Publications Office of the EU
Virtual assistant, the explainability notice - Dwar l-uffiċċju tal-pubblikazzjonijiet
DisplayCustomHeader
Dockbar
verżjoni ġdida tal-avviż ta’ spjegabbiltà

Assistent virtwali: Avviż ta’ spjegabbiltà

Publio – L-assistent intelliġenti tal-Portal tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea (il-Portal tal-OP)

Aġġornat l-aħħar: 11/03/2026

Publio, l-assistent virtwali tal-Portal tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea (il-Portal tal-OP) hu għodda tal-intelliġenza artifiċjali (IA) li tinteraġixxi mal-persuni fiżiċi u twettaq tfittxijiet b’keywords abbażi ta’ informazzjoni disponibbli pubblikament fil-Portal tal-OP.
Dan l-Avviż ta’ Spjegabbiltà jagħti informazzjoni lill-utenti dwar il-qafas regolatorju tal-intelliġenza artifiċjali u l-prinċipji li jirregolaw il-funzjonament ta’ Publio f’dan il-kuntest. L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea hu impenjat favur it-trasparenza u favur IA affidabbli u spjegabbli.

Trasparenza b’rabta mal-Intelliġenza Artifiċjali (IA) – prinċipji ġenerali

It-trasparenza u l-ftuħ fl-azzjonijiet tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni huma ċentrali għall-governanza tajba u għall-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili, kif stabbilit fl-Artikolu 15 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jipprevedi li:

“1. Sabiex tiġi promossa l-governanza tajba u sabiex tiġi żgurata l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili, l-istituzzjonijiet, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni għandhom iwettqu x-xogħol tagħhom b’mod kemm jista’ jkun miftuħ.”

L-Artikolu 41 (dritt għal amministrazzjoni tajba) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE jistabbilixxi “l-obbligu tal-amministrazzjoni li tagħti raġunijiet għad-deċiżjonijiet tagħha”.

Id-dokument Linji Gwida dwar l-Etika għal IA Affidabbli (l-Appendiċi 1), sensiela ta’ linji gwida mħejjijin fl-2019 mill-Grupp ta’ Esperti ta’ Livell Għoli dwar l-Intelliġenza Artifiċjali stabbilit mill-Kummissjoni Ewropea, isemmi t-trasparenza bħala wieħed mis-seba’ rekwiżiti (l-Appendiċi 2) li s-sistemi tal-IA għandhom jissodisfaw. Dawk il-linji gwida jipprevedu wkoll li t-trasparenza hi komponent tal-prinċipju tal-ispjegabbiltà li jeżiġi li s-settijiet tad-data u l-proċessi tekniċi involuti jkunu trasparenti, u li l-kapaċitajiet u l-iskop tas-sistemi tal-IA jiġu kkomunikati b’mod miftuħ. Għalhekk, is-settijiet tad-data u l-proċessi tekniċi jridu jiġu ddokumentati u jkunu traċċabbli, spjegabbli u interpretabbli.

Il-prinċipji elenkati hawn fuq iridu jiġu applikati waqt l-iżvilupp, l-varar u l-użu tas-soluzzjonijiet u tal-għodod ibbażati fuq l-IA min-naħa tal-istituzzjonijiet, l-uffiċċji, il-korpi u l-aġenziji tal-UE.

Abbażi ta’ dawn il-prinċipji ġenerali, meta n-nies jinteraġixxu ma’ sistema tal-IA, dawn iridu jiġu infurmati minn qabel li dan hu l-każ. B’hekk, l-utenti jkunu jistgħu jagħmlu għażla infurmata jekk ikomplux l-interazzjoni jew jiqfux jużaw l-għodda.

Skont ir-regoli dwar it-trasparenza, l-utenti jridu jingħataw ukoll l-informazzjoni meħtieġa li tgħinhom jinterpretaw l-output tas-sistema u jużaw dak l-output b’mod xieraq.

