
L-EIOPA tat kontribut importanti għas-superviżjoni u l-istabbiltà fis-settur tal-assigurazzjoni, iżda għad fadal xi sfidi sinifikanti
Dwar ir-rapport L-EIOPA, bħala waħda mit-tliet Awtoritajiet Superviżorji Ewropej (ASE), għandha l-missjoni li tappoġġa l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja u li tipproteġi lill-konsumaturi fl-oqsma tal-assigurazzjoni u tal-pensjonijiet okkupazzjonali. Is-suq tal-assigurazzjoni, li għandu assi b’valur ta’ madwar żewġ terzi tal-PDG tal-UE, jifforma parti sinifikanti mis-suq finanzjarju fl-Ewropa. Il-falliment tiegħu jista’ jaffettwa b’mod negattiv l-ekonomija reali u l-benessri tal-konsumaturi. Aħna eżaminajna jekk l-EIOPA tatx kontribut effettiv għas-superviżjoni, il-konverġenza superviżorja u l-istabbiltà finanzjarja. Għal din tal-aħħar aħna ffukajna fuq it-test tal-istress li sar fl-2016 fil-qasam tal-assigurazzjoni.
Aħna kkonkludejna li l-EIOPA għamlet użu tajjeb minn firxa wiesgħa ta’ għodod, għalkemm jenħtieġ li jkun hemm titjib fit-tfassil tagħhom u fis-segwitu li jingħatalhom. Aħna sibna għadd ta’ sfidi sistematiċi fir-rigward tas-superviżjoni ta’ negozji transkonfinali u ta’ mudelli interni. Dawn iridu jiġu indirizzati mill-EIOPA nfisha, mis-superviżuri nazzjonali u mil-leġiżlaturi, b’mod partikolari fil-kuntest tar-rieżami li għaddej bħalissa tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej.
Sommarju eżekuttiv
IL-industrija tal-assigurazzjoni tirrappreżenta parti sinifikanti mis-settur finanzjarju tal-UE. Hija timmaniġġja assi li l-valur tagħhom huwa ta’ madwar żewġ terzi tal-PDG annwali tal-UE. Falliment min-naħa tal-kumpaniji tal-assigurazzjoni jista’ potenzjalment ifixkel l-operazzjonijiet tas-settur finanzjarju u jaffettwa b’mod negattiv l-ekonomija reali u l-benessri tal-konsumaturi.
IIL-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA) ġiet stabbilita fl-2011, wara r-riforma tas-superviżjoni tas-settur finanzjarju tal-UE wara l-kriżi finanzjarja tal-2007-2008. L-EIOPA taġixxi bħala korp konsultattiv indipendenti għall-Kummissjoni Ewropea, għall-Parlament u għall-Kunsill.
IIIIr-responsabbiltajiet ewlenin tal-EIOPA huma li tappoġġa l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja, it-trasparenza tas-swieq u tal-prodotti finanzjarji, u li tipproteġi lid-detenturi ta’ polza tal-assigurazzjoni. Hija timmonitorja wkoll riskji u vulnerabbiltajiet potenzjali fis-settur. Ir-responsabbiltajiet tagħha jaqgħu taħt erba’ kategoriji wiesgħin: ir-regolamentazzjoni, is-superviżjoni u l-konverġenza superviżorja, l-istabbiltà finanzjarja u l-protezzjoni tal-konsumaturi.
IVAħna eżaminajna jekk l-EIOPA tagħtix kontribut effettiv għas-superviżjoni u l-istabbiltà finanzjarja fis-settur tal-assigurazzjoni. B’mod partikolari, aħna analizzajna l-azzjonijiet tal-EIOPA fil-qasam tas-superviżjoni u l-konverġenza superviżorja (il-kooperazzjoni mal-Awtoritajiet Nazzjonali Kompetenti (ANK), ix-xogħol tagħhom fuq mudelli interni u n-negozju transkonfinali), it-test tal-istress li sar fl-2016 fil-qasam tal-assigurazzjoni kif ukoll l-adegwatezza tar-riżorsi u tal-governanza tal-EIOPA.
VL-awditu primarjament kopra l-attivitajiet superviżorji tal-EIOPA bejn l-2015 u l-2017, kif ukoll it-test tal-istress tal-2016. L-evidenza għall-awditjar inġabret minn żjarat lill-EIOPA u minn analiżi dokumentarja fuq il-post, kif ukoll minn laqgħat mad-dipartimenti rilevanti tal-Kummissjoni, mal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku, mal-Awtoritajiet Nazzjonali Kompetenti, ma’ esperti akkademiċi u mal-partijiet ikkonċernati. L-awditu ħa wkoll kont tar-riżultati ta’ żewġ stħarriġiet.
VIIl-konklużjoni kumplessiva tagħna hija li l-EIOPA għamlet użu tajjeb minn firxa wiesgħa ta’ għodod biex tappoġġa l-konverġenza superviżorja u l-istabbiltà finanzjarja. Madankollu, għad hemm sfidi sinifikanti li jridu jiġu indirizzati mill-EIOPA nfisha, mis-superviżuri nazzjonali u mil-leġiżlaturi, pereżempju fil-kuntest tar-rieżamijiet tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej (ASE) u tad-Direttiva Solvibbiltà II.
VIIL-azzjonijiet tal-EIOPA biex tiżgura superviżjoni konsistenti mill-Awtoritajiet Nazzjonali Kompetenti kienu bbażati fuq analiżi soda u, fil-biċċa l-kbira, kellhom ambitu komprensiv. Permezz tax-xogħol tagħha, l-EIOPA identifikat dgħufijiet importanti fil-mod kif jaħdmu l-ANK, u timmonitorja regolarment l-iżviluppi. Madankollu, l-EIOPA ma għandhiex arranġament sistematiku biex twettaq segwitu għar-rakkomandazzjonijiet tagħha.
VIIIAħna sibna li l-qafas legali attwali għas-superviżjoni tan-negozju transkonfinali fl-UE jippreżenta dgħufijiet sistemiċi u joħloq sitwazzjoni fejn is-superviżjoni tiddependi fuq il-forma ġuridika ta’ negozju aktar milli fuq in-natura tiegħu. Dan jirriżulta f’inċentivi ħżiena kemm għas-superviżuri kif ukoll għall-assiguraturi, li japprofittaw minn livell aktar baxx ta’ superviżjoni f’ċerti Stati Membri. L-EIOPA għamlet sforz biex tindirizza l-problemi riżultanti, iżda ma kinitx f’pożizzjoni biex tegħleb id-dgħufijiet sistemiċi u tikseb konverġenza superviżorja.
IXIl-kumpaniji tal-assigurazzjoni jużaw mudelli interni biex jaġġustaw aħjar il-valutazzjoni tar-riskju għan-negozju tagħhom u biex itaffu r-rekwiżiti kapitali tagħhom. Hemm differenzi sinifikanti f’kemm l-ANK jissorveljaw il-mudelli interni b’mod strett. L-EIOPA ppruvat ittejjeb il-konverġenza superviżorja f’dan il-qasam. Dan ma kienx kompletament effettiv minħabba, fost raġunijiet oħra, limitazzjonijiet fl-aċċess għall-informazzjoni stabbiliti mill-Awtoritajiet Nazzjonali Kompetenti.
XFl-2016, l-EIOPA wettqet test tal-istress biex tivvaluta kif is-settur tal-assigurazzjoni jirreaġixxi għal żviluppi avversi fis-suq, b’mod partikolari għal perjodu twil ta’ rati tal-imgħax baxxi ħafna u għal xokk fil-prezzijiet tal-assi. Xi kumpaniji wrew li kienu vulnerabbli għal dawn iċ-ċirkustanzi, billi s-solvibbiltà tagħhom kienet tmur għall-agħar b’mod sinifikanti. L-ambitu tat-test tal-istress kien xieraq u x-xenarji identifikaw ir-riskji prinċipali għas-settur. Madankollu, aħna sibna nuqqasijiet fil-kalibrazzjoni tagħhom. B’mod partikolari, l-EIOPA ma setgħetx tiġġustifika s-saħħa ta’ wieħed mix-xenarji b’mod dettaljat biżżejjed.
XIWara validazzjoni preċiża tad-data, fil-biċċa l-kbira l-EIOPA ppreżentat ir-riżultati tat-test tal-istress b’mod xieraq. Minħabba l-mandat legali tagħha, ma kienx hemm pubblikazzjoni fil-livell tal-kumpaniji. Xi kultant, ir-rakkomandazzjonijiet maħruġa wara t-test tal-istress kienu ġenerali wisq, għalkemm l-EIOPA għamlet sforzi biex issegwi l-punt sa fejn l-ANK implimentawhom.
XIIFl-attivitajiet kollha tagħha, l-EIOPA toqgħod ħafna fuq il-kooperazzjoni mal-Awtoritajiet Nazzjonali Kompetenti, iżda mhux dejjem tirċievi l-appoġġ sħiħ tagħhom. L-ANK għandhom rwol deċiżiv fil-korp governattiv prinċipali tal-EIOPA, li jfisser li huma jinsabu f’pożizzjoni li jiddeċiedu l-ambitu tal-azzjoni tal-EIOPA biex teżamina l-effettivà tagħhom stess. L-EIOPA għadu ma rnexxilhiex tagħmel it-tranżizzjoni mir-regolamentazzjoni għas-superviżjoni. B’20 membru tal-persunal biss li jaħdmu fuq kwistjonijiet ta’ sorveljanza u 7 oħra fuq suġġetti relatati, l-EIOPA qed tiffaċċja sfida reali f’termini tat-twettiq tal-firxa wiesgħa ta’ kompiti kumplessi li hija responsabbli għalihom.
XIIIAħna nirrakkomandaw li għat-titjib tal-effiċjenza u l-effettività tal-azzjonijiet tal-EIOPA, jenħtieġ li hija:
- tiffoka aħjar fuq l-għodod superviżorji tagħha u twettaq segwitu għalihom b’mod sistematiku;
- tikkoopera mal-Kummissjoni u mal-koleġiżlaturi biex tindirizza dgħufijiet sistemiċi fis-superviżjoni tan-negozju transkonfinali;
- tikkoopera mal-Kummissjoni u mal-koleġiżlaturi biex tindirizza l-limitazzjonijiet imposti fuq l-aċċess għall-informazzjoni dwar il-mudelli interni, u tipprovdi aktar appoġġ lill-Awtoritajiet Nazzjonali Kompetenti dwar il-mod kif tissorveljahom;
- tkompli ttejjeb is-solidità tax-xenarji tat-testijiet tal-istress;
- toħroġ rakkomandazzjonijiet aktar speċifiċi u rilevanti għall-Awtoritajiet Nazzjonali Kompetenti wara li jitwettaq it-test tal-istress;
- tippromwovi l-pubblikazzjoni tar-riżultati tat-testijiet tal-istress fil-livell tal-kumpaniji;
- tiżgura li l-metodoloġija tat-testijiet tal-istress tkun aktar trasparenti; u
- issaħħaħ ir-riżorsi umani li huma assenjati għas-superviżjoni.
Introduzzjoni
Is-suq tal-assigurazzjoni fl-ekonomija Ewropea
01B’assi li jiswew aktar minn żewġ terzi tal-PDG annwali tal-UE u penetrazzjoni fis-suq li tvarja fost l-Istati Membri (ara l-Figura 1), l-assigurazzjoni tirrappreżenta proporzjon sinifikanti tas-settur finanzjarju. Hija tikkontribwixxi għat-tkabbir ekonomiku u għall-istabbiltà finanzjarja billi tieħu riskji u timmobilizza t-tfaddil. Minħabba r-rwol importanti tagħhom, il-falliment tal-kumpaniji tal-assigurazzjoni jista’ jfixkel il-forniment ta’ servizzi finanzjarji u tal-ekonomija inġenerali, u b’hekk jaffettwa lill-konsumaturi b’mod negattiv.
Figura 1
Il-penetrazzjoni tal-assigurazzjoni fl-Ewropa (is-sehem tal-primjums fil-PDG)
Sors: Il-QEA, ibbażat fuq ir-Rapport tal-EIOPA tal-2018 dwar l-Istabbiltà Finanzjarja.
Illum il-ġurnata, waħda mill-isfidi ewlenin għas-suq tal-assigurazzjoni hija rati tal-imgħax baxxi. L-assiguraturi, speċjalment dawk fin-negozju tal-assigurazzjoni tal-ħajja, li tirrappreżenta 65 % tas-suq tal-assigurazzjoni tal-UE, jiffaċċjaw problemi sinifikanti biex jaqilgħu ir-rata tal-imgħax garantita għall-prodotti li jkunu nbiegħu fi snin preċedenti. Għalhekk, il-mudelli kummerċjali tal-assiguraturi tal-ħajja attwalment jinsabu għaddejjin minn bidliet kbar, u waħda mill-konsegwenzi tagħhom hija t-teħid ta’ riskju addizzjonali. Barra minn hekk, teknoloġiji diġitali u użu akbar mill-big data ffurmaw mill-ġdid is-suq tal-assigurazzjoni (Fintech) b’mod sinifikanti, filwaqt li ħolqu mhux biss opportunitajiet għan-negozju iżda wkoll għadd ta’ sfidi u riskji ġodda għall-klijenti.
03Minn perspettiva regolatorja, żvilupp ewlieni għall-assiguraturi kien l-applikazzjoni tal-qafas tad-Direttiva Solvibbiltà II f’Jannar 2016. Id-Direttiva Solvibbiltà II hija l-ewwel qafas legali armonizzat tal-UE li jirrigwarda l-bidu u l-insegwiment tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni. Hija tkopri wkoll is-superviżjoni tal-assigurazzjoni u għandha l-għan li tiżgura kundizzjonijiet ekwi u ġusti fis-Suq Uniku. Hija tiddefinixxi kemm il-kumpaniji jeħtieġ li jżommu kapital sabiex ikopru r-riskju tagħhom, kif ukoll ir-rekwiżiti tal-ġestjoni tar-riskju, tal-governanza u tar-rappurtar.
L-EIOPA bħala parti mis-sistema Ewropea ta’ superviżjoni finanzjarja
04L-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA) ġiet stabbilita fl-20111 bħala parti mir-riformi għall-mod kif jiġi ssorveljat is-settur finanzjarju tal-UE, b’rispons għall-kriżi finanzjarja tal-2007-2008. L-EIOPA taġixxi bħala korp konsultattiv indipendenti għall-Kummissjoni, għall-Parlament u għall-Kunsill. Hija attiva fl-oqsma tal-kumpaniji tal-assigurazzjoni, il-kumpaniji tar-riassigurazzjoni, l-intermedjarji u l-istituzzjonijiet għall-provvista tal-pensjonijiet okkupazzjonali.
05L-EIOPA tifforma parti mis-Sistema Ewropea ta’ Superviżjoni Finanzjarja (SESF) li tinkludi tliet Awtoritajiet Superviżorji Ewropej (ASE): waħda għas-settur bankarju (l-Awtorità Bankarja Ewropea – EBA), waħda għas-settur tat-titoli (l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq – ESMA), u waħda għas-settur tal-assigurazzjoni u tal-pensjonijiet okkupazzjonali, kif ukoll il-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS). Ir-raġuni għall-istabbiliment tal-ASE kien li jiġu żgurati kooperazzjoni aktar mill-qrib u skambji ta’ informazzjoni bejn is-superviżuri nazzjonali (li jissejħu wkoll Awtoritajiet Nazzjonali Kompetenti – ANK), li tiġi ffaċilitata l-adozzjoni ta’ soluzzjonijiet tal-UE għal problemi transkonfinali, u li jiġu avvanzati l-applikazzjoni u l-interpretazzjoni konsistenti tar-regoli.
06Ir-responsabbiltajiet ewlenin tal-EIOPA huma li tappoġġa l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja, it-trasparenza tas-swieq u tal-prodotti finanzjarji, kif ukoll il-protezzjoni tad-detenturi ta’ polza tal-assigurazzjoni, ta’ membri u benefiċjarji ta’ skemi tal-pensjoni. L-EIOPA hija kkummissjonata biex timmonitorja u tidentifika xejriet, riskji potenzjali u vulnerabbiltajiet li joriġinaw mil-livell mikroprudenzjali, f’kuntest transkonfinali u transettorjali. Għal dan il-għan, l-EIOPA għandha responsabbiltajiet li jaqgħu taħt erba’ kategoriji wiesgħa u interrelatati: ir-regolamentazzjoni, is-superviżjoni u l-konverġenza superviżorja, l-istabbiltà finanzjarja u l-protezzjoni tal-konsumaturi (ara t-Tabella 1). Wara l-finalizzazzjoni tax-xogħol fuq il-qafas leġiżlattiv prinċipali għas-settur tal-assigurazzjoni u l-ħtieġa li tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tiegħu, l-EIOPA kien biħsiebha tittrasferixxi l-fokus strateġiku tax-xogħol tagħha mir-regolamentazzjoni għas-superviżjoni. F’dan l-awditu, aħna niffukaw fuq is-superviżjoni u fuq il-konverġenza superviżorja, li hija essenzjali għall-konsumaturi, u fuq it-test tal-istress, li jaqa’ taħt l-objettiv tal-iżgurar tal-istabbiltà finanzjarja.
| Qasam ta’ responsabbiltà | Ir-rwol tal-EIOPA |
|---|---|
| Regolamentazzjoni | Abbozzar ta’ standards tekniċi li sussegwentement jiġu approvati mill-Kummissjoni, u diskussjoni ta’ kwalunkwe bidliet li jsiru. Għoti ta’ pariri lill-Kummissjoni f’oqsma fejn hija għandha s-setgħa li tadotta atti delegati relatati max-xogħol tal-UE. |
| Superviżjoni u konverġenza superviżorja | Faċilitazzjoni u koordinazzjoni tal-ANK fl-attivitajiet superviżorji tagħhom sabiex jiġu stabbiliti prattiki superviżorji konsistenti, effiċjenti u effettivi fi ħdan l-SESF, u biex tiġi żgurata l-applikazzjoni komuni, uniformi u konsistenti tad-Dritt tal-UE. |
| Stabbiltà finanzjarja u ġestjoni ta’ kriżijiet | Kontribut għax-xogħol tas-superviżjoni makroprudenzjali tal-BERS billi tippreżenta data u rapporti. Twettiq ta’ testijiet tal-istress għas-settur tal-assigurazzjoni u tal-pensjonijiet, u żgurar tal-prevenzjoni u l-ġestjoni kkoordinati ta’ kriżijiet, kif ukoll iż-żamma tal-istabbiltà finanzjarja fi żminijiet ta’ kriżi. |
| Protezzjoni tal-konsumaturi u innovazzjoni finanzjarja | Protezzjoni tal-konsumaturi minn teħid eċċessiv ta’ riskji meta jixtru/jinvestu fi prodotti finanzjarji, permezz tal-abbozzar ta’ regolamenti, il-monitoraġġ ta’ xejriet tas-suq, it-titjib tal-informazzjoni disponibbli, eċċ. Projbizzjoni ta’ prodotti finanzjarji jekk dawn ikunu ta’ riskju għall-istabbiltà finanzjarja fl-UE; analiżi u rappurtar dwar innovazzjonijiet/prodotti finanzjarji ġodda fis-suq. |
Sors: Il-QEA.
Proċess ta’ riforma tal-ASE
07Billi n-natura tal-isfidi fis-swieq finanzjarji qed tevolvi, f’Settembru 2017 il-Kummissjoni pproponiet pakkett ta’ riformi biex tissaħħaħ is-SESF. L-għan kumplessiv kien li jitjiebu l-mandati, il-governanza u l-finanzjament tat-tliet ASE, kif ukoll li jitjieb il-funzjonament tal-BERS. Għadd ta’ proposti tal-Kummissjoni jkunu applikabbli direttament għall-EIOPA, bħall-ħolqien ta’ Bord Eżekuttiv indipendenti (biex jieħu ħsieb deċiżjonijiet każ b’każ u ċerti kwistjonijiet superviżorji), it-tisħiħ tar-rwol tal-EIOPA fil-validazzjoni ta’ mudelli interni, u t-tisħiħ tal-għodod disponibbli tagħha biex trawwem il-konverġenza superviżorja.
08Il-proposti tal-Kummissjoni għall-bidliet fil-qafas legali tal-EIOPA issa se jsegwu l-proċess leġiżlattiv standard, inkluża diskussjoni fil-Kunsill u fil-Parlament. Huwa mistenni li l-atti legali emendati jiġu adottati fl-2019. L-awditu tagħna jista’ jikkontribwixxi għal dan id-dibattitu b’mod utli.
