Rapport Speċjali
20 2021

L-użu sostenibbli tal-ilma fl-agrikoltura: huwa aktar probabbli li l-fondi tal-PAK jippromwovu użu akbar tal-ilma milli użu aktar effiċjenti

Dwar ir-rapport: Kwart tal-ilma kollu li jiġi astratt fl-UE jintuża għall-agrikoltura, prinċipalment għat-tisqija. Ħafna reġjuni diġà huma affettwati mill-iskarsezza tal-ilma, u t-tibdil fil-klima x’aktarx li se jkompli jaggrava s-sitwazzjoni. Id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma tistabbilixxi mira ta’ stat tajjeb għall-korpi kollha tal-ilma sal-2027, iżda hemm dewmien sinifikanti fl-ilħuq ta’ din il-mira. L-appoġġ taħt il-Politika Agrikola Komuni (PAK) lill-bdiewa jaffettwa l-użu tal-ilma fl-agrikoltura b’modi differenti. Aħna sibna li l-politiki agrikoli ma ġewx allinjati b’mod konsistenti mal-politika tal-UE dwar l-ilma. Nirrakkomandaw li l-Istati Membri jiġġustifikaw aħjar l-eżenzjonijiet għall-implimentazzjoni tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma fl-agrikoltura u li l-Kummissjoni torbot il-pagamenti taħt il-PAK ma’ standards ambjentali dwar l-użu sostenibbli tal-ilma.

Rapport speċjali tal-QEA skont l-Artikolu 287(4), it-tieni subparagrafu, TFUE.

Din il-pubblikazzjoni hija disponibbli bi 23 lingwa fil-format li ġejt:
PDF
PDF General Report

Sommarju eżekuttiv

I

It-tkabbir demografiku, l-attività ekonomika u t-tibdil fil-klima qed iżidu kemm l-iskarsezza tal-ilma staġjonali kif ukoll dik perenni fl-UE. Parti sostanzjali mit-territorju diġà hija affettwata mill-fatt li l-astrazzjoni tal-ilma taqbeż il-provvisti disponibbli, u x-xejriet attwali jindikaw żieda fl-istress idriku.

II

L-agrikoltura tiddependi fuq id-disponibbiltà tal-ilma. It-tisqija tgħin biex il-bdiewa jkunu protetti kontra l-irregolarità tax-xita, u biex jiżdiedu l-vijabbiltà, ir-rendiment u l-kwalità tal-għelejjel, iżda hija ħela sinifikanti tar-riżorsi tal-ilma. Filwaqt li fl-2016 madwar 6 % tar-raba’ tal-UE kien jissaqqa, is-settur kien responsabbli għal 24 % tal-astrazzjoni kollha tal-ilma.

III

Fis-sena 2000, id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma (WFD) introduċiet il-kunċett tal-kwantità tal-ilma fit-tfassil tal-politika tal-UE. Hija stabbiliet il-mira ambizzjuża ta’ stat kwantitattiv “tajjeb” għall-korpi kollha ta’ ilma ta’ taħt l-art sa mhux aktar tard mill-2027. Dan ifisser li jenħtieġ li l-astrazzjonijiet tal-ilma ma jbaxxux il-livelli tal-ilma ta’ taħt l-art sal-punt li jwasslu għal deterjorament, jew għan-nuqqas ta’ kisba ta’ stat tajjeb tal-ilma. Għall-biċċa l-kbira mill-Istati Membri, is-sitwazzjoni tjiebet, iżda fl-2015 l-istat kwantitattiv ta’ madwar 9 % tal-ilma ta’ taħt l-art fl-UE kien “fqir”. Il-Kummissjoni vvalutat li d-WFD hija fil-biċċa l-kbira adatta għall-iskop tagħha, iżda osservat dewmien sinifikanti fl-ilħuq tal-miri.

IV

Il-politika agrikola komuni (PAK) tista’ tinċentiva l-agrikoltura sostenibbli fl-UE billi torbot il-pagamenti mal-istandards ambjentali. F’termini ta’ użu tal-ilma, l-agrikoltura sostenibbli hija integrata fl-objettivi ta’ politika attwali tal-PAK u fil-proposti għall-PAK ta’ wara l-2020. Il-firxa wiesgħa ta’ prattiki appoġġati (inkluż l-appoġġ akkoppjat ma’ prodotti speċifiċi, l-appoġġ għal miżuri għaż-żamma tal-ilma jew l-investimenti f’infrastruttura ġdida tat-tisqija) jaffettwaw l-użu tal-ilma fl-agrikoltura b’modi differenti.

V

L-awditu tagħna ffoka fuq l-impatt tal-agrikoltura fuq l-istat kwantitattiv tal-korpi tal-ilma. Aħna eżaminajna sa liema punt id-WFD u l-PAK jippromwovu l-użu sostenibbli tal-ilma fl-agrikoltura.

VI

Sibna li l-politiki agrikoli, kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f’dak tal-Istati Membri, ma ġewx allinjati b’mod konsistenti mal-politika tal-UE dwar l-ilma. Is-sistemi għall-awtorizzazzjoni tal-astrazzjoni tal-ilma u l-mekkaniżmi ta’ pprezzar tal-ilma fihom ħafna eżenzjonijiet għall-użu tal-ilma fl-agrikoltura. Ftit huma l-iskemi tal-PAK li jorbtu l-pagamenti ma’ rekwiżiti b’saħħithom dwar l-użu sostenibbli tal-ilma. Il-kundizzjonalità, mekkaniżmu li jista’ jwassal għal tnaqqis (tipikament żgħir) fil-pagamenti tas-sussidji jekk jinstab li l-bdiewa jkunu kisru ċerti rekwiżiti, tiskoraġġixxi l-użu mhux sostenibbli tal-ilma, iżda ma tapplikax għall-appoġġ kollu taħt il-PAK jew għall-bdiewa kollha. Il-PAK tiffinanzja proġetti u prattiki li mistennija jtejbu l-użu sostenibbli tal-ilma, bħal miżuri għaż-żamma tal-ilma, tagħmir għat-trattament tal-ilma mormi u proġetti li jtejbu l-effiċjenza tas-sistemi ta’ tisqija. Madankollu, dawn huma inqas komuni minn proġetti li x’aktarx iżidu l-pressjoni fuq ir-riżorsi tal-ilma, bħal proġetti ġodda ta’ tisqija.

VII

Fuq il-bażi tas-sejbiet tagħna, aħna nirrakkomandaw li l-Kummissjoni:

  1. titlob lill-Istati Membri biex jiġġustifikaw il-livelli tal-ipprezzar tal-ilma u l-eżenzjonijiet mir-rekwiżit għal awtorizzazzjonijiet għall-astrazzjoni tal-ilma meta japplikaw id-WFD fil-prattika fl-agrikoltura;
  2. torbot il-pagamenti tal-PAK mal-istandards ambjentali dwar l-użu sostenibbli tal-ilma;
  3. tiżgura li l-proġetti ffinanzjati mill-UE jgħinu biex jintlaħqu l-objettivi tad-WFD.

Introduzzjoni

Id-disponibbiltà tal-ilma fl-UE: stat attwali u xenarji futuri

01

Skont il-Bank Dinji, matul l-aħħar 55 sena, kien hemm tnaqqis ta’ 17 % fir-riżorsi tal-ilma rinnovabbli per capita fl-UE kollha1. Għalkemm dan huwa parzjalment dovut għat-tkabbir tal-popolazzjoni, il-pressjoni mill-attività ekonomika u mit-tibdil fil-klima qed taggrava wkoll l-iskarsezza tal-ilma staġjonali u matul is-sena f’partijiet tal-UE.

02

It-tibdil fil-klima, b’temperaturi medji ogħla u eventi tat-temp aktar frekwenti u aktar estremi (inklużi nixfiet), qed jagħmel l-ilma ħelu fl-UE aktar skars2. Il-previżjonijiet jindikaw li l-istress idriku x’aktarx li jiżdied f’porzjon sinifikanti tal-UE sal-2030 (il-Figura 1).

03

Skont il-Kummissjoni, “in-nixfiet estremi fl-Ewropa tal-Punent u Ċentrali fl-2018, fl-2019 u fl-2020 ikkawżaw ħsara konsiderevoli. [...] B’tisħin globali ta’ 3 °C, il-frekwenza tan-nixfiet tirdoppja u t-telf annwali assolut minħabba n-nixfiet fl-Ewropa jiżdied għal EUR 40 biljun fis-sena3.”

Figura 1

Stress idriku fl-UE u projezzjonijiet futuri

© L-Istitut Dinji tar-Riżorsi – Aqueduct, aċċessat fit-22/3/2021.

L-agrikoltura teħtieġ l-ilma

04

Il-produzzjoni agrikola tiddependi fuq id-disponibbiltà tal-ilma. It-tisqija toffri bosta benefiċċji lill-bdiewa, bħal żieda fil-vijabbiltà, fir-rendiment u fil-kwalità tal-għelejjel. L-ilma tat-tisqija jiġi minn xmajriet, xmajjar u lagi (korpi tal-ilma tal-wiċċ), bjar (korpi ta’ ilma ta’ taħt l-art), ġbir tal-ilma tax-xita u ilma mormi reklamat. Fl-2016, madwar 6 % tar-raba’ fl-UE kien jissaqqa. L-ilma tax-xorb għall-annimali jirrappreżenta proporzjon żgħir tal-użu tal-ilma fl-agrikoltura.

05

L-agrikoltura taffettwa kemm il-kwalità tal-ilma (eż. permezz ta’ tniġġis diffuż minn fertilizzanti jew pestiċidi) kif ukoll il-kwantità tal-ilma. Il-fluss baxx tal-ilma, pereżempju, inaqqas id-dilwizzjoni tas-sustanzi niġġiesa, b’hekk inaqqas il-kwalità tal-ilma, u l-astrazzjoni eċċessiva tal-ilma fiż-żoni kostali tista’ tikkawża l-intrużjoni tal-ilma mielaħ fl-ilma ta’ taħt l-art.

06

Rapport reċenti tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA)4 jindika li l-agrikoltura hija responsabbli għal 24 % tal-astrazzjoni tal-ilma fl-UE: f’dawn l-aħħar 30 sena kien hemm xi tnaqqis fil-pressjonijiet, li nkiseb bis-saħħa ta’ titjib fl-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi. L-użu tal-ilma fl-agrikoltura fil-livell tal-UE naqas bi 28 % mill-1990 ’il hawn, filwaqt li l-eċċess tan-nitroġenu naqas b’10 % u l-konċentrazzjoni tan-nitrati fix-xmajjar naqset b’20 % mis-sena 2000 ’il hawn. Madankollu, it-titjib ulterjuri li kien hemm fis-snin 2010 kien modest u l-pressjonijiet għadhom f’livelli ferm mhux sostenibbli. Fl-2015, l-Istati Membri rrappurtaw lill-Kummissjoni s-sehem tal-korpi tal-ilma li kienu taħt pressjoni sinifikanti minħabba l-astrazzjoni tal-ilma għall-agrikoltura (ara l-Figura 2).

Figura 2

Għadd ta’ korpi tal-ilma taħt pressjoni sinifikanti minħabba l-astrazzjoni tal-ilma għall-agrikoltura

Sors: il-QEA, ibbażat fuq l-EEA, 2018, “WISE Water Framework Directive (data viewer)”, l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent.

Ir-rwol tal-UE fil-politika dwar il-kwantità tal-ilma

07

L-elementi prinċipali tal-qafas regolatorju tal-UE għall-kwantità tal-ilma u l-agrikoltura huma d-Direttiva Qafas dwar l-Ilma5 (WFD) u l-politika agrikola komuni (PAK). Ir-rwoli u r-responsabbiltajiet prinċipali fi ħdan l-UE huma deskritti fil-qosor fil-Figura 3.

Figura 3

Rwoli u responsabbiltajiet prinċipali (2014-2020)

Sors: il-QEA.

Id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma

08

Mill-1991 ’il hawn, l-UE kellha politiki għat-titjib tal-kwalità tal-ilma (id-Direttiva dwar it-Trattament tal-Ilma Urban Mormi u d-Direttiva dwar in-Nitrati). Fis-sena 2000, id-WFD introduċiet politiki relatati wkoll mal-kwantità tal-ilma. Hija tippromwovi approċċ ibbażat fuq l-ekosistema għall-ġestjoni tal-ilma, inklużi prinċipji bħall-ġestjoni tal-ilma fuq l-iskala tal-baċiri tax-xmajjar, il-parteċipazzjoni tal-pubbliku, u l-ħtieġa li jitqies l-impatt tal-attivitajiet tal-bniedem fuq ir-riżorsi tal-ilma.

09

Skont id-WFD, l-Istati Membri jridu jħejju pjanijiet ta’ mmaniġġjar tal-baċiri tax-xmajjar (RBMPs)6. Dawn id-dokumenti jagħtu dettalji dwar il-monitoraġġ, il-pressjonijiet prinċipali, l-objettivi, l-eżenzjonijiet u l-miżuri għall-perjodu ta’ sitt snin li jmiss. L-Istati Membri ppreżentaw pjanijiet lill-Kummissjoni għall-ewwel darba fl-2009, u reġgħu għamlu dan fl-2015. Il-Kummissjoni tivvaluta l-progress kull tliet snin7.

10

Id-WFD stabbiliet mira li jinkiseb stat kwantitattiv tajjeb għall-korpi ta’ ilma ta’ taħt l-art kollha sal-2015, u sa mhux aktar tard mill-2027 fejn ikunu japplikaw eżenzjonijiet ġustifikati. Dan ifisser li jenħtieġ li l-astrazzjonijiet tal-ilma ma jbaxxux il-livelli tal-ilma ta’ taħt l-art sal-punt li jwasslu għal deterjorament, jew għan-nuqqas ta’ kisba ta’ stat tajjeb tal-ilma. Skont ir-rapport ta’ implimentazzjoni l-aktar reċenti tal-Kummissjoni8, fil-biċċa l-kbira mill-Istati Membri s-sitwazzjoni tjiebet mill-2009 sal-2015, iżda l-istat kwantitattiv ta’ madwar 9 % tal-korpi ta’ ilma ta’ taħt l-art fl-UE (skont iż-żona) kien għadu “fqir” (il-Figura 4). Id-WFD tindirizza l-aspetti kwantitattivi tal-korpi tal-ilma tal-wiċċ fid-definizzjoni ta’ stat ekoloġiku tajjeb, jiġifieri l-elementi idromorfoloġiċi (reġim ta’ fluss). Jenħtieġ li l-Istati Membri jiddefinixxu l-objettivi ta’ “fluss ekoloġiku” għal kull korp tal-ilma tal-wiċċ, li għandhom l-għan li jiżguraw li jkun hemm ilma suffiċjenti.

