Publications Office of the EU
ENDORSE 2023 conference - Dwar l-uffiċċju tal-pubblikazzjonijiet
Dockbar
Dikjarazzjoni ta’ privatezza ta' Endorse 2023

PROTEZZJONI TAD-DATA PERSONALI TIEGĦEK

Din id-dikjarazzjoni ta’ privatezza tipprovdi informazzjoni dwar l-ipproċessar u l-protezzjoni tad-data personali tiegħek.

Operazzjoni ta’ pproċessar: Organizzazzjoni u pubblikazzjoni tal-konferenza ENDORSE 2023

Kontrollur tad-Data: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, unità A.1, “Standardizzazzjoni”

Referenza tar-rekord: DPR-EC-00491

Werrej

  1. Introduzzjoni
  2. Għaliex u kif nipproċessaw id-data personali tiegħek?
  3. Fuq liema bażi(jiet) ġuridika/ġuridiċi nipproċessaw id-data personali tiegħek?
  4. Liema data personali niġbru u nipproċessaw aktar?
  5. Għal kemm żmien inżommuha d-data personali tiegħek?
  6. Kif nipproteġu u nissalvagwardjaw id-data personali tiegħek?
  7. Min għandu aċċess għad-data personali tiegħek u lil min tiġi żvelata?
  8. X’inhuma drittijietek u kif tista’ teżerċitahom?
  9. Informazzjoni ta’ kuntatt
  10. Fejn tista’ ssib informazzjoni aktar dettaljata?

1. Introduzzjoni

Il-Kummissjoni Ewropea (minn hawn ’il quddiem “il-Kummissjoni”) hi impenjata li tipproteġi d-data personali tiegħek u li tirrispetta l-privatezza tiegħek. Il-Kummissjoni tiġbor u tipproċessa aktar id-data personali skont ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data (li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001).

Din l-istqarrija ta’ privatezza tispjega għaliex nipproċessaw id-data personali tiegħek, il-mod kif niġbru u nittrattaw id-data personali kollha li tiġi pprovduta kif ukoll kif niżguraw il-protezzjoni tagħha, kif tintuża dik l-informazzjoni, u xi drittijiet għandek b’rabta mad-data personali tiegħek. Din tispeċifika wkoll id-dettalji ta’ kuntatt tal-Kontrollur tad-Data responsabbli li miegħu tista’ teżerċita d-drittijiet tiegħek, l-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.

L-informazzjoni relatata mal-operazzjoni ta’ pproċessar “Stedina/prereġistrazzjoni/reġistrazzjoni” relatata mal-konferenza ENDORSE mwettqa mill-unità D.1 “Relazzjonijiet mal-Partijiet Ikkonċernati”, f’kollaborazzjoni mal-unità A.1 “Standardizzazzjoni” tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet, hi ppreżentata hawn taħt.

2. Għalfejn u kif nipproċessaw id-data personali tiegħek?

Għan tal-operazzjoni ta’ pproċessar: l-unitajiet “Relazzjonijiet mal-Partijiet Ikkonċernati” u “Standardizzazzjoni” tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet jiġbru u jużaw l-informazzjoni personali tiegħek għall-organizzazzjoni u l-ġestjoni tal-konferenza ENDORSE. Dan jinkludi l-operazzjonijiet ta’ pproċessar li ġejjin:

