Rapport Speċjali
06 2020

Mobbiltà Urbana Sostenibbli fl-UE: Mhuwiex possibbli li jsir titjib sostanzjali mingħajr l-impenn tal-Istati Membri

Dwar ir-rapport: Il-mobbiltà urbana sostenibbli hija waħda mill-isfidi prinċipali li l-ibliet fl-UE jiffaċċjaw, u hija kwistjoni ta’ tħassib għal ħafna ċittadini. It-trasport bit-triq huwa wieħed mill-kaġuni prinċipali tat-tniġġis tal-arja u tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fiż-żoni urbani, u l-ispejjeż li s-soċjetà ġġarrab minħabba l-konġestjoni jammontaw għal madwar EUR 270 biljun kull sena.
Fl-2013, il-Kummissjoni ħarġet Pakkett dwar il-Mobbiltà Urbana u pprovdiet aktar finanzjament għal trasport nadif urban – madwar EUR 13-il biljun għall-perjodu 2014-20 - bl-għan li dan isir aktar sostenibbli.
Fuq il-bażi ta’ xogħol tal-awditjar li wettaqna fil-Kummissjoni u fi tmint ibliet differenti fil-Ġermanja, l-Italja, Polonja u Spanja, aħna ma sibna l-ebda indikazzjoni li l-ibliet tal-UE qed jibdlu fundamentalment l-approċċi tagħhom u li ma hemm l-ebda xejra ċara lejn modi tat-trasport aktar sostenibbli.
Aħna nirrakkomandaw li l-Kummissjoni tiġbor aktar data mill-Istati Membri dwar il-mobbiltà urbana u tippubblikaha, u torbot l-aċċess għal finanzjament mal-fatt li jkun hemm pjanijiet robusti tal-mobbiltà urbana.

Din il-pubblikazzjoni hija disponibbli bi 23 lingwa fil-format li ġejt:
PDF
PDF General Report

Sommarju eżekuttiv

I

Il-mobbiltà urbana sostenibbli hija waħda mill-isfidi prinċipali li l-ibliet fl-UE jiffaċċjaw, u hija kwistjoni ta’ tħassib għal ħafna ċittadini tal-UE. Hemm rabtiet qawwija bejn mobbiltà urbana aktar sostenibbli u kemm it-tkabbir ekonomiku kif ukoll it-tnaqqis fit-tniġġis ambjentali.

II

Is-sors prinċipali tal-finanzjament mill-UE għall-mobbiltà urbana huwa l-Fondi strutturali u ta’ investiment Ewropej (FSIE), li kienu jammontaw għal EUR 16.3 biljun fil-perjodu 2014-2020. Barra minn hekk, il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE) għat-trasport ipprovdiet aktar minn EUR 200 miljun lil għadd ta’ bliet akbar fl-UE.

III

Il-mobbiltà urbana hija suġġett li jaffettwa ħafna ċittadini tal-UE, li huma affettwati miż-żmien u l-flus li jintefqu fuq l-ivvjaġġar. L-UE qed tinvesti ammonti sostanzjali biex tgħin lill-ibliet itejbu l-mobbiltà tagħhom u jagħmluha aktar sostenibbli. Huwa mistenni li r-rapport tagħna jgħin lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-ibliet jużaw il-fondi b’mod aktar effettiv u effiċjenti fl-indirizzar tal-isfidi involuti, partikolarment fil-kuntest tal-Komunikazzjoni “Patt Ekoloġiku” tal-Kummissjoni li nħarġet f’Diċembru 2019 wara l-awditu li wettaqna.

IV

L-Istati Membri u l-ibliet tagħhom huma responsabbli biex jimmaniġġjaw il-mobbiltà urbana b’mod sostenibbli. Ir-rwol tal-Kummissjoni huwa limitat, iżda b’rispons għall-importanza tal-kwistjoni, b’segwitu għall-pakkett tagħha tal-2013 dwar il-Mobbiltà Urbana, il-Kummissjoni ppubblikat firxa ta’ dokumenti ta’ politika u gwida, u żiedet il-finanzjament li tipprovdi għal proġetti f’dan il-qasam.

V

Aħna eżaminajna kemm l-appoġġ mogħti mill-UE kien effettiv fil-kontribuzzjoni għat-titjib tal-mobbiltà urbana b’mod sostenibbli. B'mod partikolari, aħna eżaminajna jekk: l-ibliet tal-UE għamlux progress lejn it-titjib tal-mobbiltà urbana sostenibbli minn meta ġie introdott il-Pakkett dwar il-Mobbiltà Urbana tal-2013; l-ibliet segwewx il-linji gwida tal-UE u mmirawx il-finanzjament mill-UE biex jiksbu mobbiltà urbana aktar sostenibbli; u jekk il-proġetti li eżaminajna kinux ibbażati fuq strateġiji sodi u jekk kinux effettivi.

VI

Aħna nirrikonoxxu li titjib sinifikanti fil-mobbiltà urbana sostenibbli jista’ jirrikjedi aktar żmien biex jimmaterjalizza. Madankollu, sitt snin wara li l-Kummissjoni appellat għal bidla fil-pass, ma hemm l-ebda indikazzjoni ċara li l-ibliet qed jibdlu fundamentalment l-approċċi tagħhom. B’mod partikolari, ma hemm l-ebda xejra ċara lejn modi tat-trasport aktar sostenibbli. Għalkemm l-ibliet stabbilew firxa ta’ inizjattivi biex jespandu l-kwalità u l-kwantità tat-trasport pubbliku, ma kien hemm l-ebda tnaqqis sinifikanti fl-użu tal-karozzi privati. Xi indikaturi tal-kwalità tal-arja tjiebu kemxejn, iżda l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra minħabba t-trasport bit-triq kienu qed jiżdiedu b’mod kostanti u għad hemm ħafna bliet li jaqbżu s-sollijiet ta’ sikurezza tal-UE.

VII

Fin-nuqqas ta’ pressjoni leġiżlattiva, kien hemm użu limitat tal-gwida tal-Kummissjoni min-naħa ta’ ħafna Stati membri u bliet – b’mod notevoli f’termini ta’ tħejjija ta’ “Pjanijiet ta’ Mobbiltà Urbana Sostenibbli”. Lanqas ma hemm rekwiżit li l-aċċess għal finanzjament mill-UE jingħata bil-kundizzjoni li jkun hemm dawn il-pjanijiet fis-seħħ, għalkemm tnejn mill-Istati Membri li żorna imponew din il-kundizzjoni fil-livell nazzjonali.

VIII

Xi Stati Membri u bliet ma kkomplementawx il-fondi tal-UE b’mod effettiv b’riżorsi xierqa biex jiżguraw it-tħaddim u l-manutenzjoni adegwati tan-netwerk tagħhom tat-trasport pubbliku; l-ispejjeż jistgħu jogħlew ukoll għax il-linji mhux dejjem ikunu teknikament interoperabbli. Barra minn hekk, il-politiki tal-mobbiltà urbana fuq livelli lokali mhux dejjem kienu koerenti mal-għan ta’ mobbiltà urbana aktar sostenibbli. Aħna sibna eżempji ta’ inizjattivi pożittivi favur il-mobbiltà urbana sostenibbli; dawn kellhom it-tendenza li jirrikjedu livelli konsiderevoli ta’ tmexxija politika u ta’ sforzi ta’ komunikazzjoni biex jirbħu l-aċċettazzjoni taċ-ċittadini.

IX

Aħna sibna li dawk il-proġetti li eżaminajna, li jirċievu finanzjament mill-UE, ma kinux effettivi daqs kemm kien intenzjonat, minħabba dgħufijiet fit-tfassil u l-implimentazzjoni tagħhom. Dawn il-proġetti mhux dejjem kienu bbażati fuq strateġiji sodi tal-mobbiltà urbana, li spiss kellhom nuqqas ta’ data fundamentali u ta’ analiżijiet xierqa, kif ukoll nuqqas ta’ miri rilevanti u koordinazzjoni kemm ma’ pjanijiet oħra kif ukoll ma’ muniċipalitajiet ġirien.

X

Fuq il-bażi ta’ dawn il-konklużjonijiet, aħna nirrakkomandaw li l-Kummissjoni:

  • tibni fuq l-esperjenzi preċedenti tagħha, biex tippubblika data aħjar dwar il-mobbiltà urbana u dwar kemm l-ibliet l-aktar importanti tal-UE għandhom pjanijiet ta’ mobbiltà urbana sostenibbli fis-seħħ; u
  • torbot l-aċċess għall-finanzjament mill-UE ma’ pjanijiet ta’ mobbiltà urbana sostenibbli.

Introduzzjoni

Il-mobbiltà urbana sostenibbli u l-importanza tagħha

01

F’dan ir-rapport, il-mobbiltà urbana tirreferi għall-faċilità li biha l-persuni jistgħu jiċċaqalqu bejn destinazzjonijiet fiż-żoni urbani bl-għajnuna tan-netwerk tat-trasport u s-servizzi li jkunu disponibbli. Hemm ħafna fatturi li jaffettwaw ix-xejriet fil-mobbiltà urbana, bħad-demokrazija, l-użu tal-art, il-governanza, id-disponibbiltà tat-trasport pubbliku, l-użu tal-karozzi, u l-ekonomija lokali.

02

Il-ġestjoni tal-mobbiltà urbana hija sfida importanti għaż-żoni urbani. Minbarra restrizzjonijiet finanzjarji inevitabbli, dawk li jippjanaw u dawk li jfasslu l-politika jiffaċċjaw ħafna domandi li spiss ikunu kontradittorji: li tinżamm kwalità tal-ħajja għolja filwaqt li jinħoloq ukoll ambjent attraenti għan-negozji; u jiġi ristrett it-traffiku f’żoni sensittivi filwaqt li ma jiġix limitat il-moviment neċessarju tal-merkanzija u l-persuni1.

03

Il-mobbiltà urbana tiffaċċja ħafna sfidi, fosthom il-konġestjoni tat-traffiku li hija waħda mill-aktar diffiċli. Hemm riċerka ekonomika konsiderevoli li tindika li l-ispejjeż għas-soċjetà li jiġu kkawżati mill-konġestjoni huma għoljin (stmati f’ammont ta’ EUR 270 biljun kull sena fl-UE2) u li aktar ma t-traffiku f’żona urbana jkun mexxej, akbar ikun it-tkabbir ekonomiku li x’aktarx jirriżulta. Studju partikolari wera li t-tranżizzjoni għal traffiku bla tfixkil tista’ tagħti spinta lill-produttività tal-ħaddiema b’rata li tkun tilħaq it-30 % f’reġjuni b’konġestjoni għolja3. Peress li l-konġestjonijiet fit-toroq fl-UE ħafna drabi jkunu jinsabu f’żoni urbani u madwarhom, din il-problema taffettwa l-maġġoranza tal-abitanti fl-UE. Madankollu, l-esperjenza wrietna li t-tkabbir tal-kapaċità tat-toroq fiż-żoni urbani jwassal għal aktar traffiku u, għaldaqstant, għal konġestjoni, u għalhekk trid tinstab soluzzjoni permezz ta’ approċċi oħra.

04

Ħafna bliet Ewropej ibatu minn kwalità ħażina tal-arja u regolarment jaqbżu l-valuri limiti għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem stabbiliti fid-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Arja fl-Ambjent4. Miċ-ċittadini tal-UE li jgħixu f’żoni urbani, 96 % huma esposti għal livelli ta’ sustanzi li jniġġsu l-arja li huma meqjusa ta’ ħsara għas-saħħa mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO). Fl-2013, il-Kummissjoni Ewropea (il-Kummissjoni) stmat li l-ispejjeż totali relatati mas-saħħa dovuti għat-tniġġis tal-arja kienu ta’ bosta mijiet ta’ biljuni ta’ euro kull sena. It-tniġġis għandu wkoll impatt negattiv fuq il-bijodiversità. Studji reċenti jagħmlu wkoll referenza għan-nuqqas ta’ moviment fiżiku bħala effett sekondarju negattiv serju tal-ivvjaġġar bil-karozza.

05

It-trasport bit-triq huwa wieħed mill-kaġuni prinċipali tat-tniġġis tal-arja5 u tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra. Pereżempju, huwa l-akbar sors ta’ emissjonijiet ta’ ossidi mononitroġeni (NO u NO2), u t-tieni l-akbar sors ta’ emissjonijiet ta’ monossidu tal-karbonju u ta’ materja partikolata. Iż-żoni urbani jirrappreżentaw 23 % tal-emissjonijiet ta’ CO2 mit-trasport. Apparti t-tniġġis tal-arja u l-emmissjonijiet ta’ CO2, it-trasport huwa responsabbli wkoll għall-inkonvenjenza mill-istorbju.

06

Minħabba l-impatt tal-mobbiltà urbana kemm fuq it-tkabbir ekonomiku kif ukoll fuq l-ambjent, l-UE tippromwovi mobbiltà urbana li hija sostenibbli. Dan huwa l-iżvilupp ta’ strateġiji li jistimolaw bidla lejn modi aktar nodfa u sostenibbli tat-trasport, bħall-mixi, iċ-ċikliżmu, it-trasport pubbliku, u xejriet ġodda għall-użu u s-sjieda tal-karozzi6.

Ir-rwol tal-Kummissjoni

07

F’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, il-mobbiltà urbana hija mmaniġġjata lokalment, u ma hemm l-ebda regolament jew direttiva tal-UE li jindirizzawha. Madankollu, minħabba l-importanza tal-kwistjoni, il-Kummissjoni ħarġet bosta dokumenti ta’ politika u ddedikat ammont konsiderevoli ta’ fondi għall-mobbiltà urbana, prinċipalment fil-kuntest tal-politika tagħha tat-trasport. Id-direttorati ġenerali prinċipali tal-Kummissjoni li huma involuti huma:

  • id-DĠ Mobilità u Trasport (id-DĠ Move) jistabbilixxi politiki tat-trasport u jiffinanzja proġetti ta' infrastruttura tat-trasport għan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport;
  • id-DĠ Politika Reġjonali u Urbana (id-DĠ Regio) jipprovdi appoġġ finanzjarju lill-Istati Membri u lir-reġjuni, li jista’ jintuża għat-trasport sostenibbli u l-mobbiltà urbana; u
  • Id-DĠ Riċerka u Innovazzjoni (DĠ RTD) jipprovdi finanzjament għar-riċerka dwar kunċetti tal-mobbiltà fil-qasam urban.
08

Matul l-aħħar 10 snin, il-Kummissjoni ħarġet bosta dokumenti ta’ politika, kif jidher fil-Figura 1. Fl-2009, l-ewwel pakkett ta’ appoġġ komprensiv dwar il-mobbiltà urbana kien il-“Pjan ta’ azzjoni dwar il-mobbiltà urbana”, li jistipula qafas għal inizjattivi tal-UE fil-qasam tal-mobbiltà urbana. Fl-2013, il-Kummissjoni ħarġet il-Pakkett dwar il-Mobbiltà Urbana (ara l-Kaxxa 1), bl-għan li tirrinforza l-appoġġ għall-ibliet Ewropej biex jindirizzaw sfidi ta’ mobbiltà urbana. Fl-2017, hija ħarġet il-Komunikazzjoni “L-Ewropa attiva, aġenda għal tranżizzjoni soċjalment ġusta lejn mobilità kompetittiva, konnessa u mingħajr ħsara għall-ambjent għal kulħadd”, li tinkludi sett ta’ inizjattivi favur l-immodernizzar tal-mobbiltà u t-trasport Ewropej. F’Diċembru 2019, wara li x-xogħol tal-awditjar tagħna kien intemm, il-Kummissjoni ħarġet Komunikazzjoni li fiha hija tipproponi “Patt Ekoloġiku Ewropew” bl-għan li l-kontinent isir newtrali għall-klima7, u tinkludi l-objettiv li jkun hemm bidla lejn mobbiltà urbana aktar sostenibbli.