Figura 4

Stat kwantitattiv tal-korpi ta’ ilma ta’ taħt l-art

Sors: il-QEA, ibbażat fuq l-EEA, 2018, “Groundwater quantitative and chemical status”.

11

Fl-2019, il-Kummissjoni vvalutat il-prestazzjoni tad-WFD bejn tmiem l-2017 u nofs l-20199. Il-konklużjoni kumplessiva ta’ din il-valutazzjoni kienet li d-WFD kienet fil-biċċa l-kbira adatta għall-iskop tagħha, għalkemm il-Kummissjoni osservat ukoll li l-implimentazzjoni tad-Direttiva ddewmet b’mod sinifikanti. Dan huwa dovut l-aktar għal finanzjament insuffiċjenti, implimentazzjoni bil-mod u integrazzjoni insuffiċjenti tal-objettivi ambjentali fil-politiki settorjali.

Politika agrikola komuni

12

Il-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali (inkluż l-ilma) hija waħda mit-tliet objettivi ta’ politika għall-PAK 2014-202010, flimkien mal-produzzjoni vijabbli tal-ikel u l-iżvilupp territorjali bbilanċjat. Fl-2018, il-Kummissjoni ppubblikat proposta għall-PAK ta’ wara l-202011. Id-disa’ objettivi speċifiċi proposti jinkludu t-trawwim tal-iżvilupp sostenibbli u l-ġestjoni effiċjenti tar-riżorsi naturali bħall-ilma, il-ħamrija u l-arja.

13

L-akbar sehem tal-baġit tal-PAK imur għal pagamenti diretti (71 %)12. Dawn jinkludu:

  • Appoġġ diżakkoppjat għall-introjtu bħall-iskema ta’ pagament bażiku (BPS), l-iskema ta’ pagament uniku skont l-erja (SPUE) u l-pagament ta’ ekoloġizzazzjoni, li flimkien jirrappreżentaw 61 % tal-baġit tal-PAK: EUR 35.3 biljun fl-201913.
  • Appoġġ akkoppjat volontarju (VCS), li jitħallas skont l-erja jew għal kull bhima. L-Istati Membri jistgħu jużaw din l-iskema fakultattiva ta’ pagament dirett biex jappoġġaw lil setturi agrikoli speċifiċi li għaddejjin minn diffikultajiet u li huma partikolarment importanti għal raġunijiet ekonomiċi, soċjali jew ambjentali. Huma allokaw madwar EUR 4.24 biljun għall-VCS fl-202014, bi kwart minnhom imorru għall-appoġġ ibbażat fuq l-erja.
14

Il-produtturi tal-frott u l-ħxejjex, tal-inbid u taż-żejt taż-żebbuġa jikkwalifikaw għall-appoġġ mogħti mill-“organizzazzjoni komuni tas-swieq” (OKS) biex jingħataw għajnuna sabiex jadattaw għall-bidliet fis-suq. Il-miżuri tal-OKS jinkludu appoġġ għal investimenti b’impatt potenzjali fuq l-użu tal-ilma.

15

Il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) jappoġġa l-politika ta’ żvilupp rurali tal-UE permezz tal-programmi tal-iżvilupp rurali (RDPs) tal-Istati Membri. L-RDPs jitfasslu fuq bażi nazzjonali jew reġjonali u jindirizzaw il-prijoritajiet tal-UE fuq perjodu ta’ seba’ snin. Dawn jinkludu appoġġ għal prattiki agrikoli u investimenti b’impatt potenzjali fuq l-użu tal-ilma.

16

L-użu mill-ġdid tal-ilma mormi ttrattat huwa parti minn ekonomija ċirkolari. Skont studju li twettaq fl-2015 għall-Kummissjoni, madwar 1 100 miljun m³ ta’ ilma mormi (bejn wieħed u ieħor 0.4 % tal-astrazzjonijiet annwali tal-ilma ħelu tal-UE) kienu qed jerġgħu jintużaw kull sena fl-UE15. F’Mejju 2020, l-UE adottat regolament dwar l-użu mill-ġdid tal-ilma mormi għat-tisqija agrikola16. Dan jistabbilixxi rekwiżiti minimi għall-kwalità tal-ilma, il-monitoraġġ, il-ġestjoni tar-riskju u t-trasparenza, u se japplika minn Ġunju 2023. Skont il-valutazzjoni tal-impatt imwettqa mill-Kummissjoni17, ir-regolament se jippermetti li aktar minn 50 % tal-volum totali tal-ilma teoretikament disponibbli mill-impjanti tat-trattament tal-ilma mormi fl-UE jintuża mill-ġdid għat-tisqija u li jiġu evitati aktar minn 5 % tal-astrazzjonijiet diretti mill-korpi tal-ilma u mill-ilma ta’ taħt l-art, u dan se jirriżulta fi tnaqqis ta’ aktar minn 5 % tal-istress idriku b’mod ġenerali. Il-PAK tista’ tiffinanzja infrastruttura tat-trattament tal-ilma biex l-ilma mormi jintuża mill-ġdid għat-tisqija.

17

Il-biċċa l-kbira mill-pagamenti diretti, kif ukoll xi wħud mill-pagamenti għall-iżvilupp rurali u ċerti pagamenti tal-OKS għas-settur tal-inbid, huma suġġetti għal sett ta’ regoli magħrufa bħala kundizzjonalità. Dawn jinkludu rekwiżiti statutorji ta’ ġestjoni (SMRs) minn direttivi u regolamenti magħżula dwar l-ambjent, is-sikurezza tal-ikel, is-saħħa tal-pjanti, is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, kif ukoll standards għal kundizzjoni agrikola u ambjentali tajba (KAAT), li jimponu prattiki agrikoli sostenibbli. Il-benefiċjarji tal-PAK li jinstabu li ma jirrispettawx dawn ir-regoli kif iddefiniti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali jistgħu jiffaċċjaw tnaqqis fl-għotja annwali tagħhom mill-UE.

18

Pereżempju, il-KAAT 2 tipprovdi mekkaniżmu biex jiġi vvalutat jekk il-bdiewa li jagħmlu astrazzjoni tal-ilma għat-tisqija jikkonformawx mal-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni fl-Istat Membru tagħhom. Bejn l-2015 u l-2018, kull sena ġew ivverifikati 1.2 % tal-benefiċjarji tal-PAK li għalihom kienet tapplika l-KAAT 2. Dawn il-kontrolli identifikaw perċentwal baxx ta’ ksur (1.5 %), li ħafna minnu ġie ppenalizzat bi tnaqqis ta’ 3 % (il-Figura 5) fis-sussidju mħallas lill-bidwi kkonċernat.

Figura 5

Kontrolli fir-rigward tal-KAAT 2 (medja għall-perjodu 2015-2018)

Sors: il-QEA, ibbażat fuq data riċevuta mingħand il-Kummissjoni Ewropea.

Ambitu u approċċ tal-awditjar

19

Dan l-awditu jiffoka fuq l-impatt tal-agrikoltura fuq l-istat kwantitattiv tal-ilma. Billi l-agrikoltura hija kemm utent ewlieni tal-ilma ħelu kif ukoll wieħed mill-ewwel setturi li jiġu affettwati meta l-ilma jkun skars, aħna vvalutajna sa liema punt il-politiki tal-UE, jiġifieri l-PAK u l-politika dwar l-ilma, jippromwovu l-użu sostenibbli tal-ilma fl-agrikoltura.

20

Fl-201618, il-Kunsill iddikjara li l-objettivi tal-politika tal-UE dwar l-ilma jenħtieġ li jiġu riflessi aħjar f’oqsma oħra ta’ politika, bħall-ikel u l-agrikoltura. Il-Parlament Ewropew appella wkoll għal koordinazzjoni aħjar tal-politika. L-ilma huwa s-suġġett tal-Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli Nru 6 tan-NU (“ilma u sanità għal kulħadd”), li l-miri tiegħu huma relatati mal-effiċjenza fl-użu tal-ilma u l-ġestjoni integrata tal-ilma.

21

Aħna eżaminajna sa liema punt:

  • id-WFD tippromwovi l-użu sostenibbli tal-ilma fl-agrikoltura;
  • l-iskemi ta’ pagament dirett taħt il-PAK jieħdu kont tal-prinċipji tad-WFD fir-rigward tal-użu sostenibbli tal-ilma;
  • l-iżvilupp rurali u l-miżuri tas-suq taħt il-PAK adottaw il-prinċipji tad-WFD fir-rigward tal-użu sostenibbli tal-ilma.
22

L-awditu ma kopriex it-tniġġis diffuż tal-ilma minħabba l-agrikoltura (eż. min-nitrati jew il-pestiċidi). Rapporti preċedenti tal-QEA19 ffukaw fuq dan f’aktar dettall.

23

L-awditu twettaq minn April sa Diċembru 2020. Aħna intervistajna lill-persunal fi ħdan il-Kummissjoni u lill-awtoritajiet tal-Istati Membri, u kkonsultajna ma’ partijiet ikkonċernati oħra fis-setturi tal-ilma u tal-agrikoltura. Aħna eżaminajna:

  • id-dokumenti strateġiċi, id-dokumenti ta’ ħidma, l-istudji, l-evalwazzjonijiet, id-dokumenti ta’ gwida, l-istatistika, ir-rapporti ta’ implimentazzjoni dwar il-kwantità tal-ilma u l-politiki agrikoli tal-Kummissjoni;
  • il-programmi tal-iżvilupp rurali, kif ukoll ir-regoli u l-gwida nazzjonali u reġjonali dwar il-kundizzjonalità, l-iskemi ta’ pagament dirett, il-miżuri tas-suq u ta’ żvilupp rurali, kif ukoll l-istudji, ir-riċerka, l-analiżi u l-istatistika dwar il-penali;
  • il-pjanijiet ta’ mmaniġġjar tal-baċiri tax-xmajjar, ir-regoli dwar l-astrazzjoni tal-ilma u l-politiki tal-ipprezzar;
  • studji u rapporti rilevanti oħra, inklużi dawk mill-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) u mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA).
24

L-awditu tagħna kopra l-perjodu ta’ programmazzjoni tal-PAK 2014-2020. Aħna wettaqna analiżijiet estensivi mhux fuq il-post għal 11-il Stat Membru/reġjun (ara l-Figura 6), fejn fittixna bilanċ ġeografiku bejn iż-żoni li attwalment qed jiffaċċjaw skarsezza tal-ilma u oħrajn fejn x’aktarx din se tkun problema fil-futur. F’sitta mill-Istati Membri, aħna ffukajna x-xogħol tagħna fuq reġjun wieħed jew tnejn, billi xi Stati Membri għandhom RDPs reġjonali u miżuri ta’ ġestjoni tal-ilma li jiġu deċiżi fil-livell tal-baċiri tax-xmajjar. Aħna ksibna wkoll evidenza għal Stati Membri/reġjuni oħra minn analiżi mhux fuq il-post ta’ 24 RDP addizzjonali u mix-xogħol tal-awditjar li twettaq għar-rapport annwali tagħna.

Figura 6

Analiżijiet mhux fuq il-post

Sors: il-QEA.

Osservazzjonijiet

Il-politika tal-UE dwar l-użu sostenibbli tal-ilma tinvolvi derogi li japplikaw għall-agrikoltura

25

Id-WFD tipprovdi salvagwardji kontra l-użu mhux sostenibbli tal-ilma. Hija tirrikjedi li l-Istati Membri, fost l-oħrajn:

  • joperaw sistema ta’ awtorizzazzjoni u reġistru għall-astrazzjoni tal-ilma20;
  • jadottaw politiki tal-ipprezzar tal-ilma li jinċentivaw l-użu effiċjenti tal-ilma u jiżguraw irkupru adegwat tal-ispejjeż għas-servizzi tal-ilma mid-diversi utenti (inklużi l-bdiewa)21.
26

Aħna eżaminajna l-punt sa fejn l-Istati Membri japplikaw ir-rekwiżiti ta’ hawn fuq dwar il-ġestjoni tal-astrazzjoni tal-ilma, l-ipprezzar tal-ilma u l-irkupru tal-ispejjeż fis-settur agrikolu, u kif il-Kummissjoni timmonitorja x-xogħol tagħhom.

L-Istati Membri għandhom sistemi ta’ awtorizzazzjoni fis-seħħ, u japplikaw ħafna derogi

27

Id-WFD tirrikjedi li l-Istati Membri jżommu reġistru tal-astrazzjonijiet tal-ilma tal-wiċċ u tal-ilma ta’ taħt l-art, kif ukoll tal-ħżin tal-ilma tal-wiċċ (“lagunaġġ”). L-utenti tal-ilma jridu jitolbu awtorizzazzjoni minn qabel biex jagħmlu astrazzjoni tal-ilma jew jaħżnuh, iżda l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li japplikaw eżenzjonijiet fejn l-astrazzjoni jew il-ħżin ma jkollhom l-ebda impatt sinifikanti fuq l-istat tal-ilma.

28

Bħala parti mill-ġestjoni tal-astrazzjoni tal-ilma, l-Istati Membri huma meħtieġa jidentifikaw u jippenalizzaw kwalunkwe parti li tuża l-ilma mingħajr awtorizzazzjoni/notifika jew li tonqos milli tikkonforma mar-regoli dwar l-astrazzjoni tal-ilma (eż. kif speċifikament awtorizzati).