AMBITU u approċċ tal-awditjar
09L-awditu eżamina jekk l-EIOPA għamlitx kontribut effettiv għas-superviżjoni u l-istabbiltà finanzjarja fis-settur tal-assigurazzjoni Ewropew. Il-fokus tal-awditu rrifletta l-bidla reċenti fil-prijoritajiet tal-EIOPA, mir-regolamentazzjoni għas-superviżjoni. B’mod partikolari, aħna indirizzajna l-oqsma li ġejjin:
- l-azzjonijiet tal-EIOPA fil-qasam tas-superviżjoni u tal-konverġenza superviżorja; l-analiżi tagħna kienet tinkludi kampjun ta’ strumenti li jintużaw mill-EIOPA (il-Partijiet I, II u III);
- it-test tal-istress għas-settur tal-assigurazzjoni li twettaq fl-2016 (il-Parti IV); u
- l-aspetti orizzontali li huma kruċjali għall-effettività tal-azzjonijiet kollha tal-EIOPA (l-użu ta’ strumenti legali biex tiġi żgurata l-konformità mad-dritt tal-UE, l-adegwatezza tar-riżorsi umani, u x-xerqien tal-istruttura ta’ governanza; il-Parti V).
Fil-prattika, l-attivitajiet tal-EIOPA fis-superviżjoni u l-konverġenza superviżorja jkopru tliet oqsma ġenerali: (i) il-promozzjoni tas-superviżjoni mill-awtoritajiet nazzjonali, (ii) l-iżgurar ta’ superviżjoni adegwata min-naħa tal-entitajiet transkonfinali, u (iii) il-mudelli interni. Għall-finijiet ta’ ċarezza, aħna ddiskutejna dawn is-suġġetti fi tliet partijiet sussegwenti tar-rapport (I, II u III), iżda dawn jikkontribwixxu b’mod konġunt għall-valutazzjoni li wettaqna tax-xogħol tal-EIOPA fil-qasam tas-superviżjoni u tal-konverġenza superviżorja. Fil-qasam tal-istabbiltà finanzjarja, aħna ffukajna fuq it-test tal-istress għas-settur tal-assigurazzjoni, minħabba l-importanza tiegħu għall-identifikazzjoni ta’ riskji futuri fis-suq.
11Ir-rapport ma kopriex ix-xogħol tal-ANK (li jaħdmu mill-qrib mal-EIOPA fl-attivitajiet kollha tagħha). Il-BERS, li kien involut fit-tfassil ta’ wieħed mix-xenarji tat-test tal-istress, ma kienx parti awditjata, billi r-responsabbiltà għaż-żewġ xenarji u s-sjieda tagħhom huma tal-EIOPA. Billi l-awditu ffoka fuq is-suq tal-assigurazzjoni, huwa ma nkludiex l-attivitajiet tal-EIOPA fis-settur tal-pensjonijiet okkupazzjonali.
12L-awditu kopra l-attivitajiet superviżorji tal-EIOPA li seħħew primarjament fl-2015-2017, kif ukoll it-test tal-istress tal-2016 (inklużi t-tagħlimiet meħuda mit-test tal-istress preċedenti fl-2014). Għal kull attività awditjata, aħna għażilna l-każijiet/il-fajls għal analiżi b’tali mod li jiżgura li l-kampjun ikun rappreżentattiv tax-xogħol tal-EIOPA u li jinkludi firxa diversa ta’ problemi tipiċi.
13Ix-xogħol prinċipali tal-awditjar kien jinvolvi żjarat lill-EIOPA u analiżijiet tad-dokumenti fuq il-post. Aħna ġbarna wkoll evidenza f’laqgħat ta’ ġbir ta’ informazzjoni u f’vidjokonferenzi mad-dipartimenti rilevanti tal-Kummissjoni, mal-BERS, mal-Awtoritajiet Nazzjonali Kompetenti, ma’ esperti akkademiċi u ma’ partijiet interessati (assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi u tan-negozji). Ir-riżultati ta’ żewġ stħarriġiet komplew jinfurmaw l-awditu:
- l-ewwel wieħed intbagħat lill-ANK kollha fl-Istati Membri tal-UE u kien jikkonċerna l-kooperazzjoni kumplessiva mal-EIOPA (superviżjoni u ttestjar tal-istress). Minn 28 ANK, wieġbu 24;
- it-tieni ntbagħat lil kampjun ta’ kumpaniji tal-assigurazzjoni u kien jikkonċerna t-test tal-istress. Minn 66 kumpanija, wieġbu 35.
Osservazzjonijiet
Parti I - L-azzjonijiet tal-EIOPA biex tiġi żgurata superviżjoni konsistenti mill-Awtoritajiet Nazzjonali Kompetenti huma sodi, iżda għandhom nuqqas ta’ approċċ sistematiku għas-segwitu
14Skont l-objettivi tagħha li tikkontribwixxi għal superviżjoni aħjar u aktar konsistenti fl-Istati Membri tal-UE, l-EIOPA hija involuta f’għadd ta’ attivitajiet għall-faċilitazzjoni u l-koordinazzjoni tax-xogħol tas-superviżuri nazzjonali (ANK). Billi tagħmel dan, l-EIOPA tipprevedi kultura superviżorja Ewropea, jiġifieri fehim komuni tal-mod kif is-superviżuri jaħsbu, jġibu ruħhom u jaħdmu fi ħdan il-komunità tagħhom. Dan ifisser kundizzjonijiet ekwi għall-kumpaniji tal-assigurazzjoni fl-Ewropa u livell ta’ fiduċja simili għall-konsumaturi li l-kumpaniji tal-assigurazzjoni tagħhom jikkonformaw mar-rekwiżiti regolatorji.
15Sa fejn hija kkonċernata l-koordinazzjoni tax-xogħol tal-Awtoritajiet Nazzjonali Kompetenti, l-awditu tagħna ħares lejn tliet strumenti prinċipali li jaqdu l-iskop ta’ konverġenza superviżorja: djalogu strutturat mal-Awtoritajiet Nazzjonali Kompetenti (bi żjarat fuq il-post/fil-pajjiżi bħala komponent ewlieni), il-manwal superviżorju u evalwazzjonijiet bejn il-pari (ara l-Figura 2). Il-manwal u l-evalwazzjonijiet bejn il-pari ġew ikkoordinati mill-EIOPA, permezz tax-xogħol li twettaq f’kooperazzjoni mill-qrib ħafna mal-Awtoritajiet Nazzjonali Kompetenti. L-analizzaturi ddelegati mill-Awtoritajiet Nazzjonali Kompetenti jipprovdu l-biċċa l-kbira mill-kontenut u l-valutazzjonijiet bejn il-pari. Minbarra dawk awditjati, l-EIOPA applikat għadd ta’ strumenti oħra2, kemm kif inhuma stipulati direttament fir-Regolament fundatur, kif ukoll fuq l-inizjattiva tagħha stess.
Figura 2
L-għodda tal-EIOPA biex tiżgura superviżjoni konsistenti
Sors: Il-QEA.
L-EIOPA identifikat dgħufijiet sinifikanti fil-kwalità tas-superviżjoni
16Permezz ta’ djalogu strutturat mal-Awtoritajiet Nazzjonali Kompetenti, l-EIOPA identifikat għadd ta’ dgħufijiet f’aspetti kritiċi tas-superviżjoni tal-assigurazzjoni (ara l-Figura 3). L-evalwazzjonijiet bejn il-pari żvelaw ukoll oqsma importanti fejn jenħtieġ li l-ANK itejbu l-prattiki superviżorji tagħhom (ara l-Anness I). Il-valutazzjonijiet tal-EIOPA juru li l-approċċi tal-Awtoritajiet Nazzjonali Kompetenti għas-superviżjoni spiss kienu diverġenti f’termini ta’ kemm huma intrużivi, ibbażati fuq ir-riskju u kemm iħarsu ’l quddiem. Dan ifisser li prattika partikolari minn kumpanija tal-assigurazzjoni (eż. fil-qasam tal-ġestjoni tar-riskju) tista’ tiġi aċċettata fi Stat Membru wieħed iżda sfidata fi Stat Membru ieħor. Bħala parti mill-proċess ta’ djalogu strutturat, l-ANK wieġbu għas-sejbiet tar-rapporti tal-EIOPA. Madankollu, l-EIOPA ma analizzatx ir-rispons sistematikament u ma pprovdietx feedback komprensiv bil-miktub lill-Awtoritajiet Nazzjonali Kompetenti.
Figura 3
Oqsma bi dgħufijiet identifikati fis-superviżjoni mill-Awtoritajiet Nazzjonali Kompetenti
Sors: Il-QEA, ibbażat fuq is-sejbiet tal-EIOPA.
Ir-rakkomandazzjonijiet tal-EIOPA jirriflettu d-dgħufijiet identifikati, iżda ma ngħatawx segwitu
17Bil-ħsieb tad-dgħufijiet identifikati, l-EIOPA rrakkomandat azzjonijiet għal ANK speċifiċi. Fil-każ tad-djalogu strutturat, l-EIOPA għamlet aktar minn 30 rakkomandazzjoni għal kull ANK fil-kampjun tagħna, mingħajr ebda forma ta’ prijoritizzazzjoni. L-evalwazzjoni bejn il-pari rriżultaw f’għadd sinifikattivament iżgħar ta’ rakkomandazzjonijiet. Għalkemm ir-rakkomandazzjonijiet kienu ċari, xi kultant kienu ġenerali u mhux adatti għas-sitwazzjonijiet speċifiċi tal-Awtoritajiet Nazzjonali Kompetenti.
18L-EIOPA ma pprovdietx għas-segwitu sistematiku tal-implimentazzjoni tal-azzjonijiet irrakkomandati, la għad-djalogu strutturat u lanqas għall-evalwazzjoni bejn il-pari. B’riżultat ta’ dan, l-EIOPA ma għandhiex stampa ġenerali ta’ jekk l-ANK adottawx ir-rakkomandazzjonijiet tagħha. Madankollu, hija għamlet sforz biex issegwi xi kwistjonijiet speċifiċi fuq bażi ad hoc (eż. matul żjarat sussegwenti għal Awtoritajiet Nazzjonali Kompetenti jew permezz ta’ kuntatti informali; kien hemm ukoll evalwazzjoni speċifika ta’ segwitu bejn il-pari) u setgħet tiddimostra xi titjib speċifiku fil-prattiki u l-governanza tal-Awtoritajiet Nazzjonali Kompetenti (ara l-Kaxxa 1).
Kaxxa 1
Eżempju tal-impatt tal-EIOPA fuq ix-xogħol tal-Awtoritajiet Nazzjonali Kompetenti
B’segwitu għall-valutazzjonijiet u l-pariri tal-EIOPA, waħda mill-ANK tal-UE:
- bidlet it-teħid ta’ deċiżjonijiet tagħha billi għaqqdet xi dipartimenti flimkien u tat spinta lill-kapaċità tad-data biex issaħħaħ il-kapaċità analitika tagħha;
- ittrasferiet il-prijoritajiet interni lejn is-superviżjoni tan-negozju transkonfinali.
Fil-biċċa l-kbira, ix-xogħol ta’ bażi kien approfondit u komprensiv, iżda l-proċessi ħadu wisq ħin
19Minkejja l-kumplessità tal-qasam kopert, l-istruttura u ċ-ċarezza tax-xogħol tal-EIOPA fil-qasam tas-superviżjoni u l-konverġenza superviżorja kienu ġeneralment tajbin u kienu bbażati fuq analiżi u metodoloġija sodi. Il-persunal tal-EIOPA ħejjew iż-żjarat tagħhom f’pajjiżi individwali billi ġabru firxa wiesgħa ta’ dokumenti u informazzjoni, inkluż kwestjonarju li kellu jimtela mill-Awtoritajiet Nazzjonali Kompetenti. Dan ippermetta li l-ambitu taż-żjarat jitfassal apposta fid-dawl tal-problemi speċifiċi ffaċċjati minn ANK individwali. L-evalwazzjonijiet bejn il-pari kienu bbażati fuq metodoloġija dettaljata li tispeċifika l-passi kollha li l-analizzatur għandu jsegwi. Madankollu, il-gwida li ngħataw il-parteċipanti xi kultant ma kellhiex approċċ strutturat u speċifiċitajiet relatati mal-proġetti.
20Is-suġġetti speċifiċi koperti mix-xogħol superviżorju tal-EIOPA kienu ġenerali u rilevanti. L-ambitu tal-għodod żgura approċċ komprensiv, iżda xi kultant fisser li l-kwistjonijiet l-aktar importanti ma kinux prijoritizzati biżżejjed. L-ambitu tal-manwal ġie deċiż mill-Kumitat ta’ Tmexxija u kopra l-oqsma l-kbar rilevanti kollha, għalkemm xi wħud mill-ANK identifikaw xi ftit lakuni (ara l-Figura 4). Dawn kienu relatati ma’ aspetti importanti tas-superviżjoni, billi l-konverġenza reali tirrikjedi mhux biss prinċipji komuni, iżda wkoll approċċ koerenti fil-livell tekniku.
Figura 4
Il-fehmiet tal-Awtoritajiet Nazzjonali Kompetenti dwar l-ambitu tal-għodod tal-EIOPA
Sors: L-istħarriġ tal-QEA.
L-EIOPA tilfet opportunità biex tikseb aktar sinerġija billi tiġbor l-aħjar prattiki u timmira l-pariri tagħha fil-qasam tas-superviżjoni tal-imġiba, u dan permezz ta’ djalogu strutturat mal-Awtoritajiet Nazzjonali Kompetenti u ta’ evalwazzjonijiet bejn il-pari, minħabba li dawn iffukaw esklussivament fuq is-superviżjoni prudenzjali3. Madankollu, aħna nosservaw li l-EIOPA għandha għodod iddedikati stabbiliti fil-qasam tas-superviżjoni tal-imġiba.
22L-EIOPA żviluppat għodod superviżorji b’mod regolari, u niedet il-biċċa l-kbira minnhom qabel l-2014. Madankollu, l-EIOPA ma ffinalizzatx il-manwal superviżorju qabel April 2018, jiġifieri erba’ snin wara l-bidu tal-proġett (bl-esklużjoni tal-fażi ta’ tħejjija) u aktar minn sentejn wara l-implimentazzjoni tad-Direttiva Solvibbiltà II, li l-manwal suppost jappoġġa. Iż-żmien meħtieġ biex jiġu kkompletati l-evalwazzjonijiet bejn il-pari varja bejn 14.5 xahar u sentejn, li huwa żmien twil, iżda li jirrifletti l-kumplessità tas-suġġetti. Madankollu, l-ANK sabu d-durata problematika, billi din kienet teħtieġ li jagħmlu impenji fit-tul għall-membri tal-persunal li pparteċipaw fl-evalwazzjonijiet.
Parti II: Għad hemm dgħufijiet sistemiċi fis-sistema superviżorja attwali għan-negozju transkonfinali, iżda l-EIOPA għamlet sforz biex tipproteġi lid-detenturi ta’ polza
23Is-superviżjoni ta’ gruppi tal-assigurazzjoni transkonfinali fl-UE hija strutturata permezz ta’ kulleġġi tas-superviżuri. Il-kulleġġi huma mistennija li jiżguraw superviżjoni adegwata permezz ta’ skambji ta’ informazzjoni u superviżjoni kooperattiva mill-ANK kollha kkonċernati. Il-kulleġġ jitmexxa mis-superviżur mill-pajjiż ta’ oriġini, li jissorvelja l-kwartieri ġenerali tal-grupp tal-assigurazzjoni. L-ANK l-oħra huma magħrufa bħala superviżuri mill-pajjiż ospitanti. Attwalment, hemm 88 kulleġġ stabbiliti fi ħdan l-UE.
24L-EIOPA hija membru tal-kulleġġi kollha. Ir-rwol tagħha huwa li tiżgura li d-dritt tal-UE jiġi applikat b’mod konsistenti u li l-kulleġġi jiffunzjonaw b’mod konsistenti. Barra minn hekk, l-EIOPA hija mistennija wkoll li tiffaċilita kultura superviżorja komuni u li tevita l-arbitraġġ regolatorju4. Ir-Rapport De Larosière5 identifika dawn l-objettivi bħala kruċjali għas-Suq Uniku.
L-istruttura tas-sistema tal-kulleġġi toħloq inċentivi ħżiena għall-assiguraturi u għas-superviżuri
25Għalkemm fil-passat is-servizzi tal-assigurazzjoni kienu prinċipalment ipprovduti minn sussidjarji stabbiliti fil-pajjiż rilevanti, ħafna assiguraturi bdew jipprovdu aktar servizzi transkonfinali permezz ta’ fergħat jew ta’ kapaċità diretta (ibbażat fuq il-Libertà tal-Istabbiliment jew, rispettivament, fuq il-Libertà Li Jiġu Pprovduti Servizzi li huma previsti taħt is-Suq Uniku). Fl-2016, 750 assiguratur ipprovdew negozju li jiswa EUR 59 biljun lil Stati Membri oħra taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) mingħajr sussidjarju lokali (ara l-Figura 5). Filwaqt li n-negozju transkonfinali jippermetti li l-assiguraturi jnaqqsu l-piż amministrattiv u regolatorju tagħhom, is-sistema attwali toħloq inċentivi ħżiena għall-assiguraturi u s-superviżuri.
Figura 5
Sehem ta’ negozju transkonfinali riċevut bħala perċentwal għal kull Stat Membru
Sors: L-EIOPA.
Skont is-sistema attwali tal-kulleġġi, is-superviżjoni tiġi ddeterminata mill-istruttura legali tal-grupp aktar milli min-natura tan-negozju. Għalhekk, irid jiġi stabbilit kulleġġ għal kumpanija tal-assigurazzjoni żgħira ħafna b’sussidjarja fi Stat Membru ieħor, għalkemm ma tkunx meħtieġa superviżjoni minn kulleġġ li tuża tant riżorsi. Għall-kuntrarju, għal gruppi internazzjonali kbar tal-assigurazzjoni, li jipprovdu servizzi transkonfinali mingħajr sussidjarji, ma hemmx kulleġġi, anke jekk dan ikun essenzjali għall-iżgurar ta’ superviżjoni adegwata u stabbiltà finanzjarja (ara l-Figura 6).
Figura 6
L-arranġamenti superviżorji jvarjaw skont l-istruttura tal-assiguratur
Sors: Il-QEA.
Dan iwassal għal sitwazzjoni fejn l-ANK jissorveljaw in-negozju fi Stati Membri oħra mingħajr ma jkollhom iġarrbu l-konsegwenzi ta’ superviżjoni insodisfaċenti, billi din ma għandhiex impatt fuq is-suq domestiku. Apparti dan, huma spiss ma jkollhomx biżżejjed għarfien tal-ispeċifikazzjonijiet u l-liġijiet nazzjonali. Barra minn hekk, l-Istat Membru li fih jiġi pprovdut is-servizz irid jiddependi għalkollox fuq is-superviżjoni tas-superviżur mill-pajjiż ta’ oriġini tal-assiguratur mingħajr ma jeżerċita influwenza fuq il-proċess ta’ superviżjoni. Din is-sistema ma tfasslitx biex tissorvelja suq mifrux fl-Ewropa kollha b’mod li huwa effettiv u bbażat fuq l-interessi taċ-ċittadini tal-UE. Bosta ANK ikkonfermaw li s-superviżjoni attwali tan-negozju u l-kooperazzjoni transkonfinali hija insodisfaċenti (ara l-Kaxxa 2).
Kaxxa 2
Fehma tal-Awtoritajiet Nazzjonali Kompetenti dwar is-superviżjoni transkonfinali
“Is-superviżjoni ta’ gruppi transkonfinali ittejjeb ferm il-livell ta’ protezzjoni tal-konsumatur fil-pajjiżi tal-UE. Madankollu, […] l-istruttura attwali għadha ma tiżgurax l-istess kwalità ta’ superviżjoni mis-superviżuri u lanqas il-kooperazzjoni bejniethom għall-gruppi, li jipprovdu proporzjon sinifikanti min-negozju tagħhom permezz tal-libertà tal-istabbiliment jew il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, kif inhu l-każ għal gruppi li għandhom attivitajiet fi ħdan sussidjarji.”
Aħna sibna li għadd ta’ problemi kienu attribwibbli għal inċentivi sistematikament ħżiena. Pereżempju, bosta ANK ipprijoritizzaw is-superviżjoni tagħhom abbażi ta’ fatturi bħall-“impatt fuq l-istabbiltà finanzjarja nazzjonali”. Konsegwentement, kumpaniji tal-assigurazzjoni b’sehem kbir ta’ negozju transkonfinali kienu prijorità baxxa għas-superviżjoni. Dan ifisser li l-kumpaniji tal-assigurazzjoni kellhom kull inċentiv biex jużaw l-arbitraġġ regolatorju billi jittrasferixxu għal Stati Membri li adottaw dan l-approċċ, u mbagħad jikkonċentraw fuq servizzi transkonfinali (ara l-Kaxxa 3).
