L-UE fl-2015

L-UE fl-2015
Trid tkun taf x’kisbet l-UE fl-2015? Xi progress għamlet fit-twettiq tal-prijoritajiet tagħha? X’miżuri ħadet biex tingħata spinta lill-impjiegi, lit-tkabbir u lill-investiment? X’parti kellha fil-ftehim dwar il-klima li ntlaħaq f’Pariġi? Kif ittrattat il-kriżi tar-refuġjati? U ċ-ċittadini tal-UE kif ibbenefikaw mill-Unjoni? Tista’ ssib it-tweġibiet għal dawn il-mistoqsijiet kollha u aktar f’L-UE fl-2015.
Daħla

Jean-Claude Juncker, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, jagħti d-diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni fl-2015 fil-Parlament Ewropew, fi Strasburgu, fid-9 ta’ Settembru 2015.
Fil-bidu tal-mandat tiegħi f’Novembru tal-2014, wegħedt bidu ġdid għall-Ewropa u tajt kelmti li din il-Kummissjoni kienet se tiffoka fuq għaxar prijoritajiet politiċi — l-isfidi ewlenin li qegħdin iħabbtu wiċċhom magħhom l-ekonomija u s-soċjetà tagħna. L-2015, li kienet l-ewwel sena tal-mandat tagħna, kienet sena li fiha d-dinja kollha kienet qed issegwi mill-qrib kif l-UE kienet se tittratta sensiela ta’ kriżijiet.
F’Jannar u f’Novembru seħħew attakki terroristiċi tal-waħx f’Pariġi. Flimkien mal-Istati Membri, kellna bżonn innaqqsu r-riskju li attakki brutali bħal dawn isiru fenomenu rikorrenti. L-Aġenda Ewropea dwar is-sigurtà, li ġiet adottata f’April, stabbiliet kif l-UE tikkontribwixxi għal approċċ iżjed effettiv u koordinat fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-kriminalità organizzata u ċ-ċiberkriminalità. Fil-qafas tal-aġenda, f’Diċembru l-Kummissjoni Ewropea ressqet sett ta’ miżuri sabiex issaħħaħ il-ġlieda kontra t-terroriżmu u t-traffikar illegali ta’ armi tan-nar u ta’ splussivi. L-Istati Membri laħqu qbil ukoll dwar il-proposta tal-Kummissjoni għal sistema tal-UE ta’ reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri. Din is-sistema se tiżgura li t-trasportaturi tal-ajru jipprovdu lill-Istati Membri tal-UE b’dejta dwar il-passiġġieri li jidħlu fl-UE jew jitilqu minnha — parti importanti mill-politika ta’ sigurtà tal-UE.
B’mod parallel, fl-2015, fil-kontinent tagħna kien hemm l-ikbar ċaqliq ta’ nies f’daqqa minn żmien it-Tieni Gwerra Dinjija ’l hawn, hekk kif mijiet ta’ eluf ta’ refuġjati minn żoni ta’ kunflitt bdew jaslu fl-Ewropa. Iżjed minn miljun persuna rħewlha għal dan il-vjaġġ twil u perikoluż, filwaqt li l-maġġoranza tagħhom kienu qegħdin jaħarbu mill-gwerra u mit-terroriżmu fl-Afganistan, fl-Eritrea, fil-Libja u fis-Sirja.
Lejn il-bidu ta’ din is-sena, il-Kummissjoni ressqet politika komprensiva dwar il-migrazzjoni u ħadet passi immedjati sabiex iġġesti l-kriżi. Ittriplikajna l-preżenza tagħna fil-Baħar Mediterran, sabiex ngħinu biex jiġu salvati l-ħajjiet. Xrifna snienna kontra n-netwerks kriminali ta’ kuntrabandisti u ta’ traffikanti. Bil-Kummissjoni bit-tmun f’idejha, l-Istati Membri qablu dwar regoli għar-rilokazzjoni u għar-risistemazzjoni ta’ mijiet ta’ eluf ta’ persuni li kellhom bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali daqs il-ħobż. L-aġenziji tal-UE komplew jgħinu lill-awtoritajiet nazzjonali li ta’ sikwit kienu mifnijin bil-piż fl-iktar Stati Membri li ġew affettwati, sabiex jiġu identifikati u eżaminati l-migranti li jaslu u sabiex jittiħdulhom il-marki tas-swaba’, sabiex jitħaffef l-ipproċessar tal-persuni li jfittxu l-ażil u sabiex jiġi kkoordinat ir-ritorn ta’ dawk li ma jikkwalifikawx għal protezzjoni. L-UE mmobilizzat ukoll biljuni ta’ ewro sabiex ir-refuġjati li kienu diġà waslu fuq ix-xtajtiet tagħna, kif ukoll dawk f’pajjiżi ġirien, jingħataw l-għajnuna, filwaqt li ġew irdoppjati l-isforzi sabiex tittieħed azzjoni effettiva kontra l-kuntrabandisti u sabiex jinqerdu l-gruppi li jittraffikaw il-bnedmin. F’Ottubru, fi Brussell, 11-il pajjiż qablu dwar pjan ta’ 17-il punt biex jinkiseb iċ-ċaqliq ta’ persuni b’mod gradwali, ikkontrollat u bil-galbu tul ir-rotta tal-Balkani tal-Punent, filwaqt li f’Novembru, fil-Belt Valletta, tnieda Fond Fiduċjarju ta’ Emerġenza tal-UE għall-Afrika, sabiex jiġu indirizzati l-kawżi prinċipali tal-migrazzjoni irregolari li jġiegħlu lin-nies jaħarbu u jsiru migranti: il-faqar, il-gwerer, il-persegwitazzjonijiet, il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u d-diżastri naturali.
Jidher b’mod ċar li l-kriżi tar-refuġjati mhijiex se taqbad u togħsfor fix-xejn. Filwaqt li l-kriżi wasslet biex jiġu enfasizzati l-ħtiġijiet l-iktar immedjati, din kixfet ukoll ħafna mil-limitazzjonijiet tal-politika tal-UE dwar il-migrazzjoni u dwar l-għodod għad-dispożizzjoni tal-UE. Madankollu, jeħtieġ li nissoktaw l-isforzi tagħna biex nindirizzaw il-kriżi, u hekk se nagħmlu. Aħna l-Ewropej għandna niftakru sew li l-Ewropa hija kontinent li fih kważi kulħadd xi darba jew oħra kien refuġjat. L-istorja kollettiva tagħna hija mimlija b’miljuni ta’ Ewropej jaħarbu minn persegwitazzjoni reliġjuża jew politika, mill-gwerer, mid-dittatorjati jew mill-oppressjoni.
Lejn il-bidu ta’ din is-sena, għaddejna minn perjodu diffiċli li matulu bdiet tiġi ddubitata s-sħubija tal-Greċja fiż-żona tal-ewro. Wara xhur ta’ taħditiet u bosta mumenti diffiċli, fl-aħħar mill-aħħar f’Awwissu ntlaħaq qbil dwar programm ġdid ta’ għajnuna għall-istabbiltà għall-Greċja. Jiena qatt ma għaddieli minn rasi li ma konniex se nsibu soluzzjoni; l-adozzjoni tal-ewro hija deċiżjoni irrevokabbli u l-membri kollha jiġbdu ħabel wieħed flimkien biex tirnexxi. Ladarba l-impatt tal-kriżi Griega jkompli jinħass fiż-żona tal-ewro u kullimkien fl-ekonomija u fis-soċjetà Ewropea, jiena xorta waħda nixtieq nara li l-programm li qbilna fuqu jiġi rrispettat mill-gvernijiet Griegi kollha, kemm dawk tal-passat, kif ukoll dawk tal-preżent u tal-futur.
Il-kriżi tispiċċa meta fl-Ewropa jerġa’ jintlaħaq il-livell massimu ta’ impjiegi. Fil-preżent, iżjed minn 23 miljun persuna fl-Unjoni Ewropea huma qiegħda. Dan huwa għadd kbir inaċċettabbli. Huwa ċar li jeħtieġ li jsir investiment fis-sorsi ta’ impjiegi u ta’ tkabbir tal-Ewropa, b’mod partikolari fis-suq uniku tagħna, u li nlestu l-unjoni ekonomika u monetarja tagħna sabiex jinħolqu l-kundizzjonijiet għal irkupru dewwiemi. Middejna jdejna biex nieħdu ħsieb it-tnejn li huma.
Pereżempju, issa l-pjan ta’ investiment ta’ €315 biljun twaqqaf u qiegħed jitħaddem, u għandu jiġġenera iżjed minn żewġ miljun impjieg. L-ewwel proġetti diġà tnedew u se jsiru ħafna oħrajn. Fl-istess waqt qegħdin naġġornaw is-suq uniku tagħna sabiex noħolqu iktar opportunitajiet għan-nies u għan-negozji f’kull wieħed mit-28 Stat Membru. Bis-saħħa ta’ proġetti bħas-suq uniku diġitali, l-unjoni tas-swieq kapitali u l-unjoni tal-enerġija qegħdin innaqqsu x-xkiel għall-attivitajiet transfruntiera filwaqt li nixprunaw l-innovazzjoni, nikkollegaw it-talenti u noffru għażla usa’ ta’ prodotti u ta’ servizzi.
F’Ġunju, flimkien mal-presidenti ta’ istituzzjonijiet ewlenin oħra tal-UE, ippreżentajt rapport dwar it-tlestija tal-unjoni ekonomika u monetarja tagħna. Il-ħames presidenti involuti qablu dwar pjan direzzjonali li għandu jippermettilna nistabbilizzaw iż-żona tal-ewro sal-bidu tal-2017 u mbagħad, abbażi ta’ konverġenza mġedda tal-ekonomiji tagħna, ngħaddu minn reżiljenza għall-kriżi għal perspettivi ġodda għat-tkabbir. Din kienet deċiżjoni politika kuraġġuża sabiex inħarsu ’l quddiem fil-qilla tal-kriżi Griega.
F’Diċembru l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha kellhom rwol ċentrali biex intlaħaq il-ftehim storiku f’Pariġi, meta 195 pajjiż adottaw l-ewwel ftehim universali u li jorbot legalment dwar il-klima globali. Il-ftehim jistabbilixxi pjan ta’ azzjoni globali biex jiġi evitat tibdil perikoluż fil-klima billi t-tisħin globali jinżamm ferm taħt iż-2 °C. Dan il-ftehim se jmexxi lid-dinja lejn tranżizzjoni globali għal enerġija nadifa u huwa suċċess għall-Unjoni Ewropea. L-Ewropa ilha fuq quddiem nett fid-dinja fil-qasam tal-azzjoni klimatika; issa, il-ftehim ta’ Pariġi jirrifletti l-ambizzjoni tagħna f’għajnejn id-dinja kollha.

L-UE fl-2015
Hemm ħafna iżjed x’jingħad, u jingħata iktar dettall fir-rapport, iżda filwaqt li semmejt fuq fuq liema kienu l-isfidi ewlenin li kellna nħabbtu wiċċna magħhom matul dawn l-aħħar 12-il xahar, bqajt impressjonat li stajt nislet konklużjoni inevitabbli waħda, li hija li ladarba qegħdin niffaċċjaw il-kriżi tar-refuġjati, il-kriżi ekonomika jew l-isfidi tal-politika barranija hemm triq waħda biss biex nirnexxu: is-solidarjetà. Aħna nistgħu nirnexxu biss bħala Unjoni. Flimkien aħna iżjed b’saħħitna mill-isfidi li qegħdin nikkonfrontaw. Wasal iż-żmien li jkollna ftit iżjed fiduċja fil-kapaċità tal-Ewropa li tipprovdi soluzzjonijiet kollettivi għal problemi li jinħassu b’mod qalil u indivdwali minn kull Stat Membru.
Fi tmiem sena diffiċli, li matulha l-essenza stess tal-Unjoni Ewropea tpoġġiet f’dubju, huwa importanti li aħna l-Ewropej niftakru li l-Ewropa tirrappreżenta tassew rifuġju ta’ stabbiltà f’għajnejn in-nies fil-Lvant Nofsani, fl-Afrika u f’inħawi oħra fid-dinja. B’dan ta’ min inkunu kburin.

Jean-Claude Juncker
Kapitlu 1
Spinta ġdida għall-impjiegi, għat-tkabbir u għall-investiment
“L-ewwel prijorità tiegħi bħala President tal-Kummissjoni se tkun li nsaħħaħ il-kompetittività tal-Ewropa u li nixpruna l-investiment sabiex jinħolqu l-impjiegi.”
Jean-Claude Juncker, il-linji gwida politiċi, il-15 ta’ Lulju 2014

Fl-2015 kienet prijorità ewlenija li l-UE terġa’ taqbad tikber, u li l-għadd ta’ impjiegi u l-ammont ta’ investiment jiżdiedu mingħajr ma jinħoloq dejn ġdid. Il-Kummissjoni ħarġet bi proposti għar-riformi strutturali u tkellmet favur il-ġestjoni responsabbli tal-finanzi. Sabiex il-livelli ta’ investiment fl-ekonomija tal-UE jerġgħu jinġiebu lura għal li kienu, il-Kummissjoni nediet il-pjan ta’ investiment għall-Ewropa, inklużi strumenti finanzjarji ġodda, f’kooperazzjoni mal-Bank Ewropew tal-Investiment. Il-pjan ġie miftiehem fi żmien rekord mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, u nħoloq Fond Ewropew ġdid għall-Investimenti Strateġiċi. Il-fond fih €21 biljun inizjali fi flus tal-UE u, bis-saħħa ta’ effett multiplikatur, mistenni li jwassal għal investimenti li jkunu 15-il darba ikbar. B’hekk ikun qanqal investimenti li jammontaw għal iżjed minn €315-il biljun.
Matul is-sena, il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej, b’baġit ta’ €454 biljun għall-perjodu mill-2014 sal-2020, investew f’oqsma prijoritarji tal-UE. Il-programmi operazzjonali tal-Fond Soċjali Ewropew, b’valur ta’ €86.4 biljun, komplew jinvestu fin-nies, filwaqt li l-UE tat biljun ewro bil-quddiem biex l-inizjattiva favur l-impjieg taż-żgħażagħ tirranka u tgħin liż-żgħażagħ isibu impjieg.
Fil-livell tal-UE kien hemm negozjati jaħarqu dwar l-andament tal-qagħda ekonomika u finanzjarja fil-Greċja. F’Lulju l-Kummissjoni nediet pjan ta’ impjiegi u ta’ tkabbir għall-Greċja, li bih tħejjew sa €35 biljun biex il-Greċja tiġi appoġġata sal-2020. Imbagħad, f’Awwissu, in-negozjati ġew konklużi b’suċċess u l-Kummissjoni, f’isem il-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà, iffirmat it-tielet programm ta’ aġġustament ekonomiku għall-Greċja. Il-ftehim biegħed lill-Greċja minn xifer l-irdum, il-bogħod mill-falliment, u ssalvagwardja l-futur tagħha fiż-żona tal-ewro. Il-ftehim witta t-triq biex jitħejjew sa €86 biljun f’assistenza finanzjarja sal-2018, marbutin mal-progress tal-Greċja fit-twettiq tar-riformi maqbula.
Il-pjan ta’ investiment għall-Ewropa
Approċċ integrat għall-politika ekonomika jissejjes fuq tliet pilastri prinċipali: l-għoti ta’ spinta lill-investiment, l-aċċellerazzjoni tar-riformi strutturali u l-ksib ta’ responsabbiltà fiskali. It-tlieta li huma flimkien huma meħtieġa biex l-UE terġa’ lura fit-triq lejn it-tkabbir. Fl-2015 l-UE għamlet progress fit-tliet pilastri.

Kif deskritt hawn taħt, il-pjan ta’ investiment huwa magħmul minn tliet fergħat li jsaħħu lil xulxin.
- Il-mobilizzazzjoni ta’ investiment addizzjonali ta’ minn tal-inqas €315-il biljun fit-tliet snin li ġejjin, il-massimizzazzjoni tal-impatt tar-riżorsi pubbliċi u l-iżblukkar tal-investiment privat. L-istrument prinċipali biex jintlaħaq dan l-għan huwa l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi.
- L-iżgurar li dan l-investiment addizzjonali jasal għand l-ekonomija reali. L-istrumenti prinċipali biex dan jinkiseb huma ċ-Ċentru ta’ Konsulenza Ewropew għall-Investiment u l-Portal Ewropew ta’ Proġetti ta’ Investiment.
- It-titjib tal-ambjent tal-investiment, kemm fil-livell tal-UE kif ukoll fil-livell tal-Istati Membri individwali. Bħalissa x-xogħol għaddej ġmielu biex jiġu indirizzati l-ostakli bid-dimensjoni tal-UE u bid-dimensjoni tas-suq uniku, kif ukoll l-isfidi regolatorji u mhux regolatorji għall-investiment fil-livell nazzjonali.

Il-Kummissarju Carlos Moedas, il-Viċi President tal-Kummissjoni Kristalina Georgieva u l-Viċi President tal-Kummissjoni Jyrki Katainen iħabbru li n-negozjati dwar il-ħolqien ta’ Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi intemmew b’suċċess, fi Brussell, fit-28 ta’ Mejju 2015.
F’Novembru tal-2014 il-Kummissjoni ħabbret it-twaqqif ta’ Fond Ewropew ġdid għall-Investimenti Strateġiċi. Il-Parlament Ewropew ħadem qatigħ matul l-ewwel xhur tal-2015 sabiex janalizza l-proposti tal-Kummissjoni u jissuġġerixxi x’jista’ jittejjeb fihom. F’laqgħa tat-trilogu lejn l-aħħar ta’ Mejju, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill laħqu ftehim ta’ kompromess dwar ir-Regolament li ġie propost. In-negozjati tat-trilogu ntemmew fi żmien rekord, u b’hekk f’Ġunju, il-Fond diġà seta’ jsellef il-flus għall-proġetti.
Il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi jipprovdi garanziji sabiex jiġu appoġġati l-proġetti ffinanzjati mill-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment. Il-Fond jisħaq fuq żewġ aspetti prinċipali: l-infrastruttura u l-innovazzjoni (ġestiti mill-Bank Ewropew tal-Investiment) u l-impriżi żgħar u ta’ daqs medju (ġestiti mill-Bank Ewropew tal-Investiment u mill-Fond Ewropew tal-Investiment). Is-self jista’ jingħata wkoll lir-reġjuni. Il-Fond huwa akkumpanjat minn Ċentru ta’ Konsulenza Ewropew għall-Investimenti u minn Portal Ewropew ta’ Proġetti ta’ Investiment. Iċ-Ċentru jappoġġa l-iżvilupp u l-finanzjament ta’ proġetti ta’ investiment, filwaqt li joffri punt uniku ta’ kuntatt għal gwida u għal pariri u jipprovdi pjattaforma għal skambju tal-għarfien. F’Settembru ċ-Ċentru beda l-attivitajiet tiegħu biex jiġu appoġġati dawk li jippromwovu l-proġetti. Il-Portal huwa portal web sikur u disponibbli pubblikament, li permezz tiegħu proġetti bbażati fl-UE jistgħu jiġu promossi fost investituri potenzjali. Dan se jiġi mniedi fl-2016.
Matul is-sena l-Viċi President tal-Kummissjoni Jyrki Katainen nieda roadshow fl-UE kollha biex jiġi promoss il-pjan ta’ investiment għall-Ewropa, filwaqt li spjega l-opportunitajiet il-ġodda li jinsabu miftuħa għall-partijiet ikkonċernati ewlenin kollha (il-gvernijiet, l-investituri, in-negozji, l-awtoritajiet reġjonali, it-trejdjunjins u l-komunitajiet).
It-28 Stat Membru lkoll approvaw il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi. Fl-2015 disa’ Stati Membri wiegħdu li jikkontribwixxu b’iżjed minn €40 biljun għall-Fond, u ċ-Ċina indikat ukoll li biħsiebha tikkontribwixxi.
L-investiment mirfud mill-Fond huwa mmirat lejn l-iżvilupp tal-infrastruttura (il-broadband, in-netwerks tal-enerġija u t-trasport); l-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni; l-enerġija li tiġġedded u l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija; l-ambjent u l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi; l-infrastruttura soċjali u s-saħħa; u l-appoġġ għan-negozji ż-żgħar.

Werner Hoyer, il-President tal-Bank Ewropew tal-Investiment, Jean-Claude Juncker, il-President tal-Kummissjoni Ewropea u Jyrki Katainen, il-Viċi President tal-Kummissjoni, waqt l-iffirmar tal-ftehim dwar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, fi Brussell, fit-22 ta’ Lulju 2015.


Bħala parti mit-tielet pilastru tal-pjan ta’ investiment, il-Kummissjoni bdiet tindirizza għadd ta’ ostakli għall-investiment bid-dimensjoni tal-UE u bid-dimensjoni tas-suq uniku. Dan qed iseħħ permezz ta’ diversi ħidmiet: bħala parti mill-ħidma li għaddejja bħalissa dwar l-unjoni tas-swieq kapitali (eż. il-bidliet fid-direttiva solvibbiltà II); l-istrateġija tas-suq uniku (eż. l-akkwist pubbliku); is-suq uniku diġitali; l-unjoni tal-enerġija; l-aġenda għal regolamentazzjoni aħjar; u inizjattivi oħra ta’ politika. L-indirizzar tal-isfidi regolatorji u mhux regolatorji għall-investiment fil-livell nazzjonali se jkun prijorità wkoll tas-Semestru Ewropew tal-2016. Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni tat bidu għal djalogu mal-Istati Membri dwar l-identifikazzjoni tal-ostakli u dwar l-azzjonijiet ta’ prijorità biex dawn jitneħħew. Sabiex jintlaħqu l-għanijiet ambizzjużi tat-tielet pilastru, jiġifieri li jiġu proposti riformi konkreti lill-Istati Membri u li tiġi akkumpanjata l-implimentazzjoni, is-servizzi kollha tal-Kummissjoni (inkluż is-Servizz ta’ Sostenn għar-Riforma Strutturali) se jkunu involuti biex jaħdmu id f’id mal-Istati Membri.
Sa Jannar tal-2016 il-Fond diġà kien wassal €2.8 biljun f’finanzjament f’total ta’ 21 proġett fil-qasam tal-infrastruttura u tal-innovazzjoni, u dan mistenni jixpruna investiment totali ta’ madwar €13.3-il biljun. Fil-qasam tal-impriżi żgħar u ta’ daqs medju, il-Fond wassal finanzjament ta’ €1.5 biljun f’total ta’ 66 proġett, u dan mistenni jixpruna investiment totali ta’ madwar €21 biljun.

Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, Jyrki Katainen jispjega l-pjan il-ġdid ta’ investiment strateġiku tal-UE.
Il-politika ekonomika u fiskali
Minbarra l-investimenti, l-ekonomiji tal-UE jirrikjedu ġestjoni fiskali u riformi strutturali għaqlija sabiex jerġgħu jiġu f’tagħhom.
Kull sena l-koordinazzjoni tal-politika ekonomika fl-UE tiġi organizzata f’ċiklu, magħruf bħala s-Semestru Ewropew. Il-Kummissjoni stabbiliet prijoritajiet ta’ politika għall-UE u għall-Istati Membri tagħha, billi bdiet bl-istħarriġ annwali dwar it-tkabbir għall-2015, li ġie ppubblikat fl-aħħar tal-2014. Is-Semestru segwa tliet temi li jsaħħu lil xulxin: l-għoti ta’ spinta lill-investiment, l-aċċellerazzjoni tar-riformi strutturali u l-ksib ta’ responsabbiltà fiskali. Fl-2015 it-titjib fiċ-ċiklu tal-politika ekonomika tas-Semestru Ewropew issimplifika r-riżultati tal-Kummissjoni u naqqas ir-rekwiżiti ta’ rappurtar għall-Istati Membri. It-titjib wassal biex il-proċess ikun iktar miftuħ u iktar multilaterali. Il-flessibbiltà fir-regoli tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir ġiet iċċarata sabiex tissaħħaħ ir-rabta pożittiva bejn ir-riformi strutturali, l-investiment u r-responsabbiltà fiskali. Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż għal kull Stat Membru, kif ukoll għaż-żona tal-ewro kollha, ġew proposti mill-Kummissjoni f’Mejju u ġew approvati mill-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju. F’Lulju l-Kunsill adotta l-aħħar sett ta’ rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż.
Fi Frar, bħala parti mis-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni ħarġet analiżijiet fil-fond li fihom ivvalutat l-iżbilanċi makroekonomiċi u l-iżbilanċi eċċessivi f’16-il Stat Membru. Xorta waħda kien fadal xi riskji kbar f’ċerti Stati Membri. Għalhekk, il-Kummissjoni tenniet l-appell tagħha biex jitneħħew l-ostakli għat-tkabbir billi jissaħħu r-riformi strutturali u l-investiment fil-modernizzazzjoni u fl-iżvilupp tal-infrastruttura. Dawn għandhom jimxu id f’id ma’ taħlita xierqa ta’ politiki fiż-żona tal-ewro sabiex tissaħħaħ il-fiduċja, sabiex jingħata kontribut għall-ibbilanċjar mill-ġdid u sabiex l-irkupru jitqiegħed fuq pedament iktar stabbli.
L-appoġġ lill-Istati Membri
Fl-2015, flimkien mal-Bank Ċentrali Ewropew u l-Fond Monetarju Internazzjonali, il-Kummissjoni kompliet tipprovdi appoġġ lill-Istati Membri li dan l-aħħar temmew il-programmi ta’ assistenza finanzjarja (l-Irlanda, Spanja u l-Portugall). Il-Kummissjoni wettqet analiżijiet ta’ sorveljanza ta’ wara l-programm għat-tliet Stati Membri. Issa dawn reġgħu qabdu t-triq tat-tkabbir u qed jikkonsolidaw l-ekonomiji tagħhom. Barra minn hekk il-Kummissjoni ssoktat il-programm ta’ appoġġ tagħha għal Ċipru biex il-pajjiż jindirizza l-isfidi finanzjarji, fiskali u strutturali li qiegħda tħabbat wiċċha magħhom l-ekonomija. Dan se jippermetti li Ċipru jerġa’ jaqbad it-triq tat-tkabbir sostenibbli.
Fl-2015 l-andament tal-qagħda ekonomika u finanzjarja fil-Greċja ġibed l-attenzjoni tad-dinja kollha għal bosta xhur. L-UE ospitat sensiela ta’ laqgħat ta’ emerġenza tul is-sajf kollu, li matulhom il-Greċja kienet qiegħda tissogra kemm falliment kif ukoll li ma tkunx kapaċi tibqa’ fiż-żona tal-ewro.

(Favur l-arloġġ minn isfel fuq ix-xellug) François Hollande, il-President ta’ Franza, Angela Merkel, il-Kanċilliera tal-Ġermanja, Jeroen Dijsselbloem, il-President tal-Grupp tal-ewro, Jean-Claude Juncker, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Alexis Tsipras, il-Prim Ministru tal-Greċja, Donald Tusk, il-President tal-Kunsill Ewropew, Uwe Corsepius, is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, u Mario Draghi, il-President tal-Bank Ċentrali Ewropew, jiddiskutu l-finanzi statali tal-Greċja, fi Brussell, fid-19 ta’ Marzu 2015.
Bis-saħħa tal-ftehim li fl-aħħar intlaħaq f’Awwissu, il-Kummissjoni, f’isem il-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà, setgħet iddaħħal fis-seħħ it-tielet programm ta’ aġġustament ekonomiku għall-Greċja. Bl-approvazzjoni tal-Grupp tal-Ewro u tal-Bord tal-Gvernaturi tal-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà, il-programm għen biex il-qagħda ekonomika u finanzjarja fil-Greċja tiġi stabbilizzata. Fil-valutazzjoni tal-impatt soċjali, il-Kummissjoni kkonkludiet li jekk jiġi implimentat f’waqtu u għalkollox, il-programm se jgħin lill-Istat Membru jerġa’ lura fi triqtu lejn l-istabbiltà u t-tkabbir b’mod ekonomikament u soċjalment sostenibbli. Il-ftehim witta t-triq biex sal-2018 jitħejjew sa €86 biljun f’assistenza finanzjarja għall-Greċja. F’Lulju l-Kummissjoni nediet pjan ta’ impjiegi u ta’ tkabbir għall-Greċja, li bih tħejjew sa €35 biljun f’appoġġ addizzjonali sal-2020.

Alexis Tsipras, il-Prim Ministru tal-Greċja, f’diskussjoni ma’ Mario Draghi, il-President tal-Bank Ċentrali Ewropew, fis-Summit taż-żona tal-ewro, fi Brussell, fis-7 ta’ Lulju 2015.
Il-Kummissjoni pproponiet ukoll miżuri biex tiżgura li l-finanzjament tal-politika ta’ koeżjoni jkun jista’ jintuża b’mod effettiv għall-investimenti, u li dan il-finanzjament jasal malajr għand il-benefiċjarji. Dan wassal minnufih għal finanzjament addizzjonali ta’ madwar €500 miljun għall-Greċja, u għal iffrankar ta’ madwar żewġ biljun ewro għall-baġit Grieg. Biljun ewro addizzjonali ta’ prefinanzjament għall-programmi ta’ bejn l-2014 u l-2020 jistgħu jintużaw għat-tnedija ta’ proġetti ġodda. Huwa mistenni wkoll li dawn itaffu l-piż fuq il-baġit pubbliku tal-Greċja.

Alexis Tsipras, il-Prim Ministru tal-Greċja, Jean-Claude Juncker, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, François Hollande, il-President ta’ Franza, u Charles Michel, il-Prim Ministru tal-Belġju, fis-Summit taż-żona tal-ewro, fi Brussell, fit-12 ta’ Lulju 2015.
L-investiment fin-nies
Biex iżżomm il-vantaġġ kompetittiv tagħha f’ekonomija globali, l-UE teħtieġ forza tax-xogħol ta’ ħila kbira u adattabbli. Dan jirrikjedi investiment kontinwu fl-edukazzjoni u fit-taħriġ, li fit-tul jixpruna t-tkabbir u l-innovazzjoni tal-UE, jagħti spinta lill-impjieg u jgħin biex tiġi evitata l-esklużjoni soċjali.
Fis-Semestru Ewropew spikkaw ir-riformi biex l-edukazzjoni u t-taħriġ jitjiebu u dawn ġew identifikati bħala prijorità għolja fi 13-il Stat Membru.
Il-Fond Soċjali Ewropew huwa l-istrument prinċipali tal-UE għall-investiment fin-nies. Sal-aħħar tal-2015 il-Kummissjoni kienet adottat il-programmi operazzjonali kollha, b’valur totali ta’ €86.4 biljun. Il-Kummissjoni żiedet b’mod sinifikanti r-rata ta’ prefinanzjament għall-finanzjament mill-inizjattiva favur l-impjieg taż-żgħażagħ, u pprovdiet madwar biljun ewro lill-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali. B’hekk se jiġu appoġġati 650,000 żagħżugħ u żagħżugħa barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ. Għall-perjodu mill-2014 sal-2020 huwa mistenni li minn tal-inqas 10 miljun persuna qiegħda jtejbu l-possibbiltajiet tagħhom li jsibu impjieg, u li 395,000 impriża żgħira u ta’ daqs medju jirċievu finanzjament biex jinvestu fin-nies. Iżjed minn 25 % tal-flus disponibbli se jiġu allokati għall-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u għall-ġlieda kontra l-faqar u d-diskriminazzjoni.

L-Erasmus+ huwa parti mill-programm tal-UE għall-edukazzjoni, għat-taħriġ, għaż-żgħażagħ u għall-isport. Permezz tiegħu, fl-2015, madwar 520,000 żagħżugħ u żagħżugħa setgħu jsiefru biex jistudjaw, jitħarrġu, jagħmlu volontarjat u jipparteċipaw fi skambji taż-żgħażagħ. Permezz tiegħu wkoll madwar 165,000 membru tal-persunal ta’ istituzzjonijiet edukattivi u ta’ organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ setgħu jsiefru biex itejbu l-kompetenzi tagħhom billi jgħallmu u jagħtu taħriġ barra minn pajjiżhom.
Fl-2015, minħabba l-livelli għoljin ta’ qgħad fit-tul li huwa stmat li jaffettwaw madwar 12-il miljun ċittadin tal-UE fl-età tax-xogħol, il-Kummissjoni pproponiet gwida ta’ politika. Din se tgħin biex jiżdiedu t-tranżizzjonijiet għall-impjieg u biex jiġi żgurat li dawk kollha li jkunu qed ifittxu x-xogħol jirċievu ftehim ta’ integrazzjoni f’impjieg qabel ma jagħlqu 18-il xahar qiegħda. Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni ġiet adottata mill-Kunsill f’Diċembru.
Il-politika reġjonali tappoġġa l-impjiegi, it-tkabbir u l-investiment
Il-politika reġjonali għandha fil-mira r-reġjuni u l-bliet kollha fl-UE. Din tappoġġa l-ħolqien tal-impjiegi, il-kompetittività tan-negozji, it-tkabbir ekonomiku, l-iżvilupp sostenibbli u t-titjib fil-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini. Sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet u jiġu indirizzati l-ħtiġijiet varji ta’ żvilupp fir-reġjuni kollha tal-UE, €351.8 biljun — kważi terz tal-baġit totali tal-UE — ġew imwarrba għall-politika ta’ koeżjoni għall-perjodu mill-2014 sal-2020. Il-politika reġjonali għadha l-ikbar sors ta’ fondi tal-UE għar-reġjuni, għal-lokalitajiet u għall-impriżi.


