Rapport Speċjali
Nru23 2019

Stabbilizzazzjoni tal-introjtu tal-bdiewa: sett komprensiv ta’ għodod, iżda l-istrumenti ftit li xejn jintużaw u jeħtieġ li jiġi indirizzat il-kumpens eċċessiv

Dwar ir-rapport: Ir-riskju fis-settur agrikolu huwa inerenti, u għaldaqstant jeħtieġ li l-bdiewa jiżviluppaw strateġiji biex jindirizzaw it-telf li jirriżulta minn avvenimenti klimatiċi jew minn mard tal-pjanti u tal-annimali, kif ukoll il-volatilità tal-prezzijiet. Il-politika agrikola komuni (PAK) tinkludi strumenti li jappoġġaw il-ġestjoni tar-riskju mwettqa mill-bdiewa u li jirrispondu għall-kriżijiet. Il-proposti reċenti għal riforma tal-PAK għandhom l-għani li jżidu l-fokus fuq il-ġestjoni tar-riskji.
Aħna sibna li l-PAK toffri firxa komprensiva ta’ strumenti preventivi li jżidu r-reżiljenza tal-bdiewa, iżda l-impatt ta’ dawn fuq l-imġiba tal-bdiewa huwa limitat. Għadu ma jsirx ħafna użu mill-appoġġ li jingħata mill-UE għall-assigurazzjoni u minn dan l-appoġġ ibbenefikaw biss frazzjoni mill-bdiewa. Ma ntuża l-ebda kriterju speċifiku biex jittieħed inkunsiderazzjoni l-użu ta’ miżuri eċċezzjonali b’segwitu għall-projbizzjoni Russa. Aħna sibna wkoll li l-appoġġ li jingħata mill-UE għall-irtirar ta’ prodotti għad-distribuzzjoni mingħajr ħlas jiswa ħafna flus u dan wassal għal xi każijiet ta’ kumpens eċċessiv.
Aħna nagħmlu rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni, bl-għan li l-bdiewa jiġu mħeġġa biex iħejju aħjar għall-kriżijiet, jiġi mfassal u mmonitorjat l-appoġġ għall-assigurazzjoni, jiġu kkjarifikati l-kriterji għall-iskattar u għat-temma tal-miżuri eċċezzjonali, u jiġi aġġustat il-kumpens għall-operazzjonijiet ta’ rtirar.
Rapport speċjali tal-QEA skont l-Artikolu 287(4), it-tieni subparagrafu, TFUE.

Din il-pubblikazzjoni hija disponibbli bi 23 lingwa fil-format li ġej:
PDF
PDF General Report

Sommarju eżekuttiv

I

Kif ġie osservat mill-Kummissjoni Ewropea, ir-riskju fis-settur agrikolu huwa inerenti, u jeħtieġ li l-bdiewa jiżviluppaw strateġiji biex jindirizzaw it-telf tal-produzzjoni (pereżempju li jirriżulta minn avvenimenti klimatiċi jew minn mard tal-pjanti u tal-annimali) u l-volatilità tal-prezzijiet. Il-politika agrikola komuni (PAK) tinkludi strumenti li jappoġġaw il-ġestjoni tar-riskju mwettqa mill-bdiewa u li jirrispondu għall-kriżijiet. Il-proposti reċenti għal riforma tal-PAK għandhom l-ambizzjoni li jiżdied il-fokus fuq il-ġestjoni tar-riskji.

II

Aħna eżaminajna l-kompletezza u l-koerenza tal-istrumenti tal-UE li hemm offruti għall-prevenzjoni u l-ġestjoni tar-riskji u tal-kriżijiet. Aħna analizzajna jekk l-għodod għall-ġestjoni tar-riskji u tal-kriżijiet kinux ġew implimentati b’mod effiċjenti u jekk kinux qed jiksbu riżultati. Aħna ffukajna fuq il-mod kif il-bdiewa użaw l-appoġġ li jingħata mill-UE għall-assigurazzjoni u l-miżuri eċċezzjonali li ġew skattati għas-settur tal-frott u l-ħxejjex b’segwitu għall-projbizzjoni fl-2014 mill-Gvern tal-Federazzjoni Russa fuq xi importazzjonijiet mill-UE (il-“projbizzjoni Russa”). B’mod ġenerali, aħna sibna li l-istrumenti tal-UE għall-ġestjoni tar-riskji fl-agrikoltura u l-miżuri ta’ kriżi laħqu parzjalment l-objettivi tagħhom, għalkemm mhux dejjem b’mod effiċjenti.

III

Aħna sibna li l-PAK toffri firxa komprensiva ta’ strumenti biex ir-reżiljenza tal-bdiewa tiżdied. Il-pagamenti diretti (EUR 41 biljun fis-sena) għandhom impatt sinifikanti fuq l-istabbilizzazzjoni tal-introjtu għal ċerti bdiewa. Il-PAK tinkludi strumenti preventivi li jgħinu lill-bdiewa biex jirrinforzaw ir-reżiljenza tagħhom, iżda l-evidenza tindika li l-impatt ta’ dawn fuq l-imġiba tal-bdiewa huwa limitat.

IV

Il-mod kif il-miżuri ex post intużaw biex jirrispondu għal ċerti riskji klimatiċi estremi jista’ ma jkunx allinjat mal-istrateġija li tappoġġa użu akbar ta’ strumenti bħalma hija l-assigurazzjoni. Hemm xi trikkib bejn strumenti differenti tal-UE li jappoġġaw l-assigurazzjoni tal-ħsad.

V

Għadu ma jsirx ħafna użu mill-appoġġ li jingħata mill-UE għall-assigurazzjoni u minn dan l-appoġġ ibbenefikaw biss frazzjoni mill-bdiewa. Il-biċċa l-kbira mill-bdiewa li jużaw l-assigurazzjoni jagħmlu dan mingħajr l-appoġġ tal-UE, u dan iqajjem dubji dwar il-valur miżjud ta’ dan l-appoġġ. Aħna sibna li l-Kummissjoni ma tiġborx informazzjoni rilevanti biex timmonitorja l-użu li jsir minn strumenti għall-ġestjoni tar-riskji. Proporzjon għoli ta’ appoġġ li jingħata mill-UE għall-assigurazzjoni jintuża fis-settur tal-inbid fiż-żewġ Stati Membri li fihom dan l-appoġġ jintuża l-aktar. Dan huwa assoċjat ma’ riskju ta’ deadweight. Il-bdiewa assigurati jista’ jkollhom inqas inċentiv biex japplikaw strateġija kummerċjali aktar reżiljenti jew biex jadattaw għal kundizzjonijiet klimatiċi ġodda.

VI

Rigward il-miżuri eċċezzjonali li ġew skattati b’segwitu għall-projbizzjoni Russa, aħna sibna li ma kien intuża l-ebda kriterju speċifiku biex jittieħed inkunsiderazzjoni l-użu ta’ din il-miżura, u li l-livell ta’ appoġġ kien prinċipalment ibbażat fuq it-telf tas-suq Russu, mingħajr ma ttieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li sat-tielet sena tal-projbizzjoni kienu jeżistu alternattivi disponibbli. Dawn il-miżuri damu erba’ snin u ntużaw ukoll biex jiġu indirizzati problemi sottostanti tas-surplus strutturali għal ċertu frott, minflok ma ġew iġġustifikati miċ-ċirkustanzi eċċezzjonali ddikjarati fir-regolament.

VII

Aħna sibna li l-appoġġ li jingħata mill-UE għas-suq tat-tuffieħ kien jaqbeż il-medja tal-prezzijiet rilevanti tas-suq. L-irtirar ta’ ħawħ u nuċiprisk biex jiġu pproċessati kien jinvolvi ħafna spejjeż għall-UE, u l-biċċa l-kbira mill-meraq spiċċa għand l-industriji tal-ipproċessar bħala kontribuzzjoni in natura. Fl-aħħar nett, aħna ma stajniex nikkonfermaw li l-prodotti rtirati mis-suq kienu fil-fatt tneħħew, jew minħabba nuqqas ta’ traċċabbiltà jew inkella minħabba li dawn il-prodotti daħlu lura fis-suq f’forma differenti, pereżempju ġew ipproċessati f’meraq.

VIII

Ir-rakkomandazzjonijiet li għamilna lill-Kummissjoni jkopru: it-tħeġġiġ tal-bdiewa biex iħejju aħjar għall-kriżijiet, it-tfassil u l-monitoraġġ tal-appoġġ għall-assigurazzjoni, il-kriterji għar-rikors ta’ miżuri eċċezzjonali, u l-kumpens għall-operazzjonijiet ta’ rtirar.

Introduzzjoni

Ir-riskju fis-settur agrikolu huwa inerenti

01

Kif ġie osservat mill-Kummissjoni Ewropea, ir-riskju fis-settur agrikolu huwa inerenti, u jeħtieġ li l-bdiewa jiżviluppaw strateġiji biex jindirizzaw it-telf tal-produzzjoni (pereżempju li jirriżulta minn avvenimenti klimatiċi jew minn mard tal-pjanti u tal-annimali) u l-volatilità tal-prezzijiet (pereżempju li tirriżulta minn riskji ġeopolitiċi). Il-politika agrikola komuni (PAK) tinkludi mekkaniżmi li jappoġġaw il-ġestjoni tar-riskju mwettqa mill-bdiewa u li jirrispondu għall-kriżijiet. Il-proposti reċenti għal riforma tal-PAK għandhom l-ambizzjoni li jiżdied il-fokus fuq il-ġestjoni tar-riskji.

02

L-attivitajiet agrikoli għandhom rabta qawwija mal-klima. Il-kundizzjonijiet tat-temp jistgħu jew itejbu jew inkella jfixklu l-produzzjoni. Skont l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, hemm il-periklu li jiżdied it-telf tal-għelejjel fl-UE b’riżultat tal-kundizzjonijiet estremi tat-temp1. Il-Figura 1 turi l-avvenimenti estremi tat-temp, bħal xita eċċessiva, mewġiet ta’ sħana u nixfiet, li laqtu lill-UE fis-sajf tal-2018. Reċentement, il-QEA rrappurtat dwar ir-riskji kemm tal-għargħar2 kif ukoll tad-deżertifikazzjoni3.

Figura 1

Oqsma ta’ tħassib: avvenimenti estremi tat-temp

Sors: JRC MARS Bulletin, Awwissu 2018.

03

Il-konsegwenzi tal-mard tal-pjanti u tal-annimali huma fatturi tar-riskji oħra li jaffettwaw il-produzzjoni agrikola. Fi snin reċenti, it-tifqigħat ta’ dan it-tip kienu frekwenti, parzjalment b’riżultat taż-żieda fil-kummerċ u fil-moviment tal-bniedem (li t-tnejn li huma jwasslu għal riskju akbar ta’ patoġeni ġodda).

04

Il-mod kif jiġu indirizzati riskji bħalma huma t-telf tal-produzzjoni u l-volatilità tal-prezzijiet jiddependi mill-frekwenza u l-impatt tagħhom. Fl-analiżi tagħha, il-Kummissjoni tirreferi għal klassifikazzjoni tar-riskji li ġiet żviluppata mill-organizzazzjoni għall-kooperazzjoni u l-iżvilupp ekonomiċi (OECD), u li tistipula l-każijiet fejn jenħtieġ li r-riskji jiġu ffaċċjati mill-bdiewa waħedhom, pereżempju permezz ta’ mekkaniżmi ta’ assigurazzjoni, u fejn jenħtieġ li jiġu indirizzati permezz tal-intervent pubbliku (ara l-Figura 2).

Figura 2 

Kategoriji differenti ta’ riskji li l-azjendi agrikoli jiffaċċjaw u strumenti relatati

Il-fruntieri huma fluwidi minħabba li l-istrumenti li jindirizzaw kategoriji differenti ta’ riskji jinfluwenzaw dawk ta’ xulxin:
Strateġija tajba “fil-livell tal-azjenda agrikola” tnaqqas l-esponiment għal riskju kummerċjabbli u katastrofiku.
L-aspettattivi ta’ intervent pubbliku ex post qawwi jnaqqsu l-inċentiv biex tiġi żviluppata strateġija għall-azjenda agrikola jew għodod għas-suq.

Nota: l-allokazzjoni tal-istrumenti għal livelli differenti ta’ riskji hija indikattiva, billi dawn jista’ jkollhom rwol anki għal livelli oħra

Sors: Il-QEA, ibbażat fuq informazzjoni mid-DĠ AGRI u fuq il-klassifikazzjoni tar-riskji żviluppata mill-OECD.

05

Fil-livell tal-azjenda agrikola, il-bdiewa jistgħu jużaw strateġiji differenti biex inaqqsu l-esponiment tagħhom għal riskji. Il-biċċa l-kbira minn dawn l-istrateġiji jistgħu jitqiesu bħala li huma preventivi. Il-bdiewa jistgħu jiddiversifikaw il-produzzjoni agrikola tagħhom jew is-sorsi tal-introjtu tagħhom biex jifirxu r-riskju ta’ telf f’waħda mill-attivitajiet agrikoli tagħhom. Huma jistgħu jadottaw ukoll prattiki fil-livell tal-azjenda agrikola bħall-użu ta’ għelejjel/annimali aktar reżiljenti, miżuri ta’ sanità rinfurzati, prattiki agrikoli adattati lokalment u investimenti preventivi xierqa (pereżempju, xbieki kontra s-silġ jew irrigazzjoni sostenibbli). Huma jistgħu jikkomplementaw dawn il-prattiki bl-użu ta’ għodod privati/pubbliċi, bħall-assigurazzjoni u l-fondi mutwi.

L-użu tal-PAK għat-trawwim ta’ settur agrikolu reżiljenti

06

L-appoġġ li jingħata mill-baġit tal-UE għall-agrikoltura fl-UE jiġi mmaniġġjat taħt il-PAK. Fil-komunikazzjoni tagħha dwar “Il-Ġejjieni tal-Ikel u tal-Biedja” (2017)4, il-Kummissjoni ddikjarat l-ambizzjoni tagħha li “jiġi żviluppat aktar approċċ integrat u koerenti għall-prevenzjoni, il-ġestjoni u r-reżiljenza tar-riskji, li b’mod komplementari tħallat l-interventi fil-livell tal-UE mal-istrateġiji tal-Istati Membri u l-istrumenti tas-settur privat li jindirizzaw l-istabbiltà fid-dħul u r-riskji klimatiċi”.

07

Il-PAK attwali u l-proposti leġiżlattivi għall-PAK ta’ wara l-2020 għandhom l-għan li jagħmlu l-agrikoltura Ewropea aktar reżiljenti (ara l-eżempji fil-Figura 3) prinċipalment billi jirrinforzaw ir-robustezza (il-kapaċità tal-bdiewa li jirreżistu għal tfixkil estern u li jżommu l-livelli eżistenti ta’ funzjonalità) u, sa ċertu punt inqas, billi jirrinfurzaw l-adattabbiltà (il-kapaċità li jirrispondu għal ċirkustanzi esterni li jkunu qed jinbidlu)5.

Figura 3 

L-objettivi l-ġodda tal-PAK relatati mar-rinfurzar tar-reżiljenza tal-bdiewa

Sors: Il-QEA, ibbażat fuq il-Proposta l-ġdida dwar il-PAK (COM(2018) 392).

08

Taħt il-PAK, l-UE tipprovdi appoġġ lil strumenti taħt kull kategorija tar-riskju. It-Tabella 1 turi l-appoġġ li jingħata mill-UE għall-għodod għall-ġestjoni tar-riskji (l-appoġġ għall-primjums tal-assigurazzjoni u l-fondi mutwi) u għall-miżuri eċċezzjonali, u kif dawn jiġu ffinanzjati mill-baġit tal-UE. Din it-tabella ma tinkludix l-appoġġ ġeneralizzat bħalma huma l-pagamenti diretti lill-bdiewa, li wkoll għandu rwol importanti fil-mod kif ir-riskju jiġi mmaniġġjat fil-livell tal-azjenda agrikola.

09

L-appoġġ mill-PAK jiġi ffinanzjat taħt żewġ pilastri. Taħt il-Pilastru I, l-UE tiffinanzja miżuri tas-suq, miżuri ta’ ġestjoni tar-riskji u ta’ prevenzjoni tal-kriżijiet għal xi setturi (tal-inbid u dak tal-frott u l-ħxejjex), u miżuri eċċezzjonali. Taħt il-Pilastru II, l-UE tagħti lill-Istati Membri l-possibbiltà li jappoġġaw tliet strumenti għall-ġestjoni tar-riskji (M17): l-assigurazzjoni (M17.1), il-fond mutwu (M17.2) u l-għodod ta’ stabbilizzazzjoni tal-introjtu (M17.3). Fis-7 ta’ Awwissu 2014, il-Gvern Russu pprojbixxa l-importazzjonijiet ta’ prodotti, inklużi l-frott u l-ħxejjex, minn għadd ta’ pajjiżi, inklużi l-Istati Membri tal-UE. Ġew skattati miżuri eċċezzjonali kontra t-tfixkil fis-suq għas-settur tal-bhejjem (inklużi l-ħalib u l-prodotti tal-ħalib) u għas-settur tal-frott u l-ħxejjex b’segwitu għall-projbizzjoni Russa. Ġew attivati miżuri eċċezzjonali b’segwitu għat-tifqigħat tad-Deni Afrikan tal-Ħnieżer u tal-influwenza avjarja, u biex jiġu riżolti problemi speċifiċi bħall-għargħar fil-pajjiżi Baltiċi.

Tabella 1 

Infiq tal-UE għal strumenti għall-ġestjoni tar-riskji u għal miżuri eċċezzjonali koperti minn dan l-awditu

Pilastru II Pilastru I
Għodod għall-ġestjoni tar-riskji Miżuri eċċezzjonali

Miżuri
Appoġġ li jingħata għall-għodod għall-ġestjoni tar-riskji (M17)
2015-2018
Appoġġ li jingħata għall-primjums tal-assigurazzjoni (is-settur tal-inbid u dak tal-frott u l-ħxejjex)
2015-2018
Miżuri kontra t-tfixkil fis-suq
2014-2018
Miżuri ta’ appoġġ għas-suq relatati ma’ mard tal-annimali minħabba riskji għas-saħħa tal-pubbliku, tal-annimali jew tal-pjanti
2014-2018
Miżuri għal riżoluzzjoni ta’ problemi speċifiċi
2017-2018
Infiq tal-UE (f’miljun EUR) 682 174 1 454 51 24

Sors: Data tal-Kummissjoni.

10

Fil-livell nazzjonali, l-Istati Membri fasslu strateġiji differenti għall-ġestjoni tar-riskji u tal-kriżijiet fis-settur agrikolu. Seba’ Stati Membri jiffinanzjaw is-sistemi nazzjonali proprji tagħhom ta’ appoġġ għall-assigurazzjoni (l-Awstrija, il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, Spanja, il-Lussemburgu, il-Polonja u s-Slovenja). L-Istati Membri kollha jipprovdu appoġġ ex post b’segwitu għal avvenimenti katastrofiċi. Pereżempju, b’rispons għan-nixfa tal-2018, il-Ġermanja, Franza, il-Polonja u l-Iżvezja kkumpensaw lill-bdiewa tagħhom minn fondi nazzjonali.

Ambitu u approċċ tal-awditjar

11

Fid-dawl tad-dikjarazzjoni li l-Kummissjoni għamlet fl-2017 dwar l-ambizzjoni tagħha li żżid il-kapaċità tal-bdiewa f’dak li jirrigwarda l-ġestjoni tar-riskji, aħna analizzajna l-istrumenti stabbiliti għall-ġestjoni tar-riskji u tal-kriżijiet. Fil-kuntest taż-żieda fir-riskji ta’ kriżijiet minħabba t-temp estrem, il-mard tal-annimali u tal-pjanti, u l-volatilità tal-prezzijiet, l-analiżi tagħna għandha l-għan li tikkontribwixxi biex isir użu aħjar mill-appoġġ li jingħata mill-UE għat-titjib tal-kapaċità tal-bdiewa f’dak li jirrigwarda l-ġestjoni tar-riskji.

