Rapport Speċjali
05 2020

L-użu sostenibbli ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti: progress limitat fil-kejl u fit-tnaqqis tar-riskji

Dwar ir-rapport: Il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (PPPs) huma pestiċidi li jintużaw għall-protezzjoni tal-għelejjel. Il-qafas tal-UE għandu l-għan li jikseb użu sostenibbli tal-PPPs billi jitnaqqsu r-riskji u l-impatti fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent, u tiġi promossa l-ġestjoni tal-pesti. Aħna sibna li l-Kummissjoni u l-Istati Membri ħadu azzjoni biex jippromwovu l-użu sostenibbli tal-PPPs, iżda l-progress fil-kejl u fit-tnaqqis tar-riskji assoċjati kien limitat. L-applikazzjoni tal-ġestjoni integrata tal-pesti hija obbligatorja għall-bdiewa, iżda mhijiex rekwiżit biex huma jirċievu pagamenti taħt il-politika agrikola komuni, u l-infurzar huwa dgħajjef. L-istatistika disponibbli tal-UE u l-indikaturi tar-riskju ġodda ma jurux kemm il-politika kienet irnexxiet fil-kisba ta’ użu sostenibbli tal-PPPs. Aħna nagħmlu rakkomandazzjonijiet relatati mal-verifikazzjoni tal-ġestjoni integrata tal-pesti fil-livell tal-azjendi agrikoli, mat-titjib tal-istatistika dwar il-PPPs u mal-iżvilupp ta’ indikaturi tar-riskju li jkunu aħjar.
Rapport speċjali tal-QEA skont l-Artikolu 287(4), it-tieni subparagrafu, TFUE.

Din il-pubblikazzjoni hija disponibbli bi 23 lingwa fil-format li ġej:
PDF
PDF General Report

Sommarju eżekuttiv

I

Il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (PPPs) huma pestiċidi li l-bdiewa jużaw biex jipproteġu l-għelejjel kontra organiżmi ta’ ħsara, pesti u mard. Fl-UE, il-bejgħ ta’ sustanzi attivi li jintużaw fil-PPPs jaqbeż it-350 000 tunnellata fis-sena. Il-PPPs jista’ jkollhom impatt fuq il-kwalità tal-ilma u tal-ħamrija, il-bijodiversità u l-ekosistemi, u jistgħu jispiċċaw bħala residwi fl-ikel.

II

Mill-1991 ’il hawn, l-UE bniet qafas ta’ leġiżlazzjoni biex tawtorizza l-PPPs, tippromwovi l-użu sostenibbli tagħhom u tnaqqas ir-riskju li l-użu tagħhom joħloq għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent. Il-Kummissjoni tapprova s-sustanzi attivi li jistgħu jintużaw fil-PPPs li huma awtorizzati fl-Istati Membri u tivverifika li l-Istati Membri jimplimentaw il-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE. Hija tippromwovi wkoll il-ġestjoni integrata tal-pesti biex tinkoraġġixxi l-użu ta’ metodi preventivi, naturali, jew metodi oħra mhux kimiċi, għall-kontroll tal-pesti qabel ma wieħed jirrikorri għal PPPs.

III

Attwalment, il-Kummissjoni qiegħda tevalwa l-leġiżlazzjoni f’dan il-qasam ta’ politika fil-kuntest tat-tħassib pubbliku u parlamentari li qed jiżdied rigward ir-riskji assoċjati mal-użu tal-pestiċidi. Il-ħidma tagħna kienet maħsuba biex tikkomplementa dan il-proċess.

IV

L-objettiv prinċipali tagħna kien li nivvalutaw jekk l-azzjoni tal-UE naqqsitx ir-riskju relatat mal-użu tal-PPPs. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri ħadu azzjoni biex jippromwovu l-użu sostenibbli tal-PPPs. Madankollu, aħna sibna li l-progress fil-kejl u fit-tnaqqis tar-riskji relatati mal-użu tagħhom huwa limitat. Il-ħidma tagħna wriet li l-azzjoni tal-UE għall-użu sostenibbli tal-PPPs bdiet bil-mod u ppermettiet li aħna nidentifikaw id-dgħufijiet fil-qafas attwali tal-UE, kif stabbilit f’dan ir-rapport.

V

Aħna eżaminajna jekk il-leġiżlazzjoni tal-UE pprovdietx inċentivi effettivi biex tnaqqas id-dipendenza fuq il-PPPs. Ir-regoli tal-UE jirrikjedu li l-bdiewa japplikaw ġestjoni integrata tal-pesti, li jfisser li jenħtieġ li huma jirrikorru biss għall-PPPs jekk il-prevenzjoni u metodi oħrajn ma jirnexxux jew ma jkunux effettivi. Għalkemm huwa obbligatorju għall-bdiewa li japplikaw il-ġestjoni integrata tal-pesti, huma mhumiex meħtieġa li jżommu rekords ta’ kif ikunu applikawha, u l-infurzar huwa dgħajjef.

VI

Il-politika agrikola komuni tista’ tgħin fl-appoġġ tal-użu sostenibbli tal-PPPs permezz ta’, pereżempju, sistemi obbligatorji ta’ konsulenza għall-azjendi agrikoli u billi tipprovdi appoġġ finanzjarju għal miżuri bħalma huma l-biedja organika u l-iskemi ambjentali. Ir-rabta tal-pagamenti taħt il-politika agrikola komuni mar-rekwiżiti legali tista’ tgħin fl-infurzar ta’ dawn ir-regoli, iżda l-applikazzjoni tal-ġestjoni integrata tal-pesti attwalment mhijiex rekwiżit biex il-bdiewa jirċievu pagamenti taħt il-politika agrikola komuni.

VII

Li l-bdiewa jingħataw aċċess għal metodi alternattivi u prodotti b’riskju aktar baxx jista’ jgħinhom fl-applikazzjoni tal-ġestjoni integrata tal-pesti. L-UE ħolqot kategorija ta’ “PPPs b’riskju baxx” fl-2009, iżda sal-lum ftit minn dawn saru disponibbli għall-użu.

VIII

Aħna eżaminajna jekk il-Kummissjoni u l-Istati Membri kinux kejlu r-riskju u l-impatti ambjentali relatati mal-użu tal-PPPs u sibna li d-data miġbura u disponibbli ma kinitx biżżejjed biex ikun jista’ jsir monitoraġġ effettiv. L-istatistika disponibbli tal-UE dwar il-bejgħ tal-PPPs hija aggregata fuq livell li huwa għoli wisq biex tkun utli, filwaqt li dawk dwar l-użu agrikolu tal-PPPs ma kinux komparabbli.

IX

F’Novembru 2019, il-Kummissjoni ppubblikat l-istima li hija kienet wettqet rigward żewġ indikaturi tar-riskju armonizzati ġodda. L-ebda indikatur ma juri l-livell sa fejn id-direttiva kienet irnexxiet fl-ilħuq tal-objettiv tal-UE relatat mal-użu sostenibbli tal-PPPs.

X

Abbażi ta’ dawn is-sejbiet, aħna nirrakkomandaw li jenħtieġ li l-Kummissjoni:

  1. tiċċekkja li l-Istati Membri jikkonvertu l-prinċipji ġenerali tal-ġestjoni integrata tal-pesti fi kriterji prattiċi u li jivverifikawhom fil-livell tal-azjendi agrikoli, biex b’hekk tkun tista' ssir ir-rabta bejnhom u bejn il-pagamenti li jsiru taħt il-politika agrikola komuni fil-perjodu ta’ wara l-2020;
  2. ittejjeb l-istatistika dwar il-PPPs meta tirrevedi l-leġiżlazzjoni biex tagħmilha aktar aċċessibbli, utli u komparabbli; u
  3. tivvaluta l-progress li sar lejn l-ilħuq tal-objettivi tal-politika, ittejjeb l-indikaturi tar-riskju armonizzati, jew tiżviluppa oħrajn ġodda, filwaqt li tieħu kont tal-użu tal-PPPs.

Introduzzjoni

Politika tal-UE dwar il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti

01

Il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (PPPs) huma pestiċidi li jintużaw biex jiġġieldu kontra l-organiżmi ta’ ħsara, il-pesti u l-mard, jinfluwenzaw il-proċessi tal-ħajja tal-pjanti, jippreservaw prodotti tal-pjanti, jew jeqirdu jew jipprevienu t-tkabbir ta’ pjanti jew partijiet minn pjanti mhux mixtieqa. Il-PPPs jinkludu insettiċidi, fungiċidi u erbiċidi.

02

L-użu tal-PPPs jista’ jpoġġi pressjoni fuq l-ambjent; jista’ joħloq riskji għall-kwalità tal-ilma tal-art u tas-superfiċje, il-kwalità tal-ħamrija, il-bijodiversità, l-ekosistemi u s-saħħa tal-bniedem, inkluż permezz ta’ residwi fl-ikel. Il-PPPs sprejjati fuq l-għelieqi jistgħu jidħlu fl-art u fl-ilma tal-madwar (ara l-Figura 1). Il-PPPs jaffettwaw lill-pjanti u l-annimali u jistgħu jikkontribwixxu għat-telf tal-bijodiversità1, inkluż it-tnaqqis fil-popolazzjonijiet tal-insetti. Pereżempju, il-Pjattaforma Intergovernattiva tal-Politika tax-Xjenza dwar il-Bijodiversità u s-Servizzi Ekosistemiċi identifikat il-PPPs bħala wieħed mill-ixprunaturi ta’ popolazzjoni ta’ pollinaturi li qiegħda tonqos2.

Figura 1

Kif il-PPPs jistgħu jpoġġu pressjoni fuq l-ambjent

Sors: Clearwater, R. L., T. Martin u T. Hoppe (edituri), “Environmental sustainability of Canadian agriculture: Agri-environmental indicator report series – Report #4”, Agriculture and Agri-Food Canada, Ottawa, 2016, p. 155.

03

Mill-1991 ’il hawn, l-UE kellha regoli komuni dwar l-awtorizzazzjoni u l-użu tal-PPPs (preċedentement, l-Istati Membri kellhom il-liġijiet tagħhom stess). L-Anness I jistabbilixxi l-aktar leġiżlazzjoni importanti tal-UE dwar il-PPPs. Il-PPPs kollha jgħaddu minn proċedura ta’ awtorizzazzjoni f’żewġ stadji: il-Kummissjoni l-ewwel tapprova s-sustanzi attivi; wara dan, l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw forom kummerċjali ta’ PPPs li jkun fihom sustanzi attivi approvati (ara l-Anness II). Il-kriterji tal-approvazzjoni tal-UE jiddikjaraw li l-PPPs ma għandux ikollhom effetti ta’ ħsara fuq is-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali, u lanqas effetti mhux aċċettabbli fuq l-ambjent.

04

L-Istati Membri regolarment jipprovdu statistika dwar il-PPPs lill-Kummissjoni, u l-Eurostat jippubblika statistika annwali tal-UE relatata ma’ sustanzi attivi li jinsabu fil-PPPs mibjugħa3. Il-Figura 2 turi li l-bejgħ ġenerali fl-UE tas-sustanzi attivi użati fil-PPPs baqa’ pjuttost stabbli fi snin reċenti. Madankollu, il-bejgħ tal-PPPs mhuwiex direttament korrelatat mar-riskji u l-impatti assoċjati mal-użu tagħhom. Ir-riskji u l-impatti maħluqa mill-PPPs ivarjaw skont is-sustanzi attivi tagħhom, iżda wkoll skont il-kompożizzjoni tagħhom u fejn, meta u kif l-utenti japplikawhom fil-prattika.

Figura 2

Total tal-bejgħ ta’ sustanzi attivi użati fil-PPPs (EU-28)

Sors: Il-QEA, ibbażat fuq id-data disponibbli fuq is-sit web tal-Eurostat (sett ta’ data miksub fit-22 ta’ Lulju 2019). Din id-data teskludi informazzjoni kunfidenzjali, skont l-istima tal-Eurostat li tirrappreżenta < 3 % tal-bejgħ fuq is-sett ta’ data sħiħ.

05

Id-direttiva tal-2009 dwar l-użu sostenibbli tal-pestiċidi4 (“id-direttiva”) tistabbilixxi qafas biex jinkiseb użu sostenibbli tal-PPPs billi jitnaqqsu r-riskji u l-impatti tal-użu tal-PPPs fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent u billi tiġi promossa l-ġestjoni integrata tal-organiżmi ta’ ħsara (pesti) (IPM).

06

L-IPM hija kunċett li joriġina mis-snin sebgħin li, b’mod partikolari, jiffoka fuq il-prevenzjoni tal-infestazzjoni mill-pesti u jieħu vantaġġ minn prattiki ta’ biedja sostenibbli, bħan-newba ta’ għelejjel differenti u l-għażla ta’ żrieragħ reżistenti għall-pesti. Hija tinkludi wkoll il-monitoraġġ tal-pesti u l-istabbiliment ta’ valuri ta’ limitu tajbin li jgħinu biex jiġi deċiż jekk ikunx meħtieġ kontroll tal-pesti u meta dan għandu jsir. Meta mqabbla mal-applikazzjoni b’rutina tal-PPPs, l-IPM hija approċċ aktar ekoloġiku li jikkombina l-prattiki ta’ “sens komun”. L-IPM hija mezz biex titnaqqas id-dipendenza fuq il-PPPs: meta japplikaw l-IPM, il-bdiewa jużaw biss PPPs kimiċi jekk dawn ikunu meħtieġa, wara li jiġu eżawriti l-metodi preventivi, fiżiċi, bijoloġiċi jew metodi mhux kimiċi oħra għall-kontroll tal-pesti (ara l-Figura 3). L-IPM hija parti importanti mill-politika tal-UE dwar il-PPPs u saret obbligatorja fl-20145.

Figura 3

Prinċipji tal-Ġestjoni Integrata tal-Pesti (IPM)

Sors: Il-QEA, ibbażat fuq l-Anness III tad-Direttiva 2009/128/KE.

07

Il-faċilitazzjoni tal-użu ta’ metodi alternattivi u l-aċċess għal prodotti b’riskju aktar baxx jistgħu jgħinu biex jiġi appoġġat kontroll aktar sostenibbli tal-pesti. Ir-Regolament dwar il-PPPs tal-20096 (“ir-Regolament dwar il-PPPs”) introduċa l-kunċett ta’ PPPs b’riskju baxx. Biex jiġi awtorizzat bħala li huwa b’riskju baxx, PPP jista’ jkun fih biss sustanzi attivi li jkunu ġew approvati bħala li huma b’riskju baxx7 u ma jista’ jkun fih l-ebda “sustanza ta’ tħassib”. Minn Settembru 2019 ’il hawn, 16-il sustanza attiva ġew approvati bħala b’riskju baxx (3 % tas-sustanzi attivi approvati). Barra minn hekk, ir-Regolament dwar il-PPPs introduċa l-kunċett ta’ “sustanzi bażiċi”; l-UE approvat 20 sustanza bħal dawn li jintużaw b’mod predominanti għal skopijiet oħrajn għajr il-protezzjoni tal-pjanti (eż. fl-ikel).

08

Il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-utenti tal-PPPs (eż. il-bdiewa) kollha għandhom rwol fil-politika tal-UE dwar il-PPPs. Il-Figura 4 tistabbilixxi xi wħud mir-responsabbiltajiet ewlenin rilevanti għal dan ir-rapport.

Figura 4

Responsabbiltajiet ewlenin għall-politika tal-UE dwar il-PPPs

Sors: Il-QEA.

Ambitu u approċċ tal-awditjar

09

Aħna ddeċidejna li nwettqu awditu fil-qasam tal-politika tal-UE dwar il-PPPs minħabba l-interess dejjem jiżdied mill-pubbliku u mill-partijiet ikkonċernati tagħna (inkluż il-Parlament Ewropew). Attwalment, il-Kummissjoni qiegħda tevalwa l-leġiżlazzjoni f’dan il-qasam ta’ politika, u aħna qegħdin nistennew li r-rapport tagħna jkun jikkomplementa din l-evalwazzjoni.

