Rapport Speċjali
02 2022

Effiċjenza fl-enerġija fl-intrapriżi Iffrankar tal-enerġija, iżda hemm dgħufijiet fl-ippjanar u fl-għażla tal-proġetti

Dwar ir-rapport:L-effiċjenza fl-enerġija hija essenzjali biex tintlaħaq in-newtralità karbonika tal-UE sal-2050. Aħna analizzajna proġetti ta’ effiċjenza fl-enerġija fl-intrapriżi kkonfinanzjati mill-fondi taħt il-politika ta’ koeżjoni. Sibna li l-Kummissjoni ma kinitx ivvalutat il-potenzjal għall-iffrankar tal-enerġija tal-intrapriżi jew il-ħtiġijiet ta’ finanzjament, filwaqt li l-programmi ma jispeċifikawx kif il-fondi jikkontribwixxu għall-prijoritajiet għall-effiċjenza fl-enerġija. L-indikaturi ex post ma jistgħux jivvalutaw din il-kontribuzzjoni, iżda aħna stmajniha li hija ta’ 0.3 % tal-isforz għall-2030. B’mod ġenerali, l-investimenti fl-effiċjenza fl-enerġija kienu effiċjenti. L-użu ta’ indikaturi finanzjarji fil-proċedura tal-għażla kien jevita xi ineffiċjenzi u ppermetta għażla aħjar tal-istrument ta’ finanzjament. Aħna nirrakkomandaw li l-Kummissjoni tikkjarifika l-kontribuzzjoni tal-fondi tal-UE u tivverifika jekk l-għażla ta’ strument ta’ finanzjament kinitx raġonevoli.

Rapport speċjali tal-QEA skont l-Artikolu 287(4), it-tieni subparagrafu, TFUE.

Din il-pubblikazzjoni hija disponibbli bi 24 lingwa fil-format li ġejt:
PDF
PDF Rapport Speċjali: L-effiċjenza fl-enerġija fl-intrapriżi tal-UE

Sommarju eżekuttiv

I L-effiċjenza fl-enerġija hija parti importanti mill-ambizzjoni tal-UE li ssir newtrali f’termini ta’ emissjonijiet tal-karbonju sal-2050. Jekk l-UE trid tissodisfa dan l-objettiv, se jkun meħtieġ titjib akbar fil-futur fl-effiċjenza fl-enerġija.

II Is-setturi kollha tal-ekonomija għandhom il-potenzjal li jikkontribwixxu għall-effiċjenza fl-enerġija. Wara li f’rapporti reċenti ħarisna lejn il-miżuri tal-effiċjenza fl-enerġija fl-industriji kbar intensivi fl-enerġija, fil-bini u fil-prodotti, aħna ddeċidejna li nikkomplementaw l-analiżi tagħna billi neżaminaw l-appoġġ li ngħata lill-intrapriżi għall-investimenti fl-effiċjenza fl-enerġija. Aħna kellna l-għan li nipprovdu għarfien analitiku ġdid mid-data dwar il-proġetti ta’ effiċjenza fl-enerġija, ikkofinanzjati mill-UE.

III Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta’ Koeżjoni kienu l-aktar fondi sinifikanti mill-fondi tal-UE li għandhom l-għan li jtejbu l-effiċjenza fl-enerġija fl-intrapriżi, b’allokazzjoni ta’ EUR 2.4 biljun fil-perjodu 2014-2020.

IV L-awditu tagħna jeżamina jekk il-fondi ntefqux b’mod tajjeb, billi janalizza jekk:

  •  il-Kummissjoni u l-Istati Membri vvalutawx l-użu xieraq tal-fondi tal-UE billi qiesu l-objettivi tal-effiċjenza fl-enerġija;
  •  il-proċeduri tal-Istati Membri jippromwovux l-għażla ta’ proġetti effiċjenti; u
  •  ir-riżultati tal-finanzjament jistgħux jintwerew.

V Filwaqt li l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta’ Koeżjoni offrew il-possibbiltà li jikkonfinanzjaw l-effiċjenza fl-enerġija fl-intrapriżi permezz ta’ din il-prijorità speċifika, il-Kummissjoni u l-Istati Membri ma vvalutawx il-potenzjal għal titjib fl-intrapriżi jew iġġustifikaw il-ħtiġijiet ta’ finanzjament mill-UE tal-intrapriżi fil-perjodu 2014-2020.

VI Fil-livell tal-programm, aħna sibna li l-ippjanar tal-fondi ma kienx allinjat mal-prijoritajiet nazzjonali għall-effiċjenza fl-enerġija u ma ġġustifikax l-għażla tal-istrument ta’ finanzjament.

VII L-awtoritajiet kienu jirrikjedu stimi tal-iffrankar mistenni tal-enerġija biex jagħżlu l-proġetti, li l-esperti kienu vvalidaw. L-awtoritajiet kienu jirrikjedu wkoll li l-proġetti juru li jiksbu ffrankar minimu tal-enerġija u li jikkonformaw mal-kriterji tal-effiċjenza, bħall-proporzjonijiet tal-ispejjeż għall-iffrankar.

VIII Aħna osservajna li, skont l-istimi, l-iffrankar ta’ unità waħda ta’ enerġija kien irħas mill-pagament tal-istess ammont ta’ elettriku, is-sors ta’ enerġija li ntuża b’mod predominanti. Dan ifisser li ġeneralment l-investimenti kienu effiċjenti.

IX Il-benefiċjarji użaw indikaturi finanzjarji biex jivvalutaw il-vijabbiltà tal-proġett, u b’mod partikolari l-perjodu ta’ rkupru. Il-biċċa l-kbira mill-awtoritajiet ma użawx dawn l-indikaturi matul l-għażla. Perjodi ta’ rkupru itwal mit-tul tal-ħajja tal-investiment kienu jfissru li l-proġetti kellhom effiċjenza aktar baxxa, jiġifieri spiża ogħla għall-kisba tal-istess ammont ta’ ffrankar tal-enerġija. L-użu ta’ kriterji tal-effiċjenza ma naqqasx l-ispiża medja tal-iffrankar tal-enerġija.

X L-indikaturi li jkejlu t-titjib fl-effiċjenza fl-enerġija fl-intrapriżi huma speċifiċi għall-programm u għalhekk ma jistgħux jiġu aggregati fil-livell tal-UE. Il-perjodu ta’ programmazzjoni attwali (2021-2027) jistabbilixxi indikaturi tal-prestazzjoni komuni għall-effiċjenza fl-enerġija, iżda dawn mhumiex konsistenti mar-rekwiżiti ta’ rappurtar oħra tal-UE u jħallu lok għall-monitoraġġ tal-investimenti fl-enerġija rinnovabbli bħala proġetti ta’ effiċjenza fl-enerġija.

XI Aħna estrapolajna l-medja ta’ ffrankar tal-enerġija li mistenni jinkiseb minn kull euro investit fil-proġetti fil-kampjun tagħna għall-bażi ta’ data sħiħa tal-proġetti ta’effiċjenza fl-enerġija. Ir-riżultat indika li l-iffrankar potenzjali annwali minn fost il-programmi kollha, jirrappreżenta madwar 0.3 % tal-isforz ta’ ffrankar annwali tal-EU-27 biex jintlaħqu l-miri tal-effiċjenza fl-enerġija attwali għall-2030.

XII Aħna nirrakkomandaw li l-Kummissjoni:

  •  tivvaluta l-potenzjal u l-kontribuzzjoni reali tal-fondi taħt il-politika ta’ koeżjoni għall-effiċjenza fl-enerġija;
  •  tivverifika jekk l-għażla tal-istrument ta’ finanzjament hijiex iġġustifikata b’mod xieraq.

Introduzzjoni

01 L-effiċjenza fl-enerġija hija parti importanti mill-ambizzjoni tal-UE li ssir newtrali f’termini ta’ emissjonijiet tal-karbonju sal-2050. Din l-ambizzjoni hija riflessa fil-Patt Ekoloġiku Ewropew u fl-inizjattivi “Lesti għall-mira ta’ 55 %” tal-Kummissjoni. Il-kisba tal-effiċjenza fl-enerġija tfisser titjib bejn il-proporzjon tal-output u l-input ta’ enerġija, jiġifieri t-tnaqqis fil-konsum tal-enerġija meħtieġ biex jinkiseb l-istess output jew biex jinkiseb aktar output bl-istess input ta’ enerġija.

02 It-titjib fl-effiċjenza fl-enerġija jgħin biex titnaqqas l-intensità enerġetika tal-ekonomija, jiġifieri l-proporzjon bejn il-konsum gross domestiku tal-enerġija u l-prodott domestiku gross (PDG). L-intensità enerġetika tonqos ukoll b’bidliet ekonomiċi strutturali bħal bidliet minn industrija tal-manifattura għas-settur tas-servizzi.

03 Filwaqt li l-konsum tal-enerġija per capita huwa relattivament għoli, l-Ewropa hija r-reġjun bl-inqas intensità primarja enerġetika għal kull unità ta’ PDG fil-parità tal-kapaċità tal-akkwist, skont il-Kunsill Dinji għall-Enerġija[1]. Dan ifisser li l-Ewropa hija relattivament effiċjenti f’termini ta’ konverżjoni tal-enerġija f’PDG. Il-Figura 1 tippreżenta l-intensitajiet enerġetiċi ta’ pajjiżi u reġjuni differenti fl-2019.

Figura 1 – L-intensità enerġetika fl-2019

Sors: Global Energy Statistical Yearbook 2020, Enerdata.

04 Minkejja titjib li għadu għaddej, l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija stmat li kien hemm potenzjal biex l-intensità enerġetika fl-Ewropa tonqos b’tal-inqas 2.5 % fis-sena bejn l-2017 u l-2030[2]. Il-Kummissjoni Ewropea stmat li l-potenzjal ekonomiku tat-tnaqqis fil-konsum finali tal-enerġija sal-2030, meta mqabbel maż-żamma tal-istatus quo, huwa ta’ 16 % għas-settur kummerċjali u 23.5 % għall-industrija[3].

05 L-UE stabbiliet miri intermedji għat-titjib fl-effiċjenza fl-enerġija, jiġifieri tnaqqas il-konsum finali tal-enerġija b’20 % sal-2020 u bi 32.5 % sal-2030, meta mqabbel mal-konsum tal-enerġija previst għal dawk is-snin fix-Xenarju ta’ Referenza tal-2007, ibbażat fuq il-mudell PRIMES[4]. Il-Kummissjoni Ewropea tistma li l-miri tal-UE eżistenti għas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza fl-enerġija flimkien se jnaqqsu l-emissjonijiet tal-UE b’madwar 45 % sal-2030[5]. Aktar reċentement, fil-qafas tal-kisba tal-newtralità klimatika sal-2050, il-Kummissjoni pproponiet li tkompli titjieb l-effiċjenza fl-enerġija, jiġifieri li l-konsum finali tal-enerġija jonqos b’36 % sal-2030 abbażi tax-xenarju ta’ referenza tal-2007[6].

06 Il-Kummissjoni tanalizza l-progress aggregat tal-Istati Membri lejn il-miri tal-UE għall-2020 u l-2030. Il-valutazzjoni l-aktar reċenti tagħha tal-progress turi li l-konsum finali tal-enerġija tal-UE fl-2019 kien 2.6 % ogħla mill-mira tal-UE għall-2020, kif adattat għall-EU-27 (ara l-Figura 2)[7].

Figura 2 – Progress biex jinkisbu l-impenji tal-UE rigward l-effiċjenza fl-enerġija

Sors: il-QEA, ibbażat fuq data tad-DĠ ENER, 2020.

07 L-Istati Membri għandhom miri individwali għat-tnaqqis tal-konsum tal-enerġija jew tal-intensità enerġetika. L-Istati Membri stabbilew il-miri nazzjonali billi ħadu inkunsiderazzjoni l-kunsiderazzjonijiet ekonomiċi u strutturali, u kkontribwew għall-ilħuq tal-mira kumplessiva tal-UE għall-effiċjenza fl-enerġija.

08 Mill-2014 ’il hawn, il-Belġju, il-Bulgarija, il-Ġermanja, l-Estonja, Franza, il-Litwanja, l-Awstrija u l-Iżvezja kellhom mira għat-tnaqqis tal-konsum. Stati Membri oħra kien imisshom żammew jew illimitaw iż-żieda fil-konsum sabiex jissodisfaw il-miri.

09 Il-Figura 3 turi li fl-2019, qabel l-impatt tal-COVID-19, mis-27 Stat Membru, 13 (irrappreżentati bl-isfar), inklużi l-Istati Membri kollha b’mira għat-tnaqqis tal-konsum tal-enerġija tagħhom, kienu ogħla mill-miri indikattivi tagħhom għall-2020.

Figura 3 – Konsum finali tal-enerġija fl-2019 meta mqabbel mal-mira tal-2020

Sors: il-QEA, ibbażat fuq id-data mid-DĠ ENER, 2021.

10 Id-diversi setturi tal-ekonomija huma mistennija jagħmlu kontributi differenti biex jonqos il-konsum kumplessiv tal-enerġija. Il-Figura 4 tipprovdi ripartizzjoni tal-kontribut ta’ kull settur għat-tnaqqis fil-konsum tal-enerġija fl-UE fl-2019 meta mqabbel mal-2010. Fl-2019, l-industrija baqgħet it-tielet l-akbar kategorija tal-użu finali tal-enerġija fl-EU-27 b’sehem ta’ 26 %.

Figura 4 – Il-konsum finali tal-enerġija tal-EU-27 skont is-settur fl-2019 meta mqabbel mal-2010

Sors: il-QEA, ibbażat fuq id-data tal-Eurostat u r-rapport tal-JRC “Energy Consumption and Energy Efficiency trends in the EU-28, 2000-2018”.

11 L-intrapriżi jistgħu jkunu parti mis-setturi kollha msemmija hawn fuq, ħlief l-unitajiet domestiċi. Il-Kummissjoni tiddefinixxi intrapriża bħala kwalunkwe entità involuta f’attività ekonomika, irrispettivament mill-forma ġuridika tagħha[8]. Aħna nużaw din id-definizzjoni matul ir-rapport kollu.

