba’ Stati Membri, aħna sibna dgħufijiet fid-dokumentazzjoni tal-proċess ta’ validazzjoni (ara l-Kaxxa 5 għal aktar dettalji). Il-kontrolli ta’ validazzjoni li jitwettqu mill-Eurostat jinkludu kontrolli dwar il-kompletezza, il-konsistenza u l-plawsibbiltà. Għall-plawsibbiltà, l-Eurostat iqabbel pereżempju l-kontijiet tal-fluss ta’ materjal mifrux mal-ekonomija kollha mal-bażi tad-data dwar il-kummerċ internazzjonali, kif ukoll mad-data ppreżentata mill-Istati Membri fis-snin ta’ qabel. Il-kontrolli jinkludu wkoll analiżi tar-rati annwali ta’ tibdil. Differenzi rilevanti jikkawżaw twissija ta’ kwistjoni li tirrikjedi kjarifika. L-Eurostat jibgħat rapport ta’ validazzjoni lill-Istat Membru kkonċernat, li jinkludi talba għall-kjarifika ta’ dawn il-kwistjonijiet rilevanti.

Kaxxa 5

Dgħufijiet fid-dokumentazzjoni tal-Eurostat

Id-data ppreżentata fl-2017 għall-kampjun tagħna ta’ erba’ Stati Membri għall-kontijiet tal-fluss ta’ materjal mifrux mal-ekonomija kollha, identifikat bosta kwistjonijiet ta’ plawsibbiltà. Pereżempju, l-għadd ta’ elementi tad-data li nbidlu b’aktar minn 40 % meta mqabbel mas-sena ta’ qabel kien ta’ 37 għall-Belġju, 66 għall-Polonja u 108 għall-Iżvezja. Ir-rapporti ta’ validazzjoni ta’ dawn it-tliet Stati Membri ma kienu jinkludu ebda kwistjoni relatata ma’ dawn il-kwistjonijiet. Id-dokumentazzjoni tal-Eurostat ma ġġustifikatx għalfejn dawn il-kwistjonijiet ma kinux inklużi fir-rapporti ta’ validazzjoni.

53

Il-komparabbiltà hija wieħed mill-elementi tal-proċess ta’ valutazzjoni tal-kwalità tal-Eurostat. Skont il-qafas legali, jenħtieġ li l-informazzjoni inkluża fir-rapporti dwar il-kwalità tal-Istati Membri tippermetti lill-Eurostat jivvaluta sewwa jekk l-Istati Membri japplikawx id-definizzjonijiet b’mod komparabbli. Madankollu, ir-rapporti dwar il-kwalità ma kienx fihom informazzjoni suffiċjenti li tippermetti valutazzjoni xierqa tal-komparabbiltà. Fil-kampjun tagħna ta’ Stati Membri, aħna sibna li r-rapporti dwar il-kwalità kien fihom informazzjoni dwar is-sorsi prinċipali tad-data użati, iżda mhux dwar il-metodi dettaljati tal-kompilazzjoni. Madankollu, Stat Membru partikolari (il-Belġju) ippreżenta nota metodoloġika separata għal kull modulu bħala komplement għar-rapporti dwar il-kwalità.

54

Il-Kummissjoni tista’ ssolvi l-problemi relatati ma’ Stati Membri individwali b’mod f’waqtu. Fil-kampjun tagħna ta’ erba’ Stati Membri, aħna sibna biss eżempju wieħed fejn il-Kummissjoni ma indirizzatx kwistjoni metodoloġika. Fir-rapporti tagħha għall-2015, għall-2016 u għall-2017 dwar il-kwalità, l-Iżvezja talbet gwida metodoloġika dwar l-emissjonijiet ta’ CO2 bijoġeniku mill-użu ta’ prodott sekondarju tal-proċess ta’ sfibratura (iddeżinjat bħala “likur iswed”).

55

F’xi każijiet kumplessi ta’ natura trażversali, il-proċess ta’ għoti ta’ gwida xierqa dwar problemi metodoloġiċi jieħu bosta snin u dan jista’ jikkomprometti l-kwalità tad-data relatata. Aħna osservajna li l-ħidma fuq ċerti problemi metodoloġiċi trażversali, bħat-task force biex jiġu solvuti problemi metodoloġiċi relatati mat-trasport, ilha għaddejja mill-2012. Il-problemi relatati mat-taxxi mħallsa minn persuni mhux residenti u l-istima ta’ elementi tranżitorji (li jikkonvertu l-bidla mit-territorju għar-residenza) kienu diġà ġew sottolinjati meta d-data nġabret għall-ewwel darba fl-2013. It-taskforces ġew stabbiliti biss sabiex isolvu dawn il-problemi fl-2017 u fl-2015, rispettivament.

Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

56

Biex jiġi mmonitorjat il-progress ambjentali lejn l-iżvilupp sostenibbli, huwa importanti li min ifassal il-politika jkollu informazzjoni aġġornata u affidabbli. L-EEEA jiddeskrivu r-relazzjoni bejn l-ambjent u l-ekonomija, u huma sors importanti ta’ data għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-politiki ambjentali (ara l-paragrafi 01 sa 08).

57

Aħna sibna li l-Kummissjoni ma stabbilietx il-ħtiġijiet rigward id-data tal-EEEA tagħha fuq terminu medju u fuq terminu twil rigward it-tfassil tal-politika ambjentali. L-Eurostat u s-servizzi tal-Kummissjoni li jużaw il-kontijiet jikkooperaw dwar l-iżvilupp tal-EEEA, iżda ma esprimewx b’mod ċar il-ħtiġijiet tal-EEEA tagħhom, u ma tawx dettalji ta’ liema indikaturi huma meħtieġa għat-tfassil u l-monitoraġġ tal-politika ambjentali (ara l-paragrafi 14 sa 18).