IA affidabbli u spjegabbli

Li jkollna AI affidabbli u spjegabbli hu objettiv ewlieni għall-UE. Sabiex tappoġġa dan l-objettiv, l-UE stabbiliet qafas regolatorju għall-IA. Ir-Regolament (UE) 2024/1689 tat-13 ta’ Ġunju 2024 (minn hawn ’il quddiem “l-Att dwar l-IA”) (l-Appendiċi 3) jistabbilixxi żewġ tipi prinċipali ta’ impenji għall-fornituri tas-soluzzjonijiet u tal-għodod ibbażati fuq l-IA – it-trasparenza u l-għoti tal-informazzjoni.

L-utenti tas-sistemi tal-IA għandhom id-dritt li jirċievu l-informazzjoni. Dak id-dritt jimxi id f’id ma’ obbligi korrispondenti, bħall-obbligu li s-sistema tintuża skont l-istruzzjonijiet u li jsir monitoraġġ tal-prestazzjoni tal-għodda tal-IA kkonċernata. Il-konformità ma’ dawn ir-regoli ssarraf fil-fatt li l-atturi kollha involuti jridu jagħtu rendikont ta’ għemilhom.

L-Artikolu 50 (Obbligi tat-trasparenza għal ċerti sistemi tal-IA) tal-Att dwar l-IA jistipula li “1. Il-fornituri għandhom jiżguraw li s-sistemi tal-IA maħsuba biex jinteraġixxu mal-persuni fiżiċi jkunu ddisinjati u żviluppati b’tali mod li l-persuni fiżiċi kkonċernati jiġu informati li qed jinteraġixxu ma’ sistema tal-IA, sakemm dan ma jkunx ovvju mill-perspettiva ta’ persuna fiżika li tkun raġonevolment infurmata tajjeb, osservanti u prudenti, filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkostanzi u l-kuntest tal-użu. “

L-Att dwar l-IA jsegwi approċċ ibbażat fuq ir-riskju, u jiddistingwi bejn sistemi tal-IA ta’ riskju kbir u sistemi tal-IA oħra.

Publio, l-assistent virtwali tal-Portal tal-OP, jinteraġixxi man-nies u jwettaq tfittxijiet b’keywords abbażi ta’ informazzjoni disponibbli pubblikament fil-Portal tal-OP. Dik l-informazzjoni tiġi ppubblikata abbażi tal-prinċipju tat-trasparenza li fuqu jissejsu l-politiki u l-leġiżlazzjoni kollha tal-UE. L-assistent virtwali la jiġġenera kontenut ġdid u lanqas jimmanipola jew jinfluwenza l-għażliet tal-utenti, ħlief li jipproponi xi alternattivi possibbli tal-iffiltrar waqt it-tfittxijiet tal-utenti. Għaldaqstant Publio m’għandux jitqies bħala sistema ta’ riskju kbir kif definit fl-Att dwar l-IA.

L-Att dwar l-IA jistipula li d-disinn u l-funzjonament tas-sistemi tal-IA jeħtieġ li jqisu r-riskji speċifiċi li dawn jaf joħolqu ta’ (1) manipolazzjoni b’tekniki subliminali, jiġifieri tekniki li l-utenti ma jkunux konxji tagħhom, jew (2) sfruttament ta’ gruppi vulnerabbli li x’aktarx jagħmel ħsara psikoloġika jew fiżika. Hemm obbligi tat-trasparenza iktar stretti għas-sistemi li (i) jinteraġixxu man-nies, (ii) jintużaw biex jiġu identifikati l-emozzjonijiet jew biex tinstab xi assoċjazzjoni ma’ kategoriji (soċjali) abbażi ta’ data bijometrika, jew (iii) jiġġeneraw jew jimmanipolaw xi kontenut (“deep fakes”). Għalkemm Publio jinteraġixxi man-nies, l-assistent virtwali la hu ddisinjat biex jidentifika l-emozzjonijiet bl-għan li jimmanipola, u lanqas ma fih xi element li b’mod involontarju jista’ jwassal għal xi eżitu bħal dan. Għalhekk, Publio m’għandux x’jaqsam mal-kriterji msemmija hawn fuq.

