Introduzzjoni għar-Rapporti Annwali 2015 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri

SOMMARJU: Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri hija l-istituzzjoni indipendenti tal-awditjar tal-UE — il-gwardjani tal-finanzi tal-UE. Din il-pubblikazzjoni tipprovdi sommarju tas-sejbiet u l-konklużjonijiet prinċipali tar-Rapporti Annwali 2015 tal-QEA dwar il-baġit tal-UE u l-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp. Hija tkopri l-affidabbiltà tal-kontijiet, ir-regolarità tal-introjtu u tal-infiq u l-kisba ta’ riżultati mill-baġit. It-testijiet sħaħ tar-rapporti huma disponibbli fuq is-sit web www.eca.europa.eu u f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Din il-pubblikazzjoni hija disponibbli wkoll f'23 lingwa u fil-formati li ġejjin:
HTML PDF EPUB PRINT
html logo PDF General Report EPUB General Report Paper General Report

Introduzzjoni mill-President

L-awditu tal-UE fil-qosor għall-2015, jiddeskrivi s-sejbiet prinċipali tar-rapporti annwali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) dwar l-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE għall-2015 u l-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp. Aħna nipprovdu deskrizzjoni qasira tal-ġestjoni finanzjarja tal-UE matul is-sena u nagħmlu suġġerimenti dwar kif din tista’ tittejjeb. Billi nagħmlu dan, aħna nassistu lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fl-iskrutinju tagħhom tal-mod ta’ kif jintużaw il-fondi tal-UE.

Is-sena finanzjarja 2015 kienet ikkaratterizzata minn pressjoni konsiderevoli fuq il-baġit tal-UE hekk kif l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE — filwaqt li komplew jiffinanzjaw attivitajiet tal-UE li kienu għadhom għaddejjin taħt il-qafas finanzjarju pluriennali 2014-2020 — fittxew li jirrispondu għall-kriżi tar-rifuġjati u li jippromwovu investiment akbar fl-ekonomija.

L-awditu tagħna jkopri l-iskemi differenti u spiss kumplessi ta’ dħul u nfiq fil-livelli kollha tal-amministrazzjonijiet tal-UE, kif ukoll f’dawk nazzjonali u reġjonali, sal-livell tal-benefiċjarji individwali. Aħna nipprovdu dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u dwar ir-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi u naċċennaw fejn il-fondi tal-UE huma l-aktar f’riskju li jintnefqu ħażin. Aħna nirrappurtaw ukoll dwar il-qafas użat mill-Kummissjoni għall-ġestjoni tal-prestazzjoni tal-fondi tal-UE.

Bħal fi snin preċedenti, aħna nikkonkludu li l-kontijiet tal-UE għall-2015 huma affidabbli iżda li l-infiq ikompli jkun milqut minn livell materjali ta’ irregolarità (“żball”). L-istima tagħna tal-livell kumplessiv ta’ żball fl-2015 hija ta’ 3.8 %, li juri titjib fil-livell meta mqabbel ma’ snin reċenti iżda li għadu sinifikattivament ogħla mis-soll ta’ materjalità tagħna ta’ 2 %.

L-analiżi tagħna turi li l-iskemi ta’ għotjiet ibbażati fuq ir-rimborż tal-ispejjeż tal-benefiċjarji għandhom tendenza li jkollhom livelli ogħla ta’ żball mill-iskemi ta’ drittijiet. Aħna niġbdu wkoll l-attenzjoni għar-riskji għall-ġestjoni finanzjarja assoċjata mal-għoti ta’ appoġġ finanzjarju permezz ta’ self, garanziji u investimenti ta’ ekwità, direttament jew indirettament mill-baġit tal-UE.

Ir-rappurtar tagħna dwar il-ġestjoni tal-prestazzjoni tal-UE jerġa’ jenfasizza l-ħtieġa li tiġi stabbilita rabta aktar ċara bejn il-prijoritajiet politiċi ġodda tal-UE, l-objettivi strateġiċi attwali u l-attivitajiet li fil-fatt jiġu ffinanzjati mill-UE. Ir-rapport annwali ta’ din is-sena jiffoka fuq il-ġestjoni tal-prestazzjoni tal-infiq fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni.

Fl-aħħar nett, ir-rapport tagħna jipprovdi rakkomandazzjonijiet dwar kif l-iżbalji jistgħu jitnaqqsu u kif il-prestazzjoni kumplessiva tal-baġit tal-UE tista’ tittejjeb. L-analiżi ta’ nofs it-terminu, li l-Kummissjoni twettaq dwar il-pjanijiet ta’ nfiq tal-UE għall-perjodu 2014 sal-2020 issa tipprovdi opportunità biex isir progress reali lejn is-simplifikazzjoni tar-regoli tal-iskemi ta’ nfiq u lejn baġit li jkun aktar flessibbli u ffukat fuq il-kisba tar-riżultati li huma l-aktar importanti għaċ-ċittadini.

Vítor Manuel da SILVA CALDEIRA

President tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri

Riżultati kumplessivi

Sejbiet u messaġġi ewlenin

Sommarju tad-Dikjarazzjoni ta’ Assigurazzjoni 2015

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri tagħti opinjoni nadifa dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet tal-Unjoni Ewropea għall-2015.

Id-dħul għall-2015, meħud fl-intier tiegħu, huwa legali u regolari.

Il-pagamenti għall-2015 huma materjalment milquta minn żball. Għalhekk qed nagħtu opinjoni avversa dwar il-legalità u r-regolarità tagħhom.

Għat-test sħiħ tad-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tagħna, jekk jogħġbok irreferi għall-Kapitolu 1 tar-Rapport Annwali 2015.

  • Il-kontijiet tal-UE għall-2015 tħejjew skont standards internazzjonali u jippreżentaw, fl-aspetti materjali kollha, stampa vera u ġusta. Għalhekk aħna stajna, għal darb’oħra, nagħtu opinjoni nadifa dwar l-affidabbiltà tagħhom. Madankollu, aħna tajna opinjoni avversa dwar ir-regolarità tal-pagamenti.
  • Il-livell ta’ żball stmat, li jkejjel il-livell ta’ irregolarità, għal pagamenti għall-2015 huwa ta’ 3.8 %. Dan juri titjib meta mqabbel ma’ snin reċenti iżda għadu sinifikattivament ogħla mis-soll ta’ materjalità tagħna ta’ 2 %.
  • Il-mod ta’ ġestjoni għandu impatt limitat fuq il-livell ta’ żball. Aħna nkomplu nsibu kważi l-istess livell ta’ żball stmat taħt ġestjoni kondiviża mal-Istati Membri (4.0 %) u għal infiq immaniġġjat b’mod dirett mill-Kummissjoni (3.9 %). Aħna erġajna sibna l-ogħla livelli ta’ żball stmati fl-infiq taħt “Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali” (5.2 %) u għal “Kompetittività għat-tkabbir u l-impjiegi” (4.4 %). In-nefqa amministrattiva kellha l-aktar livell baxx ta’ żball stmat (0.6 %).
  • Il-profili differenti ta’ riskju tal-iskemi ta’ rimborż (fejn l-UE tirrimborża l-ispejjeż eliġibbli għall-attivitajiet eliġibbli abbażi ta’ dikjarazzjonijiet tal-ispejjeż li jsiru mill-benefiċjarji) u l-iskemi ta’ drittijiet (fejn minflok rimborż tal-ispejjeż, isiru pagamenti wara li l-kundizzjonijiet ikunu ġew issodisfati) komplew ikollhom influwenza kbira fuq il-livell ta’ żbalji fl-oqsma differenti ta’ nfiq. Ir-rimborż tal-ispejjeż huwa marbut ma’ livell ta’ żball (5.2 %) li huwa ħafna ogħla minn dak għall-infiq ibbażat fuq drittijiet (1.9 %).
  • L-azzjoni korrettiva meħuda mill-awtoritajiet fl-Istati Membri u mill-Kummissjoni kellha impatt pożittiv fuq il-livell ta’ żball stmat. Mingħajr din l-azzjoni, il-livell kumplessiv ta’ żball stmat minna kien ikun ta’ 4.3 %. Għalkemm il-Kummissjoni ħadet passi biex ittejjeb il-valutazzjoni tagħha tar-riskju u l-impatt tal-azzjonijiet korrettivi, għad hemm lok għal titjib.
  • Li kieku l-Kummissjoni, l-awtoritajiet fl-Istati Membri jew l-awdituri indipendenti għamlu użu mill-informazzjoni kollha disponibbli għalihom, kienu jkunu jistgħu jipprevienu, jew jaqbdu u jikkoreġu proporzjon sinifikanti tal-iżbalji qabel ma saru l-pagamenti relatati.
  • L-ammonti li għandhom jitħallsu fis-sena attwali u f’dawk futuri għadhom f’livell għoli ħafna. Madankollu, il-Kummissjoni ma pproduċietx previżjoni tal-flussi tal-flus li tkopri s-7 sa 10 snin li ġejjin. Previżjoni bħal din tkun tippermetti lill-partijiet interessati jantiċipaw rekwiżiti futuri ta’ pagament u prijoritajiet baġitarji futuri.
  • L-użu dejjem akbar ta’ strumenti finanzjarji, li la huma ffinanzjati direttament mill-baġit tal-UE u lanqas ma huma awditjati minna, jippreżenta riskji aktar għoljin kemm għall-obbligu ta’ rendikont kif ukoll għall-koordinazzjoni tal-politiki u l-operazzjonijiet tal-UE.
  • Sar xi progress fl-indikaturi li l-Kummissjoni tuża biex tkejjel il-prestazzjoni, iżda għad hemm nuqqasijiet. Jeħtieġ ukoll li l-objettivi ta’ ġestjoni jiġu żviluppati aħjar fil-livell tad-direttorati ġenerali tal-Kummissjoni.
  • F’Orizzont 2020, aħna sibna li għalkemm sar titjib meta mqabbel mas-Seba’ Programm Kwadru, il-Kummissjoni għadha limitata fl-abbiltà tagħha li timmonitorja u tirrapporta dwar il-prestazzjoni tal-programm. Jeħtieġ li r-rabtiet bejn l-10 prijoritajiet politiċi ġodda tal-Kummissjoni u l-qafas strateġiku ta’ Ewropa 2020/Orizzont 2020 jiġu kkjarifikati aktar. Dan in-nuqqas ta’ ċarezza jista’ jkun qed jaffettwa wkoll attivitajiet oħra tal-UE.
  • Minkejja li l-livell ta’ sensibilizzazzjoni għar-rakkomandazzjonijiet tagħna lill-Istati Membri huwa ġeneralment raġonevoli, hemm varjazzjoni kbira fil-livell ta’ segwitu formali u, b’riżultat ta’ dan, hemm biss evidenza moderata ta’ bidliet fil-politika u l-prattika nazzjonali.
It-test sħiħ tar-Rapporti Annwali 2015 tagħna dwar il-baġit tal-UE u dwar l-attivitajiet iffinanzjati mit-8, mid-9, mill-10 u mill-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp huwa disponibbli fuq is-sit web tagħna.

Min aħna

Aħna l-Qorti Ewropea tal-Awdituri, l-awditur estern tal-UE. L-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jirrikjedi li aħna nipprovdu lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati. Aħna indipendenti mill-istituzzjonijiet u mill-korpi li nawditjaw.

X’awditjajna

Il-baġit tal-UE

L-infiq baġitarju tal-UE huwa strument sinifikanti għall-ilħuq tal-objettivi ta’ politika tagħha. Kull sena aħna nawditjaw id-dħul u l-infiq tal-baġit tal-UE u nagħtu l-opinjoni tagħna dwar il-punt sa fejn il-kontijiet annwali huma affidabbli u sa fejn it-tranżazzjonijiet tal-introjtu u tal-infiq jikkonformaw mar-regoli u r-regolamenti applikabbli.

L-infiq ammonta għal total ta’ EUR 145.2 biljun fl-2015, jew madwar EUR 285 għal kull ċittadin. Dan irrappreżenta 2.1 % tal-infiq totali tal-amministrazzjonijiet pubbliċi tal-Istati Membri tal-UE.

Il-baġit tal-UE jiġi maqbul kull sena — fi ħdan il-kuntest ta’ oqfsa finanzjarji ta’ seba’ snin — mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill. Hija primarjament ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni li tiżgura li l-baġit jintnefaq sew. Kważi 80 % tal-baġit jintnefaq taħt dik li hija magħrufa bħala “ġestjoni kondiviża”, fejn l-Istati Membri individwali jiddistribwixxu l-fondi u jimmaniġġjaw l-infiq skont il-liġi tal-UE (eż. fil-każ tal-infiq fil-qasam ta’ “Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali” u l-infiq fuq “Riżorsi naturali”).

Minn fejn jiġu l-flus?

Il-baġit tal-UE huwa ffinanzjat b’diversi mezzi. L-akbar proporzjon jitħallas mill-Istati Membri bbażat fuq l-introjtu nazzjonali gross tagħhom (EUR 94.0 biljun). Sorsi oħra jinkludu pagamenti mill-Istati Membri bbażati fuq id-dazji doganali u dawk agrikoli (EUR 18.7 biljun), kif ukoll it-taxxa fuq il-valur miżjud li huma jiġbru (EUR 18.3 biljun).

Fuq xiex jintnefqu l-flus?

Il-baġit annwali tal-UE jintnefaq fuq firxa wiesgħa ta’ oqsma (ara d-Dijagramma 1). Il-pagamenti jsiru biex jappoġġaw attivitajiet varji, bħall-biedja u l-iżvilupp ta’ żoni rurali u urbani, proġetti ta’ infrastruttura tat-trasport, riċerka, taħriġ għal nies qiegħda, appoġġ għal pajjiżi li jixtiequ jissieħbu mal-UE, jew għajnuna lil pajjiżi ġirien u lil pajjiżi li qed jiżviluppaw.

Dijagramma 1

Total tal-infiq tal-UE għall-2015 (€145.2 biljun)

L-infiq tal-UE huwa kkaratterizzat minn żewġ tipi ta’ programmi ta’ nfiq li jinvolvu profili distinti ta’ riskju:

  • Programmi relatati ma’ drittijiet, bil-pagament ibbażat fuq l-issodisfar ta’ ċerti kundizzjonijiet, pereżempju fellowships għall-istudenti u għar-riċerka (taħt infiq fuq il-kompetittività), għajnuna diretta għall-bdiewa (taħt “Riżorsi naturali”), appoġġ baġitarju dirett (taħt “Ewropa Globali”), jew salarji u pensjonijiet (taħt “Amministrazzjoni”).
  • Skemi ta’ rimborż tal-ispejjeż; fejn l-UE tirrimborża l-ispejjeż eliġibbli għall-attivitajiet eliġibbli. Skemi bħal dawn jinkludu, pereżempju, proġetti ta’ riċerka (taħt infiq fuq il-kompetittività), skemi ta’ investiment fl-iżvilupp reġjonali u l-iżvilupp rurali (koperti mill-infiq taħt koeżjoni u “Riżorsi naturali”), skemi ta’ taħriġ (taħt koeżjoni) u proġetti ta’ żvilupp (taħt “Ewropa Globali”).

X’sibna

Il-kontijiet tal-UE jippreżentaw stampa vera u ġusta

Il-kontijiet tal-UE għall-2015 tħejjew skont l-istandards internazzjonali tal-kontabbiltà għas-settur pubbliku, u jippreżentaw, fl-aspetti materjali kollha, stampa vera u ġusta tar-riżultati finanzjarji tal-UE għas-sena u tal-assi u l-obbligazzjonijiet tagħha fi tmiem is-sena. Għalhekk aħna nistgħu nagħtu opinjoni nadifa dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet (“iċċertifikati minna”), kif ilna nagħmlu mill-2007 ‘l hawn.

Il-livell ta’ żball stmat għadu sinifikattivament ogħla mis-soll ta’ materjalità tagħna ta’ 2 %

Element ewlieni tax-xogħol tal-awditjar tagħna huwa l-ittestjar ta’ kampjuni ta’ tranżazzjonijiet mill-baġit kollu tal-UE biex nipprovdu stimi rigorużi u mhux preġudikati tal-punt sa fejn id-dħul u l-oqsma differenti ta’ nfiq huma milquta minn żball.

Id-Dijagramma 2 tagħti sommarju tar-riżultati għall-2015. Ikklikkja hawn għal aktar informazzjoni dwar l-approċċ tal-awditjar tagħna u l-livell ta’ żball stmat.

Dijagramma 2

Riżultati tal-ittestjar tat-tranżazzjonijiet għall-2015 għall-baġit tal-UE fl-intier tiegħu

Il-livell ta’ żball stmat huwa bbażat fuq l-iżbalji kwantifikabbli misjuba fil-kampjun statistiku ta’ tranżazzjonijiet li ttestjajna

Għall-2015, aħna nikkonkludu li d-dħul kien ħieles minn żball materjali.

Għall-baġit tal-infiq fl-intier tiegħu, il-livell ta’ żball stmat minna ta’ 3.8 % jwassalna biex nipprovdu opinjoni avversa dwar ir-regolarità tal-infiq (għal spjegazzjoni dwar “regolarità” jekk jogħġbok ikklikkja hawn).

L-ittestjar jipprovdi wkoll riżultati għal kull qasam ta’ nfiq kif ippreżentat fid-Dijagramma 3.

