Rapport Speċjali
Nru28 2018

Il-maġġoranza tal-miżuri ta’ simplifikazzjoni integrati f’Orizzont 2020 iffaċilitaw il-ħajja tal-benefiċjarji, iżda għad hemm lok għal titjib

Dwar ir-rapport Is-simplifikazzjoni tal-finanzjament mill-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni ilha fuq l-aġenda għal ħafna snin. Is-settur privat, id-dinja akkademika u r-riċerkaturi fl-Ewropa qed ifittxu regoli amministrattivi aktar sempliċi, komunikazzjoni aħjar mal-Kummissjoni Ewropea, ċertezza legali u konsistenza. B’Orizzont 2020, il-Kummissjoni introduċiet bidliet maħsuba biex jissimplifikaw ir-regoli f’dan il-qasam. L-awditu tagħna eżamina jekk dawn il-bidliet kinux effettivi fit-tnaqqis tal-piż amministrattiv minn fuq il-benefiċjarji. Aħna kkonkludejna li l-maġġoranza tal-miżuri ta’ simplifikazzjoni kienu effettivi, għalkemm mhux l-azzjonijiet kollha pproduċew ir-riżultati mixtieqa u għad hemm lok għal titjib. Il-benefiċjarji jeħtieġu gwida u għodod aktar faċli għall-utent, u l-Kummissjoni għandha tkompli tittestja x-xerqien u l-utilizzabbiltà tal-iskemi ġodda ta’ finanzjament. L-istabbiltà fir-regoli hija importanti wkoll, u filwaqt li l-benefiċjarji jistgħu jadattaw għall-kumplessità, modifiki frekwenti tal-gwida jistgħu jikkawżaw konfużjoni u inċertezza.

Din il-pubblikazzjoni hija disponibbli bi 23 lingwa fil-format li ġej:
PDF
PDF General Report

Sommarju eżekuttiv

I

Orizzont 2020 huwa t-tmien programm qafas tal-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni. B’baġit ta’ EUR 76.4 biljun għall-perjodu mill-2014 sal-2020, huwa jikklassifika bħala l-akbar programm pubbliku ta’ riċerka u innovazzjoni fid-dinja.

II

Orizzont 2020 għandu impatt fuq firxa wiesgħa ta’ politiki tal-UE u huwa mmaniġġjat minn għadd ta’ Direttorati Ġenerali tal-Kummissjoni, li jżid il-kumplessità tiegħu. F’Orizzont 2020, il-Kummissjoni ssimplifikat ir-regoli u l-proċeduri tiegħu, ħaffet iż-“żmien għall-għotja”, iffaċilitat is-sistemi tal-IT, naqqset l-għadd ta’ skemi ta’ finanzjament u pprovdiet gwida aktar ċara u aktar ċertezza legali lill-benefiċjarji.

III

Aħna eżaminajna jekk il-miżuri ta’ simplifikazzjoni li ttieħdu mill-Kummissjoni kinux naqqsu l-piż amministrattiv minn fuq il-benefiċjarji. Eżaminajna jekk it-tfassil tal-miżuri kienx ibbażat fuq evalwazzjonijiet u feedback preċedenti mill-partijiet ikkonċernati. Wettaqna stħarriġ tal-benefiċjarji ta’ għotjiet taħt Orizzont 2020 biex nivvalutaw il-perċezzjonijiet tagħhom tal-impatt pożittiv u negattiv ta’ dawk il-miżuri f’termini tat-tnaqqis tal-piż amministrattiv fuqhom.

IV

Aħna sibna li l-maġġoranza tal-miżuri ta’ simplifikazzjoni li ttieħdu mill-Kummissjoni kienu effettivi fit-tnaqqis tal-piż amministrattiv minn fuq il-benefiċjarji f’Orizzont 2020, għalkemm mhux l-azzjonijiet kollha pproduċew ir-riżultati mixtieqa u għad hemm lok għal titjib. L-istabbiltà fir-regoli hija importanti wkoll; il-benefiċjarji jistgħu jadattaw għall-kumplessità iżda l-modifiki frekwenti tal-gwida jistgħu jikkawżaw konfużjoni u inċertezza.

V

Aħna sibna li l-Kummissjoni użat l-esperjenza tagħha tal-ġestjoni ta’ programmi qafas preċedenti sabiex tidentifika fejn kienet meħtieġa s-simplifikazzjoni. Strutturi organizzazzjonali u orizzontali ġodda, notevolment il-ħolqien taċ-Ċentru ta’ Appoġġ Komuni (CSC), ikkontribwew ħafna għas-simplifikazzjoni. Dan wassal għal implimentazzjoni aktar koerenti tal-programm.

VI

Is-Servizz ta’ Konsultazzjoni dwar ir-Riċerka, li jipprovdi pariri u appoġġ lill-applikanti u l-parteċipanti, ma kienx inkorporat fis-CSC. Għalkemm dan sarlu titjib mill-FP7 ’il hawn, hemm mezzi oħra biex jitwieġbu l-mistoqsijiet, u dan ifisser li trattament konsistenti tal-każijiet ma setax jiġi garantit. Il-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali joffru wkoll livelli differenti ta’ appoġġ u gwida.

VII

Kien hemm titjib fl-għodod ta’ appoġġ, bħall-Portal tal-Parteċipanti. L-introduzzjoni tal-firem elettroniċi wasslet għal għoti u ġestjoni simplifikati tal-għotjiet għall-applikanti u l-benefiċjarji. Madankollu, għadu jeħtieġ li jsir xi titjib tekniku. Bl-istess mod, għalkemm il-manwal tal-għotjiet joffri informazzjoni komprensiva u dettaljata, in-navigazzjoni tiegħu hija diffiċli, speċjalment għall-benefiċjarji mingħajr esperjenza.

VIII

Iż-“żmien għall-għotja”, mill-applikazzjoni sal-iffirmar tal-ftehim dwar l-għotja, tnaqqas b’mod sinifikanti bis-saħħa tal-ġestjoni elettronika u t-tneħħija tal-istadju tan-negozjar, iżda l-opportunitajiet biex jitnaqqas il-piż amministrattiv ma ġewx sfruttati b’mod sħiħ. Parti żgħira biss mis-sejħiet għal proposti tuża l-evalwazzjoni f’żewġ stadji. Dan għandu impatt b’mod partikolari fuq l-applikanti li ma jkollhomx suċċess. Barra minn hekk, is-Siġill ta’ Eċċellenza, maħsub biex jgħin lill-aħjar fost il-proposti li ma jkunux ta’ suċċess isibu finanzjament xi mkien ieħor, għadu ma kienx effettiv.

IX

It-tentattivi biex jiġu simplifikati r-regoli dwar l-ispejjeż għall-persunal ma kellhomx ir-riżultati maħsuba u dawn għadhom kumplessi għall-benefiċjarji, u jwasslu għal żbalji fid-dikjarazzjonijiet tal-ispejjeż. Tfaċċaw xi effetti kollaterali negattivi mill-approċċi ġodda li ġew adottati, u l-aġġustamenti sussegwenti li ġew introdotti kkawżaw xi konfużjoni u inċertezza legali. Iż-żieda fid-dipendenza fuq il-prattiki kontabilistiċi tas-soltu għall-kalkolu tal-ispejjeż, b’mod partikolari għall-ispejjeż għall-persunal, tista’ tnaqqas il-piż amministrattiv. L-opzjonijiet ġodda ta’ spejjeż simplifikati, bħas-somom f’daqqa u l-premjijiet ta’ inċentiv, għandhom il-potenzjal li jnaqqsu l-piż amministrattiv, iżda għadhom ma ġewx ittestjati b’mod suffiċjenti mill-Kummissjoni.

X

Il-ħolqien ta’ Servizz Komuni tal-Awditjar u ta’ strateġija ġdida tal-awditjar naqqsu l-piż tal-awditjar meta mqabbel mal-FP7, iżda l-kwalità varjabbli fl-awditi esternalizzati tista’ tirriżulta fi frustrazzjoni u f’konfużjoni għall-benefiċjarji.

XI

Aħna nirrakkomandaw li jenħtieġ li l-Kummissjoni:

  1. tikkomunika aħjar mal-applikanti u mal-benefiċjarji;
  2. tintensifika l-ittestjar tas-somom f’daqqa;
  3. tesplora l-possibbiltajiet li tagħmel użu akbar mill-evalwazzjonijiet tal-proposti f’żewġ stadji;
  4. teżamina mill-ġdid il-kundizzjonijiet ta’ rimunerazzjoni għal evalwaturi esperti;
  5. iżżid ir-rikonoxximent tas-Siġill ta’ Eċċellenza;
  6. tiżgura l-istabbiltà tar-regoli u l-gwida għall-parteċipanti;
  7. ittejjeb il-kwalità tal-awditi esternalizzati;
  8. tissimplifika aktar l-għodod u l-gwida għall-SMEs.

Introduzzjoni

X’inhu Orizzont 2020?

01

Orizzont 2020 huwa t-tmien programm qafas tal-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni. B’baġit ta’ EUR 76.4 biljun1 għall-perjodu mill-2014 sal-2020, huwa jikklassifika bħala l-akbar programm pubbliku ta’ riċerka u innovazzjoni fid-dinja.

02

Orizzont 2020 għandu l-oriġini tiegħu fil-prijoritajiet tal-istrateġija Ewropa 2020. Huwa mibni madwar tliet pilastri prinċipali u żewġ objettivi speċifiċi li jkopru firxa kbira ta’ suġġetti (ara l-Figura 1). Huwa jipprovdi finanzjament lil riċerkaturi, istituti tar-riċerka, universitajiet, kumpaniji privati (kemm kumpaniji kbar kif ukoll SMEs) u korpi pubbliċi jew individwalment jew f’konsorzji, involuti fi proġetti kollaborattivi ta’ riċerka.

03

Il-programm għandu fokus partikolari fuq l-SMEs. Il-Kummissjoni Ewropea timmira li tikseb il-parteċipazzjoni tal-SMEs, kemm fi proġetti kollaborattivi kif ukoll permezz tal-Istrument il-ġdid għall-SMEs, li tfassal speċifikament għal kumpaniji innovattivi ħafna ta’ daqs iżgħar.

04

In-natura trażversali tar-riċerka u l-innovazzjoni u l-impatt tagħha fuq firxa wiesgħa ta’ politiki tal-UE jsawru l-mod ta’ ġestjoni ta’ Orizzont 2020. Id-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (DĠ RTD) jimmaniġġja l-programm flimkien ma’ tmien Direttorati Ġenerali oħra2. Partijiet tal-baġit jistgħu jaqgħu taħt ir-responsabbiltà ta’ aktar minn DĠ wieħed. B’kollox, 22 korp differenti3 jimplimentaw il-baġit ta’ Orizzont 2020.

Figura 1

Arkitettura ta’ Orizzont 2020

Sors: Il-QEA.

Storja tal-finanzjament mill-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni

05

Il-finanzjament Ewropew għall-attivitajiet ta’ riċerka beda taħt l-ewwel trattati Komunitarji u ġie estiż fl-1983 bl-istabbiliment tal-“ewwel programm qafas Komunitarju għar-riċerka” (FP1).

06

Minn dak iż-żmien ’il hawn, programmi qafas suċċessivi saru parti importanti mill-kooperazzjoni għar-riċerka fl-Ewropa, u kibru progressivament fid-daqs, fl-ambitu u fl-ambizzjoni. Il-Figura 2 turi l-evoluzzjoni tal-finanzjament Ewropew tar-riċerka mill-ewwel programm ’il hawn.

Figura 2

Evoluzzjoni tal-finanzjament tar-riċerka fil-perjodu 1984-2020

Sors: Il-QEA.

07

Bħala t-tmien programm, Orizzont 2020 huwa għodda ta’ implimentazzjoni importanti għall-Unjoni ta’ Innovazzjoni, waħda mis-seba’ inizjattivi ewlenin tal-istrateġija Ewropa 20204. Orizzont 2020 jgħaqqad flimkien il-finanzjament kollu tar-riċerka u l-innovazzjoni li preċedentement kien jiġi pprovdut permezz tas-Seba’ Programm Kwadru (FP7), l-attivitajiet relatati mal-innovazzjoni tal-Programm Kwadru għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (CIP) u l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT).

Sommarju tal-inizjattivi l-aktar reċenti ta’ simplifikazzjoni

08

Is-simplifikazzjoni tal-finanzjament mill-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni ilha fuq l-aġenda għal ħafna snin. Is-settur privat, id-dinja akkademika u r-riċerkaturi fl-Ewropa qed ifittxu regoli amministrattivi aktar sempliċi, komunikazzjoni aħjar mal-Kummissjoni Ewropea, ċertezza legali u konsistenza. Il-Kummissjoni ġiet ikkritikata għall-gwida mhux ċara tagħha lill-benefiċjarji, iż-żmien twil għall-għotja, ir-regoli kumplessi tal-finanzjament u l-proċeduri ineffettivi għall-ġestjoni tal-għotjiet.

09

B’Orizzont 2020, is-simplifikazzjoni saret għan ċentrali5. Il-Kummissjoni Ewropea pproponiet bidliet imfassla biex jissimplifikaw ir-regoli li jirregolaw il-finanzjament mill-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni.

10

Dawn il-bidliet kienu jinkludu: l-istabbiliment ta’ sett uniku ta’ regoli, l-armonizzazzjoni tal-proċessi ta’ ġestjoni tal-għotjiet u l-iffaċilitar tas-sistemi tal-IT ta’ li jappoġġaw dawn il-proċessi, it-tnaqqis fl-għadd ta’ programmi, iż-żieda fil-koerenza u ċ-ċarezza tar-regoli, l-istabbiliment ta’ objettivi ta’ prijorità u indikaturi aktar ċari, il-forniment ta’ regoli aktar koerenti dwar l-eliġibbiltà tal-ispejjeż, is-simplifikazzjoni tal-forom ta’ għotjiet u t-tnaqqis fil-perjodi ta’ żmien għall-għotja u għall-pagament (ara l-Figura 3).

Figura 3

Miżuri prinċipali ta’ simplifikazzjoni ta’ Orizzont 2020

Sors: Il-QEA.

Ambitu u approċċ tal-awditjar

Ambitu tal-awditjar

11

Dan ir-rapport speċjali huwa l-aktar wieħed reċenti f’sensiela ta’ pubblikazzjonijiet tal-QEA li jikkonċentraw fuq il-Programm Qafas għar-riċerka u l-innovazzjoni. Din tinkludi dokument informattiv u analitiku li jħares ’il quddiem “Kontribut għas-simplifikazzjoni tal-programm ta’ riċerka tal-UE wara Orizzont 2020” li ġie ppubblikat f’Marzu 2018. Il-QEA ddeċidiet li twettaq dan l-awditu fil-ħin għat-tħejjija tal-Programm Qafas għar-riċerka u l-innovazzjoni li jmiss.

12

F’dan l-awditu, aħna staqsejna “Il-miżuri ta’ simplifikazzjoni ta’ Orizzont 2020 li ħadet il-Kummissjoni kienu effettivi sabiex inaqqsu l-piż amministrattiv minn fuq il-benefiċjarji?” Biex inwieġbu din il-mistoqsija, aħna eżaminajna jekk il-miżuri tal-Kummissjoni kinux imfassla fuq il-bażi ta’ evalwazzjonijiet u feedback preċedenti mill-partijiet ikkonċernati. Aħna stħarriġna l-benefiċjarji tal-programm Orizzont 2020 biex nivvalutaw l-impatt pożittiv u negattiv ta’ dawk il-miżuri.

Approċċ

13

Aħna eżaminajna informazzjoni minn firxa wiesgħa ta’ sorsi:

  1. Eżaminajna u analizzajna bażijiet legali, linji gwida, rapporti ta’ evalwazzjoni u ta’ monitoraġġ, dokumenti ta’ pożizzjoni u dokumentazzjoni oħra b’effett fuq is-simplifikazzjoni;
  2. Iddiskutejna l-miżuri ta’ simplifikazzjoni mad-dipartimenti rilevanti tal-Kummissjoni6 u ma’ rappreżentanti ta’ tliet organizzazzjonijiet ċentrali7; attendejna wkoll laqgħa tal-punti ta’ kuntatt nazzjonali u laqgħa tal-partijiet ikkonċernati organizzata miċ-Ċentru ta’ Appoġġ Komuni.
14

Fi Frar 2018 aħna bgħatna stħarriġ online lil 32 918-il kuntatt minn 20 797 organizzazzjoni li ngħataw finanzjament taħt Orizzont 2020. L-istħarriġ kopra l-perjodu mill-bidu tal-programm fl-2014 sa Jannar 2018 u kien jinkludi 59 mistoqsija. Aħna tlabna lill-benefiċjarji l-fehmiet tagħhom dwar l-effettività tal-miżuri ta’ simplifikazzjoni, inkluż, fejn applikabbli, kif il-programm kien jikkompara mal-FP7. Aħna rċevejna 3 598 tweġiba. Biex niksbu informazzjoni aktar dettaljata biex tappoġġa r-riżultati tal-istħarriġ, aħna wettaqna laqgħat ma’ tmien benefiċjarji finali (żewġ SMEs, żewġ universitajiet, intrapriża privata kbira u tliet RTOs).

