2020 Rapport dwar il-prestazzjoni fil-qosor 2020 2020

Rapport dwar il-prestazzjoni fil-qosor 2020 2020

Dwar ir-rapport:Kelmtejn rigward ir-“Rapport dwar il-prestazzjoni fil-qosor 2020”

Ir-“Rapport dwar il-prestazzjoni fil-qosor 2020” jipprovdi ħarsa ġenerali lejn ir-“Rapport dwar il-prestazzjoni tal-baġit tal-UE – Status fi tmiem l-2020”, li fih eżaminajna aspett speċifiku tal-qafas ta’ prestazzjoni tal-UE, analizzajna r-riżultati miksuba minn kampjun ta’ programmi ta’ nfiq tal-UE u rrieżaminajna sa liema punt ir-rakkomandazzjonijiet mir-rapporti speċjali li wettaqna fl-2017 ġew implimentati mill-entitajiet awditjati minna.

It-testi sħaħ tar-rapporti huma disponibbli fuq is-sit web eca.europa.eu.

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) hija l-awditur indipendenti estern tal-UE. Aħna nwissu dwar riskji, nipprovdu aċċertament, niġbdu l-attenzjoni għal nuqqasijiet u prassi tajba, u noffru gwida lil dawk li jfasslu l-politika u lil-leġiżlaturi tal-UE dwar kif jista’ jsir titjib fil-ġestjoni tal-politiki u l-programmi tal-UE. Permezz tax-xogħol li nwettqu, aħna niżguraw li ċ-ċittadini tal-UE jkunu jafu kif qed jintefqu flushom.

 

Din il-pubblikazzjoni hija disponibbli bi 23 lingwa fil-format li ġejt:
PDF
PDF en el word

X'awditjajna u analizzajna

Skop

Dan ir-rapport huwa parti waħda minn żewġ partijiet mir-rapport annwali tagħna għas-sena finanzjarja 2020. Huwa jkopri l-prestazzjoni tal-programmi ta’ nfiq taħt il-baġit tal-UE fi tmiem l-2020. Il-parti l-oħra tkopri l-affidabbiltà tal-kontijiet tal-UE u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi.

Aħna qsamna r-rapport annwali tagħna f’dawn iż-żewġ partijiet bħala proġett pilota ta’ sentejn, li beda bir-rapport annwali għas-sena finanzjarja 2019. Ir-raġuni prinċipali wara l-proġett kienet biex fir-rappurtar annwali tagħna tingħata aktar prominenza għar-riżultati li jinkisbu bil-baġit tal-UE. Barra minn hekk, billi qsamna r-rapport annwali aħna stajna nieħdu kont tar-Rapport Annwali dwar il-Ġestjoni u l-Prestazzjoni (AMPR), li huwa r-rapport prinċipali ta’ livell għoli dwar il-prestazzjoni maħruġ mill-Kummissjoni rigward il-baġit tal-UE. Minħabba li d-data ta’ skadenza legali għall-adozzjoni tiegħu tasal fi tmiem Ġunju tas-sena n+1, fil-passat aħna ma stajniex ninkluduh fir-rapport annwali tagħna, li normalment jiġi ppubblikat fil-bidu ta’ Ottubru.

Ambitu

Ir-rapport tagħna huwa maqsum f’seba’ kapitoli:

Fil-Kapitolu 1, bħas-sena l-oħra, aħna eżaminajna aspett speċifiku tal-qafas tal-prestazzjoni. Din is-sena, aħna vvalutajna jekk u kif il-Kummissjoni u l-koleġiżlaturi użaw it-tagħlimiet meħuda minn perjodi preċedenti tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) (eż. minn evalwazzjonijiet, valutazzjonijiet tal-impatt u awditi) biex itejbu t-tfassil u l-prestazzjoni tal-programmi ta’ nfiq għall-perjodu 2021-2027.

Fil-Kapitoli 2 sa 6 analizzajna r-riżultati li nkisbu minn kampjun ta’ programmi tal-UE taħt ħames intestaturi tal-QFP 2014-2020. L-iskop tagħna kien li nistabbilixxu kemm hemm informazzjoni disponibbli dwar il-prestazzjoni u, fuq il-bażi ta’ dik l-informazzjoni, li nivvalutaw kemm il-prestazzjoni tal-programmi ta’ nfiq tal-UE kienet tajba.

Fil-Kapitolu 7 analizzajna l-punt sa fejn ir-rakkomandazzjonijiet mir-rapporti speċjali tagħna tal-2017 ġew implimentati mill-entitajiet awditjati minna.

Fit-Tabella 1, aħna nippreżentaw ħarsa ġenerali lejn il-ħames programmi ta’ nfiq magħżula li ġew koperti mill-Kapitoli 2 sa 6 fir-rapport ta’ din is-sena (li jirrappreżentaw 19 % tal-pagamenti kollha li saru sa tmiem l-2020), kif ukoll it-8 programmi koperti fir-rapport tas-sena l-oħra (li kienu jirrappreżentaw 74 % tal-pagamenti totali sa tmiem l-2019).

Tabella 1 – Programmi ta’ nfiq magħżula għar-rapporti tal-2019 u l-2020

Kapitolu Intestatura tal-QFP Għadd ta’ programmi Programmi ta’ nfiq magħżula
Rapport 2019
Programmi ta’ nfiq magħżula
Rapport 2020
2 1a: Kompetittività għat-tkabbir u l-impjiegi 23 Orizzont 2020
Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS)
Erasmus+
3 1b: Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali 4 Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR)
Fond ta’ Koeżjoni (FK)
Fond Soċjali Ewropew (FSE)
4 2: Tkabbir sostenibbli/ riżorsi naturali 5 Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG)
Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR)
Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS)
5 3: Sigurtà u ċittadinanza 11 Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (AMIF) Fond għas-Sigurtà Interna – l-Istrument tal-Fruntieri u tal-Viżi (ISF-BV)
6 4: Ewropa Globali 15 Strument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI)
Strument Ewropew ta’ Viċinat (ENI)
Strument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA II)
Perċentwal tal-pagamenti kollha li saru 74 % sa tmiem l-2019 19 % sa tmiem l-2020

Sors: il-QEA, ibbażat fuq data pprovduta mill-Kummissjoni.

Aħna bbażajna l-valutazzjoni tagħna fuq l-informazzjoni dwar il-prestazzjoni maħruġa mill-Kummissjoni (eż. l-AMPR tal-2020, id-dikjarazzjonijiet tal-programmi rilevanti għall-Abbozz tal-Baġit 2022, ir-Rapporti Annwali tal-Attività 2020, l-evalwazzjonijiet, eċċ). Iċċekkjajna jekk din l-informazzjoni hijiex plawżibbli u konsistenti mas-sejbiet tagħna stess, iżda ma awditjajniex l-affidabbiltà tagħha. Issupplimentajna l-informazzjoni tal-Kummissjoni b’sejbiet reċenti mix-xogħol tal-awditjar u r-rieżaminar li wettaqna.

Kull programm ta’ nfiq tal-UE fih għadd ta’ objettivi, li huma kklassifikati bħala jew ġenerali (normalment usa’ u aktar strateġiċi) jew inkella speċifiċi (normalment aktar stretti u aktar operazzjonali). Aħna eżaminajna l-prestazzjoni tal-programmi ta’ nfiq ma’ għażla ta’ dawn l-objettivi. Koprejna l-objettivi ġenerali kollha, jekk disponibbli, kif ukoll għażla ta’ objettivi speċifiċi magħżula għall-materjalità u r-rabtiet tagħhom ma’ objettiv ġenerali u ma’ objettivi ta’ livell ogħla tal-UE.

Bħala parti mill-valutazzjoni tal-prestazzjoni li wettaqna, analizzajna l-informazzjoni mill-indikaturi tal-prestazzjoni li ġiet ippreżentata mill-Kummissjoni. B’mod partikolari, il-valutazzjoni li wettaqna ta’ jekk indikatur partikolari huwiex “fit-triq it-tajba” tirrigwarda l-analiżi tagħna tal-probabbli li indikatur partikolari se jilħaq il-mira tiegħu fil-ħin. Il-valutazzjoni li wettaqna ma tiħux inkunsiderazzjoni r-rilevanza tal-indikatur mal-objettivi u l-azzjonijiet tal-programm, u lanqas jekk il-mira stabbilita għall-indikatur hijiex suffiċjentement ambizzjuża. Dawn l-indikaturi waħedhom mhux neċessarjament jirriflettu l-ilħuq tal-objettivi tal-programmi.



Kapitolu 1 – Qafas tal-prestazzjoni

X’analizzajna

L-UE timplimenta l-programmi ta’ nfiq tagħha f’ċikli ta’ seba’ snin, jew permezz ta’ perjodi tal-QFP. Fl-aħħar ftit snin twettqu preparamenti intensivi għall-QFP attwali, li beda fl-2021 u se jkompli sal-2027.

L-UE żviluppat prinċipji biex tgħin tiżgura li l-liġijiet tagħha (inkluż il-QFP) ikunu ta’ kwalità għolja. Dawn il-prinċipji huma stabbiliti b’mod partikolari, fil-ftehim interistituzzjonali dwar it-tfassil aħjar tal-liġijiet konkluż bejn il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni, u fil-linji gwida u s-sett ta’ għodod għal regolamentazzjoni aħjar (sett ta’ gwida, suġġerimenti u l-aħjar prattiki) tal-Kummissjoni. Iż-żewġ dokumenti jirrikonoxxu li l-kwalità tal-leġiżlazzjoni li, fil-każ tal-QFP, taffettwa t-tfassil u l-prestazzjoni futura tal-programmi ta’ nfiq, tiddependi minn xi ftit elementi ewlenin, bħall-użu ta’ evalwazzjonijiet u valutazzjonijiet tal-impatt.