12

Aħna eżaminajna l-kompletezza u l-koerenza tas-sett ta’ għodod tal-UE għall-prevenzjoni u l-ġestjoni tar-riskji u tal-kriżijiet, u analizzajna jekk dawn l-għodod kinux ġew implimentati b’mod effiċjenti u jekk kinux qed jiksbu riżultati. Meta eżaminajna l-għodod għall-ġestjoni tar-riskji, aħna ffukajna fuq l-appoġġ li jingħata mill-UE għall-primjums tal-assigurazzjoni. Aħna ffukajna wkoll fuq l-użu li jsir mill-miżuri eċċezzjonali fis-settur tal-frott u l-ħxejjex b’segwitu għall-“projbizzjoni Russa”. Aħna ma eżaminajniex il-miżuri eċċezzjonali li ġew skattati għas-settur tal-laħam u għal dak tal-ħalib.

13

Il-mistoqsija prinċipali tal-awditjar kienet “Il-miżuri tal-UE għall-ġestjoni tar-riskji u għall-indirizzar tal-kriżijiet laħqu l-objettiv tagħhom b’mod effiċjenti?” Tliet sottomistoqsijiet għenu biex tingħata tweġiba għal din il-mistoqsija:

  • Is-sett ta’ għodod tal-UE li hemm offrut għall-prevenzjoni u l-ġestjoni tar-riskji u tal-kriżijiet huwa komplet u koerenti?
  • L-istrumenti tal-UE għall-ġestjoni tar-riskji laħqu l-objettivi tagħhom b’mod effiċjenti?
  • Il-miżuri eċċezzjonali tal-UE għas-settur tal-frott u l-ħxejjex laħqu l-objettivi tagħhom b’mod effiċjenti?
14

L-awditu tagħna kopra miżuri li ttieħdu fil-perjodu mill-2014 sal-2018. Aħna ġbarna evidenza għall-awditjar permezz ta’:

  • analiżijiet ta’ data u d-dokumenti u/jew intervisti mal-persunal minn tliet direttorati ġenerali tal-Kummissjoni (AGRI, SANTE, ESTAT); u mal-persunal speċjalizzat tal-OECD;
  • żjarat f’erba’ Stati Membri li ntgħażlu biex jiġi kopert l-użu li jsir mill-appoġġ għall-assigurazzjoni (l-Italja, Franza u l-Ġermanja) u mill-miżuri eċċezzjonali (il-Polonja, l-Italja u Franza);
  • f’dawn l-Istati Membri, aħna ltqajna ma’ awtoritajiet nazzjonali, kumpaniji tal-assigurazzjoni, federazzjonijiet tal-assigurazzjoni, kumpaniji tar-riassigurazzjoni, assoċjazzjonijiet u unions tal-bdiewa, kif ukoll għaqdiet tal-karità;
  • l-eżaminar ta’ 80 fajl tal-benefiċjarji (li ntbagħtu mill-awtoritajiet nazzjonali) li jkopru l-għodod għall-ġestjoni tar-riskji u l-miżuri eċċezzjonali, kif ukoll żjarat fuq il-post lil 16-il benefiċjarju (fi Franza, il-Polonja, il-Ġermanja, l-Italja u l-Greċja). Il-Greċja ġiet miżjuda mal-kampjun tagħna minħabba tranżazzjoni li ġiet analizzata fil-kuntest tal-awditjar li wettaqna fir-rigward tal-legalità u r-regolarità (rapport annwali);
  • intervisti ma’ 105 bdiewa minn 17-il Stat Membru dwar l-istrateġija tagħhom għall-ġestjoni tar-riskji (ara l-Anness);
  • stħarriġ ikkompletat mill-awtoritajiet nazzjonali fl-Istati Membri kollha dwar l-istrateġiji nazzjonali tagħhom għall-ġestjoni tar-riskji u tal-kriżijiet fis-settur agrikolu.

Osservazzjonijiet

L-UE tappoġġa firxa wiesgħa ta’ miżuri għat-titjib tar-reżiljenza tal-bdiewa

15

Din it-taqsima tivvaluta jekk is-sett ta’ għodod għall-prevenzjoni u l-ġestjoni tar-riskji u tal-kriżijiet jiffurmax pakkett komplet u koerenti. Aħna eżaminajna jekk it-tfassil ġenerali tas-sistema jgħinx biex tiżdied b’mod effettiv ir-reżiljenza tal-bdiewa għar-riskji u għall-kriżijiet li huma jistgħu jiffaċċjaw.

L-istrumenti tal-UE jindirizzaw it-tipi kollha ta’ riskji li l-bdiewa jiffaċċjaw, u l-pagamenti diretti għandhom rwol importanti f’dan ir-rigward

16

Il-PAK fiha ħafna mekkaniżmi li jindirizzaw ir-riskji li jaffettwaw lill-bdiewa (għalkemm mhux kollha huma disponibbli għall-bdiewa kollha). Il-pagamenti diretti jnaqqsu l-varjazzjoni fl-introjtu għall-biċċa l-kbira mill-bdiewa, iżda ma jistgħux jiġu mmappjati faċilment bi tqabbil mal-klassifikazzjoni tar-riskji żviluppata mill-OECD (ara l-Figura 2). Strumenti li jiġu mmappjati aktar faċilment bi tqabbil mal-livelli ta’ riskji jinkludu dawk li jidhru fit-Tabella 2.

17

It-Tabella 2 turi li żewġ gruppi ta’ strumenti jindirizzaw b’mod espliċitu r-riskji u l-kriżijiet, u b’hekk jikkontribwixxu għar-reżiljenza tal-bdiewa:

  • għodod għall-ġestjoni tar-riskji bħall-assigurazzjoni u l-fondi mutwi, maħsuba biex jikkumpensaw lill-bdiewa f’każ ta’ ċerti riskji ddefiniti;
  • miżuri eċċezzjonali li għandhom l-għan li jistabbilizzaw is-suq meta jseħħ tfixkil serju6.

Tabella 2 

Strumenti tal-PAK għall-prevenzjoni u l-ġestjoni tar-riskji u tal-kriżijiet

Livell ta’ riskju indirizzat Pilastru Strumenti
Normali I Pagamenti diretti
Strumenti ta’ prevenzjoni u ta’ ġestjoni tar-riskji
Miżuri ex ante
Kummerċjabbli I Appoġġ li jingħata lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi tal-frott u l-ħxejjex, inkluż l-appoġġ għall-primjums tal-assigurazzjoni tal-ħsad u għall-fondi mutwi
Kummerċjabbli Appoġġ li jingħata għall-primjums tal-assigurazzjoni tal-ħsad u għall-fondi mutwi fis-settur tal-inbid
Kummerċjabbli II "Għodod għall-ġestjoni tar-riskji: Appoġġ li jingħata għall-primjums tal-assigurazzjoni Appoġġ li jingħata għall-fondi mutwi (inkluża l-għodda għall-stabbilizzazzjoni tal-introjtu)"
Normali Appoġġ li jingħata għall-investiment f’attivitajiet ta’ prevenzjoni u ta’ restawr
Normali Appoġġ li jingħata għall-investiment f’assi fiżiċi
Normali Servizzi ta’ konsulenza - jiġifieri servizzi ta’ konsulenza għall-azjendi agrikoli
Normali Trasferiment tal-għarfien u azzjonijiet ta’ informazzjoni
Kummerċjabbli Appoġġ li jingħata meta jiġu stabbiliti gruppi u organizzazzjonijiet tal-produtturi; appoġġ li jingħata għall-promozzjoni tal-kooperazzjoni
Miżuri eċċezzjonali
Miżuri ex post
Katastrofiku I Intervent pubbliku u għajnuna għall-ħżin privat
Katastrofiku Miżuri kontra t-tfixkil fis-suq
Katastrofiku Miżuri relatati mal-mard tal-annimali u mat-telf ta’ fiduċja tal-konsumaturi minħabba riskji għas-saħħa tal-pubbliku, tal-annimali jew tal-pjanti
Katastrofiku Miżuri għal riżoluzzjoni ta’ problemi speċifiċi

Nota: l-allokazzjoni tal-istrumenti għal livelli differenti ta’ riskji hija indikattiva billi dawn jista’ jkollhom rwol anki għal livelli oħra

Sors: Il-QEA, ibbażat fuq ir-Regolamenti tal-UE Nru 1305/2013, Nru 1307/2013 u Nru 1308/2013.

18

Appoġġ akbar għall-introjtu tal-bdiewa jista’ jwassal biex xi wħud mir-riskji kummerċjabbli jingħaddu għall-kategorija normali peress li, billi l-bdiewa jirċievu aktar protezzjoni tal-introjtu, il-kapaċità tagħhom li jimmaniġġjaw ir-riskji fl-azjenda agrikola se tiżdied (ara l-paragrafi hawn taħt)7. Għall-kuntrarju, il-provvediment ta’ dan il-bafer tal-introjtu jista’ jwassal lill-bdiewa biex jaħdmu b’mod inqas avvers għar-riskji (pereżempju, billi jikkonċentraw fuq għalla waħda).

19

Il-pagamenti diretti (li jirrappreżentaw spiża annwali ta’ aktar minn EUR 41 biljun) jiffurmaw element stabbli tal-introjtu tal-bdiewa, u b’hekk iżidu r-reżiljenza. Il-pagamenti diretti jaġixxu bħala bafer, filwaqt li jippermettu li l-bdiewa jlaħħqu ma’ prezzijiet li qed jonqsu u ma’ produzzjoni aktar baxxa. Il-pagamenti diżakkoppjati (89 % tal-pagamenti diretti) mhumiex marbutin mal-produzzjoni. Il-11 % li jifdal mill-pagamenti diretti huma marbutin mal-produzzjoni. Dan l-introjtu addizzjonali jirrappreżenta, skont il-Kummissjoni, madwar 26 % tal-introjtu tal-bdiewa8. Il-Figura 4 turi biss is-sehem ta’ pagamenti diretti diżakkoppjati fl-introjtu agrikolu tal-bdiewa. Is-sehem ta’ pagamenti diżakkoppjati fl-introjtu agrikolu tal-bdiewa spiss jirrappreżenta aktar minn 20 %.

20

Fl-2017, il-pagamenti diretti waslu għand 6.4 miljun bidwi fl-UE9. L-istħarriġ li wettaqna fl-Istati Membri kollha wera li disa’ Stati Membri jqisu li l-pagamenti diretti huma parti importanti mill-istrateġija għall-ġestjoni tar-riskji fl-azjendi agrikoli (jiġifieri l-pagamenti diretti jaġixxu bħala “xibka ta’ sikurezza” u jassiguraw il-“protezzjoni tal-introjtu”).

21

Il-Figura 4 turi li s-sehem li jirrappreżenta l-pagamenti diretti fl-introjtu agrikolu tal-bdiewa, raggruppat skont id-daqs ekonomiku, ivarja minn inqas minn 20 % għal aktar minn 30 %. Il-Figura 5 turi li aktar ma jkun kbir id-daqs ekonomiku tal-azjenda agrikola, aktar tkun għolja l-probabbiltà li din tieħu assigurazzjoni agrikola. Is-sehem ta’ pagamenti diretti fl-introjtu agrikolu u l-użu li jsir mill-assigurazzjoni huma korrelatati b’mod negattiv. Dan ir-riżultat huwa rifless ukoll fil-kwestjonarju għall-bdiewa (ara l-Anness -Figura 24). Billi l-pagamenti diretti joffru bafer għall-assorbiment tat-telf tal-produzzjoni, il-ħtieġa li wieħed jieħu assigurazzjoni titnaqqas billi r-riskju jista’ jintrefa’ fil-livell tal-azjenda agrikola10. Madankollu, hemm fatturi oħra li jistgħu jinfluwenzaw id-deċiżjoni li bidwi jieħu assigurazzjoni. Sehem sinifikanti ta’ bdiewa li jirċievu l-appoġġ tal-UE jaħdmu part-time, u dan huwa partikolarment minnu fir-rigward tal-bdiewa b’azjendi agrikoli li jkunu iżgħar11. Dan inaqqas l-esponiment tal-azjendi agrikoli tagħhom għar-riskju, billi attivitajiet oħra joffru sors ta’ introjtu indipendentement mill-kundizzjonijiet tat-temp u mill-prezzijiet tal-prodotti.

Figuri 4 u 5 

Sehem ta’ għajnuna diżakkopjata fl-introjtu tal-bdiewa tal-UE u perċentwal ta’ bdiewa assigurati skont id-daqs ekonomiku tal-azjenda agrikola

* Fl-2015, dan is-soll minimu kien ivarja minn Stat Membru għal ieħor, minn EUR 2 000/sena għal EUR 25 000/sena

Nota: Id-daqs ekonomiku ta’ azjenda agrikola huwa rrappreżentat mill-medja annwali tal-produzzjoni kummerċjalizzata espressa f’euros.
L-introjtu tal-bdiewa huwa rrappreżentat mill-Valur Nett Miżjud tal-Azjendi Agrikoli.
Il-popolazzjoni tal-azjendi agrikoli tal-FADN hija kkostitwita minn 4.7 miljun azjenda agrikola li minnhom 2.9 miljun (63 %) għandhom produzzjoni kummerċjalizzata annwali ta’ inqas minn EUR 25 000, 1.7 miljun (35 %) għandhom bejn EUR 25 000 u EUR 500 000, u EUR 0.1 miljun (2 %) għandhom aktar minn EUR 500 000.
Id-daqs ekonomiku ta’ 2.1 miljun azjenda agrikola li jirċievu pagamenti diretti huwa żgħir wisq biex dawn jiġu inklużi fil-popolazzjoni tal-FADN.

Sors: min-Netwerk ta’ Informazzjoni tal-Kontabilità Agrikola (FADN) għall-2016.

22

L-azjendi agrikoli b’daqs ekonomiku akbar għandhom sehem ogħla ta’ introjtu agrikolu fl-introjtu ġenerali tagħhom. Aktar ma jkun għoli s-sehem tal-agrikoltura fl-ammont totali tal-introjtu (il-biċċa l-kbira mill-bdiewa b’erja ta’ aktar minn 20 ettaru jaħdmu full-time12), akbar ikun l-użu li jsir mill-assigurazzjoni (ara l-Anness -Figura 24).

Il-PAK qed tippromwovi dejjem aktar il-miżuri preventivi

23

Il-miżuri preventivi (ara l-paragrafu 05) jistgħu jżidu r-reżiljenza tal-bdiewa billi jnaqqsu l-esponiment tagħhom għar-riskji u jadattaw il-produzzjoni għal riskji ġodda. L-istrateġiji ta’ prevenzjoni u ta’ adattament jistgħu jiffaċilitaw il-kontinwazzjoni tal-produzzjoni fil-każ ta’, pereżempju, avveniment klimatiku.

Miżuri preventivi li jkunu effettivi jistgħu jillimitaw it-telf tal-produzzjoni

24

Minħabba l-impatt tat-tibdil fil-klima, il-miżuri li jistimulaw ir-reżiljenza, inkluż l-istat ta’ tħejjija fuq terminu twil (adattament għal kundizzjonijiet ġodda), huma importanti. Il-Kaxxa 1 turi t-tibdil fil-perċezzjoni rigward ir-riskji ta’ nixfa fl-Awstralja.

Kaxxa 1

Minn rispons ta’ emerġenza lejn stat ta’ tħejjija u ġestjoni tar-riskji

Fl-Awstralja, billi n-nixfiet saru aktar frekwenti, l-awtoritajiet pubbliċi ma għadhomx iqisuhom bħala avveniment eċċezzjonali. Rapport uffiċjali reċenti kkonkluda li huwa importanti li ssir bidla li twarrab il-mudell ta’ rispons ta’ emerġenza għall-assistenza u għall-eliġibbiltà f’każ ta’ nixfiet u minfloku jiġu implimentati miżuri li jistimulaw l-istat ta’ tħejjija u l-ġestjoni tar-riskji13.

Il-Ftehim Nazzjonali l-Ġdid dwar in-Nixfiet14 jirrikonoxxi l-ħtieġa li n-negozji u l-komunitajiet agrikoli jiġu appoġġati biex jimmaniġġjaw u jħejju lilhom infushom għat-tibdil u l-varjabbiltà fil-klima. Huwa jiffoka l-miżuri fil-ġurisdizzjonijiet kollha fuq l-appoġġ ta’ prattiki tal-ġestjoni tar-riskji u fuq it-titjib tal-istat ta’ tħejjija u r-reżiljenza fuq terminu twil.

25

In-newba tal-għelejjel, l-użu ta’ għelejjel adattati /aktar reżistenti u l-iffrankar kienu t-tliet miżuri preventivi meqjusa l-aktar frekwentement mill-bdiewa li intervistajna (ara l-Anness -Figura 22). In-newba tal-għelejjel tagħmel parti minn prattika agrikola tajba billi għandha impatt pożittiv fuq il-fertilità tal-ħamrija u tgħin biex jiġu kkontrollati l-ħaxix ħażin, il-mard u l-pesti.

26

Attwalment, il-pagamenti diretti favur bdiewa b’azjendi agrikoli akbar jinkludu rekwiżit ta’ diversifikazzjoni tal-għelejjel (permezz ta’ pagamenti ta’ ekoloġizzazzjoni, tip ġdid ta’ pagament dirett li ġie introdott fl-2013 biex titjieb il-prestazzjoni ambjentali tal-PAK). Fil-proposti l-ġodda dwar il-PAK, il-pagamenti diretti jistgħu jippromwovu n-newba tal-għelejjel u jżidu indirettament ir-reżiljenza tal-azjenda agrikola, dment li:

  • l-istandards nazzjonali stabbiliti mill-Istati Membri jkunu suffiċjentement ambizzjużi15;
  • il-bdiewa jirrispettaw ir-rekwiżiti relatati ma’ kundizzjonijiet agrikoli u ambjentali tajba;
  • jinkisbu bidliet reali fl-imġiba.

Fil-passat aħna rrappurtajna li, ta’ sikwit, l-ekoloġizzazzjoni ma twassalx għal bidliet fl-imġiba16.

27

Ir-riskji sanitarji huma qasam fejn il-prevenzjoni jirnexxilha tillimita l-ħtieġa għal intervent ex post. L-awtoritajiet pubbliċi (l-UE u l-Istati Membri) huma involuti ħafna fl-indirizzar tar-riskji relatati mal-mard tal-annimali, u jużaw miżuri ex ante bħall-prevenzjoni (inkluża l-eradikazzjoni), il-monitoraġġ u l-għodod għall-ġestjoni tar-riskji. Biex jiġu evitati l-ispejjeż potenzjalment għolja u l-konsegwenzi negattivi ta’ miżuri ex post (pereżempju, l-esperjenza tal-kriżi tal-enċefalopatija sponġiformi bovina li swiet lill-UE aktar minn ECU 5 biljun fil-perjodu 1996-1998), isiru sforzi sinifikanti ex ante. Minkejja li dawn l-isforzi kellhom impatt sinifikattivament pożittiv, studji indipendenti stmaw li n-nefqa pubblika fuq il-kumpens għall-mard tal-annimali u tal-pjanti swiet lill-Istati Membri tal-UE nofs biljun euro fis-sena fil-perjodu mill-2010 sal-201417.

Għad mhuwiex possibbli li jiġi evalwat il-livell sa fejn l-għodod il-ġodda disponibbli jżidu r-reżiljenza tal-bdiewa għal riskji tal-prezzijiet

28

Il-Kummissjoni tqis18 il-kuntratti forward u s-swieq futuri bħala għodod li jindirizzaw ir-riskji tal-prezzijiet. Il-kuntrattwalizzazzjoni (l-użu ta’ kuntratti forward) kienet ir-raba’ miżura preventiva msemmija l-aktar ta’ spiss mill-bdiewa li intervistajna (ara l-Anness - Figura 22).

29

Taħt il-qafas legali tal-UE, l-Istati Membri jistgħu jirrikjedu jew l-użu ta’ kuntratti obbligatorji jew inkella offerta bil-miktub għal kuntratt mingħand l-ewwel xerrej lill-produttur19. Il-parti agrikola tar-Regolament Omnibus20 introduċiet bidliet fil-qafas leġiżlattiv. Issa, dan jagħti lill-produtturi d-dritt li jirrikjedu kuntratt bil-miktub bejn il-partijiet u/jew offerta bil-miktub ta’ kuntratt mingħand l-akkwirenti. F’April tal-2019, daħlet fis-seħħ direttiva li tipprojbixxi ċerti prattiki kummerċjali inġusti fil-katina alimentari (jiġifieri bidliet unilaterali fil-kuntratti min-naħa tal-akkwirent)21. Għadu kmieni wisq biex jiġi vvalutat l-impatt ta’ dawn il-bidliet reċenti.