12 Id-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija[9] hija l-istrument legali ewlieni fil-qasam tal-effiċjenza fl-enerġija. Hija teħtieġ li l-Istati Membri jqiegħdu fis-seħħ miżuri biex jilħqu l-mira nazzjonali ta’ effiċjenza fl-enerġija, li tikkontribwixxi għall-ilħuq tal-miri tal-UE. Fil-Pjanijiet ta’ Azzjoni Nazzjonali għall-Effiċjenza fl-Enerġija (NEEAPs) tagħhom, l-Istati Membri jniżżlu fid-dettall miżuri fil-provvista, it-trażmissjoni u d-distribuzzjoni tal-enerġija kif ukoll setturi tal-użu finali tal-enerġija[10].

13 L-Istati Membri jeħtieġ li jħejju u jippreżentaw l-NEEAPs, li huma dokumenti strateġiċi li jistabbilixxu approċċ koerenti biex titjieb l-effiċjenza fl-enerġija fil-livell nazzjonali. Huma jipproponu miżuri u l-ħtiġijiet ta’ finanzjament indikattivi, inkluż dawk mill-fondi tal-UE[11]. Kultant l-Istati Membri jipprovdu finanzjament nazzjonali sostanzjali, skont l-NEEAPs tagħhom, biex jappoġġaw il-miżuri proposti.

14 Minbarra li tistabbilixxi miri għat-tnaqqis tal-konsum tal-enerġija fl-UE u timmonitorja l-ilħuq tagħhom skont id-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija u r-Regolament dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u l-Azzjoni Klimatika[12], l-UE tappoġġa t-titjib fl-effiċjenza fl-enerġija fl-intrapriżi permezz ta’ mekkaniżmi addizzjonali ta’ finanzjament, bħal fondi taħt il-politika ta’ koeżjoni jew fondi għar-riċerka u l-innovazzjoni. Il-fondi totali ppjanati mill-UE ammontaw għal madwar EUR 3.8 biljun, skont il-valutazzjoni tagħna.

15 Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) u l-Fond ta’ Koeżjoni (FK) jgħaddu l-akbar ammont ta’ finanzjament mill-UE għall-effiċjenza fl-enerġija lill-intrapriżi, jiġifieri sa EUR 2.4 biljun ippjanat fil-perjodu 2014-2020, li huwa ekwivalenti għal madwar 60 % tal-EUR 3.8 biljun. Il-maġġoranza tal-fondi taħt il-politika ta’ koeżjoni (93 %) jgħaddu mill-FEŻR u l-bqija permezz tal-FK.

Ir-rwol tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri

16 Il-Kummissjoni (id-Direttorat Ġenerali għall-Enerġija) tiżviluppa u timplimenta l-politika tal-enerġija tal-UE. Hija tifformula l-proposti biex tippromwovi l-effiċjenza fl-enerġija, tissorvelja l-implimentazzjoni tad-direttiva u timmonitorja l-progress tal-Istati Membri lejn il-miri tal-enerġija.

17 Id-Direttorat Ġenerali għall-Politika Reġjonali u Urbana u l-Istati Membri jimmaniġġjaw b’mod konġunt il-FEŻR u l-FK. Konsegwentement, il-Kummissjoni tikkondividi mal-Istati Membri r-responsabbiltà għall-effiċjenza u l-effettività tal-infiq.

18 Fil-prattika, l-Istati Membri jħejju Ftehimiet ta’ Sħubija u Programmi Operazzjonali (PO) u jinnominaw awtoritajiet maniġerjali biex jimmaniġġjaw u jimplimentaw il-PO. Il-PO jistabbilixxu prijoritajiet u l-finanzjament korrispondenti, sal-limitu tal-allokazzjoni nazzjonali.

19 Jenħtieġ li l-prijoritajiet tal-NEEAPs ikunu l-bażi biex tiġi ddeterminata n-natura tal-appoġġ mogħti taħt il-prijorità ta’ investiment għall-effiċjenza fl-enerġija[13]. L-awtoritajiet maniġerjali jistgħu jiżborżaw appoġġ finanzjarju mogħti taħt il-programmi operazzjonali fil-forma ta’ għotjiet jew permezz ta’ strumenti finanzjarji (eż. selfiet).

20 Il-Kummissjoni tapprova l-PO mħejjija mill-Istati Membri fil-bidu tal-perjodu finanzjarju u timmonitorja l-eżekuzzjoni ta’ dawn il-programmi billi tipparteċipa f’kumitati ta’ monitoraġġ u tirrieżamina r-rapporti annwali ta’ implimentazzjoni. Fl-aħħar nett, jenħtieġ li tevalwa r-riżultati tal-finanzjament.

Ambitu u approċċ tal-awditjar

21 Reċentement l-UE qablet li żżid l-ambizzjoni klimatika tagħha. Wara li f’rapporti reċenti ħarisna lejn il-miżuri tal-effiċjenza fl-enerġija fl-industriji kbar intensivi fl-enerġija[14], fil-bini[15] u fil-prodotti[16], aħna ddeċidejna li nikkomplementaw l-analiżi tagħna billi neżaminaw speċifikament l-appoġġ li ngħata lill-intrapriżi għall-investimenti relatati mal-effiċjenza fl-enerġija permezz tal-FEŻR u l-FK, il-mezzi prinċipali għall-finanzjament mill-UE.

22 Aħna kellna l-għan li nagħmlu d-data dwar il-proġetti ta’ effiċjenza fl-enerġija, ikkofinanzjati mill-UE aktar aċċessibbli għall-partijiet ikkonċernati, u li nipprovdu għarfien analitiku ġdid abbażi tagħha.

23 Il-mistoqsija prinċipali tal-awditjar kienet:

“Il-fondi taħt il-politika ta’ koeżjoni tal-UE għall-effiċjenza fl-enerġija fl-intrapriżi ntefqu b’mod tajjeb?”

24 Biex inwieġbu għall-mistoqsija prinċipali tal-awditjar, aħna weġibna għas-sottomistoqsijiet li ġejjin:

  1. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri vvalutaw l-aktar użu xieraq tal-fondi mill-UE billi tqiesu l-objettivi tal-effiċjenza fl-enerġija?
  2. L-Istati Membri użaw proċeduri li jippermettu l-għażla ta’ proġetti effiċjenti?
  3. Ir-riżultati tal-proġett jistgħu juru titjib fl-effiċjenza fl-enerġija fl-intrapriżi?

25 Aħna ffukajna fuq l-effiċjenza u l-effettività tal-investimenti relatati mal-effiċjenza fl-enerġija fl-intrapriżi, ikkonfinanzjati mill-UE, matul il-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020 fl-EU-27.

26 Ivvalutajna kemm ix-xogħol tal-Kummissjoni kif ukoll tal-Istati Membri, u b’mod partikolari, kif huma ppjanaw u użaw il-FEŻR u l-FK għall-objettivi tal-effiċjenza fl-enerġija, għall-promozzjoni ta’ proġetti effiċjenti u effettivi. Fl-aħħar nett, aħna vvalutajna il-qafas ta’ monitoraġġ u r-riżultati reali tal-proġetti kkonfinanzjati.

27 Bl-użu ta’ informazzjoni mill-Istati Membri, aħna kkumpilajna lista ta’ aktar minn 12 000 proġett ittikkettat bħala effiċjenti fl-enerġija (is-sitwazzjoni sa tmiem Ottubru 2020). Dawn il-proġetti, iffinanzjati permezz ta’ għotjiet, jinsabu fi 22 Stat Membru u fost 83 PO. Il-Figura 5 turi l-immappjar u l-konċentrazzjoni tagħhom abbażi tal-għadd ta’ proġetti. L-Anness I jippreżenta ħarsa ġenerali lejn l-informazzjoni dwar il-proġetti riċevuta mill-awtoritajiet.

Figura 5 – Il-post tal-proġett

Il-pajjiżi bil-griż ma ppjanawx għall-fondi jew ma għażlu l-ebda proġett ta’ effiċjenza fl-enerġija.

Sors: il-QEA, ibbażat fuq informazzjoni dwar il-proġetti riċevuta mill-awtoritajiet maniġerjali.

28 Ibbażat fuq id-deskrizzjoni qasira pprovduta mill-awtoritajiet, aħna nosservaw li tal-inqas 18 % tal-proġetti, li jirrappreżentaw mill-inqas 11 % tal-fondi magħżula ma kinux proġetti ta’ effiċjenza fl-enerġija.

29 Mil-lista tal-proġetti, aħna għażilna l-proġetti kkompletati (madwar 5 000). Minn dawn tal-aħħar, għażilna kampjun statistiku ta’ 198 proġett, bl-użu tal-Kampjunar minn Unitajiet Monetarji, biex nanalizzaw l-appoġġ finanzjarju riċevut, u l-kontribuzzjoni tiegħu lejn l-ambitu u r-riżultati tal-proġett. Il-FEŻR iffinanzja 195 proġett ikkampjunati f’40 PO u f’16-il Stat Membru, u l-FK iffinanzja t-3 li jifdal, kollha minn PO wieħed ta’ Stat Membru ieħor. Il-Figura 6 turi l-immappjar tagħhom u l-Anness II jippreżenta ħarsa ġenerali tal-karatteristiċi tal-proġetti kkampjunati.

Figura 6 – Il-kampjun tagħna tal-proġetti

Sors: il-QEA, ibbażat fuq informazzjoni dwar il-proġetti mill-awtoritajiet maniġerjali u mill-applikazzjonijiet tal-proġett.

30 Mill-kampjun tagħna ta’ 198 proġett, aħna osservajna li kien hemm 163 proġett ta’ investiment għall-effiċjenza fl-enerġija u 6 proġetti relatati mal-pariri u l-verifiki tal-enerġija (dan tal-aħħar fil-Ġermanja, fil-Litwanja u fl-Iżvezja), li jifformaw sa 85 % tal-proġetti.

31 Minbarra dawk il-proġetti, il-kampjun tagħna kien jinkludi 29 proġett ta’ tip differenti (15 %) li ma nistgħux inqisu bħala effiċjenti fl-enerġija, li minnhom 12 kienu proġetti ta’ enerġija rinnovabbli.

32 Għall-proġetti ta’ investiment għall-effiċjenza fl-enerġija li ġew magħżula, aħna vvalutajna l-iffrankar tal-enerġija u l-effiċjenza tagħhom billi rrieżaminajna d-dokumenti tal-proġetti u r-risposti għall-istħarriġ tagħna pprovduti mill-benefiċjarji. Aħna bgħattna l-istħarriġ lill-benefiċjarji kollha kkampjunati. Il-mistoqsijiet kellhom l-għan li jiġbru informazzjoni addizzjonali dwar l-investiment (jiġifieri, it-twaqqit, il-punt sa fejn intużaw indikaturi tal-prestazzjoni finanzjarja, it-tul tal-ħajja tal-investiment u l-iffrankar tal-enerġija miksub); dwar is-sors tal-enerġija użat u l-ispiża tiegħu, u dwar l-opinjoni tal-benefiċjarji rigward l-utilità tal-fondi mill-UE għall-proġetti tagħhom. Mill-163 proġett ta’ effiċjenza fl-enerġija, irċevejna risposti mingħand 142 (87 %).

33 Aħna ma eżaminajniex il-proġetti ffinanzjati esklużivament permezz ta’ strumenti finanzjarji u kwistjonijiet relatati mal-eliġibbiltà, mal-legalità u mar-regolarità, inkluż il-konformità mar-regoli dwar l-intensità tal-għajnuna.

Osservazzjonijiet

Rabta mhux ċara bejn il-finanzjament mill-UE u l-ħtiġijiet tal-intrapriża

34 Aħna vvalutajna jekk il-fondi mill-UE kinux ippjanati b’mod xieraq fid-dawl tal-objettivi tal-effiċjenza fl-enerġija. Inqisu li ppjanar tajjeb għandu l-karatteristiċi li ġejjin:

  1. il-Kummissjoni tidentifika l-potenzjal tal-effiċjenza fl-enerġija u tiġġustifika l-ħtiġijiet ta’ finanzjament pubbliku tal-intrapriżi qabel ma tistabbilixxi l-prijorità tal-effiċjenza fl-enerġija fl-intrapriżi;
  2. il-finanzjament mill-programmi operazzjonali huwa allinjat mal-objettivi identifikati fl-NEEAPs;
  3. jistimula adozzjoni tajba tad-diversi PO;
  4. l-awtoritajiet jistgħu jiġġustifikaw li l-għażla ta’ strument ta’ finanzjament tagħhom kienet mod kosteffettiv biex jilħqu l-objettivi tal-effiċjenza fl-enerġija.

Il-Kummissjoni ma identifikatx il-ħtieġa għal fondi mill-UE

35 Aħna vvalutajna xogħol il-Kummissjoni qabel ma stabbilejna l-prijorità ta’ investiment “effiċjenza fl-enerġija fl-intrapriżi”. Irrieżaminajna r-riżultati tal-għodod ta’ mmudellar li ntużaw mill-Kummissjoni (il-mudell PRIMES) u l-Valutazzjoni tal-Impatt tal-FEŻR u l-FK għall-perjodu 2014-2020. Aħna fittixna li nidentifikaw id-data dwar il-potenzjal u l-ħtiġijiet ta’ finanzjament pubbliku tal-intrapriżi li għandhom jiġu indirizzati mill-qafas ta’ nfiq ippjanat.

36 L-għodod ta’ mmudellar ipprovdew data dwar il-konsum tal-enerġija u l-potenzjal għal iffrankar tal-enerġija għal kull settur ta’ attività (jiġifieri, il-bini, it-trasport, l-industrija) iżda mhux speċifikament għall-intrapriżi. Meta jitqies li l-Istati Membri jiġbru data statistika settorjali bl-użu ta’ sistema ta’ klassifikazzjoni Ewropea komuni li ma tidentifikax lill-intrapriżi fi ħdan kull settur, il-kisba ta’ data speċifika dwar l-intrapriżi hija diffikultuża.

37 Il-valutazzjoni tal-impatt tal-FEŻR u l-FK kienet aktar ġenerali, billi fuq livell ogħla indirizzat l-objettivi tematiċi minflok il-prijoritajiet ta’ finanzjament proposti. Hija la indirizzat il-potenzjal għal titjib fl-effiċjenza fl-enerġija fl-intrapriżi u l-anqas identifikat il-ħtiġijiet ta’ finanzjament pubbliċi speċifiċi tal-intrapriżi f’dan ir-rigward.