Dwar Publio

Termini u definizzjonijiet

Terminu Definizzjoni
Tabelli tal-awtoritajiet It-tabelli tal-awtoritajiet (magħrufin wkoll bħala Listi ta’ Awtoritajiet Imsemmijin jew NALs) jintużaw biex jarmonizzaw u jistandardizzaw il-kodiċijiet u t-tikketti assoċjati li jintużaw f’diversi ambjenti (pjattaformi, sistemi u applikazzjonijiet tal-web) u biex jiffaċilitaw l-iskambji tad-data bejn l-istituzzjonijiet tal-UE, pereżempju waqt il-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Eżempji ta’ tabelli tal-awtoritajiet bħal dawn huma listi kodifikati ta’ lingwi, pajjiżi, korpi korporattivi, eċċ.
Chatbot Chatbot hi sistema tal-intelliġenza artifiċjali (IA) iddisinjata biex tissimula konverżazzjoni umana u tinteraġixxi mal-utenti bil-kitba jew bit-taħdit. Din tuża tekniki tal-ipproċessar tal-lingwa naturali (NLP) biex tifhem u twieġeb l-inputs tal-utenti, tagħti għajnuna awtomatizzata u informazzjoni, jew twettaq kompiti speċifiċi skont regoli jew algoritmi predefiniti. Iċ-chatbots spiss jintużaw f’applikazzjonijiet varji, fosthom għall-appoġġ lill-klijenti, assistenti virtwali u pjattaformi tal-messaġġi online, biex jiffaċilitaw il-komunikazzjoni u jagħtu tweġibiet istantanji għall-mistoqsijiet tal-utenti.
IA tat-taħdit L-IA tat-taħdit hi forma ta’ intelliġenza artifiċjali li tiffaċilita l-konverżazzjonijiet f’ħin reali bejn bniedem u kompjuter.
Fluss tat-taħdit It-terminu “fluss tat-taħdit” jirreferi għall-progress loġiku u bla skossi ta’ konverżazzjoni (il-perkors tal-utent) bejn iċ-chatbot u l-utent. Jirreferi għall-mod kif iċ-chatbot tifhem l-intenzjoni tal-utent, tagħti tweġibiet xierqa, u tissokta bil-konverżazzjoni biex jintlaħqu xi għanijiet jew skopijiet iddikjarati tal-utent.
Entità Kif użat f’dan il-kuntest, it-terminu “entità” jirrappreżenta biċċa informazzjoni li tista’ tinsilet mill-input tal-utent u li tkun rilevanti għall-iskop tal-utent, jiġifieri li biha dak li jkun ikun jista’ jifhem x’inhu l-iskop tal-utent. Dawn il-biċċiet tal-informazzjoni jiġu identifikati u jinħażnu biex tinstab eżattament dik l-informazzjoni li l-utent ikun qed ifittex. Eżempju ta’ entità jista’ jkun l-awtur ta’ xi artiklu speċifiku.
Vokabularji tal-UE jew EuroVoc L-Eurovoc (Vokabularji tal-UE) hu sett speċifiku ta’ tabelli tal-awtoritajiet multilingwi u multidixxiplinari li jiġu mmaniġġjati mill-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet u li jkopru l-attivitajiet tal-UE. Dan is-sett fih termini bl-24 lingwa uffiċjali tal-UE, u bit-tliet lingwi tal-pajjiżi kandidati biex jissieħbu fl-UE: l-Albaniż, il-Maċedonjan u s-Serb.
Intenzjoni Kif użat f’dan il-kuntest, it-terminu “intenzjoni” jirreferi għall-objettiv li l-utent ikollu f’moħħu meta jkun qed jikteb jew ilissen mistoqsija jew xi kumment (talba). Intenzjoni tirrappreżenta idea jew kunċett li jista’ jkun hemm f’messaġġ (tlissina) indirizzat mill-utent. Eżempju ta’ intenzjoni hu meta l-utent ikun irid ifittex xi suġġett speċifiku, għal pubblikazzjoni speċifika jew għal persuna.
