Appoġġ eċċezzjonali għall-produtturi tal-ħalib fl-UE fil-perjodu 2014-2016
Potenzjal għal titjib fl-effiċjenza futura
Dwar ir-rapport:
Wara li laħaq il-quċċata tiegħu fil-bidu tal-2014, il-prezz medju li rċevew il-produtturi tal-ħalib fl-UE beda jonqos. F’nofs l-2016, il-prezzijiet reġgħu bdew jogħlew.
Il-PAK tinkludi għadd ta’ għodod għall-indirizzar tad-disturb fis-suq. Il-pagamenti diretti għandhom rwol ta’ stabbilizzazzjoni billi jipprovdu sors ta’ introjtu kostanti għall-bdiewa. “Xibka ta’ sikurezza” għandha l-għan li tappoġġa l-prezzijiet billi b’mod temporanju tneħħi s-surplus ta’ prodotti tal-ħalib mis-suq. Il-Kummissjoni tista’ tadotta wkoll miżuri eċċezzjonali kontra theddid ta’ disturb fis-suq: u hekk għamlet bejn l-2014 u l-2016.
Aħna eżaminajna kemm il-Kummissjoni u l-awtoritajiet rilevanti fl-Istati Membri kienu mmaniġġjaw tajjeb ir-rispons tagħhom għad-disturb fis-suq tal-ħalib fil-perjodu 2014-2016. B’mod ġenerali, aħna sibna li l-Kummissjoni u l-Istati Membri kienu ħadu miżuri wesgħin biex jgħinu lill-bdiewa matul id-disturb fis-suq, iżda li l-analiżi li wettqu kienet ġeneralment insuffiċjenti biex jiġi deċiż il-livell ta’ appoġġ meħtieġ u biex dan id-disturb jiġi mmirat.
Rapport speċjali tal-QEA skont l-Artikolu 287(4), it-tieni subparagrafu, TFUE.
Sommarju Eżekuttiv
IIs-settur tal-produzzjoni tal-ħalib huwa wieħed mill-aktar setturi agrikoli ewlenin fl-UE, f’termini ta’ valur. Wara li laħaq il-quċċata tiegħu fil-bidu tal-2014, il-prezz medju li rċevew il-produtturi tal-ħalib fl-UE beda jonqos. F’nofs l-2016, il-prezzijiet reġgħu bdew jogħlew.
IIIl-politika agrikola komuni tinkludi għadd ta’ għodod biex tindirizza d-disturb fis-suq. Il-pagamenti diretti għandhom rwol ta’ stabbilizzazzjoni billi jipprovdu sors ta’ introjtu kostanti għall-bdiewa. “Xibka ta’ sikurezza” għandha l-għan li tappoġġa l-prezzijiet billi b’mod temporanju tneħħi s-surplus ta’ prodotti tal-ħalib mis-suq. Il-Kummissjoni tista’ tadotta wkoll miżuri eċċezzjonali kontra theddid ta’ disturb fis-suq: u hekk għamlet bejn l-2014 u l-2016.
IIIAħna eżaminajna kemm il-Kummissjoni Ewropea u l-awtoritajiet rilevanti fl-Istati Membri kienu mmaniġġjaw tajjeb ir-rispons tagħhom għad-disturb fis-suq tal-ħalib fil-perjodu 2014-2016. B’mod ġenerali, aħna sibna li l-Kummissjoni u l-Istati Membri kienu ħadu miżuri wesgħin biex jgħinu lill-bdiewa matul id-disturb fis-suq, iżda li l-analiżi li wettqu kienet ġeneralment insuffiċjenti biex jiġi deċiż il-livell ta’ appoġġ meħtieġ u biex dan id-disturb jiġi mmirat.
IVFl-2019, aħna rrappurtajna dwar l-użu ta’ miżuri eċċezzjonali biex jiġi stabbilizzat l-introjtu tal-bdiewa fis-setturi tal-frott u tal-ħxejjex. Dan ir-rapport jiffoka fuq il-produtturi tal-ħalib fl-UE. Filwaqt li ma jkoprix l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19, huwa jħares lejn il-mod kif il-Kummissjoni ttrattat dan is-suġġett, u kif hija tista’ tieħu tagħlimiet minn kriżi preċedenti.
VIl-Kummissjoni rreaġiet rapidament għall-projbizzjoni Russa. Qabel tmiem l-2014, hija pprovdiet appoġġ finanzjarju għal miżuri eċċezzjonali fil-pajjiżi Baltiċi u fil-Finlandja, li kienu l-aktar affettwati mill-projbizzjoni. Madankollu, ħadet iktar żmien biex tindirizza l-iżbilanċi sottostanti fis-suq, u l-miżuri li adottat f’Settembru 2016 fejn ipprovdiet appoġġ għal tnaqqis volontarju fil-produzzjoni involvew grad ta’ deadweight.
VIIl-Kummissjoni pproponiet miżuri eċċezzjonali biex ittaffi l-problemi ta’ likwidità tal-bdiewa, iżda mingħajr ma vvalutat b’mod adegwat il-ħtiġijiet jew stabbiliet xi miri. Minħabba l-flessibbiltà disponibbli għalihom taħt ġestjoni kondiviża, l-Istati Membri taw preferenza lill-miżuri eċċezzjonali li kienu sempliċi fit-twassil u għażlu distribuzzjoni wiesgħa tal-fondi. L-isforzi biex l-għajnuna tiġi mmirata kienu limitati.
VIIGħalkemm l-UE allokat riżerva għal kriżijiet fis-settur agrikolu, il-Kummissjoni ma għamlitx użu minnha matul id-disturb fis-suq. Minn dak iż-żmien ’il hawn il-Kummissjoni pproponiet bidliet sabiex isaħħaħ ir-rwol tar-riżerva għall-kriżijiet għall-futur. Mill-2018 ’il hawn, il-programmi tal-iżvilupp rurali jistgħu jappoġġaw firxa usa’ ta’ għodod għall-ġestjoni tar-riskji għall-bdiewa li jġarrbu tnaqqis fl-introjtu, inkluż l-għodod settorjali għall-istabbilizzazzjoni tal-introjtu. Minn Diċembru 2020, aħna identifikajna żewġ programmi tal-iżvilupp rurali li joffru appoġġ għall-għodda għall-istabbilizzazzjoni tal-introjtu, iżda l-ebda wieħed minnhom ma kien operazzjonali.
VIIIL-evalwazzjonijiet li twettqu wara d-disturb fis-suq ipprovdew xi konklużjonijiet kumplessivi fir-rigward tal-miżuri eċċezzjonali fil-livell tal-UE, u minn dakinhar ’il hawn il-Kummissjoni ħadet xi passi biex ittejjeb il-proċeduri ta’ ġestjoni tal-kriżijiet tagħha. Madankollu, hija ma vvalutatx b’mod adegwat l-effetti tal-arranġamenti li wettqu l-Istati Membri.
IXAħna nagħmlu għadd ta’ rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni biex:
- tindirizza aħjar id-disturbi fis-suq,
- ittejjeb l-ibbaġitjar u l-immirar,
- tipprepara għal disturbi futuri fis-suq.
Introduzzjoni
Is-settur tal-ħalib fl-UE
01Il-ħalib tal-baqar huwa wieħed miż-żewġ setturi agrikoli ewlenin tal-UE f’termini ta’ valur (EUR 59.3 biljun fl-2019), li jirrappreżenta madwar 14 % tal-produzzjoni agrikola1. Fl-2019, il-pajjiżi prinċipali għall-produzzjoni tal-ħalib (il-Ġermanja, Franza, ir-Renju Unit, in-Netherlands, il-Polonja, l-Italja u l-Irlanda) kienu jirrappreżentaw madwar tliet kwarti tal-produzzjoni tal-ħalib fl-UE f’termini ta’ volum (ara l-Figura 1). Mill-1984 sal-2015, l-UE operat sistema ta’ kwoti tal-ħalib, li permezz tagħha kellha l-għan li tillimita l-produzzjoni totali tal-ħalib fl-UE. Mill-2009 ’l quddiem il-kwoti kumplessivi tal-Istati Membri kienu qed jiżdiedu gradwalment sakemm is-sistema ġiet abolita fl-1 ta’ April 2015.
Figura 1
Ġbir tal-ħalib tal-baqra mill-azjendi agrikoli tal-ħalib fl-2019
Sors: id-DĠ Agrikoltura u Żvilupp Rurali – Short-term outlook Autumn 2020, Kunsinni ta’ ħalib tal-baqar (f’eluf ta’ tunnellati) – Kalkolu tal-QEA.
Fl-2019, il-produzzjoni totali tal-ħalib fl-UE kienet ta’ madwar 168 miljun tunnellata2, li minnhom il-produtturi tal-ħalib ikkonsenjaw madwar 95 %3 lill-azjendi tal-ħalib. Il-kunsinni tal-produtturi tal-ħalib lejn l-azjendi tal-ħalib żdiedu rapidament fl-2014 u fl-2015, u mbagħad kibru b’pass inqas mgħaġġel (ara l-Figura 2).
Figura 2
Kunsinni tal-ħalib lejn l-azjendi tal-ħalib
Sors: id-DĠ Agrikoltura u Żvilupp Rurali – Short-term outlook Autumn 2020 – Kalkolu tal-QEA.
Mill-2013 sal-2015, il-kunsinni lejn l-azjendi tal-ħalib kienu żdiedu fl-Istati Membri kollha ħlief tnejn. Fost l-akbar pajjiżi produtturi, iż-żieda kienet ogħla mill-medja tal-UE fl-Irlanda, fir-Renju Unit, fil-Polonja u fin-Netherlands. Il-kunsinni baqgħu jiżdiedu fl-2016 – b’diversi rati – fi 15-il Stat Membru, filwaqt li naqqsu fit-13 l-oħra, inkluż ir-Renju Unit u Franza (ara t-Tabella 1).
Tabella 1
Evoluzzjoni tal-kunsinni tal-ħalib mill-2013 sal-2016
| Stati Membri | Bidla fil-perċentwal 2015 vs 2013 | Bidla fil-perċentwal 2016 vs 2015 |
| Iċ-Ċekja | 25.6 % | -0.1 % |
| L-Irlanda | 18.0 % | 4.1 % |
| Il-Lussemburgu | 15.9 % | 8.9 % |
| Il-Belġju | 14.8 % | -2.7 % |
| L-Ungerija | 12.6 % | 0.7 % |
| Ir-Renju Unit | 11.0 % | -4.3 % |
| Ċipru | 9.9 % | 16.1 % |
| Il-Latvja | 9.8 % | 0.8 % |
| Il-Polonja | 9.6 % | 2.4 % |
| In-Netherlands | 9.2 % | 7.4 % |
| Il-Portugall | 8.9 % | -4.4 % |
| EU-28 | 7.7 % | 0.4 % |
| Spanja | 7.6 % | 1.1 % |
| Il-Litwanja | 7.4 % | -1.5 % |
| Is-Slovenja | 7.1 % | 3.8 % |
| Franza | 5.9 % | -2.7 % |
| L-Awstrija | 5.8 % | -0.2 % |
| Il-Ġermanja | 5.2 % | 0.3 % |
| Id-Danimarka | 5.0 % | 1.6 % |
| Il-Finlandja | 4.7 % | -0.2 % |
| Is-Slovakkja | 4.6 % | -4.8 % |
| L-Italja | 4.3 % | 3.2 % |
| Ir-Rumanija | 4.2 % | 3.6 % |
| L-Iżvezja | 2.2 % | -2.4 % |
| L-Estonja | 2.1 % | -0.8 % |
| Il-Kroazja | 1.9 % | -4.6 % |
| Malta | 1.6 % | 3.8 % |
| Il-Greċja | -0.7 % | -0.2 % |
| Il-Bulgarija | -4.4 % | 7.3 % |
Sors: id-DĠ Agrikoltura u Żvilupp Rurali – Short-term outlook Autumn 2020 – Kalkolu tal-QEA.
Fid-deċennju mill-2009 sal-2019 il-konsum tal-prodotti tal-ħalib (jiġifieri, il-ħalib u l-prodotti miksuba mill-ħalib, bħall-butir, il-ġobon u t-trab tal-ħalib) fl-UE żdied b’rata medja ta’ 0.8 % fis-sena, filwaqt li l-esportazzjonijiet tal-UE żdiedu b’rata medja ta’ 5.5 % fis-sena (ara l-Figura 3) b’rispons għad-domanda globali li kienet qed tiżdied rapidament. Wara dan it-tkabbir, sal-2019 l-UE kienet qed tesporta madwar 15 % tal-produzzjoni tagħha4. Matul il-perjodu 2016-2019 it-tliet l-akbar esportaturi fid-dinja kienu l-UE (27 %) , New Zealand (25 %) u l-Istati Uniti (14 %), u l-kummerċ internazzjonali fil-prodotti tal-ħalib kien jirrappreżenta madwar 9 % tal-produzzjoni dinjija5.
Figura 3
Esportazzjonijiet tal-prodotti tal-ħalib fil-perjodu 2009-2019
Sors: id-DĠ Agrikoltura u Żvilupp Rurali – EU agricultural outlook 2019-2030 and Short-term outlook Autumn 2020 – Kalkolu tal-QEA. Ekwivalenti tal-ħalib ikkalkulat bl-użu tal-koeffiċjenti tal-Kummissjoni ta’ 6.57 għall-butir, 3.58 għall-ġobon, 7.57 għall-SMP, 7.56 għall-WMP 7.48 għax-xorrox u 0.85 għall-prodotti friski tal-ħalib.
Id-disturb fis-suq tal-ħalib fil-perjodu 2014-2016
05Il-kundizzjonijiet tat-temp tajbin fl-2014 u l-prezzijiet għoljin tal-ħalib fis-snin preċedenti xprunaw żieda sinifikanti fil-produzzjoni tal-ħalib fl-UE. Mill-2013 sal-2015, il-kunsinni tal-ħalib lejn l-azjendi tal-ħalib kienu żdiedu b’madwar 8 % jew b’xi 11‑il miljun tunnellata (ara l-Figura 2), żieda sinifikanti meta mqabbla max-xejra tal-konsum domestiku u mal-volum tal-esportazzjonijiet (ara l-paragrafu 04 u l-Figura 3). L-abolizzjoni tal-kwoti tal-ħalib tal-UE kienet ġiet imħabbra għall-2015 u, bħal fi snin preċedenti, xi produtturi ħallsu multa minħabba li qabżuhom.