Il-Kummissarju Corina Creţu żżur sit ta’ kostruzzjoni fi Praga, ir-Repubblika Ċeka, fil-31 ta’ Marzu 2015.
Il-politika reġjonali u l-istrateġija Ewropa 2020
Il-politika reġjonali timxi id f’id mal-politiki tal-UE, inklużi dawk li jindirizzaw l-edukazzjoni, l-impjieg, l-enerġija, l-ambjent, is-suq uniku, ir-riċerka u l-innovazzjoni. B’mod partikolari, il-politika reġjonali tipprovdi qafas ta’ investiment sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-istrateġija Ewropa 2020. Tfasslu pjanijiet biex jiġu pprovduti iktar minn €120 biljun għall-investiment fin-netwerks tat-trasport, fl-enerġija u fl-infrastruttura ambjentali. L-impriżi żgħar u ta’ daqs medju se jgawdu minn dan peress li l-kollegamenti tat-trasport se jittejbu filwaqt li se tiġi indirizzata wkoll is-sostenibbiltà ambjentali fl-ekonomija usa’.
Bħala parti mill-pjan ta’ investiment għall-Ewropa l-allokazzjonijiet mill-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej għall-perjodu mill-2014 sal-2020 se jkunu d-doppju ta’ dawk għall-perjodu mill-2007 sal-2013. Dawn se jlaħħqu €23 biljun permezz ta’ strumenti finanzjarji bħas-self, l-ekwità u l-garanziji minflok l-għotjiet finanzjarji tradizzjonali. B’hekk se jitjieb l-aċċess għall-finanzi għall-impriżi żgħar u ta’ daqs medju. Il-flus se jintużaw għar-riċerka, għall-iżvilupp u għall-innovazzjoni, kif ukoll għal investimenti fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u fl-enerġija li tiġġedded.
Fl-2015, wara perjodu intensiv ta’ negozjati mal-Istati Membri, ġew adottati kważi l-programmi kollha għall-perjodu mill-2014 sal-2020. Il-biċċa l-kbira minnhom bdew jiġu implimentati. Il-programmi għall-perjodu mill-2007 sal-2013 komplew jiġu implimentati matul is-sena kollha. B’mod ġenerali, matul is-sena l-Istati Membri rċevew allokazzjonijiet finanzjarji li jammontaw għal €50.7 biljun.
Ir-riċerka u l-innovazzjoni
Ir-riċerka u l-innovazzjoni jgħinu biex jiġu indirizzati sfidi bħat-tibdil fil-klima, l-enerġija u s-saħħa pubblika. Din hija r-raġuni għalfejn l-Orizzont 2020, l-ikbar programm ta’ riċerka u ta’ innovazzjoni li qatt għamlet l-UE, qed jinvesti €77 biljun fir-riċerka u fl-innovazzjoni. Bis-saħħa tal-programm se jiġi attirat ukoll iktar investiment privat u pubbliku. L-ewwel riżultati, li ġew ippubblikati f’Lulju, urew li l-Orizzont 2020 miexi fit-triq it-tajba.

Il-Kummissarju Carlos Moedas waqt it-tnedija tar-Roadshow dwar ix-Xjenza fl-Università ta’ Coimbra, il-Portugall, fil-5 ta’ Novembru 2015.
F’Ottubru ġie adottat programm ta’ ħidma ġdid tal-Orizzont 2020, li se jinvolvi investiment ta’ kważi €16-il biljun fir-riċerka u fl-innovazzjoni tul is-sentejn li ġejjin.
Billi jiffinanzja r-riċerka u l-innovazzjoni fuq skala mingħajr preċedent, l-Orizzont 2020 jindirizza tliet sfidi: it-twassil tal-innovazzjonijiet fis-suq (l-innovazzjoni miftuħa), sforz biex ir-riċerka ssir iktar parteċipattiva (ix-xjenza miftuħa) u l-ftuħ tax-xjenza għad-dinja.
Il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi diġà beda jsaħħaħ l-Orizzont 2020, b’mod partikolari fl-appoġġ tiegħu għall-impriżi innovattivi żgħar u ta’ daqs medju. Il-Fond għen ukoll biex tiġi ssodisfata d-domanda straordinarja għal appoġġ mill-InnovFin — Finanzi tal-UE għall-Innovaturi — li hija inizjattiva konġunta mnedija mill-Kummissjoni u mill-Bank Ewropew tal-Investiment bħala parti mill-Orizzont 2020.
Fis-settur tal-ispazju, l-għan tal-UE huwa li jisseddaq is-suq intern għall-applikazzjonijiet ibbażati fl-ispazju u li jiġi appoġġat l-iżvilupp tal-industrija tal-UE. F’Marzu, f’Settembru u f’Diċembru, is-satelliti Galileo ttellgħu fl-ispazju b’suċċess. Galileo huwa l-programm tal-UE għall-iżvilupp ta’ sistema globali ta’ navigazzjoni bis-satellita li tista’ tintuża għal prodotti bħal apparati tan-navigazzjoni fil-karozzi u l-mowbajls. It-tieni satellita Copernicus ittellgħet fl-ispazju f’Ġunju, u din se tgħin biex jiġu indirizzati d-diżastri ambjentali, biex jittejjeb l-użu tal-art għall-agrikoltura u għall-forestrija u biex jingħata rispons għal sitwazzjonijiet ta’ emerġenza.

Il-Kummissarju Elżbieta Bieńkowska tkellem lill-istampa wara s-suċċess tat-tlugħ fl-ispazju ta’ żewġ satelliti bħala parti mill-programm Galileo, fi Brussell, fil-31 ta’ Marzu 2015.
Nikkollegaw l-Ewropa
Il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa hija programm ta’ finanzjament multiannwali li ġie stabbilit biex jiġi ffinanzjat it-titjib fin-netwerks diġitali, tat-trasport u tal-enerġija tal-UE, b’baġit ġenerali ta’ iżjed minn €30 biljun li jkopri t-tliet setturi għall-perjodu mill-2014 sal-2020.
F’Lulju l-Kummissjoni adottat lista ta’ 276 proġett, li jammontaw għal €13.1-il biljun ta’ finanzjament tal-UE u li jwasslu għal kofinanzjament pubbliku u privat addizzjonali ta’ €28.8 biljun. F’Novembru tħabbret is-sejħa l-ġdida għal proposti, għal total ta’ €7.6 biljun, bi skadenza għall-applikazzjonijiet mill-Istati Membri stabbilita għal Frar tal-2016.
L-investiment f’ġejjieni iktar ekoloġiku
L-ambjent Ewropew: il-qagħda u l-perspettiva fl-2015 — Rapport ta’ sinteżi, li ġie ppubblikat f’Marzu mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, wera li l-ħarsien tal-ambjent huwa investiment ekonomiku sod. Bejn is-sena 2000 u l-2011 l-industriji ekoloġiċi kibru b’iżjed minn 50 % fl-UE, u l-impjiegi fil-qasam tal-prodotti u tas-servizzi ambjentali żdied minn 2.9 miljuni għal 4.3 miljuni bejn is-sena 2000 u l-2012. Dawn urew saħansitra tkabbir kontinwu matul is-snin tar-reċessjoni.
Fi Frar il-Kummissjoni u l-Bank Ewropew tal-Investiment nedew Faċilità ġdida ta’ Finanzjament għall-Kapital Naturali biex jitħejjew flejjes pubbliċi bl-għan li jiġi ġġenerat investiment privat ġdid fin-natura u fl-adattament għall-klima.
F’Diċembru l-Kummissjoni pproponiet pakkett komprensiv dwar l-ekonomija ċirkolari. Il-pakkett huwa maħsub biex iħeġġeġ lin-negozji u lill-konsumaturi tal-UE biex jaqilbu għal mudell ekonomiku iżjed ċirkolari li fih ir-riżorsi jintużaw b’mod iktar sostenibbli. L-azzjonijiet proposti se jikkompletaw iċ-ċirku taċ-ċikli tal-ħajja tal-prodotti permezz ta’ enfasi fuq l-ekodisinn, informazzjoni aħjar għall-konsumaturi, iżjed riċiklaġġ u iktar użu mill-ġdid. It-tranżizzjoni se tiġi appoġġata b’mezzi finanzjarji permezz ta’ finanzjament mill-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, €650 miljun mill-Orizzont 2020, €5.5 biljun mill-Fondi Strutturali għall-ġestjoni tal-iskart u investimenti fl-ekonomija ċirkolari fil-livell nazzjonali.

Werner Hoyer, il-President tal-Bank Ewropew tal-Investiment, u l-Kummissarju Karmenu Vella fil-konferenza tal-Bank Ewropew tal-Investiment dwar “Il-Finanzjament tal-Ekonomija Ċirkolari”, il-Lussemburgu, fl-10 ta’ Diċembru 2015.
L-iżblukkar tal-potenzjal tat-tkabbir tal-agrikoltura u tal-oċeani
L-agrikoltura, il-forestrija, is-sajd u l-akkwakultura, flimkien mal-industriji bbażati fuq il-prodotti bijoloġiċi, huma partijiet integrali tal-ekonomija u tas-soċjetà tal-UE. Dawn is-setturi jipproduċu u jipproċessaw ir-riżorsi bijoloġiċi sabiex jissodisfaw id-domanda tal-konsumaturi u ta’ firxa wiesgħa ta’ industriji għall-prodotti tal-ikel, tal-għalf, tal-bijoenerġija u dawk bijoloġiċi. Dawn itejbu l-kapaċità tal-UE li sserraħ fuqha nnifisha u jipprovdu impjiegi u opportunitajiet ta’ negozju li huma essenzjali għaż-żoni rurali, tal-kosta u tal-baħar.

Il-Kummissarju Phil Hogan iżur ir-Royal Highland Show, f’Edinburgh, ir-Renju Unit, fit-18 ta’ Ġunju 2015.
Il-politika agrikola komuni tal-UE tappoġġa l-investiment, l-għarfien u l-aċċess għall-finanzi għall-qasam agroalimentari, għall-agroteknoloġiji u għall-infrastruttura. Matul il-perjodu mill-2014 sal-2020 il-118-il programm ta’ żvilupp rurali se jikkontribwixxu madwar €80 biljun għall-immodernizzar u għall-iżvilupp tas-settur tal-ikel u tal-biedja. Kważi €43 biljun minn dan l-ammont se jkunu injezzjoni ta’ kapital privat. Barra minn hekk, huwa mistenni li l-programmi ta’ żvilupp rurali se jappoġġaw l-iżvilupp tan-negozju ta’ 66,000 impriża rurali żgħira u ta’ daqs medju lil hinn mill-agrikoltura. Dawn se jiffinanzjaw 3.7 miljun post ta’ taħriġ għall-bdiewa u għal imprendituri rurali oħra, u se jipprovdu għotjiet finanzjarji tal-bidu għal iktar minn 160,000 bidwi żagħżugħ. L-investimenti fl-infrastruttura se jtejbu l-aċċess għat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, inkluż il-broadband, għal kważi 18-il miljun persuna fiż-żoni rurali. Fl-istess waqt, il-pagamenti diretti u l-istrumenti tas-suq se jipprovdu stabbiltà għall-introjtu mill-biedja. Dan huwa importanti għas-settur tal-ikel tal-UE, li huwa l-iktar settur li jimpjega nies fl-Unjoni u li jipprovdi 47 miljun impjieg u 7 % tal-prodott domestiku gross tal-UE.

Il-Kummissarju Tibor Navracsics u l-Viċi President tal-Parlament Ewropew Mairead McGuinness iżuru l-Fiera Universali f’Milan, l-Italja, fit-8 ta’ Mejju 2015.
Il-Fiera Universali, Expo 2015, li t-tema tagħha kienet “Nitimgħu l-pjaneta, enerġija għall-ħajja”, saret f’Milan, l-Italja. Iktar minn 21 miljun persuna żaru l-Expo mill-1 ta’ Mejju sal-31 ta’ Ottubru. Il-paviljun tal-UE kien popolari ħafna mal-viżitaturi.
Baġit tal-UE iffukat fuq ir-riżultati
Fi żmien meta l-pressjoni qiegħda dejjem tiżdied fuq il-finanzi, huwa iktar importanti minn qatt qabel li kull ewro mill-flus ta’ min iħallas it-taxxi jintuża bl-aħjar mod. F’Settembru, il-Kummissjoni nediet l-inizjattiva “il-baġit tal-UE ffukat fuq ir-riżultati” sabiex jiġi żgurat li r-riżorsi tal-UE jintużaw tajjeb għall-ġid taċ-ċittadini u li l-proġetti kollha ffinanzjati mill-UE jkollhom benefiċċji ċari u valur għall-flus.
L-għan huwa li l-baġit tal-UE jiġi investit skont il-prijoritajiet ta’ politika tal-Kummissjoni, bħal li jiġu xprunati t-tkabbir, l-impjiegi u l-kompetittività u li jkun hemm rispons rapidu u effettiv f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza. Fuq is-sit web tal-Kummissjoni huma disponibbli bażi tad-dejta u mappa tal-proġetti ffinanzjati mill-baġit tal-UE li kellhom suċċess.
Kapitlu 2
Suq uniku diġitali kollegat
“Għandna nagħmlu użu ferm aħjar tal-opportunitajiet kbar offruti mit-teknoloġiji diġitali, li ma għandhomx fruntieri. Sabiex dan isir, jeħtieġ li jkollna l-kuraġġ li ma nibqgħux nirraġunaw f’kompartimenti nazzjonali bħal fir-Regolament dwar it-telekomunikazzjoni, fil-leġiżlazzjoni dwar id-drittijiet tal-awtur u dwar il-protezzjoni tad-dejta, fil-ġestjoni ta’ mewġ tar-radju u fl-applikazzjoni tal-liġi dwar il-kompetizzjoni.”
Jean-Claude Juncker, il-linji gwida politiċi, il-15 ta’ Lulju 2014

Fl-2015 il-Kummissjoni bdiet timplimenta l-istrateġija tagħha biex tikkollega s-suq uniku diġitali. L-istrateġija għandha l-għan li tneħħi l-ostakli li hemm fuq l-internet li jwasslu biex iċ-ċittadini tal-UE ma jgawdux mill-merkanzija u mis-servizzi kollha. L-ostakli jfissru wkoll li l-kumpaniji fuq l-internet u n-negozji l-ġodda ma jkunux jistgħu jieħdu vantaġġ sħiħ mill-opportunitajiet ta’ tkabbir fuq l-internet.
F’Mejju l-Kummissjoni ħadet l-ewwel passi fl-implimentazzjoni tal-istrateġija, li għandha l-għan li tittrasforma l-UE minn 28 suq nazzjonali għal suq uniku diġitali, li toħloq mijiet ta’ eluf ta’ impjiegi ġodda u li tikkontribwixxi b’€415-il biljun fis-sena għall-ekonomija tal-UE.
F’Diċembru l-istituzzjonijiet tal-UE laħqu ftehim storiku biex finalment, f’Ġunju tal-2017 jintemmu t-tariffi tar-roaming bil-mowbajl, diment li ċerti atti legali jiġu adottati. Minn dik id-data ’l quddiem, iċ-ċittadini se jkunu jistgħu jivvjaġġaw fl-UE kollha mingħajr ma jħallsu tariffi żejda biex jużaw il-mowbajl, l-ismartphone jew it-tablet tagħhom. Huma qablu wkoll li jiggarantixxu internet miftuħ għal kulħadd. F’Diċembru ġew ippreżentati l-ewwel proposti leġiżlattivi tal-istrateġija tas-suq uniku diġitali. Dawn inkludew regoli ġodda li jagħtu lir-residenti tal-UE d-dritt li meta jivvjaġġaw fl-UE jgawdu l-films, ix-xandiriet sportivi, il-mużika, il-kotba elettroniċi u l-logħob li jkunu ħallsu għalihom fl-Istat Membru tagħhom tad-domiċilju. Il-Kummissjoni pproponiet ukoll regoli kuntrattwali transfruntiera ġodda biex il-konsumaturi fl-UE kollha li jixtru fuq l-internet jiġu mħarsa aħjar u biex in-negozji jiġu megħjuna jespandu l-bejgħ tagħhom fuq l-internet.
Intlaħaq ftehim politiku dwar reġim ġdid tal-UE dwar il-protezzjoni tad-dejta, u dwar regoli ġodda biex jiġi żgurat livell għoli komuni ta’ sigurtà tan-netwerks u tal-informazzjoni fl-UE kollha.
L-istrateġija tas-suq uniku diġitali
L-istrateġija tas-suq uniku diġitali hija mibnija fuq tliet pilastri:
- aċċess aħjar għall-konsumaturi u għan-negozji għal kontenut u għal servizzi diġitali fl-UE kollha;
- jinħolqu l-kundizzjonijiet it-tajba u l-kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni sabiex in-netwerks diġitali u s-servizzi innovattivi jitkattru;
- tinkiseb il-milja tal-potenzjal tat-tkabbir tal-ekonomija diġitali.

Andrus Ansip, il-Viċi President tal-Kummissjoni, jiddiskuti dwar l-istrateġija tas-suq uniku diġitali waqt djalogu taċ-ċittadini f’Berlin, il-Ġermanja, fl-10 ta’ Diċembru 2015.
Aċċess aħjar għall-merkanzija u għas-servizzi
Il-faċilitazzjoni tal-kummerċ elettroniku
Il-biċċa l-kbira taċ-ċittadini li ppruvaw jixtru prodotti fuq l-internet minn pajjiżi oħra żgur li ltaqgħu ma’ problemi marbuta ma’ prezzijiet li jvarjaw jew ma’ prodotti li ma jkunux disponibbli. Il-Kummissjoni qed tagħmel ħilitha biex isir aġġornament tar-regoli tal-UE li jirregolaw il-kummerċ elettroniku transfruntier. L-għan tagħha huwa li x-xiri u l-bejgħ transfruntiera jsiru iktar faċilment, li l-konsumaturi jingħataw firxa usa’ ta’ drittijiet u offerti, u li n-negozji jiġu megħjuna biex ibigħu iktar faċilment fi Stati Membri oħra. Fl-2015 il-Kummissjoni bdiet tfassal regoli biex il-konsumaturi li jixtru b’mod elettroniku u transfruntier ikunu mħarsa aħjar. Il-Kummissjoni se tindirizza wkoll l-ostakli potenzjali li jinħolqu mill-kumpaniji fir-rigward tal-kummerċ elettroniku transfruntier tal-merkanzija u tas-servizzi. B’mod partikolari l-Kummissjoni se tiffoka fuq is-setturi li fihom il-kummerċ elettroniku huwa mifrux l-iktar, fosthom it-tagħmir elettroniku, il-ħwejjeġ u ż-żraben, u l-kontenut diġitali. Il-proċess beda f’Mejju bit-tnedija ta’ inkjesta tal-antitrust dwar il-kompetizzjoni fis-settur tal-kummerċ elettroniku.

Matul is-sena l-Kummissjoni kompliet bl-appoġġ tagħha favur id-drittijiet tal-konsumaturi fis-suq diġitali. F’Diċembru fasslet regoli armonizzati dwar ċerti aspetti kuntrattwali għall-provvista ta’ kontenut diġitali (eż. streaming tal-mużika) u dwar ċerti aspetti kuntrattwali għall-bejgħ fuq l-internet u għal bejgħ ieħor fuq distanza (eż. xiri ta’ ħwejjeġ fuq l-internet). Iż-żewġ proposti se jgħinu biex tinstab soluzzjoni għall-frammentazzjoni legali fil-qasam tal-liġi dwar il-kuntratti konklużi mill-konsumaturi u għall-ispejjeż għoljin li jirriżultaw għan-negozji, speċjalment għall-impriżi żgħar u ta’ daqs medju. Dawn se jgħinu wkoll biex titjieb il-fiduċja tal-konsumaturi meta dawn jixtru minn Stat Membru ieħor. Il-konsumaturi se jgawdu minn livell ogħla ta’ protezzjoni tal-konsumatur u minn għażla usa’ ta’ prodotti bi prezzijiet iżjed kompetittivi. In-negozji se jkunu jistgħu jipprovdu kontenut diġitali u jbigħu merkanzija lill-konsumaturi fl-UE kollha abbażi tal-istess sett ta’ regoli kuntrattwali.
Simplifikazzjoni tar-regoli tal-VAT għall-kummerċ elettroniku transfruntier
Kif inhuma l-affarijiet illum, għal kull kumpanija, il-bejgħ transfruntier fl-UE jista’ jfisser iktar minn €5,000 fi spejjeż ta’ konformità mar-regoli tat-taxxa fuq il-valur miżjud għal kull Stat Membru addizzjonali u għal kull sena addizzjonali. Il-Kummissjoni trid tipprovdi kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni għall-kumpaniji tal-UE u tiżgura li l-introjtu mit-taxxa fuq il-valur miżjud jasal għand l-Istat Membru li fih ikun ibbażat il-konsumatur. F’Settembru, il-Kummissjoni nediet konsultazzjoni pubblika sabiex tgħin biex jiġu identifikati modi ta’ simplifikazzjoni tal-ħlasijiet fi tranżazzjonijiet transfruntiera tal-kummerċ elettroniku fl-UE.
It-titjib tal-kunsinna transfruntiera ta’ pakketti
L-ispejjeż tal-kunsinna tal-pakketti mhumiex problema biss għall-konsumaturi li jixtru fuq l-internet. Il-kumpaniji li jbigħu l-prodotti tagħhom b’mod elettroniku wkoll jilmentaw li l-ispejjeż tal-kunsinna huma problema. Il-Kummissjoni qed tippromwovi servizzi ta’ kunsinna transfruntiera ta’ kwalità għolja għall-but ta’ kulħadd permezz tal-istrateġija tas-suq uniku diġitali, sabiex in-negozji jkunu jistgħu jwasslu l-prodotti tagħhom għand il-konsumaturi b’mod li jgawdi minnu kull min ikun involut fit-tranżazzjoni. F’Mejju, il-Kummissjoni nediet konsultazzjoni dwar din il-kwistjoni sabiex tkun taf eżattament dak li jeħtieġu u jridu ċ-ċittadini u n-negozji.

L-indirizzar tal-imblukkar ġeografiku
Bosta ċittadini li jixtru fuq l-internet sfaw vittmi ta’ mblukkar ġeografiku, li hija prattika kummerċjali li biha l-bejjiegħa ta’ fuq l-internet jiċħdu l-aċċess tal-konsumaturi għal sit web abbażi tal-post minn fejn ikunu qed jixtru, jew jgħadduhom lejn ħanut lokali bi prezzijiet differenti. Pereżempju, klijent li jkun irid jikri karozza fi Stat Membru partikolari jaf jispiċċa jħallas iżjed għall-istess kirja meta mqabbel ma’ klijenti minn Stat Membru ieħor. F’Settembru l-Kummissjoni nediet konsultazzjoni pubblika biex tifhem il-ħtiġijiet tal-konsumaturi, sabiex dan jgħinha tfassal proposti leġizlattivi biex, jekk ma tkunx ġustifikata, din il-prattika tintemm.
L-immodernizzar tal-liġi dwar id-drittijiet tal-awtur
Illum il-ġurnata, ir-residenti Ewropej li jivvjaġġaw fl-UE jistgħu jinqatgħu minn servizzi fuq l-internet li jipprovdu films, xandiriet sportivi, mużika, kotba elettroniċi u logħob li jkunu ħallsu għalihom fl-Istat Membru tagħhom tad-domiċilju. Pereżempju, meta persuna Netherlandiża tkun abbonata ma’ fornitur ta’ films u ta’ sensiliet televiżivi fuq l-internet u din tivvjaġġa lejn il-Ġermanja, din tkun tista’ tara biss il-films li l-kumpanija toffri lill-konsumaturi Ġermaniżi tagħha. Jekk l-istess persuna żżur il-Polonja, din ma tkun tista’ tara l-ebda film ipprovdut minn dak il-fornitur, peress li dak il-ħin il-fornitur ma jkollux negozju fil-Polonja. F’Diċembru, il-Kummissjoni pproponiet regoli ġodda li jippermettu lir-residenti tal-UE jivvjaġġaw bil-kontenut diġitali li jkunu xtraw jew li jkunu abbonaw għalih f’pajjiżhom. Il-portabbiltà transfruntiera, dritt ġdid tal-UE għall-konsumaturi, mistennija ssir realtà fl-2017. Din hija l-ewwel parti mill-pjan tal-Kummissjoni biex jiġu mmodernizzati r-regoli tal-UE dwar id-drittijiet tal-awtur fid-dawl tat-teknoloġiji l-ġodda, tal-imġiba tal-konsumaturi u tal-kundizzjonijiet tas-suq. Il-Kummissjoni ppreżentat ukoll pjan ta’ azzjoni li jiddeskrivi l-proposti leġiżlattivi u l-inizjattivi ta’ politika li se jsiru fl-ewwel nofs tal-2016. Il-Kummissjoni trid tiżgura li r-residenti Ewropej ikun jista’ jkollhom aċċess għal offerta legali wiesgħa ta’ kontenut, filwaqt li tiżgura li l-awturi u oħrajn li jkollhom id-drittijiet ikunu mħarsa aħjar u mħallsa b’mod ġust.
Ir-rieżami tad-Direttiva dwar ix-xandir bis-satellita u bil-kejbil
Ix-xandara tat-televiżjoni terrestri ilhom li ħadulhom posthom il-fornituri tax-xandir bis-satellita u bil-kejbil, li fosthom ħafna għandhom iktar kontenut x’joffru lill-konsumaturi. Iżda ċ-ċittadini qegħdin igawdu għalkollox mis-servizz ta’ dawn il-fornituri? Għadu l-każ li l-ostakli marbuta mal-liġijiet qodma dwar id-drittijiet tal-awtur ipoġġi l-bsaten fir-roti għaċ-ċittadini f’dak li huwa l-aċċess ta’ kontenut diġitali ġdid u kreattiv? Il-Kummissjoni bdiet rieżami formali tar-regoli tal-UE, f’tentattiv biex jiġi definit meta u kif il-fornituri tax-xandir bis-satellita u tat-televiżjoni bil-kejbil għandhom jeħilsu d-drittijiet tal-awtur u b’hekk jipprovdu firxa usa’ ta’ kontenut fl-UE kollha. Konsultazzjoni dwar id-Direttiva dwar ix-xandir bis-satellita u bil-kejbil, li tnediet f’Awwissu, staqsiet jekk ir-regoli humiex aġġornati u xi jkun l-impatt f’każ li dawn jiġu estiżi biex ikopru x-xandir tat-televiżjoni u tar-radju fuq l-internet. L-għan huwa li jitjieb l-aċċess transfruntier għas-servizzi tax-xandir u għal servizzi relatati fuq l-internet fl-UE kollha. It-tneħħija tal-ostakli fis-suq uniku diġitali se tippremja l-kreaturi u l-kreattività u se ssaħħaħ is-settur tax-xandir tal-UE filwaqt li tagħti lill-konsumaturi aċċess għal varjetà usa’ ta’ kontenut minn pajjiż għal ieħor.
Il-ħolqien tal-kundizzjonijiet it-tajba
It-tisħiħ tal-fiduċja fis-servizzi fuq l-internet
Hekk kif il-konsumaturi jpoġġu iktar dejta dwar ħajjithom fuq il-mezzi diġitali, xorta waħda għadhom mhumiex jafdaw kif il-kumpaniji jittrattaw id-dejta personali tagħhom. 72 % tal-utenti tal-internet fl-UE jinsabu mħassba dwar dan. Sabiex jindirizzaw it-tħassib taċ-ċittadini tal-UE u sabiex jaħdmu biex ikun hemm iżjed sigurtà u fiduċja fuq l-internet, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill approvaw regoli ġodda tal-UE dwar il-protezzjoni tad-dejta, li ġew proposti għall-ewwel darba mill-Kummissjoni fl-2012. Ir-regoli, maqbula lejn l-aħħar tal-2015, jinkludu:
- sett uniku ta’ regoli dwar il-protezzjoni tad-dejta, li huwa validu fl-UE kollha, u li permezz tiegħu n-negozji jiffrankaw madwar €2.3 biljun fis-sena;
- drittijiet imsaħħa u drittijiet addizzjonali, bħad-dritt li tkun minsi;
- regoli tal-UE fuq it-territorju tal-UE — il-kumpaniji bbażati ’l barra mill-Unjoni Ewropea jkollhom japplikaw ir-regoli tal-UE meta joffru servizzi fl-UE;
- iktar setgħat għall-awtoritajiet nazzjonali indipendenti tal-protezzjoni tad-dejta, li effettivament ikunu jistgħu jimmultaw lill-kumpaniji li jiksru r-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-dejta;
- punt ta’ kuntatt waħdieni għan-negozji u għaċ-ċittadini — il-kumpaniji jkollhom jittrattaw ma’ awtorità superviżorja waħda u mhux ma’ 28.
Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill qablu wkoll dwar regoli ġodda biex jiġi żgurat livell għoli komuni ta’ sigurtà tan-netwerks u tal-informazzjoni fl-UE kollha. Dan huwa element ewlieni tal-istrateġija tal-UE dwar iċ-ċibersigurtà — l-Istati Membri kollha se jintalbu jadottaw strateġija nazzjonali dwar iċ-ċibersigurtà. Se japplikaw obbligi speċifiċi għall-fornituri ta’ servizzi essenzjali f’setturi bħall-enerġija, it-trasport, is-servizzi bankarji u l-kura tas-saħħa, u għall-kumpaniji li joffru servizzi diġitali bħall-magni tat-tiftix, il-cloud computing u s-swieq fuq l-internet. Dawn se jkunu obbligati jieħdu miżuri xierqa ta’ sigurtà u jirrapportaw inċidenti ċibernetiċi li jkollhom impatt kbir lill-awtoritajiet nazzjonali.

Jitħabbar is-suq uniku diġitali tal-UE.
Fil-qafas tal-istrateġija tas-suq uniku diġitali, il-Kummissjoni qiegħda wkoll taħdem fi sħubija mal-industrija fuq teknoloġiji u soluzzjonijiet għas-sigurtà tan-netwerks fuq l-internet.

Il-Kummissarju Günther Oettinger fl-avveniment “Startup Europe Comes to Silicon Valley”, li fih l-aqwa negozji tat-teknoloġija fl-UE, ġodda u mhux, tlaqqgħu mal-partijiet ikkonċernati ta’ Silicon Valley, f’San Francisco, l-Istati Uniti, fit-23 ta’ Settembru 2015.
Fl-2017 jintemm ir-roaming
F’Ottubru l-Parlament Ewropew u l-Kunsill qablu li jintemmu t-tariffi tar-roaming fl-UE u approvaw regoli li jipproteġu d-dritt ta’ kull ċittadin tal-UE li jkollu aċċess għall-kontenut tal-internet mingħajr diskriminazzjoni.
Huwa ppjanat li t-tariffi tar-roaming jintemmu f’Ġunju tal-2017, diment li ċerti atti legali jiġu adottati, u b’hekk, meta jivvjaġġaw fl-UE, l-utenti tal-mowbajls, tas-smartphones u tat-tablets, iħallsu l-istess prezz bħallikieku qegħdin f’pajjiżhom, mingħajr tariffi żejda. Sadanittant, mit-30 ta’ April 2016, it-tariffa massima li se jħallsu l-utenti se tkun limitata għal €0.05 għal kull minuta għat-telefonati li jsiru, għal €0.02 għal kull SMS li jintbagħat u għal €0.05 għal kull megabyte ta’ dejta. Mill-2007 ’l hawn, l-UE diġà kisbet tnaqqis ta’ iżjed minn 80 % fil-prezzijiet tar-roaming għat-telefonati, għall-SMS u għad-dejta.