Dijagramma 3

Riżultati tal-ittestjar tat-tranżazzjonijiet għall-2015 għall-oqsma ta’ nfiq tal-UE

% Il-livell ta’ żball stmat huwa bbażat fuq l-iżbalji kwantifikabbli minn xogħolna, notevolment l-ittestjar ta’ kampjun ta’ tranżazzjonijiet. Aħna nużaw tekniki standard tal-istatistika biex nieħdu dan il-kampjun u biex nistmaw il-livell ta’ żball (ara l-Kapitolu 1, l-Anness 1.1 għar-Rapport Annwali 2015).

* Aħna ma nipprovdux valutazzjoni speċifika għall-infiq taħt l-Intestatura 3 tal-QFP (Sigurtà u ċittadinanza), l-Intestatura 6 tal-QFP (Kumpensi), u lanqas għal infiq ieħor (strumenti speċjali barra l-QFP 2014-2020 bħar-Riżerva ta’ Għajnuna f’Emerġenza, il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, il-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea u l-Istrument ta’ flessibbiltà). Madankollu, ix-xogħol f’dawn l-oqsma jikkontribwixxi għall-konklużjoni kumplessiva tagħna dwar l-infiq għas-sena 2015.

** Id-differenzi fl-ammonti fid-Dijagrammi 1 u 3 jirriżultaw minħabba li aħna neżaminaw tranżazzjonijiet ta’ pagamenti meta l-infiq ikun iġġarrab, ġie rreġistrat u ġie aċċettat. Pagamenti bil-quddiem jiġu eżaminati biss meta r-riċevituri ta’ fondi jiġġustifikaw l-użu tagħhom tal-flus, u l-pagament jiġi approvat jew isir rekuperabbli.

Analiżi tar-riżultati tal-awditjar

Il-livell ta’ żball stmat, li jkejjel il-livell ta’ irregolarità fit-tranżazzjonijiet, għal pagamenti fl-2015 huwa ta’ 3.8 %, li huwa inqas minn dak tal-2014 (4.4 %) u dak tal-2013 (4.5 %). Dan juri titjib meta mqabbel ma’ snin reċenti iżda għadu sinifikattivament ogħla mis-soll ta’ materjalità tagħna ta’ 2 % (ara d-Dijagramma 4). Ir-riżultati tal-awditjar huma konsistenti, b’mod ġenerali, ma’ dawk ta’ snin preċedenti.

Dijagramma 4

Livell ta’ żball stmat għall-baġit tal-UE fl-intier tiegħu (2013 sa 2015)

Noti:

Aħna nużaw tekniki standard tal-istatistika biex nistmaw il-livell ta’ żball. Aħna ninsabu 95 % fiduċjużi li l-livell ta’ żball għall-popolazzjoni jinsab fil-firxa bejn il-limiti inferjuri u superjuri tal-iżball (għal aktar dettalji, ara l-Kapitolu 1, l-Anness 1.1 tar-Rapport Annwali 2015).

Minħabba t-tibdil fil-qafas legali tal-politika agrikola komuni li sar fl-2015, aħna ma għadniex ninkludu l-kundizzjonalità fl-ittestjar tat-tranżazzjonijiet li nwettqu. Żbalji ta’ dan it-tip ittieħdu inkunsiderazzjoni fi snin preċedenti (ara l-kaxxa ta’ hawn taħt dwar l-aġġornar tal-approċċ tal-awditjar tagħna).

Aġġornar tal-approċċ tal-awditjar tagħna: esklużjoni, mill-2015, tal-iżbalji ta’ kundizzjonalità fl-Intestatura 2 tal-QFP “Riżorsi naturali”

Minħabba t-tibdil fil-qafas legali tal-politika agrikola komuni li sar fl-2015, aħna ma għadniex ninkludu l-kundizzjonalità fl-ittestjar tat-tranżazzjonijiet li nwettqu. Fl-2014, żbalji ta’ dan it-tip ikkontribwew 0.6 punti perċentwali għal-livell kumplessiv ta’ żball stmat għall-Intestatura 2 tal-QFP “Riżorsi naturali”. Matul il-perjodu 2011-2014, il-kontribut annwali tagħhom għal-livell kumplessiv ta’ żball stmat kien bejn 0.1 u 0.2 punti perċentwali.

Żbalji, ħela u frodi

L-istima tagħna tal-livell ta’ żball fil-baġit tal-UE mhijiex kejl ta’ frodi, ineffiċjenza jew ħela. Hija stima tal-flus li ma kellhomx jitħallsu minħabba li ma ntużawx skont ir-regoli u r-regolamenti applikabbli. Żbalji tipiċi jinkludu pagamenti għal infiq li kien ineliġibbli jew għal xiri mingħajr l-applikazzjoni xierqa tar-regoli tal-akkwist pubbliku.

Il-frodi hija att ta’ qerq deliberat biex jinkiseb benefiċċju. Aħna nirrappurtaw il-każijiet ta’ frodi suspettata li jkunu nqabdu matul ix-xogħol tal-awditjar tagħna lill-OLAF, l-uffiċċju tal-Unjoni Ewropea kontra l-frodi, li jinvestiga u jagħmel segwitu kif meħtieġ f’kooperazzjoni mal-awtoritajiet fl-Istati Membri. Minn madwar 1 200 tranżazzjoni li aħna vvalutajna għal-legalità u r-regolarità matul l-awditu għall-2015, sibna 12-il każ ta’ frodi suspettata (2014: 22) li għaddejna lill-OLAF. Il-każijiet l-aktar frekwenti ta’ frodi suspettata kienu jikkonċernaw kunflitti ta’ interess, u l-ħolqien artifiċjali ta’ kundizzjonijiet għall-akkwist ta’ sussidju, segwiti minn dikjarazzjoni ta’ spejjeż li ma jissodisfawx il-kriterji ta’ eliġibbiltà. Matul is-sena, aħna nidentifikaw ukoll każijiet ta’ frodi suspettata fix-xogħol tagħna li mhumiex relatati mad-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni.

Id-Dijagramma 5 tqabbel il-livelli ta’ żball stmati bejn l-2014 u l-2015, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-intestaturi għad-diversi oqsma ta’ nfiq tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP). Kien hemm tnaqqis notevoli fil-livell ta’ żball stmat għal “Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali”; “Kompetittività għat-tkabbir u l-impjiegi” u “Riżorsi naturali”. Għal “Ewropa Globali” u “Amministrazzjoni” ġew innutati livelli kemxejn ogħla minn dawk fl-2014. In-nefqa amministrattiva kellha l-aktar livell baxx ta’ żball stmat (0.6 %) u kienet ħielsa minn żball materjali.

Dijagramma 5

Tqabbil bejn il-livelli ta’ żball stmati għall-oqsma ta’ nfiq tal-UE (2014-2015)

% Il-livell ta’ żball stmat huwa bbażat fuq l-iżbalji kwantifikabbli minn xogħolna, notevolment l-ittestjar ta’ kampjun ta’ tranżazzjonijiet. Aħna nużaw tekniki standard tal-istatistika biex nieħdu dan il-kampjun u biex nistmaw il-livell ta’ żball (ara l-Kapitolu 1, l-Anness 1.1 għar-Rapport Annwali 2015).

* Minħabba t-tibdil fil-qafas legali tal-politika agrikola komuni li sar fl-2015, aħna ma għadniex ninkludu l-kundizzjonalità fl-ittestjar tat-tranżazzjonijiet li nwettqu. Fl-2014, żbalji ta’ dan it-tip ikkontribwew 0.6 punti perċentwali għal-livell kumplessiv ta’ żball stmat għall-Intestatura 2 tal-QFP (3.6%).

Fid-Dijagramma 6 aħna nanalizzaw il-kontribut ta’ oqsma speċifiċi ta’ nfiq, skont l-intestatura tal-QFP, għal-livell kumplessiv ta’ żball stmat. L-infiq għal “Politika ta’ koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali” huwa t-tieni l-akbar fil-baġit tal-UE u għandu l-ogħla livell ta’ żball stmat. Dan jagħmlu l-akbar kontributur għal-livell kumplessiv ta’ żball stmat (nofs it-total). Kważi l-infiq kollu huwa fil-forma ta’ rimborż tal-ispejjeż. Infiq ineliġibbli fid-dikjarazzjonijiet tal-ispejjeż tal-benefiċjarji, u l-għażla ta’ proġetti, attivitajiet jew benefiċjarji ineliġibbli jikkontribwixxu għal tliet kwarti tal-livell ta’ żball stmat għall-2015 għal dan il-qasam ta’ nfiq. Żbalji dovuti għall-ksur tar-regoli tal-akkwist pubbliku jirrappreżentaw parti waħda minn kull sebgħa.

Dijagramma 6

Ripartizzjoni tal-livell kumplessiv ta’ żball stmat skont il-qasam ta’ nfiq u t-tip ta’ żball (2015)

% Porzjon tal-livell kumplessiv ta’ żball stmat, espress f’punti perċentwali.

“Riżorsi naturali” għandu l-akbar sehem mill-baġit tal-UE u jikkontribwixxi wkoll b’mod sinifikanti għal-livell kumplessiv ta’ żball stmat minħabba li għandu livell għoli ta’ żball stmat għall-2015 (kważi terz tat-total). Dikjarazzjonijiet eċċessivi ta’ erjas agrikoli kienu l-ogħla kontributur għal-livell ta’ żball stmat f’dan il-qasam ta’ nfiq (aktar minn nofs). Żbalji relatati ma’ benefiċjarji, attivitajiet jew infiq ineliġibbli kkontribwew għal parti waħda minn kull ħamsa. Il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) jirrappreżenta aktar minn tliet kwarti tal-infiq taħt “Riżorsi naturali” iżda huwa sinifikattivament inqas milqut minn żball (2.2 %) milli hu l-iżvilupp rurali (5.3 %). Dan tal-aħħar huwa kkaratterizzat minn livelli ogħla ta’ żball fl-infiq ta’ investiment, fejn negozji agrikoli jiġu sussidjati fuq il-bażi ta’ rimborż tal-infiq eliġibbli.

Il-livell ta’ żball stmat fl-infiq fuq “Kompetittività għat-tkabbir u l-impjiegi” jibqa’ relattivament ogħla milli f’oqsma oħra ta’ nfiq. Ħafna mill-infiq isir fuq bażi ta’ rimborż tal-ispejjeż u l-biċċa l-kbira mill-iżbalji kienu relatati mar-rimborż ta’ spejjeż għall-persunal jew spejjeż indiretti li kienu ineliġibbli u li ġew iddikjarati mill-benefiċjarji. Għal “Ewropa Golbali”, l-aċċettazzjoni mill-Kummissjoni ta’ pagamenti għal xogħlijiet, servizzi jew provvisti li ma kinux twasslu, flimkien ma’ spejjeż ineliġibbli li ġew rimborżati mill-Kummissjoni, jirrappreżentaw żewġ terzi tal-livell totali ta’ żball stmat.

L-infiq li ma ssodisfax il-kundizzjonijiet meħtieġa biex jiġi ddebitat għal proġetti ffinanzjati mill-UE jkompli jagħmel l-akbar kontribut għal-livell kumplessiv ta’ żball stmat (spejjeż ineliġibbli inklużi fil-klejms għall-ispejjeż: 42 % tal-livell kumplessiv ta’ żball stmat). Żewġ kontributuri prinċipali oħra għal-livell ta’ żball stmat kienu dikjarazzjonijiet skorretti ta’ erja mill-bdiewa (19 %) u proġetti / attivitajiet jew benefiċjarji ineliġibbli (16 %). Żbalji serji fl-akkwist pubbliku (11 %) ikkontribwew konsiderevolment inqas meta mqabbla mal-2014 (ara d-Dijagramma 7).

Dijagramma 7

Tqabbil tat-tipi ta’ żbalji u l-kontribut tagħhom għal-livell kumplessiv ta’ żball stmat (2014 u 2015)

% Porzjon tal-livell kumplessiv ta’ żball stmat, espress f’punti perċentwali.

* Minħabba t-tibdil fil-qafas legali tal-politika agrikola komuni li sar fl-2015, aħna ma għadniex ninkludu l-kundizzjonalità fl-ittestjar tat-tranżazzjonijiet li nwettqu.

L-infiq ibbażat fuq rimborż kien dak l-aktar milqut minn żball

Il-kalkolu korrett ta’ pagamenti li jsiru lir-riċevituri tal-finanzjament spiss jiddependi fuq l-informazzjoni li tiġi pprovduta mir-riċevituri nfushom. Dan huwa speċjalment sinifikanti fil-qasam ta’ attivitajiet ta’ rimborż.

L-infiq tal-UE skont it-tip ta’ nfiq tal-programm jinkludi l-iżbalji li ġejjin:

  • Għall-infiq ibbażat fuq rimborż, il-livell ta’ żball stmat huwa ta’ 5.2 % (2014: 5.5 %). Żbalji tipiċi f’dan il-qasam jinkludu spejjeż ineliġibbli fil-klejms għall-ispejjeż, proġetti, attivitajiet u benefiċjarji ineliġibbli, u ksur serju tar-regoli tal-akkwist pubbliku.
  • Għal programmi relatati ma’ drittijiet, il-livell ta’ żball stmat huwa ta’ 1.9 % (2014: 2.7 %), bi żbalji tipiċi li jinkludu dikjarazzjonijiet eċċessivi żgħar ta’ erjas agrikoli mill-bdiewa.

Id-Dijagramma 8, ibbażata fuq l-ittestjar tal-awditjar li wettaqna fuq l-infiq tal-UE matul dawn l-aħħar sentejn, turi biċ-ċar li aktar ma tkun kumplessa l-informazzjoni meħtieġa mingħand il-benefiċjarji, aktar ikun għoli r-riskju ta’ żball.

Dijagramma 8

Ir-relazzjoni bejn il-bażi għal pagament u l-livell ta’ żball stmat fit-tranżazzjonijiet tal-UE (2014-2015)

1 Ir-rimborż għal “Ewropa Globali” jinkludi proġetti b’multidonaturi li, fil-prattika, għandhom ħafna mill-attributi ta’ nfiq ibbażat fuq drittijiet u huma milquta minn livelli aktar baxxi ta’ żball.

Il-mod ta’ ġestjoni għandu impatt limitat fuq il-livell ta’ żball

Fl-2015, bħal fis-sena preċedenti, aħna nkomplu nsibu kważi l-istess livell ta’ żball stmat għall-infiq taħt ġestjoni kondiviża mal-Istati Membri (4.0 % fl-2015 u 4.6 % fl-2014) u għall-infiq immaniġġjat b’mod dirett mill-Kummissjoni (3.9 % fl-2015 u 4.6 % fl-2014).

Huma pjuttost il-profili differenti ta’ riskju tal-iskemi ta’ rimborż u ta’ drittijiet, aktar milli l-modi ta’ ġestjoni, li jinfluwenzaw il-livell ta’ żball fl-oqsma differenti ta’ nfiq (ara d-Dijagramma 9). Il-livell ta’ żball stmat juri li hemm relazzjoni ferm aktar b’saħħitha mal-bażi għal pagament milli mal-mod ta’ ġestjoni. L-ogħla livelli ta’ żball matul dawn l-aħħar sentejn kienu f’”Kompetittività għat-tkabbir u l-impjiegi” (immaniġġjat b’mod dirett mill-Kummissjoni u b’mod indirett permezz ta’ entitajiet fdati) u f’”Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali” (taħt ġestjoni kondiviża). L-iskemi ta’ rimborż jiddominaw l-infiq f’dawn iż-żewġ oqsma.

Dijagramma 9

Livell medju ta’ żball stmat, skont il-mod ta’ ġestjoni u skont il-bażi għal pagament (2014-2015)

Spjegazzjoni:

Il-graffs jippreżentaw l-istess ammont ta’ nfiq.

• Fil-graff ta’ fuq, l-infiq huwa maqsum fuq il-bażi tal-mod ta’ ġestjoni, u dan juri li l-maġġoranza l-kbira tal-infiq operazzjonali jsir taħt ġestjoni kondiviża.

• Il-graff ta’ taħt tippreżenta l-infiq maqsum skont il-bażi għal pagament u turi li l-infiq ibbażat fuq rimborż huwa sinifikattivament akbar mill-infiq ibbażat fuq drittijiet.

• Il-pożizzjoni tal-iżbarri tindika l-livell ta’ żball stmat f’kull każ. Dan juri l-impatt limitat tal-mod ta’ ġestjoni u l-impatt sinifikanti tal-bażi għal pagament.

L-azzjoni korrettiva kellha impatt fuq il-livell ta’ żball stmat

L-Istati Membri u l-Kummissjoni japplikaw miżuri korrettivi f’każijiet ta’ nfiq irregolari u meta żbalji fil-pagamenti ma jkunux inqabdu aktar kmieni fil-proċess. Il-mekkaniżmi applikati għat-teħid u r-reġistrazzjoni ta’ azzjoni korrettiva huma kumplessi. Aħna nfittxu li nieħdu kont ta’ dawn il-miżuri fir-riżultati tal-awditi tagħna meta jsiru qabel il-pagament jew qabel l-eżaminar tagħna. Aħna nivverifikaw l-applikazzjoni tal-korrezzjonijiet (eż. rkupri mingħand il-benefiċjarji u korrezzjonijiet fil-livell tal-proġetti) u naġġustaw il-kwantifikazzjoni ta’ żball kull meta dan ikun xieraq. Filwaqt li aħna nieħdu nota tal-korrezzjonijiet li jkunu saru wara n-notifika tal-awditi tagħna, ma nassumux li azzjoni korrettiva stimulata minn xogħolna hija rappreżentattiva tal-popolazzjoni fl-intier tagħha.