38 Ir-Regolamenti dwar il-fondi taħt il-politika ta’ koeżjoni pproponew li l-FEŻR u l-FK jagħtu appoġġ lill-intrapriżi kollha, mhux lil setturi speċifiċi, permezz tal-prijorità ta’ investiment dwar il-promozzjoni tal-effiċjenza fl-enerġija u l-użu tal-enerġija rinnovabbli fl-intrapriżi.

39 Il-valutazzjoni tal-impatt tal-FEŻR u l-FK ma stmatx il-kontribuzzjoni ta’ dawn il-fondi għall-miri tal-effiċjenza fl-enerġija[17] jew il-prestazzjoni mistennija ta’ fondi investiti f’dawn l-intrapriżi.

Il-biċċa l-kbira mill-Istati Membri jistabbilixxu objettivi marbuta mal-effiċjenza fl-enerġija fl-intrapriżi, iżda mhux neċessarjament marbuta mal-objettivi tal-NEAAPs

40 Jenħtieġ li l-NEEAPs ikunu l-bażi għall-identifikazzjoni tal-ħtieġa għal u n-natura tal-appoġġ finanzjarju għall-effiċjenza fl-enerġija fl-intrapriżi, inkluż minn sorsi tal-UE. B’mod partikolari jenħtieġ li l-fondi pubbliċi jiffinanzjaw oqsma fejn hemm dgħufijiet fl-ilħuq tal-miri stabbiliti fl-NEEAPs u jenħtieġ li jkun hemm koerenza b’saħħitha bejn id-dokumenti strateġiċi dwar l-effiċjenza fl-enerġija u d-dokumenti strateġiċi dwar l-effiċjenza fl-enerġija tal-FEŻR/il-FK (il-ftehim ta’ sħubija u l-PO)[18].

41 L-Istati Membri fil-kampjun tagħna jistabbilixxu “objettivi speċifiċi” fil-programmi operazzjonali nazzjonali jew reġjonali tagħhom (ara l-Kaxxa 1 għall-programmi kkampjunati). Il-biċċa l-kbira mill-programmi (73 %) jinkludu objettivi direttament relatati mal-effiċjenza fl-enerġija fl-intrapriżi filwaqt li oħrajn (15 %) għandhom “objettiv speċifiku” li jista’ jitqies bħala ekwivalenti: tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ CO2. Għal 12 % ġew stabbiliti objettivi li huma pjuttost distinti mill-kunċett ta’ effiċjenza fl-enerġija fl-intrapriżi.

Kaxxa 1

Eżempji ta’ “objettivi speċifiċi” tal-PO

Objettivi tal-effiċjenza fl-enerġija

  • Titjib fl-effiċjenza fl-enerġija fl-intrapriżi (ċerti programmi fid-Danimarka, fi Spanja, fil-Polonja, fil-Portugall u fl-Iżvezja).
  • Titjib fl-effiċjenza fl-enerġija u l-użu ta’ enerġija rinnovabbli fis-settur kummerċjali jew fl-intrapriżi (iċ-Ċekja, il-Ġermanja, l-Italja, l-Ungerija).
  • Żieda fl-iffrankar tal-enerġija mill-intrapriżi (il-Ġermanja, Ċipru, il-Latvja).
  • Żieda annwali ta’ madwar 5 % fl-effiċjenza fl-enerġija (l-Awstrija).
  • Tnaqqis fl-intensità enerġetika tal-ekonomija (il-Bulgarija) jew f’impjanti industrijali (il-Litwanja).

Objettivi għat-tnaqqis tas-CO2

  • Tnaqqis fl-emissjonijiet tas-CO2 tal-intrapriżi (il-Ġermanja, l-Iżvezja).

Objettivi oħra mhux marbuta mal-effiċjenza fl-enerġija fl-intrapriżi

  • Tnaqqis fil-konsum tal-enerġija fi bliet b’aktar minn 30 000 abitant (id-Danimarka).
  • Proporzjon akbar ta’ innovazzjonijiet (in-Netherlands, il-Polonja).
  • Żieda fil-kompetittività internazzjonali tal-SMEs (is-Slovenja).

42 Fl-Istati Membri li huma koperti mill-awditu, l-NEEAPs jistabbilixxu l-miżuri tal-effiċjenza fl-enerġija għal diversi setturi ta’ attività. Huma ma jinkludux analiżi speċifika tal-potenzjal u tal-ħtiġijiet tal-intrapriżi (dan mhuwiex meħtieġ taħt id-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija). Kif konna rrappurtajna fir-Rapport Speċjali Nru 11/2020 tal-QEA[19], għal raġunijiet ta’ twaqqit, il-ħtiġijiet identifikati mill-Istati Membri fl-NEEAPs ma setgħux jitqiesu b’mod xieraq waqt it-tfassil tal-PO 2014-2020.

43 L-istabbiliment ta’ prijorità aktar ġenerali fil-livell tal-UE ippermetta lill-Istati Membri jfasslu appoġġ li jikkorrispondi mal-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom. Madankollu, il-prijorità ta’ investiment tal-effiċjenza fl-enerġija fl-intrapriżi fil-programmi operazzjonali mhijiex marbuta b’mod ċar mal-valutazzjoni tal-ħtiġijiet fl-NEEAPs fil-biċċa l-kbira mis-17-il Stat Membru li qisna.

44 Bħala eċċezzjoni, il-Bulgarija u s-Slovenja għamlu rabta ċara bejn l-objettiv tal-effiċjenza fl-enerġija fl-intrapriżi u l-NEEAPs fil-programmi tagħhom, filwaqt li Spanja, Franza, l-Italja u Ċipru (fost seba’ programmi f’dawn il-pajjiżi) introduċew ir-rekwiżit għall-proġetti biex ikunu konsistenti mal-istrateġiji nazzjonali jew reġjonali.

45 Għall-perjodu ta’ programmazzjoni l-ġdid, ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni[20] jeħtieġ espliċitament li l-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni l-isfidi rilevanti identifikati fil-Pjanijiet Nazzjonali integrati għall-Enerġija u l-Klima, li jissostitwixxu l-NEEAPs fl-2021, meta tapprova l-programmi operazzjonali.

L-appoġġ ippjanat naqas fi snin reċenti u l-biċċa l-kbira mill-fondi huma kkonċentrati fi ftit Stati Membri

46 Ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni 2014-2020[21] jipprijoritizza l-infiq li jiffavorixxi t-tkabbir, inkluż fil-qasam tal-effiċjenza fl-enerġija. Meta l-Istati Membri jiddeċiedu li jappoġġaw finanzjarjament l-effiċjenza fl-enerġija fl-intrapriżi, jeħtieġ li jqabblu l-finanzjament mal-ħtiġijiet identifikati biex jagħmlu l-aħjar użu mir-riżorsi fil-qafas ta’ nfiq tal-UE.

47 Aħna identifikajna 24 Stat Membru li ppjanaw fondi għall-effiċjenza fl-enerġija fl-intrapriżi fost 110 PO (is-sitwazzjoni fil-bidu tal-2020), 7 minnhom kienu programmi ta’ kooperazzjoni territorjali (KT).

48 B’mod kumplessiv, il-fondi inizjalment allokati għall-perjodu kienu jammontaw għal EUR 2.8 biljun. L-Istati Membri żiedu dawn il-fondi għal EUR 3.2 biljun sal-2016 u mbagħad naqqsuhom għal EUR 2.4 biljun fl-2020. Il-Figura 7 turi dawn il-bidliet.

Figura 7 – L-ammont ta’ FEŻR/FK ippjanati għall-effiċjenza fl-enerġija fl-intrapriżi naqqsu matul iż-żmien (EU-27)

Sors: il-QEA, ibbażat fuq data tal-SFC (Sistema ta’ Komunikazzjoni dwar il-Fondi Strutturali tal-Unjoni Ewropea) mill-Istati Membri u mill-programmi ta’ Kooperazzjoni Territorjali (KT).

49 Fost l-Istati Membri, 5 (EU-27) kienu jirrappreżentaw 64 % tal-allokazzjoni għall-effiċjenza fl-enerġija fl-intrapriżi. B’mod proviżorju kienu għażlu proġetti li jirrappreżentaw 68 % tal-fondi totali. Il-Figura 8 turi d-dettalji.

Figura 8 – FEŻR/FK ippjanati u magħżula għall-effiċjenza fl-enerġija fl-intrapriżi (EU-27)

Sors: il-QEA, ibbażat fuq id-data tal-SFC fi tmiem l-2020, estratta minn Infoview (DĠ REGIO) f’April 2021.

50 Fost il-110 PO, 10 koprew 55 % tal-fondi totali ppjanati għall-effiċjenza fl-enerġija fl-intrapriżi (ara l-Figura 9) u 49 % tal-fondi għal operazzjonijiet magħżula. Il-bqija tal-fondi għall-effiċjenza fl-enerġija fl-intrapriżi huma ddistribwiti bejn 100 PO oħra, il-biċċa l-kbira minnhom b’allokazzjonijiet żgħar ħafna, jiġifieri daqs jew inqas minn 2 % tal-allokazzjoni totali tal-EU-27 għall-effiċjenza fl-enerġija fl-intrapriżi.

Figura 9 – Ripartizzjoni tal-fondi ppjanati fl-Istati Membri u l-programmi (EU-27)

Sors: il-QEA, ibbażat fuq id-data finanzjarja tal-SFC fi tmiem l-2020.

51 Sa tmiem l-2020, skont id-data tal-Istati Membri ppreżentata lill-Kummissjoni, il-PO allokaw bis-sħiħ il-fondi ppjanati għall-effiċjenza fl-enerġija fl-intrapriżi (105 % tal-fondi ppjanati). L-akbar 10 PO li kienu qed iqisu l-ammonti ppjanati għall-effiċjenza fl-enerġija fl-intrapriżi kienu għażlu, bħala medja, aktar ammonti milli kienu ppjanaw (110 %) u aktar ammonti meta mqabbla mal-100 PO l-oħra. Dawn tal-aħħar għażlu operazzjonijiet sa medja ta’ 85 % tal-fondi ppjanati. Il-Figura 10 turi s-sehem tal-fondi għall-operazzjonijiet magħżula.

Figura 10 – Ripartizzjoni tal-fondi għall-operazzjonijiet magħżula fl-Istati Membri u l-programmi (EU-27)

Sors: il-QEA, ibbażat fuq id-data finanzjarja tal-SFC fi tmiem l-2020.

Il-PO pprovdew prinċipalment għotjiet u ma ġġustifikawx din l-għażla

52 Jeħtieġ li l-awtoritajiet maniġerjali jiġġustifikaw l-istrumenti ta’ finanzjament meqjusa bħala xierqa biex jintlaħqu l-objettivi ta’ politika b’mod effiċjenti. Aħna eżaminajna jekk kinux ipprovduti ġustifikazzjonijiet fil-programmi operazzjonali u kif inhuma strutturati l-istrumenti ta’ finanzjament.

53 Skont ir-Regolament dwar dispożizzjonijiet komuni 2014-2020, jenħtieġ li l-awtoritajiet iwettqu valutazzjoni ex ante meta jiddeċiedu li jiżborżaw fondi tal-UE permezz ta’ strumenti finanzjarji. Meta jużaw l-għotjiet ma għandhomx bżonn jiġġustifikaw l-għażla tagħhom. F’xi ftit każijiet, fir-risposti tagħhom, l-awtoritajiet spjegaw li l-valutazzjonijiet ex ante indikaw in-nuqqas ta’ interess mill-benefiċjarji fis-selfiet, iżda fil-programmi operazzjonali l-awtoritajiet ma ġġustifikawx l-għażla ta’ strumenti ta’ finanzjament. Ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni 2021-2027 jirrikjedi din il-ġustifikazzjoni[22].

54 Biex inwettqu analiżi tal-punt sa fejn intużaw l-istrumenti finanzjarji, aħna tlabna lista ta’ riċevituri finali tal-appoġġ mill-FEŻR u l-FK permezz ta’ dawn l-istrumenti mill-awtoritajiet maniġerjali. Analizzajna wkoll is-sehem ta’ selfiet fl-appoġġ mill-FEŻR u l-FK.

55 Għalkemm ma pprovdietx kwantifikazzjoni, il-Kummissjoni qieset li, fil-bidu ta’ programm, jenħtieġ li l-fondi tal-UE jiskattaw investiment privat massimu b’appoġġ pubbliku minimu u li jenħtieġ li l-istrumenti finanzjarji jappoġġaw l-investimenti li jkunu mistennija jkunu finanzjarjament vijabbli, filwaqt li jenħtieġ li l-għotjiet jappoġġaw primarjament il-verifiki tal-enerġija jew it-teknoloġiji innovattivi fl-intrapriżi[23].

56 Matul l-awditu, il-Kummissjoni indikat li l-esperjenza tagħha bil-finanzjament għall-effiċjenza fl-enerġija wriet li komponent ta’ għotja, anke jekk parti minn strument finanzjarju, huwa ta’ spiss meħtieġ biex isiru deċiżjonijiet ta’ investiment.

57 Il-biċċa l-kbira mill-PO pproponew esklużivament għotjiet. Filwaqt li ħafna mill-benefiċjarji (72 %) wieġbu li l-għotja mill-UE għenithom jieħdu d-deċiżjoni ta’ investiment, aktar minn nofshom (63 %) indikaw ukoll li kienu diġà ppjanaw l-investiment, u li l-għotja tal-UE għenet fl-avvanzar tat-twaqqit tiegħu.

58 L-innovazzjoni fl-effiċjenza fl-enerġija, waħda mill-oqsma li fihom il-Kummissjoni qieset li l-għotjiet kienu meħtieġa, rari kienet fost il-kriterji tal-għażla (mill-41 PO fil-kampjun tagħna kien hemm 2 biss) u kellha sinifikat baxx ħafna fil-punteġġ kumplessiv matul l-għażla ta’ proġetti.

59 Mekkaniżmi ta’ għotja oħra, bħall-għotjiet ripagabbli jew kombinamenti ta’ għotjiet u selfiet, intużaw b’mod inqas frekwenti. Fil-kampjun tagħna, tliet PO, f’żewġ Stati Membri, użaw l-għotjiet ripagabbli, marbuta ma’ ċerti kundizzjonijiet tal-prestazzjoni, biex jappoġġaw il-proġetti.

60 F’żewġ Stati Membri, tmien PO oħra użaw għotjiet ikkombinati ma’ selfiet. B’mod partikolari, il-bażi ta’ data wriet 794 proġett fl-Italja u 170 proġett fl-Ungerija appoġġati permezz ta’ dan il-mekkaniżmu. Huma jirrappreżentaw 8 % tal-proġetti li jirċievu għotjiet.

