Publications Office of the EU
Copyright Operations Privacy Statement - EU OP - Dwar l-uffiċċju tal-pubblikazzjonijiet
DisplayCustomHeader
Dockbar
Dockbar is temporarily unavailable.
Operazzjoni tal-ipproċessar: Operazzjonijiet tad-drittijiet tal-awtur

PROTEZZJONI TAD-DATA PERSONALI TIEGĦEK

Operazzjoni tal-ipproċessar: Operazzjonijiet tad-drittijiet tal-awtur

L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, unità D.2, “Kuntratti u Drittijiet tal-Awtur”

Referenza tar-rekord: DPR-EC-00838

1. Introduzzjoni

Il-Kummissjoni Ewropea (minn hawn ’il quddiem “il-Kummissjoni”) hija impenjata li tipproteġi d-data personali tiegħek u li tirrispetta l-privatezza tiegħek. Il-Kummissjoni tiġbor u tkompli tipproċessa d-data personali skont ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data (li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001).

Din l-istqarrija ta’ privatezza tispjega għaliex nipproċessaw id-data personali tiegħek, il-mod kif niġbru u nittrattaw id-data personali kollha li tingħata, kif niżguraw il-protezzjoni tagħha, kif tintuża dik l-informazzjoni, u x’inhuma d-drittijiet tiegħek b’rabta mad-data personali tiegħek. Tispeċifika wkoll id-dettalji ta’ kuntatt tal-Kontrollur tad-Data responsabbli li tista’ teżerċita d-drittijiet tiegħek miegħu, tal-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data u tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.

L-informazzjoni relatata mal-operazzjoni tal-ipproċessar “Operazzjonijiet tad-drittijiet tal-awtur” tal-unità D.2 “Kuntratti u Drittijiet tal-Awtur” tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea hi ppreżentata hawn taħt.

2. Għaliex u kif nipproċessaw id-data personali tiegħek?

Skop tal-operazzjoni tal-ipproċessar: : L-unità D.2, “Kuntratti u Drittijiet tal-Awtur”, tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tiġbor u tuża l-informazzjoni personali tiegħek biex (a) tipprovdilek, bħala persunal tal-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-UE, pariri dwar kwistjonijiet ta’ drittijiet tal-awtur fil-qafas tal-proġetti editorjali tiegħek; u/jew (b) timmaniġġja d-drittijiet tal-awtur miżmuma mill-UE biex tiffaċilita l-użu mill-ġdid ta’ dokumenti pubbliċi tal-UE minn ċittadini, kumpaniji u korpi oħra, li jinkludi l-għoti tal-liċenzji.

Id-data personali tiegħek ma tintużax biex jittieħdu deċiżjonijiet b’mod awtomatizzat, inkluż it-tfassil ta’ profili.

3. Fuq liema bażi(jiet) legali nipproċessaw id-data personali tiegħek

Nipproċessaw id-data personali tiegħek, għax:

- l-ipproċessar ikun meħtieġ għat-twettiq ta’ xi kompitu li jsir fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali mogħtija lill-istituzzjoni jew lill-korp tal-Unjoni;

- l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-konformità ma’ obbligu legali li għalih aħna suġġett;

u

- inti, bħala s-suġġett tad-data, tkun tajt il-kunsens għall-ipproċessar tad-data personali tiegħek għal skop speċifiku wieħed jew iktar.

Bażijiet legali addizzjonali għall-ipproċessar:

  • id-Direttiva 2006/116/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar il-perjodu ta’ protezzjoni ta’ drittijiet tal-awtur u ta’ ċerti drittijiet relatati
  • id-Deċiżjoni 2009/496/KE, Euratom tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill, tal-Kummissjoni, tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-Qorti tal-Awdituri, tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u tal-Kumitat tar-Reġjuni tas-26 ta’ Ġunju 2009 dwar l-organizzazzjoni u l-funzjonament tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea

4. Liema data personali niġbru u nkomplu nipproċessaw

Sabiex titwettaq din l-operazzjoni tal-ipproċessar, l-unità D.2 “Kuntratti u Drittijiet tal-Awtur”, tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tiġbor il-kategoriji ta’ data personali li ġejjin:

L-isem, il-kunjom, l-email u l-pajjiż ta’ min ikun għamel it-talba; l-isem tal-organizzazzjoni jew tal-kumpanija.

L-għoti ta’ data personali hu obbligatorju biex it-talba tiegħek tiġi ttrattata.

5. Għal kemm żmien inżommuha d-data personali tiegħek?

L-unità D.2, “Kuntratti u Drittijiet tal-Awtur”, tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet iżżomm id-data personali tiegħek biex tissodisfa l-iskop tal-ġbir tagħha. Id-data tiegħek imbagħad tiġi arkivjata għat-tul ta’ żmien tad-drittijiet tal-awtur inkwistjoni, li hu massimu ta’ 70 sena.

6. Kif nipproteġu u nissalvagwardjaw id-data personali tiegħek?

Id-data personali kollha f’format elettroniku (emails, dokumenti, bażijiet tad-data, lottijiet ta’ data li jittellgħu online, eċċ.) tinħażen fis-servers tal-Kummissjoni Ewropea. L-operazzjonijiet tal-ipproċessar jitwettqu kollha skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2017/46 tal-10 ta’ Jannar 2017 dwar is-sigurtà tas-sistemi ta’ komunikazzjoni u informazzjoni fil-Kummissjoni Ewropea.