Fl-2015, li kieku ma ġewx applikati miżuri korrettivi bħal dawn għall-pagamenti li aħna awditjajna, il-livell kumplessiv ta’ żball stmat minna kien ikun ta’ 4.3 % minflok 3.8 %.

Madankollu, aħna sibna wkoll li għal xi tranżazzjonijiet milquta minn żball, li kieku l-Kummissjoni, l-awtoritajiet fl-Istati Membri jew l-awdituri indipendenti għamlu użu mill-informazzjoni kollha disponibbli għalihom, kienu jkunu jistgħu jipprevienu, jew jaqbdu u jikkoreġu l-iżbalji qabel ma jsiru l-iżbalji relatati. Ibbażat fuq tranżazzjonijiet fi ħdan il-kampjuni tagħna, dan kellu l-potenzjal li jnaqqas il-livelli ta’ żball stmati kemm għall-infiq taħt ġestjoni kondiviża kif ukoll għall-infiq immaniġġjat b’mod dirett mill-Kummissjoni.

Pereżempju, l-użu tal-informazzjoni kollha disponibbli seta’ jnaqqas il-livell ta’ żball b’total ta’ 3.2 punti perċentwali għall-infiq taħt żvilupp rurali, ambjent, azzjoni klimatika u sajd (5.3 %), bi 3.0 punti perċentwali għall-infiq taħt “Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali” (5.2 %); u b’0.9 punti perċentwali għall-infiq taħt l-agrikoltura — il-FAEG (2.2 %). Għall-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp (FEŻ), li l-biċċa l-kbira minnhom huma mmaniġġjati b’mod dirett mill-Kummissjoni, il-livell ta’ żball stmat (3.8 %) seta’ jitnaqqas b’1.7 punti perċentwali.

Lok għal aktar titjib fil-valutazzjoni li l-Kummissjoni twettaq tal-ammonti f’riskju u tal-impatt tal-azzjonijiet korrettivi

Kull direttorat ġenerali tal-Kummissjoni jipproduċi rapport annwali tal-attività. Huma jagħtu rendikont tal-ilħuq tal-objettivi ewlenin ta’ politika (diskussi hawn taħt) u jipprovdu rapport dwar il-ġestjoni mid-direttur ġenerali lill-Kummissarji. Fl-2015, il-Kummissjoni ssimplifikat l-istruttura tar-rapporti annwali tal-attività u tat aktar flessibbiltà lid-diretturi ġenerali dwar kif jirrappurtaw.

L-analiżi li wettaqna tal-istima li saret mill-Kummissjoni tal-livell ta’ żball (“ammont f’riskju”) indikat li ttieħdu passi ulterjuri biex tittejjeb il-kwantifikazzjoni tagħha tal-ammonti f’riskju u tal-kapaċità korrettiva. Madankollu, għad hemm lok għal titjib fil-valutazzjoni li l-Kummissjoni twettaq ta’ dawn iż-żewġ kwistjonijiet.

Tixtieq tkun taf aktar? Tista’ ssib informazzjoni dettaljata dwar is-sejbiet prinċipali fil-Kapitolu 1 tar-Rapport Annwali 2015 dwar il-baġit tal-UE.

L-ammonti li għandhom jitħallsu fis-sena attwali u f’dawk futuri laħqu livell għoli

Il-baġit għal pagamenti fl-2015 kien it-tieni ogħla li qatt kien. Barra minn hekk, għat-tielet sena suċċessiva, il-livell finali tal-pagamenti (EUR 145.2 biljun) kien ogħla mil-livell issettjat fil-baġit oriġinali (EUR 141.3 biljun). Dan twettaq permezz ta’ tmien baġits emendatorji matul is-sena.

Aktar minn tliet kwarti tal-infiq operazzjonali kien jikkonċerna skemi li joperaw taħt ir-regoli tal-QFP preċedenti. Dawn jinkludu sussidji lill-bdiewa għall-2014, ir-rimborż ta’ klejms għal proġetti ta’ koeżjoni għall-programmi operazzjonali tal-perjodu 2007-2013, u pagamenti għal proġetti tar-riċerka taħt is-Seba’ Programm Kwadru li beda fl-2007.

X’inhuma impenji u pagamenti?

Il-baġit tal-UE għandu żewġ komponenti: impenji (li jirrappreżentaw ammonti li għandhom jitħallsu fis-sena attwali jew f’dawk futuri) u pagamenti (li jkopru pagamenti ta’ fondi fis-sena attwali). Pagamenti jistgħu jsiru biss jekk ikun hemm impenn validu. Il-limiti massimi annwali għall-impenji u għall-pagamenti huma stabbiliti fl-oqfsa finanzjarji pluriennali maqbula mill-Parlament u mill-Kunsill.

Il-livell ta’ impenji fl-2015 kien ogħla milli qatt kien fis-snin preċedenti u kemmkemm fi ħdan il-limitu kumplessiv (97.7 % tal-ammont disponibbli). Id-dewmien kontinwat u fit-tul bejn l-impenji inizjali u l-approvazzjonijiet finali tal-infiq ifisser li x-xejriet fl-infiq idumu biex jirrispondu għall-bidliet fil-prijoritajiet baġitarji, u dan iżid ir-riskju li xi dokumentazzjoni ma tkunx disponibbli fl-għeluq. Aħna nirrakkomandaw li l-Kummissjoni tieħu miżuri biex tnaqqas l-impenji pendenti, inkluż permezz ta’ proċedura ta’ diżimpenn aċċellerata; għeluq aktar rapidu tal-programmi 2007-2013; użu aktar wiesa’ ta’ korrezzjoni netta fl-infiq fuq il-koeżjoni; tnaqqis tal-likwidità li tinżamm mill-fiduċjarji; u l-kompilazzjoni ta’ pjanijiet u previżjonijiet ta’ pagament f’dawk l-oqsma fejn l-impenji pendenti u obbligi oħra huma sinifikanti.

Id-dewmien fl-użu tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment  (FSIE) 2007-2013 huwa sinifikanti. Sa tmiem l-2015, 10 % tal-ammont totali ta’ EUR 446.2 biljun li ġie allokat għall-programmi operazzjonali approvati kollha kienu għadhom pendenti. Aħna nosservaw li ħames Stati Membri (ir-Repubblika Ċeka, Spanja, l-Italja, il-Polonja u r-Rumanija) jirrappreżentaw aktar minn nofs l-impenji mhux użati tal-FSIE li ma wasslux għal pagament.

Dan id-dewmien fl-użu ta’ fondi jista’ jkun ta’ sfida sinifikanti għal xi Stati Membri. Sabiex jużaw il-fondi kollha disponibbli għal dan il-perjodu, jeħtieġ li l-awtoritajiet jippreżentaw klejms validi li jkunu daqs it-total tal-impenji pendenti kollha, flimkien mal-kofinanzjament nazzjonali meħtieġ u l-ammont ta’ prefinanzjament li jkun diġà ġie pprovdut mill-baġit. F’xi Stati Membri l-kontribuzzjoni mill-UE li ma ġietx ikklejmjata, flimkien mal-kofinanzjament meħtieġ, taqbeż il-15 % tal-infiq totali tal-amministrazzjoni pubblika. Aħna nirrakkomandaw li, fil-ġestjoni baġitarja u finanzjarja tagħha, il-Kummissjoni tqis ir-restrizzjonijiet ta’ kapaċità f’ċerti Stati Membri, sabiex tiżgura li l-fondi jintużaw b’mod effettiv.

Kif irrappurtajna fi snin preċedenti, il-Kummissjoni ma tħejjix u ma taġġornax ta’ kull sena previżjoni tal-flussi tal-flus, fuq medda ta’ minn 7 sa 10 snin, li tkopri elementi ewlenin bħal limiti baġitarji massimi, ħtiġijiet ta’ pagament, restrizzjonijiet ta’ kapaċità u l-kanċellazzjoni potenzjali ta’ impenji. Previżjoni bħal din tkun tippermetti lill-partijiet interessati jantiċipaw rekwiżiti futuri ta’ pagament u prijoritajiet baġitarji futuri.

L-użu dejjem akbar ta’ strumenti finanzjarji jippreżenta riskji aktar għoljin

Bosta mekkaniżmi finanzjarji li jappoġġaw il-politiki tal-UE ma jiġux iffinanzjati direttament mill-baġit tal-UE u lanqas ma jiġu rreġistrati fil-karta tal-bilanċ tal-UE. Dawn jinkludu l-Faċilità Ewropea ta’ Stabbiltà Finanzjarja, il-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà, il-Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u l-Bank Ewropew tal-Investiment kif ukoll il-Fond Ewropew tal-Investiment li huwa marbut miegħu. Għal xi wħud minn dawn, aħna ma aħniex l-awdituri inkarigati. L-użu dejjem akbar ta’ strumenti finanzjarji bħal dawn jippreżenta riskji aktar għoljin kemm għall-obbligu ta’ rendikont kif ukoll għall-koordinazzjoni tal-politiki u l-operazzjonijiet tal-UE.

Mekkaniżmi oħra, bħall-faċilitajiet ta’ finanzjament ikkombinat u l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS), jiġu rreġistrati parzjalment biss fil-karta tal-bilanċ tal-UE. Wieħed mill-mekkaniżmi li aħna nawditjaw separatament huwa l-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp (ikklikkja hawn biex tara l-osservazzjonijiet tagħna).

Barra minn hekk, aħna nnutajna żieda fl-istrumenti finanzjarji taħt ġestjoni indiretta għall-perjodu 2014-2020. Dawn l-istrumenti prinċipalment jikkonsistu f’selfiet, fi strumenti ta’ ekwità, f’garanziji, u fi strumenti ta’ qsim tar-riskju. Il-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) immaniġġja kważi l-istrumenti finanzjarji kollha taħt ġestjoni indiretta. Ammonti dejjem akbar qed jinżammu f’dawn l-istrumenti.

Taħt ġestjoni kondiviża, l-ammonti mhux użati ta’ strumenti finanzjarji jibqgħu relattivament għoljin, u 80 % minnhom kienu kkonċentrati f’ħames Stati Membri (li minnhom l-Italja kkostitwiet 45 % tat-total).

It-tnedija tal-FEIS affettwat id-dewmien fit-tnedija tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa. Il-FEIS se jkollu wkoll impatt fuq l-użu li jsir minn xi wħud mill-istrumenti finanzjarji l-oħra. Aħna nirrakkomandaw li l-Kummissjoni tivvaluta dawn il-fatturi.

Tixtieq tkun taf aktar? Tista’ ssib informazzjoni dettaljata dwar is-sejbiet prinċipali li jirrigwardaw il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja, fil-Kapitolu 2 tar-Rapport Annwali 2015 dwar il-baġit tal-UE.

Il-fokus fuq il-prestazzjoni għandu jiżdied

Flus l-UE għandhom jintnefqu f’konformità mal-prinċipji ta’ ġestjoni finanzjarja tajba: ekonomija, effiċjenza u effettività. Il-kisba ta’ prestazzjoni tajba tinvolvi inputs (il-mezzi finanzjarji, umani, materjali, organizzazzjonali jew regolatorji meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-programm), outputs (ir-riżultati tanġibbli tal-programm), riżultati (l-effetti immedjati tal-programm fuq destinatarji jew riċevituri diretti) u impatti (il-bidliet fit-tul fis-soċjetà li jistgħu jiġu attribwiti, għall-inqas parzjalment, għall-azzjoni tal-UE).

Aħna nivvalutaw b’mod regolari dawn l-attributi permezz tal-awditi tal-prestazzjoni tagħna. Aħna ninkludu wkoll kapitolu fir-rapport annwali tagħna li jivvaluta sistemi differenti stabbiliti mill-Kummissjoni sabiex jiġi żgurat li l-fondi tal-UE jintnefqu sew, u mhux biss f’konformità mal-leġiżlazzjoni rilevanti. Dan il-kapitolu jqis ukoll kemm ir-rakkomandazzjonijiet tal-QEA jiġu segwiti tajjeb, u jħares lejn xi wħud mill-messaġġi ewlenin tal-awditi tal-prestazzjoni tagħna matul is-sena inkwistjoni. Għal dan ir-rapport annwali, il-kapitolu jagħti ħarsa b’mod speċjali lejn is-sistemi ta’ ġestjoni tal-prestazzjoni għal Orizzont 2020, u jibni fuq l-analiżi ta’ Ewropa 2020 li saret is-sena li għaddiet.

Orizzont 2020 għandu baġit ta’ madwar EUR 75 biljun għall-perjodu 2014-2020. Huwa jappoġġa l-istrateġija Ewropa 2020 u l-objettiv tal-UE li toħloq Żona Ewropea tar-Riċerka. Huwa jlaqqa’ flimkien għall-ewwel darba programmi ta’ nfiq għar-riċerka u l-innovazzjoni, li qabel kienu separati. Il-finanzjament jiġi pprovdut prinċipalment fil-forma ta’ għotjiet, għalkemm hemm ukoll aċċess għal forom oħra ta’ finanzjament, bħal strumenti finanzjarji.

Diffikultà fit-traċċar tal-kontribut ta’ Orizzont 2020 għal Ewropa 2020

Orizzont 2020 huwa programm ambizzjuż u estensiv. L-objettiv ġenerali tiegħu huwa bbażat fuq tliet prijoritajiet: xjenza eċċellenti, tmexxija industrijali, u sfidi tas-soċjetà. Hemm rabtiet ta’ livell għoli bejn Ewropa 2020 u Orizzont 2020. Tnejn mit-tliet indikaturi prinċipali għal Orizzont 2020 ikejlu wkoll il-progress li sar fir-rigward ta’ Ewropa 2020. Madankollu, dawn l-indikaturi huma ta’ użu limitat fit-traċċar tal-kontribut ta’ Orizzont 2020 għal Ewropa 2020.

Żewġ settijiet ta’ prijoritajiet politiċi għal Orizzont 2020 li jikkoinċidu f’xi partijiet, iżda li huma differenti

Il-Kummissjoni Ewropea adottat 10 prijoritajiet politiċi għall-2014-2019. Dawn il-prijoritajiet mhumiex eżattament l-istess bħall-prijoritajiet ta’ Ewropa 2020. Din mhijiex problema, peress li huwa normali li l-prijoritajiet strateġiċi jinbidlu, hekk kif iċ-ċirkustanzi jinbidlu, u li l-prijoritajiet tal-Kummissjoni ma jkunux eżattament l-istess bħal dawk tal-UE fl-intier tagħha. Madankollu, kif osserva s-servizz tal-awditjar intern tal-Kummissjoni, u kif issa osservat ukoll il-QEA, il-Kummissjoni għadha ma identifikatx ir-relazzjoni bejn iż-żewġ settijiet ta’ prijoritajiet, u jenħtieġ li dawn ir-rabtiet issa jiġu kkjarifikati — il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni tagħna dwar dan il-punt.

Kumplementarjetà parzjali bejn il-programmi ta’ riċerka nazzjonali u dawk Ewropej

Fattur ewlieni ta’ suċċess għal Orizzont 2020 huwa s-sinerġija u l-kumplementarjetà effettivi bejn il-programmi ta’ riċerka u innovazzjoni nazzjonali u dawk Ewropej. L-istituzzjonijiet supremi tal-awditjar tal-Bulgarija u tal-Portugall sabu li, filwaqt li kien hemm oqsma ta’ kumplementarjetà fil-pajjiżi tagħhom, kien hemm ukoll xi limitazzjonijiet fil-livell nazzjonali.

Il-mekkanika ta’ Orizzont 2020 ma tixprunax fokus fuq il-prestazzjoni b’mod konsistenti

Il-qafas legali ta’ Orizzont 2020 jintroduċi bosta elementi importanti għall-ġestjoni tal-prestazzjoni, bħal objettivi u indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni. B’mod ġenerali, l-objettivi u l-indikaturi li ġew maqbula tabilħaqq jirrappreżentaw titjib reali fuq il-programmi qafas preċedenti. Madankollu, għad fadal għadd ta’ dgħufijiet fl-indikaturi tal-prestazzjoni li jintużaw f’Orizzont 2020, bħal fir-rigward tal-bilanċ ta’ indikaturi li jkejlu biss inputs jew outputs u mhux riżultati u impatt; in-nuqqas ta’ linji bażi jew nuqqas ta’ ambizzjoni fil-miri.

Il-leġiżlazzjoni dwar Orizzont 2020 tirrikjedi li l-programmi ta’ ħidma jistipulaw l-objettivi li jkunu qed jiġu segwiti u r-riżultati mistennija. B’dan il-mod, objettivi ta’ livell għoli li huma ddefiniti fil-leġiżlazzjoni jistgħu jiġu kkonkretizzati f’objettivi ta’ livell aktar baxx li jkunu utli għall-ġestjoni tal-prestazzjoni. Madankollu, aħna sibna li l-Kummissjoni mhijiex qed tuża l-programmi ta’ ħidma tagħha taħt Orizzont 2020, u s-sejħiet assoċjati, biex iżżid il-fokus immirat fuq il-prestazzjoni, li huwa meħtieġ.

