Rapport Speċjali
Nru12 2017
natural resources logo

Implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb: titjib fil-kwalità tal-ilma u fl-aċċess għalih fil-Bulgarija, fl-Ungerija u fir-Rumanija, iżda l-ħtiġijiet ta’ investiment għadhom sostanzjali

Dwar ir-rapport: Dan ir-rapport jeżamina jekk l-azzjonijiet tal-UE tejbux il-kwalità tal-ilma tax-xorb fil-Bulgarija, fl-Ungerija u fir-Rumanija, kif meħtieġ bid-Direttiva tal-1998 dwar l-Ilma tax-Xorb.
B’mod ġenerali, aħna nikkonkludu li s-sitwazzjoni tjiebet b’mod sinifikanti. Minkejja dan, għad hemm żoni fejn iċ-ċittadini jiġu pprovduti b’ilma min-netwerk tal-provvista pubblika li ma jkunx konformi għalkollox mal-istandards tal-UE. Barra minn hekk, se jkun jinħtieġ aktar finanzjament nazzjonali sinifikanti, kemm pubbliku kif ukoll privat, biex jiżgura li ċ-ċittadini kollha f’dawn l-Istati Membri jkollhom aċċess għal ilma ta’ kwalità tajba u biex jiżgura li l-investimenti, iffinanzjati mill-UE, fil-faċilitajiet tal-ilma jkunu jistgħu jinżammu b’mod adegwat.
Fost affarijiet oħra, aħna nirrakkomandaw li bosta kwistjonijiet li jifdal jiġu indirizzati fil-kuntest tar-reviżjoni attwali tad-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb, u li s-sostenibbiltà tal-infrastrutturi tal-ilma tiġi żgurata filwaqt li tiġi salvagwardjata l-affordabbiltà tas-servizz.

Din il-pubblikazzjoni hija disponibbli wkoll f'23 lingwa u fil-formati li ġejjin:
PDF
PDF General Report

Sommarju eżekuttiv

Id-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb
I

L-ilma huwa essenzjali għall-ħajja fuq il-pjaneta tagħna. L-ekosistemi, is-soċjetà u l-ekonomija tagħna kollha jeħtieġu ammonti suffiċjenti ta’ ilma ħelu u nadif biex jikbru. Il-protezzjoni tas-saħħa taċ-ċittadini tal-UE permezz ta’ aċċess sikur għal ilma tax-xorb ta’ kwalità ilha element tal-politika tal-UE għal ħafna snin. Mill-1975 ‘il hawn, l-UE adottat leġiżlazzjoni dwar l-ilma li għandha l-għan li tipproteġi lill-konsumaturi u lill-utenti tal-ilma kontra effetti ta’ ħsara. Direttiva li tikkonċerna standards għall-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem, id-“Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb” (DWD), ġiet adottata fl-1980 u ġiet sussegwentement riveduta fl-1998. Attwalment, din id-direttiva qed tiġi riveduta.

Kif wettaqna l-awditu tagħna
II

L-awditu tagħna vvaluta jekk l-azzjonijiet tal-UE tejbux l-aċċess sikur taċ-ċittadini għall-ilma tax-xorb ta’ kwalità fil-Bulgarija, fl-Ungerija u fir-Rumanija. B’mod partikolari, aħna eżaminajna jekk ir-rekwiżiti tad-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb ġewx issodisfati; jekk il-proġetti ffinanzjati mill-FEŻR/l-FK li ġew eżaminati tejbux il-kwalità tal-ilma tax-xorb u l-aċċess għall-provvista tiegħu; u jekk id-dħul iġġenerat u l-finanzjament pubbliku nazzjonali addizzjonali humiex adegwati biex jiżguraw iż-żamma u s-sostenibbiltà tal-investimenti, iffinanzjati mill-UE, f’infrastrutturi tal-provvista tal-ilma tax-xorb.

III

Il-fondi tal-FEŻR/l-FK għall-ġestjoni u l-provvista tal-ilma tax-xorb bejn l-2007 u l-2020 f’dawn it-tliet Stati Membri huma ta’ EUR 3.7 biljun. L-awditu kopra l-perjodu mill-adeżjoni mal-UE tal-Istati Membri li saritilhom żjara sa tmiem l-2016.

X’sibna
IV

B’mod ġenerali, aħna nikkonkludu li tjiebu l-aċċess u l-provvista li jingħataw liċ-ċittadini għal ilma tax-xorb ta’ kwalità fil-Bulgarija, fl-Ungerija u fir-Rumanija. Dan huwa fil-biċċa l-kbira dovut għall-investimenti sinifikanti ffinanzjati mill-FEŻR u mill-FK li saru fi snin reċenti. Minkejja dan, għad hemm żoni fejn iċ-ċittadini jiġu pprovduti b’ilma min-netwerk tal-provvista pubblika li ma jkunx konformi għalkollox mal-istandards tal-UE stipulati fid-Direttiva tal-1998 dwar l-Ilma tax-Xorb. Barra minn hekk, jinħtieġu aktar investimenti nazzjonali sinifikanti, kemm pubbliċi kif ukoll privati, biex jiżguraw li ċ-ċittadini kollha f’dawn l-Istati Membri jkollhom aċċess għal ilma ta’ kwalità tajba u biex jiżguraw li l-investimenti, iffinanzjati mill-UE, fil-faċilitajiet tal-ilma jkunu jistgħu jinżammu b’mod adegwat.

X’nirrakkomandaw
V

Jenħtieġ li l-Kummissjoni:

  1. twettaq segwitu għal-lakuni li hemm fil-monitoraġġ li jsir mill-Istati Membri, ibbażat fuq rappurtar eżistenti, u tinforza r-rekwiżiti tad-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb f’dan ir-rigward;
  2. fil-kuntest tar-reviżjoni attwali tad-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb, tindirizza l-kwistjonijiet li ġejjin b’mod proporzjonat:
    1. titjib fl-għoti ta’ informazzjoni mill-Istati Membri lill-Kummissjoni dwar derogi li jikkonċernaw iż-Żoni Żgħar tal-Provvista tal-Ilma;
    2. l-estensjoni tar-rekwiżiti ta’ rappurtar għal Żoni Żgħar tal-Provvista tal-Ilma;
    3. rappurtar regolari li jiżgura li informazzjoni aġġornata dwar il-konformità mad-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb tinġabar mill-Istati Membri. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tqis il-possibbiltà ta’ għażliet bħal għodod alternattivi tal-IT (eż. il-ġbir ta’ data minn amministrazzjonijiet nazzjonali) biex tiffaċilita l-eżerċizzju ta’ rappurtar, tagħmlu aktar rapidu u tiżgura d-disponibbiltà ta’ informazzjoni aġġornata;
    4. titjib fir-rekwiżiti għall-għoti ta’ informazzjoni adegwata u aġġornata dwar il-kwalità tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem li tkun disponibbli għall-konsumaturi;
  3. tappoġġa lill-Istati Membri fil-promozzjoni ta’ azzjonijiet li għandhom l-għan li jnaqqsu t-telf tal-ilma. Dan jista’ jintlaħaq, pereżempju, billi t-tnaqqis fit-telf tal-ilma jiġi inkluż fl-ambitu tal-finanzjament mill-UE fil-qasam tal-infrastrutturi tal-ilma tax-xorb, jew billi titjieb it-trasparenza dwar it-telf tal-ilma.
VI

Jenħtieġ li l-Istati Membri:

  1. jirrikjedu li l-pjanijiet biex jintlaħaq ċertu livell ta’ tnaqqis fit-telf tal-ilma jiġu inklużi bħala kriterji tal-għażla għall-proġetti kollha ta’ faċilitajiet tal-ilma li jkunu jippermettu l-ilħuq tal-miri nazzjonali;
  2. jiżguraw li t-tariffi tal-ilma jipprevedu s-sostenibbiltà tal-infrastrutturi tal-ilma, inklużi l-manutenzjoni u t-tiġdid tagħhom;
  3. iqisu, jekk meħtieġ, il-possibbiltà li jagħtu appoġġ finanzjarju jew forom oħra ta’ appoġġ lil unitajiet domestiċi li għalihom l-ispiża tas-servizzi tal-ilma tkun ogħla mir-rata ta’ affordabbiltà, filwaqt li jiżguraw l-irkupru sħiħ tal-ispejjeż fl-istruttura tat-tariffi tal-ilma.

Introduzzjoni

Id-Direttiva tal-UE dwar l-Ilma tax-Xorb

01

L-ilma huwa essenzjali għall-ħajja fuq il-pjaneta tagħna. L-ekosistemi, is-soċjetà u l-ekonomija tagħna kollha jeħtieġu ammonti suffiċjenti ta’ ilma ħelu u nadif biex jikbru. Il-protezzjoni tas-saħħa taċ-ċittadini tal-UE permezz ta’ aċċess sikur għal ilma tax-xorb ta’ kwalità ilha element tal-politika tal-UE għal ħafna snin. Mill-1975 ‘il hawn, l-UE adottat leġiżlazzjoni dwar l-ilma li għandha l-għan li tipproteġi lill-konsumaturi u lill-utenti tal-ilma kontra effetti ta’ ħsara. L-iżgurar ta’ kwalità għolja u ta’ provvista sikura għall-Ewropej kollha huwa wkoll parti integrali mill-politika ambjentali tal-UE1.

02

L-ewwel direttiva, dwar il-kwalità tal-ilma tax-xorb fl-Istati Membri ġiet adottata fl-19752. Direttiva ulterjuri li tikkonċerna standards għall-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem hija d-“Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb” (DWD), li għandha l-għan li tħares is-saħħa tal-bniedem mill-effetti ħżiena ta’ kwalunkwe kontaminazzjoni tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem (ara l-Kaxxa 1). Hija ġiet adottata fl-19803 u ġiet sussegwentement riveduta fl-19984. Attwalment, din id-direttiva qed tiġi riveduta.

Kaxxa 1

Id-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb

Id-DWD tistabbilixxi standards tal-kwalità għall-ilma tax-xorb fl-UE għal 48 parametru li jridu jiġu mmonitorjati u ttestjati regolarment mill-Istati Membri. Il-parametri huma ripartiti fi tliet kategoriji:

  • parametri mikrobijoloġiċi (rilevanti għas-saħħa tal-bniedem) li jinkludu prinċipalment il-parametri E. coli u enterococci;
  • parametri kimiċi (rilevanti għas-saħħa tal-bniedem) li jvarjaw minn sustanzi speċifiċi bħal metalli individwali u komposti organiċi individwali sa sustanzi ġeneriċi bħal pestiċidi u prodotti sekondarji tad-diżinfezzjoni;
  • parametri indikaturi, li jipprovdu informazzjoni dwar il-proċessi ta’ trattament u l-kwalità organolettika (jiġifieri l-kulur, ir-riħa, u l-mod kif tinħass sustanza) u dik estetika tal-ilma tax-xorb, li huma taħlita ta’ parametri mikrobijoloġiċi, kimiċi u radjoloġiċi. Jekk parametru indikatur ma jiġix issodisfat, dan huwa sinjal li jista’ jkun hemm problema, bil-provvista, li tkun teħtieġ investigazzjoni u kunsiderazzjoni dwar jekk is-saħħa tal-bniedem hijiex f’riskju jew le.
03

Id-Direttiva tipprevedi l-possibbiltà li l-Istati Membri jitbiegħdu temporanjament mill-istandards meħtieġa tal-kwalità tal-ilma permezz ta’ deroga. Dawn id-derogi jistgħu jdumu sa mhux aktar minn tliet snin u jistgħu jiġu estiżi darbtejn (tliet snin addizzjonali għal kull estensjoni).

Arranġamenti ta’ monitoraġġ u rappurtar

04

L-Istati Membri għandhom obbligu li jistabbilixxu żoni tal-provvista tal-ilma u programmi xierqa ta’ monitoraġġ skont ir-rekwiżiti minimi ssettjati fid-DWD5. Id-DWD tiddistingwi bejn:

  • żoni tal-provvista tal-ilma li jipprovdu medja ta’ aktar minn 1 000 m3 ta’ ilma kuljum jew li jaqdu lil aktar minn 5 000 persuna, spiss imsejħa “żoni kbar tal-provvista tal-ilma”,
  • żoni tal-provvista tal-ilma li jipprovdu medja ta’ inqas minn 1 000 m3 ta’ ilma kuljum jew li jaqdu lil inqas minn 5 000 persuna, spiss imsejħa “żoni żgħar tal-provvista tal-ilma”, u
  • żoni tal-provvista tal-ilma li jipprovdu medja ta’ inqas minn 10 m3 ta’ ilma kuljum jew li jaqdu lil inqas minn 50 persuna, spiss imsejħa “żoni żgħar ħafna tal-provvista tal-ilma”.
05

Minbarra dan, id-DWD tirrikjedi li l-konsumaturi jkollhom aċċess għal tagħrif (informazzjoni) aġġornat6 u li l-Istati Membri jippubblikaw kull tliet snin rapport dwar il-kwalità tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem, li jkopri t-tliet snin li jkunu għaddew. Dawn ir-rapporti għandhom jiġu ppubblikati fi żmien sena kalendarja waħda minn meta jintemm il-perjodu ta’ rappurtar u għandhom jintbagħtu lill-Kummissjoni fi żmien xahrejn minn meta jiġu ppubblikati.

06

L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA) tiġbor id-data dwar il-kwalità tal-ilma mingħand l-Istati Membri f’isem il-Kummissjoni permezz ta’ għodda ta’ rappurtar onlajn7. L-EEA hija wkoll responsabbli mill-kontroll tal-kwalità tal-informazzjoni fid-database u tħejji databases nazzjonali, li jiġu vverifikati mill-Istati Membri. Abbażi ta’ din id-data, il-Kummissjoni tippubblika rapport ta’ sinteżi dwar il-kwalità tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem fl-Unjoni fl-intier tagħha fi żmien disa’ xhur minn meta tirċievi r-rapporti tal-Istati Membri.

07

F’dan ir-rapport, li huwa l-għodda prinċipali għall-qbid ta’ nuqqas ta’ konformità mal-valuri parametriċi stabbiliti fid-DWD, kull Stat Membru għandu jirrapporta dwar il-kwalità tal-ilma fiż-żoni kbar kollha tal-provvista tal-ilma. Ir-rappurtar dwar iż-żoni żgħar tal-provvista tal-ilma huwa volontarju. L-Istati Membri jistgħu jeżentaw, mid-dispożizzjonijiet tad-DWD, żoni żgħar ħafna tal-provvista tal-ilma, jiġifieri provvisti individwali li jipprovdu medja ta’ inqas minn 10 m³ ta’ ilma kuljum jew li jaqdu lil inqas minn 50 persuna.

Il-kwalità tal-ilma tax-xorb fl-UE

08

Bħala parti mir-rekwiżit tad-DWD li tiġi vvalutata l-kwalità tal-ilma tax-xorb, jitwettqu bosta miljuni ta’ analiżijiet kull sena fl-Istati Membri kollha. Pereżempju, matul il-perjodu ta’ rappurtar 2011-2013, twettqu 4.1 miljun analiżi għall-parametri mikrobijoloġiċi, 7,1 miljun għall-parametri kimiċi u 17.5 miljun għall-parametri indikaturi (ara l-Kaxxa 1). Jekk mill-inqas 99 % tal-analiżijiet kollha mwettqa f’sena partikolari jilħqu l-istandard partikolari, l-Istat Membru jitqies bħala li huwa konformi mal-valur parametriku stabbilit fid-DWD.

09

Fil-każ ta’ parametri indikaturi, il-fatt li jinqabeż il-limitu ta’ standard mhux neċessarjament ifisser nuqqas ta’ konformità mad-DWD, għaliex fil-biċċa l-kbira tal-każijiet ma hemm l-ebda theddida diretta għas-saħħa tal-bniedem. Anke jekk il-biċċa l-kbira mill-parametri indikaturi ma joħolqux theddida diretta għas-saħħa tal-bniedem, huma jistgħu jħallu impatt indirett fuq il-kwalità tal-ilma permezz tal-apparenza, it-togħma jew ir-riħa tal-ilma, u b’hekk jinfluwenzaw l-aċċettabbiltà mill-konsumatur. Pereżempju, is-soll issettjat fid-DWD għall-ħadid huwa ta’ 200 µg/l. B’konċentrazzjoni tal-Ħadid ta’ 300 µg/l, l-ilma għandu togħma evidenti u jsir imdardar u kulurit. Konsegwentement, dan ir-riżultat huwa diżgustanti għall-konsumaturi. Il-valur ibbażat fuq is-saħħa huwa ta’ 2 000 µg/l, għalhekkħafna ogħla minn dak li huwa fil-fatt aċċettabbli għall-konsumaturi. Jista’ jiġri wkoll li l-parametri indikaturi jinterferixxu fit-trattament xieraq. Pereżempju, il-preżenza ta’ materja organika tirriżulta f’diżinfezzjoni inadegwata.

10

Inġenerali, il-kwalità tal-ilma tax-xorb fl-UE hija tajba8. B’mod partikolari, il-maġġoranza vasta taż-żoni kbar tal-provvista tal-ilma juru konformità għolja mal-parametri mikrobijoloġiċi u kimiċi ssettjati fid-DWD (ara d-dettalji fit-Tabella 1). Minbarra dan, il-konformità ġenerali fl-UE tjiebet sinifikattivament meta mqabbla mal-perjodu ta’ rappurtar 2008-20109.

Tabella 1

Stati Membri1 u rata ta’ konformità

  2008-2010 2011-2013
Rata ta’ konformità ġenerali tal-Parametri mikrobijoloġiċi
> 99 % 23 27
95 % < X < 99 % 4 -
< 95 % - -
Rata ta’ konformità ġenerali tal-Parametri kimiċi
> 99 % 11 26
95 % < X < 99 % 11 12
< 95 % 5 -
Rata ta’ konformità ġenerali tal-Parametri indikaturi
> 99 % 7 21
95 % < X < 99 % 10 53
< 95 % 10 14

1Il-Kroazja, peress li ssieħbet fl-UE fl-1 ta’ Lulju 2013, ġiet eżentata mill-proċess ta’ rappurtar 2011-2013.

2L-Ungerija.

3Id-Danimarka, Ċipru, il-Latvja, l-Ungerija u s-Slovenja.

4Għall-parametri indikaturi, Malta rrappurtat rata ta’ konformità ta’ madwar 90 % minħabba rati ta’ konformità baxxi ħafna fuq il-klorur.

 

Sors: Elaborazzjoni tal-QEA, ibbażat fuq data ppubblikata fir-Rapporti ta’ Sinteżi dwar il-Kwalità tal-Ilma tax-Xorb fl-Unjoni.

11

Fir-rigward taż-żoni żgħar tal-provvista tal-ilma (li jaqdu lil madwar 65 miljun persuna fl-UE fl-intier tagħha), ir-rata medja ta’ konformità għall-perjodu ta’ rappurtar 2011-2013 kienet ta’ aktar minn 98 %10. Din iċ-ċifra kumplessiva tindika li sar progress meta mqabbla mal-perjodu ta’ rappurtar 2008-2010 meta, bħala medja, madwar 59 % biss taż-żoni żgħar kollha tal-provvista tal-ilma li kkonformaw għalkollox mar-rekwiżiti tad-DWD11. Għall-perjodu 2008-2010, l-Istati Membri kollha, ħlief ir-Repubblika Ċeka, irrappurtaw dwar iż-żoni żgħar tal-provvista tal-ilma. Madankollu, għall-perjodu ta’ rappurtar 2011-2013, madwar nofs l-Istati Membri biss (li kienu jirrappreżentaw madwar 34.6 miljun konsumatur moqdija miż-żoni żgħar tal-provvista tal-ilma) ipprovdew informazzjoni. Dan huwa dovut għall-fatt li r-rappurtar għaż-żoni żgħar tal-provvista tal-ilma mhuwiex obbligatorju.

12

Nuqqasijiet fil-monitoraġġ taż-żoni żgħar tal-provvista tal-ilma ġew rikonoxxuti wkoll fis-Seba’ Programm ta’ Azzjoni Ambjentali (EAP), li appella għal sforzi akbar fl-implimentazzjoni tad-DWD, b’mod partikolari għaż-żoni żgħar tal-provvista tal-ilma12.

Telf fis-sistemi tal-provvista tal-ilma tax-xorb

13

Problema importanti li qed taffettwa l-provvista tal-ilma tax-xorb hija r-rata għolja ta’ telf fiżiku tal-ilma. Dan huwa prinċipalment dovut għal tnixxijiet minn netwerks ta’ distribuzzjoni li ma kinux miżmuma tajjeb jew li jeħtieġu tiġdid. Il-perċentwal tat-telf tal-ilma jiġi kkalkulat bħala l-proporzjon bejn l-ilma li ma jiġix iffatturat u l-ammont totali ta’ ilma li jidħol fin-netwerk tal-provvsta.

14

Skont data li ġiet ippubblikata fl-2014, li tirreferi għall-perjodu 2008-2010, f’madwar nofs l-Istati Membri, aktar minn 20 % tal-ilma tax-xorb nadif intilef fin-netwerk ta’ distribuzzjoni qabel ma dan seta’ jasal fil-viti tal-konsumaturi, filwaqt li għal xi Stati Membri l-proporzjon laħaq is-60 %13. Għall-perjodu 2011-2013, għall-kuntrarju tal-perjodu preċedenti, la r-Rapport ta’ Sinteżi u lanqas ir-rapporti tal-Istati Membri ma pprovdew xi informazzjoni rigward it-telf tal-ilma.

15

It-tnaqqis fit-telf huwa importanti minn perspettiva ambjentali (iffrankar ta’ riżorsi) u jaffettwa b’mod fundamentali l-prestazzjoni tal-utilitajiet tal-ilma. L-istrateġija Ewropa 2020 tiffoka ħafna fuq l-effiċjenza tar-riżorsi, u dan jimplika żieda fl-effiċjenza tar-riżorsi tal-ilma, bil-benefiċċji addizzjonali li tintuża inqas enerġija għat-trattament u t-trasport tal-ilma kif ukoll li jkun hemm tnaqqis fil-kontijiet tal-ilma u fit-telf tal-ilma14. Barra minn hekk, is-Seba’ Programmi ta’ Azzjoni Ambjentali jippreżenta l-ħtieġa li tiżdied l-effiċjenza permezz tat-tiġdid tal-infrastrutturi15.

Finanzjament mill-UE prinċipalment permezz tal-FEŻR u l-FK

16

Is-sors prinċipali tal-finanzjament mill-UE għall-infrastrutturi tal-ilma huma l-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (FSIE). B’mod partikolari, ġew iffinanzjati l-proġetti permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) u l-Fond ta’ Koeżjoni (FK).

17

Ħafna proġetti li jinvolvu l-ilma tax-xorb jitwettqu b’mod konġunt ma’ proġetti tal-ilma mormi16. Matul il-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013, aktar minn EUR 7.3 biljun ġew allokati għal proġetti li kienu jinvolvu l-ilma tax-xorb. Minn dawn, madwar EUR 4 biljun kienu ddedikati għall-Istati Membri tal-EU13. Għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020, l-allokazzjoni totali għall-ilma tax-xorb hija ta’ madwar EUR 4.7 biljun, li minnhom madwar EUR 3.4 biljun huma assenjati għall-Istati Membru tal-EU13 (ara l-Anness I).

Aċċess għall-ilma tax-xorb

18

Id-disponibbiltà tal-ilma tax-xorb sikur fl-UE kollha hija għolja. Madankollu, għad hemm reġjuni li ma jipprovdux aċċess liċ-ċittadini għas-servizzi tal-provvista tal-ilma. Skont id-data tal-Eurostat17, ir-rata tal-popolazzjoni konnessa mal-provvista pubblika tal-ilma tvarja sinifikattivament fost l-Istati Membri. Ir-Rumanija għandha r-rata l-aktar baxxa bi 62 % biss tal-popolazzjoni konnessa mal-provvista pubblika tal-ilma (ara l-Figura 1). L-Anness II jipprovdi informazzjoni ta’ sfond dwar is-sorsi tal-ilma tax-xorb fl-UE.

