Il-Premju Access City 2023 Eżempji tal-aħjar prattika biex il-bliet tal-UE jsiru aktar aċċessibbli
#EUACCESSCITY
Il-Premju annwali Access City jirrikonoxxi l-ibliet Ewropej għall-isforzi tagħhom biex jagħmlu lilhom infushom aktar aċċessibbli għall-persuni b’diżabbiltà u għall-anzjani. Dan il-fuljett jiċċelebra l-kisbiet tar-rebbieħa tal-2023, dawk li ġew minn ta’ quddiem u t-tismijiet speċjali; Skellefteå (Isvezja), Córdoba (Spanja), Ljubljana (Slovenja), Mérida (Spanja), Hamburg (Ġermanja) u Grenoble (Franza). L-ibliet ta’ din is-sena ħadu passi konkreti biex jagħmlu l-ispazji pubbliċi, is-servizzi, ittrasport, il-bini, il-kultura u t-turiżmu aktar aċċessibbli.
Tista’ tniżżel il-pubblikazzjonijiet tagћna jew tabbona bla ћlas minn ec.europa.eu/social/publications
Jekk tixtieq tirċievi aġġornamenti regolari dwar id-Direttorat Ġenerali gћall-Impjiegi, Affarijiet Soċjali u Inklużjoni, irreġistra sabiex tirċievi n-newsletter elettronika ta’ Social Europe bla ћlas minn
ec.europa.eu/social/e-newsletter
Din il-pubblikazzjoni hija disponibbli bi 24 lingwa fil-format li ġejt:
L-Access City Award 2023

Verżjoni faċli biex tinqara
Min aħna?

Aħna l-Kummissjoni Ewropea
Il-Kummissjoni Ewropea tissuġġerixxi l-liġijiet li jistgħu jagħmlu l-Ewropa aħjar.
Fost oħrajn, aħna naħdmu biex nagħmlu l-affarijiet u s-servizzi fl-Ewropa aċċessibbli għal persuni b’diżabilità u għan-nies kollha.

Biex dan iseħħ, naħdmu flimkien ma’ organizzazzjonijiet ta’ nies b’diżabilità fl-Ewropa, bħall-Forum Ewropew dwar id-Diżabbiltà
Pereżempju, kull sena, naħdmu flimkien biex norganizzaw u nirrealizzaw l-Access City Award.
X’inhu l-Access City Award?

L-Access City Award huwa premju li kull sena nagħtu lill-bliet li jaħdmu ħafna biex ikunu aċċessibbli.

Belt tkun aċċessibbli meta n-nies kollha jistgħu jgħixu fiha u jużaw l-affarijiet u s-servizzi kollha mingħajr problemi.
Pereżempju, belt tkun aċċessibbli meta n-nies kollha jkunu jistgħu faċilment:
- Jaqbdu tal-linja jew il-metro biex imorru għax-xogħol;
- Jużaw magni tal-biljetti biex jixtru biljett;
- Iduru fit-toroq jew jidħlu f’binjiet pubbliċi, bħal sptarijiet u muniċipji;
- Jiksbu informazzjoni b’modi li jkunu jistgħu jaqraw u jifhmu.

Dan huwa importanti għan-nies kollha u l-aktar għal persuni b’diżabilità u għall-anzjani.

Spiss affarijiet bħall-bini, it-trasport u l-informazzjoni ma jkunux aċċessibbli għalihom.
Jekk l-affarijiet ma jkunux aċċessibbli, dawn ma jkunux jistgħu jipparteċipaw fil-komunità bħan-nies l-oħrajn kollha.

Pereżempju, jekk il-bini ma jkollux rampi, persuni f’siġġijiet tar-roti ma jkunux jistgħu jidħlu.

Jew jekk l-informazzjoni ma tkunx faċli biex tinqara, persuni b’diżabilità intellettwali u persuni oħra jistgħu ma jifhmuhiex.
Għalhekk, l-Access City Award huwa opportunità għall-ibliet fl-Ewropa biex juru x’għamlu biex isiru aċċessibbli għal kulħadd.
L-Access City Award beda fl-2010 biex ifakkar lill-ibliet kemm hu importanti li jkunu aċċessibbli għal kulħadd.
Liema belt rebħet l-Access City Award 2023?
Il-belt li rebħet l-Access City Award għall-2023 hija Skellefteå fl-Iżvezja.

Skellefteå rebħet l-Access City Award għax tibqa’ taħdem biex tagħmel l-affarijiet u s-servizzi aċċessibbli għall-persuni b’diżabilità u għall-persuni kollha.
Fost l-oħrajn, fi Skellefteå:

Il-bandli, il-parks u t-toroq huma aċċessibbli u kulħadd jista’ jdur fihom mingħajr problemi.