58

Dokument dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropea għall-Kontijiet Ambjentali jipproponi xi attivitajiet għall-ilħuq tal-objettivi tal-istrateġija. Madankollu ma hemmx pjan komprensiv, b’objettivi intermedji u estimi baġitarji, għall-implimentazzjoni tal-objettivi. Aħna sibna li l-istrateġiji rrepetew xi wħud mill-objettivi strateġiċi għal aktar minn 10 snin (ara l-paragrafi 19 sa 22).

Rakkomandazzjoni 1 – Jitjieb il-qafas strateġiku għad-data tal-EEEA

Jenħtieġ li l-Kummissjoni:

  1. tħejji dokument li jippreżenta perspettiva fuq terminu twil għall-informazzjoni tal-EEEA li tkun meħtieġa għat-tfassil tal-politika ambjentali;
  2. tikkompila sett sħiħ ta’ ħtiġijiet rigward id-data għat-tħejjija tal-EEEA, inklużi l-indikaturi meħtieġa għat-tfassil tal-politika ambjentali;
  3. tħejji pjan ta’ azzjoni komprensiv (b’objettivi intermedji u estimi baġitarji) għall-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-EEEA.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: il-31 ta’ Diċembru 2021

59

Il-Kummissjoni ma għażlitx il-moduli obbligatorji tal-EEEA prinċipalment abbażi tal-ħtiġijiet li kienu ġew espressi mis-servizzi tagħha, u lanqas ma wettqet analiżi sħiħa tal-ispejjeż imqabbla mal-benefiċċji qabel l-iżvilupp tal-moduli tal-EEEA. Prinċipalment minħabba ż-żmien meħtieġ għall-implimentazzjoni tal-moduli tal-EEEA (minn 8 snin sa 14-il sena), għall-ħtiġijiet rigward id-data fuq perjodu qasir u medju, il-Kummissjoni kkomplementat id-data tal-EEEA b’sorsi oħra ta’ data (ara l-paragrafi 23 sa 29).

60

Il-moduli tal-EEEA ma ntużawx fil-potenzjal sħiħ tagħhom biex jiġi mmonitorjat il-progress lejn l-ilħuq tal-SDGs u s-Seba’ EAP. L-utenti ewlenin u min ifassal il-politika jeħtieġ li l-kontijiet ambjentali jkunu ppreżentati f’qafas integrat biex ikunu jistgħu jifhmu l-interazzjoni bejn l-ekonomija u l-ambjent fid-dimensjonijiet kollha tiegħu. Madankollu, l-Eurostat jippubblika l-moduli tal-EEEA separatament, xi ħaġa li ma tippermettix stampa integrata bħal din. Il-Kummissjoni tuża sorsi ta’ data alternattivi li huma bbażati fuq metodoloġiji differenti (ara l-paragrafi 31 sa 38).

Rakkomandazzjoni 2 – Titjieb ir-rilevanza tal-moduli tal-EEEA għat-tfassil tal-politika

Jenħtieġ li l-Kummissjoni:

  1. tevalwa l-ispejjeż u l-benefiċċji tal-iżvilupp ta’ qafas integrat għall-kontabbiltà ambjentali biex jittejbu kemm il-koerenza tal-informazzjoni ambjentali kif ukoll l-utilità għat-tfassil ta’ politika fl-UE;
  2. tivvaluta l-ħtiġijiet espressi mis-servizzi rilevanti tal-Kummissjoni, u twettaq analiżijiet tal-ispejjeż imqabbla mal-benefiċċji, meta tipproponi moduli ġodda tal-EEEA.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: il-31 ta’ Diċembru 2021 għal (a) u l-31 ta’ Diċembru 2023 għal (b)

61

Il-qafas legali jistabbilixxi li jenħtieġ li l-Kummissjoni tipprovdi d-data tal-EEEA b’intervall latenti ta’ sentejn. Madankollu, l-għoti aktar malajr tad-data jtejjeb l-utilità tal-EEEA, u l-Eurostat diġà jipprovdi data aktar f’waqtha għal tnejn mis-sitt moduli tal-EEEA. Għadha għaddejja l-azzjoni għal modulu ieħor. Għat-tliet moduli l-oħra, il-Kummissjoni pproponiet azzjonijiet fil-15 ta’ Mejju 2019. Li kieku rċeviet id-data qabel, hija kienet tista’ tirrilaxxa d-data aktar malajr, u b’hekk kieku kienet ittejjeb l-utilità tal-EEEA. F’xi każijiet, l-Istati Membri ma bagħtux id-data meħtieġa sad-dati ta’ skadenza stabbiliti. Sar titjib fiż-żmien li jittieħed għall-pubblikazzjoni tad-data, iżda n-nuqqas ta’ kalendarju tar-rilaxx ifisser li l-utenti tal-EEEA jkollhom biss indikazzjoni ta’ meta d-data ssir disponibbli (ara l-paragrafi 41 sa 50).

62

B’mod ġenerali, l-Eurostat sab problemi fil-proċess ta’ validazzjoni tad-data tal-Istati Membri. Madankollu, aħna sibna dgħufijiet fid-dokumentazzjoni tal-proċess ta’ validazzjoni. Aħna sibna li r-rapporti dwar il-kwalità tal-Istati Membri li jakkumpanjaw id-data ma kienx fihom informazzjoni suffiċjenti li tippermetti lill-Eurostat jivvaluta sewwa l-kwalità tad-data. L-Eurostat ipprovda gwida u indirizza l-problemi mqajma mill-Istati Membri u kwistjonijiet metodoloġiċi ta’ natura trażversali (ara l-paragrafi 51 sa 55).

