Dak li kien id-Dipartiment tal-Malti fid-Direttorat tat-traduzzjoni tal-Kummissjoni Ewropea ilu jippubblika l-ġurnal semiakkademiku bl-isem l-aċċent mill-2009. L-idea għall-ħolqien ta’ dan il-ġurnal oriġinat mill-eks kap tad-Dipartiment tal-Malti, is-Sur Xavier Valeri Cobo, li xtaq li titnieda pubblikazzjoni ddedikata lil-lingwa Maltija u lil temi relatati mat-traduzzjoni, u li sservi ta’ pont bejn it-tradutturi Maltin fl-istituzzjonijiet Ewropej. Din ix-xewqa saret realtà u żviluppat grazzi għas-sostenn tal-kap tal-dipartiment li segwa, Dr Helga Zahra, kif ukoll tal-kapijiet tal-Unitajiet matul iż-żmien. Illum il-Komunità Lingwistika tal-Malti – hekk sar jissejjaħ id-Dipartiment tal-Malti minn ftit żmien ilu ’l hawn – hija waħda mill-ftit komunitajiet lingwistiċi fi ħdan id-Direttorat Ġenerali għat-Traduzzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li għandha ġurnal tagħha stess bħal l-aċċent.
L-iskop ta’ l-aċċent qatt ma kien preskrittiv imma kellu jkun forum ta’ skambju ta’ informazzjoni u ta’ ideat. L-edituri bikrin, konxji min-nuqqas ta’ pubblikazzjonijiet lokali dwar il-lingwa, irrikorrew għal akkademiċi u persuni oħra meqjusa bħala awtorità fil-Malti li bdew, u xi wħud għadhom sal-lum, jikkontribwixxu fir-rivista. Maż-żmien ingħaqdu magħhom ġuristi lingwisti, li ippubblikaw kitbiet dwar il-problemi terminoloġiċi li niltaqgħu magħhom fil-qasam legali. Kollegi oħra, mhux biss mill-Komunità Lingwistika tagħna iżda wkoll minn istituzzjonijiet oħrajn, bi speċjalizzazzjonijiet differenti, kultant jikkontribwixxu biex ir-rivista tkun varjata u tkopri l-aktar firxa wiesgħa ta’ temi possibbli. Fl-iżvilupp tiegħu, l-aċċent sar wkoll spazju fejn gradwati universitarji ġodda setgħu jippubblikaw l-ewwel xogħol akkademiku tagħhom, ġeneralment marbut mal-Malti u mat-traduzzjoni bil-Malti.
Minħabba n-nuqqas ta’ pubblikazzjonijiet bil-Malti dwar il-lingwa, ir-rivista ntlaqgħet tajjeb ħafna f’Malta. L-interess minn Malta kien u għadu qawwi ferm. Dan wassal biex l-aċċent jevolvi fl-iskop tiegħu, minn pont ta’ komunikazzjoni bejn it-tradutturi għal sors ta’ tagħrif dwar il-lingwistika, it-terminoloġija u temi oħra marbutin mat-traduzzjoni. Dan l-iżvilupp żied ir-responsabbiltà fuq l-edituri biex jiżguraw livell għoli u kostanti f’kull ħarġa.
Lill-Komunità Lingwistika, l-aċċent ipprovdilha wkoll viżibbiltà akbar. Barra minn hekk, qed iservi bħala mezz li jħalli impatt fuq il-fehma tal-Maltin dwar ix-xogħol tat-tradutturi fl-istituzzjonijiet, filwaqt li jsaħħaħ u jħares ir-reputazzjoni tal-Komunità Lingwistika u, b’mod indirett, tal-Unjoni Ewropea b’mod ġenerali.
Ġeneralment, l-aċċent jinkludi artikli dwar l-aspett tal-Malti fil-forma miktuba u mitħaddta. Barra minn hekk, jippubblika kitbiet dwar it-traduzzjoni bil-Malti, it-terminoloġija, u joffri wkoll kontribuzzjonijiet fuq aspetti anċillari marbuta mal-lingwa, bħal dawk storiċi u kulturali u affarijiet oħra, bħall-attivitajiet tal-field office f’Malta.
Fiċ-ċrieki tal-istudju tal-Malti u tat-traduzzjoni f’Malta, mhux biss fl-Università ta’ Malta imma wkoll f’ambjenti akkademiċi u letterarji oħra, l-aċċent jitqies bħala żvilupp importanti. Dan mhux biss għall-Komunità Lingwistika li tipproduċih imma anke għal-lingwa nnifisha li minkejja li hija mitkellma mill-iżgħar komunità fl-Ewropa, tibqa’ waħda sħiħa u ta’ valur daqs l-ilsna uffiċjali l-oħra.
Iċ-ċiklu tax-xogħol fuq kull edizzjoni ta’ l-aċċent jibda minnufih wara l-pubblikazzjoni tal-ġurnal preċedenti. Wara l-ewwel laqgħa tal-bord editorjali, jitfassal il-pjan għall-edizzjoni li jmiss. Wara din il-laqgħa tinħareġ is-sejħa għall-kontribuzzjonijiet. Fil-prattika, din is-sejħa tibqa’ dejjem miftuħa għal kitbiet xierqa, l-aktar dwar it-tħaddim tal-Malti u s-sengħa tat-traduzzjoni.
Lejn l-aħħar ta’ Ottubru, bidu ta’ Novembru, tasal l-ewwel tiratura ta’ l-aċċent. Kopja diġitali ta’ l-aċċent tiġi applowdjata fuq dan is-sit web minnufih. Kull sena, id-data ta’ skadenza għas-sottomissjoni tal-artikli għall-edizzjoni ta’ dik is-sena stess hija il-31 ta’ Mejju. Artikli li jaslu wara din id-data jinżammu biex jiġu kkunsidrati, jekk l-awtur jaċċetta, għall-edizzjoni li jmiss.