Publications Office of the EU
request-for-copyright - Dwar l-uffiċċju tal-pubblikazzjonijiet
DisplayCustomHeader
Dockbar
Dockbar is temporarily unavailable.
Avviżi legali - talbiet għal permess tad-drittijiet tal-awtur

PROTEZZJONI TAD-DATA PERSONALI

Din l-istqarrija ta’ privatezza tipprovdi informazzjoni dwar l-ipproċessar u l-protezzjoni tad-data personali tiegħek.

Operazzjoni tal-ipproċessar: Operazzjonijiet ta’ drittijiet tal-awtur

Kontrollur tad-Data: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, unità D.2, “Kuntratti u Drittijiet tal-Awtur”

Referenza tar-rekord: DPR-EC-00838

Werrej

  1. Introduzzjoni
  2. Għaliex niġbru, inżommu u nipproċessaw id-data tiegħek?
  3. Fuq liema bażi(jiet) legali nipproċessaw id-data personali tiegħek
  4. X’tip ta’ data personali niġbru?
  5. Lil min tingħata d-data tiegħek?
  6. Għal kemm żmien tinżamm id-data tiegħek?
  7. Kif jista’ jkollok aċċess għad-data tiegħek, tara jekk hix eżatta jew tirranġaha?
  8. X'nagħmlu biex nevitaw l-użu ħażin jew l-aċċess mhux awtorizzat?
  9. Lil min tista’ tikkuntattja jekk ikollok mistoqsijiet jew ilmenti?

Introduzzjoni

Il-Kummissjoni Ewropea (minn hawn ’il quddiem “il-Kummissjoni”) hi impenjata li tipproteġi d-data personali tiegħek u li tirrispetta l-privatezza tiegħek. Il-Kummissjoni tiġbor u tkompli tipproċessa d-data personali skont ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, (li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001).

Din l-istqarrija ta’ privatezza tispjega r-raġuni għall-ipproċessar tad-data personali tiegħek, il-mod kif niġbru, nittrattaw u niżguraw il-protezzjoni tad-data personali kollha pprovduta, kif tintuża dik l-informazzjoni, u liema drittijiet tista’ teżerċita b’rabta mad-data personali tiegħek. Hi tispeċifika wkoll id-dettalji ta’ kuntatt tal-Kontrollur tad-Data responsabbli li tista’ teżerċita d-drittijiet tiegħek miegħu, l-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.

L-informazzjoni relatata mal-operazzjoni tal-ipproċessar “Operazzjonijiet ta’ drittijiet tal-awtur” tal-unità D.2 “Kuntratti u Drittijiet tal-Awtur” tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea hi ppreżentata hawn taħt.

Għaliex u kif nipproċessaw id-data personali tiegħek?

L-għan tal-operazzjoni tal-ipproċessar: L-unità D.2, “Kuntratti u Drittijiet tal-Awtur”, tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tiġbor u tuża l-informazzjoni personali tiegħek biex (a) tipprovdilek, bħala staff tal-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-UE, pariri dwar kwistjonijiet ta’ drittijiet tal-awtur fil-qafas tal-proġetti editorjali tiegħek; u/jew (b) timmaniġġja d-drittijiet tal-awtur miżmuma mill-UE biex tiffaċilita l-użu mill-ġdid ta’ dokumenti pubbliċi tal-UE minn ċittadini, kumpaniji u korpi oħra, li jinkludu l-għoti ta’ liċenzji.

Id-data personali tiegħek mhux se tintuża għal teħid ta’ deċiżjonijiet awtomatizzat inkluż it-tfassil ta’ profili.