10

L-objettiv prinċipali tagħna kien li nivvalutaw jekk l-azzjoni tal-UE naqqsitx ir-riskju relatat mal-użu tal-PPPs, billi niffukaw fuq il-perjodu li segwa r-reviżjoni tal-2009 tal-qafas tal-PPPs tal-UE (ara l-Anness I għal lista ta’ regoli ewlenin tal-UE relatati). Biex inwieġbu din il-mistoqsija, aħna eżaminajna jekk:

  • il-qafas tal-UE jipprovdix inċentivi biex titnaqqas id-dipendenza fuq il-PPPs, inkluż l-infurzar tal-IPM u l-iskoraġġiment tal-użu ta’ PPPs “standard” u b’riskju għoli; u
  • il-Kummissjoni u l-Istati Membri jkejlux ir-riskju u l-impatti ambjentali relatati mal-użu tal-PPPs.

Aħna ma fittixniex li nevalwaw mill-ġdid il-valutazzjonijiet xjentifiċi tal-PPPs.

11

Aħna wettaqna l-awditu minn Frar sa Settembru 2019. Ix-xogħol tal-awditjar tagħna kien jinkludi intervisti strutturati fil-Kummissjoni (id-Direttorat Ġenerali għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari, id-Direttorat Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali, id-Direttorat Ġenerali għall-Ambjent u l-Eurostat) u fl-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel, kif ukoll eżaminar ta’ dokumenti u żjarat ta’ informazzjoni fi tliet Stati Membri (Franza, il-Litwanja u n-Netherlands). Aħna għażilna dawn l-Istati Membri abbażi taż-żoni ġeografiċi (in-Nofsinhar, it-Tramuntana u Ċentrali)8 biex ikunu jirriflettu d-differenzi fil-prattiki u l-kundizzjonijiet agrikoli, kif ukoll bħala parti minn sforzi biex jitnaqqsu r-riskji relatati mal-użu tal-PPPs (il-promozzjoni tal-IPM, ir-riċerka, l-appoġġ finanzjarju) u fl-għadd ta’ PPPs b’riskju baxx awtorizzati. Aħna żorna l-Iżvizzera biex nifhmu kif pajjiż terz jinkorpora l-kundizzjonijiet relatati mal-IPM fil-pagamenti diretti lill-bdiewa. Aħna eżaminajna 18-il pjan ta’ azzjoni nazzjonali tal-Istati Membri9 relatati mat-tnaqqis tar-riskji marbuta mal-użu tal-PPPs, kif ukoll programmi ta’ żvilupp rurali tal-perjodu 2014-2020 għal miżuri relatati mal-PPPs u mal-IPM, u intervistajna 33 bidwi magħżula b’mod aleatorju għall-eżerċizzju tad-Dikjarazzjoni ta’ Assigurazzjoni tagħna.

Osservazzjonijiet

L-użu sostenibbli ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti ġie affettwat minn bidu kajman

L-ewwel passi biex id-direttiva tiġi applikata fil-prattika ġew ittardjati

12

Id-direttiva tal-2009 tistabbilixxi qafas biex jinkiseb użu sostenibbli tal-PPPs u biex tiġi promossa l-IPM, inkluż billi jintużaw approċċi alternattivi u metodi mhux kimiċi. L-Istati Membri kellhom sentejn biex jittrasponuha fil-liġi nazzjonali10.

13

Il-Kummissjoni vverifikat il-puntwalità tat-traspożizzjoni u bdiet proċeduri ta’ ksur kontra ż-żewġ Stati Membri11 li, sal-2012, kienu għadhom ma ttrasponewx id-direttiva. Madankollu, il-Kummissjoni ma vverifikatx il-kompletezza jew il-korrettezza tat-traspożizzjoni mwettqa mill-Istati Membri. Pereżempju, aħna sibna li filwaqt li Franza ħadet miżuri biex timplimenta d-direttiva, inkluża l-promozzjoni tal-IPM, ir-rekwiżiti tal-IPM ma ġewx trasposti fil-liġi Franċiża.

14

Sas-26 ta’ Novembru 2012, l-Istati Membri kellhom iħejju pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali li jistabbilixxu, fost affarijiet oħra, l-objettivi kwantitattivi, il-miri u l-iskedi ta’ żmien tagħhom għat-tnaqqis tar-riskji u l-impatti relatati mal-użu tal-PPPs. Il-Figura 5 tistabbilixxi l-avvenimenti ewlenin u turi l-iskeda ta’ żmien biex id-direttiva tiġi applikata fil-prattika.

Figura 5

Id-dati ta’ skadenza u t-twaqqit reali tal-avvenimenti ewlenin

Sors: Il-QEA, ibbażat fuq id-direttiva u d-dokumenti tal-Kummissjoni.

15

Filwaqt li terz biss tal-Istati Membri ppreżentaw il-pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali tagħhom lill-Kummissjoni f’konformità mad-dati ta’ skadenza, huma kollha ppreżentawhom sa Frar 2014. Il-Kummissjoni bagħtet ittri ta’ twissija lill-Istati Membri kollha, fejn semmiet id-dgħufijiet fl-ewwel pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali tagħhom kif ukoll oqsma problematiċi fl-implimentazzjoni tad-direttiva. Il-Kummissjoni ma ppreżentatx l-ewwel rapport tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill12, li kien dovut f’Novembru 2014, qabel Ottubru 2017.

16

L-Istati Membri jridu jeżaminaw u, jekk ikun meħtieġ, jaġġornaw il-pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali tagħhom kull ħames snin. Id-dati ta’ skadenza għal dan l-eżaminar jiddependu mit-twaqqit tal-pjanijiet inizjali u jvarjaw mill-2016 sal-2019, peress li l-Istati Membri ppreżentaw il-pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali inizjali tagħhom lill-Kummissjoni f’dati differenti. Kważi tliet kwarti tal-Istati Membri damu biex għamlu l-eżaminar tagħhom (11 minnhom aktar minn sena), abbażi tad-dati ta’ skadenza individwali tagħhom. Fiż-żmien meta wettaqna l-awditu, il-Kummissjoni kienet qiegħda tħejji t-tieni rapport tagħha (li kien dovut f’Novembru 2018) lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Il-Kummissjoni ħadet aktar azzjoni mill-2016 ’il hawn

17

Mill-2016 ’il hawn, il-Kummissjoni ħadet aktar azzjoni biex tippromwovi u tinforza l-implimentazzjoni tad-direttiva. L-inizjattivi tal-Kummissjoni jinkludu l-valutazzjoni tal-pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali u l-monitoraġġ tal-azzjonijiet tal-Istati Membri biex id-direttiva tiġi applikata fil-prattika.

18

Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarju lill-Istati Membri u żaret sitta minnhom biex tiġbor informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tad-direttiva. Rapport ġenerali13 jiġbor fil-qosor is-sejbiet ewlenin, jagħti eżempji ta’ prattika tajba dwar, pereżempju, il-protezzjoni tal-ilma, it-taħriġ u l-IPM, u jidentifika l-ostakoli prinċipali li l-Istati Membri qegħdin jiffaċċaw f’dak li jirrigwarda l-implimentazzjoni tad-direttiva. Bosta Stati Membri rrappurtaw diffikultajiet biex jivverifikaw l-IPM, u stqarru li n-nuqqas ta’ tekniki ta’ kontroll mhux kimiċi li jkunu finanzjarjament vijabbli u effettivi jxekkel l-applikazzjoni tal-IPM fil-prattika. Fl-2018, il-Kummissjoni mxiet minn żjarat ta’ ġbir ta’ informazzjoni għal awditi tal-konformità, u bdiet tagħmel rakkomandazzjonijiet u titlob azzjoni korrettiva mill-Istati Membri.

19

Il-Kummissjoni regolarment tistieden lill-awtoritajiet tal-Istati Membri għal laqgħat biex flimkien jiddiskutu l-implimentazzjoni tad-direttiva. Hija niedet portal web għall-użu sostenibbli tal-PPPs, li jinkludi informazzjoni ewlenija, pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali u links għal siti web uffiċjali tal-Istati Membri14.

20

L-attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni huma importanti biex jiġi żgurat li jkun hemm disponibbli metodi alternattivi għall-ġestjoni tal-pesti kif ukoll PPPs b’riskju baxx għall-implimentazzjoni tal-IPM. L-UE tappoġġa r-riċerka biex tagħmel disponibbli metodi alternattivi għall-kontroll tal-pesti li jkunu ekonomikament fattibbli. Orizzont 2020, il-programm ta’ riċerka tal-UE, jinkludi sejħiet għal proġetti relatati ma’ strateġiji, għodod u teknoloġiji għall-ġestjoni sostenibbli tal-ħaxix ħażin, alternattivi għall-użu tal-PPPs u għall-IPM. Is-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni għall-Produttività u s-Sostenibbiltà Agrikoli għandha l-għan li tintegra d-diversi flussi ta’ finanzjament u li tlaqqa’ l-bdiewa, il-konsulenti, ir-riċerkaturi, in-negozji agrikoli, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi u atturi oħrajn bħala sħab fl-innovazzjoni agrikola. In-netwerk li jirriżulta jgħaqqad il-proġetti ta’ riċerka u innovazzjoni fuq skala kbira ffinanzjati taħt Orizzont 2020 ma’ gruppi operattivi iżgħar li jaħdmu kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak reġjonali, bl-għan li jnaqqas id-distakk bejn ir-riċerka u l-prattika.

L-azzjoni tal-UE tipprovdi inċentivi dgħajfa biex il-bdiewa jadottaw il-ġestjoni integrata tal-pesti

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri jippromwovu l-IPM, iżda l-infurzar tagħha huwa dgħajjef

21

Miżura importanti biex jinkiseb użu sostenibbli tal-PPPs hija l-IPM. Ir-regoli tal-UE jiddefinixxu l-IPM bħala sett ta’ tmien prinċipji ġenerali (ara l-Anness III) kontroll tal-pesti qabel ma wieħed jirrikorri għal PPPs kimiċi (ara wkoll il-Figura 3). Il-possibbiltà li ssir referenza għall-IPM fuq it-tikketti tal-PPPs hija mod kif issir is-sensibilizzazzjoni. Matul iż-żjarat tagħna fl-Istati Membri, aħna sibna biss eżempju wieħed ta’ indikazzjonijiet direttament relatati mal-IPM: xi tikketti fil-Litwanja kienu jinkludu struzzjonijiet immirati biex jevitaw li l-pesti jsiru reżistenti għall-PPPs inkwistjoni.

22

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri ħadu azzjoni biex jippromwovu u jxerrdu s-sensibilizzazzjoni dwar l-IPM. Il-pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali kollha li eżaminajna kienu jinkludu informazzjoni dwar l-attivitajiet ta’ taħriġ, il-kondiviżjoni tal-għarfien u għodod għall-monitoraġġ tal-pesti u t-teħid tad-deċiżjonijiet. Pereżempju, is-sistemi ta’ monitoraġġ tal-pesti u ta’ twissija bikrija huma parti integrali mill-IPM, billi jgħinu lill-bdiewa japplikaw miżuri preventivi u aktar immirati għall-kontroll tal-pesti. Il-Kummissjoni sabet li l-biċċa l-kbira mill-Istati Membri (24) kellhom fis-seħħ sistemi ffinanzjati pubblikament għat-tbassir, it-twissija u d-dijanjożi bikrija għall-kontroll tal-pesti u tal-mard. Pereżempju, il-Litwanja żviluppat sistema tal-IT interattiva li tgħaqqad aspetti differenti tal-appoġġ lill-utenti tal-PPPs fl-applikazzjoni tal-IPM (ara l-Figura 6).

Figura 6

Sistema tal-IT Litwana li tappoġġa l-IPM u l-protezzjoni tal-għelejjel

Sors: Il-QEA, ibbażat fuq l-IKMIS.

23

Ir-regoli tal-UE jirrikjedu li l-utenti tal-PPPs japplikaw il-prinċipji ġenerali tal-IPM15, u l-Istati Membri kellhom jiddeskrivu fil-pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali tagħhom il-mod kif huma kieku jiżguraw li l-utenti professjonali kollha16 applikaw il-prinċipji tal-IPM sa Jannar 201417. Il-Kummissjoni osservat nuqqasijiet fl-iżgurar tal-applikazzjoni tal-IPM fil-pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali inizjali u, fir-rapport tagħha tal-2017 lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (ara l-paragrafu 15), hija indikat li jenħtieġ li l-Istati Membri jiżviluppaw kriterji biex jivvalutaw jekk il-bdiewa kinux applikaw l-IPM. L-analiżi tagħna wriet li l-biċċa l-kbira mill-pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali riveduti (12 minn 18) ma ddeskrivewx kif l-Istati Membri jiżguraw li l-utenti professjonali kollha jimplimentaw il-prinċipji ġenerali tal-IPM.

24

Fl-2009, il-Kummissjoni użat kuntrattur estern biex iħejji dokument ta’ gwida18 għall-istabbiliment tal-prinċipji tal-IPM. Id-dokument kellu l-għan li jgħin lill-Istati Membri jqisu l-IPM fil-pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali tagħhom, u offra gwida dwar il-konformità tal-monitoraġġ. Madankollu, il-pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali ffukaw prinċipalment fuq it-taħriġ, l-attivitajiet ta’ konsulenza u s-sensibilizzazzjoni biex iżidu l-fehim tal-IPM. Il-pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali ma stabbilewx rekwiżiti speċifiċi li jikkonkretizzaw il-prinċipji ġenerali tal-IPM f’azzjonijiet li jistgħu jiġu kkontrollati fil-prattika.

25

L-utenti professjonali tal-PPPs iridu jżommu rekords tal-prodotti li jużaw għal mill-inqas tliet snin19. Il-Prinċipju Nru 8 tal-IPM jirrikjedi li huma jivverifikaw is-suċċess tal-miżuri tagħhom għall-protezzjoni tal-pjanti fuq il-bażi tar-rekords dwar l-użu tal-PPPs u dwar il-monitoraġġ tal-pesti. Ma hemm l-ebda rekwiżit tal-UE biex l-utenti jżommu rekords ta’ azzjonijiet oħrajn tal-IPM, u l-Kummissjoni ħeġġet lill-Istati Membri biex jintroduċu dawn l-obbligi fil-liġi nazzjonali. Kienu biss ftit l-Istati Membri li għamlu dan (ara l-eżempju fil-Kaxxa 1).

Kaxxa 1

Il-bdiewa Irlandiżi jżommu rekords tal-IPM

Fl-Irlanda, l-utenti professjonali kollha jridu jżommu rekords biex jagħtu prova tal-implimentazzjoni tal-IPM20. Il-bdiewa jirreġistraw ir-raġuni għall-użu tal-PPPs, inkluża informazzjoni, eż. dwar it-tip ta’ pesti preżenti, il-miżuri preventivi meħuda, il-ġestjoni tar-reżistenza, is-sollijiet applikati u l-ħsara fl-għelejjel.

26

Il-Kummissjoni identifikat l-infurzar tal-IPM bħala dgħufija matul l-awditi tagħha tal-2018 u tal-2019 fl-Istati Membri. Il-biċċa l-kbira mill-bdiewa (27 minn 33) li intervistajna qalu li kienu familjari mal-IPM u li huma kienu japplikaw il-prinċipji fl-azjendi agrikoli tagħhom, filwaqt li indikaw għarfien sinifikanti tal-kunċett fost il-bdiewa. Madankollu, l-Istati Membri li żorna ma setgħux jikkonfermaw il-proporzjon ta’ utenti li huma konformi mal-prinċipji tal-IPM, u dan ma jivverifikawhx matul l-ispezzjonijiet. Il-valutazzjoni tal-konformità tirrikjedi għarfien espert u hija diffiċli minħabba li tiddependi mill-għalla, it-tip ta’ ħamrija, id-daqs tal-azjenda agrikola u fatturi esterni bħat-temp u t-tip ta’ pest.

27

L-Istati Membri huma meħtieġa jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali għall-ksur tar-regoli dwar il-PPPs. Mit-tliet Stati Membri li żorna, kienu biss in-Netherlands li ddefinew penali relatati mal-IPM. L-awditi tal-Kummissjoni u ż-żjarat tagħna fl-Istati Membri ma wrew l-ebda eżempju tajjeb ta’ verifika li l-bdiewa japplikaw il-prinċipji tal-IPM. Ara l-Kaxxa 2 għal eżempji mill-Istati Membri li żorna.