Għal dan il-kapitolu, aħna eżaminajna jekk u kif il-Kummissjoni, kif ukoll il-Parlament u l-Kunsill, użaw it-tagħlimiet meħuda minn perjodi preċedenti tal-QFP (pereżempju minn evalwazzjonijiet u valutazzjonijiet tal-impatt) biex itejbu t-tfassil u l-prestazzjoni tal-programmi ta’ nfiq għall-perjodu 2021-2027.

Għamilna dan fuq il-bażi ta’ 6 proposti leġiżlattivi relatati ma 5 programmi ta’ nfiq stabbiliti għall-perjodu 2021-2027, li jirrappreżentaw 60 % tal-baġit totali tal-perjodu. Aħna koprejna wkoll ir-regolament dwar il-QFP innifsu.

Il-kriterji prinċipali għall-għażla tagħna kienu l-materjalità finanzjarja u l-fatt li aħna ħriġna opinjonijiet dwar il-proposti leġiżlattivi tal-Kummissjoni għal dawn il-programmi.

X’sibna

L-approċċ għal regolamentazzjoni aħjar jgħin lill-Kummissjoni tidentifika t-tagħlimiet meħuda mill-implimentazzjoni preċedenti ta’ politiki u programmi u tużahom biex ittejjeb il-prestazzjoni futura

Aħna sibna li:

  •  Fil-biċċa l-kbira l-Kummissjoni kkonformat mal-prinċipju “l-ewwel evalwa” fil-proċeduri leġiżlattivi li eżaminajna, li jfisser li t-tagħlimiet meħuda mill-evalwazzjonijiet ta’ azzjonijiet preċedenti tal-UE kienu l-aktar disponibbli u kkontribwew fix-xogħol ta’ valutazzjoni tal-impatt mill-bidu nett, u li l-evidenza rilevanti kienet disponibbli biex tappoġġa l-preparazzjoni ta’ inizjattivi ġodda. Madankollu, il-Kummissjoni ma wettqitx valutazzjoni tal-impatt għar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni, li fih dispożizzjonijiet importanti relatati mal-prestazzjoni għall-FEŻR, l-FK u sitt programmi oħra. Barra minn hekk, rigward il-pakkett ta’ proposti leġiżlattivi għall-politika agrikola komuni (PAK), fi żmien meta ġiet ippreparata l-valutazzjoni tal-impatt ma kienx hemm disponibbli sett komprensiv ta’ evalwazzjonijiet reċenti li jkopru l-aspetti importanti kollha tal-PAK;
  •  Il-pubblikazzjoni tal-evalwazzjonijiet u tal-valutazzjonijiet tal-impatt tipprovdi opportunità ewlenija biex ikun hemm involviment mal-partijiet ikkonċernati u mal-pubbliku ġenerali, u d-disseminazzjoni tas-sejbiet mill-evalwazzjoni hija prerekwiżit għal diskussjoni attiva. Il-valutazzjonijiet tal-impatt u l-evalwazzjonijiet, u l-istudji ta’ sostenn tagħhom, jiġu ppubblikati, iżda ma hemmx punt uniku ta’ aċċess għalihom kollha;
  •  B’mod ġenerali t-tagħlimiet meħuda ġew identifikati b’mod ċar fl-evalwazzjonijiet li eżaminajna. Madankollu, il-Kummissjoni ma identifikatx b’mod ċar l-azzjonijiet ta’ segwitu rilevanti u relatati fil-pjanijiet ta’ ġestjoni li ppubblikat;
  •  Jenħtieġ li l-valutazzjonijiet tal-impatt iqabblu l-għażliet ta’ politika abbażi tal-impatti ekonomiċi, soċjali u ambjentali tagħhom, u l-impatti rilevanti kollha jridu jiġu vvalutati b’mod kwalitattiv u kwantitattiv kull meta jkun possibbli. Il-valutazzjonijiet tal-impatt li eżaminajna ressqu firxa ta’ għażliet għat-tfassil tal-programmi ta’ nfiq korrispondenti, iżda ftit li xejn offrew informazzjoni kkwantifikata sabiex jagħmluha aktar faċli biex jitqabblu l-għażliet ippreżentati.
  •  Il-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju, li l-Kummissjoni kienet waqqfet ifl-2016 biex jivvaluta l-kwalità tal-valutazzjonijiet tal-impatt u tal-evalwazzjonijiet ewlenija kollha qabel toħroġ proposti leġiżlattivi, iwettaq xogħol sinifikanti. Huwa jirrieżamina l-valutazzjonijiet tal-impatt kollha u għażla ta’ evalwazzjonijiet, u jikkontribwixxi b’mod tanġibbli għat-titjib fil-kwalità tagħhom.

Il-Kummissjoni żammet f’moħħha t-tagħlimiet meħuda meta ppreparat il-proposti leġiżlattivi tagħha

Aħna sibna li fis-seba’ proposti leġiżlattivi li eżaminajna, b’mod ġenerali l-Kummissjoni kienet ħadet inkunsiderazzjoni t-tagħlimiet meħuda mill-evalwazzjonijiet u l-awditi rilevanti, għalkemm mhux dejjem bis-sħiħ, u f’xi każijiet sa punt limitat biss. Eżempju wieħed fejn il-proposta leġiżlattiva tal-Kummissjoni kienet tirrifletti t-tagħlimiet meħuda sa ċertu punt limitat biss kienet il-kwistjoni tal-kejl tal-kontribuzzjoni tal-PAK għall-azzjoni klimatika. Aħna sibna li mod aktar realistiku biex issir stima tal-kontribuzzjoni lejn l-azzjoni klimatika tal-pagamenti diretti magħmula lill-bdiewa kien ikun li jittieħed inkunsiderazzjoni biss l-appoġġ imħallas għal oqsma fejn il-bdiewa verament japplikaw prattiki biex jimmitigaw it-tibdil fil-klima.

L-emendi għall-abbozz ta’ leġiżlazzjoni dwar il-QFP kienu parzjalment appoġġati mill-valutazzjonijiet tal-impatt tal-Kummissjoni, iżda ma ġewx ippreparati emendi addizzjonali mill-Parlament jew mill-Kunsill

Aħna sibna li:

  •  Fattur ewlieni li jaffettwa l-prestazzjoni tal-programmi ta’ nfiq tal-QFP huwa t-tnedija f'waqtha tagħhom. L-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni għall-QFP 2021-2027 ħadet aktar fit-tul min dik għall-perjodu preċedenti (’il fuq minn 3 snin meta mqabbla ma’ sentejn u nofs – u l-proċedura għall-PAK għadha għaddejja), li dewmet it-tnedija tal-programmi ta’ nfiq ġodda. Dan kien dovut parzjalment għall-pandemija tal-COVID-19.
  •  Il-Parlament u l-Kunsill kienu introduċew għadd kbir ta’ emendi għall-proposti leġiżlattivi tal-Kummissjoni li eżaminajna, li xi wħud minnhom aħna qisna bħala sinifikanti f’termini tal-prestazzjoni tal-programm. Il-biċċa l-kbira mill-emendi tagħhom setgħu jiġu marbuta mat-tagħlimiet meħuda permezz tal-evalwazzjonijiet jew tal-valutazzjonijiet tal-impatt. Kemm il-Parlament kif ukoll il-Kunsill iddeċidew li ma jużawx l-għażla prevista fil-ftehim interistituzzjonali dwar tfassil aħjar tal-liġijiet biex iwettqu l-valutazzjonijiet tagħhom stess tal-impatt.

X’nirrakkomandaw

Aħna nirrakkomandaw li l-Kummissjoni:

  •  Tiżgura, meta tipprepara l-QFP li jmiss, li l-valutazzjonijiet tal-impatt jeżaminaw l-aspetti sostantivi ewlenin tal-leġiżlazzjoni li tkopri bosta programmi (bħar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni) u tippjana l-evalwazzjonijiet tagħha għall-programmi ta’ nfiq kollha, inklużi l-evalwazzjonijiet li jkopru aspetti tematiċi speċifiċi ta’ dawn il-programmi, sabiex ir-riżultati tagħhom jkunu disponibbli biex jintużaw fil-valutazzjonijiet tal-impatt rilevanti;
  •  Issegwi u timplimenta l-pjanijiet tagħha biex tistabbilixxi punt ta’ aċċess faċli għall-utent għall-valutazzjonijiet tal-impatt, l-evalwazzjonijiet u l-istudji sottostanti kollha;
  •  Tidentifika b’mod ċar l-azzjonijiet ta’ segwitu rilevanti li ġejjin mill-evalwazzjonijiet, billi tippreżentahom fil-pjanijiet ta’ ġestjoni annwali tagħha jew fi kwalunkwe dokument ieħor disponibbli għall-pubbliku li jkollu status ekwivalenti;
  •  Tinkludi aktar informazzjoni kwantitattiva, speċjalment l-analiżijiet tal-ispejjeż imqabbla mal-benefiċċji u l-analiżijiet tal-kosteffettività, meta tippreżenta l-għażliet fil-valutazzjonijiet tal-impatt.

Kapitolu 2 – Kompetittività għat-tkabbir u l-impjiegi

X’analizzajna

L-intestatura “Kompetittività għat-tkabbir u l-impjiegi” tal-QFP tiffinanzja 23 programm li għandhom l-għan li jrawmu soċjetà inklużiva, jistimulaw it-tkabbir, jagħtu spinta lir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni, u joħolqu l-impjiegi fl-UE. In-nefqa ppjanata taħt din l-intestatura tal-QFP 2014-2020 hija ta’ EUR 142 biljun, li minnhom EUR 104.6 biljun kienu tħallsu sa tmiem l-2020.

