Rapport Speċjali
No08 2019

Enerġija eolika u solari għall-ġenerazzjoni tal-elettriku: jeħtieġ li tittieħed azzjoni sinifikanti jekk iridu jintlaħqu l-miri tal-UE

(skont l-Artikolu 287(4), it-tieni subparagrafu, TFUE)

Dwar ir-rapport: Fis-snin reċenti, il-ġenerazzjoni tal-elettriku mill-enerġija eolika u solari fotovoltajka rat żieda impressjonanti. Sadanittant, l-ispiża għall-produzzjoni tal-elettriku mill-enerġija eolika u solari saret dejjem aktar kompetittiva meta mqabbla mal-ispiża tal-elettriku mill-ħruq ta’ fjuwils fossili. Għal dan ir-rapport, aħna vvalutajna l-progress li sar mill-UE u mill-Istati Membri lejn l-ilħuq tal-miri għall-2020 f’dak li jirrigwarda s-sorsi rinnovabbli, u eżaminajna l-effettività tal-miżuri li ttieħdu għal dan il-għan.
Aħna sibna li l-progress sinifikanti li nkiseb mill-2005 ’l quddiem kien segwit minn deċellerazzjoni fiż-żewġ setturi wara l-2014. Għal nofs l-Istati Membri tal-UE, l-ilħuq tal-miri għall-2020 se jkun jippreżenta sfida sinifikanti. Aħna indirizzajna għadd ta’ rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni biex tgħin lill-Istati Membri jappoġġaw implimentazzjoni ulterjuri — billi jorganizzaw irkantijiet, jippromwovu l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini u jtejbu l-kundizzjonijiet għall-implimentazzjoni, inkluż jirriżolvu l-insuffiċjenzi fil-grilja.

Din il-pubblikazzjoni hija disponibbli bi 23 lingwa fil-format li ġej:
PDF
PDF General Report

Sommarju eżekuttiv

I

Bejn l-2005 u l-2017, is-sehem tas-sorsi rinnovabbli fil-ġenerazzjoni tal-elettriku fl-UE rdoppja, minn madwar 15 % għal kważi 31 %. Dan it-tkabbir kien prinċipalment dovut għaż-żieda fl-enerġija eolika u solari fotovoltajka (PV).

II

Permezz ta’ dan l-awditu, aħna vvalutajna jekk is-sehem tas-sorsi rinnovabbli fil-konsum finali gross tal-enerġija kienx ipprogressa biżżejjed biex l-UE tkun tista’ tilħaq il-mira ta’ 20 % sal-2020 kif stabbilit bid-Direttiva dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli, u jekk l-appoġġ li ngħata mill-UE u mill-Istati Membri għall-ġenerazzjoni tal-elettriku mill-enerġija eolika u solari fotovoltajka kienx effettiv. Il-pubblikazzjoni ta’ dan ir-rapport tal-awditjar se tikkoinċidi ma’ dik fl-2019, tar-rapport li jmiss fis-serje ta’ rapporti maħruġin mill-Kummissjoni Ewropea dwar il-progress li sar fis-settur tal-enerġija rinnovabbli, fejn se jingħataw dettalji dwar il-progress tal-Istati Membri lejn l-ilħuq tal-miri tagħhom għall-2020. Dawn ir-rapporti se jipprovdu l-aħħar opportunità biex tittieħed azzjoni korrettiva u se jipprovdu wkoll informazzjoni għad-diskussjonijiet dwar is-sitwazzjoni tas-sorsi rinnovabbli wara l-2020.

III

Id-Direttiva nfisha kienet l-ewwel katalista għall-kisba tal-progress fis-sorsi rinnovabbli, u t-tieni kienu l-iskemi ta’ appoġġ tal-Istati Membri mmirati biex jinċentivaw l-investiment. Madankollu, il-progress sinifikanti li nkiseb mill-2005 ’l quddiem kien segwit minn deċellerazzjoni fis-setturi kemm tal-enerġija eolika kif ukoll dik solari fotovoltajka wara l-2014. Sal-2017, nofs l-Istati Membri kienu jew diġà laħqu l-miri tagħhom għall-2020 jew inkella kienu dalwaqt se jilħquhom. Għall-Istati Membri l-oħra, l-ilħuq tal-miri nazzjonali tagħhom jibqa’ jippreżenta sfida sinifikanti li se tkun teħtieġ sforz akbar.

IV

Aħna sibna li l-iskemi ta’ appoġġ inizjali ssussidjaw b’mod eċċessiv l-implimentazzjoni tal-enerġija eolika u solari fotovoltajka, iżda li t-tnaqqis tal-livelli ta’ appoġġ skoraġġixxa lill-investituri potenzjali. Huwa kruċjali li jitħeġġu l-irkantijiet u l-użu tal-parteċipazzjoni taċ-ċittadini biex jiżdied l-investiment u jsir titjib fil-kundizzjonijiet għall-implimentazzjoni, pereżempju billi jingħelbu r-regoli dwar il-ġestjoni tat-territorju restrittivi, il-proċeduri amministrattivi twal u l-insuffiċjenzi fil-grilja.

V

Meta nħarsu ’l quddiem lejn is-sena 2030, aħna sibna li l-pakkett tal-“Enerġija Nadifa”, ippreżentat mill-Kummissjoni fl-2016, jistabbilixxi l-bażi għal ambjent ta’ investiment aħjar. Madankollu, in-nuqqas ta’ miri nazzjonali jista’ jipperikola l-ilħuq tal-mira tal-UE ta’ mill-inqas 32 % għall-2030.

VI

B’riżultat tal-awditu li wettaqna, aħna nirrakkomandaw li:

  • ikun hemm fokus fuq li jingħalqu l-lakuni sabiex jintlaħqu l-miri għall-2020;
  • isir titjib fil-puntwalità tad-data statistika dwar is-sorsi rinnovabbli;
  • jinżammu biżżejjed irkantijiet biex tiżdied il-kapaċità tal-enerġija rinnovabbli fis-settur tal-elettriku;
  • jinħoloq ambjent aktar favorevoli għall-ġenerazzjoni tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli permezz tas-simplifikazzjoni tal-proċeduri amministrattivi;
  • jiġi promoss l-investiment fl-infrastruttura tal-grilja u fl-interkonnetturi; u
  • isir monitoraġġ aħjar biex jiġi mmitigat in-nuqqas ta’ miri nazzjonali vinkolanti.

Introduzzjoni

01

Bejn l-1990 u l-2017, il-konsum tal-elettriku fl-UE żdied b’medja ta’ 1 % fis-sena, jiġifieri minn inqas minn 2.2 biljun GWh1 għal kważi 2.8 biljun GWh fis-sena. Fil-perjodu sal-2020, il-konsum huwa previst li jiżdied b’inqas minn 0.3 % fis-sena jekk jiġu implimentati miżuri speċifiċi favur l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, u b’0.7 % fis-sena jekk ma jiġux stabbiliti politiki ġodda dwar l-effiċjenza fil-perjodu 2020-20502.

02

L-elettriku jista’ jiġi ġġenerat jew minn sorsi mhux rinnovabbli, li jinkludu l-fjuwils fossili (faħam, gass naturali, żejt mhux raffinat), l-iskart mhux rinnovabbli u l-materjali nukleari f’reatturi konvenzjonali; jew minn sorsi rinnovabbli (enerġija idroelettrika, eolika, solari, mill-bijomassa, mill-bijogass, mill-bijolikwidi, ġeotermali, mill-mewġ, mill-marea u mill-oċeani). Minbarra l-elettriku, is-sorsi rinnovabbli jintużaw ukoll għall-produzzjoni ta’ enerġija li tintuża għat-tisħin u t-tkessiħ, kif ukoll għal fjuwil użat għat-trasport. It-Tabella 1 tippreżenta t-teknoloġiji rinnovabbli prinċipali u l-applikazzjoni tagħhom.

Tabella 1 – It-teknoloġiji rinnovabbli prinċipali u l-applikazzjoni tagħhom għas-setturi tal-elettriku, tat-tisħin u tat-tkessiħ, kif ukoll tat-trasport.

Teknoloġija rinnovabbli Konverżjoni tal-enerġija Applikazzjoni
Enerġija idroelettrika Minn fluss tal-ilma u kaskati għal elettriku Elettriku
Turbini eoliċi Minn riħ għal elettriku
Enerġija3 solari (fotovoltajka4 u termali (li tinkludi l-enerġija solari kkonċentrata)) Minn dawl tax-xemx għal elettriku
Bijomassa / Bijogass / Bijolikwidi Minn Bijomassa/ Bijogass/ Bijolikwidi għal elettriku
Inċinerazzjoni tal-iskart Minn skart għal elettriku
Enerġija mill-mewġ, mill-marea u mill-oċeani Minn mewġ u marea għal elettriku
Enerġija Ġeotermali Minn differenzi fit-temperatura għal elettriku
Enerġija solari termali Minn dawl tax-xemx għal enerġija li tintuża għat-tisħin u t-tkessiħ Tisħin u tkessiħ
Bijofjuwils / Bijogass Minn bijomassa għal fjuwil likwidu jew gass
Inċinerazzjoni tal-iskart Minn skart għal enerġija li tintuża għat-tisħin u t-tkessiħ
Enerġija Ġeotermali Minn differenzi fit-temperatura għal enerġija li tintuża għat-tisħin u t-tkessiħ
Bijofjuwils / Bijogass Minn bijomassa għal fjuwil likwidu jew gass Trasport

Sors: Il-QEA, ibbażat fuq il-manwal tal-għodda SHARES, il-Eurostat, 2018.

03

Skont is-sors ta’ enerġija użat, il-ġenerazzjoni tal-elettriku jista’ jkollha effett negattiv fuq l-ambjent, is-saħħa tal-bniedem u l-klima. Mill-emissjonijiet totali ta’ gassijiet serra fl-UE, 79 % jiġu mill-użu ta’ fjuwils fossili għall-ġenerazzjoni tal-enerġija5. Il-Kummissjoni tistma li l-produzzjoni ta’ sehem akbar tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli tikkontribwixxi biex l-UE tkun tista’ tilħaq l-objettiv tagħha li tnaqqas l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra b’40 % fl-20306, u bi 80 % sa 95 % fl-20507. Barra minn hekk, billi tuża aktar sorsi rinnovabbli biex tissodisfa l-ħtiġijiet tagħha ta’ elettriku, l-UE tkun tista’ tnaqqas id-dipendenza tagħha fuq il-fjuwils fossili importati.

04

Bejn l-2005 u l-2017, is-sehem tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fil-ġenerazzjoni tal-elettriku fl-UE rdoppja, minn madwar 15 % għal kważi 31 % (ara l-Figura 1).

Figura 1 

Sehem tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fil-ġenerazzjoni tal-elettriku fl-UE, 2005-2017

Sors: Il-QEA, ibbażat fuq data tal-Eurostat.

05

It-teknoloġiji prinċipali tal-enerġija rinnovabbli responsabbli għal din iż-żieda huma l-enerġija eolika u dik solari. Għalkemm għadu lura meta mqabbel mal-volum ta’ enerġija idroelettrika, mill-2005 sal-2016, il-volum annwali ta’ elettriku ġġenerat mir-riħ żdied bi 414 %. Iċ-ċifra korrispondenti għall-enerġija solari kienet ta’ 8 086 %. Sadanittant, il-volum tal-elettriku ġġenerat mill-enerġija idroelettrika baqa’ fil-biċċa l-kbira kostanti. Fl-2017, l-enerġija idroelettrika kienet tirrappreżenta sehem ta’ 35 % mill-produzzjoni kollha tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli fl-UE, filwaqt li l-enerġija eolika u dik solari kienu jirrappreżentaw 34 % u 12 % rispettivament (ara l-Figura 2).

Figura 2 

Sehem tal-elettriku ġġenerat minn sorsi rinnovabbli fl-EU-28, 2005-2017

Sors: Il-QEA, ibbażat fuq data tal-Eurostat.

06

Minħabba t-tnaqqis fl-ispiża tat-teknoloġiji, l-enerġija eolika u dik solari fotovoltajka issa huma ekonomikament ħafna aktar kompetittivi meta mqabbel mal-fjuwils fossili milli kienu fil-passat (ara l-Kaxxa 1).

Kaxxa 1

L-ispiża għall-ġenerazzjoni tal-elettriku mill-enerġija eolika u solari fotovoltajka issa hija kumparabbli ma’ dik mill-fjuwils fossili

L-industrija tal-ġenerazzjoni tal-elettriku tuża l-indikatur tal-ispiża livellata tal-produzzjoni ta’ elettriku (LCOE) għall-kalkolu tal-ispiża għall-produzzjoni tal-elettriku permezz ta’ teknoloġiji differenti kemm rinnovabbli kif ukoll mhux rinnovabbli. Din tirrappreżenta l-ispiża, għal kull MWh, għall-kostruzzjoni u l-operat ta’ impjant għall-ġenerazzjoni tal-elettriku tul il-ħajja finanzjarja ipotetika8.

Skont IRENA9, fl-2017 l-ispiża għall-elettriku ġġenerat bl-użu ta’ sorsi rinovvabbli spiss kienet kumparabbli ma’ dik għall-fjuwils fossili (ara l-Figura 3). Għal xi snin, l-LCOE globali għall-enerġija eolika kienet fi ħdan il-firxa tal-ispiża għall-fjuwils fossili. Aktar reċentement, l-LCOE għal installazzjonijiet solari fotovoltajċi wkoll naqset għal livelli kumparabbili, minħabba li minn tmiem l-2009 l-ispiża għall-pannelli u installazzjonijiet oħra naqset b’81 %.

Figura 3 

LCOE globali ta’ teknoloġiji għall-ġenerazzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli, 2010-2017 (f’USD/MWh)

Sors: Il-QEA, ibbażat fuq ir-rapport ta’ IRENA: Spejjeż għall-ġenerazzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli fl-2017, il-paġna 17.

Il-politiki tal-UE dwar il-ġenerazzjoni tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli

07

It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi li l-UE u l-Istati Membri tagħha jkollhom kompetenza kondiviża fil-qasam tal-enerġija. Madankollu, l-Istati Membri għandhom id-dritt li jiddeċiedu dwar l-aħjar mod kif jistgħu jisfruttaw ir-riżorsi tal-enerġija tagħhom, liema sorsi tal-enerġija għandhom jużaw u kif għandhom jistrutturaw il-provvista tal-enerġija tagħhom. L-Artikolu 194 tat-TFUE jelenka l-erba’ objettivi ewlenin tal-politika tal-UE dwar l-enerġija, li jinkludu l-iżvilupp ta’ forom ġodda u rinnovabbli ta’ enerġija.

08

L-objettivi ta’ politika li huma speċifikament relatati mal-iżvilupp tal-enerġija rinnovabbli ġew iddefiniti fid-Direttiva tal-2009 dwar l-Enerġija Rinnovabbli (RED I)10. Id-Direttiva RED I tobbliga lill-Istati Membri jiżguraw li perċentwal minimu ta’ 20 % tal-konsum finali gross tal-enerġija fl-UE kollha jrid jiġi minn sorsi rinovvabbli sa tmiem l-2020 (ara l-Kaxxa 2).

Kaxxa 2

Miri nazzjonali għas-sehem tal-konsum finali gross tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli

Bil-ħsieb li tintlaħaq il-mira globali tal-UE ta’ 20 % sal-2020, id-Direttiva RED I tistabbilixxi miri nazzjonali speċifiċi għas-sehem tal-konsum finali gross tal-enerġija li jkun ġej minn sorsi rinnovabbli. Dawn il-miri nazzjonali jvarjaw minn 10 % sa 49 %, u ġew iddefiniti billi ttieħed kont dovut ta’ ċerti varjabbli, bħas-sehem tas-sorsi rinnovabbli li nkiseb fl-2005, il-kontribut b’rata fissa11 u l-PDG per capita. Biex jiġi mmonitorjat il-progress li jkun sar fl-ilħuq tal-miri, id-Direttiva RED I ippreżentat formula matematika li tispeċifika l-miri biennali intermedji li ppreskrivew trajettorja indikattiva għas-sorsi rinnovabbli12 għal kull Stat Membru. Jekk Stat Membru jonqos milli ma jilħaqx il-mira nazzjonali tiegħu sal-2020, il-Kummissjoni tista’ tieħu azzjoni legali permezz ta’ proċedura ta’ ksur.

Il-mira nazzjonali ddefinita bid-Direttiva RED I kienet tirrigwarda l-konsum ikkombinat ta’ enerġija minn tliet setturi differenti: is-setturi tal-elettriku, tat-tisħin u t-tkessiħ, kif ukoll dak tat-trasport. Id-Direttiva ma ddefiniet l-ebda mira speċifika fil-livell tal-UE jew f’dak nazzjonali għas-settur tal-elettriku jew għal dak tat-tisħin u t-tkessiħ, iżda stabbiliet mira uniformi ta’ 10 % għas-settur tat-trasport. L-Istati Membri kellhom jistabbilixxu t-trajettorji kumplessivi u settorjali proprji tagħhom għas-settur tal-elettriku u għal dak tat-tisħin u t-tkessiħ fil-pjan ta’ azzjoni nazzjonali tagħhom dwar l-enerġija rinnovabbli (NREAP), li kien jinkludi wkoll il-politiki u l-miżuri li jridu jiġu adottati sal-2020 f’dak li jirrigwarda s-sorsi rinnovabbli. L-Istati Membri kellhom ukoll jistabbilixxu trajettorji għall-kapaċità għal kull teknoloġija rinnovabbli.

09

Fit-30 ta’ Novembru 2016, il-Kummissjoni ppubblikat id-dokument intitolat “Enerġija Nadifa Għall-Ewropej Kollha”13. Mit-tmien proposti leġiżlattivi inklużi fil-pakkett, erbgħa daħlu fis-seħħ fl-2018. Matul Novembru u Diċembru tal-2018, intlaħaq ftehim politiku dwar l-erbgħa l-oħra. Id-Direttiva RED II stabbiliet mira vinkolanti, fil-livell tal-UE, ta’ mill-inqas 32 % sal-203014, bil-possibbiltà li din terġa’ tiżdied fl-2023. Madankollu, is-sehem ta’ mill-inqas 32 % jrid jinkiseb mingħajr ma jiġu stabbiliti miri nazzjonali vinkolanti.

Skemi ta’ appoġġ nazzjonali u miżuri oħra biex jintlaħqu l-miri għall-2020

10

Id-Direttiva RED I ħeġġet lill-Istati Membri biex jistabbilixxu skemi ta’ appoġġ nazzjonali għas-sorsi rinnovabbli, ibbażati fuq inċentivi mmirati għal investituri mis-settur privat, sabiex jilħqu l-miri tagħhom għall-2020 (ara l-Kaxxa 3). Din id-direttiva kienet tirrikjedi wkoll li l-elettriku minn sorsi rinnovabbli jingħata “aċċess ta’ prijorità” għan-netwerk bħala mod biex jiġi garantit il-bejgħ tal-elettriku ġġenerat.

Kaxxa 3

Tipi ta’ appoġġ għas-sorsi rinnovabbli

L-appoġġ ġeneralment jingħata permezz ta’ prezzijiet tal-bejgħ garantiti (tariffi “feed-in”, FIT) jew ta’ primjums supplimentari li jkunu superjuri għall-prezzijiet tas-suq (primjums “feed-in”, FIP). It-tnejn li huma joffru tariffa/primjum garantit għal għadd konsiderevoli ta’ snin. Għal dawn iż-żewġ possibbiltajiet ta’ appoġġ, il-mod l-aktar komuni għal Stat Membru biex jalloka kapaċità ġdida għas-sorsi rinnovabbli huwa jew permezz ta’ sejħiet għal interess (fejn il-parteċipanti japplikaw għal kuntratt għall-produzzjoni tal-elettriku) jew permezz ta’ rkantijiet (fejn il-parteċipanti jiġu kkuntrattati permezz ta’ proċedura kompetittiva).

Mekkaniżmu ta’ appoġġ alternattiv huwa l-użu ta’ ċertifikati tal-oriġini kummerċjabbli, li l-Istat joħroġ bħala prova li l-elettriku jkun ġie ġġenerat minn sorsi rinnovabbli. Il-kumpaniji tal-utilitajiet li jiġġeneraw l-elettriku mill-fjuwils fossili għandhom l-obbligu li jixtru dawn iċ-ċertifikati, u dan jirriżulta f’introjtu addizzjonali għall-produtturi ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli. Għall-kuntrarju tal-iskemi FIT/FIP, il-prezz li jingħata lill-produtturi għall-produzzjoni tal-elettriku mhuwiex garantit, billi l-valur taċ-ċertifikati jvarja skont il-provvista u d-domanda. Madankollu, l-Istat jista’ jiddefinixxi miżuri biex jiggarantixxi profitt minimu għall-produtturi ta ’enerġija minn sorsi rinnovabbli.

L-Istati Membri jistgħu wkoll jattiraw lill-investituri billi joffru garanziji għal self, self b’imgħax baxx, sovvenzjonijiet ta’ investiment u diversi inċentivi fiskali.

