
Tnedija tal-5G fl-UE: dewmien fl-introduzzjoni tan-networks, u problemi ta’ sigurtà jibqgħu mhux solvuti
Dwar ir-rapport:Il-5G huwa mistenni li jammonta għal EUR 1 000 000 000 000 għall-PDG Ewropew bejn l-2021 u l-2025, bil-potenzjal li jinħolqu jew jiġu ttrasformati sa 20 miljun impjieg fis-setturi kollha tal-ekonomija. Aħna osservajna l-fatt li d-dewmien qed iqiegħed f’riskju l-ilħuq tal-objettivi tal-UE għall-introduzzjoni tal-5G, u li aktar sforzi huma meħtieġa biex il-problemi ta’ sigurtà jiġu indirizzati. Fir-rapport, nagħmlu għadd ta’ rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni li l-għan tagħhom huwa li jippromwovu l-implimentazzjoni, f’waqtha u konċertata, ta’ networks tal-5G siguri fl-UE.
Rapport speċjali tal-QEA skont l-Artikolu 287(4), it-tieni subparagrafu, TFUE.
Sommarju eżekuttiv
I Il-“ħames ġenerazzjoni” tas-sistemi tat-telekomunikazzjoni, jew il-5G, hija standard globali ġdid mingħajr fili li joffri kapaċità tad-data u veloċitajiet tat-trażmissjoni ferm ogħla. Is-servizzi tal-5G huma essenzjali għal firxa wiesgħa ta’ applikazzjonijiet innovattivi li għandhom il-potenzjal li jittrasformaw ħafna setturi tal-ekonomiji tagħna u jtejbu l-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini. Għalhekk il-5G huwa ta’ importanza strateġika għas-suq uniku kollu kemm hu.
II Fil-Pjan ta’ Azzjoni 2016 tagħha tal-5G, il-Kummissjoni ressqet l-objettiv li tiżgura kopertura tal-5G mingħajr interruzzjoni fiż-żoni urbani u matul il-mogħdijiet prinċipali tat-trasport sal-2025. F’Marzu 2021, hija estendiet l-objettiv li tiġi inkluża kopertura tal-5G għaż-żoni popolati kollha sal-2030.
III Filwaqt li l-5G għandu l-potenzjal li jirrilaxxa ħafna opportunitajiet għat-tkabbir, iġib miegħu ċerti riskji. Fir-Rakkomandazzjoni 2019 tagħha dwar iċ-ċibersigurtà tal-5G, il-Kummissjoni wissiet li jekk ħafna servizzi kritiċi jkunu jiddependu min-networks tal-5G, il-konsegwenzi kkawżati b’xi tfixkil mifrux ikunu partikolarment serji. Barra minn hekk, minħabba n-natura transfruntiera tat-theddid involut, kwalunkwe vulnerabbiltà jew inċident taċ-ċibersigurtà sinifikanti fi Stat Membru wieħed ikunu jolqtu l-UE fl-intier tagħha. Wieħed mill-eżiti tar-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni kien is-sett ta’ għodod tal-UE dwar iċ-ċibersigurtà tal-5G (“sett ta’ għodod”), li ġie adottat f’Jannar 2020.
IV Fl-UE kollha, l-ispiża totali tal-introduzzjoni tal-5G tista’ tilħaq l-EUR 400 biljun. Fil-perjodu 2014-2020, l-UE pprovdiet finanzjament ta’ aktar minn EUR 4 biljun għal proġetti tal-5G.
V Aħna eżaminajna jekk il-Kummissjoni tatx appoġġ effettiv lill-Istati Membri biex jilħqu l-objettivi tal-UE għat-tnedija tan-networks tal-5G tagħhom u biex jindirizzaw it-tħassib dwar is-sigurtà tal-5G b’mod konċertat. Ivvalutajna aspetti relatati kemm mal-implimentazzjoni tan-networks tal-5G, li għalihom l-2020 kienet sena ewlenija, kif ukoll mas-sigurtà tagħhom. L-għan ta’ dan ir-rapport huwa li jiġu pprovduti fehim approfondit u rakkomandazzjonijiet għall-introduzzjoni f’waqtha ta’ networks tal-5G siguri fil-pajjiżi kollha tal-UE. L-awditu li wettaqna ffoka fuq il-Kummissjoni, iżda eżaminajna wkoll ir-rwol tal-amministrazzjonijiet nazzjonali u ta’ atturi oħra.
VI L-istess awditu wera li hemm dewmien fit-tnedija mill-Istati Membri ta’ networks tal-5G. Sa tmiem l-2020, 23 Stat Membru kienu nedew servizzi kummerċjali tal-5G u laħqu l-objettiv intermedju li jkun hemm mill-inqas belt ewlenija waħda b’aċċess għall-5G. Madankollu, mhux l-Istati Membri kollha jirreferu għall-objettivi tal-UE għall-2025 u l-2030 fl-istrateġiji nazzjonali tagħhom għall-5G jew fil-pjanijiet tagħhom għall-broadband. Barra minn hekk, f’bosta pajjiżi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi għadu ma ġiex traspost fil-liġi nazzjonali, u l-assenjar tal-ispettru tal-5G iddewwem. Dan id-dewmien fl-assenjar tal-ispettru jista’ jiġi attribwit għal raġunijiet differenti: domanda dgħajfa mill-Operaturi tan-Networks Mobbli (ONM), problemi bil-koordinazzjoni transfruntiera ma’ pajjiżi mhux tal-UE matul il-fruntieri tal-Lvant, l-impatt tal-COVID-19 fuq l-iskedi tal-irkanti, u inċertezza dwar kif problemi ta’ sigurtà għandhom jiġu ttrattati. Il-livell sa fejn l-Istati Membri għadhom lura, fl-implimentazzjoni tal-5G, iqiegħed l-ilħuq tal-objettivi tal-UE f’riskju. Lill-Istati Membri, il-Kummissjoni pprovditilhom appoġġ għall-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni 2016 għall-5G permezz ta’ inizjattivi legali kemm vinkolanti kif ukoll nonvinkolanti, gwida u l-finanzjament ta’ riċerka relatata mal-5G. Madankollu, il-Kummissjoni ma ddefinietx b’mod ċar il-kwalità mistennija tas-servizzi tal-5G.
VII Is-sett ta’ għodod tal-UE dwar iċ-ċibersigurtà tal-5G jispeċifika għadd ta’ miżuri strateġiċi, tekniċi u ta’ appoġġ biex jiġi indirizzat it-theddid għas-sigurtà tan-networks tal-5G u jidentifika l-atturi rilevanti għal kull waħda minn dawn il-miżuri. Bosta miżuri jindirizzaw il-problema ta’ bejjiegħa ta’ tagħmir tal-5G li jkunu ta’ riskju għoli. Dan is-sett ta’ għodod ġie approvat mill-Kummissjoni u mill-Kunsill Ewropew. Il-kriterji fis-sett ta’ għodod joffru qafas operazzjonali li huwa utli biex titwettaq valutazzjoni tal-profil tar-riskju tal-fornituri b’mod ikkoordinat fl-Istati Membri kollha. Fl-istess ħin, it-twettiq ta’ din il-valutazzjoni jibqa’ responsabbiltà nazzjonali. Is-sett ta’ għodod ġie adottat fi stadju bikri tal-introduzzjoni tal-5G, iżda għadd ta’ ONM kienu diġà għażlu l-fornituri tagħhom. Mindu s-sett ta’ għodod ġie adottat, sar progress biex tiġi rinfurzata s-sigurtà tan-networks tal-5G, u kien hemm maġġoranza ta’ Stati Membri li applikaw restrizzjonijiet fuq bejjiegħa li kienu ta’ riskju għoli, jew kienu fil-proċess li japplikawhom. Fis-snin li ġejjin, il-leġiżlazzjoni promulgata mill-Istati Membri dwar is-sigurtà tal-5G, abbażi tas-sett ta’ għodod, tista’ twassal għal approċċi aktar konverġenti fir-rigward ta’ bejjiegħa tal-5G li huma ta’ riskju għoli. Madankollu, billi l-ebda waħda mill-miżuri mressqa mhija legalment vinkolanti, il-Kummissjoni ma għandha l-ebda setgħa tinfurzahom. Għalhekk, jibqa’ riskju li s-sett ta’ għodod fih innifsu ma jistax jiggarantixxi li l-Istati Membri jindirizzaw l-aspetti tas-sigurtà tan-networks b’mod konċertat.
VIII Il-Kummissjoni bdiet tindirizza l-problema ta’ sussidji barranin mogħtija lill-bejjiegħa tal-5G, b’implikazzjonijiet possibbli għas-sigurtà. Il-Kummissjoni ma għandhiex informazzjoni suffiċjenti rigward it-trattament, min-naħa tal-Istati Membri, tal-ispejjeż potenzjali tas-sostituzzjoni li jistgħu jirriżultaw jekk l-ONM ikunu jeħtieġu jneħħu t-tagħmir tal-bejjiegħa li huma ta’ riskju għoli min-networks tal-UE mingħajr perjodu tranżizzjonali.
IX Aħna nirrakkomandaw li l-Kummissjoni:
- tippromwovi l-introduzzjoni uniformi u f’waqtha tan-networks tal-5G fi ħdan l-UE;
- trawwem approċċ konċertat għas-sigurtà tal-5G fost l-Istati Membri; u
- timmonitorja l-approċċi li l-Istati Membri jieħdu għas-sigurtà tal-5G u tivvaluta l-impatt tad-diverġenzi fuq il-funzjonament effettiv tas-suq uniku.
Introduzzjoni
Natura u importanza tal-5G
01 Il-“ħames ġenerazzjoni” tas-sistemi tat-telekomunikazzjoni, jew il-5G, hija standard globali ġdid mingħajr fili. Meta mqabbla man-networks tat-3G u tal-4G, din toffri kapaċità tad-data u veloċitajiet tat-trażmissjoni ferm akbar. Il-5G jinkludi xi elementi tan-network ibbażati fuq ġenerazzjonijiet preċedenti ta’ teknoloġija tal-komunikazzjoni mobbli u mingħajr fili, iżda mhijiex evoluzzjoni inkrementali ta’ dawn in-networks. Dan jipprovdi, f’livell universali, wisa’ tal-banda ultragħoli u konnettività b’latenza baxxa għall-utenti individwali u għall-apparati konnessi.
02 Il-5G se jagħti konnessjoni lil aktar apparati milli qatt qabel fl-“internet tal-oġġetti”. Huwa stmat li, sa tmiem l-2018, kien hemm 22 biljun apparat konness li kienu qed jintużaw madwar id-dinja. Din iċ-ċifra hija prevista li tiżdied għal madwar 50 biljun sal-20301, u b’hekk tinħoloq xibka massiva ta’ apparati interkonnessi li jkopru kollox minn smartphones sa tagħmir tal-kċina. Il-konsum globali ta’ data huwa mistenni li jaqbeż minn 12-il exabyte ta’ traffiku tad-data mobbli kull xahar fl-20172 għal aktar minn 5 000 exabyte sal-20303.
03 Is-servizzi tal-5G huma essenzjali għal firxa wiesgħa ta’ applikazzjonijiet innovattivi li għandhom il-potenzjal li jittrasformaw ħafna setturi tal-ekonomija tal-UE u jtejbu l-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini (ara l-Figura 1). Studju tal-2017 li twettaq għall-Kummissjoni kien jindika li l-benefiċċji tal-introduzzjoni tal-5G f’erba’ setturi industrijali strateġiċi ewlenin (is-settur awtomobilistiku, dak tas-saħħa, dak tat-trasport u dak tal-enerġija) jistgħu jilħqu l-EUR 113-il biljun kull sena4. L-istudju antiċipa wkoll li l-implimentazzjoni tal-5G setgħet toħloq 2.3 miljun impjieg fl-Istati Membri. Studju tal-2021 stma li bejn l-2021 u l-2025, il-5G ikun jammonta għal EUR 1 000 000 000 000 għall-prodott domestiku gross (PDG) Ewropew għall-perjodu inkwistjoni, bil-potenzjal li jinħolqu jew jiġu ttrasformati sa 20 miljun impjieg fis-setturi kollha tal-ekonomija5.
Tħassib dwar is-sigurtà
04 Filwaqt li l-5G għandu l-potenzjal li jirrilaxxa ħafna opportunitajiet għat-tkabbir, iġib miegħu ċerti riskji (ara l-Anness I li jiddeskrivi fil-qosor l-opportunitajiet u r-riskji prinċipali tal-5G). Wieħed minn dawn ir-riskji huwa dak tat-theddid għas-sigurtà. Is-sistemi tat-telekomunikazzjoni dejjem kienu f’riskju ta’ attakki ċibernetiċi (ara l-Anness I)6. Problemi ta’ sigurtà huma ta’ tħassib partikolari fir-rigward tal-5G minħabba li dan tal-aħħar joffri superfiċje ta’ attakk akbar milli joffru s-sistemi tat-telekomunikazzjoni bit-3G jew bil-4G minħabba n-natura tat-teknoloġija tiegħu u b’mod partikolari minħabba d-dipendenza tiegħu mis-software7.
05 Billi n-networks tal-5G huma mistennija jsiru s-sinsla ta’ firxa wiesgħa ta’ servizzi u applikazzjonijiet, id-disponibbiltà ta’ dawk in-networks se ssir sfida ewlenija għas-sigurtà nazzjonali u tal-UE. Kieku l-hackers kellhom jippenetraw network tal-5G, dawn ikunu jistgħu jikkompromettu l-funzjonijiet tal-qalba tiegħu biex ifixklu s-servizzi jew jaħtfu l-kontroll ta’ infrastruttura kritika (pereżempju l-grilji enerġetiċi), li fl-UE spiss ikollha dimensjoni transfruntiera. Xi studji jistmaw li l-impatt ekonomiku taċ-ċiberkriminalità jaf ikun daqs EUR 5 000 biljun kull sena f’livell dinji, jiġifieri ’l fuq minn 6 % tal-PDG globali fl-20208.
06 Sfida oħra għas-sigurtà tal-5G hija r-rwol kritiku li għandhom għadd limitat ta’ bejjiegħa fil-bini u l-operat tan-networks tal-5G. Dan iżid l-esponiment għal tfixkil potenzjali tal-provvista meta jkun hemm dipendenza minn bejjiegħ uniku – partikolarment jekk dan il-bejjiegħ għandu livell għoli ta’ riskju – bħal pereżempju li jkun suġġett għal interferenza minn pajjiż mhux tal-UE. Fl-2019, il-Grupp ta’ Kooperazzjoni tan-Networks u tas-Sistemi tal-Informazzjoni (NIS) – magħmul minn rappreżentanti tal-Istati Membri u tal-korpi tal-UE – ġibed l-attenzjoni għar-riskju li “atturi statali ostili” jiksbu punt ta’ dħul faċli għal network tal-5G, jew permezz ta’ aċċess privileġġat billi jagħmlu pressjoni fuq bejjiegħ jew inkella billi jinvokaw rekwiżiti legali nazzjonali9 (ara l-Kaxxa 1). Huwa f’dan l-isfond li l-UE bdiet tiżviluppa inizjattivi fil-qasam tas-sigurtà tal-5G.
Tħassib dwar is-sigurtà fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn l-UE u ċ-Ċina dwar il-5G
- Fl-2015, l-UE ffirmat dikjarazzjoni konġunta maċ-Ċina rigward il-kooperazzjoni strateġika dwar il-5G, fejn tat l-impenn tagħha għar-reċiproċità u l-ftuħ f’termini ta’ aċċess għall-finanzjament tar-riċerka dwar in-networks tal-5G u aċċess għas-suq10.
- Fl-2017, iċ-Ċina adottat liġi nazzjonali dwar l-intelligence li tistipula li l-organizzazzjonijiet u ċ-ċittadini Ċiniżi kollha jridu jikkollaboraw fl-intelligence nazzjonali, b’salvagwardji għas-segretezza11. B’rispons għal dan, fl-2018, l-Istati Uniti tal-Amerka ħadu azzjonijiet biex jillimitaw l-operazzjonijiet ta’ bosta kumpaniji Ċiniżi, bl-inklużjoni tal-Huawei li hija bejjiegħa ewlenija tal-5G.
F’Marzu 2019, il-Parlament Ewropew fisser ukoll tħassib li l-bejjiegħa tal-5G Ċiniżi għandhom mnejn ikunu ta’ riskju għas-sigurtà għall-UE minħabba l-liġijiet tal-pajjiż ta’ oriġini tagħhom.
07 Il-kunfidenzjalità u l-privatezza jinsabu wkoll potenzjalment taħt theddida billi l-operaturi tat-telekomunikazzjoni ta’ spiss jesternalizzaw id-data tagħhom lil ċentri tad-data. Hemm riskju li din id-data tinħażen fuq tagħmir tal-bejjiegħa tal-5G, li jinsab f’pajjiżi mhux tal-UE b’livelli ta’ protezzjoni legali u tad-data li huma differenti minn dawk fi ħdan l-UE.
Inizjattivi dwar il-5G meħuda fil-livell tal-UE
08 Il-qafas ta’ politika relatat mal-5G u mas-sigurtà tal-5G huwa magħmul kemm minn “liġi vinkolanti” li hija legalment vinkolanti u infurzabbli (pereżempju regolamenti) kif ukoll minn “liġi mhux vinkolanti” (pereżempju komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni). L-Anness III jippreżenta l-qafas legali u ta’ politika. Il-Figura 2 turi d-dokumenti ta’ politika prinċipali, flimkien mal-miri ewlenin.
Figura 2 – Dokumenti ta’ politika prinċipali u miri ewlenin rigward l-introduzzjoni u s-sigurtà tal-5G
Sors: il-QEA.
Rwoli u responsabbiltajiet
09 Filwaqt li l-Operaturi tan-Networks Mobbli (ONM) huma responsabbli mit-tnedija sigura tal-5G bl-użu ta’ tagħmir li jkun ġie minn bejjiegħa tat-teknoloġija, u l-Istati Membri huma responsabbli mis-sigurtà nazzjonali, is-sigurtà tan-networks tal-5G hija kwistjoni ta’ importanza strateġika għas-suq uniku kollu kemm hu u għas-sovranità teknoloġika tal-UE12. Konsegwentement, għall-aspetti tekniċi u ta’ sigurtà tan-networks tal-5G, il-Kummissjoni u l-aġenziji tal-UE jappoġġaw u jikkoordinaw l-azzjonijiet tal-Istati Membri.