  • stediniet għall-parteċipanti u l-viżitaturi, inklużi webinars preparatorji:
    - listi ta’ kuntatt u segwitu tal-azzjonijiet, inkluż stħarriġ dwar is-sodisfazzjon;
    - kompilazzjoni, distribuzzjoni u feedback tar-rapporti;
    - newsletters u pubblikazzjonijiet;
  • f’każ ta’ laqgħat ripetuti tal-istess grupp, biex jiġi żgurat li l-mistednin tal-laqgħat jiġu mistiedna għal laqgħat sussegwenti;
  • ritratti/stampi, preżentazzjonijiet, streaming dirett fuq il-web u/jew reġistrazzjoni awdjo u video ta’ webinars jew ta’ kelliema u parteċipanti fl-avveniment;
  • mill-Kumitat tal-Programm:
    - bini tal-lista tal-kelliema mistiedna;
    - konsultazzjoni dwar l-għażla ta’ kelliema ewlenin;
  • mill-Kumitat Organizzattiv:
    - monitoraġġ tal-ipproċessar tas-sottomissjonijiet tal-preżentazzjoni;
  • pubblikazzjonijiet dwar il-parteċipanti u l-proġetti tagħhom kif ukoll il-membri tal-ġurija, u aktar aħbarijiet dwar l-avveniment fuq l-internet/l-intranet.

Għat-trasparenza tal-informazzjoni tal-konferenza u għall-viżibbiltà tal-avvenimenti relatati, ir-ritratti, il-videos, il-preżentazzjonijiet u s-CVs tal-parteċipanti huma ppubblikati fuq is-siti web ad hoc (il-Portal tal-OP u l-Kummissjoni Ewropea) u fuq il-media soċjali (Facebook, LinkedIn, Twitter, Yammer, Connected, Instagram, Snapchat, Pinterest u Google Plus).

Il-parteċipanti li jixtiequ li l-immaġnijiet tagħhom la jiġu rreġistrati u lanqas ippubblikati fuq kwalunkwe appoġġ jistgħu jagħżlu li ma jipparteċipawx billi jikkuntattjaw lill-kontrollur kif deskritt fit-taqsima 9.

Id-data personali tiegħek mhux se tintuża għal teħid ta’ deċiżjonijiet awtomatizzat inkluż it-tfassil ta’ profili.

3. Fuq liema bażi(jiet) ġuridika/ġuridiċi nipproċessaw id-data personali tiegħek?

Nipproċessaw id-data personali tiegħek, għaliex:

- l-ipproċessar ikun meħtieġ għat-twettiq ta’ kompitu li jsir fl-interess pubbliku jew fl-eżerċitar ta’ awtorità uffiċjali mogħtija lill-istituzzjoni jew lill-korp tal-Unjoni;

- l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-konformità ma’ obbligu legali li l-kontrollur hu soġġett għalih

u

- inti, bħala s-suġġett tad-data, tkun tajt il-kunsens għall-ipproċessar tad-data personali tiegħek għal skop speċifiku wieħed jew aktar.

Bażijiet ġuridiċi addizzjonali għall-ipproċessar:

  • It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-Artikoli 5, 11 u 13; it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Artikoli 15 u 244-250.
  • Il-Mandat tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet, id-Deċiżjoni 2009/496/KE, Euratom tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill, tal-Kummissjoni, tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-Qorti tal-Awdituri, tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u tal-Kumitat tar-Reġjuni tas-26 ta’ Ġunju 2009 dwar l-organizzazzjoni u l-funzjonament tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea.
  • Id-Direttiva 2013/37/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 li temenda d-Direttiva 2003/98/KE dwar l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku
  • Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/833/UE tat-12 ta’ Diċembru 2011 dwar l-użu mill-ġdid ta’ dokumenti tal-Kummissjoni
  • Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni
  • Id-Deċiżjoni 2009/496/KE, Euratom tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill, tal-Kummissjoni, tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-Qorti tal-Awdituri, tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u tal-Kumitat tar-Reġjuni tas-26 ta’ Ġunju 2009 dwar l-organizzazzjoni u l-funzjonament tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, speċjalment l-Artikolu 3 (1)(e)+(g)

4. Liema data personali niġbru u nipproċessaw b’mod ulterjuri?

Sabiex titwettaq din l-operazzjoni ta’ pproċessar, l-unità A.1, “Standardizzazzjoni” tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tista’ tiġbor il-kategoriji ta’ data personali li ġejjin li huma meħtieġa għall-parteċipazzjoni fil-konferenza ENDORSE (il-kategoriji kollha tad-data huma obbligatorji):