Kaxxa 2

Ftit Stati Membri jivverifikaw l-applikazzjoni tal-prinċipji tal-IPM

Fi Franza, l-ispezzjonijiet tal-PPPs ikopru l-użu tal-metodi u l-għodod ta’ monitoraġġ u jekk il-bdiewa jużawx PPPs bijoloġiċi u metodi mmirati biex inaqqsu l-użu ta’ PPPs kimiċi, iżda ma ġewx iddefiniti penali għal nuqqasijiet ta’ konformità relatati.

Fil-Litwanja, l-ispetturi jimlew kwestjonarju tal-IPM biex jiġbru informazzjoni dwar l-għarfien tal-bdiewa u l-implimentazzjoni prattika tal-IPM. L-ispetturi jivverifikaw it-tweġibiet b’dokumenti ta’ sostenn u evidenza oħra, fejn ikun possibbli. Madankollu, huma ma jivvalutawx il-konformità mal-prinċipji tal-IPM u, b'konsegwenza ta’ dan, la jidentifikaw ksur tar-rekwiżiti tal-IPM u lanqas japplikaw penali.

Fin-Netherlands, l-ispetturi jivverifikaw li l-utenti tal-PPPs ikunu ddokumentaw il-kunsiderazzjonijiet tagħhom relatati mal-IPM f’“sistema ta' segwitu tal-protezzjoni tal-pjanti”, li l-utenti jistgħu jagħmlu fi kwalunkwe forma li jagħżlu. Madankollu, l-ispetturi ma jivverifikawx il-kontenut billi jiċċekkjaw id-dokumenti sottostanti. Ir-regoli Olandiżi jistabbilixxu multi f'każ li ma tiddaħħalx l-informazzjoni fis-sistema ta' segwitu tal-protezzjoni tal-pjanti, iżda fil-prattika, l-awtoritajiet ma applikaw l-ebda waħda fl-2017, minkejja li sabu li 20 % tal-utenti li vverifikaw ma kinux konformi.

Il-politika agrikola komuni ftit li xejn tikkontribwixxi biex tgħin fl-infurzar tal-IPM

28

Fil-Kummissjoni, id-Direttorat Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali huwa responsabbli mill-politika agrikola komuni (PAK). Il-PAK tinkludi strumenti li jistgħu jappoġġaw l-użu sostenibbli tal-PPPs mill-bdiewa. Pereżempju:

  • l-Istati Membri jridu jistabbilixxu sistemi ta’ konsulenza għall-azjendi agrikoli biex joffru pariri lill-bdiewa kollha, inkluż dwar l-IPM;
  • jenħtieġ li l-bdiewa li jkollhom aktar minn 15-il ettaru ta’ raba’ li tinħadem u li jirċievu pagamenti diretti jżommu żoni ta’ interess ekoloġiku fuq 5 % tar-raba’ tagħhom li tinħadem u, mill-2018 ’il hawn, huma ma jistgħux jużaw il-PPPs fuq dawn iż-żoni; u
  • programmi speċifiċi għas-settur tal-frott u l-ħxejjex jippromwovu l-adozzjoni tal-IPM.
29

Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu jużaw miżuri tal-PAK iffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali biex jippromwovu l-użu sostenibbli tal-PPPs, inkluża l-IPM. Dawn il-miżuri jinkludu impenji agroambjentali u klimatiċi, fejn l-Istati Membri jistgħu jagħtu pagamenti għall-ġestjoni tal-input (PPPs u/jew fertilizzanti) u l-prattiki tal-biedja sostenibbli fil-kuntest tal-biedja integrata. L-Istati Membri jistgħu jużaw ukoll il-PAK biex jappoġġaw il-biedja organika, imsemmija fid-direttiva bħala tip ta’ “ġestjoni tal-pesti b’użu baxx ta’ pestiċidi”21. L-erja taħt biedja organika tirrappreżenta 7 % tal-art agrikola totali tal-UE22. Miżuri rilevanti oħra jinkludu appoġġ għal investimenti, pereżempju, f’tagħmir tal-biedja ta’ preċiżjoni. L-Istati Membri jippjanaw miżuri speċifiċi fi programmi ta’ żvilupp rurali.

30

Il-biċċa l-kbira mill-pagamenti taħt il-PAK huma suġġetti għal “kundizzjonalità”23. Il-kundizzjonalità hija mekkaniżmu li jgħaqqad il-pagamenti taħt il-PAK mal-konformità mill-bdiewa mal-istandards bażiċi li jikkonċernaw l-ambjent, is-sikurezza alimentari, is-saħħa tal-annimali u tal-pjanti u l-benessri tal-annimali, kif ukoll ir-rekwiżit li l-art tinżamm f’kundizzjoni agrikola u ambjentali tajba. Ir-rabta tal-pagamenti tal-PAK mar-rekwiżiti legali tista’ tgħin fl-infurzar ta’ dawk ir-regoli.

31

L-Istati Membri jridu jivverifikaw il-konformità mar-regoli dwar il-kundizzjonalità u jwettqu żjarat fuq il-post għand mill-inqas 1 % tal-bdiewa li jirċievu pagamenti taħt il-PAK. Il-kundizzjonalità ma tfissirx li l-pagamenti taħt il-PAK huma kkundizzjonati mill-issodisfar ta’ dawn l-istandards bażiċi, iżda l-Istati Membri jimponu penali amministrattivi fuq il-benefiċjarji li ma jkunux konformi. Fil-prattika, il-penali amministrattivi huma tnaqqis, ta’ mhux aktar minn 5 %, għal ksur minħabba negliġenza. Il-ksur ripetut jista’ jirriżulta f’penali ogħla u, jekk in-nuqqas ta’ konformità jkun intenzjonat, it-tnaqqis jista’ jkun ta’ 20 % jew ogħla24.

32

Il-kundizzjonalità għall-PAK 2014-2020 tirrikjedi li l-utenti tal-PPPs ikunu konformi mal-kundizzjonijiet stabbiliti fuq it-tikketti u jieħdu inkunsiderazzjoni l-kundizzjonijiet lokali25, iżda hija ma tinkorporax id-direttiva li tinkludi l-applikazzjoni tal-prinċipji tal-IPM. Rekwiżiti oħrajn tal-kundizzjonalità, bħall-biċċiet art ta’ lqugħ u l-protezzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art, huma wkoll rilevanti għall-użu sostenibbli tal-PPPs. Bi tqabbil ma’ dan, biex jirċievu pagamenti diretti fl-Iżvizzera, il-bdiewa jridu juru “prova tal-prestazzjoni ekoloġika”26 li tkun simili għall-prinċipji ġenerali tal-IPM iddefiniti fid-direttiva. Bħala parti mill-ispezzjonijiet tagħhom, l-awtoritajiet Żvizzeri jivverifikaw ir-rekwiżiti relatati mal-protezzjoni tal-ħamrija u mal-promozzjoni tal-bijodiversità, mal-istabbiliment u r-reġistrazzjoni tas-sollijiet tal-pesti kif ukoll mal-għażla xierqa tal-PPPs u l-ġustifikazzjoni għall-użu u, għall-bdiewa li jkollhom aktar minn tliet ettari ta’ raba’ li tinħadem, ir-rekwiżiti relatati man-newba tal-għelejjel.

33

Il-Premessa 35 tar-Regolament dwar il-PPPs tiddikjara li jenħtieġ li l-prinċipji tal-IPM jiġu inklużi fil-kundizzjonalità. Fil-bidu tal-perjodu tal-PAK 2014-2020, il-leġiżlatur27 stieden lill-Kummissjoni, ladarba l-Istati Membri kollha kienu implimentaw id-direttiva u l-obbligi direttament applikabbli għall-bdiewa kienu ġew identifikati, biex tipproponi li jiġu emendati r-regoli tal-PAK bl-għan li l-partijiet rilevanti tad-direttiva jiġu inklużi fil-kundizzjonalità. Il-Kummissjoni ma għamlet l-ebda proposta bħal din għall-PAK 2014-2020.

34

Il-proposta tal-Kummissjoni għall-PAK ta’ wara l-2020 testendi r-rabta bejn il-pagamenti li jsiru taħt il-PAK u r-rekwiżiti statutorji (“kundizzjonalità”28) relatati mal-PPPs. Huwa jkopri parzjalment l-użu sostenibbli, iżda ma jinkorporax il-prinċipji tal-IPM. Ir-rekwiżit statutorju ta’ ġestjoni l-ġdid Nru 13 ikun jirreferi għad-direttiva u jkopri, f’dak li jirrigwarda l-PPPs, l-istabbiliment ta’ sistemi ta’ ċertifikazzjoni, spezzjoni tat-tagħmir, restrizzjonijiet fuq l-użu f’żoni protetti, u l-immaniġġjar u l-ħażna. Il-“kundizzjoni agrikola u ambjentali tajba” Nru 8 proposta tirrikjedi n-newba tal-għelejjel biex jiġi ppreservat il-potenzjal tal-ħamrija.

35

Il-“kundizzjonalità” proposta, l-istess bħall-mekkaniżmu attwali ta’ “kundizzjonalità”, ma tfissirx li l-pagamenti tal-PAK huma kkundizzjonati mill-issodisfar ta’ dawn ir-regoli. Minflok, l-Istati Membri jimponu penali amministrattivi fuq il-benefiċjarji li ma jkunux konformi ma’ dawn ir-rekwiżiti. Ir-rabta tal-pagamenti tal-PAK mal-applikazzjoni tal-IPM tista’ tgħin biex jiġi żgurat li l-bdiewa jimplimentawha fil-prattika.

Il-metodi mhux kimiċi qegħdin jevolvu, iżda l-għadd ta’ PPPs b’riskju baxx mhuwiex għoli

36

Hemm fokus akbar fuq metodi mhux kimiċi, u ħafna Stati Membri jippromwovu kunċetti bħall-kontroll bijoloġiku (Franza) u l-pestiċidi bijoloġiċi (in-Netherlands). Id-direttiva tiddikjara li l-IPM “tinkoraġġixxi l-kontroll naturali tal-pesti”29, u l-prinċipji tal-IPM jindikaw li jenħtieġ li l-metodi bijoloġiċi jiġu ppreferuti aktar minn dawk kimiċi30. Kull meta jkun possibbli, jenħtieġ li tingħata prijorità lill-metodi mhux kimiċi31, iddefiniti bħala metodi alternattivi, inkluż il-kontroll bijoloġiku tal-pesti32. Il-leġiżlazzjoni tal-UE ssemmi wkoll il-prodotti bijoloġiċi33, iżda hija ma tinkludi l-ebda definizzjoni ta’ kontroll bijoloġiku tal-pesti jew ta’ prodotti bijoloġiċi.

37

Il-kunċett tal-UE ta’ PPPs b’riskju baxx jiffoka fuq ir-riskju, iżda n-natura tas-sustanza attiva tagħmel differenza għall-proċedura tal-approvazzjoni. Pereżempju, il-valutazzjoni tal-mikroorganiżmi teħtieġ data differenti minn dik meħtieġa għall-valutazzjoni tas-sustanzi kimiċi. Ir-regoli tal-UE jinkludu rekwiżiti tad-data u prinċipji tal-valutazzjoni separati għall-mikroorganiżmi34, u l-Kummissjoni waqqfet grupp ta’ ħidma biex tivvaluta r-rekwiżiti tad-data u l-prinċipji tal-valutazzjoni bil-ħsieb li dawn jiġu aġġornati.

38

Filwaqt li l-biċċa l-kbira mill-PPPs b’riskju baxx fihom mikroorganiżmi, ħafna PPPs “bijoloġiċi” mhumiex ikkategorizzati bħala b’riskju baxx. Pereżempju, fi Franza, minn Ġunju 2019 ’il hawn, 481 PPP ġew awtorizzati bħala kontroll bijoloġiku u 23 bħala b’riskju baxx. Raġuni waħda għal dan hija li ħafna mill-PPPs ta’ kontroll bijoloġiku jinkludu sustanzi attivi approvati qabel l-introduzzjoni tal-kunċett ta’ riskju baxx fil-leġiżlazzjoni tal-UE35, iżda l-proċess tal-approvazzjoni juri wkoll li s-sustanzi attivi li mhumiex kimiċi mhux kollha jissodisfaw il-kriterji ta’ riskju baxx.

39

Minn Settembru 2019 ’il hawn, hemm 48736 sustanza attiva li ġew approvati biex jintużaw fil-PPPs fl-UE, iżda 16 (3 %) biss minnhom huma approvati bħala li huma b’riskju baxx. Mis-sustanzi attivi approvati, il-Kummissjoni identifikat 57 bħala potenzjalment b’riskju baxx37, u pprijoritizzat it-tiġdid tagħhom fuq dak ta’ sustanzi attivi oħra38. Il-Kummissjoni u ħafna Stati Membri jippromwovu l-PPPs b’riskju baxx. Madankollu, fi Franza, miżuri ta’ promozzjoni bħal dawn (eż. eżenzjoni minn projbizzjoni fuq ir-reklamar kummerċjali) huma diretti lejn il-kontroll bijoloġiku aktar milli lejn il-PPPs b’riskju baxx. Xi wħud mill-bdiewa (14 minn 33) li intervistajna kienu semgħu dwar il-PPPs b’riskju baxx, iżda ħadd minnhom ma kien użahom. B’kuntrast ma’ dan, il-bdiewa kollha li ġew intervistati kienu semgħu dwar (jew użaw) metodi bijoloġiċi, metodi fiżiċi (mekkaniċi) jew metodi mhux kimiċi oħrajn għall-kontroll tal-pesti.

40

Mhux il-PPPs kollha bbażati fuq is-16-il sustanza attiva b’riskju baxx huma nfushom awtorizzati bħala b’riskju baxx. Raġuni waħda għal dan hija li, minbarra s-sustanzi attivi, il-PPPs fihom ingredjenti oħrajn magħrufa bħala “koformulanti”. Biex PPP ikun awtorizzat bħala li huwa b’riskju baxx, il-koformulanti kollha għandhom ikunu “mingħajr tħassib”. Raġuni oħra hija li xi PPPs huma suġġetti għal “miżuri ta’ mitigazzjoni speċifiċi”39 li ġew identifikati bħala meħtieġa f’valutazzjoni tar-riskju. Il-miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskji għandhom l-għan li jimminimizzaw l-esponiment tal-bniedem u ambjentali għal PPP, pereżempju, billi jintlibes tagħmir protettiv bħal ingwanti jew billi tiġi rrispettata żona ta’ lqugħ mhux sprejjata. “Miżuri ġenerali ta’ mitigazzjoni tar-riskji” huma dawk meqjusa bħala prekawzjoni normali u ma jipprevenux lill-PPPs milli jiġu awtorizzati bħala li huma b’riskju baxx.

41

Ix-xogħol tal-awditjar tagħna juri li l-Istati Membri li nżaru xi drabi jivvalutaw il-miżuri ta’ mitigazzjoni b’mod differenti. Pereżempju, fin-Netherlands, żewġ PPPs li fihom is-sustanza attiva b’riskju baxx tal-fosfat ferriku ma ġewx awtorizzati bħala b’riskju baxx minħabba li kien meqjus meħtieġ li jintlibsu ingwanti protettivi. L-awtoritajiet Olandiżi qiesu li din hija miżura ta’ mitigazzjoni speċifika. Franza u l-Litwanja awtorizzaw iż-żewġ PPPs bħala b’riskju baxx. Ir-rekwiżiti tat-tikkettar jinkludu l-ilbies ta’ ingwanti protettivi, iżda l-awtoritajiet tal-Istati Membri jqisu li din hija prekawzjoni normali. Ir-regoli tal-UE ma jiddefinixxux x’jgħodd bħala “miżura speċifika ta’ mitigazzjoni” (kuntrarju għal “miżura ġenerali ta’ mitigazzjoni”), u ma teżisti l-ebda gwida dwar is-suġġett.

42

Ir-regoli tal-UE jinkludu skeda ta’ żmien aċċellerata għall-awtorizzazzjoni ta’ PPPs b’riskju baxx. Id-data mit-tliet Stati Membri li żorna turi li l-awtorizzazzjoni ta’ PPPs b’riskju baxx issir aktar malajr mill-awtorizzazzjoni ta’ PPPs “standard” (ara l-Figura 7).