Għar-rapport ta’ din is-sena, aħna għażilna Erasmus+, li huwa l-programm tal-UE fl-oqsma tal-edukazzjoni u t-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport. Flimkien mal-programmi li ntgħażlu s-sena l-oħra (Orizzont 2020 u l-FEIS), dan jirrappreżenta aktar minn 70 % tal-pagamenti kollha li saru taħt din l-intestatura tal-QFP sa tmiem l-2020.

Erasmus+ għandu:

Objettiv ġenerali wieħed, li aħna koprejna. Dan l-objettiv jikkontribwixxi għal sensiela ta’ objettivi ta’ livell għoli, inkluż l-istrateġija Ewropa 2020 u l-qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ;

13-il objettiv speċifiku, li minnhom aħna koprejna l-akbar 4 f’termini ta’ finanzjament:

  •  mobbiltà għall-edukazzjoni u għat-taħriġ,
  •  kooperazzjoni fl-edukazzjoni u t-taħriġ,
  •  azzjoni esterna fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ,
  •  mobbiltà taż-żgħażagħ.

Aħna analizzajna l-informazzjoni mogħtija mill-indikaturi tal-prestazzjoni, li jkejlu l-ilħuq u l-progress lejn l-objettivi msemmija hawn fuq, u li dwarhom il-Kummissjoni tirrapporta fid-dikjarazzjoni tal-programm[1] ta’ Erasmus+. Abbażi tal-informazzjoni rilevanti u disponibbli dwar il-prestazzjoni, aħna vvalutajna kemm il-prestazzjoni ta’ Erasmus+ kienet tajba u ċċekkjajna jekk din l-informazzjoni hijiex plawżibbli u qabbilnieha mas-sejbiet tagħna stess minn awditi reċenti[2] u minn rapport analitiku[3].

X’sibna

B’mod ġenerali, Erasmus+ huwa programm popolari, li b’mod speċjali jibbenefika lil parteċipanti individwali. Il-valutazzjoni li wettaqna tal-progress għall-indikaturi taħt l-objettiv ġenerali tal-programm bejn wieħed u ieħor tikkorrispondi għal dik tal-Kummissjoni u turi li huma fit-triq it-tajba biex jilħqu l-miri tagħhom. L-effiċjenza tal-programm ġiet imtejba permezz tas-simplifikazzjoni tiegħu meta mqabbel ma’ programmi preċedenti. B’mod partikolari, huwa jġib il-programmi predeċessuri tiegħu taħt umbrella waħda, u b’hekk jagħmel l-istruttura tal-programm aktar sempliċi u jiżgura koerenza akbar. Madankollu, hemm lok għal titjib, pereżempju billi jitnaqqas l-għadd ta’ għodod tal-IT, il-gwida tal-programm issir aktar faċli biex tinftiehem, tiġi ssimplifikata l-proċedura ta’ applikazzjoni, u tiġi indirizzata l-ugwaljanza bejn il-ġeneri kemm fil-fażijiet tal-ipprogrammar kif ukoll f’dik tar-rappurtar.

Erasmus+ huwa apprezzat kemm mill-pubbliku kif ukoll mill-partijiet ikkonċernati. Filwaqt li l-fatt li huwa jkollu għadd eċċessiv ta’ sottoskrizzjonijiet jagħti prova tal-popolarità tiegħu, l-iżvantaġġ huwa li mhux il-proposti kollha jistgħu jiġu ffinanzjati.

L-ewwel objettiv speċifiku li analizzajna jikkonċerna l-promozzjoni tal-mobbiltà għall-edukazzjoni u għat-taħriġ, billi tiġi ffinanzjata l-mobbiltà ta’ studenti individwali, ta’ trainees u tal-persunal. Dan l-objettiv speċifiku rċieva l-akbar allokazzjoni ta’ finanzjament, (EUR 1 630.7 miljun għall-2020, jew 54.1 % tat-total tal-programmi). L-interess f’dan it-tip ta’ mobbiltà żdied b’10 % kull sena minn meta tnieda l-Erasmus+ fl-2014. Madankollu, ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u l-edukazzjoni b’attendenza fiżika imposti b’rispons għall-pandemija tal-COVID-19 irriżultaw fi tnaqqis sinifikanti fl-attivitajiet ta’ mobbiltà fl-2020 (tnaqqis ta’ madwar 60 %, jew 500 000 inqas attivitajiet ta’ mobbiltà individwali). Dan jispjega wkoll għaliex l-indikatur għall-istudenti fl-edukazzjoni għolja u għat-trainees huwa nieqes mill-mira ta’ parteċipazzjoni tiegħu b’marġni żgħir. Il-mobbiltà appoġġata mill-programm tipprovdi ħafna tipi ta’ valur miżjud lil hinn minn dawk intenzjonati mir-Regolament Erasmus+ (eż. l-għoti ta’ spinta lill-multilingwiżmu, jew sistema ta’ karti li tagħti spinta lir-reputazzjoni tal-istituzzjonijiet).

It-tieni objettiv speċifiku, dwar il-kooperazzjoni fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ bejn l-organizzazzjonijiet benefiċjarji, huwa intenzjonat li jirriżulta fi prattiki innovattivi fuq livell lokali, reġjonali, nazzjonali jew Ewropew. Dan l-objettiv speċifiku huwa sinifikanti f’termini baġitarji b’EUR 782.4 miljun allokati għall-2020. L-organizzazzjonijiet benefiċjarji jqisuh importanti ħafna, għalhekk il-kompetizzjoni għall-finanzjament hija qawwija, iżda l-pajjiżi u l-istituzzjonijiet b’esperjenza u mezzi akbar għandhom vantaġġ u għandhom aktar ċans li jattiraw finanzjament. Il-livell ta’ innovazzjoni miksub mis-sħab huwa relattivament baxx meta mqabbel ma’ azzjonijiet preċedenti, u ta’ spiss mhuwiex suffiċjenti biex ikollu xi impatt lil hinn mill-organizzazzjonijiet benefiċjarji. Dan l-objettiv speċifiku għandu żewġ indikaturi. Minħabba nuqqas ta’ data mill-2016 ’il hawn, mhuwiex possibbli li jiġi stabbilit jekk humiex fit-triq it-tajba.

L-azzjoni esterna fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ tinkludi proġetti li huma mmirati lejn, pereżempju, il-bini tal-kapaċitajiet fl-edukazzjoni għolja u jiffukaw b’mod partikolari fuq il-pajjiżi sħab fil-viċinat tal-UE. Dawn jappoġġaw ukoll il-mobbiltà tal-istudenti u tal-persunal minn u lejn pajjiżi sħab. Dan l-objettiv speċifiku jiffaċilita r-rikonoxximent tal-kwalifiki mill-pajjiżi sħab tal-UE, u billi jippromwovi l-mobbiltà għat-tagħlim bejn il-pajjiżi, jikkontribwixxi lejn diplomazija ta’ persważjoni. L-indikaturi li rrieżaminajna juru li dan l-objettiv speċifiku huwa fit-triq it-tajba f’termini tal-għadd ta’ studenti u persunal minn u lejn pajjiżi sħab.

Il-proġetti ffinanzjati taħt l-objettiv speċifiku dwar il-mobbiltà taż-żgħażagħ ifittxu li jgħinu lill-organizzazzjonijiet jistabbilixxu skambji ta’ żgħażagħ u persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ fejn gruppi ta’ żgħażagħ isiefru biex jinteraġixxu ma’ żgħażagħ oħra minn pajjiżi oħra. Fil-biċċa l-kbira l-objettiv għandu effetti pożittivi fuq il-parteċipanti bħall-ħiliet f’lingwi barranin u tisħiħ pożittiv ta’ kompetenzi ewlenin. Il-kompetizzjoni għall-proġetti hija relattivament għolja, u l-programm huwa perċepit bħala aktar adatt għal organizzazzjonijiet akbar li huma attivi fil-ħidma fost iż-żgħażagħ minħabba li għandhom it-tendenza li jkollhom l-għarfien u r-riżorsi għal applikazzjonijiet li jirnexxu. Aħna nqisu li ż-żewġ indikaturi li rrieżaminajna, dwar iż-żieda fil-kompetenzi ewlenin u dwar l-għadd ta’ żgħażagħ involuti f’azzjonijiet ta’ mobbiltà appoġġati, huma fit-triq it-tajba.


Kapitolu 3 – Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali

X’analizzajna

L-infiq taħt din l-intestatura tal-QFP jiffoka fuq it-tnaqqis tad-disparitajiet fil-livell ta’ żvilupp tar-reġjuni tal-Istati Membri tal-UE. L-4 programmi prinċipali ffinanzjati taħt din l-intestatura għandhom infiq ippjanat totali ta’ EUR 371 biljun għall-perjodu 2014-2020, li minnhom EUR 194.8 biljun kienu tħallsu sa tmiem l-2020.

Din is-sena, aħna analizzajna l-Fond Soċjali Ewropew (FSE), programm li għandu l-għan li jippromwovi l-impjiegi u l-inklużjoni soċjali, l-integrazzjoni tal-persuni żvantaġġati fis-soċjetà u jiżgura opportunitajiet ta’ ħajja aktar ġusti. Flimkien mal-programmi li ntgħażlu s-sena l-oħra (il-FEŻR u l-FK), dan kien jirrappreżenta aktar minn tliet kwarti tal-pagamenti kollha li saru taħt din l-intestatura tal-QFP sa tmiem l-2020.