Għall-proposti u l-ftehimiet ta’ għotja li eżaminajna, aħna sibna li kien hemm biżżejjed enfasi fuq il-prestazzjoni fl-objettivi, meta dan huwa meħtieġ mill-Kummissjoni. L-istess japplika għall-proċess ta’ evalwazzjoni ta’ dawn il-proposti. Il-ftehimiet ta’ għotja jirrikjedu li l-benefiċjarji jirrappurtaw informazzjoni għall-aggregazzjoni tal-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni, ta’ Orizzont 2020. Madankollu, l-użu tal-kunċett usa’ ta’ “impatt mistenni” aktar milli dak ta’ “riżultat mistenni” jżid ir-riskju li l-informazzjoni pprovduta għal din il-parti tkun wiesgħa wisq u li jkun diffiċli biex il-valutazzjoni tal-prestazzjoni ta’ Orizzont 2020 tiġi aggregata.

Il-Kummissjoni mhux dejjem tuża kunċetti ewlenin tal-prestazzjoni (eż. “output”, “riżultati” u “impatt”) b’mod konsistenti. Għalkemm l-istituzzjoni ddefiniet kif jenħtieġ li dawn it-termini jintużaw normalment, hija mhux dejjem tirrispetta dawn id-definizzjonijiet.

Il-Kummissjoni hija limitata fl-abbiltà tagħha li timmonitorja u tirrapporta dwar il-prestazzjoni ta’ Orizzont 2020

Aħna sibna li l-istruttura attwali ma tippermettix li l-Kummissjoni timmonitorja u tirrapporta separatament dwar l-infiq u l-prestazzjoni tar-riċerka u l-iżvilupp (R&Ż) u l-innovazzjoni fi ħdan Orizzont 2020. Barra minn hekk, filwaqt li l-kontribuzzjoni finanzjarja ta’ Orizzont 2020 fi ħdan Ewropa 2020 hija stabbilita tajjeb fil-proċess baġitarju permezz tad-dikjarazzjonijiet ippubblikati tal-programmi, il-Kummissjoni għadha ma rrappurtatx dwar l-implimentazzjoni ta’ Orizzont 2020 u dwar il-kontribut tiegħu għal Ewropa 2020 b’mod sinifikattiv.

Objettivi li mhumiex adatti għal finijiet ta’ ġestjoni ġew osservati wkoll fil-livell tad-direttorati ġenerali

Bħala tema separata tal-kapitolu tagħna, aħna analizzajna l-pjanijiet ta’ ġestjoni u r-rapporti annwali tal-attività ta’ erba’ direttorati ġenerali responsabbli għall-infiq taħt “Riżorsi naturali”. Aħna osservajna li ħafna mill-objettivi li ntużaw fil-pjanijiet ta’ ġestjoni u fir-rapporti annwali tal-attività kienu ttieħdu direttament minn dokumenti ta’ politika jew minn dokumenti leġiżlattivi, u ma kellhomx il-livell ta’ dettall meħtieġ għal finijiet ta’ ġestjoni u monitoraġġ.

Aħna nagħmlu tliet rakkomandazzjonijiet dwar kwistjonijiet relatati mal-prestazzjoni, li l-Kummissjoni aċċettat

Aħna nirrakkomandaw li l-Kummissjoni:

  • tivvaluta l-prestazzjoni tal-programmi ta’ ħidma u tas-sejħiet, billi tikkonkretizza objettivi ta’ livell għoli stipulati fil-leġiżlazzjoni dwar Orizzont 2020 f’objettivi operazzjonali fil-livell tal-programmi ta’ ħidma;
  • tikkjarifika aktar ir-rabtiet bejn l-istrateġija Ewropa 2020 (2010-2020), il-qafas finanzjarju pluriennali (2014-2020), u l-prijoritajiet tal-Kummissjoni (2015-2019). Il-proċess ta’ ppjanar strateġiku (2016-2020) jista’ jipprovdi din l-opportunità;
  • tiżgura użu konsistenti tat-termini “input”, “output”, “riżultat”, u “impatt”, f’konformità mal-linji gwida tagħha għal regolamentazzjoni aħjar.

Kwistjonijiet li jaffettwaw l-aħjar valur għall-flus u r-riżultati fl-UE

Fl-2015, aħna ppubblikajna 25 rapport speċjali li jkopru firxa wiesgħa ta’ suġġetti tal-awditjar tal-prestazzjoni u li jivvalutaw jekk l-intervent tal-UE kienx immaniġġjat skont il-prinċipji ta’ ġestjoni finanzjarja tajba (ekonomija, effiċjenza u effettività). Ikklikkja hawn għal lista sħiħa ta’ dawn ir-rapporti.

Segwitu tar-rakkomandazzjonijiet fir-rapporti speċjali

Din is-sena, aħna investigajna kemm l-awtoritajiet tal-Istati Membri huma konxji mir-rakkomandazzjonijiet li nagħmlu fir-rapporti speċjali tagħna u kemm kapaċi jwettqu segwitu tagħhom, għaliex għalkemm aħna nawditjaw prinċipalment lill-Kummissjoni, xi wħud mir-rakkomandazzjonijiet tagħna jaffettwaw lill-Istati Membri wkoll. Fi stħarriġ li wettaqna, aħna sibna li hemm livell raġonevoli ta’ sensibilizzazzjoni, fil-livell tal-Istati Membri, għar-rakkomandazzjonijiet li nagħmlu fl-awditi tal-prestazzjoni tagħna, u li l-messaġġi tagħna tabilħaqq jaslu għand l-Istati Membri permezz tal-mezzi ta’ komunikazzjoni mmirati tagħna. Madankollu, hemm varjazzjoni kbira fil-livell ta’ segwitu formali u evidenza moderata biss ta’ bidliet fil-politika u l-prattika nazzjonali b’riżultat ta’ dan. Huwa ċar li hemm lok għal titjib u dan huwa punt li se nqisu aktar fix-xhur li ġejjin, flimkien mal-awtoritajiet u l-partijiet interessati rilevanti.

Tixtieq tkun taf aktar? Tista’ ssib informazzjoni dettaljata dwar il-valutazzjoni tagħna tal-prestazzjoni fil-Kapitolu 3 tar-Rapport Annwali 2015 dwar il-baġit tal-UE.
Ir-rapporti speċjali tagħna — li huma prinċipalment awditi tal-prestazzjoni — huma disponibbli bil-lingwi kollha tal-UE fuq is-sit web tagħna (http://www.eca.europa.eu/mt/Pages/AuditReportsOpinions.aspx).

Ħarsa aktar mill-qrib lejn id-dħul u l-oqsma ta’ nfiq

Nota dwar it-tismija tal-Istati Membri fl-eżempji

Minħabba l-approċċ ta’ kampjunar tagħna, aħna ma nawditjawx tranżazzjonijiet f’kull Stat Membru, stat benefiċjarju u/jew reġjun kull sena. L-eżempji ta’ żbalji mogħtija f’dan id-dokument huma pprovduti sabiex jintwerew it-tipi l-aktar frekwenti ta’ żball. Huma ma jiffurmawx bażi biex jinsiltu konklużjonijiet dwar l-Istati Membri, l-istati benefiċjarji u/jew ir-reġjuni individwali kkonċernati.

Dħul
EUR 153.8 biljun

X’awditjajna

L-awditu tagħna kopra d-dħul tal-UE, li permezz tiegħu hija tiffinanzja l-baġit tagħha. Fl-2015, il-kontribuzzjonijiet għad-dħul ikkalkulati abbażi tal-introjtu nazzjonali gross (ING) tal-Istati Membri u t-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) miġbura minnhom ipprovdew 64 % u 13 % tat-total rispettivament. Riżorsi proprji tradizzjonali, prinċipalment dazji doganali miġbura fuq l-importazzjonijiet u l-imposta fuq il-produzzjoni taz-zokkor miġbura mill-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri f’isem l-UE, ipprovdew 13 % oħra mid-dħul, filwaqt li l-10 % li jifdal ġew minn sorsi oħra.

X’sibna

Milqut minn żball materjali?

Le

Livell ta’ żball stmat:

0.0 % (2014: 0.0 %)

L-awditu tagħna tad-dħul tal-UE

Id-dħul tal-UE bbażat fuq l-ING u fuq il-VAT huwa kkalkulat abbażi ta’ statistika makroekonomika u stimi pprovduti mill-Istati Membri. L-awditu tagħna tar-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi jkopri s-sistemi tal-Kummissjoni għall-ipproċessar tad-data li hija tirċievi, iżda mhux il-ġenerazzjoni inizjali tagħha mill-awtoritajiet fl-Istati Membri. B’konsegwenza ta’ dan, il-konklużjoni tal-awditjar tagħna tindirizza l-impatt ta’ kwalunkwe żball mill-Kummissjoni fuq id-dħul kumplessiv.

Għad-dazji doganali u l-imposti fuq iz-zokkor, aħna neżaminaw kif il-Kummissjoni titratta d-dikjarazzjonijiet ippreżentati mill-Istati Membri u l-kontrolli li jitwettqu fi Stati Membri magħżula, l-irċevuti tal-ammonti mill-Kummissjoni u kif dawn jiġu rreġistrati fil-kontijiet.

L-evidenza tagħna għall-awditjar tindika li dawn is-sistemi kienu ġeneralment effettivi u aħna ma sibna l-ebda żball fit-tranżazzjonijiet li ttestjajna.

Fis-26 ta’ Mejju 2014, il-Kunsill approva formalment pakkett leġiżlattiv ġdid dwar ir-riżorsi proprji. Ladarba jkun ratifikat mill-Istati Membri, il-pakkett se jiġi applikat b’effett retroattiv mill-1 ta’ Jannar 2014. Aħna se nsegwu b’mod debitu dawn l-iżviluppi u l-kalkolu tal-impatt retroattiv.

Riżerva hija mezz li permezz tagħha element dubjuż fid-data dwar l-ING ippreżentata minn Stat Membru jinżamm miftuħ biex possibbilment jiġi kkoreġut. Iċ-ċikli ta’ verifikazzjoni tal-Kummissjoni għall-ING ikopru perjodi twal. Il-korrezzjonijiet li jirriżultaw jista’ jkollhom impatt sinifikanti fuq il-kontribuzzjonijiet minn xi wħud mill-Istati Membri.

Fl-2015, il-Kummissjoni neħħiet il-biċċa l-kbira mir-riżervi wara li saru korrezzjonijiet sinifikanti fl-2014. Aħna ma identifikajniex problemi serji fir-riżervi mneħħija li eżaminajna.

Aħna niġbdu l-attenzjoni wkoll għall-uniċi riżervi ġenerali pendenti fi tmiem l-2015, li kienu għad-data tal-Greċja dwar l-ING li tkopri l-2008 u l-2009. Għalkemm sar progress biex tittejjeb l-affidabbiltà tad-data tal-Greċja dwar l-ING, dawn ir-riżervi ma tneħħewx.

Fir-rigward tad-dazji doganali, l-awtoritajiet tal-Istati Membri jwettqu kontrolli biex jivverifikaw jekk ir-regolamenti dwar it-tariffi u l-importazzjonijiet jiġux rispettati mill-importaturi. Bħal fi snin preċedenti, aħna sibna li l-metodoloġija użata għal dawn il-kontrolli (li jinkludu awditi “a posteriori”), kif ukoll il-kwalità u r-riżultati li pproduċew, kienu jvarjaw fost l-Istati Membri li awditjajna. Aħna naċċennaw ukoll l-interruzzjoni tal-perjodu tal-preskrizzjoni ta’ tliet snin li saret fi Franza għan-notfiki tad-dejn, prattika li hija differenti minn dawk fi Stati Membri oħra u li twassal biex operaturi ekonomiċi ġewwa l-UE jiġu ttrattati b’modi differenti.

Fi tmiem l-2015, il-Kummissjoni kellha wkoll lista ta’ 325 punt miftuħ dwar in-nuqqas ta’ konformità mar-regoli doganali tal-UE li kienu ġew identifikati permezz ta’ spezzjonijiet li twettqu fl-Istati Membri. Dawn il-kwistjonijiet pendenti jirrikjedu li l-Istati Membri jieħdu miżuri biex jirrettifikaw il-pożizzjoni tagħhom u jista’ jkollhom impatt finanzjarju. Aħna sibna ineffiċjenzi fil-ġestjoni tal-ammonti riċevibbli (magħrufa bħala l-kontijiet B) fl-Istati Membri. Il-Kummissjoni identifikat nuqqasijiet simili fi 17 mit-22 Stat Membru miżjura.

Aħna identifikajna riskji relatati mal-irkupru ta’ dejn doganali minn kumpaniji rreġistrati barra mill-UE jew minn ċittadini ta’ pajjiżi mhux tal-UE. Aħna sibna għadd ta’ każijiet minn Stati Membri differenti li ma setgħux jiġbru djun minn ċittadini jew minn kumpaniji bbażati, pereżempju, fil-Belarussja, fil-Gżejjer Verġni Brittaniċi, fir-Russja, fl-Iżvizzera, fit-Turkija u fl-Ukrajna.

X’nirrakkomandaw

Aħna nirrakkomandaw li l-Kummissjoni:

  • tieħu l-passi meħtieġa biex tarmonizza l-limiti ta’ żmien għan-notfiki tad-dejn lill-operaturi ekonomiċi fl-Istati Membri kollha;
  • tiżgura li l-Istati Membri jipprovdu dikjarazzjonijiet korretti tal-ammonti miġbura minn dazji doganali fid-dikjarazzjonijiet ta’ kull tliet xhur, u tipprovdi gwida dwar x’għandu jiġi rreġistrat;
  • tiffaċilita sa fejn possibbli l-irkupru tad-djun doganali mill-Istati Membri, fejn id-debituri ma jkunux ibbażati fi Stat Membru tal-UE; u
  • ittejjeb il-kontrolli fuq il-kalkoli tal-kontribuzzjonijiet miż-Żona Ekonomika Ewropea u mill-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles u fuq il-kalkolu tal-mekkaniżmi ta’ korrezzjoni.
Tixtieq tkun taf aktar? Tista’ ssib informazzjoni dettaljata dwar l-awditu tagħna tad-dħul tal-UE, fil-Kapitolu 4 tar-Rapport Annwali 2015 dwar il-baġit tal-UE.

Kompetittività għat-tkabbir u l-impjiegi
EUR 14.5 biljun

X’awditjajna

L-objettivi ta’ dan l-infiq jinkludu t-titjib tar-riċerka u l-innovazzjoni, it-tisħiħ tas-sistemi tal-edukazzjoni u l-promozzjoni tal-impjieg, l-iżgurar ta’ suq uniku diġitali, il-promozzjoni tal-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza enerġetika, l-immodernizzar tas-settur tat-trasport u t-titjib tal-ambjent tan-negozju, speċjalment għall-intrapriżi żgħar u medji (SMEs).

L-infiq fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni, li jirrappreżenta 62 % tal-infiq, isir permezz tas-Seba’ Programm Kwadru għar-Riċerka u l-Iżvilupp 2007-2013 (FP7) u Orizzont 2020, il-programm qafas il-ġdid li jkopri l-perjodu 2014-2020. Strumenti importanti oħra ta’ nfiq jappoġġaw l-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport (il-Programm ta’ Tagħlim Tul il-Ħajja u Erasmus+); l-iżvilupp tal-infrastruttura tat-trasport (il-Programm tan-Netwerks Trans-Ewropej tat-Trasport u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa); is-settur tal-enerġija (il-Programm Ewropew tal-Enerġija għall-Irkupru); u programmi spazjali (il-programmi ta’ navigazzjoni bis-satellita bħal Galileo u s-Sistema Ewropea ta’ Navigazzjoni b’Kopertura Ġeostazzjonarja, u Copernicus li huwa programm ta’ osservazzjoni tad-dinja).

Kważi 90 % tal-infiq huwa f’forma ta’ għotjiet lil benefiċjarji privati u pubbliċi, fejn il-Kummissjoni tirrimborża l-ispejjeż iddikjarati mill-benefiċjarji fid-dikjarazzjonijiet tal-ispejjeż għal proġetti.

X’sibna

Milqut minn żball materjali?

Iva

Livell ta’ żball stmat:

4.4 % (2014: 5.6 %)

Għar-riċerka u l-innovazzjoni, aħna sibna tip u firxa ta’ żbalji li kienu simili għal dawk li qbadna matul l-andament tal-FP7. B’kuntrast ma’ dan, aħna sibna inqas żbalji fil-pagamenti għal strumenti oħra ta’ nfiq meta mqabbel ma’ snin preċedenti.

Il-biċċa l-kbira mill-iżbalji huma relatati mar-rimborż ta’ spejjeż għall-persunal u ta’ spejjeż indiretti li kienu ineliġibbli u li ġew iddikjarati mill-benefiċjarji.

Fir-rigward tal-ispejjeż għall-persunal, il-benefiċjarji spiss ikkalkulaw b’mod skorrett ir-rati fis-siegħa għall-persunal tagħhom li kien assenjat għall-proġett, jew inkella ma setgħux jipprovdu evidenza adegwata ta’ sostenn dwar il-ħin li fil-fatt kien tqatta’ fuq il-proġett. Fil-każ ta’ spejjeż indiretti, l-iżbalji kienu marbuta ma’ rati skorretti ta’ spejjeż ġenerali jew mal-inklużjoni ta’ spejjeż mhux relatati mal-proġett. Meta l-benefiċjarji ddikjaraw rata fissa għall-ispejjeż indiretti, li hija bbażata fuq perċentwal tal-ispejjeż diretti, l-iżbalji fl-ispejjeż diretti wasslu wkoll għal żball proporzjonali fl-ispejjeż indiretti ddikjarati. Aħna qbadna wkoll żbalji ta’ nuqqas ta’ konformità mar-regoli dwar l-akkwist pubbliku, għalkemm sibna li kien hemm titjib ġenerali fil-livell ta’ konformità f’dan il-qasam.

