ĦEJJI RUĦEK!

Bdiet il-countdown għall-elezzjonijiet Ewropej tal-2024

INTI tista’ tgħin fit-tiswir tal-Ewropa li tixtieq!

Semma’ leħnek

IVVOTA

L-elezzjonijiet Ewropej li jmiss se jsiru bejn is-6 u d-9
ta’ Ġunju 2024.
Niżżel din id-data
fil-kalendarju tiegħek!

Għalfejn għandek tivvota?

Għax tista’ tagħżel min jieħu d-deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet importanti li jikkonċernawk — bħat-tibdil fil-klima, l-impjiegi u l-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet tiegħek.

Jimpurtak mid-demokrazija? Ingħaqad
ma’
flimkien.eu!

Min jista’ jivvota?

Fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi tal-UE jrid ikollok 18-il sena biex tivvota, iżda jekk tgħix l-Awstrija, il-Belġju, il-Ġermanja jew Malta, l-età biex tivvota hija ta’ 16-il sena — filwaqt li fil-Greċja, 17.

Jekk ismek ikun imniżżel fir-reġistru elettorali tal-Belġju, tal-Bulgarija, tal-Greċja jew tal-Lussemburgu l-votazzjoni hi obbligatorja.

Jekk tgħix f’pajjiż tal-UE li mhuwiex il-pajjiż tal-oriġini tiegħek, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet tkun tista’ tagħżel f’liema wieħed minnhom tivvota.

Tgħallem dwar id-drittijiet tal-vot tiegħek
fuq
elections.europa.eu/mt.

Għal min qed tivvota?

Il-kandidat li tixtieq jirrappreżentak fil-Parlament Ewropew.

Il-Membri tal-Parlament Ewropew (MEPs) jiddefendu l-interessi tiegħek meta jfasslu l-liġijiet tal-UE flimkien mal-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE.

SEMMA’ LEĦNEK!

Hemm ħafna modi oħra kif INTI tista’ tagħmel differenza.

Ipparteċipa fid-dibattiti

Iż-żgħażagħ jiffurmaw terz tal-panels taċ-ċittadini Ewropej, li jistgħu jagħmlu rakkomandazzjonijiet lill-UE rigward azzjoni li għandha tieħu dwar kwistjonijiet importanti.

Tista’ wkoll taqsam l-opinjoni u l-ideat tiegħek dwar liġijiet ġodda li jħallu impatt fuq iż-żgħażagħ u jtejbu l-liġijiet eżistenti fuq is-sit web “Semma’ leħnek”.

Titlifx il-Ġimgħa Ewropea taż-Żgħażagħ li jmiss fir-rebbiegħa tal-2024 u ara x’avvenimenti lokali taż-żgħażagħ se jkun hemm.

Ingħaqad ma’ dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet

Bis-saħħa tad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ inti tista’ tgħin biex tagħti spinta lill-11-il għan Ewropew dwar iż-żgħażagħ li tfasslu minn aktar minn 50 000 żagħżugħ u żagħżugħa. Wieħed mill-eħfef modi biex tinvolvi ruħek hu permezz tal-grupp ta’ ħidma nazzjonali ta’ pajjiżek.

Ħu l-inizjattiva

L-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej hi ċ-ċans tiegħek li toħlom kemm tiflaħ. Iġbor miljun firma, u l-proposta tiegħek għal xi liġi ġdida tista’ ssir realtà! Anki jekk ma tilħaqx il-miljun, l-idea tiegħek xorta tista’ tinfluwenza lil dawk li jfasslu l-politika.
L-età minima biex tappoġġa inizjattiva tvarja minn 16 sa 18-il sena skont il-pajjiż.

Sir MEP inti stess

Jekk tixtieq li jkollok influwenza saħansitra aktar diretta fuq id-deċiżjonijiet tal-UE, għaliex ma toħroġx għall-elezzjoni inti stess?

L-età minima biex toħroġ bħala kandidat fl-elezzjonijiet bħalissa tvarja minn 18 sa 25 sena skont il-pajjiż.

L-iżgħar persuna li qatt ġiet eletta MEP kellha 21 meta telgħet.

Il-Kummissjoni Ewropea
Kuntatt: COMM-A2@ec.europa.eu
Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2024

© L-Unjoni Ewropea, 2024 (CC-BY 4.0)
Illustrazzjonijiet: ©Adobe Stock

Dikjarazzjoni ta’ aċċessibbiltà
PDF:
ISBN 978-92-68-15946-0
doi:10.2775/836382
NA-09-24-323-MT-N
HTML:
ISBN 978-92-68-15983-5
doi:10.2775/650399
NA-09-24-323-MT-Q