Osservazzjonijiet

Il-Kummissjoni użat l-esperjenza tagħha ta’ programmi preċedenti biex tidentifika liema miżuri ta’ simplifikazzjoni kienu meħtieġa.

15

Fit-tħejjija ta’ Programm Qafas ġdid, huwa importanti li ssir analiżi u evalwazzjoni bir-reqqa tal-programmi predeċessuri. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tevalwa jekk il-politiki u l-attivitajiet ta’ nfiq humiex adatti għall-iskop tagħhom u jekk pproduċewx il-bidliet mixtieqa għan-negozji u għaċ-ċittadini Ewropej. Ir-riżultati tal-evalwazzjoni huma mistennija li jgħinu lill-Kummissjoni tiddeċiedi jekk l-azzjonijiet tal-UE jistgħux jissoktaw mingħajr ma jinbidlu jew jekk jeħtiġux modifika.

16

Il-bażi legali għall-FP7 kienet tirrikjedi li l-Kummissjoni timmonitorja kontinwament u sistematikament l-implimentazzjoni tal-Programm8. Aħna sibna li l-Kummissjoni kienet ħejjiet rapporti annwali ta’ monitoraġġ matul l-implimentazzjoni tal-FP7, li fihom kienet tanalizza b’mod regolari, fid-dettall, ix-xejriet tal-parteċipazzjoni, il-kwistjonijiet relatati mal-implimentazzjoni u s-sitwazzjoni fir-rigward tal-proċess ta’ simplifikazzjoni.

17

F’konformità mal-ftehim interistituzzjonali dwar it-tfassil aħjar tal-liġijiet9, il-Kummissjoni fittxet ukoll feedback mingħand partijiet ikkonċernati ewlenin permezz ta’ firxa wiesgħa ta’ mezzi ta’ konsultazzjoni (ara l-Kaxxa 1).

18

Il-Kummissjoni ppreżentat fil-qosor l-input tal-partijiet ikkonċernati għal konsultazzjoni pubblika wiesgħa fil-“Green Paper on a Common Strategic Framework for EU Research and Innovation Funding” (Green Paper dwar Qafas Strateġiku Komuni għall-Finanzjament mill-UE għar-Riċerka u l-Innovazzjoni). Il-green paper identifikat is-simplifikazzjoni bħala prijorità għolja sabiex il-finanzjament mill-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni jiġġenera aktar impatt u jkun aktar attraenti għall-parteċipanti10.

19

Fil-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja s-sett ta’ proposti leġislattivi ta’ Orizzont 202011, il-Kummissjoni ddefiniet il-ħtieġa ta’ aktar simplifikazzjoni fil-finanzjament tar-riċerka u l-innovazzjoni, stabbiliet objettivi speċifiċi u operazzjonali għall-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss, analizzat erba’ opzjonijiet ta’ politika u eventwalment ipproponiet lil Orizzont 2020 bħala l-aktar opzjoni xierqa sabiex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti.

20

Aħna nikkonkludu li l-miżuri ta’ simplifikazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni Ewropea f’Orizzont 2020 huma r-riżultat ta’ analiżi tal-programmi qafas preċedenti, b’mod partikolari l-predeċessur immedjat tiegħu, l-FP7.

Kaxxa 1

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati u mal-partijiet interessati bi tħejjija għal Orizzont 2020

  • Evalwazzjoni ex post tal-FP6, Frar 2009;
  • Evalwazzjoni interim tal-FP7, Novembru 2010;
  • Konsultazzjoni pubblika dwar il-Green Paper li tiddeskrivi l-Qafas Strateġiku Komuni għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, Ġunju 2011;
  • Konsultazzjoni pubblika dwar is-suċċessur tal-Programm Kwadru għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (CIP), Novembru 2011;
  • CIP: evalwazzjonijiet interim u finali, evalwazzjonijiet ex ante u studji ta’ valutazzjoni tal-impatt għall-ICT-PSP, l-IEE u l-partijiet relatati mal-innovazzjoni tal-Programm għall-Intraprenditorjat u l-Innovazzjoni;
  • Konferenzi kbar għall-partijiet ikkonċernati dwar is-suċċessur tas-CIP (Jannar 2011) u l-Qafas Strateġiku Komuni (Ġunju 2011);
  • Bordijiet ta’ esperti u konferenzi għall-partijiet ikkonċernati dwar il-Kunsill Ewropew tar-Riċerka, Marie Curie, l-EIT, eċċ.;
  • Il-Presidenzi tal-UE: Konferenza ta’ Lund dwar il-futur tar-riċerka tal-UE (l-Iżvezja, Lulju 2009); konferenza dwar l-evalwazzjoni interim tal-FP7 (l-Ungerija, Frar 2011);
  • Firxa wiesgħa ta’ dokumenti ta’ pożizzjoni dwar il-finanzjament mill-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni waqt it-tħejjijiet tal-baġit tal-UE;
  • Konsultazzjonijiet tematiċi mal-partijiet ikkonċernati: l-ICT, it-trasport, is-saħħa, il-bijoteknoloġija, l-ispazju;
  • Diskussjonijiet ma’ rappreżentanti tal-amministrazzjonijiet nazzjonali (laqgħa tal-Kumitati Konġunti ta’ Ġestjoni tas-CIP, laqgħat tal-Kumitat ta’ Ġestjoni tal-EIP).

Sors: Il-Kummissjoni Ewropea.

Il-bidliet prinċipali biex tinkiseb is-simplifikazzjoni kienu permezz tat-tfassil, l-organizzazzjoni u l-għodod ta’ appoġġ

Iċ-Ċentru ta’ Appoġġ Komuni huwa pass importanti lejn implimentazzjoni koerenti ta’ Orizzont 2020

21

Il-ġestjoni tal-programm hija definita bħala l-ġestjoni kkoordinata ċentralizzata ta’ programm biex jintlaħqu l-objettivi strateġiċi u l-benefiċċji tal-programm12. Il-kunċett ta’ servizzi kondiviżi huwa mod biex tinkiseb ġestjoni kkoordinata bħal din.

22

Fir-rapport speċjali tagħna dwar l-FP713 aħna kkritikajna l-ġestjoni tal-Kummissjoni u sibna li l-Kumitat tal-Approvazzjoni tar-Riċerka, stabbilit mid-Direttorati ġenerali ta’ ġestjoni biex jitjiebu ċ-ċertezza legali u t-trattament indaqs tal-benefiċjarji, naqas milli jidentifika l-prattiki diverġenti kollha fl-implimentazzjoni tal-FP7.

23

Il-Kummissjoni ffaċilitat l-approċċ ta’ ġestjoni għal Orizzont 2020 billi fl-2014 stabbiliet direttorat ġdid, iċ-Ċentru ta’ Appoġġ Komuni (CSC). Billi jiċċentralizza s-servizzi ta’ appoġġ orizzontali fir-riċerka u l-innovazzjoni, is-CSC jiżgura li l-korpi kollha fil-familja tar-Riċerka u l-Innovazzjoni (id-direttorati ġenerali tal-Kummissjoni, l-aġenziji eżekuttivi u l-impriżi konġunti) japplikaw il-leġiżlazzjoni dwar Orizzont 2020 b’mod koerenti.

24

Il-kompiti tas-CSC huma ppreżentati fil-Figura 4.

Figura 4

Kompiti taċ-Ċentru ta’ Appoġġ Komuni

Sors: Il-QEA.

25

Il-Kummissjoni stabbiliet varjetà ta’ għodod biex tiffaċilita l-parteċipazzjoni f’Orizzont 2020, iżżid is-sensibilizzazzjoni u ssaħħaħ l-applikazzjoni konsistenti tar-regoli tiegħu. Xi wħud minn dawn l-għodod, bħall-Portal tal-Parteċipanti, il-Mudell tal-Ftehim dwar l-Għotja Annotat (AMGA), il-manwal online u l-FAQs dwar Orizzont 2020, jaqgħu taħt ir-responsabbiltà diretta tas-CSC; oħrajn, bħall-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali (NCPs), iridu jinħatru mill-Istati Membri. Is-Servizz ta’ Konsultazzjoni dwar ir-Riċerka u l-Helpdesk tal-IT huma prinċipalment immexxija mill-Aġenzija Eżekuttiva għar-Riċerka (REA) u mid-DĠ DIGIT, rispettivament. Is-CSC jipprovdi biss il-helpdesks tat-tieni livell għall-mistoqsijiet relatati mas-suġġetti li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu.

26

Aħna staqsejna lill-benefiċjarji li stħarriġna jekk kinux sodisfatti bl-għodod ta’ appoġġ. B’mod ġenerali, ir-rispondenti wrew livell għoli ta’ sodisfazzjon, li kien ivarja minn 45 % tar-rispondenti li kienu jqisu li n-Netwerk Enterprise Europe huwa adattat għall-iskop tiegħu, sa 86 % għall-Portal tal-Parteċipanti (ara l-Figura 5).

Figura 5

Sodisfazzjon rigward l-għodod ta’ appoġġ tar-rispondenti għall-istħarriġ

Sors: Stħarriġ tal-QEA, Marzu 2018.

27

Is-CSC beda l-attività tiegħu b’objettivi ċari (ara l-Figura 6)14. Minn meta ġie stabbilit fl-2014, huwa għamel sforzi kbar biex itejjeb il-Portal tal-Parteċipanti u ta’ sikwit aġġorna u espanda l-AMGA. Helpdesk legali u finanzjarju issa jista’ jwieġeb għal mistoqsijiet li jsiru mill-benefiċjarji (permezz tas-Servizz ta’ Konsultazzjoni dwar ir-Riċerka) u minn dipartimenti oħra tal-Kummissjoni. Pass ieħor lejn is-simplifikazzjoni kien l-adozzjoni tal-Istrateġija Komuni tal-Awditjar u ta’ strateġija komuni ta’ kontroll ex ante.

28

L-introduzzjoni ta’ fluss tax-xogħol elettroniku għall-ġestjoni tal-għotjiet kienet fost l-aktar kisbiet sinifikanti għas-simplifikazzjoni f’Orizzont 2020. Element pożittiv ieħor, apprezzat speċjalment mill-NCPs, kienet il-prattika miżmuma mill-FP7 li jiġu organizzati roadshows fl-Istati Membri, li fihom is-CSC jagħmel preżentazzjonijiet lill-benefiċjarji, lill-NCPs u lill-awdituri responsabbli għaċ-ċertifikazzjoni, dwar diversi kwistjonijiet legali u finanzjarji.

Figura 6

Ċentru ta’ Appoġġ Komuni: objettivi vs kisbiet

Sors: Il-QEA.

29

Għaldaqstant, is-CSC ħa t-tmexxija fil-proċess ta’ simplifikazzjoni. Fl-oqsma li jaqgħu taħt il-mandat tiegħu, huwa armonizza r-regoli għall-parteċipazzjoni, żviluppa strateġija ġdida tal-awditjar u tejjeb l-għodod tal-IT għall-ġestjoni tal-għotjiet u r-rappurtar. Madankollu, mhux is-servizzi ta’ appoġġ kollha tpoġġew taħt il-kontroll tas-CSC, li wassal għar-riskju li l-benefiċjarji jingħataw pariri u interpretazzjoni inkonsistenti. Din il-kwistjoni hija diskussa hawn taħt fir-rigward ta’ żewġ għodod ta’ komunikazzjoni.

Il-benefiċjarji japprezzaw il-mezzi ta’ komunikazzjoni u feedback iżda xi wħud għadhom jirrappurtaw trattament inkonsistenti u livelli differenti ta’ servizz

30

Il-komunikazzjoni effettiva u sistema ta’ feedback li tiffunzjona huma prerekwiżiti għal applikazzjoni koerenti tar-regoli għall-parteċipazzjoni u t-trattament konsistenti tal-benefiċjarji. Nuqqas fil-komunikazzjoni jista’ jkollu impatt negattiv fuq proġett. Is-CSC għandu diversi mezzi, li huma deskritti hawn taħt, biex jikkomunika mal-benefiċjarji, u jirċievi feedback mingħandhom dwar il-funzjonament u l-implimentazzjoni tal-Programm Qafas.

Servizz ta’ Konsultazzjoni dwar ir-Riċerka
31

Il-Kummissjoni stabbiliet is-Servizzi ta’ Konsultazzjoni dwar ir-Riċerka (RES) matul l-FP7 biex tiffaċilita l-komunikazzjoni mal-benefiċjarji ta’ finanzjament tar-riċerka u l-innovazzjoni, u jkun hemm feedback effettiv mingħandhom. L-RES issostitwixxa sistema ta’ 60 kaxxa postali funzjonali u huwa aċċessibbli mill-Portal tal-Parteċipanti, iżda wkoll permezz ta’ mezzi oħra, bħas-sit web Europa dwar Orizzont 2020. Din l-għodda għandha r-rwol ta’ helpdesk, fejn il-benefiċjarji potenzjali u attwali ta’ Orizzont 2020 jistgħu jfittxu appoġġ metodoloġiku, tekniku u legali matul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-proġetti tagħhom.

32

Attwalment, l-RES huwa mmaniġġjat mill-Aġenzija Eżekuttiva għar-Riċerka. Parti mis-servizz titwettaq miċ-Ċentru ta’ Kuntatt Europe Direct (EDCC)15. L-EDCC għandu ambitu aktar wiesa’, filwaqt li jwieġeb mistoqsijiet dwar firxa ta’ politiki tal-UE, mhux biss dwar Orizzont 2020.

33

L-EDCC iwieġeb għall-mistoqsijiet billi juża informazzjoni li tista’ tinstab f’sorsi disponibbli għall-pubbliku, u l-mistoqsijiet aktar kumplikati jitwieġbu permezz tal-input li jingħata mis-servizzi xierqa tal-Kummissjoni.

34

Fl-istħarriġ tagħna, aħna tlabna lill-benefiċjarji jevalwaw il-kwalità tal-RES. Aktar minn nofs ir-rispondenti li esprimew opinjoni ħassew li l-RES huwa ġeneralment għodda utli u adatt għall-iskop tiegħu.

35

Dwar is-suġġett tal-RES, ir-rispondenti enfasizzaw żewġ kwistjonijiet prinċipali: fuq naħa, il-puntwalità tat-tweġibiet lill-benefiċjarji, u fuq in-naħa l-oħra, in-nuqqas ta’ reqqa (xi tweġibiet huma meħudin direttament mill-gwida tal-Kummissjoni).

36

Aħna sibna li minkejja l-għan ġenerali tas-CSC li jiċċentralizza s-servizzi komuni, l-RES għandu struttura deċentralizzata. Fil-prattika, l-RES jingħata appoġġ minn 36 helpdesk differenti li huma ospitati minn firxa ta’ direttorati ġenerali u aġenziji eżekuttivi. Il-mistoqsijiet li ma jkunux jistgħu jitwieġbu mill-kuntrattur estern (56 % fl-2017) jintbagħtu lit-tim tar-REA jew direttament lil wieħed mis-36 helpdesk. Kull xahar, it-tim tar-REA, li huwa magħmul minn tliet persuni, jiċċekkja r-risposti kollha pprovduti mill-kuntrattur estern u mill-helpdesks deċentralizzati, kemm għall-kwalità kif ukoll għall-kategorizzazzjoni.

37

Aħna sibna wkoll li, minbarra s-servizz ipprovdut mill-RES, ċerti aġenziji eżekuttivi (eż. l-EASME) jużaw kaxxi postali funzjonali oħra. Dipartimenti oħra (eż. id-DĠ CNECT) iwieġbu permezz tal-midja soċjali. F’każijiet bħal dawn, huwa diffiċli kemm għar-REA kif ukoll għas-CSC li jeżerċitaw xi kontroll fuq it-tweġibiet.

38

Aħna użajna l-istħarriġ biex nistaqsu lill-benefiċjarji jekk, fil-każ li kienu pparteċipaw f’aktar minn proġett wieħed ta’ Orizzont 2020, sitwazzjonijiet identiċi jew ekwivalenti kinux ġew ittrattati b’mod inkonsistenti. Mir-rispondenti, 36 % wieġbu li dan kien il-każ. L-aktar inkonsistenzi komuni kienu relatati mal-interpretazzjoni tar-regoli finanzjarji (20 %), mar-rekwiżiti tar-rappurtar (18 %) u mal-evalwazzjonijiet tal-proġetti (17 %).

39

Il-Kummissjoni stabbiliet back-office ddedikat tal-RES sabiex jimmaniġġja n-notifiki ta’ inkonsistenzi possibbli. Madankollu, aħna sibna li 82 % tar-rispondenti li kienu esperjenzaw każijiet ta’ trattament inkonsistenti ma kinux konxji ta’ dan is-servizz. B’riżultat ta’ dan, il-Kummissjoni rarament tiġi infurmata dwar l-inkonsistenzi u mhux dejjem tista’ tħejji l-miżuri ta’ rimedju xierqa.

