Rapport Speċjali
01 2021

Ippjanar tar riżoluzzjonijiet fil Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni

Dwar ir-rapport: Fl‑2014, l‑UE stabbiliet il‑Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRM) biex dan jiżgura li l‑banek li jkunu qed ifallu jiġu riżolti b’mod ordnat u b’piż minimu għall‑kontribwenti, u b’hekk jiġu evitati salvataġġi finanzjarji li jqumu ħafna flus. Aħna vvalutajna x‑xerqien tal‑qafas ta’ politika u l‑istruttura organizzattiva tal‑ippjanar tar‑riżoluzzjonijiet, kif ukoll il‑kwalità u t‑twaqqit tal‑pjanijiet ta’ riżoluzzjoni adottati għall‑banek. Sibna li l‑SRM għamel progress, iżda xi elementi ewlenin huma neqsin u huma meħtieġa passi ulterjuri. B’mod partikolari, is‑sett ta’ politiki kien għadu mhuwiex qed jindirizza l‑oqsma rilevanti kollha u lanqas ma kien qed jiżvela dgħufijiet. Il‑leġiżlaturi għadhom iridu jirriżolvu ċerti nuqqasijiet bħall‑finanzjament fir‑riżoluzzjoni jew l‑armonizzazzjoni ta’ proċedimenti nazzjonali ta’ insolvenza għall‑banek. Aħna nirrakkomandaw li l‑SRB itejjeb il‑politiki tiegħu għall‑ippjanar tar‑riżoluzzjonijiet, jiżgura l‑adozzjoni f’waqtha tal‑pjanijiet ta’ riżoluzzjoni u l‑konformità sħiħa tagħhom mar‑rekwiżiti legali u jassenja persunal suffiċjenti għas‑sorveljanza tal‑ippjanar tar‑riżoluzzjonijiet tal‑awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni nazzjonali għal banek inqas sinifikanti. Aħna nistiednu lil‑leġiżlaturi biex jistabbilixxu sollijiet aktar oġġettivi u kwantifikati biex jiskattaw il‑miżuri ta’ intervent bikri.

Rapport speċjali tal-QEA skont l-Artikolu 287(4), it-tieni subparagrafu, TFUE.

Din il-pubblikazzjoni hija disponibbli bi 23 lingwa fil-format li ġejt:
PDF
PDF General Report

Sommarju eżekuttiv

I

Fl‑2014, l‑UE adottat qafas legali għat‑trattament ta’ banek li jkunu qed ifallu, il‑Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRM), it‑tieni pilastru tal‑Unjoni Bankarja Ewropea. Dan japplika għall‑banek fl‑Istati Membri taż-żona tal‑euro. Huwa jiġbor flimkien il‑Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) - l‑awtorità ta’ riżoluzzjoni responsabbli għall‑banek sinifikanti, u banek transfruntiera irrispettivament mis‑sinifikat tagħhom - u l‑awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni nazzjonali (ARN), li huma responsabbli għal banek inqas sinifikanti fil-ġuriżdizzjonijiet rispettivi tagħhom.

II

L‑iskop tal‑mekkaniżmu hu li tiġi protetta l‑istabbiltà finanzjarja u li jiġi żgurat li l‑banek li jkunu qed ifallu jiġu riżolti b’mod ordnat u bi spiża minima għall‑kontribwenti u għall‑ekonomija reali. Għal dan il-għan, il‑qafas jipprovdi għodod għar‑riżoluzzjoni ta’ banek li jkunu qed ifallu jew li probabbilment se jfallu, ladarba l‑awtorità ta’ riżoluzzjoni tkun iddeċidiet li l‑bank ma jistax jgħaddi minn proċedimenti normali ta’ insolvenza skont il‑liġi nazzjonali. Sabiex ikunu ppreparati, l‑awtoritajiet huma meħtieġa li jabbozzaw pjanijiet ta’ riżoluzzjoni għal kull bank u, bħala regola ġenerali, jaġġornawhom kull sena.

III

Fl‑2017, aħna ppubblikajna l‑ewwel rapport tal‑awditjar tagħna li vvaluta jekk l‑SRB kienx mgħammar biex iwettaq ir‑riżoluzzjoni ta’ banek sinifikanti b’mod effettiv. Sabiex dawk li jfasslu l‑politika u l‑partijiet ikkonċernati jiġu infurmati dwar l‑istat attwali ta’ tħejjija tal‑SRM, aħna wettaqna dan it‑tieni awditu biex nindirizzaw is‑sorveljanza mill‑SRB tal‑pjanijiet ta’ riżoluzzjoni għal banek inqas sinifikanti u biex nagħtu segwitu għar‑riżultati tal‑awditi preċedenti tagħna.

IV

Għal dan il-għan, eżaminajna jekk il‑qafas ta’ politika u l‑istruttura organizzattiva kinux xierqa, u jekk kienx sar progress f’termini tal‑kwalità u tat‑twaqqit tal‑pjanijiet ta’ riżoluzzjoni adottati. Ix‑xogħol tal‑awditjar sar minn April 2019 sa Jannar 2020 u eżaminajna kampjun ta’ pjanijiet ta’ riżoluzzjoni adottati bejn l‑2019 u l‑2020.

V

Nosservaw li hemm ċerti nuqqasijiet li l‑leġiżlaturi biss jistgħu jirriżolvu, bħal: (i) il‑finanzjament fir‑riżoluzzjoni u (ii) il‑fatt li l‑proċedimenti nazzjonali ta’ insolvenza mhumiex armonizzati. Barra minn hekk, aħna nosservaw li r‑regoli dwar il‑kondiviżjoni tal‑piżijiet ivarjaw skont jekk bank jiġix riżolt jew jirċevix għajnuna mill‑Istat fil‑kuntest ta’ proċedimenti ta’ insolvenza.

VI

Il‑konklużjoni ġenerali tagħna hija li l‑SRM għamel progress matul dawn l-aħħar snin, iżda xi elementi ewlenin huma neqsin u huma meħtieġa passi ulterjuri fl‑ippjanar tar‑riżoluzzjonijiet għall‑banek. B’mod partikolari, aħna sibna li l‑politiki kienu għadhom mhumiex qed jindirizzaw l‑oqsma rilevanti kollha u lanqas ma kienu qed jiżvelaw dgħufijiet. Sa Awwissu 2020, il‑politiki (b’xi eċċezzjonijiet) ma kinux indirizzati lill‑ARN għall‑banek taħt il‑mandat tagħhom, iżda setgħu jservu bħala punt ta’ referenza. F’Awwissu 2020, ġie adottat l‑ewwel sett ta’ linji gwida applikabbli għall‑ARN għall‑banek taħt il‑mandat tagħhom.

VII

Rigward speċifikament l‑impedimenti għar‑riżolvibbiltà, l‑SRB għadu ma ddeterminax l‑impedimenti sostantivi. L‑SRB għażel approċċ gradwali, li permezz tiegħu huwa jidentifika l‑impedimenti potenzjali qabel ma jiddetermina l‑impedimenti sostantivi. B’dan il‑mod, il‑banek għandhom żmien biex jirriżolvu kwistjonijiet pendenti. B’riżultat ta’ dan, il‑proċedura amministrattiva biex jiġi żgurat li jitneħħew l‑impedimenti sostantivi, u li hija prevista fil‑qafas legali, ma tingħatax bidu. Sakemm ma jkunx hemm konklużjoni dwar in‑natura tal‑impedimenti, mhux se jkun hemm konklużjoni dwar ir‑riżolvibbiltà ta’ bank.

VIII

Aħna sibna li l‑kwalità tal‑pjanijiet ta’ riżoluzzjoni kienet tjiebet fis‑sens li l‑perċentwal tar‑rekwiżiti tal-Ġabra Unika tar‑Regoli li kienu ġew issodisfati kien żdied għal 60 % fil‑każ ta’ kampjun ta’ pjanijiet tal‑2018, b’kuntrast ma’ 14 % biss f’kampjun ta’ pjanijiet tal‑2016. Madankollu, l‑SRB adotta l‑pjanijiet ta’ riżoluzzjoni tal‑2018 tard u aġġorna biss għadd limitat ta’ pjanijiet fl‑2019. L‑ARN għamlu wkoll progress fl‑adozzjoni tal‑pjanijiet ta’ riżoluzzjoni tagħhom, iżda xi wħud ma laħqux il‑miri tagħhom u/jew ipposponew il‑pjanijiet tagħhom għall‑banek aktar kumplessi.

IX

L‑SRB interaġixxa tajjeb mal‑ARN. L‑istess jgħodd għall‑interazzjoni bejn il‑Bord u l‑Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) fir‑rwol tiegħu bħala superviżur tal‑banek. Madankollu, riżoluzzjoni effettiva tiddependi mit‑teħid ta’ deċiżjoni ħafna minn qabel, min‑naħa tas‑superviżur, dwar “miżuri ta’ intervent bikri” li għandhom jittieħdu mill‑banek, u dwar jekk bank hux qed ifalli jew probabbilment hux se jfalli. Il‑bażi ġuridika attwali ma tistipulax kriterji oġġettivi u kwantifikati għall‑iskattar ta’ tali deċiżjonijiet.

X

Is‑sitwazzjoni tal‑persunal fl‑SRB tjiebet, iżda s‑sorveljanza tal‑pjanijiet ta’ riżoluzzjoni għal banek inqas sinifikanti ppreżentati mill‑ARN għadha mfixkla min‑nuqqas ta’ persunal. Is‑sitwazzjoni tal‑persunal fil‑livell tal‑ARN tvarja sinifikattivament. Sibna wkoll li s‑sehem tal‑persunal mill‑SRB assenjat lill‑banek sinifikanti u lill‑banek li joperaw b’mod transfruntier kien żdied. Fl‑istess ħin, l‑ARN naqqsu kemxejn il‑kontribut tal‑persunal tagħhom.

XI

Sabiex titjieb it-tħejjija tal‑SRM, aħna nirrakkomandaw li l‑SRB:

  • itejjeb is‑sett ta’ politiki tiegħu li jiggwidaw l‑ippjanar tar‑riżoluzzjonijiet tal‑SRM;
  • jiżgura l‑adozzjoni f’waqtha tal‑pjanijiet ta’ riżoluzzjoni u l‑konformità sħiħa tagħhom mar‑rekwiżiti legali;
  • itejjeb l‑istruttura organizzattiva tal‑SRM;
  • flimkien mal‑Kummissjoni, jistieden lil‑leġiżlaturi biex jistabbilixxu kriterji oġġettivi u kwantifikati għal azzjoni superviżorja f’waqtha.

Introduzzjoni

Il‑Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni ‑sfond

01

Qabel il‑kriżi finanzjarja li faqqgħet bejn l‑2007 u l‑2008, il‑banek li kienu qed ifallu kienu jiġu stralċati skont il‑liġi nazzjonali dwar l‑insolvenza. Fejn il‑banek kienu jitqiesu kbar wisq biex ifallu, l‑awtoritajiet nazzjonali kienu jduru għall-użu tal‑flus tal‑kontribwenti bħala prevenzjoni kontra l‑kollass tagħhom. Il‑falliment ta’ bank transfruntier seta’ wkoll joħloq riskji addizzjonali. Billi l‑kriżi żvelat li l‑awtoritajiet ma kellhomx proċeduri u għodod biex il‑banek jiġu stralċjati b’mod ordnat, l‑UE stabbiliet l‑SRM fl‑2014, it‑tieni pilastru tal‑Unjoni Bankarja Ewropea.

02

L‑SRM ilaqqa’ flimkien l‑SRB, il‑Kunsill, il‑Kummissjoni u l‑ARN tal‑Istati Membri parteċipanti. Huwa appoġġat mill‑Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRF), li huwa ffinanzjat mill‑banek fiż-żona tal‑euro.

03

L‑SRM jipprovdi qafas għall‑istralċ ordnat tal‑banek1. L‑iskop tiegħu huwa li jevita effetti avversi sinifikanti fuq l‑istabbiltà finanzjarja, jipproteġi lid‑depożituri koperti u jissalvagwardja l‑fondi pubbliċi billi jimminimizza s‑serħan fuq appoġġ finanzjarju pubbliku straordinarju. Ir‑riżoluzzjoni hija l-aħħar alternattiva maħsuba biex tippermetti li l‑funzjonijiet kritiċi ta’ bank ikomplu. Il‑funzjonijiet kritiċi huma l‑attivitajiet, is‑servizzi jew l‑operazzjonijiet bankarji li t‑twaqqif tagħhom x’aktarx iwassal għat‑taqlib tal‑istabbiltà finanzjarja, jew ta’ servizzi li huma essenzjali għall‑ekonomija reali. Tabilħaqq, jekk bank ma jkollux funzjonijiet kritiċi u l‑falliment tiegħu ma jkunx jirriżulta f’riskju għall‑istabbiltà finanzjarja, huwa jiġi stralċat skont il‑liġi nazzjonali dwar l‑insolvenza.

04

L‑UE ilha għal dawn l-aħħar snin tiżviluppa sett ta’ regoli armonizzati għas‑superviżjoni u r‑riżoluzzjoni tal‑banek. Dawn huma magħrufa kunċettwalment bħala l-“Ġabra Unika tar‑Regoli”. Fir‑rigward tar‑riżoluzzjoni, il-Ġabra Unika tar‑Regoli tinkludi prinċipalment id‑Direttiva dwar l‑Irkupru u r‑Riżoluzzjoni tal‑Banek (BRRD2), ir‑Regolament dwar il‑Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRMR3), regolamenti delegati jew ta’ implimentazzjoni tal‑Kummissjoni u l‑istandards u l‑linji gwida tal‑Awtorità Bankarja Ewropea (EBA). Barra minn hekk, sabiex iħejju għar‑riżoluzzjoni, l‑awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jiżviluppaw manwali u noti ta’ gwida li jistabbilixxu l‑politiki li għandhom jiġu applikati (ara l‑Figura 1).

Figura 1

Regoli u politiki

Sors: il‑QEA.

Kooperazzjoni taħt il‑Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni

Ir‑rwol tal‑SRB u tal‑ARN

05

Minn Jannar 2015 ’il hawn, l‑SRB kien responsabbli għar‑riżoluzzjoni, fejn ikun meħtieġ, tal‑banek sinifikanti kollha fiż-żona tal‑euro, u ta’ banek inqas sinifikanti li joperaw bejn il‑fruntieri4. Sa tmiem l‑2019, l‑SRB kopra 128 bank, li jirrappreżentaw madwar 85 % tat‑total tal‑assi bankarji fiż-żona tal‑euro.

06

Ir‑responsabbiltà għall‑banek l-oħra kollha, jiġifieri l‑banek inqas sinifikanti (2 249 skont il‑programm ta’ ħidma tal‑SRB għall‑2020, ara l‑Figura 2), taqa’ taħt l‑ARN. Madankollu, l‑SRB huwa responsabbli għall‑funzjonament effettiv u konsistenti tal‑SRM u għalhekk ingħata l‑kompitu li jissorvelja l‑ippjanar tar‑riżoluzzjonijiet tal‑ARN taż-żona tal‑euro. Barra minn hekk, fejn huwa meħtieġ li tiġi żgurata l‑applikazzjoni konsistenti tal‑istandards ta’ riżoluzzjoni, l‑SRB jista’ jiddeċiedi li, jew ARN tista’ titlob lill‑SRB biex, jeżerċita direttament is‑setgħat kollha tiegħu fuq banek li oriġinarjament jaqgħu taħt il‑mandat tal‑ARN.

Figura 2

Banek inqas sinifikanti skont l‑Istati Membri fiż-żona tal‑euro

Sors: il‑QEA, ibbażat fuq il‑programm ta’ ħidma tal‑SRB għall‑2020.

07

Bank irid jissodisfa mill‑inqas wieħed mill‑kriterji fit‑Tabella 1 biex jikkwalifika bħala sinifikanti, inkella, jiġi kklassifikat bħala inqas sinifikanti.

Tabella 1

Kriterji ta’ sinifikat għall‑banek

Kriterju Spjegazzjoni
Daqs Il‑valur totali tal‑assi tal‑bank jaqbeż it‑EUR 30 biljun
Importanza ekonomika Għall‑pajjiż ikkonċernat jew għall‑ekonomija tal‑UE fl‑intier tagħha
Attivitajiet transfruntiera Il‑valur totali tal‑assi tal‑bank jaqbeż il‑EUR 5 biljun u l‑proporzjon tal‑assi/obbligazzjonijiet transfruntiera tiegħu f’aktar minn Stat Membru wieħed parteċipanti ieħor għall‑assi/obbligazzjonijiet totali tiegħu huwa ogħla minn 20 %
Assistenza finanzjarja pubblika diretta Il‑bank talab jew irċieva finanzjament mill‑Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà jew mill‑Faċilità Ewropea ta’ Stabbiltà Finanzjarja
Oħrajn Bank taħt superviżjoni jitqies bħala sinifikanti jekk dan ikun wieħed mit‑tliet banek l‑aktar sinifikanti stabbiliti f’pajjiż partikolari

Sors: il-BĊE.

08

Sabiex tkun ippreparata għall‑falliment possibbli ta’ bank, l‑awtorità ta’ riżoluzzjoni:

  1. tfassal pjanijiet ta’ riżoluzzjoni għall‑banek kollha taħt il‑mandat tagħha;
  2. tistabbilixxi l‑livell minimu ta’ obbligazzjonijiet u fondi proprji b’kapaċità tal‑assorbiment tat‑telf fil‑każ ta’ riżoluzzjoni (bafer ta’ sikurezza magħruf bħala r‑rekwiżit minimu għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli (MREL)).

Il‑kompiti relatati mal‑implimentazzjoni reali ta’ riżoluzzjoni (immaniġġjar ta’ kriżijiet) mhumiex deskritti hawnhekk, billi ma jaqgħux fl‑ambitu ta’ dan l‑awditu.

09

Il‑pjanijiet ta’ riżoluzzjoni għandhom jiġu rrieżaminati u aġġornati mill‑inqas kull sena. Iż-żmien mill‑abbozzar ta’ pjan sal‑adozzjoni tiegħu huwa magħruf bħala ċ-ċiklu ta’ ppjanar. Pjan ta’ riżoluzzjoni huwa dokument komprensiv li huwa mistenni li, fost affarijiet oħra, jagħti dettalji dwar il‑karatteristiċi tal‑bank, jiddetermina l‑funzjonijiet kritiċi tiegħu, jidentifika u jindirizza kwalunkwe impediment għar‑riżolvibbiltà tiegħu, u jistabbilixxi l‑MREL tal‑bank. Huwa mistenni li dan jasal għal konklużjoni dwar (i) l‑istrateġija ta’ riżoluzzjoni preferuta, jiġifieri jekk il‑bank għandux jiġi stralċat skont il‑liġi nazzjonali dwar l‑insolvenza, jew għandux japplika għar‑riżoluzzjoni, u (ii) jekk il‑bank huwiex riżolvibbli (jiġifieri, sikur biex ifalli) (ara l‑paragrafu 03).

10

Jekk l‑awtorità ta’ riżoluzzjoni tqis li jkun tajjeb li bank partikolari jkun suġġett għal riżoluzzjoni, jenħtieġ li l‑pjan jiddeskrivi liema għodda ta’ riżoluzzjoni għandha tiġi applikata (ara l‑Figura 3). Jenħtieġ ukoll li dan jagħti dettalji dwar l‑entitajiet fil‑grupp bankarju (kumpanija omm u/jew sussidjarji) li għalihom għandhom jiġu applikati l-għodod ta’ riżoluzzjoni, jiġifieri l‑hekk imsejjaħ “punt ta’ dħul” (punt ta’ dħul uniku jew multiplu).

Figura 3

Għodod ta’ riżoluzzjoni previsti fil‑qafas leġiżlattiv

Sors: adattat mill‑SRB.

11

L‑SRB jieħu d‑deċiżjonijiet tiegħu f’Sessjonijiet Eżekuttivi u f’Sessjonijiet Plenarji. Għal dawn tal-aħħar, jattendi rappreżentant minn kull ARN (ara l‑Anness I għal aktar dettalji). Il‑pjanijiet ta’ riżoluzzjoni għall‑banek taħt il‑mandat tal‑SRB jiġu ppreżentati lis‑Sessjoni Eżekuttiva għall‑approvazzjoni.

Interazzjoni ma’ awtoritajiet oħra tal‑UE u dawk nazzjonali

12

L‑SRB jaħdem f’kooperazzjoni mill‑qrib mal‑ARN, il‑Kummissjoni, l‑EBA u s‑superviżuri responsabbli għall‑banek taż-żona tal‑euro (il-BĊE u l‑awtoritajiet kompetenti nazzjonali) (ara l‑Figura 4). Pereżempju, il‑pjanijiet ta’ riżoluzzjoni għal banek sinifikanti huma abbozzati minn timijiet interni ta’ riżoluzzjoni (IRTs) immexxija mill‑SRB li għandhom persunal mill‑SRB u mill‑ARN rilevanti. L‑arranġamenti prattiċi prinċipali għall‑kooperazzjoni bejn l‑SRB u l‑ARN huma stabbiliti fi ftehim qafas ta’ kooperazzjoni adottat fl‑2016 u emendat fl‑2018.

Figura 4

Rwoli u responsabbiltajiet fl‑ippjanar tar‑riżoluzzjonijiet taħt l‑SRM

Sors: il‑QEA, ibbażat fuq l‑SRMR.

13

Il‑kooperazzjoni bejn l‑awtorità ta’ riżoluzzjoni u s‑superviżur tal‑bank tinvolvi, fost affarijiet oħra, dan li ġej:

  • li s‑superviżur jipprovdi feedback dwar l‑abbozz tal‑pjan ta’ riżoluzzjoni;
  • li l‑awtorità ta’ riżoluzzjoni tipprovdi feedback dwar il‑pjan ta’ rkupru tal‑bank ivvalutat mis‑superviżur. Il‑pjan ta’ rkupru jinkludi l‑miżuri li l‑bank jippjana li jieħu meta jkun hemm ksur ta’ ċerti indikaturi.

Il‑kooperazzjoni u l‑iskambju ta’ informazzjoni bejn l‑SRB u l-BĊE huma bbażati fuq memorandum ta’ qbil, li ġie rivedut f’Mejju 2018.

14

L‑EBA hija responsabbli, fost l-oħrajn:

  • għall-iżvilupp ta’ abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji u ta’ implimentazzjoni kif ukoll linji gwida, bħall‑kontenut ta’ pjan ta’ riżoluzzjoni komprensiv;
  • għall-iżvilupp ta’ mudelli eż. għar‑rappurtar u d‑divulgazzjoni tal‑MREL;
  • għall‑monitoraġġ tal‑awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni, abbażi ta’ rieżamijiet perjodiċi, biex tiżgura li jkollhom il‑kompetenza, ir‑riżorsi u l‑kapaċità operazzjonali biex iwettqu l‑attivitajiet ta’ riżoluzzjoni tagħhom.
15

Jeħtieġ li l‑EBA tiġi nnotifikata wkoll meta l‑SRB jew ARN jikkonkludu li bank mhuwiex riżolvibbli.

16

Il‑Kummissjoni hija responsabbli għar‑rieżami perjodiku tal‑applikazzjoni tal-Ġabra Unika tar‑Regoli. F’April 2019, hija ppubblikat ir‑rapport tal‑ewwel rieżami tagħha, u kkonkludiet li kien għadu wisq kmieni biex tfassal u tadotta proposti leġiżlattivi5. L‑istandards tekniċi regolatorji u ta’ implimentazzjoni żviluppati mill‑EBA huma adottati mill‑Kummissjoni fil‑forma ta’ regolamenti delegati/ta’ implimentazzjoni.


Ambitu u approċċ tal‑awditjar

Ambitu u metodoloġija

17

Fl‑2017, il‑QEA awditjat l‑SRB għall‑ewwel darba u ffukat fuq l‑ippjanar tar‑riżoluzzjonijiet tiegħu għal banek sinifikanti6. Billi l‑SRB ġie stabbilit biss fl‑2015, u minħabba li l‑awditu inizjali tagħna kien sab li l‑SRB kien għad baqagħlu ħafna x’jagħmel, iddeċidejna li nagħmlu awditu ulterjuri, li jeżamina l‑ippjanar tar‑riżoluzzjonijiet għal banek inqas sinifikanti u li jagħti segwitu għall‑awditu preċedenti. Aħna ppruvajna nixħtu dawl fuq is‑sitwazzjoni attwali f’termini tat-tħejjija tal‑SRM għar‑riżoluzzjoni tal‑banek.

18

Biex neżaminaw jekk l‑SRM kienx ippreparat sew biex jittratta r‑riżoluzzjoni tal‑banek, aħna vvalutajna jekk:

  • l‑SRB kellux qafas ta’ politika xieraq biex jiżgura li l‑pjanijiet ta’ riżoluzzjoni mfassla għall‑banek taħt il‑mandat tal‑SRB kienu tal-aħjar kwalità;
  • it-tħejjija tal‑pjanijiet ta’ riżoluzzjoni għal banek sinifikanti u inqas sinifikanti kinitx fit‑triq it‑tajba;
  • l‑istruttura organizzattiva tal‑SRM kinitx xierqa.
19

Għall‑finijiet tal‑awditu, aħna eżaminajna d‑dokumentazzjoni disponibbli fl‑SRB u wettaqna intervisti mal‑persunal tal‑SRB. Aħna vvalutajna kampjun ta’ pjanijiet ta’ riżoluzzjoni miċ-ċiklu tal‑2018 (ara l‑paragrafu 09). Iċ-ċiklu tal‑2018 kien ibbażat fuq id‑data finanzjarja ta’ tmiem is‑sena 2017 tal‑banek u ntemm fl‑2020, meta ġew adottati l-aħħar pjanijiet. Il‑kampjun tagħna kien jikkonsisti f’sitt pjanijiet li jikkonċernaw banek li ma kellhomx kulleġġ ta’ riżoluzzjoni u żewġ pjanijiet rigward banek li kellhom tali kulleġġ. Irrieżaminajna wkoll kampjun ta’ 3 valutazzjonijiet magħmula mill‑SRB li jkopru 16‑il pjan għal banek inqas sinifikanti ppreżentati mill‑ARN, u kampjun ta’ 2 pjanijiet ta’ riżoluzzjoni simplifikati li l‑ARN kienu ppreżentaw ukoll.

20

Intervistajna lill‑persunal fil‑Kummissjoni (id‑Direttorat Ġenerali għall‑Istabbiltà Finanzjarja, is‑Servizzi Finanzjarji u l‑Unjoni tas‑Swieq Kapitali (id-DĠ FISMA)) u fl‑EBA. Għamilna wkoll żjarat ta’ informazzjoni f’erba’ ARN (fil-Ġermanja, l‑Italja, il‑Latvja u l‑Lussemburgu) li jew kienu responsabbli għal għadd kbir ta’ banek jew diġà kellhom esperjenza fir‑riżoluzzjoni tal‑banek. Fl-aħħar nett, wettaqna stħarriġ fost id‑19‑il ARN tal‑Unjoni Bankarja Ewropea.

21

Ix‑xogħol tal‑awditjar fuq il‑post twettaq bejn April 2019 u Jannar 2020 u għalhekk ġie kkompletat qabel it‑tifqigħa tal‑COVID‑19. Għalhekk, sakemm ma jkunx iddikjarat mod ieħor, dan ir‑rapport ma jiħux kont tal-iżviluppi jew il‑bidliet ta’ politika li seħħew b’reazzjoni għall‑pandemija.

Aċċess għall‑evidenza għall‑awditjar u problemi ta’ kunfidenzjalità

22

Id‑drittijiet u l‑mandat tal‑awditjar għal dan l‑awditu tal‑prestazzjoni ġejjin mid‑dispożizzjonijiet ġenerali tal‑Artikolu 287 tat‑TFUE7, li jagħti lill‑Qorti Ewropea tal‑Awdituri aċċess sħiħ għad‑dokumentazzjoni kollha li tkun meħtieġa għall‑kompitu tal‑awditjar. Madankollu, waqt li rrefera għal raġunijiet ta’ kunfidenzjalità, il‑persunal tal‑SRB editja d‑dokumenti billi neħħa l‑informazzjoni u d‑data kollha li jippermettulna nidentifikaw il‑bank li miegħu l‑pjan ta’ riżoluzzjoni fil‑kampjun kien relatat. Għalhekk ma stajniex nirrikonċiljaw il‑kalkoli tal‑MREL (relatati mad‑data pprovduta mill-BĊE, ara l‑paragrafu 23), nivvalutaw il‑kritikalità tal‑funzjonijiet tal‑banek jew neżaminaw il‑konsistenza tal‑valutazzjonijiet tal‑SRB dwar il‑kritikalità tal‑funzjonijiet tal‑banek fil‑pjanijiet ta’ riżoluzzjoni. Madankollu, meta mqabbel mal‑awditu preċedenti, l-aċċess għall‑informazzjoni tjieb billi ngħatajna pjanijiet ta’ riżoluzzjoni sħaħ minflok sempliċiment xi kapitoli minnhom.

23

Barra minn hekk, ma ksibniex aċċess għad‑dokumenti li ġejjin li joriġinaw mill-BĊE, iżda li jinżammu wkoll fil‑fajls mill‑SRB: (i) pjanijiet ta’ rkupru tal‑banek u (ii) il‑feedback tal-BĊE dwar l‑abbozz tal‑pjanijiet ta’ riżoluzzjoni tal‑SRB. Aħna konna tlabna dawn id‑dokumenti lill‑SRB sa mill‑bidu nett tal‑awditu. Sakemm l‑SRB infurmana li l-BĊE kien qabel li stajna naċċessaw id‑dokumenti f’kamra tad‑data fiżika fil‑bini tal‑SRB, kienu daħlu fis‑seħħ il‑miżuri ta’ konfinament relatati mal‑pandemija tal‑COVID‑19, li żammewna milli nirrieżaminaw id‑dokumenti. Wara li kkonsulta mal-BĊE, l‑SRB infurmana li ma kien hemm l‑ebda ftehim biex dawn id‑dokumenti jkunu magħmula disponibbli f’kamra tad‑data virtwali minħabba raġunijiet ta’ sigurtà tad‑data.

24

Madankollu, għall‑osservazzjonijiet u l‑konklużjonijiet ippreżentati f’dan ir‑rapport, aħna kellna l‑evidenza meħtieġa.

Osservazzjonijiet

Qafas ta’ politika msaħħaħ iżda għad fadal defiċjenzi f’ċerti oqsma kruċjali

25

L‑SRB żviluppa politiki dettaljati biex jiżgura l‑kwalità u l‑konsistenza tal‑pjanijiet ta’ riżoluzzjoni għall‑banek taħt il‑mandat tal‑SRB u tal‑azzjonijiet ta’ riżoluzzjoni potenzjali fihom. Il‑politiki, li huma adottati mis‑Sessjoni Eżekuttiva tal‑SRB, huma stabbiliti fil‑manwal għall‑ippjanar tar‑riżoluzzjonijiet, id‑dokument intern tal‑politika tal‑SRB, kif ukoll f’noti tekniċi orizzontali. Il‑kontenut ta’ dawn in‑noti, maħruġ bejn l‑2016 u l‑2019, ġie inkorporat fiż-żmien meta l‑manwal ġie aġġornat fl‑2019, għalkemm f’inqas dettall. Tfasslu wkoll dokumenti ta’ politika separati rigward l‑MREL, u f’April 2020 l‑SRB ħareġ dokument li jagħti dettalji dwar l-“Aspettattivi għall‑Banek” (ara l‑Figura 5).

Figura 5

Univers tal‑politiki tal‑SRB

Sors: il‑QEA.

26

Ħlief fil‑każ tal‑MREL, fil‑perjodu li ġie kopert mill‑awditu tagħna, l‑ARN ma kellhomx għalfejn jaderixxu ma’ dawn il‑politiki meta kienu jabbozzaw il‑pjanijiet għal banek inqas sinifikanti. Madankollu, minħabba r‑rilevanza għall‑kategoriji kollha tal‑banek, dawn setgħu jintużaw bħala punt ta’ referenza għall‑ARN meta jkunu qed jiżviluppaw il‑politiki tagħhom stess.

27

L‑SRB ġabar il‑politiki tiegħu madwar tmien oqsma li jirriflettu l‑proċess tal‑ippjanar tar‑riżoluzzjonijiet (ara l‑Figura 6). Il‑politiki ġew żviluppati f’kooperazzjoni mill‑qrib mal‑ARN.

Figura 6

Proċess tal‑ippjanar tar‑riżoluzzjonijiet

Nota: Il‑manwal għall‑ippjanar tar‑riżoluzzjonijiet jiddedika kapitolu speċifiku għal kull wieħed minn dawn it‑tmien oqsma.

Sors: l‑SRB.

28

Fir‑rapport speċjali tagħna tal‑2017, aħna kkonkludejna li l‑SRB ma kellux sistema kompleta ta’ politiki għall‑ippjanar tar‑riżoluzzjonijiet. Aħna rrakkomandajna li (i) l‑manwal għall‑ippjanar tar‑riżoluzzjonijiet isir vinkolanti, (ii) jitfasslu politiki ċari u konsistenti dwar l‑impedimenti sostantivi u l‑MREL, u (iii) tiġi inkluża gwida għax‑xenarji kollha ta’ riżoluzzjoni.