Kaxxa 3
Eżempju reali ta’ arbitraġġ regolatorju u tal-impatt ta’ azzjoni mill-EIOPA
Bosta ANK avviċinaw lill-EIOPA dwar kumpanija tal-assigurazzjoni li kienet qed twettaq negozju transkonfinali fis-swieq tagħhom iżda li kienet qed toffri primjums baxxi b’mod mhux tas-soltu u kienet qed turi li qed tikber b’rata mgħaġġla. Billi s-superviżur mill-pajjiż ta’ oriġini għażel li ma jiffukax l-attivitajiet superviżorji tiegħu fuq negozju transkonfinali, huwa ma qiesx li l-kumpanija tal-assigurazzjoni kienet tikkostitwixxi prijorità. B’segwitu għall-intervent mill-EIOPA, is-superviżur mill-pajjiż ta’ oriġini sab li l-kumpaniji tal-assigurazzjoni ma kinitx vijabbli, kienet f’pożizzjoni finanzjarja diffiċli u ma kinitx tissodisfa r-rekwiżiti kapitali tagħha. B’riżultat ta’ dan, l-awtorizzazzjoni tal-kumpanija għal negozju ġdid ġiet irtirata.
Barra minn hekk, aħna sibna li l-mod kif jitwettaq in-negozju għandu implikazzjonijiet diretti għall-protezzjoni tal-konsumatur f’każ li assiguratur ifalli. Is-sistema Ewropea ta’ Skema ta’ Garanzija tal-Assigurazzjoni bħalissa hija frammentata, li jwassal għal sitwazzjoni fejn il-konsumaturi ma jiġux infurmati dwar il-livell ta’ protezzjoni tagħhom meta jixtru servizzi tal-assigurazzjoni transkonfinali (ara l-Kaxxa 4). Il-konsumaturi mhumiex neċessarjament konxji li jkunu qed jixtru prodott tal-assigurazzjoni minn sussidjarju, fergħa jew kumpanija mingħajr preżenza fiżika fl-Istat Membru tagħhom stess.
Kaxxa 4
Eżempju tal-impatt fuq il-protezzjoni tal-konsumatur
Billi Skemi ta’ Garanzija tal-Assigurazzjoni (IGS) ivarjaw minn pajjiż għal ieħor, konsumatur li jixtri assigurazzjoni tal-ħajja mill-fergħa ta’ kumpanija Ewropea partikolari fi Stat Membru differenti huwa protett mill-IGS nazzjonali, li hija obbligatorja fil-pajjiż ta’ oriġini tal-kumpanija. Madankollu, l-istess konsumatur li jixtri assigurazzjoni identika mis-sussidjarja tal-istess kumpanija fi Stat Membru ieħor mhuwiex protett mill-IGS tal-pajjiż ta’ oriġini.
L-EIOPA tirreaġixxi billi tiżviluppa għodod ad hoc biex tipproteġi lill-konsumaturi, iżda l-konverġenza superviżorja tibqa’ problematika
30Bil-ħsieb tar-riskji u tal-isfidi ppreżentati mis-sistema ta’ superviżjoni attwali għan-negozju tal-assigurazzjoni transkonfinali, l-EIOPA għamlet sforzi biex tipproteġi lill-konsumaturi billi stabbiliet pjattaformi ta’ kooperazzjoni. Fin-nuqqas tal-kulleġġi, l-EIOPA stabbiliet il-pjattaformi taħt il-mandat tagħha biex tippromwovi skambji ta’ informazzjoni effettivi bejn l-ANK u biex tiżgura superviżjoni effettiva u konsistenti. Mill-2016 ’il hawn, l-EIOPA stabbiliet 13-il pjattaforma ta’ kooperazzjoni, kemm fuq l-inizjattiva proprja tagħha kif ukoll b’rispons għal talbiet mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Dawn joperaw b’mod simili għall-kulleġġi.
31Aħna sibna li l-pjattaformi tal-EIOPA pprovdew soluzzjoni ad hoc utli għall-indirizzar tal-problemi li jirriżultaw minn servizzi transkonfinali. F’bosta każijiet, l-EIOPA għenet biex tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni bejn l-ANK u rnexxielha tagħmel pressjoni biex jinstabu soluzzjonijiet. Pereżempju, l-EIOPA talbet lis-superviżur mill-pajjiż ta’ oriġini biex iwieġeb sett ta’ mistoqsijiet dwar l-assiguraturi li wrew indikaturi tipiċi tar-riskju (ara l-Figura 7). Dan żgura li s-sitwazzjoni tal-assiguratur hija suġġetta għal valutazzjoni.
Figura 7
Indikaturi tipiċi tar-riskju u mistoqsijiet għall-identifikazzjoni ta’ negozju mhux vijabbli
Sors: Il-QEA.
Il-pjattaformi mbagħad ħolqu pressjoni mill-pari għas-superviżur mill-pajjiż ta’ oriġini, li jfisser li huwa ħassu obbligat li jieħu azzjoni superviżorja adegwata fid-dawl tal-informazzjoni disponibbli. Din il-miżura żgurat li l-konsumaturi kienu protetti. Madankollu, fin-nuqqas ta’ mandat legali robust fil-qasam tas-servizzi transkonfinali, l-EIOPA kellha tiddependi fuq ir-rieda effettiva tal-ANK li jikkooperaw.
L-EIOPA kellha rwol utli f’bosta kulleġġi ta’ gruppi transkonfinali, minkejja kooperazzjoni limitata mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti
33L-EIOPA hija responsabbli biex tiżgura li l-kulleġġi jiffunzjonaw b’mod konsistenti. Aħna sibna li l-EIOPA stabbiliet prijoritajiet, f’dak li għandu x’jaqsam mal-attendenza tagħha u mal-kontribut tagħha lill-kulleġġi, fuq il-bażi ta’ kriterji komprensivi u stabbiliti sew. Il-prijoritizzazzjoni qieset diversi fatturi, inkluż id-daqs u r-riskju tal-grupp tal-assigurazzjoni, id-daqs u l-esperjenza tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti parteċipanti, u l-eżitu tal-valutazzjoni konġunta tar-riskju. Mill-introduzzjoni tad-Direttiva Solvibbiltà II fl-2016, l-EIOPA attendiet 100 laqgħa tal-kulleġġi. Madankollu, hija qatt ma attendiet għal 23 kulleġġ ieħor (ara l-Figura 8). L-iskarsezza tar-riżorsi (ara l-paragrafu 86) ukoll tispjega dan ir-riżultat.
Figura 8
L-attendenza tal-EIOPA għal-laqgħat tal-kulleġġ tas-superviżuri fl-2016 u fl-2017
Sors: Il-QEA.
Barra minn hekk, il-livell ta’ involviment tal-EIOPA fil-kulleġġi li attendiet għalihom varja b’mod sinifikanti. Pereżempju, hija żiedet il-valur b’mod sinifikanti f’xi kulleġġi billi pprovdiet input dettaljat għad-diskussjoni u rapporti ta’ feedback. Fid-dawl tal-prijoritajiet tagħha, l-EIOPA ma pprovdietx valur miżjud kumparabbli għal xi kulleġġi oħra, minħabba li hija llimitat lilha nfisha għal appoġġ amministrattiv u orizzontali.
35Biex tappoġġa l-kulleġġi u ssaħħaħ il-konverġenza superviżorja, l-EIOPA talbet ir-rapporti tal-Valutazzjoni Interna tar-Riskju u s-Solvenza (ORSA) tal-assiguraturi mingħand l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Ir-rapport tal-ORSA huwa strument elementari tas-superviżjoni tal-assigurazzjoni, u jiddefinixxi l-predispożizzjoni għar-riskju tal-assiguratur, janalizza l-kapital ta’ riskju disponibbli, u jiddeċiedi li dan jiġi allokat. Għalhekk, dan huwa għodda ewlenija li tħares ’il quddiem u li jenħtieġ li tintuża għal superviżjoni proattiva. Aħna sibna li għalkemm l-EIOPA għamlet sforz biex tikseb ir-rapporti tal-ORSA, hija mhux dejjem irċeviethom. Xi rapporti tal-ORSA ġew ipprovduti biss wara proċess twil u burokratiku, li jinvolvi ġustifikazzjoni legali u intervent ta’ livell għoli. Il-forniment limitat u oneruż tal-ORSAs irrestrinġa l-istrumenti tal-EIOPA għall-appoġġ tal-konverġenza superviżorja, u kien ta’ detriment għall-użu effiċjenti tar-riżorsi tagħha.
36Matul ix-xogħol tagħha relatat mal-kulleġġi, l-EIOPA identifikat ħafna problemi fi ħdanhom u fi ħdan il-gruppi tal-assigurazzjoni, bħal dawn li ġejjin:
- Xi wħud mill-ANK ma kkondividewx dokumenti importanti, bħar-rapport tal-ORSA, ma’ membri oħra tal-istess kulleġġ. L-EIOPA appoġġat dawn il-membri biex jiksbu dokumenti utli, iżda mhux dejjem irnexxielha. In-nuqqas ta’ informazzjoni importanti għall-membri tal-kulleġġ wera nuqqas ta’ fiduċja bejn xi wħud mill-ANK, u jfixkel is-superviżjoni effettiva fi grupp.
- Instabu żbalji sinifikanti fil-valwazzjoni u defiċjenzi kbar fil-ġestjoni tar-riskju mill-gruppi tal-assigurazzjoni, u ġie rrakkomandat li jenħtieġ li ANK jindirizzawhom. Għalkemm l-EIOPA għamlet sforz biex tappoġġa lill-kulleġġi u tiffaċilita superviżjoni adegwata, hija ma tatx segwitu komprensiv għall-problemi li kienu ġew identifikati.
Parti III - Nuqqas ta’ konverġenza fis-superviżjoni tal-mudell intern, minkejja l-ewwel passi li saru mill-EIOPA
37Ibbażat fuq il-qafas tad-Direttiva Solvibbiltà II, li għandu l-għan li jipproteġi l-konsumaturi u jiżgura stabbiltà finanzjarja, l-assiguraturi fl-Ewropa huma meħtieġa li jikkalkulaw ir-riskji individwali tagħhom. Għal dawn ir-riskji, jeħtieġ li l-assiguraturi jżommu biżżejjed kapital li jassorbi r-riskju (ara l-Figura 9) biex jiżguraw li huma jistgħu jipprovdu kumpens għall-klejms. L-assiguraturi jistgħu jew jikkalkulaw ir-rekwiżiti kapitali tagħhom b’formula standard partikolari jew inkella jużaw l-hekk imsejjaħ mudell intern. Filwaqt li l-formula standard hija l-għażla prestabbilita, l-assiguraturi jridu jiksbu l-awtorizzazzjoni għal kwalunkwe mudell intern li jkunu jixtiequ jużaw. L-ANK iridu jawtorizzaw biss il-mudelli interni, li jissodisfaw bosta rekwiżiti ddefiniti legalment u għalhekk huma adatti għall-kalkolu tar-riskji b’mod adegwat. Filwaqt li l-istimar eċċessiv tar-riskji jista’ jwassal għal primjums li ma jkunux kompetittivi, l-istimar insuffiċjenti jista’ jikkomprometti l-protezzjoni tad-detenturi ta’ polza u l-istabbiltà finanzjarja.
Figura 9
L-elementi bażiċi tar-rekwiżiti kapitali għall-assiguraturi
Sors: Il-QEA.
Il-mudelli interni huma kumplessi ħafna u jagħtu diskrezzjoni sinifikanti lill-assiguraturi fil-kalkolu tar-riskji tagħhom. Dan jinkludi ġudizzju espert u dipendenza fuq data storika interna. Konsegwentement, is-superviżjoni tal-mudelli interni teħtieġ riżorsi u għarfien espert estensivi fi ħdan l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Minħabba l-impatt tagħhom fuq il-protezzjoni tad-detenturi ta’ polza u l-istabbiltà finanzjarja, kif ukoll l-isfidi li jippreżentaw lis-superviżuri, il-mudelli interni huma qasam kruċjali, fejn l-EIOPA trid tiffaċilita l-konverġenza superviżorja fl-Istati Membri. Superviżjoni inkonsistenti, li twassal għal arbitraġġ regolatorju u għalhekk, għal distorsjoni tal-kompetizzjoni ġusta, jista’ jkollha konsegwenzi avversi severi.
Il-konverġenza fil-qasam tal-mudelli interni għadha limitata ħafna
39Wieħed mill-kompiti ewlenin tal-EIOPA huwa li tiżgura li l-assiguraturi u s-superviżuri japplikaw ir-regoli b’mod konsistenti fl-UE, inklużi l-mudelli interni. Biex tikseb dan, l-EIOPA attendiet għal laqgħat tal-kulleġġi meta ġew diskussi l-mudelli interni, żaret lill-Awtoritajiet Nazzjonali Kompetenti biex tivvaluta s-superviżjoni tal-mudelli interni, u aġixxiet bħala faċilitatur bejn l-ANK. Minkejja l-isforzi tal-EIOPA, aħna sibna bosta problemi li huma prova ta’ livell persistentement baxx ta’ konverġenza superviżorja f’dan il-qasam.
40L-awtorizzazzjoni u s-superviżjoni tal-mudelli interni jeħtieġu użu estremament intensiv tar-riżorsi6. Biex tinkiseb superviżjoni simili fi ħdan l-UE, huwa importanti li l-ANK ikollhom biżżejjed riżorsi biex jissodisfaw kompitu li jippreżenta sfida bħal din. Madankollu, l-ANK iddikjaraw li huma għandhom livelli differenti ħafna ta’ persunal għas-superviżjoni tal-mudelli interni, u l-EIOPA dan ikkonfermatu matul iż-żjarat tagħha. L-EIOPA sabet li bosta ANK ma kellhomx biżżejjed riżorsi u għarfien espert biex jissorveljaw il-mudelli interni b’mod adegwat, li jenfasizza l-importanza ta’ xogħol l-EIOPA f’dan il-qasam.
41L-EIOPA sabet li l-kultura superviżorja u l-applikazzjoni ta’ regoli komuni għadhom ivarjaw ħafna fi ħdan l-UE. L-ANK ma kinux konsistentement stretti meta awtorizzaw il-mudelli interni. Pereżempju, bosta ANK ma kkomunikawx b’mod ċar xi prattiki tal-immudellar inaċċettabbli lill-kumpaniji tal-assigurazzjoni. F’każijiet oħra, l-ANK applikaw rekwiżiti ta’ awtorizzazzjoni stretti ħafna. Aħna sibna li xi wħud mis-superviżuri ppruvaw jipproteġu lill-assiguraturi lokali permezz ta’ rekwiżiti kapitali aktar baxxi, filwaqt li oħrajn talbu superviżjoni aktar b’saħħitha u rekwiżiti kapitali ogħla.
42F’każ ieħor, is-superviżjoni ta’ mudell intern kellha tiġi ttrasferita minn ANK partikolari (pajjiż A) għal ANK oħra (pajjiż B) sabiex jiġi kopert il-grupp kollu. Madankollu, is-superviżur fil-pajjiż B ħtieġ li l-kumpanija tal-assigurazzjoni ttejjeb il-mudell intern tagħha b’mod sinifikanti qabel dan seta’ jiġi awtorizzat biex jintuża fis-suq tagħhom. Madankollu, il-mudell intern kien diġà ġie awtorizzat mis-superviżur u ġie applikat fil-pajjiż A. Il-każ wera standards u approċċi differenti għall-approvazzjoni tal-mudelli interni. L-EIOPA ppruvat tiffaċilita s-sitwazzjoni bejn iż-żewġ superviżuri iżda ma setax jintlaħaq qbil. Fl-aħħar nett, il-mudell intern baqa’ operazzjonali fil-pajjiż A biss.
L-EIOPA għamlet sforz biex issaħħaħ il-konverġenza permezz ta’ proġetti ta’ konsistenza.
43Biex twettaq segwitu għal xi wħud mir-riskji u l-inkonsistenzi rikorrenti fl-approċċi superviżorji, l-EIOPA organizzat proġetti ta’ konsistenza bil-ħsieb li tindirizza ħames oqsma ewlenin (ara t-Tabella 2). Billi dawn l-oqsma kollha jistgħu jwasslu għal stima inadegwata tar-riskji tal-assiguraturi, aħna nemmnu li l-EIOPA ddefiniet l-ambitu tal-proġetti ta’ konsistenza b’mod xieraq.
| Ġew identifikati approċċi differenti bejn l-ANK rigward… | Segwiti mill-EIOPA permezz ta’… |
|---|---|
| immudellar tal-aġġustament tal-volatilità* | Proġett ta’ konsistenza |
| trattament tar-riskju sovran | Proġett ta’ konsistenza |
| aggregazzjoni tar-riskji | Għadha ma ngħatatx segwitu |
| ġudizzji esperti | Għadhom ma ngħatawx segwitu |
| bidliet fil-mudell | żjarat għand l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti |
*Inaqqas l-impatt tal-volatilità tas-suq fuq il-kapital li jrid jinżamm.
Sors: Il-QEA.
44Permezz tal-proġetti ta’ konsistenza tagħha, l-EIOPA kkonfermat li l-ANK kellhom approċċi superviżorji fundamentalment differenti fl-approvazzjoni ta’ xi metodi użati fil-mudelli interni mill-kumpaniji tal-assigurazzjoni. Il-metodi differenti kellhom impatt materjali fuq ir-riskju kumplessiv ikkalkulat mill-assiguratur, iżda l-EIOPA ma setgħetx tikkwantifikah. Inġenerali, l-EIOPA ma għandhiex data dwar l-impatt tal-mudelli interni meta mqabbel mal-formula standard, għalkemm dan ikun essenzjali għal superviżjoni adegwata.
45L-EIOPA rrappurtat fid-dettall dwar il-problemi identifikati. Għalkemm użat għodda oħra (eż. opinjonijiet) biex tiżgura l-konsistenza, l-EIOPA mhux dejjem irnexxielha tikseb dan. Pereżempju, l-EIOPA għadha tippermetti metodi differenti għall-immudellar tal-aġġustament tal-volatilità. Madankollu, hija ħtieġet li l-ANK jiżguraw li l-ebda metodu ma jirriżulta f’rekwiżiti kapitali aktar baxxi.
46L-EIOPA wettqet ukoll proġett ta’ konsistenza speċjali dwar l-immudellar tar-riskju tas-suq. Dan huwa wieħed mill-ħafna riskji vvalutati mill-mudelli interni. L-EIOPA talbet lill-assiguraturi jużaw il-mudelli interni tagħhom biex jikkalkulaw ir-riskji għal portafoll virtwali realistiku kif iddefinit minnha stess. L-eżitu ppermetta li mudelli interni differenti jitqabblu direttament għall-ewwel darba. Il-proġett żvela xi dgħufijiet fundamentali fil-mudelli interni operati fi ħdan l-UE. Pereżempju, biex jitnaqqsu r-riskji mistennija, intużaw aspettattivi dubjużi għar-rati tal-imgħax. Barra minn hekk, l-EIOPA qieset bħala inaċċettabbli l-varjazzjoni estrema tar-riskji stmati permezz ta’ mudelli interni differenti għall-istess assi.
47Aħna sibna li l-proġetti tal-EIOPA pprovdew lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti b’fehim approfondit essenzjali dwar il-mudelli interni sorveljati, u għenu fit-titjib tal-konverġenza. Madankollu, huma żvelaw li l-mudelli interni fis-settur tal-assigurazzjoni jġarrbu riskji sinifikanti u li l-għarfien dwar l-impatt tal-mudelli interni huwa insuffiċjenti.
L-EIOPA ma għandhiex aċċess suffiċjenti għad-data dwar il-mudelli interni biex twettaq sorveljanza
48F’Ġunju 2018, fiż-ŻEE kien hemm 212-il mudell intern awtorizzat minn 17-il ANK differenti (ara l-Figura 10). Minħabba n-nuqqas ta’ riżorsi tagħha, l-EIOPA ddeċidiet li tipprijoritizza billi tiffoka l-valutazzjonijiet diretti tagħha fuq il-ħames l-akbar gruppi tal-assigurazzjoni b’mudell intern. Flimkien, dawn il-gruppi rrappreżentaw 47 % tal-assi kollha koperti minn mudelli interni fiż-ŻEE. Fl-2015, l-EIOPA bdiet titlob informazzjoni kompleta dwar dawn il-mudelli mill-ANK rispettivi.