Figura 1

Rata tal-popolazzjoni konnessa mal-provvista pubblika tal-ilma fl-2013 fl-Istati Membri li saritilhom żjara

Sors: L-Eurostat.

19

F’Diċembru 2013, l-inizjattiva taċ-ċittadini tal-UE “Right2Water” ġabret kważi 1.9 miljun firma fl-Istati Membri kollha. Din l-inizjattiva stiednet lill-Kummissjoni sabiex tipproponi leġiżlazzjoni li timplimenta d-dritt tal-bniedem għall-ilma u s-sanità kif rikonoxxut min-Nazzjonijiet Uniti, u tippromwovi l-provvista tal-ilma u s-sanità bħala servizz pubbliku essenzjali għal kulħadd18. Fl-2014, il-Kummissjoni ppubblikat il-valutazzjoni tagħha tal-appoġġ diġà pprovdut mill-UE għall-ilma tax-xorb ta’ kwalità tajba u ħeġġet lill-Istati Membri jiżguraw l-aċċess għal provvista minima tal-ilma għaċ-ċittadini kollha tal-UE19.

Tariffi tal-ilma

20

Il-prinċipji li għandhom jiġu applikati fl-issettjar ta’ tariffi tal-ilma, jiġifieri l-irkupru tal-ispejjeż u l-affordabbiltà tas-servizzi tal-ilma, ġew issettjati fid-Direttiva Qafas dwar l-Ilma tal-200020. Fil-prattika, it-tariffi għandhom mill-inqas ikopru l-ispejjeż operattivi u dawk ta-manutenzjoni, kif ukoll parti sinifikanti mid-deprezzament fuq l-assi biex ikunu jistgħu jikkontribwixxu għas-sostenibbiltà tal-infrastrutturi tal-ilma.

21

Fl-istess waqt, is-servizzi tal-ilma jridu jkunu soċjalment affordabbli għall-konsumaturi. Meta jkunu qed jiddeterminaw it-tariffa tal-ilma, l-Istati Membri jistgħu jieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti soċjali, ambjentali u ekonomiċi fi sforz biex jiżguraw li s-servizzi tal-ilma jibqgħu affordabbli. Il-gwida tal-Kummissjoni tirreferi għal 4 % tal-introjtu ta’ unità domestika bħala proporzjon ta’ affordabbiltà aċċettat b’mod komuni, jiġifieri l-kont totali tal-ilma (ilma tajjeb għax-xorb u ilma mormi) jista’ jirrappreżenta 4 % tal-introjtu ta’ unità domestika21.

Awditi preċedenti tal-QEA u studji reċenti oħra dwar il-politika tal-ilma

22

Fi snin reċenti, aħna ppubblikajna bosta rapporti dwar il-politika tal-ilma u l-investimenti tal-UE fl-infrastrutturi tal-ilma tax-xorb u l-ilma mormi22. L-Anness II jagħti sommarju tal-konklużjonijiet prinċipali tagħhom.

23

F’Mejju 2015, is-Servizz ta’ Riċerka tal-Parlament Ewropew ippubblika rapport dwar id-DWD23.

Ambitu u approċċ tal-awditjar

24

Permezz ta’ dan l-awditu, aħna vvalutajna jekk l-azzjonijiet tal-UE tejbux l-aċċess sikur taċ-ċittadini għall-ilma tax-xorb ta’ kwalità fil-Bulgarija, fl-Ungerija u fir-Rumanija. B’mod partikolari, aħna eżaminajna jekk:

  • ir-rekwiżiti tad-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb ġewx issodisfati;
  • il-proġetti ffinanzjati mill-FEŻR/l-FK li ġew eżaminati tejbux il-kwalità tal-ilma tax-xorb u l-aċċess għall-provvista tiegħu;
  • id-dħul iġġenerat u l-finanzjament pubbliku nazzjonali addizzjonali humiex adegwati biex jiżguraw iż-żamma u s-sostenibbiltà tal-investimenti, iffinanzjati mill-UE, f’infrastrutturi tal-provvista tal-ilma tax-xorb.
25

Aħna ddeċidejna li niffukaw fuq l-Istati Membri tal-EU13 għaliex fl-2010 diġà ppubblikajna Rapport speċjali li kien ikopri t-tema tal-ilma tax-xorb fil-perjodu ta’ programmazzjoni 2000-2006, u li kien jiffoka fuq l-Istati Membri tal-EU1524. L-Istati Membri magħżula kienu ntgħażlu prinċipalment minħabba l-ammont ta’ fondi tal-UE allokati lilhom bejn l-2007 u l-2020 (EUR 3.7 biljun) li jirrappreżentaw madwar 50 % tal-allokazzjonijiet totali tal-UE għall-ġestjoni u l-provvista tal-ilma tax-xorb għall-Istati Membri tal-EU13 (ara l-Anness I), l-aċċess limitat għall-ilma tax-xorb (fil-każ tar-Rumanija) u minħabba l-livell għoli ta’ telf tal-ilma li ġie rrappurtat matul il-perjodu 2008-2010.

26

L-awditu kien ibbażat fuq evidenza pprovduta mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri li saritilhom żjara. B’mod partikolari, huwa twettaq permezz ta’:

  • intervisti ma’ rappreżentanti tad-Direttorat Ġenerali għall-Ambjent u tad-Direttorat Ġenerali għall-Politika reġjonali u urbana;
  • eżami analitiku tad-dokumentazzjoni rilevanti tal-UE u dik nazzjonali;
  • intervisti ma’ rappreżentanti mill-Ministeru tal-Ambjent, mill-Ministeru tas-Saħħa, mill-Awtorità Maniġerjali, mill-korpi regolatorji, eċċ., tal-Istati Membri magħżula;
  • żjarat u analiżijiet ta’ disa’ proġetti taħt il-FEŻR/l-FK (tlieta f’kull wieħed mit-tliet Stati Membri li saritilhom żjara), inkluża dokumentazzjoni relatata mal-proġetti bħal applikazzjonijiet, ftehimiet ta’ għotja, rapporti u dokumenti oħra relatati mal-implimentazzjoni tal-proġetti;
  • intervisti mal-operaturi tal-ilma, il-benefiċjarji tal-proġetti u l-awtoritajiet maniġerjali tad-disa’ proġetti li ġew eżaminati.
27

Il-proġetti taħt il-FEŻR/l-FK li jikkonċernaw l-ilma tax-xorb li ġew eżaminati għal dan l-awditu, huma relatati mal-aspetti kollha tal-infrastruttura marbuta maċ-ċiklu tal-ilma tax-xorb. Huma jinkludu l-ħolqien jew ir-riabilitazzjoni ta’ żoni fejn jinġabar l-ilma tax-xorb (ara l-Istampa 1), l-impjanti tat-trattament tal-ilma (ara l-Istampa 2), il-ħżin u t-trasport tal-ilma permezz ta’ pajpijiet (ara l-Istampa 3) u stazzjonijiet tal-ippumpjar. Kull wieħed mill-proġetti magħżula kien fost l-20 proġett li rċevew l-ogħla rata ta’ kofinanzjament mill-UE matul il-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013 f’kull Stat Membru. Huma ntgħażlu biex juru aspetti ewlenin tal-ilħuq tal-objettivi tad-DWD kif ukoll problemi ta’ aċċess, telf u kwalità.

Stampa 1

Struttura galleġġanti għall-ġbir tal-ilma f’Călărași (ir-Rumanija)

Sors: Il-QEA.

Stampa 2

Makkinarju ta’ trattament fl-impjant tat-trattament tal-ilma Bogyiszló f’Szekszárd (l-Ungerija)

Sors: Il-QEA.

Stampa 3

Xogħlijiet ta’ tħaffir f’Veliko Tarnovo (il-Bulgarija)

© L-Awtorità Maniġerjali tal-programm operazzjonali “Ambjent” fil-Bulgarija.

28

L-awditu kopra l-perjodu mill-adeżjoni mal-UE tal-Istati Membri li saritilhom żjara sa tmiem l-2016.

Osservazzjonijiet

Id-Direttiva tal-1998 dwar l-Ilma tax-Xorb kienet ġiet implimentata fil-biċċa l-kbira mill-aspetti sa tmiem l-2016

29

L-Unjoni Ewropea ma tistax tilħaq l-għanijiet ta’ politika tagħha jekk l-Istati Membri ma japplikawx il-liġi tal-UE b’mod effettiv fuq il-post. L-Istati Membri huma responsabbli milli b’mod preċiż jittrasponu d-direttivi fid-dritt nazzjonali tagħhom fi ħdan il-perjodu ta’ żmien meħtieġ. Minbarra dan, huma wkoll responsabbli mill-applikazzjoni korretta u mill-implimentazzjoni xierqa tal-korp kollu kemm hu tal-leġiżlazzjoni tal-UE25. Il-Kummissjoni hija responsabbli mill-monitoraġġ tal-isforzi li jsiru mill-Istati Membri u mill-iżgurar tal-konformità mal-liġi tal-UE, inkluż ir-rikors għal proċeduri legali formali26.

30

Il-leġiżlazzjoni prinċipali tal-UE li tikkonċerna l-kwalità tal-ilma tax-xorb hija d-DWD. Kif meħtieġ, aħna vvalutajna jekk:

  • l-Istati Membri li saritilhom żjara ittrasponewx b’mod korrett id-DWD fl-oqfsa legali nazzjonali u ssodisfawx ir-rekwiżiti tagħha;
  • huwiex disponibbli ilma tax-xorb adegwat għall-konsumaturi kollha fl-Istati Membri li saritilhom żjara;
  • l-arranġamenti ta’ monitoraġġ jipprovdux informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tad-DWD;
  • informazzjoni aġġornata dwar il-kwalità tal-ilma tax-xorb hijiex disponibbli għall-konsumaturi;
  • il-Kummissjoni tanalizzax regolarment l-aspetti xjentifiċi u tekniċi tad-DWD.

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali fl-Istati Membri li saritilhom żjara hija f’konformità mar-rekwiżiti tad-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb

31

It-traspożizzjoni effettiva tad-DWD fil-leġiżlazzjoni nazzjonali hija pass meħtieġ biex jiġi żgurat li l-ilma tax-xorb jilħaq livell komuni ta’ sigurtà fl-UE kollha. Mid-data tal-adeżjoni ‘l quddiem27, il-Kummissjoni kellha tiżgura li l-leġiżlazzjonijiet nazzjonali kienu jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tal-liġijiet qafas tal-UE, ħlief fil-każ ta’ derogi speċifiċi li jkunu ngħataw fit-trattati tal-adeżjoni.

32

Il-Kummissjoni twettaq studji ta’ konformità billi tqabbel l-obbligi tal-UE mat-test tal-artikoli rilevanti tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali biex tivvaluta l-konformità tagħhom mar-rekwiżiti tad-Direttivi tal-UE. Dan sar fl-2004 għall-Ungerija u fl-2007 għall-Bulgarija u r-Rumanija.

33

Għat-tliet Stati Membri li saritilhom żjara, il-Kummissjoni identifikat li l-leġiżlazzjonijiet nazzjonali ma kinux jikkonformaw f’kull aspett mad-DWD, u għalhekk fl-2008 tniedu proċeduri ta’ ksur tar-regoli (ara l-Kaxxa 2) kontra l-Ungerija u, fl-2009, kontra l-Bulgarija u r-Rumanija28 (ara l-Anness III).

Kaxxa 2

Proċedura ta’ ksur tar-regoli

Fejn taqbad nuqqas ta’ konformità mad-dritt tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni tista’ tinizja proċedura minħabba nuqqas ta’ ssodisfar ta’ xi obbligu, kif previst fl-Artikolu 258 tat-TFUE.

Fl-ewwel stadju tal-proċedura, il-Kummissjoni tibgħat ittra ta’ intimazzjoni lill-Istat Membru fejn tistiednu jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu fi żmien xahrejn. Dan l-iskambju ta’ fehmiet normalment ma jiġix ippubbliċizzat.

Fejn l-osservazzjonijiet ippreżentati mill-Istat Membru ma jirnexxilhomx jipperswadu lill-Kummissjoni tibdel il-perspettiva tagħha, jew fejn l-Istat Membru jonqos milli jirrispondi għat-talba, il-Kummissjoni tista’ toħroġ opinjoni motivata, li tkun tippermetti lill-Istat Membru jkollu perjodu addizzjonali ta’ xahrejn sabiex ikun konformi. F’dan l-istadju, il-Kummissjoni toħroġ stqarrija għall-istampa, li fiha tinforma liċ-ċittadini tal-UE dwar l-iskop tal-proċedura.

Jekk l-Istat Membru jonqos milli jikkonforma mad-dritt tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni tista’ tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li s-sentenza tagħha tkun vinkolanti.

Jekk l-Istat Membru jonqos milli jikkonforma mas-sentenza tal-Qorti, il-Kummissjoni tista’, wara li tibgħat ittra oħra ta’ intimazzjoni, tressaq il-kwistjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għat-tieni darba, fejn tfittex l-impożizzjoni ta’ somma f’daqqa jew ta’ pagament ta’ penali, skont l-Artikolu 260 tat-TFUE.

34

B’riżultat tal-proċeduri ta’ ksur tar-regoli, it-tliet Stati Membri emendaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom. Konsegwentement, il-każijiet ingħalqu fl-2009 għall-Ungerija u fl-2010 għar-Rumanija. Għall-Bulgarija, minħabba l-kobor tal-emendi li saru, il-Kummissjoni aġġornat l-istudju ta’ konformità tagħha fl-2012, fejn inqabdu każijiet oħra ta’ nuqqas ta’ konformità, u għalhekk il-proċedura ta’ ksur tar-regoli ma ngħalqitx qabel l-2015. L-analiżi li wettaqna wriet li, globalment, il-leġiżlazzjoni nazzjonali fit-tliet Stati Membri li saritilhom żjara hija attwalment konformi mar-rekwiżiti tad-DWD.

Ingħataw derogi mid-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb fl-Ungerija u fir-Rumanija, iżda mhux fil-Bulgarija

35

L-Istati Membri jistgħu jagħtu derogi mill-valuri parametriċi, sa valur massimu li jiddeterminaw huma stess, sakemm l-ebda deroga ma tikkostitwixxi periklu potenzjali għas-saħħa tal-bniedem u jekk il-provvista tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem fil-post konċernat ma tkunx tista’ tinżamm b’mezzi oħra raġonevoli (ara l-Kaxxa 3).

Kaxxa 3

Derogi - L-Artikolu 9 tad-DWD

Kwalunkwe deroga li tingħata mill-Istati Membri jew mill-Kummissjoni għandha tispeċifika:

  1. ir-raġunijiet għad-deroga;
  2. il-parametru kkonċernat, riżultati rilevanti ta’ kontrolli (monitoraġġ) li jkunu saru, u l-valur massimu permissibbli taħt id-deroga;
  3. iż-żona ġeografika, il-kwantità tal-ilma pprovduta kuljum, il-popolazzjoni kkonċernata u jekk tkunx se tiġi affettwata xi impriża tal-produzzjoni tal-ikel;
  4. skema xierqa ta’ kontroll (monitoraġġ), b’żieda fil-frekwenza ta’ kontroll (monitoraġġ) fejn meħtieġ;
  5. il-pjan fil-qosor tal-azzjoni korrettiva meħtieġa, li tinkludi time-table għax-xogħol u stima tal-ispejjeż u dispożizzjonijet għar-reviżjoni;
  6. it-tul taż-żmien (meħtieġ) tad-deroga.
36

Jenħtieġ li d-derogi jkunu limitati għall-iqsar żmien possibbli u jistgħu jdumu għal massimu ta’ tliet snin. Jekk wara dan l-ewwel perjodu, il-problemi li jwasslu għad-deroga jkunu persistenti, l-Istati Membri jistgħu jestendu d-deroga għal perjodu addizzjonali ta’ mhux aktar minn tliet snin, filwaqt li jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar dan. F’ċirkustanzi eċċezzjonali, Stat Membru jista’ jitlob għat-tielet deroga mill-Kummissjoni għal perjodu ieħor li ma jaqbiżx it-tliet snin.

37

L-Istati Membri għandhom l-obbligu li jinfurmaw lill-Kummissjoni fi żmien xahrejn dwar kwalunkwe deroga li tikkonċerna ż-żoni kbar tal-provvista tal-ilma. Jeħtieġ li derogi li jikkonċernaw iż-żoni żgħar tal-provvista tal-ilma jiġu kkomunikati biss mit-tieni deroga ‘l quddiem.

38

Fl-Ungerija, fi tmiem it-tielet deroga, li damet sa tmiem l-2012, kważi 80 % taż-żoni tal-provvista tal-ilma li kienu taħt deroga (289 minn 365) kienu għadhom mhumiex konformi mad-Direttiva. Eventwalment, il-miżuri li ttieħdu mill-awtoritajiet Ungeriżi biex titjieb is-sitwazzjoni fiż-żoni li kienu taħt deroga bdew jagħtu r-riżultati. F’April 2016, kien hemm 66 minn 365 żona ta’ provvista tal-ilma li ma kinux jikkonformaw mad-DWD. Sadanittant, minħabba li d-data ta’ skadenza ma nżammitx, il-Kummissjoni niedet proċedura ta’ ksur tar-regoli kontra l-Ungerija f’Mejju 2016.

39

Ir-Rumanija wkoll ingħatat derogi fit-trattat tal-adeżjoni29, li damu sa nofs l-2010 jew sa tmiem l-2015. Mill-adeżjoni tagħha ‘l hawn, ir-Rumanija nnotifikat lill-Kummissjoni dwar seba’ derogi sussegwenti (jiġifieri t-tieni deroga) b’dati ta’ skadenza bejn l-2014 u l-2018. Iżda, skont il-Ministeru tas-Saħħa Rumen, fi tmiem l-2015, kien għad hemm 335 żona tal-provvista tal-ilma, li kienu qed jipprovdu ilma lil bejn wieħed u ieħor 762 000 persuna (madwar 3.8 % tal-popolazzjoni totali tar-Rumanija), fejn l-istandards tal-kwalità kienu għadhom ma ntlaħqux kompletament għal xi parametri. Skont l-awtoritajiet Rumeni, biex tiġi żgurata l-konformità mad-DWD hemm miżuri ulterjuri ppjanati fil-perjodu 2014-2020 permezz tal-programm operazzjonali “Infrastrutturi kbar”, il-Programm Nazzjonali tal-Iżvilupp (PNŻR) u l-Programm Nazzjonali għall-Iżvilupp Lokali.

40

Fil-Bulgarija, saż-żmien meta sar dan ir-rapport, ma ngħatat l-ebda deroga. Minkejja dan, skont il-Ministeru tas-Saħħa Bulgaru, hemm bosta żoni tal-pajjiż bi problemi ta’ konformità. L-aktar serji huma dawk relatati man-nitrat/nitrit u jinvolvu madwar 300 żona żgħira tal-provvista tal-ilma. Għal madwar 150 minn dawn, in-nuqqas ta’ konformità huwa persistenti u huwa relatat ma’ prattiki agrikoli30. B’konsegwenza ta’ dan, jista’ jiġi stmat li madwar 124 000 persuna, jiġifieri 1.7 % tal-popolazzjoni totali, qed jużaw ilma tax-xorb li mhuwiex konformi għalkollox mar-rekwiżiti tad-DWD.

41

Sew jekk ikunu koperti minn deroga u sew jekk le, it-tliet Stati Membri kollha għandhom konsumaturi li għad ma għandhomx aċċess għal ilma tax-xorb ta’ kwalità adegwata. L-Istati Membri qed jieħdu azzjonijiet ta’ mitigazzjoni, iżda xi drabi dawn qed isiru tard, bħal fil-każ tal-Ungerija. Attwalment, fir-Rumanija, qed jiġu implimentati azzjonijiet bħal dawn iżda għadu kmienu wisq biex l-effettività tagħhom tiġi ġġudikata.

Nuqqasijiet fl-arranġamenti ta’ monitoraġġ tad-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb

Xi Stati Membri qegħdin lura fir-rappurtar ta’ data dwar il-monitoraġġ
42

It-tliet rapporti ta’ sinteżi (ara l-paragrafi 5 sa 7) li jkopru s-snin mill-2002 sal-2013, ġew ippubblikati b’dewmien medju ta’ aktar minn 17-il xahar. It-Tabella 2 turi d-dati ta’ skadenza u d-dati reali tal-pubblikazzjoni tar-rapporti ta’ sinteżi li jkopru s-snin mill-2002 sal-2013.

Tablella 2

Dati ta’ skadenza u dati reali tal-pubblikazzjoni tar-rapporti ta’ sinteżi

Rapport ta’ sinteżi Data ta’ skadenza Data tal-pubblikazzjoni Dewmien
2002-2004 Novembru 2006 Diċembru 2007 13-Il xahar
2005-2007 Novembru 2009 Diċembru 2011 25 xahar
2008-2010 Novembru 2012 Ġunju 2014 19-il xahar
2011-2013 Novembru 2015 Ottubru 2016 11-il xahar
43

Skont studju li ġie ppubblikat fl-201331, dan kien dovut għall-kumplessità tal-informazzjoni li kellha tiġi pprovduta mill-Istati Membri (f’termini tal-għadd ta’ parametri u l-ammont ta’ informazzjoni dettaljata), li wasslet għal kontribuzzjonijiet inkompleti u tardivi mill-Istati Membri.

44

Għall-perjodu ta’ rappurtar 2011-2013, il-maġġoranza tal-Istati Membri pprovdew id-data tagħhom fi żmien id-data ta’ skadenza meħtieġa (Frar 2015)32. Madankollu, żewġ Stati Membri (il-Greċja u l-Italja) kienu jeħtieġu sitt xhur addizzjonali biex iwasslu d-data tagħhom, u Stat Membru wieħed, l-Ungerija, ma ffinalizzax ir-rappurtar tiegħu qabel April 2016, jiġifieri aktar minn sena tard milli.

L-Istati Membri li saritilhom żjara ma kkonformawx mal-obbligi kollha ta’ monitoraġġ
45

Id-DWD tippermetti li jitnaqqas jew jitneħħa l-monitoraġġ għal ċerti parametri, speċjalment parametri indikaturi. Inġenerali, Stat Membru jista’ jnaqqas l-għadd ta’ kampjuni li għandhom jiġu ttestjati għal ċerti parametri jekk:

  1. ir-riżultati tal-kampjuni ttestjati matul perjodu mhux iqsar minn sentejn wara xulxin ikunu kostanti u aħjar b’mod sinifikanti mil-limiti, u
  2. ikun probabbli li l-ebda fattur ma jkun se jnaqqas il-kwalità tal-ilma lil hinn mill-punt fejn jittieħed il-kampjun33.
46

Bit-traspożizzjoni tad-Direttiva tal-Kummissjoni (UE) 2015/1787, l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà ta’ deroga mill-frekwenzi tal-parametri u tal-kampjunar, sakemm il-valutazzjoni tar-riskju ssir34 (ara l-paragrafi 61 sa 63).

47

Il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali tat-tliet Stati Membri li saritilhom żjara huma konformi mar-rekwiżiti ta’ monitoraġġ tad-DWD. Madankollu, aħna qbadna bosta każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità fil-monitoraġġ reali mwettaq. Ir-rappurtar ta’ kull tliet snin jipprovdi l-perċentwal taż-żoni kbar tal-provvista tal-ilma li ġie mmonitorjati għal kull parametru. Fir-rappurtar 2011-2013, aħna osservajna li fit-tliet Stati Membri kollha li saritilhom żjara, mhux il-parametri kollha kienu ġew immonitorjati fiż-żoni kbar kollha tal-provvista tal-ilma, u li ma ngħatat l-ebda ġustifikazzjoni jew spjegazzjoni dwar eċċezzjonijiet possibbli għall-monitoraġġ. Pereżempju, ġew irrappurtati mikroelementi35 li għandhom jiġu mmonitorjati bħala medja f’81 % taż-żoni kbar tal-provvista tal-ilma fil-Bulgarija u fl-Ungerija, u f’41 % biss taż-żoni kbar tal-provvista tal-ilma fir-Rumanija.

