Rapport Speċjali
20 2022

Azzjoni tal-UE għall-ġlieda kontra s‑sajd illegali Hemm sistemi ta’ kontroll fis-seħħ iżda huma mdgħajfa minħabba kontrolli u sanzjonijiet mhux uniformi applikati mill-Istati Membri

Dwar ir-rapport:Is-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat huwa waħda mill-akbar theddidiet għall-ekosistemi tal-baħar, filwaqt li jdgħajjef l-isforzi mwettqa biex is-sajd jiġi mmaniġġjat b’mod sostenibbli. Aħna eżaminajna l-qafas, l-azzjoni u l-infiq tal-UE li għandhom l-għan li jipprevienu lill-prodotti tas-sajd illegali milli jispiċċaw fuq il-platti taċ-ċittadini tal-UE. B’mod ġenerali, nikkonkludu li s-sistemi ta’ kontroll fis-seħħ biex jiġi miġġieled is-sajd illegali huma parzjalment effettivi; għalkemm itaffu r-riskju, l-effettività tagħhom titnaqqas minħabba l-applikazzjoni mhux uniformi ta’ kontrolli u sanzjonijiet mill-Istati Membri. Nirrakkomandaw li l-Kummissjoni timmonitorja li l-Istati Membri jirrinforzaw is-sistemi ta’ kontroll tagħhom għall-prevenzjoni tal-importazzjoni ta’ prodotti tas-sajd illegali, u tiżgura li l-Istati Membri japplikaw sanzjonijiet dissważivi kontra s-sajd illegali.

Rapport speċjali tal-QEA skont l-Artikolu 287(4), it-tieni subparagrafu, TFUE.

Din il-pubblikazzjoni hija disponibbli bi 24 lingwa fil-format li ġejt:
PDF
PDF Rapport speċjali dwar is-sajd illegali

Sommarju eżekuttiv

I Is-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (“sajd illegali”) huwa waħda mill-akbar theddidiet għall-ekosistemi tal-baħar, filwaqt li jdgħajjef l-isforzi mwettqa biex is-sajd jiġi mmaniġġjat b’mod sostenibbli. L-UE hija attur globali ewlieni fil-qasam tas-sajd, kemm f’termini tal-flotta tas-sajd tagħha (b’madwar 79 000 bastiment) kif ukoll bħala l-akbar importatur dinji ta’ prodotti tas-sajd (34 % tal-kummerċ dinji totali f’termini ta’ valur). L-UE ħadet l-impenn li tilħaq il-Mira 14.4 tal-Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli biex ittemm is-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat sal-2020. Din il-mira ma ntlaħqitx, is-sajd mhux sostenibbli jippersisti u hemm riskju li l-prodotti derivati minn sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat jinbiegħu fis-suq tal-UE.

II Aħna eżaminajna l-qafas, l-azzjoni u l-infiq tal-UE li għandhom l-għan li jipprevienu lill-prodotti tas-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat milli jispiċċaw fuq il-platti taċ-ċittadini tal-UE. Il-Parlament Ewropew talab lill-QEA tirrapporta dwar din il-problema fl-2018 u fl-2021. Permezz ta’ dan ir-rapport, aħna għandna l-għan li nikkontribwixxu għad-diskussjonijiet ta’ politika u għall-iżviluppi legali dwar il-ġlieda kontra s-sajd illegali. L-awditu kopra l-perjodu mill-2014 sal-2020. Aħna ffukajna fuq:

  • l-effettività tas-sistemi ta’ kontroll għall-prevenzjoni tal-importazzjoni ta’ prodotti tas-sajd illegali;
  • l-effettività tas-sistemi ta’ kontroll tal-Istati Membri għall-verifikazzjoni tal-flotot u l-ilmijiet nazzjonali.

III B’mod ġenerali, nikkonkludu li s-sistemi ta’ kontroll fis-seħħ biex jiġi miġġieled is-sajd illegali huma parzjalment effettivi; għalkemm itaffu r-riskju, l-effettività tagħhom titnaqqas minħabba l-applikazzjoni mhux uniformi ta’ kontrolli u sanzjonijiet mill-Istati Membri.

IV Is-sejbiet prinċipali tagħna huma dawn li ġejjin:

  1. L-UE stabbiliet skema ta’ ċertifikazzjoni tal-qabda fl-2008 biex tiggarantixxi l-legalità tal-prodotti tas-sajd importati. Madankollu, l-iżgurar tal-legalità ta’ prodott ma jiggarantix li dan jiġi fornut b’mod sostenibbli. Sibna li l-iskema kienet tejbet it-traċċabbiltà u rrinforzat il-kontroll tal-importazzjonijiet. Madankollu, id-differenzi fl-ambitu u fil-kwalità tal-kontrolli fl-Istati Membri jirriskjaw li jdgħajfu l-effettività tal-iskema. In-nuqqas ta’ diġitalizzazzjoni tal-iskema jnaqqas l-effiċjenza u jżid ir-riskju ta’ frodi.
  2. Meta l-Kummissjoni u l-Kunsill iqisu li jkun hemm defiċjenzi fis-sistemi ta’ kontroll fis-seħħ f’pajjiżi mhux tal-UE li jesportaw prodotti tas-sajd lejn l-UE, huma jistgħu jieħdu azzjoni biex iħeġġu r-riforma. Sibna li dawn l-azzjonijiet kienu wrew li kienu utli u skattaw riforma pożittiva fil-biċċa l-kbira mill-pajjiżi kkonċernati.
  3. L-Istati Membri huma responsabbli mill-applikazzjoni korretta tas-sistema ta’ kontroll tas-sajd tal-UE. Sibna li l-kontrolli nazzjonali spiss qabdu każijiet ta’ sajd illegali. Madankollu, il-Kummissjoni identifikat nuqqasijiet sinifikanti fis-sistemi ta’ kontroll tas-sajd f’xi Stati Membri, li jwasslu għal sajd eċċessiv u sottorappurtar tal-qabdiet. Hija qed tieħu passi biex tindirizza dawn in-nuqqasijiet.
  4. Il-fond Ewropew għall-affarijiet marittimi u s-sajd ipprovda appoġġ għall-attivitajiet ta’ monitoraġġ, kontroll u infurzar, b’baġit totali ta’ EUR 580 miljun. Sibna li t-23 proġett li awditjajna f’erba’ Stati Membri kienu konformi mal-prijoritajiet u għenu biex is-sistema ta’ kontroll tiġi rrinforzata.
  5. Il-qafas tal-UE jirrikjedi li l-Istati Membri jimponu sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi għal kull ksur serju tar-regoli. Filwaqt li l-biċċa l-kbira mill-ksur serju li nqabad wassal għal sanzjonijiet, dawn varjaw b’mod konsiderevoli fost l-Istati Membri għal ksur simili. F’xi Stati Membri, is-sanzjonijiet la kienu proporzjonati mal-benefiċċju ekonomiku miksub mill-ksur u lanqas ma kienu dissważivi.

V Abbażi ta’ dawn is-sejbiet, aħna nirrakkomandaw li l-Kummissjoni:

  • timmonitorja li l-Istati Membri jirrinforzaw is-sistemi ta’ kontroll tagħhom għall-prevenzjoni tal-importazzjoni ta’ prodotti tas-sajd illegali, u tieħu l-azzjoni meħtieġa; u
  • tiżgura li l-Istati Membri japplikaw sanzjonijiet dissważivi kontra s-sajd illegali.

Introduzzjoni

01 L-UE hija attur globali ewlieni fil-qasam tas-sajd. Għandha waħda mill-akbar flotot tas-sajd fid-dinja, b’madwar 79 000 bastiment1, u tirrappreżenta 6 % tal-produzzjoni dinjija tas-sajd minn qabdiet2. Is-settur tas-sajd jimpjega direttament 129 540 persuna u jiġġenera dħul annwali ta’ EUR 6.3 biljun. L-Istati Membri li jmexxu s-suq f’termini ta’ volum huma Spanja, id-Danimarka, Franza u n-Netherlands3.

02 Il-konsum tal-prodotti tas-sajd fl-UE jaqbeż bil-bosta l-kwantitajiet maqbuda jew imrobbija, filwaqt li 60 % tal-prodotti kkonsmati jiġu importati biex tiġi ssodisfata d-domanda. Dan jagħmel l-UE l-akbar importatur dinji ta’ prodotti tas-sajd (34 % tal-kummerċ dinji totali f’termini ta’ valur)4.

03 Fl-2020, l-UE importat EUR 23 biljun ta’ prodotti tas-sajd. Il-Figura 1 turi l-fornituri prinċipali tagħha.

Figura 1 – Importazzjonijiet ta’ prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura: fornituri prinċipali (perċentwal tal-volum totali fl-2020)

Sors: il-QEA, ibbażat fuq data pprovduta mill-Eurostat.

Sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat

04 Is-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (is-“sajd IUU”), minn hawn ’il quddiem “sajd illegali”, jinkludi varjetà ta’ attivitajiet tas-sajd5 li jmorru kontra l-miżuri nazzjonali u reġjonali ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni u mhumiex konsistenti mar-responsabbiltajiet tal-Istat tal-bandiera taħt il-liġi internazzjonali. L-attivitajiet tas-sajd jitqiesu:

  • illegali meta jitwettqu mingħajr liċenzja jew awtorizzazzjoni, kontra l-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni, jew kontra l-liġijiet nazzjonali/obbligi internazzjonali;
  • mhux irrappurtati meta ma jiġux irrappurtati jew jiġu rrappurtati ħażin lill-awtoritajiet rilevanti;
  • mhux irregolati meta jitwettqu f’żoni mingħajr miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni applikabbli, u jitwettqu b’mod inkonsistenti mar-responsabbiltajiet tal-Istat għall-konservazzjoni tar-riżorsi ħajjin tal-baħar, jew meta l-bastiment tas-sajd ma jkun tal-ebda nazzjonalità.

05 L-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura (FAO) tistma li madwar 94 % tal-istokkijiet globali tal-ħut huma kompletament sfruttati jew sfruttati b’mod eċċessiv6 (ara l-Figura 2). Is-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat inaqqas l-istokkijiet tal-ħut, b’hekk joħloq waħda mill-akbar theddidiet għall-ekosistemi tal-baħar, filwaqt li jdgħajjef l-isforzi biex is-sajd jiġi mmaniġġjat b’mod sostenibbli7 u jimbotta lil xi wħud lejn ix-xifer ta’ kollass8.

Figura 2 – Sfruttament tal-istokkijiet tal-ħut

Nota: Dawn il-perċentwali jittrattaw l-istokkijiet tal-ħut kollha b’mod ugwali irrispettivament mill-bijomassa u l-qabda tagħhom.

Sors: il-QEA, ibbażat fuq data pprovduta mill-FAO.

06 Filwaqt li huwa diffiċli li tiġi determinata l-firxa eżatta tas-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, studju dwar dan is-suġġett9 stma li din kienet bejn 10 u 26 miljun tunnellata fuq livell dinji fil-bidu tas-snin 2000, jiġifieri 11 sa 19 % tal-qabdiet irrappurtati, b’valur ta’ bejn USD 10 u USD 23 biljun.

Rispons globali għas-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat

07 Mix-xibka sal-platt, il-prodotti tas-sajd jistgħu jinqabdu, jiġu trażbordati, jinħattu l-art, jinħażnu, jiġu pproċessati, ittrasportati u mibjugħa tul katini ta’ provvista kumplessi ħafna u globalizzati. Għalhekk il-ġlieda kontra s-sajd illegali tirrikjedi rispons globali minn dawk kollha involuti, inklużi n-nazzjonijiet sovrani fil-kapaċità tagħhom bħala Stati tal-bandiera, Stati kostali, Stati tal-port u Stati tas-suq (ara l-Figura 3).

Figura 3 – Responsabbiltajiet tal-Istati tal-bandiera, tal-Istati kostali, tal-Istati tal-port u tal-Istati tas-suq

Sors: il-QEA.

08 In-NU u l-FAO t-tnejn li huma żviluppaw u adottaw firxa ta’ strumenti legalment vinkolanti, pjanijiet ta’ azzjoni u linji gwida volontarji. Dawn jipprovdu qafas internazzjonali għas-sajd responsabbli u għall-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat. Dawn huma ppreżentati fl-Anness I.

09 L-Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd huma partijiet ikkonċernati ewlenin fil-ġestjoni internazzjonali tas-sajd. Huma jinkludu pajjiżi b’interessi fis-sajd f’żona partikolari u huma responsabbli mill-ġestjoni konġunta ta’ stokkijiet tal-ħut transżonali u li jpassi ħafna. Il-biċċa l-kbira minn dawn l-organizzazzjonijiet għandhom is-setgħa li jistabbilixxu limiti vinkolanti tal-qabda u tal-isforz tas-sajd, miżuri tekniċi u obbligi ta’ kontroll għall-membri tagħhom. L-UE hija parti għall-istrumenti internazzjonali ewlenin kollha u hija membru ta’ 18-il Organizzazzjoni Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd u ta’ korpi tas-sajd10.

10 Il-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat taqa’ fi ħdan l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli stabbiliti mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fl-201511. L-Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli 14, “Ħajja taħt l-ilma”, stabbilixxa mira ambizzjuża għas-sajd sostenibbli (14.4): “Sal-2020 tirregola b’mod effettiv il-qbid u ttemm is-sajd eċċessiv, is-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux regolat u l-prattiki tas-sajd qerrieda […]”. L-UE ħadet l-impenn li tilħaq din il-mira biex ittemm is-sajd illegali sal-202012. Din il-mira ma ntlaħqitx13, is-sajd mhux sostenibbli jippersisti14 u għad hemm riskju li l-prodotti derivati minn sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (minn hawn ’il quddiem “prodotti tas-sajd illegali”) jinbiegħu fis-suq tal-UE.

Qafas tal-UE għall-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat

11 Il-politika tas-sajd hija kompetenza esklużiva tal-UE, li jfisser li l-UE biss tista’ tilleġiżla u tadotta atti vinkolanti dwar il-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar skont il-politika komuni tas-sajd. Din il-politika tistabbilixxi r-regoli għall-ġestjoni tal-flotta tas-sajd Ewropea u għall-konservazzjoni tal-istokkijiet tal-ħut. Pereżempju, ir-regoli tal-UE jistabbilixxu kwoti u daqsijiet minimi tal-ħut għal ċertu sajd. L-UE tirregola wkoll l-irkaptu tas-sajd u tista’ tipprojbixxi s-sajd f’ċerti żoni jew staġuni.