Kaxxa 1

Il-Pakkett dwar il-Mobbiltà Urbana

Bil-Pakkett tagħha dwar il-Mobbiltà Urbana, il-Kummissjoni kellha l-għan li tirrinforza l-appoġġ tagħha għall-ibliet Ewropej biex jindirizzaw sfidi ta’ mobbiltà urbana. Hija ħeġġet bidla fil-pass fl-approċċ għall-mobbiltà urbana biex jiġi żgurat li ż-żoni urbani tal-Ewropa jiżviluppaw b’mod aktar sostenibbli u ħeġġet lill-Istati Membri biex jieħdu azzjoni aktar deċiżiva u koordinata aħjar.

Il-pakkett iffoka fuq l-adozzjoni tal-Pjanijiet ta’ Mobbiltà Urbana Sostenibbli (SUMPs) u talab lill-Istati Membri biex iqisu l-possibbiltà li jiżguraw li l-SUMPs jiġu żviluppati u implimentati fiż-żoni urbani tagħhom kif ukoll li jiġu integrati fi strateġija usa’ urbana jew territorjali.

Barra minn hekk, il-Pakkett appella għal Regolamenti dwar l-Aċċess Urban u Tariffar għall-Użu tat-Triq aktar intelliġenti, għall-użu koordinat ta’ Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti Urbani u għal aktar sikurezza fit-toroq.

F’Novembru 2019, il-Pakkett dwar il-Mobbiltà Urbana kien qed jiġi evalwat, bil-ħsieb li jiġi vvalutat jekk dan huwiex adatt għall-iskop tiegħu u jekk huwiex qed jagħti riżultati kif intenzjonat.

Figura 1

Dokumenti prinċipali ta’ politika adottati mill-Kummissjoni

Sors: il-QEA.

Fondi disponibbli għall-mobbiltà urbana

09

Is-sors prinċipali tal-finanzjament mill-UE għall-mobbiltà urbana huwa minn tnejn mill-ħames fondi (SIE) strutturali u ta’ investiment Ewropej, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) u l-Fond ta’ Koeżjoni (FK). Fondi oħra disponibbli huma Orizzont 2020 fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni, u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE) għat-trasport.

10

L-ammont disponibbli għall-mobbiltà urbana permezz tal-fondi SIE żdied minn EUR 11.2 biljun fil-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013 għal EUR 16.3 biljun għall-perjodu 2014-2020). Dan jinkludi prinċipalment finanzjament għal trasport urban nadif (EUR 8.1 biljun għall-perjodu 2007-2013; EUR 12.8 biljun għall-perjodu 2014-2020), iżda wkoll sistemi ta’ trasport intelliġenti (ITS), mogħdijiet għaċ-ċiklisti u trasport multimodali. Il-proġetti appoġġati mill-fondi SIE huma kofinanzjati b’riżorsi nazzjonali.

11

Fil-perjodu 2014-2020, il-fondi totali għat-TEN-T taħt il-FNE jammontaw għal EUR 24 biljun. Għall-perjodu attwali, il-FNE qed jintuża biex jimmira “nodi urbani” – inklużi t-88 belt madwar l-UE li jikkostitwixxu punti ta’ dħul għan-netwerk ewlieni tat-TEN-T8. Fiż-żmien meta twettaq l-awditu, l-ammont ta’ finanzjament taħt il-FNE għal nodi urbani kien jikkorrispondi għal EUR 214-il miljun (1 % tat-total).

12

Mill-2014 ’il hawn, il-BEI pprovda self ta’ EUR 48.2 biljun, inkluż il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, biex jiffinanzja proġetti fis-settur tat-trasport fl-intier tiegħu, li jinkludi proġetti ferrovjarji, tal-avjazzjoni u tat-toroq kif ukoll il-mobbiltà urbana. Dan is-self huwa għal proġetti bi spiża tal-investiment totali li tkun ogħla minn EUR 25 miljun u li huma mfassla biex ma jagħmlux ħsara lill-klima, u biex ikunu sikuri, sostenibbli u innovattivi.

Ambitu u approċċ tal-awditjar

13

Fl-2014, aħna ppubblikajna rapport dwar l-effettività tal-proġetti għat-trasport urban9. L-objettiv tal-awditu attwali tagħna kien li neżaminaw kemm l-appoġġ mogħti mill-UE huwa effettiv fil-kontribut għat-titjib tal-mobbiltà urbana b’mod sostenibbli. B'mod partikolari, aħna eżaminajna jekk:

  1. L-ibliet tal-UE għamlux progress lejn it-titjib tal-mobbiltà urbana sostenibbli mindu l-Pakkett dwar il-Mobbiltà Urbana ġie introdott fl-2013.
  2. L-ibliet segwewx il-linji gwida tal-UE u mmirawx il-finanzjament mill-UE biex jiksbu mobbiltà urbana aktar sostenibbli.
  3. Il-proġetti li eżaminajna kinux ibbażati fuq strateġiji sodi u kinux effettivi.
14

Il-mobbiltà urbana hija suġġett li jaffettwa ħafna ċittadini tal-UE, li huma affettwati miż-żmien u l-flus li jintefqu fuq l-ivvjaġġar. Aktar minn nofshom iqisu li l-konġestjoni hija l-aktar problema serja li taffettwa l-mobbiltà10. L-UE qed tinvesti ammonti sostanzjali biex tgħin lill-ibliet itejbu l-mobbiltà tagħhom u jagħmluha aktar sostenibbli. Huwa mistenni li r-rapport tagħna jgħin lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-ibliet biex jużaw il-fondi b’mod aktar effettiv u effiċjenti fl-indirizzar tal-isfidi involuti, partikolarment fil-kuntest tal-Komunikazzjoni “Patt Ekoloġiku Ewropew” tal-Kummissjoni li nħarġet f’Diċembru 2019.

15

L-awditu kopra d-dokumenti ta’ politika u ta’ strateġija mill-2013 ’il quddiem, meta l-Kummissjoni adottat il-pakkett dwar il-Mobbiltà Urbana bl-għan li tirrinforza l-appoġġ għall-ibliet Ewropej biex jindirizzaw l-isfidi ta’ mobbiltà urbana. Aħna eżaminajna dokumenti rilevanti li l-Kummissjoni, kif ukoll Stati Membri, bliet u partijiet terzi, kienu qiegħdu għad-dispożizzjoni tagħna, u wettaqna intervisti, analiżijiet ta’ rapporti u valutazzjonijiet tad-data tal-proġetti, inklużi proġetti ffinanzjati mill-FNE.

16

Żorna tmint ibliet11 f’erba’ Stati Membri (l-Italja, il-Ġermanja, Spanja u l-Polonja) bejn Novembru 2018 u April 2019 biex nivvalutaw id-disponibbiltà u l-kontenut tal-Pjanijiet ta’ Mobbiltà Urbana Sostenibbli (SUMPs), kif ukoll strateġiji u pjanijiet lokali oħra. Aħna vvalutajna 15-il proġett kofinanzjat mill-UE12 fl-ibliet li żorna (ara l-Anness I), 14 minnhom appoġġati mill-fondi SIE u wieħed mill-FEIS. Barra minn hekk, wettaqna żjarat ta’ studju f’Copenhagen u Stokkolma biex nesploraw il-potenjzal tat-tariffi għall-konġestjoni u ċ-ċikliżmu. Ikkomplementajna l-analiżi tagħna bi stħarriġ lil 88 belt li jinkludu n-netwerk TEN-T, b’rata ta’ rispons ta’ aktar minn 30 %; u analiżijiet ġeospazjali li saru mill-Eurostat f’isimna, inkluż l-użu ta’ analitika ta’ big data dwar il-konġestjoni. Fejn kien rilevanti, ibbażajna fuq l-għarfien espert ta’ erba’ esperti esterni dwar il-mobbiltà urbana – b’mod partikolari, dwar l-iżviluppi l-aktar reċenti fil-qasam.

Osservazzjonijiet

Il-bidla fil-pass fil-mobbiltà urbana sostenibbli ma mmaterjalizzatx

17

Biex nivvalutaw jekk il-mobbiltà saritx aktar sostenibbli f’konformità mal-aspirazzjonijiet stipulati fil-Pakkett dwar il-Mobbiltà Urbana, aħna eżaminajna s-sehem irrappreżentat mit-tipi differenti ta’ trasport; it-tniġġis mit-trasport; il-livelli ta’ konġestjoni; kif ukoll il-kopertura mit-trasport pubbliku u l-aċċessibbiltà għalih fl-ibliet u ż-żoni ta’ madwar.

Ma hemm l-ebda evidenza ta’ xejra ċara lejn modi tat-trasport aktar sostenibbli

18

Il-Pjattaforma Ewropea dwar il-Ġestjoni tal-Mobbiltà (EPOMM) tqis li “s-sehem modali” – il-proporzjonijiet li bihom jintużaw tipi differenti ta’ trasport – huwa l-aħjar indikatur tas-sostenibbiltà ta’ politika tal-mobbiltà ta’ belt. Fin-nuqqas ta’ sors ta’ data komprensiva dwar is-sehem modali madwar l-UE, aħna ġbarna evidenza mis-sit web tal-EPOMM u kkomplementajna l-analiżi b’informazzjoni aktar reċenti mill-istħarriġ tagħna u miż-żjarat tagħna fi tmint ibliet.

19

Mit-88 belt li stħarriġna, 27 biss ipprovdew data dwar is-sehem modali. Analiżi tas-sehem modali ta’ 13 minn dawn l-ibliet b’data kumparabbli matul snin differenti (ara l-Figura 2) turi li fi tnejn minn dawn l-ibliet – Antwerp u Bordeaux – l-użu tal-karozzi privati naqas konsiderevolment, filwaqt li f’Budapest dan żdied bi 80 %.

Figura 2

Sehem modali ta’ vetturi privati fi 13-il belt bejn l-2007 u l-2017

Sors: analiżi tal-QEA, ibbażata fuq data pprovduta mill-ibliet u mill-EPOMM.

20

Ir-riżultati tal-istħarriġ tagħna juru wkoll li fl-14-il belt li pprovdew data dwar is-suġġett, fil-biċċa l-kbira mill-każijiet is-sehem modali ta’ vetturi privati kien konsiderevolment ogħla fiż-żona metropolitana madwar il-belt aktar milli fil-belt infisha (ara l-Figura 3).

Figura 3

Sehem modali ta’ vetturi privati fi 11-il belt u fiż-żoni metropolitani madwar l-ibliet

Sors: il-QEA, ibbażat fuq ir-risposti għall-istħarriġ tagħha dwar il-mobbiltà urbana.

Il-kwalità tal-arja tjiebet fin-nodi urbani, iżda t-tniġġis għadu jaqbeż il-livelli sikuri

21

Għalkemm l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra naqsu fil-maġġoranza tas-setturi bejn l-1990 u l-2017, l-emissjonijiet ikkaġunati mit-trasport żdiedu. Fi ħdan dan is-settur, it-trasport bit-triq kien il-kategorija li l-emissjonijet tagħha żdiedu l-aktar. Bejn l-2014 u l-2017, l-emissjonijet ta’ CO2 ikkaġunati mit-trasport bit-triq żdiedu b’45 miljun tunnellata, jiġifieri 5 %, u jirrappreżentaw 25 % tal-emissjonijiet domestiċi kollha ta’ CO213. Mill-emissjonijiet li huma attribwibbli għat-trasport, 23 % huma fiż-żoni urbani.

22

It-tniġġis tal-arja fi ħdan l-ibliet għadu ta’ ħsara għas-saħħa tal-bniedem. B’mod ġenerali, kien hemm progress fit-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ diossidu tan-nitroġenu (NO2) u ta’ materja partikolata. Madankollu, skont l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent14, fl-ibliet tal-UE għad hemm firxa ta’ ksur tal-istandards stabbiliti fid-Direttivi tal-UE dwar il-Kwalità tal-Arja fl-Ambjent.

23

It-tmint ibliet li żorna huma kollha inklużi fil-proċeduri ta’ ksur meħuda mill-UE15 kontra l-Istati Membri rispettivi. F’Settembru 2019, dawn l-ibliet kollha ħlief Leipzig u Palermo kienu għadhom qed jaqbżu l-livelli permessi ta’ tniġġis.

Il-mobbiltà urbana qed tiddeterjora għall-utenti tat-triq minħabba l-konġestjoni

24

Fin-nuqqas ta’ bidla sinifikanti lejn forom oħra ta’ trasport, it-tniġġis li qed jiżdied (ara l-Kaxxa 2) huwa indikazzjoni li l-mobbiltà urbana qed tiddeterjora għall-utenti tat-triq.

Kaxxa 2

Il-konġestjoni

Il-konġestjoni hija kemm fenomenu fiżiku relatat mal-mod li bih il-vetturi jimpedixxu l-progressjoni ta’ xulxin, hekk kif id-domanda għal spazju tat-toroq limitat tersaq lejn il-kapaċità sħiħa tagħha, kif ukoll fenomenu relattiv relatat mal-aspettattivi tal-utenti fir-rigward tal-prestazzjoni tas-sistemi tat-toroq16. L-aktar indikatur komuni tal-konġestjoni tat-traffiku huwa bbażat fuq id-differenza fil-veloċità medja bejn kundizzjonijiet ta’ traffiku bla tfixkil (ġeneralment ibbażati fuq data rreġistrata f’nofs ta’ lejl) u dawk osservati f’ħinijiet differenti tal-ġurnata, mibdula għal żieda (assoluta jew perċentwal) fil-ħin medju tal-ivvjaġġar.

25

Skont id-data ta’ TomTom17, bejn l-2013 u l-2018, il-konġestjoni marret għall-agħar f’25 minn 37 nodu urban li għalihom kienet disponibbli d-data. Din ix-xejra kienet osservata wkoll fl-ibliet kollha li żorna. Il-mappa fl-Istampa 1 hawn taħt turi kif bi traġitt ta’ 30 minuta bogħod bil-karozza tmur inqas ’il bogħod f’Barċellona, milli kif kien il-każ fl-2012. Mapep simili għall-ibliet l-oħra li żorna jinsabu fl-Anness II.

Stampa 1

Aċċessibbiltà f’temp ta’ 30 minuta ta’ sewqan matul l-eqqel tat-traffiku fl-2012 u fl-2019 – Barċellona

Sors: analiżi tal-Eurostat f’isem il-QEA.