Kontributuri:

  • Dettalji ta’ kuntatt: l-isem, il-kunjom, l-organizzazzjoni u l-pożizzjoni miżmuma, l-indirizz tal-email (privat jew professjonali), in-numru tat-telefown, il-pajjiż tal-oriġini, l-indirizz professjonali u l-ismijiet tal-kont tal-media soċjali;
  • Sfond fl-edukazzjoni u/jew fix-xogħol (bijografija);
  • Dettalji dwar il-kontribuzzjoni sottomessa tagħhom (titlu ta’ astratt, deskrizzjoni qasira, għanijiet ta’ kontribuzzjoni, udjenza fil-mira u materjal meħtieġ)

Viżitaturi tal-avveniment

  • Dettalji ta’ kuntatt: l-isem, il-kunjom, l-organizzazzjoni u l-pożizzjoni okkupata, il-pajjiż tal-oriġini, l-indirizz tal-email (privat jew professjonali), l-indirizz professjonali.

Membri tal-kumitat tal-programm:

  • Dettalji ta’ kuntatt: l-isem, il-kunjom, l-organizzazzjoni, l-indirizz tal-email (privat jew professjonali), in-numru tat-telefown, il-pajjiż, l-indirizz professjonali u l-ismijiet tal-kont tal-media soċjali. Il-forniment ta’ data personali hu obbligatorju jekk tixtieq tipparteċipa fl-avveniment f’wieħed mir-rwoli deskritti hawn fuq.

5. Għal kemm żmien inżommuha d-data personali tiegħek?

L-unitajiet “Relazzjonijiet mal-Partijiet Ikkonċernati” u “Standardizzazzjoni” tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet iżommu biss id-data personali tiegħek għaż-żmien meħtieġ biex jintlaħaq l-għan tal-ġbir jew tal-ipproċessar ulterjuri, jiġifieri għall-organizzazzjoni tal-konferenza u kwalunkwe azzjoni ta’ segwitu kif meħtieġ fir-rigward tal-għan(ijiet) tal-konferenza. Id-data personali kollha se titħassar mill-bażijiet tad-data sena wara l-aħħar azzjoni fir-rigward tal-konferenza, bl-eċċezzjoni ta’ reġistrazzjonijiet minn laqgħat imxandra fuq l-internet, li se jinżammu għal sentejn qabel ma jitħassru. Barra minn hekk, għas-seminars annwali li jsiru fl-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet għad-DĠ tal-Kummissjoni, l-Aġenziji tal-UE u r-Rappreżentanzi tal-Kummissjoni, id-data personali tinżamm bħala parti minn lista ta’ dettalji ta’ kuntatt ixxerjata internament bejn is-servizzi tal-Kummissjoni Ewropea sakemm is-suġġett tad-data jkun persuna ta’ kuntatt għall-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet. Fi kwalunkwe ħin tista’ titlob li titneħħa minn lista ta’ kuntatt bħal din.

6. Kif nipproteġu u nissalvagwardjaw id-data personali tiegħek?

Id-data personali kollha f’format elettroniku (emails, dokumenti, bażijiet tad-data, lottijiet tad-data applowdjati, eċċ.) tinħażen fis-servers tal-Kummissjoni Ewropea. L-operazzjonijiet ta’ pproċessar jitwettqu kollha skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2017/46 tal-10 ta' Jannar 2017 dwar is-sigurtà tas-sistemi ta' komunikazzjoni u informazzjoni fil-Kummissjoni Ewropea.

Il-kuntratturi tal-Kummissjoni huma marbutin bi klawsola kuntrattwali speċifika għal kull operazzjoni ta’ pproċessar tad-data tiegħek f’isem il-Kummissjoni, kif ukoll bl-obbligi ta’ kunfidenzjalità li jitnisslu mir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (“GDPR” ir-Regolament (UE) 2016/679).