29

Għalhekk aħna vvalutajna jekk:

  1. l‑SRB kienx adotta l‑politiki rilevanti kollha meħtieġa biex iħejji pjanijiet ta’ riżoluzzjoni għall‑banek taħt il‑mandat tiegħu;
  2. il‑politiki żviluppati kinux ta’ kwalità sodisfaċenti.

Għadd ta’ politiki importanti applikabbli għall‑banek taħt il‑mandat tal‑SRB għadhom neqsin

30

Il‑politiki stabbiliti fil‑manwal huma maħsuba biex jiggwidaw lill‑IRTs fl‑abbozzar tagħhom tal‑pjanijiet ta’ riżoluzzjoni għal banek sinifikanti. Dan il‑manwal ma kienx vinkolanti. Sirna nafu wkoll li l‑IRTs mhumiex meħtieġa jiġġustifikaw kwalunkwe devjazzjoni mill‑manwal fil‑pjan ta’ riżoluzzjoni u, fil‑fatt, ma sibna l‑ebda ġustifikazzjoni ta’ dan it‑tip fl‑ebda wieħed mill‑pjanijiet fil‑kampjun tagħna.

31

Irrieżaminajna l‑politiki tal‑SRB u sibna li, f’April 2020, ħafna minnhom kienu neqsin. L‑ewwel nett, ma kien hemm l‑ebda politika dwar il-“kontinwità finanzjarja”. Huwa kruċjali li jiġi żgurat finanzjament ladarba jkun beda proċess ta’ riżoluzzjoni, billi bank jista’ jkollu diffikultà biex jaċċessa l‑likwidità meħtieġa biex jiffinanzja mill-ġdid l‑obbligazzjonijiet tiegħu hekk kif dawn jiġu dovuti, pereżempju, minħabba inċertezza dwar il‑vijabbiltà tiegħu. Biex nenfasizzaw l‑importanza ta’ din il‑kwistjoni, nagħtu bħala eżempju l‑falliment ta’ Hypo Real Estate: l‑awtoritajiet pubbliċi Ġermaniżi kellhom jipprovdu likwidità ta’ EUR 145 biljun fl‑2008. L‑SRB iqis li l-iżvilupp ta’ politika għal dan il‑qasam huwa proġett pluriennali li huwa ma jistenniex li jara ffinalizzat qabel l‑2022. Fl-aħħar nett, “Aspettattivi għall‑Banek” tal‑SRB (ara l‑paragrafu 25) jipprovdi li l‑banek għandhom jagħtu prova tal‑kapaċitajiet tagħhom fil‑qasam tal‑kontinwità finanzjarja sal‑2023.

32

Aspett marbut mill‑qrib mal‑kontinwità finanzjarja fir‑riżoluzzjoni huwa l‑mekkaniżmu ta’ garanzija ta’ kontinġenza tas‑settur pubbliku. Tali mekkaniżmu ta’ garanzija ta’ kontinġenza jista’ jintuża temporanjament mill‑SRB biex jiżgura l‑finanzjament fir‑riżoluzzjoni ta’ bank li jkun ġie ddikjarat li qed ifalli jew probabbilment se jfalli. F’Diċembru 2019, il‑Grupp tal‑Euro qabel fil‑prinċipju li l‑Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà jkun jipprovdi garanzija ta’ kontinġenza ta’ madwar EUR 65 - EUR 70 biljun. Il‑bidla maħsuba tat‑Trattat li jistabbilixxi l‑Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà8 għadha ma ġietx iffirmata. Il‑garanzija ta’ kontinġenza hija intenzjonata li tissostitwixxi l‑Istrument ta’ Rikapitalizzazzjoni Diretta, li għalih il‑Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà kien alloka EUR 60 biljun. L‑esperti jsostnu li l‑provvediment tal‑garanzija ta’ kontinġenza jaf jispiċċa ma jkunx suffiċjenti biex jissodisfa l-ħtiġijiet ta’ finanzjament fir‑riżoluzzjoni, b’mod partikolari fir‑rigward tal‑provvediment ta’ likwidità, u jappellaw għal miżuri addizzjonali9.

33

It‑tieni, ma kien hemm l‑ebda politika fir‑rigward ta’ “governanza u komunikazzjoni” għar‑riżoluzzjoni. Dan jirrigwarda, pereżempju, l‑istruttura ta’ governanza meħtieġa biex tiġi żgurata l‑provvista tad‑data kif ukoll is‑sorveljanza effettiva u t‑teħid ta’ deċiżjonijiet, waqt l‑ippjanar tar‑riżoluzzjonijiet u fi kriżi. Billi ħafna deċiżjonijiet jeħtieġ li jittieħdu f’perjodu ta’ żmien qasir ħafna, struttura solida ta’ governanza u ta’ komunikazzjoni hija kritika.

34

It‑tielet, ma kien hemm l‑ebda politika globali dwar “rekwiżiti ta’ informazzjoni”. Din tirrigwarda, pereżempju, id‑data li l‑banek huma meħtieġa jipprovdu lill‑SRB għall-eżekuzzjoni tal-għodod ta’ riżoluzzjoni jew biex jappoġġaw il‑valwazzjonijiet tal‑assi fil‑każ ta’ riżoluzzjoni. Rapporti ta’ valwazzjoni preċiżi huma essenzjali għas‑suċċess ġenerali ta’ riżoluzzjoni bankarja. Jekk ir‑rapporti ta’ valwazzjoni ma jkunux preċiżi, jistgħu jtawlu l‑istress finanzjarju jew iħeġġu lill‑azzjonisti u lill‑kredituri biex jiftħu kawża u jitolbu kumpens10.

35

Fl-aħħar nett, il‑manwal għall‑ippjanar tar‑riżoluzzjonijiet ma kienx jinkludi politika li tistabbilixxi l‑entitajiet fi ħdan grupp li għalihom ikunu jiġu applikati l‑azzjonijiet ta’ riżoluzzjoni (l‑hekk imsejjaħ punt ta’ dħul, ara l‑paragrafu 10). Il‑punt ta’ dħul jiddetermina kemm-il awtorità ta’ riżoluzzjoni se jeżerċitaw setgħat u japplikaw għodod ta’ riżoluzzjoni. Punt ta’ dħul uniku jagħti s‑setgħat lil awtorità waħda biss, filwaqt li punt ta’ dħul multiplu jinvolvi aktar minn awtorità ta’ riżoluzzjoni waħda.

36

L‑SRB biħsiebu joħroġ jew jaġġorna l‑politiki tiegħu f’għadd ta’ oqsma fl‑2020. Bħala l‑ewwel pass, fi tmiem April 2020, ippubblika dokument li jistabbilixxi l-“Aspettattivi għall‑Banek” tiegħu. Madankollu, dan id‑dokument għadu ma jipprovdix politiki dettaljati dwar l‑aspetti deskritti hawn fuq.

Il‑politiki pprovduti jbatu minn xi dgħufijiet

37

Aħna vvalutajna l‑kwalità tal‑politiki li kienu ġew applikati matul il‑perjodu awditjat, u sibna dgħufijiet rigward tliet oqsma: (i) il‑valutazzjoni tal‑interess pubbliku, (ii) id‑determinazzjoni ta’ impedimenti sostantivi għar‑riżolvibbiltà, u (iii) l‑applikazzjoni tar‑rekwiżit tal‑MREL u l-għodda tar‑rikapitalizzazzjoni interna.

Valutazzjoni tal‑interess pubbliku
38

Waħda mill‑kundizzjonijiet biex isseħħ riżoluzzjoni, fejn bank jiġi ddikjarat li qed ifalli jew probabbilment se jfalli, hija li din tkun fl‑interess pubbliku, jiġifieri l‑objettivi tar‑riżoluzzjoni ma jkunux jintlaħqu sal‑istess livell li kieku l‑bank kellu jiġi stralċat skont il‑liġi nazzjonali dwar l‑insolvenza. Eżempji ta’ tali objettivi ta’ riżoluzzjoni huma:

  • li tiġi żgurata l‑kontinwità tal‑funzjonijiet kritiċi ta’ bank;
  • li jiġu evitati effetti avversi sinifikanti fuq l‑istabbiltà finanzjarja;
  • il‑protezzjoni tad‑depożiti koperti;
  • il‑protezzjoni tal‑fondi pubbliċi.
39

Għal din ir‑raġuni, l‑awtorità ta’ riżoluzzjoni kkonċernata trid twettaq valutazzjoni tal‑interess pubbliku. Skont studju mwettaq fuq talba tal‑Kummissjoni, bosta partijiet ikkonċernati ddikjaraw li huwa mistenni li din il‑valutazzjoni ssir aktar konsistenti madwar l‑UE11. Xi partijiet ikkonċernati wkoll ma jaqblux mal‑fehma tal‑SRB li r‑riżoluzzjoni hija għal ftit, u mhux għall-ħafna. Fil‑fatt, meta jitqies l‑univers tal‑banek taż-żona tal‑euro, l‑SRB huwa tal‑opinjoni li, minħabba l‑valutazzjoni tal‑interess pubbliku, l‑azzjonijiet ta’ riżoluzzjoni eventwalment se japplikaw biss għal ftit banek, billi l‑biċċa l‑kbira mill‑banek se jiġu stralċati skont il‑liġi nazzjonali dwar l‑insolvenza12.

40

Fir‑rigward tal‑valutazzjoni ta’ jekk ċerti funzjonijiet f’bank humiex kritiċi (ara l‑paragrafu 03), sibna li l‑politika tal‑SRB ma tistipulax sollijiet iddefiniti b’mod ċar (bħall‑perċentwal tas‑sehem tas‑suq). Abbażi tal‑istħarriġ tagħna u l‑intervisti li wettaqna mal‑ARN, kif ukoll ir‑rieżami tagħna tad‑dokumenti tal‑SRB, nikkonkludu li hemm inkonsistenzi bejn il‑valutazzjonijiet tal‑IRTs tal‑funzjonijiet kritiċi. B’riżultat ta’ dawn l‑inkonsistenzi u ta’ nuqqas ta’ gwida ċara hemm riskju li l‑SRB ma jimmarkax funzjoni bħala kritika għalkemm l‑ekonomija reali tkun milquta b’mod negattiv fil‑każ li l‑bank ifalli.

41

Fir‑rigward tal‑objettiv ta’ riżoluzzjoni li jiġu protetti d‑depożiti koperti, aħna sibna dan li ġej: meta jiġi ġġudikat li l‑finanzjament tal‑iskemi nazzjonali ta’ garanzija tad‑depożiti stabbiliti fil‑livell tal‑Istati Membri ma jkunx adegwat biex tiġi indirizzata kriżi, dan jimplika li d‑depożiti koperti ma jkunux protetti sew. Madankollu, din mhijiex raġuni suffiċjenti biex l‑SRB iqis li r‑riżoluzzjoni tal‑bank ikkonċernat tkun fl‑interess pubbliku.

42

Fir‑rigward tal‑protezzjoni tal‑fondi pubbliċi, aħna nosservaw li r‑regoli dwar il‑kondiviżjoni tal‑piżijiet bejn (i) l‑azzjonisti u ċerti kredituri u (ii) is‑settur pubbliku jvarjaw, skont jekk jiġix applikat proċediment ta’ riżoluzzjoni jew proċediment nazzjonali ta’ insolvenza (ara l‑Figura 7):

  • f’konformità mal‑bażi ġuridika, l‑appoġġ pubbliku f’riżoluzzjoni permezz tal‑SRF jista’ jseħħ biss meta t‑telf ta’ bank ikun ġie kopert minn rikapitalizzazzjoni interna ta’ mill‑inqas 8 % tal‑obbligazzjonijiet totali u l‑fondi proprji tal‑bank. Il‑kontribuzzjoni tal‑SRF hija, fil‑prinċipju, limitata għal 5 % tal‑obbligazzjonijiet totali u l‑fondi proprji tal‑bank13. Il‑Fond Monetarju Internazzjonali ssuġġerixxa l‑introduzzjoni ta’ eżenzjoni għall‑istabbiltà finanzjarja14, jiġifieri eżenzjoni li trid tintuża biss fi żminijiet ta’ kriżi fiż-żona tal‑euro kollha jew fil‑pajjiż kollu. Skont l‑istħarriġ tagħna, il‑maġġoranza tal‑ARN (60 %) jaqblu ma’ dan is‑suġġeriment;
  • jekk bank jiġi stralċat skont il‑liġi nazzjonali dwar l‑insolvenza, l‑Istati Membri jistgħu jqisu wkoll li jkun meħtieġ li jingħata appoġġ pubbliku. F’konformità mal‑Komunikazzjoni tal‑Kummissjoni dwar il‑Banek (BC)15, ir‑rekwiżiti tal‑kondiviżjoni tal‑piżijiet japplikaw għall‑azzjonisti u għad‑detenturi ta’ strumenti subordinati: dawn għandhom jikkontribwixxu bis-sħiħ għall‑ispiża tal‑miżuri. Għall‑kuntrarju tax‑xenarju tar‑riżoluzzjoni, id‑detenturi ta’ dejn superjuri mhumiex meħtieġa jikkontribwixxu. Il‑Fond Monetarju Internazzjonali rrakkomanda li jiġu stabbiliti prinċipji aktar stretti dwar il‑kondiviżjoni tal‑piżijiet skont ir‑regoli dwar l-għajnuna mill‑Istat16.

Figura 7

Rekwiżiti ta’ rikapitalizzazzjoni interna fir‑riżoluzzjoni (BRRD) u taħt l-għajnuna mill‑Istat (BC)17

Sors: il‑QEA, ibbażat fuq il‑bażi ġuridika ċċitata.

43

Kif turi t‑tielet linja tal‑Figura 7, jista’ jiġi pprovdut aktar appoġġ pubbliku (għajnuna mill‑Istat) taħt il‑proċedimenti nazzjonali ta’ insolvenza milli f’riżoluzzjoni, abbażi tal‑politika attwali tal‑Kummissjoni dwar l-għajnuna mill‑Istat, kif rifless fil‑BC tagħha. Dan huwa importanti fl‑istadju tat‑teħid ta’ deċiżjoni ta’ x’inhuwa fl‑interess pubbliku. Hemm żewġ tipi ta’ valutazzjoni, waħda li titwettaq mill‑SRB u waħda mill‑Kummissjoni:

  • f’konformità mal‑objettivi ta’ riżoluzzjoni (ara l‑paragrafu 38), jenħtieġ li l‑SRB jivvaluta jekk il‑falliment ta’ bank ikollux effetti avversi sinifikanti fuq l‑istabbiltà finanzjarja, u jenħtieġ li jimminimizza l‑provvediment ta’ appoġġ finanzjarju pubbliku straordinarju li jiġi pprovdut;
  • jenħtieġ li l‑Kummissjoni ‑qabel ma tapprova għajnuna mill‑Istat li l‑Istati Membri jkunu jipprovdu matul il‑likwidazzjoni ta’ bank skont proċedimenti nazzjonali ta’ insolvenza ‑tivvaluta jekk din l-għajnuna tkunx meħtieġa għar‑rimedju ta’ taqlib serju fl‑ekonomija ta’ Stat Membru. F’awditu preċedenti, aħna osservajna li l‑Kummissjoni kienet qieset li l‑Istati Membri kienu fl-aħjar pożizzjoni biex jagħmlu valutazzjoni inizjali ta’ jekk ħruġ mhux ikkontrollat ta’ bank partikolari mis‑suq ikunx jhedded l‑istabbiltà finanzjarja (jew jikkawża taqlib serju ieħor fl‑Istat Membru). Aħna sibna wkoll li l‑Kummissjoni ma kinitx ikkontestat id‑dikjarazzjonijiet tal‑Istati Membri li falliment potenzjali ta’ bank kien jikkostitwixxi theddida għall‑istabbiltà finanzjarja18.
44

F’każijiet reċenti ta’ fallimenti ta’ banek, l‑SRB kien iddetermina li l‑banek setgħu jiġu stralċati skont proċedimenti normali ta’ insolvenza mingħajr ma jikkawżaw effetti avversi sinifikanti fuq l‑istabbiltà finanzjarja, u għalhekk kien ikkonkluda li ma kienx hemm interess pubbliku li jiġġustifika l-użu ta’ għodod ta’ riżoluzzjoni. Madankollu, il‑Kummissjoni aktar tard approvat l-għajnuna mill‑Istat, billi qieset li l‑istralċ ta’ dawn il‑banek skont proċedimenti normali ta’ insolvenza jkun jikkostitwixxi taqlib serju fl‑ekonomija. L‑FMI jikkonkludi li l‑allinjament tar‑rekwiżiti tal‑kondiviżjoni tal‑piżijiet li jkunu applikabbli f’każ ta’ proċediment ta’ insolvenza ma’ dawk li jkunu japplikaw f’każ ta’ riżoluzzjoni, wara li fil‑qafas tkun ġiet introdotta flessibbiltà alternattiva b’eżenzjoni għall‑istabbiltà finanzjarja, ikun inaqqas l‑inċertezza u jnaqqas ukoll l‑inċentivi attwali għall‑Istati Membri biex isibu modi kif jittrattaw istituzzjonijiet sinifikanti li jkunu qed ifallu skont proċedimenti nazzjonali ta’ insolvenza19. Fl-aħħar nett, fir‑Riżoluzzjoni tiegħu tal‑2020 dwar l‑Unjoni Bankarja, il‑Parlament Ewropew jinnota “l-ħtieġa li jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi u l‑applikazzjoni konsistenti tat‑test ta’ interess pubbliku”20.

45

Aħna nosservaw li kwistjoni oħra, li saret dejjem aktar rilevanti fid‑dibattitu politiku, hija dik tal‑armonizzazzjoni tal‑liġijiet nazzjonali dwar l‑insolvenza rigward il‑banek21. Kienu 14 mit‑18-il ARN, li wieġbu għall‑istħarriġ tagħna, li ddikjaraw li jkun ta’ għajnuna jew ta’ għajnuna kbira jekk ir‑reġimi nazzjonali ta’ insolvenza bankarja jiġu armonizzati. Pereżempju, huma qalu li l‑iskattaturi biex jinbdew reġimi nazzjonali ta’ insolvenza mhumiex allinjati, fil‑biċċa l‑kbira mill‑pajjiżi, mal‑iskattaturi biex tinbeda riżoluzzjoni, u b’mod partikolari mal‑kundizzjonijiet li jiġġustifikaw determinazzjoni li bank qed ifalli jew probabbilment se jfalli22. Madankollu, il‑kisba tal‑armonizzazzjoni hija proċess diffiċli, billi tinvolvi oqsma tad‑dritt li jaqgħu taħt il‑kompetenza tal‑Istati Membri (bħal‑liġi tal‑kumpaniji).

46

Fl-aħħar nett, ikun tajjeb li pjan ta’ riżoluzzjoni jieħu inkunsiderazzjoni xenarji rilevanti, inkluż li l‑falliment jista’ jkun idjosinkratiku (speċifiku għal bank) jew iseħħ fi żmien ta’ instabbiltà finanzjarja usa’ jew avvenimenti mifruxa mas‑sistema kollha. Madankollu, l‑SRB huwa tal‑opinjoni li l‑SRMR (l‑Artikolu 8) ma jippreskrivix li avvenimenti bħal dawn jittieħdu inkunsiderazzjoni fl‑istadju fejn il‑valutazzjoni tal‑interess pubbliku titwettaq f’każijiet fejn l‑istrateġija preferuta tkun dik tal‑applikazzjoni tal‑liġi nazzjonali dwar l‑insolvenza. Għalhekk, il‑manwal għall‑ippjanar tar‑riżoluzzjonijiet tal‑SRB ma jiċċarax dan l‑aspett (ara l‑paragrafu 28). Hemm ARN li jinterpretaw il‑liġi b’mod differenti. Il‑Kummissjoni tammetti li hemm xi ftit lok għall‑interpretazzjoni.

Gwida dwar id‑determinazzjoni tal‑impedimenti sostantivi għar‑riżolvibbiltà
47

Skont il-Ġabra Unika tar‑Regoli, l‑SRB huwa meħtieġ jivvaluta jekk bank huwiex riżolvibbli jew le. Bank jitqies riżolvibbli jekk ikun fattibbli u kredibbli li l‑bank jiġi llikwidat skont il‑liġi normali dwar l‑insolvenza jew jiġi riżolt bl‑applikazzjoni ta’ għodod ta’ riżoluzzjoni u bl-eżerċitar ta’ setgħat ta’ riżoluzzjoni. Għal din ir‑raġuni, l‑awtorità ta’ riżoluzzjoni trid tivvaluta jekk hemmx ostakli, jiġifieri impedimenti għar‑riżoluzzjoni ta’ bank. L‑awtorità ta’ riżoluzzjoni trid tinnotifika wkoll lill‑EBA b’mod f’waqtu meta jitqies li bank huwa irriżolvibbli.

48

Ladarba l‑SRB ikun ikkonkluda li impediment huwa sostantiv fin‑natura tiegħu, titnieda proċedura amministrattiva biex jiġi żgurat li l‑bank inkwistjoni jirrimedja s‑sitwazzjoni (ara l‑Figura 8). Il‑proċess amministrattiv jinvolvi bosta partijiet ikkonċernati. Il‑bank jista’ jdum 12‑il xahar jew aktar sakemm jippreżenta l‑pjan ta’ implimentazzjoni finali maħsub biex jirrimedja l‑impediment sostantiv.

Figura 8

Passi fl‑indirizzar tal‑impedimenti sostantivi għall‑banek taħt il‑mandat tal‑SRB

Sors: il‑QEA, adattat mill‑SRB.

49

Wara rakkomandazzjoni li saret fir‑Rapport Speċjali Nru 23/2017 tagħna (ara l‑paragrafu 28), f’Settembru 2018 l‑SRB ħareġ il‑politika tiegħu dwar l‑identifikazzjoni u l‑indirizzar tal‑impedimenti għar‑riżolvibbiltà. L‑SRB applika din il‑politika għal minoranza biss tal‑pjanijiet ta’ riżoluzzjoni abbozzati fl‑2019. L‑SRB qed jaħdem biex jirfina l‑gwida tiegħu għall‑IRTs u, b’mod partikolari, dwar kif il‑metodoloġija tiegħu għandha tiġi applikata fil‑prattika.

50

Skont il‑politika tal‑2018, bħala l‑ewwel pass, huwa mistenni li l‑IRTs jidentifikaw l‑impedimenti potenzjali. Ikun tajjeb li l‑IRTs imbagħad jivvalutaw, fuq skala minn livell baxx sa għoli, (i) l‑impatt ta’ tali impedimenti potenzjali fuq l‑istrateġija ta’ riżoluzzjoni u (ii) il‑probabbiltà li jseħħu. Filwaqt li l‑politika tipprovdi matriċi li tindika meta valutazzjonijiet bħal dawn jenħtieġ li jikkonkludu li impediment huwa sostantiv, din fil‑fatt hija biss indikattiva. Pereżempju, l‑impedimenti potenzjali kklassifikati bħala ta’ impatt għoli u li probabbilment iseħħu mhumiex awtomatikament meqjusa bħala impedimenti sostantivi.

51

Għalhekk, in‑natura tal‑valutazzjonijiet hija tali li tinvolvi ġudizzju u diskrezzjoni konsiderevoli min‑naħa tal‑IRTs. Barra minn hekk, l‑SRB jikkunsidra għadd ta’ elementi qabel ma jiddikjara impediment sostantiv. Pereżempju, meta bank ikollu pjan kredibbli fis‑seħħ biex jindirizza l‑impedimenti potenzjali identifikati, l‑impediment mhux bilfors irid jitqies sostantiv. Fil‑fatt, l‑SRB iqis it‑tneħħija tal‑impedimenti għar‑riżolvibbiltà bħala proċess gradwali bejn il‑banek u l‑SRB, li jista’ jieħu xi żmien.

52

Din il‑politika hija kkonfermata fid‑dokument tal‑SRB bit‑titolu “Aspettattivi għall‑Banek” (ara l‑paragrafu 25): dan jipprevedi introduzzjoni gradwali fejn il‑banek huma mistennija li jibnu l‑kapaċitajiet tagħhom fis‑seba’ dimensjonijiet kollha23 indirizzati fid‑dokument sa mhux aktar tard minn tmiem l‑2023, irrispettivament mil‑livell ta’ riskju, daqs jew kumplessità tal‑banek. Suġġett għal ftehim, bank jista’ wkoll jibni l‑kapaċitajiet tiegħu wara l‑2023. B’paragun ma’ dan, il‑banek taħt il‑mandat tal‑Bank of England isegwu skedi ta’ żmien aktar stretti, billi jenħtieġ li dawn ikunu riżolvibbli sal-1 ta’ Jannar 202224.

53

“Naħdmu flimkien” huwa l‑prinċipju li jiggwida dawn l‑aspettattivi, jiġifieri l‑SRB u l‑banek jaħdmu flimkien biex jiksbu r‑riżolvibbiltà. Il‑banek huma mistennija li jipproduċu pjan ta’ ħidma u awtovalutazzjoni tal‑progress magħmul taħtu, biex tiġi żgurata implimentazzjoni f’waqtha. Mit‑18-il ARN li wieġbu għall‑istħarriġ tagħna, 17 iqisu li dan huwa approċċ xieraq. Madankollu, hemm riskju li l‑motivazzjoni ta’ bank biex jaħdem mal‑SRB biex jindirizza l‑impedimenti tista’ tkun limitata, b’mod partikolari fejn ikunu involuti mudelli ta’ negozju, eż. jekk l‑SRB ippjana li japplika l-għodda ta’ “bejgħ ta’ negozju” (ara l‑Figura 3).

54

Barra minn hekk, il-Ġabra Unika tar‑Regoli ma tipprevedix tali perjodi ta’ tranżizzjoni. Hija tirrikjedi konklużjoni ċara dwar jekk bank huwiex riżolvibbli (ara l‑paragrafu 09), element li jirrikjedi determinazzjoni minn qabel ta’ impedimenti sostantivi, jekk ikun hemm minn dawn. Dan huwa kkonfermat minn deċiżjoni tal‑2018 tal‑EBA, li tiddikjara li l‑identifikazzjoni ta’ impedimenti potenzjali mingħajr ma jiġi ddeterminat jekk humiex sostantivi mhijiex konformi mal-Ġabra Unika tar‑Regoli. L‑EBA kkonkludiet li kwalunkwe pjan ta’ riżoluzzjoni adottat irid jinkludi deskrizzjoni dettaljata tal‑valutazzjoni tar‑riżolvibbiltà. Din id‑deskrizzjoni dettaljata trid tinkludi kwalunkwe impediment sostantiv għar‑riżolvibbiltà identifikat25.

55

B’riżultat tal‑proċess gradwali magħżul mill‑SRB li wassal għan‑nuqqas ta’ determinazzjoni ta’ impedimenti sostantivi, l‑SRB għadu ma ppreżenta l‑ebda notifika lill‑EBA (ara l‑paragrafu 47), u l‑ARN ma ppreżentaw l‑ebda notifika rigward l‑istituzzjonijiet inqas sinifikanti.

56

Dokument li l‑Unità tas‑Sostenn għall‑Governanza Ekonomika26, tal‑Parlament Ewropew, ħarġet fi tmiem l‑2019 ikkonkluda li, f’Ottubru 2019 l‑ebda wieħed mill‑pjanijiet ta’ riżoluzzjoni ma kien fih valutazzjoni żviluppata bis-sħiħ tal‑impedimenti għar‑riżolvibbiltà. Huwa kien jiddikjara li dan iqajjem tħassib dwar l‑istat ta’ tħejjija tal‑banek għal riżoluzzjoni potenzjali fis‑snin li ġejjin.

Gwida dwar l‑MREL u r‑rikapitalizzazzjoni interna
57

Wieħed mill‑istrumenti ewlenin għat‑tisħiħ tar‑riżolvibbiltà tal‑banek huwa r‑rekwiżit legali li l‑banek kollha jilħqu l‑miri MREL stabbiliti mill‑awtorità ta’ riżoluzzjoni tagħhom (ara l‑paragrafu 08). Il‑banek iridu jżommu volum speċifiku ta’ ekwità u obbligazzjonijiet eliġibbli oħra sabiex ikunu jistgħu jassorbu t‑telf u jirrestawraw il‑pożizzjoni kapitali tagħhom mingħajr rikors għall‑fondi pubbliċi.

58

F’konformità mal-Ġabra Unika tar‑Regoli, sal‑2024 il‑banek iridu jilħqu l‑miri MREL tagħhom b’mod sħiħ, iżda jridu jilħqu mira intermedja sa Jannar 2022, billi tista’ tkun ta’ sfida għall‑banek biex joħorġu titoli tat‑tip MREL.

59

L‑SRB u l‑ARN huma legalment obbligati li joħorġu deċiżjoni formali dwar l‑MREL għal kull bank. Mit‑18-il NRA li wieġbu għall‑istħarriġ tagħna, 8 (44 %) iqisu li dan il‑formaliżmu ma jagħmilx sens meta r‑rekwiżit tal‑MREL ikun daqs ir‑rekwiżiti kapitali prudenzjali, bħalma jkun ġeneralment il‑każ meta bank ikun se jiġi stralċat skont il‑liġi nazzjonali dwar l‑insolvenza. It‑tmien ARN jinkludu dawk bl‑ogħla għadd ta’ banek. Dan joħloq piż amministrattiv għall‑partijiet kollha involuti (l‑SRB, l‑ARN u l‑banek).

60

L‑SRB ippubblika l‑politika dwar l‑MREL applikabbli għaċ-ċiklu ta’ ppjanar tar‑riżoluzzjonijiet tal‑2018 f’Novembru 2018, u aġġornaha f’Jannar 2019 (ara l‑paragrafu 28). F’Mejju 2020, ippubblika wkoll il‑politika dwar l‑MREL applikabbli għaċ-ċiklu ta’ ppjanar tar‑riżoluzzjonijiet tal‑2020. Il‑biċċa l‑kbira mill‑bidliet li saru (ara l‑Anness II għal paragun) ġejjin mill‑SRMR rivedut27. Għadu mhuwiex magħruf kif dawn il‑bidliet leġiżlattivi se jaffettwaw il‑miri MREL fit‑terminu qasir u f’dak medju sa twil. L‑SRB ħabbar ukoll li biħsiebu jivvaluta l‑impatt potenzjali tal‑pandemija tal‑COVID‑19 fuq il‑perjodi ta’ tranżizzjoni meħtieġa biex eventwalment jiġi ssodisfat l‑MREL (ara l‑paragrafu 58).

61

Uħud mill‑bidliet li jirriżultaw mill‑qafas legali rivedut huma kif ġej:

  • ma għadux obbligatorju li tiġi inkluża imposta fuq il‑fiduċja fis‑suq fil‑kalkolu tal‑mira MREL. Madankollu, l‑SRB biħsiebu jkompli japplika tali imposta;
  • il‑BRRD28 riveduta tintroduċi MREL fiss obbligatorju għal tliet kategoriji ta’ banek29;
  • il‑BRRD riveduta tirrikjedi livell minimu ta’ subordinazzjoni (8 % tal‑obbligazzjonijiet totali u l‑fondi proprji). Is‑subordinazzjoni timplika li parti mill‑mira MREL teħtieġ li tintlaħaq minn obbligazzjonijiet subordinati, u għalhekk mhux biss minn dejn superjuri. L‑ispiża tal-ħruġ ta’ dejn subordinat hija ġeneralment ogħla.
62

B’riżultat ta’ dispożizzjonijiet fakultattivi jew nuqqas ta’ dispożizzjonijiet fil‑bażi ġuridika, il‑prattiki tal‑awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni tal‑UE biex jiddeterminaw l‑MREL ivarjaw (ara l‑Kaxxa 1).

Kaxxa 1

Eżempji ta’ prattiki differenti għad‑determinazzjoni tal‑MREL

Ir‑Rapport kwantitattiv tal‑EBA għall‑2020 dwar l‑MREL30 juri li, minħabba n‑nuqqas ta’ rekwiżit obbligatorju ta’ subordinazzjoni, il‑prattiki ta’ subordinazzjoni jvarjaw fost l‑awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni fl‑UE. Xi wħud jeħtieġu li l‑mira MREL tintlaħaq bis-sħiħ permezz ta’ obbligazzjonijiet subordinati, filwaqt li l‑SRB jirrikjedi livell minimu ta’ subordinazzjoni ta’ 12 % sa 16 % tal‑iskopertura totali għar‑riskju, skont il‑kumplessità tal‑bank. Rekwiżit obbligatorju għal xi kategoriji ta’ banek ġie introdott reċentement bir‑reviżjoni tal‑BRRD.

Skont l‑istess rapport, l‑awtorità ta’ riżoluzzjoni Ċeka ma tistipulax livell prestabbilit għall‑imposta fuq il‑fiduċja fis‑suq. L‑awtorità ta’ riżoluzzjoni Svediża ma tikkalibrax l‑MREL fil‑każ ta’ trasferimenti tal‑assi. L‑awtorità ta’ riżoluzzjoni Rumena ma tippermettix li d‑depożiti jgħoddu mal‑MREL. L‑awtorità ta’ riżoluzzjoni Pollakka ma tqisx li l‑fondi proprji u l‑obbligazzjonijiet miżmuma minn investituri fil‑livell ta’ konsumatur huma eliġibbli biex jissodisfaw l‑MREL31, iżda l‑SRB iva.