26

Madankollu aħna osservajna li, filwaqt li l-ispiża u l-konvenjenza huma wkoll fatturi, f’seba’ minn tmint ibliet xorta jibqa’ aktar effiċjenti fir-rigward ta’ ħin li tintuża vettura privata minflok it-trasport pubbliku. L-Istampa 2 turi li wieħed idum aktar biex jasal sal-istazzjon ċentrali tal-ferrovija ta’ Napli bit-trasport pubbliku minflok b’karozza privata. F’Madrid biss sibna xi partijiet tal-belt fejn l-aċċess għall-Istazzjon ta’ Atocha – wieħed miż-żewġ stazzjonijiet prinċipali tal-ferrovija – kien jieħu inqas ħin bit-trasport pubbliku – ara l-Istampa 3. Mapep simili għall-ibliet l-oħra li żorna jinsabu fl-Anness II.

Stampa 2

Aċċessibbiltà kumparattiva tal-istazzjon tal-ferrovija ta’ Napli bil-karozza u bit-trasport pubbliku

Sors: analiżi tal-Eurostat f’isem il-QEA.

Stampa 3

Aċċessibbiltà kumparattiva tal-istazzjon tal-ferrovija ta’ Atocha f’Madrid bil-karozza u bit-trasport pubbliku (tranżitu)

Sors: analiżi tal-Eurostat f’isem il-QEA.

Il-kopertura mit-trasport pubbliku u l-aċċessibbiltà għalih fi ħdan l-ibliet qed jitjiebu

27

Trasport pubbliku tajjeb huwa essenzjali għal mobbiltà urbana sostenibbli, billi jipprovdi – flimkien ma’ “mobbiltà attiva” (trasport ibbażat fuq attività fiżika umana, bħall-mixi u ċ-ċikliżmu) – alternattiva għall-użu ta’ karozzi privati. Trasport pubbliku tajjeb jirrikjedi, fost affarijiet oħra, aċċess faċli (li jkun hemm sehem kbir tal-popolazzjoni fi ħdan distanza qasira minn infrastruttura tat-trasport pubbliku), frekwenza, ħeffa u livell għoli ta’ konnettività man-netwerk. L-ibliet setgħu jużaw il-fondi tal-UE biex jgħinuhom jespandu n-netwerks tagħhom tat-trasport pubbliku permezz ta’ investimenti fil-linji tal-metro u tat-tramm, u f’materjal fuq ir-roti – ara l-paragrafu 36.

28

Rapport tal-OECD tal-2019 juri li, f’ċerti bliet, il-perċentwal tal-popolazzjoni li tgħix qrib faċilitajiet tat-trasport pubbliku jinsab f’livelli għoljin ħafna(ara t-Tabella 1). Il-livelli fiż-żoni periferali huma aktar baxxi – ara l-eżempju ta’ Palermo fl-Istampa 4, li turi partijiet sinifikanti tal-popolazzjoni bi ftit li xejn kopertura mit-trasport pubbliku.

Stampa 4

Densità tal-popolazzjoni u kopertura mit-trasport pubbliku f’Palermo

Sors: analiżi tal-QEA bbażat fuq data ppubblikata mill-ISTAT u l-muniċipalità ta’ Palermo.

29

Madankollu billi dawn l-ibliet jattiraw, mill-muniċipalitajiet ta’ madwar, persuni li jivvjaġġaw lejn ix-xogħol u lura, il-forniment ta’ trasport pubbliku fil-periferija u l-faċilità tal-konnessjonijiet mal-bqija tan-netwerk fil-belt jiddeterminaw jekk dawn il-persuni jagħżlux li jilħqu l-belt permezz ta’ vettura privata jew tat-trasport pubbliku, irrispettivament mill-kwalità tat-trasport pubbliku ġewwa l-belt.

Tabella 1 – Kopertura mit-Trasport Pubbliku

Isem il-belt Ċentru tal-belt Żona metropolitana
Leipzig 99.9 % 70.7 %
Hamburg 99.9 % 99.5 %
Napli 53.5 % 48.5 %
Madrid 99.9 % 96.7 %
Varsavja 100.0 % 84.8 %
Medja* 95.6 % 87.9 %

* Il-medja tkopri l-81 belt li kellhom data tal-GTFS, mill-121 belt li kienu koperti mir-rapport tal-Forum Internazzjonali tat-Trasport.

Sors: il-Forum Internazzjonali tat-Trasport, 2019.

30

Il-kopertura aktar baxxa mit-trasport pubbliku fiż-żoni periferali ta’ vjaġġar lejn ix-xogħol u lura, kif ukoll il-fatt li l-biċċa l-kbira mil-linji fil-periferija jagħtu għaċ-ċentru u lura filwaqt li parti dejjem akbar mit-traġitti qed tkun minn subborg għal subborg, tikkontribwixxi għall-fatt li s-sehem modali tal-vetturi privati ġewwa dawn iż-żoni huwa ogħla milli ġewwa l-ibliet (ara l-Figura 3).

Il-Kummissjoni intensifikat l-appoġġ tagħha, iżda firxa ta’ fatturi llimitaw il-progress lejn il-mobbiltà urbana sostenibbli

31

Aħna vvalutajna l-appoġġ li l-Kummissjoni pprovdiet lill-Istati Membri f’termini ta’ dokumenti u linji gwida ta’ politika, u kemm l-Istati Membri kienu jużawhom. Barra minn hekk, aħna analizzajna l-appoġġ finanzjarju pprovdut mill-Kummissjoni taħt il-FSIE u taħt il-FNE, biex nivvalutaw jekk il-fondi ntużawx f’konformità mal-objettiv li jkun hemm bidla lejn mobbiltà urbana aktar sostenibbli.

Il-Kummissjoni żviluppat politiki u ppubblikat linji gwida, għalkemm dawn mhux dejjem ġew segwiti mill-Istati Membri

32

Il-Kummissjoni ħarġet għadd ta’ dokumenti ta’ politika (ara l-Figura 1). Biex tappoġġa l-għanijiet tagħha ta’ politika, hija ħarġet, u aġġornat b’mod regolari, firxa ta’ linji gwida. Hija kkomplementathom b’konferenzi u seminars rilevanti biex ittejjeb l-adozzjoni tagħhom u tqajjem sensibilizzazzjoni fost l-ibliet tal-UE dwar il-ħtieġa li jiġi stabbilit approċċ integrat għall-mobbiltà urbana sostenibbli.

33

Il-Pakkett tal-2013 dwar il-Mobbiltà Urbana rrapporta progress bil-mod lejn l-implimentazzjoni ta’ modi aktar sostenibbli ta’ mobbiltà urbana u ddikjara l-ħtieġa għal bidla fil-pass. Il-miżuri li huwa identifika għar-rinforz tal-appoġġ għall-ibliet Ewropej kienu jikkonsistu prinċipalment fil-ġbir u d-disseminazzjoni ta’ informazzjoni u pariri, riċerka u inizjattivi ta’ kondiviżjoni ta’ esperjenzi. Dawn il-miżuri huma maħsuba biex jindirizzaw sfidi tal-mobbiltà urbana fl-oqsma tal-konġestjoni tat-traffiku, l-emissjonijiet ta’ CO2 mit-trasport, l-esponiment perikoluż għal sustanzi li jniġġsu l-arja u l-fatalitajiet relatati mat-trasport. L-attivitajiet ta’ appoġġ kienu jinkludu dan li ġej:

  • Il-ħolqien tal-pjattaforma ELTIS18, li sservi bħala “osservatorju” tal-mobbiltà urbana – jiġifieri repożitorju tad-data – u punt uniku ta’ servizz għas-SUMPs;
  • Linji gwida dwar is-SUMPs, li fiż-żmien meta twettaq l-awditu kienu qed jiġu aġġornati, ikkomplementati minn sitt konferenzi tas-SUMPs;
  • Pariri dwar opportunitajiet ta’ finanzjament;
  • Appoġġ għall-ittestjar u l-użu ta’ soluzzjonijiet ta’ mobbiltà urbana innovattiva permezz ta’ inizjattivi bħal “CIVITAS19” u “EIP għal Bliet u Komunitajiet Intelliġenti20”.
34

Id-data tittella’ fuq is-sit web tal-ELTIS tal-Kummissjoni fuq bażi volontarja u tista’ ma tirriflettix l-aktar pożizzjoni reċenti. Madankollu, l-istħarriġ li wettaqna kkonferma l-evidenza mill-ELTIS li, fiż-żmien meta twettaq l-awditu, kien għad hemm ħafna nodi urbani li ma kinux adottaw SUMP, għalkemm għadd ta’ bliet qed jaħdmu f’dik id-direzzjoni.

35

Taħt il-leġiżlazzjoni attwali, l-ambjent huwa wieħed mill-oqsma l-aktar rilevanti li fihom l-UE tista’ teżerċita influwenza diretta fuq l-Istati Membri. Bil-leġiżlazzjoni tagħha f’dan il-qasam, l-UE ħolqot inċentiv qawwi biex l-ibliet jieħdu azzjoni biex jevitaw ir-riskju li jaqbżu sollijiet ambjentali. Il-leġiżlazzjoni ambjentali tinkludi wkoll l-adozzjoni ta’ standards aktar stretti tal-emissjonijiet għall-vetturi tat-trasport bit-triq u miri ambizzjużi għall-akkwist pubbliku ta’ vetturi nodfa. Dawn l-inizjattivi kellhom l-għan li jnaqqsu l-livell ta’ emissjonijiet li huma attribwibbli għat-trasport u, f’każijiet iżolati, wasslu għall-għeluq temporanju ta’ toroq individwali għal karozzi li jaħdmu bid-diżil (Hamburg, ara l-paragrafu 51).

Ġew allokati aktar fondi tal-UE għall-mobbiltà urbana sostenibbli fil-perjodu 2014-2020, iżda normalment SUMP mhuwiex kundizzjoni għall-finanzjament

36

Biex jiġi appoġġat l-objettiv ta’ politika li l-mobbiltà urbana ssir aktar sostenibbli, il-Fondi SIE għall-perjodu 2014-20 għall-mobbiltà urbana żdiedu b’46 %, meta mqabbla mal-perjodu preċedenti (ara l-paragrafu 10). Dan indika bidla ċara fil-fokus peress li, pereżempju, l-allokazzjonijiet għal toroq mhux fit-TEN-T naqsu b’25 %, minn EUR 20.8 biljun għal EUR 15.5 biljun. L-ammont ta’ EUR 12.8 biljun għal “trasport urban nadif” fil-perjodu 2014-2020 huwa l-akbar allokazzjoni fost l-oqsma individwali ta’ intervent relatati mat-trasport (ara l-Anness III). Proġetti maġġuri li jimmiraw lejn il-mobbiltà urbana kienu jikkonsistu prinċipalment f’investimenti fil-linji tal-metro jew tat-tramm u fil-materjal fuq ir-roti.

37

L-ibliet tal-UE ma għandhomx għalfejn isegwu l-linji gwida tal-Kummissjoni, u lanqas ma għandhom għalfejn ikollhom SUMPs, jew saħansitra strateġija nazzjonali komprensiva dwar it-trasport urban għal proġetti urbani li jibbenefikaw minn finanzjament mill-UE. Dan huwa minkejja l-fatt li nodi urbani konġestjonati jistgħu jxekklu b’mod serju l-effiċjenza tan-netwerk TEN-T, apoġġat minn fondi disponibbli taħt il-FNE madwar l-UE.

38

Tnejn mill-erba’ Stati Membri li żorna għamlu s-SUMPs kundizzjoni biex l-ibliet ikunu eliġibbli għal fondi nazzjonali jew tal-UE.

  • Fl-Italja, il-Ministeru nazzjonali tal-Infrastuttura u t-Trasport ħareġ digriet fl-2017, li jirrikjedi li l-ibliet b’aktar minn 100 000 abitant jadottaw SUMPs f’konformità mal-linji gwida tal-Kummissjoni qabel Ottubru 2019 (aktar tard ġie estiż b’sena), sabiex ikunu eliġibbli għal fondi nazzjonali għal infrastuttura tat-trasport pubbliku. Dan irriżulta f’żieda fl-għadd ta’ bliet li bdew il-proċess ta’ adozzjoni tas-SUMPs.
  • Fi Spanja, l-amministrazzjoni nazzjonali għamlet l-adozzjoni tas-SUMPs kundizzjoni biex fondi strutturali tal-UE jingħataw lill-amministrazzjonijiet reġjonali u lokali għat-trasport pubbliku urban jew metropolitan għall-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020. Is-SUMPs iridu jkunu f’konformità mal-istrateġija nazzjonali għall-mobbiltà sostenibbli. Skont l-awtoritajiet Spanjoli, dan wassal biex ċerti bliet b’aktar minn 50 000 abitant adottaw SUMPs.
39

B’hekk, li SUMP adottat isir kundizzjoni għall-finanzjament wera li huwa inċentiv qawwi biex l-ibliet jiżviluppaw strateġiji ta’ mobbiltà urbana fl-Italja u fi Spanja. Madankollu, fl-ebda waħda mill-ibliet li żorna f’dawn il-pajjiżi ma kienet twettqet valutazzjoni esterna tal-kwalità tas-SUMPs adottati. B’hekk, hemm riskju li l-proċess ta’ adozzjoni jsir formalità amministrattiva biex jingħata aċċess għall-fondi u li b’hekk SUMP jista’ ma jkollux il-kwalità meħtieġa biex jiġi xprunat it-titjib fil-mobbiltà urbana.

40

Fl-2019, il-Kummissjoni bdiet tindirizza l-kwistjoni tal-mobbiltà urbana fir-Rakkomandazzjonijiet tagħha Speċifiċi għall-Pajjiż (CSR), bħala parti mill-proċess tas-Semestru Ewropew. Qabel l-2019, il-mobbiltà urbana u l-konġestjoni kienu jissemmew biss sporadikament fis-CSRs (ara t-Tabella 2). Għall-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss, il-Kummissjoni pproponiet tisħiħ tar-rabta bejn l-użu ta’ finanzjament mill-UE u s-CSRs21, iżda mhuwiex ċar jekk din il-proposta, li f’Jannar 2020 kienet għadha qed tiġi diskussa fl-awtoritajiet leġiżlattivi, hijiex se titwettaq fil-verżjoni finali tal-leġiżlazzjoni.

Tabella 2 – Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż li jindirizzaw il-konġestjoni, il-mobbiltà urbana u t-trasport sostenibbli

2014 2015 2016 2017 2018 2019
Il-Belġju K/T T K/T K/T K/T K/M/T
Il-Bulgarija L L L L T T
Ir-Repubblika Ċeka L L T L L M/T
Id-Danimarka L L L T L K/T
Il-Ġermanja L T L L L K/M/T
L-Estonja T L T T L K/T
L-Irlanda L L T L K/M/T T
Il-Greċja / / / / / T
Spanja T T L L T T
Franza T L L L L L
Il-Kroazja L L L L L M/T
L-Italja T T T L L M/T
Ċipru / / L L L K/M/T
Il-Latvja T L L L L T
Il-Litwanja L L L L L M/T
Il-Lussemburgu L L L K T K/T
L-Ungerija T L L T L K/M/T
Malta T T K/T K/T K/T K/T
In-Netherlands L L L L L K
L-Awstrija T L L L L L
Il-Polonja T T T K/T K/T K/T
Il-Portugall T T L L L L
Ir-Rumanija T T L T T K/M/T
Is-Slovenja L L L L L T
Is-Slovakkja L T L L L M/T
Il-Finlandja L L L T L K/T
L-Iżvezja L L L L L T
Ir-Renju Unit L L L K T K/T

L - Le

K - Konġestjoni

M - Mobbiltà Urbana

T - Trasport Sostenibbli

Sors: l-analiżi tal-QEA bbażata fuq Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż maħruġa mill-Kummissjoni.