Eżempji: Rimborż, taħt l-FP7 u programmi oħra, ta’ spejjeż għall-persunal u ta’ spejjeż indiretti li kienu ineliġibbli

Aħna sibna li xi wħud mill-ispejjeż għall-persunal u l-ispejjeż indiretti ta’ benefiċjarju li ħadem ma’ 11-il sieħeb fuq proġett taħt l-FP7 għall-iżvilupp ta’ sistemi msaħħa għall-ġestjoni ta’ informazzjoni ġeografika, kienu ineliġibbli. Parti mill-ispejjeż għall-persunal li ġew iddikjarati mill-benefiċjarju kienu fil-fatt intużaw fuq proġett differenti. Il-benefiċjarju inkluda wkoll elementi ineliġibbli fil-kalkolu tal-ispejjeż indiretti (bħal spejjeż għall-persunal mhux marbuta ma’ appoġġ amministrattiv, spejjeż għall-kummerċjalizzazzjoni, u spejjeż għall-uffiċċji u għall-ivvjaġġar li ma kinux marbuta mal-attivitajiet ta’ riċerka).

F’każ ieħor, li kien jinvolvi proġett għall-iżvilupp ta’ servizzi tal-cloud computing iffinanzjat permezz tal-Programm Kompetittività u Innovazzjoni 2007-2013, aħna sibna li l-benefiċjarju ddebita b’mod eċċessiv l-ispejjeż għall-persunal, peress li kkalkula l-ispejjeż bl-użu ta’ għadd standard ta’ sigħat ta’ xogħol li kien ogħla mill-għadd reali ta’ sigħat. Il-benefiċjarju kklejmja wkoll pagamenti ta’ bonus li kienu ineliġibbli u spejjeż li ma kinux iġġarrbu matul il-perjodu ta’ rappurtar tad-dikjarazzjoni tal-ispejjeż.

Kważi l-iżbalji kollha li sibna fid-dikjarazzjonijiet tal-ispejjeż kienu dovuti għal benefiċjarji li interpretaw ħażin ir-regoli kumplessi ta’ eliġibbiltà jew li kkalkulaw b’mod skorrett l-ispejjeż tagħhom. Aħna identifikajna żewġ każijiet ta’ frodi ssuspettata fejn il-benefiċjarji dehru li kienu intenzjonalment iddikjaraw b’mod eċċessiv l-ispejjeż eliġibbli tagħhom tal-proġett.

Orizzont 2020 għandu regoli ta’ finanzjament aktar sempliċi mill-FP7 u l-Kummissjoni għamlet sforzi konsiderevoli biex tnaqqas il-kumplessità amministrattiva. Madankollu, aħna osservajna fir-Rapport Annwali 2014 tagħna li xi wħud mill-kriterji ta’ eliġibbiltà fil-programm qafas il-ġdid effettivament iżidu r-riskju ta’ żball u rrakkomandajna li l-Kummissjoni taġġorna l-istrateġija ta’ kontroll tagħha biex tindirizza pereżempju, każijiet fejn ir-riċerkaturi jirċievu rimunerazzjoni addizzjonali, jew fejn il-parteċipanti jużaw infrastruttura kbira tar-riċerka. Fl-ittestjar limitat li wettaqna fl-2015 għal Orizzont 2020, aħna sibna li r-riskju ta’ żbalji relatat ma’ każijiet ta’ rimunerazzjoni addizzjonali kien qed iseħħ.

Il-Kummissjoni waqqfet Ċentru ta’ Appoġġ Komuni bl-għan li tinkiseb ġestjoni effiċjenti u armonizzata ta’ Orizzont 2020 mid-diversi korpi ta’ implimentazzjoni. Dan huwa pass pożittiv lejn is-simplifikazzjoni tas-sistema u l-operazzjonijiet tal-IT, l-armonizzazzjoni tal-ġestjoni tal-għotjiet, il-koordinazzjoni tal-attivitajiet tal-awditjar, u l-iżgurar li l-korpi ta’ implimentazzjoni japplikaw ir-regoli ta’ Orizzont 2020 b’mod konsistenti. Madankollu, l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija, li huwa mistenni jimmaniġġja 3 % mill-baġit ta’ Orizzont 2020, ma jipparteċipax f’dan il-qafas ta’ ġestjoni u kontroll.

X’nirrakkomandaw

Aħna nirrakkomandaw li l-Kummissjoni:

  • flimkien mal-awtoritajiet nazzjonali u l-awdituri indipendenti, jużaw l-informazzjoni rilevanti kollha disponibbli biex jipprevienu, jew biex jaqbdu u jikkoreġu l-iżbalji qabel ma jsir rimborż;
  • toħroġ gwida lill-benefiċjarji dwar id-differenzi speċifiċi bejn Orizzont 2020, l-FP7 u programmi simili;
  • toħroġ linji gwida komuni lill-korpi ta’ implimentazzjoni għall-infiq fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni, sabiex tiżgura li l-benefiċjarji jiġu ttrattati b’mod konsistenti meta jkunu qed jiġu applikati r-rakkomandazzjonijiet tal-awditjar għall-irkupru ta’ spejjeż ineliġibbli taħt l-FP7; u
  • timmonitorja mill-qrib l-implimentazzjoni ta’ korrezzjonijiet estrapolati bbażati fuq l-awditi ex post li hija twettaq tal-ispejjeż li jiġu rimborżati taħt l-FP7.
Tixtieq tkun taf aktar? Tista’ ssib informazzjoni dettaljata dwar l-awditu tagħna tal-infiq tal-UE fuq “Kompetittività għat-tkabbir u l-impjiegi”, fil-Kapitolu 5 tar-Rapport Annwali 2015 dwar il-baġit tal-UE.

Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali
EUR 53.9 biljun

X’awditjajna

Dan il-qasam ta’ nfiq għandu l-għan li jnaqqas id-disparitajiet fl-iżvilupp bejn ir-reġjuni, li jirristruttura żoni industrijali li jkunu sejrin lura u li jħeġġeġ il-kooperazzjoni transkonfinali, transnazzjonali u interreġjonali. Huwa fih żewġ partijiet prinċipali: il-politika reġjonali u urbana, u l-impjiegi u l-affarijiet soċjali.

  • Il-politika reġjonali u urbana tal-UE tiġi implimentata fil-biċċa l-kbira permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) u l-Fond ta’ Koeżjoni (FK). Hija tirrappreżenta kważi 80 % tal-infiq fl-2015. Il-FEŻR jiffinanzja proġetti tal-infrastruttura, il-ħolqien jew il-preżervazzjoni ta’ impjiegi, inizjattivi għall-iżvilupp ekonomiku reġjonali u attivitajiet li jappoġġaw lill-SMEs. L-FK jiffinanzja investimenti fl-infrastruttura fl-oqsma tal-ambjent u tat-trasport.
  • Il-politika tal-impjiegi u l-affarijiet soċjali hija ffinanzjata prinċipalment permezz tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE). L-infiq f’dan il-qasam ikopri madwar 20 % tal-infiq u jinkludi investimenti fil-kapital uman u azzjonijiet ta’ appoġġ li għandhom l-għan li jtejbu l-adattabbiltà ta’ ħaddiema u ta’ intrapriżi għall-bidliet fix-xejriet tax-xogħol, iżidu l-aċċess għall-impjiegi, jirrinforzaw l-inklużjoni soċjali ta’ persuni żvantaġġati u jsaħħu l-kapaċità u l-effiċjenza tal-amministrazzjonijiet u s-servizzi pubbliċi.

Il-FEŻR, l-FK u l-FSE huma rregolati minn regoli komuni, ħlief għal xi eċċezzjonijiet fir-regolament speċifiku ta’ kull fond. Il-ġestjoni tal-infiq hija kondiviża mal-Istati Membri u tinvolvi l-kofinanzjament ta’ proġetti fi ħdan programmi approvati ta’ nfiq. Ir-regoli ta’ eliġibbiltà għar-rimborż tal-ispejjeż huma stipulati fil-livell nazzjonali jew f’dak reġjonali u jistgħu jvarjaw minn Stat Membru għal ieħor.

Barra minn hekk, hemm strumenti u fondi speċifiċi, bħall-Istrument Ewropew ta’ Viċinat (ENI) li huwa mmirat lejn il-pajjiżi ġirien, u l-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (FEAD). Flimkien dawn jirrappreżentaw inqas minn 1 % tal-infiq kumplessiv.

X’sibna

Milqut minn żball materjali?

Iva

Livell ta’ żball stmat:

5.2 % (2014: 5.7 %)

Is-sorsi prinċipali ta’ żball għall-infiq fuq “Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali” fl-intier tiegħu huma l-inklużjoni ta’ nfiq ineliġibbli fid-dikjarazzjonijiet tal-ispejjeż tal-benefiċjarji, u l-għażla ta’ proġetti, attivitajiet jew benefiċjarji ineliġibbli, segwiti mill-ksur tar-regoli tal-akkwist pubbliku u r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.

Il-biċċa l-kbira mill-iżbalji huma dovuti għal spejjeż ineliġibbli li ġew iddikjarati mill-benefiċjarji. Barra minn hekk, xi wħud mill-proġetti li eżaminajna ma kinux jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà li kienu stipulati fir-regolamenti u/jew fir-regoli nazzjonali ta’ eliġibbiltà.

Nuqqas serju ta’ konformità mar-regoli tal-akkwist pubbliku tal-UE u dawk nazzjonali — bħal xogħlijiet jew servizzi addizzjonali li ma ġewx akkwistati kif suppost u għoti dirett ta’ kuntratti li ma kienx ġustifikat — jibqa’ sors sinifikanti ta’ żball għall-infiq mill-FEŻR u mill-FK. Ir-Rapport Speċjali tagħna Nru 10/2015 dwar l-azzjonijiet li ttieħdu mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni biex jindirizzaw il-problema ta’ żbalji relatati mal-akkwist pubbliku f’dan il-qasam ta’ nfiq jipprovdi analiżi addizzjonali u fehim approfondit dwar dawn il-problemi.

Eżempju: Spejjeż ineliġibbli ddikjarati

Fir-Renju Unit, għal proġett taħt il-FEŻR li kien jipprovdi appoġġ finanzjarju lill-SMEs, parti mill-finanzjament inżamm mill-benefiċjarju u ma ngħatax bħala għotja lill-SMEs. L-ammonti li nżammu ma kinux eliġibbli għall-kofinanzjament peress li ma kinux jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà.

Eżempju: Proġett ineliġibbli

Għal proġett taħt il-FEŻR fir-Repubblika Ċeka, is-sejħa għal proposti speċifikat li l-SMEs biss kienu eliġibbli. L-awtorità maniġerjali pprovdiet finanzjament lil benefiċjarju fuq din il-bażi, li madankollu ma kinitx ġiet ikkonfermata fiż-żmien meta l-proġett intgħażel. Proġetti ineliġibbli oħra nstabu fl-Italja u fil-Polonja.

Eżempju: Nuqqas serju ta’ konformità mar-regoli tal-akkwist pubbliku

Fil-Ġermanja, xogħlijiet addizzjonali fi proġett ta’ kostruzzjoni ta’ triq iffinanzjat permezz tal-FEŻR — li kienu aktar minn 50 % tal-valur tal-kuntratt inizjali — ingħataw direttament lill-istess kuntrattur bi ksur tad-direttiva tal-UE dwar l-akkwist pubbliku. Instabu każijiet simili fi proġetti oħra taħt il-FEŻR fl-Italja u fir-Renju Unit.

Aħna nivverifikaw ukoll jekk ir-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat ġewx rispettati. Għajnuna illegali mill-Istat tirrappreżenta vantaġġ inġust għall-entitajiet benefiċjarji u b’hekk toħloq distorsjoni tas-suq intern. Jista’ jkun hemm xi eċċezzjonijiet għar-regola iżda jeħtieġ li dawn jiġu nnotifikati u aċċettati mill-Kummissjoni. Ir-Rapport Speċjali tagħna Nru  24/2016 jipprovdi aktar informazzjoni dwar il-ħtieġa li jsiru sforzi addizzjonali mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri biex jipprevienu, jaqbdu u jikkoreġu ksur tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat fil-qasam tal-koeżjoni.

Għal proporzjon sinifikanti ta’ tranżazzjonijiet milquta minn żbalji kwantifikabbli, l-awtoritajiet fl-Istati Membri kellhom biżżejjed informazzjoni disponibbli biex jipprevienu, jew biex jaqbdu u jikkoreġu l-iżbalji qabel ma jitolbu r-rimborż mill-Kummissjoni. Li kieku din l-informazzjoni kollha ntużat biex l-iżbalji jiġu kkoreġuti qabel ma l-infiq jiġi ddikjarat lill-Kummissjoni, il-livell ta’ żball stmat għall-infiq kumplessiv fuq “Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali” kien ikun aktar baxx bi 2.4 punti perċentwali. Barra minn hekk, aħna sibna li għal għadd ta’ każijiet, l-iżball li qbadna kien sar mill-awtoritajiet nazzjonali. Dawn ikkontribwew 0.6 punti perċentwali għal-livell ta’ żball stmat.

Strumenti finanzjarji fil-FEŻR u fl-FSE

Sa tmiem l-2014, ir-rata medja ta’ żburżar lir-riċevituri finali tal-istrumenti finanzjarji kienet ta’ 57 %, li juri titjib meta mqabbel mas-sena preċedenti (47 %). Dawn il-fondi jipprovdu assistenza lil intrapriżi jew għal proġett urbani permezz ta’ investimenti ta’ ekwità, selfiet jew garanziji. B’kollox, 1 025 strument finanzjarju ġew stabbiliti b’dotazzjoni ta’ madwar EUR 16.0 biljun. Bosta Stati Membri jiffaċċjaw diffikultajiet biex jużaw id-dotazzjonijiet kompletament, u fosthom il-Greċja, Spanja, l-Italja, in-Netherlands, l-Awstrija u s-Slovakkja kellhom l-aktar rati baxxi ta’ żburżar sa tmiem l-2014.

Ir-Rapport Speċjali tagħna Nru 19/2016 jipprovdi aktar informazzjoni dwar it-tagħlimiet li għandhom jinsiltu mill-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE permezz ta’ strumenti finanzjarji fil-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013.

Valutazzjoni mill-Kummissjoni tar-rati ta’ żball

Inġenerali, il-valutazzjoni li l-Kummissjoni wettqet tar-rati ta’ żball irrappurtati mill-awtoritajiet tal-awditjar hija, fil-biċċa l-kbira, koerenti mal-evidenza pprovduta minn dawn l-awtoritajiet. Madankollu, l-ambitu tal-Kummissjoni għall-validazzjoni (u, fejn meħtieġ, l-aġġustament) tar-rati ta’ żball irrappurtati jkun limitat meta l-awtoritajiet tal-awditjar ma jintalbux jipprovdulha informazzjoni aktar speċifika dwar l-awditi tagħhom tal-operazzjonijiet biex tkun tista’ tivverifika r-rapporti annwali ta’ kontroll (eż. dettalji dwar l-ambitu tal-awditjar, il-kopertura, is-subkampjunar u l-klassifikazzjoni tal-iżbalji). L-analiżi tagħna wriet li fl-2015 informazzjoni bħal din intalbet aktar ta’ spiss milli fi snin preċedenti.

B’mod ġenerali, il-kalkolu li l-Kummissjoni wettqet tal-ammonti f’riskju fir-Rapporti Annwali tal-Attività 2015 huwa preċiż u konsistenti mal-informazzjoni disponibbli li ġiet irrappurtata u/jew ipprovduta mill-awtoritajiet tal-awditjar. Aħna sibna wkoll li r-riżervi li saru mill-Kummissjoni fir-Rapporti Annwali tal-Attività 2015 kienu konformi mal-istruzzjonijiet tal-Kummissjoni u mal-informazzjoni li ngħaddiet liż-żewġ direttorati ġenerali.

Valutazzjoni tal-prestazzjoni tal-proġetti

Fil-valutazzjoni li wettaqna għall-2015, aħna eżaminajna 149 proġett ikkompletat, minn 15-il Stat Membru. Għal tnejn mill-proġetti, ma stajniex inwettqu l-valutazzjoni tagħna peress li ma kinux ġew speċifikati indikaturi mill-awtoritajiet maniġerjali.

Aħna sibna wkoll li kważi l-proġetti kollha li ġew eżaminati kienu laħqu, kompletament jew parzjalment, l-objettivi tagħhom għall-outputs. Madankollu, jeħtieġ li xi wħud mill-Istati Membri jkomplu jtejbu l-issettjar tal-indikaturi tar-riżultati fil-livell tal-proġetti. Għal 38 % tal-proġetti vvalutati, l-awtoritajiet tal-Istati Membri implimentaw sistema ta’ kejl tal-prestazzjoni biex ikun jista’ jsir monitoraġġ tal-outputs tal-proġetti, iżda ma ddefinixxewx indikaturi tar-riżultati jew miri fid-dokumenti ta’ approvazzjoni tal-proġetti. Finalment, kienu erba’ proġetti biss li ma rnexxilhomx jilħqu lanqas wieħed mill-objettivi tagħhom.