Figura 10
Ambitu tal-involviment mit-tim fil-mudelli interni tal-EIOPA
Sors: Il-QEA, data minn Ġunju 2018.
Minħabba n-nuqqas ta’ rieda mill-ANK biex jipprovdu informazzjoni, l-EIOPA ħadet approċċ proattiv permezz ta’ skambji ta’ komunikazzjoni estensivi għal aktar minn tliet snin. B’mod partikolari, l-EIOPA pprovdiet ġustifikazzjoni legali bil-miktub dwar għalfejn hija teħtieġ l-informazzjoni sabiex tissodisfa l-kompiti tagħha. L-istħarriġ tagħna juri li waħda mir-raġunijiet sottostanti għar-rifjut tal-ANK milli jipprovdu informazzjoni kienet interpretazzjonijiet diverġenti tal-mandat tal-EIOPA fil-qasam tal-mudelli interni. Kif l-istħarriġ iddikjara b’mod espliċitu, mill-inqas tnejn mill-ANK jemmnu li attwalment l-EIOPA topera lil hinn mill-mandat tagħha. Għall-kuntrarju ta’ dan, bosta ANK jixtiequ li l-EIOPA twettaq sinifikattivament aktar xogħol fuq il-mudelli interni, u jemmnu li hija ma tissodisfax il-mandat tagħha b’mod suffiċjenti f’dan il-qasam kruċjali.
50Minkejja approċċ proattiv, l-EIOPA ma rċevietx biżżejjed informazzjoni dwar l-ebda wieħed mill-ħames l-akbar mudelli interni li hija pprijoritizzat għax-xogħol tagħha. Konsegwentement, l-EIOPA ma kellhiex fehim sħiħ tal-mudelli u ma setgħetx twettaq il-valutazzjonijiet intenzjonati. In-nuqqas ta’ aċċess għall-informazzjoni impedixxa b’mod sinifikanti lill-EIOPA milli twettaq il-kompiti tagħha. Min-naħa l-oħra, fl-2016 ANK partikolari pprovdiet lill-EIOPA bl-informazzjoni kollha dwar il-mudell intern għal grupp tal-assigurazzjoni kbir. Għalkemm din kienet tkun opportunità biex jiġi vvalutat l-ewwel mudell intern, l-EIOPA ddeċidiet li ma tipprovdix appoġġ lill-ANK, filwaqt li spjegat li l-każ speċifiku ma kienx prijorità tagħha. Għaldaqstant, l-EIOPA għadha ma vvalutat l-ebda mudell intern fid-dettall.
Parti IV - L-EIOPA għamlet xogħol affidabbli biex twettaq it-test tal-istress fil-qasam tal-assigurazzjoni fl-2016, iżda aħna sibna nuqqasijiet fit-tfassil u fir-rakkomandazzjonijiet tiegħu
51Skont ir-Regolament fundatur tagħha, l-EIOPA hija responsabbli għat-twettiq ta’ testijiet tal-istress regolari fl-Unjoni kollha sabiex tivvaluta r-reżiljenza tal-istituzzjonijiet finanzjarji għall-iżviluppi avversi fis-suq. It-testijiet tal-istress imwettqa mill-EIOPA fil-qasam tal-assigurazzjoni huma mmirati lejn l-istabbiltà finanzjarja u l-protezzjoni tad-detenturi ta’ polza, u huma organizzati kull sentejn (b’mod interkambjabbli mat-test tal-istress għall-fondi tal-pensjoni). It-test tal-istress imwettaq mill-EIOPA mhuwiex eżerċizzju fejn il-parteċipanti individwali “jgħaddu jew jeħlu”, u r-riżultati tagħhom ma jikkawżawx azzjoni regolatorja speċifika. Aħna ffukajna fuq it-test tal-istress tal-2016, li vvaluta l-vulnerabbiltà tal-kumpaniji tal-assigurazzjoni li kienu attivi fin-negozju tal-assigurazzjoni tal-ħajja u negozju ieħor fit-tul. F’konformità mal-iskeda ta’ żmien inizjali tagħha, l-EIOPA niedet l-eżerċizzju f’Mejju 2016 u ppubblikat ir-riżultati fuq bażi aggregata, inklużi rakkomandazzjonijiet għall-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, f’Diċembru 2016.
L-ambitu tat-test tal-istress u r-riskji identifikati kienu xierqa, madankollu, ix-xenarji li ntużaw kellhom nuqqasijiet fil-kalibrazzjoni u l-ġustifikazzjoni
52Fit-test tal-istress tal-2016, il-kampjun kien jinkludi 236 kumpanija individwali minn 30 pajjiż7, li joffru negozju ta’ assigurazzjoni tal-ħajja kemm tradizzjonali kif ukoll imħallat (tal-ħajja u mhux tal-ħajja). L-ANK ikkampjunaw lill-kumpaniji abbażi tal-kriterji pprovduti mill-EIOPA fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi. Il-kampjun kien rappreżentattiv ta’ kull suq nazzjonali u kien ikopri mill-inqas 75 % tan-negozju rilevanti, f’konformità mas-suppożizzjonijiet tat-test tal-istress. It-test tal-istress tal-2016 twettaq fil-livell tal-entitajiet ġuridiċi (kumpaniji individwali), u għalhekk ma kienx jinkludi diversifikazzjoni potenzjali u benefiċċji ta’ riassigurazzjoni li jirriżultaw mil-livell tal-gruppi.
53Għat-test tal-istress tal-2016, l-EIOPA identifikat rati mingħajr riskju persistentement baxxi u volatilità fis-swieq tal-ekwità, bħala tħassib prinċipali għall-vijabbiltà tas-settur tal-assigurazzjoni. Dan kien f’konformità mal-valutazzjonijiet tar-riskju regolari li twettqu mill-EIOPA, mill-BERS u mill-kumpaniji tal-assigurazzjoni, kif ikkonferma l-istħarriġ tagħna (ara l-Figura 11). Il-fokus fuq ir-riskji kkunsidrati fit-test tal-istress fisser li tħallew barra fatturi oħra speċifiċi għall-assigurazzjoni (eż. il-lonġevità, il-pandemiji jew id-diżastri naturali), iżda dan kien ġustifikabbli billi kienet l-ewwel sena tal-implimentazzjoni tad-Direttiva Solvibbiltà II, li ppreżentat sfida għall-kumpaniji tal-assigurazzjoni.
Figura 11
Riskji fis-settur tal-assigurazzjoni u ambitu tat-test tal-istress
Sors: L-istħarriġ tal-QEA.
Minħabba l-fokus fuq ir-riskju tas-suq, l-għażla tan-negozju tal-assigurazzjoni fit-tul kienet xierqa. L-ambjent ta’ rendiment baxx jaffettwa lin-negozju tal-assigurazzjoni tal-ħajja partikolarment ħażin, billi dan tipikament ikollu obbligi fit-tul fil-konfront tad-detenturi ta’ polza u jsib diffikultà biex jikseb ir-rati tal-imgħax garantiti fil-passat. L-għażla li jintuża xokk fis-suq kienet rilevanti, minħabba r-rwol sinifikanti tal-assiguraturi bħala investituri istituzzjonali, u għaldaqstant l-impatt tagħhom fuq l-istabbiltà tas-suq finanzjarju fl-intier tiegħu.
55It-test tal-istress tal-2016 kien jinkludi żewġ xenarji, “Rendiment Baxx” u “Daqqa Doppja”, li rriflettew b’mod preċiż ir-riskji identifikati mill-EIOPA bħala ewlenin għas-settur tal-assigurazzjoni (ara l-Anness II għall-parametri u s-suppożizzjonijiet prinċipali). Biex toħloq ix-xenarju ta’ Rendiment Baxx, l-EIOPA użat il-kapaċitajiet proprji tagħha u għamlet suppożizzjonijiet diskrezzjonali, filwaqt li x-xenarju ta’ Daqqa Doppja ġie stabbilit f’kooperazzjoni mal-BERS, li dderiva x-xokkijiet mill-għodda ta’ simulazzjoni ta’ xokkijiet finanzjarji, filwaqt li ġew integrati dipendenzi storiċi fid-data.
Xenarju ta’ Rendiment Baxx
56Il-punt tat-tluq għal dan ix-xenarju kien kurva ta’ rendiment baxx mingħajr riskju għal maturitajiet differenti (sa 20 sena għall-euro), li l-EIOPA dderivat billi identifikat ir-rati l-aktar baxxi li fil-fatt ġew osservati fis-suq matul perjodu ta’ sentejn. Aħna nistmaw li l-probabbiltà ta’ dan l-avveniment hija ta’ mill-inqas 3 %, jew ħafna ogħla mis-soll normali ta’ 1 %8. Għalhekk, il-probabbiltà hija għolja wisq biex dan l-element waħdu jitqies bħala sever biżżejjed. It-tieni element tax-xenarju kien stress addizzjonali applikat għall-kurva ta’ rendiment (tranżizzjoni ’l isfel ta’ 15-il punt bażi - pb). Barra minn hekk, biex tikkalkula l-valur tal-obbligazzjonijiet tal-assiguraturi fuq terminu twil ħafna, l-EIOPA użat l-hekk imsejħa Rata Forward Aħħarija (UFR), stabbilita f’rata ta’ 2 % biex tirrifletti s-suppożizzjoni ta’ rendimenti dejjem aktar baxxi. Dawn l-aħħar żewġ elementi (tranżizzjoni ’l isfel ta’ 15-il pb u l-UFR) inaqqsu l-probabbiltà tax-xenarju iżda mhuwiex possibbli li jiġi stmat sa liema punt. Madankollu, il-qawwa ta’ dawn iż-żewġ elementi waħidhom kienet limitata, billi kienu pjuttost qrib is-sitwazzjoni fis-suq f’dak iż-żmien9.
57Filwaqt li l-biċċa l-kbira mill-ANK li kienu qed jipparteċipaw fl-istħarriġ qiesu li x-xenarji kienu kalibrati sew, xi wħud minnhom ikkondividew it-tħassib imsemmi qabel dwar is-severità u tax-xenarju ta’ Rendiment Baxx (ara l-Figura 12). L-EIOPA ma ppruvatx tikkwantifika l-probabbiltà tal-parti inizjali (likwida) tal-kurva, lanqas għall-finijiet ta’ analiżi interna. Hija lanqas ma pprovdiet xi ġustifikazzjoni oħra dettaljata biżżejjed għas-solidità tax-xenarju kumplessiv.
Figura 12
Fehmiet tal-parteċipanti fit-test tal-istress dwar is-severità tax-xenarju ta’ Rendiment Baxx
Sors: L-istħarriġ tal-QEA.
Il-livell tal-istress għall-muniti għajr l-euro ġie dderivat bl-użu ta’ multiplikatur preżunt tal-kurva tal-euro. Madankollu, l-EIOPA ma użatx dan il-metodu b’mod kompletament xieraq, minħabba li hija ma qisitx id-dipendenza bejn ir-rati tal-imgħax għal diversi muniti matul il-perjodu referenzjarju.
Ix-xenarju ta’ Daqqa Doppja
59Ix-xenarju ta’ Daqqa Doppja assuma rati tal-imgħax dejjem aktar baxxi u xokk fis-suq, li ġew riflessi bħala żieda rapida fir-rendimenti fuq bonds sovrani u dawk korporattivi u tnaqqis fil-prezzijiet fuq l-ekwità u klassijiet oħra tal-assi. Il-BERS stima l-probabbiltà taż-żewġ avvenimenti skattaturi prinċipali f’livell ta’ 0.50 % għax-xokkijiet fir-rata swap u f’livell ta’ 0.75 % għal xokk fir-rendiment tal-bonds tal-gvern. Ix-xenarju kien b’saħħtu biżżejjed, billi kkombina stress sever fuq in-naħa tal-assi tal-karta tal-bilanċ ma’ element ta’ xokk swap miżjud mal-istress fuq in-naħa tal-obbligazzjonijiet.
60Il-plawżibbiltà tax-xenarju ta’ Daqqa Doppja ddependa ħafna fuq is-sett ta’ data storika użata fis-simulatur ta’ xokk finanzjarju. Dan ix-xenarju kien jinkludi dipendenza bejn varjabbli ekonomiċi rilevanti differenti u kien ibbażat fuq 11-il sena ta’ data storika (2005-2015). Madankollu, anke jekk il-perjodu magħżul kopra żewġ kriżijiet reċenti, dan kien qasir wisq biex jiġġustifika livell ta’ stress li kien b’saħħtu biżżejjed għall-pajjiżi kollha fl-Ewropa (ara l-Kaxxa 5).
Kaxxa 5
Eżempju tal-fehmiet tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti dwar ix-xenarju ta’ Daqqa Doppja
“Rigward il-kalibrazzjoni tax-xenarji tas-suq, ix-xokkijiet fuq il-bonds tal-gvern ma kinux distribwiti b’mod ugwali għall-pajjiżi kollha, b’riżultat li xi pajjiżi tħallew kważi mingħajr xokk. ”
Pereżempju, il-livell ta’ stress kien aktar baxx għar-rendiment tal-bonds tal-Bulgarija fuq 10 snin (żieda ta’ 111-il pb meta mqabbel mal-linja bażi) milli għal dak tal-Belġju (116-il pb) jew tal-Kroazja (155 pb). Barra minn hekk, aħna osservajna li l-istress kien relattivament baxx għas-Slovakkja u għar-Renju Unit (b’95 pb u 94 pb rispettivament għar-rendiment tal-bonds tagħhom fuq 10 snin, meta mqabbel ma’ stress medju ta’ 121 pb). Li kieku l-kampjun storiku kien itwal (eż. 20 sena), ir-riżultati kienu jkunu aktar robusti u possibbilment jirriżultaw f’każijiet bi stress ogħla għal xi pajjiżi.
62Filwaqt li x-xenarju ta’ Daqqa Doppja ddefinixxa livelli speċifiċi ta’ stress għal xi klassijiet tal-assi miżmuma mill-kumpaniji tal-assigurazzjoni barra mit-territorju tal-UE, huwa ma applikax stress fuq l-istokks miżmuma f’dawn il-pajjiżi. L-applikazzjoni tal-istress fuq l-istokks miżmuma barra mit-territorju tal-UE hija ferm rilevanti għall-plawżibbiltà tat-test tal-istress, minħabba li moviment ’l isfel tas-suq tal-istokks fl-UE mhuwiex isolat minn swieq oħra tal-istokks fid-dinja (fi żminijiet ta’ kriżi, id-dipendenza bejn is-swieq tal-istokks titla’ għal korrelazzjoni ta’ 90 %). Għalhekk, jeħtieġ li x-xokkijiet jiġu inklużi fuq l-istokks barra mit-territorju tal-UE wkoll, minflok ma r-riskju jiġi llimitat biss għall-UE.
Ġustifikazzjoni u komunikazzjoni
63Meta jitqies li xi elementi importanti tat-test tal-istress kienu diskrezzjonali, l-EIOPA ma għamlitx biżżejjed sforz biex tiġġustifikahom b’mod trasparenti. Fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, l-EIOPA ma spjegatx b’mod ċar il-mod kif hija dderivat ix-xenarji, jew kif waslet għas-suppożizzjonijiet li fuqhom kienu bbażati. Dan ġie appoġġat minn xi wħud mill-ANK u minn rappreżentanti tal-industrija (ara l-Kaxxa 6). Għal xi wħud minn dawn tal-aħħar, lanqas ma kien ċar jekk ix-xenarji kinux jirrappreżentaw xokk li huwa simili jew aktar sever minn dak meħtieġ skont ir-reġim tad-Direttiva Solvibbiltà II. Dan wassal għal xi interpretazzjonijiet skorretti tan-natura tat-test tal-istress. L-EIOPA ma ċċaratx dan għalkollox, pereżempju billi tispjega għalfejn u kif huma differenti mir-reġim tad-Direttiva Solvibbiltà II.
Kaxxa 6
Eżempji ta’ diffikultajiet iffaċċjati mill-industrija u mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fir-rigward tal-ġustifikazzjoni għax-xenarji
“Il-kalibrazzjoni tal-istress mill-EIOPA ma kienx ċar għalina, u għalhekk ma stajniex nivvalutaw is-severità tal-istress.”
“L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ħallew spazju għal interpretazzjoni dwar xi elementi: dan fisser li r-riżultati ma setgħux jitqabblu għalkollox.”
L-EIOPA vvalidat u aggregat id-data b’mod preċiż
64Il-proċess ta’ validazzjoni tad-data għat-test tal-istress jitwettaq fi tliet stadji: wieħed fil-livell nazzjonali, imwettaq mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, u tnejn fil-livell ċentrali, imwettqa mit-tim ta’ validazzjoni, li huwa magħmul mill-persunal tal-EIOPA u tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. L-EIOPA żviluppat għodda ta’ validazzjoni fuq l-Excel biex tanalizza u taggrega d-data. Dan kien utli fil-proċess ta’ validazzjoni tad-data, billi għen fl-armonizzazzjoni tal-approċċi differenti tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. B’mod ġenerali, l-EIOPA analizzat bir-reqqa d-data li l-kumpaniji tal-assigurazzjoni kienu pprovdew u indikat b’mod ċar kull inkonsistenza, għalkemm dawk li fl-aħħar mill-aħħar ħadu d-deċiżjoni dwar l-affidabbiltà tad-data kienu l-ANK.
65Il-kontrolli li wettaqna fuq l-aggregazzjoni tad-data wrew li l-EIOPA kkalkulat b’mod preċiż ir-riżultati kumplessivi tat-test tal-istress. Madankollu, l-aggregazzjoni kienet tinkludi kumpaniji li l-portafolli tal-prodotti tagħhom – u għalhekk, il-profili tar-riskju tagħhom – kienu diversi ħafna (ara l-eżempju fil-Kaxxa 13). Din kienet karatteristika inerenti tal-kampjun, iżda qabel l-aggregazzjoni, l-EIOPA ma ppruvatx tikklassifika l-kumpaniji skont il-prodotti tagħhom, pass li jżid il-valur għall-interpretazzjoni tar-riżultati10. F’dan ir-rigward, l-EIOPA wettqet biss analiżi ex post bl-għan li tidentifika l-fatturi ewlenin wara s-sensittivitajiet differenti tal-istress.
Figura 13
Eżempju ta’ żewġ kumpaniji kkampjunati b’esponiment differenti għar-riskju
Sors: Il-QEA.
L-EIOPA ppreżentat riżultati rilevanti li wrew il-vulnerabbiltà tas-settur
66Ir-riżultati tat-test tal-istress ikkonfermaw li s-settur tal-assigurazzjoni tal-ħajja kien vulnerabbli għall-ambjent ta’ mgħax baxx u għal xokk fis-suq għal għarrieda, li jista’ jkollu impatt fuq l-istabbiltà finanzjarja fl-intier tagħha. Fix-xenarju ta’ Rendiment Baxx, l-eċċess ta’ assi fuq l-obbligazzjonijiet fil-karti tal-bilanċ tal-kumpaniji parteċipanti jonqos b’EUR 100 biljun (-18 %). Fix-xenarju ta’ Daqqa Doppja, id-daqqa kumplessiva fuq il-kumpaniji tkun tammonta għal EUR 160 biljun (-29 %). Dan fisser li 44 % tal-assiguraturi jitilfu aktar minn terz tal-eċċess ta’ assi tagħhom fuq l-obbligazzjonijiet, u 2 % jitilfu kollox. L-impatt taż-żewġ xenarji jkun sinifikattivament akbar li kieku l-hekk imsejħa garanzija fit-tul (LTG) u l-miżuri tranżizzjonali11 jiġu esklużi (fix-xenarju ta’ Daqqa Doppja, 31 % tal-kumpaniji kieku ma jżommu ebda eċċess ta’ assi fuq l-obbligazzjonijiet).
67Kumplessivament, ir-rapport dwar it-test tal-istress kien komprensiv u appoġġat minn figuri u graffs rilevanti. Rigward l-indikaturi, ir-rapport ippreżenta r-riżultati espressi bħala eċċess ta’ Assi fuq l-Obbligazzjonijiet. Madankollu, għal finijiet analitiċi jkun aktar rilevanti li jintużaw ir-rekwiżiti kapitali kif huma ddefiniti fid-Direttiva Solvibbiltà II. Dan kieku jiddimostra l-impatt reali fuq il-pożizzjonijiet ta’ solvibbiltà, u jistabbilixxi jekk ir-rekwiżiti kapitali ġewx issodisfati anke wara t-test tal-istress. Madankollu, aħna nosservaw li l-EIOPA ma kellhiex l-intenzjoni li tikkalkula dawn il-proporzjonijiet mill-ġdid, billi dan ikun teknikament diffikultuż u kumpless ħafna, u jkun jeħtieġ li l-kumpaniji tal-assigurazzjoni jipprovdu informazzjoni sinifikattivament aktar dettaljata minn dik li ntalbet minnhom fl-2016.