06F’Mejju 2014, id-domanda għall-esportazzjonijiet tal-UE tal-prodotti tal-ħalib baqgħet b’saħħitha6. F’Awwissu 2014, il-Federazzjoni Russa pprojbiet l-importazzjoni tal-prodotti tal-ħalib tal-UE b’rispons għas-sanzjonijiet tal-UE fuq l-Ukrajna, u kien hemm tnaqqis fit-tkabbir fl-importazzjonijiet taċ-Ċina. Ir-Russja kienet l-akbar suq ta’ esportazzjoni għall-prodotti tal-ħalib tal-UE – speċjalment il-ġobon – fejn kienet tirrappreżenta madwar 14 % tal-esportazzjonijiet totali f’termini ta’ valur fl-20137, u tikkonsma 1.6 % tal-produzzjoni tal-ħalib totali tal-UE8. Fl-2013, iċ-Ċina kienet tirrappreżenta 7 % f’termini ta’ valur tal-esportazzjonijiet tal-UE tal-prodotti tal-ħalib, fejn kienet tixtri l-aktar it-trab tal-ħalib xkumat u t-trab tax-xorrox.
07Skont rapport tal-Kummissjoni9, “wara li ra l-ogħla prezzijiet fl-istorja għall-ħalib u għall-prodotti tal-ħalib sa tmiem l-2013 u fil-bidu tal-2014, is-settur tal-ħalib daħal f’fażi ta’ żbilanċ globali bejn il-provvista u d-domanda li kkaratterizza s-suq tul l-2015 u l-ewwel nofs tal-2016”.
08Il-prezzijiet tal-ħalib tipikament ivarjaw matul is-sena u bejn sena u oħra. Il-prezzijiet jogħlew fix-xitwa (meta l-produzzjoni tal-ħalib tkun l-iktar baxxa), u jonqsu hekk kif tiżdied il-produzzjoni matul ir-rebbiegħa. Għalhekk medja mobbli fuq perjodu ta’ tnax-il xahar hija gwida aħjar għall-fluttwazzjoni milli l-prezzijiet fix-xahar (ara l-Figura 4). Matul il-perjodu li beda mit-tkabbir tal-UE fl-2004, il-prezz medju mobbli annwali għall-kunsinni tal-ħalib lill-azjendi tal-ħalib fl-UE kien baqa’ prinċipalment f’firxa ta’ bejn 28 u 35 ċenteżmu tal-euro/kg. Bejn nofs l-2013 u l-2016, il-prezz medju fix-xahar l-ewwel għola aktar minn din il-firxa, imbagħad naqas – għal żmien qasir ħafna – għal livell baxx ta’ madwar 26 ċenteżmu.
Figura 4
Prezzijiet tal-ħalib mhux ipproċessat fl-UE fil-perjodu 2005‑2020
Sors: il-komunikazzjonijiet tal-Istati Membri skont l-Artikolu 12(a) tar-Regolament (UE) 2017/1185 – l-Anness II.4(a) – Ammonti ponderati skont il-kwantitajiet ikkonsenjati lill-azjendi tal-ħalib. L-appoġġ eċċezzjonali kopert f’dan l-awditu kien disponibbli fil-perjodu immarkat bl-aħdar – Ara l-Anness.
Il-prezzijiet u l-fluttwazzjonijiet kienu jvarjaw b’mod konsiderevoli fost l-Istati Membri. F’Ġunju 2016, meta kien hemm l-akbar differenza, id-distakk fil-prezz kien ta’ 38.1 ċenteżmu/kg bejn il-Litwanja (16.9-il ċenteżmu/kg) u Ċipru (55.0 ċenteżmu/kg). Il-prezz f’7 Stati Membri kien inqas minn 22.5 ċenteżmu/kg, filwaqt li kien aktar minn 36.5 ċenteżmu/kg f’4 Stati Membri10.
10Il-fatturat annwali mill-produzzjoni tal-ħalib żdied mill-2012 għall-2014, u mbagħad naqas mill-2014 sal-2016 (ara l-Figura 5). Il-fatturat medju għall-2013 u l-2014 kien ta’ EUR 53.4 biljun, u EUR 44.8 biljun għall-2015 u l-2016 – kemxejn inqas mill-fatturat għall-2012.
Figura 5
Valur tal-kunsinni tal-ħalib
Sors: id-DĠ Eurostat dwar il-kunsinni fix-xahar tal-ħalib tal-baqar (apro_mk_colm) – Milk Market Observatory for EU historical raw milk prices – Kalkolu tal-QEA.
In-Network ta’ Informazzjoni tal-Kontabilità Agrikola (FADN) huwa l-istrument statistiku prinċipali tal-Kummissjoni għall-monitoraġġ tal-introjtu u tal-attivitajiet ta’ negozju tal-azjendi agrikoli kummerċjali. Huwa jinkludi bosta indikaturi tal-introjtu11, bħall-valur nett miżjud tal-azjendi agrikoli (FNVA) għal kull unità ta’ xogħol annwali (AWU) u l-introjtu nett ta’ azjenda agrikola. Iż-żewġ indikaturi naqqsu fil-perjodu 2015‑2016 meta mqabbla mal-2012-2013 għall-bdiewa tal-ħalib speċjalizzati fl-UE, l-ewwel b’madwar 7 % u t-tieni b’madwar 16 %.
12Id-dinamiki kienu sinifikattivament differenti fl-Istati Membri. Pereżempju, meta jitqabbel il-perjodu 2015-2016 mal-perjodu 2012-2013, l-indikatur FNVA/AWU naqas f’14 minn 25 Stat Membru li għalihom hemm data disponibbli, iżda żdied fil-11 l-oħra. Il-firxa totali kienet bejn tnaqqis ta’ 35 % fin-Netherlands għal żieda ta’ 110 % fis-Slovakkja.
Mekkaniżmi disponibbli biex jiġu indirizzati l-fluttwazzjonijiet fil-prezzijiet
13Il-fluttwazzjonijiet fil-prezzijiet jaffettwaw l-introjtu tal-produtturi. Il-Politika Agrikola Komuni (PAK) tipprovdi mekkaniżmi li jimmitigaw dan ir-riskju: il-pagamenti diretti, xibka ta’ sikurezza u miżuri eċċezzjonali.
Il-pagamenti diretti jistabbilizzaw l-introjtu tal-azjendi agrikoli
14Il-bdiewa tal-ħalib għandhom żewġ sorsi ta’ dħul prinċipali: l-irċevuti mill-bejgħ tal-ħalib, u l-pagamenti diretti mill-baġit tal-UE. Il-biċċa l-kbira mill-pagamenti diretti mill-baġit tal-UE huma bbażati fuq l-għadd ta’ ettari maħduma, irrispettivament mill-produzzjoni. Il-fluttwazzjonijiet fil-volum ta’ ħalib prodott, jew il-prezz imħallas mill-azjendi tal-ħalib, ma jaffettwawx l-ammont ta’ għajnuna diretta mħallsa lill-bdiewa.
15F’19-il Stat Membru, minbarra l-pagamenti diretti għal kull ettaru, il-bdiewa tal-ħalib jistgħu jirċievu pagament dirett separat marbut mal-produzzjoni, imsejjaħ l-appoġġ akkoppjat volontarju (VCS, ara l-Kaxxa 1). Barra minn hekk, huma jistgħu jibbenefikaw ukoll minn miżuri ta’ żvilupp rurali bħall-appoġġ għall-bdiewa f’żoni b’restrizzjonijiet naturali fuq il-produzzjoni, u sussidji għal diversi tipi ta’ investimenti.
Kaxxa 1
L-appoġġ akkoppjat volontarju fis-settur tal-ħalib
L-Istati Membri jistgħu jagħtu l-VCS lil bosta setturi u oqsma ta’ produzzjoni, kif elenkati fl-Artikolu 52(2) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, fejn tipi speċifiċi ta’ biedja jew setturi agrikoli speċifiċi li huma partikolarment importanti għal raġunijiet ekonomiċi, soċjali jew ambjentali jgħaddu minn ċerti diffikultajiet. Skont il-Kummissjoni, fl-2015:
- kważi nofs il-merħliet tal-ħalib tal-UE jibbenefikaw mill-VCS;
- is-settur tal-ħalib huwa t-tieni l-akbar riċevitur tal-VCS (19.5 % tal-allokazzjonijiet tal-VCS kollha, jew EUR 794 miljun f’19-il Stat Membru).
Bħalma konna osservajna qabel12, il-pagamenti diretti jnaqqsu l-impatt tal-fluttwazzjonijiet fil-prezz u fl-output. Meta jintużaw flimkien ma’ sussidji oħra taħt il-PAK, partikolarment il-pagamenti għall-iżvilupp rurali għal żoni li huma suġġetti għal restrizzjonijiet naturali jew restrizzjonijiet speċifiċi oħra, joffru protezzjoni sinifikanti kontra l-varjazzjonijiet fl-introjtu.
Ix-xibka ta’ sikurezza tal-azjendi tal-ħalib
17Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 – ir-Regolament dwar l-Organizzazzjoni Komuni tas-Suq (OKS) – jipprovdi għodod addizzjonali għall-istabbilizzazzjoni tas-swieq agrikoli u għall-indirizzar tad-disturbi fis-suq.
18Il-prodotti tal-ħalib jistgħu jkunu s-suġġett ta’ miżuri ta’ intervent fis-suq, komunement magħrufa bħala “xibka tas-sikurezza”. Dawn il-miżuri għandhom l-għan li jindirizzaw l-iżbilanċi fis-suq u jappoġġaw il-prezzijiet billi b’mod temporanju ineħħu s-surplus tal-prodotti tal-ħalib mis-suq, partikolarment fix-xhur meta l-produzzjoni tkun fl-ogħla livelli. Il-ħalib fih l-ilma, il-lattożju, ix-xaħam u l-proteini. Il-butir u l-ħalib xkumat jiġu prodotti billi jitneħħa x-xaħam mill-proteini. Ix-xibka ta’ sikurezza tieħu l-forma ta’ intervent pubbliku fuq is-suq għax-xiri sfurzat ta’ butir u trab tal-ħalib xkumat (SMP), kif ukoll għajnuna pubblika għall-ħażna privata ta’ butir, SMP u ċerti tipi ta’ ġobon13.
19Skont ir-Regolament dwar l-OKS il-kwantitajiet u l-prezzijiet ta’ intervent pubbliku jiġu stabbiliti mill-Kunsill14. Fl-2013, il-Kunsill iddeċieda15 li l-Istati Membri setgħu jixtru sa massimu ta’ 109 000 tunnellata ta’ SMP bil-prezz fiss ta’ EUR 169.80/100 kg bejn l-1 ta’ Marzu u t-30 ta’ Settembru ta’ kull sena. Dan il-prezz huwa l-istess fl-UE kollha, u b’hekk l-intervent pubbliku jsir aktar attraenti fir-reġjuni fejn il-prezzijiet tal-ħalib huma l-aktar baxxi.
20Fil-perjodu 2014-2016, il-Kummissjoni estendiet il-perjodu ta’ intervent pubbliku għas-sena kollha fuq il-bażi tal-Artikolu 219 tar-Regolament dwar l-OKS. Il-Kunsill żied ukoll il-limitu massimu fl-2016 għall-kwantitajiet ta’ SMP li setgħu jinxtraw bi prezz fiss għal 350 000 tunnellata. Dawn il-kwantitajiet jikkorrispondu għall-kontenut ta’ proteini ta’ madwar EUR 3.8 miljun tunnellata ħalib, jiġifieri, 2.5 % tal-produzzjoni tal-ħalib fl-UE. Fl-2015, il-Kummissjoni introduċiet miżuri addizzjonali biex tħeġġeġ lill-operaturi jaħżnu kwantitajiet ogħla ta’ SMP, billi pprovdiet rati ta’ appoġġ għall-ħażna privata ogħla għal perjodu itwal ta’ sena.
21Billi l-prezz tas-suq għall-butir kien ogħla mill-prezz għax-xiri sfurzat stabbilit għal intervent permezz ta’ xibka ta’ sikurezza mill-2009 ’l quddiem, ma kien hemm l-ebda intervent pubbliku matul il-perjodu 2014-2016. Il-prezz tas-suq għall-SMP niżel taħt il-prezz għax-xiri sfurzat fit-tieni nofs tal-2015 – għall-ewwel darba sa mill-2009 – u fl-2016 tneħħew mis-suq 336 000 tunnellata SMP f’14-il Stat Membru.
22Il-Kummissjoni biegħet aktar minn 90 % tal-istokks pubbliċi ta’ SMP bejn Mejju 2018 u Frar 2019, ladarba l-prezz tal-ħalib kien irkupra. L-ispiża netta totali għall-baġit tal-UE minħabba l-intervent pubbliku għall-SMP kienet ta’ EUR 136.9 miljun bejn l-2015 u l-2019. Fuq l-istess perjodu, l-UE nefqet ukoll EUR 39.3 miljun f’għajnuna għall-ħażna privata ta’ butir, SMP u ġobon.
Miżuri eċċezzjonali
23L-Artikolu 219 tar-Regolament dwar l-OKS jippermetti lill-Kummissjoni biex tadotta miżuri eċċezzjonali kontra t-theddid ta disturb fis-suq. Hija tista’ tagħmel dan permezz ta’ atti delegati, li tadotta wara li tikkonsulta gruppi esperti li jikkonsistu minn rappreżentanti minn kull Stat Membru. Il-Figura 6 turi d-diversi rwoli u responsabbiltajiet tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri fil-proċedura ta’ miżuri eċċezzjonali.
Figura 6
Miżuri eċċezzjonali: ir-rwoli tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Istati Membri
Sors: il-QEA, ibbażat fuq Regolamenti tal-UE applikabbli.
Il-Figura 7 tagħti kronoloġija simplifikata tal-miżuri eċċezzjonali li ttieħdu mill-Kummissjoni mill-2014 sal-2016. B’mod partikolari, f’konformità mal-Artikolu 228 tar-Regolament dwar l-OKS, il-Kummissjoni adottat 5 regolamenti delegati (ara l-Anness) li pprovdew għajnuna għall-bdiewa tal-ħalib u għas-setturi tat-trobbija ta’ bhejjem oħra.
Figura 7
Miżuri eċċezzjonali fil-perjodu 2014-2016
Sors: il-QEA, ibbażat fuq data pprovduta mill-Kummissjoni.
Ambitu u approċċ tal-awditjar
25L-għan ta’ dan l-awditu kien li jiġi ddeterminat kemm il-Kummissjoni Ewropea u l-awtoritajiet rilevanti fl-Istati Membri kienu mmanniġġjaw tajjeb ir-rispons tagħhom għad-disturb fis-suq tal-ħalib fil-perjodu 2014-2016. B’mod aktar speċifiku, aħna eżaminajna l-mod kif il-Kummissjoni rreaġiet għad-disturb fis-suq, kif ivvalutat il-ħtieġa għal miżuri eċċezzjonali u kif immirat dawn il-miżuri, kif ukoll il-mod kif l-Istati Membri implimentawhom. Aħna analizzajna wkoll jekk il-Kummissjoni u l-Istati Membri kinux ivvalutaw l-eżitu tal-appoġġ eċċezzjonali u jekk wasslux għall-konklużjonijiet meħtieġa biex iħejju għal disturbi futuri fis-suq tal-ħalib.