Mudell lingwistiku Mudell lingwistiku hu tip ta’ programm tal-intelliġenza artifiċjali (IA) iddisinjat biex janalizza u jifhem lingwa naturali. Dan juża tekniki statistiċi u probabilistiċi biex ibassar liema kliem jew frażijiet x’aktarx li jkun imiss f’sentenza jew f’sekwenza ta’ kliem partikolari. Fi kliem ieħor, mudell lingwistiku hu għodda li tintuża biex tiġġenera sentenzi jew biex ittemm xi sentenzi skont il-kuntest u l-kontenut tal-input.
Fehim tal-Lingwa Mitħaddta (CLU) Servizz tal-IA tat-taħdit ibbażat fil-cloud li juża fehim tal-lingwa naturali avvanzat biex jidentifika intenzjonijiet ta’ utent, jipprevedi tifsir kumplessiv, u jislet informazzjoni strutturata minn test ta’ taħdit.
Mudell Lingwistiku Kbir (LLM) Mudell Lingwistiku Kbir (LLM) hu tip avvanzat ta’ intelliġenza artifiċjali li tkun imħarrġa fuq data estensiva ta’ kliem biex tifhem u tiġġenera lingwa umana. L-LLMs jużaw tekniki tal-apprendiment profond biex janalizzaw il-kuntest, jaqbdu sfumaturi fit-tifsiriet u jidentifikaw xejriet fil-lingwa, biex ikunu jistgħu jipproċessaw frażijiet kumplessi u jagħtu tweġibiet koerenti u xierqa fil-kuntest partikolari.
Apprendiment awtomatizzat (ML) L-apprendiment awtomatizzat (ML) hu tip ta’ intelliġenza artifiċjali (IA) li biha l-applikazzjonijiet tas-software jkunu jistgħu “jitgħallmu” mill-prattika u mit-tweġibiet tal-passat biex isiru iktar akkurati fit-tbassir tal-eżiti mingħajr ma jkunu pprogrammati b’mod espliċitu biex jagħmlu dan.
Ipproċessar tal-Lingwa Naturali (NLP) L-Ipproċessar tal-Lingwa Naturali (NLP) hu qasam tal-intelliġenza artifiċjali (IA) li jippermetti lill-kompjuters janalizzaw u jifhmu l-lingwa umana, kemm miktuba kif ukoll mitħaddta.
Perkors tat-tfittxija It-terminu “perkors tat-tfittxija” jirreferi għas-sekwenza ta’ interazzjonijiet li jgħaddi minnha utent meta jkun qed ifittex informazzjoni speċifika. Hu l-proċess li jiggwida lill-utent f’sensiela ta’ mistoqsijiet u tweġibiet biex jidentifika u jissodisfa l-intenzjoni tat-tfittxija tiegħu. Il-perkors tat-tfittxija f’chatbot jinvolvi l-fehim tat-tfittxija tal-utent, is-sejbien tal-informazzjoni rilevanti minn bażi tad-data jew bażi tal-għarfien, u l-preżentazzjoni tal-informazzjoni lill-utent b’mod li jkun faċli biex jifhimha u rilevanti għall-ħtiġijiet tiegħu.
Perkors tal-utent Dan huwa l-perkors ta’ persuna waqt sessjoni partikolari meta tkun qed tuża sit web jew applikazzjoni, li jinkludi s-sensiela ta’ azzjonijiet imwettqa biex jintlaħaq xi għan partikolari f’dak is-sit web jew f’dik l-applikazzjoni.
Tlissina Din hi l-input tal-utent u tista’ tkun kwalunkwe messaġġ miktub jew mitħaddet f’konverżazzjoni. Tlissina waħda tista’ tkun magħmula minn kelma waħda jew diversi kelmiet bħal mistoqsija jew frażi.