Il-FSE għandu ħames objettivi speċifiċi. Aħna analizzajna l-erbgħa relatati ma’:

  •  l-impjiegi sostenibbli u ta’ kwalità u l-mobbiltà tal-forza tax-xogħol;
  •  l-inklużjoni soċjali, il-ġlieda kontra l-faqar u d-diskriminazzjoni,
  •  l-edukazzjoni, it-taħriġ u t-taħriġ vokazzjonali għal ħiliet u t-tagħlim tul il-ħajja.

Rigward l-impjiegi sostenibbli u ta’ kwalità u l-mobbiltà tal-forza tax-xogħol, aħna koprejna l-prestazzjoni ta’ operazzjonijiet li jindirizzaw il-ħtiġijiet ta’ żgħażagħ b’etajiet bejn il-15 u l-24 sena barra mill-impjieg, edukazzjoni jew taħriġ (NEETS). Dawn l-operazzjonijiet huma appoġġati mill-FSE (li jappoġġa miżuri strutturali, bħall-kapaċità istituzzjonali u l-appoġġ tas-sistemi) u mill-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ (YEI), li tniedet fl-2013 u hija mmirata lejn l-individwi.

Aħna analizzajna l-informazzjoni mogħtija mill-indikaturi tal-prestazzjoni, li jkejlu l-ilħuq u l-progress lejn l-objettivi msemmija hawn fuq, u li dwarhom il-Kummissjoni tirrapporta fid-dikjarazzjoni tal-programm[4] tal-FSE. Abbażi tal-informazzjoni rilevanti u disponibbli dwar il-prestazzjoni, aħna vvalutajna kemm il-prestazzjoni tal-programmi ta’ nfiq kienet tajba u ċċekkjajna jekk din l-informazzjoni hijiex plawżibbli mas-sejbiet tagħna stess minn awditi reċenti[5] (inkluż awditu wieħed li wettaqna b’mod parallel mal-istituzzjonijiet supremi tal-awditjar tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea[6]), rapporti analitiċi[7] u opinjonijiet[8].

X’sibna

Aħna sibna li l-qafas tal-prestazzjoni huwa żviluppat tajjeb: jinkludi stadji importanti u miri għal kull assi prijoritarju tal-programmi operazzjonali taħt il-FSE u l-YEI.

Il-qafas żied b’mod konsiderevoli d-disponibbiltà tal-informazzjoni dwar il-prestazzjoni, iżda għadu jiffoka fuq l-inputs u l-outputs finanzjarji aktar milli fuq it-twassil tar-riżultati.

Aħna rrieżaminajna 13-il indikatur komuni tal-FSE u qisna li 12 minnhom huma fit-triq it-tajba biex jilħqu l-miri tagħhom. Madankollu, ħamsa minnhom biss huma fit-triq it-tajba minħabba li l-Kummissjoni kienet naqqset il-valuri fil-mira tagħhom fid-dikjarazzjoni tal-programm tal-2021, u wieħed minnhom xorta għadu mhux fit-triq it-tajba minkejja t-tnaqqis.

L-objettiv speċifiku dwar l-impjiegi sostenibbli u ta’ kwalità u l-mobbiltà tal-forza tax-xogħol ikkontribwixxa għall-mira li tiżdied ir-rata ta’ impjieg tal-popolazzjoni ta’ bejn 20 u 64 sena għal mill-inqas 75 % sal-2020. Aħna sibna li l-implimentazzjoni hija aktar bil-mod milli ppjanat, b’differenzi sinifikanti bejn l-Istati Membri: għall-perjodu 2014-2020, ġew allokati EUR 39.8 biljun għal dan l-objettiv u f’Ġunju 2021, l-Istati Membri kienu nefqu medja ta’ 54 % tal-finanzjament disponibbli, li kien ivarja minn 24 % f’Malta għal 90 % f’Ċipru. Matul il-perjodu 2014-2020, ir-rati ta’ impjieg fil-grupp ta’ età bejn 20 u 64 sena żdiedu (sa 73.1 % fl-2019), iżda għadhom mhumiex biżżejjed biex tintlaħaq il-mira tal-UE, prinċipalment minħabba l-pandemija tal-COVID-19. Is-sehem tal-finanzjament mill-FSE allokat għal miżuri li jindirizzaw kwistjonijiet strutturali oħra (bħall-ugwaljanza bejn il-ġeneri, it-tixjiħ attiv u l-modernizzazzjoni tal-istituzzjonijiet tas-suq tax-xogħol) kien relattivament baxx, u l-implimentazzjoni seħħet aktar bil-mod milli kien mistenni. Fl-aħħar nett, filwaqt li naqas il-proporzjon taż-żgħażagħ qiegħda u inattivi fl-UE, il-proporzjon ta’ NEETs inattivi baqa’ kostanti b'rata ta’ 6 %. Dan jenfasizza d-diffikultà biex dawn jintlaħqu u jiġu mobilizzati.

It-tieni objettiv speċifiku li analizzajna jikkonċerna l-inklużjoni soċjali, il-ġlieda kontra l-faqar u d-diskriminazzjoni, u jiffoka fuq firxa ta’ gruppi, bħall-adulti b’livell baxx ta’ ħiliet, il-persuni qiegħda fit-tul u l-persuni bi sfond ta’ migrazzjoni jew sfond barrani. Madwar EUR 33.3 biljun (27 % tal-baġit totali tal-FSE) ġew allokati għal dan l-objettiv. Aħna sibna li, sa tmiem l-2019, għalkemm l-għadd ta’ persuni fir-riskju tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali fl-UE kien naqas b’mod kumplessiv, madwar nofs l-Istati Membri biss kienu laħqu l-miri tagħhom għall-2020. Minn dak iż-żmien ’il hawn, x’aktarx li l-popolazzjoni fir-riskju tal-faqar żdiedet minħabba l-effetti ekonomiċi tal-kriżi tal-COVID-19. Għalhekk, x’aktarx li l-mira ta’ Ewropa 2020 għat-tnaqqis tal-faqar u l-inklużjoni soċjali akbar mhijiex se tintlaħaq. Barra minn hekk, huwa diffiċli li tiġi vvalutata l-effettività tal-finanzjament tal-FSE 2014-2020 għal gruppi fil-mira speċifiċi, minħabba n-nuqqas ta’ data ta’ monitoraġġ (pereżempju huwa impossibbli li tiġi mkejla l-kontribuzzjoni tal-finanzjament tal-UE għall-inklużjoni soċjali ta’ dawk l-aktar fil-bżonn minħabba nuqqas ta’ data kwantitattiva).

Fl-aħħar nett, EUR 37.8 biljun ġew allokati għall-edukazzjoni, it-taħriġ, u t-taħriġ vokazzjonali għal ħiliet u t-tagħlim tul il-ħajja. Il-mira taħt dan l-objettiv speċifiku kienet li jitnaqqas is-sehem ta’ dawk li ma jikkompletawx l-edukazzjoni jew it-taħriġ għal inqas minn 10 %, kif ukoll li jiżdied is-sehem tal-popolazzjoni ta’ bejn 30 u 34 sena li kkompletat l-edukazzjoni terzjarja jew ekwivalenti għal mill-inqas 40 %. Il-progress lejn dawn il-miri b’mod ġenerali huwa fit-triq it-tajba, iżda hemm disparità sinifikanti bejn il-ġeneri għaż-żewġ miri, fejn l-irġiel għandhom prestazzjoni inqas tajba min-nisa. Fl-aħħar nett, huwa diffiċli li jiġi identifikat kemm il-FSE kkontribwixxa għall-miri minħabba li jirrappreżenta biss madwar 1 %, bħala medja, tal-baġits għall-edukazzjoni tal-Istati Membri, u minħabba li r-rabtiet bejn l-azzjonijiet u r-riżultati jistgħu jiġu kkjarifikati aktar.

B’mod ġenerali, il-FSE huwa konformi mal-istrateġija Ewropa 2020 għall-ġenerazzjoni ta’ tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv fl-UE, u qed jikkontribwixxi għaliha. L-informazzjoni dwar il-prestazzjoni rrappurtata mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni turi li għadd konsiderevoli ta’ ċittadini tal-UE bbenefikaw minn finanzjament mill-FSE biex itejbu l-ħiliet, l-impjegabbiltà u l-prospetti tal-karriera tagħhom. Madankollu, minħabba limitazzjonijiet fid-data u l-fatt li ħafna operazzjonijiet kienu għadhom għaddejjin fiż-żmien meta wettaqna l-awditu, aħna għadna ma aħniex f’pożizzjoni li nisiltu konklużjoni kumplessiva dwar il-prestazzjoni reali tal-infiq mill-FSE matul il-perjodu 2014-2020.


Kapitolu 4 – Riżorsi naturali

X’analizzajna

Din l-intestatura tal-QFP tkopri ħames programmi, li jkopru l-infiq marbut mal-politiki dwar l-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali, li jiffinanzja l-politika agrikola komuni, il-politika komuni tas-sajd (PKS), u l-azzjoni ambjentali u klimatika. In-nefqa totali ppjanata fil-perjodu 2014-2020 kienet ta’ EUR 420 biljun, li minnhom EUR 367 biljun kienu tħallsu sa tmiem l-2020.

Għar-rapport ta’ din is-sena, aħna għażilna l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS). Flimkien maż-żewġ programmi li ġew koperti s-sena l-oħra (il-FAEG u l-FAEŻR), dan kien jirrappreżenta kważi 85 % tal-pagamenti kollha li saru taħt din l-intestatura tal-QFP sa tmiem l-2020.