26Fl-2019, aħna rrappurtajna dwar l-użu ta’ miżuri eċċezzjonali biex jiġi stabbilizzat l-introjtu tal-bdiewa fis-setturi tal-frott u tal-ħxejjex16. Dan ir-rapport jiffoka fuq il-produtturi tal-ħalib fl-UE. L-ambitu tal-awditjar ikopri l-miżuri eċċezzjonali ta’ appoġġ introdotti mir-regolamenti delegati elenkati fl-Anness. Aħna eżaminajna wkoll il-miżuri fix-xibka ta’ sikurezza sal-punt fejn kienu jikkomplementaw il-miżuri eċċezzjonali.
27Wara t-tifqigħa tal-COVID-19, fit-30 ta’ April 2020 il-Kummissjoni adottat regolamenti dwar l-ippjanar tal-produzzjoni tal-ħalib mill-organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-għajnuna għall-ħażna privata tal-SMP, il-butir u ċerti ġobnijiet. Filwaqt li l-ġestjoni tal-Kummissjoni tal-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 fuq is-swieq tal-ħalib ma kinitx parti mix-xogħol tal-awditjar tagħna, dan ir-rapport jagħti ħarsa lejn il-mod kif il-Kummissjoni rreaġiet u kif tista’ tieħu tagħlimiet mill-mod kif indirizzat kriżi preċedenti.
28Aħna wettaqna x-xogħol tal-awditjar tagħna bejn Lulju 2019 u Diċembru 2020, abbażi ta’ kriterji tal-awditjar li stabbilejna permezz ta’ dokumenti ta’ politika tal-UE, leġiżlazzjoni, diskussjonijiet leġiżlattivi, studji u materjal ippubblikat ieħor.
29Intervistajna uffiċċjali tal-Kummissjoni, u rrieżaminajna d-dokumentazzjoni tal-Kummissjoni, biex nanalizzaw il-mod kif din l-istituzzjoni kienet ivvalutat il-ħtieġa għal miżuri eċċezzjonali, fasslet dawn il-miżuri, immonitorjat l-implimentazzjoni tagħhom u evalwat l-effetti tagħhom. Ħadna kont tax-xogħol tas-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni, li preċedentement kien eżamina l-proċessi ta’ ġestjoni tal-kriżijiet tad-Direttorat Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (DĠ AGRI).
30Żorna wkoll l-awtoritajiet rilevanti fl-Irlanda, fi Franza, fl-Italja u fil-Finlandja, fejn:
- ġbarna evidenza għall-awditjar permezz ta’ analiżi tad-dokumenti u tad-data;
- intervistajna lir-rappreżentanti tal-awtoritajiet responsabbli għat-tfassil u għall-implimentazzjoni tal-miżuri eċċezzjonali;
- irrieżaminajna d-dokumentazzjoni ta’ sostenn ta’ 120 pagament magħżul b’mod aleatorju u żorna 12-il bidwi.
Minbarra dawn iż-żjarat, irrieżaminajna l-użu tal-miżuri eċċezzjonali fil-Ġermanja, fejn użajna wkoll xogħol li sar fuq l-implimentazzjoni tal-miżuri eċċezzjonali minn żewġ istituzzjonijiet Ġermaniżi17. Aħna għażilna dawn il-ħames Stati Membri abbażi tal-ammonti ta’ appoġġ eċċezzjonali li rċevew, in-natura tal-miżuri li implimentaw u l-karatteristiċi speċifiċi tas-setturi tal-ħalib tagħhom – bħall-iskopertura għas-suq Russu jew il-varjazzjonijiet fil-kunsinni totali tal-ħalib.
31Fl-aħħar nett, bgħattna kwestjonarju lil:
- l-awtoritajiet nazzjonali rilevanti f’16-il Stat Membru18 li flimkien irċevew aktar minn 80 % tal-finanzjament mill-UE għall-miżuri eċċezzjonali li minnhom ibbenefikaw il-produtturi tal-ħalib. Ir-rata ta’ risposta kienet ta’ 100 %.
- 56 korp professjonali minn fost dawk prinċipali li joperaw fis-settur tal-ħalib. Ir-rata ta’ risposta kienet ta’ 44.6 %.
Meta fassalna s-sejbiet tagħna, aħna analizzajna u użajna r-risposti, flimkien ma’ sorsi oħra tagħna ta’ evidenza.
Osservazzjonijiet
Il-Kummissjoni rreaġiet malajr għall-projbizzjoni Russa, iżda ħadet aktar żmien biex tindirizza l-iżbilanċi sottostanti fis-suq
32Preċedentement, aħna rrappurtajna19 li l-“kunċett ta’ tfixkil fis-suq huwa pjuttost ġenerali u mhuwiex żviluppat ulterjorment fil-leġiżlazzjoni tal-UE”, u li s-sitwazzjoni tagħti “marġni kbir ta’ diskrezzjoni rigward meta għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-użu ta’ miżuri eċċezzjonali”. Għal dan l-awditu aħna vvalutajna jekk il-Kummissjoni kinitx identifikat żbilanċi fis-suq fi żmien xieraq u jekk kinitx ipproponiet miżuri eċċezzjonali xierqa.
Il-Kummissjoni rreaġiet malajr għall-projbizzjoni Russa
33L-Osservatorju tas-Suq tal-Ħalib (MMO), korp li twaqqaf f’April 2014 u huwa magħmul minn persunal tal-Kummissjoni u esperti tas-suq minn organizzazzjonijiet settorjali, huwa inkarigat bl-analiżi u d-disseminazzjoni ta’ data dwar is-suq tal-ħalib. F’rapport datat l-24 ta’ Settembru 2014, il-Bord Ekonomiku tal-MMO ddikjara li minħabba livelli għoljin, il-prezzijiet kienu taħt pressjoni minħabba d-diffikultajiet għas-suq biex jassorbi żieda fil-produzzjoni fir-reġjuni prinċipali madwar id-dinja tal-produzzjoni tal-ħalib u dan ġie aggravat mill-projbizzjoni Russa fuq l-importazzjonijiet. Din ix-xejra ’l isfel tista’ tkompli jekk il-produzzjoni ma tonqosx. Il-Bord wissa wkoll dwar żbilanċ fis-suq tal-ħalib f’erba’ rapporti mill-ewwel nofs tal-2016. Pereżempju, fit-23 ta’ Frar 2016 huwa osserva li: Filwaqt li l-iżviluppi min-naħa tal-ispejjeż u fid-domanda dinjija jipprovdu ftit serħan, il-prezzijiet tal-ħalib mal-ħruġ mill-azjenda agrikola u l-prodotti tal-ħalib qed jibqgħu taħt pressjoni, minħabba l-iżbilanċ li sejjer għall-agħar fis-suq tal-UE. It-titjib fl-ekwazzjoni provvista/domanda jibqa’ meħtieġ.
34Bl-użu ta’ data mill-Osservatorju tas-Suq tal-Ħalib, fl-2014, il-Kummissjoni stmat il-kobor tal-impatt tal-projbizzjoni Russa20 fuq is-suq tal-ħalib tal-UE, speċjalment f’termini ta’ esportazzjonijiet mitlufa ta’ butir, ġobon u trab tax-xorrox. Qabel il-kriżi, madwar kwart tal-produzzjoni tal-ħalib fil-Finlandja, u aktar minn 15 % fit-3 Stati Baltiċi kienet tiġi esportata lejn ir-Russja. Dawn l-erba’ Stati Membri kienu jirrappreżentaw 3.6 % tal-kunsinni tal-ħalib fl-UE fl-2013, iżda madwar terz tal-esportazzjonijiet tal-UE lir-Russja. Fl-2014, il-Kummissjoni ħarġet l-ewwel pakkett ta’ appoġġ finanzjarju eċċezzjonali għall-bdiewa tal-ħalib fl-Istati Baltiċi u fil-Finlandja, fejn ħadet inkunsiderazzjoni l-volumi rispettivi ta’ produzzjoni tal-ħalib u l-iskala tat-tnaqqis fil-prezzijiet tal-ħalib.
L-istokkijiet pubbliċi tat-trab tal-ħalib xkumat ħolqu pressjoni fuq is-suq matul il-perjodu ta’ rkupru
35Ftit wara l-projbizzjoni Russa fuq l-importazzjonijiet, minn Settembru 2014 il-Kummissjoni pprovdiet appoġġ għal operaturi privati li jaħżnu l-SMP. Din il-miżura ma kellha l-ebda impatt ċar fuq il-prezzijiet tal-SMP, li komplew jonqsu sa nofs l-2016. L-intervent pubbliku daħal fis-seħħ minn Lulju 2015 sa Settembru 2016, meta l-prezz tas-suq laħaq il-prezz ta’ intervent. Il-prezzijiet tal-SMP baqgħu baxxi sakemm kienu inbiegħu kważi l-istokks ta’ intervent kollha fil-bidu tal-2019 (ara l-Figura 8). F’April 2019, valutazzjoni tal-miżura mill-Kummissjoni kkonkludiet li l-kwantitajiet għolja mixtrija bil-forza taħt l-intervent pubbliku irnexxielhom itaffu t-tnaqqis fil-prezz iżda kienu ta’ piż fuq il-bilanċ tas-suq tal-SMP u kkontribwew għal dewmien fl-irkupru tal-prezz tiegħu.
Figura 8
Evoluzzjoni tal-istokks u prezzijiet pubbliċi u privati tal-SMP
Sors: il-QEA, ibbażat fuq data pprovduta mill-Osservatorju tas-Suq tal-Ħalib.
Il-miżura li tappoġġa t-tnaqqis volontarju fil-produzzjoni daħħlet fis-seħħ meta l-produzzjoni kienet bdiet tonqos
36F’Settembru 2015, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Delega (UE) 2015/1853 li jipprevedi għajnuna temporanja eċċezzjonali lill-bdiewa fis-settur tal-bhejjem. Skont ir-Regolament, l-appoġġ mhuwiex kundizzjonali fuq it-tnaqqis jew l-iffriżar tal-volumi ta’ produzzjoni tal-ħalib. F’April 2016, il-Kummissjoni adottat regoli21 li jawtorizzaw lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi u lill-kooperattivi li jikkonkludu ftehimiet konġunti volontarji u jieħdu deċiżjonijiet komuni dwar l-ippjanar tal-produzzjoni tal-ħalib fuq bażi temporanja, iżda dawn ma ħadux vantaġġ minn din il-possibbiltà. Skont il-Kummissjoni, dan kien probabbilment dovut għan-nuqqas ta’ finanzjament marbut miegħu, u l-fatt li dawk il-bdiewa ma ħadux l-impenn li jnaqqsu mill-produzzjoni xorta kienu jibbenefikaw minn kwalunkwe tnaqqis fil-produzzjoni (l-hekk imsejjaħ “parassitiżmu”).
37F’Lulju 2016, il-Kummissjoni ħabbret dak li kien se jsir ir-Regolament (UE) 2016/1612, li jipprovdi għajnuna għal tnaqqis volontarju fil-produzzjoni, u r-Regolament (UE) Nru 2016/1612, li kien jinkludi wkoll tnaqqis volontarju bħala attività eliġibbli għall-għajnuna eċċezzjonali. Attwalment, l-aktar informazzjoni reċenti disponibbli għall-Kummissjoni wriet li f’Mejju 2016 kien hemm tnaqqis sinifikanti fil-prezz kull xahar – b’4.0 % sa 26.2 ċenteżmu/kg (14 % inqas minn Mejju 2015) – u l-istimi tal-Istati Membri jissuġġerixxu li l-prezzijiet baqgħu jonqsu f’Ġunju 2016. L-aktar data reċenti disponibbli minn April 2016 wriet li ż-żieda fil-kunsinni kienet qed tonqos, u l-Kummissjoni kienet ipprevediet li kienu se jonqsu fit-tieni nofs tal-201622. Il-Kummissjoni adottat iż-żewġ Regolamenti f’Settembru 2016.
38Ir-Regolament (UE) 2016/1612 jistabbilixxi l-livelli ta’ għajnuna fl-ammont ta’ EUR 14/ 100 kg u baġit totali ta’ EUR 150 miljun, bl-għan li jnaqqas il-volum ikkonsenjat lill-azjendi tal-ħalib b’madwar 1.1 miljun tunnellata matul perjodu ta’ tnaqqis ta’ tliet xhur. Il-Kummissjoni ma stmatx kemm jew meta dan it-tnaqqis kien se jaffettwa l-prezzijiet.
39It-Tabella 2 turi li t-tnaqqis fil-kunsinni appoġġat mir-Regolament 2016/1612 jikkorrispondi għal 1.69 % tal-volum ta’ ħalib ikkonsenjat lill-azjendi tal-ħalib fl-UE fil-perjodu ta’ referenza Ottubru 2015 - Jannar 2016. Dan kien jammonta għal 833 551 tunnellata, jew 75 % ta’ dak li kienet antiċipat il-Kummissjoni. Il-Kummissjoni ma kisbitx data dwar il-volum ta’ ħalib li tneħħa mis-suq permezz tal-iskemi tal-Istati Membri li ġew implimentati skont ir-Regolament 2016/1613. Aħna sibna li dawn it-tipi ta’ miżuri ta’ appoġġ swew bejn EUR 200 u EUR 250 miljun mit-EUR 390 miljun li ntefqu mill-fondi tal-UE fuq is-settur tal-ħalib taħt iż-żewġ regolamenti.
Tabella 2
Tnaqqis fil-kunsinni tal-ħalib (Regolament (UE) 2016/1612)
| Indikatur | L-UE | Il-Ġermanja | L-Irlanda | Franza | L-Italja | Il-Finlandja |
| Kunsinni tal-ħalib 10/2015 – 1/2016 (tunnellati) | 49 466 | 10 583 | 1 249 | 8 499 | 3 444 | 784 |
| Tnaqqis fil-kunsinni appoġġat mir-Regolament 2016/1612 (tunnellati) | 834 | 232 | 50 | 153 | 17 | 11 |
| Proporzjon (*) | 1.69 % | 2.19 % | 4.00 % | 1.79 % | 0.50 % | 1.36 % |
(*) Differenzi minħabba l-arrotondament.
Sors: il-QEA, ibbażat fuq data pprovduta mill-Kummissjoni.