48

Dan ġie kkonfermat ukoll għal xi wħud mill-proġetti taħt il-FEŻR/l-FK li ġew eżaminati, fejn aħna osservajna li l-monitoraġġ ma twettaqx skont id-DWD. B’mod partikolari, ġew ittestjati inqas parametri milli meħtieġ fid-DWD.

49

Fil-Bulgarija, il-problema ta’ monitoraġġ insuffiċjenti hija rikonoxxuta mill-awtoritajiet nazzjonali. Kif imsemmi fir-Rapport nazzjonali Bulgaru dwar l-Ambjent għall-2012, il-biċċa l-kbira mill-operaturi tal-ilma, għal xi parametri (bħall-benzo(a)piren, l-antimonju, il-merkurju u l-idrokarburi aromatiċi poliċikliċi) ma jikkonformawx mar-rekwiżit ta’ monitoraġġ tad-DWD f’termini ta’ volum u frekwenza36. Minbarra dan, mhux iż-żoni kbar kollha tal-provvista tal-ilma ġew immonitorjati għall-parametri kollha. Bħala medja, il-parametri msemmijin hawn fuq ġew immonitorjati f’66 % biss taż-żoni kbar tal-provvista tal-ilma.

50

Barra minn hekk, skont data preliminari għall-2014 u l-2015, xi parametri bħall-kromju, il-ħadid u l-enterococci ma ġewx immonitorjati fiż-żoni żgħar kollha tal-provvista tal-ilma: il-Ħadid ġie mmonitorjat f’madwar 90 % taż-żoni żgħar tal-provvista tal-ilma, u l-kromju u l-enterococci f’madwar 80 % taż-żoni żgħar tal-provvista tal-ilma. Bili l-popolazzjoni li tinqeda minn żoni żgħar tal-provvista tal-ilma fil-Bulgarija hija ta’ madwar 1.7 miljun37, dan ifisser li, 330 000 persuna, skont kif stmat, kienu jinqdew minn żoni żgħar tal-provvista tal-ilma li ma kinux ittestjati għall-enterococci. Fl-istess waqt, fiż-żoni żgħar tal-provvista tal-ilma li ġew ittestjati, il-livell ta’ nuqqas ta’ konformità kien ta’ aktar minn 2 %.

51

Skont l-awtoritajiet Bulgari, hemm nuqqas ta’ kapaċità suffiċjenti tal-laboratorji: kontrolli sħaħ tal-kampjuni jistgħu jsiru biss f’6 minn 28 laboratorju tal-Ispettorati Reġjonali tas-Saħħa, u jistgħu jsiru testijiet għall-bromat fi 2 minnhom biss. Proċedura għat-titjib fil-kapaċità tal-analiżijiet li jitwettqu mill-Ispettorati Reġjonali tas-Saħħa għadha għaddejja taħt il-Programm Operazzjonali “Ambjent” 2014-2020.

Il-kontrolli mill-EEA fuq ir-rappurtar li jsir mill-Istati Membri dwar il-konformità ma qabdux inkonsistenzi
52

Id-data dwar il-monitoraġġ tal-konformità pprovduta mill-Istati Membri tiġi vverifikata mill-EEA f’isem il-Kummissjoni. Il-verifikazzjonijiet fl-uffiċċju li jsiru mill-EEA ma jinkludux verifikazzjonijiet fuq il-post u għalhekk, fihom infushom, għandhom ambitu limitat. Hemm ukoll każijiet fejn kontrolli ta’ plawżibbiltà setgħu ppermettew lill-EEA taqbad inkonsistenzi fir-rappurtar li jsir mill-Istati Membri:

  • impreċiżjonijiet rigward l-għadd totali ta’ analiżijiet (u l-frekwenza konsegwenti tal-iskorriment) għall-parametru “koliformi” fir-Rumanija (ara l-Kaxxa 4), u
  • żball rigward il-parametru “nitriti” fil-Bulgarija, li fir-realtà jirreferi għall-parametru “nitrati”.

Kaxxa 4

Eżempju ta’ inkonsistenzi fir-rappurtar li jsir mill-Istati Membri dwar il-konformità mad-DWD li setgħu nqabdu mill-EEA

Fir-rappurtar 2011-201338:

  • l-għadd totali ta’ analiżijiet irrappurtati għall-2013 għall-parametru koliformi huwa ta’ 7 71739 u
  • il-frekwenza tal-iskorriment għal dan il-parametru hija ta’ madwar 1.5 %.

Madankollu, ir-Rapport Annwali dwar il-kwalità tal-ilma tax-xorb għall-201340 jispeċifika b’mod korrett li:

  • fl-2013, l-għadd totali ta’ analiżijiet għall-parametru koliformi kien ta’ 67 475, u għalhekk
  • il-frekwenza korretta tal-iskorriment kienet ta’ madwar 1.8 %.

Bili l-għadd ta’ analiżijiet irrappurtati għall-parametru koliformi għall-2011 u l-2012 kien ta’ 65 871 u 71 877 rispettivament, u l-għadd irrappurtat għall-2013 kien biss ta’ madwar 1 minn 10 minn dawn l-għedud, dan l-iżball seta’ nqabad aktar faċilment.

Barra minn hekk, anke għal bosta parametri oħrajn bħall-kwantità ta’ ħadid, manganiż u kolonju, l-għadd ta’ analiżijiet irrappurtati fir-Riżultati tar-rappurtar 2011-2013, u għalhekk anke l-frekwenza tal-iskorriment, huma differenti minn dawk ippubblikati fir-Rapport Annwali għall-2013.

L-informazzjoni dwar l-issodisfar tar-rekwiżiti ta’ monitoraġġ għaż-Żoni Żgħar tal-Provvista tal-Ilma hija nieqsa
53

Iż-żoni żgħar tal-provvista tal-ilma jipprovdu ilma tax-xorb lil bejn wieħed u ieħor 65 miljun persuna fl-UE. Abbażi ta’ data tal-2010, il-Kummissjoni stmat li, fl-UE fl-intier tagħha, aktar minn terz taż-żoni żgħar tal-provvista tal-ilma ma ġew immonitorjati b’mod xieraq jew l-ilma tax-xorb ipprovdut ma kienx qed jikkonforma mal-istandards kollha tal-kwalità41. Fl-2010, għat-tliet Stati Membri li saritlhom żjara, il-perċentwal taż-żoni żgħar tal-provvista tal-ilma li ma ġewx immonitorjati b’mod xieraq kien għoli: 44 % fir-Rumanija, 60 % fl-Ungerija u kważi 100 % fil-Bulgarja, meta mqabbel mal-medja tal-UE ta’ 27 %.

54

Għall-perjodu ta’ rappurtar 2011-2013, madwar nofs l-Istati Membri pprovdew informazzjoni dwar iż-żoni żgħar tal-provvista tal-ilma u rrappurtaw konformità ġenerali (il-parametri kollha inklużi) ta’ aktar minn 98 %42. Matul is-sajf tal-2016, il-Kummissjoni wettqet segwitu tal-konformità fiż-żoni żgħar tal-provvista tal-ilma permezz ta’ stħarriġ. Kienu 21 Stat Membru li wieġbu għall-istħarriġ u li kkonfermaw konformità ġenerali ta’ 98 % għall-indikaturi mikrobijoloġiċi.

55

Madankollu, skont id-DWD, ir-rappurtar dwar iż-żoni żgħar tal-provvista tal-ilma mhuwiex obbligatorju. Il-Kummissjoni ma tistax tiċċekkja jekk il-monitoraġġ jitwettaqx skont il-mod kif jiġi rrappurtat u trid tassumi li l-Istati Membri jirrappurtaw b’rieda tajba, skont il-prinċipju tal-kooperazzjoni leali43.

56

Madankollu, huwa inqas ċar jekk dan huwiex il-każ, u l-Kummissjoni ħadet għadd ta’ inizjattivi fi snin reċenti biex tinċentiva lill-Istati Membri jimmonitorjaw b’mod xieraq iż-żoni żgħar tagħhom tal-provvista tal-ilma. Fl-2011, il-Kummissjoni ppubblikat studju dwar l-implimentazzjoni ta’ Valutazzjoni tar-Riskju għal żoni żgħar tal-provvista tal-ilma44. Barra minn hekk, fl-2014, il-Kummissjoni ħarġet Dokument ta’ gwida li kien jinkludi l-aħjar prattiki għal provvisti żgħar tal-ilma45. L-eżiti ta’ din il-gwida f’termini ta’ titjib fil-monitoraġġ taż-żoni żgħar tal-provvista tal-ilma se jkunu viżibbli biss ladarba l-Istati Membri jibagħtu d-data tagħhom għall-perjodu ta’ rappurtar li jmiss (2014-2016), lejn il-bidu tal-2018.

L-informazzjoni lill-konsumaturi dwar il-kwalità tal-ilma tax-xorb mhijiex aċċessibbli faċilment

57

L-Istati Membri għandhom l-obbligu li jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-konsumaturi jkollhom aċċess għal informazzjoni adegwata u aġġornata dwar il-kwalità tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem46. Fit-tliet Stati Membri li saritilhom żjara, dan ir-rekwiżit huwa traspost b’mod korrett fil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali.

58

Madankollu, aħna osservajna li l-Kummissjoni ma ppubblikat l-ebda gwida għall-Istati Membri dwar kif għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti tad-DWD f’dan ir-rigward. Studju ta’ evalwazzjoni li sar fl-2016 sab li l-prattiki li jintużaw biex informazzjoni bħal din tkun disponibbli għall-konsumaturi jvarjaw sinifikattivament bejn l-Istati Membri u wkoll bejn iż-żoni tal-provvista tal-ilma fi ħdan Stat Membru wieħed47.

59

Għall-proġetti taħt il-FEŻR/l-FK li ġew eżaminati, aħna sibna li l-konsumaturi mhux dejjem ikollhom aċċess faċli għal informazzjoni bħal din, dment li ma tintalabx miċ-ċittadini nfushom jew f’każijiet ta’ inċidenti fin-netwerk tal-ilma. Fl-Ungerija, l-informazzjoni disponibbli għall-konsumaturi fl-2017 tmur lura għall-201448. Fi proġett wieħed fil-Bulgarija49 u wieħed fir-Rumanija50, l-informazzjoni disponibbli għall-konsumaturi kienet tmur lura għall-2015. Għal proġett ieħor fir-Rumanija51, l-informazzjoni ma ġiet ippubblikata xejn, iżda ġiet ipprovduta biss fuq talba. F’dan il-każ, wara ż-żjara tal-awditjar, ġie aġġornat is-sit web tal-operatur tal-ilma u, fi Frar 2017, ġiet ippubblikata data li tkopri s-sena 2016.

Reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb ġiet inkluża fil-Programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni għall-2017

L-analiżijiet imwettqa mill-Kummissjoni fl-2003, fl-2008 u fl-2013 irriżultaw fl-ewwel reviżjoni tad-DWD f’Ottubru 2015
60

Il-Kummissjoni tanalizza l-Annessi tad-Direttiva fid-dawl ta’ progress xjentifiku u tekniku, mill-inqas kull ħames snin, u trid tipproponi emendi, fejn meħtieġa52. L-ewwel analiżi twettqet fl-2003. Fil-kuntest ta’ dik l-analiżi, il-Kummissjoni organizzat konsultazzjoni ma’ rappreżentanti tal-Ministeri tas-Saħħa jew tal-Ambjent, ta’ assoċjazzjonijiet inkarigati mill ġestjoni tal-ilma u ta’ gruppi ta’ riċerka li ġibdu l-attenzjoni għall-fatt li jenħtieġ li s-sorveljanza mikrobijoloġika tingħata aktar attenzjoni peress li l-konsumaturi aktar ibatu minn infezzjonijiet milli minn intossikazzjonijiet.

61

Fl-2008, fil-kuntest tat-tieni analiżi, il-Kummissjoni ordnat li jsir studju estern li jikkonċerna reviżjonijiet possibbli tad-DWD53. F’dan l-istudju, ġie rrakkomandat li l-ippjanar għas-sigurtà tal-ilma tax-xorb (DWSP) jiġi inkluż fid-DWD. Il-kunċett tad-DWSP, li ġie introdott mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) fl-2004, jikkonsisti f’approċċ komprensiv għall-valutazzjoni tar-riskju u għall-ġestjoni tar-riskju, li jinkludi l-istadji kollha fil-provvista tal-ilma minn meta jinġabar sa ma jasal għand il-konsumatur54. L-istudju ġie aġġornat fl-2010 b’fokus fuq id-DWSP. Wara li saru dawn iż-żewġ studji, f’Novembru 2010, il-Kummissjoni kkonkludiet li reviżjoni leġiżlattiva tad-DWD ma kinitx meħtieġa f’dak iż-żmien.

62

Mill-2013 ‘il quddiem, il-Kummissjoni organizzat sensiela ta’ laqgħat u sessjonijiet ta’ ħidma fir-rigward tal-implimentazzjoni u r-reviżjoni possibbli tad-DWD għat-tielet analiżi55. Abbażi ta’ din it-tielet analiżi, il-Kummissjoni ddeċidiet li tirrivedi t-test tal-Annessi II u III tad-DWD.

63

Id-Direttiva li tirrivedi l-Annessi II u III tad-DWD ġiet adottata f’Ottubru 2015 u jeħtieġ li l-Istati Membri jittrasponuha f’leġiżlazzjoni nazzjonali fi ħdan perjodu ta’ 24 xahar56. L-Anness II il-ġdid jipprovdi possibbiltà biex il-monitoraġġ tal-ilma tax-xorb jitwettaq b’mod aktar flessibbli, dment li titwettaq valutazzjoni tar-riskju skont il-prinċipju tal-approċċ tal-pjan għas-sigurtà tal-ilma, stabbilit fil-Linji gwida tal-WHO għall-Kwalità tal-Ilma tax-Xorb. Dan se jippermetti li jkun hemm fokus fuq ir-riżorsi ta’ monitoraġġ fejn ikunu l-aktar meħtieġa u, meta l-eżitu tal-valutazzjoni tar-riskju jkun jippermetti, jista’ jitqies tnaqqis fil-monitoraġġ. L-Anness III il-ġdid jipprevedi speċifikazzjonijiet riveduti għall-analiżi tal-parametri.

Il-Kummissjoni identifikat il-ħtieġa għal reviżjoni ulterjuri tad-DWD biex jiġu indirizzati nuqqasijiet addizzjonali
64

F’Diċembru 2014, wara l-inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej Right2Water (ara l-paragrafu 19), u fil-kuntest tal-programm dwar l-idoneità tar-regolamentazzjoni (REFIT), il-Kummissjoni niedet studju dwar id-DWD. Dan l-istudju kellu l-għan li jsostni evalwazzjoni ta’ jekk kienx jeħtieġ li d-DWD tiġi riveduta, u ġie ppubblikat f’Mejju201657.

65

Fuq il-bażi ta’ dan l-istudju, f’Diċembru 2016 il-Kummissjoni adottat Dokument ta’ ħidma tal-persunal, li kkonkluda li d-DWD laħqet l-objettivi tagħha li tikkontribwixxi għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem58. B’mod parallel, hija tidentifika wkoll bosta oqsma li jirrikjedu titijib, notevolment il-ħtieġa li:

  • jiġu riveduti l-parametri, biex jitqiesu aħjar l-ippjanar għas-sigurtà u approċċ ibbażat fuq ir-riskji;
  • jiġu rinfurzati d-dispożizzjonijiet fid-DWD biex tiġi żgurata li informazzjoni aġġornata tkun disponibbli għall-konsumaturi; u
  • tiġi ttrattata l-problema ta’ materjali li jiġu f’kuntatt mal-ilma tax-xorb.
66

F’Novembru 2015 il-Kummissjoni niedet studju, li ġie ppubblikat f’Marzu 2017, dwar materjali li jiġu f’kuntatt mal-ilma tax-xorb59. Attwalment, qed titwettaq valutazzjoni tal-impatt, li wkoll hija ppjanata li tiġi ppubblikata sa tmiem l-2017. Din se tassisti lill-Kummissjoni fir-reviżjoni tagħha tad-DWD, u li ġiet inkluża fil-Programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni għall-201760.

67

Minbarra dan, f’Diċembru 2015, il-Kummissjoni niedet il-Proġett ta’ Kooperazzjoni rigward il-Parametri għall-Ilma tax-Xorb”, li jiġi implimentat mill-Uffiċċju Reġjonali tal-WHO għall-Ewropa. Il-proġett ta’ 18-il xahar janalizza u jevalwa l-evidenza l-aktar reċenti li hija disponibbli sabiex ikun hemm bażi biex tiġi proposta lista riveduta ta’ parametri li għandhom jiġu inklużi fl-Anness I tad-DWD riveduta61.

Il-proġetti kollha taħt il-FEŻR/l-FK li ġew eżaminati tejbu l-ilma tax-xorb fiż-żoni kkonċernati, iżda t-telf tal-ilma għadu problema komuni

68

Matul dan l-awditu, aħna eżaminajna disa’ proġetti taħt il-FEŻR/l-FK, tlieta f’kull wieħed mill-Istati Membri li saritilhom żjara, biex nivvalutaw il-kontribuzzjoni pprovduta mill-proġetti ffinanzjati mill-UE għall-ilħuq tal-objettivi tad-DWD. Il-Figura 2 tipprovdi ħarsa ġenerali lejn il-proġetti li ġew eżaminati. Informazzjoni addizzjonali dwar kull proġett hija disponibbli fl-Anness V.

Figura 2

Ħarsa ġenerali lejn il-proġetti li ġew eżaminati

Sors: Il-QEA.

69

Għal dawn il-proġetti, aħna ċċekkjajna jekk dawn kinux għazliet adatti għat-titjib fl-aċċess għal ilma tax-xorb ta’ kwalità tajba jew għat-tnaqqis fit-telf tal-ilma. Il-valutazzjoni li wettaqna kienet ibbażata fuq:

  • analiżi tad-dokumentazzjoni relatata mal-proġetti bħal applikazzjonijiet, ftehimiet ta’ għotja, rapporti finali, protokolli tal-laboratorji, u dokumenti oħra relatati mal-implimentazzjoni tal-proġetti; u
  • intervisti mal-operaturi tal-ilma, il-benefiċjarji tal-proġetti u l-awtoritajiet maniġerjali.
70

Il-benefiċjarji tal-proġetti kienu muniċipalitajiet jew assoċjazzjonijiet ta’ muniċipalitajiet jew ta’ kontej. Il-proġetti kollha fil-Bulgarija u fir-Rumanija kienu proġetti mħallta: minbarra l-ilma tax-xorb, huma indirizzaw ukoll problemi li jikkonċernaw l-ilma mormi, li wkoll kien prijorità fiż-żewġ pajjiżi.

71

Ħamsa mid-disa’ proġetti li ġew eżaminati kienu proġetti kbar. Għal dawn il-ħames proġetti, JASPERS62 (is-servizz tekniku komuni li ġie stabbilit bejn il-Kummissjoni, il-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp) kienet involuta fit-tħejjija tal-proġetti u pprovdiet parir indipendenti biex tgħin lill-benefiċjarji u lill-amministrazzjonijiet nazzjonali kompetenti.

72

Għall-proġetti kollha li ġew eżaminati, aħna sibna li s-sitwazzjoni qabel l-implimentazzjoni tagħhom, inkluża l-informazzjoni dwar il-kwalità tal-ilma, il-popolazzjoni konnessa u l-istatus tan-netwerk tal-provvista (bħaż-żmien li l-infrastruttura kellha fuqha, u l-perċentwal tat-telf tal-ilma), kienu ġew ivvalutati b’mod xieraq u deskritti fl-applikazzjoni għall-għotja.

B’mod ġenerali, il-proġetti taħt il-FEŻR/l-FK li kienu kkompletati u li ġew eżaminati, laħqu l-biċċa l-kbira mill-objettivi tagħhom, iżda xi drabi ddewmu

Xi ntlaħaq mill-proġetti
73

Aħna ċċekkjajna l-miri u l-indikaturi ssettjati għall-proġetti taħt il-FEŻR/l-FK lli kienu kkompletati u li ġew eżaminati. Aħna kkonkludejna li dawn laħqu l-objettivi prinċipali tagħhom li jtejbu l-kwalità tal-ilma, li jżidu l-aċċess għall-ilma tax-xorb jew li jnaqqsu t-telf tal-ilma, kif stipulat fl-analiżijiet tal-kost-benefiċċji, fl-istudji tal-fattibbiltà, fil-ftehimiet ta’ għotja jew fl-applikazzjonijiet għall-proġetti, rispettivi tagħhom (ara t-Tabella 3).

Tabella 3

Objettivi prinċipali tal-proġetti taħt il-FEŻR/l-FK li ġew eżaminati

Stat Membru Objettivi prinċipali indirizzati mill-proġetti li ġew eżaminati Attivitajiet prinċipali relatati mal-ilma tax-xorb
Il-Bulgarija Titjib fil-kwalità tal-ilma
Tnaqqis fit-telf tal-ilma
Rikostruzzjoni ta’ impjant tat-trattament tal-ilma u ta’ stazzjonijiet tal-ippumpjar (proġett kbir) u sostituzzjoni ta’ pipelines qodma.
L-Ungerija Titjib fil-kwalità tal-ilma Riabilitazzjoni tan-netwerk ta’ distribuzzjoni tal-ilma u żvilupp ta’ stazzjonijiet ġodda tal-ippumpjar, kostruzzjoni ta’ sistema ta’ konnessjoni bejn in-netwerk eżistenti ta’ distribuzzjoni u s-sistemi l-ġodda ta’ produzzjoni tal-ilma, kostruzzjoni ta’ bjar ġodda għall-isfruttar ta’ riżorsi ġodda tal-ilma u kostruzzjoni ta’ impjanti ġodda tat-trattament tal-ilma.
Ir-Rumanija Titjib fil-kwalità tal-ilma
Żieda fl-aċċess għall-ilma tax-xorb
Tnaqqis fit-telf tal-ilma
Riabilitazzjoni u kostruzzjoni ta’ impjanti tat-trattament tal-ilma, kostruzzjoni ta’ bjar u ġibjuni tal-ilma, estensjoni u riabilitazzjoni tan-netwerk ta’ distribuzzjoni.
74

Fil-Bulgarija, l-impjant tat-trattament u l-istazzjonijiet tal-ippumpjar għall-proġett il-kbir f’Gabrovo nbnew mill-ġdid (ara l-Istampa 4). Barra minn hekk, għat-tliet proġetti kollha, il-pajpijiet tan-netwerk ġew riabilitati, u nkisbu permessi operazzjonali.

Stampa 4

Impjant tat-trattament tal-ilma f’Gabrovo (il-Bulgarija)

© L-Awtorità Maniġerjali tal-programm operazzjonali “Ambjent” fil-Bulgarija.

75

Fil-każ tal-Ungerija, ir-riżultati tat-testijiet ta’ prova wrew titjib fil-kwalità tal-ilma għat-tliet proġetti kollha li ġew eżaminati. Madankollu, fiż-żmien meta saret iż-żjara tal-awditjar, żewġ proġetti (Békés u Szekszárd) kienu għadhom mhumiex qed joperaw. Barra minn hekk, għal wieħed mill-proġetti (Szekszárd) se jkunu jinħtieġu investimenti ulterjuri biex tiġi żgurata konformità fuq terminu twil mad-DWD. Dan kien dovut għal ippjanar fqir (ara l-Kaxxa 5).