11

Bħala regola ġenerali, l-iskemi nazzjonali mhumiex kofinanzjati mill-UE u huma suġġetti għar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. Id-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni (DĠ COMP) janalizza dawn l-iskemi biex jiżgura li jkunu kumpatibbli mar-regoli tas-suq intern. Sal-2016, l-Istati Membri setgħu jagħżlu kwalunkwe tip jew kombinament ta’ skemi li huma kienu jqisu bħala xierqa għas-suq tagħhom. Il-biċċa l-kbira stabbilew skema bbażata fuq il-FITs permezz ta’ sejħiet għal interess, sew waħedha kif ukoll ikkombinata ma’ xi tip ta’ inċentiv ieħor. Mill-2016 ’l hawn, skont il-linji gwida tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna mill-Istat15, l-iskemi l-ġodda kollha ta’ għajnuna għall-ġenerazzjoni tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli huma meħtieġa joperaw permezz tal-FIPs u, mill-2017, li jiġu prinċipalment allokati permezz ta’ rkantijiet16 miftuħa għall-produtturi kollha tal-elettriku fuq bażi mhux diskriminatorja17.

12

Fl-aħħar nett, id-Direttiva RED I ħeġġet lill-Istati Membri biex jikkooperaw sabiex jilħqu l-miri tagħhom għall-2020. Mekkaniżmi potenzjali għall-kooperazzjoni jinkludu proġetti konġunti u skemi konġunti ta’ appoġġ, kif ukoll ftehimiet bilaterali dwar it-trasferiment ta’ sehem tal-enerġija rinnovabbli, minn Stat Membru li jipproduċi aktar minn dan it-tip ta’ enerġija għal ieħor li jipproduċi inqas, imsejħa “trasferiment statistiku”.

Appoġġ mogħti mill-FEŻR u mill-FK għall-enerġija eolika u solari

13

Il-fondi tal-UE jistgħu jipprovdu finanzjament addizzjonali għat-tisħiħ tal-azzjonijiet tal-Istati Membri, billi jikkomplementaw l-iskemi ta’ appoġġ nazzjonali jew reġjonali permezz ta’ għajnuna għall-investiment.

14

Għall-perjodi ta’ programmazzjoni 2007-2013 u 2014-2020, madwar EUR 8.8 biljun ġew allokati għal proġetti relatati mal-enerġija rinnovabbli permezz ta’ finanzjament taħt il-politika ta’ Koeżjoni mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) u mill-Fond ta’ Koeżjoni (FK). Kif jidher fit-Tabella 2, mill-2007 ’l hawn, madwar EUR 972 miljun ġew allokati għal investimenti fl-enerġija eolika, filwaqt li EUR 2 868 miljun ġew allokati għal proġetti tal-enerġija solari. L-allokazzjonijiet li ngħataw lil kull Stat Membru mill-FEŻR u l-FK għal investimenti fl-enerġija eolika u solari matul iż-żewġ perjodi huma pprovduti fl-Annessi I u II.

Tabella 2 – Allokazzjonijiet mill-FEŻR u l-FK għal investimenti fis-sorsi rinnovabbli fl-UE, 2007-2020, f’miljun EUR

Teknoloġija rinnovabbli Perjodu ta’ programmazzjoni Total  %
2007-2013 2014-2020
Enerġija eolika 541 431 972 11 %
Enerġija solari 1 064 1 804 2 868 33 %
Bijomassa 1 267 1 576 2 843 33 %
Sorsi rinnovabbli oħra 851 1 195 2 046 23 %
Total tas-sorsi rinnovabbli 3 723 5 006 8 729 100 %

Sors: Il-QEA, ibbażat fuq data tal-Kummissjoni, li ġiet estratta fid-9.4.2019.

15

Għall-perjodu 2021-2027, il-Kummissjoni pproponiet li jiġu allokati 30 % mill-FEŻR u 37 % mill-FK għall-politika ta’ Koeżjoni biex jikkontribwixxu għall-operazzjonijiet li jappoġġaw l-objettivi klimatiċi, inkluża l-promozzjoni tal-enerġija rinnovabbli18. Jekk jiġu kkalkulati fuq il-bażi tal-ammonti kumplessivi proposti għall-FEŻR/FK (bl-esklużjoni tal-kontribuzzjoni mill-FK għall-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa fil-qasam tat-Trasport), huma jirrappreżentaw EUR 60.2 biljun mill-FEŻR u EUR 11.6 biljun mill-FK19. Il-valutazzjoni tal-impatt għad-Direttiva RED II proposta kkonkludiet li kien meħtieġ investiment ta’ madwar EUR 254 biljun biex tintlaħaq il-mira inizjali tal-UE ta’ 27 % sal-203020. Fi kliem ieħor, il-kontribuzzjoni finanzjarja totali ta’ madwar EUR 71.8 biljun, mogħtija mill-FEŻR u l-FK biex tappoġġa l-objettivi klimatiċi, se tkun trid tiġi kkomplementata minn ammont sinifikanti ta’ fondi nazzjonali, pubbliċi u privati, kif ukoll ta’ fondi oħra mill-UE, biex tintlaħaq il-mira attwali tal-UE ta’ mill-inqas 32 % sal-2030.

Ambitu u approċċ tal-awditjar

16

Aħna indirizzajna l-effettività tal-appoġġ mogħti mill-UE u mill-Istati Membri għall-ġenerazzjoni tal-elettriku mill-enerġija eolika u solari fotovoltajka, li kienu ż-żewġ motivaturi prinċipali għaż-żieda fis-sehem ta’ sorsi rinnovabbli. Biex nagħmlu dan, aħna eżaminajna:

  • jekk is-sehem tas-sorsi rinnovabbli fil-konsum finali gross tal-enerġija kienx ipprogressa f’konformità mal-miri stabbiliti mill-2005;
  • jekk l-iskemi ta’ appoġġ nazzjonali rnexxilhomx jattiraw investiment fil-ġenerazzjoni tal-elettriku li jkun ġej mill-enerġija eolika u solari fotovoltajka;
  • jekk kundizzjonijiet neċessarji oħra għas-sorsi rinnovabbli, inklużi l-espansjoni u l-modernizzazzjoni tal-grilja, affettwawx l-implimentazzjoni tagħhom;
  • jekk il-finanzjament taħt il-qasam ta’ Koeżjoni disponibbli għal investimenti fl-enerġija eolika u solari fotovoltajka kienx kiseb outputs u riżultati sostenibbli, b’livelli xierqa ta’ appoġġ;
  • jekk il-qafas legali rivedut tal-UE għall-perjodu 2021-2030 joħloqx ambjent favorevoli għall-iżvilupp ta’ installazzjonijiet eoliċi u solari fotovoltajċi.
17

Is-suġġett tal-awditu huwa rilevanti ħafna, minħabba li t-tibdil fil-klima u s-sostenibbiltà tal-enerġija għandhom prijorità għolja fl-aġenda politika u ekonomika. Il-pubblikazzjoni ta’ dan ir-rapport tal-awditjar fl-2019 se tikkoinċidi ma’ dik fl-2019, tar-rapport li jmiss fis-serje ta’ rapporti maħruġin mill-Kummissjoni Ewropea dwar il-progress li sar fis-settur tal-enerġija rinnovabbli, fejn se jingħataw dettalji dwar il-progress tal-Istati Membri lejn l-ilħuq tal-miri tagħhom għall-2020. Dawn ir-rapporti se jipprovdu l-aħħar opportunità biex tittieħed azzjoni korrettiva u se jipprovdu wkoll informazzjoni għad-diskussjonijiet dwar is-sitwazzjoni tas-sorsi rinnovabbli wara l-2020.

18

L-awditu kopra l-użu tal-finanzjament mill-FEŻR u mill-FK għall-perjodi ta’ programmazzjoni 2007-2013 u 2014-2020. Fil-livell tal-UE, aħna eżaminajna x-xogħol tal-ħames direttorati ġenerali tal-Kummissjoni li għandhom rwol sinifikanti fl-implimentazzjoni tal-enerġija eolika u l-enerġija solari fotovoltajka, kif ukoll ix-xogħol tal-Eurostat21. Aħna żorna wkoll għadd ta’ partijiet ikkonċernati fi Brussell u fl-Istati Membri, fil-qasam tal-enerġija eolika u/jew solari fotovoltajka, kif ukoll l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent f’Copenhagen.

19

Aħna wettaqna żjarat f’erba’ Stati Membri: il-Ġermanja, il-Greċja, Spanja u l-Polonja. Dawn l-Istati Membri jirrappreżentaw allokazzjoni ta’ madwar 50 % tal-fondi totali mill-FEŻR u l-FK allokati għall-enerġija eolika u solari rinnovabbli għall-perjodi 2007-2013 u 2014-2020, u rispettivament 52 % u 47 % tal-kapaċità eolika u solari fotovoltajka installata fl-2017. F’dawn il-pajjiżi, aħna eżaminajna 24 proġett (9 relatati mal-enerġija eolika, 12 mal-enerġija solari fotovoltajk u 3 ma’ installazzjonijiet eoliċi/solari fotovoltajċi mħallta) li jirċievu kofinanzjament mill-FEŻR jew mill-FK, ibbażat fuq il-materjalità u r-rilevanza tagħhom fil-qasam tal-awditjar dwar l-enerġija eolika u solari fotovoltajka. L-Anness III fih lista ta’ dawn il-proġetti.

20

Fl-aħħar nett, aħna bbenefikajna mill-kummenti li l-esperti fil-qasam tas-sorsi rinnovabbli għamlu dwar is-sejbiet tagħna, meta konna qed infasslu l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet ta’ dan ir-rapport.

Osservazzjonijiet

Iż-żieda fis-sehem tas-sorsi rinnovabbli fil-konsum finali gross tal-enerġija mhix biżżejjed biex jintlaħqu l-miri

21

Aħna analizzajna l-progress li sar mill-2005 ’l hawn22, kemm fil-livell tal-UE kif ukoll mill-erba’ Stati Membri li eżaminajna, fl-ilħuq tal-mira kumplessiva għall-enerġija minn sorsi rinnovabbli kif ukoll tal-miri speċifiċi għall-elettriku (ara l-Kaxxa 2 Aħna eżaminajna wkoll ir-rwol tad-Direttiva tal-2009 dwar l-Enerġija Rinnovabbli (RED I), u vvalutajna l-monitoraġġ, imwettaq mill-Kummissjoni, tal-progress li sar mill-Istati Membri fl-ilħuq tal-miri tagħhom, kif ukoll l-azzjonijiet li hija ħadet biex tindirizza n-nuqqas ta’ rapidità fl-iżvilupp.

Progress sinifikanti, b’mod partikolari fis-settur tal-elettriku, jista’ ma jkunx biżżejjed biex jintlaħqu l-miri tal-UE għall-2020

22

Id-Direttiva RED I stabbiliet trajettorja indikattiva minima għal kull pajjiż, fejn speċifikat il-miri intermedji għas-sehem kumplessiv tas-sorsi rinnovabbli li jridu jinkisbu sal-2020. Barra minn hekk, fl-NREAP (pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali dwar l-enerġija rinnovabbli) tagħha, hija obbligat lil kull Stat Membru biex jiddefinixxi t-trajettorji kumplessivi u settorjali proprji tiegħu (għall-elettriku, għat-tisħin u t-tkessiħ, u għat-trasport)23.

23

Fl-2017, is-sehem tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli fil-konsum finali gross tal-enerġija fl-UE laħaq 17.5 %, meta mqabbel mal-mira kumplessiva ta’ 20 % għall-2020. Dan kien kważi d-doppju tas-sehem fl-2005 (9.1 %)24. Mit-28 Stat Membru, 11 diġà laħqu l-mira tagħhom għall-2020. Dawn huma: il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, l-Estonja, il-Kroazja, l-Italja, il-Litwanja, l-Ungerija, ir-Rumanija, il-Finlandja u l-Iżvezja. Mis-17-il Stat Membru li jifdal:

  • il-Greċja, il-Latvja u l-Awstrija wisq probabbli se jilħqu l-mira tagħhom għall-2020 jekk ikomplu jimplimentaw miżuri mmirati lejn is-sorsi rinnovabbli bil-pass li għaddejin bih bħalissa. Dawn it-tliet pajjiżi jeħtieġu żieda ta’ inqas minn 2 punti perċentwali (pp) fis-sehem tas-sorsi rinnovabbli sal-2020;
  • is-sehem tas-sorsi rinnovabbli fi tmien Stati Membri oħra (il-Belġju, il-Ġermanja, Spanja, Ċipru, Malta, il-Portugall, is-Slovenja u s-Slovakkja) irid jiżdied bejn 2 pp u 4 pp sabiex tintlaħaq il-mira għall-2020 (jiġifieri jridu jipprogressaw b’pass aktar mgħaġġel minn qabel); u
  • huwa probabbli li sitt Stati Membri mhumiex se jilħqu l-mira tagħhom għall-2020 billi s-sehem tagħhom tas-sorsi rinnovabbli jrid jiżdied kif ġej: 7.4 pp għan-Netherlands, 6.7 pp għal Franza, 5.3 pp għall-Irlanda, 4.8 pp għar-Renju Unit, 4.6 pp għal-Lussemburgu u 4.1 pp għall-Polonja. Fl-Anness IV, aħna nippreżentaw il-progress medju li nkiseb sa issa u l-progress medju meħtieġ biex kull Stat Membru jilħaq il-mira tiegħu.
24

Ir-rata ta’ żieda lejn l-ilħuq tal-mira kumplessiva tal-UE naqset fir-ritmu bejn l-2014 u l-2016, filwaqt li r-ritmu żdied kemxejn fl-2017. Iż-żieda minn sena għall-oħra kienet ta’ 5.1 % mill-2013 sal-2014, imbagħad 3.3 % sal-2015, 1.8 % sal-2016, u 2.9 % sal-2017 (ara ż-żidiet inkrementali fit-Tabella A fl-Anness V).

25

F’termini relattivi, is-settur tal-elettriku huwa dak li kkontribwixxa l-aktar biex tintlaħaq il-mira kumplessiva. Huwa rdoppja minn madwar 15 % fl-2005 għal kważi 31 % fl-2017, filwaqt li fl-2017 is-sehem għas-settur tat-tisħin u t-tkessiħ kien ta’ 19.5 %, u dak għas-settur tat-trasport kien ta’ 7.6 % (ara t-Tabella A fl-Anness V). Madankollu, f’termini assoluti, huwa s-settur tat-tisħin u t-tkessiħ li jipprovdi l-akbar kontribut f’dak li jirrigwarda l-enerġija rinnovabbli fil-livell tal-UE. Fl-2017, it-tisħin u t-tkessiħ ipprovdew total ta’ 102 Mtoe25, filwaqt li l-elettriku minn sorsi rinnovabbli pprovda 86.7 Mtoe, u s-settur tat-trasport 23.7 Mtoe.

26

Il-miri fis-settur tal-elettriku, li l-erba’ Stati Membri li eżaminajna jridu jilħqu sal-2020, kif stabbiliti fl-NREAPs rispettivi tagħhom, huma: 38.6 % fil-Ġermanja, 39.8 % fil-Greċja, 39 % fi Spanja u 19.1 % fil-Polonja. Bejn l-2010 u l-2017, il-Ġermanja u Spanja baqgħu ’l fuq mit-trajettorji nazzjonali rispettivi tagħhom f’dak li jirrigwarda l-elettriku minn sorsi rinnovabbli. Il-Polonja kienet taħt il-mira tagħha għal xi snin u l-Greċja ma rnexxielhiex tilħaq il-mira tagħha fl-ebda sena: fi tmiem l-2017, hija kienet 7 punti perċentwali taħtha. Filwaqt li fil-Greċja ż-żieda, anqas milli mistennija, fis-sehem tal-elettriku kienet ikkumpensata minn żieda fis-sehem tat-tisħin u t-tkessiħ, dan ma kienx il-każ għall-Ġermanja u Spanja, fejn l-elettriku minn sorsi rinnovabbli jikkumpensa għat-tisħin u t-tkessiħ. It-Tabelli BC fl-Anness V jipprovdu ripartizzjoni annwali għal dawn l-Istati Membri.

Id-Direttiva RED I żiedet l-implimentazzjoni tas-sorsi rinnovabbli, iżda r-rappurtar mhux qed ikun f’waqtu biżżejjed biex tkun tista’ tittieħed azzjoni korrettiva

27

Id-Direttiva RED I ikkontribwiet għaż-żieda fl-implimentazzjoni tas-sorsi rinnovabbli, billi stabbiliet mira nazzjonali kumplessiva u trajettorja indikattiva minima għal kull Stat Membru, filwaqt li tobbligahom jiddefinixxu trajettorji u jimplimentaw miżuri għat-tliet setturi li jikkontribwixxu għall-mira. It-trajettorji u l-miri nazzjonali pprovdew perspettiva utli fuq terminu twil għall-ippjanar tal-investimenti. It-trajettorji nazzjonali huma wkoll punt ta’ referenza għar-rappurtar u l-monitoraġġ tal-Kummissjoni.

28

Il-qafas legali jrid jiżgura li l-Istati Membri jipprovdu informazzjoni aġġornata biex il-Kummissjoni tkun tista’ tidentifika jekk ikunux iridu jieħdu azzjoni korrettiva jew le. Ir-Regolament dwar l-istatistika dwar l-enerġija26 jistipula li d-data kollha dwar l-enerġija trid tiġi rrappurtata lill-Eurostat darba fis-sena, u mhux aktar tard minn 11-il xahar wara tmiem is-sena27. Ir-regolament jagħti lill-Eurostat xahrejn biex jinteraġixxi mal-Istati Membri u jivvalida din id-data; u mbagħad ikunu meħtieġa xahrejn oħra biex id-Direttorat Ġenerali għall-Enerġija (DĠ ENER) jipproduċi r-rapport biennali tiegħu dwar l-iżviluppi tal-politika tal-enerġija rinnovabbli, li huwa stipulat mid-Direttiva RED I. Jekk ir-rapport jindika li Stat Membru ma jkunx qed jissodisfa r-rekwiżiti fir-rigward tat-trajettorja indikattiva tiegħu kif stabbilita fid-Direttiva, id-DĠ ENER jista’ jirrikjedi li l-Istat Membru jippreżenta NREAP emendat u jistabbilixxi azzjonijiet ta’ rimedju biex jerġa’ lura fuq it-trajettorja.

29

Sa issa, id-DĠ ENER ippubblika erbgħa minn dawn ir-rapporti ta’ progress: fl-2013, fl-2015, fl-2017 u fl-201928. L-aħħar rapport, li ġie ippubblikat f’April 2019, ikopri s-sitwazzjoni fil-perjodu 2015-2017. Għaldaqstant, huwa biss fir-rebbiegħa tal-2022 li se jkun ċar jekk l-Istati Membri jkunux kisbu jew le l-miri kumplessivi tagħhom għall-2020. Peress li r-rappurtar huwa bbażat fuq data ta’ sentejn ilu, il-Kummissjoni u dawk li jfasslu l-politika ma jistgħux jieħdu azzjoni korrettiva f’waqtha meta u fejn din tkun l-aktar meħtieġa.

30

Barra minn hekk, id-Direttiva RED I tillimita l-mandat tal-Kummissjoni f’dak li jirrigwarda l-monitoraġġ tal-kisba tat-trajettorja indikattiva ta’ kiseb kull sentejn minn kull Stat Membru. Hija ma tirrikjedix li l-Kummissjoni timmonitorja l-kisba, mill-Istati Membri, tal-miri kumplessivi jew settorjali tal-NREAPs tagħhom. Sa issa, il-Kummissjoni kienet meħtieġa titlob li tittieħed azzjoni korrettiva darba biss, meta n-Netherlands ma laħqux il-mira tat-trajettorja indikattiva tagħhom għall-2015-2016. Madankollu, in-Netherlands ma ppreżentawx NREAP emendat, li kienet l-azzjoni korrettiva meħtieġa.

L-Istati Membri miżjura inċentivaw l-investiment f’installazzjonijiet eoliċi u solari fotovoltajċi, iżda t-tnaqqis fl-iskemi ta’ appoġġ dewwem l-implimentazzjoni

31

Aħna eżaminajna jekk l-iskemi ta’ appoġġ nazzjonali fl-erba’ Stati Membri miżjura kinux ikkontribwew b’mod effettiv għall-iżvilupp ta’ proġetti fl-enerġija eolika u solari fotovoltajka, u jekk kienx hemm kooperazzjoni fost l-Istati Membri. Eżaminajna wkoll min iġarrab l-ispejjeż tal-appoġġ li jingħata għas-sorsi rinnovabbli u kif it-tnaqqis sussegwenti fil-livell tal-appoġġ, speċjalment għal investimenti fl-enerġija solari fotovoltajka, influwenza l-implimentazzjoni ta’ proġetti ġodda. Barra minn hekk, aħna vvalutajna jekk l-irkantijiet (li ilhom mill-2017 jintużaw bħala l-għodda prinċipali għall-allokazzjoni ta’ kapaċità ġdida, ara l-paragrafu 11) u l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini (jew bħala “prosumaturi”29 jew organizzati f’“komunitajiet tal-enerġija”30) jistgħux ikunu mod ta’ kif jiġi indirizzat it-tkabbir bil-mod fis-setturi tal-enerġija eolika u solari fotovoltajka.