Il-perjodu ta’ tnaqqis għall-iskema ta’ tnaqqis volontarju fil-produzzjoni (Ottubru 2016 sa Jannar 2017) seħħ wara li l-prezz tal-ħalib kien beda jirkupra f’Awwissu 2016. Fil-fatt, il-produzzjoni tal-ħalib kienet diġà’ bdiet tonqos minn Ġunju 2016, bħala reazzjoni għall-prezzijiet storikament baxxi (ara l-Figura 9). Bejn Ġunju u Settembru 2016, il-kunsinni tal-ħalib naqqsu b’madwar 1 000 000 tunnellata meta mqabbla mal-istess xhur fis-sena preċedenti, volum li qabeż it-tnaqqis appoġġat mill-miżura ta’ tnaqqis volontarju. Għalhekk huwa probabbli ħafna li xi produtturi li ngħataw appoġġ xorta kienu se jnaqqsu l-produzzjoni tagħhom. L-Istitut Thünen wasal għall-istess konklużjonijiet meta eżamina l-użu li sar mill-appoġġ eċċezzjonali skont ir-Regolament 2016/1613 għall-produtturi tal-ħalib Ġermaniżi23, filwaqt li osserva wkoll li kienu diġà’ naqqsu l-produzzjoni tal-ħalib tagħhom qabel saru effettivi l-miżuri ta’ għajnuna.
Figura 9
Tibdil fil-volumi u l-prezzijiet ta’ kunsinni matul il-perjodu ta’ tnaqqis
Sors: kalkolu tal-QEA, ibbażat fuq data pprovduta mill-Eurostat (APRO_MK_COLM).
L-awtoritajiet Franċiżi ddikjaraw li huma kieku kienu japprezzaw l-appoġġ għal tnaqqis volontarju qabel, hekk kif tqiegħdu fis-seħħ l-ewwel miżuri eċċezzjonali24. Fir-risposta tagħhom għall-istħarriġ tagħna l-awtoritajiet Ġermaniżi osservaw li, anke bit-tnaqqis fil-prezzijiet, xi bdiewa tal-ħalib żiedu l-produzzjoni tagħhom biex ikopru l-ispejjeż fissi, u dan kompla jkabbar il-pressjoni fuq il-provvista. B'mod ġenerali, sa Ġunju 2016 il-produzzjoni tal-ħalib fil-Ġermanja baqgħet tiżdied. Minn din il-perspettiva, il-Ġermaniżi qiesu li l-miżuri ta’ tnaqqis volontarju setgħu kienu aktar effettivi li kieku ġew implimentati qabel. Fil-Ġermanja, 20 % tal-bdiewa rtiraw mill-iskema qabel ma ppreżentaw talbiet għall-pagament.
42Fil-valutazzjoni interna 2019 tagħha tal-miżuri ta’ ġestjoni tal-kriżi tas-suq agrikolu, il-Kummissjoni kkonkludiet li t-twaqqit tal-miżura ma jippermettix li jiġi ddikjarat li kellha mpatt fuq it-tnaqqis fil-produzzjoni, billi din tal-aħħar kienet diġà bdiet meta ġiet introdotta l-miżura. Madankollu, l-iskema pprovdiet appoġġ biss lill-bdiewa li kkontribwew għat-tnaqqis fil-produzzjoni li wasslet għal irkupru fil-prezz. Il-Kummissjoni identifikat it-tnaqqis fil-produzzjoni bħala fattur fost ħafna oħrajn li influwenza l-irkupru tal-prezz fit-tieni nofs tal-2016 (ara l-Kaxxa 2).
Kaxxa 2
Ħafna fatturi li influwenzaw l-irkupru fil-prezz
Fl-edizzjoni lejn tmiem l-2016 tad-dokument ta’ prospettiva fit-terminu medju annwali tiegħu25, id-DĠ AGRI identifika diversi fatturi esterni u domestiċi tal-irkupru fil-prezz:
- it-tnaqqis qawwi fil-produzzjoni tal-ħalib fl-Arġentina, l-Urugwaj u l-Awstralja minħabba kundizzjonijiet tat-temp mhux favorevoli;
- iż-żieda fid-domanda dinjija għall-importazzjonijiet tal-ġobon u l-butir, li tibbenefika partikolarment lill-UE (żieda fl-importazzjonijiet fiċ-Ċina, fl-Istati Uniti, fil-Filippini, fil-Messiku);
- l-intervent pubbliku, permezz tax-xibka ta’ sikurezza, biex jiġi rtirat mis-suq madwar terz tal-produzzjoni tal-SMP annwali tal-UE;
- iż-żieda fil-konsum domestiku tal-ġobon u l-butir fl-UE, li paċiet u aktar it-tnaqqis fil-bejgħ tal-ħalib likwidu;
- il-fatt li l-produzzjoni tal-ħalib fix-xahar fl-UE kienet inqas mil-livelli tas-sena preċedenti sa minn Ġunju 2016, u jista’ jkun mistenni tnaqqis addizzjonali, speċjalment b’kont meħud tal-iskemi ta’ appoġġ adottati f’Settembru 2016.
L-appoġġ akkoppjat inaqqas l-inċentivi biex tiġi aġġustata l-produzzjoni matul disturb fis-suq
43L-appoġġ akkoppjat volontarju lill-bdiewa tal-ħalib (ara l-paragrafu 15) huwa bbażat fuq id-daqs tal-merħliet tagħhom, bħala pagament għal kull annimal. Sabiex inaqqsu l-provvista ta’ ħalib biex jaddattaw għall-kundizzjonijiet il-ġodda tas-suq – inkluż skont il-miżuri ta’ tnaqqis volontarju fil-produzzjoni – ċerti bdiewa kellhom inaqqsu mill-merħla tagħhom. F’Settembru 2016, il-Kummissjoni adottat deroga26 għas-sena tat-talba 2017, fejn ippermettiet lill-Istati Membri li jħallsu l-appoġġ akkoppjat lill-bdiewa tal-ħalib fuq il-bażi tad-daqs tal-merħla tagħhom fl-2016, anke jekk din sadattant kienet naqset. Ir-Regolamenti (UE) 2017/2393 u 2020/2220 jagħtu s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta dispożizzjonijiet simili għas-snin tat-talba 2018 sa 202227. Dawn id-dispożizzjonijiet indirizzaw l-implikazzjonijiet prattiċi tal-inkonsistenza politika mill-2017 ’il quddiem, iżda matul il-perjodu tad-disturb fis-suq tal-ħalib l-appoġġ akkoppjat naqqas l-inċentivi għall-bdiewa biex jaġġustaw il-produzzjoni billi jnaqqsu d-daqs tal-merħliet tagħhom.
Il-Kummissjoni pproduċiet valutazzjoni kumplessiva tal-impatt tad-disturb fis-suq u ħalliet l-immirar tal-appoġġ f’idejn l-awtoritajiet nazzjonali.
44Matul il-perjodu 2014-2016, il-Kummissjoni introduċiet miżuri eċċezzjonali temporanji biex tappoġġa lill-bdiewa fis-settur tal-ħalib. Dawn il-miżuri ma kellhomx l-għan li jikkumpensaw bis-sħiħ lill-bdiewa għat-tnaqqis fil-prezzijiet, iżda biex prinċipalment itaffulhom id-diffikultajiet fil-fluss tal-flus tagħhom. Aħna vverifikajna jekk il-Kummissjoni kinitx analizzat l-impatt tal-iżbilanċ tas-suq fuq is-settur tal-ħalib qabel adottat il-miżuri eċċezzjonali, u jekk dawn ħadux inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni finanzjarja u l-fluss tal-flus tal-bdiewa tal-ħalib.
45Aħna vvalutajna wkoll jekk il-Kummissjoni kinitx ħadet passi biex tiżgura li l-għajnuna tkun immirata suffiċjentement, b’kont meħud ta’ kif id-disturb kien affettwa s-sitwazzjoni finanzjarja tal-bdiewa tal-ħalib, kif ukoll tal-objettiv tal-UE għall-promozzjoni tal-iżvilupp ibbilanċjat u ambjentalment sostenibbli taż-żoni rurali. Ivverifikajna wkoll jekk il-Kummissjoni kinitx immirat l-appoġġ b’mod li jindirizza r-riskji ta’ periklu morali u deadweight inerenti fl-appoġġ eċċezzjonali u fl-iskemi għat-tnaqqis fil-produzzjoni.
Il-Kummissjoni fittxet li tindirizza l-problemi ta’ likwidità tal-bdiewa
46Il-miżuri eċċezzjonali huma wieħed minn għadd ta’ għodod disponibbli taħt il-PAK. Sussidji oħra taħt il-PAK, prinċipalment il-pagamenti diretti lill-produtturi (ara l-paragrafi 14-16), kellhom rwol ta’ stabbilizzazzjoni bħala bafer għall-introjtu. Is-sehem tal-pagamenti diretti fl-introjtu tal-imħaleb28 żdied fl-2015 u l-2016, meta d-dħul mill-bejgħ tal-ħalib kien qed jonqos (ara l-Figura 10). Fost il-5 Stati Membri li ffukajna fuqhom, il-pagamenti diretti kellhom rwol ta’ stabbilizzazzjoni partikolarment prominenti fil-Finlandja, fejn sehemhom mill-introjtu tal-imħaleb kien ta’ bejn 76 % u 96 % aktar mill-perjodu 2013-2018.
Figura 10
Sehem tas-sussidji tal-PAK fl-introjtu tal-azjendi agrikoli tal-ħalib tal-UE
Sors: kalkolu tal-QEA bbażat fuq data tal-FADN. Pagamenti diretti totali (SE606), u sussidji oħra esklużi dawk fuq l-investimenti, bħala perċentwal tal-FNVA (SE415). Sussidji oħra esklużi dawk fuq l-investimenti kkalkulati bħala sussidji totali esklużi dawk fuq l-investimenti (SE605), bit-tnaqqis tal-pagamenti diretti totali (SE606).
Minkejja l-effett ta’ stabbilizzazzjoni fuq l-introjtu tas-sussidji mill-UE, tnaqqis f’daqqa fil-prezz jista’ joħloq problemi ta’ likwidità. F’Settembru 2015, il-Kummissjoni ippermettiet lill-Istati Membri li jiżborżaw sa massimu ta’ 70 % tal-pagamenti diretti tal-2016 u 85 % tal-pagamenti għall-iżvilupp rurali bbażati fuq iż-żoni mis-16 ta’ Ottubru 2015 (sitt ġimgħat qabel), sakemm kienu kkompletaw il-kontrolli amministrattivi tagħhom fuq it-talbiet għall-pagament. Skont ir-regoli standard, il-ħlas bil-quddiem kien jammonta sa massimu ta’ 50 % u sa 75 % rispettivament29. Il-Kummissjoni reġgħet tat din id-deroga s-sena ta’ wara.
48F’Settembru 2015, il-Kummissjoni skattat ukoll miżuri eċċezzjonali fl-UE kollha biex tappoġġa lill-bdiewa. Fir-risposti tagħha għar-Rapport Speċjali Nru 23/2019 tagħna30 dwar il-miżuri eċċezzjonali fis-setturi tal-frott u l-ħxejjex, il-Kummissjoni qablet li r-rendimenti kumplessivi lill-produtturi, inkluż l-impatt tal-pagamenti diretti, jenħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni fl-analiżi li ssir qabel il-Kummissjoni tkun tista’ tipproponi l-iskattar jew it-tmiem ta’ tali miżuri. Meta stabbiliet il-baġit tagħha għall-appoġġ ta’ likwidità fil-kuntest tad-disturb fis-suq tal-ħalib fil-perjodu 2014-2016, il-Kummissjoni ma kinitx ivvalutat l-iskala tad-diffikultajiet fil-fluss tal-flus tal-azjendi tal-ħalib. Aħna sibna li, fil-prattika, l-ammont ta’ riżorsi disponibbli kellu rwol ewlieni fl-allokazzjoni tal-baġit.
Immirar limitat fir-regolamenti delegati inizjali tal-Kummissjoni
49Il-Kummissjoni allokat madwar 80 % tal-finanzjament lill-Istati Membri bi proporzjon għall-kwota ta’ produzzjoni tal-ħalib ta’ kull pajjiż tal-perjodu 2014-2015. Għall-20 % li kien fadal, hija ħadet inkunsiderazzjoni fatturi oħra: il-prezz medju tal-ħalib, id-dipendenza fuq is-suq Russu, l-impatt tan-nixfa fuq l-għelejjel tal-ikel, u s-sehem tal-azjendi agrikoli żgħar.
50Iż-żewġ regolamenti delegati għall-Istati Baltiċi u għall-Finlandja (ara l-paragrafu 34) għamlu disponibbli għajnuna tal-UE biex jipprovdu appoġġ immirat lill-produtturi tal-ħalib affettwati mill-projbizzjoni Russa. Il-premessi tar-Regolament ta’ Delega Nru 2015/1853 iddikjaraw li “[s]abiex ikun żgurat li l-appoġġ ikun immirat lejn dawk il-bdiewa l-aktar milquta mit-tfixkil fis-suq filwaqt li jittieħed kont tal-baġit limitat tar-riżorsi, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jingħataw il-flessibbiltà biex iqassmu dak l-ammont nazzjonali permezz tal-mezzi l-aktar effettivi”. L-ebda wieħed minn dawn it-tliet regolamenti ma speċifika l-mod kif l-awtoritajiet nazzjonali kellhom jimmiraw il-finanzjament. Il-premessi indikaw li l-għajnuna ngħatat lill-Istati Membri “bil-ħsieb li jingħata appoġġ lill-bdiewa fis-setturi tal-bhejjem li qed jesperjenzaw l-agħar waqgħa fil-prezzijiet, il-konsegwenzi diretti tal-estensjoni tal-projbizzjoni Russa fuq l-importazzjonijiet, u l-impatt tan-nixfa fuq l-għelejjel tal-ikel”.
51Ir-Regolament Delegat Nru 2016/1613 iddikjara li “l-Istati Membri għandhom jagħżlu l-miżuri l-aktar adatti, b'mod partikolari f'termini tal-istabbilizzazzjoni tas-suq u tas-sostenibbiltà ekonomika” u elenka seba’ attivitajiet li kellhom ikunu involuti fihom il-produtturi tal-ħalib biex ikunu eliġibbli għall-għajnuna eċċezzjonali. Minbarra t-tnaqqis jew l-iffriżar tal-volumi ta’ produzzjoni (ara l-paragrafu 36 ’il quddiem), il-lista tinkludi attivitajiet ambjentali u tal-klima, ġestjoni tar-riskji u tal-kwalità, u proġetti ta’ kooperazzjoni. Dan is-sett ta’ kundizzjonijiet introduċa element ta’ mmirar akbar milli kien hemm f’regolamenti preċedenti.