Kaxxa 5

Jinħtieġu investimenti addizzjonali għal proġett wieħed taħt l-FK fl-Ungerija (Szekszárd)

Il-livell baxx ħafna tad-Danubju fi snin reċenti (livell medju tal-ilma ta’ 124 cm fl-2015 meta mqabbel ma’ 150-250 cm fi snin preċedenti) irriżulta f’konċentrazzjonijiet tal-Ħadid u l-Manganiż, li kienu ogħla min-normal, f’ilma mhux trattat. Dan irriżulta f’kampjuni għall-parametru manganiż li ma kinux konformi, kif ukoll f’sitwazzjonijiet fejn il-konċentrazzjoni tal-ħadid kienet qrib is-soll fl-ilma tax-xorb ipprovdut. Biex tiġi żgurata konformità fuq terminu twil, feġġet il-ħtieġa għal kapaċità addizzjonali ta’ tneħħija tal-ħadid u tal-manganiż, li se tiġi kofinanzjata mill-UE matul il-perjodu 2014-2020, permezz ta’ proġett ta’ HUF 876 miljun (EUR 2,8 miljun).

Madankollu l-livell tal-ilma fid-Danubju, li, skont l-operatur tal-proġett wassal għal din is-sitwazzjoni, mhuwiex rari u l-investiment addizzjonali seta’ ġie antiċipat. Livelli baxxi simili kienu diġà ġew irreġistrati fl-2003 u fl-201163.

Stampa 5

Bir li jipprovdi ilma ffiltrat mix-xtut tax-Xmara Danubju, l-Ungerija

Sors: Il-QEA.

76

Fil-każ tar-Rumanija, mit-tliet proġetti li ġew eżaminati, il-proġett fil-kontej ta’ Cluj u ta’ Sălaj, li kellu l-objettivi li jtejjeb it-trattament u d-distribuzzjoni tal-ilma tax-xorb, laħaq l-objettivi tiegħu u l-proġett f’Călărași laħaqhom parzjalment biss (ara l-Kaxxa 6).

Kaxxa 6

Ilħuq parzjali tal-objettivi fi proġett Rumen (Călărași)

Wieħed mill-objettivi tal-proġetti kien li t-telf tal-ilma jitnaqqas għal 19 %. Il-mira għall-indikatur tal-prestazzjoni “Telf fiżiku tal-ilma” ma ntlaħqitx, minħabba stima insuffiċjenti tat-telf tal-ilma li saret qabel il-proġett. Fil-fatt, l-istimi (34 %) kienu jirreferu biss għal telf tal-ilma fin-netwerk ta’ distribuzzjoni, u kienu bbażati fuq data għall-perjodu 2006-2007 meta s-sistema ta’ kejl bl-arloġġ għall-ġbir, l-ippumpjar u d-distribuzzjoni tal-ilma ma kinitx stabbilita u meta mhux il-konsumaturi kollha kellhom arloġġ tal-ilma.

Meta l-proġett ġie kkompletat (Lulju 2016), it-telf tal-ilma ġie rrappurtat li kien ta’ madwar 56 %. Fi tmiem l-2016, it-telf tal-ilma tnaqqas għal inqas minn 51 %. Il-valur irrappurtat wara l-proġett jirrappreżenta t-telf tal-ilma fis-sistema tal-ilma kollha, inklużi l-astrazzjoni u t-trattament. Minbarra dan, it-tieni kaġun għall-valur għoli ta’ telf tal-ilma li ġie rrappurtat fir-rapport finali huwa l-fatt li kuntratt ta’ xogħlijiet, li suppost kellu jispiċċa f’Marzu 2013, ma ġiex konkluż qabel Ġunju 2016 minħabba insolvenza tal-kumpanija li oriġinarjament ingħatat il-kuntratt.

Fir-rigward tal-objettiv ta’ titjib fil-kwalità tal-ilma tax-xorb, ir-riżultati tat-testijiet li saru wara l-implimentazzjoni tal-proġett urew li l-kwalità tal-ilma laħqet l-istandard meħtieġ fil-muniċipalitajiet kollha ħlief waħda (Lehliu), fejn, fl-2015, l-analiżijiet għall-kloru residwu liberu u għall-ammonju rrappurtaw valuri li kienu ogħla mis-sollijiet f’aktar minn 9 % u fi kważi 17 % tal-każijiet, rispettivament. Skont il-benefiċjarju tal-proġett, inqabeż il-limitu għal dawn il-parametri matul is-sajf (Lulju, Awwissu), meta l-kwantitajiet tal-ilma ttrattat għall-konsum mill-bniedem laħqu l-kapaċità massima tal-impjant u meta d-doża, ta’ qabel it-trattament, għall-kloru ma kinitx suffiċjenti.

77

It-tielet proġett, fir-reġjun ta’ Constanța, kiseb ukoll l-indikaturi tal-output tiegħu fir-rigward tar-riabilitazzjoni jew il-kostruzzjoni tal-infrastruttura fiżika64, iżda l-ilħuq tal-objettivi tal-prestazzjoni ma jkunx jista’ jiġi vverifikat qabel ma tiġi kkompletata fl-2019 il-parti mix-xogħlijiet li huma ffinanzjati taħt il-perjodu 2014-2020 (ara l-paragrafu 79).

Stampa 6

Analiżijiet tal-laboratorju f’Călărași (ir-Rumanija)

Sors: Il-QEA.

78

Il-benefiċjarji tal-proġetti fil-Bulgarija kellhom l-obbligu li jikkomunikaw, fl-istadju tal-ikkompletar, lill-awtoritajiet maniġerjali tagħhom dwar l-outputs u l-implimentazzjoni finanzjarja tal-proġetti, iżda mhux dwar l-impatti tal-proġetti. Pereżempju, it-telf tal-ilma u l-interruzzjoni tas-servizz kienu l-problemi prinċipali, rigward l-ilma tax-xorb, li l-proġetti fil-Bulgarija kienu ppjanati li jsolvu. Minkejja dan, ma kienx hemm indikaturi speċifiċi rigward dawn iż-żewġ aspetti fil-ftehimiet ta’ għotja. Madankollu, l-awditu li wettaqna seta’ jikkonferma li l-proġetti kollha taħt il-FEŻR/l-FK li ġew eżaminati kkontribwew għal tnaqqis fit-telf tal-ilma u f’interruzzjoni tas-servizz.

Dewmien fl-implimentazzjoni tal-proġetti
79

Il-proġetti kollha li ġew eżaminati fl-Ungerija u fir-Rumanija spiċċaw aktar tard milli ppjanat. Il-proġetti Ungeriżi ntemmu b’dewmien ta’ bejn sitt xhur u tmienja meta mqabbel mal-perjodu ta’ żmien stipulat fil-ftehimiet inizjali ta’ għotja. Tnejn mit-tliet proġetti Rumeni kellhom dewmien ta’ aktar minn 30 xahar. It-tielet proġett, li suppost kellu jintemm f’Novembru 2015, ġie estiż għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020 minħabba l-insolvenza tal-intraprenditur, u issa d-data tal-ikkompletar prevista hija tmiem l-2019. Is-sitwazzjoni kienet aħjar b’mod apprezzabbli fil-Bulgarija fejn tnejn mill-proġetti ġew ikkompletati b’dewmien żgħir ta’ tliet xhur u t-tielet wieħed intemm fil-ħin.

Implimentazzjoni finanzjarja tal-proġetti
80

Fl-Ungerija, mill-proġetti li ġew eżaminati wieħed biss irrispetta l-istimi tal-ispejjeż inizjali. Għaż-żewġ proġetti l-oħra li ġew eżaminati (Békés u Szekszárd), l-ispejjeż finali kienu aktar minn 20 % u 9 % ogħla mill-ispejjeż totali ssettjati fil-ftehim ta’ għotja. Fiż-żewġ każijiet, wara proċedura ta’ akkwist pubbliku, iż-żidiet kienu relatati ma’ spejjeż ta’ kostruzzjoni li kienu ogħla milli stmati. L-awtorità maniġerjali aċċettat dawn iż-żidiet fl-ispejjeż u emendat il-ftehim ta’ għotja bosta drabi. Dan ukoll wassal għal żidiet korrispondenti fil-finanzjament li ngħata mill-UE.

81

Min-naħa l-oħra, għall-proġetti li ġew eżaminati fil-Bulgarija u fir-Rumanija, l-ispejjeż finali kienu sinifkattivament aktar baxxi (bejn 19 % u 33 %) mill-ammont ibbaġitjat fil-ftehim ta’ għotja. Dan kien prinċipalment dovut għall-iffrankar fil-proċeduri ta’ akkwist pubbliku. Fil-każ ta’ proġett kbir partikolari fil-Bulgarija (Gabrovo), it-tnaqqis fl-ispejjeż irriżulta wkoll mir-reviżjoni tal-ambitu tal-proġett (ara l-Kaxxa 7).

Kaxxa 7

Tnaqqis fl-ispejjeż fi proġett kbir fil-Bulgarija (Gabrovo)

L-analiżi tal-kost-benefiċċji, annessa mal-applikazzjoni għall-proġett, b’mod skorrett assumiet żieda fil-konsum tal-ilma wara żieda fil-popolazzjoni. Fil-fatt, madankollu, il-popolazzjoni naqset fl-għadd. Abbażi ta’ din is-suppożizzjoni skorretta, il-volumi tal-ilma meħtieġa, kif ukoll l-investiment meħtieġ għall-impjant tat-trattament tal-ilma ġew stmati b’mod eċċessiv fil-proposta. Matul l-implimentazzjoni tal-proġett, l-ippjanar tal-proġett ġie aġġustat għal xenarju demografiku u konsum tal-ilma aktar realistiċi. Dan, flimkien mal-iffrankar mill-proċeduri ta’ akkwist pubbliku, irriżulta fi tnaqqis fl-ispejjeż ta’ 33 %.

It-telf fis-sistema tal-provvista tal-ilma għadu għoli

82

It-telf tal-ilma jikkonsisti prinċipalment f’ilma li jnixxi mis-sistema qabel ma jasal għand il-konsumatur aħħari (telf tekniku jew fiżiku), u f’ilma kkunsmat mingħajr ma jiġi fatturat b’mod xieraq, pereżempju, permezz ta’ konnessjonijiet illegali jew sistemi mhux xierqa ta’ kejl bl-arloġġ tal-konsum tal-ilma (telf kummerċjali jew evidenti)65. Filwaqt li dak tal-ewwel iżid bla meħtieġ l-ispejjeż tal-produzzjoni (għaliex irid jiġi prodott aktar ilma milli meħtieġ), dak tal-aħħar ifisser dħul mitluf. It-telf tal-ilma jiġi normalment stmat abbażi tal-bilanċ bejn il-flussi ta’ dħul u ħruġ tal-ilma fis-sistema.

83

Skont studju li sar mill-Bank Dinji fl-201566, il-livell medju ta’ telf tal-ilma fl-UE fl-2012 kien ta’ madwar 34 %. Mill-Istati Membri li saritilhom żjara, l-Ungerija biss tirrapporta perċentwal aktar baxx (24 %). Ir-Rumanija u l-Bulgarija jirrappurtaw telf tal-ilma ta’ 40 % u ta’ aktar minn 60 % rispettivament (ara l-Figura 3). Fit-tliet Stati Membri kollha, it-telf tal-ilma fil-fatt żdied mill-2005 (jew mill-2007 għar-Rumanija) sal-2013. Iż-żieda fit-telf tal-ilma li ġie rrappurtat, speċjalment fir-Rumanija, hija prinċipalment dovuta għat-titjib fil-kejl bl-arloġġ, li rriżulta f’kejl aktar preċiż ta’ tnixxijiet.

Figura 3

Proporzjon tat-telf tal-ilma (%) - il-Bulgarija, ir-Rumanija u l-Ungerija

NB: Għar-Rumanija, id-data tirreferi għall-2007.

Sors: Data miġbura mill-Istati Membri (il-ministeri, l-uffiċċji nazzjonali tal-istatistika u l-assoċjazzjoni tal-utilitajiet tal-ilma).

84

Għall-perjodu 2014-2020, il-Kummissjoni identifikat, għat-tliet pajjiżi li saritilhom żjara, il-ħtieġa li tiżdied l-effiċjenza fl-użu tal-ilma, inkluż it-tnaqqis fit-telf tal-ilma67. Minbarra dan, fl-2015, il-Kummissjoni ppubblikat Dokument ta’ referenza tal-UE dwar il-Prattiki Tajbin relatati mal-Ġestjoni tat-Tnixxijiet, biex tgħin lill-Istati Membri jegħlbu dawn il-problemi u tipprovdi gwida għat-tfassil ta’ politiki biex jitjieb l-użu effiċjenti tal-ilma permezz ta’ utilitajiet fl-UE kollha68. Għall-Bulgarija, il-ħtieġa li titjieb il-ġestjoni tal-ilma ilha tiġi enfasizzata mill-2012 fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi tal-Kunsill69.

85

Fl-Ungerija, l-Assoċjazzjoni tal-Utilitajiet tal-Ilma wettqet eżerċizzju ta’ valutazzjoni kumparattiva fl-2008 li kkonkluda li t-telf medju tal-ilma fl-Ungerija kien ta’ madwar 15-17 % fl-2008 (madwar 10-13 % għall-erba’ fornituri tas-servizzi bl-aħjar prestazzjoni, u 40 % għal dawk bl-agħar prestazzjoni). Matul il-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013, it-tnaqqis fit-telf tal-ilma, għal livel inqas minn 20 %, kien wieħed mill-kriterji tal-għażla għall-proġetti kofinanzjati mill-UE.

86

Fir-Rumanija, it-telf tal-ilma fin-netwerk jitqies aċċettabbli jekk ikun inqas minn 15 % tal-kwantità totali li ddaħlet fis-sistema ta’ distribuzzjoni70. Ix-xogħlijiet ta’ riabilitazzjoni jew ta’ modernizzazzjoni, kif huwa xieraq, huma obbligatorji jekk it-telf tal-ilma (mill-astrazzjoni tal-ilma sa ma dan jasal għand l-utent) ikun aktar minn 20 %. Madankollu, minħabba l-finanzjament limitat fil-perjodu ta’ perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013, ingħatat prijorità lill-aċċess akbar għall-ilma, u għaldaqstant lill-estensjoni tan-netwerk tel-ilma.

87

Fil-Bulgarija, it-telf tal-ilma ta’ 60 % huwa għoli ħafna meta mqabbel ma’ pajjiżi oħra tal-UE. Miri individwali f’termini ta’ telf tal-ilma ġew issettjati għal kull operatur tal-ilma li għandhom jintlaħqu sal-2021. Hemm ukoll mira nazzjonali ta 49 % li għandha tintlaħaq sal-202671. Minbarra dan, l-Istrateġija għall-provvista tal-ilma u s-sanità għall-perjodu 2014-2023 issettjat il-mira li għandha tintlaħaq, fil-livell nazzjonali għat-telf tal-ilma f’livell ta’ 30 % sal-203972.

88

It-Tabella 4 turi s-sitwazzjoni rigward it-telf tal-ilma qabel u wara l-implimentazzjoni tal-proġetti li ġew eżaminati. Rigward id-disa’ proġetti taħt il-FEŻR/l-FK li ġew eżaminati, il-proġetti kollha ħlief wieħed irriżultaw fi tnaqqis fit-telf tal-ilma (ara l-paragrafu 76 u l-Kaxxa 6). Madankollu, skont informazzjoni aktar reċenti, it-telf tal-ilma f’dan il-proġett naqas minn meta l-proġett ġie kkompletat.

Tabella 4

Telf tal-ilma qabel u wara l-implimentazzjoni tal-proġetti li ġew eżaminati

Stat Membru Proġetti Telf tal-ilma qabel il-proġett Miri Telf tal-ilma wara l-proġett
Il-Bulgarija Proġett 1 (Gabrovo)1 73 % 39 % 44 %
Proġett 2 (Veliko Tarnovo)1 70 % (fiż-żona tal-proġett) 20 % 20 % (fiż-żona tal-proġett)
Proġett 3 (Panagyurishte)1 60 % (fiż-żona tal-proġett) Mhux issettjati 44 % (fiż-żona tal-proġett)
L-Ungerija Proġett 1 (Békés) 30 % Mhux issettjati 28 %
Proġett 2 (Szekszárd) 13 % Mhux issettjati 10,9 %
Proġett 3 (Gyömrő) 8,8 % Mhux issettjati 7.7 %
Ir-Rumanija Proġett 11 (Călărași) 34 % (fis-sistema ta’ distribuzzjoni) 19 % 50.4 % (għas-sistema kollha, inklużi l-astrazzjoni u t-trattament)
Proġett 21 (Constanța) 64 % 45.2 % 44 %
Proġett 31 (Cluj) 42 % 36 % 36.9 %

1Dawn il-proġetti kienu jinvolvu r-rinnovazzjoni ta’ parti biss min-netwerk, filwaqt li d-data dwar it-telf tal-ilma hija disponibbli biss għan-netwerk kollu kemm hu.

Minbarra l-kofinanzjament mill-UE, għadhom jinħtieġu fondi sinifikanti biex jiġi pprovdut aċċess għal ilma tax-xorb ta’ kwalità u biex jiġi żgurat li l-investimenti ffinanzjati mill-UE jistgħu jinżammu b’mod adegwat

89

Aħna vvalutajna jekk l-Istati Membri li saritilhom żjara identifikawx il-ħtiġijiet addizzjonali ta’ finanzjament biex jiżguraw il-provvista tal-ilma tax-xorb ta’ kwalità tajba għaċ-ċittadini tagħhom, kif ukoll kemm dan jista’ jiġi pprovdut minn riżorsi nazzjonali pubbliċi u privati. Minbarra dan, aħna eżaminajna jekk il-prinċipju tal-irkupru tal-ispejjeż itteħidx inkunsiderazzjoni debitament meta kienu qed jiġu ssettjati t-tariffi tal-ilma, biex b’hekk l-infrastruttura eżistenti tkun tista’ tinżamm b’mod xieraq.

Id-diskrepanza fl-investiment għat-tliet Stati Membri li saritilhom żjara, sal-2020, hija stmata f’ammont ta’ EUR 6 miljun

90

L-appoġġ finanzjarju mill-baġit tal-UE ma għandux jissostitwixxi n-nefqa pubblika nazzjonali73. Dan ifisser li biżżejjed riżorsi nazzjonali pubbliċi u privati jridu jkunu disponibbli biex jiġi żgurat livell adegwat ta’ investimenti fit-terminu twil u biex tinżamm l-infrastruttura diġà stabbilita, grazzi għall-finanzjament mill-UE, peress li huma esklużi minn finanzjament futur mill-UE.

91

Barra minn hekk, l-istess nefqa tista’ tirċievi appoġġ minn fond jew strument wieħed biss tal-UE74. Għal proġetti relatati mal-ilma tax-xorb, li jitqiesu bħala li jiġġeneraw id-dħul, tista’ tiġi ffinanzjata biss nefqa eliġibbli mnaqqsa minn dħul nett potenzjali. Id-dħul nett jieħu kont mhux biss tad-dħul ta’ flus kontanti iżda wkoll tal-ħruġ tagħhom, bħal spejjeż tal-operat (inkluża l-manutenzjoni) u l ispejjeż tas-sostituzzjoni tal-investiment fuq perjodu ta’ referenza speċifiku.

92

B’mod ġenerali, l-allokazzjonijiet taħt il-FEŻR/l-FK għal investimenti relatati mal-ilma tax-xorb fl-Istati Membri tal-EU13 kienu ta’ madwar EUR 4 biljun fil-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013, u madwar EUR 3.4 biljun huma ppjanati għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020. L-allokazzjonijiet taħt il-FEŻR/l-FK għal proġetti relatati mal-ilma tax-xorb fit-tliet Stati Membri li saritilhom żjara, kemm għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013 kif ukoll għal dak tal-2014-2020, jammontaw għal madwar EUR 3.7 biljun (it-Tabella 5).

Tabella 5

Allokazzjonijiet taħt il-FEŻR/l-FK għal proġetti relatati mal-ilma tax-xorb fil-Bulgarija, fl-Ungerija u fir-Rumanija

Ammonti f’miljun EUR 2007-2013 2014-2020 Total
Il-Bulgarija 166 145 311
L-Ungerija 529 216 745
Ir-Rumanija 1 388 1 261 2 649
Total 2 083 1 622 3 705
93

Fl-2014, il-Bulgarija adottat l-Istrateġija għall-provvista tal-ilma u s-sanità għall-perjodu 2014-202375 bl-għan li titjieb il-kwalità tas-servizzi tal-ilma u li jintlaħqu l-istandards ambjentali tal-UE. Skont dan id-dokument, għall-perjodu 2014-2023, il-ħtiġijiet ta’ investiment għall-ilma tax-xorb (l-astrazzjoni, it-trattament, it-trasport u d-distribuzzjoni) ġew stmati f’ammont ta’ madwar EUR 2.5 biljun (BGN 5.0 biljun). Bi tqabbil ma’ dan, il-finanzjament li ngħata mill-UE li ġie allokat għal investimenti relatati mal-ilma tax-xorb fil-Bulgarija għall-perjodu 2014-2020 jammonta għal madwar EUR 145 miljun. Dan jindika diskrepanza fl-investiment ta’ madwar EUR 1 600 miljun76 fil-każ tal-Bulgarija sal-2020.

94

Fir-Rumanija, fl-2004, biex jiżguraw il-konformità mal-istandards tal-kwalità u mad-dati ta’ skadenza tad-DWD, l-awtoritajiet adottaw “Pjan ta’ Implimentazzjoni dwar il-kwalità tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem”, li fih huma identifikaw l-azzjonijiet meħtieġa rigward il-provvista tal-ilma tax-xorb u l-ħtiġijiet finanzjarji relatati sa tmiem l-2015, li kienu stmati f’ammont ta’ EUR 5.6 biljun. Aktar tard, fil-Programm Operazzjonali “Infrastrutturi kbar” għall-perjodu 2014-2020, dan l-ammont ġie rivedut għal EUR 5.8 biljun, b’żieda mal-investimenti li diġà kienu saru matul il-perjodu 2007-2013 (kontribuzzjoni mill-UE ta’ EUR 1.38 biljun). Bi tqabbil ma’ dan, il-fondi tal-UE li ġew allokati għal investimenti relatati mal-ilma tax-xorb fir-Rumanija għall-perjodu 2014-2020 jammontaw għal madwar EUR 1.26 biljun. Dan jindika diskrepanza fl-investiment ta’ madwar EUR 4 540 miljun fil-każ tar-Rumanija sal-2020.

95

Fl-aħħar nett għalkemm fuq skala ferm iżgħar, fl-Ungerija se jinħtieġu riżorsi addizzjonali nazzjonali jew riżorsi oħra biex jissodisfaw il-ħtiġijiet għat-titjib fil-kwalità tal-ilma. Skont evalwazzjoni li twettqet fl-2013, il-ħtiġijiet ta’ investiment għat-titijib fil-kwalità tal-ilma fl-Ungerija, sal-2020, kienu stmati f’ammont ta’ bejn EUR 415-il miljun u EUR 460 miljun (HUF 130 000 - 140 000 miljun), filwaqt li l-allokazzjoni tal-UE għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020 tammonta għal EUR 216-il miljun (HUF 67 634 miljun)77. Dan jindika diskrepanza fl-investiment ta’ mhux aktar minn EUR 244 miljun fil-każ tal-Ungerija, sal-2020.

It-tariffi tal-utenti mhumiex biżżejjed biex jiżguraw is-sostenibbiltà tal-proġetti

96

Is-sostenibbiltà finanzjarja tal-għoti ta’ servizzi tal-ilma tiġi żgurata meta d-dħul minn dawn is-servizzi jkun biżżejjed biex ikopri kemm l-ispejjeż operattivi kif ukoll dawk tal-manutenzjoni u biex jiġu rkuprati l-ispejjeż tal-kapital, u għaldaqstant jippermetti t-tiġdid tal-investimenti. Dan huwa l-prinċipju tal-irkupru tal-ispejjeż.

97

Kemm għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2000-2006 kif ukoll għal dak tal-2007-2013, il-gwida tal-Kummissjoni tipproponi li t-tariffi tal-ilma jkopru mill-inqas l-ispejjeż operattivi u dawk tal-manutenzjoni, kif ukoll parti sinifikanti mill-imposta tad-deprezzament fuq l-assi78. Id-deprezzament jista’ jitqies bħala indikatur tal-ispiża meħtieġa għat-tiġdid tal-infrastruttura fil-futur.