L-erba’ Stati Membri eżaminati inċentivaw l-investiment fl-enerġija eolika u solari fotovoltajka, għalkemm ftit għamlu użu mill-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni

32

Id-Direttiva RED I appellat lill-Istati Membri biex jiżviluppaw skemi ta’ appoġġ ibbażati fuq inċentivi għall-investituri mis-settur privat biex tingħata spinta lill-“ekonomija ekoloġika” l-ġdida. Hija kienet ukoll tirrikjedi li huma jinkorporaw fil-liġi nazzjonali l-kunċett ta’ “aċċess ta’ prijorità” għall-elettriku minn sorsi rinnovabbli, u ssuġġeriet li jagħmlu użu mill-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni biex joħolqu sinerġiji ma’ swieq oħra tal-enerġija.

33

L-erba’ Stati Membri li eżaminajna kollha kienu stabbilew skemi ta’ appoġġ. Sakemm il-Kummissjoni għamlet l-irkantijiet obbligatorji għal installazzjonijiet fuq skala kbira (ara l-paragrafu 11 u n-Noti 1617), f’qiegħ il-paġna), il-Ġermanja u Spanja kienu qed jużaw il-FITs u l-FIPs, u l-Greċja kienet qed tuża kważi esklużivament il-FITs, it-tlieta li huma permezz ta’ sejħiet għal interess. Il-Polonja użat is-sistema taċ-ċertifikati kummerċjabbli. L-Anness VI jippreżenta l-iskedi ta’ żmien għal kull Stat Membru, u juri l-adozzjoni tal-iskemi ta’ appoġġ u l-evoluzzjoni tal-kapaċità eolika u solari fotovoltajka mill-1999 sal-2017.

34

L-investituri identifikaw l-opportunità ġdida ta’ kummerċ, li kienet toffri żewġ vantaġġi:

  1. it-tariffa/il-primjum għal kull KWh prodott kienu stabbiliti f’kuntratti b’durata ta’ mill-inqas 20 sena, u b’hekk jipprovdu ċertezza fit-tul lill-investituri; u
  2. minkejja r-rekwiżit ta’ ammont kbir ta’ kapital bil-quddiem, l-ispejjeż operatorji sussegwenti, inklużi l-ispejjeż għall-persunal, huma ġeneralment baxxi.
35

L-implimentazzjoni seħħet malajr ladarba Stat Membru kien introduċa d-dispożizzjonijiet dwar l-appoġġ għas-sorsi rinnovabbli fil-liġi nazzjonali. Minn meta nbdew l-iskemi, is-sehem tal-enerġija eolika fil-ġenerazzjoni totali tal-elettriku wera żieda kostanti u pjuttost lineari, bl-eċċezzjoni ta’ Spanja, fejn il-kapaċità eolika ilha staġnata mill-2014 (ara l-Figura 4). Is-sehem tal-enerġija solari żdied rapidament fil-Ġermanja, fil-Greċja, u fi Spanja minn madwar l-2008-2010, qabel ma staġna fil-Greċja u fi Spanja wara l-2013, minħabba l-miżuri li ttieħdu kontra l-appoġġ għoli inizjali. Fil-Polonja, l-enerġija solari ftit li xejn ikkontribwiet għall-ġenerazzjoni tal-elettriku, billi l-pajjiż ma stabbiliex miri ambizzjużi għall-enerġija solari fotovoltajka (ara t-Tabella E fl-Anness V).

Figura 4 

Sehem tal-enerġija eolika u solari fil-ġenerazzjoni totali tal-elettriku fl-erba’ Stati Membri u fl-EU-28, 2005-2017

  • Iċ-ċifra għall-enerġija solari hija relatata kemm mal-enerġija solari fotovoltajka kif ukoll ma’ dik solari termali, għall-elettriku. Madankollu, l-enerġija solari fotovoltajka tirrappreżenta 98 % taż-żewġ teknoloġiji fl-UE kollha (ara n-Nota 3 f’qiegħ il-paġna).

Sors: Il-QEA, ibbażat fuq data tal-Eurostat.

36

Għalkemm l-erba’ Stati Membri kollha introduċew il-kunċett ta’ “aċċess ta’ prijorità” għall-elettriku minn sorsi rinnovabbli fil-liġi nazzjonali, huma ftit għamlu użu mill-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni msemmija fid-direttiva. Dawn il-mekkaniżmi ntużaw biss tliet darbiet: fi proċedura konġunta ta’ sejħa għal offerti għal investimenti fl-enerġija solari fotovoltajka bejn il-Ġermanja u d-Danimarka; fi skema ta’ ċertifikazzjoni konġunta operata mill-Iżvezja u min-Norveġja; u fi ftehimiet ta’ trasferiment statistiku bejn il-Lussemburgu, u l-Litwanja u l-Estonja (li sal-2014 kienu t-tnejn diġà kisbu l-miri tagħhom għall-2020), bil-prezz ta’ madwar EUR 15/Mwh ittrasferit. In-nuqqas ta’ popolarità li jidher li hemm għall-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni ġie msemmi f’Novembru 2016 fl-evalwazzjoni “REFIT” tad-Direttiva RED I31. Aħna diġà rrappurtajna li l-UE qed issibha diffiċli biex tħeġġeġ lis-swieq tal-enerġija lokali, reġjonali u nazzjonali jaħdmu flimkien għall-iżvilupp tas-suq intern tal-enerġija32.

L-aġġustament tal-livelli inizjali għoljin ta’ appoġġ, speċjalment fir-rigward tal-enerġija solari fotovoltajka, kien ta’ deterrent għall-investituri potenzjali

37

Kundizzjonijiet favorevoli ta’ appoġġ jippermettu t-tkabbir tal-“ekonomija ekoloġika”. Madankollu, jeħtieġ li l-Istati Membri jimmonitorjaw is-suq b’mod regolari, biex b’hekk meta dan isir awtoregolatorju, l-appoġġ ikun jista’ jiġi aġġustat ’l isfel biex jiġi evitat kumpens żejjed, prezzijiet għoljin tal-elettriku għall-konsumaturi, u ħela tal-finanzi pubbliċi.

Sussidjar żejjed ta’ proġetti min-naħa tal-Istati Membri

38

Skema ta’ appoġġ effiċjenti trid tħeġġeġ l-investiment mingħajr ma tipprovdi kumpens żejjed. Biex jinkiseb dan l-għan, jeħtieġ li l-ispejjeż livellati tal-produzzjoni ta’ elettriku (LCOE, ara l-Kaxxa 1) jintużaw biex jiddefinixxu l-ispejjeż għall-ġenerazzjoni ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli u jikkontribwixxu biex jiġu ddeterminati l-FITs/FIPs offruti lill-investituri potenzjali33.

39

Fl-2010, l-LCOE għall-installazzjonijiet solari fotovoltajċi kienu ta’ USD 360/MWh (madwar EUR 270/MWh, ara l-Figura 3). Pereżempju, bejn l-2008 u l-2010, il-FIT għall-installazzjonijiet solari fotovoltajċi fil-Ġermanja, fil-Greċja u fi Spanja kienet bejn 18 % u 67 % ogħla mil-LCOE, u dan wassal biex il-produtturi jagħmlu profitti mdaqqsa (ara l-Kaxxa 4).

Kaxxa 4

Eżempji tal-livell ta’ tariffi għall-proġetti relatati mal-enerġija solari fotovoltajka fit-tliet Stati Membri eżaminati li użaw il-FITs

Fl-2009, il-FIT għal kuntratt ta’ 20 sena fil-Ġermanja kienet tvarja minn EUR 430/MWh għal installazzjonijiet żgħar ta’ massimu 30 kWp34, sa EUR 319/MWh għal installazzjonijiet kbar immuntati mal-art.

Fl-2009 u fl-2010, il-Greċja offriet FIT ta’ EUR 450/MWh għal 20 sena għal installazzjonijiet ta’ bejn 10 u 100 kWp, u EUR 400/MWh għal installazzjonijiet ta’ aktar minn 100 kWp.

Fl-2008, Spanja kienet qed tiffirma kuntratti ta’ 25 sena b’FIT ta’ EUR 440/MWh għal installazzjonijiet ta’ inqas minn 100 kW, u EUR 418/MWh għal installazzjonijiet ta’ bejn 100 kW u 10 MW.

Fl-2010, l-LCOE għall-installazzjonijiet solari fotovoltajċi kienet madwar EUR 270/MWh.

40

Fil-Polonja, l-ipprezzar ta’ ċertifikati kummerċjabbli kien ukoll attraenti ħafna sal-2011: il-valur ta’ ċertifikat għal kull Mwh prodott kien, bħala medja, daqs 59 % tad-dħul tal-produtturi. Fl-2011, il-prezz taċ-ċertifikati kien ta’ PLN 282/MWh (madwar EUR 60/MWh), filwaqt li l-prezz imħallas għall-elettriku kien, bħala medja, PLN 199/MWh (madwar EUR 50/MWh).

41

Matul l-istess perjodu, l-innovazzjoni teknoloġika tat spinta lill-kapaċità ta’ produzzjoni ta’ installazzjonijiet ġodda u naqqset l-ispejjeż materjali u anċillari, speċjalment għall-enerġija solari fotovoltajka. Fil-Ġermanja, skont il-ministeru federali għall-affarijiet ekonomiċi u l-enerġija, l-ispiża għal sistema tipika tal-enerġija solari fotovoltajka installata fuq is-soqfa b’potenza ta’ 10 kWp sa 100 kWp naqset b’madwar 27 % (minn EUR 4 100/kWp għal EUR 3 000/kWp) bejn l-2008 u l-2009. Fil-Ġreċja, skont il-ministeru għall-ambjent u l-enerġija, l-ispiża għall-istess tip u daqs ta’ installazzjonijiet naqset b’70 % bejn l-2009 u nofs l-2013.

42

Għal aktar minn 10 snin, il-Ġermanja, il-Greċja u Spanja wkoll offrew tariffi/primjums għall-enerġija eolika fuq l-art, li kienu jvarjaw minn EUR 80/MWh għal EUR 100/MWh. Fl-2010, il-prezz għal kull MWh ta’ enerġija eolika fuq l-art prodotta, kien ħafna aktar ekonomiku minn dak għall-enerġija solari fototvoltajka. L-Anness VI juri kif it-tariffi, kemm għall-enerġija eolika kif ukoll għal dik solari fotovoltajka, evolvew fl-erba’ Stati Membri.

43

Fis-snin tal-bidu, l-iskemi FIT/FIP ġenerużi, il-prezzijiet għoljin taċ-ċertifikati kummerċjabbli u t-tnaqqis fl-ispejjeż tat-teknoloġija, kollha flimkien fissru li l-profitti kienu sinifikanti, speċjalment għall-installazzjonijiet solari fotovoltajċi. Is-sitwazzjoni saret jerġa’ aktar vantaġġuża kull meta, minbarra FIT/FIP attraenti, proġett kien jingħata għajnuna għall-investiment (għotja li tkopri parzjalment l-ispejjeż ta’ installazzjoni). Aħna sibna li għadd ta’ proġetti li eżaminajna qed jilħqu l-punt ta’ ekwilibriju ekonomiku fi żmien erba’ sa sitt snin u għalhekk setgħu ġew implimentati anke b’livelli aktar baxxi ta’ appoġġ (ara l-paragrafu 72).

Il-livell għoli ta’ appoġġ wassal għal żieda fil-prezzijiet tal-elettriku u kkontribwixxa għad-defiċits pubbliċi nazzjonali

44

L-ispiża biex jiġi inċentivat l-użu ta’ sorsi rinnovabbli permezz tal-FITs/FIPs tiġi koperta jew direttament mill-konsumtur finali jew inkella mill-baġit tal-istat. Fil-Ġermanja, l-ispiża tal-appoġġ għas-sorsi rinnovabbli hija komponent ewlieni fil-kontijiet tal-elettriku, u tieħu l-forma ta’ “ħlas addizzjonali” (ara l-Kaxxa 5). Studji juru li dan il-“ħlas addizzjonali” se jonqos biss meta jintemmu l-kuntratti FIT/FIP attwali fuq perjodu ta’ 20 sena35.

Kaxxa 5

L-appoġġ għas-sorsi rinnovabbli wassal għal żieda sinifkanti fil-kontijiet tal-elettriku fil-Ġermanja

Il-prezzijiet tal-elettriku fil-Ġermanja (inklużi t-taxxi u l-imposti kollha) għall-konsumaturi domestiċi36 u għall-konsumaturi mhux domestiċi37, tradizzjonalment, huma ogħla mill-medja tal-UE (44 % u 39 % ogħla rispettivament, għall-ewwel semestru tal-2018), parzjalment dovut għall-“ħlas addizzjonali”. Barra minn hekk, ir-regolamenti jippermettu li l-eżenzjoni ta’ 80 % sa 85 % minn dan il-“ħlas addizzjonali”, għal ċerti industriji bħala miżura kompetittiva. L-4 000 kumpanija kkonċernata jirrappreżentaw 20 % tal-konsum totali tal-elettriku fil-pajjiż, u l-eżenzjoni tagħhom ta’ EUR 4.8 biljun trid tiġi kkumpensata mill-konsumaturi l-oħra kollha.

45

Fi Spanja, l-appoġġ għas-sorsi rinnovabbli huwa primarjament kopert mill-baġit nazzjonali. Għalhekk, il-FITs/FIPs għoljin wasslu għal ħela sinifikanti tal-finanzi pubbliċi. Il-gvern irnexxielu jistabbilizza l-ispiża tal-appoġġ FIT/FIP għas-sorsi rinnovabbli kollha f’livell ta’ madwar EUR 6.5 biljun/fis-sena mill-2013 ’l hawn, permezz ta’ sensiela ta’ miżuri li kienu mmirati lejn il-produtturi. Fil-Greċja, l-intenzjoni inizjali kienet li l-appoġġ jiġi kopert permezz tal-baġit nazzjonali. Madankollu, minħabba l-kriżi ekonomika, l-ispiża għall-appoġġ ġiet ittrasferita fuq il-produtturi u, b’mod aktar limitat, fuq il-konsumaturi, biż-żieda ta’ taxxa speċjali fuq is-sorsi rinnovabbli. Id-defiċit tal-finanzi pubbliċi dovut għas-sorsi rinnovabbli kien ġie kompletament ikkumpensat sa Jannar 2018.

46

Is-sitwazzjoni hija differenti għaċ-ċertifikati kummerċjabbli, fejn il-provvista żejda taffettwa direttament l-introjtu tal-produtturi ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli, speċjalment meta l-istat ma jintervjenix biex jiggarantixxi prezz minimu għaċ-ċertifikati, kif kien il-każ fil-Polonja (ara l-Kaxxa 6).

Kaxxa 6

Kundizzjonijiet ineffettivi fl-iskemi nazzjonali ta’ għajnuna wasslu biex ħafna mill-parks eoliċi Pollakki joperaw b’telf

Fil-Polonja, il-prezz għoli taċ-ċertifikati fil-bidu, flimkien mal-livelli attraenti tal-għajnuna għall-investiment, ħeġġeġ lil bosta investituri biex jidħlu fis-suq tas-sorsi rinnovabbli. Dan, min-naħa tiegħu kkontribwixxa għal provvista żejda ta’ ċertifikati, li l-prezz tagħhom mbagħad beda jonqos b’mod kostanti, b’riperkussjonijiet fuq l-introjtu tal-produtturi. Sal-2017, iċ-ċertifikati kienu jiswew 86 % inqas milli kienu fl-201138. Skont id-data tal-Aġenzija għas-Suq tal-Enerġija għall-ewwel nofs tal-2017, 70 % tal-parks eoliċi Pollakki b’kapaċità ta’ aktar minn 10 MW kienu qed joperaw b’telf.

It-tnaqqis fil-livelli ta’ appoġġ mogħti mill-Istati Membri affettwa r-rata ta’ żieda fis-sehem tal-enerġija eolika u solari fotovoltajka fil-ġenerazzjoni tal-elettriku

47

Biex titnaqqas l-ispiża tal-appoġġ għas-sorsi rinnovabbli, l-Istati Membri adottaw bosta miżuri mmirati direttament lejn il-produtturi. Skont l-iskala tal-miżuri u l-mod kif dawn ġew applikati (b’mod retroattiv, b’effett immedjat jew wara perjodu tranżitorju), l-implimentazzjoni tas-sorsi rinnovabbli ġiet affettwata b’mod sinifikanti fi tlieta mill-erba’ Stati Membri li eżaminajna, kif ġie enfasizzat ukoll fl-evalwazzjoni REFIT tad-Direttiva RED I39.

48

Il-Ġermanja kienet minn tal-ewwel li naqqset it-tariffi tagħha: it-tnaqqis inizjali fl-2009 kien segwit minn tnaqqis jerġa’ aktar drastiku fl-2012 li inkluda tibdil fil-formula għall-kalkolu tat-tariffi biex jittieħed kont tal-kapaċità installata tas-sena preċedenti. Madankollu, minħabba li t-tnaqqis tat-tariffi kien trasparenti u prevedibbli, u kien jinkludi perjodi tranżitorji, ma skoraġġiex lill-investituri (ara l-Kaxxa 7).

Kaxxa 7

It-trasparenza u l-prevedibbiltà tal-appoġġ sostnew iż-żieda fl-investiment kemm fl-enerġija eolika kif ukoll f’dik solari fotovoltajka fil-Ġermanja

Matul il-perjodu 2012-2016, meta l-implimentazzjoni tal-enerġija eolika naqset fir-ritmu u dik tal-enerġija solari fotovoltajka kienet qed tistaġna fil-biċċa l-kbira mill-Istati Membri, il-kapaċità eolika u solari fotovoltajka fil-Ġermanja kompliet tiżdied, għalkemm fil-każ ta’ din tal-aħħar, il-pass kien inqas mgħaġġel minn qabel (ara l-Figura 4). Din iż-żieda bil-mod, li kienet ilha għaddejja mill-2004, tista’ tiġi attribwita, madankollu, għal miżura ġdida fil-forma ta’ limiti annwali, superjuri u inferjuri, tal-kapaċità (l-hekk imsejħa “kurituri ta’ implimentazzjoni”).

49

Madankollu, tnaqqis sinifikanti fit-tariffa skoraġġixxa lill-investituri fl-enerġija solari fotovoltajka fil-Greċja. Fl-2010, il-pajjiż l-ewwel naqqas il-FITs tiegħu għall-enerġija solari fotovoltajka, minkejja li fil-kuntratti ffirmati mal-produtturi ma kienx hemm klawsola dwar emendi fil-prezzijiet. Minn dak iż-żmien ’l hawn, il-Greċja reġgħet naqqset it-tariffi bosta drabi, f’żewġ każijiet b’effett retroattiv. Bejn l-2013 u l-2016, meta l-Greċja organizzat l-ewwel irkantijiet pilota tagħha, prattikament l-ebda kapaċità solari fotovoltajka ġdida ma ġiet installata f’dan il-perjodu. Għall-kuntrarju, is-settur tal-enerġija eolika fil-Greċja qatt ma esperjenza tnaqqis fit-tariffi u l-kapaċità eolika kompliet tiżdied b’mod kważi lineari ta’ madwar 10 % fis-sena, anke matul is-snin tal-kriżi ekonomika Griega.

50

Bidliet fil-qafas legali Spanjol wasslu biex l-investimenti fl-enerġija eolika u solari fotovoltajka jieqfu kompletament għal bosta snin. Fl-2010, il-gvern Spanjol beda jillimita l-għadd ta’ sigħat li għalihom il-produzzjoni ta’ sorsi rinnovabbli setgħet tiġi remunerata u saħansitra kien jirrikjedi li l-produtturi jħallsu tariffa biex ikunu jistgħu jinjettaw l-elettriku fil-grilja; sal-2012, huwa ma kien qed joffri l-ebda sussidju għal installazzjonijiet eoliċi jew solari fotovoltajċi ġodda. Fl-aħħar, fl-2013, il-mudell tal-FIT/FIP ġie abbandunat favur sistema ta’ kumpens li kienet toffri redditu fuq l-investiment ibbażat fuq kriterji ddefiniti. Il-miżuri l-ġodda, li f’xi każijiet kienu retroattivi, affettwaw il-fiduċja tal-investituri u wasslu biex l-investimenti fl-enerġija eolika (2012) u fl-enerġija solari fotovoltajka (2011) fi Spanja jieqfu kompletament. Sal-2015, meta tniedu l-ewwel irkantijiet pilota, il-pajjiż ma kien implimenta l-ebda kapaċità ġdida.

51

Fil-Polonja, ir-rekwiżiti stretti ta’ lokazzjoni għamlu ħsara lill-investimenti fl-enerġija eolika. Il-liġi tal-2016 dwar l-investiment fit-turbini eoliċi stabbiliet rekwiżiti stretti ta’ lokazzjoni, ipprojbiet kull modernizzazzjoni ta’ turbini eżistenti li ma kinux jissodisfaw ir-rekwiżit il-ġdid dwar il-lokazzjoni u żiedet b’mod drastiku t-taxxa imposta fuq l-installazzjonijiet eoliċi (il-klawsoli dwar il-modernizzazzjoni u t-taxxa eventwalment tħassru f’nofs l-2018). Is-sistema taċ-ċertifikati kummerċjabbli ma baqgħetx miftuħa għal parteċipanti ġodda f’nofs l-2016, u ma ġewx organizzati rkantijiet għal installazzjonijiet eoliċi ta’ daqs standard qabel nofs l-2018. B’riżultat ta’ dan, minn nofs l-2016 sa nofs l-2018, il-kapaċità eolika fil-Polonja żdiedet marġinalment biss.