Ir-regoli maqbula f’Ottubru se jinkorporaw ukoll il-prinċipju tan-newtralità tan-net fil-liġi tal-UE. L-utenti se jkunu liberi li jkollhom aċċess għall-kontenut tal-għażla tagħhom u mhumiex se jibqgħu jiġu mblukkati b’mod inġust jew titnaqqsilhom il-veloċità tal-konnessjoni, filwaqt li l-prijoritizzazzjoni mħallsa mhux se tkun permessa. Fit-30 ta’ April 2016 dawn ir-regoli l-ġodda se jidħlu fis-seħħ fl-Istati Membri kollha.
Qafas tal-mezzi tax-xandir u tat-telekomunikazzjoni għas-seklu 21
Is-settur awdjoviżiv qed jinbidel flimkien mat-teknoloġiji l-ġodda, mal-mudelli l-ġodda ta’ negozju, mas-servizzi fuq talba u mal-modi viżivi l-ġodda, bħal fuq smartphone. F’Lulju l-Kummissjoni nediet konsultazzjoni pubblika dwar dak li jrid isir biex l-ambjent tal-mezzi tax-xandir awdjoviżivi tal-UE jkun xieraq għall-finijiet tal-era diġitali. Fl-2016, abbażi tar-riżultati tal-konsultazzjoni, il-Kummissjoni se teżamina jekk id-Direttiva dwar is-servizzi tal-mezzi tax-xandir awdjoviżivi għandhiex tiġi adattata u aġġornata.
Il-feedback miż-żewġ konsultazzjonijiet pubbliċi l-oħra li saru fl-2015 se jgħin ukoll lill-Kummissjoni biex jiġi aġġornat il-ktieb tar-regoli tal-UE dwar it-telekomunikazzjoni u biex jiġu identifikati l-veloċitajiet u l-kwalità tal-internet li l-parteċipanti tal-konsultazzjonijiet jemmnu li se jkunu meħtieġa wara l-2020. L-istrateġija tal-Kummissjoni għas-suq uniku diġitali timmira li ttejjeb il-konnettività diġitali fl-UE, speċjalment f’żoni rurali. Imqabbla ma’ 62 % fiż-żoni urbani, 18 % biss taż-żoni rurali huma koperti b’netwerks tal-broadband ibbażati fuq il-fibra. Matul il-perjodu mill-2014 sal-2020, il-Kummissjoni se tinvesti żewġ biljun ewro minn programmi ta’ żvilupp rurali biex ittejjeb is-servizzi tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni għal kważi 18-il miljun persuna li jgħixu fiż-żoni rurali. Fil-qafas ta' din it-tema wiesgħa l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali se jinvesti €13.3-il biljun biex jitjieb l-aċċess għat-teknoloġiji u għan-netwerks diġitali fl-UE kollha. Barra minn hekk, il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa għandha €150 miljun allokati għall-infrastruttura tal-broadband, li permezz tagħhom il-Kummissjoni u l-Bank Ewropew tal-Investiment jistgħu jiffinanzjaw is-self finanzjarju, il-bonds għall-finanzjament ta’ proġetti u l-garanziji għall-finanzjament ta’ proġetti fil-qasam tat-telekomunikazzjoni. B’mod ġenerali, huwa mistenni li l-qasam tal-broadband tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa se jimmobilizza investiment ta’ madwar biljun ewro.
Pjattaformi fuq l-internet
Il-pjattaformi fuq l-internet (il-magni tat-tiftix, il-mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali, is-siti web dwar il-qsim tal-għarfien u tal-filmati, il-ħwienet elettroniċi minn fejn tixtri l-applikazzjonijiet, eċċ.) huma parti importanti ta’ ekonomija diġitali li tkun miexja ’l quddiem. Dawn igawdu minnhom kemm il-konsumaturi kif ukoll il-fornituri billi jippermettu lill-parteċipanti fis-suq jisfruttaw il-vantaġġi tad-diġitalizzazzjoni u tal-kummerċ elettroniku. Dawn biddlu wkoll il-mod li bih jitqassam il-kontenut kulturali. Ir-riżultati ta’ konsultazzjoni li tnediet f’Settembru se jikkontribwixxu biex issir valutazzjoni tar-rwol tal-pjattaformi u tal-intermedjarji, inkluż dwar kif jista’ jinstab tarf tal-kontenut illegali fuq l-internet.
Il-ksib tal-milja tal-potenzjal għat-tkabbir
L-iżblukkar tal-benefiċċji tas-servizzi elettroniċi u l-avvanz tal-ħiliet diġitali
L-istrateġija tas-suq uniku diġitali tal-Kummissjoni tappoġġa soċjetà diġitali inklużiva, li fiha ċ-ċittadini jkollhom il-ħiliet it-tajba biex jaħtfu l-opportunitajiet ipprovduti mill-internet u jtejbu l-possibbiltà tagħhom li jsibu impjieg. Fl-2015 erba’ koalizzjonijiet nazzjonali ġodda għall-ħiliet u għall-impjiegi diġitali tnedew fil-Belġju, f’Ċipru, fin-Netherlands u fir-Renju Unit. Bħalissa hemm 13-il sħubija nazzjonali li huma ispirati mill-Gran Koalizzjoni tal-UE għall-Impjiegi Diġitali, li tnediet fl-2013 biex tinstab soluzzjoni għan-nuqqas ta’ ħiliet diġitali fl-UE.
L-applikazzjoni tal-gvern elettroniku tuża għodod u sistemi diġitali biex jiġu pprovduti servizzi pubbliċi aħjar liċ-ċittadini u lin-negozji. Din tippermetti liċ-ċittadini, lill-impriżi u lill-organizzazzjonijiet jużaw is-servizzi tal-gvern b’mod iżjed faċli u iktar mgħaġġel b’inqas spejjeż. Jekk tiġi introdotta kullimkien fl-UE, l-iffrankar annwali jista’ jaqbeż il-€50 biljun. F’Diċembru l-Parlament Ewropew u l-Kunsill approvaw il-pjanijiet tal-Kummissjoni għall-programm ISA2. Il-programm ISA2 se jipprovdi €131 miljun għall-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet diġitali interoperabbli biex tiġi żgurata interazzjoni transfruntiera jew transsettorjali mingħajr intoppi bejn l-amministrazzjonijiet pubbliċi tal-UE.
It-teknoloġiji diġitali jolqtu l-partijiet kollha tal-ħajja tagħna ta’ kuljum. Minn April tal-2018 il-karozzi l-ġodda kollha se jkunu mgħammra bit-teknoloġija tal-eCall bis-saħħa ta’ leġiżlazzjoni li ġiet adottata mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill f’April. F’każ ta’ inċident gravi, it-teknoloġija tal-eCall iċċempel awtomatikament in-numru 112, in-numru uniku ta’ emerġenza tal-Ewropa. Din tikkomunika l-post eżatt li fih tkun tinstab il-vettura, il-ħin tal-inċident u d-direzzjoni tal-vjaġġ (ferm importanti fl-awtostradi), lis-servizzi ta’ emerġenza, anke jekk is-sewwieq ikun intilef minn sensih jew ma jkunx jista’ jagħmel telefonata. Il-Kummissjoni tistma li, ladarba s-sistema tkun ġiet implimentata għalkollox, it-teknoloġija tal-eCall tista’ ssalva mijiet ta’ nies kull sena u twassal l-għajnuna iktar malajr għall-midruba.
L-iżvilupp ta’ standards
L-istandards huma għodod importanti sabiex sistemi differenti jaħdmu flimkien. Dawn jistgħu jagħtu spinta lill-innovazzjoni u jsaħħu l-kompetittività tal-industrija tal-UE. F’Settembru, il-Kummissjoni talbet għall-fehmiet dwar il-prijoritajiet għal standards f’oqsma bħall-cloud computing, iċ-ċibersigurtà, is-saħħa elettronika, it-trasport intelliġenti, il-bliet intelliġenti u l-komunikazzjonijiet 5G. Il-5G hija l-ġenerazzjoni li jmiss tan-netwerks ta’ komunikazzjoni. Mhux biss se tkun iżjed veloċi, iżda se tkun ukoll is-sinsla tal-futur diġitali tagħna u l-pedament ta’ suq tal-UE ta’ triljun ewro fl-internet tal-oġġetti. L-internet tal-oġġetti huwa terminu li jintuża biex jiġu deskritti funzjonalitajiet u applikazzjonijiet ġodda li jvarjaw minn karozzi kollegati għal djar intelliġenti. Mill-2020 ’il quddiem se jkun hemm traffiku tal-internet mobbli li jkun iżjed minn 30 darba iktar minn dak li kien hemm fl-2010. Il-5G se tkun it-teknoloġija li se tkun mgħammra l-iktar biex tindirizza din ir-realtà ġdida. Fl-2015, l-UE ffirmat ftehimiet storiċi maċ-Ċina u mal-Ġappun biex jiġbdu ħabel wieħed flimkien fit-tellieqa globali biex jiġu żviluppati netwerks tal-5G.
L-aħjar użu tal-ekonomija tad-dejta u tal-cloud computing
Ammonti enormi ta’ dejta jinħolqu min-nies jew jiġu ġġenerati mill-magni. Il-“Big data” tista’ tkun xprun għat-tkabbir, għall-innovazzjoni u għad-diġitalizzazzjoni. F’Settembru, qabel ma ħadet passi f’dan il-qasam, il-Kummissjoni nediet konsultazzjoni pubblika biex tikseb kontribuzzjonijiet għal inizjattivi li jippromwovu l-moviment ħieles tad-dejta fl-UE u li jindirizzaw ir-restrizzjonijiet fuq l-aċċess tad-dejta u fejn tkun tinstab id-dejta. Il-konsultazzjoni tindirizza wkoll kif l-aħjar jiġu ffaċilitati ċ-ċertifikazzjoni tas-servizzi tal-cloud computing, il-bdil ta’ fornituri tas-servizzi tal-cloud computing u l-ħolqien ta’ “cloud ta’ riċerka”. Dawn it-teknoloġiji se jkunu fil-qalba tal-industrija tal-UE tal-futur. L-istituzzjonijiet tal-UE stess impenjaw ruħhom ukoll li jużaw il-cloud computing. F’Diċembru l-Kummissjoni għażlet għadd ta’ kumpaniji li fl-2016 se jipprovdu firxa ta’ servizzi tat-teknoloġija tal-informatika bbażati fuq il-cloud għall-istituzzjonijiet kollha tal-UE.
Kapitlu 3
Unjoni tal-enerġija b’saħħitha u b’politika dwar it-tibdil fil-klima li tħares ’il quddiem
“L-avvenimenti ġeopolitiċi li qed iseħħu bħalissa ġegħluna niftakru li l-Ewropa tiddependi wisq fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwil u tal-gass. Għalhekk, irrid nirriforma u norganizza mill-ġdid il-politika tal-enerġija tal-Ewropa f’unjoni tal-enerġija Ewropea ġdida.”
Jean-Claude Juncker, il-linji gwida politiċi, il-15 ta’ Lulju 2014

L-UE bdiet l-2015 bl-impenn li tipprovdi enerġija sigura u bi prezzijiet raġonevoli għaċ-ċittadini u għan-negozji tagħha, u fl-istess ħin tiġġieled kontra l-kawżi tat-tibdil fil-klima. Fi Frar nediet l-unjoni tal-enerġija biex tgħin lill-konsumaturi jiffrankaw il-flus u l-enerġija, biex tgħin lill-ambjent u biex tiżgura s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija. F’Lulju tnedew diversi proposti relatati mal-unjoni tal-enerġija li koprew ir-reviżjoni tal-iskema tal-UE għan-negozjar tal-emissjonijiet, it-tikkettar enerġetiku aktar ċar u l-għoti ta’ offerti aħjar għall-konsumaturi. Il-Kummissjoni nediet ukoll konsultazzjoni pubblika dwar id-disinn il-ġdid tas-suq tal-elettriku.
Il-komunikazzjoni dwar il-ksib tal-mira ta’ 10 % għall-interkonnessjoni elettrika sal-2020 fl-Istati Membri kollha ġiet ippreżentata mill-Kummissjoni fi Frar. Sa tmiem l-2015 kienu diġà tħabbru diversi proġetti ta’ interkonnessjoni li jikkollegaw l-Istati Baltiċi fit-Tramuntana, il-peniżola Iberika fin-Nofsinhar u Malta mal-bqija tal-UE.
F’Settembru l-Kummissjoni addottat il-pjan il-ġdid tat-teknoloġija enerġetika strateġika biex jitħaffu l-iżvilupp u l-użu tat-teknoloġiji b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju.
Ir-rapport li ppubblikat il-Kummissjoni f’Novembru dwar l-istat tal-unjoni tal-enerġija wera l-progress li sar minn meta ġie adottat il-qafas strateġiku għall-unjoni tal-enerġija. Madankollu, l-implimentazzjoni tiegħu se teħtieġ li jsiru aktar sforzi u b’hekk l-2016 se tkun sena kruċjali biex titwettaq l-unjoni tal-enerġija.
Barra minn hekk, l-UE kellha rwol ċentrali fin-negozjati tal-ewwel ftehim universali u legalment vinkolanti dwar il-klima, li ġie adottat minn 195 pajjiż f’Diċembru li għadda f’Pariġi. Il-ftehim stabbilixxa pjan ta’ azzjoni globali biex id-dinja tkun tista’ tevita t-tibdil perikoluż fil-klima billi t-tisħin globali jinżamm sew taħt iż-2 °C. Dan il-ftehim bagħat sinjal ċar lill-investituri, lin-negozji u lil dawk li jfasslu l-politika, li t-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa hija waħda permanenti u li l-fjuwils fossili li jniġġsu ma jistgħux jibqgħu r-riżorsi primarji.
L-Unjoni tal-enerġija: enerġija sigura, sostenibbli, kompetittiva u bi prezz raġonevoli għaċ-ċittadini kollha tal-UE
Fi Frar il-Kummissjoni adottat l-istrateġija tagħha tal-unjoni tal-enerġija. Din tissejjes fuq l-istrateġija Ewropea għas-sigurtà tal-enerġija u fuq il-qafas tal-UE għall-klima u l-enerġija għall-2030. F’Ottubru tal-2014, il-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern tal-UE qablu dwar il-miri li jitnaqqsu l-emissjonijiet domestiċi tal-gassijiet serra b’mill-inqas 40 % sal-2030 meta mqabbla mal-livelli tal-1990, mira obbligatorja għall-UE kollha għall-enerġija rinnovabbli ta’ mill-inqas 27 % u mira tal-effiċjenza enerġetika ta’ mill-inqas 27 % titjib meta mqabbla mal-projezzjonijiet. Il-mira tal-effiċjenza se tiġi rieżaminata qabel l-2020 filwaqt li se jitqies il-livell tal-UE ta’ 30 %. Minħabba l-importanza fundamentali ta’ suq intern tal-enerġija funzjonali u konness għalkollox, il-kapijiet tal-UE qablu wkoll li sal-2020 tinkiseb il-mira minima ta’ 10 % għall-interkonnessjonijiet tal-elettriku bejn l-Istati Membri, bil-ħsieb li sal-2030 il-mira tiżdied għal 15 %.
L-għan ewlieni tal-unjoni tal-enerġija huwa li tipprovdi lill-konsumaturi u lin-negozji tal-UE b’enerġija sigura, sostenibbli u kompetittiva. Il-konsumaturi għandu jkollhom prezzijiet raġonevoli flimkien ma’ aktar kompetizzjoni u għażla biex ikunu jistgħu jiffrankaw il-flus u l-enerġija.
L-unjoni tal-enerġija għandha wkoll l-għan li tindirizza t-tibdil fil-klima bit-tranżizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u li ma tagħmilx ħsara lill-klima. Fi Frar il-Kummissjoni ppubblikat komunikazzjoni li tistabbilixxi viżjoni għal ftehim globali dwar il-klima f’Pariġi ppjanata għal Diċembru.
L-UE timporta 53 % tal-enerġija li tikkonsma u xi Stati Membri tagħha jiddependu biss minn fornitur wieħed għall-importazzjonijiet tagħhom tal-gass. Id-diversifikazzjoni tas-sorsi tal-enerġija u tal-fornituri hija mezz ewlieni kemm biex titjieb is-sigurtà tal-enerġija tal-UE kif ukoll biex tiġi ppreservata l-kompetittività tagħha. Sabiex tinkiseb id-diversifikazzjoni meħtieġa, l-UE qed tesplora t-triq tal-akkwist pubbliku tal-provvisti tal-fjuwil minn partijiet oħra tad-dinja, u qed tesplora teknoloġiji ġodda, tiżviluppa aktar ir-riżorsi domestiċi (fosthom il-bijomassa, kif stabbilit fl-istrateġija tal-UE għall-foresti) u ttejjeb l-infrastruttura biex taċċessa sorsi ġodda ta’ provvista.
L-ostakli persistenti għall-integrazzjoni reali tas-suq, il-politiki nazzjonali mhux koordinati u n-nuqqas ta’ pożizzjoni komuni fil-konfront ta’ pajjiżi mhux tal-UE fixklu l-progress biex tinkiseb l-unjoni tal-enerġija.
Għalhekk, l-istrateġija tal-unjoni tal-enerġija hija bbażata fuq ħames dimensjonijiet:
- is-sigurtà tal-enerġija, is-solidarjetà u l-fiduċja;
- suq Ewropew tal-enerġija integrat għalkollox;
- effiċjenza enerġetika li tikkontribwixxi għall-moderazzjoni tad-domanda;
- id-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija;
- ir-riċerka, l-innovazzjoni u l-kompetittività.
Biex l-unjoni tal-enerġija tkun suċċess fl-Istati Membri kollha, jeħtieġ li fis-snin li ġejjin isiru għadd ta’ inizjattivi kemm fil-livell tal-UE kif ukoll fil-livell nazzjonali.
Il-politika ta’ koeżjoni tal-UE tikkontribwixxi fil-prattika għall-għanijiet tal-unjoni tal-enerġija. Bil-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej hemm disponibbli aktar minn €110 biljun. Parti minn dan l-ammont ġiet allokata biex tiffinanzja l-ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fl-UE kollha, inklużi l-investimenti fl-enerġija sostenibbli u fit-trasport multimodali urban. Barra minn hekk, hemm disponibbli appoġġ sostanzjali għall-investimenti relatati mat-trasport b’effiċjenza enerġetika u dekarbonizzat, kif ukoll xi appoġġ ieħor għall-infrastruttura tal-enerġija intelliġenti fuq skala ikbar.
Wara l-adozzjoni tal-istrateġija tal-unjoni tal-enerġija, fl-2015 il-Viċi President tal-Kummissjoni Maroš Šefčovič iddeċieda li jżur l-Istati Membri kollha biex iwassal aktar l-ideat tal-unjoni tal-enerġija lill-Istati Membri u lill-partijiet ikkonċernati. Waqt iż-żjarat tal-unjoni tal-enerġija saru diskussjonijiet mal-gvernijiet, mal-parlamenti nazzjonali, mas-settur tal-enerġija u ma’ industriji oħra, kif ukoll mas-sħab soċjali, mal-konsumaturi u mal-istudenti.
L-ewwel rapport fuq l-istat tal-unjoni tal-enerġija, maħruġ mill-Kummissjoni f’Novembru, ta ħarsa ġenerali lejn il-progress li sar fid-9 xhur preċedenti, identifika oqsma ewlenin għal azzjoni fl-2016 u pprovda konklużjonijiet ta’ politika fil-livelli tal-Istati Membri, tal-UE u reġjonali. Ir-rapport wera li, minbarra d-dekarbonizzazzjoni (inkluż permezz tal-enerġija rinnovabbli) u s-sigurtà tal-enerġija, l-istrateġija tal-unjoni tal-enerġija kienet qed tikseb riżultati fl-effiċjenza enerġetika, fis-suq intern tal-enerġija u fir-riċerka, fl-innovazzjoni u fil-kompetittività. Ir-rapport għaraf ukoll li fadal ħafna xi jsir biex l-għanijiet tal-unjoni tal-enerġija jitwettqu għalkollox.
Strument ewlieni għall-implimentazzjoni tal-unjoni tal-enerġija huwa mekkaniżmu ta’ governanza trasparenti u affidabbli. Ir-rapport inkluda gwida għall-Istati Membri għall-iżvilupp ta’ pjanijiet nazzjonali integrati dwar il-klima u l-enerġija għal bejn l-2021 u l-2030.
It-trasformazzjoni tas-sistema tal-enerġija tal-UE
F’Lulju l-Kummissjoni ppreżentat inizjattivi biex jinkiseb ftehim ġdid għall-konsumaturi tal-enerġija, biex is-suq tal-elettriku tal-UE jiġi ddisinjat mill-ġdid, biex issir reviżjoni tal-iskema tal-UE għan-negozjar tal-emissjonijiet u biex jiġi aġġornat it-tikkettar enerġetiku.
Nagħtu s-setgħa lill-konsumaturi tal-enerġija
Il-proposti tal-Kummissjoni jissejsu fuq strateġija bi tliet pilastri:
- l-għoti ta’ għajnuna lill-konsumaturi biex dawn jiffrankaw il-flus u jkollhom parti attiva fis-suq b’informazzjoni aħjar u b’għażla usa’ ta’ azzjonijiet;
- iż-żieda tal-fiduċja u tal-protezzjoni tal-konsumaturi f’termini ta’ drittijiet dwar l-enerġija kif ukoll ta’ ġestjoni, protezzjoni, privatezza u sigurtà tad-dejta;
- l-iffaċilitar tar-rwol attiv tal-konsumaturi billi jintużaw għalkollox it-teknoloġiji intelliġenti interoperabbli.
Id-disinn il-ġdid tas-suq tal-elettriku
Biex jinkisbu l-għanijiet tal-istrateġija tal-unjoni tal-enerġija jeħtieġ li jkun hemm trasformazzjoni fundamentali tas-sistema tal-elettriku tal-UE. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar id-disinn ġdid tas-suq tal-elettriku tal-UE nediet konsultazzjoni pubblika dwar kif għandu jkun id-disinn il-ġdid tas-suq tal-elettriku. Ir-riżultati tal-konsultazzjoni se jintużaw biex tissaħħaħ is-sigurtà tal-enerġija, biex jintlaħqu l-aspettattivi tal-konsumaturi u biex it-teknoloġija l-ġdida tkun tassew ta’ benefiċċju. Dawn se jgħinu wkoll biex jidentifikaw modi kif jiġi ffaċilitat l-investiment, l-aktar fl-enerġija rinnovabbli.

Skema tal-UE għan-negozjar tal-emissjonijiet xierqa għall-futur
F’Lulju l-Kummissjoni pproponiet reviżjoni tal-iskema tal-UE għan-negozjar tal-emissjonijiet għall-perjodu wara l-2020 biex tiżgura li fl-għaxar snin li ġejjin, l-iskema jkollha sehem sħiħ fit-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra. Il-proposta kienet l-ewwel pass leġiżlattiv biex sal-2030 jitwettaq l-impenn tal-UE li l-emissjonijiet tal-gassijiet serra jonqsu mil-lat domestiku b’mill-inqas 40 %. Din il-proposta bagħtet sinjal qawwi lill-komunità internazzjonali fit-tħejjija għas-summit ta’ Pariġi dwar il-klima.
Il-proposta tinkludi tliet elementi ewlenin: żieda fir-ritmu tat-tnaqqis tal-emissjonijiet wara l-2020; aktar regoli mmirati għall-allokazzjoni bla ħlas tal-kwoti għall-industrija biex tiġi salvagwardjata l-kompetittività internazzjonali; u spinta finanzjarja għall-innovazzjoni b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u għall-immodernizzar tas-settur tal-enerġija.
Ir-reviżjoni tat-tikketta enerġetika għal aktar ċarezza
Minn mindu ddaħħal it-tikkettar enerġetiku tal-UE għoxrin sena ilu, dan ħeġġeġ l-iżvilupp ta’ ħafna aktar prodotti effiċjenti fl-enerġija. Dan wassal biex it-tikketta enerġetika saret kumplessa wisq. Fl-2015 il-Kummissjoni pproponiet li terġa’ tiddaħħal l-iskala oriġinali tat-tikketta għall-enerġija mill-A sal-G, li hija aktar sempliċi u li tinftiehem sew mill-konsumaturi.
Il-pjan tat-teknoloġija enerġetika strateġika
F’Settembru l-Kummissjoni adottat il-pjan il-ġdid tat-teknoloġija enerġetika strateġika b’baġit stmat ta’ €71.5 biljun. L-għan tiegħu huwa li jtejjeb it-teknoloġiji l-ġodda b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u jnaqqas l-ispejjeż billi jikkoordina r-riċerka u jgħin fil-finanzjament tal-proġetti.
Bħala parti mid-dimensjoni teknoloġika tal-politika dwar il-klima u l-enerġija tal-UE, il-pjan aġġornat jipproponi 10 azzjonijiet iffukati fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni. Dawn se jgħinu biex jgħaġġlu t-trasformazzjoni tas-sistema tal-enerġija filwaqt li joħolqu aktar impjiegi ġodda u tkabbir. Se tiġi stabbilita struttura ta’ governanza aktar sempliċi u effiċjenti biex tiżdied il-koordinazzjoni bejn il-gvernijiet nazzjonali, l-industrija u l-istituzzjonijiet tar-riċerka. Se jiġi ffaċilitat aktar l-aċċess għall-finanzjament ta’ riskju biex jappoġġa innovazzjonijiet ġodda u jiddaħħlu teknoloġiji ġodda fis-suq.
Suq tal-enerġija interkonness
Bħala parti mill-istrateġija tal-unjoni tal-enerġija, fi Frar, il-Kummissjoni ppreżentat komunikazzjoni dwar kif tista’ tinkiseb il-mira ta’ 10 % għall-interkonnessjoni elettrika sal-2020 fl-Istati Membri kollha. Fi ftit kliem, kull Stat Membru għandu jkollu kejbils tal-elettriku li jippermettu li mill-inqas 10 % tal-elettriku prodott mill-impjanti tal-enerġija tiegħu jiġi ttrasportat bejn il-fruntieri lejn l-Istati Membri ġirien. S’issa 22 Stat Membru diġà jinsabu fit-triq it-tajba biex jilħqu din il-mira, iżda għad hemm bżonn ta’ iktar interkonnessjonijiet f’reġjuni speċifiċi.
F’Marzu l-President tal-Kummissjoni ngħaqad mal-Prim Ministri ta’ Spanja u tal-Portugall u mal-President ta’ Franza biex jiffirmaw id-Dikjarazzjoni ta’ Madrid. Id-dikjarazzjoni twitti t-triq biex il-peniżola Iberika tkun konnessa aħjar mal-bqija tas-suq tal-enerġija tal-UE. Il-Grupp reġjonali ġdid ta’ Livell Għoli għal-Lbiċ tal-Ewropa se jiżgura l-monitoraġġ regolari tal-progress tal-proġetti infrastrutturali ewlenin identifikati fid-Dikjarazzjoni ta’ Madrid u se jipprovdi appoġġ adegwat biex jiffaċilita l-kostruzzjoni.
F’April il-Prim Ministri ta’ Malta u tal-Italja inawguraw uffiċjalment l-interkonnettur elettriku li jikkollega ż-żewġ Stati Membri. B’hekk issa Malta hija konnessa mal-grilja tal-enerġija Ewropea.

(Bilqiegħda, mix-xellug għal-lemin) Jean-Claude Juncker, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, François Hollande, il-President ta’ Franza, Mariano Rajoy, il-Prim Ministru ta’ Spanja, u Pedro Passos Coelho, il-Prim Ministru tal-Portugall, jiffirmaw id-Dikjarazzjoni ta’ Madrid sabiex il-Peniżola Iberika tkun konnessa aħjar mal-bqija tas-suq tal-enerġija tal-UE, f’Madrid, Spanja, fl-4 ta’ Marzu 2015.
F’Lulju l-Istati Membri qablu li jinvestu f’20 proġett trans-Ewropew għall-infrastruttura tal-enerġija skont il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa. Għall-perjodu ta’ bejn l-2014 u l-2020, il-faċilità għandha baġit ta’ €5.35 biljun biex tappoġġa l-infrastruttura tal-enerġija. It-tieni sejħa għall-proposti ġiet ippubblikata f’Ġunju b’baġit indikattiv ta’ €550 miljun.
Bi ħsieb li jintemm l-iżolament enerġetiku tar-reġjun tal-Baħar Baltiku, f’Ottubru ġie ffirmat ftehim ta’ għotja biex jinbena konnettur tal-gass bejn il-Polonja u l-Litwanja.

Taavi Rõivas, il-Prim Ministru tal-Estonja, Dalia Grybauskaitė, il-President tal-Litwanja, Laimdota Straujuma, il-Prim Ministru tal-Latvja, Ewa Kopacz, il-Prim Ministru tal-Polonja, u Jean-Claude Juncker, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, iħabbru l-proġett tal-interkonnettur tal-gass li jikkollega l-Polonja u l-Litwanja, fi Brussell, fil-15 ta’ Ottubru 2015.
F’Novembru l-Kummissjoni adottat lista ta’ 195 proġett ewlieni ta’ infrastruttura tal-enerġija. Dawn huma l-hekk imsejħa proġetti ta’ interess komuni u se jgħinu biex jintlaħqu l-għanijiet tal-UE dwar il-klima u l-enerġija. Il-proġetti jibbenefikaw minn proċedura aċċellerata ta’ permess u minn kundizzjonijiet regolatorji aħjar. Hemm mnejn ikunu eliġibbli għal appoġġ finanzjarju mill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa.
F’Diċembru ġew inawgurati uffiċjalment żewġ interkonnessjonijiet tal-elettriku ġodda li jikkollegaw il-Litwanja mal-Polonja u mal-Iżvezja. Il-LitPol Link tikkollega Alytus fil-Litwanja ma’ Ełk fil-Polonja, filwaqt li n-NordBalt tikkollega Nybro fl-Iżvezja ma’ Klaipeda fil-Litwanja. Għall-ewwel darba s-swieq tal-elettriku tal-Istati Baltiċi se jkunu konnessi man-netwerks tal-elettriku Żvediżi u Pollakki biex b’hekk l-Istati Baltiċi u l-Polonja se jkunu jistgħu jilħqu l-mira ta’ 10 % għall-interkonnessjoni elettrika.
It-tibdil fil-klima u l-Ftehim ta’ Pariġi
Biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima, f’Diċembru 195 pajjiż adottaw l-ewwel ftehim universali u legalment vinkolanti dwar il-klima. Il-ftehim, li ġie ffirmat bis-saħħa tal-isforzi tal-UE, jimpenja l-pajjiżi kollha biex jieħdu azzjoni ħalli jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra sabiex it-temperatura globali tibqa’ sew taħt iż-2 °C ’il fuq mil-livelli preindustrijali, u ħalli jiġu evitati l-aktar effetti perikolużi tat-tibdil fil-klima.
L-adozzjoni ta’ ftehim globali ġdid biex titħaffef it-tranżizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju hija l-qofol ta’ snin ta’ sforzi mill-komunità internazzjonali biex jintlaħaq ftehim multilaterali u universali dwar it-tibdil fil-klima.

Carole Dieschbourg, il-Ministru tal-Ambjent tal-Lussemburgu li kienet qiegħda tirrappreżenta l-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (it-tielet mix-xellug), u l-Kummissarju Miguel Arias Cañete (ir-raba’ mil-lemin) imexxu lir-rappreżentanti tal-Koalizzjoni ta’ Ambizzjoni Għolja fil-konferenza dwar it-tibdil fil-klima f’Pariġi, Franza, fit-12 ta’ Diċembru 2015.
Wara l-parteċipazzjoni limitata fil-Protokoll ta’ Kjoto u n-nuqqas ta’ ftehim f’Copenhagen fl-2009, l-UE ħolqot koalizzjoni wiesgħa ta’ pajjiżi żviluppati u ta’ pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp li għandhom ambizzjonijiet kbar. Bis-saħħa tal-koalizzjoni, il-konferenza ta’ Pariġi kienet suċċess.
Il-wegħdiet li saru mill-pajjiżi dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet, magħrufa bħala kontributi maħsuba determinati fil-livell nazzjonali, kienu żvilupp importanti ħafna. Dawn il-wegħdiet bdew bil-mod f’Marzu, bl-UE li kienet l-ewwel ekonomija prinċipali li ppreżentat il-kontribut tagħha. L-UE impenjat ruħha għall-mira vinkolati u li tapplika għall-ekonomija kollha li sal-2030 tnaqqas l-emissjonijiet b’mill-inqas 40 % meta mqabbla mal-livelli tal-1990. Sa tmiem il-konferenza ta’ Pariġi, kważi l-pajjiżi kollha tad-dinja ppreżentaw pjanijiet komprensivi biex inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom. Għal ħafna minnhom din kienet l-ewwel darba li għamlu dan. Din kienet dimostrazzjoni bla preċedent ta’ rieda politika, fejn l-azzjoni li għall-bidu ttieħdet biss minn xi wħud, spiċċat f’azzjoni minn kulħadd.

Il-gvernijiet f’Pariġi qablu dwar l-elementi ewlenin li ġejjin.
- L-għan fuq terminu twil biex it-temperatura medja globali tibqa’ sew taħt iż-2 °C ’il fuq mil-livelli preindustrijali u biex jitkomplew l-isforzi ħalli ż-żieda tiġi limitata għal 1.5 °C.
- Il-ksib tal-għan li l-emissjonijiet globali tal-gassijiet serra jilħqu l-quċċata mill-aktar fis possibbli, u li wara dan isir tnaqqis rapidu tagħhom skont l-aħjar xjenza disponibbli biex fit-tieni nofs ta’ dan is-seklu jinkiseb bilanċ bejn sorsi u bjar tal-gassijiet serra.
- Ftehim biex kull 5 snin issir laqgħa li matulha jiġu stabbiliti miri aktar ambizzjużi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet kif meħtieġ mix-xjenza.
- Ftehim biex il-membri jirrappurtaw lil xulxin u lill-pubbliku dwar kemm qed jirnexxilhom jimplimentaw il-miri tagħhom, u dan sabiex jiġu żgurati t-trasparenza u s-sorveljanza.
- Il-pajjiżi żviluppati se jkomplu bl-għan kollettiv eżistenti tagħhom li jimmobilizzaw $100 biljun fis-sena sal-2020 biex jappoġġaw l-azzjoni klimatika fil-pajjiżi fil-fażi li qed jiżviluppaw u jestendu dan il-għan sal-2025, meta se tiġi stabbilita mira kollettiva ġdida.
L-UE impenjata biex iżżid l-assistenza klimatika għall-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp
Fl-2014 l-UE u l-Istati Membri tagħha pprovdew €14.5 biljun f’finanzjament biex jgħinu lill-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp inaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra u jaddattaw għall-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima. Din iż-żieda sinifikanti turi d-determinazzjoni tal-UE li tikkontribwixxi b’mod proporzjonat għall-għan stabbilit fl-2009 ta’ $100 biljun għall-flussi finanzjarji annwali mill-pajjiżi żviluppati għall-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp sal-2020. Fil-perjodu ta’ bejn l-2014 u l-2020, mill-inqas 20 % tal-baġit tal-UE se jintefaq fuq proġetti relatati mal-azzjoni klimatika. F’dan l-istess perjodu, medja ta’ €2 biljun fis-sena ta’ għotjiet pubbliċi se tappoġġa attivitajiet fil-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp.

Il-finanzjament tal-UE għall-azzjoni klimatika.
Iċ-ċittadini tal-UE jappoġġaw azzjoni globali kollettiva dwar it-tibdil fil-klima
L-istħarriġ speċjali tal-Ewrobarometru dwar it-tibdil fil-klima, li ġie ppubblikat ftit ġranet biss qabel is-Summit ta’ Pariġi, wera li t-tibdil fil-klima għadu wieħed mill-elementi ewlenin ta’ tħassib għall-pubbliku fl-UE, b’91 % li jqisuh bħala problema serja. Aktar minn 9 minn kull 10 persuni fl-Unjoni Ewropea (93 %) jemmnu li l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima se tkun effettiva biss jekk il-pajjiżi kollha tad-dinja jaħdmu id f’id.

It-tibdil fil-klima — x’qed tagħmel l-UE.
Kapitlu 4
Suq intern aktar ġust u aktar profond b’bażi industrijali msaħħa
“Is-suq intern tagħna huwa l-aqwa għodda li għandha l-Ewropa fi żminijiet fejn il-globalizzazzjoni qiegħda dejjem tiżdied. Għalhekk, nixtieq li l-Kummissjoni li jmiss tibni fuq is-saħħa tas-suq uniku tagħna u tisfrutta għalkollox il-potenzjal tiegħu fl-aspetti kollha tiegħu.”
Jean-Claude Juncker, il-linji gwida politiċi, il-15 ta’ Lulju 2014

Fl-2015 il-Kummissjoni ppreżentat pjanijiet biex tibni fuq is-saħħa tas-suq uniku tal-UE u biex tisfrutta l-potenzjal tiegħu għalkollox. Is-suq uniku diġà joffri aċċess aktar faċli għal ħafna prodotti u servizzi, prezzijiet aktar baxxi, opportunitajiet kummerċjali akbar u standards ogħla ta’ sikurezza u ta’ ħarsien tal-ambjent.
Il-Kummissjoni qed tiżviluppa aktar is-suq uniku biex il-kumpaniji u l-industriji tal-UE jirnexxu fl-ekonomija globali. F’Ottubru nediet l-istrateġija tas-suq uniku biex tgħin fil-ħolqien ta’ opportunitajiet ġodda għall-konsumaturi u għan-negozji.
Fil-ħarifa l-Kummissjoni nediet l-unjoni tas-swieq kapitali flimkien ma’ pjan ta’ azzjoni li jinkludi 33 miżura. Dawn se jagħmluha aktar faċli għan-negozji ż-żgħar biex jisfruttaw is-swieq kapitali u biex jiksbu l-finanzjament li jeħtieġu. Dan l-aċċess għall-fondi huwa parti essenzjali mill-istabbiltà finanzjarja tal-UE.
L-UE teħtieġ ukoll qafas għat-tassazzjoni ġusta u effiċjenti tal-profitti korporattivi. Dan jgħin biex il-piż tat-taxxa jitqassam b’mod ġust u biex jiġu promossi t-tkabbir u l-investiment sostenibbli. Il-qafas jgħin ukoll biex jiddiversifika s-sorsi ta’ finanzjament u jsaħħaħ il-kompetittività ekonomika. F’Marzu l-Kummissjoni pproponiet pakkett ta’ miżuri biex tinħoloq aktar trasparenza fit-tassazzjoni korporattiva. Wara dan il-pakkett, f’Ġunju ġie propost pjan ta’ azzjoni biex jinkiseb approċċ komprensiv li jiżgura tassazzjoni korporattiva ġusta u effiċjenti. Fl-istess sena, il-Kummissjoni nediet investigazzjonijiet skont ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat biex tivverifika jekk kienx hemm xi kumpaniji li ġew magħżula biex jirċievu benefiċċji fuq it-taxxa minn xi Stati Membri.
L-istrateġija tas-suq uniku
Is-suq uniku jippermetti li l-merkanzija, is-servizzi, il-kapital u l-persuni jiċċaqalqu b’mod aktar liberu. Dan joffri opportunitajiet għall-professjonisti u għan-negozji, kif ukoll għażla akbar u prezzijiet aktar baxxi għall-konsumaturi. Bis-suq uniku l-persuni jistgħu jivvjaġġaw, jgħixu, jaħdmu u jistudjaw kull fejn jixtiequ. Iżda dawn l-opportunitajiet mhux dejjem ikunu jistgħu jseħħu minħabba li r-regoli tas-suq uniku ma jkunux magħrufa jew ma jkunux twettqu, jew sempliċiment għax ikunu mhedda bi xkiel bla bżonn. L-istrateġija tas-suq uniku, li ġiet adottata mill-Kummissjoni f’Ottubru, ipproponiet għadd ta’ azzjonijiet dwar dawn in-nuqqasijiet. Dawn se jinħolqu billi jiġi permess l-iżvilupp bilanċjat tal-ekonomija kollaborattiva, bl-għoti ta’ għajnuna lill-impriżi żgħar u ta’ daqs medju u lin-negozji l-ġodda biex dawn jikbru, billi s-suq bla fruntieri għas-servizzi jitwettaq fil-prattika, billi jiġu indirizzati r-restrizzjonijiet fis-settur tal-bejgħ bl-imnut u billi tiġi evitata d-diskriminazzjoni tal-konsumaturi u tal-imprendituri. L-istrateġija se tippermetti wkoll li tiġi mmodernizzata s-sistema tal-istandards tal-UE, li jiżdiedu t-trasparenza, l-effiċjenza u l-kontabilità tal-akkwist pubbliku u li jiġi kkonsolidat il-qafas tal-proprjetà intellettwali tal-UE. Dan kollu għandu joħloq benefiċċji prattiċi għall-persuni fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum.