63

Meta bank ifalli, irrispettivament minn jekk ikunx se jiġi stralċat skont il‑liġi nazzjonali dwar l‑insolvenza jew riżolt, l‑investituri fil‑livell tal‑konsumatur jistgħu jiġu affettwati. Il‑każijiet reċenti tal‑banek li kienu qed ifallu ‑Veneto Banca, Banco Popolare di Vicenza u Banca Popular ‑wasslu għal dibattitu pubbliku dwar jekk jenħtieġx li l‑investituri fil‑livell tal‑konsumatur jiġu rikapitalizzati internament. Id‑dejn superjuri u subordinat tal‑banek tal‑UE mqiegħed ma’ investituri fil‑livell tal‑konsumatur fiż-żona tal‑euro fl‑2018 kien stmat f’ammont ta’ EUR 262 biljun, prinċipalment ma’ detenturi tal‑bonds fl‑Italja (51 %) u l-Ġermanja (19 %)32.

64

Il‑politika tal‑SRB dwar l-għodda tar‑rikapitalizzazzjoni interna tiddeskrivi problemi operazzjonali fir‑rigward tar‑rikapitalizzazzjoni interna tat‑titoli (ishma u bonds). Madankollu, problemi operazzjonali rigward obbligazzjonijiet eliġibbli oħra, eż. depożiti, mhumiex inklużi. Barra minn hekk, il‑gwida tal‑SRB ma tistipulax limitu ta’ żmien li fih trid tiġi kkompletata rikapitalizzazzjoni interna. B’paragun ma’ dan, l‑awtorità Ġermaniża ta’ riżoluzzjoni tirrikjedi li l‑banek taħt il‑mandat tagħha jimplimentaw ir‑rikapitalizzazzjoni interna fil‑kotba tagħhom fi żmien 24 siegħa, u jkunu lesti jiskattaw l-eżekuzzjoni esterna applikabbli għad‑detenturi tal‑bonds/għall‑azzjonisti fi żmien 12‑il siegħa.

65

Skont il-Ġabra Unika tar‑Regoli, il‑valutazzjoni tal‑awtorità ta’ riżoluzzjoni tal‑fattibbiltà u l‑kredibbiltà tal‑istrateġija ta’ riżoluzzjoni preferuta (jiġifieri l-għodda li trid tintuża, ara l‑Figura 3) hija mistennija li tinkludi valutazzjoni ta’ kwalunkwe strateġija varjanti proposta bħala parti minn dik l‑istrateġija. Dan huwa partikolarment importanti f’każijiet fejn il‑finanzjament fir‑riżoluzzjonijiet ma jkunx żgurat (ara l‑paragrafu 31), billi hemm riskju li r‑riżoluzzjoni tfalli. Madankollu, fil‑każ tal‑applikazzjoni tal-għodda tar‑rikapitalizzazzjoni interna, il‑politika tal‑SRB ma tenfasizzax suffiċjentement il-ħtieġa li l‑IRTs jivvalutaw strateġiji varjanti.

Sar progress fl‑ippjanar tar‑riżoluzzjonijiet, iżda għad fadal xi jsir qabel ma dan ikun konformi mar‑rekwiżiti legali

66

Huwa mistenni li l‑pjanijiet ta’ riżoluzzjoni mfassla mill‑awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jikkonformaw bis-sħiħ mal-Ġabra Unika tar‑Regoli, u l‑SRB huwa meħtieġ li jiddetermina d‑data sa meta jridu jitfasslu l‑ewwel pjanijiet ta’ riżoluzzjoni. Skont l‑SRMR, bħala regola ġenerali, jenħtieġ li l‑pjanijiet ta’ riżoluzzjoni jiġu aġġornati mill‑inqas kull sena.

67

Kif imsemmi fil‑paragrafu 06, l‑SRB huwa responsabbli biex jissorvelja l-ħidma tal‑ARN rigward banek inqas sinifikanti. Għal dak il-għan, l‑SRB għandu d‑dritt li joħroġ linji gwida u struzzjonijiet ġenerali dwar il‑kompiti li l‑ARN huma mistennija li jwettqu. F’konformità mal‑qafas ta’ kooperazzjoni miftiehem bejn l‑SRB u l‑ARN, ikun tajjeb li l‑SRB jivvaluta wkoll il‑pjanijiet ta’ riżoluzzjoni abbozzati mill‑ARN.

68

Aħna vvalutajna jekk:

  1. meta mqabbla mar‑riżultati tal‑awditu preċedenti tagħna, il‑kwalità tal‑pjanijiet ta’ riżoluzzjoni adottati mill‑SRB kinitx tjiebet, jiġifieri jekk kienx żdied l-għadd ta’ rekwiżiti tal-Ġabra Unika tar‑Regoli ssodisfati mill‑pjanijiet;
  2. l‑SRB kienx approva l‑pjanijiet ta’ riżoluzzjoni għall‑banek fi ħdan il‑mandat tiegħu b’mod f’waqtu;
  3. l‑analiżi tal‑SRB tal‑pjanijiet għal banek inqas sinifikanti ppreżentati mill‑ARN kinitx konsistenti.

Il‑kwalità tal‑pjanijiet ta’ riżoluzzjoni għall‑banek taħt il‑mandat tal‑SRB tjiebet

69

Abbażi tal‑kampjun tagħna ta’ sitt pjanijiet ta’ riżoluzzjoni miċ-ċiklu tal‑2018, ivvalutajna jekk kinux jikkonformaw mar‑rekwiżiti stabbiliti fil-Ġabra Unika tar‑Regoli. Għamilna dan billi għażilna 179 minn dawn ir‑rekwiżiti, li ġbarna skont il‑qasam (ara l‑Figura 6), u vverifikajna jekk kinux ġew issodisfati.

70

Ir‑riżultati tagħna juru li 60 % tar‑rekwiżiti kienu ġew issodisfati (ara t‑Tabella 2). Dan huwa titjib meta mqabbel mar‑riżultati tal‑awditjar preċedenti tagħna ta’ kampjun ta’ pjanijiet miċ-ċiklu tal‑2016, fejn kienu ġew issodisfati biss 14 %. Flimkien ma’ dan ir‑riżultat, 30 % tar‑rekwiżiti ma kinux ġew issodisfati (2017: 64 %) u 10 % kienu ġew parzjalment issodisfati (2017: 22 %).

Tabella 2

Riżultati tal‑awditjar skont il‑qasam

Rekwiżiti ssodisfati (skont il‑qasam)? Iva (f’%) Le (f’%) Parzjalment (f’%)
Analiżi strateġika tan‑negozju 65 % 23 % 13 %
Strateġija ta’ riżoluzzjoni 78 % 16 % 6 %
MREL 70 % 27 % 2 %
Kontinwità finanzjarja u operazzjonali 47 % 39 % 13 %
Komunikazzjoni u informazzjoni 32 % 39 % 30 %
Valutazzjoni tar‑riżolvibbiltà 51 % 40 % 9 %
Sommarju tal-ġestjoni 57 % 38 % 5 %
Total (pjanijiet tal‑2018) 60 % 30 % 10 %

Sors: il‑QEA.

71

Is‑sitwazzjoni rigward il‑pjanijiet fil‑kampjun kienet tvarja sinifikattivament, b’firxa minn 80 % (il‑Pjan 1) għal 40 % (il‑Pjan 6) tar‑rekwiżiti li ġew issodisfati, kif jidher fit‑Tabella 3.

Tabella 3

Riżultati tal‑awditjar skont il‑pjan ta’ riżoluzzjoni

Rekwiżiti ssodisfati
(skont il‑pjan)?
Iva (f’%) Le (f’%) Parzjalment (f’%)
Pjan 1 80 % 16 % 4 %
Pjan 2 65 % 28 % 6 %
Pjan 3 60 % 24 % 15 %
Pjan 4 58 % 33 % 10 %
Pjan 5 53 % 42 % 5 %
Pjan 6 40 % 41 % 19 %
Total (pjanijiet tal‑2018) 60 % 30 % 10 %

Sors: il‑QEA.

72

Fit‑Tabella 4, nipprovdu eżempji ta’ rekwiżiti fil-Ġabra Unika tar‑Regoli li ma kinux ġew issodisfati mill‑pjanijiet ta’ riżoluzzjoni fil‑kampjun tagħna.

Tabella 4

Eżempji ta’ rekwiżiti legali mhux issodisfati

Rekwiżiti skont il‑qasam Eżempji
Analiżi strateġika tan‑negozju L‑ebda pjan ta’ riżoluzzjoni ma wera kif il‑funzjonijiet kritiċi u l‑linji ta’ negozju ewlenin setgħu jiġu sseparati.
MREL L‑MREL ġie ddeterminat biss fil‑livell konsolidat, mhux fil‑livell ta’ entità individwali. Dan iwassal għar‑riskju li l‑MREL ma jiġix allokat għall‑entitajiet rilevanti ta’ grupp bankarju u lanqas mibni fihom. Dan huwa saħansitra aktar rilevanti fil‑każ ta’ banek li joperaw b’mod transfruntier.
Kontinwità finanzjarja u operazzjonali L‑ebda wieħed mill‑pjanijiet ma kien jinkludi l-ħtiġijiet ta’ finanzjament implikati mill‑istrateġija ta’ riżoluzzjoni. Ara wkoll il‑paragrafu 31.
Komunikazzjoni u informazzjoni L‑ebda wieħed mill‑pjanijiet ma kien jinkludi deskrizzjoni sodisfaċenti tal‑arranġamenti biex jiġi żgurat li l‑informazzjoni skont l‑Artikolu 11 tal‑BRRD tkun aġġornata u disponibbli meta jkun meħtieġ.
Valutazzjoni tar‑riżolvibbiltà L‑ebda wieħed mill‑pjanijiet ma rrapporta dwar xi impedimenti fir‑rigward tal‑istabbilizzazzjoni fuq terminu qasir tal‑bank, jew rigward riorganizzazzjoni tan‑negozju. Tlieta minn kull erba’ pjanijiet33 ma ddikjarawx b’mod ċar jekk l‑istrateġija ta’ riżoluzzjoni setgħetx tiġi applikata b’mod f’waqtu u effettiv.
L‑ebda wieħed mill‑pjanijiet ma pprovda deskrizzjoni sodisfaċenti tal‑impatt tal-għodod ta’ riżoluzzjoni fuq il‑kredituri, il‑kontropartijiet, il‑klijenti u l‑impjegati.
Tlieta minn sitt pjanijiet ma kienx fihom stqarrija ċara dwar jekk il‑bank kienx riżolvibbli jew le fiż-żmien ikkonċernat.
Sommarju tal-ġestjoni Ħamsa mis‑sitt pjanijiet ma kienx fihom perjodu ta’ żmien għall-eżekuzzjoni ta’ aspetti materjali tal‑pjan.
Il‑pjanijiet kollha żvelaw dgħufijiet fl‑arranġamenti kemm għall‑kooperazzjoni kif ukoll għall‑koordinazzjoni bejn l‑awtoritajiet rilevanti, u għall‑iskambju ta’ informazzjoni.

Sors: il‑QEA.

73

Minbarra l-eżempji tan‑nuqqasijiet elenkati fit‑tabella ta’ hawn fuq:

  • fl‑ebda wieħed mill‑pjanijiet ta’ riżoluzzjoni fil‑kampjun ma sibna evidenza ta’ test bankarju tal-għodda tar‑rikapitalizzazzjoni interna, għalkemm konna rrakkomandajna dan fir‑rapport speċjali tagħna tal‑2017. Fil‑fatt, skont l-aħħar dokument ta’ politika tal‑SRB, “Aspettattivi għall‑Banek”, il‑banek għandhom sal‑2022 biex jistabbilixxu l‑infrastruttura meħtieġa biex jiġġeneraw id‑data meħtieġa biex jitwettaq dan it‑test;
  • fir‑rigward taċ-ċikli tal‑2018 u l‑2019, l‑SRB iddetermina biss l‑impedimenti “potenzjali” (għalhekk ma kienx hemm valutazzjoni ta’ jekk dawn kinux sostantivi jew le), għalkemm il‑politika relatata biex jiġu ddeterminati l‑impedimenti sostantivi kienet disponibbli għall‑maġġoranza tal‑pjanijiet (ara l‑paragrafu 49). Fir‑rigward taċ-ċiklu ta’ ppjanar tar‑riżoluzzjonijiet tal‑2020, l‑SRB se jidentifika biss l‑impedimenti potenzjali. Kif imsemmi fil‑paragrafi 5152, l‑SRB iqis id‑determinazzjoni tal‑impedimenti bħala proċess iterattiv. Riżultat ieħor tan‑nuqqas attwali ta’ determinazzjoni ta’ impedimenti sostantivi huwa li, sal-ġurnata tal‑lum, l‑SRB ma ffissax miri MREL ogħla b’riżultat ta’ impedimenti, li hija opzjoni taħt il‑qafas legali. F’Novembru 2019, l‑SRB kien iddetermina miri MREL f’livell konsolidat għal 85 bank, filwaqt li d‑deċiżjonijiet li jikkonċernaw madwar 32 bank kienu pendenti. Mill‑banek, ikkonċentrati prinċipalment f’5 Stati Membri (Franza, il‑Greċja, l‑Italja, in‑Netherlands u Spanja), 48 ma jissodisfawx l‑MREL b’EUR 137 biljun. L‑SRB ma adotta l‑ebda deċiżjoni interna dwar l‑MREL34 taħt iċ-ċiklu tal‑2018.
74

Fl-aħħar nett, aħna vvalutajna żewġ pjanijiet (ara l‑paragrafu 19), adottati aktar tard minn dawk fl‑ewwel kampjun tagħna, fir‑rigward tad‑determinazzjoni ta’ impedimenti sostantivi, billi kellhom ikunu aktar avvanzati f’dan ir‑rigward. Ivverifikajna jekk il‑politika tal‑istess SRB kinitx ġiet applikata:

  • fil‑każ ta’ wieħed mill‑pjanijiet, sibna li l‑gwida kienet ġiet applikata biss b’mod limitat. La kienu ġew iddeterminati l‑impedimenti sostantivi u lanqas dawk potenzjali. Minflok, ġiet identifikata biss lista ta’ punti li kienu jeħtieġu attenzjoni u li setgħu jinbidlu f’impedimenti potenzjali;
  • fil‑każ l‑ieħor, sibna defiċjenzi fl‑applikazzjoni tal‑gwida. B’mod partikolari, l‑IRT kien tbiegħed mis‑suġġerimenti tan‑noti ta’ politika dwar l‑evalwazzjoni tal‑probabbiltà u l‑okkorrenza (ara l‑paragrafu 50) billi eżerċita diskrezzjoni, jiġifieri ħa inkunsiderazzjoni ċerti fatturi mitiganti. Pereżempju, il‑bank kellu bżonn jaħdem aktar fuq it‑tnaqqis taż-żmien li jkun jeħtieġ biex iwassal data ta’ valwazzjoni fil‑każ ta’ riżoluzzjoni, u l‑fatt li kien qed jaħdem biex isib soluzzjonijiet tqies li kien suffiċjenti biex l‑impediment ma jiġix ikklassifikat bħala importanti.
75

Sibna li s‑sistema ta’ kontroll intern tal‑SRB ma setgħetx taqbad id‑dgħufijiet jew il‑livelli differenti tal‑kwalità tal‑pjanijiet ta’ riżoluzzjoni li rriżultaw (il‑paragrafi 69-74). Fil‑fatt, unità waħda fl‑SRB (responsabbli għall‑politika, il‑proċessi u l‑metodoloġija tar‑riżoluzzjonijiet) wettqet kontrolli tal‑kwalità billi vverifikat jekk il‑pjanijiet ta’ riżoluzzjoni abbozzati taħt ir‑responsabbiltà ta’ unitajiet oħra kinux konformi mal‑politiki tal‑SRB u l-Ġabra Unika tar‑Regoli. Ir‑restrizzjonijiet tar‑riżorsi fl‑unità kienu jfissru li ż-żmien disponibbli għal dan il‑kontroll kien limitat. Barra minn hekk, l‑attivitajiet ta’ kontroll ma ġewx irreġistrati b’mod sistematiku.

Dewmien fl‑adozzjoni tal‑pjanijiet ta’ riżoluzzjoni taħt il‑mandat tal‑SRB

76

Filwaqt li l‑pjanijiet ta’ riżoluzzjoni tfasslu għall‑ewwel darba taħt iċ-ċiklu tal‑2016, u l-aħħar pjanijiet għadhom qed jiżvelaw nuqqasijiet fil‑konformità tagħhom mal-Ġabra Unika tar‑Regoli (ara l‑paragrafi 69-75), l‑SRB qatt ma stabbilixxa data għall‑ikkompletar tal‑pjan ta’ riżoluzzjoni ta’ kull bank (ara l‑paragrafu 66). Aħna għamilna osservazzjoni simili fir‑Rapport Speċjali Nru 23/2017 tagħna. Fil‑programm ta’ ħidma pluriennali tiegħu tal‑2018, l‑SRB sempliċiment indika li l‑2020 kienet il‑mira għall‑ikkompletar tal‑abbozzar tal‑pjanijiet ta’ riżoluzzjoni. Madankollu, minħabba l‑perjodi ta’ tranżizzjoni mogħtija lill‑banek skont id‑dokument “Aspettattivi għall‑Banek” (ara l‑paragrafi 3152), mhuwiex probabbli li l‑pjanijiet kollha tal‑2020 se jkunu konformi bis-sħiħ mal-Ġabra Unika tar‑Regoli.

77

Fir‑rigward taċ-ċikli ta’ ppjanar tal‑2018 u l‑2019, l‑SRB ġarrab dewmien fl‑adozzjoni tal‑pjanijiet ta’ riżoluzzjoni. Id‑dewmien jintwera fit‑Tabella 5, fejn qabbilna d‑dati ppjanati għall‑finalizzazzjoni ma’ dawk reali. Għalkemm l‑SRB biħsiebu jadotta l‑pjanijiet kollha taħt iċ-ċiklu tal‑2020 fi żmien 12‑il xahar, aħna nqisu li r‑riskju li dan ma jirnexxix huwa għoli. Minbarra d‑dewmien imġarrab mill‑pjanijiet preċedenti, ir‑raġunijiet għal dan ir‑riskju huma dawn li ġejjin:

  • l‑allinjament tal‑proċess mal‑proċess superviżorju tal-BĊE: l‑SRB jieħu inkunsiderazzjoni l-eżitu tal‑proċess ta’ reviżjoni u evalwazzjoni superviżorji (SREP), kif ukoll il‑valutazzjoni mill-BĊE tal‑pjanijiet ta’ rkupru ppreżentati mill‑banek;
  • iż-żmien meħtieġ biex il-BĊE jiġi kkonsultat dwar l‑abbozz tal‑pjanijiet ta’ riżoluzzjoni;
  • l-għadd ta’ dokumenti ta’ politika li mhumiex mitmuma (ara l‑paragrafu 31);
  • l‑implimentazzjoni ta’ rekwiżiti regolatorji ġodda (SRMR rivedut u BRRD riveduta); u
  • il‑pandemija tal‑COVID‑19.

Tabella 5

Ippjanar tar‑riżoluzzjonijiet għaċ-ċikli tal‑2018 u tal‑2019

Tip ta’ banek Data ppjanata tal‑finalizzazzjoni Data reali tal‑finalizzazzjoni (adozzjoni tal-aħħar pjan ta’ riżoluzzjoni) Pjanijiet ta’ riżoluzzjoni li kellhom jiġu adottati Pjanijiet ta’ riżoluzzjoni adottati
Ċiklu ta’ ppjanar tal‑2018
1 Banek mingħajr kulleġġ ta’ riżoluzzjoni Diċembru 2018 Novembru 2019 76 76
2 Banek b’kulleġġ ta’ riżoluzzjoni Awwissu 2019 Lulju 2020 40 40
3 Banek mingħajr pjan m/a m/a 3 m/a(1)
4 Total 119 116
Ċiklu ta’ ppjanar tal‑2019
5 Banek ta’ prijorità mingħajr kulleġġ ta’ riżoluzzjoni April 2020 April 2020 31 31
6 Banek mingħajr pjan/l‑ebda aġġornament m/a m/a 82 m/a
7 Total 113 31

Nota:
(1) L‑SRB kien iddeċieda li ma jħejjix pjanijiet, billi bank minnhom kien wasal biex jinbidel fid‑daqs (u ma kienx se jibqa’ jaqa’ taħt il‑mandat tal‑SRB) u żewġ banek kienu għaddejjin minn bidliet materjali fl‑istruttura kummerċjali u organizzattiva tagħhom, kif ukoll fil‑pożizzjoni finanzjarja tagħhom.

Sors: il‑QEA, ibbażat fuq data tal‑SRB.

78

Il‑finalizzazzjoni taċ-ċiklu ta’ ppjanar tal‑2018 iddewmet meta mqabbla mal‑ippjanar inizjali. Hemm għadd ta’ raġunijiet li jispjegaw dan id‑dewmien:

  • ineffiċjenzi fil‑proċess tat-tħejjija;
  • żieda ta’ saff ta’ rieżami tal‑kwalità (ara l‑paragrafu 75);
  • nuqqas ta’ riżorsi, b’mod partikolari fi ħdan l‑IRTs;
  • inklużjoni ta’ ċerti proċeduri amministrattivi, bħall‑proċedura tad‑dritt għal smigħ li tippermetti lill‑banek jikkummentaw dwar il‑mira MREL.
79

B’konsegwenza ta’ dan id‑dewmien, l‑SRB iddeċieda li ma jadottax pjanijiet ta’ riżoluzzjoni aġġornati għall‑banek kollha fiċ-ċiklu ta’ ppjanar tar‑riżoluzzjonijiet tal‑2019, minkejja li huwa legalment meħtieġ aġġornament annwali (ara l‑paragrafu 66); minflok, adotta pjanijiet ta’ riżoluzzjoni għal 30 biss minn 113‑il bank.

80

Fir‑rigward taċ-ċiklu ta’ ppjanar tal‑2018, f’termini ta’ twaqqit, l‑SRB ipprijoritizza pjanijiet ta’ riżoluzzjoni għall‑banek mingħajr kulleġġ ta’ riżoluzzjoni, aktar milli għal dawk li kellhom wieħed. Dan ma kienx konformi mal‑ispirtu tal‑SRMR35, li jirrikjedi l‑prijoritizzazzjoni ta’ banek sistemikament importanti. Peress li dawn il‑banek taħt iċ-ċiklu tal‑2018 kienu l-aħħar li kellhom il‑pjanijiet tagħhom approvati, (jiġifieri dawk tal-aħħar ikunu f’nofs l‑2020 (ara t‑Tabella 5)), ma kinux fost dawk li l‑pjanijiet tagħhom ġew aġġornati matul iċ-ċiklu tal‑2019.

Il‑pjanijiet ta’ banek inqas sinifikanti ma kinux kollha suġġetti għall‑istess livell ta’ kontroll tal‑kwalità mill‑SRB

81

Fi tmiem l‑ewwel tliet xhur tal‑2020, l‑ARN kienu ħejjew 1 916‑il pjan ta’ riżoluzzjoni minn 2 260 pjan ta’ riżoluzzjoni (85 %). Il‑pjanijiet li għad kellhom jitfasslu (15 %) jirrigwardaw 13‑il ARN. Minn 19‑il ARN, 8 ma kinux kapaċi jilħqu l‑miri stipulati fil‑programm ta’ ħidma tal‑SRB għall‑2019. F’xi każijiet, il‑miri ntlaħqu billi ġew ipprijorizzati l‑banek li kienu strutturati b’mod aktar sempliċi, filwaqt li l‑aktar banek kumplessi tħallew għal aktar tard.

82

Eżaminajna jekk l‑SRB kienx ħareġ gwida lill‑ARN responsabbli għal banek inqas sinifikanti biex jiżgura l‑funzjonament konsistenti tal‑SRM (ara l‑paragrafu 06). Eżaminajna wkoll jekk kienx ta opinjoni f’waqtha dwar il‑pjanijiet ta’ riżoluzzjoni għal banek inqas sinifikanti ppreżentati mill‑ARN.

83

Aħna sibna li kien biss f’Awwisu 2020 li l‑SRB kien ħareġ l‑ewwel sett ta’ linji gwida lill‑ARN. Sabiex joħroġ dawn il‑linji gwida, l‑SRB jeħtieġ il‑kooperazzjoni tal‑ARN u l‑approvazzjoni tas‑Sessjoni Eżekuttiva Ristretta tal‑SRB (ladarba jkunu tqiesu l‑fehmiet milħuqa fis‑Sessjoni Plenarja, ara l‑Anness I).

84

F’ċerti ċirkustanzi, l‑awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni ma għandhomx għalfejn iħejju pjanijiet ta’ riżoluzzjoni komprensivi iżda jistgħu jagħżlu verżjoni simplifikata. Fl‑2016, is‑Sessjoni Eżekuttiva tal‑SRB adottat nota ta’ politika dwar l‑hekk imsejħa obbligi simplifikati għal banek inqas sinifikanti u ppreżentatha fis‑Sessjoni Plenarja tal‑SRB. Din tal-aħħar esprimiet riżervi fir‑rigward tal‑politika. F’Awwissu 2020 (erba’ snin wara), is‑Sessjoni Eżekuttiva adottat verżjoni ġdida ta’ din in‑nota ta’ politika. Din id‑darba l‑maġġoranza tas‑Sessjoni Plenarja esprimiet appoġġ ġenerali għall‑politika.

85

Mill‑intervisti li saru fl‑EBA, li ppubblikat linji gwida f’dan ir‑rigward36, tgħallimna li sa issa ma kienx hemm aptit min‑naħa tal‑ARN, li jieħdu sehem ukoll fis‑Sessjoni Plenarja tal‑SRB, biex jiżviluppaw linji gwida ulterjuri dwar pjanijiet ta’ riżoluzzjoni simplifikati (jiġifieri dwar il‑kontenut ta’ dawn il‑pjanijiet), fejn l-għan ikun li tinżamm flessibbiltà suffiċjenti biex jiġu riflessi l‑ispeċifiċitajiet tas‑setturi bankarji domestiċi.

86

Għalkemm in‑nota ta’ politika tal‑SRB kienet applikabbli biss għall‑banek li jaqgħu taħt il‑mandat tiegħu, wettaqna valutazzjoni komparattiva ta’ żewġ pjanijiet ta’ riżoluzzjoni simplifikati (banek inqas sinifikanti) tal‑ARN bi tqabbil ma’ din in‑nota. Filwaqt li l‑ARN ma jistgħux japplikaw l‑approċċ simplifikat sakemm il‑bank ma jiksibx punteġġ minimu skont il‑kriterji ta’ eliġibbiltà applikabbli, il‑pjanijiet ma indikawx il‑punteġġ miksub. Fiż-żewġ każijiet, aħna sibna nuqqasijiet fir‑rigward tal‑informazzjoni pprovduta dwar (i) is‑sistema tal‑informazzjoni għall-ġestjoni, (ii) il‑komunikazzjoni mad‑diversi partijiet ikkonċernati u (iii) il‑komunikazzjoni mal‑pubbliku.

87

L‑SRB irid jivvaluta u jista’ jesprimi l‑fehma tiegħu, jiġifieri l‑opinjoni mhux vinkolanti, dwar il‑pjanijiet ta’ riżoluzzjoni ppreżentati mill‑ARN. B’riżultat ta’ dan, huwa jrid jikkompleta l‑valutazzjonijiet tiegħu sa data ta’ skadenza partikolari, li jinvolvi ammont ta’ xogħol sinifikanti, billi hemm 2 260 pjan bħal dawn (data ta’ tmiem l‑2019). Għalhekk iddeċieda li jiġbor dawn il‑pjanijiet fi tliet raggruppamenti, skont id‑daqs u l‑kumplessità tagħhom. Aħna sibna li l‑livell ta’ dettall tal‑valutazzjonijiet kien jiddependi mir‑raggruppament, bl‑ewwel raggruppament jirċievi aktar attenzjoni. Eżaminajna kampjun ta’ 3 valutazzjonijiet li jkopru 16‑il pjan ta’ riżoluzzjoni. Fil‑każ ta’ 12‑il pjan, l‑SRB kien għażel li ma jesprimix fehma dwar 11 minnhom, minkejja d‑dubji tiegħu dwar il‑kredibbiltà tal‑istrateġija ta’ riżoluzzjoni magħżula, filwaqt li mira MREL kienet nieqsa għall‑pjan l‑ieħor.

88

L‑SRB lanqas ma kkummenta dwar in‑nuqqas ta’ determinazzjoni ta’ impedimenti sostantivi. Fil‑fatt, 15 mit‑18-il ARN li wieġbu għall‑istħarriġ tagħna ddikjaraw li ma ddeterminawx impedimenti sostantivi għall‑banek taħt il‑mandat tagħhom. It‑tliet ARN l-oħra kkonkludew li ma kien hemm l‑ebda impediment għall‑banek tagħhom.

89

Fir‑rigward tar‑rispett tad‑dati ta’ skadenza, 5 minn 18‑il ARN li wieġbu għall‑istħarriġ tagħna ddikjaraw li l‑SRB mhux dejjem kien kapaċi jirrispettahom.

L‑istruttura organizzattiva taħt l‑SRM għadha mhijiex ottimali

90

Fir‑rapport speċjali tagħna tal‑2017, ikkonkludejna li (i) id‑distribuzzjoni tal‑kompiti operazzjonali bejn l‑ARN u l‑SRB, inkluż it‑tqassim tar‑responsabbiltajiet, ma kinitx ċara u (ii) il‑Memorandum ta’ Qbil bejn l‑SRB u l-BĊE fir‑rwol superviżorju tiegħu ma kienx jiżgura li l‑SRB jirċievi l‑informazzjoni kollha meħtieġa f’waqtha.

91

Fl‑istess rapport, aħna kkonkludejna li l‑SRB ma kellux riżorsi umani suffiċjenti. Sabiex iwettaq il‑kompiti tiegħu fir‑rigward tal‑pjanijiet ta’ riżoluzzjoni għal banek sinifikanti, huwa jiddependi wkoll mill‑persunal li l‑ARN jipprovdu biex jaħdem fl‑IRTs.

92

Sabiex jiġi żgurat stat ta’ tħejjija fil‑livell tal‑SRM, u meta jitqies l-għadd għoli ta’ banek inqas sinifikanti li jaqgħu taħt il‑kompetenza tal‑ARN (ara l‑paragrafu 06), huwa meħtieġ livell xieraq ta’ persunal.

93

Għalhekk aħna vvalutajna jekk:

  1. kinitx tjiebet il‑kooperazzjoni mal‑ARN u l-BĊE, fir‑rwol tiegħu ta’ superviżur;
  2. kienx żdied il‑persunal fil‑livell tal‑SRB u tal‑IRTs, meta mqabbel mar‑riżultati tal‑awditu preċedenti tagħna;
  3. l‑ARN kellhomx għadd komparabbli ta’ ekwivalenti full‑time għal kull bank.

Interazzjoni tajba bejn il‑partijiet ikkonċernati iżda l‑awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jiddependu mir‑reazzjoni f’waqtha tas‑superviżuri

94

Il‑kooperazzjoni bejn l‑SRB u l‑ARN ġiet iċċarata f’qafas ta’ kooperazzjoni adottat fl‑2016 u emendat fl‑2018, li huwa disponibbli għall‑pubbliku37. Dan jirrigwarda kemm ir‑rwol tal‑persunal tal‑ARN fl‑IRTs li jittrattaw banek sinifikanti, kif ukoll il‑kooperazzjoni fir‑rigward tal‑pjanijiet għal banek inqas sinifikanti. Barra minn hekk, fl‑2017 u l‑2018 ġew adottati prinċipji ta’ livell għoli u mudell operattiv tal‑miri li jagħti dettalji dwar id‑distribuzzjoni tax‑xogħol, u l‑arranġamenti interni li jirregolaw, pereżempju, ix‑xogħol ta’ kuljum tal‑IRTs. Dawn id‑dokumenti mhumiex disponibbli għall‑pubbliku. Għall‑biċċa l‑kbira mill‑ARN li stħarriġna (83 %), it‑tqassim tal‑kompiti fi ħdan l‑IRTs huwa ċar.

95

F’konformità mal‑qafas ta’ kooperazzjoni, jenħtieġ li l‑SRB iwettaq valutazzjonijiet ex post tax‑xogħol tal‑IRTs b’mod regolari biex jiżgura livell xieraq ta’ konsistenza fosthom. Sal-ġurnata tal‑lum, huma biss ċerti aspetti li ġew ivvalutati permezz ta’ analiżi trażversali. Sa issa ma hemmx valutazzjoni kompleta, f’konformità mal‑qafas ta’ kooperazzjoni.

96

Mil‑lat pożittiv, 13 mit‑18-il ARN li wieġbu għall‑istħarriġ tagħna ddikjaraw li kienu ġew infurmati bis-sħiħ mill‑SRB dwar it‑tagħlimiet meħuda mid‑deċiżjonijiet tal‑SRB fir‑rigward tal‑banek li qed ifallu.