30

Il-Pilastru II tal-PAK jista’ jappoġġa l-għodod ta’ stabbilizzazzjoni tal-introjtu li joffru kumpens lill-bdiewa għal “tnaqqis kbir” fl-introjtu. Ir-Regolament Omnibus naqqas is-soll għall-kumpens permezz tal-assigurazzjoni minn 30 % għal 20 % tat-telf tal-produzzjoni u ta lok għall-appoġġ ta’ għodda settorjali ta’ stabbilizzazzjoni tal-introjtu (pereżempju għodda ta’ stabbilizzazzjoni tal-introjtu speċifika għas-settur taċ-ċereali). Madankollu, attwalment ma qed titħaddem l-ebda għodda ta’ stabbilizzazzjoni tal-introjtu appoġġata mill-UE.

31

F’każ ta’ volatilità sinifikanti tal-prezzijiet, il-pagamenti diretti, l-intervent fis-suq u l-miżuri eċċezzjonali kontra t-tfixkil fis-suq jibqgħu l-għodod tal-UE l-aktar importanti f’dak li jirrigwarda l-appoġġ mogħti lill-bdiewa.

Hemm xi trikkib bejn l-istrumenti tal-UE

32

Jeżistu skemi ta’ appoġġ li jingħata mill-UE għall-assigurazzjoni kemm taħt il-Pilastru I kif ukoll taħt il-Pilastru II. Hemm trikkib fosthom kemm għas-settur tal-inbid kif ukoll għas-settur tal-frott u l-ħxejjex. L-appoġġ għall-fondi mutwi huwa biss komplementari mal-appoġġ għall-assigurazzjoni meta jiġu koperti riskji differenti. Il-miżuri eċċezzjonali li jiġu skattati biex jindirizzaw problemi speċifiċi ikkawżati minn avvenimenti estremi jistgħu ma jkunux allinjati mal-istrateġija li tappoġġa użu akbar ta’ għodod għall-ġestjoni tar-riskji bħalma hija l-assigurazzjoni.

Il-komplementarjetà bejn l-assigurazzjoni u l-fond mutwu teżisti biss meta jiġu koperti riskji differenti

33

Taħt l-ewwel Pilastru tal-PAK, l-appoġġ għall-fondi mutwi ilu mill-2009 kien eliġibbli għall-finanzjament fil-programmi operazzjonali (PO) għall-frott u l-ħxejjex u l-programm nazzjonali tal-inbid, iżda dan il-finanzjament ma ntużax. Taħt il-Pilastru II, ftit li xejn sar użu mill-finanzjament disponibbli għall-fondi mutwi (ara l-paragrafu 43).

34

Il-livell baxx ta’ użu ta’ fondi mutwi huwa parzjalment spjegat mil-livell għoli ta’ kumplessità ta’ din l-għodda. Huwa neċessarju li jkun hemm għadd suffiċjenti ta’ bdiewa li jieħdu sehem biex din tkun tista’ tiffunzjona. Pereżempju, fl-Italja l-għadd minimu ta’ bdiewa affiljati f’fond mutwu huwa ta’ 700. Din il-kumplessità tista’ tinċita lill-bdiewa biex iduru għal għodod oħra disponibbli għall-ġestjoni tar-riskji, b’mod partikolari l-assigurazzjoni22. Dawn iż-żewġ strumenti jkunu komplementari biss meta l-fondi mutwi jkunu jkopru riskji li ma jkunux koperti mill-assigurazzjoni. Fi Franza, l-appoġġ li jingħata mill-UE għall-assigurazzjoni huwa ristrett għall-“assigurazzjoni tal-ħsad” li tkopri biss riskji klimatiċi għall-għelejjel, filwaqt li l-Fond Mutwu nazzjonali, li jirċievi appoġġ mogħti mill-UE, ikopri l-mard tal-annimali u tal-pjanti kif ukoll l-inċidenti ta’ tniġġis.

L-użu mhux xieraq tal-miżuri eċċezzjonali jista’ jnaqqas l-inċentivi biex jintużaw għodod għall-ġestjoni tar-riskji

35

L-inċertezza dwar iċ-ċirkustanzi li jistgħu jiskattaw miżuri ta’ kriżi għandha impatt fuq il-perċezzjoni tal-bdiewa dwar il-limiti tar-responsabbiltajiet proprji tagħhom għall-ġestjoni tar-riskji. Aktar ma tiġi offruta għajnuna pubblika matul jew wara “kriżi”, aktar se jkun baxx l-inċentiv għall-bdiewa biex jimmitigaw ir-riskji permezz tal-użu ta’ għodod għall-ġestjoni tar-riskji bħalma hija l-assigurazzjoni23.

36

Pereżempju, fl-2018, il-Kummissjoni approvat regolament ta’ implimentazzjoni li ffinanzja miżura tal-PAK għall-appoġġ ta’ bdiewa li kienu ntlaqtu minn għargħar u xita qawwija fi tmiem l-2017 f’ċerti żoni tal-Litwanja, tal-Latvja, tal-Estonja u tal-Finlandja. Il-bdiewa eliġibbli kienu dawk li kienu tilfu mill-inqas 30 % tal-erja taż-żrigħ tax-xitwa tagħhom u li ma kinux ibbenefikaw, għall-istess telf, minn xi tip ta’ għajnuna jew assigurazzjoni fil-livell nazzjonali (ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni Nru 108/2018 -EUR 15-il miljun ġew allokati u ripartiti skont l-għadd ta’ ettari milquta, kif ġej: EUR 9.12 miljun għal-Litwanja, EUR 3.46 għal-Latvja, EUR 1.34 għall-Estonja u EUR 1.08 għall-Finlandja). Għaldaqstant, bdiewa li kienu ħadu assigurazzjoni kontra dan ir-riskju ma kinux eliġibbli biex jieħdu kumpens għat-telf tal-produzzjoni tagħhom. Kriterji bħal dawn jistgħu jiskoraġġixxu lill-bdiewa milli jieħdu assigurazzjoni fil-futur.

37

Min-naħa l-oħra, l-involviment tal-Kummissjoni fil-kriżi tal-2018 dovuta għan-nixfa kienet konformi mal-istrateġija tagħha ta’ żvilupp ta’ għodod għall-ġestjoni tar-riskji. Il-Kummissjoni ma stabbiliet l-ebda miżura (ex post) addizzjonali iżda, minflok, użat il-flessibbiltà tal-istrumenti li kienu diġà jeżistu. Notevolment, dan kien jinvolvi derogi mir-regoli ta’ ekoloġizzazzjoni u ambjentali li jippermettu li l-bdiewa jaqtgħu l-ħaxix jew iħallu l-bhejjem jirgħu f’żoni li altrimenti jitħallew mistrieħa. Dan huwa konformi ma’ bosta strateġiji nazzjonali f’seba’ Stati Membri (l-Awstrija, l-Italja, Franza, il-Greċja, in-Netherlands, Spanja u s-Slovenja), li għandhom l-għan li jittrasferixxu n-nefqa pubblika minn fuq il-miżuri ex post għal fuq dawk ex ante (prevenzjoni u appoġġ għal għodod għall-ġestjoni tar-riskji).

Il-proposti tal-Kummissjoni għar-riforma tal-PAK għandhom l-għan li jagħtu spinta lill-appoġġ li jingħata għall-għodod għall-ġestjoni tar-riskji li għalihom diġà hemm appoġġ nazzjonali disponibbli

38

Għall-perjodu attwali, 17-il Stat Membru ddeċidew li ma jimplimentawx għodod għall-ġestjoni tar-riskji taħt il-Pilastru II (appoġġ għall-assigurazzjoni u għall-fondi mutwi). Tmienja minnhom iqisu li l-għodod attwali tagħhom għall-ġestjoni tar-riskji huma sodisfaċenti. Sebgħa mill-Istati Membri li ma implimentaw l-ebda għodda għall-ġestjoni tar-riskji taħt il-Pilastru II (ara l-paragrafu 10) għandhom appoġġ nazzjonali għall-primjums tal-assigurazzjoni u tnejn għandhom skema tal-assigurazzjoni nazzjonali obbligatorja24.

39

Fil-proposti l-ġodda tagħha dwar il-PAK, il-Kummissjoni tipproponi li l-Istati Membri jiġu obbligati li jagħmlu disponibbli l-appoġġ tal-UE għal għodod għall-ġestjoni tar-riskji25. L-istħarriġ li wettaqna tal-Istati Membri juri li 11 minnhom ma jaqblux ma’ din il-proposta. Bosta jiġġustifikaw l-użu li jagħmlu mis-sistema ta’ appoġġ nazzjonali proprja tagħhom fuq il-bażi tal-prinċipju tas-sussidjarjetà tal-UE.

Fir-rigward tal-għodod għall-ġestjoni tar-riskji, il-biċċa l-kbira mill-appoġġ tal-UE jmur għall-assigurazzjoni, iżda dan ftit li xejn jintuża u mhuwiex uniformi

40

Peress li l-appoġġ li jingħata mill-UE huwa kkonċentrat fuq l-assigurazzjoni (ara t-Tabella 3), aħna ffukajna fuq dan l-aspett, taħt iż-żewġ pilastri tal-PAK. Aħna analizzajna l-ġestjoni tal-appoġġ li jingħata mill-UE għall-assigurazzjoni u vvalutajna l-użu li jsir mill-bdiewa f’dak li jirrigwarda l-assigurazzjoni.

41

Aktar minn terz tal-bdiewa jużaw l-assigurazzjoni. Fost dawk assigurati, madwar 8 % jiġu appoġġati mill-UE taħt il-Pilastru II (prinċipalment permezz tal-assigurazzjoni tal-ħsad). L-għadd ta’ bdiewa li jħallsu għall-assigurazzjoni mill-fondi proprji tagħhom u minn fondi nazzjonali huwa akbar minn dak ta’ bdiewa li jagħmlu dan bil-fondi tal-UE.

L-għodod għall-ġestjoni tar-riskji ftit li xejn jintużaw u mhux b’mod uniformi

42

Kif ġie diskuss fil-paragrafu 39, hemm interess limitat fost l-Istati Membri għal dak li jirrigwarda l-użu ta’ finanzjament mill-UE għall-għodod għall-ġestjoni tar-riskji. Hemm 17-il Stat Membru li mhumiex biħsiebhom japplikaw għal appoġġ għall-għodod għall-ġestjoni tar-riskji taħt il-Pilastru II.

43

It-Tabella 3 tippreżenta t-tliet għodod tal-UE għall-ġestjoni tar-riskji u turi li għal 11-il Stat Membru parteċipant, il-biċċa l-kbira mill-appoġġ imur għall-assigurazzjoni. Tliet Stati Membri biss (Franza, l-Italja u l-Portugall) joffru appoġġ li jingħata mill-UE għall-fondi mutwi, filwaqt li tnejn (l-Italja u l-Ungerija) jagħmlu dan għall-fondi mutwi għall-istabbilizzazzjoni tal-introjtu. Għall-perjodu 2014-2020, 91 % tal-infiq ippjanat fuq l-għodod għall-ġestjoni tar-riskji huwa relatat mal-assigurazzjoni.

Tabella 3 

Għodod għall-ġestjoni tar-riskji taħt il-Pilastru II

Għodda Kopertura
tar-riskju
Soll li jiskatta l-kumpens Kontribuzzjoni pubblika Nefqa pubblika ppjanata 2014-2020 (f’miljun EUR)
M17.1 Assigurazzjoni avvenimenti klimatiċi avversi, mard tal-annimali jew tal-pjanti, infestazzjoni minn pesti, jew inċidenti ambjentali > 20 % telf fil-produzzjoni sa 70 % tal-primjum tal-assigurazzjoni 2 317
M17.2 Fond mutwu > 30 % telf fil-produzzjoni sa 70 % ► tal-ispejjeż amministrattivi tal-istabbiliment tal-fond mutwu u tal-interess fuq is-self kummerċjali meħud mill-fond mutwu. ► tal-kumpens imħallas mill-fond mutwu ► tas-supplimentazzjoni ta’ pagamenti annwali fil-fond ► tal-istokk kapitali inizjali tal-fond 125
M17.3 Għodda għall-istabilizzazzjoni tal-introjtu Fond mutwu settorjali tnaqqis kbir
fl-introjtu tal-bdiewa
> 20 % tnaqqis fl-introjtu 116
Fond mutwu mhux settorjali > 30 % tnaqqis fl-introjtu

Sors: Il-QEA, ibbażat fuq il-leġiżlazzjoni u d-data tal-Kummissjoni, Marzu 2019.

44

Il-Figura 6 turi liema Stati Membri joffru appoġġ għall-assigurazzjoni.

Figura 6 

Mappa tal-appoġġ għall-assigurazzjoni fl-UE

Nota: Ftit li xejn jeżisti appoġġ li jingħata mill-UE għall-assigurazzjoni taħt il-Pilastru I għall-Ġermanja, Ċipru, u s-Slovakkja.

Sors tad-Data: Il-QEA.

45

It-Tabella 4 turi li anki fl-Istati Membri li pproponew l-iskema tal-UE, l-użu tagħha kien baxx. Franza, l-Ungerija, il-Latvja u l-Italja għandhom l-ogħla proporzjon ta’ bdiewa li huma assigurati permezz tal-appoġġ li jingħata mill-UE.

Tabella 4 

Nefqa pubblika u għadd ta’ bdiewa assigurati taħt l-iskema tal-UE (Pilastru II) fl-2017

Stati Membri Nefqa pubblika (f’miljun EUR) Għadd ta’ bdiewa li huma assigurati permezz tal-appoġġ li jingħata mill-UE Perċentwal ta’ azjendi agrikoli li huma assigurati permezz tal-appoġġ li jingħata mill-UE
Franza 100 57 996 19
L-Ungerija 25 15 708 15
Il-Latvja 5 2 300 9
L-Italja 110 41 076 8
In-Netherlands 27 2 012 4
Il-Portugall 26 3 793 4
Il-Kroazja 4 1 953 2
Il-Litwanja 2 402 1
Total għall-UE 299 125 240 3

Nota: Il-Belġju, l-Estonja u r-Rumanija għadhom ma ġarrbu l-ebda nfiq.

Sors: Il-QEA, ibbażat fuq data tal-Istati Membri, li ġiet innotifikata lill-Kummissjoni, u fuq data tal-FADN, Marzu 2019.

46

Il-Figura 7 turi li:

  • L-appoġġ li jingħata mill-UE jasal biss għand sehem żgħir ħafna ta’ bdiewa fl-UE;
  • aktar minn 90 % tal-bdiewa li jieħdu assigurazzjoni jagħmlu dan mingħajr appoġġ mogħti mill-UE.

Figura 7 

Bdiewa li jingħataw appoġġ minn fondi tal-UE bi tqabbil ma’ popolazzjonijiet differenti tal-azjendi agrikoli, f’miljuni

Nota: Il-popolazzjoni tal-azjendi agrikoli tal-FADN tirrappreżenta biss lill-azjendi agrikoli li jkun jaqbżu ċertu daqs ekonomiku. B’kuntrast ma’ dan, l-Istħarriġ dwar l-Istruttura tal-Ażjendi Agrikoli (FSS) għandu l-għan li jkopri l-azjendi agrikoli kollha kemm huma, inklużi dawk li huma żgħar ħafna. Ma hemmx trikkib komplet bejn iċ-ċrieki billi l-popolazzjonijiet tal-azjendi agrikoli huma differenti. Aħna nqisu li, billi l-bdiewa tal-FSS li ġew esklużi mill-FADN huma żgħar, huma għandhom inqas tendenza li jieħdu assigurazzjoni, u li l-biċċa l-kbira mill-bdiewa assigurati bl-appoġġ li jingħata mill-UE jappartjenu għall-popolazzjoni tal-azjendi agrikoli tal-FADN li huma assigurati.

Sors: Il-QEA, ibbażat fuq data tal-FADN, Diċembru 2018.

47

Assigurazzjoni li tkopri riskju wieħed, prinċipalment kontra r-riskju ta’ silġ, ilha teżisti mis-seklu 19 u hija l-forma ta’ assigurazzjoni li tintuża l-aktar. Introdotta aktar reċentement, l-assigurazzjoni li tkopri bosta riskji (18-il riskju fi Franza u sa 11-il riskju fl-Italja) hija inqas mifruxa u ġiet żviluppata prinċipalment permezz ta’ appoġġ pubbliku. Il-Kummissjoni tħalli f’idejn l-Istati Membri biex jiddeċiedu liema tip ta’ assigurazzjoni se jappoġġaw (assigurazzjoni li tkopri riskju wieħed u/jew li tkopri bosta riskji).

48

Aħna sibna li fi Franza (2017), 5.2 miljun ettaru ġew assigurati kontra s-silġ (prinċipalment mingħajr appoġġ) u 4.7 miljun ettaru ġew koperti minn assigurazzjoni, appoġġata mill-UE, li tkopri bosta riskji. Dan ifisser li ġiet assigurata 36 % tal-erja agrikola utilizzata. Fil-Ġermanja, madwar 8 miljun ettaru (48 % tal-erja agrikola utilizzata) ġew assigurati kontra s-silġ26, prinċipalment mingħajr appoġġ pubbliku27.

49

Il-valur miżjud Ewropew huwa l-valur li jiġi miżjud minn azzjoni tal-UE permezz ta’ politika, regolament, strumenti legali u nfiq tal-UE, minbarra dak li jinħoloq mill-Istati Membri li jaġixxu waħidhom. Il-livell baxx ta’ użu li jsir mill-appoġġ għall-assigurazzjoni taħt il-Pilastru II, kif ukoll l-għadd kbir ta’ bdiewa li jagħżlu li jħallsu għal assigurazzjoni li tkopri riskju wieħed aktar milli assigurazzjoni sussidjata li tkopri bosta riskji jqajmu dubji dwar il-valur miżjud tal-appoġġ li jingħata mill-UE għall-assigurazzjoni.

Il-Kummissjoni ma tiġborx informazzjoni rilevanti dwar l-użu li jsir minn skemi għall-ġestjoni tar-riskji

50

Il-Kummissjoni stabbiliet indikatur kumplessiv wieħed biss tar-riżultati għall-iskemi għall-ġestjoni tar-riskji: “Perċentwal ta’ azjendi agrikoli li jipparteċipaw fi skemi għall-ġestjoni tar-riskji”. Dan huwa relatat ma’ żewġ miżuri taħt il-Pilastru II: il-Miżura 17 u l-Miżura 5. Il-Miżura 17 tkopri l-appoġġ li jingħata għall-assigurazzjoni, għall-fondi mutwi u għall-għodod ta’ stabbilizzazzjoni tal-introjtu, u l-Miżura 5 tkopri l-appoġġ li jingħata għar-restawr tal-potenzjal tal-produzzjoni agrikola u għall-azzjonijiet preventivi. Billi l-indikatur ikopri bosta attivitajiet, huwa ma jistax jirriflettihom b’mod xieraq.

51

Fi Franza, pereżempju, dan l-indikatur ikopri aktar minn 99 % tal-azjendi agrikoli, u b’hekk jirrifletti s-sħubija obbligatorja fil-fond mutwu nazzjonali. Għalhekk, dan joskura s-sehem ħafna aktar baxx ta’ bdiewa li jieħdu assigurazzjoni appoġġata mill-UE, li għandhom sħubija f’fond mutwu għall-istabbilizzazzjoni tal-introjtu jew li jirrestawraw il-potenzjal tal-produzzjoni agrikola. Il-kopertura tal-istess indikatur fl-Italja hija taħt il-5 % u prinċipalment tirrifletti s-sehem ta’ bdiewa li jieħdu assigurazzjoni li tingħata appoġġ mill-UE.

52

Franza u l-Italja għandhom ukoll indikaturi nazzjonali għall-għadd ta’ ettari u l-valur kapitali li jiġu assigurati. Dawn jipprovdu fehim approfondit aktar ovvju dwar kemm is-settur agrikolu juża l-għodod għall-ġestjoni tar-riskji (jiġifieri jkejlu l-outputs). Indikatur tar-riżultati li huwa sinifikanti jkun ikejjel l-impatt tal-assigurazzjoni fuq l-istabbiltà tal-introjtu.