X’inhu Publio?

Publio, l-assistent virtwali tal-Portal tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea (il-Portal tal-OP), hu għodda tal-IA li tinteraġixxi man-nies u tagħmel tfittxijiet b’keywords abbażi ta’ informazzjoni disponibbli pubblikament fil-Portal tal-OP. Publio jiġbor flimkien ċerti tekniki tal-intelliġenza artifiċjali (IA) tat-taħdit bħall-ipproċessar tal-lingwa naturali (NLP) u l-apprendiment awtomatizzat (ML) mar-rikonoxximent tal-vuċi interattiv u s-sistemi tradizzjonali tat-tfittxija biex jgħin lill-utenti jsibu pubblikazzjonijiet tal-UE, leġiżlazzjoni tal-UE u persuni ta’ kuntatt fl-istituzzjonijiet Ewropej.

L-assistent virtwali jipprovdi speċifikament il-possibbiltà ta’ konverżazzjonijiet mitħaddta jew bil-kitba bejn l-utenti finali u l-Portal tal-OP. Attwalment, dan l-assistent virtwali huwa disponibbli bl-Ingliż, bil-Franċiż u bl-Ispanjol. Filwaqt li jista’ jużah kulħadd, l-assistent virtwali jagħti wkoll soluzzjoni personalizzata skont il-ħtiġijiet tan-nies li jkollhom xi diżabbiltà tal-qari, u għalhekk iżid l-aċċessibbiltà. Joffri wkoll il-possibbiltà ta’ tfittxijiet bit-taħdit, li huwa mod ġdid ta’ tfittxija li permezz tiegħu l-utenti jkunu jistgħu jlissnu sentenzi sħaħ — daqslikieku f’konverżazzjoni normali — lil assistent tal-vuċi li jaħdem bl-IA, u dan iweġibhom. Dan l-iskambju bejn l-utent u l-assistent virtwali jieħu l-għamla ta’ konverżazzjoni.

Liema tip ta’ data juża Publio?

Publio juża l-informazzjoni disponibbli pubblikament fil-Portal tal-OP. Dik l-informazzjoni tiġi ppubblikata abbażi tal-prinċipju tat-trasparenza applikabbli għall-politiki u għal-leġiżlazzjoni kollha tal-UE. Abbażi ta’ dak il-korpus, Publio juża l-klassifikazzjonijiet u l-kategoriji disponibbli fil-Portal tal-OP, fosthom is-suġġetti, l-awturi jew il-format tal-Eurovoc biex jiggwida u jirfina l-konverżazzjoni ħalli jgħin lill-utent ifittex fit-tliet kollezzjonijiet prinċipali tal-Portal tal-OP: il-pubblikazzjonijiet tal-UE, il-liġijiet tal-UE u d-direttorju uffiċjali tal-UE (EU Whoiswho).

Publio juża mudell lingwistiku eżistenti biex jifhem il-mistoqsijiet li jagħmlu l-utenti u biex jiggwida lill-utenti tul il-perkors tat-tfittxija tagħhom. Il-mudell lingwistiku ta’ Publio jibqa’ jittejjeb u jitħarreġ kontinwament abbażi tar-rispons tal-utenti ħalli jissodisfa l-aspettattivi tal-utenti u jlaħħaq mal-inputs varjati tal-utenti bit-tliet lingwi possibbli.

Dan it-taħriġ ikopri diversi komponenti tas-sistema sottostanti ta’ Publio:

  • Ikopri sensiela predefinita ta’ tlissiniet assoċjati mal-forom possibbli differenti tal-intenzjoni ħalli Publio qabelxejn ikun jista’ jifhem l-għan finali tal-utent, imbagħad biex jiggwidah pass pass biex jilħaq dak l-għan.
  • Ikopri sensiela predefinita ta’ mistoqsijiet fissi li Publio “jifhem” u li għalihom jista’ jagħti tweġiba predefinita lill-utenti. Eżempju: Kif nista’ nordna l-pubblikazzjonijiet?
  • Entitajiet tal-apprendiment awtomatizzat li jistgħu jiġu identifikati minn Publio u jintużaw fil-proċessi ta’ wara l-kwinti minn Publio biex jidentifika l-parametri ta’ tfittxija, jagħti riżultati tat-tfittxija iktar akkurati jew joffri alternattivi ħalli t-tfittxija tkun tista’ tiġi rfinata. Dawn l-entitajiet huma bbażati fuq il-klassifikazzjoni u l-kategoriji eżistenti tad-data, bħat-tesawri tal-Eurovoc jew tabelli oħra tal-awtoritajiet immaniġġjati minn awturi tal-Eurovoc, formati, lingwi, korpi tal-UE (organizzazzjonijiet), rwoli funzjonali fis-servizz pubbliku tal-UE, eċċ. Fuq dik il-bażi, Publio jista’ pereżempju, jifhem mill-mistoqsija tal-utent li l-utent qed ifittex pubblikazzjoni b’suġġett speċifiku jew ta’ awtur speċifiku.