Iż-żieda fl-elettriku minn sorsi rinnovabbli hija mxekkla minn insuffiċjenza ta’ rkantijiet u minn ostakli prattiki għall-produtturi

52

Bħala parti mill-awditu tagħna, aħna vvalutajna jekk l-irkantijiet u l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini jistgħux jindirizzaw it-tkabbir bil-mod fis-settur tal-enerġija eolika u f’dak tal-enerġija solari fotovoltajka — billi jitnaqqas il-livelli tal-appoġġ mill-istat fil-każ tal-irkantijiet u billi jiġi pprovdut sors addizzjonali ta’ finanzjament privat fil-każ taċ-ċittadini.

Fi tnejn mill-Istati Membri li eżaminajna, il-kapaċità li mistennija tiġi rkantata mhux se tkun suffiċjenti biex jiġi żgurat li jintlaħqu l-miri għall-2020

53

Aħna sibna li l-erba’ Stati Membri kollha li saritilhom żjara, f’konformità mal-linji gwida l-aktar reċenti dwar l-għajnuna mill-Istat (ara l-paragrafu 11), organizzaw irkantijiet biex jallokaw kapaċità ġdida ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli. Ir-riżultati tal-irkantijiet, li saru fl-2016 u fl-2017, urew li xi wħud mill-investimenti fl-enerġija eolika u solari fotovoltajka fil-Ġermanja (u, skont id-DĠ ENER, fin-Netherlands) issa qed isiru mingħajr appoġġ mill-Istat — għalkemm il-konnessjonijiet mal-grilja qed jiġu ffinanzjati mill-Istat. Fi Spanja wkoll, kuntratti reċenti ngħataw mingħajr l-appoġġ pubbliku għajr għal garanzija li tkopri tnaqqis fil-prezz tal-elettriku f’każ li jinżel taħt ċertu soll. Għall-kuntrarju, l-irkantijiet reċenti fil-Greċja40 u fil-Polonja41 rriżultaw fi prezzijiet li xorta huma ogħla minn dawk għal fjuwils fossili ekwivalenti, iżda fil-Greċja dan kien f’livell ferm inqas milli taħt l-iskema tal-FIT.

54

Madankollu, Spanja ma kienet ipprevediet l-ebda rkant, u l-kapaċità ġdida ta’ madwar 8 500 MW, li ġiet irkantata bejn l-2015 u l-2017, mhix biżżejjed biex tikkumpensa għat-tnaqqis fir-ritmu tas-snin reċenti. Il-Polonja ma organizzatx irkantijiet għal installazzjonijiet eoliċi u solari fotovoltajċi b’kapaċità akbar minn 1 MW (l-ekwivalenti ta’ turbina eolika fuq l-art tal-198542) qabel nofs l-2018. Dawn il-fatti jqajmu aktar tħassib dwar jekk dawn iż-żewġ Stati Membri humiex se jkunu f’pożizzjoni li jilħqu l-miri tagħhom għall-2020, b’kont meħud taż-żmien meħtieġ għall-implimentazzjoni ta’ proġetti eoliċi. Fil-Ġermanja u fil-Greċja, l-irkantijiet ġew ippjanati u qed isiru kif previst. Madankollu, il-kurituri ta’ implimentazzjoni fil-Ġermanja għadhom jillimitaw il-kapaċità tal-irkantijiet, u l-Greċja għadha qed issibha diffiċli biex tattira biżżejjed investituri li jridu jipparteċipaw fl-irkantijiet tagħha.

55

Il-parti essenzjali għas-suċċess ta’ kull irkant hija li tinkiseb il-fiduċja tal-investitur billi l-parteċipanti jitħallew jiddeterminaw il-prezz tal-offerta b’mod trasparenti (ara l-Kaxxa 8).

Kaxxa 8

It-trasparenza fl-irkantijiet tistimula l-kompetizzjoni: il-pjattaforma tal-IT tal-awtorità regolatorja Griega

L-awtorità regolatorja Griega żviluppat pjattaforma online għal ikkuntrattar permezz ta’ rkantijiet. Kull irkant idum 30 minuta, u l-parteċipanti jagħmlu l-offerta tagħhom f’ħin reali u jkunu jistgħu jaraw l-offerti tal-kompetituri tagħhom. Fl-irkant għall-enerġija eolika li sar f’Lulju 2018, kien hemm total ta’ 14-il parteċipant li għamlu 342 offerta; matul l-irkant il-prezz naqas minn EUR 90/MWh għal EUR 68.2/MWh.

Il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini f’investimenti fl-enerġija eolika u solari fotovoltajka, sew jekk bħala prosumaturi kif ukoll jekk organizzati f’komunitajiet tal-enerġija, qed tiffaċċja ostakli

56

Aħna sibna li, f’konformità mad-Direttiva RED I, l-erba’ Stati Membri li saritilhom żjara kollha kienu adottaw leġiżlazzjoni li tippermetti l-produzzjoni tal-elettriku għall-awtokonsum mill-prosumaturi jew mill-komunitajiet tal-enerġija. Fl-2017, individwi privati u azjendi agrikoli fil-Ġermanja kienu proprjetarji ta’ 49 % tal-kapaċità solari installata u ta’ 41 % tal-kapaċità eolika installata fuq l-art43. Fil-biċċa l-kbira minn dawn il-każijiet, l-individwi privati kienu organizzati f’komunitajiet tal-enerġija. Ċerti reġjuni fi Spanja saħansitra stabbilew miri ta’ awtokonsum. Madankollu, f’xi każijiet l-iżvilupp ta’ dan is-segment qed jiffaċċja ostakli. Pereżempju, biex jitħallsu għall-elettriku żejjed li huma jinjettaw fil-grilja, il-prosumaturi fi Spanja huma meħtieġa jipparteċipaw fis-suq spot tal-enerġija. Għall-produtturi ż-żgħar dan mhuwiex faċli, billi jirrikjedi bosta liċenzji u spejjeż għall-parteċipazzjoni. Fil-Polonja, anke jekk il-prosumaturi jiffaċċjaw ċerti limitazzjonijiet (bħal tassazzjoni u benefiċċji limitati għall-injezzjoni tal-enerġija fil-grilja), huma jikkostitwixxu s-segment tas-sorsi rinnovabbli li qed jiżviluppa b’mod l-aktar rapidu.

Diversi limitazzjonijiet idewmu l-investimenti fl-enerġija eolika u solari fotovoltajka

57

Aħna eżaminajna jekk ir-regoli dwar il-ġestjoni tat-territorju u dawk amministrattivi jappoġġawx l-investiment fl-enerġija eolika u solari fotovoltajka. Ivvalutajna wkoll kif l-insuffiċjenzi fil-grilja jinfluwenzaw l-implimentazzjoni ta’ proġetti relatati mas-sorsi rinnovabbli, kif il-kapaċità baxxa ta’ interkonnessjoni ma’ pajjiżi tal-viċinat tillimita l-kooperazzjoni, u kemm huwa importanti li jsir investiment fiż-żewġ oqsma fil-futur qarib.

Ir-regoli ta’ ġestjoni tat-territorju jillimitaw l-iżvilupp ta’ installazzjonijiet eoliċi fi tnejn mill-Istati Membri li eżaminajna

58

Restrizzjonijiet fil-ġestjoni tat-territorju jistgħu jillimitaw b’mod sinifikanti l-iżvilupp ta’ proġetti ġodda. Id-dispożizzjonijiet għad-determinazzjoni tad-distanza minima bejn park eoliku u żoni residenzjali jistgħu jkunu partikolarment restrittivi. L-isfida għall-Istati Membri hija li jistabbilixxu dispożizzjonijiet dwar il-ġestjoni tat-territorju li jipproteġu ż-żoni urbani u r-riżervi naturali, filwaqt li jippermettu l-implimentazzjoni tal-enerġija eolika u solari fotovoltajka.

59

F’żewġ Stati Membri li eżaminajna, aħna sibna li din kienet problema. Pereżempju, minn meta reġjun wieħed fil-Ġermanja stabbilixxa li d-distanza minima permissibbli, bejn turbina u l-eqreb abitazzjoni trid tkun 10 darbiet l-għoli totali tat-turbina (li tista’ tilħaq distanza ta’ 2 km), huwa ma rċieva l-ebda applikazzjoni ġdida għall-bini ta’ installazzjonijiet eoliċi. L-impatt tal-miżura kien li l-art li tista’ tintuża għall-parks eoliċi tnaqqset għal madwar 0.3 %, minflok l-erja prevista ta’ 2 % sa 3 % tal-erja tar-reġjun. L-istess dispożizzjoni ġiet introdotta fil-Polonja fl-2016. Ma twettqitx valutazzjoni uffiċjali tal-impatt, iżda xi studji44 wrew li din id-dispożizzjoni naqqset l-art eliġibbli għal investimenti fl-enerġija eolika għal 0.1 % biss tat-territorju nazzjonali minflok l-erja prevista ta’ 2.6 % jekk tinżamm żona ta’ lqugħ ta’ kilometru bejn l-installazzjonijiet u ż-żoni abitati.

Il-proċeduri amministrattivi twal jikkumplikaw l-ambjent kummerċjali, b’mod partikolari għal proġetti eoliċi ġodda

60

Ir-regoli amministrattivi għal installazzjonijiet għall-produzzjoni ta’ enerġija eolika rinnovabbli tipikament jirrikjedu li l-awtoritajiet joħorġu permessi jew jieħdu deċiżjonijiet relatati ma’ aspetti ambjentali, xogħlijiet ta’ kostruzzjoni, konnessjonijiet mal-grilja jew liċenzji għall-ġenerazzjoni u l-bejgħ tal-elettriku. Huwa meħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu proċeduri b’ammont minimu ta’ ostakli amministrattivi biex jattiraw lill-investituri għas-suq tas-sorsi rinnovabbli filwaqt li fl-istess ħin jissalvagwardjaw ċerti aspetti bħal dawk relatati mas-saħħa u mal-ambjent, kemm fiż-żoni rurali kif ukoll f’dawk urbani.

61

Bħala medja, u skont id-daqs, installazzjoni eolika fuq l-art tista’ tiġi fiżikament ikkompletata f’ħames snin (inkluż iż-żmien meħtieġ għall-ħruġ tad-dokumenti amministrattivi), filwaqt li park eoliku fuq il-baħar jieħu tmien snin u installazzjoni solari fotovoltajka tieħu sentejn; proġetti relatati ma’ installazzjonijiet solari fotovoltajċi fuq is-soqfa jieħdu inqas minn sena. Madankollu, aħna sibna li l-approċċ ta’ “punt uniku ta’ servizz” adottat mill-Ġermanja huwa mod effettiv ta’ kif jistgħu jiġu minimizzati l-ostakli amministrattivi (ara l-Kaxxa 9).

Kaxxa 9

Eliminazzjoni tal-ostakli amministrattivi: il-“punt uniku ta’ servizz” fil-Ġermanja

Biex tevita l-proċeduri amministrattivi twal u tħaffef l-implimentazzjoni, il-Ġermanja introduċiet “punt uniku ta’ servizz”. Dan huwa uffiċċju li jipprovdi appoġġ għall-ksib ta’ awtorizzazzjoni unika li tkopri l-permessi kollha meħtieġa. Fil-każ ta’ park eoliku fuq l-art li aħna eżaminajna, permess ta’ 43 paġna li kien jirrikjedi l-approvazzjoni ta’ tmien awtoritajiet u ħames dipartimenti nħareġ f’inqas minn sitt xhur.

62

Għalkemm l-Istati Membri stabbilew limiti massimi ta’ żmien għall-proċeduri amministrattivi tagħhom, aħna sibna li fil-Greċja u fi Spanja dawn ma ġewx rispettati għall-proġetti eoliċi. Fiż-żewġ pajjiżi, l-implimentazzjoni ta’ proġett eoliku fuq l-art tista’ tieħu sa seba’ snin. Fi Spanja, aħna sibna li l-proċeduri għal installazzjonijiet ta’ awtokonsum fuq skala żgħira jieħdu fit-tul ukoll, u li l-għoti ta’ liċenzji jieħu medja ta’ sena.

Id-dewmien fl-investiment fil-grilja, inkluż fl-infrastruttura ta’ interkonnessjoni, żamm lura l-implimentazzjoni

63

L-elettriku jasal għand il-konsumaturi permezz tal-grilji ta’ trażmissjoni u ta’ distribuzzjoni. Għall-grilja, l-isfidi prinċipali relatati mal-implimentazzjoni ta’ installazzjonijiet eoliċi u solari fotovoltajċi huma l-kapaċità tagħha li tassorbi l-elettriku intermittenti45, kemm ikunu mwarrbin iż-żoni b’potenzjal kbir ta’ produzzjoni ta’ enerġija eolika u solari fotovoltajka, u d-distanzi twal bejn iż-żoni b’potenzjal għoli u dawk b’domanda kbira għall-elettriku46. Sfida oħra hija li jiġi żgurat li l-kapaċità ta’ interkonnessjoni47 tkun suffiċjenti biex tippermetti flussi transkonfinali kull meta dawn ikunu meħtieġa jew kull meta jkunu jirrappreżentaw is-soluzzjoni l-aktar ekonomika.

Id-dewmien fl-investiment fil-grilja kellu impatt fuq l-implimentazzjoni ta’ sorsi rinnovabbli

64

L-investiment fil-grilja ddewwem b’mod konsiderevoli fl-erba’ Stati Membri kollha li eżaminajna. Madankollu, il-problema hija l-aktar serja fil-Ġermanja, fejn inqas minn 10 % tal-estensjoni prevista tal-grilja fil-pajjiż (750 km biss, minn 7 900 km) kienet ikkompletata sa tmiem l-2017. L-iżvilupp batut tal-grilja fil-Ġermanja jirriżulta fi flussi ta’ enerġija paralleli48 ma’ pajjiżi ġirien meta n-netwerk tal-Ġermanja ma jkunx jista’ jlaħħaq mat-trasferiment ta’ elettriku eċċessiv. Pereżempju, xi kultant, meta l-parks eoliċi fit-Tramuntana tal-Ġermanja jiġġeneraw elettriku eċċessiv, il-grilja ma tkunx tista’ tittrasporta l-elettriku kollu lejn in-Nofsinhar tal-pajjiż u lejn l-Awstrija, fejn hemm id-domanda prinċipali. L-elettriku irid jiġi ridirezzjonat minn ġol-Polonja, ir-Repubblika Ċeka u s-Slovakkja. B’konsegwenza ta’ dan, fl-2017, il-grilja Pollakka rċeviet ’il fuq minn tmien darbiet aktar elettriku milli previst mill-Ġermanja, minkejja l-fatt li l-awtoritajiet Pollakki spiss naqqsu l-flussi ta’ enerġija mill-Ġermanja.

65

Aħna sibna insuffiċjenzi fil-grilja li kienu qed jimpedixxu l-iżvilupp tas-sorsi rinnovabbli f’żoni b’potenzjal għoli ta’ enerġija eolika u solari fil-Greċja (il-Peloponnese) u fi Spanja (Andalusija), fejn ma jistgħux jiġu installati impjanti ġodda tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli. Skont l-operatur Grieg tas-sistema ta’ trażmissjoni (TSO)49, xi wħud mill-gżejjer Griegi mhux mistennija li jkunu kompletament konnessi mal-pajjiż kontinentali qabel l-2023, għalkemm din l-inizjattiva tippermetti li jiġu ffrankati EUR 350 miljun/sena mill-baġit nazzjonali, billi, pereżempju, titnaqqas l-ispiża għat-trasport taż-żejt mhux maħdum lejn il-gżejjer.

66

Il-Kummissjoni stmat li s-sorsi rinnovabbli se jkunu jridu jirrappreżentaw madwar nofs l-elettriku kollu ġġenerat biex tkun tista’ tintlaħaq il-mira kumplessiva ta’ 27 % tal-konsum finali gross tal-enerġija, li kienet ġiet proposta inizjalment għall-203050; IRENA kkalkulat li biex tintlaħaq il-mira ta’ 32 % adottata għall-2030 dan is-sehem irid ikun ta’ 55 %51. Minħabba li attwalment is-sorsi rinnovabbli jirrappreżentaw sehem ta’ kważi 31 % tas-settur tal-elettriku u li dan diġà jikkostitwixxi sfida għar-rata ta’ użu mill-grilja, jeħtieġ li jsir investiment b’mod urġenti. Għal dan l-għan, iċ-ċentri għall-ġestjoni tal-enerġija rinnovabbli jistgħu jgħinu sabiex jiġi massimizzat l-assorbiment tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (ara l-Kaxxa 10).

Kaxxa 10

Eżempju ta’ ġestjoni tal-grilja li timmassimizza l-assorbiment tal-enerġija rinnovabbli: is-sistema ta’ ġestjoni tal-IT CECRE fi Spanja

Iċ-Ċentru ta’ Kontroll għall-Enerġiji Rinnovabbli (CECRE) fi Spanja ħoloq għodda ta’ ġestjoni tal-IT li tista’ tipproċessa f’ħin reali (kull 12-il sekonda) l-informazzjoni dwar il-produzzjoni u dwar l-istatus tal-konnessjoni mal-grilja ta’ kull faċilità ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli fil-pajjiż. L-għodda tivverifika jekk l-elettriku ġġenerat minn sorsi rinnovabbli jistax jiġi injettat fis-sistema u tantiċipa l-miżuri li huma meħtieġa biex jinżamm il-bilanċ tas-sistema u biex tiġi salvagwardjata s-sigurtà tal-provvista. Il-kapaċità ta’ monitoraġġ taċ-CECRE tippermetti li l-parks eoliċi Spanjoli jipparteċipaw fir-regolamentazzjoni tas-suq tal-enerġija, u madwar nofshom jagħmlu dan.

Il-livell ta’ interkonnessjoni bejn l-Istati Membri mhuwiex suffiċjenti biex jappoġġa l-implimentazzjoni tas-sorsi rinnovabbli

67

Il-Kunsill ta’ Barċellona tal-2002 stabbilixxa mira ta’ 10% għall-interkonnessjoni elettrika għall-Istati Membri sal-2020, bħala miżura biex tiżdied l-implimentazzjoni tas-sorsi rinnovabbli li jippermettu flussi transkonfinali kull meta dawn ikunu meħtieġa jew kull meta jkunu jirrappreżentaw is-soluzzjoni l-aktar ekonomika. Madankollu, fl-2015, il-grilji fi 12-il Stat Membru kienu għadhom mhumiex lesti għall-ksib ta’ din il-mira52. Spanja hija waħda minn dawn l-Istati Membri. B’kapaċità ta’ trasferiment lejn Franza ta’ 5 % biss mill-kapaċità installata fl-2017, Spanja (u l-Peniżola Iberika) tibqa’ fil-biċċa l-kbira gżira tal-enerġija. Il-proġetti li diġà ġew approvati se jżidu l-livell għal madwar 8 %, iżda mhux qabel l-2025.

68

Il-Kunsill Ewropew ta’ Ottubru 201453, approva l-proposta tal-Kummissjoni ta’ Mejju 201454, biex il-mira ta’ interkonnessjoni ta’ 10 % tiġi estiża għal 15 % sal-2030, iżda mingħajr proċedimenti ta’ ksur fil-każ li din ma tintlaħaqx. Rapport li nħareġ fl-201755 mill-grupp ta’ esperti tal-Kummissjoni dwar il-miri tal-interkonnessjoni elettrika, inkluda lill-Ġermanja, lill-Greċja, u lil Spanja fost tmien Stati Membri li jridu jinvestu b’mod urġenti.

Il-finanzjament taħt il-politika ta’ Koeżjoni kkontribwixxa għaż-żieda fil-kapaċità eolika u solari fotovoltajka, iżda kien jinvolvi wkoll każijiet ta’ sussidjar żejjed

69

Aħna eżaminajna jekk il-finanzjament taħt il-politika ta’ Koeżjoni (il-FEŻR u l-FK) disponibbli għal investimenti fl-enerġija eolika u solari fotovoltajka kienx kiseb outputs u riżultati sostenibbli. B’mod partikolari, aħna vvalutajna kampjun ta’ 24 proġett ikkofinanzjat, li kienu appoġġati minn 9 PO f’wieħed miż-żewġ perjodi (2007-2013 jew 2014-2020), biex naraw kemm ġew implimentati tajjeb u x’riżultati kisbu. Minn dawn il-proġetti 9 kienu eoliċi, 12 kienu solari fotovoltajċi, u 3 kienu installazzjonijiet imħallta li kkombinaw iż-żewġ teknoloġiji (ara l-Anness III).

70

Mill-24 proġett li eżaminajna, aħna evalwajna dawk li kienu kkompletati u operazzjonali fiż-żmien meta sar l-awditu. Għall-20 proġett ikkompletat, aħna sibna li, fil-każijiet kollha, il-proġetti kienu ġew implimentati f’konformità mal-applikazzjoni għall-proġett (il-kapaċità mistennija kienet ġiet installata mingħajr ma nqabżu l-ispejjeż ippjanati), kienu operazzjonali fiż-żmien meta sar l-awditu, ma kellhomx problemi ta’ sostenibbiltà u kienu qed jagħmlu profitt.