L-appoġġ li jingħata għall-assigurazzjoni jirrikjedi sistemi ta’ ġestjoni li huma kumplessi

53

Is-sistemi u l-proċessi stabbiliti mill-awtoritajiet nazzjonali għall-ġestjoni tal-għoti ta’ appoġġ pubbliku għall-assigurazzjoni (il-Pilastri I u II) huma kumplessi. Għalkemm tiġi pprovduta kopertura tal-assigurazzjoni lil għadd relattivament baxx ta’ bdiewa, l-għadd ta’ kuntratti ta’ assigurazzjoni li għandhom jiġu mmaniġġjati kull sena huwa apprezzabbli (140 000 fl-Italja u 70 000 fi Franza). Bidwi wieħed jista’ jkollu bosta kuntratti ta’ assigurazzjoni. Għalhekk, l-għadd totali ta’ kuntratti huwa ogħla mill-għadd ta’ bdiewa assigurati. Il-Kaxxa 2 turi s-sistema li tintuża mill-Italja għall-ġestjoni tal-appoġġ għall-assigurazzjoni; din tinvolvi żewġ intermedjarji (Condifesa u s-CAA) biex jgħinu lill-bdiewa. Għalkemm sħubija ma’ dawn l-intermedjarji mhijiex obbligatorja, il-kumplessità tas-sistema hija tali li aktar minn 95 % tal-bdiewa jissieħbu magħhom u jħallsu għas-servizzi li dawn jipprovdu. Aħna nistmaw li l-ispejjeż speċifikament marbuta ma’ din il-miżura, li l-bdiewa Taljani jħallsu lill-entitajiet privati li jiffaċilitaw l-aċċess għall-appoġġ jammontaw għal mill-inqas EUR 2.8 miljun kull sena.

Kaxxa 2

Proċess amministrattiv għall-appoġġ li jingħata għall-assigurazzjoni fl-Italja

Sors: Il-QEA, ibbażat fuq informazzjoni mill-awtoritajiet Taljani.

54

L-istħarriġ li wettaqna tal-Istati Membri wera li, 5 Stati Membri mis-17 li ma applikawx il-Miżura 17 iddeċidew li ma jappoġġawx l-assigurazzjoni minħabba l-ispejjeż u l-piż amministrattiv involuti.

L-assigurazzjoni għandha impatt pożittiv fuq l-istabbiltà tal-introjtu, iżda l-impatt tal-iskema ta’ appoġġ li jingħata mill-UE għall-assigurazzjoni huwa inqas ċar

Bdiewa assigurati għandhom stabbiltà akbar tal-introjtu u x’aktarx li jirċievu kumpens aktar malajr

55

Aħna qabbilna l-evoluzzjoni fl-introjtu tal-azjendi agrikoli mill-2014 sal-2016 għall-bdiewa assigurati ma’ dawk li mhumiex assigurati, irrispettivament minn jekk dawn kinux irċevew fondi tal-UE jew le. Biex nevalwaw il-varjazzjoni tal-introjtu (irrappreżentat mill-Valur Nett Miżjud tal-Azjendi Agrikoli) matul dan il-perjodu, aħna użajna d-devjazzjoni standard (dispersjoni tal-introjtu fost is-snin). Aktar ma tkun baxxa d-devjazzjoni standard, aktar ikun stabbli l-introjtu. Il-Figura 8 turi li, fost it-tipi kollha ta’ azjendi agrikoli, l-introjti tal-bdiewa assigurati jvarjaw inqas minn dawk tal-kontropartijiet tagħhom li ma jkunux assigurati.

Figura 8 

Varjazzjoni tal-introjtu (f’%) tal-azjendi agrikoli tal-UE skont id-daqs ekonomiku tal-azjendi agrikoli (2014 sa 2016)

Sors: L-analiżi tal-QEA bbażata fuq data tal-FADN.

56

Fi Franza u l-Italja, il-pagamenti ta’ kumpens mill-kumpaniji tal-assigurazzjoni jsiru fi żmien sena minn meta jkun seħħ l-avveniment klimatiku. Fl-Italja, l-assiguraturi huma marbuta bil-kuntratti ta’ assigurazzjoni biex iħallsu l-kumpens qabel tmiem is-sena. Dan jgħin lill-bdiewa fil-ġestjoni tal-fluss tal-flus tagħhom u jiffaċilita l-kontinwazzjoni tal-operat. Aħna sibna li l-ħlas tal-kumpens mill-awtoritajiet pubbliċi għal avvenimenti li seħħew fl-2018, permezz ta’ miżuri ex post, ħa aktar żmien u se jiġi kkompletat biss matul l-2019.

L-appoġġ li jingħata mill-UE għall-assigurazzjoni huwa ffukat fuq is-settur tal-inbid

57

Fiż-żewġ Stati Membri li jagħmlu l-akbar użu mill-appoġġ li jingħata mill-UE għall-assigurazzjoni, aħna osservajna konċentrazzjoni ta’ dan it-tip ta’ appoġġ fis-settur tal-inbid. Fl-Italja, l-appoġġ għall-assigurazzjoni fis-settur tal-inbid jista’ jiġi riċevut permezz ta’ żewġ kanali (ara l-paragrafu 32). Fl-2015, dan is-settur ibbenefika minn kważi terz tal-appoġġ pubbliku totali li ngħata għall-assigurazzjoni. Fi Franza, l-erja ta’ vinji li hija assigurata bl-appoġġ mogħti mill-UE żdiedet u qabżet il-kwart tal-erja totali ta’ vinji fl-2017. Il-kapital assigurat fis-settur tal-inbid jista’ jilħaq l-ammont ta’ EUR 115 000/ha, filwaqt li l-kapital medju assigurat għal kull ettaru għas-settur agrikolu fi Franza kien ta’ EUR 1 649/ha fl-201728. Aktar ma jkun għoli l-kapital assigurat, aktar ikun għoli l-primjum kif ukoll il-livell ta’ appoġġ pubbliku.

58

L-Istati Membri li jwasslu l-appoġġ mogħti mill-UE għall-assigurazzjoni lill-bdiewa tagħhom mhumiex meħtieġa li jkunu selettivi29. Bħala eżempju, benefiċjarju wieħed li għażilna għal analiżi dokumentarja huwa attur dinji fis-settur tal-inbid, b’vinji madwar id-dinja, assi tal-inbid stmati f’ammont ta’ EUR 600 miljun u fatturat annwali stmat ta’ EUR 50 miljun. Minħabba l-ammont investit, il-kapaċità finanzjarja u l-profil tar-riskju ta’ xi benefiċjarji, x’aktarx li dawn, kieku, kienu jassiguraw il-produzzjoni tagħhom mingħajr sussidji, u b’hekk jinħoloq effett deadweight. Preċedentement, aħna konna osservajna deadweight fl-appoġġ li jingħata mill-UE għall-assigurazzjoni30.

Il-kumpens jista’ jaffettwa l-imġiba tal-bdiewa

59

Kif jidher fil-Kaxxa 3, il-bdiewa assigurati jista’ jkollhom inqas inċentiv biex japplikaw sistemi kummerċjali aktar reżiljenti. Meta l-bdiewa jkunu jafu li se jirċievu pagament żborżat mill-assigurazzjonijiet jekk l-għalla tagħhom tfalli, jista’ jkun li dawn isibu li huwa inqas importanti li jinvestu fit-tkabbir ta’ għelejjel reżistenti u jkollhom inqas inċentivi biex jiddiversifikaw. Ta’ spiss, il-kumpaniji tal-assigurazzjoni jirrikjedu xi attivitajiet ta’ mitigazzjoni mill-klijenti tagħhom, u b’hekk jistgħu jnaqqsu dan il-periklu. Id-dispożizzjoni legali għall-Pilastru I tagħmel referenza għal din il-prattika, iżda ma teżisti l-ebda dispożizzjoni għall-Pilastru II biex jitnaqqas l-esponiment għar-riskju.

Kaxxa 3

Il-bdiewa assigurati għandhom inqas kapaċità ta’ adattament għal kundizzjonijiet estremi

Fl-Istati Uniti, fejn l-assigurazzjoni tal-ħsad hija mifruxa u tiġi wkoll appoġġata permezz ta’ fondi pubbliċi, studju wera li l-qamħ u l-fażola tas-sojja li jkunu taħt assigurazzjoni huma sinifikattivament aktar sensittivi għas-sħana estrema milli huma l-għelejjel mhux assigurati (rendiment aktar baxx).

L-istudju kkonkluda li s-sensittività tal-għelejjel assigurati turi l-kapaċità/inċentiv aktar baxxi tal-bdiewa assigurati biex jadattaw għal kundizzjonijiet estremi, minħabba li jserrħu fuq pagamenti żborżati mill-assigurazzjonijiet31.

Kontroll insuffiċjenti fuq xi wħud mill-miżuri eċċezzjonali

60

L-Artikolu 219 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jippermetti lill-Kummissjoni tieħu miżuri eċċezzjonali biex tindirizza “t-theddid ta’ tfixkil fis-swieq ikkawżat minn żieda jew tnaqqis sinifikanti fil-prezzijiet fi swieq interni u esterni jew avvenimenti u ċirkostanzi oħrajn li jfixklu jew jheddu li jfixklu s-suq b’mod sinifikanti”. Aħna eżaminajna jekk il-miżuri eċċezzjonali li jindirizzaw tfixkil sinifikanti fis-suq għas-settur tal-frott u l-ħxejjex kinux immirati b’mod xieraq, u jekk l-operazzjonijiet ta’ rtirar kinux operaw b’mod effiċjenti. Aħna ffukajna fuq azzjoni li ttieħdet fis-swieq tal-frott u l-ħxejjex b’konsegwenza tal-“projbizzjoni Russa” (ara l-paragrafu 09).

61

B’konsegwenza ta’ dik il-projbizzjoni, meqjusa bħala theddida għas-suq, il-Kummissjoni stabbiliet miżuri eċċezzjonali għas-settur tal-frott u l-ħxejjex. In-nefqa fuq dawn il-miżuri eċċezzjonali fil-perjodu 2014-2018 ammontat għal EUR 513 miljun, li tikkorrispondi għal 1.8 miljun tunnellata ta’ prodotti rtirati. Il-miżuri kienu jinvolvu l-irtirar mis-suq ta’ frott u ħxejjex li ġew affettwati minħabba l-projbizzjoni Russa, permezz ta’ alternattivi differenti (ara l-Figura 9). Id-distribuzzjoni mingħajr ħlas kienet l-alternattiva prinċipali ta’ rtirar (li tirrappreżenta 60 % tal-kwantitajiet irtirati u aktar minn 86 % tal-ammont imħallas).

Figura 9 

Alternattivi ta’ rtirar u s-sehem rispettiv tagħhom tal-appoġġ li jingħata mill-UE

Sors: Il-QEA.

62

Il-Figuri 10 u 11 juru l-prodotti prinċipali li ġew irtirati u l-firxa ġeografika tad-distribuzzjoni mingħajr ħlas.

Figuri 10 u 11 

Ammonti appoġġati taħt l-iskemi ta’ distribuzzjoni mingħajr ħlas, skont il-prodott u l-Istat Membru (EUR miljun)

Sors: Id-DĠ AGRI, Ottubru 2018.

L-UE ma stabbiliet l-ebda parametru oġġettiv biex jittieħed inkunsiderazzjoni l-użu ta’ miżuri eċċezzjonali

63

Il-kunċett ta’ tfixkil fis-suq huwa pjuttost ġenerali u mhuwiex żviluppat ulterjorment fil-leġiżlazzjoni tal-UE. In-nuqqas ta’ kriterji speċifiċi jagħti marġni kbir ta’ diskrezzjoni rigward meta għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-użu ta’ miżuri eċċezzjonali. Fil-kuntest tal-projbizzjoni Russa, il-Kummissjoni skattat miżuri eċċezzjonali permezz ta’ seba’ regolamenti ta’ delega li jagħmlu referenza għar-riskju ta’ tfixkil fis-suq (913/2014; 932/2014, 1031/2014, 1371/2014, 1369/2015, 921/2016 u 1165/2017). Madankollu, il-kontinwazzjoni tal-miżuri ma kinitx ibbażata fuq valutazzjoni li t-telf kien jaqbeż soll iddefinit.

64

Meta stabbiliet il-livell ta’ appoġġ li kellu jingħata mill-UE, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni d-data dwar il-produzzjoni u l-esportazzjoni fit-tliet snin ta’ qabel il-projbizzjoni Russa (2011-2013). Il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li sat-tielet sena tal-projbizzjoni kienu jeżistu alternattivi disponibbli, bħal swieq esterni jew intra-UE oħra.

65

It-tuffieħ kien jirrappreżenta aktar minn nofs l-appoġġ li jingħata mill-UE kemm f’termini ta’ valur kif ukoll f’termini ta’ kwantitajiet irtirati. Il-Figura 12 turi li, matul il-projbizzjoni Russa, l-esportazzjonijiet intra-UE u dawk barra mill-UE żdiedu fl-2014 u fl-2015, u b’kollox baqgħu ogħla mill-medja ta’ qabel il-projbizzjoni. Swieq oħra barra l-UE kkumpensaw għat-telf tas-suq Russu. B’riżultat ta’ dan, il-Figure 13 turi li l-valur tal-esportazzjonijiet tat-tuffieħ, kemm intra-UE kif ukoll dawk barra mill-UE, baqa’ fil-biċċa l-kbira stabbli, u naqas kemxejn biss fl-2014 (-4 % meta mqabbel mal-medja tal-perjodu 2011-2013). It-tnaqqis fil-valur tal-esportazzjonijiet totali fl-2014 kien inqas minn dak tal-2009, meta ma kien hemm l-ebda miżura ta’ emerġenza fis-seħħ.

Figura 12 

Evoluzzjoni tal-esportazzjonijiet tat-tuffieħ fl-UE, f’termini ta’ volum

Sors: Il-QEA, ibbażat fuq data mill-Eurostat – International trade in goods, Jannar 2019.

Figura 13 

Evoluzzjoni tal-esportazzjonijiet tat-tuffieħ fl-UE, f’termini ta’ valur

Sors: Il-QEA, ibbażat fuq data mill-Eurostat – International trade in goods, Jannar 2019.

66

Dan jindika li, għall-UE fl-intier tagħha, it-“tfixkil fis-suq” minħabba l-projbizzjoni Russa fuq is-suq tat-tuffieħ kien limitat u ma damx erba’ snin (bħalma damu l-miżuri eċċezzjonali). It-tnaqqis fl-esportazzjonijiet diretti lejn ir-Russja tpaċa permezz ta’ żidiet fl-esportazzjonijiet lejn destinazzjonijiet oħra.

Ġew applikati miżuri eċċezzjonali għal oġġetti li huma f’surplus strutturali

67

L-UE applikat ukoll miżuri eċċezzjonali għall-appoġġ tal-irtirar tal-ħawħ u tan-nuċiprisk. L-ispiża tal-irtirar tal-ħawħ u tan-nuċiprisk kienet tirrappreżenta 34 % tat-total tal-operazzjonijiet irtirati għal Spanja u 45 % għall-Greċja. L-ewwel regolamenti ta’ delega jirreferu għall-projbizzjoni Russa, kif ukoll għal żbilanċ bejn il-provvista u d-domanda. “Il-livelli ta’ provvista staġjonalment għoljin tal-ħawħ u tan-nuċiprisk u t-tnaqqis fil-konsum minħabba l-kundizzjonijiet ħżiena tat-temp fl-aqwa tal-ħsad ħolqu diffikultajiet fis-sitwazzjoni tas-suq”32. “Il-miżuri eċċezzjonali ttieħdu l-aktar biex jindirizzaw is-sitwazzjoni speċifika tas-setturi tal-ħawħ u tan-nuċiprisk”33.

68

Il-Figura 14 turi li l-produzzjoni tal-ħawħ u tan-nuċiprisk qed tikber fi Spanja u fil-Greċja. Il-potenzjal tal-produzzjoni ta’ dawn il-pajjiżi qed jikber ukoll, billi l-erja miżrugħa tagħhom żdiedet b’6 % u 20 % rispettivament bejn l-2006 u l-2016. L-Italja, li kienet l-akbar produttur tal-ħawħ u tan-nuċiprisk sal-2012 (meta għaddietha Spanja), żiedet l-erja miżrugħa tagħha bi 30 %34 u naqqset il-produzzjoni progressivament.

Figura 14 

Evoluzzjoni tal-produzzjoni tal-ħawħ u tan-nuċiprisk fi Spanja u fil-Greċja

Sors: mid-DĠ AGRI Dash board.

69

Jekk il-produzzjoni togħla mingħajr ma jkun hemm żieda korrispondenti fil-konsum intern jew fl-esportazzjonijiet, din twassal għal produzzjoni eċċessiva strutturali: il-ġonna b’siġar tal-frott jipproduċu aktar mill-ammont li jista’ jiġi assorbit permezz tal-konsum u l-esportazzjoni. Fi Spanja, tnaqqis uniformi fil-konsum domestiku tal-ħawħ ma tpaċiex permezz tal-għadd akbar ta’ esportazzjonijiet35.

70

Il-Figura 15 turi li, matul l-erba’ snin ta’ operazzjonijiet ta’ rtirar fi Spanja u fil-Greċja, ir-rata ta’ rtirar ma tnaqqsitx progressivament (biex il-miżura tiġi eliminata gradwalment) iżda pjuttost irriflettiet il-livelli ta’ produzzjoni.

Figura 15 

Evoluzzjoni tal-kwantitajiet ta’ ħawħ u nuċiprisk allokati biex jiġu rtirati

Sors: Regolamenti tal-Kummissjoni u regolamenti ta’ delega.

71

Aħna nikkonkludu li, għall-inqas parzjalment, il-miżuri eċċezzjonali ġew skattati minn problema strutturali ta’ produzzjoni eċċessiva ta’ ħawħ/nuċiprisk fi Spanja. L-objettiv tal-miżuri eċċezzjonali mhuwiex li tiġi indirizzata l-produzzjoni eċċessiva strutturali iżda pjuttost li jiġi indirizzat it-tfixkil fis-suq.

Il-prinċipju ta’ min jiġi l-ewwel jinqeda l-ewwel kien ta’ stimolu biex l-implimentazzjoni titwettaq malajr għad-detriment ta’ mmirar adegwat

72

B’segwitu għar-regolament ta’ delega tal-201436, il-Polonja u l-Belġju użaw aktar minn 85 % tal-appoġġ (f’termini ta’ valur u volum) fuq il-bażi tal-prinċipju ta’ min jiġi l-ewwel jinqeda l-ewwel. Fir-regolamenti sussegwenti, għal kull Stat Membru ġew allokati kwantitajiet għall-irtirar. Il-Figura 16 tagħti x’tifhem li l-iffissar ta’ limiti massimi għal kull Stat Membru, minflok l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ min jiġi l-ewwel jinqeda l-ewwel, ippermetta li l-Istati Membri jaċċessaw l-appoġġ f’konformità mal-ħtiġijiet imbassra tagħhom.

Figura 16 

Ripartizzjoni tal-volum ta’ prodotti li ġew irtirati taħt regolamenti differenti, skont l-Istat Membru37

Sors: Id-DĠ AGRI, data dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri eċċezzjonali, Ottubru 2018.

L-appoġġ li jingħata mill-UE għall-irtirar ta’ prodotti għad-distribuzzjoni mingħajr ħlas jiswa ħafna flus

L-appoġġ li jingħata mill-UE għas-suq tat-tuffieħ qabeż il-medja tal-prezzijiet rilevanti tas-suq fi snin preċedenti

73

L-appoġġ għall-irtirar li jkun intenzjonat għad-distribuzzjoni mingħajr ħlas huwa magħmul minn żewġ komponenti: il-kontribuzzjoni massima għal kull tip ta’ prodott, u spejjeż anċillari bħala kumpens għall-ispejjeż tal-għażla, tal-imballaġġ u tat-trasport.

74

It-tuffieħ kien il-prodott li l-aktar irċieva appoġġ permezz ta’ distribuzzjoni mingħajr ħlas, kif jidher fil-Figura 10. Il-Polonja kienet l-akbar benefiċjarju tal-appoġġ mogħti mill-UE, kemm f’termini ta’ volum kif ukoll f’termini monetarji.