L-istrateġija tas-suq uniku.
L-istrateġija tiffoka fuq is-swieq tas-servizzi u tal-prodotti. Din tikkomplementa l-isforzi tal-Kummissjoni biex tixpruna l-investiment, ittejjeb il-kompetittività u l-aċċess għall-finanzjament, tiżgura li s-suq intern għall-enerġija jaħdem sew u taħtaf l-opportunitajiet tas-suq uniku diġitali.
L-integrazzjoni tas-suq uniku
Ir-rapport tal-2015 dwar l-integrazzjoni u l-kompetittività tas-suq uniku li ħarġet il-Kummissjoni f’Ottubru, ipprovda analiżi dettaljata dwar il-qagħda tal-integrazzjoni u l-kompetittività ekonomika fl-UE. Minkejja li matul is-sena l-UE rat sinjali ċari ta’ rkupru ekonomiku, jeħtieġ li jsiru riformi mmirati biex il-livelli tat-tkabbir ekonomiku sostenibbli jerġgħu jinġiebu għal li kienu. Ir-rapport juri li l-ostakli strutturali, komportamentali u regolatorji għadhom qed ixekklu l-prestazzjoni ġenerali tas-suq uniku. Hemm ħafna x’jista’ jinkiseb anki jekk biss jittejbu l-implimentazzjoni u l-infurzar tar-regoli eżistenti, speċjalment dawk fis-swieq tas-servizzi.
L-Unjoni tas-swieq kapitali
Fl-2015 il-Kummissjoni pproponiet unjoni tas-swieq kapitali biex ittejjeb il-kapiċità tas-swieq finanzjarji fil-qadi tal-ekonomija reali. B’din l-inizjattiva se titnaqqas il-frammentazzjoni fis-swieq finanzjarji, se jiġu ddiversifikati s-sorsi finanzjarji, se jissaħħu l-flussi kapitali transfruntiera u se jitjieb l-aċċess għall-finanzjament għan-negozji, l-aktar għall-impriżi żgħar u ta’ daqs medju.

L-iżblukkar ta’ finanzjament għat-tkabbir tal-Ewropa.
L-unjoni tas-swieq kapitali għandha l-għan li tħaddem flus in-nies biex issaħħaħ l-ekonomija tal-UE u b’hekk tkun ta’ benefiċċju għall-konsumaturi tal-UE. Il-Green Paper tal-Kummissjoni dwar il-bini ta’ unjoni tas-swieq kapitali ġiet ippubblikata fi Frar. F’Settembru sar pjan ta’ azzjoni dwar l-unjoni tas-swieq kapitali bil-għan li jinkiseb progress fi tliet oqsma ewlenin ta’ politika. L-ewwel qasam ta’ politika jiffoka fuq it-titjib tal-aċċess għall-finanzjament għan-negozji kollha tal-UE, l-aktar għan-negozji l-ġodda, għall-impriżi żgħar u ta’ daqs medju u għall-proġetti ta’ infrastruttura. It-tieni wieħed jikkonċentra fuq iż-żieda u d-diversifikazzjoni tas-sorsi ta’ finanzjament minn investituri fl-UE u minn madwar id-dinja. It-tielet qasam jipprova jtejjeb il-ħidma tas-swieq biex il-konnessjonijiet bejn l-investituri u bejn dawk li jeħtieġu finanzjament ikunu aktar effiċjenti u effettivi, kemm fl-Istati Membri kif ukoll bejn il-fruntieri.
Il-Kummissjoni għamlet ukoll proposti dwar it-titolizzazzjoni biex jilliberaw il-banek mill-kapital u b’hekk jinfetħu l-bibieb għal self ġdid. Ippreżentat regoli ġodda dwar it-trattament ta’ proġetti ta’ infrastruttura biex jippromwovu l-investiment, nediet konsultazzjonijiet dwar il-kapital ta’ riskju, il-bonds koperti u s-servizzi finanzjarji għall-konsumatur,u ppubblikat sejħa għal evidenza dwar l-impatt kumulattiv tal-leġiżlazzjoni finanzjarja. F’Novembru, il-Kummissjoni ressqet proposta biex timmodernizza r-reġim dwar il-prospett. L-għan tagħha huwa li l-kumpaniji jsibuha aktar faċli biex jikbru għax jiġbru l-kapital fl-UE kollha filwaqt li jiżguraw il-protezzjoni effettiva tal-investitur. F’Diċembru ġie maqbul approċċ ġenerali tal-Kunsill dwar il-proposti tat-titolizzazzjoni.

Il-Kummissarju Jonathan Hill (il-ħames mil-lemin fl-ewwel ringiela) jippresjedi ċ-ċerimonja tal-ftuħ tal-Borża ta’ Londra, f’Londra, ir-Renju Unit, fit-2 ta’ Ottubru 2015.
L-akkwist pubbliku jsir aktar trasparenti u kompetittiv
Bin-nefqa pubblika fuq il-prodotti, ix-xogħlijiet u s-servizzi li tirrappreżenta madwar 18 % tal-prodott domestiku gross tal-UE, l-akkwist pubbliku huwa ferm importanti għall-irkupru ekonomiku tal-UE. Akkwist pubbliku trasparenti u kompetittiv fis-suq uniku kollu joħloq opportunitajiet ta’ negozju għall-impriżi tal-UE u jikkontribwixxi għall-ħolqien tax-xogħol.
F’Settembru l-Kummissjoni ggwidat lill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali dwar ir-regoli tal-akkwist pubbliku tal-UE. Dawn tfasslu b’tali mod li l-awtoritajiet ikunu jistgħu jirreaġixxu malajr fi żminijiet ta’ kriżi u b’hekk meta jkun hemm bżonn, jissodisfaw il-bżonnijiet l-aktar urġenti ta’ akkomodazzjoni, provvisti u għajnuna.
Il-Kummissjoni kompliet tappoġġa u tippromwovi t-tranżizzjoni għall-akkwist elettroniku u għall-fatturar elettroniku fl-Istati Membri. Dan jinkludi l-appoġġ dirett f’forma ta’ għotjiet mill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa u mill-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej biex jiġu żviluppati sistemi tal-IT u biex tittejjeb l-interoperabbiltà fl-UE kollha.
Niffaċilitaw il-mobilità tal-ħaddiema
Minkejja l-fatt li aktar minn 8 miljun ċittadin tal-UE jaħdmu fi Stat Membru ieħor, mhux daqshekk faċli li wieħed isib xogħol barra minn pajjiżu u li jikseb rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali tiegħu. Fl-2015 il-Kummissjoni ħadmet biex ittejjeb is-suq tax-xogħol tal-UE u biex ikun aktar faċli għall-professjonisti jaħdmu fi Stat Membru tal-UE barra mill-Istat Membru tad-domiċilju tagħhom.
It-tlaqqigħ effettiv u f’waqtu tal-ħiliet mal-postijiet battala huwa prijorità. Dan jgħin biex il-kumpaniji u l-persuni madwar l-UE jagħmlu l-aħjar użu mill-potenzjal ekonomiku tal-mobilità tal-forza tax-xogħol transfruntiera u dik nazzjonali. Il-portal tal-EURES jgħin biex il-ħaddiema jaċċessaw faċilment bażi ta’ dejta ta’ postijiet battala mis-servizzi pubbliċi tal-impjieg tal-Istati Membri kollha u jqabbilhom mal-applikazzjonijiet tax-xogħol onlajn tagħhom. Matul is-sena l-Parlament u l-Kunsill approvaw il-proposta tal-Kummissjoni biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni f’dan il-qasam.
Bis-saħħa tal-Karta Professjonali Ewropea, il-professjonisti bħall-infermiera, l-ispiżjara, il-fiżjoterapisti u l-aġenti tal-propjetà se jsibuha aktar faċli biex jaħdmu fi Stat Membru ieħor mill-Istat Membru tad-domiċilju tagħhom. Fl-2016 il-professjonisti se jkunu jistgħu jużaw din il-karta bħala prova li għaddew minn kontrolli amministrattivi u li l-kwalifiki professjonali tagħhom ġew rikonoxxuti mill-Istat Membru ospitanti. Fl-istess ħin il-Kummissjoni se tintroduċi mekkaniżmu ta’ twissija biex tħares lill-persuni minn professjonisti mhux kwalifikati. Sabiex ngħaddu mill-kliem għall-fatti, f’Ġunju l-Kummissjoni adottat Regolament ta’ Implimentazzjoni u ħadmet mal-Istati Membri kollha biex din il-karta tkun tista’ tibda tintuża f’Jannar 2016.
L-Att Ewropew dwar l-Aċċessibbiltà li l-Kummissjoni pproponiet f’Diċembru għandu l-għan li jtejjeb is-suq uniku biex il-prodotti u s-servizzi ewlenin ikunu aktar aċċessibbli u jikkontribwixxi għall-parteċipazzjoni soċjoekonomika tal-persuni b’diżabbiltà. Ir-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà fl-UE kollha jkunu ta’ benefiċċju kemm għal dawk il-madwar 80 miljun ċittadin tal-UE li għandhom diżabbiltà kif ukoll għall-kumpaniji li jridu jaħdmu b’mod transfruntier. B’hekk ikun hawn għażla akbar ta’ prodotti u servizzi aċċessibbli bi prezzijiet aktar kompetittivi.
Il-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali
Fl-iżvilupp ta’ ekonomiji bbażati fuq l-għarfien, il-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali mhux biss hija importanti għall-promozzjoni tal-innovazzjoni u l-kreattività iżda wkoll għall-espansjoni tal-impjiegi u tal-kompetittività. L-UE għamlet progress fi tliet oqsma importanti fl-2015 — il-privattiva unitarja, ir-riforma tal-marki kummerċjali u l-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali.
Il-privattiva unitarja se tkun importanti l-aktar għan-negozji l-ġodda innovattivi u għall-impriżi żgħar u ta’ daqs medju tal-UE li għandhom l-għan li jaħdmu bejn il-fruntieri. Din se tidħol fis-seħħ hekk kif tiġi ratifikata mill-Istati Membri meħtieġa. L-għan tal-privattiva unitarja huwa li fl-UE kollha jkun hemm protezzjoni tal-privattivi li tkun sempliċi u bi prezzijiet raġonevoli. Il-privattiva unitarja se tintroduċi proċedura waħda ta’ reġistrazzjoni tal-privattivi għall-Istati Membri parteċipanti kollha u se tnaqqas l-ispejjeż tal-protezzjoni tal-privattivi fl-UE meta mqabbel mal-Ġappun, mal-Istati Uniti u ma’ pajjiżi oħra.
Ir-reġistrazzjoni tal-marki kummerċjali hija essenzjali biex marka tinbena u tiġi protetta. Matul is-sena l-Parlament u l-Kunsill adottaw il-pakkett ta’ riforma tal-marki kummerċjali tal-Kummissjoni biex is-sistemi ta’ reġistrazzjoni tal-marki kummerċjali fl-UE kollha jkunu aktar aċċessibbli u effiċjenti għan-negozji. Ir-riforma se ttejjeb ukoll il-kundizzjonijiet għan-negozji innovattivi u se tipprovdi aktar protezzjoni effettiva tal-marki kummerċjali kontra l-falsifikazzjoni. Il-pakkett jikkonsisti f’Regolament li jidħol fis-seħħ f’Marzu 2016 u f’Direttiva li tibda tapplika minn Jannar 2016.
Kull ma jmur il-kumpaniji tal-UE qegħdin ikunu esposti aktar għall-miżapproprijazzjoni ta’ sigrieti kummerċjali. F’Novembru 2013, il-Kummissjoni pproponiet sett ta’ regoli komuni biex jiffaċilitaw l-aċċess għall-azzjoni ċivili fl-UE kollha f’każ li jkun hemm miżapproprijazzjoni ta’ sigriet kummerċjali. Il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni laħqu ftehim preliminari dwar il-proposta f’Diċembru 2015. Ladarba l-proposta ssir liġi, l-UE se tkun post aħjar milli diġà hi biex fiha l-kumpaniji jkunu innovattivi u jagħmlu n-negozju. Ir-regoli l-ġodda se jkunu importanti biex jippromwovu l-kompetizzjoni, itejbu l-kundizzjonijiet għall-kumpaniji biex jinvestu fir-riċerka u l-innovazzjoni u jħeġġu l-kondiviżjoni tal-għarfien mal-UE kollha.
Kompetizzjoni aktar ġusta
L-infurzar tal-kompetizzjoni huwa waħda mill-għodod ewlenin li jgħinu biex is-suq uniku jaħdem sew. Il-fatt li tiġi żgurata l-kompetizzjoni ġusta huwa ta’ benefiċċju kemm għaċ-ċittadini kif ukoll għan-negozji peress li jevita li l-kumpaniji jabbużaw mill-pożizzjonijiet dominanti tagħhom. Il-kompetizzjoni ġusta tneħħilhom il-ħajra li jidħlu f’akkordji, inkluż akkordji fuq il-prezzijiet, u timponi sanzjonijiet fuqhom jekk jagħmlu dan. Tgħin biex tipprevjeni kull eżitu antikompetittiv possibbli ta’ fużjonijiet ta’ kumpaniji u tiżgura li l-għajnuna pubblika mogħtija lill-kumpaniji ma tfixkilx is-suq bla bżonn.
L-akkordji jħarsu lill-parteċipanti mill-kompetizzjoni u b’hekk jippermettulhom li jgħollu l-prezzijiet. Dawn ineħħu l-pressjoni minn fuq il-kumpaniji involuti biex itejbu l-prodotti, jew biex isibu mezzi aktar effiċjenti kif jipproduċuhom. B’riżultat ta’ dan il-klijenti jkollhom jerfgħu l-piż, billi jħallsu prezzijiet ogħla għal għażla limitata u ta’ kwalità baxxa. Dan għandu effett negattiv fuq il-kompetittività tal-ekonomija kollha.
Il-kompetittività u l-innovazzjoni trawmu fl-2015 bil-monitoraġġ mill-qrib tal-għajnuna mill-Istat, l-aktar biex jiġi evitat li l-fondi pubbliċi jingħataw lil kumpaniji f’diffikultà filwaqt li fl-istess ħin jinħolqu kundizzjonijiet ekwi li jiffaċilitaw l-iżvilupp ta’ aktar kumpaniji innovattivi. Matul is-sena ġie rkuprat total ta’ €6.1 miljun f’għajnuna illegali mill-Istat.
L-infurzar tal-għajnuna mill-Istat iffoka wkoll fuq il-prijoritajiet tas-suq uniku, fosthom is-settur tal-enerġija u s-settur diġitali u finanzjarju.
L-istrateġija tal-avjazzjoni
Il-Kummissjoni ħadmet biex iżżid il-kompetittività tas-settur tal-avjazzjoni tal-UE filwaqt li żammet l-istandards għoljin tas-sikurezza, tas-sigurtà u tal-ambjent u kattret l-innovazzjoni. Din irrakkomandat l-aktar in-negozjati ta’ ftehimiet internazzjonali ġodda biex toffri liċ-ċittadini aktar rotot bi prezzijiet aħjar u biex toħloq opportunitajiet ta’ negozju għall-kumpaniji tal-UE. L-istrateġija tal-avjazzjoni tal-UE li l-Kummissjoni ħabbret f’Diċembru tidentifika l-innovazzjoni u t-teknoloġiji diġitali meħtieġa biex jimmaniġġjaw b’mod aktar effiċjenti r-rotot tal-ajru tagħna u biex jiżviluppaw il-potenzjal sħiħ tas-suq tal-vetturi tal-ajru mingħajr bdot abbord.

Il-Kummissarju Violeta Bulc iżżur l-ajruport ta’ Zaventem, il-Belġju, fit-2 ta’ Lulju 2015.
It-tassazzjoni
L-UE teħtieġ qafas għat-tassazzjoni ġusta u effiċjenti tal-profitti tal-kumpaniji biex iqassam il-piż tat-taxxa b’mod ġust, jippromwovi t-tkabbir u l-investiment sostenibbli, jiddiversifika s-sorsi ta’ finanzjament tal-ekonomija u jsaħħaħ il-kompetittività ekonomika. It-tassazzjoni korporattiva hija element essenzjali ta’ sistema fiskali effiċjenti u ġusta.

It-trasparenza u l-ġlieda kontra l-evitar tat-taxxa
Fi Frar il-Parlament stabbilixxa Kumitat speċjali dwar id-deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa u miżuri oħra ta’ natura jew ta’ effett simili, u r-rapport tiegħu ġie adottat mill-Plenarja tal-Parlament fil-25 ta’ Novembru. F’Diċembru l-Parlament iddeċieda li jestendi l-mandat tal-Kumitat b’sitt xhur biex jindirizza l-kwistjonijiet mhux solvuti identifikati fir-rapport tiegħu.

Il-Kummissarju Margrethe Vestager (lemin) tipparteċipa fi skambju ta’ fehmiet ma’ Roberto Gualtieri, il-President tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji tal-Parlament Ewropew (xellug), u Alain Lamassoure, il-President tal-Kumitat Speċjali dwar id-Deċiżjonijiet fil-Qasam tat-Taxxa u Miżuri Oħra ta’ Natura jew Effett Simili (fin-nofs), fi Brussell, fis-17 ta’ Settembru 2015.
F’Marzu l-Kummissjoni pproponiet pakkett ta’ miżuri biex tinħoloq aktar trasparenza dwar it-tassazzjoni korporattiva fl-UE. F’Ġunju ppreżentat pjan ta’ azzjoni biex jinkiseb approċċ aktar komprensiv li jiżgura li t-tassazzjoni korporattiva tkun ġusta u effiċjenti.
Minkejja li huwa d-dmir tal-Istati Membri li jistabbilixxu l-livell tat-taxxi korporattivi fit-territorju tagħhom, il-Kummissjoni nediet investigazzjonijiet skont ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat biex tivverifika jekk kienx hemm xi kumpaniji li ġew magħżula biex jirċievu benefiċċji fuq it-taxxa minn xi Stati Membri.
F’Ottubru l-Kummissjoni kkonkludiet li l-Lussemburgu u n-Netherlands taw, rispettivament, benefiċċji fuq it-taxxa selettivi u illegali lil Fiat u lil Starbucks. Din ordnat liż-żewġ Stati Membri biex jirkupraw it-taxxa mhux imħallsa. Ġie stmat li l-ammonti li kellhom jiġu rkuprati minn kull kumpanija kienu bejn €20 miljun u €30 miljun.
Il-Kummissjoni bdiet ukoll investigazzjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat fid-deċiżjonijiet tat-taxxa li jikkonċernaw lil Apple fl-Irlanda u lil Amazon u McDonald’s fil-Lussemburgu. Investigat ukoll is-sistema Belġjana tad-deċiżjonijiet dwar il-profitt eċċessiv. Estendiet l-investigazzjoni ddettaljata tal-iskema tat-taxxa korporattiva ta’ Ġibiltà sabiex tkompli l-ħidma tagħha biex tivverifika jekk il-prattika tad-deċiżjonijiet tat-taxxa ta’ Ġibiltà hijiex qed tikser ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat tal-UE.
F’Diċembru, bħala parti mill-pakkett li pproponiet il-Kummissjoni, il-Kunsill adotta Direttiva li għandha l-għan li ttejjeb it-trasparenza tad-deċiżjonijiet tat-taxxa mogħtija mill-Istati Membri. Id-Direttiva se teħtieġ li l-Istati Membri jiskambjaw informazzjoni b’mod awtomatiku dwar deċiżjonijiet antiċipati transfruntiera tat-taxxa kif ukoll dwar arranġamenti antiċipati ta’ pprezzar. Meta jkun xieraq, l-Istati Membri se jkunu jistgħu jitolbu aktar informazzjoni.
Kapitlu 5
Unjoni ekonomika u monetarja aktar fil-fond u aktar ġusta
“Tul il-ħames snin li ġejjin, irrid inkompli bir-riforma tal-unjoni ekonomika u monetarja sabiex inħarsu l-istabbiltà tal-munita unika tagħna u sabiex intejbu l-konverġenza bejn il-politiki ekonomiċi, fiskali u tas-suq tax-xogħol bejn l-Istati Membri li jikkondividu l-munita unika.”
Jean-Claude Juncker, il-linji gwida politiċi, il-15 ta’ Lulju 2014

Fl-1 ta’ Jannar 2015 iż-żona tal-ewro laqgħet lil-Litwanja bħala d-19-il membru tagħha.
Matul is-sena l-UE kompliet tagħti prijorità lit-tlestija tal-unjoni ekonomika u monetarja. B’dan il-mod qed timmira li toħloq ħajja aħjar u aktar ġusta għaċ-ċittadini kollha u li tħejji għall-isfidi globali tal-ġejjieni. Il-prosperità futura tal-UE tiddependi fuq jekk l-ewro jilħaqx il-potenzjal tiegħu fil-ħolqien tal-impjiegi, tat-tkabbir, tal-ġustizzja soċjali u tal-istabbiltà finanzjarja. Madankollu, l-ewro huwa proġett politiku, li jeħtieġ is-superviżjoni politika u r-responsabbiltà demokratika. Il-Parlament kellu rwol ewlieni biex jiżgura dik ir-responsabbiltà fl-2015.
L-UE għamlet progress fil-bini tal-arkitettura solida li ż-żona tal-ewro, it-tieni l-akbar ekonomija fid-dinja, teħtieġ. Minkejja l-progress li sar f’dawn l-aħħar snin, għad hemm diverġenza kbira fiż-żona tal-ewro, u l-kriżi riċenti tefgħet iktar dawl fuq in-nuqqasijiet eżistenti: hemm 18-il miljun persuna qiegħda fiż-żona tal-ewro u ħafna nies huma esposti għar-riskju tal-esklużjoni soċjali.
Ir-rapport tal-ħames presidenti dwar kif se titlesta l-unjoni ekonomika u monetarja tnieda f’Ġunju. Ir-rapport kien ir-riżultat tar-riflessjonijiet konġunti tal-Presidenti tal-Kummissjoni Ewropea, tal-Kunsill Ewropew, tal-Grupp tal-Euro, tal-Bank Ċentrali Ewropew u tal-Parlament Ewropew. Fuq medda qasira ta’ żmien dan ir-rapport jipproponi l-użu tal-istrumenti eżistenti u tat-trattati attwali biex tingħata spinta lill-kompetittività u lill-konverġenza strutturali, biex ikun hemm politiki fiskali responsabbli fil-livell nazzjonali u fil-livelli taż-żona tal-ewro u biex titlesta l-unjoni finanzjarja. Fuq medda itwal ta’ żmien, il-proċess tal-konverġenza għandu jorbot aktar, pereżempju permezz ta’ punti ta’ riferiment għall-konverġenza u permezz ta’ teżor taż-żona tal-ewro. F’Ottubru l-Kummissjoni adottat l-ewwel pakkett ta’ miżuri biex tibda l-implimentazzjoni tal-pjan.
L-iżvilupp tal-unjoni ekonomika u monetarja
Bl-adozzjoni tal-ewro mil-Litwanja f’Jannar 2015 l-ewro llum il-ġurnata huwa kondiviż minn 19-il Stat Membru u aktar minn 330 miljun ċittadin. L-ewro pprovda lill-membri tiegħu bl-istabbiltà tal-prezzijiet u ħarishom mill-volatilità esterna. Huwa t-tieni l-aktar munita importanti fid-dinja, li jirrappreżenta kważi kwart tar-riżervi globali tal-kambju. Kważi 60 pajjiż u territorju madwar id-dinja jorbtu l-munita tagħhom direttament jew indirettament miegħu.

Valdis Dombrovskis, il-Viċi President tal-Kummissjoni u Algirdas Butkevičius, il-Prim Ministru tal-Litwanja, ifakkru d-dħul tal-Litwanja fiż-żona tal-ewro, f’Vilnius, il-Litwanja, fl-14 ta’ Jannar 2015.
Wara li faqqgħet il-kriżi ekonomika u finanzjarja, l-UE ħadet miżuri bla preċedent biex ittejjeb il-qafas tal-governanza ekonomika tal-unjoni ekonomika u monetarja. Saħħet il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir u adottat mekkaniżmi ġodda biex tevita l-iżbilanċi ekonomiċi u tikkoordina aħjar il-politiki ekonomiċi. Madankollu, dawn il-miżuri ta’ emerġenza jeħtieġ jiġu kkonsolidati u kkompletati b’tali mod li jżidu kemm jista’ jkun ir-reżiljenza tal-unjoni ekonomika u monetarja għal kwalunkwe kriżi li tista’ titfaċċa fil-ġejjieni.


Mario Draghi, il-President tal-Bank Ċentrali Ewropew, jiżvela l-karta tal-flus il-ġdida ta’ €20, fi Frankfurt, il-Ġermanja, fl-24 ta’ Frar 2015.
Issa hemm diverġenza kbira fiż-żona tal-ewro. F’xi Stati Membri, il-qgħad huwa baxx daqs qatt qabel, filwaqt li f’oħrajn huwa f’livelli ogħla minn qatt qabel. F’xi Stati Membri l-politika fiskali tista’ tintuża b’mod kontraċikliku, filwaqt li f’oħrajn l-ispazju fiskali se jieħu snin ta’ konsolidazzjoni biex jirkupra. L-UE qed taħdem biex tikkoreġi din il-fraġilità.
Bħala President tal-Kummissjoni, fid-diskors tiegħu quddiem il-Parlament f’Diċembru, Juncker enfasizza li l-ewro huwa proġett politiku li jirrikjedi kemm responsabbiltà politika kif ukoll obbligu ta’ rendikont politiku. Enfasizza li l-Parlament Ewropew mhuwiex biss il-parlament tal-Unjoni Ewropea iżda wkoll il-parlament tal-ewro. Matul l-2015 il-Parlament kien involut mill-qrib fit-tisħiħ tal-unjoni ekonomika u monetarja. Il-President tal-Parlament Ewropew, Martin Schulz, kellu rwol ewlieni fit-tħejjija tar-rapport tal-ħames presidenti. Il-Viċi President tal-Kummissjoni, Valdis Dombrovskis, kellu diskussjonijiet mal-Parlament waqt it-tħejjija tal-istħarriġ annwali dwar it-tkabbir. U l-President Juncker deher bosta drabi quddiem il-Parlament fl-2015 biex jiddiskuti l-progress li sar fil-prijoritajiet ewlenin f’dan il-qasam.

Il-Kummissarju Pierre Moscovici jagħti diskors f’konferenza dwar “It-Tfassil ta’ Pjan għal Politika Ekonomika Aħjar fl-UE”, fi Brussell, fl-4 ta’ Ġunju 2015.
Ir-rapport tal-ħames presidenti
F’Ġunju l-ħames presidenti nedew ir-rapport tagħhom dwar kif għandha tiġi approfondita l-unjoni ekonomika u monetarja minn Lulju 2015 u kif għandha titlesta qabel l-2025. Il-ħames Presidenti huma l-President tal-Parlament Ewropew, Martin Schulz; il-President tal-Kunsill Ewropew, Donald Tusk; il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Jean-Claude Juncker; il-President tal-Bank Ċentrali Ewropew, Mario Draghi; u l-President tal-Grupp tal-Euro, Jeroen Dijsselbloem. Dawn ippreżentaw xi miżuri biex jiġu implimentati fi tliet stadji.
Fl-ewwel istadju, l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri taż-żona tal-ewro għandhom jibnu fuq l-istrumenti eżistenti u jagħmlu l-aħjar użu mit-Trattati eżistenti. Dan ifisser it-tisħiħ tal-kompetittività u tal-konverġenza strutturali, it-tlestija tal-unjoni finanzjarja, il-kisba u ż-żamma ta’ politiki fiskali responsabbli fil-livell nazzjonali u fil-livelli taż-żona tal-ewro u t-tisħiħ tar-responsabbiltà demokratika.
Fit-tieni stadju għandu jsir qbil dwar miżuri aktar ambizzjużi biex titlesta l-arkitettura ekonomika u istituzzjonali tal-unjoni ekonomika u monetarja. F’dan l-istadju l-proċess ta’ konverġenza jkun aktar vinkolanti permezz ta’ sett ta’ parametri maqbula b’mod komuni li jistgħu jingħataw natura legali. Sabiex ikun jista’ jipparteċipa f’mekkaniżmu ta’ ammortizzament f’dan it-tieni stadju, kull Stat Membru taż-żona tal-ewro jkollu jagħmel progress kbir biex jilħaq dawn l-istandards u, ladarba jilħaqhom, biex ikompli jaderixxi magħhom.

Fl-aħħar tat-tieni stadju, u ladarba l-passi kollha jkunu ġew implimentati, l-unjoni ekonomika u monetarja għandha tipprovdi l-istabbiltà u l-prosperità liċ-ċittadini kollha fiż-żona tal-ewro.
Ir-rapport irrikonoxxa l-importanza li jiġi żgurat li kull ċittadin ikollu aċċess għal edukazzjoni xierqa u għal sistema ta’ protezzjoni soċjali effikaċi, inkluż “pjattaforma ta’ protezzjoni soċjali”. Filwaqt li m’hemm l-ebda mudell wieħed għal kulħadd, l-isfidi tal-Istati Membri ta’ spiss ikunu simili għal xulxin. Fost l-oħrajn hemm il-bżonn li aktar nies ta’ kull età jsibu xogħol, il-bżonn li jinstab l-aħjar bilanċ bejn il-kuntratti tax-xogħol flessibbli u dawk siguri, il-bżonn li t-taxxi ma jibqgħux jiġu imposti fuq ix-xogħol, il-bżonn li jingħata appoġġ imfassal apposta lill-persuni qiegħda biex jerġgħu jidħlu fis-suq tax-xogħol u l-bżonn li l-edukazzjoni u t-tagħlim tul il-ħajja jitjiebu. Biex ikun żgurat is-suċċess fit-tul tal-unjoni ekonomika u monetarja, tintħieġ integrazzjoni aktar profonda tas-swieq nazzjonali tax-xogħol. Din l-integrazzjoni tfisser li l-mobilità ġeografika u professjonali għandha ssir eħfef, inkluż permezz ta’ rikonoxximent aħjar tal-kwalifiki, li għandu jkun hemm aċċess aħjar għall-impjiegi fis-settur pubbliku għal dawk li mhumiex ċittadini u li għandha ssir koordinazzjoni aħjar tas-sistemi tas-sigurtà soċjali.
Ir-rapport irrakkomanda wkoll l-istabbiliment ta’ sistema għall-UE kollha ta’ awtoritajiet tal-kompetittività indipendenti biex jgħinu fil-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi u tal-kompetittività. Filwaqt li l-governanza taż-żona tal-ewro hija stabbilita tajjeb għall-koordinazzjoni u għas-sorveljanza tal-politiki fiskali, jeħtieġ li tittejjeb fil-qasam usa’ tal-kompetittività. Is-semestru Ewropew u l-proċedura tal-iżbilanċi makroekonomiċi huma l-ewwel passi lejn il-korrezzjoni ta’ dan in-nuqqas. L-Istati Membri kollha jeħtieġu, madankollu, li jtejbu l-kompetittività tagħhom bħala parti mill-istess momentum. Kull Stat Membru taż-żona tal-ewro għandu joħloq korp nazzjonali responsabbli mill-ittraċċar tal-prestazzjoni u l-politiki tal-kompetittività. Dan jgħin biex jevita d-diverġenza ekonomika u jżid is-sjieda tar-riformi neċessarji fil-livell nazzjonali. Dawn l-awtoritajiet tal-kompetittività għandhom ikunu indipendenti, b’mandat biex jevalwaw jekk il-pagi humiex qed jevolvu f’konformità mal-produttività. Għandhom iqabblu l-iżviluppi fi Stati Membri oħrajn taż-żona tal-ewro u fl-imsieħba kummerċjali komparabbli ewlenin. Barra minn hekk, jistgħu jiġu inkarigati li jivvalutaw il-progress tar-riformi biex tittejjeb il-kompetittività b’mod aktar ġenerali.
F’Ottubru l-Kummissjoni adottat l-ewwel pakkett ta’ miżuri biex ir-rakkomandazzjonijiet tar-rapport jibdew jiġu implimentati. Il-pakkett kien jinvolvi approċċ rivedut għas-semestru Ewropew li jinkludi djalogu demokratiku msaħħaħ u aktar titjib fil-governanza ekonomika. Ippropona wkoll l-introduzzjoni ta’ bordijiet nazzjonali tal-kompetittività u bord fiskali Ewropew ta’ konsulenza. Ġie propost ukoll li jkun hemm rappreżentazzjoni aktar unifikata taż-żona tal-ewro fl-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, b’mod partikolari fil-Fond Monetarju Internazzjonali. Il-pakkett speċifika l-passi li jinħtieġu biex tiġi kkompletata l-unjoni bankarja. Dawn jinkludu Skema Ewropea ta’ Garanzija tal-Assigurazzjoni tad-Depożiti u miżuri biex ikompli jitnaqqas ir-riskju fis-sistema bankarja.
Iċ-Ċentru Ewropew tal-Istrateġija Politika jagħti pariri politiċi professjonali u mmirati lill-President tal-Kummissjoni u lill-Kulleġġ tal-Kummissarji. Dan ippubblika serje ta’ noti strateġiċi matul l-2015. Tlieta min-noti ppreżentaw proposti għall-implimentazzjoni tar-rapport tal-ħames presidenti.
Unjoni bankarja
Sar progress sinifikanti fl-implimentazzjoni tal-unjoni bankarja. Din hija waħda mill-oqsma ewlenin li l-UE teħtieġ biex tapprofondixxi l-unjoni ekonomika u monetarja. Il-Bank Ċentrali Ewropew assuma r-rwol tiegħu bħala s-superviżur bankarju għall-unjoni bankarja. Il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku, li jinsab fil-Bank, kellu l-ewwel sena sħiħa tiegħu ta’ ħidma fl-2015. Permezz ta’ rieżami superviżorju u proċess ta’ evalwazzjoni, il-123 bank taħt superviżjoni ċentrali rċevew pariri dwar l-istrutturi tal-kapital u tal-governanza tagħhom. Barra minn hekk, ġew armonizzati għadd ta’ prattiki u politiki superviżorji.
F’Novembru l-Kummissjoni pproponiet skema Ewropea ta’ assigurazzjoni tad-depożiti għad-depożiti bankarji u stipulat aktar miżuri biex jitnaqqsu r-riskji li baqa’ fis-settur bankarju. Dawn il-miżuri kienu ġew stipulati fir-rapport tal-ħames presidenti. L-unjoni bankarja ġiet stabbilita sabiex issaħħaħ il-fiduċja fil-banek li qed jieħdu sehem. L-Iskema Ewropea ta’ assigurazzjoni tad-depożiti se ssaħħaħ l-unjoni bankarja, se żżid il-protezzjoni tad-depożitanti, se ssaħħaħ l-istabbiltà finanzjarja u se tkompli tnaqqas ir-rabta bejn il-banek u s-sovrani tagħhom. Il-proposta għall-iskema tibni fuq skemi nazzjonali ta’ garanzija tad-depożiti, u tkun aċċessibbli biss bil-kundizzjoni li r-regoli miftiehma jkunu ġew implimentati.
L-iskema se tiżviluppa maż-żmien, fi tliet stadji. Fl-ewwel fażi din tkun tikkonsisti mir-riassigurazzjoni tal-iskemi nazzjonali ta’ garanzija tad-depożiti. Wara tliet snin issir skema ta’ koassigurazzjoni, fejn il-kontribut tal-iskema Ewropea ta’ assigurazzjoni tad-depożiti jiżdied progressivament maż-żmien. L-aħħar stadju jkun jikkonsisti fi skema Ewropea sħiħa ta’ assigurazzjoni tad-depożiti li hija prevista fl-2024.
Id-depożitaturi individwali ser ikomplu jgawdu mill-istess livell ta’ protezzjoni (€100,000). L-iskema Ewropea ta’ assigurazzjoni tad-depożiti tkun mandatarja għall-Istati Membri fiż-żona tal-ewro li l-banek tagħhom ikunu koperti mill-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku. Tkun miftuħa wkoll għal Stati Membri oħrajn li jridu jingħaqdu mal-unjoni bankarja.
F’Diċembru ġie ratifikat ftehim intergovernattiv dwar il-Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni minn numru biżżejjed ta’ Stati Membri. B’riżultat ta’ dan, il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni sar kompletament operattiv minn Jannar 2016. Il-bord twaqqaf fl-2015 biex jgħin lill-banek f’diffikultà fiż-żona tal-ewro. Il-ftehim fisser ukoll li l-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni se jibda jimtela mill-fondi nazzjonali ta’ riżoluzzjoni fiż-żona tal-ewro.