Sistemi ta’ awtorizzazzjoni minn qabel
29

Fi 8 mill-11-il Stat Membru/reġjun li koprejna fl-awditu tagħna, il-punti kollha tal-astrazzjoni tal-ilma jridu jiġu nnotifikati lill-awtoritajiet. L-Istati Membri/ir-reġjuni kollha koperti fl-awditu tagħna għandhom sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel għall-astrazzjoni tal-ilma. Meta jagħtu l-awtorizzazzjonijiet, l-awtoritajiet tal-Istati Membri jieħdu inkunsiderazzjoni l-istat tal-korp tal-ilma kkonċernat u jispeċifikaw il-kwantità annwali massima (jew ta’ kull xahar) li tista’ tiġi astratta.

30

L-Istati Membri japplikaw għadd kbir ta’ eżenzjonijiet (ara l-Figura 7). Dawn jista’ jkollhom impatt sinifikanti fuq l-istat kwantitattiv tal-korpi tal-ilma kkonċernati. Fejn ma jkun hemm l-ebda kejl obbligatorju, l-awtoritajiet ma jistgħux jimmonitorjaw jekk l-astrazzjoni tkunx għadha taħt livell sinifikanti. Dan huwa l-każ għal ċerti tipi ta’ astrazzjonijiet fil-Belġju (Flanders), il-Bulgarija, il-Ġermanja (Berlin-Brandenburg), l-Italja (l-Emilja-Romanja), Ċipru u l-Portugall.

Figura 7

Eżenzjonijiet mill-awtorizzazzjoni għall-astrazzjoni tal-ilma

Sors: il-QEA, ibbażat fuq data pprovduta mill-Istati Membri, u l-Eurostat.

Sistemi għad-detezzjoni tal-użu illegali tal-ilma
31

Id-data uffiċjali reċenti dwar l-astrazzjoni illegali tal-ilma fl-UE hija skarsa. Fl-2015, l-OECD ikkumpilat stimi minn firxa ta’ sorsi, bħal 50 000 spiera illegali f’Ċipru u aktar minn nofs miljun bir mhux awtorizzat jew illegali fi Spanja22. Skont il-Fond Dinji għan-Natura, il-problema hija speċjalment akuta f’Kastilja-La Mancha u f’Andalusija23. Fl-Ungerija, l-esperti jistmaw li l-użu mhux awtorizzat tal-ilma huwa ta’ kważi 100 miljun m³ kull sena, jew 12 % tal-astrazzjonijiet irreġistrati24.

32

Mill-Istati Membri/mir-reġjuni li eżaminajna, 10 għandhom sistema ta’ kontroll fis-seħħ għad-detezzjoni u l-penalizzazzjoni tal-użu illegali tal-ilma. Huma jwettqu kontrolli fuq il-post ta’ punti ta’ astrazzjoni rreġistrati abbażi ta’ pjan ta’ kontroll annwali, analiżi tar-riskju u/jew ilmenti. Il-ksur identifikat b’dan il-mod jinkludi l-użu mhux awtorizzat tal-ilma, in-nuqqas ta’ kejl tal-ippumpjar, l-ippumpjar eċċessiv u diversi każijiet oħra ta’ ksur tat-termini ta’ awtorizzazzjoni. Il-Figura 8 turi r-rata tal-ksur żvelat mill-ispezzjonijiet tal-punti ta’ astrazzjoni tal-ilma.

Figura 8

Ksur żvelat mill-ispezzjonijiet tal-punti ta’ astrazzjoni tal-ilma għall-agrikoltura

Sors: il-QEA.

33

Minbarra l-kontrolli fuq il-post ta’ faċilitajiet irreġistrati għall-astrazzjoni tal-ilma, xi Stati Membri stabbilew jew qed jiżviluppaw mekkaniżmi oħra ta’ kontroll. Dawn jinkludu:

  • it-telerilevament bis-satellita (ara l-Kaxxa 1);
  • l-akkreditazzjoni obbligatorja ta’ kumpaniji tat-tħaffir għall-astrazzjoni ġdida tal-ilma ta’ taħt l-art. Il-kumpaniji tat-tħaffir fil-Belġju (Flanders) iridu jipprovdu rapporti regolari dwar l-operazzjonijiet tat-tħaffir u jinfurmaw lill-awtoritajiet minn qabel dwar id-data tal-bidu biex ikunu jistgħu jsiru kontrolli matul il-kostruzzjoni. In-nuqqas ta’ konformità jista’ jirriżulta fis-sospensjoni jew fl-irtirar tal-akkreditazzjoni;
  • kontrolli regolari fuq il-funzjonament korrett tal-apparati li jkejlu l-fluss għall-faċilitajiet tal-astrazzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art fil-Belġju (Flanders). Il-valuri mkejla huma mqabbla mad-data tal-azjendi agrikoli u mad-dikjarazzjoni annwali tal-estrazzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art.

Kaxxa 1

L-użu ta’ immaġnijiet bis-satellita għad-detezzjoni tal-użu illegali tal-ilma

Bosta proġetti ta’ riċerka (DIANA , IPSTERS, WODA) eżaminaw il-potenzjal tal-immaġnijiet bis-satellita għad-detezzjoni tal-astrazzjoni tal-ilma mhux awtorizzata. Ir-riżultati juru li huwa fattibbli li:

  • jiġu identifikati ċ-ċedimenti tal-ħamrija (movimenti vertikali tal-ħamrija) lokali jew reġjonali bi preċiżjoni millimetrika bl-użu ta’ immaġnijiet bir-radar (eż. minn Copernicus Sentinel 1), li jistgħu jindikaw astrazzjoni eċċessiva tal-ilma ta’ taħt l-art f’żona partikolari;
  • jiġu identifikati l-erjas saqwin, jiġu stmati l-volumi li jiġu astratti għat-tisqija u jittejbu l-politiki u l-prattiki tal-ġestjoni tal-ilma, speċjalment f’kundizzjonijiet estremi bħal nixfiet, bl-użu ta’ immaġnijiet ta’ telerilevament ottiku (eż. minn Copernicus Sentinel 2).

Il-proġetti kienu jinkludu studji pilota fi Spanja, fl-Italja, fir-Rumanija u f’Malta u rriżultaw fi pjattaformi kummerċjali fl-Italja u fi Spanja, li jipproponu servizzi lill-assoċjazzjonijiet tal-użu tal-ilma u lill-bdiewa. L-adozzjoni tas-servizzi ma tiddependix biss fuq l-aċċess faċli għal data awżiljarja komprensiva li tkun diġitali, ġeoreferenzjata u vvalidata, iżda tiddependi wkoll fuq in-nuqqas ta’ ostakli legali għall-użu tal-osservazzjoni tad-dinja bħala metodu ta’ detezzjoni jew ta’ kejl.

L-akwifer La Mancha Oriental fi Spanja huwa eżempju tajjeb ta’ sistema operattiva ta’ awtoregolamentazzjoni fit-tul. Il-bord lokali inkarigat mit-tisqija jimmonitorja u jimmaniġġja l-astrazzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art billi juża data satellitari flimkien ma’ apparati li jkejlu l-fluss fuq l-art.

34

F’xi Stati Membri, diffikultajiet prattiċi jagħmlu s-sistemi stabbiliti għall-ġlieda kontra l-użu illegali tal-ilma inqas effettivi. Il-Belġju (Flanders) u l-Bulgarija rrappurtaw li ma setgħux jużaw is-sistemi rispettivi tagħhom kif intenzjonat minħabba nuqqas ta’ persunal. F’Ċipru, sa Ottubru 2020, l-awtoritajiet rari imponew penali jew sanzjonijiet, peress li dawk li kellhom tort kellhom xahrejn biex jikkonformaw u jissottomettu liċenzja emendata. Il-Bulgarija u l-Ungerija estendew ripetutament id-dati ta’ skadenza tagħhom biex jagħmlu l-astrazzjonijiet illegali konformi mingħajr ma jeħlu multa.

35

L-awtoritajiet reġjonali fiż-żewġ reġjuni Spanjoli li eżaminajna (Andalusija u Kastilja-La Mancha) ma pprovdewlna l-ebda informazzjoni dwar jekk jew kif jidentifikaw u jissanzjonaw l-użu illegali tal-ilma.

L-Istati Membri introduċew mekkaniżmi ta’ pprezzar li jinċentivaw, iżda l-irkupru tal-ispejjeż fl-agrikoltura huwa aktar baxx milli f’setturi oħra

36

Id-WFD tirrikjedi li l-Istati Membri jħaddnu l-prinċipju tal-irkupru tal-ispejjeż għas-servizzi tal-ilma skont il-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas. Dan ifisser li jiġu applikati politiki tal-ipprezzar li jinċentivaw u jiġi żgurat li l-kategoriji kollha ta’ utenti tal-ilma (l-industrija, l-unitajiet domestiċi, l-agrikoltura, eċċ.) jikkontribwixxu b’mod adegwat għall-irkupru tal-ispejjeż.

Ipprezzar li jinċentiva
37

Bosta Stati Membri/reġjuni introduċew mekkaniżmi ta’ pprezzar li jinċentivaw l-użu effiċjenti tal-ilma. Xi wħud minn dawn il-mekkaniżmi japplikaw biss għall-agrikoltura u oħrajn għall-utenti kollha tal-ilma. Pereżempju:

  • il-Ġermanja (Berlin-Brandenburg), l-Ungerija u l-Portugall japplikaw taxxa fuq ir-riżorsi tal-ilma bbażata fuq il-volum imkejjel tal-użu;
  • Ċipru jimponi ħlas addizzjonali għal kull metru kubu ta’ ilma użat lil hinn mill-volum awtorizzat;
  • l-Italja (l-Emilja-Romanja) qed tippjana sistema ta’ prezzijiet tal-ilma varjabbli skont l-effiċjenza tas-sistema ta’ tisqija;
  • il-Bulgarija għandha imposti ogħla għall-ilma li jintuża lil hinn minn ċertu volum fiss għal għalla partikolari;
  • il-Belġju (Flanders) juża l-ipprezzar progressiv għal ċerti tipi ta’ ilma ta’ taħt l-art (aktar ma jkun kbir il-volum estratt, aktar ikun għoli l-prezz).
38

Stati Membri/reġjuni oħra introduċew differenzjar fil-prezzijiet biex jiskoraġġixxu/jinkoraġġixxu l-użu tal-ilma minn sorsi varji. Pereżempju:

  • il-prezzijiet huma ogħla f’żoni fejn l-ilma huwa aktar skars jew taħt pressjoni kwantitattiva akbar fil-Belġju (Flanders), fi Franza (Centre-Val de Loire), fl-Ungerija u fil-Portugall;
  • l-ilma ta’ taħt l-art huwa aktar għali mill-ilma tal-wiċċ fil-Bulgarija, fil-Ġermanja (Berlin-Brandenburg) u fi Franza (Centre-Val de Loire);
  • l-ilma ħelu huwa aktar għali mill-ilma riċiklat f’Ċipru.
39

L-Istati Membri jużaw varjetà ta’ metodi biex ikejlu l-ilma użat għall-agrikoltura (ara l-Figura 9). L-ipprezzar volumetriku f’livell xieraq jista’ jinċentiva l-bidla għal teknoloġiji u prattiki ta’ tisqija effiċjenti fl-użu tal-ilma jew għal għelejjel li jeħtieġu inqas ilma. Spanja (Andalusija u Kastilja-La Mancha) tiffattura l-biċċa l-kbira mill-ilma tat-tisqija abbażi tal-erja saqwija, filwaqt li fl-Italja (l-Emilja-Romanja) l-imposta għall-ilma tat-tisqija normalment tiddependi fuq il-kapaċità tal-ippumpjar.

Figura 9

Metodi ta’ fatturazzjoni: ilma għat-tisqija

Sors: il-QEA.

Prezzijiet tal-ilma aktar baxxi għall-agrikoltura
40

Fi 8 mill-11-il Stat Membru/reġjun koperti fl-awditu tagħna, l-ilma huwa sinifikattivament orħos jekk jintuża għall-agrikoltura. Il-Figura 10 tqabbel xi tariffi għall-astrazzjoni tal-ilma użat fl-agrikoltura mat-tariffi imposti għall-użu f’setturi oħra. Bosta Stati Membri/reġjuni japplikaw derogi speċifiċi għall-ilma tat-tisqija (ara l-Figura 11).

Figura 10

Tqabbil tat-tariffi għall-astrazzjoni tal-ilma skont is-settur

Sors: il-QEA, ibbażat fuq informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri.

Figura 11

Tnaqqis fil-prezzijiet applikabbli għall-ilma tat-tisqija

Sors: il-QEA, ibbażat fuq informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri.

41

Sitta mill-Istati Membri/mir-reġjuni ma jirrikjedu l-ebda pagament għall-astrazzjoni tal-ilma sa ċertu volum. Is-soll tal-ipprezzar ivarja. Dan huwa ta’ 500 m³ kull sena fil-Belġju (Flanders) u fl-Ungerija, 10 m³ kuljum fil-Bulgarija, 7 000 m³ kull sena fi Spanja (Andalusija) u fi Franza (żoni taħt stress idriku), 10 000 m³ kull sena fi Franza (barra miż-żoni taħt stress idriku), u 16 600 m³ kull sena fil-Portugall (astrazzjoni privata). F’kull każ dan japplika għall-utenti kollha, mhux biss għall-bdiewa.

Rkupru tal-ispejjeż tas-servizzi tal-ilma
42

Id-WFD tirrikjedi li l-Istati Membri jwettqu analiżi ekonomika tal-użu tal-ilma. Jenħtieġ li dan il-kalkolu jgħin fil-valutazzjoni tal-punt sa fejn l-ispejjeż tas-servizzi tal-ilma (eż. l-astrazzjoni tal-ilma għat-tisqija) jitħallsu mill-utenti (il-prinċipju tal-irkupru tal-ispejjeż). Skont il-gwida tal-UE25, jenħtieġ li l-Istati Membri jqisu li jinkludu dan li ġej fl-analiżi ekonomika:

(1)  L-ispejjeż finanzjarji għall-provvista u l-amministrazzjoni tas-servizzi tal-ilma:

  • l-ispejjeż operattivi u dawk tal-manutenzjoni (eż. l-enerġija);
  • l-ispejjeż kapitali (eż. deprezzament tal-infrastruttura);
  • l-ispejjeż amministrattivi (fatturazzjoni, amministrazzjoni u monitoraġġ).

