Rapport Speċjali
17 2021

Il-kooperazzjoni tal-UE ma’ pajjiżi terzi rigward ir-riammissjoni: azzjonijiet rilevanti taw riżultati limitati

Dwar ir-rapport:Diffikultajiet fil-kooperazzjoni mal-pajjiżi ta’ oriġini jikkontribwixxu għall-għadd baxx ta’ ritorni ta’ migranti irregolari mill-UE. L-awditu li wettaqna vvaluta jekk l-UE saħħitx b’mod effettiv il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi rigward ir-riammissjoni. Aħna sibna li l-eżiti tan-negozjati ma’ pajjiżi terzi ma kinux ottimali minħabba użu insuffiċjenti ta’ sinerġiji mal-Istati Membri u fil-politiki kollha tal-UE. L-azzjonijiet tal-UE biex tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni rigward ir-riammissjoni kienu rilevanti, iżda r-riżultati tagħhom ma kinux uniformi, u minħabba nuqqasijiet fid-data dwar ir-ritorni u r-riammissjonijiet aħna ma stajniex nivvalutaw l-impatt kumplessiv tagħhom. Aħna nirrakkomandaw li l-Kummissjoni ssegwi approċċ aktar flessibbli meta tinnegozja ftehimiet ta’ riammissjoni; toħloq sinerġiji mal-Istati Membri biex tiffaċilita n-negozjati ta’ riammissjoni; issaħħaħ l-inċentivi għall-pajjiżi terzi; u ttejjeb il-ġbir tad-data dwar ir-riammissjonijiet.

Rapport speċjali tal-QEA skont l-Artikolu 287(4), it-tieni subparagrafu, TFUE.

Din il-pubblikazzjoni hija disponibbli bi 23 lingwa fil-format li ġejt:
PDF
PDF General Report

Sommarju Eżekuttiv

I

Politika ta’ ritorn effettiva u mmaniġġjata tajjeb hija parti essenzjali minn politika komprensiva dwar il-migrazzjoni. L-ineffiċjenzi tas-sistema ta’ ritorn tal-UE jaġixxu bħala inċentiv għall-migrazzjoni irregolari. Id-diffikultà fil-kooperazzjoni mal-pajjiżi ta’ oriġini tal-migranti hija waħda mir-raġunijiet għal-livell baxx ta’ ritorni ta’ migranti irregolari, kif osservajna fir-Rapport Speċjali Nru 24/2019. Fid-dawl tal-importanza tas-suġġett, aħna ddeċidejna li ninvestigawh aktar, bil-għan li nagħmlu kontribut kostruttiv għall-isforzi u d-dibattitu li għaddejjin bħalissa fl-UE.

II

F’dan l-awditu, aħna vvalutajna jekk l-UE saħħitx b’mod effettiv il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi rigward ir-riammissjoni. Biex inwieġbu din il-mistoqsija prinċipali tal-awditjar, aħna analizzajna jekk l-UE għamlitx progress fil-konklużjoni ta’ ftehimiet ta’ riammissjoni rilevanti jew ta’ arranġamenti simili ma’ pajjiżi terzi, u jekk l-azzjoni tal-UE għamlithiex aktar faċli għall-pajjiżi terzi biex jissodisfaw b’mod effettiv l-obbligi tagħhom ta’ riammissjoni. Aħna ffukajna fuq l-10 pajjiżi bl-ogħla għadd assolut ta’ migranti irregolari mhux ritornati matul il-perjodu 2014-2018. Nikkonkludu li l-azzjonijiet tal-UE biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi rigward ir-riammissjoni kienu rilevanti, iżda taw riżultati limitati.

III

Matul il-perjodu 2015-2020, l-UE kisbet progress limitat fil-konklużjoni ta’ negozjati ta’ ftehimiet ta’ riammissjoni tal-UE. Kwistjonijiet li ilhom jeżistu (primarjament il-klawsola tan-“Nazzjonal ta’ Pajjiż Terz”) baqgħu punti kritiċi ewlenin fin-negozjati. Il-Kummissjoni kellha aktar suċċess fin-negozjar ta’ arranġamenti ta’ riammissjoni mhux legalment vinkolanti, li l-kontenut tagħhom huwa aktar flessibbli. Ir-rieda politika murija minn pajjiżi terzi kienet essenzjali għas-suċċess tan-negozjati ta’ riammissjoni.

IV

Aħna sibna li r-riżultati tan-negozjati ma’ pajjiżi terzi ma kinux ottimali minħabba l-użu insuffiċjenti ta’ sinerġiji mal-Istati Membri u fil-politiki kollha. Fil-livell tal-UE, sar progress limitat biex jinħolqu inċentivi strutturali għall-pajjiżi terzi biex jimplimentaw l-obbligi tagħhom ta’ riammissjoni. Il-biċċa l-kbira mill-progress seħħ fil-qasam tal-politika dwar il-viżi, fejn il-Kodiċi dwar il-Viżi li ġie rivedut ipprovda lill-UE mekkaniżmu u għodod għall-valutazzjoni u l-istimulazzjoni regolari tal-kooperazzjoni ta’ pajjiżi terzi rigward ir-riammissjoni.

V

Aħna sibna li l-kontenut tal-ftehimiet u tal-arranġamenti ta’ riammissjoni tal-UE li ġew konklużi indirizza l-biċċa l-kbira mill-ostakoli komuni biex tiġi ffaċilitata r-riammissjoni. F’dan il-kuntest, il-kumitati jew il-gruppi ta’ ħidma konġunti dwar ir-riammissjoni pprovdew forums għall-evalwazzjoni perjodika tal-kooperazzjoni rigward ir-riammissjoni. Madankollu, in-natura rikorrenti ta’ xi wħud mill-kwistjonijiet diskussi wriet li kien hemm limiti għall-effettività tagħhom.

VI

In-networks tal-UE fil-qasam tar-ritorni kellhom suċċess fil-ġbir flimkien ta’ riżorsi nazzjonali, u ġew apprezzati mill-pajjiżi parteċipanti għar-riżultati tagħhom. Bl-estensjonijiet suċċessivi tal-mandat tagħha, il-Frontex ħadet progressivament f’idejha l-attivitajiet mingħand in-networks. Barra minn hekk, il-Frontex qed iżżid l-appoġġ li hija tagħti lill-Istati Membri fil-qasam tal-attivitajiet ta’ qabel ir-ritorn u l-operazzjonijiet ta’ ritorn. Aħna sibna li d-diffikultajiet li l-Istati Membri kellhom biex isibu l-migranti irregolari, biex ma jħalluhomx jaħarbu, u biex jiżguraw li jattendu għall-intervisti, kienu sors ewlieni ta’ ineffiċjenza fil-missjonijiet ta’ identifikazzjoni appoġġati mill-Frontex.

VII

Aħna eżaminajna 6 proġetti ta’ bini tal-kapaċitajiet u 14-il proġett ta’ riintegrazzjoni ffinanzjati mill-Kummissjoni. Sibna li l-proġetti kienu rilevanti, u fil-biċċa l-kbira wasslu l-outputs ippjanati tagħhom. Nemmnu li l-iżvilupp ta’ sistemi elettroniċi ta’ ġestjoni tal-każijiet ta’ riammissjoni ma’ pajjiżi terzi b’mod partikolari għandu l-potenzjal li jtejjeb il-kooperazzjoni rigward ir-riammissjoni fuq livell strutturali.

VIII

Aħna sibna nuqqasijiet fid-data tal-UE dwar ir-ritorni f’termini ta’ kompletezza u komparabbiltà fost l-Istati Membri. Fi snin reċenti, il-Kummissjoni ssottomettiet proposti leġiżlattivi mmirati lejn il-biċċa l-kbira tad-dgħufijiet sottostanti. Madankollu, ħafna mill-bidliet proposti għadhom ma ġewx adottati jew għadhom ma daħlux fis-seħħ b’mod sħiħ. Barra minn hekk, id-data dwar il-ħeffa tal-proċeduri ta’ riammissjoni u dwar is-sostenibbiltà tar-riintegrazzjoni ta’ migranti ritornati għadha nieqsa.

IX

Mir-reviżjoni tal-Kodiċi dwar il-Viżi tal-2019, il-Kummissjoni kienet meħtieġa tivvaluta l-kooperazzjoni tal-pajjiżi terzi rigward ir-riammissjoni b’mod regolari u abbażi ta’ data affidabbli. Din il-valutazzjoni regolari għandha l-potenzjal li ttejjeb il-ġbir u l-kondiviżjoni tad-data tal-UE, u li tiffaċilita deċiżjonijiet ta’ politika bbażati fuq l-evidenza fil-qasam tal-kooperazzjoni rigward ir-riammissjoni. Minħabba n-nuqqas ta’ proċess ekwivalenti għall-ġbir ta’ data dwar il-kooperazzjoni rigward ir-riammissjoni fil-passat, ikkombinat man-nuqqasijiet fid-data dwar ir-ritorni, aħna ma stajniex nivvalutaw l-impatt kumplessiv tal-azzjonijiet tal-UE biex titjieb il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi rigward ir-riammissjoni.

X

B’riżultat tal-awditu li wettaqna, aħna nirrakkomandaw li l-Kummissjoni:

  • issegwi approċċ aktar flessibbli meta tinnegozja ftehimiet ta’ riammissjoni;
  • toħloq sinerġiji mal-Istati Membri biex tiffaċilita n-negozjati ta’ riammissjoni;
  • issaħħaħ l-inċentivi għall-pajjiżi terzi biex jikkooperaw rigward ir-riammissjonijiet;
  • ittejjeb il-ġbir tad-data dwar ir-riammissjonijiet u dwar is-sostenibbiltà tar-riintegrazzjoni.

Introduzzjoni

Ritorni u riammissjonijiet

01

Politika ta’ ritorn effettiva u mmaniġġjata tajjeb hija parti essenzjali minn politika komprensiva dwar il-migrazzjoni. Fir-Rapport Speċjali Nru 24/20191, aħna identifikajna bosta raġunijiet għar-rati baxxi ta’ ritorn fost il-migranti irregolari (ara l-Anness I). Waħda minn dawk ir-raġunijiet hija d-diffikultà fil-kooperazzjoni mal-pajjiżi ta’ oriġini tal-migranti.

02

L-ineffiċjenzi tas-sistema ta’ ritorn tal-UE jaġixxu bħala inċentiv għall-migrazzjoni irregolari2. Mill-2008 ’l hawn, medja ta’ madwar 500 000 nazzjonal barrani kull sena ġew ordnati jitilqu mill-UE minħabba li kienu daħlu, jew kienu qed joqogħdu, mingħajr awtorizzazzjoni. Madankollu, kienu biss terz minnhom li realment irritornaw lejn pajjiż terz (29 % fl-2019). Din ir-“rata ta’ ritorni effettivi” tinżel taħt l-20 % għar-ritorni lejn pajjiżi barra mill-kontinent Ewropew (ara l-Figura 1). Ir-ritorni reali huma maqsuma bejn wieħed u ieħor b’mod ugwali bejn ir-ritorni volontarji u dawk furzati.

Figura 1

Rata ta’ ritorni effettivi (EU-27)

Sors: il-QEA, ibbażat fuq data pprovduta mill-Eurostat.

03

Jeħtieġ li r-rata ta’ ritorni effettivi tintuża u tiġi interpretata b’kawtela. Id-data sottostanti mhux dejjem hija preċiża u mhijiex kompletament komparabbli fost l-Istati Membri tal-UE (ara l-paragrafi 108-110). Barra minn hekk, rata baxxa mhijiex neċessarjament dovuta biss għal problemi fil-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi, iżda wkoll għal sfidi interni bħal dgħufijiet fil-leġiżlazzjoni dwar l-ażil u r-ritorn, u fis-sistemi, il-proċeduri u l-kapaċitajiet tal-Istati Membri (ara l-paragrafu 115, l-Anness I u r-Rapport Speċjali Nru 24/2019). Għalhekk, jenħtieġ li r-rata ta’ ritorn ma tintużax waħedha biex jintlaħqu konklużjonijiet dwar il-kwalità tal-kooperazzjoni minn pajjiż terz rigward ir-riammissjoni.

04

Il-leġiżlazzjoni dwar ir-ritorni hija parti mill-acquis tal-UE relatat kemm mal-ġestjoni tal-immigrazzjoni illegali kif ukoll mal-funzjonament taż-żona Schengen. Il-proċess ta’ ritorn huwa fil-biċċa l-kbira f’idejn l-awtoritajiet nazzjonali. Madankollu, il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi rigward ir-riammissjoni ta’ migranti irregolari hija meħtieġa f’diversi stadji tal-proċess ta’ ritorn, b’mod partikolari għall-migranti mingħajr dokumenti tal-ivvjaġġar validi (ara l-Figura 2). L-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex) tista’ tappoġġa lill-Istati Membri matul il-proċess ta’ ritorn.

Figura 2

Il-proċess ta’ ritorn, pass pass

Sors: il-QEA, ibbażat fuq dokument oriġinali tal-Frontex.

05

L-obbligu ta’ Stat għar-riammissjoni tan-nazzjonali proprji tiegħu huwa preżunt li jeżisti skont id-dritt internazzjonali konswetudinarju3. Biex tirrinforza dan l-obbligu, l-UE ilha mis-snin 90 iddaħħal klawsoli dwar il-migrazzjoni fil-ftehimiet ma’ pajjiżi terzi. Fl-1999, il-Kunsill iddeċieda li jinkludi klawsoli standard ta’ riammissjoni fil-ftehimiet Ewropej kollha ta’ assoċjazzjoni u kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi4 (ara l-Kaxxa 1). Klawsola bħal din ġiet inkluża wkoll fil-“Ftehim ta’ Cotonou”5

Kaxxa 1

Klawsola standard ta’ riammissjoni (1999)

Artikolu A

Il-Komunità Ewropea u l-Istat X jaqblu li jikkooperaw sabiex jipprevienu u jikkontrollaw l-immigrazzjoni illegali. Għal dan il-fini:

  • l-Istat X jaqbel rigward ir-riammissjoni ta’ kull wieħed min-nazzjonali tiegħu li jkunu preżenti b’mod illegali fit-territorju ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, fuq talba ta’ dan tal-aħħar u mingħajr formalitajiet ulterjuri […]

L-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u l-Istat X se jipprovdu wkoll lin-nazzjonali tagħhom b’dokumenti xierqa ta’ identità għal dawn l-iskopijiet.

Artikolu B

Il-Partijiet jaqblu li jikkonkludu fuq talba ftehim bejn l-Istat X u l-Komunità Ewropea li jirregola l-obbligi speċifiċi għall-Istat X u għall-Istati Membri tal-Komunità Ewropea għar-riammissjoni, inkluż obbligu għar-riammissjoni ta’ nazzjonali ta’ pajjiżi oħra u ta’ persuni apolidi. […]

06

Fl-2015, il-Kunsill Ewropew stieden lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi “Programm Ewropew ta’ Ritorn” iddedikat6. B’rispons għal dan, il-Kummissjoni fformulat il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar ir-ritorn7. Il-pjan iddefinixxa miżuri immedjati u ta’ nofs it-terminu biex is-sistema ta’ ritorn tal-UE ssir aktar effettiva. Fl-2017, il-Kummissjoni adottat Pjan ta’ Azzjoni mġedded8, b’azzjonijiet addizzjonali li għandhom jiġu implimentati flimkien mal-Pjan ta’ Azzjoni eżistenti.

Ftehimiet u arranġamenti ta’ riammissjoni

07

Il-pajjiżi jistgħu jikkonkludu ftehimiet ta’ riammissjoni biex jiffaċilitaw l-implimentazzjoni prattika tal-obbligi tagħhom ta’ riammissjoni. Madankollu, fost il-pajjiżi tista’ teżisti kooperazzjoni li tiffunzjona rigward ir-riammissjoni mingħajr ma jkun hemm fis-seħħ xi ftehim ta’ riammissjoni speċifiku. B’kuntrast ma’ dan, ftehim ta’ riammissjoni ma jiggarantix kooperazzjoni bla xkiel.

08

Il-ftehimiet ta’ riammissjoni tal-UE (EURAs) jiġu konklużi bejn l-UE u l-pajjiżi mhux tal-UE. Huma joperaw flimkien iżda jieħdu preċedenza fuq il-ftehimiet bilaterali ta’ riammissjoni konklużi minn Stati Membri individwali tal-UE9. L-UE kkonkludiet 18-il ftehim ta’ riammissjoni tal-UE legalment vinkolanti. Għal sitt pajjiżi oħra, il-Kunsill ta mandat lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati (ara l-Figura 3).

09

Il-pajjiżi terzi jistgħu joqogħdu lura milli jieħdu sehem f’negozjati dwar ftehimiet ta’ riammissjoni, prinċipalment minħabba kunsiderazzjonijiet politiċi interni (ftehimiet bħal dawn jistgħu jkunu sors ta’ ostilità pubblika f’xi pajjiżi). Mill-2016 ’il hawn, il-Kummissjoni għalhekk iffukat fuq l-iżvilupp ta’ arranġamenti prattiċi ta’ kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi, u nnegozjat sitt arranġamenti mhux legalment vinkolanti għar-ritorni u r-riammissjonijiet (ara l-Figura 3). Il-kontenut ta’ dawn l-arranġamenti prattiċi, ħlief għall-Afganistan10, jibqa’ kunfidenzjali.

Figura 3

Mappa tal-EURAs u tal-arranġamenti ta’ riammissjoni mhux vinkolanti

Sors: il-QEA, ibbażat fuq data pprovduta mill-Kummissjoni.

Governanza

10

Meta t-Trattat ta’ Amsterdam daħal fis-seħħ fl-199911, l-UE ngħatat setgħat fil-qasam tal-viżi, l-ażil u l-immigrazzjoni, inkluża s-setgħa li tikkonkludi ftehimiet ta’ riammissjoni. Din is-setgħa hija kondiviża bejn l-UE u l-Istati Membri (“kompetenza kondiviża”)12

11

L-EURAs jiġu nnegozjati ma’ pajjiż terz abbażi ta’ mandat ta’ negozjar li l-Kunsill jagħti lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni (bħala l-entità ewlenija), flimkien mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), hija responsabbli għan-negozjar tal-EURAs u għat-titjib tal-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi rigward ir-riammissjonijiet. Il-ftehimiet ta’ riammissjoni jiġu adottati b’deċiżjoni tal-Kunsill, wara li l-Parlament Ewropew ikun ta l-kunsens tiegħu.

12

Fil-każ ta’ arranġamenti ta’ riammissjoni mhux legalment vinkolanti, il-proċess huwa aktar sempliċi. Il-Kummissjoni titlob l-awtorizzazzjoni mill-Kunsill qabel ma tibda negozjat, u l-Kunsill irid jikkonferma l-eżitu. Madankollu, il-kunsens tal-Parlament Ewropew mhuwiex meħtieġ.

13

Ladarba jkun fis-seħħ, EURA jiġi mmonitorjat minn Kumitat Konġunt tar-Riammissjoni (JRC). JRC jinkludi esperti u rappreżentanti mill-Istati Membri tal-UE u mill-pajjiż terz, u huwa kopresedut mill-Kummissjoni u mill-pajjiż terz. Bl-istess mod, l-arranġamenti ta’ riammissjoni jiġu mmonitorjati minn Gruppi ta’ Ħidma Konġunti (JWGs).


Ambitu u approċċ tal-awditjar

14

Id-diffikultà fil-kooperazzjoni mal-pajjiżi ta’ oriġini tal-migranti hija waħda mir-raġunijiet għal-livell baxx ta’ ritorni ta’ migranti irregolari, kif osservajna fir-Rapport Speċjali Nru 24/2019. Fid-dawl tal-importanza tas-suġġett, aħna ddeċidejna li ninvestigawh aktar. Aħna nistennew li r-rapport tagħna jikkontribwixxi għall-isforzi kontinwi tal-UE u għad-dibattitu dwar il-Patt il-Ġdid tal-Kummissjoni dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil, li ġie ppreżentat f’Settembru 2020.

15

L-objettiv ta’ dan l-awditu kien li jiddetermina jekk l-UE saħħitx b’mod effettiv il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi rigward ir-riammissjoni. Biex inwieġbu għal din il-mistoqsija prinċipali tal-awditjar, aħna staqsejna żewġ sottomistoqsijiet:

  1. L-UE għamlet progress fil-konklużjoni ta’ ftehimiet ta’ riammissjoni rilevanti jew ta’ arranġamenti simili ma’ pajjiżi terzi?
  2. L-azzjoni tal-UE ffaċilitat l-implimentazzjoni effettiva tal-obbligi ta’ riammissjoni tal-pajjiżi terzi?
16

L-awditu ffoka fuq il-perjodu mill-2015, meta l-Kummissjoni nediet il-Pjan ta’ Azzjoni dwar ir-Ritorn, sa nofs l-2020.

17

Aħna użajna l-għadd medju tal-migranti irregolari kollha li ma ġewx ritornati bħala l-kriterju għat-tfassil tal-lista ta’ 10 pajjiżi terzi għall-eżaminar (ara l-Figura 4). In-nazzjonali ta’ dawn l-10 pajjiżi (ħlief is-Sirja) kienu responsabbli għal 38 % tal-ordnijiet kollha ta’ ritorn maħruġa matul il-perjodu 2014-2018, kif ukoll għal 46 % tal-migranti irregolari kollha mill-UE li ma ġewx ritornati. Aħna eskludejna lis-Sirja mill-awditu tagħna, billi f’Mejju 2011, l-UE ssospendiet il-kooperazzjoni bilaterali kollha mal-awtoritajiet Sirjani.

Figura 4

Ritorni medji annwali ta’ migranti irregolari (2014-2018)

Sors: il-QEA, ibbażat fuq data pprovduta mill-Eurostat (is-settijiet ta’ data migr_eiord u migr_eirtn).

18

L-entitajiet prinċipali tagħna kienu l-Kummissjoni, is-SEAE u l-Frontex. Aħna kkonsultajna wkoll rappreżentanti tan-networks tas-Sistema ta’ Ġestjoni Integrata tar-Ritorn (ara l-paragrafu 80), is-segretarjat tal-Kunsill, kif ukoll l-awtoritajiet mill-Ġermanja, Franza u Spanja. Għażilna dawn it-tliet Stati Membri minħabba l-importanza rispettiva tagħhom f’termini ta’ pressjoni migratorja u ritorni (l-għadd ta’ applikazzjonijiet għall-ażil u ta’ deċiżjonijiet ta’ ritorn), u l-kopertura tal-awditjar preċedenti tagħna tal-Italja u l-Greċja f’dan il-qasam.