L-objettiv primarju tal-FEMS huwa li jiżgura li s-setturi tas-sajd u tal-akkwakultura jkunu ambjentalment sostenibbli fit-terminu twil u jiġu mmaniġġjati b’mod li jkun konsistenti mal-kisba ta’ benefiċċji ekonomiċi, soċjali u ta’ impjieg, kif ukoll li jingħata kontribut għad-disponibbiltà tal-provvisti tal-ikel. Il-FEMS għandu 4 objettivi speċifiċi, li minnhom aħna analizzajna tnejn, li jikkorrispondu għal 84 % tal-baġit tal-FEMS:

  •  Il-promozzjoni ta’ sajd u akkwakultura kompetittivi, ambjentalment sostenibbli, ekonomikament vijabbli u soċjalment responsabbli,
  •  It-trawwim tal-implimentazzjoni tal-PKS.

Aħna analizzajna l-informazzjoni mogħtija mill-indikaturi tal-prestazzjoni, li jkejlu l-ilħuq u l-progress lejn l-objettivi msemmija hawn fuq, u li dwarhom il-Kummissjoni tirrapporta fid-dikjarazzjoni tal-programm[9] tal-FEMS. Abbażi tal-informazzjoni rilevanti u disponibbli dwar il-prestazzjoni, aħna vvalutajna kemm il-prestazzjoni tal-FEMS kienet tajba u ċċekkjajna jekk din l-informazzjoni hijiex plawżibbli u qabbilnieha mas-sejbiet tagħna stess minn żewġ rapporti tal-awditjar reċenti[10].

X’sibna

B’mod ġenerali, aħna sibna li l-informazzjoni dwar il-prestazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni, kif ippreżentata fid-dikjarazzjonijiet tal-programmi u fl-AMPR, tikkonċentra prinċipalment fuq il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-FEMS għall-objettivi tal-PKS, aktar milli fuq ir-riżultati tagħha. Peress li ma hemmx rabta ċara bejn il-kontribuzzjoni tal-FEMS u l-kisbiet iddikjarati, huwa diffiċli li tiġi identifikata relazzjoni kawżali bejniethom, u b’hekk li jiġi vvalutat l-impatt tal-programm fuq il-prestazzjoni kumplessiva tal-politika.

Il-Kummissjoni fasslet sett komplementari ta’ indikaturi speċifiċi għall-FEMS u tiġbor data rilevanti. L-informazzjoni għal dawn l-indikaturi hija bbażata fuq ir-rappurtar tal-Istati Membri permezz tar-Rapporti Annwali ta’ Implimentazzjoni tagħhom u tippermetti ħarsa ġenerali aktar kompleta lejn l-implimentazzjoni tal-FEMS. Madankollu, dawn l-indikaturi wkoll jikkonċentraw fuq l-infiq aktar milli fuq ir-riżultati.

L-ewwel objettiv speċifiku li analizzajna kien dak dwar il-“promozzjoni tas-sajd u l-akkwakultura kompetittivi, ambjentalment sostenibbli, ekonomikament vijabbli u soċjalment responsabbli”. L-infiq taħt dan l-objettiv jista’ jkopri, pereżempju, l-ispejjeż għat-tagħmir tas-sajd b’għażla mtejba tad-daqs tal-ħut biex jitnaqqas il-ħut maqbud mhux mixtieq, jew fl-akkwakultura jista’ jintuża biex isaħħaħ il-kompetittività tal-kumpaniji. L-informazzjoni disponibbli tindika li l-flotta tas-sajd tal-UE hija ġeneralment profittabbli, u li l-flotot li jimmiraw lejn stokkijiet li huma sfruttati b’mod sostenibbli huma ta’ benefiċċju għas-sajjieda. Il-progress biex tingħata spinta lill-produzzjoni tal-akkwakultura fl-UE huwa inqas avvanzat, billi reċentement staġna. Jenħtieġ li l-FEMS jippromwovi wkoll sajd ambjentalment sostenibbli. Filwaqt li kien hemm fis-seħħ qafas għall-protezzjoni tal-ambjent tal-baħar, l-azzjonijiet tal-UE, inklużi azzjonijiet mill-Istati Membri, ma kinux irrestawraw l-ibħra għal status ambjentali tajjeb. Problemi bħall-qabda aċċessorja ta’ speċijiet protetti għadhom jippersistu. Anke jekk l-iskartar ta’ qabdiet mhux mixtieqa huwa pprojbit (suġġett għal ċerti derogi), din il-prattika għadha għaddejja iżda l-indikatur rilevanti fid-dikjarazzjoni tal-programm ma jipprovdix data u d-data fir-Rapport Annwali ta’ Implimentazzjonital-FEMS hija meqjusa mhux affidabbli. B’mod ġenerali, aħna sibna li l-Kummissjoni ftit li xejn tipprovdi informazzjoni dwar il-prestazzjoni fir-rigward tar-riżultati tal-FEMS f’termini ta’ appoġġ għall-objettivi ambjentali tal-PKS fid-dikjarazzjoni tal-programm tal-FEMS u fl-AMPR.

It-tieni objettiv speċifiku li ħarisna lejh (“it-trawwim tal-implimentazzjoni tal-PKS”) jiffoka fuq il-ġestjoni tal-konservazzjoni tas-sajd permezz tat-titjib tal-għarfien xjentifiku u l-kontroll tas-sajd. Waħda mill-għodod għall-ġestjoni disponibbli għall-UE taħt il-PKS biex jinkisbu livelli sostenibbli tas-sajd hija l-istabbiliment ta’ limiti ta’ qabdiet totali permissibbli għal stokkijiet ta’ ħut kummerċjali. Madankollu, il-mira tal-PKS li sal-2020 jintlaħaq l-istatus ta’ konservazzjoni mixtieq għall-istokkijiet kollha tal-ħut x’aktarx li ma ntlaħqitx, u l-indikatur ewlieni mfassal biex jimmonitorja l-progress f’dan il-qasam ma għandux biżżejjed informazzjoni biex jindika l-livell ta’ progress lejn l-ilħuq tiegħu. Il-proporzjon ta’ stokkijiet sfruttati b’mod eċċessiv fl-Atlantiku tal-Grigal huwa qrib l-40 %, u huwa 83 % fil-Mediterran u fil-Baħar l-Iswed. Il-kapaċità żejda tal-flotta tas-sajd hija l-fattur ewlieni għas-sajd eċċessiv. Filwaqt li l-kapaċità tal-flotta tal-UE qiegħda tonqos bil-mod, wisq segmenti tal-flotta fil-biċċa l-kbira mill-Istati Membri għadhom mhumiex f’bilanċ mal-opportunitajiet tas-sajd tagħhom. Il-FEMS jappoġġa l-ġbir ta’ data xjentifika, li hija essenzjali billi jenħtieġ li tittieħed inkunsiderazzjoni f’deċiżjonijiet ewlenin li jikkonċernaw il-kwoti għall-qabdiet. Aħna sibna li, minħabba limitazzjonijiet fid-data, il-parir xjentifiku ma kienx disponibbli għal ħafna stokkijiet tal-ħut, b’mod partikolari fil-Mediterran u fil-Baħar l-Iswed. Fl-aħħar nett, is-suċċess tal-PKS huwa marbut b’mod qawwi mal-effettività tas-sistema ta’ kontroll tas-sajd. Il-FEMS jipprovdi finanzjament biex titjieb l-effettività tas-sistemi ta’ kontroll nazzjonali, li huma meħtieġa għall-infurzar tar-regoli. Madankollu, ma hemm l-ebda indikatur li jipprovdi informazzjoni dwar il-kontribut tal-FEMS lejn l-ilħuq tal-objettiv ta’ sistema ta’ kontroll effettiva.


Kapitolu 5 – Sigurtà u ċittadinanza

X’analizzajna

L-infiq taħt l-intestatura “Sigurtà u Ċittadinanza” tal-QFP huwa marbut mal-politiki bl-għan li jissaħħaħ il-kunċett ta’ ċittadinanza Ewropea billi tinħoloq żona ta’ libertà, ġustizzja u sigurtà mingħajr fruntieri interni. Huwa jinkludi finanzjament għal, fost oqsma oħra, il-ġestjoni armonizzata tal-fruntieri, il-politika dwar il-viżi, l-ażil u l-migrazzjoni. In-nefqa totali ppjanata taħt din l-intestatura fil-QFP 2014-2020 kienet ta’ EUR 22.4 biljun, li minnhom EUR 17.5 biljun kienu tħallsu sa tmiem l-2020.

Għar-rapport ta’ din is-sena, mill-11-il programm taħt din l-intestatura, aħna għażilna l-fergħa Fruntieri u Viżi tal-Fond għas-Sigurtà Interna (FSI-BV). Flimkien mal-programm li ntgħażel is-sena l-oħra (l-AMIF), dan kien jirrappreżenta aktar minn kwart tal-pagamenti kollha li saru taħt din l-intestatura tal-QFP sa tmiem l-2020.

L-FSI-BV għandu:

Objettiv ġenerali wieħed li huwa li jiżgura livell għoli ta’ sigurtà fl-UE. Għal dan l-objettiv, hemm indikatur wieħed iddefinit fid-dikjarazzjoni tal-programm;

Żewġ objettivi speċifiċi:

  •  Appoġġ għal politika komuni dwar il-viżi,
  •  Appoġġ ta’ ġestjoni integrata tal-fruntieri.

Aħna koprejna dawn l-objettivi kollha. Analizzajna l-informazzjoni mogħtija mill-indikaturi tal-prestazzjoni, li jkejlu l-ilħuq u l-progress lejn l-objettivi msemmija hawn fuq, u li dwarhom il-Kummissjoni tirrapporta fid-dikjarazzjoni tal-programm[11] tal-FSI. Abbażi tal-informazzjoni rilevanti u disponibbli dwar il-prestazzjoni, aħna vvalutajna kemm il-prestazzjoni tal-FSI-BV kienet tajba u ċċekkjajna jekk din l-informazzjoni hijiex plawżibbli u qabbilnieha mas-sejbiet tagħna stess minn żewġ rapporti tal-awditjar reċenti[12].