(2)  L-ispejjeż ambjentali u dawk tar-riżorsi tas-servizzi tal-ilma:

  • il-ħsara ambjentali minħabba l-astrazzjoni, il-ħżin u l-lagunaġġ;
  • l-ispejjeż ta’ opportunità ta’ użi alternattivi tal-ilma (eż. spejjeż relatati mal-astrazzjoni eċċessiva tal-ilma ta’ taħt l-art), billi l-utenti attwali u dawk futuri se jbatu jekk ir-riżorsi tal-ilma jiġu eżawriti.
43

Fl-analiżi ekonomika tagħhom, bosta Stati Membri/reġjuni jivvalutaw l-ispejjeż ambjentali billi jistmaw l-ispiża tal-miżuri meħtieġa biex jinkiseb stat tajjeb tal-ilma f’distrett kollu tal-baċir tax-xmara. L-awtoritajiet fl-Italja (l-Emilja-Romanja) u fi Spanja (Andalusija u Kastilja-La Mancha) iqisu li l-ispejjeż tar-riżorsi jkunu rilevanti biss jekk huma jivvalutaw l-ilma bħala skars. L-awtoritajiet tal-Bulgarija u tal-Ġermanja (Berlin-Brandenburg) jikkummentaw li għad ma hemmx ftehim komuni dwar il-metodoloġija għall-kalkolu tal-ispejjeż ambjentali u dawk tar-riżorsi.

44

Tmienja mill-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali tal-Istati Membri li ġew koperti fl-awditu tagħna qiesu li l-irkupru tal-ispejjeż għas-servizzi tal-ilma fl-agrikoltura mhuwiex komplet. Element wieħed f’dan huwa li l-ispejjeż ambjentali u dawk tar-riżorsi (għadhom) mhumiex riflessi fl-ipprezzar tal-ilma. Fil-kontroll tal-idoneità tad-WFD tagħha (ara l-paragrafu 11), il-Kummissjoni indikat li dan jirrappreżenta spiża moħbija għas-soċjetà u jagħmel pressjoni fuq sors potenzjali ta’ dħul għall-finanzjament ta’ miżuri biex tiġi implimentata d-WFD.

Il-Kummissjoni tqis li l-implimentazzjoni tad-WFD qed tipprogressa bil-mod

45

Il-Kummissjoni hija meħtieġa timmonitorja kif l-Istati Membri jimplimentaw id-WFD. Għal dan il-fini, hija tivvaluta l-progress tal-implimentazzjoni (ara l-paragrafu 09) kull tliet snin, prinċipalment billi tibbaża fuq ir-rapporti tal-Istati Membri, u tippubblika r-rapport ta’ implimentazzjoni tagħha stess. Ir-rapport l-aktar reċenti tal-Kummissjoni (Frar 2019) kopra t-tieni ċiklu tal-RBMPs u kien fih ħarsa ġenerali għall-UE kollha u valutazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi flimkien ma’ rakkomandazzjonijiet.

Sistemi ta’ awtorizzazzjoni minn qabel
46

Dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni26 rrapporta progress fil-ħolqien u fit-tħaddim ta’ sistemi ta’ awtorizzazzjoni minn qabel, bħal titjib fil-kejl, kontrolli tal-astrazzjoni tal-ilma, liċenzji u settijiet ta’ data dwar l-astrazzjoni tal-ilma. Madankollu, kif jikkonfermaw l-osservazzjonijiet tagħna (il-paragrafi 29-30), id-dokument ta’ ħidma tal-persunal ikkonkluda li jeħtieġ li jsir aktar progress speċjalment f’dawk l-Istati Membri li fihom l-astrazzjonijiet iż-żgħar huma eżentati mill-kontrolli u/jew mir-reġistru, iżda l-korpi tal-ilma qed ikunu suġġetti għal pressjonijiet sinifikanti relatati mal-astrazzjoni tal-ilma u għalhekk mhux qed jiksbu stat tajjeb. Id-dokument ikkonkluda li ftit li xejn kien hemm progress fit-titjib tal-istat minħabba t-tnaqqis fil-pressjonijiet relatati mal-astrazzjoni mill-ewwel ċiklu tal-RBMPs ’il hawn, iżda li l-astrazzjoni totali tal-ilma naqset b’madwar 7 % bejn l-2002 u l-2014.

L-ipprezzar tal-ilma u l-irkupru tal-ispejjeż
47

Fil-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020, ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni27 introduċa mekkaniżmu magħruf bħala “kundizzjonalità ex ante” għal bosta fondi tal-UE, inkluż il-fond għall-iżvilupp rurali. Jekk xi kundizzjoni ex ante ma kinitx issodisfata sat-30 ta’ Ġunju 2017, il-Kummissjoni kellha l-għażla li tissospendi l-pagamenti interim għall-prijorità tal-RDP rilevanti sakemm tittieħed azzjoni korrettiva.

48

Kundizzjoni waħda ta’ dan it-tip tikkonċerna s-settur tal-ilma. Fil-prattika, il-finanzjament tal-investimenti għat-tisqija pprogrammati fil-Qasam ta’ Prijorità 5(a) “effiċjenza akbar fl-użu tal-ilma permezz tal-agrikoltura” jiddependi minn jekk l-Istat Membru jew ir-reġjun ikollux politika dwar l-ipprezzar tal-ilma li:

  1. tipprovdi inċentivi adegwati għall-utenti biex jużaw l-ilma b’mod effiċjenti; u
  2. tieħu inkunsiderazzjoni l-irkupru tal-ispejjeż għas-servizzi tal-ilma.
49

B’mod ġenerali, il-Kummissjoni tqis li l-mekkaniżmu ta’ kundizzjonalità ex ante kien mod effettiv biex l-Istati Membri jiġu mħeġġa jtejbu l-politiki tagħhom tal-ipprezzar tal-ilma28: “Saru passi fid-definizzjoni tas-servizzi tal-ilma, fil-kalkolu tal-ispejjeż finanzjarji, fil-kejl, fit-twettiq ta’ analiżi ekonomika u fil-valutazzjoni tal-ispejjeż ambjentali kif ukoll dawk tar-riżorsi”. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-irkupru tal-ispejjeż għas-servizzi tal-ilma mhuwiex komplet fil-biċċa l-kbira mill-Istati Membri.

50

Minkejja l-impatt pożittiv tal-kundizzjonalità ex ante għas-settur tal-ilma matul il-perjodu 2014-2020, il-mekkaniżmu ta’ kundizzjonalità ex ante ma deherx fil-proposta tal-Kummissjoni għall-PAK ta’ wara l-2020.

Konformità mad-WFD
51

Jekk il-Kummissjoni tqis li Stat Membru ma jikkonformax mal-obbligi tad-WFD, hija tista’ tressaq proċedura ta’ ksur kontra l-Istat Membru quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE. Fil-Kawża C-525/1229, il-Qorti sabet li l-Istati Membri huma liberi li jiddeterminaw it-taħlita ta’ politiki u l-finanzjament li huma meħtieġa biex jintlaħqu l-objettivi tad-WFD. Skont il-politika ġenerali tagħha dwar il-ksur, il-Kummissjoni issa tagħti prijorità lil każijiet strutturali aktar milli lil każijiet individwali ta’ nuqqas ta’ konformità.

52

Reċentement il-Kummissjoni ddeċidiet li tindirizza punti speċifiċi li jirrikjedu attenzjoni f’ittri mibgħuta lill-Istati Membri kollha. Bejn Settembru 2020 u April 2021, hija bagħtet ittri b’segwitu għall-valutazzjoni li wettqet tal-informazzjoni rrappurtata fit-tieni ċiklu tal-RBMPs. F’dawk l-ittri hija identifikat każijiet apparenti ta’ nuqqas ta’ konformità u talbet lill-Istati Membri biex jiġġustifikaw dawk il-kwistjonijiet, jirrettifikawhom jew jikkjarifikaw kif dawn kienu diġà ġew indirizzati jew kif se jiġu indirizzati fit-tielet ċiklu tal-RBMPs. F’Diċembru 2020, il-Kummissjoni bagħtet sett ieħor ta’ ittri lill-Istati Membri kollha, li fihom indirizzat speċifikament il-mekkaniżmi tagħhom għall-aċċertament tal-konformità u l-penali fil-qasam tal-astrazzjoni u tat-tniġġis minn sors puntiformi/diffuż. L-Istati Membri ntalbu jipprovdu dettalji rigward ir-regoli domestiċi tagħhom dwar l-astrazzjoni tal-ilma skont l-Artikolu 11(3)(e) tad-WFD.

Il-pagamenti diretti taħt il-PAK ma jħeġġux b’mod sinifikanti l-użu effiċjenti tal-ilma

53

Skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, “il-ħtiġijiet [ir-rekwiżiti] għall-ħarsien tal-ambjent għandhom ikunu integrati fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politika u l-attivitajiet tal-Unjoni, partikolarment bl-għan li jinkoraġġixxu żvilupp sostenibbli”. Għalhekk, aħna vverifikajna jekk l-objettivi tal-politika tal-UE dwar l-ilma kinux ġew riflessi fl-istrumenti ta’ finanzjament prinċipali tal-PAK.

54

Kemm l-iskemi diżakkoppjati (appoġġ għall-introjtu) kif ukoll dawk akkoppjati (ibbażati fuq l-erja) jassenjaw l-għajnuna abbażi tal-erja maħduma. Aħna vvalutajna jekk:

  1. dawn il-pagamenti ta’ appoġġ kinux kundizzjonali fuq l-użu sostenibbli tal-ilma; u
  2. kinux inċentiv jew diżinċentiv għat-tisqija.

L-appoġġ għall-introjtu taħt il-PAK ma jippromwovix l-użu effiċjenti tal-ilma jew iż-żamma tal-ilma

55

Il-pagamenti kemm taħt l-SPUE kif ukoll taħt il-BPS attwalment huma newtrali fir-rigward tat-tisqija: huma la jipprovdu inċentiv għall-użu tal-ilma b’mod effiċjenti, u lanqas għat-tisqija jew għall-użu akbar tal-ilma. Ir-rata ta’ pagament taħt l-SPUE għal kull ettaru hija identika għall-benefiċjarji kollha u għat-tipi kollha ta’ għelejjel f’kull wieħed mill-10 Stati Membri li japplikaw l-SPUE. Ir-rata ta’ pagament taħt il-BPS hija stabbilita mill-Istati Membri u tista’ tvarja minn benefiċjarju għal ieħor, parzjalment skont l-istorja tal-pagamenti tagħhom taħt il-PAK. F’xi Stati Membri (eż. Spanja u l-Greċja) din tista’ tvarja wkoll skont it-tip ta’ art agrikola. Il-QEA rrappurtat preċedentement30 dwar id-differenzi sinifikanti li jippersistu f’ċerti Stati Membri, bħal Spanja.

56

La dawn iż-żewġ skemi ta’ pagament dirett u lanqas l-iskema ta’ Pagament għall-Ekoloġizzazzjoni ma jimponu obbligi fuq il-bdiewa rigward l-użu sostenibbli tal-ilma. Madankollu, l-ekoloġizzazzjoni jista’ jkollha effetti pożittivi indiretti permezz tar-rekwiżit li l-bdiewa jippreservaw il-bwar permanenti (li, għall-kuntrarju tar-raba’ li jinħadem, normalment ma jissaqqewx). Hija tiffoka wkoll fuq il-konservazzjoni tal-għelieqi mtarrġa u karatteristiċi oħra tal-pajsaġġ, kif ukoll fuq l-erjas b’fokus ekoloġiku bħall-biċċiet art ta’ lqugħ mhux ikkultivati, li kollha kemm huma jistgħu jżidu ż-żamma naturali tal-ilma. Fil-prattika, kif irrappurtajna fl-201731, l-ekoloġizzazzjoni wasslet għal bidliet fil-prattiki agrikoli fuq madwar 5 % biss tar-raba’ kollu fl-UE.

57

L-appoġġ taħt il-PAK jinċentiva l-iskular tal-għelieqi aktar milli ż-żamma tal-ilma. Il-PAK 2014-2020 tagħmel it-torbieri skulati eliġibbli għall-appoġġ għall-introjtu, filwaqt li matul l-ispezzjonijiet xi drabi t-torbieri mistagħdra kkultivati jitqiesu li ma jkunux eliġibbli. Minbarra li għandu impatt negattiv fuq ir-riżervi tal-ilma ta’ taħt l-art, l-iskular tat-torbieri jirrilaxxa gassijiet serra32. L-emendi tal-Parlament Ewropew għall-proposta tal-Kummissjoni dwar il-PAK ta’ wara l-202033 jieħdu inkunsiderazzjoni l-kultivazzjoni tal-għadajjar (il-biedja u l-forestrija fuq ħamrija mxarrba, b’mod predominanti t-torbieri) bħala attività agrikola eliġibbli għall-appoġġ għall-introjtu taħt il-PAK.

L-UE tappoġġa l-għelejjel b’użu intensiv tal-ilma f’żoni taħt stress idriku permezz tal-appoġġ akkoppjat volontarju

58

L-Istati Membri kollha, ħlief il-Ġermanja, jużaw il-VCS biex iżommu jew iżidu l-produzzjoni ta’ ċerti għelejjel minn setturi li jinsabu f’diffikultà34. L-UE tirrestrinġi l-appoġġ għal setturi speċifiċi35, inklużi l-għelejjel b’użu intensiv tal-ilma bħar-ross, il-ġewż, u l-frott u l-ħxejjex (ara l-Figura 12).

Figura 12

Miżuri tal-VCS innotifikati għall-għelejjel (2020)

Sors: il-Kummissjoni Ewropea.