19

Minħabba r-restrizzjonijiet relatati mal-COVID, aħna ma stajniex nagħmlu ż-żjarat li konna ppjanajna f’pajjiżi terzi. Dan ifisser li fil-biċċa l-kbira kellna noqogħdu fuq eżamijiet dokumentarji tad-dokumenti disponibbli, u fuq intervisti mal-partijiet ikkonċernati tal-UE. Madankollu, aħna tabilħaqq ikkuntattjajna lill-ambaxxati ta’ tliet pajjiżi terzi biex niksbu l-fehmiet tagħhom dwar il-kooperazzjoni mal-UE rigward ir-riammissjoni. Barra minn hekk, aħna kkonsultajna ma’ partijiet ikkonċernati mill-Parlament Ewropew, mill-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (IOM), u mill-Kunsill Ewropew għar-Rifuġjati u l-Eżiljati.

20

Ir-ritorn effettiv tal-migranti irregolari jirrikjedi li l-politika ta’ ritorn tal-UE jkollha “dimensjoni interna” effettiva, jiġifieri l-identifikazzjoni u l-lokalizzazzjoni tal-migranti irregolari, ir-rinviju tal-applikanti għall-ażil li l-applikazzjoni tagħhom ma tiġix approvata, u l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ ritorn mill-Istati Membri. Billi aħna diġà koprejna din id-dimensjoni interna tal-politika ta’ ritorn tal-UE13, dan l-awditu ffoka biss fuq il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi fil-qasam tar-riammissjonijiet.

21

Aħna ma dħalniex fil-merti ta’ deċiżjonijiet ta’ ritorn individwali. Id-deċiżjonijiet ta’ ritorn jinħarġu mill-awtoritajiet nazzjonali, li għalihom l-Istati Membri huma l-uniċi responsabbli. L-awtoritajiet nazzjonali huma responsabbli wkoll għat-twettiq tal-operazzjonijiet ta’ ritorn (potenzjalment appoġġati mill-Frontex). Id-deċiżjonijiet ta’ ritorn huma suġġetti għar-rimedji amministrattivi u legali previsti mil-leġiżlazzjoni Ewropea u dik nazzjonali. Jekk jiġi ppreżentat appell, l-awtoritajiet jew il-qrati nazzjonali jivvalutaw kull każ abbażi tal-merti tiegħu, inkluż jekk ikunx sikur li migrant jiġi ritornat lejn il-pajjiż terz.

22

L-awditu ma kopriex il-ftehimiet, l-arranġamenti, il-memoranda ta’ qbil bilaterali ta’ riammissjoni tal-Istati Membri tal-UE jew kwalunkwe forma oħra ta’ kooperazzjoni bilaterali bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi. Dawn jibqgħu fi ħdan il-kompetenza esklużiva tal-Istati Membri, u l-Kummissjoni ma għandhiex aċċess għalihom.

Osservazzjonijiet

Ir-riżultati tan-negozjati ma’ pajjiżi terzi mhumiex ottimali minħabba l-użu insuffiċjenti ta’ sinerġiji mal-Istati Membri u fil-politiki kollha tal-UE

23

F’din it-taqsima, aħna neżaminaw jekk il-Kummissjoni u s-SEAE:

  1. daħlux f’negozjati ta’ riammissjoni mal-10 pajjiżi terzi bl-akbar għadd ta’ migranti irregolari li ma ġewx ritornati;
  2. wettqux in-negozjati b’mod effettiv; u
  3. żviluppawx għodod għall-ħolqien ta’ inċentivi għall-implimentazzjoni tal-obbligi ta’ riammissjoni.

Il-Kummissjoni u s-SEAE kienu tabilħaqq involuti fi djalogu dwar ir-riammissjoni mal-pajjiżi terzi bl-akbar għadd ta’ migranti irregolari li ma ġewx ritornati

24

L-10 pajjiżi terzi bl-akbar għadd ta’ migranti irregolari li ma ġewx ritornati matul il-perjodu 2014-2018 (ħlief is-Sirja) kienu, fl-ordni ta’ sinifikanza, l-Afganistan, il-Marokk, il-Pakistan, l-Iraq, l-Alġerija, in-Niġerja, it-Tuneżija, l-Indja, il-Bangladesh u l-Guinea (ara l-paragrafu 17 u l-Figura 4). Il-Kunsill u l-Kummissjoni identifikaw formalment tmienja minn dawn il-pajjiżi bħala prijorità għall-involviment fin-negozjar ta’ EURA jew ta’ arranġament. Il-Kummissjoni:

  • irċeviet mandat mill-Kunsill biex tinnegozja EURA mal-Alġerija (2002), il-Marokk (2003), it-Tuneżija (2014), u n-Niġerja (2016). EURA mal-Pakistan ilu fis-seħħ mill-2010;
  • nediet negozjati ta’ arranġamenti mhux legalment vinkolanti mal-Afganistan (2016), il-Bangladesh (2016), u l-Guinea (2017);
  • daħlet fi djalogu dwar il-migrazzjoni mal-Iraq u l-Indja, minkejja li ma identifikathomx formalment bħala pajjiżi ta’ prijorità għan-negozjati (ara l-Kaxxa 2).

Kaxxa 2

Kooperazzjoni rigward ir-riammissjoni fil-kuntest tad-djalogu dwar il-migrazzjoni mal-Iraq u l-Indja

Matul il-perjodu 2014-2017, il-kundizzjonijiet politiċi u ta’ sigurtà fl-Iraq ma kinux adatti għal djalogu dwar ir-riammissjoni. Fl-2018, l-Istrateġija tal-UE għall-Iraq14 identifikat l-istabbiliment ta’ djalogu dwar il-migrazzjoni mal-Iraq, “inkluż qbil dwar proċeduri li jiffaċilitaw l-identifikazzjoni u r-ritorn tal-persuni rimpatrijati”, bħala wieħed mill-objettivi strateġiċi tal-UE. L-azzjonijiet tal-UE li ttieħdu minn dak iż-żmien ’il hawn ma wasslu għall-ebda riżultat tanġibbli f’termini ta’ kooperazzjoni dwar ir-ritorni furzati.

L-UE u l-Gvern tal-Indja ltaqgħu b’mod regolari bħala parti mid-Djalogu ta’ Livell Għoli bejn l-UE u l-Indja dwar il-Migrazzjoni u l-Mobbiltà, u stabbilew Aġenda Komuni dwar il-Migrazzjoni u l-Mobbiltà fl-2016. Fil-qasam tal-migrazzjoni irregolari, l-UE u l-Indja qablu li jiġu esplorati l-possibbiltajiet għal Ftehim ta’ riammissjoni15, għalkemm sa issa ma sar l-ebda progress tanġibbli.

25

Minbarra l-pressjonijiet migratorji u l-għadd ta’ persuni li qed jistennew ir-ritorn, il-Kummissjoni b’mod korrett qieset fatturi oħra meta ddeċidiet jekk għandhiex tidħol f’negozjati ta’ riammissjoni ma’ pajjiż terz, u jekk għandhiex tinnegozja EURA jew arranġament mhux legalment vinkolanti f’każijiet bħal dawn. Dawn il-fatturi jinkludu:

  1. il-potenzjal li jiġi nnegozjat ftehim għall-faċilitazzjoni tal-viżi. Ftehimiet bħal dawn jistgħu jkunu inċentiv għall-pajjiżi terzi biex jikkonkludu EURA (ara l-paragrafu 50);
  2. ir-rieda politika. Xi pajjiżi terzi jistgħu jkunu interessati li jinnegozjaw EURA, aktar milli jinnegozjaw ftehimiet separati ma’ Stati Membri individwali. B’kuntrast ma’ dan, l-arranġamenti mhux legalment vinkolanti jistgħu jkunu politikament aktar aċċettabbli għal pajjiżi terzi oħra;
  3. l-urġenza. Fl-2015, l-għadd tal-każijiet ta’ qsim illegali tal-fruntieri lejn l-UE li ġew identifikati żdied f’daqqa għal 1.8 miljun, minn 0.3 miljun fl-2014. Il-Figura 5 turi l-bidliet rispettivi għall-pajjiżi koperti mill-awditu tagħna. F’każijiet fejn il-kooperazzjoni ma’ pajjiż ta’ oriġini partikolari kienet tirrikjedi titjib urġenti, iżda fejn il-konklużjoni ta’ EURA ma kinitx tidher fattibbli fit-terminu qasir, il-Kummissjoni għamlet ħilitha biex tiffirma arranġamenti (mhux legalment vinkolanti) anqas formali;
  4. it-twaqqit. Jista’ jkun li l-Kummissjoni ma tkunx tista’ tibda jew tkompli n-negozjati minħabba fatturi politiċi f’pajjiż terz jew li jkunu jirrigwardawh. Bl-istess mod, il-Kummissjoni tista’ tibda tali negozjati meta tinħoloq opportunità (bħal klima politika favorevoli), anke jekk f’dak il-mument dawn ma jkunux meħtieġa mill-flussi migratorji.

Figura 5

Detezzjonijiet ta’ qsim illegali fil-fruntieri tal-UE

Sors: il-QEA, ibbażat fuq data pprovduta mill-FRAN fit-28 ta’ Lulju 2020.

Il-Kummissjoni u s-SEAE kisbu progress limitat fil-konklużjoni ta’ ftehimiet ta’ riammissjoni, iżda kellhom aktar suċċess fin-negozjar ta’ arranġamenti ta’ riammissjoni mhux legalment vinkolanti

26

Aħna rrieżaminajna n-negozjati ta’ EURAs/arranġamenti mal-pajjiżi koperti mill-awditu tagħna, billi ffukajna fuq il-perjodu wara l-2015. Ivvalutajna l-ftehimiet legalment vinkolanti u dawk mhux vinkolanti separatament, minħabba d-differenzi sinifikanti fil-proċess tan-negozjati. Il-Figura 6 turi l-kronoloġija tan-negozjati.

Figura 6

Kronoloġija tan-negozjati

Sors: il-QEA, ibbażat fuq data pprovduta mill-Kummissjoni.

Ftehimiet ta’ riammissjoni tal-UE
27

Ir-rieda politika tal-pajjiżi terzi hija essenzjali għal negozjati ta’ suċċess. Il-preferenza tal-Alġerija għall-kooperazzjoni mal-Istati Membri rigward ir-ritorni u r-riammissjonijiet fuq livell bilaterali, u għall-ġestjoni tal-migrazzjoni waħedha mingħajr l-appoġġ tal-UE, tispjega għalfejn in-negozjati qatt ma bdew uffiċjalment. Il-fatt li d-djalogu ta’ livell għoli bejn l-UE u l-Marokk ġie sospiż f’Diċembru 2015 minħabba kwistjoni mhux relatata kien ifisser ukoll li n-negozjati ta’ EURA ġew sospiżi bejn l-2015 u l-2019. Il-ħtieġa ta’ appoġġ politiku ta’ livell għoli tfisser ukoll li hemm riskju li n-negozjati jiġu sospiżi matul perjodi elettorali.

28

In-negozjati ta’ EURA huma organizzati f’ċikli formali. Id-dewmien twil minn meta jiġi riċevut il-mandat sal-bidu reali tan-negozjati (il-Marokk, il-Pakistan, it-Tuneżija), kif ukoll bejn iċ-ċikli ta’ negozjati, huwa sintomatiku ta’ awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi li ma għandhomx ir-rieda li jwettqu n-negozjati. Dan jista’ jirriżulta minn kunsiderazzjonijiet politiċi domestiċi li ma jistgħux jiġu indirizzati faċilment, iżda wkoll minn inċentivi tal-UE li mhumiex suffiċjenti biex jappoġġaw in-negozjati (ara l-paragrafi 47 sa 72). Aħna rajna evidenza ta’ okkażjonijiet fejn il-Kummissjoni u s-SEAE pprovdew appoġġ politiku biex jerġgħu jibdew in-negozjati sospiżi. Madankollu, il-partijiet ikkonċernati nazzjonali li intervistajna ħassew li l-involviment politiku tal-Kummissjoni u tas-SEAE ma’ pajjiżi terzi kien jeħtieġ li jiżdied, inklużi r-rikonoxximent politiku u ż-żjarat ta’ livell għoli, u jiġi allinjat aktar mill-qrib mal-Istati Membri.

29

Il-Kummissjoni tinnegozja l-EURAs b’segwitu għal direttivi ta’ negozjati maħruġa mill-Kunsill, abbażi ta’ proposta tal-Kummissjoni. Il-kontenut tad-direttivi kien fil-biċċa l-kbira simili għall-EURAs kollha. Żewġ elementi inklużi fid-direttivi għandhom it-tendenza li jkunu partikolarment kontroversjali matul in-negozjati: il-klawsola tan-Nazzjonal ta’ Pajjiż Terz (TCN) (ara l-Kaxxa 3), u l-użu tad-dokument tal-ivvjaġġar Ewropew (EUTD) għar-ritorni16

Kaxxa 3

Il-klawsola tan-Nazzjonal ta’ Pajjiż Terz

Il-klawsola tat-TCN tippermetti r-ritorn ta’ persuni lejn pajjiż terz li minnu jkunu għaddew qabel daħlu fl-UE. Din hija klawsola standard fl-EURAs kollha li ġew konklużi sa issa, anke ma’ pajjiżi aktar imbiegħda bħall-Pakistan. Il-pajjiżi terzi għandhom it-tendenza li jopponu l-klawsola tat-TCN billi hija politikament sensittiva ħafna u mhijiex imsejsa fuq id-dritt internazzjonali.

Fil-prattika, il-klawsola tat-TCN tiġi applikata b’mod sporadiku minħabba tħassib legali, operazzjonali u dwar id-drittijiet tal-bniedem. Meta tintuża, dan ġeneralment isir mal-pajjiżi ġirien tal-UE. Madankollu, ċerti Stati Membri jinsistu fuq il-klawsola tat-TCN minħabba l-valur simboliku tagħha (il-konkretizzazzjoni ta’ impenn minn pajjiż terz biex jikkoopera fil-ġestjoni tal-migrazzjoni li tgħaddi mit-territorju tiegħu) u minħabba t-tħassib dwar l-istabbiliment ta’ preċedent żbaljat. F’ċerti każijiet, il-klawsola tat-TCN tista’ tikkomplementa l-ftehimiet bilaterali tal-Istati Membri, li ma jinkluduhiex. F’każijiet oħra, l-Istati Membri li l-ftehimiet bilaterali tagħhom jinkludu l-klawsola tat-TCN ma jistgħux japprovaw EURA mingħajrha.

30

L-unika evalwazzjoni mill-Kummissjoni fir-rigward tal-EURAs tmur lura għall-201117. L-evalwazzjoni sabet li r-raġunijiet prinċipali għad-dewmien eċċessiv fin-negozjar tal-EURAs huma “nuqqas ta’ inċentivi u […] ċertu nuqqas ta’ flessibbiltà min-naħa tal-[Istati Membri] dwar xi kwistjonijiet (tekniċi)” (primarjament il-klawsola tat-TCN). Il-Kummissjoni rrakkomandat18 li l-ħtieġa konkreta għall-klawsola tat-TCN u proċeduri oħra li ma jintużawx b’mod mifrux fil-prattika jenħtieġ li jiġu evalwati bir-reqqa għal kull pajjiż qabel ma jiġu inklużi fid-direttivi ta’ negozjati. Madankollu, dan ma sarx għall-pajjiżi koperti mill-awditu tagħna.

31

Il-pajjiżi terzi kollha li għandhom negozjati ta’ EURA għaddejjin, li aħna nkopru fl-awditu tagħna, opponew b’mod kategoriku l-klawsola tat-TCN mill-bidu nett (anke meta kienet inkluża f’xi wħud mill-ftehimiet bilaterali tagħhom mal-Istati Membri). Il-Kummissjoni u s-SEAE għalhekk għażlu li jissospendu l-klawsola, flimkien ma’ kwistjonijiet kontroversjali oħra li ma jistgħux jiġu solvuti f’livell tekniku, bil-ħsieb li jiddiskutuhom fi tmiem in-negozjati. Madankollu, il-klawsola tat-TCN kellha t-tendenza li terġa’ titfaċċa regolarment u tipperikola n-negozjati.

32

Għall-kuntrarju tal-klawsola tat-TCN, il-possibbiltà li jintuża l-EUTD għar-ritorni tista’, skont il-partijiet ikkonċernati li intervistajna, tkun effettiva biex jiġu indirizzati d-diffikultajiet fil-kooperazzjoni ma’ xi pajjiżi rigward ir-riammissjoni (għal ħarsa ġenerali lejn id-diffikultajiet, ara l-paragrafu 74). Madankollu, il-biċċa l-kbira mill-pajjiżi terzi jinsistu fuq il-prerogattiva tagħhom li jiddokumentaw mill-ġdid liċ-ċittadini tagħhom, u jopponu l-aċċettazzjoni tal-EUTDs. Il-Kummissjoni rnexxielha tinkludi l-EUTD f’wieħed biss mill-ftehimiet innegozjati fil-kampjun tagħna.

33

B’mod ġenerali, matul il-perjodu 2015-2020, l-UE ma kisbitx progress tanġibbli fin-negozjati ta’ EURA mal-Alġerija u l-Marokk. In-negozjati ta’ EURA mat-Tuneżija u n-Niġerja mxew ’il quddiem f’dak li jirrigwarda kwistjonijiet tekniċi, iżda l-aktar punti kontenzjużi ġew imwarrba. Barra minn hekk, it-tul tan-negozjati kien ifisser li l-progress miksub f’ċiklu wieħed ta’ negozjati jista’ jkun jeħtieġ li jiġi kkonfermat mill-ġdid fiċ-ċiklu ta’ wara (eż. minħabba bidla fil-kontropartijiet jew fis-sitwazzjoni politika fil-pajjiż terz).

Arranġamenti ta’ riammissjoni
34

Il-proċess ta’ negozjar għall-arranġamenti ta’ riammissjoni huwa ħafna aktar flessibbli minn dak għall-EURAs. Il-Kummissjoni ma għandhiex direttivi ta’ negozjati stretti, u ma hemmx ċikli ta’ negozjati formali. Il-fokus huwa fuq il-ħeffa tan-negozjati u fuq is-sejba ta’ soluzzjonijiet prammatiċi biex titjieb il-kooperazzjoni rigward ir-riammissjoni.

35

Il-Kummissjoni rnexxielha, bl-appoġġ tas-SEAE, tinnegozja t-tliet arranġamenti ta’ riammissjoni mhux legalment vinkolanti koperti mill-awditu tagħna (mal-Bangladesh, l-Afganistan u l-Guinea). Il-kwistjonijiet tekniċi li ppreżentaw sfida matul in-negozjati kienu jinkludu l-użu tal-EUTD (fit-tliet każijiet kollha) u t-titjiriet charter (żewġ każijiet). Il-punti kritiċi ġew solvuti fuq livell politiku permezz ta’ inċentivi pożittivi, allinjament mal-Istati Membri (inklużi missjonijiet konġunti ta’ livell għoli bejn l-UE u l-Istati Membri, ara l-paragrafu 45), u, f’każ wieħed, permezz tal-possibbiltà li jiġu applikati restrizzjonijiet fuq il-viża.

36

L-EURAs huma dokumenti pubbliċi standardizzati. L-arranġamenti ta’ riammissjoni huma aktar flessibbli, iżda jikkondividu wkoll karatteristiċi komuni. Bl-eċċezzjoni tat-“Triq Konġunta ’l Quddiem” konkluża mal-Afganistan, l-arranġamenti huma kunfidenzjali, u għalhekk ma nistgħux niżvelaw arranġamenti individwali. Madankollu, tqabbil bejn l-EURA għall-Pakistan u t-“Triq Konġunta ’l Quddiem” jipprovdi fehim approfondit utli (ara l-Figura 7).

Figura 7

Tqabbil bejn it-“Triq Konġunta ’l Quddiem” għall-Afganistan u l-EURA għall-Pakistan

Sors: il-QEA.

37

L-arranġamenti ta’ riammissjoni għandhom l-istess objettiv bħall-EURAs, jiġifieri li jiffaċilitaw il-kooperazzjoni rigward ir-ritorn. Differenzi sinifikanti jinkludu:

  1. l-ebda referenza għall-protezzjoni internazzjonali tar-rifuġjati u għad-drittijiet tal-bniedem. Mill-pajjiżi koperti mill-awditu tagħna, it-“Triq Konġunta ’l Quddiem” mal-Afganistan biss kellha referenzi ekwivalenti għal dawk fl-EURAs;
  2. nuqqas ta’ reċiproċità;
  3. billi huma mfassla apposta għal kull pajjiż, iħallu ċerti kwistjonijiet kontenzjużi barra mit-test (eż. it-TCNs);
  4. l-ebda anness li jelenka d-dokumenti għall-istabbiliment tan-nazzjonalità;
  5. flessibbiltà akbar biex jintlaħaq qbil dwar objettivi reċiproċi, u possibbilment jiġi inkluż pakkett ta’ appoġġ għall-pajjiż fl-arranġament. L-arranġament mal-Afganistan inkluda miżuri ta’ appoġġ komprensivi li jindirizzaw il-ħtiġijiet tal-persuni rimpatrijati u tal-komunitajiet ospitanti fit-terminu qasir, medju u twil, inklużi r-riintegrazzjoni sostenibbli u t-titjib tal-opportunitajiet ta’ xogħol. L-assistenza hija mmirata wkoll lejn il-persuni spostati internament fl-Afganistan, il-persuni rimpatrijati mill-Iran u l-Pakistan, u l-komunitajiet ospitanti tagħhom, għal total ta’ EUR 219-il miljun19.
38

L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-Parlament Ewropew ikkritikaw l-arranġamenti għan-nuqqas ta’ trasparenza tagħhom u l-impatt potenzjali fuq id-drittijiet tal-bniedem tal-persuni rimpatrijati20. B’kuntrast ma’ dan, il-partijiet ikkonċernati nazzjonali li intervistajna ġeneralment laqgħu l-iżvilupp mill-Kummissjoni ta’ arranġamenti mhux legalment vinkolanti bħala għodda prammatika għat-titjib tal-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi rigward ir-riammissjoni, b’mod partikolari meta kienu meħtieġa riżultati rapidi. L-Istati Membri esploraw ukoll arranġamenti simili meta n-negozjati ta’ ftehimiet formali ta’ riammissjoni ma jkunux avvanzaw. Madankollu, il-mandat ta’ negozjar formali tal-Kummissjoni ma jippermettix li hija tabbanduna n-negozjati għal EURA formali favur arranġament aktar rapidu.