75

Il-Figura 17 tqabbel l-għajnuna għad-distribuzzjoni mingħajr ħlas (li tkopri kemm il-prezz EUR 16.98/100 kg kif ukoll l-għażla/imballaġġ EUR 18.77/100 kg tal-prodott) mal-prezz tas-suq Pollakk għall-prodott magħżul u imballat38. Fil-Polonja, il-“medja Olimpika” tal-prezz tas-suq tat-tuffieħ għall-aħħar ħames snin ta’ qabel il-projbizzjoni Russa kienet 10 % aktar baxxa mil-livell ta’ appoġġ ipprovdut mill-UE, u dan ifisser li l-produtturi tat-tuffieħ ġew ikkumpensati b’mod eċċessiv.

Figura 17 

Tqabbil tal-appoġġ li ngħata għad-distribuzzjoni mingħajr ħlas tat-tuffieħ mal-prezzijiet tas-suq Pollakki

Sors: Id-DG AGRI.

76

Matul l-ewwel tliet snin ta’ kummerċjalizzazzjoni39 (2014/2015, 2015/2016 u 2016/2017) l-UE ħallset lill-produtturi tat-tuffieħ Pollakki kumpens li jiswa EUR 200 miljun għal 559 448 tunnellata ta’ tuffieħ li kien ġie distribwit mingħajr ħlas (l-istimi tal-ispejjeż tat-trasport ġew esklużi), filwaqt li l-medja tal-prezzijiet tas-suq għal dan il-volum ta’ tuffieħ ammontat għal EUR 182 miljun40.

L-UE refgħet spiża sproporzjonatament għolja għall-ipproċessar tal-ħawħ u tan-nuċiprisk

77

L-ispiża tal-miżuri ta’ emerġenza għad-distribuzzjoni mingħajr ħlas tal-ħawħ u tan-nuċiprisk ammontat għal EUR 55 miljun. Għall-ħawħ u għan-nuċiprisk, l-ispejjeż tal-għażla u tal-imballaġġ jirrappreżentaw madwar 37 %, u l-ispejjeż tat-trasport 13 %, u għalhekk il-valur tal-prodotti stess li ġew irtirati huwa biss madwar 50 % tal-ispejjeż totali. Madwar EUR 48 miljun (87 %) marru għand produtturi fi Spanja u fil-Greċja.

78

L-ispiża li ntrefgħet mill-fond għal kull litru ta’ meraq destinat għall-konsum mill-persuni fil-bżonn telgħet sa EUR 4.25 għal kull litru: madwar erba’ darbiet l-ispiża ta’ litru ta’ meraq f’supermarket. Din l-ispiża kienet magħmula minn pagamenti tal-valur tal-ħawħ u tan-nuċiprisk irtirat, spejjeż tal-għażla u tal-imballaġġ, spejjeż tat-trasport u pagamenti għal kontribuzzjonijiet in natura lill-produtturi tal-meraq.

Ma hemmx biżżejjed evidenza li l-prodotti rtirati jitneħħew tassew mis-suq

79

Minħabba li jitħassru malajr, il-ħawħ u n-nuċiprisk li jkunu ġew irtirati għad-distribuzzjoni mingħajr ħlas jistgħu jiġu pproċessati taħt ċerti kundizzjonijiet. Il-prodott ipproċessat (meraq/nektar) jingħata mingħajr ħlas lil persuni fil-bżonn. Spanja u l-Greċja flimkien żammew aktar minn 94 % tal-ħawħ u tan-nuċiprisk appoġġati għad-distribuzzjoni mingħajr ħlas. Mill-132 000 tunnellata li ġew irtirati taħt id-distribuzzjoni mingħajr ħlas fi Spanja u fil-Greċja, 99 000 tunnellata ġew ipproċessati f’nektar/meraq.

80

Biex ikopru l-ispejjeż tal-ipproċessar, il-proċessuri tal-meraq żammew il-biċċa l-kbira mill-prodott ipproċessat bħala kontribuzzjoni in natura kif previst skont ir-regoli tal-UE41. Pereżempju, il-fajls tal-Kummissjoni juru li Spanja awtorizzat proporzjon ta’ skambju ta’ massimu ta’ 11-il kilogramma ta’ ħawħ li twassal lill-proċessuri tal-meraq bi skambju ma’ litru wieħed ta’ nektar tal-ħawħ, u l-Greċja kellha proporzjon ta’ skambju ta’ massimu ta’ 8.5 kilogramma ta’ ħawħ għal kull litru ta’ nektar tal-ħawħ. Ara l-Figura 18 għal eżempju ta’ operazzjoni ta’ rtirar. Finalment, il-biċċa l-kbira mill-prodotti rtirati tpoġġew lura fis-suq bħala meraq, filwaqt li frazzjoni biss waslet għand il-persuni fil-bżonn. Li l-proċessuri jitħallew iżommu l-biċċa l-kbira mill-kwantitajiet irtirati li jkunu tħallsu mill-fond bħallikieku dawn kienu destinati għall-konsum frisk imur kontra l-objettiv finali tad-distribuzzjoni mingħajr ħlas.

Figura 18 

Ċirkolazzjoni tal-ħawħ u tan-nuċiprisk li ġew irtirati biex jiġu ddistribwiti mingħajr ħlas bħala meraq fil-Greċja

Sors: Il-QEA.

81

Aħna nistmaw li l-kwantitajiet ta’ ħawħ u ta’ nuċiprisk li ntużaw bħala kontribuzzjoni in natura fil-Greċja u fi Spanja jirrappreżentaw spiża ta’ EUR 34 miljun għall-baġit tal-UE. L-effettività u l-effiċjenza tad-distribuzzjoni mingħajr ħlas huma kompromessi, billi 62 % tal-ispejjeż koprew din il-kontribuzzjoni in natura, u b’hekk il-prodotti setgħu jerġgħu lura fis-suq tal-meraq, u kienu biss 38 % li servew biex jagħtu meraq u frott frisk mingħajr ħlas lil persuni fil-bżonn.

82

Aħna stmajna wkoll li l-ħawħ u n-nuċiprisk li nżammu mill-proċessuri bħala kontribuzzjoni in natura kienu jirrappreżentaw bejn 20 % u 25 % tal-provvista ta’ ħawħ u ta’ nuċiprisk matul il-perjodu 2014-2018 għall-ipproċessar ta’ meraq. Il-proċessuri tal-meraq irċevew kważi kwart mill-prodott mhux ipproċessat tagħhom bħala kontribuzzjoni in natura minflok permezz ta’ xiri.

Nuqqas ta’ kompletezza fit-traċċabbiltà ta’ xi prodotti rtirati

83

L-għajnuna għal “destinazzjonijiet oħra” tingħata bil-kundizzjoni li l-prodotti distillati jitwasslu għal skopijiet ta’ enerġija biss. Fl-Italja, aħna sibna li s-superviżuri li kienu qed jittraċċaw prodotti rtirati mgħoddija lil “destinazzjonijiet oħra”, biex jiġu distillati għal skopijiet industrijali jew ta’ enerġija, waqqfu l-kontrolli tagħhom qabel ma l-alkoħol kien ġie denaturat għal skopijiet ta’ enerġija (ara l-Figura 19).

Figura 19 

Fl-Italja, hemm nuqqas ta’ kompletezza fil-kontrolli fuq prodotti li jkunu sejrin f’destinazzjoni oħra

Sors: Il-QEA.

Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

84

Aħna eżaminajna l-kompletezza u l-koerenza tas-sett ta’ għodod tal-UE li hemm disponibbli għall-prevenzjoni u l-ġestjoni tar-riskji u tal-kriżijiet fis-settur agrikolu. Aħna analizzajna jekk l-għodod għall-ġestjoni tar-riskji u tal-kriżijiet kinux ġew implimentati b’mod effiċjenti u jekk kinux qed jiksbu riżultati. B’mod ġenerali, aħna sibna li l-miżuri tal-UE għall-ġestjoni tar-riskji fl-agrikoltura laħqu parzjalment l-objettivi tagħhom, iżda ftit li xejn jintużaw, u li għall-miżuri ta’ kriżi kien hemm każijiet ta’ kumpens eċċessiv.

85

Hemm għadd ta’ miżuri tal-UE li jżidu r-reżiljenza tal-bdiewa għall-volatilità tal-prezzijiet u għat-telf tal-produzzjoni li jirriżulta minn avvenimenti klimatiċi jew minn mard tal-pjanti u tal-annimali. Dawn jinkludu pagamenti diretti, li permezz tagħhom ħafna bdiewa żgħar ikunu jistgħu jerfgħu riskji fil-livell tal-azjenda agrikola u għandhom it-tendenza li jnaqqsu l-ħtieġa tal-istess bdiewa li jieħdu assigurazzjoni (il-paragrafi 16-23). Għalkemm il-PAK tista’ tippromwovi miżuri preventivi, notevolment permezz ta’ kundizzjonalità agrikola u ambjentali tajba, attwalment l-evidenza li dawn għandhom impatt sinifikanti fuq l-imġiba tal-bdiewa hija limitata. Fil-futur, obbligi aktar stretti dwar kundizzjonijiet agrikoli u ambjentali tajba (inkluża n-newba tal-għelejjel), jistgħu jkunu strument qawwi li permezz tiegħu r-reżiljenza tal-bdiewa tista’ tingħata spinta u jista’ jittejjeb l-impatt ambjentali tal-PAK (il-paragrafi 24-26).

86

Miżuri preventivi huma importanti u jnaqqsu l-esponiment għar-riskju (il-paragrafi 23-26). Il-bdiewa assigurati jista’ jkollhom inqas inċentiv biex japplikaw strateġija kummerċjali aktar reżiljenti jew biex jadattaw għal kundizzjonijiet klimatiċi ġodda (il-paragrafu 59), iżda l-kumpaniji tal-assigurazzjoni jistgħu jirrikjedu li l-klijenti tagħhom jieħdu passi biex inaqqsu r-riskju. Aħna sibna li l-appoġġ li jingħata mill-UE fil-qasam tar-riskji sanitarji, speċjalment il-mard tal-annimali, ta prijorità lill-miżuri ta’ prevenzjoni/monitoraġġ (il-paragrafu 27).

Rakkomandazzjoni 1 – Il-bdiewa jiġu mħeġġa biex iħejju aħjar għall-kriżijiet

Fil-kuntest tat-tibdil fil-klima, jenħtieġ li l-appoġġ pubbliku jiffavorixxi l-miżuri ta’ prevenzjoni/adattament, filwaqt li jħeġġeġ lill-bdiewa biex jagħtu spinta għall-istat ta’ tħejjija tagħhom u għar-reżiljenza tagħhom. Jenħtieġ li l-Kummissjoni torbot l-appoġġ li jingħata mill-UE ma’ prattiki agrikoli li jnaqqsu l-esponiment għar-riskju (bħan-newba tal-għelejjel) u li jimmitigaw il-ħsara (bħall-użu ta’ għelejjel aktar reżistenti).

Data mmirata għall-implimentazzjoni: 2021 (ir-regolamenti ta’ implimentazzjoni tal-PAK ta’ wara l-2020)

87

Fir-rigward tal-għodod għall-ġestjoni tar-riskji, l-appoġġ li jingħata mill-UE ftit li xejn jintuża u mhuwiex uniformi. Il-biċċa l-kbira mill-Istati Membri ma jużawhx. L-appoġġ li jingħata mill-UE, li huwa kkonċentrat fuq l-assigurazzjoni, jasal biss għand frazzjoni mill-bdiewa. Il-biċċa l-kbira mill-bdiewa li jużaw l-assigurazzjoni jagħmlu dan mingħajr l-appoġġ tal-UE. Permezz tal-għażliet li jsiru mill-Istati Membri li jagħmlu l-akbar użu mill-appoġġ għall-assigurazzjoni, il-fondi tal-UE huma kkonċentrati biex jappoġġaw lill-produtturi tal-inbid. Dan l-appoġġ huwa assoċjat ma’ riskju ta’ deadweight. Aħna nikkonkludu li attwalment l-evidenza li dan l-appoġġ jipprovdi valur miżjud tal-UE hija limitata (il-paragrafi 42-49 u 57-58).

88

Aħna sibna li l-Kummissjoni ma tiġborx xi ftit informazzjoni rilevanti biex timmonitorja l-applikazzjoni kumplessa tal-għodod għall-ġestjoni tar-riskji, għalkemm hemm informazzjoni disponibbli fl-Istati Membri li jagħmlu l-akbar użu mill-miżura (il-paragrafi 50-52).

Rakkomandazzjoni 2 – Isir titjib fit-tfassil u fil-monitoraġġ tal-appoġġ għall-assigurazzjoni

Jenħtieġ li l-Kummissjoni:

  1. tivvaluta jekk, fid-dawl tal-fatt li ftit li xejn sar użu mill-appoġġ għall-assigurazzjoni u tal-konċentrazzjoni tiegħu fuq ċerti setturi u fuq produtturi li huma akbar, l-appoġġ jirrappreżentax valur miżjud tal-UE.
  2. timmonitorja l-infiq permezz ta’ indikaturi pertinenti tal-output (bħall-erja u l-kapital assigurati, li diġà jintużaw fil-livell tal-Istati Membri) u ta’ indikaturi tar-riżultati.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: 2021 (ir-regolamenti ta’ implimentazzjoni tal-PAK ta’ wara l-2020)

89

Il-Kummissjoni ħadet miżuri biex tindirizza t-theddida tat-tfixkil fis-suq b’konsegwenza tal-projbizzjoni Russa iżda ma stabbilietx kriterji speċifiċi biex jiġi skattat l-użu ta’ miżuri eċċezzjonali. Il-livell ta’ appoġġ ma ħax inkunsiderazzjoni l-alternattivi disponibbli (il-paragrafi 63-66). Il-Kummissjoni tat kumpens lill-produtturi tat-tuffieħ (61 % tal-appoġġ li jingħata mill-UE) filwaqt li l-kwantitajiet esportati kienu qed jiżdiedu, u l-valur kumplessiv tal-esportazzjonijiet baqa’ relattivament kostanti. Is-surpluses strutturali affettwaw ukoll il-produzzjoni tal-ħawħ u tan-nuċiprisk appoġġata taħt dawn il-miżuri (il-paragrafi 68-71).

90

Il-mod kif il-miżuri ex post intużaw biex jirrispondu għal riskji klimatiċi jista’ ma jkunx allinjat mal-istrateġija għall-appoġġ ta’ użu akbar ta’ strumenti bħalma hija l-assigurazzjoni (il-paragrafu 24 u 35-37).

Rakkomandazzjoni 3 – Jiġu kkjarifikati l-kriterji għall-iskattar u għat-temma tal-miżuri eċċezzjonali, kif ukoll għall-kombinament tagħhom ma’ strumenti oħra

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tikkjarifika l-ambitu tal-intervent tal-miżuri eċċezzjonali billi:

  1. tiddefinixxi parametri kummerċjali u ekonomiċi li jkunu oġġettivi, kif ukoll kriterji għat-teħid ta’ deċiżjoni dwar meta tkun teżisti bażi suffiċjenti biex jittieħed inkunsiderazzjoni l-użu ta’ miżuri eċċezzjonali. Jenħtieġ li dawn il-parametri jieħdu inkunsiderazzjoni r-ritorni kumplessivi lill-produtturi, inkluż l-impatt tal-pagamenti diretti u taż-żidiet fl-output;
  2. tiffoka l-użu ta’ miżuri eċċezzjonali għal avvenimenti estremi tat-temp fuq il-bdiewa li jkunu għamlu użu xieraq mill-għodod għall-prevenzjoni u għall-ġestjoni tar-riskji, fejn dawn ikunu suffiċjentement żviluppati u disponibbli għall-bdiewa.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: 2021

91

L-awditu li wettaqna wera li, ta’ spiss, l-appoġġ li jitħallas għad-distribuzzjoni tat-tuffieħ mingħajr ħlas jaqbeż il-limiti tal-prezzijiet tas-suq, u għaldaqstant ippermetta l-kumpens eċċessiv (il-paragrafi 73-76). Id-dispożizzjonijiet li jippermettu l-ipproċessar ta’ prodotti friski taħt distribuzzjoni mingħajr ħlas iġibu magħhom ir-riskju li l-livell ta’ appoġġ ikun għoli wisq u li l-proċessuri jżommu għalihom sehem sostanzjali tal-prodotti rtirati biex ikopru l-ispejjeż tal-ipproċessar tagħhom (il-paragrafi 77-82).

Rakkomandazzjoni 4 – Jiġi aġġustat il-kumpens għall-operazzjonijiet ta’ rtirar

Sabiex tevita l-kumpens eċċessiv, jenħtieġ li l-Kummissjoni:

  1. tiżgura li l-appoġġ għal operazzjonijiet ta’ rtirar ma jkunx jaqbeż il-prezz medju tas-suq ta’ qabel il-kriżi fl-Istat Membru tal-produttur;
  2. tivvaluta l-prattiċità li tistabbilixxi rati tal-għajnuna taħt il-100 % u li tirrikjedi t-twettiq ta’ kofinanzjament sinifikanti meta l-Istati Membri jkollhom rwol kbir fid-definizzjoni ta’ elementi ewlenin tal-iskemi ta’ appoġġ.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: 2021

Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla I, immexxija mis-Sur Nikolaos Milionis, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tas-16 ta’ Ottubru 2019.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Klaus-Heiner LEHNE
President

Anness

Kwestjonarji għall-bdiewa

Noti introduttorji

Aħna ddiskutejna l-ġestjoni tar-riskji ma’ 105 bdiewa li żorna fi ħdan is-sena finanzjarja tad-Dikjarazzjoni ta’ Assigurazzjoni fl-2018, fi 17-il Stat Membru. Dan il-kampjun kien ibbażat fuq id-daqs tas-sussidju riċevut, u għaldaqstant iffoka fuq azjendi agrikoli akbar.

Il-mistoqsijiet tagħna huma relatati ma’ riskji u ma’ strateġiji għall-ġestjoni tar-riskji fil-livell tal-azjenda agrikola.

Figura 20 

Distribuzzjoni tal-kwestjonarji skont l-Istat Membru

Nota: Il-graff turi li l-pajjiżi bl-ogħla għadd ta’ bdiewa intervistati kienu l-Italja u Franza (12-il intervista), Spanja (11) u l-Ġermanja (10).

Sors: Il-QEA.

Figura 21 

Kawżi ta’ telf sostanzjali tal-produzzjoni (%)

Nota: F’din il-mistoqsija l-bdiewa setgħu jindikaw aktar minn kawża waħda ta’ telf. Il-kawżi prinċipali ta’ telf, skont il-perċezzjoni tal-bdiewa, kienu l-avvenimenti klimatiċi avversi, segwiti minn fluttwazzjonijiet fil-prezzijiet tas-suq.

Sors: Il-QEA.

Figura 22 

Miżuri preventivi fil-livell tal-azjenda agrikola

Nota: Miżuri preventivi ma jinkludux bdiewa li għandhom kuntratti ta’ assigurazzjoni jew li għandhom sħubija f’fond mutwu. Kien hemm 10 bdiewa li qalu li ma kellhom l-ebda miżura preventiva fis-seħħ fil-livell tal-azjenda agrikola.

Sors: Il-QEA.

Figura 23 

Perċentwal ta’ bdiewa li attwalment għandhom assigurazzjoni jew għandhom sħubija f’fond mutwu

Nota: Il-biċċa l-kbira mill-bdiewa għandhom assigurazzjoni jew għandhom sħubija f’fond mutwu. Il-maġġoranza tal-bdiewa (57) għandhom Assigurazzjoni fuq bażi volontarja. Hemm 33 bidwi li la għandhom assigurazzjoni u lanqas fond mutwu.

Sors: Il-QEA.

Figura 24 

Kopertura tal-assigurazzjoni skont is-sehem ta’ pagamenti diretti b’rabta mal-introjtu agrikolu totali

Nota: Aktar ma jkun għoli s-sehem ta’ pagamenti diretti b’rabta mal-introjtu agrikolu, aktar ikun baxx il-livell ta’ użu li jsir mill-assigurazzjoni.

Sors: Il-QEA.

Figura 25 

Raġunijiet prinċipali li l-bdiewa taw għall-fatt li ma għandhomx assigurazzjoni jew ma għandhomx sħubija f’fond mutwu

Sors: Il-QEA.

Akronimi u abbrevjazzjonijiet

CAA: Centri di Assistenza Agricola - ċentri awtorizzati ta’ assistenza għall-bdiewa

ESTAT: Eurostat

FADN: Netwerk ta’ Informazzjoni tal-Kontabbiltà Agrikola

FNVA: Valur Nett miżjud tal-Azjendi Agrikoli

FSS: Stħarriġ dwar l-Istruttura tal-Ażjendi Agrikoli

OECD: Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi

PAK: Politika agrikola komuni

PĠK: (Miżura ta’) prevenzjoni u ġestjoni tal-kriżijiet

Glossarju

Adattabbiltà: Il-kapaċità ta’ sistema biex taġġusta elementi u proċessi interni b’rispons għal ċirkustanzi esterni li qed jinbidlu u b’hekk biex tkompli matul l-istess trajettorja filwaqt li żżomm il-funzjonijiet importanti kollha (Folke et al., 2010).

Condifesa: Assoċjazzjoni tal-bdiewa reġjonali Taljana għall-assigurazzjoni kontra riskji klimatiċi.

Deadweight: Sitwazzjoni fejn jintużaw fondi pubbliċi għall-finanzjament ta’ attività li kieku kienet tipproċedi anki mingħajr appoġġ pubbliku.

Ħsad bikri: Il-ħsad ta’ prodotti mhux misjura li ma jistgħux jiġu kkummerċjalizzati f’żona partikolari. Il-prodotti kkonċernati jridu ma jkunx saritilhom ħsara b’xi mod qabel.

Introjtu: Is-somma tad-dħul li bidwi jirċievi mis-suq, inkluż kwalunkwe appoġġ pubbliku addizzjonali, wara li jitnaqqsu l-kostijiet (il-prezzijiet) tal-input.

Medja Olimpika: Il-medja ta’ firxa partikolari wara li jitneħħew l-ogħla valur u l-valur l-aktar baxx.

Nuqqas ta’ ħsad: It-tmiem ta’ ċiklu tal-produzzjoni attwali f’żona fejn il-prodott huwa żviluppat sew u huwa ta’ kwalità tajba, ġusta u kummerċjabbli.

Prinċipju ta’ min jiġi l-ewwel jinqeda l-ewwel: Kriterju tal-għażla li jippremja unikament ir-rapidità tar-reazzjoni.

Prinċipju tas-sussidjarjetà: Ir-regola li tiddikjara li l-UE ma tistax tieħu azzjoni dment li din l-azzjoni ma tistax tkun aktar effettiva minn azzjoni li tittieħed fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali).

Projbizzjoni Russa: Fis-7 ta’ Awwissu 2014, il-Gvern tal-Federazzjoni Russa pprojbixxa l-importazzjonijiet ta’ lista ta’ prodotti minn għadd ta’ pajjiżi, inklużi l-Istati Membri tal-UE.

Reżiljenza: Il-kapaċità li jkollhom il-bdiewa biex jirreżistu għax-xokkijiet u jkomplu bl-attività tagħhom. Hija għandha tliet komponenti: robustezza, adattabbiltà u transformabbiltà.

Robustezza: Il-kapaċità ta’ sistema li tirreżisti għal perturbazzjonijiet esterni u li żżomm il-livelli ta’ funzjonalità preċedenti mingħajr bidliet kbar fl-elementi interni tagħha (Urruty et al., 2016).

Sena ta’ kummerċjalizzazzjoni: Il-perjodu referenzjarju, iddeterminat miż-żminijiet tal-ħsad, għall-analizzar u r-rappurtar tal-produzzjoni tal-għelejjel u għall-iffissar tal-prezzijiet.

Transformabbiltà: Il-kapaċità ta’ sistema biex tiżviluppa jew tinkorpora elementi u proċessi ġodda, sa livell li jibdel il-loġika operazzjonali tagħha sabiex jinżammu funzjonijiet importanti meta bidliet strutturali fl-ambjent ekoloġiku, ekonomiku jew soċjali jirrenduha insostenibbli jew disfunzjonali.

Valur Nett miżjud tal-Azjendi Agrikoli (FNVA): Indikatur fin-Netwerk ta’ Informazzjoni tal-Kontabbiltà Agrikola, biex jiddeskrivi l-valur tal-produzzjoni totali ta’ azjenda agrikola, bis-sussidji miżjuda miegħu u bil-konsum intermedju (valur tal-oġġetti u s-servizzi kkunsmati matul proċess tal-produzzjoni) u d-deprezzament imnaqqsa minnu.

Risposti tal-Kummissjoni

Sommarju eżekuttiv

I

Filwaqt li hemm ħtieġa ġenerali li tittejjeb is-sensibilizzazzjoni u l-fokus fuq il-ġestjoni tar-riskji, l-azzjoni fil-PAK wara l-2020 trid tidher ukoll fil-kuntest tal-mekkaniżmu ta’ implimentazzjoni orjentat lejn il-prestazzjoni li huwa propost għall-politika futura. Dan jeħtieġ, fost affarijiet oħra, li l-interventi ffinanzjati mill-PAK ikunu konformi mal-ħtiġijiet tal-Istati Membri li jridu jiġu identifikati abbażi ta’ evidenza.

IV

L-assigurazzjoni tal-ħsad hija disponibbli taħt iż-żewġ pilastri tal-PAK iżda l-finanzjament doppju huwa eskluż.

V

Wieħed mill-objettivi tal-appoġġ tal-UE huwa li l-Istati Membri jingħataw kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jimplimentaw l-assigurazzjonijiet appoġġati mill-UE abbażi tal-analiżi SWOT u valutazzjoni tal-ħtiġijiet.

Il-valur miżjud ta’ politika tal-UE ma għandux jitkejjel biss permezz ta’ parteċipazzjoni u nfiq imkejjel fuq perjodu ta’ żmien qasir, speċjalment jekk l-għodod ikunu ġodda. Pereżempju, l-assigurazzjonijiet fl-iżvilupp rurali huma strumenti ġodda, u, bħala tali, għandhom bżonn iż-żmien biex jiġu implimentati. Il-Kummissjoni tiġbor id-data mill-Istati Membri dwar il-kriżi u l-miżuri ta’ ġestjoni inklużi miżuri eċċezzjonali u tirċievi informazzjoni fil-livell ta’ sottomiżuri dwar il-ġestjoni tar-riskji taħt il-Pilastru II fir-Rapporti ta’ Implimentazzjoni Annwali tal-Istati Membri.

Fir-rigward tal-istrumenti tal-għodod tal-ġestjoni tar-riskji taħt il-Pilastru II, l-Istati Membri jistgħu jevitaw ir-riskju eventwali ta’ deadweight billi jillimitaw l-ammont eliġibbli ta’ appoġġ billi jużaw id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 37(4) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013.

VI

It-telf tas-suq Russu li ngħalaq fiżikament mal-ewwel kien il-kriterju kkunsidrat (permezz ta’ prodotti, f’volum u f’valur meta mqabbel ma’ swieq terzi oħra u mas-suq intern). Swieq alternattivi tal-iskala tas-suq Russu ma kinux disponibbli meta tpoġġiet fis-seħħ il-projbizzjoni Russa.

VII

Il-kontrolli jitwettqu mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri. F’dan il-kuntest, it-“traċċabbiltà” trid tinftiehem bħala kontroll.

VIII

Ara t-tweġibiet tal-Kummissjoni għall-paragrafi 84 sa 92.

Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjonijiet sa ċertu punt, speċjalment fir-rigward tat-tħeġġiġ lill-bdiewa biex iħejju aħjar għall-kriżijiet, it-tfassil u l-monitoraġġ tal-appoġġ għall-assigurazzjoni (parzjalment), il-kriterji għal rikors għal miżuri eċċezzjonali (parzjalment) u l-kumpens għall-operazzjonijiet ta’ rtirar (parzjalment).

Introduzzjoni

01

Ara t-tweġiba tal-Kummissjoni għall-paragrafu I.

03

Il-politika sanitarja tal-UE implimentata għal għexieren ta’ snin ippreveniet li jiżdied il-mard tal-pjanti u tal-annimali bl-istess proporzjon bħaż-żieda fil-kummerċ u fil-moviment tal-bniedem.

06

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2017 ikkontribwiet għall-proposti tal-PAK tal-2018. Dawn jirrikjedu li l-Istati Membri, fost oħrajn, jinkludu fil-pjanijiet tal-PAK tagħhom spjegazzjoni dwar liema interventi se jikkontribwixxu biex jiġi żgurat approċċ koerenti u integrat għall-ġestjoni tar-riskji (l-Artikolu 97 tar-Regolament dwar Pjan Strateġiku propost COM(2018) 392).

07

Il-Kummissjoni tixtieq tindika dan li ġej:

Għall-PAK wara l-2020 ipproponiet tliet objettivi ġenerali u disa’ objettivi speċifiċi kif stabbilit fl-Artikolu 5 u 6 tar-Regolament dwar Pjan Strateġiku propost COM(2018) 392. Minn perspettiva kunċettwali, it-tliet objettivi ġenerali - wieħed ekonomiku, wieħed ambjentali/klimatiku u wieħed territorjali/soċjetali - huma maqsuma ulterjorment fi tliet objettivi speċifiċi rispettivament. Fl-eżempji ppreżentati fil-Figura 3, l-objettiv ġenerali ekonomiku huwa marbut ma’ tnejn mit-tliet objettivi speċifiċi ekonomiċi u ma’ wieħed mit-tliet objettivi speċifiċi ambjentali/klimatiċi.

Ara wkoll it-tweġiba tal-Kummissjoni għall-paragrafu 16.

09

Taħt il-Pilastru II, l-UE tagħti l-possibbiltà lill-Istati Membri li jappoġġaw lill-bdiewa permezz tal-Miżura 5 biex jirrestawraw il-potenzjal tal-produzzjoni agrikola u l-azzjonijiet preventivi (mhux analizzati b’dan l-awditu), u tliet strumenti għall-ġestjoni tar-riskji (il-Miżura 17): l-assigurazzjoni (M17.1), il-fondi mutwi (M17.2) u l-għodod ta’ stabbilizzazzjoni tal-introjtu (M17.3).

Ambitu u approċċ tal-awditjar

11

Il-Kummissjoni tindika li l-indirizzar tar-riskji u tal-kriżijiet huma żewġ aspetti differenti (iżda komplementari). F’konformità mal-Figura 2, il-PAK jipprovdi l-għodod għal riskji normali, kummerċjabbli u katastrofiċi fl-istess ħin.

Osservazzjonijiet

16

Filwaqt li l-Pagamenti Diretti mhumiex imfassla speċifikament bħala strument ta’ ġestjoni tar-riskji u, sussegwentment, ma jistgħux jiġu mmappjati faċilment skont il-klassifikazzjoni tar-riskji, dawn jipprovdu xibka ta’ sikurezza għall-bdiewa li hija indipendenti mill-fluttwazzjonijiet tas-suq. Għaldaqstant, dawn għandhom effett ta’ stabbilizzazzjoni tal-introjtu billi jġibu ruħhom bħala bafer kontra l-volatilità tal-introjtu.

18

Il-pagamenti diretti jippermettu li l-bdiewa jtejbu l-istat ta’ tħejjija tagħhom għar-riskji – f’ħafna każijiet, din tkun xi ħaġa impossibbli mingħajr l-appoġġ.

Fir-rigward tal-għodod ta’ ġestjoni tar-riskji tal-Pilastru II, hemm żewġ mekkaniżmi fis-seħħ, li jiżguraw li l-bidwi jibqa’ sensittiv għar-riskju: (1) l-għodod jipprovdu kumpens biss għat-telf li jaqbeż livell minimu, u (2) it-telf li jiskatta l-kumpens huwa kkalkulat fil-konfront tal-produzzjoni medja jew tal-introjtu tal-aħħar tliet jew ħames snin. Għaldaqstant, din il-medja hija aġġornata kull sena.

It-tweġiba komuni tal-Kummissjoni għall-paragrafi 21 u 22:

Il-korrelazzjoni minnha nfisha ma tindikax/tispjegax kawżalità sottostanti, jiġifieri li minħabba sehem ogħla ta’ pagamenti diretti fl-introjtu, is-sħubija f’assigurazzjoni hija aktar baxxa. Lil hinn minn fatturi oħrajn li jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet tal-bdiewa (pereżempju d-disponibbiltà tal-assigurazzjonijiet), ir-riżultati jistgħu jiġu influwenzati mill-piż relattiv ta’ ċerti setturi fil-kategoriji (<30 % pagamenti diretti, 30-50 %, >50 % pagamenti diretti) billi s-sehem tal-pagamenti diretti fl-introjtu jiddependi ħafna fuq is-settur.

26

It-tieni inċiż: Il-fatt li n-newba tal-għelejjel se tkun parti mir-rekwiżiti tal-kundizzjonalità se jżid l-għarfien tal-bdiewa dwar dik il-prattika. In-newba tal-għelejjel se tikkontribwixxi biex jiġi indirizzat l-objettiv tal-kwalità tal-protezzjoni tal-ħamrija u indirettament se żżid ir-reżiljenza agrikola, li tintlaħaq ukoll flimkien ma’ prattiki oħrajn.

Kundizzjonalità mtejba se tistabbilixxi livell minimu ta’ prattiki agrikoli għall-bdiewa li tippermetti li dawk li diġà jissodisfaw ir-rekwiżiti jkomplu dan u li tirrikjedi sforzi addizzjonali minn oħrajn. Barra minn hekk, fil-PAK futura, huwa stabbilit li jittejbu l-miżuri volontarji li jakkumpanjaw lill-bdiewa lejn l-adozzjoni ta’ prattiki agrikoli aktar sostenibbli.

27

Il-Kummissjoni tqis li l-qafas attwali tal-miżuri preventivi żgura li l-Ewropa tgawdi mill-ogħla standards ta’ sikurezza alimentari u saħħa tal-annimali u tal-pjanti fid-dinja. Dan żgura livell għoli ħafna ta’ protezzjoni tas-saħħa u ħadem għall-benefiċċju tas-suq intern u tal-esportazzjonijiet tal-ikel tal-UE. L-ispiża ta’ nofs biljun euro trid tidher fil-kuntest tal-produzzjoni agroalimentari globali ta’ EUR 408 biljun.

Mingħajr miżuri ex ante effettivi implimentati għal għexieren ta’ snin fil-livell tal-UE, il-miżuri ex post kienu jilħqu livelli ferm ogħla fl-ispejjeż.

30

Minħabba n-novità tal-għodod ta’ stabbilizzazzjoni tal-introjtu, irid iż-żmien biex dawn l-istrumenti jiġu implimentati. Madankollu, xi ftit Stati Membri bħalissa huma f’pożizzjoni tajba sabiex dalwaqt jibdew jimplimentaw din l-għodda (pereżempju l-Italja, l-Ungerija).

32

Il-PAK tipprovdi sett ta’ għodod differenti. Il-fatt li s-settur tal-inbid u tal-frott u l-ħxejjex jista’ jibbenefika minn skemi ta’ assigurazzjoni taħt iż-żewġ pilastri ma għandux jidher bħala trikkib potenzjali, iżda bħala għażla mogħtija lill-Istati Membri, lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi u lill-bdiewa individwali biex jagħżlu l-aħjar għodda biex jindirizzaw riskju partikulari.

Għall-OKS, il-fondi mutwi jistgħu jiġu attivati f’każ ta’ kundizzjonijiet tas-suq avversi, filwaqt li l-assigurazzjoni tista’ tiġi attivata f’każ ta’ diżastri naturali, avveniment klimatiku, mard jew infezzjonijiet tal-pesti.

Il-miżuri tal-iżvilupp rurali jirrigwardaw l-iskemi tal-assigurazzjoni għat-telf fil-produzzjoni u l-fondi mutwi għat-telf fil-produzzjoni u fl-introjtu. L-ipprogrammar simultanju tal-assigurazzjonijiet u tal-fondi mutwi għat-telf fil-produzzjoni huwa possibbli u, skont il-ħtiġijiet tal-Istat Membru u tal-benefiċjarji, jista’ jagħmel sens. B’dan il-mod, iż-żewġ għodod għall-ġestjoni tar-riskji jikkomplementaw lil xulxin. Barra minn hekk, bħala dispożizzjoni ġenerali, il-finanzjament doppju tal-istess miżura mhuwiex permess (l-Artikolu 30 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013).

Il-miżuri eċċezzjonali huma attivati f’każ ta’ avvenimenti politiċi jew tipi oħra ta’ avvnimenti fejn il-miżuri preventivi tal-ġestjoni tar-riskji ma jibqgħux ilaħħqu.

33

Taħt il-Pilastru I, sa issa, l-appoġġ għall-fondi mutwi huwa limitat għall-ispejjeż amministrattivi għat-twaqqif tal-fond mutwu u għar-rikostituzzjoni tiegħu. Dan jispjega n-nuqqas ta’ interess mill-organizzazzjonijiet tal-produtturi. Fil-PAK ta’ wara l-2020, il-Kummissjoni tipproponi li tneħħi din il-limitazzjoni u tipprovdi finanzjament mill-UE għall-fond mutwu għall-miżuri ta’ kriżi. Dan għandu jiffavorixxi l-użu ta’ din il-miżura.

Fir-rigward tal-użu tal-fondi mutwi taħt il-Pilastru II, ara t-tweġibiet tal-Kummissjoni għall-paragrafi 43 sa 45.

34

Il-Kummissjoni tipproponi li fil-PAK ta’ wara l-2020 tkompli ttejjeb l-attrattività tal-fondi mutwi għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi.

Għalkemm it-twaqqif tal-fondi mutwi huwa aktar kumpless milli jiġi ffirmat kuntratt ta’ assigurazzjoni, il-fondi mutwi jipprovdu lill-bdiewa b’sett ta’ vantaġġi, bħas-sjieda tal-għodda, it-tfaddil monetarju fit-tul u l-possibbiltà li jiġu koperti riskji li mhumiex koperti mis-suq.

L-approċċ Franċiż huwa soluzzjoni possibbli. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu lil-bdiewa b’aktar għażliet biex jagħżlu l-istrument li jixraq l-aktar għall-ħtiġijiet tagħhom. Għaldaqstant, sakemm jiġi evitat il-finanzjament doppju, strumenti li jkopru l-istess riskju wkoll jistgħu jkunu komplementari.

35

Il-fondi mutwi u l-assigurazzjoni huma taħt ir-responsabbiltà diretta tal-produtturi permezz tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi filwaqt li l-miżuri eċċezzjonali huma b’reazzjoni għal avvenimenti speċifiċi li ġeneralment jaffettwaw lis-swieq (bħall-projbizzjoni Russa).

36

Il-miżura tal-PAK li jiġu appoġġati l-bdiewa milquta minn għargħar u xita qawwija ngħatat minħabba kundizzjonijiet eċċezzjonali u bla preċedent tat-temp fuq perjodu twil li seħħ fl-Istati Membri kkonċernati.

Minħabba l-użu eċċezzjonali tal-Artikolu 221, il-bdiewa ma jistgħux jiddependu fuq kumpens għal danni relatati mat-temp u għadhom iħabbtu wiċċhom ma’ riskju konsiderevoli ta’ telf ta’ introjtu jekk ma jittaffiex permezz ta’ għodod regolari tal-ġestjoni tar-riskji, pereżempju l-assigurazzjonijiet.

38

Taħt ġestjoni kondiviża, huwa f’idejn l-Istat Membru li jagħżel l-għodod xierqa offruti mill-FAEŻR abbażi tal-analiżi SWOT u l-valutazzjoni tal-ħtiġijiet rispettiva. Għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2014–2020: huwa f’idejn l-Istat Membru biex jiddeċiedi jekk l-implimentazzjoni tal-għodod tal-ġestjoni tar-riskji offruti skont ir-Regolament dwar l-Iżvilupp Rurali hijiex xierqa.

39

Il-proposti tal-Kummissjoni ma jimplikawx li l-Istat Membri ma jibqgħux jużaw is-sistemi nazzjonali tagħhom. Minflok, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, l-Istati Membri jibbenefikaw minn aktar flessibbiltà biex ifasslu għodod rispettivi abbażi ta’ analiżi SWOT u valutazzjoni tal-ħtiġijiet tajbin. L-Istati Membri li diġà jipprovdu appoġġ nazzjonali għall-ġestjoni tar-riskji għandhom jieħdu l-opportunità li jużaw l-appoġġ għall-iżvilupp rurali għal skemi innovattivi li jikkomplementaw dawk eżistenti b’mod koerenti.

41

L-objettiv tal-appoġġ tal-UE mhuwiex li jissostitwixxi s-sistemi nazzjonali, kemm jekk dawn ikunu skemi tal-assigurazzjoni pubbliċi kif ukoll jekk ikunu privati. L-objettiv huwa li l-Istati Membri jingħataw għodod biex jindirizzaw sitwazzjonijiet ta’ ħtieġa, pereżempju meta jkun hemm nuqqas ta’ għodod oħra li jħeġġu l-parteċipazzjoni tal-bdiewa fil-ġestjoni tar-riskji.

42

Ara t-tweġiba tal-Kummissjoni għall-paragrafu 38.

It-tweġiba komuni tal-Kummissjoni għall-paragrafi 43 sa 45:

L-appoġġ preponderanti mogħti sa issa għall-assigurazzjonijiet huwa prinċipalment minħabba l-fatt li din l-għodda hija l-aktar waħda magħrufa u użata mill-bdiewa, bl-appoġġ tal-UE jew mingħajru. Il-fondi mutwi kemm għat-telf fil-produzzjoni kif ukoll fl-introjtu huma, b’mod ġenerali, anqas magħrufa u użati.

L-implimentazzjoni tal-istrumenti l-ġodda tieħu ż-żmien, għaliex il-bini ta’ kapaċità tal-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri huwa meħtieġ daqs is-sensibilizzazzjoni u l-involviment tal-bdiewa. Issa diġà hemm Programmi ta’ Żvilupp Rurali li fihom kważi diġà ntlaħqu jew anke nqabżu l-miri tal-adozzjoni.

Barra minn hekk, it-tifsira tal-adozzjoni trid tidher fir-rigward tal-ħtiġijiet u tal-prijoritajiet rurali identifikati meta jiġu programmati miżuri ta’ żvilupp rurali: pereżempju li jingħata appoġġ għall-ġestjoni tar-riskji lil kważi 20 % tal-bdiewa, kif indikat fit-Tabella 4 fil-każ ta’ Franza, jista’ jitqies bħala adozzjoni sinifikanti.

Ara wkoll it-tweġiba tal-Kummissjoni għall-paragrafu 38.

46

Ara t-tweġibiet tal-Kummissjoni għall-paragrafi 41 u 45.

49

Il-valur miżjud tal-UE tal-appoġġ tal-PAK għall-assigurazzjonijiet, li jinsab minqux fl-għodod ġenerali tal-ġestjoni tar-riskji tal-PAK, joriġina mill-ħtieġa li tingħata tweġiba għall-ġestjoni tar-riskji bħala sfida komuni f’forma ta’ sett komuni ta’ regoli fil-livell tal-UE li – f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà – jippermetti għażliet u adattamenti mill-Istati Membri skont il-ħtiġijiet tagħhom.

Rigward l-adozzjoni tal-assigurazzjonijiet, il-Kummissjoni tixtieq tirreferi għat-tweġiba tagħha għall-paragrafu 43 sa 45. Barra minn hekk, tixtieq tindika li l-adozzjoni ta’ ċertu skema tal-assigurazzjoni hija xprunata minn ħafna fatturi (pereżempju kapaċità amministrattiva għat-tfassil ta’ skema attraenti u effiċjenti) u tista’ anke tkun soġġetta għal bidliet matul iż-żmien.

It-tweġiba komuni tal-Kummissjoni għall-paragrafi 50 u 51:

Fil-Qafas Komuni ta’ Monitoraġġ u Evalwazzjoni (CMEF), l-ambitu ta’ indikatur tar-riżultati huwa li jikkwantifika u jimmonitorja l-implimentazzjoni tal-Programmi ta’ Żvilupp Rurali fil-livell tal-oqsma ta’ prijorità, mhux fil-livell tal-miżuri/sottomiżuri uniċi. L-indikatur tar-riżultati “perċentwal ta’ azjendi agrikoli li jipparteċipaw fi skemi ta’ ġestjoni tar-riskji” huwa marbut mal-qasam ta’ prijorità 3b “appoġġ għall-prevenzjoni u l-ġestjoni tar-riskji għall-azjendi agrikoli” u jiġbor l-effett kumulattiv tal-miżuri/sottomiżuri rilevanti kollha lejn l-objettivi ta’ dak il-qasam ta’ prijorità. Fir-rigward tal-Miżura 17, jista’ jinkiseb tqassim aktar dettaljat dwar l-implimentazzjoni tal-għodod individwali permezz tal-indikaturi tal-produzzjoni definiti għal kull sottomiżura, il-Pjan ta’ Indikaturi ta’ kull Programm tal-Iżvilupp Rurali u l-informazzjoni fir-Rapporti Annwali ta’ Implimentazzjoni mressqa mill-Istati Membri kull sena.

52

Il-qafas legali jipprovdi lill-Istati Membri bil-possibbiltà li jiddefinixxu l-indikaturi addizzjonali speċifiċi għall-programm li jkopru l-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom.

L-indikaturi tar-riżultati ma jkejlux l-impatt tal-politika, li jista’ jiġi vvalutat biss permezz ta’ evalwazzjoni, li l-indikaturi jipprovdu xi informazzjoni iżda mhux l-informazzjoni kollha meħtieġa għalih.

Madankollu, hemm diversi fatturi li jaffettwaw l-introjtu (l-iżviluppi tas-suq, l-appoġġ għall-introjtu, il-ġestjoni tar-riskji ...) u l-kalkolu f’ċifri netti tar-rwol tal-assigurazzjoni biex jiġi stabbilizzat l-introjtu jeħtieġ evalwazzjoni.

53

F’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, it-twaqqif tal-mekkaniżmu eżekuttiv u l-implimentazzjoni tal-proċeduri għall-iskemi differenti huma responsabbiltà tal-Istati Membri.

Is-sistema tal-assigurazzjonijiet hija kumplessa fin-natura tagħha, billi l-kuntratti jridu jiġu adatti fuq bażi regolari. Għall-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ appoġġ tal-UE, l-Istati Membri huma mħeġġa jevitaw li joħolqu burokrazija addizzjonali. Barra minn hekk, jeżistu servizzi ta’ appoġġ volontarji għall-bdiewa f’ħafna Stati Membri sabiex jgħinuhom japplikaw għal appoġġ taħt l-iskemi differenti tal-PAK. Dan mhuwiex uniku għall-implimentazzjoni tal-għodod tal-ġestjoni tar-riskji.

54

L-implimentazzjoni inizjali ta’ miżura ta’ żvilupp rurali ġdid fi Stat Membru timplika l-involviment ta’ diversi tipi ta’ riżorsi – monetarji, amministrattivi u umani – indipendentement mill-miżura. Għaldaqstant, il-Miżura 17 mhijiex eskluża b’dan il-kors. Skont il-kapaċità tal-Istat Membru, fil-bidu dan jista’ jkun skoraġġanti.

55

Kif enfasizzat fit-tweġiba tal-Kummissjoni għall-paragrafu 52, l-introjtu huwa affettwat minn diversi fatturi barra l-parteċipazzjoni fi skemi ta’ assigurazzjoni, bħall-iżviluppi tas-suq u l-appoġġ għall-introjtu. Il-kalkolu f’ċifri netti tar-rwol tal-assigurazzjonijiet fl-istabbilizzazzjoni tal-introjtu jirrikjedi evalwazzjoni.

56

L-objettivi differenti, li jiskattaw kawżi u mekkaniżmi eżekuttivi jinsabu fil-bażi ta’, fost affarijiet oħra, id-differenza fit-tempestività tal-pagamenti bejn l-assigurazzjonijiet u l-miżuri ex post. Fil-fatt, l-assigurazzjonijiet u l-miżuri ex post eċċezzjonali jirreaġixxu għal riskji differenti u min-natura tagħhom isegwu skeda ta’ żmien differenti.

58

L-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jużaw l-Artikolu 37(4) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 biex jillimitaw l-ammont tal-primjum li huwa eliġibbli għal appoġġ billi jiġu applikati livelli massimi xierqa.

59

Il-bdiewa huma imprendituri: huwa fl-aħjar interess tagħhom li jimplimentaw attivitajiet ta’ mitigazzjoni sabiex inaqqsu l-esponiment għar-riskju u jiksbu l-ogħla dħul possibbli mill-għelejjel tagħhom, kemm jekk jiffirmaw polza ta’ assigurazzjoni kif ukoll jekk le. Il-bdiewa jistgħu jirċievu appoġġ mill-FAEŻR għall-istipulazzjoni ta’ polza tal-assigurazzjoni, li, madankollu, ma tistax tkun ogħla minn 70 % mill-primjum imħallas. Barra minn hekk, hemm livelli limiti u frankiġji li jridu jitqiesu. Għaldaqstant, huwa fl-aħjar interess tagħhom li dawn il-flus ma jinħlewx.

L-assigurazzjonijiet iridu jitqiesu bħala salvagwardja ekonomika għall-bdiewa kontra r-riskji assoċjati mal-attività agrikola. Dawn jgħinu jistabbilizzaw l-introjtu tal-bdiewa u jistgħu jippromwovu d-diversifikazzjoni u l-investimenti li min-naħa tagħhom jistgħu jżidu r-reżiljenza tal-azjenda.

63

63 It-telf ekonomiku u t-tfixkil mistenni ma ġewx imqabbla ma’ limitu definit għax il-koleġiżlaturi ma stabbilewx livell limitu definit. It-test tal-Artikolu 219 iqis it-tfixkil ikkawżat minn “żieda jew tnaqqis sinifikanti fil-prezzijiet fi swieq interni u esterni jew avvenimenti u ċirkostanzi oħrajn li jfixklu jew jheddu li jfixklu s-suq b’mod sinifikanti”. Il-Kummissjoni wettqet analiżi bir-reqqa tat-tfixkil fis-suq u l-ħsarat ekonomiċi mistennija li wasslet għall-konklużjoni li ġew issodisfati l-kundizzjonijiet għall-iskattar tal-miżuri eċċezzjonali skont l-Artikolu 219.

B’din il-firxa wiesgħa ta’ sitwazzjonijiet, huwa virtwalment impossibbli li jiġu stabbiliti parametri għall-iskattar. Ikun saħansitra kontradittorju man-natura eċċezzjonali tal-miżura li jiġu stabbiliti limiti għall-iskattar ta’ tali miżura. Dan jevita wkoll reazzjoni b’urġenza u tfassil tar-reazzjoni għall-karatteristiċi ta’ kull tfixkil fis-suq. Dan jispjega għaliex anke fid-dibattitu akkademiku ma hemm l-ebda kunsens dwar x’jikkostitwixxi limitu jew parametru oġġettiv għal dan l-iskop.

64

Fil-bidu tal-projbizzjoni Russa, il-livell tal-esportazzjonijiet tal-Frott u l-Ħxejjex tal-UE lejn ir-Russja kien kriterju eżistenti, filwaqt li s-swieq alternattivi tal-UE u ta’ pajjiżi terzi kienu jkunu purament suppożizzjoni.

65

Ir-rappreżentazzjoni skont is-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni minflok skont is-sena kalendarja hija aktar adatta għal analiżi xierqa tas-suq.

L-użu ta’ data intra-UE jwassal għal għadd doppju possibbli ta’ flussi. Dan iseħħ kull darba li t-tuffieħ jgħaddi minn Stat Membru ieħor fejn id-dikjarazzjoni doganali tal-esportazzjoni tiġi ppreżentata qabel jintbagħat lejn il-pajjiż terz.

Matul il-projbizzjoni Russa, il-volum totali ta’ esportazzjoni barra mill-UE żdied fl-2014/15 iżda beda jonqos mill-2015/16 ‘il quddiem, u dan jirrifletti bidla fix-xejra.

Matul il-perjodu ta’ żidiet, swieq oħra barra mill-UE kkompensaw parzjalment u temporanjament għat-telf tas-suq Russu. Fil-bidu tal-embargo Russu fl-2014/15, is-suq Russu baqa’ aċċessibbli u mbagħad sar aċċessibbli fl-2015/16 u fl-2016/17 biss permezz tal-Belarussja b’kostijiet addizzjonali tat-tranżazzjoni. B’mod parallel, parti mill-esportazzjonijiet tal-UE ġew riorjentati lejn l-Afrika ta’ Fuq, iżda aktar tard, l-Alġerija għalqet il-fruntieri tagħha. Sadanittant, il-prezzijiet tat-tuffieħ tal-UE tbaxxew, u dan wera tfixkil reali fis-suq.

66

Il-kombinazzjoni ta’ tnaqqis sinifikanti fuq tliet snin fil-prezzijiet tal-produtturi u ta’ bidla ċara fix-xejra (minn waħda pożittiva għal waħda negattiva) fil-esportazzjonijiet barra mill-UE sa mill-projbizzjoni Russa li wasslet, mhux immedjatament bis-saħħa tar-ridirezzjonar permezz tal-Belarussja u xi kumpens parzjali fi swieq oħra (bil-kostijiet tat-tranżazzjoni/tar-ridirezzjonar li dan jimplika għall-kummerċjanti), għal tnaqqis fl-esportazzjoni, kienet ta’ tfixkil għal settur ibbażat fuq il-ġonna fejn id-deċiżjonijiet dwar l-investiment li jittieħdu mill-operaturi jkunu għall-10 snin li ġejjin.

67

Il-possibbiltà ta’ ħżin limitat għal dan il-frott li jeħżien ma tippermettix li din is-sitwazzjoni titjieb malajr. Barra minn hekk, il-projbizzjoni mħabbra mir-Russja fuq l-importazzjonijiet tal-frott u l-ħxejjex mill-Unjoni lejn ir-Russja tirriskja li taggrava s-sitwazzjoni fis-swieq tal-ħawħ u tan-nuċiprisk. Għaldaqstant, il-miżuri normali disponibbli skont ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jidhru li mhumiex biżżejjed biex jindirizzaw is-sitwazzjoni li tfaċċat fis-suq.

It-tweġiba komuni tal-Kummissjoni għall-paragrafi 75 u 76:

Il-kostijiet tat-trasport, tal-imballaġġ u tal-issortjar huma determinati fil-livell tal-UE. L-appoġġ japplika għall-Istati Membri kollha. Dawn il-kostijiet ġew riveduti fl-2013. Dawn jirriflettu l-kostijiet medji inkwistjoni fl-UE.

B’medja għat-tuffieħ, il-kostijiet inkwistjoni jamontaw għal EUR 40 għal kull 100 kg.

It-tweġiba komuni tal-Kummissjoni għall-paragrafi 78 sa 80:

L-Istati Membri jistgħu jippermettu l-irtirar tad-distribuzzjoni bla ħlas għall-proċessuri tal-frott u l-ħxejjex (għall-produzzjoni tal-meraq u/jew tan-nektar), iridu jiddeċiedu dwar il-proporzjon ta’ konverżjoni tal-ħawħ irtirat u tal-meraq/nektar miksub u jiżguraw li l-pagamenti li jsiru lill-proċessuri jikkumpensaw biss għall-kostijiet tal-ipproċessar. Il-proporzjon ta’ konverżjoni jista’ jvarja skont il-prodotti kkonċernati (fi kwalunkwe każ tal-klassi (il-klassi II fi kwalunkwe każ), il-karatteristiki u l-kwalità tagħhom.

F’każ ta’ rtirar ta’ distribuzzjoni ħielsa, l-UE tiffinanzja wkoll kostijiet tat-trasport u tal-issortjar u tal-imballaġġ skont sistema ta’ ammont b’rata fissa li ġiet riveduta l-aħħar fl-2013. Billi l-ogħla ammonti b’rata fissa huma madwar 10 ċenteżmi għal kull kg għat-trasport u 20 ċenteżmu għal kull kg għall-issortjar u l-imballaġġ rispettivament (jew it-tnejn li huma b’medja ta’ madwar 39 ċenteżmu għal kull kg), dawn l-ammonti għandhom rwol pjuttost limitat fil-kost totali mġarrab mill-UE għall-meraq/nektar prodott.

Taħt distribuzzjoni ħielsa, il-prezz tal-irtirar huwa strettament limitat, f’livell li ma jaqbiżx l-40 % tal-prezzijiet medji tas-suq għall-ħames snin ta’ qabel iżda proporzjonijiet ta’ konverżjoni għoljin tal-ħawħ ipproċessat f’meraq/nektar, kemm jekk ġustifikati kif ukoll jekk le, jistgħu jwasslu għal kost għoli mġarrab mill-fond tal-UE għall-operazzjoni. Dan jeħtieġ li jiġi evalwat mis-servizzi tal-Kummissjoni.

83

Skont id-dritt tal-UE, il-kontrolli jitwettqu mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri.

Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

84

Hemm adozzjoni baxxa għall-irtirar taħt programmi operazzjonali (inqas minn 1 % tal-baġit tal-Frott u l-Ħxejjex tal-UE), filwaqt li l-adozzjoni kienet sinifikanti fil-kuntest tal-miżuri eċċezzjonali tal-projbizzjoni Russa.

85

Fil-proposta tagħha għal PAK futura, il-Kummissjoni saħħet ir-rekwiżiti fil-livell obbligatorju tal-PAK taħt il-kundizzjonalità. Dan jinkludi rekwiżit għal newba tal-għelejjel. Għal aktar kunsiderazzjoni dwar ir-rabta bejn il-pagamenti diretti u d-deċiżjoni tal-bdiewa li jagħmlu assigurazzjoni ara t-tweġiba għall-paragrafu 21.

86

Rigward l-effetti ta’ inċentiv, ara t-tweġiba tal-Kummissjoni għall-paragrafu 59.

Rakkomandazzjoni 1 – Il-bdiewa jiġu mħeġġa biex iħejju aħjar għall-kriżijiet

Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomdanzzjoni u tixtieq tindika li l-isforzi fil-kuntest tal-PAK futura jmorru f’din id-direzzjoni inkluż

  • Għal ambizzjoni mtejba dwar il-klima u l-ambjent: Rekwiżiti msaħħa fil-livell obbligatorju tal-PAK taħt il-kondizzjonalità (bħan-newba tal-għelejjel, il-protezzjoni tal-ħamrija b’livell għoli ta’ karbonju, il-manutenzjoni tal-materja organika tal-ħamrija) jiġu kkomplementati minn impenji volontarji (ekoskemi ġodda taħt il-Pilastru I u interventi ta’ żvilupp rurali taħt il-Pilastru II) u strumenti ta’ appoġġ (bħas-servizzi ta’ konsulenza) iffinanzjati mill-PAK. Barra minn hekk, id-delimitazzjoni baġitarja obbligatorja għall-azzjoni ambjentali u klimatika taħt programmi operazzjonali għall-frott u l-ħxejjex u għall-interventi ta’ żvilupp rurali kif ukoll opportunitajiet taħt pagamenti diretti akkoppjati (pereżempju li jimmiraw għall-appoġġ għal produzzjoni estensiva tal-bhejjem) ukoll għandhom rwol f’dan il-kuntest.
  • Għal approċċ ta’ ġestjoni tar-riskji aktar integrat: Offerta obbligatorja lill-bdiewa ta’ għodod ta’ ġestjoni tar-riskji taħt żvilupp rurali u rekwiżit li jiġi stabbilit approċċ integrat fil-pjanijiet strateġiċi tal-PAK.

L-Istati Membri se jibbenefikaw minn flessibbiltà mtejba biex jimmiraw aħjar l-interventi tagħhom għall-ħtiġijiet tagħhom, u se jkollhom jibbażawhom fuq il-ħtiġijiet identifikati f’konformità mal-approċċ il-ġdid propost ibbażat fuq il-prestazzjoni.

Fir-rigward tal-iskeda ta’ żmien proposta, il-Kummissjoni tixtieq tenfasizza li l-proposti għall PAK ta’ wara l-2020 qed jiġu nnegozjati bħalissa mill-Kunsill u mill-Parlament Ewropew bħala koleġiżlaturi; għaldaqstant, id-data attwali tal-qafas leġiżlattiv għall-PAK ta’ wara l-2020 (inklużi l-atti ta’ implimentazzjoni) mhijiex magħrufa f’dan l-istadju.

87

Il-Kummissjoni tirreferi għat-tweġibiet tagħha għall-paragrafi 30, 33, 34, 35, 41, 43, 49 u 58.

88

L-informazzjoni miġbura għall-għodod għall-ġestjoni tar-riskji taħt il-Pilastru II (il-Miżura 17) tipprovdi diżaggregazzjoni għal kull sottomiżura f’termini tal-għadd ta’ azjendi agrikoli parteċipanti u nefqa pubblika totali. Barra minn hekk, l-Istati Membri jagħtu aktar informazzjoni fir-Rapporti ta’ Implimentazzjoni Annwali għall-Programmi ta’ Żvilupp Rurali. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jiddefinixxu l-indikaturi speċifiċi għall-programm li jkopru l-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom.

Fis-settur tal-frott u l-ħxejjex, il-Kummissjoni tiġbor ħafna informazzjoni dwar is-suq, mill-Istati Membri u mill-partijiet ikkonċernati permezz ta’ diversi kanali (ir-rapporti annwali dwar l-implimentazzjoni tal-programmi operazzjonali, il-gruppi ta’ esperti u l-gruppi ta’ djalogu ċivili mal-partijiet ikkonċernati, it-tabelli operattivi, il-perspettiva u minn issa l-osservatorji tas-suq).

Rakkomandazzjoni 2 – Isir titjib fit-tfassil u fil-monitoraġġ tal-appoġġ għall-assigurazzjoni

a) Il-Kummissjoni ma taċċettax ir-rakkomandazzjoni.

Li ssir analiżi fuq dan is-suġġett f’dan iż-żmien taċ-ċiklu tal-politika jista’ ma jkunx ottimu, minħabba l-ħidma fuq l-evalwazzjoni riċenti u ppjanata, jiġifieri: studju fuq il-ġestjoni tar-riskji tal-2017, studju fuq il-ġestjoni tar-riskji li se jkun finalizzat fl-2019 u l-evalwazzjonijiet ex post li jinħarġu għal tmiem l-2024.

Rigward il-valur miżjud tal-UE l-Kummissjoni tirreferi wkoll għat-tweġibiet tagħha għall-paragrafi 49 u 87.

b) Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni parzjalment.

Se tfittex li timmonitorja l-infiq permezz ta’ indikaturi pertinenti tal-produzzjoni u tar-riżultati, iżda ma taċċettax li tiġbor informazzjoni dwar l-indikaturi speċifiċi msemmija mill-QEA (l-erja u l-kapital assigurati).

Skont il-proposta għall-PAK futura, l-għadd ta’ bdiewa koperti mill-isturmenti tal-ġestjoni tar-riskji se jinġabar għall-approvazzjoni tal-prestazzjoni. Se tinġabar aktar informazzjoni permezz ta’ evalwazzjonijiet, filwaqt li wieħed iżomm f’moħħu s-sejħa b’saħħitha għal simplifikazzjoni. Għaldaqstant, ma nistgħux naċċettaw il-parti tar-rakkomandazzjoni li tirreferi għall-erja u l-kapital assigurati.

L-indikatur tar-riżultati (is-sehem tal-azjendi agrikoli b’għodod tal-ġestjoni tar-riskji tal-PAK) ma jinbidilx u se jippermetti li l-Istati Membri jiffissaw mira fuq l-għadd ta’ azjendi agrikoli koperti mill-għodod tal-ġestjoni tar-riskji. Il-Kummissjoni se tuża dan l-indikatur biex issegwi l-progress tal-Istati Membri fl-implimentazzjoni.

Fir-rigward tal-iskeda ta’ żmien proposta, il-Kummissjoni tixtieq tenfasizza li l-proposti għall-PAK ta’ wara l-2020 qed jiġu nnegozjati bħalissa mill-Kunsill u mill-Parlament Ewropew bħala koleġiżlaturi; għaldaqstant, id-data attwali tal-qafas leġiżlattiv għall-PAK ta’ wara l-2020 (inklużi l-atti ta’ implimentazzjoni) mhijiex magħrufa f’dan l-istadju.

89

Ara t-tweġibiet tal-Kummissjoni għall-paragrafi minn 62 sa 71.

90

Il-miżura ex post enfasizzata mill-QEA ntużat darba biss minħabba kundizzjonijiet ta’ temp eċċezzjonali bla preċedent. Minn dak iż-żmien u minkejja n-nixfiet tal-2018 u tal-2019 li affettwaw partijiet kbar tal-Ewropa, il-Kummissjoni ma rrepetietx kumpens simili skont l-Artikolu 221 tar-Regolament (KE) Nru 1308/2013.

Rakkomandazzjoni 3 – Jiġu kkjarifikati l-kriterji għall-iskattar u għat-temma tal-miżuri eċċezzjonali u jiġi limitat l-użu tagħhom meta strumenti oħra jkunu disponibbli

a) Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni parzjalment.

Il-Kummissjoni taqbel li jenħtieġ li l-kundizzjonijiet tas-suq u r-ritorni ġenerali għal-produtturi inklużi fl-impatt tal-pagamenti diretti u ż-żidiet fil-produzzjoni jitqiesu fl-analiżi li wasslet lill-Kummissjoni biex tipproponi l-iskattar jew it-tmiem tal-miżuri eċċezzjonali.

Madankollu, it-twaqqif ta’ parametri tas-suq oġġettivi u l-kriterji ex ante jikkontradixxu l-essenza tal-miżura billi jdgħajfu l-għan tagħha: l-indirizzar ta’ riskji katastrofiċi, li normalment ikunu f’daqqa u imprevedibbli, li ma jistgħux jiġu indirizzati mill-bdiewa u mill-awtoritajiet pubbliċi fl-ambitu tal-istrateġiji tal-ġestjoni tar-riskji.

Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ kriterji oġġettivi ma jimplikax li l-iskattar ta’ dawn il-miżuri eċċezzjonali mhuwiex ibbażat fuq analiżi. Din it-tip ta’ miżura timplika f’kull każ valutazzjoni bir-reqqa tas-sitwazzjoni tas-suq u theddid possibbli mill-Kummissjoni, analiżi diskussa mal-koleġiżlaturi, mal-partijiet ikkonċernati, mal-istampa, eċċ.

b) Il-Kummissjoni ma taċċettax ir-rakkomandazzjoni.

Filwaqt li l-Kummissjoni taċċetta li din hija kunsiderazzjoni importanti u rilevanti, dan l-avveniment estrem huwa uniku u għaldaqstant jirrikjedi approċċ ta’ każ b’każ.

Rakkomandazzjoni 4 – Jiġi aġġustat il-kumpens għall-operazzjonijiet ta’ rtirar

a) Il-Kummissjoni ma taċċettax ir-rakkomandazzjoni.

Filwaqt li l-Kummissjoni għandha xi ftit kunsiderazzjoni għall-objettivi ta’ din ir-rakkomandazzjoni, hija tqis li din tirrestrinġi l-kapaċità tagħha li tindirizza l-kriżijiet fuq bażi ta’ każ b’każ. Il-prezzijiet ta’ rtirar huma stabbiliti sistematikament sew taħt il-prezzijiet prevalenti tas-suq fis-suq uniku. Il-prezz tas-suq fl-Istat Membru tal-produttur mhuwiex l-uniku kriterju li jivvaluta l-livell xieraq ta’ appoġġ għall-irtirar.

b) Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni.

Il-Kummissjoni se tivvaluta s-sitwazzjoni dwar l-imballaġġ, l-issortjar u t-trasport iżda jenħtieġ li l-għażliet kollha jibqgħu miftuħa. Il-leġiżlazzjoni sekondarja tal-UE tirrikjedi l-involviment tal-Istati Membri, tal-Parlament Ewropew u tal-partijiet ikkonċernati. Il-Kummissjoni se tivvaluta b’mod partikulari l-irtirar tad-distribuzzjoni bla ħlas għall-proċessuri tal-frott u l-ħxejjex (għall-produzzjoni tal-meraq u/jew tan-nektar), il-kwistjoni tal-proporzjon ta’ konverżjoni tal-ħawħ irtirat u tal-meraq/nektar miksub u tiżgura li l-pagamenti li jsiru lill-proċessuri jikkumpensaw biss għall-kostijiet tal-ipproċessar.

Tim tal-awditjar

Ir-rapporti speċjali tal-QEA jistabbilixxu r-riżultati tal-awditi tagħha tal-politiki u l-programmi tal-UE, jew ta’ suġġetti relatati mal-ġestjoni minn oqsma baġitarji speċifiċi. Il-QEA tagħżel u tfassal dawn il-kompiti tal-awditjar biex timmassimizza l-impatt tagħhom billi tqis ir-riskji għall-prestazzjoni jew għall-konformità, il-livell ta’ introjtu jew ta’ nfiq involut, l-iżviluppi li jkunu għad iridu jseħħu u l-interess politiku u pubbliku.

Dan l-awditu tal-prestazzjoni twettaq mill-Awla I tal-Awditjar, li hija mmexxija minn Nikolaos Milionis, Membru tal-QEA. L-awditu tmexxa minn Samo Jereb, Membru tal-QEA, li ngħata appoġġ minn Kate Henderson, Kap tal-Kabinett u Jernera Vrabič, Attaché tal-Kabinett; Helder Faria Viegas, Maniġer Prinċipali; Céline Ollier, Kap tal-Kompitu; Paulo Oliveira, Deputat Kap tal-Kompitu, Antonella Stasia, Jan Huth, Michela Lanzutti, Mateusz Minich u Maciej Szymura, Awdituri, Murielle Siffert, Assistenta Segretarjali.

Mix-xellug għal-lemin: Maciej Szymura, Mateusz Minich, Jerneja Vrabič, Antonella Stasia, Samo Jereb, Céline Ollier, Paulo Oliveira, Michela Lanzutti, Jan Huth, Helder Faria Viegas.

Noti finali

1 L-EEA -Report Climate change impacts and vulnerability in Europe (Rappurtar tal-impatti u l-vulnerabbiltà tat-tibdil fil-klima fl-Ewropa), 2016 -il-Kapitolu 5.3, Agrikoltura.

2 Ir-Rapport Speċjali Nru 25/2018 tal-QEA, “Direttiva dwar l-Għargħar: inkiseb progress fil-valutazzjoni tar-riskji, iżda jeħtieġ li jsir titjib fl-ippjanar u fl-implimentazzjoni”.

3 Ir-Rapport Speċjali Nru 33/2018 tal-QEA, “Il-ġlieda kontra d-deżertifikazzjoni fl-UE: theddida dejjem akbar li tirrikjedi azzjoni addizzjonali”.

4 https://ec.europa.eu/eip/agriculture/en/news/future-food and-farming

5 Assessing how policies enable or constrain the resilience of farming system in the European Union: ir-riżultati ta’ studju tal-każ, 2019.

6 Ara r-Regolament (UE) Nru 1308/2013: l-Artikolu 219 dwar miżuri eċċezzjonali kontra t-tfixkil fis-suq, l-Artikolu 220 dwar il-mard tal-annimali u telf ta’ fiduċja tal-konsumaturi, u l-Artikolu 221 dwar problemi speċifiċi.

7 “Managing risks in agriculture: a holistic approach” (Ġestjoni tar-riskji fis-settur tal-agrikoltura: approċċ olistiku), 2009, OECD.

8 Dokument tal-Kummissjoni dwar il-PAK ta’ wara l-2013, il-Graff 5. Il-Kummissjoni tistma li l-appoġġ pubbliku totali jammonta għal 38 % tal-introjtu tal-bdiewa.

9 https://agridata.ec.europa.eu/extensions/DashboardIndicators/FarmIncome.html

10 Studju mwettaq minn Ecorys dwar il-ġestjoni tar-riskji sab korrelazzjoni newtrali/negattiva bejn il-pagamenti diretti u l-għodod għall-ġestjoni tar-riskji (it-Tabella 5.6).

11 Skont id-database tal-FFS, aktar minn 30 % tal-bdiewa b’inqas minn 5 ha għandhom attività bi qligħ oħra.

12 Id-Dokument informattiv u analitiku - “Il-ġejjieni tal-PAK”, Marzu 2018.

13 Review of the inter-governmental agreement on national drought programme reform (Analiżi tal-ftehim intergovernattiv dwar ir-riforma tal-programm nazzjonali dwar in-nixfiet).

14 It-12 ta’ Diċembru 2018.

15 Ara l-Opinjoni Nru 7/2018 tal-QEA: “dwar il-proposti tal-Kummissjoni għal regolamenti relatati mal-Politika Agrikola Komuni għall-perjodu wara l-2020”, il-paragrafi 55-58, il-Kaxxa 6.

16 Ir-Rapport Speċjali Nru 21/2017 tal-QEA “Ekoloġizzazzjoni: skema aktar kumplessa ta’ appoġġ għall-introjtu, li għadha mhijiex ambjentalment effettiva”, il-paragrafi 26-57.

17 Stimi mogħtija minn Bardaji u Garrido (2016), li ġew ippreżentati fl-EU Agricultural Markets Brief, it-Tabella 2, Settembru 2017.

18 Risk management schemes in EU agriculture (Skemi għall-ġestjoni tar-riskji fis-settur agrikolu tal-UE), Settembru 2017.

19 Ara l-Artikolu 148 għas-settur tal-ħalib u l-Artikolu 168 tar-Regolament (KE) Nru 1308/2013 għal setturi oħra bl-eċċezzjoni ta’ dak taz-zokkor.

20 Ir-Regolament (UE) 2393/2017 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

21 Id-Direttiva 633/2019 dwar prattiki kummerċjali inġusti fir-relazzjonijiet bejn in-negozji fil-katina tal-provvista agrikola u alimentari.

22 EU Agricultural Markets Brief, Settembru 2017.

23 Skont l-OECD, l-intervent pubbliku ex post huwa parti mis-sistema ta’ ġestjoni tar-riskji li l-bdiewa jieħdu inkunsiderazzjoni meta jippjanaw id-deċiżjonijiet u l-istrateġiji proprji tagħhom. Ara d-dokument “Managing risks in agriculture: a holistic approach”, 2009. Ara wkoll id-dokument “Risks management schemes in EU agriculture”, it-Taqsima 3, Settembru 2017.

24 Il-Greċja u Ċipru.

25 Ara d-dokument COM(2018) 392, l-Artikolu 70.

26 Landwirtschaftliche Mehrgefahrenversicherung für Deutschland, Gesamtverband der Deutschen Versicherungswirtschaft, Novembru 2016.

27 Il-Pilastru I jappoġġa l-assigurazzjoni għas-settur tal-frott u l-ħxejjex (EUR 2.6 miljun /sena) u għas-settur tal-inbid (EUR 0.164 miljun /sena).

28 Kalkolu ibbażat fuq ċifri mill-Ministeru tal-Agrikoltura Franċiż.

29 Ara l-Artikolu 49 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013.

30 Ir-Rapport Speċjali Nru 10/2013 “Politika Agrikola Komuni: L-appoġġ speċifiku pprovdut taħt l-Artikolu 68 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 huwa mfassal u implimentat tajjeb?”, il-paragrafu 44.

31 Francis Annan u Wolfram Schlenker “Federal Crop Insurance and the disincentive to adapt to extreme heat”, 2015.

32 Il-preambolu tar-Regolament ta’ Delega Nru 913/2014, il-paragrafu 1.

33 Il-preambolu tar-Regolament ta’ Delega Nru 932/2014, il-paragrafu 22.

34 Sors ta’ data: id-DG AGRI Dash board, 2017.

35 “Fruta de hueso: análisis de campaña 2018”, Ministerio de agricultura, pesca y alimentación.

36 Ir-Regolament ta’ Delega Nru 932/2014.

37 Ir-Regolament ta’ Delega Nru 1031/2014, ir-Regolament Delegat Nru 2016/921 u r-Regolament Delegat Nru 2017/1165.

38 L-Artikolu 98(1) tar-Regolament (UE) Nru 543/2011.

39 Is-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni hija perjodu ta’ sena waħda li tkun ġiet deżinjata għar-rappurtar ta’ analiżi tal-produzzjoni, tal-kummerċjalizzazzjoni u tal-użu li jsir minn prodott agrikolu. Is-sena ta’ kampanja għall-produzzjoni tat-tuffieħ tibda f’Awwissu tas-sena n u tintemm f’Lulju tas-sena n+1.

40 Medja Olimpika tal-prezz tas-suq tat-tuffieħ fil-Polonja għall-2009/2010-2013/2014: EUR 32.54/100 kg.

41 Skont l-Artikolu 80(2) tar-Regolament Nru 543/2011.

Kronoloġija

Avveniment Data
Il-Memorandum ta’ Ppjanar tal-Awditjar (APM) jiġi adottat / L-awditu jinbeda 18.4.2018
L-abbozz ta’ rapport jintbagħat uffiċjalment lill-Kummissjoni (jew lill-entità l-oħra awditjata) 29.7.2019
Ir-rapport finali jiġi adottat wara l-proċedura kontradittorja 16.10.2019
Ir-risposti uffiċjali tal-Kummissjoni (jew tal-entità l-oħra awditjata) jaslu bil-lingwi kollha 21.11.2019

Kuntatt

IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI
12, rue Alcide De Gasperi
1615 Luxembourg
LUXEMBOURG

Tel. +352 4398-1
Mistoqsijiet: eca.europa.eu/mt/Pages/ContactForm.aspx
Sit web: eca.europa.eu
Twitter: @EUAuditors

Ħafna informazzjoni addizzjonali dwar l-Unjoni Ewropea hija disponibbli fuq l-Internet.
Jista’ jsir aċċess għaliha permezz tas-server Europa (http://europa.eu).

Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2019

PDF ISBN 978-92-847-3780-2 ISSN 1977-5741 doi:10.2865/917723 QJ-AB-19-017-MT-N
HTML ISBN 978-92-847-3763-5 ISSN 1977-5741 doi:10.2865/141066 QJ-AB-19-017-MT-Q

© L-Unjoni Ewropea, 2019

Ir-riproduzzjoni hija awtorizzata kemm-il darba jissemma s-sors oriġinali.
Għal kull użu jew riproduzzjoni ta’ ritratti jew materjal ieħor li mhuwiex taħt id-drittijiet tal-awtur tal- L-Unjoni Ewropea, għandu jintalab permess direttament mingħand id-detenturi tad-drittijiet.

Kif tikkuntattja lill-UE

Personalment
Madwar l-Unjoni Ewropea kollha hemm mijiet ta’ ċentri ta’ informazzjoni tal-Europe Direct. Tista’ ssib l-indirizz tal-eqreb ċentru għalik f'dan is-sit: https://europa.eu/european-union/contact_mt

Bit-telefown jew bil-posta elettronika
Europe Direct huwa servizz li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar l-Unjoni Ewropea. Tista’ tikkuntattja dan is-servizz:

  • bit-telefown bla ħlas: 00 800 6 7 8 9 10 11 (ċerti operaturi jafu jimponu ħlas għal dawn it-telefonati),
  • fuq dan in-numru standard: +32 22999696, jew
  • bil-posta elettronika permezz: https://europa.eu/european-union/contact_mt

Kif issib tagħrif dwar l-UE

Onlajn
L-informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE hija disponibbli fuq is-sit web Europa fuq: https://europa.eu/european-union/index_mt

Pubblikazzjonijiet tal-UE
Tista’ tniżżel mill-internet jew tordna l-pubblikazzjonijiet tal-UE, li xi wħud minnhom huma bla ħlas u xi oħrajn bil-ħlas, minn: https://op.europa.eu/mt/publications. Kopji multipli ta’ pubblikazzjonijiet bla ħlas tista’ tiksibhom billi tikkuntattja lil Europe Direct jew liċ-ċentru tal-informazzjoni lokali tiegħek (ara https://europa.eu/european-union/contact_mt).

Il-liġi tal-UE u dokumenti relatati
Għal aċċess għall-informazzjoni legali tal-UE, inkluż il-liġijiet kollha tal-UE mill-1952 ’l hawn, fil-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali kollha, żur is-sit EUR-Lex hawnhekk: http://eur-lex.europa.eu

Dejta Miftuħa mill-UE
Il-portal tad-Dejta Miftuħa mill-UE (http://data.europa.eu/euodp/mt) jipprovdi aċċess għal settijiet tad-dejta mill-UE. Id-dejta tista’ titniżżel mill-internet u tintuża mill-ġdid bla ħlas, kemm għal skopijiet kummerċjali kif ukoll mhux kummerċjali.