68Ir-riżultati tat-test tal-istress tal-2016 ġew ippubblikati biss fuq bażi aggregata biex tiġi ffurmata opinjoni dwar ir-reżiljenza tas-settur tal-assigurazzjoni tal-ħajja. Għall-kuntrarju tal-EBA, l-EIOPA ma għandhiex mandat legali speċifiku biex tippubblika r-riżultati għal kumpaniji individwali. Biex tagħmel dan, l-EIOPA trid tikseb kunsens bil-miktub mingħand il-parteċipanti, kif għamlet fit-test tal-istress tal-2018. Dan kien pass fid-direzzjoni t-tajba, meta jitqies l-għan tat-test tal-istress – jiġifieri li l-fiduċja tiġi stabbilita mill-ġdid. F’dan is-sens, it-trasparenza hija kruċjali – kemm fir-rigward tal-metodoloġija applikata fit-test tal-istress kif ukoll fir-rigward tar-riżultati tiegħu. Id-divulgazzjoni dwar kumpaniji individwali tista’ tgħin biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni dwar ir-riskji u b’hekk tissaħħaħ id-dixxiplina fis-suq.
Xi wħud mir-rakkomandazzjonijiet kienu ġenerali wisq u ma pproponewx azzjoni speċifika
69Wara t-test tal-istress, l-EIOPA għamlet tliet rakkomandazzjonijiet wiesgħa lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, li kienu jinkludu għadd ta’ miżuri li jistgħu jieħdu. Madankollu, ħafna minn dawn is-suġġerimenti kienu ġenerali ħafna fin-natura tagħhom u ma wasslux għal azzjoni speċifika mmirata lejn l-iżgurar tal-istabbiltà finanzjarja. Pereżempju, is-suġġeriment biex il-proċessi interni ta’ ġestjoni tar-riskju jiġu allinjati mar-riskju estern iffaċċjat, sempliċiment jesprimi l-għan kumplessiv ta’ kwalunkwe kumpanija għal ġestjoni tar-riskju tajjeb. Kif ikkonferma l-istħarriġ tagħna, it-twettiq ta’ eżerċizzju kumpless daqs test tal-istress ma kienx neċessarju biex isiru rakkomandazzjonijiet daqshekk ġenerali. Fl-aħħar nett, xi suġġerimenti (eż. reviżjoni tal-klawżoli ta’ garanzija jew waqfien ta’ pagamenti tal-imgħax) marru lil hinn mill-mandat ta’ xi wħud mill-ANK. Dan kien dovut għall-fatt li s-setgħat superviżorji tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti mhumiex kompletament armonizzati fl-Istati Membri, li jfisser li l-punt sa fejn ir-rakkomandazzjonijiet jistgħu jiġu applikati jista’ jvarja.
70Ftit wara li ġew ippubblikati r-riżultati tat-test tal-istress, l-EIOPA approvat pjan biex jingħata segwitu sistematiku għar-rakkomandazzjonijiet. Billi waħda mir-rakkomandazzjonijiet kienet li l-ANK janalizzaw l-impatt potenzjali tat-test tal-istress fil-livell tal-gruppi, l-EIOPA niedet stħarriġ iddedikat biex l-ANK rilevanti jkunu jistgħu jirrappurtaw dwar l-analiżi tagħhom u l-azzjoni li kienu ħadu. L-analiżi tal-punt sa fejn rakkomandazzjonijiet oħra ngħataw segwitu kienet ibbażata fuq l-informazzjoni li l-EIOPA kienet ġabret matul iż-żjarat fil-pajjiżi, il-laqgħat tal-kulleġġi u l-laqgħat mas-superviżuri tal-gruppi. F’Jannar 2018, l-EIOPA abbozzat rapport li juri li l-ANK kienu ħadu firxa ta’ miżuri ta’ segwitu biex jindirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet tagħha. Ir-rapport identifika wkoll il-prattika tajba, u analizza r-riżultati tal-istħarriġ tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti rigward l-impatt tat-test tal-istress fil-livell tal-gruppi12.
L-EIOPA organizzat it-test tal-istress b’mod strutturat, b’xi problemi fit-twaqqit u d-dokumentazzjoni
71It-twaqqit tat-test tal-istress li sar fl-2016 fil-qasam tal-assigurazzjoni kkoinċida mal-implimentazzjoni tad-Direttiva Solvibbiltà II, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2016. Sa tmiem Mejju 2016, għall-ewwel darba l-kumpaniji tal-assigurazzjoni kollha fl-UE kellhom jipprovdu pakkett ta’ rappurtar sostantiv. It-test tal-istress beda immedjatament wara (ara l-Anness III). Is-sekwenza kronoloġika tar-rappurtar skont id-Direttiva Solvibbiltà II u t-test tal-istress kienet diffiċli għall-assiguraturi f’termini ta’ volum ta’ xogħol. L-ANK ivvalidaw id-data matul perjodu ta’ sitt ġimgħat, bejn nofs Lulju u tmiem Awwissu. Fl-istħarriġ tagħna, l-ANK esprimew il-fehma li l-ħin mogħti kien xieraq, għalkemm kien ukoll diffiċli minħabba l-volum ta’ xogħol u r-riżorsi limitati tagħhom matul is-sajf. Notevolment, mhux l-ANK kollha setgħu jiddedikaw biżżejjed ħin u riżorsi għall-validazzjoni tad-data bir-reqqa.
72Matul il-proċess tat-test tal-istress, l-EIOPA kkomunikat mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u mal-kumpaniji tal-assigurazzjoni permezz ta’ għadd ta’ mezzi, li aħna nqisu bħala prattika tajba (ara l-Kaxxa 7). Minkejja li kellha bosta għodda ta’ djalogu, l-EIOPA ma kinitx ċara biżżejjed fl-ispjegazzjoni tagħha lill-parteċipanti dwar għalfejn ħtieġet ċerta informazzjoni. Fl-aħħar mill-aħħar, l-EIOPA setgħet tiġġustifika l-ħtieġa li tirċievi din id-data għal skopijiet ta’ validazzjoni. Madankollu, il-fatt li l-parteċipanti ma ngħatawx spjegazzjoni ħoloq stampa ta’ rekwiżiti tad-data eċċessivi u dettaljati bla bżonn. L-EIOPA ma kkonsultatx il-parteċipanti dwar it-tfassil tax-xenarji.
Kaxxa 7
Mezzi ta’ komunikazzjoni tal-EIOPA mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u mal-kumpaniji tal-assigurazzjoni
- Sessjoni ta’ ħidma mar-rappreżentanti tal-industrija u tal-attwarji biex jiġu diskussi l-proċess tat-test tal-istress, il-metodoloġija, id-dokumentazzjoni teknika u l-qafas tad-diversi xenarji.
- Bosta seminars online u vidjokonferenzi għall-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, li ffukaw fuq id-dokumentazzjoni teknika u l-proċeduri għall-fażi tal-validazzjoni tad-data.
- “Mistoqsijiet u Tweġibiet” (Q&A) ippubblikati kull ġimgħa, filwaqt li l-ħames u l-aħħar edizzjoni tinħareġ ġimagħtejn qabel id-data ta’ skadenza għall-preżentazzjoni. Il-mistoqsijiet u t-tweġibiet għenu biex jiġi kkjarifikat ir-rekwiżit tad-data.
L-EIOPA pprovdiet lill-kumpaniji parteċipanti b’mudell iddedikat għat-test tal-istress, li huma kellhom jimlew fi żmien seba’ ġimgħat u jibagħtuh lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Il-mudelli ġeneralment kienu faċli għall-utent, u rreplikaw sa fejn kien possibbli l-kategoriji tad-data finanzjarja użati għar-rappurtar skont id-Direttiva Solvibbiltà II. Dan żgura l-konsistenza u pprovda lill-parteċipanti b’ċarezza dwar id-data li kellhom jippreżentaw.
74Il-kumplessità tat-tabelli rriflettiet l-iskop u l-ambitu tat-test tal-istress, madankollu dan fisser li xi parteċipanti ffaċċjaw diffikultajiet fit-twettiq tal-kalkoli qabel id-data ta’ skadenza (ara l-Kaxxa 8). Għadd kbir ta’ aġġornamenti tal-materjal relatat mat-test tal-istress matul il-proċess ħolqu piż addizzjonali. L-EIOPA aġġornat l-ispeċifikazzjoni teknika tliet darbiet u l-mudell erba’ darbiet, u ppubblikat l-aħħar verżjoni ġimagħtejn biss qabel id-data ta’ skadenza għall-preżentazzjoni. Madankollu, għal kull waħda mill-erba’ bidliet għall-mudell, l-EIOPA pprovdiet “għodda għall-aġġornament” awtomatiku utli, li mela malajr il-kontenut li l-parteċipanti kienu diġà pprovdew fil-verżjoni preċedenti tal-mudell.
Kaxxa 8
Fehmiet tal-kumpaniji tal-assigurazzjoni dwar ir-rekwiżiti tad-data għat-test tal-istress
“Kellha tiġi pprovduta ħafna informazzjoni. (…) Fl-opinjoni tagħna, ċerti dettalji ma kinux meħtieġa iżda aħna ma narawx il-proċess ta’ konsolidazzjoni li twettaq.”
“Il-livell ta’ granularità mitlub kien sinifikattivament ogħla minn dak li kellna faċilment disponibbli. Inizjalment, aħna indikajna li ma konniex se nipprovdu d-dettall mitlub f’xi oqsma, iżda ntlabna nagħmlu dan anke jekk kienu meħtieġa xi approssimazzjonijiet. L-approċċ approssimattiv (…) żied ir-rekwiżit għar-riżorsi b’mod materjali, u kien irendi r-riżultati kkombinati inqas affidabbli milli mixtieqa.”
L-EIOPA introduċiet xi titjib fit-test tal-istress tal-2016, ibbażat fuq it-tagħlimiet meħuda mit-test preċedenti fl-2014. Pereżempju, hija kkondividiet għodda ta’ validazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u naqqset l-għadd ta’ aġġornamenti għall-mudell tat-test tal-istress (ara l-Anness IV). L-EIOPA ma kellhiex ippjanar kumplessiv stabbilit għall-proċess ta’ “tagħlimiet meħuda”. Il-konklużjonijiet primarjament segwew id-diskussjonijiet f’żewġ laqgħat mal-partijiet ikkonċernati, iżda l-EIOPA ma wettqitx stħarriġ għar-rappreżentanti tal-industrija u għall-awtoritajiet nazzjonali kompetenti bħalma kienet għamlet wara t-test tal-istress fl-2014.
Parti V - Il-governanza u r-riżorsi limitati tal-EIOPA joħolqu sfida għall-ilħuq tal-objettivi
76F’din il-parti tar-rapport, aħna analizzajna dawk l-aspetti proċedurali u organizzazzjonali tax-xogħol tal-EIOPA li jaffettwaw orizzontalment l-effiċjenza tal-azzjonijiet tagħha. B’mod partikolari, aħna ffukajna fuq ir-riskji relatati mad-dipendenza fuq xogħol l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u l-qafas ta’ governanza attwali, l-użu ta’ strumenti legali biex tiġi żgurata l-konformità mal-linji gwida u r-regolamenti, u l-adegwatezza tar-riżorsi tal-EIOPA.
L-effettività tax-xogħol tal-EIOPA tiddependi fuq il-kontributi tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, u l-governanza tagħha toħloq sfidi
77L-EIOPA kkooperat mill-qrib ħafna mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fl-azzjonijiet kollha koperti mill-awditu tagħna. Għalkemm din il-kooperazzjoni kienet ġeneralment pożittiva u rriflettiet il-missjoni tal-EIOPA li tappoġġa u tikkoordina x-xogħol tas-superviżuri nazzjonali, l-effiċjenza u l-effettività tax-xogħol tal-EIOPA spiss kienu jiddependu fuq il-kwalità tal-input mill-ANK u r-rieda tagħhom li jikkooperaw. Pereżempju, il-kisba ta’ qbil minn xi wħud mill-ANK sempliċiment biex jiġu organizzati żjarat fil-pajjiżi ħadet ħafna ħin. Minkejja sforzi viżibbli mill-EIOPA biex tikseb l-appoġġ tal-ANK, xi wħud minnhom qajmu dubju dwar ir-raġunament u l-ambitu taż-żjarat. B’riżultat ta’ dan, fl-aħħar mill-aħħar l-EIOPA rnexxielha żżur l-ANK kollha, iżda l-aħħar żjara seħħet tliet snin wara li kien inbeda ċ-ċiklu ta’ żjarat. Dan id-dewmien xekkel b’mod viżibbli l-effettività tal-EIOPA fl-iżgurar tal-konverġenza superviżorja. Il-kwalità u t-tempestività tal-inputs mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti iddeterminat ukoll, fil-biċċa l-kbira, jekk il-prodotti l-oħra tal-EIOPA, bħall-manwal superviżorju u l-evalwazzjonijiet bejn il-pari, setgħux jiġi prodotti fil-ħin.
78F’dak li kien jirrigwarda ż-żjarat fil-pajjiżi, ix-xogħol relatat mal-attivitajiet transkonfinali u l-mudelli interni (ara l-paragrafi 35-36 u 49), aħna sibna każijiet fejn l-EIOPA ma rċevietx l-informazzjoni kollha li kienet talbet mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. B’riżultat ta’ dan, l-EIOPA ma setgħetx twettaq xi tipi ta’ analiżi li oriġinarjament kellha l-intenzjoni li twettaq. Pereżempju, matul xi żjarat fil-pajjiżi, l-EIOPA ma setgħetx tiddiskuti mal-awtoritajiet nazzjonali l-approċċi ta’ ċerti kumpaniji għas-superviżjoni tal-ġestjoni tar-riskju, u kopriet biss il-proċeduri kumplessivi tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti f’dan ir-rigward. Minħabba n-natura tagħha, id-dipendenza fuq il-kwalità tal-inputs mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti kienet ukoll importanti ħafna fil-proċess tat-test tal-istress (ara l-Kaxxa 9).
Kaxxa 9
Dipendenza fuq l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fil-proċess tat-testijiet tal-istress
Kampjunar: Ibbażat fuq il-kriterji tal-EIOPA, l-ANK għażlu l-kumpaniji li pparteċipaw fit-test tal-istress. L-EIOPA la kellha għarfien approfondit tas-swieq kollha tal-assigurazzjoni tal-UE u lanqas ma kellha biżżejjed data biex tivverifika jekk l-ANK użawx data korretta għal skopijiet ta’ kampjunar, u għalhekk illimitat lilha nfisha għall-iċċekkjar tas-sollijiet tal-ishma fis-suq.
Validazzjoni tad-data: L-ANK jibqgħu dawk li jieħdu d-deċiżjoni finali rigward il-preċiżjoni tad-data rrappurtata. F’każ ta’ dubji dwar il-kwalità tad-data li ANK kienu pprovdew, l-EIOPA sfidat lill-ANK u talbet kjarifika addizzjonali; madankollu, fl-aħħar mill-aħħar hija ma kinitx f’pożizzjoni li tħassar id-deċiżjonijiet tagħhom (eż. billi teskludi data mill-kampjun). Għall-kuntrarju tal-EBA, l-EIOPA ma tistax titlob informazzjoni direttament mingħand il-parteċipanti fit-test tal-istress.
L-istruttura ta’ governanza attwali tal-EIOPA tagħti lill-ANK is-setgħa li jinfluwenzaw il-punt sa fejn ix-xogħol proprju tagħhom jiġi eżaminat, kif ukoll il-konklużjonijiet ta’ dan l-eżaminar. Dan huwa l-każ minħabba li l-korp deċiżjonali finali fl-EIOPA huwa l-Bord tas-Superviżuri, li jikkonsisti minn 28 rappreżentant tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u l-president tal-EIOPA (kif ukoll minn osservaturi mill-BERS, mill-EBA, mill-ESMA u mill-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles). Il-Bord tas-Superviżuri japprova d-dokumenti u l-prodotti ewlenin kollha tal-EIOPA, inklużi l-istrateġija ta’ sorveljanza (li tiddefinixxi l-prijoritajiet għal żjarat fuq il-post fl-awtoritajiet nazzjonali kompetenti), is-suġġetti u r-rapporti finali tal-evalwazzjonijiet bejn il-pari, is-suppożizzjonijiet, ix-xenarji u r-rapporti ta’ wara t-test tal-istress. Dan joħloq sfida għall-indipendenza, meta jitqies li xi wħud mill-istrumenti tal-EIOPA (notevolment żjarat fil-pajjiżi u evalwazzjonijiet bejn il-pari) huma intenzjonati li jipprovdu feedback kostruttiv iżda kritiku dwar ix-xogħol tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. It-testijiet tal-istress jistgħu jiżvelaw ukoll indirettament dgħufijiet fis-superviżjoni prudenzjali fl-Istati Membri, u jwasslu għal rakkomandazzjonijiet għall-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.
Il-proċeduri għall-użu ta’ strumenti legali huma sodi, iżda xi kultant ma jkunux trasparenti u ma jkollhomx approċċ proattiv
80Biex tiżgura li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u l-kumpaniji tal-assigurazzjoni jikkonformaw mal-linji gwida u r-rekwiżiti regolatorji tagħha, l-EIOPA tista’ tieħu azzjoni taħt il-proċeduri li jobbligaw il-konformità jew il-motivazzjoni (l-Artikolu 16 tar-Regolament dwar l-EIOPA) u l-ksur tad-dritt tal-Unjoni (l-Artikolu 17). Madankollu, l-azzjonijiet li l-EIOPA tista’ tieħu huma essenzjalment limitati għall-monitoraġġ u għar-rappurtar ta’ każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità, aktar milli għas-sanzjonar tagħhom.
81Taħt il-proċedura li tobbliga l-konformità jew il-motivazzjoni, l-ANK iridu jikkonfermaw li huma japplikaw kull waħda mill-madwar 700 linja gwida maħruġa mill-EIOPA, billi jipprovdu referenza għall-qafas legali proprju tagħhom jew jiġġustifikaw għalfejn ma għamlux dan. Fil-prattika, każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità mal-linji gwida huma rari, billi l-ANK huma involuti fl-iżvilupp tagħhom, u l-EIOPA għandha proċedura effettiva għar-reġistrazzjoni u r-rappurtar ta’ każijiet bħal dawn. Aħna sibna li l-proċedura li tobbliga l-konformità jew il-motivazzjoni hija għodda effettiva għall-monitoraġġ tal-konformità, iżda ma żguratx għalkollox trasparenza fil-konfront tal-partijiet ikkonċernati esterni u l-konsumaturi. It-tabelli ta’ konformità mtellgħin fuq is-sit web tal-EIOPA mhux dejjem kienu aġġornati, u n-natura mqassra tal-informazzjoni li kienu jinkludu, li kienet tvarja skont il-kwalità u l-komprensività tal-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, fissret li kienu ta’ użu limitat għall-pubbliku.
82L-EIOPA stabbiliet il-proċedura tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni fl-2011, u minn dak iż-żmien irreġistrat 28 ilment (li l-biċċa l-kbira minnhom l-EIOPA qieset bħala inammissibbli). L-EIOPA applikat il-proċedura tagħha għall-investigazzjoni ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni b’mod konsistenti, u l-investigazzjonijiet tagħha kienu approfonditi. Waqt l-investigazzjoni ta’ ksur allegat kif irrappurtat minn ilmentatur, l-EIOPA pprovdiet biss għadd limitat ta’ aġġornamenti dwar il-proċedura, u l-perjodi mingħajr komunikazzjoni xi kultant jistgħu jkunu twal minħabba l-kumplessità ta’ każijiet individwali. B’riżultat ta’ dan, l-ilmentaturi - inklużi l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi - ma kellhomx stampa komprensiva tal-azzjonijiet tal-EIOPA, u kultant, b’mod żbaljat, qiesu n-nuqqas ta’ komunikazzjoni bħala evidenza ta’ inattività.