59

Ir-regoli tal-UE dwar il-VCS jiddikjaraw li “kull appoġġ akkoppjat mogħti [...] għandu jkun konsistenti ma’ miżuri u politiki oħra tal-Unjoni”36, li jippermetti li l-Kummissjoni tirrifjuta skemi inkompatibbli. Il-Kummissjoni ma vvalutatx l-impatt tal-miżuri proposti fuq l-użu sostenibbli tal-ilma.

60

L-ebda wieħed mill-Istati Membri/mir-reġjuni li eżaminajna ma kien introduċa salvagwardji fuq l-użu tal-ilma, bħal restrizzjonijiet fuq l-appoġġ f’żoni taħt stress idriku jew għall-irqajja’ mingħajr sistemi ta’ tisqija effiċjenti.

61

Mill-11-il Stat Membru/reġjun koperti fl-awditu tagħna, 9 jużaw il-VCS għall-għelejjel. Tmienja jappoġġaw l-għelejjel b’użu intensiv tal-ilma mingħajr restrizzjoni ġeografika. B’riżultat ta’ dan, l-Istati Membri jużaw il-fondi tal-UE biex jappoġġaw l-għelejjel b’użu intensiv tal-ilma f’żoni taħt stress idriku. Il-Figura 13 turi li sitt Stati Membri jużaw il-VCS għall-għelejjel b’użu intensiv tal-ilma f’żoni b’livelli għoljin jew għoljin ħafna ta’ stress idriku.

Figura 13

Il-VCS għall-għelejjel b’użu intensiv tal-ilma u ż-żoni taħt stress idriku

Sors: il-QEA u l-World Resources Institute Aqueduct, aċċessat fit-22/3/2021.

Il-kundizzjonalità tkopri l-astrazzjoni illegali tal-ilma, iżda l-kontrolli mhumiex frekwenti u l-penali huma baxxi

62

Il-kundizzjonalità torbot il-pagamenti diretti (u xi pagamenti oħra tal-PAK) ma’ ċerti obbligi ambjentali. Waħda mill-kundizzjonijiet tal-kundizzjonalità (KAAT 2) tkopri l-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni għall-astrazzjoni tal-ilma stabbiliti mill-Istati Membri. L-awtoritajiet nazzjonali/reġjonali jivverifikaw 1 % ta’ gruppi speċifiċi ta’ bdiewa li jsaqqu l-għelieqi tagħhom, u jimponu penali (tipikament tnaqqis ta’ 3 % fis-sussidju tagħhom taħt il-BPS jew l-SPUE) għal dawk li ma jikkonformawx mal-proċeduri nazzjonali/reġjonali ta’ awtorizzazzjoni għall-astrazzjoni tal-ilma.

63

Fil-prattika, l-arranġamenti ftit li xejn inbidlu minn meta rrappurtajna dwar dan fl-201437. Il-KAAT 2 hija fformulata b’mod ġeneriku: “Fejn l-użu tal-ilma għat-tisqija huwa suġġett għall-awtorizzazzjoni, irid ikun hemm konformità mal-proċeduri tal-awtorizzazzjoni”. Il-Kummissjoni ma talbitx lill-Istati Membri biex jimponu rekwiżiti speċifiċi, bħall-installazzjoni ta’ miters tal-ilma u r-rappurtar dwar l-użu tal-ilma. Il-KAAT mhu se jkollha l-ebda impatt fl-Istati Membri bi proċeduri ta’ awtorizzazzjoni dgħajfa. Il-fatt li ma tapplikax għall-benefiċjarji kollha tal-PAK (eż. il-benefiċjarji tal-iskema għall-bdiewa żgħar, il-pagamenti mhux annwali għall-iżvilupp rurali jew l-għajnuna taħt l-OKS għas-setturi tal-frott u l-ħxejjex jew taż-żebbuġ), u li l-Istati Membri ma jwettqux kontrolli xierqa, ikompli jnaqqas il-potenzjal tagħha.

64

Il-proposta tal-Kummissjoni għall-PAK ta’ wara l-2020 tkompli bil-kunċett ta’ kundizzjonalità. Din tespandi l-kopertura għall-iskema għall-bdiewa żgħar, iżda teskludi simultanjament lill-benefiċjarji ta’ pagamenti relatati mal-OKS tal-inbid.

65

Skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà, l-Istati Membri huma liberi li jimplimentaw u jinfurzaw l-obbligu tal-awtorizzazzjoni tal-ilma kif huma jqisu li jkun xieraq. Mill-Istati Membri/mir-reġjuni koperti fl-awditu tagħna, 10 jieħdu approċċ selettiv lejn il-KAAT 2, u spiss fil-kontrolli tagħhom iħallu barra ċerti rekwiżiti regolatorji nazzjonali jew reġjonali għall-astrazzjoni tal-ilma (il-Figura 14).

66

L-uniku kontroll komuni għas-sistemi kollha ta’ kontroll li eżaminajna huwa dwar il-ħtieġa għal awtorizzazzjoni biex jiġi astratt l-ilma tat-tisqija. Fil-biċċa l-kbira mill-każijiet, l-ispezzjonijiet jinkludu wkoll kontroll viżwali tal-irqajja’ biex jiġu identifikati l-astrazzjoni jew it-tisqija illegali. Dan japplika għall-Belġju (Flanders), il-Ġermanja (Berlin-Brandenburg), Spanja (Andalusija u Kastilja-La Mancha), l-Italja (l-Emilja-Romanja), l-Ungerija u l-Portugall. Mill-11-il Stat Membru u reġjun, 3 jivverifikaw il-preżenza ta’ miters - il-Belġju (Flanders), Franza (Centre-Val de Loire) u Ċipru. Filwaqt li 10 minnhom ma vverifikawx il-kontenut tal-awtorizzazzjonijiet, bħall-volum massimu tal-astrazzjoni u l-ħin tat-tisqija (l-Istati Membri/ir-reġjuni kollha li ġew koperti fl-awditu tagħna, ħlief il-Belġju (Flanders)). Dgħufija simili hija rrappurtata fl-istudju li jappoġġa l-evalwazzjoni dwar l-impatt tal-PAK fuq l-ilma38.

Figura 14

Komponenti tal-KAAT 2 li ġew ivverifikati fi 11-il Stat Membru/reġjun

Sors: il-QEA.

67

L-istatistika ta’ kontroll tal-kundizzjonalità li l-Istati Membri jirrappurtaw lill-Kummissjoni turi differenzi sinifikanti kemm bejn il-pajjiżi kif ukoll bejn ir-reġjuni. Fi Spanja, pereżempju, ir-rata medja tan-nuqqas ta’ konformità hija sinifikattivament ogħla għal Kastilja-La Mancha milli għal Andalusija (il-Figura 15). Fl-Istati Membri/ir-reġjuni kollha li għalihom ksibna data, ir-rata tan-nuqqas ta’ konformità mal-KAAT 2 hija aktar baxxa mir-rata għal kontrolli oħra fuq l-astrazzjoni tal-ilma kif deskritti fil-paragrafu 32 (ara l-Figura 15). Hemm riskju sinifikanti li l-kontrolli tal-kundizzjonalità ma jidentifikawx il-każijiet ta’ astrazzjoni illegali tal-ilma.

Figura 15

Rati tan-nuqqas ta’ konformità li ġew żvelati minn kontrolli relatati mal-KAAT 2 u kontrolli oħra fuq l-astrazzjoni tal-ilma li twettqu fi 11-il Stat Membru/reġjun

Sors: il-QEA.

68

Fl-2013, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill appellaw lill-Kummissjoni39 biex timmonitorja t-traspożizzjoni mill-Istati Membri tad-WFD fil-liġi nazzjonali, kif ukoll l-implimentazzjoni tagħha, u biex tippreżenta proposta għall-inklużjoni ta’ partijiet rilevanti tad-WFD fil-kundizzjonalità. Il-Kummissjoni ma għamlitx proposta dwar l-inklużjoni ta’ xi partijiet tad-WFD fil-qafas tal-kundizzjonalità għall-perjodu 2014-2020. Madankollu, il-proposta għall-PAK ta’ wara l-2020 tirreferi b’mod espliċitu għall-artikolu tad-WFD dwar il-kontrolli fuq l-astrazzjoni tal-ilma40, u tagħmilhom rekwiżit obbligatorju (SMR1) skont ir-regoli l-ġodda dwar il-kundizzjonalità. Dan jintroduċi rabta ċara bejn id-WFD u l-pagamenti tal-PAK lill-bdiewa u jista’ jagħti saħħa akbar lill-artikolu.

Il-fondi għall-iżvilupp rurali u l-miżuri tas-suq ma jippromwovux sinifikattivament l-użu sostenibbli tal-ilma

69

Minbarra l-pagamenti diretti, il-PAK tiffinanzja wkoll l-investimenti tal-bdiewa f’assi fissi u tappoġġa azzjonijiet speċifiċi, bħal impenn għal ċerti prattiki agrikoli. Xi investimenti u azzjonijiet għandhom impatt pożittiv fuq l-użu tal-ilma, filwaqt li oħrajn iżidu l-użu tal-ilma (ara wkoll il-Figura 16). Il-finanzjament għal sistemi konsultattivi għall-azjendi agrikoli jew għal proġetti ta’ kooperazzjoni jista’ wkoll ikollu impatt fuq l-użu tal-ilma, għalkemm indirettament.

Figura 16

Prattiki agrikoli u investimenti li jaffettwaw l-użu tal-ilma

Sors: il-QEA.

Il-programmi tal-iżvilupp rurali rari jintużaw biex itejbu l-kwantità tal-ilma

70

Permezz tal-programmi tal-iżvilupp rurali, l-awtoritajiet nazzjonali jew reġjonali jistgħu jappoġġaw:

  1. il-prattiki agrikoli jew l-infrastruttura ekoloġika li għandhom effett pożittiv fuq id-disponibbiltà tal-ilma fil-ħamrija agrikola (miżuri għaż-żamma tal-ilma);
  2. il-bdiewa għall-ispejjeż addizzjonali u l-introjtu mitluf li ġejjin mill-implimentazzjoni tar-rekwiżiti tad-WFD;
  3. l-infrastruttura għat-trattament tal-ilma mormi għall-użu mill-ġdid tal-ilma fit-tisqija.

Aħna eżaminajna l-punt sa fejn jintużaw dawn l-għażliet.

71

L-Istati Membri jistgħu jużaw il-fondi għall-iżvilupp rurali biex jiffinanzjaw miżuri għaż-żamma naturali tal-ilma (ara l-Figura 17). Ħamsa mill-Istati Membri/mir-reġjuni koperti fl-awditu tagħna jieħdu vantaġġ minn din l-opportunità:

  • il-Belġju (Flanders), Spanja (Andalusija), l-Ungerija, l-Italja (l-Emilja-Romanja) u l-Portugall iffinanzjaw impenji agroambjentali klimatiċi41 li l-iskop prinċipali tagħhom huwa li jikkonservaw il-ħamrija, jibnu materja organika u jnaqqsu l-erożjoni, b’hekk jgħinu biex tiżdied iż-żamma tal-ilma.
  • Il-Belġju (Flanders) iffinanzja proġett wieħed li jikkonċerna infrastruttura ekoloġika għaż-żamma tal-ilma42, u l-Ungerija ffinanzjat tmien proġetti.

Figura 17

Miżuri għaż-żamma naturali tal-ilma

Sors: il-QEA, ibbażat fuq il-katalogu ta’ miżuri għaż-żamma naturali tal-ilma tal-UE.

72

Il-miżuri għaż-żamma naturali tal-ilma jistgħu jwasslu għal diversi benefiċċji, inkluż ir-riforniment tal-ilma ta’ taħt l-art, il-ġestjoni tan-nixfiet u t-tnaqqis fir-riskju ta’ għargħar, iżda l-effettività tagħhom hija limitata jekk jintużaw fir-rigward ta’ erja żgħira43. Mill-11-il Stat Membru/reġjun koperti fl-awditu tagħna, 7 ma jiffinanzjawx dawn il-miżuri permezz ta’ miżuri ta’ żvilupp rurali (ara wkoll il-Figura 18).

73

L-Istati Membri jistgħu jużaw il-fondi44 għall-iżvilupp rurali biex jikkumpensaw lill-bdiewa għall-ispejjeż addizzjonali u għall-introjtu mitluf li jirriżultaw mir-rekwiżiti fi pjan ta’ mmaniġġjar tal-baċir tax-xmara. L-ebda wieħed mill-Istati Membri/mir-reġjuni koperti fl-awditu tagħna ma użaw din l-għażla.

74

L-awtoritajiet nazzjonali/reġjonali jistgħu jinkludu appoġġ għall-investimenti fl-infrastruttura għall-użu mill-ġdid tal-ilma mormi għat-tisqija fl-RDPs tagħhom45. Ħamsa mill-Istati Membri/mir-reġjuni li eżaminajna ma inkludewx din l-għażla fl-RDPs tagħhom. Fi tliet Stati Membri/reġjuni din hija inkluża bħala parti minn sottomiżura iżda ma ntużatx biex tiffinanzja xi proġetti. Żewġ Stati Membri ffinanzjaw proġetti rilevanti (ara l-Kaxxa 2).

Kaxxa 2

Investimenti fl-użu mill-ġdid tal-ilma mormi li ġew iffinanzjati taħt l-iżvilupp rurali

F’Ċipru, il-fondi għall-iżvilupp rurali ntużaw biex jiffinanzjaw proġett wieħed kbir, li jinvolvi l-bini ta’ tank tal-ilma ta’ 500 000 m³ biex jaħżen ilma riċiklat żejjed sabiex jintuża fl-agrikoltura matul is-sajf, kif ukoll network ta’ distribuzzjoni primarja u sekondarja ta’ 20 km li jkopri 1 700 ettaru.

Fil-Belġju (Flanders), il-fondi għall-iżvilupp rurali appoġġaw bosta proġetti għat-trattament tal-ilma mormi biex jintuża għat-tisqija jew bħala ilma għall-bhejjem. Żewġ eżempji:

  • tagħmir ta’ purifikazzjoni tal-ilma użat minn produttur tat-tadam biex jiddiżinfetta l-ilma pproċessat u jneħħi r-residwi ta’ pestiċidi;
  • impjant ta’ purifikazzjoni għall-konverżjoni tal-ilma mormi minn kumpanija tal-ipproċessar tal-ħalib f’ilma tajjeb għax-xorb għall-bhejjem tal-ifrat u tad-diġestat likwidu minn maħleb f’ilma tat-tisqija.

