Akronimi
Il-lista ta’ akronimi tinkludi l-Impriżi Konġunti tal-UE u l-korpi l-oħra tal-Unjoni li huma koperti minn dan ir-rapport.
| Akronimu | Isem sħiħ |
|---|---|
| ABAC | Is-sistema ċentrali ta’ informazzjoni finanzjarja tal-Kummissjoni dwar il-Kontabbiltà Bbażata fuq id-Dovuti |
| AE | Aġenzija Eżekuttiva |
| ARES | Is-sistema ċentrali ta’ ġestjoni tad-dokumenti tal-Kummissjoni |
| Artemis | L-Impriża Konġunta Artemis għall-implimentazzjoni ta’ Inizjattiva Teknoloġika Konġunta f’Sistemi Inkorporati tal-Kompjuter |
| BBI | L-Impriża Konġunta dwar l-Industriji b’bażi Bijoloġika |
| BCP | Pjan għall-Kontinwità tal-Operat |
| BT | Bord ta’ Tmexxija |
| CAS | Is-Servizz tal-Awditjar Komuni tad-DĠ RTD tal-Kummissjoni |
| CFS | Ċertifikat dwar ir-Rapporti Finanzjarji |
| COMPASS | Is-soluzzjoni ċentrali eGrants tal-Kummissjoni għall-ġestjoni tal-għotjiet |
| COSO | Il-Kumitat tal-Organizzazzjonijiet li Jisponsorjaw il-Kummissjoni Treadway |
| CS | L-Impriża Konġunta “Clean Sky” |
| DĠ RTD | Id-Direttorat Ġenerali għar-Riċerka u l-Innovazzjoni |
| DRP | Pjan ta’ Rkupru minn Diżastri |
| EASA | L-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea |
| ECSEL | L-Impriża Konġunta Komponenti u Sistemi Elettroniċi |
| EIT | L-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija |
| ENIAC | Il-Kunsill Konsultattiv Ewropew dwar l-Inizjattiva fin-Nanoelettronika |
| Euratom | Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika |
| EuroHPC | L-Impriża Konġunta għall-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja Ewropew |
| EVM | Ġestjoni tal-valur gwadanjat |
| F4E | L-Impriża Konġunta Fużjoni għall-Enerġija |
| FCH | L-Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu |
| FNE | Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa |
| FP7 | Is-Seba’ Programm Kwadru għar-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku (2007-2013) |
| H2020 | Orizzont 2020 - Il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) |
| ICT | Teknoloġija tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni |
| IFAC | Federazzjoni Internazzjonali tal-Kontabilisti |
| IKAA | Kontribuzzjonijiet in natura għall-Attivitajiet Addizzjonali |
| IKOP | Kontribuzzjonijiet in natura għall-Attivitajiet Operazzjonali |
| IMI | L-Impriża Konġunta tal-Inizjattiva dwar il-Mediċini Innovattivi |
| INTOSAI | L-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar |
| ISAs | L-Istandards Internazzjonali tal-Awditjar tal-IFAC |
| ISSAIs | L-Istandards Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar tal-INTOSAI |
| ITER | Reattur Termonukleari Sperimentali Internazzjonali |
| ITER-IO | L-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Enerġija mill-Fużjoni ITER |
| JU | Impriża Konġunta |
| MUS | Kampjunar minn Unitajiet Monetarji |
| NFA | Awtorità nazzjonali ta’ finanzjament |
| PMO | L-Uffiċċju tal-Amministrazzjoni u l-Ħlas tal-intitolamenti individwali |
| QFP | Qafas finanzjarju pluriennali |
| QKI | Qafas ta’ Kontroll Intern tal-Kummissjoni għall-2017 |
| RAO | Uffiċjal Awtorizzanti Responsabbli |
| S2R | L-Impriża Konġunta Shift2Rail (Inizjattiva Ferrovjarja Ewropea) |
| SBA | Att Bażiku Uniku li jistabbilixxi l-Impriżi Konġunti fil-qafas tal-programm Orizzont Ewropa |
| SESAR | L-Impriża Konġunta għar-Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru Uniku Ewropew |
| SNE | Espert Nazzjonali Sekondat |
| TEN-T | Programm tan-Network trans-Ewropew tat-Trasport |
| TFUE | It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea |
| TRL | Livell ta’ Tħejjija Teknoloġika |
| TTG | Żmien għall-Għotja |
| UE | L-Unjoni Ewropea |
Sommarju eżekuttiv
I Fil-limiti tal-mandat tagħna, aħna nwettqu eżaminar tal-kontijiet annwali u t-tranżazzjonijiet ta’ bażi, għal disa’ Impriżi Konġunti tal-UE (kollettivament imsejħa “Impriżi Konġunti”): it-tmien Impriżi Konġunti li joperaw attwalment taħt Orizzont 2020 (H 2020), il-programm għar-riċerka u l-innovazzjoni taħt il-qafas finanzjarju pluriennali attwali (QFP 2014-2020), u l-Impriża Konġunta “Fużjoni għall-Enerġija” (F4E).
II Għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2020, aħna ħriġna opinjoni mhux kwalifikata (“favorevoli”) tal-awditjar dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet għad-disa’ Impriżi Konġunti kollha. L-F4E tejbet b’mod konsiderevoli l-kwalità tal-informazzjoni fil-kontijiet annwali tal-2020, billi pprovdiet stima (fil-valuri tal-2020) tal-ispejjeż totali għall-ikkompletar tal-obbligi tat-twassil tagħha għall-proġett ITER, li hija vvalutat għal EUR 17.97 biljun. Il-paragrafu intitolat “Osservazzjonijiet” jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li kwalunkwe bidla fis-suppożizzjonijiet ewlenin għall-istima għandha mnejn twassal għal żidiet sinifikanti fl-ispejjeż u/jew għal dewmien ulterjuri fl-implimentazzjoni tal-proġett ITER.
III Għad-disa’ Impriżi Konġunti kollha, aħna ħriġna wkoll opinjoni mhux kwalifikata (“favorevoli”) tal-awditjar dwar il-legalità u r-regolarità tal-pagamenti u tad-dħul li fuqhom huma bbażati l-kontijiet annwali tal-2020.
IV B’mod ġenerali, l-awditu li wettaqna tal-kontijiet annwali tal-Impriżi Konġunti u tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi tagħhom ikkonferma r-riżultati pożittivi li aħna rrappurtajna fi snin preċedenti. Madankollu, aħna osservajna diversi kwistjonijiet li jeħtieġu titjib fl-oqsma tal-ġestjoni baġitarja u finanzjarja, il-kontribuzzjonijiet in natura, il-pagamenti ta’ għotja, il-proċeduri ta’ akkwist, ir-riżorsi umani u l-ġestjoni finanzjarja tajba.
V Fi tmiem l-2020, li hija is-7 sena tat-tul ta’ ħajja ta’ 10 snin tagħhom, l-Impriżi Konġunti kienu diġà impenjaw madwar 77 % tal-aġenda tagħhom ta’ riċerka u innovazzjoni ta’ Orizzont 2020, iżda kienu implimentaw biss madwar 62 % tal-miri ta’ kontribuzzjoni tal-membri tagħhom (inkluż għal attivitajiet addizzjonali). L-Impriżi Konġunti wrew gradi differenti ta’ kisba, fir-rigward tal-miri ta’ kontribuzzjoni stabbiliti mir-regolamenti fundaturi rispettivi tagħhom għall-attivitajiet taħt H 2020. Dawn il-varjanzi jistgħu jiġu spjegati parzjalment mill-fatt li l-Impriżi Konġunti joperaw f’oqsma differenti ta’ riċerka, b’mod partikolari, id-durata tal-proġett dovuta għan-natura tar-riċerka tagħhom, u d-daqs tal-konsorzji li jimplimentawhom. Barra minn hekk, hemm riskju li r-riżorsi amministrattivi jistgħu ma jkunux suffiċjenti, minħabba għadd dejjem jikber ta’ proġetti minn diversi programmi tal-QFP li qed jiġu implimentati b’mod simultanju.
VI Il-kontrolli interni tal-Impriżi Konġunti kienu ġeneralment effettivi u għall-pagamenti ta’ għotja – abbażi tar-riżultati tal-awditjar ex post - l-Impriżi Konġunti rrappurtaw rati tal-iżball residwu għall-2020 taħt il-livell ta’ materjalità ta’ 2 %. F’konformità mar-riżultati tal-awditjar ex post, l-awditi proprji tagħna tal-pagamenti ta’ għotja jindikaw li s-sors prinċipali ta’ żball huwa l-ispejjeż għall-persunal, u li b’mod partikolari l-SMEs huma aktar suxxettibbli għal żball milli benefiċjarji oħra. Is-simplifikazzjoni ulterjuri tar-regoli ta’ H 2020 għad-dikjarazzjoni tal-ispejjeż għall-persunal u t-tnaqqis tal-inċertezza legali bl-użu ulterjuri ta’ għażliet ta’ spejjeż simplifikati, hija prekundizzjoni għall-programmi qafas ta’ riċerka futuri, biex jiġu stabilizzati r-rati ta’ żball għal taħt il-livell ta’ materjalità.
VII Fl-2020, l-Impriżi Konġunti ħadu miżuri xierqa biex iżommu l-kontinwità tan-negozju matul il-pandemija tal-COVID-19 u biex jimmitigaw l-impatt possibbli tagħha fuq is-servizz ta’ konsenja tagħhom. Minħabba l-kooperazzjoni mill-qrib tagħhom għal tħejjija u koordinazzjoni komuni ta’ azzjonijiet ta’ mitigazzjoni, huma żguraw arranġamenti ta’ governanza xierqa, kif ukoll żammew livell normali ta’ attivitajiet matul il-pandemija.