X’sibna

L-FSI-BV ipprovda appoġġ sostanzjali (EUR 1.4 biljun sa issa għall-perjodu 2014-2020) għall-objettiv ġenerali li jiġi żgurat livell għoli ta’ sigurtà fl-UE permezz ta’ kontroll uniformi u ta’ livell għoli mal-fruntieri u l-ipproċessar effettiv tal-viżi ta’ Schengen. L-indikatur tal-impatt ġenerali ddefinit għall-valutazzjoni ta’ dan l-objettiv huwa “Migranti irregolari maqbuda fil-fruntieri esterni tal-UE”. Filwaqt li l-infiq u l-attivitajiet taħt l-FSI-BV jistgħu jikkontribwixxu għall-interpellanza ta’ migranti irregolari fil-fruntieri esterni tal-UE, l-għadd ta’ migranti jiddependi minn fatturi esterni li jkunu volatili u barra mill-kontroll tal-UE. Għalhekk, anke jekk dan l-indikatur huwa fit-triq it-tajba, mhuwiex ċar kemm il-programm laħaq l-objettiv ġenerali tiegħu li jikkontribwixxi għal livell għoli ta’ sigurtà fl-UE.

Sa tmiem l-2020, 55 % biss tal-allokazzjonijiet tal-programmi nazzjonali kienu tħallsu. Kien hemm differenzi sinifikanti fir-rati ta’ assorbiment mill-Istati Membri tal-finanzjament taħt l-FSI-BV, li kienu jvarjaw minn 18 % sa 79 %. Id-dewmien fl-użu tal-fondi kien ikkawżat minn, pereżempju, dewmien fl-akkwist minħabba l-għadd limitat ta’ applikanti jew speċifikazzjonijiet kumplessi tal-offerti, jew l-effett tal-pandemija tal-COVID-19. Għaldaqstant, ħafna riżultati x’aktarx li jimmaterjalizzaw wara l-2020 u għad ma jistgħux jiġu vvalutati. Barra minn hekk, hemm xi lakuni fl-informazzjoni dwar il-prestazzjoni tal-programm minħabba l-fatt li żewġ azzjonijiet iffinanzjati mill-programm (azzjoni fil-livell tal-UE u assistenza ta’ emerġenza – li flimkien għandhom valur ta’ EUR 553 miljun) mhumiex koperti mill-qafas ta’ monitoraġġ tal-prestazzjoni.

L-informazzjoni dwar il-prestazzjoni ppubblikata fl-AMPR tagħti stampa ottimista tal-FSI-BV. Il-Kummissjoni tippreżenta l-indikaturi li juru livell għoli ta’ progress lejn il-miri tal-FSI-BV, iżda mhux l-indikaturi inqas inkoraġġanti dwar it-taħriġ u l-bini tal-kapaċitajiet għall-konsulati u l-gwardji tal-fruntiera. Barra minn hekk, billi l-indikaturi tal-prestazzjoni ppubblikati jaggregaw ir-riżultati rrappurtati mill-Istati Membri, ir-riżultati eċċezzjonali miksuba minn għadd limitat ta’ pajjiżi jagħtu stampa kumplessiva pożittiva ta’, u ħarsa ottimista lejn, il-progress sa issa. Eżempju minnhom huwa l-għadd ta’ pożizzjonijiet speċjalizzati għall-persunal konsulari f’pajjiżi terzi li kellhom mira ta’ 395. Mis-759 irrappurtati, 679 kienu rrappurtati minn 4 pajjiżi waħedhom (il-Ġermanja, il-Greċja, in-Netherlands u l-Awstrija). Mingħajr dawn l-erba’ pajjiżi, iċ-ċifra għall-progress li sar sal-ġurnata tal-lum tinżel minn 192 % għal 28 %.

L-objettiv speċifiku ta’ appoġġ għal politika komuni dwar il-viżi għandu l-għan li jiffaċilita l-ivvjaġġar leġittimu, jipprovdi servizz ta’ kwalità għolja lill-applikanti u jindirizza l-immigrazzjoni illegali. Huwa jistimula l-iżvilupp ta’ politika komuni li tippermetti vjaġġar mingħajr kontrolli fi ħdan iż-żona Schengen kemm għan-nazzjonali tal-UE kif ukoll għan-nazzjonali ta’ pajjiżi terzi li jkollhom viża fil-pussess tagħhom. Din il-politika komuni tieħu ħsieb biss il-viżi għal soġġorn qasir, filwaqt li l-viżi u l-permessi ta’ residenza għal perjodu itwal għadhom taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, li jfisser li l-FSI-BV jista’ jikkontribwixxi biss għall-ipproċessar konsistenti u effiċjenti ta’ wħud mill-permessi użati għad-dħul fl-UE. Il-programm iffinanzja l-aġġornament ta’ aktar minn 2 600 konsulat (290 % tal-mira għall-2020), u l-iżvilupp ta’ 430 attività konsulari komuni u s-sistemi tal-IT tal-politika komuni dwar il-viżi, u b’hekk rawwem attivitajiet ta’ kooperazzjoni konsulari bejn l-Istati Membri u ħoloq ċentri tal-ipproċessar tal-viżi aktar siguri u effiċjenti. Madankollu, sa issa l-għadd medju ta’ sigħat ta’ taħriġ tal-persunal irrappurtat fil-politika komuni dwar il-viża kien baxx (3 sigħat meta mqabbla ma’ mira ta’ 16-il siegħa għal kull individwu). Dan ifisser li l-programm ma kkontribwiex b’mod suffiċjenti għall-applikazzjoni konsistenti tal-acquis (jiġifieri l-korp ta’ drittijiet u obbligi komuni li huwa vinkolanti fuq l-Istati Membri kollha tal-UE) permezz ta’ taħriġ.

It-tieni objettiv speċifiku tal-programm jappoġġa l-ġestjoni integrata tal-fruntieri biex jiżgura livell uniformi u għoli ta’ kontroll u protezzjoni tal-fruntieri esterni kif ukoll il-qsim bla xkiel tal-fruntieri. L-appoġġ mogħti mill-FSI-BV għall-iżvilupp u l-aġġornament tas-sistemi tal-IT, tat-tagħmir u tal-infrastruttura għall-verifiki tal-viżi u l-verifiki fil-fruntieri għandu valur miżjud reali tal-UE. Dawn is-sistemi huma kruċjali biex ikunu jistgħu jsiru verifiki fil-fruntieri għall-identifikazzjoni ta’ persuni li huma ta’ theddida għas-sigurtà filwaqt li jippermettu lill-vjaġġaturi leġittimi jaqsmu bla xkiel. Sa tmiem l-2020, 33 516-il oġġett tal-infrastruttura u t-tagħmir għall-kontroll fil-fruntieri kienu ġew żviluppati jew aġġornati bl-appoġġ tal-FSI-BV – (ferm aktar mill-mira ta’ 19 902 għall-2020). Il-benefiċċji li jġibu magħhom jiddependu wkoll mit-taħriġ tal-persunal, li huwa wkoll appoġġat mill-programm. Billi xi Stati Membri rrappurtaw sigħat ta’ taħriġ, jiem ta’ taħriġ, u l-għadd ta’ korsijiet ta’ taħriġ taħt l-istess indikatur, il-valuri aggregati għal dan l-indikatur mhumiex komparabbli. Il-bażijiet ta’ data appoġġati jiġu kkonsultati dejjem aktar ta’ spiss. Id-data turi li l-għadd ta’ nazzjonali ta’ pajjiż terz li ġew miċħuda d-dħul fil-qsim tal-fruntieri esterni żdied b’mod kostanti, minn 297 860 fl-2015 għal 689 065 fl-2019, li jindika li s-sistemi ta’ ġestjoni tal-fruntieri qed jgħinu biex il-kontrolli fil-fruntieri jitwettqu b’mod effettiv. Madankollu s-sistema għandha limitazzjoni inerenti: is-sistema tal-VIS, li tgħaqqad il-konsulati f'pajjiżi mhux tal-UE mal-punti kollha ta’ kontroll fuq il-fruntieri esterni fil-pajjiżi ta’ Schengen, tħalli biss lill-pajjiżi jiskambjaw data għall-viżi ta’ Schengen għal soġġorn qasir. Għalhekk, ma hemm l-ebda rekord konsolidat tal-viżi kollha maħruġa u vverifikati.


Kapitolu 6 – Ewropa Globali

X’analizzajna

Ewropa Globali tiffinanzja 15-il programm u tkopri n-nefqa fuq l-azzjoni esterna kollha ffinanzjata mill-baġit ġenerali tal-UE, bħall-attivitajiet marbuta mal-iżvilupp u l-kooperazzjoni, l-għajnuna umanitarja, il-pajjiżi fil-viċinat u l-assistenza ta’ qabel l-adeżjoni. In-nefqa totali ppjanata taħt din l-intestatura fil-QFP 2014-2020 hija ta’ EUR 66.3 biljun, li minnhom EUR 44.2 biljun kienu tħallsu sa tmiem l-2020.

Għar-rapport ta’ din is-sena, aħna għażilna l-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA II). Flimkien mal-programmi li ntgħażlu s-sena l-oħra (id-DCI u l-ENI), dan kien jirrappreżenta kważi nofs il-pagamenti kollha li saru taħt din l-intestatura tal-QFP sa tmiem l-2020.