71

Aħna sibna li 13 mill-proġetti kkompletati qed jipproduċu l-volumi ta’ elettriku antiċipati. Mis-7 proġetti l-oħra, 2 proġetti eoliċi fil-Greċja kienu qed jipproduċu inqas milli ppjanat, filwaqt li 5 installazzjonijiet żgħar ta’ awtokonsum mhux kollegati mal-grilja fi Spanja ma pprovdewlna l-ebda data. Mill-proġetti kkompletati, 17 kienu ġew implimentati mingħajr dewmien sinifikanti (jiġifieri mhux aktar minn 3 xhur), filwaqt li 2 proġetti fil-Polonja u wieħed fil-Greċja, ġew ikkompletati ftit inqas minn sena tard.

72

Aħna sibna li l-użu ta’ finanzjament taħt il-politika ta’ Koeżjoni, bħala għajnuna għall-investiment għal proġetti eoliċi u solari fotovoltajċi, kien jinvolvi każijiet ta’ sussidjar żejjed. Mill-24 proġett awditjat, 9 proġetti (3 fil-Ġermanja, 4 fil-Greċja, wieħed fi Spanja u wieħed fil-Polonja56) kellhom rata ta’ redditu interna (IRR) attraenti ħafna57, li kienet minn 3 sa 11-il punt perċentwali ogħla mir-rendiment tal-bonds tal-gvern ta’ 10 snin58 approvati fl-istess xahar. Dan kien prinċipalment dovut għall-fatt li huma kienu qed jibbenefikaw minn għajnuna għall-investiment flimkien ma’ FIT ġeneruża ħafna biex jappoġġaw l-ispejjeż operatorji tagħhom (ara l-paragrafu 39). Barra minn hekk, għal 4 proġetti oħra mhux kollegati mal-grilja fi Spanja li rċevew biss għajnuna għall-investiment fil-forma ta’ għotja mill-UE, ir-redditu fuq l-investiment59 irrappreżentat minn iffrankar tal-enerġija fiż-żmien tal-applikazzjoni għall-proġett inkiseb fi żmien qasir ħafna (minn 3.6 snin sa 6.2 snin).

73

Fir-rapport speċjali preċedenti tagħna dwar l-enerġija rinnovabbli60, aħna ġbidna l-attenzjoni għas-sussidjar żejjed ta’ għadd ta’ proġetti tal-enerġija rinnovabbli; din il-kwistjoni tqajmet ukoll f’bosta rapporti tal-awditjar maħruġa minn Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar nazzjonali61.

Meta mqabbel mad-Direttiva RED I, il-qafas regolatorju rivedut tal-UE jkompli jappoġġa l-espansjoni tas-sorsi rinnovabbli, iżda għad hemm nuqqasijiet importanti

74

Fl-2016, il-Kummissjoni pproponiet il-pakkett dwar l-“Enerġija Nadifa” (ara l-paragrafu 09), li għandu l-għan li jistabbilixxi rabtiet rinforzati bejn l-oqsma ta’ politika differenti relatati mal-enerġija. Il-partijiet ta’ dan il-pakkett li huma l-aktar rilevanti għas-sorsi rinnovabbli huma d-Direttiva RED II62 u r-Regolament dwar il-governanza63. Aħna eżaminajna l-leġiżlazzjoni biex nivvalutaw kemm hija indirizzat xi wħud mill-problemi li ssemmew fit-taqsimiet preċedenti ta’ dan ir-rapport u jekk hija toħloqx ambjent favorevoli għall-iżvilupp tas-sorsi rinnovabbli, inkluża l-enerġija eolika u l-enerġija solari fotovoltajka għall-ġenerazzjoni tal-elettriku.

75

Aħna sibna li d-Direttiva RED II tinkludi appoġġ għall-ġenerazzjoni tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli, b’mod partikolari mill-enerġija eolika u solari fotovoltajka:

  • id-direttiva tirrikjedi titjib fit-tfassil u stabbiltà fl-iskemi ta’ appoġġ. L-Istati Membri jridu jiżguraw li dawn l-iskemi ma jiġux riveduti b’mod li jkollu impatt negattiv fuq id-drittijiet tal-produtturi ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli u li jdgħajjef il-vijabbiltà ekonomika ta’ installazzjonijiet li diġà jirċievu appoġġ, kif sibna li huwa l-każ fi tlieta mill-Istati Membri li eżaminajna (ara l-paragrafu 47);
  • hija tistabbilixxi ż-żewġ prinċipji tal-awtokonsum ta’ enerġija rinnovabbli u tal-komunitajiet tal-enerġija. Aħna sibna limitazzjonijiet fi tnejn mill-Istati Membri li eżaminajna (ara l-paragrafu 56);
  • billi tirrikjedi lill-Istati Membri biex jistabbilixxu punt uniku ta’ servizz li jikkoordina l-proċedura kollha ta’ liċenzjar għal installazzjonijiet ġodda tal-enerġija rinnovabbli u billi tissettja limiti għaż-żmien meħtieġ għall-għoti tal-permessi kollha meħtieġa, hija tikkontribwixxi għas-simplifikazzjoni tal-proċeduri amministrattivi. Fi tnejn mill-Istati Membri li eżaminajna, aħna sibna li l-kumplessità tal-proċeduri amministrattivi xekklet l-iżvilupp ta’ installazzjonijiet eoliċi u solari fototvoltajċi ġodda (ara l-paragrafu 62); u
  • hija tħeġġeġ l-istabbiliment ta’ strumenti finanzjarji indirizzati għal proġetti li: (a) jimmiraw li jtejbu l-istabbiltà tal-grilja, jimmaniġġjaw il-konġestjonijiet fil-grilja u jżidu l-flessibbiltà tas-sistema tat-trażmissjoni tal-enerġija, inklużi proġetti li se jgħinu sabiex tintlaħaq il-mira ta’ 15 % għall-interkonnessjoni elettrika sal-2030, kwistjonijiet li dwarhom irrappurtajna s-sejbiet tagħna (ara l-paragrafi 64 sa 68); u (b) isaħħu l-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni, li ftit intużaw fid-Direttiva RED I, bejn l-Istati Membri, u bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi (ara l-paragrafu 36).
76

Il-valutazzjoni tagħna tar-Regolament dwar il-governanza turi li jrid iseħħ monitoraġġ aħjar tal-isforzi tal-Istati Membri biex iżidu s-sehem tagħhom tas-sorsi rinnovabbli fit-tliet setturi tal-elettriku, tat-tisħin u t-tkessiħ u tat-trasport, b’riżultat tal-mandat estiż tal-Kummissjoni dwar:

  • il-monitoraġġ tal-pjanijiet nazzjonali integrati għall-enerġija u l-klima (NECPs) li l-Istati Membri jridu jippreżentaw kull 10 snin, u jaġġornaw mill-inqas darba fl-2024, u li jkopru l-politiki u l-miżuri mmirati lejn il-ħames dimensjonijiet tal-enerġija64. Fi kliem ieħor, ir-Regolament ma jillimitax ir-rwol tal-Kummissjoni predominantement għall-monitoraġġ tat-trajettorja indikattiva bħalma għamlet id-Direttiva RED I (ara l-paragrafu 30); u
  • il-monitoraġġ u r-rappurtar lill-Parlament Ewropew kull tliet snin dwar il-prestazzjoni tal-appoġġ mogħti permezz ta’ rkantijiet, attwalment l-għodda prinċipali li teżisti biex tiżdied il-kapaċità tal-enerġija rinnovabbli, u li jidher li timminimizza l-appoġġ mill-istat (ara l-paragrafu 53).
77

Aħna osservajna wkoll li nħolqu xi nuqqasijiet ġodda filwaqt li nuqqas li nstab preċedentement baqa’ jippersisti. Għalkemm il-Kummissjoni osservat fl-2016 li l-miri nazzjonali tad-Direttiva RED I kienu meqjusa li huma l-motivatur l-aktar importanti għall-politiki u l-investimenti relatati mal-enerġija rinnovabbli f’ħafna Stati Membri65, id-Direttiva RED II tissostitwixxi dawn il-miri b’mira vinkolanti ta’ mill-inqas 32 % fil-livell Ewropew biss. Dan joħloq ir-riskju li l-Istati Membri jew jiksbu riżultati għoljin jew inkella jibqgħu lura f’dak li jirrigwarda s-sorsi rinnovabbli, kif ukoll ir-riskju ta’ diskrepanza bejn l-implimentazzjoni tas-sorsi rinnovabbli min-naħa tal-Istati Membri u t-trajettorji tal-UE.

78

Ir-Regolament dwar il-governanza jirrikjedi li l-Kummissjoni timmonitorja t-trajettorja indikattiva kumplessiva tal-UE sal-2022, l-2025 u l-2027. Madankollu, il-leġiżlazzjoni l-ġdida ma tirriżolvix id-dgħufija li aħna rrappurtajna dwar ir-rappurtar f’waqtu fir-rigward tal-insuffiċjenza fil-progress (ara l-paragrafi 28 sa 29). Dan ikompli jdgħajjef l-effettività tal-monitoraġġ. B’riżultat ta’ dan, jista’ jkun li l-Kummissjoni ma tkunx tista’ tirreaġixxi fil-ħin biex tiżgura li jinkiseb progress jekk xi Stati Membri ma jirnexxilhomx jilħqu l-miri tagħhom.

79

Id-Direttiva RED II u r-Regolament dwar il-governanza ġew adottati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill sentejn u nofs qabel l-iskadenza tad-Direttiva RED I fl-1 ta’ Lulju 2021. L-Istati Membri għandhom sat-30 ta’ Ġunju 2021 biex jittrasponu l-elementi ġodda kollha tad-Direttiva RED II fil-liġi nazzjonali tagħhom. Aħna sibna li l-erba’ Stati Membri li eżaminajna kollha kienu damu biex ittrasponew id-direttiva preċedenti fil-liġi nazzjonali tagħhom, notevolment fil-każ tal-Polonja, li ħadet aktar minn erba’ snin.

Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

80

B’mod ġenerali, aħna sibna li nofs l-Istati Membri tal-UE jinsabu f’riskju li ma jiġġenerawx biżżejjed elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli biex jilħqu l-miri tagħhom għall-2020. Aħna sibna wkoll li l-iskemi ta’ appoġġ inizjali ssussidjaw b’mod eċċessiv l-implimentazzjoni tal-enerġija eolika u solari fotovoltajka, iżda li t-tnaqqis tal-livelli ta’ appoġġ skoraġġixxa lill-investituri potenzjali. Huwa kruċjali li jitħeġġu l-irkantijiet u l-użu tal-parteċipazzjoni taċ-ċittadini biex jiżdied l-investiment u jsir titjib fil-kundizzjonijiet għall-implimentazzjoni, bħal li jingħelbu r-regoli dwar il-ġestjoni tat-territorju restrittivi, il-proċeduri amministrattivi twal u l-insuffiċjenzi fil-grilja.

81

Bejn l-2005 u l-2017, is-sehem tas-sorsi rinnovabbli fil-konsum finali gross tal-enerġija żdied b’mod sinifikanti minn 9.1 % għal 17.5 %. Nofs l-Istati Membri kienu jew diġà laħqu l-miri tagħhom għall-2020 jew inkella kienu dalwaqt se jilħquhom. Madankollu, l-ilħuq tal-miri nazzjonali għall-Istati Membri l-oħra jibqa’ jippreżenta sfida sinifikanti. Għalhekk, hemm tħassib dwar jekk ir-riżultati tal-Istati Membri li kisbu riżultati għoljin f’dak li jirrigwarda s-sorsi rinnovabbli humiex se jkunu biżżejjed biex jikkumpensaw għal dawk li baqgħu lura u jekk jippermettux li tintlaħaq il-mira kumplessiva tal-UE stabbilita f’livell ta’ 20 % (ara l-paragrafi 22 sa 24).

82

Is-settur tal-elettriku kien il-kontributur prinċipali għaż-żieda fis-sehem tas-sorsi rinnovabbli fil-konsum finali gross tal-enerġija, li rdoppja minn madwar 15 % għal kważi 31 %, bejn l-2005 u l-2017. It-teknoloġiji responsabbli għaż-żieda fis-settur tal-elettriku kienu prinċipalment dawk eoliċi u solari fotovoltajċi (ara l-paragrafi 25 sa 26).

Rakkomandazzjoni 1 – Fokus fuq li jingħalqu l-lakuni sabiex jintlaħqu l-miri għall-2020

Jenħtieġ li l-Kummissjoni teżamina liema Stati Membri jinsabu f’riskju li ma jilħqux l-miri tagħhom għall-2020; u tagħtihom parir biex jieħdu azzjoni effettiva bl-għan li tingħalaq il-lakuna fil-kapaċità tas-sorsi rinnovabbli. Jenħtieġ li dawn l-azzjonijiet ikunu jinkludu wkoll kunsiderazzjoni tal-ippjanar ta’ rkantijiet, is-simplifikazzjoni ta’ proċeduri amministrattivi u l-investiment fl-infrastruttura tal-grilja u fl-interkonnetturi.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: sa tmiem l-2019.

83

Id-Direttiva RED I kellha rwol importanti fl-iżvilupp tas-sorsi rinnovabbli, billi stabbiliet miri vinkolanti li jridu jinkisbu sal-2020, kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f’dak tal-Istati Membri. Madankollu, il-qafas legali ma jipprevedix li jsir rappurtar f’waqtu dwar il-progress tas-sorsi rinnovabbli jew li l-Kummissjoni tingħata l-mandat biex tindirizza n-nuqqas ta’ rapidità tal-progress fejn it-trajettorji indikattivi ma jkunux qed jiġu rispettati (il-paragrafi 27 sa 30).

Rakkomandazzjoni 2 – Titjib fil-puntwalità tad-data statistika dwar is-sorsi rinnovabbli

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tħejji emenda tal-partijiet rilevanti tar-Regolament dwar l-istatistika tal-enerġija, sabiex l-Istati Membri jipprovdu lill-Eurostat statistika annwali dwar l-enerġija, inklużi s-sorsi rinnovabbli, fi żmien disa’ xhur minn tmiem is-sena.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: sa nofs l-2021.

84

L-iskemi ta’ appoġġ nazzjonali stimulaw l-investiment fis-sorsi rinnovabbli, madankollu, ir-riluttanza tal-Istati Membri li jikkooperaw dwar kwistjonijiet relatati mal-enerġija ssostni l-frammentazzjoni tas-suq tal-enerġija (il-paragrafi 31 sa 36).

85

It-tnaqqis fl-ispiża tat-teknoloġija u l-livell għoli ta’ interess f’investimenti fl-“ekonomija ekoloġika” l-ġdida żdiedu b’rata tant mgħaġġla li wasslu għal sussidjar żejjed ta’ proġetti, iffinanzjati permezz ta’ prezzijiet aktar għoljin tal-elettriku u/jew defiċits pubbliċi. Biex jitnaqqas il-piż fuq il-konsumaturi u fuq il-baġits nazzjonali, l-Istati Membri introduċew azzjonijiet korrettivi, li naqqsu l-fiduċja tal-investituri u kkontribwew għal tnaqqis fir-ritmu tas-suq fiż-żewġ setturi. Aħna sibna li l-azzjonijiet immexxija mill-UE, bħall-irkantijiet u l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fi proġetti relatati mas-sorsi rinnovabbli, billi jinċentivaw il-prosumaturi u l-komunitajiet tal-enerġija, jistgħu jikkontribwixxu għaż-żieda tal-kapaċità ġdida eolika u solari fotovoltajka u jkopru parti mill-ħtiġijiet ta’ investiment meħtieġa għall-ilħuq tal-mira għall-2030 (il-paragrafi 37 sa 56).

Rakkomandazzjoni 3 – Ippjanar ta’ biżżejjed irkantijiet biex tiżdied il-kapaċità tal-enerġija rinnovabbli fis-settur tal-elettriku

Jenħtieġ li l-Kummissjoni:

  1. tidentifika l-Istati Membri li ma għandhomx irkantijiet previsti għas-sorsi rinnovabbli, li jippermettu li tinkiseb il-kapaċità addizzjonali meħtieġa għall-ilħuq tal-miri għall-2020, u tħeġġiġhom biex jiddefinixxu wieħed; u
  2. timmonitorja u tirrapporta b’mod regolari dwar ir-riżultati tal-irkantijiet organizzati minn dawn l-Istati Membri.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: sa tmiem l-2019.

86

Ir-regoli dwar il-ġestjoni tat-territorju restrittivi jillimitaw l-implimentazzjoni ta’ installazzjonijiet ġodda u l-proċeduri amministrattivi twal jikkumplikaw l-ambjent kummerċjali, b’mod partikolari għal proġetti eoliċi ġodda (il-paragrafi 57 sa 62).

Rakkomandazzjoni 4 – Simplifikazzjoni tal-proċeduri biex jinħoloq ambjent aktar favorevoli għall-ġenerazzjoni tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri biex jikkunsidraw is-simplifikazzjoni tal-proċeduri amministrattivi attwali tagħhom fil-qasam tas-sorsi rinnovabbli bl-għan li jaċċelleraw l-implimentazzjoni u jħeġġu l-investiment.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: sa tmiem l-2019.

87

Fid-Direttiva RED II, il-mira vinkolanti tal-UE għas-sehem tas-sorsi rinnovabbli fil-konsum finali gross tal-enerġija hija stabbilita għal mill-inqas 32 % sal-2030. Din il-mira se tirrikjedi li, fis-settur tal-elettriku, is-sehem li jkun ġej minn sorsi rinnovabbli jkun ta’ 55 %. Fl-2017, is-sehem tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli kien kważi 31 %. Id-dewmien fl-investiment fil-grilja, inkluż fl-infrastruttura ta’ interkonnessjoni, jimpedixxi l-implimentazzjoni tas-sorsi rinnovabbli għall-ġenerazzjoni tal-enerġija u l-iżvilupp ta’ sinerġiji fost l-Istati Membri (il-paragrafi 63 sa 68).

Rakkomandazzjoni 5 – Promozzjoni tal-investiment fl-infrastruttura tal-grilja u fl-interkonnetturi

Jenħtieġ li l-Kummissjoni:

  1. teżamina liema huma l-Istati Membri li għalihom il-grilja tirrappreżenta fattur li jillimita l-implimentazzjoni ulterjuri tas-sorsi rinnovabbli;
  2. tagħti parir lill-Istati Membri li għalihom il-grilja potenzjalment timpedixxi l-implimentazzjoni tas-sorsi rinnovabbli biex jieħdu azzjonijiet sabiex jirriżolvu l-insuffiċjenzi fil-grilja; u
  3. tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jiffukaw l-appoġġ disponibbli taħt il-FEŻR u l-FK, għal operazzjonijiet relatati mat-tibdil fil-klima, fuq l-iżvilupp u l-ġestjoni tal-grilja, kif ukoll fuq l-interkonnetturi.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: sa nofs l-2020.

88

B’mod ġenerali, il-proġetti kkofinanzjati kisbu l-outputs u r-riżultati previsti f’termini ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku, u huwa probabbli li jkunu sostenibbli. Madankollu, kien hemm każijiet ta’ sussidjar żejjed (il-paragrafi 69 sa 73).

89

Għall-ġejjieni, id-Direttiva RED II u r-Regolament dwar il-governanza tal-pakkett dwar l-“Enerġija Nadifa”, jintroduċu miżuri li jistgħu jikkontribwixxu għal ambjent ta’ investiment aħjar għall-ġenerazzjoni tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli, jekk jiġu trasposti b’mod xieraq u f’waqtu (pereżempju, titjib fit-tfassil u stabbiltà fl-iskemi ta’ appoġġ u stabbiliment tal-prinċipju tal-awtokonsum). Madankollu, in-nuqqas ta’ miri nazzjonali, flimkien mal-fatt li d-dgħufijiet relatati mal-monitoraġġ f’waqtu min-naħa tal-Kummissjoni ma ġewx indirizzati, jipperikola l-ilħuq tal-mira l-ġdida tal-UE (il-paragrafi 74 sa 79).

Rakkomandazzjoni 6 – Titjib fil-monitoraġġ biex jiġi mmitigat in-nuqqas ta’ miri nazzjonali vinkolanti

Jenħtieġ li l-Kummissjoni timmonitorja u tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jittrasponu l-pakkett dwar l-“Enerġija Nadifa”, inkluża d-Direttiva RED II, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom b’mod xieraq u f’waqtu, u li tippubblika regolarment informazzjoni dwar il-progress li jkun sar f’dan ir-rigward.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: sa tmiem Ġunju 2021.

Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla II, immexxija mis-Sinjura Iliana Ivanova, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tat-30 ta’ April 2019.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Klaus-Heiner Lehne
President

Annessi

Anness I

Data dwar l-enerġija eolika fl-EU-28

Mira 20201, kapaċità 20172, konsum finali tal-enerġija 20163, finanzjament mill-FEŻR/FK għall-2007-2013 u għall-2014-20204 u skemi nazzjonali prinċipali5

Sors: 1Id-Direttiva 2009/28/KE tat-23.4.2009, l-Anness I; 2IRENA, “Renewable Capacity Statistics 2018” (Statistika tal-2018 dwar il-Kapaċità Rinnovabbli); u l-Ministeri għall-Enerġija u/jew l-Awtoritajiet Regolatorji nazzjonali (għall-Ġermanja, il-Greċja, Spanja u l-Polonja); 3Eurostat “EU Energy in figures” (L-enerġija tal-UE f’ċifri), Ktejjeb tal-Istatistika 2016, il-Parti 5 (konsum finali tal-enerġija: Il-konsum totali ta’ enerġija mill-utenti aħħarin, bħal unitajiet domestiċi, industriji u l-agrikoltura, iżda bl-esklużjoni ta’ dik użata mis-settur tal-enerġija nnifsu); 4DĠ REGIO, estratt tad-9.4.2019; u 5DĠ ENER, www.res-legal.eu.