VIII L-Impriżi Konġunti kollha ħadu azzjonijiet korrettivi biex jindirizzaw l-osservazzjonijiet tagħna li saru fi snin preċedenti. Mid-19-il osservazzjoni tal-awditjar pendenti fi tmiem l-2019, 16 (84 %) ġew ikkompletati, filwaqt li 3 (16 %) kienu għadhom għaddejjin jew kienu għadhom ma ġewx indirizzati fi tmiem l-2020.
X’awditjajna
L-istabbiliment u l-istruttura legali tal-Impriżi Konġunti
01 L-Impriżi Konġunti huma sħubiji pubbliċi-privati bejn il-Kummissjoni u l-industrija, u f’xi wħud mill-każijiet anki organizzazzjonijiet ta’ riċerka jew dawk intergovernattivi, stabbiliti skont l-Artikolu 187 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u, fil-każ tal-Impriża Konġunta Fużjoni għall-Enerġija (F4E), l-Artikoli 45 sa 51 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Trattat Euratom), għall-iskop li jagħtu appoġġ għal proġetti mmotivati mis-suq fl-oqsma strateġiċi tar-riċerka u l-innovazzjoni.
02 B’personalità ġuridika distinta, l-Impriżi Konġunti jadottaw l-aġenda proprja tagħhom għar-riċerka u jagħtu l-finanzjament, prinċipalment permezz ta’ sejħiet għal proposti. Eċċezzjoni għal dan huma l-F4E, jiġifieri l-Impriża Konġunta li hija responsabbli għall-provvediment tal-kontribuzzjoni tal-UE lill-proġett Reattur Termonukleari Sperimentali Internazzjonali (ITER), u l-Impriża Konġunta għall-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja Ewropew (l-EuroHPC) li prinċipalment tniedi akkwisti għall-akkwiżizzjoni u l-manutenzjoni ta’ supercomputers Ewropej.
03 Il-Figura 1 turi d-disa’ Impriżi Konġunti bil-qasam speċifiku ta’ riċerka u innovazzjoni li fih topera kull waħda minnhom.
Impriżi Konġunti li joperaw taħt H 2020
04 Il-Figura 2 tippreżenta stampa ġenerali tal-evoluzzjoni tal-Impriżi Konġunti taħt il-programmi FP7 u H 2020. Attwalment, 8 Impriżi Konġunti qed jimplimentaw proġetti taħt H 2020, u huma ppjanati li jibqgħu operazzjonali għal perjodu ta’ 10 snin sal-2024, bl-eċċezzjoni tal-EuroHPC, li se tkun operazzjonali għal 8 snin sal-2026.
05 L-azzjonijiet ta’ riċerka u innovazzjoni tagħhom huma fl-oqsma tat-trasport (is-CS, is-SESAR u l-S2R), l-enerġija ekoloġika (l-FCH), is-saħħa (l-IMI), l-ekonomija ċirkolari (il-BBI), id-diġitalizzazzjoni (l-ECSEL), u s-supercomputing (l-EuroHPC). L-EuroHPC saret awtonoma fit-23 ta’ Settembru 2020 u ġiet awditjata għall-ewwel darba għas-sena finanzjarja 2020.
Sors: il-KE, ibbażat fuq ir-Regolamenti tal-Kunsill li jistabbilixxu l-Impriżi Konġunti, modifikat mill-QEA.
L-F4E topera taħt l-Euratom biex tistabbilixxi l-proġett ITER
06 Il-proġett ITER jinvolvi seba’ sħab globali: l-UE li hija rrappreżentata mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Euratom)[1], l-Istati Uniti, ir-Russja, il-Ġappun, iċ-Ċina, il-Korea t’Isfel u l-Indja. L-UE[2] ħadet rwol ta’ tmexxija b’sehem ta’ 45 % tal-ispejjeż tal-kostruzzjoni. Is-sehem tal-membri l-oħra tal-ITER huwa ta’ madwar 9 % kull wieħed.
07 L-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni (l-F4E) ġiet stabbilita f’April 2007 għal perjodu ta’ 35 sena, bħala l-Aġenzija Domestika inkarigata mill-kontribuzzjoni Ewropea għall-proġett ITER. Il-kompiti prinċipali tagħha huma l-ġestjoni tal-kontribuzzjoni tal-Euratom għall-ITER-IO, li hija inkarigata mill-implimentazzjoni tal-proġett ITER. Hija tikkoordina attivitajiet u twettaq l-akkwisti meħtieġa, bi tħejjija għall-kostruzzjoni ta’ reattur dimostrattiv tal-enerġija mill-fużjoni u ta’ faċilitajiet relatati.
08 L-F4E hija prinċipalment iffinanzjata mill-Euratom (madwar 80 %) u mill-Istat Membru ospitu tal-ITER, Franza (madwar 20 %). L-istima l-aktar reċenti mill-Kummissjoni (2018) rigward il-baġit totali tal-Euratom meħtieġ għall-F4E biex tiġi ffinanzjata l-parti Ewropea tal-implimentazzjoni tal-proġett ITER, tammonta għal madwar EUR 15-il biljun (fil-valuri attwali), inkluża l-ispiża tat-tmexxija tal-operazzjoni nukleari mill-2028 sal-2035. L-Istat Membru ospitanti (Franza) u l-Istati Membri tal-Euratom (bl-inklużjoni tal-Istati Assoċjati, jiġifieri l-Iżvizzera u r-Renju Unit), għandhom jikkontribwixxu EUR 3.3 biljun addizzjonali (fil-valuri attwali). Fi Frar 2021, il-Kunsill tal-UE approva madwar EUR 5.6 biljun (f’valur attwali) bħala l-kontribuzzjoni tal-Euratom lill-F4E għall-QFP mill-2021 sal-2027[3].
09 Fil-31 ta’ Jannar 2020, ir-Renju Unit ħareġ mill-UE u mill-Euratom. Il-perjodu ta’ tranżizzjoni skont il-Ftehim dwar il-Ħruġ Brexit għan-negozjar ta’ ftehim ta’ sħubija ġdid mal-Euratom għalaq fil-31 ta’ Diċembru 2020. Ir-Renju Unit se jsir Stat Assoċjat tal-Euratom, skont kundizzjonijiet ekwivalenti għal dawk ta’ Stati Membri sħaħ, sa ma jiġi ratifikat il-protokoll dwar l-assoċjazzjoni tar-Renju Unit mal-programmi tal-UE mehmuża mal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn ir-Renju Unit.
L-Impriżi Konġunti jinsabu fl-Unjoni Ewropea
10 Seba’ Impriżi Konġunti jinsabu fi Brussell (is-SESAR, is-CS, l-IMI, l-FCH, l-ECSEL, il-BBI, u l-S2R). L-EuroHPC tinsab fil-Lussemburgu, u l-F4E tinsab f’Barċellona, filwaqt li l-faċilitajiet prinċipali ta’ fużjoni tal-ITER qed jinbnew f’Cadarache, Franza (ara l-Figura 3).
11 Għall-implimentazzjoni tal-attivitajiet tagħha ta’ riċerka u innovazzjoni, l-Impriżi Konġunti jiġbru flimkien parteċipanti fl-industrija u r-riċerka minn madwar id-dinja. Madwar 88.5 % tal-fondi tagħhom jintużaw għal kofinanzjament tal-attivitajiet ta’ parteċipanti mill-Istati Membri tal-UE, u madwar 11.5 % għal attivitajiet ta’ kofinanzjament tal-parteċipanti minn pajjiżi mhux tal-UE.
Il-mudelli ta’ governanza tal-Impriżi Konġunti
12 Il-biċċa l-kbira mill-Impriżi Konġunti jsegwu mudell bipartitiku, fejn il-Kummissjoni u s-sħab privati mill-industrija (f’xi wħud mill-każijiet anki s-settur tar-riċerka) huma rrappreżentati fil-bord ta’ tmexxija u jikkontribwixxu għall-attivitajiet tal-Impriża Konġunta (is-CS, l-IMI, l-FCH, il-BBI u l-S2R). L-oħrajn li jifdal isegwu mudell tripartitiku, fejn l-Istati parteċipanti jew organizzazzjonijiet intergovernattivi, il-Kummissjoni u fil-biċċa l-kbira s-sħab privati jipparteċipaw fil-bord ta’ tmexxija u jikkontribwixxu għall-attivitajiet tal-Impriża Konġunta (l-ECSEL, is-SESAR, u l-EuroHPC).
L-attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni tal-Impriżi Konġunti taħt l-FP7 u taħt H 2020 huma ffinanzjati b’mod konġunt mill-membri kollha
13 Għall-Impriżi Konġunti li jimplimentaw proġetti taħt l-FP7 u taħt H 2020, kemm l-UE kif ukoll is-sħab tagħha jikkontribwixxu għall-finanzjament tal-attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni tal-Impriżi Konġunti:
- L-UE (irrappreżentata miIl-Kummissjoni) tipprovdi finanzjament fi flus kontanti prinċipalment mill-programmi FP7 u H 2020 għall-kofinanzjament tal-proġetti ta’ riċerka u innovazzjoni tal-Impriżi Konġunti[4].
- Is-sħab privati mill-industrija u mir-riċerka jipprovdu kontribuzzjonijiet in natura billi jimplimentaw l-attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni tal-Impriża Konġunta, li fihom huma investew ir-riżorsi finanzjarji, ir-riżorsi umani, l-assi u t-teknoloġiji proprji tagħhom.
- F’xi każijiet, l-Istati Parteċipanti jew l-organizzazzjonijiet intergovernattivi jikkontribwixxu wkoll finanzjarjament għall-attivitajiet tal-Impriża Konġunta.
- Kemm l-UE kif ukoll is-sħab tagħha jiffinanzjaw b’mod indaqs l-ispejjeż amministrattivi tal-Impriżi Konġunti.