83Il-proċedura tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni ma pprevedietx monitoraġġ sistematiku ta’ każijiet potenzjali. L-EIOPA mmonitorjat dawn il-każijiet b’mod informali, iżda l-każijiet li nġiebu għall-attenzjoni tagħha b’dan il-mod jiġu ttrattati f’laqgħat magħluqa tal-Bord tas-Superviżuri. Dawn tipikament ma ġewx irreġistrati fir-reġistru ta’ każijiet ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni u ma ġewx investigati kif meħtieġ. L-EIOPA adottat dan l-approċċ sabiex trawwem il-fiduċja fost l-ANK, iżda l-partijiet ikkonċernati ma ngħatawx garanzija sħiħa li l-EIOPA qed tieħu azzjoni xierqa fuq talba tagħhom. Barra minn hekk, dan l-approċċ ma kienx transparenti, billi l-partijiet ikkonċernati (bħall-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi) ma jistgħux jimmonitorjawh.
84Minħabba n-natura tal-proċess, ma kienx possibbli li aħna nivverifikaw jekk l-EIOPA niditx il-proċedura fil-każijiet kollha, kull darba li hija saret konxja ta’ ksur allegat tad-dritt tal-Unjoni (dment li dan ma ġiex irrappurtat u rreġistrat formalment). Aħna sibna każ partikolari fejn l-EIOPA identifikat nuqqasijiet serji f’deċiżjoni ta’ ANK iżda ma niditx proċedura tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni, u minflok għażlet li taġixxi bħala medjatur bejn żewġ ANK (ara l-Kaxxa 10).
Kaxxa 10
Ma ġietx applikata l-proċedura għall-Ksur tad-Dritt tal-Unjoni
Id-Direttiva Solvibbiltà II teħtieġ li s-sidien u l-maniġers tal-kumpaniji tal-assigurazzjoni jkunu kompetenti u xierqa biex iwettqu l-kompiti tagħhom. Fil-każ ta’ kumpaniji tal-assigurazzjoni partikolari, l-ANK qieset il-maniġer tagħha bħala kompetenti u xieraq minkejja li ċerta evidenza kienet tindika li l-persuna ma kinitx tissodisfa r-rekwiżiti. Il-kumpanija tal-assigurazzjoni riedet twettaq negozju transkonfinali ma’ Stat Membru ieħor, iżda l-ANK tal-pajjiż ikkonċernat kienet opposta għal dan. Għalkemm l-EIOPA aġixxiet bħala faċilitatur bejn l-ANK u stinkat biex issib soluzzjoni li tipproteġi l-konsumaturi, l-isforzi tagħha ma pproduċewx eżitu pożittiv. Minkejja t-tħassib tagħha rigward is-solidità tad-deċiżjoni tal-ANK domiċiljari, l-EIOPA ma niditx proċedura tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni kontriha. F’Ġunju 2018, l-EIOPA kienet għadha qed teżamina l-każ.
Ir-riżorsi tal-EIOPA għat-twettiq tax-xogħol superviżorju kienu limitati u ma ġewx ittrasferiti minn attivitajiet regolatorji
85Minħabba l-ambitu tar-responsabbilitajiet u l-firxa ta’ azzjonijiet fil-qasam tas-superviżjoni, l-EIOPA ħadmet b’riżorsi limitati ħafna. Fi Frar 2018, id-dipartiment inkarigat mis-sorveljanza kellu 20 membru tal-persunal, li kienu jirrappreżentaw 14 % biss tar-riżorsi umani tal-EIOPA (142 membru tal-persunal). Id-dipartiment tal-EIOPA inkarigat mis-sorveljanza huwa responsabbli għaż-żjarat lill-Awtoritajiet Nazzjonali Kompetenti, għall-koordinazzjoni ta’ evalwazzjonijiet bejn il-pari, għall-appoġġ u l-attendenza għal-laqgħat tal-kulleġġi, għall-faċilitazzjoni bejn l-Awtoritajiet Nazzjonali Kompetenti u għas-sorveljanza tal-mudelli interni. Xi membri oħra tal-persunal (li huma ekwivalenti għal erba’ FTEs) kienu ddedikati għall-iżvilupp ta’ inizjattivi tal-konverġenza superviżorja u tliet membri tal-persunal kienu qed jaħdmu fuq kompiti ta’ data u ta’ intelligence kummerċjali li jappoġġaw ix-xogħol ta’ sorveljanza.
86Il-limitazzjonijiet fir-riżorsi saru saħansitra aktar evidenti fil-livell tat-timijiet. Pereżempju, it-tim responsabbli għall-mudelli interni effettivament kellu tliet impjegati full time (wara li ttieħdu inkunsiderazzjoni assenzi twal u impenji għal kompiti oħra), meta mqabbel mal-5.25 elenkati fil-programm ta’ ħidma. Meta jitqies li t-tim ikkoopera ma’ 17-il ANK li jissorveljaw 212-il mudell intern kumplessi u kien responsabbli għal kompiti orizzontali oħra bħall-proġetti ta’ konsistenza, l-allokazzjoni effettiva tar-riżorsi ppreżentat sfida sinifikanti. Il-biċċa l-kbira mill-ANK fl-istħarriġ tagħna ħassew li l-organizzazzjoni tal-membri tal-persunal tal-EIOPA għas-sorveljanza tal-mudelli interni setgħet titjieb. Dan kien partikolarment importanti minħabba li l-ANK infushom kellhom riżorsi limitati biex jissorveljaw il-mudelli interni, b’mod partikolari minħabba d-domandi konsiderevoli tax-xogħol. Billi tipprovdi aktar appoġġ f’dan il-qasam, l-EIOPA tista’ telimina lakuna importanti fl-għarfien espert fis-sistema superviżorja tal-Ewropa.
87Wara l-implimentazzjoni tad-Direttiva Solvibbiltà II, u wara li ffinalizzat ix-xogħol tagħha dwar il-qalba tal-qafas regolatorju l-ġdid, l-EIOPA adottat strateġija ta’ trasferiment tal-fokus tagħha mir-regolamentazzjoni għas-superviżjoni. Dan kien mistenni mill-partijiet ikkonċernati wkoll, inklużi n-negozji u l-konsumaturi, jiġifieri li l-EIOPA tiffoka fuq l-iżgurar li l-qafas regolatorju komuni l-ġdid għall-assiguraturi jiġi applikat b’mod ugwali fl-UE. Madankollu, l-allokazzjoni tal-persunal ma rriflettietx din il-bidla. Bejn l-2015 u l-2017, id-dipartiment inkarigat mill-politika ċkien bi 13-il persuna, iżda d-dipartiment inkarigat mis-sorveljanza kiber b’5 biss, għalkemm dan kien appoġġat minn għadd limitat ta’ membri tal-persunal li kienu jaħdmu f’dipartimenti oħra (ara l-Figura 14).
Figura 14
Allokazzjoni tal-persunal għad-dipartimenti inkarigati mill-politika u mis-sorveljanza, 2014-2018 (f’FTEs)
* L-iżvilupp tal-funzjoni ta’ sorveljanza għall-2018, kif magħruf sa issa. Ir-reklutaġġ potenzjali ma jittiħidx inkunsiderazzjoni.
Sors: Il-QEA, ibbażat fuq dokumenti tal-EIOPA.
Billi l-postijiet fid-dipartiment inkarigat mis-sorveljanza kienu jeħtieġu għarfien speċifiku għan-negozju u esperjenza superviżorja prattika, l-EIOPA sabitha diffiċli li ssib kandidati xierqa f’bosta kampanji ta’ reklutaġġ. Fost fatturi oħra, dan kien dovut għal domanda għolja għal professjonisti fil-finanzi fis-suq tax-xogħol lokali fi Frankfurt, flimkien mal-għoli tal-ħajja. Madankollu, l-EIOPA ma għamlitx kompromessi fir-rekwiżiti tagħha, u impjegat persunal bl-esperjenza xierqa.
89Għat-test tal-istress, it-tim ċentrali kien jikkonsisti minn tliet membri tal-persunal tal-EIOPA li kienu kkwalifikati b’mod adegwat. L-allokazzjoni tal-persunal kienet xierqa meta titqies id-diviżjoni attwali tar-responsabbiltajiet, li fil-biċċa l-kbira tiddependi fuq l-input mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti (ara l-paragrafu 78). Madankollu, b’dawn ir-riżorsi, l-EIOPA ma tkunx tista’ twettaq aktar kontrolli dettaljati fuq il-preċiżjoni tad-data, jew tikkomunika direttament mal-parteċipanti tat-test tal-istress, anke jekk dan jitqies bħala utli. Barra minn hekk, l-EIOPA ma kellhiex stampa ġenerali tar-riżorsi li ntużaw mis-sħab kollha involuti (inklużi l-ANK) biex jiġi organizzat u jitwettaq it-test tal-istress. Għalhekk, l-ispejjeż kumplessivi baqgħu mhux magħrufa.
Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
90Il-konklużjoni kumplessiva tagħna hija li l-EIOPA tat kontribut tajjeb għall-appoġġ tal-kwalità tas-superviżjoni u l-istabbiltà fis-settur tal-assigurazzjoni tal-UE. Madankollu, billi għamlet dan, l-EIOPA ffaċċjat limitazzjonijiet f’termini tal-arkitettura tas-sistema ta’ superviżjoni, l-iskarsezza tar-riżorsi u, f’xi każijiet, l-appoġġ u l-kollaborazzjoni insuffiċjenti mill-Awtoritajiet Nazzjonali Kompetenti. B’riżultat ta’ dan, għad hemm ħafna x’jeħtieġ li jsir mill-EIOPA, mil-leġiżlaturi u mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti biex tinkiseb konverġenza superviżorja, jiġifieri kundizzjonijiet ekwi għan-negozji tal-assigurazzjoni li joperaw fl-Istati Membru tal-UE u għall-klijenti tagħhom.
Koordinazzjoni tax-xogħol tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti
91L-EIOPA użat firxa wiesgħa ta’ għodod, kemm kif inhu previst fir-Regolament fundatur tagħha kif ukoll fuq inizjattiva tagħha stess, biex tiżgura li l-ANK isegwu approċċ komuni meta jissorveljaw lill-kumpaniji tal-assigurazzjoni. Aħna sibna li f’dan ir-rigward, il-persunal tal-EIOPA ħejja analiżijiet approfonditi u b’bażi soda, li għamilha possibbli li l-ANK jidentifikaw dgħufijiet sinifikanti fis-superviżjoni. Id-dgħufijiet kienu jinkludu riskji għall-indipendenza istituzzjonali tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u superviżjoni mhux rigoruża biżżejjed, li ssegwi approċċ formalistiku aktar milli approċċ ibbażat fuq ir-riskju (ara l-paragrafi 14 sa 16 u 19).
92Xi wħud mill-għodod tal-EIOPA, notevolment żjarat lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u evalwazzjonijiet bejn il-pari, kienu qed ikopru kwistjonijiet relatati mas-superviżjoni b’mod komprensiv, iżda dan fisser li kellhom ambitu wiesa’ ħafna. Għalhekk, il-finalizzazzjoni tagħhom ħadet ammont konsiderevoli ta’ żmien, u l-ANK kienu jeħtieġu riżorsi sinifikanti biex iħejju għall-dawn l-attivitajiet u jipparteċipaw fihom. Iż-żjarat lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti rriżultaw ukoll f’għadd għoli ta’ rakkomandazzjonijiet mhux ipprijoritizzati (f’xi każijiet, aktar minn 30) (ara l-paragrafi 17 u 20 sa 22).
93Aħna sibna wkoll li l-EIOPA ma kellhiex arranġamenti stabbiliti biex twettaq segwitu sistematiku għar-rakkomandazzjonijiet taż-żjarat lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u lill-evalwazzjonijiet bejn il-pari. B’riżultat ta’ dan, hija ma kellhiex stampa ġenerali tal-progress fil-konverġenza superviżorja u tal-isfidi li għadhom jeżistu. Minkejja dan, l-EIOPA tabilħaqq għamlet sforz biex tiddiskuti xi problemi speċifiċi mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fuq bażi ad hoc, u tista’ tiddimostra wkoll titjib gradwali fil-prattiki li xi wħud minnhom segwew (ara l-paragrafu 18).
Rakkomandazzjoni 1 – Titjib tal-fokus fuq l-għodod superviżorji u t-twettiq ta’ segwitu tagħhom
Jenħtieġ li l-EIOPA tiffoka u tagħmel segwitu aħjar għall-għodod superviżorji tagħha. B’mod partikolari:
- Jenħtieġ li ż-żjarat fuq il-post ikunu ċċentrati fuq ftit mill-kwistjonijiet l-aktar urġenti, magħżula abbażi tal-impatt tagħhom fuq il-konverġenza superviżorja u fuq il-protezzjoni tal-konsumatur. Jenħtieġ li dawn iwasslu għal għadd iżgħar ta’ rakkomandazzjonijiet ipprijoritizzati b’mod ċar fi ħdan perjodu ta’ żmien speċifiku għall-implimentazzjoni.
- Jenħtieġ li l-EIOPA tiddefinixxi l-ambitu tal-evalwazzjonijiet bejn il-pari biex ikunu jistgħu jiffukaw fuq problema unika fil-konverġenza superviżorja u, b’mod ġenerali, ikunu jistgħu jiġu ffinalizzati fi żmien sena.
- Jenħtieġ li l-EIOPA tanalizza jekk l-ANK implimentawx b’mod effettiv kull rakkomandazzjoni maħruġa bħala parti minn proċess ta’ djalogu strutturat u evalwazzjonijiet bejn il-pari. Jenħtieġ li hija tirreġistra r-riżultati tal-analiżi tagħha sabiex ikollha stampa ġenerali tal-progress li sar u l-isfidi ffaċċjati fil-ksib ta’ konverġenza superviżorja fl-Istati Membri, u jenħtieġ li tagħmel is-sejbiet kumplessivi tagħha disponibbli għall-pubbliku.
Data mmirata: 1.1.2020.
Superviżjoni ta’ kumpaniji transkonfinali
94L-istruttura attwali għas-superviżjoni tan-negozju transkonfinali għandha dgħufijiet sistemiċi u toħloq sitwazzjoni fejn il-metodu ta’ superviżjoni jiddependi fuq il-forma ġuridika tan-negozju. L-assiguraturi, li joperaw barra mill-pajjiż permezz ta’ sussidjarji, huma suġġetti għal superviżjoni permezz ta’ kulleġġi. Madankollu, il-kumpaniji li joperaw barra mill-pajjiż, jew permezz ta’ fergħat jew inkella direttament, huma sorveljati unikament mis-superviżur mill-pajjiż ta’ oriġini (ara l-paragrafi 23 sa 26).
95Din l-istruttura għas-superviżjoni transkonfinali ħolqot inċentivi ħżiena għas-superviżuri u għall-assiguraturi. Billi xi kumpaniji mhumiex suġġetti għal superviżjoni minn kulleġġ, l-assiguraturi jieħdu vantaġġ minn livell aktar baxx ta’ superviżjoni f’ċerti Stati Membri. Is-sistema ma tfasslitx biex tissorvelja suq mifrux fl-Ewropa kollha b’mod li huwa effettiv u bbażat fuq l-interessi taċ-ċittadini tal-UE. Dan ifisser li għadu ma ntlaħaqx l-objettiv, kif stipulat fir-Rapport De Larosière, li jiġu evitati distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u arbitraġġ regolatorju b’riżultat ta’ prattiki superviżorji differenti. L-EIOPA tabilħaqq għamlet sforz biex tindirizza l-problemi riżultanti, pereżempju billi ħolqot il-pjattaformi ta’ kooperazzjoni, iżda ma kinitx f’pożizzjoni biex tegħleb id-dgħufijiet sistemiċi (ara l-paragrafi 27 sa 32).
96L-EIOPA setgħet tikkontribwixxi għax-xogħol tal-kulleġġi, minkejja riżorsi skarsi u – f’xi każijiet – kooperazzjoni limitata mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Madankollu, kien fadal ħafna problemi f’termini tal-konsistenza tas-superviżjoni transkonfinali (bħal oqfsa differenti ta’ valutazzjoni tar-riskju, nuqqas ta’ membri tal-persunal fl-Awtoritajiet Nazzjonali Kompetenti (ara l-paragrafi 33 sa 36).
Rakkomadazzjoni 2 – Tisħiħ tas-superviżjoni ta’ kumpaniji transkonfinali
Jenħtieġ li l-EIOPA:
- tikkoopera mal-Kummissjoni u mal-koleġiżlaturi biex tindirizza dgħufijiet sistemiċi fis-superviżjoni tan-negozju transkonfinali, eż. billi ttejjeb id-dispożizzjonijiet legali permezz tal-proċess ta’ rieżami tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej. B’mod partikolari, jenħtieġ li hija timmira li tiżgura livell ugwali ta’ superviżjoni għall-kumpaniji li joperaw in-negozju tagħhom fi Stat Membru ieħor, irrispettivament mill-mudell kummerċjali magħżul;
- b’mod parallel ma’ dawn l-isforzi, tkompli tipproteġi lill-konsumaturi billi taġixxi permezz ta’ pjattaformi ta’ kooperazzjoni u billi timmonitorja l-attivitajiet transkonfinali.
Data mmirata: 1.1.2019.
Superviżjoni tal-mudelli interni
97Is-superviżjoni tal-mudelli interni hija proċess kumpless ħafna li juża ħafna riżorsi, u l-livell ta’ konverġenza f’dan il-qasam għadu mhuwiex sodisfaċenti. Dan ifisser li s-superviżuri għandhom approċċi differenti għall-valutazzjoni ta’ kemm il-mudelli interni jirriflettu b’mod preċiż ir-riskji reali ffaċċjati mill-assiguraturi. Ir-riżultat jista’ jkun vantaġġi kompetittivi inġusti, kif ukoll effetti negattivi għall-konsumaturi u għall-istabbiltà finanzjarja. L-EIOPA għamlet sforzi biex tindirizza dawn il-problemi permezz ta’ proġetti ta’ konsistenza u, b’dan il-mod, tabilħaqq kisbet xi riżultati, għalkemm ma kienx hemm konverġenza effettiva tal-approċċi superviżorji. It-tentattivi tal-EIOPA biex tinvolvi lilha nfisha fl-eżaminar tal-mudelli interni ta’ kumpaniji magħżula fil-biċċa l-kbira ma rnexxewx, minħabba li l-aċċess għall-informazzjoni kien limitat. Madankollu, f’każ ieħor, l-EIOPA ntalbet tappoġġa ANK f’xogħolha fuq il-mudelli interni, iżda dan ma għamlitux, billi t-talba ma kinitx tirrifletti l-prijoritajiet tagħha (ara l-paragrafi 37 sa 50).
Rakkomandazzjoni 3 – Titjib tal-arranġamenti għas-superviżjoni tal-mudelli interni
Jenħtieġ li l-EIOPA:
- tikkoopera mal-Kummissjoni u mal-koleġiżlaturi biex tindirizza l-limitazzjonijiet fl-aċċess għall-informazzjoni rigward il-mudelli interni għall-persunal proprju tagħha u għas-superviżuri ospitanti. Jenħtieġ li l-EIOPA tipprovdi lis-superviżuri aktar informazzjoni u appoġġ dwar kif jivvalutaw u/jew jisfidaw dawk il-mudelli;
- tassisti lis-superviżuri f’dak li jirrigwarda l-awtorizzazzjoni u s-superviżjoni tal-mudelli interni kumplessi, kull meta tintalab tagħmel dan u fuq inizjattiva tagħha stess.
Data mmirata: 1.1.2019.
It-test tal-istress fil-qasam tal-assigurazzjoni
98Fl-2016, l-EIOPA wettqet it-test tal-istress fil-qasam tal-assigurazzjoni tagħha biex tivvaluta kif is-settur tal-assigurazzjoni jirreaġixxi għal żviluppi avversi fis-suq, b’mod partikolari perjodu twil ta’ rati tal-imgħax baxxi ħafna u xokk fil-prezzijiet tal-assi. Għadd ta’ kumpaniji tabilħaqq kienu vulnerabbli għal sitwazzjoni bħal din, billi s-solvibbiltà tagħhom tmur għall-agħar b’mod sinifikanti. Fil-biċċa l-kbira, l-ambitu tat-test tal-istress u l-fokus fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja u n-negozju fit-tul kienu proporzjonali meta jitqiesu l-objettivi tat-test (ara l-paragrafi 50 sa 54 u 66).