Figura 7

It-tul medju tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni 2015-2018

Nota: Il-figura tirrifletti ż-żmien medju bejn id-data tal-applikazzjoni u d-data tal-awtorizzazzjoni. Din mhijiex maħsuba biex tirrifletti l-konformità mad-dati ta’ skadenza legali, minħabba li ċerti attivitajiet matul l-awtorizzazzjoni huma eżentati minn dawn id-dati ta’ skadenza. Id-data għall-PPPs “standard” hija bbażata fuq proċeduri ta’ awtorizzazzjoni żonali fejn l-Istat Membru kien responsabbli (“Stat Membru relatur”).

Sors: Il-QEA, ibbażat fuq data tal-Istati Membri għall-perjodu 2015-2018.

43

Sabiex jgħin lill-bdiewa jiksbu aċċess għal PPPs b’riskju baxx, kif ukoll sabiex jippromwovi l-IPM, fl-2016, il-Kunsill approva “Pjan ta’ Implimentazzjoni biex tiżdied id-disponibbiltà ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti b’riskju baxx u biex titħaffef l-implimentazzjoni tal-ġestjoni integrata tal-pesti fl-Istati Membri”. Il-pjan jistabbilixxi 40 azzjoni għall-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati esterni. L-azzjonijiet għal PPPs b’riskju baxx iffukaw fuq it-tħaffif tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni, il-kunsiderazzjoni ta’ miżati mnaqqsa u l-għoti ta’ gwida. Il-Grupp ta’ Esperti dwar il-Protezzjoni tal-Pjanti Sostenibbli ppreżenta l-istatus tal-azzjonijiet meħuda f’rapport ta’ progress40. Il-pjan ta’ implimentazzjoni żied l-għarfien fost l-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-partijiet ikkonċernati dwar il-kunċett ta’ riskju baxx, iżda l-għadd ta’ PPPs b’riskju baxx għadu żgħir.

Il-Kummissjoni ma bdietx tikkalkula l-indikaturi tar-riskju fl-UE kollha għall-użu ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti sal-2019

L-Istati Membri jimmonitorjaw is-sustanzi attivi fl-ilma, iżda ma teżisti l-ebda data fl-UE kollha dwar l-użu tal-PPPs

44

Il-monitoraġġ ambjentali huwa meħtieġ biex jiġi kkonfermat li ma hemmx effetti jew riskji inaċċettabbli għall-ambjent li jirriżultaw mill-użu tal-PPPs. Il-monitoraġġ ambjentali jipprovdi sistema ta’ twissija u jikkomplementa l-valutazzjoni tar-riskju mwettqa matul il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni41.

45

L-Istati Membri jistgħu jitolbu lill-produtturi tal-PPPs biex jimmonitorjaw l-effetti tal-PPPs awtorizzati42. Il-Kummissjoni ma għandhiex stampa ġenerali ta’ dan il-monitoraġġ. Fil-prattika, l-Istati Membri jwettqu prinċipalment monitoraġġ ambjentali skont leġiżlazzjoni oħra, inklużi r-regoli tal-UE dwar il-monitoraġġ tal-ilma43. L-Istati Membri jridu jimmonitorjaw bosta sustanzi attivi, kif ukoll residwi rilevanti fl-ilma ta’ taħt l-art, tas-superfiċje u tax-xorb.

46

Għall-ilma tas-superfiċje, l-UE tiddefinixxi s-sustanzi li l-Istati Membri jridu jimmonitorjaw; 36 minnhom huma sustanzi attivi u, minn dawn, 10 huma attwalment approvati biex jintużaw fil-PPPs44. L-Istati Membri jridu jimmonitorjaw sustanzi addizzjonali minbarra dawk speċifikati mid-dritt tal-UE, jekk dawn jiġu emessi fi kwantitajiet sinifikanti. Pereżempju, in-Netherlands għandhom sistema estensiva għall-monitoraġġ tal-ilma u jikkomplementaw il-monitoraġġ tas-sustanzi ddefiniti fil-livell tal-UE b’16-il sustanza attiva addizzjonali li huma meqjusa bħala problematiċi fl-ilma tas-superfiċje tagħhom (li 12 minnhom attwalment huma approvati biex jintużaw fil-PPPs fl-UE).

47

Ir-regoli tal-UE ma jiddefinux is-sustanzi attivi li għandhom jiġu mmonitorjati fil-ħamrija45; madankollu, il-Kummissjoni reċentement ġabret kampjuni ta’ ħamrija bħala parti minn stħarriġ dwar l-użu tal-art. Iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka se janalizza dawn il-kampjuni46.

48

L-Istati Membri jiġbru statistika għall-bejgħ u l-użu agrikolu tal-PPPs. Id-dritt tal-Unjoni jirrikjedi li kull sena huma jiġbru d-data dwar is-sustanzi attivi li jinsabu fil-PPPs mibjugħa, u kull ħames snin jikkompilaw statistika dwar l-użu agrikolu tal-PPPs għal għelejjel magħżula matul perjodu ta’ referenza47. L-Istati Membri jibagħtu statistika dwar kull sustanza attiva lill-Eurostat. Skont ir-regoli tal-UE dwar il-kunfidenzjalità statistika, id-data kunfidenzjali tista’ tintuża biss għall-finijiet ta’ statistika48, u l-istatistika dettaljata ma tistax tesponi l-identità ta’ “unitajiet statistiċi” (f’dan il-każ: produtturi jew utenti tal-PPP individwali). Madankollu, fir-rigward tal-PPPs, il-leġiżlazzjoni tal-UE hija saħansitra aktar restrittiva, u tirrikjedi li l-Eurostat jaggrega s-sustanzi attivi b’mod speċifiku qabel il-pubblikazzjoni49 u tipprevenih milli jippubblika statistika dettaljata jew milli jikkondividiha ma’ Direttorati Ġenerali oħra.

49

L-istatistika tal-UE dwar il-PPPs li hija disponibbli għall-pubbliku tirrigwarda s-sustanzi attivi li jinsabu fil-PPPs mibjugħa. Dawn huma aggregati fi gruppi ewlenin, bħal insettiċidi, fungiċidi u erbiċidi, abbażi tal-leġiżlazzjoni tal-UE msemmija hawn fuq. Dan ifisser, pereżempju, li l-Kummissjoni ma tistax tippubblika informazzjoni dwar sustanzi attivi individwali jew dwar il-proporzjon ta’ sustanzi approvati bħala b’riskju baxx.

50

F’xi pajjiżi (eż. Franza), id-data dwar il-bejgħ għal sustanzi attivi individwali hija disponibbli għall-pubbliku. Il-Kummissjoni tappoġġa l-pubblikazzjoni ta’ ċifri tal-bejgħ dwar is-sustanzi attivi individwali kollha li mhumiex protetti bil-kunfidenzjalità statistika50.

51

L-Eurostat sa issa ma ppubblikax statistika għall-UE kollha miġbura minn kull Stat Membru dwar l-użu tal-PPPs. Mill-2015 ’il hawn, kull ħames snin l-Istati Membri jibagħtu statistika dwar l-użu agrikolu tal-PPPs lill-Kummissjoni (l-Eurostat)51. L-Istati Membri huma meħtieġa jiġbru statistika dwar l-użu agrikolu tal-PPPs għal perjodu ta’ referenza ta’ massimu ta’ 12-il xahar magħżul mill-Istat Membru fi kwalunkwe żmien f’perjodu ta’ 5 snin. L-Istati Membri jagħżlu wkoll l-għelejjel li għandhom jiġu mmonitorjati, li jfisser li d-data minn Stat Membru għal ieħor mhijiex komparabbli. Il-varjetà wiesgħa ta’ għelejjel u perjodi ta’ referenza magħżula mill-Istati Membri għall-istatistika tal-użu tagħhom waqqfu lill-Eurostat milli jikkombina b’mod utli u jqabbel id-data u, għalhekk, huwa għażel li jippubblika biss selezzjoni tad-data dwar l-użu52.

52

Id-data dwar il-bejgħ għal kull sustanza attiva (minflok aggregata fi gruppi kif meħtieġ attwalment mir-regoli tal-UE) tista’ tgħin biex jintgħażlu s-sustanzi li għandhom jiġu mmonitorjati u biex jiġi mmirat il-monitoraġġ ambjentali. Statistika aħjar dwar l-użu tal-PPPs tista’ tgħin fl-interpretazzjoni tar-riżultati tal-monitoraġġ u dawn ir-riżultati jkunu aktar sinifikanti meta jiġu vvalutati r-riskji relatati mal-użu tal-PPPs awtorizzati. Statistika li tkun aktar dettaljata tkun tgħin lid-Direttorat Ġenerali għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari biex isegwi x-xejriet tas-suq u janalizza l-impatt potenzjali tad-deċiżjonijiet ta’ approvazzjoni. Hija tista’ tgħin ukoll fl-iżvilupp ta’ valutazzjonijiet aktar utli tar-riskji ġenerali assoċjati mal-użu tal-PPPs.

L-utilità tal-indikaturi tar-riskju tal-PPPs fl-UE kollha hija limitata

53

Il-qafas ta’ politika tal-UE għandu l-għan li “jikseb użu sostenibbli tal-pestiċidi billi jnaqqas ir-riskji u l-impatti tal-użu tal-pestiċidi fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent”. Madankollu, dan ma jiddefinix “użu sostenibbli” u l-għan li “jnaqqas ir-riskji u l-impatti tal-użu tal-pestiċidi” ma jiġix ikkonkretizzat f’mira kkwantifikata speċifika tal-UE. L-iffissar ta’ objettivi u miri speċifiċi u li jistgħu jitkejlu huwa utli sabiex tiġi vvalutata l-prestazzjoni ta’ politika fl-isfond tal-eżitu mixtieq.

54

L-Istati Membri jridu jinkludu objettivi u miri kwantitattivi fil-pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali tagħhom biex jintlaħqu l-għanijiet tad-direttiva. Matul il-valutazzjoni tagħha, il-Kummissjoni osservat varjazzjoni kbira fil-kwalità tal-pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali inizjali kif ukoll nuqqasijiet fl-iffissar ta’ miri li jistgħu jitkejlu. L-analiżi tagħna ta’ 18-il pjan ta’ azzjoni nazzjonali riveduti wera li 12 minnhom jinkludu objettivi u miri kwantitattivi bbażati fuq l-azzjonijiet jew ibbażati fuq il-konformità. Ftit minnhom (2 minn 18) għandhom objettivi jew miri ġenerali kkwantifikati biex inaqqsu l-użu tal-PPPs jew ir-riskji relatati magħhom.

55

L-indikaturi tar-riskju fl-UE kollha huma meħtieġa biex ikejlu l-progress fl-issodisfar tal-objettiv prinċipali tad-direttiva: it-tnaqqis tar-riskji u l-impatti relatati mal-użu tal-PPPs. Il-kejl tar-riskji huwa kumpless, billi r-riskji maħluqa mill-PPPs ivarjaw skont diversi fatturi, b’mod partikolari s-sustanzi attivi tagħhom, iżda wkoll il-kompożizzjoni tagħhom, ir-rata tal-applikazzjoni (jiġifieri l-kwantità għal kull ettaru u l-frekwenza) u fejn, meta u kif l-utenti japplikawhom fil-prattika. L-indikaturi tar-riskju fl-UE kollha għandhom ikunu armonizzati biex jippermettu li jsir tqabbil bejn l-Istati Membri u valutazzjoni sinifikanti tal-politika tal-UE.

56

Id-direttiva tirrikjedi li l-Istati Membri jikkalkulaw l-indikaturi tar-riskju armonizzati, jidentifikaw ix-xejriet fl-użu ta’ ċerti sustanzi attivi u jidentifikaw il-punti prijoritarji li jirrikjedu attenzjoni partikolari. Madankollu, id-direttiva nfisha ma stabbiliet l-ebda indikatur ta’ riskju armonizzat bħal dan; il-leġiżlatur adottaha fl-2009 b’Anness vojt (“Anness IV – Indikaturi tar-riskju armonizzati”).

57

Xi Stati Membri żviluppaw indikaturi nazzjonali għall-kejl tar-riskji u tal-impatt. Tali indikaturi nazzjonali huma utli biex jitkejjel il-progress lejn l-objettivi u l-miri tal-Istati Membri, iżda mhumiex komparabbli bejn l-Istati Membri, u huwa għalhekk li l-indikaturi tar-riskju armonizzati huma utli biex jitkejlu r-riskju u l-impatt fl-UE kollha.

58

It-tentattivi inizjali min-naħa tal-Kummissjoni biex tiżviluppa indikaturi ma rnexxewx, minħabba n-nuqqas ta’ data. Fl-2018, il-Kummissjoni pproponiet żewġ indikaturi tar-riskju armonizzati li daħlu fis-seħħ f’Ġunju 201953. Iż-żewġ indikaturi għandhom l-għan li jistmaw ix-xejriet fir-riskju ġenerali mill-użu tal-PPPs, għal kull Stat Membru u għall-UE kollha. Il-Kummissjoni ppubblikat il-kalkoli retrospettivi tal-indikaturi tar-riskju mill-2011 ’il hawn fuq is-sit web tagħha54 f’Novembru 2019. Dan ifisser li l-ewwel stima li hija wettqet tar-riskji fl-UE kollha relatati mal-użu tal-PPPs waslet 10 snin wara l-adozzjoni tad-direttiva.

59

L-ebda wieħed mill-indikaturi ma jieħu inkunsiderazzjoni kif, fejn u meta dawn il-PPPs jintużaw billi din l-informazzjoni mhijiex disponibbli għall-Kummissjoni. Indikatur wieħed huwa bbażat fuq l-istatistika dwar il-bejgħ tal-PPPs u l-ieħor huwa bbażat fuq l-għadd ta’ awtorizzazzjonijiet ta’ emerġenza. L-Istati Membri jistgħu jagħtu awtorizzazzjonijiet ta’ emerġenza mingħajr ma jwettqu l-proċedura ta’ awtorizzazzjoni standard jekk il-pesti jikkawżaw periklu li ma jistax jiġi mrażżan bi kwalunkwe mod raġonevoli ieħor. L-awtorizzazzjonijiet ta’ emerġenza jistgħu jirrigwardaw PPPs diġà awtorizzati għal użi oħrajn jew PPPs li fihom sustanzi attivi approvati li għadhom mhumiex awtorizzati fl-Istat Membru speċifiku li jagħti l-awtorizzazzjoni ta’ emerġenza.

60

Għaż-żewġ indikaturi, is-sustanzi attivi jiġu kkategorizzati, abbażi tar-Regolament dwar il-PPPs, f’erba’ gruppi (“riskju baxx”, “standard”, “kandidati għal sostituzzjoni” u “mhux approvati”) b’ponderazzjonijiet differenti (ara l-illustrazzjoni fil-Figura 8). Għal PPPs li jkun fihom sustanzi attivi li huma “kandidati għal sostituzzjoni”, l-Istati Membri jridu jirrifjutaw jew jillimitaw l-awtorizzazzjoni fejn ikun hemm disponibbli alternattivi li jkunu inqas ta’ ħsara55. L-għan huwa li jippromwovu sustanzi inqas ta’ ħsara u jipprovdu inċentivi lill-industrija biex tiżviluppa alternattivi inqas perikolużi.

61

Il-ponderazzjoni hija intenzjonata biex tirrifletti l-għażliet ta’ politika u tappoġġa l-objettiv tad-direttiva li jitnaqqsu r-riskji u l-impatti tal-PPPs. Xi Stati Membri qajmu tħassib dwar il-ġustifikazzjoni ta’ dawn il-ponderazzjonijiet. Huma qajmu dubji dwar ir-raġuni xjentifika għalihom. Fattur ta’ ponderazzjoni differenti jkun jibdel ir-riżultat tal-indikaturi.

Figura 8

Iż-żewġ indikaturi tar-riskju armonizzati

Sors: Il-QEA, ibbażat fuq id-Direttiva tal-Kummissjoni (UE) 2019/782.

62

L-indikaturi tar-riskju armonizzati huma ppreżentati bħala indiċijiet (linja bażi 100) biex ikun possibbli li jiġu segwiti x-xejriet ta’ riskju mill-2011 ’il quddiem u li tiġi protetta d-data kunfidenzjali. Il-graff tal-Kummissjoni għall-indikatur tar-riskju armonizzat ibbażat fuq il-bejgħ juri tnaqqis tar-riskju li jirriżulta prinċipalment minn tnaqqis fil-bejgħ tas-sustanzi kklassifikati fil-kategorija “mhux approvati”. Il-fatturi ta’ ponderazzjoni magħżula jżidu t-tnaqqis stmat tar-riskju li jirriżulta minn tnaqqis fil-bejgħ ta’ sustanzi ta’ riskju ogħla. L-indikatur ma jurix il-punt sa fejn id-direttiva kienet irnexxiet fl-ilħuq tal-objettiv tal-UE relatat mal-użu sostenibbli tal-PPPs.