14 Rigward il-QFP 2007-2013 preċedenti, l-Impriżi Konġunti jimplimentaw madwar EUR 3.6 biljun jew madwar 7 % tal-baġit globali taħt l-FP7. Billi l-ammont ta’ kontribuzzjonijiet in natura mogħtija mis-sħab privati jrid ikun mill-inqas l-istess bħall-ammont ikkofinanzjat mill-UE, il-finanzjament mill-UE li jammonta għal EUR 3.6 biljun jimmobilizza madwar EUR 8.7 biljun għal proġetti ta’ riċerka u innovazzjoni taħt l-FP7.
15 Għall-QFP 2014-2020 attwali, l-Impriżi Konġunti jimmaniġġjaw madwar EUR 7.7 biljun jew 10 % tal-baġit globali taħt H 2020. Madankollu, kif jidher fil-Figura 4, dan il-finanzjament mill-UE huwa mistenni jimmobilizza madwar EUR 19.7 biljun għal proġetti ta’ riċerka u innovazzjoni fl-oqsma ta’ H 2020 li jiġu assenjati lill-Impriżi Konġunti, bl-inklużjoni tal-kontribuzzjonijiet diretti tal-Istati Parteċipanti lill-ECSEL u lill-EuroHPC.
Figura 4 – Kontribuzzjonijiet fi flus kontanti mogħtija mill-UE lill-Impriżi Konġunti u mobilizzazzjoni ta’ kontribuzzjonijiet ta’ membri oħra taħt H 2020
Sors: il-QEA.
16 Għall-FP7, l-Impriża Konġunta kellha tiżgura li l-kontribuzzjonijiet mogħtija mill-membri privati u minn sħab oħra flimkien jaqblu mill-inqas mal-kontribuzzjoni mill-UE. Għal H2020, ir-regolamenti fundaturi rispettivi ta’ kull Impriża Konġunta jiddefinixxu l-ammont massimu tal-kontribuzzjoni fi flus kontanti mogħtija mill-UE kif ukoll l-ammont minimu tal-kontribuzzjonijiet in natura u/jew fi flus kontanti mogħtija mill-membri privati u minn sħab oħra[5] għall-aġenda ta’ riċerka u innovazzjoni taħt H 2020 tal-Impriża Konġunta (ara l-Figura 5).
Figura 5 – Kontribuzzjonijiet mogħtija mill-membri matul iż-żmien tal-Impriża Konġunta (f’miljun EUR)
Sors: il-QEA.
17 Taħt H 2020, hemm żewġ tipi ta’ kontribuzzjonijiet in natura tal-membri privati:
- Għall-Impriżi Konġunti kollha, il-membri privati jridu jikkontribwixxu ammont minimu għall-ispejjeż totali għall-aġenda ta’ riċerka u innovazzjoni tal-Impriża Konġunta, l-hekk imsejħa “kontribuzzjonijiet in natura għal attivitajiet operazzjonali” (l-IKOP).
- Fil-każ ta’ erba’ Impriżi Konġunti (is-CS, l-FCH, il-BBI u l-S2R), il-membri privati jridu jipprovdu wkoll ammont minimu ta’ kontribuzzjonijiet in natura biex jiffinanzjaw attivitajiet li ma twettqux taħt il-pjanijiet ta’ ħidma tal-Impriżi Konġunti iżda jaqgħu fl-ambitu tal-objettivi tagħhom, l-hekk imsejħa “kontribuzzjonijiet in natura għal attivitajiet addizzjonali” (l-IKAA).
18 Fl-2020, il-baġit tal-pagamenti totali għall-Impriżi Konġunti kollha ammonta għal EUR 2.3 biljun (2019: EUR 1.9 biljun). Il-baġit tal-pagamenti 2020 għat-8 Impriżi Konġunti li jimplimentaw attivitajiet ta’ programmi ta’ riċerka u innovazzjoni ammonta għal EUR 1.5 biljun (2019: EUR 1.2 biljun), u EUR 0.8 biljun għall-F4E (2019: EUR 0.7 biljun).
19 Fi tmiem l-2020, l-Impriżi Konġunti li joperaw taħt H 2020 impjegaw 241 membru tal-persunal (aġenti temporanji u kuntrattwali) u 9 esperti nazzjonali sekondati, SNEs (2019: 229 membru tal-persunal u 8 SNEs). L-F4E impjegat 433 membru tal-persunal (uffiċjali, aġenti temporanji u kuntrattwali) u 2 SNEs (2019: 437 membru tal-persunal u 2 SNEs).
Proċedura ta’ kwittanza
20 Il-kronoloġija tal-proċedura annwali ta’ kwittanza tintwera fil-Figura 6.
L-awditu tagħna
Il-mandat tagħna u l-użu tax-xogħol ta’ oħrajn
21 Kif meħtieġ mill-Artikolu 287 tat-TFUE, aħna awditjajna l-kontijiet ta’ disa’ Impriżi Konġunti (is-SESAR, is-CS, l-IMI, l-FCH, l-ECSEL, il-BBI, l-S2R, l-EuroHPC u l-F4E) għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2020 u l-legalità u r-regolarità (konformità) tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet.
22 Għall-awditjar tal-affidabbiltà tal-kontijiet tal-Impriża Konġunta, u f’konformità mal-Artikoli 70 (6) u 71 tar-Regolament Finanzjarju tal-UE, aħna bbażajna l-opinjoni tagħna fuq ir-rapporti finali tal-awditjar tal-awditur estern indipendenti kkuntrattat mill-Impriża Konġunta. Għal kull Impriża Konġunta, aħna eżaminajna l-kwalità tax-xogħol tal-awdituri esterni għall-oqsma li jinsabu l-aktar f’riskju.
23 Għall-awditjar tal-konformità tal-pagamenti ta’ bażi, aħna ħadna kont tar-riżultati tax-xogħol ex post li twettaq mis-Servizz tal-Awditjar Komuni (CAS) tal-Kummissjoni u d-ditti tal-awditjar esterni ikkuntrattati tiegħu għall-pagamenti ta’ għotja taħt l-FP7 u taħt H 2020. Barra minn hekk, aħna qisna r-riżultati tal-awditi li s-Servizz tal-Awditjar Intern (IAS) tal-Kummissjoni wettaq fl-2020 fuq proċessi speċifiċi għall-Impriżi Konġunti.
L-approċċ tal-awditjar tagħna għal pagamenti ta’ għotja
24 Fl-2018 u l-2019, aħna rrieżaminajna, fuq bażi ta’ kampjun, l-awditi ex post imwettqa mill-CAS u mill-awdituri esterni kkuntrattati tagħha. Dan ir-rieżaminar żvela dgħufijiet persistenti fil-kwalità tal-awditjar u differenzi metodoloġiċi persistenti[6]. Għaldaqstant, għall-awditu tal-pagamenti ta’ għotjiet mill-Impriżi Konġunti aħna ssupplimentajna l-aċċertament li fittixna mill-awditi ex post, b’awditu dettaljat fil-livell tal-benefiċjarji (ittestjar sostantiv dirett) għal kampjun ta’ tranżazzjonijiet ta’ pagamenti ta’ għotjiet li saru mill-Impriżi Konġunti. Dawn it-tranżazzjonijiet intgħażlu b’mod aleatorju (kampjun ibbażat fuq il-MUS) minn popolazzjoni tal-pagamenti ta’ għotja interim u finali kollha li saru fl-2020, mis-seba’ Impriżi Konġunti li jimplimentaw il-proġetti taħt l-FP7 u taħt H 2020[7].
X’sibna
Opinjonijiet mhux kwalifikati (“favorevoli”) tal-awditjar għall-Impriżi Konġunti kollha...
... dwar il-kontijiet annwali
25 Aħna ħriġna opinjonijiet mhux kwalifikati (“favorevoli”) tal-awditjar dwar il-kontijiet annwali tal-Impriżi Konġunti kollha. Fl-opinjoni tagħna, dawn il-kontijiet jippreżentaw b’mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjonijiet finanzjarji tal-Impriżi Konġunti fil-31 ta’ Diċembru 2020 kif ukoll ir-riżultati tal-operazzjonijiet tagħhom u l-flussi tal-flus tagħhom għas-sena li ntemmet dakinhar, skont id-dispożizzjonijiet tar-regolamenti finanzjarji applikabbli u r-regoli kontabilistiċi adottati mill-Uffiċjal tal-Kontabbiltà tal-Kummissjoni.
... iżda osservazzjoni għall-F4E relatata mal-kontribuzzjoni mill-UE għall-ITER
26 L-F4E tejbet b’mod konsiderevoli l-kwalità tal-informazzjoni fil-kontijiet annwali tal-2020, billi pprovdiet stima (fil-valuri tal-2020) tal-ispejjeż totali f’euro għall-ikkompletar tal-obbligi tat-twassil tagħha għall-proġett ITER, aktar milli krediti tal-ITER, li hija vvalutat għal EUR 17.97 biljun. Il-paragrafu intitolat “Osservazzjonijiet” jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li kwalunkwe bidla fis-suppożizzjonijiet ewlenin rigward l-istima u l-esponiment għar-riskju[8] għandha mnejn twassal għal żidiet sinifikanti fl-ispejjeż u/jew għal dewmien ulterjuri fl-implimentazzjoni tal-proġett ITER[9].
... dwar id-dħul li fuqu huma bbażati l-kontijiet tal-Impriżi Konġunti
27 Għall-Impriżi Konġunti kollha, aħna ħriġna opinjonijiet mhux kwalifikati (“favorevoli”) tal-awditjar dwar il-legalità u r-regolarità tad-dħul li fuqu huma bbażati l-kontijiet annwali għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2020. Fl-opinjoni tagħna, it-tranżazzjonijiet kienu legali u regolari fl-aspetti materjali kollha.