Sabiex tipproteġi d-data personali tiegħek, il-Kummissjoni daħħlet numru ta’ miżuri tekniċi u organizzattivi. Il-miżuri tekniċi jinkludu azzjonijiet xierqa biex jindirizzaw is-sigurtà online, ir-riskju tat-telf ta’ data, il-modifika ta' data jew l-aċċess mhux awtorizzat, filwaqt li jitqies ir-riskju ppreżentat mill-ipproċessar u n-natura tad-data personali li qed tiġi pproċessata. Il-miżuri organizzattivi jinkludu r-restrizzjoni tal-aċċess għad-data personali għall-persuni awtorizzati biss bi ħtieġa leġittima ta’ tagħrif għall-finijiet ta’ din l-operazzjoni tal-ipproċessar.

7. Min għandu aċċess għad-data personali tiegħek u lil min tiġi żvelata?

L-aċċess għad-data personali tiegħek hu pprovdut lill-persunal tal-Kummissjoni responsabbli għat-twettiq ta’ din l-operazzjoni ta’ pproċessar u lill-persunal awtorizzat skont il-prinċipju tal-“ħtieġa ta’ tagħrif”. Tali persunal jirrispetta ftehimiet statutorji, u fejn ikun meħtieġ, ftehimiet addizzjonali ta’ kunfidenzjalità.

L-informazzjoni li niġbru se tiġi xxerjata mal-kuntratturi li jikkoordinaw ir-reġistrazzjoni għall-avveniment, l-organizzazzjoni teknika u s-segwitu, u mal-EasyChair (għall-ġestjoni tal-konferenza). L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet mhux se jixxerja data personali ma’ partijiet terzi għall-fini ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta

Media soċjali

Aħna nużaw il-media soċjali biex ninfurmaw dwar il-konferenza ENDORSE u nippromwovuha permezz ta’ mezzi użati b’mod wiesa’ u kontemporanji. Pereżempju, tista’ tara videos li napplowdjaw fil-paġna YouTube tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet, u ssegwi links mis-sit web tagħna għal Twitter, Instagram u LinkedIn.

La Twitter u lanqas Instagram, YouTube jew LinkedIn ma jissettjaw cookies meta tillowdja l-paġni tas-sit web tagħna fuq l-apparat tiegħek u tikklikkja l-oqsma rispettivi biex jikkonnettjaw ma’ dawk is-servizzi.

Tista’ tara videos relatati mal-konferenza fuq is-sit web tagħna. Dawn se jintwerew bl-użu tal-player ta’ YouTube. F’każ li tikklikkja “play” fuq video biex tarah, jiġi installat cookie YouTube fuq il-kompjuter jew l-apparat tiegħek. Jekk ma tikklikkja ebda video, ma jiġi installat ebda cookie.

L-użu tal-media soċjali b’ebda mod ma jimplika l-approvazzjoni tagħhom jew tal-politiki ta’ privatezza tagħhom. F’każ li xi kultant ma tkunx disponibbli media soċjali waħda jew aktar, ma naċċettaw ebda responsabbiltà għan-nuqqas ta’ servizz minħabba l-perjodu ta’ waqfien tagħhom

Nirrakkomandaw li taqra l-politiki ta’ privatezza ta’ Twitter, LinkedIn, Instagram u YouTube. Dawn jispjegaw il-politika ta’ kull kumpanija għall-ġbir u l-ipproċessar tad-data, l-użu tagħha tad-data, id-drittijiet tiegħek u l-modi li bihom tista’ tipproteġi l-privatezza tiegħek meta tuża dawn is-servizzi.

App tal-Konferenzi

L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet juża l-app tal-konferenza Sli.do (https://www.sli.do/) għall-apparati mobbli. L-app hi mfassla biex tgħin lir-reġistranti jipparteċipaw fil-konferenza ENDORSE billi jieħdu sehem fl-istħarriġ, jaqsmu l-fehmiet tagħhom u jistaqsu mistoqsijiet. Ir-reġistranti huma mħeġġa (iżda mhux obbligati li) jiddawnlowdjaw jew jużaw l-app tal-konferenza.