Il-finanzjament mill-UE għal proġetti ta’ tisqija għandu salvagwardji dgħajfa kontra l-użu mhux sostenibbli tal-ilma

75

Hemm diversi forom ta’ finanzjament mill-UE li huma disponibbli biex jiffinanzjaw proġetti ta’ tisqija. L-Istati Membri jistgħu jużaw fondi għall-iżvilupp rurali għal investimenti f’assi fiżiċi, jew appoġġ tal-OKS f’ċerti setturi (frott u ħxejjex, żebbuġ u żejt taż-żebbuġa, inbid), biex jiffinanzjaw il-modernizzazzjoni jew l-ewwel installazzjoni ta’ tagħmir (eż. fl-azjendi agrikoli) jew ta’ infrastruttura (eż. networks) tat-tisqija.

76

Aħna eżaminajna:

  1. il-punt sa fejn dawn il-fondi jintużaw biex jappoġġaw il-proġetti ta’ tisqija;
  2. jekk il-Kummissjoni u l-Istati Membri ddefinewx salvagwardji kontra l-użu mhux sostenibbli tal-ilma; u
  3. jekk l-Istati Membri vverifikawx ir-rekwiżiti rispettivi.
77

L-immodernizzar tas-sistemi eżistenti ta’ tisqija jista’ jżid l-effiċjenza fl-użu tal-ilma, pereżempju billi jissewwew il-kanali li jnixxu, jiġu koperti l-kanali miftuħa biex titnaqqas l-evaporazzjoni jew il-bdil għal sistemi ta’ tisqija aktar effiċjenti. Madankollu, it-titjib fl-effiċjenza mhux dejjem jirriżulta f’iffrankar ġenerali tal-ilma, peress li l-ilma ffrankat jista’ jiġi dirett mill-ġdid lejn użi oħra, bħall-għelejjel b’użu aktar intensiv tal-ilma jew it-tisqija f’żona usa’. Dan huwa magħruf bħala l-effett rebound46. Barra minn hekk, f’fenomenu magħruf bħala l-“paradoss idroloġiku”, iż-żieda fl-effiċjenza tat-tisqija tista’ tnaqqas ir-ritorn tal-ilma tal-wiċċ fix-xmajjar, u tnaqqas il-flussi bażiċi li huma ta’ benefiċċju għall-utenti downstream u għall-ekosistemi sensittivi47.

78

L-installazzjoni ta’ infrastruttura ġdida tat-tisqija li testendi l-erja saqwija, x’aktarx li żżid il-pressjoni fuq ir-riżorsi tal-ilma ħelu, sakemm is-sistema ma tużax l-ilma tax-xita jew l-ilma riċiklat. L-istudju tal-Kummissjoni li jappoġġa l-evalwazzjoni dwar l-impatt tal-PAK fuq l-ilma (ara n-nota 38 f’qiegħ il-paġna) ikkonferma dan ir-riskju: sal-lum il-ġurnata, huwa diffiċli li jiġi ggarantit li l-investimenti fit-tisqija huma ta’ benefiċċju għall-korpi tal-ilma, speċjalment jekk l-erja saqwija tiżdied fejn il-korpi tal-ilma jkunu taħt stress.

Appoġġ għall-investiment fl-iżvilupp rurali
79

L-Istati Membri/ir-reġjuni kollha ħlief wieħed li vvalutajna jużaw il-fondi għall-iżvilupp rurali biex jiffinanzjaw investimenti b’impatt fuq l-użu tal-ilma (ara l-Figura 18). Installazzjonijiet u infrastruttura tat-tisqija li jkunu ġodda huma eliġibbli f’kull wieħed mill-10 Stati Membri/reġjuni, u investimenti fl-infrastruttura tal-astrazzjoni (eż. il-bjar) huma eliġibbli f’mill-inqas tlieta. Nofs mill-24 RDP fil-kampjun addizzjonali tagħna ppermettew investiment f’infrastruttura ġdida tat-tisqija.

Figura 18

Finanzjament taħt il-FAEŻR b’impatt fuq l-użu tal-ilma fl-agrikoltura (fondi impenjati jew imħallsa f’miljun EUR) (2014-2020)

Sors: il-QEA, ibbażat fuq data riċevuta mingħand l-Istati Membri.

80

L-appoġġ mill-FAEŻR għall-investimenti fit-tisqija huwa suġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fir-regoli tal-UE48 (ara l-Figura 19). L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu wkoll rekwiżiti addizzjonali. Għal ċerti investimenti, tliet Stati Membri/reġjuni koperti fl-awditu tagħna jirrikjedu ffrankar potenzjali tal-ilma ta’ aktar minn 5 %. Għal infrastruttura ġdida tat-tisqija, ħames Stati Membri/reġjuni jirrikjedu prova ta’ sjieda tal-art u/jew awtorizzazzjoni valida għall-astrazzjoni tal-ilma.

Figura 19

Kundizzjonijiet għall-proġetti ta’ tisqija taħt l-iżvilupp rurali

Sors: il-QEA, ibbażat fuq l-Artikolu 46 tar-Regolament Nru 1305/2013.

81

Uħud mir-rekwiżiti deskritti fil-Figura 19 mhumiex spjegati ulterjorment fit-testi legali. Pereżempju, id-WFD ma tiddefinixxix xi jfisser l-istat kwantitattiv tal-korpi tal-ilma tal-wiċċ. Għalhekk jeħtieġ li l-Istati Membri jiddefinixxu dak li huma jqisu bħala stat li huwa “inqas minn tajjeb” għal raġunijiet kwantitattivi fil-każ tal-korpi tal-ilma tal-wiċċ. Fi tmienja mill-Istati Membri/mir-reġjuni li koprejna fl-awditu tagħna, mhuwiex ċar kif, u fil-fatt jekk, dan huwiex iddefinit. Il-Kummissjoni pprovdiet gwida mhux vinkolanti dwar din il-kwistjoni49. L-Istati Membri jinterpretaw ukoll b’mod differenti x’inhi estensjoni tal-erja saqwija, billi jistgħu jinkludu erjas li kienu ssaqqew fil-passat reċenti bħala erja saqwija. Uħud iqisu li l-“passat reċenti” jmur lura sa ħames snin ilu, filwaqt li oħrajn interpretawh li jmur lura sal-2004.

82

Billi r-regoli tal-UE jippermettu diversi interpretazzjonijiet u eżenzjonijiet possibbli (ara l-Figura 19), hemm riskju li l-UE qed tiffinanzja proġetti ta’ tisqija li jmorru kontra l-objettivi tad-WFD. Għall-PAK ta’ wara l-2020, il-Kummissjoni pproponiet xi simplifikazzjoni tal-kundizzjonijiet għall-finanzjament ta’ proġetti ta’ tisqija. L-investimenti fit-tisqija jkunu jiġu espliċitament esklużi mill-finanzjament jekk ma jkunux konsistenti mal-ilħuq tal-objettivi tad-WFD rigward il-kisba ta’ stat tajjeb. L-espansjoni tal-erja saqwija ma tkunx eliġibbli jekk it-tisqija taffettwa l-korpi tal-ilma li l-istat tagħhom ġie ddefinit bħala inqas minn tajjeb50. Ikun f’idejn l-Istati Membri li jittrasponu dan fil-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà tagħhom.

83

Il-konformità mal-kundizzjonijiet fil-Figura 19 ma tiġix ivverifikata bir-reqqa. Tmienja mill-Istati Membri/mir-reġjuni li vvalutajna ddikjaraw li huma jivverifikaw ir-rekwiżiti bażiċi (bħall-ħtieġa għall-kejl tal-ilma u l-iffrankar potenzjali tal-ilma) abbażi tal-applikazzjoni tal-proġett jew ex post. Seba’ Stati Membri/reġjuni pprovdew evidenza dokumentata tal-kontrolli ex post tal-iffrankar reali tal-ilma. F’erba’ każijiet ma kienx ċar mid-dokumenti dwar kif iż-żieda fl-erja saqwija tiġi vvalutata. Aħna tlabna żewġ Stati Membri/reġjuni għal informazzjoni aktar dettaljata dwar il-proġetti. Mid-dokumentazzjoni li rċevejna bi tweġiba, xi drabi ma kienx ċar kif ir-rekwiżiti ġew ivverifikati: aħna ma sibna l-ebda evidenza għal xi kontrolli, inklużi verifikazzjonijiet bażiċi tal-kejl tal-ilma jew tal-iffrankar potenzjali tal-ilma.

Organizzazzjoni komuni tas-swieq
84

L-UE tiffinanzja wkoll l-infrastruttura tat-tisqija permezz tal-OKS għal tliet setturi: il-frott u l-ħxejjex, iż-żebbuġ u ż-żejt taż-żebbuġa, u l-inbid. Is-settur tal-frott u l-ħxejjex jirċievi appoġġ għall-infrastruttura tat-tisqija f’10 mill-11-il Stat Membru/reġjun koperti fl-awditu tagħna, is-settur taż-żebbuġ u taż-żejt taż-żebbuġa fi 2, u s-settur tal-inbid fi 3. L-Istati Membri/ir-reġjuni kollha joffru appoġġ kemm għal infrastruttura ġdida kif ukoll għall-immodernizzar tas-sistemi eżistenti – ħlief għas-settur taż-żebbuġ u taż-żejt taż-żebbuġa, fejn it-titjib biss huwa eliġibbli għall-appoġġ mill-UE. Ir-regoli applikabbli għal investimenti ffinanzjati taħt OKS huma differenti minn dawk applikabbli taħt l-iżvilupp rurali.

85

Fi snin reċenti, il-finanzjament għal proġetti ta’ tisqija fis-settur tal-frott u l-ħxejjex kien l-ogħla fi Spanja (Andalusija) u fil-Portugall (ara l-Figura 20). Fi Franza u Ċipru, il-miżuri disponibbli ftit li xejn ġew adottati jew ma ġiet adottata l-ebda miżura. Fl-Italja (l-Emilja-Romanja), l-awtoritajiet ma setgħux jipprovdu data dwar il-proġetti ta’ tisqija u l-finanzjament, il-kontrolli u s-sanzjonijiet relatati.

Figura 20

Finanzjament annwali medju tal-UE stmat għall-proġetti ta’ tisqija taħt OKS (f’elf EUR)

Sors: il-QEA, ibbażat fuq data pprovduta mill-awtoritajiet tal-Istati Membri.

86

L-investimenti biex jitnaqqas l-użu tal-ilma fis-settur tal-frott u l-ħxejjex, jekk ikunu ffinanzjati taħt l-intestatura “Investimenti ta’ benefiċċju għall-ambjent”51, jenħtieġ li:

  • inaqqsu l-konsum tal-ilma b’mill-inqas 5 % jekk jużaw tisqija bil-qatra jew sistemi simili;
  • ma jirriżultawx f’żieda netta fl-erja saqwija dment li l-konsum totali tal-ilma għat-tisqija fl-azjenda agrikola kollha, anki wara l-estensjoni tal-erja, jibqa’ taħt iċ-ċifra medja matul il-ħames snin qabel l-investiment.
87

L-infrastruttura tat-tisqija tista’ wkoll tiġi ffinanzjata taħt intestaturi oħra, bħall-“Ippjanar tal-produzzjoni”. Fejn dan ikun il-każ, ir-regoli tal-UE ma jirrikjedu l-ebda salvagwardja kontra l-użu mhux sostenibbli tal-ilma bħalma jagħmlu għall-finanzjament taħt il-FAEŻR (ara l-paragrafu 80). Fi Spanja (Andalusija), 98 % tal-infiq li sar fl-2018 għal azzjonijiet relatati mat-tisqija u mal-użu sostenibbli tal-ilma kien jikkonċerna proġetti ta’ ppjanar tal-produzzjoni. Mill-11-il Stat Membru li vvalutajna, 3 marru lil hinn mir-regoli tal-UE u stabbilew rekwiżiti addizzjonali għal xi wħud mill-proġetti ta’ tisqija jew għal kollha kemm huma (il-Figura 21).

Figura 21

Eżempji ta’ rekwiżiti addizzjonali għall-proġetti ta’ tisqija ffinanzjati mill-OKS

Sors: il-QEA.

88

L-awtoritajiet tal-Istati Membri ma jivverifikawx suffiċjentement il-konformità mal-kundizzjonijiet għal investimenti li se jkunu ta’ benefiċċju għall-ambjent (il-paragrafu 86). Wara li rrieżaminajna l-linji gwida, il-listi ta’ kontroll amministrattivi u r-rapporti mill-kontrolli fuq il-post, aħna ma sibna l-ebda evidenza, fil-biċċa l-kbira mill-Istati Membri/reġjuni, ta’ kontrolli għall-konformità mar-rekwiżiti ambjentali li jirregolaw il-finanzjament tal-OKS.

89

B’mod ġenerali, il-finanzjament tal-OKS għal infrastruttura ġdida tat-tisqija u għat-titjib ta’ sistemi eżistenti jinkludi inqas salvagwardji ambjentali minn dawk offruti mill-FAEŻR. Ċerti tipi ta’ investimenti huma suġġetti għal kundizzjonijiet rigward l-iffrankar tal-ilma u ż-żieda fl-erja saqwija, iżda ma hemm l-ebda rekwiżit biex jiġi installat miter tal-ilma qabel jew bħala parti minn investiment.


Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

90

Fis-sena 2000, l-UE introduċiet id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma bil-għan li tagħmel l-istat tal-korpi tal-ilma kollha tal-UE “tajjeb” sal-2015 jew (b’eżenzjonijiet ġustifikati) sa mhux aktar tard mill-2027. Din kienet tinkludi objettivi dwar il-kwantità tal-ilma. L-awditu li wettaqna wera li l-appoġġ għall-agrikoltura ma kienx allinjat b’mod konsistenti mal-objettivi tal-politika dwar l-ilma.