99Ix-xenarji tat-test tal-istress kienu effettivi fl-indirizzar tar-riskji prinċipali identifikati għas-settur, iżda aħna sibna xi nuqqasijiet fil-mod kif kienu kkalibrati u ġġustifikati. Għalkemm l-għan tat-test tal-istress kien li jissimula avveniment estrem, għal xenarju partikolari l-EIOPA ma setgħetx tiddimostra li dan kien sever biżżejjed. Minkejja dan, irriżulta li xi wħud mill-parametri tiegħu, li kienu bbażati fuq ġudizzju professjonali, kienu relattivament qrib ir-realtà tas-suq. Għax-xenarju l-ieħor, aħna sibna xi inkonsistenzi fil-livell ta’ xokkijiet applikati fl-Istati Membri. Għalhekk, hemm riskju li r-riżultati tat-test tal-istress ma pprovdewx stampa sħiħa tal-iżviluppi fis-settur tal-assigurazzjoni f’każ ta’ ċirkustanzi estremament avversi. Dan huwa ta’ importanza kruċjali minn perspettiva ta’ stabbiltà finanzjarja u għad-detenturi ta’ polza minħabba li, anke bis-suppożizzjonijiet li l-EIOPA adottat, irriżulta li s-settur kien vulnerabbli ħafna (ara l-paragrafi 55 sa 63).
Rakkomandazzjoni 4 – Titjib fit-tfassil tax-xenarji tat-testijiet tal-istress
L-EIOPA tista’ ttejjeb aktar ix-xenarji tat-testijiet tal-istress tagħha bil-ħsieb li tagħmilhom aktar robusti u sodi f’termini ta’ severità, plawżibbiltà u konsistenza. Dan jista’ jinkiseb billi:
- jiġu analizzati u vvalutati s-severità u l-plawżibbiltà ta’ xenarji żviluppati, eż. billi tiġi kkwantifikata l-probabbiltà tal-avvenimenti skattaturi rilevanti jew billi jintużaw metodi u/jew għodod disponibbli oħra, u billi din l-analiżi tiġi ddokumentata biex tiġi ġġustifikata s-solidità tax-xenarji; u
- ikun hemm dipendenza akbar fuq il-kapaċitajiet tal-BERS għax-xenarji tas-suq (eż. billi jiġi intensifikat l-użu tal-għodda ta’ simulazzjoni ta’ xokkijiet) u/jew fuq pariri esperti oħra (eż. billi jitlaqqa’ flimkien grupp estern ta’ esperti biex jivvalutaw ix-xenarji).
Data mmirata: Mit-test tal-istress tal-2020.
100Aħna sibna li, b’mod ġenerali, l-EIOPA vvalidat u ppreżentat ir-riżultati tat-test tal-istress b’mod preċiż. Minħabba l-vulnerabbiltà ddimostrata tas-settur, it-test tal-istress wassal biex isiru xi rakkomandazzjonijiet lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Madankollu, xi wħud mir-rakkomandazzjonijiet kienu ġenerali wisq u ma pproponewx azzjonijiet li kienu speċifiċi biżżejjed. Barra minn hekk, xi wħud mir-rakkomandazzjonijiet marru lil hinn mill-mandat ta’ ċerti ANK, li jfisser li ma kinux f’pożizzjoni li jimplimentawhom. L-EIOPA għamlet sforz biex twettaq segwitu għar-rakkomandazzjonijiet u biex tanalizza l-progress li sar (ara l-paragrafi 64 sa 65; 67 u 69 sa 70).
Rakkomadazzjoni 5 – Ħruġ ta’ rakkomandazzjonijiet aktar rilevanti lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti
Wara t-test tal-istress, fejn ikun meħtieġ, jenħtieġ li l-EIOPA toħroġ rakkomandazzjonijiet lill-ANK li jirrikjedu li huma jieħdu azzjoni li tkun kemm aktar speċifika kif ukoll aktar rilevanti għall-partijiet kollha kkonċernati. Jenħtieġ li l-EIOPA tivvaluta l-fattibbiltà tal-azzjoni rrakkomandata fuq bażi ex ante, billi tqis jekk l-ANK għandhomx il-mezzi biex japplikawha b’mod effettiv u f’waqtu.
Data mmirata: Mit-test tal-istress tal-2020.
101L-EIOPA ppubblikat ir-riżultati tat-test tal-istress tal-2016 fuq bażi aggregata biss billi, għall-kuntrarju tal-EBA, hija ma għandhiex mandat legali speċifiku biex tippubblika r-riżultati għal kumpaniji individwali. Sabiex tagħmel dan, l-EIOPA trid tikseb kunsens bil-miktub mill-parteċipanti, li hija ma kinitx lesta titlobhom fl-2016 iżda li tabilħaqq talbet għat-test tal-istress tal-2018. Aħna nqisu dan bħala pass fid-direzzjoni t-tajba, billi d-divulgazzjoni tar-riżultati ta’ kumpaniji individwali tista’ tgħin biex tiżdied it-trasparenza, tiżdied is-sensibilizzazzjoni dwar ir-riskji u b’hekk tissaħħaħ id-dixxiplina fis-suq (ara l-paragrafu 68).
Rakkomandazzjoni 6 – Promozzjoni tal-pubblikazzjoni tar-riżultati tat-testijiet tal-istress individwali
Jenħtieġ li l-EIOPA tippromwovi l-pubblikazzjoni tar-riżultati tat-testijiet tal-istress fuq bażi individwali. Biex iżżid il-fiduċja tal-parteċipanti, l-EIOPA tista’ tirreferi għat-trasparenza mtejba tal-metodoloġija tat-test tal-istress (ir-Rakkomandazzjoni 7) u għat-tfassil aktar sod tax-xenarji (ir-rakkomandazzjoni 4). Jenħtieġ li l-EIOPA tiżgura wkoll li l-mod kif jiġu ppreżentati r-riżultati individwali ma jħalli ebda lok għall-interpretazzjoni.
Data mmirata: Mit-test tal-istress tal-2020.
102B’mod ġenerali, l-EIOPA organizzat it-test tal-istress mingħajr xkiel, għalkemm it-twaqqit ippreżenta sfida kbira għall-parteċipanti. Hija użat firxa ta’ mezzi biex tikkomunika mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u mal-kumpaniji parteċipanti. Minkejja għadd kbir ta’ aġġornamenti matul il-perjodu ta’ rappurtar, il-mudelli kienu għodda prattika biex il-kumpaniji jkunu jistgħu jipprovdu d-data. Madankollu, l-EIOPA ma ġġustifikatx biżżejjed il-ħtieġa li tirċievi ċerta data, u lanqas it-tfassil tax-xenarji u s-suppożizzjonijiet sottostanti tagħhom. Dan ma kienx utli f’termini tat-trawwim ta’ fiduċja fl-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u fil-parteċipanti li l-kontribut tagħhom kien kruċjali għall-affidabbiltà tar-riżultati tat-test tal-istress. L-EIOPA ħadet tagħlimiet mit-test tal-istress tal-2014 biex ittejjeb l-organizzazzjoni tagħha fl-2016, iżda l-approċċ ma kienx sistematiku (ara l-paragrafi 71 sa 75).
Rakkomandazzjoni 7 – Żieda fit-trasparenza tal-metodoloġija tat-testijiet tal-istress
Jenħtieġ li l-metodoloġija tat-testijiet tal-istress tkun aktar trasparenti, u jenħtieġ li l-EIOPA tagħmel aktar biex tgħin lill-partijiet ikkonċernati u lill-parteċipanti jifhmuha, eż. billi:
- torganizza sessjonijiet ta’ ħidma għall-parteċipanti u għar-rappreżentanti tal-industrija qabel ma tniedi t-test tal-istress propju, sabiex tispjega t-test u x-xenarji b’aktar ċarezza u tiġbor feedback mhux vinkolanti għal test tal-istress aktar infurmat;
- tuża d-dokumentazzjoni teknika sabiex tispjega aħjar u f’aktar dettall lill-parteċipanti il-mod kif ix-xenarji (is-suppożizzjonijiet sottostanti) jiġu kkalibrati u l-ambitu tad-data meħtieġa għal dan l-għan;
- twettaq laqgħat mal-partijiet ikkonċernati wara t-test tal-istress sabiex tirċievi feedback u titgħallem minn testijiet tal-istress preċedenti b’mod sistematiku (jiġifieri bi skedi ta’ żmien, mezzi ta’ komunikazzjoni u parteċipanti speċifiċi).
Data mmirata: Mit-test tal-istress tal-2020.
Governanza u riżorsi
103Fil-biċċa l-kbira mill-attivitajiet tagħha, l-EIOPA ħadmet mill-qrib ħafna mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Madankollu, b’mod partikolari fejn kienu kkonċernati ż-żjarat fil-pajjiżi u x-xogħol fuq il-mudelli interni, f’xi każijiet hija ma rċevietx biżżejjed appoġġ mis-superviżuri nazzjonali. Billi l-aċċess għall-informazzjoni u għad-dokumenti kien ristrett, l-EIOPA ma setgħetx twettaq xi wħud mill-kontrolli u mill-analiżijiet li kienet ippjanat. Billi l-ANK għandhom ukoll rwol deċiżiv fil-korp governattiv prinċipali tal-EIOPA, huma jinsabu f’pożizzjoni li jiddeċiedu dwar l-ambitu tal-azzjoni mill-EIOPA biex teżamina l-effettività tax-xogħol tagħhom. Dan ippreżenta sfida f’termini tal-indipendenza ta’ din l-azzjoni.
104Aħna sibna li l-EIOPA kellha proċedura stabbilita sew biex twettaq segwitu għal każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità mad-dritt tal-UE, minkejja xi dgħufijiet rigward it-trasparenza lejn partijiet ikkonċernati esterni (ara l-paragrafi 76 sa 84).
105Meta titqies il-kumplessità tal-kompiti tal-EIOPA, b’mod partikolari fil-qasam tas-superviżjoni, ir-riżorsi tagħha kienu limitati ħafna. It-tim responsabbli għas-sorveljanza ta’ 212-il mudell intern kellu biss 3 impjegati full time. B’mod ġenerali, 20 membru tal-persunal biss (14 % tal-persunal kollu tal-EIOPA) jaħdmu direttament fid-dipartiment inkarigat mis-sorveljanza u hemm għadd limitat ta’ membri tal-persunal li jindirizzaw kwistjonijiet relatati mas-superviżjoni f’dipartimenti oħra. B’hekk, it-trasferiment strateġiku intenzjonat fil-fokus tal-EIOPA, mir-regolamentazzjoni għas-superviżjoni, għadu ma seħħx (ara l-paragrafi 85-89).
Rakkomandazzjoni 8 – Tisħiħ tar-riżorsi umani li huma assenjati għal kompiti superviżorji
- Jenħtieġ li l-EIOPA tiżgura gradwalment żieda sinifikanti fl-għadd ta’ membri tal-persunal li jiġu assenjati għal kompiti superviżorji u, f’dan ir-rigward, tistabbilixxi għaliha nfisha objettiv speċifiku u ġġustifikat fil-pjan ta’ ħidma annwali.
- Wara analiżi dettaljata tal-ħtiġijiet, jenħtieġ li l-EIOPA tqis ukoll li titlob riżorsi addizzjonali billi tispeċifika b’mod ċar il-kompiti li għalihom huma meħtieġa, kif ukoll l-impatt tagħhom fuq il-kwalità u l-konverġenza tas-superviżjoni u l-istabbiltà finanzjarja.
- Jenħtieġ li r-riżorsi addizzjonali jintużaw speċifikament biex jintensifikaw ix-xogħol tal-EIOPA fuq il-mudelli interni, is-superviżjoni transkonfinali u l-identifikazzjoni ta’ każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità mad-dritt tal-UE.
Data mmirata: 1.1.2020.
Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla IV, immexxija mis-Sur Neven MATES, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tat-2 ta’ Ottubru 2018.
Għall-Qorti tal-Awdituri

Klaus-Heiner LEHNE
President
Annessi
Anness I
Ħarsa ġenerali lejn ir-rakkomandazzjonijiet meħuda mill-Evalwazzjonijiet bejn il-Pari tal-EIOPA
| Suġġett tal-evalwazzjoni | Adozzjoni tar-rapport finali | Xogħol li sar | Azzjonijiet irrakkomandati mill-evalwazzjonijiet bejn il-pari |
|---|---|---|---|
| Funzjonijiet Ewlenin | Adozzjoni finali mistennija fl-2018. | L-għan ta’ din l-Evalwazzjoni bejn il-Pari huwa li jinkiseb fehim approfondit dwar kif l-ANK japplikaw il-prinċipju tal-proporzjonalità meta jissorveljaw il-funzjonijiet ewlenin tal-impriżi, filwaqt li jittieħed kont tal-implimentazzjoni tar-rekwiżiti ta’ funzjonijiet ewlenin introdotti mid-Direttiva SII. Ambitu: l-ANK kollha fl-Istati Membri taż-ŻEE Kwestjonarju ta’ awtovalutazzjoni mibgħut lill-membri tal-EIOPA u eżaminar tiegħu. Ġew organizzati żjarat fi 8 Stati Membri u saru 22 konferenza telefonika mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. |
Jenħtieġ li l-EIOPA: -tqis l-eżitu ta’ din l-evalwazzjoni bejn il-pari f’reviżjoni tal-Linji gwida dwar is-sistema ta’ governanza, speċjalment fir-rigward tal-Linja Gwida 14 rigward l-esternalizzazzjoni -fix-xogħol tagħha dwar il-Proċess ta’ Rieżami Superviżorju, tieħu inkunsiderazzjoni s-sejbiet prattiċi, l-aħjar prattiki u l-azzjonijiet irrakkomandati ta’ din l-evalwazzjoni bejn il-pari Jenħtieġ li l-ANK (magħżula): -jiżviluppaw u jimplimentaw proċeduri u kriterji superviżorji adegwati biex jivvalutaw ir-rekwiżiti ta’ governanza rigward il-funzjonijiet ewlenin f’qafas superviżorju bbażat fuq ir-riskju, skont l-Artikolu 29 tad-Direttiva Solvibbiltà II -jeħtieġu li l-impriżi kollha ta’ (ri)assigurazzjoni jkollhom stabbilita sistema effettiva ta’ governanza li tipprevedi ġestjoni soda u prudenti tan-negozju -jieħdu inkunsiderazzjoni n-natura, l-iskala u l-kumplessità meta japplikaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità inġenerali -iżidu l-proċess ta’ monitoraġġ tal-kombinamenti bejn id-detenturi tal-funzjonijiet ewlenin u l-għarfien tas-sitwazzjoni fis-suq nazzjonali, u jivvalitaw jekk il-kombinamenti tal-funzjonijiet ewlenin jissodisfawx il-kundizzjonijiet meħtieġa b’relazzjoni mal-idoneità u l-indipendenza fl-istruttura organizzazzjonali tal-impriża -jivvalutaw il-kunflitti ta’ interess fis-sitwazzjoni fejn il-funzjoni attwarja tkun qed tissodisfa l-kompiti fil-mandat tal-funzjoni tal-ġestjoni tar-riskju -joqgħodu attenti b’mod speċifiku għall-funzjoni tal-ġestjoni tar-riskju (…) -iżidu l-proċess ta’ monitoraġġ tal-kombinamenti tad-detenturi tal-funzjonijiet ewlenin u tal-kompiti operazzjonali (…) -iwettqu valutazzjonijiet tal-idoneità għad-detenturi tal-funzjonijiet ewlenin ukoll, apparti għad-detenturi tal-funzjoni attwarja -jivvalutaw ukoll l-idoneità tad-detenturi tal-funzjonijiet ewlenin wara li jkunu rċevew in-notifika tal-ħatra tad-detenturi tal-funzjonijiet ewlenin, fejn ikun jista’ jintuża approċċ ibbażat fuq ir-riskju. -jikkompletaw valutazzjonijiet tal-idoneità (u tal-kompetenza) għad-detenturi kollha tal-funzjonijiet ewlenin -jiżviluppaw u jimplimentaw proċeduri u kriterji superviżorji adegwati biex jivvalutaw ir-rekwiżiti ta’ governanza li jirrigwardaw il-funzjonijiet ewlenin (…) |
| Libertà li Jiġu Pprovduti Servizzi | 29.1.2015 | Analiżi tal-esperjenza prattika bil-libertà tas-servizzi. Kienu kkonċernati l-31 Stat Membru kollha taż-ŻEE |
Il-konklużjoni prinċipali hija l-ħtieġa li titjieb il-kooperazzjoni bejn l-ANK fl-istadji differenti tal-proċess superviżorju, b’mod partikolari rigward il-ħżin tad-data u ż-żamma ta’ rekords, l-iskambju ta’ informazzjoni fil-mument ta’ awtorizzazzjoni, l-identifikazzjoni tar-riskji u l-indirizzar tal-ilmenti. -Jenħtieġ li l-EIOPA tagħmel obbligatorju l-ġbir ta’ data rigward in-negozju miktub permezz tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u fornut minn fergħat fi Stat Membru ieħor. -L-ANK għandu jkollhom sistema ta’ ħżin tad-data li tippermetti l-estrazzjoni ta’ informazzjoni dwar l-impriżi domestiċi wara li jkunu nnotifikaw l-intenzjoni tagħhom li jwettqu attività permezz tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fi Stati Membri oħra taż-ŻEE. -Jenħtieġ li l-ANK ikollhom stabbilita sistema li tipprovdi data speċifikament aġġornata dwar l-għadd ta’ impriżi għal kull pajjiż wara li jkunu nnotifikaw l-intenzjoni tagħhom li jipprovdu servizzi fit-territorju tagħhom. -Itejbu l-ħżin tad-data rigward in-notifiki rigward il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u l-libertà tal-istabbiliment, filwaqt li jevitaw li r-reġistri jimtlew iżżejjed b’notifiki inattivi -Jenħtieġ li l-ANK jidentifikaw ir-riskji potenzjali marbuta mal-attivitajiet ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi u jiddefinixxu approċċ ta’ superviżjoni adattat għal dawk ir-riskji -Jenħtieġ li l-ANK jinvestigaw għalfejn l-awtorizzazzjoni tintalab fi Stat Membru partikolari meta jkun ippjanat li l-attività titwettaq esklussivament jew prinċipalment fi Stati Membri oħra; -Tiġi indirizzata l-problema tat-trattament ta’ lmenti fil-każ tal-libertà tas-servizzi. |
Anness II
Suppożizzjonijiet sottostanti tat-test tal-istress li sar fl-2016 fil-qasam tal-assigurazzjoni
| Xenarju ta’ Rendiment Baxx (“Low Yield”) | Xenarju ta’ Daqqa Doppja (“Double Hit”) | |
|---|---|---|
| Teknika | Ma ntużat l-ebda għodda speċjalizzata | Simulatur ta’ xokk finanzjarju |
| Riskji koperti | Riskju tas-suq: (1)Perjodu twil ta’ rati tal-imgħax baxxi. |
Riskju tas-suq: (1)Xenarju ta’ rendiment baxx simulat minn tnaqqis ta’ 4.2 % fir-rati EUR-SWAP u fir-Rata Forward Aħħarija (UFR); (2)Żieda rapida fir-rendimenti fuq il-bonds sovrani u dawk korporattivi (kemm finanzjarji kif ukoll mhux finanzjarji) u xokk (tnaqqis fil-prezz) fuq l-ekwità u fuq klassijiet oħra ta’ assi (eż. fondi ħeġġ, komoditajiet); tnaqqis fil-prezzijiet tal-proprjetà kummerċjali u residenzjali. |
| Input għax-xenarju – In-naħa tal-obbligazzjonijiet | -Kurva ta’ rendiment baxx (tnaqqis fir-rati EUR-SWAP) iġġenerata mir-rata l-aktar baxxa osservata fl-20.4.2015 (matul perjodu ta’ sentejn, 2014-2015) għal maturitajiet differenti (2, 5, 10 u 20 sena) fiż-Żona tal-Euro, -Trasferiment addizzjonali ’l isfel ta’ 15-il punt bażi, -Fatturi mnaqqsa mir-rati EUR-SWAP għal muniti oħra, -UFR f’rata ta’ 2 % (valur qrib tar-rata tas-suq, jiġifieri 1.561 % għal EUR-SWAP ta’ 50 sena fil-31.12.2015). |
-Kurva ta’ rendiment baxx (tnaqqis fir-rati EUR-SWAP) idderivata mis-simulatur, u -UFR f’rata ta’ 4.2 % (użata biex tiġi dderivata l-kurva tar-rata mingħajr riskju). |
| Input għax-xenarju – In-naħa tal-assi | L-ebda impatt dirett. | -Żieda rapida fir-rendimenti fuq il-bonds sovrani u dawk korporattivi (kemm finanzjarji kif ukoll dawk mhux finanzjarji); -xokk (tnaqqis fil-prezz) fuq il-prezzijiet tal-istokks tal-UE u fuq klassijiet oħra ta’ assi (eż. fondi ħeġġ, komoditajiet, proprjetà). |
| Natura tax-xokk | Ix-xenarji ġew idderivati bis-suppożizzjoni ta’ okkorrenza simultanja u instantanja tal-iskossi preżunti. | |
| Data storika / orizzont stabbilit | Il-punt l-aktar baxx fuq il-kurva EUR-SWAP matul sentejn, 2014-15. | 2005-2015, issettjat fuq orizzont trimestrali. |
| Probabbiltà | Probabbiltà annwali ta’ mill-inqas 3 % għall-parti likwida tal-kurva. Mhuwiex possibbli li tiġi stmata b’mod preċiż il-probabbiltà tax-xenarju intier, minħabba l-addizzjoni tal-UFR (li kienet qrib is-suq u għalhekk pjuttost probabbli). |
Billi r-rati swap u r-rendimenti tal-bonds tal-gvern (relatati mill-qrib fil-passat) imorru f’direzzjonijiet opposti, il-probabbiltà konġunta tax-xenarju hija ħafna aktar baxxa mill-probabbiltà marġinali stmata taż-żewġ avvenimenti skattaturi (0.75 % għax-xokk fuq ir-rendiment tal-bonds tal gvern, 0.5 % għax-xokkijiet fuq ir-rati swap, imkejla fuq orizzont ta’ sena). |
Anness III
Kronoloġija tat-test tal-istress tal-2016
Sors: Il-QEA, adattata mill-EIOPA.