Rakkomandazzjoni 3 – Tittejjeb it-tempestività tad-data tal-EEEA

Jenħtieġ li l-Kummissjoni:

  1. tanalizza l-livell sa fejn proċedura b’żewġ stadji, simili għal dik li tintuża għall-kontijiet nazzjonali, tkun tista’ tiġi applikata għall-moduli kollha tal-EEEA;
  2. tuża l-għodod disponibbli biex ittejjeb it-tempestività tal-għoti tal-informazzjoni mill-Istati Membri;
  3. tiżviluppa kalendarju tal-ħruġ għall-pubblikazzjoni tad-data tal-EEEA.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: il-31 ta’ Diċembru 2022

Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla I, immexxija mis-Sur Nikolaos Milionis, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tal-11 ta’ Settembru 2019.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Klaus-Heiner Lehne
President

Annessi

Anness I – Ħarsa ġenerali lejn is-sitt moduli obbligatorji tal-EEEA

Kontijiet tal-emissjonijiet tal-arja

Il-kontijiet tal-emissjonijiet tal-arja jirreġistraw il-flussi ta’ materjali gassużi u partikuli residwi emessi mill-ekonomija fl-atmosfera. Il-flussi naturali, bħall-vulkani u n-nirien fil-foresti; l-emissjonijiet mill-użu tal-art, it-tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija; u kwalunkwe emissjoni indiretta huma esklużi.

Il-kontijiet isegwu l-prinċipju tar-residenza, f’konformità mal-kontijiet nazzjonali. Dan ifisser li dawn jinkludu l-emissjonijiet mill-unitajiet ekonomiċi residenti anki jekk dawn iseħħu ’l barra mit-territorju (bħal-linji tal-ajru jew il-kumpaniji tat-tbaħħir li joperaw fil-bqija tad-dinja).

Il-kontijiet jinkludu:

  • Data għal sitt gassijiet b'effett ta' serra u seba’ sustanzi li jniġġsu l-arja diżaggregati skont l-attività ekonomika flimkien mal-unitajiet domestiċi. Diversi sustanzi li jniġġsu l-arja huma espressi f’ekwivalenti ta’ sustanza li tniġġes l-arja oħra (pereżempju l-metan huwa espress f’ekwivalenti tad-diossidu tal-karbonju) biex tkun tista’ ssir il-komputazzjoni ta’ indikaturi tal-pressjoni ambjentali bħalma huma l-potenzjal ta’ tisħin globali, il-gassijiet ta’ aċidifikazzjoni jew il-prekursuri tal-ożonu troposferiku.
  • Data dwar l-intensitajiet tal-emissjonijiet tal-arja, jiġifieri l-proporzjon tal-emissjonijiet f’tunnellati għal kull EUR miljun ta’ valur miżjud gross.
  • Data dwar id-differenzi bejn it-totali nazzjonali tal-kontijiet tal-emissjonijiet tal-arja u t-totali miksuba mill-inventarji nazzjonali tal-emissjonijiet.

Eżempju 1 – Emissjonijiet ta’ gassijiet b'effett ta' serra skont l-attività ekonomika u l-unitajiet domestiċi privati, EU-28, 2008 u 2017

Expressi f’% tat-total tal-emissjonijiet f’ekwivalenti ta’ CO2

Nota: NACE = attivitajiet ekonomiċi

Sors: L-Eurostat.

Taxxi marbutin mal-ambjent skont l-attività ekonomika

It-taxxi ambjentali jirrappurtaw it-taxxi ambjentali miġburin flimkien skont erba’ kategoriji: l-enerġija, it-trasport, it-tniġġis u r-riżorsi. Kull kategorija ta’ taxxa hija ppreżentata skont l-attività ekonomika u l-unitajiet domestiċi.

Il-mod ta’ dkif tista’ tintuża d-data pprovduta minn dan il-modulu huwa muri fl-Eżempju 2.

Eżempju 2 – Dħul totali mit-taxxa ambjentali skont it-tip ta’ taxxa fl-Ewropa, 2016 (EUR miljun)

Sors: L-Eurostat.

Kontijiet tal-fluss ta’ materjal mifrux mal-ekonomija kollha

Il-kontijiet tal-fluss ta’ materjal mifrux mal-ekonomija kollha jirrappurtaw dwar il-flussi ta’ materjali ġewwa u ’l barra minn ekonomija f’eluf ta’ tunnellati fis-sena. Huma jipprovdu data għal indikaturi bħall-estrazzjonijiet ta’ riżorsi mill-ekonomiji, il-konsum ta’ materjali, il-produttività tar-riżorsi, l-impronti fuq il-materjali u d-diżakkoppjament bejn it-tkabbir ekonomiku u l-estrazzjoni tar-riżorsi naturali.

Il-kontijiet ikopru 50 kategorija ta’ materjali solidi, gassużi u likwidi (bijomassa, minerali tal-metall, minerali mhux metalliċi u materjali ta’ enerġija mill-fossili). Huma ma jinkludux l-ilma u l-arja.

L-inputs ta’ materjali fl-ekonomiji nazzjonali jinkludu l-estrazzjoni tal-materjali mill-ambjent domestiku u l-importazzjonijiet fiżiċi minn ekonomiji oħra. L-outputs jinkludu r-rilaxx tal-materjali fl-ambjent domestiku u l-esportazzjonijiet fiżiċi lejn ekonomiji oħra.

L-Eżempju 3 juri kif tintuża d-data pprovduta mill-kontijiet tal-fluss ta’ materjal mifrux mal-ekonomija kollha.

Eżempju 3 – Żvilupp tal-produttività tar-riżorsi, EU-28, 2000 - 2017

Nota: PDG deflatat (prezzijiet tal-2010)

Sors: L-Eurostat.

Kontijiet tal-infiq għall-protezzjoni ambjentali

Il-kontijiet tal-infiq għall-protezzjoni ambjentali jirrappurtaw in-nefqiet imwettqa minn unitajiet ekonomiċi residenti għall-finijiet ta’ protezzjoni ambjentali. Huma jippreżentaw l-infiq nazzjonali fuq il-protezzjoni ambjentali, il-produzzjoni u l-konsum ta' servizzi għall-protezzjoni ambjentali, u trasferimenti oħra għall-protezzjoni ambjentali.