91

Filwaqt li tipprevedi salvagwardji kontra l-użu mhux sostenibbli tal-ilma, id-derogi taħt il-politika tal-UE dwar l-ilma spiss japplikaw għall-produtturi agrikoli. Mill-2009 ’l hawn, l-Istati Membri għamlu progress fl-istabbiliment ta’ sistemi ta’ awtorizzazzjoni minn qabel għall-astrazzjoni tal-ilma, sistemi għad-detezzjoni tal-użu illegali tal-ilma u mekkaniżmi ta’ pprezzar bil-potenzjal li jinċentivaw l-effiċjenza fl-użu tal-ilma. Madankollu:

  • għad hemm ħafna eżenzjonijiet għall-bdiewa għal awtorizzazzjonijiet għall-astrazzjoni tal-ilma fl-Istati Membri li eżaminajna (inkluż fir-reġjuni taħt stress idriku) (il-paragrafi 27-30); u
  • ħafna Stati Membri ma japplikawx il-prinċipju tal-irkupru tal-ispejjeż għas-servizzi tal-ilma fl-agrikoltura bħalma jagħmlu f’setturi oħra (il-paragrafi 36-44).
92

Il-Kummissjoni timmonitorja l-implimentazzjoni mill-Istati Membri tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma u tqis li din tista’ tipprogressa b’rata aktar mgħaġġla (il-paragrafi 45-52).

Rakkomandazzjoni 1 – Jintalbu ġustifikazzjonijiet għal eżenzjonijiet għall-implimentazzjoni tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma fl-agrikoltura

Jenħtieġ li l-Kummissjoni:

titlob lill-Istati Membri jiġġustifikaw il-livelli tal-ipprezzar tal-ilma għall-agrikoltura u l-eżenzjonijiet mir-rekwiżit għal awtorizzazzjoni minn qabel għall-astrazzjoni tal-ilma, u tispjega l-bażi għall-konklużjoni li dawn ma għandhomx impatt sinifikanti fuq l-istat tal-korpi tal-ilma.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: 2025

93

L-iskemi ta’ pagament dirett taħt il-Politika Agrikola Komuni (PAK) ma jimponux b’mod dirett obbligi fuq il-bdiewa f’dak li jirrigwarda l-użu sostenibbli tal-ilma. Ir-regoli tal-UE dwar l-appoġġ akkoppjat volontarju jippermettu li l-Istati Membri jiffinanzjaw għelejjel b’użu intensiv tal-ilma f’reġjuni taħt stress idriku mingħajr l-ebda kontroll jew salvagwardja ambjentali. Il-kundizzjonalità ex ante fuq is-settur tal-ilma li hija applikabbli għall-finanzjament għall-iżvilupp rurali ħeġġet lill-Istati Membri biex itejbu l-politiki tagħhom dwar l-ipprezzar tal-ilma. Madankollu, jidher li x’aktarx il-kundizzjonalità ex ante fil-PAK ta’ wara l-2020 se titwaqqaf (il-paragrafi 47-49 u 53-61).

94

Bosta Stati Membri jużaw l-appoġġ akkoppjat volontarju biex jiffinanzjaw għelejjel b’użu intensiv tal-ilma f’żoni taħt stress idriku (il-paragrafi 60-61).

95

It-tieni kundizzjoni agrikola u ambjentali tajba (il-KAAT 2) tal-kundizzjonalità għandha l-potenzjal li tnaqqas l-isfruttament eċċessiv tar-riżorsi tal-ilma fl-agrikoltura billi tħeġġeġ lill-bdiewa jirrispettaw il-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni tal-Istati Membri għall-astrazzjoni tal-ilma. Madankollu, ir-regoli tal-UE ma jimponux obbligi ta’ kundizzjonalità fuq il-bdiewa kollha li jirċievu fondi tal-PAK, u l-Istati Membri jagħmlu użu relattivament limitat mill-KAAT 2 biex jipproteġu r-riżorsi tal-ilma. L-ebda wieħed mill-Istati Membri fl-awditu tagħna ma jwettaq kontrolli komprensivi fuq ir-rekwiżiti tal-KAAT 2 (il-paragrafi 62-68).

Rakkomandazzjoni 2 – Rabta bejn il-pagamenti tal-PAK u l-konformità mal-istandards ambjentali

Jenħtieġ li l-Kummissjoni:

  1. tagħmel l-appoġġ għall-iżvilupp rurali għal investimenti fit-tisqija kundizzjonali fuq l-implimentazzjoni ta’ politiki li jinċentivaw l-użu sostenibbli tal-ilma fl-Istati Membri;
  2. torbot il-pagamenti kollha tal-PAK li jingħataw lill-bdiewa, inklużi dawk magħmula permezz tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq, ma’ rekwiżiti ambjentali espliċiti dwar l-użu sostenibbli tal-ilma, inkluż permezz tal-kundizzjonalità;
  3. tirrikjedi salvagwardji biex jiġi pprevenut l-użu mhux sostenibbli tal-ilma għall-għelejjel iffinanzjati permezz tal-appoġġ akkoppjat volontarju.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: 2023 (bidu tal-perjodu l-ġdid tal-PAK)

96

Il-Kummissjoni inkorporat parzjalment il-prinċipji tal-użu sostenibbli tal-ilma fir-regoli għall-mekkaniżmi ta’ finanzjament tal-PAK, bħall-iżvilupp rurali u l-appoġġ għas-suq. Il-fondi għall-iżvilupp rurali jistgħu jiffinanzjaw prattiki agrikoli u infrastruttura li jtejbu l-kwantità tal-ilma. Il-finanzjament għall-iżvilupp rurali u l-appoġġ għas-suq jistgħu jiffinanzjaw ukoll proġetti ta’ tisqija. Pagamenti ta’ dan it-tip huma marbuta ma’ ċerti obbligi, iżda r-regoli tal-UE huma inkonsistenti fil-programmi kollha u jistgħu jagħtu lok għal diversi interpretazzjonijiet u eżenzjonijiet (il-paragrafi 69-89).

97

L-Istati Membri użaw parzjalment l-iżvilupp rurali u l-appoġġ għas-suq biex jinċentivaw l-użu sostenibbli tal-ilma fl-agrikoltura. Aħna sibna li:

  • Il-programmi tal-iżvilupp rurali rari jappoġġaw miżuri għaż-żamma tal-ilma u infrastruttura għall-użu mill-ġdid tal-ilma (il-paragrafi 70-72);
  • Il-fondi tal-UE jintużaw biex jappoġġaw proġetti ġodda ta’ tisqija fl-Istati Membri/fir-reġjuni koperti fl-awditu tagħna (il-paragrafi 75-79 u 84-85);
  • L-Istati Membri ma jivverifikawx suffiċjentement il-konformità mal-kundizzjonijiet ambjentali marbuta mal-finanzjament għall-iżvilupp rurali u mal-appoġġ għas-suq (il-paragrafi 80-83 u 86-89).
98

Il-proposta tal-Kummissjoni għall-PAK ta’ wara l-2020 tkun teskludi espliċitament il-finanzjament ta’ investimenti fit-tisqija li mhumiex konsistenti mal-ilħuq tal-objettivi tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma rigward il-kisba ta’ stat tajjeb. L-espansjoni tal-erja saqwija ma tkunx aktar eliġibbli meta taffettwa l-korpi tal-ilma li jkollhom stat li jkun inqas minn tajjeb (il-paragrafu 82).

Rakkomandazzjoni 3 – Jintużaw il-fondi tal-UE biex jittejjeb l-istat kwantitattiv tal-korpi tal-ilma

Jenħtieġ li l-Kummissjoni:

  1. tiżgura, meta tapprova l-pjanijiet strateġiċi tal-PAK ippreżentati mill-Istati Membri, li l-Istati Membri japplikaw ir-regoli tal-PAK ta’ wara l-2020 sabiex il-proġetti ta’ tisqija ffinanzjati jikkontribwixxu għall-objettivi tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma;
  2. tevalwa l-impatt tal-finanzjament għall-iżvilupp rurali u tal-appoġġ għas-suq fuq l-użu tal-ilma fil-qafas tal-PAK ta’ wara l-2020.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: 2023 (bidu tal-perjodu l-ġdid tal-PAK) u 2026 (evalwazzjoni interim)

Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla I, immexxija mis-Sur Samo Jereb, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fl-14 ta’ Lulju 2021.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Klaus-Heiner Lehne
Il-President

Abbrevjazzjonijiet

BPS: Skema ta’ pagament bażiku

EEA: L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent

FAEŻR: Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali

KAAT: Kundizzjoni agrikola u ambjentali tajba

OECD: L-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi

OKS: Organizzazzjoni komuni tas-swieq

PAK: Politika agrikola komuni

RBMP: Pjan ta’ mmaniġġjar tal-baċir tax-xmara

RDP: Programm tal-iżvilupp rurali

SMR: Rekwiżit statutorju ta’ ġestjoni

SPUE: Skema ta’ pagament uniku skont l-erja

VCS: Appoġġ akkoppjat volontarju

WFD: Id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma


Glossarju

Appoġġ akkoppjat volontarju: Mod fakultattiv għall-Istati Membri biex jagħmlu pagamenti diretti agrikoli tal-UE, abbażi tal-volumi tal-produzzjoni, lill-bdiewa li jagħżlu li jitolbu għal appoġġ fuq din il-bażi.

Appoġġ diżakkoppjat: Pagamenti li jsiru mill-UE favur il-bdiewa, u li ma jkunux marbutin mal-produzzjoni ta’ prodott speċifiku.

Astrazzjoni: It-tneħħija jew id-devjazzjoni tal-ilma minn ambjent tal-ilma.

Copernicus: Is-sistema tal-UE ta’ osservazzjoni u monitoraġġ tad-Dinja, li tiġbor u tipproċessa data minn satelliti u minn sensuri bbażati fid-Dinja biex tipprovdi informazzjoni ambjentali u dwar is-sigurtà.

Kontroll tal-idoneità: Evalwazzjoni biex jiġu identifikati xi duplikazzjonijiet, lakuni, inkonsistenzi jew miżuri obsoleti fil-qafas regolatorju għal qasam ta’ politika.

Konverġenza: Il-proċess ta’ aġġustament tad-drittijiet għall-pagament lill-bdiewa biex jirriflettu l-medji nazzjonali jew reġjonali sabiex tiġi żgurata distribuzzjoni aktar ġusta tal-appoġġ agrikolu dirett.

Korp tal-ilma: Lag, ġibjun, xmajra, xmara jew kanal, żona tranżizzjonali ta’ ilma tul il-kosta, medda ta’ ilma kostali, jew volum distint ta’ ilma ta’ taħt l-art.

Kundizzjonalità: Mekkaniżmu li permezz tiegħu l-pagamenti li jsiru favur il-bdiewa jkunu jiddependu fuq li dawn tal-aħħar jissodisfaw rekwiżiti dwar l-ambjent, is-sikurezza tal-ikel, is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, kif ukoll il-ġestjoni tal-art.

Kundizzjoni agrikola u ambjentali tajba: L-Istat li fih il-bdiewa jridu jżommu l-art agrikola kollha, b’mod speċjali art li attwalment ma tintużax għall-produzzjoni, sabiex jirċievu ċerti pagamenti taħt il-PAK. Din tinkludi kwistjonijiet bħall-ġestjoni tal-ilma u tal-ħamrija.

Pagament dirett: Pagament ta’ appoġġ għall-agrikoltura, bħall-għajnuna relatata mal-erja, li jsir direttament lill-bdiewa.

Pagament ta’ ekoloġizzazzjoni: Pagament ibbażat fuq l-erja għal prattiki agrikoli li jkunu ta’ benefiċċju għall-ambjent u l-klima.

Pjan ta’ mmaniġġjar tal-baċir tax-xmara: Dokument li jkopri l-ġestjoni ta’ baċir tax-xmara ddeżinjat fl-UE, li jistabbilixxi l-azzjonijiet ippjanati biex jintlaħqu l-objettivi tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma.

Programm tal-iżvilupp rurali: Sett ta’ objettivi u azzjonijiet pluriennali nazzjonali jew reġjonali, approvati mill-Kummissjoni, għall-implimentazzjoni tal-politika ta’ żvilupp rurali tal-UE.

Rekwiżit statutorju ta’ ġestjoni: Regola tal-UE jew nazzjonali dwar il-ġestjoni tar-raba’ biex jiġu ssalvagwardjati s-saħħa pubblika, tal-annimali u tal-pjanti, kif ukoll it-trattament xieraq tal-annimali u l-ambjent.

Rkupru tal-ispejjeż: Il-prinċipju li permezz tiegħu l-utent ta’ servizz iħallas għall-ispiża ta’ dak is-servizz, u d-dħul totali għall-fornitur ta’ servizz jkun ugwali għall-ispiża tal-provvista (jew jaqbiżha).

Skema ta’ pagament bażiku: Skema agrikola tal-UE li fil-qafas tagħha jsiru pagamenti lill-bdiewa bbażat fuq l-erja ta’ art eliġibbli.

Stat kwantitattiv: Espressjoni tal-livell sa fejn korp tal-ilma huwa affettwat, direttament jew indirettament, mill-astrazzjoni.

Tim tal-awditjar

Ir-rapporti speċjali tal-QEA jippreżentaw ir-riżultati tal-awditi li twettaq ta’ politiki u programmi tal-UE, jew ta’ suġġetti relatati mal-ġestjoni minn oqsma baġitarji speċifiċi. Il-QEA tagħżel u tfassal dawn il-kompiti tal-awditjar bil-għan li tħalli impatt massimu b’kunsiderazzjoni tar-riskji għall-prestazzjoni jew għall-konformità, il-livell ta’ introjtu jew ta’ nfiq involut, l-iżviluppi futuri u l-interess politiku u pubbliku.