10 It-Tabella 1 tkompli tispjega r-rwoli u r-responsabbiltajiet prinċipali dwar in-networks tal-5G.
Il-Kummissjoni u l-aġenziji tal-UE | Awtoritajiet tal-Istati Membri | ONM u bejjiegħa tal-5G | |
---|---|---|---|
Allokazzjoni u assenjar ta’ baned pijuniera tal-5G | ✓ | ||
Definizzjoni tal-politika tal-UE dwar il-5G | ✓ | ✓ | |
Introduzzjoni tan-networks tal-5G | ✓ | ||
Investiment u finanzjament | ✓ | ✓ | ✓ |
Sigurtà nazzjonali | ✓ | ||
Sigurtà tan-networks tal-5G | ✓ | ✓ | |
Appoġġ u koordinazzjoni tal-azzjonijiet meħuda mill-Istati Membri | ✓ |
Sors: il-QEA.
Spiża tal-introduzzjoni tal-5G, u tal-appoġġ finanzjarju relatat mogħti mill-UE
L-ispiża totali tal-introduzzjoni tal-5G fl-Istati Membri kollha tista’ tilħaq l-EUR 400 biljun
11 Fl-2021, l-ispiża totali tal-introduzzjoni tal-5G fl-Istati Membri kollha tal-UE sal-2025 ġiet stmata f’firxa ta’ bejn EUR 281 biljun u EUR 391 biljun, maqsuma b’mod indaqs bejn il-bini ta’ infrastruttura ġdida tal-5G u t-titjib tal-infrastruttura fissa sal-livell ta’ veloċitajiet tal-gigabits13. Il-biċċa l-kbira minn dawn l-investimenti jeħtieġ li jiġu ffinanzjati mill-ONM.
Fil-perjodu 2014-2020, l-UE tat appoġġ għall-iżvilupp tal-5G li jammonta għal aktar minn EUR 4 biljun
12 Matul il-perjodu 2014-2020, l-UE tat appoġġ għall-iżvilupp tal-5G li jammonta għal aktar minn EUR 4 biljun, kemm b’mod dirett mill-baġit tal-UE kif ukoll permezz tal-finanzjament mill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI). Il-baġit tal-UE ffinanzja proġetti relatati esklużivament mar-riċerka, filwaqt li l-BEI ta appoġġ kemm għar-riċerka kif ukoll għall-introduzzjoni tal-5G.
13 Il-BEI kien l-akbar fornitur ta’ finanzjament mill-UE għal proġetti relatati mal-5G. F’Awwissu 2021, huwa kien ipprovda self għal total ta’ EUR 2.5 biljun għal disa’ proġetti tal-5G f’ħames Stati Membri14. Barra minn hekk, madwar EUR 1.9 biljun sar disponibbli mill-baġit tal-UE għall-perjodu 2014-2020. It-Tabella 2 tiġbor fil-qosor is-sorsi prinċipali tal-appoġġ finanzjarju mogħti mill-UE għall-5G.
Finanzjament mill-UE | Ammont |
---|---|
BEI | EUR 2.485 biljun1 |
Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) | EUR1 000 000 0002 |
Orizzont 2020 | EUR 755 miljun3 |
FEŻR | Mill-inqas EUR 147 miljun4 |
(1) Lista ta’ proġetti tal-BEI.
(2) Lista ta’ proġetti tal-FEIS.
(3) Id-dashboard ta’ Orizzont 2020.
(4) Dataset of projects co-funded by the ERDF during the multi-annual financial framework 2014-2020.
Sors: il-QEA.
14 L-FEIS (li l-BEI jopera) ta appoġġ għal żewġ proġetti li kellhom l-għan li jilħqu introduzzjoni aktar densa ta’ ċelloli u li jagħtu appoġġ għall-istandardizzazzjoni. L-ispiża totali tal-investiment ta’ dawn il-proġetti kienet ta’ EUR 3.9 biljun, li kienu jinkludu finanzjament ta’ EUR 1 000 000 000 mill-FEIS (ara l-Anness IV).
15 Mill-2014 ’il hawn il-Kummissjoni kkofinanzjat ukoll, b’mod dirett, aktar minn 100 proġett tal-5G permezz ta’ finanzjament taħt Orizzont 2020 u, sa livell inqas, taħt l-FEŻR. L-Anness V jippreżenta eżempji ta’ dawn il-proġetti.
Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza se tipprovdi finanzjament addizzjonali, mogħti mill-UE, għall-introduzzjoni tal-5G fis-snin li ġejjin
16 Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF) se tipprovdi sors supplimentari ta’ finanzjament għall-introduzzjoni tal-5G fis-snin li ġejjin. F’Settembru 2021, 16-il Stat Membru kienu qed jippjanaw li jiffinanzjaw l-introduzzjoni tal-5G permezz tal-RRF u 10 minnhom kienu ddeċidew li ma jagħmlux dan. L-informazzjoni mingħand l-aħħar Stat Membru kienet għadha mhux disponibbli.
Ambitu u approċċ tal-awditjar
17 Permezz ta’ dan l-awditu aħna vvalutajna jekk il-Kummissjoni hijiex qed tagħti appoġġ effettiv lill-Istati Membri biex dawn:
- jilħqu l-objettivi tal-UE għall-2025 u l-2030 rigward l-introduzzjoni u t-tnedija tan-networks tal-5G tagħhom; u
- jindirizzaw it-tħassib dwar is-sigurtà tal-5G b’mod konċertat.
F’dawn iż-żewġ oqsma, it-tnejn li huma, eżaminajna wkoll il-miżuri u l-attivitajiet tal-Istati Membri.
18 B’“sigurtà tal-5G” nirreferu għaċ-ċibersigurtà u s-sigurtà tal-hardware/tas-software. Eżaminajna kemm is-sigurtà kif ukoll l-implimentazzjoni tan-networks tal-5G, li għalihom l-2020 kienet sena ewlenija (ara l-Figura 2). Permezz tar-rapport tagħna, aħna għandna l-għan li nipprovdu fehim approfondit u rakkomandazzjonijiet dwar l-introduzzjoni f’waqtha ta’ networks tal-5G siguri fl-UE.
19 L-awditu li wettaqna jkopri l-perjodu bejn l-2016 u Mejju 2021. Kemm jista’ jkun, inkludejna aktar informazzjoni aġġornata. Bħala parti mix-xogħol tal-awditjar tagħna, aħna:
- irrieżaminajna l-leġiżlazzjoni tal-UE, l-inizjattivi tal-Kummissjoni u dokumentazzjoni rilevanti oħra;
- intervistajna rappreżentanti tal-Kummissjoni, tal-BEI, tal-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC), tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà (ENISA), tal-assoċjazzjonijiet tat-telekomunikazzjoni, tal-ONM, tal-bejjiegħa tal-5G, tal-organizzazzjonijiet internazzjonali, tal-esperti fil-qasam biex jinġabar fehim approfondit, kif ukoll tal-awtoritajiet fil-Finlandja, fil-Ġermanja, fil-Polonja u fi Spanja. L-għażla tal-Istati Membri kienet ibbażata fuq kriterji bħalma huma l-ammont ta’ fondi tal-UE ddedikati għal proġetti tal-5G, l-istatus tal-introduzzjoni, u l-kunsiderazzjoni ta’ bilanċ ġeografiku;
- stħarriġna s-27 awtorità regolatorja nazzjonali kollha tat-telekomunikazzjoni tal-UE biex niġbru perspettiva usa’ dwar l-isfidi tal-5G fl-Istati Membri; u
- irrieżaminajna 10 proġetti kofinanzjati mill-UE (l-FEIS, l-FEŻR u Orizzont 2020) rigward il-5G, li ntgħażlu għal skopijiet illustrattivi.
20 Aħna bbażajna wkoll fuq ir-rapport analitiku reċenti tagħna dwar ir-rispons tal-UE għall-istrateġija ta’ investiment immexxija mill-Istat taċ-Ċina15 kif ukoll fuq rapporti oħra dwar, pereżempju, il-broadband16, id-Diġitalizzazzjoni tal-Industrija Ewropea17 u l-politika tal-UE fil-qasam taċ-ċibersigurtà 18.
Osservazzjonijiet
Id-dewmien fl-introduzzjoni tan-networks tal-5G qed iqiegħed f’riskju l-ilħuq tal-objettivi tal-UE għall-2025 u l-2030
21 Fir-rigward tal-introduzzjoni f’waqtha tan-networks tal-5G, aħna eżaminajna jekk:
- l-Istati Membri humiex fit-triq it-tajba rigward l-introduzzjoni tal-5G;
- lill-Istati Membri, il-Kummissjoni pprovditilhomx appoġġ xieraq; u
- l-Istati Membri neħħewx xkiel ewlieni għat-tnedija rapida tan-networks tal-5G.
L-Istati Membri għadhom lura fl-implimentazzjoni tal-5G
Il-Kummissjoni stabbiliet dati ta’ skadenza għall-introduzzjoni tan-networks tal-5G fil-Pjan ta’ Azzjoni 2016 tagħha għall-5G
22 Fil-Pjan ta’ Azzjoni 2016 tagħha għall-5G, il-Kummissjoni pproponiet dati ta’ skadenza rigward l-introduzzjoni tan-networks tal-5G fl-UE: L-Istati Membri suppost nedew networks tal-5G bikrin sa tmiem l-2018, kif ukoll servizzi kompletament kummerċjali tal-5G f’mill-inqas belt ewlenija waħda sa tmiem l-2020, u żguraw kopertura tal-5G mingħajr interruzzjoni f’żoni urbani u matul mogħdijiet prinċipali tat-trasport sal-2025.
23 F’Marzu 2021, il-Kummissjoni żiedet data ta’ skadenza oħra għall-kopertura tal-5G taż-żoni popolati kollha sal-203019.
Kien hemm 23 Stat Membru li nedew servizzi kummerċjali tal-5G qabel tmiem l-2020
24 Sa tmiem l-2020, 23 Stat Membru kienu laħqu l-objettiv li jkun hemm mill-inqas belt ewlenija waħda li jkollha aċċess għas-servizzi tal-5G. Ċipru, il-Litwanja, Malta u l-Portugall biss naqsu milli jilħqu dan l-objettiv. Fi tmiem Ottubru 2021, il-Litwanja u l-Portugall biss kienu għadhom mingħajr servizzi tal-5G fi kwalunkwe waħda mill-ibliet tagħhom.
Hemm riskju li l-biċċa l-kbira mill-Istati Membri mhumiex se jlaħħqu sad-data ta’ skadenza tal-2025 u l-2030
25 Skont studju reċenti li twettaq mill-Kummissjoni, 11-il Stat Membru biss x’aktarx li jiksbu kopertura tal-5G mingħajr interruzzjoni fiż-żoni urbani kollha tagħhom u matul il-mogħdijiet ewlenin tat-trasport terrestri sal-202520. Għas-16-il Stat Membru li jifdal, il-Kummissjoni tqis li l-probabbiltà li jintlaħaq dan l-objettiv hija jew medja (l-Awstrija, iċ-Ċekja, l-Estonja, il-Ġermanja, l-Irlanda, il-Polonja, il-Litwanja u s-Slovenja) jew inkella baxxa (il-Belġju, il-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru u l-Greċja).
26 Fl-2021, l-organizzazzjoni tal-industrija Global System for Mobile Communications Association (GSMA) osservat li l-introduzzjoni tal-5G għaddejja b’ritmu differenti fl-UE meta mqabbla ma’ partijiet oħra tad-dinja. Pereżempju, hija stmat li 51 % tal-konnessjoni mobbli kollha fl-Amerka ta’ Fuq se tkun ibbażata fuq il-5G sal-2025, iżda fl-Ewropa (li tinkludi wkoll pajjiżi li mhumiex fl-UE) din hija mistennija li tkun biss 35 % (ara l-Figura 3).
Figura 3 – Konnessjonijiet tal-5G bħala sehem tat-total tal-konnessjonijiet mobbli sal-2025
Sors: il-GSMA.The Mobile Economy 2021.
27 Bir-ritmu attwali li bih l-introduzzjoni tal-5G tinsab għaddejja, hemm riskju għoli li l-maġġoranza tal-Istati Membri mhumiex se jlaħħqu sad-data ta’ skadenza tal-2025 – u għalhekk ukoll dik tal-2030 għall-kopertura taż-żoni popolati kollha. F’dan l-isfond aħna eżaminajna jekk il-Kummissjoni tatx appoġġ effettiv lill-Istati Membri biex jilħqu l-objettivi tal-UE relatati mal-5G għall-2025 u l-2030 rigward l-introduzzjoni u t-tnedija tan-networks tal-5G tagħhom.
Xi nuqqasijiet fl-appoġġ li l-Kummissjoni tat għall-Istati Membri
Il-Kummissjoni ma ddefinietx il-kwalità mistennija tas-servizz tan-networks tal-5G
28 Sa issa, il-Kummissjoni ma ddefinietx il-kwalità mistennija tas-servizz tan-networks tal-5G, bħal f’termini ta’ veloċità minima u latenza massima. Barra minn hekk, il-Pjan ta’ Azzjoni 2016 talab lill-Istati Membri jniedu servizzi tal-5G “kompletament kummerċjali” fl-Ewropa sa tmiem l-2020, iżda mingħajr ma ta definizzjoni ta’ dawn il-kunċetti relatati mal-kwalità.
29 In-nuqqas ta’ ċarezza dwar il-kwalità mistennija tas-servizz joħloq ir-riskju li l-Istati Membri jinterpretaw dawn it-termini b’mod differenti. Aħna osservajna eżempji ta’ approċċi diverġenti fost l-Istati Membri fl-introduzzjoni tal-5G (ara l-Kaxxa 2).
Eżempji ta’ approċċi diverġenti fl-introduzzjoni tal-5G
Il-veloċità u l-latenza huma żewġ aspetti ewlenin tal-prestazzjoni ta’ servizzi li jużaw il-5G. Pereżempju, il-kirurġija mill-bogħod bil-5G jew l-awtomatizzazzjoni industrijali bil-5G jirrikjedu veloċità għolja ħafna u latenza baxxa. Madankollu, sa issa, żewġ Stati Membri biss (il-Ġermanja u l-Greċja) iddefinew ir-rekwiżiti ta’ veloċità minima u ta’ latenza massima21.
Il-ħtieġa li jkun hemm mill-inqas belt ewlenija waħda li jkollha aċċess għas-servizzi tal-5G sa tmiem l-2020 ġiet interpretata b’mod differenti mill-Istati Membri. Dan iwassal għal sitwazzjoni fejn belt ikklassifikata bħala li għandha aċċess għas-servizzi tal-5G tista’ tvarja minn waħda li jkollha biss ftit toroq koperti – bħal fil-Lussemburgu – sa kważi t-territorju kollu tagħha kopert, bħal f’Helsinki. L-Anness VI jipprovdi, għall-ibliet magħżula, eżempji ta’ kopertura.
30 Jekk tippersisti, din is-sitwazzjoni tista’ twassal għal inugwaljanzi fl-aċċess u l-kwalità tas-servizzi tal-5G fl-UE (“distakk diġitali”): nies f’parti mill-UE jkollhom aċċess u kwalità aħjar tas-servizz għall-5G minn oħrajn. Dan id-distakk diġitali jista’ jolqot ukoll il-potenzjal tal-iżvilupp ekonomiku billi l-5G jista’ jirrevoluzzjona setturi bħalma huma l-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni u l-forza tax-xogħol, biss jekk ikun akkumpanjat minn prestazzjoni suffiċjenti tal-5G.
31 Tenħtieġ ukoll ċarezza dwar il-prestazzjoni mistennija tan-networks tal-5G fid-dawl tal-inizjattiva tal-Kummissjoni li timponi trasparenza akbar fir-rigward tal-kwalità tas-servizz ipprovdut mill-ONM għar-roaming, li għaliha l-Kummissjoni reċentement għamlet proposta leġiżlattiva22.
Ir-rappurtar trimestrali mill-Kummissjoni dwar it-tnedija tal-5G mhux dejjem ikun affidabbli
32 Il-Kummissjoni timmonitorja l-livell tal-introduzzjoni tal-5G fl-Istati Membri permezz tal-Osservatorju tal-5G. Dan l-osservatorju jipprovdi informazzjoni dwar l-introduzzjoni tal-5G u dwar l-istrateġiji tal-5G li l-Istati Membri jużaw fuq bażi trimestrali. Madankollu, aħna sibna li għal tnejn mill-erba’ pajjiżi li rrieżaminajna, l-informazzjoni li tinsab f’dawn ir-rapporti mhux dejjem kienet affidabbli. Pereżempju, l-10 Rapport Trimestrali, li ppreżenta l-informazzjoni sa tmiem Diċembru 2020, issottometta għadd ferm aktar baxx ta’ muniċipalitajiet bil-5G fil-Finlandja miċ-ċifra reali (40 minflok 70) u ma pprovda l-ebda informazzjoni dwar il-fatt li l-irkanti tal-ispettru tal-5G kienu ġew posposti fil-Polonja (ara l-paragrafu 42).
Kien biss reċentement li l-Kummissjoni nqdiet bil-proċess tas-Semestru Ewropew biex timmonitorja l-progress tal-Istati Membri fl-introduzzjoni tan-networks tal-5G
33 Aħna sibna li matul l-aħħar sentejn il-Kummissjoni nqdiet aktar bil-proċess tas-Semestru Ewropew biex tistimola l-progress tal-Istati Membri fl-introduzzjoni tan-networks tal-5G. Żdiedu r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż, direttament rilevanti għall-5G, billi fl-2019 kienu indirizzati lil żewġ Stati Membri, filwaqt li fl-2020 kienu indirizzati lil seba’ Stati Membri (ara l-Figura 4).
Figura 4 – Rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż dwar il-5G
Sors: il-QEA, ibbażat fuq rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż.
L-Istati Membri għadhom jeħtieġu jneħħu xkiel ewlieni għat-tnedija rapida tan-networks tal-5G
34 Sabiex jilħqu l-objettivi tal-UE relatati mal-5G għall-2025 u l-2030 rigward l-introduzzjoni tal-5G, l-Istati Membri jridu jiksbu tliet elementi kostitwenti ewlenin: wieħed strateġiku, billi jiżguraw li l-istrateġiji nazzjonali tagħhom għall-5G jew il-pjanijiet nazzjonali tal-broadband (PNB) tagħhom jirriflettu dawn l-objettivi23, it-tieni wieħed leġiżlattiv, bit-traspożizzjoni tal-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (KEKE) tal-201824 u wieħed orjentat lejn in-negozju, bl-assenjar tal-ispettru25. It-Tabella 3 tagħti ħarsa ġenerali lejn il-progress li sar mill-Istati Membri dwar dawn it-tliet elementi.