Fuq liema bażi(jiet) legali nipproċessaw id-data personali tiegħek

Nipproċessaw id-data personali tiegħek, minħabba li:

- l-ipproċessar ikun meħtieġ għat-twettiq ta’ kompitu li jsir fl-interess pubbliku jew fl-eżerċitar ta’ awtorità uffiċjali mogħtija lill-istituzzjoni jew lill-korp tal-Unjoni;

l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-konformità ma’ obbligu legali li għalih aħna soġġett;

kif ukoll

- inti, bħala s-suġġett tad-data, tkun tajt il-kunsens għall-ipproċessar tad-data personali tiegħek għal skop speċifiku wieħed jew aktar.

Bażijiet ġuridiċi addizzjonali għall-ipproċessar:

  • Id-Direttiva 2006/116/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 dwar il-perjodu ta' protezzjoni ta' drittijiet tal-awtur u ta' ċerti drittijiet relatati
  • Id-Deċiżjoni 2009/496/KE, Euratom tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill, tal-Kummissjoni, tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-Qorti tal-Awdituri, tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u tal-Kumitat tar-Reġjuni tas-26 ta’ Ġunju 2009 dwar l-organizzazzjoni u l-funzjonament tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea

Liema data personali niġbru u nkomplu nipproċessaw?

Sabiex titwettaq din l-operazzjoni tal-ipproċessar, l-unità D.2 “Kuntratti u Drittijiet tal-Awtur”, tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tiġbor il-kategoriji ta’ data personali li ġejjin:

L-isem, il-kunjom, l-email u l-pajjiż ta’ min ikun għamel it-talba; l-isem tal-organizzazzjoni jew il-kumpanija.

Il-proviżjoni ta’ data personali hu obbligatorju biex it-talba tiegħek tiġi ttrattata.

Għal kemm żmien tinżamm id-data personali tiegħek?

L-unità D.2, “Kuntratti u Drittijiet tal-Awtur”, tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet iżżomm id-data personali tiegħek biex tikseb l-għan tal-ġbir tagħha. Id-data tiegħek imbagħad tiġi arkivjata għat-tul ta’ żmien tad-drittijiet tal-awtur inkwistjoni, li hu massimu ta’ 70 sena.

Kif inħarsu u nissalvagwardjaw id-data personali tiegħek?

Id-data kollha f’format elettroniku (emails, dokumenti, bażijiet tad-data, settijiet ta’ data applowdjati, eċċ.) tinħażen fuq is-servers tal-Kummissjoni Ewropea. L-operazzjonijiet tal-ipproċessar jitwettqu kollha skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2017/46 tal-10 ta' Jannar 2017 dwar is-sigurtà tas-sistemi ta' komunikazzjoni u informazzjoni fil-Kummissjoni Ewropea.

Sabiex tipproteġi d-data personali tiegħek, il-Kummissjoni daħħlet fis-seħħ għadd ta’ miżuri tekniċi u organizzattivi. Il-miżuri tekniċi jinkludu azzjonijiet xierqa li jindirizzaw is-sigurtà online, ir-riskju ta’ telf tad-data, it-tibdil tad-data jew l-aċċess mhux awtorizzat, filwaqt li jitqies ir-riskju ppreżentat mill-ipproċessar u n-natura tad-data personali li tkun qed tiġi pproċessata. Il-miżuri organizzattivi jinkludu r-restrizzjoni tal-aċċess għad-data personali għall-persuni awtorizzati biss bi ħtieġa leġittima ta’ tagħrif għall-finijiet ta’ din l-operazzjoni tal-ipproċessar.

Min għandu aċċess għad-data personali tiegħek u lil min tiġi żvelata?

L-aċċess għad-data personali tiegħek hu pprovdut lill-persunal tal-Kummissjoni responsabbli għat-twettiq ta’ din l-operazzjoni tal-ipproċessar u lill-persunal awtorizzat skont il-prinċipju tal-“ħtieġa ta’ tagħrif”. Dan l-istaff jirrispetta ftehimiet statutorji, u fejn meħtieġ, ftehimiet addizzjonali ta’ kunfidenzjalità.

X’inhuma d-drittijiet tiegħek u kif tista’ teżerċitahom?