L-attivitajiet għall-protezzjoni ambjentali jinkludu l-protezzjoni tal-arja ambjentali u l-klima, il-ġestjoni tal-ilma mormi, l-immaniġġjar tal-iskart, il-protezzjoni u r-rimedju tal-ħamrija, tal-ilma ta’ taħt l-art u tal-ilma tal-wiċċ, it-tnaqqis tal-istorbju u tal-vibrazzjonijiet, il-protezzjoni tal-bijodiversità u l-pajsaġġi, il-protezzjoni kontra r-radjazzjoni, u r-riċerka u l-iżvilupp ambjentali. Il-kontijiet jikkwantifikaw l-isforz magħmul mis-soċjetà u min-negozji għall-implimentazzjoni tal-“prinċipju ta’ min iniġġes iħallas”.

L-Eżempju 4 juri użu wieħed tal-kontijiet tal-infiq għall-protezzjoni ambjentali.

Eżempju 4 – Infiq għall-protezzjoni ambjentali skont is-settur (EUR biljun) u bħala perċentwal tal-PDG, EU-28

Sors: L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent.

Il-kontijiet tas-settur tal-prodotti u s-servizzi ambjentali

Il-kontijiet tas-settur tal-prodotti u s-servizzi ambjentali jirrappurtaw informazzjoni dwar il-produzzjoni ta’ prodotti u servizzi mfassla u magħmula speċifikament għall-iskop ta’ protezzjoni ambjentali jew ta’ ġestjoni tar-riżorsi.

Il-kontijiet jippreżentaw data dwar l-output ta’ prodotti ambjentali (prodotti u servizzi) mill-produtturi mkejjel f’valuri monetarji, il-valur miżjud gross u l-impjieg marbut ma’ din il-produzzjoni. Id-data hija diżaggregata skont l-attivitajiet ekonomiċi u l-attivitajiet għall-protezzjoni ambjentali.

L-Eżempju 5 juri kif tista’ tintuża d-data pprovduta mis-settur tal-prodotti u s-servizzi ambjentali.

Eżempju 5 – L-impjiegi u l-valur miżjud fis-settur tal-prodotti u s-servizzi ambjentali meta mqabbel mal-ekonomija sħiħa, EU-28, 2000 - 2015

Nota: 2000 = 100

Sors: L-Eurostat.

Kontijiet tal-flussi fiżiċi tal-enerġija

Il-kontijiet tal-flussi fiżiċi tal-enerġija jirrappurtaw il-flussi fiżiċi ta' enerġija (espressi f’tera-joules) mill-ambjent għall-ekonomija, fl-ekonomija u mill-ekonomija għall-ambjent. Il-flussi huma diżaggregati skont l-attività ekonomika u l-unitajiet domestiċi. L-attivitajiet ekonomiċi jinkludu l-produzzjoni, il-konsum, u l-akkumulazzjoni.

Huma jippreżentaw il-provvista u l-użu ta’:

  • inputs tal-enerġija naturali (bħall-enerġija naturali minn materjali fossili mhux rinnovabbli, minn materjali nukleari mhux rinnovabbli, ibbażata fuq l-idro, ibbażata fuq ir-riħ, ibbażata fuq ix-xemx, ibbażata fuq il-bijomassa),
  • prodotti tal-enerġija (bħall-faħam, il-bijogass, il-bijokarburanti likwidi, l-enerġija elettrika, l-injam, il-karburanti nukleari, il-prodotti tal-petroleum, il-gass naturali, eskluż il-bijogass, eċċ.)
  • residwi tal-enerġija (bħall-iskart rinnovabbli, l-iskart mhux rinnovabbli u l-enerġija inkorporata fi prodotti għal użu mhux enerġetiku).

L-Eżempju 6 juri użu wieħed tal-kontijiet tal-infiq għall-protezzjoni ambjentali.

Eżempju 6 – Produzzjoni domestika totali ta’ prodotti tal-enerġija fl-Ewropa fl-2016

Sors: L-Eurostat.

Akronimi u abbrevjazzjonijiet

CO2: Diossidu tal-karbonju

DĠ CLIMA: Direttorat Ġenerali għall-Azzjoni Klimatika

DĠ ENV: Direttorat Ġenerali għall-Ambjent

DĠ JRC: Direttorat Ġenerali Ċentru Konġunt tar-Riċerka

DIMESA: Diretturi tal-istatistika u tal-kontijiet settorjali u ambjentali

EEEA: Kontijiet Ekonomiċi Ambjentali Ewropej

ESEA: Strateġija Ewropea għall-Kontijiet Ambjentali

ETEA: Taxxi marbutin mal-ambjent skont l-attività ekonomika

Eurostat: L-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea

EW-MFA: Kontijiet tal-fluss ta’ materjal mifrux mal-ekonomija kollha

Is-Seba’ EAP: Is-Seba’ Programm ta’ Azzjoni Ambjentali

MS(s): Stat(i) Membru/i

NU: Nazzjonijiet Uniti

OECD: Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi

QEA: Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri

SDG(s): Għan(ijiet) ta’ Żvilupp Sostenibbli

Stati tal-EFTA: Stati tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Iżvizzera)

UE: Unjoni Ewropea

Risposti tal-Kummissjoni

Sommarju eżekuttiv

I

Minbarra l-kontijiet ekonomiċi ambjentali Ewropej (European Environmental Economic Accounts — EEEA), il-Kummissjoni tuża firxa wiesgħa ta’ sistemi tad-data u tar-rapportar skont id-direttivi ambjentali li jintużaw għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-politiki ambjentali (f’applikazzjoni tal-Linji Gwida għal Regolamentazzjoni Aħjar), pereżempju d-direttivi dwar l-għasafar u l-ħabitats, id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, id-Direttiva Kwadru dwar l-Ambjent Marin u oħrajn. Dawn, kif ukoll firxa ta’ sorsi oħrajn, bħar-riċerka, l-istudji tal-esperti, metastudji u oħrajn, jintużaw biex jevalwaw il-politiki ambjentali.