63

Il-Kummissjoni qaltilna li hija biħsiebha ttejjeb l-indikaturi tar-riskju; l-aċċess għal statistika u data aħjar dwar l-użu tal-PPPs jista’ jgħinha tagħmel dan.

Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

64

B’mod ġenerali, il-Kummissjoni u l-Istati Membri ħadu azzjoni biex jippromwovu l-użu sostenibbli tal-PPPs. Madankollu, aħna sibna li l-progress fil-kejl u fit-tnaqqis tar-riskji relatati mal-użu tagħhom huwa limitat. L-implimentazzjoni tal-parti relatata mal-użu sostenibbli tal-politika tal-UE dwar il-PPPs ġiet affettwata minn bidu kajman. Il-Kummissjoni ma vverifikatx it-traspożizzjoni xierqa tad-direttiva mill-Istati Membri (ara l-paragrafi 12 sa 16).

65

F’dawn l-aħħar snin, kemm il-Kummissjoni kif ukoll l-Istati Membri ħadu aktar azzjoni intenzjonata biex jitnaqqas ir-riskju relatat mal-użu tal-PPPs, inklużi l-isforzi biex l-IPM tiġi applikata fil-prattika (ara l-paragrafi 17 sa 20).

66

L-applikazzjoni tal-prinċipji tal-IPM hija obbligatorja għall-utenti, iżda l-kontrolli tal-konformità tal-Istati Membri għandhom ambitu limitat. Raġuni waħda għan-nuqqas ta’ infurzar hija li ma hemmx kriterji ċari dwar kif jenħtieġ li l-utenti japplikaw il-prinċipji ġenerali tal-IPM jew dwar kif jenħtieġ li l-awtoritajiet jivvalutaw il-konformità (ara l-paragrafi 21 sa 27).

67

Diversi miżuri tal-PAK jistgħu jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tad-direttiva, pereżempju, billi jippromwovu l-IPM u l-biedja organika. Ir-regoli tal-PAK jirrikjedu wkoll li l-Istati Membri jistabbilixxu sistemi ta’ konsulenza għall-azjendi agrikoli u jipprovdu pariri dwar l-IPM lill-bdiewa kollha. Madankollu, filwaqt li l-prinċipji tal-IPM huma obbligatorji għall-bdiewa, dawn mhumiex inklużi bħala kundizzjoni għall-pagamenti skont il-PAK. Minkejja l-inkoraġġiment għal prattiki tal-biedja aktar sostenibbli, ftit li xejn hemm miżuri li jiskoraġġixxu lill-bdiewa milli jużaw PPPs “standard” minflok jirrikorru għal metodi mhux kimiċi jew metodi alternattivi (ara l-paragrafi 28 sa 35).

Rakkomandazzjoni 1 – Jiġi permess l-infurzar tal-IPM

Jenħtieġ li l-Kummissjoni

  1. tiċċekkja li l-Istati Membri jikkonvertu l-prinċipji ġenerali tal-IPM fi kriterji prattiċi u li jistgħu jitkejlu, u li jivverifikaw dawn il-kriterji fil-livell tal-azjendi agrikoli; u
  2. tinkorpora dawn il-kriterji tal-IPM li jistgħu jitkejlu f’“kundizzjonalità” fil-PAK ta’ wara l-2020 u tiżgura li dawn jiġu infurzati.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: 2022

68

Meta japplikaw l-IPM, jenħtieġ li l-utenti jirrikorru għall-PPPs biss jekk il-prevenzjoni u metodi oħrajn ma jirnexxux jew ma jkunux effettivi. Jekk il-monitoraġġ tal-pesti juri li jkunu meħtieġa miżuri ta’ kontroll, ir-regoli tal-UE jindikaw li jridu jiġu ppreferuti l-metodi bijoloġiċi, fiżiċi, u metodi oħra mhux kimiċi, aktar milli dawk kimiċi. Il-leġiżlazzjoni tal-UE ssemmi wkoll il-kunċetti ta’ kontroll bijoloġiku tal-pesti u prodotti bijoloġiċi, iżda ma tiddefinihomx. Il-kunċett ta’ PPP b’riskju baxx ġie introdott fl-2009 iżda, sal-lum, ftit li xejn hemm sustanzi attivi li huma approvati bħala b’riskju baxx. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri qegħdin jieħdu azzjonijiet biex iżidu d-disponibbiltà tal-PPPs b’riskju baxx, iżda huma meħtieġa aktar sforzi biex jintlaħqu l-iskedi ta’ żmien stabbiliti għall-awtorizzazzjoni (ara l-paragrafi 36 sa 40).

69

Il-monitoraġġ ambjentali huwa importanti biex jiġi kkonfermat li ma hemmx effetti jew riskji inaċċettabbli għall-ambjent li jirriżultaw mill-użu tal-PPPs. Il-monitoraġġ mill-UE tal-PPPs fl-ambjent jiffoka prinċipalment fuq l-ilma (ara l-paragrafi 44 sa 47).

70

L-istatistika dwar il-PPPs ippubblikata mill-Eurostat tirrigwarda s-sustanzi attivi li jinsabu fil-PPPs mibjugħa, miġbura flimkien b’mod speċifiku ddefinit fil-leġiżlazzjoni tal-UE. Dan jillimita l-informazzjoni li l-Eurostat jista’ jippubblika jew saħansitra jikkondividi ma’ Direttorati Ġenerali oħrajn tal-Kummissjoni ħafna aktar milli jista’ jkun iġġustifikat mill-kunfidenzjalità tal-istatistika biss. L-istatistika miġbura dwar l-użu agrikolu tal-PPPs skont il-leġiżlazzjoni attwali tal-UE mhijiex komparabbli u, sal-lum, l-Eurostat ma setax jippubblika statistika dwar l-użu fl-UE kollha (ara l-paragrafi 48 sa 51).

71

Tista’ tintuża data aħjar dwar il-bejgħ u l-użu tal-PPPs, inkluża aktar informazzjoni ġeografika, biex jittejjeb il-kejl tar-riskji u l-impatt ambjentali relatati, inkluż, pereżempju, fil-korpi tal-ilma li jintużaw għall-astrazzjoni tal-ilma tax-xorb. L-aċċess għal aktar data ta’ monitoraġġ jista’ jgħin fl-immirar ta’ attivitajiet maħsuba biex jindirizzaw l-impatt ambjentali relatati mal-użu tal-PPPs (ara l-paragrafu 52).

Rakkomandazzjoni 2 – Isir titjib fl-aċċess għall-istatistika tal-PPPs

Biex isir titjib fl-istatistika u fil-monitoraġġ ambjentali, jenħtieġ li l-Kummissjoni tindirizza l-kwistjonijiet li ġejjin meta tirrevedi r-regolament dwar l-istatistika tal-PPPs:

  1. it-tneħħija tar-rekwiżiti ta’ aggregazzjoni restrittivi għall-istatistika tal-PPPs (l-Artikolu 3(4)) biex tkun tista’ tiġi ppubblikata statistika li tkun aktar utli (eż. PPPs b’riskju baxx u sustanzi attivi bi proprjetajiet speċifiċi); u
  2. il-kjarifika, it-titjib u l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti għall-istatistika tal-UE dwar l-użu agrikolu tal-PPPs (l-Anness II) biex din issir aktar disponibbli, komparabbli u utli.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: 2023

72

L-objettiv tad-direttiva huwa li jitnaqqsu r-riskji u l-impatti relatati mal-użu tal-PPPs. F’Novembru 2019, il-Kummissjoni ppubblikat l-istima li hija kienet wettqet tar-riskji u l-impatti fl-UE kollha relatati mal-użu tal-PPPs billi kkalkulat iż-żewġ indikaturi tar-riskju armonizzati li ġew adottati reċentement (ara l-paragrafi 53 sa 58). L-ebda wieħed mill-indikaturi ma juri l-punt sa fejn id-direttiva kienet irnexxiet fl-ilħuq tal-objettiv tal-UE relatat mal-użu sostenibbli tal-PPPs.

73

L-utilità tal-ewwel indikatur (ibbażat fuq statistika tal-bejgħ għal sustanzi attivi li jinsabu fil-PPPs) hija limitata billi huwa ma jiħux inkunsiderazzjoni kif, meta u fejn il-PPPs jintużaw. Ir-regoli tal-kunfidenzjalità jillimitaw ukoll it-twettiq ta’ analiżi aktar dettaljata u utli.

74

It-tieni indikatur huwa bbażat fuq l-għadd ta’ awtorizzazzjonijiet ta’ emerġenza mogħtija mill-Istati Membri. Għalkemm jista’ jkun siewi li tinġabar data dwar l-għadd ta’ awtorizzazzjonijiet ta’ emerġenza, l-għadd ta’ awtorizzazzjonijiet ma jgħid xejn dwar l-użu jew dwar ir-riskji assoċjati (ara l-paragrafi 59 sa 63).

Rakkomandazzjoni 3 – Jiġu żviluppati indikaturi tar-riskju aħjar

Biex tivvaluta l-progress li sar lejn l-ilħuq tal-objettivi tal-politika, jenħtieġ li l-Kummissjoni ttejjeb l-indikaturi tar-riskju armonizzati, jew tiżviluppa oħrajn ġodda li jieħdu inkunsiderazzjoni, għall-Indikatur tar-Riskju Armonizzat II, l-erjas agrikoli jew il-volumi ta’ sustanza attiva u, għall-Indikatur tar-Riskju Armonizzat I, il-mod kif il-PPPs jintużaw.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: 2023

Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla I, immexxija mis-Sur Nikolaos Milionis, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tat-8 ta’ Jannar 2020.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Klaus-Heiner Lehne
Il-President

Annessi

Anness I – Regoli ewlenin tal-UE dwar il-PPPs

  • Ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE
  • Id-Direttiva 2009/128/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja biex jinkiseb użu sostenibbli tal-pestiċidi
  • Id-Direttiva 2009/127/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li temenda d-Direttiva 2006/42/KE fir-rigward ta’ makkinarju għall-applikazzjoni tal-pestiċidi
  • Ir-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-23 ta’ Frar 2005 dwar il-livelli massimi ta’ residwu ta’ pestiċidi fi jew fuq ikel u għalf li joriġina minn pjanti u annimali
  • Ir-Regolament (KE) Nru 1185/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar l-istatistika li tikkonċerna l-pestiċidi

Anness II – Passi ewlenin fil-valutazzjoni tas-sikurezza tal-PPPs fl-UE

L-approvazzjoni ta’ sustanza attiva mill-UE

Il-kumpanija X tippreżenta applikazzjoni għall-approvazzjoni tas-sustanza attiva Y lil Stat Membru tal-UE, bl-intenzjoni li din tiġi inkluża fi prodott għall-protezzjoni tal-pjanti (PPP) Z. L-Istat Membru relatur (RMS) jevalwa xjentifikament u teknikament is-sustanza attiva u jħejji rapport ta’ valutazzjoni.

L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) hija inkarigata mill-valutazzjoni tar-riskju. Hija tmexxi konsultazzjoni pubblika u, flimkien mal-Istati Membri tal-UE, twettaq rieżami bejn il-pari tar-rapport ta’ valutazzjoni mħejji mill-RMS. L-EFSA tibgħat il-konklużjonijiet tagħha lill-Kummissjoni Ewropea.

Il-Kummissjoni hija inkarigata mill-ġestjoni tar-riskji. Abbażi tal-konklużjonijiet tal-EFSA, hija tipproponi jekk tapprovax jew le s-sustanza Y lil Kumitat regolatorju magħmul minn rappreżentanti tal-Istati Membri. Il-Kumitat jivvota u jagħti opinjoni dwar il-proposta, li warajha l-Kummissjoni tadotta regolament li japprova jew jirrifjuta l-approvazzjoni tas-sustanza attiva Y.

L-awtorizzazzjoni ta’ PPP minn Stat Membru

L-Istati Membri jiddeċiedu jekk jawtorizzawx il-PPP Z (u PPPs oħra) li fihom is-sustanza attiva Y approvata għall-użu, filwaqt li jqisu ċ-ċirkostanzi agrikoli u ambjentali fit-territorju tagħhom. Id-detentur ta’ awtorizzazzjoni fi Stat Membru wieħed jista’ jikseb awtorizzazzjoni (wara eżami lokali) fi Stat Membru ieħor għall-istess PPP Z użat taħt kundizzjonijiet komparabbli (il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku).

Nota: Għal aktar dettalji dwar l-approvazzjoni tas-sustanzi attivi, ara: https://ec.europa.eu/food/plant/pesticides/approval_active_substances_en. Għal aktar dettalji dwar l-awtorizzazzjoni tal-PPPs, ara: https://ec.europa.eu/food/plant/pesticides/authorisation_of_ppp_en.

Sors: Il-QEA, ibbażat fuq informazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni.

Anness III – Il-prinċipji ġenerali tal-IPM kif iddefiniti fl-Anness III tad-direttiva

(1) Jenħtieġ li l-prevenzjoni u/jew it-trażżin ta’ organiżmi ta’ ħsara jinkisbu jew jiġu appoġġati fost għażliet oħrajn, b’mod partikolari permezz ta’:

  • in-newba tal-għelejjel,
  • l-użu ta’ tekniki ta’ kultivazzjoni adegwati (eż. it-teknika tal-użu ta’ ħammiela mhux friska, l-għażla ta’ żmien iż-żriegħ u tad-densitajiet, iż-żriegħ bil-ftit, l-agrikoltura ta' konservazzjoni, iż-żbir u ż-żriegħ dirett),
  • l-użu, fejn xieraq, ta’ kultivari reżistenti/tolleranti u żerriegħa u materjal għat-taħwil standard/iċċertifikati,
  • l-użu ta’ prattiki bbilanċjati ta’ fertilizzazzjoni, ta’ trattament bil-ġir u ta’ tisqija/skular tal-ilma,
  • il-prevenzjoni tat-tixrid ta’ organiżmi ta’ ħsara permezz ta’ miżuri ta’ iġjene (pereżempju, permezz ta’ tindif regolari ta’ makkinarju u tagħmir),
  • il-protezzjoni u t-tisħiħ ta’ organiżmi ta’ benefiċċju importanti, pereżempju, permezz ta’ miżuri adegwati għall-protezzjoni tal-pjanti jew l-użu ta’ infrastrutturi ekoloġiċi ġewwa u barra s-siti ta’ produzzjoni.

(2) L-organiżmi ta’ ħsara jridu jiġu mmonitorjati b’metodi u għodod adegwati, fejn ikunu disponibbli. Jenħtieġ li tali għodod adegwati jinkludu osservazzjonijiet fuq il-post, kif ukoll sistemi ta’ twissija, tbassir u dijanjożi bikrija li jkunu xjentifikament tajbin, fejn ikun fattibbli, kif ukoll l-użu ta’ pariri minn konsulenti kkwalifikati b’mod professjonali.

(3) Abbażi tar-riżultati tal-monitoraġġ, l-utent professjonali għandu jiddeċiedi jekk għandux japplika l-miżuri għall-protezzjoni tal-pjanti u meta. Sollijiet li jkunu robusti u xjentifikament tajbin huma komponenti essenzjali għat-teħid tad-deċiżjonijiet. Għall-organiżmi ta’ ħsara, iridu jitqiesu s-sollijiet iddefiniti għar-reġjun, iż-żoni speċifiċi, l-għelejjel u l-kundizzjonijiet klimatiċi partikolari qabel it-trattamenti, fejn ikun fattibbli.

(4) Il-metodi bijoloġiċi, fiżiċi u mhux kimiċi oħrajn sostenibbli jridu jiġu ppreferuti mill-metodi kimiċi, jekk dawn jipprovdu kontroll sodisfaċenti tal-pesti.

(5) Il-pestiċidi applikati għandhom ikunu speċifiċi kemm jista’ jkun għall-mira u għandu jkollhom l-inqas effetti sekondarji fuq is-saħħa tal-bniedem, l-organiżmi mhux fil-mira u l-ambjent.