L-IPA II għandu:

objettiv ġenerali wieħed li huwa li jappoġġa l-pajjiżi kandidati u l-kandidati potenzjali fir-riformi tagħhom biex jallinjaw mar-regoli u l-valuri tal-UE bil-ħsieb ta’ sħubija fl-UE; u

erba’ objettivi speċifiċi, li minnhom aħna koprejna tlieta, relatati ma’:

  •  riformi politiċi,
  •  żvilupp ekonomiku, soċjali u territorjali,
  •  it-tisħiħ tal-kapaċità tal-benefiċjarji biex jissodisfaw l-obbligi li ġejjin mis-sħubija fl-Unjoni.

Analizzajna l-informazzjoni mogħtija mill-indikaturi tal-prestazzjoni, li jkejlu l-ilħuq u l-progress lejn l-objettivi msemmija hawn fuq, u li dwarhom il-Kummissjoni tirrapporta fid-dikjarazzjoni tal-programm[13] tal-IPA II. Abbażi tal-informazzjoni rilevanti u disponibbli dwar il-prestazzjoni, aħna vvalutajna kemm il-prestazzjoni tal-IPA II kienet fil-fatt tajba u ċċekkjajna jekk din l-informazzjoni hijiex plawżibbli u qabbilnieha mas-sejbiet tagħna stess minn żewġ rapporti tal-awditjar reċenti[14].

X’sibna

B’mod ġenerali, l-indikaturi rrappurtati mill-Kummissjoni fid-dikjarazzjoni tal-programm juru prestazzjoni modesta għall-IPA II. Aħna nqisu li minn total ta’ 19-il indikatur, 5 biss huma fit-triq it-tajba biex jilħqu l-miri tagħhom filwaqt li madwar nofshom (9) mhumiex, u għall-5 li jifdal, ma hemmx biżżejjed informazzjoni biex il-progress tagħhom jiġi vvalutat b’mod ċar.

Fl-AMPR, il-Kummissjoni tippreżenta sitta minn dawn l-indikaturi bħala indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni, u kollha juru progress. Madankollu, aħna ma nqisux li din l-għażla hija rappreżentattiva tal-prestazzjoni tal-IPA II: erbgħa mis-sitta huma indikaturi tal-impatt u jagħtu indikazzjoni tal-kuntest tal-programm aktar milli tal-prestazzjoni tiegħu, filwaqt li t-tnejn l-oħra huma indikaturi tal-output li huma relatati ma’ programmi ta’ kooperazzjoni transfruntiera li mhumiex rappreżentattivi tan-nefqa tal-IPA II. Fl-aħħar nett, l-ebda wieħed mis-sitt indikaturi magħżula mill-Kummissjoni ma jkejjel il-progress lejn l-objettiv speċifiku relatat ma’ riformi politiċi, minkejja li dan huwa element ċentrali għat-tkabbir.

Il-baġit tal-IPA II huwa immaniġġjat jew taħt ġestjoni diretta mill-Kummissjoni jew inkella taħt ġestjoni indiretta mill-awtoritajiet rilevanti tal-benefiċjarji tal-IPA II li huma akkreditati għal dan il-għan. Il-ġestjoni indiretta tintuża primarjament biex l-awtoritajiet tal-benefiċjarji jiġu ppreparati biex jimmaniġġjaw il-fondi strutturali/ta’ koeżjoni fil-futur. Madankollu, għalkemm hija tejbet is-sjieda tal-benefiċjarji fir-rigward tal-programm, l-użu tal-ġestjoni indiretta kkawża problemi serji ta’ ineffiċjenza relatati ma’ dgħufijiet fis-sistema u kapaċità amministrattiva baxxa. Fit-Turkija, pereżempju, dewmien kroniku wassal għal arretrati ta’ nfiq ta’ EUR 600 miljun f’finanzjament mill-IPA I u II taħt dan il-metodu ta’ ġestjoni. Il-benefiċjarji tal-IPA II mhux dejjem ikunu interessati fil-ġestjoni indiretta. Is-Serbja, pereżempju, ippreferiet il-ġestjoni diretta mill-Kummissjoni fis-settur tal-“istat tad-dritt”, prinċipalment minħabba l-kapaċità amministrattiva baxxa u d-dawran għoli tal-persunal fl-aġenziji responsabbli.

Aħna osservajna xi lakuni fl-informazzjoni dwar il-prestazzjoni tal-IPA II. L-ewwel nett, id-DĠ NEAR jippubblika rapporti annwali dettaljati dwar is-sitwazzjoni attwali u l-progress li sar minn kull pajjiż kandidat u pajjiż kandidat potenzjali fil-kapitoli differenti tan-negozjati u fl-ilħuq tal-kriterji politiċi u ekonomiċi. Għalkemm dawn ir-rapporti, rikjesti mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, jissodisfaw l-iskop tagħhom li jipprovdu informazzjoni dwar il-proċess ta’ tkabbir, ma jispeċifikawx il-punt sa fejn il-progress (jew in-nuqqas tiegħu) huwa dovut għall-IPA II u kemm minnu huwa relatat ma’ fatturi oħra. B’mod simili, kien hemm dgħufijiet fil-monitoraġġ ta’ proġetti individwali. F’xi każijiet, pereżempju, il-monitoraġġ iffoka fuq l-inputs, l-attivitajiet u l-proċessi aktar milli fuq ir-riżultati u l-impatti. Xi wħud mill-indikaturi analizzati fir-rapporti tagħna ma kellhomx ukoll linji bażi jew kienu ddefiniti ħażin.

It-tieni, id-dikjarazzjoni tal-programm tal-IPA II tippreżenta l-indikaturi tal-impatt u tal-output, bl-ebda indikatur tar-riżultati biex ikun hemm rabta bejniethom. L-indikaturi tar-riżultati huma essenzjali sabiex jiġi mifhum kif il-programm ikkontribwixxa għall-progress lejn l-objettivi tiegħu.

Wieħed mill-objettivi speċifiċi tal-IPA II huwa li “jappoġġa r-riformi politiċi”. Għalkemm xi benefiċjarji tal-IPA II għamlu progress, l-indikaturi kollha mid-dikjarazzjoni tal-programm relatati mar-riformi politiċi għamlu rigress fir-rigward tal-linji bażi tagħhom, u l-ebda wieħed minnhom ma huwa fit-triq it-tajba biex jilħaq il-mira tiegħu. Pereżempju, l-indikaturi li jkejlu l-perċezzjoni tal-korruzzjoni, il-libertà tal-istampa, l-effettività tal-gvern, l-istat tad-dritt, il-kwalità regolatorja u l-vuċi taċ-ċittadini, kif ukoll ir-responsabbiltà, juru rigress ġenerali u jibqgħu taħt il-livelli tal-linja bażi. Indikatur utli li jimmonitorja l-involviment tas-soċjetà ċivili fil-proċessi ta’ riforma ma baqax jintuża. Ir-raġuni prinċipali għall-progress bil-mod hija r-rieda politika insuffiċjenti f’ċerti każijiet, iżda hemm ukoll evidenza li l-appoġġ mill-UE kien aktar effettiv fil-promozzjoni ta’ dawn ir-riformi milli fl-iżgurar tal-implimentazzjoni tagħhom.

Objettiv speċifiku ieħor tal-IPA II huwa li jappoġġa l-“iżvilupp ekonomiku, soċjali u territorjali”. L-indikaturi użati għal dan l-objettiv speċifiku prinċipalment jipprovdu informazzjoni dwar il-kuntest ekonomiku li fih jopera l-IPA II jew dwar kif jikkontribwixxi għas-setturi agroalimentari u tal-iżvilupp rurali. Madankollu, ma hemm l-ebda indikatur li jkejjel speċifikament il-kontribut tal-IPA II għall-iżvilupp soċjali u territorjali. Il-programm ikkontribwixxa għall-modernizzazzjoni fis-setturi agroalimentari u tal-iżvilupp rurali. Mill-11-il indikatur li jkejlu l-progress f’dan il-qasam, 7 jew mhumiex fit-triq it-tajba biex jilħqu l-miri tagħhom jew inkella mhuwiex ċar jekk humiex se jilħquhom.

It-tielet objettiv speċifiku li analizzajna huwa li jgħin lill-benefiċjarji tal-IPA II jallinjaw mal-acquis tal-UE. B’mod ġenerali, huma żiedu l-allinjament tagħhom mal-UE. Madankollu, peress li l-aħħar dikjarazzjoni tal-programm ma tinkludix mira għall-indikatur li jkejjel il-progress f’dan il-qasam, huwa diffiċli li jiġi vvalutat jekk ir-ritmu tal-allinjament huwiex suffiċjenti. Dan l-objettiv speċifiku jikkonċerna wkoll it-tħejjija tal-benefiċjarji għall-immaniġġjar tal-fondi tal-UE. Madankollu, ma hemm l-ebda indikatur korrispondenti dwar il-livell ta’ tħejjija tal-benefiċjarji f’dan ir-rigward.


Kapitolu 7 – Segwitu tar-rakkomandazzjonijiet

X’analizzajna

Kull sena, aħna nirrieżaminaw il-punt sa fejn l-entitajiet awditjati minna jkunu ħadu azzjoni b’rispons għar-rakkomandazzjonijiet tagħna. Biex nagħmlu dan, aħna nagħtu segwitu għar-rakkomandazzjonijiet magħmula fir-rapporti speċjali li nkunu ppubblikajna tliet snin qabel.

Din is-sena, l-analiżi ta’ segwitu kopriet 161 rakkomandazzjoni maħruġa f’20 mit-23 rapport speċjali li ġew ippubblikati fl-2017. Ir-rakkomandazzjonijiet magħmula fit-tliet rapporti speċjali li jifdal ingħataw jew se jingħataw segwitu taħt awditi separati. Bħal fil-passat, ir-rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-Istati Membri kienu jaqgħu barra mill-ambitu ta’ dan l-eżerċizzju.