Tabella 3 – Sitwazzjoni attwali dwar l-elementi kostitwenti lejn l-objettivi għall-2025
Sors: Study on National Broadband Plans in the EU-27 tal-Kummissjoni, 5G Observatory u RSPG.
Ftit li xejn Stati Membri inkludew l-objettivi ta’ introduzzjoni għall-2025 u l-2030 fl-istrateġiji nazzjonali tagħhom għall-5G
35 L-Istati Membri stabbilew il-politika tagħhom dwar il-5G permezz ta’ strateġiji nazzjonali ddedikati għall-5G jew billi aġġornaw il-PNB li diġà kellhom. L-istudju li sar mill-Kummissjoni fl-2021 dwar il-Pjanijiet Nazzjonali tal-Broadband26 josserva li 14-il Stat Membru biss inkludew l-objettiv tal-UE li jkun hemm kopertura tal-5G mingħajr interruzzjoni għaż-żoni urbani kollha u mogħdijiet ewlenin tat-trasport terrestri sal-2025 fl-istrateġiji nazzjonali tagħhom għall-5G jew l-aġġornament tal-Pjanijiet Nazzjonali tal-Broadband (ara t-Tabella 3). Din l-inklużjoni hija essenzjali għall-appoġġ tal-implimentazzjoni effettiva tal-politika.
Il-biċċa l-kbira mill-Istati Membri naqsu milli jittrasponu d-Direttiva KEKE sa tmiem l-2020
36 Il-KEKE – direttiva li tistabbilixxi l-kompiti tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u ta’ awtoritajiet kompetenti oħra u li tistabbilixxi dati ta’ skadenza għall-assenjar tal-baned pijuniera tal-5G – kellha tiġi trasposta mill-Istati Membri sal-21 ta’ Diċembru 2020. Sa tmiem Frar 2021, tliet Stati Membri biss (il-Finlandja, il-Greċja u l-Ungerija) kienu ddikjaraw li kienu adottaw il-miżuri meħtieġa kollha għat-traspożizzjoni tad-Direttiva. B’konsegwenza ta’ dan, il-Kummissjoni fetħet proċeduri ta’ ksur kontra l-24 Stat Membru li jifdal27.
37 Sa tmiem Novembru 2021, kienu għadhom għaddejjin 23 proċedura ta’ ksur. Filwaqt li għal 6 Stati Membri l-Kummissjoni tistenna li dalwaqt tagħlaq il-proċedura ta’ ksur (l-Awstrija, il-Bulgarija, iċ-Ċekja, Franza, il-Ġermanja u Malta), għas-17-il Stat Membru l-oħra jista’ jkun li l-Kummissjoni teħtieġ tirreferihom lill-Qorti tal-Ġustizzja28 (ara t-Tabella 3).
L-assenjar ta’ baned pijuniera tal-5G għadu lura
38 Fl-2016, il-Kummissjoni u l-Istati Membri identifikaw tliet baned pijuniera li għandhom jintużaw għas-servizzi tal-5G:
- permezz tal-ispettru tal-banda 700 Mhz se jkun aktar faċli biex is-sinjali mingħajr fili jippenetraw il-bini, u biex l-operaturi jkunu jistgħu jipprovdu kopertura usa’ (mijiet ta’ kilometri kwadri). Madankollu, il-veloċità u l-latenza tan-network tal-5G huma biss pass ’il fuq mill-4G (minn 150 għal 250 megabits kull sekonda);
- l-ispettru ta’ banda medja fi frekwenza ta’ 3.6 Ghz, li jista’ jġorr ammonti sinifikanti ta’ data (sa 900 megabit kull sekonda) fuq distanzi sinifikanti (raġġ ta’ bosta km); u
- l-ispettru ta’ banda għolja fi frekwenza ta’ 26 Ghz, li jwassal veloċitajiet qawwijin ta’ bejn 1 u 3 gigabits kull sekonda fuq distanzi qosra (jiġifieri inqas minn 2 km), iżda b’aktar sensittiva għall-interferenza.
39 Sat-30 ta’ Ġunju 2020 l-Istati Membri suppost kellhom iqiegħdu l-ispettru tal-banda baxxa disponibbli għall-użu29, u sal-31 ta’ Diċembru 2020 l-ispettri tal-banda medja u dik għolja kellhom jiġu wara30. Madankollu, sa tmiem l-2020, l-Istati Membri kienu assenjaw inqas minn 40 % tal-baned pijuniera totali li kienu disponibbli (ara t‑Tabella 4):
- il-banda 700 MHz ġiet assenjata fi 13-il Stat Membru;
- il-banda 3.6 GHz ġiet assenjata fi 17-il Stat Membru (li jinkludu 2 Stati Membri li kienu taw użu proviżorju); u
- il-banda 26 GHz ġiet assenjata f’erba’ Stati Membri.
Sa tmiem Ottubru 2021, ir-rata tal-assenjar kienet żdiedet għal 53 %31.
Tabella 4 – Sitwazzjoni attwali dwar l-assenjar ta’ baned pijuniera tal-5G, Diċembru 2020
Sors: 5G Observatory u RSPG.
Id-dewmien fl-assenjar tal-baned pijuniera huwa attribwibbli għal firxa ta’ raġunijiet
40 Aħna sibna li d-dewmien fl-assenjar tal-banda 26 GHz huwa prinċipalment dovut għal domanda dgħajfa mill-ONM. Fi Spanja pereżempju, hemm total ta’ 1.5 GHz mill-banda 26 GHz li huwa disponibbli għall-użu tal-5G. Madankollu, dan għadu ma ġiex assenjat lill-operaturi minħabba li ma hemmx domanda għalih, skont konsultazzjoni pubblika li ġiet finalizzata f’Lulju 2019. Hija ppjanata konsultazzjoni pubblika ġdida sa tmiem l-2021, bil-għan li tiġi rkantata l-banda fit-tieni trimestru tal-2022. Barra minn hekk, l-ONM fil-Finlandja osservaw li għad ma hemmx ħafna interess jew każ ta’ negozju għall-banda 26 GHz.
41 Problemi ta’ koordinazzjoni transfruntiera ma’ pajjiżi mhux tal-UE matul il-fruntieri tal-Lvant (il-Belarussja, ir-Russja u l-Ukrajna) ukoll ikkontribwew għal dewmien fl-assenjar tal-ispettru tal-5G. Skont il-ftehimiet internazzjonali attwali, dawn il-pajjiżi mhux tal-UE qed jużaw il-banda 700 MHz għax-xandir televiżiv u l-banda 3.6 GHz għas-servizzi tas-satelliti militari. Din il-problema tikkonċerna prinċipalment il-pajjiżi Baltiċi (l-Estonja, il-Latvja u l-Litwanja) u l-Polonja. Skont il-Kummissjoni, kien hemm xi progress mal-Ukrajna u mal-Belarussja, li huma mistennija jirrilaxxaw il-banda 700 MHz sa tmiem l-2022. It-taħditiet bilaterali mar-Russja għadhom ma mxewx ’il quddiem. Fid-dawl ta’ din is-sitwazzjoni, l-Estonja u l-Polonja talbu deroga mid-dati ta’ skadenza għall-assenjar tal-banda 700 MHz sa nofs l-2022.
42 Barra minn hekk, fil-Polonja u fi Spanja, l-irkanti tal-ispettru tal-5G ġew posposti matul il-pandemija tal-COVID-19 (ara l-Kaxxa 3).
Eżempji ta’ dewmien ikkawżat mill-COVID-19 fl-assenjar tal-ispettru tal-5G
- F’Marzu 2020, il-Polonja ħabbret irkant għall-banda 3.6 GHz, li kellu jingħata sat-30 ta’ Ġunju 2020. Wara t-tifqigħa tal-pandemija, l-awtoritajiet Pollakki ddeċidew li jissospendu l-proċedimenti amministrattivi kollha għad-durata tal-pandemija. F’Settembru 2021, kien għadu ma ġiex ikkompletat il-proċess biex din il-banda tiġi rkantata.
- Fi Spanja, l-irkant għall-banda 700 MHz kien ippjanat inizjalment għal Marzu 2020. Madankollu, skont l-awtoritajiet Spanjoli, il-pandemija tal-COVID-19 dewmet ir-rilaxx ta’ din il-banda li tintuża għat-televiżjoni diġitali. Sussegwentement, l-irkant ġie pospost sa Mejju 2020 u mbagħad sal-ewwel trimestru tal-2021. Wara emenda tal-leġiżlazzjoni Spanjola f’April 2021 biex id-durata tal-liċenzji tiġi allinjata mal-KEKE, l-irkant ġie skedat mill-ġdid għas-sajf tal-2021 u l-banda 700 MHz fl-aħħar ingħatat f’Lulju 2021.
43 Raġuni oħra li ddewwem l-assenjar tal-baned pijuniera tal-5G hija l-approċċi differenti li l-Istati Membri jużaw dwar is-sigurtà tal-5G u d-dewmien fl-adozzjoni tal-liġijiet tas-sigurtà tal-5G tagħhom, u b’hekk tiġi ġġenerata inċertezza kummerċjali (ara l-paragrafi 74 u 75):
- Fi Spanja, ir-regoli għall-irkant tal-banda pijuniera kienu jinkludu klawżola ġenerali li tiddikjara li d-detenturi ta’ konċessjonijiet pubbliċi jridu jikkonformaw mal-obbligi kollha għas-sigurtà tan-networks tal-5G stabbiliti fi kwalunkwe żmien fil-ġejjieni mir-regolamenti Ewropej jew Spanjoli. L-ONM Spanjol li intervistajna qies li din il-klawżola kienet tobbligah jieħu deċiżjonijiet dwar strateġiji u xiri taħt kundizzjonijiet ta’ inċertezza. Huwa indika wkoll li l-awtoritajiet nazzjonali ma kellhomx ir-rieda jiċċaraw ċerti kundizzjonijiet ewlenin, bħall-possibbiltà ta’ kumpens jekk il-leġiżlazzjoni futura, li hija ppjanata li tiġi adottata sa tmiem l-2022, kienet se tirrikjedi li dawn jissostitwixxu t-tagħmir tagħhom.
- Fil-Polonja, waħda mir-raġunijiet mogħtija għalfejn ġie pospost l-assenjar tal-ispettru tal-5G kienet il-ħtieġa li jistennew liġi li tiċċara r-rekwiżiti tas-sigurtà għan-networks tal-5G.
Aktar sforzi huma meħtieġa biex il-problemi ta’ sigurtà fl-introduzzjoni tal-5G jiġu indirizzati
44 Fir-rigward tal-aspetti tas-sigurtà tal-5G, aħna eżaminajna jekk:
- il-Kummissjoni ħaditx il-passi meħtieġa biex tippromwovi tfassil sod tal-qafas tas-sigurtà, u pprovdietx appoġġ adegwat lill-Istati Membri; u
- l-Istati Membri humiex qed jimplimentaw networks siguri tal-5G b’mod konċertat, jadottaw il-miżuri ta’ mitigazzjoni inklużi fis-sett ta’ għodod tal-UE dwar iċ-ċibersigurtà tal-5G (sett ta’ għodod), u jaġġornaw il-leġiżlazzjoni tagħhom.
Il-Kummissjoni rreaġiet malajr meta s-sigurtà tal-5G saret ta’ tħassib kbir fil-livell tal-UE
45 Il-Pjan ta’ Azzjoni 2016 tal-5G ma jinkludi l-ebda kunsiderazzjoni ta’ sigurtà. Is-sigurtà tan-networks tal-5G u dipendenza żejda mill-bejjiegħa minn pajjiżi terzi, u b’mod partikolari ċ-Ċina, ġew identifikati bħala problema kritika f’Marzu 2019. Fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ Marzu 201932, il-Parlament Ewropew qajjem tħassib dwar il-bejjiegħa tal-5G li mhumiex tal-UE u li għandhom mnejn ikunu ta’ riskju għas-sigurtà għall-UE minħabba l-liġijiet tal-pajjiżi ta’ oriġini tagħhom. Fl-istess jum, il-Kummissjoni fil-perspettiva strateġika tagħha dwar ir-relazzjoni bejn l-UE u ċ-Ċina enfasizzat li huwa meħtieġ approċċ komuni tal-UE għas-sigurtà tan-networks tal-5G biex l-infrastruttura diġitali kritika tkun issalvagwardjata minn implikazzjonijiet potenzjali serji ta’ sigurtà33. Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-21 u t-22 ta’ Marzu 2019, il-Kunsill Ewropew talab lill-Kummissjoni toħroġ rakkomandazzjoni dwar approċċ konċertat għas-sigurtà tan-networks tal-5G34.
46 Ftit jiem wara, il-Kummissjoni ħarġet tali rakkomandazzjoni li kien fiha sett ta’ miżuri kemm fil-livell nazzjonali (pereżempju valutazzjoni tar-riskju dwar il-5G) kif ukoll fil-livell tal-UE (pereżempju valutazzjoni tar-riskju kkoordinata), bil-għan li jiġi żgurat livell għoli ta’ ċibersigurtà tan-networks tal-5G fl-UE kollha35.
47 Kważi l-Istati Membri kollha kienu kkompletaw il-valutazzjonijiet tar-riskju nazzjonali tagħhom sad-data ta’ skadenza ta’ Lulju 201936. F’Ottubru 2019, il-Grupp ta’ Kooperazzjoni tal-NIS ħareġ rapport dwar il-valutazzjoni tar-riskju kkoordinata tal-UE taċ-ċibersigurtà tan-networks tal-5G, u s-“Sett ta’ Għodod tal-UE dwar iċ-ċibersigurtà tal-5G”37 f’Jannar 2020 (ara l-Anness VII). Ġie approvat b’ħeffa mill-Kummissjoni u mill-Kunsill Ewropew38.
Għall-ewwel darba, is-sett ta’ għodod tal-UE 2020 dwar iċ-ċibersigurtà tal-5G stabbilixxa miżuri biex jiġi indirizzat it-theddid għas-sigurtà fil-livell tal-UE, mingħajr preskrittività
L-approċċ għas-sigurtà tan-networks tal-5G bħala kompetenza tas-sigurtà nazzjonali jillimita l-ambitu tal-Kummissjoni biex tieħu azzjoni
48 It-trattati tal-UE39 jiddeterminaw l-ambitu għat-teħid ta’ azzjoni biex jiġu indirizzati sfidi bħal dawk relatati mal-introduzzjoni tan-networks tal-5G siguri fil-livell tal-UE. Dan l-ambitu huwa wiesa’ u jħalli marġni ta’ interpretazzjoni lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri (ara l-Kaxxa 4).
Kompetenzi tal-UE relatati man-networks tal-5G: Kompetenza kondiviża jew kwistjoni ta’ sigurtà nazzjonali?
- Fil-prinċipju, in-networks tal-5G jaqgħu fi ħdan l-ambitu tal-kompetenza tas-suq uniku tal-UE (kompetenza kondiviża), kemm bħala servizz (il-forniment ta’ servizz mill-ONM) kif ukoll bħala oġġett (it-tagħmir tal-5G innifsu, mixtri mill-ONM biex jibnu n-networks tal-5G tagħhom). Bħala kompetenza kondiviża, l-UE (il-Kummissjoni u istituzzjonijiet oħra tal-UE) tista’ tadotta miżuri legalment vinkolanti (leġiżlazzjoni) biex tiżgura l-istabbiliment tas-suq uniku tagħha u tippromwovi l-funzjonament tajjeb tiegħu. Is-sigurtà tan-networks tal-5G tista’ titqies ukoll b’mod aktar ġenerali bħala relatata mal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja tal-UE. F’dan is-sens, is-sigurtà tista’ tinftiehem bħala terminu ġenerali rigward il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità, li jagħmilha kompetenza kondiviża oħra li għaliha l-UE tista’ tadotta miżuri legalment vinkolanti.
- B’kuntrast ma’ dan, interpretazzjoni aktar dejqa tas-sigurtà tkun li din tiġi limitata għal theddid għas-sigurtà nazzjonali tal-Istati Membri. Bħala kompetenza nazzjonali esklużiva, dan jillimita lill-UE biex tkun tista’ twettaq biss azzjonijiet ta’ appoġġ biex tgħin l-isforzi nazzjonali tal-Istati Membri jiżguraw is-sigurtà tan-networks tal-5G tagħhom.
49 Is-sigurtà tan-networks tal-5G taqsam il-kompetenzi nazzjonali u dawk tal-UE, u tmiss mas-sigurtà nazzjonali. Il-Kummissjoni ħadet approċċ għas-sigurtà tan-networks tal-5G fis-sens ta’ theddid għas-sigurtà nazzjonali, u għalhekk għażlet miżuri legali nonvinkolanti. Dan jimplika li l-UE ma tistax tadotta miżuri legalment vinkolanti li jkunu jġiegħlu lill-Istati Membri japplikaw miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskju uniformi jew jimplimentaw rekwiżiti infurzabbli. Minflok, il-Kummissjoni tista’ toħroġ rakkomandazzjonijiet u komunikazzjonijiet mhux vinkolanti, tgħin fit-tixrid tal-aħjar prattika u tikkoordina l-azzjonijiet nazzjonali tal-Istati Membri. Minkejja dan, approċċ differenti huwa possibbli. Eżempju bħal dan huwa d-Direttiva NIS40, li hija liġi tal-UE li tittratta s-sigurtà tan-networks u tas-sistemi tal-informazzjoni madwar l-Unjoni. Din il-liġi ġiet proposta mill-Kummissjoni u adottata skont il-bażi legali tas-“suq uniku” għalkemm, sa livell wiesa’, iċ-ċibersigurtà hija prerogattiva nazzjonali41.
Is-sett ta’ għodod tal-UE dwar iċ-ċibersigurtà tal-5G ġie adottat fi stadju bikri tal-introduzzjoni, iżda xi ONM kienu diġà għażlu l-bejjiegħa tagħhom.