... dwar il-pagamenti li fuqhom huma bbażati l-kontijiet tal-Impriżi Konġunti
28 Għall-Impriżi Konġunti kollha, aħna ħriġna opinjonijiet mhux kwalifikati (“favorevoli”) tal-awditjar dwar il-legalità u r-regolarità tal-pagamenti li fuqhom huma bbażati l-kontijiet annwali għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2020. Fl-opinjoni tagħna, it-tranżazzjonijiet kienu legali u regolari fl-aspetti materjali kollha.
... iżda l-osservazzjonijiet tagħna jindirizzaw bosta oqsma fejn jista’ jsir titjib
29 Mingħajr ma nixħtu dubju fuq l-opinjonijiet tagħna, aħna osservajna wkoll diversi kwistjonijiet li jeħtieġu titjib fl-oqsma tal-ġestjoni baġitarja u finanzjarja, il-kontribuzzjonijiet in natura, il-qafas ta’ kontroll intern u ta’ monitoraġġ għal pagamenti ta’ għotja, ir-riżorsi umani, il-proċeduri ta’ akkwist, u l-ġestjoni finanzjarja tajba.
Dgħufijiet rikorrenti fl-ippjanar annwali tal-pagamenti
30 Fil-każ tal-EuroHPC, sinifikattivament saru inqas pagamenti ta’ prefinanzjamenti milli kienu ppjanati għal kuntratti relatati mal-akkwiżizzjoni ta’ supercomputers u ta' ftehimiet ta' għotja, u dan irriżulta f'rata baxxa ta’ implimentazzjoni ta’ madwar 23 % tal-baġit għall-pagamenti operazzjonali. L-ECSEL irriattivat EUR 57.2 miljun ta’ approprjazzjonijiet ta’ pagament mhux użati fil-baġit operazzjonali għall-attivitajiet taħt H 2020, li minnhom setgħet tuża biss 70 % qabel ma użat l-approprjazzjonijiet tas-sena. Bl-istess mod, is-CS ma użatx il-baġit għall-pagamenti operazzjonali rriattivat għall-proġetti H 2020 ta’ madwar EUR 13-il miljun qabel użat l-approprjazzjonijiet ta’ pagament tas-sena.
L-Impriżi Konġunti implimentaw kważi bis-sħiħ l-attivitajiet tagħhom tal-FP7 u tat-TEN-T iżda qed jiffaċċjaw sfidi fl-implimentazzjoni tal-attivitajiet taħt H 2020
31 Fi tmiem l-2020, li hija s-7 sena tat-tul ta’ħajja ta’ 10 snin tagħhom, l-Impriżi Konġunti juru gradi differenti ta’ kisba, fir-rigward tal-miri ta’ kontribuzzjoni stabbiliti mir-regolamenti fundaturi rispettivi tagħhom għall-attivitajiet taħt H 2020 (QFP 2014-2020). Dawn il-varjanzi huma parzjalment dovuti għall-oqsma differenti ta’ riċerka li fihom joperaw l-Impriżi Konġunti. Pereżempju, l-IMI tesperjenza durata twila tal-proġett minħabba n-natura tar-riċerka tagħha, u l-iskala kbira tal-konsorzji globali li jimplimentawhom. Barra minn hekk, hemm riskju li l-livell ta’ riżorsi amministrattivi meħtieġa għall-ġestjoni ta’ dawn il-fondi fil-ħin, jista’ ma jkunx suffiċjenti, minħabba għadd dejjem jikber ta’ proġetti minn diversi programmi tal-QFP li qed jiġu implimentati b’mod simultanju. L-EuroHPC, li għaliha s-sena 2020 kienet it-tieni sena ta’ operat, kien għad ma kellhiex proċeduri affidabbli għall-validazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni ta’ kontribuzzjonijiet in natura ddikjarati mill-membri privati tagħha u mill-Istati Parteċipanti.
32 It-Tabella 1 tippreżenta stampa ġenerali tal-kontribuzzjonijiet mill-membri għall-attivitajiet taħt H 2020 ta’ dawn l-Impriżi Konġunti fi tmiem l-2020. Sa tmiem l-2020, dawn l-Impriżi Konġunti kienu implimentaw medja ta’ 62 % tal-miri tal-kontribuzzjonijiet mill-membri tagħhom (bl-IKAA inklużi), u 54 % biss bl-IKAA esklużi.
Tabella 1 – Orizzont 2020 -Kontribuzzjonijiet mill-membri (f’miljun EUR)
Sors: data pprovduta mill-Impriżi Konġunti.
Il-membri privati jikkontribwixxu sinifikattivament aktar għall-attivitajiet addizzjonali barra mill-pjanijiet ta’ ħidma tal-Impriżi Konġunti
33 Il-membri privati jridu jipprovdu tipi differenti ta’ kontribuzzjonijiet in natura lill-Impriżi Konġunti li jimplimentaw attivitajiet taħt H 2020 (ara l-paragrafu 17).
34 Il-Figura 7 turi l-iżvilupp tal-kontribuzzjonijiet in natura medji tal-membri privati għall-perjodu 2017 sa 2020. Minkejja ż-żieda sinifikanti u l-importanza tal-IKAA, ma hemm l-ebda obbligu li jiġu ddivulgati l-kontribuzzjonijiet korrispondenti fil-kontijiet annwali, u għalhekk jaqgħu barra mill-ambitu tal-awditjar tagħna[10]. Konsegwentement, hemm riskju li l-IKAA jistgħu ma jkunux konformi bis-sħiħ mal-objettivi tal-Impriżi Konġunti. Madankollu, dan ir-riskju jiġi mmitigat mill-proċessi ta’ ċertifikazzjoni tal-IKAA min-naħa tal-Impriżi Konġunti.
Figura 7 – L-iżvilupp tal-kontribuzzjonijiet in natura tal-membri privati
Sors: il-QEA, ibbażat fuq data pprovduta mill-Impriżi Konġunti.
L-Impriżi Konġunti jiltaqgħu ma’ ostakoli serji biex jiksbu kontribuzzjonijiet fi flus kontanti mill-membri privati għall-ispejjeż operazzjonali tagħhom
35 Fir-rigward tal-BBI, madankollu, l-IKAA totali tal-membri tal-industrija, kif stmati fi tmiem l-2020, laħqu biss madwar nofs l-ammont immirat minimu stabbilit fir-regolament fundatur tal-Impriżi Konġunti. Barra minn hekk, għalkemm ir-regolament fundatur tagħha ġie emendat apposta fl-2018 biex il-membri tal-industrija jkunu jistgħu jagħtu rendikont tal-kontribuzzjonijiet tagħhom fi flus kontanti fil-livell tal-proġetti għal mill-inqas EUR 182.5 miljun, fl-2020 il-membri tal-industrija ma għamlux kontribuzzjonijiet fi flus kontanti għall-ispejjeż operazzjonali tal-Impriżi Konġunti. Dan jindika li l-Impriża Konġunta tiffaċċja ostakli sinifikanti biex tikseb dawn il-kontribuzzjonijiet mill-membri privati u li l-mira minima mhux se tintlaħaq sa tmiem il-programm Orizzont 2020. Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni (DĠ RTD) naqqset b’EUR 140 miljun il-kontribuzzjonijiet fi flus kontanti tagħha lill-Impriża Konġunta. Dan it-tnaqqis sinifikanti fil-kontribuzzjonijiet mill-membri ppreżenta riskju konsiderevoli għall-kisba tal-aġenda ta’ riċerka u innovazzjoni tal-Impriża Konġunta għall-programm H 2020.
Bejn wieħed u ieħor 77 % tal-aġenda ta’ riċerka u innovazzjoni taħt H 2020 tal-Impriżi Konġunti diġà hija impenjata għall-implimentazzjoni
36 Kif jidher fit-Tabella 2, fi tmiem l-2020, l-Impriżi Konġunti kienu diġà taw u/jew iffirmaw proġetti ta’ għotjiet li kienu laħqu (bħala medja) 88 % tal-kontribuzzjoni massima disponibbli fi flus kontanti għall-kofinanzjament tal-attivitajiet tagħhom taħt H 2020. B’mod parallel, membri oħra taw impenn li jipprovdu kontribuzzjonijiet in natura għal dawn il-proġetti għal (bħala medja) 68 % tal-miri IKOP u tal-kontribuzzjoni fi flus kontanti operazzjonali tagħhom stabbiliti fir-regolamenti fundaturi rispettivi tal-Impriżi Konġunti. Dan irriżulta f’rata ta’ implimentazzjoni medja stmata ta’ 77 % tal-aġenda ta’ riċerka u innovazzjoni taħt H 2020 tal-Impriżi Konġunti fi tmiem l-2020.
Tabella 2 – Orizzont 2020 - Kontribuzzjonijiet mill-membri li taw impenn, fi tmiem l-2020 (f’EUR miljun)
Sors: data pprovduta mill-Impriżi Konġunti.
Il-kontrolli interni fir-rigward tal-pagamenti ta’ għotja kienu, b'mod ġenerali, effettivi
37 L-Impriżi Konġunti stabbilew proċeduri affidabbli ta’ kontroll ex ante bbażati fuq analiżijiet finanzjarji u operazzjonali mhux fuq il-post. Bl-eċċezzjoni tal-EuroHPC, fl-2020, l-Impriżi Konġunti implimentaw bis-sħiħ il-qafas ta’ kontroll intern tal-Kummissjoni (QKI), li huwa bbażat fuq 17-il prinċipju ta’ kontroll intern. Dawn l-Impriżi Konġunti żviluppaw indikaturi rilevanti għall-prinċipji kollha ta’ kontroll intern, wettqu awtovalutazzjonijiet annwali u tejbu l-monitoraġġ tal-effettività tal-attivitajiet ta’ kontroll tagħhom. Il-QKI stabbilit, madankollu, huwa proċess li jinsab għaddej, li l-kwalità tiegħu tiddependi mit-titjib kontinwu tal-indikaturi ewlenin tal-kontroll tal-Impriżi Konġunti u l-kwalità tal-awtovalutazzjoni annwali.