(6) Jenħtieġ li l-utent professjonali jżomm l-użu tal-pestiċidi u ta’ forom oħrajn ta’ intervent sal-livelli li huma meħtieġa, eż. b’dożi mnaqqsin, frekwenza mnaqqsa tal-applikazzjoni jew applikazzjonijiet parzjali, meta wieħed iqis li l-livell ta’ riskju fil-veġetazzjoni huwa aċċettabbli u li huma ma jżidux ir-riskju għall-iżvilupp ta’ reżistenza fil-popolazzjonijiet tal-organiżmi ta’ ħsara.

(7) Fejn ikun magħruf ir-riskju ta’ reżistenza kontra miżura għall-protezzjoni tal-pjanti u fejn il-livell tal-organiżmi ta’ ħsara jkun jirrikjedi applikazzjoni ripetuta ta’ pestiċidi għall-għelejjel, jenħtieġ li jiġu applikati l-istrateġiji disponibbli ta’ kontra r-reżistenza biex tinżamm l-effettività tal-prodotti. Dan jista’ jinkludi l-użu ta’ bosta pestiċidi b’modi ta’ azzjoni differenti.

(8) Abbażi tar-rekords dwar l-użu tal-pestiċidi u dwar il-monitoraġġ tal-organiżmi ta’ ħsara, jenħtieġ li l-utent professjonali jivverifika s-suċċess tal-miżuri applikati għall-protezzjoni tal-pjanti.

Termini u abbrevjazzjonijiet

Ġestjoni Integrata tal-Pesti (IPM): Kunsiderazzjoni attenta tal-metodi kollha disponibbli għall-protezzjoni tal-pjanti u l-integrazzjoni sussegwenti ta’ miżuri xierqa li jiskoraġġixxu l-iżvilupp ta’ popolazzjonijiet ta’ organiżmi ta’ ħsara u li jżommu l-użu tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u forom oħra ta’ intervent f’livelli li huma ġustifikati ekonomikament u ekoloġikament u li jnaqqsu jew jimminimizzaw ir-riskji għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent. “Ġestjoni integrata tal-pesti” tenfasizza t-tkabbir ta’ għalla b’saħħitha bl-inqas tfixkil possibbli għall-ekosistemi agrikoli u tinkoraġġixxi mekkaniżmi naturali għall-kontroll tal-pesti.

Kandidat għal sostituzzjoni: Sustanzi attivi b’ċerti proprjetajiet li għalihom il-pajjiżi tal-UE huma meħtieġa li jevalwaw jekk jistgħux jiġu mibdula (sostitwiti) minn soluzzjonijiet adegwati oħrajn (kimiċi u mhux kimiċi).

PAK: Politika agrikola komuni.

Pestiċidi: Prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u prodotti bijoċidali.

Prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (PPPs): Prodotti, li jikkonsistu minn jew li jkun fihom sustanzi attivi, u li huma maħsuba biex jipproteġu l-pjanti jew il-prodotti ta’ pjanti kontra organiżmi ta’ ħsara jew biex jipprevienu l-azzjoni ta’ tali organiżmi, jinfluwenzaw il-proċessi tal-ħajja tal-pjanti, jippreservaw il-prodotti tal-pjanti, jeqirdu l-pjanti jew il-partijiet ta’ pjanti mhux mixtieqa jew jivverifikaw jew jipprevienu t-tkabbir mhux mixtieq tal-pjanti.

Prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti b’riskju baxx: Il-prodotti li jkun fihom sustanzi attivi li kienu approvati bħala b’riskju baxx jistgħu jiġu awtorizzati bħala prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti b’riskju baxx. Sustanza attiva tista’ tiġi approvata bħala sustanza b’riskju baxx jekk hija tissodisfa l-kriterji ta’ approvazzjoni regolari u, barra minn hekk, tissodisfa l-kriterji ta’ riskju baxx kif speċifikati fl-Anness II, il-punt 5 tar-Regolament (KE) 1107/2009.

Sustanzi attivi: Il-komponent attiv kontra l-pesti jew il-mard tal-pjanti fi prodott għall-protezzjoni tal-pjanti.

Risposti tal-Kummissjoni

Sommarju eżekuttiv

I

Il-Kummissjoni għamlet sforzi sinifikanti biex tiżgura l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Użu Sostenibbli (SUD, Sustainable Use Directive), inkluż l-iżvilupp ta’ Indikaturi tar-Riskju Armonizzati. Filwaqt li l-Indikatur tar-Riskju Armonizzat I, abbażi tal-kwantitajiet ta’ sustanzi attivi mqiegħda fis-suq, juri li kien hemm tnaqqis tar-riskju mid-dħul fis-seħħ tal-SUD, għad hemm potenzjal sinifikanti għal aktar tnaqqis tar-riskju permezz ta’ implimentazzjoni aħjar tal-SUD u, b’mod partikolari, adozzjoni akbar tal-ġestjoni integrata tal-pesti, inkluż adozzjoni aktar mifruxa ta’ tekniki mhux kimiċi għall-kontroll tal-pesti.

II

Apparti l-ġestjoni integrata tal-pesti, l-agrikoltura organika hija wkoll miżura essenzjali biex jinkiseb użu sostenibbli tal-Prodotti għall-Protezzjoni tal-Pjanti (PPP)56 u mill-1991, il-qafas regolatorju tal-UE jistabbilixxi rekwiżiti speċifiċi għall-produzzjoni organika, fejn b’mod partikolari jillimita l-użu tal-PPPs u fil-parti l-kbira jeskludi l-kimiċi sintetiċi.

IV

Il-Kummissjoni tqis li l-azzjoni tal-UE rriżultat fi tnaqqis tar-riskju mill-użu tal-PPP. Minkejja bidu bil-mod, il-Kummissjoni għamlet sforz konsiderevoli biex ittejjeb l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2009/128/KE mill-Istati Membri. Il-Kummissjoni kkalkulat ukoll tnaqqis ta’ 20 % fl-Indikatur tar-Riskju Armonizzat I bejn l-2011 u l-2017.

V

Il-Kummissjoni sabet eżempji tajbin tal-implimentazzjoni u l-promozzjoni tal-Ġestjoni Integrata tal-Pesti (IPM) f’diversi Stati Membri57. Kif muri fir-rapport tal-Kummissjoni tal-2017 lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill u fir-rapporti tal-awditjar individwali mill-awditi lill-Istati Membri li saru fl-2018 u l-2019, ippubblikati fis-sit web ta’ DĠ Saħħa u Sikurezza Alimentari58, l-infurzar tal-IPM fl-Istati Membri għad irid jitjieb.

VI

Il-Kummissjoni taqbel li l-Politika Agrikola Komuni (PAK) tista’ tgħin biex tappoġġa PPPs sostenibbli u tqis li diġà hemm inklużi diversi rekwiżiti rilevanti għal użu sostenibbli. Madankollu, hemm iżjed x’jista’ jsir sabiex jiġi kkunsidrat il-qafas legali, u l-proposta għal PAK futura tinkludi elementi verifikabbli rilevanti tad-Direttiva, inklużi dawk marbuta mal-ġestjoni integrata tal-pesti,

VIII

Il-Kummissjoni hija limitata mil-leġiżlazzjoni statistika fis-seħħ li tirrigwarda l-kunfidenzjalità u l-aggregazzjoni tad-data. Il-Kummissjoni kkomunikat in-nuqqasijiet marbuta mad-disponibbiltà tal-istatistika fir-rapport tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill59 fl-2017. Il-Kummissjoni taqbel li d-disponibbiltà tal-istatistika tal-UE dwar il-bejgħ u l-użu agrikolu tal-PPPs għandha tittejjeb u bdiet tesplora l-possibbiltà li l-leġiżlazzjoni f’dan ir-rigward tittejjeb.

X

L-ewwel inċiż; Il-Kummissjoni taċċetta l-ewwel parti tar-rakkomandazzjoni u parzjalment taċċetta t-tieni parti tar-rakkomandazzjoni relatata mal-politika agrikola komuni. Il-proposta ġuridika tal-Kummissjoni għal PAK futura tinkludi dawk il-prinċipji ġenerali tal-IPM li jikkorrispondu mar-rekwiżiti li jistgħu jitkejlu u jiġu vverifikati fil-livell tal-azjendi agrikoli. Madankollu, hija r-responsabbiltà tal-Istati Membri li jiddefinixxu l-obbligi fl-azjendi agrikoli relatati mar-regoli tal-kundizzjonalità fuq il-bażi tal-leġiżlazzjoni tal-UE, inklużi d-dispożizzjonijiet tal-IPM.

It-tieni inċiż: Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni. Il-Kummissjoni qed tesplora l-possibbiltajiet li tittejjeb il-leġiżlazzjoni f’dan ir-rigward. Madankollu, fil-mument ta’ dan ir-rapport mhuwiex magħruf jekk hijiex se tiġi proposta leġiżlazzjoni.

It-tielet inċiż: Il-Kummissjoni taċċetta parzjalment ir-rakkomandazzjoni 3. Se tieħu l-azzjonijiet rakkomandati. Madankollu, hija tqis li l-ilħiq tal-iskeda ta’ żmien proposta se jirrikjedi ftehim bejn l-Istati Membri biex jipprovdu d-data rilevanti.

Osservazzjonijiet

13

Fiż-żmien tat-traspożizzjoni fl-2010/2011, il-Kummissjoni ma għamlitx verifika fil-fond u sistematika tal-kompletezza jew korrettezza tat-testi legali li permezz tagħhom l-Istati Membri ttrasponew l-SUD, iżda vverifikat li t-traspożizzjoni kienet saret permezz ta’ bosta stħarriġiet u studji. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ddiskutiet mal-Istati Membri fil-Grupp ta’ Ħidma dwar l-SUD, wettqet valutazzjoni tal-Pjanijiet ta’ Azzjoni Nazzjonali, organizzat taħriġ, kif ukoll workshops u proġetti, li ppermettew l-iskambji mal-esperti tal-Istati Membri biex jikkondividu l-prattiki dwar kif ġew trasposti u implimentati xi dispożizzjonijiet tal-SUD. Minn dak iż-żmien, ittieħdu diversi miżuri biex tiġi żgurata implimentazzjoni armonizzata, u l-awditi u l-missjonijiet ta’ ġbir ta’ informazzjoni mwettqa mid-Direttorat Ġenerali għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari jivverifikaw jekk hemmx xi nuqqasijiet marbuta ma’ problemi ta’ traspożizzjoni.

Tweġiba komuni għall-paragrafi 15 u 16: minkejja l-bidu bil-mod, l-azzjonijiet immirati lejn l-użu sostenibbli tal-PPPs żdiedu mill-2016.

16

Għall-finijiet tat-tieni rapport tal-Kummissjoni lill-PE u l-Kunsill, il-Kummissjoni evalwat il-pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali riveduti tal-Istati Membri, ippreżentati sal-aħħar ta’ Frar 2019.

20

B’segwitu għal Orizzont 2020, Orizzont Ewropa – il-programm qafas ta’ riċerka u innovazzjoni li jmiss se jkompli jappoġġa l-attivitajiet relatati mal-IPM. Ir-riċerka b’diversi atturi tal-H2020 u l-proġetti ta’ innovazzjoni tal-Grupp Operazzjonali tal-EIP (PAK) jiżguraw li s-soluzzjonijiet tal-IPM u l-flussi tal-għarfien dwar il-prattiki tal-IPM bejn l-Atturi fis-Sistemi tal-Għarfien u Innovazzjoni Agrikoli (AKIS) jinħolqu flimkien mal-utenti finali u, riżultat ta’ dan, iżidu l-użu ta’ dawk l-innovazzjonijiet fil-prattika.

21

Il-metodi sostenibbli bijoloġiċi, fiżiċi u mhux kimiċi oħrajn għandhom ikunu ppreferuti fuq metodi kimiċi, dejjem jekk dawn jipprovdu kontroll sodisfaċenti tal-pesti.

24

Il-Kummissjoni investiet ħafna ħin u riżorsi biex tiżviluppa u tniedi l-programm ta’ taħriġ għal Taħriġ Imtejjeb għal Iżjed Sikurezza fl-Ikel (BTSF) dwar l-IPM. Barra minn hekk, il-Kummissjoni pprovdiet appoġġ għat-tqegħid fil-prattika tal-IPM billi organizzat sessjoni ta’ ħidma għall-Istati Membri f’Mejju 2019.

L-implimentazzjoni u l-infurzar tal-IPM huwa aspett kopert b’mod sistematiku matul l-awditi lill-Istati Membri. Kull nuqqas identifikat jirriżulta fil-ħruġ ta’ rakkomandazzjonijiet lill-awtoritajiet tal-Istati Membri, u dawn jiġu segwiti b’mod sistematiku biex jiġi żgurat li jittieħdu azzjonijiet korrettivi adegwati mill-awtoritajiet.

26

Mill-1 ta’ Jannar 2014, l-utenti professjonali tal-PPPs għandhom japplikaw il-prinċipji ġenerali tal-IPM, elenkati fl-Anness III tal-SUD. Il-kriterji għall-valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-IPM huma ta’ importanza għall-awtoritajiet biex japplikawhom matul l-ispezzjonijiet fil-livell tal-azjendi agrikoli biex jikkonkludu dwar il-konformità jew in-nuqqas ta’ konformità. Fir-rapport tagħha tal-2017 lill-PE u lill-Kunsill, il-Kummissjoni nnotat li l-infurzar tal-IPM fl-Istati Membri għad irid jitjieb.

L-implimentazzjoni u l-infurzar tal-IPM huwa aspett kopert b’mod sistematiku matul l-awditi lill-Istati Membri. Kull nuqqas identifikat jirriżulta fil-ħruġ ta’ rakkomandazzjonijiet lill-awtoritajiet tal-Istati Membri, u dawn jiġu segwiti b’mod sistematiku biex jiġi żgurat li jittieħdu azzjonijiet korrettivi adegwati mill-awtoritajiet.

Tweġiba komuni għall-paragrafi minn 28 sa 31

Il-Kummissjoni tqis li l-PAK attwali mhux talli mhijiex ineffiċjenti iżda għall-kuntrarju, tgħin biex tiġi infurzata l-IPM fil-livell tal-azjendi agrikoli. L-istrumenti kkwotati mill-QEA U l-għadd ta’ strumenti disponibbli għall-Istati Membri huma rilevanti u effettivi għall-użu sostenibbli tal-pestiċidji u għall-IPM u se jkunu rilevanti fil-futur.

Fis-sistema tal-pagamenti diretti, l-iskema ta’ “ekoloġizzazzjoni” tal-PAK tinkludi sehem minimu taż-żona tal-bijodiversità iżda wkoll diversifikazzjoni tal-għelejjel, li huma t-tnejn rilevanti għall-IPM. Il-politika ta’ żvilupp rurali tappoġġa wkoll restrizzjonijiet ta’ pestiċidi minħabba l-implimentazzjoni tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma. Minbarra l-investimenti f’tagħmir rispettiv, il-PAK tappoġġa wkoll it-trasferiment ta’ għarfien u azzjonijiet ta’ informazzjoni kif ukoll servizzi ta’ konsulenza għall-bdiewa, inkluża l-promozzjoni tal-IPM. Il-kooperazzjoni bejn il-bdiewa, ir-riċerkaturi u s-servizzi ta’ konsulenza, promossa permezz tas-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni (SEI għall-produttività u s-sostenibbiltà agrikoli), hija importanti wkoll u tista’ tkopri modi innovattivi biex jitnaqqas l-użu tal-PPPs u tiġi implimentata l-IPM.

Il-PAK tinkludi wkoll il-qafas regolatorju għall-biedja organika (12,6 miljun fl-2017), b’eventwalità ta’ appoġġ finanzjarju fl-ambitu tal-iżvilupp rurali. Il-produzzjoni organika tapplika prinċipji speċifiċi u tistabbilixxi rekwiżiti li jmorru lil hinn mill-prinċipji tal-IPM, li fost l-oħrajn jeħtieġu n-newba tal-għelejjel u restrizzjoni qawwija rigward liema PPPs jistgħu jintużaw. Is-servizzi ta’ konsulenza għall-azjendi agrikoli jistgħu joffru wkoll pariri dwar il-biedja organika.