Bosta fatturi jaffettwaw l-effettività tal-appoġġ tal-Kummissjoni għal mobbiltà urbana aktar sostenibbli

41

Aħna identifikajna żewġ oqsma importanti fejn l-ibliet jiffaċċjaw sfidi li jillimitaw l-effettività tal-appoġġ tal-Kummissjoni: il-finanzjament tad-domandi tal-mobbiltà urbana sostenibbli; u l-iżvilupp ta’ politiki koerenti fl-oqsma tal-parkeġġ, iż-żoni ħielsa mit-traffiku u ċ-ċikliżmu.

Il-ħtiġijiet ta’ finanzjament tat-trasport pubbliku urban

42

Netwerk tat-trasport pubbliku li jkun effiċjenti u effettiv huwa kundizzjoni kruċjali biex iċ-ċittadini jiġu mħeġġa jagħmlu bidla lejn modi tat-trasport aktar sostenibbli. L-impenn finanzjarju li huwa involut jestendi lil hinn minn investimenti fl-infrastruttura tat-trasport pubbliku u fil-materjal fuq ir-roti – li għalihom l-UE tista’ tipprovdi appoġġ finanzjarju – għal spejjeż operazzjonali u ta’ manutenzjoni, li jistgħu jkunu sinifikanti (ara l-Kaxxa 3) u li għalihom l-UE ma tipprovdi l-ebda appoġġ finanzjarju.

Kaxxa 3

L-ispejjeż operazzjonali tat-trasport pubbliku – eżempji minn bliet li nżaru

Fi 15-il sena, l-ispejjeż operazzjonali tat-trasport pubbliku f’Barċellona żdiedu b’aktar mid-doppju, minn EUR 646 miljun fl-2003 għal EUR 1 373 miljun fl-2017. Matul dan il-perjodu, il-kontribuzzjoni nazzjonali żdiedet għal EUR 200 miljun fl-2010, iżda ilha tonqos minn dak iż-żmien ’il hawn u, fiż-żmien meta twettaq l-awditu, ammontat għal kemxejn aktar minn EUR 100 miljun.

F’Madrid, l-ispejjeż operazzjonali tat-trasport pubbliku żdiedu minn EUR 1 684 miljun fl-2013 għal EUR 2 014-il miljun fl-2016, għalkemm sussegwentement niżlu għal EUR 1 842 miljun fl-2017. Sadanittant, il-kontribuzzjonijiet mill-awtoritajiet nazzjonali naqsu konsiderevolment.

F’Hamburg, l-ispejjeż tat-trasport pubbliku qed jiżdiedu, speċjalment b’konsegwenza tal-estensjoni tat-tramm b’veloċità għolja. Skont l-awtoritajiet ta’ Hamburg, mill-2020 ’il quddiem, dawn l-ispejjeż se jammontaw għal bosta mijiet ta’ miljuni ta’ euro fis-sena. Sabiex tiġi koperta parti minn din iż-żieda, bejn l-2012 u l-2016 il-prezzijiet tal-biljetti tan-nollijiet żdiedu b’aktar minn 20 %.

Leipzig ukoll żied il-prezzijiet tal-biljetti tan-nollijiet, li jintużaw fuq bażi ta’ kull xahar, b’aktar minn 40 % bejn l-2011 u l-2018 sabiex ikopri parti mill-ispejjeż operazzjonali tiegħu li qed jiżdiedu.

43

L-ibliet ikopru xi wħud mill-ispejjeż operazzjonali tat-trasport pubbliku billi jitolbu ħlas għall-biljetti. Madankollu, dan ikopri biss parti mill-ispejjeż. Bħall-ibliet li żorna, il-proporzjon tal-ispejjeż koperti min-nollijiet kien ivarja bejn 81 % f’Hamburg u 8 % f’Palermo22. L-Assoċjazzjoni Internazzjonali tat-Trasport Pubbliku pprovditilna data minn 41 belt tal-UE, li turi li d-dħul minn biljetti ta’ kważi żewġ terzi tal-41 belt tal-UE li eżaminaw kien ikopri inqas minn 60 % tal-ispejjeż operazzjonali. L-istħarriġ tagħna wasal għal konklużjonijiet simili.

44

L-isfidi finanzjarji involuti huma riflessi fl-età tal-flotta tal-vetturi (l-Anness IV). F’Napli, pereżempju, fil-bidu tal-2013, l-età medja tal-500 xarabank tagħha kienet 11.5 snin, u l-problemi ta’ affidabbiltà kienu jfissru li inqas minn 65 % kienu disponibbli għall-użu ta’ kuljum. Għalkemm xi xarabanks kienu ġew sostitwiti, sa Novembru 2018 l-età medja kienet żdiedet għal 13.4 snin; l-awtoritajiet tal-belt rrappurtaw li dan id-deterjorament progressiv fis-servizz tat-trasport pubbliku wassal għal żieda fl-użu tal-karozzi. B’mod simili, f’Palermo, 71 % biss tal-flotta tax-xarabanks, b’età medja ta’ aktar minn 12-il sena, kienu disponibbli għall-użu ta’ kuljum.

45

Skont rapport li l-Kummissjoni ħarġet fl-201923, huwa stmat li l-ispejjeż totali tat-trasport għas-soċjetà fl-UE huma f’ammont ta’ EUR 987 biljun, li jinkludu spejjeż ambjentali (44 %), spejjeż relatati mal-aċċidenti (29 %) u spejjeż relatati mal-konġestjoni (27%). Fir-rigward tat-trasport tal-passiġġieri, il-karozzi privati jirrappreżentaw EUR 565 biljun, li jikkorrispondi għal EUR 0.12/km ta’ spejjeż esterni, meta mqabbel ma’ EUR 19-il biljun (EUR 0.04/km) għal xarabanks jew kowċijiet. L-imposti mit-taxxi (fjuwil u sjieda) u min-nollijiet li jiġġarrbu mill-utenti tal-karozzi privati jkopru kemxejn inqas minn nofs dawn l-ispejjeż, jiġifieri EUR 267 biljun. Ir-rapport identifika alternattivi biex il-proporzjon tal-ispejjeż totali mġarrba mill-utenti tal-karozzi privati jiżdied, inkluż l-użu ta’ skemi speċifiċi ta’ tariffi tat-triq għal żoni urbani sabiex jiġu indirizzati l-ispejjeż għolja tat-trasport urban.

46

Fattur ieħor li jikkontribwixxi għal spejjeż akbar huwa n-nuqqas ta’ standards armonizzati fost linji differenti tat-tramm u tal-metro, li jnaqqas il-kompetizzjoni fuq is-suq. F’Napli, pereżempju, dan il-fattur kien ifisser li kien hemm biss ftit li xejn kumpaniji li pproduċew ferroviji skont l-istandards meħtieġa, li wassal ukoll għal dewmien. F’Varsavja, b’kuntrast ta’ dan, iż-żewġ linji tal-metro għandhom l-istess standards, li wassal għal żidiet fl-effiċjenza matul il-kostruzzjoni tat-tieni linja tal-metro. Pereżempju, huwa possibbli li jintużaw imħażen mill-ewwel linja tal-metro matul din il-kostruzzjoni. L-isfidi involuti biex l-ibliet jibdlu l-istandards tekniċi attwali tagħhom ma’ dawk fil-livell tal-UE, biex inaqqsu l-ispejjeż, ikunu konsiderevoli u jiswew ħafna flus biex jiġu rimedjati. U spiss ikunu jridu jingħelbu wkoll ostakli politiċi f’termini ta’ kooperazzjoni akbar bejn bliet differenti.

Koerenza tal-politiki

47

Aħna eżaminajna jekk il-politiki tal-mobbiltà urbana tal-ibliet kinux qed jindirizzaw il-ħtieġa għal titjib fis-sostenibbiltà b’mod koerenti, billi jiffukaw fuq politiki tal-parkeġġ, l-użu tat-tariffi għall-konġestjoni u l-forniment ta’ faċilitajiet taċ-ċikliżmu.

48

L-ibliet li żorna adottaw politiki tal-parkeġġ maħsuba biex jiskoraġġixxu l-użu ta’ vetturi privati fl-ibliet, jew permezz taż-żieda fit-tariffi tal-parkeġġ jew inkella permezz tat-tnaqqis fl-għadd ta’ spazji ta’ parkeġġ. F’Leipzig, pereżempju, ġew installati faċilitajiet tal-parkeġġ għar-roti minflok spazji ta’ parkeġġ għall-karozzi, b’hekk tnaqqset id-disponibbiltà tal-parkeġġ għall-karozzi u żdiedet l-attraenza taċ-ċikliżmu (ara l-Istampa 5).

Stampa 5

Leipzig – il-parkeġġ għar-roti jieħu post il-parkeġġ għall-karozzi

Sors: il-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

49

Madankollu, kien hemm għadd ta’ każijiet fejn il-politiki tal-parkeġġ ma kinux konsistenti ma’ politiki tal-mobbiltà urbana sostenibbli:

  • Fil-Polonja, u speċjalment f’Varsavja, il-multa f’każ li ma jitħallasx il-parkeġġ hija aktar baxxa milli dik f’każ li ma jitħallasx it-trasport pubbliku.
  • Fil-Polonja wkoll, anki fejn il-parkeġġ mal-ġenb tat-triq ikun projbit, xorta huwa possibbli li tipparkja fuq il-bankina (ara l-Istampa 6), u b’hekk jitnaqqas l-ispazju pedonali disponibbli.

Stampa 6

Varsavja: Is-sinjal jgħid: “Il-projbizzjoni tal-parkeġġ ma tapplikax għall-bankini”

Sors: il-QEA.

50

Modi oħra kif jiġi skoraġġut l-użu ta’ vetturi privati huma l-istabbiliment ta’ żoni ħielsa mit-traffiku u l-użu tat-tariffi għall-konġestjoni:

  • Fl-2018, Madrid stabbilixxa żona ta’ traffiku ristrett b'daqs ta' 472 ettaru (Madrid Central – ara l-Kaxxa 4). B’konsegwenza ta’ dan, it-tniġġis minn NO2 naqas.

Kaxxa 4

Il-kontribut ta’ Madrid Central għat-tnaqqis fit-tniġġis

Madrid Central sar operazzjonali f’Marzu 2019. Data dwar NO2 minn Mejju 2019 fi Plaza del Carmen (l-uniku stazzjoni ta’ kejl fiż-Żona ta’ Madrid Central) turi li t-tniġġis minn NO2 naqas b’45 % meta mqabbel ma’ Mejju 2018. It-tniġġis minn NO2 naqas f’24 stazzjon f’Madrid fejn jitkejjel, bi tnaqqis medju ta’ 24 %. Kien hemm ukoll tnaqqis fit-tniġġis mill-istorbju.

  • Barċellona naqqset l-ispazju tat-toroq għall-karozzi billi ħolqot “superblocks”. Dawn ikopru 9 blokok residenzjali, b’erja ta’ 400m x 400m, imdawrin b’toroq fejn hemm konċentrazzjoni ta’ traffiku, bix-xarabanks inklużi. Fit-toroq ta’ ġewwa, il-karozzi ma jistgħux jidħlu jew huma limitati għal velocità baxxa. Dawn is-superblocks huma eżempju ta’ kif l-ibliet jistgħu jagħtu prijorità lill-mixi u liċ-ċikliżmu billi jieħdu spazju pubbliku mill-parkeġġ u jagħtuh liċ-ċittadini.
  • Palermo stabbilixxa żona ħielsa mit-traffiku daqs 4 ettari u jippjana li jirdoppja d-daqs tagħha. Huwa għandu wkoll l-intenzjoni li jnaqqas l-ispazju disponibbli għall-karozzi sabiex jespandi n-netwerk tat-tramm.
  • Xi bliet, inklużi Stokkolma u l-Belt Valletta, applikaw tariffi għall-konġestjoni u rrappurtaw li dan għen biex il-konġestjoni tonqos konsiderevolment, element li kkontribwixxa sinifikattivament għal modi tat-trasport li huma aktar sostenibbli. Id-dħul mit-tariffi għall-konġestjoni pprovda wkoll riżorsi finanzjarji għat-titjib tat-trasport pubbliku.
51

Madankollu, aħna sibna li l-kunċett tat-tariffi għall-konġestjoni ma ntużax b’mod mifrux, u li kien hemm każijiet fejn iż-żoni ta’ traffiku limitat ma ġewx implimentati b’mod konsistenti:

  • Kien hemm biss għadd żgħir ferm ta’ bliet li applikaw tariffi għall-konġestjoni, minkejja l-benefiċċji potenzjali tagħhom f’termini tat-tnaqqis tal-konġestjoni, iż-żieda tas-sostenibbiltà u l-forniment ta’ aktar introjtu. Dan jista’ jiġi spjegat parzjalment mill-kuntesti speċifiċi ta’ bliet individwali. Pereżempju, belt jista’ ma jkollhiex wisq rieda li tqis tariffa għall-konġestjoni jekk din it-tariffa tkun tnaqqas l-attraenza ta’ belt għaċ-ċittadini u n-negozji meta mqabbla ma’ bliet ġirien li ma għandhomx tariffa għall-konġestjoni.

Stampa 7

Triq f’Hamburg bi projbizzjoni temporanja għal karozzi antiki li jaħdmu bid-diżil

Sors: il-QEA, ibbażat fuq data ppubblikata mill-awtoritajiet ta’ Hamburg. Mappa: © QGIS.

  • Sabiex ikun konformi mas-sollijiet tal-kwalità tal-arja, Hamburg stabbilixxa projbizzjonijiet temporanji għal vetturi antiki li jaħdmu bid-diżil fi triq partikolari, qrib ta’ fejn tinsab konċentrazzjoni ta’ 5 mill-15-il stazzjon ta’ kejl tal-kwalità tal-arja tal-belt (ara l-mappa – l-Istampa 7). Hemm mnejn dawn il-miżuri jtejbu l-indikaturi, iżda x’aktarx li ma jwasslux għal titjib sinifikanti fil-kwalità tal-arja ġewwa belt kbira.
52

Il-potenzjal li ċ-ċikliżmu għandu biex iżid is-sostenibbiltà tal-mobbiltà urbana huwa konsiderevoli. F’Copenhagen, madwar 40 % tal-vjaġġi lejn ix-xogħol u lura jsiru bir-rota u kemm Antwerp kif ukoll Bordeaux wkoll kisbu tnaqqis konsiderevoli ta’ użu ta’ vetturi privati (ara l-paragrafu 19) minħabba l-espansjoni tan-netwerks tagħhom tal-mogħdijiet tar-roti24. Id-data minn Leipzig turi kif kemm l-ispiża ta’ manutenzjoni kif ukoll dik ta’ investiment għall-mogħdijiet għaċ-ċiklisti huma ħafna aktar baxxi milli l-mezzi tat-trasport l-oħra kollha.

