STUDJU F’PAJJIŻ
BARRANI FL-UE
KUN AF ID-DRITTIJIET TIEGĦEK
JEKK QED TIPPJANA BIEX TISTUDJA F’PAJJIŻ IEĦOR TAL-UE, GĦANDEK NUMRU TA’ DRITTIJIET
KIF TISTA’ TORGANIZZA
L-ISTUDJU F’PAJJIŻ
BARRANI?
- Jekk int student, għandu mnejn ikollok iċ-ċans li tagħmel parti mill-istudji tiegħek f’pajjiż barrani permezz tal-Erasmus+.
- Jekk int interessat li tistudja f’pajjiż barrani, bħala l-ewwel pass għandek tikkuntattja l-università tiegħek.
- Meta tipparteċipa fl-Erasmus+:
- ma jkollokx tħallas il-miżati għar-reġistrazzjoni jew għat-tagħlim lill-università li tospitak
- l-istudji f’pajjiż barrani jgħoddu bħala parti integrali tal-grad tiegħek
- tingħata għotja mill-UE għall-ispejjeż ta’ kuljum u tal-ivvjaġġar.
- L-università f’pajjiżek għandha tirrikonoxxi l-perjodu tiegħek ta’ studju f’pajjiż barrani u tgħoddu bħala parti mill-grad tiegħek, bil-kundizzjoni li int tispiċċa l-programm ta’ studju miftiehem minn qabel tal-iskambju tiegħek.
- L-Erasmus+ joffrilek ukoll l-opportunità li tirreġistra fi programm ta’ grad postgradwatorju offrut b’mod konġunt minn universitajiet ibbażati f’pajjiżi differenti tal-UE.
- Aktar informazzjoni tinsab disponibbli: https://europa.eu/youreurope/study_mt
LIEMA KUNDIZZJONIJIET
TA’ DĦUL GĦANDEK TISTENNA?
- Bħala ċittadin tal-UE, għandek id-dritt li tistudja fi kwalunkwe università tal-UE bl-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini nazzjonali. Madankollu, il-kundizzjonijiet ta’ dħul ivarjaw b’mod sinifikanti bejn il-pajjiżi u l-universitajiet individwali.
- L-għarfien tal-lingwa tal-pajjiż jista’ jkun meħtieġ, għalhekk f’ċerti pajjiżi tal-UE tista’ tintalab li tagħmel eżami tal-lingwa.
- Jeħtieġlek tinforma ruħek dwar is-sistema tal-edukazzjoni għolja fil-pajjiż fejn tixtieq titgħallem qabel ma tħalli pajjiżek.
- Skopri aktar:
https://europa.eu/youreurope/university_mt
TISTA’ TIKSEB KWALUNKWE
APPOĠĠ FINANZJARJU
META TKUN QED TISTUDJA
F’PAJJIŻ BARRANI?
- Bħala ċittadin tal-UE li jkun qed jistudja f’università f’pajjiż ieħor tal-UE:
- int ma tistax tkun imġiegħel tħallas miżati ogħla għall-kors
- int għandek id-dritt għall-istess għotjiet ta’ flus biex tagħmel tajjeb għall-miżati bħaċ-ċittadini ta’ dak il-pajjiż.
- Il-miżati tal-universitajiet fl-Ewropa jvarjaw konsiderevolment – filwaqt li f’xi wħud mill-pajjiżi tal-UE l-ammissjoni għall-edukazzjoni terzjarja hi bla ħlas, f’universitajiet oħrajn din tista’ tkun tassew għalja.
- L-appoġġ finanzjarju f’forma ta’ boroż ta’ studju, għotjiet u selfiet jiddependu minn kriterji differenti.
- Aqra aktar https://europa.eu/youreurope/fees_mt
LIEMA DRITTIJIET
RESIDENZJALI
GĦANDHOM L-ISTUDENTI?
- Għandek dritt tgħix fil-pajjiż tal-UE fejn qed tistudja għat-tul ta’ żmien kollu li jieħdu l-istudji tiegħek jekk:
- irreġistrat fi stabbiliment approvat tal-edukazzjoni
- għandek dħul ta’ flus suffiċjenti, minn kwalunkwe sors biex tgħix mingħajr ma tkun teħtieġ għajnuna finanzjarja
- għandek assigurazzjoni fuq is-saħħa komprensiva hemm.
- Meta tistudja sa 3 xhur barra pajjiżek:
- L-uniku rekwiżit biex toqgħod f’pajjiż tal-UE ieħor għal anqas minn 3 xhur hu li jkollok karta tal-identità nazzjonali valida, jew passaport validu
- Aktar informazzjoni tinsab disponibbli: https://europa.eu/youreurope/studentresident_mt
TISTA’ TKUN INT
Irreġistra bħala li qed tgħix fil-pajjiż li fih qed tistudja
Tillman mill-Ġermanja qed jiċċaqlaq lejn Budapest, l-Ungerija bħala parti mill-grad tiegħu fil-Mediċina. Se jkun hemm għal 8 xhur. Wara 3 xhur f’Budapest, ħtieġlu jirreġistra r-residenza tiegħu mal-awtoritajiet lokali, biex juri li jissodisfa l-kundizzjonijiet biex jibqa’ bħala student. Wara dan ingħata dokument li jikkonferma d-dritt tiegħu li joqgħod hemm.
TISTA’ TIKSEB KOPERTURA
TAS-SAĦĦA META TKUN QED
TISTUDJA F’PAJJIŻ BARRANI?
- Jekk tmur f’pajjiż ieħor tal-UE biex tistudja, tagħmel riċerka, kollokament ta’ xogħol jew taħriġ vokazzjonali, għandu jkollok assigurazzjoni komprensiva tas-saħħa fil-pajjiż ospitanti.
- Jekk m’intix impjegat, tista’ tuża l-Karta tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa Ewropea (EHIC) jekk int eliġibbli.
- Jekk int impjegat fil-pajjiż ospitanti, għandek bżonn tirreġistra għall-iskema tal-kura tas-saħħa lokali hemmhekk.
- Xi studenti tad-dottorat ikunu kkunsidrati bħala ħaddiema residenti u jistgħu jkunu meħtieġa li jissottoskrivu għal skema tal-kura tas-saħħa lokali jew jieħdu assigurazzjoni privata.
- Jekk l-università jew l-istituzzjoni ta’ riċerka tiegħek tibgħatek f’università jew istituzzjoni ta’ riċerka f’pajjiż ieħor tal-UE għal żmien temporanju allura inti se tibqa’ kopert bl-iskema tal-kura tas-saħħa f’pajjiżek għaż-żmien li fih tkun assenjat fiha. Għandek tapplika għall-Karta tal-EHIC, jew għal formola S1 (dik li qabel kienet l-E 106), qabel titlaq.
- Tgħallem aktar: https://europa.eu/youreurope/health_mt