Ma nkisibx progress suffiċjenti fir-rigward tal-ħolqien ta’ sinerġiji mal-Istati Membri u fil-politiki kollha tal-UE

39

Fil-qasam tar-relazzjonijiet internazzjonali, il-pajjiżi normalment jinnegozjaw ftehimiet għall-benefiċċju reċiproku tagħhom. B’kuntrast ma’ dan, il-ftehimiet ta’ riammissjoni, għalkemm huma miktuba b’mod reċiproku, jistgħu jitqiesu minn pajjiż bħala li huma prinċipalment ta’ benefiċċju għall-UE. Barra minn hekk, ftehimiet bħal dawn (u r-ritorni furzati) jistgħu jkunu sors ta’ ostilità pubblika f’xi pajjiżi. Dan huwa marbut mal-fatt li r-rimessi mibgħuta d-dar mid-dijaspora (li tinkludi wkoll migranti irregolari) jistgħu jipprovdu għajxien għal komunitajiet sħaħ, ikunu sors ewlieni ta’ munita barranija, u jaqbżu bil-kbir l-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp. Dan tal-aħħar huwa l-każ għal seba’ pajjiżi fil-kampjun tagħna (il-Figura 8). Dawn il-kunsiderazzjonijiet jistgħu jaffettwaw il-fehmiet u l-perċezzjonijiet tal-pajjiżi terzi dwar il-ftehimiet ta’ riammissjoni, u jispjegaw ukoll il-ħtieġa li l-UE tiżviluppa inċentivi biex tappoġġa n-negozjati ta’ riammissjoni.

Figura 8

Rimessi u Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp bħala sehem mill-PDG fl-2019

Nota: Il-graff tipprovdi stampa ġenerali, u ma tagħmilx differenza bejn il-pajjiż ta’ oriġini tar-rimessi u bejn ir-rimessi minn migranti irregolari u dawk minn migranti regolari.

Sors: il-QEA, ibbażat fuq settijiet ta’ data tal-Bank Dinji: PDG (USD attwali), Għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp netta riċevuta (USD attwali), u Influss ta’ rimessi tal-migranti (USD). Disponibbli fuq data.worldbank.org.

40

Il-Kunsill Ewropew talab kemm-il darba biex jinħoloq u jiġi applikat l-ingranaġġ meħtieġ – bl-għajnuna tal-politiki, l-istrumenti u l-għodod rilevanti tal-UE – sabiex jinkisbu riżultati miżurabbli f’termini ta’ prevenzjoni tal-migrazzjoni irregolari u ta’ ritorn tal-migranti irregolari. Il-Kummissjoni appellat ukoll għal azzjoni ulterjuri biex jintuża ingranaġġ bil-għan li tiżdied ir-riammissjoni (ara l-Anness II).

41

Fil-paragrafi li ġejjin, aħna nivvalutaw il-progress miksub mill-Kummissjoni biex iżżid l-influwenza tagħha fin-negozjati ta’ riammissjoni kemm billi:

  • titkellem b’vuċi waħda u toħloq sinerġiji mal-Istati Membri; u
  • tiżviluppa inċentivi permezz tal-politiki li jaqgħu fi ħdan il-mandat tagħha.
Titkellem b’vuċi waħda, u toħloq sinerġiji mal-Istati Membri
42

Meta kisbet mandat/awtorizzazzjoni mill-Kunsill biex tibda negozjati għal EURA/arranġament, il-Kummissjoni ma fittxitx li tilħaq ftehim fl-istess ħin mal-Istati Membri fil-Kunsill dwar inċentivi u għodod potenzjali biex jappoġġaw in-negozjati, u lanqas ma ddeskriviet “pakkett ta’ appoġġ imfassal apposta” meta nediet in-negozjati ma’ pajjiżi terzi. Xi pajjiżi terzi qagħdu lura milli jidħlu fin-negozjati, billi ma kinux jaraw valur miżjud ċar fit-twettiq ta’ EURA meta mqabbel ma’ kooperazzjoni bilaterali mal-Istati Membri. Dan kien il-każ b’mod partikolari għall-pajjiżi tal-Afrika ta’ fuq, li bbenefikaw minn ftehimiet bilaterali ġenerużi ma’ xi Stati Membri.

43

Fl-2016, il-Kummissjoni u s-SEAE ħejjew dokumenti informali konġunti dwar it-tisħiħ tal-kooperazzjoni rigward il-migrazzjoni, il-mobbiltà u r-riammissjoni għal 16-il pajjiż ewlieni ta’ oriġini u/jew ta’ tranżitu. Dawn iddeskrivew il-komponenti possibbli ta’ pakkett tal-UE, b’inċentivi kemm pożittivi kif ukoll negattivi, biex jiġu appoġġati n-negozjati. L-Istati Membri ġew mistiedna jikkontribwixxu, iżda d-diskussjonijiet21 dwar il-pakketti kienu inkonklużivi. Minn dak iż-żmien ’il hawn ma sar l-ebda eżerċizzju simili.

44

Minbarra l-konsultazzjonijiet fil-gruppi ta’ ħidma tal-Kunsill, il-Kummissjoni ma assoċjatx b’mod sistematiku lill-Istati Membri ewlenin (fir-rigward tar-relazzjonijiet bilaterali ma’ pajjiż terz u/jew l-impatt tal-flussi migratorji) fl-iffaċilitar tan-negozjati ma’ pajjiżi terzi. Dan kien ifisser li, biex tappoġġa d-diskussjonijiet, il-Kummissjoni ma setgħetx tibbaża b’mod effettiv fuq il-piż politiku tal-Istati Membri jew fuq il-politiki li jirrikjedu l-involviment attiv tagħhom (bħall-faċilitazzjoni tal-viżi jew il-migrazzjoni tal-ħaddiema; ara wkoll il-paragrafu 65).

45

Meta l-Istati Membri ġew assoċjati fl-iffaċilitar tan-negozjati ta’ riammissjoni, dan tejjeb l-influwenza politika kollettiva tal-UE. Dan irriżulta li kien ta’ benefiċċju biex jinkisbu riżultati f’termini ta’ konklużjoni tal-arranġamenti ta’ riammissjoni jew ta’ żblukkar tan-negozjati. Pereżempju, f’April 2017, erba’ Stati Membri pparteċipaw mal-Kummissjoni f’missjoni konġunta fil-Guinea biex jiftħu b’suċċess in-negozjati ta’ riammissjoni.

46

B’kuntrast ma’ dan, in-nuqqas ta’ approċċ komuni u n-negozjati paralleli dwar ftehimiet bilaterali minn Stati Membri ewlenin setgħu xekklu pereżempju l-bidu ta’ negozjati tal-UE mal-Alġerija22.

Approċċ ibbażat fuq l-inċentivi
47

L-UE u l-Istati Membri tagħha mhumiex biss l-akbar donaturi ta’ għajnuna għall-iżvilupp fid-dinja, iżda huma wkoll sħab kummerċjali globali u investituri barranin ewlenin23. Il-Kummissjoni setgħet tuża diversi politiki fuq bażi ad hoc biex tappoġġa n-negozjati ta’ riammissjoni. B’mod partikolari fil-każ tal-arranġamenti ta’ riammissjoni, il-Kummissjoni għamlet użu effettiv mill-għajnuna finanzjarja (proġetti li jappoġġaw l-iżvilupp, ir-riintegrazzjoni, il-ġestjoni tal-migrazzjoni, u l-bini tal-kapaċitajiet). B’kuntrast ma’ dan, għall-pajjiżi fejn l-għajnuna finanzjarja ma kinitx inċentiv suffiċjenti, il-Kummissjoni kellha diffikultajiet biex tuża politiki oħra biex tipprovdi appoġġ effettiv għan-negozjati, anke fejn kellha relazzjonijiet politiċi u ekonomiċi estensivi.

48

Fit-taqsimiet li ġejjin, aħna nanalizzaw il-progress miksub mill-UE fl-applikazzjoni tal-politiki ewlenin tagħha (viża, żvilupp, kummerċ) biex jinħolqu inċentivi strutturali għall-pajjiżi terzi biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom ta’ riammissjoni, kif mitlub ripetutament mill-Kunsill Ewropew (ara l-Anness II). Aħna neżaminaw ukoll il-migrazzjoni legali, li hija ta’ interess primarju għall-pajjiżi terzi, l-użu ta’ inċentivi negattivi, u miżuri biex tissaħħaħ il-koordinazzjoni.

Politika dwar il-viżi – progress importanti fl-iżvilupp tal-għodod

49

Il-politika dwar il-viżi hija marbuta b’mod inerenti mal-ġestjoni tal-migrazzjoni u, bħala tali, hija partikolarment adatta biex tiġi ingranata għall-iskop li titjieb il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi rigward ir-riammissjoni.

50

Fil-passat, in-negozjar ta’ ftehim għall-faċilitazzjoni tal-viżi24 b’mod parallel mal-EURAs kien ta’ suċċess25. Mill-2005 ’l hawn, kif qablu l-Istati Membri f’Coreper, kwalunkwe offerta biex jiġi nnegozjat tali ftehim kienet kundizzjonali fuq it-tnedija ta’ negozjati ta’ EURA fl-istess ħin. Madankollu, il-ftehimiet tal-UE għall-faċilitazzjoni tal-viżi waħedhom jistgħu ma joffrux inċentiv suffiċjentement attraenti għall-pajjiżi terzi li diġà jibbenefikaw minn ftehimiet bilaterali vantaġġużi ma’ Stati Membri ewlenin.

51

Il-Kodiċi dwar il-Viżi tal-200926 kkonsolida l-proċeduri u l-kundizzjonijiet għall-ħruġ ta’ viżi għal soġġorni qosra. Huwa ma pprovdiex għodod adatti għall-użu tal-politika dwar il-viżi biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni rigward ir-riammissjoni27. Fl-2018, il-Kummissjoni ppreżentat proposta għal reviżjoni, li ġiet adottata f’Ġunju 201928. Il-Kodiċi dwar il-Viżi li ġie rivedut issa jipprovdi lill-UE b’mekkaniżmu u għodod biex tiġi stimulata l-kooperazzjoni ta’ pajjiżi terzi rigward ir-riammissjoni (il-possibbiltà li jintużaw mhux biss inċentivi pożittivi, iżda wkoll miżuri restrittivi dwar il-viżi).

Għajnuna għall-iżvilupp – xi progress

52

L-UE pprovdiet għajnuna għall-iżvilupp permezz ta’ għadd kbir ta’ strumenti. Dawn jippromwovu primarjament l-iżvilupp soċjoekonomiku, u ġeneralment ma jipprevedux li jkun hemm rabta bejn l-għajnuna, jew l-ammonti allokati lil pajjiżi terzi individwali, u l-kooperazzjoni minn pajjiżi terzi rigward il-ġestjoni tal-migrazzjoni inġenerali, jew rigward ir-riammissjoni b’mod partikolari.

53

Fl-eqqel tal-kriżi tal-migrazzjoni, il-Kapijiet ta’ Stat u ta’ Gvern Ewropej u Afrikani nedew il-Fond Fiduċjarju ta’ Emerġenza tal-UE għall-Afrika (EUTF)29 fis-Summit tal-Belt Valletta f’Novembru 2015 sabiex jiġu mobilizzati fondi biex jindirizzaw il-kawżi ewlenin tal-migrazzjoni irregolari u titrawwem il-kooperazzjoni rigward il-ġestjoni tal-migrazzjoni. F’Ottubru 2020, ir-riżorsi allokati għall-fond fiduċjarju kienu laħqu EUR 5 biljun. L-EUTF irriżulta utli biex jappoġġa d-diskussjonijiet dwar il-kooperazzjoni rigward ir-riammissjoni.

54

Għall-perjodu 2021-2027, il-Kummissjoni pproponiet li jsir tiġdid maġġuri tal-istruttura tal-istrumenti ta’ għajnuna għall-iżvilupp tal-UE. L-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI) il-ġdid30, b’baġit ta’ EUR 79.5 biljun, se jkopri prattikament id-dinja kollha (ara l-Figura 9).

Figura 9

Strumenti Esterni tal-UE skont il-QFP 2021-2027

Sors: il-QEA, ibbażat fuq l-iskeda informattiva tal-Kummissjoni “The Neighbourhood, Development and International Cooperation Instrument”, Ġunju 2020, ISBN 978-92-76-19 025-7 doi:10.2761/5991 KV-02-20-381-EN-N.

55

B’mod speċifiku għall-“Pajjiżi tal-viċinat”, il-Kummissjoni pproponiet li dawn jiġu allokati 10 % tal-fondi relatati biex jiġi ppremjat il-progress fid-“demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem, […] il-kooperazzjoni dwar il-migrazzjoni, il-governanza ekonomika u r-riformi”. L-approċċ ibbażat fuq l-inċentiv ta’ 10 % kien jeżisti wkoll taħt l-Istrument Ewropew ta’ Viċinat preċedenti, biex jiġi rikonoxxut il-progress lejn id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem, u l-istat tad-dritt. Il-kooperazzjoni rigward il-migrazzjoni u l-governanza ekonomika huma indikaturi ġodda. Il-Kummissjoni ma pprevedietx tali approċċ ibbażat fuq l-inċentivi għal reġjuni oħra.

56

Barra minn hekk, bħala parti mill-NDICI, il-Kummissjoni pproponiet mira ta’ nfiq orizzontali ta’ 10 % biex tgħin sabiex “[t]ippermetti lill-Unjoni tirrispondi għall-isfidi, il-ħtiġijiet u l-opportunitajiet relatati mal-migrazzjoni”31

57

Minn Ottubru 2019, l-NDICI kien suġġett għal negozjati bejn il-Kunsill u l-Parlament Ewropew. Waħda mill-aktar kwistjonijiet kontroversjali fin-negozjati kienet jekk il-migrazzjoni għandhiex issir element ta’ kundizzjonalità32. Il-Kunsill u l-Parlament laħqu ftehim wara li l-awditu tagħna kien intemm, u adottaw ir-Regolament NDICI f’Ġunju 202133.

Kummerċ – għadu ma sar l-ebda progress

58

Il-ftehimiet kummerċjali tal-UE (il-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni, u l-Ftehimiet ta’ Sħubija u Kooperazzjoni tal-UE) ilhom jinkludu klawsoli ta’ riammissjoni mis-snin 90 (ara l-paragrafu 05). Kif ġie osservat fi studju tal-Parlament Ewropew34, il-klawsoli mhumiex awtoeżekuttivi (li jfisser li l-klawsoli ma jistgħux jidħlu fis-seħħ mingħajr ftehimiet ta’ implimentazzjoni). Il-ftehimiet ma jipprevedux mekkaniżmu ta’ ħidma biex jippremja l-kooperazzjoni, jew biex jissanzjona lill-pajjiżi terzi għal nuqqas ta’ kooperazzjoni rigward ir-riammissjoni.

59

Il-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-UE u l-Ġappun rabat35 il-faċilitazzjoni tal-moviment ta’ persuni fiżiċi għal skopijiet ta’ negozju ma’ impenn ta’ kooperazzjoni rigward ir-ritorn u r-riammissjoni. Ħlief għal Ftehim wieħed ta’ Sħubija u Kooperazzjoni li attwalment qed jiġi nnegozjat, dispożizzjonijiet simili ma ġewx inklużi fi ftehimiet oħra.

60

Fl-1971, il-Komunità Ewropea introduċiet għall-ewwel darba Skema Ġeneralizzata ta’ Preferenzi biex tappoġġa lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Mill-10 pajjiżi koperti mill-awditu tagħna, 6 jibbenefikaw minn din l-Iskema. L-impatt tal-Iskema fuq il-ħolqien tal-impjiegi kien sinifikanti: pereżempju, huwa stmat li 5 miljun persuna huma impjegati fil-Bangladesh minħabba fiha36.

61

Il-pajjiżi benefiċjarji kollha jridu jirrispettaw il-prinċipji ta’ 15-il konvenzjoni ewlenija dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet tax-xogħol. Għal aktar benefiċċji, il-pajjiżi eliġibbli jridu jirrispettaw ukoll 12-il konvenzjoni relatati mal-ambjent u mal-prinċipji ta’ governanza37. Ma hemm l-ebda kundizzjoni li tittratta l-kooperazzjoni rigward il-ġestjoni tal-migrazzjoni u r-riammissjoni.

62

Ir-Regolament attwali dwar l-Iskema Ġeneralizzata ta’ Preferenzi tal-UE se jibqa’ fis-seħħ sa tmiem l-2023. Fiż-żmien meta sar l-awditu, il-Kummissjoni ma kienet ħejjiet l-ebda valutazzjoni dwar jekk, u kif, il-kooperazzjoni rigward il-migrazzjoni u r-riammissjoni tista’ tiġi inkorporata fir-Regolament li jmiss (eż. il-konformità mar-regoli tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ; l-ispejjeż potenzjali vs. il-benefiċċji).

Migrazzjoni legali – xogħol u edukazzjoni – sinerġiji meħtieġa mal-Istati Membri

63

Il-pajjiżi terzi jqisu li kooperazzjoni msaħħa rigward il-migrazzjoni legali hija parti importanti mill-kooperazzjoni tagħhom (u inċentiv għaliha) mal-UE rigward il-ġestjoni tal-migrazzjoni. Bosta Direttivi tal-UE armonizzaw id-dħul u d-dritt ta’ soġġorn ta’ ċerti kategoriji ta’ ħaddiema. Madankollu, l-Istati Membri jżommu setgħat importanti (eż. li jiddeterminaw l-għadd ta’ ħaddiema migranti li jiddaħħlu), u huwa meħtieġ l-involviment attiv tagħhom biex dawn il-politiki jiġu implimentati.

64

F’konformità mal-Qafas ta’ Sħubija38, f’Settembru 2017 il-Kummissjoni nediet l-idea ta’ proġetti pilota dwar il-migrazzjoni legali39. Sal-lum il-ġurnata, erba’ Proġetti Pilota ġew appoġġati mill-Faċilità tas-Sħubija għall-Mobbiltà40, wieħed taħt il-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (AMIF)41, u wieħed taħt l-EUTF42. Il-proġetti kienu utli biex jiġu esplorati approċċi ġodda. Madankollu, il-Kummissjoni għadha ma rnexxilhiex tespandi l-proġetti biex jintużaw bħala inċentiv effettiv ma’ pajjiżi terzi.

65

Fl-istess ħin, l-Istati Membri ħarġu għadd sostanzjali ta’ permessi ta’ residenza lil nazzjonali ta’ pajjiżi terzi, inkluż għall-migrazzjoni tal-ħaddiema (ara l-Figura 10). Madankollu, l-UE ma ingranatx l-iskemi ta’ kooperazzjoni bilaterali ta’ suċċess għall-iskop tan-negozjati ta’ riammissjoni (ara l-paragrafu 44).

Figura 10

Permessi ta’ residenza għall-ewwel darba skont ir-raġuni

Nota: “Oħrajn” tinkludi permessi diskrezzjonali mhux għall-ażil, persuni rtirati b’mezzi indipendenti, diplomatiċi, eċċ.

Sors: il-QEA, ibbażat fuq data pprovduta mill-EUROSTAT għall-EU-27 (is-sett ta’ data migr_resfirst).

66

Il-parteċipazzjoni fl-iskambji tal-istudenti hija inċentiv interessanti għall-pajjiżi terzi. B’kollox, kważi 4 000 student ġew fl-UE fl-2019 mill-10 pajjiżi koperti mill-awditu tagħna fl-ambitu tal-programmi popolari Erasmus+ li huma mmaniġġjati mill-Kummissjoni. Madankollu, dan l-ammont kien jirrappreżenta biss 5.3 % tal-permessi ta’ residenza għall-ewwel darba maħruġa mill-Istati Membri għal skopijiet edukattivi fl-istess sena għall-istess 10 pajjiżi.

Użu ta’ inċentivi negattivi – pożizzjonijiet imħallta tal-Istati Membri

67

L-UE qagħdet lura milli tuża ingranaġġ negattiv biex tappoġġa n-negozjati ta’ riammissjoni. Dan kien il-każ anke għall-pajjiżi li jirċievu appoġġ politiku, ekonomiku u/jew militari estensiv, filwaqt li xorta waħda jirrifjutaw li jikkooperaw rigward ir-riammissjoni tal-migranti irregolari tagħhom. It-tħassib kien li l-użu ta’ inċentivi negattivi jkun jagħmel ħsara lis-sħubijiet ma’ pajjiżi terzi, u fl-aħħar mill-aħħar ikun kontroproduttiv. Dan jista’ jkompli jaggrava s-sitwazzjoni soċjoekonomika [mwiegħra] fil-pajjiżi terzi, jew jagħmel il-pajjiżi terzi ta’ tranżitu inqas lesti li jikkooperaw rigward il-ġestjoni tal-migrazzjoni, u b’hekk tiżdied il-migrazzjoni irregolari lejn l-UE. Madankollu, il-possibbiltà li jiġu applikati miżuri restrittivi dwar il-viżi għenet biex jiġu avvanzati n-negozjati għal arranġament ta’ riammissjoni ma’ pajjiż wieħed kopert mill-awditu tagħna.

68

Ir-rappreżentanti nazzjonali li intervistajna kkonfermaw il-pożizzjonijiet imħallta tal-Istati Membri tagħhom rigward l-użu ta’ ingranaġġ negattiv fin-negozjati. Għalkemm xi wħud qiesu li din l-opzjoni kienet meħtieġa, oħrajn kienu jħossu li din setgħet tagħmel ħsara lir-relazzjoni fit-terminu twil u li jenħtieġ li l-fokus ikun fuq it-tisħiħ tar-relazzjonijiet reċiproċi kumplessivi permezz ta’ aktar involviment politiku u kooperazzjoni akbar fl-oqsma kollha.