53

Minkejja l-benefiċċji potenzjali taċ-ċikliżmu u l-ispejjeż ta’ investiment aktar baxxi tal-infrastruttura taċ-ċikliżmu, aħna osservajna li f’ħafna bliet ma kienx hemm impenn ċar favur it-titjib tal-mogħdijiet tar-roti:

  • F’ħafna bliet li nżaru, il-livelli ta’ ċikliżmu huma baxxi. Pereżempju, it-tul tal-mogħdijiet tar-roti f’Napli kien inqas minn 20 km, u s-sehem modali taċ-ċikliżmu f’Madrid u f’Barċellona kien bejn 1 % u 2 %. Il-pjan f’Barċellona ppreviena sehem modali ta’ 2.5 % għaċ-ċikliżmu fl-2018, filwaqt li l-pjan regolatorju għall-perjodu 2008-2016 ta’ Madrid għall-mobbiltà taċ-ċikliżmu rriżulta f’sehem modali finali ta’ 1.2 % biss fl-2016. Il-pjan ġie rivedut fl-2016 b’mira ġdida ta’ 5 % fl-2025.
  • Ftit mill-bliet li żorna kellhom miri għaċ-ċikliżmu fil-pjanijiet tagħhom. Dawk il-miri li kienu jeżistu xi kultant kienu kkombinati mal-mixi.
  • Lanqas ma hemm miri ċari dwar l-għadd jew it-tip ta’ mogħdijiet tar-roti li għandhom isiru. F’xi bliet, bħal Madrid, il-mogħdijiet tar-roti mhumiex totalment separati mit-traffiku motorizzat jew mill-persuni mexjin fuq il-bankina.
54

Id-data li l-ibliet ipprovdew dwar sehem modali kif ukoll l-informazzjoni li nġabret fil-bliet li żorna, bħal Madrid u Barċellona, turi li hemm riskju konsiderevoli li żidiet fil-mobbiltà attiva, bħaċ-ċikliżmu u l-mixi, jiġu minn bidla mit-trasport pubbliku minflok mill-użu ta’ karozzi privati. F’Antwerp, pereżempju, mill-2013 sal-2017, kemm l-użu tal-karozzi privati kif ukoll tat-trasport pubbliku naqsu b’4.4 % u 2.8 % rispettivament, filwaqt li s-sehem taċ-ċikliżmu żdied b’7.3 % matul l-istess perjodu; f’Lisbona, it-trasport pubbliku naqas minn 34 % fl-2013 għal 22 % fl-2017. Ir-riskju ta’ użu akbar tal-karozzi jiżdied f’perjodi ta’ tnaqqis fil-prezzijiet tal-fjuwil. Pereżempju, f’Hamburg u f’Leipzig, il-prezzijiet tal-fjuwil naqsu konsiderevolment bejn l-2012 u l-2018 filwaqt li l-prezzijiet tal-biljetti żdiedu b’rata li tilħaq l-40 %.

55

Dawn l-eżempji juru l-importanza li t-trasport pubbliku u l-mobbiltà attiva jsiru aktar attraenti, iżda mhux biss; huwa importanti wkoll li jittieħdu passi effettivi biex il-persuni jiġu skuraġġuti milli jużaw il-karozzi privati tagħhom.

56

Ħafna mill-eżempji pożittivi li sibna kienu jirrikjedu tmexxija politika u komunikazzjoni effettiva konsiderevoli biex jiġu implimentati. Ħafna drabi ikun diffiċli biex iċ-ċittadini jiġu mħeġġa jħallu l-kumdità tal-karozzi tagħhom biex, minflok, jużaw forom oħra ta’ trasport. Pereżempju, l-introduzzjoni tat-tariffa għall-konġestjoni fi Stokkolma kienet tirrikjedi fażi inizjali ta’ ttestjar qabel ma setgħet tiġi introdotta bis-sħiħ. Għalkemm iċ-ċittadini għall-bidu ma aċċettawx l-idea, issa ma jixtiqux li jmorru lura għas-sitwazzjoni tal-bidu mingħajr it-tariffi għall-konġestjoni. U kemm Barċellona kif ukoll Leipzig enfasizzaw l-importanza ta’ komunikazzjoni effettiva dwar il-benefiċċji potenzjali tas-soluzzjonijiet proposti qabel l-introduzzjoni tas-superblocks u qabel it-tnaqqis tal-ispazji għall-vetturi privati rispettivament.

Xi proġetti li eżaminajna ma kinux effettivi għalkollox u xi wħud ma kinux ibbażati fuq strateġiji sodi

57

Aħna vvalutajna l-effettività tal-15-il proġett tal-UE li eżaminajna. Ivvalutajna wkoll jekk dawn il-proġetti kinux ibbażati fuq approċċi strateġiċi sodi u jekk l-istrateġiji fil-livelli lokali kinux koerenti mal-prinċipji tal-istrateġija stabbiliti mill-Kummissjoni fid-dokumenti ta’ politika u l-linji gwida tagħha.

Xi proġetti ma kinux daqshekk effettivi daqs kemm kien intenzjonat

58

Mhux il-proġetti awditjati kollha kienu effettivi għalkollox. Aħna osservajna għadd ta’ eżempji fejn il-proġetti rrappurtaw inqas użu milli kien ippjanat:

  • Il-proġetti f’Napli u f’Palermo li kellhom l-għan li jżidu l-użu tax-xarabanks u tat-tramm kellhom dewmien konsiderevoli, bl-eċċezzjoni tax-xiri ta’ xarabanks f’Napli. Ladarba l-proġetti ġew ikkompletati, l-għadd reali ta’ passiġġieri kien sinifikattivament aktar baxx milli kien ippjanat.
  • Il-proġetti f’Varsavja u f’Łódź ġew ikkompletati kif kien mistenni u tejbu t-trasport pubbliku li kien disponibbli għaċ-ċittadini, iżda ma rriżultawx f’bidliet sinifikanti fis-sehem modali. Wara l-implimentazzjoni tal-proġett tal-materjal fuq ir-roti tat-tramm f’Łódź, in-netwerk tat-tramm tjieb iżda l-għadd ta’ passiġġieri tat-trasport pubbliku ma żdiedx meta mqabbel mal-2014, meta beda l-proġett (il-mira li ġiet stabbilita fiż-żmien tal-approvazzjoni tal-proġett). Sadanittant, il-konġestjoni żdiedet.
  • F’Barċellona, il-kostruzzjoni ta’ karreġġata għax-xarabanks u l-HOV (high occupancy vehicle - vettura b’okkupazzjoni għolja) kellha dewmien konsiderevoli u spejjeż akbar milli ppjanat u ma laħqitx l-objettivi tagħha f’termini tal-għadd ta’ vetturi li jużawha.
59

L-estensjoni tal-linja tal-metro nru 11 f’Madrid assumiet li t-traffiku jkun jiżdied b’riżultat tal-kostruzzjoni ta’ ċentru kummerċjali ġdid. Dan iċ-ċentru kummerċjali kien diġà qrib ta’ oħrajn eżistenti u għalaq ftit wara li fetħet il-linja tal-metro l-ġdida, bir-riżultat li l-għadd ta’ utenti kien 45 % inqas milli kien ippjanat. Aħna sibna bosta raġunijiet li kkontribwew għall-effettività limitata tal-proġetti li nżaru. Dawn kienu nuqqasijiet kemm fl-istadju ta’ ppjanar tal-proġetti kif ukoll fl-istadju ta’ implimentazzjoni:

  • Il-linja tat-tramm f’Palermo kienet ikkonċepita mill-bidu nett biex tiddependi minn proġetti tat-trasport oħra li huma mmexxija minn operaturi oħra. Dan espona l-proġett għar-riskju ta’ dewmien fl-implimentazzjoni tal-proġetti l-oħra; sussegwentement dan ir-riskju mmaterjalizza. L-effettività tal-proġett ġiet ukoll imfixkla min-nuqqas ta’ integrazzjoni tal-biljetti bejn l-operaturi differenti involuti, li kien ifisser li l-passiġġieri jridu jixtru bosta biljetti biex jilħqu ċ-ċentru tal-belt bit-tramm.
  • Il-karreġġata tax-xarabanks u l-HOV f’Barċellona kienet tikkonsisti f’karreġġata addizzjonali, f’ċerti taqsimiet mibnija fuq awtostrada eżistenti. Il-proġett ipprovda ffrankar ta’ ħin ta’ madwar erba’ minuti, iżda dan ma kienx jikkostitwixxi inċentiv suffiċjenti biex utent privat jaqleb għall-karreġġata tax-xarabanks u l-HOV, li kien l-objettiv tal-proġett.
  • Fil-każ tal-estensjoni tal-linja tal-metro f’Napli, l-awtoritajiet lokali ma akkwistawx ferroviji tal-metro ġodda fil-ħin. Dan kien ifisser li l-istess għadd ta’ ferroviji kellu jservi t-tul miżjud tal-linja, li rriżulta fi frekwenza aktar baxxa u livelli tas-servizz aktar baxxi.

Il-proġetti mhux dejjem kienu bbażati fuq strateġiji sodi tal-mobbiltà urbana

60

Aħna identifikajna għadd ta’ każijiet fejn il-proġetti ffinanzjati mill-UE ma kinux ibbażati fuq strateġiji sodi, la SUMPs u lanqas strateġiji oħra tas-settur. Dgħufijiet fl-approċċi strateġiċi jinkludu nuqqas ta’ data komprensiva u miri xierqa, u koordinazzjoni insuffiċjenti ma’ pjanijiet u politiki oħra.

Nuqqas ta’ data rilevanti u affidabbli

61

Jenħtieġ li kull politika u strateġija tibda minn dijanjożi soda, li għaliha tkun neċessarja l-ġabra ta’ data rilevanti u affidabbli. Madankollu, ma hemm l-ebda sett ta’ indikaturi komuni relatati mal-mobbiltà urbana fil-livell Ewropew, u mhux l-Istati Membri kollha jiġbru sistematikament data rilevanti. Il-kisba ta’ data sinifikattiva mill-ibliet u mill-Istati Membri għal dan l-awditu kienet sfida kbira. In-nuqqas ta’ data tajba jagħmilha diffiċli biex il-Kummissjoni jkollha stampa affidabbli tal-istat tal-mobbiltà urbana fl-UE u b’hekk biex tiżviluppa inizjattivi ta’ politika xierqa wkoll.

62

Il-Kummissjoni stabbiliet, mal-ELTIS (ara l-paragrafu 33), osservatorju ta’ mobbiltà urbana fejn tiġbor eżempji ta’ prattika tajba u esperjenza mill-ibliet tal-UE. Barra minn hekk, fiż-żmien meta twettaq l-awditu, hija kienet qed tmexxi proġett pilota ma’ madwar 50 belt tal-UE, bil-ħsieb li jinħoloq sett komuni ta’ indikaturi tal-mobbiltà urbana bħala gwida għall-ġbir tad-data. Skont informazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni, il-proġett identifika 21 indikatur, li l-bliet jistgħu jużaw biex jevalwaw il-politiki ta’ mobbiltà urbana tagħhom b’mod standardizzat.

63

Xi Stati Membri, bħall-Italja, il-Ġermanja u Spanja, ukoll bdew jistabbilixxu osservatorji ta’ mobbiltà urbana u jiġbru data sinifikattiva mill-ibliet, b’linji gwida u standards biex maż-żmien din issir kumparabbli u konsistenti. Madankollu, aħna sibna li d-data pprovduta mill-osservatorji mhux dejjem tkun taqbel ma’ dik ipprovduta mill-muniċipalitajiet.

64

Mit-88 belt li stħarriġna, 30 biss ipprovdew parti mid-data li tlabna, u l-ebda belt ma pprovdiet is-sett sħiħ ta’ data. Kemxejn aktar minn nofs il-wiġġieba pprovdew data dwar is-sehem modali fl-2016 jew fl-2017, filwaqt li saħansitra inqas indikaw id-data għas-snin preċedenti. B’mod simili, ftit bliet biss ipprovdew data rilevanti u dettaljata dwar il-livelli ta’ konġestjoni.

65

Barra minn hekk, aħna sibna li xi bliet ma għamlux użu sħiħ mill-għodod tas-sistema ta’ informazzjoni ġeografika li issa huma disponibbli għall-analizzar tan-netwerks tat-trasport urban tagħhom. Ta’ spiss, huma llimitaw l-analiżi tagħhom għal dettalji bażiċi (pereżempju, “id-distanza sal-eqreb waqfa tat-trasport pubbliku”), mingħajr analiżi sħiħa tad-domanda. Huwa mistenni li analiżijiet sħaħ jieħdu kont, bħala minimu, tal-flussi u l-frekwenzi tat-trasport pubbliku, kif ukoll tal-aċċessibbiltà ta’ destinazzjonijiet ewlenin bħal sptarijiet, skejjel u postijiet tax-xogħol b’modi tat-trasport differenti.

Nuqqas ta’ miri kwantifikati u pjanijiet operazzjonali biex jiġu implimentati l-istrateġiji

66

F’bosta każijiet, l-istrateġiji ma identifikaw l-ebda objettiv jew mira f’termini ta’ riżultati jew sehem modali. Mit-tmint ibliet li nżaru, tlieta stabbilew miri speċifiċi għas-sehem modali:

  • Il-belt ta’ Leipzig stabbiliet miri għas-sehem modali fil-pjan tat-trasport tagħha tal-2015 għall-modi kollha tat-trasport li jirrispettaw l-ambjent, u użathom fl-iżvilupp tagħha ta’ xenarji differenti.
  • Bl-istess mod, il-belt ta’ Barċellona identifikat tliet xenarji ta’ intervent possibbli u stabbiliet miri speċifiċi għall-alternattiva magħżula tagħha, inklużi miri għall-mobbiltà attiva. Hija vvalutat il-progress f’intervalli regolari.
  • Il-belt ta’ Madrid identifikat kemm mira ġenerika ta’ 6 % tnaqqis fit-traffiku, kif ukoll miri speċifiċi f’termini ta’ sehem modali għal vetturi privati, trasport pubbliku u mobbiltà attiva.

Bliet oħra ma kellhom miri ta’ xejn jew kellhom biss miri għal xi modi tat-trasport:

  • Il-belt ta’ Hamburg stabbiliet miri għaċ-ċikliżmu biss, u mhux għal modi oħra tat-trasport.
  • Il-belt ta’ Varsavja identifikat miri operazzjonali f’termini ta’ rati ta’ sodisfazzjon tal-abitanti bil-kwalità tal-ispazji pubbliċi u tal-ambjent naturali ġewwa l-belt, iżda l-ebda mira speċifika f’termini ta’ sehem modali.
  • F’Napli, Palermo u Łódź ma kien hemm l-ebda mira speċifika f’termini ta’ sehem modali. Il-Pjan tat-Traffiku Urban ta’ Palermo għandu l-objettiv ġeneriku ta’ mezzi ta’ trasport li jniġġsu inqas, u konsum tal-enerġija speċifiku aktar baxx, iżda ma identifikax miri speċifiċi li għandhom jintlaħqu. F’Łódź, l-analiżi li twettqet mill-awtorità tat-trasport biex jiġi identifikat is-sehem modali kienet tinkludi roti u muturi fl-istess kategorija, minkejja d-differenzi inerenti tagħhom f’termini ta’ sostenibbiltà u użu ta’ spazju pubbliku.
67

Ta’ spiss, l-ibliet kienu adottaw strateġiji rilevanti iżda kien hemm dgħufijiet fil-pjanijiet tagħhom biex jimplimentawhom, inklużi indikazzjonijiet mhux ċari tal-prijoritajiet, l-ispejjeż u s-sorsi ta’ finanzjament.