98

Għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020, l-approvazzjoni tal-programmi operazzjonali hija suġġetta għal kundizzjonalità ex ante fuq l-irkupru tal-ispejjeż, fejn irid ikun hemm kontribuzzjoni adegwata tal-użi differenti tal-ilma għall-irkupru tal-ispejjeż tas-servizzi tal-ilma79. Madankollu, id-definizzjoni ta’ x’inhi kontribuzzjoni adegwata hija għad-diskrezzjoni tal-Istati Membri.

99

Fil-Bulgarija, skont l-Istrateġija għall-perjodu 2014-2023, f’għadd kbir ta’ kumpaniji tal-ilma Bulgari, l-ispejjeż operattivi mhumiex koperti mid-dħul iġġenerat mit-tariffi tal-ilma, minkejja ż-żidiet li kien hemm fir-rati mill-2008 ‘l hawn (it-tariffi tal-provvista tal-ilma żdiedu b’16 % mill-2008 sal-2011, filwaqt li għolew minn BGN 1.19/m3 għal BGN 1.38/m3). Fil-fatt, skont ix-xenarji kollha li ġew żviluppati fl-istrateġija, sal-2024 ikun jeħtieġ li t-tariffi medji kkombinati għall-ilma u għall-ilma mormi jiżdiedu għal, bejn wieħed u ieħor, id-doppju tat-tariffi stabbiliti fl-2011 biex jintlaħaq l-objettiv tal-konformità u s-sostenibbiltà.

100

Il-fatt li l-prinċipju tal-irkupru tal-ispejjeż ma jiġix rispettat iġib miegħu riskju sinifikanti għas-sostenibbiltà tal-infrastrutturi kofinanzjati mill-UE. Pereżempju, fil-Bulgarija, bħala medja, aktar minn EUR 400 miljun (BGN 800 miljun) ikunu meħtieġa kull sena, sempliċiment biex it-tul u ż-żmien medju tan-netwerk jinżammu fil-kundizzjoni attwali. Madankollu bejn l-2007 u l-2011, bħala medja, inqas minn EUR 100 miljun (BGN 200 miljun) ġew investigati kull sena80.

101

Fl-istess waqt, is-servizzi tal-ilma jridu jkunu soċjalment affordabbli għall-konsumaturi. Il-gwida tal-Kummissjoni81 tirreferi għal 4 % tal-introjtu ta’ unità domestika bħala proporzjon ta’ affordabbiltà aċċettat b’mod komuni, jiġifieri l-kont totali tal-ilma (ilma tajjeb għax-xorb u ilma mormi) jista’ jirrappreżenta 4 % tal-introjtu ta’ unità domestika. Il-prinċipju tal-affordabbiltà huwa meħud inkunsiderazzjoni fil-leġiżlazzjoni tat-tliet Stati Membri li saritilhom żjara. Fil-Bulgarija, l-affordabbiltà tiġi żgurata meta l-ispiża tal-fattura tas-servizzi tal-ilma ma tkunx taqbeż it-2.5 % tal-introjtu medju ta’ kull xahar, ta’ unità domestika fid-distrett ikkonċernat82. Fir-Rumanija, il-livell ġenerali rakkomandat ta’ affordabbiltà għall-provvista tal-ilma u s-sanità huwa ta’ 3.5 % tal-introjtu medju ta’ kull xahar, ta’ unità domestika, fil-livell nazzjonali (separat għaż-żoni urbani u rurali)83. Ibbażat fuq l-informazzjoni inkluża fl-applikazzjonijiet għall-proġetti, it-tariffi kienu ġew issettjati f’livell ta’, bejn wieħed u ieħor, 2 % - 2.5 % tal-introjtu nett ta’ unità domestika medja. Fl-aħħar nett, fl-Ungerija, għalkemm il-prinċipju tal-affordabbiltà jissemma fil-leġiżlazzjoni84, l-ebda rata speċifika ta’ affordabbiltà ma ġiet identifikata.

102

Fil-Bulgarija u fir-Rumanija, it-tariffi tal-provvista tal-ilma jiġu stabbiliti mill-operatur tal-ilma u approvati mir-regolatur85. Fiż-żewġ pajjiżi, il-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprovdi li t-tariffi għandhom ikopru l-ispejjeż tal-għoti tas-servizz, jiżguraw l-operazzjoni effettiva u sikura tas-servizz, il-konservazzjoni u l-protezzjoni ambjentali, kif ukoll is-saħħa pubblika, jiskoraġġixxu l-konsum eċċessiv u jħeġġu l-investiment kapitali, biex jiżguraw ir-rispett tal-awtonomija finanzjarja tal-operatur u jiżguraw il-kontinwità tas-servizz86.

103

Minbarra dan, fir-Rumanija, l-operaturi tal-ilma li jimplimentaw proġetti ffinanzjati mill-fondi tal-UE għandhom l-obbligu li jistabbilixxu fond ta’ riżerva għall-manutenzjoni, is-sostituzzjoni u l-iżvilupp għall-perjodu kollu ta’ investiment. Jenħtieġ li dan jiġi pprovdut mid-dħul tas-servizzi tal-ilma u għaldaqstant jittieħed inkunsiderazzjoni meta jkunu qed jiġu stabbiliti t-tariffi87. Madankollu, tnejn mit-tliet proġetti li ġew eżaminati ma ħadux inkunsiderazzjoni l-fond ta’ riżerva meta kienu qed jiġu ddeterminati dawn it-tariffi. Skont l-operatur tal-ilma ta’ wieħed mill-proġetti li ġew eżaminati (f’Călărași), l-inklużjoni ta’ dan il-fond fl-istruttura tat-tariffi kienet twassal għal imposti li kienu jkunu għoljin wisq biex ikunu affordjati mill-konsumaturi residenzjali. Dan jista’ jirriżulta f’mauntenzjoni ta’ standard inferjuri u l-impossibbiltà li tiġi sostitwita l-installazzjoni fit-terminu twil u s-sostenibbiltà tal-infrastruttura tal-ilma titpoġġa f’riskju.

104

Fl-Ungerija, jenħtieġ l-irkupru sħiħ tal-ispejjeż u mill-2012 ‘il quddiem rekwiżiti dettaljati għall-issettjar ta’ tariffi fil-livell nazzjonali għandhom jiġu ssettjati permezz tad-Digriet tal-Ministeru inkarigat88. L-istess leġiżlazzjoni speċifikat li għall-2012 it-tariffi setgħu jinżdiedu biss b’massimu ta’ 4.2 % meta mqabbla mat-tariffi tal-2011. Liġi sussegwenti tal-201389 speċifikat li, minn Lulju 2013, it-tariffa għandha titnaqqas b’10 % meta mqabbla mat-tariffi tal-2012. Minn dak iż-żmien ‘il hawn, billi għadu ma ġie adottat l-ebda Digriet għall-issettjar ta’ tariffi, dawn baqgħu ma nbidlux.

105

Għat-tliet proġetti li ġew eżaminati fl-Ungerija, it-tariffi stabbiliti fl-2016 kienu, bħala medja, 15 % aktar baxxi minn dawk li tħabbru fl-applikazzjonijiet, u li ntużaw għall-valutazzjoni tal-proġetti. Dan jimplika li ljista’ jkun li l-irkupru tal-ispejjeż ma jinkisibx, u, għaldaqstant, li jista’ jkun li l-manutenzjoni ma titwettaqx b’mod xieraq u hemm mnejn ma jkunx hemm biżżejjed riżervi stabbiliti biex jiġi sostitwit it-tagħmir fit-terminu twil u, għaldaqstant, biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà tal-infrastrutturi tal-ilma.

106

F’bosta mir-rapporti preċedenti tagħna, diġà ġew enfasizzati kwistjonijiet simili fir-rigward tar-riskju li d-dħul iġġenerat ma jkunx suffiċjenti biex jiġu żgurati l-operazzjoni u l-manutenzjoni tal-infrastruttura ffinanzjata mill-UE90.

Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

107

B’mod ġenerali, aħna sibna li tjiebu l-aċċess u l-provvista li jingħataw liċ-ċittadini għal ilma tax-xorb ta’ kwalità fil-Bulgarija, fl-Ungerija u fir-Rumanija. Dan huwa fil-biċċa l-kbira dovut għall-investimenti sinifikanti ffinanzjati mill-FEŻR u mill-FK li saru fi snin reċenti. Minkejja dan, għad hemm żoni fejn iċ-ċittadini jiġu pprovduti b’ilma min-netwerk tal-provvista pubblika li ma jkunx konformi għalkollox mal-istandards tal-UE stipulati fid-Direttiva tal-1998 dwar l-Ilma tax-Xorb. Barra minn hekk, jinħtieġu u se jkunu jinħtieġu aktar investimenti nazzjonali sinifikanti, kemm pubbliċi kif ukoll privati, biex jiżguraw li ċ-ċittadini kollha f’dawn l-Istati Membri jkollhom aċċess għal ilma ta’ kwalità tajba u biex jiżguraw li l-investimenti, iffinanzjati mill-UE, fil-faċilitajiet tal-ilma jkunu jistgħu jinżammu b’mod adegwat.

Id-Direttiva tal-1998 dwar l-Ilma tax-Xorb kienet ġiet implimentata fil-biċċa l-kbira mill-aspetti sa tmiem l-2016

108

Il-Kummissjoni mmonitorjat mill-qrib il-konformità mar-rekwiżiti tad-DWD, u fejn meħtieġ, użat proċeduri ta’ ksur tar-regoli fit-tliet Stati Membri kollha li saritilhom żjara. Għadd ta’ derogi ngħataw lill-Ungerija u lir-Rumanija fi żmien l-adeżjoni tagħhom mal-UE, u derogi addizzjonali ġew stabbiliti minn dawn l-Istati Membri fi stadju aktar tard. L-Istati Membri jridu jinfurmaw lill-Kummissjoni minnufih b’dawn id-derogi kull meta dawn ikunu jikkonċernaw żoni kbar tal-provvista tal-ilma, iżda bit-tieni deroga biss f’każ ta’ żoni żgħar tal-provvista tal-ilma. Sal-2016, il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali fit-tliet Stati Membri kollha li saritilhom żjara kienu f’konformità mar-rekwiżiti tad-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb. Minkejja dan, u minkejja t-titjib sinifikanti li sar fil-kwalità tal-ilma fit-tliet Stati Membri li saritilhom żjara fi snin reċenti, xi ċittadini għadhom qed jiffaċċjaw il-problema tal-ilma tax-xorb li ma jilħaqx l-istandards kollha tal-kwalità tal-UE (ara l-paragrafi 31 sa 41).

109

Ir-rappurtar li jsir mill-Istati Membri dwar il-kwalità tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem, li jiġi pubblikat kull tliet snin, huwa l-għodda prinċipali li l-Kummissjoni tuża biex taqbad in-nuqqas ta’ konformità mal-valuri parametriċi stabbiliti fid-DWD. Aħna identifikajna għadd ta’ nuqqasijiet fl-arranġamenti attwali ta’ monitoraġġ. L-ewwel nett, l-Istati Membri qegħdin lura fir-rappurtar ta’ data lill-EEA, li fuq il-bażi tagħha l-Kummissjoni tivvaluta l-implimentazzjoni tad-DWD. Pereżempju, l-Ungerija ma pprovdietx id-data tagħha għall-perjodu ta’ rappurtar 2011-2013 qabel April 2016, aktar minn sena aktar tard milli meħtieġ. It-tieni nett, l-EEA (li tiċċekkja l-konformità tal-monitoraġġ f’isem il-Kummissjoni) ma qabditx inkonsistenzi fid-data għall-perjodu 2011-2013 li ġie rrappurtat mill-Istati Membri. It-tielet nett, fit-tliet Stati Membri kollha li saritilhom żjara, aħna sibna li mhux il-parametri kollha meħtieġa skont id-DWD kienu ġew immonitorjati, u li ma ngħatat l-ebda ġustifikazzjoni jew spjegazzjoni dwar eċċezzjonijiet possibbli għall-monitoraġġ. Dan ġie kkonfermat ukoll għal xi wħud mill-proġetti taħt il-FEŻR/l-FK li ġew eżaminati, fejn aħna osservajna li l-monitoraġġ ma twettaqx skont id-DWD u li kienu ġew ittestjati inqas parametri milli meħtieġ fid-DWD. Fl-aħħar nett, skont id-DWD, ir-rappurtar dwar iż-żoni żgħar tal-provvista tal-ilma mhuwiex obbligatorju. Il-Kummissjoni ma għandhiex setgħat investigattivi u ma tistax tiċċekkja jekk il-monitoraġġ jitwettaqx skont il-mod kif jiġi rrappurtat. Hemm is-suppożizzjoni li l-Istati Membri jirrappurtaw b’rieda tajba, skont il-prinċipju tal-kooperazzjoni leali (ara l-paragrafi 42 sa 56).

110

L-Istati Membri għandhom l-obbligu li jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-konsumaturi jkollhom aċċess għal informazzjoni adegwata u aġġornata dwar il-kwalità tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem. Fit-tliet Stati Membri li saritilhom żjara, aħna sibna li dan ir-rekwiżit kien ġie traspost b’mod korrett fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, iżda l-prattiki li jintużaw biex informazzjoni bħal din tkun disponibbli għall-konsumaturi jvarjaw sinifikattivament u inġenerali, informazzjoni aġġornata dwar il-kwalità tal-ilma ma tiġix ipprovduta sistematikament liċ-ċittadini. Attwalment, ma hemmx gwida tal-Kummissjoni dwar dan l-aspett (ara l-paragrafi 57 sa 59).

111

Fil-Programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni għall-2017, ġiet inkluża reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb biex jiġu indirizzati għadd ta’ nuqqasijiet li ġew identifikati mill-Kummissjoni fuq il-bażi tar-rappurtar li sar mill-Istati Membri u tal-parir xjentifiku (ara l-paragrafi 60 sa 67).

Rakkomandazzjoni 1

Jenħtieġ li l-Kummissjoni twettaq segwitu għal-lakuni li hemm fil-monitoraġġ li jsir mill-Istati Membri, ibbażat fuq rappurtar eżistenti, u tinforza r-rekwiżiti tad-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb f’dan ir-rigward.

Data ta’ implimentazzjoni: sa tmiem l-2018 (fi tmiem il-perjodu attwali ta’ rappurtar).

Rakkomandazzjoni 2

Jenħtieġ li l-Kummissjoni, fil-kuntest tar-reviżjoni attwali tad-DWD, tindirizza l-kwistjonijiet li ġejjin b’mod proporzjonat:

  1. titjib fl-għoti ta’ informazzjoni mill-Istati Membri lill-Kummissjoni dwar derogi li jikkonċernaw iż-żoni żgħar tal-provvista tal-ilma;
  2. l-estensjoni tar-rekwiżiti ta’ rappurtar għal żoni żgħar tal-provvista tal-ilma;
  3. rappurtar regolari li jiżgura li informazzjoni aġġornata dwar il-konformità mad-DWD tinġabar mill-Istati Membri. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tqis il-possibiltà ta’ għażliet bħal għodod alternattivi tal-IT (eż. il-ġbir ta’ data minn amministrazzjonijiet nazzjonali) biex tiffaċilita l-eżerċizzju ta’ rappurtar, tagħmlu aktar rapidu u tiżgura d-disponibbiltà ta’ informazzjoni aġġornata;
  4. titjib fir-rekwiżiti għall-għoti ta’ informazzjoni adegwata u aġġornata dwar il-kwalità tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem li tkun disponibbli għall-konsumaturi.

Data ta’ implimentazzjoni: sa tmiem l-2017.

Il-proġetti kollha taħt il-FEŻR/l-FK li ġew eżaminati tejbu l-ilma tax-xorb fiż-żoni kkonċernati, iżda t-telf tal-ilma għadu problema komuni

112

B’mod ġenerali, il-proġetti taħt il-FEŻR/l-FK li ġew eżaminati laħqu l-objettivi prinċipali tagħhom li jtejbu l-kwalità tal-ilma, li jżidu l-aċċess għall-ilma tax-xorb jew li jnaqqsu t-telf tal-ilma, kif stipulat fil-ftehim ta’ għotja jew fl-applikazzjoni għall-proġett. Il-proġetti kollha taħt il-FEŻR/l-FK li ġew eżaminati, ħlief wieħed, ġew implimentati skont l-għażla l-aktar adatta għall-issodisfar tal-ħtiġijiet identifikati. Barra minn hekk, il-proġetti taħt il-FEŻR/l-FK li kienu kkompletati u li ġew eżaminati, laħqu l-biċċa l-kbira mill-objettivi tagħhom, iżda xi drabi ddewmu (b’mod partikolari fl-Ungerija u fir-Rumanija). Spejjeż ogħla minn dawk ibbaġitjati inizjalment ġew osservati għal tnejn mit-tliet proġetti li ġew eżaminati fl-Ungerija (ara l-paragrafi 73 sa 81).

113

Fl-2012, il-livell medju ta’ telf tal-ilma fl-Ungerija kien ta’ madwar 24 %, fir-Rumanija kien ta’ madwar 40 % u fil-Bulgarija kien ta’ aktar minn 60 %. Dan huwa kumparabbli ma’ livell medju tal-UE ta’ madwar 34 %. Fit-tliet Stati Membri kollha, it-telf tal-ilma fil-fatt żdied mill-2005 (jew mill-2007 għar-Rumanija) sal-2013. Iż-żieda fit-telf tal-ilma li ġie rrappurtat, speċjalment fir-Rumanija, hija marbuta mat-titjib fil-kejl bl-arloġġ, li rriżulta f’kejl aktar preċiż ta’ tnixxijiet. Għall-Bulgarija, il-ħtieġa li titjieb il-ġestjoni tal-ilma ilha tiġi enfasizzata mill-2012 fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi tal-Kunsill. Rigward id-disa’ proġetti taħt il-FEŻR/l-FK li ġew eżaminati, il-proġetti kollha ħlief wieħed, irriżultaw fi tnaqqis fit-telf tal-ilma. Madankollu, skont informazzjoni aktar reċenti, it-telf tal-ilma f’dan il-proġett naqas minn meta l-proġett ġie kkompletat. B’mod ġenerali, it-telf tal-ilma, speċjalment fil-Bulgarija u fir-Rumanija, għadu għoli u dan iħalli impatt fuq l-effiċjenza kumplessiva tas-sistema tal-ilma, u jżid l-ispejjeż kemm għall-konsumaturi kif ukoll għas-soċjetà fl-intier tagħha. Matul il-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013, l-Ungerija biss kienet użat it-tnaqqis ippjanat fit-telf tal-ilma bħala kriterju tal-għażla għall-proġetti ffinanzjati mill-UE (ara l-paragrafi 82 sa 88).

Rakkomandazzjoni 3

Jenħtieġ li l-Istati Membri jirrikjedu li l-pjanijiet biex jintlaħaq ċertu livell ta’ tnaqqis fit-telf tal-ilma jiġu inklużi bħala kriterji tal-għażla għall-proġetti kollha ta’ faċilitajiet tal-ilma li jkunu jippermettu l-ilħuq tal-miri nazzjonali.

Data ta’ implimentazzjoni: sa tmiem l-2017.

Rakkomandazzjoni 4

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tappoġġa lill-Istati Membri fil-promozzjoni ta’ azzjonijiet li għandhom l-għan li jnaqqsu t-telf tal-ilma. Dan jista’ jintlaħaq, pereżempju, billi t-tnaqqis fit-telf tal-ilma jiġi inkluż fl-ambitu tal-finanzjament mill-UE fil-qasam tal-infrastrutturi tal-ilma tax-xorb, jew billi titjieb it-trasparenza dwar it-telf tal-ilma.

Data ta’ implimentazzjoni: għall-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss.

Minbarra l-kofinanzjament mill-UE, għadhom jinħtieġu fondi sinifikanti biex jiġi pprovdut aċċess għal ilma tax-xorb ta’ kwalità u biex jiġi żgurat li l-investimenti ffinanzjati mill-UE jistgħu jinżammu b’mod adegwat

114

Biżżejjed riżorsi nazzjonali pubbliċi u privati jridu jkunu disponibbli biex jiġi żgurat livell adegwat ta’ investimenti fit-terminu twil u biex tinżamm l-infrastruttura stabbilita, grazzi għall-finanzjament mill-UE. L-appoġġ finanzjarju mill-baġit tal-UE ma għandux jissostitwixxi n-nefqa pubblika nazzjonali bi Stat Membru. L-allokazzjonijiet taħt il-FEŻR/l-FK għal proġetti relatati mal-ilma tax-xorb fit-tliet Stati Membri li saritilhom żjara, emm għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013 kif ukoll għal dak tal-2014-2020, jammontaw għal madwar EUR 3.7 biljun. Dan ifisser li, b’mod ġenerali, l-Istati Membri li saritilhom żjara se jkollhom l-obbligu li jinvestu aktar minn EUR 6 biljun biex ikopru l-ħtiġijiet stmati tagħhom sa tmiem l-2020. Dan jindika li probabbilment mhumiex se jsiru l-investimenti kollha meħtieġa fil-faċilitajiet tal-ilma, b’mod partikolari fil-Bulgarija u fir-Rumanija (ara l-paragrafi 90 sa 95).

115

Is-sostenibbiltà finanzjarja tal-għoti ta’ servizzi tal-ilma tiġi għalhekk żgurata biss meta d-dħul minn dawn is-servizzi jkun biżżejjed biex ikopri kemm l-ispejjeż operattivi kif ukoll dawk tal-manutenzjoni u biex jiġu rkuprati l-ispejjeż tal-kapital, u għaldaqstant jippermetti t-tiġdid tal-investimenti. Dan huwa l-prinċipju tal-irkupru tal-ispejjeż. Fl-istess waqt, is-servizzi tal-ilma jridu jkunu soċjalment affordabbli għall-konsumaturi. Għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020, ir-rispett tal-prinċipju tal-irkupru tal-ispejjeż sar obbligatorju permezz tal-ħtieġa li tiġi ssodisfata kundizzjonalità ex ante. Dan ifisser li l-approvazzjoni tal-programmi operazzjonali għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020 hija suġġetta għall-fatt li hemm kontribuzzjoni adegwata tal-użi differenti tal-ilma għall-irkupru tal-ispejjeż tas-servizzi tal-ilma. Madankollu, id-definizzjoni ta’ x’inhi kontribuzzjoni adegwata hija għad-diskrezzjoni tal-Istati Membri. B’mod ġenerali, fl-ebda wieħed mit-tliet Stati Membri l-livell ta’ tariffi tal-utenti mhu se jkun biżżejjed biex ikopri l-ispejjeż operazzjonali u dawk tal-manutenzjoni tal-faċilitajiet tal-ilma tax-xorb (ara l-paragrafi 96 sa 106).

Rakkomandazzjoni 5

Jenħtieġ li l-Istati Membri:

  1. jiżguraw li t-tariffi tal-ilma jipprevedu s-sostenibbiltà tal-infrastrutturi tal-ilma, inklużi l-manutenzjoni u t-tiġdid tagħhom;
  2. filwaqt li jiżguraw l-irkupru sħiħ tal-ispejjeż fl-istruttura tat-tariffi tal-ilma, iqisu, jekk meħtieġ, il-possibbiltà li jagħtu appoġġ finanzjarju jew forom oħra ta’ appoġġ lil unitajiet domestiċi li għalihom l-ispiża tas-servizzi tal-ilma tkun ogħla mir-rata ta’ affordabbiltà.

Data ta’ implimentazzjoni: minnufih.

Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla II, immexxija mis-Sinjura Iliana IVANOVA, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tal-5 ta’ Lulju 2017.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Klaus-Heiner LEHNE
President

Annessi

Anness I

L-infiq mill-FEŻR/l-FK fuq il-ġestjoni u l-provvista tal-ilma tax-xorb (il-perjodi ta’ programmazzjoni 2007-2013 u 2014-2020)

Anness II

Sorsi tal-ilma tax-xorb fl-UE

Madwar 50 % tal-ilma tax-xorb jittieħed mill-ilma ta’ taħt l-art u madwar 40 % jittieħed mill-ilma tas-superfiċje1. L-10 % tal-ilma tax-xorb li jifdal jinkiseb minn sorsi oħra, bħar-risanament artifiċjali tal-ilma ta’ taħt l-art2 jew l-ilma ffiltrat mix-xtut3.