Anness II

Data dwar l-enerġija solari fl-EU-28

Mira 20201, kapaċità 20172, konsum finali tal-enerġija 20163, finanzjament mill-FEŻR/FK għall-2007-2013 u għall-2014-20204 u skemi nazzjonali prinċipali5

Sors: 1Id-Direttiva 2009/28/KE tat-23.4.2009, l-Anness I; 2IRENA, “Renewable Capacity Statistics 2018” (Statistika tal-2018 dwar il-Kapaċità Rinnovabbli); u l-Ministeri għall-Enerġija u/jew l-Awtoritajiet Regolatorji nazzjonali (għall-Ġermanja, il-Greċja, Spanja u l-Polonja); 3Eurostat “EU Energy in figures” (L-enerġija tal-UE f’ċifri), Ktejjeb tal-Istatistika 2016, il-Parti 5 (konsum finali tal-enerġija: Il-konsum totali ta’ enerġija mill-utenti aħħarin, bħal unitajiet domestiċi, industriji u l-agrikoltura, iżda bl-esklużjoni ta’ dik użata mis-settur tal-enerġija nnifsu); 4DĠ REGIO, estratt tad-9.4.2019 (il-Kummissjoni tuża l-istess kodiċi biex tirreferi għall-enerġija solari fotovoltajka u għall-enerġija solari termali); 5DĠ ENER, www.res-legal.eu.

Anness III

Lista tal-proġetti eżaminati

Stat Membru Kodiċi tal-proġett Programm operazzjonali Teknoloġija/i Kapaċità Sors ta’ finanzjament Kontribuzzjoni mill-UE (EUR)
DE 801 45 110 OP Brandenburg ERDF 2007-2013 Enerġija eolika 7.6 MW FEŻR 1 078 125
DE 101000680201 OP Sachsen ERDF 2007-2013 Enerġija solari fotovoltajka 0.1 MW FEŻR 47 896
DE 101000670521 OP Sachsen ERDF 2007-2013 Enerġija solari fotovoltajka 0.1 MW FEŻR 48 219
DE 101000481261 OP Sachsen ERDF 2007-2013 Enerġija solari fotovoltajka 0.1 MW FEŻR 39 999
DE EFRE 0800572 OP Nordrhein-Westfalen ERDF 2014-2020 Enerġija eolika (riċerka) M/A FEŻR 210 526
DE EFRE 0800573 OP Nordrhein-Westfalen ERDF 2014-2020 Enerġija eolika (riċerka) M/A FEŻR 297 273
EL 350483-1433 OP Competitiveness, Entrepreneurship and Innovation 2007-2013 Enerġija eolika 38 MW FEŻR 16 504 920
EL 350546-592 OP Competitiveness, Entrepreneurship and Innovation 2007-2013 Enerġija eolika 23 MW FEŻR 10 851 660
EL 395905-1606 OP Infrastructure for Transportation, Environment and Sustainable Development 2007-2013 Enerġija eolika 20 MW FK 8 515 677
EL 296664-960 OP Infrastructure for Transportation, Environment and Sustainable Development 2007-2013 Enerġija solari fotovoltajka 4 MW FK 7 079 400
EL 395910-2144 OP Infrastructure for Transportation, Environment and Sustainable Development 2007-2013 Enerġija solari fotovoltajka 5 MW FK 4 999 372
EL 448142-3835 OP Competitiveness, Entrepreneurship and Innovation 2007-2013 Enerġija solari fotovoltajka 2 MW FEŻR 1 610 446
ES F0704391AVE0000000000520 OP Comunidad Valenciana 2007-2013 Enerġija eolika 0.02 MW FEŻR 12 920
ES F07043901AVE00000000003580 OP Comunidad Valenciana 2007-2013 Enerġija eolika u solari fotovoltajka 0.06 MW + 0.05 MW FEŻR 36 296
ES F07044001AVE00000000001019 OP Comunidad Valenciana 2007-2013 Enerġija solari fotovoltajka 0.1 MW FEŻR 63 611
ES AM30044012005 OP Andalucía 2007-2013 Enerġija eolika u solari fotovoltajka 0.06 MW + 0.03 MW FEŻR 18 430
ES AM300440120008 OP Andalucía 2007-2013 Enerġija eolika u solari fotovoltajka 0.02 MW + 0.01 MW FEŻR 1 945
ES 243014 OP Andalucía 2007-2013 Enerġija solari fotovoltajka 0.01 MW FEŻR 5 139
PL RPPK.02.02.00-18-164/12 ROP Podkarpackie 2007-2013 Enerġija solari fotovoltajka 2 MW FEŻR 1 942 371
PL RPPK.02.02.00-18-153/12 ROP Podkarpackie 2007-2013 Enerġija solari fotovoltajka 0.5 MW FEŻR 1 482 093
PL POIS.09.04.00-00-108/09 OP Infrastructure & Environment 2007-2013 Enerġija eolika 48 MW FK 9 763 718
PL POIS.09.04.00-00-093/09 OP Infrastructure & Environment 2007-2013 Enerġija eolika 20 MW FK 8 020 263
PL RPPK.03.04.00-18-0001/17 ROP Podkarpackie 2014-2020 Enerġija solari fotovoltajka 8.3 MW FEŻR 8 536 781
PL RPPK.03.01.00-18-0450/17 ROP Podkarpackie 2014-2020 Enerġija solari fotovoltajka 0.2 MW FEŻR 234 259

Sors: Il-QEA.

Anness IV

Il-progress medju li nkiseb fis-sehem tal-enerġija rinnovabbli fil-konsum finali gross tal-enerġija sal-2017 u l-progress medju meħtieġ sabiex jintlaħqu l-miri għall-2020 għall-Istati Membri kollha u għall-UE

Sors: Il-QEA, ibbażat fuq data tal-Eurostat.

Anness V

Is-sehem u l-kapaċità tas-sorsi rinnovabbli fl-EU-28 u fl-erba’ Stati Membri eżaminati: miri u valuri finali, 2010-2017

Tabella A – Perċentwal tas-sehem tal-enerġija rinnovabbli fil-konsum finali gross tal-enerġija fl-EU-28*, 2010-2017

    2005 2010 2011 2012 2013 2014 2015 2016 2017
EU-28, Sehem tas-sorsi rinnovabbli Finali 9.1 13.1 13.4 14.7 15.4 16.2 16.7 17.0 17.5
Żieda inkrementali     2.0 9.7 4.9 5.1 3.3 1.8 2.9
EU-28, Elettriku Finali 14.8 19.7 21.7 23.5 25.4 27.4 28.8 29.6 30.8
Żieda inkrementali     10.1 8.4 7.8 8.2 5.0 2.6 4.0
EU-28, Tisħin u tkessiħ Finali 11.1 15.4 16.0 17.1 17.6 18.4 18.8 19.1 19.5
Żieda inkrementali     4.0 6.6 2.9 4.8 2.2 1.3 2.3
EU-28, Trasport Finali 1.8 5.2 4.0 5.3 5.7 6.1 6.6 7.2 7.6
Żieda inkrementali     -23.9 33.5 7.2 7.1 8.8 9.2 4.9
  • Ma hemmx data kkonsolidata disponibbli fil-livell tal-EU-28, la dwar it-trajettorji fl-NREAPs tal-Istati Membri u lanqas dwar it-trajettorja indikattiva tagħhom, skont id-Direttiva RED I, għas-sehem tas-sorsi rinnovabbli fil-konsum finali gross tal-enerġija u t-tliet setturi li jikkontribwixxu għal dan is-sehem.

Sors: Il-QEA, ibbażat fuq data tal-Eurostat.

Tabella B – Perċentwal tas-sehem tal-enerġija rinnovabbli fil-konsum finali gross tal-enerġija fl-erba’ Stati Membri eżaminati bejn l-2010 u l-2017, u t-trajettorji sal-2020

    2010 2011 2012 2013 2014 2015 2016 2017 2018 2019 2020
Il-Ġermanja Trajettorja nazzjonali fl-NREAP 10.1 10.8 11.4 12.0 12.8 13.5 14.4 15.7 16.7 17.7 19.6
Trajettorja indikattiva skont id-Direttiva RED I - 8.2 8.2 9.5 9.5 11.3 11.3 13.7 13.7 - 18.0
Finali 11.7 12.5 13.6 13.8 14.4 14.9 14.9 15.5 - - -
Il-Greċja Trajettorja nazzjonali fl-NREAP 8.0 8.8 9.5 9.9 10.5 11.4 12.4 13.7 14.6 16.0 18.0
Trajettorja indikattiva skont id-Direttiva RED I - 9.1 9.1 10.2 10.2 11.9 11.9 14.1 14.1 - 18.0
Finali 9.8 10.9 13.5 15.0 15.4 15.4 15.1 16.3 - - -
Spanja Trajettorja nazzjonali fl-NREAP 13.2 14.4 15.1 15.6 16.1 16.7 17.3 18.1 18.9 19.7 20.8
Trajettorja indikattiva skont id-Direttiva RED I - 11.0 11.0 12.1 12.1 13.8 13.8 16.1 16.1 - 20.0
Finali 13.8 13.2 14.3 15.3 16.1 16.2 17.4 17.5 - - -
Il-Polonja Trajettorja nazzjonali fl-NREAP 9.6 10.2 10.7 11.2 11.6 12.1 12.7 13.4 14.1 14.9 15.9
Trajettorja indikattiva skont id-Direttiva RED I - 8.8 8.8 9.5 9.5 10.7 10.7 12.3 12.3 - 15.0
Finali 9.3 10.3 10.9 11.4 11.5 11.7 11.3 10.9 - - -

Sors: L-NREAPs u r-rapporti nazzjonali ta’ progress dwar il-promozzjoni u l-użu ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli.

Tabella C – Perċentwal tas-sehem tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli fil-konsum finali gross tal-elettriku fl-erba’ Stati Membri eżaminati bejn l-2010 u l-2017, u t-trajettorji sal-2020

    2010 2011 2012 2013 2014 2015 2016 2017 2018 2019 2020
Il-Ġermanja Trajettorja nazzjonali fl-NREAP 17.4 19.3 20.9 22.7 24.7 26.8 28.8 31.0 33.3 35.9 38.6
Finali 18.2 20.9 23.6 25.3 28.1 30.9 32.2 34.4 - - -
Il-Greċja Trajettorja nazzjonali fl-NREAP 13.3 15.7 18.8 21.8 25.1 27.6 29.7 31.8 33.7 36.7 39.8
Finali 12.3 13.8 16.4 21.2 21.9 22.1 22.7 24.5 - - -
Spanja Trajettorja nazzjonali fl-NREAP 29.2 31.0 32.0 32.7 33.5 34.1 34.4 35.5 36.4 37.4 39.0
Finali 29.8 31.6 33.5 36.7 37.8 37.0 36.6 36.3 - - -
Il-Polonja Trajettorja nazzjonali fl-NREAP 7.5 8.9 10.2 11.1 12.2 13.0 13.9 14.7 15.6 16.8 19.1
Finali 6.7 8.2 10.7 10.7 12.4 13.4 13.4 13.1 - - -

Sors: L-NREAPs u r-rapporti nazzjonali ta’ progress dwar il-promozzjoni u l-użu ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli.

Tabella D – Evoluzzjoni tal-kapaċità eolika f’erba’ Stati Membri bejn l-2010 u l-2017, u l-miri sal-2020, (f’MW)

    2010 2011 2012 2013 2014 2015 2016 2017 2018 2019 2020
Il-Ġermanja Mira 27 676 29 606 31 357 32 973 34 802 36 647 38 470 40 154 41 909 43 751 45 750
Finali 26 903 28 712 30 979 33 477 38 614 44 580 49 587 55 873 - - -
Il-Greċja Mira 1 327 1 924 2 521 3 119 3 716 4 303 4 906 5 430 6 153 6 776 7 500
Finali 1 298 1 640 1 753 1 809 1 978 2 091 2 370 2 624 - - -
Spanja Mira 20 744 21 855 23 555 24 988 26 438 27 869 29 330 30 810 32 369 34 049 35 750
Finali 20 693 21 529 22 789 22 958 22 925 22 943 22 990 23 100 - - -
Il-Polonja Mira 1 100 1 550 2 010 2 520 3 030 3 540 4 060 4 580 5 100 5 620 6 650
Finali 1 180 1 616 2 497 3 389 3 834 4 582 5 807 5 849 - - -

Sors: L-NREAPs u d-data tal-Ministeri nazzjonali għall-Enerġija, u/jew tal-Awtoritajiet Regolatorji nazzjonali.

Tabella E – Evoluzzjoni tal-kapaċità solari fotovoltajka f’erba’ Stati Membri bejn l-2010 u l-2017, u l-miri sal-2020, (f’MW)

    2010 2011 2012 2013 2014 2015 2016 2017 2018 2019 2020
Il-Ġermanja Mira 15 784 20 284 23 783 27 282 30 781 34 279 37 777 41 274 44 768 48 262 51 753
Finali 18 006 25 916 34 077 36 710 37 900 39 224 40 716 42 376 - - -
Il-Greċja Mira 184 357 531 778 1 024 1 300 1 566 1 782 1 998 2 234 2 450
Finali 202 612 1 536 2 579 2 596 2 604 2 604 2 606 - - -
Spanja Mira 3 787 4 265 4 669 4 894 5 143 5 416 5 716 6 047 6 410 6 810 7 250
Finali 3 921 4 352 4 646 4 785 4 854 4 856 4 716 4 725 - - -
Il-Polonja Mira 1 1 2 2 2 2 2 3 3 3 3
Finali 0 1 1 2 21 71 99 104 - -

Sors: L-NREAPs u d-data tal-Ministeri nazzjonali għall-Enerġija, u/jew tal-Awtoritajiet Regolatorji nazzjonali.

Anness VI

L-iskemi prinċipali ta’ appoġġ tal-erba’ Stati Membri, l-evoluzzjoni tal-kapaċità eolika u solari fotovoltajka (1999-2017) u t-tariffi offruti lill-produtturi ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli għall-istess perjodu

Il-Ġermanja

Sors: Il-QEA, ibbażat fuq data tal-Bundesministerium für Wirtschaft und Energie (BMWi).

Il-Ġreċja

Sors: Il-QEA, ibbażat fuq data tal-Ministeru għall-Ambjent u l-Enerġija (YPEKA).

Spanja

Sors: Il-QEA, ibbażat fuq data tal-Ministerio para la Transición Ecológica.

Il-Polonja

Sors: Il-QEA, ibbażat fuq data tal-indiċijiet PMOZE u PMOZE A tal-Kambju tal-Enerġija tal-Polonja.

Akronimi u abbrevjazzjonijiet

DĠ COMP: Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea għall-Kompetizzjoni

DĠ ENER: Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea għall-Enerġija

EEA: Aġenzija Ewropea għall-Ambjent

ESTAT: Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea għall-Istatistika (Eurostat)

FEŻR: Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali

FIP: Primjum “feed-in”

FIT: Tariffa “feed-in”

FK: Fond ta’ Koeżjoni

GHG: Gass serra

IRENA: Aġenzija Internazzjonali għall-Enerġija Rinnovabbli

KTE: Kooperazzjoni territorjali Ewropea

LCOE: Spiża livellata tal-produzzjoni ta’ elettriku

MW: Megawatt

MWh: Megawatt-siegħa

NECP: Pjan nazzjonali għall-enerġija u l-klima (2021-2030)

NREAP: Pjan ta’ azzjoni nazzjonali għall-enerġija rinnovabbli (2010-2020)

PDG: Prodott domestiku gross

PO: Programm Operazzjonali

PV: Fotovoltajku

RED: Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli

TFUE: Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

TSO: Operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni

Glossarju

Bijofjuwil / Bijolikwidu / Bijogass: Fjuwil likwidu jew gassuż prodott mill-bijomassa.

Bijomassa: Materja organika li toriġina mill-agrikoltura, mill-forestrija u mill-industriji relatati, inklużi s-sajd u l-akkwakultura, kif ukoll il-frazzjoni bijodegradabbli ta’ skart industrijali u muniċipali, u li tintuża għall-produzzjoni tal-enerġija.

Enerġija eolika: Il-konverżjoni ta’ enerġija eolika f’elettriku bl-użu ta’ turbini eoliċi.

Enerġija ġeotermali: Enerġija maħżuna b’mod naturali fil-forma ta’ sħana taħt is-superfiċje tad-dinja.

Enerġija idroelettrika: Elettriku ġġenerat bil-konverżjoni ta’ enerġija kinetika jew potenzjali derivata mill-ilma nieżel u mill-ilma ġieri f’enerġija elettrika.

Enerġija mill-iskart: Enerġija elettrika u/jew enerġija termali li tinkiseb bl-inċinerazzjoni ta’ materjali ta’ skart mis-settur domestiku, kummerċjali u dak tas-servizzi pubbliċi.

Enerġija mill-mewġ, mill-marea u mill-oċeani: Teknoloġija użata biex tiġbor l-enerġija kinetika ġġenerata mill-mewġ u mill-marea tal-oċeanu u tikkonvertiha f’elettriku.

Enerġija solari fotovoltajka: Il-konverżjoni ta’ dawl tax-xemx f’elettriku bl-użu ta’ pannelli fotovoltajċi.

Enerġija solari kkonċentrata: Il-konverżjoni tad-dawl tax-xemx fi sħana.

Enerġija solari termali: Enerġija ġġenerata mis-sħana tax-xemx, użata għat-tisħin u għall-produzzjoni ta’ elettriku.

Enerġija solari: Dawl u sħana radjanti ġġenerati mix-xemx, li jintużaw permezz ta’ firxa ta’ teknoloġiji għall-produzzjoni ta’ tisħin solari, enerġija solari fotovoltajka u ta’ elettriku solari termali.

Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali: Fond tal-UE li jsaħħaħ il-koeżjoni ekonomika u soċjali fl-UE billi jiffinanzja investimenti li jnaqqsu l-iżbilanċi bejn ir-reġjuni.

Fond ta’ Koeżjoni: Fond tal-UE għat-tnaqqis tad-disparitajiet ekonomiċi u soċjali fl-UE bil-finanzjament ta’ investimenti fl-Istati Membri fejn l-introjtu nazzjonali gross għal kull abitant ikun inqas minn 90 % tal-medja tal-UE.

Gassijiet serra: Gassijiet li jaġixxu bħala kutra fl-atmosfera tad-dinja billi ma jħallux lis-sħana taħrab u jsaħħnu s-superfiċje tad-dinja permezz tal-“effett serra”. Il-gassijiet serra prinċipali huma d-diossidu tal-karbonju (CO2), il-metan (CH4), l-ossidu nitruż (N2O) u l-gassijiet fluworurati (HFCs, PFCs, SF6 u NF3).

Kapaċità: Il-potenza massima ta’ faċilità ta’ produzzjoni tal-elettriku, f’kundizzjonijiet ideali. Ġeneralment titkejjel f’kilowatts (kW), megawatts (MW) jew gigawatts (GW).

Konsum finali gross tal-enerġija: Il-konsum totali ta’ enerġija mill-utenti aħħarin (bħal unitajiet domestiċi, industriji u l-agrikoltura) u mis-settur tal-enerġija nnifsu (għall-produzzjoni ta’ elettriku u sħana), inkluż it-telf ta’ enerġija matul it-trażmissjoni u d-distribuzzjoni.

Primjum “feed-in”: Primjum garantit li l-produtturi tal-enerġija rinnovabbli jirċievu fuq il-prezz miksub fis-suq.

Tariffa “feed-in”: Prezz fiss garantit li l-produtturi tal-enerġija rinnovabbli jirċievu meta jbigħu l-elettriku għall-grilja. It-tariffa normalment tvarja skont it-tip, id-daqs, u l-post tal-impjant.

Tisħin u tkessiħ: Enerġija termali fil-forma ta’ fwar, ilma sħun jew likwidi mkessħa, distribwita minn sors ċentrali ta’ produzzjoni għal diversi binjiet jew siti permezz ta’ netwerk, għall-iskop ta’ tisħin jew tkessiħ tal-ispazji.

Risposti tal-Kummissjoni

Sommarju eżekuttiv

VI

L-ewwel inċiż: Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni.

Din hija prijorità ċara u kontinwa fl-iskambji tal-Kummissjoni mal-Istati Membri tal-UE fil-livelli kollha.

It-tieni inċiż: Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni.

It-tielet inċiż: Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni biex tħeġġeġ lill-Istati Membri jipproċedu f’dan il-kuntest u biex timmonitorja l-progress li jkun sar. Madankollu, l-organizzazzjoni ta’ rkanti taqa’ taħt il-kompetenza tal-Istati Membri.

Ir-raba’ inċiż: Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni.

Il-Kummissjoni taqbel mal-ħsieb tal-QEA li simplifikazzjoni tal-proċeduri amministrattivi skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali ttejjeb l-ambjent għall-ġenerazzjoni tal-elettriku rinnovabbli. Dan l-isforz ta’ simplifikazzjoni huwa fil-qalba tad-direttiva riformata adottata fil-11 ta’ Diċembru 2018.