Kif jaħdem Publio?

Publio juża l-Fehim tal-Lingwa Mitħaddta (CLU) (l-Appendiċi 4) flimkien ma’ Mudell Lingwistiku Kbir (LLM) ibbażat fuq sistema għall-estrazzjoni tal-entitajiet biex jipproċessa l-input tal-utent (kitba jew tlissina) b'akkuratezza u b’effiċjenza.
Is-CLU jipprovdi l-ewwel ħjiel dwar l-intenzjoni tal-utenti u l-entitajiet, u għal talbiet iktar kumplessi, il-komponent tal-LLM jirfina r-rikonoxximent tal-entitajiet ħalli jiżgura riżultati aħjar meta jkun hemm frażijiet bi sfumaturi fit-tifsiriet jew talbiet kumplessi. Skont l-intenzjoni u l-entitajiet rikonoxxuti, Publio jibda fluss tat-taħdit li jkun imfassal apposta biex jgħin lill-utenti jsibu r-riżultat mixtieq bi ftit passi sempliċi.

Attwalment, Publio jagħmel erba’ flussi tat-taħdit prinċipali:

  • Tfittxija tad-dokumenti biex jgħin lill-utenti jfittxu pubblikazzjonijiet tal-UE jew dokumenti legali tal-UE.
  • Tfittxija tal-persuni biex jgħin lill-utenti jfittxu uffiċjali pubbliċi tal-istituzzjonijiet tal-UE.
  • Tfittxija tal-organizzazzjonijiet biex jgħin lill-utenti jfittxu xi korpi (organizzazzjonijiet) tal-UE.
  • Mistoqsijiet u Tweġibiet (QnA) biex jipprovdi tweġiba predefinita għal xi mistoqsijiet frekwenti.

Jekk jinduna bi fluss tat-tfittxija, l-assistent virtwali jiggwida lill-utent biex ifittex xi dokument, persuna jew organizzazzjoni rilevanti billi jistaqsih mistoqsijiet sempliċi u mbagħad, abbażi tat-tweġibiet tal-utent, jipproponi xi alternattivi tal-iffiltrar.

Għall-fluss tal-QnA, il-persunal tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet jieħu ħsieb lista ta’ mistoqsijiet frekwenti bit-tweġibiet predefiniti tagħhom. Jekk jinduna li hemm l-intenzjoni ta’ QnA u jkun hemm livell qawwi ta’ similarità bejn il-mistoqsija speċifika tal-utent u xi waħda mill-mistoqsijiet maħżuna fis-sistema, dan jagħti tweġiba xierqa direttament lill-utent. Pereżempju,

- jekk jinduna bl-intenzjoni ta’ QnA minħabba xi talba bħal “Irrid inniżżel fajl”, l-assistent iwieġeb, “Biex tniżżel dokument, jekk jogħġbok mur fil-paġna tad-dettalji tal-pubblikazzjonijiet u kklikkja fuq il-buttuna “Niżżel u lingwi””.

- jekk jinduna bl-intenzjoni ta’ QnA minħabba xi talba bħal “Fejn nista’ nsib dokumenti għat-tfal”, l-assistent iwieġeb, “Il-pubblikazzjonijiet għat-tfal huma disponibbli fir-rokna tat-Tfal”.