Inħarsu ‘l quddiem: il-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020

Sa tmiem l-2015, kienu ġew innominati inqas minn 20 % tal-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (FSIE). Dan huwa pass neċessarju biex l-awtoritajiet tal-Istati Membri jkunu jistgħu jippreżentaw id-dikjarazzjonijiet ta’ nfiq lill-Kummissjoni. B’konsegwenza ta’ dan, hemm ir-riskju li d-dewmien fl-eżekuzzjoni baġitarja għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020 ikun akbar minn dak esperjenzat għall-perjodu 2007-2013.

Fl-2015, il-Kummissjoni stabbiliet grupp ta’ livell għoli ta’ esperti biex tivvaluta u tħeġġeġ l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ simplifikazzjoni mill-Istati Membri għall-benefiċjarji tal-FSIE u biex tikkontribwixxi għat-tħejjija tal-perjodu ta’ programmazzjoni ta’ wara l-2020.

X’nirrakkomandaw

Aħna nirrakkomandaw li l-Kummissjoni:

  • terġa’ tqis mill-ġdid u b’mod fundamentali t-tfassil u l-mekkaniżmu ta’ twassil għall-FSIE meta tkun qed tagħmel il-proposta leġiżlattiva tagħha għall-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss, filwaqt li tieħu wkoll inkunsiderazzjoni s-suġġerimenti tal-grupp ta’ livell għoli inkarigat mis-simplifikazzjoni;
  • tuża l-esperjenza li nkisbet fil-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013 u tirrapporta dwar analiżi ffukata tar-regoli nazzjonali ta’ eliġibbiltà għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020, u tużaha biex tipprovdi gwida lill-Istati Membri dwar kif għandhom jissimplifikaw u jevitaw regoli kumplessi u/jew ta’ piż li mhumiex meħtieġa;
  • tippreżenta proposta leġiżlattiva biex temenda r-regolament applikabbli dwar l-estensjoni tal-perjodu ta’ eliġibbiltà għal strumenti finanzjarji taħt ġestjoni kondiviża;
  • tikkjarifika lill-Istati Membri l-kunċett ta’ VAT rekuperabbli, b’mod partikolari għall-benefiċjarji pubbliċi, biex tiġi evitata interpretazzjoni differenti tat-terminu VAT “mhux rekuperabbli” u biex jiġi evitat użu subottimu tal-fondi tal-UE; u
  • tiżgura li l-infiq kollu relatat mal-istrumenti finanzjarji taħt il-FEŻR u l-FSE għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013 jiġi inkluż kmieni biżżejjed fid-dikjarazzjonijiet tal-għeluq, biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jwettqu l-kontrolli tagħhom, u biex tħeġġeġ ukoll lill-Istati Membri jawditjaw strumenti finanzjarji bi tħejjija għall-għeluq tal-programmi.
Tixtieq tkun taf aktar? Tista’ ssib informazzjoni dettaljata dwar l-awditu tagħna tal-infiq tal-UE għal “Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali”, fil-Kapitolu 6 tar-Rapport Annwali 2015 dwar il-baġit tal-UE.

Riżorsi naturali
EUR 58.6 biljun

X’awditjajna

Dan il-qasam ta’ nfiq ikopri l-politika agrikola komuni (PAK), il-politika komuni tas-sajd (PKS) u miżuri ambjentali.

Il-PAK hija l-bażi għall-infiq tal-UE fuq l-agrikoltura. Hija għandha l-għan li żżid il-produttività agrikola, tiżgura livell ġust ta’ għajxien għall-komunità agrikola, tistabbilizza s-swieq, tassigura d-disponibbiltà ta’ provvisti u tiżgura li l-provvisti jaslu għand il-konsumatur bi prezzijiet raġonevoli.

Il-PAK tiġi implimentata permezz ta’ żewġ fondi: il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG), li jiffinanzja kompletament l-għajnuna diretta mill-UE u l-miżuri tas-suq, u l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), li jikkofinanzja programmi tal-iżvilupp rurali flimkien mal-Istati Membri. Il-ġestjoni tal-infiq tal-PAK hija kondiviża mal-Istati Membri. L-infiq taħt iż-żewġ fondi jitwassal permezz ta’ madwar 80 aġenzija tal-pagamenti, li huma responsabbli biex jiċċekkjaw l-eliġibbiltà tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna u biex jagħmlu pagamenti lill-benefiċjarji.

Il-PKS hija prinċipalment implimentata permezz tal-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS), li huwa mmaniġġjat mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri taħt ġestjoni kondiviiża. Il-politika tal-UE dwar l-ambjent hija mmaniġġjata b’mod ċentrali mill-Kummissjoni u l-programm LIFE huwa l-aktar fond importanti għall-infiq f’dan il-qasam.

X’sibna

Milqut minn żball materjali?

Agrikoltura – appoġġ tas-suq u għajnuna diretta:

Iva

Żvilupp rurali, ambjent, azzjoni klimatika u sajd:

Iva

Livell ta’ żball stmat1:

Riżorsi naturali kumplessivament:

2.9 %

(2014: 3.6 % / mingħajr żbalji ta’ kundizzjonalità: 3.0 %)

Li jinkludi

Agrikoltura – appoġġ tas-suq u għajnuna diretta:

2.2 %

(2014: 2.9 % / mingħajr żbalji ta’ kundizzjonalità: 2.2 %)

Żvilupp rurali, ambjent, azzjoni klimatika u sajd:

5.3 %

(2014: 6.2 % / mingħajr żbalji ta’ kundizzjonalità: 6.0 %)

1 Iċ-ċifri għall-2015 jeskludu l-kwantifikazzjoni tal-iżbalji ta’ kundizzjonalità b’segwitu għal bidliet fil-qafas legali tal-PAK. Dan ma kienx il-każ għall-2014.

In-natura u x-xejra tal-iżbalji jvarjaw sinifikattivament bejn il-FAEG u l-oqsma l-oħra ta’ nfiq taħt “Riżorsi naturali”.

Agrikoltura – appoġġ tas-suq u għajnuna diretta (FAEG)

Ħafna mill-iżbalji li ġew identifikati fl-awditi tagħna huma r-riżultat ta’ klejms impreċiżi jew klejms ineliġibbli li saru mill-benefiċjarji, fejn dawk l-aktar frekwenti huma d-dikjarazzjoni eċċessiva tal-erja tas-superfiċje ta’ art agrikola. Aħna sibna żbalji ta’ dan it-tip fi 12 mit-18-il Stat Membru miżjura.

L-affidabbiltà tad-data fid-database tas-Sistema ta’ Identifikazzjoni tal-Irqajja’ tal-Art (LPIS) tjiebet matul dawn l-aħħar snin, iżda xorta waħda għadna naqbdu żbalji fl-erja ta’ art iddikjarata. Aħna nirrikonoxxu l-fatt li huwa diffiċli li impreċiżjonijiet taħt it-2 % jinqabdu u jiġu kkoreġuti. Madankollu, disparitajiet akbar bejn id-data dwar l-eliġibbiltà rreġistrata fl-LPIS u l-erja reali ta’ art eliġibbli li hija viżibbli fuq ortoimmaġnijiet (ritratti meħudin mill-ajru) li jinżammu fid-database tal-LPIS, kien imisshom inqabdu u ġew ikkoreġuti (pereżempju, żbalji li identifikajna fil-Greċja, fi Spanja, fl-Italja u fir-Renju Unit).

Sors ieħor ta’ żbalji marbutin mal-erja tas-superfiċje ta’ art agrikola jirriżulta minħabba definizzjonijiet nazzjonali ta’ mergħat permanenti eliġibbli li ma jikkonformawx mal-leġiżlazzjoni tal-UE.

Eżempju: Kriterji nazzjonali ta’ eliġibbiltà li ma jikkonformawx mal-leġiżlazzjoni tal-UE

Fi Franza, l-awtoritajiet jagħtu għajnuna għal art xagħrija għar-rigħi kif ukoll għal erjas li jinkludu taħlita ta’ flora erbaċea eliġibbli u veġetazzjoni ineliġibbli, bħal buxxijiet u msaġar. Aħna konna diġà rrappurtajna din il-problema fir-Rapport Annwali 2013 tagħna u qed inkomplu nsibu każijiet bħal dawn (sitta fl-2015).

F’bosta każijiet ta’ żbalji kwantifikabbli li saru minn benefiċjarji finali fl-agrikoltura, l-awtoritajiet nazzjonali kellhom biżżejjed informazzjoni biex jipprevienu, jew biex jaqbdu u jikkoreġu l-iżbalji qabel ma jiddikjaraw l-infiq lill-Kummissjoni. Li kieku l-informazzjoni kollha ntużat għall-korrezzjoni tal-iżbalji, il-livell ta’ żball stmat kien ikun aktar baxx b’0.3 punti perċentwali. Barra minn hekk, aħna qbadna erba’ każijiet ta’ żbalji li saru mill-awtoritajiet nazzjonali. Dawn ikkontribwew 0.6 punti perċentwali għal-livell ta’ żball stmat. Aħna identifikajna wkoll nuqqasijiet fl-aġġustamenti li saru fil-valutazzjoni, li twettqet mill-Kummissjoni, tal-livell ta’ żball stmat taħt il-FAEG.

Żvilupp rurali, ambjent, azzjoni klimatika u sajd

Ir-raġunijiet prinċipali għall-iżbalji f’din il-kategorija ta’ nfiq kienu l-ineliġibbiltà tal-benefiċjarju, tal-attività, tal-proġett jew tal-infiq, u n-nuqqas ta’ konformità mar-regoli tal-akkwist pubbliku. Barra minn hekk, aħna sibna żbalji relatati man-nuqqas ta’ konformità mal-impenji agroambjentali u ma’ dikjarazzjonijiet eċċessivi ta’ ettari eliġibbli.

Eżempju: Infiq jew attività ineliġibbli

Fir-Rumanija, aħna sibna li l-awtoritajiet nazzjonali ma kinux qed jieħdu kunsiderazzjoni xierqa tal-għadd ta’ ċikli ta’ produzzjoni huma u jikkalkulaw l-infiq bl-użu tal-possibbiltà ta’ spejjeż simplifikati. B’riżultat ta’ dan, il-pagamenti li saru lill-benefiċjarji kollha ġew sistematikament iddikjarati b’mod eċċessiv. Wara li wettaqna aktar kontrolli, aħna kkonkludejna li bejn l-2012 (meta l-għajnuna ġiet introdotta) u Ottubru 2015, sa EUR 152 miljun minn total ta’ EUR 450 miljun setgħu kienu ineliġibbli. Il-possibiltajiet ta’ spejjeż simplifikati jistgħu jnaqqsu l-piż amministrattiv għall-Istati Membri u l-benefiċjarji, iżda jenħtieġ li dawn ikunu bbażati fuq metodoloġija soda, b’mod partikolari fuq kalkolu preċiż tal-ispiża simplifikata.

Eżempju: Nuqqas ta’ konformità mar-regoli tal-akkwist pubbliku

Aħna sibna każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità mar-regoli tal-akkwist pubbliku fil-Ġermanja, fil-Greċja, fl-Italja u fir-Rumanija. Pereżempju, fl-Italja, l-awtoritajiet ivvalutaw l-akkwist ta’ infrastruttura monorail (iffinanzjata minn għotja tal-UE) biex tgħin lill-bdiewa jittrasportaw iż-żebbug, prinċipalment fuq il-bażi ta’ xogħlijiet addizzjonali li ma kinux relatati (toroq ġodda, drenaġġ u akkwedott). Dan huwa irregolari taħt ir-regoli Taljani tal-akkwist pubbliku.

F’għadd ta’ każijiet ta’ żbalji kwantifikabbli li saru minn benefiċjarji finali għal dan il-qasam ta’ nfiq, l-awtoritajiet nazzjonali kellhom biżżejjed informazzjoni biex jipprevienu, jew biex jaqbdu u jikkoreġu l-iżbalji qabel ma jiddikjaraw l-infiq lill-Kummissjoni. Li kieku din l-informazzjoni kollha ntużat għall-korrezzjoni tal-iżbalji, il-livell ta’ żball stmat kien ikun aktar baxx b’1.7 punti perċentwali. Barra minn hekk, aħna qbadna xi każijiet ta’ żbalji li saru mill-awtoritajiet nazzjonali. Dawn ikkontribwew 1.5 punti perċentwali għal-livell ta’ żball stmat.

Elementi oħra ta’ kontroll intern u ta’ prestazzjoni

Il-valutazzjoni tagħna ta’ jekk l-awditi ta’ konformità li twettqu mill-Kummissjoni fl-agrikoltura kinux konformi mal-istandards internazzjonali tal-awditjar u mad-dispożizzjonijiet regolatorji prinċipali indikat li dawn kienu kumplessivament konformi. Aħna sibna wkoll li l-Kummissjoni naqqset sinifikattivament l-għadd ta’ fajls relatati mal-proċeduri ta’ konformità li kienu ilhom miftuħa. Madankollu, il-manwal tal-awditjar tal-Kummissjoni ma jinkludix proċeduri dettaljati tal-awditjar u rekwiżiti ta’ dokumentazzjoni għall-verifikazzjoni tad-data pprovduta mill-Istati Membri fir-rigward tal-korrezzjonijiet finanzjarji, u f’xi każijiet ma sibniex evidenza suffiċjenti u xierqa li dawn il-kontrolli fil-fatt twettqu.

Iż-żjarat tagħna f’sitt aġenziji tal-pagamenti relatati mal-infiq mill-FAEG u mill-FAEŻR, żvelaw dgħufijiet ewlenin fil-kontroll li kienu relatati mal-LPIS, mal-kontrolli amministrattivi, mal-kwalità tal-ispezzjonijiet fuq il-post u mal-proċeduri ta’ rkupru għal pagamenti skorretti. Aħna sibna wkoll dgħufijiet fil-kontrolli amministrattivi li twettqu minn ħamsa mis-sitt aġenziji tal-pagamenti jivverifikaw l-eliġibbiltà għal pagamenti taħt l-iżvilupp rurali. Il-pjanijiet ta’ azzjoni li kellhom l-għan li jindirizzaw il-kawżi fundamentali ta’ żbalji fekwenti qed jiġu aġġornati iżda jeħtieġ li jsir aktar titjib fil-qasam tal-akkwist pubbliku.

Fil-każ tas-sajd, aħna sibna li fil-ħames awditi kollha li eżaminajna, kien hemm dgħufijiet fis-superviżjoni tal-awditjar u fid-dokumentazzjoni tal-awditjar. Meta erġajna wettaqna l-awditu li kien sar mill-Kummissjoni fir-Rumanija, ġew żvelati defiċjenzi fil-kontrolli amministrattivi tal-awtorità maniġerjali, partikolarment fir-rigward tal-akkwist.

Fil-valutazzjoni li wettaqna għall-2015 ta’ kwistjonijiet relatati mal-prestazzjoni għal proġetti ta’ investiment tal-iżvilupp rurali, aħna sibna li l-biċċa l-kbira mill-proġetti eżaminati kienu jaqblu mal-ħtiġijiet tal-benefiċjarji, kemm f’termini ta’ skala kif ukoll f’termini ta’ kwalità tax-xogħlijiet u l-prodotti mwassla. Madankollu, kien hemm xi każijiet fejn il-proġetti kienu akbar milli meħtieġ. Barra minn hekk, l-immirar tal-appoġġ kif ukoll l-għażla tal-proġetti ma kinux daqshekk rigorużi daqskemm seta’ jkun mistenni, u għal bosta proġetti, ma kienx hemm evidenza suffiċjenti li l-ispejjeż kienu raġonevoli. B’mod ġenerali, ma sar l-ebda titjib dwar dawn il-kwistjonijiet.

Eżempju: Spejjeż li mhumiex raġonevoli

Fis-Slovakkja, aħna kkonkludejna li l-aġenzija tal-pagamenti ma kinitx wettqet kontrolli adegwati dwar jekk l-ispejjeż ikklejmjati minn benefiċjarju għall-kostruzzjoni ta’ faċilità ta’ ħżin kinux raġonevoli. Aħna sibna li l-prezz tal-konkrit mixtri kien sitt darbiet ogħla mill-prezz normali tas-suq u li l-ispiża tal-proġett kellha tkun aktar minn 50 % rħas.

X’nirrakkomandaw

Aħna nirrakkomandaw li:

  • għall-FAEG, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkompli ssegwi każijiet fejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali mhijiex konformi mal-leġiżlazzjoni tal-UE, kif ukoll tivverifika li l-Istati Membri li jkollhom valutazzjonijiet negattivi tal-kwalità tal-LPIS iwettqu l-azzjoni korrettiva meħtieġa;
  • għall-iżvilupp rurali, il-Kummissjoni tiżgura li l-pjanijiet ta’ azzjoni tal-Istati Membri jkunu jinkludu azzjonijiet konkreti biex jitnaqqsu l-iżbalji fl-akkwist pubbliku;
  • kemm għall-FAEG kif ukoll għall-iżvilupp rurali, il-Kummissjoni tieħu miżuri biex ittejjeb ix-xogħol li jsir mill-korpi taċ-ċertifikazzjoni fl-Istati Membri u biex tiżgura li d-data pprovduta mill-Istati Membri u użata għall-kalkolu tal-korrezzjonijiet finanzjarji tiġi vverifikata b’mod xieraq; u
  • fil-qasam tas-sajd, il-Kummissjoni tieħu azzjoni biex tiżgura li l-awditi tal-konformità jitwettqu f’konformità mal-istandards internazzjonali tal-awditjar.
Tixtieq tkun taf aktar? Tista’ ssib informazzjoni dettaljata dwar l-awditu tagħna tal-infiq tal-UE fuq “Riżorsi naturali”, fil-Kapitolu 7 tar-Rapport Annwali 2015 dwar il-baġit tal-UE.