  • F’Palermo, il-Pjan Strateġiku dwar il-Mobbiltà Sostenibbli ppreviena interventi fit-terminu qasir, medju u twil, u kien jinkludi skeda ta’ żmien għax-xogħlijiet u l-ispejjeż antiċipati. Huwa kien jinkludi wkoll prijoritizzazzjoni għat-terminu medju-qasir u dak medju-twil, ibbażat prinċipalment fuq ħtiġijiet ekonomiċi.
  • F’Napli, il-pjan strateġiku kien ibbażat fuq pjanijiet settorjali li ma kinux għadhom applikabbli. Dan il-pjan ma kienx ikkomplementat bi pjan ta’ implimentazzjoni, u ma speċifikax kif l-azzjonijiet differenti jkunu jingħataw prijorità.
  • F’Leipzig, il-pjan jinkludi l-prinċipji ta’ ppjanar u miri ġenerali, iżda ma jinkludix, pereżempju, lista ta’ miżuri b’finanzjament jew skedi ta’ żmien assoċjati. Minflok, huwa jirreferi għal miżuri mmirati għal setturi speċifiċi ppreżentati fi pjanijiet oħra.
  • Il-belt ta’ Hamburg żviluppat għadd ta’ azzjonijiet possibbli (“Themenspeicher”), iżda ma pprovdiet l-ebda informazzjoni dwar prijoritajiet jew kif il-miżuri jistgħu jintgħażlu.
  • Il-belt ta’ Madrid żviluppat strateġija dettaljata magħmula minn 8 linji strateġiċi, 15-il qasam ta’ intervent u 95 azzjoni speċifika, iżda hija ma kinitx tinkludi informazzjoni dwar kif l-implimentazzjoni tas-SUMP tagħha tkun tiġi ffinanzjata.
  • La Varsavja u lanqas Łódź ma għandhom pjan ta’ implimentazzjoni għall-istrateġiji tagħhom.

Insuffiċjenza fil-koordinazzjoni ma’ pjanijiet oħra u fil-kunsiderazzjoni għall-periferija

68

Integrazzjoni effettiva maż-żoni ta’ madwar, li tinvolvi modi tat-trasport differenti u kollegament mal-ippjanar urban, hija essenzjali għal mobbiltà urbana aktar sostenibbli. Bl-eċċezzjoni ta’ Barċellona, fl-ebda waħda mill-ibliet li nżaru ma kien saret integrazzjoni tal-pjanijiet ta’ mobbiltà urbana maż-żona ta’ madwar. F’Barċellona kien hemm koordinazzjoni attiva fost muniċipalitajiet differenti favur trasport pubbliku aktar integrat. Għal dan l-għan inħoloq korp amministrattiv li jkopri 36 muniċipalità. Fiż-żmien meta twettaq l-awditu, dan il-korp kien qed jabbozza pjan ta’ mobbiltà għall-iskop li jlaqqa’ flimkien is-36 pjan ta’ mobbiltà muniċipali individwali. Copenhagen, għalkemm ma nżaritx matul l-awditu, tipprovdi eżempju pożittiv (ara l-Kaxxa 5).

Kaxxa 5

Copenhagen: Approċċ innovattiv għall-ippjanar tal-mobbiltà urbana

Copenhagen tikkombina b’mod effettiv l-ippjanar tal-mobbiltà urbana mal-ippjanar urban. Bħala eżempju, spazji tal-uffiċċji u tax-xogħol b’aktar minn għadd stabbilit ta’ impjegati jistgħu biss ikunu stabbiliti qrib stazzjon prinċipali tat-trasport pubbliku.

69

B’kuntrast ta’ dan, 37 % mill-belt ta’ Varsavja hija koperta minn pjanijiet ta’ żvilupp spazjali, li jnaqqas l-għodod disponibbli biex jiġi żgurat li l-urbanizzazzjoni tal-belt tiżviluppa b’mod kontrollat u b’koordinazzjoni mal-pjanijiet tal-mobbiltà urbana.

Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

70

Biex il-mobbiltà urbana fl-UE ssir aktar sostenibbli, azzjoni koerenti mill-partijiet ikkonċernati kollha hija kruċjali. Mill-pakkett tagħha tal-2013 dwar il-Mobbiltà Urbana, il-Kummissjoni ħarġet firxa ta’ dokumenti ta’ politika u gwida, u żiedet il-finanzjament li hija tipprovdi lil proġetti f’dan il-qasam. Aħna nirrikonoxxu li titjib sinifikanti fil-mobbiltà urbana sostenibbli jista’ jirrikjedi aktar żmien biex jimmaterjalizza. Madankollu, sitt snin wara li l-Kummissjoni appellat għal bidla fil-pass, ma hemm l-ebda indikazzjoni ċara li l-ibliet qed jibdlu fundamentalment l-approċċi tagħhom.

71

Ma hemm l-ebda xejra ċara lejn modi tat-trasport aktar sostenibbli. Għalkemm l-ibliet stabbilew firxa ta’ inizjattivi biex jespandu l-kwalità u l-kwantità tat-trasport pubbliku, b’mod ġenerali ma kien hemm l-ebda tnaqqis sinifikanti fl-użu tal-karozzi privati. Għalkemm xi indikaturi tal-kwalità tal-arja tjiebu kemxejn, għad hemm ħafna bliet li jaqbżu l-istandards tal-kwalità minimi tal-UE. L-emissjonijiet ta’ gassijiet serra minħabba t-trasport bit-triq kienu qed jiżdiedu b’mod kostanti. Ta’ spiss, l-ivvjaġġar bit-trasport pubbliku jieħu aktar ħin milli b’karozza privata.

72

Fl-aħħar 10 snin, biex tgħin lill-ibliet jindirizzaw l-isfidi involuti, il-Kummissjoni ħarġet firxa ta’ dokumenti ta’ politika, flimkien ma’ linji gwida. F’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà, l-Istati Membri u l-ibliet tagħhom mhumiex obbligati jsegwu din il-gwida, u din tal-aħħar ġiet adottata sa livell limitat – b’mod notevoli f’termini ta’ tħejjija tas-SUMPs. Biex tappoġġa l-politika tagħha dwar il-mobbiltà sostenibbli, l-UE għamlet disponibbli ammonti sinifikanti ta’ fondi. Ma hemm l-ebda rekwiżit tal-UE biex l-aċċess għall-finanzjament ikun kundizzjonali għal tħejjija ta’ SUMPs, għalkemm xi Stati Membri imponew din il-kundizzjoni fil-livell nazzjonali. Fi snin reċenti l-Kummissjoni żiedet il-pressjoni politika li hija tista’ tagħmel fuq il-mobbiltà urbana sostenibbli permezz tal-proċess tas-Semestru Ewropew. Madankollu, din il-pressjoni se tkun limitata jekk ma jkunx hemm rabta ċara bejn is-CSRs u l-użu li l-Istati Membri jagħmlu mill-finanzjament mogħti mill-UE.

73

Xi Stati Membri u bliet issieltu biex jikkomplementaw il-fondi tal-UE b’riżorsi xierqa biex jiżguraw it-tħaddim u l-manutenzjoni adegwati tan-netwerk tagħhom tat-trasport pubbliku; l-ispejjeż jistgħu jogħlew ukoll għax il-linji mhux dejjem ikunu teknikament interoperabbli. Barra minn hekk, għadd ta’ prattiki tal-mobbiltà urbana fuq livelli lokali ma kinux koerenti mal-għan ta’ mobbiltà urbana aktar sostenibbli. Aħna sibna eżempji ta’ inizjattivi pożittivi favur il-mobbiltà urbana sostenibbli; dawn kellhom it-tendenza li jirrikjedu livelli konsiderevoli ta’ tmexxija politika u ta’ sforzi ta’ komunikazzjoni biex jirbħu l-aċċettazzjoni taċ-ċittadini.

74

Aħna sibna li l-proġetti li eżaminajna, li jirċievu finanzjament mill-UE, ma kinux effettivi daqs kemm kien intenzjonat, minħabba dgħufijiet fit-tfassil u l-implimentazzjoni tagħhom. Dawn il-proġetti mhux dejjem kienu bbażati fuq strateġiji sodi tal-mobbiltà urbana, li spiss kellhom nuqqas ta’ data fundamentali u ta’ analiżijiet xierqa, kif ukoll nuqqas ta’ miri rilevanti u koordinazzjoni kemm ma’ pjanijiet oħra kif ukoll ma’ muniċipalitajiet ġirien.

75

Fuq il-bażi ta’ dawn il-konklużjonijiet, aħna nagħmlu r-rakkomandazzjonijiet li ġejjin, li nistiednu lill-Kummissjoni tqis fid-dawl tal-aspirazzjonijiet tal-“Patt Ekonoloġiku Ewropew” ta’ Diċembru:

Rakkomandazzjoni 1 – Tiġi ppubblikata data dwar il-mobbiltà urbana

Filwaqt li tibni fuq l-esperjenza tagħha fit-twaqqif tal-osservatorju ELTIS u l-proġett pilota tagħha dwar l-iżvilupp ta’ sett ta’ indikaturi komuni dwar il-mobbiltà urbana, jenħtieġ li l-Kummissjoni:

  1. Wara li tkun wettqet valutazzjoni tal-impatt, u bil-kundizzjoni li joħroġ eżitu pożittiv minn dan il-proċess, tipproponi leġiżlazzjoni li tirrikjedi li l-Istati Membri jiġbru u jippreżentaw regolarment data rilevanti dwar il-mobbiltà urbana u dwar l-adozzjoni tas-SUMPs fin-nodi urbani kollha tal-UE li jiffurmaw parti min-netwerks ewlenin u dawk komprensivi tat-TEN-T, inklużi ż-żoni ta’ madwar tagħhom.
  2. Ibbażat fuq id-data li l-Istati Membri huma meħtieġa jippreżentaw, tirrapporta b’mod regolari dwar il-progress li jkun sar mill-Istati Membri u n-nodi urbani biex il-mobbiltà urbana ssir aktar sostenibbli.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: (a) sal-2022 u (b) sal-2024.

Rakkomandazzjoni 2 – Tinħoloq rabta bejn il-finanzjament u s-SUMPs
  1. Għall-FEŻR u għall-FK, jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura li l-programmi jagħtu aċċess għal fondi għall-mobbiltà urbana bil-kundizzjoni li jkun hemm SUMP (jew impenn li jiġi adottat SUMP sa data ta’ skadenza raġonevoli), u bil-kundizzjoni li jingħata aċċertament dwar id-disponibbiltà ta' finanzjament suffiċjenti għall-ispejjeż operazzjonali u ta’ manutenzjoni.
  2. Meta tapprova programmi, tiżgura li r-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż jiġu riflessi b’mod sinifikattiv, irrispettivament minn jekk dan huwiex rekwiżit leġiżlattiv jew le.
  3. Data mmirata għall-implimentazzjoni: (a) u (b) għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2021-2027.

  4. Għall-FNE, jenħtieġ li l-Kummissjoni tagħti prijorità ogħla lil dawk il-proposti tal-proġetti f’nodi urbani, li huma appoġġati minn SUMP fil-belt rilevanti.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: bidu tal-perjodu 2021-2027 tal-QFP.

Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla II, immexxija mis-Sinjura Iliana Ivanova, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tal-5 ta’ Frar 2020.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Klaus-Heiner Lehne
Il-President

Annessi

Anness I Lista tal-proġetti vvalutati

Pajjiż Belt Fond - Programm operazzjonali Isem u deskrizzjoni tal-proġett Spiża totali ppjanata (miljun EUR) Appoġġ mill-UE ppjanat (miljun EUR)
L-Italja Napli FEŻR - 2007IT161PO009 Xogħlijiet fuq il-linja 1 tal-metro f’Napli (il-proġett maġġuri 2009IT161PR020) 573 430
FEŻR - 2014IT16RFOP007 Xiri ta’ flotta ta’ xarabanks (il-proġetti 18014BP000000002 u 18014BP000000004) 14 10.5
Palermo FEŻR - 2007IT161PO011 Kostruzzjoni tat-tramm f’Palermo (il-proġett maġġuri 2008IT161PR002) 137 103
FEŻR - 2014IT161M2O004 Xiri ta’ flotta ta’ xarabanks (il-proġetti D70D16000020006 u D70D17000000006) 11 8.25
Il-Ġermanja Hamburg FEŻR - 2014DE16RFOP006 iPlanB - Analiżi Interattiva ta’ Big-Data għall-Ippjanar ta’ xogħlijiet tat-toroq (Interaktive Big-Data-Analysen für die Planung von Baumaßnahmen) 0.6 0.06
Leipzig FEŻR - 2007DE161PO004 Stazzjonijiet tal-mobbiltà (ċentri żgħar ta’ informazzjoni fuq il-post li jikkombinaw is-servizzi tal-mobbiltà pprovduti mill-Awtorità tat-Trasport ta’ Leipzig (LVB) ma’ tal-inqas żewġ modi u fornituri tat-trasport addizzjonali, bħall-car sharing, l-istazzjon tar-roti tal-belt, jew l-istazzjon ta’ forniment elettroniku) 7.8 5.5
FEŻR - 2014DE16RFOP012 Xiri ta’ flotta ta’ xarabanks: 11-Il xarabank ġdid artikolat 3.7 1.5
Spanja Madrid FEŻR - 2008ES162PR002 Estensjoni tal-linja 11 tal-Metro ta’ Madrid (proġett maġġuri) 100 50
Self mill-BEI - appoġġat mill-FEIS Aġġornament tal-infrastruttura tal-Metro de Madrid 402 396
Barċellona FEŻR - 2007ES162PO006 Karreġġata riżervata għal xarabanks u vetturi b’okkupazzjoni għolja fuq l-awtostrada C-58 (2008ES162PR001) (proġett maġġuri) 78 39
“proġett ta’ kostruzzjoni tal-Interskambju dijagonali” (PO011876) 17 8.5
Il-Polonja Varsavja FK - 2007PL161PO002 It-tieni linja tal-Metro f’Varsavja - xogħol ta’ tħejjija, disinn u kostruzzjoni tat-taqsima ċentrali flimkien max-xiri ta’ materjal fuq ir-roti POIS 07.03.00-00-007/10 1 04925 83926
Dħul fis-servizz tal-konnessjoni tat-tramm fiż-żoni tat-Tramuntana ta’ Varsavja, b’kollegament mal-espansjoni tan-netwerk tal-metro u x-xiri ta’ materjal fuq ir-roti POIS 07.03.00-00-009/10 14527 11628
Łódź Xiri ta’ materjal fuq ir-roti ġdid sabiex tiżdied il-kompetittività tat-trasport pubbliku f’Łódź (numru tal-proġett POIS.07.03.00-00-046/14) 31.529 2530
Nodu multimodali fl-istazzjon tal-ferrovija Fabryczna f’Łódź (numru tal-proġett POIS.07.03.00-00-016/11) 7831 6332

Sors: il-QEA.