97

Il‑Memorandum ta’ Qbil mal-BĊE ġie rivedut f’Mejju 201838. Aħna sibna li d‑dispożizzjonijiet rigward l‑iskambju ta’ informazzjoni huma komprensivi. Il‑persunal tal‑SRB esprima wkoll sodisfazzjon bil‑proċedura.

98

Il‑Memorandum ta’ Qbil jinkludi, fost affarijiet oħra, dispożizzjonijiet dwar l‑iskambju ta’ informazzjoni fil‑każ li l-BĊE jibda miżuri ta’ intervent bikri, li jista’ jagħmel meta jfeġġu għadd ta’ skattaturi. Din l‑informazzjoni hija meħtieġa biex tippermetti lill‑SRB jaġġorna l‑pjan ta’ riżoluzzjoni rilevanti u jħejji għar‑riżoluzzjoni possibbli ta’ bank u għall‑valwazzjoni tal‑assi u l‑obbligazzjonijiet tiegħu.

99

Fl‑2019, il‑Kummissjoni kkonkludiet li sa dakinhar l‑applikazzjoni ta’ miżuri ta’ intervent bikri mis‑superviżuri tal‑banek kienet estremament limitata39. Fir‑Rapport Speċjali tagħna dwar il-ġestjoni tal‑kriżijiet tal-BĊE40, aħna kkonkludejna li l‑valutazzjonijiet ta’ intervent bikri jitwettqu prinċipalment fil‑kuntest tal‑Proċess annwali ta’ Reviżjoni u Evalwazzjoni Superviżorji (SREP), u mhux bħala reazzjoni għal evidenza ta’ deterjorament materjali fil‑kundizzjonijiet finanzjarji ta’ bank. Aħna kkonkludejna wkoll li l‑gwida tal-BĊE dwar l‑identifikazzjoni tal‑kriżijiet, inkluż l‑intervent bikri, ma kinitx żviluppata biżżejjed u ma kinitx tispeċifika kriterji oġġettivi. Filwaqt li huwa importanti li tali miżuri ta’ intervent bikri jintużaw b’mod effettiv u jiġu skattati ħafna minn qabel biex ir‑riskju u l‑impatt ta’ riżoluzzjoni possibbli jitnaqqsu kemm jista’ jkun, din il‑problema għadha ma ġietx riżolta mill‑emendi għall‑qafas legali. Dan huwa importanti minħabba li dawn il‑miżuri jkunu, pereżempju, jagħtu lill‑SRB id‑dritt li jagħti struzzjonijiet lill‑bank biex javviċina xerrejja potenzjali tan‑negozju tiegħu. Aħna nosservaw li l‑EBA kienet nediet konsultazzjoni dwar l‑applikazzjoni ta’ miżuri ta’ intervent bikri fis‑26 ta’ Ġunju 2020.

100

Sabiex jiġi żgurat li l‑miżuri ta’ riżoluzzjoni jiġu applikati waqt li bank ikun għad għandu likwidità sostanzjali għad‑dispożizzjoni tiegħu, huwa importanti li d‑deċiżjoni li tiddikjara li bank qed ifalli jew li probabbilment se jfalli tittieħed fi żmien suffiċjenti. Huwa f’idejn is‑superviżur tal‑bank li jieħu deċiżjoni bħal din. Madankollu, skont l‑SRMR, l‑SRB jista’ jiddikjara wkoll li bank qed ifalli jew probabbilment se jfalli “fuq inizjattiva tiegħu stess”, jiġifieri fl‑assenza ta’ tali dikjarazzjoni mill-BĊE. Sabiex tasal għal deċiżjoni bħal din, l‑awtorità trid tivvaluta kemm is‑sitwazzjoni reali tal‑bank kif ukoll is‑sitwazzjoni tiegħu fil‑futur qrib. La l-Ġabra Unika tar‑Regoli u lanqas il‑politika tal‑SRB ma jiddefinixxu xi tfisser “fil‑futur qrib”. Barra minn hekk, id‑definizzjoni ta’ “qed ifalli jew probabbilment se jfalli” użata fil‑BRRD tħalli lok konsiderevoli għal diskrezzjoni41. Minkejja dan, l‑SRB ma avviċinax lil‑leġiżlaturi biex jippromwovi l‑istabbiliment ta’ kriterji oġġettivi u kwantifikati.

Il‑persunal fil‑livell tal‑SRM żdied iżda l‑ARN naqqsu kemxejn il‑kontribut tiegħu

101

Fi tmiem Marzu 2020, l‑SRB kien jimpjega 358 membru tal‑persunal imkejla bħala ekwivalenti full‑time (FTEs), minbarra l‑esperti nazzjonali. Fi tmiem Marzu 2020, għad hemm nuqqas ta’ madwar 11 % meta mqabbel mat‑tabella tal‑persunal adottata f’Settembru 2019 (400 FTE).

102

Billi l‑unità tal‑SRB responsabbli għall‑politika, il‑proċessi u l‑metodoloġija tar‑riżoluzzjoni (ara wkoll il‑paragrafu 75) ma kellhiex biżżejjed persunal, it‑tabella tal‑persunal imsemmija hawn fuq kienet tinkludi 5 FTEs addizzjonali għaliha (li jirrappreżentaw żieda ta’ 31 % meta mqabbel mal‑2018). L‑awditu tal‑2017 li wettaqna wkoll kien indika li din l‑unità ma kellhiex biżżejjed persunal. L‑unità tal‑SRB responsabbli għas‑sorveljanza tal‑pjanijiet ippreżentati mill‑ARN għal banek inqas sinifikanti kellha 8.5 FTEs fi tmiem l‑2018. Billi dan l-għadd ma jippermettix li l‑pjanijiet kollha jiġu vvalutati bl‑istess livell ta’ skrutinju, l‑unità kellha tistabbilixxi prijoritajiet (ara l‑paragrafu 87). Minkejja din is‑sitwazzjoni, ma ġiet inkluża l‑ebda pożizzjoni addizzjonali fit‑tabella tal‑persunal imsemmija hawn fuq.

103

Fl‑2019, kważi 40 % tar‑riżorsi tal‑SRB ġew allokati lill‑IRTs responsabbli għall‑abbozzar tal‑pjanijiet ta’ riżoluzzjoni għal banek sinifikanti. Bejn l‑2016 u l‑2019 (ara t‑Tabella 6), l‑SRB żied sinifikattivament ir‑riżorsi għall‑IRTs filwaqt li l‑ARN naqqsu tagħhom kemxejn. B’riżultat ta’ dan, l‑SRB ipprovda aktar persunal mill‑ARN kollha flimkien. Għalhekk, il‑proporzjon ta’ persunal tal‑SRB imqabbel ma’ dak tal‑ARN kien żdied u kien jikkorrispondi għal 4:3 sa tmiem l‑2019, u huwa mistenni li jibqa’ f’dan il‑livell fl‑2020. B’paragun ma’ dan, fit‑timijiet superviżorji konġunti taħt il‑Mekkaniżmu Superviżorju Uniku l‑proporzjon ta’ persunal tal-BĊE mal‑persunal mill‑awtoritajiet kompetenti nazzjonali kien ta’ 1:342 fl‑2016.

Tabella 6

Għadd tal‑persunal tal‑IRTs43

2016 2019
SRB ARN SRB ARN
Total tal‑persunal li jaħdem fl‑IRTs (espress f’FTEs) 60 116 171 105
Għandu jitnaqqas: il-ħin li l‑persunal assenjat għall‑IRTs iqatta’ fuq il‑kompiti orizzontali tal‑SRB (eż. abbozzar ta’ politiki) (espress f’FTEs) -15 m/a -32 m/a
Ħin (nett) reali maħdum mill‑persunal fl‑IRTs (espress f’FTEs) 45 116 139 105
FTE għal kull bank 0.4 0.9 1.1 0.8

Sors: il‑QEA, ibbażat fuq data tal‑SRM.

104

Sibna li kien hemm varjazzjonijiet sinifikanti fil‑kontribut tal‑persunal tal‑ARN lill‑IRTs: fir‑rigward tal-għadd ta’ banek sinifikanti, fl‑2019, il‑firxa marret minn 0.4 FTE għal kull bank għal 3.25 FTEs għal kull bank44. L‑SRB ma għandu l‑ebda kontroll fuq l-għadd ta’ persunal li l‑ARN jikkontribwixxu għall‑IRTs. Fil‑fatt, il‑qafas ta’ kooperazzjoni jistipula biss li l‑SRB u l‑ARN iridu jikkonsultaw lil xulxin u jaqblu dwar l-użu tar‑riżorsi tal‑ARN.

105

L‑SRB ma stabbiliex kompożizzjoni standard għall‑IRTs (jiġifieri għedud, sehem bejn il‑persunal tal‑SRB u dak tal‑ARN, u kwalifiki). Dan jippermetti flessibbiltà u jżid il‑probabbiltà ta’ IRTs b’persunal eteroġenu.

Varjazzjonijiet sinifikanti fir‑rigward tal‑persunal fil‑livell tal‑ARN

106

Għalkemm l‑SRB huwa inkarigat mis‑sorveljanza tal‑ippjanar tar‑riżoluzzjonijiet tal‑ARN (ara l‑paragrafu 06), huwa ma għandu l‑ebda setgħa legali li jinfluwenza l‑livell tal‑persunal fl‑ARN meħtieġ għat-tħejjija tal‑pjanijiet għal banek inqas sinifikanti. Dan jaqa’ taħt il‑kompetenza tal‑awtoritajiet baġitarji nazzjonali. Sibna li kien hemm varjazzjonijiet sinifikanti fost l‑ARN fl-għadd ta’ FTEs magħmula disponibbli skont il‑bank, li jvarjaw minn 0,005 FTE għal kull bank għal 0,375 FTE għal kull bank. Aħna nirrikonoxxu li dawn huma ċifri medji li mhumiex ippeżati biex jieħdu kont tad‑daqs u l‑kumplessità ta’ banek individwali.

107

L‑EBA hija inkarigata milli timmonitorja, permezz ta’ rieżamijiet perjodiċi, jekk l‑awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni (jiġifieri l‑SRB u l‑ARN) għandhomx il‑kompetenza, ir‑riżorsi u l‑kapaċità operazzjonali meħtieġa. Hija tuża għodod differenti għal dak l‑iskop, li jinkludu laqgħat bilaterali u parteċipazzjoni f’kulleġġi ta’ riżoluzzjoni. Fl‑2017, l‑EBA wettqet ukoll stħarriġ li kien limitat għar‑rendikont tar‑riżorsi disponibbli. Ir‑riżultati ta’ dan tal-aħħar ma ġewx ippubblikati. Id‑data tar‑rieżami li jmiss għadha ma ġietx iddeterminata.

Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

108

Il‑konklużjoni ġenerali tagħna hija li l‑SRM stabbilit fl‑2015 għamel progress matul dawn l-aħħar snin, iżda xi elementi ewlenin huma neqsin u huma meħtieġa passi ulterjuri fl‑ippjanar tar‑riżoluzzjonijiet għall‑banek. Hemm għadd ta’ raġunijiet għal dan, li wħud minnhom jirrigwardaw il‑leġiżlaturi, oħrajn l‑awtoritajiet baġitarji (nazzjonali u tal‑UE), kif ukoll il-ħidma mwettqa mill‑SRB u l‑ARN. L‑SRB għamel progress fl‑istabbiliment ta’ politiki u fit‑titjib tal‑kwalità tal‑pjanijiet ta’ riżoluzzjoni. Aħna sibna li l‑SRB ma kienx ta segwitu għal xi wħud mir‑rakkomandazzjonijiet (ara pereżempju l‑paragrafi 2830 jew 76) li kienu saru fir‑rapport speċjali tagħna tal‑2017.

109

Hemm, b’mod partikolari, żewġ kwistjonijiet ewlenin, li jirrigwardaw il‑leġiżlaturi: (i) il‑finanzjament fir‑riżoluzzjonijiet (ara l‑paragrafu 32) u (ii) allinjament aħjar bejn il‑qafas tar‑riżoluzzjonijiet u d‑diversi oqfsa nazzjonali tal‑insolvenza (ara l‑paragrafu 45). Barra minn hekk, aħna nosservaw li r‑regoli dwar il‑kondiviżjoni tal‑piżijiet u l-għajnuna mill‑Istat ivarjaw skont jekk l‑opzjoni magħżula biex jiġi ttrattat bank li jkun qed ifalli hijiex ir‑riżoluzzjoni jew l‑insolvenza (ara l‑paragrafi 42-44).

110

Dawn il‑kwistjonijiet għandhom impatt fuq l‑ippjanar tar‑riżoluzzjonijiet u l-għażla tal-għodda ta’ riżoluzzjoni. B’mod partikolari, l‑SRM ma adottax politika dwar il-“kontinwità finanzjarja”, li hija marbuta mal‑finanzjament fir‑riżoluzzjonijiet imsemmi hawn fuq. Oqsma oħra fejn hemm nuqqas ta’ pożizzjoni ta’ politika huma “governanza u komunikazzjoni” u “informazzjoni” (ara l‑paragrafi 31-36).

111

Barra minn hekk, il‑kisba ta’ trattament konsistenti tal‑banek taħt il‑mandat tal‑SRB hija mfixkla billi l‑prattiki fost l‑IRTs ivarjaw, minħabba dgħufijiet fil‑politiki rispettivi (ara l‑paragrafi 38-41, 47-5157-65). Tali varjazzjoni hija dovuta, pereżempju, (i) għad‑diskrezzjoni li għandhom l‑IRTs biex jidentifikaw u jiddeterminaw in‑natura sostantiva tal‑impedimenti u (ii) għan‑nuqqas ta’ parametri referenzjarji jew kriterji speċifiċi għall‑valutazzjoni kemm tal‑funzjonijiet kritiċi kif ukoll tal‑interess pubbliku. Fl-aħħar nett, il‑politiki tal‑SRB, kif riflessi fil‑manwal għall‑ippjanar tar‑riżoluzzjonijiet, sa issa għaldaqstant ma kinux vinkolanti fuq l‑IRTs (ara l‑paragrafu 30) u għalhekk id‑devjazzjonijiet ma għandhomx għalfejn jiġu ġustifikati (jiġifieri ma għandhomx għalfejn isegwu l‑approċċ ta’ konformità jew spjegazzjoni) fil‑pjanijiet ta’ riżoluzzjoni.

112

F’April 2020, l‑SRB ħareġ ukoll dokument dwar l-“Aspettattivi għall‑Banek” tiegħu: jenħtieġ li dawn jibnu l‑kapaċitajiet tagħhom fid‑dimensjonijiet rilevanti kollha tar‑riżolvibbiltà sa mhux aktar tard minn tmiem l‑2023, iżda jistgħu saħansitra jmorru lil hinn minn din id‑data suġġett għal ftehim individwali. Il‑leġiżlaturi ma pprevedewx skeda ta’ żmien bħal din biex il‑banek isiru riżolvibbli għalkollox. Il‑fatt li l‑SRB sa issa żamm lura milli jiddetermina l‑impedimenti sostantivi u milli jibda l‑proċess biex jiżgura t‑tneħħija tagħhom mhuwiex f’konformità mal-Ġabra Unika tar‑Regoli (ara l‑paragrafi 52-5673).

Rakkomandazzjoni 1 – Titjib tal‑politiki tal‑SRM

Sabiex jiġi żgurat trattament konsistenti tal‑banek taħt l‑SRM, u b’kont meħud tal‑qafas legali attwali, jenħtieġ li l‑SRB:

  1. jistabbilixxi l‑politiki neqsin, jiġifieri dwar il‑kontinwità finanzjarja, il‑governanza, u l‑komunikazzjoni u l‑informazzjoni;
  2. jirriżolvi d‑dgħufijiet fil‑politiki eżistenti u/jew fl‑applikazzjoni tagħhom, jiġifieri rigward il‑valutazzjoni tal‑interess pubbliku, id‑determinazzjoni ta’ impedimenti sostantivi għar‑riżolvibbiltà, u r‑rikapitalizzazzjoni interna. B’mod partikolari, jenħtieġ li jikkonforma mal-Ġabra Unika tar‑Regoli billi jiddetermina l‑impedimenti sostantivi għar‑riżolvibbiltà f’kull pjan annwali u jsegwi l‑proċess dovut għat‑tneħħija tagħhom;
  3. jirrikjedi li l‑IRTs japplikaw approċċ ta’ konformità jew spjegazzjoni meta jiddevjaw mill‑politiki stabbiliti fil‑manwal għall‑ippjanar tar‑riżoluzzjonijiet. Jenħtieġ li d‑devjazzjonijiet jiġu kkomunikati lis‑Sessjoni Eżekuttiva meta l‑pjanijiet ta’ riżoluzzjoni jkunu qed jiġu adottati.

Data mmirata għall‑implimentazzjoni: għal (a) u (b), Marzu 2022; u għal (c), tmiem l‑2021

113

L‑SRB għadu ma ddeterminax id‑data preċiża għall‑ikkompletar tal‑pjanijiet ta’ riżoluzzjoni għal kull bank individwali. L‑applikazzjoni tal-“Aspettattivi għall‑Banek” x’aktarx li taffettwa ż-żmien meħtieġ biex jintlaħaq l‑istadju tal‑ikkompletar (ara l‑paragrafu 112). Sar progress fil‑kwalità tal‑pjanijiet ta’ riżoluzzjoni meta mqabbel mar‑riżultati tal‑awditjar tagħna dwar iċ-ċiklu ta’ ppjanar tal‑2016. Fil‑fatt, taħt iċ-ċiklu ta’ ppjanar tal‑2018, kienu ġew issodisfati 60 % tar‑rekwiżiti tal-Ġabra Unika tar‑Regoli fil‑kampjun tal‑pjanijiet ta’ riżoluzzjoni li awditjajna. Għalkemm hemm sistema ta’ kontroll intern, ma hemmx riżorsi suffiċjenti biex isir kontroll tal‑kwalità. Aħna sibna li 10 % tar‑rekwiżiti kienu ġew issodisfati biss parzjalment, filwaqt li 30 % ma kienu ġew issodisfati xejn (ara l‑paragrafi 69-7175).

114

L‑oqsma li fihom l-għadd ta’ rekwiżiti li ġew issodisfati huwa l‑aktar baxx huma dawk fejn l‑SRB għad irid jistabbilixxi pożizzjoni ta’ politika (finanzjament fir‑riżoluzzjonijiet, il‑komunikazzjoni u l‑informazzjoni) jew fejn il‑politiki żvelaw dgħufijiet. Barra minn hekk, f’nofs il‑każijiet fil‑kampjun tagħna, ma kien hemm l‑ebda dikjarazzjoni ċara dwar ir‑riżolvibbiltà tal‑bank ikkonċernat (ara t‑Tabella 2 u l‑paragrafi 69-74).

115

L‑SRB ġarrab dewmien fl‑adozzjoni tal‑pjanijiet taċ-ċiklu ta’ ppjanar tal‑2018. Ma tax prijorità lil banek sistemikament importanti, f’termini ta’ twaqqit (jiġifieri l‑pjanijiet tagħhom kienu l-aħħar li ġew adottati), li ma kienx konformi mal‑preambolu tal‑SRMR. Konsegwentement, iddeċieda li ċ-ċiklu tal‑2019 jenħtieġ li jkopri biss għadd limitat ta’ banek, filwaqt li l‑2020 hija ppjanata li tkun ċiklu sħiħ. Madankollu, jekk jitwarrab kwalunkwe impatt tal‑pandemija tal‑COVID‑19, u meta jitqiesu l‑proċeduri fis‑seħħ li wħud minnhom jieħdu ħafna ħin, hemm riskju li ma tintlaħaqx il‑mira li l‑pjanijiet kollha fiċ-ċiklu tal‑2020 jiġu ffinalizzati sa Marzu 2021 (ara l‑paragrafi 76-80).

Rakkomandazzjoni 2 – Żgurar ta’ konformità sħiħa u ta’ adozzjoni f’waqtha tal‑pjanijiet ta’ riżoluzzjoni

Sabiex tiġi żgurata l‑adozzjoni f’waqtha ta’ pjanijiet ta’ riżoluzzjoni konformi, jenħtieġ li l‑SRB:

  1. itejjeb il‑kwalità tal‑pjanijiet sabiex jikseb konformità sħiħa mal-Ġabra Unika tar‑Regoli;
  2. jissimplifika u jindirizza t‑tul ta’ ħin tal‑proċeduri sabiex ma jikkompromettix l‑objettiv li jadotta l‑pjanijiet kollha f’ċiklu ta’ sena.

Data mmirata għall‑implimentazzjoni: għal (a), għaċ-ċiklu tal‑2021 (Marzu 2022); għal (b), għaċ-ċiklu tal‑2020 (Marzu 2021)

116

L‑ARN għamlu progress fir‑rigward tal-għadd ta’ pjanijiet ta’ riżoluzzjoni adottati għal banek inqas sinifikanti. Madankollu, tmien ARN ma laħqux il‑miri tagħhom. Kien biss f’Awwissu 2020 li nħareġ l‑ewwel sett ta’ linji gwida li jiżguraw applikazzjoni konsistenti tal‑istandards ta’ riżoluzzjoni għal banek inqas sinifikanti, inkluża gwida dwar l‑applikazzjoni ta’ “obbligi simplifikati”) (ara l‑paragrafi 81-85).

117

Filwaqt li l‑SRB ivvaluta l‑kwalità ta’ kull wieħed mill‑pjanijiet ippreżentati mill‑ARN, huwa kellu diffikultà jagħmel dan sad‑dati ta’ skadenza stabbiliti. Il‑profondità tal‑valutazzjoni kienet tvarja skont id‑daqs tal‑bank u l‑istrateġija ta’ riżoluzzjoni magħżula. Dan kien dovut għal nuqqas ta’ riżorsi fl‑unità rilevanti tal‑SRB. L‑SRB għażel ukoll li ma jesprimix fehma dwar il‑pjanijiet kollha li fihom kienu ġew osservati nuqqasijiet (ara l‑paragrafi 87-89102).

118

Barra minn hekk, fil‑bidu tal‑2020, l‑SRB kien qrib li jilħaq il‑livell tal‑persunal meħtieġ biex iwettaq il‑kompiti tiegħu (89 %). Madankollu, l‑SRB għadu ma ddeterminax il‑kompożizzjoni standard ta’ IRT (jiġifieri għedud, sehem bejn il‑persunal tal‑SRB u dak tal‑ARN, u kwalifiki). Aħna osservajna wkoll li, maż-żmien, is‑sehem tal‑persunal tal‑SRB żdied (ara l‑paragrafi 101-105).

119

L‑SRB ma għandu l‑ebda setgħa legali fir‑rigward tal‑livell tal‑persunal tal‑ARN, li jaqa’ taħt il‑kompetenza tal‑awtoritajiet baġitarji nazzjonali. Sibna li l-għadd ta’ persunal skont il‑bank kien ivarja sinifikattivament minn ARN għal oħra. Madankollu, l‑EBA għandha l‑kompitu li timmonitorja l‑kompetenza, ir‑riżorsi u l‑kapaċità operazzjonali tal‑ARN. Madankollu, sal-ġurnata tal‑lum, din ma ppubblikat l‑ebda evalwazzjoni komprensiva ta’ dawn l‑aspetti, billi l‑approċċ tagħha għall‑kompitu kien jinvolvi diversi għodod (ara l‑paragrafi 106-107). Jekk ma jiġux ipprovduti riżorsi xierqa proporzjonati mal‑objettivi ta’ organizzazzjoni jistgħu jinħolqu diskrepanzi dejjem akbar bejn l‑objettivi u s‑sitwazzjoni fil‑post.

Rakkomandazzjoni 3 – Titjib tal‑istruttura organizzattiva tal‑SRM
  1. Sabiex titjieb is‑sorveljanza minnu tal‑ippjanar tar‑riżoluzzjonijiet fil‑livell tal‑ARN, jenħtieġ li l‑SRB jassenja persunal suffiċjenti lill‑unità responsabbli għas‑sorveljanza ta’ banek inqas sinifikanti, u jesprimi fehmiet ċari dwar il‑kwalità tal‑pjanijiet ta’ riżoluzzjoni għal banek inqas sinifikanti fejn jaqbad nuqqasijiet.
  2. Sabiex tiġi żgurata kompożizzjoni xierqa tal‑persunal fl‑IRTs, jenħtieġ li l‑SRB u l‑ARN jaqblu dwar kriterji standard.

Data mmirata għall‑implimentazzjoni: iċ-ċiklu ta’ ppjanar tal‑2021 (Marzu 2022)

120

It‑tqassim ta’ rwoli bejn l‑SRB u l‑ARN ġie ċċarat fi ftehim ta’ kooperazzjoni adottat fl‑2016 u emendat fl‑2018 (ara l‑paragrafi 94-95). Memorandum ta’ Qbil komprensiv jirregola l‑iskambju ta’ informazzjoni bejn l‑SRB u s‑superviżur, il-BĊE.

121

Madankollu, ir‑riżoluzzjoni effettiva tiddependi minn jekk is‑superviżur tal‑bank huwiex se (i) jiskatta miżuri ta’ intervent bikri ħafna minn qabel u japplikahom b’mod effettiv u (ii) jasal għal deċiżjoni dwar bank li qed ifalli jew probabbilment se jfalli suffiċjentement kmieni fuq il‑bażi ta’ sollijiet ċari, oġġettivi u kwantifikati. Għalkemm il‑miżuri ta’ intervent bikri rarament intużaw u l‑qafas legali ma jistabbilixxix kriterji oġġettivi u kwantifikati għad‑dikjarazzjoni li bank ikun qed ifalli jew probabbilment se jfalli, l‑SRB ma avviċinax lil‑leġiżlaturi f’dan ir‑rigward (ara l‑paragrafi 97-100).

Rakkomandazzjoni 4 – Stabbiliment ta’ kriterji oġġettivi u kwantifikati għal azzjoni superviżorja f’waqtha

Sabiex jiġi żgurat li tittieħed azzjoni superviżorja suffiċjentement kmieni, jenħtieġ li l‑SRB u l‑Kummissjoni javviċinaw lil‑leġiżlaturi u lill-BĊE, fir‑rwol tiegħu bħala superviżur, u jippromwovu sollijiet oġġettivi u kwantifikati biex jiskattaw il‑miżuri ta’ intervent bikri, u tittieħed id‑deċiżjoni li bank ikun qed ifalli jew probabbilment se jfalli.

Il‑Qorti tistieden lill‑Parlament Ewropew u lill‑Kunsill biex iqisu kif l-aħjar jipprevedu l‑kjarifiki ta’ hawn fuq fil‑qafas legali.

Data mmirata għall‑implimentazzjoni: tmiem l‑2021

Dan ir‑Rapport ġie adottat mill‑Awla IV, immexxija mis‑Sur Alex Brenninkmeijer, Membru tal‑Qorti tal‑Awdituri, fil‑Lussemburgu fl‑24 ta’ Novembru 2020.

Għall‑Qorti tal‑Awdituri

Klaus‑Heiner Lehne
Il‑President

Annessi

Anness I — Il‑korpi governattivi tal‑SRB

Skont il‑kompiti, l‑SRB jiltaqa’ f’kompożizzjonijiet differenti (ara l‑Figura 9 hawn taħt). Il‑kompożizzjoni tas‑Sessjoni Eżekuttiva “ristretta” tinkludi l‑President u erba’ Membri oħra tal‑Bord full‑time. Il‑Viċi President jipparteċipa fis‑Sessjoni Eżekuttiva “ristretta” bħala membru mingħajr vot, iżda jwettaq il‑funzjonijiet tal‑President fl‑assenza tiegħu.

Meta s‑Sessjoni Eżekuttiva tiddelibera fuq bank speċifiku, is‑Sessjoni Eżekuttiva tiġi estiża (Sessjoni Eżekuttiva “estiża”) biex tinkludi l‑Membri tal‑Bord li jirrappreżentaw lill‑ARN rilevanti. Għalhekk, il‑kompożizzjoni tas‑Sessjoni Eżekuttiva “estiża” tiddependi mill‑bank individwali inkwistjoni. Jekk is‑Sessjoni Eżekuttiva “estiża” ma tkunx tista’ tilħaq ftehim konġunt ta’ kunsens, il‑President u l‑erba’ Membri oħra tal‑Bord full‑time jieħdu deċiżjoni b’maġġoranza sempliċi.

Is‑Sessjoni Plenarja hija magħmula mill‑President, l‑erba’ Membri oħra tal‑Bord full‑time u l‑Membri tal‑Bord li jirrappreżentaw lill‑ARN kollha. Bħal fis‑Sessjoni Eżekuttiva, il‑Viċi President jipparteċipa bħala membru mingħajr vot, iżda jwettaq il‑funzjonijiet tal‑President fl‑assenza tiegħu.

Il‑Kummissjoni u l-BĊE għandhom status ta’ osservaturi permanenti fil‑laqgħat kollha tas‑Sessjonijiet Eżekuttivi u Plenarji tal‑SRB. Fejn ikun rilevanti, osservaturi oħra jistgħu jiġu mistiedna għas‑Sessjonijiet Eżekuttivi u Plenarji fuq bażi ad hoc. Meta s‑Sessjoni Eżekuttiva “estiża” tiddelibera fuq bank li jkollu sussidjarji jew fergħat sinifikanti fi Stati Membri mhux parteċipanti, l‑awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni ta’ dawk l‑Istati Membri jiġu mistiedna jipparteċipaw fil‑laqgħa.

Figura 9

Korpi governattivi tal‑SRB

Sors: il‑QEA, ibbażat fuq dijagramma tal‑SRB.

Anness II — Il‑miri MREL tal‑SRB

F’Mejju 2020, l‑SRB ippubblika l‑politika tiegħu dwar l‑MREL għall‑2020 wara konsultazzjoni pubblika. It‑tabella ta’ hawn taħt turi d‑diversi komponenti ta’ mira MREL għaċ-ċikli ta’ ppjanar tar‑riżoluzzjonijiet tal‑2018 u tal‑2020. Id‑differenzi bejn it‑tnejn huma mmarkati bl-aħdar.

Il‑politika tal‑SRB dwar l‑MREL għall‑2018 Il‑politika tal‑SRB dwar l‑MREL għall‑2020
Espressi f’ammont tal‑iskopertura totali għar‑riskju (TREA)
Mira MREL Ammont ta’ assorbiment tat‑telf (LAA) + ammont ta’ rikapitalizzazzjoni (RCA) Ammont ta’ assorbiment tat‑telf (LAA) + ammont ta’ rikapitalizzazzjoni (RCA)
LAA (Pilastru 1+Pilastru 2+rekwiżiti ta’ bafer kapitali kombinat45)*ammont tal‑iskopertura totali għar‑riskju (TREA) (Pilastru 1+Pilastru 2)*ammont tal‑iskopertura totali għar‑riskju (TREA)
RCA46 (Pilastru 1+Pilastru 2+imposta fuq il‑fiduċja fis‑suq (MCC))*TREA (Pilastru 1+Pilastru 2+imposta fuq il‑fiduċja fis‑suq (MCC47))*TREA
MCC Rekwiżiti ta bafer kapitali kombinat – 1,25 % Rekwiżiti ta bafer kapitali kombinat – bafer kontroċikliku
Espressi fi skopertura tal‑proporzjon ta’ lieva finanzjarja (LRE)
Rekwiżit prestabbilit tal‑MREL m/a Ammont ta’ assorbiment tat‑telf (LAA) + ammont ta’ rikapitalizzazzjoni (RCA)
LAA m/a Proporzjon ta’ lieva finanzjarja*skopertura ta’ lieva finanzjarja
RCA m/a Proporzjon ta’ lieva finanzjarja*skopertura ta’ lieva finanzjarja

Sors: il‑QEA, adattat mid‑data tal‑SRB.

Fil‑każ tal‑banek li jkunu mistennija li jsegwu proċedimenti normali ta’ insolvenza, l‑MREL ġeneralment jikkorrispondi għar‑rekwiżiti kapitali skont ir‑Regolament dwar ir‑Rekwiżiti ta’ Kapital (CRR), li jinkludi biss l‑ammont ta’ assorbiment tat‑telf (LAA).

Skont ir‑regoli l-ġodda, it‑TREA (l‑ammont tal‑iskopertura totali għar‑riskju) tal‑MREL għal‑LAA ma għadux meħtieġ li jinkludi r‑rekwiżiti ta’ bafer kapitali kombinat, u lanqas, terġa’, ma hija meħtieġa imposta fuq il‑fiduċja fis‑suq, iżda l‑SRB xorta jista’ jaġġusta l‑RCA billi japplika MCC.

F’dan il‑każ, it‑tnaqqis ta’ 1.25 % mill‑MCC skont il‑politika tal‑SRB dwar l‑MREL għall‑2018 jiġi sostitwit bit‑tnaqqis tal‑bafer kontroċikliku. Il‑bafer kontroċikliku jinkludi parti mir‑rekwiżiti ta’ bafer kombinat. Tnaqqis ipatti għal supplimentazzjoni preċedenti fir‑rekwiżiti ta’ bafer kombinat.

Il‑pakkett bankarju l-ġdid li jittrasponi r‑rekwiżiti ta’ Basel III introduċa proporzjon ta’ lieva finanzjarja ta’ 3 %. B’riżultat ta’ dan, l‑SRB introduċa t‑tieni miżura MREL ibbażata fuq l‑iskopertura tal‑proporzjon ta’ lieva finanzjarja.

Akronimi u abbrevjazzjonijiet

ARN: Awtorità ta’ riżoluzzjoni nazzjonali

BĊE: Il‑Bank Ċentrali Ewropew

BC: Komunikazzjoni dwar il‑Banek

BRRD: Direttiva dwar l‑Irkupru u r‑Riżoluzzjoni tal‑Banek

EBA: L‑Awtorità Bankarja Ewropea

FTE: Ekwivalenti full‑time

IRT: Tim intern ta’ riżoluzzjoni

LAA: Ammont ta’ assorbiment tat‑telf

MCC: Imposta fuq il‑fiduċja fis‑suq

MREL: Rekwiżit minimu għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli

SRB: Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni

SREP: Proċess ta’ reviżjoni u evalwazzjoni superviżorji

SRF: Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni

SRM: Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni

SRMR: Regolament dwar l‑Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni

TFUE: Trattat dwar il‑Funzjonament tal‑Unjoni Ewropea

Glossarju

Dejn superjuri: id‑dejn superjuri huwa l‑ewwel li jitħallas lura fil‑każ li bank ifalli. Minħabba din il‑prijoritizzazzjoni, id‑dejn superjuri jimplika inqas riskji meta mqabbel mad‑dejn subordinat jew l‑ekwità.

Funzjonijiet kritiċi: attivitajiet, servizzi jew operazzjonijiet bankarji li, jekk jiġu interrotti, x’aktarx iwasslu għat‑taqlib tal‑istabbiltà finanzjarja jew ta’ servizzi li huma essenzjali għall‑ekonomija reali.

Għodda tar‑rikapitalizzazzjoni interna: mekkaniżmu li permezz tiegħu d‑dejn, b’xi eċċezzjonijiet bħal depożiti koperti, jistgħu jitniżżlu fil‑valur jew jiġu kkonvertiti f’ekwità fil‑każ li istituzzjoni finanzjarja tiġi riżolta. Kull obbligazzjoni li tista’ tkun suġġetta għall-għodda tar‑rikapitalizzazzjoni interna tissejjaħ bħala li għandha kapaċità ta’ rikapitalizzazzjoni interna.

Impedimenti sostantivi: ostakli serji li jistgħu jfixklu l‑istralċ jew ir‑riżoluzzjoni ta’ bank li jiġu identifikati mill‑awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni matul il‑valutazzjoni tar‑riżolvibbiltà tal‑banek. L‑awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom setgħat estensivi biex jirrikjedu lill‑banek jindirizzaw jew ineħħu kull impediment ta’ dan it‑tip f’perjodu ta’ żmien speċifiku. Pereżempju, l‑SRB jista’ jirrikjedi li bank jiżvesti minn assi speċifiċi, jillimita l‑attivitajiet tiegħu jew jibdel l‑istrutturi legali jew operazzjonali tiegħu.

Kulleġġ ta’ riżoluzzjoni: il‑kulleġġi ta’ riżoluzzjoni huma l‑korpi li jiżguraw il‑kooperazzjoni fost il‑partijiet kollha bħall‑awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni, il‑banek ċentrali, il‑ministeri rilevanti jew l‑EBA fl‑istadji kollha tal‑ippjanar tar‑riżoluzzjonijiet u tal‑proċess ta’ riżoluzzjoni ta’ bank li jkun qed ifalli.

Linja ta’ negozju ewlenija: linji ta’ negozju jew servizzi assoċjati li jirrappreżentaw sorsi materjali ta’ dħul, profitt jew valur ta’ franchise għal istituzzjoni jew għal grupp li minnu istituzzjoni tkun tifforma parti.

Pjan ta’ riżoluzzjoni: pjan ta’ riżoluzzjoni huwa dokument komprensiv, li jagħti dettalji dwar il‑karatteristiċi ta’ bank u jiddeskrivi l‑istrateġija ta’ riżoluzzjoni preferuta għal dak il‑bank, inkluż liema għodod ta’ riżoluzzjoni japplikaw għal liema entitajiet. Huwa jidentifika u jindirizza kwalunkwe impediment għar‑riżoluzzjoni tal‑bank u jistabbilixxi l‑MREL tal‑bank.

Pjan ta’ rkupru: il‑pjanijiet ta’ rkupru jiżguraw li l‑banek ikunu lesti li jirrestawraw il‑vijabbiltà tagħhom anki f’perjodi ta’ stress finanzjarju serju.

Rekwiżit minimu għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli: rekwiżit li l‑banek huma meħtieġa jikkonformaw miegħu f’kull ħin billi jżommu strumenti li faċilment ikollhom kapaċità ta’ rikapitalizzazzjoni interna sabiex jiġi żgurat li t‑telf ikun jista’ jiġi assorbit u l‑banek jiġu rikapitalizzati jekk jidħlu f’diffikultà finanzjarja u sussegwentement jitqiegħdu f’riżoluzzjoni.

Rekwiżiti kapitali prudenzjali: ir‑rekwiżiti kapitali prudenzjali jikkonċernaw l‑ammont ta’ kapital li jkollhom il‑banek. L-għan ta’ dawn ir‑regoli huwa li jsaħħu r‑reżiljenza tagħhom, filwaqt li jiżguraw li l‑banek ikomplu jiffinanzjaw l‑attività ekonomika u t‑tkabbir.

Riżoluzzjoni: ir‑riżoluzzjoni hija l‑istralċ ordnat ta’ bank li jkun qed ifalli biex tiġi żgurata l‑kontinwità tal‑funzjonijiet essenzjali tiegħu u biex tiġi ppreservata l‑istabbiltà finanzjarja. Hija għandha l-għan ukoll li tipproteġi l‑fondi pubbliċi billi timminimizza d‑dipendenza mill‑appoġġ finanzjarju pubbliku straordinarju (ara l‑Artikolu 2 tal‑BRRD).

Skema ta’ garanzija tad‑depożiti: skema ta’ garanzija tad‑depożiti tipproteġi lid‑depożitanti minn telf sa ċertu limitu massimu u f’ċerti limiti fil‑każ ta’ falliment ta’ bank.

Strumenti/obbligazzjonijiet subordinati: id‑dejn subordinat għandu prijorità aktar baxxa mid‑dejn superjuri iżda prijorità ogħla meta mqabbel mal‑ekwità, fil‑każ li bank ifalli.

Superviżjoni: is‑superviżjoni bankarja hija l‑attività ta’ monitoraġġ tal‑prestazzjoni finanzjarja u tal‑operazzjonijiet tal‑banek mill‑awtoritajiet pubbliċi sabiex jiġi żgurat li dawn qed joperaw b’mod sikur u sod, u skont ir‑regoli u r‑regolamenti.

Timijiet interni ta’ riżoluzzjoni: skont l‑Artikolu 83 tal‑SRMR, il‑Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni jista’ jistabbilixxi timijiet interni ta’ riżoluzzjoni magħmula mill‑persunal proprju tiegħu u mill‑persunal tal‑awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni nazzjonali, inklużi, fejn xieraq, osservaturi minn Stati Membri barra ż-żona tal‑euro. It‑timijiet interni ta’ riżoluzzjoni huma essenzjali għall‑kooperazzjoni u l‑komunikazzjoni bejn l‑SRB u l‑ARN dwar it-tħejjija tal‑pjanijiet ta’ riżoluzzjoni. Dawn it‑timijiet jiġu stabbiliti għall‑banek kollha li jaqgħu taħt il‑mandat tal‑SRB u jitmexxew minn koordinaturi maħtura mill‑persunal għoli tal‑SRB.

Unjoni Bankarja Ewropea: l‑Unjoni Bankarja Ewropea hija t‑trasferiment tar‑responsabbiltà għall‑politika bankarja mil‑livell nazzjonali għal dak tal‑UE. Fil‑preżent, din tikkonsisti fil‑Mekkaniżmu Superviżorju Uniku u l‑Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni, li huma bbażati fuq il-Ġabra Unika tar‑Regoli tal‑UE. L‑Istati Membri taż-żona tal‑euro jipparteċipaw fl‑Unjoni Bankarja Ewropea.

Valwazzjoni: il-Ġabra Unika tar‑Regoli tipprevedi proċedura formali bi tliet valwazzjonijiet, rispettivament, biex jiġi ddeterminat jekk bank ikunx qed ifalli jew probabbilment hux se jfalli (il‑Valwazzjoni 1), biex tinforma dwar l-użu tal-għodod ta’ riżoluzzjoni inkluża r‑rikapitalizzazzjoni interna (il‑Valwazzjoni 2), u biex jiġi żgurat li l‑kundizzjoni ta’ “ebda kreditur ma jmur agħar” tiġi rispettata (il‑Valwazzjoni 3).

Risposti tal‑SRB

Sommarju eżekuttiv

VI

L-SRB jilqa’ l-progress rikonoxxut mill-QEA. Ma jaqbilx mal-konklużjoni tal-QEA dwar in-nuqqas ta’ “elementi ewlenin”, peress li din tista’ tagħti l-impressjoni li l-SRM għadu ma wasalx biex iwettaq id-dmirijiet tiegħu minħabba li xi elementi rilevanti għall-SRB huma neqsin, li huwa ċar li mhuwiex il-każ. Il-partijiet neqsin prinċipali huma fundamentalment marbuta mal-evoluzzjoni tal-qafas (jiġifieri likwidità fir-riżoluzzjoni/garanzija ta’ kontinġenza jew ċerti elementi li jikkonċernaw l-MREL), li huma elementi barra mill-kontroll tal-SRB. Barra minn hekk, l-ebda wieħed minn dawn l-elementi “ewlenin” ma żamm lill-SRM milli jikkonforma mad-dmirijiet tiegħu. F’dan ir-rigward, bħala minimu, għandhom jiġu nnutati l-elementi li ġejjin:

  1. L-SRB żviluppa u aġġorna għadd kbir ta’ politiki fl-2018 u l-2019, perjodu li kien ikkaratterizzat minn tibdil fl-ambjent regolatorju bil-linji gwida tal-Bord għall-Istabbiltà Finanzjarja u tal-EBA jiżviluppaw kontinwament u l-BRRD II fi triqtu. F’dan l-ambjent regolatorju diffiċli, l-SRB kien meħtieġ iwettaq il-funzjonijiet regolatorji tiegħu, filwaqt li jiżgura li l-bidliet leġiżlattivi importanti fuq firxa ta’ kwistjonijiet, inkluż l-MREL, kienu implimentati b’mod korrett.
  2. L-aġġornament tal-politiki dwar l-ippjanar tar-riżoluzzjonijiet huwa proċess kontinwu li juri governanza soda u jirrifletti l-bidliet fil-qafas legali li l-SRB huwa marbut li jimplimenta. Fir-rigward tas-sejba li l-politiki tal-SRB “kienu għadhom ma indirizzawx l-oqsma rilevanti kollha”, l-iżvilupp tal-politiki huwa proċess dinamiku inkrementali, li jkompli. Dan huwa appoġġjat mill-fatt li ċerti elementi meħtieġa għall-iżvilupp ta’ politiki huma barra mill-kontroll tal-SRB, bħall-progress dwar il-likwidità u l-għażliet ta’ kontinġenza.
  3. L-SRM qed jieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa f’termini tal-attivitajiet ta’ riżoluzzjoni f’kull ċiklu ta’ riżoluzzjoni (l-MREL, il-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni, il-valutazzjoni tar-riżolvibbiltà, eċċ.), tabilħaqq meta wieħed jikkunsidra li fir-rapport l-evidenza prinċipali għall-biċċiet neqsin tidher li hija l-iżvilupp mhux kompletament konformi tal-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni kontra l-Ġabra Unika tar-Regoli. F’dan ir-rigward, jenħtieġ li jiġi nnutat li 70 % tal-elementi huma konformi jew parzjalment konformi u għadd sinifikanti tal-elementi mhux konformi għandhom tali status bħala konsegwenza tal-bidliet fil-qafas legali.
VII

Il-Metodoloġija tal-Valutazzjoni tar-Riżolvabbiltà tal-SRB riflessa fil-Manwal għall-ippjanar tar-riżoluzzjoni tipprevedi l-identifikazzjoni ta’ impedimenti għar-riżolvibbiltà. L-identifikazzjoni u d-determinazzjoni potenzjali ta’ impedimenti sostantivi, jekk jeżistu, mhumiex dipendenti fuq iż-żmien meħtieġ biex il-banek jirriżolvu kwistjonijiet pendenti.

VIII

Fir-rigward tal-banek taħt il-mandat tal-SRB, jekk jogħġbok irreferi għall-kumment tal-SRB dwar il-paragrafu 108 u għar-rimarki komuni rigward il-paragrafi 69 sa 73, fejn huwa enfasizzat li 70 % tar-rekwiżiti ġew sodisfatti jew parzjalment sodisfatti u l-bqija huma parzjalment marbuta ma’ partijiet tal-qafas regolatorju li qed jinbidlu, bħalma huwa l-każ għar-rekwiżiti interni tal-MREL. Rigward iż-żmien għall-ippjanar ta’ riżoluzzjonijiet, jekk jogħġbok irreferi għall-kummenti tal-SRB dwar il-paragrafi 76 sa 80.

IX

Kriterji ċari huma stabbiliti taħt l-Artikolu 18(4)(a) – (d) tal-SRMR sabiex jiġi ddeterminat meta bank jista’ jitqies li qed ifalli jew li x’aktarx se jfalli. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 32(6) tal-BRRD, l-EBA kienet meħtieġa tiżviluppa linji gwida dwar it-test tal-falliment jew tal-falliment probabbli. Hija għamlet dan fl-2015 meta ppubblikat sett komprensiv ta’ linji gwida dwar l-interpretazzjoni ta’ ċirkostanzi differenti meta istituzzjoni għandha titqies li qed tfalli jew li x’aktarx se tfalli għall-finijiet tal-Artikolu 32(6) tal-BRRD. F’dan ir-rigward, kriterji oġġettivi u kwantifikati huma milqugħa, iżda kwalunkwe azzjoni awtomatika li tirriżulta mil-limiti jenħtieġ li tiġi evitata.

X

Filwaqt li l-SRB jaqbel mat-titjib imsemmi u dwar il-livelli differenti ta’ persunal assenjati fl-NRAs, dan mhuwiex neċessarjament marbut mal-assenjament tal-persunal tal-SRB (eż. f’xi NRAs il-proċessi ta’ reklutaġġ ħadu aktar minn sena; f’oħrajn, il-persunal huwa anzjan u aktar esperjenzat fi kwistjonijiet ta’ riżoluzzjoni, eċċ.).

Barra minn hekk, l-SRB jixtieq jirrimarka li dan il-paragrafu tar-rapport dwar il-persunal allokat lill-IRTs mill-NRAs huwa fatt li jenħtieġ li ma jiġix interpretat bħala li t-tnaqqis tal-persunal tal-NRA huwa kkumpensat minn kwalunkwe żieda tal-SRB. L-SRB jirrikjedi persunal minimu biex jiżgura l-kwalità tax-xogħol indipendentement mill-persunal tal-NRAs; barra minn hekk, il-fatturi wara d-distribuzzjoni tax-xogħol fi ħdan l-IRTs bejn il-persunal tal-SRB u tal-NRAs ma jiddependux fuq is-sempliċi “għadd ta’ FTE” iżda fuq fatturi oħra (eż. għadd inqas ta’ FTE b’aktar anzjanità jew għarfien espert f’ċerti suġġetti jista’ jkun aktar rilevanti mill-“kwantità ta’ FTEs”). (Ara l-kummenti dwar il-paragrafu 105.)

XI

Jekk jogħġbok irreferi għall-kummenti ddettaljati tal-SRB fil-kapitolu dwar il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet.

Introduzzjoni

Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni - sfond

03

L-SRB jinnota li l-għan jinkludi wkoll l-iżgurar tal-applikazzjoni uniformi tar-reġim ta’ riżoluzzjoni fl-Istati Membri parteċipanti, peress li dan ir-rwol huwa enfasizzat fil-premessa 11 tal-SRMR.

Il-ħtieġa li tiġi żgurata l-kontinwità tal-funzjonijiet kritiċi tal-bank u li jiġu evitati effetti negattivi sinifikanti fuq l-istabbiltà finanzjarja hija vvalutata fil-kuntest tal-valutazzjoni tal-interess pubbliku.

Kooperazzjoni skont il-Mekkaniżmu Uniku ta᾽ Riżoluzzjoni

Ir-rwol tal-SRB u tal-NRAs

11

L-SRB jixtieq jiċċara li l-NRAs jattendu s-Sessjonijiet Plenarji kif ukoll is-Sessjonijiet Eżekuttivi dwar kwistjonijiet speċifiċi għall-banek, inkluż dwar pjanijiet ta’ riżoluzzjoni.

Il-kompiti tas-Sessjoni Eżekuttiva huma dawk assenjati lilha skont l-Artikolu 54 tal-SRMR.

Barra minn hekk, ir-Regoli ta’ Proċedura tal-SRB għas-Sessjoni Eżekuttiva – li jkunu applikabbli fil-mument tal-valutazzjoni tal-QEA (u simili għar-Regoli ta’ Proċedura l-ġodda għas-Sessjoni Eżekuttiva adottati fl-24 ta’ Ġunju 2020) -  fl-Artikolu 3(1) jipprevedu il-parteċipazzjoni ta’:

  • rappreżentant maħtur tal-awtorità ta’ riżoluzzjoni nazzjonali rilevanti minn Stat Membru f’każijiet meta jkun hemm deliberazzjoni dwar entità individwali jew grupp ta’ entitajiet stabbiliti fi Stat Membru parteċipanti wieħed, u rappreżentant maħtur tal-awtorità ta’ riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp, kif ukoll rappreżentant maħtur tal-awtorità ta’ riżoluzzjoni nazzjonali rilevanti li fiha tkun stabbilita sussidjarja jew entità koperta minn superviżjoni konsolidata, meta jkun hemm deliberazzjoni dwar grupp transfruntier.

Interazzjoni ma’ awtoritajiet oħra tal-UE u nazzjonali

13

L-għan tal-konsultazzjoni tal-awtorità tar-riżoluzzjoni fir-rigward tal-pjan ta’ rkupru huwa li tiġi identifikata kwalunkwe azzjoni fih li tista’ taffettwa b’mod negattiv ir-riżolvibbiltà tal-bank.

14

L-EBA tista’ tadotta kemm standards tekniċi regolatorji kif ukoll ta’ implimentazzjoni li jiġu adottati (mill-Kummissjoni) bħala Atti Delegati u Atti ta’ Implimentazzjoni, rispettivament.

16

Ara l-kumment dwar il-paragrafu 14 hawn fuq.

Aċċess għall-evidenza għall-awditjar u kwistjonijiet ta’ kunfidenzjalità

22

Saru diversi intervisti biex jiġi diskuss l-MREL fuq il-pjanijiet inklużi fil-kampjun, inklużi spjegazzjonijiet differenti dwar kif ġie kkalkulat l-MREL. Sfortunatament, dawn ħabtu mal-miżuri ta’ lockdown tal-pandemija tal-COVID-19, u b’hekk il-QEA twaqqfet milli tikkonsulta d-dokumenti fil-bini tal-SRB.

L-approċċ meħud mill-SRB fir-rigward tal-immarkar limitat ta’ dokumenti bi strixxi suwed kien li tiġi ppreservata l-identità ta’ banek individwali. F’dan ir-rigward, jikkonforma mal-obbligi tas-segretezza professjonali skont l-Artikolu 88 tal-SRMR u huwa konsistenti mad-Deċiżjoni dwar il-Klassifikazzjoni tad-Data tal-SRB u mas-sistema ta’ klassifikazzjoni tad-data tal-BĊE. Fejn qamu kwistjonijiet speċifiċi fir-rigward tal-immarkar ta’ dokumenti bi strixxi suwed, u fejn dawn kienu mmotivati biżżejjed mill-QEA, l-SRB qabel li jipprovdi l-evidenza. Madankollu, dan ħabat mal-miżuri ta’ lockdown tal-pandemija tal-COVID-19.

23

Skont il-paragrafu 13 tal-Memorandum ta’ Qbil tal-SRB mal-BĊE, jenħtieġ li l-SRB jikseb il-qbil espliċitu bil-miktub tal-BĊE qabel kwalunkwe divulgazzjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali riċevuta mill-BĊE lil parti terza. L-SRB ikkollabora b’mod volontarju mal-BĊE fi sforz biex jiżgura l-approvazzjoni biex jaqsam il-pjanijiet ta’ rkupru mal-QEA sabiex jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju tal-awditjar. Filwaqt li l-SRB għamel kull sforz biex jiffaċilita t-talba tal-QEA f’dan ir-rigward, il-BĊE informa lill-SRB li, minħabba kunsiderazzjonijiet ta’ sigurtà tad-data, ma setax jagħti l-kunsens tiegħu għall-kondiviżjoni mill-SRB tal-pjanijiet ta’ rkupru barra minn kamra mudlama fiżika.

Għalhekk, il-pjanijiet ta’ rkupru ilhom disponibbli għal spezzjoni mill-QEA fil-kamra tad-data fiżika fuq il-post tal-SRB mill-15 ta’ Marzu 2020. Għalhekk, f’ċirkostanzi ordinarji, il-pjanijiet ta’ rkupru setgħu jiġu riveduti fil-bini tal-SRB. Fin-nuqqas ta’ qbil mill-BĊE, l-SRB ma kienx f’pożizzjoni li jaqsam mal-QEA l-informazzjoni tal-BĊE barra mill-kamra mudlama fiżika. L-SRB jirrikonoxxi li kienet xorti ħażina li l-miżuri ta’ lockdown tal-pandemija tal-COVID-19 kellhom l-effett li jipprevjenu lill-QEA milli tara l-pjanijiet ta’ rkupru.

Osservazzjonijiet

Il-qafas ta’ politika ssaħħaħ iżda għad hemm nuqqasijiet f’ċerti oqsma kruċjali

25

Figura 5:

Bħala parti mill-aġġornament tal-Manwal għall-ippjanar tar-riżoluzzjoni tal-2020, l-SRB qed jivvaluta l-kontenut li fadal tan-Noti Tekniċi Orizzontali u n-Noti ta’ Gwida li għandhom jiġu integrati fil-Manwal għall-ippjanar tar-riżoluzzjoni, jew bħala politika ċentrali, jew bħala materjal ta’ sfond edukattiv.

26

Sa Awwissu 2020, l-SRB kien juża l-politiki disponibbli tal-SI bħala referenza meta jivvaluta l-abbozz ta’ miżuri ta’ riżoluzzjoni tal-LSI tal-NRAs.

F’Awwissu 2020, il-Linji Gwida tal-LSI introduċew rekwiżit formali biex l-NRAs jirreferu għall-politiki tal-SI meta jabbozzaw il-miżuri ta’ riżoluzzjoni tal-LSI.

Għad hemm neqsin għadd ta’ politiki importanti applikabbli għall-banek taħt il-mandat tal-SRB

30

Il-Manwal għall-ippjanar tar-riżoluzzjoni ġie adottat mis-Sessjoni Eżekuttiva tal-SRB skont l-Artikolu 5b tal-Qafas ta’ Kooperazzjoni: “In-noti ta’ gwida huma dokumenti interni tal-SRB indirizzati lill-IRTs biex jipprovdulhom gwida fir-rigward tal-entitajiet u l-gruppi taħt ir-responsabbiltà diretta tal-SRB, irrispettivament min-natura jew il-forma tagħhom.”

Il-Manwal għall-ippjanar tar-riżoluzzjoni huwa vinkolanti għall-IRTs sal-limitu possibbli għal manwal, li min-natura tiegħu mhuwiex dokument legalment vinkolanti, iżda gwida għall-IRTs fix-xogħol tagħhom tal-ippjanar tar-riżoluzzjonijiet.

31

L-iżvilupp tal-politika dwar il-kontinwità finanzjarja huwa proġett pluriennali li huwa mistenni li jiġi ffinalizzat sal-2022, f’konformità mal-iskeda ta’ żmien tal-introduzzjoni gradwali tal-prinċipji tal-Aspettattivi għall-Banek. Fl-2019, in-Network Tekniku Intern fassal Nota ta’ Appoġġ għall-IRTs dwar il-Likwidità u l-Finanzjament fir-Riżoluzzjoni li tipprovdi gwida għall-abbozzar tal-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni tal-2020. In-Nota ta’ Appoġġ, li kkummentaw dwarha l-NRAs u l-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku, tkopri aspetti relatati mal-istimi tal-ħtiġijiet ta’ finanzjament fir-riżoluzzjoni u l-valutazzjonijiet tal-kapaċitajiet tal-banek li jidentifikaw u jimmobilizzaw il-finanzjament disponibbli u l-kollateral fir-riżoluzzjoni. Barra minn hekk, l-Aspettattivi għall-Banek ġew ippubblikati f’April 2020, u skonthom il-banek huma mistennija li jkunu żviluppaw metodoloġiji għall-istima tal-ħtiġijiet ta’ finanzjament fir-riżoluzzjoni saċ-ċiklu tal-ippjanar tar-riżoluzzjonijiet tal-2021.

Il-likwidità hija politika ta’ prijorità għaċ-ċiklu tal-ippjanar tar-riżoluzzjonijiet tal-2021. Għal dan il-għan, in-Network Tekniku Intern bħalissa qed jaħdem biex jiżviluppa politika tal-SRB dwar il-Likwidità u l-Finanzjament f’riżoluzzjoni.

Il-ħidma politika dwar il-Kontinwità Finanzjarja hija ssumplimentata bil-ħidma tan-Network Tekniku Intern tal-Istralċ solventi tal-portafoll tan-negozjar, li qed jabbozza gwida u politika għal banek globali sistemikament importanti u banek b’attivitajiet kummerċjali sinifikanti, b’fokus fuq l-ispejjeż u l-implikazzjonijiet tal-likwidità.

32

Is-simulazzjonijiet u l-analiżi interni biex jiġu stmati l-ħtiġijiet ta’ finanzjament fir-riżoluzzjoni jindirizzaw it-tħassib u l-pretensjonijiet fir-rigward tal-limitazzjonijiet tad-daqs.

33

Il-politika tal-SRB dwar l-arranġamenti tal-governanza u l-komunikazzjoni qabel ir-riżoluzzjoni u fiha huma ċċarati fl-Aspettattivi għall-Banek, u qabel dan, f’ittri ta’ prijorità mibgħuta lill-banek.

L-arranġamenti speċifiċi tal-governanza huma ċċarati wkoll fid-dokumenti ta’ gwida operazzjonali ppubblikati fid-29 ta’ Lulju 2020 mill-SRB dwar il-Kontinwità Operazzjonali fir-Riżoluzzjoni, l-Infrastrutturi tas-Suq Finanzjarju (https://srb.europa.eu/en/node/1042) u fl-10 ta’ Awwissu 2020 dwar l-operazzjonalizzazzjoni tar-rikapitalizzazzjoni interna (https://srb.europa.eu/en/content/operational-guidance-bail-implementation).

34

Il-politika tal-SRB dwar ir-rekwiżiti tal-informazzjoni hija ċċarata fl-Aspettattivi għall-Banek, issupplimentati b’mod partikolari bi gwida pubblika relatata għal kull ċiklu (https://srb.europa.eu/en/content/2020-resolution-reporting), il-gwida dwar punti ta’ data għall-eżekuzzjoni tar-rikapitalizzazzjoni interna ppubblikata f’Awwissu 2020, il-gwida tal-SRB dwar l-Infrastrutturi tas-Suq Finanzjarju u l-Kontinwità Operazzjonali fir-Riżoluzzjoni ppubblikata f’Lulju 2020, fejn ir-rekwiżiti tas-sistemi tal-informazzjoni ta’ ġestjoni huma wkoll iċċarati aktar, u l-Qafas tal-SRB għall-Valutazzjoni u s-Sett tad-Data tal-SRB għall-Valutazzjoni (https://srb.europa.eu/en/content/public-consultation-srbs-data-set-valuation). Barra minn hekk, l-SRB ilu jiġbor l-informazzjoni tal-banek għal numru ta’ snin f’oqsma ddedikati relatati mal-ippjanar tar-riżoluzzjonijiet (https://srb.europa.eu/en/content/reporting).

35

Għalkemm il-politika dwar il-kundizzjonijiet biex tiġi applikata strateġija ta’ Punti Multipli tad-Dħul diġà kienet żviluppata fl-2019, kienet għadha mhix integrata fil-format tal-Manwal għall-ippjanar tar-riżoluzzjoni. Din se tiġi integrata fil-Manwal għall-ippjanar tar-riżoluzzjoni fl-2020 kif ippjanat.

36

Il-politiki jistabbilixxu l-prinċipji li l-pjanijiet jeħtieġ li josservaw, u ma jeħtiġux l-istess livell ta’ dettall fis-suġġetti kollha.

Il-politiki pprovduti jbatu minn xi dgħufijiet

37

Ir-reviżjoni tal-politiki fuq bażi regolari hija prattika ta’ governanza tajba, b’mod partikolari biex jiġu riflessi l-bidliet fil-qafas legali, li ma jistgħux jitqiesu bħala dgħufijiet.

Valutazzjoni tal-interess pubbliku
38

L-SRB jirrimarka li fir-rigward tal-protezzjoni tal-fondi pubbliċi l-għan huwa “li tipproteġi l-fondi pubbliċi billi timminimizza d-dipendenza fuq l-għajnuna finanzjarja pubblika straordinarja” f’konformità mal-Artikolu 14(2)(c) tal-SRMR.

39

L-SRB jaqbel mal-fehma li valutazzjoni konsistenti tal-interess pubbliku hija element ewlieni tal-qafas ta’ riżoluzzjoni kumplessiv. F’Lulju 2019, l-SRB ippubblika l-approċċ tiegħu għall-valutazzjoni tal-interess pubbliku. Id-dokument jiċċara l-fatturi li jikkunsidra l-SRB meta jwettaq valutazzjoni tal-interess pubbliku, u jispjega kif l-SRB japplika l-kriterji kif stabbiliti fil-liġi tal-UE. Il-pubblikazzjoni tal-metodoloġija għandha l-għan li tipprovdi aktar trasparenza u ċertezza għall-banek u s-swieq. L-SRB iwettaq il-valutazzjoni tal-interess pubbliku tiegħu b’mod konsistenti għall-banek kollha taħt il-mandat tiegħu, u jaħdem biex itejjeb l-għodod sabiex tkun żgurata l-konsistenza. L-approċċ tal-valutazzjoni tal-interess pubbliku, bħall-politiki kollha tal-SRB, huwa soġġett għal reviżjoni kontinwa u korroborazzjoni li jieħdu inkunsiderazzjoni l-ippjanar tar-riżoluzzjonijiet u l-esperjenza tal-ġestjoni tal-kriżijiet kif ukoll l-analiżi kwantitattiva u kwalitattiva mwettqa mill-SRB.

40

Ir-rapport tal-awditjar intern tal-SRB tal-2018 għamel għadd ta’ rakkomandazzjonijiet biex tittejjeb il-konsistenza tal-valutazzjonijiet tal-funzjonijiet kritiċi fl-SRB kollu f’konformità mal-pjan ta’ ħidma tal-SRB għall-valutazzjoni tal-funzjonijiet kritiċi. Sabiex jiġu indirizzati dawn ir-rakkomandazzjonijiet ġie stabbilit pjan ta’ azzjoni b’riżultati intermedji fl-2019 u l-2020. F’Novembru 2019, l-SRB wettaq eżerċizzju ta’ rendikont tal-valutazzjonijiet attwali tal-funzjonijiet kritiċi tal-SRB bħala l-ewwel pass. Biex itejjeb il-konsistenza fil-valutazzjoni tal-funzjonijiet kritiċi, l-SRB żviluppa għadd ta’ tabelli operattivi standardizzati li għandhom jintużaw mill-IRTs matul iċ-ċiklu tal-ippjanar tar-riżoluzzjonijiet tal-2020. Dawn it-tabelli operattivi huma bbażati fuq ir-rapporti dwar il-funzjonijiet kritiċi tal-2020, li jippermettu lil kull IRT jagħmel valutazzjoni komparattiva mal-pari fl-Unjoni Bankarja tar-riżultati tal-bank/banek li huwa responsabbli għalihom. Bħala l-pass li jmiss, l-SRB se jintroduċi limiti indikattivi għaċ-ċiklu tal-ippjanar tar-riżoluzzjoni tal-2021.

41

L-SRB jittratta l-objettivi tar-riżoluzzjoni kollha bl-istess importanza. Il-valutazzjoni tal-SRB fl-ippjanar tar-riżoluzzjonijiet hija ggwidata mill-objettiv li ma jieħu post l-ebda responsabbiltà tal-awtoritajiet nazzjonali fir-rigward tad-Direttiva dwar Skemi ta’ Garanzija tad-Depożiti.

42

Fir-rigward tal-protezzjoni tal-fondi pubbliċi, l-SRB jinnota li l-għan huwa “li tipproteġi l-fondi pubbliċi billi timminimizza d-dipendenza fuq l-għajnuna finanzjarja pubblika straordinarja” f’konformità mal-Artikolu 14(2)(c) tal-SRMR.

Il-limitazzjoni tar-rikapitalizzazzjoni interna ta’ 8 % tal-obbligazzjonijiet u l-fondi proprji totali tal-bank għall-użu tal-SRF tapplika meta l-SRF jagħmel kontribuzzjoni minflok l-obbligazzjonijiet esklużi mir-rikapitalizzazzjoni interna skont l-Artikolu 27(5) tal-SRMR jew meta l-użu tagħha indirettament iwassal biex parti mit-telf tal-entità tiġi ttrasferita lill-SRF.

43

L-SRB isegwi d-dispożizzjonijiet tal-BRRD u l-SRMR meta jwettaq il-valutazzjoni tal-interess pubbliku kif ukoll id-dokument pubbliku li jiġbor fil-qosor il-politika tal-SRB. Dawn id-dispożizzjonijiet ġew imfassla biex jiżguraw li l-proċedimenti normali tal-insolvenza jkunu l-għażla awtomatika biex jiġu riżolti banek li jkunu qed ifallu. Biex jitbiegħed minn dan, l-SRB jeħtieġ li jiżgura li l-azzjoni ta’ riżoluzzjoni tkun meħtieġa u proporzjonata għal objettiv tar-riżoluzzjoni jew aktar minn wieħed, u li l-istralċ skont il-proċedimenti normali tal-insolvenza ma jkunx se jilħaq l-objettivi tar-riżoluzzjoni bl-istess mod bħall-azzjoni ta’ riżoluzzjoni.

44

Jekk jogħġbok ara l-kummenti dwar il-paragrafu 43. B’mod partikolari, jenħtieġ li jiġi enfasizzat li meta jwettaq it-test tal-PIA, l-SRB ma għandux sempliċement “jivvaluta jekk il-falliment ta’ bank hux se jkollu effetti negattivi sinifikanti fuq l-istabbiltà finanzjarja u jimminimizzax l-għoti ta’ għajnuna finanzjarja pubblika straordinarja” iżda, b’mod aktar preċiż, għandu jikkunsidra jekk l-istralċ skont il-proċedimenti normali tal-insolvenza jkunx se jilħaq l-objettivi tar-riżoluzzjoni (kif stabbilit fl-Artikolu 31(2) tal-BRRD) bl-istess mod bħal azzjoni ta’ riżoluzzjoni. Filwaqt li jagħmel dan, l-SRB tabilħaqq jivvaluta, fost l-oħrajn, l-impatt fuq l-istabbiltà finanzjarja. Iżda minflok ma jivvaluta jekk il-falliment ta’ bank ikunx se jkollu effetti negattivi sinifikanti fuq l-istabbiltà finanzjarja, l-SRB jivvaluta x’effett se jkollha l-applikazzjoni tal-proċedimenti nazzjonali ta’ insolvenza (NIP) għal bank fuq l-istabbiltà finanzjarja u jqabblu mal-effett li jkollha azzjoni ta’ riżoluzzjoni fuq l-istess objettiv. L-istess japplika fir-rigward tal-bqija tal-objettivi. Għalhekk, jekk il-likwidazzjoni (irrispettivament minn jekk tingħatax għajnuna mill-Istat jew le) tilħaq l-objettivi tar-riżoluzzjoni bl-istess mod bħal azzjoni ta’ riżoluzzjoni, ma jkun hemm l-ebda inkonsistenza x’tiġi enfasizzata.

49

Bħalissa, l-SRB qed jirrevedi l-metodoloġija tiegħu fid-dawl tal-pubblikazzjoni tal-Aspettattivi għall-Banek, li hija parti mill-aġġornament regolari tal-gwida għall-IRTs.

52

L-Aspettattivi għall-Banek u l-introduzzjoni gradwali tagħhom jistgħu jiġu ppersonalizzati skont l-ispeċifiċitajiet tal-banek u tal-istrateġija ta’ riżoluzzjoni. L-Aspettattivi għall-Banek jiċċaraw dan b’mod espliċitu: “Filwaqt li l-aspettattivi huma ta’ natura ġenerali, l-applikazzjoni tagħhom għal kull bank trid tkun personalizzata, b’kunsiderazzjoni tal-prinċipju tal-proporzjonalità, u abbażi ta’ djalogu bejn kull bank u l-IRT tiegħu.”

Barra minn hekk, l-Aspettattivi għall-Banek jispeċifikaw li: “Dan id-dokument jiffoka biss fuq ir-riżolvibbiltà tal-banek li għalihom l-istrateġija hija riżoluzzjoni”. L-Aspettattivi għall-Banek huma għalhekk applikabbli għall-banek li għalihom il-valutazzjoni tal-interess pubbliku tkun pożittiva fil-mument tal-ippjanar.

54

L-IRTs jivvalutaw l-impedimenti għar-riżolvibbiltà fuq bażi annwali. Meta jkunu qed ifasslu l-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni, l-IRTs huma mistennija wkoll li jagħmlu konklużjonijiet dwar impedimenti sostantivi, jekk ikun hemm.

56

Id-dikjarazzjoni tirrappreżenta l-fehmiet tal-awtur tagħha, li l-SRB ma jaqbilx magħhom. L-SRB jixtieq jenfasizza li d-dokument dwar il-Governanza Ekonomika msemmi hawnhekk ma jirrappreżentax il-pożizzjoni uffiċjali tal-Parlament Ewropew u lanqas ma wassal għall-ebda riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew.

Barra minn hekk, ir-rapport dwar il-Governanza Ekonomika huwa bbażat biss fuq informazzjoni disponibbli għall-pubbliku.

Gwida dwar l-MREL u r-rikapitalizzazzjoni interna
61

Il-BRRD/SRMR riveduti jintroduċu erba’ kategoriji ta’ banek u l-erba’ kategoriji kollha jridu jikkonformaw ma’ mira tal-MREL.

Madankollu, tliet kategoriji biss għandhom jikkonformaw dejjem ma’ mira minima ta’ subordinazzjoni (istituzzjonijiet globali sistemikament importanti, banek tal-ogħla grad u banek oħrajn tal-pilastru 1), li hija komponent tal-mira tal-MREL.

Ir-raba’ kategorija (banek li mhumiex tal-pilastru 1) mhux neċessarjament ikollha rekwiżit ta’ subordinazzjoni minima, jiġifieri l-istabbiliment ta’ rekwiżiti ta’ subordinazzjoni għal din ir-raba’ kategorija huwa bbażat fuq il-valutazzjoni li l-Ebda Kreditur ma jmur Agħar.

62

Prattiki differenti huma konsegwenza ovvja tad-diskrezzjoni amministrattiva tal-awtoritajiet tar-riżoluzzjoni. Xi wħud mid-differenzi msemmija x’aktarx li se jitnaqqsu mill-BRRD2 (eż. għal istituzzjonijiet globali sistemikament importanti, banek tal-ogħla grad u banek oħrajn tal-pilastru 1, il-BRRD2 jintroduċi rekwiżiti ta’ subordinazzjoni minimi uniformi).

Kaxxa 1

Ara l-kumment dwar il-paragrafu 62.

63

L-investituri fil-livell tal-konsumatur huma, u se jibqgħu, intitolati li jixtru dejn “bail-inable” (b’kapaċità ta’ rikapitalizzazzjoni interna) (l-ebda dispożizzjoni legali ma teskludi dik il-possibbiltà). Skont il-liġi tal-UE, tali attività ta’ investiment hija soġġetta għas-salvagwardji tad-Direttiva dwar is-Swieq fl-Istrumenti Finanzjarji. Il-BRRD2 jintroduċi salvagwardji addizzjonali għall-investituri fil-livell tal-konsumatur. L-Istati Membri jridu jittrasponu d-Direttiva fil-leġiżlazzjoni nazzjonali sat-28 ta’ Diċembru 2020.

64

Il-gwida operazzjonali tal-SRB dwar l-għodda ta’ rikapitalizzazzjoni interna ma tiddeskrivix kwistjonijiet operazzjonali, iżda aspettattivi għall-protokolli ta’ rikapitalizzazzjoni interna tal-banek. Pereżempju, tirrikjedi lill-protokoll juri liema proċessi se jkunu meħtieġa biex jiġi identifikat l-iħħeġġjar li jikkorrispondi għall-interessi b’kapaċità ta’ rikapitalizzazzjoni interna. Id-depożiti huma min-natura tagħhom inqas kumplessi u jinżammu fil-kontijiet tal-bank stess. Għalhekk, ir-rikapitalizzazzjoni interna hija ħafna aktar sempliċi mil-lat operattiv.

F’termini tal-iskeda ta’ żmien, għandu jiġi nnutat li l-iskedi ta’ żmien eżatti jiddependu ħafna fuq il-kapaċitajiet operazzjonali tal-partijiet ikkonċernati involuti (speċjalment id-Depożitorji Ċentrali tat-Titoli), irrispettivament mill-Istat Membru.

65

Il-politika tal-SRB rigward id-determinazzjoni ta’ strateġija differenti hija konformi mar-rekwiżiti legali. Din tipprevedi l-iżvilupp ta’ strateġija differenti biex tindirizza, sa fejn ikun meħtieġ, xenarji u ċirkostanzi li fihom l-istrateġija ta’ riżoluzzjoni ppreferuta ma tkunx kredibbli jew fattibbli (il-Manwal għall-ippjanar tar-riżoluzzjoni, li huwa bbażat hawnhekk fuq l-Artikolu 23(3) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni 2016/1075), irrispettivament mill-għodda użata, inkluż ir-rikapitalizzazzjoni interna ta’ bank miftuħ. Barra minn hekk, l-Artikolu 25(4) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni 2016/1075 jindika li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom jivvalutaw jekk humiex meħtieġa varjanti tal-istrateġija ta’ riżoluzzjoni biex jindirizzaw xenarji jew ċirkostanzi fejn l-istrateġija ta’ riżoluzzjoni ma tistax tiġi implimentata b’mod fattibbli u kredibbli.

Fejn l-IRTs jivvalutaw li l-istrateġija ta’ riżoluzzjoni ppreferuta, li tista’ tkun rikapitalizzazzjoni interna ta’ bank miftuħ, hija kredibbli u fattibbli, ma jkunx hemm bżonn li tiġi definita strateġija differenti.

Sar progress fl-ippjanar tar-riżoluzzjonijiet iżda għad fadal xi jsir qabel ma jkun konformi mar-rekwiżiti legali

66

Fir-rigward tal-frekwenza tal-aġġornament tal-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni, jekk jogħġbok ara l-kumment tal-SRB dwar il-paragrafu II tas-Sommarju Eżekuttiv.

Rigward id-data għal pjan ta’ riżoluzzjoni, jekk jogħġbok irreferi għall-kumment tal-SRB dwar il-paragrafu 113.

Il-kwalità tal-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni għall-banek taħt il-mandat tal-SRB tjiebet

72

Tabella 4: Rimarki komuni dwar il-paragrafi 69 sa 73:

Analiżi Strateġika tan-Negozju:

Meta l-istrateġija ta’ riżoluzzjoni ppreferuta tkun ir-rikapitalizzazzjoni interna, ma għandux ikun hemm bżonn li tintwera s-separabbiltà, peress li huwa inerenti għall-użu tal-għodda tar-rikapitalizzazzjoni interna li din ma timplikax tibdil strutturali. L-applikazzjoni ta’ għodod addizzjonali li jibdlu l-istruttura (bejgħ tan-negozju, istituzzjoni tranżitorja, separazzjoni tal-assi) biss tkun teħtieġ l-analiżi u l-preparazzjoni tas-separabbiltà.

MREL, Kontinwità Finanzjarja u Operazzjonali, Komunikazzjoni:

Il-pjanijiet tal-kampjun kienu konformi mal-politiki tal-SRB applikabbli fil-mument tal-abbozzar ta’ dawk il-pjanijiet. Madankollu, il-politiki f’dawn l-oqsma kienu għadhom ma ġewx żviluppati bis-sħiħ meta ġew abbozzati l-pjanijiet skont il-qafas legali li kien qed jevolvi fl-2018. Fin-nuqqas ta’ politiki korrispondenti, kien ikun inkonsistenti kieku l-IRTs bdew jiddeterminaw fuq inizjattiva proprja r-rekwiżiti individwali tal-MREL għall-banek meta jkunu qed iħejju l-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni. B’azzjoni bħal din ma kienx ikun possibbli li jiġu assigurati kundizzjonijiet ekwi għall-banek u li l-SRB jadotta deċiżjonijiet amministrattivi sodi. L-istess japplika għall-oqsma ta’ politika l-oħrajn imsemmija hawnhekk. Kieku l-IRTs ipproċedew fin-nuqqas ta’ gwida politika ċara, kien ikun hemm applikazzjoni inkonsistenti tal-qafas legali.

Valutazzjoni tar-Riżolvibbiltà:

L-eżempji msemmija jidentifikaw elementi fil-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni li, meta jiġu vvalutati globalment, jistgħu ma jkunux daqstant rilevanti għall-każijiet kollha. Pereżempju, fir-rigward tar-riorganizzazzjoni tan-negozju, din tista’ tkun aktar rilevanti għal banek internazzjonali u diversifikati kbar li jistgħu joħorġu minn xi linji operatorji.

73

Rimarki komuni dwar il-paragrafi 69 sa 73:

It-test tal-bank dwar l-għodda ta’ rikapitalizzazzjoni interna:

L-applikazzjoni tal-għodda tar-rikapitalizzazzjoni interna hija eżerċizzju kumpless u l-banek jeħtieġu ż-żmien biex idaħħlu fis-seħħ l-infrastruttura meħtieġa tal-IT. Huma meħtieġa bosta interazzjonijiet bejn l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni u l-banek, bħar-rekwiżiti tal-punti tad-data, il-protokolli tar-rikapitalizzazzjoni interna, u l-valutazzjonijiet tal-protokolli tar-rikapitalizzazzjoni interna, biex jinkiseb dan l-eżitu. Għalhekk, l-iskeda ta’ żmien prevista mill-Aspettattivi għall-Banek diġà kienet meqjusa bħala ambizzjuża għal ħafna partijiet ikkonċernati.

Impedimenti sostantivi:

L-SRB jirreferi għat-tweġibiet tiegħu għall-paragrafi VII u 48 fir-rigward tal-metodoloġija għall-identifikazzjoni ta’ impedimenti potenzjali u impedimenti sostantivi. L-approċċ li jittieħed fil-pjanijiet isegwi l-metodoloġija pass pass tal-SRB. F’konformità mal-politika applikabbli għall-identifikazzjoni tal-impedimenti u d-determinazzjoni ta’ punteġġ għalihom, l-ewwel pass jikkonsisti fl-identifikazzjoni ta’ impedimenti potenzjali. Fejn l-IRTs ikollhom biżżejjed informazzjoni biex joħorġu konklużjonijiet dwar in-natura ta’ impediment, japplikaw il-metodoloġija ta’ punteġġ f’konformità ma’ din il-politika.

MREL:

L-SRB ma stabbilixxiex miri ogħla tal-MREL bħala riżultat ta’ impedimenti sostantivi, minħabba li, fl-introduzzjoni gradwali tar-rekwiżit tal-MREL, ma ġie identifikat l-ebda impediment sostantiv relatat. Fil-fatt, l-SRMR jippermetti li jiġu stabbiliti perjodi ta’ tranżizzjoni u f’dawn l-aħħar ħames snin il-banek b’mod ġenerali wrew progress tajjeb lejn il-kisba tal-konformità mal-MREL. Dan l-approċċ li jħares ’il quddiem huwa kkonfermat ukoll mill-BRRD2/SRMR2, li stabbilixxa perjodi ta’ tranżizzjoni statutorji sal-2024 għal konformità sħiħa mal-MREL.

74

Fir-rigward taż-żewġ pjanijiet, skont il-metodoloġija applikabbli għal dawn il-pjanijiet, jenħtieġ li l-IRTs jidentifikaw impedimenti potenzjali għar-riżolvibbiltà (f’forma ta’ lista jew b’xi mod ieħor), wara li jikkunsidraw il-politiki applikabbli u l-informazzjoni pprovduta mill-banek għall-kundizzjoni tar-riżolvibbiltà li tkun qed tiġi vvalutata.

Għat-tieni pjan, l-IRT ivvaluta l-progress li sar mill-bank fir-rigward tal-prinċipji tar-riżolvibbiltà tal-SRB dwar is-suġġett rilevanti. It-taqsima tal-valutazzjoni kumplessiva tinkludi wkoll analiżi tal-lakuni bejn il-progress li sar u x-xogħol li għad irid isir minn dak il-bank sabiex ikun konformi mal-prinċipji tar-riżolvibbiltà tal-SRB. It-tnaqqis ta’ din il-lakuna fi żmien realistiku huwa l-qofol tax-xogħol imwettaq mill-IRT u l-bank fil-proċess tal-ippjanar tar-riżoluzzjoni u t-titjib tar-riżolvibbiltà. L-IRT wettaq din l-attività b’mod preċiż u diliġenti billi żgura li l-bank għandu pjan ta’ ħidma realistiku biex jagħlaq din il-lakuna. Il-kontroll kontinwu tar-riżultati tanġibbli u r-rivalutazzjoni tal-progress li sar huma elementi inerenti tal-attività tal-ippjanar tar-riżoluzzjonijiet u huma rreġistrati f’kull iterazzjoni tal-pjan ta’ riżoluzzjoni.

75

Fl-2020, l-SRB tejjeb b’mod sostanzjali l-metodoloġija tiegħu fir-rigward tal-iżgurar tal-kontroll tal-kwalità fl-ippjanar tar-riżoluzzjoni, li ġiet implimentata f’żewġ fażijiet (reviżjoni preliminari matul il-fażi tal-abbozzar u reviżjoni finali biex ikunu jistgħu jsiru korrezzjonijiet ulterjuri qabel l-approvazzjoni finali). It-tnejn li huma jinkludu attivitajiet ta’ kontroll li huma rrekordjati sistematikament.

Dewmien fl-adozzjoni tal-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni taħt il-mandat tal-SRB

76

Ara l-kummenti tal-SRB dwar il-paragrafu 113.

77

Fir-rigward tad-dewmien issuġġerit fl-adozzjoni tal-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni fiċ-ċikli tal-ippjanar tar-riżoluzzjonijiet tal-2018 u l-2019, hemm diversi kwistjonijiet li jenħtieġ li jiġu kkunsidrati. Dawn il-kunsiderazzjonijiet huma miġbura fil-qosor hawnhekk u huma validi matul ir-rapport kollu meta jkun hemm referenza għal dewmien fiċ-ċikli tal-ippjanar tar-riżoluzzjonijiet.

L-ewwel nett, jenħtieġ li jiġi nnutat li l-iskeda ta’ żmien mogħtija hija ppjanar indikattiv għall-operazzjonalizzazzjoni taċ-ċikli annwali tal-ippjanar tar-riżoluzzjonijiet. Għalhekk, din isservi biss bħala stadju importanti ta’ livell għoli, u l-ippjanar irid jiġi aġġustat skont kif ikunu jeħtieġu ċ-ċirkostanzi konkreti.

Barra minn hekk, uħud minn dawn iċ-ċirkostanzi ma jistgħux jiġu antiċipati meta jiġi stabbilit l-ippjanar inizjali tal-iskedi ta’ żmien. Pereżempju, f’xi każijiet il-Bord (Sessjoni Eżekuttiva Estiża) ma setax jilħaq kunsens dwar il-pjan ta’ riżoluzzjoni propost, li jkun jeħtieġ proċess ta’ votazzjoni jew il-ħruġ ta’ proposta ġdida għall-Bord.

Barra minn hekk, ħafna minn dawn iċ-ċirkostanzi mhumiex dipendenti fuq l-SRB biss u jinvolvu rekwiżiti legali li jieħdu aktar żmien. Pereżempju:

  • 4 xhur konsultazzjoni tal-kulleġġ ta’ riżoluzzjoni;
  • Il-ħtieġa li jiġi stabbilit proċess tad-dritt għal smigħ għall-banek rigward id-deċiżjonijiet tal-MREL;
  • Il-ħtieġa li l-banek jitħallew jużaw il-lingwa primarja tagħhom f’komunikazzjonijiet mal-SRB, biex b’hekk ikunu meħtieġa l-isforzi u l-ħin neċessarji għat-traduzzjonijiet (li jsiru mis-Servizz tat-Traduzzjoni tal-Kummissjoni u jiġu vverifikati mill-IRTs u l-NRAs);
  • Il-kompożizzjoni tal-Bord tirrikjedi Sessjonijiet Eżekuttivi Estiżi speċifiċi għall-bank. Dan ir-rekwiżit ta’ governanza legali jimponi kwistjoni addizzjonali li tieħu aktar żmien biex tiġi organizzata fiċ-ċikli tal-ippjanar tar-riżoluzzjonijiet.

Tabella 5:

Pjanijiet ta’ riżoluzzjoni għal banek mingħajr kulleġġ ta’ riżoluzzjoni:

L-SRB iqis li l-mod kif inhi ppreżentata l-istatistika fit-tabella numru 5 jagħti impressjoni ħafna aktar negattiva milli hi s-sitwazzjoni fir-realtà. L-aħħar pjan għall-banek mingħajr kulleġġ ta’ riżoluzzjoni fil-fatt ġie adottat f’Novembru 2019.

Madankollu, huwa importanti li wieħed jinnota li sa Settembru 2019, kienu ġew adotatti 71 minn 76 pjan (93 %), u 64 minnhom kienu diġà ġew adottati sa Mejju 2019 (84 %). Għalhekk, il-maġġoranza assoluta tal-pjanijiet kienu diġà ġew approvati ħafna qabel.

Pjanijiet ta’ riżoluzzjoni għal banek b’kulleġġ ta’ riżoluzzjoni:

Hawnhekk ukoll, l-SRB iqis li l-mod kif inhi ppreżentata l-istatistika fit-tabella numru 5 jagħti impressjoni ħafna aktar negattiva milli hi s-sitwazzjoni fir-realtà. Fil-fatt, l-aħħar pjan għall-banek b’kulleġġ ta’ riżoluzzjoni ġie adottat f’Lulju 2020, iżda 32 minn 40 pjan kienu diġà ġew adottati sa tmiem l-2019 (80 %). Kollha minbarra wieħed kienu ġew adottati sa Frar 2020 (39 minn 40). Għalhekk, il-maġġoranza assoluta tal-pjanijiet kienu diġà ġew approvati ħafna qabel.

78

Jekk jogħġbok irreferi għall-kummenti tal-SRB dwar il-paragrafu 77, li jispjegaw l-isfidi sistemiċi inerenti fil-proċedura tal-approvazzjoni. Fid-dawl tal-istabbiliment u l-operazzjonalizzazzjoni gradwali tal-proċeduri tal-ippjanar tar-riżoluzzjonijiet f’19-il ġurisdizzjoni differenti, huwa naturali li jista’ jkun hemm bżonn li jsiru aġġustamenti matul dak il-proċess.

79

Abbażi tal-esperjenzi tal-SRB matul iċ-ċikli inizjali, l-SRB għamel ristrutturar taċ-ċiklu ta’ ppjanar tar-riżoluzzjonijiet, fost l-oħrajn, sabiex jiżgura aġġornament annwali kif meħtieġ mill-qafas legali. Madankollu, dan ir-ristrutturar u l-istabbiliment ta’ struttura stabbli tal-Istat jirrikjedu ppjanar u żmien. Għalhekk, l-SRB iddeċieda strateġikament li juża l-2019 bħala sena tranżitorja li matulha kien se jiffoka biss fuq dawk il-pjanijiet fejn l-SRB ta prijorità lill-approvazzjoni formali skont il-bidliet materjali jew fatturi oħra. L-SRB jixtieq jinnota li dan ma waqqafx il-ħidma fuq l-ippjanar tar-riżoluzzjonijiet għall-banek tal-SRB. Fl-2019, l-IRTs komplew bl-attivitajiet tal-ippjanar tar-riżoluzzjonijiet għall-banek kollha taħt il-mandat tal-SRB. Kien biss fir-rigward tal-approvazzjoni formali għall-banek mingħajr kulleġġ ta’ riżoluzzjoni li l-SRB iffoka fuq subsett ta’ pjanijiet ta’ riżoluzzjoni skont proċedura ċara (approċċ ibbażat fuq il-valur miżjud). Barra minn hekk, il-pubblikazzjoni tal-Pakkett Bankarju (BRRD2, eċċ.) fis-sajf tal-2019 ipprovdiet tieqa ta’ opportunità biex il-banek kollha taħt il-mandat tal-SRB jiġu allinjati mill-ġdid għal ċiklu ta’ 12-il xahar u biex dan jiġi sinkronizzat aħjar mal-partijiet ikkonċernati esterni (eż. il-BĊE/il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku).

80

Issir referenza għall-kumment tal-SRB dwar il-paragrafi 77, 79 u 115.

L-approċċ tal-SRB previst għaċ-ċiklu tal-ippjanar tar-riżoluzzjonijiet tal-2018 kien ibbażat fuq l-għan li jiġi żgurat li l-banek b’kulleġġi ta’ riżoluzzjoni, li normalment ikunu l-aktar kumplessi taħt il-mandat tal-SRB, ikunu koperti mill-politiki ta’ riżoluzzjoni l-aktar avvanzati (inkluż dwar l-MREL) biex tiġi żgurata kwalità ogħla tal-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni. Fl-istess ħin, il-banek mingħajr kulleġġi ta’ riżoluzzjoni jkunu soġġetti għal approċċ b’żewġ livelli skont il-grad ta’ prijorità tagħhom, kif maqbul mill-SRB u l-NRAs rilevanti fuq il-bażi tad-daqs, tal-kumplessità u tal-profil tar-riskju tal-bank, fost affarijiet oħra.

L-approċċ li ttieħed għaċ-ċiklu tal-ippjanar tar-riżoluzzjonijiet tal-2019 iffoka fuq banek mingħajr kulleġġ ta’ riżoluzzjoni u żgura li l-banek kollha taħt il-mandat tal-SRB ikunu soġġetti għall-istess sett ta’ politiki ta’ riżoluzzjoni.

Għaċ-ċiklu tal-ippjanar tar-riżoluzzjonijiet tal-2020, il-banek kollha (b’kulleġġi ta’ riżoluzzjoni jew mingħajrhom) se jkunu koperti mis-sett l-aktar komprensiv ta’ politiki ta’ riżoluzzjoni.

Il-pjanijiet ta’ banek inqas sinifikanti ma kinux kollha soġġetti għall-istess livell ta’ kontroll tal-kwalità mill-SRB

83

Jekk jogħġbok irreferi għall-kummenti tal-SRB dwar il-paragrafu VI.

84

F’Ottubru 2018, l-SRB adotta n-Nota ta’ Gwida dwar Obbligi Simplifikati għall-banek taħt il-mandat dirett tiegħu, li tieħu post in-nota ta’ politika oriġinarjament adottata mill-SRB fis-Sessjoni Eżekuttiva tiegħu fl-2016 li tidentifika l-kontenut minimu tal-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni tal-LSI skont l-Obbligi Simplifikati. Għalkemm in-Nota ta’ Gwida tal-2018 mhijiex vinkolanti għall-NRAs meta jabbozzaw il-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni tal-LSI/id-deċiżjonijiet dwar l-Obbligi Simplifikati, serviet madankollu bħala referenza – b’applikazzjoni tal-prinċipju tal-proporzjonalità – għall-valutazzjoni tal-pjanijiet tal-LSI. Flimkien mal-approvazzjoni tal-abbozzi tal-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni tal-LSI, l-SRB immonitorja l-applikazzjoni tal-Obbligi Simplifikati mill-NRAs u l-valutazzjonijiet kwantitattivi u kwalitattivi dettaljati li jwettqu f’dan ir-rigward.

86

Miċ-ċiklu tal-ippjanar tar-riżoluzzjonijiet tal-2019 ’l hawn, l-SRB beda jivverifika wkoll il-valutazzjonijiet kwantitattivi u kwalitattivi dettaljati li l-NRAs iwettqu f’dan ir-rigward.

87

Id-deċiżjoni li jiġu espressi l-fehmiet hija deċiżjoni relatata ma’ politika u mhux obbligu legali. Id-deċiżjoni li ma jiġux espressi fehmiet, fil-każijiet eżaminati mill-QEA, ittieħdet b’kunsiderazzjoni tal-argumenti pprovduti mill-NRAs involuti.

88

L-osservazzjoni tal-QEA hija korretta, madankollu, ta’ min jinnota li l-analiżi dwar l-impedimenti għar-riżolvibbiltà ma twettqitx mill-NRAs u lanqas mill-SRB peress li l-politika rilevanti kienet għadha mhix fis-seħħ fiċ-ċiklu tal-ippjanar tar-riżoluzzjonijiet tal-2018 li huwa rilevanti għall-abbozzi ta’ pjanijiet ta’ riżoluzzjoni tal-LSI fil-kampjun. Barra minn hekk, fil-valutazzjoni tal-pjanijiet tal-LSI għaċ-ċiklu tal-ippjanar tar-riżoluzzjonijiet tal-2018 u speċjalment tal-2019, l-SRB wettaq valutazzjoni dwar l-impedimenti potenzjali għar-riżolvibbiltà li rriżultaw mill-pjanijiet tal-LSI. Ir-riżultati ta’ tali valutazzjoni huma ppreżentati f’nota diskussa mill-Plenarja tal-SRB tal-24 ta’ Ġunju 2020.

89

Kien biss fiċ-ċiklu tal-ippjanar tar-riżoluzzjonijiet tal-LSI tal-2018 li l-SRB esperjenza dewmien fi ftit valutazzjonijiet minħabba kwistjonijiet ġodda ta’ politika. Dan ma kienx il-każ fis-sena ta’ wara.

L-istruttura organizzattiva taħt l-SRM għadha mhix ottimali

Hemm interazzjoni tajba mal-partijiet ikkonċernati iżda l-awtoritajiet tar-riżoluzzjoni jiddependu fuq ir-reazzjoni f’waqtha tas-superviżuri

94

L-SRB mhuwiex f’pożizzjoni li jikkummenta dwar il-kontribuzzjonijiet tal-NRAs li saru fil-kuntest tal-istħarriġ.

95

L-SRB jixtieq jinnota li twettqu reviżjonijiet ex-post fil-forma ta’ analiżi trasversali fuq bażi regolari wara kull ċiklu tal-ippjanar tar-riżoluzzjonijiet. Dawn in-noti dejjem ġew diskussi fil-Laqgħa tal-Ġestjoni u għalhekk l-IRTs kienu infurmati bil-konklużjonijiet tagħhom. Għaċ-ċiklu tal-ippjanar tar-riżoluzzjonijiet tal-2019, ġew organizzati laqgħat ma’ ċerti IRTs biex jiġi żgurat is-segwitu tas-sejbiet.

96

L-SRB mhuwiex f’pożizzjoni li jikkummenta dwar il-kontribuzzjonijiet tal-NRAs li saru fil-kuntest tal-istħarriġ.

99

Fir-rigward tal-miżuri ta’ intervent bikri, il-pożizzjoni tal-SRB hija li tabilħaqq se jkunu meħtieġa bidliet fil-leġiżlazzjoni tal-Livell 1, peress li l-qafas regolatorju attwali ma jidhirx li jistabbilixxi l-inċentivi u l-iskedi ta’ żmien xierqa u lanqas ma jmur biżżejjed kontra l-preġudizzju li jrid jiġi evitat tas-superviżur. Dan jidher b’mod ċar mill-użu limitat ta’ miżuri ta’ intervent bikri mill-Awtoritajiet Kompetenti.

Ir-rappreżentant tal-SRB quddiem l-EBA ressaq ukoll dawn il-fehmiet fid-diskussjoni dwar id-dokument ta’ konsultazzjoni tal-EBA fil-laqgħa tal-Bord tas-Superviżuri f’Mejju 2020. Il-pożizzjoni tal-SRB hija li l-istruttura tal-miżuri ta’ intervent bikri tista’ tiġi riveduta biex jiġi żgurat l-allinjament tal-inċentivi u li l-kontinwazzjoni mis-superviżjoni għar-riżoluzzjoni tiġi ġestita b’mod effettiv mill-awtoritajiet rilevanti (eż. bi skattaturi aktar ċari u bikrin għall-kooperazzjoni). L-SRB talab ukoll li s-superviżur jenħtieġ li jinforma u jinvolvi lill-awtorità ta’ riżoluzzjoni f’punt aktar bikri minn dak previst attwalment fil-BRRD/SRMR.

Din diġà hija prattika tajba fir-realtà, u tista’ tiġi riflessa fil-leġiżlazzjoni. L-awtoritajiet superviżorji u ta’ riżoluzzjoni (fir-rwoli rispettivi u l-preparazzjonijiet tagħhom) jenħtieġ li jiskambjaw l-informazzjoni u jikkooperaw mhux biss meta jiġu adottati miżuri ta’ intervent bikri iżda wkoll fil-proċess tal-valutazzjoni dwar jekk il-miżuri ta’ intervent bikri ġewx sodisfatti.

100

Il-kriterji huma stabbiliti fl-Artikolu 18(4)(a) – (d) tal-SRMR sabiex jiġi ddeterminat meta bank jista’ jitqies li qed ifalli jew li x’aktarx se jfalli. Skont l-Artikolu 32(6) tal-BRRD, l-EBA kienet meħtieġa tiżviluppa linji gwida dwar it-test tal-falliment jew tal-falliment probabbli. Hija għamlet dan fl-2015 meta ppubblikat sett komprensiv ta’ linji gwida dwar l-interpretazzjoni ta’ ċirkostanzi differenti meta istituzzjoni għandha titqies li qed tfalli jew li x’aktarx se tfalli għall-finijiet tal-Artikolu 32(6) tal-BRRD48. Huwa mfakkar li l-kwistjoni tad-definizzjoni ta’ “futur qrib” ġiet ikkunsidrata mill-EBA meta kienet qed tiżviluppa l-linji gwida tal-EBA u din ikkonkludiet li l-benefiċċji li ma tingħatax tali definizzjoni huma akbar mill-benefiċċju li tingħata (ara l-paġni 26-27 tal-linji gwida rilevanti tal-EBA).

Il-persunal fil-livell tal-SRM żdied iżda l-NRAs naqqsu kemm kemm il-kontribuzzjoni tagħhom

101

Fi tmiem Marzu 2020, l-SRB kien jimpjega 358 persuna FTE, iżda kellu 15-il persuna oħra deħlin ikkonfermati u għadd ta’ proċessi ta’ għażla għaddejjin biex jimtlew il-pożizzjonijiet battala l-oħra kollha li kien fadal. Għadd ta’ postijiet battala kienu parzjalment ikkumpensati minn persunal temporanju (22 fi tmiem Marzu) waqt l-istennija għad-dħul ta’ persuni ġodda jew biex jiġu ffinalizzati l-għażliet. Barra minn hekk, għandu jiġi kkunsidrat id-dawran naturali tal-impjegati.

103

L-SRB jixtieq jinnota li l-allokazzjoni tal-persunal lill-IRTs mill-NRAs hija fatt li jenħtieġ li ma jiġix interpretat bħala li t-tnaqqis tal-persunal tal-NRA huwa kkumpensat minn kwalunkwe żieda tal-SRB. Il-paragun tal-proporzjonijiet tal-SRB u tal-BĊE mhuwiex neċessarjament xieraq. It-tip, l-istruttura, l-organizzazzjoni u l-allokazzjoni tax-xogħol fil-qasam tas-superviżjoni u fil-qasam tar-riżoluzzjoni huma totalment differenti. Is-superviżjoni kontinwa tirrikjedi ħafna aktar riżorsi lokali qrib il-banek u fuq il-post.

Tabella 6: L-SRB iċċentralizza l-ġbir tal-informazzjoni, iżda mhuwiex f’pożizzjoni li jivverifika d-data pprovduta mill-NRAs.

104

L-SRB ma għandu l-ebda kontroll fuq il-kontribuzzjoni kwantitattiva tal-NRAs lill-IRTs. Barra minn hekk, il-perċentwali tal-persunal skont in-numru ta’ banek jistgħu ma jkunux l-aħjar referenza. Aspetti bħall-anzjanità tal-persunal, id-daqs jew il-kumplessità tal-banek mhumiex ikkunsidrati.

105

Aspetti bħan-numru u l-anzjanità tal-persunal, id-daqs jew il-kumplessità tal-banek u l-ħiliet speċifiċi tal-persunal huma elementi rilevanti fil-kompożizzjoni ta’ IRT. Madankollu, il-flessibbiltà hija indispensabbli biex il-ħiliet u l-kwalifiki jiġu allokati b’mod effiċjenti fejn ikunu meħtieġa u f’konformità mal-ispeċifiċitajiet ta’ kull bank. L-eteroġeneità tal-kompożizzjoni tal-IRT hija konsegwenza naturali u indispensabbli tal-karattru uniku ta’ kull bank. Kompożizzjoni riġida tat-tim toħloq ineffiċjenzi fl-allokazzjoni tal-persunal.

Barra minn hekk, jenħtieġ li jiġu kkunsidrati r-rimarki li ġejjin meta tiġi diskussa l-kompożizzjoni “ideali” jew ibbilanċjata tal-IRTs:

  • Il-kontribuzzjoni tal-NRAs ma tistax tiġi evalwata biss f’termini ta’ “numri”. Il-kontribuzzjoni u l-kwalità tal-kontribuzzjonijiet għall-abbozzar tal-pjanijiet jistgħu jkunu kwistjoni f’ċerti każijiet u f’xi każijiet il-kontribuzzjoni tal-NRAs tista’ tkun limitata. L-SRB jirrikjedi livell minimu ta’ persunal tal-SRB biex iżomm l-istandards tal-kwalità.
  • Irrispettivament minn kemm-il persuna taħdem fl-NRAs, l-SRB jirrikjedi għadd minimu ta’ FTEs għal kull bank biex iwettaq kompiti li jistgħu jitwettqu biss fl-SRB u biex isegwi l-kwistjonijiet kollha mingħajr ma jiddependi b’mod sħiħ fuq l-esperti fl-NRAs.

Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

108

L-SRB jilqa’ l-progress rikonoxxut mill-QEA. Ma jaqbilx mal-konklużjoni tal-QEA dwar in-nuqqas ta’ “elementi ewlenin”, peress li din tista’ tagħti l-impressjoni li l-SRM għadu mhux se jwettaq id-dmirijiet tiegħu minħabba li xi elementi rilevanti għall-SRB huma neqsin, li huwa ċar li mhuwiex il-każ. F’dan ir-rigward, bħala minimu jenħtieġ li jiġu nnutati l-elementi li ġejjin:

L-SRB żviluppa u aġġorna għadd kbir ta’ politiki fl-2018 u l-2019, perjodu li kien ikkaratterizzat minn tibdil fl-ambjent regolatorju bil-linji gwida tal-Bord għall-Istabbiltà Finanzjarja u tal-EBA jiżviluppaw kontinwament u l-BRRD II fi triqtu. F’dan l-ambjent regolatorju diffiċli, l-SRB kien meħtieġ iwettaq il-funzjonijiet regolatorji tiegħu, filwaqt li jiżgura li l-bidliet leġiżlattivi importanti fuq firxa ta’ kwistjonijiet, inkluż l-MREL, ikunu implimentati b’mod korrett.

L-aġġornament tal-politiki tal-ippjanar tar-riżoluzzjonijiet huwa proċess li għadu għaddej, li juri governanza soda u jirrifletti l-bidliet fil-qafas legali li l-SRB huwa marbut li jimplimenta. Dan huwa appoġġjat mill-fatt li ċerti elementi meħtieġa għall-iżvilupp ta’ politiki huma saħansitra barra mill-kontroll anki tal-SRB, bħall-progress dwar il-likwidità u l-għażliet ta’ garanzija ta’ kontinġenza fiskali.

L-SRM qed jieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa f’termini ta’ attivitajiet ta’ riżoluzzjoni f’kull ċiklu ta’ riżoluzzjoni (l-MREL, il-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni, il-valutazzjoni tar-riżolvibbiltà, eċċ.). Fir-rigward tal-konformità mal-Ġabra Unika tar-Regoli, jenħtieġ li jiġi nnutat li 70 % tal-elementi kienu konformi jew parzjalment konformi u għadd rilevanti tal-elementi mhux konformi rriżultaw minn bidliet fil-qafas legali.

L-SRB jilqa’ l-valutazzjoni tal-QEA rigward ir-rakkomandazzjonijiet maħruġa fir-Rapport Speċjali Nru 23/2017 u jifhem li kwalunkwe segwitu futur se jkopri biss ir-rakkomandazzjonijiet fir-rapport attwali.

109

Fir-rigward tal-finanzjament fir-riżoluzzjoni, jenħtieġ li jiġi delineat li hija meħtieġa attenzjoni leġiżlattiva fir-rigward tal-osservazzjoni skont il-paragrafu 32, jiġifieri l-limitazzjonijiet tal-qafas minħabba kapaċitajiet finanzjarji insuffiċjenti.

110

Ara l-kummenti tal-SRB dwar il-paragrafi 31-36.

111

Ara l-kummenti tal-SRB dwar il-paragrafi 38-41, 47-56 u 57-65.

L-SRB huwa tal-fehma li huwa meħtieġ ġudizzju espert fl-applikazzjoni tal-politiki tiegħu biex jiġu żgurati l-proporzjonalità u kundizzjonijiet ekwi, li ma jistgħux jinkisbu permezz ta’ approċċ “wieħed tajjeb għal kulħadd”.

Jenħtieġ li jiġi mfakkar li l-proċess għall-identifikazzjoni u l-indirizzar ta’ impedimenti sostantivi huwa min-natura tiegħu stess inerenti għall-każ u jirrikjedi li l-IRTs jeżerċitaw diskrezzjoni bbażata fuq il-fatti ta’ kull każ individwali u jikkunsidraw il-prinċipju tal-proporzjonalità. L-aktar importanti, il-valutazzjoni sottostanti trid tidentifika impedimenti li għandhom il-potenzjal li jaffettwaw ir-riżolvibbiltà ġenerali ta’ kull bank fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-eżerċizzju. Il-fatturi li tistrieħ fuqhom din il-valutazzjoni biex titlesta jinterrogaw, fost oħrajn, il-progress li sar mill-bank partikolari fit-tisħiħ tar-riżolvibbiltà tiegħu għall-kundizzjoni ta’ riżolvibbiltà rilevanti taħt valutazzjoni, l-interazzjoni ma’ kundizzjonijiet oħra ta’ riżoluzzjoni u l-impatt tagħhom fuq ir-riżolvibbiltà tal-bank kollu kemm hu.

Fir-rigward tan-natura vinkolanti tal-Manwal għall-ippjanar tar-riżoluzzjoni, jekk jogħġbok irreferi għall-kummenti tal-SRB dwar il-paragrafu 30.

112

L-Aspettattivi għall-Banek jistabbilixxu l-kapaċitajiet li l-banek jenħtieġ li juru biex juru li huma riżolvibbli. Fejn bank ma jurix b’mod sħiħ il-konformità mal-prinċipji tal-Aspettattivi għall-Banek, xorta waħda jista’ jiġi vvalutat bħala riżolvibbli (eż. xi aspettattivi ma japplikawx, jew in-nuqqas ta’ dimostrazzjoni tagħhom ma joħloqx impediment materjali għall-eżekuzzjoni b’suċċess tal-istrateġija).

Fir-rigward tas-sentenza li “[i]l-leġiżlaturi ma tawx skeda ta’ żmien bħal din biex il-banek ikunu riżolvibbli għalkollox”, jekk jogħġbok ara l-kumment tal-SRB dwar il-paragrafi 52 u 54.

Rakkomandazzjoni 1 – Titjib tal-politiki tal-SRM

(a) Aċċettata, il-ħidma diġà għaddejja; ara l-kummenti tal-SRB dwar il-paragrafi 31-34.

(b) Aċċettata.

L-SRB itejjeb il-politiki tiegħu fuq bażi regolari kif meħtieġ b’mod partikolari fil-kuntest ta’ qafas regolatorju li qed jevolvi (ara l-paragrafu 37 rigward il-kelma “dgħufijiet”).

(c) Parzjalment aċċettata.

L-SRB jaċċetta li jirrikjedi lill-IRTs japplikaw approċċ ta’ konformità jew spjegazzjoni sa fejn jirreferi għal devjazzjonijiet li huma sinifikanti. Jekk jogħġbok ara l-kumment tal-SRB dwar il-paragrafu 30.

Skeda ta’ żmien: Meta titqies l-isfida tal-istabbiliment ta’ politiki skont qafas legali li qed jevolvi, l-SRB jikkunsidra li l-iskedi ta’ żmien huma xierqa sakemm il-qafas legali jiġi stabbilizzat sew minn qabel.

113

Il-Bord għandu jistabbilixxi d-data sa meta għandhom jiġu mfasslin l-ewwel pjanijiet ta’ riżoluzzjoni. Bħala tali, il-Bord diġà impenja ruħu pubblikament għaċ-ċiklu tal-ippjanar tar-riżoluzzjonijiet tal-2020/2021 biex jagħmel dan. Barra minn hekk, fi kwalunkwe każ l-ippjanar tar-riżoluzzjonijiet huwa proċess kontinwu kif meħtieġ skont l-Artikolu 8(12) tal-SRMR (li jipprevedi li l-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni għandhom jiġu riveduti u fejn xieraq aġġornati, mill-inqas kull sena). Għall-kuntrarju tal-osservazzjoni tal-QEA, l-SRB iqis li mhuwiex legalment meħtieġ li jiddetermina data preċiża għat-tlestija ta’ kull pjan ta’ riżoluzzjoni għal kull bank separatament. Għalhekk, l-SRB iqis li r-rekwiżit legali huwa sodisfatt.

B’kunsiderazzjoni tal-paragrafu 76 u tar-referenza għall-aspettattivi tal-banek, hemm perkors ċar sa meta għandhom jinkisbu l-aspettattivi għall-banek, li huwa indipendenti milli jkollhom pjan ta’ riżoluzzjoni konformi u sħiħ skont il-Ġabra Unika tar-Regoli (ara wkoll il-kummenti tal-SRB għall-paragrafu 112).

Ara wkoll il-kummenti, fir-rigward tal-istatistika użata, fil-paragrafu 77 (Tabella 5).

Fir-rigward tas-sistema ta’ kontroll tal-kwalità, ara l-kummenti tal-SRB dwar il-paragrafu 75.

114

Meta jiġi stabbilit u implimentat reġim (ta’ riżoluzzjoni) kompletament ġdid, huwa mistenni li l-metodoloġiji, il-politiki, il-gwida għall-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-progress tal-bank jiġu żviluppati maż-żmien.

L-SRB jixtieq jenfasizza li, mingħajr ma jsegwi approċċ pass pass ibbażat fuq l-esperjenza, ma jistax jiġi stabbilit qafas ġdid kredibbli u li jiffunzjona tajjeb. Għal dan il-għan, matul l-aħħar snin, l-SRB ipproduċa u ppubblika dokumenti ta’ gwida fuq bażi regolari (ara l-kummenti għall-paragrafi 31-34).

115

Fir-rigward tal-prijoritizzazzjoni tal-banek matul iċ-ċiklu tal-ippjanar tar-riżoluzzjonijiet tal-2018, jekk jogħġbok ara l-ispjegazzjoni mogħtija fil-paragrafi 76-80.

Prijoritizzazzjoni taċ-ċiklu tal-2018 ta’ banek sistemikament importanti:

L-SRB jixtieq jinnota li l-SRMR ma jippreskrivix kif din il-forma ta’ prijoritizzazzjoni kellha tiġi implimentata u għalhekk kien f’idejn l-SRB li jiddetermina kif għandu jintlaħaq dan l-objettiv fil-preambolu, kemm f’termini ta’ żmien kif ukoll ta’ kwalità. L-SRB ta prijorità lill-kwalità tal-pjanijiet għal banek sistemikament importanti.

Numru ta’ banek fiċ-ċiklu tal-2019:

Bħala parti mir-rekwiżit ta’ prijoritizzazzjoni, l-SRB ikkunsidra li l-BRRD2 u l-SRMR2 kienu qed jiġu nnegozjati matul iċ-ċikli tal-ippjanar tar-riżoluzzjonijiet tal-2018 u l-2019. B’riżultat ta’ dan, kien ikun kontroproduttiv li l-banek b’kulleġġ ta’ riżoluzzjoni jingħataw prijorità f’termini taż-żmien. Tali approċċ kien jirriżulta fl-istabbiliment, minkejja n-nuqqas ta’ rekwiżiti leġiżlattivi ċari, għall-ewwel darba, ta’ miri vinkolanti, perjodi ta’ tranżizzjoni eċċ. għall-banek b’għadd ta’ sussidjarji li jeħtieġu deċiżjonijiet individwali tal-MREL u approvazzjoni ta’ deċiżjonijiet li jinvolvu NRAs differenti.

Rakkomandazzjoni 2 – Żgurar ta’ konformità sħiħa u ta’ adozzjoni f’waqtha tal-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni

Rakkomandazzjoni 2a

Aċċettata. Il-pjanijiet abbozzati fiċ-ċiklu attwali tal-ippjanar tar-riżoluzzjonijiet (li jkopru l-banek kollha) diġà jibbenefikaw minn sett imsaħħaħ ta’ politiki, inklużi l-Aspettattivi għall-Banek u gwida dwar il-protokoll tar-rikapitalizzazzjoni interna. Abbażi ta’ din il-gwida addizzjonali, il-kwalità tal-pjanijiet kollha fiċ-ċiklu tal-2020 tjiebet b’mod konsiderevoli meta mqabbla maċ-ċikli tal-2018 u l-2019.

Il-programm pluriennali tal-2021-2023 jipprevedi l-implimentazzjoni tal-qafas legali rivedut. Madankollu, l-EBA se tiffinalizza diversi standards tekniċi regolatorji fix-xhur/snin li ġejjin li se jkollhom impatt ukoll fuq il-Ġabra Unika tar-Regoli. Għalhekk, il-konformità mal-Ġabra Unika tar-Regoli qed tevolvi kontinwament. Konsegwentement, il-konformità sħiħa mal-Ġabra Unika tar-Regoli, b’mod partikolari għall-2018, bħala valutazzjoni statika ma tistax tkun l-uniku element li jiġi kkunsidrat meta tiġi vvalutata l-kwalità tal-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni, sakemm il-qafas rilevanti jkun qed jinbidel. Huwa biss ladarba l-bażi ta’ referenza (l-istandards tekniċi regolatorji tal-EBA, il-Pakkett Bankarju, l-implimentazzjoni nazzjonali tal-BRRD2) tidħol fi “stat stabbli” li approċċ statiku jista’ jkun aktar rilevanti.

Għalhekk, f’dan l-ambjent li qed jevolvi, huwa aktar xieraq li tingħata attenzjoni lil indikaturi aktar rilevanti, bħall-monitoraġġ tal-konformità mal-Ġabra Unika tar-Regoli li qed tiżviluppa, filwaqt li jitqies ukoll li wara l-finalizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Livell 2, trid tiġi żviluppata gwida operazzjonali.

Rakkomandazzjoni 2b

Aċċettata. L-SRB diġà ssimplifika l-proċeduri fl-2020 sabiex ikun jista’ jikseb ċiklu ta’ 12-il xahar. Il-Bord regolarment iwettaq eżerċizzji ta’ tagħlimiet meħuda biex jiżgura li kull ċiklu tal-ippjanar tar-riżoluzzjonijiet jitwettaq b’aktar effiċjenza minn dak preċedenti. Fil-futur se jkompli jagħmel dan bil-ħsieb li tiġi żgurata l-adozzjoni f’waqtha tal-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni u d-deċiżjonijiet tal-MREL.

L-SRB jixtieq jenfasizza li l-aktar elementi li jieħdu ħin fil-proċess tal-ippjanar tar-riżoluzzjonijiet huma meħtieġa mil-liġi (il-kulleġġ ta’ riżoluzzjoni, il-konsultazzjoni tal-BĊE), u mhumiex kompletament f’idejn l-SRB.

Barra minn hekk, fil-każ ta’ banek li għalihom hemm stabbilit kulleġġ ta’ riżoluzzjoni, il-Bord huwa marbut li josserva l-proċessi għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet konġunti dwar il-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni u l-MREL, kif meħtieġ mill-qafas legali.

Meta jittieħdu flimkien, dawn ir-restrizzjonijiet taż-żmien jagħmlu l-issodisfar tal-obbligu ta’ reviżjoni mill-inqas kull sena tal-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni (l-Artikolu 8(12) tal-SRMR) partikolarment diffiċli. Ir-restrizzjonijiet imsemmija hawn fuq imposti mil-leġiżlazzjoni tal-UE min-natura tagħhom jieħdu ħafna żmien u l-Bord irid jopera fi ħdanhom.

Skeda ta’ żmien:

Rakkomandazzjoni 2a:

Ara l-kumment ta’ hawn fuq. Il-Ġabra Unika tar-Regoli tinkludi sett ta’ obbligi li qed jevolvi għall-SRB ukoll u għalhekk ma tistax tiġi stabbilita skadenza għall-konformità sakemm dan ikun għadu ma ġiex iffinalizzat.

Rakkomandazzjoni 2b:

Ara l-kumment ta’ hawn fuq. L-iskeda ta’ żmien għaċ-ċiklu tal-2020 diġà ġiet stabbilita. Għalhekk aktar miżuri potenzjali (sal-punt fil-kontroll tal-SRB) se jaffettwaw iċ-ċiklu tal-2021.

116

Ara l-kummenti tal-SRB dwar il-paragrafi 80-84.

117

Ara l-kummenti tal-SRB dwar il-paragrafi 86-88.

118

Aspetti bħan-numru u l-anzjanità tal-persunal, id-daqs jew il-kumplessità tal-banek u l-ħiliet speċifiċi tal-persunal huma elementi rilevanti fil-kompożizzjoni ta’ IRT. Madankollu, il-flessibbiltà hija indispensabbli biex il-ħiliet u l-kwalifiki jiġu allokati b’mod effiċjenti fejn ikunu meħtieġa u f’konformità mal-ispeċifiċitajiet ta’ kull bank. L-eteroġeneità tal-kompożizzjoni tal-IRT hija konsegwenza naturali u indispensabbli tal-karattru uniku ta’ kull bank. Fil-fatt, kompożizzjoni riġida ġġorr ir-riskju li l-ħiliet u r-riżorsi jiġu allokati b’mod ineffiċjenti.

Il-kontribuzzjoni tal-NRAs ma tistax tiġi evalwata biss f’termini ta’ “numri”. Il-kontribuzzjoni u l-kwalità tal-kontribuzzjonijiet għall-abbozzar tal-pjanijiet jistgħu jvarjaw ukoll. Irrispettivament minn kemm-il persuna taħdem fl-NRAs, l-SRB jirrikjedi għadd minimu ta’ FTEs għal kull bank biex iwettaq kompiti li jistgħu jitwettqu biss fl-SRB u biex isegwi l-kwistjonijiet kollha mingħajr ma jiddependi b’mod sħiħ fuq l-esperti fl-NRAs. Ara l-kummenti tal-SRB dwar il-paragrafu 105.

Rakkomandazzjoni 3 – Titjib tal-istruttura organizzattiva tal-SRM

(a) Aċċettata.

(b) Aċċettata. L-SRB huwa miftuħ għall-idea li jiġu żviluppati kriterji bil-fehim li se jiġi żgurat li se tinżamm biżżejjed flessibbiltà filwaqt li tiġi ċċarata l-kontribuzzjoni tal-persunal tal-SRB u tal-NRAs għall-IRTs.

L-SRB jixtieq jinnota li kompożizzjoni riġida ta’ tim f’termini ta’ ħiliet u anzjanità tista’ toħloq ineffiċjenzi fl-allokazzjoni tal-persunal. Barra minn hekk, irrispettivament minn kemm-il persuna taħdem fl-NRAs, l-SRB jirrikjedi għadd minimu ta’ FTEs għal kull bank biex iwettaq kompiti li jistgħu jitwettqu biss fl-SRB u biex isegwi l-kwistjonijiet kollha mingħajr ma jiddependi b’mod sħiħ fuq l-esperti fl-NRAs.

121

Kriterji ċari huma stabbiliti taħt l-Artikolu 18(4)(a) – (d) tal-SRMR sabiex jiġi ddeterminat meta bank jista’ jitqies li qed ifalli jew li x’aktarx se jfalli. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 32(6) l-EBA kienet meħtieġa tiżviluppa linji gwida dwar it-test tal-falliment jew tal-falliment probabbli. Hija għamlet dan fl-2015 meta ppubblikat sett komprensiv ta’ linji gwida dwar l-interpretazzjoni ta’ ċirkostanzi differenti meta istituzzjoni għandha titqies li qed tfalli jew li x’aktarx se tfalli għall-finijiet tal-Artikolu 32(6) tal-BRRD. Dan jistabbilixxi gwida għall-elementi ta’ objettivi għall-ewwel tliet ċirkostanzi li qed ifallu jew li x’aktarx ifallu. L-approċċ tal-SRB għal valutazzjonijiet ta’ falliment jew ta’ falliment probabbli jikkonforma mal-linji gwida msemmija tal-EBA.

F’dan ir-rigward, kriterji oġġettivi u kwantifikati huma milqugħa, iżda kwalunkwe azzjoni awtomatika li tirriżulta mil-limiti jenħtieġ li tiġi evitata.

Rakkomandazzjoni 4 – Stabbiliment ta’ kriterji ċari u oġġettivi għal azzjoni superviżorja f’waqtha

Aċċettata parzjalment, soġġetta għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni tar-rakkomandazzjoni. Ikunu milqugħa limiti aktar oġġettivi u kwantifikati biex jiskattaw miżuri ta’ intervent bikri u tintlaħaq id-deċiżjoni li bank qed ifalli jew x’aktarx se jfalli. L-Intervent Bikri jaqa’ primarjament taħt ir-responsabbiltà tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku. Fir-rigward tal-falliment jew il-falliment probabbli, jenħtieġ li jiġi nnutat li l-SRB innifsu għandu s-setgħa li jiddikjara li bank qed ifalli jew x’aktarx se jfalli li għalih ikun żviluppa approċċ, li jkun konformi mal-linji gwida tal-EBA. Kwalunkwe azzjoni awtomatika li tirriżulta mil-limiti minimi jenħtieġ li tiġi evitata.

Madankollu, il-possibbiltajiet istituzzjonali tal-SRB li javviċina lil-leġiżlaturi għal reviżjonijiet leġiżlattivi possibbli huma limitati. Naturalment, dan huwa mingħajr preġudizzju għad-disponibbiltà tal-SRB biex jassisti lill-Kummissjoni u lil-leġiżlaturi minn perspettiva teknika għal dan il-kompitu. Fil-fatt, l-SRB huwa u se jkun f’kuntatt mal-Kummissjoni u l-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku dwar titjib possibbli fil-qafas tal-ġestjoni tal-kriżijiet tal-banek u l-irfinar tal-prattiki.

Annessi

Anness 1 – Figura 9

Ta’ min jenfasizza li l-korpi governattivi bbażati fuq l-SRMR diġà huma ta’ sfida għall-puntwalità taċ-ċikli annwali tal-ippjanar tar-riżoluzzjonijiet. L-organizzazzjoni ta’ Sessjonijiet Eżekuttivi Estiżi speċifiċi għall-bank teħtieġ ħafna kompożizzjonijiet differenti tal-Bord. L-għadd ta’ kompożizzjonijiet ta’ Sessjonijiet Eżekuttivi Estiżi jkun daqs l-għadd ta’ banek li jaqgħu taħt il-mandat dirett tal-SRB. Dan huwa fattur ieħor li jaffettwa l-organizzazzjoni u l-operazzjonalizzazzjoni taċ-ċikli tal-ippjanar tar-riżoluzzjonijiet, li ma jaqgħux taħt il-kontroll tal-SRB (fost il-kwistjonijiet l-oħra mqajma fil-punt 76 hawn fuq).

Risposti tal‑Kummissjoni

Sommarju eżekuttiv

V

Il-qafas ta’ riżoluzzjoni jipprevedi finanzjament għar-riżoluzzjoni permezz tal-istabbiliment obbligatorju ta’ fondi ta’ riżoluzzjoni madwar l-UE. Fil-livell tal-Unjoni Bankarja b’mod partikolari, il-finanzjament għar-riżoluzzjoni huwa pprovdut mill-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni ((Single Resolution Fund), SRF). Il-Kummissjoni tinnota li l-garanzija ta’ kontinġenza komuni għall-SRF, li għandha tiġi pprovduta fil-forma ta’ linja ta’ kreditu rotanti mill-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (MES), hija f’idejn l-Istati Membri. Fl-aħħar nett, l-insolvenza hija rregolata mil-liġijiet nazzjonali tal-Istati Membri u tiġi applikata għall-banek biss meta l-awtorità tar-riżoluzzjoni rilevanti tiddeċiedi li bank inadempjenti ma għandux jiġi riżolt permezz ta’ proċedimenti ta’ riżoluzzjoni.

Introduzzjoni

02

Il-Kummissjoni tixtieq issemmi li l-BĊE għandu wkoll rwol x’jaqdi.

03

Il-Kummissjoni tindika li t-terminu “depożitanti koperti” jirreferi għal dawk id-depożitanti koperti mid-Direttiva dwar Skemi ta’ Garanzija tad-Depożiti ((Deposit Guarantee Schemes Directive), DGSD).

04

Il-Kummissjoni tinnota li d-DGSD tifforma wkoll parti importanti mill-qafas ta’ riżoluzzjoni.

06

Il-Kummissjoni tenfasizza li l-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni ((Single Resolution Board), SRB) huwa responsabbli wkoll għall-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni ta’ istituzzjoni inqas sinifikanti meta tkun teħtieġ l-użu tal-SRF.

09

Il-Kummissjoni tqis li bank ikun riżolvibbli meta jkun fattibbli u kredibbli li l-bank jiġi riżolt filwaqt li jiġu minimizzati l-effetti negattivi għall-istabbiltà finanzjarja u tiġi żgurata l-kontinwità tal-funzjonijiet kritiċi.

14

L-ewwel inċiż: Il-Kummissjoni tixtieq tiċċara li l-EBA hija responsabbli biss għall-iżvilupp ta’ abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji, li mbagħad jiġu ppreżentati lill-Kummissjoni u adottati permezz ta’ regolamenti delegati jew ta’ implimentazzjoni.

16

Il-Kummissjoni tinnota li r-rapport tagħha ta’ April 2019 isemmi li din il-konklużjoni ntlaħqet, fost l-oħrajn, fid-dawl tal-esperjenza limitata mill-applikazzjoni tal-qafas u l-għadd limitat ta’ każijiet, l-implimentazzjoni gradwali ta’ wħud mid-dispożizzjonijiet tal-BRRD u n-negozjati dwar il-BRRD2, li sadanittant ġew konklużi u li jinsabu fil-proċess li jiġu trasposti mill-Istati Membri.

Osservazzjonijiet

38

Il-Kummissjoni tixtieq tiġbed l-attenzjoni li f’konformità mal-BRRD/SRMR, azzjoni ta’ riżoluzzjoni għandha tiġi ttrattata bħala fl-interess pubbliku jekk tkun meħtieġa għall-ksib ta’ waħda jew aktar mill-objettivi u tkun proporzjonata għaliha/għalihom, u jekk l-istralċ tal-istituzzjoni taħt proċeduri normali ta’ insolvenza ma jilħaqx dawn l-objettivi ta’ riżoluzzjoni sal-istess punt. Dawn l-objettivi ta’ riżoluzzjoni huma (a) li tiġi żgurata l-kontinwità tal-funzjonijiet kritiċi; (b) li jiġi evitat effett negattiv sinifikanti fuq is-sistema finanzjarja, b’mod partikolari permezz tal-prevenzjoni tal-kontaġju, inkluż fl-infrastrutturi tas-suq, u billi tinżamm id-dixxiplina tas-suq; (c) li jiġu protetti l-fondi pubbliċi billi tiġi mminimizzata d-dipendenza fuq l-għajnuna finanzjarja pubblika straordinarja; (d) li jiġu protetti d-depożitaturi koperti bid-Direttiva 2014/49/UE u l-investituri koperti bid-Direttiva 97/9/KE; u (e) li jiġu protetti l-fondi u l-assi tal-klijenti. Meta ssegwi dawn l-objettivi, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni għandha tfittex li timminimizza l-ispiża tar-riżoluzzjoni u tevita d-distruzzjoni tal-valur sakemm ma jkunx meħtieġ għall-ilħuq tal-objettivi ta’ riżoluzzjoni.

42

Fir-rigward tal-illustrazzjoni 7, il-Kummissjoni tixtieq tiċċara li l-mezzi ta’ finanzjament disponibbli tal-fond ta’ riżoluzzjoni mhumiex limitu fuq l-appoġġ li tista’ tipprovdi. Il-fond ta’ riżoluzzjoni jista’ jiġbor kontribuzzjonijiet ex-post jew it-teħid ta’ self b’kuntratt (ara l-Artikolu 100(4) tal-BRRD).

It-tieni inċiż: Il-Kummissjoni l-ewwel tixtieq tindika li l-kredituri superjuri jkollhom ikunu soġġetti biss għal rikapitalizzazzjoni interna f’riżoluzzjoni qabel ma l-SRF ikun jista’ jintervjeni meta r-rikapitalizzazzjoni interna ta’ kredituri superjuri tkun meħtieġa biex jintlaħaq il-limitu ta’ 8 %. Għalhekk, il-kredituri superjuri mhumiex neċessarjament dejjem soġġetti għar-rikapitalizzazzjoni interna.

Fir-rigward tal-proċedimenti ta’ insolvenza, il-Kummissjoni tinnota li dawn il-proċedimenti mhumiex armonizzati u li l-BRRD ma jirregolahomx ħlief għall-ġerarkija tal-kredituri.