Ewropa Globali
EUR 6.9 biljun

X’awditjajna

Dan il-qasam ta’ nfiq ikopri n-nefqa fl-oqsma ta’ politika barranija, appoġġ għal pajjiżi kandidati u pajjiżi kandidati potenzjali tal-UE, kif ukoll għajnuna għall-iżvilupp u għajnuna umanitarja mogħtija lil pajjiżi li qed jiżviluppaw u lil pajjiżi ġirien (bl-eċċezzjoni tal-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp.

In-nefqa hija mifruxa fuq aktar minn 150 pajjiż, u ssir permezz ta’ firxa wiesgħa ta’ strumenti ta’ kooperazzjoni u metodi ta’ twassil. L-infiq jiġi implimentat direttament minn għadd ta’ direttorati ġenerali tal-Kummissjoni, mill-kwartieri ġenerali tagħhom fi Brussell, mid-delegazzjonijiet tal-UE fil-pajjiżi riċevituri, jew inkella indirettament mill-pajjiżi benefiċjarji jew organizzazzjonijiet internazzjonali.

X’sibna

Milqut minn żball materjali?

Iva

Livell ta’ żball stmat:

2.8 % (2014: 2.7 %)

It-tip l-aktar frekwenti ta’ żball li ġie identifikat mix-xogħol tal-awditjar tagħna kien infiq ineliġibbli kklejmjat mill-benefiċjarji finali. Dan jinvolvi nfiq fuq attivitajiet li mhumiex koperti minn kuntratti jew infiq li ġġarrab barra mill-perjodu ta’ eliġibbiltà. Aħna sibna wkoll każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità mal-obbligi legali u kuntrattwali, inklużi regoli tal-akkwist, ir-regola tal-oriġini, spejjeż indiretti ddebitati b’mod żbaljat bħala spejjeż diretti, jew l-inklużjoni ta’ taxxi ineliġibbli.

Żbalji oħra li sibna kienu relatati mal-aċċettazzjoni u l-approvazzjoni ta’ pagamenti mill-Kummissjoni għal servizzi, xogħlijiet jew provvisti li kienu għadhom ma ġġarrbux mill-benefiċjarju, jew li għalihom il-benefiċjarju ma setax jipprovdilna dokumentazzjoni ta’ sostenn biex jiġġustifika l-infiq. Aħna identifikajna wkoll dewmien fil-validazzjoni mill-Kummissjoni tal-ispejjeż u l-awtorizzazzjoni tal-pagamenti li jirriżultaw.

Eżempju: Infiq li ma ġġarrabx

Aħna sibna li bħala parti minn għotja li tappoġġa n-nonproliferazzjoni ta’ missili ballistiċi mħallsa permezz tal-programm Strumenti tal-Politika Barranija, il-Kummissjoni kienet aċċettat nefqa, ikklejmjata minn fondazzjoni tar-riċerka bbażata fl-Ewropa, li kienet ibbażata fuq spejjeż stmati għall-persunal li kienu ogħla mill-ispejjeż li fil-fatt iġġarrbu.

Eżempju: Infiq li ma kienx kopert mill-kuntratt

Għal proġett fil-Myammar immexxi minn organizzazzjoni internazzjonali li kienet qed tieħu sehem f’kampanja kontra l-użu tad-droga, aħna sibna li l-Kummissjoni kienet aċċettat spejjeż relatati mat-taħriġ tal-persunal li ma kinux koperti fil-kuntratt relatat.

Eżempju: Spejjeż iffinanzjati minn donatur ieħor

Aħna eżaminajna l-pagament li l-Kummissjoni għamlet lil organizzazzjoni umanitarja stabbilita biex twieġeb għall-kriżi fis-Sirja, u sibna li l-ispejjeż ikklejmjati għat-trasport ta’ provvisti tal-ikel kienu ġew iffinanzjati minn donatur ieħor.

Aħna ma sibna l-ebda żball fil-pagamenti li saru direttament mill-Kummissjoni għall-baġits ġenerali tal-Istati, minħabba li l-Kummissjoni għandha flessibbiltà konsiderevoli biex tiddeċiedi jekk il-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà jkunux ġew issodisfati. Hemm ukoll riskju aktar baxx ta’ żball fil-pagamenti li jsiru biex jappoġġaw attivitajiet li jinvolvu bosta donaturi internazzjonali, peress li spejjeż li huma ineliġibbli taħt ir-regoli tal-UE jistgħu jiġu koperti permezz ta’ kontribuzzjonijiet minn donaturi oħra.

L-ittestjar tat-tranżazzjonijiet li wettaqna żvela wkoll li spejjeż indiretti fi proġetti ta’ ġemellaġġ iffinanzjati taħt l-Istrument Ewropew ta’ Viċinat u Sħubija huma sinifikattivament ogħla minn dak li huwa aċċettabbli għall-għotjiet. Ma hemm l-ebda limitu massimu għal spejjeż iddikjarati bħala somma f’daqqa jew b’rata fissa taħt dan l-istrument, u dan joħloq riskju li s-sieħeb tal-Istat Membru, inkarigat mill-implimentazzjoni, jista’ jispiċċa jagħmel qligħ.

X’nirrakkomandaw

Aħna nirrakkomandaw li l-Kummissjoni:

  • issaħħaħ il-kontrolli tagħha fuq il-kwalità tal-verifikazzjonijiet tal-infiq ikkummissjonati mill-benefiċjarji, u ttejjeb it-termini ta’ referenza pprovduti lill-awdituri esterni;
  • tirrevedi l-metodoloġija applikata mid-Direttorat Ġenerali għall-Viċinat u n-Negozjati għat-Tkabbir biex tikkalkula l-livell ta’ żball stmat tiegħu sabiex ittejjeb il-preċiżjoni statistika tal-informazzjoni li tkun qed tiġi pprovduta; u
  • tieħu azzjoni biex tiżgura li l-finanzjament permezz ta’ strumenti ta’ ġemellaġġ ikun jikkonforma mar-regola li tipprojbixxi l-qligħ u jaderixxi mal-prinċipju tal-ġestjoni finanzjarja tajba.
Tixtieq tkun taf aktar? Tista’ ssib informazzjoni dettaljata dwar l-awditu tagħna tal-infiq tal-UE għal “Ewropa Globali”, fil-Kapitolu 8 tar-Rapport Annwali 2015 dwar il-baġit tal-UE.

Sigurtà u ċittadinanza
EUR 2.1 biljun

X’awditjajna

Dan il-qasam ta’ nfiq jiġbor flimkien diversi politiki li l-objettiv komuni tagħhom huwa li jissaħħaħ il-kunċett ta’ “ċittadinanza tal-UE” billi tinħoloq żona ta’ libertà, ġustizzja u sigurtà mingħajr fruntieri interni. In-nefqa tkopri l-protezzjoni tal-fruntieri, il-politika dwar l-immigrazzjoni u l-asil, il-ġustizzja u l-affarijiet interni, is-saħħa pubblika, il-protezzjoni tal-konsumatur, il-kultura, iż-żgħażagħ, l-informazzjoni u d-djalogu maċ-ċittadini. Din hija parti relattivament żgħira, iżda li dejjem qed tiżdied, tal-baġit tal-UE (bejn wieħed u ieħor 1.4 %).

Kważi terz mill-infiq isir permezz ta’ 12-il aġenzija deċentralizzata li aħna nirrappurtaw dwarhom separatament fir-rapporti annwali speċifiċi tagħna għall-aġenziji. Aħna ffukajna l-awditu tagħna fuq “Migrazzjoni u sigurtà”, politika li tirrappreżenta l-akbar sehem (40 %).

L-infiq fuq “Migrazzjoni u sigurtà” jiġi implimentat fil-biċċa l-kbira, permezz ta’ ġestjoni kondiviża bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni. Madankollu, sehem sinifikanti ta’ kwart mill-infiq li sar fl-2015 kien immaniġġjat b’mod dirett mill-Kummissjoni. Għalhekk, aħna eżaminajna s-sistemi prinċipali taħt ir-responsabbiltà tad-Direttorat Ġenerali għall-Migrazzjoni u l-Affarijiet Interni, tal-Kummissjoni, u analizzajna kemm l-għotjiet u l-proċeduri ta’ akkwist taħt ġestjoni diretta, kif ukoll il-valutazzjonijiet li l-Kummissjoni wettqet tas-sistemi tal-Istati Membri għall-immaniġġjar tal-fondi taħt ġestjoni kondiviża.

X’sibna

Għall-għotjiet u l-proċeduri ta’ akkwist taħt il-ġestjoni diretta tal-Kummissjoni, aħna kkonkludejna li l-kontrolli meħtieġa mir-regolament finanzjarju kienu ġew implimentati u li ma kienx hemm dgħufijiet serji.

Min-naħa l-oħra, aħna identifikajna limitazzjonijiet fil-valutazzjonijiet li l-Kummissjoni wettqet tas-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll tal-Istati Membri għall-programm SOLID 2007-2013 (“Solidarjetà u Ġestjoni tal-Flussi ta’ Migrazzjoni”). Aħna sibna li l-valutazzjonijiet li twettqu mill-Kummissjoni ma kinux jinkludu ttestjar tal-effettività ta’ kontrolli interni ewlenin iżda kienu aktar iffukati fuq li jinkiseb fehim tal-proċeduri ta’ kontroll u li dawn jiġu dokumentati. Dan seta’ jwassal biex, f’xi każijiet, il-Kummissjoni tagħti, b’mod żbaljat, valutazzjonijiet ta’ riskju baxx. Barra minn hekk, il-Kummissjoni wettqet relattivament ftit awditi ex post fl-Istati Membri fuq programmi li hija qieset li kellhom riskju baxx. Aħna nqisu li dan inaqqas l-affidabbiltà tal-infiq tal-Istati Membri għall-programm SOLID.

Tixtieq tkun taf aktar? Tista’ ssib informazzjoni dettaljata dwar l-awditu tagħna tal-infiq tal-UE għal “Sigurtà u ċittadinanza”, fil-Kapitolu 8 tar-Rapport Annwali 2015 dwar il-baġit tal-UE.

Amministrazzjoni
EUR 9.0 biljun

X’awditjajna

Amministrazzjoni tkopri l-infiq tal-istituzzjonijiet u ta’ korpi oħra tal-UE. Dawn huma l-Kummissjoni, il-Parlament, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill, il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, il-Kumitat tar-Reġjuni, l-Ombudsman Ewropew u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.

L-infiq fuq riżorsi umani (salarji, pensjonijiet u allowances), jirrappreżenta madwar 60 % tat-total. Il-bqija huwa nfiq fuq bini, tagħmir, enerġija, komunikazzjoni u teknoloġija tal-informatika.

Ir-riżultati tal-awditi tagħna tal-aġenziji tal-Unjoni Ewropea, korpi deċentralizzati oħra, u l-Iskejjel Ewropej jiġu rrappurtati f’rapporti annwali speċifiċi, li huma ppubblikati separatament, flimkien ma’ sommarju tar-riżultati. L-infiq proprju tal-QEA jiġi awditjat minn ditta esterna u r-rapport tal-awdituri jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fuq is-sit web tagħna.

X’sibna

Milqut minn żball materjali?

Le

Livell ta’ żball stmat:

0.6 % (2014: 0.5 %)

B’mod ġenerali, l-eżaminar tagħna tas-sistemi ma żvela l-ebda dgħufija sinifikanti. Madankollu, aħna sibna xi oqsma fejn hemm lok għal titjib f’ċerti istituzzjonijiet u korpi. Dawn huma indirizzati permezz tar-rakkomandazzjonijiet li ġejjin.

X’nirrakkomandaw

Aħna nirrakkomandaw li:

  • il-Parlament Ewropew jirrinforza l-monitoraġġ tiegħu tal-applikazzjoni, mill-gruppi politiċi, tar-regoli u l-proċeduri għall-awtorizzazzjoni u l-ħlas ta’ nfiq, u għall-akkwist;
  • il-Kummissjoni ttejjeb is-sistemi tagħha biex jiġi żgurat l-aġġornament f’waqtu tal-informazzjoni dwar is-sitwazzjoni personali tal-membri tal-persunal, li tintuża għall-kalkolu tal-allowances tal-familja; u
  • is-SEAE jsaħħaħ il-proċeduri għar-reklutaġġ ta’ persunal lokali u għall-akkwist ta’ kuntratti b’valur ta’ inqas minn EUR 60 000 fid-delgazzjonijiet.
Tixtieq tkun taf aktar? Tista’ ssib informazzjoni dettaljata dwar l-awditu tagħna tal-infiq tal-UE għal “Amministrazzjoni”, fil-Kapitolu 9 tar-Rapport Annwali 2015 dwar il-baġit tal-UE.

Fondi Ewropej għall-Iżvilupp (FEŻ)
EUR 3.1 biljun

X’awditjajna

Il-FEŻ jipprovdu assistenza mill-Unjoni Ewropea għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp lill-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP) u lill-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej (PTEE). L-infiq u l-istrumenti tal-kooperazzjoni tal-FEŻ għandhom l-għan li jegħlbu l-faqar, u li jippromwovu żvilupp sostenibbli u l-integrazzjoni tal-pajjiżi AKP u l-PTEE fl-ekonomija dinjija.

Il-FEŻ huma ffinanzjati mill-Istati Membri tal-UE u jiġu implimentati permezz ta’ proġetti individwali jew inkella bl-għoti ta’ appoġġ baġitarju (kontribuzzjoni għall-baġit ġenerali ta’ pajjiż għal politika speċifika jew objettiv speċifiku). Kull FEŻ huwa rregolat mir-regolament finanzjarju proprju tiegħu.

L-għajnuna esterna ffinanzjata mill-FEŻ tiġi implimentata f’ambjent b’riskju għoli, notevolment minħabba l-attivitajiet li huma ġeografikament mifruxa u l-kapaċità istituzzjonali u amministrattiva dgħajfa fil-pajjiżi sħab. Dawn huma mmaniġġjati barra mill-qafas tal-baġit tal-UE mill-Kummissjoni Ewropea u, għal xi assistenza, mill-Bank Ewropew tal-Investiment.

X’sibna

Affidabbiltà tal-kontijiet tal-FEŻ:

Il-kontijiet għall-2015 jippreżentaw b’mod ġust il-pożizzjoni finanzjarja tal-FEŻ, ir-riżultati tal-operazzjonijiet tagħhom, il-flussi tal-flus tagħhom u l-bidliet fl-assi netti.

Aħna sibna li l-infiq mill-FEŻ fuq l-appoġġ baġitarju u f’azzjonijiet multidonaturi mwettqa minn organizzazzjonijiet internazzjonali huwa sinifikattivament inqas suxxettibbli għal żball minn pagamenti oħra tal-FEŻ. Madankollu, dan huwa marbut man-natura tal-finanzjament u mal-flessibbiltà konsiderevoli li l-Kummissjoni tista’ tapplika meta tkun qed tiddeċiedi jekk il-kundizzjonijiet ġenerali jkunux ġew issodisfati. Pereżempju, fi proġetti multidonaturi l-Kummissjoni taċċetta li l-kundizzjonijiet għal pagament ikunu ġew issodisfati dment li l-ammont ikkontribwit minn donaturi oħra jkun biżżejjed biex ikopri dawk l-ispejjeż li jitqiesu bħala ineliġibbli taħt ir-regoli tal-FEŻ.

Għal pagamenti marbuta mal-appoġġ baġitarju, l-awditu tagħna tar-regolarità ma jistax imur lil hinn mill-istadju li fih l-għajnuna titħallas lill-pajjiż sieħeb. Dan ma jippermettilniex naqbdu nuqqasijiet possibbli fl-użu ta’ dawn il-fondi ladarba dawn ikunu ġew inkorporati fil-baġit nazzjonali.

B’mod ġenerali, bħal fi snin preċedenti, il-livell ta’ żball li sibna fl-infiq mill-FEŻ — inkluż f’xi klejms finali li kienu ġew suġġetti għal verifikazzjonijiet tal-infiq u għal awditi esterni — jindika dgħufijiet fil-kontrolli ex ante. Żbalji dovuti għan-nuqqas ta’ dokumenti ta’ sostenn għall-ġustifikazzjoni tal-infiq, u għan-nuqqas ta’ konformità mar-regoli tal-akkwist (ara l-eżempji), kienu l-kawża ta’ aktar minn żewġ terzi tal-livell ta’ żball stmat.

Eżempju: Nuqqas ta’ dokumentazzjoni ta’ sostenn meħtieġa għall-ġustifikazzjoni tal-infiq

Aħna eżaminajna l-infiq fuq tagħmir tal-laboratorju, tagħmir tat-teknoloġija tal-informatika u tagħmir tal-uffiċċju, fil-Mozambique, li ġie ffinanzjat minn proġett tal-FEŻ. Għal erbgħa mill-għaxar pagamenti kkampjunati, aħna ma ngħatajniex dokumentazzjoni suffiċjenti ta’ sostenn għall-akkwist u l-konsenja ta’ dawn l-oġġetti.

Eżempju: Nuqqas ta’ konformità mill-benefiċjarju mar-regoli tal-akkwist

Aħna awditjajna l-akkwist ta’ tagħmir tal-laboratorju għall-ittestjar ta’ prodotti agrikoli fl-Etjopja u sibna li l-kuntratt ingħata direttament lil kumpanija mingħajr ma ġiet segwita l-proċedura kompetittiva meħtieġa ta’ sottomissjoni tal-offerti. Barra minn hekk, il-kumpanija magħżula kienet qed taġixxi biss bħala intermedjarju u ma kinitx id-distributur awtorizzat tat-tagħmir akkwistat.

B’mod ġenerali, li kieku l-informazzjoni kollha ntużat mill-Kummissjoni biex jiġu kkoreġuti l-iżbalji li hija stess wettqet jew li saru mill-benefiċjarji għal proġetti ffinanzjati mill-FEŻ, il-livell ta’ żball stmat kien ikun aktar baxx b’1.7 punti perċentwali.

Id-Direttorat Ġenerali għall-Kooperazzjoni Internazzjonali u l-Iżvilupp, tal-Kummissjoni, li jimmaniġġja kważi l-infiq kollu taħt il-FEŻ, adotta pjan ta’ azzjoni ġdid fl-2015 biex jindirizza d-dgħufijiet fis-sistema ta’ kontroll tiegħu. Għadu kmieni wisq biex nivvalutaw il-progress li sar fuq dawn l-azzjonijiet. Aħna sibna wkoll li l-pjan ta’ azzjoni preċedenti, li kien adottat fl-2013, ġie fil-biċċa l-kbira implimentat, b’19-il azzjoni konklużi u l-4 li jifdal għadhom għaddejjin fi tmiem l-2015.

X’nirrakkomandaw

Aħna nirrakkomandaw li l-Kummissjoni:

  • issaħħaħ il-monitoraġġ tal-kwalità tal-awditi u tal-verifikazzjonijiet tal-infiq li jiġu esternalizzati direttament mill-benefiċjarji;
  • tirrevedi l-istimi tagħha tal-korrezzjonijiet u ttejjeb il-valutazzjoni tagħha tar-riskju u l-livell ta’ żball għall-infiq li jinvolvi ġestjoni indiretta ma’ pajjiżi benefiċjarji; u
  • tapplika sanzjonijiet xierqa lil entitajiet li ma jikkonformawx mal-obbligu tagħhom li jipprovdu d-dokumentazzjoni ta’ sostenn meħtieġa lill-awdituri tagħna.
Tixtieq tkun taf aktar? Tista’ ssib informazzjoni dettaljata dwar l-awditu tagħna tal-FEŻ fir-Rapport Annwali 2015 dwar l-attivitajiet iffinanzjati mit-8, mid-9, mill-10 u mill-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ).

Informazzjoni ta’ sfond

L-approċċ tal-awditjar fil-qosor

L-opinjonijiet tal-QEA fid-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni huma bbażati fuq evidenza oġġettiva miksuba minn ittestjar tal-awditjar skont standards internazzjonali tal-awditjar. Dan li ġej huwa spjegazzjoni ta’ kif nagħmlu xogħolna.

Affidabbiltà tal-kontijiet

Il-kontijiet annwali tal-UE jipprovdu informazzjoni kompleta u preċiża?

Il-baġit tal-UE huwa kumpless. Kull sena, id-direttorati ġenerali tal-Kummissjoni jinizjaw mijiet ta’ eluf ta’ entrati kontabilistiċi, billi jiġbru informazzjoni minn ħafna sorsi differenti (inklużi l-Istati Membri). Aħna niċċekkjaw li l-proċessi kontabilistiċi jaħdmu sew u li d-data kontabilistika li tirriżulta tkun kompleta, tkun irreġistrata b’mod korrett u tkun ippreżentata kif xieraq.

  • Evalwazzjoni tas-sistema kontabilistika biex jiġi żgurat li din tipprovdi bażi tajba għall-produzzjoni ta’ data affidabbli.
  • Verifikazzjoni ta’ proċeduri kontabilistiċi ewlenin biex jiġi żgurat li dawn jiffunzjonaw b’mod korrett.
  • Kontrolli analitiċi tad-data kontabilistika biex jiġi żgurat li din tkun ippreżentata b’mod konsistenti u li tidher raġonevoli.
  • Iċċekkjar dirett ta’ kampjun ta’ entrati kontabilistiċi biex jiġi żgurat li t-tranżazzjoni ta’ bażi teżisti u li din tkun ġiet irreġistrata b’mod preċiż.
  • Iċċekkjar ta’ rapporti finanzjarji biex jiġi żgurat li dawn jippreżentaw b’mod ġust is-sitwazzjoni finanzjarja.

Regolarità tat-tranżazzjonijiet

It-tranżazzjonijiet tal-UE tal-introjtu u tal-pagamenti kontabilizzati bħala spejjeż1 u li fuqhom huma bbażati l-kontijiet tal-UE, huma konformi mar-regoli li jirregolawhom?

Il-baġit tal-UE jinvolvi miljuni ta’ pagamenti lil benefiċjarji kemm fl-UE kif ukoll fil-bqija tad-dinja. Il-maġġoranza ta’ dan l-infiq huwa mmaniġġjat mill-Istati Membri. Biex niksbu l-evidenza li neħtieġu, aħna nittestjaw l-introjtu u l-pagamenti kontabilizzati bħala spejjeż direttament u nivvalutaw is-sistemi li permezz tagħhom huma jiġu amministrati u ċċekkjati.

  • Kampjuni tat-tranżazzjonijiet jittieħdu mill-baġit kollu tal-UE bl-użu ta’ tekniki tal-istatistika biex tiġi pprovduta bażi għal ittestjar dettaljat mill-awdituri tagħna.
  • It-tranżazzjonijiet ikkampjunati jiġu awditjati fid-dettall, normalment fil-bini tar-riċevituri finali (eż. bidwi, istitut tar-riċerka, kumpanija li tipprovdi xogħlijiet jew servizzi permezz ta’ akkwist pubbliku) biex tinkiseb evidenza diretta li l-avveniment ta’ bażi “jeżisti”, li huwa rreġistrat kif xieraq u li huwa konformi mar-regoli li taħthom isiru l-pagamenti kkonċernati.
  • Żbalji jiġu analizzati u kklassifikati bħala kwantifikabbli jew le.
  • L-impatt tal-iżbalji jiġi kkalkulat permezz tal-estrapolazzjoni ta’ żbalji kwantifikabbli fil-forma ta’ livell ta’ żball stmat.
  • Il-livell ta’ żball stmat jitqabbel ma’ soll ta’ materjalità ta’ 2 % biex tiġi ddeterminata l-opinjoni tagħna.
  • Is-sistemi għad-dħul jiġu vvalutati biex tiġi ddeterminata l-effettività tagħhom biex jiżguraw li t-tranżazzjonijiet li jimmaniġġjaw huma legali u regolari.
  • Tittieħed inkunsiderazzjoni informazzjoni rilevanti oħra, bħal rapporti annwali tal-attività u rapporti ta’ awdituri esterni oħra.
  • Is-sejbiet kollha jiġu diskussi kemm mal-awtoritajiet fl-Istati Membri kif ukoll mal-Kummissjoni biex jiġi żgurat li l-fatti huma korretti.
  • Aħna nadottaw l-opinjonijiet tagħna bbażat fuq ix-xogħol li jkun sar u r-riżultati miksuba.

1 Pagamenti kontabilizzati bħala spejjeż: pagamenti interim, pagamenti finali u approvazzjoni ta’ pagamenti bil-quddiem.

Tista’ ssib aktar informazzjoni dwar il-proċess tal-awditjar għad-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni, fl-Anness 1.1 tar-Rapport Annwali 2015 dwar il-baġit tal-UE.

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri u xogħolha

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri — QEA — hija l-istituzzjoni indipendenti tal-awditjar tal-Unjoni Ewropea. Aħna ninsabu bbażati fil-Lussemburgu u nimpjegaw madwar 900 membru tal-persunal professjonali u persunal ta’ appoġġ, tan-nazzjonalitajiet kollha tal-UE. Mill-ħolqien tagħna fl-1977 ‘l hawn, aħna ffukajna l-attenzjoni tagħna fuq l-importanza tal-ġestjoni finanzjarja tal-UE u kkontribwejna għat-titjib tagħha.

Ir-rapporti u l-opinjonijiet tal-awditjar tal-QEA huma element essenzjali tal-katina ta’ obbligu ta’ rendikont tal-UE. L-output tagħna jintuża biex dawk responsabbli mill-ġestjoni tal-baġit tal-UE jkollhom obbligu ta’ rendikont – notevolment fi ħdan il-proċedura ta’ kwittanza annwali. Din hija prinċipalment il-Kummissjoni, iżda l-istituzzjonijiet u l-korpi l-oħra tal-UE huma kkonċernati wkoll. L-Istati Membri wkoll għandhom rwol importanti fil-ġestjoni kondiviża.

Il-kompiti prinċipali tagħna huma:

  • awditi finanzjarji u tal-konformità, prinċipalment fil-forma tad-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni;
  • awditi tal-prestazzjoni ta’ suġġetti magħżula biex jiġi mmassimizzat l-impatt ta’ xogħolna; u
  • opinjonijiet dwar regolamenti relatati mal-ġestjoni baġitarja u kwistjonijiet oħra ta’ importanza.

L-għan tagħna huwa li nimmaniġġjaw ir-riżorsi tagħna b’mod li jiżgura bilanċ xieraq bejn id-diversi attivitajiet tagħna, filwaqt li ngħinu fil-kisba ta’ riżultati robusti u kopertura tajba tal-oqsma differenti kollha tal-baġit tal-UE.

L-output tagħna

Aħna nipproduċu:

  • rapporti annwali dwar il-baġit tal-UE u l-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp. Ir-rapporti annwali prinċipalment jinkludu l-opinjonijiet u r-riżultati fid-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni, u dawn jiġu ppubblikati kull sena bejn Ottubru u Novembru;
  • rapporti annwali speċifiċi li jistipulaw l-opinjonijiet tal-awditjar finanzjarju tal-QEA ta’ kull waħda mid-diversi aġenziji u korpi tal-UE. Ġew ippubblikati 52 rapport fl-2015;
  • rapporti speċjali dwar suġġetti magħżula tal-awditjar, ippubblikati matul is-sena. Dawn huma prinċipalment awditi tal-prestazzjoni. Ġew ippubblikati 25 rapport fl-2015;
  • opinjonijiet użati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fl-approvazzjoni ta’ liġijiet tal-UE u deċiżjonijiet oħra b’implikazzjonijiet sinifikanti għall-ġestjoni finanzjarja, u outputs oħra bbażati fuq analiżijiet. Tmien opinjonijiet u żewġ rapporti ta’ sinteżi dwar l-aġenziji u l-impriżi konġunti tal-UE ġew ippubblikati fl-2015;
  • rapporti annwali tal-attività li jipprovdu informazzjoni u fehim approfondit fir-rigward tal-attivitajiet tagħna għas-sena.

Xogħolna jikkontribwixxi għas-sensibilizzazzjoni u ż-żieda fit-trasparenza tal-ġestjoni finanzjarja tal-UE, l-għoti ta’ aċċertament dwar l-istat ta’ dik il-ġestjoni u l-formulazzjoni ta’ rakkomandazzjonijiet għal aktar titjib. Aħna nagħmlu dan fl-interessi taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea.

2015 Rapporti speċjali

Ir-rapporti speċjali tagħna — li huma prinċipalment awditi tal-prestazzjoni — huma disponibbli fuq is-sit web tagħna eca.europa.eu bil-lingwi kollha tal-UE

Trasport minn Passaġġi fuq l-Ilma Interni fl-Ewropa: L-ebda titjib sinifikanti fis-sehem modali u fil-kundizzjonijiet ta’ navigabbiltà mill-2001 ‘il hawn (Nru 1/2015)

Finanzjament mill-UE ta’ impjanti tat-Trattament tal-Ilma Urban Mormi fil-baċin tax-Xmara Danubju: aktar sforzi huma meħtieġa biex l-Istati Membri jingħataw għajnuna sabiex jilħqu l-objettivi tal-UE għall-politika tal-ilma mormi (Nru 2/2015)

Il-Garanzija għaż-Żgħażagħ tal-UE: ittieħdu l-ewwel passi iżda hemm riskji fil-ġejjieni għall-implimentazzjoni (Nru 3/2015)

L-assistenza teknika: x’kontribut tat għall-agrikoltura u l-iżvilupp rurali? (Nru 4/2015)

L-istrumenti finanzjarji huma għodda ta’ suċċess u promettenti fil-qasam tal-iżvilupp rurali? (Nru 5/2015)

L-integrità u l-implimentazzjoni tal-EU ETS (Nru 6/2015)

Il-missjoni tal-pulizija tal-UE fl-Afganistan: riżultati mħallta (Nru 7/2015)

L-appoġġ finanzjarju tal-UE qed jindirizza l-ħtiġijiet ta’ mikroimprendituri b’mod adegwat? (Nru 8/2015)

Appoġġ mill-UE għall-ġlieda kontra t-tortura u l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt (Nru 9/2015)

L-isforzi biex jiġu indirizzati l-problemi relatati mal-akkwist pubbliku fin-nefqa tal-UE għall-koeżjoni għandhom jiġu intensifikati (Nru 10/2015)

Il-Ftehimiet ta’ Sħubija dwar is-Sajd huma mmaniġġjati tajjeb mill-Kummissjoni? (Nru 11/2015)

Il-prijorità tal-UE li tippromwovi ekonomija rurali bbażata fuq l-għarfien ġiet affettwata minn ġestjoni ħażina ta’ miżuri ta’ trasferiment tal-għarfien u ta’ konsulenza (Nru 12/2015)

L-appoġġ tal-UE lil pajjiżi li jipproduċu l-injam taħt il-Pjan ta’ Azzjoni FLEGT (Nru 13/2015)

Il-Faċilità ta’ Investiment tal-AKP: tipprovdi valur miżjud? (Nru 14/2015)

L-appoġġ taħt il-Faċilità għall-Enerġija AKP-UE għal enerġija rinnovabbli fl-Afrika tal-Lvant (Nru 15/2015)

Titjib tas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija permezz tal-iżvilupp tas-suq intern tal-enerġija: jinħtieġu sforzi akbar (Nru 16/2015)

Appoġġ mill-Kummissjoni għat-Timijiet ta’ Azzjoni għaż-Żgħażagħ: ir-riorjentament tal-finanzjament mill-FSE nkiseb, iżda ma kienx hemm fokus suffiċjenti fuq ir-riżultati (Nru 17/2015)

Assistenza finanzjarja pprovduta lil pajjiżi li jinsabu f’diffikultajiet (Nru 18/2015)

Jeħtieġ li tingħata aktar attenzjoni għar-riżultati biex jitjieb it-twassil tal-assistenza teknika lill-Greċja (Nru 19/2015)

Il-kosteffettività tal-appoġġ taħt l-Iżvilupp Rurali tal-UE għal investimenti mhux produttivi fl-agrikoltura (Nru 20/2015)

Analiżi tar-riskji relatati ma’ approċċ orjentat lejn ir-riżultati, għal azzjoni tal-UE fl-iżvilupp u l-kooperazzjoni (Nru 21/2015)

Is-superviżjoni tal-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu mill-UE — stabbilita tajjeb iżda għadha mhix kompletament effettiva (Nru 22/2015)

Il-kwalità tal-ilma fil-baċin tax-Xmara Danubju: sar progress fl-implimentazzjoni tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma iżda għad fadal xi jsir (Nru 23/2015)

L-indirizzar tal-frodi intra-Komunitarja tal-VAT: Tinħtieġ aktar azzjoni (Nru 24/2015)

L-appoġġ mill-UE għall-infrastruttura rurali: il-potenzjal li jinkiseb valur sinifikattivament akbar għall-flus (Nru 25/2015)

Dwar

IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI
12, rue Alcide De Gasperi
1615 Luxembourg
LUXEMBOURG

Tel. +352 4398-1
Mistoqsijiet: eca.europa.eu/mt/Pages/ContactForm.aspx
Sit web: eca.europa.eu
Twitter: @EUAuditorsECA

Ħafna informazzjoni addizzjonali dwar l-Unjoni Ewropea hija disponibbli fuq l-Internet.
Jista’ jsir aċċess għaliha permezz tas-server Europa (http://europa.eu).

Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2016

PrintISBN 978-92-872-5553-2doi:10.2865/98852QJ-04-16-526-MT-C
PDFISBN 978-92-872-5533-4doi:10.2865/962893QJ-04-16-526-MT-N
EPUBISBN 978-92-872-5585-3doi:10.2865/011264QJ-04-16-526-MT-E
HTMLISBN 978-92-872-5548-8doi:10.2865/35873QJ-04-16-526-MT-Q

© L-Unjoni Ewropea, 2016

Ir-riproduzzjoni hija awtorizzata kemm-il darba jissemma s-sors oriġinali.