Koordinazzjoni akbar biex jinħolqu sinerġiji u ingranaġġ

69

F’Ġunju 2016, il-Kummissjoni ħolqot Task Force biex tappoġġa l-implimentazzjoni tal-Qafas ta’ Sħubija. It-Task Force kienet forum għall-koordinazzjoni u d-diskussjoni bejn il-persunal superjuri tal-Kummissjoni u tas-SEAE responsabbli kemm għall-migrazzjoni kif ukoll għar-relazzjonijiet esterni usa”. Fil-laqgħat ta’ kull ġimgħa, il-parteċipanti ddiskutew l-aktar żviluppi sinifikanti (l-aktar fl-aġenda dwar il-migrazzjoni) għall-pajjiżi ewlenin ta’ interess. F’Diċembru 2019, il-Kummissjoni ħolqot “grupp tal-proġett” permanenti tal-Kummissarji dwar il-migrazzjoni biex issaħħaħ il-koordinazzjoni fil-livell politiku. Wieħed mill-għanijiet tal-grupp kien li jiżviluppa kooperazzjoni aktar b’saħħitha mal-pajjiżi ta’ oriġini u ta’ tranżitu kif ukoll sistema aktar robusta ta’ riammissjoni u ritorn43.

70

Fil-Kunsill, il-Coreper stabbilixxa mekkaniżmu informali ta’ ingranaġġ tal-viżi fl-201744. Dan ipprovda sett ta’ għodod ta’ miżuri possibbli dwar il-viżi fejn il-kooperazzjoni minn pajjiż terz rigward ir-riammissjoni ma kinitx sodisfaċenti. Skont il-partijiet ikkonċernati li intervistajna, is-sempliċi fatt li tissemma l-possibbiltà li jintuża l-mekkaniżmu għen biex titjieb il-kooperazzjoni ma’ bosta pajjiżi terzi. Fl-2019, il-mekkaniżmu ġie fformalizzat fil-Kodiċi dwar il-Viżi li ġie rivedut (ara l-paragrafu 51).

71

Din l-esperjenza pożittiva bil-mekkaniżmu ta’ ingranaġġ tal-viżi wasslet lill-Coreper biex jiżviluppa “mekkaniżmu ta’ ingranaġġ komprensiv”45. Dan huwa mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni ġenerali informali għall-attivazzjoni ta’ politiki differenti (li jaqgħu taħt il-mandat tal-UE u/jew tal-Istati Membri) biex titjieb il-kooperazzjoni ta’ pajjiżi terzi rigward ir-ritorni u r-riammissjonijiet. Fiż-żmien meta sar l-awditu, il-mekkaniżmu kien għadu ma ntużax.

72

F’Settembru 2020, il-Kummissjoni ppreżentat il-Patt il-Ġdid tagħha dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil46. Fl-Artikolu 7 tar-Regolament il-ġdid propost dwar il-Ġestjoni tal-Ażil u l-Migrazzjoni47, il-Kummissjoni ressqet mekkaniżmu li jiżviluppa l-mekkaniżmu informali ta’ ingranaġġ komprensiv tal-Coreper.

L-azzjonijiet tal-UE biex tiġi ffaċilitata r-riammissjoni kienu rilevanti, iżda r-riżultati ma kinux uniformi u l-impatt ma setax jiġi vvalutat

73

F’din it-taqsima, aħna neżaminaw jekk il-Kummissjoni:

  1. tejbitx il-kooperazzjoni prattika ma’ pajjiżi terzi rigward ir-riammissjoni, f’kooperazzjoni mal-Frontex u l-Istati Membri;
  2. ipprovdietx lill-pajjiżi terzi appoġġ adegwat għall-bini tal-kapaċitajiet u għar-riintegrazzjoni biex tiffaċilita r-riammissjoni; u
  3. immonitorjatx, f’kollaborazzjoni mal-Frontex, il-livell sa fejn il-pajjiżi terzi kienu implimentaw l-obbligi tagħhom ta’ riammissjoni.

Il-miżuri biex titjieb il-kooperazzjoni prattika rigward ir-riammissjoni pproduċew riżultati mhux uniformi

74

Fil-biċċa l-kbira mill-każijiet, il-pajjiżi terzi ma jikkontestawx formalment ir-riammissjoni tan-nazzjonali tagħhom. Madankollu, huma jistgħu jostakolaw il-proċess ta’ riammissjoni u r-ritorn effettiv b’diversi modi, b’mod partikolari għall-migranti irregolari mingħajr dokumenti tal-ivvjaġġar validi (ara l-Figura 11). Barra minn hekk, għadd ta’ konġestjonijiet jaffettwaw il-proċess ta’ ritorn fl-Istati Membri (ara r-Rapport Speċjali Nru 24/2019 u l-Anness I).

Figura 11

L-involviment ta’ pajjiżi terzi fil-proċess ta’ riammissjoni, u l-isfidi potenzjali

Sors: il-QEA.

75

L-UE u l-Istati Membri ppruvaw jindirizzaw l-isfidi fil-kooperazzjoni rigward ir-riammissjoni permezz ta’ mezzi bħal:

  • il-konklużjoni ta’ ftehimiet u arranġamenti ta’ riammissjoni (għalkemm l-implimentazzjoni tagħhom mhux dejjem kienet sodisfaċenti fil-prattika);
  • il-ħolqien ta’ networks li rnexxielhom jiġbru flimkien ir-riżorsi nazzjonali; u
  • iż-żieda tal-appoġġ mill-Frontex.
Ftehimiet u arranġamenti ta’ riammissjoni
76

Aħna rrieżaminajna l-ftehimiet konklużi għall-pajjiżi koperti mill-awditu tagħna u r-rapporti mill-JRC/JWGs sabiex nivvalutaw l-effettività tagħhom fit-titjib tal-kooperazzjoni rigward ir-riammissjoni. Aħna sibna li l-EURAs/arranġamenti kienu jkopru l-biċċa l-kbira mill-ostakoli komuni għal riammissjoni bla xkiel. Eċċezzjonijiet notevoli kienu:

  1. l-aċċettazzjoni ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar tal-UE għar-ritorn, li kienet stipulata f’wieħed biss mill-erba’ ftehimiet irrieżaminati (ara wkoll il-paragrafu 32);
  2. ir-rekwiżiti ta’ viża għall-iskorti – il-viżi kienu meħtieġa fi ftehim wieħed, iżda ma kien hemm xejn speċifikat fi tlieta oħra. Il-viżi meħtieġa kellhom impatt negattiv fuq il-proċess ta’ riammissjoni fi tnejn mill-erba’ pajjiżi terzi;
  3. il-limiti kwantitattivi fuq l-għadd massimu ta’ persuni rimpatrijati għal kull titjira u/jew għal kull xahar previsti f’żewġ arranġamenti (dan ma kienx jimpedixxi r-riammissjonijiet fil-prattika); l-oħrajn ma kinux jispeċifikaw jekk setgħux jiġu applikati xi limiti.
77

Il-fatt li obbligu speċifiku nħoloq permezz tad-dispożizzjonijiet tal-EURA mhux neċessarjament ifisser li se jiġi osservat fil-prattika u li l-kooperazzjoni se tkun bla xkiel. Il-pajjiżi terzi xi drabi introduċew saffi addizzjonali ta’ rekwiżiti, verifikazzjonijiet jew permessi, u b’hekk ħolqu aktar diffikultajiet għall-kooperazzjoni prattika.

78

Il-laqgħat tal-JRC/JWG ġew organizzati b’mod regolari, darba jew darbtejn fis-sena, biex tiġi vvalutata l-implimentazzjoni tal-EURA/arranġamenti, u biex jiġu diskussi l-iżviluppi l-aktar reċenti tal-politika u l-kooperazzjoni f’oqsma oħra tal-ġestjoni tal-migrazzjoni. Madankollu, in-natura rikorrenti ta’ xi wħud mill-kwistjonijiet diskussi matul il-JRCs/JWGs tabilħaqq uriet il-limiti għall-effettività tagħhom.

79

Għall-pajjiżi mingħajr ftehim jew arranġament ta’ riammissjoni tal-UE, ma hemm xejn komparabbli mal-JRC/JWC biex tiġi diskussa l-kooperazzjoni prattika rigward ir-riammissjoni. Id-djalogu dwar il-migrazzjoni u l-mobbiltà li jseħħ f’forums oħra huwa ġeneralment organizzat f’livell ogħla, l-ambitu tiegħu huwa usa’, u mhuwiex immirat lejn ostakoli speċifiċi għall-kooperazzjoni rigward ir-riammissjoni.

Networks tas-Sistema ta’ Ġestjoni Integrata tar-Ritorn
80

Biex ittejjeb il-kooperazzjoni prattika rigward ir-riammissjonijiet, il-Kummissjoni użat l-AMIF biex tappoġġa l-iżvilupp tas-“Sistema ta’ Ġestjoni Integrata tar-Ritorn”. Is-sistema tinkludi tliet networks tal-UE, li fihom l-Istati Membri jipparteċipaw fuq bażi volontarja, filwaqt li l-Kummissjoni u l-Frontex għandhom rwoli ta’ koordinazzjoni:

  1. in-network tal-Inizjattiva Ewropea tal-Ġestjoni Integrata tar-Ritorn (Eurint);
  2. in-network Ewropew tal-Uffiċjali ta’ Kollegament għar-Ritorn (EURLO);
  3. in-Network Ewropew dwar Strument ta’ Riintegrazzjoni (ERIN), li fl-2018 sar in-Network Ewropew tal-Istrument ta’ Ritorn u Riintegrazzjoni (ERRIN) b’ambitu estiż.
81

Bl-estensjonijiet tal-mandat tagħha (ara l-paragrafu 84), il-Frontex ħadet progressivament f’idejha l-attivitajiet mingħand in-networks. It-trasferiment tal-Eurint lill-Frontex ġie ffinalizzat f’Diċembru 2019, dak tal-EURLO beda f’Diċembru 2019 (bi trasferiment gradwali sa Settembru 2021), u dak tal-attivitajiet ta’ riintegrazzjoni tal-ERRIN huwa ppjanat li jiġi ffinalizzat sa Lulju 2022.

82

Fiż-żmien meta wettaqna l-awditu, it-trasferiment tal-Eurint kien ġie ffinalizzat u t-trasferiment tal-EURLO kien fit-triq it-tajba. Madankollu, ma ġie allokat l-ebda membru tal-persunal addizzjonali liċ-Ċentru Ewropew għar-Ritorni tal-Frontex għal dawn l-attivitajiet fl-2019 jew fl-2020. Dan kien marbut mal-fatt li l-Kummissjoni biddlet b’mod sinifikanti t-tabella tal-persunal tal-Frontex fl-201848, mingħajr ma kkonsultat minn qabel mal-Frontex. F’Marzu 2019, il-Frontex talbet (mingħajr suċċess) biex it-trasferiment tal-EURLO jiġi pospost minħabba nuqqasijiet fir-riżorsi umani u finanzjarji. Għall-istess raġuni, il-finalizzazzjoni tat-trasferiment tal-ERRIN ġiet posposta b’sentejn.

83

In-networks tal-UE kellhom suċċess fil-ġbir flimkien ta’ riżorsi nazzjonali, u b’mod ġenerali ġew apprezzati mill-pajjiżi parteċipanti għar-riżultati tagħhom.

  1. L-Eurint wera l-valur miżjud tiegħu bħala pjattaforma ta’ kondiviżjoni ta’ għarfien u informazzjoni għal dawk li jaħdmu fil-qasam – prerekwiżit għall-iżvilupp ta’ approċċ aktar integrat u aktar ikkoordinat għal ritorni effettivi49.
  2. Għalkemm l-influwenza tal-EURLOs fuq ir-ritorn reali ta’ migranti irregolari kienet limitata, il-partijiet ikkonċernati identifikaw il-valur miżjud ċar tal-programm tal-EURLO, kif ukoll il-benefiċċji tiegħu f’termini ta’ effettività u effiċjenza meta mqabbel mal-attivitajiet nazzjonali ta’ ritorn. Il-preżenza fiżika kontinwa tal-EURLOs fuq il-post għamlitha possibbli li tiġi żviluppata relazzjoni mal-awtoritajiet tal-pajjiżi terzi, u tejbet il-kollaborazzjoni. Il-partijiet ikkonċernati enfasizzaw ukoll eżiti addizzjonali mhux mistennija: l-EURLOs appoġġaw inizjattivi strateġiċi bħan-negozjar ta’ ftehimiet ta’ riammissjoni mal-awtoritajiet lokali, jew saħħew ir-reputazzjoni u l-viżibbiltà tal-Frontex fil-pajjiżi ta’ oriġini50.
  3. L-attivitajiet – u l-valur miżjud – tal-ERRIN jikkonsistu primarjament fl-iżgurar ta’ akkwisti konġunti ta’ kuntratti ta’ assistenza għar-riintegrazzjoni ma’ fornituri ta’ servizzi f’pajjiżi terzi, u fil-ġestjoni u l-monitoraġġ tagħhom (il-parametri tal-assistenza għar-riintegrazzjoni u l-kriterji ta’ eliġibbiltà ġew iddefiniti mill-Istati Membri individwali). Minn meta sar l-ERRIN, l-attivitajiet tiegħu ġew estiżi biex ikopru l-appoġġ għal inizjattivi ġodda u l-approċċi ta’ riintegrazzjoni. L-ERRIN kien fil-biċċa l-kbira fit-triq it-tajba f’termini ta’ implimentazzjoni tal-attivitajiet tiegħu, u qabeż il-miri tiegħu għall-għoti ta’ assistenza għar-riintegrazzjoni (sa nofs l-2020, il-volum ta’ każijiet qorob it-22 000 persuna rimpatrijata, meta mqabbel ma’ mira ta’ 20 000)51.
Appoġġ mill-Frontex
84

Mill-2015 ’il hawn, il-mandat tal-Frontex ġie msaħħaħ darbtejn52. Konsegwentement, il-Frontex kienet involuta dejjem aktar fl-assistenza mogħtija lill-Istati Membri fl-attivitajiet ta’ qabel ir-ritorn u fl-operazzjonijiet ta’ ritorn lejn pajjiżi terzi. F’termini ta’ attivitajiet ta’ qabel ir-ritorn, il-Frontex kienet u għadha tipprovdi lill-Istati Membri appoġġ operazzjonali (pereżempju bl-istazzjonar ta’ speċjalisti tar-ritorn), u għodod għat-titjib tal-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi (l-aħjar prattiki, sessjonijiet ta’ ħidma konsulari, identifikazzjoni permezz ta’ vidjokonferenza, u missjonijiet ta’ identifikazzjoni).

85

L-ispeċjalisti tar-ritorn jipprovdu lill-Istati Membri appoġġ imfassal apposta fl-attivitajiet tagħhom relatati mar-ritorn, pereżempju billi jsaħħu l-proċeduri ta’ ritorn, itejbu l-kooperazzjoni konsulari ma’ pajjiżi terzi, u jipprovdu appoġġ tal-IT u appoġġ ieħor. L-ewwel stazzjonamenti seħħew fl-2016 meta seba’ uffiċjali ġew stazzjonati fil-Greċja. L-attivitajiet baqgħu jikbru bil-mod minn dak iż-żmien ’il hawn, u fl-2019 il-Frontex stazzjonat total ta’ 15-il speċjalist tar-ritorn f’5 Stati Membri. Minħabba n-natura tax-xogħol tal-ispeċjalisti tar-ritorn, ma tfasslux indikaturi komuni dwar l-effettività/effiċjenza tagħhom. Madankollu, ir-rapporti tal-Frontex53 jelenkaw il-kisbiet konkreti tal-ispeċjalisti, u b’hekk juru l-valur miżjud tagħhom.

86

Mill-10 pajjiżi terzi koperti mill-awditu tagħna, il-Frontex għandha dokumenti dwar “l-aħjar prattiki” ma’ tnejn minnhom. Wieħed kien strumentali fl-iffaċilitar ta’ operazzjonijiet konġunti ta’ ritorn, u l-ieħor serva bħala bażi għall-organizzazzjoni ta’ sessjoni ta’ ħidma konsulari u bosta missjonijiet ta’ identifikazzjoni.

87

Fi sforz biex jiġi armonizzat il-mod kif jiġu applikati l-arranġamenti li kienu għadhom kif ġew innegozjati, il-Kummissjoni u/jew il-Frontex organizzaw sessjonijiet ta’ ħidma għall-uffiċċji konsulari kkonċernati fl-Ewropa. Dawn is-sessjonijiet ta’ ħidma kienu jinkludu skambju ta’ fehmiet dwar prattikalitajiet, bħall-ħruġ f’waqtu ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar, u proċeduri għall-organizzazzjoni ta’ titjiriet charter. Madankollu, ir-riżultati kienu mħallta, billi fil-laqgħat sussegwenti tal-JWG, l-Istati Membri osservaw xi titjib iżda wkoll diffikultajiet persistenti.

88

Fl-2018 il-Frontex nediet proġett pilota għal sistema ta’ vidjokonferenzi biex twettaq il-proċess ta’ identifikazzjoni. Il-proġett pilota ġie implimentat f’kooperazzjoni mal-programm tal-EURLO, li akkwista t-tagħmir tal-vidjokonferenzi, u l-IOM. Fl-2019 is-sistema kienet effettiva biex tiffaċilita l-identifikazzjoni tal-migranti. Madankollu, tliet kwarti ta’ dawk identifikati sussegwentement applikaw għall-protezzjoni internazzjonali, u għalhekk ma setgħux jiġu ritornati.

89

L-Istati Membri żviluppaw il-kunċett ta’ missjonijiet ta’ identifikazzjoni biex jindirizzaw il-problemi fil-kooperazzjoni konsulari ma’ pajjiżi terzi (eż. meta konsulat ma jkunx irid jikkoopera rigward l-identifikazzjoni, ma jkollux il-mandat biex jagħmel dan, jew ma jkunx fiżikament preżenti fi Stat Membru). Il-Frontex ilha tappoġġa lill-Istati Membri fil-missjonijiet ta’ identifikazzjoni minn tmiem l-2016, meta ħadet f’idejha din l-attività mill-Eurint. L-appoġġ mill-Frontex huwa xprunat minn talbiet li jsiru mill-Istati Membri, u l-forma eżatta tiegħu tiġi ddefinita fuq bażi ta’ każ b’każ.

90

Sa nofs l-2020, il-Frontex kienet appoġġat 25 missjoni fuq terminu qasir (ġeneralment huma meħtieġa ġimagħtejn biex jitwettqu l-attivitajiet ta’ identifikazzjoni fi Stat Membru wieħed jew aktar) u 5 missjonijiet fuq terminu twil (stazzjonamenti f’post wieħed, potenzjalment għal snin). Ir-riżultati tal-missjonijiet jidhru fil-Figura 12.

Figura 12

Missjonijiet ta’ identifikazzjoni appoġġati mill-Frontex(Ottubru 2016 – Mejju 2020)

Sors: il-QEA, ibbażat fuq data pprovduta mill-Frontex.

91

Fil-każ tal-operazzjonijiet ta’ ritorn, il-Frontex tipprovdi appoġġ finanzjarju u operazzjonali (eż. billi torganizza titjiriet, u tistazzjona skorti u osservaturi). Tradizzjonalment, il-Frontex appoġġat prinċipalment it-titjiriet charter. Hija tistma li l-biċċa l-kbira minn dawn it-titjiriet attwalment jinvolvu l-assistenza tagħha. Madankollu, charter jista’ jintuża biss bil-kunsens ta’ kull pajjiż tar-ritorn. Mill-10 pajjiżi koperti mill-awditu tagħna, 2 jirrifjutaw iċ-charters tal-Frontex. Bosta miċ-charters ġew organizzati biss bi ftit persuni rimpatrijati abbord54.

92

Fil-Pjan ta’ Azzjoni Mġedded dwar ir-Ritorn ta’ Marzu 2017, il-Kummissjoni appellat lill-Frontex biex tistabbilixxi mekkaniżmu li jassisti lill-Istati Membri fit-twettiq ta’ ritorni permezz ta’ titjiriet kummerċjali. Konsegwentement, il-Frontex stabbiliet il-kuntratti meħtieġa mal-linji tal-ajru, kif ukoll sistemi interni, u organizzat l-ewwel titjira kummerċjali f’Diċembru 2017. Minn dak iż-żmien ’il hawn, l-għedud żdiedu b’mod sinifikanti (ara l-Figura 13). Barra minn hekk, il-Frontex ilha mill-2019 tipprovdi assistenza fit-tluq volontarju, u ilha mill-2020 tipprovdi assistenza fir-ritorni volontarji. L-għadd ta’ każijiet appoġġati kiber malajr, minn 155 tluq volontarju fl-2019 għal 1 532 nazzjonal ta’ pajjiż terz li ġew ritornati b’mod volontarju (kemm tluq volontarju kif ukoll ritorni volontarji) fl-2020. Dan ikkumpensa parzjalment għat-tnaqqis f’operazzjonijiet oħra ta’ ritorn fl-2020 ikkawżat mir-restrizzjonijiet relatati mal-COVID.

Figura 13

Għadd ta’ nazzjonali ta’ pajjiżi terzi li ġew ritornati permezz tal-Frontex

Sors: il-QEA, ibbażat fuq data pprovduta mill-Frontex.

Il-proġetti ta’ appoġġ għall-bini tal-kapaċitajiet u dawk ta’ riintegrazzjoni kienu rilevanti, u fil-biċċa l-kbira wasslu l-outputs ippjanati

Appoġġ għall-bini tal-kapaċitajiet
93

Fl-2016, il-Kummissjoni nediet il-Faċilità għall-Bini tal-Kapaċitajiet ta’ Riammissjoni (RCBF/EURCAP). Din għandha l-għan li ssaħħaħ il-kapaċitajiet tal-pajjiżi sħab biex jimmaniġġjaw ir-ritorni u jikkooperaw mal-UE rigward ir-riammissjoni, u biex jipprevienu l-migrazzjoni irregolari. Il-Faċilità għandha baġit ta’ EUR 38.5 miljun (iffinanzjat taħt l-AMIF) u qed tiġi implimentata mill-IOM. Il-Figura 14 tipprovdi stampa ġenerali tal-azzjonijiet ta’ appoġġ tal-RCBF. Il-valutazzjoni tagħna ta’ sitt azzjonijiet implimentati fil-pajjiżi koperti mill-awditu tinsab fl-Anness III. Aħna sibna li l-azzjonijiet kienu rilevanti, u ġeneralment wasslu l-outputs mistennija tagħhom. L-eżiti miksuba kienu parzjalment sodisfaċenti.