II

Il-ħtiġijiet tad-data fit-tul tal-Kummissjoni huma definiti f’dokumenti strateġiċi, bħas-seba’ Programm ta' Azzjoni Ambjentali, l-istrateġija dwar il-bijodiversità, u oħrajn, u ġew eżaminati wkoll f’kontroll tal-idoneità tal-monitoraġġ u r-rappurtar (ara COM (2017) 312).

L-edizzjonijiet suċċessivi tal-istrateġija Ewropea għall-kontijiet ambjentali huma korp kontinwu ta’ viżjoni li qed tevolvi. Meta l-objettivi strateġiċi baqgħu l-istess, dawn jirreferu għal settijiet differenti ta’ kontijiet. B’mod partikolari, ma kien hemm stabbiliti ebda moduli legali fl-ewwel żewġ edizzjonijiet tal-istrateġija. B’riżultat tal-implimentazzjoni ta’ dawn l-ewwel edizzjonijiet tal-istrateġija, ġie stabbilit sett inizjali ta’ moduli tul it-tielet edizzjoni tal-istrateġija, u sett usa’ ta’ moduli fir-raba’ edizzjoni.

III

Il-Kummissjoni pproponiet il-moduli EEEA fuq il-bażi ta’ diversi kriterji, inkluż il-ħtiġijiet indikati mis-servizzi tagħha, id-disponibbiltà u l-maturità tad-data u l-piż amministrattiv għall-Istati Membri.

IV

Il-Kummissjoni taqbel li jekk id-data ssir disponibbli aktar malajr, l-utilità tagħha titjieb.

V

Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjonijiet kollha.

Introduzzjoni

01

Il-Kummissjoni taqbel li l-EEEA huma importanti għal min ifassal il-politika. L-ambitu tal-kontijiet ambjentali għandu l-għan li jiddetermina r-relazzjonijiet bejn l-ambjent u l-ekonomija. Dan huwa utli, u huwa wieħed mill-oqsma tal-applikazzjoni ewlenin.

L-ambitu u l-approċċ tal-verifika

10

Il-Kummissjoni taqbel li valutazzjoni tal-EEEA hija partikolarment rilevanti issa, minħabba li l-ewwel tliet moduli obbligatorji tal-EEEA ilhom jiġu implimentati mill-2013, it-tieni sett ta’ tliet moduli obbligatorji ġie implimentat fl-2017, u bħalissa qed jiġu kkunsidrati moduli ġodda għal rapportar futur.

Osservazzjonijiet

17

Il-ħtiġijiet ta’ informazzjoni fit-terminu medju u fit-tul tal-EEEA huma espressi permezz ta’ edizzjonijiet suċċessivi tal-istrateġija Ewropea għall-kontijiet ambjentali, u permezz ta’ diversi inizjattivi ta’ politika (pereżempju l-effiċjenza fir-riżorsi, l-ekonomija ċirkolari, l-Unjoni tal-Enerġija, l-Istrateġija dwar il-Bijodiversità, eċċ.) li huma akkumpanjati minn oqfsa ta’ monitoraġġ speċifiċi.

21

F’Mejju 2019, il-Kummissjoni ddiskutiet mal-Istati Membri abbozz ta’ pjan biex tiġi implimentata l-istrateġija Ewropea għall-kontijiet ambjentali 2019–2023.

22

Tweġiba Komuni tal-Kummissjoni għall-paragrafu 22 u l-Kaxxa 1.

L-edizzjonijiet suċċessivi tal-istrateġija Ewropea għall-kontijiet ambjentali huma korp kontinwu ta’ viżjoni li qed tevolvi, u l-objettivi jitkomplew fejn ikun xieraq. Meta l-objettivi strateġiċi baqgħu l-istess, dawn jirreferu għal settijiet differenti ta’ kontijiet. B’mod partikolari, ma kien hemm stabbiliti ebda moduli legali fl-ewwel żewġ edizzjonijiet tal-istrateġija. B’riżultat tal-implimentazzjoni ta’ dawn l-ewwel edizzjonijiet tal-istrateġija, ġie stabbilit sett inizjali ta’ moduli tul it-tielet edizzjoni tal-istrateġija, u sett usa’ ta’ moduli fir-raba’ edizzjoni.

26

Il-Kummissjoni għażlet il-moduli EEEA abbażi ta’ diversi kriterji, inklużi l-ħtiġijiet li jkunu esprimew is-servizzi tagħha, u l-kostijiet mistennija.

27

Il-Kummissjoni taqbel li l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ moduli ġodda tal-EEEA jistgħu jieħdu żmien twil. Dan iż-żmien huwa neċessarju biex 1) tiġi eżaminata u ppruvata l-fattibbiltà tagħhom u jiġu analizzati l-ispejjeż u l-benefiċċji, 2) tiġi stabbilita metodoloġija soda u kosteffikaċi, 3) il-metodoloġija tiġi diskussa u maqbula internazzjonalment u, 4) jinbdew u jitlestew il-proċeduri leġiżlattivi, li jinvolvu l-Parlament Ewropew u l-Kunsill, wara konsultazzjonijiet estensivi mal-uffiċċji tal-istatistika tal-Istati Membri. Ir-riżorsi limitati wkoll huma restrizzjoni, minħabba li l-esperti li jridu jiżviluppaw il-moduli ġodda huma wkoll dawk li qed jipproduċu d-data regolari għall-moduli eżistenti. Il-Kummissjoni tinnota li billi tintroduċi moduli ġodda, l-Unjoni Ewropea qed twitti t-triq għall-EEEA fil-livell globali. Tabilħaqq, l-istandard statistiku internazzjonali msemmi fil-paragrafu 2, li oriġina fl-2012, jibni fuq l-esperjenza Ewropea fis-snin ta’ qabel ir-Regolament fl-2011.