Meta jużaw l-app tal-konferenza, il-parteċipanti se jkunu meħtieġa joħolqu login. Il-kont se jkun fih l-isem, il-kunjom, it-titlu tal-impjieg u l-indirizz tal-email (ara https://accounts.sli.do/signup).

It-Taqsima “Staqsi/ikkummenta/ivvota” tal-app tal-konferenza tippermetti lill-parteċipanti jipparteċipaw fil-konferenza. Il-mistoqsijiet u l-kummenti mill-parteċipanti u l-aggregati tar-riżultati ta’ kwalunkwe votazzjoni li ssir matul is-sessjoni pubblika tal-konferenza se jintwerew fuq skrin fis-sala tal-konferenza. Qabel ma tintwera din l-informazzjoni, din tiġi analizzata mill-moderaturi (il-fornitur tas-servizz u l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet) biex tiġi vverifikata, sa fejn ikun prattikament possibbli, l-awtentiċità tal-identità ta’ min jibgħat u r-rilevanza tal-kontenut tal-messaġġ/mistoqsija.

Is-servizzi koperti mill-app Sli.do mhumiex taħt ir-responsabbiltà tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet. Nissuġġerixxu li tirreferi għall-avviżi dwar il-protezzjoni tad-data tal-fornitur.

L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet juża wkoll l-għodda għall-konferenzi tal-EasyChair (https://easychair.org/). Din l-għodda se sservi lill-kumitat tal-programm u tappoġġja l-ġestjoni tas-sottomissjonijiet stampati għall-konferenza ENDORSE, ir-reviżjoni tad-dokumenti, l-editjar tal-programm u t-tħejjija tal-proċedimenti tal-konferenza.

L-EasyChair jiġbor data li normalment tkun meħtieġa mill-organizzaturi tal-konferenzi. Din tinkludi l-isem, l-indirizz tal-email, l-indirizz għall-korrispondenza, il-paġna web, il-pajjiż, l-affiljazzjoni u n-numru tat-telefown. 6 L-ipproċessar ta’ data personali mill-EasyChair isegwi l-GDPR u d-data tintuża u tinżamm biss għall-fini tal-konferenza ENDORSE.

Pjattaforma ta’ laqgħat fuq il-web

Għall-fini li nospitaw laqgħat fuq il-web, se nużaw l-għodda ta’ parti terza “Cisco WebEx”. Meta tirreġistra u tikkonnettja mal-konferenza tal-ENDORSE, Cisco WebEx jiġbor ismek, l-indirizz tal-email, il-password, l-indirizz IP, il-browser, in-numru tat-telefown (fakultattiv), l-indirizz postali (fakultattiv), ir-reġjun ġeografiku, l-avatar (fakultattiv), l-informazzjoni tal-utent inkluża fid-direttorju attiv tal-klijent (jekk issinkronizzat), l-ID tal-Utent Uniku (UUID). Cisco WebEx u s-sottokuntrattur tagħha ICF Next għandhom aċċess għal din id-data, li hi ospitata fuq servers fl-Unjoni Ewropea.

Għal informazzjoni dettaljata dwar l-użu ta’ Cisco WebEx mill-Kummissjoni Ewropea, ara r-Reġistru tal-Ipproċessar DPR-EC-05006 (Service de Web Conference (Webex)).

Informazzjoni dettaljata dwar il-politiki ta’ privatezza tad-data tas-CISCO WebEx hi disponibbli wkoll hawnhekk: https://www.cisco.com/c/en/us/about/legal/privacy-full.html.