Figura 14

Azzjonijiet ta’ appoġġ tal-RCBF/EURCAP, 2016-2023

Sors: il-QEA, ibbażat fuq dokument oriġinali tal-IOM.

94

Tlieta mill-azzjonijiet tal-RCBF li eżaminajna kellhom l-għan li jibnu u joperaw is-Sistema ta’ Ġestjoni tal-Każijiet ta’ Riammissjoni (RCMS) elettronika. L-RCMS tfittex li tawtomatizza l-proċessi u l-proċeduri ta’ riammissjoni, tintegra l-partijiet ikkonċernati (fil-pajjiżi terzi u fl-Istati Membri), tnaqqas il-ħin kumplessiv tal-ipproċessar tal-każijiet, u tipprovdi statistika u informazzjoni aġġornati. Bħala tali, l-RCMS għandha l-potenzjal li ttejjeb strutturalment il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi rigward ir-riammissjoni.

95

L-RCMS fil-Bangladesh ilha li ġiet żviluppata u ilha tintuża b’suċċess minn Novembru 2020, u l-Istati Membri bdew jużawha biex jissottomettu t-talbiet ta’ riammissjoni. L-RCMS għall-Pakistan ġiet imfassla, żviluppata u ntużat b’suċċess f’erba’ Stati Membri pilota (minn April 2018). Ir-rappreżentanti nazzjonali li intervistajna indikaw riżultati mħallta matul il-fażi pilota. Huma apprezzaw l-RCMS bħala għodda, u kienu jħossu li din jenħtieġ li tiġi promossa u estiża. L-awtoritajiet kellhom probabbiltà akbar li jwieġbu għat-talbiet ta’ riammissjoni, u aktar malajr. Madankollu, kien għad fadal bosta sfidi. Fl-aħħar mill-aħħar, l-RCMS hija għodda teknika li s-suċċess tagħha jiddependi wkoll minn kemm l-awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi huma lesti li jikkooperaw.

96

Fi tmiem l-2018, il-Kummissjoni approvat it-tieni fażi tal-proġett tal-RCMS għall-Pakistan, bl-objettiv li tagħmel is-sistema aċċessibbli għal Stati Membri oħra. Madankollu, din l-estensjoni ffaċċjat dewmien kbir. L-IOM u l-awtoritajiet Pakistani kienu ffirmaw il-ftehim ta’ servizz meħtieġ madwar 18-il xahar wara, f’Lulju 2020, minħabba ostakoli min-naħa tal-Pakistan.

97

Aħna rrieżaminajna tliet azzjonijiet oħra ta’ bini tal-kapaċitajiet li rrispondew għall-ħtiġijiet speċifiċi maqbula matul il-JWGs. Dawn kienu utli biex tiġi stabbilita kooperazzjoni taħt l-arranġamenti ta’ riammissjoni li kienu għadhom kif ġew innegozjati.

Assistenza għar-riintegrazzjoni
98

Skont id-Direttiva dwar ir-Ritorn, jenħtieġ li r-ritorni volontarji jingħataw preferenza aktar mir-ritorni furzati55. Ir-riintegrazzjoni soċjoekonomika hija wkoll inċentiv importanti għall-migranti biex jirritornaw b’mod volontarju. Hija tipprovdi prospetti ta’ għajxien lill-persuni rimpatrijati, u għaldaqstant tagħmel ir-ritorni tagħhom dinjitużi u aktar sostenibbli. Matul in-negozjati ta’ EURA u fil-JRCs/JWGs sussegwenti, il-pajjiżi koperti mill-awditu tagħna enfasizzaw b’mod regolari l-importanza ta’ ritorn dinjituż għan-nazzjonali tagħhom, u r-riintegrazzjoni tagħhom. L-Anness IV fih il-valutazzjoni tagħna tal-appoġġ għar-riintegrazzjoni pprovdut fil-pajjiżi koperti mill-awditu tagħna.

99

Il-Kummissjoni ffinanzjat l-assistenza għar-riintegrazzjoni fl-10 pajjiżi kollha koperti mill-awditu tagħna. Hija għamlet dan permezz tal-AMIF u permezz tal-fondi tal-UE għall-iżvilupp

  1. Taħt l-AMIF, il-Kummissjoni kkofinanzjat ir-ritorni volontarji u dawk furzati mwettqa mill-Istati Membri. Bejn l-2015 u l-2019, l-AMIF ikkofinanzja b’kollox madwar 276 000 ritorn b’mod globali (li 159 000 minnhom kienu volontarji). Madwar 40 % tal-persuni rimpatrijati rċevew assistenza għar-riintegrazzjoni56. Madankollu, il-Kummissjoni ma stipulatx rekwiżiti jew standards minimi komuni għal tali assistenza, li kienet imfassla l-aktar fuq bażi nazzjonali.
  2. Il-fondi tal-UE għall-iżvilupp iffinanzjaw ir-ritorni volontarji u l-assistenza għar-riintegrazzjoni għall-persuni spostati internament, il-migranti li jinsabu f’pajjiżi terzi, jew dawk maqbuda tul ir-rotot migratorji. Il-proġetti sottostanti kellhom dimensjonijiet umanitarji, ta’ żvilupp u/jew ta’ ġestjoni tal-migrazzjoni b’saħħithom. Inġenerali, il-persuni rimpatrijati mill-Ewropa kienu jirrappreżentaw biss frazzjon ta’ dawk li jirċievu assistenza, minħabba li l-għadd tagħhom fil-biċċa l-kbira kien baxx. Pereżempju, aktar minn 820 000 persuna rritornaw lejn l-Afganistan mill-Iran u mill-Pakistan fl-201857, u dan jikkuntrasta mal-ammont ta’ 3 120 Afgan li rritornaw mill-UE.
100

Aħna rrieżaminajna 14-il proġett ta’ riintegrazzjoni, u sibna li dawn kienu rilevanti għall-ħtiġijiet tal-persuni rimpatrijati u tal-pajjiżi terzi. Il-proġetti kienu mmirati lejn ir-riintegrazzjoni ekonomika, soċjali u psikosoċjali tal-persuni rimpatrijati, billi tejbu l-kundizzjonijiet tal-għajxien tal-komunitajiet riċeventi, u/jew saħħew il-kapaċità tal-pajjiżi ta’ oriġini biex jimmaniġġjaw il-migrazzjoni u jirriintegraw il-migranti li jirritornaw.

101

Aħna sibna li 11-il proġett wasslu (jew x’aktarx li jwasslu) l-outputs ippjanati tagħhom. Madankollu, f’2 każijiet mill-11-il każ, id-dewmien (dovut għall-kuntest diffiċli tas-sigurtà fl-Afganistan) affettwa l-implimentazzjoni tal-proġetti. Mill-14-il proġett, 3 ffaċċjaw diffikultajiet aktar serji. Fiż-żmien meta sar l-awditu, it-tliet proġetti kienu għadhom għaddejjin, u l-Kummissjoni u s-sħab ta’ implimentazzjoni tagħha ħadu għadd ta’ miżuri ta’ mitigazzjoni b’rispons għad-diffikultajiet.

102

F’bosta każijiet (l-Afganistan, il-Guinea u n-Niġerja), id-domanda għall-assistenza għar-riintegrazzjoni qabżet il-baġit inizjalment allokat għall-proġetti. F’każijiet bħal dawn, il-Kummissjoni u l-EUTF irreaġew bi flessibbiltà billi pprovdew l-appoġġ addizzjonali li kien meħtieġ (ara l-Kaxxa 4).

Kaxxa 4

Appoġġ mill-UE biex tiġi indirizzata l-kriżi tal-migranti fil-Libja

Fl-2019, l-UE approvat l-Azzjoni Reġjonali għar-reġjun tas-Saħel u tal-Lag Chad, għal total ta’ EUR 121 miljun. L-Azzjoni pprovdiet riżorsi biex jiġu ffaċilitati 9 000 ritorn volontarju (umanitarju), jiġu protetti 12 400 migrant li kienu maqbuda jew f’sitwazzjoni vulnerabbli, jiġu mfittxija u salvati 10 000 migrant li nqabdu fid-deżert, u jiġu appoġġati 38 050 persuna rimpatrijata biex jiġu riintegrati. L-Azzjoni ġiet żviluppata mill-IOM b’segwitu għal mandat mit-Task Force Konġunta tal-Unjoni Afrikana, l-UE u n-Nazzjonijiet Uniti, flimkien ma’ programmi UE-IOM oħra li jindirizzaw il-kriżi tal-migranti fil-Libja.

L-Azzjoni tikkomplementa 13-il azzjoni nazzjonali li ilhom mill-2017 jiġu implimentati fir-reġjun tas-Saħel u tal-Lag Chad taħt l-Inizjattiva Konġunta UE-IOM. Dawn irriżultaw insuffiċjenti fid-dawl tal-kriżi sussegwenti fil-Libja. Fil-Guinea, pereżempju, l-azzjoni nazzjonali kienet oriġinarjament ippjanata li tassisti 2 000 persuna rimpatrijata; fi tmiem l-2018, fir-realtà kien hemm 9 200 persuna li talbu appoġġ għar-riintegrazzjoni.

Fi tmiem l-2020, l-UE qablet li testendi l-Azzjoni Reġjonali bi 18-il xahar, u żiedet il-kontribuzzjoni kumplessiva tagħha għal EUR 188 miljun, bil-għan li tipprovdi protezzjoni ulterjuri għal eluf ta’ migranti vulnerabbli u maqbuda kif ukoll tiffaċilita r-ritorn volontarju sikur u dinjituż tagħhom.

B’mod ġenerali, l-EUTF ikkontribwixxa b’mod sostanzjali għar-ritorn volontarju ta’ aktar minn 50 000 migrant mil-Libja, u għar-riintegrazzjoni tagħhom fil-pajjiżi ta’ oriġini tagħhom taħt it-Task Force UA-UE-NU. Huwa kkontribwixxa wkoll għall-istabbilizzazzjoni tal-komunità fil-Libja billi ta aċċess lil 3.5 miljun persuna għal kura tas-saħħa mtejba, u billi pprovda edukazzjoni bażika għal 70 000 tifel u tifla58.

103

Il-proġetti ta’ riintegrazzjoni kienu għadhom għaddejjin fiż-żmien meta wettaqna l-awditu, u l-informazzjoni li kienet disponibbli ma ppermettitilniex nivvalutaw il-probabbiltà li jinkisbu l-eżiti ppjanati tagħhom. F’dan ir-rigward, il-proġetti fl-Afganistan, il-Bangladesh, il-Guinea, l-Iraq, il-Marokk, in-Niġerja u t-Tuneżija kien fihom komponenti għat-titjib tal-governanza tal-migrazzjoni, inkluża l-kapaċità tal-awtoritajiet nazzjonali biex jipprovdu assistenza ta’ wara l-wasla u għar-riintegrazzjoni. Il-kisba tal-eżitu ta’ “riintegrazzjoni sostenibbli tal-migranti li jirritornaw” se tiddependi wkoll minn fatturi esterni u mir-riżorsi disponibbli biex tkompli titwassal assistenza wara l-proġetti.

104

Il-partijiet ikkonċernati li intervistajna enfasizzaw l-importanza ta’ ritorni sikuri u dinjitużi u ta’ riintegrazzjoni sostenibbli tal-persuni rimpatrijati. Il-proġetti ta’ riintegrazzjoni kollha li rrieżaminajna, ħlief wieħed, kienu jinkludu (fejn rilevanti) komponent ta’ monitoraġġ għall-valutazzjoni tas-sostenibbiltà tar-riintegrazzjoni matul iż-żmien. B’mod partikolari, l-IOM (li timplimenta 7 mill-14-il proġett ta’ riintegrazzjoni li awditjajna) żviluppat metodoloġija komprensiva għall-evalwazzjoni tas-sostenibbiltà tal-appoġġ tagħha għar-riintegrazzjoni, u ilha mill-2017 tapplikaha progressivament għall-proġetti tagħha ta’ riintegrazzjoni59. Din setgħet tippermettilha tqabbel ir-riżultati miksuba fil-proġetti kollha, fil-pajjiżi u matul iż-żmien, u tidentifika aħjar il-fatturi għal riintegrazzjoni ta’ suċċess.

105

Skont id-definizzjoni tal-IOM, ir-riintegrazzjoni tista’ titqies sostenibbli meta l-persuni rimpatrijati jkunu laħqu livelli ta’ awtosuffiċjenza ekonomika, stabbiltà soċjali fi ħdan il-komunitajiet tagħhom, u benesseri psikosoċjali li jippermettulhom ilaħħqu mal-fatturi ewlenin tal-migrazzjoni (mill-ġdid)60. Ir-rapporti tal-IOM dwar ir-riintegrazzjoni taħt l-Inizjattiva Konġunta UE-IOM61, flimkien ma’ data preliminari minn pajjiżi oħra, urew li kienu nkisbu riżultati ġeneralment sostenibbli (minkejja li l-komponent tar-riintegrazzjoni ekonomika rċieva punteġġi relattivament aktar baxxi minn dawk soċjali u psikosoċjali) għall-persuni li setgħu jinstabu u li taw il-kunsens tagħhom għall-istħarriġ. B’kuntrast ma’ dan, evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu ta’ żewġ programmi li ġew implimentati minn organizzazzjonijiet oħra fl-Afganistan sabet sostenibbiltà baxxa f’termini ta’ assistenza.

Id-data disponibbli ma ppermettietx monitoraġġ komprensiv tar-riammissjonijiet

106

Il-Kummissjoni (l-Eurostat) ilha mill-2008 tikkompila statistika Ewropea dwar il-migrazzjoni u l-protezzjoni internazzjonali. L-Istati Membri jipprovdu d-data f’konformità ma’ Regolament tal-UE, li ġie aġġornat fl-202062. L-istatistika dwar ir-ritorn63 kienet tinkludi data annwali dwar:

  1. l-għadd ta’ nazzjonali ta’ pajjiżi terzi ordnati jitilqu, diżaggregat skont iċ-ċittadinanza tal-persuni kkonċernati;
  2. l-għadd ta’ nazzjonali ta’ pajjiżi terzi li fil-fatt telqu, b’segwitu għal deċiżjoni jew att amministrattiv jew ġudizzjarju, kif imsemmi fil-punt (a), diżaggregat skont iċ-ċittadinanza tal-persuni ritornati (“nazzjonali ta’ pajjiżi terzi li ġew ritornati”).
107

Ir-regolament aġġornat jipprevedi, mis-sena ta’ referenza 2021, żieda fil-frekwenza (minn annwali għal trimestrali) u diżaggregazzjoni addizzjonali (età, sess, minorenni mhux akkumpanjati, tip ta’ ritorn, assistenza riċevuta, pajjiż ta’ destinazzjoni) tad-data.

108

Indikatur ewlieni dwar l-effettività tal-politika ta’ ritorn huwa r-“rata ta’ ritorni effettivi”, ikkalkulata bħala l-għadd ta’ persuni li realment telqu mit-territorju tal-UE diviż bl-għadd ta’ dawk li ġew ordnati jitilqu (indikatur (b) vs. indikatur (a) hawn fuq). Il-Kummissjoni tuża l-indikatur fid-dokumenti tagħha64, filwaqt li tirrikonoxxi l-isfidi li jaffettwaw id-data sottostanti65. Dawn l-isfidi huma dovuti għad-differenzi fil-proċeduri u l-leġiżlazzjoni nazzjonali, u għad-dgħufijiet fil-qafas leġiżlattiv tal-UE u fis-sistemi ta’ informazzjoni għall-ġestjoni tal-fruntieri. Il-kwistjonijiet prinċipali, u l-passi li l-Kummissjoni ħadet f’dawn l-aħħar snin biex tindirizzahom, huma miġburin fil-qosor fl-Anness V.

109

Għal skopijiet ta’ monitoraġġ, u fin-nuqqas ta’ data Ewropea adegwata, l-Unità tal-Analiżi tar-Riskju tal-Frontex ilha mill-2011 tiġbor data fuq bażi ta’ kull xahar mill-Istati Membri dwar id-deċiżjonijiet ta’ ritorn għal nazzjonali ta’ pajjiżi terzi b’soġġorn illegali u dwar ir-ritorni reali tagħhom.

110

Bħala parti min-Network ta’ Analiżi tar-Riskju (FRAN) tagħha, il-Frontex tiġbor id-data permezz ta’ kanali differenti u bl-użu ta’ metodoloġija differenti mill-Eurostat. Dan ifisser li d-data mhijiex komparabbli (ara l-Figura 15). Bl-istess mod, bħal fil-każ tal-Eurostat, id-data tal-Frontex fiha dgħufijiet66. Barra minn hekk, bosta Stati Membri ma jipprovdux id-data67.

Figura 15

Id-data pprovduta mill-Eurostat u mill-Frontex dwar id-deċiżjonijiet ta’ ritorn

Sors: il-QEA, ibbażat fuq data pprovduta mill-Eurostat (it-tabelli statistiċi “Third country nationals ordered to leave EU28 in 2019”, [emigrar_eiord]) u mill-Frontex (Risk Analysis for 2020, it-Tabella 11 tal-Anness. Return decisions issued in 2019).

111

L-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-Frontex ikkondividew, f’diversi forums, informazzjoni dwar il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi prijoritarji rigward ir-riammissjoni. B’mod partikolari, il-Kummissjoni organizzat laqgħat ta’ kull xahar tal-“Grupp ta’ Esperti dwar ir-Riammissjoni” biex tiskambja informazzjoni operazzjonali mal-esperti nazzjonali. Madankollu, din l-informazzjoni la nġabret u lanqas ma ġiet ipprovduta b’mod sistematiku, u ma kinitx kompleta.

112

Il-Kodiċi dwar il-Viżi li ġie rivedut (ara l-paragrafu 51) jirrikjedi li l-Kummissjoni “tivvaluta b’mod regolari, mill-inqas darba fis-sena, il-kooperazzjoni ta’ pajjiżi terzi fir-rigward tar-riammissjoni, […]. Din il-valutazzjoni għandha tkun ibbażata fuq l-użu ta’ data affidabbli”68. L-indikaturi jikkonċernaw:

  1. l-għadd ta’ deċiżjonijiet ta’ ritorn;
  2. l-għadd ta’ ritorni furzati reali bħala perċentwal tad-deċiżjonijiet maħruġa;
  3. l-għadd ta’ talbiet ta’ riammissjoni aċċettati mill-pajjiż terz bħala perċentwal tal-għadd ta’ tali talbiet li ġew ippreżentati lilu;
  4. il-livell ta’ kooperazzjoni prattika fir-rigward tar-ritorn fl-istadji differenti tal-proċedura ta’ ritorn (l-identifikazzjoni, il-ħruġ ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar u l-aċċettazzjoni ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar tal-UE, l-aċċettazzjoni tar-riammissjoni ta’ persuni, u l-aċċettazzjoni ta’ titjiriet u operazzjonijiet ta’ ritorn).
113

Madankollu, id-data meħtieġa dwar ir-ritorni u dwar il-kooperazzjoni rigward ir-riammissjoni la hija kompleta u lanqas ma hija komparabbli fost l-Istati Membri (il-punti (a) u (b) hawn fuq; ara l-paragrafu 108 u l-Anness V), jew ma kinitx teżisti fil-livell tal-UE (il-punti (c)69 u (d)).

114

Biex tikkumpensa għan-nuqqas ta’ data disponibbli, il-Kummissjoni nediet stħarriġ ta’ ġbir tad-data flimkien mal-Frontex f’Jannar 2020, akkumpanjat minn kwestjonarji kwalitattivi dettaljati dwar il-livell ta’ kooperazzjoni rigward ir-riammissjoni mill-Istati Membri ma’ 39 pajjiż terz ta’ interess.

115

Id-data kwantitattiva miġbura hija: ordnijiet ta’ ritorn maħruġa (f’termini ta’ deċiżjonijiet u ta’ persuni); ritorni effettivi; talbiet għal Dokumenti Provviżorji tal-Ivvjaġġar (ETDs); u l-ETDs maħruġa. L-indikaturi dwar ordnijiet ta’ ritorn (deċiżjonijiet) u dwar ir-ritorni effettivi jikkorrispondu għal dawk miġbura qabel permezz tan-Network ta’ Analiżi tar-Riskju tal-Frontex, u għandhom l-istess dgħufijiet (ara l-paragrafu 108). L-indikaturi dwar l-ETDs mitluba u maħruġa huma ġodda, u 20 Stat Membru biss ipprovdew id-data. Id-data turi li l-Istati Membri talbu ETDs għal frazzjon biss tad-deċiżjonijiet ta’ ritorn maħruġa (għal 12 mill-Istati Membri, iċ-ċifra kienet taħt it-3 %). Filwaqt li l-ETDs mhux dejjem huma meħtieġa (pereżempju, il-migranti jista’ jkollhom dokumenti tal-ivvjaġġar, jirritornaw fuq bażi volontarja, jew jaħarbu) u bosta deċiżjonijiet ta’ ritorn jistgħu jinħarġu lill-istess persuna, id-data tissuġġerixxi li fil-maġġoranza assoluta tal-każijiet il-biċċa l-kbira mill-Istati Membri ma talbux kooperazzjoni mill-pajjiżi ta’ oriġini rigward id-dokumentazzjoni mill-ġdid u r-riammissjoni tal-migranti irregolari. Għall-każijiet fejn intalbet kooperazzjoni, kien hemm varjazzjoni konsiderevoli bejn l-Istati Membri fir-rata rrappurtata ta’ ETDs riċevuti meta mqabbla ma’ dawk mitluba, biċ-ċifri jvarjaw minn 13 % sa 100 %.