61 F’erba’ Stati Membri oħra, seba’ PO ffinanzjaw uħud mill-proġetti esklużivament permezz ta’ selfiet u oħrajn permezz ta’ għotjiet. B’kollox, aħna identifikajna 167 proġett appoġġat esklużivament minn selfiet. Il-valur totali tas-self kien ta’ EUR 30 miljun, jiġifieri 1 % tal-fondi totali għall-operazzjonijiet magħżula. Il-Figura 11 turi d-distribuzzjoni tas-selfiet fost il-pajjiżi.

Figura 11 – Selfiet għall-effiċjenza fl-enerġija fl-intrapriżi

Sors: il-QEA, ibbażat fuq listi ta’ proġetti mibgħuta mill-awtoritajiet maniġerjali u mill-Bank Ewropew tal-Investiment.

62 Aħna sibna li l-maġġoranza tal-proġetti ffinanzjati “purament” mill-FEŻR/FK permezz ta’ self marru għall-SMEs, jiġifieri aktar minn 92 % tal-ammont totali misluf. L-intrapriżi l-kbar ftit ħadu selfiet (1 % tat-total tar-riċevituri tas-selfiet) u dawk is-selfiet jiffurmaw sehem baxx tas-selfiet totali mogħtija (3 %). Il-Figura 12 turi d-dettalji. B’mod simili, l-SMEs jirrappreżentaw ukoll il-maġġoranza tar-riċevituri ta’ selfiet ikkombinati ma’ għotjiet (91 %).

Figura 12 – L-SMEs huma r-riċevituri prinċipali tas-selfiet FEŻR/FK

SMEs = intrapriżi mikro, żgħar u medji kkombinati, mingħajr distinzjoni skont id-daqs.

Sors: il-QEA, ibbażat fuq il-listi ta’ proġetti mibgħuta minn awtoritajiet maniġerjali u l-Bank Ewropew tal-Investiment.

63 Fil-bażi ta’ data tal-proġetti, aħna osservajna wkoll li l-awtoritajiet maniġerjali għal sitt PO oħra li kienu qiesu li jużaw strumenti finanzjarji ma kienu kkuntrattaw l-ebda proġett sa Lulju 2020, id-data tat-talba finali tagħna għal informazzjoni. Dawn il-PO jinsabu fil-Bulgarija, fil-Ġermanja, fi Spanja, fil-Kroazja, f’Malta u fis-Slovakkja.

64 Fl-aħħar nett, aħna analizzajna l-proporzjon ta’ fondi pubbliċi u privati fil-kampjun u fil-bażi ta’ data tal-proġetti. Sibna li, għat-tnejn li huma, ftit aktar minn nofs l-ispejjeż eliġibbli totali kienu koperti minn fondi privati (52 %). Il-bqija tal-ispejjeż kienu fondi pubbliċi. Il-FEŻR u l-FK jirrappreżentaw il-maġġoranza tal-fondi pubbliċi użati fl-operazzjonijiet magħżula (86 %).

Il-proċeduri tal-Istati Membri ta’ spiss stimulaw l-effiċjenza

65 Aħna vvalutajna jekk il-proċeduri tal-għażla stimulawx l-effiċjenza u l-effettività tal-proġetti ta’ effiċjenza fl-enerġija. Ix-xogħol li wettaqna kien jinvolvi r-rieżaminar u l-valutazzjoni tal-proċeduri tal-għażla, abbażi tal-kampjun ta’ 163 proġett ta’ effiċjenza fl-enerġija.

66 Aħna nqisu li jenħtieġ li l-proċeduri tal-għażla tajba:

  1. jirrikjedu, għall-proġetti għall-effiċjenza fl-enerġija, il-preżentazzjoni u l-validazzjoni tal-iffrankar tal-enerġija, fl-applikazzjoni kif ukoll wara l-ikkompletar tal-proġett;
  2. jippermettu lill-awtoritajiet maniġerjali biex jagħżlu proġetti ta’ investiment effettivi u effiċjenti;
  3. jirriżultaw fl-għażla ta’ proġetti effiċjenti;
  4. jużaw data xierqa bħala kriterji.

Il-biċċa l-kbira mill-proċeduri tal-għażla jirrikjedu applikazzjonijiet li jinkludu l-iffrankar mistenni tal-enerġija, normalment ivvalidat minn verifiki tal-enerġija

67 Aħna vvalutajna l-proċeduri tal-għażla biex nivverifikaw jekk kinux jirrikjedu li l-applikazzjonijiet jinkludu stimi kkwantifikati ta’ ffrankar tal-enerġija. Imbagħad eżaminajna jekk l-applikazzjonijiet tal-proġetti kinux jinkludu l-iffrankar mistenni u jekk l-esperti indipendenti jew il-verifiki tal-enerġija vvalidawx dawn tal-aħħar.

L-applikazzjonijiet jinkludu l-iffrankar mistenni

68 Għall-proġetti ta’ effiċjenza fl-enerġija fil-kampjun tagħna, il-proċeduri tal-għażla kienu jirrikjedu li l-applikazzjonijiet jinkludu tal-inqas l-iffrankar mistenni tal-enerġija u, fil-biċċa l-kbira mill-każijiet, l-iffrankar stmat f’CO2.

69 Il-Figura 13 tipprovdi għarfien rigward ir-ripartizzjoni settorjali tal-iffrankar medju tal-proġetti ta’ effiċjenza fl-enerġija kkampjunati, ibbażat fuq l-istimi fl-applikazzjonijiet. Kif mistenni, hija tindika li, bħala medja, l-intrapriżi l-kbar jiksbu iffrankar tal-enerġija totali ħafna ogħla mill-SMEs fl-industrija, u li l-intrapriżi industrijali jiksbu ffrankar akbar meta mqabbel ma’ dawk l-intrapriżi li joperaw fil-qasam tas-servizzi. Aħna inkludejna l-entitatjiet tas-settur pubbliku li jwettqu attivitajiet kummerċjali, ikklassifikati mill-awtoritajiet bħala intrapriżi.

Figura 13 – Iffrankar tal-enerġija medju annwali għall-kampjun tagħna

Sors: il-QEA, ibbażat fuq l-applikazzjonijiet tal-proġetti u l-verifiki tal-enerġija ex ante għall-proġetti ta’ effiċjenza fl-enerġija kkampjunati.

70 Il-biċċa l-kbira mill-proġetti (88 %) kienu meħtieġa li fl-applikazzjoni jinkludu wkoll l-istimi tagħhom ta’ ffrankar tas-CO2. Bi ftit eċċezzjonijiet, l-awtoritajiet ma kinux jirrikjedu t-tnaqqis iċċertifikat ta’ emissjonijiet. Għall-20 proġett l-ieħor ta’ effiċjenza fl-enerġija ma sarux stimi tal-iffrankar tagħhom tas-CO2.

L-iffrankar mistenni jiġi ġeneralment ivvalidat minn esperti indipendenti jew verifiki tal-enerġija, iżda r-riżultati reali jiġu vvalidati b’mod inqas frekwenti

71 Il-verifiki tal-enerġija jipprovdu informazzjoni ċara u vverifikata b’mod indipendenti, li tippermetti lill-intrapriżi jidentifikaw il-potenzjal ta’ ffrankar tal-enerġija tagħhom. Id-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija tirrikjedi li l-intrapriżi kbar iwettqu verifiki tal-enerġija u li l-awtoritajiet tal-Istati Membri jħeġġu lill-SMEs biex jgħaddu minn verifiki tal-enerġija, pereżempju billi jistabbilixxu skemi ta’ appoġġ biex ikopru l-ispejjeż ta’ verifika tal-enerġija u tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet kosteffettivi mill-verifiki tal-enerġija.

72 Fil-kampjun tagħna, il-biċċa l-kbira mill-awtoritajiet kienu jirrikjedu li l-benefiċjarji jivvalidaw l-iffrankar mistenni tal-enerġija tal-investiment iffinanzjat. B’riżultat ta’ dan, il-verifiki tal-enerġijaex ante jew ir-rapporti indipendenti tal-esperti ċċertifikaw l-iffrankar mistenni tal-enerġija għall-biċċa l-kbira mill-proġetti (87 %). Il-proġetti ma kinux meħtieġa li juru li l-investimenti proposti kienu azzjonijiet kosteffettivi li rriżultaw minn verifika tal-enerġija.

73 Wara l-ikkompletar tal-proġetti, 90 % tal-benefiċjarji rrappurtaw riżultati tal-proġetti, b’66 % li kisbu jew qabżu l-iffrankar ippjanat u 24 % li baqgħu taħt l-aspettattivi. Inqas minn kwart (23 %) tal-proġetti ta’ effiċjenza fl-enerġija kellhom valutazzjoni indipendenti ex post biex jiġu vverifikati ċ-ċifri pprovduti.

L-awtoritajiet maniġerjali ġeneralment jistabbilixxu standards minimi tal-prestazzjoni

74 Sabiex jiġi mmassimizzat l-impatt tar-riżorsi limitati, jenħtieġ li l-infiq pubbliku jiffinanzja proġetti effiċjenti u effettivi, u jieħu inkunsiderazzjoni t-tnaqqis tal-ispejjeż.

75 L-istandards huma importanti meta jittieħdu deċiżjonijiet dwar investimenti fl-effiċjenza fl-enerġija. Jenħtieġ li b’mod partikolari, il-proċeduri tal-għażla jkunu f’konformità mal-istandards tal-UE jew nazzjonali u reġjonali, fil-qasam tal-effiċjenza fl-enerġija u mal-prijoritajiet tal-PO.

76 Id-dritt tal-UE jistabbilixxi standards għall-bini[24] u għall-industrija[25] iżda ma hemmx standards speċifiċi għall-intrapriżi fl-UE. Madankollu, il-Kummissjoni tiffaċilita l-iskambju tal-aħjar prattiki għall-proġetti ta’ investiment fil-qasam tal-enerġija sostenibbli. Eżempju ta’ dan hija l-Pjattaforma għat-Tneħħija tar-Riskji fl-Effiċjenza fl-Enerġija (DEEP), inizjattiva b’sors miftuħ miżmuma mill-Kummissjoni flimkien ma’ istituzzjonijiet finanzjarji. Hija tinkludi informazzjoni minn isfel għal fuq għall-proġetti ta’ effiċjenza fl-enerġija mill-UE kollha, bħall-perjodu ta’ rkupru u l-ispiża medjana ta’ evitar tal-iffrankar tal-enerġija. Aħna użajna din il-bażi ta’ data bħala parametru referenzjarju fl-analiżi tal-proġetti tagħna.

77 Fl-Istati Membri, is-sejħiet kollha analizzati ppromwovew l-għażla tal-proġetti skont l-objettivi stabbiliti fil-PO rispettivi. Mill-163 proġett ta’ effiċjenza fl-enerġija kkampjunati, l-awtoritajiet għażlu 141 (87 %) taħt sejħiet li jirrikjedu ffrankar minimu tal-enerġija meta mqabbla mas-sitwazzjoni preċedenti jew meta mqabbla mal-istandards nazzjonali.

78 Aħna osservajna li r-rekwiżiti minimi tal-ffrankar tal-enerġija taħt il-programmi operazzjonali u l-livell ta’ ambizzjoni tagħhom ivarja sinifikattivament bejn il-programmi operazzjonali. Il-Kaxxa 2 tippreżenta eżempji ta’ standards speċifiċi għall-programm għall-iffrankar minimu tal-enerġija.

Kaxxa 2

Eżempji ta’ rekwiżiti minimi tal-iffrankar fl-enerġija

Investimenti produttivi/industrija:

  • Effett ikkonfermat ta’ tal-inqas 5 % ta’ ffrankar tal-enerġija għall-miżura taħt il-verifika tal-enerġija (il-Bulgarija).
  • Titjib fl-effiċjenza fl-enerġija jrid inaqqas il-konsum tal-enerġija primarja b’tal-inqas 10 %. Għas-sistemi ta’ rkupru ta’ tisħin/tkessiħ, huma jrid ikollhom rata ta’ rkupru ta’ tal-inqas 70 % (il-Ġermanja).
  • Kisba ta’ sehem ta’ ffrankar tal-enerġija meta mqabbla mal-konsum tal-enerġija primarja akbar minn jew daqs 10 % (l-Italja).
  • Titjib fl-effiċjenza fl-enerġija b’tal-inqas 25 % b’riżultat tal-implimentazzjoni tal-proġett (il-Polonja).

Bini tal-intrapriżi:

  • Miżuri tal-effiċjenza fl-enerġija li jmorru lil ’hinn mill-istandards legali (il-Ġermanja u Franza).
  • Iffrankar minimu ta’ 40 % għad-dawl, 5 % għal sistemi industrijali, tal-manifattura u dawk ibbażati fuq il-bijomassa u 20 % għat-tisħin u t-tkessiħ (Spanja).
  • Rinnovazzjoni kbira biex tinkiseb, bħala minimu, klassi tal-enerġija B fiċ-ċertifikat tar-rendiment fl-użu tal-enerġija jew iffrankar ta’ aktar minn 40 % tal-konsum tal-enerġija totali tal-bini (Ċipru).
  • Il-konsum ippjanat tal-enerġija termali għat-tisħin wara l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ titjib fl-effiċjenza fl-enerġija ma għandux jeċċedi 110 kWh/m² fis-sena (il-Latvja).

Sors: il-kundizzjonijiet tas-sejħa u l-listi ta’ kontroll tal-għażla minn firxa ta’ PO awditjati.

79 L-awtoritajiet stabbilew limitu massimu li huwa minimu għall-iffrankar tas-CO2 fil-kriterji tal-għażla ta’ 11-il PO f’6 Stati Membri. Speċifikament, 25 mill-163 proġett ta’ effiċjenza fl-enerġija kienu suġġetti għal dawn il-kriterji tal-għażla (15 %).

80 Meta eżaminajna l-użu tal-istandards tal-prestazzjoni, osservajna li 76 % tal-proġetti ta’ effiċjenza fl-enerġija (124 minn 163) intgħażlu f’sejħiet li stabbilew kriterji tal-effiċjenza li ħadu inkunsiderazzjoni l-ispejjeż u l-iffrankar tal-enerġija (ara l-eżempji fil-Kaxxa 3).