38 Fl-2020, tliet Impriżi Konġunti biss (l-IMI, l-FCH u l-ECSEL) kienu għadhom qed jagħmlu pagamenti finali ta’ għotja taħt l-FP7. L-IMI u l-FCH irrappurtaw rati tal-iżball residwu taħt is-soll ta’ materjalità ta’ 2 %, ibbażati fuq ir-riżultati tal-awditjar ex post fi tmiem l-2020. Fir-rigward tal-ECSEL, il-varjazzjoni sinifikanti fil-metodoloġiji u fil-proċeduri li ntużaw mill-Awtoritajiet Nazzjonali ta’ Finanzjament tal-Istati Parteċipanti ma tippermettix il-kalkolu ta’ rata unika tal-iżball residwu għall-pagamenti taħt l-FP7. Konsegwentement, għal dawk il-pagamenti, aħna applikajna r-rata tal-iżball residwu li ġiet stabbilita mid-DĠ RTD għall-programm FP7 kollu, li fi tmiem l-2020 kienet ta’ 3.51 %. Minħabba l-perċentwal baxx tal-pagamenti taħt l-FP7 li saru fl-2020 (madwar 8.6 %), ir-rata tal-iżball residwu għall-pagamenti operazzjonali totali li saru mill-ECSEL fl-2020 hija għalhekk meqjusa li hija taħt is-soll ta’ materjalità.
39 Għall-pagamenti ta’ għotja taħt H 2020, l-Impriżi Konġunti kollha li qed jimplimentaw proġetti taħt H 2020 irrappurtaw rata tal-iżball residwu taħt is-soll ta’ materjalità ta’ 2 %, ibbażata fuq ir-riżultati tal-awditjar ex post tal-CAS fi tmiem l-2020.
L-awditu li wettaqna ta’ pagamenti ta’ għotja fil-livell tal-benefiċjarji fl-2020 żvela żbalji sistemiċi fl-ispejjeż għall-persunal iddikjarati
40 Rigward il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet sottostanti tal-pagamenti ta’ għotja tal-Impriżi Konġunti, ir-riżultati tal-awditjar tagħna jindikaw li s-sors prinċipali ta’ żball huwa l-ispejjeż għall-persunal, u li b’mod partikolari, l-SMEs huma aktar suxxettibbli għal żball milli benefiċjarji oħra. Is-simplifikazzjoni ulterjuri tar-regoli ta’ H 2020 għad-dikjarazzjoni tal-ispejjeż għall-persunal u t-tnaqqis tal-inċertezza legali bl-użu ulterjuri ta’ għażliet ta’ spejjeż simplifikati, hija prekundizzjoni għall-programmi qafas ta’ riċerka futuri, biex jiġu stabilizzati r-rati ta’ żball għal taħt il-livell ta’ materjalità.
41 Għall-pagamenti ta’ għotja tal-2020, is-sorsi prinċipali ta’ żball li nstabu kienu:
- l-użu ta’ metodu skorrett biex jiġu kkalkulati l-ispejjeż għall-persunal iddikjarat;
- l-użu ta’ rati fis-siegħa li ma kinux ibbażati fuq sena finanzjarja kkompletata;
- in-nuqqas ta’ rispett ta’ limiti massimi għas-sigħat maħduma fuq il-proġett;
- il-korrezzjoni mhux iġġustifikata ta’ spejjeż għall-persunal diġà ddikjarati u aċċettati fil-perjodu ta’ rappurtar sussegwenti;
- l-ispejjeż mhux direttament attribwibbli għall-proġett, iddikjarati bħala spejjeż diretti oħra;
- ix-xiri mingħand konsorzju benefiċjarju ieħor, iddikjarat bħala spejjeż diretti oħra; u
- l-applikazzjoni ta’rata ta’ skambju skorretta għall-konverżjoni f’euro tal-ispejjeż iddikjarati.
Dgħufijiet fl-applikazzjoni tal-IT lokali tal-F4E għall-ġestjoni tal-kuntratti
42 F’Marzu 2020, b’rispons għall-pandemija tal-COVID-19, l-użu tal-applikazzjoni tal-IT lokali tal-F4E għall-ġestjoni tal-kuntratti (DACC), li preċedentement kienet limitata għall-ġestjoni ta’ emendi fil-kuntratti, ġiet estiża għall-ġestjoni ta’ kuntratti ġodda. Għalkemm din il-miżura ppermettiet lill-F4E żżomm il-kontinwità tan-negozju, l-F4E ma allinjatx bis-sħiħ l-applikazzjonijiet tal-IT lokali tagħha mal-proċessi interni għad-delegi. Filwaqt li l-F4E ħadet azzjonijiet ta’ mitigazzjoni biex tindirizza s-sitwazzjoni, għad iridu jiġu riżolti dgħufijiet sinifikanti, bħall-użu xieraq tal-kontijiet b’identità virtwali u l-użu xieraq ta’ drittjiet u ta’ delegi biex jiġu awtorizzati impenji legali. Fl-aħħar nett, ma twettqet l-ebda validazzjoni tas-sistema kontabilistika tal-F4E mill-implimentazzjoni tas-sistema DACC ’il hawn.
Għadd insuffiċjenti ta’ persunal statutorju fl-Impriżi Konġunti
43 L-għadd insuffiċjenti ta’ persunal statutorju fl-Impriżi Konġunti jwassal għal użu akbar ta’ persunal interim jew l-internalizzazzjoni kuntrattwali tal-ħaddiema. Dan jippreżenta riskji partikolari li jistgħu jaffettwaw b’mod negattiv il-prestazzjoni kumplessiva tal-Impriża Konġunta, bħaż-żamma ta’ kompetenzi ewlenin, in-nuqqas ta’ ċarezza tal-kanali tal-obbligu ta’ rendikont, u l-effiċjenza aktar baxxa tal-persunal. Pereżempju, is-CS żiedet sinifikattivament il-proporzjon tagħha ta’ persunal interim u statutorju minn 8 % fl-2017 għal 2.4 % fl-2020 għal kompiti li huma permanenti min-natura tagħhom (eż. assistent tas-servizz legali, appoġġ segretarjali, assistent fil-qasam tal-komunikazzjoni, u assistent tal-uffiċjal inkarigat mill-proġett). Livell għoli ta’ persunal kuntrattwali għandu t-tendenza li jżid sinifikattivament ir-rata ta’ dawran tal-persunal tal-Impriża Konġunta u jkompli jiddestabbilizza s-sitwazzjoni tal-persunal.
44 Fl-ewwel sena ta’ operat tagħha, l-EuroHPC ikkonċentrat prinċipalment fuq il-proċessi u l-kompiti operazzjonali. Billi l-ħtieġa għal persunal amministrattiv ewlieni għad trid tiġi indirizzata, din tippreżenta riskji f’termini ta’ dgħufijiet fil-ġestjoni finanzjarja, baġitarja u tal-persunal, u fil-proċessi ta’ kontroll intern għall-pagamenti operazzjonali u l-kontribuzzjonijiet in natura. Barra minn hekk, il-proporzjon għoli ta’ persunal kuntrattwali (74 %) jista’ jirriżulta f’livell sinifikanti ta’ dawran tal-impjegati fil-futur qrib, u dan ikompli jżid ir-riskji għas-sistemi ta’ ġestjoni tagħha.
L-użu ta’ proċedura ta’ akkwist miftuħa f’sitwazzjoni ta’ vantaġġ fl-għarfien
45 F’sitwazzjoni ta’ vantaġġ fl-għarfien, l-Impriżi Konġunti huma mħeġġa jwettqu riċerka preliminari dwar is-suq rigward il-prezzijiet u konsultazzjoni minn qabel ma’ kumpaniji oħra li jaġixxu fis-suq, biex jippermettu stima aħjar tal-prezzijiet u l-aħjar proporzjon bejn il-prezz u l-kwalità. Pereżempju, fl-2020 l-FCH nediet proċedura ta' akkwist miftuħa għal kuntratt qafas għall-implimentazzjoni tat-tielet fażi tal-proġett biex tistabbilixxi sistema ta’ ċertifikazzjoni H2. Il-konsorzju li kien diġà implimenta l-ewwel żewġ fażijiet tal-proġett u li għalhekk kien f’sitwazzjoni ta’ vantaġġ fl-għarfien, kien l-uniku kandidat li ppreżenta offerta b’offerta finanzjarja qrib il-valur massimu stmat tal-kuntratt iffissat fl-ispeċifikazzjonijiet tal-offerta.
L-Impriżi Konġunti mhumiex qed jużaw bis-sħiħ is-soluzzjoni tal-akkwist elettroniku tal-Kummissjoni, u l-F4E żviluppat il-portal tagħha stess
46 Ir-regolament finanzjarju tal-UE jirrikjedi li l-istituzzjonijiet u l-korpi kollha tal-UE, inklużi l-Impriżi Konġunti, ifasslu u jimplimentaw soluzzjonijiet għall-preżentazzjoni, għall-ħżin u għall-ipproċessar tad-data ppreżentata fil-kuntest tal-proċeduri ta’ għoti, u għal dak il-għan, ipoġġu fis-seħħ “spazju ta’ skambju elettroniku ta’ data” uniku għall-parteċipanti. Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni tinsab fil-proċess li tiżviluppa s-soluzzjoni tal-akkwist elettroniku bil-portal integrat Funding and Tenders u t-TED eTendering , fejn l-offerti ppubblikati kollha huma aċċessibbli għall-pubbliku. Is-soluzzjoni tal-akkwist elettroniku diġà tappoġġa proċeduri miftuħa u ristretti (inklużi dawk aċċellerati), proċeduri ta’ valur medju u baxx, u proċeduri nnegozjati eċċezzjonali għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE, inklużi l-Impriżi Konġunti.