L-ammonti ta’ ilma li jiġu estratti (l-użi kollha tal-ilma inklużi) ivarjaw immens fost l-Istati Membri tal-EU13 u jkopru minn 100 metru kubu per capita f’Malta sa 1 300 metru kubu per capita fl-Estonja (ara l-Figura 1).

Figura 1

Ammont ta’ m3 ta’ ilma li ġie estratt per capita fl-2013

1 Id-data għall-Ungerija u l-Litwanja tirreferi għall-2012.

Sors: L-Eurostat.

Il-provvista tal-ilma tax-xorb għall-konsum domestiku tirrappreżenta inqas minn 20 % tal-użu kollu tal-ilma4 (ara l-Figura 2).

Figura 2

L-użu tal-ilma fl-UE

Sors: L-EEA.

Anness III

Rapporti preċedenti tal-QEA u l-konklużjonijiet prinċipali tagħhom

Anness IV

Proċeduri ta’ ksur tar-regoli li jikkonċernaw id-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb fl-Istati Membri li saritilhom żjara

Anness V

Ħarsa ġenerali lejn il-proġetti li ġew eżaminati

1L-ammonti kollha tal-għotjiet huma oriġinarjament espressi fil-muniti nazzjonali. Għall-proġetti fil-Bulgarija, l-ammonti f’EUR ġew ikkalkulati bl-iskambju tar-rata tal-kambju fissa ta’ BGN 1.9558 għal kull euro. Għall-proġetti fir-Rumanija, l-ammonti f’EUR ġew ikkalkulati b’rata tal-kambju medja bejn ir-rata tal-kambju tal-Inforeuro, li ġiet stabbilita fi żmien l-approvazzjoni tal-proġetti, u r-rata tal-kambju tal-Inforeuro, li ġiet stabbilita meta l-proġetti ġew ikkompletati. Għall-proġetti fl-Ungerija, l-ammonti f’EUR ġew ikkalkulati bir-rata tal-kambju ta’ HUF 313.12 għal kull euro li kienet ir-rata tal-kambju uffiċjali li ġiet stabbilita fil-31.12.2015.

Risposta tal-Kummissjoni

II

Il-Kummissjoni tfakkar li “aċċess sikur għaċ-ċittadini għall-ilma tax-xorb ta’ kwalità” ma huwiex parti mill-għanijiet ta’ din id-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb.

V (a)

Il-Kummissjoni taċċetta parzjalment din ir-rakkomandazzjoni u se timplimentaha kif ġej:

Il-Kummissjoni se tiffoka fuq il-lakuni ewlenin identifikati li jaffettwaw il-kwalità tal-ilma tax-xorb, iżda ma tistax twettaq segwitu sistematiku dwar in-nuqqasijiet kollha ta’ monitoraġġ minħabba l-limitazzjonijiet tar-riżorsi.

Ser tħares lejn kif ittejjeb id-dispożizzjonijiet dwar ir-rappurtar bħala parti mir-reviżjoni li għaddejja bħalissa tad-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb.

V (b)

Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjonijiet (b1) u (b4) fis-sustanza. Madankollu, dan huwa soġġett għar-riżultat tar-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb, li fil-mument ta’ dan ir-rapport mhuwiex magħruf, u l-kontenut tal-proposta li temenda d-DWD tiddependi fil-biċċa l-kbira fuq il-konklużjonijiet tal-valutazzjoni tal-impatt. Il-proposta għadha mhix finalizzata u l-Kummissjoni qed tikkunsidra opzjonijiet biex ittejjeb in-nuqqasijiet identifikati. F’dan il-kuntest, il-proposta se jkollha tkun konformi mal-objettivi tal-linji gwida “Regolamentazzjoni Aħjar”1 li l-proposti tal-Kummissjoni “jissodisfaw l-għanijiet tal-politika bi spiża minima u jwasslu l-massimu ta’ benefiċċjii għaċ-ċittadini, in-negozji u l-ħaddiema filwaqt li jiġi evitat kull piż regolatorju mhux meħtieġ”, b’mod partikolari, sa fejn huma kkonċernati l-entitajiet iż-żgħar.

V (b)1

Il-Kummissjoni se tikkunsidra fuq kollox, fil-qafas tar-reviżjoni tad-Direttiva, kif ittejjeb l-informazzjoni, il-monitoraġġ u r-rappurtar mis-SWSZ.

V (b)2

Il-Kummissjoni se tikkunsidra fuq kollox, fil-qafas tar-reviżjoni tad-Direttiva, kif ittejjeb l-informazzjoni, il-monitoraġġ u r-rappurtar għas-SWSZ, billi tuża approċċ ibbażat fuq ir-riskju għall-monitoraġġ ukoll għas-SWSZ.

V (b)3

Il-Kummissjoni se tikkunsidra fuq kollox, fil-qafas tar-reviżjoni tad-Direttiva, l-emendi għad-dispożizzjonijiet tal-irrapportar tad-Direttiva.

Ir-rappurtar għandu idealment jiffoka fuq informazzjoni meħtieġa għall-kontroll tal-konformità (inċidenti, sustanzi ġodda, eċċ.).

V (b)4

Il-Kummissjoni se tikkunsidra kif tista’ ttejjeb l-aċċess għal informazzjoni għall-konsumaturi bħala parti mir-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb peress li l-kwistjoni ġiet identifikata bħala qasam ta’ titjib fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar REFIT tad-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb 98/83/KE2.

V (c)

Il-Kummissjoni taċċetta din ir-rakkomandazzjoni.

Il-Kummissjoni hija sensittiva għall-kwistjoni t-telf tal-ilma u għandha l-ħsieb li, fi ħdan ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb, tippromwovi azzjoni fil-livell tal-Istati Membri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà.

Madankollu, it-tnaqqis fit-telf tal-ilma minn attivitajiet iffinanzjati mill-UE jistgħu jwasslu għall-finanzjament tal-manutenzjoni, li mhux dejjem ikun prijorità ta’ investiment, speċjalment għal dawk l-Istati Membri fejn m’hemmx biżżejjed provvista ta’ netwerk li jkopri l-popolazzjoni.

VI

Il-Kummissjoni tinnota li dawn ir-rakkomandazzjonijiet huma indirizzati lill-Istati Membri.

07

L-eżerċizzju ta’ rappurtar huwa l-għodda politika ewlenija għall-Istati Membri biex jiżguraw li l-monitoraġġ jitwettaq u li tkun disponibbli informazzjoni ta’ monitoraġġ dwar il-kwalità tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem.

L-individwazzjoni tan-nuqqas ta’ konformità mal-valuri parametriċi tad-Direttiva normalment tiġi segwita immedjatament mill-Istati Membri.

11

Il-Kummissjoni għamlet xogħol ta’ segwitu fuq il-fatt li kienu biss nofs l-Istati Membri li rrappurtaw dwar żoni bi provvista żgħira tal-ilma permezz tat-tnedija ta’ eżerċizzju ta’ rrappurtar volontarju “eħfef” (stħarriġ) dwar l-SWSZ fl-2016, bl-użu ta’ metodoloġija simplifikata (medja ta’ konformità tal-Istati Membri mal-parametri mikrobijoloġiċi u kimiċi). Ir-riżultati ta’ dan l-istħarriġ jikkonfermaw konformità ġenerali mal-mikrobijoloġija bħala medja ’l fuq minn 98 % għal SWSZ madwar l-Istati Membri.

Ir-Repubblika Ċeka irrapportat għall-perjodu 2008–2010 li skont l-awtoritajiet nazzjonali, il-livell ta’ konformità kien għoli, u pprovdiet dejta dwar il-konformità tal-kampjun biss għal għażla ta’ 8 parametri għas-sena ta’ referenza 2011.

14

L-informazzjoni dwar telf fin-netwerk ta’ distribuzzjoni kien imsemmi fir-rapport 2008–2010 fil-kapitolu “sfidi” bħala eżempju ta’ darba waħda fost bosta oħrajn. It-telf tal-ilma bħalissa mhuwiex parti mir-rappurtar dwar l-ilma tax-xorb. Il-Kummissjoni se tikkunsidra kif tista’ titjieb it-trasparenza dwar it-telf tal-ilma bħala parti mir-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb.

15

Ara t-tweġiba għall-paragrafu 14.

18

Il-Kummissjoni tfakkar li d-Direttiva eżistenti dwar l-Ilma tax-Xorb 98/83/KE tirregola biss il-kwalità tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem: hija tistabbilixxi kriterji minimi ta’ kwalità ta’ ilma tal-vit. Hija ma tirregolax il-provvista tal-ilma tax-xorb u lanqas il-kwalità jew il-kwantità fis-sors. Se jiġu kkunsidrati għażliet biex jitjieb l-aċċess għall-ilma fir-reviżjoni tad-Direttiva soġġett għar-riżultati tal-valutazzjoni tal-impatt.

20

Il-prinċipju tal-irkupru tal-ispejjeż tal-Art. 9 tal-WFD jirreferi wkoll għall-ispejjeż ambjentali u tar-riżorsi, mhux biss spejjeż finanzjarji.

21

Il-Kummissjoni tqis li livell ta’ affordabilità ta’ 4 % huwa indikattiv u intuża għall-iskop tal-analiżi kost-benefiċċji. Il-Kummissjoni tindika li l-kundizzjonijiet ivarjaw ħafna madwar l-Ewropa, għalhekk kwalunkwe limitu ta’ affordabbiltà għat-tariffi tal-ilma għandu jiġi stabbilit fuq bażi ta’ każ b’każ minn operaturi/regolaturi tal-ilma.

30 It-tieni inċiż

Il-Kummissjoni tfakkar li d-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb tirregola biss il-kwalità tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem:

Ara wkoll it-tweġiba għall-paragrafu 18.

38

Skont rapport li rċeviet l-Ungerija fi Frar 2017, li juri s-sitwazzjoni fil-31 ta’ Diċembru 2016, 18-il muniċipalità kienu għadhom irrappurtati bħala mhux konformi. L-awtoritajiet Ungeriżi infurmaw lill-Kummissjoni f’laqgħa riċenti dwar dewmien ulterjuri fl-iskeda ta’ żmien mistennija tal-konformità.Il-Kummissjoni ħadet kont ta’ din l-aħħar informazzjoni u qed tikkunsidra l-passi li hemm bżonn f’dak ir-rigward.

39

Il-Kummissjoni tinnota li dawn id-derogi aktarx jikkonċernaw bħala medja provvisti tal-ilma żgħar għal żgħar ħafna.

Skont iċ-ċiklu ta’ rappurtar regolari previst fid-Direttiva, id-dejta tal-2015 se tkun irrappurtat biss lill-Kummissjoni fil-bidu tal-2018, flimkien ma’ dejta tal-2016.

Madankollu, skont ir-rekwiżiti ta’ rappurtar ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu jekk iridux li d-dejta tiġi rrappurtata fuq il-provvisti żgħar tal-ilma.

Għalhekk huwa diffiċli għall-Kummissjoni biex tindividwa dawn it-tipi ta’ sitwazzjonijiet, iżda l-Istat Membru għandu jieħu azzjoni ta’ rimedju.

40

Ara t-tweġiba għall-paragrafu 39.

Barra minn hekk, il-Bulgarija ma rrappurtat l-ebda dejta dwar l-SWSZ għall-parametri tan-nirati/nitriti, iżda biss dwar ir-rata medja tal-konformità tal-parametri mkejla tal-kwalità tal-ilma tax-xorb: 2011: 97.8%, 2012: 97.7%, and 2013 97.8%.

41

Fejn il-Kummissjoni kellha l-informazzjoni neċessarja, bħal fil-każ tal-Ungerija, hija ħadet azzjoni legali xierqa.

42

Il-Kummissjoni tinnota li kien hemm tnaqqis fid-dewmien tal-pubblikazzjoni tar-rapport sa mill-2005.

Id-dewmien fil-pubblikazzjoni kienet dovuta parzjalment għaż-żmien, il-kompletezza u l-kwalità tar-rappurtar tal-Istati Membri.

43

Ir-rappurtar huwa tassew kumpless. Pereżempju fi żmien il-perjodu tar-rappurtar 2011–2013 twettqu numru kbir ħafna ta’ analiżi fl-Istati Membri: 4.1 miljun għall-parametri mikrobijoloġiċi, 7.1 miljun għall-parametri kimiċi u 17.5 miljun għall-parametri tal-indikaturi.

47

L-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jnaqqsu l-frekwenza tal-monitoraġġ f’każ li jikkunsidraw li parametru mhux preżenti f’xi WSZ, skont in-nota 4 tabella B1 tal-Anness II (sas-27 ta’ Ottubru 2017) jew skont il-Parti C tal-Anness II tad-Direttiva (wara s-27 ta’ Ottubru 2017).

Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma għandhiex setgħat ta’ investigazzjoni u għalhekk ma tistax tivverifika jekk il-monitoraġġ isirx skont il-mod kif inhu rrapurtat. Huwa preżunt li l-Istati Membri jirrappurtaw bi skop tajjeb, skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali.

49

L-Istati Membri jistgħu jużaw id-deroga ġenerali fl-Anness II, Parti 2, Monitoraġġ tal-Awditjar li l-parametri kollha stabbiliti bi qbil mal-Artikolu 5(2) u (3) iridu jkunu suġġetti għal immonitorjar tal-awditjar sakemm ma jistax ikun stabbilit mill-awtoritajiet kompetenti, għal perjodu ta’ żmien li jrid ikun determinat minnhom, li parametru mhux probabbli li jkun preżenti fi provvista stabbilita f’konċentrazzjonijiet li jistgħu jwasslu għall-riskju ta’ ksur tal-valur parametriku relevanti. L-Istati Membri mhumiex obbligati jirrapportaw lill-Kummissjoni dwar l-użu ta’ din id-deroga ġenerali.

50

Il-grupp Enterococci jista’ jintuża bħala indikatur tal-E. coli ta’ tniġġis tar-rawt. Hekk kif in-numru tal-enterokokki intestinali fir-rawt uman huma ġeneralment dwar ordni ta’ daqs li jkun iktar baxx minn dawk tal-E. coli, l-E. coli jintuża aktar spiss minn Enterococci għat-testijiet tal-ilma.

Ara wkoll it-tweġiba għall-paragrafu 49.

52

Il-Kummissjoni ġiet infurmata mill-Assoċjazzjoni taż-ŻEE li mhux ser tibqa’ twettaq dawn il-kompiti (kontroll tal-kwalità tad-dejta, repożitorju, eċċ.) u — minħabba limiti ta’ riżorsi - se twaqqaf l-appoġġ lill-Kummissjoni għal eżerċizzji ta’ rappurtar tal-ilma tax-xorb li jmiss, minkejja t-talba tal-Kummissjoni biex tkompli dan l-eżerċizzju, għall-inqas sar-reviżjoni li jmiss. Is-servizzi tal-Kummissjoni se jeżaminaw l-alternattivi għal ġbir ta’ dejta, il-kontroll tal-kwalità u t-tħejjija ta’ databases nazzjonali għall-aħħar eżerċizzju qabel ir-reviżjoni tad-Direttiva li se tinkludi s-simplifikazzjoni tal-obbligi ta’ rappurtar.

Jista’ jkun hemm xi żbalji (eż. żbalji tipografiċi) anke jekk id-dejta tgħaddi minn taħt kontroll ta’ kwalità miż-ŻEE u tkun ivverifikata darbtjen mill-Istat Membru. Żbalji iżolati bħal dawn ma jpoġġux fid-dubju l-preċiżjoni tar-rappurtar inġenerali.

Kaxxa 4 - Eżempju ta’ inkonsistenzi fir-rappurtar mill-Istati Membri dwar konformità mad-DWD li setgħu nkixfu mill-ŻEE

L-iżball fit-Tabella 3-2 tar-Report tal-Pajjiż tar-Rumanija, ma ġiex individwat minkejja l-kontroll tal-kwalità miż-ŻEE u l-verifiki doppji mill-Istat Membru. Fir-rapport nazzjonali għar-Rumanija, iċ-ċifri ppreżentati fil-graff 2.2 jindikaw monitoraġġ ta’ 100 % għal koliformi, li jindika li ma kien hemm l-ebda kwistjoni. Din tista’ tkun ir-raġuni għalfejn l-iżball ma ġietx innotat fit-tabella.

Il-kwalità tad-dejta pprovduta mill-Istati Membri lill-Kummissjoni kienet ikkontrollata miż-ŻEE u evalwata mill-ġdid mill-Istat Membru. Għalhekk ma sar l-ebda paragun addizzjonali mar-rapporti nazzjonali li setgħu kienu differenti.

53

Il-Kummissjoni fil-passat diġà ħadet azzjoni b’reazzjoni għal tħassib dwar il-provvisti żgħar tal-ilma: Fid-9 ta’ Novembru 2011 ġie organizzat workshop, u ġew ippubblikati studju “L-aħjar Prattiċi għat-tmexxija ta’ evalwazzjoni tar-riskju għall-provvisti żgħar tal-ilma”, skedi informattivi ta’ Stati Membri speċifiċi minbarra r-Rapport ta’ Sinteżi, u fuljett “Qafas għal Azzjoni għall-ġestjoni tal-provvisti żgħar tal-ilma tax-xorb”.L-istħarriġ tal-2016 indika li s-sitwazzjoni hija aħjar milli kienet fl-2013–2010, u qed titjieb.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni nnutat ukoll fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tagħha dwar l-evalwazzjoni REFIT tad-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb3 li l-ippjanar tas-sikurezza preventiva u l-elementi bbażati fuq ir-riskju ma kienux sfruttati biżżejjed fid-DWD attwali u li dan irrappreżenta dgħufija. Il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li tindirizza dan fir-reviżjoni tad-Direttiva, u bħalissa qed tevalwa l-impatti ta’ introduzzjoni potenzjali ta’ approċċ ibbażat fuq ir-riskji għal provvisti kbar u żgħar tal-ilma, li toffri opportunitajiet għal simplifikazzjoni biex wieħed jikkonċentra l-ħin u r-riżorsi fuq ir-riskji ewlenin u l-miżuri ta’ sors kost-effiċjenti u biex jitnaqqas il-piż amministrattiv.

58

Skont id-Direttiva tal-Ilma tax-Xorb attwali, ċertu grad ta’ varjabilità bejn il-prattiki rigward id-disponibbiltà tal-informazzjoni huwa aċċettabbli. Il-Kummissjoni diġà identifikat, fid-Dokument ta’ Ħidma ta’ Persunal tagħha dwar ir-REFIT tad-Direttiva 98/83/KE dwar l-Ilma tax-Xorb, li jkun ta’ benefiċċju li t-tagħrif rilevanti ikun imxerred b’mod aktar attiv.

69

Il-Kummissjoni diġà qed tikkunsidra opzjonijiet biex ikunu indirizzati t-tnixxijiet, li jirrappreżentaw problema ewlenija li timpedixxi provvista effiċjenti tal-ilma tax-xorb, kif issemma fil-valutazzjoni tal-impatt inizjali4 tad-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb.

75

Il-proġett Szekszárd hu mistenni li jilħaq l-għanijiet tiegħu fil-perjodu ta’ programmazzjoni 2014–2020.

Kaxxa 5 - Hu meħtieġ investiment addizzjonali għal proġett wieħed tal-FEŻR/FK fl-Ungerija (Szekszárd)

Anke minkejja li fil-passat kien hemm livelli baxxi tad-Danubju, ma setgħux jiġu previsti l-okkorrenza u d-daqs preċiż, li jinfluwenza l-prevedibbiltà tal-konċentrazzjonijiet għal ċerti parametri u għalhekk jagħmilha aktar diffiċli biex jiġi mfassla xogħlijiet fir-rigward ta’ konformità fit-tul. Madankollu, matul il-perjodu 2014–2020, l-Ungerija biħsiebha tieħu l-bidla tal-klima dejjem aktar inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni ta’ proġetti.

76

Ara hawn taħt, fil-kaxxa 6.

Kaxxa 6 - Kisba parzjali tal-objettivi fi proġett Rumen (Călărași)

L-investimenti fis-settur tal-ilma kofinanzjati mill-Fond ta’ Koeżjoni matul il-perjodu 2007–2013 tejbet il-kapaċità tal-operaturi li jipprovdu kejl iżjed preċiż u aktar sorveljanza tal-prestazzjoni ġenerali tal-utilitajiet u l-infrastruttura mibnija. B’riżultat ta’ dan, is-suppożizzjonijiet u l-objettivi li fuqhom se jkunu bbażati l-investimenti mistennija fil-prjodu 2014–2020 huma mistennija li jkunu aktar affidabbli. Dan juri biċ-ċar l-impatt pożittiv tal-investiment tal-UE u l-kapaċità tal-Istati Membri li jitgħallmu mill-iżbalji u jintroduċu miżuri xierqa biex jitnaqqsu dawn il-problemi fil-ġejjieni.

79

Il-Kummissjoni tqis li l-proġetti ffinanzjati fl-Ungerija u r-Rumanija kienu imdewma minħabba l-kumplessità u d-disinn tagħhom. Madankollu, il-benefiċjarji ġeneralment laħqu l-objettivi tagħhom.

Barra minn hekk, għar-Rumanija, l-operaturi tal-ilma iltaqgħu ma’ ħafna problemi li jirriżultaw f’dewmien matul il-proċeduri tal-akkwist.

Biex itaffu l-impatt negattiv ta’ kuntratti ta’ kwalità fqira dwar l-implimentazzjoni tal-proġett, il-Kummissjoni ppromwoviet inizjattivi orizzontali differenti għall-appoġġ ta’ benefiċjarji bħall-iżvilupp ta’ dokumenti standardizzati tal-akkwist, il-parametraġġ referenzjarju ta’ operaturi tal-ilma u l-assistenza teknika.

80

Is-suppożizzjonijiet inizjali f’dak li għandu x’jaqsam mal-ispejjeż tal-proġetti huma pjuttost indikattivi. Iż-żewġ proġetti imsemmija ħadu ħsieb akkwist pubbliku xieraq u sussegwentement il-prezz tal-kuntratt kien ir-riżultat ta’ kompetizzjoni fis-suq. Biex jiffaċċjaw din il-volatilità fis-suq, ġiet introdotta l-kontinġenza taħt kull wieħed mill-proġetti sabiex jiġi pprovdut marġni għall-varjazzjoni fl-ispejjeż bħala riżultat ta’ sejħa pubblika għall-offerti.

93

Fit-total għall-perjodu 2014–2020 l-Istrateġija tikkwantifika l-ħtiġijiet ta’ investiment ta’ madwar EUR 6.1 biljun maqsuma kif ġej: EUR 2.5 biljun għal ilma tajjeb għax-xorb, EUR 2.2 biljun għall-ġbir tal-ilma mormi u EUR 1.4 biljun għat-trattament tal-ilma mormi. Meta wieħed iqabbeltil-ħtiġijiet ta’ EUR 6.1 biljun mal-allokazzjoni tal-fondi tal-UE għall-ilma u l-ilma mormi fil-perjodi ta’ programmazzjoni 2007–2013 u 2014–2020, jista’ jiġi kkalkulat li l-fondi tal-UE jistgħu jkunu kapaċi jiffinanzjaw minn 30 fil-mija għal 40 fil-mija tal-istima tan-nefqa kapitali totali tal-ħtiġijiet tal-WSS.

Fil-fatt skont l-OPE 2014–2020, madwar EUR 145 miljun ġew allokati għal investimenti fil-provvista tal-ilma għall-konsum mill-bniedem u l-ġestjoni tal-ilma u l-konservazzjoni tal-ilma tax-xorb, mit-total ta’ EUR 1.016-il biljun mill-allokazzjoni tal-FK għas-settur tal-ilma fil-Bulgarija. Din l-allokazzjoni tas-setturi tiffoka fuq li tingħalaq il-lakuna fil-konformità mad-Direttiva UWWT, minħabba l-ħtiġijiet għoljin tal-investiment fil-konformità kif ippreżentat hawn fuq.