Riżultati mhux ċari tat-tentattiv tal-Kummissjoni biex timmira s-sostenibbiltà tat-trobbija ta’ bhejjem tal-ħalib
52Il-produzzjoni tal-ħalib għandha għadd ta’ implikazzjonijiet għall-politika ambjentali u tal-klima It-trobbija ta’ bhejjem tal-ħalib – partikolarment meta tkun intensiva – għandha impatti kumplessi fuq il-ħamrija, l-arja u l-ilma, prinċipalment minħabba l-applikazzjoni u l-ġestjoni tal-fertilizzant u d-demel, u l-fermentazzjoni enterika fil-baqar. It-tkabbir b’saħħtu fil-produzzjoni imur kontra l-ambizzjoni tal-UE li tnaqqas l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra. Fi tmiem l-2014, il-bdiewa tal-bhejjem f’6 Stati Membri (Il-Belġju, id-Danimarka, l-Italja, l-Irlanda, in-Netherlands u r-Renju Unit) kellhom deroga mil-limitu massimu ta’ 170 kg nitroġenu fis-sena għal kull ettaru ta’ demel mill-bhejjem f’żoni vulnerabbli definiti fid-Direttiva dwar in-Nitrati31, li hija intiża biex tipproteġi l-ilma mit-tniġġis ikkawżat minn sorsi agrikoli. Il-bdiewa li jibbenefikaw mid-deroga huma marbuta b’obbligi speċifiċi fir-rigward tad-demel u l-ġestjoni tal-art.
53Ir-Regolament Delegat Nru 2016/1613 introduċa xi miri għas-sostenibbiltà. Mis-seba’ attivitajiet li fihom għandhom ikunu involuti l-produtturi tal-ħalib biex ikunu eliġibbli għall-għajnuna eċċezzjonali tlieta kienu marbuta speċifikament ma’ tħassib ambjentali: il-biedja fuq skala żgħira, l-użu ta’ metodi ta’ produzzjoni estensivi, u dak tal-metodi ta’ produzzjoni favur l-ambjent u l-klima. L-Istati Membri kellhom jagħmlu l-għajnuna kundizzjonali fuq waħda jew aktar minn dawn is-seba’ attivitajiet.
54Il-Kummissjoni vvalutat liema attivitajiet kienu għażlu l-Istati Membri. Hija sabet li 13-il Stat Membru inkluda l-biedja fuq skala żgħira bħala kundizzjoni għall-għajnuna, 12-il Stat Membru speċifika l-metodi ta’ produzzjoni favur l-ambjent u l-klima, u 7 speċifikaw il-metodi ta’ produzzjoni estensivi (ara l-Kaxxa 3). Madankollu, din l-informazzjoni mhux ipproċessata mhijiex suffiċjenti biex jiġu vvalutati l-adozzjoni jew l-impatt ta’ dawn il-miżuri.
Kaxxa 3
Eżempju ta’ Stat Membru wieħed li qed jimmira s-sostenibbiltà u Stat Membru ieħor li mhuwiex
Fl-Irlanda, wieħed mill-kriterji ta’ eliġibbiltà applikati għall-iskema ta’ self għal fluss tal-flus (ara l-Kaxxa 5) kien l-użu ta’ metodi ta’ produzzjoni favur l-ambjent u l-klima appoġġati mill-programm tal-iżvilupp rurali nazzjonali. Dawn kienu jinkludu l-biedja organika, diversi skemi agroambjentali, u programm dwar id-data tal-laħam taċ-ċanga u l-ġenomiċi li għandu l-għan li jtejjeb il-ġenetika tal-merħla tal-ifrat biex iwassal benefiċċji favur il-klima. Is-settur tal-azjendi tal-ħalib u tal-bhejjem kien is-sors prinċipali ta’ żieda fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fl-Irlanda bejn l-2011 u l-2017.
Il-Ġermanja ma għamlitx l-għajnuna eċċezzjonali kundizzjonali fuq xi waħda mit-tliet attivitajiet speċifikament marbuta mat-tħassib ambjentali. Fl-evalwazzjoni tal-miżuri tagħha, il-Qorti Federali Ġermaniża tal-Awditjar ikkritikat il-fatt li l-finanzjament ma kienx marbut ma’ objettivi ta’ sostenibbiltà, u kkonkludiet li f'każ bħal dan l-appoġġ ta’ likwidità kien biss operazzjoni ta’ “salvataġġ” mingħajr sostenibbiltà u effetti dejjiema32.
Ir-riskju ta’ periklu morali fil-miżuri ta’ appoġġ eċċezzjonali
55Preċedentement, aħna rrappurtajna33 li “aktar ma tiġi offruta għajnuna pubblika matul jew wara “kriżi”, aktar se jkun baxx l-inċentiv għall-bdiewa biex jimmitigaw ir-riskji permezz tal-użu ta’ għodod għall-ġestjoni tar-riskji”. Dan joħloq periklu morali: fis-sens li l-bdiewa għandhom inċentiv biex ikabbru l-iskopertura tagħhom għar-riskju. Huma għandhom, pereżempju, inċentiv akbar biex iżidu l-produzzjoni minħabba li, jekk id-domanda ma tikbirx, huma jqisu li l-baġit tal-UE se jappoġġahom jekk jinżlu l-prezzijiet.
56Matul il-perjodu 2014-2016, ħafna fatturi kkontribwew għat-tnaqqis fil-prezzijiet, iżda partikolarment il-provvista eċċessiva (ara l-paragrafi 05 u 06). Fis-snin qabel id-disturb fis-suq, il-bdiewa f’xi Stati Membri żiedu sinifikattivament il-produzzjoni tal-ħalib billi ħadu vantaġġ minn prezzijiet ogħla, u xi wħud komplew iżidu l-produzzjoni anke wara li l-prezzijiet bdew neżlin (ara l-paragrafu 03 u t-Tabella 1). Il-produzzjoni eċċessiva li rriżultat kienet ta’ piż fuq il-prezzijiet tas-suq. Aħna osservajna li d-DĠ AGRI ddiskuta x-xerqien tal-użu ta’ miżuri eċċezzjonali biex jiġu kkumpensati bdiewa li kienu ddeċidew li jinvestu – taħt ir-responsabbiltà tagħhom stess – u li kienu qed jikkontribwixxu għall-produzzjoni eċċessiva. Il-Kummissjoni eskludiet l-idea li tħallas id-dejn tal-bdiewa bi skambju għal produzzjoni aktar baxxa, billi qieset li dan kien jippreżenta riskju ċar ta’ periklu morali. Madankollu, il-Kummissjoni ma indirizzatx din il-kwistjoni fir-regolamenti delegati tagħha li jipprovdu appoġġ ta’ likwidità lill-bdiewa tal-ħalib.
57Studju li twettaq għall-Kummissjoni fl-2018 sab ukoll li l-eżistenza ta’ xibka ta’ sikurezza setgħet wasslet lill-produtturi tal-SMP biex joqogħdu inqas attenti għas-sinjali tas-suq fit-terminu qasir. L-istudju kkonkluda li dan kien x’aktarx il-każ matul id-disturb fis-suq, speċjalment fin-Netherlands, iżda wkoll fil-Polonja, fi Spanja u fiċ-Ċekja34.
Riskju għoli ta’ deadweight għall-miżuri ta’ tnaqqis fil-produzzjoni
58Riskju ulterjuri assoċjat mal-miżuri eċċezzjonali, u partikolarment mal-appoġġ għat-tnaqqis volontarju fil-produzzjoni, huwa dak tal-effett deadweight. Prezzijiet tal-ħalib iktar baxxi jnaqqsu l-inċentivi għall-produzzjoni, u l-bdiewa tal-ħalib għalhekk huma mistennija li jirrispondu għal prezzijiet aktar baxxi billi jnaqqsu l-produzzjoni. Dan ir-rispons ta’ spiss ikun parzjali jew imdewwem, xi kultant minħabba ħtiġijiet ta’ fluss tal-flus (eż. is-servizz tad-dejn), il-ħtieġa li jiġu koperti spejjeż fissi għolja, jew il-parassitiżmu. Fil-perjodu 2014-2016, hekk kif komplew jonqsu l-prezzijiet, xi produtturi kienu jnaqqsu l-produzzjoni anke mingħajr appoġġ.
59Il-Kummissjoni identifikat malajr ir-riskju inerenti ta’ deadweight fl-appoġġ eċċezzjonali tagħha għat-tnaqqis volontarju fil-produzzjoni. Madankollu, hija ma pproponietx salvagwardji biex tillimita dan ir-riskju fir-regolamenti delegati.
60Aħna nqisu li r-Regolament 2016/1612 ħoloq deadweight minħabba li pprovda appoġġ ukoll lil bdiewa li xorta waħda kienu jwaqqfu l-produzzjoni tagħhom. Aħna sibna li r-riskju kien partikolarment għoli fil-Finlandja, fejn kwart tal-applikanti għall-iskema naqqsu l-kunsinni tagħhom b’aktar minn 90 % (li jirrappreżentaw 60 % tat-tnaqqis totali). L-istudju fl-2018 mill-Istitut Thünen35 li kien qed jivvaluta l-miżura volontarja għat-tnaqqis fil-produzzjoni tal-ħalib fil-Ġermanja wkoll ikkonkluda li d-deadweight kien riskju sinifikanti, għalkemm mhux kwantifikabbli.
61Ir-Regolament 2016/1612 ma kienx ipprojbixxa lill-bdiewa eliġibbli milli jittrasferixxu l-merħliet tagħhom lil azjendi oħra, fejn setgħu jkomplu jipproduċu l-ħalib. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-għajnuna ma ġġenerat l-ebda effett fuq is-suq, billi l-produzzjoni kumplessiva baqgħet l-istess. Pereżempju, każ wieħed li eżaminajna fl-Irlanda kien jinvolvi applikant li “naqqas” il-kunsinni tal-ħalib billi ttrasferixxa madwar 200 baqra, flimkien mal-kiri tal-faċilitajiet tal-produzzjoni tal-ħalib u l-art tiegħu, lil bidwi ieħor, li kompla jikkonsenja l-ħalib minn dawk il-baqar matul il-perjodu ta’ tnaqqis.
62Għall-kuntrarju tar-Regolament 2016/1612, fejn ir-regoli tal-iskema ġew stabbiliti prinċipalment mill-Kummissjoni, skont ir-Regolament 2016/1613 l-Istati Membri huma ħielsa li jfasslu r-regoli tagħhom stess għal miżuri volontarji biex inaqqsu jew jistabbilizzaw il-produzzjoni tal-ħalib. Aħna sibna li l-awtoritajiet nazzjonali kienu qiegħdu fis-seħħ xi salvagwardji biex inaqqsu r-riskju ta’ deadweight billi eskludew applikanti li kienu qed iwaqqfu jew kienu waqqfu l-produzzjoni (il-Ġermanja, il-Finlandja) jew li kienu ttrasferew il-baqar tagħhom lejn azjenda agrikola oħra (il-Ġermanja).
L-Istati Membri ppreferew is-sempliċità u distribuzzjoni wiesgħa tal-appoġġ
63Erba’ mill-ħames regolamenti delegati tal-Kummissjoni dwar il-miżuri eċċezzjonali taw diskrezzjoni sinifikanti lill-Istati Membri fit-tfassil u t-tmexxija tal-iskemi. L-eċċezzjoni kien ir-Regolament 2016/1612 dwar l-appoġġ għat-tnaqqis fil-produzzjoni tal-ħalib.
64Aħna vvalutajna l-punt sa fejn l-Istati Membri użaw arranġamenti tax-xogħol effiċjenti biex jimmiraw lill-aktar bdiewa affettwati u jqassmu l-fondi.
65Iċ-ċifri tal-Kummissjoni juru li 21 Stat Membru ħallsu appoġġ lill-produtturi tal-ħalib skont ir-regolamenti delegati tal-2014 u l-2015 jew għal kull litru ħalib ikkonsenjat, għal kull baqra tal-ħalib jew bħala somma f'daqqa. Dawn il-pagamenti swew madwar EUR 250 miljun minn total ta’ madwar EUR 350 miljun li ntefqu mill-fondi tal-UE fuq is-settur tal-ħalib taħt dawk ir-regolamenti. Aktar minn nofs il-finanzjament mill-UE taħt ir-regolamenti delegati tal-2016 intefaq fuq skemi volontarji biex tonqos il-produzzjoni tal-ħalib jew tinżamm fil-livelli attwali tagħha (ara l-paragrafu 39). Il-Figura 11 turi t-taħlit ta’ miżuri fil-5 Stati Membri li ffukajna fuqhom, li jirrappreżentaw 64 % tas-EUR 737 miljun li ntefqu taħt ir-regolamenti elenkat fl-Anness.
Figura 11
Tipoloġija tal-miżuri eċċezzjonali f’ħames Stati Membri (f’EUR miljun)
Sors: il-QEA, ibbażat fuq data riċevuta mingħand l-Istati Membri li saritilhom żjara.
Fl-Irlanda, fi Franza u fl-Italja sibna skemi li taħthom il-benefiċjarji ma kellhomx għalfejn jippreżentaw xi applikazzjonijiet speċifiċi għall-appoġġ. L-awtoritajiet għamlu l-pagamenti wara li kkonsultaw il-bażijiet ta’ data użati għal pagamenti oħra taħt il-PAK jew data pprovduta mill-azjendi tal-ħalib (ara l-Figura 12). Fl-Irlanda, l-awtoritajiet applikaw direttament ir-Regolament 2015/1853, mingħajr l-ebda regola ta’ implimentazzjoni nazzjonali addizzjonali. B’hekk l-awtoritajiet Irlandiżi setgħu jħallsu lill-biċċa l-kbira mill-benefiċjarji tliet xhur qabel id-data ta’ skadenza.
Figura 12
Simplifikazzjoni amministrattiva
Sors: il-QEA.
Ir-regolamenti delegati taw diskrezzjoni sinifikanti lill-Istati Membri fl-immirar tal-appoġġ (ara l-paragrafi 49-51). Mis-17-il rispondent għall-istħarriġ tagħna dwar l-awtoritajiet tal-Istati Membri 9 semmew li użaw mill-inqas kriterju wieħed għall-immirar, u 4 każijiet għamlu referenza36 għal kriterji marbuta mat-telf finanzjarju minħabba r-reċessjoni fil-prezzijiet. Tmien rispondenti ma semmewx kriterji ta’ mmirar.
68L-użu tal-pagamenti ta’ somma f'daqqa (ara l-Figura 11), filwaqt li sempliċi, ma ħax kont tal-livell ta’ diffikultà finanzjarja li kienu qed jiffaċċjaw bdiewa individwali. Fi Franza, il-benefiċjarji kollha rċevew somma f’daqqa identika ta’ EUR 1000 u fl-Irlanda kollha rċevew EUR 1 395. Dawn l-ammonti kienu jirrappreżentaw 37 % tal-għajnuna eċċezzjonali totali mqassma fi Franza, u 49 % fl-Irlanda.