Regolamentazzjoni prudenzjali tas-swieq u tal-istituzzjonijiet finanzjarji
Il-Kummissjoni kompliet timmonitorja u tanalizza l-iżviluppi fis-settur finanzjarju fl-Istati Membri, fl-UE u madwar id-dinja sabiex tidentifika s-sorsi potenzjali ta’ riskju sistemiku u tirrakkomanda azzjonijiet ta’ mitigazzjoni.
Saru sforzi kbar biex jissaħħu l-istituzzjonijiet finanzjarji fl-UE f’dawn l-aħħar snin. Ġew implimentati oqfsa regolatorji u superviżorji ġodda. L-istituzzjonijiet finanzjarji nfushom ukoll ħadmu ħafna biex tiżdied ir-reżiljenza tagħhom sabiex jikkonformaw mal-istandards regolatorji l-ġodda u jissodisfaw l-aspettattivi tas-suq.

Unjoni bankarja iktar b’saħħitha.
Swieq finanzjarji
Ir-regoli li jirregolaw il-kummerċ fl-istrumenti finanzjarji ġew imsaħħa, kif ġew imsaħħa wkoll dawk dwar is-sanzjonijiet kontra l-abbuż tas-suq. Il-protezzjoni tal-investituri fil-fondi ta’ investiment kollettiv u tax-xerrejja tal-assigurazzjoni, issaħħet. Is-swieq tal-finanzjament tat-titoli saru aktar trasparenti u sar progress fl-obbligi tal-UE tal-G20 dwar il-kumpens tad-derivattivi.
Kontroll tal-Għajnuna mill-Istat u l-iżgurar tal-kompetizzjoni ġusta
Il-kontroll tal-Għajnuna mill-Istat għandu rwol importanti fl-iżgurar ta’ kundizzjonijiet ekwi fl-unjoni bankarja. Mill-bidu tal-kriżi ’l hawn, 112-il bank fl-UE, li jirrappreżentaw madwar 30 % mill-assi tas-sistema bankarja tal-UE, irċevew għajnuna mill-Istat. L-Istati Membri appoġġaw il-banek b’injezzjoni ta’ €671 biljun ta’ kapital (5 % tal-prodott domestiku gross tal-UE) u bl-għoti ta’ €1,288 biljun, jew 10 % tal-prodott domestiku gross, b’garanziji u sistemi oħra ta’ appoġġ tal-likwidità. Il-biċċa l-kbira tal-banek li rċevew l-għajnuna waqt il-kriżi reġgħu rkupraw wara l-implimentazzjoni ta’ parti konsiderevoli mill-pjanijiet ta’ ristrutturar tagħhom. L-għajnuna ngħatat biex tiżgura t-tfaddil taċ-ċittadini, biex ma jseħħux fallimenti u biex tipprevjeni l-kollass sussegwenti tas-sistema bankarja madwar il-kontinent.
Il-Kummissjoni baqgħet viġilanti b’mod partikolari fis-suq tas-servizzi finanzjarji, fl-oqsma tad-derivattivi finanzjarji u tas-servizzi ta’ ħlas. Fi Frar, il-Kummissjoni mmultat €14.96 miljun lis-sensar ibbażat fir-Renju Unit, ICAP, talli ffaċilita diversi kartelli fis-settur tad-derivattivi tar-rati tal-imgħax tal-yen.
Swieq li jaħdmu għall-konsumaturi
Aktar minn 40 % tal-pagamenti mhux bi flus kontanti jsiru permezz tal-kards tal-ħlas. It-tariffi multilaterali tal-interkambju imposti fuq l-użu tal-kards jistgħu jirriżultaw fi prezzijiet ogħla għall-konsumaturi. F’Ġunju daħal fis-seħħ ir-regolament dwar it-tariffi tal-interkambju multilaterali. Dan jistabbilixxi limitu fuq it-tariffi għall-użu ta’ pagamenti bil-kards u jagħmilha aktar faċli biex il-kummerċjanti jużaw banek fi Stati Membri oħrajn li joffru prezzijiet aktar baxxi.
Fl-2015 il-Parlament u l-Kunsill lestew ukoll in-negozjati fuq id-direttiva riveduta dwar is-servizzi ta’ pagament, li ser tiftaħ opportunitajiet ta’ negozju għal atturi mhux bankarji, bħall-kumpaniji li jibdew operazzjonijiet ta’ ħlas online. Fl-assigurazzjoni, inkisbu effiċjenza, sikurezza u trasparenza akbar għall-konsumaturi bis-saħħa ta’ ftehim politiku fuq id-direttiva dwar id-distribuzzjoni tal-assigurazzjoni.
Id-dimensjoni soċjali tal-unjoni ekonomika u monetarja
Djalogu soċjali
Waħda mill-bidliet ewlenin li saru lis-semestru Ewropew tal-2015 kienet li jiżdied ir-rwol tal-imsieħba soċjali fit-tfassil u fl-implimentazzjoni tal-politiki u r-riformi. Dan kellu bżonn, fost l-oħrajn, li ssir enfasi akbar fuq il-bini tal-kapaċità. L-approċċ il-ġdid tnieda waqt konferenza ta’ livell għoli f’Marzu fejn attendew il-mexxejja tal-organizzazzjonijiet tal-imsieħba soċjali fil-livell nazzjonali u tal-UE. Fiha ħadu sehem ukoll Martin Schulz, il-President tal-Parlament Ewropew, Jean-Claude Juncker, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Valdis Dombrovskis, il-Viċi President tal-Kummissjoni, il-Kummissarju Marianne Thyssen u Uldis Augulis, il-Ministru tal-Affarijiet Soċjali tal-Latvja. Il-Kummissjoni issa qed tiddiskuti l-analiżi tar-rapporti dwar il-pajjiżi tagħha direttament mal-organizzazzjonijiet tal-imsieħba soċjali. L-imsieħba soċjali issa saru wkoll aktar involuti mill-qrib fit-tfassil tal-politika u tal-liġijiet. Ġew ikkonsultati dwar inizjattivi ewlenin bħalma huma l-pjan ta’ investiment u l-unjoni tal-enerġija.

Emma Marcegaglia, il-President ta’ BusinessEurope, il-Kummissarju Marianne Thyssen, Valdis Dombrovskis, il-Viċi President tal-Kummissjoni u Valeria Ronzitti, is-Segretarju Ġenerali taċ-Ċentru Ewropew ta’ min Iħaddem u ta’ Impriżi li jipprovdu Servizzi Pubbliċi, fil-konferenza ta’ livell għoli dwar “Bidu Ġdid għad-Djalogu Soċjali”, fi Brussell, fil-5 ta’ Marzu 2015.
Id-dħul minimu
Ir-rapport tal-ħames presidenti rrikonoxxa l-importanza li jiġi żgurat li kull ċittadin ikollu aċċess għal edukazzjoni xierqa u għal sistema ta’ protezzjoni soċjali effikaċi, inkluż “pjattaforma ta’ protezzjoni soċjali”.
Dawn il-kwistjonijiet jiġu segwiti fi ħdan il-qafas tas-semestru Ewropew. Il-Kummissjoni taħdem mal-Istati Membri biex tippromwovi skemi ta’ dħul minimu adegwat permezz ta’ rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi. Matul is-sena, il-Kummissjoni ħadmet ukoll fuq żewġ proġetti pilota li jgħinu fl-iżvilupp ta’ skemi tad-dħul minimu fl-Istati Membri. In-netwerk Ewropew għad-dħul minimu huwa proġett ta’ sentejn bil-għan li jibni konsensus dwar il-passi meħtieġa għall-iskemi tad-dħul minimu. In-netwerk Ewropew għall-baġits ta’ referenza huwa inizjattiva tal-Parlament biex jiżviluppa metodoloġija komuni u baġits ta’ referenza għar-reġjuni kapitali tal-Istati Membri.
Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn
Matul l-2015 il-Kummissjoni adottat l-aħħar programmi operattivi nazzjonali għall-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn. Il-fond jikkonsisti fi €3.8 biljun ta’ finanzjament tal-UE, flimkien ma’ kważi €0.7 biljun ta’ kofinanzjament nazzjonali, biex jgħin l-aktar persuni fil-bżonn fl-UE mill-2014 sal-2020. Il-fond jagħti appoġġ siewi lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom sabiex jgħinu lill-aktar persuni vulnerabbli fl-UE u lil dawk li ntlaqtu l-iktar mill-kriżi ekonomika u soċjali. Il-fond jgħin biex jittaffew l-agħar għamliet ta’ privazzjoni materjali. Jagħti kontribut kbir fil-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali permezz tal-għoti tal-ikel, ta’ assistenza materjali u ta’ attivitajiet għall-inklużjoni soċjali lill-persuni l-aktar fil-bżonn.
Kapitlu 6
Ftehim ta’ kummerċ ħieles raġonevoli u bbilanċjat mal-Istati Uniti
“Fil-presidenza tiegħi, il-Kummissjoni se tinnegozja ftehim ta’ kummerċ raġonevoli u bbilanċjat mal-Istati Uniti tal-Amerka, fi spirtu ta’ benefiċċji u ta’ trasparenza reċiproki... Barra minn hekk, se nkun ċar ħafna li m’iniex se nissagrifika l-istandards tas-sikurezza, tas-saħħa, dawk soċjali u tal-protezzjoni tad-dejta jew id-diversità kulturali tagħna fuq l-altar tal-kummerċ ħieles.”
Jean-Claude Juncker, il-linji gwida politiċi, il-15 ta’ Lulju 2014

Waħda mill-ikbar sfidi tal-UE fl-2015 baqgħet in-negozjati mal-Istati Uniti dwar is-Sħubija Trans-Atlantika ta’ Kummerċ u ta’ Investiment. Saru erba’ rawnds ta’ negozjati matul is-sena, u sar progress fuq firxa ta’ oqsma. Il-Kummissjoni kienet ċara li kwalunkwe ftehim jeħtieġ li jiżgura li l-istandards għoljin attwali tal-protezzjoni tal-UE jinżammu. Ir-relazzjoni ekonomika bejn l-UE u l-Istati Uniti tal-Amerka hija l-ikbar waħda fid-dinja. Studji indipendenti u ftehimiet tal-kummerċ eżistenti tal-UE jissuġġerixxu li ftehim ta’ kummerċ ħieles ġdid mal-Istati Uniti jgħin biex joħloq it-tkabbir, ibaxxi l-prezzijiet u jagħti lill-konsumaturi għażla ikbar ta’ merkanzija u ta’ servizzi.
Biex tindirizza t-tħassib tas-soċjetà ċivili, il-Kummissjoni żgurat li n-negozjati jkunu aktar miftuħa u trasparenti minn qatt qabel. Matul is-sena involviet ruħha mal-partijiet ikkonċernati, ippubblikat testi ta’ negozjar u pprovdiet informazzjoni dettaljata dwar in-negozjati.
L-UE kompliet timplimenta b’mod attiv il-politika kummerċjali tagħha matul is-sena. Fittxet li tmantni lis-sistema ta’ kummerċ globali u kellha rwol attiv fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ. Fil-ħarifa l-Kummissjoni ppubblikat l-istrateġija kummerċjali u ta’ investiment il-ġdida tagħha.
Il-ftuħ tas-swieq ma’ pajjiżi sħab ewlenin għadu element ċentrali tal-politika tal-kummerċ tal-UE. L-UE kompliet tinnegozja ftehimiet ta’ kummerċ ħieles, fost l-oħrajn, mal-Ġappun u mal-Vjetnam. Il-ftehim mal-Vjetnam ġie konkluż fl-2015. L-UE pparteċipat ukoll f’negozjati plurilaterali, taħt l-awspiċi tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, għal Ftehim dwar il-Kummerċ fis-Servizzi u għal Ftehim dwar il-Prodotti Ambjentali.
Is-Sħubija Trans-Atlantika ta’ Kummerċ u ta’ Investiment bħala mutur għall-impjiegi u għat-tkabbir
L-Unjoni Ewropea hija waħda mill-iktar ekonomiji miftuħin fid-dinja. Il-kummerċ miftuħ isaħħaħ l-ekonomija tagħha, joħloq l-impjiegi, jagħti aktar għażla u poter ta’ akkwist lill-konsumaturi u jgħin lill-kumpaniji jikkompetu ’l barra minn pajjiżhom. Fl-2015, aktar minn 31 miljun impjieg fl-UE kienu appoġġati minn esportazzjonijiet lejn pajjiżi li mhumiex fl-UE. Huwa ċar li l-kummerċ irid ikun element ewlieni fl-istrateġija tal-UE għall-impjiegi u għat-tkabbir. Madwar ħames miljun impjieg fl-Istati Membri huma appoġġati minn esportazzjonijiet lejn l-Istati Uniti, li huma l-ikbar suq ta’ esportazzjoni tal-UE. Għalhekk, huwa ta’ importanza kruċjali għall-UE li r-rabtiet ekonomiċi mal-Istati Uniti jissaħħu. Madankollu, is-Sħubija Trans-Atlantika ta’ Kummerċ u ta’ Investiment mhix se tkun ftehim akkost ta’ kollox. L-UE ser tħares lill-indipendenza tar-regolaturi, lill-prinċipju tal-prekawzjoni u lid-dritt tal-gvernijiet li jirregolaw sabiex jipproteġu lin-nies u lill-ambjent tagħhom.

X’innegozjat l-UE
Matul in-negozjati dwar is-Sħubija Trans-Atlantika ta’ Kummerċ u ta’ Investiment, l-UE kompliet taħdem biex tilħaq l-objettivi tagħha li:
- tnaqqas it-tariffi fis-setturi kollha;
- telimina l-ostakli għall-kummerċ wara l-fruntiera doganali;
- tiżviluppa regoli li jagħmluha aktar faċli u aktar ġust li wieħed jimporta, jesporta u jinvesti.
Aċċess aħjar għas-suq tal-Istati Uniti
Matul is-sena l-UE kompliet tinnegozja biex il-kumpaniji tal-UE jkollhom aċċess aħjar għas-suq tal-Istati Uniti permezz tat-tneħħija tad-dazji doganali u ta’ ostakli oħra għall-kummerċ, kif ukoll permezz tal-faċilitazzazzjoni ta’ opportunitajiet ġodda ta’ kummerċ u ta’ investiment f’oqsma ġodda. Dan ikun japplika għall-kumpaniji tal-UE kollha, kbar jew żgħar u jbigħu xi jbigħu.
Permezz tas-Sħubija Trans-Atlantika ta’ Kummerċ u ta’ Investiment, il-kumpaniji tal-UE jkunu jistgħu jesportaw iktar lill-Istati Uniti u jimportaw aktar mill-merkanzija jew mis-servizzi li jkunu jeħtieġu biex jagħmlu l-prodotti finali tagħhom. Is-servizzi jgħoddu għal aktar minn 70 % tal-ekonomija, madankollu, l-impriżi tal-UE għadhom jiffaċċjaw l-ostakli meta jippruvaw ibigħu s-servizzi tagħhom fis-suq tal-Istati Uniti. L-Istati Uniti jassorbu 13 % tal-esportazzjonijiet agrikoli tal-UE, speċjalment il-prodotti ta’ valur miżjud għoli. L-UE tixtieq li permezz tas-sħubija, tkompli żżid dawn l-esportazzjonijiet. Fis-sħubija, l-Unjoni Ewropea trid ukoll li l-kumpaniji fl-UE jkunu jistgħu jippreżentaw offerti għall-kuntratti tal-gvern tal-Istati Uniti fuq termini ugwali ma’ kumpaniji tal-Istati Uniti.
Kooperazzjoni regolatorja — it-tnaqqis tal-burokrazija u tal-ispejjeż mingħajr qtugħ ta’ kantunieri
L-Unjoni Ewropea ppruvat metodu innovattiv għal ftehim kummerċjali, billi lir-regolaturi tal-UE u tal-Istati Uniti ġegħlithom jaħdmu flimkien aktar mill-qrib milli qatt għamlu s’issa. Għall-esportazzjoni lejn l-Istati Uniti, il-kumpaniji tal-UE għandhom isegwu r-regoli tal-Istati Uniti u jissodisfaw l-istandards tal-Istati Uniti. Ħafna drabi dawn ir-regoli u l-istandards jiżguraw l-istess livell ta’ sikurezza jew ta’ kwalità iżda jvarjaw fid-dettalji tekniċi, bħall-kulur tal-wajers u l-plakek u s-sokits li jintużaw fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku. F’xi każijiet, il-kontrolli tar-rekwiżiti tekniċi jirrepetu bla bżonn dawk li diġà jkunu saru fuq in-naħa l-oħra tal-Atlantiku. Dawn il-fatturi jistgħu jiswew ħafna flus, speċjalment għall-kumpaniji ż-żgħar u għall-konsumaturi. Jekk iż-żewġ naħat jaħdmu flimkien fuq ir-regolamenti, dawn l-ispejjeż jistgħu jitnaqqsu filwaqt li, fl-istess waqt, jiġu mħarsa l-livelli stretti ta’ protezzjoni tal-UE għan-nies u għall-ambjent.
Hemm diversi oqsma li fihom il-kooperazzjoni regolatorja fis-Sħubija Trans-Atlantika ta’ Kummerċ u ta’ Investiment tista’ tkun ta’ benefiċċju, bħal meta ż-żewġ naħat jaħdmu flimkien aħjar biex japprovaw, jissorveljaw u jiġbru lura l-apparat mediku, inklużi l-pacemakers, l-iskeners u l-magni tal-x-ray. L-UE tixtieq li r-regolaturi fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku jaħdmu flimkien aktar mill-qrib fl-isforzi tagħhom biex jiżguraw li l-mediċini disponibbli għall-konsumaturi jkunu sikuri u effettivi. Sabiex jiġu żgurati s-sikurezza u l-kwalità tal-prodotti farmaċewtiċi, l-awtoritajiet tal-UE u tal-Istati Uniti jispezzjonaw regolarment is-siti tal-manifattura. Ir-rikonoxximent reċiproku ta’ dawn l-ispezzjonijiet kieku jnaqqas il-piż fuq il-produtturi u b’hekk ikun possibbli li r-riżorsi ta’ spezzjoni tal-UE jintużaw b’mod aktar effiċjenti.
L-UE kompliet in-negozjati biex tingħata spinta lill-esportazzjonijiet tal-ikel, filwaqt li jiġu protetti l-istandards stretti tal-UE u tiġi rrispettata l-għażla tagħha dwar ċerti kwistjonijiet bħal, pereżempju, l-organiżmi ġenetikament modifikati, l-użu tat-trattamenti antimikrobiċi u l-ormoni fit-trobbija tal-bhejjem.
L-UE kompliet ukoll in-negozjati mal-Istati Uniti dwar modi kif tista’ tiġi promossa l-kooperazzjoni internazzjonali fi kwistjonijiet regolatorji.
Regoli kummerċjali għal esportazzjoni, importazzjoni u investiment aktar faċli
L-UE kompliet bl-isforzi tagħha biex iddaħħal fis-seħħ regoli kummerċjali ġodda, jew biex tkompli tiżviluppahom, biex jgħinu lill-kumpaniji kollha tal-UE jibbenefikaw għalkollox mis-Sħubija Trans-Atlantika ta’ Kummerċ u ta’ Investiment.
Fis-sħubija, l-UE għandha l-għan li:
- tiżgura li l-kumpaniji ż-żgħar ikunu jistgħu jibbenefikaw għalkollox;
- tippromwovi l-kompetizzjoni ħielsa u ġusta, inklużi r-regoli li jwaqqfu lill-kumpaniji milli jaħdmu flimkien biex jiffissaw il-prezzijiet jew jabbużaw mis-setgħa fis-suq;
- tgħin lill-kumpaniji jiffrankaw il-ħin u l-flus fil-mili tad-dokumenti tad-dwana;
- tippermetti li l-kumpaniji jkollhom l-aċċess għall-enerġija sostenibbli u għar-riżorsi tal-materja prima li jeħtieġu;
- tħares il-proprjetà intellettwali tal-kumpaniji tal-UE;
- tpoġġi l-iżvilupp sostenibbli fil-qalba tal-ftehim.
L-UE trid li l-kumpaniji jinvestu b’fiduċja, bl-għarfien li, jekk xi ħaġa tmur ħażin, huma se jkunu protetti. Il-konsultazzjoni pubblika dwar il-mekkaniżmu għar-riżoluzzjoni tat-tilwim bejn l-investituri u l-Istat uriet li hemm nuqqas kbir ta’ fiduċja fil-ġustizzja u fl-imparzjalità tal-mekkaniżmu propost. Abbażi tal-kontributi sostanzjali li waslu mingħand il-Parlament Ewropew, l-Istati Membri, il-parlamenti nazzjonali u l-partijiet ikkonċernati, f’Settembru, il-Kummissjoni pproponiet Sistema Ġudizzjarja għall-Protezzjoni tal-Investimenti biex tissostitwixxi l-mekkaniżmu tar-riżoluzzjoni tat-tilwim bejn l-investituri u l-istat fin-negozjati kollha attwali u futuri tal-UE dwar l-investiment, inklużi t-taħditiet dwar is-Sħubija Trans-Atlantika ta’ Kummerċ u ta’ Investiment. Is-Sistema Ġudizzjarja għall-Protezzjoni tal-Investimenti hija mibnija fuq l-istess elementi ewlenin bħal tal-qrati domestiċi u internazzjonali, u tħaddan id-dritt tal-gvernijiet għar-regolamentazzjoni u tiżgura t-trasparenza u r-responsabbiltà.
Kif saru dawn in-negozjati
Il-Kummissjoni nnegozjat Sħubija Trans-Atlantika ta’ Kummerċ u ta’ Investiment abbażi ta’ mandat maqbul b’mod unanimu mill-gvernijiet tal-Istati Membri kollha u appoġġat mill-Parlament Ewropew. In-negozjati bdew f’Ġunju tal-2013. Il-Kummissjoni u l-Istati Uniti kellhom erba’ rawnds ta’ taħditiet fl-2015. Dawn saru fi Frar u f’Lulju fi Brussell, f’April fi New York u f’Ottubru f’Miami. It-taħditiet se jkomplu fl-2016. In-negozjaturi għamlu progress f’firxa ta’ oqsma. Għalkemm l-għan kien li jintlaħaq ftehim malajr, l-UE dejjem għamlitha ċara li kien iktar importanti li jinkiseb ftehim tajjeb milli sempliċiment tikkonkludi n-negozjati malajr kemm jista’ jkun.

Il-Kummissarju Cecilia Malmström tippreżenta l-aħħar żviluppi fin-negozjati dwar is-Sħubija Transatlantika ta’ Kummerċ u ta’ Investiment, fil-Parlament Ewropew, fi Strasburgu, fis-7 ta’ Lulju 2015.
Fuq is-sit web iddedikat tagħha, il-Kummissjoni ppubblikat il-proposti inizjali tagħha għat-test legali, kif ukoll id-dokumenti ta’ pożizzjoni li jistipulaw u jiddeskrivu l-approċċ tal-UE fl-oqsma kollha li qed jiġu nnegozjati. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ppubblikat mijiet ta’ dokumenti dwar is-sħubija, li jispjegaw l-għanijiet u l-kontenut potenzjali tal-ftehim. Dawn l-azzjonijiet komplew fl-istess waqt tan-negozjati, u flimkien, wasslu biex dawn in-negozjati jkunu l-aktar negozjati trasparenti li qatt saru għal ftehim tal-UE dwar il-kummerċ.
Kif tagħmel normalment meta tkun qed tinnegozja ftehim kummerċjali, il-Kummissjoni użat il-laqgħat ta’ kull ġimgħa tal-Kumitat tal-Politika Kummerċjali tal-Kunsill biex iżżomm lill-gvernijiet tal-Istati Membri infurmati bil-progress fin-negozjati. Barra minn hekk, il-Kummissjoni żammet lill-Parlament, u b’mod partikolari lill-Kumitat tal-Kummerċ Internazzjonali tiegħu, aġġornati dwar in-negozjati. Il-Kummissarju tal-Kummerċ, Cecilia Malmström, u n-negozjaturi tal-UE dehru b’mod regolari quddiem il-Parlament Ewropew u l-kumitati tiegħu. L-Istati Membri u l-Membri tal-Parlament Ewropew kellhom aċċess għad-dokumenti tan-negozjar, f’konformità mal-prattiki miftiehma magħhom.
B’dan il-mod kien hemm sorveljanza demokratika matul in-negozjati. B’hekk ġie żgurat li kemm il-gvernijiet tat-28 Stat Membru kif ukoll il-membri eletti direttament tal-Parlament Ewropew kienu infurmati għalkollox dwar l-istat attwali tan-negozjati, kif ukoll dwar il-pożizzjonijiet tan-negozjati tal-UE. Il-Parlament segwa mill-qrib it-taħditiet, u 14-il kumitat tiegħu abbozzaw rapporti dwar in-negozjati. F’Lulju l-Parlament Ewropew approva riżoluzzjoni li tafferma mill-ġdid l-appoġġ tiegħu għan-negozjati, flimkien ma’ serje ta’ rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni.
In-negozjati tas-Sħubija Trans-Atlantika ta’ Kummerċ u ta’ Investiment ġibdu ħafna interess min-naħa tal-pubbliku u tal-mezzi tax-xandir. Il-Kummissjoni laqgħet id-diskussjonijiet dwar il-ftehim propost. Kienet partikolarment attiva biex it-taħditiet isiru fil-pubbliku u biex tispjega l-aspettattivi tal-UE. Hija indirizzat ukoll it-tħassib ukoll dwar l-impatti negattivi allegati tas-sħubija. Il-Kummissjoni għamlet sforzi kbar biex jiġi żgurat li kwalunkwe parti kkonċernata li tkun interessata tkun tista’ tikkomunika direttament man-negozjaturi. Pereżempju, fil-limiti tar-riżorsi disponibbli, il-Kummissjoni ħalliet lit-tim tan-negozjati tagħha u lil persunal ieħor jaċċettaw stediniet għal laqgħat u għal dibattiti pubbliċi madwar l-UE, organizzati minn membri parlamentari, minn awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali u minn gruppi ta’ interess.

Il-Kummissarju Cecilia Malmström tiddiskuti dwar s-Sħubija Transatlantika ta’ Kummerċ u ta’ Investiment waqt djalogu taċ-ċittadini f’Varsavja, il-Polonja, fit-18 ta’ Settembru 2015.
Matul kull rawnd ta’ negozjar, in-negozjaturi tal-UE u tal-Istati Uniti sejħu laqgħat konġunti ma’ mijiet ta’ partijiet ikkonċernati. F’dawn il-laqgħat il-parteċipanti setgħu jaqsmu l-fehmiet tagħhom man-negozjaturi u jressqu l-pożizzjonijiet tagħhom. Bħala parti mid-djalogu strutturat fit-tul tagħha mas-soċjetà ċivili, wara r-rawnds li saru fl-Istati Uniti f’April u f’Ottubru, il-Kummissjoni organizzat xi laqgħat fi Brussell, f’Mejju u f’Diċembru rispettivament, b’aktar minn 100 rappreżentant minn firxa wiesgħa ta’ organizzazzjonijiet. F’Mejju l-Kummissjoni kellha wkoll laqgħa ta’ djalogu mas-soċjetà ċivili dwar is-Sħubija Trans-Atlantika ta’ Kummerċ u ta’ Investiment u dwar is-saħħa, li għaliha attendew 133 rappreżentant minn firxa wiesgħa ta’ organizzazzjonijiet. Matul in-negozjati l-Kummissjoni ddependiet fuq Grupp Konsultattiv ta’ 16-il ruħ li ġie stabbilit apposta biex jagħti aktar input espert lin-negozjaturi tal-UE. Il-Grupp huwa magħmul minn irġiel u nisa li jirrappreżentaw l-interessi ta’ gruppi ambjentali, tas-saħħa, tal-konsumaturi u tal-ħaddiema lil diversi setturi tan-negozju.
Ladarba jiġi miftiehem test finali, dan jidħol fis-seħħ biss jekk ikun approvat mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill.
Il-kummerċ dinji b’mod ġenerali
L-UE hija l-ikbar esportatur u importatur tal-merkanzija u tas-servizzi fid-dinja. In-negozji żgħar u ta’ daqs medju għandhom rwol importanti, u hemm aktar minn 600,000 minnhom li jirrappreżentaw terz tat-total ta’ esportazzjonijiet tal-UE. L-esportazzjonijiet tal-UE jipprovdu impjiegi għal 31 miljun resident tal-UE, u sitt miljuni minn dawn huma f’impriżi żgħar u ta’ daqs medju. B’mod ġenerali, wieħed minn seba’ impjiegi fl-UE jiddependi fuq l-esportazzjonijiet.
Il-politika kummerċjali tal-UE timmira li tiżgura sistema miftuħa ta’ kummerċ internazzjonali bbażata fuq ir-regoli u li tiftaħ swieq ġodda għall-esportazzjonijiet. Fl-istess waqt, sistema kummerċjali miftuħa tgħin biex tiżgura l-aċċess mill-kumpaniji tal-UE għall-materja prima, għall-komponenti u għas-servizzi li jkollhom bżonn. Dan huwa essenzjali fid-dinja tal-lum ta’ katini ta’ valur globali, fejn il-biċċa l-kbira tal-prodotti lesti jinkorporaw valur miżjud f’diversi pajjiżi.
Fil-ħarifa l-Kummissjoni ppubblikat l-istrateġija kummerċjali u ta’ investiment il-ġdida tagħha. L-UE kompliet tkun involuta attivament f’ħafna inizjattivi ta’ kummerċ multilaterali jew plurilaterali li għaddejjin bħalissa. Hija għadha impenjata li tagħmel progress fin-negozjati fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, inkluż fil-Konferenza Ministerjali f’Najrobi, f’Diċembru. Fl-2015 l-UE għamlet ftehim kummerċjali ta’ triljun ewro maċ-Ċina, mal-Istati Uniti, u mal-biċċa l-kbira tal-membri tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ sabiex telimina d-dazji doganali fuq 201 prodott ta’ teknoloġija avvanzata. L-UE kompliet tkun parteċipant ewlieni fit-taħditiet kummerċjali plurilaterali li għaddejjin bħalissa għal Ftehim dwar il-Kummerċ fis-Servizzi bejn 23 membru tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ. F’Lulju, flimkien ma’ 13-il membru ieħor tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, l-UE nediet in-negozjati biex jitneħħew l-ostakoli għall-kummerċ u għall-investiment f’merkanzija, servizzi u teknoloġiji “ekoloġiċi”.
Fuq livell bilaterali, f’Awwissu l-UE laħqet ftehim politiku mal-Vjetnam dwar ftehim ta’ kummerċ ħieles. In-negozjati avvanzaw għal ftehim ta’ kummerċ ħieles mal-Ġappun u għal ftehim ta’ investiment maċ-Ċina. F’Mejju, l-UE u l-Messiku qablu li jħejju għat-tnedija tan-negozjati biex jaġġornaw il-ftehim ta’ kummerċ ħieles tagħhom tal-2000. F’Diċembru, l-UE nediet in-negozjati għal ftehim ta’ kummerċ ħieles mal-Filippini. L-UE, ir-Russja u l-Ukrajna komplew ifittxu soluzzjonijiet għat-tħassib li qajmet ir-Russja dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Ukrajna/Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles Approfondit u Komprensiv. Identifikaw għadd ta’ soluzzjonijiet prattiċi potenzjali u qablu li jkomplu t-taħditiet.
Kapitlu 7
Żona ta’ ġustizzja u ta’ drittijiet fundamentali bbażati fuq il-fiduċja reċiproka
“Biħsiebni nuża l-prerogattivi tal-Kummissjoni biex, fil-qasam tal-kompetenza tagħna, inħares il-valuri komuni tagħna, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, filwaqt li nżomm f’moħħi d-diversità tat-tradizzjonijiet kostituzzjonali u kulturali tat-28 Stat Membru.”
Jean-Claude Juncker, il-linji gwida politiċi, il-15 ta’ Lulju 2014