L-utenti jistgħu jistaqsu mistoqsijiet bil-kitba jew bit-taħdit. Iċ-chatbot tirreġistra l-input bl-awdjo (il-mistoqsijiet mitħaddta tal-utent) u tibagħtu lil magna tar-rikonoxximent tat-taħdit li taqleb it-taħdit f’test. L-input bl-awdjo jiġi pproċessat bis-servizz tal-Microsoft Azure li jaqleb it-taħdit f’test (l-Appendiċi 5). Imbagħad Publio juri dak l-input bl-awdjo bħala kliem skont kif ikun interpretat mill-magna tar-rikonoxximent tat-taħdit, qabel jagħti tweġiba bil-kitba u bit-taħdit b’vuċi sintetizzata. Dan l-iskambju jsir b’mod istantanju (isir dak il-ħin) u effimeru (jiġifieri ma jħalli l-ebda traċċa).

Publio, kif janalizza l-mistoqsija u jipproponi r-riżultati?

Biex jiġġenera t-tweġibiet għall-utenti, Publio ma jużax LLM jew xi teknoloġija ġenerattiva oħra tal-AI. Il-messaġġi kollha ta’ Publio huma bbażati fuq mudelli predefiniti. Publio juża mudell lingwistiku tal-apprendiment awtomatizzat li jkun tħarreġ (mudell lingwistiku mħarreġ) biex jitgħallem jagħraf l-inputs tal-utenti u jirrispondi għalihom. Dan il-mudell jieħu ħsieb jipproċessa l-messaġġ jew it-talba tal-utent, jidentifika l-intenzjoni tal-messaġġ u jagħti tweġiba xierqa. Publio jitħarreġ billi l-mudell tal-apprendiment awtomatizzat tiegħu jingħata ammont kbir ta’ data tat-taħriġ ittikkettata, u din id-data tkun tinkludi eżempji ta’ inputs tal-utenti, l-intenzjonijiet korrispondenti tagħhom u tweġibiet plawżibbli.

Publio juża l-NLP, il-mudell lingwistiku mħarreġ u LLM biex jifhem l-intenzjoni tal-utent u biex jislet l-entitajiet rikonoxxuti mill-mistoqsija tal-utent (pereżempju terminu tat-tfittxija, suġġett, awtur, data tad-dokument, format tad-dokument). Publio qed juża dawn l-entitajiet biex ikun jista’ jfittex u juri r-riżultat tat-tfittxija.





Jekk ir-riżultat tat-tfittxija jkun vag wisq, Publio jkompli l-konverżazzjoni billi jistaqsi mistoqsijiet oħra lill-utent biex ir-riżultat tat-tfittxija ma jibqax vag billi jiffiltra fuq entitajiet oħra.

Il-mistoqsijiet ifformulati minn Publio huma limitati biex tingħaraf l-intenzjoni tal-utent, jinftiehem l-iskop tiegħu u tiġi fformulata t-talba mixtieqa tat-tfittxija fil-korpus tal-kontenut ippubblikat fil-Portal tal-OP. Ir-riżultati proposti minn Publio jiġu kollha minn dan il-korpus.

Rispons tal-Utenti



Fi kwalunkwe ħin waqt il-konverżazzjoni, l-utent finali jista’ jagħti rispons pożittiv, newtrali jew negattiv dwar l-esperjenza tiegħu b’Publio. Dan ir-rispons jista’ jkun manwali u jagħtih l-utent fi kwalunkwe ħin, jew jista’ jkun rispons għal xi popup awtomatika li tfeġġ wara ftit sekondi ta’ inattività u titlob ir-rispons tal-utent. Barra minn hekk, il-mistoqsijiet li Publio ma “jifhimhomx” sew, jiġu rreġistrati awtomatikament u pproċessati minn żmien għal żmien minn tim ta’ persunal uman mill-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet. Ir-rispons tal-utenti u l-analiżi tal-mistoqsijiet li Publio ma “jifhimhomx” sew, jintużaw biex jitħarreġ mill-ġdid il-mudell lingwistiku tiegħu ħalli s-servizzi mogħtija lill-utenti finali jkomplu jittejbu kontinwament.