Anness II Mapep tal-ibliet li nżaru

Madrid

Aċċessibbiltà f’temp ta’ 30 minuta ta’ sewqan matul l-eqqel tat-traffiku fl-2012 u fl-2019

Hamburg

Aċċessibbiltà f’temp ta’ 30 minuta ta’ sewqan matul l-eqqel tat-traffiku fl-2012 u fl-2019

Aċċessibbiltà kumparattiva ta’ stazzjonijiet prinċipali tal-ferrovija bil-karozza u bit-trasport pubbliku matul l-eqqel tat-traffiku

Leipzig

Aċċessibbiltà f’temp ta’ 30 minuta ta’ sewqan matul l-eqqel tat-traffiku fl-2012 u fl-2019

Aċċessibbiltà kumparattiva ta’ stazzjonijiet prinċipali tal-ferrovija bil-karozza u bit-trasport pubbliku matul l-eqqel tat-traffiku

Napli

Aċċessibbiltà f’temp ta’ 30 minuta ta’ sewqan matul l-eqqel tat-traffiku fl-2012 u fl-2019

Palermo

Aċċessibbiltà f’temp ta’ 30 minuta ta’ sewqan matul l-eqqel tat-traffiku fl-2012 u fl-2019

Aċċessibbiltà kumparattiva ta’ stazzjonijiet prinċipali tal-ferrovija bil-karozza u bit-trasport pubbliku matul l-eqqel tat-traffiku

Varsavja

Aċċessibbiltà f’temp ta’ 30 minuta ta’ sewqan matul l-eqqel tat-traffiku fl-2012 u fl-2019

Aċċessibbiltà kumparattiva ta’ stazzjonijiet prinċipali tal-ferrovija bil-karozza u bit-trasport pubbliku matul l-eqqel tat-traffiku

Lodz

Aċċessibbiltà f’temp ta’ 30 minuta ta’ sewqan matul l-eqqel tat-traffiku fl-2012 u fl-2019

Anness III Allokazzjonijiet taħt il-FSIE għall-perjodu 2014-20 skont il-qasam ta’ intervent

Sors: analiżi tal-QEA bbażata fuq data tal-Kummissjoni (Infoview).

Anness IV Età medja tax-xarabanks fl-ibliet li nżaru

Belt 2013 2014 2015 2016 2017 2018
Madrid 5.5 6.0 6.6 6.9 6.7
Barċellona 9.0 9.0
Hamburg 5.9 5.9 6.4 6.7 5.9
Leipzig 4.9 5.1 6.1 6.1 6.9 7.3
Napli 12.1 12.7 13.5 13.9 14.2 13.4
Palermo 10.3 10.8 11.2 10.4 11.4 12.4
Varsavja 6.3 6.6 6.7 6.4 6.6 6.6
Łódź 7.2 7.1 6.6 6.8 7.7 8.7

Sors: il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, ibbażat fuq data pprovduta mill-ibliet rispettivi.

Glossarju, akronimi u abbrevjazzjonijiet

Mobbiltà attiva: forma ta’ trasport li juża biss l-attività fiżika. L-aktar forom komuni ta’ mobbiltà attiva huma l-mixi u ċ-ċikliżmu.

FNE: Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa. Hija strument ta’ finanzjament tal-UE għall-perjodu mill-2014 sal-2020 li għandu l-għan li jappoġġa l-iżvilupp ta’ netwerks trans-Ewropej li jkunu ta’ prestazzjoni għolja, sostenibbli u interkonnessi b’mod effiċjenti fl-oqsma tat-trasport, l-enerġija u s-servizzi diġitali.

CIVITAS: netwerk ta’ bliet għal bliet iddedikat għal trasport aktar nadif u aħjar fl-Ewropa u lil hinn minnha. Minn meta tniedet mill-Kummissjoni Ewropea fl-2002, l-Inizjattiva CIVITAS ittestjat u implimentat aktar minn 800 miżura u soluzzjoni tat-trasport urban bħala parti minn proġetti ta’ dimostrazzjoni f’aktar minn 80 belt “laboratorju ħaj” madwar l-Ewropa kollha. L-għarfien miġbur permezz ta’ dawn l-esperjenzi prattiċi jiġi kkomplementat, u appoġġat, minn għadd ta’ proġetti ta’ riċerka u innovazzjoni, immexxija wkoll taħt CIVITAS. Dawn il-proġetti ta’ riċerka jesploraw modi kif fl-Ewropa tista’ tinbena sistema tat-trasport li tkun aktar effiċjenti fir-riżorsi u kompetittiva.

CSR: Rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż. Dawn huma dokumenti mħejjija mill-Kummissjoni Ewropea għal kull pajjiż, li janalizzaw is-sitwazzjoni ekonomika tiegħu u li jipprovdu rakkomandazzjonijiet dwar miżuri li huwa għandu jadotta matul perjodu ta’ bejn 12 u 18-il xahar.

Bliet u Komunitajiet Intelliġenti tal-EIP (EIP-SCC): Is-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni dwar l-Ibliet u l-Komunitajiet Intelliġenti (EIP-SCC) hija impriża maġġuri li tibdel is-suq, li hija appoġġata mill-Kummissjoni Ewropea u li tlaqqa’ flimkien l-ibliet, l-industriji, l-SMEs, l-investituri, ir-riċerkaturi u atturi oħra tal-ibliet intelliġenti.

ELTIS: l-osservatorju Ewropew tal-mobbiltà urbana, appoġġat mill-Kummissjoni Ewropea, u li r-rwol prinċipali tiegħu huwa li jiffaċilita l-iskambju ta’ informazzjoni, l-għarfien u l-esperjenza fil-qasam tal-mobbiltà urbana sostenibbli fl-Ewropa. Huwa jiġbor ukoll data dwar il-mobbiltà urbana sostenibbli fl-Ewropa, eż. dwar l-adozzjoni tas-SUMPs mill-ibliet Ewropej.

EPOMM: Pjattaforma Ewropea dwar il-Ġestjoni tal-Mobbiltà. Hija organizzazzjoni internazzjonali mingħajr skop ta’ qligħ, netwerk ta’ gvernijiet fil-pajjiżi Ewropej li huma impenjati fil-ġestjoni tal-mobbiltà.

FSIE: Fondi strutturali u ta' investiment Ewropej. Dawn il-fondi huma: il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd. Dawn huma mmaniġġjati b’mod konġunt mill-Kummissjoni Ewropea u mill-pajjiżi tal-UE.

Semestru Ewropew: ċiklu ta’ koordinazzjoni tal-politika ekonomika u fiskali fi ħdan l-UE. Huwa parti mill-qafas ta’ governanza ekonomika tal-Unjoni Ewropea. Il-fokus tiegħu huwa fuq il-perjodu tal-ewwel sitt xhur ta’ kull sena, b’hekk jismu - is-“semestru”. Matul is-Semestru Ewropew, l-Istati Membri jallinjaw il-politiki baġitarji u ekonomiċi tagħhom mal-objettivi u r-regoli li dwarhom ikun intlaħaq qbil fil-livell tal-UE.

Żona urbana funzjonali (FUA) jew Żona Metropolitana: Dawn it-termini jirreferu għall-kontinwità urbana kollha kemm hi, li tinkludi l-belt u ż-żona ta’ vvjaġġar lejn ix-xogħol u lura, skont id-definizzjoni tal-EU-OECD.

Orizzont 2020: Huwa l-programm ta’ riċerka u innovazzjoni tal-UE għall-perjodu 2014 sa 2020, bi kważi EUR 80 biljun ta’ finanzjament disponibbli.

HOV: vettura b’okkupazzjoni għolja

Proċedura ta’ ksur: Azzjoni legali meħuda mill-Kummissjoni Ewropea kontra pajjiż tal-UE li jonqos milli jimplimenta d-dritt tal-UE. Il-Kummissjoni tista’ tirreferi l-kwistjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja, li f’ċerti każijiet tista’ timponi penali finanzjarji.

Forum Internazzjonali tat-Trasport: Il-Forum Internazzjonali tat-Trasport huwa organizzazzjoni intergovernattiva b’59 pajjiż membru. Huwa jaġixxi bħala grupp ta’ riflessjoni għall-politika tat-trasport u jorganizza s-Summit Annwali tal-ministri tat-trasport. L-ITF huwa l-uniku korp globali li jkopri l-modi kollha tat-trasport. L-ITF huwa politikament awtonomu u huwa integrat fil-livell amministrattiv mal-OECD.

Mikromobbiltà: kategorija ta’ modi tat-trasport li huma pprovduti minn vetturi ħfief ħafna (ta’ piż gross ta’ inqas minn 500 kg) li jkunu mgħammra b’magna. Hija tinkludi, fost oħrajn, skuters elettriċi, skateboards u roti, kif ukoll solowheels.

SUMP: Pjan ta' mobbiltà urbana sostenibbli. Huwa kunċett tal-ippjanar applikat minn awtoritajiet lokali u reġjonali għal ippjanar tal-mobbiltà strateġiku. Huwa jħeġġeġ bidla lejn modi tat-trasport aktar sostenibbli u jappoġġa l-integrazzjoni u l-iżvilupp bilanċjat tal-modi kollha.

Nodu Urban: Żona urbana fejn l-infrastruttura tat-trasport tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport, bħal portijiet li jinkludu terminals tal-passsiġġieri, ajruporti, stazzjonijiet ferrovjarji, pjattaformi loġistiċi u terminals tal-merkanzija li jinsabu f'żoni urbani u madwarhom, hija konnessa ma’ partijiet oħrajn ta’ dik l-infrastruttura u mal-infrastruttura għat-traffiku reġjonali u lokali.

Risposti tal-Kummissjoni

Sommarju eżekuttiv

I

Tweġiba Komuni tal-Kummissjoni għall-paragrafi I-V.

Il-Kummissjoni tirrikonoxxi l-importanza tal-mobilità urbana sostenibbli u l-fatturi identifikati li jaffettwawha.

Għall-perjodu 2014–2020, l-appoġġ finanzjarju tal-UE żdied b’50 %, u ntuża prinċipalment permezz tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa. Dan kien wieħed mill-impenji tal-Pakkett dwar il-Mobilità Urbana tal-2013 (Urban Mobility Package, UMP), li identifika wkoll il-ħtieġa li jkun hemm kooperazzjoni bejn il-livelli ta’ governanza lokali, nazzjonali u Ewropej biex jiġu indirizzati l-isfidi li jiffaċċjaw il-bliet f’dak li għandu x’jaqsam mat-trasport lokali.

VI

Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li hemm bżonn ta’ aktar titjib rigward l-adozzjoni ta’ pjanijiet ta’ mobilità fil-livell lokali skont il-gwida tal-UE. Hija tenfasizza li l-Istati Membri għandhom rwol importanti x’jaqdu f’dan ir-rigward.

X

L-ewwel inċiż — Il-Kummissjoni taċċetta parzjalment ir-rakkomandazzjoni. Ara t-tweġibiet għar-Rakkomandazzjoni 1.

It-tieni inċiż — Il-Kummissjoni taċċetta parzjalment ir-rakkomandazzjoni, iżda s-suċċess tar-rabta tal-finanzjament tal-UE mal-pjanijiet ta’ mobilità urbana sostenibbli jiddependi fuq il-kooperazzjoni tal-Istati Membri matul id-diskussjonijiet dwar il-ftehim ta’ sħubija u l-programm. Ara t-tweġibiet għar-Rakkomandazzjoni 2.

Introduzzjoni

Kaxxa 1 Il-Pakkett dwar il-Mobilità Urbana

L-evalwazzjoni tal-Pakkett tal-2013 dwar il-Mobilità Urbana għadha għaddejja u r-riżultati tagħha se jkunu disponibbli biss ladarba l-evalwazzjoni tiġi ffinalizzata fit-tieni kwart tal-2020.

Osservazzjonijiet

38

Għalkemm il-Pjanijiet ta’ Mobilità Urbana Sostenibbli (SUMPs) mhumiex dejjem kundizzjoni għall-appoġġ tal-politika ta’ koeżjoni, ħafna drabi l-programmi jirrikjedu l-eżistenza ta’ oqfsa strateġiċi oħra. Dan huwa l-każ fil-programmi taż-żewġ Stati Membri l-oħra li saritilhom żjara:

- Fis-Sassonja, il-programm jagħmel referenza għall-pjan tal-enerġija u l-klima tar-reġjun, il-pjan ta’ żvilupp tar-reġjun, il-pjan tat-trasport tar-reġjun, u l-kunċett taċ-ċikliżmu tar-reġjun.

- Fil-Polonja, il-kundizzjoni li jingħata appoġġ mill-UE għal investimenti fil-mobilità urbana sostenibbli hija t-tħejjija u l-konformità ma’ dokumenti xierqa ta’ ppjanar, bħal strateġiji territorjali, pjanijiet għal ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet, pjanijiet ta’ mobilità urbana sostenibbli jew dokumenti oħrajn.

39

Il-konformità mal-kunċett tas-SUMP teħtieġ li jiġu segwiti mekkaniżmi interni ta’ assigurazzjoni tal-kwalità skont il-linji gwida tal-UE. Ara l-Anness I tal-Komunikazzjoni dwar il-Pakkett dwar il-Mobilità Urbana.

Jeżistu mekkaniżmi esterni ta’ assigurazzjoni tal-kwalità f’xi Stati Membri/reġjuni, bħall-Iżvezja u l-Fjandri.

40

Fl-2021–2027, il-Kummissjoni pproponiet rabta ċara bejn ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill speċifiċi għall-pajjiżi (CSRs) u l-finanzjament mill-politika ta’ Koeżjoni. Din il-proposta tobbliga lill-Istati Membri biex jieħdu kont tas-CSRs rilevanti kemm għall-ftehim ta’ sħubija kif ukoll għall-programmi u l-Kummissjoni tkun obbligata fl-approvazzjoni tagħha ta’ dawk id-dokumenti tivvaluta jekk il-ftehim ta’ sħubija u l-programmi jqisux is-CSRs rilevanti. Filwaqt li n-negozjati dwar il-proposta tal-Kummissjoni għar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni għadhom għaddejjin, il-fehim komuni parzjali proviżorju li ntlaħaq bejn il-koleġiżlaturi fl-10 ta’ Diċembru 2019 żamm dawn l-elementi.

62

Il-Kummissjoni tindika li l-proġett pilota dwar l-indikaturi ta’ mobilità urbana sostenibbli (SUMI), imsemmi fil-paragrafu 62, huwa mistenni li jispiċċa fl-ewwel kwart tal-2020. Il-Kummissjoni beħsiebha tivvaluta l-miżuri rilevanti fir-rigward tal-indikaturi fid-dawl tar-riżultat ta’ dan il-proġett pilota.

Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

70

Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-mobilità urbana sostenibbli fl-UE hija sfida ewlenija u hemm lok għal titjib.

Hija tenfasizza li l-awtoritajiet lokali huma responsabbli b’mod predominanti għal dan il-qasam u li l-Istati Membri għandhom rwol importanti x’jaqdu f’dan ir-rigward.

71

Il-Kummissjoni tinnota li l-evalwazzjoni tal-Pakkett dwar il-Mobilità Urbana 2013 għadha għaddejja. Ladarba titlesta, din għandha tippermetti li tinkiseb stampa aktar sħiħa tas-sitwazzjoni.