Persuni neqsin mid-dawl jirċievu informazzjoni fuq il-mowbajls tagħhom dwar perikli possibbli fit-toroq sabiex ikunu jistgħu jiċċaqilqu b’mod sikur.

Il-karozzi tal-linja għandhom rampi, sabiex persuni fis-siġġijiet tar-roti jkunu jistgħu jużawhom mingħajr problemi. Fuq il-karozzi tal-linja, hemm avviżi bl-awdjo sabiex persuni neqsin mid-dawl ikunu jistgħu jisimgħu informazzjoni utli dwar il-vjaġġ tagħhom. Hemm ukoll skrins sabiex persuni neqsin mis-smigħ ikunu jistgħu jaqraw din l-informazzjoni fuq l-iskrins.

Il-belt toffri taħriġ lil żgħażagħ b’diżabilitajiet intellettwali dwar kif jużaw it-teknoloġija u kif jgħixu b’mod indipendenti.

Skellefteå rċeviet EUR 150 000 talli rebħet l-Access City Award għall-2023.
Żewġt ibliet oħra ġew fit-tieni u fit-tielet post fil-kompetizzjoni:
- Il-belt ta’ Córdoba fi Spanja ġiet fit-tieni post u rebħet EUR 120 000.
- Il-belt ta’ Ljubljana fis-Slovenja ġiet fit-tielet post u rebħet EUR 80 000.

L-Access City Award li jmiss se jkun għall-2024.
Liema bliet jistgħu jipparteċipaw?
Mhux l-ibliet kollha jistgħu jipparteċipaw fl-Access City Award. L-ibliet li jistgħu jipparteċipaw fl-Access City Award għandhom:

- Ikunu f’pajjiżi li huma parti mill-Unjoni Ewropea. L-Unjoni Ewropea hija grupp ta’ 27 pajjiż fl-Ewropa li ngħaqdu flimkien biex jagħmlu l-ħajja aħjar għan-nies.
- Ikollhom aktar minn 50 000 persuna jgħixu fihom. Jekk pajjiż ikollu anqas minn żewġt (2) ibliet b’dawn in-nies kollha, żewġt (2) ibliet iżgħar jew aktar jistgħu jingħaqdu flimkien. Jekk flimkien jgħaqqdu aktar minn 50 000 persuna, dawn jistgħu jipparteċipaw ukoll fl-Access City Award.
- Il-belt li rebħet l-Access City Award din is-sena ma tistax terġa’ tipparteċipa s-sena d-dieħla.
Kif jistgħu jipparteċipaw l-ibliet?

L-ibliet li jixtiequ jipparteċipaw fl-Access City Award li jmiss jistgħu japplikaw online meta jibda l-perjodu ta’ applikazzjoni. Il-persuni li jmexxu dawn l-ibliet u jieħdu deċiżjonijiet importanti għalihom għandhom jimlew formola fuq l-internet.

F’din il-formola, dawn għandhom:
- Jgħidu għaliex jaħsbu li l-belt tagħhom għandha tirbaħ l-Access City Award.
- Jagħtu eżempji u juru kif il-belt tagħhom taħdem biex tagħmel l-affarijiet aċċessibbli għal kulħadd.
- Jitkellmu dwar kif qed jippjanaw li jkomplu din il-ħidma tajba fil-futur.
Tista’ ssib aktar informazzjoni fuq is-sit web tagħna fuq: www.ec.europa.eu/social/accesscityaward

Hemmhekk, daqt se nħabbru meta se jibda l-perjodu ta’ applikazzjoni. Meta jibda l-perjodu ta’ applikazzjoni, l-ibliet jistgħu jimlew il-formola u jipparteċipaw fl-Access City Award li jmiss. Għalhekk moħħok hemm għas-sit web tagħna biex issib din l-informazzjoni!
Kif nagħżlu r-rebbieħa?

Wara li l-ibliet japplikaw għall-Access City Award, gruppi ta’ persuni jivverifikaw l-applikazzjonijiet tagħhom u jagħżlu r-rebbieħ.

F’kull pajjiż, hemm grupp ta’ persuni li jivverifika l-applikazzjonijiet tal-ibliet ta’ dan il-pajjiż. Dawn jagħżlu sa tlitt (3) ibliet bħala l-aħjar eżempji ta’ dan il-pajjiż.
Imbagħad grupp ieħor ta’ persuni fl-Ewropa jivverifika dawn l-ibliet kollha u jagħżel liema waħda minnhom hija l-aħjar eżempju. Din il-belt tirbaħ l-Access City Award ta’ dik is-sena.