69Mill-ħames Stati Membri li ffukajna fuqhom, tnejn użaw approċċ proporzjonat. Fl-Italja u fil-Finlandja, ir-raġunament għall-pagament tal-bdiewa tal-ħalib kollha abbażi tal-volum ta’ ħalib li kkonsenjaw lill-ewwel xerrejja jew l-għadd ta’ baqar tal-ħalib kien li l-bdiewa jiġu kkumpensati malajr bi proporzjon għat-telf ta’ fatturat tagħhom.
70Fejn l-Istati Membri użaw kriterji ta’ mmirar, il-valutazzjoni tagħna tal-effettività tal-kriterji żvelat stampa mħallta (ara l-Kaxxa 4).
Kaxxa 4
Kriterji tal-immirar fl-Istati Membri
Fi Franza, l-awtoritajiet li kienu qed japplikaw ir-Regolamenti 2015/1853 u 2016/1613 użaw tliet kriterji biex jimmiraw lill-benefiċjarji: l-ispeċjalizzazzjoni fis-settur tal-ħalib, it-telf ta’ introjtu mill-bejgħ tal-ħalib u l-piż tas-selfiet bankarji fuq il-karta tal-bilanċ ta’ produttur. Investituri u bdiewa stabbiliti reċentement ibbenefikaw minn limiti massimi ogħla.
Fil-Ġermanja, taħt ir-Regolament 2015/1853, il-bdiewa b’self bankarju fit-terminu twil u medju li setgħu juru telf ta’ mill-inqas 19 % fil-prezz tal-ħalib mal-ħruġ mill-azjenda agrikola kienu eliġibbli għal għajnuna eċċezzjonali. It-tnaqqis medju fil-prezz tal-ħalib mal-ħruġ mill-azjenda agrikola fil-Ġermanja kien ta’ madwar 23 % fi tmiem l-2015.
Fl-Italja, l-awtoritajiet immiraw l-għajnuna taħt ir-Regolament 2016/1613 għal bdiewa f’żoni li jiffaċċjaw restrizzjonijiet naturali jew restrizzjonijiet speċifiċi oħra. Filwaqt li dan il-kriterju ħa inkunsiderazzjoni t-tħassib soċjali u ambjentali, kien ifisser li reġjun muntanjuż bi produzzjoni tal-ħalib nazzjonali totali ta’ 3 % biss irċieva terz tal-appoġġ nazzjonali kollu, anke jekk il-prezzijiet tal-ħalib fir-reġjun baqgħu stabbli matul id-disturb tal-perjodu 2014-2016 minħabba n-natura speċifika tal-produzzjoni lokali.
Il-Ġermanja, l-Irlanda u Franza ssussidjaw is-self bankarju lill-bdiewa. Dawn il-miżuri għenu biex jerġgħu jiġu ffinanzjati mill-ġdid l-azjendi agrikoli permezz ta’ tnaqqis tal-ammont tal-pagamenti annwali bin-nifs u l-imgħax u/jew permezz tar-ristrutturar tas-self. Għall-kuntrarju tal-għotjiet tal-UE tradizzjonali, huma żguraw li l-bdiewa kkontribwew finanzjarjament fil-forma ta’ ripagamenti kapitali u imgħax. Dan l-approċċ huwa mod ta’ kif jiġu appoġġati b’mod wiesa’ n-negozji bi ħtiġijiet ta’ likwidità (ara l-Kaxxa 5). Aħna sibna wkoll skemi ta’ self mibdija mill-azjendi tal-ħalib b’fondi privati biex iżidu r-reżiljenza finanzjarja tas-settur.
Kaxxa 5
Eżempju ta’ skema ta’ self issussidjata li tipprovdi appoġġ lill-bdiewa
Fl-Irlanda, l-“Agriculture CashFlow Support Loan Scheme” li twaqqfet skont ir-Regolament 2016/1613 issussidjat EUR 216 miljun ta’ self bankarju lill-bdiewa tal-ħalib biex jikkreditaw mill-ġdid il-kapital operatorju tagħhom. Intużat għajnuna pubblika totali ta’ EUR 21 miljun biex tipprovdi garanziji ta’ riskju ta’ kreditu u rati tal-imgħax aktar baxxi. L-iskema irċeviet għadd eċċessiv ta’ applikazzjonijiet fi żmien ftit ġimgħat mit-tnedija tagħha.
Il-Kummissjoni tgħallmet mill-esperjenza, iżda għadha ma kkompletatx il-valutazzjoni tagħha tal-miżuri
72Aħna eżaminajna jekk it-tagħlimiet li ttieħdu minn din l-esperjenza reċenti, abbażi ta’ valutazzjoni tal-miżuri eċċezzjonali, ippermettewx lill-awtoritajiet, kemm tal-UE kif ukoll nazzjonali, li jkunu mħejjija aħjar għal disturbi futuri potenzjali fis-suq.
73F’Settembru 2016, il-Kummissjoni pproponiet regoli emendati għall-għodod għall-ġestjoni tar-riskji appoġġati mill-politika ta’ żvilupp rurali tal-UE, bl-għan li l-għodda jkunu aktar attraenti għall-bdiewa. Pereżempju, mill-2018 ’il quddiem, ir-Regolament Omnibus37 introduċa l-possibbiltà ta’ għodod għall-istabbilizzazzjoni tal-introjtu speċifiċi għas-settur għall-bdiewa li ġarrbu tnaqqis fl-introjtu ta’ mill-inqas 20 %38. Minn Diċembru 2020 ’il quddiem, japplika l-istess soll minimu għal għodod għall-istabbilizzazzjoni tal-introjtu li mhumiex speċifiċi għas-settur39. Dak iż-żmien, fl-UE kollha, aħna identifikajna żewġ programmi tal-iżvilupp rurali li joffru appoġġ għall-għodod għall-istabbilizzazzjoni tal-introjtu, u l-ebda għodda ma hija operazzjonali.
74B’segwitu għal rapport ta’ awditjar intern fl-2017 dwar il-ġestjoni tal-kriżijiet tas-suq agrikolu mid-DĠ AGRI, il-Kummissjoni emendat il-proċeduri interni tagħha fl-2018 bil-ħsieb li tiddetermina aħjar ix-xenarji ta’ riskju agrikolu fl-24 xahar suċċessiv. Fejn jiġi identifikat riskju prinċipali ġdid, il-proċedura l-ġdida tipprevedi li l-Kummissjoni trid tkun lesta li tipproponi, jekk ikun meħtieġ, sett ta’ miżuri ta’ mitigazzjoni possibbli fi żmien raġonevoli.
75Biex tiffinanzja l-miżuri eċċezzjonali tagħha għall-perjodu 2014-2016, il-Kummissjoni kienet ħasbet biex tuża r-“riżerva għall-kriżijiet fis-settur agrikolu”. Din hija riżerva ta’ emerġenza li tinżamm bl-applikazzjoni ta’ tnaqqis annwali ta’ EUR 400 miljun (bi prezzijiet kostanti fl-2011) mill-baġit tal-pagamenti diretti. Dan it-tnaqqis jiġi rrimborżat lill-bdiewa fis-sena ta’ wara jekk ma jintużax sal-aħħar ta’ kull sena finanzjarja. Fil-prattika, l-UE qatt ma għamlet użu minn din ir-riżerva għal kriżijiet. Ftehim interistituzzjonali bejn il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni jirrikjedi li kwalunkwe proposta tal-Kummissjoni għal trasferiment mir-riżerva għandha tkun ippreċeduta minn eżami tal-ambitu għar-riallokazzjoni tal-approprjazzjonijiet. Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni qieset li ma setgħetx tiskatta r-riżerva għall-kriżijiet biex tindirizza d-disturb fil-perjodu 2014-2016, billi kienu disponibbli riżorsi oħra fil-baġit tal-PAK.
76Għall-qafas finanzjarju pluriennali tal-PAK li jmiss (2021-2027), il-Kummissjoni pproponiet li ssaħħaħ ir-rwol u l-impatt potenzjali tar-riżerva għall-kriżijiet billi l-użu tagħha jsir aktar flessibbli u jippermetti li ammonti annwali li ma jkunux intużaw jiġu rriportati għas-sena baġitarja li jmiss. Il-Kummissjoni pproponiet ukoll li tiffinanzja r-riżerva indipendentement mill-pagamenti diretti lill-bdiewa, iżda xorta fi ħdan il-baġit kumplessiv tal-PAK.
77Bħala parti minn pakkett għall-appoġġ tas-settur agrikolu u tal-ikel b’rispons għat-tifqigħa tal-COVID-1940, inkluż il-miżuri msemmija fil-paragrafu 27, il-Kummissjoni adottat regolament41 li b’mod eċċezzjonali jippermetti aktar flessibbiltà fl-użu tal-fondi mill-UE, inkluż il-programmi tal-iżvilupp rurali. Qasam wieħed ta’ flessibbiltà huwa li l-kapital operatorju awtonomu, mhux biss meta jkun marbut ma’ spejjeż ta’ investiment, huwa eliġibbli għal strumenti finanzjarji appoġġati mill-programmi tal-iżvilupp rurali.
78Il-Kummissjoni wettqet u ffinanzjat42 studji dwar l-użu ta’ miżuri eċċezzjonali fil-livell tal-UE, li pprovdew fehim approfondit dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kriżijiet fis-settur agrikolu. Madankollu, l-ebda wieħed minnhom ma ffoka fuq l-effetti tal-arranġamenti tal-għajnuna magħmula mill-Istati Membri taħt ir-Regolamenti 2015/1853 u 2016/1613. Il-valutazzjoni interna tal-Kummissjoni kkonkludiet li kien diffiċli li jiġi evalwat l-impatt dirett tal-miżuri minħabba l-eteroġeneità tagħhom u n-natura tal-informazzjoni pprovduta lill-Kummissjoni.
79Ir-Regolament Delegat (UE) 2016/161343 kien jirrikjedi li l-Istati Membri jipprovdu data dwar l-output (l-ammonti mħallsa għal kull miżura, l-għadd u t-tip ta’ benefiċjarji) u evalwazzjoni tal-effettività tal-miżuri lill-Kummissjoni sal-15 ta’ Ottubru 2017. Ix-xogħol tagħna fil-ħames Stati Membri li ffukajna fuqhom juri li filwaqt li kienu bagħtu d-data rikjesta, Franza, l-Italja u l-Finlandja ma kinux wettqu valutazzjoni tal-miżuri.
Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
80Aħna eżaminajna kemm il-Kummissjoni Ewropea u l-awtoritajiet rilevanti fl-Istati Membri kienu mmaniġġjaw tajjeb ir-rispons tagħhom għad-disturb fis-suq tal-ħalib fil-perjodu 2014-2016, u jekk kinux wasslu għall-konklużjonijiet xierqa għal kriżijiet futuri.
81Aħna sibna li l-Kummissjoni u l-Istati Membri kienu ħadu miżuri wesgħin biex jgħinu lill-bdiewa matul id-disturb fis-suq tal-ħalib fil-perjodu 2014-2016, iżda l-analiżi sottostanti kienet ġeneralment insuffiċjenti biex jiġi deċiż il-livell ta’ appoġġ meħtieġ u biex dan id-disturb jiġi mmirat. Filwaqt li l-Kummissjoni rreaġiet malajr għall-projbizzjoni Russa fuq il-prodotti tal-ħalib tal-UE, hija ħadet aktar żmien biex tindirizza l-iżbilanċi sottostanti fis-suq. Hija pproponiet miżuri ta’ mitigazzjoni biex ittaffi l-problemi ta’ likwidità tal-bdiewa, iżda mingħajr ma vvalutat b’mod adegwat il-ħtiġijiet jew stabbiliet xi miri. Bil-flessibbiltà disponibbli għalihom taħt ġestjoni kondiviża, l-Istati Membri taw preferenza lill-miżuri eċċezzjonali li kienu sempliċi fit-twassil u għażlu distribuzzjoni wiesgħa tal-fondi. L-isforzi biex l-għajnuna tiġi mmirata kienu limitati. Minn dak iż-żmien il-Kummissjoni ħadet xi passi biex ittejjeb il-ġestjoni tal-iżbilanċi fis-suq, iżda għadha ma kkompletatx il-valutazzjoni tagħha tal-miżuri.
82Wara l-projbizzjoni Russa, u qabel tmiem l-2014, il-Kummissjoni pprovdiet appoġġ finanzjarju eċċezzjonali lill-Istati Baltiċi u lill-Finlandja, li kienu l-aktar affettwati mill-projbizzjoni. Kien hemm fatturi oħra li kkawżaw tnaqqis fil-prezzijiet, partikolarment il-provvista eċċessiva. Il-Kummissjoni ħadet passi biex tnaqqas il-provvista bl-introduzzjoni ta’ appoġġ għall-ħażna privata, l-espansjoni tal-intervent pubbliku u l-awtorizzazzjoni ta’ ppjanar tal-produzzjoni mill-organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-kooperattivi. Madankollu, dawn il-miżuri kienu jinvolvu kompromessi. Pereżempju, filwaqt li x-xiri sfurzat tat-trab tal-ħalib xkumat inizjalment ikkontribwixxa għall-assorbiment ta’ parti mill-provvista eċċessiva, l-istokks pubbliċi li akkumulaw kienu ta’ piż fuq il-prezz tas-suq tal-SMP (il-paragrafi 33‑36).
83Il-Kummissjoni adottat miżuri ta’ tnaqqis volontarju fil-produzzjoni f’Settembru 2016. Il-produzzjoni xorta waħda kienet qed tonqos minn Ġunju 2016, u l-miżuri daħħlu fis-seħħ biss meta l-prezz tal-ħalib kien diġà beda jirkupra (il-paragrafi 37‑42). F’din is-sitwazzjoni, kien hemm riskju sinifikanti ta’ deadweight. Xi awtoritajiet nazzjonali kienu qiegħdu fis-seħħ xi salvagwardji biex inaqqsu dan ir-riskju billi eskludew applikanti li kienu qed iwaqqfu jew kienu waqqfu l-produzzjoni, jew li kienu ttrasferew il-baqar lejn azjenda agrikola oħra (il-paragrafi 58‑62). Barra minn hekk, matul id-disturb fis-suq il-bdiewa setgħu ġew skoraġġuti milli jnaqqsu mid-daqs tal-merħliet tagħhom bħala mod ta’ tnaqqis fil-produzzjoni minħabba li jekk jagħmlu hekk jista’ jfisser li jitilfu l-appoġġ akkoppjat volontarju (il-paragrafu 43).