Sabiex tipproteġi d-data personali tiegħek, il-Kummissjoni daħħlet fis-seħħ numru ta’ miżuri tekniċi u organizzattivi. Il-miżuri tekniċi jinkludu azzjonijiet xierqa biex jindirizzaw is-sigurtà online, ir-riskju ta’ telf ta’ data, it-tibdil ta’ data jew l-aċċess mhux awtorizzat, filwaqt li jitqies ir-riskju ppreżentat mill-ipproċessar u n-natura tad-data personali li tkun qed tiġi pproċessata. Il-miżuri organizzattivi jinkludu r-restrizzjoni tal-aċċess għad-data personali għal persuni awtorizzati biss bi ħtieġa leġittima ta’ tagħrif għall-iskopijiet ta’ din l-operazzjoni tal-ipproċessar.

7. Min għandu aċċess għad-data personali tiegħek u lil min tiġi żvelata?

L-aċċess għad-data personali tiegħek jingħata lill-persunal tal-Kummissjoni responsabbli biex iwettaq din l-operazzjoni tal-ipproċessar u lill-persunal awtorizzat skont il-prinċipju tal-“ħtieġa ta’ tagħrif”. Tali persunal għandu jirrispetta l-ftehimiet statutorji, u meta jkun meħtieġ, ftehimiet addizzjonali ta’ kunfidenzjalità.

8. X’inhuma drittijietek u kif tista’ teżerċitahom?

Bħala “suġġett tad-data” inti għandek drittijiet speċifiċi skont il-Kapitolu III (l-Artikoli 14–25) tar-Regolament (UE) 2018/1725, b’mod partikolari d-dritt li taċċessa, tirrettifika jew tħassar id-data personali tiegħek u d-dritt li tillimita l-ipproċessar tad-data personali tiegħek. Meta jkun applikabbli, għandek id-dritt ukoll li toġġezzjona għall-ipproċessar jew id-dritt għall-portabbiltà tad-data.

Għandek id-dritt li toġġezzjona għall-ipproċessar tad-data personali tiegħek, li jitwettaq legalment skont l-Artikolu 5(1)(a).

Inti tajt il-kunsens biex tipprovdi d-data personali tiegħek lill-unità D.2 “Kuntratti u Drittijiet tal-Awtur”, tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet għall-operazzjoni tal-ipproċessar preżenti. Tista’ tirtira l-kunsens tiegħek fi kwalunkwe ħin billi tinnotifika lill-Kontrollur tad-Data. L-irtirar mhux se jaffettwa l-legalità tal-ipproċessar imwettaq qabel ma tkun irtirajt il-kunsens.

Tista’ teżerċita drittijietek billi tikkuntattja lill-Kontrollur tad-Data, jew f’każ ta’ kunflitt, lill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data. Jekk ikun meħtieġ, tista’ tindirizza wkoll lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data. L-informazzjoni ta’ kuntatt tagħhom tinsab taħt l-Intestatura 9 hawn taħt.

Jekk tixtieq teżerċita drittijietek fil-kuntest ta’ operazzjoni tal-ipproċessar speċifika waħda jew iktar, fit-talba tiegħek ipprovdi d-deskrizzjoni tagħhom (jiġifieri, ir-Referenza/i tar-rekord tagħhom kif speċifikat fl-Intestatura 10 hawn taħt).

9. Informazzjoni ta’ kuntatt

  • Il-Kontrollur tad-Data

Jekk tixtieq teżerċita drittijietek skont ir-Regolament (UE) 2018/1725, jew jekk għandek xi kummenti, mistoqsijiet jew tħassib, jew jekk tixtieq tressaq ilment rigward il-ġbir u l-użu tad-data personali tiegħek, jekk jogħġbok tiddejjaqx tikkuntattja lill-Kontrollur tad-Data, l-unità D.2 “Kuntratti u Drittijiet tal-Awtur”, tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet, info@publications.europa.eu.

  • L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data (UPD) tal-Kummissjoni

Tista’ tikkuntattja lill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data (DATA-PROTECTION-OFFICER@ec.europa.eu) rigward kwistjonijiet relatati mal-ipproċessar tad-data personali tiegħek skont ir-Regolament (UE) 2018/1725.

  • Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (EDPS)

Għandek id-dritt li tirrikorri (jiġifieri tista’ tressaq ilment) għand il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (edps@edps.europa.eu) jekk jidhirlek li nkisru drittijietek skont ir-Regolament (UE) 2018/1725 b’riżultat tal-ipproċessar tad-data personali mill-Kontrollur tad-Data.

10. Fejn tista’ ssib informazzjoni iktar dettaljata?

L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data (UPD) tal-Kummissjoni jippubblika r-reġistru tal-operazzjonijiet kollha tal-ipproċessar tad-data personali mill-Kummissjoni, li jkunu ġew iddokumentati u nnotifikati lilu. Tista’ taċċessa r-reġistru permezz tal-link li ġejja: http://ec.europa.eu/dpo-register.

Din l-operazzjoni tal-ipproċessar speċifika ġiet inkluża fir-reġistru pubbliku tal-UPD bir-Referenza tar-rekord li ġejja: DPR-EC-00838.