116

Il-kwestjonarju kwalitattiv kien jinkludi 14-il mistoqsija dettaljata dwar il-kooperazzjoni rigward ir-riammissjoni għal kull wieħed mid-39 pajjiż terz. Waħda mill-mistoqsijiet kienet tikkonċerna l-issodisfar tad-dati ta’ skadenza għall-ħruġ ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar, kif stipulat fil-ftehimiet ta’ riammissjoni. Madankollu, ma nġabritx data dwar it-tul (medju) reali tal-proċess.

117

Il-Kummissjoni kkompletat u bagħtet lill-Kunsill il-valutazzjoni tagħha tar-riżultati tal-istħarriġ fl-10 ta’ Frar 202170. Il-Kunsill jista’, abbażi ta’ proposta mill-Kummissjoni u filwaqt li jieħu kont tar-relazzjonijiet kumplessivi tal-Unjoni mal-pajjiż terz, jattiva l-inċentivi pożittivi jew negattivi previsti fil-Kodiċi dwar il-Viżi li ġie rivedut71.

118

Dan il-proċess il-ġdid għandu l-potenzjal li jtejjeb il-kooperazzjoni tal-UE ma’ pajjiżi terzi rigward ir-riammissjoni billi:

  1. isaħħaħ il-ġbir u l-kondiviżjoni tad-data mill-Istati Membri fil-qasam tal-kooperazzjoni rigward ir-riammissjoni. Għall-ewwel darba, se tkun disponibbli data kwantitattiva u kwalitattiva dwar il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi ta’ prijorità rigward ir-riammissjoni;
  2. jipproduċi valutazzjoni annwali regolari tal-kooperazzjoni mill-pajjiżi terzi rilevanti, li tagħmilha possibbli (wara bosta valutazzjonijiet bħal dawn) li jiġu stabbiliti xejriet ċari fil-kooperazzjoni;
  3. jippermetti deċiżjonijiet ta’ politika bbażati fuq l-evidenza fil-qasam tal-kooperazzjoni rigward ir-riammissjoni.
119

Minħabba n-nuqqas ta’ proċess ekwivalenti għall-ġbir ta’ data dwar il-kooperazzjoni rigward ir-riammissjoni fil-passat, ikkombinat ma’ nuqqasijiet fid-data dwar ir-ritorni (ara l-paragrafi 108 sa 110 u l-Anness V), aħna ma stajniex nivvalutaw l-impatt kumplessiv tal-azzjonijiet tal-UE biex titjieb il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi rigward ir-riammissjoni.


Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

120

B’mod ġenerali, aħna sibna li l-azzjonijiet tal-UE biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi rigward ir-riammissjoni kienu rilevanti, iżda taw riżultati limitati.

121

Aħna għażilna l-10 pajjiżi bl-ogħla għadd assolut ta’ migranti irregolari mhux ritornati matul il-perjodu 2014-2018 (ara l-paragrafu 17). Sibna li l-Kunsill u l-Kummissjoni identifikaw formalment 8 minn dawn l-10 pajjiżi terzi bħala prijoritajiet, u kienu involuti magħhom f’negozjati ta’ riammissjoni. Il-Kummissjoni kienet involuta wkoll fi djalogu dwar il-migrazzjoni maż-żewġ pajjiżi l-oħra, iżda mingħajr l-ebda progress tanġibbli rigward ir-riammissjonijiet (il-paragrafi 24 sa 25).

122

Matul il-perjodu 2015-2020, l-UE kisbet progress limitat fil-konklużjoni ta’ ftehimiet ta’ riammissjoni, iżda kellha aktar suċċess fin-negozjar ta’ arranġamenti ta’ riammissjoni mhux legalment vinkolanti. Ir-rieda politika murija minn pajjiżi terzi kienet essenzjali għas-suċċess tan-negozjati ta’ riammissjoni. Għalkemm il-Kummissjoni u s-SEAE pprovdew appoġġ politiku biex jerġgħu jibdew in-negozjati sospiżi, il-partijiet ikkonċernati nazzjonali li intervistajna kienu jħossu li l-involviment politiku tal-Kummissjoni u tas-SEAE ma’ pajjiżi terzi kien jeħtieġ li jiżdied (il-paragrafi 26 sa 28).

123

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri ma ħadux kont suffiċjenti tat-tagħlimiet meħuda minn EURAs preċedenti, u kwistjonijiet li ilhom jeżistu (primarjament l-insistenza fuq il-klawsola tat-TCN u r-riluttanza tal-pajjiżi terzi biex jaċċettawha, anke meta kienet inkluża fi ftehimiet bilaterali) baqgħu punti kritiċi ewlenin fin-negozjati ta’ EURA. B’kuntrast ma’ dan, il-Kummissjoni u l-Istati Membri ma insistewx fuq l-inklużjoni tal-EUTD fil-ftehimiet innegozjati, minkejja l-potenzjal tal-EUTD li jindirizza b’mod effettiv id-diffikultajiet fil-kooperazzjoni rigward ir-riammissjoni (il-paragrafi 29 sa 33).

124

L-arranġamenti ta’ riammissjoni għandhom l-istess objettiv bħall-EURAs, iżda huma aktar flessibbli fil-kontenut tagħhom. Madankollu, il-mandat ta’ negozjar formali tal-Kummissjoni ma jippermettix li hija tabbanduna n-negozjati ta’ EURA li ma rnexxewx u li tikseb arranġament ta’ riammissjoni aktar rapidu (il-paragrafi 34 sa 38).

Rakkomandazzjoni 1 – Jiġi segwit approċċ flessibbli fin-negozjati ta’ EURA

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tilħaq qbil mal-Kunsill dwar approċċ aktar flessibbli fin-negozjati ta’ EURA:

  • billi tadatta l-kontenut tal-EURAs għall-karatteristiċi speċifiċi tal-kooperazzjoni mal-pajjiż terz ikkonċernat rigward ir-riammissjoni, u billi tivvaluta l-ħtieġa reali li tiġi inkluża (jew li ma tiġix inkluża) il-klawsola tat-TCN, l-EUTD, u klawsoli sensittivi oħra meta jiġu proposti abbozzi ta’ direttivi ta’ negozjati lill-Kunsill;
  • fil-każ ta’ negozjati ta’ EURA fuq terminu twil li ma jirnexxux, billi tilħaq qbil dwar proċedura biex jinkisbu arranġamenti alternattivi ta’ riammissjoni fejn ikun xieraq.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: il-31 ta’ Diċembru 2022

125

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri ma żviluppawx approċċ strateġiku li jinkludi l-politiki tal-UE u dawk nazzjonali għall-ħolqien ta’ pakketti komprensivi biex jappoġġaw in-negozjati ta’ EURA. Barra minn hekk, il-Kummissjoni u l-Istati Membri sistematikament ma tkellmux b’vuċi waħda mal-pajjiżi terzi, u l-Kummissjoni mhux dejjem inkludiet lill-Istati Membri ewlenin fil-proċess ta’ faċilitazzjoni tan-negozjati ma’ pajjiżi terzi. Meta l-Istati Membri ġew inklużi, dan tejjeb l-influwenza politika kollettiva tal-UE, u rriżulta li kien ta’ benefiċċju biex jinkisbu riżultati (il-paragrafi 39 sa 46).

Rakkomandazzjoni 2 – Jinħolqu sinerġiji mal-Istati Membri

Jenħtieġ li l-Kummissjoni toħloq sinerġiji mal-Istati Membri biex tiffaċilita n-negozjati ta’ EURA u l-arranġamenti ta’ riammissjoni:

  • qabel tniedi n-negozjati, billi tilħaq qbil mal-Istati Membri dwar il-politiki tal-UE u dawk nazzjonali, li potenzjalment jistgħu jintużaw bħala inċentivi;
  • billi tinkludi sistematikament lill-Istati Membri ewlenin fil-proċess ta’ faċilitazzjoni tan-negozjati ma’ pajjiżi terzi.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: Immedjatament

126

L-UE għamlet progress limitat fil-ħolqien ta’ inċentivi strutturali għall-pajjiżi terzi biex jimplimentaw l-obbligi tagħhom ta’ riammissjoni. Fil-qasam tal-politika dwar il-viżi, il-Kodiċi dwar il-Viżi li ġie rivedut ipprovda lill-UE mekkaniżmu u għodod biex tiġi stimulata l-kooperazzjoni ta’ pajjiżi terzi rigward ir-riammissjoni. Fl-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali l-ġdid, il-Kummissjoni pproponiet li jiġi ppreservat inċentiv ibbażat fuq il-prestazzjoni għall-pajjiżi tal-Viċinat filwaqt li tinżdied il-kooperazzjoni rigward il-migrazzjoni fost il-kriterji għall-ippremjar tal-progress dwar il-governanza tajba. Hija ssuġġeriet ukoll mira ta’ nfiq orizzontali ta’ 10 % biex tgħin sabiex “[t]ippermetti lill-Unjoni tirrispondi għall-isfidi, il-ħtiġijiet u l-opportunitajiet relatati mal-migrazzjoni”. Fil-qasam tal-politika kummerċjali, mill-2015 ’il hawn ma nkiseb l-ebda progress tanġibbli fil-ħolqien ta’ inċentivi biex tiġi stimulata l-kooperazzjoni tal-pajjiżi terzi rigward ir-riammissjoni. F’dak li jirrigwarda l-migrazzjoni legali, l-iskemi bilaterali tax-xogħol u dawk edukattivi tal-Istati Membri ma ġewx ingranati b’mod suffiċjenti fil-livell tal-UE. L-UE qagħdet lura milli tuża ingranaġġ negattiv biex tappoġġa n-negozjati ta’ riammissjoni minħabba li dan jista’ jirriżulta kontroproduttiv (il-paragrafi 47 sa 68).

127

Sar progress fiż-żieda tal-koordinazzjoni bejn id-dipartimenti tal-Kummissjoni u bejn l-Istati Membri. It-Task Force tal-Kummissjoni, li nħolqot fl-2016 biex tappoġġa l-implimentazzjoni tal-Qafas ta’ Sħubija, serviet bħala forum għall-koordinazzjoni u d-diskussjoni bejn id-dipartimenti tal-Kummissjoni u s-SEAE. F’Diċembru 2019, il-Kummissjoni ħolqot “grupp tal-proġett” permanenti tal-Kummissarji dwar il-migrazzjoni biex issaħħaħ il-koordinazzjoni fil-livell politiku. Il-mekkaniżmu informali ta’ ingranaġġ tal-viżi tal-Coreper ipprovda sett ta’ għodod ta’ miżuri dwar il-viżi fil-każ ta’ pajjiżi terzi li ma jikkooperawx rigward ir-riammissjonijiet. L-eżistenza nnifisha tal-mekkaniżmu għenet biex titjieb il-kooperazzjoni rigward ir-riammissjoni f’bosta okkażjonijiet. Din l-esperjenza pożittiva wasslet għall-iżvilupp ta’ “Mekkaniżmu ta’ ingranaġġ komprensiv” informali tal-Coreper, li potenzjalment jippermetti li jiġu attivati diversi politiki bil-ħsieb li titjieb il-kooperazzjoni ta’ pajjiżi terzi rigward ir-ritorni u r-riammissjonijiet (il-paragrafi 69 sa 72).

Rakkomandazzjoni 3 – Jissaħħu l-inċentivi għall-kooperazzjoni ta’ pajjiżi terzi rigward ir-riammissjoni

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tevalwa, fil-fażi tal-bidu, il-potenzjal tal-ftehimiet, tal-istrumenti u tal-politiki kollha li jkunu għadhom kif ġew proposti u li huma relatati ma’ pajjiżi terzi biex jintużaw bħala inċentivi għall-ġestjoni tal-migrazzjoni u l-kooperazzjoni rigward ir-riammissjoni.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: il-31 ta’ Diċembru 2022

128

Ir-riammissjonijiet effettivi jistgħu jiġu mxekkla minn diversi sfidi. Il-kontenut tal-EURAs/arranġamenti jindirizza l-biċċa l-kbira mill-ostakoli komuni għal riammissjoni bla xkiel. F’dan l-isfond, il-JRCs/JWGs ipprovdew forums għall-evalwazzjoni perjodika tal-kooperazzjoni rigward ir-riammissjoni. Madankollu, in-natura rikorrenti ta’ xi wħud mill-kwistjonijiet diskussi tassew uriet il-limiti għall-effettività tagħhom (il-paragrafi 74 sa 79).

129

In-networks tal-UE relatati mar-ritorn (Eurint, EURLO, ERRIN) kellhom suċċess fil-ġbir flimkien ta’ riżorsi nazzjonali, u ġew apprezzati mill-pajjiżi parteċipanti għar-riżultati tagħhom. Bl-estensjonijiet tal-mandat tagħha, il-Frontex ħadet progressivament f’idejha l-attivitajiet mingħand in-networks. Madankollu, it-trasferimenti tal-EURLO u tal-ERRIN iffaċċjaw sfidi minħabba nuqqasijiet fir-riżorsi umani u finanzjarji fil-Frontex (il-paragrafi 80 sa 83).

130

Mill-2015 ’il hawn, il-mandat tal-Frontex ġie msaħħaħ darbtejn, li wassal għal żieda fl-appoġġ għall-Istati Membri fir-rigward tal-attivitajiet ta’ qabel ir-ritorn u l-operazzjonijiet ta’ ritorn. Id-diffikultajiet tal-Istati Membri biex isibu l-migranti irregolari, biex ma jħalluhomx jaħarbu, u biex jiżguraw li jattendu għall-intervisti, kienu sors ewlieni ta’ ineffiċjenza għal dak li jikkonċerna l-missjonijiet ta’ identifikazzjoni. Fil-każ tal-operazzjonijiet ta’ ritorn, l-appoġġ mill-Frontex għar-ritorni permezz ta’ titjiriet skedati u bi tluq u ritorni volontarji kiber rapidament (il-paragrafi 84 sa 92).

131

Sibna li s-sitt proġetti rieżaminati li l-Kummissjoni ffinanzjat taħt l-RCBF kienu rilevanti għat-titjib tal-kooperazzjoni rigward ir-riammissjoni. Aħna nemmnu li l-iżvilupp ta’ sistemi elettroniċi ta’ ġestjoni tal-każijiet ta’ riammissjoni ma’ pajjiżi terzi b’mod partikolari għandu l-potenzjal li jsaħħaħ il-kooperazzjoni fuq livell strutturali (il-paragrafi 93 sa 97).

132

Il-Kummissjoni ffinanzjat il-proġetti ta’ assistenza għar-riintegrazzjoni fl-10 pajjiżi kollha koperti mill-awditu tagħna. Aħna sibna li l-proġetti li eżaminajna kienu rilevanti għall-ħtiġijiet tal-persuni rimpatrijati u tal-pajjiżi terzi. Mill-14-il proġett, 11 wasslu (jew x’aktarx li jwasslu) il-biċċa l-kbira mill-outputs ippjanati tagħhom, għalkemm f’żewġ każijiet b’dewmien (il-paragrafi 98 sa 103).

133

Il-partijiet ikkonċernati li intervistajna għall-awditu tagħna enfasizzaw l-importanza ta’ ritorni sikuri u dinjitużi u ta’ riintegrazzjoni sostenibbli tal-persuni rimpatrijati. Il-proġetti ta’ riintegrazzjoni kollha li rrieżaminajna, ħlief wieħed, kienu jinkludu komponent ta’ monitoraġġ għall-valutazzjoni tas-sostenibbiltà tar-riintegrazzjoni matul iż-żmien. Billi l-proġetti kienu għadhom għaddejjin fiż-żmien meta wettaqna l-awditu, ir-riżultati finali tas-sostenibbiltà għadhom mhumiex disponibbli. Madankollu, id-data preliminari wriet riżultati inkoraġġanti (il-paragrafi 104105).

134

Aħna sibna nuqqasijiet fid-data tal-UE dwar ir-ritorni f’termini ta’ kompletezza u komparabbiltà fost l-Istati Membri. Dan huwa dovut għad-differenzi fil-proċeduri u l-leġiżlazzjoni nazzjonali, u għad-dgħufijiet fil-qafas leġiżlattiv tal-UE u fis-sistemi ta’ informazzjoni għall-ġestjoni tal-fruntieri. Fi snin reċenti, il-Kummissjoni ssottomettiet proposti leġiżlattivi mmirati lejn il-biċċa l-kbira ta’ dawn id-dgħufijiet. Madankollu, ħafna mill-bidliet proposti għadhom parti miċ-ċiklu leġiżlattiv, jew għadhom ma daħlux fis-seħħ b’mod sħiħ. Barra minn hekk, id-data dwar il-ħeffa tal-proċeduri ta’ riammissjoni u dwar is-sostenibbiltà tar-riintegrazzjoni ta’ migranti ritornati għadha nieqsa (il-paragrafi 106 sa 110 u l-Anness V).

135

L-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-Frontex ikkondividew, f’laqgħat regolari, informazzjoni operazzjonali dwar il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi prijoritarji rigward ir-riammissjoni. Madankollu, din l-informazzjoni la nġabret u lanqas ma ġiet ipprovduta b’mod sistematiku, u ma kinitx kompleta. Bir-reviżjoni tal-2019 tal-Kodiċi dwar il-Viżi, il-Kummissjoni kienet meħtieġa tivvaluta l-kooperazzjoni tal-pajjiżi terzi rigward ir-riammissjoni b’mod regolari u abbażi ta’ data affidabbli. Din il-valutazzjoni regolari għandha l-potenzjal li ttejjeb il-ġbir u l-kondiviżjoni tad-data tal-UE, u li tiffaċilita deċiżjonijiet ta’ politika bbażati fuq l-evidenza fil-qasam tal-kooperazzjoni rigward ir-riammissjoni. Minħabba n-nuqqas ta’ proċess ekwivalenti għall-ġbir ta’ data dwar il-kooperazzjoni rigward ir-riammissjoni fil-passat, ikkombinat man-nuqqasijiet fid-data dwar ir-ritorni, aħna ma stajniex nivvalutaw l-impatt kumplessiv tal-azzjonijiet tal-UE biex titjieb il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi rigward ir-riammissjoni (il-paragrafi 111 sa 119).

Rakkomandazzjoni 4 – Jitjieb il-ġbir tad-data

Jenħtieġ li l-Kummissjoni ttejjeb il-ġbir tad-data dwar ir-riammissjonijiet u dwar is-sostenibbiltà tar-riintegrazzjoni:

  • billi tintroduċi diżaggregazzjoni addizzjonali dwar il-ħeffa tal-proċeduri ta’ riammissjoni, filwaqt li tuża data li għandha tiġi pprovduta mill-Istati Membri; u
  • billi tiġbor b’mod sistematiku data dwar is-sostenibbiltà tar-riintegrazzjoni ta’ migranti ritornati.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: il-31 ta’ Diċembru 2023

Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla III, immexxija mis-Sur Leo Brincat, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fis-6 ta’ Lulju 2021.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Klaus-Heiner Lehne
Il-President

Annessi

Anness I – Raġunijiet prinċipali għal-livell baxx ta’ ritorni mill-Greċja u mill-Italja

Sors: ir-Rapport Speċjali Nru 24/2019 tal-QEA “L-asil, ir-rilokazzjoni u r-ritorn ta’ migranti: Wasal iż-żmien li tingħata spinta biex jiġu indirizzati d-disparitajiet bejn l-objettivi u r-riżultati”, il-Figura 25.

Anness II – Sejħiet għall-ħolqien u l-applikazzjoni ta’ inċentivi

Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew

Laqgħa tal-Kunsill Ewropew (18 ta’ Ottubru 2018) – Konklużjonijiet, EUCO 13/18
“Għandu jsir aktar biex jiġu ffaċilitati r-ritorni effettivi. Il-ftehimiet eżistenti dwar ir-riammissjoni għandhom jiġu implimentati aħjar, b’mod nondiskriminatorju għall-Istati Membri kollha, u għandhom jiġu konklużi ftehimiet u arranġamenti ġodda, filwaqt li tinħoloq u tintuża l-pressjoni meħtieġa permezz tal-politiki, l-istrumenti u l-għodod kollha rilevanti tal-UE, inkluż l-iżvilupp, il-kummerċ u l-viżi.”

Laqgħa tal-Kunsill Ewropew (19 ta’ Ottubru 2017) – Konklużjonijiet, EUCO 14/17
“Il-Kunsill Ewropew jappella wkoll għal […] il-ħolqien u l-applikazzjoni tal-mezzi ta’ inċentiv meħtieġa, bl-użu tal-politiki, l-istrumenti u l-għodod kollha rilevanti tal-UE, inkluż dawk dwar l-iżvilupp, il-kummerċ u l-viża, sabiex jinkisbu riżultati miżurabbli f’termini ta’ prevenzjoni tal-migrazzjoni illegali u r-ritorn tal-migranti irregolari.”

Laqgħa tal-Kunsill Ewropew (22 u 23 ta’ Ġunju 2017) – Konklużjonijiet, EUCO 8/17
“Għandhom jiġu stabbiliti ftehimiet ta’ riammissjoni li joperaw sew u arranġamenti prammatiċi ma’ pajjiżi terzi mingħajr aktar dewmien, billi jintużaw il-lievi possibbli kollha, inkluż billi tiġi vvalutata mill-ġdid il-politika dwar il-viżi fil-konfront ta’ pajjiżi terzi, kif meħtieġ.”

Laqgħa tal-Kunsill Ewropew (20 u 21 ta’ Ottubru 2016) – Konklużjonijiet, EUCO 31/16
“Il-Kunsill Ewropew ifakkar fl-importanza li l-ħidma għall-implimentazzjoni ta’ Qafas ta’ Sħubija ta’ kooperazzjoni tissokta ma’ pajjiżi individwali ta’ oriġini jew ta’ tranżitu […] li joħloq u japplika l-effett ta’ lieva neċessarju, billi jintużaw il-politiki, l-istrumenti u l-għodod rilevanti kollha tal-UE, inkluż l-iżvilupp u l-kummerċ.”

Laqgħa tal-Kunsill Ewropew (28 ta’ Ġunju 2016) – Konklużjonijiet, EUCO 26/16
“L-UE ser tistabbilixxi u timplimenta malajr dan il-Qafas [ta’ Sħubija] imsejjes fuq inċentivi effettivi u kundizzjonalità adegwata, u l-ewwel fost dawn ser ikun numru limitat ta’ pajjiżi prijoritarji ta’ oriġini u ta’ tranżitu […] [għall-]ħolqien u l-applikazzjoni tal-effett ta’ lieva neċessarju, billi jintużaw il-politiki, l-istrumenti u l-għodod rilevanti kollha tal-UE, inkluż l-iżvilupp u l-kummerċ.”