Rakkomandazzjoni 1 – Trattament ta’ żbilanċi futuri fis-suqBiex ittejjeb il-mod li bih titratta żbilanċi fis-suq potenzjalment sinifikanti, jenħtieġ li l-Kummissjoni taġġorna l-proċeduri tagħha u b’hekk, qabel tapprova xi appoġġ għal tnaqqis fil-produzzjoni fil-futur, hija:
- teżamina jekk il-kundizzjonijiet marbuta mal-appoġġ taħt il-PAK, pereżempju l-appoġġ akkoppjat, jikkontribwux għal provvista eċċessiva;
- tnaqqas ir-riskju ta’ deadweight billi tqis l-inklużjoni ta’ salvagwardji xierqa fir-regolamenti.
Data mmirata għall-implimentazzjoni: 2022
84Il-Kummissjoni pproponiet miżuri biex tappoġġa lill-bdiewa, iżda ma kkwantifikatx il-ħtiġijiet tal-bdiewa meta stabbiliet il-baġit. Appoġġ ieħor taħt il-PAK, b’mod partikolari pagamenti diretti, għandhom rwol ta’ stabbilizzazzjoni fi żminijiet ta’ disturb fis-suq, billi huma bafer kontra tibdil fil-prezzijiet. Il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni r-rendimenti kumplessivi lill-produtturi fil-baġit tal-valutazzjoni tal-ħtiġijiet tagħha. Minflok, l-ammont ta’ riżorsi disponibbli kellu rwol ewlieni fl-allokazzjoni tal-baġit (il-paragrafi 44‑48).
85Fir-regolamenti delegati suċċessivi tagħha, il-Kummissjoni indikat li l-għajnuna kienet maħsuba biex tipprovdi appoġġ immirat lill-bdiewa, iżda ma speċifikatx kif l-awtoritajiet nazzjonali kellhom jiksbuh (il-paragrafi 49‑51). L-Istati Membri ta’ spiss adottaw approċċi sempliċi biex jissimplifikaw il-kunsinni – bħall-użu ta’ pagamenti ta’ somma f’daqqa jew pagamenti proporzjonali għad-daqs tal-azjendi agrikoli. Il-ħames Stati Membri li ffukajna fuqhom b’mod ġenerali taw preferenza lil arranġamenti sempliċi u distribuzzjoni wiesgħa tal-fondi (ara l-paragrafi 63-71).
86Il-produzzjoni tal-ħalib għandha għadd ta’ implikazzjonijiet ambjentali u tal-klima. L-aħħar regolament mill-ħames regolamenti delegati (adottati mill-Kummissjoni fl-2016) ħa inkunsiderazzjoni xi tħassib dwar is-sostenibbiltà, iżda attwalment ma hemmx biżżejjed informazzjoni biex jiġi vvalutat l-impatt tal-miżuri assoċjati. Aħna ma sibna l-ebda evidenza li l-Kummissjoni kienet ikkunsidrat jew ivvalutat impatti ambjentali jew tal-klima potenzjali meta kienet qed tfassal kwalunkwe mill-erba’ regolamenti l-oħra (il-paragrafi 52-54).
87Fis-snin qabel id-disturb fis-suq fil-perjodu 2014-2016, il-bdiewa f’xi Stati Membri żiedu sinifikattivament il-produzzjoni tal-ħalib, billi ħadu vantaġġ mill-prezzijiet ogħla, u komplew iżidu l-produzzjoni anke wara li l-prezzijiet bdew neżlin. Fir-regolamenti delegati tagħha li pprovdew appoġġ ta’ likwidità lill-bdiewa tal-ħalib, il-Kummissjoni ma indirizzatx ir-riskju ta’ periklu morali inerenti f’dawn iċ-ċirkustanzi (il-paragrafi 55‑57).
Rakkomandazzjoni 2 – Titjib fl-ibbaġitjar u fl-immirarBiex tiżgura użu aktar effiċjenti tal-fondi pubbliċi, jenħtieġ li l-Kummissjoni:
- tistabbilixxi sollijiet biex tanalizza disturbi fis-suq potenzjalment sinifikanti;
- tkun lesta biex tanalizza l-impatt probabbli ta’ disturb fis-suq fuq is-settur tal-ħalib, fejn tieħu inkunsiderazzjoni l-effett ta’ stabbilizzazzjoni tal-appoġġ eżistenti u, jekk imbagħad tikkonkludi li huwa meħtieġ appoġġ eċċezzjonali, torbtu ma’ objettivi u miri ċari.
Data mmirata għall-implimentazzjoni: 2022
88Minħabba regoli kumplessi u r-riżorsi disponibbli fil-baġit tal-PAK, ir-riżerva għal kriżijiet fis-settur agrikolu ma kellhiex rwol fid-disturb tas-suq tal-perjodu 2014-2016. Il-Kummissjoni pproponiet bidliet sabiex isaħħaħ ir-rwol tar-riżerva għall-kriżijiet għall-futur (il-paragrafi 75 u 76). Barra minn hekk, mill-2018 ’il quddiem ir-Regolament Omnibus introduċa l-possibbiltà ta’ għodod għall-istabbilizzazzjoni tal-introjtu settorjali. Minn Diċembru 2020, aħna identifikajna żewġ programmi tal-iżvilupp rurali li joffru appoġġ għall-għodod għall-istabbilizzazzjoni tal-introjtu u l-ebda wieħed minnhom ma kien operazzjonali (il-paragrafu 73).
89L-evalwazzjonijiet li twettqu wara d-disturb fis-suq ipprovdew xi konklużjonijiet kumplessivi fir-rigward tal-miżuri eċċezzjonali fil-livell tal-UE, u minn dakinhar il-Kummissjoni ħadet xi passi biex ittejjeb il-proċeduri ta’ ġestjoni tal-kriżijiet tagħha. Madankollu, hija ma vvalutatx b’mod adegwat l-effetti tal-arranġamenti li għamlu l-Istati Membri. Aħna nqisu li analiżi ta’ dan it-tip tista’ tipproduċi konklużjonijiet importanti u tagħlimiet li jkunu jżidu t-tħejjija f’każ ta’ disturbi fis-suq futuri (il-paragrafi 72‑79).
Rakkomandazzjoni 3 – Tħejjija aħjar għal disturbi fis-suq futuriJenħtieġ li l-Kummissjoni, biex tieħu tagħlimiet mid-disturb fis-suq tal-perjodu 2014-2016 u tgħin fit-tħejjija għall-futur, tanalizza l-effetti tad-diversi mudelli għall-għoti ta’ għajnuna eċċezzjonali fuq l-imġiba u l-likwidità tal-azjendi agrikoli tal-ħalib, u fuq l-istabbilizzazzjoni tas-suq u l-ambjent, flimkien mar-rwol għall-ġestjoni tar-riskji mill-produtturi u l-azjendi agrikoli tal-ħalib, u jenħtieġ li mbagħad tippubblika s-sejbiet tagħha.
Data mmirata għall-implimentazzjoni: 2024
Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla I, immexxija mis-Sur Samo Jereb, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tad-19 ta’ Mejju 2021.
Għall-Qorti tal-Awdituri
Klaus-Heiner Lehne
President
Anness – Regolamenti delegati dwar il-miżuri ta’ appoġġ eċċezzjonali fis-settur tal-ħalib
| Regolamenti Delegat tal-Kummissjoni | Skop | Infiq tal-UE għall-produtturi tal-ħalib | Infiq tal-UE għal kull tunnellata ta’ ħalib ikkonsenjata lill-azjendi agrikoli tal-ħalib fl-Istat Membru kkonċernat (1) | Appoġġ nazzjonali addizzjonali (appoġġ “supplimentari”) | Perjodu ta’ żmien (2) |
| (UE) Nru 1263/2014 | Għajnuna temporanja eċċezzjonali lill-produtturi tal-ħalib fl-Estonja, fil-Latvja u fil-Litwanja | EUR 28.6 miljun | EUR 10.3 / tunnellata | Sa massimu ta’ 100 % | 26.11.2014 – 30.4.2015 |
| (UE) Nru 1370/2014 | Għajnuna temporanja eċċezzjonali lill-produtturi tal-ħalib fil-Finlandja | EUR 10.7 miljun | EUR 4.7 / tunnellata | Sa massimu ta’ 100 % | 19.12.2014 – 31.5.2015 |
| (UE) Nru 2015/1853 | Għajnuna temporanja eċċezzjonali lill-bdiewa fis-settur tal-bhejjem | EUR 308.3 miljun (*) | EUR 2.2 / tunnellata | Sa massimu ta’ 100 % | 15.10.2015 – 30.6.2016 |
| (UE) Nru 2016/1612 | Għajnuna għal tnaqqis fil-produzzjoni tal-ħalib | EUR 108.7 miljun (**) | EUR 0.8 / tunnellata | M/A | 8.9.2016 – 30.9.2017 |
| (UE) Nru 2016/1613 | Għajnuna ta' aġġustament eċċezzjonali lill-produtturi tal-ħalib u lill-bdiewa f'setturi tal-bhejjem oħrajn | EUR 281.1 miljun (*) | EUR 2.0 / tunnellata | Sa massimu ta’ 100 % | 8.9.2016 – 30.9.2017 |
| Total | EUR 737.3 miljun | EUR 5.2 / tunnellata | EUR 357.8 miljun |
(*) Infiq fis-settur tal-ħalib biss. It-total disponibbli għas-setturi kollha tal-bhejjem kien ta’ EUR 420 miljun skont ir-Regolament (UE) 2015/1853 u EUR 350 miljun skont ir-Regolament 2016/1613.
(**) Infiq minn totali disponibbli ta’ EUR 150 miljun.
(1) Jinkludi l-ħalib ikkonsenjat kollu lejn l-azjendi tal-ħalib fl-2013 fl-Istati Membri kkonċernati, inkluż mill-bdiewa li ma rċevewx appoġġ mill-UE.
(2) Mid-data tal-pubblikazzjoni sad-data ta’ skadenza għall-pagamenti lill-benefiċjarji.
Sors: il-QEA, ibbażat fuq data pprovduta mill-Kummissjoni.
Akronimi u abbrevjazzjonijiet
FADN: Network ta’ Informazzjoni tal-Kontabilità Agrikola
FAO: Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura (Nazzjonijiet Uniti)
Id-DĠ AGRI: Id-Direttorat Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali - il-Kummissjoni Ewropea
MMO: Osservatorju tas-Suq tal-Ħalib
PAK: Politika Agrikola Komuni
SMP: Trab tal-ħalib xkumat
WMP: Trab tal-ħalib sħiħ
Glossarju
Att delegat (regolament delegat): Att legalment vinkolanti użat mill-Kummissjoni, jekk il-Parlament u l-Kunsill ma jesprimu l-ebda oġġezzjoni, biex tissupplimenta jew temenda partijiet mhux essenzjali tal-leġiżlazzjoni tal-UE, pereżempju billi tagħti dettalji ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni.
Deadweight: Sitwazzjoni fejn attività kienet timxi ’l quddiemi anke li kieku ma rċevietx għajnuna pubblika.
Ekwivalenti tal-ħalib: Kejl tal-kwantità ekwivalenti ta’ ħalib likwidu sħiħ użata fil-prodotti tal-ħalib, bħall-ħalib tal-bott magħqud/evaporat, it-trab tal-ħalib, il-jogurt, il-krema, il-kaseina, il-ħalib xkumat u x-xorrox.
Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej: Il-ħames fondi prinċipali tal-UE li flimkien jipprovdu appoġġ għall-iżvilupp ekonomiku fl-UE kollha: il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd.
Introjtu nett ta’ azjenda agrikola: Indikatur tal-FADN, li jiddeskrivi l-ammont disponibbli għar-remunerazzjoni tal-fatturi ta’ produzzjoni proprji tal-azjenda. Dan jiġi kkalkulat billi jitnaqqsu l-pagi, il-kera u l-imgħax imħallsa mid-detentur mill-valur nett miżjud tal-azjendi agrikoli, u jiżdied il-bilanċ tas-sussidji u t-taxxi fuq l-investimenti.
L-Istitut Thünen: Istitut ta’ riċerka Ġermaniż li jirrapporta lill-Ministeru Federali għall-Ikel u l-Agrikoltura
Network ta’ Informazzjoni tal-Kontabilità Agrikola: Għodda bbażata fuq l-istħarriġ imwettaq mill-Istati Membri dwar l-azjendi agrikoli kummerċjali, li tintuża biex jiġu evalwati l-livelli ta’ introjtu tal-azjendi agrikoli tal-UE u biex jiġu ddeterminati l-impatti tal-politika agrikola komuni.
Pagamenti diretti: Pagamenti ta’ appoġġ agrikolu, l-aktar għajnuna relatata maż-żona, li jsiru direttament lill-bdiewa taħt il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija.
Prodotti tal-ħalib: Ħalib u prodotti tal-ħalib miksuba mill-ħalib, bħall-butir, il-ġobon u t-trab tal-ħalib.
Strument finanzjarju: Appoġġ finanzjarju mill-baġit tal-UE fl-għamla ta’ investimenti ta’ ekwità jew kważi ekwità, self jew garanziji, jew strumenti oħra għall-kondiviżjoni tar-riskji.
Valur nett miżjud tal-azjendi agrikoli: Indikatur li jintuża fil-FADN biex jiddeskrivi l-valur ta’ produzzjoni totali ta’ azjenda agrikola, inkluż is-sussidji, wara li jitnaqqsu d-deprezzament u l-valur tal-oġġetti u s-servizzi ikkonsmati matul il-proċess ta’ produzzjoni. Dan huwa l-ammont disponibbli għall-pagament tal-fatturi ta’ produzzjoni fissi kollha ta’ azjenda agrikola (l-art, ix-xogħol u l-kapital) kemm jekk proprji jew esterni.
Tim tal-awditjar
Ir-rapporti speċjali tal-QEA jippreżentaw ir-riżultati tal-awditi li twettaq ta’ politiki u programmi tal-UE, jew ta’ suġġetti relatati mal-ġestjoni minn oqsma baġitarji speċifiċi. Il-QEA tagħżel u tfassal dawn il-kompiti tal-awditjar biex ikunu ta’ impatt massimu billi tqis ir-riskji għall-prestazzjoni jew għall-konformità, il-livell ta’ introjtu jew ta’ nfiq involut, l-iżviluppi futuri u l-interess politiku u pubbliku.
Dan l-awditu tal-prestazzjoni twettaq mill-Awla I tal-Awditjar, Użu sostenibbli tar-riżorsi naturali, li hija mmexxija minn Samo Jereb, Membru tal-QEA. L-awditu tmexxa minn Nikolaos Milionis, Membru tal-QEA.
Noti finali
1 Eurostat data explorer – Economic accounts for agriculture – valuri fi prezzijiet bażiċi – aġġornament tad-9 ta’ Marzu 2020.