Ipproċessar tad-data privata

Id-data disponibbli fil-Portal tal-OP tiġi pproċessata f’konformità mar-Regolament Ġenerali tal-UE dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR) u r-Regolament dwar l-ipproċessar tad-data personali mill-istituzzjonijiet, l-aġenziji u l-korpi tal-UE (l-Appendiċi 6).

Publio la jaħżen, la jżomm u lanqas jarkivja elementi, inputs tal-utenti jew it-tweġibiet tiegħu stess.

Ir-rispons miksub jiġi anonimizzat b’tali mod li ma jkunx jista’ jintrabat mal-utent li jkun tah.

Ma tintuża l-ebda data personali biex jittieħdu deċiżjonijiet b’mod awtomatizzat, biex jinżammu traċċi jew jitfasslu profili b’xi mod jew ieħor. Meta jintużaw Mudelli Lingwistiċi Kbar (LLM) għall-estrazzjoni tal-entitajiet, l-unika data skambjata bejn Publio u l-LLM hi l-mistoqsija tal-utent u r-riżultat preliminari tal-estrazzjoni tal-entitajiet iġġenerat bis-CLU. L-ebda data personali tal-utent ma tiġi skambjata jew trażmessa.

Is-servizzi kollha li juża Publio jinsabu f’ċentri tad-data Ewropej, u l-ipproċessar kollu tad-data josserva r-regolamenti tal-UE dwar il-privatezza tad-data.

Limitazzjonijiet attwali

  • Traskrizzjoni tal-ismijiet bil-vuċi: filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-ismijiet “jinftiehmu” u jiġu traskritti sew, l-estrazzjoni tal-ismijiet hija bbażata fuq l-Apprendiment Awtomatizzat u mhix akkurata 100 %. Minħabba limitazzjonijiet tas-CLU, uħud mill-ismijiet ma jiġux estratti sew anke wara li l-mudell ikun tħarreġ bl-eżempji speċifiċi mis-sett tad-data.
  • Dati bil-Franċiż u bl-Ispanjol: il-“fehim” tad-dati hu inqas akkurat bl-Ispanjol u bil-Franċiż f’kuntesti iktar kumplessi. Pereżempju, is-sena tingħaraf bl-Ispanjol jekk l-input ikun “entre 2016 y 2017” mingħajr kuntest addizzjonali, iżda ma tingħarafx jekk l-input ikun “entre el año 2019 y 2020”
  • Ir-rikonoxximent tat-taħdit jaħdem biss b’lingwa waħda kull darba.
  • Ir-rikonoxximent tat-taħdit m’għandux modalità għall-ortografija, li jfisser li m’għandux mod kif iħalli lill-utenti jispellu l-kliem ittra ittra biex tiġi żgurata traskrizzjoni akkurata.
  • Ir-rikonoxximent tal-isem tal-entitajiet ma jaħdimx sew fi frażijiet akbar meta jkun hemm “Mrs/Miss”.

 

L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, is-16 ta’ Mejju 2023

1 Jinsab hawn: https://digital-strategy.ec.europa.eu/mt/library/ethics-guidelines-trustworthy-ai

2 Is-seba’ rekwiżiti li l-IA affidabbli għandha tissodisfa huma: 1) l-intervent uman u s-sorveljanza umana; 2) ir-robustezza u s-sikurezza teknika; 3) il-privatezza u l-governanza tajba tad-data; 4) it-trasparenza; 5) id-diversità, in-nondiskriminazzjoni u l-ġustizzja; 6) il-benesseri soċjetali u ambjentali; 7) l-akkontabbiltà.

Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli armonizzati dwar l-intelliġenza artifiċjali (l-Att dwar l-Intelliġenza Artifiċjali) u li jemenda ċerti atti leġiżlattivi tal-Unjoni. L-att adottat u ffirmat jinsab hawn.

4 https://language.cognitive.azure.com/clu/projects/

5 https://query.prod.cms.rt.microsoft.com/cms/api/am/binary/RE5cCGB.

6 Ir-Regolament (UE) 2016/679, ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1–88 u r-Regolament (UE) 2018/1725, ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39–98.