Rapport Speċjali
01 2023

Għodod li ffaċilitaw l-ivvjaġġar ġewwa l-UE matul il-pandemija tal-COVID-19 Inizjattivi rilevanti, b’impatt li jvarja bejn suċċess u użu limitat

Dwar ir-rapport:L-objettiv tal-awditu li wettaqna kien li nivvalutaw jekk il-Kummissjoni kinitx żviluppat għodod effettivi biex tiffaċilita l-ivvjaġġar ġewwa l-UE matul il-pandemija tal-COVID-19. B’mod ġenerali, aħna nikkonkludu li, minkejja l-kompetenza limitata tagħha fil-politika tas-saħħa pubblika, il-Kummissjoni mxiet malajr biex tipproponi soluzzjonijiet teknoloġiċi adatti biex tiffaċilita l-ivvjaġġar. Madankollu, l-użu ta’ dawn l-għodod mill-Istati Membri kien ivarja sinifikattivament, u b’hekk l-impatt tal-għodod fl-iffaċilitar tal-ivvjaġġar ġewwa l-UE ma kienx uniformi, u kien ivarja bejn suċċess f’xi każijiet u użu limitat f’oħrajn. Ir-rakkomandazzjonijiet tagħna jiffukaw fuq il-ħtieġa ta’ analiżi u indirizzar tar-raġunijiet għall-użu baxx ta’ ċerti għodod, simplifikazzjoni tal-komunikazzjoni dwar inċidenti rigward iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE u tħejjija ta’ għodod rilevanti tal-UE għal kriżijiet futuri.

Rapport speċjali tal-QEA skont l-Artikolu 287(4), it-tieni subparagrafu, TFUE.

Din il-pubblikazzjoni hija disponibbli bi 24 lingwa fil-format li ġejt:
PDF
PDF Rapport speċjali: L-iffaċilitar tal-ivvjaġġar matul il-pandemija

Sommarju eżekuttiv

I Wara d-detezzjoni tal-ewwel każijiet tal-COVID-19 fl-UE, f’Marzu 2020 l-Istati Membri bdew jimponu projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u restrizzjonijiet oħra fuq il-moviment liberu taċ-ċittadini. Biex tiffaċilita l-ivvjaġġar u biex tgħin fit-traċċar tal-każijiet tal-COVID-19, il-Kummissjoni żviluppat erba’ għodod:

  • is-Servizz Ewropew ta’ Federation Gateway – gateway biex tiġi żgurata l-interoperabbiltà fl-UE kollha fost applikazzjonijiet ta’ traċċar tal-kuntatti nazzjonali;
  • il-Formola tal-Lokalizzazzjoni tal-Passiġġieri diġitali tal-UE – għodda li tissostitwixxi l-formoli stampati li tintuża għall-ġbir ta’ informazzjoni dwar it-traċċar tal-kuntatti matul l-ivvjaġġar;
  • iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE – ċertifikat li jikkonferma tilqim kontra l-COVID-19, fejqan jew test negattiv;
  • il-pjattaforma għall-iskambju ta’ formoli tal-lokalizzazzjoni tal-passiġġieri – soluzzjoni għall-awtoritajiet nazzjonali fi Stati Membri differenti biex jiskambjaw data dwar it-traċċar tal-kuntatti.

II L-objettiv tal-awditu li wettaqna kien li nivvalutaw jekk il-Kummissjoni kinitx żviluppat għodod effettivi biex tiffaċilita l-ivvjaġġar ġewwa l-UE matul il-pandemija tal-COVID-19. Għalhekk l-għan tagħna kien li nidentifikaw eżempji ta’ prattika tajba u oqsma għal titjib fil-mod kif il-Kummissjoni tiżviluppa għodod tal-IT biex tiffaċilita l-moviment liberu matul kriżi tas-saħħa. Dan l-awditu jikkomplementa r-Rapport Speċjali 13/2022 tagħna, li jivvaluta jekk il-Kummissjoni ħaditx azzjoni effettiva biex tipproteġi d-dritt tal-moviment liberu tal-persuni matul il-pandemija tal-COVID-19.

III B’mod ġenerali, aħna nikkonkludu li, minkejja l-kompetenza limitata tagħha fil-politika tas-saħħa pubblika, il-Kummissjoni mxiet malajr biex tipproponi soluzzjonijiet teknoloġiċi adatti biex tiffaċilita l-ivvjaġġar ġewwa l-UE matul il-pandemija tal-COVID-19. Madankollu, l-użu ta’ dawn l-għodod mill-Istati Membri kien ivarja sinifikattivament, u b’hekk l-impatt tal-għodod fl-iffaċilitar tal-ivvjaġġar ma kienx uniformi.

IV Il-Kummissjoni mmobilizzat malajr EUR 71 miljun għall-iżvilupp tal-għodod billi kkombinat diversi sorsi ta’ finanzjament u billi użat kuntratti qafas li diġà kienu jeżistu minflok ma użat proċeduri ta’ akkwist pubbliku. Il-gateway ta’ traċċar tal-kuntatti sar disponibbli ftit taż-żmien wara li bdiet il-pandemija, u ċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE beda meta l-isforzi tat-tilqim kienu qed jiżdiedu fil-kontinent kollu. Ix-xogħol tekniku u leġiżlattiv fuq dawk l-għodod kien rapidu. Madankollu, diversi Stati Membri kienu diġà żviluppaw il-formoli tal-lokalizzazzjoni tal-passiġġieri diġitali tagħhom stess qabel ma saret disponibbli s-soluzzjoni tal-UE għall-formoli tal-lokalizzazzjoni tal-passiġġieri.

V Il-Kummissjoni ħadet ir-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-data u l-prattiki tajba tas-sigurtà tal-IT inkunsiderazzjoni meta fasslet l-għodod. Madankollu, il-Kummissjoni ma għandhiex l-awtorità biex tivverifika li l-pajjiżi li użaw l-għodda taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE kienu jikkonformaw mar-rekwiżiti tas-sigurtà tal-IT.

VI Iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE kien effettiv biex jiffaċilita l-ivvjaġġar, u tejjeb il-kondiviżjoni tal-informazzjoni u l-koordinazzjoni b’rabta mar-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar. L-Istati Membri u ħafna pajjiżi mhux tal-UE użaw is-sistema taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE b’mod estensiv, u sa Marzu 2022 aktar minn 1.7 biljun ċertifikat kienu nħarġu fl-Istati tal-UE u f’dawk taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE). Barra minn hekk, fi żmien xahar mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament dwar iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE, l-Istati Membri kienu armonizzaw ir-restrizzjonijiet tagħhom fuq l-ivvjaġġar konsiderevolment. Madankollu, aħna sibna li l-arranġamenti għall-pajjiżi biex jinfurmaw lil xulxin dwar inċidenti li jirrikjedu rispons urġenti (eż. ċertifikati frodulenti) kienu jieħdu ħafna ħin minħabba diffikultajiet fl-identifikazzjoni tal-kontropartijiet it-tajba f’pajjiżi oħra.

VII L-għodod l-oħra li eżaminajna ma kellhomx l-impatt intenzjonat minħabba li l-użu tagħhom kien limitat. Il-formola tal-lokalizzazzjoni tal-passiġġieri diġitali tal-UE ntużat minn erba’ Stati Membri biss, filwaqt li pajjiżi oħra baqgħu jserrħu fuq soluzzjonijiet nazzjonali. L-użu ġenerali tal-pjattaforma għall-iskambju tal-formoli u l-gateway ta’ traċċar tal-kuntatti baqa’ limitat.

VIII Ibbażat fuq dawn il-konklużjonijiet, aħna nirrakkomandaw li l-Kummissjoni:

  • tanalizza u tindirizza r-raġunijiet għall-użu baxx ta’ formoli tal-lokalizzazzjoni tal-passiġġieri diġitali tal-UE;
  • tissemplifika l-komunikazzjoni dwar inċidenti marbuta maċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE;
  • tħejji għodod rilevanti tal-UE għal kriżijiet futuri.

Introduzzjoni

01 Il-moviment liberu tal-persuni jirreferi għad-dritt taċ-ċittadini tal-UE u tal-membri tal-familja tagħhom li jiċċaqalqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri. Hija waħda mill-erba’ libertajiet fundamentali tal-UE (flimkien mal-moviment liberu ta’ merkanzija, servizzi u kapital), u ilha fil-qalba tal-proġett Ewropew sa mill-bidu tiegħu1. Id-Direttiva dwar il-Moviment Liberu2 tistabbilixxi l-kundizzjonijiet u l-limitazzjonijiet applikabbli.

02 Il-protezzjoni tas-saħħa pubblika taqa’ taħt il-kompetenza nazzjonali3. Għalhekk, il-Kummissjoni Ewropea għandha rwol limitat fil-politika tas-saħħa, u tiffoka l-aktar fuq il-koordinazzjoni4. Hija tista’ tappoġġa u tissupplimenta l-azzjonijiet tal-Istati Membri, li għandhom setgħat sostanzjali biex jiddeterminaw il-politiki tas-saħħa tagħhom stess5.

03 Wara d-detezzjoni tal-ewwel każijiet tal-COVID-19, f’Marzu 2020 l-Istati Membri bdew jimponu kontrolli fil-fruntieri u restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu taċ-ċittadini f’tentattiv biex jillimitaw it-tixrid tal-pandemija. Madankollu, il-Kummissjoni kienet responsabbli biex timmonitorja jekk dawn ir-restrizzjonijiet kinux jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-libertà tal-moviment. Biex tillimita l-impatt tal-miżuri relatati mal-COVID-19 fuq il-moviment liberu, il-Kummissjoni ħadet diversi inizjattivi bil-għan li tappoġġa l-koordinazzjoni fost l-Istati Membri.

04 Il-Kummissjoni żviluppat ukoll l-għodod li ġejjin biex tiffaċilita l-ivvjaġġar u biex tgħin fit-traċċar ta’ każijiet pożittivi tal-COVID-19 (ara l-Anness I għad-deskrizzjoni dettaljata tal-għodod):

  • gateway ta’ traċċar tal-kuntatti: is-Servizz Ewropew ta’ Federation Gateway (EFGS);
  • il-formola tal-lokalizzazzjoni tal-passiġġieri diġitali (dPLF tal-UE);
  • iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE (DCC tal-UE);
  • pjattaforma għall-iskambju ta’ formoli tal-lokalizzazzjoni tal-passiġġieri (ePLF).

05 L-applikazzjonijiet ta’ traċċar tal-kuntatti, li b’mod anonimu jinfurmaw lill-utenti li setgħu kienu f’kuntatt ma’ persuna infettata, kienu waħda mill-ewwel għodod li saru disponibbli. Il-Kummissjoni żviluppat ir-rabta bejn applikazzjonijiet differenti ta’ traċċar tal-kuntatti tal-Istati Membri, u għaldaqstant estendiet il-benefiċċji tagħhom biex jinkludu l-iffaċilitar tal-ivvjaġġar ġewwa l-UE.

06 Matul il-pandemija, sabiex jiġi ffaċilitat it-traċċar tal-kuntatti matul l-ivvjaġġar, il-passiġġieri ntalbu jipprovdu dettalji ta’ kuntatt u ta’ lokalizzazzjoni permezz ta’ formoli tal-lokalizzazzjoni tal-passiġġieri li ntbagħtu lill-awtoritajiet nazzjonali rilevanti. Fil-każ ta’ test pożittiv, l-awtoritajiet użaw dawk il-formoli biex jikkuntattjaw lill-passiġġieri li kienu bilqiegħda qrib dik il-persuna u jwissuhom biex jieħdu test tal-COVID-19 u miżuri ta’ prekawzjoni. Il-Kummissjoni żviluppat il-formola tal-lokalizzazzjoni tal-passiġġieri diġitali tal-UE biex tissimplifika l-użu ta’ formoli nazzjonali matul kriżijiet tas-saħħa transfruntiera bħall-COVID-19. It-tielet programm tal-UE għas-saħħa (2014-2020) kien jinkludi azzjoni konġunta magħrufa bħala “EU Healthy Gateways”, li, qabel it-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID-19, kienet diġà bdiet tiżviluppa formoli bbażati fuq il-karta għat-trasport marittimu u fuq l-art bl-użu ta’ mudelli internazzjonali. L-azzjoni konġunta “EU Healthy Gateways” intużat aktar tard biex tappoġġa d-diġitalizzazzjoni tal-formoli tal-lokalizzazzjoni tal-passiġġieri.

07 Il-Kummissjoni żviluppat ukoll iċ-Ċertifikat COVID diġitali tal-UE, li pprovda prova verifikabbli u aċċettata b’mod reċiproku li d-detentur kien tlaqqam kontra l-COVID-19, kellu test negattiv għaliha jew irkupra minnha. L-Istati Membri għandhom l-obbligu jaċċettaw dawn iċ-ċertifikati meta jiddeċiedu li, matul il-pandemija tal-COVID-19, jirrikjedu mill-vjaġġaturi li jipprovdu prova ta’ tilqim, riżultat negattiv ta’ test jew irkupru.

08 L-aħħar għodda żviluppata mill-Kummissjoni kienet pjattaforma għall-Istati Membri biex jiskambjaw formoli tal-lokalizzazzjoni tal-passiġġieri. Permezz tal-pjattaforma, it-timijiet ta’ traċċar tal-kuntatti setgħu jiskambjaw formoli elettronikament ma’ xulxin b’mod dirett, u għaldaqstant tnaqqas il-ħin meħud biex il-vjaġġaturi f’riskju jiġu infurmati.

09 L-iżvilupp tal-għodod kien jinvolvi diversi dipartimenti tal-Kummissjoni. Id-Direttorat Ġenerali għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari, flimkien mad-Direttorat Ġenerali għan-Networks tal-Komunikazzjonijiet, il-Kontenut u t-Teknoloġija, kienu sidien is-sistema tal-gateway ta’ traċċar tal-kuntatti. Dawn iż-żewġ direttorati ġenerali mexxew ukoll l-iżvilupp taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE flimkien mad-Direttorat Ġenerali għall-Ġustizzja u l-Konsumaturi u d-Direttorat Ġenerali għall-Migrazzjoni u l-Affarijiet Interni. B’żieda ma’ dan, id-Direttorat Ġenerali għall-Informatika pprovda l-infrastruttura tal-IT meħtieġa.

10 L-Istati Membri kienu involuti fl-iżvilupp ta’ dawn l-għodod prinċipalment permezz tan-Netwerk tal-e-Saħħa (ara l-Kaxxa 1). Ikkontribwew ukoll aġenziji tal-UE bħaċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard jew l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini. L-iżvilupp tal-għodod għal-lokalizzazzjoni tal-passiġġieri ġie kkoordinat mill-Istati Membri, bħala azzjoni konġunta ffinanzjata taħt it-tielet Programm tal-UE għas-Saħħa, l-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea u d-Direttorat Ġenerali għall-Mobbiltà u t-Trasport.

Kaxxa 1

In-Network tal-e-Saħħa

Id-Direttiva tal-2011 dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti fil-qasam tal-kura tas-saħħa transkonfinali6 introduċiet il-kunċett tan-Network tal-e-Saħħa, “network volontarju li jorbot flimkien lill-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għas-servizzi tas-saħħa elettroniċi maħtura mill-Istati Membri”. In-Network tal-e-Saħħa jwettaq xogħlu permezz ta’ task forces u gruppi speċifiċi. Il-Kummissjoni tikkopresiedi l-laqgħat u tipprovdi servizzi segretarjali lin-network. Qdiet rwol kruċjali fl-iżvilupp tal-għodod tal-UE biex l-ivvjaġġar jiġi ffaċilitat, u pprovdiet forum għall-ġbir dirett ta’ input mingħand l-Istati Membri. Sa Ġunju 2020, in-Network tal-e-Saħħa kien organizza aktar minn 30 laqgħa b’rabta mal-pandemija tal-COVID-19. In-Network tal-e-Saħħa organizza 96 laqgħa fl-2020 u 285 fl-2021.

11 L-għan tal-għodod tal-UE kien uniku, jiġifieri ma kien hemm l-ebda sistema oħra li teżisti u li kienet adatta għat-tqabbil fiż-żmien meta ġew żviluppati. Biex l-għodod tal-UE deskritti hawn fuq ikunu effettivi kemm jista’ jkun fl-iffaċilitar tal-ivvjaġġar matul il-pandemija tal-COVID-19, kien importanti li l-Istati Membri kollha jadottawhom biex b’hekk l-użu tagħhom tad-data dwar is-saħħa biex jimmaniġġjaw l-ivvjaġġar fl-UE jkun konsistenti u r-restrizzjonijiet tagħhom fuq l-ivvjaġġar ikunu kkoordinati.

12 Minbarra li pprovdiet EUR 71 miljun biex tappoġġa l-iżvilupp tal-għodod tal-IT, il-Kummissjoni għamlet EUR 100 miljun disponibbli għall-Istati Membri biex tgħinhom jerfgħu l-piż finanzjarju tal-ittestjar għall-COVID-19. Aktar ittestjar u tilqim konsegwentement żiedu l-għadd ta’ Ċertifikati COVID Diġitali tal-UE maħruġa. L-ivvjaġġar transfruntier ġewwa l-UE jista’ jinvolvi xi wħud minn dawn l-għodod jew dawn l-għodod kollha, kif deskritt fil-Figura 1.

Figura 1 – Użu tal-għodod tal-UE għall-ivvjaġġar bl-ajruplan bejn l-Istati Membri

Sors: il-QEA.

Ambitu u approċċ tal-awditjar

13 Dan l-awditu jikkomplementa r-rapport speċjali preċedenti tagħna7, li vvaluta jekk il-Kummissjoni kinitx ħadet azzjoni effettiva biex tipproteġi d-dritt tal-moviment liberu tal-persuni matul il-pandemija tal-COVID-19. L-ewwel rapport kien ikopri l-iskrutinju fil-fruntieri interni ta’ Schengen, ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar relatati u l-isforzi ta’ koordinazzjoni fil-livell tal-UE.

14 L-objettiv ta’ dan it-tieni awditu kien li jiġi vvalutat jekk il-Kummissjoni kinitx żviluppat għodod effettivi biex tiffaċilita l-ivvjaġġar ġewwa l-UE matul il-kriżi tal-COVID-19. B’dan l-awditu, aħna kellna l-għan li nidentifikaw eżempji ta’ prattika tajba u oqsma għal titjib fil-mod kif il-Kummissjoni tiżviluppa għodod tal-IT biex tiffaċilita l-moviment liberu matul kriżijiet tas-saħħa. Biex inwieġbu għall-mistoqsija prinċipali tal-awditjar, aħna staqsejna ż-żewġ sottomistoqsijiet li ġejjin:

  • Il-Kummissjoni żviluppat l-għodod tal-UE b’mod xieraq biex tiffaċilita l-ivvjaġġar?
  • L-Istati Membri nqdew b’mod estensiv bl-għodod tal-UE u dan wassal għal koordinazzjoni u kondiviżjoni aħjar ta’ informazzjoni dwar ir-restrizzjonijiet tagħhom fuq l-ivvjaġġar?

15 Dan l-awditu jkopri l-perjodu bejn Ottubru 2020 u Ġunju 2022 u jiffoka fuq l-erba’ għodod tal-UE elenkati fil-paragrafu 04, inkluż il-finanzjament mill-UE relatat. Huwa ma jkoprix il-finanzjament mill-UE għat-tilqim kontra l-COVID-19, li aħna vvalutajna preċedentement fir-rapport speċjali tagħna dwar l-akkwist ta’ vaċċini kontra l-COVID-19 fl-UE8.

16 Aħna wettaqna l-awditu permezz ta’ analiżijiet mhux fuq il-post, kwestjonarji bil-miktub u intervisti mal-partijiet ikkonċernati rilevanti. Eżaminajna u analizzajna:

  • il-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE biex nidentifikaw ir-rekwiżiti regolatorji ewlenin u r-responsabbiltajiet tal-atturi differenti;
  • id-dokumenti interni tal-Kummissjoni relatati mal-iżvilupp tekniku u l-adozzjoni legali taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE, is-Servizz Ewropew ta’ Federation Gateway, il-Formola tal-Lokalizzazzjoni tal-Passiġġieri diġitali (dPLF tal-UE) u pjattaforma għall-iskambju ta’ formoli tal-lokalizzazzjoni tal-passiġġieri (ePLF);
  • il-pubblikazzjonijiet tal-Kummissjoni b’rabta mal-ivvjaġġar fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19, bħal: gwida, komunikazzjonijiet, proposti għal rakkomandazzjoni jew proposti għal atti leġiżlattivi;
  • l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-għodod, il-valutazzjonijiet tas-sigurtà u tar-riskju, ir-rapporti tat-testijiet tal-penetrazzjoni u l-pjanijiet tas-sigurtà tal-IT, biex l-esperti tal-IT tagħna jkunu jistgħu jivverifikaw jekk l-għodod jissodisfawx ir-rekwiżiti tas-sigurtà.

17 Biex niksbu evidenza, nikkonfermaw il-fatti, u nikkorroboraw id-data miġbura minn sorsi oħra, aħna wettaqna intervisti li saru matul l-awditu ma’:

  • id-Direttorat Ġenerali għall-Ġustizzja u l-Konsumaturi, id-Direttorat Ġenerali għall-Mobbiltà u t-Trasport, id-Direttorat Ġenerali għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari u d-Direttorat Ġenerali għan-Networks tal-Komunikazzjonijiet, il-Kontenut u t-Teknoloġija – ilkoll tal-Kummissjoni;
  • iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard, li r-responsabbiltajiet tiegħu jinkludu mapep tar-riskju u gwida dwar il-COVID-19;
  • l-awtoritajiet tas-saħħa fl-Istati Membri u f’pajjiżi mhux tal-UE;
  • rappreżentanti tal-linji tal-ajru, l-industrija tal-ivvjaġġar u l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi.

18 Aħna wettaqna wkoll stħarriġ biex niġbru feedback dwar l-użu ta’ għodod bħal dawn f’kull Stat Membru. Mis-27 delegat tal-Istati Membri li jiffurmaw il-mekkaniżmu Integrat tal-Kunsill għal Rispons Politiku f’Sitwazzjonijiet ta’ Kriżi, 13 irrispondew għall-istħarriġ tagħna. Dan jirrappreżenta rata ta’ rispons ta’ 48 %. Aħna użajna dan l-istħarriġ biex nappoġġaw l-analiżi li wettaqna u biex nikkorroboraw l-osservazzjonijiet tagħna.

Osservazzjonijiet

Il-Kummissjoni żviluppat soluzzjonijiet teknoloġiċi adatti iżda dawn mhux dejjem ġew adottati mill-Istati Membri

19 Din it-taqsima teżamina jekk il-Kummissjoni żviluppatx b’mod xieraq l-għodod biex tiffaċilita l-ivvjaġġar matul il-pandemija tal-COVID-19, u b’mod partikolari jekk hija:

  1. immobilizzatx il-fondi tal-UE malajr wara l-bidu tal-pandemija;
  2. wasslitx l-għodod b’mod f'waqtu;
  3. qisitx il-ħtiġijiet tal-Istati Membri u r-rieda tagħhom li jużaw l-għodod; u
  4. ħaditx inkunsiderazzjoni t-tħassib dwar is-sigurtà tal-IT u l-privatezza fir-rigward ta’ data sensittiva dwar is-saħħa.

20 Aħna eżaminajna jekk l-għażla mill-Kummissjoni ta’ sorsi ta’ finanzjament u ta’ fornituri ta’ servizzi kinitx ippermettitilha tibda taħdem fuq l-iżvilupp tal-għodod minnufih wara li l-pandemija bdiet. Eżaminajna wkoll il-proċess ta’ konsultazzjoni biex nivvalutaw jekk l-għodod kinux allinjati mal-prijoritajiet tal-Istati Membri. Fl-aħħar nett, ivvalutajna jekk l-għodod segwewx l-aħjar prattika rigward il-protezzjoni tad-data personali u s-sigurtà tal-IT.

Il-Kummissjoni mmobilizzat malajr il-fondi tal-UE għall-għodod

21 Il-Kummissjoni mmobilizzat finanzjament mill-UE li kien ġej minn sorsi differenti, bħall-Istrument għall-Appoġġ ta’ Emerġenza u l-programm Ewropa Diġitali. L-UE allokat EUR 71 miljun għall-iżvilupp tal-għodod. Il-Figura 2 tagħti ħarsa ġenerali viżiva lejn il-finanzjament mill-UE għall-għodod.

Figura 2 – Ħarsa ġenerali lejn il-finanzjament mill-UE skont l-għodda

Sors: il-QEA.

22 Il-finanzjament mill-UE għaċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE ammonta għal total ta’ EUR 50 miljun (b’EUR 43 miljun mill-Istrument għall-Appoġġ ta’ Emerġenza u EUR 7 miljun addizzjonali mill-Programm Ewropa Diġitali). F’Marzu 2022, 77 % ta’ dan il-baġit kien ġie allokat għall-iżvilupp u l-adattament ta’ soluzzjonijiet nazzjonali u għall-konnessjoni tagħhom mal-gateway ta’ traċċar tal-kuntatti taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE: EUR 21.9 miljun ġew impenjati lil kuntrattur privat u EUR 16.7-il miljun tħallsu f’għotjiet lill-Istati Membri.

23 Il-finanzjament mill-UE għall-gateway ta’ traċċar tal-kuntatti ammonta għal total ta’ EUR 16.8-il miljun bejn wieħed u ieħor (b’EUR 13-il miljun mill-Istrument għall-Appoġġ ta’ Emerġenza). Il-Kummissjoni ġġustifikat dan il-finanzjament abbażi tal-ħtieġa li jiġi ffaċilitat l-iskambju ta’ data fost il-pajjiżi, li l-applikazzjonijiet nazzjonali jkunu jistgħu jinnotifikaw lill-utenti li jkunu ġew esposti għal utent li juża applikazzjoni nazzjonali differenti u li jkollu test pożittiv għall-COVID-19.

24 Il-pjattaforma għall-iskambju ta’ formoli tal-lokalizzazzjoni tal-passiġġieri u l-formola tal-passiġġieri diġitali tal-UE kienet tirrikjedi ħafna inqas finanzjament mill-UE: il-pjattaforma ta’ skambju ġiet allokata madwar EUR 2.9 miljun (l-aktar mill-Istrument għall-Appoġġ ta’ Emerġenza) u l-formoli diġitali EUR 1.3 miljun (b’finanzjament mill-Programmi tal-UE għas-Saħħa). Il-finanzjament allokat għall-pjattaforma ta’ skambju ntuża biex jiffinanzja proġett pilota biex tiġi ttestjata l-fattibbiltà tal-pjattaforma, u biex l-iskala tagħha titwessa’ sabiex jiġu koperti aktar Stati Membri u modi tat-trasport. Il-finanzjament għall-verżjoni diġitali tal-formoli tal-lokalizzazzjoni tal-passiġġieri ntuża għall-iżvilupp, cloud-hosting u t-trasferiment tal-għodda lejn l-ambjent tal-IT tal-Kummissjoni Ewropea.

25 B’żieda ma’ dan, wara t-tnedija taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE, l-UE għamlet EUR 100 miljun disponibbli għall-appoġġ tal-ittestjar għall-COVID-19 fl-Istati Membri9. Dan il-finanzjament segwa l-ftehim politiku tal-20 ta’ Mejju 2021 bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar ir-Regolament dwar iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE. L-Istati Membri użaw il-maġġoranza l-kbira (90 %) ta’ din l-allokazzjoni, u b’hekk kien possibbli li jinħarġu ċertifikati addizzjonali bbażati fuq l-ittestjar biex l-ivvjaġġar jiġi ffaċilitat.

26 Aħna sibna li l-Kummissjoni kienet immobilizzat dan il-finanzjament malajr u ħadet approċċ prammatiku għall-iżvilupp tal-għodod li kien jirrifletti l-ħtieġa li dawn jitwasslu malajr. L-għodod ġew żviluppati taħt restrizzjonijiet ta’ żmien, mingħajr ma ntalbu offerti mingħand kuntratturi differenti. Minflok ma użat offerti kompetittivi biex takkwista liċenzji u tiżviluppa l-gateway ta’ traċċar tal-kuntatti, iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE u l-pjattaforma għall-iskambju ta’ formoli tal-lokalizzazzjoni tal-passiġġieri, il-Kummissjoni użat kuntratti qafas li hija kienet diġà ffirmat ma’ fornitur ta’ servizzi tal-IT fit-30 ta’ Ottubru 2019 u fl-24 ta’ Frar 2020. Kuntratti qafas jistabbilixxu t-termini ġenerali ta’ relazzjoni kummerċjali u jipprovdu bażi għall-iffirmar ta’ kuntratti speċifiċi għal kunsinni individwali. Għall-formoli tal-lokalizzazzjoni tal-passiġġieri diġitali tal-UE, l-ewwel finanzjament ġie mobilizzat f’Lulju 2020, taħt l-azzjoni konġunta “EU Healthy Gateways”, billi ġew riallokati fondi minn attivitajiet li ma kinux possibbli minħabba l-pandemija.

27 Fil-każ taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE, il-Kummissjoni għażlet il-fornitur billi użat kuntratt qafas li kien ingħata permezz ta’ proċedura nnegozjata li kienet tnediet fl-2019 mingħajr ma ppubblikat avviż dwar kuntratt. Skont il-Kummissjoni, il-fornitur magħżul kellu esperjenza fl-iżviluppar tal-gateway ta’ traċċar tal-kuntatti u kien l-uniku wieħed bl-għarfien espert meħtieġ fis-software li kellu jintuża għaċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE.

Il-Kummissjoni żviluppat il-gateway ta’ traċċar tal-kuntatti u s-sistema taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE fi żmien xieraq, iżda għall-formoli tal-lokalizzazzjoni tal-passiġġieri kienu disponibbli soluzzjonijiet nazzjonali aktar kmieni minn dawk tal-UE

28 Meta l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa ddikjarat il-COVID-19 bħala pandemija f’Marzu 2020, l-Istati Membri bdew jimponu restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu10 u l-Kummissjoni bdiet toħroġ linji gwida biex tiffaċilita l-koordinazzjoni bejniethom11. Il-gateway ta’ traċċar tal-kuntatti beda jiffunzjona 7 xhur wara d-dikjarazzjoni tal-pandemija, u ċ-Ċertifikat Diġitali tal-UE u l-forma tal-lokalizzazzjoni tal-passiġġieri saru operattivi 15-il xahar minn din id-data. Il-Figura 3 tipprovdi l-iskeda ta’ żmien għat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-għodod. Meta jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti legali u tekniċi ta’ dawn l-għodod deskritti hawn taħt, aħna nqisu li l-gateway ta’ traċċar tal-kuntatti u ċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE ġew żviluppati b’mod f’waqtu, iżda dan ma kienx il-każ għall-għodod b’rabta mal-formoli tal-lokalizzazzjoni tal-passiġġieri.

Figura 3 – Skeda ta’ żmien għat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-għodod tal-UE

Sors: il-QEA.

29 L-ewwel għodda li ġiet żviluppata kienet il-gateway ta’ traċċar tal-kuntatti, li hija sistema mifruxa mal-UE kollha biex l-interoperabbiltà tiġi żgurata bejn applikazzjonijiet ta’ traċċar tal-kuntatti nazzjonali. Fit-13 ta’ Mejju 2020, il-Kummissjoni ħarġet sett ta’ linji gwida u rakkomandazzjonijiet biex tgħin fit-tneħħija gradwali tar-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar12 li kienu ġew imposti mill-Istati Membri. Il-linji gwida stimulaw l-użu tat-teknoloġija għal dak l-iskop. Il-gateway saret operattiva f’Ottubru 2020, ħames xhur wara li l-Kummissjoni ħarġet il-linji gwida.

30 Fi tmiem April 2020, xahar biss wara li kienu ġew imposti l-ewwel restrizzjonijiet, l-azzjoni konġunta “EU Healthy Gateways” għamlet proposta lill-Kummissjoni biex tiddiġitalizza l-formoli tal-lokalizzazzjoni tal-passiġġieri. Madankollu, id-diskussjonijiet bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri ħadu diversi xhur u l-proposta ġiet aċċettata f’Awwissu 2020. Il-Kunsill irrakkomanda13 l-iżvilupp ta’ formola tal-lokalizzazzjoni tal-passiġġieri diġitali komuni tal-UE f’Ottubru 2020. Sa dan iż-żmien, diversi Stati Membri kienu diġà fi stadju avvanzat fl-iżvilupp tas-soluzzjonijiet nazzjonali tagħhom stess (ara t-Tabella 1).

31 Wara r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill, il-Kummissjoni bdiet taħdem fuq il-pjattaforma għall-iskambju ta’ formoli tal-lokalizzazzjoni tal-passiġġieri f’Novembru 2020. Madankollu, id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni14 li tirregola l-iskambju ta’ formoli ġiet adottata biss fis-27 ta’ Mejju 2021. L-Istati Membri setgħu jibdew jiskambjaw fil-fatt il-formoli diġitali fuq il-pjattaforma f’Lulju 2021 biss.

Tabella 1 –Eżempji ta’ formoli tal-lokalizzazzjoni tal-passiġġieri elettroniċi li ntużaw fl-Istati Membri

Pajjiż Data tal-introduzzjoni
Soluzzjoni nazzjonali - Spanja Lulju 2020
Soluzzjoni nazzjonali - il-Greċja Lulju 2020
Soluzzjoni nazzjonali - l-Irlanda Awwissu 2020
Għodda tal-UE - l-Italja Mejju 2021
Għodda tal-UE - Malta Lulju 2021
Għodda tal-UE - is-Slovenja Awwissu 2021
Għodda tal-UE - Franza Diċembru 2021

Nota: il-pajjiżi li adottaw is-soluzzjonijiet fl-għamla ta’ formoli tal-lokalizzazzjoni tal-passiġġieri diġitali tal-UE huma mmarkati b’tipa grassa.

Sors: il-QEA.

32 Iċ-Certifikat COVID Diġitali tal-UE kien ir-raba’ għodda li ġiet żviluppata mill-Kummissjoni. Ix-xogħol fuqha beda aktar tard milli għamel fir-rigward tal-għodod l-oħra, billi kienet marbuta mill-qrib mal-proċess ta’ tilqim eżerċitat mill-UE. Diskussjonijiet dwar ċertifikat tat-tilqim kontra l-COVID-19 kienu ilhom għaddejjin bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri minn Novembru 2020 fin-Network tal-e-Saħħa15 (ara l-Kaxxa 1), fejn l-Estonja ppreżentat l-ewwel proġett pilota ta’ ċertifikat tat-tilqim verifikabbli b’mod diġitali.

33 Fil-21 ta’ Diċembru 2020, l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini rrakkomandat l-ewwel vaċċin għall-awtorizzazzjoni, u ftit jiem wara beda l-ewwel tilqim fl-UE kollha. Xahar wara, fit-28 ta’ Jannar 2021, il-pajjiżi tal-UE adottaw linji gwida bażiċi għal prova interoperabbli ta’ tilqim għal finijiet mediċi16, identifikatur uniku taċ-ċertifikat, u l-prinċipji ta’ qafas ta’ fiduċja.

34 Il-ftehim politiku tal-20 ta’ Mejju 2021 bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar ir-Regolament dwar iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE stabbilixxa l-aħħar ta’ Ġunju bħala d-data ta’ skadenza għall-implimentazzjoni tal-iskema. Għalhekk, il-Kummissjoni kellha taħdem fuq l-iżvilupp tekniku b’mod parallel max-xogħol leġiżlattiv fuq ir-regolament17. Meta fasslet l-arkitettura teknika, hija qieset l-esperjenza preċedenti bil-gateway ta’ traċċar tal-kuntatti, li permezz tagħha setgħet tħaffef l-iżvilupp tal-għodda. Fis-17 ta’ Marzu 2021, il-Kummissjoni ffinalizzat il-proposta leġislattiva tagħha18: Seba’ pajjiżi bdew jużaw iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE fl-1 ta’ Ġunju 2021, xahar qabel ma daħal fis-seħħ ir-Regolament, u b’hekk iċ-ċittadini u r-residenti tal-UE setgħu jkollhom iċ-ċertifikati tagħhom maħruġa, ivverifikati u aċċettati fl-UE kollha. Sal-1 ta’ Lulju, l-Istati Membri kollha tal-UE/taż-ŻEE (għajr l-Irlanda, li ngħaqdet fl-14 ta’ Lulju 2021 wara li sofriet attakk ċibernetiku fuq is-servizz tas-saħħa nazzjonali tagħha f’Mejju 2021) kienu konnessi mal-gateway taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE.

35 Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw ir-regolament fl-14 ta’ Ġunju 2021, inqas minn tliet xhur wara l-proposta inizjali19. Dan kien malajr ħafna, meta jitqies il-fatt li t-tul medju tal-proċedura leġiżlattiva għal-liġijiet tal-UE adottati fl-ewwel qari huwa ftit inqas minn 18-il xahar20. Dan kien ifisser li ċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE seta’ jitnied hekk kif beda l-perjodu tal-btala tas-sajf u meta l-isforzi tat-tilqim kienu qed jiżdiedu fil-kontinent kollu: fl-10 ta’ Lulju 2021, l-UE rċeviet vaċċini suffiċjenti biex tlaqqam 71 % tal-popolazzjoni adulta tagħha.

Meta żviluppat xi wħud mill-għodod, il-Kummissjoni ma rnexxilhiex tegħleb ċerti riżervi tal-Istati Membri

36 Il-ħtieġa li l-għodod jitwasslu malajr u li jiġi ffaċilitat l-ivvjaġġar matul il-pandemija tal-COVID-19 wasslet lill-Kummissjoni biex tibda tiżviluppahom mingħajr ma twettaq valutazzjonijiet tal-impatt minn qabel. Valutazzjonijiet ta’ dan it-tip jintużaw biex jiġu ddeterminati l-effetti probabbli tal-politika pubblika u jekk hemmx ħtieġa ta’ azzjoni mill-UE. Il-linji gwida tal-UE għal Regolamentazzjoni Aħjar21 jirrikjedu li l-Kummissjoni, f’ċirkustanzi normali, twettaq valutazzjoni tal-impatt tal-politika qabel kwalunkwe regolament ġdid. Madankollu, huma jirrikonoxxu wkoll li f’ċirkustanzi straordinarji, bħal emerġenza li tirrikjedi rispons rapidu, jista’ ma jkunx possibbli jew xieraq li jiġu segwiti l-passi kollha li jippreskrivu.

37 Minkejja li ma wettqitx valutazzjoni tal-impatt, il-Kummissjoni kkonsultat lill-Istati Membri dwar il-gateway ta’ traċċar tal-kuntatti u dwar iċ-ċertifikazzjoni diġitali permezz ta’ gruppi ta’ ħidma. Diġà f’Diċembru 2020, sottogrupp tekniku fi ħdan in-Network tal-e-Saħħa analizza l-għażliet għall-għoti ta’ appoġġ taċ-ċertifikati diġitali tat-tilqim u għall-iffaċilitar tal-kondiviżjoni ta’ din l-informazzjoni fost l-Istati Membri. Il-Kummissjoni ma wettqitx konsultazzjonijiet dettaljati bħal dawn qabel ma pproċediet bl-iżvilupp tal-għodod l-oħra. L-istħarriġ li wettaqna kkonferma li mhux l-Istati Membri kollha kienu interessati li jużaw l-għodod kollha tal-UE li eżaminajna.

38 Skont l-istħarriġ li wettaqna, kważi nofs il-11-il Stat Membru li rrappurtaw li ma użawx l-għodod b’rabta mal-formoli tal-lokalizzazzjoni tal-passiġġieri sabuha bi tqila li jagħmlu dan minħabba l-protezzjoni tad-data u minħabba tħassib legali ieħor. Tliet Stati Membri ġibdu l-attenzjoni għall-fatt li huma kienu diġà żviluppaw il-formoli nazzjonali tagħhom stess tal-lokalizzazzjoni tal-passiġġieri, adattati apposta għall-ħtiġijiet individwali tagħhom, u ma raw l-ebda benefiċċju li jaqilbu għas-soluzzjonijiet tal-UE.

39 Barra minn hekk, fil-konsultazzjonijiet “Healthy Gateways” li saru f’Ottubru 2021 u f’Marzu 2022, kien hemm distakki fil-fehmiet tal-Istati Membri dwar l-utilità tal-għodod b’rabta mal-formoli tal-lokalizzazzjoni tal-passiġġieri. Kien hemm 5 Stati Membri tal-UE li kienu qed jużaw mill-inqas waħda mill-għodod, u 10 esprimew interess li jagħmlu dan, iżda 12 iddikjaraw li x’aktarx ma kinux se jagħmlu dan, inklużi 2 (id-Danimarka u l-Iżvezja) li ddikjaraw li ma kinux interessati li jużawhom.

40 Fil-każ tal-gateway ta’ traċċar tal-kuntatti, l-Istati Membri mhux kollha ngħaqdu meta s-soluzzjoni saret disponibbli f’Settembru 2020. L-Istati Membri ngħaqdu gradwalment, skont jekk xtaqux jagħmlu dan u jekk l-applikazzjonijiet tagħhom kinux lesti. Sa nofs Novembru 2020, sitt Stati Membri kienu kkollegaw l-applikazzjonijiet tagħhom. Oħrajn segwew progressivament sa Lulju 2021, sa liema żmien 19-il Stat Membru kienu konnessi.

Il-Kummissjoni indirizzat it-tħassib dwar il-protezzjoni tad-data u applikat prattiki tajba tas-sigurtà tal-IT

41 Żewġ riskji importanti li jridu jiġu indirizzati meta jiġu żviluppati għodod għall-ġestjoni tad-data dwar is-saħħa22 huma:

  1. Protezzjoni tad-data: id-data dwar is-saħħa hija sensittiva ħafna u hija rikonoxxuta mir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data tal-UE bħala kategorija speċjali ta’ data23. Għalhekk, l-għodod li jintużaw għall-ġestjoni ta’ din id-data jridu jinkludu salvagwardji u kontrolli speċifiċi għall-protezzjoni tal-informazzjoni maħżuna u mibgħuta. Aħna eżaminajna l-valutazzjonijiet tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data għall-għodod u jekk il-proċessi fis-seħħ imminimizzawx it-trattament tad-data personali.
  2. Sigurtà tal-IT: id-diġitalizzazzjoni tas-servizzi tas-saħħa u l-aċċess għar-rekords tas-saħħa diġitali jżidu r-riskju ta’ inċidenti ċibernetiċi, peress li jipprovdu punti ta’ aċċess ġodda potenzjali għaċ-ċiberkriminali. Għalhekk, aħna vvalutajna jekk l-għodod kinux ġew żviluppati u kinux ġew operati skont prattiki tajba ta’ sigurtà24.

42 Minn perspettiva tal-protezzjoni tad-data, l-Istati Membri parteċipanti huma “kontrolluri konġunti tad-data” (skont it-tifsira tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) għal applikazzjonijiet fl-UE kollha, bħall-gateway ta’ traċċar tal-kuntatti u xi karatteristiċi speċifiċi taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE. Huma jikkondividu r-responsabbiltà biex jiddeċiedu kif u għal liema skopijiet tiġi pproċessata d-data personali, u biex jistabbilixxu kontrolli xierqa. Kull wieħed minnhom jeħtieġ li jħejji valutazzjonijiet tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data biex jidentifika u jimmitiga r-riskji li jirriżultaw mill-użu ta’ dawn l-applikazzjonijiet għall-ipproċessar ta’ data personali. Il-Kummissjoni, li taġixxi bħala l-“proċessur tad-data” f’isimhom, assistiet lill-Istati Membri fit-tħejjija tal-valutazzjonijiet tal-impatt tagħhom fuq il-protezzjoni tad-data għall-għodod tal-UE koperti minn dan ir-rapport billi pprovdiet dokumentazzjoni ta’ sostenn u mudelli25. L-użu ta’ dawn il-mudelli kien volontarju u l-Kummissjoni ma kinitx responsabbli mill-monitoraġġ ta’ jekk l-Istati Membri użawhomx jew le.

43 Iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE u l-gateway ta’ traċċar tal-kuntatti t-tnejn li huma adottaw arkitettura teknika li mminimizzat il-ġbir ta’ data personali permezz tal-gateways ċentrali tal-UE. Fil-każ taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE, id-data personali li ġiet miċ-ċittadini tal-UE baqgħet fis-sistemi nazzjonali, taħt ir-responsabbiltà tal-Istati Membri rispettivi tagħhom. Il-gateway ċentrali rċeviet biss l-informazzjoni kriptografika (u aktar tard il-listi ta’ revoka) meħtieġa biex l-awtoritajiet nazzjonali jivverifikaw il-validità taċ-ċertifikati. Fil-każ tal-gateway ta’ traċċar tal-kuntatti, hija pproċessat biss data personali psewdonima, fil-għamla ta’ identifikaturi aleatorji, magħrufa bħala “kjavijiet”, iġġenerata mill-applikazzjonijiet ta’ traċċar tal-kuntatti. Dan l-approċċ naqqas ir-riskji għall-protezzjoni tad-data konsiderevolment.

44 Ir-Regolament dwar iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE ma kienx jippreskrivi proċess standard għar-revoka taċ-ċertifikati jekk, pereżempju, dawn jinstabu li kienu frodulenti. Il-pajjiżi parteċipanti kienu liberi li jimplimentaw is-soluzzjoni teknika tal-għażla tagħhom. Il-Kummissjoni ma kinitx responsabbli mill-valutazzjoni tas-solidità ta’ dawn is-soluzzjonijiet minn perspettiva ta’ protezzjoni tad-data.

45 Biex jiġi żgurat li ċertifikat revokat ikun jista’ jiġi identifikat f’pajjiżi oħra, l-Istati Membri kien ikollhom jiskambjaw informazzjoni b’mod bilaterali fil-għamla ta’ listi ta’ revoka. Tħassib wieħed li tqajjem matul l-awditu li wettaqna kien li dan l-iskambju bilaterali, li jinvolvi atturi differenti u soluzzjonijiet ta’ revoka differenti kien ineffiċjenti, speċjalment billi l-għadd ta’ ċertifikati ġodda kien qed jikber.

46 Sabiex tindirizza dak it-tħassib, fit-30 ta’ Marzu 2022, tmien xhur wara l-introduzzjoni taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE, il-Kummissjoni ppubblikat speċifikazzjonijiet tekniċi u regoli biex tistabbilixxi mekkaniżmu aktar effiċjenti għall-iskambju tal-listi ta’ revoka permezz tal-gateway ċentrali. L-ispeċifikazzjonijiet irrakkomandaw ukoll tliet teknoloġiji għad-distribuzzjoni tal-listi ta’ revoka mill-bażijiet ta’ data nazzjonali għall-applikazzjonijiet li jintużaw għall-verifikazzjoni taċ-ċertifikati. Jekk jiġu applikati b’mod korrett, dawn is-soluzzjonijiet proposti jistgħu jitqiesu li jippreservaw il-privatezza, għalkemm waħda minnhom (filtri ta’ Bloom) ħadet inkunsiderazzjoni t-tħassib dwar il-privatezza ħafna aħjar milli għamlu t-tnejn l-oħra26. Minkejja dan, l-użu ta’ dawn is-soluzzjonijiet kien volontarju u l-Kummissjoni ma kellhiex il-kompetenza li timmonitorja jekk l-Istati Membri kinux japplikawhom.

47 Ir-riskji għas-sigurtà tal-IT jistgħu jiġu indirizzati u mitigati b’qafas strutturat tas-sigurtà tal-IT27. Dan normalment jinkludi diversi elementi, bħal arranġamenti ta’ governanza, politiki ta’ sigurtà, rekwiżiti u standards. Jinkludi wkoll prattiki tajbin bħat-tfittix attiv għal dgħufijiet (“skennjar tal-vulnerabbiltà”) u l-ittestjar attiv tad-difiżi (“testijiet tal-penetrazzjoni”).

48 Il-Kummissjoni għandha l-qafas tas-sigurtà tal-IT tagħha stess28 li japplika għas-sistemi ta’ informazzjoni kollha ospitati fiċ-ċentri tad-data tagħha, inklużi t-traċċar tal-kuntatti u l-gateways taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE. Il-qafas isegwi standards internazzjonali29. Jirrikjedi li l-Kummissjoni twettaq valutazzjoni tar-riskju għal kull sistema tal-IT, tindirizza riskji rilevanti bi pjan għas-sigurtà tal-IT, u tapplika sett ta’ politiki u standards formali ta’ sigurtà.

49 Il-Kummissjoni ħadet passi raġonevoli biex tiżgura s-sigurtà tal-IT b’rabta mal-gateway ta’ traċċar tal-kuntatti. Kumpanija speċjalizzata wettqet evalwazzjoni tas-sigurtà tat-tfassil u tal-kodiċi tas-sors tal-gateway meta s-sistema bdiet topera (Ottubru 2020) u ma sabet l-ebda dgħufija rilevanti. Twettqu tliet eżerċizzji ta’ hacking etiku biex tinġabar aktar aċċertament dwar is-sigurtà tal-gateway.

50 Il-Kummissjoni ddefiniet ukoll rekwiżiti minimi ta’ sigurtà għall-applikazzjonijiet nazzjonali ta’ traċċar tal-kuntatti li jikkonnettjaw mal-pjattaforma ta’ skambju tal-gateway ta’ traċċar tal-kuntatti. L-analiżi li wettaqna ta’ din l-arkitettura tas-sigurtà u tar-risposti għall-istħarriġ mingħand l-Istati Membri sabet li l-proċess tekniku ta’ konnessjoni tas-sistemi nazzjonali mal-gateway tal-UE (“on-boarding”) kien ġie strutturat u indirizza l-aspetti tas-sigurtà tal-IT.

51 Fir-rigward taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE, id-Direttorat Ġenerali għall-Informatika wettaq valutazzjonijiet tal-vulnerabbiltà tal-gateway, u kuntrattur indipendenti wettaq testijiet tal-penetrazzjoni addizzjonali. It-testijiet ikkonfermaw li l-gateway ċentrali kienet imfassla b’mod li jiggarantixxi livell għoli ta’ sigurtà. Il-biċċa l-kbira mill-problemi li nstabu kienu jikkonċernaw l-infrastruttura aktar milli l-kodiċi tas-sors. Il-vulnerabbiltajiet identifikati ngħatalhom segwitu. Il-konsulenti li wettqu t-testijiet tal-penetrazzjoni fuq il-gateway irrakkomandaw it-twettiq ta’ awditu sħiħ dwar aktar komponenti, inklużi dawk li jistgħu jintużaw fil-livell nazzjonali, bħas-servizz tal-ħruġ taċ-ċertifikati jew l-applikazzjonijiet mobbli. Dan l-awditu addizzjonali ġie konkluż f’April 2022 u ma qegħidx f’dubju l-arkitettura tas-sigurtà tal-għodda.

52 L-Istati Membri u l-pajjiżi mhux tal-UE li pparteċipaw fl-iskema qafas taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE ġġeneraw iċ-ċertifikati fis-sistemi nazzjonali tagħhom. Kieku s-sistemi nazzjonali kienu ġew kompromessi u l-partijiet mhux awtorizzati kisbu aċċess, l-utenti malizzjużi setgħu joħorġu ċertifikati validi iżda frodulenti. Iċ-ċirkolazzjoni mifruxa ta’ dawn iċ-ċertifikati setgħet laqtet il-libertà tal-moviment billi dgħajfet il-fiduċja fiċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE, u b’hekk kabbret ir-riskju li l-Istati Membri jintroduċu restrizzjonijiet addizzjonali mill-ġdid. Għalhekk, kien importanti li jiġi żgurat li s-sistemi nazzjonali kienu jinkludu kontrolli tas-sigurtà adegwati.

53 Għall-kontrolli tas-sigurtà fis-sistemi tal-Istati parteċipanti, il-Kummissjoni serrħet ukoll fuq kwestjonarji ta’ awtovalutazzjoni li mtlew mill-pajjiżi iżda ma kellhiex l-awtorità tivverifika l-konformità reali tagħhom (pereżempju billi tirrieżamina rapporti dwar l-iskennjar tal-vulnerabbiltà, ir-rapporti tal-awditjar, il-pjanijiet ta’ azzjoni jew iċ-ċertifikazzjonijiet internazzjonali). Dan limita l-aċċertament rigward il-qagħda tas-sigurtà tas-sistemi nazzjonali.

54 L-intervisti tagħna kkonfermaw li kien seħħ inċident wieħed marbut mas-sigurtà tal-IT f’pajjiż mhux tal-UE. Is-soluzzjoni nazzjonali tal-pajjiż kellha vulnerabbiltà, li permezz tagħha l-utenti mhux awtorizzati setgħu jaċċessaw l-applikazzjoni u jiġġeneraw ċertifikati illegali fil-livell nazzjonali, sakemm l-inċident jiġi identifikat u solvut. Skont ir-rapport ta’ inċident mingħand il-pajjiż milqut, dan laqat biss ftit ċertifikati.

55 Ma hemm l-ebda soluzzjoni teknika li kapaċi timmitiga r-riskji kollha u, pereżempju, saħansitra l-kontrolli tas-sigurtà tal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku ma jistgħux jipprevienu l-persunal awtorizzat b’aċċess leġittimu għas-sistemi nazzjonali milli jabbuża mis-setgħat tiegħu biex jiġġenera ċertifikati frodulenti.

56 Ir-rappurtar u l-indirizzar ta’ inċidenti bħalma huma ċ-ċertifikati frodulenti għalhekk jirrikjedu kondiviżjoni tal-informazzjoni malajr bejn l-awtoritajiet kompetenti. L-Istati Membri u l-pajjiżi mhux tal-UE li kkonsultajna qalulna li r-rappurtar ta’ problemi bħal dawn ħa ż-żmien minħabba diffikultajiet fl-identifikazzjoni tal-kontropartijiet it-tajba f’pajjiżi oħra.

57 Għall-formoli tal-lokalizzazzjoni tal-passiġġieri diġitali tal-UE u għall-pjattaforma ta’ skambju, ġew applikati l-prattiki rakkomandati tas-sigurtà tal-IT li ġejjin30: awtentikazzjoni b’żewġ fatturi, protokolli ta’ komunikazzjoni siguri, firewalls tal-applikazzjoni tal-web u kontrolli tas-sigurtà tal-aċċess fiżiku. Il-kuntrattur wettaq ukoll valutazzjoni tar-riskju tal-IT u stabbilixxa proċedura strutturata għall-on-boarding ta’ pajjiżi fis-sistema.

58 Madankollu, l-ewwel test tal-penetrazzjoni ta’ dik is-sistema seħħ biss f’Marzu 2022, sena wara li l-ewwel pajjiż kien ġie konness. Wara t-test, il-fornitur estern tas-servizzi żviluppa pjan ta’ implimentazzjoni biex jindirizza s-sejbiet. Dan ifisser li s-sistema kienet qed topera għal sena b’vulnerabbiltajiet li ma nqabdux.

L-impatt tal-għodod tal-UE fuq l-iffaċilitar tal-ivvjaġġar matul il-pandemija tal-COVID-19 ma kienx uniformi

59 Din it-taqsima teżamina jekk l-għodod tal-UE ffaċilitawx l-ivvjaġġar fl-UE matul is-snin inizjali tal-pandemija tal-COVID-19. B’mod partikolari, ivvalutajna jekk l-għodod:

  1. intużawx b’mod estensiv mill-Istati Membri, peress li dan huwa meħtieġ sabiex ikunu effettivi; u
  2. tejbux il-koordinazzjoni u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni fost l-Istati Membri b’rabta mal-impożizzjoni tagħhom ta’ restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar, biex b’hekk jiġu indirizzati żewġ problemi li preċedentement instabu li qed idgħajfu l-ivvjaġġar ġewwa l-UE31.

60 Aħna kkompilajna u analizzajna d-data dwar l-użu tal-għodod li sar mill-Istati Membri. Qabbilna wkoll ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar li kienu ġew imposti mill-Istati Membri qabel u wara l-introduzzjoni taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE.

L-għodod tal-UE għall-formoli tal-lokalizzazzjoni tal-passiġġieri u l-gateway ta’ traċċar tal-kuntatti ma kellhomx l-impatt intenzjonat minħabba l-użu limitat tagħhom fl-Istati Membri

61 L-għodod tal-UE kellhom jintużaw b’mod mifrux jekk kellhom jiksbu l-impatt intenzjonat tagħhom. It-Tabella 2 tiġbor fil-qosor l-użu tal-għodod li sar minn kull Stat Membru. Dan juri li ċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE kien l-unika għodda li ntużat fl-Istati Membri kollha.

Tabella 2 – L-użu fl-Istati Membri tal-għodod tal-UE żviluppati għall-appoġġ tal-moviment liberu

  Gateway ta’ traċċar tal-kuntatti Formola tal-lokalizzazzjoni tal-passiġġieri diġitali tal-UE Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE Skambju ta’ Formoli tal-Lokalizzazzjoni tal-Passiġġieri
Il-Belġju        
Il-Bulgarija        
Ir-Repubblika Ċeka        
Id-Danimarka        
Il-Ġermanja        
L-Estonja        
L-Irlanda        
Il-Greċja        
Spanja        
Franza        
Il-Kroazja        
L-Italja        
Ċipru        
Il-Latvja        
Il-Litwanja        
Il-Lussemburgu        
L-Ungerija        
Malta        
In-Netherlands        
L-Awstrija        
Il-Polonja        
Il-Portugall        
Ir-Rumanija        
Is-Slovenja        
Is-Slovakkja        
Il-Finlandja        
L-Isvezja        

Sors: il-QEA.

62 Il-formoli tal-lokalizzazzjoni tal-passiġġieri diġitali tal-UE u l-pjattaforma ta’ skambju ma ntużawx suffiċjentement mill-Istati Membri biex ikollhom impatt sinifikanti fit-trażżin tat-tixrid tal-COVID-19 u l-iffaċilitar tal-ivvjaġġar sikur.

63 Il-formola tal-lokalizzazzjoni tal-passiġġieri diġitali tal-UE32 ntużat minn 4 Stati Membri biss, filwaqt li 17-il pajjiż ieħor baqgħu jserrħu fuq soluzzjonijiet nazzjonali. Minn kważi 27 miljun formola maħruġa sa Frar 2022, 91.6 % (24.7 miljun) kienu Taljani.

64 Bl-istess mod, l-użu tal-pjattaforma ta’ skambju kien limitat ħafna. Filwaqt li, fit-teorija, l-għodda setgħet tintuża għall-iskambju ta’ informazzjoni minn kwalunkwe pjattaforma nazzjonali, fil-biċċa l-kbira ġiet adottata minn dawk il-pajjiżi li kienu qed jużaw ukoll il-formoli tal-UE. L-użu ġenerali tal-pjattaforma baqa’ insinifikanti, fejn tliet formoli biss ġew skambjati fl-2021 u 253 fl-ewwel xahrejn tal-2022. Il-formoli kollha għajr waħda minn dawn il-256 kienu minn Spanja.

65 L-użu ta’ applikazzjonijiet ta’ traċċar tal-kuntatti fl-UE kien ivarja sinifikattivament fl-Istati Membri kollha. Xi Stati Membri ma adottaw l-ebda applikazzjoni ta’ traċċar tal-kuntatti. F’dawk li fil-fatt għamlu dan, l-assorbiment attwali fost il-popolazzjoni kien limitat. It-tniżżil tal-applikazzjonijiet kollha ta’ traċċar tal-kuntatti miċ-ċittadini tal-UE ammonta għal total ta’ 74 miljun (minn Ottubru 2021). Madankollu, ma hemm l-ebda statistika fil-livell tal-UE dwar kemm fil-fatt kienu qed jużawha nies.

66 L-għadd totali ta’ każijiet ikkonfermati tal-COVID-19 kien ta’ aktar minn 522 miljun33 sat-22 ta’ Mejju 2022, li sa dik id-data kienu ttellgħu 55 miljun kjavi. Id-data mill-gateway ta’ traċċar tal-kuntatti turi użu mhux uniformi ta’ għodod għat-traċċar tal-kuntatti fost l-Istati Membri, u 83 % tal-kjavijiet ittellgħu minn utenti mill-Ġermanja waħedha (ara l-Anness II).

67 Kumplessivament, l-għodod eżaminati ġew żviluppati biex jindirizzaw ħtiġijiet emerġenti, u b’hekk kien aktar diffiċli li jinħolqu sinerġiji bejniethom b’mod konsistenti. Pereżempju, minkejja li huma intrinsikament marbuta, il-formola tal-lokalizzazzjoni tal-passiġġieri diġitali tal-UE u l-pjattaforma għall-iskambju ta’ dawn il-formoli ġew żviluppati separatament (mill-azzjoni konġunta “EU Healthy Gateways” u mill-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea, rispettivament). Bl-istess mod, il-linji gwida biex jiġu kkombinati ċ-Ċertifikat COVID diġitali tal-UE u l-formoli tal-lokalizzazzjoni tal-passiġġieri saru disponibbli fil-livell tal-UE wara t-tnedijiet rispettivi tagħhom u ma ġewx implimentati sa issa.

68 Billi l-għodod kienu maħsuba li joperaw fuq terminu qasir, ma hemm l-ebda proċedura flessibbli fis-seħħ biex dawn jintużaw aktar fuq terminu itwal jew biex jiġu riattivati malajr f’każ li jkunu meħtieġa fil-ġejjieni. Pereżempju, il-bażi ġuridika attwali għaċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE tiskadi f’Ġunju 2023 u tkun teħtieġ tiġġedded mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill abbażi ta’ proposta mill-Kummissjoni. Matul l-awditu li wettaqna, il-Kummissjoni ġibdet l-attenzjoni li jkun estremament diffiċli, kemm legalment kif ukoll teknikament, li ċ-ċertifikazzjoni tiġi stabbilita mill-ġdid fi żmien qasir.

L-Istati Membri użaw iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE b’mod estensiv, u dan iffaċilita l-ivvjaġġar

69 Il-gateway tal-UE għaċ-Ċertifikat Diġitali tal-UE beda jopera fl-1 ta’ Ġunju 2021, b’seba’ Stati Membri konnessi. Fi żmien xahar u nofs, is-27 Stat Membru kollha tal-UE kienu konnessi. Is-soluzzjoni proposta mill-Kummissjoni attirat ukoll ħafna interess minn barra t-territorju tal-UE. F’Lulju 2022, 45 pajjiż u territorju mhux tal-UE kienu adottaw il-qafas tal-UE għaċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE.

70 L-Istati Membri kienu ħarġu 585 miljun ċertifikat sat-13 ta’ Ottubru 2021. Ħames xhur wara, kienu nħarġu 1.7 biljun ċertifikat, il-biċċa l-kbira minnhom (1.1 biljun) ibbażati fuq it-tilqim. Dan in-numru huwa ogħla mill-popolazzjoni tal-UE minħabba li persuna waħda seta’ jkollha bosta ċertifikati (pereżempju, xi ħadd kellu mnejn jikseb żewġ ċertifikati tal-ittestjar qabel ma jitlaqqam). Inħoloq Ċertifikat COVID Diġitali wieħed tal-UE wara kull doża tal-vaċċin, irkupru jew test. Minbarra li ffaċilitaw l-ivvjaġġar, iċ-Ċertifikati COVID Diġitali tal-UE ntużaw fl-Istati Membri biex jikkontrollaw l-aċċess għal spazji pubbliċi bħal ristoranti jew teatri. Ripartizzjoni ta’ dan il-1.7 biljun Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE skont l-Istat Membru hija pprovduta fil-Figura 4.

Figura 4 – Total taċ-Ċertifikati COVID Diġitali tal-UE ġġenerati mill-Istati Membri (f’Marzu 2022)

Sors: il-QEA, ibbażat fuq data pprovduta mill-Kummissjoni.

71 L-għodod koperti minn dan ir-rapport kellhom l-għan li jiffaċilitaw l-ivvjaġġar sikur. Ħafna Stati Membri kienu ddeċidew, minħabba l-pandemija, li jintroduċu varjetà ta’ restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar. Fir-rapport speċjali tagħna dwar il-moviment liberu fl-UE matul il-pandemija tal-COVID-1934, aħna kkonkludejna li f’Ġunju 2021 l-Istati Membri kien għad kellhom fis-seħħ ħafna restrizzjonijiet mhux ikkoordinati fuq l-ivvjaġġar, inkluż l-ittestjar tal-PCR, ir-rekwiżiti ta’ kwarantina u l-projbizzjonijiet fuq id-dħul.

72 Tabilħaqq, sakemm iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE daħal fis-seħħ, ir-restrizzjonijiet fuq id-dħul għall-vjaġġaturi kienu bbażati fuq ir-riskju għas-saħħa fiż-żona ġeografika li kienu qed jivvjaġġaw minnha. Dan inbidel f’Lulju 2021 bl-introduzzjoni tar-Regolament dwar iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE, li warajh ir-restrizzjonijiet bdew japplikaw b’mod gradwali għall-individwi aktar milli għaż-żoni ġeografiċi u kienu bbażati b’mod predominanti fuq il-pussess ta’ ċertifikat validu.

73 B’żieda ma’ din il-bidla fin-natura tar-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar, ir-Regolament dwar iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE introduċa wkoll mekkaniżmu formali ġdid biex itejjeb il-kondiviżjoni tal-informazzjoni dwar dawn ir-restrizzjonijiet. Minn meta r-regolament daħal fis-seħħ, l-Istati Membri kellhom jinfurmaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra jekk kienu biħsiebhom jintroduċu restrizzjonijiet ġodda. Dawn in-notifiki jridu jinkludu r-raġunijiet għar-restrizzjonijiet addizzjonali kif ukoll l-ambitu u d-durata ta’ dawn tal-aħħar. Sa Marzu 2022, 13-il Stat Membru kienu ppreżentaw informazzjoni skont din id-dispożizzjoni.

74 F’Lulju 2021, il-konsultazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar żvelat li l-Istati Membri kollha (għajr il-Greċja, l-Ungerija u l-Italja, li rrispondew biss aktar tard) kienu neħħew ir-restrizzjonijiet tagħhom għad-detenturi taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE. Il-Figura 5 turi d-differenzi fir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar qabel u eżatt wara l-introduzzjoni tas-sistema ta’ ċertifikazzjoni (Ġunju u Lulju 2021). Minn 13-il rispondent għall-istħarriġ tagħna, 12 qablu li ċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE kien għen fil-koordinazzjoni tar-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar bejn l-Istati Membri.

Figura 5 – Ħarsa ġenerali simplifikata lejn ir-restrizzjonijiet fuq id-dħul applikati mis-27 Stat Membru tal-UE

Sors: il-QEA, ibbażat fuq informazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni.

Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

75 Aħna nikkonkludu li, minkejja l-kompetenza limitata tagħha fil-politika tas-saħħa pubblika, il-Kummissjoni mxiet malajr biex tipproponi soluzzjonijiet teknoloġiċi adatti biex tiffaċilita l-ivvjaġġar ġewwa l-UE matul il-pandemija tal-COVID-19. Madankollu, l-impatt ta’ xi wħud minn dawn l-għodod jiddependi mir-rieda tal-Istati Membri li jużawhom. Filwaqt li ċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE kiseb appoġġ qawwi u kien effettiv biex jiffaċilita l-ivvjaġġar, l-impatt tal-għodod l-oħra kien modest minħabba l-użu limitat tagħhom.

76 Il-Kummissjoni mmobilizzat malajr EUR 71 miljun għall-iżvilupp tal-għodod billi kkombinat diversi sorsi ta’ finanzjament u billi użat kuntratti qafas li diġà kienu jeżistu minflok ma użat proċeduri ta’ akkwist pubbliku. L-għan tal-għodod kien uniku, jiġifieri ma hemm l-ebda sistema oħra li teżisti u li hija adatta għat-tqabbil (il-paragrafi 21-27).

77 Il-Kummissjoni pprovdiet il-gateway ta’ traċċar tal-kuntatti u ċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE fi żmien xieraq. Il-gateway ta’ traċċar tal-kuntatti, maħsub biex jiżgura l-interoperabbiltà bejn l-applikazzjonijiet ta’ traċċar tal-kuntatti, beda jopera f’Ottubru 2020, seba’ xhur wara li l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa kienet iddikjarat il-COVID-19 bħala pandemija. L-iżvilupp tekniku taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE bbenefika minn esperjenza preċedenti fil-gateway ta’ traċċar tal-kuntatti u ġie kkompletat qabel ma l-Istati Membri kienu spiċċaw l-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ tilqim tagħhom. Il-proċess leġiżlattiv għall-adozzjoni taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE seħħ ukoll ħafna aktar malajr mis-soltu (il-paragrafi 28-35).

78 Il-Kummissjoni ma rnexxilhiex tegħleb ir-riżervi ta’ xi Stati Membri dwar l-użu tas-soluzzjonijiet tal-UE għall-formoli tal-lokalizzazzjoni tal-passiġġieri, li twasslu wara li diversi Stati Membri kienu diġà żviluppaw l-għodod tagħhom stess. Dan irriżulta f’sitwazzjoni fejn is-soluzzjonijiet tal-UE ntużaw biss minn ħames Stati Membri (il-paragrafi 36-40).

Rakkomandazzjoni 1 – Jiġu analizzati r-raġunijiet għall-użu baxx ta’ formoli tal-lokalizzazzjoni tal-passiġġieri diġitali tal-UE

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tindirizza r-raġunijiet għall-użu baxx tal-formola tal-lokalizzazzjoni tal-passiġġieri diġitali tal-UE u tal-pjattaforma ta’ skambju tal-UE, u tippromwovi użu akbar ta’ dawn l-għodod mill-Istati Membri matul il-fażijiet futuri tal-pandemija tal-COVID-19.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: Diċembru 2023

79 Kumplessivament, il-Kummissjoni ħadet r-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-data u l-prattiki tajba tas-sigurtà tal-IT inkunsiderazzjoni meta fasslet l-għodod. L-għodod tal-UE jimminimizzaw l-użu ta’ data personali (il-paragrafi 42-43). Il-valutazzjonijiet tar-riskji għas-sigurtà u t-testijiet tal-penetrazzjoni ġeneralment twettqu b’mod sistematiku – l-unika eċċezzjoni kienet xi testijiet ta’ sigurtà mdewma għall-formola tal-lokalizzazzjoni tal-passiġġieri diġitali tal-UE, li fisser li l-għodda kienet qed topera għal sena b’vulnerabbiltajiet li ma nqabdux (il-paragrafi 47-51 u 57-58).

80 Fir-rigward taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE, il-pajjiżi parteċipanti kellhom jiskambjaw listi ta’ ċertifikati frodulenti b’mod bilaterali bl-użu ta’ kanali ta’ komunikazzjoni differenti. Minħabba dan l-approċċ, l-imblukkar ta’ ċertifikati frodulenti jsir inqas effiċjenti. Sa Marzu 2022, il-Kummissjoni kienet ipproponiet soluzzjonijiet vijabbli biex tindirizza din il-problema, iżda dawn huma volontarji (il-paragrafi 44-46). Barra minn hekk, l-arranġamenti għall-pajjiżi biex jinfurmaw lil xulxin dwar inċidenti li jirrikjedu rispons urġenti (eż. ċertifikati frodulenti) jieħdu ħafna ħin (il-paragrafi 55-56).

Rakkomandazzjoni 2 – Tiġi ssemplifikata l-komunikazzjoni dwar inċidenti marbuta maċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tiffaċilita komunikazzjoni diretta bejn persuni ta’ kuntatt uffiċjali għal kull pajjiż li jipparteċipa fl-iskema taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE biex tkun tista’ tissemplifika l-komunikazzjoni f’każ ta’ emerġenzi marbuta maċ-ċertifikati.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: Ġunju 2023

81 Peress li l-kodiċijiet li ntużaw fiċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE ġew iġġenerati mis-sistemi nazzjonali tal-pajjiżi parteċipanti, kien importanti li dawn is-sistemi jinkludu kontrolli tas-sigurtà adegwati. Il-Kummissjoni serrħet fuq awtovalutazzjonijiet tas-sigurtà tal-IT mill-pajjiżi parteċipanti, billi ma għandhiex l-awtorità tivverifika l-konformità reali tagħhom mar-rekwiżiti tas-sigurtà. Dan jillimita l-aċċertament rigward il-qagħda tas-sigurtà tas-sistemi nazzjonali (il-paragrafi 52-54).

82 Il-formoli tal-lokalizzazzjoni tal-passiġġieri tal-UE u l-gateway ta’ traċċar tal-kuntatti ma kellhomx l-impatt intenzjonat minħabba li l-użu tagħhom kien limitat. Il-formola tal-lokalizzazzjoni tal-passiġġieri diġitali tal-UE ntużat minn erba’ Stati Membri biss, filwaqt li pajjiżi oħra baqgħu jserrħu fuq soluzzjonijiet nazzjonali. Baqa’ insinifikanti l-użu ġenerali tal-pjattaforma għall-iskambju ta’ formoli tal-lokalizzazzjoni tal-passiġġieri: 3 biss ġew skambjati fl-2021 u 253 fl-ewwel xahrejn tal-2022. L-użu tal-gateway ta’ traċċar tal-kuntatti kien ristrett minħabba l-adozzjoni limitata mill-Istati Membri ta’ applikazzjonijiet ta’ traċċar tal-kuntatti, u l-maġġoranza l-kbira tat-traffiku ġie ġġenerat minn pajjiż wieħed waħdu (il-paragrafi 61-67).

83 L-għodod li eżaminajna ġew żviluppati biex jindirizzaw il-ħtiġijiet emerġenti u jaħdmu indipendentement minn xulxin. Dan, flimkien mal-varjetà ta’ soluzzjonijiet għall-formoli nazzjonali tal-lokalizzazzjoni tal-passiġġieri, għamilha aktar diffiċli biex tiġi żgurata l-adozzjoni uniformi tal-għodod tal-UE. L-għodod kienu maħsuba wkoll li joperaw fuq terminu qasir b’rispons għall-kriżi tas-saħħa. Ma hemm l-ebda proċedura speċifika fis-seħħ biex dawn jintużaw fuq terminu itwal, jew biex jiġu riattivati malajr f’każ li jkunu meħtieġa fil-ġejjieni. Il-bażi ġuridika attwali għaċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE tiskadi f’Ġunju 2023 u tkun teħtieġ tiġġedded permezz tal-proċedura leġiżlattiva standard tal-UE (il-paragrafu 68).

84 Aħna sibna li ċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE kien effettiv biex jiffaċilita l-ivvjaġġar matul il-pandemija tal-COVID-19. L-Istati Membri u diversi pajjiżi mhux tal-UE użaw iċ-ċertifikati b’mod estensiv, u aktar minn 1.7 biljun Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE nħarġu fil-pajjiżi tal-UE/taż-ŻEE sa Marzu 2022. Barra minn hekk, aħna sibna li fi żmien xahar mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament dwar iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE, l-Istati Membri kienu armonizzaw ir-restrizzjonijiet tagħhom fuq l-ivvjaġġar konsiderevolment. B’mod aktar konkret, l-Istati Membri kollha kienu neħħew ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar għaċ-ċittadini tal-UE li kienu detenturi taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE bis-saħħa tal-fatt li kienu tlaqqmu kompletament jew li kellhom test negattiv reċenti għall-COVID-19 jew irkupraw minnha.

85 Barra minn hekk, iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE tejjeb il-kondiviżjoni tal-informazzjoni u l-koordinazzjoni fir-rigward tar-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar, billi r-regolament applikabbli jirrikjedi li l-Istati Membri jirrappurtaw u jiġġustifikaw l-introduzzjoni ta’ restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar (il-paragrafi 69-74).

Rakkomandazzjoni 3 – Jitħejjew għodod rilevanti tal-UE għal kriżijiet futuri

Jenħtieġ li l-Kummissjoni:

  1. tidentifika dawk l-għodod tal-UE li nħolqu matul il-pandemija tal-COVID-19 li kienu l-aktar utli għaċ-ċittadini u l-Istati Membri, u tħejji proċeduri biex dawn jiġu riattivati malajr f’każ ta’ emerġenzi futuri;
  2. permezz ta’ sinerġiji jew simplifikazzjonijiet, tirrendi l-għodod tal-UE li jintużaw għall-iffaċilitar tat-traċċar tal-kuntatti transfruntier matul il-kriżijiet eħfef għaċ-ċittadini tal-UE biex jaċċessawhom;
  3. flimkien mal-Istati Membri, tanalizza l-ħtieġa għal kwalunkwe għodda addizzjonali biex jiġu indirizzati kriżijiet futuri potenzjali.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: Settembru 2023 għar-Rakkomandazzjonijiet (a) u (c), u Settembru 2024 għar-Rakkomandazzjoni (b)

Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla III, immexxija mis-Sinjura Bettina Jakobsen, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fit-22 ta’ Novembru 2022.

 

Għall-Qorti tal-Awdituri

Tony Murphy
Il-President

Annessi

Anness I – Deskrizzjoni tal-għodod tal-UE li ffaċilitaw l-ivvjaġġar sikur matul il-pandemija tal-COVID-19

Servizz Ewropew ta’ Federation Gateway

Is-Servizz Ewropew ta’ Federation Gateway huwa sistema li tippermetti l-interoperabbiltà bejn l-applikazzjonijiet nazzjonali ta’ traċċar tal-kuntatti. L-applikazzjonijiet nazzjonali ta’ traċċar tal-kuntatti ġew żviluppati biex jinfurmaw liċ-ċittadini dwar kuntatt b’potenzjal ta’ riskju u jgħinu biex jitkissru l-ktajjen tat-trażmissjoni tal-COVID-19.

Applikazzjoni ta’ traċċar tal-kuntatti kontinwament tirreġistra l-kuntatti ma’ utenti qarib tal-applikazzjonijiet ta’ traċċar tal-kuntatti. Hija tiġġenera kjavi (identifikatur) għall-utent tagħha kull 15-il minuta sabiex tipproteġi l-privatezza. L-applikazzjoni tuża l-Bluetooth biex tidentifika smartphones oħra fil-qrib u biex tiskambja l-kjavijiet. Kull laqgħa ma’ utent ieħor tirriżulta fl-iskambju ta’ kjavijiet bejn l-utenti. Dawn il-kjavijiet jinħażnu fuq it-telefowns taż-żewġ utenti.

Meta utent ikollu test pożittiv għall-COVID-19, dan huwa jiddikjarah fl-applikazzjoni, li tibgħat il-kjavijiet kollha tal-utent mill-aħħar 14-il jum lis-server backend nazzjonali ta’ pajjiżu. Is-server jibgħat il-kjavijiet tal-utent infettat lill-applikazzjonijiet kollha tal-utenti, fejn jitqabblu mal-kjavijiet maħżuna fuq it-telefown. Jekk ikun hemm taqbila, l-utent ikun qrib il-persuna infettata u għalhekk jiġi mwissi.

Il-maġġoranza tal-Istati Membri adottaw dan l-approċċ deċentralizzat fejn il-kombinament tal-kjavijiet tal-persuni infettati jintbagħat lill-applikazzjonijiet tal-utenti u t-tqabbil isir fuq it-telefown tal-utenti. Xi Stati Membri għażlu approċċ aktar ċentralizzat, fejn it-tqabbil tal-kjavijiet u t-tqabbil mal-apparati tal-utenti jsir fis-servers nazzjonali ċentrali.

Il-pjattaformi nazzjonali għat-traċċar tal-kuntatti li jadottaw l-approċċ deċentralizzat u l-elementi kostitwenti tat-teknoloġija kompatibbli jistgħu jiskambjaw kjavijiet anonimizzati ta’ persuni infettati ma’ xulxin permezz tal-gateway tal-UE ta’ traċċar tal-kuntatti. Għalhekk, il-gateway ta’ traċċar tal-kuntatti tippermetti lil vjaġġatur juża l-applikazzjoni nazzjonali tiegħu ta’ traċċar tal-kuntatti matul il-vjaġġi f’pajjiżi oħra konnessi mal-gateway tal-UE.

Formola tal-lokalizzazzjoni tal-passiġġieri diġitali

L-awtoritajiet tas-saħħa pubblika jużaw formoli tal-lokalizzazzjoni tal-passiġġieri biex jiffaċilitaw it-traċċar tal-kuntatti meta l-vjaġġaturi jkunu esposti għal marda infettiva matul l-ivvjaġġar tagħhom bl-ajruplan, bil-ferrovija, bil-vapur jew bix-xarabank. L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa u l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali kienu diġà bdew jiżviluppaw dawn il-formoli matul tifqigħat preċedenti ta’ mard (notevolment l-Ebola).

Tradizzjonalment, il-pajjiżi li jirrikjedu l-mili tal-formoli tal-lokalizzazzjoni tal-passiġġieri spiss jużaw formoli stampati. Madankollu, il-formoli stampati għandhom limitazzjonijiet sinifikanti – jistgħu jkunu diffiċli biex jinqraw u d-data li jkun fihom trid tiddaħħal manwalment fis-sistemi tal-kompjuter għall-ipproċessar awtomatizzat. Dawn il-limitazzjonijiet xprunaw lil ħafna pajjiżi biex dawn jiżviluppaw verżjonijiet elettroniċi. Il-formola tal-lokalizzazzjoni tal-passiġġieri diġitali tal-UE hija applikazzjoni web li ġiet żviluppata biex tissimplifika l-użu tal-formoli tal-lokalizzazzjoni tal-passiġġieri matul theddidiet transfruntiera għas-saħħa, bħall-COVID-19.

Il-vjaġġatur jimla l-formola online bid-dettalji tal-ivvjaġġar tiegħu u jirċievi kodiċi ta’ Rispons Rapidu (QR) uniku. Dan il-kodiċi jista’ jiġi skennjat mill-awtoritajiet kompetenti fil-pajjiżi tad-destinazzjoni biex jivverifikaw li l-passiġġieri pprovdew l-informazzjoni meħtieġa. Il-format diġitali tiegħu għandu l-għan li jiffaċilita u jħaffef il-ġbir ta’ data u l-iskambju ta’ data bejn il-partijiet ikkonċernati, bl-għan li t-traċċar tal-kuntatti jsir aktar effiċjenti u effettiv.

Skambju ta’ Formoli tal-Lokalizzazzjoni tal-Passiġġieri

Meta vjaġġatur ikollu test pożittiv għall-COVID-19, id-data tal-PLF miġbura minn pajjiż wieħed tista’ teħtieġ tiġi pprovduta b’mod sigur lil pajjiżi milquta oħra għall-iskop uniku tat-traċċar tal-kuntatti tal-COVID-19. Minħabba l-limitazzjoni tas-sistema Ewropea eżistenti għall-iskambju ta’ informazzjoni dwar is-saħħa (Sistema ta’ Twissija Bikrija u ta’ Rispons), il-Kummissjoni ddeċidiet li tiżviluppa pjattaforma ddedikata għall-iskambju ta’data tal-PLF bejn sistemi nazzjonali differenti.

Il-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF tippermetti t-trażmissjoni tad-data kriptata b’mod sigur bejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u ma taħżen l-ebda data. L-awtoritajiet tal-Istati Membri jistgħu jikkonnettjaw permezz tas-sistemi ta’ formoli tal-lokalizzazzjoni tal-passiġġieri diġitali tal-UE jew nazzjonali.

Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE

Iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE huwa prova li l-persuna tlaqqmet kontra l-COVID-19, kellu test negattiv għaliha jew irkupra minnha. Dawn iċ-ċertifikati jinħarġu mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

Iċ-ċertifikati jistgħu jitwasslu kemm f’forma stampata kif ukoll f’forma elettronika. Fiż-żewġ każijiet, fihom kodiċi QR, li jipproteġihom kontra l-falsifikazzjoni. Is-sigurtà tas-soluzzjoni hija bbażata fuq l-użu ta’ kjavijiet kriptografiċi pubbliċi u privati. Hemm żewġ kjavijiet: waħda privata, li tintuża għall-iffirmar diġitali tal-kodiċi QR, u waħda pubblika, li permezz tagħha tista’ titwettaq verifikazzjoni tal-firma diġitali.

Kull awtorità emittenti għandha l-kjavi privata tagħha u l-kjavi pubblika korrispondenti. Il-kjavijiet privati jinħażnu b’mod sigur u l-kjavijiet pubbliċi jiġu kondiviżi fil-bażi ta’ data nazzjonali ċentrali. L-awtorità tagħmel is-sistema tagħha ta’ ħruġ ta’ ċertifikati disponibbli lill-atturi rilevanti tal-kura tas-saħħa (eż. sptarijiet u ċentri tal-ittestjar) mal-awtorizzazzjoni, u b’hekk dawn jistgħu jiffirmaw iċ-ċertifikati b’mod diġitali.

L-applikazzjonijiet użati għall-verifikazzjoni tal-awtentiċità taċ-Ċertifikati COVID Diġitali tal-UE jiksbu l-kjavijiet pubbliċi mill-bażijiet ta’ data nazzjonali. Il-bażijiet ta’ data nazzjonali jiskambjaw kjavijiet pubbliċi ma’ pajjiżi oħra permezz tal-gateway taċ-ċertifikat COVID Diġitali tal-UE. Għalhekk, il-gateway tippermetti verifikazzjoni reċiproka taċ-ċertifikati f’pajjiżi differenti.

Anness II – Użu tal-applikazzjonijiet ta’ traċċar tal-kuntatti fl-UE

L-adozzjoni tal-applikazzjonijiet ta’ traċċar tal-kuntatti ma kinitx uniformi fl-UE kollha. Kien biss f’żewġ Stati Membri li l-għadd ta’ tniżżil tal-applikazzjonijiet ta’ traċċar tal-kuntatti kien ogħla minn 50 % tal-popolazzjoni. Il-figura ta’ hawn taħt turi s-sitwazzjoni differenti fl-Istati Membri li kienu qed jużaw applikazzjonijiet deċentralizzati ta’ traċċar tal-kuntatti.

Għadd ta’ applikazzjonijiet ta’ traċċar tal-kuntatti mniżżla bħala perċentwal tal-popolazzjoni

Sors: il-QEA, ibbażat fuq data disponibbli għall-pubbliku pprovduta mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri magħżula.

It-tniżżil tal-applikazzjoni ma jfissirx li t-traċċar tal-kuntatti fil-fatt qed jintuża, billi jirrikjedi li l-applikazzjonijiet ikunu attivi u li ċ-ċittadini jiddikjaraw b’mod volontarju t-testijiet pożittivi tagħhom għall-COVID-19. Kull meta l-utenti jiddikjaraw lilhom infushom pożittivi, il-kjavijiet rilevanti jittellgħu fil-gateway ta’ traċċar tal-kuntatti. Id-data mill-gateway turi li l-użu tat-traċċar tal-kuntatti kien ivarja fost l-Istati Membri. L-għadd ta’ kjavijiet mtellgħin fil-gateway juri li l-maġġoranza l-kbira tagħhom kienu ġejjin minn pajjiż wieħed.

Sehem tal-uploads totali tal-kjavijiet fil-gateway ta’ traċċar tal-kuntatti tal-UE

Sors: il-QEA, ibbażat fuq data tal-EFGS disponibbli għall-pubbliku (Ottubru 2020 – Mejju 2022).

Glossarju

Ittestjar tal-penetrazzjoni: Il-metodu għall-valutazzjoni tas-sigurtà ta’ sistema tal-IT billi wieħed jipprova jikser is-salvagwardji tas-sigurtà tagħha bl-għodod u t-tekniki li tipikament jintużaw mill-avversarji.

Kontroll fil-fruntieri: Kontrolli u sorveljanza mwettqa fi fruntiera fuq dawk li jaqsmu jew biħsiebhom jaqsmu.

Kontrollur tad-data: Fi ħdan it-tifsira tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data tal-UE, persuna jew organizzazzjoni li tiddetermina kif u għal liema skopijiet jenħtieġ li tiġi pproċessata d-data personali.

Skennjar tal-vulnerabbiltà: Proċess ta’ spezzjoni tal-apparat tan-network, tas-sistemi tal-kompjuter u tal-applikazzjonijiet biex jiġu identifikati kwalunkwe problema u punt dgħajjef.

Żona Schengen: Grupp ta’ 26 pajjiż Ewropew li abolixxew il-kontrolli tal-passaporti u tal-immigrazzjoni fil-fruntieri komuni tagħhom.

Tim tal-awditjar

Ir-rapporti speċjali tal-QEA jippreżentaw ir-riżultati tal-awditi li twettaq ta’ politiki u programmi tal-UE, jew ta’ suġġetti relatati mal-ġestjoni minn oqsma baġitarji speċifiċi. Il-QEA tagħżel u tfassal dawn il-kompiti tal-awditjar biex timmassimizza l-impatt tagħhom billi tqis ir-riskji għall-prestazzjoni jew għall-konformità, il-livell ta’ introjtu jew ta’ nfiq involut, l-iżviluppi futuri u l-interess politiku u pubbliku.

Dan l-awditu tal-prestazzjoni twettaq mill-Awla III tal-Awditjar, Azzjoni Esterna, Sigurtà u Ġustizzja, li hija mmexxija minn Bettina Jakobsen, Membru tal-QEA. L-awditu tmexxa minn Baudilio Tomé Muguruza, Membru tal-QEA, li ngħata appoġġ minn Daniel Costa de Magalhães, Kap tal-Kabinett u Ignacio Garcia de Parada Miranda, Attaché tal-Kabinett; Alejandro Ballester Gallardo, Maniġer Prinċipali; Piotr Senator, Kap tal-Kompitu, João Coelho, Mirko Iaconisi, Ioanna Topa u Andrej Minarovic, Awdituri. Michael Pyper ipprovda appoġġ lingwistiku.

Mix-xellug għal-lemin: Daniel Costa De Magalhães, Andrej Minarovic, Ignacio García de Parada Miranda, João Coelho, Ioanna Topa, Piotr Senator, Baudilio Tomé Muguruza, Mirko Iaconisi u Michael Pyper.

Noti finali

1 L-Artikolu 20(2)(a) u Artikolu 21(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

2 Id-Direttiva 2004/38/KE.

3 L-Artikolu 168(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE.

4 L-Artikolu 17 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE).

5 L-Artikoli 4(2)(k), 6(a) u 168 tat-TFUE.

6 Id-Direttiva 2011/24/UE dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti fil-qasam tal-kura tas-saħħa transkonfinali.

7 Ir-Rapport Speċjali 13/2022.

8 Ir-Rapport Speċjali 19/2022.

9 Id-Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta’ Ġunju 2021.

10 Il-Figura 4 tar-Rapport Speċjali 13/2022.

11 Il-Linji gwida għall-miżuri ta’ ġestjoni tal-fruntieri biex tiġi protetta s-saħħa u tiġi żgurata d-disponibbiltà tal-oġġetti u tas-servizzi essenzjali C(2020) 1753 final, ĠU C 86I, 16.3.2020.

12 Il-Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni C(2020) 3250, C(2020) 3251C(2020) 3139.

13 Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1475.

14 Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/858.

15 eSaħħa u COVID-19, is-sit web tal-Kummissjoni Ewropea.

16 In-network tal-e-Saħħa, “Guidelines on verifiable vaccination certificates - basic interoperability elements”, 12.3.2021.

17 Ir-Regolament (UE) 2021/953.

18 Il-Proposta għal Regolament COM(2021) 130 final.

19 Il-Proċedura 2021/0068/COD.

20 Ir-Rapport tal-Attività “Development and Trends of the Ordinary legislative Procedure”, il-Parlament Ewropew.

21 Il-Linji Gwida għal Regolamentazzjoni Aħjar SWD(2017) 350, is-7 ta’ Lulju 2017.

22 L-ENISA, Taking Care of Health Data.

23 Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

24 L-ISACA, Certified Information System Auditor review manual, 2019; l-istandard 27001 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni/Kummissjoni Elettroteknika Internazzjonali.

25 L-Abbozz ta’ Valutazzjoni tar-Riskju tal-Protezzjoni tad-Data (DPRA-ABBOZZ).

26 In-Network tal-e-Saħħa, “EU DCC Revocation - B2A Communication between the Backend and the Applications”, it-Taqsima 4.6.3.

27 L-ISACA, Certified Information System Auditor review manual, 2019.

28 Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/46 dwar is-sigurtà tas-sistemi ta’ komunikazzjoni u informazzjoni fil-Kummissjoni Ewropea, u r-regoli ta’ implimentazzjoni C(2017) 8841 final.

29 L-istandards 27001270022700527035 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni/Kummissjoni Elettroteknika Internazzjonali.

30 L-istandard 27001 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni/Kummissjoni Elettroteknika Internazzjonali.

31 Ir-Rapport Speċjali 13/2022, il-paragrafi 69-75.

32 Il-Formola tal-Lokalizzazzjoni tal-Passiġġieri diġitali tal-UE.

33 Weekly epidemiological update on COVID-19 – 25 May 2022, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa.

34 Ir-Rapport Speċjali 13/2022.

Kuntatt

IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI
12, rue Alcide De Gasperi
1615 Luxembourg
LUXEMBOURG

Tel. +352 4398-1
Mistoqsijiet: eca.europa.eu/mt/Pages/ContactForm.aspx
Sit web: eca.europa.eu
Twitter: @EUAuditors

Ħafna informazzjoni addizzjonali dwar l-Unjoni Ewropea hija disponibbli fuq l-Internet.
Jista’ jsir aċċess għaliha permezz tas-server Europa (https://europa.eu).

Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2023

PDF ISBN 978-92-847-9210-8 ISSN 1977-5741 doi:10.2865/40627 QJ-AB-22-027-MT-N
HTML ISBN 978-92-847-9227-6 ISSN 1977-5741 doi:10.2865/009012 QJ-AB-22-027-MT-Q

DRITT TAL-AWTUR

© L-Unjoni Ewropea, 2023

Il-politika tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) dwar l-użu mill-ġdid hija stabbilita fid-Deċiżjoni Nru 6-2019 tal-QEA dwar il-politika tad-data miftuħa u l-użu mill-ġdid ta’ dokumenti.

Sakemm ma jkunx indikat mod ieħor (eż. f’avviżi individwali dwar id-drittijiet tal-awtur), il-kontenut tal-QEA, li huwa proprjetà tal-UE, huwa liċenzjat taħt il-liċenzja Creative Commons Attribution 4.0 International (CC BY 4.0). Għalhekk, bħala regola ġenerali, l-użu mill-ġdid huwa awtorizzat dment li jingħata kreditu xieraq u li kwalunkwe bidla tiġi indikata. Dawk li jużaw mill-ġdid il-kontenut tal-QEA ma jistgħux ibiddlu s-sinifikat jew il-messaġġ oriġinali tad-dokumenti. Il-QEA ma għandhiex tkun responsabbli għal kwalunkwe konsegwenza relatata mal-użu mill-ġdid.

Irid jinkiseb permess addizzjonali jekk kontenut speċifiku juri individwi privati identifikabbli, eż. f’ritratti li jkun fihom il-membri tal-persunal tal-QEA, jew jekk ikun jinkludi xogħlijiet ta’ parti terza.

Fejn ikun inkiseb tali permess, dan għandu jikkanċella u jissostitwixxi l-permess ġenerali msemmi hawn fuq u għandu jindika b’mod ċar kwalunkwe restrizzjoni dwar l-użu.

Biex tuża jew tirriproduċi kontenut li ma jkunx proprjetà tal-UE, jista’ jkun meħtieġ li titlob il-permess direttament mingħand id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur.

Software jew dokumenti li jkunu koperti mid-drittijiet ta’ proprjetà industrijali, bħal privattivi, trademarks, disinji rreġistrati, logos u ismijiet, huma esklużi mill-politika tal-QEA dwar l-użu mill-ġdid.

Il-familja ta’ siti web istituzzjonali tal-Unjoni Ewropea, fi ħdan id-dominju europa.eu, tipprovdi links għal siti ta’ partijiet terzi. Peress li l-QEA ma għandha l-ebda kontroll fuq dawn, inti mħeġġeġ biex tirrieżamina l-politiki tagħhom dwar il-privatezza u dwar id-drittijiet tal-awtur.

Użu tal-logo tal-QEA

Ma jistax isir użu mil-logo tal-QEA mingħajr ma jinkiseb il-kunsens tagħha minn qabel.

KIF TIKKUNTATTJA LILL-UE

Personalment
Madwar l-Unjoni Ewropea kollha hemm mijiet ta’ ċentri tal-Europe Direct. Tista’ ssib l-­indirizz tal-eqreb ċentru għalik online (european-union.europa.eu/contact-eu/meet-us_mt).

Bit-telefown jew bil-miktub
Europe Direct huwa servizz li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar l-Unjoni Ewropea. Tista’ tikkuntattja lil dan is-servizz:

  • bit-telefown bla ħlas: 00 800 6 7 8 9 10 11 (ċerti operaturi jafu jimponu ħlas għal dawn it-telefonati),
  • fuq dan in-numru standard: +32 22999696,
  • permezz ta’ din il-formola:european-union.europa.eu/contact-eu/write-us_mt.

KIF ISSIB TAGĦRIF DWAR L-UE

Online
L-informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE hija disponibbli fuq is-sit web Europa (european-union.europa.eu).

Pubblikazzjonijiet tal-UE
Tista’ tara jew tordna l-pubblikazzjonijiet tal-UE minn op.europa.eu/mt/publications. Kopji multipli ta’ pubblikazzjonijiet bla ħlas tista’ tiksibhom billi tikkuntattja lil Europe Direct jew liċ-ċentru tad-dokumentazzjoni lokali tiegħek (european-union.europa.eu/contact-eu/meet-us_mt).

Il-liġi tal-UE u dokumenti relatati
Għal aċċess għall-informazzjoni legali tal-UE, inkluż il-liġijiet kollha tal-UE mill-1951 ’l hawn, fil-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali kollha, żur is-sit EUR-Lex (eur-lex.europa.eu).

Data miftuħa tal-UE
Il-portal data.europa.eu jagħti aċċess għal settijiet tad-data miftuħa mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-UE. Dawn jistgħu jitniżżlu u jerġgħu jintużaw mingħajr ħlas, għal skopijiet kummerċjali u mhux kummerċjali. Il-portal jagħti aċċess ukoll għal għadd kbir ta’ settijiet tad-data mill-pajjiżi Ewropej.