40

Għalkemm l-RES ittejjeb bil-programmazzjoni ta’ Orizzont 2020, il-mezzi alternattivi li permezz tagħhom jistgħu jiġu skambjati l-mistoqsijiet u r-risposti jfisser li l-konsistenza tal-informazzjoni għadha ma tistax tiġi garantita.

Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali
41

In-netwerk tal-NCPs iservi bħala intermedjarju importanti bejn il-Kummissjoni u l-benefiċjarji. Il-Kummissjoni tqisu bħala l-istruttura prinċipali biex tiġi pprovduta informazzjoni u assistenza prattika lill-parteċipanti potenzjali16. Huwa jippermetti wkoll lill-Kummissjoni tikseb feedback mingħand il-benefiċjarji. L-appoġġ tal-NCPs jista’ jkun partikolarment ta’ għajnuna għall-SMEs u għal dawk li huma ġodda għall-programm, li n-nuqqas relattiv ta’ għarfien tagħhom jista’ jipperikola s-suċċess tal-applikazzjonijiet tagħhom.

42

Sabiex tassigura l-konsistenza fl-appoġġ li l-NCPs joffru lill-applikanti u lill-benefiċjarji ta’ finanzjament tar-riċerka, fl-2013 il-Kummissjoni pproduċiet il-“Minimum standards and guiding principles for National Contact Points” (l-istandards minimi u l-prinċipji ta’ gwida għall-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali)17. Dan id-dokument jipprovdi referenza komuni għall-pajjiżi parteċipanti kollha u jiddefinixxi l-funzjonijiet ewlenin tal-NCPs u l-mekkaniżmi għall-kooperazzjoni bejnhom u bejn il-Kummissjoni.

43

L-Istati Membri u l-pajjiżi assoċjati jaħtru l-NCPs. Għalkemm l-NCPs ma jaqgħux taħt ir-responsabbiltà diretta tal-Kummissjoni, id-direttorati ġenerali tal-Kummissjoni li huma inkarigati minn partijiet differenti tal-programm jorganizzaw laqgħat magħhom biex jiddiskutu l-iżviluppi tal-politika, l-aspetti proċedurali, u l-kontenut tas-sejħiet għal proposti. Is-CSC jorganizza wkoll laqgħat mal-NCPs legali u finanzjarji biex jippreżenta l-iżviluppi l-aktar reċenti.

44

Fl-istħarriġ tagħna, aħna staqsejna lill-benefiċjarji dwar l-esperjenza tagħhom tal-NCPs. L-opinjoni kumplessiva dwar ix-xogħol tal-NCPs kienet pożittiva (71 % tar-rispondenti kienu jqisu l-appoġġ tal-NCPs bħala adatt għall-iskop tiegħu), iżda l-livell ta’ apprezzament kien ivarja minn pajjiż għall-ieħor. In-nuqqas ta’ sodisfazzjon bil-kwalità tas-servizz tal-NCPs kien ivarja minn 4 % sa 25 % fi Stati Membri differenti; il-biċċa l-kbira mit-tħassib kien jirrigwarda l-grad ta’ tħejjija u d-disponibbiltà tagħhom.

45

Aħna nikkonkludu li, għalkemm il-benefiċjarji huma b’mod ġenerali sodisfatti bl-NCPs tagħhom, hemm differenzi sinifikanti bejn il-pajjiżi parteċipanti f’termini tal-appoġġ tekniku u l-gwida li jipprovdu, li jnaqqas l-utilità tan-netwerk għall-benefiċjarji.

Il-Portal tal-Parteċipanti jissimplifika l-ġestjoni tal-għotjiet għall-benefiċjarji

46

Il-Portal tal-Parteċipanti huwa l-interfaċċa prinċipali bejn il-Kummissjoni u l-benefiċjarji ta’ finanzjament tar-riċerka u l-innovazzjoni. Huwa mistenni li jiffaċilita l-applikazzjoni u l-ġestjoni tal-għotjiet għall-applikanti u l-benefiċjarji. Huwa jagħti aċċess għad-diversi sistemi (għodda għas-sottomissjoni tal-proposti, għodda ta’ ġestjoni tal-proġetti, sistema ta’ notifika) li jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni tal-partijiet ikkonċernati u huwa maħsub biex ikun il-punt uniku ta’ servizz għal ġestjoni effiċjenti mingħajr karti tal-għotjiet.

47

Il-Kummissjoni niedet l-ewwel verżjoni tagħha tal-Portal tal-Parteċipanti matul l-FP7. Madankollu, f’dak iż-żmien kien disponibbli biss għadd limitat ta’ servizzi għall-benefiċjarji.

48

Mill-bidu ta’ Orizzont 2020 ’il hawn, is-CSC introduċa għodod u funzjonalitajiet ġodda li tejbu l-kwalità tas-servizzi tal-Portal. Dawn jinkludu s-“servizz għat-tfittxija tas-sħab” (biex jinstabu sħab għall-kollaborazzjoni fuq proġetti futuri), il-possibbiltà ta’ mili tal-formoli fi kwalunkwe brawżer, u pjattaforma li hija konformi mal-HTML5.

49

Aktar minn 85 % tar-rispondenti għall-istħarriġ tagħna kienu sodisfatti bil-Portal u rrikonoxxew l-isforzi magħmula mis-CSC biex itejjeb il-funzjonijiet tiegħu. F’termini ta’ aċċessibbiltà, il-Portal attwali jirrappreżenta titjib konsiderevoli fuq l-FP7, fejn kull għodda kienet teħtieġ aċċess u log-ins separati. Huwa sar punt uniku ta’ referenza li jkopri għadd kbir ta’ servizzi. Il-benefiċjarji faħħru wkoll l-introduzzjoni ta’ funzjoni ta’ firma elettronika, li naqqset b’mod konsiderevoli l-piż amministrattiv f’Orizzont 2020.

50

Madankollu, aħna sibna li, xi benefiċjarji kienu esperjenzaw diffikultajiet bit-tnaqqis fir-ritmu tas-sistema, bin-navigazzjoni bejn għadd li joħloq konfużjoni jew għadd eċċessiv ta’ skrins, pop-ups, eċċ. Dawn il-benefiċjarji rrappurtaw li problemi bħal dawn kienu jiġġeneraw xogħol addizzjonali u kienu jieħdu l-ħin biex jissolvew.

51

Barra minn hekk, dawk li huma ġodda għall-iskemi ta’ finanzjament mill-UE, b’mod partikolari l-SMEs, sabuha diffiċli biex ilaħħqu mal-kumplessità tal-għodod tal-IT tal-Kummissjoni. Pereżempju, f’waħda miż-żjarat tagħna, l-SME benefiċjarja rrappurtat li kienet sabet diffikultajiet bil-Portal u li kellha bżonn konsulent estern biex iddaħħal l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni kollha meħtieġa fl-għodda.

Il-gwida tal-Kummissjoni (AMGA) hija komprensiva iżda diffiċli biex tintuża u l-bidliet frekwenti wasslu għall-inċertezza

52

Ir-Regolament (UE) Nru 1290/2013 li jistabbilixxi r-regoli għal parteċipazzjoni18 f’Orizzont 2020 jirrikjedi li l-Kummissjoni tipprovdi gwida u informazzjoni biżżejjed lill-parteċipanti potenzjali kollha fiż-żmien tal-pubblikazzjoni tas-sejħa għal proposti, b’mod partikolari l-mudell tal-ftehim dwar l-għotja applikabbli.

53

Il-Mudell tal-Ftehim dwar l-Għotja Annotat (AMGA) għandu punt b’saħħtu ċar b’impatt sinifikanti fuq is-simplifikazzjoni: huwa jiffoka l-gwida kollha relatata ma’ Orizzont 2020 f’dokument uniku. F’750 paġna, billi juża eżempji tal-aqwa prattika, każijiet u eċċezzjonijiet speċifiċi, l-AMGA jispjega kull artikolu tal-Mudell Ġenerali tal-Ftehim dwar l-Għotja (GMGA) u mudelli ta’ ftehimiet speċifiċi. B’kuntrast, il-gwida tal-FP7 kienet imxerrda bejn ġabriet ta’ regoli separati għal kull parti tal-programm. Xi 77 % tar-rispondenti għall-istħarriġ tagħna kienu jqisu l-AMGA bħala għodda adatta għall-iskop tagħha.

54

Fl-istħarriġ tagħna aħna staqsejna għal fehmiet dwar l-AMGA. Ir-rispondenti qalu li l-gwida kellha l-vantaġġ li hija komprensiva u dettaljata ħafna. Madankollu, huma esprimew tħassib dwar it-tul u l-kumplessità eċċessivi tagħha u ġibdu l-attenzjoni għad-diffikultà biex wieħed jinnaviga bejn is-subsezzjonijiet differenti ta’ dokument f’format PDF.

55

Minn meta ġiet ippubblikata l-verżjoni inizjali, f’Diċembru 2013, l-MGA ġie mmodifikat 6 darbiet u l-AMGA ġie aġġornat 18-il darba. Għalkemm kienu infurmati b’dawn il-bidliet, il-benefiċjarji esprimew għadd ta’ punti ta’ tħassib dwar il-konsegwenzi li jġibu magħhom (ara l-Figura 7). Madankollu, il-biċċa l-kbira mir-rispondenti għall-istħarriġ u l-benefiċjarji li ġew intervistati ddikjaraw li huma jsibuha aktar faċli biex ilaħħqu ma’ dawn l-aġġornamenti jekk jiġu skedati f’intervalli fissi, biex jissodisfaw il-ħtiġijiet li jinqalgħu matul l-implimentazzjoni ta’ Orizzont 2020.

Figura 7

Impatt tal-aġġornamenti frekwenti tal-MGA u tal-AMGA

Sors: Il-QEA.

Inizjattivi ġodda b’potenzjal ta’ simplifikazzjoni għadhom ma ġewx ittestjati u evalwati b’mod sħiħ

Somom f’daqqa u premjijiet
56

Qabel niedet il-QFP 2014-2020 u Orizzont 2020, il-Kummissjoni, imħeġġa mill-Parlament Ewropew19 u mill-Kunsill20, bdiet tesplora l-possibbiltà li tissimplifika l-ġestjoni tal-għotjiet permezz ta’ opzjonijiet ta’ spejjeż simplifikati innovattivi. Il-bażi legali għall-użu tal-finanzjament f’forma ta’ somom f’daqqa u l-premjijiet ta’ inċentiv hija mogħtija mir-Regolament Finanzjarju tal-201221.

57

L-użu ta’ opzjonijiet ta’ spejjeż simplifikati taħt Orizzont 2020 kien limitat. Il-premjijiet jintużaw biex jappoġġaw għadd żgħir ta’ inizjattivi22 u s-somom f’daqqa jintużaw biex jappoġġaw: (i) proġetti rilevanti għall-ewwel fażi tal-Istrument għall-SMEs, (ii) għadd ristrett ta’ miżuri ta’ akkumpanjament u (iii) żewġ sejħiet pilota23 għal proġetti b’diversi benefiċjarji u l-appoġġ li jingħata għal ħtiġijiet speċjali taħt l-Azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie inklużi fil-Programm ta’ Ħidma 2018-2020.

58

F’Settembru 2018, iż-żewġ proġetti pilota fir-rigward ta’ somom f’daqqa kienu għadhom għaddejjin u evidenza konklużiva kienet għadha mhijiex disponibbli mill-analiżi ta’ ċikli tal-ħajja sħaħ tal-proġetti.

59

Permezz tal-istħarriġ tagħna u matul iż-żjarat fuq il-post, aħna staqsejna lill-benefiċjarji ta’ Orizzont 2020 u lill-assoċjazzjonijiet ċentrali jekk l-użu aktar estensiv ta’ dawn l-opzjonijiet ta’ spejjeż simplifikati u x’jipperċepixxu li huma l-vantaġġi u l-iżvantaġġi prinċipali.

60

It-tweġibiet għall-istħarriġ tagħna juru li dawn l-opzjonijiet ta’ spejjeż simplifikati huma kkunsidrati bħala alternattiva vijabbli għar-rimborż tradizzjonali tal-ispejjeż. Il-Figura 8 turi li 74 % tar-rispondenti jilqgħu l-użu aktar estensiv tas-somom f’daqqa, filwaqt li 49 % jiffavorixxu l-introduzzjoni ta’ premjijiet ta’ inċentiv.

Figura 8

Opinjonijiet dwar l-użu aktar estensiv tas-somom f’daqqa u tal-premjijiet ta’ inċentiv

Sors: Stħarriġ tal-QEA, Marzu 2018.

61

Il-perċezzjoni tal-opzjonijiet ta’ spejjeż simplifikati tvarja skont it-tip ta’ benefiċjarji u tiddependi b’mod partikolari fuq il-livell ta’ esperjenza tagħhom24. Il-benefiċjarji b’aktar esperjenza huma inqas favur ta’ adozzjoni aktar estensiva kemm tas-somom f’daqqa kif ukoll tal-premjijiet ta’ inċentiv (ara l-Figura 9).

Figura 9

Opinjoni dwar użu aktar estensiv tas-somom f’daqqa u tal-premjijiet ta’ inċentiv, skont il-livell ta’ esperjenza (għadd ta’ proġetti ta’ Orizzont 2020)

Sors: Stħarriġ tal-QEA, Marzu 2018.

62

Minkejja l-opinjoni ġeneralment pożittiva, il-benefiċjarji esprimew xi tħassib dwar is-somom f’daqqa u l-premjijiet, fejn enfasizzaw ir-riskji perċepiti u ġibdu l-attenzjoni għall-fatt li dawn l-opzjonijiet ta’ spejjeż simplifikati jistgħu ma jkunux adatti għat-tipi kollha ta’ proġetti. Il-benefiċjarji u l-NCPs li intervistajna kellhom dan l-istess tħassib (ara l-Anness I).

63

L-opzjonijiet ta’ spejjeż simplifikati jistgħu jnaqqsu l-piż amministrattiv u l-okkorrenza ta’ żbalji għall-għotjiet taħt Orizzont 2020, u b’hekk jippermettu lill-benefiċjarji li jiffokaw fuq l-għanijiet xjentifiċi filwaqt li jimmaniġġjaw il-proġetti b’mod aktar flessibbli. Madankollu, huma jistgħu ma jkunux adatti għat-tipi kollha ta’ proġetti ta’ riċerka u innovazzjoni, u l-Kummissjoni għadha ma għandhiex evidenza suffiċjenti mill-ittestjar pilota tagħha.

64

Kif huwa ddikjarat fid-dokument informattiv u analitiku tagħna ta’ Marzu 2018, l-iskemi ta’ finanzjament ibbażati fuq pagamenti ta’ somom f’daqqa, jekk ikunu mfasslin tajjeb, jistgħu jħeġġu wkoll parteċipazzjoni akbar minn kull tip ta’ grupp ta’ benefiċjarji (inklużi l-SMEs u parteċipanti ġodda).

Finanzjament kaskata
65

Il-finanzjament kaskata jaħdem billi jipprovdi mekkaniżmu għall-benefiċjarji tal-għotjiet biex iqassmu fondi taħt Orizzont 2020 lil partijiet terzi fil-forma ta’ subgħotjiet (wara sejħa għal proposti) jew premjijiet. Dan jisposta l-piż amministrattiv mill-Kummissjoni għall-benefiċjarju li jkun responsabbli għall-ġestjoni tas-sejħiet għal subgħotjiet.

66

Il-benefiċjarju ta’ Orizzont 2020, jew il-konsorzju, jippubblika s-sejħiet għal proposti proprji tiegħu biex jattira gruppi speċifiċi ta’ benefiċjarji potenzjali, speċjalment negozji li jkunu għadhom kemm jiftħu u SMEs, u jipprovdi għotjiet li jvarjaw minn EUR 50 000 sa EUR 150 000 għal kull parti terza. Il-finanzjament kaskata ġie pilotat taħt l-FP7; taħt Orizzont 2020, il-Kummissjoni Ewropea qiegħda tagħmel użu dejjem akbar minn dan il-mekkaniżmu.

67

Fl-istħarriġ tagħna, aħna staqsejna jekk il-finanzjament kaskata taħt Orizzont 2020 kienx irriżulta f’piż amministrattiv aktar baxx meta mqabbel mal-FP7. Maġġoranza żgħira (52 %) tar-rispondenti li esprimew opinjoni wieġbu li l-għotjiet kaskata kellhom ftit jew l-ebda effett f’dan ir-rigward, filwaqt li 39 % qablu li l-piż kien aktar baxx meta mqabbel mal-FP7. Il-Figura 10 turi kif il-perċezzjoni dwar il-finanzjament kaskata kienet tvarja bl-esperjenza: 23 % tar-rispondenti involuti f’aktar minn 10 proġetti ta’ Orizzont 2020 ħassew li l-finanzjament kaskata kien naqqas il-piż amministrattiv tagħhom, filwaqt li għal 26 %, l-amministrazzjoni kienet żdiedet.

Figura 10

L-għotjiet kaskata naqqsu l-piż amministrattiv meta mqabbel mal-FP7, skont il-livell ta’ esperjenza (għadd ta’ proġetti ta’ Orizzont 2020)

Sors: Stħarriġ tal-QEA, Marzu 2018.