72

Fl-2021–2027, il-Kummissjoni pproponiet rabta ċara bejn ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill speċifiċi għall-pajjiżi (CSRs) u l-finanzjament mill-politika ta’ Koeżjoni. Din il-proposta tobbliga lill-Istati Membri biex jieħdu kont tas-CSRs rilevanti kemm għall-ftehim ta’ sħubija kif ukoll għall-programmi u l-Kummissjoni tkun obbligata fl-approvazzjoni tagħha ta’ dawk id-dokumenti tivvaluta jekk il-ftehim ta’ sħubija u l-programmi jqisux is-CSRs rilevanti. Filwaqt li n-negozjati dwar il-proposta tal-Kummissjoni għar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni għadhom għaddejjin, il-fehim komuni parzjali proviżorju li ntlaħaq bejn il-koleġiżlaturi fl-10 ta’ Diċembru 2019 żamm dawn l-elementi.

73

Għall-perjodu 2014–2020, l-appoġġ finanzjarju tal-UE żdied b’madwar 50 %, u intuża prinċipalment permezz tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa. Dan kien wieħed mill-impenji tal-Pakkett dwar il-Mobilità Urbana tal-2013 (UMP), li identifika wkoll il-ħtieġa li jkun hemm kooperazzjoni bejn il-livelli ta’ governanza lokali, nazzjonali u Ewropej biex jiġu indirizzati l-isfidi li jiffaċċjaw il-bliet f’dak li għandu x’jaqsam mat-trasport lokali.

Rakkomandazzjoni 1 - Tiġi ppubblikata d-data dwar il-mobilità urbana

a) Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni.

b) Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni parzjalment, peress li ma tistax tippreġudika l-eżitu tal-proċess leġiżlattiv.

Rakkomandazzjoni 2 - Jintrabat il-finanzjament mas-SUMPs

a) Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni parzjalment.

Il-Kummissjoni ma tistax tippreġudika l-eżitu tan-negozjati leġiżlattivi li għaddejjin bħalissa.

Is-suċċess ta’ dan jiddependi fuq il-kooperazzjoni tal-Istati Membri fuq id-diskussjonijiet dwar il-ftehim ta’ sħubija u l-programm.

L-elementi li għandhom jiġu kkunsidrati matul l-għażla ta’ operazzjonijiet individwali huma stabbiliti fil-livell tal-programmi, taħt ir-responsabbiltà tal-awtoritajiet ta’ ġestjoni u jridu jkunu skont ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 67 tal-proposta għal Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni.

b) Il-Kummissjoni taċċetta parzjalment din ir-rakkomandazzjoni, billi hija konformi mal-qafas legali propost u l-ftehim komuni provviżorju parzjali li ntlaħaq bejn il-koleġiżlaturi fl-10 ta’ Diċembru 2019.

Madankollu, il-Kummissjoni tista’ taġixxi biss sakemm ikun hemm bażi legali għall-azzjonijiet tagħha kif innegozjat u miftiehem mill-koleġiżlaturi. Għalhekk, bħala kwistjoni ta’ prinċipju, kwalunkwe rakkomandazzjoni li tmur lil hinn mill-qafas legali finalment adottat mill-koleġiżlaturi tal-Unjoni fir-rigward tal-interazzjoni bejn il-programmi proposti tal-Istati Membri u r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati mill-Kunsill jenħtieġ li tiġi indirizzata lill-Istati Membri.

c) Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni.

Hija ħadet l-ewwel passi f’dik id-direzzjoni fis-sejħa tal-FNE tal-2019 għal nodi urbani. Il-Kummissjoni hija impenjata li tkompli b’dan l-approċċ fil-FNE II.

Tim tal-awditjar

Ir-rapporti speċjali tal-QEA jippreżentaw ir-riżultati tal-awditi li twettaq ta' politiki u programmi tal-UE, jew ta’ suġġetti relatati mal-ġestjoni minn oqsma speċifiċi tal-baġit. Il-QEA tagħżel u tfassal dawn il-kompiti tal-awditjar biex timmassimizza l-impatt tagħhom billi tqis ir-riskji għall-prestazzjoni jew għall-konformità, il-livell ta’ introjtu jew ta’ nfiq involut, l-iżviluppi li jkunu għad iridu jseħħu u l-interess politiku u pubbliku.

Dan l-awditu tal-prestazzjoni twettaq mill-Awla II tal-Awditjar li tispeċjalizza fl-oqsma ta’ nfiq ta’ Investiment għall-koeżjoni, it-tkabbir u l-inklużjoni, u li hija mmexxija minn Iliana Ivanova, Membru tal-QEA. L-awditu tmexxa minn Iliana Ivanova, Membru tal-QEA, li ngħatat appoġġ minn Mihail Stefanov, Kap tal-Kabinett u minn James Verity, Attaché tal-Kabinett; Niels‑Erik Brokopp, Maniġer Prinċipali; Enrico Grassi, Kap tal-Kompitu; Paloma Munoz Mula, Paolo Pesce, Angelika Zych u Mariya Byalkova, Awdituri.

Mix-xellug għal-lemin: Paloma Munoz Mula, Paolo Pesce, Angelika Zych, James Verity, Iliana Ivanova, Mihail Stefanov, Enrico Grassi, Niels-Erik Brokopp u Mariya Byalkova.

Noti finali

1 Il-Kummissjoni Ewropea (2013) Planning for People: Guidelines on developing and implementing a sustainable urban mobility plan.

2 https://ec.europa.eu/transport/themes/sustainable-transport/internalisation-transport-external-costs_en

3 David Hartgen u Gregory Fields (2009). Gridlock and Growth: The effect of Traffic Congestion on Regional Economic Performance. Studju tal-politika nru 371 tar-Reason Foundation.

4 Id-Direttiva 2008/50/KE dwar il-kwalità tal-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa.

5 Ir-Rapport Speċjali Nru 23/2018: It-tniġġis tal-arja: Saħħitna għadha mhix qed tiġi protetta biżżejjed.

6 Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Lejn mobilità urbana kompetittiva u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi, COM(2013) 913 final.

7 Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: “Il-Patt Ekoloġiku Ewropew” – (COM(2019) 640 final.

8 Ara r-Regolament (UE) Nru 1315/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar linji gwida tal-Unjoni għall-iżvilupp tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport (ĠU L 348, 20.12.2013, p. 1).

9 Ir-Rapport Speċjali Nru 1/2014: “L-effettività tal-proġetti għat-trasport urban pubbliku appoġġati mill-UE”.

10 L-Ewrobarometru Speċjali 422a, Quality of Transport Report, Diċembru 2014. https://ec.europa.eu/transport/media/news/2014-12-08-eurobarometer_en.

11 Leipzig, Hamburg, Napli, Palermo, Varsavja, Łódź, Madrid u Barċellona. Biex jintgħażlu dawn l-ibliet intużat firxa ta’ kriterji, inklużi l-livelli ta’ konġestjoni, il-popolazzjoni u l-lok ġeografiku.

12 Il-proġetti ntgħażlu fuq il-bażi ta’ dawk li għandhom l-akbar probabbiltà li jwasslu għal mobbiltà urbana aktar sostenibbli, jew li jtejbu l-effiċjenza tal-infrastruttura eżistenti.

13 L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, Annual European Union greenhouse gas inventory 1990-2017 u inventory report 2019, is-27 ta’ Mejju 2019.

14 https://airindex.eea.europa.eu/.

15 Azzjoni legali kontra Stat Membru li jonqos milli jimplimenta d-dritt tal-UE.

16 OECD (2007), Managing Urban Traffic Congestion. https://www.oecdilibrary.org/transport/managing-urban-traffic-congestion_9789282101506-en.

17 Fornitur tad-data dwar it-traffiku.

18 Is-Servizz Ewropew ta’ Informazzjoni għat-Trasport Lokali: https://www.eltis.org.

19 https://civitas.eu/

20 https://eu-smartcities.eu

21 L-Opinjoni Nru 6/2018 tal-QEA rigward Regolamenti dwar Dispożizzjonijiet Komuni proposti għall-perjodu 2021-27.

22 L-evażjoni tal-ħlas tal-biljetti tan-nollijiet mill-vjaġġaturi wkoll għandha effett. Pereżempju, skont il-kumpanija tagħha tat-trasport muniċipali, l-evażjoni tal-ħlas tal-biljetti tan-nollijiet f’Napli tammonta għal madwar 33 %.

23 Sustainable Transport Infrastructure Charging and Internalisation of Transport Externalities, il-Kummissjoni Ewropea, 2019.

24 Skont il-“Copenhagenize Index” (www.copenhagenizeindex.eu), li jikklassifika l-aktar bliet fl-Ewropa li jiffavorixxu l-użu tar-rota, Antwerp huwa kklassifikat fir-raba’ u Bordeaux fis-sitt post.

25 PLN 4 501 605 421.

26 PLN 3 601 284 336.

27 PLN 620 980 799.

28 PLN 496 784 639.

29 PLN 135 219 799.

30 PLN 108 175 839.

31 PLN 335 951 061.

32 PLN 268 760 848.

Kronoloġija

Avveniment Data
Il-Memorandum ta’ Ppjanar tal-Awditjar (APM) jiġi adottat / L-awditu jinbeda 4/11/2019
L-abbozz ta’ rapport jintbagħat uffiċjalment lill-Kummissjoni (jew lill-entità l-oħra awditjata) 4/12/2019
Ir-rapport finali jiġi adottat wara l-proċedura kontradittorja 5/2/2020
Ir-risposti uffiċjali tal-Kummissjoni (jew tal-entità l-oħra awditjata) jaslu bil-lingwi kollha 25/2/2020

Kuntatt

IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI
12, rue Alcide De Gasperi
1615 Luxembourg
LUXEMBOURG

Tel. +352 4398-1
Mistoqsijiet: eca.europa.eu/mt/Pages/ContactForm.aspx
Sit web: eca.europa.eu
Twitter: @EUAuditors

Ħafna informazzjoni addizzjonali dwar l-Unjoni Ewropea hija disponibbli fuq l-Internet.
Jista’ jsir aċċess għaliha permezz tas-server Europa (http://europa.eu).

Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2020

PDF ISBN 978-92-847-4325-4 ISSN 1977-5741 doi:10.2865/68506 QJ-AB-20-003-MT-N
HTML ISBN 978-92-847-4332-2 ISSN 1977-5741 doi:10.2865/256506 QJ-AB-20-003-MT-Q

DRITTIJIET TAL-AWTUR

© L-Unjoni Ewropea, 2020.

Il-politika tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) dwar l-użu mill-ġdid hija implimentata bid-Deċiżjoni Nru 6-2019 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar il-politika tad-data miftuħa u l-użu mill-ġdid ta’ dokumenti.

Sakemm ma jkunx indikat mod ieħor (eż. f’avviżi individwali dwar id-drittijiet tal-awtur), il-kontenut tad-dokumenti tal-QEA, li huwa proprjetà tal-UE, huwa liċenzjat taħt il-liċenzja Creative Commons Attribution 4.0 International (CC BY 4.0). Dan ifisser li l-użu mill-ġdid huwa awtorizzat, dment li l-awturi jingħataw kreditu xieraq u li l-bidliet jiġu indikati. Il-persuni li jużaw mill-ġdid dan il-kontenut ma jistgħux ibiddlu s-sinifikat jew il-messaġġ oriġinali tad-dokumenti. Il-QEA ma għandhiex tkun responsabbli għal kwalunkwe konsegwenza relatata mal-użu mill-ġdid.

Inti meħtieġ tikseb drittijiet addizzjonali ċari jekk kontenut speċifiku juri individwi privati identifikabbli, pereżempju f’ritratti li jkun fihom il-membri tal-persunal tal-QEA, jew jekk ikun jinkludi xogħlijiet ta’ parti terza. Fejn ikun inkiseb permess, tali permess għandu jikkanċella l-permess ġenerali msemmi hawn fuq u għandu jindika b’mod ċar kwalunkwe restrizzjoni dwar l-użu.

Biex tuża jew tirriproduċi kontenut li ma jkunx proprjetà tal-UE, inti jista’ jkun li jkollok titlob il-permess direttament mingħand id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur:

Stampa 7: © QGIS, b’liċenzja taħt CC BY-SA 3.0.

Softwer jew dokumenti li jkunu koperti mid-drittijiet ta’ proprjetà industrijali, bħal privattivi, trademarks, disinji rreġistrati, logos u ismijiet, huma esklużi mill-politika tal-QEA dwar l-użu mill-ġdid u inti ma għandekx il-liċenzja biex tużahom.

Il-familja ta’ Siti Web istituzzjonali tal-Unjoni Ewropea, fi ħdan id-dominju europa.eu, tipprovdi links għal siti ta’ partijiet terzi. Peress li dawn ma jaqgħux taħt il-kontroll tal-QEA, inti mħeġġeġ biex teżamina l-politiki tagħhom dwar il-privatezza u dwar id-drittijiet tal-awtur.

Użu tal-logo tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri

Ma jistax isir użu mil-logo tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri mingħajr ma jinkiseb il-kunsens tagħha minn qabel.

Kif tikkuntattja lill-UE

Personalment
Madwar l-Unjoni Ewropea kollha hemm mijiet ta’ ċentri ta’ informazzjoni tal-Europe Direct. Tista’ ssib l-indirizz tal-eqreb ċentru għalik f'dan is-sit: https://europa.eu/european-union/contact_mt

Bit-telefown jew bil-posta elettronika
Europe Direct huwa servizz li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar l-Unjoni Ewropea. Tista’ tikkuntattja dan is-servizz:

  • bit-telefown bla ħlas: 00 800 6 7 8 9 10 11 (ċerti operaturi jafu jimponu ħlas għal dawn it-telefonati),
  • fuq dan in-numru standard: +32 22999696, jew
  • bil-posta elettronika permezz: https://europa.eu/european-union/contact_mt

Kif issib tagħrif dwar l-UE

Onlajn
L-informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE hija disponibbli fuq is-sit web Europa fuq: https://europa.eu/european-union/index_mt

Pubblikazzjonijiet tal-UE
Tista’ tniżżel mill-internet jew tordna l-pubblikazzjonijiet tal-UE, li xi wħud minnhom huma bla ħlas u xi oħrajn bil-ħlas, minn: https://op.europa.eu/mt/publications. Kopji multipli ta’ pubblikazzjonijiet bla ħlas tista’ tiksibhom billi tikkuntattja lil Europe Direct jew liċ-ċentru tal-informazzjoni lokali tiegħek (ara https://europa.eu/european-union/contact_mt).

Il-liġi tal-UE u dokumenti relatati
Għal aċċess għall-informazzjoni legali tal-UE, inkluż il-liġijiet kollha tal-UE mill-1952 ’l hawn, fil-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali kollha, żur is-sit EUR-Lex hawnhekk: http://eur-lex.europa.eu

Dejta Miftuħa mill-UE
Il-portal tad-Dejta Miftuħa mill-UE (https://copenhagenizeindex.eu/) jipprovdi aċċess għal settijiet tad-dejta mill-UE. Id-dejta tista’ titniżżel mill-internet u tintuża mill-ġdid bla ħlas, kemm għal skopijiet kummerċjali kif ukoll mhux kummerċjali.