12 Komponent importanti tal-politika tas-sajd tal-UE huwa r-Regolament dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq. Dan jistabbilixxi standards tal-kummerċjalizzazzjoni tal-UE għall-prodotti tas-sajd u rekwiżiti ta’ informazzjoni tal-konsumatur (tikkettar) biex il-konsumaturi jkunu jistgħu jagħmlu għażliet ta’ xiri infurmati. Pereżempju, it-tikketta trid tindika d-deżinjazzjoni kummerċjali, il-metodu ta’ produzzjoni, iż-żona tal-qabda u l-irkaptu tas-sajd. Ma hemm l-ebda tikketta tal-UE li tiċċertifika s-sostenibbiltà tal-prodotti tas-sajd.

13 Skont il-politika komuni tas-sajd, l-UE adottat l-istrumenti regolatorji prinċipali li ġejjin u allokat finanzjament għall-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat.

Qafas regolatorju tal-UE

14 Ir-Regolament dwar is-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (prinċipalment dwar l-importazzjonijiet) u r-Regolament dwar il-kontroll tas-sajd (li jiffoka prinċipalment fuq il-konformità mis-sajjieda tal-UE) huma l-istrumenti regolatorji prinċipali għall-ġlieda kontra s-sajd illegali.

15 Ir-Regolament dwar is-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat huwa l-istrument prinċipali tal-UE sabiex dan it-tip ta’ sajd jiġi pprevenut, skoraġġut u eliminat. Huwa jirrikjedi li l-Istati Membri jieħdu azzjoni kontra l-bastimenti tas-sajd u ċ-ċittadini tal-UE li jkunu involuti f’attivitajiet tas-sajd illegali fi kwalunkwe post fid-dinja. Iż-żewġ karatteristiċi l-aktar prominenti ta’ dan ir-regolament huma l-iskema ta’ ċertifikazzjoni tal-qabda u s-sistema tal-ħruġ ta’ karti. L-ewwel waħda għandha l-għan li tiżgura l-legalità tal-importazzjonijiet u t-tieni waħda għandha l-għan li tidentifika l-“pajjiżi terzi” (pajjiżi mhux tal-UE) li mhumiex qed jikkooperaw fil-ġlieda kontra s-sajd illegali.

16 Ir-Regolament dwar il-kontroll tas-sajd jiffoka fuq l-attivitajiet tal-flotta tal-UE, u jistabbilixxi sistema ta’ kontroll għall-UE kollha biex tiġi żgurata l-konformità mal-politika komuni tas-sajd. Dan japplika għall-attivitajiet kollha tas-sajd fl-ilmijiet tal-UE u għal dawk kollha li jitwettqu bnadi oħra mill-bastimenti tal-UE. Huwa kkomplementat mir-Regolament dwar il-ġestjoni sostenibbli tal-flotta tas-sajd esterna. Dan ir-regolament jiffoka fuq il-kontroll ta’ bastimenti tas-sajd ta’ pajjiżi terzi li joperaw fl-ilmijiet tal-UE u bastimenti tal-UE li jistadu bnadi oħra.

17 Ir-Regolament dwar il-kontroll fih dispożizzjonijiet għall-Istati Membri u l-operaturi, bl-objettiv li jipprevienu u jiġġieldu s-sajd illegali. Dawn jinkludu:

  • jiġi mmonitorjat l-aċċess għall-ilmijiet u għar-riżorsi;
  • jiġi kkontrollat l-użu tal-opportunitajiet u l-kapaċità tas-sajd;
  • jiġu żgurati miżuri ta’ infurzar xierqa fil-każ ta’ ksur;
  • jiġu permessi t-traċċabbiltà u l-kontroll tal-prodotti tas-sajd tul il-katina tal-provvista kollha, mix-xibka sal-platt.

18 F’April 2017, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat l-evalwazzjoni tagħha tar-Regolament dwar il-kontroll tas-sajd15, u kkonkludiet li l-effettività tas-sistema ta’ kontroll ġiet imfixkla min-nuqqasijiet fit-tfassil tar-regolament. Il-Kummissjoni pproponiet għadd ta’ emendi għar-Regolament dwar il-kontroll fil-proposta tagħha dwar ir-reviżjoni tas-sistema ta’ kontroll tas-sajd tal-UE tal-31 ta’ Mejju 201816. Il-proposta kienet għadha ma ġietx adottata sa Mejju 2022.

Użu tal-fondi tal-UE

19 L-UE tipprovdi finanzjament biex tappoġġa l-kontroll tas-sajd. Il-fond Ewropew għall-affarijiet marittimi u s-sajd (FEMS) iffinanzja l-politiki marittimi u tas-sajd tal-UE għall-perjodu 2014-2020. Taħt il-Prijorità tal-Unjoni Ewropea 3, “It-trawwim tal-implimentazzjoni tal-politika komuni tas-sajd”, il-fond appoġġa attivitajiet ta’ monitoraġġ, kontroll u infurzar b’baġit totali ta’ EUR 580 miljun. Is-suċċessur tiegħu, il-fond Ewropew għall-affarijiet marittimi, is-sajd u l-akkwakultura, se jkompli jappoġġa l-miżuri ta’ kontroll għall-perjodu 2021-2027. Huwa ppjanat li mill-inqas 15 % tal-appoġġ finanzjarju tal-UE għal kull Stat Membru, li jammonta għal total ta’ EUR 797 miljun, jiġi allokat biex jitrawmu l-kontroll u l-infurzar effiċjenti tas-sajd, flimkien ma’ data affidabbli għal teħid ta’ deċiżjonijiet ibbażat fuq l-għarfien. Dawn l-ammonti huma kkomplementati minn kofinanzjament nazzjonali.

Rwoli u responsabbiltajiet

20 Id-Direttorat Ġenerali għall-Affarijiet Marittimi (DĠ MARE) tal-Kummissjoni huwa l-korp prinċipali responsabbli mis-sorveljanza tal-politika komuni tas-sajd. L-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd (EFCA) tippromwovi u tikkoordina l-iżvilupp ta’ metodoloġiji uniformi ta’ ġestjoni tar-riskju, u torganizza taħriġ u koordinazzjoni/kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali tal-kontroll u tal-ispezzjoni. L-Istati Membri huma responsabbli mill-implimentazzjoni tar-rekwiżiti ewlenin tal-politika komuni tas-sajd bħall-ispezzjoni tal-bastimenti, il-verifikazzjoni tal-importazzjonijiet u l-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet.

Il-legalità ma tiggarantix is-sostenibbiltà

21 Il-qafas legali deskritt hawn fuq għandu l-għan li jiżgura li l-prodotti tas-sajd kollha mibjugħa fl-UE jkunu legali. Jenħtieġ li dan jiggarantixxi lill-konsumaturi tal-UE li l-prodotti li jikkonsmaw mhumiex derivati minn sajd illegali, mhux irrappurtat jew mhux irregolat. Madankollu, l-iżgurar tal-legalità ta’ prodott ma jiggarantix li dan jiġi fornut b’mod sostenibbli.

22 Għall-prodotti importati, l-iskema ta’ ċertifikazzjoni tal-qabda tal-UE għandha l-għan li tiżgura li l-Istati tal-bandiera jiċċertifikaw il-legalità tal-prodotti tas-sajd importati kollha abbażi tas-sistemi proprji tagħhom ta’ kontroll u monitoraġġ. Il-bastimenti tas-sajd iridu jikkonformaw mar-regoli imposti mill-Istat tal-bandiera u, fejn applikabbli, ma’ dawk imposti mill-Organizzazzjoni Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd jew mill-Istat kostali kompetenti. L-iskema ma tistax tiżgura li dawn ir-regoli, adottati barra mill-UE, ikunu suffiċjentement stretti biex jiggarantixxu s-sostenibbiltà. Pereżempju, anki meta Stat kostali ma jimponix regoli maħsuba biex irażżnu s-sajd eċċessiv jew il-prattiki tas-sajd li jagħmlu ħsara lill-ambjent, il-qabdiet fiż-żona jitqiesu li huma legali.

23 Bl-istess mod, għall-attività tal-flotta tal-UE, l-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-UE ma jfissirx li r-regoli nfushom huma suffiċjenti biex jiżguraw is-sostenibbiltà tal-istokkijiet tal-ħut u l-ħabitats tagħhom. Fl-2019, l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent irrappurtat li l-isfruttament eċċessiv tal-istokkijiet kummerċjali tal-ħut u tal-frott tal-baħar bil-qoxra għadu għaddej fl-ibħra kollha Ewropej. Ir-rapport speċjali tagħna tal-2020 “Ambjent tal-baħar: il-protezzjoni tal-UE hija wiesgħa iżda mhux approfondita”17 kkonkluda li l-azzjonijiet li ttieħdu mill-UE għall-protezzjoni tal-ambjent tal-baħar kienu rriżultaw fi progress li jista’ jitkejjel fir-rigward tal-Atlantiku, iżda fil-Mediterran baqa’ jsir ammont sinifikanti ta’ sajd eċċessiv.

Ambitu u approċċ tal-awditjar

24 Eżaminajna l-qafas tal-UE li jipprevieni lill-prodotti derivati minn sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat milli jispiċċaw fuq il-platti taċ-ċittadini tal-UE. Il-Parlament Ewropew talab lill-QEA tirrapporta dwar din il-problema fl-2018 u fl-2021. Ħarisna wkoll lejn l-infiq u l-azzjoni tal-UE mill-2014 sal-2020. Għażilna dan is-suġġett minħabba l-impatt tas-sajd illegali fuq is-sostenibbiltà tar-riżorsi tal-baħar. Aħna ffukajna fuq l-effettività ta’:

  •  is-sistemi ta’ kontroll għall-prevenzjoni tal-importazzjoni fl-UE ta’ prodotti tas-sajd derivati minn sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, inkluż jekk il-Kummissjoni mmiratx l-azzjonijiet tagħha biex jindirizzaw ir-riskji ewlenin u jekk l-Istati Membri wettqux kontrolli effettivi;
  •  is-sistemi ta’ kontroll tal-Istati Membri għall-verifikazzjoni tal-flotot u l-ilmijiet nazzjonali, inkluż jekk il-finanzjament mill-UE kienx immirat lejn riskji sinifikanti u jekk kisibx riżultati.

25 Fix-xogħol tal-awditjar li wettaqna, aħna:

  • eżaminajna rapporti mill-Kummissjoni u mill-aġenziji rilevanti, kif ukoll azzjonijiet relatati mal-kontroll u l-infurzar tas-sajd;
  • intervistajna lill-awtoritajiet nazzjonali responsabbli mill-kontroll tas-sajd fid-Danimarka, Spanja, Franza u l-Iżvezja, li ntgħażlu minħabba d-daqs tas-settur tas-sajd tagħhom u l-flussi kummerċjali ma’ pajjiżi terzi, l-ammont ta’ finanzjament mill-UE li jirċievu għall-kontroll, u l-bilanċ ġeografiku;
  • żorna lill-awtoritajiet Żvediżi responsabbli mill-kontroll tas-sajd, osservajna x-xogħol taċ-Ċentru Żvediż għall-Monitoraġġ tas-Sajd, u wettaqna spezzjoni fis-suq tal-ħut u spezzjoni tal-bastimenti fil-port. Minħabba r-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar dovuti għall-pandemija tal-COVID-19, fl-Iżvezja stajna nwettqu biss żjara fuq il-post matul iż-żmien allokat għax-xogħol tal-awditjar tagħna;
  • qabbilna l-ambitu u l-karatteristiċi prinċipali tal-iskema ta’ ċertifikazzjoni tal-qabda tal-UE ma’ sistemi simili fl-Istati Uniti tal-Amerka u fil-Ġappun;
  • eżaminajna 23 proġett iffinanzjati mill-UE relatati mal-kontroll tas-sajd, b’valur ta’ EUR 26.9 miljun, li ġew implimentati matul il-perjodu tal-programmazzjoni 2014-2020. Għażilna dawn il-proġetti biex inkopru varjetà wiesgħa ta’ nfiq u investimenti, bħal bastimenti tal-għassa, teknoloġija innovattiva u spejjeż operazzjonali.

26 B’dan ir-rapport, aħna għandna l-għan li nikkontribwixxu għad-diskussjonijiet ta’ politika u għall-iżviluppi legali dwar il-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat.

Osservazzjonijiet

27 L-osservazzjonijiet huma ppreżentati f’żewġ taqsimiet prinċipali. L-ewwel waħda tkopri s-sistema ta’ kontroll tal-importazzjoni għall-prodotti tas-sajd u t-tieni waħda tkopri s-sistemi ta’ kontroll tal-Istati Membri għall-verifikazzjoni tal-flotot u l-ilmijiet nazzjonali.

Is-sistema ta’ kontroll tal-importazzjoni naqqset ir-riskji ta’ ħut illegali fis-suq tal-UE, iżda l-kontrolli tal-Istati Membri mhumiex uniformi

L-iskema ta’ ċertifikazzjoni tal-qabda tal-UE tejbet it-traċċabbiltà u rrinforzat il-kontroll tal-importazzjonijiet

28 Fl-2008, l-UE adottat ir-Regolament dwar is-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, li ħoloq l-iskema innovattiva ta’ ċertifikazzjoni tal-qabda tal-UE. Ara l-Figura 4 għal dettalji dwar l-iskema.

Figura 4 – L-iskema ta’ ċertifikazzjoni tal-qabda

Sors: il-QEA.

29 Sibna li din l-iskema għalqet lakuna importanti fil-kontroll, billi l-legalità tal-prodotti tas-sajd importati ma kinitx tiġi vverifikata qabel id-dħul fis-seħħ tagħha, bl-eċċezzjoni ta’ xi regoli speċifiċi għar-reġjun, li fil-fatt kienu jinkludu skema ta’ dokumentazzjoni tal-qbid. Taħt l-iskema, il-prodotti kollha tas-sajd tal-baħar esportati lejn l-UE jridu jkunu akkumpanjati minn ċertifikat tal-qabda vvalidat mill-Istat tal-bandiera tal-bastiment tas-sajd. Iċ-ċertifikat jippermetti t-traċċabbiltà tal-prodotti tas-sajd tul il-katina tal-provvista sad-dħul fl-UE. L-Istat tal-bandiera għandu r-responsabbiltà li jiċċertifika li l-prodotti tas-sajd mhumiex derivati minn attivitajiet ta’ sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, u li jivverifika l-konformità tagħhom mar-regoli applikabbli dwar il-konservazzjoni u l-ġestjoni.

30 Wettaqna eżerċizzju ta’ valutazzjoni komparattiva biex inqabblu l-iskema ta’ ċertifikazzjoni tal-qabda tal-UE ma’ sistemi simili fl-Istati Uniti tal-Amerka u fil-Ġappun. Dawn huma t-tieni u t-tielet l-ikbar importaturi fid-dinja18. Qabbilna l-iskemi f’termini ta’ kopertura tal-ispeċijiet, rekwiżiti ta’ informazzjoni u mekkaniżmi ta’ kontroll.

31 Fl-Istati Uniti tal-Amerka, il-Programm ta’ Monitoraġġ tal-Importazzjonijiet tal-Frott tal-Baħar (SIMP)19 stabbilixxa proċeduri ta’ permessi, ta’ rappurtar u ta’ żamma ta’ rekords għall-importazzjoni ta’ prodotti tas-sajd identifikati bħala vulnerabbli għal sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat jew għal frodi. Dan jikkonċerna 13-il tip ta’ frott tal-baħar u kważi nofs l-importazzjonijiet kollha tal-frott tal-baħar fl-Istati Uniti20.

32 Attwalment il-Ġappun ma għandu l-ebda skema nazzjonali ta’ dokumentazzjoni tal-qbid għall-prodotti tas-sajd importati, għalkemm hemm skema pendenti taħt liġi ġdida biex tiġġieled is-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat. Minflok, huwa jiddependi fuq skemi tal-Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd21, li l-UE u l-Istati Uniti tal-Amerka huma wkoll partijiet kontraenti għalihom. L-UE tirrikonoxxi dawn l-iskemi ta’ dokumentazzjoni tal-qbid għall-prodotti tal-frott tal-baħar li jidħlu fis-suq tagħha22.

33 Sibna li l-iskema ta’ ċertifikazzjoni tal-qabda tal-UE hija l-aktar waħda komprensiva f’termini ta’ ambitu, informazzjoni meħtieġa, u proċessi ta’ validazzjoni u ta’ kontroll.

  • L-iskema tal-UE għandha l-aktar kopertura komprensiva: kważi l-prodotti kollha tas-sajd iridu jkunu traċċabbli u ċċertifikati. Għall-kuntrarju ta’ skemi oħra, l-iskema tal-UE tkopri l-ħut tal-baħar kollu, kemm dak ipproċessat kif ukoll dak mhux ipproċessat, li jinqabad fis-selvaġġ u jiġi importat minn pajjiżi terzi fis-suq tal-UE.
  • L-iskemi tal-UE u tal-Istati Uniti għandhom rekwiżiti wiesgħa ta’ informazzjoni li jippermettu traċċabbiltà dettaljata. Dawn l-iskemi jiġbru informazzjoni aktar dettaljata minn dawk stabbiliti mill-Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd f’ħafna każijiet.
  • L-iskema tal-UE għandha l-aktar sistema komprensiva ta’ validazzjoni u kontroll. Fl-UE, kull kunsinna trid tkun akkumpanjata minn ċertifikat ivvalidat mill-Istat tal-bandiera, u l-awtoritajiet tal-Istati Membri jridu jwettqu kontrolli u verifikazzjonijiet ibbażati fuq ir-riskju.

34 L-Anness II jippreżenta aktar dettalji dwar l-eżerċizzju tagħna ta’ valutazzjoni komparattiva (l-iskema ta’ ċertifikazzjoni tal-qabda tal-UE u sistemi simili fl-Istati Uniti tal-Amerka u fil-Ġappun).

Id-differenzi sinifikanti fl-ambitu u fil-kwalità tal-kontrolli mwettqa mill-Istati Membri jdgħajfu s-sistema

35 Kull sentejn, l-Istati Membri jridu jippreżentaw rapport lill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tagħhom tar-Regolament dwar is-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat. L-aktar data reċenti disponibbli hija mill-2019 (inkluża data għar-Renju Unit), meta kull Stat Membru għajr il-Lussemburgu ppreżenta rapport. L-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd ipproduċiet analiżi tar-rappurtar imwettaq mill-Istati Membri, li tipprovdi ħarsa ġenerali lejn l-implimentazzjoni tar-regolament mill-Istati Membri.

36 Skont din l-analiżi, madwar 2 000 bastiment barrani, l-aktar min-Norveġja, il-Venezwela u l-Gżejjer Faeroe, ħattew l-art il-qabdiet tagħhom direttament f’port tal-UE fl-2019. L-Istati tal-port tal-UE kienu meħtieġa jispezzjonaw mill-inqas 5 % tal-qabdiet li jinħattu l-art u r-rata medja ta’ spezzjoni kienet ta’ madwar 20 % għall-UE kollha, għalkemm il-Polonja u d-Danimarka naqsu milli jissodisfaw ir-rekwiżit ta’ 5 %. L-ispezzjonijiet fil-portijiet għenu biex jinqabad ksur fi 11 % tal-każijiet, l-aktar fir-rigward tal-obbligi ta’ rappurtar.

37 Il-biċċa l-kbira mill-prodotti tas-sajd importati ma jinħattux l-art direttament minn bastiment tas-sajd f’port tal-UE. Minflok, il-prodotti jinħattu l-art bnadi oħra fid-dinja u jiġu ttrasportati lejn l-UE fuq bastimenti tal-merkanzija. Ir-Regolament dwar is-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat jirrikjedi li l-kontrolli jsiru fl-Istat Membru tad-destinazzjoni aktar milli fil-punt tad-dħul tal-UE. Ladarba jiġu aċċettati, il-prodotti jistgħu jinbiegħu kullimkien fl-UE. Għalhekk, il-kontrolli mwettqa mill-Istati Membri jridu jkunu robusti biżżejjed biex jipprevienu “għażla opportunistika tal-kontroll”, fejn l-operaturi jisfruttaw l-aktar ħolqa dgħajfa fis-sistema ta’ kontroll. Dan ir-riskju ġie enfasizzat mill-awtoritajiet ta’ kontroll li intervistajna f’żewġ Stati Membri u fi studju tal-201823.

38 Fl-2019, l-awtoritajiet tal-Istati Membri rċevew madwar 285 000 ċertifikat tal-qabda u 35 000 dikjarazzjoni tal-ipproċessar minn pajjiżi terzi. Fuq il-bażi tal-ġestjoni tar-riskju, ir-Regolament dwar is-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat jirrikjedi li l-Istati Membri jivverifikaw li:

  • iċ-ċertifikati tal-qabda jiġu kkompletati u vvalidati mill-Istat tal-bandiera (firma u timbru korretti);
  • l-Istat tal-bandiera huwa awtorizzat jesporta lejn l-UE u mhuwiex identifikat mill-UE bħala wieħed li ma jikkooperax fil-ġlieda kontra s-sajd illegali (“bil-karta ħamra”, ara l-paragrafu 50), u l-bastiment tas-sajd mhuwiex elenkat bħala bastiment involut f’sajd illegali;
  • iċ-ċertifikati tal-qabda għall-prodotti pproċessati jispeċifikaw l-istess speċi u kwantità bħad-dikjarazzjoni tal-ipproċessar.

39 L-Istati Membri jistgħu jwettqu kontrolli ulterjuri, aktar dettaljati (imsejħa “verifikazzjonijiet”), ibbażati fuq analiżi tar-riskju. Hija meħtieġa verifikazzjoni jekk ikun hemm xi dubju dwar l-awtentiċità taċ-ċertifikat tal-qabda jew dwar il-konformità tal-bastiment mar-regoli applikabbli, jew kwalunkwe suspett ta’ sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat.

40 L-ambitu tal-verifikazzjonijiet jiddependi mill-awtoritajiet ta’ kontroll fl-Istati Membri. Dawn jistgħu jinvolvu kontroverifika tad-dokumenti kollha għall-konsistenza (eż. ċertifikati tal-qabda, dikjarazzjonijiet tal-ipproċessar, dokumenti tat-trasport), jew ifittxu evidenza minn sorsi esterni (liċenzja valida tal-bastiment, awtorizzazzjoni għas-sajd fiż-żona tal-qabda rrappurtata, suspett ta’ involviment f’sajd illegali minn sid il-bastiment/sid benefiċjarju, konsistenza bejn ix-xejriet kummerċjali u l-attivitajiet tas-sajd magħrufa, eċċ.). Verifikazzjoni tista’ tinkludi wkoll spezzjoni fiżika tal-prodott, pereżempju, jekk ikun hemm dubji dwar l-ispeċi.

41 B’mod ġenerali, l-Istati Membri rrappurtaw li wettqu kontrolli bażiċi jew kontrolli aktar dettaljati fuq madwar 64 % taċ-ċertifikati tal-qabda li rċevew. Ħames Stati Membri (il-Ġermanja, il-Litwanja, Malta, il-Portugall u l-Iżvezja) irrappurtaw li kienu wettqu biss l-aktar kontrolli bażiċi, filwaqt li l-Belġju, il-Finlandja, l-Italja u r-Rumanija ma rrappurtaw l-ebda informazzjoni dwar din il-problema.

42 Xi drabi l-verifikazzjoni tqajjem dubji u l-awtoritajiet tal-Istati Membri jridu jitolbu informazzjoni addizzjonali mill-Istat tal-bandiera biex jikkonfermaw il-validità tad-dokumenti ppreżentati mill-importatur. Fl-2019, kien hemm aktar minn 1 000 każ ta’ dan it-tip fi 19-il Stat Membru. Erba’ Stati Membri (l-Ungerija, ir-Rumanija, l-Iżvezja u s-Slovakkja) ma talbu l-ebda informazzjoni addizzjonali minn xi pajjiżi terzi bejn l-2016 u l-2019.

43 Ir-Regolament dwar is-sajd Illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat jirrikjedi li l-Istati Membri jiċħdu l-importazzjonijiet jekk ma jirċevux tweġibiet pertinenti għall-mistoqsijiet tagħhom. Fir-rapporti biennali tagħhom, l-Awstrija, Franza u l-Polonja rrappurtaw li filwaqt li xi pajjiżi terzi wieġbu t-talba tagħhom bis-sħiħ, oħrajn sempliċement ikkonfermaw il-validità taċ-ċertifikat u rrifjutaw li jipprovdu dokumentazzjoni addizzjonali.

44 Fl-2019, l-awtoritajiet f’10 Stati Membri rrifjutaw 29 importazzjoni (inqas minn 0.01 % taċ-ċertifikati tal-qabda kollha li rċevew dik is-sena), l-aktar minħabba n-nuqqas ta’ ċertifikat tal-qabda validu jew inkonsistenzi bejn id-dokument u l-prodotti. Fil-biċċa l-kbira mill-każijiet, il-prodotti ntbagħtu lura lill-pajjiż esportatur.

45 L-analiżi li wettaqna fir-rigward tas-sistemi ta’ kontroll għall-prodotti importati fid-Danimarka, Spanja, Franza u l-Iżvezja kkonfermat li l-ambitu u l-kwalità tal-kontrolli kienu jvarjaw b’mod sinifikanti bejn l-Istati Membri, bħalma kien ivarja wkoll il-grad ta’ sofistikazzjoni tas-sistemi tal-IT (ara t-Tabella 1). Dawn nikklassifikawhom bħala f’livell baxx, medju, u għoli.

Tabella 1 – Kontrolli u verifikazzjonijiet tal-importazzjonijiet minn erba’ Stati Membri

Stat Membru Livell ta’ sofistikazzjoni tal-IT Ambitu u kwalità tal-kontrolli
Id-Danimarka BAXX MEDJU
  1. l-ebda sistema tal-IT għall-ġestjoni taċ-ċertifikati tal-qabda jew għat-twettiq ta’ kontrolli
  2. id-dokumenti kollha waslu f’forma stampata, skennjati u rreġistrati fi spreadsheet Excel
  1. kontroll sistematiku bażiku taċ-ċertifikati tal-qabda kollha li jidħlu, ħlief żewġ pajjiżi terzi “b’riskju baxx” (ġew ivverifikati biss kwart tal-importazzjonijiet)
  2. għad-dokumenti kollha vverifikati, paragun tal-koerenza u l-konsistenza tal-informazzjoni
  3. kontroll tal-awtorizzazzjoni tal-bastiment meta l-importazzjoni ta’ speċijiet u ż-żona jkunu koperti minn Organizzazzjoni Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd
  4. spezzjonijiet fiżiċi frekwenti
  5. ċertifikati tal-qabda bi żbalji u importazzjonijiet minn pajjiżi bil-karta safra suġġetti għal verifikazzjoni fil-fond (jistgħu jirrikjedu li jiġu kkuntattjati l-awtoritajiet tal-Istat tal-bandiera)
  6. kontrolli fuq l-importaturi
  7. l-ebda aċċess għas-sistema doganali
Spanja GĦOLI GĦOLI
  1. pjattaforma tal-web iddedikata għall-importaturi biex idaħħlu d-data u jehmżu dokumenti skennjati
  2. kontrolli awtomatizzati u analiżi tar-riskju bl-użu ta’ diversi parametri tar-riskju
  3. integrazzjoni tas-sistemi doganali u ta’ ġestjoni/kontroll tas-sajd illegali
  1. kontroll sistematiku bażiku fuq iċ-ċertifikati tal-qabda kollha li jidħlu
  2. kontroll sistematiku fuq il-kompletezza u l-koerenza tad-dokumenti
  3. ċertifikati tal-qabda bi żbalji mibgħuta għal kontrolli fil-fond tat-tieni livell mill-unità speċjalizzata għall-investigazzjoni tas-sajd illegali
  4. talbiet frekwenti lill-importaturi u lill-Istat tal-bandiera
  5. jistgħu jsiru spezzjonijiet fiżiċi
  6. kooperazzjoni mad-dwana
Franza MEDJU GĦOLI
  1. użu ta’ sistema doganali, l-ebda kapaċità speċifika għaċ-ċertifikati tal-qabda
  2. analiżi tar-riskju awtomatizzata li tagħżel ċertifikati tal-qabda għal verifikazzjoni fil-fond abbażi tad-dikjarazzjoni tal-importazzjoni
  3. kopji skennjati maħżuna fuq servers, l-ebda bażi ta’ data ċentrali, kontrolli dokumentati fis-sistema
  1. kontroll sistematiku bażiku fuq iċ-ċertifikati tal-qabda kollha li jidħlu
  2. kontroll tal-kompletezza
  3. diskrepanzi/riskju għoli li jiġu skattati kontrolli fil-fond minn speċjalista
  4. spezzjonijiet fiżiċi okkażjonali (inkluża l-analiżi tad-DNA)
  5. talbiet ta’ verifikazzjoni frekwenti lill-Istat tal-bandiera
L-Iżvezja MEDJU BAXX
  1. pjattaforma tal-web iddedikata għall-importaturi biex idaħħlu d-data u jehmżu dokumenti skennjati
  2. l-ebda analiżi tar-riskju jew kontroll awtomatizzat, iżda l-awtorità tista’ tiddokumenta l-kontrolli u tivvalida ċ-ċertifikati fis-sistema
  1. l-ebda kontroll fuq iċ-ċertifikati tal-qabda minn pajjiż terz wieħed “b’riskju baxx” (li jirrappreżenta aktar minn 80 % tal-importazzjonijiet)
  2. kontroll fuq kampjun ta’ ċertifikati tal-qabda minn pajjiżi oħra
  3. jitwettqu biss kontrolli bażiċi
  4. l-ebda aċċess għall-bażi ta’ data doganali, l-ebda kontroll tal-importaturi
  5. l-ebda spezzjoni fiżika
  6. l-ebda kontroll fil-fond, l-ebda verifikazzjoni mal-Istat tal-bandiera

Sors: il-QEA.

L-iskema ta’ ċertifikazzjoni tal-qabda tal-UE hija bbażata fuq il-karti, u dan inaqqas l-effiċjenza u jżid ir-riskju ta’ frodi

46 L-iskema ta’ ċertifikazzjoni tal-qabda tal-UE għadha bbażata fuq il-karti. Filwaqt li xi pajjiżi terzi (in-Norveġja, l-Istati Uniti tal-Amerka u r-Renju Unit) jivvalidaw u jittrażmettu ċ-ċertifikati elettroniċi tal-qabda, l-importaturi minn pajjiżi oħra jibagħtu kopji skennjati tad-dokumenti lill-awtoritajiet tal-Istati Membri.

47 Ma hemm l-ebda bażi ta’ data għall-UE kollha taċ-ċertifikati tal-qabda li jaslu mingħand l-Istati Membri, u l-informazzjoni fi Stat Membru wieħed ma tkunx disponibbli għall-oħrajn. In-nuqqas ta’ diġitalizzazzjoni u ta’ kondiviżjoni sistematika tal-informazzjoni bejn l-Istati Membri jippreżenta diversi sfidi għall-effiċjenza u l-effettività tas-sistema ta’ kontroll.

  • Ħin tal-ipproċessar aktar bil-mod u piż amministrattiv: L-awtoritajiet tal-Istati Membri jridu jiġbru, jipproċessaw u jaħżnu ċ-ċertifikati tal-qabda u d-dikjarazzjonijiet tal-ipproċessar kollha f’forma stampata. Fl-2019, dan kien jirrappreżenta aktar minn 300 000 dokument. Madankollu, il-Ġermanja, Spanja, il-Finlandja, in-Netherlands u l-Iżvezja24 żviluppaw is-sistemi tal-IT proprji tagħhom li jirrikjedu li l-importaturi jdaħħlu d-data kollha rilevanti u jehmżu kopja skennjata tad-dokumenti, u dan naqqas il-piż fuq l-amministrazzjoni u l-ħin tal-ipproċessar għall-importatur.
  • Riskju ta’ frodi: Id-dokumenti stampati li jiġu ttimbrati u ffirmati minn pajjiżi terzi jistgħu jiġu ffalsifikati aktar faċilment minn dokumenti ffirmati b’mod diġitali. In-nuqqas ta’ kondiviżjoni tal-informazzjoni fl-UE kollha jfisser li ċertifikati duplikati jistgħu jiġu ppreżentati b’mod frodulenti f’diversi Stati Membri.
  • Opportunità mitlufa biex il-kontrolli u l-kontroverifiki jiġu awtomatizzati: Bażi ta’ data unika tkun tippermetti estrazzjoni ta’ data u twissijiet awtomatizzati permezz ta’ kontroverifika tad-data kollha li tiġi ppreżentata fl-Istati Membri kollha f’ħin reali. Filwaqt li xi Stati Membri żviluppaw sistemi tal-IT sofistikati b’kontrolli awtomatizzati25, oħrajn għadhom qed jaħdmu mingħajr l-ebda għodda tal-IT.

48 Biex jindirizzaw dawn in-nuqqasijiet, l-Istati Membri talbu ripetutament lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi sistema tal-IT għall-UE kollha biex tittraċċa ċ-ċertifikati tal-qabda u tiffaċilita l-verifikazzjoni. Għalhekk il-Kummissjoni żviluppat l-għodda tagħha “CATCH” biex tgħin lill-Istati Membri jaqbdu il-frodi u l-abbuż tas-sistema bbażata fuq il-karti filwaqt li tissimplifika u tħaffef il-kontrolli u l-verifikazzjonijiet.

49 Is-sistema CATCH saret disponibbli fl-2019, iżda l-ebda Stat Membru ma jużaha. L-awtoritajiet fl-erba’ Stati Membri koperti f’dan l-awditu spjegaw li ma kinux jaraw il-ħtieġa jew il-valur miżjud sakemm l-Istati Membri kollha ma jużawx is-sistema CATCH. Il-proposta tal-Kummissjoni li temenda r-Regolament dwar il-kontroll tas-sajd biħsiebha tagħmel is-sistema CATCH obbligatorja fl-UE.

Is-sistema tal-ħruġ ta’ karti tal-UE wriet li hija utli, iżda spiss tħalli impatt fuq il-pajjiżi b’kummerċ minimu tal-ħut mal-UE u fiha hemm lakuni

50 L-iskema ta’ ċertifikazzjoni tal-qabda tiddependi fuq l-operat ta’ sistemi effettivi ta’ kontroll min-naħa ta’ pajjiżi terzi meta jiċċertifikaw il-qabdiet minn bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tagħhom. Meta jkun hemm defiċjenzi f’aspetti ewlenin tas-sistema ta’ kontroll tal-Istat tal-bandiera, iċ-ċertifikati tal-qabda vvalidati ma jagħtux garanzija tal-legalità tal-prodotti esportati lejn l-UE. L-identifikazzjoni ta’ pajjiżi terzi li ma jikkooperawx, magħrufa komunement bħala “karta ħamra” taħt is-“sistema tal-ħruġ ta’ karti”, hija għalhekk essenzjali biex dan jiġi pprevenut. Il-funzjonament tas-sistema tal-ħruġ ta’ karti huwa ppreżentat fil-Figura 5.

Figura 5 – Is-sistema tal-ħruġ ta’ karti

Sors: il-QEA.

51 Il-Kummissjoni żviluppat metodoloġija pass pass għall-kooperazzjoni amministrattiva tagħha ma’ pajjiżi terzi u l-proċedura għall-identifikazzjoni ta’ pajjiżi terzi li ma jikkooperawx skont ir-Regolament dwar is-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat. Analizzajna l-metodoloġija fis-seħħ biex nivverifikaw jekk il-Kummissjoni ffukatx fuq ir-riskji t-tajba u bbażatx id-deċiżjoni tagħha fuq kriterji trasparenti u oġġettivi.

52 Il-Kummissjoni tiġbor informazzjoni dwar l-azzjoni ta’ pajjiżi terzi kontra s-sajd illegali minn firxa wiesgħa ta’ sorsi. Dawn jinkludu l-Istati Membri, il-FAO, l-Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd u organizzazzjonijiet mhux governattivi. Jekk ikun hemm indikazzjonijiet li hemm mnejn li pajjiż terz ma jkunx konformi mal-liġijiet internazzjonali dwar is-sajd jew ma jkunx jissodisfa r-responsabbiltajiet tiegħu bħala Stat tal-bandiera, Stat kostali, Stat tal-port jew Stat tal-ipproċessar, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tieħu sehem f’kooperazzjoni amministrattiva ma’ dak il-pajjiż sabiex twettaq evalwazzjoni aktar komprensiva.

53 Il-Kummissjoni tevalwa l-konformità tal-pajjiż abbażi ta’ kwestjonarju mibgħut lill-awtoritajiet tal-pajjiż u, fil-biċċa l-kbira mill-każijiet, abbażi ta’ analiżi mwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd ta’ kampjun ta’ ċertifikati tal-qabda u dikjarazzjonijiet tal-ipproċessar minn dak il-pajjiż u, bi qbil mal-awtoritajiet nazzjonali, abbażi ta’ evalwazzjoni(jiet) fuq il-post.

54 Jekk il-Kummissjoni taqbad problemi serji, tista’ tappoġġa lill-pajjiż permezz ta’ seminars għall-bini tal-kapaċitajiet jew gwida biex tittejjeb is-sistema nazzjonali. Fil-biċċa l-kbira mill-każijiet, il-pajjiż iwettaq ir-riformi u t-titjib meħtieġa u ma jkun hemm l-ebda ħtieġa li tinħareġ twissija formali. Jekk ikun hemm biżżejjed evidenza ta’ nuqqasijiet sinifikanti u d-djalogu informali ma jwassalx għal riżultati, il-Kummissjoni tinnotifika lill-pajjiż li hemm ir-riskju li jiġi identifikat bħala “pajjiż terz li ma jikkooperax” (“karta safra”).

55 Il-Kummissjoni tinnotifika lill-pajjiż terz b’deċiżjoni ta’ qabel l-identifikazzjoni, fejn tippreżenta r-raġunament tagħha (ara l-Figura 6) abbażi tal-kriterji stabbiliti fir-regolament. Din id-deċiżjoni hija akkumpanjata minn pjan ta’ azzjoni. Dan jipproponi miżuri biex jiġu rimedjati l-problemi li jinqabdu, b’data ta’ skadenza inizjali (li tista’ tiġi estiża) ta’ sitt xhur. Matul dan il-perjodu, il-Kummissjoni tkompli tikkoopera mal-pajjiż u tipprovdi assistenza teknika.

Figura 6 – Nuqqasijiet prinċipali li ġew identifikati mill-Kummissjoni f’pajjiżi li tkun inħarġitilhom karta

Sors: il-QEA, ibbażat fuq informazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni.

56 Filwaqt li l-identifikazzjoni minn qabel ma tinvolvi l-ebda sanzjoni, it-twissija hija ġeneralment suffiċjenti biex tħeġġeġ ir-riformi rilevanti. Mill-bidu tat-tnedija tas-sistema tal-ħruġ ta’ karti, il-Kummissjoni ħarġet karti sofor lil 27 pajjiż terz. B’segwitu għal riformi sinifikanti fil-pajjiżi kkonċernati, 14-il karta safra tneħħew wara sena sa erba’ snin. Sibna evidenza li l-karta s-safra u l-kooperazzjoni sussegwenti wasslu għal bidliet pożittivi (ara l-Kaxxa 1).

Kaxxa 1 – Bidliet pożittivi fit-Tajlandja b’segwitu għal twissija tal-UE

It-Tajlandja hija ċentru ewlieni għall-ipproċessar tat-tonn u għandha flotta tas-sajd sinifikanti.

Fl-2011, evalwazzjoni tal-Kummissjoni enfasizzat diversi nuqqasijiet fir-rigward tal-validazzjoni taċ-ċertifikati tal-qabda u d-dikjarazzjonijiet tal-ipproċessar fit-Tajlandja, flimkien ma’ sistema ta’ kontroll u qafas legali inadegwati.

Il-kooperazzjoni sussegwenti mat-Tajlandja ma wasslitx għal progress sinifikanti u fl-2015 il-Kummissjoni ħarġet “karta safra”.

L-awtoritajiet Tajlandiżi mbagħad:

  • adottaw liġijiet u regolamenti ġodda dwar is-sajd f’konformità mal-aħjar prattika internazzjonali;
  • imponew sanzjonijiet kriminali fl-aktar każijiet serji ta’ sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat;
  • stabbilew sistema ġdida ta’ kontroll u traċċabbiltà mtejba tal-ħatt l-art u l-ipproċessar.

B’riżultat ta’ dan, il-karta safra tneħħiet fl-2019. Il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Tajlandiżi ħolqu grupp ta’ ħidma biex jippromwovu djalogu kontinwu.

57 Xi pajjiżi li nħarġitilhom karta fil-passat huma sħab kummerċjali importanti b’esportazzjonijiet sostanzjali lejn l-UE (eż. it-Tajlandja, l-Ekwador u l-Vjetnam). Ħafna oħrajn mhumiex. Il-volum tal-kummerċ tal-prodotti tas-sajd bejn l-UE u 14 mis-27 pajjiż huwa minn minimu sa ineżistenti (ara l-Figura 7). Xi wħud ma infurmawx lill-Kummissjoni liema korp huwa l-awtorità ta’ ċertifikazzjoni tagħhom u għalhekk mhumiex awtorizzati li jikkummerċjalizzaw il-prodotti tas-sajd. Għalhekk, jidher li ftit hemm riskju li l-prodotti tal-ħut minn attivitajiet illegali, mhux irrappurtati u mhux irregolati jidħlu fis-suq tal-UE minn dawn il-pajjiżi.

Figura 7 – Volum tal-kummerċ ma’ pajjiżi li nħarġitilhom karta (f’eluf ta’ tunnellati)

Nota: Il-volum tal-kummerċ f’tunnellati għas-sena ta’ qabel id-deċiżjoni dwar il-ħruġ ta’ karti. Id-data pprovduta f’din il-Figura ma tiħux inkunsiderazzjoni l-kummerċ indirett ta’ prodotti tas-sajd minn bastimenti ta’ pajjiżi li nħarġitilhom karta, li jiġu fornuti lil pajjiżi terzi oħra qabel ma jiġu esportati lejn l-UE.

Sors: il-QEA, ibbażat fuq data pprovduta mill-Eurostat.

58 Il-Kummissjoni tiġġustifika l-fokus fuq il-pajjiżi li l-kummerċ tal-ħut tagħhom mal-UE huwa minimu minħabba l-fatt li huma jaġixxu bħala “bandiera ta’ konvenjenza” (ara l-Kaxxa 2). Hemm diversi interazzjonijiet bejn l-operaturi u l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati tal-bandiera, fl-Istati kostali, fl-Istati tal-port u fl-Istati tas-suq tul il-katina tal-provvista. In-nuqqas ta’ dawn il-pajjiżi li jissodisfaw l-obbligi tagħhom għalhekk joħloq riskju ta’ attivitajiet ta’ sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat u jikkomprometti t-traċċabbiltà, li jista’ jirriżulta biex prodotti derivati minn sajd illegali jiġu importati fis-suq tal-UE.

Kaxxa 2 – Bnadar ta’ konvenjenza u sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat

Fir-rapport tagħha tal-2020 intitolat “Off the Hook”26, il-Fondazzjoni tal-Ġustizzja Ambjentali tesponi n-nuqqas ta’ trasparenza fis-settur tas-sajd globali bħala fattur ewlieni li jiffaċilita s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat.

It-terminu “bandiera ta’ konvenjenza” jirreferi għall-għoti ta’ bandiera ta’ pajjiż lil bastimenti barranin għal gwadann monetarju. Il-bnadar ta’ konvenjenza jonqsu milli jiżguraw li jkun hemm rabta ġenwina bejn is-sjieda u l-kontroll tal-bastiment u l-pajjiż tal-bandiera. Dawn jippermettu li l-operaturi jaħbu l-identitajiet tagħhom u jevitaw sanzjonijiet meta jkunu involuti f’sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, spiss billi jbiddlu l-bnadar (“flag hopping”).

Meta dawn il-pajjiżi jonqsu wkoll milli jimmonitorjaw l-attivitajiet tal-flotta tas-sajd li tkun qed ittajjar il-bandiera tagħhom, is-sistemi ta’ kontroll inadegwati tagħhom jistgħu jattiraw operaturi li jkunu involuti f’sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat.

B’kollox, 13-il pajjiż li ngħataw karta safra jew ħamra mill-Kummissjoni ġew elenkati mill-Fondazzjoni bħala li joffru bnadar ta’ konvenjenza.

59 Fin-nuqqas ta’ sforzi suffiċjenti mill-awtoritajiet nazzjonali biex jirrettifikaw il-problemi li jinqabdu, il-Kummissjoni tista’ tidentifika l-pajjiż bħala “pajjiż terz li ma jikkooperax” (“karta ħamra”). Karta ħamra tfisser li l-Istati Membri jridu jirrifjutaw l-importazzjonijiet kollha ta’ prodotti tas-sajd mill-bastimenti ta’ dak il-pajjiż. Wara l-identifikazzjoni, il-Kummissjoni tipproponi deċiżjoni ta’ implimentazzjoni lill-Kunsill li telenka l-pajjiż bħala wieħed “li ma jikkooperax”. Ladarba din id-deċiżjoni tiġi adottata, jiġu skattati aktar miżuri restrittivi li jipprojbixxu l-bastimenti tal-UE milli jistadu fl-ilmijiet tal-pajjiż elenkat u li jiddenunzjaw sħubijiet eżistenti dwar is-sajd.

60 Ma hemm l-ebda bażi legali internazzjonali li tipprevieni l-bdil tal-bandiera ta’ bastiment tas-sajd, u lanqas li tipprevieni lill-bastimenti ta’ pajjiż terz milli joperaw fiż-żona ekonomika esklużiva ta’ pajjiżi li tkun inħarġitilhom karta. Għalhekk, lakuna li tillimita l-impatt ekonomiku tal-karti ħomor hija li bastimenti li jtajru bandiera minn Stat tal-bandiera li “ma jikkooperax” jistgħu madankollu jbiddlu l-bandiera bnadi oħra, u bastimenti ta’ pajjiżi terzi xorta jistgħu joperaw fiż-żona ekonomika esklużiva ta’ dak il-pajjiż. Fiż-żewġ każijiet, il-qabdiet iċċertifikati tagħhom jistgħu jiġu esportati legalment lejn l-UE.

61 Mis-27 proċedura li nbdew mill-2012 ’il hawn, 6 rriżultaw f’karta ħamra (ara l-eżempju fil-Kaxxa 3). Minn dak iż-żmien ’il hawn, tlieta minn dawn il-pajjiżi tneħħew mil-lista.

Kaxxa 3 – Miżuri tal-UE li ttieħdu fil-konfront tal-Comoros

Il-Comoros għandhom żona ekonomika esklużiva vasta f’erja b’abbundanza ta’ tonn. Fl-2006, l-UE u l-Comoros iffirmaw ftehim ta’ sħubija dwar is-sajd li jippermetti lill-bastimenti tal-UE jistadu fl-ilmijiet Comorjani.

Il-Comoros inħarġitilihom karta safra fl-2015, segwita b’karta ħamra fl-2017. Ir-raġuni prinċipali kienet in-nuqqas ta’ kapaċità ta’ dan il-pajjiż li jissodisfa r-responsabbiltajiet tiegħu ta’ Stat tal-bandiera.

  • L-awtoritajiet nazzjonali ma eżerċitawx kontroll fuq l-attivitajiet tal-flotta tas-sajd Comorjana. Ma kellhom l-ebda informazzjoni dwar il-post, il-qabdiet, il-ħatt l-art jew it-trażbordi barra mill-ilmijiet tagħhom.
  • L-Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd identifikaw ripetutament problemi ta’ konformità u evidenza ta’ attivitajiet tas-sajd illegali fir-rigward ta’ bastimenti Comorjani bejn l-2010 u l-2015.
  • Minkejja dan, il-Comoros ma ssanzjonawx lill-bastimenti involuti u l-qafas legali tagħhom ma kienx jiddefinixxi b’mod espliċitu s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux regolat jew ma kienx jipprevedi miżuri u sanzjonijiet ta’ infurzar.
  • L-awtoritajiet nazzjonali kienu ddelegaw il-ġestjoni tar-reġistru tal-flotta tas-sajd lil diversi rappreżentanti madwar id-dinja, li offrew “reġistru miftuħ” jew bandiera ta’ konvenjenza.

Sakemm il-Comoros jitneħħew minn fuq il-lista tal-Kunsill u titneħħielhom il-karta l-ħamra, l-importazzjonijiet ta’ prodotti tas-sajd minn bastimenti li jtajru l-bandiera Comorjana huma pprojbiti, u l-bastimenti tal-UE ma jistgħux jistadu fl-ilmijiet Comorjani.

62 Il-Kummissjoni tista’ tipproponi li l-Kunsill ineħħi mil-lista lil pajjiż b’karta ħamra meta n-nuqqasijiet prinċipali identifikati jkunu ġew solvuti u jkun hemm impenn politiku biex jiġu sostnuti l-isforzi f’dak li jirrigwarda l-ġlieda kontra s-sajd illegali u l-konformità mal-liġi internazzjonali.

63 Wara li karta safra jew ħamra titneħħa, il-Kummissjoni tkompli tikkoopera mal-pajjiż u tidentifika kwalunkwe rigress hekk kif ifeġġ. Fil-Panama u l-Ghana, pereżempju, il-Kummissjoni wettqet segwitu wara li neħħiet il-karta s-safra u sabet tnaqqis fl-isforzi biex jiġi miġġieled is-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat. Dawn iż-żewġ pajjiżi ġew identifikati minn qabel għat-tieni darba.

L-Istati Membri qabdu każijiet ta’ sajd illegali mill-flotot nazzjonali u fl-ilmijiet nazzjonali, iżda s-sanzjonijiet mhux dejjem ikunu dissważivi

Il-kontrolli mwettqa mill-Istati Membri fuq il-flotot u l-ilmijiet nazzjonali qabdu każijiet ta’ sajd illegali

64 L-Istati Membri huma responsabbli mill-applikazzjoni korretta tas-sistema ta’ kontroll tas-sajd tal-UE biex tiġi żgurata l-konformità mal-politika komuni tas-sajd27. Dawn iridu jikkontrollaw l-attivitajiet tas-sajd fl-ilmijiet tagħhom, u dawk tal-bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tagħhom, irrispettivament mill-post fejn ikunu jinsabu. Madwar 20 % tal-qabdiet mill-bastimenti tal-UE jseħħu f’pajjiżi terzi jew fl-ibħra internazzjonali28.

65 Il-Figura 8 turi r-riżorsi allokati għall-kontroll tal-attivitajiet tas-sajd fl-ilmijiet tal-UE jew mill-flotta tal-UE.

Figura 8 – Kapaċità ta’ kontroll fl-UE

Sors: il-QEA, ibbażat fuq ir-Rapport dwar l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009.

66 F’ħames baċiri tal-baħar (l-Atlantiku tal-Lvant u l-Baħar Mediterran, il-Baħar l-Iswed, il-Baħar Baltiku, il-Baħar tat-Tramuntana, l-Ilmijiet tal-Punent tal-Atlantiku tal-Grigal), ċertu sajd huwa suġġett għal Programmi Speċifiċi ta’ Kontroll u ta’ Spezzjoni (SCIPs) Dawn il-programmi jinkludu objettivi, prijoritajiet u proċeduri komuni għall-attivitajiet ta’ spezzjoni mill-Istati Membri kollha involuti. Biex tħeġġeġ kollaborazzjoni aktar mill-qrib u l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri, l-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd tikkoordina l-Pjanijiet ta’ Eżerċizzju Konġunt, fejn spetturi minn Stati Membri differenti jipparteċipaw fl-ispezzjonijiet. Fl-2020, l-Istati Membri wettqu 38 450 spezzjoni li ġew irrappurtati lill-Aġenzija bħala parti mill-Pjanijiet ta’ Eżerċizzju Konġunt u li wasslu biex inqabdu 2 351 każ ta’ ksur29.

Stampa 1 – Bastiment tal-għassa noleġġat mill-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd

© L-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd, 2005-2021.

67 L-Istati Membri jirrappurtaw dwar ir-riżultati tal-attivitajiet ta’ kontroll tagħhom kull ħames snin. Mill-2015 sal-2019, huma wettqu 345 510 spezzjonijiet, fejn 13 %30 minnhom kienu identifikaw mill-inqas każ wieħed ta’ ksur suspettat u 6 % mill-inqas każ wieħed ta’ ksur serju suspettat. B’kollox, l-Istati Membri rrappurtaw 69 400 każ ta’ ksur matul dan il-perjodu, fejn aktar minn 76 % kienu nqabdu minn tliet Stati Membri biss u mir-Renju Unit: l-Italja (46 %), ir-Renju Unit (12 %), il-Greċja (11 %) u Spanja (8 %).

68 Il-Figura 9 turi ripartizzjoni tal-każijiet ta’ ksur serju skont l-attività tas-sajd.

Figura 9 – Proporzjon tal-każijiet ta’ ksur serju skont il-kategorija (2015-2019)

Sors: il-QEA, ibbażat fuq data pprovduta mill-Parlament Ewropew.

69 Ir-rappurtar ħażin tal-qabdiet għadu problema ewlenija fis-sajd tal-UE. Aspett wieħed huwa n-nuqqas ta’ rappurtar ta’ qabdiet mhux mixtieqa (ara l-Kaxxa 4).

Kaxxa 4 – Qbid skartat illegali u qabdiet mhux irrappurtati

Fl-industrija tas-sajd hija prattika komuni li l-qabdiet mhux mixtieqa jintefgħu lura fil-baħar. Dawn jistgħu ma jkunux mixtieqa minħabba valur kummerċjali baxx jew jistgħu jkunu suġġetti għal kwota. Billi l-biċċa l-kbira mill-ħut skartat ma jirnexxilux jibqa’ ħaj, l-għadd reali ta’ ħut li jmut huwa ferm akbar minn dak li jindikaw iċ-ċifri tal-ħatt l-art u tal-bejgħ. Prattika oħra msejħa “selezzjoni skont il-valur” tikkonsisti fit-tfigħ lura ta’ ħut b’valur kummerċjali li għalih il-bastiment ikollu kwoti, bl-objettiv li jiġu ottimizzati l-qabdiet ta’ eżemplari (gradi) akbar tal-istess speċi, li jinbiegħu bi prezzijiet ogħla.

Obbligu ta’ ħatt l-art

Il-bastimenti tas-sajd iridu jħottu l-art u jirrappurtaw il-qabdiet kollha ta’ ċerti speċijiet (minbarra l-eżenzjonijiet) u jnaqqsuhom minn kwalunkwe kwota applikabbli. L-għan huwa li l-industrija tas-sajd tiġi mħeġġa tadotta prattiki tas-sajd aktar selettivi u tgħin lix-xjenzati jiġbru data preċiża dwar l-isfruttament attwali tal-istokkijiet tal-ħut.

Nuqqas ta’ infurzar

Il-kontroll u l-infurzar huma ta’ sfida, billi l-qbid skartat ma jistax jinqabad faċilment minn spezzjonijiet tradizzjonali. Filwaqt li xi Stati Membri31 qed jesperimentaw il-monitoraġġ mill-bogħod, l-iskala ta’ dan mhijiex suffiċjenti. Ir-rapporti32 jiżvelaw li l-qbid skartat illegali huwa komuni u l-konformità mal-obbligu ta’ ħatt l-art hija baxxa.

Fl-2021, il-Kummissjoni rrappurtat “rimi estensiv, illegali u mhux dokumentat tal-qabdiet f’diversi baċiri tal-baħar33.

Il-Kummissjoni identifikat dgħufijiet sinifikanti fis-sistemi nazzjonali ta’ kontroll u bdiet tindirizzahom

70 Il-Kummissjoni hija responsabbli mis-sorveljanza u l-infurzar tal-applikazzjoni korretta tar-Regolament dwar il-kontroll tas-sajd u tar-regoli tal-politika komuni tas-sajd mill-Istati Membri kollha34. Hija tevalwa l-Istati Membri permezz ta’ verifikazzjonijiet, spezzjonijiet awtonomi u awditi.

71 Fl-2021, il-Kummissjoni rrappurtat dwar ir-riżultati tas-sorveljanza li wettqet fir-rigward tal-Istati Membri fil-perjodu mill-2015 sal-201935. Il-fokus tagħha kien fuq l-użin, ir-reġistrazzjoni u t-traċċabbiltà xierqa tal-qabdiet, il-kontroll tal-obbligu ta’ ħatt l-art, il-monitoraġġ u l-kontroll tal-flotta esterna, u l-verifikazzjoni tal-potenza tal-magna. Dawn il-miżuri kollha huma indispensabbli għall-monitoraġġ xieraq tal-użu tal-kwota u s-sostenibbiltà tar-riżorsi.

72 Ix-xogħol imwettaq mill-Kummissjoni “enfasizza nuqqasijiet sinifikanti” fl-Istati Membri li fihom hija awditjat il-kontroll tal-użin tal-qabdiet, ir-reġistrazzjoni u t-traċċabbiltà (id-Danimarka, l-Irlanda, il-Belġju u n-Netherlands). Dawn in-nuqqasijiet wasslu għal sajd eċċessiv u sottorappurtar tal-qabdiet.

73 Il-Kummissjoni qed tieħu azzjoni rimedjali. Bejn l-2015 u l-2020, il-Kummissjoni fetħet 34 każ informali fil-pjattaforma online tagħha ta’ riżoluzzjoni tal-problemi “EU Pilot” biex tindirizza d-dgħufijiet identifikati mal-Istati Membri. Hija fasslet ukoll 16-il pjan ta’ azzjoni mal-Istati Membri36 biex jiġu indirizzati d-defiċjenzi fir-reġistrazzjoni tal-qabdiet, fis-sistemi ta’ sanzjonar, fil-proċessi tal-ġestjoni tar-riskju, fil-validazzjoni tad-data kompjuterizzata/fis-sistemi awtomatizzati tal-kontroverifiki u fir-rekwiżiti tat-traċċabbiltà.

74 Bejn l-2015 u l-2021, il-Kummissjoni tat bidu għal 11-il proċedura ta’ ksur (azzjoni legali) kontra l-Istati Membri rigward nuqqasijiet b’rabta mal-implimentazzjoni effettiva tal-obbligu ta’ ħatt l-art, il-kontroll adegwat tal-flotta jew tas-sajd esterni tagħhom, l-applikazzjoni ta’ sistema effettiva ta’ sanzjonar f’każ ta’ ksur serju, jew il-kontroll tas-sistemi ta’ reġistrazzjoni u ta’ użin tal-qabdiet.

Il-proġetti ffinanzjati mill-UE għenu biex is-sistema ta’ kontroll tiġi rrinforzata

75 Il-fond Ewropew għall-affarijiet marittimi u s-sajd jipprovdi appoġġ għall-attivitajiet ta’ monitoraġġ, kontroll u infurzar, b’baġit totali ta’ EUR 580 miljun għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020.

76 Id-data l-aktar reċenti (tmiem l-2020) turi li l-Istati Membri għażlu operazzjonijiet b’valur ta’ EUR 440 miljun għall-miżuri ta’ kontroll37. Il-miżuri eliġibbli għall-finanzjament kienu jinkludu l-installazzjoni u l-iżvilupp ta’ teknoloġija tal-kontroll, il-modernizzazzjoni u x-xiri ta’ bastimenti u inġenji tal-ajru tal-għassa, l-ispejjeż operazzjonali u l-iżvilupp ta’ tekniki ta’ kontroll innovattivi (ara l-Figura 10).

Figura 10 – L-infiq tal-UE fuq il-miżuri ta’ kontroll skont il-kategorija (f’EUR miljun)

Sors: il-QEA, ibbażat fuq ir-Rapport 2020 dwar l-implimentazzjoni tal-FEMS.

77 Għażilna kampjun ta’ 23 proġett b’valur totali ta’ EUR 27 miljun (bi EUR 22.4 miljun ikkofinanzjati mill-UE), allokati għall-kontroll u l-infurzar fid-Danimarka, Spanja, Franza u l-Iżvezja. Il-proġetti magħżula koprew l-iżvilupp tal-IT, il-bastimenti tal-għassa, it-teknoloġija innovattiva u l-ispejjeż operazzjonali (ara l-Figura 11). Mit-23 proġett inklużi fil-kampjun, 20 ġew implimentati minn korpi pubbliċi u 3 minn benefiċjarji privati.

Figura 11 – Proġetti magħżula skont il-kategorija

Sors: il-QEA.

78 Għal kull wieħed minn dawn il-proġetti, aħna vvalutajna jekk l-objettivi laħqux il-ħtiġijiet identifikati mill-awtorità maniġerjali fil-Programmi Operazzjonali nazzjonali għall-fond Ewropew għall-affarijiet marittimi u s-sajd jew il-prijoritajiet fil-livell tal-UE għall-kontroll u l-infurzar38. Wettaqna kontroll tad-dokumentazzjoni fuq kull proġett, filwaqt li analizzajna l-applikazzjoni, il-proċeduri tal-għażla, l-implimentazzjoni u l-ispejjeż. F’kull każ, sibna li l-proġetti kollha magħżula kienu konformi mal-prijoritajiet nazzjonali jew tal-UE, u għenu biex is-sistemi ta’ kontroll tal-Istati Membri jiġu rrinforzati.

79 Ħames proġetti fil-kampjun tagħna, b’valur totali ta’ EUR 8.5 miljun, koprew xi wħud mill-ispejjeż marbuta mal-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet ta’ kontroll fil-Pjanijiet ta’ Eżerċizzju Konġunt jew f’attivitajiet speċifiċi ta’ kontroll. Il-fondi tal-UE ffinanzjaw elementi bħall-manutenzjoni tal-bastimenti, is-salarji u l-fjuwil għall-pattulji. L-awtoritajiet tal-Istati Membri li intervistajna kkonfermaw li l-finanzjament mill-UE kien essenzjali biex jappoġġa dawn l-operazzjonijiet. Fl-UE kollha, il-Pjanijiet ta’ Eżerċizzju Konġunt ippermettew li jinqabdu 2 351 każ ta’ ksur fl-2020, kif spjegat fil-paragrafu 66.

80 Tliet proġetti, b’valur totali ta’ EUR 5.31 miljun, kienu jikkonċernaw l-akkwiżizzjoni jew it-titjib ta’ bastimenti tal-għassa. Dawn kienu jinkludu bastiment tal-għassa ġdid u s-sostituzzjoni ta’ sitt magni f’erba’ dgħajjes għas-Servizz tal-Gwardja Kostali tal-Galicia, u r-rinnovazzjoni ta’ bastiment tal-għassa fi Franza biex jintuża fl-Oċean Indjan. Aħna vverifikajna li l-awtoritajiet kienu organizzaw proċeduri ta’ sejħa għall-offerti biex jimminimizzaw l-ispejjeż u li dawn il-bastimenti kienu se jintużaw primarjament għall-kontroll tas-sajd.

81 Seba’ proġetti, b’valur totali ta’ EUR 5.1 miljun, kienu jikkonċernaw ix-“xiri, l-installazzjoni u l-iżvilupp ta’ teknoloġiji”. Dawn kienu jikkonsistu prinċipalment f’investimenti fl-IT għall-awtoritajiet ta’ kontroll biex jgħinuhom jimmiraw u jwettqu aħjar il-kontrolli tagħhom. Il-proġetti li għażilna inkludew l-użu ta’ mudelli ta’ intelliġenza artifiċjali għall-kontroll ibbażat fuq ir-riskju, l-iżvilupp ta’ sit web għar-rappurtar tas-sajd illegali, u diversi sistemi tal-IT immirati lejn l-analizzar u l-kondiviżjoni tad-data dwar is-sajd. L-awtoritajiet ta’ kontroll li intervistajna kkonfermaw li dawn l-għodod kienu utli għall-operazzjonijiet tagħhom.

82 Għażilna ħames proġetti innovattivi, b’valur totali ta’ EUR 1.83 miljun, immirati lejn is-sejbien ta’ modi kosteffettivi biex itejbu l-kontroll. Il-Figura 12 hawn taħt tippreżenta erbgħa minn dawn il-proġetti.

Figura 12 – Proġetti innovattivi għall-ġlieda kontra s-sajd illegali

Sors: il-QEA.

83 Proġetti oħra magħżula kienu jinvolvu l-akkwiżizzjoni ta’ kontejners għall-ħżin ta’ tagħmir sekwestrat bħal irkapti illegali, il-kostruzzjoni ta’ ċentri ta’ operazzjonijiet għall-ispetturi tas-sajd, u investimenti minn operaturi privati f’sistemi ta’ traċċabbiltà.

Is-sanzjonijiet imposti mill-Istati Membri jvarjaw u mhux dejjem ikunu dissważivi

84 Il-preambolu tar-Regolament dwar is-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat jirrikonoxxi li l-għadd konsistentement għoli ta’ ksur serju tar-regoli tal-politika tas-sajd fl-ilmijiet tal-UE jew mill-operaturi tal-UE huwa fil-biċċa l-kbira dovut għall-fatt li s-sanzjonijiet imposti mill-Istati Membri mhumiex suffiċjentement dissważivi. Huwa jżid li l-varjetà wiesgħa ta’ sanzjonijiet fost l-Istati Membri ħeġġet lill-operaturi illegali biex jagħżlu l-ilmijiet marittimi jew it-territorju tal-Istati Membri li huma l-aktar laxki. Biex jindirizza din id-dgħufija, ir-regolament introduċa dispożizzjonijiet biex is-sanzjonijiet fl-UE kollha jiġu rrinforzati u standardizzati.

85 Ir-regoli tal-UE dwar is-sanzjonijiet japplikaw għal kull “ksur serju”. Huwa f’idejn kull awtorità ta’ Stat Membru li tiddetermina jekk ksur speċifiku għandux jitqies bħala serju, b’kont meħud tal-kriterji bħad-dannu kkawżat, il-valur tiegħu, il-firxa tal-ksur u r-reati preċedenti. Ksur serju jikkonċerna attivitajiet illegali bħal sajd mingħajr liċenzja jew awtorizzazzjoni, nuqqas ta’ rappurtar tal-qabdiet, sajd f’żona magħluqa jew mingħajr allokazzjoni tal-kwoti, u użu ta’ rkaptu illegali39. In-nuqqas ta’ konformità mal-obbligu ta’ ħatt l-art jista’ jitqies ukoll bħala ksur serju40.

86 Ir-regoli tal-UE jirrikjedu li l-Istati Membri jimponu sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi għal kull ksur serju. Wieħed mill-prinċipji ewlenin huwa li jenħtieġ li l-livell ġenerali tas-sanzjonijiet iċaħħad “b’mod effettiv lil dawk responsabbli mill-benefiċċji ekonomiċi miksuba mill-ksur serju tagħhom”. Jenħtieġ li jitqies ukoll il-valur tad-dannu kkawżat lir-riżorsi tas-sajd u lill-ambjent tal-baħar.

87 Sabiex jiġu promossi kundizzjonijiet ekwivalenti fl-UE kollha, il-leġiżlazzjoni introduċiet sistema ta’ penali għal ksur serju. Meta jinqabad ksur serju, l-awtoritajiet iridu japplikaw punti ta’ penalità lid-detentur tal-liċenzja tas-sajd u lill-kaptan tal-bastiment. Meta jinqabeż soll speċifiku, iddefinit fir-regolament, il-liċenzja tiġi sospiża jew irtirata.

88 Fl-2019, il-Kummissjoni wettqet studju dwar is-sistemi ta’ sanzjonijiet tal-Istati Membri kollha għall-ksur tar-regoli tal-politika komuni tas-sajd41. Dan huwa bbażat fuq data pprovduta mill-awtoritajiet tal-Istati Membri li tkopri l-perjodu mill-2015 sal-2019. L-istudju enfasizza għadd kbir ta’ sejbiet pożittivi.

  • Il-maġġoranza l-kbira (92 %) tal-ksur serju li nqabad wassal għal investigazzjoni jew prosekuzzjoni.
  • Mill-ksur kollu investigat jew imħarrek, 92 % tal-każijiet kienu wasslu għal sanzjonijiet.
  • Iż-żmien meħud għall-infurzar kien normalment qasir, fejn is-sanzjonijiet għal ksur serju bħala medja kienu japplikaw fi żmien 10 xhur minn meta jinqabad il-ksur. L-Istati Membri li jużaw b’mod predominanti proċedimenti kriminali aktar milli dawk amministrattivi rreġistraw żminijiet itwal.

89 L-istudju enfasizza wkoll għadd kbir ta’ lakuni fl-applikazzjoni tas-sanzjonijiet mill-Istati Membri, li jdgħajfu l-effettività tas-sistema ta’ kontroll u l-kundizzjonijiet ekwivalenti. Dawn huma elenkati hawn taħt:

  • differenza sinifikanti fil-perċentwal ta’ ksur ikkwalifikat bħala “serju” minħabba kriterji nazzjonali differenti. Għalhekk, tali ksur jiġi sanzjonat b’mod differenti;
  • varjazzjoni konsiderevoli fil-multi previsti fil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali, b’ammonti massimi li jvarjaw minn EUR 1 624 (ir-Rumanija) sa EUR 600 000 (Spanja) għal sanzjonijiet amministrattivi, u minn EUR 10 224 (il-Bulgarija) sa EUR 16 000 000 (l-Estonja) għal sanzjonijiet kriminali. Fil-prattika, il-multa medja imposta għal ksur simili kienet tvarja minn madwar EUR 200 (Ċipru, il-Litwanja, u l-Estonja) għal aktar minn EUR 7 000 (Spanja). F’xi Stati Membri li l-flotot tas-sajd tagħhom jinkludu bastimenti kbar jew joperaw barra mill-ilmijiet tal-UE (il-Greċja, il-Litwanja, il-Latvja), il-multi massimi huma baxxi ħafna fir-rigward tal-livell ta’ attività, u jqajmu dubji dwar il-proporzjonalità u l-effett ta’ deterrent tagħhom;
  • xi Stati Membri (Ċipru, il-Litwanja, ir-Rumanija) joħorġu b’mod frekwenti twissijiet minflok multa għal ksur mhux serju, filwaqt li oħrajn (id-Danimarka, Spanja) jagħmlu dan anki għal ksur serju;
  • varjazzjoni konsiderevoli fl-użu tas-sanzjonijiet ta’ akkumpanjament (eż. l-konfiska ta’ prodotti tas-sajd/rkaptu illegali, is-sospensjoni tal-liċenzja tas-sajd), li ġew applikati b’mod frekwenti minn xi Stati Membri biss (il-Belġju, id-Danimarka, Franza, l-Italja, in-Netherlands);
  • varjazzjoni sinifikanti fl-applikazzjoni tas-sistema ta’ punti ta’ penalità, b’xi Stati Membri (il-Greċja, ir-Rumanija, il-Kroazja, l-Irlanda) li qatt jew rarament japplikaw punti għal ksur serju (li jmur kontra r-Regolament dwar il-kontroll tas-sajd).

90 Abbażi tal-valutazzjoni li wettaqna tar-riżultati ta’ dan l-istudju u tax-xogħol tal-awditjar proprju tagħna; nikkonkludu li ma hemmx kundizzjonijiet ekwivalenti fl-UE kollha. Aktar serjament, f’xi Stati Membri, is-sanzjonijiet mhumiex proporzjonati mal-benefiċċju ekonomiku miksub mill-ksur, u mhumiex suffiċjenti biex ikollhom effett ta’ deterrent. Dan huwa inġust għall-operaturi li josservaw il-liġi u joħloq riskju ta’ nuqqas ta’ konformità persistenti.

91 Fil-proposta tagħha tal-2018 għar-reviżjoni tas-sistema ta’ kontroll tas-sajd, il-Kummissjoni pproponiet għadd ta’ bidliet fil-leġiżlazzjoni eżistenti biex jiġu standardizzati aħjar is-sanzjonijiet għall-ksur tal-politika komuni tas-sajd fost l-Istati Membri. Dawn jinkludu kriterji aktar speċifiċi għad-determinazzjoni tal-gravità tal-ksur, il-kwalifikazzjoni awtomatika ta’ ċertu ksur bħala serju, u l-istipulazzjoni ta’ sanzjonijiet minimi u massimi standardizzati għal ksur serju.

Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

92 Is-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat inaqqas l-istokkijiet tal-ħut, b’hekk joħloq waħda mill-akbar theddidiet fid-dinja għall-ekosistemi tal-baħar, filwaqt li jdgħajjef l-isforzi biex is-sajd jiġi mmaniġġjat b’mod sostenibbli u jimbotta lil xi wħud lejn ix-xifer ta’ kollass. Jenħtieġ li l-ġlieda kontra s-sajd illegali toffri lill-konsumaturi tal-UE garanzija li l-prodotti li jikkunsmaw mhumiex derivati minn sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat. Madankollu, filwaqt li huwa meħtieġ, l-iżgurar tal-legalità ta’ prodott mhuwiex suffiċjenti biex jiżgura li dan jiġi fornut b’mod sostenibbli.

93 Aħna eżaminajna l-infiq u l-azzjoni tal-UE li għandhom l-għan li jipprevienu l-prodotti tas-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat milli jaslu għand iċ-ċittadini tal-UE. Koprejna s-sistemi ta’ kontroll għall-prevenzjoni tal-importazzjoni ta’ prodotti tas-sajd illegali fl-UE u s-sistemi ta’ kontroll tal-Istati Membri għall-verifikazzjoni tal-flotot u l-ilmijiet nazzjonali.

94 B’mod ġenerali, nikkonkludu li s-sistemi ta’ kontroll fis-seħħ biex jiġi miġġieled is-sajd illegali huma parzjalment effettivi; għalkemm itaffu r-riskju, l-effettività tagħhom titnaqqas minħabba l-applikazzjoni mhux uniformi ta’ kontrolli u sanzjonijiet mill-Istati Membri.

95 Fl-2008, l-UE adottat ir-Regolament dwar is-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, li stabbilixxa l-iskema ta’ ċertifikazzjoni tal-qabda tal-UE. Sibna li l-iskema tejbet it-traċċabbiltà u rrinforzat il-kontroll tal-importazzjonijiet (il-paragrafi 28-29). Meta mqabbla ma’ sistemi simili, l-iskema tal-UE hija l-aktar waħda komprensiva f’termini ta’ ambitu, informazzjoni meħtieġa, u proċessi ta’ validazzjoni u kontroll (il-paragrafi 30-34).

96 Jenħtieġ li l-awtoritajiet tal-Istati Membri jwettqu kontrolli bbażati fuq ir-riskju biex jiżguraw li l-importazzjonijiet kollha jkunu akkumpanjati minn ċertifikati validi tal-qabda, filwaqt li jivverifikaw l-informazzjoni fuq kull ċertifikat. Sibna li differenzi sinifikanti fl-ambitu u fil-kwalità tal-kontrolli u l-verifikazzjonijiet imwettqa mill-Istati Membri dgħajfu l-effettività tas-sistema u wasslu għal riskju li l-operaturi jisfruttaw l-aktar ħolqa dgħajfa (il-paragrafi 35-45).

97 L-iskema ta’ ċertifikazzjoni tal-qabda tal-UE għadha bbażata fuq il-karti. Ma hemm l-ebda bażi ta’ data għall-UE kollha li tirreġistra ċ-ċertifikati tal-qabda kollha li jaslu mingħand l-Istati Membri. Dan inaqqas l-effiċjenza u l-effettività tas-sistema ta’ kontroll u joħloq riskju ta’ frodi. Soluzzjoni diġitali għall-UE kollha żviluppata mill-Kummissjoni saret disponibbli fl-2019, iżda l-Istati Membri mhumiex qed jużawha. Il-proposta tal-Kummissjoni li temenda r-Regolament dwar il-kontroll tas-sajd biħsiebha tagħmel is-sistema CATCH obbligatorja fl-UE (il-paragrafi 46-49).

98 Meta jkun hemm defiċjenzi f’aspetti ewlenin tas-sistema ta’ kontroll tal-Istat tal-bandiera, iċ-ċertifikati tal-qabda vvalidati ma jistgħux jagħtu garanzija li l-prodotti esportati lejn l-UE mhumiex derivati minn sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat. L-identifikazzjoni ta’ “pajjiżi terzi li ma jikkooperawx”, magħrufa komunement bħala “karta ħamra” taħt is-“sistema tal-ħruġ ta’ karti”, hija essenzjali biex tipprevieni l-prodotti illegali milli jidħlu fis-suq. Sibna li s-sistema tal-ħruġ ta’ karti wriet li kienet utli, u skattat riforma fil-biċċa l-kbira mill-pajjiżi terzi kkonċernati. Filwaqt li s-sistema tal-ħruġ ta’ karti spiss tħalli impatt fuq il-pajjiżi li l-kummerċ tal-ħut tagħhom mal-UE huwa minimu, dawn il-pajjiżi spiss jaġixxu bħala “bnadar ta’ konvenjenza” u konsegwentement joħolqu riskju ta’ sajd illegali (il-paragrafi 50-63).

Rakkomandazzjoni 1 – Jiġi mmonitorjat li l-Istati Membri jirrinforzaw is-sistemi ta’ kontroll tagħhom għall-prevenzjoni tal-importazzjoni ta’ prodotti tas-sajd illegali, u tittieħed l-azzjoni meħtieġa

Biex ittejjeb il-kontroll tal-prodotti importati, jenħtieġ li l-Kummissjoni taħdem mal-Istati Membri biex:

  1. timmira lejn id-diġitalizzazzjoni tal-iskema ta’ ċertifikazzjoni tal-qabda u tiżviluppa kontrolli u twissijiet ta’ riskju awtomatizzati biex jappoġġaw l-attivitajiet ta’ kontroll;
  2. taħdem mal-Istati Membri lejn l-użu uniformi tal-kriterji tal-identifikazzjoni tar-riskju u timmonitorja jekk il-kontrolli u l-verifikazzjonijiet imwettqa mill-Istati Membri jiffukawx fuq ir-riskji identifikati;
  3. timmonitorja li l-ambitu u l-kwalità tal-kontrolli applikati mill-Istati Membri jkunu suffiċjenti biex jindirizzaw ir-riskji, u tieħu l-azzjoni meħtieġa biex tirrimedja kwalunkwe nuqqas.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: 2026

99 L-Istati Membri jridu jikkontrollaw l-attivitajiet tas-sajd fl-ilmijiet tagħhom u dawk imwettqa bnadi oħra minn bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tagħhom. Id-data turi li l-kontrolli nazzjonali spiss jaqbdu każijiet ta’ sajd illegali, għalkemm tliet Stati Membri u r-Renju Unit qabdu madwar 75 % tal-ksur kollu rrappurtat. Ir-rappurtar ħażin tal-qabdiet huwa l-aktar ksur komuni mill-flotta tal-UE, segwit mis-sajd f’żoni magħluqa jew mingħajr allokazzjoni tal-kwoti, u l-użu ta’ rkaptu illegali. Hemm biżżejjed evidenza li l-infurzar tal-obbligu ta’ ħatt l-art huwa sfida u li l-qbid skartat illegali fil-baħar jippersisti (il-paragrafi 64-69).

100 Ix-xogħol imwettaq mill-Kummissjoni identifika nuqqasijiet sinifikanti fil-kontroll ta’ xi Stati Membri f’dak li jirrigwarda l-użin, ir-reġistrazzjoni u t-traċċabbiltà tal-qabdiet. Dawn in-nuqqasijiet wasslu għal sajd eċċessiv u sottorappurtar tal-qabdiet, u l-Kummissjoni qed tieħu passi biex tindirizzahom (il-paragrafi 70-74).

101 Il-fond Ewropew għall-affarijiet marittimi u s-sajd ipprovda appoġġ għall-monitoraġġ, il-kontroll u l-infurzar, b’baġit totali ta’ EUR 580 miljun għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020. Għażilna kampjun ta’ 23 proġett iddedikati għall-kontroll u l-infurzar f’erba’ Stati Membri. Sibna li dawn il-proġetti kienu konformi mal-prijoritajiet iddefiniti nazzjonali jew tal-UE u għenu biex is-sistema ta’ kontroll tiġi rrinforzata (il-paragrafi 75-83).

102 Il-qafas tal-UE jirrikjedi li l-Istati Membri jimponu sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi għal kull ksur serju Wieħed mill-prinċipji ewlenin huwa li l-livell ġenerali tas-sanzjonijiet irid iċaħħad “b’mod effettiv lil dawk responsabbli mill-benefiċċji ekonomiċi miksuba mill-ksur serju tagħhom” (il-paragrafi 84-87).

103 Il-maġġoranza l-kbira tal-ksur serju li nqabad wassal għal investigazzjoni jew prosekuzzjoni li rriżultaw f’sanzjonijiet f’waqthom. Madankollu, il-livell tas-sanzjonijiet varja b’mod konsiderevoli fost l-Istati Membri għal ksur simili. Tqabbil tal-applikazzjoni tas-sanzjonijiet fis-sistemi nazzjonali żvela n-nuqqas ta’ kundizzjonijiet ekwivalenti fl-UE kollha. Aktar serjament, f’xi Stati Membri, is-sanzjonijiet mhumiex proporzjonati mal-benefiċċju ekonomiku miksub mill-ksur, u mhumiex dissważivi (il-paragrafi 88-91).

Rakkomandazzjoni 2 – Jiġi żgurat li l-Istati Membri japplikaw sanzjonijiet dissważivi kontra s-sajd illegali

Jenħtieġ li l-Kummissjoni taħdem fuq l-applikazzjoni uniformi u effettiva ta’ sistema ta’ sanzjonar dissważiva għas-sajd illegali fost l-Istati Membri billi:

  1. tivverifika li l-Istati Membri japplikaw sanzjonijiet għal ksur serju;
  2. tivverifika li l-valur tas-sanzjoni applikata mill-Istati Membri ma jkunx inqas mill-benefiċċju ekonomiku miksub mill-ksur u jkun dissważiv biżżejjed biex jipprevieni ksur ripetut;
  3. tivverifika li l-applikazzjoni tas-sistema ta’ punti ta’ penalità fost l-Istati Membri hija armonizzata;

Data mmirata għall-implimentazzjoni: 2024

  1. tieħu l-azzjoni meħtieġa biex tirrimedja kwalunkwe nuqqas.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: 2026

Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla I, immexxija mis-Sa Joëlle Elvinger, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tal-14 ta’ Lulju 2022.

 

Għall-Qorti tal-Awdituri

Klaus-Heiner Lehne
Il-President

Annessi

Anness I – Strumenti internazzjonali għall-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat

Anness II – Valutazzjoni komparattiva tal-iskema ta’ ċertifikazzjoni tal-qabda tal-UE ma’ sistemi simili fl-Istati Uniti tal-Amerka u fil-Ġappun

Kopertura Rekwiżiti ta’ informazzjoni Sistemi ta’ validazzjoni u kontroll
L-iskema tal-UE għandha l-aktar kopertura komprensiva: il-prodotti kollha tas-sajd iridu jkunu traċċabbli u ċċertifikati.

  •  L-iskema tal-UE tkopri l-ħut tal-baħar kollu, kemm dak ipproċessat kif ukoll dak mhux ipproċessat, li jinqabad fis-selvaġġ u li jiġi importat minn pajjiżi terzi fis-suq tal-UE (b’xi eżenzjonijiet għal prodotti ta’ importanza minuri fil-ġlieda kontra s-sajd illegali), kif ukoll minn pajjiżi tal-UE jekk jerġa’ jiġi importat wara li jkun ġie pproċessat barra mill-UE.
  •  Il-programm ta’ monitoraġġ tal-frott tal-baħar (SIMP) tal-Istati Uniti jkopri 13-il tip ta’ frott tal-baħar identifikati bħala li huma l-aktar vulnerabbli għal sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat u għal frodi li tikkonċerna l-frott tal-baħar. Dan jirrappreżenta kważi nofs l-importazzjonijiet kollha tal-frott tal-baħar tal-Istati Uniti42.
  •  Attwalment, il-Ġappun jimmonitorja l-erba’ speċijiet koperti mill-iskemi reġjonali: it-tonn tan-Nofsinhar, it-tonn tal-Atlantiku, il-pixxisinna tal-Antartiku u l-pixxisinna Patagonjan43. Liġi ġdida se tintroduċi skema ta’ dokumentazzjoni tal-qbid għal speċijiet oħra meqjusa bħala importazzjonijiet vulnerabbli tal-frott tal-baħar44. Inizjalment din se tkun applikabbli għal erba’ speċijiet bil-possibbiltà li jiġi estiż il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.
L-iskemi tal-UE u tal-Istati Uniti għandhom rekwiżiti wiesgħa ta’ informazzjoni li jippermettu traċċabbiltà dettaljata.

  •  L-iskemi kollha jirrikjedu l-ġbir ta’ informazzjoni bażika dwar il-prodott: il-bastiment, il-bandiera, l-ispeċijiet u l-kwantitajiet maqbuda.
  •  L-iskemi tal-UE u tal-Istati Uniti biss jirrikjedu informazzjoni dwar il-piż ipproċessat.
  •  L-iskema tas-CCAMLR hija l-unika skema li ma tirrikjedix informazzjoni dwar iż-żona preċiża tal-qbid (li taċċetta “ibħra internazzjonali” jew żona ekonomika esklużiva tal-Istat kostali), l-irkaptu u l-metodu tas-sajd.
  •  L-iskemi tal-ICCAT u tas-CCSBT ma jirrikjedux informazzjoni dwar il-liċenzja tas-sajd, l-awtorizzazzjoni għas-sajd, in-numru għall-identifikazzjoni tal-bastiment jew il-port tal-ħatt l-art.
  •  L-iskema tal-UE hija prinċipalment ibbażata fuq il-karti. L-iskema tal-Istati Uniti tirrikjedi li l-importaturi jirrappurtaw data ewlenija f’sistema nazzjonali, filwaqt li jżommu reġistri stampati jew elettroniċi. Filwaqt li l-ICCAT u s-CCAMLR jużaw sistemi diġitali45, is-CCSBT għadha mhix kompletament diġitalizzata46.
L-iskema tal-UE għandha l-aktar sistema komprensiva ta’ validazzjoni u kontroll (ċertifikazzjoni mill-Istat tal-bandiera u kontrolli mill-awtoritajiet nazzjonali fid-destinazzjoni tal-UE).

  •  Fl-Istati Uniti tal-Amerka, l-importaturi huma responsabbli mill-iżgurar tal-legalità tal-prodotti. Ma hemm l-ebda rwol għall-Istat tal-bandiera f’dak li jirrigwarda l-validazzjoni tal-informazzjoni pprovduta mill-operaturi. L-awtoritajiet ta’ kontroll tas-sajd iwettqu kemm awditi aleatorji kif ukoll awditi mmirati tal-prodotti tal-frott tal-baħar koperti mill-programm47.
  •  Fl-UE, kull kunsinna trid tkun akkumpanjata minn ċertifikat ivvalidat mill-Istat tal-bandiera. Barra minn hekk, l-awtoritajiet tal-Istati Membri jridu jiżguraw li l-importazzjonijiet tal-prodotti tas-sajd ikunu akkumpanjati minn ċertifikat validu tal-qabda, u jwettqu kontrolli u verifikazzjonijiet ibbażati fuq ir-riskju.
  •  Kull Organizzazzjoni Reġjonali tal-Ġestjoni għandha r-regoli ta’ kontroll u ta’ validazzjoni proprji tagħha. Kemm is-CCAMLR48 kif ukoll l-ICCAT49 jirrikjedu li l-Istati tal-bandiera jiċċertifikaw il-qabdiet. Il-membri jridu jiżguraw li l-awtoritajiet tagħhom jeżaminaw id-dokumentazzjoni ta’ kull vjeġġ. Il-membri tas-CCSBT50 iridu jwettqu awditi, inklużi spezzjonijiet tal-bastimenti, il-ħatt l-art u, fejn possibbli, is-swieq biex jivvalidaw l-informazzjoni fid-dokumentazzjoni.

Abbrevjazzjonijiet

CCAMLR: Il-Kummissjoni għall-Konservazzjoni tar-Riżorsi Ħajjin tal-Baħar Antartiku

CCSBT: Il-Kummissjoni għall-Konservazzjoni tat-Tonna tan-Nofsinhar

EFCA: L-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd

FAO: L-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura

FEMS: Fond Ewropew għall-affarijiet marittimi u s-sajd

ICCAT: Il-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku

IUU: Illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat

Glossarju

Fond Ewropew għall-affarijiet marittimi u s-sajd: Fond tal-UE li jipprovdi appoġġ lis-sajjieda fit-tranżizzjoni tagħhom għal sajd sostenibbli, u lill-komunitajiet kostali fid-diversifikazzjoni tal-ekonomiji tagħhom.

Obbligu ta’ ħatt l-art: Rekwiżit għall-bastimenti tas-sajd biex iniżżlu l-art il-qabdiet kollha ta’ ċerti speċijiet, u biex jirrappurtawhom u jnaqqsuhom minn kwalunkwe kwota applikabbli.

Organizzazzjoni reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd: Organizzazzjoni intergovernattiva li għandha l-awtorità li tistabbilixxi miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni tas-sajd f’ilmijiet internazzjonali.

Pjan ta’ eżerċizzju konġunt: Arranġamenti ta’ kontroll u spezzjoni għal żoni tas-sajd prijoritarji bl-użu ta’ riżorsi miġbura flimkien mill-Istati Membri.

Politika komuni tas-sajd: Il-qafas tal-UE għall-ġestjoni tal-ħut u tas-sajd, maħsub biex jiżgura s-sostenibbiltà tal-istokkijiet tal-ħut u introjtu stabbli għall-komunità tas-sajjieda.

Sistema tal-ħruġ ta’ karti: Il-metodu li jintuża mill-UE biex tidentifika lill-pajjiżi mhux tal-UE li l-miżuri tagħhom biex jiġi skoraġġut is-sajd illegali mhumiex adegwati, u tippenalizzahom bi twissija formali (“karta safra”) jew bi projbizzjoni fuq l-importazzjonijiet (“karta ħamra”).

Skema ta’ ċertifikazzjoni tal-qabda: Rekwiżit li l-esportazzjonijiet kollha tas-sajd lejn l-UE jrid ikollhom ċertifikati, ivvalidati mill-Istat tal-bandiera tal-bastiment tas-sajd, biex jagħtu prova li dawn ġejjin minn qabdiet legali.

Stat tal-bandiera: Pajjiż li fih jiġi rreġistrat bastiment li jbaħħar.

Żona ekonomika esklużiva: Erja tal-baħar, immedjatament lil hinn mill-ilmijiet territorjali ta’ pajjiż kostali, li fiha dak il-pajjiż għandu ċerti drittijiet u dmirijiet taħt il-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Liġi tal-Baħar.

Tim tal-awditjar

Ir-rapporti speċjali tal-QEA jippreżentaw ir-riżultati tal-awditi li twettaq ta’ politiki u programmi tal-UE, jew ta’ suġġetti relatati mal-ġestjoni minn oqsma speċifiċi tal-baġit. Il-QEA tagħżel u tfassal dawn il-kompiti tal-awditjar bil-għan li dawn iħallu impatt massimu, billi tqis ir-riskji għall-prestazzjoni jew għall-konformità, il-livell ta’ introjtu jew ta’ nfiq involut, l-iżviluppi li jkunu għad iridu jseħħu u l-interess politiku u pubbliku.

Dan l-awditu tal-prestazzjoni twettaq mill-Awla I tal-Awditjar - Użu sostenibbli tar-riżorsi naturali, li hija mmexxija minn Joëlle Elvinger, Membru tal-QEA. L-awditu tmexxa minn Eva Lindström, Membru tal-QEA, li ngħatat appoġġ minn Katharina Bryan, Kap tal-Kabinett, u Johan Stalhammar, Attaché tal-Kabinett; Paul Stafford, Maniġer Prinċipali; Frédéric Soblet, Kap tal-Kompitu; Paulo Faria, Deputat Kap tal-Kompitu u Kartarzyna Radecka-Moroz, Radostina Simeonova u Anna Zalega, Awdituri. Marika Meisenzahl ipprovdiet appoġġ grafiku.

Mix-xellug għal-lemin: Johan Stalhammar, Frédéric Soblet, Eva Lindström, Katharina Bryan u Paul Stafford.

Noti finali

1 Rapport fil-qosor tad-data pprovduta mill-Istati Membri.

2 Fisheries and aquaculture production.

3 Statistika dwar is-sajd ipprovduta mill-Eurostat.

4 The State of the World Fisheries and Aquaculture 2020.

5 Għad-definizzjoni sħiħa, ara International Plan of Action to Prevent, Deter and Eliminate Illegal, Unreported and Unregulated Fishing u FAO Port State Measures Agreement.

6 The State of World Fisheries and Aquaculture 2020.

7 FAO website on illegal, unreported and unregulated fishing.

8 Is-Summit “One Ocean”: passi ġodda li jsaħħu t-tmexxija tal-UE fil-protezzjoni tal-Oċean.

9 Estimating the Worldwide Extent of Illegal Fishing, David J. et al, 2009.

10 L-Organizzazzjoni Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd.

11 United Nations Sustainable Development Goals.

12 Komunikazzjoni Konġunta:“Il-governanza internazzjonali tal-oċeani: aġenda għall-futur tal-oċeani tagħna”.

13 Europe Sustainable Development Report 2021.

14 Status of marine fish and shellfish stocks in European seas.

15 Rapport tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tar-Regolament (KE) 1224/2009.

16 Proposta għal regolament ġdid dwar il-kontroll (COM/2018/368 final).

17 Rapport Speċjali 26/2020, “Ambjent tal-baħar: il-protezzjoni tal-UE hija wiesgħa iżda mhux approfondita”, ara wkoll ir-Rapport dwar il-prestazzjoni tal-baġit tal-UE – Status fi tmiem l-2020.

18 National Fisheries Marine Service, Current fisheries statistics No 2019, Japan FY2019 Trends in Fisheries FY2020 Fisheries Policy.

19 Magnuson-Stevens Fishery Conservation and Management Act; Seafood Import Monitoring Program.

20 SIMP: Report to Congress Efforts to Prevent Seafood Harvested through IUU fishing.

21 CCSBT, ICCAT u CCAMLR.

22 Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1010/2009.

23 The impact of the EU IUU regulation on seafood trade flows.

24 Client Earth, Digitising the control of fishery product imports.

25 Client Earth, Digitising the control of fishery product imports.

26 Off the hook - How flags of convenience let illegal fishing go unpunished.

27 Regolament dwar il-kontroll.

28 Fishing outside the EU.

29 EFCA Annual Report for the year 2020.

30 Rapport fil-qosor tad-data pprovduta mill-Istati Membri.

31 Il-Bulgarija, Ċipru, il-Ġermanja, id-Danimarka, l-Estonja, Spanja, il-Kroazja, l-Irlanda, l-Italja, il-Latvja, Malta, in-Netherlands, il-Portugall.

32 Pereżempju,Landing obligation: First study of implementation and impact on discards, Report on control regulation.

33 Rapport dwar l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009.

34 Rapport dwar l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009.

35 Rapport dwar l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009.

36 Il-Belġju, il-Bulgarija, Ċipru, il-Ġermanja, l-Estonja, il-Greċja, il-Finlandja, il-Kroazja, l-Italja, il-Litwanja, Malta, in-Netherlands, ir-Rumanija, l-Iżvezja (darbtejn), is-Slovenja.

37 Rapport 2020 dwar l-implimentazzjoni tal-FEMS.

38 Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/464/UE.

39 Regolament dwar is-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat.

40 Regolament dwar il-kontroll.

41 Study on the sanctioning systems of Member States for infringements to the rules of the common fisheries policy.

42 SIMP Report to Congress Efforts to Prevent Seafood Harvested through IUU fishing.

43 A comparative study of key data elements in import control schemes aimed at tackling IUU fishing in the top three seafood markets.

44 Japan to Require Catch Documents for Imports of Vulnerable Marine Species.

45 Recommendation by ICCAT on an electronic Bluefin Tuna Catch Documentation Programme (eBCD).

46 Resolution on the implementation of a CCSBT Catch Documentation Scheme.

47 Compliance Guide for the Seafood Import Monitoring Program.

48 Conservation Measure 10-05 (2018), Catch Documentation Scheme for Dissostichus spp.

49 Recommendation 18-13 by ICCAT on an ICCAT Bluefin Tuna Catch Documentation program.

50 Resolution on the Implementation of a CCSBT Catch Documentation Scheme.

Kuntatt

IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI
12, rue Alcide De Gasperi
1615 Luxembourg
LUXEMBOURG

Tel. +352 4398-1
Mistoqsijiet: eca.europa.eu/mt/Pages/ContactForm.aspx
Sit web: eca.europa.eu
Twitter: @EUAuditors

Ħafna informazzjoni addizzjonali dwar l-Unjoni Ewropea hija disponibbli fuq l-Internet.
Jista’ jsir aċċess għaliha permezz tas-server Europa (https://europa.eu).

Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2022

PDF ISBN 978-92-847-8649-7 ISSN 1977-5741 doi:10.2865/842969 QJ-AB-22-018-MT-N
HTML ISBN 978-92-847-8643-5 ISSN 1977-5741 doi:10.2865/453141 QJ-AB-22-018-MT-Q

DRITT TAL-AWTUR

© L-Unjoni Ewropea, 2022

Il-politika tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) dwar l-użu mill-ġdid hija stabbilita fid-Deċiżjoni Nru 6-2019 tal-QEA dwar il-politika tad-data miftuħa u l-użu mill-ġdid ta’ dokumenti.

Sakemm ma jkunx indikat mod ieħor (eż. f’avviżi individwali dwar id-drittijiet tal-awtur), il-kontenut tal-QEA, li huwa proprjetà tal-UE, huwa liċenzjat taħt il-liċenzja Creative Commons Attribution 4.0 International (CC BY 4.0). Għalhekk, bħala regola ġenerali, l-użu mill-ġdid huwa awtorizzat dment li jingħata kreditu xieraq u li kwalunkwe bidla tiġi indikata. Il-persuni li jużaw mill-ġdid dan il-kontenut ma jistgħux ibiddlu s-sinifikat jew il-messaġġ oriġinali tad-dokumenti. Il-QEA ma għandhiex tkun responsabbli għal kwalunkwe konsegwenza relatata mal-użu mill-ġdid.

Irid jinkiseb permess addizzjonali jekk kontenut speċifiku juri individwi privati identifikabbli, eż. f’ritratti li jkun fihom il-membri tal-persunal tal-QEA, jew jekk ikun jinkludi xogħlijiet ta’ parti terza.

Fejn ikun inkiseb tali permess, dan għandu jikkanċella u jissostitwixxi l-permess ġenerali msemmi hawn fuq u għandu jindika b’mod ċar kwalunkwe restrizzjoni dwar l-użu.

Biex tuża jew tirriproduċi kontenut li ma jkunx proprjetà tal-UE, jista’ jkun meħtieġ li titlob il-permess direttament mingħand id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur:

Figuri 3, 4, 5, 6, 8 u 12 – Ikoni: Dawn il-figuri tfasslu bl-użu ta’ riżorsi minn Flaticon.com. © Freepik Company S.L. Id-drittijiet kollha huma riżervati.

Stampa 1: © L-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd, 2005-2021.

Software jew dokumenti li jkunu koperti mid-drittijiet ta’ proprjetà industrijali, bħal privattivi, trademarks, disinji rreġistrati, logos u ismijiet, huma esklużi mill-politika tal-QEA dwar l-użu mill-ġdid.

Il-familja ta’ siti web istituzzjonali tal-Unjoni Ewropea, fi ħdan id-dominju europa.eu, tipprovdi links għal siti ta’ partijiet terzi. Peress li l-QEA ma għandha l-ebda kontroll fuqhom, dawn, inti mħeġġeġ biex tirrieżamina l-politiki tagħhom dwar il-privatezza u dwar id-drittijiet tal-awtur.

Użu tal-logo tal-QEA

Ma jistax isir użu mil-logo tal-QEA mingħajr ma jinkiseb il-kunsens tagħha minn qabel.

KIF TIKKUNTATTJA LILL-UE

Personalment
Madwar l-Unjoni Ewropea kollha hemm mijiet ta’ ċentri tal-Europe Direct. Tista’ ssib l-­indirizz tal-eqreb ċentru għalik online (european-union.europa.eu/contact-eu/meet-us_mt).

Bit-telefown jew bil-miktub
Europe Direct huwa servizz li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar l-Unjoni Ewropea. Tista’ tikkuntattja lil dan is-servizz:

  • bit-telefown bla ħlas: 00 800 6 7 8 9 10 11 (ċerti operaturi jafu jimponu ħlas għal dawn it-telefonati),
  • fuq dan in-numru standard: +32 22999696,
  • permezz ta’ din il-formola:european-union.europa.eu/contact-eu/write-us_mt.

KIF ISSIB TAGĦRIF DWAR L-UE

Online
L-informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE hija disponibbli fuq is-sit web Europa (european-union.europa.eu).

Pubblikazzjonijiet tal-UE
Tista’ tara jew tordna l-pubblikazzjonijiet tal-UE minn op.europa.eu/mt/publications. Kopji multipli ta’ pubblikazzjonijiet bla ħlas tista’ tiksibhom billi tikkuntattja lil Europe Direct jew liċ-ċentru tad-dokumentazzjoni lokali tiegħek (european-union.europa.eu/contact-eu/meet-us_mt).

Il-liġi tal-UE u dokumenti relatati
Għal aċċess għall-informazzjoni legali tal-UE, inkluż il-liġijiet kollha tal-UE mill-1951 ’l hawn, fil-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali kollha, żur is-sit EUR-Lex (eur-lex.europa.eu).

Data miftuħa tal-UE
Il-portal data.europa.eu jagħti aċċess għal settijiet tad-data miftuħa mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-UE. Dawn jistgħu jitniżżlu u jerġgħu jintużaw mingħajr ħlas, għal skopijiet kummerċjali u mhux kummerċjali. Il-portal jagħti aċċess ukoll għal għadd kbir ta’ settijiet tad-data mill-pajjiżi Ewropej.