47 Is-CS, l-FCH u l-S2R użaw is-soluzzjoni tal-akkwist elettroniku għall-proċedura ta’ akkwist miftuħa tagħhom fl-2020, l-IMI u s-SESAR bdew jużawha fil-bidu tal-2021. Il-BBI u l-ECSEL, madankollu, ma ppjanawx biex jużaw il-moduli kollha tal-pjattaforma minħabba l-għadd baxx tagħhom ta’ proċeduri ta’ akkwist ta’ valur għoli. L-F4E tuża l-għodda ta’ akkwist elettroniku, li mhijiex sinkronizzata bis-sħiħ mas-soluzzjoni tal-akkwist pubbliku tal-Kummissjoni. Tisħiħ futur tal-għodda tal-akkwist elettroniku tal-F4E jista’ jwassal għal duplikazzjoni mhux meħtieġa mal-isforzi ta’ żvilupp u l-investiment tal-Kummissjoni.
L-Impriżi Konġunti sfruttaw is-sinerġiji biex jegħlbu l-kriżi tal-COVID-19 fl-2020
48 Fl-2020, aħna analizzajna miżuri meħuda mill-Impriżi Konġunti biex iżommu l-kontinwità tan-negozju matul il-pandemija tal-COVID-19 u l-impatt possibbli tagħha fuq is-servizz ta’ konsenja tagħhom.
L-Impriżi Konġunti kkooperaw mill-qrib biex jiżguraw il-kontinwità tan-negozju fi ħdan is-sitwazzjoni tal-pandemija tal-COVID-19
49 L-Impriżi Konġunti li jinsabu fi Brussell (is-SESAR, is-CS, l-IMI, l-FCH, l-ECSEL, il-BBI u l-S2R) għelbu fil-biċċa l-kbira l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19, minkejja d-daqs żgħir tagħhom u r-riżorsi limitati li kellhom, minħabba l-kooperazzjoni mill-qrib tagħhom għal tħejjija komuni fil-bidu tal-pandemija f’Marzu 2020.
50 Billi s-CS, l-IMI, l-FCH, l-ECSEL, il-BBI u l-S2R għandhom is-sede tagħhom fl-istess bini, dawn adottaw pjan komuni għall-kontinwità tal-operat (BCP) f’Jannar 2019, inkluż Pjan komuni tal-IT ta’ Rkupru minn Diżastri (DRP), li ġie ttestjat f’Jannar u aġġornat fi Frar 2020. Is-SESAR u l-F4E adottaw id-dokumenti proprji tagħhom dwar il-Ġestjoni tal-Kontinwità tal-Negozju fl-2016 u l-2017 rispettivament, u aġġornawhom fl-2019.
51 It-testijiet tad-DRP tal-IT komuni kienu jiffukaw fuq:
- id-disponibbiltà tas-sit u l-aċċess għal uffiċċju backup,
- id-disponibbiltà tal-infrastruttura tal-IT (hardware u software), u
- il-funzjonalità tal-kontijiet tal-EU login u l-aċċess remot għall-applikazzjonijiet.
Ir-riżultati tat-testijiet ġew analizzati u tfasslu soluzzjonijiet għall-ħsarat identifikati.
52 L-F4E wettqet testijiet simili f’Marzu 2020, u t-telexogħol ilu r-regola ġenerali fis-siti kollha tal-F4E (Barċellona, Cadarache u Garching) sa mill-bidu tal-pandemija. Konsegwentement, qabel it-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID-19, l-Impriżi Konġunti kollha kellhom BCP aġġornat u formalment approvat.
L-Impriżi Konġunti kkoordinaw l-azzjonijiet ta’ mitigazzjoni tagħhom u żguraw il-governanza
53 Id-diretturi tal-Impriżi Konġunti bbażati fi Brussell kellhom laqgħat ta’ kull ġimgħa biex jiddiskutu l-implikazzjonijiet tal-pandemija, ir-riskji għall-operazzjonijiet u approċċ komuni għall-mitigazzjoni tagħhom. Laqgħat simili saru mill-kapijiet tal-amministrazzjoni u tal-kapaċitajiet tal-awditjar intern. F’Mejju 2020, biex jiżguraw is-sigurtà tal-persunal tagħhom meta kien jeħtiġilhom jaħdmu fl-uffiċċju, l-Impriżi Konġunti nedew akkwist konġunt immexxi mill-IMI, għall-materjali protettivi.
54 Fl-aħħar nett, il-bordijiet ta’ tmexxija tal-Impriżi Konġunti adattaw malajr għall-pandemija tal-COVID-19, billi kellhom laqgħat mill-bogħod u żammew pass simili fl-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet fl-2020, meta mqabbel mal-2019. L-għadd ta’ laqgħat tal-bordijiet ta’ tmexxija baqa’ stabbli f’ammont ta’ 27 fl-2020 (2019: 25) u 110 deċiżjonijiet tal-bordijiet ta’ tmexxija li ttieħdu fl-2020 (2019: 108).
L-Impriżi Konġunti ssodisfaw id-dmir ta’ diliġenza tagħhom lejn il-persunal
55 Sabiex jagħtu lill-persunal appoġġ adegwat dwar kif l-aħjar jindirizzaw l-isfidi l-ġodda kkważati mill-pandemija tal-COVID-19, l-Impriżi Konġunti bbażati fi Brussell stabbilew programm ta’ taħriġ għall-benesseri u r-reżiljenza. F’Ottubru 2020, il-persunal tal-Impriżi Konġunti kollha bbażati fi Brussell ipparteċipaw fit-taħriġ bl-isem ta’ “Coping in a time of COVID”, imniedi mis-SESAR u ffaċilitat minn kowċ professjonali ċċertifikat. It-taħriġ kien jinkludi sessjonijiet “breakout” biex jippermetti lill-parteċipanti jiskambjaw fehmiet dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom. Barra minn hekk, id-diretturi tal-Impriżi Konġunti organizzaw laqgħat online regolari, inkluż ħin għall-mistoqsijiet tal-persunal. Ir-regolarità tal-laqgħat online kienet tvarja skont l-Impriża Konġunta u skont l-intensità tal-pandemija, u varjat minn darba fil-ġimgħa sa darba fix-xahar.
56 Bejn April u Novembru 2020, ħames Impriżi Konġunti (is-SESAR, is-CS, l-IMI, l-ECSEL u l-BBI) wettqu stħarriġiet tal-persunal biex jiksbu feedback mingħandhom dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol matul il-pandemija tal-COVID-19. L-istħarriġiet iffukaw l-aktar fuq żewġ aspetti: il-kundizzjonijiet relatati max-xogħol, bħad-disponibbiltà u l-funzjonament tat-tagħmir tal-IT u l-appoġġ ipprovdut mill-maniġment, u l-esperjenzi personali dovuti għall-konfinament (eż. il-livell ta’ interazzjoni mal-kollegi, u l-livelli ta’ stress minħabba bidla fl-ammont ta’ xogħol, eċċ). Ir-riżultati tal-istħarriġiet indikaw li l-biċċa l-kbira mill-persunal tal-Impriżi Konġunti kien sodisfatt bit-tmexxija u l-appoġġ ipprovdut mill-maniġment u ma ffaċċjax problemi tal-IT konsiderevoli, filwaqt li kklassifika l-effettività tal-kontinwità tal-operat bħala għolja.
... li kkontribwixxa għal sitwazzjoni stabbli tal-persunal matul il-kriżi
57 Il-pandemija tal-COVID-19 ma kellhiex impatt li jista’ jitkejjel fuq l-għadd tal-persunal jew fuq ir-rati ta’ postijiet vakanti fl-Impriżi Konġunti. L-Impriżi Konġunti bbażati fi Brussell attwalment qed isegwu l-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni għal Ritorn Gradwali fl-Uffiċċju.
Minkejja l-pandemija tal-COVID-19, l-Impriżi Konġunti żguraw li jingħataw l-għotjiet...
58 Minkejja s-sitwazzjoni ta’ sfida, l-impenji baġitarji tal-Impriżi Konġunti taħt H 2020 għall-ftehimiet ta’ għotja baqgħu stabbli fl-ammont ta’ EUR 889.2 miljun fl-2020 (2019: EUR 855.6 miljun). Fir-rigward tal-F4E, l-attivitajiet ta’ akkwist operazzjonali baqgħu għaddejjin bl-istess pass, u l-impenji baġitarji tagħha għall-kuntratti operazzjonali żdiedu minn EUR 670.5 miljun fl-2019 għal EUR 826.1 miljun fl-2020.
59 L-IMI tat kontribut importanti għar-rispons komuni Ewropew għall-pandemija tal-COVID-19, ikkoordinat mill-Kummissjoni. L-Impriża Konġunta rriallokat EUR 45 miljun tal-baġit tagħha għall-2020 għal sejħa għal proposti rapida li tnediet f’Marzu 2020, li ffukat fuq l-iżvilupp ta’ terapiji u dijanjostika biex jiġu miġġielda l-infezzjonijiet tal-coronavirus. Fondi addizzjonali ta’ H 2020 mingħand il-Kummissjoni żiedu l-ammont tas-sejħa għal EUR 72 miljun. Aktar minn 140 proposta riċevuti ġew evalwati mill-bogħod u fi żmien rekord, b’segwitu għal modifiki sinifikanti għall-proċess tas-soltu ta’ evalwazzjoni tas-sejħiet tal-Impriża Konġunta. Għall-ftehimiet ta’ għotja ntgħażlu 8 proġetti (3 fuq it-trattamenti u 5 fuq id-dijanjostika) li mmoblizzaw aktar minn EUR 115-il miljun, u l-implimentazzjoni tagħhom bdiet qabel is-sajf tal-2020.