Matul l-2015 l-UE kompliet tiżviluppa l-politiki tagħha dwar il-ġustizzja, id-drittijiet fundamentali u ċ-ċittadinanza. Dawn huma bbażati fuq il-valuri fil-qalba tal-UE: id-demokrazija, il-libertà, it-tolleranza u l-istat tad-dritt. Iċ-ċittadini tal-UE għandhom ikunu kunfidenti bis-sħiħ li, ikunu fejn ikunu fl-Unjoni Ewropea, il-libertà u s-sigurtà tagħhom huma mħarsa sew.
F’April il-Kummissjoni ppreżentat aġenda Ewropea dwar is-sigurtà. L-aġenda tiffoka fuq oqsma li fihom l-UE tista’ tagħmel differenza, bħall-qsim aħjar tal-informazzjoni u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn il-pulizija u s-sistemi ġudizzjarji.
Wara l-attakki terroristiċi ta’ Jannar u ta’ Novembru f’Pariġi, l-Istati Membri ddeċidew li jaħdmu flimkien biex jegħlbu t-terroriżmu. Ħadu passi biex jiġġieldu r-radikalizzazzjoni, jaqtgħu l-finanzjament tat-terroristi u jżidu l-kooperazzjoni bejn l-aġenzija tal-infurzar tal-liġi tal-UE, Europol, u l-aġenzija tal-kooperazzjoni ġudizzjarja tagħha, Eurojust.
Fil-qasam tal-ġustizzja, il-Kummissjoni żammet l-impenn tagħha li tiffinalizza r-riforma tal-protezzjoni tad-dejta tal-UE, sabiex tiżgura protezzjoni aħjar tad-dejta personali taċ-ċittadini (ara l-Kapitlu 2). Il-Kummissjoni għamlet progress ukoll fit-twaqqif tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, li se jinvestiga u se jtella’ quddiem il-liġi l-frodi tal-UE li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.
Il-Kummissjoni ffinalizzat in-negozjati dwar ftehim komprensiv dwar il-protezzjoni tad-dejta bejn l-UE u l-Istati Uniti. Dan il-ftehim se jipproteġi d-dejta personali li tiġi ttrasferita bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti għall-prevenzjoni, għas-sejba, għall-investigazzjoni u għall-prosekuzzjoni tar-reati kriminali, fost l-oħrajn it-terroriżmu. Il-ftehim se jippermetti wkoll liċ-ċittadini tal-UE jgawdu mill-possibbiltà li jitolbu rimedju ġudizzjarju fl-Istati Uniti skont il-liġi tal-Istati Uniti.
Aġenda Ewropea dwar is-sigurtà
Minn Diċembru tal-2014 ’il hawn, il-kooperazzjoni tal-pulizija u tas-sistemi ġudizzjarji fil-kwistjonijiet kriminali tinsab fl-ordni ġuridiku normali tal-UE. F’April tal-2015 il-Kummissjoni pproponiet aġenda Ewropea dwar is-sigurtà għall-perjodu 2015–2020. L-aġenda se tappoġġa l-kooperazzjoni tal-Istati Membri huma u jindirizzaw it-theddid kontra s-sigurtà u se żżid l-isforzi komuni fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-kriminalità organizzata u ċ-ċiberkriminalità. L-aġenda tistabbilixxi miżuri biex jiżguraw is-sigurtà u jindirizzaw it-theddidiet urġenti b’mod iktar effettiv.
Waħda mill-prijoritajiet ewlenin tal-aġenda hija li jitwaqqaf ċentru ta’ eċċellenza għall-ġbir u għat-tixrid tal-għarfien espert dwar l-antiradikalizzazzjoni. Dan se jibni fuq il-ħidma tan-Netwerk ta’ Sensibilizzazzjoni dwar ir-Radikalizzazzjoni. Iċ-ċentru se jiffoka fuq it-tisħiħ tal-iskambju tal-esperjenzi bejn dawk li huma involuti fil-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni u tal-estremiżmu vjolenti fil-livell lokali.
Barra minn hekk, l-aġenda tipprevedi l-aġġornament fl-2016 tad-deċiżjoni ta’ qafas dwar it-terroriżmu, sabiex ikun hemm ġlieda iktar effettiva tal-fenomenu tal-ġellieda barranin u sabiex tiġi intensifikata l-kooperazzjoni f’din il-kwistjoni ma’ pajjiżi li mhumiex membri tal-UE.
F’Diċembru, f’konformità mal-aġenda Ewropea dwar is-sigurtà u bi tweġiba għall-attakki ta’ Novembru f’Pariġi, il-Kummissjoni adottat proposta għal Direttiva dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu.
L-elementi ewlenin tal-aġenda Ewropea dwar is-sigurtà huma l-prevenzjoni tal-ħasil tar-rikavat tal-kriminalità u l-qtugħ tal-finanzjament tal-organizzazzjonijiet terroristiċi. Il-Kummissjoni pproponiet li tespandi l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet fl-UE sabiex lill-kriminali taqtgħalhom l-għejun tal-finanzi. Il-pakkett kontra l-ħasil tal-flus, li ġie adottat f’Mejju, jiffoka fuq effettività akbar u fuq trasparenza mtejba biex jingħalqu l-lakuni u sabiex il-kriminali u t-terroristi ma jkunux jistgħu jabbużaw mis-sistema finanzjarja.
Prijorità oħra fuq l-aġenda Ewropea dwar is-sigurtà hija l-ġlieda kontra l-propaganda terroristika fuq l-internet. Il-Kummissjoni tejbet id-djalogu tagħha mal-industrija tat-teknoloġija tal-informazzjoni dwar id-diskors ta’ mibegħda u dwar l-inċitament tal-vjolenza u l-mibegħda fuq l-internet.
Prijoritajiet oħra tal-aġenda huma l-identifikazzjoni ta’ modi biex jingħelbu l-ostakli għall-investigazzjonijiet kriminali fuq l-internet u t-tisħiħ tal-għodda eżistenti għall-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità.
Fl-aħħar nett, l-aġenda tipproponi li l-kapaċitajiet tal-Europol jiġu msaħħa permezz tal-ħolqien ta’ Ċentru Ewropew għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu. Iċ-ċentru se jgħin lill-aġenzija żżid l-appoġġ tagħha għal azzjonijiet mill-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar tal-liġi biex jiġġieldu l-ġellieda barranin terroristi, il-finanzjament terroristiku, il-kontenut estremist vjolenti fuq l-internet u t-traffikar illeċitu tal-armi tan-nar.
Il-ġustizzja kriminali
It-twaqqif tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew
Kull sena jintilfu iktar minn €500 miljun fi frodi. L-għan tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew huwa li jinvestiga u jtella’ quddiem il-qrati tal-Istati Membri dawk ir-reati li jaffettwaw il-baġit tal-UE.
Fil-laqgħat tal-Kunsill tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni li saru fl-2015, l-Istati Membri wrew l-appoġġ tagħhom għad-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-istruttura tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, għall-proċeduri tal-għażla u tal-ħatra tiegħu, għall-miżuri li jirregolaw l-investigazzjonijiet tiegħu u għall-isfera tal-kompetenza tal-uffiċċju tiegħu.

Ir-riforma tal-Eurojust
B’mod parallel mal-proposta għat-twaqqif tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, il-Kummissjoni pproponiet ir-riforma tal-Eurojust. Din il-proposta għandha l-għan li tkompli ttejjeb it-tħaddim ġenerali tal-aġenzija u li tiżgura li din tibqa’ ffukata fuq it-tħeġġiġ tal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali fil-ġlieda kontra l-kriminalità serja.

Il-Kummissarju Vĕra Jourová tagħti diskors f’konferenza ministerjali ta’ livell għoli dwar “Ir-Rispons tal-Ġustizzja Kriminali fil-konfront tar-Radikalizzazzjoni”, fi Brussell, fid-19 ta’ Ottubru 2015.
It-tisħiħ tar-rispons tal-ġustizzja kriminali għar-radikalizzazzjoni
F’Ottubru l-Kummissjoni ospitat konferenza ministerjali bl-isem “Ir-Rispons tal-Ġustizzja Kriminali għar-Radikalizzazzjoni”. Il-Kummissjoni se talloka fondi għall-implimentazzjoni tal-konklużjonijiet tal-Kunsill li jimplimentaw l-eżiti tal-konferenza, b’enfasi fuq azzjonijiet bħat-twaqqif ta’ programmi ta’ deradikalizzazzjoni u l-iżvilupp ta’ għodod għall-valutazzjoni tar-riskji.
Iktar salvagwardji għaċ-ċittadini fil-proċedimenti kriminali
Fl-2013 il-Kummissjoni ppreżentat pakkett ta’ proposti biex tkompli ssaħħaħ is-salvagwardji proċedurali għaċ-ċittadini fil-proċedimenti kriminali sabiex tiggarantixxi d-drittijiet ta’ proċess ġust għaċ-ċittadini kollha fl-Unjoni Ewropea.
Dawn il-proposti għandhom l-għan li jiżguraw il-preżunzjoni tal-innoċenza u d-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess. Jipprovdu għal salvagwardji speċjali għat-tfal li jkunu qed jiffaċċjaw xi proċedimenti kriminali. Jiggarantixxu wkoll li s-suspettati u l-akkużati jkollhom aċċess għall-għajnuna legali provviżorja, speċjalment għall-persuni soġġetti għal Mandat ta’ Arrest Ewropew.
Il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni bdew in-negozjati dwar it-tliet proposti fl-2015. F’Novembru laħqu ftehim dwar il-preżunzjoni tal-innoċenza.
Protezzjoni aħjar tad-drittjiet tal-vittmi
Id-Direttiva dwar id-drittijiet tal-vittmi daħlet fis-seħħ f’Novembru. Din tistipula d-dritt għall-informazzjoni, għall-appoġġ, għall-protezzjoni u għall-parteċipazzjoni fil-proċedimenti kriminali u tiżgura li l-vittmi jiġu ttrattati bir-rispett u mingħajr diskriminazzjoni. Ir-regoli l-ġodda se jgħinu biex jibdlu l-attitudnijiet lejn il-vittmi u se jpoġġu lill-vittmi fiċ-ċentru tal-proċedimenti kriminali.
Id-drittijiet fundamentali u s-sistemi ġudizzjarji
Il-protezzjoni tad-dejta tal-UE
Fl-2015 il-Parlament u l-Kunsill intensifikaw ħidmiethom fir-riforma tal-leġiżlazzjoni tal-protezzjoni tad-dejta. It-taħditiet koprew ir-regolament ġenerali tal-protezzjoni tad-dejta u d-Direttiva dwar il-protezzjoni tad-dejta għall-pulizija u l-awtoritajiet tal-ġustizzja kriminali. F’Diċembru ntlaħaq qbil dwar il-pakkett sħiħ tar-riforma.

Koen Lenaerts beda l-mandat tiegħu bħala President tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta’ Ottubru 2015.
F’Settembru l-Kummissjoni ffinalizzat in-negozjati dwar l-hekk imsejjaħ ftehim komprensiv mal-Istati Uniti dwar il-protezzjoni tad-dejta personali meta din tiġi ttrasferita għal skopijiet ta’ infurzar tal-liġi, inkluż it-terroriżmu. Sabiex il-ftehim komprensiv isir applikabbli, l-Istati Uniti l-ewwel se jkollha tadotta l-liġi tagħha dwar ir-rimedju ġudizzjarju (Judicial Redress Bill), u mbagħad l-UE tkun tista’ tiffirma l-ftehim.
Wara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li ddikjarat li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar is-sfera ta’ sikurezza tal-Istati Uniti kienet invalida, komplew in-negozjati dwar qafas ġdid għall-protezzjoni tad-dejta għat-trasferimenti tad-dejta personali bejn in-negozji, biex tieħu post id-deċiżjoni tal-adegwatezza tal-isfera tas-sikurezza tas-sena 2000. L-isfera ta’ sikurezza hija qafas speċifiku maħsub biex jissimplifika t-trasferiment tad-dejta personali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti. F’Ottubru l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-qafas tal-isfera ta’ sikurezza jmur kontra d-dritt fundamentali tal-privatezza u annullat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Minnufih, il-Kummissjoni ħarġet gwida dwar il-possibbiltajiet tat-trasferimenti transatlantiċi tad-dejta wara s-sentenza u ħadet l-impenn li tkompli taħdem għal qafas imġedded u sikur għat-trasferiment tad-dejta personali minn naħa għall-oħra tal-Atlantiku.
Il-Mekkaniżmu għall-Kooperazzjoni u l-Verifika għar-Rumanija u għall-Bulgarija
F’Jannar 2015 il-Kummissjoni ħarġet rapporti dwar il-progress li għamlu r-Rumanija u l-Bulgarija fl-oqsma tar-riforma ġudizzjarja u fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u, għall-Bulgarija, fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata.
Ir-rapporti ta’ Jannar ikkonkludew li, għalkemm fl-2014 sar xi progress, għad baqa’ l-isfidi. Ir-rapporti ġew diskussi wkoll fil-Parlament u fil-Kunsill, li kkonkludew li l-mekkaniżmu se jibqa’ fis-seħħ sakemm jinkisbu r-riżultati mistennija.
Il-ġustizzja għat-tkabbir
It-tabella ta’ valutazzjoni tal-ġustizzja tal-UE
Biex jinħoloq ambjent li jiffavorixxi n-negozju, jeħtieġ li s-sistemi ġudizzjarji jkunu iktar ta’ kwalità, ikunu iktar indipendenti u jkunu iktar effiċjenti. Għalhekk, parti essenzjali mir-riformi strutturali previsti fis-semestru Ewropew hija li s-sistemi ġudizzjarji jsiru iktar effiċjenti. It-tabella ta’ valutazzjoni tal-ġustizzja tal-UE għall-2015, flimkien mal-valutazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi, juru li ċerti Stati Membri għadhom qed iħabbtu wiċċhom ma’ sfidi partikolari f’dan il-qasam.
L-insolvenza
Kulma jmur iktar kumpaniji qegħdin jiftħu negozju fi Stati Membri oħra. Jekk isiru insolventi, dan jista’ jaffettwa t-tħaddim tajjeb tas-suq intern.
F’Mejju, l-UE adottat il-liġi riveduta dwar l-insolvenzi transfruntiera. Din il-liġi tiċċara r-regoli dwar l-insolvenzi ta’ gruppi ta’ kumpaniji u dwar il-proċeduri ta’ qabel l-insolvenza.
It-talbiet iż-żgħar Ewropej
F’Diċembru l-proposta għar-reviżjoni tal-proċedura Ewropea għal talbiet żgħar ġiet adottata fl-ewwel qari. Din ir-reviżjoni se tippermetti lill-konsumaturi u lin-negozji fl-UE, partikolarment l-impriżi żgħar u ta’ daqs medju, li jirkupraw talbiet ta’ massimu ta’ €5,000 b’mod transfruntier. Użu ikbar tal-mezzi elettroniċi tal-komunikazzjoni se jissimplifika l-proċedimenti u se jagħmilhom iktar rapidi u irħas. L-emenda se tibda tiġi applikata f’nofs l-2017.
Id-drittijiet tal-azzjonisti
Ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-azzjonisti bħalissa qed tiġi nnegozjata bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni. Din ir-reviżjoni tindirizza n-nuqqasijiet tal-governanza korporattiva marbuta mal-kumpaniji elenkati u mal-bordijiet, mal-azzjonisti, mal-intermedjarji u mal-konsulenti delegati tagħhom. Tistandardizza l-ħolqien ta’ kumpaniji b’azzjonist wieħed u tagħmilha iktar faċli biex l-impriżi żgħar u ta’ daqs medju joperaw madwar l-UE.
Kumpaniji b’membru wieħed
Il-proposta għal liġi dwar kumpaniji privati b’responsabilità limitata b’membru wieħed għandha l-għan li tistandardizza l-ħolqien ta’ kumpaniji b’azzjonist wieħed. Bħalissa, il-proposta qed tiġi nnegozjata mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill.
L-interkonnessjoni tar-reġistri kummerċjali
F’Ġunju ġie adottat qafas għall-implimentazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u tal-proċeduri għas-sistema tal-interkonnessjoni tar-reġistri kummerċjali. L-interkonnessjoni se tiġi implimentata qabel Ġunju tal-2017 u, permezz tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja, se tagħti aċċess għall-informazzjoni dwar il-kumpaniji rreġistrati fl-UE. Dan għandu jagħmilha eħfef għan-negozji u għaċ-ċittadini biex jiksbu dan it-tip ta’ informazzjoni.
Il-moviment liberu tal-persuni
Il-moviment liberu tal-persuni huwa dritt fundamentali li l-UE tiggarantixxi liċ-ċittadini tagħha u lill-membri tal-familja tagħhom. Dan id-dritt jintitola lil kull ċittadin tal-UE li jivvjaġġa, jaħdem u jgħix fi kwalunkwe Stat Membru, mingħajr formalitajiet speċjali.
Fl-2014 iktar minn 14-il miljun ċittadin tal-UE għexu fi Stat Membru li mhux tagħhom. Għalkemm ta’ spiss in-nies ikollhom juru dokumentazzjoni tal-istatus ċivili tagħhom, ir-rikonoxximent tad-dokumenti uffiċjali fi Stat Membru ieħor għadu diffiċli.
F’Ottubru l-Parlament Ewropew u l-Kunsill qablu dwar is-simplifikazzjoni taċ-ċirkolazzjoni tad-dokumenti pubbliċi bejn l-Istati Membri. L-adozzjoni formali tar-Regolament hija ppjanata li ssir fl-ewwel nofs tal-2016.
Il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u tad-drittijiet tal-konsumatur
Ir-rispett u l-promozzjoni tad-drittijiet fundamentali
F’Mejju l-Kummissjoni adottat ir-rapport annwali tagħha tal-2014 dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Ir-rapport dwar il-Karta kien akkumpanjat minn dokument li juri kif il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE ġiet applikata fl-2014 fil-livell tal-UE u fil-livell nazzjonali.
F’Ottubru l-Kummissjoni ospitat l-ewwel Kollokju Annwali tagħha dwar id-Drittijiet Fundamentali, bl-isem “Tolleranza u Rispett: Il-Prevenzjoni u l-Ġlieda Kontra l-Mibegħda Anti-Semitika u Anti-Musulmana fl-Ewropa”. Il-konklużjonijiet tiegħu stipulaw azzjonijiet bħall-prevenzjoni u l-ġlieda tal-mibegħda anti-Semitika u anti-Musulmana fil-qasam tal-edukazzjoni u l-ġlieda kontra r-reati ta’ mibegħda u d-diskors ta’ mibegħda. F’Diċembru l-Kummissjoni ħatret żewġ koordinaturi — wieħed għall-ġlieda kontra l-anti-Semitiżmu u l-ieħor għall-ġlieda kontra l-mibegħda anti-Musulmana.
L-infurzar tad-drittijiet tal-konsumatur
Bis-saħħa ta’ azzjoni konġunta bejn xi awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar, li kienet iffaċilitata mill-Kummissjoni f’Lulju, ħames kumpaniji kbar tal-karozzi tal-kiri wiegħdu li jibdlu l-mod kif jittrattaw il-konsumaturi. Il-poloz tal-assikurazzjoni se jkunu eħfef biex tifhimhom, it-trasparenza tal-prezzijiet se tiġi promossa u l-proċess għat-trattament tal-ħsarat se jkun iktar ġust.
Ir-riżoluzzjoni online tat-tilwim qed issir iktar rapida u orħos
Matul is-sena l-Kummissjoni żviluppat u ttestjat il-pjattaforma online tal-UE għar-riżoluzzjoni tat-tilwim. Mill-bidu tal-2016 ’il quddiem, din il-pjattaforma se tgħin lill-konsumaturi u lin-negozjanti tal-UE biex isolvu t-tilwim kuntrattwali tagħhom dwar il-merkanzija u s-servizzi mixtrija online b’mod ħafna iktar rapidu u rħis milli jsir fil-qrati.
Protezzjoni ikbar waqt l-ivvjaġġar
Id-Direttiva l-ġdida dwar il-vjaġġi kollox kompriż ġiet adottata fl-2015 u se tidħol fis-seħħ fl-2018. Ir-regoli l-ġodda se jestendu l-kopertura lil hinn mill-vaganzi tradizzjonali kollox kompriż biex jipproteġu wkoll il-120 miljun konsumatur li jibbukkjaw forom oħra ta’ vvjaġġar ikkombinat minn fuq sit web, bħal kombinazzjoni magħżula mill-vjaġġatur stess ta’ titjira, lukanda u kirja ta’ karozza.

Id-drittijiet tal-passiġġieri
F’Marzu l-Kummissjoni ppubblikat rapport li wera li ħames Stati Membri biss applikaw bis-sħiħ ir-Regolament dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-passiġġieri tal-ferroviji. F’Lulju l-Kummissjoni adottat linji gwida biex tiċċara r-regoli dwar id-drittijiet tal-passiġġieri tal-ferroviji. Talbet ukoll biex ikun hemm infurzar iktar strett tad-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru.
Il-protezzjoni konsulari
F’April il-Kunsill adotta d-Direttiva dwar il-protezzjoni konsulari. Din tiċċara meta u kif iċ-ċittadini tal-UE fid-diffikultà f’pajjiż ’il barra mill-UE għandhom id-dritt li jmorru fl-ambaxxati jew fil-konsulati ta’ Stati Membri oħra tal-UE biex jitolbu l-għajnuna. Matul l-2015 iċ-ċittadini tal-UE gawdew mill-protezzjoni konsulari minn Stat Membru li mhux tagħhom, inkluż f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi bħal fin-Nepal jew fil-Jemen. Ingħatat ukoll l-għajnuna liċ-ċittadini tal-UE f’każijiet meta ntilfu jew insterqu d-dokumenti.
L-ugwaljanza bejn is-sessi
Matul l-2015 sar progress fuq id-Direttiva proposta biex jittejjeb il-bilanċ bejn is-sessi fuq il-bordijiet tal-kumpaniji. Ladarba tiġi adottata, din id-Direttiva se tgħin biex jinkiser is-saqaf tal-ħġieġ billi tiżgura proċeduri tal-għażla ġusti u trasparenti biex jiżdied is-sehem tas-sess li mhux rappreżentat biżżejjed fuq il-bordijiet.
Ir-rapport annwali dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel għall-2014 wera li, minkejja l-progress, għad fadal xi lakuni.
Kmieni fl-2015 il-Kummissjoni ħarġet orjentazzjonijiet politiċi u sejħa għall-azzjoni għall-Istati Membri u għall-istituzzjonijiet tal-UE biex inaqqsu d-distakk attwali ta’ 39 % bejn is-sessi fil-pensjonijiet.
Kapitlu 8
Lejn politika ġdida dwar il-migrazzjoni
“L-avvenimenti traġiċi li seħħew dan l-aħħar fil-Mediterran urewna li jeħtieġ li l-Ewropa ġġestixxi aħjar il-migrazzjoni, fl-aspetti kollha tagħha. L-ewwel u qabel kollox din hija urġenza umanitarja. Ninsab konvint li għandna naħdmu flimkien mill-qrib fi spirtu ta’ solidarjetà.”
Jean-Claude Juncker, il-linji gwida politiċi, il-15 ta’ Lulju 2014

Fl-2015 id-dinja xxukkjat ruħha tara eluf ta’ refuġjati jirriskjaw ħajjithom biex jidħlu fl-UE. Matul is-sena l-Ewropa esperjenzat waħda mill-ikbar migrazzjonijiet tal-massa mit-Tieni Gwerra Dinjija ’l hawn. L-UE żiedet l-isforzi tagħha biex jiġu salvati l-ħajjiet, biex tiġġieled it-traffikar tal-bnedmin u biex tikkoopera mal-pajjiżi ta’ oriġini u ta’ tranżitu. Hija nediet ukoll inizjattivi biex tindirizza l-kawżi li minħabba fihom in-nies ikunu mġiegħla jaħarbu u jemigraw. Dawn jinkludu l-faqar, il-gwerer, il-persegwitazzjonijiet, il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u d-diżastri naturali.
F’Mejju l-Kummissjoni ppreżentat l-aġenda Ewropea dwar il-migrazzjoni, li tistabbilixxi approċċ komprensiv għall-ġestjoni tal-migrazzjoni. L-aġenda għandha l-għan li tnaqqas l-inċentivi għall-migrazzjoni irregolari, li ssalva l-ħajjiet u li tiżgura l-fruntieri esterni tal-UE. Din tipprevedi l-iżvilupp ta’ politika komuni b’saħħitha dwar l-ażil u politika ġdida dwar il-migrazzjoni legali.
F’Settembru l-Kummissjoni mmobilizzat ammont addizzjonali ta’ €1.8 biljun biex jiġu indirizzati l-migrazzjoni u l-kriżi tar-refuġjati. Permezz ta’ dan, issa l-baġit totali tal-UE għall-indirizzar tal-kriżi huwa ta’ €9.3 biljun għall-perjodu mill-2015 sal-2016. L-Istati Membri qablu li jirrilokaw 160,000 ruħ fil-bżonn tal-protezzjoni internazzjonali minn dawk l-Istati Membri l-iktar affettwati għal Stati Membri oħrajn. Qablu wkoll li jirrilokaw 22,000 refuġjat mill-kampijiet ’il barra mill-UE. Il-finanzjament għall-assi tal-pattulji marittimi tagħha ġew ittriplikati għar-rotot migratorji tal-Mediterran ċentrali u tal-Lvant, u b’hekk l-UE kkontribwiet biex jiġu salvati iktar minn 252,000 ħajja. Hija rduppjat ukoll l-isforzi tagħha biex tiġġieled il-kuntrabandisti u żżarma l-gruppi tat-traffikar tal-bnedmin. L-UE mmobilizzat madwar € 4 biljun biex tgħin lir-refuġjati Sirjani kemm fis-Sirja kif ukoll fil-pajjiżi ġirien. F’Ottubru l-President tal-Kummissjoni, Juncker, sejjaħ laqgħa tal-mexxejja dwar il-flussi tar-refuġjati tul ir-rotta tal-Balkani tal-Punent.
L-aġenda Ewropea dwar il-migrazzjoni
F’Mejju l-Kummissjoni ppreżentat l-aġenda Ewropea l-ġdida dwar il-migrazzjoni, li ddeskriviet il-miżuri immedjati li għandhom jittieħdu għas-sitwazzjoni ta’ kriżi fil-Mediterran kif ukoll approċċ fit-tul u komprensiv għall-ġestjoni tal-migrazzjoni. L-aġenda nbniet fuq pjan ta’ azzjoni b’10 punti dwar il-migrazzjoni li ġie adottat f’April. Sal-aħħar ta’ Mejju kienu ġew adottati l-ewwel proposti fl-aġenda.
Il-Kummissjoni pproponiet li jintuża l-mekkaniżmu ta’ rispons f’każ ta’ emerġenza skont l-Artikolu 78(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea biex titwaqqaf skema ta’ rilokazzjoni ta’ emerġenza biex tassisti lill-Italja u lill-Greċja. Bħala parti mill-politika komuni dwar l-ażil, l-Artikolu 78(3) jipprovdi bażi ġuridika speċifika sabiex jiġu ttrattati s-sitwazzjonijiet ta’ emerġenza. Abbażi ta’ proposta mill-Kummissjoni Ewropea, dan l-Artikolu jippermetti li l-Kunsill, wara li jikkonsulta lill-Parlament Ewropew, jadotta miżuri provviżorji għall-benefiċċju tal-Istat Membru jew tal-Istati Membri li jkunu qed jiffaċċjaw sitwazzjoni ta’ emerġenza kkaratterizzata mid-dħul f’daqqa ta’ ċittadini ta’ pajjiżi mhux tal-UE fi Stat Membru wieħed jew iktar. Il-miżuri provviżorji previsti fl-Artikolu 78(3) huma ta’ natura eċċezzjonali. Dawn jistgħu jiġu skattati biss meta jkun hemm ċertu livell ta’ urġenza u ta’ gravità. Bl-iskema proposta l-persuni fil-bżonn tal-protezzjoni internazzjonali jiġu rilokati lejn Stati Membri oħra.
Il-Kummissjoni adottat ukoll Rakkomandazzjoni li titlob lill-Istati Membri jirrisistemaw 20,000 persuna minn barra l-UE, li għandhom bżonn ċar tal-protezzjoni internazzjonali, kif identifikat mill-Aġenzija tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati. L-Istati Membri qablu ma’ din is-sistemazzjoni mill-ġdid f’Lulju u impenjaw ruħhom li jirrisistemaw iktar minn 22,500 persuna fi bżonn ċar tal-protezzjoni internazzjonali matul il-perjodu mill-2015 sal-2017.
Il-Kummissjoni pproponiet Pjan ta’ Azzjoni tal-UE kontra l-kuntrabandu tal-migranti għall-perjodu mill-2015 sal-2020. Dan il-pjan jistabbilixxi azzjonijiet li jipprevjenu u jiġġieldu l-kuntrabandu tal-migranti tul ir-rotta migratorja kollha, inkluż it-twaqqif ta’ lista ta’ bastimenti suspettużi u jtejjeb il-kooperazzjoni u l-iskambju tal-informazzjoni mal-istituzzjonijiet finanzjarji. Barra minn hekk, jistabbilixxi l-kooperazzjoni mal-fornituri tas-servizz tal-internet u mal-midja soċjali biex jiżguraw li l-kontenut tal-internet li jintuża mill-kuntrabandisti biex jirreklamaw l-attivitajiet tagħhom jiġi skopert malajr u jitneħħa.

Sabiex is-sistema Ewropea komuni tal-ażil taħdem b’mod effettiv jeħtieġ li l-migranti jittiħdulhom sistematikament il-marki tas-swaba’ mal-wasla fil-fruntieri esterni tal-UE. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni ppubblikat linji gwida għall-Istati Membri li jistabbilixxu l-aħjar prattiki għat-teħid tal-marki tas-swaba’. Barra minn hekk, timijiet ta’ appoġġ għall-ġestjoni tal-migrazzjoni, mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-Qasam tal-Ażil, mill-Frontex (l-aġenzija tal-fruntieri tal-UE) u mill-Europol (l-aġenzija tal-infurzar tal-liġi tal-UE) qed jaħdmu fuq il-post biex il-migranti jiġu identifikati, jiġu rreġistrati u jittiħdulhom il-marki tas-swaba’ fiż-żoni hekk imsejħa hotspot. B’hekk, ikunu qed jiżguraw li l-operazzjonijiet jitmexxew b’rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali u tal-istandards tal-liġi internazzjonali dwar ir-refuġjati. Sa tmiem l-2015, ġew identifikati sitt hotspots fl-Italja u ħamsa fil-Greċja, li minnhom tnejn fl-Italja (Lampedusa u Trapani) u waħda fil-Greċja (Lesvos/Moria) kienu saru operattivi.
L-operazzjonijiet tal-hotspots huma parti mill-ġestjoni bbilanċjata tal-flussi ta’ migranti. Dawn huma marbutin mill-qrib mal-proċess ta’ rilokazzjoni (id-distribuzzjoni ta’ dawk li jitolbu ażil lejn Stati Membri oħra), kif ukoll mal-proċess ta’ ritorn għall-migranti li mhumiex intitolati għall-protezzjoni internazzjonali (dawn jivvjaġġaw lura lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħhom).
Waħda mir-reazzjonijiet immedjati inklużi fl-aġenda dwar il-migrazzjoni kienet l-ittriplikar tal-allokazzjonijiet finanzjarji biex jissaħħu l-kapaċitajiet u l-assi tal-Operazzjonijiet Konġunti ta’ Frontex, ta’ Triton u ta’ Poseidon, fl-2015 u fl-2016. Fl-aħħar ta’ Diċembru, l-Operazzjoni Konġunta Poseidon inbidlet fl-Intervent Rapidu fil-Fruntieri. Fl-2015 ġiet allokata somma addizzjonali ta’ €27.4 miljun lil Frontex, u l-Kummissjoni se tipprovdi somma addizzjonali ta’ €129.9 miljun fl-2016.
Il-pjanijiet operattivi ġodda għall-operazzjonijiet konġunti rinfurzati kellhom l-għan doppju li jgħinu lill-Istati Membri fl-operazzjonijiet ta’ tfittxija u ta’ salvataġġ fuq il-baħar filwaqt li jiġi żgurat il-kontroll effettiv tal-fruntieri esterni tal-UE. Iż-żona operattiva ta’ Triton ġiet estiża u l-għadd tal-assi ssaħħaħ, u dan irriżulta f’żieda enormi fin-numru ta’ immigranti li ġew salvati fuq il-baħar. L-għadd ta’ immigranti li ġew salvati permezz tal-Operazzjonijiet Konġunti, Triton u Poseidon, kien ta’ iktar minn 252,000 fl-2015.
Barra minn hekk f’Marzu tnieda Mare, it-Tim Operattiv Konġunt il-ġdid immexxi mill-intelligence. It-Tim Operattiv Konġunt Mare jiġġieled il-migrazzjoni irregolari fil-Mediterran billi jiġġieled il-gruppi kriminali organizzati li jiffaċilitaw il-vjaġġi tal-migranti fl-UE bil-baħar.


L-Operazzjoni Konġunta Triton twettqet matul l-2015 u ġiet ikkoordinata minn Frontex, l-aġenzija tal-fruntieri tal-UE.
Fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni, f’Settembru l-Kummissjoni fasslet sett ta’ azzjonijiet prijoritarji li għandhom jittieħdu fis-sitt xhur li ġejjin biex jimplimentaw l-aġenda Ewropea dwar il-migrazzjoni. Il-Kummissjoni ppreżentat rapport dwar il-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-azzjonijiet prijoritarji tliet ġimgħat iktar tard.
Proposti ulterjuri tal-Kummissjoni hekk kif evolviet il-kriżi tar-refuġjati
It-tieni sett ta’ proposti ġie adottat mill-Kunsill Ewropew f’Settembru. Dan il-pakkett kien jinkludi attivazzjoni addizzjonali tal-mekkaniżmu ta’ rispons f’każ ta’ emerġenza għall-benefiċċju tal-Greċja, tal-Italja u tal-Ungerija. Ġie propost li 120,000 ruħ li qed ifittxu l-ażil u li jeħtieġu biċ-ċar il-protezzjoni, għandhom jiġu rilokati mill-Greċja, mill-Italja u mill-Ungerija fuq il-bażi ta’ kjavi ta’ distribuzzjoni obbligatorja. Matul l-2015, il-Kunsill Ewropew qabel li jirriloka total ta’ 160,000 persuna fi bżonn ċar tal-protezzjoni internazzjonali fis-sentejn li ġejjin. Il-Kummissjoni u l-aġenziji tal-UE, flimkien mal-Istati Membri, se jorganizzaw il-koordinazzjoni meħtieġa biex il-mekkaniżmu jiġi implimentat fuq il-post. Il-baġit tal-UE se jipprovdi finanzjament dedikat ta’ €780 miljun biex jappoġġa l-iskema.

Il-Kummissarju Dimitris Avramopoulos jitkellem mar-refuġjati f’Lampedusa, l-Italja, fid-9 ta’ Ottubru 2015.
Il-Kummissjoni pproponiet ukoll it-twaqqif ta’ mekkaniżmu strutturali ta’ rilokazzjoni f’każ ta’ kriżi. Dan huwa mekkaniżmu temporanju ta’ solidarjetà li jista’ jiġi attivat meta jkun meħtieġ mill-Kummissjoni biex tgħin lil kwalunkwe Stat Membru li jkun qed jesperjenza pressjoni kbira ħafna fuq is-sistema tal-ażil tiegħu b’riżultat ta’ fluss kbir u sproporzjonat ta’ ċittadini mhux mill-UE.
Barra minn hekk il-Kummissjoni pproponiet Regolament bl-għan li tiġi stabbilita lista komuni tal-UE ta’ pajjiżi ta’ oriġini sikuri. Din il-lista għandha tippermetti li jitħaffef l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet individwali għall-ażil minn kandidati li joriġinaw minn pajjiżi li mhux meqjusa ta’ periklu, u għal ritorn iktar malajr jekk il-valutazzjonijiet individwali jikkonfermaw li ma hemm l-ebda dritt għall-ażil. Abbażi tal-kriterji ta’ Kopenħagen, il-Kummissjoni pproponiet li l-Albanija, il-Bożnija u Ħerzegovina, l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Kosovo (din l-indikazzjoni hija mingħajr ħsara għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u hija konformi mar-Riżoluzzjoni Nru 1244/1999 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u mal-Opinjoni tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja dwar id-dikjarazzjoni ta’ indipendenza tal-Kosovo), il-Montenegro, is-Serbja u t-Turkija jitpoġġew fuq il-lista tal-UE ta’ pajjiżi ta’ oriġini sikuri. Fil-futur, jistgħu jiġu miżjuda jew imneħħija pajjiżi oħra mil-lista wara valutazzjoni bir-reqqa mill-Kummissjoni.

Il-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern tal-UE jiddiskutu dwar il-kriżi tar-refuġjati fil-Kunsill Ewropew, fi Brussell, fil-15 ta’ Ottubru 2015.
Bil-ħsieb li jiżdiedu r-rati tar-ritorn tal-migranti irregolari lejn pajjiżhom fit-terminu qasir u medju, il-Kummissjoni pproponiet pjan ta’ azzjoni tal-UE dwar ir-ritorn. Dan jitlob l-applikazzjoni sħiħa tad-Direttiva dwar ir-ritorn tal-UE. Il-proposti se jiġu applikati mill-Kummissjoni, mill-Istati Membri u mill-aġenziji rilevanti tal-UE. Flimkien mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, il-Kummissjoni se żżid ukoll l-isforzi tagħha biex tiżgura li l-pajjiżi ta’ oriġini jwettqu l-impenji tagħhom li jieħdu lura ċ-ċittadini tagħhom skont il-ftehimiet eżistenti ta’ riammissjoni. Il-pjan ta’ azzjoni ġie approvat mill-Kunsill f’Ottubru.
F’Ottubru ġie maqbul pjan ta’ azzjoni konġunt mat-Turkija, li ġie attivat f’Novembru mis-Summit bejn l-UE u t-Turkija. Il-pjan ta’ azzjoni huwa parti minn aġenda komprensiva għall-kooperazzjoni li hi msejsa fuq ir-responsabbiltà kondiviża, fuq l-impenji reċiproċi u fuq it-twassil ta’ riżultati. Il-Kummissjoni pproponiet Faċilità tar-Refuġjati għat-Turkija biex tikkoordina l-kontribuzzjoni totali tal-UE ta’ €3 biljun għall-għoti ta’ appoġġ lis-Sirjani taħt protezzjoni temporanja u lill-komunitajiet ospitanti fit-Turkija. F’Diċembru l-Kummissjoni pproponiet skema volontarja ta’ ammissjoni umanitarja mat-Turkija għall-persuni spostati minħabba l-kunflitt fis-Sirja.

Donald Tusk, il-President tal-Kunsill Ewropew, u Jean-Claude Juncker, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, fil-bidu tal-laqgħa tal-mexxejja dwar ir-rotta tal-Balkani tal-Punent, fi Brussell, fil-25 ta’ Ottubru 2015.
F’Ottubru l-President Juncker sejjaħ laqgħa tal-mexxejja dwar il-flussi tar-refuġjati tul ir-rotta tal-Balkani tal-Punent. Il-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern minn 11-il Stat Membru attendew il-laqgħa u adottaw pjan ta’ azzjoni. Immedjatament wara din il-laqgħa tal-mexxejja, il-parteċipanti kollha ħatru punti ta’ kuntatt ta’ livell għoli biex jikkoordinaw l-azzjonijiet ta’ segwitu permezz ta’ vidjokonferenzi kull ġimgħa organizzati mill-Kummissjoni. Ġiet stabbilita għodda komuni għall-għoti tal-informazzjoni dwar il-flussi migratorji ta’ kuljum u l-Istati Membri fuq ir-rotta tejbu l-koordinazzjoni tagħhom. F’Diċembru, il-Kummissjoni ppubblikat rapport ta’ progress dwar miżuri meħuda biex tiġi indirizzata l-kriżi tar-refuġjati u tal-migrazzjoni tul ir-rotta tal-Balkani tal-Punent.


It-tneħħija tal-kawżi bażilari tal-migrazzjoni
Matul is-sajf tal-2015 l-UE fetħet djalogu bla preċedent mal-pajjiżi ta’ tranżitu u ta’ oriġini tal-migranti. Il-migrazzjoni saret komponent speċifiku ta’ missjonijiet tal-politika tas-sigurtà u tad-difiża komuni li qed isiru diġà f’pajjiżi bħall-Mali u n-Niġer, fejn saret iktar enfasi fuq il-ġestjoni tal-fruntieri. Beda djalogu ġdid mal-pajjiżi tas-Saħel, b’enfasi fuq kwistjonijiet bħall-kontrolli tal-fruntieri, il-ġlieda kontra netwerks tal-kriminalità internazzjonali u l-iżvilupp.
Il-Kummissjoni allokat €1.8 biljun biex twaqqaf Fond Fiduċjarju ta’ Emerġenza tal-UE għall-Afrika biex jgħin jindirizza l-kawżi bażilari tal-migrazzjoni fil-kontinent kollu. Il-fond jiġbor flus minn diversi strumenti finanzjarji differenti fil-baġit tal-UE u se jserraħ ukoll fuq kontribuzzjonijiet mill-Istati Membri. L-UE mmobilizzat madwar €4 biljun biex tgħin lir-refuġjati Sirjani kemm fis-Sirja kif ukoll fil-pajjiżi ġirien. Fl-istess waqt, il-Kummissjoni appoġġat l-isforzi diplomatiċi mmexxija min-Nazzjonijiet Uniti biex isseħħ tranżizzjoni politika għas-Sirja u jintemm il-kunflitt. L-istess jista’ jingħad dwar il-Libja, fejn l-UE ħadmet man-Nazzjonijiet Uniti biex tmexxi ’l quddiem il-formazzjoni ta’ gvern ta’ kunsens nazzjonali.
Il-migrazzjoni legali
Il-mezzi legali għall-immigrazzjoni u l-proċeduri trasparenti, faċli u ġusti għall-migranti regolari jikkontribwixxu għall-prevenzjoni tal-migrazzjoni irregolari u tal-kuntrabandu tal-migranti. L-aġenda Ewropea dwar il-migrazzjoni għandha l-għan li ttejjeb il-ġestjoni tal-migrazzjoni legali fil-livell tal-UE sabiex jiġu indirizzati aħjar in-nuqqasijiet tax-xogħol u tal-ħiliet, partikolarment f’oqsma bħax-xjenza, it-teknoloġija u l-inġinerija. Għandha wkoll l-għan li tagħmel l-UE iktar attraenti għal migranti b’livell għoli ta’ ħiliet.
F’Mejju l-Kummissjoni nediet konsultazzjoni pubblika bil-ħsieb li tiġi reveduta l-iskema eżistenti tal-“Karta Blu” tal-UE, li bħalissa mhijiex tintuża biżżejjed. L-iskema tiffaċilita r-reklutaġġ ta’ ċittadini mhux tal-UE bi kwalifiki għolja permezz ta’ proċedura rapida armonizzata għall-ħruġ ta’ permess speċjali ta’ residenza u ta’ xogħol. Ir-riżultati tal-konsultazzjoni se jikkontribwixxu għar-reviżjoni tal-“Karta Blu” fl-2016, bħala parti minn pakkett komprensiv dwar il-migrazzjoni legali.
L-UE daħlet fi djalogu mas-settur privat, mat-trejdjunjins u ma’ sħab soċjali oħra biex ikunu jistgħu jifhmu aħjar il-bżonnijiet varji tal-ekonomija u tas-swieq tax-xogħol. Id-djalogu jipprovdi wkoll għall-skambju tal-aħjar prattiki biex jiġu attirati ħiliet minn barra l-pajjiżi tal-UE, kif ukoll l-iżvilupp u l-użu aħjar tal-ħiliet ta’ dawk li diġà waslu.
Fruntieri u viżi
Fl-2015 saru l-ewwel evalwazzjonijiet tal-implimentazzjoni tal-acquis ta’ Schengen skont il-mekkaniżmu l-ġdid ta’ evalwazzjoni u ta’ monitoraġġ. F’Ġunju l-Kummissjoni adottat proposta għal stiker tal-viża Ewropea ġdida, b’format uniformi u bi speċifikazzjonijiet tekniċi li se jgħinu fil-ġlieda kontra l-frodi, li f’dawn l-aħħar snin żdiedet. Din se tieħu post il-format tal-viża uniformi li hemm bħalissa, u li l-Istati Membri jużaw meta joħorġu l-viża msejħa ta’ Schengen (viża għal perjodu qasir). Il-format attwali ilu jintuża mill-1995.
L-introduzzjoni dinjija tas-sistema tal-informazzjoni dwar il-viża tlestiet f’Novembru tal-2015. Il-bazi tad-dejta tas-sistema tal-informazzjoni dwar il-viża issa fiha d-dejta kollha relatata mal-applikazzjonijiet għal viża minn ċittadini mhux tal-UE li jeħtieġu viża biex jidħlu fiż-żona Schengen, inkluża d-dejta bijometrika (il-marki tas-swaba’ u ritratt diġitali tal-wiċċ). Is-sistema tipprevjeni l-qsim irregolari tal-fruntiera u l-falsifikazzjoni tal-viżi ta’ Schengen, u tippermetti wkoll li l-applikazzjonijiet għall-viża jiġu pproċessati b’iktar ħeffa bis-saħħa tal-bijometrija.
Matul l-2015 l-UE ffirmat ftehimiet ta’ eżenzjoni mill-viża ma’ 12-il pajjiż mhux tal-UE (Dominica, l-Emirati Għarab Magħquda, Grenada, il-Kolombja, Palau, Saint Lucia, Saint Vincent u l-Grenadini, Samoa, Timor Leste, Tonga, Trinidad u Tobago, u Vanuatu). Dawn il-ftehimiet issa qed jiġu applikati fuq bażi provviżorja, sakemm jiġu ratifikati. Dan ifisser li ċ-ċittadini minn dawn it-12-il pajjiż diġà jistgħu jivvjaġġaw mingħajr viża lejn l-UE u li ċ-ċittadini tal-UE ma għandhomx bżonn viża biex iżuru dawn il-pajjiżi.

F’Lulju l-Kummissjoni nediet konsultazzjoni pubblika dwar il-pakkett dwar il-fruntieri intelliġenti. L-għan ta’ dan il-pakkett huwa li jiffaċilita l-qsim tal-fruntieri minn vjaġġaturi leġittimi li jidħlu fiż-żona Schengen għal perjodu qasir filwaqt li jżid il-possibbiltà li jiġu identifikati dawk li jaqbżu l-perjodu li huma intitolati li joqogħdu u l-migranti irregolari u li jimplimenta d-deċiżjonijiet dwar ir-ritorn. Se jiżgura wkoll li jkun hemm identifikazzjoni aħjar taċ-ċittadini mhux tal-UE u se jippermetti l-identifikazzjoni ta’ persuni li jużaw identitajiet differenti.
F’Ottubru l-Kunsill Ewropew stabbilixxa iktar orjentazzjonijiet, inkluż il-ħidma għat-twaqqif gradwali ta’ sistema integrata ta’ ġestjoni għall-fruntieri esterni. F’Diċembru l-Kummissjoni adottat il-pakkett dwar il-fruntieri li, fost l-oħrajn, fih proposta li tistabbilixxi l-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta, sabiex b’hekk issaħħaħ il-mandat ta’ Frontex għall-iżgurar tal-ġestjoni b’saħħitha u kondiviża tal-fruntieri esterni. Se tinħoloq Aġenzija ġdida tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta minn Frontex u mill-awtoritajiet tal-Istati Membri li huma responsabbli mill-kontroll tal-fruntieri biex teżerċita t-tmexxija ta’ kuljum tal-fruntiera esterna. Il-pakkett jinkludi wkoll proposta għal Regolament dwar dokument Ewropew tal-ivvjaġġar għar-ritorn ta’ ċittadini mhux tal-UE li qegħdin fl-UE illegalment, il-manwal Eurosur u t-tmien rapport biannwali dwar il-funzjonament taż-żona Schengen. Barra minn hekk, sabiex iżid is-sigurtà fiż-żona Schengen, il-pakkett jinkludi emenda għall-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen biex isiru kontrolli sistematiċi fil-fruntieri esterni fuq il-vjaġġaturi kollha, inklużi ċ-ċittadini tal-UE u l-membri tal-familja tagħhom.
Il-ġlieda kontra l-kuntrabandisti fuq il-baħar: L-Operazzjoni Eunavfor Med
F’Ġunju tnediet l-operazzjoni Eunavfor Med biex tfixkel il-mudell kummerċjali ta’ kuntrabandu tal-bnedmin fil-Mediterran u biex tgħin fil-prevenzjoni ta’ iktar telf ta’ ħajjiet fuq il-baħar. Fl-ewwel fażi tagħha ġabret l-intelligence dwar l-istrateġiji, ir-rotot u l-assi tal-kuntrabandisti. F’Ottubru bdiet it-tieni fażi, l-Operazzjoni Sophia, b’mandat biex jiġu interċettati u arrestati l-bastimenti suspettati li huma tal-kuntrabandisti fl-ibħra internazzjonali. Madwar 22 Stat Membru kkontribwew għal Eunavfor Med b’assi, b’persunal jew b’riżorsi.
Kapitlu 9
Attur globali aktar b’saħħtu
“Neħtieġu Ewropa aktar b’saħħitha meta niġu għall-politika barranija. Il-kriżi fl-Ukrajna u s-sitwazzjoni inkwetanti fil-Lvant Nofsani juru kemm huwa importanti li l-Ewropa tkun magħquda esternament.”
Jean-Claude Juncker, il-linji gwida politiċi, il-15 ta’ Lulju 2014

F’Lulju tal-2015, wara snin ta’ diplomazija mmexxija mill-UE, intlaħaq ftehim internazzjonali storiku dwar il-programm nukleari tal-Iran. L-UE, flimkien maċ-Ċina, Franza, il-Ġermanja, ir-Russja, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti, innegozjat il-ftehim. L-Iran wiegħed li taħt l-ebda ċirkostanza mhu se jfittex, jiżviluppa jew jakkwista armi nukleari.
Matul is-sena l-UE kompliet ikollha rwol ewlieni fl-isforzi internazzjonali biex jissolvew il-kriżijiet fl-Iraq, fil-Libja, fis-Sirja u fl-Ukrajna. Hija ħadmet bla heda mal-imsieħba internazzjonali tagħha kontra l-attivitajiet tal-ISIL/tad-Da’esh.
Minħabba l-kriżijiet ta’ hawn fuq, b’mod partikolari l-gwerra fis-Sirja, għadd dejjem jiżdied ta’ nies kienu sfurzati jaħarbu minn djarhom. L-UE kompliet tipprovdi għajnuna umanitarja lill-persuni spustati minħabba l-kunflitt, tindirizza l-kawżi prinċipali tal-kriżijiet u tassisti lil dawk li jippruvaw jaħarbu minn żoni ta’ gwerra.
Matul is-sena d-Direttorat Ġenerali għall-Għajnuna Umanitarja u l-Protezzjoni Ċivili (ECHO) tal-Kummissjoni pprovda ikel, kenn, protezzjoni, kura tas-saħħa u ilma nadif lil aktar minn 120 miljun persuna milquta minn diżastri naturali jew kunflitti f’aktar minn 80 pajjiż. L-UE baqgħet ukoll impenjata li tippromwovi r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja u li tippromwovi d-dritt internazzjonali permezz ta’ djalogi speċifiċi dwar id-drittijiet tal-bniedem, l-attiviżmu f’fora multilaterali u l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem.
Is-sena 2015 kienet ukoll is-Sena Ewropea għall-Iżvilupp. Bl-appoġġ politiku tal-UE u tal-Istati Membri tagħha, l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti adottat għanijiet ġodda ta’ żvilupp sostenibbli. Dawn stabbilew qafas globali biex jinkisbu l-iżvilupp sostenibbli u l-eradikazzjoni tal-faqar. Fl-2015 l-UE baqgħet l-akbar donatur ta’ għajnuna għall-iżvilupp fid-dinja.
Il-politika Ewropea tal-viċinat
Permezz tal-politika Ewropea tal-viċinat l-UE taħdem mal-ġirien tagħha tan-Nofsinhar u tal-Lvant lejn assoċjazzjoni politika u integrazzjoni ekonomika eqreb.

Il-viċinat tal-Lvant
F’Mejju s-Summit ta’ Riga dwar is-Sħubija tal-Lvant ta aktar spinta lir-relazzjonijiet tal-UE mas-sitt imsieħba tagħha tal-Lvant. L-UE ffirmat ftehimiet ta’ assoċjazzjoni mal-Georgia, mal-Moldova u mal-Ukrajna, bl-inklużjoni ta’ dispożizzjonijiet li jistabbilixxu ftehimiet ta’ kummerċ ħieles approfonditi u komprensivi.
L-UE qed timplimenta għadd ta’ miżuri biex tappoġġa l-proċess ta’ riformi, inkluż pakkett ta’ appoġġ ta’ €11-il biljun imħabbar f’Marzu tal-2014, li minnhom aktar minn €6 biljun kienu diġà ġew mobilizzati sa nofs l-2015. Barra minn hekk, bħala parti minn proċess usa’ ta’ paċi fl-Ukrajna, l-UE kompliet timpenja ruħha f’taħditiet dwar il-fornimenti tal-gass u dwar l-aspetti prattiċi tal-implimentazzjoni ta’ ftehimiet ta’ kummerċ ħieles approfonditi u komprensivi. Hija kompliet ukoll tagħfas għall-implimentazzjoni tal-ftehimiet ta’ Minsk u għall-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet kontra r-Russja.
Il-viċinat tan-Nofsinhar
In-negozjati għal ftehim ta’ kummerċ ħieles approfondit u komprensiv mat-Tuneżija tnedew f’Ottubru, b’ċiklu wieħed ta’ negozjar li diġà kien sar qabel tmiem is-sena. Fl-2015 il-progress fin-negozjati għal ftehim ta’ kummerċ ħieles approfondit u komprensiv mal-Marokk kien limitat. Kompla wkoll il-proċess ta’ tħejjija għat-tnedija ta’ negozjati għal ftehim ta’ kummerċ ħieles approfondit u komprensiv mal-Ġordan.

Martin Schulz, il-President tal-Parlament Ewropew (it-tielet mix-xellug), Donald Tusk, il-President tal-Kunsill Ewropew (ir-raba’ mix-xellug), u Jean-Claude Juncker, il-President tal-Kummissjoni Ewropea (lemin), mal-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern Ewropej u Afrikani fis-Summit tal-Belt Valletta dwar il-migrazzjoni, fil-Belt Valletta, Malta, fil-11 ta’ Novembru 2015.
F’Novembru s-Summit tal-Belt Valletta dwar il-Migrazzjoni laqqa’ flimkien lill-mexxejja tal-UE u ta’ pajjiżi Afrikani prinċipali sabiex jiddiskutu dwar l-isfidi tal-migrazzjoni. Is-summit irriżulta fl-istabbiliment ta’ Fond Fiduċjarju ta’ Emerġenza tal-UE għall-Afrika, biex jiġi promoss l-iżvilupp fl-Afrika filwaqt li l-pajjiżi Afrikani min-naħa tagħhom jagħtu l-għajnuna tagħhom fil-kriżi attwali tal-migrazzjoni. Il-Fond wiegħed €1.8 biljun f’għajnuna, flimkien ma’ għajnuna oħra għall-iżvilupp ta’ €20 biljun fis-sena.
Il-Libja
L-UE appoġġat it-taħditiet immexxija min-Nazzjonijiet Uniti dwar ir-rikonċiljazzjoni tal-fazzjonijiet diversi fil-Libja. Minbarra l-appoġġ politiku kostanti għal Martin Kobler, il-mibgħut tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, l-UE ospitat laqgħat ta’ djalogu u pprovdiet appoġġ finanzjarju (€4 miljun) biex iżżomm it-taħditiet għaddejjin.
Negozjati dwar it-tkabbir u l-Balkani tal-Punent
L-UE kompliet tgħin lil dawk il-pajjiżi li biħsiebhom jaderixxu mal-UE biex jimplimentaw ir-riformi meħtieġa sabiex jissodisfaw il-kriterji tas-sħubija, bil-ħsieb li tippromwovi l-istabbiltà, is-sigurtà u l-prosperità fl-Ewropa.

Il-Kummissarju Johannes Hahn u Aleksandar Vučić, il-Prim Ministru tas-Serbja, lejlet il-ftuħ tal-ewwel kapitlu tal-proċess ta’ negozjati għall-adeżjoni tas-Serbja, f’Belgrad, fl-10 ta’ Diċembru 2015.
L-UE kellha rwol kruċjali fil-kisba storika tan-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet bejn il-Kosovo u s-Serbja, u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà/il-Viċi President tal-Kummissjoni Federica Mogherini mexxiet diversi ċikli tad-djalogu bejn Belgrad u Pristina.
L-UE kellha rwol importanti wkoll fl-istabbilizzazzjoni politika u fir-riformi tal-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, kif ukoll fil-ftehim li ntlaħaq bejn il-partiti politiċi ewlenin biex jingħeleb l-istaġnar politiku fil-pajjiż.
It-Turkija
F’Ottubru tal-2015 il-Presidenti Schulz, Tusk u Juncker iltaqgħu mal-President Tork Erdoğan biex jiddiskutu dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u t-Turkija, u speċifikament dwar il-ġestjoni tar-refuġjati u l-flussi ta’ migranti. Il-President Schulz żar it-Turkija f’April, filwaqt li l-President Tusk għamel żjara f’Settembru, u oħra flimkien mal-President Juncker f’Novembru, biex jattendi s-Summit tal-G20 f’Antalya. L-UE u t-Turkija impenjaw ruħhom ukoll fi djalogu politiku dwar il-politika barranija u ta’ sigurtà, inkluż dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu. It-Turkija hija parti mill-koalizzjoni internazzjonali kontra l-ISIL/id-Da’esh u kompliet tipprovdi għajnuna umanitarja lir-refuġjati Sirjani u Iraqqini.

Ir-Rappreżentant Għoli/il-Viċi President tal-Kummissjoni Federica Mogherini, l-Ewwel Viċi President tal-Kummissjoni Frans Timmermans, u Donald Tusk, il-President tal-Kunsill Ewropew, jiltaqgħu ma’ Ahmet Davutoğlu, il-Prim Ministru tat-Turkija, fl-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, f’New York, l-Istati Uniti, fid-29 ta’ Settembru 2015.
Fl-aħħar ta’ Novembru fi Brussell sar Summit bejn l-UE u t-Turkija li fih ġie attivat il-pjan ta’ azzjoni konġunta dwar il-migrazzjoni. L-UE u t-Turkija affermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom biex jiżviluppaw aktar is-solidarjetà u r-rabtiet eżistenti tagħhom, itejbu l-kooperazzjoni, jagħtu nifs ġdid lill-proċess ta’ adeżjoni, jadottaw azzjoni orjentata lejn ir-riżultati u jorganizzaw djalogi ta’ livell għoli strutturati u aktar frekwenti.
F’Diċembru nfetħu n-negozjati ta’ adeżjoni dwar il-politika ekonomika u monetarja.

Recep Tayyip Erdoğan, il-President tat-Turkija, u l-Ewwel Viċi President tal-Kummissjoni, Frans Timmermans, jiddiskutu dwar il-kriżi tal-migrazzjoni, Ankara, it-Turkija, fil-15 ta’ Ottubru 2015.
Sħubijiet strateġiċi
L-Istati Uniti
Fl-2015 il-kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti ffukat fuq it-tisħiħ tar-relazzjoni bilaterali permezz tan-negozjati tas-Sħubija Trans-Atlantika ta’ Kummerċ u ta’ Investiment, kif ukoll fuq in-negozjati dwar il-protezzjoni tad-dejta u l-privatezza (ara l-Kapitlu 6). Il-kooperazzjoni mill-qrib tkompliet biex jiġu indirizzati sfidi globali bħat-tibdil fil-klima, is-sigurtà tal-enerġija, in-nonproliferazzjoni nukleari u r-rabta bejn is-sigurtà u l-iżvilupp.
Iċ-Ċina
Is-sena 2015 fakkret l-40 anniversarju tar-relazzjonijiet bejn l-UE u ċ-Ċina. F’Ġunju l-UE ospitat is-17-il Summit bejn l-UE u ċ-Ċina. Iż-żewġ naħat qablu li jsaħħu l-kooperazzjoni fuq il-politika barranija, is-sigurtà u l-kwistjonijiet globali. Il-mexxejja tas-summit adottaw dikjarazzjoni konġunta li fiha tingħata prijorità lil għadd ta’ azzjonijiet li jimplimentaw l-aġenda strateġika sal-2020 bejn l-UE u ċ-Ċina għall-kooperazzjoni, kif ukoll dikjarazzjoni konġunta speċifika dwar it-tibdil fil-klima. Iċ-Ċina impenjat ruħha li żżid l-investiment fl-UE b’appoġġ għall-pjan ta’ investiment għall-Ewropa. In-negozjati għal ftehim ta’ investiment bejn l-UE u ċ-Ċina komplew javvanzaw, u l-UE ħadet l-opportunità biex turi t-tħassib tagħha dwar id-drittijiet tal-bniedem, biż-żewġ naħat jaqblu dwar l-importanza ta’ djalogu kontinwu f’dan ir-rigward.
Ir-Russja
Matul l-2015 ir-relazzjonijiet tal-UE mar-Russja komplew ikunu ddominati mill-interferenza tar-Russja fl-Ukrajna, inklużi l-annessjoni illegali tal-Krimea u d-destabilizzazzjoni diretta tal-pajjiż. Matul is-sena l-UE estendiet il-miżuri restrittivi li kienu ġew imposti fl-2014 (projbizzjonijiet ta’ viża għal individwi u għal entitajiet, sanzjonijiet ekonomiċi u miżuri relatati mal-annessjoni tal-Krimea). Fl-istess waqt, l-UE u r-Russja żammew linji miftuħa ta’ komunikazzjoni dwar il-kwistjonijiet globali u dwar il-kriżijiet internazzjonali, b’mod partikolari fir-rigward tal-Iran. L-UE involviet ruħha f’taħditiet trilaterali mar-Russja u mal-Ukrajna fir-rigward tal-kwistjonijiet dwar il-provvista tal-gass, u f’Settembru rnexxielha tinnegozja ftehim dwar il-pakkett tax-xitwa ta’ fornimenti tal-gass lill-Ukrajna. L-UE xejn ma kienet kuntenta bl-iżviluppi interni fir-Russja marbuta mad-deterjorament fis-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u ma’ restrizzjonijiet oħra imposti fuq is-soċjetà ċivili.

Il-Viċi President tal-Kummissjoni Maroš Šefčovič (ċentru), Alexander Novak, il-Ministru Russu tal-Enerġija (xellug), u Volodymyr Demchyshyn, il-Ministru Ukren tal-Enerġija u tal-Industrija tal-Faħam (lemin) wara li ntlaħaq ftehim dwar il-pakkett tax-xitwa ta’ kunsinni tal-gass lill-Ukrajna, fi Brussell, fil-25 ta’ Settembru 2015.
Il-Lvant Nofsani
L-Iran
F’Lulju r-Rappreżentant Għoli/il-Viċi President tal-Kummissjoni Federica Mogherini, il-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-E3/EU+3 (l-UE, il-Ġermanja, Franza u r-Renju Unit, flimkien maċ-Ċina, ir-Russja u l-Istati Uniti) u l-Iran laħqu ftehim dwar soluzzjoni fit-tul għall-kwistjoni nukleari Iranjana. Il-pjan ta’ azzjoni komprensiv konġunt jiżgura n-natura esklużivament paċifika tal-programm nukleari Iranjan u jipprevedi t-tneħħija komprensiva tas-sanzjonijiet kollha relatati mal-kwistjonijiet nukleari. Dan l-iżvilupp pożittiv jiftaħ il-bieb għal titjib kostanti fir-relazzjonijiet mal-Iran, diment li l-pjan ta’ azzjoni jiġi implimentat bis-sħiħ.

Ir-Rappreżentant Għoli/il-Viċi President tal-Kummissjoni Federica Mogherini (ir-raba’ mix-xellug) mal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-E3+3 wara li ntlaħaq ftehim dwar il-kwistjoni nukleari Iranjana, fi Vjenna, l-Awstrija, fil-5 ta’ Lulju 2015.
L-Iraq u s-Sirja
L-azzjoni tal-UE fl-Iraq hija ggwidata mill-istrateġija reġjonali għas-Sirja u għall-Iraq kif ukoll mit-theddida tal-ISIL/tad-Da’esh, li ġiet adottata mill-Kunsill f’Marzu. B’mod proattiv l-UE tiffaċilita l-isforzi tal-Koalizzjoni Globali kontra l-ISIL, partikolarment fl-oqsma tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, l-istabbilizzazzjoni u l-għajnuna umanitarja. Hija tappoġġa wkoll lill-gvern tal-Iraq fir-riformi tiegħu għall-promozzjoni tal-inklużività u għar-rikonċiljazzjoni nazzjonali. L-UE tixpruna l-isforz internazzjonali mmexxi min-Nazzjonijiet Uniti biex tiġi ffaċilitata soluzzjoni politika għall-kunflitt fis-Sirja, li wassal biex madwar 12-il miljun persuna jitilqu minn djarhom. L-UE allokat €4 biljun biex tgħin lis-Sirjani u lill-komunitajiet ospitanti, b’mod partikolari fil-Ġordan, fil-Libanu u fit-Turkija. Żieda sostanzjali ta’ finanzjament hija ppjanata permezz tal-Fond Fiduċjarju Reġjonali l-ġdid tal-UE b’Reazzjoni għall-Kriżi Sirjana (il-“Fond Madad”).
Is-sħubija bejn l-UE u l-Afrika
F’Marzu tal-2015 l-UE saħħet l-azzjoni tagħha fis-Saħel, fil-Qarn tal-Afrika u fil-Golf tal-Guinea meta l-Kunsill adotta l-pjan ta’ azzjoni għall-Golf tal-Guinea għall-perjodu mill-2015 sal-2020. Il-pjan ta’ azzjoni jiddeskrivi l-appoġġ tal-UE għall-isforzi tar-reġjun u l-istati kostali tiegħu biex jiġu indirizzati l-bosta sfidi ta’ sigurtà marittima u ta’ kriminalità organizzata.
L-UE wasslet l-appoġġ tagħha sa mill-ewwel stadji tal-epidemija devastanti tal-Ebola li kienet irrappurtata fl-Afrika tal-Punent f’Marzu tal-2014, u pprovdiet madwar żewġ biljun ewro biex titrażżan it-tifqigħa u biex jiġi promoss l-irkupru bikri fil-pajjiżi milquta. Il-Kummissjoni waħidha allokat €870 miljun, inkluż €70 miljun għal għajnuna umanitarja urġenti.

Il-Kummissarju Vytenis Andriukaitis flimkien ma’ wieħed mir-rebbieħa tal-Premju Ewropew tal-2015 għas-Saħħa, ippreżentat lill-organizzazzjonijiet mhux governattivi li spikkaw matul l-emerġenza tal-Ebola, f’Mondorf-les-Bains, il-Lussemburgu, fit-12 ta’ Ottubru 2015.

Il-Kummissarju Neven Mimica jżur bir tal-ilma matul iż-żjara tiegħu fil-Kontea ta’ Samburu, il-Kenja, fit-18 ta’ Settembru 2015.
Matul l-2015 l-UE wettqet sitt missjonijiet ta’ osservazzjoni elettorali f’pajjiżi fl-Afrika, ikkonkludiet għadd ta’ ftehimiet ta’ sħubija ekonomika ma’ reġjuni Afrikani u kienet partikolarment attiva biex ittaffi l-kriżijiet politiċi fil-Burundi, fil-Guinea-Bissau, fil-Mali u fis-Sudan t’Isfel.
Id-drittijiet tal-bniedem fid-dinja
Fl-isfond tal-instabbiltà, tal-kunflitti mtawla u tal-kriżi tal-migrazzjoni, is-sena 2015 kienet sena ta’ sfidi bla preċedent għad-drittijiet tal-bniedem, bi vjolazzjonijiet serji u mifruxa u kulma jmur attivisti u organizzazzjonijiet mhux governattivi jingħataw fastidju u jisfaw attakkati. L-UE kompliet tiddefendi, tippromwovi u tirsisti għad-drittijiet tal-bniedem kif ukoll kompliet tipprovdi appoġġ finanzjarju lil organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u lil difensuri tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja. Saru djalogi u konsultazzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem ma’ kważi 40 pajjiż imsieħeb, u ma ħafna aktar imsieħba lokali. L-azzjoni esterna tal-UE f’dan il-qasam hija bbażata fuq il-qafas strateġiku tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija, li ġie adottat f’Ġunju tal-2012, u fuq il-pjan ta’ azzjoni l-ġdid li ġie adottat mill-Kunsill f’Lulju tal-2015, li jiddeskrivi l-prijoritajiet u l-istrateġija għall-perjodu mill-2015 sal-2019.
Is-Sena Ewropea għall-Iżvilupp
Is-sena 2015 kienet is-Sena Ewropea għall-Iżvilupp, bil-motto “Id-dinja tagħna, id-dinjità tagħna, il-ġejjieni tagħna”. L-għan ewlieni kien li titqajjem kuxjenza fost iċ-ċittadini tal-UE, speċjalment iż-żgħażagħ, u li jiġu infurmati dwar ir-riżultati li nkisbu mill-UE u mill-Istati Membri tagħha fl-għajnuna għall-iżvilupp. Fl-2015 l-UE baqgħet l-akbar donatur ta’ għajnuna għall-iżvilupp fid-dinja. Matul is-sena l-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp, b’valur ta’ €30.5 biljun, sar kompletament operattiv.