Tweġiba komuni għall-paragrafi 94 u 95:

Fil-kuntest tal-ħtieġa ta’ riżorsi addizzjonali biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti għat-titjib fil-kwalità tal-ilma, l-investimenti nazzjonali għandhom ikopru l-lakuna fl-investiment.

96

Ara t-tweġiba għall-paragrafu 20.

98

Filwaqt li l-implimentazzjoni ta’ politika addattata ta’ tariffi tal-ilma hija r-responsabbiltà tal-Istati Membri, il-kundizzjonalità ex-ante tistipula li l-irkupru tal-kosttijiet hemm bżonn li jkun konsistenti mal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2000/60/KE b’kunsiderazzjoni, fejn xieraq għall-effetti soċjali, ambjentali u ekonomiċi tal-irkupru kif ukoll il-kundizzjonijiet ġeografiċi u klimatiċi tar-reġjun jew ir-reġjuni affettwati.

100

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tinnota li l-pass tal-infiq tal-fondi tal-UE beda jiżdied lejn tmiem il-perjodu ta’ programmazzjoni 2007–2013, li ppermetta lill-Bulgarija biex titlob kważi 95 % tal-allokazzjoni tal-assi ta’ prijorità rispettivi (li jammontaw għal madwar EUR 969 miljun).

101

Il-Kummissjoni tqis li livell ta’ affordabilità ta’ 4 % huwa indikattiv.

Ara t-tweġiba għall-paragrafu 21.

103

Il-Kummissjoni tosserva li fir-Rumanija ġiet introdotta strateġija ta’ tariffi komuni sabiex tiġi appoġġjata s-sostenibbiltà fit-tul tal-investimenti u b’kunsiderazzjoni ta’ problemi ta’ affordabbiltà bħala element tal-analiżi CBA għal proġetti ffinanzjati mill-UE matul il-perjodu 2007–2013.

Matul il-perjodu 2014–2020, l-operaturi tal-ilma se jaġġustaw u jsaħħu il-metodoloġija tal-struttura tat-tariffi li tappoġġja l-estensjoni tas-servizzi konformi tal-ilma lejn oqsma addizzjonali u biex ikopru r-rekwiżiti tal-gwida CBA riveduta fir-rigward tal-irkupru tal-ispejjeż kollha u d-deprezzament tal-assi. It-tfassil tal-proġetti se jiġi żviluppat kif xieraq.

105

Il-Kummissjoni tosserva li t-tariffi fis-seħħ tnaqqsu. Għaldaqstant il-Kummissjoni tissorvelja s-sitwazzjonijiet u tipprovdi rakkomandazzjonijiet lill-awtoritajiet tal-HU biex jiżguraw ir-riżorsi finanzjarji meħtieġa għas-sostenibbiltà aġġornata l-assi. Madankollu, jista’ jkun importanti, f’każijiet individwali, li l-aġġustamenti tal-politika tat-tariffi jiġu introdotti b’attenzjoni u b’mod gradwali tul perjodu itwal ta’ żmien biex titnaqqsu id-distorsjoni f’salt tal-affordabbiltà soċjali tal-investiment tal-ilma għall-popolazzjoni.

Jekk jogħġbok ara wkoll it-tweġibiet għal paragrafi 98 u 101.

109

Il-Kummissjoni qed tikkunsidra, bħala parti mir-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb, modifikazzjonijiet fid-dispożizzjonijiet dwar ir-rappurtar.

Il-Kummissjoni tixtieq tiżgura li r-rappurtar jiffoka fuq informazzjoni meħtieġa għall-kontroll tal-konformità (inċidenti, sustanzi ġodda, eċċ.). Il-Kummissjoni biħsiebha tistudja opzjonijiet bħal alternattivi ta’ għodod tal-IT (eż. il-ġbir tad-dejta minn amministrazzjonijiet nazzjonali) sabiex jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju ta’ rappurtar, isir aktar malajr u biex tiġi żgurata d-disponibbiltà ta’ informazzjoni aġġornata.

110

Fid-dawl tal-qafas leġiżlattiv eżistenti, il-Kummissjoni tqis li l-gwida dwar ir-rekwiżiti fir-rigward tal-informazzjoni magħmula disponibbli għall-konsumaturi tista’ tiġi indirizzata l-aħjar fil-livell nazzjonali.

Rakkomandazzjoni 1

Il-Kummissjoni taċċetta parzjalment din ir-rakkomandazzjoni u se timplimentaha kif ġej:

Il-Kummissjoni se tiffoka fuq il-lakuni ewlenin identifikati li jaffettwaw il-kwalità tal-ilma tax-xorb, iżda ma tistax twettaq segwitu sistematiku dwar in-nuqqasijiet kollha ta’ monitoraġġ minħabba l-limitazzjonijiet tar-riżorsi.

Ser tħares lejn kif ittejjeb id-dispożizzjonijiet dwar ir-rappurtar bħala parti mir-reviżjoni li għaddejja bħalissa tad-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb.

Rakkomandazzjoni 2

Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjonijiet 2 a-d fis-sustanza. Madankollu, dan huwa soġġett għar-riżultat tar-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb, li fil-mument ta’ dan ir-rapport mhuwiex magħruf, u l-kontenut tal-proposta li temenda d-DWD jiddependi fil-biċċa l-kbira fuq il-konklużjonijiet tal-valutazzjoni tal-impatt. Il-proposta għadha mhix finalizzata u l-Kummissjoni qed tikkunsidra opzjonijiet biex ittejjeb in-nuqqasijiet identifikati. F’dan il-kuntest, il-proposta se jkollha tkun konformi mal-objettivi tal-linji gwida “Regolamentazzjoni Aħjar”5 li l-proposti tal-Kummissjoni “jissodisfaw l-għanijiet tal-politika bi spiża minima u jwasslu l-massimu ta’ benefiċċji għaċ-ċittadini, in-negozji u l-ħaddiema filwaqt li jiġi evitat kull piż regolatorju mhux meħtieġ”, b’mod partikolari, sa fejn huma kkonċernati l-entitajiet iż-żgħar.

Rakkomandazzjoni 2 (a)

Il-Kummissjoni se tikkunsidra fuq kollox, fil-qafas tar-reviżjoni tad-Direttiva, kif ittejjeb l-informazzjoni, il-monitoraġġ u r-rappurtar mis-SWSZ.

Rakkomandazzjoni 2 (b)

Il-Kummissjoni se tikkunsidra fuq kollox, fil-qafas tar-reviżjoni tad-Direttiva, kif ittejjeb l-informazzjoni, il-monitoraġġ u r-rappurtar għas-SWSZ, billi tuża l-approċċ ibbażat fuq ir-riskju għall-monitoraġġ anki għas-SWSZ.

Rakkomandazzjoni 2 (c)

Il-Kummissjoni se tikkunsidra fuq kollox, fil-qafas tar-reviżjoni tad-Direttiva, l-emendi għad-dispożizzjonijiet tal-irrapportar tad-Direttiva.

Ir-rappurtar għandu idealment jiffoka fuq informazzjoni meħtieġa għall-kontroll tal-konformità (inċidenti, sustanzi ġodda, eċċ.).

Rakkomandazzjoni 2 (d)

Il-Kummissjoni se tikkunsidra kif tista’ ttejjeb l-aċċess għal informazzjoni għall-konsumaturi bħala parti mir-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb peress li l-kwistjoni ġiet identifikata bħala qasam ta’ titjib fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar REFIT tad-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb 98/83/KE.

112

Jekk jogħġbok ara l-kummenti dwar il-paragrafi msemmija.

Minkejja d-dewmien, inkisbu l-biċċa l-kbira tal-objettivi jew għenu biex itejbu s-sitwazzjoni fil-qasam rispettiv. L-imprevisti (tnaqqis fil-livell tal-ilma tad-Danubju) kienu lura u għalhekk ma kinux jissodisfaw l-objettivi ta’ konformità fit-tul taħt proġett wieħed li ssemma.

113

Minkejja l-preferenza li ngħatat lill-konformità u l-kostruzzjoni ta’ infrastruttura ġdida tan-netwerk, il-Kummissjoni tosserva li parti mill-investimenti kofinanzjati permezz ta’ proġetti maġġuri matul il-perjodu 2007–13, jekk ikunu ġġustifikati kif suppost, inkludew komponent ta’ rijabilitazzjoni tal-infrastrutturi eżistenti sabiex jittaffa l-impatt negattiv tat-telf tal-ilma fuq il-prestazzjoni ta’ investimenti ġodda.

Matul il-perjodu 2014–2020, jinżamm l-istess approċċ fil-pajjiżi kollha fejn tnixxija titqies bħala fattur importanti.

Rakkomandazzjoni 3

Il-Kummissjoni tosserva li din ir-rakkomandazzjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Rakkomandazzjoni 4

Il-Kummissjoni taċċetta din ir-rakkomandazzjoni.

Il-Kummissjoni hija sensittiva għall-kwistjoni t-telf tal-ilma u għandha l-ħsieb li, fi ħdan ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb, tippromwovi azzjoni fil-livell tal-Istati Membri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà.

Madankollu, it-tnaqqis fit-telf tal-ilma minn attivitajiet iffinanzjati mill-UE jistgħu jwasslu għall-finanzjament tal-manutenzjoni, li mhux dejjem ikun prijorità ta’ investiment, speċjalment għal dawk l-Istati Membri fejn m’hemmx netwerk ta’ provvista biżżejjed biex ikopri l-popolazzjoni.

114

Il-Kummissjoni hija konxja li l-ħtiġijiet ta’ investiment fis-settur tal-ilma (li jkopri l-ilma tax-xorb, il-ġbir u t-trattament tal-ilma mormi, l-azzjonijiet kontra l-għargħar, eċċ) jistgħu jkunu sinifikanti f’xi Stati Membri fis-snin li ġejjin. Il-prijoritajiet futuri f’termini ta’ finanzjament tal-UE għandhom jiġu definiti mill-Istati Membri b’kont meħud tal-ħtiġijiet reali. Il-Kummissjoni nediet diversi inizjattivi biex ikollna ħarsa aħjar dwar bżonnijiet ta’ investiment fis-settur tal-ilma.

115

Il-Kummissjoni tinnota li skont id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, l-irkupru tal-ispejjeż għandu jinkludi wkoll il-kostijiet ambjentali u tar-riżorsi.

Rakkomandazzjoni 5

Il-Kummissjoni tinnota li din ir-rakkomandazzjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Abbrevjazzjonijiet u Glossarju

Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA): L-EEA hija aġenzija tal-Unjoni Ewropea.
Hija tipprovdi informazzjoni indipendenti dwar l-ambjent għal dawk involuti fl-iżvilupp, l-adozzjoni, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-politika ambjentali, u wkoll għall-pubbliku ġenerali. L-EEA tiġbor data u tipproduċi valutazzjonijiet dwar firxa wiesgħa ta’ suġġetti relatati mal-ambjent.

Assistenza Konġunta ta’ Appoġġ għal Proġetti fir-Reġjuni Ewropej (JASPERS): JASPERS hija sħubija ta’ assistenza teknika bejn tlett isħab (il-Kummissjoni Ewropea, il-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp). Hija tipprovdi parir indipendenti lill-pajjiżi benefiċjarji biex tgħinhom fit-tħejjija ta’ proġetti kbar ta’ kwalità għolja li għandhom jiġu kofinanzjati minn żewġ Fondi Strutturali u ta’ Investiment tal-UE (il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta’ Koeżjoni).

Awtorità maniġerjali: Awtorità maniġerjali hija awtorità pubblika nazzjonali, reġjonali jew lokali (jew kwalunkwe korp pubbliku jew privat ieħor), li tkun ġiet iddeżinjata minn Stat Membru biex timmaniġġja programm operazzjonali. Il-kompiti tagħha jinkludu l-għażla ta’ proġetti għall-finanzjament, il-monitoraġġ ta’ kif il-proġetti jiġu implimentati u r-rappurtar lill-Kummissjoni dwar l-aspetti finanzjarji u r-riżultati miksuba. L-awtorità maniġerjali hija wkoll il-korp li jimponi korrezzjonijiet finanzjarji fuq il-benefiċjarji wara li jkunu twettqu awditi mill-Kummissjoni, mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri jew minn awtorità rilevanti fi Stat Membru partikolari.

Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb (DWD): Id-Direttiva tal-Kunsill 98/83/KE tat-3 ta’ Novembru 1998 dwar il-kwalità tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem (ĠU L 330, 5.12.1998, p. 32).

EU13: L-EU13 tirreferi għall-Istati Membri li ssieħbu fl-UE fl-2004 jew wara. Dawn huma: Il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, il-Kroazja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, ir-Rumanija, is-Slovakkja u s-Slovenja.

Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR): Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali għandu l-għan li jirrinforza l-koeżjoni ekonomika u soċjali fi ħdan l-Unjoni Ewropea billi jirrimedja l-iżbilanċi reġjonali prinċipali permezz ta’ appoġġ finanzjarju għall-ħolqien ta’ infrastrutturi u permezz ta’ investimenti produttivi li joħolqu l-impjiegi, prinċipalment għan-negozji.

Fond ta’ Koeżjoni (FK): Il-Fond ta’ Koeżjoni għandu l-għan li jsaħħaħ il-koeżjoni ekonomika u soċjali fi ħdan l-Unjoni Ewropea billi jiffinanzja proġetti ambjentali u tat-trasport fl-Istati Membri li għandhom ING per capita ta’ inqas minn 90 % tal-medja tal-UE.

Ilma mhux imħallas: Ilma mhux imħallas jikkonsisti prinċipalment f’ilma li jnixxi mis-sistema qabel ma jasal għand il-konsumatur aħħari (telf tekniku jew fiżiku), u f’ilma kkunsmat mingħajr ma jiġi fatturat b’mod xieraq, pereżempju, permezz ta’ konnessjonijiet illegali jew sistemi mhux xierqa ta’ kejl bl-arloġġ tal-konsum tal-ilma (telf kummerċjali jew evidenti). Filwaqt li dak tal-ewwel iżid bla meħtieġ l-ispejjeż tal-produzzjoni (għaliex irid jiġi prodott aktar ilma milli meħtieġ), dak tal-aħħar ifisser dħul mitluf. Ilma mhux imħallas jiġi normalment stmat abbażi tal-istabbiliment ta’ bilanċ bejn il-flussi ta’ dħul u ħruġ tal-ilma fis-sistema.
Għal skopijiet ta’ simplifikazzjoni, f’dan ir-rapport it-terminu “telf tal-ilma” se jintuża minflok “ilma mhux imħallas”.

Inizjattiva taċ-ċittadini: Inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej hija stedina lill-Kummissjoni Ewropea biex tipproponi leġiżlazzjoni dwar kwistjonijiet fejn l-UE għandha l-kompetenza li tilleġiżla. Inizjattiva taċ-ċittadini trid tkun appoġġjata minn mill-inqas 1 000 000 ċittadin tal-UE, li jkunu ġejjin minn mill-inqas 7 Stati Membri mit-28 Stat Membru. Jinħtieġ għadd minimu ta’ firmatarji f’kull wieħed minn dawk is-seba’ Stati Membri. Ir-regoli u l-proċeduri li jirregolaw l-inizjattiva taċ-ċittadini huma stipulati fir-Regolament (UE) Nru 211/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini (ĠU L 65, 11.3.2011, p. 1).

Ippjanar għas-sigurtà tal-ilma tax-xorb (DWSP): Il-kunċett tad-DWSP ġie introdott mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) fl-2004. Huwa jikkonsisti f’approċċ komprensiv għall-valutazzjoni tar-riskju u għall-ġestjoni tar-riskju, li jinkludi l-istadji kollha fil-provvista tal-ilma minn meta jinġabar sa ma jasal għand il-konsumatur.
Preferibbilment, l-operaturi tal-ilma u l-awtoritajiet tas-saħħa pubblika għandhom jiżviluppaw DWSP għal kull żona individwali tal-provvista tal-ilma tax-xorb.

Kundizzjonalitajiet ex ante: Kundizzjonalitajiet ex ante huma kundizzjonijiet, ibbażati fuq kriterji predefiniti li jkunu ġew stabbiliti fi ftehimiet ta’ sħubija, li jitqiesu bħala prerekwiżiti meħtieġa għall-użu effettiv u effiċjenti tal-appoġġ tal-Unjoni kopert minn dawk il-ftehimiet. Meta jħejju l-PO taħt il-FEŻR, l-FK u l-FSE fi ħdan il-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020, l-Istati Membri jridu jivvalutaw jekk dawn il-kundizzjonijiet humiex issodisfati. Jekk dawn ma jkunux ġew issodisfati, ikun jeħtieġ li jitħejjew pjanijiet ta’ azzjoni biex jiġi żgurat li l-kundizzjonijiet ikunu ġew issodisfati sal-31 ta’ Diċembru 2016.

Monitoraġġ tal-awditjar: L-iskop tal-monitoraġġ tal-awditjar huwa li jipprovdi l-informazzjoni meħtieġa biex jiġi ddeterminat jekk hemmx konformità jew le mal-valuri parametriċi kollha tad-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb.
Il-parametri kollha ssettjati skont l-Anness I tad-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb huma suġġetti għal monitoraġġ tal-awditjar.

Monitoraġġ tal-kontrolli: L-iskop tal-monitoraġġ tal-kontrolli huwa li jiddetermina jekk l-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem huwiex konformi mal-valuri parametriċi rilevanti stabbiliti fid-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb. Huwa jipprovdi, fuq bażi regolari, informazzjoni dwar il-kwalità organolettika (jiġifieri l-kulur, ir-riħa, u l-mod kif tinħass sustanza) u dik mikrobijoloġika tal-ilma pprovdut għall-konsum mill-bniedem, kif ukoll dwar l-effettività tat-trattament tal-ilma tax-xorb (b’mod partikolari tad-diżinfezzjoni) fejn dan jintuża.
Huma biss xi parametri elenkati fid-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb li jeħtieġ li jiġu inklużi fil-monitoraġġ tal-kontrolli.

Netwerk Ewropew ta’ informazzjoni u osservazzjoni tal-ambjent (Eionet): L-Eionet huwa netwerk ta’ sħubija tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA) u tal-pajjiżi membri tagħha u li jikkooperaw magħha. Huwa jikkonsisti fl-EEA nfisha, f’sitt Ċentri Tematiċi Ewropej (ETCs) u f’netwerk ta’ madwar 1 000 espert minn 39 pajjiż f’mhux aktar minn 400 korp internazzjonali li jittrattaw informazzjoni ambjentali. Permezz tal-Eionet, l-EEA tikkoordina t-twassil ta’ data ambjentali minn pajjiżi individwali.

Parametru indikatur: Parametri indikaturi huma taħlita ta’ parametri mikrobijoloġiċi, kimiċi u radjoloġiċi li jipprovdu informazzjoni dwar il-proċessi ta’ trattament u l-kwalità organolettika tal-ilma tax-xorb.

Perjodu ta’ programmazzjoni: Il-qafas pluriennali li fi ħdanu l-infiq mill-FEŻR, mill-FSE u mill-FK jiġi ppjanat u implimentat.

Proġett kbir: Proġett li jinkludi sensiela ta’ xogħlijiet ekonomikament indiviżibbli li jwettqu funzjoni teknika preċiża, li għandhom għanijiet identifikati b’mod ċar, u li l-ispiża totali tagħhom, ivvalutata meta l-kontribuzzjoni tal-fondi tiġi ddeterminata, tkun taqbeż l-EUR 50 miljun, u li ġeneralment huwa proġett ta’ infrastruttura fuq skala kbira fis-setturi tat-trasport, tal-ambjent jew f’setturi oħra bħall-kultura, l-edukazzjoni, l-enerġija jew l-ICT. L-approvazzjoni tal-Kummissjoni hija meħtieġa fil-livell kumplessiv tal-proġett.
Għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020, is-soll ittella’ għal EUR 75 miljun fil-każ ta’ operazzjonijiet li jikkontribwixxu għall-objettiv tematiku taħt il-punt (7) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 - “il-promozzjoni ta’ trasport sostenibbli u t-tneħħija ta’ ostakoli fl-infrastrutturi tan-netwerks ewlenin”.

Programm dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (REFIT): Taħt ir-REFIT, il-Kummissjoni qed twettaq eżaminar analitiku tal-istokk ta’ leġiżlazzjoni tal-UE, kollha kemm hi, fuq bażi kontinwa u sistematika biex tidentifika piżijiet, inkonsistenzi u miżuri ineffettivi, u biex tidentifika azzjonijiet korrettivi.

Programm operazzjonali (PO): PO jistipula l-prijoritajiet u l-objettivi speċifiċi ta’ Stat Membru u jiddeskrivi kif il-finanzjament (kofinanzjament mill-UE u kofinanzjament nazzjonali pubbliku u privat) se jintuża matul perjodu partikolari (attwalment seba’ snin) għall-finanzjament ta’ proġetti. Il-proġetti fi ħdan PO jridu jikkontribwixxu għal ċertu għadd ta’ objettivi. Il-finanzjament tal-PO jista’ jiġi mill-FEŻR, mill-FK u/jew mill-FSE. Il-PO jitħejja mill-Istat Membru u jrid jiġi approvat mill-Kummissjoni qabel ikun jista’ jsir kwalunkwe pagament mill-baġit tal-UE. Il-PO jistgħu jiġu modifikati biss matul il-perjodu ta’ programmazzjoni jekk iż-żewġ partijiet jaqblu.

Rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-Pajjiżi (CSR): Rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi (CSR) huma rakkomandazzjonijiet relatati ma’ sfidi strutturali li huwa xieraq li jiġu indirizzati permezz ta’ investimenti pluriennali li jaqgħu direttament taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Fondi SIE, kif stipulat fir-Regolamenti speċifiċi għall-Fondi. Huma jiġu adottati mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 121(2) u l-Artikolu 148(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

Strateġija Ewropa 2020: L-Istrateġija Ewropa 2020 hija l-istrateġija tal-UE, li tkopri 10 snin, għall-impjiegi u t-tkabbir. Hija tniedet fl-2010 biex toħloq il-kundizzjonijiet għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv. Hija tinkludi ħames miri ewlenin li jkopru l-impjieg; ir-riċerka u l-iżvilupp, il-klima u l-enerġija, l-edukazzjoni, l-inklużjoni soċjali u t-tnaqqis tal-faqar.
Il-Kunsill Ewropew tas-17 ta’ Ġunju 2010, Konklużjonijiet b’segwitu għal KUMM(2010) 2020 finali tat-3 ta’ Marzu 2010 “EWROPA 2020 Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv”.

TFUE: Trattat dwar il-Funzjonament ta’ l-Unjoni Ewropea.

Żona tal-provvista tal-ilma: Żona tal-provvista hija żona dddefinita ġeografikament li ġewwa fiha l-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem ikun ġej minn sors wieħed jew aktar u li ġewwa fiha l-kwalità tal-ilma tista’ titqies li hija bejn wieħed u ieħor uniformi.

Żoni Kbar tal-Provvista tal-Ilma: Żoni kbar tal-provvista tal-ilma huma dawk iż-żoni li jipprovdu medja ta’ aktar minn 1 000 m3 ta’ ilma kuljum jew li jaqdu lil aktar minn 5 000 persuna.

Żoni Żgħar tal-Provvista tal-Ilma: Żoni żgħar tal-provvista tal-ilma huma dawk iż-żoni li jipprovdu medja ta’ inqas minn 1 000 m3 ta’ ilma kuljum jew li jaqdu lil inqas minn 5 000 persuna.

Noti finali

1 L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, http://www.eea.europa.eu.

2 Id-Direttiva tal-Kunsill 75/440/KEE tas-16 ta’ Ġunju 1975 dwar il-kwalità meħtieġa għall-ilma tal-wiċċ illi huwa maħsub għall-produzzjoni tal-ilma tax-xorb fl-Istati Membri (ĠU L 194, 25.7.1975, p. 26).