Anness IV
Tagħlimiet meħuda mit-test tal-istress tal-2014 u mis-segwitu li twettaq fl-2016
| Problemi identifikati fit-Test tal-Istress tal-2014 | Segwitu fit-Test tal-Istress tal-2016 | |
|---|---|---|
| Kronoloġija | -Għadd u kumplessità tax-xenarji u twettiq tardiv tal-mudelli ta’ tħejjija finali -Wisq korrezzjonijiet tal-mudelli matul il-fażi ta’ kalkolu |
-Iż-żmien meħtieġ għall-kalkoli tal-industrija tnaqqas billi t-test tal-istress kellu inqas xenarji u dawn kienu sinifikattivament aktar sempliċi meta mqabbla mal-2014 -Inqas korrezzjonijiet tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi (tlieta minflok seba’ reviżjonijiet tat-test tal-istress tal-2014) |
| Assigurazzjoni tal-kwalità | -Kunsiderazzjoni tal-involviment ta’ aktar superviżjoni fuq il-post b’għarfien espert dwar il-validazzjoni -L-implimentazzjoni tal-kontrolli ta’ validazzjoni damet wisq -L-ANK jixtiequ li jkollhom l-għodod tal-EIOPA għall-iskopijiet ta’ validazzjoni proprja |
-Fl-aħħar mill-aħħar, is-superviżjoni fuq il-post tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fma ġietx applikata minħabba ż-żmien mitlub lis-superviżuri għall-ivvjaġġar sal-uffiċċji tal-EIOPA -L-EIOPA kkondiviet l-għodda ta’ validazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fit-30 ta’ Ġunju 2016 |
| Speċifikazzjonijiet tekniċi u mudelli ta’ rappurtar | -Kunsiderazzjoni ta’ investiment ta’ aktar ħin fl-abbozzar ta’ speċifikazzjoni teknika -Definizzjoni tal-inputs ewlenin fl-aħħar minuta (eż. rati mingħajr riskju) -Bosta aġġornamenti u verżjonijiet ġodda tal-mudelli u l-ispeċifikazzjonijiet -Aktar ħin fuq il-bini u l-ittestjar tal-mudelli qabel jitniedu -Żgurar taċ-ċarezza |
-Speċifikazzjonijiet tekniċi kondiviżi minn qabel mal-partijiet ikkonċernati tal-industrija -Bosta aġġornamenti (tliet verżjonijiet għall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, ħamsa għall-mudelli) -Ir-reġim tad-Direttiva Solvibbiltà II stabbilit, mudelli aktar stabbli |
| Mistoqsijiet u tweġibiet u Komunikazzjoni | -L-ebda komunikazzjoni ċara mal-industrija u mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti -Mistoqsijiet u tweġibiet: tweġibiet importanti pprovduti qrib id-data ta’ skadenza għall-preżentazzjoni, mingħajr l-ebda ħin effettiv biex il-parteċipanti jirreaġixxu -L-ebda komunikazzjoni mal-istampa u ma’ analisti oħra |
-Webinars u telekonferenzi qabel il-pubblikazzjoni -L-aħħar aġġornament għall-mistoqsijiet u t-tweġibiet ġie ppubblikat ġimagħtejn qabel id-data ta’ skadenza għall-preżentazzjoni -FAQs imħejjija u disponibbli fuq is-sit web tal-EIOPA |
Sors: Il-QEA, adattata mill-EIOPA.
Abbrevjazzjonijiet
ANK: Awtorità nazzjonali kompetenti
ASE: Awtoritajiet Superviżorji Ewropej
BERS: Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku
BoS: Bord tas-Superviżuri
EBA: Awtorità Bankarja Ewropea
EIOPA: Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol
FTE: Ekwivalenti għall-full time
IGS: Skema ta’ Garanzija tal-Assigurazzjoni
IM: Mudell intern
ORSA: Valutazzjoni Interna tar-Riskju u s-Solvenza
PB: Punt bażi
QEA: Qorti Ewropea tal-Awdituri
RKS: Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza
SESF: Sistema Ewropea ta’ Superviżjoni Finanzjarja
UFR: Rata Forward Aħħarija
ŻEE: Żona Ekonomika Ewropea
Glossarju
Awtorità Nazzjonali Kompetenti: L-ANK huma l-awtoritajiet nazzjonali f’kull Stat Membru li jingħataw is-setgħa li jissorveljaw il-kumpaniji tal-assigurazzjoni (għalhekk huma jissejħu wkoll awtoritajiet superviżorji nazzjonali). ANK li hija responsabbli għas-superviżjoni ta’ assiguratur li jkun kiseb il-liċenzja tiegħu fl-Istat Membru ta’ dik l-awtorità tissejjaħ is-superviżur mill-pajjiż ta’ oriġini. L-ANK l-oħra kollha huma superviżuri ospitanti għall-assiguratur inkwistjoni jekk dan iwettaq negozju permezz ta’ sussidjarja fl-Istati Membri rispettivi tagħhom.
Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku: Il-BERS huwa responsabbli għas-sorveljanza makroprudenzjali tas-sistema finanzjarja tal-UE, kif ukoll għall-prevenzjoni u l-mitigazzjoni ta’ riskju sistemiku. Il-BERS jimmonitorja u jivvaluta r-riskji sistemiċi u, fejn xieraq, joħroġ twissijiet u rakkomandazzjonijiet.
Formula standard: Il-formula standard hija l-approċċ awtomatiku għall-kalkolu tas-sitwazzjoni ta’ riskju ta’ assiguratur, skont id-Direttiva Solvibbiltà II. Il-formula standard hija maqsuma f’moduli tar-riskju, li jiġu aggregati u jiddeterminaw ir-rekwiżit kapitali.
Kulleġġ tas-superviżuri: Kulleġġ tas-superviżuri huwa struttura permanenti iżda flessibbli li għandha l-għan li tikkoordina u tiffaċilita t-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar is-superviżjoni ta’ grupp tal-assigurazzjoni li huwa attiv f’aktar minn Stat Membru wieħed.
Mudell intern: Mudell intern huwa approċċ avvanzat għall-kalkolu ta’ riskji li jirriżultaw minn negozju ta’ assiguratur. L-assiguraturi jistgħu jagħżlu li jużaw mudell intern biex jikkalkulaw is-sitwazzjoni kumplessiva ta’ riskju tagħhom aħjar milli bil-formula standard; is-sitwazzjoni ta’ riskju li tiġi kkalkulata mbagħad tiddetermina r-rekwiżit kapitali. Kull mudell intern irid jissodisfa bosta rekwiżiti u jiġi awtorizzat mis-superviżur(i) responsabbli.
Rata Forward Aħħarija: Il-UFR hija r-rata tal-imgħax mingħajr riskju li lejha tikkonverġi l-kurva tar-rendiment mingħajr riskju lil hinn mill-hekk imsejjaħ l-Aħħar Punt Likwidu (eż. 20 sena għall-euro). Il-UFR tintuża għal obbligazzjonijiet fuq terminu twil ħafna minħabba għadd limitat ta’ tranżazzjonijiet (likwidità insuffiċjenti) fis-suq sabiex tinkiseb il-kurva tar-rendiment.
Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza: L-RKS huwa l-ammont ta’ kapital li l-kumpaniji tal-assigurazzjoni jridu jżommu biex jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Pilastru 1 taħt ir-reġim tad-Direttiva Solvibbiltà II. Dan għandu jiżgura li l-assiguraturi jissodisfaw l-obbligi tagħhom lejn id-detenturi ta’ polza u lejn il-benefiċjarji b’livell għoli ħafna ta’ probabbiltà (99.5 %) matul perjodu ta’ 12-il xahar.
Sistema Ewropea ta’ Superviżjoni Finanzjarja: Is-SESF hija sistema ta’ superviżjoni finanzjarja mikro- u makroprudenzjali, u hija ċċentrata madwar it-tliet Awtoritajiet Superviżorji Ewropej (ASE) – l-EBA, l-EIOPA u l-ESMA, il-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS) u l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali.
Solvibbiltà II: Id-Direttiva tal-UE Solvibbiltà II daħlet fis-seħħ fl-2016 u qiegħdet ir-riskju ta’ solvibbiltà fil-qalba ta’ qafas regolatorju armonizzat għall-kumpaniji tal-assigurazzjoni. Il-qafas jagħmel ċertu eżiġenzi fuq il-kapital ekonomiku meħtieġ (il-“Pilastru 1”), il-governanza u l-ġestjoni tar-riskju (il-“Pilastru 2”) u l-istandards tar-rappurtar (il-“Pilastru 3”) tal-kumpaniji tal-assigurazzjoni kollha fl-Ewropa. L-għanijiet iddikjarati tad-Direttiva Solvibbiltà II huma li titjieb il-protezzjoni tal-konsumaturi, li tiġi mmodernizzata s-superviżjoni, li tiġi approfondita l-integrazzjoni tas-suq tal-UE permezz tal-armonizzazzjoni ta’ reġimi superviżorji, u li tiżdied il-kompetittività internazzjonali tal-assiguraturi tal-UE.
Valutazzjoni Interna tar-Riskju u s-Solvenza: ORSA hija proċess intern annwali li jitwettaq mill-assiguraturi biex jivvalutaw l-adegwatezza tal-pożizzjonijiet tagħhom ta’ ġestjoni tar-riskju u ta’ solvenza, kemm f’xenarju normali kif ukoll f’wieħed ta’ stress. ORSA tirrappreżenta valutazzjoni proprja, imwettqa mill-assiguratur, tar-riskji attwali u futuri tiegħu.
Noti finali
1 Abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol), li jistabbilixxi l-missjoni, il-kompiti u l-organizzazzjoni tal-EIOPA (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 48).
2 Għodda oħra huma fil-forma ta’ gwida bil-miktub għall-Awtoritajiet Nazzjonali Kompetenti (eż. Linji Gwida tal-EIOPA dwar il-Proċess ta’ Rieżami Superviżorju, u Opinjonijiet), involviment ieħor mal-Awtoritajiet Nazzjonali Kompetenti (eż. taħriġ u konferenzi, u analiżijiet iddedikati tal-karti tal-bilanċ imwettqa għall-Bulgarija u r-Rumanija) u kuntatti kontinwi.
3 Ir-regolamentazzjoni prudenzjali teħtieġ li d-ditti finanzjarji jikkontrollaw ir-riskji u jżommu kapital adegwat kif iddefinit mir-rekwiżiti kapitali; dan b’kuntrast mar-regolamenti dwar l-imġiba tas-suq, li jiddefinixxu r-regoli dwar kif jenħtieġ li l-kumpaniji jiddistribwixxu l-prodotti tagħhom fis-suq.
4 Ditti li japprofittaw mil-lakuni fis-sistemi regolatorji biex jevitaw ċerti tipi ta’ regolamentazzjoni (eż. jipprovdu servizzi minn post b’inqas superviżjoni).
5 F’Novembru 2008, il-Kummissjoni awtorizzat grupp ta’ livell għoli ppresedut minn Jacques de Larosière biex jagħmel rakkomandazzjonijiet dwar kif jistgħu jissaħħu l-arranġamenti superviżorji Ewropej bil-ħsieb li tiġi pprovduta protezzjoni aħjar għaċ-ċittadini u li terġa’ tinbena l-fiduċja fis-sistema finanzjarja. Fi Frar 2009, il-Grupp De Larosière ippubblika r-rapport finali tiegħu.
6 Pereżempju, fir-Rapport 46/2017, il-Qorti tal-Awdituri Awstrijaka rrappurtat li l-ANK Awstrijaka kienet użat 51 % mir-riżorsi umani kumplessivi tagħha unikament għall-awtorizzazzjoni ta’ mudelli interni.
7 L-Istati Membri kollha tal-UE u żewġ Stati Membri taż-ŻEE: in-Norveġja u l-Liechtenstein.
8 Jenħtieġ li x-xenarji tat-test tal-istress ikunu severi biżżejjed biex ikunu sinifikattivi, iżda plawżibbli biżżejjed biex jittieħdu bis-serjetà (ara M. Quagliarello, Stress Testing the Banking System: Methodologies and Applications (Ittestjar tal-Istress tas-Sistema Bankarja: Metodoloġiji u Applikazzjonijiet), Jannar 2009, Cambridge University Press). Il-prattika normali hija li ma tintgħażilx rata ta’ probabbiltà ogħla minn 1 % matul perjodu ta’ sena.
9 Il-bond ta’ 50 sena fil-31 ta’ Diċembru 2015 (jiġifieri tmiem il-kampjun) kien f’livell ta’ 1.561 %, meta mqabbel mal-UFR ta’ 2 % (sors: Bloomberg). It-tranżizzjoni ’l isfel ta’ 15 pb tal-kurva likwida ma tistax titqies bħala xokk sinifikanti meta mqabbla max-xejra ’l isfel ta’ 9 pb fid-data.
10 Il-prodotti different fil-kampjun jistgħu jaffettwaw il-karta tal-bilanċ b’mod differenti f’każ ta’ xokk.
11 L-hekk imsejħa garanzija fit-tul (LTG) u l-miżuri tranżizzjonali ġew introdotti fid-Direttiva Solvibbiltà II fl-2014 biex jiżguraw trattament tal-prodotti tal-assigurazzjoni li jinkludi garanziji fit-tul, u biex id-ditti jkunu jistgħu jipproċedu gradwalment għall-implimentazzjoni sħiħa tad-Direttiva Solvibbiltà II.
12 F’għadd limitat ta’ każijiet, l-eżitu tat-test tal-istress ta’ entitajiet individwali kellu impatt sinifikanti fil-livell tal-gruppi. Madankollu, dan jitnaqqas minħabba benefiċċji tad-diversifikazzjoni li jirriżultaw minn negozju ieħor mhux relatat mal-assigurazzjoni tal-ħajja.
1 https://eiopa.europa.eu/Publications/Surveys/ESRB%20Double%20hit%20scenario%20for%20EIOPA%202016%20insurance%20stress%20test.pdf
2 https://eiopa.europa.eu/Publications/Surveys/FAQ%20Insurance%20Stress%20Test%202016%20PublicFinalFinal.pdf
| Avveniment | Data |
|---|---|
| Il-Memorandum ta’ Ppjanar tal-Awditjar (APM) jiġi adottat / L-awditu jinbeda | 5.12.2017 |
| L-abbozz ta’ rapport jintbagħat uffiċjalment lill-EIOPA | 19.7.2018 |
| Ir-rapport finali jiġi adottat wara l-proċedura kontradittorja | 2.10.2018 |
| Ir-risposti uffiċjali tal-EIOPA jaslu bil-lingwi kollha | 26.10.2018 |
Tim tal-awditjar
Ir-rapporti speċjali tal-QEA jippreżentaw ir-riżultati tal-awditi li twettaq ta’ politiki u programmi tal-UE, jew ta’ suġġetti ta’ ġestjoni relatati ma’ oqsma speċifiċi tal-baġit. Il-QEA tagħżel u tfassal dawn il-kompiti tal-awditjar biex timmassimizza l-impatt tagħhom billi tqis ir-riskji għall-prestazzjoni jew għall-konformità, il-livell ta’ introjtu jew ta’ nfiq involut, l-iżviluppi li jkunu għad iridu jseħħu u l-interess politiku u pubbliku.
Dan ir-rapport twettaq mill-Awla IV tal-Awditjar – immexxija mis-Sur Neven Mates, Membru tal-QEA – li tiffoka fuq l-oqsma ta’ regolamentazzjoni tas-swieq u ekonomija kompetittiva. L-awditu tmexxa mis-Sur Rimantas Šadžius, Membru tal-QEA. Fit-tħejjija tar-rapport, huwa ngħata appoġġ minn Mindaugas Pakštys, Tomas Mackevičius, Aušra Maziukaitė u Niamh Carey mill-Kabinett tiegħu; Zacharias Kolias, Direttur; u Kamila Lepkowska, Kap tal-kompitu. It-tim tal-awditjar kien magħmul minn Matthias Blaas, Vasileia Kalafati, Marion Kilhoffer, Anna Ludwikowska u Josef Sevcik. Mark Smith ipprovda appoġġ lingwistiku.
Kuntatt
IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI
12, rue Alcide De Gasperi
1615 Luxembourg
LUXEMBOURG
Tel. +352 4398-1
Mistoqsijiet: eca.europa.eu/mt/Pages/ContactForm.aspx
Sit web: eca.europa.eu
Twitter: @EUAuditors
Ħafna informazzjoni addizzjonali dwar l-Unjoni Ewropea hija disponibbli fuq l-Internet.
Jista’ jsir aċċess għaliha permezz tas-server Europa (http://europa.eu).
Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2018
| ISBN 978-92-847-1232-8 | ISSN 1977-5741 | doi:10.2865/103154 | QJ-AB-18-027-MT-N | |
| HTML | ISBN 978-92-847-1223-6 | ISSN 1977-5741 | doi:10.2865/132397 | QJ-AB-18-027-MT-Q |
© L-Unjoni Ewropea, 2018
Għal kull użu jew riproduzzjoni ta’ ritratti jew materjal ieħor li ma jaqax taħt id-drittijiet tal-awtur tal-Unjoni Ewropea, irid jintalab il-permess direttament mingħand id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur.
KIF TIKKUNTATTJA LILL-UE
Personalment
Madwar l-Unjoni Ewropea kollha hemm mijiet ta’ ċentri ta’ informazzjoni tal-Europe Direct. Tista’ ssib l-indirizz tal-eqreb ċentru għalik f’dan is-sit: https://europa.eu/european-union/contact_mt
Bit-telefown jew bil-posta elettronika
Europe Direct huwa servizz li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar l-Unjoni Ewropea. Tista’ tikkuntattja dan is-servizz:
- bit-telefown bla ħlas: 00 800 6 7 8 9 10 11 (ċerti operaturi jafu jimponu ħlas għal dawn it-telefonati),
- fuq dan in-numru standard: +32 22999696, jew
- bil-posta elettronika permezz: https://europa.eu/european-union/contact_mt
KIF ISSIB TAGĦRIF DWAR L-UE
Onlajn
L-informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE hija disponibbli fuq is-sit web Europa fuq: https://europa.eu/european-union/contact_mt
Pubblikazzjonijiet tal-UE
Tista’ tniżżel mill-internet jew tordna l-pubblikazzjonijiet tal-UE, li xi wħud minnhom huma bla ħlas u xi oħrajn bil-ħlas, mill-EU Bookshop fl-indirizz li ġej: https://op.europa.eu/mt/publications. Kopji multipli ta’ pubblikazzjonijiet bla ħlas tista’ tiksibhom billi tikkuntattja lil Europe Direct jew liċ-ċentru tal-informazzjoni lokali tiegħek (ara https://europa.eu/european-union/contact_mt).
Il-liġi tal-UE u dokumenti relatati
Għal aċċess għall-informazzjoni legali tal-UE, inkluż il-liġijiet kollha tal-UE mill-1951 ’l hawn, fil-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali kollha, żur is-sit EUR-Lex hawnhekk: http://eur-lex.europa.eu
Dejta Miftuħa mill-UE
Il-portal tad-Dejta Miftuħa mill-UE (http://data.europa.eu/euodp) jipprovdi aċċess għal settijiet tad-dejta mill-UE. Id-dejta tista’ titniżżel mill-internet u tintuża mill-ġdid bla ħlas, kemm għal skopijiet kummerċjali kif ukoll mhux kummerċjali.