68

Aħna sibna li l-gwida maħruġa mill-Kummissjoni25 ma pprovdietx biżżejjed ċarezza lill-benefiċjarji dwar kif jimmaniġġjaw is-sejħiet għal għotjiet kaskata. Barra minn hekk, il-benefiċjarji intervistati ma kinux ċerti dwar it-tip ta’ regolament li kellhom japplikaw meta jkunu qegħdin ifasslu s-sejħa għal proposti tagħhom u meta jipprovdu l-għotjiet lil partijiet terzi.

69

Il-Kummissjoni ma vvalutatx il-mekkaniżmu ta’ finanzjament kaskata ex post biex tiddetermina jekk dan kisibx l-eżiti maħsuba tiegħu b’mod effettiv u effiċjenti.

Il-kisba ta’ għotja hija aktar veloċi iżda l-opportunitajiet biex jitnaqqas il-piż amministrattiv ma ġewx sfruttati bis-sħiħ

70

Jeħtieġ li jinstab bilanċ bejn, fuq naħa waħda, il-minimizzazzjoni taż-żmien, l-isforz u l-flus li jintnefqu biex tiġi ppreżentata proposta u, fuq in-naħa l-oħra, il-preżentazzjoni ta’ biżżejjed informazzjoni biex il-Kummissjoni tkun tista’ tqabbel l-applikazzjonijiet u tidentifika l-aħjar proposti għall-finanzjament. Is-simplifikazzjoni tal-proċedura tal-proposti hija speċjalment importanti fid-dawl tar-rata baxxa ta’ suċċess għall-applikazzjonijiet, fejn waħda biss minn kull tmien proposti tirċievi finanzjament26.

Figura 11

Sforz għat-tħejjija tal-proposti f’Orizzont 2020 meta mqabbel mal-FP7, skont l-iskema ta’ finanzjament u r-rwol fil-proġett

Sors: Stħarriġ tal-QEA, Marzu 2018.

71

Fl-istħarriġ tagħna, aħna tlabna lill-benefiċjarji biex iqabblu l-FP7 u Orizzont 2020 f’termini tal-ammont ta’ xogħol amministrattiv għat-tħejjija tal-proposti. Fost ir-rispondenti li kienu kapaċi jagħmlu tqabbil (ara l-Figura 11), 30 % irrappurtaw ammont akbar ta’ xogħol, 20 % irrappurtaw ammont inqas ta’ xogħol, u madwar in-nofs ma rrappurtaw l-ebda differenza. Il-benefiċjarji tal-ewwel fażi tal-Istrument għall-SMEs irrappurtaw l-akbar titjib, b’nofs dawn ir-rispondenti jqisu l-piż attwali tagħhom bħala aktar baxx jew ferm aktar baxx minn tal-FP7. Madankollu, l-ewwel fażi tal-Istrument għall-SMEs kienet strument ġdid għal Orizzont 2020, u fl-FP7, l-azzjoni “Riċerka għall-benefiċċju tal-SMEs” kienet tidher taħt skema ta’ finanzjament differenti. Il-koordinaturi tal-proġetti rrappurtaw żieda akbar fl-ammont ta’ xogħol minn benefiċjarji oħra; din hija konsegwenza tal-pass biex il-koordinazzjoni tal-proġetti u l-interazzjoni mal-Kummissjoni jiġu ċentralizzati fil-livell tagħhom taħt Orizzont 2020.

It-tneħħija tal-istadju tan-negozjar ħaffet iż-żmien għall-għotja

72

Waħda mill-bidliet introdotti taħt Orizzont 2020 kienet it-tneħħija tal-“istadju tan-negozjar”, li qabel kienet isseħħ bejn l-għażla ta’ proposta għall-finanzjament u l-iffirmar tal-ftehim dwar l-għotja. F’Orizzont 2020, il-proġetti jridu jiġu implimentati fil-forma proposta.

73

Ir-rispondenti għall-istħarriġ u l-benefiċjarji intervistati kienu b’mod ġenerali favur l-approċċ mingħajr negozjar. Fl-istess ħin, minoranza qieset li t-tneħħija tan-negozjati kienet tillimita l-possibbiltà ta’ titjib tal-proġetti u kienet iżżid il-probabbiltà ta’ emendi għal ftehim dwar l-għotja wara l-iffirmar.

74

L-iskop tat-tneħħija tal-istadju tan-negozjar kien li taċċellera t-tnedija tal-proġetti ffinanzjati. L-indikatur “żmien għall-għotja” huwa definit bħala ż-żmien li jgħaddi bejn l-għeluq ta’ sejħa u l-iffirmar tal-ftehim dwar l-għotja, li jimmarka l-bidu uffiċjali tal-proġett. Ir-regoli għall-parteċipazzjoni ta’ Orizzont 2020 jipprevedu żmien massimu għall-għotja ta’ tmien xhur27. It-tnaqqis fit-tul ta’ dan il-proċess huwa importanti kemm għall-applikanti li ma jkollhomx suċċess, li jkunu jridu jagħmlu arranġamenti alternattivi malajr kemm jista’ jkun, kif ukoll għal dawk li jintgħażlu, li għandhom mnejn ikunu qegħdin jippruvaw idaħħlu prodott fis-suq qabel il-kompetituri.

Figura 12

Żmien medju għall-għotja f’jiem, skont il-perjodu ta’ programmazzjoni

FP6 (2002–2006)1 FP7 (2007–2013)2 Orizzont 2020 (2014–2017)3
Żmien għall-għotja 347 309 191

1 Għadd medju ta’ jiem mid-data ta’ skadenza tas-sejħa sal-iffirmar tal-għotja.

2 Għadd medju ta’ jiem mid-data ta’ skadenza tas-sejħa sal-iffirmar tal-għotja (ħlief l-ERC).

3 Għadd medju ta’ jiem mid-data ta’ skadenza tas-sejħa sal-iffirmar tal-għotja (ħlief l-ERC).

Sors: Il-Kummissjoni Ewropea.

75

It-tneħħija tal-istadju tan-negozjar, flimkien maż-żieda fl-użu tat-trażmissjoni u l-iffirmar elettroniċi tad-dokumenti, naqqsu b’mod sinifikanti ż-żmien għall-għotja meta mqabbel mal-FP7 u l-FP6 (ara l-Figura 12).

L-użu aktar estensiv tal-approċċ f’żewġ stadji jista’ jnaqqas l-ispejjeż għall-għadd kbir ta’ applikanti li ma jkollhomx suċċess

76

Skont l-Artikolu 15(5) tar-regoli għall-parteċipazzjoni28, Orizzont 2020 juża proċessi ta’ evalwazzjoni kemm fi stadju wieħed kif ukoll f’żewġ stadji. Fl-approċċ f’żewġ stadji, il-koordinaturi jippreżentaw proposti fil-qosor għal evalwazzjoni inizjali, bl-applikanti li jintgħażlu mbagħad jiġu mistiedna biex jippreżentaw proposta sħiħa. Wara t-tieni evalwazzjoni, tintbagħat lista kklassifikata lill-Kummissjoni għall-għażla. F’Orizzont 2020, madwar 10 % tal-proposti sħaħ kollha waslu permezz tal-approċċ f’żewġ stadji29.

77

L-approċċ f’żewġ stadji jista’ jgħin lill-applikanti jevitaw li jiddedikaw sforzi bla bżonn biex jiżviluppaw fid-dettall proposti għal proġetti li fl-aħħar mill-aħħar ma jkunux ta’ suċċess. Madankollu, għal xi proġetti, il-proċess f’żewġ stadji jista’ jkun bil-mod wisq, bir-riskju li l-prodotti jaslu fis-suq aktar tard minn dawk tal-kompetituri. Il-Kummissjoni tistma li t-tieni stadju ta’ evalwazzjoni jżid madwar tliet xhur għall-proċess, kif ukoll joħloq spejjeż amministrattivi addizzjonali għall-Kummissjoni.

78

Ir-rispondenti għall-istħarriġ tagħna b’mod ġenerali qiesu li evalwazzjoni f’żewġ stadji tnaqqas l-ammont ta’ xogħol kumplessiv tas-sottomissjoni, bil-korpi pubbliċi juru l-akbar appoġġ (ara l-Figura 13). Xi wħud mill-benefiċjarji li intervistajna kienu jħossu li l-biċċa l-kbira mix-xogħol fit-tħejjija ta’ proposta kien fl-istabbiliment ta’ konsorzju u fl-iżvilupp tal-idea bażika f’dettall suffiċjenti biex jiġi minimizzat ir-riskju ta’ rifjut, aktar milli fil-kitba tal-proposta nnifisha; għalihom, approċċ f’żewġ stadji ma jagħmilx wisq differenza fl-ammont ta’ xogħol. Oħrajn esprimew it-tħassib li l-approvazzjoni tal-ewwel stadju tiddewwem, li jagħmel it-tħejjijiet għat-tieni stadju neċessarji fi kwalunkwe każ u jelimina kwalunkwe ffrankar potenzjali ta’ riżorsi.

Figura 13

Preferenza għall-evalwazzjonijiet fi stadju wieħed jew f’żewġ stadji, skont it-tip ta’ rispondent

Sors: Stħarriġ tal-QEA, Marzu 2018.

79

Ħafna applikanti jinvestu ħafna ħin u flus fl-iżvilupp ta’ proposti li fl-aħħar mill-aħħar ma jkunux ta’ suċċess. B’mod ġenerali, il-benefiċjarji li kkonsultajna kienu jaqblu li din il-problema tista’ titnaqqas billi jiżdied l-użu tal-evalwazzjonijiet f’żewġ stadji, iżda biss fejn kwalunkwe dewmien assoċjat fiż-żmien tal-għotja ma ħoloqx żvantaġġi oħra.

Għad hemm tħassib dwar il-kwalità tal-evalwazzjonijiet u tal-feedback lill-applikanti li ma jkollhomx suċċess

80

Għalkemm l-evalwazzjoni ta’ kwalità għolja tal-proposti, magħmula skont kriterji xierqa, hija marbuta indirettament biss mas-simplifikazzjoni, din hija essenzjali biex tgħin biex ikun żgurat li jiġu ffinanzjati l-aħjar proġetti u li jintlaħqu l-għanijiet ta’ Orizzont 2020. Jenħtieġ li l-applikanti li ma jkollhomx suċċess jingħataw feedback informattiv, bir-raġunijiet għall-eżitu, biex jgħinhom fil-proposti futuri.

81

Il-proposti ammissibbli u eliġibbli jiġu evalwati minn tal-inqas tliet esperti indipendenti skont kriterji stabbiliti. Kull evalwatur jagħti punteġġi għall-eċċellenza, l-impatt u l-kwalità, kif ukoll l-effiċjenza tal-implimentazzjoni, abbażi ta’ kriterji tal-għoti li jiġu ppubblikati fil-programm ta’ ħidma ta’ Orizzont 2020. Il-“bord ta’ evalwaturi” jipproduċi rapport ta’ sinteżi dwar il-proposti kollha li jaslu; il-Kummissjoni mbagħad tużah biex tfassal lista għall-finanzjament.

Evalwazzjonijiet
82

L-Aġenzija Eżekuttiva għar-Riċerka (REA) timmaniġġja u tikkuntratta l-esperti indipendenti kollha involuti f’Orizzont 2020, għalkemm l-għażla ssir mill-unitajiet individwali tad-direttorati ġenerali (jew mill-Aġenzija) għal kull sejħa, billi jintgħażlu l-esperti mid-database ta’ 120 000 espert irreġistrat (l-esperti jirreġistraw lilhom infushom fid-database u ma tiġix implikata xi approvazzjoni jew kontroll tal-kwalità). Din id-database tiġi stabbilita minn sejħa miftuħa għall-esperti. Il-Kummissjoni hija obbligata tippubblika kull sena l-lista tal-evalwaturi li jkunu ġew impjegati. Regoli dwar it-tiġdid u r-rotazzjoni jiġu applikati. Pereżempju, mill-inqas 25 % tal-esperti magħżula għal sejħa ma kellhomx ikunu involuti fl-evalwazzjoni ta’ xi sejħa fit-tliet snin preċedenti. Ir-REA timmonitorja wkoll l-għadd ta’ evalwaturi li jkunu kompletament ġodda.

83

Fi stħarriġ tal-evalwaturi mid-DĠ RTD30, 44 % tal-evalwaturi wieġbu li kienu ġew ikkumpensati għal inqas ħin milli fil-fatt kellhom bżonn u użaw. L-allokazzjoni ta’ ħin insuffiċjenti għal evalwazzjoni tista’ tikkomprometti b’mod sostanzjali l-kwalità tagħha.

84

Il-biċċa l-kbira mir-rispondenti għall-istħarriġ tagħna tal-benefiċjarji kienu jqisu l-kriterji ta’ evalwazzjoni bħala xierqa, bi 17 % biss li esprimew opinjoni negattiva. Madankollu, xi benefiċjarji esprimew dubji dwar jekk l-esperti kellhomx għarfien tekniku suffiċjenti dwar il-qasam. L-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu ta’ Orizzont 202031 min-naħa tal-Kummissjoni nnifisha kkonkludiet li jenħtieġ li l-kwalità tal-proċess ta’ evalwazzjoni f’dak iż-żmien titjieb.

85

Hija meħtieġa rimunerazzjoni adegwata sabiex jiġu reklutati evalwaturi kwalifikati biex il-proposti jiġu vvalutati b’mod korrett u jintgħażlu u jiġu ffinanzjati l-aħjar proposti.

86

L-esperti jitħallsu abbażi ta’ rata għal kull jum ta’ xogħol li ilha ma tiġi aġġornata mill-2007. Huma jiddedikaw medja ta’ 5.6 sigħat għal kull evalwazzjoni32, li aħna nqisu li mhumiex biżżejjed biex evalwatur jaqra bir-reqqa u jwettaq evalwazzjoni ta’ kwalità għolja ta’ proposta.

87

B’riżultat ta’ dan, hemm ir-riskju li r-rimunerazzjoni insuffiċjenti tiskoraġġixxi individwi kwalifikati milli jieħdu sehem fil-proċess ta’ evalwazzjoni. L-allokazzjoni ta’ ħin insuffiċjenti għall-evalwazzjoni jista’ jkollha l-istess effett u/jew tikkomprometti l-kwalità tal-evalwazzjoni.

Feedback
88

Jenħtieġ li l-feedback lill-applikanti dwar l-eżitu tal-proposti li ma jkunux ta’ suċċess jissimplifika x-xogħol tagħhom meta jkunu qegħdin jiżviluppaw proposti sussegwenti u jikkontribwixxi għall-kwalità kumplessiva tal-programm Orizzont 2020.

89

Il-koordinaturi u l-persuni ta’ kuntatt fost il-parteċipanti jiġu infurmati dwar l-eżitu tal-evalwazzjoni permezz ta’ ittra bir-riżultati. Għalkemm 46 % tar-rispondenti għall-istħarriġ iddikjaraw li l-kwalità tal-feedback kienet tjiebet mill-FP7 għal Orizzont 2020 (ara l-Figura 14), l-intervisti mal-benefiċjarji u l-kummenti riċevuti fl-istħarriġ tagħna esprimew tħassib dwar il-kwalità tal-feedback dwar l-evalwazzjonijiet. Wieħed minn kull ħames rispondenti għall-istħarriġ ħassew li kien hemm tnaqqis fil-kwalità bejn l-FP7 u Orizzont 2020. L-evalwazzjoni interim ta’ Orizzont 2020 min-naħa tal-Kummissjoni33 rrappurtat ukoll li 34 % tar-rispondenti vvalutaw il-kwalità tal-feedback bħala “fqira” jew “fqira ħafna”.

Figura 14

Opinjonijiet dwar il-feedback tal-evalwazzjonijiet f’Orizzont 2020 meta mqabbel mal-FP7

Sors: Stħarriġ tal-QEA, Marzu 2018.

90

Ilment komuni mill-benefiċjarji, kemm lill-Kummissjoni kif ukoll fil-kummenti għall-istħarriġ, kien li, wara li ma ntgħażlux l-ewwel darba, huma kienu reġgħu ppreżentaw proposta għal sejħa sussegwenti, li kienet tinkludi bidliet ibbażati fuq il-feedback tal-evalwaturi, iżda kienu rċevew punteġġ aktar baxx minn qabel. Madankollu, is-sejħa setgħet kienet differenti minn dik preċedenti, jew l-idea oriġinali setgħet saret inqas innovattiva maż-żmien.

Is-Siġill ta’ Eċċellenza ma laħaqx l-aspettattivi

91

Is-“Siġill ta’ Eċċellenza” huwa tikketta tal-kwalità li tingħata lil proposti għal proġetti li, filwaqt li jkunu ssodisfaw il-kriterji tal-għażla u tal-għoti għall-finanzjament taħt Orizzont 2020 u jkunu ġew ikklassifikati ’l fuq minn soll predefinit tal-kwalità, fl-aħħar mill-aħħar ma jkunux jistgħu jiġu ffinanzjati minħabba restrizzjonijiet baġitarji. L-għan huwa li d-detenturi tas-Siġill ta’ Eċċellenza jingħataw għajnuna biex jiksbu fondi għal dawn il-proposti minn programmi nazzjonali, Ewropej jew internazzjonali oħra, mingħajr ma jkollhom il-piż amministrattiv addizzjonali relatata mal-preżentazzjoni mill-ġdid tal-proposti. Il-Kummissjoni niedet l-inizjattiva Siġill ta’ Eċċellenza f’Ottubru 2015. L-inizjattiva ġiet pilotata għall-ewwel darba fl-Istrument għall-SMEs u fl-2016 ġiet estiża għall-fellowships individwali Marie Skłodowska-Curie.

92

Fl-istħarriġ tagħna, aħna staqsejna lil riċevituri tas-Siġill ta’ Eċċellenza jekk it-tikketta kinitx għenithom jiksbu fondi minn sorsi oħra. Aħna sibna li s-Siġill ta’ Eċċellenza ma kienx rikonoxxut b’mod universali: 15 % biss tar-rispondenti wieġbu li kien għenhom jiksbu tip ieħor ta’ finanzjament (ara l-Figura 15).

93

Aħna sibna li, minkejja l-kampanja ta’ informazzjoni li twettqet mill-Kummisjsoni, in-nuqqas ta’ suċċess tas-Siġill ta’ Eċċellenza huwa dovut għar-raġunijiet li ġejjin: (i) in-nuqqas ta’ rikonoxximent minn istituzzjonijiet oħra ta’ finanzjament; (ii) in-nuqqas ta’ gwida ċara dwar kif għandha tintuża t-tikketta; u (iii) in-nuqqas ta’ allinjament bejn il-programmi nazzjonali u programmi oħra tal-UE ma’ Orizzont 2020 rigward is-suġġetti, l-kriterji tal-għażla u tal-għoti jew il-proċessi ta’ evalwazzjoni.

94

Barra minn hekk, fiż-żmien meta l-Kummissjoni niedet is-Siġill ta’ Eċċellenza, kienu għadhom ma ġewx stabbiliti mekkaniżmi effettivi ta’ kooperazzjoni ma’ skemi oħra ta’ finanzjament u ma kienx hemm ċarezza suffiċjenti dwar l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għall-fondi pubbliċi li jappoġġaw proġetti tas-Siġill ta’ Eċċellenza. Hija ma kkjarifikatx l-applikabbiltà tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat qabel l-201734.

95

Il-Kummissjoni tiġbor data tal-pajjiżi dwar l-iskemi ta’ appoġġ tas-Siġill ta’ Eċċellenza (ara l-Figura 15). Fl-istħarriġ tagħna, aħna staqsejna dwar l-aċċess tar-riċevituri f’kull pajjiż għal sorsi alternattivi ta’ finanzjament. Ir-risposti juru li, b’mod ġenerali, l-aċċess għal sorsi oħra għadu limitat fl-Istati Membri tal-UE. Il-Kummissjoni ma għandhiex data dwar l-għadd ta’ proġetti tas-Siġill ta’ Eċċellenza ffinanzjati minn programmi oħra f’kull pajjiż.

Figura 15

Utilità tas-Siġill ta’ Eċċellenza

Sors: il-Eurostat.

96

Kif iddikjarat fid-dokument informattiv u analitiku tagħna ta’ Marzu 2018, in-nuqqas ta’ mekkaniżmu xieraq ta’ koordinazzjoni bejn Orizzont 2020 u programmi Ewropej u nazzjonali oħra kien jillimita l-impatt tas-Siġill ta’ Eċċellenza biex jgħin lill-benefiċjarji jsibu sorsi alternattivi ta’ finanzjament. Għalhekk, huwa naqas milli jtaffi l-piż tal-applikazzjoni għal finanzjament tar-riċerka.

Rappurtar u awditjar tal-ispejjeż tal-proġetti

Ir-regoli dwar l-ispejjeż għall-persunal ġew simplifikati, iżda xi bidliet ħolqu diffikultajiet għall-benefiċjarji u l-ispejjeż għall-persunal għadhom is-sors prinċipali kbir ta’ żball

97

L-ispejjeż għall-persunal huma kategorija ewlenija ta’ spejjeż, li bħala medja jammontaw għal madwar 45 % tal-ispejjeż totali tal-proġetti ta’ riċerka ta’ Orizzont 2020.

98

Fl-istħarriġ u fiż-żjarat tagħna fuq il-post, aħna staqsejna lill-benefiċjarji ta’ Orizzont 2020 jekk apprezzawx is-simplifikazzjoni introdotta taħt Orizzont 2020 għall-kalkolu u r-rappurtar tal-ispejjeż għall-persunal, u jekk kienx għad hemm il-ħtieġa u l-lok għal tnaqqis tal-piż amministrattiv f’dan il-qasam.

99

Il-maġġoranza tar-rispondenti kienu japprovaw il-bidliet magħmula f’Orizzont 2020 fir-rigward tal-ispejjeż għall-persunal. Il-Figura 16 tiġbor fil-qosor l-opinjonijiet li esprimew dwar:

  • il-bidliet għall-metodoloġija kumplessiva għall-kalkolu tal-ispejjeż għall-persunal;
  • it-tnaqqis tar-rekwiżiti ta’ reġistrazzjoni tal-ħin (eż. l-abolizzjoni tal-obbligi ta’ reġistrazzjoni tal-ħin għall-persunal li jaħdem esklussivament fuq proġett ta’ Orizzont 2020);
  • l-aċċettazzjoni ta’ rati fis-siegħa ta’ kull xahar flimkien mar-rati fis-siegħa annwali;
  • l-użu tal-ispejjeż medji għall-persunal ikkalkulati mill-benefiċjarji;
  • l-użu ta’ spejjeż unitarji għas-sidien tal-SMEs u għall-persuni fiżiċi mingħajr salarju;
  • l-aċċettazzjoni ta’ pagamenti supplimentari sa EUR 8 000 għal kull persuna fis-sena għall-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ.

Figura 16

Il-miżuri ta’ simplifikazzjoni introdotti taħt Orizzont 2020 naqqsu l-piż amministrattiv meta mqabbel mal-FP7

Sors: Stħarriġ tal-QEA, Marzu 2018.

100

Ħarsa aktar mill-qrib lejn ir-riżultati tal-istħarriġ tagħna turi li:

  • l-opinjonijiet jiddependu mill-esperjenza tar-rispondenti bi proġetti ta’ Orizzont 202035, bil-benefiċjarji b’aktar esperjenza ġeneralment juru inqas apprezzament għall-bidliet introdotti;
  • meta ġew mistoqsija dwar liema miżuri introdotti taħt Orizzont 2020 żiedu l-piż amministrattiv għar-rappurtar tal-ispejjeż tal-proġetti, il-biċċa l-kbira mir-rispondenti indikaw il-miżuri marbuta mal-kalkolu u r-rappurtar tal-ispejjeż għall-persunal;
  • meta ġew mistoqsija dwar fejn kienet meħtieġa l-aktar is-simplifikazzjoni għall-FP9, ir-rispondenti semmew ir-rappurtar tal-ispejjeż għall-persunal.
101

Barra minn hekk, 41 % tar-rispondenti għall-istħarriġ tagħna ddikjaraw li kellhom iħaddmu sistema speċifika ta’ reġistrazzjoni tal-ħin biex jimmaniġġjaw il-proġetti tagħhom ta’ Orizzont 2020, bl-ebda tnaqqis sinifikanti meta mqabbel mal-FP7.

102

L-ilmenti l-aktar frekwenti espressi mill-benefiċjarji u minn partijiet ikkonċernati oħra (bħall-NCPs u l-assoċjazzjonijiet) kienu relatati ma’:

  • l-użu ta’ skedi tal-ħin dettaljati li juru ripartizzjoni skont il-pakkett ta’ ħidma;
  • il-kalkoli mill-ġdid kumplikati li xi benefiċjarji jridu jagħmlu biex jirrikonċiljaw is-salarji tal-persunal mar-regoli ta’ Orizzont 2020;
  • l-introduzzjoni frekwenti ta’ bidliet matul l-implimentazzjoni ta’ Orizzont 2020;
  • id-diffikultajiet fl-applikazzjoni tal-kunċett ta’ rimunerazzjoni addizzjonali.
103

Wara l-ewwel awditi ta’ proġetti ta’ Orizzont 2020 min-naħa tal-Kummissjoni, 68 % tal-aġġustamenti sussegwenti kollha kienu marbuta mar-rappurtar mhux xieraq tal-ispejjeż għall-persunal36. Il-maġġoranza l-kbira (65 % tat-total) kienu jikkonċernaw il-kalkolu tal-ispejjeż għall-persunal per se (b’mod partikolari, il-kalkolu skorrett tas-sigħat produttivi, l-ispejjeż skorretti tar-rimunerazzjoni, il-ħin skorrett mitlub għal attività partikolari, l-iskedi tal-ħin neqsin, ir-remunerazzjoni addizzjonali skorretta), filwaqt li l-bqija (3 % tat-total) kienu marbuta ma’ spejjeż għall-persunal li jiġu rrappurtati bħala spejjeż unitarji37.

104

Mir-rispondenti li esprimew opinjoni, 70 % jqisu li, meta mqabbel mal-FP7, ir-regoli ta’ Orizzont 2020 dwar ir-rimborż tal-ispejjeż tal-proġetti jibbażaw aktar fuq l-aċċettazzjoni tal-prattiki kontabilistiċi tas-soltu għall-kalkolu tal-ispejjeż. Madankollu, il-proporzjon tal-benefiċjarji li ma jarawx differenza fil-livell ta’ aċċettazzjoni tal-prattiki kontabilistiċi tas-soltu għall-kalkolu tal-ispejjeż bejn l-FP7 u Orizzont 2020 baqa’ għoli.

105

Iż-żieda fid-dipendenza fuq il-prattiki kontabilistiċi tas-soltu għall-kalkolu tal-ispejjeż, b’mod partikolari għall-ispejjeż għall-persunal, tista’ tnaqqas il-piż amministrattiv.

Il-piż tal-awditjar naqas iżda l-benefiċjarji qed jiffaċċjaw trattament inkonsistenti f’awditi ex post esternalizzati

106

Il-prinċipji tal-kontroll u l-awditjar tan-nefqa ta’ Orizzont 2020 huma definiti fir-regolament dwar Orizzont 202038. Huma għandhom l-għan li jassiguraw (i) bilanċ xieraq bejn il-fiduċja u l-kontroll u (ii) proċess ta’ awditjar f’konformità mal-prinċipji tal-ekonomija, l-effiċjenza u l-effettività sabiex jiġi minimizzat il-piż tal-awditjar fuq il-parteċipanti.

Figura 17

L-istrateġija tal-Kummissjoni dwar il-kontroll finanzjarju u l-awditjar f’Orizzont 2020

Sors: Il-QEA.

107

F’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-QEA39, il-Kummissjoni ċċentralizzat it-tfassil u l-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-awditjar ta’ Orizzont 2020 permezz tas-Servizz Komuni tal-Awditjar (CAS), li juża kampjun rappreżentattiv wieħed f’Orizzont 2020, u adottat strateġija tal-awditjar aktar ibbażata fuq ir-riskju40.

108

Fl-istħarriġ tagħna, aħna tlabna lill-benefiċjarji jagħtu l-fehmiet tagħhom dwar il-piż tal-kontroll u tal-awditjar ta’ Orizzont 2020. Mir-rispondenti, 53 % wieġbu li l-piż kumplessiv tal-awditjar f’Orizzont 2020 kien naqas meta mqabbel mal-FP7, u 14 % biss iddikjaraw li kien żdied. Żewġ terzi tar-rispondenti wieġbu wkoll li jenħtieġ li l-piż tal-awditjar jitnaqqas aktar.

109

Il-benefiċjarji li intervistajna kienu japprezzaw is-Servizz Komuni tal-Awditjar bħala mezz biex tiġi assigurata l-konsistenza. Madankollu, xi rispondenti għall-istħarriġ ilmentaw li kien għad ma hemm l-ebda konsistenza fil-proċess ta’ kontroll u ta’ awditjar. Fil-fehma tagħhom, l-inkonsistenzi jistgħu jirriżultaw minn bidliet frekwenti fl-AMGA, peress li l-awdituri xi drabi ma kinux jafu b’emendi retroattivi jew ma kinux jafu liema verżjoni tal-AMGA kellhom japplikaw.

110

Il-Kummissjoni għandha kuntratt qafas ma’ ditti esterni indipendenti tal-awditjar għal madwar 80 % tal-awditi ex post ta’ Orizzont 2020, bil-Kummissjoni nnifisha twettaq l-20 % l-oħra. Il-Kummissjoni kkonkludiet l-ewwel awditi ex post ta’ proġetti ta’ Orizzont 2020 fl-2017.

111

Il-benefiċjarji li ltqajna magħhom waqt iż-żjarat fuq il-post u fil-workshops tagħna kkritikaw ix-xogħol ta’ xi ditti esterni tal-awditjar. L-aktar ilmenti komuni kienu jikkonċernaw il-kwalità tax-xogħol, l-għarfien limitat tal-awdituri dwar il-programm u ż-żmien meħud biex jiġu prodotti r-rapporti tal-awditjar. L-NCPs għamlu l-istess tip ta’ kritika f’avveniment organizzat mill-Kummissjoni41 u f’intervisti.

112

Aħna sibna li l-ħolqien ta’ servizz komuni tal-awditjar u l-istrateġija l-ġdida tal-awditjar naqqsu l-piż tal-awditjar minn fuq il-benefiċjarji. Madankollu, aħna sibna wkoll li hemm lok għal titjib fil-kwalità tal-awditi ex post esternalizzati.

Il-parteċipazzjoni tal-SMEs żdiedet iżda għad hemm xi ostakoli

113

L-appoġġ lill-SMEs huwa waħda mill-prijoritajiet tal-Kummissjoni fil-perjodu ta’ programmazzjoni attwali, u hija ħeġġet lill-SMEs biex jipparteċipaw fl-oqsma kollha ta’ Orizzont 2020. Hija fasslet l-Istrument għall-SMEs42, li dan l-aħħar ġie inkorporat fil-proġett pilota tal-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni, biex jiffaċilita l-aċċess tal-SMEs għall-finanzjament tar-riċerka u l-innovazzjoni.

114

Minkejja ż-żieda fil-parteċipazzjoni mill-SMEs f’Orizzont 2020, aħna sibna li dawn iltaqgħu ma’ diffikultajiet kemm waqt il-proċess tal-applikazzjoni kif ukoll fl-implimentazzjoni tal-proġetti tagħhom ta’ riċerka u innovazzjoni. L-SMEs li kienu ġodda għall-iskemi ta’ finanzjament mill-UE sabuha diffiċli biex jifhmu r-rekwiżiti regolatorji fir-rigward tal-għotjiet. It-tul u l-komprensività tal-AMGA huma partikolarment onerużi għall-SMEs li ma għandhomx persunal iddedikat biex jittratta l-interpretazzjoni tal-linji gwida u r-rappurtar tal-UE.

115

Aħna sibna li l-SMEs jibbażaw ħafna fuq konsulenti esterni biex jegħlbu d-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom fit-tħejjija tal-proposti tagħhom. Dan huwa speċjalment il-każ għall-proġetti ta’ benefiċjarju uniku fil-fażijiet 1 u 2 tal-SMEI (ara l-Kaxxa 2).

Kaxxa 2

Użu ta’ konsulenti esterni fit-tħejjija tal-proposti u r-rappurtar dwar il-proġetti

  • 36 % tar-rispondenti għall-istħarriġ tagħna qalu li kellhom bżonn għajnuna mingħand konsulenti esterni matul il-fażi tat-tħejjija tal-proposti. Iċ-ċifra kienet tvarja skont l-esperjenza tar-rispondenti (il-benefiċjarji b’inqas esperjenza użaw l-appoġġ estern aktar ta’ spiss), it-tip ta’ rispondent u l-iskema ta’ finanzjament. L-SMEs li joperaw waħedhom huma partikolarment dipendenti fuq il-konsulenti esterni, speċjalment fil-fażijiet 1 u 2 tal-SMEI (ara l-Figura 18).
  • Ir-raġuni prinċipali għall-użu ta’ konsulenti esterni għat-tħejjija tal-proposti kienet biex jiżdiedu l-possibbiltajiet ta’ suċċess, segwita mill-ħtieġa li tiġi mmaniġġjata l-kumplessità amministrattiva tal-proċess. Aktar minn nofs ir-rispondenti kienu jippreferu jużaw konsulenti esterni aktar milli riżorsi interni għal dan il-għan, b’minoranza tfittex il-konsulenti għal appoġġ xjentifiku u tekniku.
  • Il-konsulenti esterni ntużaw inqas waqt l-implimentazzjoni tal-proġetti milli għat-tħejjija tal-proposti. Madankollu, kważi terz tal-SMEs iddikjaraw li għamlu xi użu tal-konsulenti esterni għall-ġestjoni u r-rappurtar tal-proġetti. Iċ-ċifra żdiedet għal madwar 50 % għall-SMEs b’benefiċjarju uniku fil-fażijiet 1 u 2 tal-SMEI.
  • Il-biċċa l-kbira mir-rispondenti kienu jemmnu li l-ħtieġa ta’ konsulenti esterni jew baqgħet l-istess jew żdiedet mill-FP7 għal Orizzont 2020, kemm għat-tħejjija tal-proposti kif ukoll għall-implimentazzjoni tal-proġetti.
  • Meta ġew mistoqsija dwar it-tariffi mħallsa lill-konsulenti esterni (bħala perċentwal tal-finanzjament totali), il-valur medjan li ġie rrappurtat mir-rispondenti kien ta’ 5 % għat-tħejjija tal-proposti u ta’ 5 % għall-implimentazzjoni tal-proġetti.
  • Għall-SMEs li ma jistgħux jippermettu l-ispejjeż relatati, il-ħtieġa ta’ konsulenti esterni matul il-fażi tat-tħejjija tal-proposti hija ostakolu għad-dħul f’Orizzont 2020. Dan huwa partikolarment serju għal dawk li huma ġodda li, minħabba n-nuqqas ta’ esperjenza tagħhom, huma speċjalment fil-bżonn ta’ għajnuna esterna.

Figura 18

Użu ta’ konsulenti esterni għat-tħejjija tal-proposti, skont l-iskema ta’ finanzjament

Sors: Stħarriġ tal-QEA, Marzu 2018.

Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

116

Il-maġġoranza tal-miżuri ta’ simplifikazzjoni li ttieħdu mill-Kummissjoni kienu effettivi fit-tnaqqis tal-piż amministrattiv minn fuq il-benefiċjarji f’Orizzont 2020, għalkemm mhux l-azzjonijiet kollha pproduċew ir-riżultat mixtieq u għad hemm lok għal titjib. Fir-risposti tagħhom għall-istħarriġ tagħna, il-benefiċjarji esprimew il-ħtieġa għal gwida u għodod aktar faċli għall-utent u għal aktar ittestjar tax-xerqien u tal-utilizzabbiltà tal-iskemi ġodda ta’ finanzjament. L-istabbiltà fir-regoli hija importanti wkoll; il-benefiċjarji jistgħu jadattaw għall-kumplessità iżda l-modifiki frekwenti tal-gwida jistgħu jikkawżaw konfużjoni u inċertezza.

Sforzi organizzazzjonali għas-simplifikazzjoni

117

Il-miżuri ta’ simplifikazzjoni introdotti mill-Kummissjoni għal Orizzont 2020 kienu riżultat tal-analiżi tagħha ta’ Programmi Qafas preċedenti (b’mod partikolari l-FP7) u tal-feedback minn partijiet ikkonċernati ewlenin. Il-ħolqien taċ-Ċentru ta’ Appoġġ Komuni kien kontribut importanti għas-simplifikazzjoni, b’mod notevoli permezz tal-armonizzazzjoni tar-regoli għall-parteċipazzjoni, strateġija ġdida tal-awditjar u soluzzjonijiet tal-IT għall-ġestjoni u r-rappurtar dwar l-għotjiet (ara l-paragrafi 15 sa 29).

118

Ħafna applikanti u benefiċjarji għadhom iqisu li huma jiġu ttrattati b’mod inkonsistenti matul il-proċess tal-applikazzjoni u l-implimentazzjoni tal-proġetti tagħhom. Minkejja l-isforzi li jsiru mill-Kummissjoni biex ittejjeb il-komunikazzjoni, hemm sensibilizzazzjoni limitata dwar l-għodda ddedikata tal-back-office, li ġiet stabbilita mill-Kummissjoni għar-rappurtar ta’ trattament inkonsistenti. Barra minn hekk, aħna sibna li x-xogħol tas-Servizz ta’ Konsultazzjoni dwar ir-Riċerka (RES), b’mod parallel mal-mezzi l-oħra eżistenti, huwa frammentat wisq biex jiggarantixxi l-konsistenza (ara l-paragrafi 30 sa 40).

119

L-NCPs jipprovdu assistenza utli lill-applikanti u l-benefiċjarji, u hekk jgħinu biex tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti tal-leġiżlazzjoni dwar Orizzont 2020, iżda aħna sibna differenzi sinifikanti fil-livell ta’ appoġġ u gwida tekniċi pprovduti mill-NCPs fid-diversi Stati Membri (ara l-paragrafi 41 sa 45).

120

L-għodod ta’ appoġġ li ġew żviluppati mill-Kummissjoni biex tiffaċilita l-implimentazzjoni tal-programmi ta’ riċerka u innovazzjoni kellhom titjib sinifikanti mill-bidu ta’ Orizzont 2020 ’il hawn, u huma apprezzati mill-benefiċjarji. Madankollu, kien hemm xi problemi tekniċi bil-Portal tal-Parteċipanti (ara l-paragrafi 46 sa 51), u l-manwal tal-Kummissjoni dwar ir-riċerka u l-innovazzjoni (AMGA), li għandu l-għan li jipprovdi gwida komprensiva, evolva f’dokument kumpless u twil. Il-modifiki frekwenti tal-AMGA żiedu mal-piż amministrattiv kumplessiv u xi drabi żiedu l-inċertezza legali għall-benefiċjarji (ara l-paragrafi 52 sa 55).

Rakkomandazzjoni 1 – komunikazzjoni aħjar mal-applikanti u l-benefiċjarji

Jenħtieġ li l-Kummissjoni ttejjeb il-mezzi tagħha għall-komunikazzjoni mal-applikanti tal-għotjiet u l-benefiċjarji billi:

  1. tistabbilixxi proċeduri u kontrolli aħjar fir-rigward tal-prestazzjoni tal-funzjonijiet tal-helpdesk, u b’mod partikolari tal-RES, kif ukoll iżżid is-sensibilizzazzjoni dwar l-għodod li permezz tagħhom il-benefiċjarji jistgħu jirrappurtaw it-trattament inkonsistenti waqt il-proċess tal-applikazzjoni jew waqt l-implimentazzjoni tal-proġetti tagħhom.
  2. tirriżolvi l-problemi tekniċi li jkun għad fadal li jaffettwaw il-Portal tal-Parteċipanti, billi ttejjeb it-tfassil tiegħu u tiffaċilita n-navigazzjoni u l-funzjoni tat-tfittxija.
  3. taħdem mal-Istati Membri biex ittejjeb il-gwida metodoloġika u teknika tagħha għall-NCPs, biex b’hekk jipprovdu l-kwalità neċessarja ta’ servizz lill-benefiċjarji potenzjali tal-finanzjament tar-riċerka u l-innovazzjoni.

Dawn il-miżuri għandhom jiġu stabbiliti sal-bidu tal-2021.

121

L-opzjonijiet ta’ spejjeż simplifikati – is-somom f’daqqa u l-premjijiet ta’ inċentiv – għandhom il-potenzjal li jnaqqsu l-piż amministrattiv marbut maċ-ċiklu tal-ħajja sħiħ ta’ proġett ta’ Orizzont 2020. Maġġoranza kbira tal-benefiċjarji jappoġġaw aktar użu tas-somom f’daqqa. Madankollu, huma jistgħu ma jkunux adatti għat-tipi kollha ta’ proġetti ta’ riċerka u innovazzjoni, u hija meħtieġa evidenza mill-ittestjar ta’ proġetti pilota qabel ma jintużaw fuq skala akbar (ara l-paragrafi 56 sa 69).

Rakkomandazzjoni 2 – intensifikazzjoni tal-ittestjar tas-somom f’daqqa

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tintensifika l-ittestjar tal-opzjonijiet ta’ spejjeż simplifikati, u b’mod partikolari tas-somom f’daqqa, billi:

  1. tanalizza u tirrapporta dwar l-eżitu tas-sejħiet diġà mnedija taħt Orizzont 2020 hekk kif l-ewwel riżultati jkunu disponibbli;
  2. tniedi inizjattivi pilota ġodda fuq skala akbar biex tidentifika t-tipi l-aktar adatti ta’ proġett, tivvaluta l-iżvantaġġi possibbli u tfassal rimedji xierqa.

Dawn il-miżuri għandhom jiġu stabbiliti immedjatament.

Tnedija ta’ proġett

122

20 % biss tar-rispondenti għall-istħarriġ tagħna kienu jqisu li s-simplifikazzjonijiet tal-Kummissjoni kienu fil-fatt naqqsu l-piż amministrattiv assoċjat mal-applikazzjoni għal finanzjament. Nofs ir-rispondenti rrappurtaw li l-isforz involut biex tiġi żviluppata proposta ma nbidilx (ara l-paragrafi 70 sa 71).

123

Il-biċċa l-kbira mir-rispondenti kienu sodisfatti li t-tneħħija tal-istadju tan-negozjar kienet ħaffet il-piż, għalkemm minoranza sinifikanti kienet taħsibha bil-kontra. In-nuqqas ta’ negozjar formali kien meqjus bħala li jħaffef il-proċess, u l-irfinar fil-ftehim dwar l-għotja għadu possibbli. Dawk li mhumiex kuntenti bit-tneħħija ta’ dan l-istadju kienu jħossu li issa kienu aktar probabbli li jseħħu emendi fil-ftehim dwar l-għotja wara li jiġi ffirmat (ara l-paragrafi 72 sa 75).

124

L-applikanti jiddispjaċihom għall-isforz li għamlu biex jiġu żviluppati proposti twal li jinstabu li huma ta’ kwalità tajba, iżda li mhumiex tajbin biżżejjed biex jiġu ffinanzjati. Skont ir-rispondenti, l-użu aktar estensiv tas-sejħiet f’żewġ stadji jnaqqas il-piż, iżda jkun adatt biss għal dawk l-oqsma xjentifiċi u setturi tas-suq fejn l-istadju addizzjonali ma jittardjax il-wasla fis-suq tar-riżultati tal-proġett (ara l-paragrafi 76 sa 79).

Rakkomandazzjoni 3 – esplorazzjoni tal-possibbiltajiet li jsir użu akbar mill-evalwazzjonijiet tal-proposti f’żewġ stadji

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tidentifika għadd akbar ta’ suġġetti fejn l-użu li jsir mill-evalwazzjonijiet tal-proposta f’żewġ stadji jista’ jnaqqas il-piż amministrattiv għall-applikanti li ma jkollhomx suċċess, filwaqt li żżomm l-iqsar żmien possibbli għall-għotja jekk il-veloċità biex jintlaħaq is-suq tkun kritika.

Din il-miżura għandha tiġi stabbilita sal-bidu tal-2021.

125

Il-biċċa l-kbira mir-rispondenti kienu jqisu li l-kriterji ta’ evalwazzjoni għall-valutazzjoni tal-proposti kienu xierqa. Madankollu, xi benefiċjarji kienu mħassba li l-esperti għandu mnejn ma jkollhomx għarfien tekniku suffiċjenti biex jassiguraw il-kwalità fl-evalwazzjonijiet, speċjalment fi proġetti multidixxiplinarji. Barra minn hekk, l-evalwaturi jistgħu ma jingħatawx żmien suffiċjenti biex jevalwaw proposti twal u ta’ sfida u r-rata ta’ rimunerazzjoni ta’ kuljum baqgħet ma ġietx riveduta mill-2007 ’il hawn. Għadd sinifikanti ta’ benefiċjarji rrappurtaw nuqqas ta’ sodisfazzjon bil-kwalità tal-feedback dwar l-evalwazzjoni, li jista’ jxekkel l-isforzi tagħhom biex itejbu l-proposti suċċessivi (ara l-paragrafi 80 sa 90).

Rakkomandazzjoni 4 – eżaminar mill-ġdid tal-kundizzjonijiet ta’ rimunerazzjoni għal evalwaturi esperti;

Jenħtieġ li l-Kummissjoni taġġorna r-rata ta’ rimunerazzjoni ta’ kuljum u tivvaluta mill-ġdid iż-żmien meħtieġ biex l-esperti jwettqu evalwazzjonijiet affidabbli tal-proposti għall-proġetti.

Din il-miżura għandha tiġi stabbilita sa tmiem l-2019.

126

Is-Siġill ta’ Eċċellenza kellu biss impatt limitat fil-livell nazzjonali, billi mhuwiex rikonoxxut universalment fl-Istati Membri. Huwa ma naqqasx b’mod adegwat il-piż minn fuq l-applikanti li jkollhom proposti tajbin (ara l-paragrafi 91 sa 96).

Rakkomandazzjoni 5 – żieda fir-rikonoxximent tas-Siġill ta’ Eċċellenza

Jenħtieġ li l-Kummissjoni:

  1. tistabbilixxi mekkaniżmi xierqa fit-tfassil tal-Programm Qafas li jmiss, biex tiffaċilita r-rikonoxximent ta’ proġetti eċċellenti ta’ riċerka mid-diversi skemi ta’ finanzjament tal-UE u dak nazzjonali.
  2. taħdem biex tibni sinerġiji bejn il-programmi biex iżżid il-probabbiltà li l-proġetti li jingħataw is-Siġill ta’ Eċċellenza jkunu jistgħu jaċċessaw aktar faċilment sorsi oħra ta’ finanzjament;
  3. tipproduċi gwida xierqa dwar kif għandu jintuża s-Siġill ta’ Eċċellenza.

Dawn il-miżuri għandhom jiġu stabbiliti sal-bidu tal-2021.

Rappurtar u awditjar tal-ispejjeż tal-proġetti

127

Il-maġġoranza tal-benefiċjarji li wieġbu kienu japprezzaw il-miżuri introdotti f’Orizzont 2020 biex jiġu ssimplifikati l-kalkolu u r-rappurtar tal-ispejjeż għall-persunal. Madankollu, kien hemm xi effetti kollaterali negattivi, u l-aġġustamenti li saru waqt l-implimentazzjon tal-Programm ikkawżaw xi konfużjoni u inċertezza legali. Il-kalkolu u r-rappurtar tal-ispejjeż għall-persunal għadu l-qasam prinċipali fejn simplifikazzjoni ulterjuri tgħin lill-benefiċjarji billi tnaqqas ir-rekwiżiti amministrattivi. Iż-żieda fid-dipendenza fuq il-prattiki kontabilistiċi tas-soltu għall-kalkolu tal-ispejjeż, b’mod partikolari għall-ispejjeż tal-persunal, tista’ tnaqqas il-piż amministrattiv (ara l-paragrafi 97 sa 105).

Rakkomandazzjoni 6 – stabbiltà tar-regoli u l-gwida għall-parteċipanti

Jenħtieġ li l-Kummissjoni:

  1. iżżomm il-kontinwità fir-regoli għall-parteċipazzjoni bejn il-Programmi Qafas, kull fejn ikun possibbli;
  2. timminimizza l-aġġustamenti għall-gwida matul l-implimentazzjoni tal-Programm Qafas;
  3. tissimplifika l-iskedi tal-ħin biex jiġi evitat ir-rappurtar bla bżonn tal-isforz skont il-pakkett ta’ ħidma;
  4. tesplora l-possibbiltà li jiġu aċċettati b’mod aktar estensiv il-prattiki kontabilistiċi tas-soltu għall-kalkolu tal-ispejjeż, notevolment għall-ispejjeż għall-persunal.

Dawn il-miżuri għandhom jiġu stabbiliti sal-bidu tal-2021.

128

Għal Orizzont 2020, il-Kummissjoni stabbiliet strateġija tal-awditjar ibbażata fuq approċċ immexxi aktar mir-riskju milli għal programmi qafas preċedenti. Aħna sibna li l-istrateġija l-ġdida naqqset il-piż tal-awditjar minn fuq il-benefiċjarji. Madankollu, aħna sibna wkoll li l-kwalità tal-awditi ex post li jitwettqu minn ditti esterni tal-awditjar tista’ titjieb. Il-proċess tal-awditjar ex post għadu meqjus li huwa twil wisq (ara l-paragrafi 106 sa 112).

Rakkomandazzjoni 7 – titjib fil-kwalità tal-awditi ex post esternalizzati

Jenħtieġ li l-Kummissjoni:

  1. ittejjeb il-mekkaniżmi tagħha għall-eżaminar tal-kwalità tal-awditi ex post esternalizzati, u;
  2. tħaffef dawn l-awditi.

Dawn il-miżuri għandhom jiġu stabbiliti sal-bidu tal-2021.

Parteċipazzjoni tal-SMEs

129

Il-parteċipazzjoni tal-SMEs żdiedet f’Orizzont 2020 meta mqabbla mal-FP7. Madankollu, aħna sibna li xi SMEs esperjenzaw diffikultajiet kemm matul il-proċess tal-applikazzjoni kif ukoll fl-implimentazzjoni tal-proġetti tagħhom ta’ riċerka u innovazzjoni. Il-prattika tal-użu ta’ konsulenti esterni hija komuni fit-tħejjija tal-proposti, notevolment għall-Istrument għall-SMEs u, sa ċertu punt inqas, fil-ġestjoni tal-proġetti u r-rappurtar dwarhom. Barra minn hekk, din il-prattika żdiedet mill-FP7 għal Orizzont 2020. Waħda mir-raġunijiet prinċipali għat-tfittxija ta’ appoġġ estern hija biex tiġi mmaniġġjata l-kumplessità tal-programm. Il-gwida fit-tul ħolqot piż addizzjonali għall-SMEs (ara l-paragrafi 113 sa 115).

Rakkomandazzjoni 8 – simplifikazzjoni ulterjuri tal-għodod u l-gwida għall-SMEs

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tissimplifika aktar l-għodod u l-gwida tagħha biex dawn jimponu piż minimu fuq l-SMEs, u speċjalment fuq in-negozji li jkunu għadhom kemm jiftħu li ma jkollhomx ir-riżorsi u l-persunal biex jittrattaw il-kumplessità tagħhom. B’mod partikolari, jenħtieġ li l-Kummissjoni tqis il-possibbiltà li toħroġ verżjoni mqassra tal-gwida (AMGA) għall-SMEs u għal dawk li jkunu ġodda.

Dawn il-miżuri għandhom jiġu stabbiliti sal-bidu tal-2021.

Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla IV, immexxija mis-Sur Neven MATES, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tat-2 ta’ Ottubru 2018.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Klaus-Heiner LEHNE
President

Anness

Ir-riskji tal-opzjonijiet ta’ spejjeż simplifikati, kif ipperċepiti mill-benefiċjarji

  • Is-somom f’daqqa u l-premjijiet jistgħu jkunu aktar adatti għal proġetti iżgħar, b’TRL għoli (teknoloġikament maturi) li jkollhom riżultati tanġibbli definiti b’mod ċar, u inqas adatti għal proġetti ta’ riċerka akbar u aktar bażiċi, li huma inerentement aktar riskjużi.
  • L-evalwazzjoni tar-riżultati tal-proġetti se tkun kritika u l-Kummissjoni se tkun trid tibbaża fuq analizzaturi mħarrġa li jkunu kompetenti għas-settur (li spiss huma diffiċli biex issibhom).
  • Ir-rabta tal-pagamenti mal-kisba ta’ riżultati xjentifiċi tista’ tfisser li l-benefiċjarji ma jirċievu l-ebda finanzjament għax-xogħol ta’ riċerka li fil-fatt ikunu għamlu.
  • Sakemm is-somom f’daqqa ma jkunux indiċjati mal-ispejjeż lavorattivi nazzjonali, il-koordinaturi tal-proġetti jista’ jkollhom it-tentazzjoni li jagħżlu sħab tal-proġetti abbażi ta’ konsiderazzjonijiet tal-ispejjeż lavorattivi pjuttost milli tal-eċċellenza xjentifika. Dan jista’ joħloq żbilanċi ġeografiċi favur pajjiżi fejn l-ispejjeż lavorattivi jkunu aktar baxxi.
  • Il-ġestjoni tal-proġetti u tal-konsorzji tkun aktar kumplessa. Jistgħu jitfaċċaw tensjonijiet fil-konsorzji tal-proġetti (speċjalment fi proġetti kbar b’ħafna benefiċjarji) minħabba l-interdipendenzi akbar bejn is-sħab tal-proġetti (eż. il-konsorzju sħiħ jista’ ma jirċevix finanzjament jekk sieħeb wieħed ma jkollux prestazzjoni tajba). Jekk ma tiġix indirizzata tajjeb, din il-kwistjoni tista’ żżomm lura konsorzji stabbiliti sew milli jinvolvu sħab ġodda, potenzjalment mhux affidabbli, b’mod partikolari l-SMEs.
  • Il-premjijiet jistgħu jiffavorixxu ċerti atturi. Dawk iżgħar ma jkollhomx ir-riżorsi biex iwettqu proġetti ta’ riċerka mingħajr prefinanzjament jew aċċertament raġonevoli li jiġu ffinanzjati ex post. Il-korpi pubbliċi, bħal ħafna universitajiet u ċentri tar-riċerka, ma jistgħux jieħdu r-riskju assoċjat man-nuqqas ta’ rebħ ta’ premju (wara li jkunu wettqu l-proġett ta’ riċerka) u ma jistgħux iniedu proġett ta’ riċerka mingħajr appoġġ finanzjarju.

Risposti tal-Kummissjoni

Sommarju eżekuttiv

VIII

Is-Siġill tal-Eċċellenza sa issa għandu aktar minn 30 skema ta’ appoġġ tas-siġill fis-seħħ fi 15-il pajjiż. Il-Kummissjoni taċċetta, madankollu, li huwa meħtieġ aktar żvilupp. Għad-dettalji, ara t-tweġiba tal-Kummissjoni fil-paragrafu 91.

X

Is-Servizz tal-Awditjar Komuni żied l-isforzi tiegħu biex jiżgura li l-awditi kollha jitwettqu b’mod effettiv. Id-ditti esterni huma mmonitorjati u kkontrollati mill-qrib permezz ta’ laqgħat, taħriġ, struzzjonijiet u gwida.

XI

Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjonijiet kollha.

Osservazzjonijiet

It-tweġiba komuni tal-Kummissjoni għall-paragrafi 35 u 36.

Il-kuntrattur iwieġeb fi żmien tlett ijiem ta’ xogħol u r-rapporti 2016/2017 jinkludu informazzjoni dwar iż-żmien biex iwieġbu għal kull helpdesk (b’medja ta’ 7.5 ijiem).

L-aktar struttura deċentralizzata tippermetti lis-servizz kompetenti biex iwieġeb direttament mistoqsijiet speċifiċi. Is-36 helpdesk tematiku jiżguraw input mill-persunal bl-għarfien espert professjonali addattat f’qasam partikolari, skont l-ispeċifiċitajiet tekniċi u l-karatteristiċi tal-iskemi. Din is-sistema żżid il-konsistenza u l-koerenza.

F’għadd limitat ħafna ta’ każijiet fejn ġiet mogħtija informazzjoni żbaljata lill-parteċipanti, din ġiet ikkoreġuta mir-RES back-office fl-REA b’email korrettiva tintbagħat lill-parteċipant.

66

Fuq il-bażi tar-Regolament Finanzjarju1, l-għotjiet kaskata ma jistgħux jaqbżu s-EUR 60 000 għal kull terza persuna, sakemm ma jkunx hemm bżonn sabiex jinkisbu l-oġġettivi tal-azzjoni. Il-Kummissjoni tenfasizza li ċ-ċifri kkwotati fit-test jirreferu għal qasam speċifiku tal-programm ta’ ħidma (ICT).

It-tweġiba Komuni tal-Kummissjoni għall-paragrafi minn 92 sa 96.

Is-Siġill ta’ Eċċellenza kien l-ewwel sforz konkret biex jinħolqu sinerġiji konkreti mal-FSIE. Kellu ċertu livell ta’ suċċess, b’35 skema li ġew stabbiliti fi 15-il Stat Membru. Madankollu, il-Kummissjoni taċċetta li l-impatt kien limitat.

Il-Kummissjoni ħadet numru ta’ passi f’Orizzont 2020 biex jittejjeb l-impatt potenzjali tal-iskema:

  • Estensjoni fl-2016 lil MSCA
  • Adozzjoni kmieni f’Jannar 2017 ta’ nota ta’ Spjega dwar l-applikazzjoni tar-Regoli tal-Għajnuna mill-Istat marbuta mas-Siġill ta’ Eċċellenza
  • Stabbiliment ta’ Komunità ta’ prattika, li tlaqqa’ flimkien aktar minn 200 korp ta’ finanzjament
  • Pubblikazzjoni ta’ noti ta’ gwida

Madankollu, ir-restrizzjonijiet identifikati mill-QEA, speċjalment il-libertà għal programmi nazzjonali u dawk tal-FSIE biex jagħżlu jekk jirrikonoxxux is-Siġill jew le, għadha problema.

Il-proposti għall-ġenerazzjoni li jmiss ta’ programmi se jkomplu jiffaċilitaw sinerġiji bejn il-Programm Qafas tar-Riċerka tal-UE, il-FSIE u programmi oħra tal-UE u dawk nazzjonali u Programmi Reġjonali. L-esperjenza mis-Siġill tal-Eċċellenza kienet kontributur kbir għal dawn id-dispożizzjonijiet il-ġodda.

109

Is-servizz tal-Awditjar Komuni stabbilixxa Ċellola għall-Kontroll tal-Kwalità li tirrieżamina r-rapporti tal-awditjar kollha, fil-livelli ta’ abbozz u dawk finali, u tiżgura konsistenza mar-regoli fis-seħħ u skont l-opinjonijiet tal-awditjar preċedenti dwar l-istess kwistjonijiet.

111

Is-servizz tal-Awditjar Komuni poġġa enfasi kbira fuq l-iżgurar li l-verifiki jsiru fuq bażi konsistenti u ta’ kwalità għolja. Id-ditti esterni huma mmonitorjati mill-qrib u kkontrollati permezz ta’ laqgħat, taħriġ, struzzjonijiet u gwida.

It-tweġiba komuni tal-Kummissjoni għall-paragrafi 113 u 114.

Il-Kummissjoni tinnota li kien hemm żieda konsiderevoli fil-parteċipazzjoni tal-SMEs, li turi s-suċċess ta’ Orizzont 2020 biex jattirahom u jappoġġahom.

Fl-FP7, il-parteċipazzjoni tal-SMEs kienet ta’ 17 % tan-nefqa rilevanti, b’kontribuzzjoni tal-UE ta’ EUR 4,9 biljun matul il-perjodu ta’ seba’ snin. F'Orizzont 2020, sa Lulju 2018, il-parteċipazzjoni tal-SMEs kienet ta’ 24 % tan-nefqa rilevanti, ferm ogħla mill-mira ta’ 20 %, b’kontribuzzjoni tal-UE ta’ EUR 5,6 biljun f’erba’ snin biss.

Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

118

Fuq il-Portal tal-Parteċipanti, il-parteċipanti jkunu jistgħu jirrapportaw dwar problema ta’ inkonsistenza permezz ta’ formola online tar-RES.

L-aktar struttura deċentralizzata tippermetti lis-servizz kompetenti biex iwieġeb direttament mistoqsijiet speċifiċi. Is-36 helpdesk tematiku jiżguraw input mill-persunal bl-għarfien espert professjonali addattat f’qasam partikolari. Din is-sistema żżid il-konsistenza u l-koerenza.

Hemm ukoll kontroll tal-kwalità mħaddem mill-back office tas-Servizz ta’ Konsultazzjoni dwar ir-Riċerka (Research Enquiry Service, RES) tal-REA.

Rakkomandazzjoni 1- komunikazzjoni aħjar ma’ applikanti u benefiċjarji

Il-Kummissjoni taċċetta din ir-rakkomandazzjoni.

Rakkomandazzjoni 2 - jiġi intensifikat l-ittestjar ta’ somom f’daqqa

Il-Kummissjoni taċċetta din ir-rakkomandazzjoni.

123

Fl-FP7 l-għadd medju ta’ emendi għal kull għotja kien 0,99. Iċ-ċifra preliminari għal Orizzont 2020 hija ta’ 0,60. Ma hemm għalhekk l-ebda evidenza li l-approċċ “l-ebda negozjati” żied il-probabbiltà ta’ emendi għal ftehim ta’ għotja wara l-iffirmar.

Rakkomandazzjoni 3 - jiġi esplorat aktar l-użu ta’ evalwazzjonijiet tal-proposti f’żewġ stadji

Il-Kummissjoni taċċetta din ir-rakkomandazzjoni.

Rakkomandazzjoni 4 - jiġu rieżaminati l-kundizzjonijiet ta’ remunerazzjoni għal evalwaturi esperti

Il-Kummissjoni taċċetta din ir-rakkomandazzjoni.

126

Illum, hemm 35 skema ta’ Siġill ta’ Eċċellenza li qed joperaw fi 15-il pajjiż. Il-Kummissjoni taċċetta li hemm aktar potenzjal li għandu jiġi sfruttat. Ġew inklużi dispożizzjonijiet addizzjonali għall-ġenerazzjoni li jmiss ta’ programmi. Madankollu, l-Istati Membri xorta mhu se jkollhom l-ebda obbligu li jirrikonoxxu t-tikketta ta’ eċċellenza, din hija l-għażla tagħhom.

Rakkomandazzjoni 5 - jiżdied ir-rikonoxximent tas-Siġill ta’ Eċċellenza

Il-Kummissjoni taċċetta din ir-rakkomandazzjoni.

Rakkomandazzjoni 6 - stabbiltà għal regoli u gwida għall-parteċipanti

Il-Kummissjoni taċċetta din ir-rakkomandazzjoni.

128

Ara t-tweġibiet tal-Kummissjoni għall-paragrafi 109 u 112.

Rakkomandazzjoni 7 - titjib fil-kwalità awditi ex post esternalizzati

Il-Kummissjoni taċċetta din ir-rakkomandazzjoni.

Rakkomandazzjoni 8 – jiġu simplifikati iktrar l-għodod u l-gwida għall-SMEs

Il-Kummissjoni taċċetta din ir-rakkomandazzjoni.

Glossarju

Applikant: Persuna jew organizzazzjoni (b’mod individwali jew bħala grupp) li titlob finanzjament mill-UE.

Benefiċjarju: Persuna jew organizzazzjoni (b’mod individwali jew bħala grupp) li tingħata finanzjament mill-UE fil-forma ta’ għotja.

Ċentru ta’ Appoġġ Komuni: Direttorat tal-Kummissjoni li jiċċentralizza s-servizzi kollha ta’ appoġġ fir-riċerka u l-innovazzjoni.

Dashboard ta’ Orizzont 2020: preżentazzjoni online tad-data ta’ implimentazzjoni ta’ Orizzont 2020, aċċessibbli permezz tal-Portal tal-Parteċipanti.

Dokument Informattiv u Analitiku: Id-Dokument Informattiv u Analitiku tal-QEA ta’ Marzu 2018, “Kontribut għas-simplifikazzjoni tal-programm ta’ riċerka tal-UE wara Orizzont 2020”.

Ewropa 2020: Strateġija ta’ 10 snin proposta mill-Kummissjoni Ewropea fit-3 ta’Marzu 2010 biex tmexxi ’l quddiem l-ekonomija tal-Unjoni Ewropea (li tieħu post l-Istrateġija ta’ Lisbona għall-perjodu 2000-2010). L-objettiv prinċipali huwa t-“tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv” b’koordinazzjoni akbar tal-politika nazzjonali u tal-UE.

Familja tar-Riċerka u l-Innovazzjoni: Direttorati Ġenerali tal-Kummissjoni, Aġenziji Eżekuttivi (EAs) u Impriżi Konġunti (JUs).

Finanzjament kaskata: Mekkaniżmu tal-Kummissjoni Ewropea li bih il-benefiċjarji tal-għotjiet jistgħu jqassmu fondi permezz ta’ subgħotjiet lil partijiet terzi barra mill-konsorzju.

FP7: Is-Seba’ Programm Kwadru.

H2020: It-Tmien Programm Qafas.

Intrapriżi żgħar u medji (SMEs): kumpaniji li jimpjegaw inqas minn 250 membru tal-persunal u b’fatturat annwali li ma jaqbiżx EUR 50 miljun u/jew total annwali tal-karta tal-bilanċ li ma jaqbiżx EUR 43 miljun (definit fl-Artikolu 2 tal-anness tar-Rakkomandazzjoni 2003/361/KE).

Kontrolli ex ante: Jirrigwardaw il-kontrolli preventivi mwettqa jew qabel l-iffirmar tal-għotja jew qabel il-pagament.

Kontrolli ex post: Jirrigwardaw il-kontrolli mwettqa wara li jkun sar il-pagament.

Livell ta’ tħejjija teknoloġika: Skala ta’ kejl żviluppata min-NASA sabiex tivvaluta l-maturità ta’ teknoloġija partikolari. Tintuża prinċipalment biex tivvaluta t-tħejjija ta’ komponenti teknoloġiċi individwali biex joperaw f’sistema teknoloġika akbar. Fuq skala minn 1 sa 9, it-TRL 1 jikkorrispondi bejn wieħed u ieħor għal riċerka bażika, it-TRLs 2-4 għal riċerka applikata, it-TRLs 5-6 għal riċerka applikata/żvilupp, it-TRLs 7-8 għal dimostrazzjoni u t-TRL 9 għal implimentazzjoni fuq skala sħiħa.

Mudell tal-Ftehim dwar l-Għotja Annotat (AMGA): gwida għall-utent, li hija maħsuba għall-applikanti u għall-benefiċjarji, li tiġbor fil-qosor u tispjega t-termini tal-Mudell Ġenerali tal-Ftehim dwar l-Għotja (GMGA) u d-diversi Mudelli speċifiċi tal-Ftehim dwar l-Għotja għal Orizzont 2020.

Portal tal-Parteċipanti: Il-Portal tal-Parteċipanti huwa pjattaforma fuq l-internet għall-amministrazzjoni elettronika tal-proġetti ta’ riċerka u innovazzjoni ffinanzjati mill-UE, li tospita s-servizzi għall-ġestjoni tal-proposti għall-għotjiet u l-proġetti matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom.

Premjijiet ta’ inċentiv: tip ta’ opzjoni ta’ spejjeż simplifikati bl-għotja ta’ kontribuzzjoni finanzjarja bħala premju wara kompetizzjoni.

Programm Qafas (FP): Il-Programm Qafas huwa l-istrument prinċipali tal-UE għall-finanzjament tar-riċerka fl-Ewropa. L-FP huwa propost mill-Kummissjoni Ewropea u adottat mill-Kunsill u l-Parlament Ewropew wara proċedura ta’ kodeċiżjoni.

Punt ta’ Kuntatt Nazzjonali (NCP): Struttura nazzjonali stabbilita fi Stat Membru tal-UE jew f’pajjiż ieħor li jkun qiegħed jipparteċipa f’Orizzont 2020 biex tagħti lill-applikanti appoġġ personalizzat fuq il-post u bil-lingwi proprji tagħhom.

Qafas finanzjarju pluriennali (QFP): Baġit pluriennali tal-UE, li jistabbilixxi l-prijoritajiet u l-parametri tal-infiq tal-UE għal perjodi konsekuttivi ta’ bejn ħames u seba’ snin.

Regoli għall-parteċipazzjoni: Ir-regoli speċifiċi ta’ finanzjament għal Orizzont 2020, stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1290/2013.

Sejħa għal proposti: Proċedura sabiex l-applikanti jiġu mistiedna jippreżentaw proposti għal proġetti, bil-għan li jirċievu finanzjament mill-UE. Hemm bosta tipi ta’ sejħiet (bi skemi speċjali ta’ preżentazzjoni jew evalwazzjoni): sejħiet f’żewġ stadji; sejħiet b’diversi dati limitu; u stediniet għall-preżentazzjoni ta’ proposta.

Servizz ta’ Konsultazzjoni dwar ir-Riċerka: Servizz online pprovdut mill-Kummissjoni biex iwieġeb mistoqsijiet mill-applikanti u l-benefiċjarji dwar ir-riċerka Ewropea inġenerali u dwar il-proċess ta’ validazzjoni tal-entitajiet legali.

Somom f’daqqa: tip ta’ opzjoni ta’ spejjeż simplifikati b’ammonti determinati minn qabel li għandhom jiġu rimborżati meta jintlaħqu għanijiet jew stadji importanti predefiniti tal-proġett, mingħajr l-ebda ħtieġa li jiġu rrappurtati l-ispejjeż reali mġarrba mill-parteċipant.

Uffiċjal tal-proġett: Uffiċjal tal-UE responsabbli għall-ġestjoni tal-interess tal-UE fi proġett; il-punt ta’ kuntatt prinċipali għall-benefiċjarji. Normalment isegwi proġett mill-bidu sat-tmiem, bi rwol ewlieni fid-deċiżjonijiet rilevanti kollha li jaffettwaw il-proġett (pagamenti, emendi, analiżijiet, eċċ.).

Unjoni ta’ Innovazzjoni: Waħda mis-seba’ inizjattivi ewlenin tal-istrateġija Ewropa 2020.

Żmien għall-għotja: definit bħala l-perjodu amministrattiv bejn il-preżentazzjoni ta’ proposta u l-iffirmar tal-ftehim dwar l-għotja, li jimmarka l-bidu uffiċjali ta’ proġett.

Abbrevjazzjonijiet u akronimi

AMGA: Mudell tal-Ftehim dwar l-Għotja Annotat

CIP: Programm Kwadru għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni

CSC: Ċentru ta’ Appoġġ Komuni

DĠ CNECT: Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għan-Netwerks tal-Komunikazzjonijiet, il-Kontenut u t-Teknoloġija

DĠ RTD: Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għar-Riċerka u l-Innovazzjoni

EASME: Aġenzija Eżekuttiva għall-Intrapriżi Żgħar u Medji

EARTO: Assoċjazzjoni Ewropea tal-Organizzazzjonijiet tar-Riċerka u t-Teknoloġija

QEA: Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri

EIT: Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija

EUA: Assoċjazzjoni Ewropea tal-Universitajiet

PE: Il-Parlament Ewropew

FP7: Is-Seba’ Programm Kwadru

FP9: Id-Disa’ Programm Qafas

H2020: Orizzont 2020 (it-Tmien Programm Qafas)

IA: Azzjoni ta’ Innovazzjoni

JRC: Ċentru Konġunt tar-Riċerka

MGA: Mudell tal-Ftehim dwar l-Għotja

NCP: Punt ta’ Kuntatt Nazzjonali

REA: Aġenzija Eżekuttiva għar-Riċerka

RES: Servizz ta’ Konsultazzjoni dwar ir-Riċerka

RTO: Organizzazzjoni tar-Riċerka u t-Teknoloġija

SME: Intrapriżi żgħar u medji

SMEI: Strument għall-intrapriżi żgħar u medji

TRL: Livell ta’ tħejjija teknoloġika

UEAPME: Assoċjazzjoni Ewropea tal-Artiġjanat u tal-Intrapriżi Żgħar u Medji

Noti finali

1 Il-baġit tal-H2020 aġġornat wara l-istabbiliment tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) u inkluż il-Programm ta’ Riċerka u Taħriġ tal-Euratom.

2 Id-DĠ RTD, id-DG CNECT, id-DĠ GROW, id-DĠ EAC, id-DĠ AGRI, id-DĠ MOVE, id-DĠ HOME, id-DĠ ENER u l-JRC.

3 Aġenziji eżekuttivi tal-Kummissjoni, sħubijiet pubbliċi-pubbliċi bejn l-UE u l-Istati Membri, sħubijiet pubbliċi-privati mal-industrija, il-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT).

4 http://ec.europa.eu/research/innovation-union/index.cfm

5 Ara l-premessa 20 tar-Regolament Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi Orizzont 2020 - il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 104).

6 Id-DĠ RTD, id-DĠ CNECT u r-REA.

7 EARTO, UEAPME, EUA.

8 L-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar is-Seba’ Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għall-attivitajiet ta’ riċerka, ta’ żvilupp teknoloġiku u ta’ dimostrazzjoni (2007-2013) (ĠU L 412, 30.12.2006, p. 1).

9 2003/C 321/01 fis-seħħ sat-12/04/2016 u sostitwit bi 32016Q0512(01) (ĠU L 123, 12.5.2016).

10 Il-Kummissjoni Ewropea, “Green Paper dwar Qafas Strateġiku Komuni għall-Finanzjament mill-UE għar-Riċerka u l-Innovazzjoni”, Ġunju 2011.

11 SEC(2011) 1427 final tat-30.11.2011.

12 Project management Institute, “A Guide to the Project Management Body of Knowledge (PMBOK Guide)” (Gwida għall-Korp ta’ Għarfien tal-Ġestjoni tal-Proġetti (Gwida PMBOK)), ir-Raba’ edizzjoni.

13 Ir-Rapport Speċjali Nru 2/2013 “Il-Kummissjoni żgurat l-implimentazzjoni effiċjenti tas-seba’ programm kwadru għar-riċerka?”.

14 Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2014) 2656 final dwar ir-regoli operattivi għaċ-Ċentru ta’ Appoġġ Komuni għal Orizzont 2020, il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020).

15 B’kuntratt mad-DĠ COMM.

16 http://ec.europa.eu/research/participants/data/support/20131125_NCP%20Minimum%20 standards.pdf.

17 http://ec.europa.eu/research/participants/data/support/20131125_NCP%20Minimum%20 standards.pdf.

18 L-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1290/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi r-regoli għal parteċipazzjoni u disseminazzjoni f’Orizzont 2020 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 81).

19 P7_TA (2010)0401, Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta’ Novembru 2010 dwar is-semplifikazzjoni tal-implimentazzjoni tal-Programmi Qafas tar-Riċerka (2010/2079(INI)).

20 Il-konklużjonijiet tat-3016-il laqgħa tal-Kunsill Kompetittività, Brussell, is-26 ta’ Mejju 2010.

21 Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).

22 Il-valur totali tal-premjijiet huwa madwar 0.11 % tal-baġit ta’ Orizzont 2020.

23 Is-sejħa DT-NMBP-20-2018 (fi stadju wieħed). Is-sejħa SC1-BHC-15-2018 (f’żewġ stadji).

24 Hawnhekk imkejla bħala l-għadd ta’ proġetti ta’ Orizzont 2020 li l-benefiċjarju kien involut fihom.

25 In-nota ta’ gwida dwar l-appoġġ finanzjarju lil partijiet terzi taħt Orizzont 2020.

26 Il-Kummissjoni Ewropea, “Horizon 2020 in full swing - Three years on - Key facts and figures 2014-2016” (Orizzont 2020 għaddej fl-aqwa tiegħu - Tliet snin wara l-implimentazzjoni - Fatti u ċifri ewlenin 2014-2016), Diċembru 2017.

27 L-Artikolu 20 tar-Regolament (UE) Nru 1290/2013: “sa ħames xhur biex l-applikanti jiġu infurmati jekk proposta tkunx ġiet aċċettata, segwiti minn massimu ta’ tliet xhur biex jiġi ffirmat il-ftehim ta’ għotja”.

28 “Il-Kummissjoni għandha tieħu kont tal-possibbiltà ta’ proċedura ta’ preżentazzjoni f’żewġ stadji […], fejn adatt u konsistenti mal-objettivi tas-sejħa għal proposti.”

29 SWD(2017) 220 final– “In-depth interim evaluation of Horizon 2020” (Evalwazzjoni interim approfondita ta’ Orizzont 2020).

30 Evaluation of the operation of REA (2012-2015) Final Report (Evalwazzjoni tal-operazzjoni tal-REA (2012-2015) Rapport Finali), 2016.

31 SWD(2017) 221 final, “Evalwazzjoni interim approfondita ta’ Orizzont 2020”, l-Anness 1.

32 SWD(2017) 220 final, “Evalwazzjoni interim approfondita ta’ Orizzont 2020”, Mejju 2017.

33 SWD(2017) 220 final “Evalwazzjoni interim approfondita ta’ Orizzont 2020”, Mejju 2017.

34 Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni “Explanatory note of the Commission services on the application of State Aid Rules to national and regional funding schemes that offer alternative support to SME Instrument project proposals with a Horizon 2020 'Seal of Excellence'” (Nota ta’ spjegazzjoni tas-servizzi tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tar-Regoli dwar l-Għajnuna mill-Istat għal skemi ta’ finanzjament nazzjonali u reġjonali li joffru appoġġ alternattiv lil proposti għal proġetti tal-Istrument għall-SMEs b’“Siġill ta’ Eċċellenza” ta’ Orizzont 2020), Jannar 2017.

35 Imkejla bħala l-għadd ta’ proġetti ta’ Orizzont 2020 li l-benefiċjarju kien involut fihom.

36 Il-QEA ssib ukoll żbalji ta’ dan it-tip u tirrapporta dwarhom fir-Rapporti Annwali tagħha.

37 Il-preżentazzjoni Audits and Financial issues (Awditi u Kwistjonijiet finanzjarji), laqgħa tal-NCPs, l-14-15 ta’ Marzu 2018.

38 L-Artikolu 29 tar-Regolament (UE) Nru 1291/2013 li jistabbilixxi Orizzont 2020.

39 Ara r-Rapport Speċjali tagħna 2/2013.

40 Horizon 2020 Ex post Audit Strategy (L-Istrateġija tal-Awditjar Ex post ta’ Orizzont 2020, id-DĠ RTD 9.11.2015.

41 Il-11-il Laqgħa tal-NCPs ta’ Orizzont 2020 għal Kwistjonijiet Legali u Finanzjarji, Brussell, l-14 u l-15 ta’ Marzu 2018.

42 Taħt l-Istrument għall-SMEs, il-kumpaniji jistgħu japplikaw għal żewġ fażijiet distinti mhux relatati, skont il-maturità teknoloġika tal-proġetti innovattivi tagħhom. Fil-fażi 1, kull proġett jirċievi EUR 50 000 għal studju tal-fattibbiltà; jekk jintgħażel, fil-fażi 2, kull proġett jista’ jirċievi sa EUR 2.5 miljun biex jiffinanzja l-attivitajiet ta’ innovazzjoni.

 

1 Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-25 ta’ Orrubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).

Avveniment Data
Adozzjoni tal-APM / Bidu tal-awditu 12.12.2017
L-abbozz tar-rapport jintbagħat uffiċjalment lill-Kummissjoni (jew lil parti awditjata oħra) 19.7.2018
Adozzjoni tar-rapport finali wara l-proċedura kontradittorja 2.10.2018
Ir-risposti uffiċjali tal-Kummissjoni (jew ta’ parti awditjata oħra) riċevuti bil-lingwi kollha 31.10.2018

Tim tal-awditjar

Ir-rapporti speċjali tal-QEA jippreżentaw ir-riżultati tal-awditi li twettaq ta’ politiki u programmi tal-UE, jew ta’ suġġetti relatati mal-ġestjoni minn oqsma speċifiċi tal-baġit tal-UE. Il-QEA tagħżel u tfassal dawn il-kompiti tal-awditjar biex timmassimizza l-impatt tagħhom billi tqis ir-riskji għall-prestazzjoni jew għall-konformità, il-livell ta’ introjtu jew ta’ nfiq involut, l-iżviluppi li jkunu għad iridu jseħħu u l-interess politiku u pubbliku.

Dan l-awditu tal-prestazzjoni twettaq mill-Awla IV tal-Awditjar, Regolamentazzjoni tas-swieq u ekonomija kompetittiva, li hija mmexxija minn Neven Mates, Membru tal-QEA. L-awditu tmexxa minn Alex Brenninkmeijer, Membru tal-Qorti, li ngħata appoġġ minn Raphael Debets, Kap tal-Kabinett u Di Hai, Attaché tal-Kabinett; Paul Stafford, Maniġer Prinċipali; Daniela Hristova, Kap tal-Kompitu; Wayne Codd, Juan Antonio Vázquez Rivera u Marco Montorio, Awdituri.

Mix-xellug għal-lemin: Raphael Debets, Di Hai, Wayne Codd, Alex Brenninkmeijer, Paul Stafford, Daniela Hristova, Marco Montorio, Juan Antonio Vázquez Rivera.

Kuntatt

IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI
12, rue Alcide De Gasperi
1615 Luxembourg
LUXEMBOURG

Tel. +352 4398-1
Mistoqsijiet: eca.europa.eu/mt/Pages/ContactForm.aspx
Sit web: eca.europa.eu
Twitter: @EUAuditors

Ħafna informazzjoni addizzjonali dwar l-Unjoni Ewropea hija disponibbli fuq l-Internet.
Jista’ jsir aċċess għaliha permezz tas-server Europa (http://europa.eu).

Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2018

PDF ISBN 978-92-847-0779-9 ISSN 1977-5741 doi:10.2865/966787 QJ-AB-18-020-MT-N
HTML ISBN 978-92-847-0712-6 ISSN 1977-5741 doi:10.2865/056366 QJ-AB-18-020-MT-Q

© L-Unjoni Ewropea, 2018

Għal kull użu jew riproduzzjoni ta’ ritratti jew materjal ieħor li ma jaqax taħt id-drittijiet tal-awtur tal-Unjoni Ewropea, irid jintalab il-permess direttament mingħand id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur.

KIF TIKKUNTATTJA LILL-UE

Personalment
Madwar l-Unjoni Ewropea kollha hemm mijiet ta’ ċentri ta’ informazzjoni tal-Europe Direct. Tista’ ssib l-indirizz tal-eqreb ċentru għalik f’dan is-sit: https://europa.eu/european-union/contact_mt

Bit-telefown jew bil-posta elettronika
Europe Direct huwa servizz li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar l-Unjoni Ewropea. Tista’ tikkuntattja dan is-servizz:

  • bit-telefown bla ħlas: 00 800 6 7 8 9 10 11 (ċerti operaturi jafu jimponu ħlas għal dawn it-telefonati),
  • fuq dan in-numru standard: +32 22999696, jew
  • bil-posta elettronika permezz: https://europa.eu/european-union/contact_mt

KIF ISSIB TAGĦRIF DWAR L-UE

Onlajn
L-informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE hija disponibbli fuq is-sit web Europa fuq: https://europa.eu/european-union/contact_mt

Pubblikazzjonijiet tal-UE
Tista’ tniżżel mill-internet jew tordna l-pubblikazzjonijiet tal-UE, li xi wħud minnhom huma bla ħlas u xi oħrajn bil-ħlas, mill-EU Bookshop fl-indirizz li ġej: https://publications.europa.eu/mt/publications. Kopji multipli ta’ pubblikazzjonijiet bla ħlas tista’ tiksibhom billi tikkuntattja lil Europe Direct jew liċ-ċentru tal-informazzjoni lokali tiegħek (ara https://europa.eu/european-union/contact_mt).

Il-liġi tal-UE u dokumenti relatati
Għal aċċess għall-informazzjoni legali tal-UE, inkluż il-liġijiet kollha tal-UE mill-1951 ’l hawn, fil-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali kollha, żur is-sit EUR-Lex hawnhekk: http://eur-lex.europa.eu

Dejta Miftuħa mill-UE
Il-portal tad-Dejta Miftuħa mill-UE (http://data.europa.eu/euodp) jipprovdi aċċess għal settijiet tad-dejta mill-UE. Id-dejta tista’ titniżżel mill-internet u tintuża mill-ġdid bla ħlas, kemm għal skopijiet kummerċjali kif ukoll mhux kummerċjali.