Persuni b’diżabilità u anzjani huma parti minn dawn il-gruppi. Fost oħrajn, jivverifikaw jekk l-ibliet ikollhomx:
- Bini u toroq aċċessibbli;
- Xarabanks u metro aċċessibbli;
- Magni tal-biljetti u magni tal-flus aċċessibbli;
- Siti web u teknoloġiji oħra li n-nies jużaw biex jikkomunikaw aċċessibbli;
- Informazzjoni aċċessibbli li hija faċli biex jaqraha u jifhimha kulħadd.
Dawn jaraw liema belt jirnexxielha tagħmel l-aħjar biċċa xogħol biex tagħmel dawn l-affarijiet aċċessibbli għal kulħadd. Din il-belt tirbaħ l-Access City Award.
Ir-rebbieħa, meta tirċievi l-premju tagħha?

F’Diċembru 2023, se jkollna laqgħa kbira fi Brussell biex nitħaddtu dwar id-drittijiet tal-persuni b’diżabilità. F’din il-laqgħa, se nħabbru wkoll liema belt se tirbaħ il-Premju Access City għall-2024.
Se nagħtu l-Access City Award lil din il-belt.
Aktar informazzjoni

Jekk tixtieq aktar informazzjoni, tista’ żżur is-sit web tagħna fuq: www.ec.europa.eu/social/accesscityaward
Jekk għandek xi mistoqsijiet, tista’ tibagħtilna email fuq: secretariat@accesscityaward.eu.

Ursula von der Leyen
President tal-Kummissjoni Ewropea
Niċċelebraw lir-rebbieħa tal-Access City Award
Il-ħajja fil-belt għandha tkun aċċessibbli għal kulħadd. Biex kull wieħed u waħda minna jkunu jistgħu jipparteċipaw bis-sħiħ fiż-żoni kollha tal-ħajja urbana, għandna bżonn soluzzjonijiet oriġinali u effettivi, bħal dawk li daħħlu fis-seħħ l-ibliet rebbieħa tal-ACA. Eżempji bħal dawn juru s-setgħa ta’ integrazzjoni tas-soċjetà Ewropea tagħna.
Rebbieħa tal-Access City Award 2023
Rebbieħa tal-passat tal-Access City Award
| Sena | L-ewwel premju: | It-tieni premju: | It-tielet premju: | Aċċenn Speċjali | Aċċenn Speċjali | Aċċenn Speċjali | Aċċenn Speċjali | |
|---|---|---|---|---|---|---|---|---|
| 2022 | Il-Belt tal-Lussemburgu, il-Lussemburgu | Ħelsinki, il-Finlandja | Barċellona, Spanja | Porto, il-Portugall | Palma, Spanja | Leuven, il-Belġju | - | |
| 2021 | Jönköping, l-Iżvezja | Bremerhaven, il-Ġermanja | Gdynia, il-Polonja | Poznań, il-Polonja | Komotini, il-Greċja | Firenze, l-Italja | - | |
| 2020 | Varsavja, il-Polonja | Castellón de la Plana, Spanja | Skellefteå, l-Iżvezja | Evreux, Franza | Tartu, l-Estonja | Chania, il-Greċja | - | |
| 2019 | Breda, in-Netherlands | Evreux, Franza | Gdynia, il-Polonja | Vigo, Spanja | Kaposvár, l-Ungerija | Viborg, id-Danimarka | Monteverde, l-Italja | |
| 2018 | Lyon, Franza | Ljubljana, is-Slovenja | Il-Belt tal-Lussemburgu, il-Lussemburgu | Viborg, id-Danimarka | - | - | - | |
| 2017 | Chester, ir-Renju Unit | Rotterdam, in-Netherlands | Jūrmala, il-Latvja | Lugo, Spanja | Skellefteå, l-Iżvezja | Alessandria, l-Italja | Funchal, il-Portugall | |
| 2016 | Milan, l-Italja | Wiesbaden, il-Ġermanja | Toulouse, Franza | Vaasa, il-Finlandja | Kaposvár, l-Ungerija | - | - | |
| 2015 | Borås, l-Iżvezja | Ħelsinki, il-Finlandja | Ljubljana, is-Slovenja | Arona, Spanja | Il-Belt tal-Lussemburgu, il-Lussemburgu | Logroño, Spanja | Budapest, l-Ungerija | |
| 2014 | Göteborg, l-Iżvezja | Grenoble, Franza | Poznań, il-Polonja | Belfast, ir-Renju Unit | Dresden, il-Ġermanja | Burgos, Spanja | Malaga, Spanja |
| Sena | Rebbieħa | Finalista | Finalista | Finalista | Aċċenn Speċjali | Aċċenn Speċjali | Aċċenn Speċjali | Aċċenn Speċjali | ||
|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|
| 2013 | Berlin, il-Ġermanja | Nantes, Franza | Stokkolma, l-Iżvezja | - | Gdynia, il-Polonja | Bilbao, Spanja | Pamplona, Spanja | Tallaght, l-Irlanda | ||
| 2012 | Salzburg, l-Awstrija | Krakovja, il-Polonja | Marburg, il-Ġermanja | Santander, Spanja | Terrassa, Spanja | Ljubljana, is-Slovenja | Olomouc, iċ-Ċekja | Grenoble, Franza | ||
| 2011 | Ávila, Spanja | Barċellona, Spanja | Cologne, il-Ġermanja | Turku, il-Finlandja | Barnsley, ir-Renju Unit | Dublin, l-Irlanda | Grenoble, Franza | Malmö, l-Iżvezja |

