L-ivvjaġġar fl-Ewropa 2024

Xiri

FL-UE

Ma hemmx limiti ta’ x’tista’ tixtri u tieħu miegħek meta tivvjaġġa bejn il-pajjiżi tal-UE, sakemm ikun għall-użu personali tiegħek u mhux biex jerġa’ jinbiegħ. It-taxxi (it-taxxa fuq il-valur miżjud u d-dazji tas-sisa) huma inklużi fil-prezz li tħallas u ma tista’ teħel l-ebda taxxa oħra f’xi pajjiż ieħor tal-UE.

Madankollu, japplikaw regoli speċjali fil-każ ta’ prodotti soġġetti għad-dazji tas-sisa, bħall-prodotti tal-alkoħol u t-tabakk. Kull pajjiż jista’ jfassal il-livelli ta’ gwida tiegħu biex jiddetermina jekk it-tabakk u l-alkoħol ikunux għall-użu tiegħek stess. Jekk tkun qed iġġorr kwantità akbar ta’ dawn il-prodotti, jista’ jkun li jsirulek xi mistoqsijiet biex ikun aċċertat li ma għandek l-ebda intenzjoni kummerċjali. Madankollu, il-livelli gwida stabbiliti mill-pajjiżi ma jistgħux ikunu inqas mill-ammonti fit-tabella ta’ hawn taħt.

Meta tmur tixtri tinsiex tieħu miegħek basket li jista’ jerġa’ jintuża. Ir-regoli tal-UE qed jgħinu biex jitnaqqas l-użu ta’ basktijiet tal-plastik li jħammġu u jagħmlu ħsara lill-ambjent. Ħafna pajjiżi jitolbuk tħallas għal kull basket li titlob meta tixtri.

Tabakk Alkoħol
800 sigarett 10 litri ta’ spirtu
400 cigarillo 20 litru ta’ nbid imqawwi (bħal port jew sherry)
200 sigarru 90 litru ta’ nbid (li minnhom massimu ta’ 60 litru ta’ nbid frizzanti)
1 kg ta’ tabakk 110 litri ta’ birra

Għajnuna għall-konsumaturi

Bħala konsumatur, tkun fejn tkun fl-UE, għandek il-garanzija ta’ trattament ġust, prodotti li jissodisfaw standards aċċettabbli u d-dritt għal rimedju jekk xi ħaġa ma tmurx sew.

Tista’ sserraħ rasek mill-ogħla standards ta’ sikurezza fl-ikel minħabba liġijiet stretti dwar il-produzzjoni, l-ipproċessar u l-bejgħ tal-ikel. Ir-regoli tat-tikkettar tal-ikel ifissru informazzjoni ċara, komprensiva u preċiża dwar il-kontenut tal-ikel.

Teżisti protezzjoni minn medda wiesgħa ta’ prattiki kummerċjali inġusti kemm online kif ukoll fil-ħwienet. Il-kaxxi mmarkati minn qabel fuq is-siti web huma pprojbiti, biex pereżempju, ma tħallasx assigurazzjoni tal-ivvjaġġar bla ma tkun trid meta tixtri biljett tal-ajru online.

Irid jintwera b’mod ċar il-prezz sħiħ, inklużi l-VAT u l-prezz unitarju, għal kull kilogramma jew għal kull litru, tal-prodotti kollha għall-bejgħ. Meta tibbukkja akkomodazzjoni jew titjira online, il-prezz totali, inkluż l-imposti u t-taxxi, irid ikun jidher mill-bidu tal-proċess tal-ibbukkjar.

In-Network taċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumaturi jagħti informazzjoni prattika dwar id-drittijiet tal-konsumaturi tal-UE, kif ukoll pariri u assistenza mingħajr ħlas rigward ilmenti jew tilwim transfruntier.

L-ekotikketta tal-UE tista’ tgħinek tidentifika prodotti, lukandi, hostels taż-żgħażagħ jew siti tal-kampeġġ ekoloġiċi.

L-ekotikketta tal-UE tista’ tgħinek tidentifika prodotti, lukandi, hostels taż-żgħażagħ jew siti tal-kampeġġ ekoloġiċi.

Din it-tikketta tgħinek issib prodotti organiċi.

Din it-tikketta tgħinek issib prodotti organiċi.

Flus

Bħalissa, l-euro (€) jintuża kuljum minn aktar minn tliet kwarti taċ-ċittadini tal-UE, jew minn madwar 347 miljun persuna f’20 pajjiż tal-UE: L-Awstrija, il-Belġju, Ċipru, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Irlanda, l-Italja, il-Kroazja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, in-Netherlands, il-Portugall, is-Slovakkja, is-Slovenja u Spanja. Andorra, Monaco, San Marino u l-Belt tal-Vatikan jużaw l-euro bħala l-munita nazzjonali bi qbil mal-UE. Għadd ta’ pajjiżi u territorji, bħall-Kosovo (*) u l-Montenegro, ukoll jużaw l-euro bħala l-munita de facto tagħhom.

(*) Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244/1999 u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.

Illum, il-pagamenti transfruntieri bl-euro, inkluż il-ġbid ta’ flus minn magna u l-pagamenti bil-kard, jiġu jiswew l-istess għaċ-ċittadini tal-UE bħalma jiġu jiswewhom f’pajjiżhom, għalkemm xorta waħda tista’ tintalab tħallas tariffa għall-konverżjoni tal-munita jekk inti tgħix barra miż-żona tal-euro. Issa tista’ wkoll tiċċekkja u tqabbel it-tariffi tal-konverżjoni faċilment meta tħallas bil-kard tiegħek jew meta tiġbed il-flus kontanti barra minn pajjiżek.

Imblokka kwalunkwe kard tal-bank mitlufa jew misruqa minnufih billi ċċempel lill-entità li tkun ħarġithomlok. Ħu nota tan-numru li għandek iċċempel qabel ma tivvjaġġa.

Jekk tidħol fl-UE jew toħroġ minnha b’somma ta’ €10 000 jew aktar fi flus kontanti (*) (jew l-istess ammont f’muniti oħrajn) trid tiddikjarahom lill-awtoritajiet doganali.

(*) Flus kontanti tfisser karti tal-flus, muniti, strumenti negozjabbli għall-portatur u ċerti tipi ta’ deheb.

Biex tibqa’ f’saħħtek

Tinsiex tieħu l-Karta Ewropea tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa tiegħek meta tivvjaġġa — f’każ li jkollok bżonn kura medika waqt li ma tkunx f’pajjiżek. Il-karta hija disponibbli bla ħlas, normalment mingħand l-assiguratur tas-saħħa nazzjonali tiegħek, u tagħtik aċċess għal kura tas-saħħa meħtieġa mil-lat mediku, ipprovduta mill-Istat matul soġġorn temporanju fi kwalunkwe wieħed mis-27 pajjiż tal-UE, l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Iżvizzera. Jekk ikollok tħallas għall-kura tas-saħħa, jeħtieġ li żżomm il-kontijiet, il-preskrizzjonijiet u r-riċetti kollha tiegħek biex tkun tista’ tapplika għar-rimborż fil-pajjiż li żżur jew meta tmur lura pajjiżek.

Sib kif għandek tapplika għal karta.

Il-karta Ewropea tal-assigurazzjoni tas-saħħa ma tissostitwix l-assigurazzjoni tal-ivvjaġġar, għax ma tkoprix kostijiet bħar-ripatrijazzjoni jew is-salvataġġ fil-muntanji f’postijiet tal-iskijjar. Jista’ jkun li jkollok bżonn tuża assigurazzjoni tal-ivvjaġġar biex tkopri tali riskji.

Riċetta mit-tabib tiegħek hija valida fil-pajjiżi kollha tal-UE, imma għandek tiċċekkja li l-mediċina preskritta hija awtorizzata għall-bejgħ u li hija disponibbli fil-pajjiż li se żżur. Kun ċert li r-riċetta tinkludi l-informazzjoni kollha rilevanti dwarek, dwar it-tabib li kiteb ir-riċetta u l-prodott preskritt.

Permezz tar-riċetti elettroniċi, issa huwa possibbli għall-vjaġġaturi li jiġbru l-mediċina preskritta b’mod elettroniku mit-tabib tagħhom minn spiżerija f’xi pajjiżi tal-UE, filwaqt li xi tobba jistgħu jaċċessaw ukoll informazzjoni importanti dwar il-pazjent bil-lingwa tagħhom stess.

Iċċekkja biex tara jekk dawn is- servizzi humiex disponibbli fejn int sejjer.

B’mod ġenerali, ma hemm l-ebda rekwiżit ta’ vaċċinazzjoni meta tivvjaġġa fl-UE. Madankollu hemm xi rekwiżiti jew rakkomandazzjonijiet għal ċerti territorji mbiegħda tal-UE. Iċċekkja mat-tabib tiegħek qabel ma tmur.

@@stayConnectedWifiImgAlt

Aktar minn 95 % tas-siti tal-ilma għall-għawm tal-UE jissodisfaw l-istandards minimi tal-kwalità tal-ilma u aktar minn 85 % jissodisfaw il-livell “eċċellenti” li huwa aktar strett.

Iċċekkja l-mappa interattiva biex tiskopri x’inhi l-kwalità tal-ilma fil-post fejn int sejjer.

Affarijiet x’tagħmel

Għal ideat u informazzjoni dwar x’tista’ tara u x’tista’ tagħmel, agħti titwila lis- sit web dwar id-destinazzjonijiet turistiċi Ewropej jew żur is-siti web tal-organizzazzjonijiet turistiċi nazzjonali uffiċjali ta’ kull pajjiż tal-UE (ara l-mappa tal-UE).

@@aboutEUAltText

Kull sena, l-UE tippromwovi ħafna proġetti u avvenimenti kulturali madwar l-Ewropa. B’mod partikolari, hija tappoġġa l- Bliet Kapitali Ewropej tal-Kultura, inizjattiva li għandha l-għan li tenfasizza r-rikkezza tad-diversità kulturali tal-Ewropa.

2024

Bad Ischl (l-Awstrija)

Bodø (in-Norveġja)

Tartu (l-Estonja)

Dublin (l-Irlanda) u Grosseto (l-Italja) huma l-Kapitali Ewropea u l-Pijunier Ekoloġiku tat-Turiżmu Intelliġenti tal-2024, rispettivament.

Il-Kummissjoni Ewropea tappoġġa lill-pajjiżi tal-UE billi tippremja destinazzjonijiet tat-turiżmu sostenibbli, emerġenti u mhux tradizzjonali fl-Ewropa permezz tal-premju Destinazzjonijiet Ewropej ta’ Eċċellenza.

Lill-Ewropej ta’ 18-il sena, l-UE ilha mill-2018 tagħtihom l-opportunità li jivvjaġġaw mingħajr ħlas madwar l-Ewropa għal perjodu ta’ mhux aktar minn xahar u jiskopru l-wirt kulturali rikk tal-kontinent. Sa issa, aktar minn 200 000 żagħżugħ u żagħżugħa Ewropej irċevew pass tal-ivvjaġġar ta’ DiscoverEU. L-inizjattiva toffri lill-vjaġġaturi żgħażagħ iċ-ċans li jingħaqdu ma’ xulxin permezz ta’ laqgħat organizzati u li jieħdu sehem fi programm eċċitanti ta’ attivitajiet. Flimkien mal-pass tal-ivvjaġġar tagħhom, il-vjaġġaturi kollha ta’ DiscoverEU jirċievu wkoll karta ta’ skontijiet u jistgħu jibbenefikaw minn aktar minn 40 000 skont fuq avvenimenti kulturali, akkomodazzjoni, edukazzjoni, servizzi u prodotti f’aktar minn 30 pajjiż madwar l-Ewropa.

Preċedenti Li jmiss