3 Council Directive 80/778/EEC of 15 July 1980 relating to the quality of water intended for human consumption (Id-Direttiva tal-Kunsill 80/778/KEE tal-15 ta’ Lulju 1980 dwar il-kwalità tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem) (ĠU L 229, 30.8.1980, p. 11).

4 Id-Direttiva tal-Kunsill 98/83/KE tat-3 ta’ Novembru 1998 dwar il-kwalità tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem (ĠU L 330, 5.12.1998, p. 32).

5 L-Artikolu 7 u l-Annessi II u III tad-DWD.

6 L-Artikolu 13 tad-DWD.

7 http://rod.eionet.europa.eu/obligations/171.

8 COM(2016) 666 final tal-20.10.2016 “Rapport ta’ Sinteżi dwar il-Kwalità tal-Ilma tax-Xorb fl-Unjoni li jeżamina r-rapporti tal-Istati Membri għall-perjodu 2011-2013, kif previst skont l-Artikolu 13(5) tad-Direttiva 98/83/KE”.

9 COM(2014) 363 final tas-16.6.2014 “Rapport ta’ Sinteżi dwar il-Kwalità tal-Ilma tax-Xorb fl-UE li jeżamina r-rapporti tal-Istati Membri għall-perjodu ta’ bejn l-2008 u l-2010 taħt id-Direttiva tal-Kunsill 98/83/KE”.

10 COM(2016) 666 final, p. 2.

11 Data estrapolata mill-iskedi informattivi għall-perjodu 2008-2010 għal kull Stat Membru dwar iż-Żoni Żgħar tal-Provvista tal-Ilma, http://ec.europa.eu/environment/water/water-drink/reporting_en.html.

12 Id-Deċiżjoni Nru 1386/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Novembru 2013 dwar Programm Ġenerali ta’ Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni sal-2020 “Ngħixu tajjeb, fil-limiti tal-pjaneta tagħna”, l-Għan Prijoritarju 3, il-punt 54 (iii) (ĠU L 354, 28.12.2013, p 171).

13 COM(2014) 363 final.

14 Il-Kunsill Ewropew tas-17 ta’ Ġunju 2010, Konklużjonijiet b’segwitu għal KUMM(2010) 2020 finali tat-3 ta’ Marzu 2010 “EWROPA 2020 Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv”.

15 Id-Deċiżjoni Nru 1386/2013/UE, l-Għan Prijoritarju 2, il-punt 41.

16 L-allokazzjoni kumplessiva tal-UE għal proġetti tal-ilma mormi matul il-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013 kienet ta’ madwar EUR 14.6 biljun, li minnhom madwar EUR 10 biljun kienu assenjati għall-Istati Membri tal-EU13. Għall-perjodu 2014-2020, l-allokazzjoni hija ta’ madwar EUR 10 biljun, li minnhom EUR 7 biljun huma assenjati għall-Istati Membri tal-EU13.

17 L-Eurostat - Popolazzjoni konnessa mal-provvista pubblika tal-ilma, il-kodiċi ten00012.

18 http://www.right2water.eu/

19 COM(2014) 177 final tad-19.3.2014 Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-Inizjattiva Ewropea tad-Ċittadini “L-Ilma u s-sanità huma dritt tal-bniedem! L-ilma huwa ġid pubbliku, mhux komodità!”.

20 L-Artikolu 9 tad-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1).

21 Il-Kummissjoni Ewropea, “Il-perjodu ġdid tal-ipprogrammar 2007-2013 - Gwida dwar il-metodoloġija għall-analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji - Dokument ta’ Ħidma 4”, 8/2006.

22 Ir-Rapport Speċjali Nru 9/2010 “L-infiq tal-Miżuri strutturali tal-UE fuq il-provvista tal-ilma għall-konsum domestiku qed jintużaw bl-aqwa mod?”; ir-Rapport Speċjali Nru 4/2014 “Integrazzjoni tal-objettivi tal-politika tal-UE dwar l-ilma fi ħdan il-PAK: suċċess parzjali”; ir-Rapport Speċjali Nru 2/2015 “Finanzjament mill-UE ta’ impjanti tat-trattament tal-ilma urban mormi fil-baċin tax-Xmara Danubju: aktar sforzi huma meħtieġa biex l-Istati Membri jingħataw għajnuna sabiex jilħqu l-objettivi tal-UE għall-politika tal-ilma mormi”; ir-Rapport Speċjali Nru 23/2015 “Il-kwalità tal-ilma fil-baċin tax-Xmara Danubju: sar progress fl-implimentazzjoni tad-direttiva qafas dwar l-ilma iżda għad fadal xi jsir”; u r-Rapport Speċjali Nru 3/2016 “Il-ġlieda kontra l-ewtrofikazzjoni fil-Baħar Baltiku: tinħtieġ azzjoni ulterjuri u aktar effettiva” (http://eca.europa.eu).

23 L-EPRS, Water legislation, Cost of Non-Europe Report (Leġiżlazzjoni dwar l-Ilma, Rapport dwar l-Ispiża tan-Non-Ewropa), Mejju 2015.

24 Ir-Rapport Speċjali Nru 9/2010.

25 L-Artikolu 291(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

26 L-Artikolu 17 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE).

27 L-1 ta’ Mejju 2004 għall-Ungerija u l-1 ta’ Jannar 2007 għall-Bulgarija u r-Rumanija.

28 Il-proċeduri ta’ ksur tar-regoli 2008/2247 għall-Ungerija, 2009/2259 għall-Bulgarija u 2009/2260 għar-Rumanija.

29 L-Anness VII, il-Kapitolu 9 Ambjent, il-Parti Ċ - Il-Kwalità tal-ilma (ĠU L 157, 21.6.2005, p. 166-171).

30 Għal informazzjoni dettaljata dwar it-tniġġis tal-ilma minħabba prattiki agrikoli, irreferi għar-Rapporti Speċjali Nru 23/2015 u Nru 3/2016 tal-Qorti.

31 Development of a Concept for the Future of Reporting under the Drinking Water Directive - critical analysis report (Żvilupp ta’ Kunċett għall-Futur ta’ Rappurtar taħt id-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb - rapport ta’ analiżi kritika), Mejju 2013.

32 http://rod.eionet.europa.eu/obligations/171/deliveries.

33 In-Nota 4 għat-Tabella B1 tad-DWD. Dawn id-dispożizzjonijiet se jiġu sostitwiti bl-Anness II il-ġdid tad-DWD, kif emendat bid-Direttiva tal-Kummissjoni (UE) 2015/1787 (ĠU L 260, 7.10.2015, p. 6), li trid tiġi trasposta mill-Istati Membri mhux aktar tard minn Ottubru 2017.

34 Id-Direttiva tal-Kummissjoni (UE) 2015/1787 tas-6 ta’ Ottubru 2015 li temenda l-Annessi II u III tad-Direttiva tal-Kunsill 98/83/KE dwar il-kwalità tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem (ĠU L 260, 7.10.2015, p. 6).

35 Arseniku, boron, kadmju, kromju, ram, merkurju, nikil, ċomb, antimonju u selenju.

36 Fil-p. 102 tar-Rapport nazzjonali Bulgaru dwar l-Ambjent għall-2012.

37 Ħarsa ġenerali lejn il-kwalità tal-ilma tax-xorb fil-Bulgarija, ir-rappurtar 2011-2013 skont id-DWD, p. 12.

38 Ħarsa ġenerali lejn il-kwalità tal-ilma tax-xorb fir-Rumanija - Riżultati tar-rappurtar 2011-2013 taħt id-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb 98/83/KE.

39 It-Tabella 3-2.

40 Calitatea apei distribuite în sistem centralizat în zonele cu peste 5000 de locuitori sau cu un volum de distribuție de peste 1000mc/zi în anul 2013 (ZAP mari) – Raport sintetic, ippubblikat fuq is-sit web taċ-Ċentru Nazzjonali għall-Monitoraġġ tar-Riskji Ambjentali Komunitarji.

41 http://ec.europa.eu/environment/water/water-drink/reporting_en.html u http://ec.europa.eu/environment/water/water-drink/small_supplies_en.html.

42 COM(2016) 666 final, p. 2.

43 L-Artikolu 4.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

44 Towards a Guidance Document for the implementation of a risk-assessment for small water supplies in the European Union, Overview of best practices (Lejn Dokument ta’ Gwida għall-implimentazzjoni ta’ valutazzjoni tar-riskju għal provvisti żgħar tal-ilma fl-Unjoni Ewropea, Ħarsa ġenerali lejn l-aħjar prattiki), Novembru 2011.

45 Small drinking water supplies: a “Framework for action” to improve management (Provvisti żgħar tal-ilma tax-xorb: “Qafas għall-azzjoni” biex titjieb il-ġestjoni) - ISBN 978-92-79-44633-7 (http://ec.europa.eu/environment/water/water-drink/pdf/Small%20drinking%20water%20supplies.pdf).

46 L-Artikolu 13 tad-DWD.

47 Study supporting the revision of the EU Drinking Water Directive, Evaluation Report (Studju li jsostni r-reviżjoni tad-Direttiva tal-UE dwar l-Ilma tax-Xorb, Rapport ta’ Evalwazzjoni), Ecorys, Mejju 2016.

48 Fl-Ungerija, il-pubblika huwa infurmat fuq is-sit web tas-Servizz Nazzjonali tas-Saħħa Pubblika u l-Uffiċjali Mediċi (“ÁNTSZ”) (www.antsz.hu) u fuq is-sit web tal-Istitut Nazzjonali tas-Saħħa Pubblika (“OKI”) (https://oki.antsz.hu). Is-siti web ġew ikkonsultati fil-25 ta’ Jannar 2017.

49 Il-Proġett BG161PO005-1.0.06-0073-C0001, il-Muniċipalità ta’ Panagyurishte.

50 Il-Proġett CCI 2007RO161PR003, il-kontea ta’ Călărași.

51 Il-Proġett CCI 2009RO161PR005, Ir-reġjun ta’ Constanța.

52 L-Artikolu 11 tad-DWD.

53 Il-Kummissjoni Ewropea, id-DĠ Ambjent, “Impact Assessment of possible Revisions to the Drinking Water Directive. Final report” (Valutazzjoni tal-Impatt tar-Reviżjonijiet li possibbilment se jsiru għad-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb. Rapport finali), Settembru 2008.

54 L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, Guidelines for Drinking-water Quality (Linji gwida għall-Kwalità tal-Ilma tax-Xorb), it-tielet edizzjoni, 2004 (www.who.int).

55 Grupp informali ta’ esperti dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 98/83/KE (id-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb).

56 Id-Direttiva tal-Kummissjoni (UE) 2015/1787.

57 Study supporting the revision of the EU Drinking Water Directive, Evaluation Report (Studju li jsostni r-reviżjoni tad-Direttiva tal-UE dwar l-Ilma tax-Xorb, Rapport ta’ Evalwazzjoni), Ecorys, Mejju 2016.

58 SWD(2016) 428 final, “Refit Evaluation of the Drinking Water Directive 98/83/EC” (Evalwazzjoni Refit tad-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb 98/83/KE).

59 Support to the implementation and further development of the Drinking Water Directive (98/83/EC): Study on materials in contact with drinking water (Appoġġ għall-implimentazzjoni u l-iżvilupp ulterjuri tad-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb (98/83/KE): Studju dwar materjali li jiġu f’kuntatt mal-ilma tax-xorb), Marzu 2017.

60 COM(2016) 710 final tal-25.10.2016 “Il-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni 2017- It-twettiq bil-fatti ta’ Ewropa li tipproteġi, li tagħti s-setgħa u li tiddefendi”.

61 Nota ta’ informazzjoni, l-Uffiċċju Reġjonali tal-WHO għall-Ewropa, CIRCABC.

62 JASPERS hija sħubija ta’ assistenza teknika bejn tlett isħab (il-Kummissjoni Ewropea, il-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp). Hija tipprovdi parir indipendenti lill-pajjiżi benefiċjarji biex tgħinhom fit-tħejjija ta’ proġetti kbar ta’ kwalità għolja li għandhom jiġu kofinanzjati minn żewġ Fondi Strutturali u ta’ Investiment tal-UE (il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta’ Koeżjoni).

63 Is-Servizz ta’ Tbassir Idroloġiku Ungeriż (http://www.hydroinfo.hu).

64 Km ta’ pajpijiet għat-trasport u d-distribuzzjoni tal-ilma, riabilitazzjoni jew kostruzzjoni ta’ bjar, ġibjuni, stazzjonijiet tal-ippumpjar u impjanti tal-klorinazzjoni u t-trattament.

65 It-terminu tekniku huwa “ilma mhux imħallas” billi huwa ilma li mhuwiex jew ma jistax jiġi fatturat. Għal skopijiet ta’ simplifikazzjoni u għaliex l-operaturi tal-ilma mhux dejjem jipprovdu dettalji dwar it-tipi differenti ta’ ilma mhux imħallas, se nużaw it-terminu “telf tal-ilma” fil-każijiet kollha f’dan ir-rapport.

66 Water and Waste water Services in the Danube region (Servizzi tal-Ilma u tal-Ilma Mormi fir-reġjun tad-Danubju), Mejju 2015 (http://sos.danubis.org/).

67 Id-dokumenti ta’ pożizzjoni tal-pajjiż għall-Bulgarija - Ref. Ares(2012)1273775 - 26/10/2012; l-Ungerija - Ref. Ares(2012)1286381 - 30/10/2012; ir-Rumanija - Ref. Ares(2012)1240252 - 19/10/2012.

68 Dokumenti tematiċi oħra relatati mal-Istrateġija Komuni ta’ Implimentazzjoni (CIS) ”Good Practices on Leakage Management” (Prattiki Tajbin relatati mal-Ġestjoni tat-Tnixxijiet), 2015, ISBN 978-92-79-45069-3 (http://ec.europa.eu/environment/water/water-framework/facts_figures/guidance_docs_en.htm).

69 Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill 2012/C 219/03, 2013/C 217/03, 2014/C 247/02, 2015/C 272/08 u 2016/C 299/08.

70 L-Artikolu 116 tal-Anness għall-ordni 88-2007 tar-regolatur.

71 Id-Deċiżjoni tar-regolatur tal-Istat ПК-1/22.06.2016.

72 L-Istrateġija għall-Iżvilupp u l-Ġestjoni tas-Settur tas-Servizzi tal-Ilma u s-Sanità fir-Repubblika tal-Bulgarija għall-perjodu 2014-2023 (approvata bid-Deċiżjoni Nru 269 tal-Kunsill tal-Ministri tas-7 ta’ Mejju 2014), (http://www.mrrb.government.bg/?controller=articles&id=5265).

73 L-Artikolu 95(2) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).

74 L-Artikolu 65(11) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013.

75 L-Istrateġija għall-Iżvilupp u l-Ġestjoni tas-Settur tas-Servizzi tal-Ilma u s-Sanità fir-Repubblika tal-Bulgarija għall-perjodu 2014-2023.

76 Il-ħtieġa ta’ EUR 2 500 miljun hija għal 10 snin, u għalhekk il-ħtiġijiet jistgħu jiġu stmati f’ammont ta’ EUR 250 miljun kull sena. Għas-seba’ snin sal-2020, il-ħtiġijiet jistgħu konsegwentement jiġu stmati f’ammont ta’ EUR 1 750 miljun, li minnhom għandhom jitnaqqsu l-EUR 145 miljun ta’ finanzjament mill-UE.

77 Aspetti ta’ titijib fl-ilma u fl-ilma mormi - ir-Rapport Finali ta’ Evalwazzjoni Nru 101/2012 - ÖKO Zrt -Budapest, 2013 (Msz.: 101/2012. Ivóvíz és szennyvíz fejlesztések egyes kérdései - Értékelési zárójelentés ÖKO Zrt -Budapest, 2013. Március).

78 Għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2000-2006: id-Dokument Tekniku 1 - Application of the polluter pays principle - Differentiating the rates of Community assistance for Structural Funds, Cohesion Fund and ISPA infrastructure operations (Applikazzjoni tal-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas – Differenzjar tar-rati tal-assistenza Komunitarja għall-Fondi Strutturali, il-Fond ta’ Koeżjoni u operazzjonijiet ta’ infrastrutturi tal-ISPA) (6.12.1999). Għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013: Gwida dwar il-metodoloġija għall-analiżi tal-spejjeż u l-benefiċċji, Dokument ta’ Ħidma 4, 8/2006.

79 Kundizzjonalità ex ante 6.1 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013.

80 L-Istrateġija għall-Iżvilupp u l-Ġestjoni tas-Settur tas-Servizzi tal-Ilma u s-Sanità fir-Repubblika tal-Bulgarija għall-perjodu 2014-2023.

81 Il-Kummissjoni Ewropea, „Il-perjodu ġdid tal-ipprogrammar 2007-2013 - Gwida dwar il-metodoloġija għall-analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji - Dokument ta’ Ħidma 4”, 8/2006.

82 Dispożizzjonijiet addizzjonali, il-paragrafu 1, il-punt 4 tal-Liġi dwar ir-regolamentazzjoni tas-servizzi tal-ilma u d-drenaġġ.

83 Skont l-Istrateġija Nazzjonali għall-aċċellerazzjoni tal-iżvilupp tas-servizzi komunitarji ta’ utilità pubblika, Approvata permezz tal-GD 246/2006.

84 Il-Liġi CCIX dwar is-servizzi ta’ utilità tal-ilma.

85 Il-Kummissjoni Regolatorja tal-Enerġija u tal-Ilma fil-Bulgarija u l-Awtorità Regolatorja Nazzjonali għas-Servizzi Pubbliċi tal-Ġestjoni Komunali fir-Rumanija.

86 Ordinanza li tirregola l-kwalità tas-servizzi tal-ilma u d-drenaġġ fil-Bulgarija, u l-Liġi 241/2006 fir-Rumanija.

87 L-Artikolu 8(1) tal-Anness għall-Ordni Nru 65/2007 tal-Awtorità Nazzjonali li tirregola s-Servizzi Komunitarji ta’ Utilità Pubblika (ANRSC), li tapprova l-metodoloġija għall-istabbiliment, l-aġġustament jew il-modifika tal-prezzijiet/tat-tariffi għas-servizzi pubbliċi fil-provvista tal-ilma u s-sanità.

88 Il-Liġi CCIX dwar is-servizzi ta’ utilità tal-ilma.

89 L-Artikolu 4 tal-Liġi LIV (2013) tal-1.11.2013.

90 Ir-Rapporti Speċjali Nru 9/2010 u Nru 2/2015.

1 European water policies and human health (Il-politiki Ewropej dwar l-ilma u s-saħħa tal-bniedem) - ir-Rapport tal-EEA Nru 32/2016, il-paġna 18, http://www.eea.europa.eu/publications/public-health-and-environmental-protection.

2 Ir-risanament artifiċjali huwa l-attività ppjanata tal-bniedem fejn jinżdied l-ammont ta’ ilma ta’ taħt l-art li huwa disponibbli permezz ta’ xogħlijiet maħsuba biex jiżdied ir-riforniment naturali jew it-tnixxija ta’ ilmijiet tas-superfiċje fl-akwiferi ta’ taħt l-art.

3 Il-filtrazzjoni tal-ilma mix-xtut hija tip ta’ filtrazzjoni li taħdem billi l-ilma li għandu jiġi ppurifikat biex jintuża bħala ilma tax-xorb jgħaddi mix-xtut ta’ xi xmara jew xi lag. Dan imbagħad jiġi estratt permezz ta’ bjar ta’ estrazzjoni li jkunu jinsabu ftit ‚il bogħod mill-korp tal-ilma.

4 Results and lessons from implementing the Water Assets Accounts in the EEA area (Riżultati u tagħlimiet meħuda mill-implimentazzjoni tal-Kontijiet tal-Assi tal-Ilma fiż-żona taż-ŻEE) - l-EEA, ir-Rapport Tekniku Nru 7/2013 tat-22 ta’ Mejju 2013, p. 71.

1 http://ec.europa.eu/smart-regulation/guidelines/docs/swd_br_guidelines_en.pdf

2 SWD(2016) 428 finali

3 SWD(2016) 428 finali

4 http://ec.europa.eu/info/law/better-regulation/initiatives/ares-2017-1061434_en

5 http://ec.europa.eu/smart-regulation/guidelines/docs/swd_br_guidelines_en.pdf

Avveniment Data
Adozzjoni tal-APM / Bidu tal-awditu 20.4.2016
L-abbozz tar-rapport jintbagħat uffiċjalment lill-Kummissjoni (jew lil parti awditjata oħra) 19.5.2017
Adozzjoni tar-rapport finali wara l-proċedura kontradittorja 5.7.2017
Ir-risposti uffiċjali tal-Kummissjoni (jew ta’ parti awditjata oħra) riċevuti bil-lingwi kollha 11.8.2017

Tim tal-awditjar

Ir-rapporti speċjali tal-QEA jippreżentaw ir-riżultati tal-awditi tagħha f’dak li jirrigwarda l-politiki u l-programmi tal-UE jew suġġetti ta' ġestjoni relatati ma’ oqsma baġitarji speċifiċi. Il-QEA tagħżel u tfassal dawn il-kompiti tal-awditjar biex timmassimizza l-impatt tagħhom billi tqis ir-riskji għall-prestazzjoni jew għall-konformità, il-livell ta' introjtu jew ta' nfiq involut, l-iżviluppi li jkunu għad iridu jseħħu u l-interess politiku u pubbliku.

Dan l-awditu tal-prestazzjoni twettaq mill-Awla II tal-Awditjar – immexxija minn Iliana Ivanova, Membru tal-QEA - li tispeċjalizza fl-oqsma ta' nfiq ta' investiment għall-koeżjoni, it-tkabbir u l-inklużjoni. L-awditu tmexxa minn George Pufan, Membru tal-QEA, b'appoġġ minn Patrick Weldon, Kap tal-Kabinett u Mircea Radulescu, Attaché; Alain Vansilliette u Myriam Cazzaniga, Maniġers Prinċipali; Paolo Pesce, Kap tal-Kompitu; Zuzana Gullova, Zhivka Kalaydzhieva, Attila Horvay-Kovács u Ana Popescu, Awdituri.

Mix-xellug għal-lemin: Paolo Pesce, Myriam Cazzaniga, Patrick Weldon, George Pufan, Attila Horvay-Kovács, Zhivka Kalaydzhieva.

Kuntatt

IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI
12, rue Alcide De Gasperi
1615 Luxembourg
LUXEMBOURG

Tel. +352 4398-1
Mistoqsijiet: eca.europa.eu/mt/Pages/ContactForm.aspx
Sit web: eca.europa.eu
Twitter: @EUAuditors

Ħafna informazzjoni addizzjonali dwar l-Unjoni Ewropea hija disponibbli fuq l-Internet.
Jista’ jsir aċċess għaliha permezz tas-server Europa (http://europa.eu).

Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2017

PDFISBN 978-92-872-7878-4ISSN 1977-5741doi:10.2865/221375QJ-AB-17-012-MT-N
HTMLISBN 978-92-872-7894-4ISSN 1977-5741doi:10.2865/14561QJ-AB-17-012-MT-Q

© L-Unjoni Ewropea, 2017

Għal kull użu jew riproduzzjoni ta’ ritratti jew materjal ieħor li ma jaqax taħt id-drittijiet tal-awtur tal-Unjoni Ewropea, irid jintalab il-permess direttament mingħand id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur.

KIF GĦANDEK TAGĦMEL BIEX TIKSEB IL-PUBBLIKAZZJONIJIET TAL-UE

Pubblikazzjonijiet bla ħlas:

(*) L-informazzjoni mogħtija hija b’xejn, kif ukoll it-telefonati ġeneralment huma b’xejn (għalkemm xi operaturi, kabini tat-telefown jew lukandi jistgħu jitolbu ħlas).

Pubblikazzjonijiet bi ħlas: