Rapport Speċjali
21 2021

Il-finanzjament tal-UE għall-bijodiversità u t-tibdil fil-klima fil-foresti tal-UE: riżultati pożittivi iżda limitati

Dwar ir-rapport: Il-foresti tal-UE huma multifunzjonali, billi jaqdu skopijiet ambjentali, ekonomiċi u soċjali. Għalkemm il-kopertura tal-foresti kibret fl-aħħar 30 sena, il-kundizzjoni tal-foresti qed tiddeterjora. Il-prattiki ta' ġestjoni sostenibbli huma essenzjali biex tinżamm il-bijodiversità u jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima fil-foresti. Sibna li, fl-oqsma fejn l-UE hija kompletament kompetenti biex taġixxi, il-Kummissjoni setgħet ħadet azzjoni aktar b'saħħitha biex tikkontribwixxi għall-protezzjoni tal-foresti tal-UE. Aħna nagħmlu rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni biex ittejjeb dan il-kontribut, issaħħaħ il-ġlieda kontra l-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam u ttejjeb il-fokus tal-miżuri tal-forestrija għall-iżvilupp rurali fuq il-bijodiversità u t-tibdil fil-klima.

Rapport speċjali tal-QEA skont l-Artikolu 287(4), it-tieni subparagrafu, TFUE.

Din il-pubblikazzjoni hija disponibbli bi 23 lingwa fil-format li ġejt:
PDF
PDF General Report

Sommarju eżekuttiv

I

Il-foresti tal-UE huma multifunzjonali, billi jaqdu skopijiet ambjentali, ekonomiċi u soċjali. Il-prattiki ta' ġestjoni sostenibbli huma essenzjali biex tinżamm il-bijodiversità u jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima fil-foresti.

II

Il-foresti jkopru żona simili għall-agrikoltura, u din iż-żona kienet qed tikber fl-aħħar 30 sena. Il-finanzjament għal żoni forestali mill-baġit tal-UE huwa ferm inqas minn dak għall-agrikoltura – li jirrappreżenta inqas minn 1 % tal-Baġit tal-PAK – u huwa ffukat fuq l-appoġġ għal miżuri ta' konservazzjoni u l-appoġġ għat-tħawwil u r-restawr tal-boskijiet. 90 % tal-finanzjament tal-UE għall-forestrija jitwassal permezz tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR). L-UE għandha obbligi internazzjonali f'dan il-qasam, inklużi l-ġlieda kontra l-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam u l-protezzjoni tal-bijodiversità. B'dan ir-rapport, aħna għandna l-għan li niffaċilitaw id-diskussjonijiet ta' politika li jħallu impatt fuq il-foresti tal-UE.

III

Dan l-awditu ffoka fuq l-isforzi tal-UE biex tipproteġi l-bijodiversità u tindirizza t-tibdil fil-klima fil-foresti tal-UE. B'mod ġenerali, aħna nikkonkludu li fl-oqsma fejn l-UE hija kompletament kompetenti biex taġixxi, l-UE kellha impatt pożittiv iżda limitat fuq il-protezzjoni tal-bijodiversità u l-indirizzar tat-tibdil fil-klima fil-foresti tal-UE.

IV

Is-sejbiet prinċipali tagħna huma dawn li ġejjin.

  1. L-UE approvat id-Direttivi dwar il-Ħabitats u l-Għasafar u l-Kummissjoni adottat bosta strateġiji biex tindirizza l-istatus fqir tal-bijodiversità u tal-konservazzjoni tal-foresti tal-UE. Aħna sibna li l-kwalità tal-miżuri ta' konservazzjoni għal dawn il-ħabitats tal-foresti koperti mid-Direttivi għadha problematika.
  2. Ir-Regolament dwar l-Injam għandu l-għan li jwaqqaf il-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam fl-UE. Aħna sibna li l-Kummissjoni ma vvalutatx il-kwalità tal-kontrolli tal-Istati Membri. Filwaqt li t-telerilevament joffri potenzjal kbir għal monitoraġġ kosteffettiv fuq żoni kbar, il-Kummissjoni ma tużahx b'mod konsistenti.
  3. L-UE qed tindirizza dejjem aktar il-foresti fil-politiki tagħha dwar it-tibdil fil-klima. It-tħassib dwar it-tibdil fil-klima fil-foresti jidher kemm fid-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli kif ukoll fir-Regolament dwar il-LULUCF. Madankollu, kwistjonijiet bħall-adattament tal-foresti għat-tibdil fil-klima u l-iffissar ta' konfini ekoloġiċi fuq l-użu tal-foresti għall-enerġija huma inqas żviluppati sewwa. L-isforzi biex jitjieb il-fokus tal-istrateġiji tal-adattament għat-tibdil fil-klima tal-boskijiet ġew imxekkla minn nuqqas ta' għarfien u informazzjoni.
  4. L-UE twassal l-appoġġ finanzjarju għall-azzjonijiet tat-tibdil fil-klima u l-bijodiversità relatati mal-forestrija prinċipalment permezz tal-FAEŻR. B'mod ġenerali, aħna sibna li r-regoli u l-proċeduri tal-FAEŻR ma jagħtux garanzija ta’ bijodiversità u reżiljenza akbar għat-tibdil fil-klima. Il-proposti leġiżlattivi għall-PAK wara l-2020 jagħtu lill-Istati Membri aktar flessibbiltà fit-tfassil ta' skemi ta' appoġġ għall-forestrija u ma jindirizzawx dawn id-dgħufijiet. Is-sistema komuni ta' monitoraġġ tal-UE ma tkejjilx l-effetti tal-miżuri tal-forestrija fuq il-bijodiversità u t-tibdil fil-klima.
V

Abbażi ta' dawn is-sejbiet, aħna nagħmlu rakkomandazzjonijiet biex:

  • titjieb il-kontribuzzjoni tal-UE għall-bijodiversità u l-indirizzar aħjar tat-tibdil fil-klima fil-foresti tal-UE;
  • tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam; u
  • jitjieb il-fokus tal-miżuri tal-forestrija għall-iżvilupp rurali fuq il-bijodiversità u t-tibdil fil-klima.

Introduzzjoni

Għaliex il-foresti tal-UE huma importanti

01

L-UE għandha kważi 180 miljun ettaru ta' foresta u art imsaġġra oħra, li jkopru 45 % tal-erja totali tal-art tagħha. Skont l-Eurostat, bejn l-1990 u l-2020, l-erja ta' foresti tal-UE żdiedet b'10.2 miljun ettaru1. Il-foresti tal-UE huma multifunzjonali, billi jaqdu skopijiet ambjentali, ekonomiċi u soċjali (ara l-Figura 1). L-entitajiet privati għandhom is-sjieda ta’ 60 % tal-foresti tal-UE, u fl-2017, l-output gross tal-produzzjoni tal-foresterija inklużi l-attivitajiet ta' qtugħ tas-siġar għall-injam ammonta għal aktar minn EUR 55 biljun.

Figura 1

Il-foresti tal-UE huma multifunzjonali

Sors: il-QEA.

02

Ħafna speċijiet jgħixu fil-foresti, li jospitaw kważi 90 % tal-bijodiversità terrestri tad-dinja. Il-bijodiversità hija aktar rikka f'foresti antiki, li għandhom volum aktar sinifikanti ta' injam mejjet u kumplessità strutturali akbar. Ġeneralment, hija tkun ukoll aktar rikka f'foresti li ftit li xejn esperjenzaw intervent uman. Ftit foresti Ewropej għadhom fi stat primarju, u l-attivitajiet tal-bniedem jaffettwaw aktar minn 95 % tal-foresti tal-UE. Il-foresti huma kklassifikati skont il-grad ta' intervent uman tagħhom: foresti mhux mimsusa (2.4 %), foresti semi-naturali (93.2 %), u pjantaġġuni (4.4 %)2.

03

Il-foresti b'saħħithom jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, minħabba li jaqbdu d-diossidu tal-karbonju mill-atmosfera. L-Ewropa qed tiffaċċja riskji dejjem akbar ta' disturbi fil-foresti kkawżati mill-effetti tat-tibdil fil-klima, bħal nirien fil-foresti, nixfiet, maltempati, żieda fil-livell tal-baħar, jew it-tfaċċar u t-tixrid ta' pesti u mardiet (ġodda). Dan qed ipoġġi l-kapaċità tal-foresti biex jiffunzjonaw bħala bir ta' karbonju taħt pressjoni. Foresti reżiljenti huma dawk li mistennija jifilħu għal dawn l-effetti u, b'hekk, li jippreservaw il-prestazzjoni tal-foresti fir-rigward tas-sekwestru tal-karbonju. Il-prattiki u l-ippjanar tal-ġestjoni tal-foresti qed isiru dejjem aktar importanti bħala mezz biex il-foresti jkunu reżiljenti.

Ix-xejriet prinċipali fil-foresti

04

Ir-rapport tal-2020 dwar l-Istat tal-Foresti tal-Ewropa3 kkonkluda li bħala medja, il-kundizzjoni tal-foresti Ewropej qed tiddeterjora. Rapporti u data oħrajn mill-Istati Membri jikkonfermaw li l-istatus ta' konservazzjoni tal-foresti qed jonqos. Ir-rapport tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent bl-isem State of nature in the EU għall-perjodu 2013-20184 jiddiskuti l-istatus ta' konservazzjoni tal-ħabitats u l-ispeċijiet tal-foresti protetti taħt id-Direttivi dwar l-Għasafar u l-Ħabitats. Għall-foresti kollha, l-aktar status komuni huwa “fqir” (54 %) jew “ħażin” (31 %) u l-inqas komuni huwa “tajjeb” (14 %) (Il‑Figura 2 tipprovdi t-tqassim skont ir-reġjun tal-foresta).

Figura 2

L-istatus ta' konservazzjoni tal-foresti skont ir-reġjun mill-2018

© EEA, 2020, Rapport tal-EEA Nru 10/2020, ibbażat fuq ir-rapporti tal-Istati Membri skont l-Artikolu 17 tad-Direttiva dwar il-Ħabitats u l-perċentwal ta' valutazzjonijiet tal-UE.

05

Is-sitwazzjoni hija aktar pożittiva f'xi elementi tal-livelli ta' bijodiversità fil-foresti: l-indiċi komuni tal-għasafar tal-foresti naqas bi 3 % fl-UE mill-1990 sal-2011, iżda minn dak iż-żmien irkupra (ara il-Figura 3).

Figura 3

L-indiċi tal-għasafar juri riżultati aħjar fil-foresti milli fir-raba'

© EEA, 2020, Rapport tal-EEA Nru 10/2020.

06

Fir-rigward tax-xejriet fl-ispeċijiet tal-foresti minbarra l-għasafar, 6 % biss qegħdin jitjiebu, filwaqt li 27 % qegħdin jiddeterjoraw (ara l-Figura 4).

Figura 4

Xejriet simili għall-foresti u speċijiet mhux tal-foresti minbarra l-għasafar

© EEA, 2020, Rapport tal-EEA Nru 10/2020.

Azzjoni globali u tal-UE għall-foresti

07

L-impenji internazzjonali tal-UE f’dan il-qasam huma l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Diversità Bijoloġika u l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli bl-Għan ta' Żvilupp Sostenibbli 15 tagħha (ara l-Kaxxa 1).

Kaxxa 1

Miri stabbiliti f’impenji internazzjonali li jikkonċernaw il-bijodiversità fil-foresti

Mira 5 Mira 7
Sal-2020, ir-rata ta' telf tal-ħabitats naturali kollha, inklużi l-foresti, għandha titnaqqas mill-inqas bin-nofs u, fejn fattibbli, tinġieb fix-xejn, filwaqt li d-degradazzjoni u l-frammentazzjoni jitnaqqsu b'mod sinifikanti. Sal-2020, iż-żoni agrikoli, tal-akkwakultura u tal-forestrija għandhom jiġu ġestiti b'mod sostenibbli, filwaqt li tiġi żgurata l-konservazzjoni tal-bijodiversità.

Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli 15

Il-protezzjoni, ir-restawr u l-promozzjoni tal-użu sostenibbli tal-ekosistemi terrestri, il-ġestjoni b'mod sostenibbli tal-foresti, il-ġlieda kontra d-deżertifikazzjoni, u t-twaqqif u t-treġġigħ lura tad-degradazzjoni tal-art u t-twaqqif tat-telfien tal-bijodiversità.

08

Konvenzjonijiet internazzjonali oħrajn li huma rilevanti għall-foresti jiffokaw fuq id-diversità bijoloġika, it-tibdil fil-klima u d-deżertifikazzjoni. Dawn jinkludu l-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) u l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Ġlieda kontra d-Deżertifikazzjoni. Fl-Ewropa, il-Konferenza Ministerjali dwar il-Protezzjoni tal-Foresti, magħrufa wkoll bħala Forest Europe, hija proċess politiku volontarju ta' livell għoli li għandu l-għan li jsaħħaħ id-djalogu intergovernattiv u l-kooperazzjoni fuq il-politiki dwar il-foresti madwar il-kontinent. Hija tiżviluppa strateġiji komuni għas-47 firmatarju tagħha (46 pajjiż u l-UE) biex jipproteġu u jiġġestixxu b'mod sostenibbli l-foresti tagħhom.

09

L-Artikolu 3 tat-Trattat tal-UE jiddikjara li l-UE għandha taħdem għall-iżvilupp sostenibbli tal-Ewropa abbażi ta', fost l-oħrajn, livell għoli ta' ħarsien tal-ambjent u titjib fil-kwalità ambjentali. Bosta politiki tal-UE għandhom impatt fuq il-foresti. Il-ġestjoni, il-konservazzjoni, l-adattament għat-tibdil fil-klima u l-użu sostenibbli tal-foresti huma wieħed mill-objettivi ewlenin tal-iżvilupp rurali taħt il-politika agrikola komuni, kif ukoll il-politiki dwar l-ambjent, it-tibdil fil-klima, il-kummerċ u s-suq intern, ir-riċerka, l-industrija u l-enerġija (ara l-Figura 5).

Figura 5

Liema politiki għandhom impatt fuq il-foresti tal-UE?

Sors: il-QEA, ibbażat fuq European forest ecosystems – State and trends (EEA, 2015).

10

Kull wieħed minn dawn l-oqsma ta' politika għandu sett differenti ta' għodod: leġiżlazzjoni, dokumenti ta' politika mhux vinkolanti (pereżempju, strateġiji u linji gwida) u sussidji mill-baġit tal-UE. Il-finanzjament mill-UE f'dan il-qasam ġeneralment jiġi ġestit b'mod konġunt mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri (pereżempju, l-iżvilupp rurali). Il-Figura 6 tiġbor fil-qosor il-karatteristiċi prinċipali tal-istrateġiji u l-iskemi tal-UE relatati mal-foresti, inklużi r-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-atturi prinċipali.

Figura 6

Strumenti prinċipali tal-UE li jindirizzaw il-bijodiversità u t-tibdil fil-klima fil-foresti

* L-obbligi tal-FAEŻR japplikaw biss għar-riċevituri tal-fondi tal-FAEŻR.

Sors: il-QEA.

11

Fl-2013, il-Kummissjoni ppubblikat l-istrateġija tal-UE tagħha 2014-2020 għall-foresti u s-settur ibbażat fuq il-foresti5 bħala qafas għat-tfassil kollu tal-politika relatata mal-foresti fl-UE, inklużi l-iżvilupp rurali, l-ambjent u l-politika dwar it-tibdil fil-klima. I‑Kaxxa 2 turi l-objettivi tal-istrateġija għall-2020. Il-Kummissjoni qed tippjana li tippubblika strateġija ġdida fl-2021.

Kaxxa 2

Objettivi tal-istrateġija għall-foresti sal-2020

Li jiġi żgurat u muri li l-foresti kollha fl-UE huma ġestiti skont il-prinċipji ta' ġestjoni sostenibbli tal-foresti u li l-kontribuzzjoni tal-UE għall-promozzjoni ta' ġestjoni sostenibbli tal-foresti u għat-tnaqqis ta’ deforestazzjoni fuq livell globali hija msaħħa, u b'hekk:

  • tikkontribwixxi għal bilanċ ta' funzjonijiet diversi tal-foresti, l-ilħuq tad-domandi u l-provvediment ta' servizzi vitali tal-ekosistemi;
  • tipprovdi bażi biex il-forestrija u l-katina tal-valur bbażata fuq il-foresti kollha kemm hi jkunu kontributuri kompetittivi u vijabbli għall-ekonomija b'bażi bijoloġika.
12

L-UE ma ffissatx objettivi jew miri speċifiċi għall-bijodiversità tal-foresti jew għall-istatus tas-saħħa tal-foresti. Madankollu, l-objettivi ġenerali li ġejjin jikkonċernaw ukoll il-foresti:

  • Id-direttivi dwar il-Ħabitats6 u l-Għasafar7 għandhom l-għan li jżommu jew jirripristinaw, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, il-ħabitats naturali u l-ispeċi tal-fawna u l-flora selvaġġa li huma ta’ interess għall-Komunità. 8, u li jipproteġu l-ispeċijiet kollha ta' għasafar selvaġġi li jinsabu fin-natura fl-UE. Madwar 50 % taż-żoni ta' Natura 2000 huma foresti.
  • L-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità sal-20209, f'konformità mal-obbligi tal-UE skont il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Diversità Bijoloġika (ara l-paragrafu 07), għandha l-għan li twaqqaf it-telfien tal-bijodiversità u d-degradazzjoni tas-servizz tal-ekosistema fl-UE sal-2020 u li tirriġenerahom, kull fejn ikun fattibbli, filwaqt li żżid il-kontribuzzjoni tal-UE biex jiġi evitat telf globali tal-biodiversità.
  • L-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità sal-203010 tiddikjara li “il-Kummissjoni se titlob u tappoġġa lill-Istati Membri biex iżidu l-livell tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti bi skadenzi ċari. B'mod partikolari, din se titlob lill-Istati Membri biex jiżguraw li ma jkun hemm l-ebda deterjorament fix-xejriet u fl-istatus ta' konservazzjoni tal-ħabitats u tal-ispeċijiet protetti kollha sal-2030. Barra minn hekk, l-Istati Membri jridu jiżguraw li mill-inqas 30 % tal-ispeċijiet u tal-ħabitats li bħalissa ma għandhomx status favorevoli jkunu f'dik il-kategorija jew ikunu juru xejra pożittiva ċara.” L-Istrateġija għandha wkoll l-għan li tiddefinixxi, timmappja, timmonitorja u tipproteġi b’mod strett il-foresti primarji u antiki kollha tal-UE li fadal.
13

Waħda mill-miri ewlenin tal-istrateġija għall-bijodiversità kienet li jiġu restawrati mill-inqas 15 % tal-ekosistemi degradati fl-UE sal-2020. Fl-2015, il-Kummissjoni vvalutat11 li l-progress ma kienx suffiċjenti, u li x-xejra fid-degradazzjoni tal-ekosistemi u s-servizzi kienet għadha ma twaqqfitx. Fl-2020, il-Kummissjoni ppubblikat ukoll rapport12 dwar l-istat tas-servizzi tal-ekosistema, inkluża informazzjoni speċifika dwar l-ekosistemi tal-foresti. Skont ir-rapport, mill-2010 'l quddiem kien hemm titjib fl-indikaturi tal-kundizzjonijiet strutturali (bijomassa, injam mejjet), iżda xi indikaturi ewlenin tad-degradazzjoni, bħad-defoljazzjoni tal-qċaċet tas-siġar, qed ikomplu jmorru għall-agħar. Dan jikkonkludi li, b'mod ġenerali, il-kundizzjoni tal-foresti tal-UE hija fqira.

Il-politika ta' żvilupp rurali hija l-akbar sors ta' finanzjament tal-UE għall-foresti

14

L-Istrateġija tal-UE għall-Foresti sal-2020 tiddeskrivi l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) bħala s-“sinsla tar-riżorsi” tagħha, minħabba li dan kien jirrappreżenta 90 % tal-finanzjament totali tal-UE għall-forestrija. Sorsi oħrajn ta' finanzjament tal-UE jinkludu l-programm LIFE, il-finanzjament għar-riċerka taħt Orizzont 2020, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Faċilità ta' Finanzjament tal-Kapital Naturali tal-BEI.

15

L-infiq għall-iżvilupp rurali huwa disponibbli biex jappoġġa żewġ miżuri tal-forestrija li jiffokaw fuq il-ħolqien ta' boskijiet, u li jappoġġaw il-boskijiet eżistenti (ara l-Figura 7).

Figura 7

Miżuri tal-forestrija għall-iżvilupp rurali

Sors: L-Artikoli 21-26 u 34 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 u l-Artikolu 1(9)(a) tar-Regolament (UE) 2017/2393.

16

Bosta miżuri oħra ta' żvilupp rurali jista' jkollhom ukoll impatt fuq il-foresti. Pereżempju, iż-żoni tal-foresti jistgħu jibbenefikaw minn pagamenti taħt Natura 2000. Aktar eżempji ta' azzjonijiet taħt miżuri oħra jinkludu servizzi ta' konsulenza dwar il-forestrija, investimenti fl-infrastruttura għall-iżvilupp u l-adattament tal-forestrija, u appoġġ għat-tfassil ta' pjanijiet ta’ ġestjoni tal-foresti.

17

L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu jekk jinkludux miżuri ta' forestrija fil-programmi tal-iżvilupp rurali tagħhom u kif jużawhom biex jappoġġaw il-foresti. Huma jistabbilixxu rekwiżiti speċifiċi tal-forestrija fil-programmi tal-iżvilupp rurali tagħhom. 24 Stat Membru allokaw b'kollox EUR 4 890 miljun ta' flus l-UE għaż-żewġ miżuri tal-forestrija għall-perjodu 2014-202013 (ara l-Figura 8) u, sa tmiem l-2020, kienu nefqu 49 % ta' dawn il-fondi. Il-Finlandja, l-Irlanda, il-Lussemburgu u n-Netherlands ma allokaw l-ebda flus għall-miżuri tal-forestrija fil-programmi tal-iżvilupp rurali tagħhom. Il-Kummissjoni ma tittraċċax l-infiq fuq il-forestrija taħt miżuri oħra.

Figura 8

Iż-żona forestali u flus l-UE ppjanati għall-miżuri tal-forestrija

Sors: il-QEA, ibbażat fuq il-mappa mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, maħluqa fit-12 ta' Novembru 2009, immodifikata l-aħħar fit-28 ta' Ottubru 2015; ibbażata fuq id-data tal-2015 dwar l-Istat tal-Foresti tal-Ewropa; u d-data tal-Kummissjoni mill-ewwel programmi tal-iżvilupp rurali approvati għall-perjodu 2014-2020.

18

L-evalwazzjoni tal-miżuri tal-forestrija tal-Kummissjoni tal-2017 14 ikkonkludiet li l-effett tal-appoġġ għall-iżvilupp rurali għall-foresti kien ġeneralment pożittiv u seta' jikkontribwixxi b'mod sinifikanti biex jitwasslu benefiċċji ekonomiċi, ambjentali u soċjali. Hija sabet li l-appoġġ għall-prevenzjoni u r-restawr tal-ħsara lill-foresti kellu l-aktar effett sinifikanti li jappoġġa, bejn l-2007 u l-2013, madwar 10 miljun ettaru (5 % tal-foresti tal-UE). L-appoġġ għat-tisġir intuża matul il-perjodu 2007-2013 biex jitħawlu 287 490 ettaru ta' foresta ġdida (madwar 0.2 % tal-foresti tal-UE).

Ambitu u approċċ tal-awditjar

19

Aħna eżaminajna jekk l-azzjoni tal-UE tappoġġax il-protezzjoni tal-bijodiversità u tindirizzax it-tibdil fil-klima fil-foresti tal-UE. Ħarisna lejn (a) l-impatt tal-azzjoni tal-Kummissjoni f’għadd ta’ politiki ewlenin dwar l-ambjent u t-tibdil fil-klima u (b) l-impatt partikolari tal-miżuri tal-forestrija ffinanzjati permezz tal-iżvilupp rurali tal-UE.

20

L-ambitu tagħna kopra l-foresti tal-UE, u aħna ffukajna fuq l-oqsma ta' politika ewlenin tal-UE msemmija fil-Figura 6. F'dak li għandu x'jaqsam mar-Regolament tal-UE dwar l-Injam, aħna ħarisna esklussivament lejn il-monitoraġġ tal-injam domestiku.

21

Sabiex niġbru u nivvalutaw l-evidenza, aħna:

  • eżaminajna l-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE, l-istrateġiji, il-proposti u l-linji gwida tal-Kummissjoni, u r-rapporti ta' rilevanza għall-bijodiversità u t-tibdil fil-klima fil-foresti tal-UE, id-direttivi dwar il-Ħabitats u l-Għasafar (Natura 2000) u r-Regolament tal-UE dwar l-Injam;
  • ikkonsultajna ma’ esperti fil-Kummissjoni u rrieżaminajna d-dokumentazzjoni minn tliet Stati Membri magħżula fuq il-bażi tal-materjalità tan-nefqa fuq il-miżuri tal-forestrija għall-iżvilupp rurali u fuq il-varjetà tat-tipi ta’ foresti tagħhom: il-Ġermanja (Mecklenburg-Vorpommern u s-Sassonja-Anhalt), Spanja (Kastilja la Mancha u (l-Prinċipat ta) l-Asturji) u l-Polonja. Ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar minħabba l-pandemija tal-COVID-19 ippermettew biss li ssir żjara fuq il-post fil-Ġermanja (fejn aħna żorna proġetti ffinanzjati mill-UE);
  • analizzajna d-data tan-nefqa dwar il-bijodiversità u t-tibdil fil-klima fil-foresti tal-UE kofinanzjati mill-FAEŻR;
  • organizzajna bord ta’ esperti biex jikseb aktar għarfien f’ċerti oqsma u jivvaluta s-sejbiet tal-awditu preliminari tagħna;
  • użajna kwestjonarju għall-Istati Membri kollha b'rabta ma' 35 programm tal-iżvilupp rurali biex niġbru informazzjoni u evidenza dwar l-implimentazzjoni minnhom ta' sottomiżuri tal-FAEŻR għall-foresti – b'mod partikolari dwar kemm dawk is-sottomiżuri kkontribwew għall-protezzjoni tal-bijodiversità u għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih.
22

Il-perjodu kopert minn dan l-awditu huwa 2014-2020, li huwa l-perjodu ta' programmazzjoni għall-aktar qafas finanzjarju pluriennali reċenti. Aħna ħadna inkunsiderazzjoni wkoll il-proposti leġiżlattivi tal-Kummissjoni għall-Politika Agrikola Komuni (PAK) għall-perjodu ta' programmazzjoni l-ġdid (2021-2027).

23

B'dan ir-rapport, għandna l-għan li niffaċilitaw id-diskussjonijiet ta' politika li jħallu impatt fuq il-foresti tal-UE u li ninkorporawhom fil-PAK 2021-2027, l-istrateġija ġdida għall-foresti tal-UE, l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-Liġi Ewropea dwar il-Klima proposta, l-Istrateġija l-ġdida ta’ Adattament tal-UE u l-kunsiderazzjoni tar-Regolament tal-UE dwar l-Injam.

Osservazzjonijiet

Il-politiki ewlenin tal-UE għandhom impatt pożittiv iżda limitat fuq il-foresti

24

Il-biċċa l-kbira tal-politiki tal-UE dwar l-ambjent u t-tibdil fil-klima għandhom impatt fuq il-foresti. Aħna eżaminajna jekk il-politiki ewlenin tal-UE dwar l-ambjent u l-klima ppromwovewx il-bijodiversità u indirizzawx it-tibdil fil-klima fil-foresti, f'konformità mal-miri internazzjonali u tal-UE stabbiliti għall-protezzjoni tal-foresti.

L-UE tipproteġi parzjalment il-bijodiversità fil-foresti tagħha

25

L-UE approvat ftehimiet internazzjonali (ara l-paragrafu 07) u, għalhekk, jeħtieġ li tirrispetta għadd ta' miri li huma relatati direttament mal-bijodiversità fil-foresti. Barra minn hekk, it-trattat tal-UE jappella lill-UE biex taħdem għall-iżvilupp sostenibbli tal-Ewropa abbażi ta', fost l-oħrajn, livell għoli ta' ħarsien tal-ambjent u titjib fil-kwalità ambjentali.

26

Id-dispożizzjonijiet ambjentali prinċipali tal-UE dwar il-bijodiversità huma stabbiliti fid-direttivi dwar il-Ħabitats u l-Għasafar. Id-direttivi jirrikjedu li l-Istati Membri jipproteġu l-ħabitats billi jiddeżinjaw żoni magħrufa bħala siti ta' Natura 2000 u jiddefinixxu l-miżuri ta' konservazzjoni biex iżommu jew jirrestawraw l-istatus tagħhom. Natura 2000 tkopri madwar 23 %15 tal-foresti tal-UE. Il-foresti li ġejjin li jinsabu fis-siti ta' Natura 2000 huma protetti (ara l-Figura 9):

  • Il-foresti b'tipi ta' ħabitats li jikkorrespondu għal dawk imsemmija fl-Anness I tad-Direttiva dwar il-Ħabitats;
  • Kwalunkwe foresta li tinsab f'siti ta' Natura 2000, li tospita speċijiet imsemmija fl-Anness II tad-Direttiva dwar il-Ħabitats u/jew fl-Anness I tad-Direttiva dwar l-Għasafar.
27

Barra minn hekk, hemm dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-protezzjoni tal-ispeċijiet16 li japplikaw fit-territorju kollu tal-Istati Membri. Dawn id-dispożizzjonijiet jikkonċernaw il-protezzjoni ta’, pereżempju, spazji għall-mistrieħ, għat-tgħammir u għall-bejtiet. Madankollu, fil-prattika, huwa diffiċli li tiġi stabbilita ż-żona tal-foresti kkonċernati minn dawn id-dispożizzjonijiet. Skont id-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali, li tapplika għat-tipi ta’ ħabitats tal-foresti taħt l-Anness I u l-ħabitats tal-foresti ta’ speċijiet protetti barra minn Natura 2000, dawk li jaqtgħu s-siġar b'mod illegali għall-injam huma responsabbli biex jirrestawraw id-dannu lill-ħabitat li jikkawżaw.

Figura 9

Il-perċentwal ta' foresti tal-UE ġewwa u barra s-siti ta' Natura 2000

Sors: il-QEA.

28

Skont l-istrateġija tal-UE għall-bijodiversità17, li tapplika ġewwa u barra s-siti ta' Natura 2000, il-Kummissjoni tiffissa miri mhux vinkolanti (ara l-paragrafu 12) fil-linji gwida u r-rakkomandazzjonijiet.

29

Fl-201718, aħna ġbidna l-attenzjoni għal għadd ta' dgħufijiet fil-ġestjoni taż-żoni ta' Natura 2000. B'mod partikolari, aħna kkonkludejna li l-Istati Membri kellhom dewmien wisq ta’ spiss jew iddefinixxew b'mod mhux xieraq il-miżuri ta' konservazzjoni tagħhom. Il-miżuri ta' konservazzjoni meħtieġa biex jinżammu jew jiġu rrestawrati l-ħabitats u l-flora u l-fawna tagħhom għandhom jittieħdu fil-ħin u jkunu speċifiċi biżżejjed sabiex jiġu implimentati b'mod effettiv. Għall-awditu attwali, aħna vverifikajna 15-il pjan ta' ġestjoni ta' Natura 2000, li kienu jinkludu żoni tal-foresti, u sibna li 14 minnhom ma kellhomx miżuri ta' konservazzjoni speċifiċi (ara l-Kaxxa 3). L-evalwaturi esterni kkuntrattati mill-Kummissjoni sabu li l-kwalità tal-miżuri ta' konservazzjoni ta' spiss tkun fqira.

Kaxxa 3

Eżempji ta’ miżuri ta’ konservazzjoni mhux speċifiċi

Fi Spanja, l-awtoritajiet irrikonoxxew li, fil-prattika, b’konsegwenza tal-ftit kuntatti bejn l-amministrazzjonijiet agrikoli u ta’ konservazzjoni, il-pjanijiet ta’ ġestjoni ta’ spiss ma jipproponux miżuri ta’ konservazzjoni speċifiċi.

Fil-Polonja, erbgħa mill-ħames “programmi ta’ kompiti ta’ konservazzjoni” li rrieżaminajna kien fihom objettivi u miri li la kienu speċifiċi u lanqas setgħu jitkejlu.

30

Il-biċċa l-kbira tal-valutazzjonijiet tal-ħabitats protetti mid-Direttiva jindikaw status ta' konservazzjoni ħażin jew fqir (85 % – ara l-paragrafu 04) tal-foresti tal-UE. Aħna sibna li l-biċċa l-kbira tal-miżuri ta' konservazzjoni għandhom l-għan li jżommu l-istatus aktar milli jirrestawrawh. Il-Figura 10 turi l-miżuri meħuda biex jinżamm jew jiġi rrestawrat l-istatus tal-ħabitats u tal-ispeċijiet tal-foresti.

Figura 10

Miżuri għaż-żamma u r-restawr tal-istatus

Sors: il-QEA, ibbażat fuq ir-rappurtar mill-Istati Membri skont l-Artikolu 12 tad-Direttiva dwar l-Għasafar u l-Artikolu 17 tad-Direttiva dwar il-Ħabitats. Ikkumpilat mill-EEA u mill-ETC/BD.

31

Il-Kummissjoni taf dwar l-istatus tal-foresti permezz tal-informazzjoni rrappurtata mill-Istati Membri (ara l-paragrafu 04). Barra minn hekk, il-Kummissjoni tirċievi informazzjoni dwar l-applikazzjoni fqira tal-miżuri ta' konservazzjoni fl-Istati Membri permezz ta' lmenti minn, pereżempju, NGOs u, kultant, minn sorsi oħra bħal investigazzjonijiet ta' ksur f'oqsma oħra. Matul il-perjodu 2014-2020, il-Kummissjoni rċeviet aktar minn 900 ilment dwar l-applikazzjoni tad-direttivi dwar il-Ħabitats u l-Għasafar.

32

Fejn il-Kummissjoni ssir taf li Stat Membru qed jonqos milli jikkonforma mal-obbligi tiegħu skont iż-żewġ direttivi, hija tista' tiftaħ proċedura ta' ksur (ara l-eżempju fil-Kaxxa 4). Minn Jannar 2021, kien hemm 13-il każ ta' ksur relatat man-nuqqas ta’ jew kwalità insuffiċjenti ta' miżuri ta' konservazzjoni għal Żoni Speċjali ta’ Konservazzjoni skont id-Direttiva dwar il-Ħabitats li kienu għadhom miftuħa.

Kaxxa 4

Il-protezzjoni ta' foresti antiki fil-Polonja

Fl-2007, f'konformità mad-Direttiva dwar il-Ħabitats, il-Kummissjoni approvat id-deżinjazzjoni tas-sit ta' Natura 2000 Puszcza Białowieska bħala “sit ta' importanza Komunitarja”. Is-sit huwa ddeżinjat ukoll taħt id-Direttiva dwar l-Għasafar bħala “żona ta' protezzjoni speċjali” għall-għasafar. Skont il-Kummissjoni, Puszcza Białowieska hija waħda mill-foresti naturali l-aktar ippreservati fl-Ewropa, u hija kkaratterizzata mill-preżenza ta’ ħafna siġar antiki, b'mod partikolari xi wħud li għandhom 100 sena jew aktar.

Fl-2016, il-Ministru Pollakk għall-Ambjent awtorizza, għall-perjodu mill-2012 sal-2021, żieda ta' kważi tliet darbiet fil-ħsad tal-injam fid-distrett forestali ta’ Białowieża, kif ukoll operazzjonijiet ta' ġestjoni tal-foresti f'żoni fejn qabel kien ipprojbit kull intervent. Il-Kummissjoni saret taf b'dan permezz ta' lment li sar minn tmien NGOs u permezz ta' informazzjoni disponibbli għall-pubbliku. Il-gvern Pollakk sostna li x-xogħol kien meħtieġ biex jitwaqqaf it-tixrid tal-ħanfus tal-prinjol.

Wara li qieset li l-argument Pollakk kien mingħajr bażi, fl-20 ta' Lulju 2017, il-Kummissjoni ressqet rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għal dikjarazzjoni li l-Polonja kienet naqset milli tissodisfa l-obbligi tagħha skont id-direttivi dwar il-Ħabitats u l-Għasafar. Fis-17 ta’ April 2018, il-Qorti ddeċidiet favur il-Kummissjoni.

L-UE għandha leġiżlazzjoni li tindirizza l-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam, iżda din il-prattika xorta għadha sseħħ

33

Ir-Regolament tal-UE dwar l-Injam19 jipprojbixxi t-tqegħid ta' injam maħsud illegalment u ta' prodotti ġejjin minn tali injam fis-suq tal-UE. B'mod ġenerali, il-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam ifisser kwalunkwe prattika illegali relatata mal-ħsad jew in-negozjar tal-injam u ta' prodotti tal-injam. Ir-regoli fis-seħħ fl-Istat Membru tal-ħsad jiddefinixxu jekk l-injam ikunx inħasad illegalment.

34

Sabiex jitnaqqas ir-riskju li l-injam maħsud illegalment jidħol fis-suq, ir-Regolament dwar l-Injam jirrikjedi li l-operaturi jeżerċitaw diliġenza dovuta. Għal dan l-għan, huma jridu jiġbru informazzjoni dwar it-tip ta' injam, il-pajjiż tal-ħsad, il-katina tal-provvista u l-konformità mar-regoli, jivvalutaw kwalunkwe riskju u, fejn ikun meħtieġ, jieħdu azzjoni ta' rimedju. Il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-operaturi tal-injam kollha għandhom rwol fit-tqegħid fil-prattika tar-Regolament tal-UE dwar l-Injam. Il-Figura 11 tiddeskrivi r-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom.

Figura 11

Responsabbiltajiet ewlenin skont ir-Regolament tal-UE dwar l-Injam

Sors: il-QEA.

35

Fl-2016, il-Kummissjoni irrieżaminat l-effettività tar-Regolament tal-UE dwar l-Injam, fejn kopriet l-ewwel sentejn (minn Marzu 2013 sa Marzu 2015) tal-applikazzjoni tiegħu mill-Istati Membri20. F'dak iż-żmien, il-Kummissjoni ddikjarat li kien għadu kmieni wisq biex jiġi konkluż jekk ir-Regolament waqqafx l-injam illegali milli jidħol fis-suq. Fl-2020, il-Kummissjoni ppubblikat rapport dwar il-kontrolli tal-Istati Membri skont ir-Regolament21. Skont ir-rapport, l-Istati Membri kollha kienu konformi mar-rekwiżiti formali tar-Regolament. Il-Kummissjoni kkonkludiet li, minkejja l-progress, kienu meħtieġa sforzi kontinwi biex jiġi żgurat li r-Regolament jitqiegħed fil-prattika b'mod konsistenti u effettiv fl-Istati Membri kollha. Hija sabet li l-għadd ta' kontrolli baqa' baxx meta mqabbel mal-għadd ta' operaturi, u esprimiet id-dubji tagħha li dawn il-kontrolli ta' frekwenza baxxa jkollhom effett dissważiv. Skont ir-rapport, kien stmat li hemm 3 042 884 operatur domestiku f'21 Stat Membru, u li saru kontrolli fuq 13 078 (0.43 %) minnhom matul il-perjodu ta’ rappurtar ta' sentejn. Ir-rieżami li jmiss tal-effettività tar-Regolament tal-UE dwar l-Injam, flimkien ma' kontroll tal-idoneità, għandu jsir f'Diċembru 2021.

36

Il-Kummissjoni hija responsabbli biex tirrieżamina l-funzjonament u l-effettività tar-Regolament tal-UE dwar l-Injam. Ir-rappurtar mill-Istati Membri huwa s-sors prinċipali ta' informazzjoni għar-rieżamijiet tagħha. Ir-Regolament dwar l-Injam jirrikjedi li l-Istati Membri jagħmlu disponibbli informazzjoni dwar l-applikazzjoni tar-regolament u jħalli f’idejn il-Kummissjoni biex tistabbilixxi format u proċedura permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni:. Il-Kummissjoni ma ħarġitx att ta’ implimentazzjoni iżda waqqfet sistema ta’ rappurtar online biex tiġbor l-informazzjoni dwar il-kontrolli tal-Istati Membri b'mod standardizzat. Ir-rappurtar jiffoka fuq il-kriterji tar-riskju għall-għażla tal-operaturi, l-għadd ta' kontrolli, iż-żmien meħud għall-kontrolli, it-tip ta' informazzjoni rreġistrata, u l-penali. Ir-rappurtar taħt id-Direttiva dwar l-Injam ma jipprovdix l-informazzjoni li biha l-Kummissjoni tista’ tanalizza l-kwalità tal-attività ta' monitoraġġ tal-Istati Membri, ir-regoli nazzjonali li jiddefinixxu l-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam jew il-proċeduri użati għall-kontrolli. Lanqas ma jirrikjedi li l-Istati Membri jissostanzjaw it-tweġibiet tagħhom b'dokumenti ta' sostenn li jkunu jippermettu lill-Kummissjoni li tivverifika l-preċiżjoni jew il-kompletezza tal-informazzjoni.

37

Aħna rrieżaminajna l-proċeduri nazzjonali għall-kontroll tal-qtugħ tas-siġar domestiku fil-Ġermanja, fi Spanja u fil-Polonja sabiex nivvalutaw il-kontenut u l-firxa tal-kontrolli u nikkonfermaw l-importanza tar-rwol tal-Kummissjoni fil-monitoraġġ. Aħna sibna li d-dgħufijiet proċedurali u l-kontrolli neqsin inaqqsu l-effettività tar-Regolament tal-UE dwar l-Injam fil-prattika (għall-Polonja ara l-Kaxxa 4 u għall-Ġermanja u Spanja ara l-Kaxxa 5).

Kaxxa 5

Dgħufijiet fl-infurzar tal-Istati Membri

Is-Sassonja-Anhalt (fil-Ġermanja) tikkontrolla l-operaturi domestiċi prinċipalment skont il-liġi dwar il-forestrija u l-liġi dwar il-protezzjoni tan-natura. Is-Sassonja-Anhalt ma għandiex regoli u proċeduri għal kontrolli bbażati fuq ir-Regolament tal-UE dwar l-Injam u, għalhekk, ma vverifikat l-ebda operatur domestiku skont dan.

Mecklenburg-Vorpommern (fil-Ġermanja) jirreġistra kontrolli fuq l-operaturi domestiċi biss jekk partijiet terzi jew l-awtoritajiet jirrapportaw ksur possibbli.

L-Asturji (fi Spanja) ivverifika 12-il operatur domestiku matul il-perjodu 2016-2019. L-Asturji ma vverifika l-ebda operatur domestiku fl-2017 jew fl-2018. L-awtoritajiet tal-Asturji spjegaw li, dak iż-żmien, huma ma kellhomx lista ta' operaturi suġġetti għar-Regolament.

38

Il-Kummissjoni tiltaqa' regolarment ma' grupp ta' esperti mill-awtoritajiet tal-Istati Membri biex flimkien jiskambjaw informazzjoni dwar in-nuqqasijiet żvelati mill-kontrolli, kif ukoll dwar il-penali, l-aħjar prattiki u t-tagħlimiet meħuda. Il-Kummissjoni tirċievi wkoll informazzjoni dwar ksur possibbli permezz ta' lmenti. Mill-2017 'il hawn, hija rċeviet u segwiet 8 ilmenti dwar in-nuqqas ta' implimentazzjoni tar-Regolament. Jekk tqis li Stat Membru jista' jkun qed jonqos milli jinforza r-Regolament tal-UE dwar l-Injam kif suppost, il-Kummissjoni tista' titlob aktar informazzjoni jew tiftaħ proċedura ta' ksur. Sa issa, il-proċeduri ta' ksur kienu jikkonċernaw in-nuqqas ta' regoli u kontrolli tal-Istati Membri u, f'każ wieħed, in-nuqqas ta' effettività tal-kontrolli (ara l-Kaxxa 6).

39

Studju reċenti tal-Kummissjoni22 kkonkluda li t-telerilevament jista' jintuża biex jinstab il-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam. It-telerilevament – tipikament, l-użu ta' fotografija mill-ajru u data satellitari – huwa għodda ta' monitoraġġ b'saħħitha, minħabba li hija kosteffettiva u tagħmilha possibbli li jiġu koperti żoni kbar. Sabiex issir distinzjoni bejn qtugħ tas-siġar għall-injam b'mod legali u dak li jsir b'mod illegali, id-data tat-telerilevament trid tiġi kkombinata mar-rekords tal-qtugħ tas-siġar għall-injam u ma' informazzjoni dwar żoni protetti u konfini ta' konċessjoni. Il-Kummissjoni ġeneralment ma użatx it-telerilevament biex timmonitorja l-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam fl-UE. Hija użat dan l-approċċ biex tiġbor informazzjoni dwar tliet każijiet ta' ksur tad-Direttivi dwar il-Ħabitats u l-Għasafar, b'waħda minn dawn il-proċeduri ta' ksur kienet tinkludi wkoll il-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam (ara l-Kaxxa 6).

Kaxxa 6

It-telerilevament bħala għodda għall-infurzar

Fl-2020, il-Kummissjoni fetħet proċedura ta' ksur kontra r-Rumanija għall-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam23. Skont il-Kummissjoni, l-awtoritajiet Rumeni ma kinux qed jivverifikaw lill-operaturi b'mod adegwat jew japplikaw sanzjonijiet xierqa. Barra minn hekk, huma awtorizzaw il-qtugħ tas-siġar għall-injam mingħajr ma l-ewwel evalwaw l-impatt fuq il-ħabitats protetti kif meħtieġ skont id-Direttiva dwar il-Ħabitats.

Il-Kummissjoni analizzat u kkombinat id-data ta' osservazzjoni tad-Dinja, il-mapep u r-ritratti mmarkati bil-post ġeografiku biex tiġbor evidenza dwar il-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam fir-Rumanija. Hija sabet li l-qtugħ tas-siġar għall-injam f’diversi siti ta' Natura 2000 irriżulta fit-telf tal-ħabitats tal-foresti protetti u fixkel serjament lill-ispeċijiet.

L-UE qed tieħu passi biex tinkludi l-foresti fil-politiki tagħha dwar it-tibdil fil-klima

40

Il-foresti jistgħu jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għall-assorbiment tal-gassijiet serra mill-atmosfera. F’Settembru 2020, il-Kummissjoni pproponiet li l-mira tal-2030 għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tiżdied minn mill-inqas 40 % għal mill-inqas 55 %, meta mqabbla mal-livelli tal-1990. F'Diċembru 2020, il-Kunsill approva din il-proposta. Il-mira l-ġdida tinkludi l-emissjonijiet u l-assorbimenti tal-gassijiet serra mill-użu tal-art kollha, inklużi l-foresti. Ir-Regolament dwar l-Użu tal-Art, it-Tibdil fl-Użu tal-Art u l-Forestrija (LULUCF)24 jirrikjedi li l-Istati Membri jikkonformaw mar-"regola ebda debitu", fejn l-emissjonijiet ikkunsidrati mill-użu tal-art , it-tibdil fl-użu tal-art jew il-foresterija jiġu bbilanċjati b’mill-inqas assorbiment ikkunsidrat ekwivalenti ta' CO2 mill-atmosfera fil-perjodu 2021 sa 2030.

41

Id-data mis-snin reċenti wriet tnaqqis fil-valuri tal-bir ta' karbonju fl-UE (ara l-Figura 12). Ir-Rapport tal-Progress tal-Azzjoni Klimatika tal-UE għall-202025 jindika li l-assorbimenti netti rrappurtati ta' CO2 atmosferiku naqsu bi 28 % mill-2013 sal-2018. L-emissjonijiet irrappurtati huma dawk irreġistrati fis-sottomissjonijiet tal-inventarju tal-UNFCCC, li jinkludu l-emissjonijiet kollha mis-sorsi u l-assorbimenti mill-bjar minn artijiet ġestiti. Skont l-istess Rapport tal=Progress tal-Azzjoni Klimatika tal-UE għall-2020, ir-raġuni prinċipali għat-tnaqqis fil-valuri tal-bjar kienet żieda fir-rati tal-ħsad tal-injam. Fil-fehma tal-Kummissjoni, għat-tnaqqis fil-valuri tal-bjar ikkontribwew ukoll taħlita ta’ fatturi oħra, inklużi sehem dejjem akbar ta’ foresti li waslilhom żmien il-ħsad u żieda fid-disturbi naturali bħall-infestazzjonijiet tal-insetti, il-maltempati, in-nixfiet u n-nirien fil-foresti,

Figura 12

L-emissjonijiet u l-assorbimenti netti ta' CO2 irrappurtati lill-UNFCCC, EU-27

Nota: Id-data tikkorrespondi għall-assorbimenti netti tal-LULUCF tal-EU-27 minn attivitajiet irrappurtati skont it-tieni perjodu ta' impenn tal-Protokoll ta' Kjoto.

Sors: il-QEA, ibbażat fuq il-Kummissjoni Ewropea, ir-Rapport tal-Progress tal-Azzjoni Klimatika tal-UE, Novembru 2020.

42

Skont id-Deċiżjoni dwar il-LULUCF26, jenħtieġ li l-azzjonijiet biex jillimitaw jew inaqqsu l-emissjonijiet ikunu riflessi fid-dokumenti strateġiċi tal-Istati Membri dwar il-foresti. Aħna rrieżaminajna l-istrateġiji tal-foresti għal ħames Stati Membri/reġjuni. Sibna li l-istrateġija pprovduta mill-Asturji (Spanja) ma kinitx qieset azzjonijiet ta' mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, li t-tliet reġjuni l-oħrajn fil-Ġermanja u fi Spanja ma kinux inkludew miri jew indikaturi kkwantifikati fl-istrateġiji tagħhom, u li kienet biss l-istrateġija Pollakka li stabbiliet il-kontribut tal-foresti għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima (ara l-Kaxxa 7).

Kaxxa 7

Eżempji ta' prattiki tajbin u ħżiena għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima fl-istrateġiji tal-Istati Membri għall-foresti

L-awtoritajiet Pollakki ddefinew miri u indikaturi għall-kopertura tal-foresti, l-injam mhux maqtugħ u s-sekwestru tal-karbonju. Mill-2005, il-Polonja żiedet il-kopertura tal-foresti b'259 000 ettaru.

Fi Spanja, il-“Plan Forestal de Asturias”, li kien fis-seħħ fiż-żmien meta sar l-awditu, ma jidentifikax il-ħtiġijiet relatati mal-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u, b'hekk, ma jinkludix miżuri ta' mitigazzjoni. Huwa ma jikkunsidrax ir-rwol tal-foresti bħala bjar tal-karbonju u ma għandu l-ebda referenza għar-rwol potenzjali tal-foresti fil-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima.

43

Id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli27 hija karatteristika ewlenija tal-politika tal-UE dwar it-tibdil fil-klima, minħabba li għandha l-għan li tnaqqas l-emissjonijiet ta' gassijiet serra billi tistimula l-konsum tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli. Il-mira tal-UE għall-enerġija rinnovabbli (20 % tal-enerġija mis-sorsi kollha kkombinati sal-2020) irriżultat f'żieda fil-konsum ta' bijomassa solida għal skopijiet ta' enerġija. Fl-2018, skont rapport miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka28, 48 % tal-bijomassa tal-injam totali użata fl-UE kienet ikkonsmata bħala enerġija – minn 43 % fl-2010.

44

Id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli għall-perjodu 2021-2030 (RED II) żiedet is-sehem fil-mira tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli għal 32 %. Sabiex ittaffi t-tensjoni bejn il-politika tal-enerġija tal-UE u l-politiki tagħha dwar it-tibdil fil-klima u l-ambjent, hija introduċiet ukoll kriterji ta' sostenibbiltà għall-bijomassa solida. Id-Direttiva titlob lill-Kummissjoni biex tipprovdi gwida operazzjonali sal-31 ta' Jannar 2021 dwar l-evidenza meħtieġa għall-konformità ma' dawn il-kriterji. Skont il-Kummissjoni, din il-gwida hija mistennija li tiġi adottata fil-ħarifa tal-2021. L-Istati Membri huma mitluba jittrasponu d-Direttiva fil-liġi domestika sat-30 ta’ Ġunju 2021.

45

Il-foresti huma multifunzjonali u, bħala tali, huma jaqdu ambizzjonijiet differenti. L-istrateġija dwar il-bijoekonomija tal-UE tal-201229, li ġiet aġġornata fl-201830, kienet rispons għall-ambizzjoni wiesgħa li jiġu vvalutati l-effetti ta' bosta politiki – inklużi l-enerġija, il-klima, il-bijodiversità u l-industrija – u li jiġu stabbiliti l-kompromessi u l-komplementarjetajiet possibbli bejniethom. L-istrateġija aġġornata tinkludi azzjonijiet biex jiġu mifhuma l-konfini tal-bijoekonomija – il-limiti ekoloġiċi għax-xejriet tal-produzzjoni u tal-konsum tal-UE. Il-fehim ta' dawn il-konfini għandu l-għan li jgħin fil-promozzjoni ta' prattiki tajbin, pereżempju, b'rabta mal-użu tal-foresti għall-enerġija. Ix-xogħol f'dan il-qasam għadu għaddej.

46

Fil-qasam tal-adattament għat-tibdil fil-klima, l-UE għadha ma adottatx leġiżlazzjoni biex timponi miri jew tirrikjedi azzjoni speċifika mill-Istati Membri. Ma hemm l-ebda qafas legali tal-UE li jirrikjedi lill-Istati Membri jtejbu l-istrateġiji ta' adattament tal-foresti li ma humiex sodisfaċenti. Il-Kummissjoni stabbiliet strateġija tal-UE dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima lura fl-201331. Din l-istrateġija ma mmiratx partikolarment lill-foresti, u l-Kummissjoni għadha ma ddefinietx ħtiġijiet u miri komuni għal miżuri ta' adattament għat-tibdil fil-klima fil-foresti tal-UE.

47

Hemm riċerka limitata dwar il-mezzi għall-adattament tal-foresti għat-tibdil fil-klima – pereżempju, fil-fehim tal-interdipendenzi bejn it-tibdil fil-klima u l-bidliet ikkontemplati tal-veġetazzjoni tal-foresti. Din il-lakuna fl-għarfien hija rikonoxxuta fl-istrateġija l-ġdida ta' adattament tal-UE32. Fir-rieżaminar li wettaqna tal-istrateġiji dwar it-tibdil fil-klima fil-ħames Stati Membri / reġjuni li għażilna għal dan l-awditu, aħna osservajna li dan ikkontribwixxa għal miri u indikaturi kkwantifikati limitati għal miżuri ta' adattament konkreti (ara l-Kaxxa 8).

Kaxxa 8

L-awtoritajiet nazzjonali ma kinux iddefinew strateġija biex il-foresti jiġu adattati għat-tibdil fil-klima

F'Mecklenburg-Vorpommern, l-Aktionsplan Klimaschutz 2019 iddeskriva oqsma ta' potenzjal kbir għal titjib f'termini tal-adattament għat-tibdil fil-klima. Dawn ġew spjegati f'aktar dettall fil-lista mehmuża ta' miżuri proposti. Madankollu, ma kien hemm l-ebda obbligu li jiġu implimentati l-miżuri bl-akbar potenzjal (l-ebda skadenza u l-ebda attribuzzjoni ċara tar-responsabbiltajiet). Fiż-żmien meta wettaqna l-awditu, l-ebda waħda minnhom ma kienet verament fis-seħħ.

L-aħħar li l-Asturji wettaq analiżi speċifika tal-ħtiġijiet b'rabta mal-miżuri ta' adattament għat-tibdil fil-klima kien fl-2001.

Il-miżuri tal-forestrija eżaminaw l-opportunitajiet mitlufa biex tiġi mtejjba b’mod sinifikanti l-bijodiversità u jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima.

48

L-iżvilupp rurali huwa s-sors prinċipali tal-finanzjament tal-UE għall-forestrija. Aħna eżaminajna r-rabta bejn in-nefqa għall-iżvilupp rurali u r-rekwiżit għall-ġestjoni sostenibbli tal-foresti. Aħna vvalutajna sa liema punt il-miżuri tal-iżvilupp rurali kkontribwew għall-protezzjoni tal-bijodiversità u għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih. Aħna eżaminajna wkoll jekk il-Kummissjoni u l-Istati Membri mmonitorjawx sew l-effetti tal-miżuri tal-forestrija.

In-nefqa għall-iżvilupp rurali fuq il-foresti teħtieġ l-elaborazzjoni ta’ pjanijiet ta’ ġestjoni tal-foresti, iżda l-kwalità tagħhom hija varjabbli

49

Skont ir-Regolament dwar l-iżvilupp rurali, waħda mill-kundizzjonijiet biex wieħed jirċievi finanzjament għall-miżuri tal-forestrija hija, għal azjendi akbar minn daqs definit minn kull Stat Membru, il-preżentazzjoni ta' “informazzjoni rilevanti minn pjan ta’ ġestjoni tal-foresti jew strument ekwivalenti f’konformità mal-ġestjoni sostenibbli tal-foresti”33. Ir-regoli tal-UE jiddefinixxu l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti b'referenza għal-linji gwida ġenerali ta' Forest Europe mill-199334. Sabiex naċċertaw jekk pjan ta’ ġestjoni tal-foresti huwiex allinjat mal-prinċipji tas-sostenibbiltà, aħna nqisu li jeħtieġ li jiġi vvalutat fl-isfond ta' kriterji ekonomiċi, soċjali u ambjentali ċari.

50

L-Istrateġija tal-UE għall-Foresti 2014-2020 tippromwovi l-użu ta' pjanijiet ta’ ġestjoni tal-foresti u tiddikjara li dawn huma l-qalba tal-finanzjament għall-iżvilupp rurali u l-Istrateġija għall-Bijodiversità sal-2020. Il-pjanijiet ta’ ġestjoni tal-foresti jenħtieġ li jistabbilixxu objettivi għall-ġestjoni tal-foresti u l-attivitajiet tal-forestrija u jistabbilixxu kif dawk l-objettivi għandhom jintlaħqu f'żona tal-foresti speċifikata. Il-kunsiderazzjonijiet dwar il-bijodiversità u t-tibdil fil-klima jenħtieġ li jkunu parti integrali mill-ippjanar u t-teħid tad-deċiżjonijiet dwar il-ġestjoni tal-foresti. L-għan tal-Istrateġija għall-Bijodiversità sal-2020 kien li l-pjanijiet ta’ ġestjoni tal-foresti jwasslu għal titjib li jista' jitkejjel, meta mqabbel mal-linja bażi tal-UE għall-2010, fl-istatus ta' konservazzjoni tal-ispeċijiet u tal-ħabitats li jiddependu fuq il-forestrija jew jiġu affettwati minnha.

51

L-Istrateġija għall-Foresti 2014-2020 talbet lill-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri u mal-partijiet ikkonċernati, biex tidentifika “kriterji għall-ġestjoni sostenibbli tal-foresti tal-UE li jkunu oġġettivi, ambizzjużi u li jidhru u li jistgħu jiġu applikati f’kuntesti ta’ politika differenti” bħat-tibdil fil-klima, il-bijoenerġija jew il-bijoekonomija, “irrispettivament mill-użu aħħari tal-bijomassa”. F'Ġunju 2014, il-Kummissjoni waqqfet grupp ta' ħidma biex jidentifika l-kriterji u l-indikaturi rilevanti. Il-grupp ta' ħidma rrakkomanda li jintużaw il-kriterji u l-indikaturi ta' Forest Europe u li tintwera l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti fil-livell tal-Istati Membri.

52

Forest Europe ddefiniet il-kriterji u l-indikaturi għall-monitoraġġ tal-ġestjoni sostenibbli tal-foresti għall-ewwel darba fl-1998, u aġġornathom fl-201535 (ara l-Kaxxa 9). Dawn l-indikaturi jistgħu jintużaw biex jivverifikaw il-pjanijiet ta’ġestjoni tal-foresti jekk ġew definiti sollijiet biex issir distinzjoni bejn ġestjoni sostenibbli u mhux sostenibbli tal-foresti. L-indikaturi jservu għall-monitoraġġ tax-xejriet. Il-Kummissjoni tqis li l-monitoraġġ u d-dimostrazzjoni tal-ġestjoni ambjentalment sostenibbli tal-foresti huma partikolarment ta' sfida.

Kaxxa 9

Indikaturi ta' Forest Europe għall-ġestjoni sostenibbli tal-foresti

Forest Europe ddefiniet 6 kriterji u 45 indikatur għall-ġestjoni sostenibbli tal-foresti. Kriterju wieħed, Iż-żamma, il-konservazzjoni u t-titjib xieraq tad-diversità bijoloġika fl-ekosistemi tal-foresti, jindirizza l-bijodiversità u jikkonsisti f'10 indikaturi, li jkopru aspetti bħall-volum ta' injam mejjet, l-għadd ta' speċijiet ta' foresti mhedda u d-diversità tal-ispeċijiet ta' siġar.

53

Aħna analizzajna kif l-Istati Membri li għażilna għall-eżaminar jivvalutaw jekk pjan ta’ ġestjoni tal-foresti huwiex allinjat mal-prinċipji tas-sostenibbiltà. Aħna sibna li, fil-Ġermanja, ir-regoli għat-tfassil tal-pjanijiet ta’ġestjoni tal-foresti jistabbilixxu sollijiet għall-istruttura tal-età u l-użu sostenibbli tal-inkrement. Il-liġi Ġermaniża dwar il-forestrija tkopri wkoll aspetti ambjentali oħra, iżda mingħajr ma tispeċifika sollijiet. Skont il-liġi Pollakka dwar il-forestrija, jenħtieġ li l-pjanijiet ta’ ġestjoni tal-foresti jittrasformaw il-prinċipji wesgħin tal-ġestjoni sostenibbli tal-foresti fil-prattika. Il‑Kaxxa 10 tiddeskrivi s-sitwazzjoni f'Kastilja La Mancha u l-Asturji.

Kaxxa 10

Kontrolli fuq il-pjanijiet għall-ġestjoni tal-foresti f'Kastilja La Mancha u l-Asturji

Il-liġi Spanjola tirrikjedi li l-gvern ċentrali, f'konsultazzjoni mal-Komunitajiet Awtonomi, jiżviluppa sett ta' kriterji ta' sostenibbiltà konkreti għad-definizzjoni tal-kontenut tal-pjanijiet ta’ ġestjoni tal-foresti, b'indikaturi għall-monitoraġġ.

Fl-2014, Kastilja La Mancha approvat manwal li fih rakkomandazzjonijiet għall-kontenut tal-pjanijiet ta’ ġestjoni tal-foresti. Il-kontenut mixtieq jinkludi, pereżempju, deskrizzjoni tal-prijoritajiet li tieħu kont tal-kompatibbiltà bejn l-użi tal-foresti (ekonomiċi, ambjentali u soċjali), u deskrizzjoni tal-attivitajiet ippjanati li tieħu kont tal-potenzjal għar-riġenerazzjoni ta' tip speċifiku ta' foresta. Il-pjanijiet ta’ġestjoni tal-foresti li jsegwu dawn ir-rakkomandazzjonijiet huma meqjusa sostenibbli.

B'kuntrast ma' dan, it-terminu “ġestjoni sostenibbli tal-foresti” ma huwiex definit fl-Asturji. Għalhekk, l-awtoritajiet tal-Asturji ma setgħux jivvalutaw jekk pjan speċifiku huwiex konformi jew le mal-“ġestjoni sostenibbli tal-foresti”.

54

L-Istati Membri ma ddefinixxew l-ebda soll biex jivvalutaw jekk pjan ta’ ġestjoni tal-foresti huwiex ambjentalment sostenibbli jew le. B'hekk, l-eżistenza ta' pjan ta’ ġestjoni tal-foresti ftit li xejn tipprovdi aċċertament li l-finanzjament għall-iżvilupp rurali huwa mmirat lejn attivitajiet ambjentalment sostenibbli (ara l-paragrafu 49).

Il-miżuri tal-foresterija eżaminati kellhom impatt limitat fuq il-bijodiversità u r-reżiljenza għat-tibdil fil-klima

55

Il-politika ta' żvilupp rurali tal-UE tfittex li twettaq firxa ta' objettivi. Il-finanzjament imur għal miżuri li huma mfassla biex irawmu l-kompetittività, jiżviluppaw ekonomiji rurali jew jiżguraw il-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali, flimkien ma' azzjoni klimatika. Sabiex tiġi żgurata l-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali, jenħtieġ li l-miżuri tal-forestrija għall-iżvilupp rurali jitfasslu biex jikkontribwixxu għall-protezzjoni tal-bijodiversità u għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih. Aħna analizzajna sa liema punt il-miżuri tal-forestrija għall-iżvilupp rurali jagħmlu dan.

56

Ir-regoli tal-iżvilupp rurali jistabbilixxu rekwiżiti ambjentali minimi għat-tisġir (is-sottomiżura 8.1 tal-FAEŻR) li għandhom l-għan li jżidu d-diversità tas-siġar u r-reżiljenza għat-tibdil fil-klima. Dawn ir-rekwiżiti ambjentali minimi jimponu l-użu ta' speċijiet ta' siġar li huma reżiljenti għat-tibdil fil-klima jew imħallta ma' speċijiet oħra (mill-anqas 10 % ta’ siġar b'weraq wiesa’ skont iż-żona jew tliet speċijiet ta' siġar li kull waħda minnhom tifforma mill-inqas 10 % taż-żona)36. Għalhekk, għalkemm żona msaġġra trid titħawwel b'varjetà ta' speċijiet, fil-prattika tista' tikkonsisti f'żoni kontigwi kbar ta' monokultura. Minbarra dawn ir-rekwiżiti, ma hemm l-ebda regola tal-UE dwar iż-żieda fir-reżiljenza tal-foresti għat-tibdil fil-klima.

57

Aħna eżaminajna kif l-Istati Membri magħżula poġġew fil-prattika r-rekwiżiti ambjentali minimi. Fi tmienja mid-disa' proġetti ta' tisġir, sibna li r-regoli kienu interpretati bħala li jippermettu raggruppamenti ta' monokultura, b'titjib limitat għall-bijodiversità u r-reżiljenza (ara l-eżempju fil-Kaxxa 11).

Kaxxa 11

Eżempju ta' proġett ta' tisġir

Fl-Asturji, il-miżuri tal-forestrija jiffukaw fuq l-ekonomija u jindirizzaw il-profittabbiltà baxxa fis-settur tal-foresti. Fil-proġett li eżaminajna, il-benefiċjarju ħawwel 37 ettaru ta' koniferi mhux nattivi li jikbru malajr (Monterey pine) u 12-il ettaru ta' siġar b'weraq wiesa' (siġar tal-fagu u tal-qastan Ewropej) f'9 żoni ta' monokultura. Taħlit aħjar ta' speċijiet ta' siġar kienet tkun ta' benefiċċju akbar għall-bijodiversità u għall-potenzjal futur tal-foresta li tirreżisti t-tibdil fil-klima.

58

Fl-2018, il-Kummissjoni ppubblikat il-proposti leġiżlattivi tagħha dwar il-PAK għall-perjodu wara l-2020. Il-proposta għall-pjanijiet strateġiċi tal-PAK37 tagħti lill-Istati Membri aktar flessibbiltà fit-tfassil ta' skemi ta' appoġġ għall-forestrija. Il-proposta ma tinkludix rekwiżiti ambjentali minimi għat-tisġir. Madankollu, hija tippermetti biss lill-Istati Membri jiffinanzjaw l-investimenti fit-tisġir li huma konsistenti mal-objettivi klimatiċi u ambjentali f'konformità mal-linji gwida ta' Forest Europe38.

59

Ir-riforestazzjoni u azzjonijiet oħrajn taħt is-sottomiżura 8.5 tal-FAEŻR għandhom l-għan li jtejbu r-reżiljenza għat-tibdil fil-klima u l-valur ambjentali tal-ekosistemi tal-foresti. Ir-regoli tal-UE jħallu lill-awtoritajiet nazzjonali jiddeċiedu dwar l-approċċ speċifiku tagħhom għar-riforestazzjoni. Aħna sibna li erbgħa mill-ħames programmi tal-iżvilupp rurali li eżaminajna ma kinux iddefinixxew regoli biex itejbu r-reżiljenza u l-valur ambjentali tal-ekosistemi tal-foresti. Fil-Polonja, 551 minn 631 applikazzjoni għall-appoġġ (87 %) taħt is-sottomiżura 8.5 kienu jikkonċernaw il-qtugħ li jnaqqas l-ammont ta’ siġar pre-kummerċjali ta' siġar ta' bejn 11 u 20 sena. Din it-teknika żżid it-tkabbir tas-siġar li jifdal u prinċipalment timmira li ttejjeb il-valur ekonomiku tal-foresta, mhux il-valur ambjentali tagħha.

60

Aħna eżaminajna 15-il proġett taħt is-sottomiżura 8.5, u sibna li tmienja minnhom ftit li xejn ikkontribwew għar-reżiljenza għat-tibdil fil-klima u l-valur ambjentali. Sibna proġett wieħed biss b'kontribuzzjonijiet potenzjalment għolja. Il-Kaxxa 12 tiddeskrivi żewġ proġetti kontrastanti ta' riforestazzjoni fil-Ġermanja, wieħed b'benefiċċji għall-bijodiversità u r-reżiljenza għat-tibdil fil-klima u wieħed mingħajrhom.

Kaxxa 12

Proġetti Ġermaniżi b'benefiċċji għall-ekosistemi tal-foresti u oħra mingħajrhom

Fis-Sassonja-Anhalt, proġett wieħed ta' riforestazzjoni kopra erja ta' 6 ettari li kienet sofriet minn maltempata, nixfa u pesti, u kkonvertiha f'foresta reżiljenti għat-tibdil fil-klima u b'bijodiversità mħallta. Aħna sibna li kienu tħawlu siġar ġodda tal-arżnu taħt stands qodma li kienu affettwati ħafna minn nixfa u pesti, b'siġar b'weraq wiesa' f'sezzjonijiet żgħar, l-aktar periferali. Il-ħamrija kienet fqira fil-ħumus u fin-nutrizzjoni. Is-sostituzzjoni ta' siġar li ġarrbu ħsara bl-istess speċijiet vulnerabbli f'sezzjonijiet kbar ta' monokultura ma tagħmilx foresta aktar reżiljenti għat-tibdil fil-klima u lanqas ittejjeb il-bijodiversità.

F'Mecklenburg-Vorpommern, żona tal-foresti meqruda minn maltempata kienet ġiet riforestata b'7 500 siġra tal-ballut. Minħabba riġenerazzjoni naturali (betula, luq, fagu, karpin u fraxxnu), iż-żona kellha taħlita rikka ta' speċijiet diversi. Kien hemm potenzjal sinifikanti għal bijodiversità mtejba u adattament għat-tibdil fil-klima u mitigazzjoni tiegħu.

61

L-Istati Membri u r-reġjuni li għażilna għal dan l-awditu kienu ddefinixxew il-kriterji tal-għażla biex jagħtu prijorità lill-aktar proġetti b'benefiċċji ambjentali. Pereżempju, Kastilja La Mancha għażlet kriterji tal-għażla għat-tisġir u r-riforestazzjoni li jiffavorixxu liż-żoni ta' Natura 2000 u liż-żoni b'riskju għoli ta' erożjoni. Madankollu, minħabba li kien hemm interess moderat fil-miżuri tal-forestrija, l-Istati Membri sabu li kien possibbli li jiffinanzjaw il-proġetti eliġibbli kollha. Għal din ir-raġuni, il-kriterji tal-għażla ma ntużawx fil-prattika biex jimmiraw proġetti bil-benefiċċji potenzjali f'termini tal-bijodiversità u r-reżiljenza għat-tibdil fil-klima.

62

Fil-programmi tal-iżvilupp rurali tagħhom għall-perjodu 2014-2020, l-Istati Membri allokaw , fi Frar 2021, EUR 4 166 miljun għaż-żewġ miżuri tal-forestrija (4.2 % tal-ammont ibbaġitjat għall-iżvilupp rurali). Sal-istess data, l-Istati Membri kienu użaw 49 % ta' dan l-ammont (ara l-Figura 13). Dan jammonta għal 3 % tal-infiq total tal-UE għall-iżvilupp rurali, li jillimita l-impatt potenzjali. Barra minn hekk, il-flus ibbaġitjati u minfuqa għall-miżuri tal-forestrija huma kkonċentrati fi ftit Stati Membri. Mill-2014 sal-2020, ħamsa (Spanja, il-Portugall, ir-Renju Unit, l-Italja u l-Polonja) użaw 73 % tal-ammont totali disponibbli għall-miżura 8.

Figura 13

Miżuri tal-forestrija tal-FAEŻR: nefqa bbaġitjata u attwali (f'miljun euro)

Sors: il-QEA. Ibbażat fuq l-informazzjoni tal-Istati Membri rrappurtata lill-Kummissjoni.

63

L-Istati Membri jiddikjaraw in-nefqa skont il-miżura lill-Kummissjoni mingħajr ma jispeċifikaw in-nefqa għal sottomiżuri differenti. Fil-kwestjonarju tagħna, aħna tlabna din l-informazzjoni għaż-żewġ miżuri tal-forestrija u għall-pagamenti taħt Natura 2000 (il-miżura 12.2). Ir-risposti juru li s-sottomiżuri l-aktar użati kienu l-appoġġ għall-prevenzjoni tan-nirien fil-foresti u eventi katastrofiċi oħra, u t-tisġir. L-Istati Membri għamlu inqas użu mis-sottomiżuri li jappoġġaw il-bijodiversità tal-foresti (pagamenti taħt Natura 2000, ir-reżiljenza u l-valur ambjentali tal-ekosistemi tal-foresti, servizzi ambjentali u klimatiċi b'rabta mal-foresti u l-konservazzjoni tal-foresti) (ara l-Figura 14).

Figura 14

L-użu ta' diversi miżuri tal-forestrija

Sors: il-QEA, ibbażat fuq it-tweġibiet tal-Istati Membri għall-kwestjonarju.

64

L-awtoritajiet tal-Istati Membri taw bosta raġunijiet għaliex is-sidien tal-foresti ma applikawx għall-appoġġ. L-aktar raġuni komuni kienet il-burokrazija u l-kumplessità tal-iskemi. Barra minn hekk, id-disponibbiltà tal-pagamenti diretti influwenzat id-deċiżjonijiet dwar it-tisġir minħabba l-preferenza li jkomplu bl-attività tal-biedja u, b'hekk, li jirċievu pagamenti diretti. Iż-żoni afforestati jistgħu jirċievu pagamenti diretti matul il-perjodu ta’ impenn, li jista’ jdum sa 12-il sena. Fl-aħħar nett, l-Istati Membri spjegaw li r-regoli tal-UE jappoġġaw biss in-nefqa attwali u l-introjtu mitluf minħabba l-iskema ta' appoġġ, mingħajr l-ebda gwadann għall-benefiċċji ambjentali. Xi wħud ħassew li l-kunsiderazzjoni tal-valur ambjentali fir-rati tal-pagamenti tista' tagħmel il-forestrija aktar attraenti u tgħin biex jintlaħqu l-objettivi tal-UE għall-bijodiversità u r-reżiljenza għat-tibdil fil-klima.

Is-sistema ta' monitoraġġ attwali ma tkejjilx l-effetti tal-miżuri tal-forestrija fuq il-bijodiversità u t-tibdil fil-klima

65

Ir-regolamenti jipprevedu sistema komuni ta' monitoraġġ u evalwazzjoni “li turi l-progress u l-kisbiet tal-politika ta' żvilupp rurali u li tevalwa l-impatt, l-effikaċja, l-effiċjenza u r-rilevanza tal-interventi tal-politika ta' żvilupp rurali39. Bl-użu tas-sistema komuni, l-Istati Membri huma meħtieġa jivvalutaw u jirrapportaw lill-Kummissjoni (fl-2017, fl-2019 u fl-evalwazzjoni ex post) sa liema punt il-miżuri tal-programm tal-iżvilupp rurali appoġġaw:

  1. ir-restawr, il-preservazzjoni u t-tisħiħ tal-bijodiversità, inklużi ż-żoni tan-Natura 2000, u ż-żoni li qed iħabbtu wiċċhom ma' restrizzjonijiet naturali jew oħrajn speċifiċi, u l-biedja li għandha valur naturali għoli, kif ukoll l-istat tal-pajżaġġi Ewropej; u
  2. it-trawwim tal-konservazzjoni u tal-ġbir tal-karbonju fl-agrikoltura u l-forestrija.

L-Istati Membri għandhom jużaw indikaturi u għodod ta' evalwazzjoni oħra, bħal studji, biex iwieġbu dawn il-mistoqsijiet.

66

Is-sistema ta' monitoraġġ tuża tliet tipi differenti ta' indikaturi biex tkejjel, rispettivament, l-outputs, ir-riżultati immedjati u l-impatti aktar fit-tul40. It-Tabella 1 tiġbor fil-qosor l-indikaturi rilevanti għall-monitoraġġ ta’ kif il-miżuri tal-forestrija jikkontribwixxu għall-bijodiversità u għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih.

Tabella 1

Indikaturi għall-monitoraġġ tal-miżuri tal-forestrija

Objettivi Tip ta' indikatur Indikaturi rilevanti għall-miżuri tal-forestrija
Miżuri tal-forestrija Output
  • Nefqa pubblika totali
  • Investiment totali
  • Għadd ta' azzjonijiet/operazzjonijiet appoġġati
  • Għadd ta' azjendi/benefiċjarji appoġġati
  • Erja totali
  • Għadd ta' kuntratti appoġġati
Objettivi tal-iżvilupp rurali:
  • Ir-restawr, il-preservazzjoni u t-titjib tal-ekosistemi relatati mal-agrikoltura u mal-forestrija
  • Il-promozzjoni tal-effiċjenza fir-riżorsi u l-appoġġ għat-tranżizzjoni lejn ekonomija reżiljenti għall-klima u b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju fis-setturi tal-agrikoltura, tal-ikel u tal-forestrija
Riżultat
  • Il-perċentwal ta' foresti taħt kuntratti ta' ġestjoni li jappoġġaw il-bijodiversità
  • Il-perċentwal ta' foresti taħt kuntratti ta' ġestjoni maħsuba biex itejbu l-ġestjoni tal-ilma
  • Il-perċentwal ta' foresti taħt kuntratti ta' ġestjoni maħsuba biex itejbu l-ġestjoni tal-ħamrija u/jew jipprevienu l-erożjoni tal-ħamrija
  • Il-perċentwal ta' art agrikola u forestali taħt kuntratti ta' ġestjoni maħsuba biex itejbu s-sekwestru jew il-konservazzjoni tal-karbonju
Objettivi tal-PAK:
  • L-iżgurar tal-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali u l-azzjoni klimatika
Impatt L-ebda wieħed mill-indikaturi ma jkejjel il-ġestjoni sostenibbli tal-foresti jew l-azzjoni klimatika fil-foresti

Sors: il-QEA.

67

L-indikaturi tal-output li jirrappurtaw dwar il-miżuri tal-forestrija juru kemm jintefqu flus, kemm jiġu appoġġati azjendi u s-sehem ta' foresti li jikkontribwixxu għall-objettivi klimatiċi u ambjentali. L-indikaturi tar-riżultati ma jkejlux il-benefiċċji tal-proġetti jew il-kontribut tagħhom għall-bijodiversità u għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih. Ma hemm l-ebda indikatur tal-impatt għall-foresti. Il-proposti tal-Kummissjoni għall-PAK wara l-2020 ma jkunu jġibu l-ebda tibdil sinifikanti fl-indikaturi użati għall-miżuri tal-forestrija u l-benefiċċji tagħhom fl-oqsma tal-bijodiversità u tat-tibdil fil-klima. Għal analiżi tal-proposti tal-Kummissjoni, ara l-Opinjoni li ħriġna fl-201841.

68

L-Istati Membri huma liberi li jiżviluppaw indikaturi addizzjonali biex ikejlu l-impatti tal-programmi tal-iżvilupp rurali (PŻR) tagħhom fuq il-bijodiversità u t-tibdil fil-klima. Mill-Istati Membri u r-reġjuni magħżula għal dan l-awditu, il-Polonja u Spanja (Kastilja La Mancha) inkludew indikaturi addizzjonali b'dan il-mod (ara l-Kaxxa 13).

Kaxxa 13

Indikaturi addizzjonali tal-PŻR li jkejlu l-impatti

Il-PŻR Pollakk jinkludi indikatur tal-impatt fuq l-ammont ta' diossidu tal-karbonju assorbit (f'ekwivalenti ta' CO2).

Kastilja La Mancha tuża bosta indikaturi biex tevalwa l-PŻR, inkluża x-xejra fl-indiċi tal-għasafar tal-foresti, il-ħżin tal-karbonju fil-foresti u ż-żamma tal-karbonju fil-bjar maħluqa mit-tisġir.

Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

69

Il-foresti tal-UE huma multifunzjonali, billi jaqdu skopijiet ambjentali, ekonomiċi u soċjali. Il-prattiki ta' ġestjoni sostenibbli huma essenzjali biex tinżamm il-bijodiversità u jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima fil-foresti.

70

Dan l-awditu ffoka fuq l-isforzi tal-UE biex tipproteġi l-bijodiversità u tindirizza t-tibdil fil-klima fil-foresti tal-UE. Aħna sibna li, fl-oqsma fejn l-UE hija kompletament kompetenti biex taġixxi, il-Kummissjoni setgħet ħadet azzjoni aktar b'saħħitha biex tikkontribwixxi għall-protezzjoni tal-foresti tal-UE.

71

L-UE approvat id-Direttivi dwar il-Ħabitats u l-Għasafar u l-Kummissjoni adottat bosta strateġiji biex tindirizza l-istatus fqir tal-bijodiversità u tal-konservazzjoni tal-foresti tal-UE. Skont dawn l-istrateġiji, ir-rwol tal-Kummissjoni fil-bijodiversità tal-foresti huwa limitat għall-iffissar ta' miri mhux vinkolanti u għall-ħruġ ta' linji gwida u rakkomandazzjonijiet (ara l-paragrafi 25-28). Għal ħafna mis-siti ta' Natura 2000 li koprejna, kien hemm nuqqas ta' miżuri ta' konservazzjoni speċifiċi għaż-żoni tal-foresti (ara l-paragrafi 29-32).

72

Ir-Regolament dwar l-Injam għandu l-għan li jwaqqaf il-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam fl-UE. Aħna sibna li l-Kummissjoni għadha ma analizzatx il-kwalità tal-kontrolli tal-Istati Membri fuq l-operaturi domestiċi u lanqas ma rrieżaminat id-definizzjonijiet tagħhom ta' qtugħ illegali tas-siġar għall-injam. Id-dgħufijiet proċedurali u l-kontrolli neqsin inaqqsu l-effettività tar-Regolament tal-UE dwar l-Injam fil-prattika (ara l-paragrafi 33-38). Filwaqt li t-telerilevament joffri potenzjal kbir għal monitoraġġ kosteffettiv fuq żoni kbar, il-Kummissjoni ma tużahx b'mod konsistenti (ara l-paragrafu 39).

73

L-UE qed tindirizza dejjem aktar il-foresti fil-politiki tagħha dwar it-tibdil fil-klima. It-tħassib dwar it-tibdil fil-klima fil-foresti jidher kemm fid-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli kif ukoll fir-Regolament dwar l-Użu tal-Art, it-Tibdil fl-Użu tal-Art u l-Forestrija (ara l-paragrafi 40-44). Madankollu, kwistjonijiet bħall-adattament tal-foresti għat-tibdil fil-klima u l-iffissar ta' konfini ekoloġiċi fuq l-użu tal-foresti għall-enerġija huma inqas żviluppati sewwa. L-isforzi biex jiġu implimentati l-bijoekonomija u strateġija ta' adattament għat-tibdil fil-klima ffokata b'mod aktar ċar ġew affettwati minn għarfien u informazzjoni limitati (ara l-paragrafi  45-47).

74

L-UE twassal l-appoġġ finanzjarju għall-forestrija prinċipalment permezz tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR). In-nefqa fuq il-miżuri ta’ foresterija tammonta għal 3 % tan-nefqa kollha fuq l-iżvilupp rurali fil-prattika. Waħda mill-kundizzjonijiet biex tirċievi finanzjament mill-FAEŻR hija li l-azjendi ta' daqs 'il fuq minn dak definit minn kull Stat Membru jeħtieġ li jkollhom pjan ta’ ġestjoni tal-foresti, jew l-ekwivalenti tiegħu, f'konformità mal-ġestjoni sostenibbli tal-foresti. Aħna sibna li l-eżistenza ta' pjan ta’ ġestjoni tal-foresti ftit li xejn tipprovdi aċċertament li l-finanzjament għall-iżvilupp rurali huwa mmirat lejn attivitajiet ambjentalment sostenibbli (ara l-paragrafi 49-54). Il-miżuri ta' żvilupp rurali ftit għandhom impatt fuq il-bijodiversità tal-foresti u r-reżiljenza għat-tibdil fil-klima, parzjalment minħabba l-infiq modest fuq il-foresti u d-dgħufijiet fit-tfassil tal-miżuri. Il-proposti leġiżlattivi għall-Politika Agrikola Komuni wara l-2020 jagħtu lill-Istati Membri aktar flessibbiltà fit-tfassil ta' skemi ta' appoġġ għall-forestrija (ara l-paragrafi  55-64). Aħna kkonkludejna li s-sistema ta' monitoraġġ komuni tal-UE ma tkejjilx l-effetti tal-miżuri tal-forestrija fuq il-bijodiversità u t-tibdil fil-klima (ara l-paragrafi 65-68).

Rakkomandazzjoni 1 – It-titjib tal-kontribuzzjoni għall-bijodiversità u l-indirizzar tat-tibdil fil-klima fil-foresti

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tfassal u tapplika pjan ta' azzjoni biex:

  1. tirrieżamina l-adozzjoni u l-applikazzjoni ta' miżuri ta' konservazzjoni tal-foresti fl-UE;
  2. tiġbor u xxerred l-għarfien fost l-Istati Membri dwar kif jadattaw il-foresti għat-tibdil fil-klima, f'konformità mal-istrateġija ta' adattament il-ġdida tal-UE.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: 2023

Rakkomandazzjoni 2 – It-tisħiħ tal-ġlieda kontra l-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam

Jenħtieġ li l-Kummissjoni:

  1. tivvaluta l-potenzjal li tagħmel proposti leġiżlattivi bl-għan li ssaħħaħ ir-rieżaminar tagħha tal-kontrolli tal-Istati Membri fuq ir-Regolament tal-UE dwar l-Injam;
  2. testendi l-użu li hija tagħmel mill-intelliġenza ġeospazjali, u tippromwovi l-użu tagħha mill-Istati Membri, inklużi t-tekniki ta’ telerilevament biex tassigura aħjar il-konformità mar-rekwiżiti tal-UE dwar il-ġestjoni tal-foresti u l-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: 2023

Rakkomandazzjoni 3 – Iffukar aħjar tal-miżuri tal-forestrija għall-iżvilupp rurali fuq il-bijodiversità u t-tibdil fil-klima

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura li:

  1. l-azzjonijiet tal-forestrija ffinanzjati jsiru f'konformità mal-ġestjoni sostenibbli tal-foresti;
  2. għandha informazzjoni rilevanti li tippermettilha tivvaluta l-kontribut tal-miżuri ta’ foresterija ffinanzjati mill-UE għall-bijodiversità u l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima: u l-adattament fil-foresti.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: 2023

Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla I, immexxija mis-Sur Samo Jereb, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fl-14 ta’ Lulju 2021.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Klaus-Heiner Lehne
President

Abbrevjazzjonijiet

PAK: Il-Politika Agrikola Komuni.

FAEŻR: Il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali.

LULUCF: L-Użu tal-Art, it-Tibdil fl-Użu tal-Art u l-Forestrija.

PŻR: Programm tal-Iżvilupp Rurali.

UNFCCC: Il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima.

Glossarju

Bijoekonomija: L-ekonomija bbażata fuq l-użu ta' riżorsi bijoloġiċi, kemm mill-art kif ukoll mill-baħar, għal firxa ta' prodotti, inklużi l-ikel u l-għalf, il-materjali u l-enerġija. Definizzjoni aktar komprensiva ta’ dan it-terminu hija disponibbli fl-Istrateġija dwar il-Bijoekonomija tal-UE.

Bir ta' karbonju: Foresta, oċean, jew ambjent naturali ieħor meqjusa f'termini tal-kapaċità tagħhom li jassorbu d-diossidu tal-karbonju mill-atmosfera.

Diliġenza Dovuta: Eżerċizzju ta' ġestjoni tar-riskju biex jitnaqqas kemm jista' jkun ir-riskju li jitqiegħed fis-suq tal-UE injam maħsud illegalment. Id-diliġenza dovuta tikkonsisti f'miżuri u proċeduri li jipprovdu aċċess għall-informazzjoni rilevanti kollha; proċeduri ta' valutazzjoni tar-riskju u; miżuri u proċeduri adegwati u proporzjonati biex itaffu r-riskju għal negliġibbli.

Fond ta' Koeżjoni: Fond tal-UE għat-tnaqqis tad-disparitajiet ekonomiċi u soċjali fl-UE permezz tal-finanzjament tal-investimenti fl-Istati Membri fejn l-introjtu nazzjonali gross għal kull abitant ikun inqas minn 90 % tal-medja tal-UE.

Forest Europe: Isem qasir għall-Konferenza Ministerjali dwar il-Protezzjoni tal-Foresti fl-Ewropa, struttura għad-djalogu intergovernattiv u l-kooperazzjoni dwar il-politiki tal-foresti fost 46 pajjiż Ewropew u l-UE.

Il-Faċilità ta' Finanzjament tal-Kapital Naturali tal-BEI: Strument finanzjarju stabbilit mill-Kummissjoni Ewropea u l-BEI biex jipprovdi self u appoġġ tekniku għal proġetti li x'aktarx ikollhom impatt pożittiv fuq il-bijodiversità u/jew l-adattament għat-tibdil fil-klima.

Il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali: Fond tal-UE għall-finanzjament tal-kontribuzzjoni tal-UE għall-programmi tal-iżvilupp rurali.

Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali: Fond tal-UE li jsaħħaħ il-koeżjoni ekonomika u soċjali fl-UE billi jiffinanzja investimenti li jnaqqsu l-iżbilanċi bejn ir-reġjuni.

Il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima: Trattat internazzjonali għall-prevenzjoni ta' interferenza umana “perikoluża” mas-sistema tal-klima.

Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Diversità Bijoloġika: Trattat multilaterali dwar il-konservazzjoni tal-bijodiversità, l-użu sostenibbli tal-komponenti tagħha u l-kondiviżjoni ġusta u ekwa ta' benefiċċji li jirriżultaw mill-użu ta' riżorsi ġenetiċi.

Il-programm LIFE: L-istrument finanzjarju li jappoġġa l-implimentazzjoni tal-politika ambjentali u klimatika tal-UE permezz tal-kofinanzjament ta' proġetti fl-Istati Membri.

Kontroll tal-idoneità: Evalwazzjoni biex jiġu identifikati kwalunkwe duplikazzjonijiet, lakuni, inkonsistenzi jew miżuri obsoleti fil-qafas regolatorju għal qasam ta' politika.

L-Użu tal-Art, it-Tibdil fl-Użu tal-Art u l-Forestrija: Is-settur tal-inventarju tal-gassijiet serra li jkopri l-emissjonijiet u l-assorbimenti tal-gassijiet serra li jirriżultaw minn attivitajiet diretti tal-użu tal-art, it-tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija kkawżati mill-bniedem.

Natura 2000: Network ta' żoni ta' konservazzjoni għal speċijiet rari u mhedda, u xi tipi ta' ħabitats naturali rari protetti skont id-dritt tal-Unjoni.

Orizzont 2020: Il-programm tal-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni għall-perjodu 2014-2020. Segwit f'Jannar 2021 minn Orizzont Ewropa għall-perjodu 2021-2027.

Osservazzjoni tad-Dinja: Il-ġbir ta' informazzjoni dwar is-sistemi fiżiċi, kimiċi u bijoloġiċi tad-Dinja permezz ta' teknoloġiji ta' telerilevament, li ġeneralment jinvolvu satelliti li jġorru apparat tal-immaġni.

Perjodu ta' programmazzjoni: Il-perjodu li fih jiġi ppjanat u implimentat programm ta' nfiq tal-UE.

Politika Agrikola Komuni: Il-politika unika u unifikata tal-UE dwar l-agrikoltura, li tinkludi sussidji u firxa ta' miżuri oħrajn maħsuba biex jiggarantixxu s-sigurtà alimentari, jiżguraw standard tal-għajxien ġust għall-bdiewa tal-UE, jippromwovu l-iżvilupp rurali u jipproteġu l-ambjent.

Proċedura ta' ksur: Proċedura fejn il-Kummissjoni tieħu azzjoni kontra Stat Membru tal-UE li jonqos milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont id-dritt tal-Unjoni.

Programm tal-iżvilupp rurali: Sett ta' objettivi u azzjonijiet pluriennali nazzjonali jew reġjonali, approvati mill-Kummissjoni, għall-implimentazzjoni tal-politika ta' żvilupp rurali tal-UE.

Qafas finanzjarju pluriennali: Il-pjan ta' nfiq tal-UE li jistabbilixxi l-prijoritajiet (abbażi tal-objettivi ta' politika) u l-limiti massimi, ġeneralment għal perjodu ta' seba' snin. Huwa jipprovdi l-istruttura li fi ħdanha jiġu stabbiliti l-baġits annwali tal-UE, filwaqt li jillimita l-infiq għal kull kategorija ta' nfiq. Il-QFP attwali jkopri l-perjodu 2021-2027.