28

Tweġiba Komuni tal-Kummissjoni għal 28 u l-Kaxxa 2.

L-Eurostat ilu jiġbor u jippubblika data dwar il-kontijiet tal-forestrija għal ħafna snin. L-adattament regolari tal-kwestjonarji huwa meħtieġ biex dawn jibqgħu jimxu mar-realtà ekonomika (eż. prodotti ġodda fis-suq), avvanzi fit-teknoloġija, kif ukoll ma’ tibdil fil-klassifikazzjonijiet u l-istandards statistiċi.

L-aktar aspett importanti tal-istrateġija Ewropea għall-kontijiet ambjentali 2019–2023 huwa li l-kontijiet forestali huma modulu wieħed minn seba’ proposti bħala kandidati għall-inklużjoni fir-Regolament (UE) Nru 691/2011.

36

Il-Kummissjoni riċentement ippubblikat l-evalwazzjoni tagħha tas-Seba’ EAP (ara COM (2019) 233). Hija żviluppat settijiet ta’ indikaturi, fejn kien rilevanti li dan isir, bħat-tabella ta’ valutazzjoni tal-effiċjenza fir-riżorsi, indikaturi ewlenin għall-unjoni tal-enerġija, u l-qafas ta’ monitoraġġ tal-ekonomija ċirkolari, u tuża wkoll indikaturi fil-proċess tar-Rieżami tal-Implimentazzjoni Ambjentali u fis-Semestru Ewropew.

42

Il-Kummissjoni beħsiebha tkompli ttejjeb il-tempestività tal-moduli kollha.

44

Diġà jiġu ppubblikati stimi bikrin għal bosta moduli tal-EEEA. Mhux bilfors ikun il-każ li l-istimi bikrin ikunu anqas dettaljati mid-data nfisha.

50

Filwaqt li għandha firxa ta’ għodda disponibbli, inkluża l-azzjoni legali (il-proċedura ta' ksur), il-Kummissjoni tagħżel l-għodod li jkunu l-aħjar biex jinkiseb l-għan ikkonċernat. Proċedura ta' ksur u proċedimenti sussegwenti fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea huma proċess li jieħu ħafna ħin u riżorsi, u li faċilment idum aktar minn sena. Jekk l-għan huwa li Stat Membru jirrapporta d-data mill-aktar fis possibbli, l-appoġġ jew il-pressjoni mill-pari spiss huma aktar effiċjenti, effettivi u proporzjonati. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, huwa possibbli li kwistjoni tissolva fi żmien sena.

Kaxxa 5 – Dgħufijiet fid-dokumentazzjoni tal-Eurostat

Sabiex inaqqas kemm jista’ jkun il-piż amministrattiv, l-Eurostat jitlob spjegazzjonijiet mill-Istati Membri biss jekk il-kwistjonijiet ikunu importanti u jekk ma jkunux jistgħu jinstabu spjegazzjonijiet fid-dokumentazzjoni li diġà tkun disponibbli.

Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

56

I. Minbarra l-EEEA, il-Kummissjoni tuża firxa wiesgħa ta’ sistemi tad-data u tar-rapportar skont id-direttivi ambjentali li jintużaw għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-politiki ambjentali (f’applikazzjoni tal-Linji Gwida għal Regolamentazzjoni Aħjar), pereżempju d-direttivi dwar l-għasafar u l-ħabitats, id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, id-Direttiva Kwadru dwar l-Ambjent Marin u oħrajn. Dawn, kif ukoll firxa ta’ sorsi oħrajn, bħar-riċerka, l-istudji tal-esperti, metastudji u oħrajn, jintużaw biex jevalwaw il-politiki ambjentali.

57

Il-Kummissjoni tqis li l-istrateġija Ewropea għall-kontijiet ambjentali tipprovdi qafas strateġiku għall-EEEA inklużi ħtiġijiet tad-data fit-terminu medju u fit-tul.

58

F’Mejju 2019, il-Kummissjoni ddiskutiet mal-Istati Membri abbozz ta’ pjan biex tiġi implimentata l-istrateġija Ewropea għall-kontijiet ambjentali 2019–2023.

L-edizzjonijiet suċċessivi tal-istrateġija għall-kontijiet ambjentali huma korp kontinwu ta’ viżjoni li qed tevolvi, u l-objettivi jitkomplew fejn ikun xieraq. Meta l-objettivi strateġiċi baqgħu l-istess, dawn jirreferu għal settijiet differenti ta’ kontijiet. B’mod partikolari, ma kien hemm l-ebda moduli legali stabbiliti fil-ħin tal-ewwel żewġ edizzjonijiet tal-istrateġija, ġie stabbilit sett inizjali ta’ moduli fit-tielet edizzjoni tal-istrateġija, u sett usa’ ta’ moduli fir-raba’ edizzjoni.

Rakkomandazzjoni 1 – Li jittejjeb il-qafas strateġiku għad-data tal-EEEA

Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni 1 (a) u se tħejji dokument li jistabbilixxi strateġija fit-tul għall-EEEA

Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni 1(b) u se tikkompila l-ħtiġijiet tad-data biex l-EEEA tiġi żviluppata ulterjorment, inklużi l-indikaturi meħtieġa għat-tfassil tal-politika ambjentali.

Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni 1 (c) u se tħejji pjan ta’ azzjoni komprensiv għall-implimentazzjoni tal-istrateġija EEEA.

59

Il-Kummissjoni għażlet il-moduli EEEA abbażi ta’ diversi kriterji, inklużi l-ħtiġijiet li jkunu esprimew is-servizzi tagħha, u l-kostijiet mistennija.

60

Il-Kummissjoni taqbel li veduta u preżentazzjoni aktar integrati tal-moduli tal-EEEA flimkien mal-ħruġ malajr kemm jista’ jkun ta’ kull modulu jkunu pożittivi u li jsaħħu l-użu tal-EEEA. Il-Kummissjoni hija disposta li taħdem fuq dan l-objettiv.