60 Barra minn hekk, għall-Impriżi Konġunti li jimplimentaw l-azzjonijiet taħt H 2020, iż-żmien medju li jittieħed sa ma tingħata l-għotja (TTG), li huwa l-perjodu mid-data ta’ skadenza għas-sottomissjoni ta’ proposti għall-firma tal-ftehimiet ta’ għotja, baqa’ stabbli b’medja ta’ 220 jum fl-2020 (2019: 221 jum)[11]. Dan kien ferm iqsar mill-perjodu massimu permissibbli ta’ 8 xhur jew madwar 240 jum speċifikati fir-regoli għall-parteċipazzjoni fil-programm H 2020. Din il-prestazzjoni hija spjegata prinċipalment mill-isforzi konsiderevoli tal-Impriżi Konġunti biex jimplimentaw fil-ħin il-proċeduri xierqa għall-evalwazzjoni mill-bogħod tal-proposti li titwettaq minn esperti esterni.
...u l-pagamenti lill-benefiċjarji tagħhom
61 Fl-2020, l-Impriżi Konġunti taħtH 2020 u l-F4E żammew il-livell tal-pagamenti għall-attivitajiet operazzjonali tagħhom fi ħdan id-dinamika tal-aħħar erba’ snin. Għall-Impriżi Konġunti ta’ H 2020, il-pagamenti totali għall-attivitajiet operazzjonali naqsu kemxejn biss minn EUR 847.1 miljun fl-2019 għal EUR 827.8 miljun fl-2020. Għall-F4E, il-pagamenti operazzjonali għall-kuntratti żdiedu minn EUR 681.3 miljun fl-2019 għal EUR 741.1 miljun fl-2020.
62 Minkejja l-isfidi fiż-żamma ta’ proċessi ta’ kontroll intern taħt kundizzjonijiet ta’ telexogħol, b’mod partikolari għall-pagamenti ta’ għotja operazzjonali interim u finali u pagamenti kuntrattwali kumplessi, l-għadd ta’ pagamenti tardivi tnaqqas minn medja ta’ 8 % fl-2019 għal 6 % bħala medja fl-2020.
L-attivitajiet tal-F4E għall-proġett ITER ġew imdewma
63 L-F4E rrappurtat li ħafna mill-fornituri tagħha kienu affettwati mill-pandemija tal-COVID-19 u mir-restrizzjonijiet relatati. L-Impriża Konġunta stmat li fi tmiem l-2020, il-pandemija kienet ikkawżat dewmien sa 4 xhur għal xi konsenji, b’żieda konsegwenti fl-ispejjeż ta’ madwar EUR 47 miljun (fil-valuri tal-2008) għar-riżultati tanġibbli tal-F4E għall-proġett ITER.
64 Il-Kummissjoni wettqet stħarriġ online f’Ottubru 2020, sabiex tifhem ir-riperkussjonijiet tal-pandemija tal-COVID-19 fuq il-kumpaniji involuti fil-proġett ITER. Għal żewġ terzi tar-rispondenti, il-pandemija kellha impatt negattiv, bħal dewmien (70 %), u tnaqqis fid-domanda b’konsegwenzi finanzjarji negattivi (50 %). Min-naħa l-oħra, 31 % tar-rispondenti qablu li l-involviment tagħhom fil-proġett ITER għamel il-kumpanija tagħhom aktar reżiljenti għall-konsegwenzi tal-kriżi.
Segwitu għas-sejbiet tal-awditjar mis-snin preċedenti
65 Fil-biċċa l-kbira mill-każijiet, l-Impriżi Konġunti ħadu azzjoni korrettiva biex jagħtu segwitu għall-osservazzjonijiet u l-kummenti li saru fir-rapporti annwali speċifiċi tagħna mis-snin preċedenti. Il-Figura 8 turi li, għad-19-il osservazzjoni li kienu għadhom ma ġewx indirizzati sa tmiem l-2019, l-azzjoni korrettiva ttieħdet fl-2020 biex 16-il osservazzjoni (84 %) setgħu jiġu kkompletati, filwaqt li 3 osservazzjonijiet (16 %) kienu għadhom għaddejjin jew kienu għadhom ma ġewx indirizzati sa tmiem l-2020[12].
Awditi u rapporti analitiċi oħra relatati mal-Impriżi Konġunti
66 Minbarra r-rapport annwali tal-awditjar relatat mal-kontijiet annwali tal-Impriżi Konġunti, matul l-2020 aħna ħriġna wkoll rapporti speċjali u rapporti analitiċi tal-awditjar, li kienu jirreferu għall-Impriżi Konġunti (ara l-Figura 9).
Figura 9 – Riżultati tal-awditjar minn dokumenti oħra relatati mal-Impriżi Konġunti maħruġa reċentement mill-QEA
Ir-Rapport Analitiku Nru 1/2021 tal-QEA:
Il-kontribut inizjali li l-UE tat għar-rispons fil-livell tas-saħħa pubblika għall-COVID-19
L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa kklassifikat il-COVID-19 bħala pandemija fil-11 ta’ Marzu 2020. It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jassenja biss rwol ta’ appoġġ u koordinazzjoni lill-UE għas-saħħa pubblika, li prinċipalment tibqa’ kompetenza tal-Istati Membri.
Aħna rrieżaminajna r-rispons inizjali tal-UE għall-azzjonijiet relatati mal-pandemija li ttieħdu mit-3 ta’ Jannar sat-30 ta’ Ġunju 2020, u ffukajna fuq l-użu tal-qafas tal-UE biex jiġi indirizzat theddid transfruntier għas-saħħa; l-azzjonijet addizzjonali tal-UE meħuda biex jiġi appoġġat il-forniment ta’ provvisti ta’ tagħmir protettiv, u l-appoġġ mill-UE għall-iżvilupp ta’ testijiet għal u vaċċini kontra l-COVID-19.
Il-Kummissjoni rawwmet skambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri, u appoġġat azzjonijiet bħar-riċerka dwar il-COVID-19 u ftehimiet ta’ xiri bil-quddiem tal-vaċċini. L-Impriża Konġunta Inizjattiva dwar Mediċini Innovattivi (IMI) nediet ukoll sejħa relatata mat-trattament u l-ittestjar tal-coronavirus.
Aħna enfasizzajna xi sfidi li ffaċċjat l-UE fl-appoġġ li tat lill-Istati Membri għar-rispons tagħhom għall-COVID-19, bħall-istabbiliment ta’ qafas xieraq għat-theddid transfruntier għas-saħħa, l-iffaċilitar tal-forniment ta’ provvisti xierqa fi kriżi u l-appoġġ għall-iżvilupp ta’ vaċċini.
Id-dettalji dwar il-konklużjonijiet tal-awditjar, ir-rakkomandazzjonijiet relatati u r-risposti tal-entità awditjata jistgħu jiġu kkonsultati fuq is-sit web tal-QEA eca.europa.eu.
Ir-Rapport Speċjali Nru 19/2020 tal-QEA:
Id-Diġitalizzazzjoni tal-Industrija Ewropea: inizjattiva ambizzjuża li s-suċċess tagħha jiddependi mill-impenn kontinwu tal-UE, tal-gvernijiet u tan-negozji
Filwaqt li t-trasformazzjoni diġitali hija essenzjali għal ħafna negozji tal-UE biex jibqgħu kompetittivi, dawn mhumiex qed jieħdu vantaġġ sħiħ mit-teknoloġiji avvanzati biex jinnovaw.
F'dan il-kuntest, fl-2016, il-Kummissjoni nediet l-inizjattiva dwar id-Diġitalizzazzjoni tal-Industrija Ewropea (DEI) bl-għan li ssaħħaħ il-kompetittività tal-UE fit-teknoloġiji diġitali.
Aħna eżaminajna l-livell sa fejn l-UE kienet effettiva fl-għoti ta' appoġġ għall-istrateġiji nazzjonali dwar id-diġitalizzazzjoni tal-industrija u l-Hubs ta’ Innovazzjoni Diġitali, u jekk il-Kummissjoni u l-Istati Membri kinux qed jimplimentaw l-istrateġija DEI b'mod effettiv.
Aħna sibna li l-istrateġija DEI tal-Kummissjoni kienet ibbażata fis-sod u appoġġata mill-Istati Membri, iżda ma kellhiex informazzjoni dwar l-eżiti intenzjonati, l-indikaturi tar-riżultati u l-miri. Dan jagħmilha aktar diffiċli għall-Kummissjoni u għall-Istati Membri biex jorjentaw aħjar l-attivitajiet tagħhom u jimmassimizzaw l-influwenza tagħhom, u l-Istati Membri ma kinux imħeġġa jallokaw finanzjament SIE lill-inizjattiva.
Aħna nirrakkomandaw li l-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri, toffri appoġġ lill-Istati Membri biex jiġu identifikati n-nuqqasijiet fil-finanzjament tagħhom, jittejjeb il-monitoraġġ, u tieħu azzjoni ulterjuri biex jinkisbu l-livelli xierqa ta’ konnettività broadband.
Id-dettalji dwar il-konklużjonijiet tal-awditjar, ir-rakkomandazzjonijiet relatati u r-risposti tal-entità awditjata jistgħu jiġu kkonsultati fuq is-sit web tal-QEA eca.europa.eu.
Ir-Rapport Speċjali Nru 2/2020 tal-QEA:
It-tħaddim tal-Istrument għall-SMEs: programm effettiv u innovattiv li qed jiffaċċja xi sfidi
L-Istrument għall-SMEs ġie stabbilit taħt il-programm qafas għar-riċerka Orizzont 2020 biex jappoġġa l-innovazzjoni f’intrapriżi żgħar u medji (SMEs). L-objettiv tiegħu huwa l-iżvilupp u l-kapitalizzazzjoni fuq il-potenzjal tal-SMEs billi timtela l-lakuna fl-iffinanzjar fil-fażi bikrija ta’ proġetti ta’ riskju għoli u tiżdied il-kummerċjalizzazzjoni tar-riżultati tar-riċerka fis-settur privat. Huwa mmirat lejn SMEs innovattivi fl-UE u f’16-il pajjiż assoċjat. B’baġit ġenerali ta’ EUR 3 biljun għall-perjodu 2014-2020, l-Istrument jipprovdi għotjiet lil kumpaniji b’potenzjal ta’ rata għolja ta’ tkabbir.