50 F’Jannar 2020, il-Grupp ta’ Kooperazzjoni tal-NIS adotta sett ta’ għodod tal-UE dwar iċ-ċibersigurtà tal-5G li jispeċifika għadd ta’ miżuri strateġiċi, tekniċi u ta’ appoġġ biex jiġi indirizzat it-theddid għan-networks tas-sigurtà tal-5G u jidentifika l-atturi rilevanti għal kull waħda minn dawn il-miżuri. Dan is-sett ta’ għodod, approvat mill-Kummissjoni u mill-Kunsill Ewropew, ġie adottat disa’ xhur biss wara li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill kienu qajmu t-tħassib tagħhom dwar is-sigurtà tal-5G għall-ewwel darba. Aktar reċentement, is-sett ta’ għodod tal-UE dwar iċ-ċibersigurtà tal-5G issemma fl-Istrateġija Ewropea l-ġdida f’sens li jagħti spinta lil konnessjonijiet intelliġenti, nodfa u siguri fis-sistemi diġitali fid-dinja kollha, bħala għodda biex tiggwida l-investimenti fl-infrastruttura diġitali42. L-approċċ legali nonvinkolanti stabbilit mill-Kummissjoni kkontribwixxa għad-dħul fis-seħħ rapidu ta’ miżuri biex jiġi indirizzat it-theddid għas-sigurtà fil-livell tal-UE wkoll u biex tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni tal-Istati Membri dwar dan is-suġġett transfruntier. Għal finijiet ta’ tqabbil, id-Direttiva NIS kienet teħtieġ aktar minn tliet snin mill-proposta tal-Kummissjoni43 sal-adozzjoni tagħha44, u d-Direttiva KEKE ’l fuq minn sentejn45. Saħansitra aktar żmien kien meħtieġ biex id-direttivi jiġu trasposti fis-sistemi legali nazzjonali tal-Istati Membri (ara wkoll il-paragrafi 36 u 37).
51 Is-sett ta’ għodod tal-UE dwar iċ-ċibersigurtà tal-5G ġie adottat erba’ snin wara li l-politika tal-5G kienet ġiet ippreżentata fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-5G, u fl-istess sena meta kien ikollhom jintlaħqu l-objettivi intermedji tal-introduzzjoni tal-5G stabbiliti taħt dan il-Pjan ta’ Azzjoni tal-5G. F’dan il-kuntest, ir-rappreżentanti tal-ministeri tal-Istati Membri, l-Awtoritajiet Regolatorji Nazzjonali u l-ONM intervistati għal dan l-awditu qiesu li l-miżuri dwar l-aspetti tas-sigurtà tal-5G bdew tard wisq.
52 Fl-istess ħin, is-sett ta’ għodod ġie ppubblikat meta l-introduzzjoni tal-5G u l-pjanijiet għall-5G kienu għadhom fi stadju bikri fil-biċċa l-kbira mill-Istati Membri. Il-biċċa l-kbira mill-kuntratti bejn fornituri u operaturi għal tagħmir tal-5G ġew konklużi fl-2020 u fl-2021. Madankollu, skont l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Operaturi tan-Networks tat-Telekomunikazzjoni (ETNO), għadd ta’ ONM kienu diġà għażlu l-bejjiegħa tagħhom meta s-sett ta’ għodod tal-UE dwar iċ-ċibersigurtà tal-5G sar disponibbli.
Is-sett ta’ għodod tal-UE dwar iċ-ċibersigurtà tal-5G ipprovda qafas għall-valutazzjoni tal-profil tar-riskju tal-fornituri, iżda kien fadal nuqqasijiet
Xi Stati Membri u awtoritajiet nazzjonali jqisu li parti mill-kriterji li ntużaw għall-klassifikazzjoni ta’ bejjiegħa bħala li huma ta’ riskju għoli mhumiex suffiċjentement ċari
53 Karatteristika ewlenija tas-sett ta’ għodod tal-UE dwar iċ-ċibersigurtà tal-5G hija l-ħtieġa li l-Istati Membri jivvalutaw il-bejjiegħa u japplikaw, għal assi ewlenin iddefiniti bħala kritiċi, restrizzjonijiet għall-bejjiegħa kklassifikati bħala ta’ riskju għoli. Jenħtieġ li l-Istati Membri jagħmlu din il-valutazzjoni abbażi ta’ lista mhux eżawrjenti ta’ kriterji meħuda mill-valutazzjoni tar-riskju kkoordinata tal-UE. Kriterji bħal dawn huma pereżempju:
- il-probabbiltà li bejjiegħ ikun suġġett għal interferenza minn pajjiż mhux tal-UE; pereżempju permezz tal-eżistenza ta’ rabta qawwija bejn il-bejjiegħ u gvern ta’ pajjiż mhux tal-UE; jew permezz tal-leġiżlazzjoni tal-pajjiż mhux tal-UE, speċjalment fejn ma jkunx hemm kontrolli u bilanċi leġiżlattivi jew demokratiċi fis-seħħ, jew fin-nuqqas ta’ ftehimiet dwar is-sigurtà jew il-protezzjoni tad-data bejn l-UE u l-pajjiż li mhuwiex tal-UE;
- il-kapaċità tal-bejjiegħ li jiżgura l-provvista; u
- il-kwalità kumplessiva tal-prodotti u l-prattiki taċ-ċibersigurtà tal-bejjiegħa.
54 Is-sett ta’ għodod ġie żviluppat biex tiġi evitata l-frammentazzjoni u biex tiġi promossa l-konsistenza fis-suq intern. Il-kriterji fis-sett ta’ għodod joffru qafas operazzjonali li huwa utli biex titwettaq valutazzjoni tal-profil tar-riskju tal-fornituri b’mod ikkoordinat fl-Istati Membri kollha. Permezz tiegħu, il-Kummissjoni rreaġiet malajr għal tħassib kbir li kien qed jitfaċċja dwar is-sigurtà tal-5G, flimkien mal-Istati Membri. Fl-istess ħin, tibqa’ r-responsabbiltà tal-awtoritajiet nazzjonali biex japplikaw dawn il-kriterji meta jivvalutaw ir-riskji relatati ma’ fornituri speċifiċi. Sa Ottubru 2021, b’kont meħud ta’ dan il-qafas, 13-il Stat Membru ppromulgaw jew emendaw leġiżlazzjoni dwar is-sigurtà tal-5G (ara l-paragrafu 75 u l-Figura 6).
55 Madankollu, ir-rappreżentanti ta’ tnejn mill-erba’ ministeri tal-Istati Membri li intervistajna għal dan l-awditu qiesu li xi wħud minn dawn il-kriterji għall-klassifikazzjoni tal-bejjiegħa tal-5G huma miftuħa għall-interpretazzjoni u jkunu jeħtieġu jiġu ċċarati aktar. Appellaw ukoll lill-Kummissjoni biex din tipprovdi appoġġ u gwida addizzjonali rigward il-klassifikazzjoni ta’ bejjiegħa li jkunu ta’ riskju għoli. Ir-rappreżentanti tal-Istati Membri li intervistajna indikaw ukoll li din is-sitwazzjoni kienet toħloq riskju li l-Istati Membri japplikaw approċċi diverġenti għall-bejjiegħa li jkunu ta’ riskju għoli (ara wkoll il-paragrafi 74 u 75, u l-Kaxxa 5). Kien hemm 11 mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali mistħarrġa, li għandhom livelli differenti ta’ involviment fis-sigurtà tal-5G, li semmew tħassib simili.
Il-pajjiż ta’ oriġini tal-bejjiegħa tal-5G jolqot il-valutazzjoni tar-riskji għas-sigurtà
56 Il-bejjiegħa tal-5G ivarjaw f’termini tal-karatteristiċi korporattivi tagħhom, u huma minn pajjiżi b’rabtiet differenti mal-UE. Il-Figura 5 tippreżenta xi aspetti komuni u differenzi fost il-bejjiegħa prinċipali tal-5G u l-pajjiżi ta’ oriġini tagħhom, b’mod partikolari f’żoni msemmija fis-sett ta’ għodod bħala li x’aktarx jinfluwenzaw il-valutazzjoni tal-profil tar-riskju tagħhom (ara l-paragrafu 53).
Figura 5 – Aspetti komuni u differenzi fost il-bejjiegħa tal-5G u l-pajjiżi ta’ oriġini tagħhom
Sors: il-QEA, ibbażat fuq il-membri tad-WTO; il-membri tal-OECD; l-Indiċi tar-Restrittività tal-IDB (investiment dirett barrani) imħejji mill-OECD; il-Bank Dinji, Sett tad-Data għall-Indikaturi Dinjija tal-Governanza, 2019; Sett tad-Data għall-Kompetittività Globali maħruġ mill-WEF, Klassifikazzjoni fl-2018; Adequacy decisions; Statista, Who is leading the 5G patent race?; data tal-kumpanija Ericsson; data tal-kumpanija Nokia; data tal-kumpanija Qualcomm; data tal-kumpanija Sharp; data tal-kumpanija LG; data tal-kumpanija Samsung; data tal-kumpanija Huawei; u data tal-kumpanija ZTE. Rati tal-kambju fil-31.12.2020.
57 Fattur wieħed ta’ riskju huwa l-livell sa fejn il-pajjiż ta’ oriġini ta’ bejjiegħ jikkonforma mal-valuri politiċi u ekonomiċi ewlenin tal-UE. Fatturi speċifiċi relatati mal-pajjiż bħalma huma l-istat tad-dritt, l-indipendenza ġudizzjarja, il-ftuħ għal investimenti barranin u l-eżistenza ta’ ftehimiet dwar il-protezzjoni tad-data jistgħu jittieħdu bħala miżura tal-protezzjoni legali li kumpanija jkollha mill-interferenza tal-gvern u l-protezzjoni li din tista’ tgħaddi lill-klijenti tagħha.
58 Filwaqt li l-bejjiegħa bbażati fl-Istati Membri tal-UE huma marbuta li jikkonformaw mal-istandards u r-rekwiżiti legali tal-UE, dan mhuwiex il-każ għal sitta mill-bejjiegħa prinċipali li jinsabu f’pajjiżi mhux tal-UE li joperaw fi ħdan il-qafas tal-leġiżlazzjonijiet ta’ pajjiżi terzi (ara l-Figura 5). Dawn il-leġiżlazzjonijiet jistgħu jvarjaw b’mod konsiderevoli mill-istandards tal-UE, pereżempju f’termini ta’ protezzjoni tad-data mogħtija liċ-ċittadini, l-effettività ta’ din il-protezzjoni, jew b’mod aktar ġenerali dwar kif l-indipendenza ġudizzjarja tiġi żgurata permezz ta’ kontrolli u bilanċi leġiżlattivi u/jew demokratiċi. F’dak li għandu x’jaqsam mal-indipendenza ġudizzjarja, l-Istati Uniti tal-Amerka u l-Ġappun għandhom punteġġ ogħla milli għandhom il-pajjiżi l-oħra ta’ oriġini, mhux fl-UE, tal-bejjiegħa tal-5G, filwaqt li għall-klassifikazzjoni tal-istat tad-dritt, il-Korea t’Isfel għandha l-aħjar punteġġ fost il-pajjiżi mhux tal-UE.
59 In-networks tal-5G jitħaddmu b’mod predominanti mis-software. Il-fatt li xi bejjiegħa joperaw fi ħdan il-qafas ta’ leġiżlazzjoni mhux tal-UE jista’ jkun ta’ tħassib partikolari fejn iċ-ċentri ta’ kontroll tas-software jkunu wkoll barra mit-territorju tal-UE, u b’hekk potenzjalment l-utenti tal-UE jiġu suġġetti għal leġiżlazzjoni li ma tkunx tal-UE.
60 Il-Kummissjoni bdiet tindirizza dan it-tħassib, filwaqt li tqis li jenħtieġ li kwalunkwe negozju li jipprovdi servizzi liċ-ċittadini tal-UE jirrispetta r-regoli u l-valuri tal-UE46. Hija bdiet djalogi ma’ bosta pajjiżi biex tiżgura protezzjoni tal-privatezza b’saħħitha għad-data personali47. Il-Figura 5 turi wkoll li l-Kummissjoni diġà rrikonoxxiet l-adegwatezza tar-reġimi tal-protezzjoni tad-data li jintużaw mill-Ġappun (u, fil-passat, mill-Istati Uniti tal-Amerka). Jenħtieġ li jiġi osservat, madankollu, li deċiżjonijiet ta’ adegwatezza jistgħu jiġu kkontestati u huma suġġetti għal skrutinju ġudizzjarju strett. Pereżempju, fl-2015 il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja ħassret l-istrument legali applikabbli dak iż-żmien għall-iskambju tad-data mal-Istati Uniti, il-Ftehim dwar l-Isfera ta’ Sikurezza48, u aktar tard fl-2020 iddeċidiet li t-Tarka tal-Privatezza – li kienet issostitwiet il-Ftehim dwar l-Isfera ta’ Sikurezza – ma kienx jipprovdi protezzjoni adegwata liċ-ċittadini tal-UE49. Attwalment ma hemmx deċiżjoni ta’ adegwatezza għall-Istati Uniti. B’mod aktar ġenerali, u lil hinn mill-eżistenza ta’ reġim tal-protezzjoni tad-data, huwa importanti li jittieħed inkunsiderazzjoni l-qafas legali u istituzzjonali usa’, bl-inklużjoni pereżempju tar-rispett għall-istat tad-dritt u l-mod kif l-indipendenza ġudizzjarja tiġi żgurata.
61 Il-Figura 5 turi varjabbiltà sinifikanti fost il-bejjiegħa tal-5G f’termini tas-sehem ta’ privattivi tal-5G, id-dħul u l-għadd ta’ impjegati. Dan jolqot ir-riżorsi għad-dispożizzjoni tagħhom, li min-naħa tagħhom jistgħu jolqtu r-reżiljenza u l-kapaċità tagħhom li jiżguraw provvista kontinwa. Pereżempju, Samsung u Huawei huma l-bejjiegħa li għandhom l-ogħla sehem ta’ privattivi tal-5G u jiġġeneraw l-ogħla dħul bħala korporazzjonijiet u għandhom l-ogħla għadd ta’ impjegati kumplessivament.
62 Il-probabbiltà li bejjiegħ ikun suġġett għal interferenza mill-gvern ta’ pajjiż mhux tal-UE hija fattur importanti ieħor iddefinit fis-sett ta’ għodod bħala li jiddetermina l-profil tar-riskju ta’ bejjiegħ. F’dan il-kuntest, is-sjieda taqdi rwol importanti, billi s-sidien b’għadd kbir ta’ ishma jistgħu jkunu kapaċi jeżerċitaw pressjoni jew jinfluwenzaw deċiżjonijiet maniġerjali. Barra minn hekk, il-kumpaniji taħt sjieda privata jew tal-Istat jitqiesu inqas miftuħa għall-iskrutinju mill-pubbliku f’termini ta’ awditi u obbligu ta’ rendikont, meta mqabbla ma’ kumpaniji pubbliċi li huma suġġetti għal rekwiżiti ta’ divulgazzjoni stretti matul is-sena għall-benefiċċju tal-investituri u r-regolaturi ġenerali. Il-biċċa l-kbira mill-bejjiegħa tal-5G huma elenkati pubblikament f’borża, jew fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom jew inkella barra mill-pajjiż, filwaqt li l-bejjiegħa Ċiniżi huma aktar diffiċli biex jiġu klassifikati u huma ġeneralment meqjusa bħala marbuta mill-qrib mal-Gvern Ċiniż50.
L-Istati Membri sabu l-appoġġ tal-Kummissjoni u tal-ENISA utli meta implimentaw is-sett ta’ għodod tal-UE dwar iċ-ċibersigurtà tal-5G
63 Il-Kummissjoni pprovdiet appoġġ lill-Istati Membri billi skambjat l-aħjar prattiki dwar xi miżuri ewlenin tas-sett ta’ għodod tal-UE dwar iċ-ċibersigurtà tal-5G, inkluż dwar bejjiegħa li huma ta’ riskju għoli. Dan l-appoġġ, spiss ipprovdut fil-kuntest tal-Grupp ta’ Kooperazzjoni tal-NIS, kien ikkomplementat minn attivitajiet speċifiċi tal-ENISA, bħall-organizzazzjoni ta’ webinars jew l-għoti ta’ gwida dwar:
- l-implimentazzjoni tas-sett ta’ għodod b’fokus fuq il-miżuri tekniċi; u
- l-aħjar prattiki dwar is-sigurtà tan-networks, b’mod partikolari dwar:
- ix-xenarji tat-Theddid tal-5G51;
- it-tħejjija ta’ valutazzjonijiet tar-riskju nazzjonali tal-5G; u
- miżuri ta’ sigurtà skont il-KEKE52, bl-inklużjoni ta’ linji gwida ddedikati dwar is-sigurtà tal-5G53.
64 Il-Kummissjoni inkarigat ukoll lill-ENISA bit-tħejjija tal-iskema taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà tal-UE għan-networks tal-5G li huwa mistenni jgħin biex jiġu indirizzati r-riskji relatati mal-vulnerabbiltajiet tekniċi tan-networks u jkompli jsaħħaħ iċ-ċibersigurtà54. Filwaqt li din iċ-ċertifikazzjoni tista’ tikkontribwixxi għat-titjib tas-sigurtà, hija ma tistax isservi ta’ prevenzjoni tal-inkorporazzjoni tat-theddid fis-sistemi permezz ta’ aġġornamenti tas-software.
65 Ir-rappreżentanti kollha tal-awtoritajiet tal-Istati Membri li intervistajna għal dan l-awditu enfasizzaw l-utilità tal-appoġġ mogħti mill-Kummissjoni u mill-ENISA biex jimplimentaw is-sett ta’ għodod tal-UE dwar is-sigurtà tal-5G. Barra minn hekk, il-biċċa l-kbira mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali tat-telekomunikazzjoni (15 minn 21) iddikjaraw li l-Kummissjoni u/jew l-ENISA taw appoġġ lill-awtoritajiet nazzjonali fl-iskambju tal-aħjar prattika għall-implimentazzjoni tal-miżuri strateġiċi ewlenin.
Is-sett ta’ għodod tal-UE dwar iċ-ċibersigurtà tal-5G ġie adottat tard wisq biex jittieħed inkunsiderazzjoni għall-proġetti kofinanzjati mill-UE matul il-perjodu 2014-2020
66 Wieħed mill-objettivi tas-sett ta’ għodod tal-UE dwar iċ-ċibersigurtà tal-5G hija li jiġi żgurat li l-proġetti tal-5G kofinanzjati mill-UE jieħdu inkunsiderazzjoni r-riskji marbuta maċ-ċibersigurtà. Madankollu, is-sett ta’ għodod ġie adottat biss f’Jannar 2020. Billi l-proġetti kollha li rrieżaminajna għal dan l-awditu kienu ntgħażlu qabel l-adozzjoni tas-sett ta’ għodod tal-UE dwar iċ-ċibersigurtà tal-5G, ma setax ikun mistenni li jkunu segwew l-approċċ rakkomandat dwar iċ-ċibersigurtà, inkluż lejn bejjiegħa li huma ta’ riskju għoli. Pereżempju, fil-kampjun tagħna, aħna identifikajna proġett wieħed taħt Orizzont 2020 u żewġ proġetti taħt l-FEŻR fi Spanja bl-użu ta’ tagħmir tal-5G Ċiniż li sussegwentement ġie pprojbit fl-Iżvezja (ara l-paragrafu 15).
67 Għall-perjodu 2021-2027, il-Kummissjoni biħsiebha tippromwovi approċċ koerenti dwar is-sigurtà tal-5G għall-proġetti kofinanzjati mill-UE billi tiżgura li l-konformità mas-sett ta’ għodod tkun kundizzjoni għall-finanzjament mogħti mill-UE. Madankollu, dan se jvarja skont il-mod ta’ implimentazzjoni:
- Il-programmi mmaniġġjati direttament mill-Kummissjoni (pereżempju Orizzont Ewropa 2021-2027) se jippermettu l-esklużjoni ta’ bejjiegħa li jkunu suġġetti għal interferenza mill-gvern ta’ pajjiż mhux tal-UE. Dan x’aktarx jiżgura li l-proġetti ffinanzjati mill-UE jieħdu kont tar-riskji marbuta maċ-ċibersigurtà u jservu ta’ prevenzjoni ta’ sitwazzjonijiet fejn bejjiegħ li jirċievi kofinanzjament mill-UE fi Stat Membru wieħed jitqies ta’ riskju għoli u jiġi eskluż f’ieħor;
- Għall-programmi implimentati taħt ġestjoni kondiviża, il-leġiżlazzjoni ma fihiex rekwiżiti dwar ir-riskji marbuta maċ-ċibersigurtà. Għalhekk, il-Kummissjoni tipprevedi li tippromwovi l-inklużjoni ta’ referenza għas-sett ta’ għodod fil-ftehimiet ta’ sħubija tal-Istati Membri bħala mod li jippermetti li l-finanzjament taħt l-FEŻR għal proġetti relatati mal-5G jieħu kont ta’ riskji marbuta maċ-ċibersigurtà; u
- Għall-Invest-EU (il-programm li jissostitwixxi l-FEIS)55 u l-RRF, il-Kummissjoni qed tippjana li tħeġġeġ lill-korpi responsabbli jirreferu għas-sett ta’ għodod tal-UE fil-ftehimiet ta’ finanzjament.
L-Istati Membri għadhom ma jindirizzawx l-aspetti tas-sigurtà b’mod konċertat meta jintroduċu networks tal-5G
L-informazzjoni dwar l-approċċ li l-Istati Membri jieħdu għall-problemi ta’ sigurtà mhijiex suffiċjenti
68 Il-Kummissjoni tittraċċa u tirrapporta dwar il-progress tal-implimentazzjoni tas-sett ta’ għodod tal-UE dwar iċ-ċibersigurtà tal-5G permezz tal-Grupp ta’ Kooperazzjoni tal-NIS, taħditiet bilaterali mal-Istati Membri u b’mod indirett permezz tal-media. L-ewwel riżultati ta’ dan il-monitoraġġ ġew ippubblikati f’Lulju 202056. F’Diċembru 2020, il-Kummissjoni ppubblikat ukoll rapport dwar l-impatt tar-Rakkomandazzjoni tagħha dwar iċ-Ċibersigurtà tan-networks tal-5G57. Sa Settembru 2021, ma kien ippjanat l-ebda rappurtar fil-ġejjieni.
69 Madankollu, ir-rapporti msemmija hawn fuq ma għandhomx sett komuni ta’ indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni u ma jippreżentawx sett komparabbli ta’ informazzjoni dettaljata dwar l-approċċ li l-Istati Membri qed jużaw għat-tħassib dwar is-sigurtà tal-5G.
70 Barra minn hekk, ftit li xejn hemm informazzjoni disponibbli pubblikament dwar kif l-approċċ tal-Istati Membri għall-bejjiegħa li huma ta’ riskju għoli, jiġifieri l-identifikazzjoni tagħhom u jekk il-bejjiegħa humiex qed jiġu esklużi milli jipprovdu t-tagħmir tal-5G tagħhom, u anke dan huwa kontradittorju u mhux komplet. Pereżempju:
- Fir-rapport tagħha ta’ Lulju 2020 dwar il-Progress tal-Istati Membri fl-implimentazzjoni tas-sett ta’ għodod (ara l-paragrafu 68), il-Kummissjoni tiddikjara li madwar nofs l-Istati Membri (14 minn 27) kienu vvalutaw il-profil tar-riskju tal-bejjiegħa u applikaw restrizzjonijiet għall-bejjiegħa meqjusa ta’ riskju għoli.
- F’rapport ta’ Diċembru 202058, il-BEREC iddikjara li 9 Stati Membri biss kienu stabbilew restrizzjonijiet bħal dawn, u li 7 mit-18-il Stat Membru li kien jifdal ma kellhomx l-intenzjoni jimplimentaw restrizzjonijiet ta’ dan it-tip fil-ġejjieni.
71 Anke meta l-Istati Membri jkunu adottaw leġiżlazzjoni li tindirizza s-sigurtà tan-networks tal-5G (ara wkoll il-paragrafu 75), dawn xorta waħda ma jiċċarawx l-approċċ tal-Istati Membri għall-bejjiegħa li huma ta’ riskju għoli. Kwalunkwe deċiżjoni konkreta x’aktarx tittieħed biss permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni jew deċiżjonijiet amministrattivi jew kummerċjali li ma jkunux pubbliċi.
72 Skont il-partijiet ikkonċernati u dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet (pereżempju fil-Parlament Ewropew) li intervistajna, l-informazzjoni mhux pubblika (pereżempju permezz tar-rapporti tal-Kummissjoni jew tal-Grupp tal-NIS) dwar l-approċċ tal-Istati Membri għall-bejjiegħa li huma ta’ riskju għoli hija skarsa wkoll, u dawn l-entitajiet iridu jiddependu mill-media u minn sorsi mhux uffiċjali.
73 Minkejja n-natura transfruntiera tat-tħassib dwar is-sigurtà tal-5G, kumplessivament ftit hemm informazzjoni pubblika disponibbli dwar l-approċċ li l-Istati Membri jieħdu għal kwistjonijiet ta’ sigurtà, b’mod partikolari l-problema ta’ bejjiegħa li huma ta’ riskju għoli. Dan ifixkel il-kondiviżjoni tal-għarfien fost l-Istati Membri u l-possibbiltà li jiġu applikati miżuri konċertati. Jillimita wkoll il-possibbiltà li l-Kummissjoni tipproponi titjib għas-sigurtà tan-networks tal-5G.
Hemm indikazzjonijiet li xi Stati Membri jsegwu approċċi diverġenti għall-bejjiegħa tal-5G
74 L-awtoritajiet nazzjonali għandhom marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni meta jimplimentaw miżuri ewlenin dwar is-sigurtà tal-5G (ara l-paragrafi 48 u 49). Is-sett ta’ għodod jieħu inkunsiderazzjoni kompetenzi nazzjonali u fatturi speċifiċi għall-pajjiżi li huma rilevanti (valutazzjoni tat-theddid li titwettaq mis-servizzi tas-sigurtà nazzjonali, skeda ta’ żmien għall-introduzzjoni tal-5G, preżenza tal-fornituri, kapaċitajiet fil-qasam taċ-ċibersigurtà). Sa issa, l-Istati Membri applikaw approċċi diverġenti rigward l-użu ta’ tagħmir mingħand bejjiegħa speċifiċi jew l-ambitu tar-restrizzjonijiet fuq bejjiegħa li jkunu ta’ riskju għoli (ara l-eżempji ta’ erba’ Stati Membri fil-Kaxxa 5).
Eżempji ta’ approċċi diverġenti tal-Istati Membri għall-bejjiegħa tal-5G Ċiniżi
Qafas stabbilit u restrizzjonijiet applikati(1)
F’Ottubru 2020, l-awtorità regolatorja nazzjonali Żvediża tat-telekomunikazzjoni (PTS) imponiet il-kundizzjonijiet li ġejjin għall-parteċipazzjoni fl-irkant tal-ispettru tal-5G:
- installazzjonijiet ġodda u l-implimentazzjoni ta’ funzjonijiet ċentrali għall-użu tar-radju fil-baned ta’ frekwenzi ma jridux jużaw prodotti mingħand bejjiegħa Ċiniżi; u
- kwalunkwe infrastruttura li teżisti, minn dawn il-bejjiegħa, trid tiġi eliminata gradwalment sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2025.
Qafas stabbilit, iżda għadu mhux applikat(2), (3), (4)
Fil-Ġermanja, l-Att tas-Sigurtà tal-IT 2.0 ta’ Mejju 2021 jipprevedi ċertifikazzjoni obbligatorja ta’ komponenti kritiċi qabel ma l-użu tagħhom ikun jista’ jiġi awtorizzat. L-ONM Ġermaniżi li intervistajna jkunu jippreferu proċedura ta’ ċertifikazzjoni Ewropea unika taħt l-awspiċi tal-ENISA, biex isservi bħala “punt uniku ta’ servizz” Ewropew, minflok ma jkollha tgħaddi minn għadd kbir potenzjali ta’ ċertifikazzjonijiet nazzjonali. L-att jippermetti wkoll li l-Ministeru Federali tal-Intern jipprojbixxi l-użu ta’ komponenti kritiċi, f’każ li dawn jistgħu jkunu ta’ theddida għas-sigurtà nazzjonali.
Fl-Awstrija l-liġi aġġornata dwar it-telekomunikazzjoni, li ġiet adottata fi tmiem Ottubru 2021, tippermetti lill-ministru kompetenti jikklassifika bejjiegħa bħala ta’ riskju għoli u japplika restrizzjonijiet jew jeskludihom mis-suq. Informazzjoni disponibbli għall-pubbliku minn Ottubru 2021 tindika li l-pajjiż jinsab fi triqtu biex jespandi n-network tal-5G tiegħu, bl-użu tal-fornitur Ċiniż Huawei.
L-ebda qafas stabbilit(5), (6)
F’Settembru 2021, l-Ungerija ma llimitat l-ebda bejjiegħ tal-5G, u x’aktarx li ma tagħmilx dan fil-futur qrib. L-Ungerija uffiċjalment irrifjutat ukoll li tissieħeb fil-Programm Internazzjonali ta’ Network Nadif tal-5G, promoss mill-Istati Uniti tal-Amerka, li għandu l-għan li jillimita l-preżenza ta’ bejjiegħa Ċiniżi fin-networks ewlenin tal-5G.
(3) Il-liġi dwar it-Telekomunikazzjoni Awstrijaka.
(4) https://www.euractiv.com/section/5g/news/austria-to-also-rely-on-huawei-in-5g-rollout/
(5) https://chinaobservers.eu/wp-content/uploads/2021/01/briefing-paper_huawei_A4_03_web-1.pdf
(6) https://cms.law/en/int/expert-guides/cms-expert-guide-to-5g-regulation-and-law/hungary
75 Mindu s-sett ta’ għodod ġie adottat, sar progress biex tiġi rinfurzata s-sigurtà tan-networks tal-5G, u kien hemm maġġoranza ta’ Stati Membri li applikaw restrizzjonijiet fuq bejjiegħa li kienu ta’ riskju għoli, jew kienu fil-proċess li japplikawhom. Sa tmiem l-2021, 13-il Stat Membru adottaw jew emendaw il-liġijiet nazzjonali dwar is-sigurtà tal-5G. Dawn il-miżuri regolatorji jieħdu kont tal-kriterji stipulati fis-sett ta’ għodod, iżda jsegwu approċċi differenti (ara l-Figura 6). Stati Membri oħra jinsabu fil-proċess li jressqu leġiżlazzjoni ta’ dan it-tip. Fis-snin li ġejjin, dan jista’ jwassal għal approċċi aktar konverġenti fir-rigward ta’ bejjiegħa tal-5G li huma ta’ riskju għoli, tal-inqas fost dawk l-Istati Membri li ppromulgaw din il-leġiżlazzjoni.
Figura 6 – Stati Membri li adottaw liġijiet li jippermettu l-esklużjoni tat-tagħmir mingħand bejjiegħa li huma ta’ riskju għoli min-networks tagħhom, Ottubru 2021
Sors: il-QEA, ibbażat fuq data pprovduta mill-Kummissjoni Ewropea.
76 Sa issa, il-Kummissjoni ma vvalutatx xi jkun l-impatt ta’ approċċi diverġenti bħal dawn, fejn Stat Membru wieħed jibni n-networks tal-5G tiegħu bl-użu ta’ tagħmir mingħand bejjiegħ meqjus bħala ta’ riskju għoli fi Stat Membru ieħor. Dan jista’ jkollu impatt jew fuq is-sigurtà transfruntiera jew inkella fuq il-kompetizzjoni bejn l-ONM li joperaw fis-suq uniku tal-UE.
Reċentement il-Kummissjoni bdiet tindirizza l-problema ta’ distorsjoni tas-suq intern ikkawżata minn sussidji barranin
77 F’Diċembru 2020, aktar minn nofs it-tagħmir kollu tal-4G u tal-5G fl-UE kien qed jinkiseb mingħand bejjiegħa mhux tal-UE (ara l-Figura 7).
Figura 7 – Sehem tal-ONM li jużaw tagħmir tal-bejjiegħa tal-UE/mhux tal-UE*
* mhux tal-UE jinkludi l-bejjiegħa mill-Amerka ta’ Fuq, mill-Asja u mill-Awstralja.
Sors: il-QEA, ibbażat fuq il-BEREC. Rapport Intern rigward il-Miżuri Strateġiċi 5 u 6 tas-Sett ta’ Għodod tal-UE għaċ-Ċibersigurtà tal-5G (Diversifikazzjoni tal-fornituri u tqawwija tar-reżiljenza nazzjonali). BoR (20) 227.
78 B’mod partikolari, fi tmiem l-2019, 286 miljun klijent fl-EU 27 (64 % tal-popolazzjoni totali) kienu qed jużaw networks tat-telekomunikazzjoni bbażati fuq tagħmir tal-4G tal-bejjiegħa Ċiniżi59. F’Ottubru 2020, grupp ta’ MEPs qajmu tħassib lill-ministri tat-telekomunikazzjoni u l-kummerċ tal-Istati Membri kif ukoll lill-Kummissjoni li waħda mir-raġunijiet għas-sehem għoli tas-suq tal-bejjiegħa Ċiniżi kienet li kienu jibbenefikaw minn vantaġġ ekonomiku inġust, jiġifieri rċevew sussidji pubbliċi li mhumiex disponibbli għall-bejjiegħa tal-UE skont ir-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat60. F’rapport analitiku reċenti, aħna ġbidna l-attenzjoni għal riskji simili f’dan ir-rigward61. Sussidji bħal dawn jistgħu jwasslu għal distorsjoni fis-suq intern, u b’hekk joħolqu kundizzjonijiet mhux ekwi fost il-bejjiegħa tal-5G, b’implikazzjonijiet possibbli għas-sigurtà. F’Mejju 2021, biex tindirizza din il-problema, il-Kummissjoni pproponiet Regolament ġdid62, li jistabbilixxi proċeduri għall-investigazzjoni ta’ dawn is-sussidji u għar-rimedju tad-distorsjonijiet assoċjati.
Il-Kummissjoni ma għandhiex informazzjoni suffiċjenti rigward l-ispejjeż possibbli tas-sostituzzjoni għat-tagħmir ta’ bejjiegħa Ċiniżi
79 Skont rapport ta’ Ġunju 202063, ir-restrizzjoni ta’ bejjiegħ ewlieni tal-infrastruttura tal-5G fl-UE tkun iżżid l-ispejjeż totali tal-investiment bi kważi EUR 2.4 biljun fis-sena matul id-deċennju li jmiss (jiġifieri EUR 24 biljun). Skont studju differenti64, l-operaturi Ewropej diġà qed jiffaċċjaw l-aġġornament tan-networks tal-4G mibnija bejn l-2012 u l-2016, minħabba li hija prattika kummerċjali standard li jiġi mġedded u modernizzat it-tagħmir tan-networks li għandu aktar minn tlieta sa erba’ snin. Dan l-istudju jistma li l-ispiża totali għat-tneħħija u s-sostituzzjoni ta’ tagħmir aġġornabbli li jkun inxtara mingħand bejjiegħa Ċiniżi mill-2016 ’il hawn se tkun ta’ madwar EUR 3 biljun.
80 Is-sehem għoli ta’ tagħmir mingħand bejjiegħa Ċiniżi, flimkien mal-kategorizzazzjoni possibbli tagħhom bħala ta’ riskju għoli f’ċerti Stati Membri, jista’ jwassal għal spejjeż tas-sostituzzjoni li jistgħu jkunu f’ammont ta’ biljuni ta’ euro jekk l-ONM ikunu jeħtieġu jneħħu u jissostitwixxu t-tagħmir tal-bejjiegħa Ċiniżi min-networks Ewropej mingħajr perjodu tranżizzjonali (ara l-paragrafi 77 sa 79). Fil-prinċipju, l-għajnuna mill-Istat ma tistax tingħata biex jiġu kkumpensati operaturi talli jwettqu obbligi legali, dment li l-Istati Membri ma jistgħux jiddimostraw lill-Kummissjoni li r-rekwiżiti meħtieġa jitwettqu (bħal, pereżempju, effett ta’ inċentiv). L-analiżi li wettaqna identifikat każ wieħed fejn il-liġijiet nazzjonali għandhom mnejn jippermettu li spejjeż tas-sostituzzjoni jingħataw appoġġ minn finanzjament pubbliku nazzjonali (ara l-Att Finlandiż dwar is-Servizzi tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi65). L-Istati Membri huma meħtieġa jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe każ ta’ għajnuna mill-Istat biex jikkumpensaw lill-ONM għal spejjeż bħal dawn. Skont il-Kummissjoni, sa issa l-ebda Stat Membru jew parti kkonċernata ma kkuntattjawhom biex jiddiskutu l-għajnuna mill-Istat għall-ispejjeż tas-sostituzzjoni tat-tagħmir. Skont il-partijiet ikkonċernati tal-industrija li intervistajna matul l-awditu, l-inċertezza dwar it-trattament mill-Istati Membri ta’ dawn l-ispejjeż, u d-differenzi possibbli fost l-Istati Membri, jdgħajfu l-inċertezza tan-negozju u jirriskjaw li jkollhom impatt fuq l-introduzzjoni f’waqtha tal-5G.
Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
81 Kumplessivament, l-awditu li wettaqna wera li, minkejja l-appoġġ mogħti mill-Kummissjoni, hemm dewmien konsiderevoli fl-introduzzjoni, mill-Istati Membri, tan-networks tal-5G u għadhom meħtieġa aktar sforzi biex il-problemi ta’ sigurtà fl-introduzzjoni tal-5G jiġu indirizzati.
82 Fil-Pjan ta’ Azzjoni 2016 tagħha tal-5G, il-Kummissjoni appellat għal kopertura tal-5G taż-żoni urbani kollha u matul il-mogħdijiet prinċipali tat-trasport sal-2025 u, f’Marzu 2021, għal kopertura sħiħa sal-2030. Fi tmiem l-2020, 23 Stat Membru kienu nedew servizzi kummerċjali tal-5G u kienu laħqu l-objettiv intermedju li jkollhom mill-inqas belt ewlenija waħda b’aċċess għal dawn is-servizzi. Madankollu, sibna li mhux l-Istati Membri kollha jirreferu għall-objettivi tal-Kummissjoni fl-istrateġiji nazzjonali tagħhom għall-5G jew fil-pjanijiet tagħhom għall-broadband. Barra minn hekk, f’bosta pajjiżi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi għadu ma ġiex traspost fil-liġi nazzjonali, u l-assenjar tal-ispettru tal-5G iddewwem. Dan id-dewmien fl-assenjar tal-ispettru jista’ jiġi attribwit għal raġunijiet differenti: domanda dgħajfa mill-operaturi tan-networks mobbli (ONM), problemi bil-koordinazzjoni transfruntiera ma’ pajjiżi mhux tal-UE matul il-fruntieri tal-Lvant, l-impatt tal-COVID-19 fuq l-iskedi tal-irkanti, u inċertezza dwar kif problemi ta’ sigurtà għandhom jiġu ttrattati. Skont il-Kummissjoni, 11-il Stat Membru biss x’aktarx jilħqu l-objettiv għall-2025 (ara l-paragrafi 22 sa 43).
83 Il-Kummissjoni tat appoġġ lill-Istati Membri biex jimplimentaw il-Pjan ta’ Azzjoni 2016 tal-5G permezz ta’ inizjattivi, gwida u l-finanzjament ta’ riċerka relatata mal-5G. Madankollu, il-Kummissjoni ma ddefinietx il-kwalità mistennija tas-servizz tan-networks tal-5G, bħall-prestazzjoni li jenħtieġ li dan joffri f’termini ta’ veloċità minima u latenza massima. Dan wassal biex it-terminu “kwalità tal-5G” jinftiehem b’mod differenti mill-Istati Membri. Aħna osservajna approċċi diverġenti li jittieħdu mill-Istati Membri fl-introduzzjoni tas-servizzi tal-5G, bħall-fatt li żewġ Stati Membri biss iddefinew il-veloċità minima u l-latenza massima. Fl-aħħar mill-aħħar dawn l-approċċi diverġenti jġibu magħhom ir-riskju ta’ inugwaljanzi fl-aċċess u l-kwalità tas-servizzi tal-5G fl-UE, u b’hekk iżidu minflok inaqqsu d-“distakk diġitali” fost l-Istati Membri u r-reġjuni (ara l-paragrafi 22 sa 31).
Rakkomandazzjoni 1 – Tiġi promossa l-introduzzjoni uniformi u f’waqtha tan-networks tal-5G fi ħdan l-UE
Jenħtieġ li l-Kummissjoni:
- flimkien mal-Istati Membri, tiżviluppa definizzjoni komuni tal-kwalità mistennija tas-servizz tan-networks tal-5G, bħar-rekwiżiti tal-prestazzjoni li huwa mistenni joffri f’termini ta’ veloċità minima u latenza massima;
- tħeġġeġ lill-Istati Membri jinkludu l-objettivi għall-2025 u l-2030 għall-introduzzjoni tal-5G, u l-miżuri li se jkunu meħtieġa biex dawn jintlaħqu, fl-aġġornamenti li jmiss tal-istrateġiji għall-5G/diġitali jew tal-pjanijiet tal-broadband tagħhom; u
- tagħti appoġġ lill-Istati Membri biex jindirizzaw problemi ta’ koordinazzjoni tal-ispettru ma’ pajjiżi ġirien mhux tal-UE, pereżempju billi tippromwovi li s-suġġett ikun fuq l-aġenda ta’ kull laqgħa rilevanti.
Data mmirata għall-implimentazzjoni: Diċembru 2022
84 Kien biss reċentement li l-aspetti tas-sigurtà tan-networks tal-5G saru ta’ tħassib kbir fil-livell tal-UE. Il-ħtieġa assoċjata għal azzjoni fil-livell tal-UE ġiet enfasizzata mill-Kunsill Ewropew fl-2019, fejn dan appella għal approċċ konċertat u kooperazzjoni fost l-Istati Membri dwar dan is-suġġett transfruntier. Il-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri, irreaġiet malajr għal tħassib kbir li kien qed jitfaċċja dwar is-sigurtà tal-5G. Fl-2020, il-Grupp ta’ Kooperazzjoni tal-NIS adotta sett ta’ għodod tal-UE dwar iċ-ċibersigurtà tal-5G li jispeċifika għadd ta’ miżuri strateġiċi, tekniċi u ta’ appoġġ biex jiġi indirizzat it-theddid għan-networks tas-sigurtà tal-5G u jidentifika l-atturi responsabbli għal kull waħda minn dawn il-miżuri. Bosta mill-miżuri jindirizzaw il-problema ta’ bejjiegħa ta’ tagħmir tal-5G li jkunu ta’ riskju għoli. Dan is-sett ta’ għodod ġie approvat sussegwentement mill-Kummissjoni u mill-Kunsill Ewropew (ara l-paragrafi 45 sa 47). Billi s-sett ta’ għodod huwa strument legali nonvinkolanti, dawn il-miżuri ma għandhomx effett vinkolanti fuq l-Istati Membri. Aktar reċentement, is-sett ta’ għodod tal-UE dwar iċ-ċibersigurtà tal-5G issemma fl-Istrateġija Ewropea l-ġdida f’sens li jagħti spinta lil konnessjonijiet intelliġenti, nodfa u siguri fis-sistemi diġitali fid-dinja kollha, bħala għodda biex tiggwida l-investimenti fl-infrastruttura diġitali (ara l-paragrafu 50).
85 Il-kriterji fis-sett ta’ għodod joffru qafas operazzjonali li huwa utli biex titwettaq valutazzjoni tal-profil tar-riskju tal-fornituri b’mod ikkoordinat fl-Istati Membri kollha. Fl-istess ħin, it-twettiq ta’ din il-valutazzjoni jibqa’ responsabbiltà nazzjonali (ara l-paragrafu 54).
86 Mindu s-sett ta’ għodod ġie adottat, sar progress biex tiġi rinfurzata s-sigurtà tan-networks tal-5G, u kien hemm maġġoranza ta’ Stati Membri li applikaw restrizzjonijiet fuq bejjiegħa li kienu ta’ riskju għoli, jew kienu fil-proċess li japplikawhom. Sa Ottubru 2021, b’kont meħud ta’ dan il-qafas, 13-il Stat Membru ppromulgaw jew emendaw leġiżlazzjoni dwar is-sigurtà tal-5G. Stati Membri oħra jinsabu fil-proċess li jressqu leġiżlazzjoni li tieħu kont tal-kriterji għas-sett ta’ għodod (ara l-paragrafi 54 u 75).
87 Is-sett ta’ għodod ġie adottat fi stadju bikri tal-introduzzjoni tal-5G, iżda għadd ta’ ONM kienu diġà għażlu l-fornituri tagħhom (ara l-paragrafu 52). In-nuqqas ta’ indirizzar tat-tħassib dwar is-sigurtà mit-tfassil ta’ politika jirriskja li jkollu impatt negattiv fuq l-implimentazzjoni tagħha, bħal li l-benefiċċji mistennija (pereżempju t-tkabbir tal-PDG) jitnaqqru mill-ispiża tat-trattament tat-theddid (pereżempju l-ispiża taċ-ċiberkriminalità) (ara l-paragrafi 02 u 04).
88 Is-sett ta’ għodod jieħu inkunsiderazzjoni kompetenzi nazzjonali u fatturi speċifiċi għall-pajjiżi li huma rilevanti. L-awditu li wettaqna wera li, sa issa, l-Istati Membri applikaw approċċi diverġenti rigward l-użu ta’ tagħmir mingħand bejjiegħa li huma ta’ riskju għoli jew l-ambitu tar-restrizzjonijiet (pereżempju partijiet ewlenin jew kritiċi min-network tal-5G biss, jew in-Network ta’ Aċċess bir-Radju jew parti minnu) (ara l-paragrafi 74 u 75).
89 Fis-snin li ġejjin, il-leġiżlazzjoni promulgata mill-Istati Membri dwar is-sigurtà tal-5G, abbażi tas-sett ta’ għodod, tista’ twassal għal approċċi aktar konverġenti fir-rigward ta’ bejjiegħa tal-5G li huma ta’ riskju għoli. Madankollu, billi l-ebda waħda mill-miżuri stipulati f’dan is-sett ta’ għodod mhija legalment vinkolanti, il-Kummissjoni ma għandha l-ebda setgħa tinfurzahom. Għalhekk, jibqa’ riskju li s-sett ta’ għodod fih innifsu ma jistax jiggarantixxi li l-Istati Membri jindirizzaw l-aspetti tas-sigurtà b’mod konċertat (ara l-paragrafi 49 sa 75).
90 Ħafna bejjiegħa tal-5G jinsabu barra mit-territorju tal-UE u għalhekk joperaw fi ħdan il-qafas ta’ leġiżlazzjonijiet ta’ pajjiżi terzi, li jistgħu jvarjaw b’mod konsiderevoli mill-istandards tal-UE, pereżempju f’termini ta’ protezzjoni tad-data effettiva mogħtija liċ-ċittadini, u b’mod aktar ġenerali dwar kif l-indipendenza ġudizzjarja tiġi żgurata permezz ta’ kontrolli u bilanċi leġiżlattivi jew demokratiċi. Il-fatt li n-networks tal-5G jitħaddmu b’mod predominanti mis-software jista’ wkoll ikun ta’ tħassib partikolari għas-sigurtà jekk iċ-ċentri ta’ kontroll ta’ dan is-software jitqiegħdu f’pajjiżi mhux tal-UE, u b’hekk potenzjalment iċ-ċittadini tal-UE jiġu suġġetti għal leġiżlazzjoni ta’ pajjiżi terzi. Il-Kummissjoni bdiet tindirizza dan it-tħassib, filwaqt li tqis li jenħtieġ li kwalunkwe negozju li jipprovdi servizzi liċ-ċittadini tal-UE jirrispetta r-regoli u l-valuri tal-UE. Hija bdiet ukoll djalogi ma’ bosta pajjiżi biex tiżgura protezzjoni tal-privatezza b’saħħitha għad-data personali (ara l-paragrafi 56 sa 62).
91 Minkejja n-natura transfruntiera tat-tħassib dwar is-sigurtà tal-5G, hemm nuqqas ta’ informazzjoni pubblika disponibbli dwar l-approċċ li l-Istati Membri jieħdu għal kwistjonijiet ta’ sigurtà u d-dipendenza tagħhom minn bejjiegħa li huma ta’ riskju għoli. Il-Kummissjoni tittraċċa u tirrapporta dwar l-implimentazzjoni tas-sett ta’ għodod. Madankollu, ir-rapporti ma jippreżentawx informazzjoni dettaljata u komparabbli dwar l-approċċ li l-Istati Membri jieħdu għat-tħassib dwar is-sigurtà tal-5G. Barra minn hekk, sa Settembru 2021, ma kien ippjanat l-ebda rappurtar fil-ġejjieni. Dan in-nuqqas ta’ informazzjoni jfixkel il-kondiviżjoni tal-għarfien fost l-Istati Membri u l-possibbiltà li jiġu applikati miżuri konċertati. Jillimita wkoll il-possibbiltà li l-Kummissjoni tipproponi titjib għas-sigurtà tan-networks tal-5G (ara l-paragrafi 68 sa 73).
Rakkomandazzjoni 2 – Jitrawwem approċċ konċertat għas-sigurtà tal-5G fost l-Istati Membri
Jenħtieġ li l-Kummissjoni:
- tipprovdi aktar gwida ċara jew tagħti appoġġ għal azzjonijiet dwar l-elementi ewlenin tas-sett ta’ għodod tal-UE dwar iċ-ċibersigurtà tal-5G, bħal dwar il-kriterji għall-valutazzjoni tal-bejjiegħa tal-5G u l-klassifikazzjoni tagħhom bħala ta’ riskju għoli, u dwar kunsiderazzjonijiet dwar il-protezzjoni tad-data.
Data mmirata għall-implimentazzjoni: Diċembru 2022 - tippromwovi t-trasparenza dwar l-approċċi li l-Istati Membri jużaw għas-sigurtà tal-5G, billi timmonitorja u tirrapporta dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ sigurtà tas-sett ta’ għodod tal-UE dwar iċ-ċibersigurtà tal-5G. Jenħtieġ li dan isir bl-użu ta’ sett komuni ta’ indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni.
Data mmirata għall-implimentazzjoni: Diċembru 2022 - flimkien mal-Istati Membri, tivvaluta għal liema aspetti tas-sigurtà tan-networks tal-5G hemm ħtieġa li jiġu speċifikati rekwiżiti infurzabbli u, fejn xieraq, tibda leġiżlazzjoni.
Data mmirata għall-implimentazzjoni: Diċembru 2022
92 Il-Kummissjoni bdiet tindirizza l-allegazzjonijiet assoċjati ta’ vantaġġ ekonomiku inġust minħabba sussidji barranin. Sussidji bħal dawn jistgħu jwasslu għal distorsjoni fis-suq intern, u b’hekk joħolqu kundizzjonijiet mhux ekwi fost il-bejjiegħa tal-5G, b’implikazzjonijiet possibbli għas-sigurtà (ara l-paragrafu 78).
93 Il-Kummissjoni ma għandhiex informazzjoni suffiċjenti dwar it-trattament, min-naħa tal-Istati Membri, tal-ispejjeż potenzjali tas-sostituzzjoni li jistgħu jirriżultaw jekk l-ONM jeħtieġu jneħħu t-tagħmir tal-bejjiegħa li huma ta’ riskju għoli min-networks tal-UE mingħajr perjodu tranżizzjonali. Id-differenzi fit-trattament jistgħu jdgħajfu ċ-ċertezza tan-negozju u jirriskja li jħalli impatt fuq l-introduzzjoni f’waqtha tal-5G (ara l-paragrafi 79 u 80). Fl-istess ħin, l-approċċi li l-Istati Membri jieħdu għas-sigurtà tal-5G, u b’mod partikolari n-nuqqas ta’ approċċ konċertat fl-UE kollha, jistgħu jkollhom impatt fuq il-funzjonament effettiv tas-suq uniku. Sa issa, il-Kummissjoni għadha ma vvalutatx din il-problema (ara l-paragrafi 74 sa 76).
Rakkomandazzjoni 3 – Isir monitoraġġ tal-approċċi li l-Istati Membri jieħdu għas-sigurtà tal-5G u tivvaluta l-impatt tad-diverġenzi fuq il-funzjonament effettiv tas-suq uniku
Jenħtieġ li l-Kummissjoni:
- tippromwovi approċċ trasparenti u konsistenti rigward it-trattament mill-Istati Membri tal-ispejjeż tal-ONM biex jiġi sostitwit tagħmir tal-5G li jkun inxtara mingħand bejjiegħa li huma ta’ riskju għoli, permezz ta’ monitoraġġ u rappurtar regolari dwar din il-problema fi ħdan l-implimentazzjoni tas-sett ta’ għodod tal-UE dwar iċ-ċibersigurtà tal-5G.
- tivvaluta xi jkun l-impatt fuq is-suq uniku jekk Stat Membru wieħed jibni n-networks tal-5G tiegħu bl-użu ta’ tagħmir mingħand bejjiegħ meqjus bħala ta’ riskju għoli fi Stat Membru ieħor.
Data mmirata għall-implimentazzjoni: Diċembru 2022
Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla II, immexxija mis-Sinjura Iliana Ivanova, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-15 ta’ Diċembru 2021.
Annessi
Anness I – Opportunitajiet u riskji prinċipali tal-5G
Sors: il-QEA, ibbażat fuq European Parliamentary Research Service – European Science-Media hub.
Anness II – Eżempji li juru l-impatt tal-interruzzjoni tan-networks tat-telekomunikazzjoni u tal-inċidenti taċ-ċibersigurtà
Ħsara tan-numri tal-emerġenza Franċiżi 66, 67
01 Fit-3 ta’ Ġunju 2021, qtugħ fin-network f’Orange, l-akbar kumpanija tat-telekomunikazzjonijiet Franċiża, impedixxa sejħiet ta’ emerġenza għal perjodu ta’ bosta sigħat. Filwaqt li ġiet eskluża l-possibbiltà li ċiberattakk ikkawża l-ħsara, l-inċident juri l-impatt potenzjali li interruzzjoni ta’ infrastruttura kruċjali tan-network jista’ jkollha.
Attakki ta’ ransomware fuq il-kura tas-saħħa pubblika Irlandiża68, 69, 70
02 F’Mejju 2021, is-servizz tas-saħħa tal-Irlanda (l-Eżekuttiv tas-Servizz tas-Saħħa) għalaq is-sistemi tal-IT kollha tiegħu minħabba attakk ta’ ransomware. L-attakk laqat l-aspetti kollha tal-kura tal-pazjenti billi ħoloq diffikultajiet fl-aċċess għar-rekords tal-pazjenti, u b’hekk żdied ir-riskju ta’ dewmien u żbalji. Filwaqt li l-uffiċjali Irlandiżi mhumiex konxji li xi data tal-pazjenti ġiet kompromessa, il-kondiviżjoni ta’ rekords tas-saħħa setgħet wasslet għal kull tip ta’ reat kontinġenti bħal frodi u rikatt. Skont id-Direttur Ġenerali Eżekuttiv tas-Servizz tas-Saħħa, l-ispejjeż tal-irkupru stmati x’aktarx jammontaw għal total ta’ EUR 500 miljun (USD 600 miljun).
03 Solarwinds hija kumpanija Amerikana li tiżviluppa software biex jgħin in-negozji u l-aġenziji Statali u federali, biex tgħinhom jimmaniġġjaw in-networks, is-sistemi u l-infrastruttura tat-teknoloġija tal-informazzjoni tagħhom. Fil-bidu tal-2020, Solarwinds kienet it-tir ta’ attakk fuq is-software. Il-hackers irnexxielhom ixerrdu l-attakki lill-klijenti ta’ Solarwinds permezz ta’ aġġornamenti tas-software li kien fihom kodiċijiet malizzjużi. Dawn fetħu backdoors fil-pjattaformi tal-klijenti, u b’hekk taw dħul faċli għal attakki u l-installazzjoni ta’ aktar malware u spyware.
Anness III – Qafas legali u ta’ politika
![]() |
Il-Kummissjoni Ewropea |
![]() |
Il-Kunsill tal-UE |
![]() |
Leġiżlazzjoni |
![]() |
Grupp ta’ Kooperazzjoni tal-NIS |
![]() |
|
2016 | Id-Direttiva NIS, Lulju 2016 – Li tipprovdi miżuri legali biex jagħtu spinta lil-livell kumplessiv taċ-ċibersigurtà fl-UE. |
![]() |
|
2016 | Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-5G, Settembru 2016 – Li kellu l-għan li jniedi s-servizzi tal-5G fl-Istati Membri kollha sa mhux aktar tard minn tmiem l-2020, segwit b’bini ta’ momentum rapidu biex tiġi żgurata kopertura tal-5G mhux interrotta fiż-żoni urbani u matul il-mogħdijiet prinċipali tat-trasport sal-2025. |
![]() |
|
2018 | Il-Kodiċi għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi, Diċembru 2018 – Li għandu l-għan li jimplimenta suq intern għan-networks u għas-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi. |
![]() |
|
2019 | Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew, Marzu 2019 – Li fih il-Kunsill Ewropew jistenna b’interess ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar approċċ konċertat għas-sigurtà tan-networks 5G. |
![]() |
|
2019 | Ir-Rakkomandazzjoni dwar iċ-ċibersigurtà tal-5G, Marzu 2019 – Li tirrakkomanda lill-Istati Membri jivvalutaw ir-riskji taċ-ċibersigurtà li jaffettwaw in-networks 5G fil-livell nazzjonali u jieħdu l-miżuri ta’ sigurtà meħtieġa. |
![]() |
|
2019 | Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar is-sinifikat tal-5G għall-Ekonomija Ewropea, Diċembru 2019 – Li jenfasizza li tnedija rapida u sigura tan-networks 5G hija essenzjali għat-tisħiħ tal-kompetittività tal-UE u teħtieġ approċċ ikkoordinat fl-UE. |
![]() |
|
2020 | Is-sett ta’ għodod taċ-ċibersigurtà tal-5G, Jannar 2020 – Identifikazzjoni ta’ sett komuni possibbli ta’ miżuri, li huma kapaċi jimmitigaw ir-riskji prinċipali taċ-ċibersigurtà tan-networks tal-5G. |
![]() |
|
2020 | Introduzzjoni sigura tal-5G fl-UE – Implimentazzjoni tas-sett ta’ għodod tal-UE, Jannar 2020 – Il-Kummissjoni Ewropea tapprova s-sett ta’ għodod u tistabbilixxi l-passi tagħha li jmiss (eż. rapport dwar l-implimentazzjoni sa Ġunju 2020). |
![]() |
|
2020 | Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-tiswir tal-futur diġitali tal-Ewropa, Ġunju 2020 – Li jappoġġa l-ħtieġa li jiġi żgurat u implimentat approċċ koordinat biex inaqqas ir-riskji ewlenin għall-iskjerament sigur tal-5G fl-UE. |
![]() |
|
2020 | Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew, Ottubru 2020 – Li japprova s-sett ta’ għodod taċ-ċibersigurtà tal-5G, b’mod partikolari l-ħtieġa li jiġu applikati r-restrizzjonijiet rilevanti fuq il-fornituri li huma ta’ riskju għoli. |
![]() |
|
2020 | Ir-Rakkomandazzjoni għal (…) aċċess għall-ispettru tar-radju tal-5G, Settembru 2020- Li tistabbilixxi gwida għall-iżvilupp tal-aqwa prattiki, sabiex titwitta t-triq għall-konnettività u jiġi pprovdut aċċess f’waqtu u li jiffavorixxi l-investiment għall-ispettru tar-radju tal-5G. |
![]() |
|
2020 | L-istrateġija tal-UE dwar iċ-Ċibersigurtà għad-Deċennju Diġitali, Diċembru 2020 – Dokument mhux vinkolanti, li jistabbilixxi l-prijoritajiet tal-Kummissjoni u l-azzjonijiet ippjanati għaċ-ċibersigurtà fl-intier tagħha, inklużi n-networks tal-5G. |
![]() |
|
2020 | Il-Proposta għal Direttiva NIS 2, Diċembru 2020 – Li għandha l-għan li timmodernizza u twessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva attwali, kif ukoll li tkopri ċ-ċibersigurtà tal-5G b’mod aktar espliċitu. |
![]() |
|
2020 | Proposta għal Direttiva dwar ir-reżiljenza tal-entitajiet kritiċi, Diċembru 2020 – Li għandha l-għan li tnaqqas il-vulnerabbiltajiet, tal-infrastrutturi kritiċi li huma essenzjali għall-funzjonament tas-soċjetà u l-ekonomija tal-UE |
![]() |
|
2020 | Il-Kumpass Diġitali tal-2030: l-approċċ Ewropew għad-Deċennju Diġitali, Marzu 2021 – Li tfassal perkors ċar lejn viżjoni u azzjonijiet komuni għall-Ewropa biex tirnexxi fid-Deċennju Diġitali. |
![]() |
|
2021 | Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Istrateġija tal-UE dwar iċ-Ċibersigurtà għad-Deċennju Diġitali, Marzu 2021 – Li jappoġġa l-passi li jmiss li għandhom jittieħdu dwar iċ-ċibersigurtà tan-networks 5G, kif ippreżentati mill-istrateġija ta’ ċibersigurtà tal-Kummissjoni. |
![]() |
Anness IV – Eżempji ta’ proġetti kofinanzjati mill-FEIS
Proġetti relatati mal-5G taħt l-FEIS
Iż-żewġ proġetti taħt l-FEIS li rrieżaminajna kienu jikkonċernaw l-investimenti fir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni għall-iżvilupp tal-portafolli ta’ prodotti tan-networks tal-5G. Koprew l-iżvilupp ta’ hardware u software għan-Network ta’ Aċċess bir-Radju kif ukoll għan-network Ewlieni. Iż-żewġ proġetti kkontribwew għall-introduzzjoni aktar densa ta’ ċelloli, taw appoġġ għall-istandardizzazzjoni u ffaċilitaw esperimenti teknoloġiċi ewlenin.
Il-proġetti bdew fl-2005 u ntemmu f’Diċembru 2020. Kienu kkombinaw spejjeż totali tal-investiment ta’ EUR 3.9 biljun, inklużi EUR 1 000 000 000 f’finanzjament mill-FEIS.
Anness V – Eżempji ta’ proġetti taħt Orizzont 2020 u taħt l-FEŻR
Proġett taħt Orizzont 2020 relatat mal-5G
Dan il-proġett juża tagħmir mit-tliet bejjiegħa prinċipali kollha tal-5G (Ericsson, Huawei u Nokia) biex jittestja t-teknoloġiji tal-5G fil-kuritur transfruntier li jgħaqqad l-ibliet ta’ Metz (Franza), Merzig (il-Ġermanja) u l-Lussemburgu. Dan beda f’Novembru 2018 u kien ippjanat li jdum 31 xahar. L-UE tat EUR 12.9 miljun għall-baġit totali kumplessiv ta’ EUR 17.1 miljun.
Proġett taħt l-FEŻR relatat mal-5G
Dan il-proġett fi Spanja għandu l-għan li jipprovdi fehim approfondit dwar l-introduzzjoni tan-networks tal-5G. Jinkludi l-esperimentazzjoni b’tekniki ta’ ġestjoni tan-networks permezz tat-teknoloġija tal-5G, bħall-virtwalizzazzjoni tan-networks, edge computing, allokazzjoni dinamika tas-servizz tan-networks u l-partizzjoni tan-network, u l-iżvilupp ta’ każijiet tal-użu tal-5G. Il-proġett beda fl-2019 u kien ippjanat li jdum 30 xahar. Il-kontribuzzjoni mill-UE hija EUR 2.2 miljun mill-ispiża mistennija totali ta’ EUR 7.1 miljun.
Anness VI – Kopertura tal-5G fl-ibliet magħżula
Iċ-ċifri ta’ hawn taħt huma bbażati fuq data dwar il-konnettività tal-broadband mobbli miġbura minn testijiet li twettqu mill-utenti tal-app Nperf. Iż-żoni fejn inqabad il-5G mhumiex bilfors miftuħa kummerċjalment. Billi l-prestazzjoni tan-networks tiddependi mill-ONM individwali, il-mapep li ġejjin, estratti fl-4 ta’ Ottubru 2021, juru biss il-kopertura, u mhux il-prestazzjoni bħalma huma l-veloċità u l-latenza.
© nPerf.
© nPerf.
© nPerf.
© nPerf.
© nPerf.
Anness VII – Sett ta’ għodod tal-UE dwar iċ-ċibersigurtà tal-5G
Is-sett ta’ għodod tal-UE dwar iċ-ċibersigurtà tal-5G, adottat mill-Grupp ta’ Kooperazzjoni tal-NIS u approvat mill-Kummissjoni, fih tliet tipi ta’ miżuri mhux vinkolanti (miżuri strateġiċi, tekniċi u ta’ appoġġ) li għandhom jiġu implimentati minn diversi atturi, kif spjegat fil-qosor hawn taħt.
Miżuri | Atturi rilevanti | ||||
---|---|---|---|---|---|
Awtoritajiet tal-Istati Membri | ONM | Il-Kummissjoni Ewropea | L-ENISA | Partijiet ikkonċernati (inkl. fornituri) | |
Miżuri strateġiċi | |||||
MS01 – Tisħiħ tar-rwol tal-awtoritajiet nazzjonali | ✓ | ✓ | |||
MS02 – Twettiq ta’ awditi dwar l-operaturi u l-ħtieġa ta’ informazzjoni | ✓ | ✓ | |||
MS03 – Valutazzjoni tal-profil tar-riskju tal-fornituri u applikazzjoni ta’ restrizzjonijiet għall-fornituri meqjusa li għandhom riskju kbir – inklużi l-esklużjonijiet meħtieġa biex ir-riskji jittaffew b’mod effettiv - għall-assi ewlenin | ✓ | ✓ | |||
MS04 – Kontroll tal-użu tal-Fornituri ta’ Servizzi Mmaniġġjati u appoġġ tat-tielet linja tal-fornituri tat-tagħmir | ✓ | ✓ | |||
MS05 – Żgurar tad-diversità tal-fornituri għal ONM individwali permezz ta’ strateġiji xierqa ta’ diversi bejjiegħa | ✓ | ✓ | |||
MS06 – Tqawwija tar-reżiljenza fil-livell nazzjonali | ✓ | ✓ | |||
MS07 – Identifikazzjoni tal-assi ewlenin u t-trawwim ta’ ekosistema tal-5G diversa u sostenibbli fl-UE | ✓ | ✓ | |||
MS08 – Żamma u bini tad-diversità u tal-kapaċitajiet tal-UE fit-teknoloġiji futuri tan-networks | ✓ | ✓ | ✓ | ||
Miżuri tekniċi | |||||
MT01 – Żgurar tal-applikazzjoni tar-rekwiżiti ta’ referenza tas-sigurtà (disinn u arkitettura siguri tan-networks) | ✓ | ✓ | |||
MT02 - Żgurar u evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ sigurtà fl-istandards tal-5G li diġà jeżistu | ✓ | ✓ | ✓ | ||
MT03 – Żgurar ta’ kontrolli stretti tal-aċċess | ✓ | ✓ | |||
MT04 – Żieda fis-sigurtà tal-funzjonijiet tan-networks virtwalizzati | ✓ | ✓ | |||
MT05 – Żgurar ta’ ġestjoni, operat u monitoraġġ siguri tan-networks tal-5G | ✓ | ✓ | |||
MT06 – Rinforz tas-sigurtà fiżika | ✓ | ✓ | |||
MT07 – Rinforz tal-integrità tas-software, aġġornament u ġestjoni korrettiva | ✓ | ✓ | |||
MT08 – Tlugħ fl-istandards tas-sigurtà fil-proċessi tal-fornituri permezz ta’ kundizzjonijiet tal-akkwist robusti | ✓ | ✓ | ✓ | ||
MT09 – Użu taċ-ċertifikazzjoni tal-UE għall-komponenti tan-networks tal-5G, għat-tagħmir tal-klijenti u/jew għall-proċessi tal-fornituri | ✓ | ✓ | ✓ | ✓ | ✓ |
MT10 – Użu taċ-ċertifikazzjoni tal-UE għal prodotti u servizzi oħra tal-ICT mhux speċifiċi għall-5G (apparati konnessi, servizzi tal-cloud) | ✓ | ✓ | ✓ | ✓ | |
MT11 – Rinforz tal-pjanijiet ta’ reżiljenza u kontinwità | ✓ | ✓ | ✓ | ||
Azzjonijiet ta’ appoġġ | |||||
SA01 – Rieżaminar jew żvilupp ta’ linji gwida u l-aħjar prattiki dwar is-sigurtà tan-networks | ✓ | ✓ | ✓ | ||
SA02 – Rinfurzar tal-kapaċitajiet tal-ittestjar u tal-awditjar fil-livell nazzjonali u f’dak tal-UE | ✓ | ✓ | ✓ | ||
SA03 – Appoġġ u tiswir tal-istandardizzazzjoni tal-5G | ✓ | ✓ | ✓ | ✓ | ✓ |
SA04 – Żvilupp ta’ gwida dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ sigurtà fl-istandards eżistenti tal-5G | ✓ | ✓ | |||
SA05 – Żgurar tal-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ sigurtà tekniċi u organizzattivi standard permezz ta’ skema ta’ ċertifikazzjoni speċifika għall-UE kollha | ✓ | ✓ | ✓ | ||
SA06 – Skambju tal-aħjar prattiki dwar l-implimentazzjoni ta’ miżuri strateġiċi, b’mod partikolari l-oqfsa nazzjonali għall-valutazzjoni tal-profil tar-riskji tal-fornituri | ✓ | ||||
SA07 – Titjib tal-koordinazzjoni fir-rispons għall-inċidenti u l-ġestjoni tal-kriżijiet | ✓ | ✓ | |||
SA08 – Twettiq ta’ awditi tal-interdipendenzi bejn in-networks tal-5G u servizzi kritiċi oħra | ✓ | ||||
SA09 – Tisħiħ tal-kooperazzjoni, il-koordinazzjoni u l-mekkaniżmi għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni | ✓ | ✓ | |||
SA10 – Żgurar ta’ proġetti tal-5G appoġġati b’finanzjament pubbliku, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni r-riskji għaċ-ċibersigurtà | ✓ | ✓ |
Sors: is-sett ta’ għodod tal-UE dwar iċ-ċibersigurtà tal-5G.
Akronimi u abbrevjazzjonijiet
BEI: Il-Bank Ewropew tal-Investiment
BEREC: Korp ta’ regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi
ENISA: L-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Networks u l-Informazzjoni
FEIS: Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi
FEŻR: Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali
KEKE: Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi
NIS: Network u Sistema ta’ informazzjoni
ONM: Operatur tan-networks mobbli
PDG: Prodott domestiku gross
PNB: Pjan nazzjonali tal-broadband
RAN: Network ta’ aċċess bir-radju
RRF: Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza
RSPG: Grupp għall-Politika dwar l-Ispettru tar-Radju
Glossarju
Broadband: Trażmissjoni b’veloċità għolja u simultanja ta’ bosta formati ta’ informazzjoni (bħal data, vuċi u vidjo).
Exabyte: Kejl tal-kapaċità ta’ ħżin ta’ informazzjoni diġitali, ekwivalenti għal 1 000 000 000 gigabyte.
Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi: Mekkaniżmu ta’ appoġġ għall-investiment li tnieda mill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) u mill-Kummissjoni, bħala parti mill-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa, biex jimmobilizza l-investiment privat fi proġetti ta’ importanza strateġika għall-UE.
Global System for Mobile Communications Association (GSMA): Organizzazzjoni tal-industrija li tirrappreżenta l-interessi tal-operaturi tat-telefonija mobbli madwar id-dinja, kif ukoll dawk ta’ kumpaniji u organizzazzjonijiet tal-manifattura u s-servizzi b’interess fl-infrastruttura mobbli.
Grupp għall-Politika dwar l-Ispettru tar-Radju: Grupp konsultattiv ta’ livell għoli, magħmul minn rappreżentanti tal-Istati Membri, li jassisti u jagħti pariri lill-istituzzjonijiet tal-UE dwar l-iżvilupp tas-suq uniku fi prodotti u servizzi mingħajr fili.
Grupp ta’ Kooperazzjoni tan-Networks u tas-Sistemi tal-Informazzjoni: Korp stabbilit bid-Direttiva NIS biex jiżgura l-kooperazzjoni u l-iskambju tal-informazzjoni fost l-Istati Membri, u magħmul minn rappreżentanti tal-Istati Membri tal-UE, il-Kummissjoni Ewropea u l-Aġenzija tal-UE għaċ-Ċibersigurtà.
Internet tal-oġġetti: Oġġetti fiżiċi inkorporati b’sensuri, software u teknoloġiji oħra li jippermettulhom jagħmlu konnessjoni mingħajr fili u jiskambjaw data ma’ apparati u sistemi oħra.
Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi: Korp, magħmul minn rappreżentanti tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali tal-Istati Membri, li jassisti lil dawk l-awtoritajiet u lill-Kummissjoni fl-implimentazzjoni tal-qafas regolatorju tal-UE bil-ħsieb li jinħoloq suq uniku għall-komunikazzjonijiet elettroniċi.
L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà: Aġenzija tal-UE stabbilita biex tiżviluppa u żżomm livell għoli ta’ sigurtà tan-networks u tal-informazzjoni fis-setturi kollha tal-ħajja privata u pubblika.
Latenza: Fin-networks tal-kompjuter, il-ħin meħtieġ biex sett ta’ data jivvjaġġa bejn żewġ punti.
Network ta’ aċċess bir-radju: Parti kbira mit-teknoloġija moderna tat-telekomunikazzjoni, li torbot apparati individwali ma’ partijiet oħra minn network permezz ta’ konnessjonijiet bir-radju.
Operatur tan-networks mobbli: Kumpanija tat-telekomunikazzjoni li tipprovdi komunikazzjoni tal-vuċi u tad-data mingħajr fili għall-utenti tat-telefonija mobbli li jkunu abbonati.
Pjan nazzjonali tal-broadband: Dokumenti, tal-Istati Membri, li fihom objettivi strateġiċi għall-ilħuq tal-miri tal-broadband tal-UE.
Ransomware: Malware li ma jħallix lill-vittmi jkollhom aċċess għal sistema tal-kompjuter jew li permezz tiegħu l-fajls ma jkunux jistgħu jinqraw, u b’hekk il-vittma tiġġiegħel tħallas riskatt biex terġa’ tieħu aċċess.
Spettru tar-radju: Il-parti tal-ispettru elettromanjetiku li tikkorrispondi għall-frekwenzi tar-radju.
Risposti tal-Kummissjoni
Tim tal-awditjar
Ir-rapporti speċjali tal-QEA jippreżentaw ir-riżultati tal-awditi li twettaq ta’ politiki u programmi tal-UE, jew ta’ suġġetti relatati mal-ġestjoni minn oqsma baġitarji speċifiċi. Il-QEA tagħżel u tfassal dawn il-kompiti tal-awditjar biex timmassimizza l-impatt tagħhom billi tqis ir-riskji għall-prestazzjoni jew għall-konformità, il-livell ta’ introjtu jew ta’ nfiq involut, l-iżviluppi li għad iridu jseħħu u l-interess politiku u pubbliku.
Dan l-awditu tal-prestazzjoni twettaq mill-Awla II tal-Awditjar li tispeċjalizza fl-oqsma ta’ nfiq ta’ Investiment għall-koeżjoni, it-tkabbir u l-inklużjoni, u li hija mmexxija minn Iliana Ivanova, Membru tal-QEA. L-awditu tmexxa minn Annemie Turtelboom, Membru tal-QEA, li ngħatat appoġġ minn Florence Fornaroli, Kap tal-Kabinett, u Celil Ishik, Attaché tal-Kabinett; Niels-Erik Brokopp, Maniġer Prinċipali; Paolo Pesce, Kap tal-Kompitu; Jussi Bright, Rafal Gorajski, Zuzana Gullová, Alexandre Tan, Aleksandar Latinov, u Nils Westphal, Awdituri.

Noti finali
1 Statista, Number of internet of things (IoT) connected devices worldwide in 2018, 2025 and 2030.
2 Cisco Visual Networking Index: Global Mobile Data Traffic Forecast Update, 2017-2022, Frar 2019.
3 ITU-R, IMT traffic estimates for the years 2020 to 2030.
4 Identification and quantification of key socio-economic data to support strategic planning for the introduction of 5G in Europe, Frar 2017.
5 Accenture Strategy, The Impact of 5G on the European Economy, Frar 2021.
6 Ir-Rapport Analitiku Nru 02/2019: Sfidi għal politika effettiva tal-UE fil-qasam taċ-ċibersigurtà (Dokument Informattiv u Analitiku); Kompendju tal-Awditjar tal-2020 maħruġ mill-Kumitat ta’ Kuntatt – Iċ-ċibersigurtà; u European Parliamentary Research Service – European Science-Media hub.
7 Il-Grupp ta’ Kooperazzjoni tal-NIS, EU coordinated risk assessment of the cybersecurity of 5G networks, 9.10.2019. Il-punt 3.4.
8 World Economic Forum, Wild Wide Web – Consequences of Digital Fragmentation, 2021.
9 Il-Grupp ta’ Kooperazzjoni tal-NIS, EU coordinated risk assessment of the cybersecurity of 5G networks, 9.10.2019.
10 https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/mt/IP_15_5715
11 Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta’ Marzu 2019; National Intelligence Law of the People's Republic of China, l-Artikolu 14. Ara wkoll it-traduzzjoni tagħha fuq https://www.chinalawtranslate.com/en/national-intelligence-law-of-the-p-r-c-2017/
12 https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/mt/IP_20_12
13 Stima mill-Kummissjoni, ibbażata fuq data mill-BEI, Analysys, tħabbiriet mill-GSMA u minn kumpaniji, u ETNO – Telekomunikazzjoni Ewropea, Connectivity & Beyond: How Telcos Can Accelerate a Digital Future for All, Marzu 2021.
14 Lista ta’ proġetti tal-BEI.
15 Ir-Rapport Analitiku Nru 03/2020 “Ir-rispons tal-UE għall-istrateġija ta’ investiment immexxija mill-Istat taċ-Ċina”.
16 Ir-Rapport Speċjali Nru 12/2018 “Broadband fl-Istati Membri tal-UE: minkejja l-progress li sar, mhumiex se jintlaħqu l-miri kollha ta’ Ewropa 2020”.
17 Ir-Rapport Speċjali Nru 19/2020 “Id-Diġitalizzazzjoni tal-Industrija Ewropea: inizjattiva ambizzjuża li s-suċċess tagħha jiddependi mill-impenn kontinwu tal-UE, tal-gvernijiet u tan-negozji”.
18 Ir-Rapport Analitiku Nru 02/2019 “Sfidi għal politika effettiva tal-UE fil-qasam taċ-ċibersigurtà (Dokument Informattiv u Analitiku)”.
19 Il-Kummissjoni Ewropea, Il-Kumpass Diġitali tal-2030: l-approċċ Ewropew għad-Deċennju Diġitali, COM(2021) 118 final.
20 Study on National Broadband Plans in the EU-27.
21 5G Observatory Quarterly Report 12, Up to June 2021.
22 Il-Kummissjoni Ewropea, Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-roaming fuq networks pubbliċi tal-komunikazzjoni mobbli fi ħdan l-Unjoni (riformulazzjoni), COM(2021) 85 final tal-24.2.2021.
23 Study on National Broadband Plans in the EU-27, tal-Kummissjoni.
24 Id-Direttiva (UE) 2018/1972 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi.
25 Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, Introduzzjoni sigura tal-5G fl-UE – Implimentazzjoni tas-sett ta’ għodod tal-UE, COM(2020) 50 final.
26 Study on National Broadband Plans in the EU-27.
27 Stqarrija għall-istampa Nru IP/21/206 tal-Kummissjoni, tal-4.2.2021.
28 Stqarrija għall-istampa Nru IP/21/4612 tal-Kummissjoni, tat-23.9.2021.
29 Id-Deċiżjoni (UE) 2017/899 dwar l-użu tal-banda ta’ frekwenzi 470-790 MHz.
30 Id-Direttiva (UE) 2018/1972 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi.
31 5G Observatory u RSPG.
32 Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta’ Marzu 2019 (2019/2575(RSP)).
33 JOIN(2019) 5 final tat-12.3.2019.UE-Ċina, Perspettiva Strateġika.
34 Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-21 u t-22 ta’ Marzu 2019.
35 Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/534 tas-26 ta’ Marzu 2019 Ċibersigurtà ta’ netwerks 5G.
36 Stqarrija għall-istampa tad-19 ta’ Lulju 2019.
37 Iċ-ċibersigurtà tan-networks tal-5G – Sett ta’ għodod tal-UE ta’ miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskji. Grupp ta’ Kooperazzjoni tal-NIS, 01/2020.
38 Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, Introduzzjoni sigura tal-5G fl-UE – Implimentazzjoni tas-sett ta’ għodod tal-UE, COM(2020) 50 final; u l-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-1 u t-2 ta’ Ottubru 2020 (EUCO 13/20).
39 It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
40 Id-Direttiva (UE) 2016/1148 dwar miżuri għal livell għoli komuni ta’ sigurtà tan-networks u tas-sistemi tal-informazzjoni madwar l-Unjoni.
41 Ir-Rapport Analitiku Nru 02/2019 “Sfidi għal politika effettiva tal-UE fil-qasam taċ-ċibersigurtà (Dokument Informattiv u Analitiku)”, il-paragrafu 36.
42 Il-Komunikazzjoni Konġunta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment – Il-Portal Globali. JOIN(2021) 30 final, 1.12.2021.
43 COM(2013) 48 final tas-7.2.2013.
44 Id-Direttiva (UE) 2016/1148.
45 COM(2016) 590 final/2 tat-12.10.2016 u d-Direttiva (UE) 2018/1972 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi.
46 Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, Insawru l-futur diġitali tal-Ewropa, COM(2020) 67 final.
47 EU-China – A strategic outlook.
48 Is-Sentenza fil-Kawża Nru C-362/14 u https://curia.europa.eu/jcms/upload/docs/application/pdf/2015-10/cp150117mt.pdf
49 Is-Sentenza fil-Kawża Nru C-311/18 u https://curia.europa.eu/jcms/upload/docs/application/pdf/2020-07/cp200091mt.pdf
50 https://www.europarl.europa.eu/doceo/document/E-9-2020-004305_EN.html u https://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/ATAG/2019/637912/EPRS_ATA(2019)637912_EN.pdf
51 L-ENISA, Threat Landscape for 5G Networks, 14.12.2020.
52 L-ENISA, Guideline on Security Measures under the EECC, 10.12.2020.
53 L-ENISA, 5G supplement to the Guidelines on Security Measures under the EECC, 07.07.2021.
54 Stqarrija għall-istampa tat-3 ta’ Frar 2021.
55 Ir-Regolament (UE) 2021/523 li jistabbilixxi l-Programm InvestEU.
56 Ir-Rapport dwar il-progress tal-Istati Membri fl-implimentazzjoni tas-Sett ta’ Għodod tal-UE dwar iċ-Ċibersigurtà tal-5G, Lulju 2020.
57 Report on the impacts of the Commission Recommendation of 26 March 2019 on the Cybersecurity of 5G networks, SWD(2020) 357 final tas-16.12.2020.
58 Il-BEREC, Rapport Intern rigward il-Miżuri Strateġiċi 5 u 6 tas-Sett ta’ Għodod tal-UE għaċ-Ċibersigurtà tal-5G (Diversifikazzjoni tal-fornituri u tqawwija tar-reżiljenza nazzjonali), BoR 20 (227), 10.12.2020.
59 StrandConsult, Understanding the Market for 4G RAN in Europe: Share of Chinese and Non-Chinese Vendors in 102 Mobile Networks.
60 Ittra mill-MEPs lill-ministri tat-telekomunikazzjoni u l-kummerċ tal-UE u lill-Kummissarji Ewropej Thierry Breton, Margrethe Vestager u Valdis Dombrovskis, 14.10.2020.
61 Ir-Rapport Analitiku Nru 3/2020 tal-QEA: Ir-rispons tal-UE għall-istrateġija ta’ investiment immexxija mill-Istat taċ-Ċina.
62 Proposta għal Regolament dwar sussidji barranin li joħolqu distorsjoni fis-suq intern, COM(2021) 223 final tal-5.5.2021.
63 Oxford Economics, Restricting competition in 5G network equipment throughout Europe, Ġunju 2020. (Sponsorjat minn Huawei).
64 StrandConsult, The real cost to ‘rip and replace’ Chinese equipment from telecom networks.
65 L-Att Nru 1207/2020 dwar is-Servizzi tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi tat-30.12.2020, l-Artikolu 301.
66 https://www.euronews.com/2021/06/03/french-telecom-operator-orange-apologises-after-emergency-numbers-crash-nationwide
67 https://www.reuters.com/business/media-telecom/orange-blames-network-outage-software-failure-audit-2021-06-11/
68 https://www.wsj.com/articles/irish-healthcare-service-shuts-down-it-systems-after-ransomware-attack-11620998875
69 https://www.reuters.com/technology/irish-health-service-hit-by-ransomware-attack-vaccine-rollout-unaffected-2021-05-14/
70 https://www.cert.europa.eu/cert/moreclusteredition/en/blog_DataBreachTodayinRSS Syndication-in-299786a86ffeab5aec16d55392d94819.20210624.en.html
71 https://www.solarwinds.com/
72 https://www.reuters.com/article/us-cyber-solarwinds-microsoft-idUSKBN2AF03R
73 https://www.businessinsider.com/solarwinds-hack-explained-government-agencies-cyber-security-2020-12?international=true&r=US&IR=T
Kuntatt
IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI
12, rue Alcide De Gasperi
1615 Luxembourg
LUXEMBOURG
Tel. +352 4398-1
Mistoqsijiet: eca.europa.eu/mt/Pages/ContactForm.aspx
Sit web: eca.europa.eu
Twitter: @EUAuditors
Ħafna informazzjoni addizzjonali dwar l-Unjoni Ewropea hija disponibbli fuq l-Internet.
Jista’ jsir aċċess għaliha permezz tas-server Europa (https://europa.eu).
Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2022
ISBN 978-92-847-7419-7 | ISSN 1977-5741 | doi:10.2865/239407 | QJ-AB-21-029-MT-N | |
HTML | ISBN 978-92-847-7389-3 | ISSN 1977-5741 | doi:10.2865/955498 | QJ-AB-21-029-MT-Q |
DRITT TAL-AWTUR
© L-Unjoni Ewropea, 2022.
Il-politika tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) dwar l-użu mill-ġdid hija implimentata bid-Deċiżjoni Nru 6-2019 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar il-politika tad-data miftuħa u l-użu mill-ġdid ta’ dokumenti.
Sakemm ma jkunx indikat mod ieħor (eż. f’avviżi individwali dwar id-drittijiet tal-awtur), il-kontenut tad-dokumenti tal-QEA, li huwa proprjetà tal-UE, huwa liċenzjat taħt il-liċenzja Creative Commons Attribution 4.0 International (CC BY 4.0). Dan ifisser li l-użu mill-ġdid huwa awtorizzat, dment li l-awturi jingħataw kreditu xieraq u li l-bidliet jiġu indikati. Il-persuni li jużaw mill-ġdid dan il-kontenut ma jistgħux ibiddlu s-sinifikat jew il-messaġġ oriġinali tad-dokumenti. Il-QEA ma għandhiex tkun responsabbli għal kwalunkwe konsegwenza relatata mal-użu mill-ġdid.
Inti meħtieġ tikseb drittijiet addizzjonali ċari jekk kontenut speċifiku juri individwi privati identifikabbli, eż. f’ritratti li jkun fihom il-membri tal-persunal tal-QEA, jew jekk ikun jinkludi xogħlijiet ta’ parti terza. Fejn ikun inkiseb permess, tali permess għandu jikkanċella u jissostitwixxi l-permess ġenerali msemmi hawn fuq u għandu jindika b’mod ċar kwalunkwe restrizzjoni dwar l-użu.
Biex tuża jew tirriproduċi kontenut li ma jkunx proprjetà tal-UE, inti jista’ jkun li jkollok titlob il-permess direttament mingħand id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur:
- Stampi tal-Anness VI: © nPerf. Il-kumpanija nPerf SAS.
Software jew dokumenti li jkunu koperti mid-drittijiet ta’ proprjetà industrijali, bħal privattivi, trademarks, disinji rreġistrati, logos u ismijiet, huma esklużi mill-politika tal-QEA dwar l-użu mill-ġdid u inti ma għandekx il-liċenzja biex tużahom.
Il-familja ta’ Siti Web istituzzjonali tal-Unjoni Ewropea, fi ħdan id-dominju europa.eu, tipprovdi links għal siti ta’ partijiet terzi. Peress li l-QEA ma għandha l-ebda kontroll fuqhom, inti mħeġġeġ biex tirrieżamina l-politiki tagħhom dwar il-privatezza u dwar id-drittijiet tal-awtur.
Użu tal-logo tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri
Ma jistax isir użu mil-logo tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri mingħajr ma jinkiseb il-kunsens tagħha minn qabel.
Kif tikkuntattja lill-UE
Personalment
Madwar l-Unjoni Ewropea kollha hemm mijiet ta’ ċentri ta’ informazzjoni tal-Europe Direct. Tista’ ssib l-indirizz tal-eqreb ċentru għalik f'dan is-sit: https://europa.eu/european-union/contact_mt
Bit-telefown jew bil-posta elettronika
Europe Direct huwa servizz li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar l-Unjoni Ewropea. Tista’ tikkuntattja dan is-servizz:
- bit-telefown bla ħlas: 00 800 6 7 8 9 10 11 (ċerti operaturi jafu jimponu ħlas għal dawn it-telefonati),
- fuq dan in-numru standard: +32 22999696, jew
- bil-posta elettronika permezz: https://europa.eu/european-union/contact_mt
Kif issib tagħrif dwar l-UE
Onlajn
L-informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE hija disponibbli fuq is-sit web Europa fuq: https://europa.eu/european-union/index_mt
Pubblikazzjonijiet tal-UE
Tista’ tniżżel mill-internet jew tordna l-pubblikazzjonijiet tal-UE, li xi wħud minnhom huma bla ħlas u xi oħrajn bil-ħlas, minn: https://op.europa.eu/mt/publications. Kopji multipli ta’ pubblikazzjonijiet bla ħlas tista’ tiksibhom billi tikkuntattja lil Europe Direct jew liċ-ċentru tal-informazzjoni lokali tiegħek (ara https://europa.eu/european-union/contact_mt).
Il-liġi tal-UE u dokumenti relatati
Għal aċċess għall-informazzjoni legali tal-UE, inkluż il-liġijiet kollha tal-UE mill-1951 ’l hawn, fil-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali kollha, żur is-sit EUR-Lex hawnhekk: https://eur-lex.europa.eu
Data Miftuħa mill-UE
Il-portal tad-Data Miftuħa mill-UE (https://data.europa.eu/mt) jipprovdi aċċess għal settijiet tad-data mill-UE. Id-data tista’ titniżżel mill-internet u tintuża mill-ġdid bla ħlas, kemm għal skopijiet kummerċjali kif ukoll mhux kummerċjali.