Il-ħames inċiż: Il-Kummissjoni taċċetta parzjalment ir-rakkomandazzjoni billi tqis li l-iżvilupp tal-grilja jaqa’ taħt il-kompetenza tal-Istati Membri. L-UE diġà qed tipprovdi sostenn għal investimenti fl-infrastruttura tal-grilja u fl-interkonnetturi.

Is-sitt inċiż: Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni u se timplimentaha f’konformità mar-Regolament dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija.

Introduzzjoni

15

Il-Kummissjoni enfasizzat diversi drabi li l-biċċa l-kbira tal-investiment fl-enerġija rinnovabbli jenħtieġ li tiġi mis-settur privat. Jenħtieġ li l-finanzjament pubbliku, inkluż il-finanzjament tal-UE, ma jissostitwixxix iżda jikkumplimenta u jikseb ingranaġġ ta’ investiment privat, kull meta jkun rilevanti, f’konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.

Strumenti oħra tal-UE li jikkumplimentaw l-investiment privat huma, fost l-oħrajn , InvestEU, Orizzont Ewropa, il-programm LIFE u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa.

L-InvestEU il-ġdid, li huwa s-suċċessur tal-Pjan Juncker (FEIS), se jwarrab EUR 11,5 biljun għal Infrastruttura Sostenibbli, bil-għan li jiġi stimulat aktar investiment sostenibbli privat permezz ta’ diversi strumenti finanzjarji.

Fl-ambitu ta’ Orizzont Ewropa, il-Kummissjoni pproponiet li talloka EUR 15-il biljun għall-Enerġija, il-Klima u l-Mobilità, lejn l-iżvilupp ta’ teknoloġiji tal-ġenerazzjoni li jmiss li jiffaċilitaw it-tranżizzjoni tal-enerġija u jsaħħu l-kompetittività tal-Ewropa.

Il-Programm LIFE għall-Ambjent għandu baġit imsaħħaħ u jinkludi linja ġdida b’EUR 1 biljun dedikata speċifikament biex tiffaċilita l-enerġija rinnovabbli fuq skala żgħira, bħal proġetti solari u proġetti tal-effiċjenza enerġetika.

Fl-aħħar nett, skont il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, li hija l-istrument baġitarju ewlieni għall-finanzjament ta’ infrastruttura ta’ konnessjoni bejn l-Istati Membri, bħall-interkonnessjonijiet, il-Kummissjoni inkludiet element ġdid biex b’mod speċifiku tippromwovi l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fis-setturi kollha tal-enerġija rinnovabbli.

Osservazzjonijiet

23

It-tielet inċiż: L-Istati Membri inkwistjoni għad għandhom diversi possibbiltajiet biex jilħqu l-mira tal-2020, inkluż l-użu ta’ mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni bħal trasferimenti statistiċi.

Il-Kummissjoni qed tissorvelja mill-qrib il-progress tal-Istati Membri kollha u tipprovdi sostenn. Flimkien mat-Task Force dwar l-Effiċjenza Enerġetika mnedija mill-Istati Membri tal-UE, qed isiru sforzi fil-livelli kollha biex jintlaħqu l-miri tal-2020. Se tittieħed azzjoni ulterjuri biex tinforza l-obbligi tal-Istati Membri, jekk ikun hemm bżonn.

27

Il-Kummissjoni tinnota li t-trajettorji u l-miri nazzjonali pprovdew perspettiva utli fit-tul għall-ippjanar tal-investiment u punt ta’ referenza għall-Kummissjoni għar-rappurtar u għall-monitoraġġ.

It-Tweġiba Komuni tal-Kummissjoni għall-paragrafi 28 u 29:

Il-Kummissjoni pproponiet emenda tar-regolament rigward l-istatistika dwar l-enerġija skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju, f’konsultazzjoni bejn is-servizzi f’April 2019. Din l-emenda ma tindirizzax l-iskadenza għar-rappurtar għall-istatistika annwali dwar l-enerġija. Madankollu, din se tħaffef il-pubblikazzjoni ta’ data ta’ kull xahar dwar l-elettriku u l-faħam (inkluża l-enerġija tar-riħ u tax-xemx) b’xahar (minn tliet xhur sa xahrejn).

Il-Kummissjoni nediet proġett fl-2016 flimkien mal-Istati Membri biex iħaffu l-pubblikazzjoni tal-istimi ta’ statistika annwali dwar l-enerġija, bilanċi u indikaturi dwar is-sehem tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli.

30

Il-Kummissjoni għandha djalogu kontinwu mal-awtoritajiet Olandiżi dwar din il-kwistjoni. Fil-ftehim dwar l-enerġija tal-2013, hemm rieda politika ċara biex jiġu mobilizzati sforzi lejn mira ta’ 14 % ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fin-Netherlands fl-2020 (u 16 % fl-2023).

36

Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jikkunsidraw il-possibbiltà li jużaw trasferimenti statistiċi (il-possibbiltà li jitqies bħala produzzjoni proprja l-eċċess ta’ produzzjoni minn Stat Membru ieħor), kif previst fid-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli (RED I), jew bħala mod biex tiġi żgurata l-kisba tal-mira meta jkun hemm defiċit, jew biex jinbiegħu l-eċċessi potenzjali tagħhom lil Stati Membri oħra. Il-Kummissjoni tinsab lesta biex tappoġġa b’mod attiv lill-Istati Membri f’dan ir-rigward u tiffaċilita l-kooperazzjoni neċessarja.

58

Il-Kummissjoni tirrikonoxxi wkoll li l-proċeduri amministrattivi jistgħu jillimitaw l-iżvilupp ta’ proġetti dwar is-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. Id-RED II għandha l-għan li tindirizza din il-kwistjoni, filwaqt li tqis li fir-rigward tal-ippjanar spazjali, jenħtieġ li l-Istati Membri jwettqu valutazzjoni tal-impatt ambjentali u valutazzjoni ambjentali strateġika.

Il-Kummissjoni adottat dokument ta’ gwida dwar l-iżviluppi fl-enerġija tar-riħ u n-Natura 200066, li għandu l-għan li jgħin lill-Istati Membri fil-proċeduri li jsegwu biex jippermettu żviluppi fl-enerġija tar-riħ fis-siti ta’ Natura 2000 jew barra minnhom. L-aġġornament ta’ dan id-dokument ta’ gwida huwa mistenni li jsir sa tmiem l-2019.

63

L-integrazzjoni tal-kapaċitajiet li qed jiżdiedu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fil-grilja hija sfida persistenti għall-maġġoranza tal-Istati Membri. L-ostakoli jirriżultaw prinċipalment mill-kost għoli tal-konnessjoni tal-grilja kif ukoll min-nuqqas ta’ prevedibbiltà u ta’ trasparenza tal-proċeduri tal-konnessjoni tal-grilja. Il-Kummissjoni ssegwi l-iżviluppi b’mod strett fuq il-bażi tal-Pjanijiet Nazzjonali dwar l-Enerġija u l-Klima tal-Istati Membri u l-konformità tagħhom mal-mira ta’ interkonnessjoni ta’ 15 %.

72

Il-Kummissjoni tirrikonoxxi l-importanza li l-appoġġ pubbliku jiġi limitat għall-minimu meħtieġ fil-każ li jifdal diskrepanza fil-finanzjament għal proġetti li jiġġeneraw dħul. Skont il-qafas għall-politika ta’ koeżjoni, il-Kummissjoni mhijiex involuta fl-għażla ta’ proġetti, ħlief għall-approvazzjoni ta’ proġetti maġġuri. L-awtoritajiet ta’ ġestjoni fl-Istati Membri, li huma responsabbli għall-għażla tal-proġetti, jeħtieġu li jiżguraw li l-finanzjament pubbliku ma jissostitwixxix iżda jikkumplimenta u jżid l-investiment privat, kull meta jkun rilevanti, skont ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. Madankollu, il-Kummissjoni tfakkar li l-kundizzjonijiet tas-suq għal proġetti tar-riħ u dawk solari fotovoltajċi kienu qed jinbidlu b’mod rapidu matul il-perjodu rilevanti. Sabiex ikunu konformi mal-miri vinkolanti tal-enerġija rinnovabbli, l-Istati Membri kellhom jinkoraġġixxu investimenti fi proġetti tal-enerġija rinnovabbli, li setgħu ma attirawx biżżejjed kapital privat mingħajr għajnuna pubblika għall-investiment u jekk wieħed iqis il-profil tar-riskju ta’ tali investimenti fil-passat meta t-teknoloġiji rilevanti kienu għadhom fl-istadji bikrija tal-iżvilupp tagħhom.

77

Il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-mekkaniżmu l-ġdid ta’ programmazzjoni u monitoraġġ skont ir-Regolament dwar il-Governanza se jgħin l-involviment tal-Istati Membri fid-definizzjoni tal-allokazzjoni rispettiva tal-isforz meħtieġ biex tintlaħaq il-mira ta’ mill-inqas 32 % ta' sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fl-2030. Ir-Regolament dwar il-Governanza jinkludi għodod biex jittaffa r-riskju li l-Istati Membri jiksbu riżultati estremament pożittivi jew batuti fl-enerġiji rinnovabbli (eż. ir-rakkomandazzjonijiet u l-proposti ta’ miżuri għall-UE kollha). Dan huwa importanti sabiex jittaffa r-riskju li jkun hemm distakk emerġenti fil-livell tal-UE meta jiġu vvalutati l-kontribuzzjonijiet individwali mill-Istati Membri.

78

Il-proċess iterattiv stabbilit fir-Regolament dwar il-Governanza se jiżgura monitoraġġ mill-qrib tas-sitwazzjoni fl-Istati Membri. Ladarba l-informazzjoni tal-Istati Membri tkun ġiet analizzata, il-Kummissjoni tirreaġixxi malajr, jekk ikun meħtieġ.

79

Hija l-fehma tal-Kummissjoni li l-perjodu tat-traspożizzjoni huwa twil biżżejjed biex jippermetti traspożizzjoni f’waqtha mill-Istati Membri kollha.

Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

80

Skont id-data tal-2017, jenħtieġ li grupp ta’ Stati Membri tabilħaqq iżid l-isforzi mhux biss fis-settur tal-elettriku, iżda wkoll fis-setturi tat-tisħin u tat-tkessiħ u tat-trasport sabiex jintlaħqu l-miri tagħhom tal-2020.

81

B’mod ġenerali, bis-sehem tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fil-konsum finali tagħha tal-enerġija jilħaq is-17,5 % (id-data tal-2017), l-UE tinsab fit-triq it-tajba biex tilħaq il-mira tagħha għall-2020 ta’ 20 %.

Il-Kummissjoni qed tissorvelja l-progress relatat mal-iżvilupp tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u hija f’kuntatt mill-qrib mal-Istati Membri. Bħalissa għaddejja mobilizzazzjoni tal-isforzi.

Rakkomandazzjoni 1 - Fokus fuq l-għeluq tad-distakki biex jintlaħqu l-miri tal-2020

Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni u se żżid l-isforzi biex tappoġġa b’mod attiv lill-Istati Membri f’dan ir-rigward u tiffaċilita l-kooperazzjoni neċessarja.

Fir-raba’ rapport ta’ progress tad-9 ta’ April 2019, il-Kummissjoni Ewropea tħeġġeġ lill-Istati Membri biex ikomplu jżidu l-isforzi tagħhom kemm biex jagħmlu użu mis-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fit-tliet setturi, kif ukoll biex inaqqsu l-konsum tal-enerġija.

Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri biex iqisu l-possibbiltà li jużaw trasferimenti statistiċi, kif previst fid-RED I, bħala mod biex jiżguraw l-ilħuq tal-mira meta jkun hemm defiċit, jew inkella biex ibigħu surpluses potenzjali lil Stati Membri oħra.

83

Ir-RED I jipprovdi għal skeda ta’ żmien ċara għall-monitoraġġ biennali tal-progress ta’ kull Stat Membru, li huwa neċessarjament marbut mal-użu tal-istatistika fuq bażi annwali.

Fir-rigward tal-istatistiki dwar l-enerġija, il-Kummissjoni tirreferi għat-tweġibiet tagħha għall-paragrafi 28 u 29.

Rakkomandazzjoni 2 - Titjib f’waqtu tad-data statistika dwar is-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli

Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni.

Il-Kummissjoni se taħdem mal-Istati Membri biex tnaqqas l-iskadenza għall-istatistiki annwali dwar l-enerġija b’xahrejn.

Il-Kummissjoni pproponiet emenda tar-regolament rigward l-istatistika dwar l-enerġija skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju, f’konsultazzjoni bejn is-servizzi f’April 2019. Din l-emenda ma tindirizzax l-iskadenza għar-rappurtar għall-istatistika annwali dwar l-enerġija. Madankollu, din se tħaffef il-pubblikazzjoni ta’ data ta’ kull xahar dwar l-elettriku u l-faħam (inkluża l-enerġija tar-riħ u tax-xemx) b’xahar (minn tliet xhur sa xahrejn).

Il-Kummissjoni nediet proġett fl-2016 flimkien mal-Istati Membri biex iħaffu l-pubblikazzjoni tal-istimi ta’ statistika annwali dwar l-enerġija, bilanċi u indikaturi dwar is-sehem tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli.

85

Ir-riformulazzjoni tad-RED I (2018/2001) fiha diversi inizjattivi biex jiżdied l-użu tal-irkantijiet kif ukoll il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini u tal-komunitajiet tal-enerġija, u biex jiġi stabbilit qafas regolatorju relatat mal-konsumaturi.

Rakkomandazzjoni 3 - L-iżgurar li jkunu ppjanati rkanti suffiċjenti biex tiżdied il-kapaċità rinnovabbli għall-elettriku

(a) Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni.

(b) Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni.

Il-progress li sar fl-irkanti mill-Istati Membri kollha se jiġi mmonitorjat u se jiġi diskuss magħhom fis-segwitu tar-rapporti ta’ progress tagħhom sa tmiem il-perjodu attwali.

Rakkomandazzjoni 4 - Is-simplifikazzjoni ta’ proċeduri biex jinħoloq ambjent aktar favorevoli għall-ġenerazzjoni tal-elettriku rinnovabbli

Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni.

Fil-fatt, ir-RED II tindirizza din il-kwistjoni u tipproponi wkoll aktar obbligi biex jitħaffu l-proċeduri tal-għoti tal-permessi u tal-proċeduri ta’ notifika sempliċi għall-konnessjonijiet mal-grilja. Il-Kummissjoni se tissorvelja t-traspożizzjoni tad-Direttiva f’dan il-kuntest u se tieħu passi biex tiżgura l-konformità.

87

Il-Kummissjoni taqbel mal-fehma li l-investiment tal-grilja huwa ta’ importanza kbira biex jiġi żgurat l-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli.

Rakkomandazzjoni 5 - Promozzjoni tal-investiment fl-infrastruttura tal-grilja u tal-interkonnetturi

(a) Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni parzjalment.

L-indirizzar ta’ kwistjonijiet dwar żviluppi tal-grilja jaqa’ taħt il-kompetenza tal-Istati Membri. Il-Kummissjoni se tindirizzaha fil-kuntest usa’ tal-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija, b’rabta mal-Pjanijiet Nazzjonali dwar l-Enerġija u l-Klima skont ir-Regolament dwar il-Governanza fejn l-iżviluppi tal-infrastruttura se jiġu analizzati wkoll.

(b) Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni parzjalment.

L-indirizzar ta’ kwistjonijiet dwar żviluppi tal-grilja jaqa’ taħt il-kompetenza tal-Istati Membri. Il-Kummissjoni se teżaminaha fil-kuntest usa’ tal-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija, b’rabta mal-Pjanijiet Nazzjonali dwar l-Enerġija u l-Klima skont ir-Regolament dwar il-Governanza fejn l-iżviluppi tal-infrastruttura se jiġu analizzati wkoll.

Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni fir-rigward tal-programmi operazzjonali 2014-2020 kofinanzjati mill-FEŻR u l-FK u se tkompli tappoġġa l-implimentazzjoni, inklużi l-allokazzjonijiet disponibbli għall-grilji u għall-interkonnetturi intelliġenti.

88

Il-Kummissjoni tirrikonoxxi l-importanza li l-appoġġ pubbliku jiġi limitat għall-minimu meħtieġ fil-każ li jifdal diskrepanza fil-finanzjament għal proġetti li jiġġeneraw dħul. L-awtoritajiet ta’ ġestjoni fl-Istati Membri, li huma responsabbli għall-għażla tal-proġetti, jeħtieġu li jiżguraw li l-finanzjament pubbliku ma jissostitwixxix iżda jikkumplimenta u jżid l-investiment privat, kull meta jkun rilevanti, skont ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. Madankollu, il-Kummissjoni tiftakar li l-kundizzjonijiet tas-suq għall-proġetti tar-riħ u dawk solari fotovoltajċi kienu qed jinbidlu malajr fil-perjodu kkonċernat, u li, sabiex ikunu konformi mal-miri vinkolanti tal-enerġija rinnovabbli, l-Istati Membri kellhom jinkoraġġixxu investimenti fi proġetti tal-enerġija rinnovabbli, li setgħu ma attirawx biżżejjed kapital privat mingħajr għajnuna pubblika għall-investiment, jekk wieħed iqis il-profil tar-riskju ta’ tali investimenti fil-passat meta t-teknoloġiji rilevanti kienu għadhom fl-istadji bikrija tal-iżvilupp tagħhom.

89

Il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-mekkaniżmu l-ġdid ta’ programmazzjoni u monitoraġġ skont ir-Regolament dwar il-Governanza se jrawwem l-parteċipazzjoni attiva tal-Istati Membri fid-definizzjoni tal-allokazzjoni rispettiva tal-isforz meħtieġ biex tintlaħaq il-mira ta’ mill-inqas 32 % tas-RES fl-2030. Ir-Regolament dwar il-Governanza jinkludi għodod biex jittaffa r-riskju li l-Istati Membri jiksbu riżultati estremament pożittivi jew batuti fl-enerġiji rinnovabbli (eż. rakkomandazzjonijiet u miżuri għall-UE kollha). Dan huwa importanti sabiex jittaffa r-riskju li jkun hemm distakk emerġenti fil-livell tal-UE meta jiġu vvalutati l-kontribuzzjonijiet individwali mill-Istati Membri.

Rakkomandazzjoni 6 - Titjib fil-monitoraġġ biex jittaffa n-nuqqas ta’ miri nazzjonali vinkolanti

Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni.

Il-Kummissjoni se twettaq monitoraġġ mill-qrib tal-implimentazzjoni tar-Regolament dwar il-Governanza u tal-proċess ta’ traspożizzjoni tad-RED II (li jintemm fit-30 ta’ Ġunju 2021).

Il-Kummissjoni se tirrapporta dwar il-progress fl-implimentazzjoni tal-pakkett “Enerġija Nadifa”, kif previst fir-Regolament dwar il-Governanza.

Noti finali

1 GWh: Kejl tal-output ta’ impjanti kbar tal-elettriku. KWh huwa ekwivalenti għal potenza kostanti ta’ kilowatt wieħed matul siegħa waħda.

2 Il-Eurostat, “EU reference scenario 2016, energy, transport and GHG emissions, trends to 2050” (Xenarju ta’ referenza tal-UE għall-2016, enerġija, trasport u emissjonijiet ta’ gassijiet serra, xejriet sal-2050), Lulju 2016, p. 53.

3 Għalkemm l-enerġija solari fotovoltajka (PV) u dik solari termali għall-produzzjoni tal-elettriku jiġu normalment raggruppati flimkien, l-enerġija solari fotovoltajka tirrappreżenta 98 % tal-kapaċità fl-UE kollha. L-Aġenzija Internazzjonali għall-Enerġija Rinnovabbli (IRENA), “Renewable capacity statistics 2018” (Statistika tal-2018 dwar il-kapaċità rinnovabbli), Jannar 2018, pp. 21 sa 27.

4 L-enerġija solari fotovoltajka tirrigwarda l-konverżjoni ta’ dawl tax-xemx f’elettriku bl-użu ta’ pannelli fotovoltajċi.

5 L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, “EEA greenhouse gas – data viewer” (Viżwal tad-data tal-EEA dwar il-gassijiet serra), 2017, https://www.eea.europa.eu/data-and-maps/data/data-viewers/greenhouse-gases-viewer.

6 COM(2014) 15 final, “Qafas ta’ politika għall-klima u l-enerġija fil-perjodu ta’ bejn l-2020 u l-2030”.

7 KUMM(2011) 112 finali, “Pjan direzzjonali għal ekonomija kompetittiva b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fl-2050”.

8 L-Amministrazzjoni Amerikana għall-Informazzjoni dwar l-Enerġija, “Levelized Cost and Levelized Avoided Cost of New Generation Resources in the Annual Energy Outlook 2018” (Spiża Livellata u Spiża Livellata Evitata għar-Riżorsi tal-Ġenerazzjoni l-Ġdida fil-Prospettiva Annwali dwar l-Enerġija għall-2018), Marzu 2018.

9 IRENA, “Renewable power generation costs in 2017” (Spejjeż għall-ġenerazzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli fl-2017), Jannar 2018, p. 5. IRENA hija organizzazzjoni intergovernattiva li tappoġġa lill-pajjiżi fit-tranżizzjoni tagħhom lejn futur enerġetiku sostenibbli. Hija tingħata appoġġ min-Nazzjonijiet Uniti u hija magħmula minn 160 membru sħiħ (inkluż 27 mill-Istati Membri tal-UE u l-UE nfisha) u 23 membru aderenti (inkluża l-Awstrija).