Dan l-awditu tal-prestazzjoni twettaq mill-Awla I tal-Awditjar, Użu sostenibbli tar-riżorsi naturali, li hija mmexxija minn Samo Jereb, Membru tal-QEA. L-awditu tmexxa minn Joëlle Elvinger, Membru tal-QEA, li ngħatat appoġġ minn Ildikó Preiss, Kap tal-Kabinett u Charlotta Törneling, Attaché tal-Kabinett; Emmanuel Rauch, Maniġer Prinċipali; Els Brems, Kap tal-Kompitu; Paulo Braz, Deputat Kap tal-Kompitu; Greta Kapustaite, Georgios Karakatsanis, Szilvia Kelemen, Dimitrios Maniopoulos, Dainora Venckeviciene u Krzysztof Zalega, Awdituri. Thomas Everett ipprovda appoġġ lingwistiku. Marika Meisenzahl ipprovdiet appoġġ grafiku.

Noti finali

1 Il-Bank Dinji, Renewable internal freshwater resources per capita (cubic meters) - European Union.

2 Il-Kummissjoni Ewropea – JRC, “World Atlas of Desertification”, Change in aridity - shifts to drier conditions.

3 Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Insawru Ewropa reżiljenti għall-klima - L-Istrateġija l-ġdida tal-UE dwar l-Adattament għat-Tibdil fil-Klima(COM(2021) 82 final).

4 L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, “Water and agriculture: towards sustainable solutions”, ir-Rapport Nru 17/2020 tal-EEA.

5 Id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (ĠU L 327, 22.12.2000, pp. 1-73).

6 Il-Kummissjoni Ewropea, Status of implementation of the WFD in the Member States.

7 Id-Direttiva 2000/60/KE, l-Artikolu 18.

8 Il-Kummissjoni Ewropea, SWD(2019) 30 final, “European Overview - River Basin Management Plans”.

9 Il-Kummissjoni Ewropea, EU Water Legislation - Fitness Check.

10 Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni, “Il-PAK fid-dawl tas-sena 2020:Nindirizzaw l-isfidi tal-futur fl-ambitu tal-ikel, tar-riżorsi naturali u dak territorjali”, COM(2010) 0672 final.

11 Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli dwar l-appoġġ għall-pjanijiet strateġiċi li jridu jitfasslu mill-Istati Membri taħt il-Politika Agrikola Komuni (il-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK) u ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), COM(2018) 392 final.

12 Il-Kummissjoni Ewropea, Indikaturi tal-PAK - Finanzjament tal-PAK.

13 Il-Kummissjoni Ewropea, SWD(2020) 168 final.

14 Il-Kummissjoni Ewropea, “Voluntary coupled support - Review by the Member States of their support decisions applicable as from claim year 2020”.

15 BIO by Deloitte (f’kollaborazzjoni mal-ICF u l-Università ta’ Cranfield), “Optimising water reuse in the EU – Final report prepared for the European Commission (DG ENV)”, il-Parti I.

16 Ir-Regolament (UE) 2020/741 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 2020 dwar ir-rekwiżiti minimi għall-użu mill-ġdid tal-ilma (ĠU L 177, 5.6.2020, pp. 32-55).

17 Il-Kummissjoni Ewropea, SWD(2018) 249 final/2 - 2018/0169 (COD).

18 Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Immaniġġjar Sostenibbli tal-Ilma, is-17 ta’ Ottubru 2016.

19 Ir-Rapport Speċjali Nru 04/2014 tal-QEA: “Integrazzjoni tal-objettivi tal-politika tal-UE dwar l-ilma fi ħdan il-PAK: suċċess parzjali”; ir-Rapport Speċjali Nru 23/2015 tal-QEA: “Il-kwalità tal-ilma fil-baċin tax-Xmara Danubju: sar progress fl-implimentazzjoni tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma iżda għad fadal xi jsir”; ir-Rapport Speċjali Nru 03/2016 tal-QEA: “Il-ġlieda kontra l ewtrofikazzjoni fil-Baħar Baltiku: tinħtieġ azzjoni ulterjuri u aktar effettiva”.

20 Id-Direttiva 2000/60/KE, l-Artikolu 11.3(e).

21 Id-Direttiva 2000/60/KE, l-Artikolu 9.

22 L-OECD, “Drying Wells, Rising Stakes: Towards Sustainable Agricultural Groundwater Use”.

23 Id-WWF, “Illegal water use in Spain: Causes, effects and solutions”.

24 Second river basin management plan of the Danube (2015), il-punt 2, p. 10.

25 Il-Kummissjoni Ewropea, l-Istrateġija ta’ Implimentazzjoni Komuni għad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, “Guidance document no. 1 Economics and the environment” u “Information Sheet on Assessment of the Recovery of Costs for Water Services for the 2004 River Basin Characterisation Report (Art 9)”.

26 Il-Kummissjoni Ewropea,SWD(2019) 30 final.

27 Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).

28 Ir-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma (2000/60/KE) u tad-Direttiva dwar l-Għargħar (2007/60/KE); COM(2019) 95 final.

29 Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropeatal-11 ta’ Settembru 2014 fil-Kawża C-525/12.

30 Ir-Rapport Speċjali Nru 10/2018 tal-QEA: “Skema ta’ Pagament Bażiku għall-bdiewa – qed topera tajjeb, iżda għandha impatt limitat fuq is-simplifikazzjoni, l-immirar u l-konverġenza tal-livelli ta’ għajnuna”.

31 Ir-Rapport Speċjali Nru 21/2017 tal-QEA: “Ekoloġizzazzjoni: skema aktar kumplessa ta’ appoġġ għall-introjtu, li għadha mhijiex ambjentalment effettiva”.

32 Peatlands in the EU - position paper.

33 Emendi adottati mill-Parlament Ewropew fit-23 ta’ Ottubru 2020 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli dwar l-appoġġ għall-pjanijiet strateġiċi.

34 Il-Kummissjoni Ewropea, “Voluntary coupled support - Review by the Member States of their support decisions applicable as from claim year 2020”.

35 Ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013, l-Artikolu 52.2.

36 Ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013, l-Artikolu 52.8.

37 Ir-Rapport Speċjali Nru 04/2014 tal-QEA “Integrazzjoni tal-objettivi tal-politika tal-UE dwar l-ilma fi ħdan il-PAK: suċċess parzjali”, il-paragrafi 38-48.

38 Id-DĠ AGRI u l-EEIG Alliance Environnement, “Evaluation of the impact of the CAP on water. Final report”.

39 Ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni (ĠU L 347, 20.12.2013, pp. 549-607), Dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kundizzjonalità.

40 Id-Direttiva 2000/60/KE, l-Artikolu 11.3(e).

41 Ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAERŻ) (ĠU L 347, 20.12.2003, p. 487), l-Artikolu 28.

42 Ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013, l-Artikolu 17.1(d).

43 Ir-Rapport Nru 17/2020 tal-EEA, p. 68.

44 Ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013, l-Artikolu 30.

45 Ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013, l-Artikolu 17.

46 L-OECD (2016), Mitigating Droughts and Floods in Agriculture: Policy Lessons and Approaches, OECD Studies on Water, OECD Publishing, Pariġi.

47 Ir-Rapport Nru 17/2020 tal-EEA.

48 Ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013, l-Artikolu 46.

49 Dokument ta’ Gwida. Support through the EAFRD for investments in irrigation (verżjoni: Novembru 2014).

50 COM(2018) 392 final, l-Artikolu 68.3(f).

51 F’konformità mal-Artikolu 3(4), il-paragrafu finali, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/892 tat-13 ta’ Marzu 2017 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fis-setturi tal-frott u l-ħxejjex u tal-frott u l-ħxejjex ipproċessati (ĠU L 138, 25.5.2017, pp. 57-91).

Kuntatt

IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI
12, rue Alcide De Gasperi
1615 Luxembourg
LUXEMBOURG

Tel. +352 4398-1
Mistoqsijiet: eca.europa.eu/mt/Pages/ContactForm.aspx
Sit web: eca.europa.eu
Twitter: @EUAuditors

Ħafna informazzjoni addizzjonali dwar l-Unjoni Ewropea hija disponibbli fuq l-Internet.
Jista’ jsir aċċess għaliha permezz tas-server Europa (http://europa.eu).

Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2021

PDF ISBN: 978-92-847-6696-3 ISSN: 1977-5741 doi: 10.2865/172118 QJ-AB-21-022-MT-N
HTML ISBN: 978-92-847-6694-9 ISSN: 1977-5741 doi: 10.2865/085421 QJ-AB-21-022-MT-Q

DRITTIJIET TAL-AWTUR

© L-Unjoni Ewropea, 2021.

Il-politika tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) dwar l-użu mill-ġdid hija implimentata bid-Deċiżjoni Nru 6-2019 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar il-politika tad-data miftuħa u l-użu mill-ġdid ta’ dokumenti.

Sakemm ma jkunx indikat mod ieħor (eż. f’avviżi individwali dwar id-drittijiet tal-awtur), il-kontenut tad-dokumenti tal-QEA, li huwa proprjetà tal-UE, huwa liċenzjat taħt il-liċenzja Creative Commons Attribution 4.0 International (CC BY 4.0). Dan ifisser li l-użu mill-ġdid huwa awtorizzat, dment li l-awturi jingħataw kreditu xieraq u li l-bidliet jiġu indikati. Il-persuni li jużaw mill-ġdid dan il-kontenut ma jistgħux ibiddlu s-sinifikat jew il-messaġġ oriġinali tad-dokumenti. Il-QEA ma għandhiex tkun responsabbli għal kwalunkwe konsegwenza relatata mal-użu mill-ġdid.

Għall-istampi li ġejjin, l-użu mill-ġdid huwa awtorizzat dment li jissemmew id-detentur tad-drittijiet tal-awtur, is-sors u l-isem tal-fotografi/periti (fejn indikat):

Figura 1: © L-Istitut Dinji tar-Riżorsi, Aqueduct, aċċessat fit-22/3/2021.

Figuri 5, 9, 14, 18 u 20: Ikoni magħmulin minn Pixel perfect minn fuq https://flaticon.com.

Figura 13: © Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri u l-Istitut Dinji tar-Riżorsi, Aqueduct, aċċessat fit-22/3/2021.

Figura 17:

Stampa fuq nett fuq ix-xellug © L-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni Ewropea 2021 / Xavier Lejeune.

Stampa fuq nett fuq il-lemin: © L-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni Ewropea, 2021 / Lukasz Kobus.

Stampa isfel nett fuq ix-xellug: © L-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni Ewropea 2021 / Michal Cizek.

Stampa isfel nett fuq il-lemin: © L-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni Ewropea 2021 / Pedro Rocha.

Inti meħtieġ tikseb drittijiet addizzjonali ċari jekk kontenut speċifiku juri individwi privati identifikabbli, eż. f’ritratti li jkun fihom il-membri tal-persunal tal-QEA, jew jekk ikun jinkludi xogħlijiet ta’ parti terza. Fejn ikun inkiseb permess, tali permess għandu jikkanċella u jissostitwixxi l-permess ġenerali msemmi hawn fuq u għandu jindika b’mod ċar kwalunkwe restrizzjoni dwar l-użu.

Biex tuża jew tirriproduċi kontenut li ma jkunx proprjetà tal-UE, inti jista’ jkun li jkollok titlob il-permess direttament mingħand id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur.

Software jew dokumenti li jkunu koperti mid-drittijiet ta’ proprjetà industrijali, bħal privattivi, trademarks, disinji rreġistrati, logos u ismijiet, huma esklużi mill-politika tal-QEA dwar l-użu mill-ġdid u inti ma għandekx il-liċenzja biex tużahom.

Il-familja ta’ Siti Web istituzzjonali tal-Unjoni Ewropea, fi ħdan id-dominju europa.eu, tipprovdi links għal siti ta’ partijiet terzi. Peress li l-QEA ma għandha l-ebda kontroll fuqhom, inti mħeġġeġ biex tirrieżamina l-politiki tagħhom dwar il-privatezza u dwar id-drittijiet tal-awtur.

Użu tal-logo tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri

Ma jistax isir użu mil-logo tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri mingħajr ma jinkiseb il-kunsens tagħha minn qabel.

Kif tikkuntattja lill-UE

Personalment
Madwar l-Unjoni Ewropea kollha hemm mijiet ta’ ċentri ta’ informazzjoni tal-Europe Direct. Tista’ ssib l-indirizz tal-eqreb ċentru għalik f'dan is-sit: https://europa.eu/european-union/contact_mt

Bit-telefown jew bil-posta elettronika
Europe Direct huwa servizz li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar l-Unjoni Ewropea. Tista’ tikkuntattja dan is-servizz:

  • bit-telefown bla ħlas: 00 800 6 7 8 9 10 11 (ċerti operaturi jafu jimponu ħlas għal dawn it-telefonati),
  • fuq dan in-numru standard: +32 22999696, jew
  • bil-posta elettronika permezz: https://europa.eu/european-union/contact_mt

Kif issib tagħrif dwar l-UE

Online
L-informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE hija disponibbli fuq is-sit web Europa fuq: https://europa.eu/european-union/index_mt

Pubblikazzjonijiet tal-UE
Tista’ tniżżel mill-internet jew tordna l-pubblikazzjonijiet tal-UE, li xi wħud minnhom huma bla ħlas u xi oħrajn bil-ħlas, minn: https://op.europa.eu/mt/publications. Kopji multipli ta’ pubblikazzjonijiet bla ħlas tista’ tiksibhom billi tikkuntattja lil Europe Direct jew liċ-ċentru tal-informazzjoni lokali tiegħek (ara https://europa.eu/european-union/contact_mt).

Il-liġi tal-UE u dokumenti relatati
Għal aċċess għall-informazzjoni legali tal-UE, inkluż il-liġijiet kollha tal-UE mill-1951 ’l hawn, fil-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali kollha, żur is-sit EUR-Lex hawnhekk: http://eur-lex.europa.eu

Data Miftuħa mill-UE
Il-portal tad-Data Miftuħa mill-UE (https://copenhagenizeindex.eu/) jipprovdi aċċess għal settijiet tad-data mill-UE. Id-data tista’ titniżżel mill-internet u tintuża mill-ġdid bla ħlas, kemm għal skopijiet kummerċjali kif ukoll mhux kummerċjali.