(Favur l-arloġġ minn quddiem fuq ix-xellug) François Hollande, il-President ta’ Franza, David Cameron, il-Prim Ministru tar-Renju Unit, Matteo Renzi, il-Prim Ministru tal-Italja, Jean-Claude Juncker, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Donald Tusk, il-President tal-Kunsill Ewropew, Shinzō Abe, il-Prim Ministru tal-Ġappun, Stephen Harper, il-Prim Ministru tal-Kanada, Barack Obama, il-President tal-Istati Uniti, u Angela Merkel, il-Kanċilliera tal-Ġermanja, jiddiskutu dwar l-Aġenda għall-Iżvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti fis-Summit tal-G7, fi Krün, il-Ġermanja, fis-7 ta’ Ġunju 2015.
Fl-2015 l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti adottat għanijiet ġodda ta’ żvilupp sostenibbli li se jiggwidaw l-isforzi globali biex jinkiseb żvilupp sostenibbli fil-perjodu li jwassal sal-2030. L-UE appoġġat bil-kbir is-17-il għan u se tiżgura li dawn jiġu implimentati fl-UE kif ukoll ’il barra mill-UE.
Ir-reazzjoni għal kriżijiet u emerġenzi umanitarji
Matul is-sena kompliet ix-xejra dinjija ta’ żieda ta’ diżastri magħmula mill-bniedem u ta’ diżastri naturali. Id-Direttorat Ġenerali għall-Għajnuna Umanitarja u l-Protezzjoni Ċivili (ECHO) tal-Kummissjoni, ta għajnuna ta’ sokkors ta’ aktar minn €1.5 biljun inkluż ikel, kenn, protezzjoni, kura tas-saħħa u ilma nadif lil aktar minn 120 miljun persuna f’aktar minn 80 pajjiż.
Fl-2015 il-Kummissjoni allokat €361 miljun f’għajnuna umanitarja lil tfal, nisa u rġiel maqbuda fid-diżastru umanitarju fis-Sirja u fil-pajjiżi ġirien, il-Ġordan, il-Libanu u t-Turkija. Kollettivament, minn meta beda l-kunflitt, l-UE allokat aktar minn €5 biljun biex tgħin lis-Sirjani u lill-komunitajiet ospitanti f’pajjiżi ġirien. Żieda oħra ta’ finanzjament hija ppjanata permezz tal-Fond Fiduċjarju Reġjonali tal-UE l-ġdid b’Reazzjoni għall-Kriżi Sirjana.

Il-Kummissarju Christos Stylianides jgħin fit-tqassim tal-assistenza ta’ sokkors tal-UE fin-Nepal wara t-terremot li ħalla iżjed minn 8,500 persuna mejta u ħafna iktar midruba, f’Khokana, in-Nepal, fit-2 ta’ Mejju 2015.
Il-Kummissjoni wkoll żiedet b’mod sostanzjali l-għajnuna umanitarja tagħha fl-Iraq, għal total ta’ €104.65 miljun, b’reazzjoni għal kriżi li ħalliet aktar minn 10 miljun ruħ fi bżonn ta’ għajnuna ta’ salvataġġ.
Biex tgħin lill-popolazzjonijiet milquta miċ-ċaqliq sfurzat, min-nuqqas ta’ sigurtà fl-ikel u mill-malnutrizzjoni akuta bħala riżultat tal-kunflitt li għadu għaddej fil-Jemen, il-Kummissjoni allokat €52 miljun f’finanzjamenti umanitarji.
Matul l-2015 l-UE kompliet l-appoġġ tagħha għall-Ukrajna billi pprovdiet €242 miljun f’għajnuna.

Sa tmiem l-2015 aktar minn 1.5 miljun tifel u tifla li qed jikbru f’żoni ta’ kunflitt u ta’ emerġenza bbenefikaw minn proġetti umanitarji li jipprovdu aċċess għall-edukazzjoni u għall-appoġġ psikosoċjali taħt il-kappa tal-inizjattiva tal-UE “It-Tfal tal-Paċi”.
Barra minn hekk fl-2015 ġie attivat il-Mekkaniżmu ta’ Protezzjoni Ċivili tal-UE għal 25 emerġenza f’pajjiżi milquta minn diżastri madwar id-dinja.
Is-sigurtà u d-difiża
F’Ġunju l-Kunsill Ewropew stieden lir-Rappreżentant Għoli/il-Viċi President tal-Kummissjoni Federica Mogherini biex tħejji strateġija globali tal-UE dwar il-politika barranija u ta’ sigurtà f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, li trid tiġi ppreżentata lill-Kunsill Ewropew sa Ġunju tal-2016. L-għan ta’ din l-istrateġija l-ġdida se jkun li tingħata viżjoni wiesgħa għar-rwol globali tal-UE, bl-enfasi tkun fuq azzjonijiet tal-UE li jistgħu joffru l-aktar valur miżjud lill-kapaċitajiet nazzjonali.
Il-ġlieda kontra t-terroriżmu kompliet tkun ta’ importanza ċentrali fil-ħidma tal-UE matul is-sena. Inħatru esperti dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu u dwar is-sigurtà għal seba’ delegazzjonijiet tal-UE, u saru djalogi dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu u djalogi politiċi ma’ għadd ta’ pajjiżi u istituzzjonijiet internazzjonali, bħan-Nazzjonijiet Uniti u l-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja. L-UE kompliet issaħħaħ l-approċċ komprensiv tagħha lejn il-kunflitti u l-kriżijiet esterni. Hija kienet attiva fl-appoġġ għall-miżuri ta’ prevenzjoni ta’ kunflitti f’aktar minn 30 pajjiż, inkluż permezz ta’ medjazzjoni u ta’ ħidma analitika.

Ban Ki-moon, is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, jiltaqa’ mar-Rappreżentant Għoli/il-Viċi President tal-Kummissjoni Federica Mogherini, fi Brussell, fis-27 ta’ Mejju 2015.
Kapitlu 10
Unjoni ta’ bidla demokratika
“Il-proposta u l-elezzjoni tal-President tal-Kummissjoni Ewropea fid-dawl tal-eżitu tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew huma ċertament importanti, iżda huma biss l-ewwel pass biex l-Unjoni Ewropea kollha kemm hi ssir aktar demokratika. Il-Kummissjoni Ewropea taħt it-tmexxija tiegħi se tkun impenjata li twettaq din is-sħubija speċjali mal-Parlament Ewropew... Jien ukoll impenjat għal trasparenza mtejba fir-rigward tal-kuntatti mal-partijiet ikkonċernati u mal-lobbisti... Biħsiebi wkoll neżamina mill-ġdid il-leġiżlazzjoni applikabbli għall-awtorizzazzjoni ta’ organiżmi ġenetikament modifikati.”
Jean-Claude Juncker, il-linji gwida politiċi, il-15 ta’ Lulju 2014

Fl-2015 il-Parlament Ewropew ta kontribut sinifikanti fid-dibattiti li varjaw mis-sitwazzjoni ekonomika fil-Greċja għall-kriżi tar-refuġjati. F’Ottubru l-Parlament Ewropew organizza diskussjonijiet mal-Kanċilliera Ġermaniża, Angela Merkel, u mal-President Franċiż, François Hollande. Kienet l-ewwel darba f’aktar minn 30 sena li l-mexxejja tal-akbar żewġ Stati Membri tal-UE indirizzaw lill-Parlament Ewropew flimkien. F’Ottubru wkoll il-Parlament Ewropew ta l-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb lill-blogger u attivist tad-drittijiet tal-bniedem tal-Arabja Sawdija Raif Badawi.
Fl-2015 il-Latvja u l-Lussemburgu kellhom il-Presidenza b’rotazzjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. L-aġendi tal-Kunsill kienu ggwidati mill-iżviluppi ewlenin tas-sena, bħat-tensjonijiet fl-Ukrajna, it-terroriżmu, il-kriżi tar-refuġjati u s-sitwazzjoni fil-Greċja.
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni ffukaw l-attivitajiet tagħhom fuq il-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni għall-2015. Georges Dassis ġie elett bħala l-President il-ġdid tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, filwaqt li Markku Markkula ġie elett bħala l-President il-ġdid tal-Kumitat tar-Reġjuni.
Il-parlamenti nazzjonali komplew jesprimu fehmiethom dwar kwistjonijiet tal-UE permezz tad-djalogu politiku mal-Kummissjoni Ewropea u l-Mekkaniżmu ta’ Kontroll tas-Sussidjarjetà. Il-mekkaniżmu jippermetti lill-parlamenti nazzjonali fl-UE joħorġu opinjonijiet jekk huma jqisu li l-abbozz tal-leġiżlazzjoni tal-UE ma jikkonformax mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. Il-membri tal-Kummissjoni għamlu bosta żjarat fil-parlamenti nazzjonali biex jispjegaw il-prijoritajiet ewlenin u l-inizjattivi politiċi prinċipali.
Matul l-2015 il-Kummissjoni organizzat 53 djalogu taċ-ċittadini madwar l-UE kollha, u b’hekk iċ-ċittadini setgħu jsemmgħu leħinhom ma’ dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fl-UE.
Il-Parlament Ewropew fiċ-ċentru tal-ħajja politika tal-UE
Matul l-2015 il-Parlament iddiskuta u ta kontribut dwar diversi kwistjonijiet ta’ politika. Ħafna viżitaturi ta’ profil għoli indirizzaw il-Parlament Ewropew matul is-sena, inkluż Laimdota Straujuma, il-Prim Ministru tal-Latvja; il-Maestà Tiegħu r-Re Abdullah II tal-Ġordan; Ban Ki-moon, is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti; Tsakhiagiin Elbegdorj, il-President tal-Mongolja; Alexis Tsipras, il-Prim Ministru tal-Greċja; Xavier Bettel, il-Prim Ministru tal-Lussemburgu; il-Maestà Tiegħu r-Re Felipe VI ta’ Spanja; François Hollande, il-President ta’ Franza; Angela Merkel, il-Kanċilliera tal-Ġermanja; Sergio Mattarella, il-President tal-Italja; u l-kapijiet tal-istituzzjonijiet tal-UE.

Martin Schulz, il-President tal-Parlament Ewropew, Angela Merkel, il-Kanċilliera tal-Ġermanja, il-Maestà Tiegħu r-Re Felipe VI ta’ Spanja u François Hollande, il-President ta’ Franza, fil-Parlament Ewropew, fi Strasburgu, fis-7 ta’ Ottubru 2015.

Il-Parlament Ewropew jagħti l-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb lill-blogger u attivist tad-drittijiet tal-bniedem mill-Arabja Sawdija, Raif Badawi.
Presidenti ġodda għaż-żewġ korpi konsultattivi tal-UE

Georges Dassis ġie elett President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew fis-7 ta’ Ottubru 2015.

Markku Markkula ġie elett President tal-Kumitat tar-Reġjuni fit-12 ta’ Frar 2015.
Regolamentazzjoni aħjar
F’Mejju, meta adottat l-aġenda għal regolamentazzjoni aħjar, il-Kummissjoni ħadet passi pożittivi biex jiżdiedu l-ftuħ u t-trasparenza fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE filwaqt li titjieb il-kwalità tal-liġijiet ġodda u tiġi promossa l-analiżi sistematika tal-liġi eżistenti tal-UE.
Dan il-pakkett ta’ riformi introduċa diversi miżuri ġodda, inklużi konsultazzjonijiet ġodda u possibbiltajiet ta’ feedback li se jipprovdu aktar opportunitajiet għal involviment imtejjeb tal-partijiet ikkonċernati u għal aktar konsultazzjoni pubblika. F’Lulju l-Kummissjoni nediet faċilità għall-partijiet ikkonċernati biex jipprovdu feedback dwar il-pjanijiet direzzjonali, il-valutazzjonijiet tal-impatt inizjali u l-proposti adottati, u b’hekk fetħet il-proċess ta’ tfassil tal-politika tagħha għal aktar skrutinju u kontribuzzjonijiet pubbliċi. Dan huwa l-ewwel pass fl-implimentazzjoni ta’ portal għal regolamentazzjoni aħjar, li joffri aċċess faċli għall-proċessi involuti fit-tfassil tal-liġijiet tal-UE.
Barra minn hekk f’Lulju daħal fis-seħħ Bord tal-Iskrutinju Regolatorju ġdid. Dan jipprovdi funzjoni ċentrali msaħħa ta’ appoġġ u ta’ kontroll tal-kwalità għall-valutazzjonijiet tal-impatt u għall-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni. Flimkien mal-president tiegħu, il-Bord se jkollu sitt membri full-time, filwaqt li tlieta minnhom se jiġu reklutati minn barra l-istituzzjonijiet tal-UE.
F’Diċembru l-Kummissjoni approvat ftehim interistituzzjonali ġdid dwar tfassil aħjar tal-liġijiet mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill biex jitjiebu l-kwalità u r-riżultati tal-leġiżlazzjoni tal-UE. Dan se jġib miegħu tibdil fiċ-ċiklu kollu tat-tfassil tal-politika, minn konsultazzjonijiet u valutazzjonijiet tal-impatt għall-adozzjoni, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE. It-test ġie nnegozjat mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill u jrid jiġi approvat mit-tliet istituzzjonijiet kollha qabel ma jidħol fis-seħħ.
Il-pjattaforma REFIT
REFIT huwa l-programm tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-idoneità u l-prestazzjoni tar-regolamentazzjoni. Dan huwa magħmul minn esperti ta’ livell għoli mill-Istati Membri u minn partijiet ikkonċernati min-negozji u mis-soċjetà ċivili. L-għan tiegħu huwa li jiġbor suġġerimenti dwar it-tnaqqis tal-piżijiet regolatorji fi djalogu miftuħ mal-partijiet ikkonċernati u mal-Istati Membri.
Mill-2012 ittieħdu madwar 200 inizjattiva REFIT. Dan inkiseb permezz ta’ evalwazzjonijiet, inizjattivi ġodda ta’ simplifikazzjoni, irtirar u tħassir. Il-progress fl-implimentazzjoni ta’ inizjattivi REFIT ġie rrappurtat fit-tabella ta’ valutazzjoni annwali ppubblikata f’Mejju. Il-ħidma qed tkompli biex il-liġi tal-UE ssir aktar sempliċi u biex jitnaqqsu l-ispejjeż regolatorji filwaqt li jinżammu l-benefiċċji tal-politika.

Monitoraġġ tal-applikazzjoni tal-liġi tal-UE
F’Lulju l-Kummissjoni adottat it-32 rapport annwali dwar il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tal-liġi tal-UE, li eżamina l-prestazzjonijiet tal-Istati Membri fl-implimentazzjoni korretta u f’waqtha tal-liġi tal-UE fl-2014.
Il-Kummissjoni tniedi proċeduri ta’ ksur meta Stat Membru ma jsibx tarf ta’ ksur allegat tal-liġi tal-UE jew ma jinnotifikax il-miżuri li jittrasponu direttiva fil-liġi nazzjonali sal-iskadenza maqbula. Iċ-ċittadini u l-partijiet ikkonċernati jistgħu jirrapportaw direttament suspetti ta’ ksur tal-liġi tal-UE permezz ta’ formola onlajn tal-ilmenti, li hija aċċessibbli permezz tal-portal Drittijietek. Fl-2014 il-biċċa l-kbira tal-ilmenti mressqa kienu dwar l-impjieg, is-suq intern u l-ġustizzja.
Ix-xejriet ġenerali wrew li l-għadd ta’ proċeduri formali ta’ ksur naqas f’dawn l-aħħar ħames snin. Bħal fis-sena preċedenti, l-ambjent, it-trasport, is-suq intern u s-servizzi baqgħu l-oqsma ta’ politika li fihom infetħu l-biċċa l-kbira tal-każijiet ta’ ksur. Dan it-tnaqqis jirrifletti l-effettività tad-djalogu strutturat mal-Istati Membri permezz tal-mekkaniżmu EU Pilot qabel ma titnieda proċedura formali ta’ ksur.
Trasparenza u responsabbiltà
Inizjattiva ġdida ta’ trasparenza u t-tnedija tar-Reġistru ta’ Trasparenza 2.0
It-trasparenza hija importanti għal-leġittimità pubblika tal-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-UE u biex tinkiseb il-fiduċja taċ-ċittadini.
F’Jannar tnediet verżjoni ġdida tar-Reġistru ta’ Trasparenza konġunt tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni Ewropea. Ir-reġistru huwa għodda prinċipali għall-implimentazzjoni tal-politika ta’ trasparenza tal-Kummissjoni. Dan jitfa’ dawl fuq dawk li jfittxu li jinfluwenzaw it-tfassil tal-politika fl-istituzzjonijiet tal-UE, u jelenka l-kwistjonijiet li huma jsegwu, il-klijenti jew il-membri li għandhom, is-sħubija tagħhom fl-istrutturi tal-UE, u r-riżorsi umani u finanzjarji li jinvestu. L-organizzazzjonijiet kollha li jissieħbu f’dan ir-reġistru jaderixxu mal-kodiċi ta’ kondotta tiegħu, li jservi ta’ boxxla morali fir-relazzjonijiet tagħhom mal-istituzzjonijiet tal-UE.
Il-kontroll tal-baġit tal-UE
F’April, wara rakkomandazzjoni pożittiva mill-Kunsill, il-Parlament ta l-approvazzjoni finali, magħrufa bħala kwittanza, għall-mod kif il-Kummissjoni implimentat il-baġit tal-UE fl-2013. Il-kwittanza hija waħda mill-istrumenti li jintużaw mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill biex jikkontrollaw il-mod kif jintefaq il-baġit tal-UE. Meta tingħata, din twassal għall-għeluq formali tal-kontijiet tal-istituzzjoni għal sena partikolari.

Il-Viċi President tal-Kummissjoni Kristalina Georgieva (xellug) f’diskussjoni ma’ Vítor Manuel da Silva Caldeira, il-President tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (ċentru), fi Brussell, fit-23 ta’ Settembru 2015.
Meta jkun qed jiddeċiedi jekk jagħtix, jipposponix jew jirrifjutax kwittanza, il-Parlament Ewropew iqis ir-rapport annwali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri. F’Novembru l-Qorti ppreżentat ir-rapport annwali tagħha dwar l-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE fl-2014. L-awditur estern tal-Kummissjoni aċċerta l-korrettezza tal-kontijiet tal-UE għat-tmien sena konsekuttiva, u kkonferma wkoll li kemm in-naħa tal-introjtu kif ukoll dik tan-nefqa amministrattiva ma kellhomx żbalji sinifikanti. Barra minn hekk, il-Qorti stmat tnaqqis ġenerali fir-rata ta’ żball fil-pagamenti (4.4 %) għat-tieni sena konsekuttiva.
F’dan ir-rigward huwa importanti li wieħed jiftakar li għal madwar 80 % tal-baġit annwali tal-UE, b’mod partikolari fl-oqsma tal-politika tal-agrikoltura u ta’ koeżjoni, il-Kummissjoni għandha funzjoni importanti ta’ kontroll, iżda l-Istati Membri huma responsabbli primarjament għall-ġestjoni ta’ kuljum tal-fondi tal-UE. Meta żbalji amministrattivi jiġu identifikati, il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali fl-Istati Membri jieħdu miżuri biex jieħdu l-flus lura. Bejn l-2009 u l-2014 l-ammont annwali medju ta’ korrezzjonijiet finanzjarji u rkupri bħal dawn kien ta’ €3.2 biljun, jew ta’ 2.4 % tal-pagamenti li saru mill-baġit tal-UE. Din il-kapaċità korrettiva turi n-natura multiannwali tal-biċċa l-kbira tal-programmi u l-impenn tal-awtoritajiet pubbliċi kollha għall-protezzjoni ta’ flus il-kontribwenti.
L-aċċess għad-dokumenti
Id-dritt ta’ aċċess pubbliku għad-dokumenti huwa għodda importanti fil-qasam tat-trasparenza. Ir-rapport annwali dwar l-aċċess għad-dokumenti, adottat f’Awwissu u li jkopri s-sena 2014, jiddeskrivi kif il-Kummissjoni implimentat ir-regoli attwali u l-leġiżlazzjoni dwar din il-kwistjoni.
Ir-rapport annwali juri biċ-ċar l-importanza tad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti bħala parti mill-politika ġenerali ta’ trasparenza tal-Kummissjoni. Fl-2014, il-Kummissjoni rċeviet 6,227 talba għal aċċess għad-dokumenti. Id-dokumenti mitluba kienu żvelati kompletament jew parzjalment fi 88 % tal-każijiet fl-istadju inizjali. Wara t-tweġibiet inizjali tas-servizzi, l-applikanti setgħu jitolbu lill-Kummissjoni biex tirrieżamina l-pożizzjoni tagħha billi tiġi introdotta applikazzjoni konfermatorja. Fl-2014 il-Kummissjoni eżaminat 300 applikazzjoni konfermatorja. L-għadd ta’ talbiet konfermatorji baqa’ jiżdied għas-seba’ sena konsekuttiva, b’żieda sinifikanti ta’ 27 % fl-2014. Fi 43 % tal-każijiet fl-istadju konfermatorju, ingħata aċċess usa’ u addizzjonali, u b’hekk il-persentaġġ totali ta’ deċiżjonijiet żvelati kompletament jew parzjalment tela’ għal 90 %.
Il-volum ta’ talbiet għall-aċċess u r-rata għolja ta’ żvelar ta’ dokumenti juru li d-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti jintuża b’mod attiv miċ-ċittadini tal-UE u rriżulta f’għadd kbir ta’ dokumenti li saru disponibbli, flimkien mad-dokumentazzjoni estensiva li diġà hija disponibbli fuq is-sit web tal-Kummissjoni.
Id-dritt taċ-ċittadini għal amministrazzjoni tajba
Fl-2015 l-Ombudsman Ewropew, Emily O’Reilly, kompliet timplimenta l-istrateġija tagħha “Lejn l-2019”, bl-għan li żżid ir-rilevanza, l-impatt u l-viżibbiltà tal-attivitajiet tal-Ombudsman. Fost il-każijiet eżaminati mill-Ombudsman kien hemm inkjesti fuq inizjattiva proprja dwar il-kompożizzjoni tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni u dwar it-trasparenza fit-trilogi, kif ukoll inkjesta dwar it-trasparenza fin-negozjati tas-Sħubija Trans-Atlantika ta’ Kummerċ u ta’ Investiment.

Emily O’Reilly, l-Ombudsman Ewropew, tippreżenta r-rapport annwali tagħha lil Martin Schulz, il-President tal-Parlament Ewropew, fi Brussell, fis-26 ta’ Mejju 2015.
Rieżami tal-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet għall-awtorizzazzjoni ta’ organiżmi ġenetikament modifikati fl-Istati Membri
F’April, il-Kummissjoni żammet ma’ impenn fil-linji gwida politiċi tagħha billi lestiet rieżami tal-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet għall-awtorizzazzjoni ta’ organiżmi ġenetikament modifikati. Ġiet ippreżentata proposta leġiżlattiva ġdida li tkun tista’ tagħti lill-Istati Membri l-kapaċità li jagħmlu restrizzjoni jew projbizzjoni għall-użu ta’ organiżmi ġenetikament modifikati awtorizzati mill-UE f’ikel jew f’għalf fit-territorju tagħhom, abbażi ta’ raġunijiet domestiċi għajr riskji għas-saħħa jew għall-ambjent. L-awtorizzazzjoni bbażata fuq ix-xjenza ta’ organiżmu ġenetikament modifikat xorta se tiġi vvalutata fil-livell tal-UE.
Il-proposta ġiet ippreżentata għal eżami skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, li reċentament adottaw Direttiva li tat kapaċitajiet simili lill-Istati Membri fil-qasam tal-kultivazzjoni ta’ organiżmi ġenetikament modifikati. F’Ottubru l-Parlament Ewropew irrifjuta l-proposta. Fil-Kunsill tkomplew id-diskussjonijiet tal-ewwel qari.
L-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej
L-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej tippermetti lil miljun ċittadin tal-UE minn tal-anqas seba’ Stati Membri jappellaw lill-Kummissjoni biex tipproponi leġiżlazzjoni. Sa issa ġew ippreżentati tliet inizjattivi taċ-ċittadini Ewropej wara li ssodisfaw ir-rekwiżiti u l-limiti meħtieġa — “Right2water”, “One of us” u “Stop vivisection” — u dawn ġew imwieġba mill-Kummissjoni.
F’Marzu l-Kummissjoni ppubblikat rapport dwar l-applikazzjoni tal-inizjattiva taċ-ċittadini, li eżamina l-applikazzjoni ta’ dan l-istrument il-ġdid sa minn meta daħal fis-seħħ f’April tal-2012. Ir-rapport ikkonkluda li l-organizzaturi ħabbtu wiċċhom ma’ diffikultajiet biex jinħolqu s-sistemi ta’ ġbir onlajn tal-firem, partikolarment minħabba ż-żmien limitat disponibbli għall-ġbir. Għalhekk, il-Kummissjoni kompliet tipprovdi soluzzjonijiet temporanji ta’ ospitalità mingħajr ħlas lill-organizzaturi u kkummissjonat studju biex jiġu analizzati alternattivi għall-iżvilupp ta’ soluzzjoni sostenibbli għas-sistemi ta’ ġbir onlajn. Ir-rapport identifika wkoll problemi li jħabbtu wiċċhom magħhom l-organizzaturi, b’mod partikolari, rigward id-diverġenzi bejn il-kundizzjonijiet u d-dejta personali mitluba mill-Istati Membri fil-proċess ta’ ġbir. Il-Kummissjoni stiednet lill-Istati Membri jarmonizzaw u jissimplifikaw dawn ir-rekwiżiti.
Djalogi taċ-ċittadini
F’Jannar 2015 il-Kummissjoni nediet sensiela ġdida ta’ djalogi taċ-ċittadini, li fihom iċ-ċittadini jkunu jistgħu jsemmgħu leħinhom quddiem dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fl-UE, b’hekk uriet li d-djalogu taċ-ċittadini huwa parti importanti mill-proċess demokratiku tat-tfassil ta’ politika tal-UE. Matul is-sena, il-Kummissjoni kkonsultat lil eluf ta’ ċittadini, billi l-President tal-Kummissjoni, il-Viċi Presidenti u l-Kummissarji pparteċipaw fi 53 avveniment madwar l-UE. Il-President tal-Parlament Ewropew, għadd ta’ Membri tal-Parlament Ewropew u politiċi nazzjonali pparteċipaw ukoll f’dawn id-djalogi.
Kuntatt mal-UE
ONLAJN
L-informazzjoni fl-ilsna uffiċjali kollha tal-Unjoni Ewropea hija disponibbli minn fuq il-websajt Europa: europa.eu
PERSONALMENT
Mal-Ewropa kollha hemm mijiet ta’ ċentri ta’ informazzjoni tal-UE. Tista’ ssib l-indirizz taċ-ċentru l-eqreb għalik fuq dan il-websajt: europedirect.europa.eu
BIT-TELEFOWN JEW BIL-POSTA
Europe Direct huwa servizz li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar l-Unjoni Ewropea. Tista’ tikkuntattja dan is-servizz permezz tan-numru telefoniku bla ħlas:
AQRA DWAR L-EWROPA
Il-pubblikazzjonijiet dwar l-UE huma biss buttuna ’l bogħod fuq il-websajt tal-EU Bookshop: bookshop.europa.eu
Informazzjoni u pubblikazzjonijiet dwar l-Unjoni Ewropea jistgħu jinkisbu f’Malta:
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
RAPPREŻENTANZA F’MALTA
Dar l-Ewropa
254, Triq San Pawl
VLT 1215
MALTA
Tel. +356 23425000
Email: comm-rep-mt@ec.europa.eu
IL-PARLAMENT EWROPEW
UFFIĊĊJU INFORMAZZJONI GĦAL MALTA
254, Triq San Pawl
VLT 1215
MALTA
Tel. +356 21235075
Ir-rappreżentanzi u l-uffiċċji tal-Kummissjoni Ewropea u l-Parlament jinsabu f’kull pajjiż tal-Unjoni Ewropea. L-Unjoni Ewropea għandha wkoll delegazzjonijiet f’partijiet oħra tad-dinja.
Dwar
Sibtha utli din il-pubblikazzjoni? Għidilna: comm-publi-feedback@ec.europa.eu
L-UE fl-2015 — Rapport Ġenerali dwar l-Attivitajiet tal-Unjoni Ewropea
Il-Kummissjoni Ewropea
Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni
Informazzjoni għaċ-ċittadini
1049 Brussell
IL-BELGJU
L-UE fl-2015 — Rapport Ġenerali dwar l-Attivitajiet tal-Unjoni Ewropea ġie adottat mill-Kummissjoni Ewropea fl-1 ta’ Frar 2016 bir-referenza COM(2016) 38.
Identifikaturi
Rapport Ġenerali dwar l-Attivitajiet tal-Unjoni Ewropea
|
ISBN 978-92-79-49787-2 |
ISSN 1725-6941 |
doi:10.2775/29409 |
|
ISBN 978-92-79-49820-6 |
ISSN 1977-3501 |
doi:10.2775/24614 |
EPUB |
ISBN 978-92-79-49822-0 |
ISSN 1977-3501 |
doi:10.2775/135081 |
HTML |
ISBN 978-92-79-54802-4 |
ISSN 1977-3501 |
doi:10.2775/3411 |
Punti ewlenin
|
ISBN 978-92-79-49681-3 |
ISSN 2443-9274 |
doi:10.2775/247189 |
|
ISBN 978-92-79-49707-0 |
ISSN 2443-9509 |
doi:10.2775/249655 |
EPUB |
ISBN 978-92-79-49712-4 |
ISSN 2443-9509 |
doi:10.2775/51075 |
HTML |
ISBN 978-92-79-54835-2 |
ISSN 2443-9509 |
doi:10.2775/8276 |

L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet
L-2985
Il-Lussemburgu
Fuq il-qoxra

- Ir-Rappreżentant Għoli/il-Viċi President tal-Kummissjoni u l-Ministru għall-Affarijiet Barranin Iranjan jiddiskutu l-programm nukleari tal-Iran. (© L-Unjoni Ewropea)
- Il-Kummissarju għall-Kompetizzjoni ħabbret inkjesti tal-antitrust dwar Google. (© L-Unjoni Ewropea)
- Suldati Ungeriżi jibnu ċint fil-fruntiera mal-Kroazja. (© Associated Press)
- Il-President tal-Kummissjoni fil-ftuħ tal-konferenza dwar it-tibdil fil-klima f’Pariġi. (© L-Unjoni Ewropea)
- Il-Kummissarju għas-Servizzi Finanzjarji jippresiedi ċ-ċerimonja tal-ftuħ tal-Borża ta’ Londra. (© L-Unjoni Ewropea)
- Id-dimostranti barra l-Parlament Grieg fil-lejl tar-referendum. (© Associated Press)
- Il-mexxejja tal-UE, tal-Ġermanja, tal-Greċja u ta’ Franza jiddiskutu l-finanzi statali tal-Greċja. (© L-Unjoni Ewropea)
- Il-President tal-Kummissjoni u l-mexxejja ta’ Spanja, ta’ Franza u tal-Portugall iħabbru konnessjonijiet imtejba bejn il-peniżola Iberika u l-bqija tas-suq tal-enerġija tal-UE. (© L-Unjoni Ewropea)
- Il-mexxejja tal-UE, tal-Estonja, tal-Litwanja, tal-Latvja u tal-Polonja jħabbru l-interkonnettur tal-gass bejn il-Polonja u l-Litwanja. (© L-Unjoni Ewropea)
- Operazzjoni ta’ tiftix u salvataġġ ta’ Triton fil-Baħar Mediterran. (© Frontex)
- Il-Prim Ministru tar-Renju Unit jiddiskuti l-proposti tiegħu għal negozjar mill-ġdid tar-relazzjonijiet tar-Renju Unit mal-UE. (© Associated Press)
- Il-Kunsill Ewropew jiltaqa’ fi Brussell. (© L-Unjoni Ewropea)
- Raħħala Ewropej li jrabbu l-bhejjem li jipproduċu l-ħalib jipprotestaw fi Brussell. (© Associated Press)
- Il-mexxejja tal-UE, tal-Greċja, ta’ Franza u tal-Belġju f’diskussjoni waqt is-Summit taż-Żona tal-ewro. (© L-Unjoni Ewropea)
- Il-Presidenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni fil-laqgħa tal-mexxejja dwar ir-Rotta tal-Balkani tal-Punent. (© L-Unjoni Ewropea)
- Refuġjati li jaslu fil-Greċja. (© L-Unjoni Ewropea)
- Il-mexxejja dinjija fis-Summit tal-G7. (© L-Unjoni Ewropea)
- Il-President tal-Grupp tal-ewro jindirizza lill-istampa. (© L-Unjoni Ewropea)
- Servizzi ta’ emerġenza jevakwaw il-midruba wara l-isparaturi fis-sala tal-kunċerti Bataclan f’Pariġi. (© Associated Press)
- Il-President tal-Kunsill jindirizza lill-istampa. (© L-Unjoni Ewropea)
- L-iffirmar ta’ ftehim tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi. (© L-Unjoni Ewropea)
- Minuta ta’ silenzju fi Place de la République, f’Pariġi, wara l-attakki terroristiċi ta’ Novembru. (© AFP)
- Persuni jipprotestaw kontra s-Sħubija Trans-Atlantika ta’ Kummerċ u ta’ Investiment. (© Associated Press)
- Il-mexxejja tal-UE u tal-Ukrajna fis-17-il Summit bejn l-UE u l-Ukrajna. (© L-Unjoni Ewropea)
© L-Unjoni Ewropea, 2016
Ir-riproduzzjoni hija awtorizzata kemm-il darba jissemma s-sors oriġinali. Għal kwalunkwe użu jew riproduzzjoni ta’ ritratti individwali, għandu jinkiseb permess direttament mid-detenturi tad-dritt tal-awtur.
KREDITI
L-istampi u l-vidjows kollha huma © L-Unjoni Ewropea, ħlief: