Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri 2016 Rapport tal-Attività
Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri
Min aħna
Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) hija istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea, stabbilita biex tawditja l-finanzi tal-UE.
Ibbażata fil-Lussemburgu, l-istituzzjoni tagħna għandha 28 Membru, wieħed minn kull Stat Membru tal-UE. Aħna nimpjegaw madwar 900 membru tal-persunal professjonali u amministrattiv min-nazzjonalitajiet kollha tal-UE.
X'nagħmlu
Mill-1977 'il hawn, il-QEA tikkontribwixxi għat-titjib tal-ġestjoni finanzjarja tal-UE, tippromwovi l-obbligu ta’ rendikont u t-trasparenza, u taġixxi bħala l-gwardjan indipendenti tal-interessi finanzjarji taċ-ċittadini tagħha.
Aħna niċċekkjaw li l-UE żżomm kontijiet tajbin, li tapplika r-regoli finanzjarji tagħha b'mod korrett, u li twassal il-valur għall-flus. Permezz tar-rapporti tal-awditjar tagħna, ninfurmaw lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-parlamenti nazzjonali u lill-pubbliku ġenerali dwar kif qed jintnefqu flus l-UE.




Kelmtejn minn qabel mingħand il-President
Għażiż qarrej,
L-2016 kienet sena meta s-sisien tal-Unjoni Ewropea theżżu bil-kbir. Kellna nħabbtu wiċċna maż-żieda fil-populiżmu, nipproteġu ċ-ċittadini tagħna mit-terroriżmu, niffaċċjaw l-isfidi tal-migrazzjoni u naraw referendum ta’ ħruġ f’wieħed mill-Istati Membri tagħna, u dawn l-affarijiet kollha ħallew il-marka tagħhom. Dan irriżulta f’test iebes fuq il-fiduċja ta’ ħafna miċ-ċittadini fil-proġett Ewropew komuni tagħna, u rridu nagħmlu l-almu tagħna biex niżguraw li l-konċittadini tagħna jibqgħu jafdaw fix-xogħol tal-istituzzjonijiet Ewropej. Jien nemmen li l-governanza finanzjarja soda għandha rwol importanti f’dan ir-rigward. Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri tikkontribwixxi għal dan il-proċess billi tippubblika rapporti tal-awditjar indipendenti dwar l-istat tal-finanzi tal-UE. Aħna għandna dmir lejn iċ-ċittadini tagħna li niżguraw li dawn ikunu jafu kif flushom qed jintnefqu mill-Unjoni, u li flushom qed jintużaw bl-aħjar mod. F’isimhom, l-UE trid tinvesti bil-għaqal f’politiki, programmi u proġetti fejn hija tista’ tagħmel differenza. Hija għandha twassal riżultati u tiżgura li jkun hemm redditu ġust fuq l-investiment; dan mhux biss se jiżgura s-sostenibbiltà tal-Unjoni, iżda se jagħtiha l-leġittimità f’għajnejn iċ-ċittadini tagħha.
Dan ir-rapport ikopri l-attivitajiet tagħna fl-2016. Fih ukoll informazzjoni dwar it-tmexxija tagħna u r-riżorsi li użajna biex inwetttqu l-missjoni tagħna u nilħqu l-għanijiet tagħna. Aħna komplejna nawditjaw l-istituzzjonijiet u l-korpi l-oħra tal-UE, kif ukoll il-fondi kollha tal-UE li l-Istati Membri, pajjiżi mhux tal-UE, organizzazzjonijiet internazzjonali u partijiet oħra rċevew. F’konformità mal-obbligi tagħna tat-Trattat, aħna pproduċejna rapporti annwali dwar il-baġit tal-UE u dwar il-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp, kif ukoll dwar l-aġenziji kollha tal-UE u ħafna korpi oħra madwar l-Unjoni kollha. It-36 rapport speċjali tagħna ta’ din is-sena jkopru firxa wiesgħa ta’ suġġetti.
Biex xogħolna jkun jagħmel differenza, huwa essenzjali li aħna nikkomunikaw b’mod effettiv, lill-partijiet interessati tagħna fil-livell tal-UE u dak nazzjonali, il-fehmiet approfonditi li niksbu. Matul is-sena, saħħaħna aktar il-kooperazzjoni tagħna mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Madankollu, il-biċċa l-kbira minn flus l-UE jintnefqu fl-Istati Membri. Għalhekk, huwa għaldaqstant importanti li ċ-ċittadini jisimgħu mingħandna u dwar xogħolna.
Dan ir-rapport jiġbed l-attenzjoni għal xi wħud mill-bidliet li għamilna fil-governanza u fil-ġestjoni tal-għarfien tagħna. Huwa jagħti wkoll informazzjoni ewlenija dwar il-ġestjoni tal-personal, il-finanzi u l-prestazzjoni tagħna matul l-aħħar sena, kif ukoll ir-riżultati tal-awditi interni u esterni tagħna u l-proċedura annwali ta’ kwittanza. Biex inkomplu nwettqu l-missjoni tagħna b’mod effettiv, aħna komplejna nibnu wkoll fuq ir-riforma interna tagħna, filwaqt li użajna l-potenzjal kollu tal-persunal tagħna u l-għarfien tiegħu.
Għandi pjaċir ngħid li l-output rekord ta’ rapporti u pubblikazzjonijiet oħra tal-awditjar fl-2016 huwa xhieda tal-effiċjenza tagħna, u jagħti prova tal-impenn tagħna biex inwasslu riżultati u nipproteġu l-interessi finanzjarji taċ-ċittadini tal-UE.
Nixtieqlek qari pjaċevoli!
Klaus-Heiner Lehne
President
Daqqa t’għajn lejn l-2016
L-attivitajiet tagħna
- Rapporti annwali dwar il-baġit tal-UE u l-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp.
- 52 rapport annwali speċifiku dwar id-diversi aġenziji u korpi tal-UE li jinsabu madwar l-Unjoni kollha.
- 36 rapport speċjali li jeżaminaw l-effettività ta’ diversi suġġetti dwar il-ġestjoni u oqsma baġitarji bħalma huma t-tibdil fil-klima, it-trasport marittimu, il-migrazzjoni jew is-superviżjoni bankarja.
- Żewġ opinjonijiet dwar liġijiet ġodda jew aġġornati tal-UE b’implikazzjonijiet sinifikanti għall-ġestjoni finanzjarja — waħda dwar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) u l-oħra dwar il-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) — u dokument informattiv dwar ir-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2014-2020.
- Laqgħat, seminars u konferenzi mas-sħab u l-partijiet interessati tagħna, inkluża konferenza ta’ livell għoli dwar l-użu ta’ strumenti finanzjarji għall-baġit tal-UE.
It-tmexxija tagħna
- Ħtarna president ġdid,Klaus-Heiner Lehne (il-Ġermanja).
- Aħna lqajna seba’ Membri ġodda tal-istituzzjoni tagħna: Jan Gregor (ir-Repubblika Ċeka), Mihails Kozlovs (il-Latvja), Janusz Wojciechowski (il-Polonja), Samo Jereb (is-Slovenja), Rimantas Šadžius (il-Litwanja), Leo Brincat (Malta) u João Figueiredo (il-Portugall); Juhan Parts (l-Estonja) daħal mal-QEA fl-1 ta’ Jannar 2017.
- Irriformajna s-sistema tagħna ta’ awli tal-awditjar u kumitati billi ħlaqna l-ħames awla li hija responsabbli għall-awditjar tal-finanzjament u l-amministrazzjoni tal-UE, kif ukoll kumitat għall-kontroll tal-awditjar biex jiżgura l-kwalità tax-xogħol tal-awditjar tagħna, u tajna lil wieħed mill-Membri r-responsabbiltà ġenerali għar-rapport annwali tagħna.
- Bħala parti mir-riforma tagħna, nedejna l-qafas ta’ ġestjoni tal-għarfien tagħna u waqqafna politika ġdida dwar il-ġestjoni tar-riskju għall-istituzzjoni kollha kemm hi.
- Komplejna nnaqqsu l-persunal tagħna, kif miftiehem bejn l-istituzzjonijiet tal-UE, u komplejna nimplimentaw politika ta’ opportunitajiet ugwali fir-reklutaġġ u fil-ġestjoni tar-riżorsi umani.
- Aħna stabbilejna sistema ta’ kwalità għolja, ta’ ġestjoni ambjentali għall-binjiet tagħna, u dan wassal għal valutazzjoni ambjentali pożittiva mill-esperti.
L-attivitajiet tagħna
Awditjar
L-awditjar huwa l-qalba ta’ xogħolna.
Aħna nwettqu tliet tipi ta’ awditi fl-oqsma differenti tal-baġit tal-UE:
- awditi finanzjarji u awditi tal-konformità — dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet annwali u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet kif meħtieġ mil-leġiżlazzjoni (notevolment id-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni), kif ukoll valutazzjonijiet ta’ jekk is-sistemi jew it-tranżazzjonijiet ta’ oqsma baġitarji speċifiċi jikkonformawx mar-regoli u r-regolamenti li jirregolawhom;
- awditi tal-prestazzjoni — dwar l-effettività tal-politiki u l-programmi tal-UE u dwar is-solidità tal-ġestjoni finanzjarja (inkluż il-valur għall-flus). Dawn l-awditi jikkonċernaw suġġetti ta’ ġestjoni jew baġitarji li jkunu speċifiċi: aħna nagħżluhom fuq il-bażi ta’ kriterji bħalma huma l-interess pubbliku, ir-riskju ta’ irregolarità jew ta’ prestazzjoni baxxa u l-potenzjal għal titjib.
Abbażi tal-evidenza li niġbru meta nwettqu x-xogħol tal-awditjar tagħna, aħna nimmiraw biex nipprovdu konklużjonijiet ċari dwar l-istat li fih jinsab il-kontabbiltà tal-baġit tal-UE u l-ġestjoni finanzjarja tiegħu, inkluż għall-oqsma ta’ nfiq speċifiċi, kif ukoll biex nagħtu rakkomandazzjonijiet prattiċi u kosteffettivi fejn ikun jista’ jsir titjib. L-awdituri tagħna jiksbu din l-evidenza permezz tal-eżaminar tagħhom ta’ politiki, programmi u proġetti kkofinanzjati fl-UE u madwar id-dinja, kull fejn jintnefqu flus l-UE.
Żjarat tal-awditjar fl-2016
Filwaqt li l-biċċa l-kbira mix-xogħol tal-awditjar jitwettaq fil-bini tagħna fil-Lussemburgu, fl-2016 l-awdituri tagħna wettqu wkoll għadd kbir ta’ żjarat lill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali fl-Istati Membri, u lil riċevituri oħra tal-fondi tal-UE fl-Unjoni u lil hinn mill-fruntieri tagħha. Dan jinkludi wkoll l-istituzzjonijiet, l-aġenziji u l-korpi l-oħra tal-UE, jew id-delegazzjonijiet tal-UE, iżda wkoll organizzazzjonijiet internazzjonali bħan-Nazzjonijiet Uniti li huma involuti fl-ipproċessar tal-fondi tal-UE. Permezz ta’ dawn iż-żjarat, aħna ksibna evidenza diretta għall-awditjar minn dawk involuti fil-ġestjoni, fil-ġbir u fil-pagament ta’ fondi tal-UE, u mill-benefiċjarji finali li rċevewhom.
It-timijiet tal-awditjar tagħna ġeneralment jikkonsistu f’żewġ awdituri jew tlieta, filwaqt li ż-żjarat tal-awditjar tagħna jvarjaw fit-tul minn ftit jiem sa ftit ġimgħat. Il-frekwenza u l-intensità tax-xogħol tal-awditjar fi Stati Membri individwali u fil-pajjiżi benefiċjarji jiddependu mit-tip ta’ xogħol tal-awditjar li aħna nwettqu.
Iż-żjarat tal-awditjar tagħna fi ħdan l-UE spiss isiru b’kollegament mal-istituzzjonijiet supremi tal-awditjar (SAIs) tal-Istati Membri kkonċernati. Fl-2016, l-awdituri tagħna qattgħu 4 246 jum jawditjaw fuq il-post (4 310 fl-2015) — fl-Istati Membri u barra mit-territorju tal-UE.
Minbarra dan, l-awdituri tagħna qattgħu2 510 ijiem fl-istituzzjonijiet fi Brussell u l-Lussemburgu, kif ukoll f’aġenziji u korpi deċentralizzati madwar l-UE kollha, f’organizzazzjonijiet internazzjonali bħan-NU jew l-OECD, u f’ditti privati tal-awditjar. Aħna użajna vidjokonferenzi u teknoloġija tal-informatika oħra bħal kondiviżjoni sikura ta’ data u ta’ dokumenti għax-xogħol tal-awditjar tagħhom, kull fejn kien possibbli.
Rapporti u opinjonijiet
Ir-rapporti u l-opinjonijiet tal-awditjar tagħna huma element essenzjali tal-katina tal-obbligu ta’ rendikont tal-UE, billi jintużaw biex dawk responsabbli mill-ġestjoni tal-baġit tal-UE jkollhom jagħtu rendikont — b’mod partikolari fi ħdan il-proċedura annwali ta’ kwittanza. Din hija prinċipalment il-Kummissjoni Ewropea, iżda huma wkoll l-istituzzjonijiet u l-korpi l-oħra tal-UE. L-amministrazzjonijiet nazzjonali, reġjonali u lokali fl-Istati Membri wkoll għandhom ukoll rwol importanti fl-oqsma taħt ġestjoni kondiviża, bħall-infiq fuq l-agrikoltura u l-koeżjoni, u jirrappreżentaw l-implimentazzjoni ta’ madwar 80 % tal-baġit tal-UE.
Aħna nippubblikaw tliet tipi prinċipali ta’ rapporti tal-awditjar.
- Rapporti annwali, li prinċipalment fihom ir-riżultati tax-xogħol tal-awditjar finanzjarju u tal-konformità dwar il-baġit tal-Unjoni Ewropea u dwar il-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp, iżda wkoll aspetti ta’ ġestjoni baġitarja u ta’ prestazzjoni baġitarja.
- Rapporti annwali speċifiċi dwar l-aġenziji, il-korpi deċentralizzati u l-impriżi konġunti tal-UE, u li jiġu ppubblikati separatament.
- Rapporti speċjali, li jippreżentaw ir-riżultati ta’ awditi magħżula tal-prestazzjoni u tal-konformità li jikkonċernaw oqsma ta’ nfiq jew ta’ politika speċifiċi, jew kwistjonijiet baġitarji jew ta’ ġestjoni speċifiċi.
Minbarra dan, aħna noħorġu opinjonijiet dwar liġijiet ġodda jew aġġornati b’impatt sinifikanti fuq il-ġestjoni finanzjarja, u pubblikazzjonijiet oħra bbażati fuq analiżijiet, bħal analiżijiet panoramiċi u dokumenti informattivi, fuq talba ta’ istituzzjoni oħra jew fuq l-inizjattiva tagħna stess.
Ir-rapporti, l-opinjonijiet u l-pubblikazzjonijiet l-oħra kollha tal-awditjar tagħna huma disponibbli fuq is-sit web tagħna (eca.europa.eu).
Rapporti annwali
Rapport Annwali 2015 dwar il-Baġit tal-UE
Fl-2016, meta kienu qed jeżaminaw l-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE għall-2015, l-awdituri tagħna ttestjaw madwar 1 200 tranżazzjoni fl-oqsma ta’ nfiq kollha. Dan ifisser li aħna vvalutajna 1 200 każ differenti fejn flus l-UE ntużaw biex jipprovdu appoġġ lil proġetti ewlenin ta’ infrastruttura, lil SMEs, lil organizzazzjonijiet ta’ riċerka, lil bdiewa, lil studenti fl-Istati Membri tagħna jew lil benefiċjarji f’pajjiżi mhux tal-UE.
Fir-rapport, aħna pprovdejna aċċertament dwar kif dawn il-fondi tal-UE kienu ntużaw matul is-sena, u ġbidna l-attenzjoni għal oqsma fejn huma kienu l-aktar f’riskju li jintnefqu b’mod irregolari. Minbarra dan, aħna vvalutajna b’mod speċifiku kull qasam kbir ta’ attività tal-UE skont l-intestaturi tal-qafas finanzjarju pluriennali 2014-2020, u pprovdejna informazzjoni dwar il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja, kif ukoll dwar elementi ta’ prestazzjoni fi tliet oqsma prinċipali tal-baġit tal-UE. Aħna analizzajna wkoll għalfejn seħħew l-iżbalji u pprovdejna rakkomandazzjonijiet utli u kosteffettivi għal titjib.
Ir-Rapport Annwali 2015 tagħna 2015 ġie ppubblikat fit-13 ta’ Ottubru, xahar aktar kmieni milli fi snin preċedenti.
Fl-2016, aħna stabbilejna grupp ta’ ħidma ta’ livell għoli biex jeżamina x’possibbiltajiet jeżistu biex aħna nkomplu nżidu l-valur miżjud tar-rapport annwali tagħna għall-utenti tiegħu, b’mod partikolari l-Parlament Ewropew, pereżempju billi nipprovdu aktar fehim approfondit ġeografiku, inwettqu aktar valutazzjonijiet tal-prestazzjoni għal oqsma addizzjonali tal-baġit tal-UE u niksbu aċċertament mill-kontrolli interni fil-livell tal-UE u dak tal-Istati Membri. Aħna adottajna dawn il-proposti fl-ewwel xhur tal-2017.
Konklużjonijiet prinċipali
- Il-kontijiet tal-UE għall-2015 tħejjew skont l-istandards internazzjonali u jippreżentaw, fl-aspetti materjali kollha, stampa vera u ġusta. Għalhekk aħna stajna, għal darb’oħra, nagħtu opinjoni nadifa dwar l-affidabbiltà tagħhom. Madankollu, tajna opinjoni avversa dwar ir-regolarità tal-pagamenti.
- Il-livell ta’ żball stmat, li jkejjel il-livell ta’ irregolarità, għall-pagamenti tal-2015 huwa ta’ 3.8 %. Dan juri titjib meta mqabbel ma’ snin reċenti iżda għadu sinifikattivament ogħla mis-soll ta’ materjalità tagħna ta’ 2 %.
- Aħna nkomplu nsibu kważi l-istess livell ta’ żball stmat taħt ġestjoni kondiviża mal-Istati Membri (4.0 %) u għall-infiq immaniġġjat b’mod dirett mill-Kummissjoni (3.9 %). In-nefqa amministrattiva mill-istituzzjonijiet tal-UE kellha l-livell l-aktar baxx ta’ żball stmat (0.6 %).
- L-azzjoni korrettiva mill-awtoritajiet fl-Istati Membri u mill-Kummissjoni kellha impatt pożittiv fuq il-livell ta’ żball stmat. Mingħajr din l-azzjoni, il-livell kumplessiv ta’ żball stmat minna kien ikun 4.3 %. Għalkemm il-Kummissjoni ħadet passi biex ittejjeb il-valutazzjoni tagħha tar-riskju u l-impatt tal-azzjonijiet korrettivi, għad hemm lok għal titjib.
- Li kieku l-Kummissjoni, l-awtoritajiet fl-Istati Membri jew l-awdituri indipendenti għamlu użu mill-informazzjoni kollha disponibbli għalihom, setgħu jipprevienu, jew jaqbdu u jikkoreġu proporzjon sinifikanti tal-iżbalji qabel ma saru l-pagamenti relatati.

It-tabella hija meħuda mill-Awditu 2015 tal-UE fil-qosor, disponibbli fuq is-sit web tagħna (eca.europa.eu).
Ir-Rapport Annwali 2015 dwar il-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp
Il-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp (FEŻ) jipprovdu assistenza mill-Unjoni Ewropea għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp lill-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP) u lill-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej. Huma jiġu ffinanzjati mill-Istati Membri u mmaniġġjati barra mill-qafas tal-baġit tal-UE mill-Kummissjoni Ewropea u, għal xi assistenza, mill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI).
Aħna sibna li l-kontijiet tal-FEŻ għall-2015 kienu affidabbli. Id-dħul tagħhom ma kienx milqut minn żball materjali. B’mod ġenerali, bħal fi snin preċedenti, il-livell ta’ żball li sibna fl-infiq taħt il-FEŻ (3.8 %) kien jindika li hemm dgħufijiet fil-kontrolli ex ante. Żbalji dovuti għan-nuqqas ta’ dokumenti ta’ sostenn biex jiġġustifikaw l-infiq, u għan-nuqqas ta’ konformità mar-regoli tal-akkwist, kienu l-kawża ta’ aktar minn żewġ terzi tal-livell ta’ żball stmat.
Ir-rapport annwali tagħna dwar il-FEŻ jiġi ppubblikat flimkien mar-rapport annwali tagħna dwar il-baġit tal-UE u huwa disponibbli fuq is-sit web tagħna (eca.europa.eu).
Rapporti annwali speċifiċi
L-aġenziji, il-korpi l-oħra u l-impriżi konġunti tal-UE jinsabu madwar l-Unjoni u jwettqu kompiti speċifiċi f’oqsma ta’ importanza kruċjali għaċ-ċittadini tal-UE, bħalma huma s-saħħa, is-sikurezza, is-sigurtà, il-libertà u l-ġustizzja.
Fl-2016, aħna awditjajna jekk il-kontijiet tagħhom humiex affidabbli u jekk it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawn il-kontijiet jikkonformawx mar-regoli. Meta konna qed niffurmaw l-opinjoni tagħna dwar il-kontijiet tagħhom, aħna qiesna — fejn kien disponibbli — ix-xogħol tal-awditjar li sar minn ditti privati tal-awditjar. Aħna awditjajna wkoll l-infrastruttura ta’ komunikazzjoni Sisnet, l-Iskejjel Ewropej u l-Fond tal-Pensjoni tal-Europol.
Il-konklużjoni tagħna dwar il-kontijiet
Il-kontijiet tal-aġenziji, il-korpi l-oħra u l-impriżi konġunti kollha kienu affidabbli, minbarra fil-każ tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex), li għaliha ħriġna opinjoni kwalifikata.
Il-konklużjoni tagħna dwar it-tranżazzjonijiet
It-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet tagħhom għall-2015 kienu konformi mar-regoli, minbarra fil-każ tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT) u tal-Impriża Konġunta għal Komponenti u Sistemi Elettroniċi għal Tmexxija Ewropea (ECSEL), li għalihom ħriġna opinjonijiet kwalifikati.
Ir-rapporti annwali speċifiċi kollha tagħna, flimkien maż-żewġ sommarji — wieħed dwar ir-riżultati tal-awditi tagħna għall-2015, tal-aġenziji u tal-korpi l-oħra, u l-ieħor dwar l-impriżi konġunti — huma disponibbli fuq is-sit web tagħna (eca.europa.eu).
Rapporti speċjali
Aħna nippreżentaw is-sejbiet, il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-awditi tal-prestazzjoni u tal-konformità tagħna fir-rapporti speċjali tagħna, li nippubblikaw matul is-sena.
Il-membri tagħna jiddeċiedu dwar is-suġġetti tal-awditjar li jiġu koperti minn dawn ir-rapporti speċjali. Il-programmazzjoni ta’ ħidma tagħna tuża kriterji bħalma huma l-interess pubbliku, ir-riskju ta’ irregolarità jew ta’ prestazzjoni baxxa u l-potenzjal għal titjib. Meta nagħżlu suġġetti tal-awditjar, aħna nieħu inkunsiderazzjoni wkoll il-fehmiet li jitfissru mill-partijiet interessati tagħna, u b’mod partikolari mill-Parlament Ewropew.
Ta’ spiss, l-awditi tal-prestazzjoni tagħna jkopru għadd ta’ snin finanzjarji, u s-suġġett kumpless tagħhom ifisser li jistgħu jieħdu aktar minn sena biex jiġu kkompletati. Aħna nfasslu dawn il-kompiti tal-awditjar biex ikunu ta’ impatt massimu, biex b’hekk nagħmlu l-aħjar użu mir-riżorsi tagħna.
Fl-2016, ir-rapporti speċjali tagħna ffukaw fuq suġġetti relatati mal-objettivi kumplessivi tal-UE li jinkisbu valur miżjud u tkabbir, kif ukoll fuq ir-rispons tal-UE għal sfidi dinjija, li jinkludu kwistjonijiet ewlenin bħall-enerġija u l-klima, is-suq intern, u l-migrazzjoni. Fir-rapporti speċjali tagħna aħna niffukaw prinċipalment fuq il-valutazzjoni tal-prestazzjoni tal-politiki, il-programmi u l-proġetti li jiġu ffinanzjati mill-UE: b’mod partikolari aħna niċċekkjaw jekk ir-riżultati nkisbux b’mod effettiv u effiċjenti u jekk il-finanzjament mill-UE pprovdiex valur miżjud. Aħna nagħtu wkoll rakkomandazzjonijiet biex isir titjib, li jistgħu jinvolvu ffrankar finanzjarju, metodi ta’ ħidma aħjar, evitar tal-ħela, jew ksib aktar kosteffiċjenti tal-objettivi ta’ politika li jkunu mistennija.
Fl-2016, aħna pproduċejna għadd rekord ta’ 36 rapport speċjali (25 rapport speċjali fl-2015). Aħna qed niġbdu l-attenzjoni għal tnejn minnhom: wieħed dwar il-migrazzjoni esterna, li juri r-rilevanza ta’ xogħolna fuq l-infiq tal-UE lil hinn mill-fruntieri tagħha; l-ieħor dwar it-trasport marittimu tal-UE, li juri r-riskji tal-ineffiċjenzi fl-infiq tal-Unjoni biex iżżid il-kompetittività esterna tagħha.
L-infiq tal-UE fuq il-politika esterna dwar il-migrazzjoni fil-pajjiżi tal-Viċinat tan-Nofsinhar tal-Mediterran u l-Viċinat tal-Lvant sal-2014 (Nru 9/2016)
Ir-rispons għall-migrazzjoni, għall-integrazzjoni u għall-isfidi għas-sigurtà Ewropea jinsab fuq quddiem fuq l-aġenda politika tal-UE u tal-Istati Membri, filwaqt li jirċievi attenzjoni sinifikanti mill-pubbliku fl-Ewropa kollha u lil hinn mill-fruntieri tagħha. Huwa wkoll qasam ta’ politika li jaffettwa l-ħajja tal-Ewropej kollha. Għalhekk huwa importanti ħafna li l-UE tonfoq il-flus għal dan il-għan b’mod li jġib l-aħjar riżultati, u twassal riżultati konkreti u li jistgħu jitkejlu. Għall-2016 u wara, aħna għamilna l-valutazzjoni tal-infiq tal-UE f’dan il-qasam waħda mill-prijoritajiet tagħna.
L-ewwel awditu li għamilna ta’ dan id-dominju qies il-finanzjament tad-dimensjoni esterna tal-politika komuni tal-UE dwar il-migrazzjoni. L-awdituri tagħna eżaminaw jekk l-UE kinitx stipulat b’mod ċar x’riedet tikseb u jekk l-infiq kienx effettiv u kkoordinat tajjeb.
Aħna ċċekkjajna 23 proġett (EUR 89 miljun ta’ finanzjament mill-UE) fil-pajjiżi tal-Viċinat tal-Lvant u tan-Nofsinhar, jiġifieri l-Alġerija, il-Georgia, il-Libja, il-Moldova, il-Marokk u l-Ukrajna. Aħna analizzajna wkoll dokumenti ta’ politika, ta’ programmazzjoni u ta’ proġetti, kif ukoll dokumentazzjoni u evalwazzjonijiet relatati, wettaqna intervisti u ġbarna informazzjoni mill-Kummissjoni, mid-delegazzjonijiet tal-UE, mill-awtoritajiet nazzjonali u lokali responsabbli, mill-benefiċjarji finali, mill-organizzazzjonijiet internazzjonali, mis-soċjetà ċivili u mill-gruppi ta’ riflessjoni.

B’mod ġenerali, l-istrumenti ta’ finanzjament ma pprovdewx strateġija ċara li biha seta’ jiġi identifikat il-kontribut tagħhom għall-objettivi, u għalhekk ma kienx ċar x’kien biħsiebhom jiksbu fil-livell tal-UE. Spiss kien diffiċli biex jitkejlu r-riżultati li nkisbu mill-infiq tal-UE, u l-kontribut tal-migrazzjoni għall-iżvilupp, waħda mill-prijoritajiet tal-UE, ma setax jiġi vvalutat faċilment. Aħna sibna wkoll li l-politika kellha arranġamenti ta’ governanza kumplessi, koordinazzjoni insuffiċjenti u l-ebda stampa ġenerali tal-finanzjament li kienet tispeċifika min iffinanzja xiex bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri.
L-awdituri tagħna ma setgħux jiddeterminaw l-ammonti kollha li kienu involuti; aħna stmajna li EUR 1.4 biljun ġew ikkuntrattati taħt strumenti differenti ta’ finanzjament għall-perjodu 2007-2013, iżda għal wieħed minnhom biss stajna niddeterminaw l-ammonti li effettivament intnefqu. Għalhekk kien diffiċli biex tiġi vvalutata l-kontribuzzjoni li saret mid-diversi strumenti ta’ finanzjament għall-politika dwar il-migrazzjoni, il-grad sa fejn dawn komplew imexxu ‘l quddiem il-politika esterna tal-UE dwar il-migrazzjoni jew jekk ġewx allokati għall-prijoritajiet tematiċi jew ġeografiċi prinċipali.
Dan huwa partikolarment importanti, billi r-riżorsi ddedikati għall-assistenza għal pajjiżi mhux tal-UE ma waslux biex jissodisfaw il-ħtiġijiet li qed jespandu rapidament minħabba ż-żieda sinifikanti fil-migrazzjoni irregolari fir-reġjun tal-Mediterran, speċjalment wara l-2013. L-awdituri tagħna osservaw li l-finanzjament kien frammentat u li l-proġetti kienu mifruxa wisq biex jipproduċu riżultati sinifikanti fil-pajjiżi kkonċernati. Din is-sitwazzjoni llimitat il-ħila tal-UE li tiżgura effett ġenwin ta’ inċentiv permezz tal-intervent tagħha fil-pajjiżi mhux tal-UE, jew li tiżviluppa kooperazzjoni effettiva magħhom dwar it-tħassib dwar il-migrazzjoni.
Aħna ppreżentajna r-rapport speċjali lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament Ewropew, kif ukoll lill-Grupp ta’ Ħidma ta’ Livell Għoli tal-Kunsill dwar l-Asil u l-Migrazzjoni, fejn enfasizzajna li l-infiq tal-UE fuq il-migrazzjoni fil-pajjiżi tal-viċinat se jkun effettiv biss jekk jiġu ssettjati objettivi ċari, jekk il-fondi jiġu allokati għal prijoritajiet iddefiniti tajjeb, u jekk jittejbu l-arranġamenti ta’ governanza u l-koordinazzjoni fost il-korpi tal-UE u mal-Istati Membri. Ir-rakkomandazzjonijiet li saru fir-rapport intlaqgħu tajjeb miż-żewġ istituzzjonijiet leġiżlattivi, li se jeħduhom inkunsiderazzjoni meta jiddiskutu u jiddeċiedu dwar l-infiq fuq il-politika esterna tal-UE dwar il-migrazzjoni fil-futur. Ir-rapport ġie kopert b’mod estensiv mill-midja, kemm fl-UE kif ukoll lil hinn minnha, u kiseb — f’termini ta’ impatt fil-midja — l-aktar impatt sinifikanti mir-rapporti speċjali kollha tagħna matul is-sena.
It-trasport marittimu fl-UE: f’baħar ta’ inkwiet — sar ħafna investiment li la huwa effettiv u lanqas sostenibbli (Nru 23/2016)
Aħna neżaminaw b’mod regolari l-proġetti ffinanzjati mill-UE fil-qasam tat-trasport: l-ajruporti, it-trasport ferrovjarju tal-merkanzija, il-passaġġi fuq l-ilma interni u t-toroq huma eżempji reċenti ta’ dan. Din id-darba ħarisna lejn l-investimenti tal-UE fl-infrastruttura tal-portijiet. It-trasport marittimu huwa qasam importanti għall-kummerċ u l-kompetittività tal-UE, iżda wkoll għall-imprendituri u ċ-ċittadini tagħna. Fi snin reċenti, il-portijiet tal-baħar ikkontribwew madwar 1 % tal-PDG tal-UE u appoġġaw l-impjieg ta’ aktar minn 2 miljun persuna. Għalhekk huwa kruċjali li l-UE — flimkien mal-awtoritajiet tal-Istati Membri — tonfoq il-flus fuq dawn l-investimenti bl-aktar mod effettiv possibbli u li dan il-finanzjament mill-UE jwassal ir-riżultati.
L-awdituri tagħna vvalutaw l-istrateġiji għat-trasport marittimu tal-merkanzija tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Istati Membri, u l-valur għall-flus imwassal minn investimenti tal-UE fis-servizzi portwarji, li ammontaw għal EUR 17-il biljun f’għotjiet u selfiet bejn is-sena 2000 u l-2013. Dan kien jinkludi xi investimenti ffinanzjati mill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI). Huma analizzaw dokumenti bħall-istrateġiji tal-UE u dawk nazzjonali għat-trasport marittimu kif ukoll pjanijiet ta’ żvilupp tal-portijiet, intervistaw uffiċjali mill-Kummissjoni, rappreżentanti tal-awtoritajiet reġjonali u tal-portijiet fl-Istati Membri, stħarrġu lill-partijiet interessati fl-industrija bħalma huma l-operaturi portwarji, u kisbu aktar evidenza billi ċċekkjaw il-portijiet. Huma wettqu eżaminar fuq il-post fi 19-il port tal-baħar fil-Ġermanja, l-Italja, il-Polonja, Spanja u l-Iżvezja, kif ukoll studji speċifiċi fuq 8 oħra.
La l-UE u lanqas l-Istati Membri ma kellhom stampa ġenerali strateġika ta’ liema portijiet kienu jeħtieġu finanzjament, u għal xiex, filwaqt li l-finanzjament ta’ tipi ta’ infrastruttura simili fil-portijiet ġirien wassal għal investiment ineffettiv u mhux sostenibbli. Aħna rrivalutajna wkoll ħames proġetti li kienu diġà ġew eżaminati fl-2010 u sibna li dawn il-proġetti jwasslu valur baxx għall-flus. L-użu tal-infrastruttura ffinanzjata mill-UE f’dawn il-portijiet kienet għadha inadegwata wara kważi 10 snin ta’ operazzjonijiet, u ż-żoni rilevanti tal-port f’4 portijiet jew kienu għadhom vojta jew inkella kważi vojta, filwaqt li l-ħames port lanqas biss kien qed jopera.

Fl-awditi tagħna, mhuwiex dejjem possibbli li nikkwantifikaw b’mod ċar l-ineffettività tal-finanzjament mill-UE li jiġi eżaminat. Madankollu, dan ma kienx il-każ din id-darba. Aħna sibna li terz mill-infiq tal-UE fuq faċilitajiet bħal mollijiet, baċiri u breakwaters fil-portijiet tal-baħar tal-UE, bejn is-sena 2000 u l-2013, kien ineffettiv u mhux sostenibbli, fejn euro wieħed minn kull tlieta minn dawk li ntnefqu fuq il-proġetti eżaminati (EUR 194 miljun) marru għal proġetti li dduplikaw il-faċilitajiet eżistenti fil-viċinanzi, u EUR 97 miljun ġew investiti f’infrastruttura li jew ma ntużatx jew xejn ma ntużat biżżejjed għal aktar minn tliet snin wara li ġiet ikkompletata.
Dan huwa dovut għal kontrolli doganali li mhumiex armonizzati biżżejjed u għal nuqqas ta’ gwida mill-Kummissjoni dwar l-infrastrutturi tal-portijiet u dwar l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għall-portijiet.
Meta ppreżentajna r-rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, aħna enfasizzajna li t-trasport marittimu fl-UE jinsab f’”baħar ta’ inkwiet”, u enfasizzajna b’mod partikolari r-riskju għoli li jintilfu kważi EUR 400 miljun ta’ finanzjament mill-UE li kien ġie investit.
Dan ir-rapport speċjali kellu impatt kbir. Huwa wera lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri d-direzzjoni lejn mod aktar effettiv, effiċjenti u trasparenti ta’ kif jistgħu jintnefqu flus l-UE, filwaqt li appoġġa t-tentattivi tal-Kummissjoni li tipprijoritizza investimenti biex il-portijiet jiġu konnessi, iżda ssuġġerixxa wkoll li ċerti investimenti jiġu evitati fil-futur u li l-ineffiċjenza u l-ineffettività jridu jiġu indirizzati b’kull mezz legali possibbli. Ir-rakkomandazzjonijiet tagħna ntlaqgħu tajjeb mill-Parlament u mill-Kunsill għad-diskussjonijiet ta’ politika tagħhom dwar l-investiment tal-UE fis-servizzi portwarji jew każijiet simili.
Bħalma nagħmlu għal għadd mir-rapporti tagħna, aħna ppreżentajna dan ir-rapport lill-partijiet interessati fl-industrija, u lill-midja f’konferenza stampa fi Brussell. Minbarra dan, ippreżentajnieh lill-istampa f’Antwerp, it-tieni l-akbar port fl-UE, waqt il-ftuħ ta’ bini ġdid tal-port. Ir-rapport tagħna ġie kopert b’mod konsiderevoli mill-midja, li żgura li l-ġestjoni finanzjarja tal-UE f’dan is-settur importanti rċeviet skrutinju pubbliku fl-UE kollha.
L-anness ta’ dan ir-rapport jelenka r-rapporti speċjali kollha li ġew prodotti fl-2016.
Detezzjoni ta’ frodi
Għalkemm l-awditi tagħna mhumiex imfassla biex b’mod speċifiku jfittxu l-frodi, aħna naqbdu għadd ta’ każijiet fejn nissuspettaw li setgħet seħħet attività irregolari jew frodulenti. L-istituzzjoni tagħna tikkoopera mill-qrib mal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) fil-ġlieda kontra l-frodi li titwettaq kontra l-baġit tal-UE. Aħna ngħaddu lill-OLAF kull suspett ta’ frodi, korruzzjoni jew attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-UE li nidentifikaw matul ix-xogħol tal-awditjar tagħna. Imbagħad, dawn il-każijiet jingħataw segwitu mill-OLAF, li jiddeċiedi dwar kull investigazzjoni li tirriżulta u li jikkoopera kif meħtieġ mal-awtoritajiet tal-Istati Membri. Matul l-2016, aħna kkomunikajna lill-OLAF 11-il każ ta’ frodi suspettata li konna identifikajna matul ix-xogħol tagħna relatat mad-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni għas-snin finanzjarji 2015 u 2016, u fi ħdan il-kompiti l-oħra tagħna tal-awditjar.
Opinjonijiet u pubblikazzjonijiet oħra bbażati fuq analiżijiet
Aħna nikkontribwixxu għat-titjib tal-ġestjoni finanzjarja tal-UE wkoll permezz ta’ opinjonijiet dwar proposti għal leġiżlazzjoni ġdida jew irreveduta li jkollha impatt finanzjarju sinifikanti. Dawn l-opinjonijiet jintalbu mill-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE u jintużaw mill-awtoritajiet leġiżlattivi — il-Parlament u l-Kunsill — f’xogħolhom. Aħna nistgħu noħorġu wkoll dokumenti u analiżijiet dwar kwistjonijiet oħra fuq l-inizjattiva proprja tagħna.
Fl-2016, aħna pproduċejna żewġ opinjonijiet li jkopru l-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS).
- Opinjoni Nru 1/2016 dwar l-emendar tar-Regolament tal-UE dwar is-segretarjat tal-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF)
L-opinjoni tagħna tappoġġa l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea li s-segretarjat tal-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-OLAF ma għandux jibqa’ jiġi pprovdut mill-OLAF innifsu — li, skont il-Kumitat, kien jesponi lill-persunal tas-segretarjat għal istruzzjonijiet kunfliġġenti — iżda mill-Kummissjoni.
- Opinjoni Nru 2/2016 dwar proposta għall-estensjoni u l-espansjoni tal-FEIS
L-opinjoni tagħna ssib li l-pjanijiet tal-Kummissjoni Ewropea biex iżżid u testendi, sena biss wara t-tnedija tiegħu, il-fond ta’ investiment li jinsab fil-qalba tal-”Pjan Juncker” u li għandu l-għan li jiġġenera EUR 315-il biljun f’finanzjament pubbliku u privat, tfasslu kmieni wisq u bi ftit li xejn evidenza li ż-żieda kienet iġġustifikata. Aħna qiesna li kien għadu kmieni wisq biex jitkejlu l-impatti ekonomiċi, soċjali u ambjentali, jew biex tintlaħaq konklużjoni dwar jekk il-FEIS huwiex qed jilħaq l-objettivi tiegħu.
Dokument informattiv — pubblikazzjoni ġdida
Fl-2016 aħna żviluppajna prodott ġdid — dokumenti informattivi — li għandu l-għan li jipprovdi lil-leġiżlaturi tal-UE, b’mod partikolari lill-Kunsill, b’fehim approfondit indipendenti, rilevanti u f’waqtu dwar diversi suġġetti. Aħna ppubblikajna dokument informattiv bħal dan fl-2016, li kien jirrigwarda r-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) 2014–2020.
- Dokument informattiv — Il-baġit tal-UE: wasal iż-żmien għal riforma?
Aħna eżaminajna l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-rieżami ta’ nofs it-terminu u qiesna li l-proposti ma bbenefikaw minn ebda valutazzjoni tal-infiq fil-perjodu attwali, li ftit li xejn se jkun hemm opportunità biex il-prestazzjoni tiġi vvalutata qabel il-QFP li jmis, u li hemm ħtieġa urġenti biex tiġi indirizzata l-kumplessità dejjem tikber tal-arranġamenti għall-finanzjament tal-politiki tal-UE. Aħna ssuġġerejna li l-Kummissjoni terġa’ tqis l-iskeda ta’ żmien għall-iżvilupp tal-QFP li jmiss, li twettaq rieżami komprensiv tal-infiq li jsir mill-UE, li tiżviluppa arranġamenti ta’ finanzjament li jkunu aktar ċari, aktar sempliċi u aktar koerenti, u li tagħmel lill-prijoritajiet tal-baġit tal-UE s-suġġett ta’ dibattitu ta’ livell għoli.
Id-dokumenti informattivi ma jinħarġux bl-istess mod bħalma jinħarġu r-rapporti tal-awditjar tagħna, billi titqiegħed enfażi fuq l-użu tal-bażi estensiva ta’ għarfien tagħna. Huma jirrieżaminaw is-sitwazzjoni attwali ta’ suġġett partikolari u jagħtu lok għat-teħid ta’ deċiżjonijiet infurmati u t-tfassil ta’ politiki infurmati, fuq il-bażi ta’ parir sod, indipendenti u imparzjali.
L-opinjonijiet u l-pubblikazzjonijiet l-oħra tagħna bbażati fuq analiżijiet jiġu ppubblikati fuq is-sit web tagħna (eca.europa.eu).
Avvenimenti sinifikanti
Kontabbiltà għas-Settur Pubbliku: Kontijiet Aħjar, Baġits Aħjar, Infiq Aħjar?
Il-25 u s-26 ta’ Jannar 2016, il-QEA, il-Lussemburgu
Aħna organizzajna sessjoni ta’ ħidma għall-esperti fil-kontabbiltà tas-settur pubbliku. Il-parteċipanti ddiskutew jekk l-armonizzazzjoni tal-kontabbiltà finanzjarja, l-ibbaġitjar u l-istatistika makroekonomika kinitx triq possibbli ‘l quddiem lejn qafas komuni bbażat fuq il-prinċipji tal-kontabbiltà ġeneralment aċċettati (GAAP). Panel ta’ esperti elabora dwar jekk il-kontijiet finanzjarji, il-kontijiet nazzjonali u l-baġits setgħux jitqiesu bħala tliet verżjonijiet ta’ realtà waħda. Ingħatat perspettiva interessanti fis-sessjonijiet “breakout” li, fost affarijiet oħra, indirizzaw ir-rwol tal-awdituri fil-promozzjoni ta’ riformi, jew għall-kuntrarju, fl-aġġustament għalihom.
Konferenza dwar l-Istrumenti Finanzjarji tal-UE
Il-15 ta’ Novembru 2016, il-QEA, il-Lussemburgu
Aħna organizzajna konferenza ta’ livell għoli dwar l-istrumenti finanzjarji tal-UE fejn rappreżentanti mis-settur pubbliku u dak privat qiesu kif l-istrumenti finanzjarji jistgħu jintużaw bl-aħjar mod biex jipprovdu appoġġ finanzjarju mill-baġit tal-UE. Fost il-parteċipanti kien hemm: Ingeborg Grässle, il-President tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament Ewropew, Pier Luigi Gilibert, il-Kap Eżekuttiv tal-Fond Ewropew tal-Investiment, Vazil Hudák, il-Viċi President tal-Bank Ewropew tal-Investiment u Nicholas Martyn, il-Viċi Direttur Ġenerali għall-Politika, il-Konformità u l-Prestazzjoni fid-DĠ Politika Reġjonali u Urbana tal-Kummissjoni Ewropea, li ddiskutew is-suġġett flimkien mal-Membru tal-QEA Iliana Ivanova.
Il-konferenza kompliet tibni fuq il-konklużjonijiet tar-Rapport Speċjali tagħna “L-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE permezz ta’ strumenti finanzjarji — tagħlimiet li għandhom jinsiltu mill-perjodu tal-programm 2007-2013” u fuq l-opinjoni tagħna dwar il-FEIS. Dan ġie segwit b’panel ta’ diskussjoni dwar l-ingranaġġ ta’ kapital privat, l-użu mill-ġdid tal-fondi disponibbli, l-ispejjeż tal-ġestjoni, u l-FEIS u l-inizjattiva għall-SMEs.

Seminar internazzjonali tas-CIPFA “Lil hinn mill-bażi”
L-24 u l-25 ta’ Novembru 2016, il-QEA, il-Lussemburgu
Is-Seminar Internazzjonali tas-CIPFA (Chartered Institute of Public Finance and Accountancy) huwa avveniment ewlieni għall-professjonisti fil-qasam tal-finanzi u għall-awdituri li jaħdmu fis-settur pubbliku. Mas-CIPFA aħna naqsmu l-istess valuri u naħdmu b’mod attiv favur il-ġestjoni finanzjarja tajba u l-governanza tajba. Il-Membru tagħna Lazaros S. Lazarou, li huwa responsabbli għar-rapport annwali, kien il-moderatur tal-avveniment li ġie organizzat mis-CIPFA. Il-parteċipanti ddiskutew firxa wiesgħa ta’ kwistjonijiet, bħat-titjib tal-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi, l-iskrutinju u l-awditjar f’dinja mimlija inċertezzi, u l-obbligu ta’ rendikont u l-governanza tajba fil-finanzi pubbliċi.

Relazzjonijiet mal-partijiet interessati
L-impatt ta’ xogħolna jiddependi ħafna minn kemm il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-UE u l-parlamenti nazzjonali jużaw ir-riżultati tal-awditjar u r-rakkomandazzjonijiet tagħna.
Il-Parlament
Matul l-2016, il-President u l-Membri tagħna żammew kuntatti regolari mal-kumitati tal-Parlament Ewropew, u b’mod partikolari mal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (CONT).
Fil-bidu tas-sena, il-President Caldeira ppreżenta l-programm ta’ ħidma għall-2016 lill-CONT u lill-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati, bħala parti mill-konsultazzjoni annwali tagħna mal-Parlament Ewropew dwar il-programm ta’ ħidma tas-sena ta’ wara. F’April, huwa ha sehem fid-dibattitu tal-plenarja fil-Parlament Ewropew dwar il-kwittanza għall-2014.
F’Ottubru 2016, il-President Klaus-Heiner Lehne, li kien għadu kemm ġie elett, ippreżenta r-Rapport Annwali 2015 tagħna lill-CONT, u aktar tard lis-sessjoni plenarja wkoll. F’Novembru, huwa reġa’ attenda l-CONT biex jippreżenta l-programm ta’ ħidma tagħna għall-2017. Fl-istess xahar, delegazzjoni tal-CONT wettqet iż-żjara ta’ ħidma annwali tagħha fl-istituzzjoni tagħna.
Matul l-2016, il-Membri tagħna ppreżentaw 33 rapport speċjali lill-CONT, kif ukoll is-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-kapitoli tar-Rapport Annwali 2015 tagħna. Minbarra dan, huma ntalbu jippreżentaw 12-il rapport speċjali u l-kapitolu dwar “Kompetittività għat-tkabbir u l-impjiegi” tar-rapport annwali lil kumitati parlamentari oħra. Barra minn hekk, il-Membri u t-timijiet tal-awditjar tagħna ġew mistiedna jippreżentaw u jiddiskutu x-xogħol tal-awditjar tagħna f’diversi gruppi ta’ ħidma tal-kumitati, seminars u avvenimenti parlamentari oħra. Bħal fi snin preċedenti, kellna laqgħa konġunta mal-Kumitat tal-Parlament dwar l-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali sabiex niddiskutu punti ta’ interess komuni rigward ix-xogħol li għadu għaddej, u komplejna nikkooperaw mas-servizz ta’ riċerka tal-Parlament bil-ħsieb li niksbu kondiviżjoni aktar effiċjenti tal-għarfien.

Il-Kunsill
Komplejna bl-isforzi tagħna biex naħdmu aktar mill-qrib mad-diversi formazzjonijiet tal-Kunsill, kemm fil-livell politiku kif ukoll tal-ħidma.
F’Jannar 2016, il-President Caldeira ltaqa’ ma’ Jeroen Dijsselbloem, il-Ministru tal-Finanzi tan-Netherlands, il-President tal-Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji (Ecofin) u l-President tal-Grupp tal-Euro. Huma ddiskutew is-segwitu għar-Rapport Annwali 2014 tagħna fil-kuntest tal-kwittanza għall-2014, u l-isfidi fil-ġestjoni tal-finanzi tal-UE.
F’Ottubru 2016, il-President Lehne ltaqa’ ma’ Peter Kažimir, il-Ministru tal-Finanzi tas-Slovakkja u l-President tal-Ecofin, u f’Novembru ma’ Edward Scicluna, il-Ministru tal-Finanzi ta’ Malta u l-President futur tal-Ecofin, biex jiddiskuti r-Rapport Annwali 2015 tagħna u s-segwitu għalih fil-proċedura ta’ kwittanza għall-2015, flimkien ma’ xogħol ieħor tal-awditjar li kien għadu għaddej.

Il-parlamenti nazzjonali
80 % tal-baġit tal-UE jiġi mmaniġġjat mill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali fl-Istati Membri. Għalhekk, aħna impenjati lejn kooperazzjoni aktar mill-qrib, fil-futur, mal-parlamenti fl-Istati Membri, billi regolarment nipprovduhom b’informazzjoni dwar xogħolna u niddiskutu magħhom ir-riżultati tal-awditi tagħna u l-implikazzjonijiet tagħhom, inkużi r-rakkomandazzjonijiet li nagħmlu. Fl-2016, il-membri tagħna ppreżentaw ir-Rapport Annwali 2015 fi 19-il Stat Membru, u f’għadd kbir minnhom huma ppreżentaw ukoll bosta mir-rapporti speċjali tagħna.
Kooperazzjoni ma’ Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar
Il-QEA hija l-awditur estern tal-UE, u aħna nikkooperaw ma’ istituzzjonijiet supremi tal-awditjar (SAIs) oħra prinċipalment permezz:
- tal-Kumitat ta’ Kuntatt tas-SAIs tal-Istati Membri tal-UE;
- tan-Netwerk tas-SAIs ta’ pajjiżi kandidati u pajjiżi kandidati potenzjali tal-UE;
- ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali ta’ istituzzjonijiet tal-awditjar pubbliku, notevolment l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar (Intosai) u l-grupp reġjonali Ewropew tagħha (Eurosai).
Kumitat ta’ Kuntatt tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar tal-Istati Membi tal-UE
It-Trattat tal-UE jeħtieġ li l-QEA u l-korpi tal-awditjar nazzjonali tal-Istati Membri jikkooperaw fi spirtu ta’ fiduċja, filwaqt li jżommu l-indipendenza tagħhom. Aħna nikkooperaw b’mod attiv mas-SAIs tal-Istati Membri tal-UE permezz tal-qafas tal-Kumitat ta’ Kuntatt, li jinkludi laqgħa annwali u diversi gruppi ta’ ħidma, netwerks u task forces stabbiliti biex jindirizzaw kwistjonijiet speċifiċi ta’ interess komuni.
Matul l-2016, aħna kkontribwejna għal jew ipparteċipajna fl-attivitajiet tal-korpi ta’ ħidma dwar l-unjoni bankarja tal-UE, il-fondi strutturali, l-Istrateġija Ewropa 2020, l-awditjar tal-politika fiskali, it-taxxa fuq il-valur miżjud, u l-prevenzjoni u l-ġlieda konta l-irregolaritajiet u l-frodi.
Bħala parti mill-appoġġ tagħna għall-kondiviżjoni tal-għarfien u l-ispeċjalizzazzjoni fl-awditjar tal-fondi tal-UE, aħna ftaħna korsijiet interni magħżula ta’ taħriġ għall-awdituri mis-SAIs nazzjonali.
Ikkoordinajna wkoll l-analiżi u l-valutazzjoni tal-qafas ta’ kooperazzjoni tal-Kumitat ta’ Kuntatt. Il-kumitat ħa nota tar-rapport li rriżulta, u approva r-rakkomandazzjonijiet.
Barra minn hekk, aħna nipprovdu appoġġ amministrattiv lill-kumitat, notevolment fil-forma ta’ ġestjoni tas-sit web tiegħu kif ukoll assistenza amministrattiva u koordinazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ twissija bikrija tiegħu, li permezz tiegħu s-SAIs iżommu lil xulxin infurmati dwar żviluppi ewlenin relatati ma’ xogħolhom.

Kooperazzjoni msaħħa fir-rigward tal-awditjar tal-fondi tal-UE
Aħna għandna kollegament kontinwu mas-SAIs tal-Istati Membri sabiex insaħħu l-kooperazzjoni tagħna fir-rigward tal-awditjar tal-fondi tal-UE, u biex nanalizzaw il-possibbiltà li nagħżlu suġġetti tal-awditjar li nkunu nistgħu nidħlu għalihom b’mod ikkoordinat. Fl-2016, iffirmajna memorandum ta’ qbil mas-SAIs tal-Kroazja u tal-Polonja għall-awditu kkoordinat tal-programm JASPERS, b’rapport speċjali ppjanat fl-2017. Aħna komplejna nissimplifikaw ukoll il-proċeduri amministrattivi tagħna li nużaw biex ninfurmaw lis-SAIs nazzjonali dwar iż-żjarat tal-awditjar tagħna u biex niċċaraw il-fatti mal-partijiet awditjati tagħna fl-Istati Membri.

Netwerk tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar ta’ Pajjiżi Kandidati u Pajjiżi Kandidati Potenzjali tal-UE
Aħna nikkooperaw mas-SAIs ta’ pajjiżi kandidati u pajjiżi kandidati potenzjali tal-UE, prinċipalment permezz ta’ netwerk li huwa simili għall-Kumitat ta’ Kuntatt.
Matul l-2016, komplejna nappoġġaw dan in-netwerk fit-twettiq ta’ awditi paralleli dwar l-effiċjenza fl-enerġija u dwar l-akkwist pubbliku, li fit-tieni każ kien jinkludi l-ospitar tal-laqgħa tal-ftuħ li attendew għaliha l-kapijiet tas-SAIs parteċipanti.
Minbarra dan, aħna kkontribwejna b’mod attiv għal bosta laqgħat u attivitajiet oħra tan-netwerk, li jittrattaw suġġetti bħall-materjalità u l-kampjunar fl-awditjar finanzjarju, l-iżvilupp ta’ relazzjonijiet ta’ ħidma effettivi bejn is-SAIs u l-parlamenti nazzjonali, jew l-indipendenza tas-SAIs.
Disa’ awdituri min-netwerk tas-SAIs ipparteċipaw fil-programm ta’ apprendistat 2016 tagħna u 12 oħra attendew il-korsijiet interni ta’ taħriġ tagħna.
Kooperazzjoni oħra
Fl-2016, aħna komplejna bl-involviment attiv u l-kontribut tagħna fl-attivitajiet tal-Intosai u tal-Eurosai, notevolment fil-korpi rilevanti ta’ ħidma tagħhom.
F’Ġunju 2016, aħna ospitajna l-44 laqgħa tal-Bord ta’ Tmexxija tal-Eurosai.
F’Diċembru 2016, fit-XXII kungress tal-Intosai fl-Emirati Għarab Magħquda, il-QEA nħatret formalment bħala l-Viċi President tal-Kumitat għall-Istandards Professjonali. Dan jirrifletti l-ambizzjoni tagħna biex nikkontribwixxu għall-proċess ta’ ssettjar ta’ standards għall-awditjar pubbliku. Aħna kkontribwejna sinifikattivament għall-abbozzar u l-approvazzjoni tal-istandard ISSAI 5600 (Gwida għall-Evalwazzjoni bejn il-Pari), kif ukoll għall-iżvilupp ta’ żewġ standards ġodda tal-awditjar ambjentali (ISSAI 5110 u 5120).
It-tmexxija tagħna
Il-kulleġġ tal-QEA
Il-kulleġġ tal-QEA huwa magħmul minn Membru wieħed għal kull Stat Membru, kull wieħed minnhom iservi terminu ta’ sitt snin, li jista’ jiġġedded. Il-Membri jinħatru mill-Kunsill, b’konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew, b’segwitu ta’ nominazzjoni mill-Istati Membri rispettivi tagħhom. Huma meħtieġa bit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea li jwettqu d-dmir tagħhom f’indipendenza kompleta u fl-interess ġenerali tal-UE.
Il-biċċa l-kbira mill-Membri jiġu assenjati f’waħda mill-ħames awli tal-awditjar, fejn rapporti, opinjonijiet u pubblikazzjonijiet oħra bbażati fuq analiżijiet jiġu adottati, u fejn jittieħdu deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet strateġiċi u amministrattivi usa’. Kull Membru huwa responsabbli għall-kompiti tal-awditjar proprji tiegħu. Wieħed mill-Membri huwa assenjat biex imexxi l-kumitat għall-kontroll tal-kwalità tal-awditjar, u Membru ieħor biex jikkoordina r-relazzjonijiet interistituzzjonali. Huma jkollhom l-assistenza ta’ kabinett.
Ir-rapporti, l-opinjonijiet u l-pubblikazzjonijiet l-oħra bbażati fuq analiżijiet li jitħejjew taħt ir-responsabbiltà tagħhom jiġu ppreżentati lill-awla u/jew lill-kulleġġ sħiħ għall-adozzjoni, u mbagħad lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Il-Membri jeleġġu l-President tal-QEA minn fosthom stess għal perjodu ta’ tliet snin li jista’ jiġġedded. Minbarra r-responsabbiltajiet l-oħra tiegħu, il-President jissorvelja l-prestazzjoni ta’ xogħolna u jirrappreżenta l-istituzzjoni tagħna fil-livell estern. Fl-1 ta’ Ottubru 2016, Klaus-Heiner Lehne ħa post Vítor Caldeira, li wara disa’ snin bħala l-President tal-QEA, sar il-President tas-SAI Portugiża (Tribunal De Contas).
Fl-2016, wara nominazzjonijiet mill-gvernijiet tal-Istati Membri tagħhom, u wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ħatar lil:
- Jan Gregor (ir-Repubblika Ċeka), Mihails Kozlovs (il-Latvja), Janusz Wojciechowski (il-Polonja) u Samo Jereb (is-Slovenja), Membri tal-QEA mis-7 ta’ Mejju 2016;
- Rimantas Šadžius (il-Litwanja), Membru tal-QEA mis-16 ta’ Ġunju 2016;
- Leo Brincat (Malta) u João Figueiredo (il-Portugall), Membri tal-QEA mill-1 ta’ Ottubru 2016;
- Juhan Parts (l-Estonja), Membru tal-QEA mill-1 ta’ Jannar 2017;
- Il-Membri tal-QEA Ladislav Balko (is-Slovakkja) u Lazaros S. Lazarou (Ċipru) reġgħu nħatru fis-7 ta’ Mejju u fit-2 ta’ Novembru 2016 rispettivament.
Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri: organigramma fl-1 ta' Jannar 2017
Awla I
Użu sostenibbli tar-riżorsi naturali
Ir-Renju Unit
Il-Greċja
Il-Polonja
Is-Slovenja
Il-Portugall
Awla II
Investiment għall-koeżjoni, it-tkabbir u l-inklużjoni
Il-Bulgarija
Il-Lussemburgu
Is-Slovakkja
Ir-Rumanija
L-Awstrija
Awla III
Azzjoni esterna, sigurtà u ġustizzja
Il-Belġju
L-Ungerija
L-Iżvezja
Il-Finlandja
Id-Danimarka
Awla IV
Regolamentazzjoni tas-swieq u ekonomija kompetittiva
Spanja
L-Irlanda
Il-Kroazja
In-Netherlands
Il-Litwanja
Awla V
Finanzjament u amministrazzjoni tal-Unjoni
Ċipru
L-Italja
Ir-Repubblika Ċeka
Il-Latvja
Malta
L-Estonja
Membru għall-Kumitat għall-Kontroll tal-Kwalità tal-Awditjar
Franza
Awli tal-awditjar u kumitati
F’Ġunju 2016, aħna rriformajna l-awli u l-kumitati li l-istituzzjoni tagħna tuża biex tħejji u tieħu deċiżjonijiet. Tlieta minn dawn il-bidliet huma partikolarment notevoli. Ir-riforma stabbiliet:
- ħames awli ugwali magħmula minn ħames Membri, inkluż id-dekan li kull awla teleġġi biex jikkoordina xogħolha. Minflok tkun responsabbli għal oqsma jew korpi speċifiċi relatati mal-baġit tal-UE, kull awla issa għandha tema, ibbażata fuq il-politiki tal-UE, biex tiggwida xogħolha: ambjentali, soċjali, ekonomika, affarijiet esterni, u governanza interna.
- kumitat ġdid biex jissorvelja l-ġestjoni tal-kwalità tal-awditjar tagħna. Il-Kumitat għall-Kontroll tal-Kwalità tal-Awditjar huwa magħmul mill-Membru għall-kontroll tal-kwalità tal-awditjar u żewġ Membri mill-awli, li jinħatru fuq proposta tal-President tagħna.
- responsabbiltajiet ġodda u Membru addizzjonali għall-Kumitat Amministrattiv tagħna. Il-kumitat żamm ir-responsabbiltà għat-tħejjija tad-deċiżjonijiet tagħna dwar l-istrateġija, il-programm ta’ ħidma u kwistjonijiet organizzazzjonali, u ħa responsabbiltajiet addizzjonali ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet fir-rigward ta’ ċerti kwistjonijiet relatati mal-persunal. Il-Membru l-ġdid għall-kontroll tal-kwalità tal-awditjar issieħeb fil-kumitat, li jinkludi lill-President (il-president tal-kumitat), id-dekani tal-awli u l-Membru għar-relazzjonijiet istituzzjonali, bil-parteċipazzjoni tas-Segretarju Ġenerali.
Ir-riforma tal-awli u tal-kumitati tagħna tikkomplementa żewġ riformi kbar oħra li huma marbuta mal-implimentazzjoni tal-istrateġija tagħna għall-2013-2017: l-introduzzjoni ta’ organizzazzjoni bbażata fuq il-kompiti fil-bidu tal-2016, u l-inizjattiva li għadha għaddejja biex nistabbilixxu netwerk madwar l-istituzzjoni kollha biex insaħħu l-ġestjoni tal-għarfien. Taħt l-organizzazzjoni l-ġdida bbażata fuq il-kompiti, id-direttorati tal-awditjar huma magħmula minn tim maniġerjali (direttur u maniġers prinċipali) u grupp ta’ persunal (awdituri u assistenti).
Għal kull kompitu, l-awla responsabbli tassenja Membru relatur, kap tal-kompitu u tim tal-awditjar. L-awli u l-esperti ta’ politika tagħhom ikollhom ukoll rwol ewlieni f’attivitajiet ta’ ġestjoni tal-għarfien biex l-għarfien jinħoloq, jinżamm u jiġi kondiviż. Barra minn hekk, l-inizjattiva Enabling Knowledge for Audit (EKA) ġiet implimentata matul l-2016 u saret pilastru ċentrali tal-proċessi tagħna ta’ ġestjoni tal-għarfien, li jinkludu skanns tal-politiki u noti informattivi dwar is-suġġetti mill-awdituri tagħna.
L-elementi kollha tar-riforma għandhom l-għan li jagħmlu lill-istituzzjoni tagħna aktar flessibbli fit-twettiq tal-kompiti tagħna, u li jagħmlu użu aħjar mill-għarfien, il-ħiliet u l-esperjenza tagħna biex inwettqu awditi rilevanti u ta’ kwalità għolja f’waqthom. Dan huwa għan ewlieni tal-istrateġija tagħna għall-2013-2017.
Kejl tal-prestazzjoni
Aħna napplikaw seba’ indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni (KPIs) biex nimmonitorjaw il-progress li sar lejn l-ilħuq tal-miri strateġiċi tagħna, biex nappoġġjaw it-teħid ta’ deċiżjonijiet u biex nipprovdu informazzjoni dwar il-prestazzjoni tagħna.
Dawn l-indikaturi għandhom l-għan li jkejlu elementi ewlenin tal-kwalità u tal-impatt ta’ xogħolna, u l-effiċjenza u l-effettività tal-mod kif nużaw ir-riżorsi tagħna.
Kwalità u impatt ta’ xogħolna
Aħna nivvalutaw il-kwalità u l-impatt tar-rapporti tagħna abbażi ta’ evalwazzjoni mill-partijiet interessati, analiżijiet mill-esperti, u s-segwitu li jingħata għar-rakkomandazzjonijiet tagħna. Barra minn hekk, aħna nkejlu l-preżenza tagħna fil-midja.
Evalwazzjoni mill-partijiet interessati
Aħna stidinna lill-partijiet interessati prinċipali tagħna — il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-Kumitat għall-Baġits tal-Parlament Ewropew, il-Kumitat tal-Baġit tal-Kunsill, il-partijiet awditjati prinċipali fil-Kummissjoni u fl-aġenziji Ewropej, u l-Kapijiet tas-SAIs tal-UE — biex jikklassifikaw ir-rapporti li nippubblikaw.
Fl-2016, bħal fi snin preċedenti, maġġoranza kbira tal-wiġġieba kklassifikaw l-utilità u l-impatt tar-rapporti tagħna bħala “għoli” jew “għolji ħafna”.
Analiżijiet mill-esperti
Kull sena, esperti esterni indipendenti janalizzaw il-kontenut u l-preżentazzjoni ta’ kampjun ta’ rapporti tagħna bħala valutazzjoni tal-kwalità. Fl-2016, l-eżaminaturi vvalutaw sitt rapporti speċjali (Nru 13/2016, Nru 14/2016, Nru 23/2016, Nru 25/2016, Nru 27/2016 u Nru 29/2016 — ara l-Anness) u r-Rapporti Annwali 2015. Huma kklassifikaw il-kwalità ta’ diversi aspetti tar-rapporti fuq skala ta’ erbgħa li tvarja minn “b’nuqqasijiet sinfikanti” (1) għal “ta’ kwalità għolja” (4).
Ir-riżultati kienu stabbli ħafna fis-snin reċenti, li jindika li r-rapporti tagħna huma ta’ kwalità sodisfaċenti.
Segwitu għar-rakkomandazzjonijiet
Mod ewlieni ta’ kif nikkontribwixxu għat-titjib tal-ġestjoni finanzjarja tal-UE huwa permezz tar-rakkomandazzjonijiet li nagħmlu fir-rapporti tal-awditjar tagħna. Uħud mir-rakkomandazzjonijiet jistgħu jiġu implimentati malajr, filwaqt li oħrajn jieħdu aktar żmien minħabba l-kumplessità tagħhom.
Aħna nimmonitorjaw sistematikament il-punt sa fejn ir-rakkomandazzjonijiet tagħna jkunu ġew implimentati mill-partijiet awditjati tagħna. Sa tmiem l-2016, 97 % tar-rakkomandazzjonijiet tagħna li nħarġu fl-2013 kienu ġew implimentati.
Fl-2016, aħna introduċejna stadju importanti addizzjonali għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tagħna peress li speċifikajna, sistematikament, limiti ta’ żmien sa meta kien jenħtieġ li r-rakkomandazzjonijiet tagħna jiġu implimentati. Fuq din il-bażi, se jkun aktar faċli biex fis-snin li ġejjin nimmonitorjaw jekk ir-rakkomandazzjonijiet tagħna jkunux ġew implimentati f’waqthom.
Preżenza fil-midja
L-indikatur dwar il-preżenza tagħna fil-midja jipprovdi riflessjoni tal-impatt tagħna fil-midja. Huwa relatat mal-objettiv strateġiku ta’ sensibilizzazzjoni dwar l-istituzzjoni tagħna, il-prodotti tagħna u l-konklużjonijiet tal-awditjar li nisiltu.
Fl-2016 aħna identifikajna madwar 9 000 artiklu online relatati mar-rapporti speċjali tagħna, mar-rapporti annwali u mal-istituzzjoni inġenerali. Madwar nofshom koprew ir-rapporti tal-awditjar tagħna, filwaqt li l-bqija jagħmlu referenza għall-istituzzjoni u għal xogħolna inġenerali. Bi tqabbil ma' dan, kien hemm 3 400 artiklu online fl-2015. Barra minn hekk, kien hemm aktar minn 11 500 referenza għall-istituzzjoni u l-prodotti tagħna fil-midja soċjali, kważi d-doppju meta mqabbel mal-2015.
Mhux ir-rapporti kollha tagħna jirċievu l-istess livell ta’ kopertura mill-midja. Fl-2016, ir-rapporti tagħna li dehru l-aktar fil-midja kienu r-rapporti speċjali dwar l-infiq fuq il-politika esterna dwar il-migrazzjoni, l-għajnuna mill-UE lill-Ukrajna, it-theddid transkonfinali serju għas-saħħa, it-trasport marittimu u l-mekkaniżmu superviżorju uniku. Aħna nemmnu li ż-żieda sinifikanti ġenerali fil-preżenza tagħna fil-midja hija dovuta għal bosta fatturi: għadd akbar ta’ rapporti speċjali, it-topikalità akbar tagħhom u komunikazzjoni aħjar mal-istampa, kemm mal-korrispondenti tal-UE fi Brussell kif ukoll mal-ġurnalisti fl-Istati Membri.
Użu effiċjenti u effettiv tar-riżorsi
Aħna nivvalutaw l-effiċjenza u l-effettività tal-użu tar-riżorsi tagħna, f’termini tal-abbilità tagħna li nimplimentaw il-programm ta’ ħidma tagħna, li nwettqu awditi f’waqthom u li niżguraw il-kompetenza professjonali tal-persunal tagħna.
Implimentazzjoni tal-programm ta’ ħidma
Aħna nippjanaw il-kompiti tal-awditjar u kompiti oħra tagħna fil-programm ta’ ħidma annwali tagħna, u nimmonitorjaw il-progress matul is-sena.
Fl-2016, ir-rapporti annwali u r-rapporti annwali speċifiċi kollha ġew implimentati kif ippjanat. Barra minn hekk, 80 % tar-rapporti speċjali ġew ippubblikati kif ippjanat inizjalment. Bi tqabbil ma’ dan, din iċ-ċifra kienet tirrappreżenta 69 % tar-rapporti speċjali tagħna fl-2015. Il-bqija ddewmu u se jiġu ppubblikati fl-2017.
Produzzjoni ta’ rapporti speċjali
Fi snin reċenti rnexxielna nqassru ż-żmien ta’ produzzjoni tal-awditi tagħna. Fl-2016, ipproduċejna s-36 rapport speċjali tagħna fi ħdan il-perjodu ta’ żmien fil-mira, bejn wieħed u ieħor 18-il xahar. Minn dawn ir-rapporti speċjali, 25 (69 %) inħarġu f’inqas minn 18-il xahar.
Aħna se nkomplu nagħmlu sforzi biex inkomplu nqassru aktar iż-żmien ta’ produzzjoni tar-rapporti speċjali tagħna fi ħdan il-perjodu ta’ żmien fil-mira li huwa speċifikat fir-Regolament Finanzjarju l-ġdid.
Taħriġ professjonali
Skont ir-rakkomandazzjonijiet maħruġa mill-Federazzjoni Internazzjonali tal-Kontabilisti, għandna l-għan li nipprovdu medja ta’ 40 siegħa (5 ijiem) ta’ taħriġ professjonali għal kull awditur.
Fl-2016, erġajna lħaqna l-mira tagħna għat-taħriġ professjonali tal-persunal tal-awditjar, u dan jirrifletti l-importanza li nagħtu lill-iżvilupp tal-persunal. Meta t-taħriġ lingwistiku — li huwa meħtieġ biex b’hek l-awdituri tagħna jkunu jistgħu jwettqu xogħolhom b’mod effiċjenti fl-Istati Membri kollha tal-UE — jittieħed inkunsiderazzjoni, l-awdituri tagħna rċevew medja ta’ 10 ijiem taħriġ fl-2016. Meta jittieħed inkunsiderazzjoni l-persunal kollu (jiġifieri mhux biss l-awdituri), it-taħriġ kien ammonta għal total ta’ 7.9 ijiem.
Il-persunal tagħna
Allokazzjoni tal-persunal
Fi tmiem l-2016, kien hemm 839 uffiċjal u membru tal-persunal temporanju jaħdmu fl-istituzzjoni tagħna (917 bl-inklużjoni tal-persunal kuntrattwali u l-esperti nazzjonali sekondati).
Aħna komplejna napplikaw it-tnaqqis fil-persunal ta’ 1 % kull sena fuq perjodu ta’ ħames snin (2013-2017) kif stabbilit fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja tajba ta’ Diċembru 2013.
B’riżultat ta’ dan, fl-2016 l-allokazzjoni tal-persunal tagħna tnaqqset minn 872 għal 862 uffiċjal u membru tal-persunal temporanju (bl-esklużjoni ta’ Membri, persunal kuntrattwali, esperti nazzjonali sekondati u trainees). Minn dawn, 553 kienu fl-awli tal-awditjar, inklużi 118 fil-kabinetti tal-Membri.
Reklutaġġ
Il-persunal tagħna għandu firxa wiesgħa ta’ sfondi akkademiċi u professjonali. Il-politika ta’ reklutaġġ tagħna ssegwi l-prinċipji ġenerali u l-kundizzjonijiet tal-impjieg tal-istituzzjonijiet tal-UE, u l-forza tax-xogħol tagħna tinkludi kemm uffiċjali permanenti kif ukoll persunal fuq kuntratti temporanji. Ġeneralment, il-kompetizzjonijiet miftuħa ġeneralment jiġu organizzati mill-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO). Fl-2016, aħna rreklutajna 51 impjegat: 19-il uffiċjal, 13-il membru tal-persunal temporanju, 14-il membru tal-persunal kuntrattwali, u 5 esperti nazzjonali sekondati. Aħna pprovdejna wkoll 88 traineeship lil gradwati universitarji għal perjodi ta’ minn 3 xhur sa 5 xhur, inklużi 9 traineeships lil awdituri mill-istituzzjonijiet supremi tal-awditjar f’pajjiżi kandidati. Fil-31 ta’ Diċembru 2016 kellna 14-il post battal (1.6 % tal-għadd totali ta’ postijiet).
Profil tal-età
Il-profil tal-età tal-persunal f’servizz attiv fil-31 ta’ Diċembru 2016 juri li madwar nofs il-membri tal-
persunal tagħna għandhom 44 sena jew inqas.
Mis-67 direttur u maniġer prinċipali tagħna, 27 (40 %) għandhom 55 sena jew aktar. Dan se jwassal għal tiġdid tal-maniġment superjuri matul il-5 sa 10 snin li ġejjin, meta jirtiraw.
Bilanċ bejn is-sessi
Aħna għandna politika ta’ opportunitajiet indaqs fil-ġestjoni tar-riżorsi umani u fir-reklutaġġ tagħna. B'mod ġenerali, ilħaqna proporzjonijiet indaqs ta' rġiel u nisa fil-forza tax-xogħol tagħna, u 42 % tal-awdituri u l-amministraturi tagħna huma nisa.
Meta mqabbel mal-2015, is-sehem ta’ maniġers nisa żdied minn 31 % għal 36 %. Il-pjan ta’ azzjoni tagħna għal opportunitajiet indaqs għandu l-għan li jikseb tqassim bilanċjat tas-sessi f’kull livell. Wara l-kampanji ta’ reklutaġġ l-aktar reċenti, 51 % tal-persunal kollu fil-livelli AD5 sa AD8 huwa nisa (50 % fl-2015). Bit-tiġdid tal-maniġment superjuri u intermedju, is-sehem dejjem jiżdied ta’ nisa fil-livelli AD huwa mistenni li jikkontribwixxi għal proporzjon ogħla ta’ nisa fil-livelli ta’ maniġment fil-futur.
L-informazzjoni dwar in-nazzjonalità u s-sess tal-maniġment tingħata fil-graff li jmiss.
Appoġġ għall-awditjar
Taħriġ professjonali
Aħna komplejna nappoġġaw l-iżvilupp professjonali kontinwu tal-persunal tagħna permezz tal-korsijiet li offrejna, kif ukoll permezz tal-appoġġ finanzjarju tagħna għall-persunal li huwa involut fi programmi ta’ akkwiżizzjoni jew ta’ żamma ta’ kwalifiki professjonali u diplomi f’oqsma li huma rilevanti għar-rwol u x-xogħol tagħna.
Fi ħdan il-qafas interistituzzjonali, aħna komplejna niżviluppaw il-kooperazzjoni tagħna mill-qrib mal-Kummissjoni Ewropea u mal-Iskola Ewropea tal-Amministrazzjoni. Minbarra dan, espandejna l-firxa ta’ korsijiet li noffru permezz ta’ korsijiet ta’ tagħlim elettroniku u komplejna s-sensiela tagħna, li kellha suċċess, ta’ preżentazzjonijiet minn esperti interni jew esterni dwar żviluppi fil-qasam tal-awditjar jew dwar suġġetti relatati ma’ xogħol l-awdituri tagħna.
Aħna nedejna wkoll is-sena pilota tad-diploma postuniversitarja f’”Audit of public organisations and policies” (Awditjar tal-organizzazzjonijiet u tal-politiki pubbliċi), kif ukoll programm ta’ lawrja ta’ Masters f’”Management of public organisations” (Ġestjoni tal-organizzazzjonijiet pubbliċi) f’kooperazzjoni mal-Università ta’ Lorraine. Barra minn hekk, awdituri minn sitt Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar oħra żaru l-istituzzjoni tagħna biex jippreżentaw il-metodoloġiji tal-awditjar tagħhom lill-persunal tagħna, fl-okkażjoni ta’ jum ta’ taħriġ annwali tagħna.
Traduzzjoni
Id-Direttorat ta’ Traduzzjoni u Servizzi Lingwistiċi tagħna ttraduċa u rreveda 230 640 paġna, ċifra li tirrappreżenta 16 % aktar milli fl-2015 u hija l-ogħla ammont tagħna ta’ paġni sa issa. Komplejna bil-Kampanja għal Lingwaġġ Ċar tagħna billi organizzajna konferenza u sessjonijiet ta’ ħidma għall-kelliema mhux nattivi tal-Ingliż li huma involuti fl-abbozzar. Għal għadd ta’ rapporti, it-tradutturi pprovdew appoġġ fl-abbozzar lit-timijiet tal-awditjar. Minbarra dan, it-tradutturi tagħna pprovdew appoġġ lingwistiku għall-awdituri f’34 żjara fuq il-post (missjonijiet tal-awditjar) li ammontaw għal total ta’ 30 ġimgħa (meta mqabbla ma’ 26 missjoni b’total ta’ 22 ġimgħa fl-2015), kif ukoll interpretar f’avvenimenti li organizzajna.
Teknoloġija tal-informazzjoni
Matul l-2016, id-Direttorat għall-Informazzjoni u t-Teknoloġija sar id-Direttorat għall-Informazzjoni, l-Ambjent tax-Xogħol u l-Innovazzjoni li jikkonsisti f’teknoloġija tal-informazzjoni, ġestjoni tal-informazzjoni (librerija u arkivji) u servizzi tal-infrastruttura tal-binjiet. Ir-riorganizzazzjoni saret b’rispons għall-ħtieġa li jittieħdu inkunsiderazzjoni kemm il-komponenti fiżiċi kif ukoll dawk diġitali meta jkunu qed jitfasslu postijiet tax-xogħol ibbażati fuq l-attività.
Aħna ssostitwejna u tejjibna l-infrastruttura sħiħa ta’ ħżin fiċ-ċentri tad-data tagħna, żidna l-kapaċità tal-aċċess għall-internet u tal-filtru, ittrasferejna s-sistema tal-email minn Lotus Notes għal Outlook, u bdejna ntejbu jew nittrasferixxu bosta sistemi ta’ ġestjoni tar-riżorsi umani.
L-iżviluppi u l-konsenji kollha nkisbu bil-kunsiderazzjoni dovuta għall-ġestjoni tar-riskji u l-iżgurar li l-operazzjonijiet u l-kontinwità tal-operat kienu sikuri.
Binjiet
Attwalment aħna s-sid ta’ tliet binjiet (“K1”, “K2” u “K3”) u nikru spazju għal uffiċċji fil-Lussemburgu, għaċ-ċentru tagħna għal irkupru minn diżastru. Aħna nikru wkoll kamra tal-laqgħat u tliet uffiċċji fil-Parlament Ewropew fi Brussell, kif ukoll uffiċċju wieħed fi Strasburgu.

Il-binja K1
Il-binja K1 fetħet fl-1988. Fiha uffiċċji għal massimu ta’ 310 membri tal-persunal, kif ukoll kmamar tal-laqgħat. Il-livelli ta’ taħt l-art fihom il-parkeġġi, il-faċilitajiet tekniċi, iż-żoni tal-ħżin, il-librerija u l-kamra prinċipali tal-arkivji, filwaqt li s-sular ta’ fuq nett jintuża kompletament għall-faċilitajiet tekniċi.
Il-K1 ġiet immodernizzata fl-2008 biex tinġieb f’konformità mar-rekwiżiti nazzjonali għas-saħħa, is-sikurezza u l-ambjent. Kull fejn possibbli, it-teknoloġija fil-K1 ġiet adattata biex issir kumpatibbli ma’ dik użata fil-K2 u fil-K3. B’riżultat ta’ dan, sa fejn hu possibbli, it-tliet binjiet joperaw bħala entità teknika unika u integrata.
Aħna impenjati biex inkomplu ntejbu l-ambjent tax-xogħol tagħna, biex inżidu aktar l-effiċjenza ta’ xogħolna. Fl-2016, ħloqna spazji miftuħa għal uffiċċji f’wieħed mis-sulari tal-binja K1, u minnhom se niksbu esperjenza utli għall-postijiet tax-xogħol ibbażati fuq l-attività fil-K2 fil-futur.
Attwalment, qed inwettqu studji tal-fattibbiltà bl-għan li ntejbuha mill-perspettiva tar-rekwiżiti ambjentali.
Il-binja K2
Il-binja K2 fetħet fl-2003. Il-livelli ta’ taħt l-art fihom il-parkeġġi, il-faċilitajiet tekniċi u ż-żoni tal-ħżin, u ċ-ċentru tal-fitness. Is-sular ta’ fuq jintuża kompletament għall-faċilitajiet tekniċi. Is-sulari li jifdal jintużaw għal uffiċċji għal massimu ta’ 241 membru tal-persunal, kmamar tal-laqgħat, sala tal-konferenzi b’kabini tal-interpretazzjoni, kmamar għall-vidjokonferenzi, kafetterija u spazji bażiċi għall-kċejjen.
Il-K2 hija awtorizzata topera (ċertifikat ta’ konformità) sa tmiem l-2017. Sa din id-data, se jkun meħtieġ li tinkiseb awtorizzazzjoni ġdida u li l-binja tittejjeb biex tinġieb f’konformità mal-istandards attwali għas-saħħa, is-sikurezza u l-ambjent. Kif inqabel mill-Kunsill u mill-Parlament Ewropew f’Marzu 2014, aħna se nkopru l-ispiża ta’ dan it-titjib mill-baġit li fadal tal-proġett ta’ kostruzzjoni tal-K3 li ġie kkompletat ftit snin ilu.
Il-binja K3
Il-binja K3 fetħet fl-2012. Il-livelli ta’ taħt l-art fihom il-parkeġġi, il-faċilitajiet tekniċi u ż-żoni tal-ħżin, iż-żoni tal-ħatt, il-faċilitajiet ta’ ħżin tal-iskart, l-istamperija, il-kċejjen u l-arkivji. Is-sular t’isfel jinkludi l-kantin, il-kafetterija u l-kmamar tat-taħriġ. Hemm ukoll uffiċċji għal massimu ta’ 503 membri tal-persunal, kmamar tal-laqgħat u kamra tal-IT. Is-sitt sular fih sala ta’ riċeviment, kċina u faċilitajiet tekniċi. Il-binja K3 għandha ċertifikazzjoni (BREEAM) “tajba ħafna”, li ksibna permezz tal-aktar metodu importanti ta’ evalwazzjoni u ċertifikazzjoni tas-sostenibbiltà tal-binjiet fid-dinja.
Is-sigurtà tal-persunal hija kruċjali għalina, bħalma hi għall-istituzzjonijiet l-oħra kollha tal-UE. Fl-2016, aħna nedejna proġett biex nirrinforzaw is-sigurtà tal-istituzzjoni tagħna, li kien jinvolvi l-kostruzzjoni ta’ ċint ġdid, sistemi ta’ vidjosorveljanza mtejba, skanners tal-bagalji, bibien iduru sikuri fl-entraturi tal-binjiet, ċentru ta’ kontroll ġdid għas-sigurtà, kif ukoll ċentru estern ta’ kontroll għall-akkreditazzjoni u l-aċċess tal-persunal u tal-viżitaturi. Il-proġett ipprogressa skont il-pjan. L-iskanners tal-bagalji u l-bibien iduru sikuri diġà jinsabu f’posthom u qed joperaw. Il-komponenti ta’ infrastruttura tal-proġett se jiġu kkompletati sa tmiem l-2017.
Ġestjoni ambjentali
Bħala istituzzjoni tal-UE, aħna nemmnu li għandna dmir li napplikaw il-prinċipji tal-ġestjoni ambjentali tajba fl-attivitajiet tagħna kollha. Fl-2014, nedejna l-implimentazzjoni ta’ Skema ta’ Mmaniġġjar u Awditjar Ekoloġiċi (EMAS), u fl-2016 l-istituzzjoni tagħna kisbet rakkomandazzjoni pożittiva għaċ-ċertifikazzjoni EMAS. Minbarra dan, aħna ksibna ċertifikat ISO 14001:2014 għas-sistema ta’ ġestjoni ambjentali tagħna.
Fl-2016, u għat-tieni sena konsekuttiva, aħna analizzajna l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra li jiġu ġġenerati mill-attivitajiet tagħna, bl-għan li sistematikament innaqqsu l-emissjonijiet tagħna ta’ CO2. Ir-riżultati ta’ dan l-istudju dwar il-Marka tal-Karbonju huma disponibbli fuq is-sit web tagħna (eca.europa.eu).
Fl-2016, aħna introduċejna politika ta’ pubblikazzjoni elettronika għar-rapporti speċjali tagħna: dawn issa jiġu ppubblikati online u jiġu ddistribwiti elettronikament.
L-obbligu ta’ rendikont tagħna
Informazzjoni finanzjarja
Aħna ffinanzjati mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea. Il-baġit tagħna jikkonsisti interament fi nfiq amministrattiv. Fl-2016, dan ammonta għal madwar EUR 137.6 miljun, li jirrappreżentaw inqas minn 0.1 % tal-infiq totali tal-UE jew madwar 1.5 % tal-infiq amministrattiv totali. Ir-rata kumplessiva ta’ implimentazzjoni kienet ta’ 99 %.
| SENA FINANZJARJA 2016 | Approprjazzjonijiet finali | Impenji | % tal-użu (impenji / approprjazzjonijiet) | Pagamenti |
|---|---|---|---|---|
| Titolu 1: Persuni li jaħdmu mal-istituzzjoni | ||||
| 10 — Membri tal-istituzzjoni | 11 540 | 11 091 | 96 % | 10 970 |
| 12 — Uffiċjali u persunal temporanju | 98 000 | 97 629 | 99 % | 97 629 |
| 14 — Persunal ieħor u servizzi esterni | 5 099 | 4 993 | 98 % | 4 918 |
| 162 — Missjonijiet | 3 355 | 3 146 | 94 % | 2 460 |
| 161 + 163 + 165 — Nefqa oħra relatata ma’ persuni li jaħdmu mal-istituzzjoni | 2 594 | 2 559 | 98 % | 1 996 |
| Subtotal Titolu 1 | 120 588 | 119 418 | 99 % | 117 973 |
| Titolu 2: Binjiet, beni mobbli, apparat u nefqa operatorja mixxellanja | ||||
| 20 — Beni immobbli | 4 843 | 4 843 | 100 % | 2 014 |
| 210 — IT&T | 8 241 | 8 241 | 100 % | 4 361 |
| 212 + 214 + 216 — Beni mobbli u spejjeż assoċjati | 864 | 805 | 93 % | 696 |
| 23 — Nefqa amministrattiva kurrenti | 427 | 393 | 92 % | 235 |
| 25 — Laqgħat, konferenzi | 706 | 630 | 89 % | 471 |
| 27 — Informazzjoni u pubblikazzjoni | 1 888 | 1 737 | 92 % | 1 182 |
| Subtotal Titolu 2 | 16 969 | 16 649 | 98 % | 8 959 |
| Total | 137 557 | 136 067 | 99 % | 126 932 |
Baġit għall-2017
Il-baġit 2017 jirrappreżenta żieda ta’ 2.7 % fuq dak tal-2016.
| BAĠIT | 2017 (elf EUR) | 2016 (elf EUR) |
|---|---|---|
| Titolu 1: Persuni li jaħdmu mal-istituzzjoni | ||
| 10 — Membri tal-istituzzjoni | 11 300 | 10 885 |
| 12 — Uffiċjali u persunal temporanju | 103 632 | 98 881 |
| 14 — Persunal ieħor u servizzi esterni | 5 101 | 4 946 |
| 162 — Missjonijiet | 3 450 | 3 600 |
| 161 + 163 + 165 — Nefqa oħra relatata ma’ persuni li jaħdmu mal-istituzzjoni | 2 788 | 2 559 |
| Subtotal Titolu 1 | 126 271 | 120 801 |
| Titolu 2: Binjiet, beni mobbli, apparat u nefqa operatorja mixxellanja | ||
| 20 — Beni immobbli | 3 216 | 4 911 |
| 210 — IT&T | 7 408 | 7 347 |
| 212 + 214 + 216 — Beni mobbli u spejjeż assoċjati | 925 | 882 |
| 23 — Nefqa amministrattiva kurrenti | 438 | 439 |
| 25 — Laqgħat, konferenzi | 676 | 706 |
| 27 — Informazzjoni u pubblikazzjoni | 2 306 | 2 401 |
| Subtotal Titolu 2 | 14 969 | 16 686 |
| Total | 141 240 | 137 557 |
Ġestjoni tar-Riskju
Fl-2016, aħna adottajna politika korporattiva dwar il-ġestjoni tar-riskju. Kull wieħed mid-direttorati tagħna issa jivvaluta r-riskji assoċjati mal-attivitajiet tiegħu, li aħna nanalizzaw fuq bażi annwali sabiex nistabbilixxu pjanijiet ta’ azzjoni għall-ġestjoni ta’ dawk ir-riskji.
Aħna nieħdu dawn il-pjanijiet inkunsiderazzjoni fit-tfassil u t-twettiq tal-kontroll interni tagħna, li niżguraw li jkunu kosteffettivi. Is-sistemi ta’ kontroll intern tagħna jiffurmaw bażi għall-aċċertament annwali mis-Segretarjat Ġenerali tagħna dwar is-solidità ta’ xogħolna, li huwa ppreżentat f’dan ir-rapport tal-attività u li se jintuża għall-valutazzjonijiet tar-riskju tas-sena d-dieħla.
Awditi interni u esterni
Awditjar intern
Is-Servizz tal-Awditjar Intern (IAS) tagħna jipprovdi konsulenza lill-istituzzjoni tagħna dwar kif għandha timmaniġġja r-riskji billi joħroġ opinjonijiet dwar il-kwalità tas-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll intern. L-attività tiegħu tiġi mmonitorjata minn kumitat tal-awditjar magħmul minn tlieta mill-Membri tagħna u espert estern. Il-kumitat jimmonitorja b’mod regolari l-progress tad-diversi kompiti ppreżentati fil-programm ta’ ħidma annwali tal-IAS, u jiżgura l-indipendenza tiegħu.
Fl-2016, l-IAS eżamina s-sistema ta’ rappurtar tal-maniġment tagħna, il-ġestjoni tal-kuntratti, l-investimenti tal-IT u l-ġestjoni tas-servizzi tal-librerija u l-arkivji. Huwa analizza wkoll l-implimentazzjoni tal-politika l-ġdida tagħna dwar il-ġestjoni tar-riskju u mmonitorja l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjoni tagħha, biex jiżgura li l-pjanijiet ta’ azzjoni ġew implimentati.
Aħna nirrappurtaw lill-Parlament u lill-Kunsill kull sena dwar ir-riżultati tal-attvità tal-awditjar intern tagħna.
Awditjar estern
Il-kontijiet annwali tagħna jiġu awditjati minn awditur estern indipendenti. Dan huwa aspett importanti tal-istituzzjoni tagħna, u aħna napplikaw l-istess prinċipji ta’ trasparenza u obbligu ta’ rendikont għalina nfusna bħalma napplikaw għall-partijiet awditjati tagħna. Ir-rapport tal-awditur estern — PricewaterhouseCoopers Sàrl — dwar il-kontijiet tagħna għas-sena finanzjarja 2015 ġie ppubblikat fit-30 ta’ Awwissu 2016.
Opinjonijiet tal-awditur estern — is-sena finanzjarja 2015
Dwar ir-rapporti finanzjarji:
“Fl-opinjoni tagħna, ir-rapporti finanzjarji jagħtu stampa vera u ġusta tal-pożizzjoni finanzjarja tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri fil-31 ta’ Diċembru 2015, u tal-prestazzjoni finanzjarja tagħha, il-flussi tal-flus tagħha u l-bidliet fl-assi netti għas-sena li ntemmet dakinhar skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni; u li jħassar ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tas-26 ta’ Ottubru 2012 (ir-Regolament Finanzjarju); u mar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 tad-29 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament Finanzjarju.”
Dwar l-użu ta’ riżorsi u l-kontroll ta’ proċeduri:
“Fuq il-bażi tax-xogħol tagħna deskritt f’dan ir-rapport, ma hemm xejn li laqat l-attenzjoni tagħna biex iġiegħlna nemmnu li fl-aspetti materjali kollha u fuq il-bażi tal-kriterji deskritti hawn fuq:
- ir-riżorsi assenjati lill-QEA ma ntużawx għall-għanijiet li għalihom kienu intenzjonati;
- il-proċeduri ta’ kontroll stabbiliti ma jipprovdux il-garanziji meħtieġa biex jiżguraw il-konformità tal-operazzjonijiet finanzjarji mar-regoli u r-regolamenti applikabbli.”
Kwittanza
Bħall-istituzzjonijiet l-oħra kollha tal-UE, aħna suġġetti għall-proċess ta’ kwittanza. F’April 2016, il-Parlament Ewropew ta l-kwittanza lis-Segretarju Ġenerali tagħna fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit tagħna għas-sena finanzjarja 2014, li kien ifisser li l-kontijiet tagħna għall-2014 ingħalqu u ġew approvati.
Aħna analizzajna b’attenzjoni l-kwistjonijiet kollha li tqajmu matul l-eżerċizzju ta’ kwittanza rigward ir-responsabbiltajiet tagħna tal-awditjar u tal-ġestjoni, ħadna azzjoni xierqa u rrappurtajna lill-Parlament Ewropew dwar l-azzjonijiet ta’ segwitu li ħadna.
Dikjarazzjoni mill-uffiċjal awtorizzanti b’delega
Jien hawn taħt iffirmat, is-Segretarju Ġenerali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, fil-kapaċità tiegħi bħala uffiċjal awtorizzanti b’delega, b’dan:
- niddikjara li l-informazzjoni li hawn f’dan ir-rapport hija vera u preċiża; u
- nistqarr li għandi aċċertament raġonevoli li:
- ir-riżorsi assenjati għall-attivitajiet deskritti f’dan ir-rapport intużaw għall-għan li għalih kienu intenzjonati u skont il-prinċipji ta’ ġestjoni finanzjarja tajba;
- il-proċeduri ta’ kontroll stabbiliti jipprovdu l-garanziji meħtieġa fir-rigward tal-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet u jiżguraw trattament adegwat ta’ allegazzjonijiet ta’ frodi, jew ta’ frodi ssuspettata;
- il-benefiċċji tal-kontrolli huma proporzjonali għall-ispejjeż.
Dan l-aċċertament huwa bbażat fuq il-ġudizzju tiegħi u fuq l-informazzjoni li kelli għad-dispożizzjoni tiegħi, bħar-rapporti u d-dikjarazzjonijiet tal-uffiċjali awtorizzanti b’subdelega, ir-rapporti tal-awditur intern u r-rapporti tal-awditur estern għas-snin finanzjarji preċedenti.
Nikkonferma li ma għandi ebda għarfien dwar kwalunkwe ħaġa li mhijiex irrappurtata hawnhekk li tista’ tkun ta’ detriment għall-interessi tal-istituzzjoni.
Magħmula fil-Lussemburgu, is-16 ta’ Frar 2017
Eduardo Ruiz García
Segretarju Ġenerali
Anness – Rapporti speċjali 2016
- Is-sistema tal-Kummissjoni għall-kejl tal-prestazzjoni fir-rigward tal-introjtu tal-bdiewa hija mfassla tajjeb u bbażata fuq data soda? (Nru 1/2016)
- Rapport 2014 dwar is-segwitu tar-Rapporti Speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (Nru 2/2016)
- Il-ġlieda kontra l-ewtrofikazzjoni fil-Baħar Baltiku: tinħtieġ azzjoni ulterjuri u aktar effettiva (Nru 3/2016)
- Jeħtieġ li l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija jimmodifika l-mekkaniżmi operazzjonali tiegħu u l-elementi tat-tfassil tiegħu biex jikseb l-impatt mistenni (Nru 4/2016)
- Il-Kummissjoni żgurat l-implimentazzjoni effettiva tad-Direttiva dwar is-Servizzi? (Nru 5/2016)
- Programmi ta’ qerda, kontroll u monitoraġġ għat-trażżin tal-mard tal-annimali (Nru 6/2016)
- Kif is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jimmaniġġja l-binjiet tiegħu madwar id-dinja (Nru 7/2016)
- It-trasport ferrovjarju tal-merkanzija fl-UE: għadu mhux fit-triq it-tajba (Nru 8/2016)
- L-infiq tal-UE fuq il-politika esterna dwar il-migrazzjoni fil-pajjiżi tal-Viċinat tan-Nofsinhar tal-Mediterran u l-Viċinat tal-Lvant sal-2014 (Nru 9/2016)
- Jeħtieġ li jsir aktar titjib biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv (Nru 10/2016)
- Tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva fl-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja: progress limitat f’kuntest diffiċli (Nru 11/2016)
- L-użu li l-aġenziji jagħmlu minn għotjiet: mhuwiex dejjem xieraq u mhux dejjem jista’ jintwera li huwa effettiv (Nru 12/2016)
- Assistenza tal-UE għat-tisħiħ tal-amministrazzjoni pubblika fil-Moldova (Nru 13/2016)
- Inizjattivi ta’ politika u appoġġ finanzjarju tal-UE għall-integrazzjoni tar-Rom: sar progress sinifikanti fl-aħħar 10 snin, iżda sforzi addizzjonali huma meħtieġa fil-prattika (Nru 14/2016)
- Il-Kummissjoni mmaniġġjat b’mod effettiv l-Għajnuna umanitarja pprovduta lil popolazzjonijiet milquta minn kunflitti fir-Reġjun tal-Lagi l-Kbar Afrikani? (Nru 15/2016)
- L-objettivi tal-UE għall-edukazzjoni: il-programmi huma allinjati iżda hemm nuqqasijiet fil-kejl tal-prestazzjoni (Nru 16/2016)
- L-istituzzjonijiet tal-UE jistgħu jagħmlu aktar biex jiffaċilitaw l-aċċess għall-akkwist pubbliku tagħhom (Nru 17/2016)
- Is-sistema tal-UE għaċ-ċertifikazzjoni ta’ bijokarburanti sostenibbli (Nru 18/2016)
- L-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE permezz ta’ strumenti finanzjarji – tagħlimiet li għandhom jinsiltu mill-perjodu tal-programm 2007-2013 (Nru 19/2016)
- Tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva fil-Montenegro: sar progress iżda jeħtieġ li jinkisbu riżultati aħjar f’bosta oqsma ewlenin (Nru 20/2016)
- Assistenza ta’ qabel l-adeżjoni mogħtija mill-UE għat-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva fil-Balkani tal-Punent: metaawditu (Nru 21/2016)
- Programmi ta’ għajnuna tal-UE għad-dekummissjonar ta’ impjanti nukleari fil-Litwanja, fil-Bulgarija u s-Slovakkja: seħħ xi progress mill-2011 ‘il hawn, iżda sfidi kruċjali huma mistennija fil-ġejjieni (Nru 22/2016)
- It-trasport marittimu fl-UE: f’baħar ta’ inkwiet — sar ħafna investiment li la huwa effettiv u lanqas sostenibbli (Nru 23/2016)
- Jeħtieġ li jsiru aktar sforzi biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni u tiġi infurzata l-konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat fil-politika ta’ koeżjoni (Nru 24/2016)
- Is-Sistema ta’ Identifikazzjoni tal-Irqajja’ tal-Art: għodda utli għad-determinazzjoni tal-eliġibbiltà ta’ art agrikola – iżda l-ġestjoni tagħha tista’ tittejjeb aktar (Nru 25/2016)
- Iż-żieda fl-effettività tal-kundizzjonalità u l-ksib ta’ simplifikazzjoni għadhom diffikultużi (Nru 26/2016)
- Il-governanza fil-Kummissjoni Ewropea — l-aħjar prattika? (Nru 27/2016)
- L-indirizzar ta’ theddid transkonfinali serju għas-saħħa fl-UE: ittieħdu passi importanti iżda jeħtieġ li jsir aktar (Nru 28/2016)
- Il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku - Bidu tajjeb iżda jenħtieġ aktar titjib (Nru 29/2016)
- L-effettività tal-appoġġ tal-UE lis-setturi prijoritarji fil-Honduras (Nru 30/2016)
- Infiq ta’ mill-inqas euro wieħed minn kull ħamsa mill-baġit tal-UE fuq l-azzjoni klimatika: qed isir xogħol ambizzjuż, iżda hemm riskju serju li ma jkunx suffiċjenti (Nru 31/2016)
- Assistenza mill-UE lill-Ukrajna (Nru 32/2016)
- Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili: il-koordinazzjoni tar-reazzjonijiet għal diżastri li seħħew barra mit-territorju tal-UE kienet effettiva f’termini ġenerali (Nru 33/2016)
- Il-Ġlieda kontra l-Ħela tal-Ikel: opportunità għall-UE sabiex ittejjeb l-effiċjenza fir-riżorsi tal-katina tal-provvista tal-ikel (Nru 34/2016)
- L-użu tal-appoġġ baġitarju biex tittejjeb il-mobilizzazzjoni tad-dħul domestiku fl-Afrika sub-Saħarjana (Nru 35/2016)
- Valutazzjoni tal-arranġamenti għall-għeluq tal-programmi tal-koeżjoni u tal-iżvilupp rurali għall-2007-2013 (Nru 36/2016)
Kuntatt
IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI
12, rue Alcide De Gasperi
1615 Luxembourg
LUXEMBOURG
Tel. +352 4398-1
Mistoqsijiet: eca.europa.eu/mt/Pages/ContactForm.aspx
Sit web: eca.europa.eu
Twitter: @EUAuditors
Ħafna informazzjoni addizzjonali dwar l-Unjoni Ewropea hija disponibbli fuq l-Internet. Jista’ jsir aċċess għaliha permezz tas-server Europa (http://europa.eu).
Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2017
| ISBN 978-92-872-6664-4 | ISSN 1831-1318 | doi:10.2865/623119 | QJ-AA-17-001-MT-C | |
| ISBN 978-92-872-6684-2 | ISSN 2362-9568 | doi:10.2865/64751 | QJ-AA-17-001-MT-N | |
| HTML | ISSN 2362-9568 | doi:10.2865/559042 | QJ-AA-17-001-MT-Q |
© L-Unjoni Ewropea, 2017
Ir-riproduzzjoni hija awtorizzata dment li s-sors jiġi rikonoxxut.
Għal kull użu jew riproduzzjoni tar-ritratt li ġej, irid jintalab il-permess direttament mingħand id-detentur tad-drittijiet tal-awtur:
* © Cour des comptes – Elombard
Għar-ritratti li ġejjin, ir-riproduzzjoni hija awtorizzata dment li jissemmew id-detentur tad-drittijiet tal-awtur, is-sors u isem il-fotografi (fejn indikat):
* © L-Unjoni Ewropea, 2016; Sors: il-PE
* © L-Unjoni Ewropea, 2015; Sors: il-KE - Servizz Awdjoviżiv; Oliver Bunic
* © Ir-Rappreżentanza Permanenti ta’ Malta
Din il-pubblikazzjoni hija disponibbli wkoll f'23 lingwa u fil-formati li ġejjin:
PDFKIF GĦANDEK TAGĦMEL BIEX TIKSEB IL-PUBBLIKAZZJONIJIET TAL-UE
Pubblikazzjonijiet bla ħlas:
- kopja waħda:
- permezz tal-EU Bookshop (http://bookshop.europa.eu);
- iżjed minn kopja waħda jew posters/mapep:
- mir-rappreżentanzi tal-Unjoni Ewropea (http://ec.europa.eu/represent_mt.htm),
- mid-delegazzjonijiet f'pajjiżi li mhumiex fl-UE (http://eeas.europa.eu/delegations/index_mt.htm),
- billi tikkuntatja s-servizz Europe Direct (http://europa.eu/europedirect/index_mt.htm)
- jew ċempel 00 800 6 7 8 9 10 11 (numru tat-telefown bla ħlas minn kullimkien fl-UE) (*).
Pubblikazzjonijiet bi ħlas:
- permezz tal-EU Bookshop (http://bookshop.europa.eu).