Laqgħa tal-Kunsill Ewropew (25 u 26 ta’ Ġunju 2015) – Konklużjonijiet, EUCO 22/15
Ser tiġi mobilizzata kull għodda għall-promozzjoni tar-riammissjoni tal-migranti irregolari fil-pajjiżi ta’ oriġini u ta’ tranżitu. […] abbażi tal-prinċipju “aktar għal aktar”, l-assistenza u l-politiki tal-UE ser jintużaw biex jinħolqu inċentivi għall-implimentazzjoni tal-ftehimiet ta’ riammissjoni eżistenti u jiġu konklużi ftehimiet ġodda.”

Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni

Politika aktar effettiva ta’ ritorn fl-UE – Pjan ta’ Azzjoni mġedded, il-Kummissjoni Ewropea, COM(2017) 200 final
“Il-fatt li jkun hemm impenn ma’ pajjiżi terzi permezz tal-Qafas ta’ Sħubija, bl-użu tal-politiki u l-għodod kollha disponibbli għandu jrawwem kooperazzjoni aħjar bil-ħsieb li ċ-ċittadini tagħhom jiġu identifikati, jingħataw id-dokumenti mill-ġdid u jiġu riammessi. B’mod ġenerali, jenħtieġ li jintużaw approċċi mfassla apposta biex jiġu identifikati l-interessi, l-inċentivi u l-influwenzi kollha li hemm fin-nofs ma’ pajjiż sieħeb sabiex […] tkompli titjieb il-kooperazzjoni dwar ir-ritorn u r-riammissjoni.”

It-twaqqif ta’ Qafas ta’ Sħubija ġdid ma’ pajjiżi terzi, Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, COM(2016) 385 final
“L-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jgħaqqdu l-istrumenti u l-għodod rispettivi tagħhom biex jintlaħaq qbil dwar il-patti ma’ pajjiżi terzi biex il-migrazzjoni tiġi ġestita aħjar. Dan ifisser li, għal kull pajjiż sieħeb, l-iżvilupp ta’ taħlita ta’ inċentivi pożittivi u negattivi, li l-użu tagħhom għandu jkun regolat b’fehim ċar li r-relazzjoni globali bejn l-UE u dak il-pajjiż se tkun iggwidata b’mod partikolari bil-kapaċità u r-rieda tal-pajjiż biex jikkoopera fil-qasam tal-ġestjoni tal-migrazzjoni. Se jkollhom jintużaw il-firxa sħiħa ta’ politiki, strumenti finanzjarji u strumenti dwar ir-relazzjonijiet esterni tal-UE.”

Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar ir-ritorn, Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, COM(2015) 453 final
“Jeħtieġ li l-UE żżid l-ingranaġġ tagħha rigward ir-riammissjoni b’rabta ma’ pajjiżi sħab, biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni ta’ impenji u ftehimiet eżistenti, u biex jiġi ffaċilitat in-negozjar u l-konklużjoni ta’ negozjar ġdid. […] Ir-ritorn u r-riammissjoni għandhom ikunu parti minn pakkett tal-UE bbilanċjat u kkonsolidat lil pajjiż terz, li jibbaża fuq il-politiki rilevanti kollha – b’mod partikolari l-affarijiet interni, il-politika barranija, l-għajnuna għall-iżvilupp, il-kummerċ, is-sigurtà – biex jinkisbu l-għanijiet tal-politika tal-UE dwar il-migrazzjoni. Il-kundizzjonalità għandha tkun permessa fejn xieraq.”

Anness III – Ħarsa ġenerali lejn il-valutazzjoni tagħna ta’ proġetti ta’ bini tal-kapaċitajiet (RCBF)

Bidu
tal-attivitajiet
Tmiem
tal-attivitajiet
Deskrizzjoni Ammont tal-kuntratt (EUR) Programm Kopertura ġeografika

Rilevanza

Indirizzat il-ħtiġijiet ta’ pajjiżi terzi/kwistjonijiet li jfixklu l-kooperazzjoni prattika

Outputs imwassla

L-outputs ippjanati twasslu (jew x’aktarx li jitwasslu)

Eżitu miksub

L-eżitu ppjanat inkiseb (jew x’aktarx li jinkiseb)

Diċembru 2016 Marzu 2017 PARA -Assistenza mal-wasla lil 152 persuna rimpatrijata li ġew ritornati lejn l-Afganistan bejn it-12 ta’ Diċembru 2016 u l-31 ta’ Marzu 2017, taħt it-Triq Konġunta ’l Quddiem (JWF) bejn l-UE u l-Afganistan 267 525 RCBF/
EURCAP I
L-Afganistan
Ġunju 2017 Lulju 2017 Sessjoni ta’ ħidma konsulari-Sessjoni ta’ ħidma għall-bini tal-kapaċitajiet għall-Uffiċjali Konsulari tal-Ambaxxati Afgani fl-Ewropa 33 826 RCBF/
EURCAP I
L-Afganistan
Jannar 2017 April 2018 Sensibilizzazzjoni -Il-bini ta’ sensibilizzazzjoni rigward temi ewlenin dwar il-migrazzjoni sikura fi 12-il distrett, jiġifieri r-reżiljenza u s-suċċess tal-migranti regolari tal-Bangladesh, ir-riskji u l-alternattivi għall-migrazzjoni irregolari lejn l-Ewropa, u kif jistgħu jiġu aċċessati mekkaniżmi regolari għall-migrazzjoni 920 800 RCBF/
EURCAP I
Il-Bangladesh
Settembru 2018 Diċembru 2020 RCMS I -Il-bini tal-kapaċitajiet tal-awtoritajiet tal-Bangladesh biex jimmaniġġjaw u joperaw is-sistema ta’ ġestjoni tal-każijiet ta’ riammissjoni bil-għan li jirregolaw b’mod effettiv il-proċess ta’ ritorn tal-migranti li jkunu qed jirrisjedu b’mod irregolari fil-pajjiżi ta’ destinazzjoni 4 813 000 RCBF/
EURCAP II
Il-Bangladesh
Diċembru 2016 Ġunju 2018 RCMS I -Il-bini tal-kapaċitajiet tal-awtoritajiet Pakistani biex jimmaniġġjaw u joperaw is-sistema ta’ ġestjoni tal-każijiet ta’ riammissjoni, l-iżvilupp u t-tnedija tas-sistema 1 476 000 RCBF/
EURCAP I
Il-Pakistan
Jannar 2018 Diċembru 2020 RCMS II -Espansjoni tas-sistema ta’ ġestjoni tal-każijiet ta’ riammissjoni 1 415 220 RCBF/
EURCAP I
Il-Pakistan
Sodisfaċenti Mhux sodisfaċenti
Parzjalment sodisfaċenti Mhux applikabbli/Mhux disponibbli

Anness IV – Ħarsa ġenerali lejn il-valutazzjoni tagħna ta’ proġetti ta’ riintegrazzjoni

Bidu
tal-attivitajiet
Tmiem
tal-attivitajiet
Titolu

Ammont tal-kuntratt

(kontribuzzjoni mill-UE, EUR)

Programm Kopertura ġeografika

Rilevanza

Indirizzat il-ħtiġijiet tal-persuni rimpatrijati/
pajjiżi terzi

Outputs imwassla fir-rigward tar-riintegrazzjoni

L-outputs ippjanati twasslu (jew x’aktarx li jitwasslu)

Monitoraġġ

L-azzjoni tipprevedi l-monitoraġġ tas-sostenibbiltà tal-appoġġ għar-riintegrazzjoni

Sostenibbiltà

L-assistenza tippermetti riintegrazzjoni sostenibbli

15.3.2017 14.3.2022 Assistenza għar-Riintegrazzjoni u l-Iżvilupp fl-Afganistan (RADA) 50 000 000 DCI L-Afganistan

Ibbażat fuq data preliminari

14.7.2017 31.3.2021 Riintegrazzjoni Sostenibbli u Alternattivi għall-Migrazzjoni Irregolari ta’ Afgani vulnerabbli 13 000 000 DCI L-Afganistan
21.11.2017 5.4.2022 Programm ta’ inċentivi biex titjieb ir-riintegrazzjoni tal-persuni rimpatrijati fl-Afganistan 39 260 500 DCI L-Afganistan
23.12.2017 22.12.2021 L-Afganistan -Inizjattiva għal Stil ta’ Ħajja Etiku għar-Riintegrazzjoni Ekonomika tal-Persuni Rimpatrijati u l-Persuni Spostati Internament 8 788 046 8 788 046 DCI
29.3.2018 28.9.2021 Insedjamenti Umani Sostenibbli f’Żoni Urbani biex tiġi Appoġġata r-Riintegrazzjoni fl-Afganistan (SHURA) 16 700 000 DCI L-Afganistan
4.8.2019 5.10.2023 Programm ta’ Rispons Ekonomiku għall-Ispostament Reġjonali fl-Afganistan
(“EZ-Kar”)
27 000 000 DCI L-Afganistan
13.4.2017 12.4.2022 Riintegrazzjoni Sostenibbli u Governanza Mtejba tal-Migrazzjoni fil-Bangladesh (PROTTASHA) 15 900 000 DCI Il-Bangladesh

Ibbażat fuq data preliminari

5.4.2017 4.10.2020 Inizjattiva tal-EUTF-IOM għall-Protezzjoni u r-Riintegrazzjoni tal-Migranti: Il-Guinea 5 400 000 EUTF Il-Guinea

Ibbażat fuq data preliminari

6.12.2018 5.12.2023 SAFE RETURN -Assistenza għar-riintegrazzjoni u l-irkupru fiż-żoni ta’ ritorn fl-Iraq (AWDA AMINA) 9 000 000 DCI L-Iraq
13.4.2017 12.6.2021 EUTF-IOM: -Tisħiħ tal-ġestjoni u l-governanza tal-migrazzjoni u r-riintegrazzjoni sostenibbli tal-migranti li jirritornaw fin-Niġerja 15 500 000 EUTF In-Niġerja

Ibbażat fuq data preliminari

1.12.2017 31.5.2022 Inizjattiva tal-EUTF-IOM għall-Protezzjoni u r-Riintegrazzjoni tal-Migranti: Azzjoni Reġjonali għar-reġjun tas-Saħel u tal-Lag Chad 188 222 021 EUTF Il-Burkina Faso, il-Kamerun, iċ-Chad, il-Kosta tal-Avorju, il-Gambja, il-Ghana, il-Guinea, il-Guinea-Bissau, il-Mali, il-Mauritania, in-Niġer, in-Niġerja, is-Senegal

Ibbażat fuq data preliminari

15.8.2018 31.12.2021 Faċilità tal-EUTF-IOM għall-Protezzjoni u r-Riintegrazzjoni tal-Migranti fl-Afrika ta’ Fuq 58 000 000 EUTF L-Alġerija, l-Eġittu, il-Libja, il-Marokk u t-Tuneżija
22.5.2017 12.2.2021 PROGRES migrazzjoni fit-Tuneżija (inkluż l-istabbiliment ta’ mekkaniżmu ta’ riintegrazzjoni mmexxi mit-Tuneżija)

12 800 000

(inklużi EUR 2.5 miljun għar-riintegrazzjoni)

EUTF It-Tuneżija
1.6.2016 1.7.2022 Network Ewropew tal-Istrument ta’ Ritorn u Riintegrazzjoni (ERRIN) 58 455 000 AMIF 34 pajjiż madwar id-dinja
Sodisfaċenti Mhux sodisfaċenti
Parzjalment sodisfaċenti Mhux applikabbli/Mhux disponibbli

Anness V – Dgħufijiet fid-data tal-UE dwar ir-ritorni, u l-miżuri biex dawn jiġu indirizzati

Indikatur Kwistjoni Impatt Indirizzata? Effettiva?
Rata ta’ ritorni effettivi L-għadd ta’ deċiżjonijiet ta’ ritorn maħruġa f’ċertu sena jirrigwarda persuni għajr dawk effettivament ritornati fl-istess perjodu, billi hemm intervall ta’ żmien bejn id-deċiżjonijiet ta’ ritorn u l-infurzar tagħhom. L-indikatur mhuwiex sod mil-lat metodoloġiku. Dan jista’ jwassal għal data li turi anomaliji, bħal ritorni effettivi li jkunu ogħla mill-ordnijiet ta’ ritorn maħruġa. Pereżempju, id-data pprovduta mill-Eurostat dwar l-Albaniżi fl-2017 tirriżulta f’rata ta’ ritorn ta’ 100.9 %. Le
Nazzjonali ta’ pajjiżi terzi li ġew ordnati jitilqu

L-oqfsa legali tal-Istati Membri għandhom definizzjonijiet differenti ta’ meta għandha tinħareġ ordni ta’ ritorn. L-ordnijiet ta’ ritorn jistgħu:

  • ma jinħarġux b’mod sistematiku b’rabta mat-terminazzjoni ta’ soġġorn legali (“soġġorn tollerat”);
  • jinħarġu awtomatikament lil kull min jinstab dieħel illegalment fit-territorju, jew joqgħod hemm b’mod irregolari, u mbagħad jiġu rtirati jew sospiżi jekk tinħareġ awtorizzazzjoni għas-soġġorn (eż. għal raġunijiet umanitarji);
  • jinħarġu diversi drabi lill-istess persuna (eż. minħabba perjodu limitat ta’ validità).
Jillimita l-komparabbiltà tad-data fost l-Istati Membri. Id-“Direttiva dwar ir-Ritorn” riformulata li ġiet proposta mill-Kummissjoni fl-2018 (COM(2018) 634 final) tispeċifika fl-Artikolu 8.6 li l-“Istati Membri għandhom joħorġu deċiżjoni ta’ ritorn immedjatament wara l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li ttemm soġġorn legali ta’ ċittadin [nazzjonal] ta’ pajjiż terz, inkluża deċiżjoni li ċittadin [nazzjonal] ta’ pajjiż terz ma jingħatax status ta’ refuġjat jew status ta’ protezzjoni sussidjarja”.

Sa tmiem l-2020, il-koleġiżlaturi kienu għadhom ma laħqux qbil dwar din il-proposta leġiżlattiva.

Nazzjonali ta’ pajjiżi terzi li realment telqu Ma hemm l-ebda sistema li tirreġistra fejn u meta nazzjonal ta’ pajjiż terz jaqsam il-fruntieri tal-UE (Schengen). B’mod partikolari, fil-każ ta’ tluq volontarju, l-Istati Membri japplikaw kriterji differenti għar-reġistrazzjoni u r-rappurtar ta’ persuna bħala li tkun irritornat. Data mhux kompleta Is-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ tal-UE (EES) (ir-Regolament (UE) 2017/2226) se tirreġistra l-vjaġġaturi kollha minn pajjiżi terzi kull darba li jaqsmu fruntiera esterna tal-UE u se tidentifika wkoll b’mod sistematiku l-persuni li jibqgħu fit-territorju wara l-iskadenza tal-awtorizzazzjoni għas-soġġorn (individwi li jibqgħu fiż-Żona Schengen wara t-tmiem tas-soġġorn awtorizzat tagħhom).

L-EES mhijiex mistennija li tkun operazzjonali qabel l-ewwel nofs tal-2022.

Stat Membru li jkun ħareġ deċiżjoni ta’ ritorn ma jiġix infurmat meta persuna rimpatrijata toħroġ mit-territorju tal-UE minn territorju ta’ Stat Membru ieħor. Data mhux kompleta Bħala parti mill-pakkett leġiżlattiv tal-Kummissjoni biex tissaħħaħ is-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen, ir-Regolament (UE) 2018/1860 jirrikjedi li l-Istati Membri jdaħħlu d-deċiżjonijiet kollha ta’ ritorn fis-Sistema (l-Artikolu 3). Meta nazzjonal ta’ pajjiż terz, li jkun suġġett għal deċiżjoni ta’ ritorn irreġistrata, jiġi vverifikat li jkun ħiereġ minn territorju ta’ Stat Membru mill-fruntieri esterni, l-awtoritajiet nazzjonali jridu jinfurmaw lill-Istat Membru li joħroġ id-deċiżjoni ta’ ritorn dwar il-post u l-ħin tat-tluq (l-Artikolu 6).

Jenħtieġ li s-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen imsaħħa ttejjeb il-kompletezza u l-preċiżjoni tad-data dwar il-konformità mad-deċiżjonijiet ta’ ritorn.

Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi sat-28 ta’ Diċembru 2021 meta jibda japplika r-Regolament (UE) 2018/1860, wara li tivverifika l-livell sa fejn huma mħejjija d-diversi partijiet ikkonċernati.

Id-data miġbura mill-Eurostat ma tipprovdix dettall suffiċjenti (diżaggregazzjoni) dwar il-proċedura ta’ ritorn segwita, u mhijiex interkonnessa. Id-data ma tipprovdix stampa tal-effettività tas-sistemi ta’ ritorn tal-Istati Membri. Mis-sena ta’ referenza 2014, l-Eurostat ġabar data annwali mill-Istati Membri dwar nazzjonali ta’ pajjiżi terzi li ġew ritornati, maqsuma skont it-tip ta’ ritorn, l-assistenza riċevuta u l-ftehim ta’ riammissjoni segwit.

Mingħajr bażi ġuridika, il-forniment tad-data kien volontarju, u mhux l-Istati Membri kollha pparteċipaw. Konsegwentement, id-data ma kinitx kompleta u ma kinitx komparabbli sena wara sena.

F’Mejju 2018, il-Kummissjoni pproponiet reviżjoni tal-istatistika tal-Eurostat dwar il-migrazzjoni u l-ażil. Ir-Regolament (UE) 2020/851 ġie adottat f’Ġunju 2020 u għall-istatistika relatata mar-ritorn jipprevedi:

(a) id-diżaggregazzjoni skont l-età u s-sess u skont il-minorenni mhux akkumpanjati;

(b) il-perjodi ta’ referenza tar-rappurtar jitqassru minn darba fis-sena għal tliet xhur kalendarji;

(c) għall-għadd ta’ nazzjonali ta’ pajjiżi terzi li realment ikunu telqu, id-diżaggregazzjoni tkun mhux biss skont iċ-ċittadinanza tal-persuni ritornati, iżda wkoll skont it-tip ta’ ritorn u l-assistenza riċevuta, u skont il-pajjiż ta’ destinazzjoni.


Ir-Regolament rivedut jinsab fid-direzzjoni t-tajba, u s-subkategoriji l-ġodda ta’ data se jipprovdu informazzjoni siewja dwar ir-ritorni. Madankollu:

- il-leġiżlaturi u dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet se jibqgħu mingħajr l-istampa sħiħa jekk ma jkollhomx data dwar il-ħeffa tal-proċeduri ta’ riammissjoni u dwar is-sostenibbiltà tar-riintegrazzjoni ta’ migranti ritornati;

- id-data mhux se tkun interkonnessa. Dan ifisser li xorta mhux se jkun possibbli li jitwieġbu mistoqsijiet bħal “Kemm kien l-għadd ta’ nazzjonali tal-pajjiż X li ġew ritornati lejn il-pajjiż ta’ destinazzjoni Y?”, jew “Kemm kien l-għadd ta’ migranti b’ordni ta’ ritorn maħruġ fis-sena Z li realment telqu mill-UE, u f’liema sena?”

   Indirizzata b’mod effettiv
   Indirizzata iżda għadha mhux operattiva, jew effettiva biss parzjalment
   Mhux indirizzata/mhux adottata

Akronimi u abbrevjazzjonijiet

AMIF: Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni

ERRIN: Network Ewropew tal-Istrument ta’ Ritorn u Riintegrazzjoni

ETD: Dokument Provviżorju tal-Ivvjaġġar

EURA: Ftehim ta’ Riammissjoni tal-UE

Eurint: Network tal-Inizjattiva Ewropea tal-Ġestjoni Integrata tar-Ritorn

EURLO: Network Ewropew tal-Uffiċjali ta’ Kollegament għar-Ritorn

EUTD: Dokument tal-Ivvjaġġar tal-UE għar-ritorn

EUTF: Fond Fiduċjarju ta’ Emerġenza tal-UE għall-Afrika

Frontex: L-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta

IOM: L-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni

JRC/JWG: Kumitat Konġunt tar-Ritorn/Grupp ta’ Ħidma Konġunt

NDICI: Strument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali

RCBF/EURCAP: Faċilità għall-Bini tal-Kapaċitajiet ta’ Riammissjoni

RCMS: Sistema ta’ Ġestjoni tal-Każijiet ta’ Riammissjoni

SEAE: Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna

TCN: Nazzjonal ta’ Pajjiż Terz


Glossarju

Ażil: Protezzjoni li tingħata minn Stat lil persuni minn pajjiż ieħor li jkunu qed jaħarbu minn persekuzzjoni jew periklu serju.

Coreper: Akronimu għall-“Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri għall-Unjoni Ewropea”. Bħala l-korp preparatorju prinċipali tal-Kunsill, ir-rwol u l-formazzjonijiet differenti tiegħu huma spjegati fl-Artikolu 240(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE.

Deċiżjoni ta’ ritorn: Deċiżjoni jew att amministrattivi jew ġudizzjarji li jiddikjaraw is-soġġorn ta’ barrani bħala illegali u li jirrikjedu r-ritorn tiegħu.

Ftehim għall-faċilitazzjoni tal-viża (UE): Ftehim li jiffaċilita l-ħruġ ta’ awtorizzazzjonijiet lil ċittadini ta’ pajjiż mhux tal-UE għal tranżitu jew soġġorn intenzjonat fit-territorju tal-Istati Membri tal-UE ta’ mhux aktar minn tliet xhur fi kwalunkwe perjodu ta’ sitt xhur. Il-faċilitazzjoni tal-viża hija distinta u separata mil-liberalizzazzjoni tal-viża.

Ftehim ta’ riammissjoni: Ftehim bejn żewġ pajjiżi jew aktar li jistabbilixxi l-qafas u l-proċeduri għar-ritorn immedjat u ordnat ta’ migranti irregolari lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħhom jew lejn pajjiż li jkunu għaddew minnu.

Migrant irregolari: Persuna li tidħol jew tirrisjedi f’pajjiż mingħajr l-awtorizzazzjoni meħtieġa.