Rakkomandazzjoni 2 – Tittejjeb ir-rilevanza tal-moduli tal-EEEA għat-tfassil tal-politika

Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni 2 (a) u se tevalwa l-kostijiet u l-benefiċċji li jiġi żviluppat qafas integrat għall-kontabilità ambjentali biex tittejjeb il-koerenza tal-informazzjoni ambjentali u l-utilità għat-tfassil tal-politika fl-UE.

Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni 2 (b) u se tivvaluta l-ħtiġijiet espressi mis-servizzi rilevanti tal-Kummissjoni, u se tagħmel analiżijiet tal-kostijiet u l-benefiċċji qabel ma tipproponi moduli EEEA ġodda, li huma mistennija sal-2023.

61

Il-Kummissjoni beħsiebha tkompli ttejjeb il-tempestività tal-moduli kollha.

62

Il-Kummissjoni tqis li l-Istati Membri pprovdew biżżejjed informazzjoni biex l-Eurostat ikun jista’ jivvaluta l-maġġoranza tal-aspetti tal-kwalità tad-data.

Rakkomandazzjoni 3 – Li tittejjeb it-tempestività tad-data tal-EEEA

Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni 3 (a) u taqbel li tanalizza sa fejn tkun tista’ tintuża proċedura f’żewġ stadji simili għall-kontijiet nazzjonali għal aktar moduli tal-EEEA.

Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni 3 (b) u se tuża l-għodda disponibbli biex ittejjeb it-tempestività tal-għoti tal-informazzjoni mill-Istati Membri.

Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni 3 (c) u se tiżviluppa kalendarju tal-ħruġ għad-data tal-EEEA.

Tim tal-awditjar

Ir-rapporti speċjali tal-QEA jippreżentaw ir-riżultati tal-awditi li twettaq ta’ politiki u programmi tal-UE, jew ta’ suġġetti relatati mal-ġestjoni minn oqsma speċifiċi tal-baġit. Il-QEA tagħżel u tfassal dawn il-kompiti tal-awditjar biex timmassimizza l-impatt tagħhom billi tqis ir-riskji għall-prestazzjoni jew għall-konformità, il-livell ta’ introjtu jew ta’ nfiq involut, l-iżviluppi li jkunu għad iridu jseħħu u l-interess politiku u pubbliku.

Dan l-awditu tal-prestazzjoni twettaq mill-Awla I tal-Awditjar, Użu sostenibbli tar-riżorsi naturali, li hija mmexxija minn Nikolaos Milionis, Membru tal-QEA. L-awditu tmexxa minn João Figueiredo; Membru tal-QEA; Robert Markus, Maniġer Prinċipali; Maria Isabel Quintela, Kap tal-Kompitu; Ioan Alexandru Ilie u Mihaela Văcărașu, Awdituri. Fiona Urquhart ipprovdiet appoġġ lingwistiku.

Mix-xellug għal-lemin: Maria Isabel Quintela, João Figueiredo, Mihaela Văcărașu.

Noti finali

1 “Directions for the EU on Environmental Indicators and Green National Accounting” (Direzzjonijiet għall-UE dwar l-Indikaturi Ambjentali u l-Kontabbiltà Nazzjonali Ekoloġika), Komunikazzjoni, COM(1994) 670.

2 Ir-Regolament (UE) Nru 691/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, emendat bir-Regolament (UE) Nru 538/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 158, 27.5.2014, p. 113).

3 Aktar tard din is-sena, aħna qegħdin nistennew li nippubblikaw rapport speċjali dwar l-emissjonijiet ta’ gassijiet b'effett ta' serra tal-UE.

4 Ara l-Analiżi Rapida dwar Każ Speċifiku “Rappurtar dwar is-sostenibbiltà: rendikont tal-Istituzzjonijiet u l-Aġenziji tal-UE”, Ġunju 2019.

5 Stabbilita bir-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, l-Artikolu 12º, in-Nru 1 (ĠU L 87, 31.3.2009, p. 164).

6 Skont ir-Regolament (KE) Nru 223/2009, l-Artikolu 12, il-puntwalità tirreferi għad-dewmien bejn id-data ta’ rilaxx tad-data u l-jum sa liema kellha tintbagħat id-data.

7 Skont ir-Regolament (KE) Nru 223/2009, l-Artikolu 12, it-tempestività tirreferi għall-perjodu bejn id-disponibbiltà tat-tagħrif u l-avveniment jew il-fenomenu li dan jiddeskrivi.

8 Id-data tal-kontijiet tal-fluss ta’ materjal mifrux mal-ekonomija kollha tintuża biex jiġu kkompilati ż-żewġ indikaturi primarji tat-tabella ta’ valutazzjoni għall-Effiċjenza fl-Użu tar-Riżorsi tal-UE, li jkejlu l-produttività tar-riżorsi u l-konsum domestiku tal-materjali. Id-data mill-istess modulu tintuża wkoll għall-kalkolu tar-rata ta’ użu ċirkolari tal-materjali inkluża fil-qafas ta’ monitoraġġ tal-ekonomija ċirkolari.

9 Ara l-Analiżi Rapida dwar Każ Speċifiku “Rappurtar dwar is-sostenibbiltà: rendikont tal-Istituzzjonijiet u l-Aġenziji tal-UE”, Ġunju 2019.

10 Il-kontijiet tal-fluss ta’ materjal mifrux mal-ekonomija kollha, il-kontijiet tal-infiq għall-protezzjoni ambjentali u l-kontijiet tas-settur tal-prodotti u s-servizzi ambjentali.