10 Id-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE (ĠU L 140, 5.6.2009, p. 16).

11 It-terminu “kontribut b’rata fissa” jfisser għadd fiss ta’ punti perċentwali ta’ żieda fis-sorsi rinnovabbli attribwiti għal kull Stat Membru, ibbażat fuq ġabra ta’ kriterji objettivi (b’mod partikolari l-PDG per capita). F’termini ġenerali, dan il-fattur jiżgura li l-miri għall-enerġija rinnovabbli jirriflettu s-saħħa ekonomika tal-Istati Membri aktar milli l-potenzjal jew l-ispiża għal żieda fis-sehem tal-enerġija rinnovabbli.

12 It-trajettorja indikattiva saret aktar ambizzjuża lejn is-snin tal-aħħar minħabba l-benefiċċji mistennija mill-progress teknoloġiku u l-ekonomiji ta’ skala. L-Istati Membri tħallew jiddeterminaw it-trajettorja nazzjonali proprja tagħhom, li kellha tkun aktar lineari.

13 COM(2016) 860 final, “Enerġija Nadifa Għall-Ewropej Kollha”. Dan id-dokument ippropona erba’ regolamenti: dwar il-governanza tal-unjoni tal-enerġija (li daħal fis-seħħ fl-24.12.2018), dwar is-suq intern fil-qasam tal-elettriku (li mistenni jidħol fis-seħħ f’Mejju 2019), dwar it-tħejjija għar-riskji fis-settur tal-elettriku (li mistenni jidħol fis-seħħ f’Mejju 2019), u dwar l-istabbiliment ta’ Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-kooperazzjoni fost ir-regolaturi tal-enerġija (li mistenni jidħol fis-seħħ f’Mejju 2019). Huwa ppropona wkoll erba’ direttivi: dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija (li daħlet fis-seħħ fid-9.7.2018), dwar l-enerġija rinnovabbli (RED II) u l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija (li t-tnejn daħlu fis-seħħ fl-24.12.2018) u dwar regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku (li mistennija tidħol fis-seħħ f’Mejju 2019).

14 Inizjalment, il-Kummissjoni pproponiet mira ta’ 27 % sal-2030 fil-livell tal-UE, iżda l-Parlament Ewropew u l-Kunsill żiedu dan is-sehem għal 32 %.

15 “Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali u l-enerġija 2014-2020”, 2014/C 200/01.

16 Madankollu, il-FITs xorta jistgħu jintużaw għal installazzjonijiet ġodda fuq skala żgħira b’kapaċità li tilħaq sa 500 kW u għal installazzjonijiet eoliċi b’kapaċità li tilħaq sa 3 MW (jew tliet turbini) u għal kuntratti ffirmati qabel l-2016.

17 L-Istati Membri jistgħu jillimitaw il-proċeduri tal-offerti għal teknoloġiji speċifiċi f’każ li l-ftuħ ta’ skemi ta’ appoġġ għall-produtturi kollha tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli jkun iwassal għal riżultat subottimali.

18 COM(2018) 372 final, “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta’ Koeżjoni”, it-Taqsima 4 tal-memorandum ta’ spjegazzjoni, u l-Premessa 14, pp. 7 u 12 rispettivament.

19 Analiżi rapida dwar każ speċifiku: “Allokazzjoni tal-finanzjament taħt il-politika ta’ Koeżjoni lill-Istati Membri għall-perjodu 2021-2027”, il-Figura 1 u t-Tabella 9. Il-QEA, Marzu 2019.

20 SWD(2016) 418 final, “Valutazzjoni tal-Impatt li takkumpanja l-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (riformulata)”, COM(2016) 767 final, il-Parti 2, p. 190.

21 Id-Direttorati Ġenerali għall-Enerġija (DĠ ENER), għall-Politika Reġjonali u Urbana (DĠ REGIO), għall-Kompetizzjoni (DĠ COMP), għall-Azzjoni Klimatika (DĠ CLIMA), u għall-Ambjent (DĠ ENV).

22 Id-data dwar is-sehem tas-sorsi rinnovabbli fil-konsum finali gross tal-enerġija saret disponibbli għall-ewwel darba fl-2005.

23 L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu mira kumplessiva fil-livell nazzjonali u mira settorjali għat-trasport li jkunu aktar ambizzjużi minn dawk iddefiniti fid-Direttiva RED I.

24 https://ec.europa.eu/eurostat/web/energy/data/shares.

25 “Miljuni ta’ tunnellati tal-ekwivalenti taż-żejt (Mtoe)”: l-ammont ta’ enerġija rilaxxata mill-ħruq ta’ miljun tunnellata ta’ żejt mhux raffinat.

26 Ir-Regolament (KE) Nru 1099/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2008 dwar l-istatistika dwar l-enerġija (ĠU L 304, 14.11.2008, p. 1).

27 Ir-Regolament (KE) Nru 1099/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2008 dwar l-istatistika dwar l-enerġija (ĠU L 304, 14.11.2008, l-Anness B, p. 48).

28 https://ec.europa.eu/commission/publications/4th-state-energy-union_en.

29 Il-proprjetarji ta’ mikroinstallazzjonijiet tal-enerġija rinnovabbli li jipproduċu u jikkunsmaw l-elettriku għall-ħtiġijiet kollha tagħhom jew għal xi wħud minnhom, bil-possibbiltà li jinjettaw l-elettriku żejjed fil-grilja.

30 Raggruppamenti stabbiliti mill-proprjetarji ta’ installazzjonijiet tal-enerġija rinnovabbli biex ibigħu u jimmaniġġjaw l-enerġija prodotta minn dawn l-installazzjonijiet.

31 SWD(2016) 417 final, “Regulatory Fitness and Performance evaluation of Directive 2009/28, accompanying the proposal for a Directive on the promotion of the use of energy from renewable sources (recast)” (Evalwazzjoni tal-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni tad-Direttiva 2009/28, li takkumpanja l-proposta għal Direttiva dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (riformulazzjoni)), p. 5.

32 Ir-Rapport Speċjali Nru 16/2015: “Titjib tas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija permezz tal-iżvilupp tas-suq intern tal-enerġija: jinħtieġu sforzi akbar”.

33 Ecofys, “Design features of support schemes for renewable electricity” (Karatteristiċi tat-tfassil tal-iskemi ta’ appoġġ għall-elettriku minn sorsi rinnovabbli), 27.1.2014.

34 Kilowatt peak (kWp): il-potenza massima ta’ pannell solari fotovoltajku. Il-pannelli solari fotovoltajċi, meta jkunu qed joperaw, jipproduċu l-enerġija f’kilowatt-siegħa (kWh). Pereżempju, il-pannelli fotovoltajċi b’potenza massima ta’ 300 kWp meta jkunu qed jaħdmu bil-kapaċità massima tagħhom għal siegħa waħda jipproduċu 300 kWh.

35 Agora Energiewende, “Die Energiewende im Stromsektor: Stand der Dinge 2017. Rückblick auf die wesentlichen Entwicklungen sowie Ausblick auf 2018”, il-Figura 7-4, p. 46.

36 http://appsso.eurostat.ec.europa.eu/nui/show.do?dataset=nrg_pc_204&lang=en.

37 http://appsso.eurostat.ec.europa.eu/nui/show.do?dataset=nrg_pc_205&lang=en.

38 Fl-2017, iċ-ċertifikati kienu jiswew inqas minn PLN 39 (EUR 9)/MWh, filwaqt li l-medja tal-prezz tal-elettriku kienet ta’ PLN 164 (EUR 39)/MWh. Fi kliem ieħor, 19.2 % biss mid-dħul medju tal-produtturi ta’ PLN 202 (EUR 48)/MWh kien ġej miċ-ċertifikati tagħhom.

39 L-evalwazzjoni REFIT tad-Direttiva RED I, il-paġna 6.

40 Il-prezzijiet medji ponderati offruti fl-irkantijiet li saru fil-Greċja fl-2018 kienu dawn li ġejjin: EUR 78.4/MWh għall-enerġija solari fotovoltajka (massimu ta’ 1 MW); EUR 63.8/MWh għall-enerġija solari fotovoltajka (minn 1 sa 20 MW); u EUR 69.5/MWh għall-enerġija eolika (minn 3 sa 50 MW).

41 Il-prezzijiet offruti fl-irkantijiet li saru fil-Polonja fl-2017 kienu jvarjaw bejn PLN 195 (EUR 47)/MWh u PLN 390 (EUR 93)/MWh għall-enerġija solari fotovoltajka (massimu ta’ 1 MW); u bejn PLN 285 (EUR 68)/MWh u PLN 320 (EUR 76)/MWh għall-enerġija eolika (massimu ta’ 1 MW).

42 Skont l-assoċjazzjoni għall-enerġija eolika WindEurope, fl-1985 il-kapaċità medja ta’ turbina eolika fuq l-art kienet inqas minn 1 MW; sal-2012 din kienet żdiedet għal 2.5 MW; u fl-2018 kienet bejn 2.5 u 3 MW. Illum, jeżistu turbini b’kapaċità ta’ 7.5 MW, filwaqt li hemm previsti turbini b’kapaċità ta’ 15 MW, u huwa teoretikament possibbli li fil-futur qarib jiġu żviluppati oħrajn b’kapaċità ta’ 20 MW.

43 Magazin für Wind-, Solar- und Bioenergien, “Bürger sind die wahren Treiber der Energiewende”, Frar 2018.

44 Pereżempju, il-Proċedimenti tal-34 Simpożju ta’ EARSeL, “Spatial consequences of adopting selected criteria for wind farm siting” (Konsegwenzi spazjali tal-adozzjoni ta’ kriterji magħżula għall-għażla tas-siti għal parks eoliċi), Ġunju 2014.

45 L-elettriku minn sorsi ta’ enerġija li ma jipproduċux b’mod kontinwu minħabba ċerti fatturi estranji huwa deskritt bħala intermittenti. Pereżempju, it-turbini eoliċi ma jiġġenerawx elettriku meta ma jkunx hemm riħ; l-installazzjonijiet solari fotovoltajċi ma jipproduċux enerġija matul il-lejl, jew meta x-xemx tkun moħbija wara ħafna sħab.

46 L-integrazzjoni fil-grilja ta’ sorsi intermittenti tal-enerġija rinnovabbli, bħall-enerġija eolika u solari fotovoltajka, tirrikjedi wkoll żieda sinifikanti fl-użu ta’ teknoloġiji għall-ħżin tal-enerġija li jikkontribwixxu biex jinkiseb bilanċ bejn il-provvista u d-domanda. Madankollu, id-Dokument Informattiv u Analitiku tagħna dwar l-“Appoġġ tal-UE għall-ħżin tal-enerġija”, ippubblikat f’April 2019, jiġbed l-attenzjoni għal għadd ta’ sfidi relatati mal-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ teknoloġiji għall-ħżin tal-enerġija fl-UE.

47 Il-kapaċità ta’ interkonnessjoni hija ddefinita bħala r-relazzjoni bejn il-kapaċità netta ta’ trasferiment ta’ pajjiż u l-kapaċità tiegħu ta’ ġenerazzjoni li tkun installata.

48 Flussi ta’ enerġija paralleli jindikaw devjazzjonijiet bejn il-flussi ta’ enerġija skedati (iddefiniti mit-tranżazzjonijiet tas-suq) u l-flussi ta’ enerġija fiżiċi (il-flussi reali fil-grilja tal-elettriku). Thema consulting group, “Loop-flows Final advice” (Parir finali dwar il-flussi ta’ enerġija paralleli), Ottubru 2013, p. 4.

49 Entità pubblika jew privata, fil-livell nazzjonali jew reġjonali, responsabbli għat-trasport tal-enerġija fil-forma ta’ gass naturali jew ta’ elettriku, bl-użu ta’ infrastruttura fissa.

50 COM(2017) 718 final, “Tisħiħ tan-netwerks tal-enerġija tal-Ewropa”.

51 IRENA, “Renewable Energy Prospects for the European Union” (Prospetti għall-Enerġija Rinnovabbli fl-Unjoni Ewropea), Frar 2018, p. 117.

52 F’ordni dekrexxenti tal-perċentwal miksub, dawn l-Istati Membri huma: l-Irlanda, l-Italja, ir-Rumanija, il-Portugall, l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, ir-Renju Unit, Spanja, il-Polonja, Ċipru, u Malta. COM(2015) 82, “Pakkett dwar l-Unjoni tal-Enerġija, Il-ksib tal-mira ta’ 10 % għall-interkonnessjoni elettrika: Inlestu l-grilja elettrika tal-Ewropa għall-2020”, p. 5.

53 Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-23 u tal-24.10.2014.

54 COM(2014) 330 final, “Strateġija Ewropea għas-Sigurtà tal-Enerġija”.

55 Rapport tal-grupp ta’ esperti tal-Kummissjoni dwar il-miri tal-interkonnessjoni elettrika intitolat: “Towards a sustainable and integrated Europe” (Lejn Ewropa sostenibbli u integrata), Novembru 2017, l-Anness 3.

56 Għal dan il-proġett wieħed tal-Polonja, irriżulta aktar tard li l-IRR prevista ma mmaterjalizzatx (ara l-Kaxxa 6).

57 Rata tal-imgħax li, meta mqabbla mal-ispiża tal-kapital involut, tintuża biex tiġi ddeterminata l-vijabbiltà ta’ proġett.

58 OECD, “Long-term interest rates” (Rati tal-imgħax fit-tul), https://data.oecd.org/interest/long-term-interest-rates.htm, fid-9.1.2019.

59 L-għadd ta’ snin li fihom l-ispiża tal-investiment tkun tista’ titħallas mill-qligħ li jinkiseb mill-investiment.

60 Ir-Rapport Speċjali Nru 6/2014: “L-appoġġ mill-fondi taħt il-politika ta’ koeżjoni għall-ġenerazzjoni ta’ enerġija rinnovabbli — inkisbu riżultati tajbin?”, il-paragrafu 43.

61 Ir-Repubblika Ċeka, “Finances earmarked for the support of energy production from renewable energy” (Finanzjament allokat għall-appoġġ tal-produzzjoni ta’ enerġija minn enerġija rinnovabbli), Nejvyssi kontrolni urad, 2014; id-Danimarka, “Report on the amendment of the legislation concerning the support for photovoltaics” (Rapport dwar l-emenda tal-leġiżlazzjoni li tirrigwarda l-appoġġ għall-fotovoltajċi), Rigsrevisionen, 2014; Ċipru, “Renewable energy sources” (Sorsi tal-enerġija rinnovabbli), Ελεγκτική Υπηρεσία της Δημοκρατίας της Κύπρου, 2016; u r-Renju Unit, “Early contracts for renewable electricity” (L-ewwel kuntratti għall-elettriku minn sorsi rinnovabbli), l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Awditjar, 2014.

62 Id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (riformulazzjoni) (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 82).

63 Ir-Regolament (UE) 2018/1999 tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 663/2009 u (KE) Nru 715/2009, id-Direttivi 94/22/KE, 98/70/KE, 2009/31/KE, 2009/73/KE, 2010/31/UE, 2012/27/UE, 2013/30/UE, id-Direttivi tal-Kunsill 2009/119/KE u (UE) 2015/652 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 16).

64 (a) is-sigurtà tal-enerġija; (b) is-suq intern tal-enerġija; (c) l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija; (d) id-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija; u (e) ir-riċerka, l-innovazzjoni u l-kompetittività.

65 Evalwazzjoni REFIT, p. 5.

66 http://ec.europa.eu/environment/nature/natura2000/management/docs/Wind_farms.pdf

Avveniment Data
Adozzjoni tal-APM / Bidu tal-awditu 8.11.2017
L-abbozz tar-rapport jintbagħat uffiċjalment lill-Kummissjoni (jew lil parti awditjata oħra) 7.3.2019
Adozzjoni tar-rapport finali wara l-proċedura kontradittorja 30.4.2019
Ir-risposti uffiċjali tal-Kummissjoni (jew ta’ parti awditjata oħra) riċevuti bil-lingwi kollha 3.6.2019

Tim tal-awditjar

Ir-rapporti speċjali tal-QEA jippreżentaw ir-riżultati tal-awditi li twettaq ta’ politiki u programmi tal-UE, jew ta’ suġġetti relatati mal-ġestjoni minn oqsma speċifiċi tal-baġit. Il-QEA tagħżel u tfassal dawn il-kompiti tal-awditjar biex timmassimizza l-impatt tagħhom billi tqis ir-riskji għall-prestazzjoni jew għall-konformità, il-livell ta’ introjtu jew ta’ nfiq involut, l-iżviluppi li jkunu għad iridu jseħħu u l-interess politiku u pubbliku.

Dan l-awditu tal-prestazzjoni twettaq mill-Awla II tal-Awditjar li tispeċjalizza fl-oqsma ta’ nfiq ta’ Investiment għall-koeżjoni, it-tkabbir u l-inklużjoni, u li hija mmexxija minn Iliana Ivanova, Membru tal-QEA. L-awditu tmexxa minn George Pufan, Membru tal-QEA, li ngħata appoġġ minn Patrick Weldon, Kap tal-Kabinett u Mircea Radulescu, Attaché tal-Kabinett; Niels-Erik Brokopp, Maniġer Prinċipali; Chrysoula Latopoulou, Kap tal-Kompitu; Fernando Pascual Gil, Katarzyna Solarek Lutz Venske, Radka Papouskova, Francisco De Assis Carretero Llorente u Pirmin Getzner, Awdituri. Thomas Everett, Elli-Anna Tzortzi u Paulina Pruszko pprovdew appoġġ lingwistiku.

Mix-xellug għal-lemin: Pirmin Getzner, Thomas Everett, Chrysoula Latopoulou, Patrick Weldon, Fernando Pascual Gil, George Pufan, Lutz Venske, Radka Papouskova, Niels-Erik Brokopp, Katarzyna Solarek.

Kuntatt

IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI
12, rue Alcide De Gasperi
1615 Luxembourg
LUXEMBOURG

Tel. +352 4398-1
Mistoqsijiet: eca.europa.eu/mt/Pages/ContactForm.aspx
Sit web: eca.europa.eu
Twitter: @EUAuditors

Ħafna informazzjoni addizzjonali dwar l-Unjoni Ewropea hija disponibbli fuq l-Internet.
Jista’ jsir aċċess għaliha permezz tas-server Europa (http://europa.eu).

Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2019

PDF ISBN 978-92-847-1972-3 ISSN 1977-5741 doi:10.2865/56035 QJ-AB-19-006-MT-N
HTML ISBN 978-92-847-1959-4 ISSN 1977-5741 doi:10.2865/809130 QJ-AB-19-006-MT-Q

© L-Unjoni Ewropea, 2019

Għal kull użu jew riproduzzjoni ta’ ritratti jew materjal ieħor li ma jaqax taħt id-drittijiet tal-awtur tal-Unjoni Ewropea, irid jintalab il-permess direttament mingħand id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur.

KIF TIKKUNTATTJA LILL-UE

Personalment
Madwar l-Unjoni Ewropea kollha hemm mijiet ta’ ċentri ta’ informazzjoni tal-Europe Direct. Tista’ ssib l-indirizz tal-eqreb ċentru għalik f’dan is-sit: https://europa.eu/european-union/contact_mt

Bit-telefown jew bil-posta elettronika
Europe Direct huwa servizz li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar l-Unjoni Ewropea. Tista’ tikkuntattja dan is-servizz:

  • bit-telefown bla ħlas: 00 800 6 7 8 9 10 11 (ċerti operaturi jafu jimponu ħlas għal dawn it-telefonati),
  • fuq dan in-numru standard: +32 22999696, jew
  • bil-posta elettronika permezz: https://europa.eu/european-union/contact_mt

KIF ISSIB TAGĦRIF DWAR L-UE

Onlajn
L-informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE hija disponibbli fuq is-sit web Europa fuq: https://europa.eu/european-union/contact_mt

Pubblikazzjonijiet tal-UE
Tista’ tniżżel mill-internet jew tordna l-pubblikazzjonijiet tal-UE, li xi wħud minnhom huma bla ħlas u xi oħrajn bil-ħlas, mill-EU Bookshop fl-indirizz li ġej: https://op.europa.eu/mt/publications. Kopji multipli ta’ pubblikazzjonijiet bla ħlas tista’ tiksibhom billi tikkuntattja lil Europe Direct jew liċ-ċentru tal-informazzjoni lokali tiegħek (ara https://europa.eu/european-union/contact_mt).

Il-liġi tal-UE u dokumenti relatati
Għal aċċess għall-informazzjoni legali tal-UE, inkluż il-liġijiet kollha tal-UE mill-1951 ’l hawn, fil-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali kollha, żur is-sit EUR-Lex hawnhekk: http://eur-lex.europa.eu/homepage.html?locale=mt

Dejta Miftuħa mill-UE
Il-portal tad-Dejta Miftuħa mill-UE (http://data.europa.eu/euodp) jipprovdi aċċess għal settijiet tad-dejta mill-UE. Id-dejta tista’ titniżżel mill-internet u tintuża mill-ġdid bla ħlas, kemm għal skopijiet kummerċjali kif ukoll mhux kummerċjali.