Biex tikkomplementa l-PAK, ir-riċerka hija importanti ħafna għall-iżvilupp tal-IPM. Ara t-tweġiba għall-paragrafu 20.

Il-proposta għal PAK futura tikkonsolida dawn il-kontribuzzjonijiet dwar l-użu sostenibbli tal-PPPs u l-IPM. Barra minn hekk, hija tipproponi li fil-kundizzjonalità futura jiġu inklużi l-aktar partijiet rilevanti tal-prinċipji IPM, b’mod partikolari n-newba tal-għelejjel u r-rekwiżiti għaż-żoni ta’ bijodiversità, kif ukoll dispożizzjonijiet rilevanti oħra tal-SUD. Importanti li l-Kummissjoni tipproponi integrazzjoni aħjar tas-sistema ta’ konsulenza għall-bdiewa u integrazzjoni aħjar mar-riċerka u t-trasferiment tal-għarfien min-netwerks tal-PAK. Bl-ekoskemi tal-Pilastru II u l-impenji ta’ ġestjoni tal-Pilastru II, l-Istati Membri se jkollhom ukoll ferm aktar flessibbiltà milli fil-perjodu attwali 2014-2020 biex ifasslu aħjar l-appoġġ ta’ prattiki ta’ użu sostenibbli tal-pestiċidi u tal-IPM, filwaqt li jqisu l-valutazzjoni tal-ħtiġijiet partikolari tagħhom stess.

32

Diversi prattiki rilevanti għall-IPM huma attwalment parti mir-rekwiżiti tal-UE u jiġu spezzjonati skont dawn. Il-kundizzjonalità tinkludi fost l-oħrajn rekwiżiti li jipproteġu l-ħamrija u jippromwovu l-bijodiversità u għall-użu xieraq tal-pestiċidi. Ir-rekwiżiti attwali tal-ekoloġizzazzjoni jinkludu d-diversifikazzjoni tal-għelejjel (u għall-Iżvizzera) u żoni li jippromwovu l-bijodiversità.

33

Id-dikjarazzjoni magħmula mil-leġiżatur biex, meta jkun xieraq, tinkludi l-partijiet rilevanti tad-Direttiva fil-kundizzjonalità saret fl-istadju tal-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni għall-perjodu 2014-2020. Għalhekk, għall-Kummissjoni ma kienx possibbli li tagħmel din il-bidla mll-bidu nett tal-PAK 2014-2020. Il-Kummissjoni kkunsidrat li kien aktar xieraq li tiġi proposta fir-riforma tal-PAK li jmiss milli matul il-perjodu 2014-2020.

34

Il-Kummissjoni tqis li l-qafas futur tal-kundizzjonalità jinkorpora l-prinċipji ġenerali tal-IPM adatti għall-kundizzjonalità. Il-qafas futur ta’ standards ta’ kundizzjoni agrikola u ambjentali tajba (KAAT) se jinkludi n-newba obbligatorja tal-għelejjel (KAAT 8) u ż-żoni tal-bijodiversità (KAAT 9) li huma elementi importanti tal-prinċipju ġenerali 1. L-Istati Membri jistgħu jkopru wkoll l-eżempji speċifikati f’dan il-prinċipju ġenerali 1 bil-KAAT 1 (il-manutenzjoni ta’ bwar permanenti), il-KAAT 2 (il-protezzjoni ta’ torbiera u artijiet mistagħdra), il-KAAT 3 (biċċiet ta’ art ta’ lqugħ), il-KAAT 5 (għodda tas-sostenibbiltà tal-azjendi agrikoli għan-nutrijenti), il-KAAT 6 (il-ġestjoni tal-ħdim tar-raba’) u KAAT 7 (l-ebda ħamrija għerja). Il-qafas futur tal-kundizzjonalità se jkopri kundizzjonijiet għal użu xieraq tal-PPPs permezz tar-Rekwiżit Statutorju ta’ Ġestjoni (SMR) 12, li jistabbilixxi l-qafas legali għall-prinċipji ġenerali 5, 6 u 7 tal-IPM. Dan jinkludi l-użu tal-PPPs fuq l-għalla rilevanti, fid-doża t-tajba u fil-frekwenza t-tajba, fil-mument opportun u filwaqt li jitqiesu l-impatti ambjentali u tar-reżistenza. Il-prinċipji ġenerali l-oħrajn tal-IPM (il-prinċipji 2, 3 u 8) huma bbażati fuq approċċi ġenerali li għandhom jiġu segwiti mill-bdiewa, u għalhekk mhumiex adatti għall-kundizzjonalità. Madankollu, is-sistema konsultattiva għall-azjendi agrikoli, li hija strument essenzjali biex jiżgura li l-implimentazzjoni tal-IPM tkompli fil-PAK futura filwaqt li tindirizza l-prinċipji ġenerali kollha tal-IPM.

37

Il-Kummissjoni stabbiliet grupp ta’ ħidma biex tevalwa r-rekwiżiti tad-data u l-prinċipji tal-valutazzjoni bil-ħsieb li dawn jiġu aġġornati biex tiġi ffaċilitata l-approvazzjoni ta’ tali sustanzi attivi.

38

Raġuni ulterjuri hija li l-PPPs jinkludu koformulanti li jissodisfaw id-definizzjoni ta’ sustanza ta’ tħassib, li teskludi li l-PPP titqies bħala b’riskju baxx.

42

Il-Kummissjoni tinnota li l-illustrazzjoni 7 tindika li fin-Netherlands u fi Franza l-iskadenzi speċifikati fir-Regolament PPP mhumiex rispettati.

43

Hemm differenzi sinifikanti bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni wettqet l-azzjonijiet kollha li ġiet attribwita fil-Pjan ta’ Implimentazzjoni. Dan jidher fir-raport ta’ progress ippreżentat lill-Kunsill Agrikoltura u Sajd f’Lulju 2019.

46

Ħafna mis-sustanzi li m’għadhomx approvati għall-użu fil-PPPs li għadhom qed ikunu mmonitorjati f’ilmijiet tas-superfiċje ma baqgħux awtorizzati biss reċentement u/jew għadhom jinsabu fihom minħabba l-persistenza, l-użu illegali, id-depożizzjoni mill-atmosfera jew il-lissija tagħhom minn landfills/miżbliet. Uħud għadhom jiġu prodotti fi proċessi oħra, pereżempju dawk industrijali.

Fl-ilma ta’ taħt l-art, l-Istati Membri huma obbligati jimmonitorjaw is-sustanzi attivi rilevanti fil-pestiċidi, inklużi l-metaboliti, il-prodotti ta’ degradazzjoni u ta’ reazzjoni tagħhom, u l-konċentrazzjonijiet għandhom jitqabblu ma’ standards ta’ kwalità għall-pestiċidi individwali u totali. L-istandards tal-kwalità individwali u totali tal-pestiċidi fid-Direttiva dwar l-Ilma ta’ Taħt l-Art jinsabu wkoll fid-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb. Il-monitoraġġ skont dik id-Direttiva jista’ jipprovdi wkoll informazzjoni dwar l-impatt ambjentali tal-użu tal-PPPs.

48

Il-Kummissjoni hija limitata mil-leġiżlazzjoni statistika fis-seħħ li tikkonċerna l-kunfidenzjalità u l-aggregazzjoni tad-data.

Il-Kummissjoni kkomunikat in-nuqqasijiet marbuta mad-disponibbiltà tal-istatistika fir-rapport tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill60 fl-2017.

58

Immedjatament wara l-adozzjoni tad-Direttiva fl-2009, ittieħdu sforzi biex jiġu żviluppati indikaturi differenti. Pereżempju, proġetti ffinanzjati mill-UE bħall-proġett dwar l-indikaturi ambjentali armonizzati għar-riskju tal-pestiċidi (HAIR) bil-għan li jiġu żviluppati indikaturi fl-UE kollha biex jitkejlu r-riskju u l-impatt tal-użu ta’ PPPs. Madankollu, dawn l-isforzi ma rnexxewx minħabba n-nuqqas ta’ disponibbiltà tad-data meħtieġa.

61

Fl-istadji bikrija tal-konsultazzjonijiet mal-Istati Membri (fi Grupp ta’ Ħidma speċifiku u fil-Grupp ta’ Ħidma tal-SUD) xi Stati Membri qajmu tħassib dwar il-ponderazzjonijiet. Madankollu, matul konsultazzjoni aktar wiesa’ permezz tal-mekkaniżmu ta’ feedback ma tqajmet l-ebda oġġezzjoni sostantiva u fil-mument tal-votazzjoni kien hemm maġġoranza kwalifikata ċara għall-ponderazzjonijiet proposti, b’żewġ Stati Membri biss jivvutaw kontra. Fil-perjodu ta’ skrutinju sussegwenti, il-Kunsill u l-Parlament ma ressqu l-ebda oġġezzjoni għall-ponderazzjonijiet proposti.

62

Is-sustanzi m’għadhomx approvati minħabba riskji għas-saħħa u/jew għall-ambjent kif identifikati f’valutazzjoni xjentifika (l-Istati Membri u l-EFSA). In-nuqqas ta’ approvazzjoni u l-waqfien sussegwenti tal-użu tagħhom jikkontribwixxi oġġettivament għal tnaqqis fir-riskji. Għalhekk, ittieħdet deċiżjoni ta’ politika konxja biex tattribwixxi ponderazzjoni għolja lil dawn is-sustanzi.

Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

64

Il-Kummissjoni tqis li l-azzjoni tal-UE rriżultat fi tnaqqis tar-riskju mill-użu tal-PPPs. Minkejja bidu bil-mod, kien hemm sforz konsiderevoli mill-Kummissjoni biex ittejjeb l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2009/128/KE mill-Istati Membri. Il-Kummissjoni kkalkulat ukoll tnaqqis ta’ 20 % bejn l-2011 u l-2017 fl-Indikatur tar-Riskju Armonizzat I.

66

L-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-utenti professjonali jikkonformaw ma’ dan ir-rekwiżit. Sabiex jiddeċiedu dwar il-konformità jew in-nuqqas ta’ konformità, l-awtoritajiet tal-Istati Membri għandu jkollhom kriterji ta’ valutazzjoni ċari.

F’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, il-konverżjoni ta’ prinċipji ġenerali tal-IPM f’kriterji prattiċi hija r-responsabbiltà tal-Istati Membri, u l-Kummissjoni se tkompli tappoġġa lill-Istati Membri f’dan ir-rigward.

67

Il-PAK attwali tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tad-Direttiva. Il-kundizzjonalità, is-sistemi konsultattivi għall-azjendi agrikoli, l-ekoloġizzazzjoni tal-pagamenti diretti, il-programmi operazzjonali għall-frott u l-ħaxix, il-produzzjoni organika, il-miżuri agroambjentali u klimatiċi, l-investimenti, l-appoġġ għar-riċerka, l-iskambji tal-għarfien u l-pariri, kollha kemm huma jistgħu jgħinu f’dan ir-rigward.

Kif propost mill-Kummissjoni, il-PAK futura se tkompli ssaħħaħ dan il-kontribut. Il-kundizzjonalità futura se tkopri d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva, inklużi l-prinċipji ġenerali tal-IPM, li ġew identifikati bħala adattati għal dan l-istrument. Il-kundizzjonalità se tqajjem kuxjenza fost il-bdiewa biex jadottaw dawn il-prattiki permezz ta’ tnaqqis fil-pagamenti tal-PAK. Dan se jkun ikkomplementat minn interventi appoġġati volontarji għall-bdiewa (pereżempju ekoskemi, impenji ta’ ġestjoni, eċċ.), li se jiġu żviluppati mill-Istati Membri b’mod konsistenti fil-Pjanijiet tal-PAK li se jiġu approvati mill-Kummissjoni. Dan għandu l-potenzjal biex, fejn l-Istati Membri jaraw il-ħtieġa, jiġu żviluppati skemi tal-PAK li jappoġaw l-użu sostenibbli tal-pestiċidi li jmorru lil hinn mis-sempliċi qafas legali.

Rakkomandazzjoni 1 - Jiġi permess l-infurzar tal-IPM

Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni 1(a).

Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni 1(b) parzjalment. Il-proposta legali tal-Kummissjoni għal PAK futura tinkludi dawk il-prinċipji ġenerali li jikkorrispondu għar-rekwiżiti li jistgħu jitkejlu u li jistgħu jiġu vverifikati fil-livell tal-azjendi agrikoli (ara t-tweġiba għall-paragrafu 34). Madankollu, hija r-responsabbiltà tal-Istati Membri li jiddefinixxu l-obbligi fl-azjendi agrikoli relatati mar-regoli tal-kundizzjonalità fuq il-bażi tal-leġiżlazzjoni tal-UE, inklużi d-dispożizzjonijiet tal-IPM. Il-punt sa fejn il-Kummissjoni se tivverfika l-implimentazzjoni mill-bdiewa ta’ dawn il-kriterji se jkompli jiġi speċifikat fil-kuntest tal-PAK futura.

Rakkomandazzjoni 2 – Jittejjeb l-aċċess għall-istatistika dwar il-PPP

Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjonijiet 2a u 2b.

Il-Kummissjoni qed tesplora l-possibbiltajiet li tittejjeb il-leġiżlazzjoni f’dan ir-rigward. Madankollu, fil-mument ta’ dan ir-rapport mhuwiex magħruf jekk il-leġiżlazzjoni hijiex se tiġi proposta jew le.

72

L-indikatur tar-Riskju Armonizzat I juri tnaqqis ta’ 20 % bejn l-2011 u l-2017.

73

Il-Kummissjoni tqis li hija meħtieġa data rilevanti oħra minbarra l-istatistika sabiex titqies informazzjoni dettaljata dwar “kif, meta u fejn” jintużaw il-pestiċidi. Dawn it-tip ta’ dettalji jistgħu jinkisbu biss minn data minn monitoraġġ aktar speċifiku jew minn studji ta’ riċerka.

Rakkomandazzjoni 3 – Jiġu żviluppati indikaturi ta’ riskju aħjar

Il-Kummissjoni taċċetta parzjalment ir-rakkomandazzjoni 3. Hija se tieħu l-azzjonijiet rakkomandati. Madankollu, hija tqis li l-ilħiq tal-iskeda ta’ żmien proposta se jirrikjedi li l-ftehim tal-Istati Membri jipprovdi d-data rilevanti.

Tim tal-awditjar

Ir-rapporti speċjali tal-QEA jistabbilixxu r-riżultati tal-awditi tagħha tal-politiki u l-programmi tal-UE, jew ta’ suġġetti relatati mal-ġestjoni minn oqsma baġitarji speċifiċi. Il-QEA tagħżel u tfassal dawn il-kompiti tal-awditjar biex timmassimizza l-impatt tagħhom billi tqis ir-riskji għall-prestazzjoni jew għall-konformità, il-livell ta’ introjtu jew ta’ nfiq involut, l-iżviluppi li għad iridu jseħħu u l-interess politiku u pubbliku.

Dan l-awditu tal-prestazzjoni twettaq mill-Awla I tal-Awditjar, Użu sostenibbli tar-riżorsi naturali, li hija mmexxija minn Nikolaos Milionis, Membru tal-QEA. L-awditu tmexxa mill-Membru tal-QEA Samo Jereb, li ngħata appoġġ minn Kathrine Henderson, Kap tal-Kabinett; Robert Markus, Maniġer Prinċipali; Charlotta Törneling, Kap tal-Kompitu; Päivi Piki, Viċi Kap tal-Kompitu; Greta Kapustaitė, Antonella Stasia, Paulo Oliveira u Dainora Venckevičienė, Awdituri. Michael Pyper ipprovda appoġġ lingwistiku.

Mix-xellug għal-lemin: Antonella Stasia, Michael Pyper, Kathrine Henderson, Samo Jereb, Charlotta Törneling, Paulo Oliveira, Päivi Piki, Dainora Venckevičienė.

Noti finali

1 Geiger, F. et al, “Persistent negative effects of pesticides on biodiversity and biological control potential on European farmland”, Basic and Applied Ecology, Elsevier Gmbh, 2010, p. 97-105.

2 IPBES, “The assessment report of the Intergovernmental Science-Policy Platform on Biodiversity and Ecosystem Services on pollinators, pollination and food production Ecosystem Services on pollinators, pollination and food production”, is-Segretarjat tal-Pjattaforma Intergovernattiva tal-Politika tax-Xjenza dwar il-Bijodiversità u s-Servizzi Ekosistemiċi, Bonn, il-Ġermanja, 2016.