Servizzi tal-ekosistema: Il-benefiċċji diretti u indiretti li jistgħu jiksbu n-nies mill-ekosistemi, li jistgħu jkunu ekonomiċi, ambjentali u soċjali.

Tim tal-awditjar

Ir-rapporti speċjali tal-QEA jippreżentaw ir-riżultati tal-awditi li twettaq ta' politiki u programmi tal-UE, jew ta' suġġetti relatati mal-ġestjoni minn oqsma baġitarji speċifiċi. Il-QEA tagħżel u tfassal dawn il-kompiti tal-awditjar biex timmassimizza l-impatt tagħhom billi tqis ir-riskji għall-prestazzjoni jew għall-konformità, il-livell ta' introjtu jew ta' nfiq involut, l-iżviluppi futuri u l-interess politiku u pubbliku.

Dan l-awditu tal-prestazzjoni twettaq mill-Awla I tal-Awditjar, li hija mmexxija mill-Membru tal-QEA Samo Jereb. L-awditu tmexxa mill-Membru tal-QEA João Figueiredo, appoġġat minn Paula Betencourt, Kap tal-Kabinett u Quirino Mealha, Attaché tal-Kabinett; Robert Markus, Maniġer Prinċipali; Maria Eulàlia Reverté i Casas, Kap tal-Kompitu; Päivi Piki, Deputat Kap tal-Kompitu; Grzegorz Grajdura, Alexandru Ilie u Joachim Otto, Awdituri. Thomas Everett ipprovda appoġġ lingwistiku u Marika Meisenzahl ipprovdiet appoġġ grafiku.

B’Tifkira ta’ João Figueiredo, 1955-2021

Noti finali

1 L-Eurostat: Agriculture, forestry and fishery statistics (Statistika dwar l-agrikoltura, il-forestrija u s-sajd), edizzjoni tal-2020.

2 State of Europe's Forests (L-Istat tal-Foresti tal-Ewropa) 2020. Forest Europe.

3 State of Europe's Forests 2020. Forest Europe.

4 Ir-rapport tal-EEA Nru 10/2020.

5 Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: “Strateġija ġdida tal-UE għall-Foresti: għall-foresti u s-settur ibbażat fuq il-foresti”, COM(2013) 659 final.

6 Id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE (ĠU L 206, 22.7.1992, pp. 7-50).

7 Id-Direttiva 2009/147/KE (ĠU L 20, 26.1.2010, pp. 7-25).

8 L-Artikoli 2 u 3 tad-Direttiva 92/43/KEE u l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2009/147/KE.

9 Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: “L-assigurazzjoni ta' ħajjitna, il-kapital naturali tagħna: strateġija tal-UE għall-bijodiversità sal-2020”, COM/2011/0244 final.

10 Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: “Strateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030 – Inreġġgħu n-natura lura f'ħajjitna”, COM(2020) 380 final.

11 Mid-term review of the EU biodiversity strategy to 2020 EU assessment of progress towards the targets and actions.

12Mapping and Assessment of Ecosystems and their Services: An EU ecosystem assessment”.

13 Ibbażat fuq id-data tal-Kummissjoni mill-ewwel programmi tal-iżvilupp rurali approvati.

14 Il-Kummissjoni Ewropea: Evaluation study of the forestry measures under Rural Development. Rapport finali. Alliance Environment EEIG. Settembru 2017.

15 Mapping and Assessment of Ecosystems and their Services: An EU ecosystem assessment. Annex-eu-ecosystem-assessment_final.pdf.

16 L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2009/147/KE u l-Artikoli 12 u 13 tad-Direttiva 92/43/KEE.

17 Għaż-żewġ strateġiji, ara n-noti f’qiegħ il-paġna 9 u 10.

18 Ir-Rapport Speċjali Nru 1/2017: “Jenħtieġ li jsiru aktar sforzi biex il-potenzjal sħiħ tan-netwerk Natura 2000 jiġi implimentat”.

19 Ir-Regolament (UE) Nru 995/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ottubru 2010 li jistabbilixxi l-obbligi tal-operaturi li jqiegħdu fis-suq injam u prodotti tal-injam.

20 Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar ir-Regolament tal-UE dwar l-Injam. COM(2016) 74 final.

21 Biennial report from the Commission to the European Parliament and the Council, for the period March 2017 – February 2019, dwar ir-Regolament tal-UE dwar l-Injam. COM(2020) 629 final.

22 Study on Monitoring of Forests through Remote Sensing. Rapport Finali. C. Atzberger et al, għall-Kummissjoni, Ottubru 2020.

23 Il-Kummissjoni Ewropea: Deċiżjonijiet ta' ksur. Lulju 2020.

24 Ir-Regolament (UE) 2018/841 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2018 dwar l-inklużjoni tal-emissjonijiet u l-assorbimenti ta' gassijiet serra minn użu tal-art, tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija fil-qafas ta' politika għall-klima u l-enerġija għall-2030, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 525/2013 u d-Deċiżjoni Nru 529/2013/UE.

25 EU Climate Action Progress Report. Il-Kummissjoni Ewropea. Novembru 2020.

26 Id-Deċiżjoni Nru 529/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar regoli tal-kontabilità dwar l-emissjonijiet u l-assorbimenti tal-gassijiet serra li jirriżultaw mill-attivitajiet relatati mal-użu tal-art, mat-tibdil fl-użu tal-art u mal-forestrija u dwar informazzjoni li tikkonċerna l-azzjonijiet relatati ma' dawk l-attivitajiet (ĠU L 165, 18.6.2013, pp. 80-97).

27 Id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (ĠU L 328, 21.12.2018, pp. 82-209).

28 JRC Science for Policy Report: “Biomass production, supply, uses and flows in the European Union”, 2018.

29 Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: “Ninnovaw għal Tkabbir Sostenibbli: Bijoekonomija għall-Ewropa”, COM(2012) 60 final.

30 Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: “Bijoekonomija sostenibbli għall-Ewropa: Tisħiħ tal-konnessjoni bejn l-ekonomija, is-soċjetà u l-ambjent”, COM(2018) 673 final.

31 Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: “Strateġija tal-UE dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima”, COM(2013) 216 final.

32 Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: “Insawru Ewropa reżiljenti għall-klima – L-Istrateġija l-ġdida tal-UE dwar l-Adattament għat-Tibdil fil-Klima” - COM(2021) 82 final.

33 L-Artikoli 21 u 34 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 487-548).

34 It-Tieni Konferenza Ministerjali dwar il-Protezzjoni tal-Foresti fl-Ewropa, is-16-17 ta' Ġunju 1993, Ħelsinki/il-Finlandja. Resolution H1: General Guidelines for the Sustainable Management of Forests in Europe.

35 Updated Pan-European indicators for sustainable forest management.

36 L-Artikolu 6 tar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 807/2014 tal-11 ta' Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jintroduċi dispożizzjonijiet tranżitorji (ĠU L 227, 31.7.2014, pp. 1-17).

37 Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli dwar l-appoġġ għall-pjanijiet strateġiċi li għandhom jitfasslu mill-Istati Membri taħt il-Politika Agrikola Komuni (il-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK) u ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija (FAEG) u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), COM(2018) 392 final.

38 L-Artikolu 68(3)(h) tal-proposta għal pjanijiet strateġiċi tal-PAK.

39 L-Artikoli 67-69 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013.

40 L-Anness IV tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 808/2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU L 227, 31.7.2014, pp. 18-68).

41 Anness I tal-Opinjoni Nru 7/2018 tal-QEA rigward il-proposti tal-Kummissjoni għal regolamenti relatati mal-Politika Agrikola Komuni għall-perjodu wara l-2020.

Kuntatt

IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI
12, rue Alcide De Gasperi
1615 Luxembourg
LUXEMBOURG

Tel. +352 4398-1
Mistoqsijiet: eca.europa.eu/mt/Pages/ContactForm.aspx
Sit web: eca.europa.eu
Twitter: @EUAuditors

Ħafna informazzjoni addizzjonali dwar l-Unjoni Ewropea hija disponibbli fuq l-Internet.
Jista’ jsir aċċess għaliha permezz tas-server Europa (http://europa.eu).

Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2021

PDF ISBN 978-92-847-6822-6 ISSN 1977-5741 doi:10.2865/192 QJ-AB-21-023-MT-N
HTML ISBN 978-92-847-6800-4 ISSN 1977-5741 doi:10.2865/923543 QJ-AB-21-023-MT-Q

DRITTIJIET TAL-AWTUR

© L-Unjoni Ewropea, 2021.

Il-politika tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) dwar l-użu mill-ġdid hija implimentata bid-Deċiżjoni Nru 6-2019 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar il-politika tad-data miftuħa u l-użu mill-ġdid ta’ dokumenti.

Sakemm ma jkunx indikat mod ieħor (eż. f’avviżi individwali dwar id-drittijiet tal-awtur), il-kontenut tad-dokumenti tal-QEA, li huwa proprjetà tal-UE, huwa liċenzjat taħt il-liċenzja Creative Commons Attribution 4.0 International (CC BY 4.0). Dan ifisser li l-użu mill-ġdid huwa awtorizzat, dment li l-awturi jingħataw kreditu xieraq u li l-bidliet jiġu indikati. Il-persuni li jużaw mill-ġdid dan il-kontenut ma jistgħux ibiddlu s-sinifikat jew il-messaġġ oriġinali tad-dokumenti. Il-QEA ma għandhiex tkun responsabbli għal kwalunkwe konsegwenza relatata mal-użu mill-ġdid.

Inti meħtieġ tikseb drittijiet addizzjonali ċari jekk kontenut speċifiku juri individwi privati identifikabbli, eż. f’ritratti li jkun fihom il-membri tal-persunal tal-QEA, jew jekk ikun jinkludi xogħlijiet ta’ parti terza. Fejn ikun inkiseb permess, tali permess għandu jikkanċella u jissostitwixxi l-permess ġenerali msemmi hawn fuq u għandu jindika b’mod ċar kwalunkwe restrizzjoni dwar l-użu.

Biex tuża jew tirriproduċi kontenut li ma jkunx proprjetà tal-UE, inti jista’ jkun li jkollok titlob il-permess direttament mingħand id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur:

Kaxxa 1: L-użu tal-logo SDG, inkluż ir-rota tal-kulur u l-ikoni minn entità ma jimplikawx l-approvazzjoni min-Nazzjonijiet Uniti ta’ tali entità, tal-prodotti jew servizzi tagħha jew tal-attivitajiet ippjanati tagħha.

Software jew dokumenti li jkunu koperti mid-drittijiet ta’ proprjetà industrijali, bħal privattivi, trademarks, disinji rreġistrati, logos u ismijiet, huma esklużi mill-politika tal-QEA dwar l-użu mill-ġdid u inti ma għandekx il-liċenzja biex tużahom.

Il-familja ta’ Siti Web istituzzjonali tal-Unjoni Ewropea, fi ħdan id-dominju europa.eu, tipprovdi links għal siti ta’ partijiet terzi. Peress li l-QEA ma għandha l-ebda kontroll fuqhom, inti mħeġġeġ biex tirrieżamina l-politiki tagħhom dwar il-privatezza u dwar id-drittijiet tal-awtur.

Użu tal-logo tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri

Ma jistax isir użu mil-logo tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri mingħajr ma jinkiseb il-kunsens tagħha minn qabel.

Kif tikkuntattja lill-UE

Personalment
Madwar l-Unjoni Ewropea kollha hemm mijiet ta’ ċentri ta’ informazzjoni tal-Europe Direct. Tista’ ssib l-indirizz tal-eqreb ċentru għalik f'dan is-sit: https://europa.eu/european-union/contact_mt

Bit-telefown jew bil-posta elettronika
Europe Direct huwa servizz li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar l-Unjoni Ewropea. Tista’ tikkuntattja dan is-servizz:

  • bit-telefown bla ħlas: 00 800 6 7 8 9 10 11 (ċerti operaturi jafu jimponu ħlas għal dawn it-telefonati),
  • fuq dan in-numru standard: +32 22999696, jew
  • bil-posta elettronika permezz: https://europa.eu/european-union/contact_mt

Kif issib tagħrif dwar l-UE

Onlajn
L-informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE hija disponibbli fuq is-sit web Europa fuq: https://europa.eu/european-union/index_mt

Pubblikazzjonijiet tal-UE
Tista’ tniżżel mill-internet jew tordna l-pubblikazzjonijiet tal-UE, li xi wħud minnhom huma bla ħlas u xi oħrajn bil-ħlas, minn: https://op.europa.eu/mt/publications. Kopji multipli ta’ pubblikazzjonijiet bla ħlas tista’ tiksibhom billi tikkuntattja lil Europe Direct jew liċ-ċentru tal-informazzjoni lokali tiegħek (ara https://europa.eu/european-union/contact_mt).

Il-liġi tal-UE u dokumenti relatati
Għal aċċess għall-informazzjoni legali tal-UE, inkluż il-liġijiet kollha tal-UE mill-1951 ’l hawn, fil-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali kollha, żur is-sit EUR-Lex hawnhekk: http://eur-lex.europa.eu

Data Miftuħa mill-UE
Il-portal tad-Data Miftuħa mill-UE (https://copenhagenizeindex.eu/) jipprovdi aċċess għal settijiet tad-data mill-UE. Id-data tista’ titniżżel mill-internet u tintuża mill-ġdid bla ħlas, kemm għal skopijiet kummerċjali kif ukoll mhux kummerċjali.