Inti għandek drittijiet speċifiċi bħala “suġġett tad-data” skont il-Kapitolu III (l-Artikoli 14-25) tar-Regolament (UE) 2018/1725, b’mod partikolari d-dritt li taċċessa, tikkoreġi jew tħassar id-data personali tiegħek u d-dritt li tillimita l-ipproċessar tad-data personali tiegħek. Jekk ikun japplika, għandek ukoll id-dritt li toġġezzjona għall-ipproċessar jew id-dritt għall-portabbiltà tad-data.

Għandek id-dritt li toġġezzjona għall-ipproċessar tad-data personali tiegħek, li jitwettaq legalment skont l-Artikolu 5(1)(a).

Inti tajt il-kunsens tiegħek biex tipprovdi d-data personali tiegħek lill-unità D.2 “Kuntratti u Drittijiet tal-Awtur”, tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet għall-operazzjoni preżenti tal-ipproċessar. Tista’ tirtira l-kunsens tiegħek fi kwalunkwe ħin billi tinnotifika lill-Kontrollur tad-Data. L-irtirar mhux se jaffettwa l-legalità tal-ipproċessar imwettaq qabel ma int tkun irtirajt il-kunsens.

Tista’ teżerċita d-drittijiet tiegħek billi tikkuntattja lill-Kontrollur tad-Data, jew f’każ ta’ kunflitt lill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data. Jekk ikun meħtieġ, tista’ tindirizza wkoll lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data. L-informazzjoni ta’ kuntatt tagħhom tingħata taħt l-Intestatura 9 hawn taħt.

Meta tixtieq teżerċita d-drittijiet tiegħek fil-kuntest ta’ operazzjoni tal-ipproċessar speċifika waħda jew aktar, jekk jogħġbok ipprovdi d-deskrizzjoni tagħhom (jiġifieri r-referenza/i tar-Rekord tagħhom kif speċifikat taħt l-Intestatura 10 hawn taħt) fit-talba tiegħek.

Informazzjoni ta’ kuntatt

  • Il-Kontrollur tad-Data

Jekk tixtieq teżerċita d-drittijiet tiegħek skont ir-Regolament (UE) 2018/1725, jew jekk għandek xi kummenti, mistoqsijiet jew tħassib, jew jekk tixtieq tressaq ilment rigward il-ġbir u l-użu tad-data personali tiegħek, jekk jogħġbok ħossok liberu li tikkuntattja lill-Kontrollur tad-Data, l-unità D.2 “Kuntratti u Drittijiet tal-Awtur”, tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet, info@publications.europa.eu.

  • L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tal-Kummissjoni (UPD)

Tista’ tikkuntattja lill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data (DATA-PROTECTION-OFFICER@ec.europa.eu) rigward kwistjonijiet relatati mal-ipproċessar tad-data personali tiegħek skont ir-Regolament (UE) 2018/1725.

  • Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD)

Inti għandek id-dritt tirrikorri (jiġifieri tista’ tressaq ilment) għand il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (edps@edps.europa.eu) jekk jidhirlek li nkisru d-drittijiet tiegħek skont ir-Regolament (UE) 2018/1725 b’riżultat tal-ipproċessar tad-data personali mill-Kontrollur tad-Data.

Fejn tista’ ssib aktar informazzjoni ddettaljata?

L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tal-Kummissjoni (UPD) jippubblika r-reġistru tal-operazzjonijiet kollha tal-ipproċessar dwar id-data personali mill-Kummissjoni, li ġew iddokumentati u nnotifikati lilu. Tista’ taċċessa r-reġistru minn dan il-link li ġej: http://ec.europa.eu/dpo-register.

Din l-operazzjoni tal-ipproċessar speċifika ġiet inkluża fir-reġistru pubbliku tal-UPD bir-Referenza tar-rekord li ġejja: DPR-EC-00838.