3 F'dan ir-rapport, meta ngħidu “mibjugħa”, aħna rridu nfissru “Imqiegħda fis-suq” kif iddefinit fl-Artikolu 3(9) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE.

4 Id-Direttiva 2009/128/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja biex jinkiseb użu sostenibbli tal-pestiċidi.

5 L-Artikolu 14(4) tad-direttiva.

6 Ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE.

7 Il-punt 5 tal-Anness II tar-Regolament dwar il-PPPs jistabbilixxi l-kriterji tal-UE għas-sustanzi b’riskju baxx.

8 L-Anness I tar-Regolament dwar il-PPPs jiddefinixxi ż-żoni ġeografiċi.

9 It-18-il pjan ta’ azzjoni nazzjonali riveduti li ġew ippreżentati lill-Kummissjoni sa Ġunju 2019: L-Awstrija, il-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, Ċipru, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, l-Irlanda, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovenja, Spanja u l-Iżvezja.

10 L-Artikolu 23 tad-direttiva.

11 Il-Bulgarija u l-Lussemburgu.

12 Ir-rapport tal-Kummissjoni (COM(2017) 587 finali) jista’ jitniżżel minn fuq is-sit web tagħha: https://ec.europa.eu/food/plant/pesticides/sustainable_use_pesticides_en.

13 DĠ(SANTE) 2017-6291: “Rapport Ġenerali dwar l-Użu Sostenibbli tal-Pestiċidi”, http://ec.europa.eu/food/audits-analysis/overview_reports/details.cfm?rep_id=114.

14 https://ec.europa.eu/food/plant/pesticides/sustainable_use_pesticides_en.

15 L-Artikolu 55 tar-Regolament dwar il-PPPs jiddikjara li l-użu tal-PPPs irid ikun konformi mad-direttiva u, b’mod partikolari, mal-prinċipji ġenerali tal-IPM imsemmija fl-Artikolu 14 tad-direttiva u fl-Anness III tagħha.

16 L-Artikolu 3(1) tad-direttiva jiddefinixxi “utent professjonali” bħala kwalunkwe persuna li tuża l-pestiċidi matul l-attivitajiet professjonali tagħha.

17 L-Artikolu 14(4) tad-direttiva.

18 Abbozz ta’ Dokument ta’ Gwida għall-istabbiliment tal-prinċipji tal-IPM (07.0307/2008/504015/ETU/B3).

19 L-Artikolu 67 tar-Regolament dwar il-PPPs.

20 L-Artikolu 14 tal-Istrument Statutorju Nru 155 tal-2012. Regolamenti tal-2012 tal-Komunitajiet Ewropej (dwar l-użu sostenibbli tal-pestiċidi).

21 L-Artikolu 14(1) tad-direttiva jirreferi għall-biedja organika skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 tat-28 ta’ Ġunju 2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi.

22 Fl-2017, ibbażat fuq l-istatistika tal-Eurostat disponibbli fuq https://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php/Organic_farming_statistics.

23 Għall-perjodu 2014-2020, ir-regoli dwar ir-rekwiżiti tal-kundizzjonalità huma ddefiniti fl-Artikolu 93 u fl-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni.

24 L-Artikoli 91, 96 u 99 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni.

25 Ir-rekwiżit statutorju ta’ ġestjoni Nru 10 dwar il-Prodotti għall-Protezzjoni tal-Pjanti: L-Artikolu 55, l-ewwel u t-tieni sentenza tar-Regolament dwar il-PPPs.

26 Kif stipulat fl-Artikoli 11-25 tad-digriet Żvizzeru dwar il-pagamenti diretti (Ordonnance sur les paiements directs versés dans l’agriculture (Ordonnance sur les paiements directs, OPD; RS 910.13) tat-23 ta’ Ottubru 2013).

27 Dikjarazzjoni konġunta mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill dwar il-kundizzjonalità mehmuża mar-Regolament 1306/2013.

28 L-Artikolu 11 u l-Anness III tal-proposta għal regolament dwar il-pjan strateġiku tal-PAK (COM(2018) 392).

29 L-Artikolu 3(6) tad-direttiva.

30 Il-Prinċipju Nru 4 tal-prinċipji ġenerali tal-IPM (Ara l-Anness III).

31 L-Artikolu 14(1) tad-direttiva.

32 L-Artikolu 3(8) tad-direttiva.

33 Eż. l-Artikolu 77 tar-Regolament dwar il-PPPs jiddikjara li l-Kummissjoni tista’ tadotta dokumenti ta’ gwida dwar il-kontenut tal-applikazzjoni li tikkonċerna l-mikroorganiżmi, il-feromoni u l-prodotti bijoloġiċi.

34 Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 283/2013 tal-1 ta’ Marzu 2013 li jistipula r-rekwiżiti tad-data għas-sustanzi attivi u r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 284/2013 tal-1 ta’ Marzu 2013 li jistipula r-rekwiżiti tad-data għall-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti.

35 Il-kunċett ta’ riskju baxx ġie introdott bir-Regolament dwar il-PPPs, u l-ewwel approvazzjoni ta’ sustanza attiva bħala b’riskju baxx saret fl-2015.

36 Id-Database tal-UE dwar il-Pestiċidi, imniżżla fid-9 ta’ Settembru 2019.

37 Avviż tal-Kummissjoni dwar lista ta’ sustanzi attivi potenzjalment b’riskju baxx li ġew approvati biex jintużaw fil-protezzjoni tal-pjanti (2018/C 265/02).

38 Il-Programm ta’ Tiġdid AIR IV.

39 L-Artikolu 47 tar-Regolament dwar il-PPPs.

40 Rapport ta’ progress dwar il-pjan ta’ implimentazzjoni biex tiżdied id-disponibbiltà ta’ prodotti b’riskju baxx u titħaffef l-implimentazzjoni tal-ġestjoni integrata tal-pesti fl-Istati Membri, Marzu 2019.

41 Avviż tal-Kummissjoni tal-10.10.2017. Gwida dwar il-monitoraġġ u l-istħarriġ tal-impatti tal-użu tal-pestiċidi fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent skont l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2009/128/KE li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja biex jinkiseb użu sostenibbli tal-pestiċidi (imsemmija bħala d-Direttiva dwar l-Użu Sostenibbli).

42 L-Artikolu 67(2) tar-Regolament dwar il-PPPs.

43 Id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma; id-Direttiva 2008/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards ta’ kwalità ambjentali fil-qasam tal-politika tal-ilma; id-Direttiva 2006/118/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar il-protezzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art kontra t-tniġġis u d-deterjorament; u d-Direttiva tal-Kunsill 98/83/KE tat-3 ta’ Novembru 1998 dwar il-kwalità tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem.

44 Għal 29 minn dawn is-sustanzi, l-Istati Membri jridu jissodisfaw ukoll l-istandards tal-kwalità ambjentali ddefiniti fl-Anness I tad-Direttiva 2008/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards ta’ kwalità ambjentali fil-qasam tal-politika tal-ilma, kif emendata mid-Direttiva 2013/39/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Awwissu 2013 rigward sustanzi prijoritarji fil-qasam tal-politika dwar l-ilma. Is-seba’ sustanzi l-oħra huma ddefiniti fl-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 2018/840 tal-5 ta’ Ġunju 2018 li tistabbilixxi lista ta’ sorveljanza ta’ sustanzi li għandhom jiġu mmonitorjati fl-Unjoni kollha fil-qasam tal-politika tal-ilma (Lista ta’ sorveljanza).

45 Id-Direttiva tal-Kunsill 86/278/KEE dwar il-protezzjoni tal-ambjent, u b’mod partikolari tal-ħamrija, meta l-ħama tad-drenaġġ jintuża fl-agrikoltura (l-Artikoli 5 u 9, kif ukoll l-Annessi IA u IIB) tispeċifika l-monitoraġġ ta’ metalli tqal, inkluż ir-ram. Bosta sustanzi attivi fil-PPPs fihom ir-ram.

46 LUCAS 2018; ir-riżultati tal-analiżi tal-ħamrija huma mistennija sal-2021.

47 L-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1185/2009.

48 Ir-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2009 dwar l-istatistika Ewropea.

49 L-Artikolu 3(4) tar-Regolament 1185/2009 jirrikjedi li l-Kummissjoni taggrega d-data fi gruppi u f’kategoriji predefiniti qabel il-pubblikazzjoni.

50 Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1185/2009 (COM(2017) 109).

51 L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1185/2009.

52 Dokument ta’ Riċerka tal-Eurostat (2019): Statistika dwar l-użu agrikolu tal-pestiċidi fl-Unjoni Ewropea (ESTAT E1/AES/2019/RP/1).

53 Id-Direttiva tal-Kummissjoni (UE) 2019/782 tal-15 ta’ Mejju 2019 li temenda d-Direttiva 2009/128/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-istabbiliment ta’ indikaturi tar-riskju armonizzati.

54 https://ec.europa.eu/food/plant/pesticides/sustainable_use_pesticides/harmonised-risk-indicators/trends-hri-eu_en.

55 L-Artikolu 50 tar-Regolament dwar il-PPPs.

56 L-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2009/128/KE jipprevedi li l-Istati Membri jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jippromwovu l-ġestjoni ta’ organiżmi ta’ ħsara b’użu baxx ta’ pestiċidi, filwaqt li fejn ikun possibbli tingħata prijorità lil metodi mhux kimiċi, fejn issir referenza għall-IPM u għall-biedja organika rregolati mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 tat-28 ta’ Ġunju 2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi, sostitwit bir-Regolament il-ġdid tal-UE 848/2018 tat-30 ta’ Mejju 2018.

57 Overview Report on Sustainable Use of Pesticides (Rapport Ġenerali dwar l-Użu Sostenibbli tal-Pestiċidi) (DG(SANTE) 2017-6792), http://ec.europa.eu/food/audits-analysis/overview_reports/details.cfm?rep_id=114

58 http://ec.europa.eu/food/audits-analysis/audit_reports/index.cfm

59 COM(2017) 109 final: RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1185/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar l-istatistika li tikkonċerna l-pestiċidi

60 COM(2017) 109 final: RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1185/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar l-istatistika li tikkonċerna l-pestiċidi

Kronoloġija

Avveniment Data
Il-Memorandum ta’ Ppjanar tal-Awditjar (APM) jiġi adottat / L-awditu jinbeda 23.1.2019
L-abbozz ta’ rapport jintbagħat uffiċjalment lill-Kummissjoni (jew lill-entità l-oħra awditjata) 11.10.2019
Ir-rapport finali jiġi adottat wara l-proċedura kontradittorja 4.12.2019
Ir-risposti uffiċjali tal-Kummissjoni (jew tal-entità l-oħra awditjata) jaslu bil-lingwi kollha 21.1.2020

Kuntatt

IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI
12, rue Alcide De Gasperi
1615 Luxembourg
LUXEMBOURG

Tel. +352 4398-1
Mistoqsijiet: eca.europa.eu/mt/Pages/ContactForm.aspx
Sit web: eca.europa.eu
Twitter: @EUAuditors

Ħafna informazzjoni addizzjonali dwar l-Unjoni Ewropea hija disponibbli fuq l-Internet.
Jista’ jsir aċċess għaliha permezz tas-server Europa (http://europa.eu).

Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2020

PDF ISBN 978-92-847-4188-5 ISSN 1977-5741 doi:10.2865/24459 QJ-AB-19-026-MT-N
HTML ISBN 978-92-847-4193-9 ISSN 1977-5741 doi:10.2865/760080 QJ-AB-19-026-MT-Q

DRITTIJIET TAL-AWTUR

© European Union, 2020.

Il-politika tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) dwar l-użu mill-ġdid hija implimentata bid-Deċiżjoni Nru 6-2019 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar il-politika tad-data miftuħa u l-użu mill-ġdid ta’ dokumenti.

Sakemm ma jkunx indikat mod ieħor (eż. f’avviżi individwali dwar id-drittijiet tal-awtur), il-kontenut tad-dokumenti tal-QEA, li huwa proprjetà tal-UE, huwa liċenzjat taħt il-liċenzja Creative Commons Attribution 4.0 International (CC BY 4.0). Dan ifisser li l-użu mill-ġdid huwa awtorizzat, dment li l-awturi jingħataw kreditu xieraq u li l-bidliet jiġu indikati. Il-persuni li jużaw mill-ġdid dan il-kontenut ma jistgħux ibiddlu s-sinifikat jew il-messaġġ oriġinali tad-dokumenti. Il-QEA ma għandhiex tkun responsabbli għal kwalunkwe konsegwenza relatata mal-użu mill-ġdid.

Inti meħtieġ tikseb drittijiet addizzjonali ċari jekk kontenut speċifiku juri individwi privati identifikabbli, pereżempju f’ritratti li jkun fihom il-membri tal-persunal tal-QEA, jew jekk ikun jinkludi xogħlijiet ta’ parti terza. Fejn ikun inkiseb permess, tali permess għandu jikkanċella l-permess ġenerali msemmi hawn fuq u għandu jindika b’mod ċar kwalunkwe restrizzjoni dwar l-użu.

Biex tuża jew tirriproduċi kontenut li ma jkunx proprjetà tal-UE, inti jista’ jkun li jkollok titlob il-permess direttament mingħand id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur. Softwer jew dokumenti li jkunu koperti mid-drittijiet ta’ proprjetà industrijali, bħal privattivi, trademarks, disinji rreġistrati, logos u ismijiet, huma esklużi mill-politika tal-QEA dwar l-użu mill-ġdid u inti ma għandekx il-liċenzja biex tużahom.

Il-familja ta’ Siti Web istituzzjonali tal-Unjoni Ewropea, fi ħdan id-dominju europa.eu, tipprovdi links għal siti ta’ partijiet terzi. Peress li dawn ma jaqgħux taħt il-kontroll tal-QEA, inti mħeġġeġ biex teżamina l-politiki tagħhom dwar il-privatezza.

Użu tal-logo tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri

Ma jistax isir użu mil-logo tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri mingħajr ma jinkiseb il-kunsens tagħha minn qabel.

Kif tikkuntattja lill-UE

Personalment
Madwar l-Unjoni Ewropea kollha hemm mijiet ta’ ċentri ta’ informazzjoni tal-Europe Direct. Tista’ ssib l-indirizz tal-eqreb ċentru għalik f'dan is-sit: https://europa.eu/european-union/contact_mt

Bit-telefown jew bil-posta elettronika
Europe Direct huwa servizz li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar l-Unjoni Ewropea. Tista’ tikkuntattja dan is-servizz:

  • bit-telefown bla ħlas: 00 800 6 7 8 9 10 11 (ċerti operaturi jafu jimponu ħlas għal dawn it-telefonati),
  • fuq dan in-numru standard: +32 22999696, jew
  • bil-posta elettronika permezz: https://europa.eu/european-union/contact_mt

Kif issib tagħrif dwar l-UE

Onlajn
L-informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE hija disponibbli fuq is-sit web Europa fuq: https://europa.eu/european-union/index_mt

Pubblikazzjonijiet tal-UE
Tista’ tniżżel mill-internet jew tordna l-pubblikazzjonijiet tal-UE, li xi wħud minnhom huma bla ħlas u xi oħrajn bil-ħlas, minn: https://op.europa.eu/mt/publications. Kopji multipli ta’ pubblikazzjonijiet bla ħlas tista’ tiksibhom billi tikkuntattja lil Europe Direct jew liċ-ċentru tal-informazzjoni lokali tiegħek (ara https://europa.eu/european-union/contact_mt).

Il-liġi tal-UE u dokumenti relatati
Għal aċċess għall-informazzjoni legali tal-UE, inkluż il-liġijiet kollha tal-UE mill-1952 ’l hawn, fil-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali kollha, żur is-sit EUR-Lex hawnhekk: http://eur-lex.europa.eu

Dejta Miftuħa mill-UE
Il-portal tad-Dejta Miftuħa mill-UE (http://data.europa.eu/euodp/mt) jipprovdi aċċess għal settijiet tad-dejta mill-UE. Id-dejta tista’ titniżżel mill-internet u tintuża mill-ġdid bla ħlas, kemm għal skopijiet kummerċjali kif ukoll mhux kummerċjali.