11 Il-kontabbiltà tal-Kapital Naturali hija għodda għall-kejl tal-bidliet fl-istokk ta’ kapital naturali f’varjetà ta’ skali, u għall-integrazzjoni tal-valur tas-servizzi tal-ekosistema għal ġos-sistemi kontabilistiċi u ta’ rappurtar fil-livell tal-Unjoni u f’dak nazzjonali.

12 Il-kontijiet tal-ekosistemi jkejlu l-firxa u l-kondizzjoni tal-ekosistemi u s-servizzi tal-ekosistema li jipprovdu sabiex jappoġġaw it-teħid ta' deċiżjonijiet fil-kuntest ta’ ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi u tal-ambjent u oqsma ta’ politika rilevanti oħra.

13 Tabelli input-output huma matriċijiet skont il-prodott jew l-industrija, mibnija fuq il-bażi ta’ data ekonomika u barranija ta’ natura kummerċjali. Huma jappoġġaw analiżijiet tal-impatt ekonomiku.

14 Il-Kummissjoni qiegħda tiżviluppa bażi integrata tad-data input-output li tinkludi bosta pajjiżi.

15 Ir-Regolament (KE) Nru 223/2009, l-Artikolu 2, Nru 1-Prinċipji tal-Istatistika: indipendenza professjonali, imparzjalità, oġġettività, affidabbiltà, kunfidenzjalità dwar l-istatistika, u kosteffettività.

16 Ir-Regolament (KE) Nru 223/2009, l-Artikolu 12, Nru 1-“l-istatistika Ewropea għandha tiġi żviluppata, prodotta u disseminata fuq il-bażi ta’ standards uniformi u metodi armonizzati. (…) il-kriterji ta’ kwalità li ġejjin għandhom japplikaw: ir-rilevanza, il-preċiżjoni, tempestività, il-puntwalità, l-aċċessibbiltà, il-kumparabilità, il-koerenza.”

17 Tmien Stati Membri għall-kontijiet tas-settur tal-prodotti u s-servizzi ambjentali, sitta għall-kontijiet tal-flussi fiżiċi ta’ enerġija, u ħamsa għall-kontijiet tal-infiq għall-protezzjoni tal-ambjent.

Kronoloġija

Avveniment Data
Il-Memorandum ta’ Ppjanar tal-Awditjar (APM) jiġi adottat / L-awditu jinbeda 3.10.2018
L-abbozz ta’ rapport jintbagħat uffiċjalment lill-Kummissjoni (jew lill-entità l-oħra awditjata) 17.6.2019
Ir-rapport finali jiġi adottat wara l-proċedura kontradittorja 11.9.2019
Ir-risposti uffiċjali tal-Kummissjoni (jew tal-entità l-oħra awditjata) jaslu bil-lingwi kollha 26.9.2019

Kuntatt

IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI
12, rue Alcide De Gasperi
1615 Luxembourg
LUXEMBOURG

Tel. +352 4398-1
Mistoqsijiet: eca.europa.eu/mt/Pages/ContactForm.aspx
Sit web: eca.europa.eu
Twitter: @EUAuditors

Ħafna informazzjoni addizzjonali dwar l-Unjoni Ewropea hija disponibbli fuq l-Internet.
Jista’ jsir aċċess għaliha permezz tas-server Europa (http://europa.eu).

Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2019

PDF ISBN 978-92-847-3507-5 ISSN 1977-5741 doi:10.2865/808514 QJ-AB-19-013-MT-N
HTML ISBN 978-92-847-3488-7 ISSN 1977-5741 doi:10.2865/290804 QJ-AB-19-013-MT-Q

© L-Unjoni Ewropea, 2019

Għal kull użu jew riproduzzjoni ta’ ritratti jew materjal ieħor li ma jaqax taħt id-drittijiet tal-awtur tal-Unjoni Ewropea, irid jintalab il-permess direttament mingħand id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur.

Kif tikkuntattja lill-UE

Personalment
Madwar l-Unjoni Ewropea kollha hemm mijiet ta’ ċentri ta’ informazzjoni tal-Europe Direct. Tista’ ssib l-indirizz tal-eqreb ċentru għalik f'dan is-sit: https://europa.eu/european-union/contact_mt

Bit-telefown jew bil-posta elettronika
Europe Direct huwa servizz li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar l-Unjoni Ewropea. Tista’ tikkuntattja dan is-servizz:

  • bit-telefown bla ħlas: 00 800 6 7 8 9 10 11 (ċerti operaturi jafu jimponu ħlas għal dawn it-telefonati),
  • fuq dan in-numru standard: +32 22999696, jew
  • bil-posta elettronika permezz: https://europa.eu/european-union/contact_mt

Kif issib tagħrif dwar l-UE

Onlajn
L-informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE hija disponibbli fuq is-sit web Europa fuq: https://europa.eu/european-union/index_mt

Pubblikazzjonijiet tal-UE
Tista’ tniżżel mill-internet jew tordna l-pubblikazzjonijiet tal-UE, li xi wħud minnhom huma bla ħlas u xi oħrajn bil-ħlas, minn: https://op.europa.eu/mt/publications. Kopji multipli ta’ pubblikazzjonijiet bla ħlas tista’ tiksibhom billi tikkuntattja lil Europe Direct jew liċ-ċentru tal-informazzjoni lokali tiegħek (ara https://europa.eu/european-union/contact_mt).

Il-liġi tal-UE u dokumenti relatati
Għal aċċess għall-informazzjoni legali tal-UE, inkluż il-liġijiet kollha tal-UE mill-1952 ’l hawn, fil-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali kollha, żur is-sit EUR-Lex hawnhekk: http://eur-lex.europa.eu

Dejta Miftuħa mill-UE
Il-portal tad-Dejta Miftuħa mill-UE (http://data.europa.eu/euodp/mt) jipprovdi aċċess għal settijiet tad-dejta mill-UE. Id-dejta tista’ titniżżel mill-internet u tintuża mill-ġdid bla ħlas, kemm għal skopijiet kummerċjali kif ukoll mhux kummerċjali.