Aħna eżaminajna jekk huwa kienx immirat lejn it-tip it-tajjeb ta’ SMEs; kisibx kopertura ġeografika wiesgħa; il-proċess tal-għażla kienx effettiv, u jekk il-Kummissjoni mmonitorjatx l-Istrument b’mod adegwat.
Aħna sibna li huwa jipprovdi appoġġ effettiv lill-SMEs fl-iżvilupp tal-proġetti ta’ innovazzjoni tagħhom, iżda identifikajna riskju li l-Istrument jiffinanzja xi SMEs li setgħu ġew iffinanzjati mis-suq, li l-parteċipazzjoni fl-Istrument tvarja b’mod notevoli fost il-pajjiżi parteċipanti, u li s-sottomissjoni mill-ġdid ta’ proposti rifjutati hija ħela li dejjem tiżdied ta’ riżorsi ta’ ġestjoni u evalwazzjoni, mingħajr ma jiġi pprovdut valur miżjud.
Id-dettalji dwar il-konklużjonijiet tal-awditjar, ir-rakkomandazzjonijiet relatati u r-risposti tal-entità awditjata jistgħu jiġu kkonsultati fuq is-sit web tal-QEA eca.europa.eu.
Sors: il-QEA.
Noti finali
[1] Il-membri tal-Euratom huma l-Istati Membri tal-UE u l-Istati Assoċjati li huma l-Iżvizzera u r-Renju Unit (UK).
[2] L-Istati Membri tal-UE u l-Istati Assoċjati tagħha li huma l-Iżvizzera u r-Renju Unit.
[3] Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (Euratom) 2021/281 li temenda d-Deċiżjoni 2007/198/Euratom li tistabbilixxi l-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u għall-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni u li tikkonferixxilha l-vantaġġi.
[4] Is-SESAR irċeviet ukoll finanzjament mill-programm tan-Network Trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T) taħt il-qafas finanzjarju pluriennali preċedenti (QFP 2007-2013) u taħt il-QFP 2014-2020 attwali, is-SESAR u l-EuroHPC jirċievu finanzjament addizzjonali mill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE).
[5] Fil-każ tas-SESAR, il-kontribuzzjonijiet tas-sħab privati u tal-Eurocontrol huma definiti fi ftehimiet separati.
[6] Ara r-Rapport Annwali 2018 tal-QEA, il-Kapitolu 5 (il-paragrafi 5.31 – 5.34), ir-Rapport Annwali 2019 tal-QEA, il-Kapitolu 4 (il-paragrafi 4.28 u 4.29) u r-Rapport Annwali 2020 tal-QEA, il-Kapitolu 4 (il-paragrafi 4.23 – 4.30).
[7] L-EuroHPC ġiet eskluża billi fl-2020 hija għamlet biss pagamenti ta’ prefinanzjamenti għall-ftehimiet ta’ għotja tagħha.
[8] L-Esponiment għar-Riskju huwa l-valur tal-impatt stmat tar-riskju/i, immultiplikat bil-probabbiltà tar-riskju/i assoċjat(i) ma’ attività partikolari.
[9] Osservazzjoni tintuża biex tinġibed l-attenzjoni għal kwistjoni li ma tkunx ġiet materjalment iddikjarata b’mod skorrett fil-kontijiet, iżda li tkun ta’ tant importanza li tkun fundamentali biex l-utenti jifhmu l-kontijiet.
[10] L-Artikolu 4(4) tar-regolamenti fundaturi rispettivi ta’ kull Impriża Konġunta.
[11] Id-data tqis is-sejħiet għal proposti kollha tal-Impriżi Konġunti ta’ H 2020 ppubblikati fis-sena N-1 mal-ftehimiet ta’ għotja rispettivi tagħhom iffirmati fis-sena N.
[12] Nota: Għas-SESAR, is-CS, l-IMI, l-FCH, l-ECSEL u l-S2R, l-osservazzjonijiet kollha mis-snin preċedenti ġew ikkompletati minħabba l-azzjonijiet korrettivi tal-Impriżi Konġunti li ttieħdu matul l-awditu tal-2020. Għall-EuroHPC, l-2020 kienet l-ewwel sena ta’ awditjar.
Kuntatt
IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI
12, rue Alcide De Gasperi
1615 Luxembourg
LUXEMBOURG
Tel. +352 4398-1
Mistoqsijiet: eca.europa.eu/mt/Pages/ContactForm.aspx
Sit web: eca.europa.eu
Twitter: @EUAuditors
Ħafna informazzjoni addizzjonali dwar l-Unjoni Ewropea hija disponibbli fuq l-Internet.
Jista’ jsir aċċess għaliha permezz tas-server Europa (https://europa.eu).
Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2021
| ISBN 978-92-847-6981-0 | doi:10.2865/59872 | QJ-09-21-448-MT-N | |
| HTML | ISBN 978-92-847-6999-5 | doi:doi:10.2865/729085 | QJ-09-21-448-MT-Q |
DRITTIJIET TAL-AWTUR
© L-Unjoni Ewropea, 2021.
Il-politika tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) dwar l-użu mill-ġdid hija implimentata bid-Deċiżjoni Nru 6-2019 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar il-politika tad-data miftuħa u l-użu mill-ġdid ta’ dokumenti.
Sakemm ma jkunx indikat mod ieħor (eż. f’avviżi individwali dwar id-drittijiet tal-awtur), il-kontenut tad-dokumenti tal-QEA, li huwa proprjetà tal-UE, huwa liċenzjat taħt il-liċenzja Creative Commons Attribution 4.0 International (CC BY 4.0). Dan ifisser li l-użu mill-ġdid huwa awtorizzat, dment li l-awturi jingħataw kreditu xieraq u li l-bidliet jiġu indikati. Il-persuni li jużaw mill-ġdid dan il-kontenut ma jistgħux ibiddlu s-sinifikat jew il-messaġġ oriġinali tad-dokumenti. Il-QEA ma għandhiex tkun responsabbli għal kwalunkwe konsegwenza relatata mal-użu mill-ġdid.
Inti meħtieġ tikseb drittijiet addizzjonali ċari jekk kontenut speċifiku juri individwi privati identifikabbli, pereżempju f’ritratti li jkun fihom il-membri tal-persunal tal-QEA, jew jekk ikun jinkludi xogħlijiet ta’ parti terza. Fejn ikun inkiseb permess, tali permess għandu jikkanċella l-permess ġenerali msemmi hawn fuq u għandu jindika b’mod ċar kwalunkwe restrizzjoni dwar l-użu.
Biex tuża jew tirriproduċi kontenut li ma jkunx proprjetà tal-UE, inti jista’ jkun li jkollok titlob il-permess direttament mingħand id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur.
Softwer jew dokumenti li jkunu koperti mid-drittijiet ta’ proprjetà industrijali, bħal privattivi, trademarks, disinji rreġistrati, logos u ismijiet, huma esklużi mill-politika tal-QEA dwar l-użu mill-ġdid u inti ma għandekx il-liċenzja biex tużahom.
Il-familja ta’ Siti Web istituzzjonali tal-Unjoni Ewropea, fi ħdan id-dominju europa.eu, tipprovdi links għal siti ta’ partijiet terzi. Peress li dawn ma jaqgħux taħt il-kontroll tal-QEA, inti mħeġġeġ biex teżamina l-politiki tagħhom dwar il-privatezza u d-drittijiet tal-awtur.
Użu tal-logo tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri
Ma jistax isir użu mil-logo tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri mingħajr ma jinkiseb il-kunsens tagħha minn qabel.
Kif tikkuntattja lill-UE
Personalment
Madwar l-Unjoni Ewropea kollha hemm mijiet ta’ ċentri ta’ informazzjoni tal-Europe Direct. Tista’ ssib l-indirizz tal-eqreb ċentru għalik f'dan is-sit: https://europa.eu/european-union/contact_mt
Bit-telefown jew bil-posta elettronika
Europe Direct huwa servizz li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar l-Unjoni Ewropea. Tista’ tikkuntattja dan is-servizz:
- bit-telefown bla ħlas: 00 800 6 7 8 9 10 11 (ċerti operaturi jafu jimponu ħlas għal dawn it-telefonati),
- fuq dan in-numru standard: +32 22999696, jew
- bil-posta elettronika permezz: https://europa.eu/european-union/contact_mt
Kif issib tagħrif dwar l-UE
Onlajn
L-informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE hija disponibbli fuq is-sit web Europa fuq: https://europa.eu/european-union/index_mt
Pubblikazzjonijiet tal-UE
Tista’ tniżżel mill-internet jew tordna l-pubblikazzjonijiet tal-UE, li xi wħud minnhom huma bla ħlas u xi oħrajn bil-ħlas, minn: https://op.europa.eu/mt/publications. Kopji multipli ta’ pubblikazzjonijiet bla ħlas tista’ tiksibhom billi tikkuntattja lil Europe Direct jew liċ-ċentru tal-informazzjoni lokali tiegħek (ara https://europa.eu/european-union/contact_mt).
Il-liġi tal-UE u dokumenti relatati
Għal aċċess għall-informazzjoni legali tal-UE, inkluż il-liġijiet kollha tal-UE mill-1951 ’l hawn, fil-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali kollha, żur is-sit EUR-Lex hawnhekk: https://eur-lex.europa.eu
Dejta Miftuħa mill-UE
Il-portal tad-Dejta Miftuħa mill-UE (https://copenhagenizeindex.eu/) jipprovdi aċċess għal settijiet tad-dejta mill-UE. Id-dejta tista’ titniżżel mill-internet u tintuża mill-ġdid bla ħlas, kemm għal skopijiet kummerċjali kif ukoll mhux kummerċjali.