Kaxxa 3

Eżempji ta’ kriterji tal-effiċjenza użati fl-għażla ta’ proġetti

  • Ammont massimu ta’ fondi mogħtija għal kull kWh/MWh/GJ iffrankat f’sena (iċ-Ċekja, il-Ġermanja, il-Latvja u l-Awstrija).
  • Il-proporzjon ta’ enerġija għall-ispejjeż, jiġifieri l-għażla tal-proġetti bl-aqwa klassifikazzjoni (il-Bulgarija, Spanja).
  • Ammont minimu ta’ enerġija ffrankata f’sena għal kull EUR 1 000 000, investit (Spanja).
  • Il-proporzjon ta’ kostijiet-benefiċċji, jiġifieri l-għażla tal-proġetti bl-aqwa klassifikazzjoni (l-Italja).

L-investiment fl-effiċjenza fl-enerġija jista’ jkun effiċjenti mingħajr appoġġ pubbliku

81 Biex nanalizzaw l-effiċjenza kumplessiva tal-proġetti, aħna qabbilna l-ispiża għall-iffrankar ta’ unità waħda ta’ enerġija għall-proġetti tagħna b’parametri referenzjarji rilevanti. Sibna li l-informazzjoni dwar l-ispiża medjana tal-iffrankar tal-enerġija fil-bażi ta’ data DEEP u l-ispiża tal-elettriku, is-sors ta’ enerġija użat fil-biċċa l-kbira mill-benefiċjarji kkampjunati, bħala parametri referenzjarji rilevanti għall-proġetti tagħna.

82 Fl-2020, u għall-utenti mhux f’unitajiet domestiċi fl-EU-27, l-ispiża tal-elettriku kellha valur medjan ta’ EUR 104/MWh[26]. Din l-ispiża teskludi t-taxxi rekuperabbli u l-VAT.

83 Biex inwettqu t-tqabbil tagħna, għal kull proġett l-ewwel ikkalkulajna l-iffrankar tal-enerġija miksub għal kull euro investit. Dan huwa l-proporzjon ta’ ffrankar tal-enerġija totali miksub matul it-tul tal-ħajja tal-investiment għall-ispejjeż totali eliġibbli tal-proġett.

84 Imbagħad ksibna l-invers, jiġifieri l-ispejjeż għall-kisba ta’ ffrankar ta’ 1 MWh ta’ enerġija (magħruf bħala “spiża ta’ evitar”), filwaqt li ħadna inkunsiderazzjoni l-iffrankar kumulattiv matul it-tul tal-ħajja tal-proġetti. Il-kalkolu huwa simili għall-kalkolu użat għall-proġetti inklużi fil-bażi ta’ data DEEP.

85 Abbażi ta’ din id-data, aħna identifikajna li l-ispiża medjana ta’ evitar tal-proġetti kollha hija ta’ EUR 56. L-ispiża medjana ta’ evitar kienet ta’ EUR 57 għall-SMEs u EUR 34 għall-intrapriżi l-kbar.

86 Il-Figura 14 turi l-ispejjeż medjani biex jinkiseb iffrankar ta’ 1 MWh tal-enerġija (EUR 56) kienu nofs l-ispiża medjana tal-elettriku (EUR 104). Analiżi aktar approfondita wriet li anke fil-livell tal-PO, fil-biċċa l-kbira mill-PO (28 minn 30 bi proġetti ta’ effiċjenza fl-enerġija), il-valuri medjani tal-ispiża ta’ evitar ukoll kienu inqas mill-prezz tal-elettriku.

Figura 14 – Tqabbil tal-ispejjeż medjani ta’ evitar għall-proġetti kkampjunati bil-prezz tal-elettriku u bil-parametri referenzjarji tal-UE, skont it-tip ta’ intrapriża

Sors: il-QEA, ibbażat fuq data pprovduta mill-Eurostat, data tal-proġetti kkampjunati u l-valuri tal-pjattaforma DEEP.

87 Dan ir-riżultat jindika li globalment, il-proġetti kienu effiċjenti. B’mod partikolari, kien aktar kosteffettiv li jsir investiment fl-iffrankar tal-enerġija milli li jsir ħlas għall-elettriku, anke fin-nuqqas ta’ għotja mill-UE.

88 Madankollu, bħala medja l-proġetti li eżaminajna kienu inqas effiċjenti mill-proġetti DEEP (ara l-Figura 14 u l-Figura 15). B’mod partikolari, l-ispejjeż medjani ta’ evitar għall-proġetti kkampjunati kienu ogħla mill-valur medjan tal-pjattaforma DEEP (kemm għall-intrapriżi l-kbar u l-SMEs kif ukoll għall-industrija u l-bini).

Figura 15 – Tqabbil tal-ispejjeż medjani ta’ evitar għall-proġetti kkampjunati bil-prezz tal-elettriku u bil-parametri referenzjarji tal-UE, skont is-settur

Sors: il-QEA, ibbażat fuq data pprovduta mill-Eurostat, data tal-proġetti kkampjunati u l-valuri tal-pjattaforma DEEP.

Indikaturi finanzjarji, għodod tal-prestazzjoni b’saħħithom ittraskurati mill-awtoritajiet maniġerjali

89 Il-biċċa l-kbira mill-benefiċjarji li wieġbu għall-istħarriġ tagħna użaw kriterji tal-prestazzjoni finanzjarja għall-valutazzjoni tal-proġett proprju tagħhom.

  1. Perjodu ta’ rkupru: (73 % tal-benefiċjarji).
  2. Rata ta’ Redditu Interna (45 % tal-benefiċjarji).
  3. Valur Preżenti Nett (38 % tal-benefiċjarji).
  4. Indikaturi li jivvalutaw il-benefiċċji ta’ inqas manutenzjoni, aktar produttività, inqas servizzi kollaterali oħra, ċertifikazzjoni ambjentali eċċ. (40 % tal-benefiċjarji).

90 Xi awtoritajiet maniġerjali użaw indikaturi finanzjarji fil-valutazzjoni li wettqu dwar il-merti tal-proġetti. Aħna ffukajna l-analiżi tagħna fuq l-użu tal-perjodu ta’ rkupru, l-indikatur finanzjarju użat b’mod l-aktar frekwenti mill-benefiċjarji.

91 Għall-kuntrarju tal-benefiċjarji, l-awtoritajiet użaw il-perjodu ta’ rkupru fil-valutazzjoni tal-proġett fi 2 biss minn 30 PO bi proġetti ta’ effiċjenza fl-enerġija. B’mod partikolari, il-proġetti b’perjodi ta’ rkupru ogħla minn ċertu limitu (eż. sentejn) ikunu jirċievu finanzjament. L-awtoritajiet ma stabbilewx limitu superjuri għall-perjodi ta’ rkupru biex jidentifikaw jekk il-proġetti kinux fattibbli.

92 Aħna vvalutajna x’kien ikun l-impatt tal-użu tal-perjodu ta’ rkupru matul l-għażla fuq l-effiċjenza tal-proġett. Bl-użu tad-data pprovduta mill-benefiċjarji, aħna l-ewwel stmajna l-perjodu ta’ rkupru tal-investimenti. Użajna l-ispiża totali eliġibbli diviża mill-iffrankar annwali fl-ispejjeż idderivat mill-iffrankar tal-ispejjeż ipprovdut fl-applikazzjonijiet, fejn kien disponibbli. Fejn ma kienx, aħna stmajna dan l-iffrankar tal-ispejjeż ibbażat fuq il-prezz tal-enerġija u fuq l-ammont ta’ enerġija ffrankata fis-sena. Ma ħadnix inkunsiderazzjoni l-benefiċċji addizzjonali u l-iffrankar tal-ispejjeż iġġenerati minn dawk il-benefiċċji, billi l-objettiv prinċipali tal-fondi kien li titjieb l-effiċjenza fl-enerġija.

93 Aħna stajna nistmaw il-perjodi ta’ rkupru għal 150 mill-163 proġett ta’ effiċjenza fl-enerġija li kkampjunajna. Mill-150 proġett li kellhom stimi għall-perjodi ta’ rkupru, 132 ipprovdew ukoll informazzjoni dwar it-tul tal-ħajja tal-investiment.

94 Aħna qabbilna l-perjodi ta’ rkupru stmati mat-tul tal-ħajja tal-investiment għal kull wieħed minn dawk il-proġetti. Osservajna li 6 % kienu kemxejn ogħla mit-tul tal-ħajja tal-investiment (differenza ta’ inqas minn 10 %) u terz minnhom (29 %) kellu perjodi ta’ rkupru stmati itwal mit-tul tal-ħajja tal-investiment.

95 Meta jitqies il-fatt li l-proġetti tal-aħħar x’aktarx ma kinux finanzjarjament vijabbli, dan xprunana biex inwettqu analiżi approfondita tal-effiċjenza tagħhom. B’mod partikolari, abbażi tal-perjodi ta’ rkupru stmati u t-tul tal-ħajja tal-investiment, aħna investigajna kif dawk affettwaw l-ispiża medja ta’ evitar tal-enerġija.

96 Ikkalkulajna l-ispiża medja għall-iffrankar ta’ unità waħda (MWh) ta’ enerġija f’żewġ stadji:

  1. Minn kull euro investit, billi użajna kampjunar ta’ unità monetarja, aħna l-ewwel ikkalkulajna l-medja ta’ enerġija ffrankata għal kull euro investit għas-(sotto)popolazzjoni mogħtija (MWh/€).
  2. Imbagħad ikkalkulajna l-ispiża medja għall-iffrankar ta’ unità waħda ta’ enerġija (jew l-“ispiża ta’ evitar”), għall-istess (sotto)popolazzjoni bħala l-valur invers ta’ dak ta’ hawn fuq (€/MWh).

97 Aħna analizzajna il-132 proġett li għalihom kellna d-data kollha meħtieġa dwar l-ispejjeż ta’ evitar, il-perjodi ta’ rkupru u l-perjodi tat-tul tal-ħajja tal-investiment. Identifikajna tliet kategoriji (sottopopolazzjonijiet) ta’ proġetti, li l-perjodi ta’ rkupru stmati tagħhom kienu:

  1. iqsar mit-tul tal-ħajja tal-investiment (86 proġett);
  2. kemxejn itwal mit-tul tal-ħajja tal-investiment, jiġifieri b’differenza sa massimu ta’ 10 % (8 proġetti), u
  3. itwal mit-tul tal-ħajja tal-investiment, jiġifieri b’differenza ta’ aktar minn 10 % (38 proġett).

98 Osservajna li l-ispejjeż medji ta’ evitar tal-enerġija żdiedu b’mod sostanzjali meta l-perjodi ta’ rkupru kienu itwal mit-tul tal-ħajja tal-investiment (ara l-Figura 16). Dan jixħet dubju fuq l-użu tal-fondi tal-UE għal dawn il-proġetti.

Figura 16 – Varjazzjoni tal-ispiża ta’ evitar skont il-perjodu ta’ rkupru

Sors: il-QEA, ibbażat fuq id-data mill-applikazzjonijiet tal-proġetti u mir-risposti tal-benefiċjarji.

99 Għall-proġetti b’perjodi ta’ rkupru qsar ħafna, jiġifieri ta’ inqas minn 5 snin, l-ispejjeż kienu sinifikattivament aktar baxxi mill-medja (EUR 26). Dan jixħet dubju fuq il-ħtieġa ta’ għotjiet mill-UE biex jiġu żviluppati.

100 Aħna analizzajna wkoll kif ir-relazzjoni bejn il-perjodu ta’ rkupru u t-tul tal-ħajja tal-investiment affettwat l-ispiża medja ta’ evitar tas-CO2 għall-129 proġett li għalihom kellna din id-data kollha, ibbażata fuq l-istess sottopopolazzjonijiet bħall-ispejjeż ta’ evitar tal-enerġija (b’85, 8 u 36 proġett rispettivament). Osservajna l-istess xejra, kif jidher fil-Figura 17 hawn taħt.

Figura 17 – Relazzjoni bejn il-perjodi ta’ rkupru, it-tul tal-ħajja tal-investiment u l-ispejjeż ta’ evitar tas-CO2

Sors: il-QEA, ibbażat fuq id-data mill-applikazzjonijiet tal-proġetti u mir-risposti tal-benefiċjarji.

101 Fl-aħħar nett analizzajna l-influwenza potenzjali tal-kriterji tal-effiċjenza stabbiliti mill-awtoritajiet biex jillimitaw l-ispiża tal-enerġija u l-iffrankar tas-CO2 matul it-tul tal-ħajja tal-investiment. B’mod partikolari, aħna fittixna li nidentifikaw jekk dawk il-kriterji ppromwovewx l-effiċjenza tal-proġett.

102 Mill-124 proġett suġġetti għall-kriterji tal-effiċjenza relatati mal-enerġija, jiġifieri indikaturi li jivvalutaw il-proporzjon ta’ spejjeż għall-iffrankar tal-enerġija, 107 proġetti pprovdew data suffiċjenti biex inkunu nistgħu nikkalkulaw l-ispejjeż ta’ evitar. Għad-39 proġett mhux suġġetti għal dawn il-kriterji, 35 kellhom data suffiċjenti biex inkunu nistgħu nikkalkulaw l-ispejjeż ta’ evitar.

103 Għall-142 proġett li għalihom kellna d-data kollha meħtieġa, aħna osservajna li l-użu tal-kriterji tal-effiċjenza matul l-għażla ma wasslux għal spiża medja ta’ evitar sinifikattivament aktar baxxa. Il-proġetti suġġetti għal dawn il-kriterji (107) kellhom spiża medja ta’ evitar tal-enerġija ta’ EUR 34, filwaqt li dawk li mhumiex suġġetti għal sollijiet (35) kellhom spiża medja ta’ evitar ta’ EUR 37.

104 Analizzajna wkoll ir-rabta bejn l-ispejjeż ta’ evitar tas-CO2 u l-istabbiliment ta’ kriterji ta’ kosteffettività tas-CO2. Mill-163 proġett, 25 kienu suġġetti għal dawn il-kriterji. Bl-użu tal-istess metodoloġija bħal hawn fuq, aħna osservajna li l-istabbiliment ta’ kriterji għall-kosteffettività tas-CO2 ma naqqasx l-ispejjeż medji ta’ evitar tas-CO2.

105 Aħna nikkonkludu li l-użu ta’ kriterji tal-effiċjenza biex tiġi llimitata l-ispiża tal-enerġija u l-iffrankar tas-CO2 ftit kellu influwenza fuq it-tnaqqis tal-ispejjeż medji ta’ evitar tas-CO2 jew tal-enerġija. B’kuntrast ma’ dan, l-użu tal-perjodu ta’ rkupru bħala kriterju addizzjonali għall-għażla ta’ proġetti kieku kien jiffaċilita t-twassil tal-fondi mill-UE lejn proġetti fattibbli u jżid l-effiċjenza tal-fondi (inaqqas l-ispejjeż tal-iffrankar tal-enerġija). Ir-Rapport Speċjali Nru 11/2020 tal-QEA rrakkomanda l-użu ta’ taħlita ta’ kriterji għall-effiċjenza fl-enerġija fil-bini.

106 L-użu ta’ dawn il-kriterji ta’ prestazzjoni jkun jiffaċilita d-deċiżjoni tal-awtoritajiet dwar strument ta’ finanzjament adatt jew il-ħtieġa ta’ fondi pubbliċi. Għal proġetti b’perjodi ta’ rkupru qosra ħafna u spejjeż ta’ evitar baxxi, l-għażla l-aktar kosteffettiva kienet tkun is-selfiet; dawk il-proġetti x’aktarx kienu jseħħu anke fin-nuqqas ta’ għotja mill-UE. B’kuntrast ma’ dan, aħna nqisu li l-appoġġ mill-UE ma kienx xieraq għall-proġetti li ma kinux effiċjenti (ara l-paragrafu 94).

Il-qafas tal-prestazzjoni attwali ma jkejjilx il-kontribuzzjoni kumplessiva tal-finanzjament mill-UE

107 Jenħtieġ li l-Kummissjoni timmonitorja r-riżultati tal-programmi operazzjonali, abbażi ta’ dak li kienet qed tistenna li jiksbu l-FEŻR u l-FK fl-indirizzar tal-ħtiġijiet ta’ ffrankar tal-enerġija tal-intrapriżi u globalment, il-miri tal-effiċjenza fl-enerġija.

Il-qafas tal-prestazzjoni komuni ma għamilx aċċessibbli l-informazzjoni kkonsolidata dwar l-outputs u dwar ir-riżultati

108 Ir-Regolamenti tal-FEŻR u l-FK għall-perjodu 2014-2020 stabbilew qafas tal-prestazzjoni komuni biex jimmonitorjaw ir-riżultati ġejjin mill-finanzjament mill-UE. Għal uħud mill-prijoritajiet ta’ investiment komuni tal-UE, jiġifieri l-effiċjenza fl-enerġija fil-bini jew il-proġetti ta’ enerġija rinnovabbli, ir-Regolamenti stabbilew sett ta’ indikaturi komuni li jippermettu l-monitoraġġ tal-outputs u tar-riżultati (ara l-Kaxxa 4).

Kaxxa 4

Indikaturi komuni għall-enerġija

Enerġija rinnovabbli:

  • Kapaċità addizzjonali fil-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli (MW).

Effiċjenza fl-enerġija

  • Għadd ta’ unitajiet domestiċi bi klassifikazzjoni mtejba tal-konsum tal-enerġija.
  • Tnaqqis fil-konsum annwali tal-enerġija primarja ta’ bini pubbliku (kWh/fis-sena).

109 Għall-effiċjenza fl-enerġija fl-intrapriżi, ir-Regolament ma stabbiliex indikaturi komuni speċifiċi. Il-Kummissjoni qieset li l-kwantifikazzjoni tal-impatti tal-iffrankar ta’ enerġija tal-miżuri tal-effiċjenza fl-enerġija ibbażata fuq kalkolu minn isfel għal fuq hija diffikultuża, u ż-żieda tal-miżuri tista’ tkun biss approssimazzjoni[27].

110 Wara l-approvazzjoni tal-programmi operazzjonali, il-Kummissjoni stmat li l-fondi taħt il-politika ta’ koeżjoni jkunu jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra annwali b’madwar 30 miljun tunnellata ta’ CO2 u jkunu jiffinanzjaw l-effiċjenza fl-enerġija u inizjattivi oħra b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju f’madwar 57 000 intrapriża fl-EU-28[28]. Din l-informazzjoni ma tippermettix l-identifikazzjoni ta’ benefiċċji esklużivi tal-proġetti ta’ effiċjenza fl-enerġija.

111 Fin-nuqqas ta’ indikaturi komuni tal-UE għall-effiċjenza fl-enerġija fl-intrapriżi, l-awtoritajiet maniġerjali pproponew indikaturi tar-riżultati u tal-outputs speċifiċi għall-programm. Il-biċċa l-kbira mill-indikaturi jkejlu l-iffrankar tal-enerġija jew it-tnaqqis fl-intensità enerġetika. Uħud mill-awtoritajiet użaw l-indikatur tal-prestazzjoni komuni li jkejjel it-tnaqqis ta’ emissjonijiet ta’ CO2 biex jikkwantifikaw l-outputs tat-titjib fl-effiċjenza fl-enerġija.

112 Fil-livell tal-PO, l-indikaturi speċifiċi għall-programm, fihom infushom, ivarjaw minn programm għall-ieħor (ara l-Kaxxa 5). Xi kultant anke bejn il-programmi operazzjonali tal-istess Stat Membru (eż. il-Ġermanja u l-Italja). Barra minn hekk, uħud minnhom huma indikaturi tal-kuntest, fejn jippreżentaw data għall-ekonomija kollha u mhux indikaturi tar-riżultati jew tal-outputs relatati mal-proġetti.

Kaxxa 5

L-indikaturi tal-effiċjenza fl-enerġija jvarjaw minn programm għall-ieħor

Eżempji ta’ indikaturi tar-riżultati:

  • Intensità enerġetika tal-ekonomija, toe sa EUR 1 000 tal-PDG (il-Bulgarija).
  • Produttività tal-komoditajiet bi prezzijiet attwali (PDG/konsum tal-materja prima), EUR 1 000/tunnellata (il-Ġermanja).
  • Intensità enerġetika finali, ktoe/miljuni ta’ euro (Spanja).
  • Konsum tal-elettriku fl-intrapriżi industrijali, GWh (l-Italja).
  • Iffrankar tal-enerġija primarja fis-settur tal-intrapriżi (settur tas-servizzi u tal-industrija – ma jaqax taħt l-ETS), toe (Ċipru).
  • Intensità enerġetika fil-manifattura (fi prezzijiet kostanti tal-2010), kg ta’ żejt ekwivalenti/EUR 1 000 (il-Latvja).
  • Konsum tal-enerġija primarja, PJ (l-Ungerija).
  • Użu finali tal-enerġija għal kull valur miżjud għal kumpaniji industrijali żgħar u ta’ daqs medju, MWh/miljuni ta’ SEK (l-Iżvezja).

Eżempji ta’ indikaturi tal-output:

  • Għadd ta’ verifiki tal-enerġija mwettqa (il-Bulgarija).
  • Tnaqqis annwali stmat fil-konsum tal-enerġija, GJ (id-Danimarka).
  • Tnaqqis fil-konsum tal-enerġija primarja fil-kumpaniji ssussidjati, kWh/sena (il-Ġermanja).
  • Tnaqqis tal-konsum finali tal-enerġija tal-infrastrutturi pubbliċi u l-intrapriżi, ktoe/sena (Spanja).
  • Tnaqqis fil-konsum annwali tal-enerġija primarja minn attivitajiet produttivi, toe (l-Italja).
  • Iffrankar tal-enerġija għall-operaturi ekonomiċi li ingħataw appoġġ, MWh/sena (il-Latvja).
  • Tnaqqis fil-konsum tal-enerġija primarja miksub minn titjib fl-effiċjenza fl-enerġija b’għajnuna mhux rifondibbli, PJ/sena (l-Ungerija).
  • Tnaqqis fil-konsum tal-enerġija f’kumpaniji u organizzazzjonijiet li jieħdu sehem fil-proġetti, MWh (l-Iżvezja).

113 Skont l-indikaturi tal-output speċifiċi għall-programm, uħud mill-proġetti inkludew, fl-istimi tal-applikazzjoni tal-iffrankar tal-enerġija primarja, l-iffrankar finali ta’ proġetti oħra u xi proġetti oħra ma speċifikawx liema tip ta’ stimi pprovdew.

114 Fil-forma attwali tagħhom, mhuwiex possibbli li jiġu aggregati l-outputs u r-riżultati fil-livell tal-UE jew li tinkiseb informazzjoni dwar il-kontribuzzjoni tal-proġetti lejn l-obbligi tal-iffrankar tal-enerġija, billi l-Istati Membri ma ġabrux l-istess tip ta’ data diżaggregata.

115 Għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2021-2027, ir-Regolament dwar il-FEŻR u l-FK[29] jistabbilixxi indikaturi komuni tal-prestazzjoni għall-effiċjenza fl-enerġija. Il-proposta inizjali kien fiha bosta indikaturi bħal dawn, kif jidher fil-Kaxxa 6, iżda waqt li kienu qed jevolvu matul il-proċedura ta’ kodeċizjoni, it-test finali żamm indikatur wieħed li jsemmi lill-intrapriżi speċifikament.

Kaxxa 6

Indikaturi komuni għall-effiċjenza fl-enerġija (2021-2027)

Indikaturi inizjalment proposti mill-Kummissjoni[30] Indikaturi (finali) riveduti[31]
  1. RCR 26 – Konsum finali annwali tal-enerġija (li minnu: residenzjali, privat mhux residenzjali, pubbliku mhux residenzjali);
  2. RCR 28 – Bini bi klassifikazzjoni tal-enerġija mtejba (li minnu: residenzjali, privat mhux residenzjali, pubbliku mhux residenzjali);
  3. RCR 30 – Intrapriżi bi prestazzjoni mtejba fl-użu tal-enerġija;
  4. CCO 06 – Investimenti f’miżuri biex titjieb l-effiċjenza tal-enerġija;
  5. CCR 05 – Benefiċjarji bi klassifikazzjoni mtejba fejn tidħol l-enerġija.
  1. RCR 26 – Konsum tal-enerġija primarja annwali (li minnu: abitazzjonijiet, binjiet pubbliċi, intrapriżi, oħrajn);
  2. CCO 06 – Investimenti f’miżuri biex titjieb il-prestazzjoni tal-enerġija, u
  3. CCR 05 – Iffrankar fil-konsum annwali tal-enerġija primarja.

CCO: Indikaturi tal-Output Ewlenin relatati mal-Koeżjoni.

CCR: Indikaturi tar-Riżultat Ewlenin relatati mal-Koeżjoni

RCR: Indikatur tar-Riżultati Komuni tal-Politika Reġjonali.

116 Aħna identifikajna d-dgħufijiet li ġejjin fl-indikaturi riveduti:

  1. L-indikaturi komuni mhumiex allinjati mal-indikaturi rrappurtati taħt it-Regolament dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u l-Azzjoni Klimatika, li jirrikjedi li l-Istati Membri jirrappurtaw l-iffrankar tal-enerġija primarja u l-iffrankar finali tal-enerġija jew il-konsum primarju u finali tal-enerġija (2020 meta mqabbel mal-2030).
  2. L-użu ta’ indikatur li jkejjel il-konsum tal-enerġija primarja (tnaqqis fl-enerġija kumplessiva meħtieġa) jippermetti l-inklużjoni tal-enerġija rinnovabbli fil-monitoraġġ tal-infiq u r-riżultati tal-effiċjenza fl-enerġija. Filwaqt li l-enerġija rinnovabbli tnaqqas il-kwantità ta’ enerġija meħtieġa mill-grilja, il-proġetti jużaw l-istess ammont ta’ enerġija għall-attività tagħhom (konsum finali tal-enerġija).

Skont stimi, il-proġetti ta’ effiċjenza fl-enerġija ffinanzjati mill-UE se jagħtu kontribut modest għall-objettivi tal-UE

117 Biex nivvalutaw il-kontribuzzjoni tal-proġetti għall-effiċjenza fl-enerġija, aħna kkalkulajna l-impatt stmat tal-fondi investiti, jiġifieri l-ammont ta’ ffrankar tal-enerġija ġġenerat (MWh). Ibbażajna l-valutazzjoni tagħna fuq 142 proġett li għalihom kellna d-data meħtieġa.

118 Għal kull proġett, l-ewwel qsamna l-iffrankar tal-enerġija totali stmat bl-investiment iffinanzjat mill-UE. Il-kalkolu tagħna jindika li, bħala medja, EUR 1 000 investit fi proġetti ta’ effiċjenza fl-enerġija jkun jiffranka, matul il-perjodu tal-investiment, ħlief jekk l-istimi ex ante kienu korretti, 28 MWh ta’ enerġija.

119 Aħna mbagħad estrapolajna din l-istima għall-proġetti ta’ effiċjenza fl-enerġija kolla fil-bażi ta’ data tagħna, billi din tal-aħħar uriet karatteristiċi simili għall-kampjun. L-ammont totali eliġibbli investit fil-proġetti għall-effiċjenza fl-enerġija tal-bażi ta’ data tagħna kien ta’ EUR 3.5 biljun. L-estrapolazzjoni tagħna tindika li, jekk l-istimi ex ante kienu korretti, il-proġetti ta’ effiċjenza fl-enerġija ffinanzjati mill-FEŻR u mill-FK, f’Ottubru 2020, jkunu jiġġeneraw iffrankar ta’ madwar 100 miljun MWh matul it-tul tal-ħajja tal-proġetti (8.7 miljun tunnellata tal-ekwivalenti taż-żejt (Mtoe)).

120 It-tul tal-ħajja medja tal-investimenti hija ta’ 18-il sena, u l-ammont annwali ta’ ffrankar huwa bejn wieħed u ieħor ta’ 0.48 Mtoe. Meta jitqies il-fatt li l-isforz ta’ ffrankar attwali għall-miri tal-effiċjenza fl-enerġija 2030 huwa ta’ 137 Mtoe, l-iffrankar tal-proġetti jirrappreżenta madwar 0.3 % ta’ dak l-isforz.

Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

121 Iż-żieda fl-effiċjenza fl-enerġija hija komponent ewlieni tal-isforzi ta’ mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima tal-UE u tal-“Patt Ekoloġiku Ewropew”. Għadhom meħtieġa sforzi sinifikanti biex jintlaħqu l-miri msaħħa tal-UE għall-effiċjenza fl-enerġija u l-intrapriżi huma parti importanti ta’ dan l-isforz. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri huma responsabbli b’mod konġunt għall-iżvilupp u t-tqegħid fis-seħħ ta’ miżuri ta’ politika fil-qasam tal-effiċjenza fl-enerġija (01-15).

122 Matul il-perjodu 2014-2020, il-FEŻR u l-FK ipprovdew EUR 2.5 biljun għal operazzjonijiet magħżula li jippromwovu miżuri tal-effiċjenza fl-enerġija fl-intrapriżi (14 u 15). L-Istati Membri u l-Kummissjoni jimmaniġġjaw dawn il-fondi b’mod konġunt (16-20).

123 Aħna eżaminajna jekk il-fondi taħt il-politika ta’ koeżjoni tal-UE għall-effiċjenza fl-enerġija fl-intrapriżi ntefqux b’mod tajjeb. B’mod ġenerali, sibna li l-infiq ippjanat ma kienx integrat tajjeb fi ħdan l-istrateġija ta’ effiċjenza fl-enerġija tal-UE, filwaqt li ċerti proġetti kellhom problemi ta’ effiċjenza. L-Istati Membri stabbilew kriterji tal-effiċjenza għall-proġetti, iżda dawn waħedhom ma wasslux għal titjib fl-effiċjenza fl-enerġija. Ir-riżultati mistennija, għalkemm mhux maqbuda mill-qafas ta’ monitoraġġ eżistenti, jindikaw li l-kontribut tal-proġetti għall-objettivi tal-effiċjenza fl-enerġija se jkunu limitati.

124 Aħna qisna jekk il-Kummissjoni u l-Istati Membri kinux ivvalutaw l-użu xieraq tal-fondi mill-UE biex jappoġġaw l-ilħuq tal-objettivi tal-effiċjenza fl-enerġija. Sibna li, filwaqt li l-FEŻR u l-FK joffru l-possibbiltà li jikkofinanzjaw l-effiċjenza fl-enerġija fl-intrapriżi, il-Kummissjoni ma ġġustifikatx kif il-FEŻR u l-FK ikunu jikkontribwixxu għall-indirizzar tal-ħtiġijiet speċifiċi ta’ finanzjament għall-effiċjenza fl-enerġija fl-intrapriżi, f’termini ta’ investiment pubbliku u totali (34-39).

125 Il-PO jistabbilixxu prijoritajiet u objettivi ċari għall-effiċjenza fl-enerġija fl-intrapriżi, għalkemm il-biċċa l-kbira minnhom ma jiddikjarawx il-kontribuzzjoni intenzjonata tagħhom għall-implimentazzjoni tal-NEEAPs (40-45).

Rakkomandazzjoni 1 – Valutazzjoni tal-potenzjal u l-kontribuzzjoni reali tal-fondi taħt il-politika ta’ koeżjoni għall-effiċjenza fl-enerġija

Jenħtieġ li l-Kummissjoni ttejjeb l-użu tal-fondi billi twettaq valutazzjoni robusta ta’:

  1. il-kontribuzzjoni potenzjali tal-fondi tal-UE investiti għall-effiċjenza fl-enerġija fl-intrapriżi fl-istadju tal-ipprogrammar, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-ħtiġijiet ta’ finanzjament pubbliċi espressi fil-Pjanijiet Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: 2022.

  1. l-impatt speċifiku tal-proġetti ta’ effiċjenza fl-enerġija għall-intrapriżi meta tevalwa l-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: 2024.

126 Għadd żgħir ta’ PO ippjanaw ammonti u proporzjonijiet sinifikanti tal-kontribuzzjonijiet totali mill-FEŻR u l-FK biex itejbu l-effiċjenza fl-enerġija fl-intrapriżi fil-livell nazzjonali jew dak reġjonali. Dawn il-programmi kellhom ukoll proporzjon ogħla ta’ fondi magħżula meta mqabbla mal-bqija tal-programmi (46-51).

127 Aħna sibna li l-awtoritajiet tal-Istati Membri użaw fil-biċċa l-kbira għotjiet. L-awtoritajiet ma ġġustifikawx l-għażla tagħhom ta’ appoġġ finanzjarju fil-programmi operazzjonali. Mhuwiex possibbli li jiġi ddeterminat il-punt sa fejn il-proġetti kieku kienu jipproċedu mingħajr l-appoġġ mill-UE, iżda l-informazzjoni li ksibna mir-risposti tal-benefiċjarji jissuġġerixxu li maġġoranza żgħira tal-proġetti setgħu għamlu hekk. Għotjiet pubbliċi pprovdew madwar nofs l-investiment totali tal-proġetti, u l-komponent tal-UE (il-FEŻR u l-FK) ikkontribwew l-akbar sehem tal-appoġġ pubbliku (52-64).

128 Aħna vvalutajna wkoll jekk il-proċeduri tal-Istati Membri ppermettewx l-għażla ta’ proġetti effiċjenti. B’mod ġenerali, sibna li l-proċedura tal-għażla ppromwoviet proġetti effiċjenti, għalhekk dgħufijiet jolqtu l-prestazzjoni kumplessiva tal-programm.

129 Aħna sibna li l-biċċa l-kbira mill-Istati Membri kienu jirrikjedu li l-intrapriżi jippreżentaw stimi vvalidati tal-iffrankar tal-enerġija u f’xi ftit istanzi offrew anke appoġġ finanzjarju għall-verifiki tal-enerġija ex ante lil dawk l-intrapriżi. Il-validazzjoni ex post tar-riżultati tal-proġetti kienet inqas frekwenti (67-73).

130 Ġeneralment, il-biċċa l-kbira mill-awtoritajiet maniġerjali kienu jirrikjedu li l-proġetti jikkonformaw mal-iffrankar minimu tal-enerġija u l-istandards tal-prestazzjoni, anke fin-nuqqas ta’ standards tal-effiċjenza tal-UE għall-intrapriżi. Il-livell ta’ ambizzjoni ta’ dawn ir-rekwiżiti kien ivarja, iżda l-biċċa l-kbira minnhom ippromwovew iffrankar sostanzjali. Aħna sibna wkoll li xi awtoritajiet tal-Istati Membri kienu stabbilew kriterji tal-effiċjenza għall-investimenti (74-80).

131 B’mod ġenerali, il-proġetti dehru li kienu effiċjenti: l-ispiża medjana għall-kisba ta’ ffrankar tal-enerġija kienet inqas mill-prezz medjan tal-elettriku fl-Istati Membri, għalkemm taħt il-parametru referenzjarju tal-pjattaforma DEEP (81-88).

132 L-indikaturi finanzjarji rari ntużaw fl-għażla ta’ proġetti, minkejja l-fatt li l-biċċa l-kbira mill-benefiċjarji kienu użawhom. Aħna osservajna li għal terz tal-proġetti, il-perjodi ta’ rkupru kienu itwal mit-tul tal-ħajja tal-investiment, li jfisser li ma kinux effiċjenti (89-94).

133 Permezz ta’ analiżi dwar kemm il-perjodi ta’ rkupru influwenzaw l-ispiża tal-iffrankar tal-enerġija, aħna osservajna li perjodi ta’ rkupru twal ħafna, jiġifieri itwal mit-tul tal-ħajja tal-investiment, ifissru spejjeż sinifikattivament ogħla għall-kisba ta’ ffrankar tal-enerġija (95-100). L-istabbiliment ta’ kriterji tal-effiċjenza relatati mal-ispejjeż tal-enerġija u tas-CO2 ma naqqasx b’mod sinifikanti l-ispiża medja tal-iffrankar (101-103).

134 L-użu tal-perjodi ta’ rkupru kien ikun aktar effiċjenti u seta’ jgħin fl-identifikazzjoni ta’ strumenti ta’ finanzjament adatti. Il-proġetti b’perjodi ta’ rkupru qosra ħafna u spejjeż ta’ evitar baxxi x’aktarx kienu jsiru anke fin-nuqqas ta’ għotja tal-UE; dawn setgħu ġew iffinanzjati permezz ta’ selfiet (99 u 106). Ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni jirrikjedi li l-awtoritajiet jiġġustifikaw, għall-PO il-ġodda, l-għażla ta’ strumenti ta’ finanzjament tagħhom (53).

Rakkomandazzjoni 2 – Verifika dwar jekk l-għażla tal-istrument ta’ finanzjament hijiex iġġustifikata b’mod xieraq

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tivverifika jekk l-għażla tal-istrument ta’ finanzjament hijiex raġonevolment iġġustifikata mill-Istati Membri fil-proposti tal-programmi tagħhom u li ma jjintużawx għotjiet meta jkun aktar xieraq li jintużaw strumenti finanzjarji.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: 2022.

135 Jenħtieġ li l-appoġġ mill-UE ma jingħatax meta l-perjodi ta’ rkupru jaqbżu sew it-tul tal-ħajja tal-investiment, li jfisser li l-proġetti huma inqas effiċjenti u x’aktarx mhumiex finanzjarjament vijabbli (106). Terz tal-proġetti li għalihom kellna data kienu f’din is-sitwazzjoni (94).

136 Fl-aħħar nett, aħna vvalutajna jekk ir-riżultati tal-proġetti wrewx titjib fl-effiċjenza fl-enerġija fl-intrapriżi abbażi tal-indikaturi u tal-analiżi proprja tagħna.

137 Filwaqt li l-prijorità ta’ titjib fl-effiċjenza fl-enerġija fl-intrapriżi hija stabbilita fil-livell tal-UE, ma hemm l-ebda indikatur komuni li jkejjel l-outputs u r-riżultati tagħha fil-perjodu 2014-2020. Indikaturi li jkejlu l-għadd ta’ intrapriżi b’investimenti b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju jew tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ CO2 japplikaw għal bosta prijoritajiet, u mhuwiex possibbli li jiġu identifikati l-outputs u r-riżultati tal-prijorità tal-effiċjenza fl-enerġija (108-110). L-Istati Membri jistabbilixxu indikaturi speċifiċi għall-programm, iżda l-outputs u r-riżultati tagħhom ma jistgħux jiġu aggregati fil-livell tal-UE (111-114).

138 Il-leġiżlazzjoni dwar il-fondi taħt il-politika ta’ koeżjoni għall-perjodu 2021-2027 introduċiet indikaturi komuni tal-effiċjenza fl-enerġija (115). Madankollu, mhumiex allinjati ma’ rekwiżiti ta’ rappurtar oħra tal-UE, bħar-Regolament dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u l-Azzjoni Klimatika, li huwa aktar dettaljat. L-indikaturi l-ġodda jippermettu lill-awtoritajiet biex iqisu sorsi tal-enerġija rinnovabbli bħala investimenti fl-effiċjenza fl-enerġija, li jaffettwa t-traċċar klimatiku u l-monitoraġġ tal-infiq għall-effiċjenza fl-enerġija (116).

139 Fl-aħħar nett, aħna stmajna li l-iffrankar tal-enerġija ġġenerat mill-proġetti kkofinanzjati kellu kontribuzzjoni limitata, ta’ madwar 0.3 % għall-ħtiġijiet ta’ ffrankar tal-enerġija lejn 2030 (117-120).

Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla I, immexxija mis-Sur Samo Jereb, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fl-24 ta’ Novembru 2021.

 

Għall-Qorti tal-Awdituri

Klaus-Heiner Lehne
Il-President

Annessi

Anness I – Analiżi tal-proġetti fil-bażi ta’ data

Sors: il-QEA, ibbażat fuq listi tal-proġetti riċevuti mill-awtoritajiet maniġerjali.

Anness II – Kampjun tal-karatteristiċi

Sors: il-QEA, ibbażat fuq il-proġetti kkampjunati.

Akronimi u abbrevjazzjonijiet

CO2: Diossidu tal-karbonju

DEEP: Pjattaforma għat-Tneħħija tar-Riskji fl-Effiċjenza fl-Enerġija

DĠ ENER: Id-Direttorat Ġenerali għall-Enerġija

DĠ REGIO: Id-Direttorat Ġenerali għall-Politika Reġjonali u Urbana

FEŻR: Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali

FK: Il-Fond ta’ Koeżjoni

GWh: Giga Watt hour

Koe/$2015p: Kilogramm ta’ żejt ekwivalenti fi prezzijiet tal-2015, espress f’dollari Amerikani

KPF: Sistema ta’ Komunikazzjoni dwar il-Fondi Strutturali tal-Unjoni Ewropea

KT: Kooperazzjoni Territorjali

MWh: Mega Watt hour

NEEAP: Pjanijiet ta’ Azzjoni Nazzjonali għall-Effiċjenza fl-Enerġija

PDG: Prodott Domestiku Gross

PJ/GJ: Peta/Giga Joule

PO: Programm Operazzjonali

SMEs: Intrapriżi żgħar u medji

(M)(k)TOE: (Miljun)(kilo) Tunnellati ta’ ekwivalenti taż-żejt

Glossarju

AWTORITÀ MANIĠERJALI: L-awtoritajiet reġjonali jew nazzjonali li jimmaniġġjaw il-programmi operazzjonali u jerfgħu ir-responsabbiltà prinċipali għall-implimentazzjoni effettiva u effiċjenti tal-FEŻR u tal-FK.

DEEP: De-Risking Energy Efficiency Platform, inizjattiva b’sors miftuħ biex jiżdiedu l-investimenti fl-effiċjenza fl-enerġija fl-Ewropa permezz ta’ kondiviżjoni aħjar u analiżi trasparenti tal-proġetti eżistenti.

EFFIĊJENZA FL-ENERĠIJA: Il-proporzjon bejn l-output ta’ prestazzjoni, servizz, oġġetti jew enerġija, għall-input ta’ enerġija, skont id-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija, 2012/27/UE.

Għodda ta’ mmudellar PRIMES: Il-PRIMES huwa mudell tas-sistema ta’ enerġija tal-UE li jipprovdi projezzjonijiet għat-terminu twil u medju li jibda mill-2010 u jibqa’ sejjer sal-2030.

IFFRANKAR TAL-ENERĠIJA: Ammont ta’ enerġija ffrankata ddeterminat billi jitkejjel u/jew jiġi stmat il-konsum qabel u wara l-implimentazzjoni ta’ miżura ta’ titjib fl-effiċjenza fl-enerġija, filwaqt li tiġi żgurata n-normalizzazzjoni tal-kundizzjonijiet esterni li jaffettwaw il-konsum tal-enerġija.