Għal dawn l-aħħar ftit snin, aħna tajna perjodu ta’ żmien għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet magħmula fir-rapporti speċjali tagħna. Għall-ewwel darba din is-sena, aħna analizzajna l-puntwalità tal-azzjonijiet korrettivi li ttieħdu mill-entitajiet awditjati minna.

X’sibna

B’mod ġenerali, aħna sibna li l-entitajiet awditjati minna kienu implimentaw il-biċċa l-kbira mir-rakkomandazzjonijiet fir-rapporti speċjali tagħna fil-ħin (68 % minnhom).

Mill-161 rakkomandazzjoni li tajna segwitu għalihom, 149 kienu indirizzati lill-Kummissjoni u t-12 li jifdal lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna. Minnhom, 77 % ġew aċċettati bis-sħiħ mill-entitajiet awditjati minna, 16 % ġew aċċettati parzjalment u 7 % ma ġewx aċċettati.

Mill-149 rakkomandazzjoni indirizzati lill-Kummissjoni, 100 ġew implimentati bis-sħiħ (67 %), 17 fil-biċċa l-kbira mill-aspetti (12 %), 14 f’xi wħud mill-aspetti (9 %) u 16 (11 %) ma ġewx implimentati. F’żewġ każijiet (1 %), aħna qisna li r-rakkomandazzjonijiet ma kinux għadhom rilevanti.

It-12-il rakkomandazzjoni kollha indirizzati lis-SEAE ġew implimentati bis-sħiħ.

Aħna osservajna li l-livell ta’ implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tagħna huwa korrelatat mal-aċċettazzjoni tagħhom mill-entitajiet awditjati minna. Meta mqabbel mas-sena preċedenti, il-proporzjon ta’ rakkomandazzjonijiet li ġew implimentati bis-sħiħ jew fil-biċċa l-kbira mill-aspetti baqa’ relattivament stabbli (80 %). Hemm lok għal iktar progress fir-rigward tar-rakkomandazzjonijiet li ma ġewx implimentati u ta’ dawk li ġew implimentati f’xi wħud u fil-biċċa l-kbira mill-aspetti. L-analiżi li wettaqna turi li l-aċċettazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-awditjar min-naħa tal-entitajiet awditjati hija utli biex jiġi żgurat li jittieħdu miżuri ta’ segwitu adegwati biex jiġu rimedjati d-defiċjenzi rrappurtati.

Noti finali

[1] Id-dikjarazzjonijiet tal-programmi għall-Abbozz tal-Baġit 2022.

[2] Ir-Rapporti Speċjali Nri 22/2018 u 10/2021.

[3] Ir-Rapport Analitiku Nru 3/2021.

[4] Id-dikjarazzjonijiet tal-programmi għall-Abbozz tal-Baġit 2022.

[5] Ir-Rapporti Speċjali Nri 14/2016, 16/2016, 2/2017, 5/2017, 15/2017, 6/2018, 16/2018, 21/2018, 5/2019, 20/2020 u 24/2021.

[6] Rapport mill-2017 dwar l-awditu parallel fuq il-Kontribut tal-Fondi Strutturali għall-Istrateġija Ewropa 2020 fl-oqsma tal-Impjiegi u/jew tal-Edukazzjoni.

[7] Ir-Rapporti Analitiċi Nri 4/2018, 5/2018, 8/2019 u 2/2021.

[8] L-Opinjonijiet Nri 1/2017 u 6/2018.

[9] Id-dikjarazzjonijiet tal-programmi għall-Abbozz tal-Baġit 2022.

[10] Ir-Rapporti Speċjali Nri 26/2020 u 08/2017.

[11] Id-dikjarazzjonijiet tal-programmi għall-Abbozz tal-Baġit 2022.

[12] Ir-Rapporti Speċjali Nri 20/2019 u 8/2021.

[13] Id-dikjarazzjonijiet tal-programmi għall-Abbozz tal-Baġit 2022.

[14] Ir-Rapporti Speċjali Nri 7/2018 u 27/2018.

Kuntatt

IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI
12, rue Alcide De Gasperi
1615 Luxembourg
LUXEMBOURG

Tel. +352 4398-1
Mistoqsijiet: eca.europa.eu/mt/Pages/ContactForm.aspx
Sit web: eca.europa.eu
Twitter: @EUAuditors

Ħafna informazzjoni addizzjonali dwar l-Unjoni Ewropea hija disponibbli fuq l-Internet.
Jista’ jsir aċċess għaliha permezz tas-server Europa (http://europa.eu).

Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2021

PDF ISBN 978-92-847-7239-1 ISSN 2600-142X doi:10.2865/52569 QJ-AK-21-002-MT-N
HTML ISBN 978-92-847-7249-0 ISSN 2600-142X doi:10.2865/408073 QJ-AK-21-002-MT-Q

DRITTIJIET TAL-AWTUR

© L-Unjoni Ewropea, 2021.

Il-politika tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) dwar l-użu mill-ġdid hija implimentata bid-Deċiżjoni Nru 6-2019 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar il-politika tad-data miftuħa u l-użu mill-ġdid ta’ dokumenti.

Sakemm ma jkunx indikat mod ieħor (eż. f’avviżi individwali dwar id-drittijiet tal-awtur), il-kontenut tad-dokumenti tal-QEA, li huwa proprjetà tal-UE, huwa liċenzjat taħt il-liċenzja Creative Commons Attribution 4.0 International (CC BY 4.0). Dan ifisser li l-użu mill-ġdid huwa awtorizzat, dment li l-awturi jingħataw kreditu xieraq u li l-bidliet jiġu indikati. Il-persuni li jużaw mill-ġdid dan il-kontenut ma jistgħux ibiddlu s-sinifikat jew il-messaġġ oriġinali tad-dokumenti. Il-QEA ma għandhiex tkun responsabbli għal kwalunkwe konsegwenza relatata mal-użu mill-ġdid.

Inti meħtieġ tikseb drittijiet addizzjonali ċari jekk kontenut speċifiku juri individwi privati identifikabbli, pereżempju f’ritratti li jkun fihom il-membri tal-persunal tal-QEA, jew jekk ikun jinkludi xogħlijiet ta’ parti terza. Fejn ikun inkiseb permess, tali permess għandu jikkanċella l-permess ġenerali msemmi hawn fuq u għandu jindika b’mod ċar kwalunkwe restrizzjoni dwar l-użu.

Biex tuża jew tirriproduċi kontenut li ma jkunx proprjetà tal-UE, inti jista’ jkun li jkollok titlob il-permess direttament mingħand id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur.

Softwer jew dokumenti li jkunu koperti mid-drittijiet ta’ proprjetà industrijali, bħal privattivi, trademarks, disinji rreġistrati, logos u ismijiet, huma esklużi mill-politika tal-QEA dwar l-użu mill-ġdid u inti ma għandekx il-liċenzja biex tużahom.

Il-familja ta’ Siti Web istituzzjonali tal-Unjoni Ewropea, fi ħdan id-dominju europa.eu, tipprovdi links għal siti ta’ partijiet terzi. Peress li dawn ma jaqgħux taħt il-kontroll tal-QEA, inti mħeġġeġ biex teżamina l-politiki tagħhom dwar il-privatezza u d-drittijiet tal-awtur.

Użu tal-logo tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri

Ma jistax isir użu mil-logo tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri mingħajr ma jinkiseb il-kunsens tagħha minn qabel.

Kif tikkuntattja lill-UE

Personalment
Madwar l-Unjoni Ewropea kollha hemm mijiet ta’ ċentri ta’ informazzjoni tal-Europe Direct. Tista’ ssib l-indirizz tal-eqreb ċentru għalik f'dan is-sit: https://europa.eu/european-union/contact_mt

Bit-telefown jew bil-posta elettronika
Europe Direct huwa servizz li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar l-Unjoni Ewropea. Tista’ tikkuntattja dan is-servizz:

  • bit-telefown bla ħlas: 00 800 6 7 8 9 10 11 (ċerti operaturi jafu jimponu ħlas għal dawn it-telefonati),
  • fuq dan in-numru standard: +32 22999696, jew
  • bil-posta elettronika permezz: https://europa.eu/european-union/contact_mt

Kif issib tagħrif dwar l-UE

Onlajn
L-informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE hija disponibbli fuq is-sit web Europa fuq: https://europa.eu/european-union/index_mt

Pubblikazzjonijiet tal-UE
Tista’ tniżżel mill-internet jew tordna l-pubblikazzjonijiet tal-UE, li xi wħud minnhom huma bla ħlas u xi oħrajn bil-ħlas, minn: https://op.europa.eu/mt/publications. Kopji multipli ta’ pubblikazzjonijiet bla ħlas tista’ tiksibhom billi tikkuntattja lil Europe Direct jew liċ-ċentru tal-informazzjoni lokali tiegħek (ara https://europa.eu/european-union/contact_mt).

Il-liġi tal-UE u dokumenti relatati
Għal aċċess għall-informazzjoni legali tal-UE, inkluż il-liġijiet kollha tal-UE mill-1951 ’l hawn, fil-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali kollha, żur is-sit EUR-Lex hawnhekk: http://eur-lex.europa.eu

Dejta Miftuħa mill-UE
Il-portal tad-Dejta Miftuħa mill-UE (https://copenhagenizeindex.eu/) jipprovdi aċċess għal settijiet tad-dejta mill-UE. Id-dejta tista’ titniżżel mill-internet u tintuża mill-ġdid bla ħlas, kemm għal skopijiet kummerċjali kif ukoll mhux kummerċjali.