8. X’inhuma drittijietek u kif tista’ teżerċitahom?

Inti għandek drittijiet speċifiċi bħala “suġġett tad-data” skont il-Kapitolu III (l-Artikoli 14-25) tar-Regolament (UE) 2018/1725, b’mod partikolari d-dritt li taċċessa, tikkoreġi jew tħassar id-data personali tiegħek u d-dritt li tillimita l-ipproċessar tad-data personali tiegħek. Jekk ikun japplika, għandek ukoll id-dritt li toġġezzjona għall-ipproċessar jew id-dritt għall-portabbiltà tad-data.

Għandek id-dritt li toġġezzjona għall-ipproċessar tad-data personali tiegħek, li jitwettaq legalment skont l-Artikolu 5(1)(a).

Inti tajt il-kunsens tiegħek biex tipprovdi d-data personali tiegħek lill-Unitajiet “Relazzjonijiet mal-Partijiet Ikkonċernati” u “Standardizzazzjoni” tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet għal din l-operazzjoni ta’ pproċessar. Inti tista’ tirtira l-kunsens tiegħek fi kwalunkwe ħin billi tinnotifika lill-Kontrollur tad-Data. L-irtirar mhux se jaffettwa l-legalità tal-ipproċessar imwettaq qabel ma tkun irtirajt il-kunsens.

Inti tista’ teżerċita d-drittijiet tiegħek billi tikkuntattja lill-Kontrollur tad-Data, jew f’każ ta’ kunflitt lill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data. Jekk hemm bżonn, tista’ tindirizza wkoll lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data. L-informazzjoni ta’ kuntatt tagħhom tinsab taħt l-Intestatura 9 hawn taħt.

Meta tixtieq teżerċita d-drittijiet tiegħek fil-kuntest ta’ operazzjoni tal-ipproċessar speċifika waħda jew aktar, jekk jogħġbok ipprovdi d-deskrizzjoni tagħhom (jiġifieri r-Referenza/i tar-rekord tagħhom kif speċifikat taħt l-Intestatura 10 hawn taħt) fit-talba tiegħek.

9. Informazzjoni ta’ kuntatt

  • Il-Kontrollur tad-Data

Jekk tixtieq teżerċita d-drittijiet tiegħek skont ir-Regolament (UE) 2018/1725, jew jekk għandek xi kummenti, mistoqsijiet jew tħassib, jew jekk tixtieq tressaq ilment rigward il-ġbir u l-użu tad-data personali tiegħek, jekk jogħġbok ikkuntattja lill-Kontrollur tad-Data tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet (OP):

  • L-unità (D.1) “Relazzjonijiet mal-Partijiet Interessati”

E-mail: OP-D1-SECRETARIAT@publications.europa.eu

  • L-unità (A.1) “Standardizzazzjoni”

Email: OP-EU-VOCABULARIES@publications.europa.eu

L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tal-Kummissjoni (UPD)

Tista’ tikkuntattja lill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data (DATA-PROTECTION-OFFICER@ec.europa.eu) dwar kwistjonijiet relatati mal-ipproċessar tad-data personali tiegħek skont ir-Regolament (UE) 2018/1725.

- Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (EDPS)

Inti għandek id-dritt tirrikorri (jiġifieri tista’ tressaq ilment) għand il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (edps@edps.europa.eu) jekk jidhirlek li nkisru d-drittijiet tiegħek skont ir-Regolament (UE) 2018/1725 b’riżultat tal-ipproċessar tad-data personali mill-Kontrollur tad-Data.

10. Fejn tista’ ssib informazzjoni aktar dettaljata?

L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tal-Kummissjoni (UPD) jippubblika r-reġistru tal-operazzjonijiet kollha ta’ pproċessar tad-data personali mill-Kummissjoni, li jkunu ġew dokumentati u nnotifikati lilu. Tista’ taċċessa r-reġistru bil-link li ġej: http://ec.europa.eu/dpo-register.

Din l-operazzjoni ta’ pproċessar speċifika se tkun inkluża fir-reġistru pubbliku tal-UPD bir-referenza tar-Record li ġejja: DPR-EC-00491