INTENSITÀ ENERĠETIKA: Il-proporzjon bejn il-konsum gross domestiku tal-enerġija (GIEC) u l-prodott domestiku gross (PDG), ikkalkulat għal sena kalendarja.

KONSUM FINALI TAL-ENERĠIJA: Ifisser l-enerġija kollha pprovduta lill-industrija, it-trasport, id-djar, is-servizzi u l-agrikoltura. Dan jeskludi l-konsenji lis-settur tat-trasformazzjoni tal-enerġija u l-industriji tal-enerġija fihom infushom.

KONSUM TAL-ENERĠIJA PRIMARJA: Il-konsum intern gross, esklużi l-użi mhux tal-enerġija.

PRODUTTIVITÀ TAL-ENERĠIJA: Kejl tal-benefiċċju ekonomiku li nirċievu minn kull unità ta’ enerġija li nużaw. Dan jiġi kkalkulat billi jinqasam l-output ekonomiku totali (eż. il-PDG) bl-ammont ta’ enerġija kkunsmata (eż. tunnellati ta’ ekwivalenti taż-żejt). Huwa jipprovdi stampa tal-grad ta’ diżakkoppjar bejn l-użu tal-enerġija u t-tkabbir fil-PDG.

PROGRAMM OPERAZZJONALI: Id-dokument ta’ programmazzjoni li jagħti dettalji dwar il-prijoritajiet ta’ investiment, l-objettivi speċifiċi, l-indikaturi tal-output u tar-riżultati u jistabbilixxi s-sistema ta’ ġestjoni u kontroll li tqiegħdet fis-seħħ biex tiżgura l-implimentazzjoni effettiva u effiċjenti tal-FEŻR jew tal-FK.

SPIŻA TA’ EVITAR: L-ispiża tal-iffrankar (evitar ta’ konsum) ta’ 1 MWh ta’ enerġija (f’euro)

STATI MEMBRI: Is-27 pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea fl-2021.

TITJIB FL-EFFIĊJENZA FL-ENERĠIJA: Żieda fl-effiċjenza fl-enerġija b’riżultat ta’ bidliet teknoloġiċi, fl-imġiba u/jew ekonomiċi.

VERIFIKA TAL-ENERĠIJA: Id-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija tiddefinixxi l-verifika tal-enerġija bħala proċedura sistematika bil-għan li jinkiseb għarfien adegwat tal-profil eżistenti tal-konsum tal-enerġija, li jidentifika u jikkwantifika opportunitajiet kosteffettivi għall-iffrankar tal-enerġija, u jirrapporta s-sejbiet.

Tim tal-awditjar

Ir-rapporti speċjali tal-QEA jippreżentaw ir-riżultati tal-awditi li twettaq ta’ politiki u programmi tal-UE, jew ta’ suġġetti relatati mal-ġestjoni minn oqsma baġitarji speċifiċi. Il-QEA tagħżel u tfassal dawn il-kompiti tal-awditjar biex timmassimizza l-impatt tagħhom billi tqis ir-riskji għall-prestazzjoni jew għall-konformità, il-livell ta’ introjtu jew ta’ nfiq involut, l-iżviluppi futuri u l-interess politiku u pubbliku.

Dan l-awditu tal-prestazzjoni twettaq mill-Awla I tal-Awditjar, Użu sostenibbli tar-riżorsi naturali, li hija mmexxija minn Samo Jereb, Membru tal-QEA. L-awditu tmexxa mill-Membru tal-QEA Samo Jereb, li ngħata appoġġ minn Kathrine Henderson, Kap tal-Kabinett u Jerneja Vrabic, Attaché tal-Kabinett; Emmanuel Rauch, Maniġer Prinċipali; Oana Dumitrescu, Kap tal-Kompitu; Lorenzo Pirelli, Lucia Rosca, Asimina Petri, Malgorzata Frydel, Timo Lehtinen u Nicholas Edwards, Awdituri. Disinn grafiku minn Marika Meisenzahl.

 

Ir-ringiela ta’ wara mix-xellug għal-lemin: Lorenzo Pirelli, Lucia Rosca, Emmanuel Rauch, Malgorzata Frydel, Nicholas Edwards

Ir-ringiela ta’ quddiem mix-xellug għal-lemin:Asimina Petri, Timo Lehtinen, Oana Dumitrescu, Samo Jereb, Marika Meisenzahl

Noti finali

[1] World Energy Council, Energy efficiency: A straight path towards energy sustainability, 2016.

[2] L-AIE, Annual average change in energy intensity by region and scenario, 1990-2030.

[3] Tabella 1 tal-istudju tal-Kummissjoni Ewropea “Technical assistance services to assess the energy savings potentials at national and European level, Summary of EU results”, Frar 2021.

[4] Il-Kummissjoni Ewropea (2008), EU-27 Energy baseline scenario - Update 2007.

[5] Il-Parlament Ewropew, European policies on climate and energy towards 2020, 2030 and 2050, IPOL_BRI(2019)631047.

[6] Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-effiċjenza enerġetika (riformulazzjoni), COM(2021)558 final tal-14.07.2021.

[7] Il-paġna 13 tar-rapport “L-Istat tal-Unjoni tal-Enerġija 2021 - Kontribut għall-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-Irkupru tal-Unjoni”, COM(2021) 950 final.

[8] L-Artikolu 1 tal-Anness għar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE dwar id-definizzjoni ta’ intrapriżi mikro, żgħar u medji (ĠU L 124, 20.05.2003, p. 36).

[9] Id-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-effiċjenza fl-enerġija (ĠU L 315, 14.11.2012, p. 1).

[10] Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/242/UE tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Mejju 2013 li tistabbilixxi mudell għall-Pjanijiet ta’ Azzjoni Nazzjonali għall-Effiċjenza Enerġetika skont id-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 141, 28.5.2013, p. 48).

[11] SWD(2013) 180 final, it-Taqsima 3.1.9.

[12] Ir-Regolament (UE) Nru 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 1).

[13] Il-Kummissjoni Ewropea. Thematic guidance fiche for desk officers – Energy efficiency investments, 2014, it-Taqsima 2.1.

[14] Ir-Rapport Speċjali Nru 18/2020 – Is-Sistema tal-UE għan-Negozjar ta’ Emissjonijiet: l-allokazzjoni bla ħlas tal-kwoti kienet teħtieġ immirar aħjar.

[15] Ir-Rapport Speċjali Nru 21/2012 – Il-kosteffettività tal-Investimenti tal-Politika ta’ Koeżjoni fl-Effiċjenza Enerġetika u r-Rapport Speċjali Nru 11/2020 – Effiċjenza fl-enerġija fil-bini: għadu jinħtieġ fokus akbar fuq il-kosteffettività.

[16] Ir-Rapport Speċjali Nru 01/2020 – L-azzjoni tal-UE fil-qasam tal-Ekodisinn u t-Tikkettar tal-Enerġija: il-kontribut importanti għal effiċjenza akbar fl-enerġija tnaqqas minn dewmien sinifikanti u nuqqas ta’ konformità.

[17] Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni SEC(2011) 1138 final tas-6.10.2011.

[18]Thematic guidance fiche for desk officers – Energy efficiency investments”, 2014.

[19] Ir-Rapport Speċjali Nru 11/2020 tal-QEA – Effiċjenza fl-enerġija fil-bini: għadu jinħtieġ fokus akbar fuq il-kosteffettività.

[20] Ir-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi (ĠU L 231, 30.6.2021, p. 159).

[21] Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).

[22] L-Artikolu 22(3)(b) u (d)(vii) tar-Regolament (UE) Nru 2021/1060.

[23]Thematic guidance fiche for desk officers – Energy efficiency investments”, 2014.

[24] Id-Direttiva 2010/31/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Mejju 2010 dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija (ĠU L 153, 18.6.2010, p. 13) u r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1318 tad-29 ta’ Lulju 2016 dwar il-linji gwida għall-promozzjoni ta’ binjiet b’użu ta’ enerġija qrib iż-żero u l-aħjar prattiki biex jiġi żgurat li, sal-2020, il-binjiet ġodda kollha jkunu binjiet b’użu ta’ enerġija qrib iż-żero.

[25] Id-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis (ĠU L 334, 17.12.2010, p. 17) u d-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32).

[26] Skont data, tal-Eurostat mill-2020.

[27] Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni “Impact assessment accompanying the document Proposal for a Directive of the European Parliament and of the Council amending Directive 2012/27/EU on Energy Efficiency” SWD(2016) 405 final, 30.11.2016.

[28]Contribution of the European Structural and Investment Funds to the 10 Commission priorities: Energy Union and Climate”, il-Kummissjoni Ewropea, 2015.

[29] Ir-Regolament (UE) 2021/1058 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta’ Koeżjoni (ĠU L 231, 30.6.2021, p. 60).

[30] Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta’ Koeżjoni, COM(2018) 372 final tad-29 ta’ Mejju 2018.

[31] Ir-Regolament (UE) 2021/1058.

Kuntatt

IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI
12, rue Alcide De Gasperi
1615 Luxembourg
LUXEMBOURG

Tel. +352 4398-1
Mistoqsijiet: eca.europa.eu/mt/Pages/ContactForm.aspx
Sit web: eca.europa.eu
Twitter: @EUAuditors

Ħafna informazzjoni addizzjonali dwar l-Unjoni Ewropea hija disponibbli fuq l-Internet.
Jista’ jsir aċċess għaliha permezz tas-server Europa (http://europa.eu).

Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2022

PDF ISBN 978-92-847-7308-4 ISSN 1977-5741 doi:10.2865/294563 QJ-AB-22-002-MT-N
HTML ISBN 978-92-847-7286-5 ISSN 1977-5741 doi:10.2865/386648 QJ-AB-22-002-MT-Q

DRITTIJIET TAL-AWTUR

© L-Unjoni Ewropea, 2022.

Il-politika tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) dwar l-użu mill-ġdid hija implimentata bid-Deċiżjoni Nru 6-2019 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar il-politika tad-data miftuħa u l-użu mill-ġdid ta’ dokumenti.

Sakemm ma jkunx indikat mod ieħor (eż. f’avviżi individwali dwar id-drittijiet tal-awtur), il-kontenut tad-dokumenti tal-QEA, li huwa proprjetà tal-UE, huwa liċenzjat taħt il-liċenzja Creative Commons Attribution 4.0 International (CC BY 4.0). Dan ifisser li l-użu mill-ġdid huwa awtorizzat, dment li l-awturi jingħataw kreditu xieraq u li l-bidliet jiġu indikati. Il-persuni li jużaw mill-ġdid dan il-kontenut ma jistgħux ibiddlu s-sinifikat jew il-messaġġ oriġinali tad-dokumenti. Il-QEA ma għandhiex tkun responsabbli għal kwalunkwe konsegwenza relatata mal-użu mill-ġdid.

Inti meħtieġ tikseb drittijiet addizzjonali ċari jekk kontenut speċifiku juri individwi privati identifikabbli, pereżempju f’ritratti li jkun fihom il-membri tal-persunal tal-QEA, jew jekk ikun jinkludi xogħlijiet ta’ parti terza. Fejn ikun inkiseb permess, tali permess għandu jikkanċella l-permess ġenerali msemmi hawn fuq u għandu jindika b’mod ċar kwalunkwe restrizzjoni dwar l-użu.

Biex tuża jew tirriproduċi kontenut li ma jkunx proprjetà tal-UE, inti jista’ jkun li jkollok titlob il-permess direttament mingħand id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur.

Softwer jew dokumenti li jkunu koperti mid-drittijiet ta’ proprjetà industrijali, bħal privattivi, trademarks, disinji rreġistrati, logos u ismijiet, huma esklużi mill-politika tal-QEA dwar l-użu mill-ġdid u inti ma għandekx il-liċenzja biex tużahom.

Il-familja ta’ Siti Web istituzzjonali tal-Unjoni Ewropea, fi ħdan id-dominju europa.eu, tipprovdi links għal siti ta’ partijiet terzi. Peress li dawn ma jaqgħux taħt il-kontroll tal-QEA, inti mħeġġeġ biex teżamina l-politiki tagħhom dwar il-privatezza u d-drittijiet tal-awtur.

Użu tal-logo tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri

Ma jistax isir użu mil-logo tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri mingħajr ma jinkiseb il-kunsens tagħha minn qabel.

Kif tikkuntattja lill-UE

Personalment
Madwar l-Unjoni Ewropea kollha hemm mijiet ta’ ċentri ta’ informazzjoni tal-Europe Direct. Tista’ ssib l-indirizz tal-eqreb ċentru għalik f'dan is-sit: https://europa.eu/european-union/contact_mt

Bit-telefown jew bil-posta elettronika
Europe Direct huwa servizz li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar l-Unjoni Ewropea. Tista’ tikkuntattja dan is-servizz:

  • bit-telefown bla ħlas: 00 800 6 7 8 9 10 11 (ċerti operaturi jafu jimponu ħlas għal dawn it-telefonati),
  • fuq dan in-numru standard: +32 22999696, jew
  • bil-posta elettronika permezz: https://europa.eu/european-union/contact_mt

Kif issib tagħrif dwar l-UE

Onlajn
L-informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE hija disponibbli fuq is-sit web Europa fuq: https://europa.eu/european-union/index_mt

Pubblikazzjonijiet tal-UE
Tista’ tniżżel mill-internet jew tordna l-pubblikazzjonijiet tal-UE, li xi wħud minnhom huma bla ħlas u xi oħrajn bil-ħlas, minn: https://op.europa.eu/mt/publications. Kopji multipli ta’ pubblikazzjonijiet bla ħlas tista’ tiksibhom billi tikkuntattja lil Europe Direct jew liċ-ċentru tal-informazzjoni lokali tiegħek (ara https://europa.eu/european-union/contact_mt).

Il-liġi tal-UE u dokumenti relatati
Għal aċċess għall-informazzjoni legali tal-UE, inkluż il-liġijiet kollha tal-UE mill-1951 ’l hawn, fil-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali kollha, żur is-sit EUR-Lex hawnhekk: https://eur-lex.europa.eu

Dejta Miftuħa mill-UE
Il-portal tad-Dejta Miftuħa mill-UE (https://copenhagenizeindex.eu/) jipprovdi aċċess għal settijiet tad-dejta mill-UE. Id-dejta tista’ titniżżel mill-internet u tintuża mill-ġdid bla ħlas, kemm għal skopijiet kummerċjali kif ukoll mhux kummerċjali.