2018 Awditu tal-UE fil-qosor

Preżentazzjoni tar-Rapporti Annwali 2018
tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri

Kelmtejn dwar l-“Awditu tal-UE fil-qosor għall-2018” L-“Awditu tal-UE fil-qosor għall-2018” jipprovdi stampa ġenerali tar-Rapporti Annwali 2018 tagħna dwar il-baġit ġenerali tal-UE u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp, fejn aħna nippreżentaw id-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tagħna dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati. Huwa jiddeskrivi wkoll is-sejbiet ewlenin tagħna rigward id-dħul u l-oqsma prinċipali ta’ nfiq taħt il-baġit tal-UE u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp, kif ukoll is-sejbiet relatati mal-ġestjoni baġitarja u finanzjarja, l-użu li jsir mill-informazzjoni dwar il-prestazzjoni, u s-segwitu għar-rakkomandazzjonijiet preċedenti tagħna.
It-testi sħaħ tar-rapporti huma disponibbli fuq is-sit web www.eca.europa.eu jew f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) hija l-awditur indipendenti estern tal-UE. Aħna nwissu dwar riskji, nipprovdu aċċertament, niġbdu l-attenzjoni għal nuqqasijiet u prattika tajba, u noffru gwida lil dawk li jfasslu l-politika u lil-leġiżlaturi tal-UE dwar kif jista’ jsir titjib fil-ġestjoni tal-politiki u l-programmi tal-UE. Permezz tax-xogħol li nwettqu, aħna niżguraw li ċ-ċittadini tal-UE jkunu jafu kif qed jintnefqu flushom.

Din il-pubblikazzjoni hija disponibbli bi 23 lingwa fil-format li ġej:
PDF
PDF General Report

Kelmtejn ta’ qabel mill-President

Bħala l-awditur estern tal-Unjoni Ewropea, il-QEA taħdem mal-istituzzjonijiet u l-korpi kollha tal-UE biex tgħinhom jimmaniġġjaw il-finanzi tal-UE b’mod sod u ekonomiku.

Din is-sena, ir-rapport annwali tagħna qed jiġi ppubblikat fi żmien importanti u kruċjali. F’Mejju ġie elett Parlament Ewropew ġdid, u f’Novembru se tinħatar Kummissjoni Ewropea ġdida. L-UE tinsab fil-proċess li tilħaq ftehim dwar il-qafas finanzjarju pluriennali tagħha għall-perjodu mill-2021 sal-2027. Fil-bidu tal-2019, aħna ħriġna “Osservazzjonijiet tal-QEA fil-qosor” li jippreżenta sommarju tal-kontributi prinċipali tagħna fir-rigward tal-proposti leġiżlattivi tal-Kummissjoni għall-perjodu ta’ nfiq 2021–2027. Dawn il-kontributi huma maħsuba biex jassistu lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sabiex dawn jagħmlu l-bidliet leġiżlattivi meħtieġa biex fis-snin li ġejjin il-fondi pubbliċi mill-baġit tal-UE jkunu jistgħu jintnefqu b’mod li jkun saħansitra aktar ekonomiku, effiċjenti u effettiv.

Fid-Dikjarazzjoni ta’ Assigurazzjoni ta’ din is-sena, bħal fi snin preċedenti, aħna nikkonkludu li l-kontijiet tal-UE jippreżentaw stampa vera u ġusta tal-pożizzjoni finanzjarja tagħha. Barra minn hekk, peress li d-dħul tal-UE li awditjajna ma kienx milqut minn livell materjali ta’ żball, aħna nagħtu opinjoni favorevoli dwar ir-regolarità tan-naħa tad-dħul tal-baġit. Fl-istess ħin, aħna noħorġu opinjoni kwalifikata dwar ir-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet tal-2018, li jfisser li l-iżbalji li ġew identifikati permezz tax-xogħol tal-awditjar li wettaqna ma kinux pervażivi u għalhekk ma jirrappreżentawx b’mod żbaljat il-pożizzjoni finanzjarja attwali tal-UE. L-ittestjar li wettaqna juri wkoll li l-livell kumplessiv ta’ irregolaritajiet fl-infiq tal-UE baqa’ fi ħdan il-firxa osservata għall-2016 u l-2017. Barra minn hekk, l-istess bħas-sentejn li għaddew, parti sinifikanti mill-infiq li awditjajna ma kinitx milquta minn livell materjali ta’ żball. Dan jikkonferma t-titjib sostnut li nkiseb fis-snin reċenti fil-ġestjoni tal-finanzi tal-UE.

Bis-saħħa tat-titjib fil-ġestjoni finanzjarja tagħha, l-Unjoni Ewropea issa qed tissodisfa l-istandards għoljin tal-obbligu ta’ rendikont u tat-trasparenza f’dak li jirrigwarda l-infiq ta’ fondi pubbliċi. Jeħtieġ li nkomplu nibnu fuq dan is-suċċess li nkiseb fit-titjib tal-ġestjoni finanzjarja tal-UE sabiex niżguraw li ċ-ċittadini tagħna jkunu jistgħu jżommu l-fiduċja tagħhom fl-UE u fl-Istati Membri tagħha. B’mod partikolari, għandna niffukaw b’mod konġunt fuq l-iskrutinju li nwettqu fuq oqsma fejn għad hemm nuqqasijiet partikolari u fejn ir-riskji huma partikolarment għolja. Għal dan il-fini, aħna fil-QEA nħeġġu lill-istituzzjonijiet u l-korpi l-oħra kollha tal-UE, b’mod partikolari l-Kummissjoni Ewropea l-ġdida, biex jaħdmu flimkien magħna biex niżviluppaw u narmonizzaw aktar il-metodoloġiji u l-prattiki tagħna tal-awditjar.

Peress li l-baġit tal-UE jirrappreżenta mhux aktar minn madwar 1 % tad-dħul nazzjonali gross tal-Istati Membri kollha flimkien, huwa essenzjali li dan l-infiq tal-UE mhux biss jikkonforma mar-regoli, iżda jwassal ukoll riżultati.

Klaus-Heiner LEHNE
President tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri

Riżultati kumplessivi

Sejbiet ewlenin

Sommarju tad-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni 2018

Il-QEA tagħti opinjoni favorevoli dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet tal-Unjoni Ewropea għall-2018.

Id-dħul għall-2018 kien legali u regolari, u kien ħieles minn żball materjali.

L-opinjoni tagħna dwar l-infiq għas-sena finanzjarja 2018 hija kwalifikata.

  • B’mod ġenerali, il-livell ta’ żball stmat fl-infiq mill-baġit tal-UE għall-2018 kien ta’ 2.6 %, li huwa fi ħdan il-firxa tal-istimi tal-livell ta’ żball għal dawn l-aħħar sentejn. Għal madwar nofs l-infiq, il-pagamenti jsiru prinċipalment abbażi ta’ drittijiet, jiġifieri pagamenti li jsiru lil benefiċjarji talli jkunu ssodisfaw ċerti kundizzjonijiet. Għal dan it-tip ta’ nfiq, aħna nistmaw li l-livell ta’ żball l-aktar probabbli huwa taħt is-soll ta’ materjalità ta’ 2 %.
  • Din is-sena – għat-tielet sena konsekuttiva – aħna qed noħorġu opinjoni kwalifikata dwar il-pagamenti fejn qabel konna qed noħorġu opinjoni avversa kull sena sas-sena 2015.
  • L-informazzjoni dwar ir-regolarità tal-Kummissjoni Ewropea xi kultant tkun differenti mis-sejbiet tagħna. L-istima tagħha tal-livelli ta’ żball huma qrib l-istimi tagħna għal “Kompetittività” u “Riżorsi naturali”, u aktar baxxi minn tagħna għal “Koeżjoni”.
  • Fl-2018, kien hemm żieda sinifikanti fil-klejms għall-pagamenti għall-fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (SIE) li twettqu mill-Istati Membri. Fl-istess ħin, fil-ħames sena tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) 2014-2020, l-assorbiment tal-fondi SIE kompla għaddej aktar bil-mod milli kien ippjanat. Dan ikkontribwixxa għal żieda fl-impenji pendenti tal-fondi SIE.
  • Ibbażat fuq l-analiżi tagħna ta’ programmi magħżula li jkopru 97 % tal-programmazzjoni finanzjarja għall-QFP 2014-2020, aħna nikkonkludu li l-indikaturi tal-prestazzjoni, li attwalment qed jintużaw għall-baġit tal-UE, mhux dejjem jipprovdu stampa tajba tal-progress reali li sar lejn l-ilħuq tal-objettivi tal-politika.
  • Din is-sena, l-analiżi ta’ segwitu kopriet 184 rakkomandazzjoni maħruġa fil-25 rapport speċjali li ġew ippubblikati fl-2015. Minn dak iż-żmien ’il hawn, il-Kummissjoni implimentat 75 % tar-rakkomandazzjonijiet tagħna bis-sħiħ jew fil-biċċa l-kbira mill-aspetti.
  • Aħna nirrappurtaw il-każijiet kollha ta’ frodi suspettata li jinqabdu matul ix-xogħol tal-awditjar tagħna lill-uffiċċju tal-UE kontra l-frodi (OLAF). Matul l-2018, aħna kkomunikajna lill-OLAF disa’ każijiet ta’ frodi suspettata.

It-test sħiħ tar-Rapporti Annwali 2017 tagħna dwar il-baġit tal-UE u dwar l-attivitajiet iffinanzjati mit-8, mid-9, mill-10 u mill-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp huwa disponibbli fuq is- sit web tagħna (eca.europa.eu).

X’awditjajna

Il-Baġit tal-UE għall-2018 f’ċifri

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jadottaw baġit annwali tal-UE, fil-qafas finanzjarju li jkun intlaħaq qbil dwaru għal perjodu pluriennali. Il-perjodu tal-QFP attwali huwa mill-2014 sal-2020. Il-Kummissjoni hija primarjament responsabbli milli tiżgura li l-baġit jintnefaq kif suppost.

Fl-2018, l-infiq ammonta għal total ta’ EUR 156.7 biljun, li huwa l-ekwivalenti ta’ 2.2 % tal-infiq ġenerali totali tal-amministrazzjonijiet pubbliċi tal-Istati Membri tal-UE u ta’ 1.0 % tal-introjtu nazzjonali gross tal-UE.

Minn fejn jiġu l-flus?

Il-baġit tal-UE huwa ffinanzjat b’diversi mezzi. B’kollox, id-dħul jammonta għal EUR 159.3 biljun, li minnhom l-akbar sehem (EUR 105.0 biljun) jitħallas mill-Istati Membri, proporzjonalment għall-introjtu nazzjonali gross tagħhom. Sorsi oħra jinkludu dazji doganali (EUR 20.2 biljun), il-kontribuzzjoni bbażata fuq it-taxxa fuq il-valur miżjud li tinġabar mill-Istati Membri (EUR 17.1 biljun) u, pereżempju, il-kontribuzzjonijiet u r-rifużjonijiet li jirriżultaw mill-ftehimiet u l-programmi tal-Unjoni (EUR 17.0 biljun).

Fuq xiex jintnefqu l-flus?

Il-baġit annwali tal-UE jintnefaq fuq firxa wiesgħa ta’ oqsma. Il-pagamenti jsiru biex jappoġġaw attivitajiet varji, bħall-biedja u l-iżvilupp ta’ żoni rurali u urbani, proġetti ta’ infrastruttura tat-trasport, riċerka, taħriġ għal persuni qiegħda, appoġġ għal pajjiżi li jixtiequ jissieħbu mal-UE, u għajnuna lil pajjiżi ġirien u lil pajjiżi li qed jiżviluppaw.

Madwar żewġ terzi tal-baġit jintnefqu taħt dik li hija magħrufa bħala “ġestjoni kondiviża”, fejn huma l-Istati Membri individwali li jiddistribwixxu l-fondi u jimmaniġġjaw l-infiq f’konformità mad-dritt tal-UE u dak nazzjonali (eż. fil-każ tal-infiq fuq “Koeżjoni” u “Riżorsi naturali”).

Id-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tagħna dwar il-baġit tal-UE

Kull sena, aħna nawditjaw id-dħul u l-infiq tal-UE, filwaqt li neżaminaw jekk il-kontijiet annwali humiex affidabbli, u jekk it-tranżazzjonijiet tal-introjtu u tal-infiq jikkonformawx mar-regoli applikabbli fil-livell tal-UE u f’dak tal-Istati Membri.

Dan ix-xogħol jifforma l-bażi għad-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tagħna, li aħna meħtieġa nipprovdu lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill taħt l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Aħna neżaminaw l-infiq fil-mument meta r-riċevituri finali tal-fondi tal-UE jkunu wettqu attivitajiet jew ġarrbu spejjeż, u meta l-Kummissjoni tkun aċċettat l-infiq. Aħna ma eżaminajniex l-ammonti prefinanzjati ħlief jekk kienu ġew approvati fl-2018.

Għalhekk, il-popolazzjoni li awditjajna għall-2018 kienet tammonta għal EUR 120.6 biljun (ara l-Figura 1).

Figura 1

Infiq tal-2018 li ġie awditjat

Din is-sena, “Riżorsi naturali” ikkostitwiet l-akbar sehem mill-popolazzjoni kumplessiva li awditjajna (48 %), segwita minn “Koeżjoni” (20 %) u “Kompetittività” (15 %).

Bħas-sena l-oħra, aħna eżaminajna l-Intestatura “Koeżjoni” fuq il-bażi tax-xogħol ta’ awdituri oħra fl-Istati Membri, u s-superviżjoni tal-Kummissjoni. Dan ifisser li l-awdituri tagħna analizzaw u, fejn kien meħtieġ, reġgħu wettqu dak ix-xogħol.

Għal aktar informazzjoni dwar l-approċċ tal-awditjar tagħna, ara l-kapitolu “Informazzjoni ġenerali”.

X'sibna

Il-kontijiet tal-UE jippreżentaw stampa vera u ġusta

Il-kontijiet tal-UE għall-2018 jippreżentaw, fl-aspetti materjali kollha, stampa vera u ġusta tar-riżultati finanzjarji tal-UE u tal-assi u l-obbligazzjonijiet tagħha fi tmiem is-sena, skont l-istandards internazzjonali tal-kontabbiltà għas-settur pubbliku.

Għalhekk, aħna nistgħu nagħtu opinjoni favorevoli dwar l-affidabbiltà (jiġifieri ċ-“ċertifikazzjoni” minna) tal-kontijiet, kif ilna nagħmlu kull sena mill-2007 ’l hawn.

Id-dħul għall-2018 huwa legali u regolari

Aħna nikkonkludu li d-dħul huwa ħieles minn żball materjali. Barra minn hekk, aħna eżaminajna għażla ta’ sistemi relatati mad-dħul u vvalutajniehom bħala kumplessivament effettivi, bl-eċċezzjoni tal-kontrolli interni ewlenin għar-riżorsi proprji tradizzjonali (RPT) użati fil-Kummissjoni u f’ċerti Stati Membri, li sibna li kienu biss parzjalment effettivi.

L-infiq tal-UE huwa legali u regolari, ħlief għar-rimborżi tal-ispejjeż

Żball jew pagament irregolari huwa l-ammont ta’ flus li ma kellux jitħallas mill-baġit tal-UE, minħabba li ma ntużax skont ir-regoli tal-UE u/jew dawk nazzjonali, u għaldaqstant la jikkonforma ma’ dak li l-Kunsill u l-Parlament riedu jfissru bil-leġiżlazzjoni kkonċernata tal-UE u lanqas ma jikkonforma mar-regoli nazzjonali speċifiċi fl-Istati Membri. Aħna nistmaw il-livell ta’ żball b’mod statistiku, fuq il-bażi ta’ żbalji kwantifikabbli (li jistgħu jitkejlu f’termini monetarji) li identifikajna billi ttestjajna kampjun ta’ tranżazzjonijiet fi ħdan il-popolazzjoni awditjata kollha tal-infiq.

Għall-infiq kollu, aħna nistmaw li l-livell ta’ żball jinsab fil-firxa bejn 1.8 % u 3.4 %. Il-punt tan-nofs ta’ din il-firxa, l-hekk imsejjaħ l-iżball l-aktar probabbli, huwa ta’ 2.6 % (ara l-Figura 2). Dan kien 2.4 % fl-2017 u 3.1 % fl-2016.

Figura 2

Livell ta’ żball stmat għall-baġit tal-UE fl-intier tiegħu (2016-2018)

Nota:

Aħna nużaw tekniki standard tal-istatistika biex nistmaw il-livell ta' żball. Aħna nistgħu naffermaw, bi grad ta’ fiduċja ta’ 95 % li l-livell ta' żball għall-popolazzjoni jinsab fil-firxa bejn il-limiti inferjuri u superjuri tal-iżball (għal aktar dettalji, ara l-Kapitolu 1, l-Anness 1.1 tar-Rapport Annwali 2018).

Il-mod kif il-fondi tal-UE jiġu żborżati għandu impatt fuq ir-riskju ta’ żball

Ir-riżultati tal-awditjar tagħna għall-2018 jikkonfermaw is-sejbiet tagħna għall-2016 u l-2017: jiġifieri, il-mod kif il-fondi jiġu żborżati għandu impatt fuq ir-riskju ta’ żball.

L-iżbalji kienu limitati prinċipalment għall-infiq b’riskju għoli fejn isiru pagamenti mill-baġit tal-UE għar-rimborż tal-ispejjeż li l-benefiċjarji jkunu ġarrbu preċedentement, u li jistgħu jkunu suġġetti għal regoli kumplessi. Dawn ir-rimborżi tal-ispejjeż jistgħu jkunu suġġetti għal kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà kumplessi, li mbagħad jistgħu jwasslu għal żbalji. Dan it-tip ta’ nfiq irrappreżenta madwar 51 % tal-popolazzjoni li awditjajna fl-2018 u l-livell ta’ żball stmat kien ta’ 4.5 % Dan kien 3.7 % fl-2017 u 4.8 % fl-2016.

Fl-istess ħin, l-istima tar-rata tal-iżball l-aktar probabbli għall-infiq b’riskju baxx (li jirrappreżenta d-49 % li kien jifdal tal-popolazzjoni li awditjajna u li prinċipalment jinkludi pagamenti bbażati fuq drittijiet) kienet taħt is-soll ta’ materjalità tagħna ta’ 2 % (ara l-Figura 3).

Figura 3

Madwar nofs l-infiq tal-2018 li ġie awditjat kien ħieles minn żball materjali

Għalhekk, aħna nikkonkludu li l-livell ta’ żball mhuwiex pervażiv u li, bl-eċċezzjoni tal-infiq b’riskju għoli, il-pagamenti għall-2018 kienu legali u regolari.

X’inhuma pagamenti bbażati fuq drittijiet u pagamenti bbażati fuq ir-rimborż tal-ispejjeż?

L-infiq tal-UE huwa kkaratterizzat minn żewġ tipi ta’ nfiq li jinvolvu profili distinti ta’ riskju:

  • Pagamenti bbażati fuq drittijiet, li huma bbażati fuq l-issodisfar, min-naħa tal-benefiċjarji, ta’ ċerti kundizzjonijiet (inqas kumplessi): dawn jinkludu, pereżempju, fellowships għall-istudenti u għar-riċerka (taħt “Kompetittività”), għajnuna diretta għall-bdiewa (“Riżorsi naturali”), kif ukoll salarji u pensjonijiet għall-persunal tal-UE (“Amministrazzjoni”).
  • Rimborżi tal-ispejjeż, fejn l-UE tirrimborża l-ispejjeż eliġibbli għal attivitajiet eliġibbli (li jinvolvu regoli aktar kumplessi): dawn jinkludu, pereżempju, proġetti ta’ riċerka (taħt “Kompetittività”), investiment fi żvilupp reġjonali u rurali (“Koeżjoni” u “Riżorsi naturali”) u proġetti ta’ għajnuna għall-iżvilupp (“Ewropa Globali”).

“Riżorsi naturali” kellu l-akbar sehem ta’ nfiq awditjat (48 %). “Appoġġ dirett”, li prinċipalment jikkonsisti f’pagamenti ta’ għajnuna diretta lill-bdiewa, kien jirrappreżenta 72 % ta’ dan il-qasam u kien ħieles minn żball materjali. "Żvilupp rurali, miżuri tas-suq, l-ambjent, azzjoni klimatika u sajd” huwa l-komponent l-ieħor ta’ “Riżorsi naturali”. “Koeżjoni”, it-tieni l-akbar sehem ta’ nfiq awditjat (20 %), kien affettwat minn żball materjali, prinċipalment minħabba r-rimborż ta’ spejjeż ineliġibbli u l-ksur tar-regoli tas-suq intern.

Il-livell ta’ żball stmat minna għal “Kompetittività” huwa aktar baxx minn dak tal-2016 u l-2017, iżda xorta waħda huwa materjali. Din is-sena, aħna sibna li l-biċċa l-kbira mill-iżbalji kienu fin-nefqa għar-riċerka, prinċipalment minħabba li l-benefiċjarji ddikjaraw l-ispejjeż b’mod eċċessiv, bħal spejjeż għall-persunal, spejjeż diretti oħra, spejjeż ġenerali jew spejjeż ta’ sottokuntrattar ineliġibbli.

Il-qasam “Amministrazzjoni” kien ħieles minn żball materjali. Il-biċċa l-kbira mill-infiq f’dan il-qasam isir fil-forma ta’ salarji, pensjonijiet u allowances imħallsa mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE. 

Fil-Figura 4 jingħata tqabbil bejn il-livelli ta’ żball stmati fid-diversi oqsma ta’ nfiq bejn l-2016 u l-2018. Aktar informazzjoni dwar ir-riżultati fid-dħul u f’kull qasam ta’ nfiq tingħata fil-kapitolu “Ħarsa aktar mill-qrib lejn id-dħul u l-oqsma ta’ nfiq”, u fil-kapitoli rilevanti tar-Rapport Annwali 2018.

Figura 4

Tqabbil bejn il-livelli ta’ żball stmati għall-oqsma ta’ nfiq tal-UE (2016-2018)

Nota:

Il-livell ta’ żball stmat huwa bbażat fuq l-iżbalji kwantifikabbli, li identifikajna permezz tax-xogħol tagħna, notevolment l-ittestjar ta’ kampjun ta’ tranżazzjonijiet. Aħna nużaw tekniki standard tal-istatistika biex nieħdu dan il-kampjun u biex nistmaw il-livell ta’ żball (ara l-Kapitolu 1, l-Anness 1.1 tar-Rapport Annwali 2018).

Tqabbil bejn l-istima mill-Kummissjoni tal-ammont f’riskju meta jsir il-pagament u l-livell ta’ żball stmat minna

Fil-kuntest tal-approċċ ta’ attestazzjoni għad-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tagħna, aħna qabbilna l-livell ta’ żball stmat minna mal-istima tal-Kummissjoni tal-ammont f’riskju meta jsir il-pagament, li tirrappreżenta l-istima tagħha tal-ammont, fil-mument meta jsir il-pagament, li ma jkunx tħallas f’konformità mar-regoli applikabbli.

Kull Direttorat Ġenerali (DĠ) tal-Kummissjoni jipproduċi rapport annwali tal-attività. Dan jinkludi dikjarazzjoni li fiha d-Direttur Ġenerali jipprovdi aċċertament li r-rapport jippreżenta l-informazzjoni finanzjarja b’mod xieraq u li t-tranżazzjonijiet taħt ir-responsabbiltà tiegħu huma legali u regolari. Id-Direttorati Ġenerali kollha pprovdew stimi tal-livelli ta’ żball tagħhom, li huma qrib il-livell ta’ żball stmat minna għal “Kompetittività” u “Riżorsi Naturali”, u li huma aktar baxxi mill-istimi tagħna għal “Koeżjoni”.

B’mod ġenerali, l-istima tal-Kummissjoni tal-ammont f’riskju meta jsir il-pagament għall-2018 hija ta’ 1.7 %. Dan huwa inqas mil-livell ta’ żball stmat minna li jinsab f’firxa bejn 1.8 % u 3.4 %.

Aħna rrappurtajna disa’ każijiet ta’ frodi suspettata lill-OLAF

Il-frodi hija att ta’ qerq deliberat biex jinkiseb benefiċċju. Għalhekk, l-istima tagħna tal-livell ta' żball fil-baġit tal-UE la hija kejl ta' frodi u lanqas ta’ ineffiċjenza jew ħela. Hija pjuttost stima tal-flus li ma kellhomx jitħallsu minħabba li ma ntużawx f’konformità mar-regoli u r-regolamenti applikabbli.

Aħna nirrappurtaw il-każijiet kollha ta’ frodi suspettata li jkunu nqabdu matul ix-xogħol tal-awditjar tagħna lill-OLAF, l-uffiċċju tal-UE kontra l-frodi, li mbagħad jiddeċiedi jekk huwiex se jinvestiga u jagħti segwitu għal dawn il-każijiet, fejn ikun xieraq f’kooperazzjoni mal-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali. Matul l-2018, aħna kkomunikajna lill-OLAF disa’ każijiet ta’ frodi suspettata (2017: 13).

Il-każijiet ta’ frodi suspettata kienu jikkonċernaw il-ħolqien artifiċjali tal-kundizzjonijiet meħtieġa biex jinkiseb finanzjament mill-UE, id-dikjarazzjoni ta’ spejjeż li ma jissodisfawx il-kriterji ta’ eliġibbiltà, u irregolaritajiet fl-akkwist. Xi wħud mill-każijiet ta’ frodi suspettata li aħna rrappurtajna lill-OLAF kienu jinvolvu bosta irregolaritajiet.

Tixtieq tkun taf aktar? Informazzjoni dettaljata dwar is-sejbiet prinċipali tingħata fil-Kapitolu 1 tar-Rapport Annwali 2018 tagħna. It-test sħiħ tar-rapport annwali tagħna jista’ jinstab fuq is-sit web tagħna (eca.europa.eu).

Il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja qed tiffaċċja sfidi

Żieda sinifikanti fil-klejms għall-fondi SIE

Fl-2018, l-UE użat kemm l-approprjazzjonijiet ta’ impenn kif ukoll l-approprjazzjonijiet ta’ pagament kważi kollha kemm huma. Minn EUR 160.7 biljun disponibbli għall-impenji, intużaw EUR 159.9 biljun (99.5 %) u mill-EUR 144.8 biljun disponibbli għall-pagamenti, tħallsu EUR 142.7 biljun (98.6 %).

L-għadd ta’ klejms għall-fondi SIE fl-2018, li jirrappreżentaw madwar 43 % tal-QFP 2014-2020, żdied sinifikattivament. Dan huwa prinċipalment dovut għal-livell relattivament baxx ta’ klejms għall-pagamenti għall-fond SIE mill-Istati Membri fl-ewwel snin tal-programmi tal-perjodu 2014-2020.

Dewmien fl-implimentazzjoni tal-fondi SIE affettwa l-implimentazzjoni tal-QFP

Dewmien fl-implimentazzjoni tal-fondi SIE jkompli jaffettwa l-aħħar snin ta’ dan il-QFP. Klejms għall-pagamenti li jammontaw għal valur sostanzjali ddewmu u se jiġu ppreżentati fis-snin li ġejjin. Dan affettwa l-użu tal-prefinanzjament u l-impenji pendenti, u se jaffettwa l-ħtiġijiet għal approprjazzjonijiet ta' pagament fil-bidu tal-QFP li jmiss. Aħna nirrakkomandaw li l-Kummissjoni tieħu miżuri biex tiġi evitata pressjoni żejda fuq il-livell ta’ approprjazzjonijiet ta’ pagament fl-ewwel snin tal-QFP 2021-2027.

L-assorbiment tal-fondi SIE kiseb momentum fl-2018, jiġifieri l-ħames sena tal-QFP attwali. Sa tmiem is-sena, fuq medja kienu biss 27.3 % tal-allokazzjonijiet totali għall-QFP kollu li kienu tħallsu lill-Istati Membri, meta mqabbel ma’ 33.4 % li kienu tħallsu sa tmiem l-2011, is-sena korrispondenti tal-QFP preċedenti. L-assorbiment baxx tal-fondi SIE kkontribwixxa għaż-żieda tal-impenji pendenti tal-fondi SIE.

Il-Figura 5 turi l-impenji pendenti tal-fondi SIE ta’ kull Stat Membru, kemm bħala ammont f’euro kif ukoll bħala perċentwal tal-infiq tal-amministrazzjonijiet pubbliċi tagħhom għall-2018.

Fl-analiżi rapida dwar il-każ speċifiku tal-impenji pendenti fil-baġit tal-UE li ppubblikajna, aħna niġbdu l-attenzjoni għar-riskji sinifikanti li livell għoli ta’ impenji pendenti jista’ joħloq għall-baġit tal-UE u nippreżentaw soluzzjonijiet possibbli.

Figura 5

Impenji pendenti mill-fondi SIE fi tmiem l-2018

Iż-żieda fil-garanziji żżid mal-esponiment tal-baġit tal-UE għal riskji

Il-garanziji appoġġati mill-baġit tal-UE żdiedu fi snin reċenti, prinċipalment minħabba li nżdiedu l-garanzija tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) u l-garanzija tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli (EFSD). B’kollox, l-esponiment reali tal-garanziji fi tmiem l-2018 kien ta’ EUR 92.8 biljun. Dan iżid l-esponiment tal-baġit tal-UE għal riskji. Il-livell tat-telf mistenni mill-Kummissjoni huwa kopert minn fondi ta’ garanzija, li fil-QFP il-ġdid se jinġabru flimkien f’fond ta’ proviżjonament komuni.

Aħna nirrakkomandaw li l-Kummissjon tiżgura li, hekk kif jiġi stabbilit il-fond ta’ proviżjonament komuni, jitwettqu ġestjoni effettiva u monitoraġġ aġġornat tal-esponiment tal-baġit tal-UE għall-garanziji relatati u tibbaża l-kalkolu tagħha tar-rata ta’ proviżjonament effettiva fuq metodoloġija prudenti li tkun ibbażata fuq prassi tajba rikonoxxuta.

Il-Bank Ewropew tal-Investiment – parti integrali mill-arkitettura tal-UE, iżda l-arranġamenti tal-obbligu ta’ rendikont huma differenti

Il-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment (il-Grupp tal-BEI) jagħti self, garanziji u tipi oħra ta’ appoġġ fuq bażi mingħajr skop ta’ qligħ, biex b’hekk jaqdi l-objettivi ta’ politika tal-UE. Fi tmiem l-2018, it-total aggregat tas-self pendenti li ngħata mill-Grupp tal-BEI kien ta’ EUR 536 biljun (2017: EUR 548 biljun).

Il-Grupp tal-BEI mhuwiex istituzzjoni tal-UE. Sabiex jittieħed kont tan-natura speċjali tiegħu, huwa għandu arranġamenti ta’ ġestjoni u ta’ governanza li huma differenti minn dawk applikabbli għall-bqija tal-baġit tal-UE. Fi snin reċenti, l-UE għamlet użu dejjem akbar mill-istrumenti finanzjarji u l-garanziji baġitarji pprovduti lill-Grupp tal-BEI. Din ix-xejra mistennija tkompli matul il-QFP li jmiss.

Attwalment, l-operazzjonijiet tal-Grupp tal-BEI li mhumiex iffinanzjati mill-baġit tal-UE, iżda li jaqdu l-istess objettivi tal-UE, ma jaqgħux taħt il-mandat tal-awditjar tagħna. Dan ifisser li l-QEA ma tistax tipprovdi stampa sħiħa tar-rabta bejn l-operazzjonijiet tal-Grupp tal-BEI u l-baġit tal-UE.

Fid-dokument informattiv u analitiku dwar il-futur tal-finanzi tal-UE li ppubblikajna, aħna pproponejna li jkun tajjeb li niġu mistiedna wkoll biex nawditjaw l-operazzjonijiet tal-BEI li mhumiex relatati mal-baġit tal-UE Il-Parlament Ewropew appoġġa l-proposta tagħna fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar ir-Rapport Annwali dwar il-kontroll tal-attivitajiet finanzjarji tal-BEI għall-2017.

Aħna nirrakkomandaw li l-Kummissjoni tipprovdi lill-awtorità baġitarja b’informazzjoni rilevanti li tappoġġa x-xogħol tagħha rigward l-iskrutinju tal-Grupp tal-BEI u l-operazzjonijiet tiegħu, filwaqt li żżid ukoll it-trasparenza ta’ dawn l-operazzjonijiet.

Tixtieq tkun taf aktar? Informazzjoni dettaljata dwar is-sejbiet prinċipali li jirrigwardaw il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja tingħata fil-Kapitolu 2 tar-Rapport Annwali 2018 tagħna. 

Tinħtieġ enfasi ulterjuri fuq il-prestazzjoni tal-infiq tal-UE

Kull sena, aħna nanalizzaw għadd ta’ aspetti relatati mal-prestazzjoni, jiġifieri r-riżultati miksuba mill-baġit tal-UE, li jiġi implimentat mill-Kummissjoni f’kooperazzjoni mal-Istati Membri. Din is-sena, aħna eżaminajna speċifikament l-indikaturi tal-prestazzjoni tal-baġit tal-UE, ir-riżultati prinċipali mir-rapporti speċjali li wettaqna fl-2018 dwar il-prestazzjoni, u l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet li għamilna fir-rapporti speċjali li ppubblikajna fl-2015.

L-indikaturi tal-prestazzjoni juru varjazzjoni sinifikanti fil-kisbiet u jagħtu x’jifhmu li sar progress globali moderat

Aħna analizzajna l-informazzjoni kwantitattiva pprovduta mill-indikaturi tal-prestazzjoni. Għall-analiżi tagħna, aħna għażilna 22 mis-60 programm ta’ nfiq, jiġifieri għażilna l-4 programmi li kellhom l-ogħla nfiq ippjanat għal kull intestatura tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) 2014-2020, kif ukoll żewġ programmi għal strumenti speċjali. It-22 programm li ntagħżlu koprew 97 % tal-programmazzjoni finanzjarja għall-perjodu ta’ 7 snin. Aħna sibna li l-indikaturi juru varjazzjoni sinifikanti fil-kisbiet u progress globali moderat. Il-bidu tardiv u kajman, kemm għall-programmi ta’ Koeżjoni kif ukoll għal dawk tal-iżvilupp rurali, kien fattur limitanti importanti.

L-indikaturi mhux dejjem ipprovdew stampa tajba tal-progress reali

L-analiżi tagħna żvelat dgħufijiet fil-qafas tal-indikaturi tal-prestazzjoni tal-baġit tal-UE. Ħafna indikaturi ma kinux magħżula tajjeb, pereżempju minħabba li ma kinux ikejlu l-kisbiet tal-baġit tal-UE jew minħabba li, fil-biċċa l-kbira, kienu ffukati fuq l-inputs u l-outputs aktar milli fuq ir-riżultati u l-impatti. Barra minn hekk, għal ħafna indikaturi, il-progress ma setax jiġi kkalkulat, u meta dan seta’ jiġi kkalkulat id-data disponibbli xi kultant ma kinitx ta’ kwalità suffiċjenti. Fir-rigward tal-miri, aħna osservajna li għadd minnhom mhumiex ambizzjużi biżżejjed.

Aħna għamilna rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni rigward l-għażla tal-indikaturi, l-istabbiliment tal-miri, il-kisba ta’ informazzjoni f’waqtha u r-rappurtar dwar il-kisbiet.

Fl-2018, ippubblikajna 35 rapport speċjali dwar l-oqsma differenti ta’ nfiq tal-UE

F’konformità mal-istrateġija tagħna għall-2018-2020, aħna qed inżidu l-fokus fuq il-valutazzjoni tal-prestazzjoni fl-azzjonijiet tal-UE. Fir-rapporti speċjali tagħna, aħna neżaminaw jekk l-objettivi tal-politiki u l-programmi magħżula tal-UE ntlaħqux, jekk ir-riżultati nkisbux b’mod effettiv u effiċjenti, u jekk il-finanzjament mill-UE pprovdiex valur miżjud – jiġifieri jekk permezz tiegħu nkisbux riżultati aħjar milli kieku l-azzjonijiet twettqu fuq livell nazzjonali biss.

Il-Figura 6 tippreżenta l-35 rapport speċjali kollha li ġew ippubblikati fl-2018.

Figura 6

Rapporti Speċjali li ġew ippubblikati fl-2018

Ir-rapporti speċjali tagħna — li huma prinċipalment awditi tal-prestazzjoni — huma disponibbli bi 23 lingwa tal-UE fuq is-sit web tagħna (eca.europa.eu).  

Il-Kummissjoni timplimenta perċentwal kbir tar-rakkomandazzjonijiet tagħna

Kull sena, aħna nanalizzaw il-punt sa fejn il-Kummissjoni tkun ħadet azzjoni korrettiva relatata mar-rakkomandazzjonijiet tagħna. F’konformità mal-istrateġija tagħna għall-2018-2020, aħna se nwettqu segwitu tar-rakkomandazzjonijiet kollha li għamilna lill-Kummissjoni tliet snin qabel għall-awditi tal-prestazzjoni.

Din is-sena, l-analiżi ta’ segwitu kopriet 184 rakkomandazzjoni maħruġa fil-25 rapport speċjali li ġew ippubblikati fl-2015. Il-Kummissjoni implimentat 76 % tar-rakkomandazzjonijiet bis-sħiħ jew fil-biċċa l-kbira mill-aspetti. Aħna sibna li 11-il rakkomandazzjoni ma kinux ġew implimentati (ara l-Figura 7).

Figura 7

Tliet kwarti tar-rakkomandazzjonijiet li ħriġna fl-2015 ġew implimentati bis-sħiħ jew fil-biċċa l-kbira mill-aspetti

Tixtieq tkun taf aktar? Informazzjoni dettaljata dwar is-sejbiet ewlenin li jirrigwardaw il-prestazzjoni tal-baġit tal-UE tingħata fil-Kapitolu 3 tar-Rapport Annwali 2018 tagħna. 

Ħarsa aktar mill-qrib lejn id-dħul u l-oqsma ta’ nfiq

Dħul

EUR 159.3 biljun

X’awditjajna

L-awditu tagħna kopra l-parti tal-baġit tal-UE li tikkonċerna d-dħul, u li permezz tiegħu hija tiffinanzja l-infiq. Aħna eżaminajna ċerti sistemi ewlenin ta’ kontroll użati għall-ġestjoni tar-riżorsi proprji, u kampjun ta’ tranżazzjonijiet relatati mad-dħul.

Il-kontribuzzjonijiet li saru mill-Istati Membri, ibbażati fuq l-introjtu nazzjonali gross (ING) tagħhom kienu jirrappreżentaw 66 % tad-dħul totali tal-UE fl-2018, filwaqt li d-dħul mit-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) kien jirrappreżenta 11 %. Dawn il-kontribuzzjonijiet jiġu kkalkulati bl-użu ta’ statistika u stimi makroekonomiċi pprovduti mill-Istati Membri.

Ir-riżorsi proprji tradizzjonali (RPT), li jikkonsistu prinċipalment f’dazji doganali fuq importazzjonijiet miġbura mill-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri f’isem l-UE, ipprovdew 13 % oħra tad-dħul tal-UE. L-10 % li jifdal ġew minn sorsi oħra (eż. kontribuzzjonijiet u rifużjonijiet li jirriżultaw mill-ftehimiet u l-programmi tal-UE, imgħax fuq pagamenti li jsiru tard u fuq multi, u dħul ieħor).

X'sibna

Ammont li kien suġġett għall-awditjar Kien milqut minn żball materjali?
EUR 159.3 biljun Le - L-ammont kien ħieles minn żball materjali kemm fl-2018 kif ukoll fl-2017
Miżuri preventivi u korrettivi

B’mod ġenerali, is-sistemi relatati mad-dħul li eżaminajna kienu effettivi, filwaqt li l-kontrolli interni ewlenin tal-RPT li vvalutajna fil-Kummissjoni u f’ċerti Stati Membri kienu parzjalment effettivi.

Aħna sibna li l-pjan ta’ spezzjoni tal-Kummissjoni ma kienx sostnut suffiċjentement minn valutazzjoni tar-riskju strutturata u dokumentata. Dan affettwa l-verifikazzjoni li l-Kummissjoni twettaq tar-rapporti dwar l-RPT tal-Istati Membri. Aħna sibna wkoll dgħufijiet fil-ġestjoni mwettqa mill-Istati Membri f’dak li jirrigwarda d-dazji doganali, b’mod partikolari rigward il-kompilazzjoni tar-rapporti dwar l-RPT, id-dewmien fl-infurzar tal-irkupru ta’ djun doganali u r-reġistrazzjoni tardiva ta’ dawn id-djun fis-sistema kontabilistika.

Barra minn hekk, aħna osservajna li għat-tielet sena konsekuttiva, fir-rapport annwali tal-attività tagħha, il-Kummissjoni kienet stabbiliet riżerva rigward il-preċiżjoni tal-valur tal-RPT miġbura. Din ir-riżerva rriżultat mill-evażjoni tad-dazji doganali fuq tessuti u żraben minn xi importaturi.

X'nirrakkomandaw

Aħna nirrakkomandaw li l-Kummissjoni:

  • timplimenta valutazzjoni tar-riskju aktar strutturata u dokumentata għall-ippjanar tal-ispezzjonijiet tagħha tal-RPT, inkluża analiżi tal-livell ta’ riskju għal kull Stat Membru kif ukoll tar-riskji relatati mat-tfassil tal-kontijiet fuq id-dazji doganali;
  • tirrinforza l-ambitu tal-kontrolli tagħha ta’ kull xahar u ta’ kull tliet xhur tar-rapporti tal-RPT billi twettaq analiżi aktar approfondita tal-bidliet mhux tas-soltu sabiex tiżgura reazzjoni fil-pront għal anomaliji potenzjali.

Tixtieq tkun taf aktar? Informazzjoni dettaljata dwar l-awditu li wettaqna tad-dħul tal-UE tingħata fil-Kapitolu 4 tar-Rapport Annwali 2018 tagħna.

Kompetittività għat-tkabbir u l-impjiegi

Total: EUR 21.4 biljun

X’awditjajna

Il-programmi ta’ nfiq f’dan il-qasam ta’ politika għandhom rwol importanti biex jistimulaw it-tkabbir u joħolqu l-impjiegi fl-UE. Is-Seba’ Programm Kwadru (FP7) u Orizzont 2020 (H2020) għar-riċerka u l-innovazzjoni, kif ukoll Erasmus+ għall-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport jirrappreżentaw il-biċċa l-kbira mill-infiq. Programmi oħra jipprovdu finanzjament għall-programm spazjali Galileo (is-sistema globali ta’ navigazzjoni bis-satellita tal-UE), il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE) u r-Reattur Termonukleari Internazzjonali.

Għall-2018, infiq ta’ EUR 17.9 biljun kien suġġett għall-awditjar f’dan il-qasam. Il-biċċa l-kbira minn dak l-ammont ġie mmaniġġjat b’mod dirett mill-Kummissjoni, u ħa l-għamla ta’ għotjiet favur benefiċjarji pubbliċi jew privati li jipparteċipaw fi proġetti. Il-programmi ta’ riċerka u innovazzjoni kienu jirrappreżentaw 45 % tal-infiq li awditjajna fl-2018.

X'sibna

Ammont li kien suġġett għall-awditjar Kien milqut minn żball materjali? Stima tal-livell tal-iżball l-aktar probabbli
EUR 17.9 biljun Iva 2.0 % (2017: 4.2 %)

Fl-2018, 54 mit-130 tranżazzjoni li eżaminajna (42 %) kienu milquta minn żbalji. Aħna nistmaw li l-livell tal-iżball l-aktar probabbli huwa ta’ 2.0 %. Din iċ-ċifra hija aktar baxxa minn dik tal-2017, iżda xorta waħda titqies bħala materjali.

Miżuri preventivi u korrettivi

Bħal fi snin preċedenti, ir-riskju prinċipali għar-regolarità tat-tranżazzjonijiet huwa li l-benefiċjarji jiddikjaraw spejjeż ineliġibbli li la jinqabdu u lanqas ma jiġu kkoreġuti qabel ma l-Kummissjoni tirrimborżahom. Aħna sibna li l-biċċa l-kbira mill-iżbalji kienu relatati ma’ spejjeż ineliġibbli (eż. spejjeż għall-ivvjaġġar u għal tagħmir li ma kinux relatati mal-proġett), spejjeż għall-persunal mhux imġarrba direttament għall-proġett, u spejjeż għall-infrastruttura kbira tar-riċerka li ġew iddikjarati b’mod skorrett mill-benefiċjarji.

Eżempju – bosta żbalji fi klejm wieħed

Kumpanija żgħira fis-settur tal-kura tas-saħħa li qed tipparteċipa għall-ewwel darba fi proġett tal-UE ddikjarat EUR 1.1 miljun fi spejjeż għall-persunal, spejjeż ta’ sottokuntrattar, u spejjeż oħra. Il-maġġoranza l-kbira tal-entrati li eżaminajna kien fihom żbalji. B’mod partikolari, il-benefiċjarju ma użax metodu ta’ kalkolu tal-ispejjeż għall-persunal f’konformità mar-regoli ta’ H2020.

Il-Kummissjoni kienet applikat miżuri korrettivi li affettwaw direttament 4 mill-130 tranżazzjoni li eżaminajna. Mingħajr dawn il-miżuri, il-livell ta’ żball stmat minna għal dan il-kapitolu kien ikun ogħla b’0.1 punt perċentwali.

Fl-istess ħin, kien hemm informazzjoni suffiċjenti disponibbli biex jiġu pprevenuti, jew biex jinqabdu u jiġu kkoreġuti tmien każijiet oħra fejn sibna, u kkwantifikajna, xi żbalji. Li kieku din l-informazzjoni kienet intużat biex jiġu kkoreġuti l-iżbalji, il-livell kumplessiv ta’ żball stmat għall-infiq fuq “Kompetittività għat-tkabbir u l-impjiegi” kien ikun aktar baxx b’0.3 punt perċentwali u, għalhekk, kien ikun taħt is-soll ta’ materjalità.

Orizzont 2020 u Erasmus+

Aħna konna rrappurtajna qabel li Orizzont 2020 għandu regoli ta’ finanzjament li huma aktar sempliċi mill-predeċessur tiegħu, jiġifieri l-FP7. Barra minn hekk, taħt H2020, il-benefiċjarji jistgħu jiddikjaraw spejjeż kapitalizzati u operattivi għall-infrastruttura kbira tar-riċerka (LRI) jekk huma jikkonformaw ma’ ċerti kundizzjonijiet u wara li qabel il-Kummissjoni tkun għamlitilhom valutazzjoni ex ante pożittiva tal-metodoloġija tagħhom għall-ispejjeż. Madankollu, l-awditu ta’ din is-sena wera li l-valutazzjoni ex ante ftit li xejn kellha impatt fuq il-prevenzjoni tal-iżbalji.

Għal H2020, aħna analizzajna wkoll awditi li kienu twettqu kemm mill-Kummissjoni kif ukoll minn awdituri esterni kkuntrattati. F’xi wħud mill-fajls li analizzajna, aħna sibna approċċi ta’ kampjunar li ma kinux konsistenti u dgħufijiet fid-dokumentazzjoni u fir-rappurtar tas-sejbiet tal-awditjar, kif ukoll fil-kwalità tal-proċeduri tal-awditjar. Aħna sibna wkoll dgħufijiet metodoloġiċi relatati mal-kalkolu tar-rata ta’ żball: għalkemm l-awditi ex post rarament jilħqu l-għan tagħhom ta’ kopertura massima tal-ispejjeż aċċettati, ir-rata ta’ żball tiġi kkalkulata sistematikament fuq il-bażi tal-ispejjeż aċċettati kollha minflok tal-ammont realment awditjat. Dan iwassal għal dikjarazzjoni insuffiċjenti tar-rata ta’ żball.

Għal Erasmus+, aħna nosservaw li, bħas-sena l-oħra, l-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura (EACEA) ħarġet riżerva fir-rigward tal-effettività tal-kontrolli interni tagħha għall-ġestjoni tal-għotjiet. Barra minn hekk, l-awditi li wettaqna tal-proġetti Erasmus+ urew li xi regoli nazzjonali ma kinux kompletament allinjati mal-prinċipji applikati mill-UE, b’mod partikolari fir-rigward tal-ammonti massimi pagabbli u l-arranġamenti ta’ finanzjament.

Ir-rappurtar tal-Kummissjoni dwar il-legalità u r-regolarità

Ir-RAA 2018 tad-Direttorat Ġenerali għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (DĠ Riċerka u Innovazzjoni), tal-EACEA u tal-Aġenzija Eżekuttiva għall-SMEs (EASME) taw valutazzjoni ġusta tal-ġestjoni finanzjarja tagħhom u tar-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi. B’mod ġenerali, l-informazzjoni pprovduta kienet tikkorrobora s-sejbiet u l-konklużjonijiet tagħna.

Valutazzjoni tal-prestazzjoni

Aħna vvalutajna r-rappurtar imwettaq mill-Kummissjoni dwar il-prestazzjoni ta’ 50 proġett ta’ riċerka u innovazzjoni fil-kampjun tagħna. Skont ir-rapporti ta’ progress għal dawn il-proġetti, il-biċċa l-kbira minnhom kienu kisbu l-outputs u r-riżultati mistennija. Madankollu, f’xi wħud mill-każijiet, il-progress irrappurtat kien biss parzjalment konformi mal-objettivi maqbula, jew l-ispejjeż irrappurtati ma kinux proporzjonati meta mqabbla mal-progress li kien sar. Barra minn hekk, f’xi wħud mill-każijiet, l-outputs u r-riżultati tal-proġett ma kinux ġew disseminati kif kien intenzjonat.

X'nirrakkomandaw

Aħna nirrakkomandaw li l-Kummissjoni:

  • tinforma lill-SMEs b’mod aktar effettiv dwar ir-regoli ta’ finanzjament applikabbli u twettaq kontrolli aktar immirati tal-klejms għall-ispejjeż li jiġu ppreżentati mill-SMEs; għall-Programm Kwadru għar-Riċerka li jmiss, tissemplifika aktar ir-regoli għad-dikjarazzjoni tal-ispejjeż għall-persunal u tal-ispejjeż għall-infrastruttura kbira tar-riċerka;
  • għal H2020, tieħu miżuri biex tindirizza l-osservazzjonijiet li saru fir-rigward tal-awditi ex post dwar il-konsistenza tal-kampjunar, id-dokumentazzjoni u r-rappurtar tas-sejbiet tal-awditjar, kif ukoll il-kwalità tal-proċeduri tal-awditjar; u
  • tindirizza fil-pront is-sejbiet tas-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni rigward:
    1. is-sistemi ta’ kontroll intern li jintużaw mill-EACEA relatati mal-proċess ta’ ġestjoni tal-għotjiet għal Erasmus+; u
    2. il-monitoraġġ tal-konformità mal-obbligi kuntrattwali u mar-rekwiżiti ta’ rappurtar dwar id-disseminazzjoni u l-isfruttament fil-proġetti ta’ riċerka u innovazzjoni.

Tixtieq tkun taf aktar? Informazzjoni dettaljata dwar l-awditu li wettaqna tal-infiq tal-UE għal “Kompetittività għat-tkabbir u l-impjiegi” tingħata fil-Kapitolu 5 tar-Rapport Annwali 2018 tagħna.

Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali

Total: EUR 54.5 biljun

X’awditjajna

L-infiq taħt dan il-qasam ta’ politika jiffoka fuq it-tnaqqis tad-disparitajiet fl-iżvilupp bejn l-Istati Membri u r-reġjuni differenti tal-UE, u fuq it-tisħiħ tal-kompetittività. Dawn l-objettivi jiġu implimentati prinċipalment permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond ta’ Koeżjoni (FK) u l-Fond Soċjali Ewropew (FSE), u dan jinvolvi l-kofinanzjament ta’ programmi operazzjonali pluriennali (PO) li minnhom jiġu ffinanzjati l-proġetti.

Il-ġestjoni tal-infiq hija kondiviża bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri. Fi ħdan il-Kummissjoni, id-Direttorat Ġenerali għall-Politika Reġjonali u Urbana (DĠ Politika Reġjonali u Urbana) huwa responsabbli għall-implimentazzjoni tal-FEŻR u l-FK, filwaqt li d-Direttorat Ġenerali għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni (DĠ Impjiegi, Affarijiet Soċjali u Inklużjoni) huwa responsabbli għall-FSE.

Fl-2018, l-infiq li kien suġġett għall-awditjar tagħna f’dan il-qasam kien jammonta għal EUR 23.6 biljun u kien sinifikattivament ogħla min dak tal-2017 (EUR 8.0 biljun).

Aħna neżaminaw il-pagamenti ladarba l-infiq ikun ġie mġarrab, irreġistrat u aċċettat. F’konformità ma’ dan l-approċċ, l-ammont li kien suġġett għall-awditjar għar-Rapport Annwali 2018 kien jinkludi wkoll infiq b’valur ta’ EUR 16.5 biljun mis-snin preċedenti li l-Kummissjoni kienet aċċettat jew approvat fl-2018. Il-pagamenti li saru fl-2018, li jammontaw għal EUR 47.4 biljun u li huma relatati mal-infiq li hija ma kinitx għadha aċċettat, ma kinux parti mill-popolazzjoni li awditjajna.

X'sibna

Ammont li kien suġġett għall-awditjar Kien milqut minn żball materjali? Stima tal-livell tal-iżball l-aktar probabbli
EUR 23.6 biljun Iva 5.0 % (2017: 3.0 %)
Miżuri preventivi u korrettivi

Fl-2018, aħna ħadna kampjun statistikament rappreżentattiv ta’ 220 tranżazzjoni li l-awtoritajiet tal-awditjar tal-Istati Membri kienu diġà eżaminaw. Aħna sibna u kkwantifikajna 36 żball f’dawn il-220 tranżazzjoni. L-awtoritajiet maniġerjali u l-awtoritajiet tal-awditjar fl-Istati Membri ma kinux qabdu dawn l-iżbalji. B’kont meħud tas-60 żball li kienu nstabu mill-awtoritajiet tal-awditjar, u tal-korrezzjonijiet finanzjarji applikati mill-awtoritajiet inkarigati mill-programmi (b’valur totali ta’ EUR 314-il miljun għall-perjodi ta’ programmazzjoni 2007-2013 u 2014-2020 meħuda flimkien), aħna nistmaw li l-livell ta’ żball huwa ta’ 5,0 %.

L-għadd u l-impatt tal-iżbalji li sibna jindikaw dgħufijiet persistenti fir-rigward tar-regolarità tal-infiq iddikjarat mill-awtoritajiet maniġerjali. L-infiq u l-proġetti ineliġibbli kkontribwew l-aktar għal-livell ta’ żball stmat minna, segwiti mill-ksur tar-regoli tas-suq intern (bħall-akkwist pubbliku u l-għajnuna mill-Istat) u n-nuqqas ta’ dokumenti essenzjali ta’ sostenn. Xi wħud minn dawn l-iżbalji kienu r-riżultat ta’ regoli nazzjonali kumplessi li jmorru lil hinn minn dak li huwa meħtieġ mil-leġiżlazzjoni tal-UE (ara l-kaxxa hawn taħt).

Eżempju: Kundizzjonijiet nazzjonali ta’ eliġibbiltà kumplessi

Aħna sibna li r-regoli ta’ eliġibbiltà għal programm operazzjonali fil-Polonja kienu jinkludu kundizzjoni li tipprojbixxi l-użu ta’ għotja li tkun ingħatat mill-UE jekk entità oħra tkun qed twettaq l-istess tip ta’ attività kummerċjali fl-istess bini. Dan ir-rekwiżit, li jmur lil hinn minn dak li huwa stabbilit fir-regolamenti tal-UE, ġie ripetut fil-ftehim ta’ għotja. Billi benefiċjarju partikolari, li kien avukat, stabbilixxa l-attività tiegħu fl-istess bini li kien qed jintuża minn ditta legali oħra, il-proġett ma kienx eliġibbli għal kofinanzjament.

Valutazzjoni tax-xogħol tal-awtoritajiet tal-awditjar

L-awtoritajiet tal-awditjar jiġu stabbiliti biex jissorveljaw l-użu li jsir mill-fondi tal-UE. Ix-xogħol tagħhom huwa parti kruċjali mill-qafas ta’ aċċertament u ta’ kontroll fil-Koeżjoni. Din is-sena, aħna vvalutajna x-xogħol ta’ 15-il awtorità tal-awditjar mill-126 li jinsabu f’14-il Stat Membru b’rabta ma’ 15-il pakkett ta’ aċċertament għall-perjodu 2014-2020 u ma’ 9 pakketti ta’ għeluq għall-perjodu 2007-2013.

L-istess bħas-sena l-oħra, f’bosta każijiet, l-analiżi li wettaqna tax-xogħol tal-awtoritajiet tal-awditjar żvelat nuqqasijiet relatati mal-ambitu, mal-kwalità u/jew mad-dokumentazzjoni tax-xogħol tagħhom kif ukoll mar-rappreżentattività tal-kampjunar tagħhom. L-awtoritajiet tal-awditjar kollha kienu rrappurtaw rata tal-iżball residwu li kienet taħt it-2 %. B’segwitu għall-verifikazzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni kkoreġiet ir-rata tal-iżball residwu bħala li hija ogħla minn 2 % għal 4 mill-15-il pakkett ta’ aċċertament għall-perjodu 2014-2020 fil-kampjun tagħna.

Minħabba l-iżbalji addizzjonali li qbadna, ir-rata li kkalkulajna mill-ġdid kienet ogħla minn 2 % għal 4 oħra mill-15-il pakkett ta’ aċċertament għall-perjodu 2014-2020 u għal wieħed mid-9 pakketti ta’ għeluq għall-perjodu 2007-2013.

Ix-xogħol ta’ aċċertament imwettaq mill-Kummissjoni u r-rappurtar tagħha dwar ir-rata tal-iżball residwu fir-rapporti annwali tal-attività tagħha

Ir-rapporti annwali tal-attività (RAA) huma l-għodda prinċipali li permezz tagħhom il-Kummissjoni tirrapporta jekk ikollhiex aċċertament raġonevoli li l-proċeduri ta’ kontroll stabbiliti jiżgurawx ir-regolarità tal-infiq.

Is-sena li għaddiet, aħna indikajna li r-rekwiżiti ta’ rappurtar għar-rapporti annwali tal-attività ma kinux ġew adattati b’mod suffiċjenti għall-qafas ta’ kontroll u ta’ aċċertament 2014-2020. Minn dak iż-żmien ’il hawn, il-Kummissjoni għamlet sforzi biex ittejjeb l-arranġamenti tagħha għar-rappurtar dwar ir-regolarità. Fir-Rapporti Annwali tal-Attività 2018 tagħha, il-Kummissjoni aġġornat l-indikatur ewlieni tal-prestazzjoni (KPI) tagħha dwar ir-regolarità u rrappurtat li r-rata tal-iżball residwu għas-sena kontabilistika 2016/2017 kienet taħt it-2 % għaż-żewġ DĠ.

Madankollu, aħna identifikajna problemi li jolqtu l-affidabbiltà ta’ dawn iċ-ċifri. Għal dan il-fini, aħna rrappurtajna li dawn ir-rati għadhom mhumiex finali meta l-Kummissjoni tippubblikahom u li jistgħu jitqiesu biss bħala rati minimi ta’ żball.

Fir-Rapport Annwali dwar il-Ġestjoni u l-Prestazzjoni (AMPR) tagħha għall-baġit tal-UE, il-Kummissjoni tistma li l-ammont ta’ riskju meta jsir il-pagament għall-infiq rilevanti għall-2018 fil-qasam ta’ “Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali” huwa ta’ 1.7 %. Madankollu, din iċ-ċifra tinkludi l-infiq li għadu ma għaddiex miċ-ċiklu ta’ kontroll sħiħ. Dan se jseħħ biss mill-2020 ’il quddiem.

Aħna identifikajna wkoll għadd ta’ problemi li setgħu jolqtu l-għeluq tal-programmi operazzjonali mill-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020 b’rata finali tal-iżball residwu taħt it-2 %:

Ix-xogħol li wettaqna fuq l-elementi differenti tal-awditu tagħna juri li r-rati ta’ żball għal “Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali”, ippreżentati fl-AMPR u fir-Rapporti Annwali tal-Attività tal-Kummissjoni għall-2018, attwalment għadhom mhumiex affidabbli.

Valutazzjoni tal-prestazzjoni

Fl-2018, aħna eżaminajna jekk l-Istati Membri kinux stabbilew indikaturi tal-output u tar-riżultati fil-programmi operazzjonali tagħhom li kienu rilevanti għall-objettivi tagħhom, u jekk l-objettivi għall-output u għar-riżultati, li kienu speċifikati għall-proġetti, kinux jikkorrispondu għall-objettivi tal-programmi operazzjonali. Aħna eżaminajna wkoll jekk l-Istati Membri kinux stabbilew database b’informazzjoni dwar il-prestazzjoni fil-livell tal-proġetti u sa liema punt l-awtoritajiet tal-awditjar ivverifikaw l-affidabbiltà ta’ dik l-informazzjoni.

Għalkemm l-Istati Membri għandhom sistemi ta’ monitoraġġ biex jirreġistraw informazzjoni dwar il-prestazzjoni, aħna sibna għadd ta’ każijiet fejn l-awtoritajiet ma kinux stabbilew indikaturi tar-riżultati jew tal-output fil-livell tal-proġetti, u ftit li xejn każijiet fejn ma kienx hemm indikaturi jew miri biex ikejlu l-prestazzjoni fil-livell tal-proġetti. Barra minn hekk, aħna sibna li l-proġetti kkompletati mhux dejjem laħqu kompletament l-objettivi tagħhom relatati mal-prestazzjoni.

X'nirrakkomandaw

Aħna enfasizzajna li erbgħa mir-rakkomandazzjonijiet tagħna mis-sena li għaddiet jirrigwardaw problemi li erġajna sibna u għalhekk ma ġewx ripetuti. Barra minn hekk, aħna identifikajna problemi ġodda u nirrakkomandaw li l-Kummissjoni:

  • tiżgura li jitwettqu kontrolli regolari, ibbażati fuq kampjun rappreżentattiv ta’ żborżamenti favur ir-riċevituri finali, fil-livell tal-intermedjarji finanzjarji jew mill-awtorità tal-awditjar jew inkella minn awditur magħżul mill-Grupp tal-BEI;
  • fejn il-kontrolli regolari jkunu nstabu li ma jkunux suffiċjenti, tiżviluppa u timplimenta miżuri ta’ kontroll xierqa għall-prevenzjoni tal-possibbiltà li jsir infiq irregolari materjali fl-għeluq;
  • tieħu l-passi meħtieġa biex tiżgura li l-listi ta’ kontroll użati mill-awtoritajiet maniġerjali u mill-awtoritajiet tal-awditjar ikunu jinkludu verifikazzjonijiet tal-konformità mal-Artikolu 132 tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni, li jiddikjara li l-benefiċjarji jridu jirċievu l-ammont totali ta’ nfiq eliġibbli dovut mhux aktar tard minn 90 jum mill-preżentazzjoni tal-klejm għall-pagament korrispondenti; u
  • tindirizza d-dgħufijiet identifikati fl-għeluq u tiżgura li l-ebda programm ma jkun jista’ jingħalaq jekk ikun jippreżenta livell materjali ta’ nfiq irregolari.

Tixtieq tkun taf aktar? Informazzjoni dettaljata dwar l-awditu li wettaqna tal-infiq tal-UE għal “Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali” tingħata fil-Kapitolu 6 tar-Rapport Annwali 2018 tagħna.

Riżorsi naturali

Total: EUR 58.0 biljun

X’awditjajna

Dan il-qasam ta’ nfiq ikopri l-politika agrikola komuni (PAK), il-politika komuni tas-sajd, u parti mill-infiq tal-UE fuq l-ambjent u l-azzjoni klimatika.

Il-PAK tirrappreżenta 98 % tal-infiq fuq “Riżorsi naturali”. It-tliet objettivi ġenerali tagħha stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-UE huma:

  • produzzjoni vijabbli tal-ikel, b'enfasi fuq l-introjtu agrikolu, il-produttività agrikola u l-istabbiltà tal-prezzijiet;
  • ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali u l-azzjoni klimatika, b’enfasi fuq l-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra, il-bijodiversità, il-ħamrija u l-ilma; u
  • żvilupp territorjali bbilanċjat.

Il-ġestjoni tal-PAK hija kondiviża bejn il-Kummissjoni, b’mod partikolari d-Direttorat Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (id-DĠ Agrikoltura u Żvilupp Rurali), u l-aġenziji tal-pagamenti fl-Istati Membri. L-infiq taħt il-PAK jinqasam fi tliet kategoriji ġenerali:

  • pagamenti diretti lill-bdiewa, li huma ffinanzjati kompletament mill-baġit tal-UE;
  • miżuri tas-suq fis-settur agrikolu, li huma wkoll iffinanzjati kompletament mill-baġit tal-UE, bl-eċċezzjoni ta’ ċerti miżuri kofinanzjati mill-Istati Membri, bħall-miżuri ta’ promozzjoni u l-iskema ta’ frott, ħxejjex u ħalib għall-iskejjel; u
  • programmi tal-iżvilupp rurali tal-Istati Membri, kofinanzjati mill-baġit tal-UE.

Għall-2018, infiq ta’ EUR 58.1 biljun kien suġġett għall-awditjar f’dan il-qasam.

X'sibna

Ammont li kien suġġett għall-awditjar Kien milqut minn żball materjali? Stima tal-livell tal-iżball l-aktar probabbli
EUR 58.1 biljun Iva 2.4 % (2017: 2.4 %)
Il-pagamenti diretti fl-intier tagħhom kienu ħielsa minn żball materjali

Il-pagamenti diretti lill-bdiewa huma prinċipalment ibbażati fuq l-erja tal-art agrikola ddikjarata mill-bdiewa. Dawn il-pagamenti jirrappreżentaw 72 % tal-infiq taħt l-intestatura “Riżorsi naturali” tal-QFP.

L-għodda prinċipali ta’ ġestjoni għall-pagamenti diretti hija s-Sistema Integrata ta’ Amministrazzjoni u Kontroll (SIAK), li tinkorpora s-Sistema ta’ Identifikazzjoni tal-Irqajja’ tal-Art (LPIS). Is-SIAK għenet biex jitnaqqas il-livell ta’ żball fil-pagamenti diretti, filwaqt li l-kontribut tal-LPIS huwa partikolarment sinifikanti.

Aħna vverifikajna 95 pagament dirett u sibna li 77 ma kinux milquta minn żball. Aħna nikkonkludu li l-pagamenti diretti fl-intier tagħhom kienu ħielsa minn żball materjali.

Żvilupp rurali, miżuri tas-suq, sajd, ambjent u azzjoni klimatika

Kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà kumplessi jżidu r-riskju ta’ żball f’dawn l-oqsma ta’ nfiq. Aħna ttestjajna 156 pagament u sibna li 40 kienu milquta minn żball. Is-sorsi prinċipali ta’ żball kienu:

  • il-benefiċjarji, l-attivitajiet jew l-ispejjeż ineliġibbli (ara l-eżempju);
  • il-forniment ta’ informazzjoni impreċiża dwar l-erjas jew l-għadd ta’ annimali;
  • in-nuqqas ta’ konformità mar-regoli tal-akkwist jew mar-regoli dwar l-għotjiet; u
  • l-iżbalji amministrattivi.

Eżempju: Benefiċjarju naqas milli jikkonforma mar-regoli ta’ eliġibbiltà għal investimenti f’azjendi agrikoli

Aħna eżaminajna każ fejn benefiċjarju, flimkien ma’ membri oħra ta’ familtu, ippreżentaw applikazzjoni konġunta għal appoġġ biex jinbena maqjel tal-ħnieżer, b’kapaċità massima ta’ 600 ħanżira. Kull wieħed mill-benefiċjarji konġunti applika għal-livell massimu ta’ appoġġ, li kien madwar EUR 215 000. Peress li l-iskop tal-miżura kien li jingħata appoġġ għall-iżvilupp ta’ azjendi agrikoli żgħar u medji, il-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà kienu jistipulaw li l-azjendi tal-applikanti la jrid ikollhom daqs ekonomiku ta’ aktar minn EUR 250 000 u lanqas erja ta’ aktar minn 300 ettaru. Il-benefiċjarji ddikjaraw li joperaw negozji indipendenti. Aħna sibna li huma kellhom ishma f’kumpanija tal-familja li topera fl-istess sit. Meta jittieħed inkunsiderazzjoni s-sehem tal-benefiċjarju fil-kumpanija tal-familja, l-azjenda tiegħu kienet teċċedi l-limitu massimu stabbilit għad-daqs ekonomiku.

Miżuri preventivi u korrettivi

Il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-Istati Membri kienu applikaw miżuri korrettivi li affettwaw direttament 53 mill-251 tranżazzjoni li eżaminajna. Mingħajr dawn il-miżuri, il-livell ta’ żball stmat minna għal dan il-kapitolu kien ikun ogħla b’0.6 punt perċentwali. Fl-istess ħin, fi 12-il każ ta’ żbalji kkwantifikati, l-awtoritajiet nazzjonali kellhom informazzjoni suffiċjenti biex jipprevienu, jew biex jaqbdu u jikkoreġu, l-iżball qabel ma jiddikjaraw l-infiq lill-Kummissjoni. Li kieku l-awtoritajiet nazzjonali għamlu użu xieraq mill-informazzjoni kollha li kellhom għad-dispożizzjoni tagħhom, il-livell ta’ żball stmat kien ikun aktar baxx b’0.6 punt perċentwali.

Rappurtar tad-Direttorat Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali dwar ir-regolarità tal-infiq taħt il-PAK

Id-DĠ Agrikoltura u Żvilupp Rurali juża l-istatistika ta’ kontroll nazzjonali li jirċievi mill-aġenziji tal-pagamenti. Huwa jagħmel ukoll aġġustamenti bbażati fuq ir-riżultati tal-awditi li jitwettqu mill-korpi taċ-ċertifikazzjoni, u fuq il-kontrolli proprji u l-ġudizzju professjonali tiegħu, biex jasal għal stima tal-ammont f’riskju meta jsir il-pagament.

Id-direttur ta’ kull waħda mis-76 aġenzija tal-pagamenti jipprovdi lid-DĠ Agrikoltura u Żvilupp Rurali dikjarazzjoni annwali ta’ ġestjoni dwar l-effettività tas-sistemi ta’ kontroll tagħhom, kif ukoll rapport dwar il-kontrolli tal-aġenzija tal-pagamenti. Mill-2015 ’il hawn, sabiex jipprovdu aċċertament addizzjonali, il-korpi taċ-ċertifikazzjoni kienu meħtieġa jagħtu opinjoni annwali għal kull aġenzija tal-pagamenti dwar il-legalità u r-regolarità tal-infiq li għalih l-Istati Membri jkunu talbu rimborż.

Il-kontrolli tad-DĠ Agrikoltura u Żvilupp Rurali identifikaw nuqqasijiet fix-xogħol tal-korpi taċ-ċertifikazzjoni. Bħalma osservajna s-sena li għaddiet, jeħtieġ li jsir titjib kontinwu fix-xogħol tal-korpi taċ-ċertifikazzjoni jekk il-Kummissjoni trid tuża x-xogħol tagħhom bħala s-sors primarju tagħha ta’ aċċertament dwar ir-regolarità tal-infiq taħt il-PAK.

Ibbażat fuq l-istatistika ta’ kontroll tal-aġenziji tal-pagamenti tagħhom, l-Istati Membri rrappurtaw livell kumplessiv ta’ żball qrib il-1 % għall-infiq taħt il-PAK fl-intier tiegħu. Aħna analizzajna l-aġġustamenti li saru mid-DĠ Agrikoltura u Żvilupp Rurali għar-rati ta’ żball tal-Istati Membri. Bħal fi snin preċedenti, id-DĠ Agrikoltura u Żvilupp Rurali bbaża l-biċċa l-kbira mill-aġġustamenti tiegħu fuq il-kontrolli proprji tiegħu tas-sistemi u l-infiq tal-aġenziji tal-pagamenti. Id-DĠ Agrikoltura u Żvilupp Rurali jikkalkula l-maġġoranza ta’ dawn l-aġġustamenti bħala rati fissi, li huma intenzjonati li jirriflettu s-sinifikat u l-livell tad-dgħufijiet identifikati minnu fis-sistemi ta’ kontroll.

Fir-RAA tiegħu, id-DĠ Agrikoltura u Żvilupp Rurali jistma l-ammont f’riskju meta jsir il-pagament għal madwar 2.1 % għall-infiq taħt il-PAK fl-intier tiegħu u għal madwar 1.8 % għall-pagamenti diretti. Il-Kummissjoni tippreżenta wkoll dawn ir-riżultati fl-AMPR tagħha. L-istima tal-Kummissjoni hija konsistenti mal-konklużjoni tagħna li tindika livell materjali ta’ żball għall-infiq ta’ “Riżorsi naturali” fl-intier tiegħu, iżda mhux għall-pagamenti diretti.

Valutazzjoni tal-prestazzjoni

Aħna analizzajna 113-il azzjoni ta’ żvilupp rurali kkampjunata li ttieħdu fi 18-il Stat Membru. Sibna li l-biċċa l-kbira mill-azzjonijiet kienu taw l-outputs mistennija u li b’mod ġenerali l-Istati Membri kienu vverifikaw ir-raġonevolezza tal-ispejjeż, iżda ftit li xejn kienu għamlu użu mill-opzjonijiet ta’ spejjeż simplifikati.

Aħna eżaminajna l-kejl u r-rappurtar, min-naħa tal-Kummissjoni u l-Istati Membri, dwar il-prestazzjoni taħt il-qafas komuni ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni tal-PAK (CMEF). Iffukajna fuq l-użu li għamlu mill-indikaturi tar-riżultati għal 113-il pagament għall-iżvilupp rurali u għal 95 pagament dirett.

F’konformità mas-sejbiet tal-awditi preċedenti tagħna dwar il-kejl tal-prestazzjoni fl-infiq fuq l-agrikoltura u l-iżvilupp rurali, aħna identifikajna bosta dgħufijiet fil-mod kif il-Kummissjoni u l-Istati Membri kienu applikaw l-indikaturi tar-riżultati tas-CMEF biex ikejlu u jirrappurtaw dwar il-prestazzjoni tal-infiq.

Fil-proposta li tikkonċerna l-introduzzjoni ta’ mudell ta’ implimentazzjoni bbażat fuq il-prestazzjoni għall-PAK għall-perjodu wara l-2020, il-Kummissjoni ddefiniet l-indikaturi komuni tal-outputs, tar-riżultati u tal-impatti. Fl-Opinjoni Nru 7/2018 tagħna dwar il-proposta, filwaqt li lqajna l-bidla għal mudell ibbażat fuq il-prestazzjoni, aħna sibna li dawn l-indikaturi kienu għadhom ma ġewx żviluppati bis-sħiħ u għamilna kummenti speċifiċi dwar l-indikaturi proposti.

X'nirrakkomandaw

Fir-Rapport Annwali 2017 tagħna, aħna għamilna tliet rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni b’data mmirata għall-implimentazzjoni li kienet stabbilita għal tmiem l-2019. Dawn kienu relatati mal-azzjonijiet tal-Istati Membri biex jindirizzaw il-kawżi tal-iżbalji, u mal-kwalità tax-xogħol tal-korpi taċ-ċertifikazzjoni. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet huma rilevanti wkoll għas-sejbiet u l-konklużjonijiet ta’ din is-sena, u aħna se nwettqu segwitu fir-rigward tagħhom fi żmien debitu.

Din is-sena, aħna nirrakkomandaw ukoll li, għall-perjodu ta’ wara l-2020, il-Kummissjoni tieħu kont tad-dgħufijiet li aħna identifikajna fil-qafas attwali, sabiex tiżgura li l-indikaturi tar-riżultati jkejlu b’mod xieraq l-effetti tal-azzjonijiet u li jkollhom rabta ċara mal-interventi u mal-objettivi ta’ politika relatati.

Tixtieq tkun taf aktar? Informazzjoni dettaljata dwar l-awditu li wettaqna tal-infiq tal-UE fuq “Riżorsi naturali” tingħata fil-Kapitolu 7 tar-Rapport Annwali 2018 tagħna

Sigurtà u ċittadinanza

Total: EUR 3.1 biljun

X’awditjajna

Dan il-qasam ta’ nfiq jiġbor flimkien diversi politiki li l-objettiv komuni tagħhom huwa li jissaħħaħ il-kunċett ta’ ċittadinanza Ewropea billi tinħoloq żona ta’ libertà, ġustizzja u sigurtà mingħajr fruntieri interni.

“Migrazzjoni u sigurtà” hija, fil-biċċa l-kbira, implimentata permezz ta’ ġestjoni kondiviża bejn l-Istati Membri u d-Direttorat Ġenerali għall-Migrazzjoni u l-Affarijiet Interni (DĠ Migrazzjoni u Affarijiet Interni) tal-Kummissjoni. Il-fondi l-aktar importanti taħt din l-intestatura huma:

  • il-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (AMIF), li għandu l-għan li jikkontribwixxi għall-ġestjoni effettiva tal-flussi migratorji u għall-iżvilupp ta’ approċċ komuni tal-UE f’dak li jirrigwarda l-asil u l-immigrazzjoni;
  • il-Fond għas-Sigurtà Interna (FSI), li għandu l-għan li jinkiseb livell għoli ta’ sigurtà fl-UE.

Dawn il-fondi bdew fl-2014, meta ssostitwew il-programm SOLID (“Solidarjetà u Ġestjoni tal-Flussi ta' Migrazzjoni”), u se jibqgħu joperaw sal-2020. Fl-2018, dawn kienu jirrappreżentaw madwar nofs (45 %) l-infiq tal-UE f’dan il-qasam.

L-infiq minn 13-il aġenzija deċentralizzata li huma attivi fl-implimentazzjoni ta’ prijoritajiet ewlenin tal-UE fl-oqsma tal-migrazzjoni u s-sigurtà, il-kooperazzjoni ġudizzjarja u s-saħħa jirrappreżenta 27 % oħra. Aħna nirrappurtaw separatament dwar l-aġenziji tal-UE fir-rapporti annwali speċifiċi tagħna u f’sommarju annwali “Awditu tal-aġenziji tal-UE fil-qosor”.

Għall-2018, l-infiq li kien suġġett għall-awditjar f’dan il-qasam kien ta’ EUR 3.0 biljun.

X'sibna

Fl-2018, aħna analizzajna s-sistemi magħżula li jkopru l-politiki prinċipali ta’ dan il-qasam ta’ nfiq u eżaminajna għadd żgħir ta’ tranżazzjonijiet. Aħna sibna li l-ġestjoni, min-naħa tad-DĠ Migrazzjoni u Affarijiet Interni, tas-sejħiet għal proposti u tal-applikazzjonijiet għal għotjiet kienet effettiva. Fl-istess ħin, l-eżaminar tagħna żvela defiċjenzi fl-applikazzjoni tar-regoli tal-akkwist pubbliku u xi dgħufijiet fis-sistemi f’dak li jirrigwarda l-ġestjoni, min-naħa tad-Direttorat Ġenerali għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari, tal-AMIF u l-FSI, kif ukoll fi ħdan il-kontrolli tal-programm dwar l-Ikel u l-Għalf.

X'nirrakkomandaw

Aħna nirrakkomandaw li l-Kummissjoni:

  • tiżgura li, meta tkun qed twettaq kontrolli amministrattivi tal-klejms għall-pagamenti, tuża b’mod sistematiku d-dokumentazzjoni li hija tkun talbet mingħand il-benefiċjarji tal-għotjiet biex teżamina b’mod xieraq il-legalità u r-regolarità tal-proċeduri ta’ akkwist li dawn il-benefiċjarji jkunu organizzaw; u
  • tagħti istruzzjonijiet lill-awtoritajiet tal-Istati Membri responsabbli mill-programmi nazzjonali taħt l-AMIF u l-FSI biex jivverifikaw b’mod adegwat il-legalità u r-regolarità tal-proċeduri ta’ akkwist li jkunu ġew organizzati mill-benefiċjarji tal-fondi meta tkun qed twettaq kontrolli amministrattivi tal-klejms għall-pagamenti li jkunu saru minn dawn il-benefiċjarji.

Tixtieq tkun taf aktar? Informazzjoni dettaljata dwar l-awditu li wettaqna tal-infiq tal-UE għal “Sigurtà u ċittadinanza” tingħata fil-Kapitolu 8 tar-Rapport Annwali 2018 tagħna.

Ewropa Globali

Total: EUR 9.5 biljun

X’awditjajna

Dan il-qasam ikopri l-infiq fl-oqsma ta’ politika barranija, il-promozzjoni tal-valuri tal-UE, l-appoġġ għal pajjiżi kandidati u pajjiżi kandidati potenzjali tal-UE, kif ukoll l-għajnuna għall-iżvilupp u l-għajnuna umanitarja li tiġi pprovduta lil pajjiżi li qed jiżviluppaw u lil pajjiżi ġirien (bl-eċċezzjoni tal-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp li jingħataw fil-kapitolu rilevanti).

L-infiq jiġi implimentat jew direttament minn għadd ta’ Direttorati Ġenerali fil-Kummissjoni (mis-sede tagħhom fi Brussell jew permezz tad-delegazzjonijiet tal-UE f’aktar minn 150 pajjiż riċevitur), jew inkella indirettament mill-pajjiżi benefiċjarji u organizzazzjonijiet internazzjonali, bl-użu ta’ firxa wiesgħa ta’ strumenti ta’ kooperazzjoni u metodi ta’ twassil.

Għall-2018, l-infiq li kien suġġett għall-awditjar f’dan il-qasam kien ta’ EUR 8.0 biljun.

X'sibna

Fl-2018, aħna sibna xi każijiet ta’ nfiq ineliġibbli u ta’ nuqqas ta’ konformità mar-regoli legali u finanzjarji għall-għoti ta’ kuntratti, iżda ltqajna wkoll ma’ eżempji ta’ kontrolli esterni effettivi.

In-nuqqas ta’ kooperazzjoni min-naħa ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali, li ma bagħtux dokumenti ta’ sostenn essenzjali, dewwem serjament ix-xogħol tal-awditjar tagħna. Aħna nqisu li dan jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tal-awditjar tagħna skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE.

Rapporti annwali tal-attività u arranġamenti oħra ta’ governanza

Fl-2018, id-Direttorat Ġenerali għall-Politika Ewropea tal-Viċinat u n-Negozjati għat-Tkabbir ikkummissjona r-raba’ studju annwali tiegħu dwar ir-rata tal-iżball residwu (RER) minn kuntrattur estern. L-iskop tal-istudju dwar ir-RER huwa li jitkejlu l-iżbalji li l-kontrolli kollha ta’ prevenzjoni, ta’ detezzjoni u ta’ korrezzjoni ma jkunx irnexxielhom jaqbdu. Madankollu, fl-2018, għal madwar 24 % tat-tranżazzjonijiet ikkampjunati, l-istudju dwar ir-RER poġġa fiduċja sħiħa fuq ir-riżultati ta’ kontrolli preċedenti, mingħajr ma twettqu kontrolli addizzjonali. Dan is-sehem kien kważi rdoppja mill-2017 ’il hawn.

Barra minn hekk, l-analiżi tagħna wriet li hemm lok għal titjib fil-livell ta’ ġudizzju li l-awdituri jista’ jkollhom meta jistmaw l-iżbalji għal tranżazzjonijiet individwali.

Id-Direttorat Ġenerali għall-Protezzjoni Ċivili u l-Operazzjonijiet tal-Għajnuna Umanitarja Ewropej għamel sforzi addizzjonali biex jeskludi l-irkupri li saru fuq il-prefinanzjament, l-ordnijiet ta’ rkupru kkanċellati u l-imgħax iġġenerat mill-kalkolu tal-ammont stmat li kien jinsab f’riskju. Madankollu, aħna sibna li l-affidabbiltà taċ-ċifra għall-2018, ippreżentata fir-RAA tad-DĠ, tnaqqset minħabba żbalji li ma nqabdux li wasslu għal dikjarazzjoni eċċessiva tal-kapaċità korrettiva tad-DĠ.

Valutazzjoni tal-prestazzjoni

Minbarra li vverifikajna r-regolarità, aħna vvalutajna wkoll aspetti tal-prestazzjoni għal 15-il proġett ikkompletat. Il-proġetti kollha li eżaminajna, ħlief wieħed, kellhom indikaturi tal-prestazzjoni ċari u rilevanti. L-oqfsa loġiċi kienu strutturati tajjeb, u l-objettivi tal-output kienu realisitiċi u setgħu jintlaħqu.

X'nirrakkomandaw

Aħna nirrakkomandaw li l-Kummissjoni:

  • tieħu l-passi kollha meħtieġa biex tirrinforza l-obbligu fuq l-organizzazzjonijiet internazzjonali biex jipprovdulna kull dokument jew informazzjoni meħtieġa sabiex inwettqu x-xogħol tagħna;
  • tieħu passi biex tadatta l-metodoloġija tad-DĠ Politika Ewropea tal-Viċinat u Negozjati għat-Tkabbir biex tillimita d-deċiżjonijiet dwar li titpoġġa fiduċja sħiħa fuq xogħol preċedenti, u timmonitorja mill-qrib l-implimentazzjoni tagħha;
  • temenda l-mod kif il-kapaċità korrettiva għandha tiġi kkalkulata fl-2019 billi teskludi l-irkupru ta’ prefinanzjament li ma jkunx intnefaq.

Tixtieq tkun taf aktar? Informazzjoni dettaljata dwar l-awditu li wettaqna tal-infiq tal-UE għal “Ewropa Globali” tingħata fil-Kapitolu 9 tar-Rapport Annwali 2018 tagħna.

Amministrazzjoni

Total: EUR 9.9 biljun

X’awditjajna

L-awditu tagħna kopra n-nefqa amministrattiva tal-istituzzjonijiet u ta’ ċerti korpi oħra tal-UE: il-Parlament Ewropew, il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti tal-Awdituri, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, il-Kumitat tar-Reġjuni, l-Ombudsman Ewropew, il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna.

Fl-2018, in-nefqa amministrattiva tal-istituzzjonijiet u l-korpi kienet tammonta għal total ta’ EUR 9.9 biljun. Dan l-ammont kien jinkludi nfiq fuq riżorsi umani (madwar 60 % tat-total), bini, tagħmir, enerġija, komunikazzjoni u IT.

Aħna nippubblikaw ir-riżultati tal-awditi li wettaqna tal-aġenziji tal-UE, il-korpi deċentralizzati l-oħra, u l-Iskejjel Ewropej separatament, f’rapporti annwali speċifi. Aħna nippubblikaw ukoll sommarju konsolidat ta’ dawn l-awditi.

Awditur estern jawditja r-rapporti finanzjarji proprji tagħna. L-opinjoni u r-rapport tal-awditjar jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fuq is-sit web tagħna.

Għall-2018, l-infiq li kien suġġett għall-awditjar f’dan il-qasam kien ta’ EUR 9.9 biljun.

X'sibna

Ammont li kien suġġett għall-awditjar Kien milqut minn żball materjali?
EUR 9.9 biljun Le - L-ammont kien ħieles minn żball materjali kemm fl-2018 kif ukoll fl-2017

Fl-2018, aħna eżaminajna 45 tranżazzjoni f’dan il-qasam tal-baġit. Bħal fi snin preċedenti, aħna stmajna li l-livell ta’ żball huwa taħt is-soll ta’ materjalità. Madankollu, din is-sena aħna qbadna għadd akbar ta’ dgħufijiet fil-kontroll intern fi ħdan il-Kummissjoni, li jirrigwardaw il-ġestjoni tagħha ta’ allowances tal-familja pagabbli lill-persunal.

Proċeduri ta’ akkwist pubbliku għat-titjib tas-sigurtà tan-nies u l-bini

B’rispons għall-għadd ta’ attakki terroristiċi tas-snin reċenti, l-istituzzjonijiet tal-UE adottaw miżuri biex isaħħu l-protezzjoni tal-persunal u l-bini tagħhom fl-iqsar żmien possibbli. Aħna eżaminajna 13-il proċedura ta’ akkwist li huma relatati ma’ dawn il-miżuri u li ġew organizzati mill-istituzzjonijiet bejn l-2015 u l-2018. Aħna ffukajna b’mod partikolari fuq id-definizzjoni tal-ħtiġijiet, in-natura tal-proċedura ta’ akkwist li ntużat, l-implimentazzjoni tal-proċedura u l-għażla tal-kuntratturi. Aħna sibna dgħufijiet, li normalment huma marbutin mal-urġenza li jiġu konklużi kuntratti, fi proċeduri organizzati mill-Parlament u mill-Kummissjoni.

X'nirrakkomandaw

Aħna nirrakkomandaw li l-Kummissjoni:

  • ittejjeb is-sistemi tagħha għall-ġestjoni tal-allowances statutorji tal-familja. Jenħtieġ li hija tivvaluta mill-ġdid is-sitwazzjoni personali tal-membri tal-persunal b’mod aktar frekwenti u ssaħħaħ il-kontrolli tagħha fuq id-dikjarazzjoni ta’ allowances li jkunu waslu minn sorsi oħra.

Tixtieq tkun taf aktar? Informazzjoni dettaljata dwar l-awditu li wettaqna tal-infiq tal-UE għal “Amministrazzjoni” tingħata fil-Kapitolu 10 tar-Rapport Annwali 2018 tagħna.

Fondi Ewropej għall-Iżvilupp

Total: EUR 4.1 biljun

X’awditjajna

Il-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp (FEŻ) huma l-istrument prinċipali li permezz tiegħu l-UE tipprovdi għajnuna għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp. L-infiq u l-istrumenti ta’ kooperazzjoni taħt il-FEŻ għandhom l-għan li jegħlbu l-faqar, u li jippromwovu żvilupp sostenibbli u l-integrazzjoni tal-pajjiżi Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP) u tal-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej (PTEE) fl-ekonomija dinjija.

Għall-2018, l-infiq li kien suġġett għall-awditjar f’dan il-qasam kien ta’ EUR 3.7 biljun. Dan l-infiq jirrigwarda t-8, id-9, l-10 u l-11-il FEŻ.

X'sibna

Il-kontijiet għall-2018 jippreżentaw b’mod ġust il-pożizzjoni finanzjarja tal-FEŻ, ir-riżultati tal-operazzjonijiet tagħhom, il-fluss tal-flus tagħhom u l-bidliet fl-assi netti.

Aħna nikkonkludu wkoll li d-dħul tal-FEŻ kien ħieles minn żball materjali.

Ammont li kien suġġett għall-awditjar Kien milqut minn żball materjali? Stima tal-livell tal-iżball l-aktar probabbli
EUR 3.7 biljun Iva 5.2 % (2017: 4.5 %)

Fl-2018, aħna eżaminajna kampjun rappreżentattiv ta’ 125 tranżazzjoni li ttieħdu mill-firxa sħiħa ta’ pagamenti mill-FEŻ. Peress li parti minn dan l-infiq kienet koperta mill-istudju dwar ir-rata tal-iżball residwu (RER) imwettaq mid-Direttorat Ġenerali għall-Kooperazzjoni Internazzjonali u l-Iżvilupp (id-DĠ Kooperazzjoni Internazzjonali u Żvilupp), aħna inkludejna 14-il tranżazzjoni oħra fil-kampjun tagħna, li għalihom applikajna, wara aġġustament, ir-riżultati ta’ dan l-istudju. Abbażi tad-39 żball li kkwantifikajna u tar-riżultati aġġustati tal-istudju tal-2018 dwar ir-RER, aħna nistmaw li l-livell ta’ żball huwa ta’ 5.2 %

Aħna sibna li l-biċċa l-kbira mill-iżbalji kienu relatati ma’ nuqqas ta’ konformità mar-regoli tal-akkwist, infiq li jew ma kienx iġġarrab jew li inkella kien ineliġibbli, spejjeż ġenerali kklejmjati bħala spejjeż diretti, u n-nuqqas ta’ dokumenti ta’ sostenn.

Għal xi wħud mit-tranżazzjonijiet li ġew implimentati minn organizzazzjonijiet internazzjonali, huma ma bagħtux dokumenti ta’ sostenn essenzjali f’perjodu ta’ żmien raġonevoli. Dan kellu impatt negattiv fuq l-ippjanar u l-eżekuzzjoni tax-xogħol tal-awditjar tagħna u jmur kontra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE, li jistabbilixxi d-dritt tal-QEA li tintbagħtilha l-informazzjoni mitluba.

Eżempju: Żball fil-qasam tal-akkwist

Il-Kummissjoni kkonkludiet ftehim ta’ kontribuzzjoni ma’ organizzazzjoni internazzjonali biex tappoġġa l-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi fil-Ġamajka. Il-kontribuzzjoni mill-UE, li tikkorrispondi għall-valur totali tal-kuntratt, kienet ta’ EUR 5 miljun. Waqt l-akkwist tal-provvisti (EUR 193 700) għall-proġett, l-organizzazzjoni qieset biss il-pajjiżi membri tagħha bħala fornituri eliġibbli. Dan eskluda bosta pajjiżi, inklużi xi Stati Membri tal-UE, li għandhom ikunu eliġibbli għall-proġetti ffinanzjati mill-FEŻ.

Miżuri preventivi u korrettivi

Għal għadd ta’ tranżazzjonijiet li fihom żbalji kwantifikabbli, il-Kummissjoni kellha informazzjoni suffiċjenti biex tipprevjeni, jew biex taqbad u tikkoreġi l-iżbalji. Li kieku l-Kummissjoni għamlet użu xieraq mill-informazzjoni kollha li kellha għad-dispożizzjoni tagħha, il-livell ta’ żball stmat għall-infiq għall-FEŻ kien ikun aktar baxx b’1.3 punti perċentwali.

Rappurtar dwar il-konformità mid-Direttorat Ġenerali għall-Kooperazzjoni Internazzjonali u l-Iżvilupp

Aħna analizzajna x-xogħol li l-kuntrattur wettaq fir-rigward tal-istudju tal-2018 dwar ir-RER. Għat-tielet sena konsekuttiva, ir-rata tal-iżball residwu stmata mill-istudju kienet tinsab taħt is-soll ta’ materjalità ta’ 2 % ssettjat mill-Kummissjoni. L-istudju dwar ir-RER ma jikkostitwix inkarigu ta’ aċċertament jew awditu. Bħal fi snin preċedenti, aħna identifikajna limitazzjonijiet, bħall-għadd limitat ta’ kontrolli fuq il-post, il-kontrolli inkompleti fuq il-proċeduri ta’ akkwist pubbliku u s-sejħiet għal proposti, kif ukoll l-istima tal-iżbalji. Dawn il-limitazzjonijiet kollha kkontribwew għal RER aktar baxxa, li ma tirriflettix ir-realtà.

Fir-RAA 2018 tiegħu, id-DĠ Kooperazzjoni Internazzjonali u Żvilupp joħroġ żewġ riżervi: waħda dwar l-għotjiet u oħra dwar programmi speċifiċi mmaniġġjati mill-Kummissjoni tal-Unjoni Afrikana. L-ewwel riżerva hija relatata biss ma’ għotjiet immaniġġjati mid-DĠ Viċinat u Negozjati għat-Tkabbir f’isem id-DĠ Kooperazzjoni Internazzjonali u Żvilupp, billi l-ambitu tar-riżerva tnaqqas b’mod progressiv mill-2016 ’il hawn. B’kont meħud tal-limitazzjonijiet tal-istudju dwar ir-RER fl-2018 u fi snin preċedenti, it-tnaqqis fl-ambitu tal-ewwel riżerva mhuwiex iġġustifikat b’mod suffiċjenti. Billi l-istudju dwar ir-RER huwa wieħed mill-elementi ewlenin fil-valutazzjoni tar-riskju mwettqa mid-DĠ Kooperazzjoni Internazzjonali u Żvilupp, jeħtieġ li huwa jkun appoġġat minn gwida li tkun suffiċjentement dettaljata sabiex tipprovdi bażi affidabbli għar-riżerva.

Skont l-istima tad-DĠ Kooperazzjoni Internazzjonali u Żvilupp, l-ammont kumplessiv f’riskju fl-għeluq kien ta’ EUR 49.8 miljun. Ibbażat fuq l-istudju dwar ir-RER, din l-istima naqset b’29 % mis-sena preċedenti. Ibbażat fuq l-osservazzjonijiet tagħna dwar l-istudju dwar ir-RER, aħna nqisu li l-ammont f’riskju għandu jkun ogħla.

Valutazzjoni tal-prestazzjoni

Minbarra l-verifikazzjoni tar-regolarità, il-kontrolli fuq il-post li wettaqna ppermettewlna nagħmlu osservazzjonijiet dwar aspetti relatati mal-prestazzjoni tat-tranżazzjonijiet magħżula. Aħna osservajna każijiet fejn oġġetti mixtrija għal miżuri ffinanzjati mill-FEŻ ma kinux qed jintużaw kif ippjanat, jew inkella x-xogħlijiet ta’ installazzjoni ppjanati ma sarux. Dawn il-każijiet ikkompromettew l-effiċjenza u l-effettività tal-azzjoni tal-UE.

Eżempju: Sostenibbiltà ta’ proġett kompromessa

Il-Kummissjoni approvat kuntratt ta’ xogħlijiet għall-kostruzzjoni ta’ impjant ta’ desalinizzazzjoni fil-Djibouti. Matul il-kontrolli tagħna fuq il-post, aħna sibna li ż-żona oriġinarjament iddedikata għall-proġett kienet tnaqqset b’mod sostanzjali u minflok inbnew port ġdid u bażi militari fil-viċinanza immedjata tal-impjant ta’ desalinizzazzjoni. Ix-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni u l-operat sussegwenti tal-port u tal-bażi militari jistgħu jaffettwaw il-kurrenti tal-baħar, il-kwalità tal-ilma u l-post tal-valvoli għad-dħul tal-ilma. Dawn il-fatturi kollha jista’ jkollhom impatt sinifikanti fuq il-vijabbiltà tal-impjant ta’ desalinizzazzjoni u jistgħu jheddu s-sostenibbiltà fit-tul tiegħu.

X'nirrakkomandaw

Aħna nirrakkomandaw li l-Kummissjoni:

  • tieħu passi biex tirrinforza l-obbligu fuq l-organizzazzjonijiet internazzjonali biex jibagħtulna, fuq talba tagħna stess, kull dokument jew informazzjoni meħtieġa sabiex inwettqu x-xogħol tagħna;
  • ittejjeb il-metodoloġija u l-manwal relatati mal-istudju dwar ir-RER biex jagħtu gwida aktar komprensiva dwar il-problemi li identifikajna f’dan ir-rapport u, għalhekk, jipprovdu appoġġ xieraq għall-valutazzjoni tar-riskju mwettqa mid-DĠ Kooperazzjoni Internazzjonali u Żvilupp għar-riżervi;

Tixtieq tkun taf aktar? Informazzjoni dettaljata dwar l-awditu li wettaqna tal-FEŻ tingħata fir-Rapport Annwali 2018 dwar l-attivitajiet iffinanzjati mit-8, mid-9, mill-10 u mill-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp.

Informazzjoni ġenerali

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri u x-xogħol tagħha

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) hija l-awditur indipendenti estern tal-Unjoni Ewropea. Is-sede tagħha tinsab fil-Lussemburgu u timpjega madwar 900 persuna min-nazzjonalitajiet kollha tal-UE f’attivitajiet professjonali u ta’ appoġġ.

Il-missjoni tagħna hija li nikkontribwixxu għat-titjib tal-amministrazzjoni u tal-ġestjoni finanzjarja tal-UE, u li nippromwovu l-obbligu ta’ rendikont u t-trasparenza, kif ukoll li naġixxu bħala l-gwardjan indipendenti tal-interessi finanzjarji taċ-ċittadini tal-UE.

Ir-rapporti u l-opinjonijiet tal-awditjar tagħna huma element essenzjali fil-katina ta’ obbligu ta’ rendikont tal-UE. Dawn jintużaw biex jintalab rendikont mingħand dawk li huma responsabbli għall-implimentazzjoni tal-politiki u l-programmi tal-UE: il-Kummissjoni, l-istituzzjonijiet u l-korpi l-oħra tal-UE, u l-amministrazzjonijiet fl-Istati Membri.

Aħna nwissu dwar riskji, nipprovdu aċċertament, nindikaw nuqqasijiet u prassi tajba, u noffru gwida lil dawk li jfasslu l-politika u lil-leġiżlaturi tal-UE dwar kif jistgħu jtejbu l-ġestjoni tal-politiki u l-programmi tal-UE. Permezz tax-xogħol li nwettqu, aħna niżguraw li ċ-ċittadini tal-Ewropa jkunu jafu kif qed jintnefqu flushom.

L-output tagħna

Aħna noħorġu:

  • rapporti annwali, li prinċipalment fihom ir-riżultati ta’ xogħol tal-awditjar finanzjarju u tal-konformità relatat mal-baġit tal-UE u mal-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp, iżda wkoll ma’ aspetti li jirrigwardaw il-ġestjoni u l-prestazzjoni tal-baġit;
  • rapporti speċjali, li jippreżentaw ir-riżultati ta’ awditi magħżula dwar oqsma speċifiċi ta’ politika jew ta’ nfiq, jew dwar kwistjonijiet baġitarji jew ta’ ġestjoni;
  • rapporti annwali speċifiċi dwar l-aġenziji, il-korpi deċentralizzati u l-impriżi konġunti tal-UE;
  • opinjonijiet dwar liġijiet ġodda jew liġijiet aġġornati b’impatt sinifikanti fuq il-ġestjoni finanzjarja – jew fuq talba ta’ istituzzjoni oħra jew inkella fuq l-inizjattiva tagħna stess;
  • pubblikazzjonijiet analitiċi, li jipprovdu deskrizzjoni ta’ politiki, sistemi, strumenti jew suġġetti aktar iffukati, jew informazzjoni dwarhom.

Fl-aħħar nett, il-previżjonijiet ta’ awditi li noħorġu jippreżentaw informazzjoni ġenerali dwar kompitu tal-awditjar li jkun għad irid jitwettaq jew li jkun għaddej.

L-approċċ tal-awditjar għad-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tagħna, fil-qosor

L-opinjonijiet fid-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tagħna huma bbażati fuq evidenza oġġettiva miksuba minn ittestjar tal-awditjar f’konformità mal-istandards internazzjonali tal-awditjar.

Kif iddikjarajna fl-istrateġija tagħna għall-2018-2020, l-għan tagħna huwa li napplikaw l-approċċ ta’ attestazzjoni għad-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tagħna kollha kemm hi, li jfisser li aħna nibbażaw l-opinjoni tal-awditjar tagħna fuq id-dikjarazzjoni li ssir mill-(maniġment tal-)Kummissjoni. Dan huwa l-każ għax-xogħol li ilna nwettqu mill-1994 fir-rigward tal-affidabbiltà tal-kontijiet. Fejn it-termini tal-istandards internazzjonali tal-awditjar rilevanti ikunu ġew issodisfati, aħna nanalizzaw u nerġgħu nwettqu l-kontrolli li jkunu twettqu minn dawk responsabbli għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE. Għaldaqstant, aħna nieħdu kont sħiħ ta’ kull miżura korrettiva li tkun ittieħdet fuq il-bażi ta’ dawn il-kontrolli.

Affidabbiltà tal-kontijiet

Il-kontijiet annwali tal-UE jipprovdu informazzjoni kompleta u preċiża?

Kull sena, id-Direttorati Ġenerali tal-Kummissjoni jiġġeneraw mijiet ta’ eluf ta’ entrati kontabilistiċi, filwaqt li jiġbru informazzjoni minn bosta sorsi differenti (inklużi l-Istati Membri). Aħna nivverifikaw li l-proċessi kontabilistiċi jaħdmu kif suppost u li d-data kontabilistika li tirriżulta tkun kompleta, tkun irreġistrata b'mod korrett u tkun ippreżentata kif xieraq fir-rapporti finanzjarji tal-UE. Għall-awditu tal-affidabbiltà tal-kontijiet, aħna ilna napplikaw l-approċċ ta’ attestazzjoni minn meta fformulajna l-ewwel opinjoni tagħna fl-1994.

  • Aħna nevalwaw is-sistema kontabilistika biex niżguraw li din tipprovdi bażi tajba għall-produzzjoni ta' data affidabbli.
  • Aħna nivverifikaw proċeduri kontabilistiċi ewlenin biex niżguraw li dawn jiffunzjonaw b’mod korrett.
  • Aħna nwettqu kontrolli analitiċi tad-data kontabilistika biex niżguraw li din tkun ippreżentata b’mod konsistenti u li tkun tidher raġonevoli.
  • Aħna niċċekkjaw b’mod dirett kampjun ta’ entrati kontabilistiċi biex niżguraw li t-tranżazzjonijiet ta’ bażi jkunu jeżistu u li dawn ikunu ġew irreġistrati b’mod preċiż.
  • Aħna nivverifikaw ir-rapporti finanzjarji biex niżguraw li dawn jippreżentaw is-sitwazzjoni finanzjarja b’mod ġust.

Regolarità tat-tranżazzjonijiet

It-tranżazzjonijiet tal-UE relatati mal-introjtu u mal-pagamenti kontabilizzati bħala spejjeż, u li fuqhom huma bbażati l-kontijiet tal-UE, huma konformi mar-regoli?

Il-baġit tal-UE jinvolvi miljuni ta’ pagamenti lil benefiċjarji, kemm fl-UE kif ukoll fil-bqija tad-dinja. Il-biċċa l-kbira minn dan l-infiq huwa mmaniġġjat mill-Istati Membri. Biex niksbu l-evidenza li neħtieġu, aħna nivvalutaw is-sistemi li permezz tagħhom l-introjtu u l-pagamenti kontabilizzati bħala spejjeż (jiġifieri l-pagamenti finali u l-ikklerjar tal-pagamenti bil-quddiem) jiġu amministrati u vverifikati, u neżaminaw kampjun ta’ tranżazzjonijiet.

Fejn it-termini tal-istandards internazzjonali tal-awditjar rilevanti ikunu ġew issodisfati, aħna nanalizzaw u nerġgħu nwettqu l-kontrolli li jkunu twettqu minn dawk responsabbli għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE. Għaldaqstant, aħna nieħdu kont sħiħ ta’ kull miżura korrettiva li tkun ittieħdet fuq il-bażi ta’ dawn il-kontrolli.

  • Aħna nivvalutaw is-sistemi għad-dħul u l-infiq biex niddeterminaw kemm dawn huma effettivi biex jiżguraw li t-tranżazzjonijiet huma regolari.
  • Aħna nieħdu kampjuni statistiċi ta’ tranżazzjonijiet biex nipprovdu bażi għal ittestjar dettaljat mill-awdituri tagħna. Aħna neżaminaw it-tranżazzjonijiet ikkampjunati fid-dettall, inklużi dawk għand ir-riċevituri finali (eż. bdiewa, istituti tar-riċerka jew kumpaniji li jipprovdu xogħlijiet jew servizzi permezz ta’ akkwist pubbliku), biex niksbu evidenza li kull avveniment ta’ bażi jkun jeżisti, ikun ġie rreġistrat kif xieraq u jkun jikkonforma mar-regoli biex isiru pagamenti.
  • Aħna nanalizzaw l-iżbalji u nikklassifikawhom bħala kwantifikabbli jew mhux kwantifikabbli. It-tranżazzjonijiet ikunu milquta minn żball kwantifikabbli jekk, ibbażat fuq ir-regoli, il-pagament ma kellux jiġi awtorizzat. Aħna nestrapolaw l-iżbalji kwantifikabbli biex niksbu livell ta’ żball stmat għal kull qasam li fih nagħmlu valutazzjoni speċifika. Aħna, imbagħad, inqabblu l-livell ta’ żball stmat ma’ soll ta’ materjalità ta’ 2 % u nivvalutaw jekk l-iżbalji jkunux pervażivi.
  • L-opinjonijiet tagħna jieħdu kont ta’ dawn il-valutazzjonijiet u ta’ informazzjoni rilevanti oħra, bħal rapporti annwali tal-attività u rapporti minn awdituri esterni oħra.
  • Aħna niddiskutu s-sejbiet kollha tagħna kemm mal-awtoritajiet fl-Istati Membri kif ukoll mal-Kummissjoni sabiex nikkonfermaw li l-fatti tagħna huma korretti.

Id-dokumenti kollha tagħna jiġu ppubblikati fuq is-sit web tagħna (eca.europa.eu). Aktar informazzjoni dwar il-proċess tal-awditjar għad-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tingħata fl-Anness 1.1 tar-Rapport Annwali 2018 tagħna. Is-sit web tagħna fih glossarju tat-termini tekniċi li nużaw fil-pubblikazzjonijiet tagħna.

Kuntatt

IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI
12, rue Alcide De Gasperi
1615 Luxembourg
LUXEMBOURG

Tel. +352 4398-1
Mistoqsijiet: eca.europa.eu/mt/Pages/ContactForm.aspx
Sit web: eca.europa.eu
Twitter: @EUAuditors

Ħafna informazzjoni addizzjonali dwar l-Unjoni Ewropea hija disponibbli fuq l-Internet.
Jista’ jsir aċċess għaliha permezz tas-server Europa (http://europa.eu).

Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2019

PRINT ISBN 978-92-847-2058-3 doi:10.2865/180710 QJ-03-19-425-MT-C
PDF ISBN 978-92-847-2026-2 doi:10.2865/80571 QJ-03-19-425-MT-N
HTML ISBN 978-92-847-2010-1 doi:10.2865/613408 QJ-03-19-425-MT-Q

TWISSIJA DWAR ID-DRITTIJIET TAL-AWTUR

© L-Unjoni Ewropea, 2019.
Ir-riproduzzjoni hija awtorizzata dment li ssir referenza għas-sors.

Għal kull użu jew riproduzzjoni tal-istampi li ġejjin, irid jintalab il-permess direttament mingħand id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur:

P. * (fuq nett fuq il-lemin): © Shutterstock / science photo.

P. * (xellug): © Shutterstock / Sushaaa.

P. * (lemin): © Shutterstock / Budimir Jevtic.


Għall-istampi li ġejjin, ir-riproduzzjoni hija awtorizzata dment li jissemmew id-detentur tad-drittijiet tal-awtur, is-sors u l-isem tal-fotografi/periti (fejn indikat):

P. *: © L-Unjoni Ewropea 2018, sors: il-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

P. *: © L-Unjoni Ewropea, sors: il-Kummissjoni Ewropea / Servizz Awdjoviżiv.

P. *: © L-Unjoni Ewropea 2019, sors: il-Kummissjoni Ewropea / Servizz Awdjoviżiv, fotografu: Etienne Ansotte.

P. *: © L-Unjoni Ewropea, 2019; il-bini Europa, periti: Philippe Samyn and Partners Architects & Engineers, Lead and Design Partner, Studio Valle Progettazioni Architects, Buro Happold Engineers.

P. *: © L-Unjoni Ewropea 2018, sors: il-Parlament Ewropew, fotografu: Mathieu Cugnot. Il-bini Louise Weiss, periti: Architecture-Studio.

P. * (fuq nett fuq ix-xellug): © L-Unjoni Ewropea 2019, sors: il-Kummissjoni Ewropea / Servizz Awdjoviżiv, fotografu: Jennifer Jacquemart.

P. * (isfel nett): © L-Unjoni Ewropea 2018, sors: il-Kummissjoni Ewropea / Servizz Awdjoviżiv, fotografu: Lukasz Kobus.

P. * (xellug): © L-Unjoni Ewropea 2018, sors: il-Kummissjoni Ewropea / Servizz Awdjoviżiv, fotografu: César Manso Arroyo.

P. * (lemin): © L-Unjoni Ewropea, 2015, fotografu: Nikolay Doychinov.

P. * (xellug): © L-Unjoni Ewropea 2018, sors: il-Kummissjoni Ewropea / Servizz Awdjoviżiv, fotografu: Yorgos Karahalis.

P. * (lemin): © L-Unjoni Ewropea 2018, sors: il-Kummissjoni Ewropea / Servizz Awdjoviżiv, fotografu: Ezequiel Scagnetti.

P. * (xellug): © L-Unjoni Ewropea, 2019, sors: il-Kummissjoni Ewropea / Servizz Awdjoviżiv, fotografu: Christian Jepsen.

P. * (lemin): © L-Unjoni Ewropea, 2010, sors: il-Kummissjoni Ewropea / Servizz Awdjoviżiv, fotografu: Carlos Juan.

P. *: © L-Unjoni Ewropea 2019, sors: il-Parlament Ewropew, fotografu: Ph. Buissin.

P. *: © L-Unjoni Ewropea 2018, sors: il-Kummissjoni Ewropea / Servizz Awdjoviżiv, fotografu: Pierre Prakash.

P. *: © L-Unjoni Ewropea 2019, sors: il-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

P. *: © L-Unjoni Ewropea, sors: il-Qorti Ewropea tal-Awdituri. Periti inkarigati mill-bini tal-Qorti: Jim Clemes (2004 & 2013) u Paul Noël (1988).

Kif tikkuntattja lill-UE

Personalment
Madwar l-Unjoni Ewropea kollha hemm mijiet ta’ ċentri ta’ informazzjoni tal-Europe Direct. Tista’ ssib l-indirizz tal-eqreb ċentru għalik f'dan is-sit: https://europa.eu/european-union/contact_mt

Bit-telefown jew bil-posta elettronika
Europe Direct huwa servizz li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar l-Unjoni Ewropea. Tista’ tikkuntattja dan is-servizz:

  • bit-telefown bla ħlas: 00 800 6 7 8 9 10 11 (ċerti operaturi jafu jimponu ħlas għal dawn it-telefonati),
  • fuq dan in-numru standard: +32 22999696, jew
  • bil-posta elettronika permezz: https://europa.eu/european-union/contact_mt

Kif issib tagħrif dwar l-UE

Onlajn
L-informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE hija disponibbli fuq is-sit web Europa fuq: https://europa.eu/european-union/index_mt

Pubblikazzjonijiet tal-UE
Tista’ tniżżel mill-internet jew tordna l-pubblikazzjonijiet tal-UE, li xi wħud minnhom huma bla ħlas u xi oħrajn bil-ħlas, minn: https://publications.europa.eu/mt/publications. Kopji multipli ta’ pubblikazzjonijiet bla ħlas tista’ tiksibhom billi tikkuntattja lil Europe Direct jew liċ-ċentru tal-informazzjoni lokali tiegħek (ara https://europa.eu/european-union/contact_mt).

Il-liġi tal-UE u dokumenti relatati
Għal aċċess għall-informazzjoni legali tal-UE, inkluż il-liġijiet kollha tal-UE mill-1952 ’l hawn, fil-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali kollha, żur is-sit EUR-Lex hawnhekk: http://eur-lex.europa.eu

Dejta Miftuħa mill-UE
Il-portal tad-Dejta Miftuħa mill-UE (http://data.europa.eu/euodp/mt) jipprovdi aċċess għal settijiet tad-dejta mill-UE. Id-dejta tista’ titniżżel mill-internet u tintuża mill-ġdid bla ħlas, kemm għal skopijiet kummerċjali kif ukoll mhux kummerċjali.