Migrazzjoni: Il-moviment ta’ kwalunkwe persuna jew grupp ta’ persuni, għal perjodu ta’ aktar minn sena, jew minn naħa għal oħra ta’ fruntiera internazzjonali jew inkella ġewwa pajjiż.

Rata ta’ ritorn: Il-proporzjon bejn l-għadd ta’ nazzjonali ta’ pajjiżi terzi li realment jiġu ritornati u l-għadd ta’ migranti li jiġu ordnati biex jitilqu mill-UE f’sena partikolari. Dan huwa kejl mhux perfett tal-effettività tar-ritorni minħabba l-intervall latenti bejn il-ħruġ ta’ deċiżjoni u r-ritorn proprju.

Riammissjoni: Att minn Stat li jaċċetta d-dħul mill-ġdid ta’ individwu, li l-aktar komunement ikun nazzjonal proprju, jew nazzjonal ta’ Stat ieħor li qabel kien għadda mill-pajjiż, jew resident permanenti.

Ritorn volontarju: Ir-ritorn assistit jew indipendenti lejn il-pajjiż ta’ oriġini jew ta’ tranżitu, jew pajjiż ieħor, abbażi ta’ deċiżjoni volontarja mill-persuna rimpatrijata.

Ritorn: Il-proċess ta’ nazzjonal ta’ pajjiż terz li jmur lura – kemm jekk f’konformità volontarja ma’ obbligu ta’ ritorn, jew furzat – lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, lejn pajjiż ta’ tranżitu, jew b’mod volontarju lejn pajjiż terz ieħor.

Tluq volontarju: Il-konformità ma’ obbligu ta’ tluq minn pajjiż sad-data ta’ skadenza stabbilita f’deċiżjoni ta’ ritorn.

Risposti tal-Kummissjoni, tas-SEAE u tal-Frontex

Risposti tal-Kummissjoni u tas-SEAE

https://www.eca.europa.eu/mt/Pages/DocItem.aspx?did=59347

Risposta tal-Frontex (l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta)

https://www.eca.europa.eu/mt/Pages/DocItem.aspx?did=59347

Noti finali

1 Ir‑Rapport Speċjali Nru 24/2019 tal‑QEA “L‑asil, ir‑rilokazzjoni u r‑ritorn ta’ migranti: Wasal iż-żmien li tingħata spinta biex jiġu indirizzati d‑disparitajiet bejn l‑objettivi u r‑riżultati”.

2 Aġenda Ewropea dwar il‑Migrazzjoni, COM(2015) 240 final, il‑paġna 9.

3 Ara, pereżempju, Draft articles on the expulsion of aliens, adottat mill‑Kummissjoni dwar id‑Dritt Internazzjonali fis-66 sessjoni tagħha fl‑2014.

4 Id-Dokument tal‑Kunsill 13 409/99 tal‑25 ta’ Novembru 1999.

5 Il‑Ftehim ta’ Sħubija bejn il‑membri tal‑Grupp ta’ Stati Afrikani, tal‑Karibew u tal‑Paċifiku, minn banda waħda, u l‑Komunità Ewropea u l‑Istati Membri tagħha, min‑naħa l-oħra, iffirmat f’Cotonou fit‑23 ta’ Ġunju 2000 (il-“Ftehim ta’ Cotonou”), l‑Artikolu 13.5(c)(i).

6 Il-Konklużjonijiet tal‑Kunsill Ewropew, 25 u 26 ta’ Ġunju 2015, EUCO 22/15, il‑punt 5(g).

7 Il-Komunikazzjoni tal‑Kummissjoni lill‑Parlament Ewropew u lill‑Kunsill, Pjan ta’ Azzjoni tal‑UE dwar ir‑ritorn, COM(2015) 453 final.

8 Il-Komunikazzjoni tal‑Kummissjoni lill‑Parlament Ewropew u lill‑Kunsill dwar politika aktar effettiva ta’ ritorn fl‑Unjoni Ewropea – Pjan ta’ Azzjoni mġedded, COM(2017) 200 final.

9 EU Readmission Agreements, Facilitating the return of irregular migrants, Briefing tas‑Servizz ta’ Riċerka tal‑Parlament Ewropew, April 2015, EPRS_BRI(2015)554 212_EN.

10 Ara Triq Konġunta ’l Quddiem dwar kwistjonijiet ta’ migrazzjoni bejn l‑Afganistan u l‑UE.

11 Treaty of Amsterdam amending the Treaty on European Union, the Treaties establishing the European Communities and certain related acts, l‑Artikolu 63.

12 It-Trattat dwar il‑Funzjonament tal‑Unjoni Ewropea (TFUE), l‑Artikolu 4.

13 Ir‑Rapport Speċjali Nru 24/2019 tal‑QEA “L‑asil, ir‑rilokazzjoni u r‑ritorn ta’ migranti: Wasal iż-żmien li tingħata spinta biex jiġu indirizzati d‑disparitajiet bejn l‑objettivi u r‑riżultati”.

14 Elementi għal strateġija tal‑UE għall‑Iraq, JOIN(2018) 1 final, Brussell, 8.1.2018.

15 Joint Declaration on a Common Agenda for Migration and Mobility between India and the European Union and its Member States, Brussell, id‑29 ta’ Marzu 2016, il‑punt 4(x).

16 Ir-Regolament (UE) 2016/1953 tal‑Parlament Ewropew u tal‑Kunsill tas‑26 ta’ Ottubru 2016 dwar l‑istabbiliment ta’ dokument tal‑ivvjaġġar Ewropew għar‑ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil‑pajjiż illegalment, u li jħassar ir‑Rakkomandazzjoni tal‑Kunsill tat‑30 ta’ Novembru 1994.

17 Evalwazzjoni tal‑Ftehimiet ta’ Riammissjoni tal‑UE, COM(2011) 76 final, it‑23 ta’ Frar 2011.

18 COM(2011) 76 final, ir‑Rakkomandazzjonijiet 4, 5 u 8.

19 It‑tweġiba tal‑Kummissjoni għal mistoqsija bil‑miktub mill‑Parlament Ewropew,
ref.:
E002 442/2020(ASW), it‑18 ta’ Awwissu 2020.

20 Ara, pereżempju, l‑artiklu “An ’Informal’ Turn in EU’s Migrant Returns Policy towards Sub-Saharan Africa” li huwa disponibbli fuq migrationpolicy.org; u l‑Istudju tas‑Servizz ta’ Riċerka tal‑Parlament Ewropew “European Implementation Assessment on the Return Directive 2008/115/EC”, PE 642.840 – Ġunju 2020, il‑paġna 11.

21 Laqgħat tal‑Grupp ta’ Ħidma ta’ Livell Għoli dwar l-Ażil u l‑Migrazzjoni tat‑23 ta’ Frar 2016 (Dokument tal‑Kunsill 6451/16 ) u tat‑22 ta’ April 2016 (Dokument tal‑Kunsill 8529/16).

22 EU Cooperation with third countries in the field of migration, Studju, id‑Direttorat Ġenerali għall‑Politiki Interni, il‑Parlament Ewropew, 2015, il‑paġna 89.

23 The Neighbourhood, Development and International Cooperation Instrument, Skeda Informattiva, il‑Kummissjoni Ewropea, Ġunju 2020. ISBN 978‑92‑76‑19 025-7 – doi: 10.2761/5991 KV-02‑20-381-EN-N.

24 Il‑lista sħiħa tal‑pajjiżi li kkonkludew ftehimiet għall‑faċilitazzjoni tal‑viżi mal‑UE hija disponibbli fuq is-sit web tal‑Kummissjoni.

25 Ara wkoll il-Pjan ta’ Azzjoni tal‑UE dwar ir‑ritorn, COM(2015) 453 final, il‑paġna 14.

26 Ir-Regolament (KE) Nru 810/2009 tal‑Parlament Ewropew u tal‑Kunsill tat‑13 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il‑Viżi (Kodiċi dwar il‑Viżi).

27 Impact assessment, SWD(2018) 77 final, il‑paġna 23.

28 Ir-Regolament (UE) 2019/1155 tal‑20 ta’ Ġunju 2019 li jemenda r‑Regolament (KE) Nru 810/2009 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il‑Viżi (Kodiċi dwar il‑Viżi).

29 Fl‑2018, aħna awditjajna l‑fond fiduċjarju u ppubblikajna r‑Rapport Speċjali Nru 32/2018 “Il‑Fond Fiduċjarju ta’ Emerġenza tal‑Unjoni Ewropea għall‑Afrika: għodda flessibbli, iżda mhuwiex iffukat biżżejjed”.

30 Il-Proposta għal Regolament tal‑Parlament Ewropew u tal‑Kunsill li jistabbilixxi l‑Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali, COM(2018) 460 final, 14.6.2018.

31 COM(2018) 460 final, il‑Premessa 30.

32 NDICI legislative train schedule tal‑20 ta’ Settembru 2020.

33 Ir-Regolament (UE) 2021/947 tal‑Parlament Ewropew u tal‑Kunsill tad-9 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l‑Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali – Ewropa Globali.

34 L‑Istudju tas‑Servizz ta’ Riċerka tal‑Parlament Ewropew “European Implementation Assessment on the Return Directive 2008/115/EC”, PE 642.840 – Ġunju 2020, il‑paġni 166‑167.

35  Il‑Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l‑UE u l-Ġappun (daħal fis‑seħħ fl-1 ta’ Frar 2019), l‑Anness 8-C, l‑Artikolu 7.

36 Key facts on the 2019 Biennial Report on the Generalised Scheme of Preferences, European Commission, Frar 2020.

37 Ara r-Regolament (UE) Nru 978/2012 tal‑Parlament Ewropew u tal‑Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2012 li japplika skema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati u li jħassar ir‑Regolament tal‑Kunsill (KE) Nru 732/2008, l‑Anness VIII.

38 Il-Komunikazzjoni tal‑Kummissjoni dwar it‑twaqqif ta’ Qafas ta’ Sħubija ġdid ma’ pajjiżi terzi skont l-Aġenda Ewropea dwar il‑Migrazzjoni, COM(2016) 385 final.

39 Il-Komunikazzjoni dwar it‑twettiq tal-Aġenda Ewropea dwar il‑Migrazzjoni, COM(2017) 558 final.

40 Deskrizzjonijiet tal‑proġetti huma disponibbli fuq mobilitypartnershipfacility.eu.

41 Il‑proġett “Match”.

42 Il‑proġett “Towards a Holistic Approach to Labour Migration Governance and Labour Mobility in North Africa”.

43 Grupp ta’ Kummissarji dwar “Promoting our European Way of Life” – Principles and key workstreams, is-6 ta’ Diċembru 2019 (mhux disponibbli għall‑pubbliku).

44 Link between return/readmission and visa policies, 9097/1/17 REV 1, Brussell, id‑19 ta’ Mejju 2017 (mhux disponibbli għall‑pubbliku).

45 Proposta għal mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni biex jiġu attivati politiki differenti sabiex titjieb il‑kooperazzjoni ta’ pajjiżi terzi rigward ir‑ritorn/ir‑riammissjoni tan‑nazzjonali tagħhom, 8954/1/20 REV 1, Brussell, il‑25 ta’ Ġunju 2020 (mhux disponibbli għall‑pubbliku).

46 COM(2020) 609 final.

47 COM(2020) 610 final.

48 Ara COM(2018) 631, Dikjarazzjoni Finanzjarja Leġiżlattiva, il‑Punt 3.2.3.1, l‑ewwel tabella, bi tqabbil ma’ COM(2015) 671, Dikjarazzjoni Finanzjarja Leġiżlattiva, il‑Punt 3.2.3.1, Persunal temporanju (gradi AD).

49 Evaluation Eurint programme, PBLQ, Diċembru 2018, il‑paġni 2-3 (mhux disponibbli għall‑pubbliku).

50 EURLO Programme Evaluation Report, BearingPoint, Novembru 2018, il‑paġni 6-7 (mhux disponibbli għall‑pubbliku).

51 Tabella ta’ Valutazzjoni tal‑ERRIN, Ġunju 2020 (mhux disponibbli għall‑pubbliku).

52 Ir-Regolament 2016/1624 u r-Regolament 2019/1896; dan tal-aħħar żied ir‑rwol tal‑Frontex fl‑operazzjonijiet ta’ ritorn, kemm qabel ir‑ritorn kif ukoll wara r‑ritorn.

53 Annual Frontex Evaluation Reports of the Flexible Operational Activities in Return (mhux disponibbli għall‑pubbliku).

54 Għal aktar informazzjoni dwar l‑appoġġ u l‑isfidi għall‑kosteffiċjenza tal‑operazzjonijiet charter, ara r‑Rapport Speċjali Nru 24/2019 tal‑QEA “L‑asil, ir‑rilokazzjoni u r‑ritorn ta’ migranti: Wasal iż-żmien li tingħata spinta biex jiġu indirizzati d‑disparitajiet bejn l‑objettivi u r‑riżultati”.

55 Id-Direttiva 2008/115/KE dwar standards u proċeduri komuni fl‑Istati Membri għar‑ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil‑pajjiż illegalment, il‑Premessa 10.

56 Rapport mill‑Kummissjoni, Rapport Annwali tal‑2019 dwar il-Ġestjoni u l‑Prestazzjoni tal‑Baġit tal‑UE, COM(2020) 265 final, il‑paġni 32 u 155.

57 Returns to Afghanistan, Joint IOM-UNHCR Summary Report 2018, ippubblikat f’Kabul, Mejju 2019, il‑paġna 4.

58 EUTF-Factsheet 2020‑Libya, short versions_V.17.

59 Għal deskrizzjoni dettaljata tal‑metodoloġija, ara IOM Biannual Reintegration Report #2, Novembru 2019, il‑paġni 32‑37.

60 IOM Biannual Reintegration Report #2, Novembru 2019, il‑paġna 30.

61 Disponibbli fuq migrationjointinitiative.org.

62 Ir-Regolament (UE) 2020/851 tal‑Parlament Ewropew u tal‑Kunsill tat‑18 ta’ Ġunju 2020 li jemenda r‑Regolament (KE) Nru 862/2007 dwar l‑istatistika Komunitarja dwar il‑migrazzjoni u l‑protezzjoni internazzjonali.

63 Ir-Regolament (KE) Nru 862/2007, l‑Artikolu 7.

64 Pereżempju f’COM(2018) 634 final, il‑paġna 2.

65 Ara, pereżempju, l‑Eurostat, Statistics explained – Enforcement of immigration legislation statistics, il‑11 ta’ Lulju 2019, it‑taqsima “Non‑EU citizens ordered to leave the EU”.

66 Il‑Frontex spjegat id‑dgħufijiet fit‑Taqsimiet 5.7 u 6.3 tad‑dokument tagħha Risk Analysis for 2019.

67 Ara d‑dokumenti tal‑Frontex Risk Analysis for 2019, il‑paġna 25 u Risk Analysis for 2020, il‑paġna 32.

68 Ir-Regolament tal‑Kodiċi dwar il‑Viżi, l‑Artikolu 25a(2).

69 Il‑Frontex bdiet tiġbor din id‑data mill‑Istati Membri fuq bażi ta’ kull xahar fl‑2020.

70 Report from the Commission to the Council – Assessment of third countries’ level of cooperation on readmission in 2019, COM(2021) 55 final (mhux disponibbli għall‑pubbliku).

71 Ir-Regolament dwar il‑Kodiċi dwar il‑Viżi, l‑Artikolu 25a(5) u 25a(8).

Tim tal-awditjar

Ir-rapporti speċjali tal-QEA jippreżentaw ir-riżultati tal-awditi li twettaq ta’ politiki u programmi tal-UE, jew ta’ suġġetti relatati mal-ġestjoni minn oqsma baġitarji speċifiċi. Il-QEA tagħżel u tfassal dawn il-kompiti tal-awditjar biex timmassimizza l-impatt tagħhom billi tqis ir-riskji għall-prestazzjoni jew għall-konformità, il-livell ta’ introjtu jew ta’ nfiq involut, l-iżviluppi li jkunu għad iridu jseħħu u l-interess politiku u pubbliku.

Dan l-awditu tal-prestazzjoni twettaq mill-Awla III tal-Awditjar, Azzjoni esterna, sigurtà u ġustizzja, li hija mmexxija minn Bettina Jakobsen, Membru tal-QEA. L-awditu tmexxa minn Leo Brincat, Membru tal-QEA, li ngħata appoġġ minn Romuald Kayibanda, Kap tal-Kabinett, u Annette Farrugia, Attaché tal-Kabinett; Sabine Hiernaux-Fritsch, Maniġer Prinċipali; Karel Meixner, Kap tal-Kompitu; Jiri Lang, u Piotr Zych, Awdituri. Mark Smith ipprovda appoġġ lingwistiku.

Kuntatt

IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI
12, rue Alcide De Gasperi
1615 Luxembourg
LUXEMBOURG

Tel. +352 4398-1
Mistoqsijiet: eca.europa.eu/mt/Pages/ContactForm.aspx
Sit web: eca.europa.eu
Twitter: @EUAuditors

Ħafna informazzjoni addizzjonali dwar l-Unjoni Ewropea hija disponibbli fuq l-Internet.
Jista’ jsir aċċess għaliha permezz tas-server Europa (http://europa.eu).

Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2021

PDF ISBN 978-92-847-6483-9 ISSN 1977-5741 doi:10.2865/339398 QJ-AB-21-017-MT-N
HTML ISBN 978-92-847-6457-0 ISSN 1977-5741 doi:10.2865/101191 QJ-AB-21-017-MT-Q

DRITTIJIET TAL-AWTUR

© L-Unjoni Ewropea, 2021.

Il-politika tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) dwar l-użu mill-ġdid hija implimentata bid-Deċiżjoni Nru 6-2019 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar il-politika tad-data miftuħa u l-użu mill-ġdid ta’ dokumenti.

Sakemm ma jkunx indikat mod ieħor (eż. f’avviżi individwali dwar id-drittijiet tal-awtur), il-kontenut tad-dokumenti tal-QEA, li huwa proprjetà tal-UE, huwa liċenzjat taħt il-liċenzja Creative Commons Attribution 4.0 International (CC BY 4.0). Dan ifisser li l-użu mill-ġdid huwa awtorizzat, dment li l-awturi jingħataw kreditu xieraq u li l-bidliet jiġu indikati. Il-persuni li jużaw mill-ġdid dan il-kontenut ma jistgħux ibiddlu s-sinifikat jew il-messaġġ oriġinali tad-dokumenti. Il-QEA ma għandhiex tkun responsabbli għal kwalunkwe konsegwenza relatata mal-użu mill-ġdid.

Inti meħtieġ tikseb drittijiet addizzjonali ċari jekk kontenut speċifiku juri individwi privati identifikabbli, eż. f’ritratti li jkun fihom il-membri tal-persunal tal-QEA, jew jekk ikun jinkludi xogħlijiet ta’ parti terza. Fejn ikun inkiseb permess, tali permess għandu jikkanċella u jissostitwixxi l-permess ġenerali msemmi hawn fuq u għandu jindika b’mod ċar kwalunkwe restrizzjoni dwar l-użu.

Biex tuża jew tirriproduċi kontenut li ma jkunx proprjetà tal-UE, inti jista’ jkun li jkollok titlob il-permess direttament mingħand id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur.

Software jew dokumenti li jkunu koperti mid-drittijiet ta’ proprjetà industrijali, bħal privattivi, trademarks, disinji rreġistrati, logos u ismijiet, huma esklużi mill-politika tal-QEA dwar l-użu mill-ġdid u inti ma għandekx il-liċenzja biex tużahom.

Il-familja ta’ Siti Web istituzzjonali tal-Unjoni Ewropea, fi ħdan id-dominju europa.eu, tipprovdi links għal siti ta’ partijiet terzi. Peress li l-QEA ma għandha l-ebda kontroll fuqhom, inti mħeġġeġ biex tirrieżamina l-politiki tagħhom dwar il-privatezza u dwar id-drittijiet tal-awtur.

Użu tal-logo tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri

Ma jistax isir użu mil-logo tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri mingħajr ma jinkiseb il-kunsens tagħha minn qabel.

Kif tikkuntattja lill-UE

Personalment
Madwar l-Unjoni Ewropea kollha hemm mijiet ta’ ċentri ta’ informazzjoni tal-Europe Direct. Tista’ ssib l-indirizz tal-eqreb ċentru għalik f'dan is-sit: https://europa.eu/european-union/contact_mt

Bit-telefown jew bil-posta elettronika
Europe Direct huwa servizz li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar l-Unjoni Ewropea. Tista’ tikkuntattja dan is-servizz:

  • bit-telefown bla ħlas: 00 800 6 7 8 9 10 11 (ċerti operaturi jafu jimponu ħlas għal dawn it-telefonati),
  • fuq dan in-numru standard: +32 22999696, jew
  • bil-posta elettronika permezz: https://europa.eu/european-union/contact_mt

Kif issib tagħrif dwar l-UE

Onlajn
L-informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE hija disponibbli fuq is-sit web Europa fuq: https://europa.eu/european-union/index_mt

Pubblikazzjonijiet tal-UE
Tista’ tniżżel mill-internet jew tordna l-pubblikazzjonijiet tal-UE, li xi wħud minnhom huma bla ħlas u xi oħrajn bil-ħlas, minn: https://op.europa.eu/mt/publications. Kopji multipli ta’ pubblikazzjonijiet bla ħlas tista’ tiksibhom billi tikkuntattja lil Europe Direct jew liċ-ċentru tal-informazzjoni lokali tiegħek (ara https://europa.eu/european-union/contact_mt).

Il-liġi tal-UE u dokumenti relatati
Għal aċċess għall-informazzjoni legali tal-UE, inkluż il-liġijiet kollha tal-UE mill-1951 ’l hawn, fil-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali kollha, żur is-sit EUR-Lex hawnhekk: http://eur-lex.europa.eu

Dejta Miftuħa mill-UE
Il-portal tad-Dejta Miftuħa mill-UE (https://copenhagenizeindex.eu/) jipprovdi aċċess għal settijiet tad-dejta mill-UE. Id-dejta tista’ titniżżel mill-internet u tintuża mill-ġdid bla ħlas, kemm għal skopijiet kummerċjali kif ukoll mhux kummerċjali.