2 Il-Kummissjoni Ewropea, “EU agricultural outlook – For markets and income 2019-2030”, Diċembru 2019, p. 82, Anness, Tabella 9.23, EU milk market balance.
3 Eurostat data explorer – Cows' milk collection and products obtained – monthly data –aġġornament tal-31 ta’ Marzu 2020.
4 Kalkolu tal-Kummissjoni bbażat fuq id-data disponibbli tal-Eurostat u stimi. Il-karti tal-bilanċ sottostanti jiġu ppubblikati fil-perspettivi fuq terminu qasir tal-Kummissjoni.
5 Ikkalkulata abbażi ta’ volumi ta’ ekwivalenti tal-ħalib irrappurtati mill-FAO fid-dokument intitolat Food Outlook – Novembru 2020 – Appendiċi, Tabella 19.
6 Ara Milk Market Observatory Economic Board meeting report, 27 ta’ Mejju 2014.
7 Ikkalkulat abbażi tad-data kummerċjali tal-UE disponibbli fil-bażi ta’ data tal-Kummissjoni Access2Markets, Kodiċi 0401 sa 0406 tas-Sistema Armonizzata.
8 Skont studju mħejji għall-Kummissjoni: Written Wageningen Economic Research and Ecorys – Evaluation for the Commission, “Improving crisis prevention and management criteria and strategies in the agricultural sector” (05.087713) Rapport finali, Awwissu 2019, p. 37.
9 Ir-Rapport tal-Kummissjoni: “L-iżvilupp tas-sitwazzjoni tas-suq tal-ħalib u tal-operazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-“Pakkett dwar il-Ħalib””; COM(2016) 0724 final.
10 Ara l-portal tad-data agroalimentari tal-Kummissjoni għal aktar informazzjoni.
11 Għal aktar informazzjoni dwar il-kejl tal-introjtu tal-azjendi agrikoli mill-Kummissjoni, ara r-Rapport Speċjali Nru 1/2016 tagħna: “Is-sistema tal-Kummissjoni għall-kejl tal-prestazzjoni fir-rigward tal-introjtu tal-bdiewa hija mfassla tajjeb u bbażata fuq data soda?”
12 Ir-Rapport Speċjali Nru 23/2019 tal-QEA: “Stabbilizzazzjoni tal-introjtu tal-bdiewa: sett komprensiv ta’ għodod, iżda l-istrumenti ftit li xejn jintużaw u jeħtieġ li jiġi indirizzat il-kumpens eċċessiv”.
13 L-Artikolu 17 tar-Regolament dwar l-OKS.
14 L-Artikoli 14 u 15 tar-Regolament dwar l-OKS.
15 Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1370/2013 tas-16 ta’ Diċembru 2013 li jiddetermina miżuri dwar l-iffissar ta’ ċerti għajnuniet u rifużjonijiet relatati mal-organizzazzjoni komuni tas-swieq tal-prodotti agrikoli – l-Artikoli 2 u 3.
16 Ir-Rapport Speċjali Nru 23/2019 tal-QEA: “Stabbilizzazzjoni tal-introjtu tal-bdiewa: sett komprensiv ta’ għodod, iżda l-istrumenti ftit li xejn jintużaw u jeħtieġ li jiġi indirizzat il-kumpens eċċessiv”.
17 Il- Bundesrechnungshof u l-Istitut Thünen.
18 Il-Belġju, iċ-Ċekja, id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Estonja, l-Irlanda, Spanja, Franza, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, in-Netherlands, il-Polonja, ir-Rumanija u l-Finlandja.
19 Il-paragrafu 63 tar-Rapport Speċjali Nru 23/2019 tal-QEA.
20 Informazzjoni dwar il-projbizzjoni Russa hija disponibbli fuq is-sit web tal-Kummissjoni.
21 Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/558 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/559.
22 MMO economic board meeting report – 28 ta’ Ġunju 2016, b’mod partikolari p. 68.
23 Andrea Rothe and Sascha A. Weber, "Evaluierung über die in Deutschland erfolgte Umsetzung der Milchmengenverringerungsmaßnahme sowie der Milchsonderbeihilfe" [“Evalwazzjoni tal-implimentazzjoni fil-Ġermanja al-miżura għat-tnaqqis tal-ħalib u l-iskema speċjali ta’ għajnuna għall-ħalib”], Thünen Working Paper 88.
24 Ara wkoll l-istudju li jappoġġa l-evalwazzjoni minn EEIG Agrosynergie għall-Kummissjoni – “Evaluation on the impact of the CAP measures towards the general objective ‘viable food production’”, Awwissu 2018, it-Taqsima 8.5, “Timeliness of the Commission's reaction to market crises”, p. 147.
25 European Commission, “EU Agricultural Outlook: Prospect for the EU agricultural markets and income 2016-2026”, Diċembru 2016, p. 32.
26 Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1616.
27 L-Artikolu 3(11) tar-Regolament (UE) 2017/2393, li jdaħħal l-Artikolu 9(14) fir-Regolament (UE) 2020/2220.
28 Id-definizzjoni ta’ introjtu li nużaw f’dan ir-rapport hija dik tal-Valur Nett Miżjud tal-Azjendi Agrikoli.
29 L-Artikolu 75(1) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.
30 Ir-Rakkomandazzjoni 3(a) tar-rapport, p. 46, u r-risposti tal-Kummissjoni, p. 9.
31 Id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli.
32 Bundesrechnungshof, “Abschließende Mitteilung an das Bundesministerium für Ernährung und Landwirtschaft über die Prüfung der Maßnahmen zur Entwicklung des Marktes von Milch und Milcherzeugnissen”, 19 ta’ Settembru 2019.
33 Ir-Rapport Speċjali Nru 23/2019, il-paragrafu 35.
34 EEIG Agrosynergie, op. cit., it-Taqsima 9.2, “Effects of market measures in production decisions in the short term: generation of occasional surplus”, pp. 152-154.
36 Fiċ-Ċekja, fil-Ġermanja, fi Spanja u fi Franza.
37 L-Artikolu 1(19) tar-Regolament (UE) 2017/2393, li jdaħħal l-Artikolu 39a fir-Regolament (UE) Nru 1305/2013.
38 Għal aktar informazzjoni dwar l-istabbilizzazzjoni tal-introjtu u għodod oħra għall-ġestjoni tar-riskji appoġġati mill-PAK, ara wkoll ir-Rapport Speċjali Nru 23/2019 tagħna.
39 L-Artikolu 39 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 kif emendat mill-Artikolu 7(7) tar-Regolament (UE) 2020/2220.
40 Għal aktar informazzjoni żur is-sit web tal-Kummissjoni.
41 Ir-Regolament (UE) 2020/558 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2020 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1301/2013 u (UE) Nru 1303/2013 rigward miżuri speċifiċi biex tingħata flessibbiltà eċċezzjonali għall-użu tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej b’reazzjoni għat-tifqigħa tal-COVID-19.
42 EEIG Agrosynergie, op. cit.; u Written Wageningen Economic Research and Ecorys, op.cit.
43 L-Artikolu 3(b) tar-Regolament (UE) Nru 2016/1613.
44 Ir-Regolament (UE) 2017/2393 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2017 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013, (ĠU L 350, 29.12.2017, p. 15-49).
45 Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/1853 tal-15 ta' Ottubru 2015 li jipprevedi għajnuna temporanja eċċezzjonali lill-bdiewa fis-setturi tal-bhejjem (ĠU L 271, 16.10.2015, p. 25–30).
46 Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1612 tat-8 ta’ Settembru 2016 biex tiġi pprovduta għajnuna għal tnaqqis fil-produzzjoni tal-ħalib C/2016/5681, (ĠU L 242, 9.9.2016, p. 4–9).
47 Ir-Regolament (UE) 2017/2393, l-Artikolu 1(19), li jdaħħal l-Artikolu 39a fir-Regolament (UE) Nru 1305/2013.
48 Ara l-Artikolu 39 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 kif modifikat bl-Artikolu 7(7) tar-Regolament (UE) Nru 2020/2220.
49 Ir-Regolament (UE) 2020/872 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2020 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1305/2013, (ĠU L 204, 26.6.2020, p. 1–3).
50 Written Wageningen Economic Research and Ecorys – Evaluation for the Commission, “Improving crisis prevention and management criteria and strategies in the agricultural sector” (05.087713) Ir-Rapport Finali, Awwissu 2019.
51 L-Istrateġija Mill-Għalqa sal-Platt għal sistema tal-ikel ġusta, tajba għas-saħħa u favur l-ambjent, COM/2020/381 final, 20.5.2020.
Kronoloġija
| Avveniment | Data |
|---|---|
| Il-Memorandum ta’ Ppjanar tal-Awditjar (APM) jiġi adottat / L‑awditu jinbeda | 15.5.2019 |
| L-abbozz ta’ rapport jintbagħat uffiċjalment lill-Kummissjoni (jew lil entità oħra awditjata) | 26.3.2021 |
| Ir-rapport finali jiġi adottat wara l-proċedura kontradittorja | 19.5.2021 |
| Ir-risposti uffiċjali tal-Kummissjoni jaslu bil-lingwi kollha | 17.6.2021 |
Kuntatt
IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI
12, rue Alcide De Gasperi
1615 Luxembourg
LUXEMBOURG
Tel. +352 4398-1
Mistoqsijiet: eca.europa.eu/mt/Pages/ContactForm.aspx
Sit web: eca.europa.eu
Twitter: @EUAuditors
Ħafna informazzjoni addizzjonali dwar l-Unjoni Ewropea hija disponibbli fuq l-Internet.
Jista’ jsir aċċess għaliha permezz tas-server Europa (http://europa.eu).
Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2021
| ISBN 978-92-847-6147-0 | ISSN 1977-5741 | doi:10.2865/222663 | QJ-AB-21-011-MT-N | |
| HTML | ISBN 978-92-847-6123-4 | ISSN 1977-5741 | doi:10.2865/253991 | QJ-AB-21-011-MT-Q |
DRITTIJIET TAL-AWTUR
© L-Unjoni Ewropea, 2021.
Il-politika tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) dwar l-użu mill-ġdid hija implimentata bid-Deċiżjoni Nru 6-2019 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar il-politika tad-data miftuħa u l-użu mill-ġdid ta’ dokumenti.
Sakemm ma jkunx indikat mod ieħor (eż. f’avviżi individwali dwar id-drittijiet tal-awtur), il-kontenut tad-dokumenti tal-QEA, li huwa proprjetà tal-UE, huwa liċenzjat taħt il-liċenzja Creative Commons Attribution 4.0 International (CC BY 4.0). Dan ifisser li l-użu mill-ġdid huwa awtorizzat, dment li l-awturi jingħataw kreditu xieraq u li l-bidliet jiġu indikati. Il-persuni li jużaw mill-ġdid dan il-kontenut ma jistgħux ibiddlu s-sinifikat jew il-messaġġ oriġinali tad-dokumenti. Il-QEA ma għandhiex tkun responsabbli għal kwalunkwe konsegwenza relatata mal-użu mill-ġdid.
Inti meħtieġ tikseb drittijiet addizzjonali ċari jekk kontenut speċifiku juri individwi privati identifikabbli, eż. f’ritratti li jkun fihom il-membri tal-persunal tal-QEA, jew jekk ikun jinkludi xogħlijiet ta’ parti terza. Fejn ikun inkiseb permess, tali permess għandu jikkanċella u jissostitwixxi l-permess ġenerali msemmi hawn fuq u għandu jindika b’mod ċar kwalunkwe restrizzjoni dwar l-użu.
Biex tuża jew tirriproduċi kontenut li ma jkunx proprjetà tal-UE, inti jista’ jkun li jkollok titlob il-permess direttament mingħand id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur:
Il-Figuri 6 u 11: Ikoni magħmulin minn Pixel perfect minn fuq https://flaticon.com.
Software jew dokumenti li jkunu koperti mid-drittijiet ta’ proprjetà industrijali, bħal privattivi, trademarks, disinji rreġistrati, logos u ismijiet, huma esklużi mill-politika tal-QEA dwar l-użu mill-ġdid u inti ma għandekx il-liċenzja biex tużahom.
Il-familja ta’ Siti Web istituzzjonali tal-Unjoni Ewropea, fi ħdan id-dominju europa.eu, tipprovdi links għal siti ta’ partijiet terzi. Peress li l-QEA ma għandha l-ebda kontroll fuqhom, inti mħeġġeġ biex tirrieżamina l-politiki tagħhom dwar il-privatezza u dwar id-drittijiet tal-awtur.
Użu tal-logo tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri
Ma jistax isir użu mil-logo tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri mingħajr ma jinkiseb il-kunsens tagħha minn qabel.
Kif tikkuntattja lill-UE
Personalment
Madwar l-Unjoni Ewropea kollha hemm mijiet ta’ ċentri ta’ informazzjoni tal-Europe Direct. Tista’ ssib l-indirizz tal-eqreb ċentru għalik f'dan is-sit: https://europa.eu/european-union/contact_mt
Bit-telefown jew bil-posta elettronika
Europe Direct huwa servizz li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar l-Unjoni Ewropea. Tista’ tikkuntattja dan is-servizz:
- bit-telefown bla ħlas: 00 800 6 7 8 9 10 11 (ċerti operaturi jafu jimponu ħlas għal dawn it-telefonati),
- fuq dan in-numru standard: +32 22999696, jew
- bil-posta elettronika permezz: https://europa.eu/european-union/contact_mt
Kif issib tagħrif dwar l-UE
Onlajn
L-informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE hija disponibbli fuq is-sit web Europa fuq: https://europa.eu/european-union/index_mt
Pubblikazzjonijiet tal-UE
Tista’ tniżżel mill-internet jew tordna l-pubblikazzjonijiet tal-UE, li xi wħud minnhom huma bla ħlas u xi oħrajn bil-ħlas, minn: https://op.europa.eu/mt/publications. Kopji multipli ta’ pubblikazzjonijiet bla ħlas tista’ tiksibhom billi tikkuntattja lil Europe Direct jew liċ-ċentru tal-informazzjoni lokali tiegħek (ara https://europa.eu/european-union/contact_mt).
Il-liġi tal-UE u dokumenti relatati
Għal aċċess għall-informazzjoni legali tal-UE, inkluż il-liġijiet kollha tal-UE mill-1952 ’l hawn, fil-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali kollha, żur is-sit EUR-Lex hawnhekk: http://eur-lex.europa.eu
Dejta Miftuħa mill-UE
Il-portal tad-Dejta Miftuħa mill-UE (https://copenhagenizeindex.eu/) jipprovdi aċċess għal settijiet tad-dejta mill-UE. Id-dejta tista’ titniżżel mill-internet u tintuża mill-ġdid bla ħlas, kemm għal skopijiet kummerċjali kif ukoll mhux kummerċjali.