Il-Kummissjoni tqis li r-rekwiżiti li japplikaw għall-għajnuna mill-Istat fi proċedimenti ta’ insolvenza mhumiex rilevanti għall-valutazzjoni tal-interess pubbliku li titwettaq mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni abbażi ta’ kriterji stabbiliti minn bażi ġuridika differenti mill-valutazzjoni tal-għajnuna mill-Istat li titwettaq mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikoli 107 u 108 tat-TFUE.

43

Kif tirrikonoxxi l-QEA nnifisha, hemm żewġ valutazzjonijiet indipendenti u dawn jitwettqu minn entitajiet differenti, jiġifieri mill-SRB u mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni tenfasizza li dawn il-valutazzjonijiet għandhom bażijiet legali u objettivi differenti, u għalhekk iqisu kriterji differenti.

Fir-rigward tar-referenza tal-QEA għall-osservazzjonijiet tagħha dwar l-għajnuna għal-likwidazzjoni f’awditu preċedenti, il-Kummissjoni tinnota dan li ġej:

  • Ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat mhumiex is-suġġett ewlieni ta’ dan l-awditu. L-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat mhijiex parti mill-attivitajiet tal-SRB, b’kuntrast mal-applikazzjoni tal-valutazzjoni tal-interess pubbliku. Għalhekk, il-Kummissjoni tista’ tagħmel biss referenza ġenerali għat-tweġibiet tagħha fl-anness tar-Rapport Speċjali Nru 21/2020 tal-QEA. Għall-benefiċċju tal-qarrejja, l-elementi ewlenin ta’ dawn it-tweġibiet huma miġbura fil-qosor hawn taħt;
  • il-Kummissjoni tivvaluta l-għajnuna mill-Istat biex tappoġġja lill-banek skont l-Artikolu 107(3)(b) tat-TFUE li jippermetti għajnuna biex tirrimedja taqlib serju fl-ekonomija;
  • Huwa l-Istat Membru kkonċernat li għandu juri li l-għajnuna kienet meħtieġa minħabba tfixkil serju fin-nuqqas ta’ għajnuna mill-Istat. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tivvaluta jekk l-argumenti mressqa mill-awtoritajiet nazzjonali kinux sodi jew, fejn applikabbli u neċessarji, jekk kinitx meħtieġa evidenza addizzjonali.
  • Għall-miżuri ta’ għajnuna għal-likwidazzjoni vvalutati mill-QEA f’dak l-awditu preċedenti, il-Kummissjoni kienet sabet li l-evidenza pprovduta mill-Istati Membri kienet biżżejjed. Fejn rilevanti, din l-evidenza ġiet ikkombinata mal-għarfien tal-Kummissjoni dwar is-sitwazzjoni ekonomika ġenerali fl-Istat Membru kkonċernat.
44

Il-Kummissjoni ttenni li t-test tal-interess pubbliku mwettaq mill-SRB u l-valutazzjoni tal-għajnuna mill-Istat imwettqa mill-Kummissjoni għandhom bażijiet ġuridiċi u objettivi differenti, u għalhekk iqisu kriterji differenti.

F’dan l-isfond, il-Kummissjoni tindika li t-test tal-interess pubbliku skont ir-regoli tal-UE dwar ir-riżoluzzjoni tal-banek jikkunsidra biss jekk l-istralċ tal-banek jaffettwax l-istabbiltà finanzjarja - u jekk l-objettivi tar-riżoluzzjoni jistgħux jintlaħqu b’mod ugwali mil-liġi nazzjonali tal-insolvenza.

Il-Kummissjoni tinnota li dan il-paragrafu jħallat proċessi differenti minn atturi differenti. Sa fejn hija kkonċernata l-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna mill-Istat f’każijiet rieżaminati minn awditu preċedenti, il-Kummissjoni tfakkar li filwaqt li l-SRB ikkunsidra taħt il-bażi legali rispettiva (SRMR) li ma kien hemm l-ebda interess pubbliku li dawn il-banek jitqiegħdu f’riżoluzzjoni, il-ħruġ tagħhom mis-suq xorta waħda kien jikkawża effetti ekonomiċi negattivi sinifikanti fir-reġjuni fejn dawn il-banek kienu l-aktar attivi. Għalhekk, il-kundizzjoni li l-għajnuna teħtieġ li tirrimedja taqlib serju fl-ekonomija skont l-Artikolu 107 tat-TFUE ġiet issodisfata u l-Kummissjoni setgħet fuq din il-bażi tapprova għajnuna għal-likwidazzjoni għall-ħruġ ordnat mis-suq ta’ dawk il-banek. L-azzjonisti u l-kredituri subordinati kkontribwew bis-sħiħ għal dawn il-każijiet, u b’hekk naqqsu l-ispiża għall-Istat Membru kkonċernat.

45

Il-Kummissjoni tqis li huwa importanti li jiġi ċċarat li dan il-paragrafu jitkellem dwar l-armonizzazzjoni ta’ aspetti tal-liġijiet nazzjonali dwar l-insolvenza tal-“banek”.

46

Il-Kummissjoni tinnota li l-kummenti u l-fehmiet tagħha dwar l-Artikolu 8(6) tal-SRMR ġew espressi fil-kuntest ta’ proċedura bil-miktub tal-SRB u kienu jikkonċernaw l-applikazzjoni tad-dispożizzjoni fil-każ speċifiku tal-ippjanar tar-riżoluzzjoni u l-istabbiliment tal-MREL għal bank partikolari minn awtorità nazzjonali ta’ riżoluzzjoni. F’din is-sitwazzjoni partikolari, interpretazzjonijiet differenti tad-dispożizzjoni jistgħu jkunu possibbli.

99

Fir-rigward tal-miżuri ta’ intervent bikri ((early intervention measures), EIM), u kif jidher mid-dokument ta’ diskussjoni tal-EBA dwar l-EIM, jista’ jkun hemm għadd ta’ raġunijiet għaliex l-EIM ma jistgħux jintużaw u kwalunkwe limitu/skattatur huwa biss parti mill-istampa li għandha tiġi kkunsidrata bir-reqqa meta titfassal it-triq ’il quddiem f’dan il-qasam.

100

Il-Kummissjoni tqis li d-definizzjoni ta’ falliment jew ta’ probabbiltà ta’ falliment ((failing or likely to fail), FOLTF) fil-BRRD hija preċiża biżżejjed. Tabilħaqq, il-kundizzjonijiet għal valutazzjoni FOLTF huma ċari u kompletament soġġetti għal rieżami ġudizzjarju f’każ ta’ kontestazzjonijiet legali fil-Qorti.

Skont l-Artikolu 32(4) tal-BRRD, istituzzjoni għandha titqies li qed tfalli jew li x’aktarx tfalli f’waħda jew aktar miċ-ċirkustanzi li ġejjin: (a) l-istituzzjoni tikser jew jeżistu elementi oġġettivi li jsostnu d-determinazzjoni li dik l-istituzzjoni se tikser, fil-futur qrib, ir-rekwiżiti għall-kontinwazzjoni tal-awtorizzazzjoni b’mod li jiġġustifika l-irtirar tal-awtorizzazzjoni mill-awtorità kompetenti inkluż iżda mhux limitat għar-raġuni li l-istituzzjoni tkun ġarrbet jew probabbli li ġġarrab telf li jnaqqas il-fondi proprji tagħha kollha jew ammont sinifikattiv minnhom; (b) l-assi tal-istituzzjoni jkunu, jew hemm elementi oġġettivi biex jappoġġjaw id-determinazzjoni li l-assi tal-istituzzjoni se jkunu, fil-futur qrib, inqas mill-obbligazzjonijiet tagħha; (c) l-istituzzjoni tkun, jew hemm elementi oġġettivi li jappoġġjaw determinazzjoni li dik l-istituzzjoni se tkun, fil-futur qrib, inkapaċi tħallas id-djun jew l-obbligazzjonijiet l-oħrajn tagħha hekk kif isiru dovuti; (d) tkun meħtieġa għajnuna finanzjarja pubblika straordinarja ħlief meta, biex jiġi rimedjat disturb serju fl-ekonomija ta’ Stat Membru u tiġi ppreżervata l-istabbiltà finanzjarja, l-għajnuna finanzjarja pubblika straordinarja tieħu kwalunkwe waħda mill-forom li ġejjin:

FOLTF huwa ġudizzju superviżorju, fejn jibqa’ meħtieġ livell partikolari ta’ diskrezzjoni. Skattaturi kwantitattivi stretti jistgħu jipprevjenu azzjoni suffiċjenti f’waqtha jew, b’mod invers, jisfurzaw dikjarazzjoni ta’ FOLTF f’sitwazzjoni fejn is-superviżur ma jivvalutax dan bħala l-każ.

Tabilħaqq, l-iskattaturi tal-FOLTF huma maħsuba biex jipprovdu biżżejjed flessibbiltà lis-superviżuri u lill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni meta jieħdu din id-deċiżjoni, meta jitqies li dan huwa ġudizzju superviżorju, li jrid iqis valutazzjoni li tħares ’il quddiem.

Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

121

Il-Kummissjoni tqis li l-kriterji ġuridiċi għal determinazzjoni FOLTF huma preċiżi u ċari, u jippermettu rieżami ġudizzjarju sħiħ f’każ ta’ kontestazzjoni legali mill-bank affettwat.

Rigward l-EIM, il-Kummissjoni temmen li l-attivazzjoni ta’ EIM minn ħafna qabel tista’ tkun maħsuba biex tevita kwalunkwe FOLTF u għalhekk kwalunkwe użu ta’ riżoluzzjoni/insolvenza.

Ara wkoll it-tweġibiet tal-Kummissjoni għall-paragrafu 99.

Rakkomandazzjoni 4 – L-istabbiliment ta’ kriterji oġġettivi u kwantifikati għal azzjoni superviżorja f’waqtha

Il-Kummissjoni ma taċċettax ir-rakkomandazzjoni.

Kif jidher mid-dokument ta’ diskussjoni tal-EBA dwar l-EIM, jista’ jkun hemm għadd ta’ raġunijiet għaliex l-EIM ma jistgħux jintużaw u kwalunkwe limitu/skattatur huwa biss parti mill-istampa li trid tiġi kkunsidrata bir-reqqa meta titfassal it-triq ’il quddiem f’dan il-qasam.

Argument simili japplika fir-rigward tal-iskattaturi FOLTF. FOLTF huwa ġudizzju superviżorju. Skattaturi kwantitattivi stretti jistgħu jipprevjenu azzjoni suffiċjenti f’waqtha jew, għall-kuntrarju, jisfurzaw dikjarazzjoni ta’ FOLTF f’sitwazzjoni li fiha s-superviżur ma jivvalutax dan bħala l-każ.

Tabilħaqq, l-iskattaturi FOLTF huma maħsuba biex jipprovdu biżżejjed flessibbiltà lis-superviżuri u lill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni meta jieħdu din id-deċiżjoni, meta jitqies li dan huwa ġudizzju superviżorju, li jrid iqis valutazzjoni li tħares ’il quddiem.

Il-Kummissjoni tixtieq tfakkar ukoll li hi għandha d-dritt esklużiv ta’ inizjattiva għal atti leġiżlattivi u emendi.

Tim tal‑awditjar

Ir‑Rapporti Speċjali tal‑QEA jippreżentaw ir‑riżultati tal‑awditi li twettaq ta’ politiki u programmi tal‑UE, jew ta’ suġġetti relatati mal-ġestjoni minn oqsma speċifiċi tal‑baġit. Il‑QEA tagħżel u tfassal dawn il‑kompiti tal‑awditjar biex timmassimizza l‑impatt tagħhom billi tqis ir‑riskji għall‑prestazzjoni jew għall‑konformità, il‑livell ta’ introjtu jew ta’ nfiq involut, l-iżviluppi li għad iridu jseħħu u l‑interess politiku u pubbliku.

Dan l‑awditu tal‑prestazzjoni twettaq mill‑Awla IV tal‑Awditjar, Regolamentazzjoni tas‑swieq u ekonomija kompetittiva, li hija mmexxija minn Alex Brenninkmeijer, Membru tal‑QEA. L‑awditu tmexxa minn Rimantas Šadžius, Membru tal‑QEA, li ngħata appoġġ minn Mindaugas Pakštys, Kap tal‑Kabinett u Tomas Mackevičius, Attaché tal‑Kabinett; Marion Colonerus, Maniġer Prinċipali; Helmut Kern, Kap tal‑Kompitu; Marion Schiefele, Satu Levelä-Ylinen, Christian Detry, Rafal Migasiewicz, Awdituri. Cathryn Lindsay u Victoria Gilson ipprovdew appoġġ lingwistiku.

Noti finali

1 It‑terminu “bank” f’dan ir‑rapport jirreferi għall‑entitajiet imsemmija fl‑Artikolu 2 tar‑Regolament (UE) Nru 806/2014 tal‑Parlament Ewropew u tal‑Kunsill tal‑15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar‑riżoluzzjoni tal‑istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal‑investiment fil‑qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar‑Riżoluzzjoni u li jemenda r‑Regolament (UE) Nru 1093/2010, ĠU L 225, 30.7.2014, p. 1.

2 Id‑Direttiva (UE) 2014/59/UE tal‑Parlament Ewropew u tal‑Kunsill tal‑15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall‑irkupru u r‑riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d‑Direttiva tal‑Kunsill 82/891/KEE u d‑Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/UE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r‑Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u Nru 648/2012, tal‑Parlament Ewropew u tal‑Kunsill, ĠU L 173/190 tat‑12.6.2014, p. 190.

3 Ir‑Regolament (UE) Nru 806/2014 kif imsemmi fin‑nota 1 ta’ qiegħ il‑paġna.

4 Bank transfruntier li jkun inqas sinifikanti jikkonsisti minn kumpanija omm stabbilita fiż-żona tal‑euro u mill‑inqas sussidjarja waħda stabbilita fi Stat Membru differenti taż-żona tal‑euro.

5 Ir‑Rapport mill‑Kummissjoni Ewropea lill‑Parlament Ewropew u lill‑Kunsill dwar l‑applikazzjoni u r‑rieżami tad‑Direttiva 2014/59/UE (id‑Direttiva dwar l‑Irkupru u r‑Riżoluzzjoni tal‑Banek) u r‑Regolament 806/2014 (ir‑Regolament dwar il‑Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni), COM(2019) 213 final tat‑30.4.2019, p. 12.

6 Ir‑Rapport Speċjali Nru 23/2017 tal‑QEA: Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni: Bdiet il-ħidma fuq kompitu diffikultuż relatat mal‑Unjoni Bankarja, iżda għad hemm ħafna xi jsir (www.eca.europa.eu).

7 Verżjoni Konsolidata tat‑Trattat dwar il‑Funzjonament tal‑Unjoni Ewropea, ĠU C 202 tas-7.6.2016, p. 1.

8 It‑Trattat li Jistabbilixxi l‑Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà bejn ir‑Renju tal‑Belġju, ir‑Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir‑Repubblika tal‑Estonja, l‑Irlanda, ir‑Repubblika Ellenika, ir‑Renju ta’ Spanja, ir‑Repubblika Franċiża, ir‑Repubblika Taljana, ir‑Repubblika ta’ Ċipru, ir‑Repubblika tal‑Latvja, ir‑Repubblika tal‑Litwanja, il‑Gran Dukat tal‑Lussemburgu, Malta, ir‑Renju tal‑Pajjiżi l‑Baxxi, ir‑Repubblika tal‑Awstrija, ir‑Repubblika Portugiża, ir‑Rumanija, ir‑Repubblika tas‑Slovenja, ir‑Repubblika Slovakka u r‑Repubblika tal‑Finlandja, iffirmat fit-2.2.2012.

9 Ara, pereżempju: Providing funding in resolution: Unfinished business even after Eurogroup agreement on EMU reform, Demertzis u Wolff, Bruegel, is-7 ta’ Diċembru 2018, jew Banking Union: Towards new arrangements for the provision of liquidity in resolution, minn Deslandes u Magnus, il‑Parlament Ewropew, PE 624.402, Lulju 2019.

10 Analiżi fil‑fond mitluba mill‑Kumitat ECON, Valuation reports in the context of banking resolution: What are the challenges?, minn Willem Pieter de Groen, il‑Parlament Ewropew, PE 624.418, Ġunju 2018.

11 Study on the differences between bank insolvency laws and on their potential harmonisation, VVA, Grimaldi u Bruegel, Novembru 2019.

12 https://srb.europa.eu/en/node/622

13 Tista’ taqbeż il-5 % jekk jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet, kif speċifikat fl‑Artikolu 27(10) tal‑SRMR.

14 2018 Euro Area Policies Financial Sector Assessment Program Technical Note — Bank Resolution and Crisis management, Fond Monetarju Internazzjonali, Lulju 2018, p. 7.

15 Il‑Komunikazzjoni tal‑Kummissjoni dwar l‑applikazzjoni, mill-1 ta’ Awwissu 2013, tar‑regoli dwar l-għajnuna mill‑Istat għal miżuri ta’ appoġġ favur il‑banek fil‑kuntest tal‑kriżi finanzjarja (“il‑Komunikazzjoni dwar il‑Banek”), ĠU C 216, 30.7.2013, p. 1.

16 2018 Euro Area Policies Financial Sector Assessment Program Technical Note, Bank Resolution and Crisis management, il‑Fond Monetarju Internazzjonali, Lulju 2018, p. 7.

17 Ir‑Rapport Speċjali Nru 21/2020 tal‑QEA “Il‑kontroll tal-għajnuna mill‑Istat għall‑istituzzjonijiet finanzjarji fl‑UE: jeħtieġ li tiġi vverifikata l‑idoneità tiegħu” (www.eca.europa.eu).

18 Ir‑Rapport Speċjali Nru 21/2020 tal‑QEA: Il‑kontroll tal-għajnuna mill‑Istat għall‑istituzzjonijiet finanzjarji fl‑UE: jeħtieġ li tiġi vverifikata l‑idoneità tiegħu, il‑paragrafi 66 u 68 (www.eca.europa.eu).

19 2018 Euro Area Policies Financial Sector Assessment Program Technical Note, Bank Resolution and Crisis management, il‑Fond Monetarju Internazzjonali, Lulju 2018, p. 21.

20 Ir‑Riżoluzzjoni tal‑Parlament Ewropew tad‑19 ta’ Ġunju 2020 dwar l‑Unjoni Bankarja – ir‑Rapport Annwali 2019 (2019/2130(INI)), P9_TA(2020)0165, il‑punt 49.

21 Ara, pereżempju, l‑Artikolu Eurofi ta’ Elke König – Why we need an EU liquidation regime for banks, 5.9.2018 (www.srb.europa.eu/en/node/622).

22 Idem in‑nota 11 f’qiegħ il‑paġna.

23 Dawn id‑dimensjonijiet huma kif ġej: governanza; assorbiment tat‑telf u kapaċità ta’ rikapitalizzazzjoni; likwidità u finanzjament fir‑riżoluzzjonijiet; kontinwità operazzjonali u aċċess għal servizzi ta’ infrastruttura tas‑suq finanzjarju; sistemi ta’ informazzjoni u rekwiżiti ta’ data; komunikazzjoni; separabbiltà u ristrutturar.

24 Bank of England, Policy Statement: The Bank of England’s approach to assessing resolvability, Lulju 2019.

25 Id‑Deċiżjoni tal‑Awtorità Bankarja Ewropea dwar is‑soluzzjoni ta’ nuqqas ta’ qbil, indirizzata lill‑Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni u lill‑Banca Naţională a României, is‑27 ta’ April 2018.

26 Analiżi fil‑fond mitluba mill‑Kumitat ECON, Impediments to resolvability of banks? Banking Union Scrutiny, minn Willem Pieter de Groen, l‑Unità tas‑Sostenn għall‑Governanza Ekonomika tal‑Parlament Ewropew, PE 634.358, Diċembru 2019.

27 Ir‑Regolament (UE) 2019/877 tal‑Parlament Ewropew u tal‑Kunsill tal‑20 ta’ Mejju 2019 li jemenda r‑Regolament (UE) Nru 806/2014 dwar il‑kapaċità ta’ assorbiment tat‑telf u ta’ rikapitalizzazzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment, ĠU L 150, tas-7.6.2019, p. 226, applikabbli mit‑28 ta’ Diċembru 2020 ’il quddiem.

28 Id‑Direttiva (UE) 2019/879 tal‑Parlament Ewropew u tal‑Kunsill tal‑20 ta’ Mejju 2019 li temenda d‑Direttiva 2014/59/UE fir‑rigward tal‑kapaċità ta’ assorbiment tat‑telf u ta’ rikapitalizzazzjoni ta’ istituzzjonijiet tal‑kreditu u ditti tal‑investiment u d‑Direttiva 98/26/KE, ĠU L 150 tas-7.6.2019, p. 296.

29 L‑awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jridu jikklassifikaw il‑banek f’erba’ kategoriji. Dawn huma (i) banek globali sistemikament importanti (ii) banek tal‑ogħla grad (iii) entitajiet sistemiċi oħra, u (iv) dawk kollha li mhumiex fit‑tliet kategoriji preċedenti. L‑MREL fiss obbligatorju japplika għall‑ewwel tliet kategoriji.

30 L‑Anness 5 għar‑rapport kwantitattiv tal‑EBA dwar l‑MREL EBA/Rep/2020/07.

31 Idem.

32 Id‑Dikjarazzjoni tal‑EBA u l‑ESMA dwar it‑trattament ta’ parteċipazzjonijiet fil‑livell tal‑konsumatur fi strumenti finanzjarji ta’ dejn suġġetti għad‑Direttiva dwar l‑Irkupru u r‑Riżoluzzjoni tal‑Banek, Mejju 2018.

33 Fi tnejn mis‑sitt każijiet fil‑kampjun, il‑pjan kien ikkonkluda li l‑bank kien se jiġi stralċat skont il‑liġi nazzjonali dwar l‑insolvenza.

34 It‑titoli esterni tal‑MREL jinħarġu mill‑entità li għaliha l‑awtorità ta’ riżoluzzjoni biħsiebha tapplika l-għodda tar‑rikapitalizzazzjoni interna. Dawn jinħarġu lil sottoskritturi esterni. It‑titoli interni tal‑MREL huma sottoskritti minn entitajiet oħra tal‑grupp li jappartjenu għall‑istess unità ta’ riżoluzzjoni.

35 Il‑Premessa 47 tal‑SRMR.

36 Fl‑2015, l‑EBA ppubblikat linji gwida dwar kif l‑awtoritajiet jenħtieġ li jivvalutaw jekk istituzzjoni hijiex eliġibbli għal obbligi simplifikati (issa mħassra u sostitwiti bl‑istandards tekniċi regolatorji dwar l‑istess suġġett) u ħejjiet standard tekniku ta’ implimentazzjoni dwar it‑trażmissjoni tal‑informazzjoni rilevanti lill‑EBA.

37 Id‑Deċiżjoni tal‑Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni tas‑17 ta’ Diċembru 2018 li tistabbilixxi l‑qafas għall‑arranġamenti prattiċi għall‑kooperazzjoni fi ħdan il‑Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni bejn il‑Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni u l‑Awtoritajiet ta’ Riżoluzzjoni Nazzjonali (SRB/PS/2018/15).

38 Il‑Memorandum ta’ Qbil bejn il‑Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni u l‑Bank Ċentrali Ewropew fir‑rigward tal‑kooperazzjoni u l‑iskambju ta’ informazzjoni. https://srb.europa.eu/sites/srbsite/files/mou_with_the_single_resolution_board_on_cooperation_and_information_exchange_2018_.pdf.

39 Ir‑Rapport mill‑Kummissjoni Ewropea lill‑Parlament Ewropew u lill‑Kunsill dwar l‑applikazzjoni u r‑rieżami tad‑Direttiva 2014/59/UE (id‑Direttiva dwar l‑Irkupru u r‑Riżoluzzjoni tal‑Banek) u r‑Regolament 806/2014 (ir‑Regolament dwar il‑Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni), COM(2019) 213 final tat‑30.4.2019, p. 6.

40 Ir‑Rapport Speċjali Nru 2/2018 tal‑QEA: L‑effiċjenza operazzjonali tal-ġestjoni ta’ kriżijiet bankarji mill-BĊE, il‑paragrafu 125 (www.eca.europa.eu).

41 Understanding Bank Recovery and Resolution in the EU: A guidebook to the BRRD, il‑Grupp tal‑Bank Dinji, iċ-Ċentru Konsultattiv tas‑Settur Finanzjarju, April 2017, p. 106.

42 Ir‑Rapport Speċjali Nru 29/2016 tal‑QEA: Mekkaniżmu Superviżorju Uniku ‑Bidu tajjeb iżda jeħtieġ aktar titjib, il‑paragrafu 110 (www.eca.europa.eu).

43 L-għedud tal‑SRB jinkludu l‑assistenti iżda mhux l‑esperti nazzjonali sekondati. L‑SRB ipprovda data dwar l‑FTEs għall‑2019 u tbassir għall‑2020 għall‑ARN kollha, minbarra dawk tal‑Portugall u tas‑Slovakkja, fejn użajna data tal‑2017.

44 Il‑firxa kienet simili meta mkejla bi tqabbil mal‑assi totali tal‑banek.

45 L‑Artikolu 92(1) tar‑Regolament dwar ir‑Rekwiżiti ta’ Kapital (CRR), ir‑Regolament (UE) Nru 575/2013 tal‑Parlament Ewropew u tal‑Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir‑rekwiżiti prudenzjali għall‑istituzzjonijiet ta’ kreditu u d‑ditti tal‑investiment u li jemenda r‑Regolament (UE) Nru 648/2012, ĠU L 176 tas‑27.6.2013, p. 1 (CRR); l‑Artikolu 104a u l‑Artikolu 128 tad‑Direttiva dwar ir‑Rekwiżiti ta’ Kapital (CRD), id‑Direttiva 2013/36/UE tal‑Parlament Ewropew u tal‑Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall‑attività tal‑istituzzjonijiet ta’ kreditu u s‑superviżjoni prudenzjali tal‑istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad‑ditti tal‑investiment, li temenda d‑Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id‑Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE, ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338.

46 Applikabbli biss għal banek fejn l‑istrateġija ta’ riżoluzzjoni tipprevedi azzjonijiet ta’ riżoluzzjoni u l‑applikazzjoni ta’ għodod ta’ riżoluzzjoni.

47 Skont il‑politika tal‑SRB dwar l‑MREL għall‑2020 (p. 12), l‑RCA jista’ jiġi aġġustat mill‑MCC, li hija bidla meta mqabbla mal‑politika tal‑SRB dwar l‑MREL għall‑2018 (p. 10), li għamlet dan obbligatorju fil‑każ ta’ banek li għalihom l‑SRB kien biħsiebu japplika għodod u setgħat ta’ riżoluzzjoni. L‑SRB introduċa wkoll perjodi ta’ tranżizzjoni għall‑MCC fil‑politika tiegħu dwar l‑MREL għall‑2020.

48 Linji gwida dwar l-interpretazzjoni taċ-ċirkostanzi differenti meta istituzzjoni għandha titqies bħala li qiegħda tfalli jew li x’aktarx tfalli skont l-Artikolu 32(6) tad-Direttiva 2014/59/UE.

Kronoloġija

Avveniment Data
Adozzjoni tal‑Memorandum dwar l‑Ippjanar tal‑Awditu (APM)/bidu tal‑awditu 9.4.2019
L‑abbozz ta’ rapport jintbagħat uffiċjalment lill‑Kummissjoni (jew lil entità oħra awditjata) 27.7.2020
Ir‑rapport finali jiġi adottat wara l‑proċedura kontradittorja 24.11.2020
Ir‑risposti uffiċjali tal‑SRB jaslu bil‑lingwi kollha 16.12.2020
Ir‑risposti uffiċjali tal‑Kummissjoni jaslu bil‑lingwi kollha 21.12.2020

Kuntatt

IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI
12, rue Alcide De Gasperi
1615 Luxembourg
LUXEMBOURG

Tel. +352 4398-1
Mistoqsijiet: eca.europa.eu/mt/Pages/ContactForm.aspx
Sit web: eca.europa.eu
Twitter: @EUAuditors

Ħafna informazzjoni addizzjonali dwar l-Unjoni Ewropea hija disponibbli fuq l-Internet.Jista’ jsir aċċess għaliha permezz tas-server Europa (http://europa.eu).

Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2021

PDF ISBN 978-92-847-5507-3 ISSN 1977-5741 doi:10.2865/006 QJ-AB-21-001-MT-N
HTML ISBN 978-92-847-5522-6 ISSN 1977-5741 doi:10.2865/850 QJ-AB-21-001-MT-Q

DRITTIJIET TAL-AWTUR

© L-Unjoni Ewropea, 2021.

Il-politika tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) dwar l-użu mill-ġdid hija implimentata bid-Deċiżjoni Nru 6-2019 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar il-politika tad-data miftuħa u l-użu mill-ġdid ta’ dokumenti.

Sakemm ma jkunx indikat mod ieħor (eż. f’avviżi individwali dwar id-drittijiet tal-awtur), il-kontenut tad-dokumenti tal-QEA, li huwa proprjetà tal-UE, huwa liċenzjat taħt il-liċenzja Creative Commons Attribution 4.0 International (CC BY 4.0). Dan ifisser li l-użu mill-ġdid huwa awtorizzat, dment li l-awturi jingħataw kreditu xieraq u li l-bidliet jiġu indikati. Il-persuni li jużaw mill-ġdid dan il-kontenut ma jistgħux ibiddlu s-sinifikat jew il-messaġġ oriġinali tad-dokumenti. Il-QEA ma għandhiex tkun responsabbli għal kwalunkwe konsegwenza relatata mal-użu mill-ġdid.

Inti meħtieġ tikseb drittijiet addizzjonali ċari jekk kontenut speċifiku juri individwi privati identifikabbli, pereżempju f’ritratti li jkun fihom il-membri tal-persunal tal-QEA, jew jekk ikun jinkludi xogħlijiet ta’ parti terza. Fejn ikun inkiseb permess, tali permess għandu jikkanċella l-permess ġenerali msemmi hawn fuq u għandu jindika b’mod ċar kwalunkwe restrizzjoni dwar l-użu.

Biex tuża jew tirriproduċi kontenut li ma jkunx proprjetà tal-UE, inti jista’ jkun li jkollok titlob il-permess direttament mingħand id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur.

Software jew dokumenti li jkunu koperti mid-drittijiet ta’ proprjetà industrijali, bħal privattivi, trademarks, disinji rreġistrati, logos u ismijiet, huma esklużi mill-politika tal-QEA dwar l-użu mill-ġdid u inti ma għandekx il-liċenzja biex tużahom.

Il-familja ta’ Siti Web istituzzjonali tal-Unjoni Ewropea, fi ħdan id-dominju europa.eu, tipprovdi links għal siti ta’ partijiet terzi. Peress li dawn ma jaqgħux taħt il-kontroll tal-QEA, inti mħeġġeġ biex teżamina l-politiki tagħhom dwar il-privatezza u dwar id-drittijiet tal-awtur.

Użu tal-logo tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri

Ma jistax isir użu mil-logo tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri mingħajr ma jinkiseb il-kunsens tagħha minn qabel.

Kif tikkuntattja lill-UE

Personalment
Madwar l-Unjoni Ewropea kollha hemm mijiet ta’ ċentri ta’ informazzjoni tal-Europe Direct. Tista’ ssib l-indirizz tal-eqreb ċentru għalik f'dan is-sit: https://europa.eu/european-union/contact_mt

Bit-telefown jew bil-posta elettronika
Europe Direct huwa servizz li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar l-Unjoni Ewropea. Tista’ tikkuntattja dan is-servizz:

  • bit-telefown bla ħlas: 00 800 6 7 8 9 10 11 (ċerti operaturi jafu jimponu ħlas għal dawn it-telefonati),
  • fuq dan in-numru standard: +32 22999696, jew
  • bil-posta elettronika permezz: https://europa.eu/european-union/contact_mt

Kif issib tagħrif dwar l-UE

Onlajn
L-informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE hija disponibbli fuq is-sit web Europa fuq: https://europa.eu/european-union/index_mt

Pubblikazzjonijiet tal-UE
Tista’ tniżżel mill-internet jew tordna l-pubblikazzjonijiet tal-UE, li xi wħud minnhom huma bla ħlas u xi oħrajn bil-ħlas, minn: https://op.europa.eu/mt/publications. Kopji multipli ta’ pubblikazzjonijiet bla ħlas tista’ tiksibhom billi tikkuntattja lil Europe Direct jew liċ-ċentru tal-informazzjoni lokali tiegħek (ara https://europa.eu/european-union/contact_mt).

Il-liġi tal-UE u dokumenti relatati
Għal aċċess għall-informazzjoni legali tal-UE, inkluż il-liġijiet kollha tal-UE mill-1952 ’l hawn, fil-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali kollha, żur is-sit EUR-Lex hawnhekk: http://eur-lex.europa.eu

Dejta Miftuħa mill-UE
Il-portal tad-Dejta Miftuħa mill-UE (http://data.europa.eu/euodp/mt) jipprovdi aċċess għal settijiet tad-dejta mill-UE. Id-dejta tista’ titniżżel mill-internet u tintuża mill-ġdid bla ħlas, kemm għal skopijiet kummerċjali kif ukoll mhux kummerċjali.