Helena Dalli
il-Kummissarju Ewropew għall-Ugwaljanza
Kelmtejn qabel
L-aċċessibilità hija faċilitatur tad-drittijiet, l-awtonomija, l-ugwaljanza, l-għajxien indipendenti, u l-libertà.
Hija prekundizzjoni għas-87 miljun persuna b’diżabilità fl-Ewropa kif ukoll għal dawk b’mobbiltà mnaqqsa biex ikunu jistgħu jipparteċipaw bis-sħiħ fl-oqsma kollha tal-ħajja.
Ninsab kuntenta li qed nintroduċi l-fuljett tal-Access City Award tal-2023, li fih niċċelebraw il-prattiki tajbin tar-rebbieħa ta’ din is-sena, u nħeġġu lil aktar bliet Ewropej jieħdu azzjoni biex jipprovdu ambjent mingħajr ostakli għal kulħadd.
Wieħed minn kull erba’ adulti Ewropej għandu xi forma ta’ diżabilità, aktar minn għoxrin fil-mija tal-popolazzjoni tal-UE għandha 65 sena jew aktar, u madwar 75 % tal-Ewropej kollha qed jgħixu fil-bliet. L-aċċessibilità tal-bliet hija importanti għax tkun ta’ benefiċċju għal kulħadd u tikkontribwixxi għall-bini ta’ ambjenti prosperużi u inklużivi. Billi l-aċċessibilità tkun fuq quddiem fl-aġenda, il-bliet juru l-impenn tagħhom li jimplimentaw soluzzjonijiet konkreti li jtejbu l-ħajja tan-nies.
Matul l-aħħar għaxar snin, l-UE għamlet ħafna progress fil-qasam tal-aċċessibilità. Iżda għad hemm miljuni ta’ persuni b’diżabilità li jesperjenzaw diskriminazzjoni u ostakli strutturali kuljum f’ħajjithom – pereżempju, meta jippruvaw jaċċessaw informazzjoni, bini, l-ambjent urban, u t-trasport.
Din hija r-raġuni għaliex l-aċċessibilità hija l-pedament tal-Istrateġija tal-UE għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità 2021-2030, u rridu niżguraw li tibqa’ prijorità fil-livelli kollha, inkluż fl-Istati Membri.
Permezz tal-Access City Award, il-Kummissjoni Ewropea tirrikonoxxi l-impenn ta’ bliet madwar l-UE biex jingħelbu l-ostakli u fit-tfassil u t-twettiq tal-aċċessibilità. L-isforzi tagħkom qed jikkontribwixxu għall-bini ta’ Unjoni ta’ Ugwaljanza.
Nifraħ lill-belt ta’ Skellefteå talli ngħatat l-ewwel premju tal-Access City Award tal-2023. Is-sistema b’saħħitha tagħkom ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni, l-appoġġ finanzjarju tagħkom għall-organizzazzjonijiet ta’ persuni b’diżabilità u l-enfasi tagħkom fuq ICT aċċessibbli juru l-impenn kontinwu tagħkom lejn l-aċċessibilità.
Introduzzjoni
L-Access City Award jirrikonoxxi l-isforzi tal-bliet Ewropej biex ikunu aktar aċċessibbli għall-persuni b’diżabilità. Il-Premju huwa opportunità għall-bliet biex juru kif jistgħu jittrasformaw l-esperjenzi taċ-ċittadini tagħhom billi jeliminaw l-ostakli u jsiru xempju ta’ prattika tajba biex bliet oħra jaspiraw lejh.
Bliet aċċessibbli jippermettu lill-persuni b’diżabilità jgħixu ħajjithom ta’ kuljum mingħajr ostakli, fuq bażi ugwali ma’ oħrajn. L-aċċessibilità għandha responsabbiltà kbira li taffettwa l-aspetti kollha tal-ħajja tal-belt – mit-trasport pubbliku u l-infrastruttura sal-amministrazzjoni, id-divertiment u s-servizzi tal-web. Bliet aċċessibbli huma wkoll aktar faċli biex jinnavigawhom persuni b’mobbiltà limitata, bħal persuni akbar fl-età, persuni bi tfal fil-prams, persuni b’diżabilità temporanja.
L-Access City Award huwa miftuħ għall-bliet kollha tal-UE b’aktar minn 50 000 abitant. Il-kandidati kollha l-ewwel jiġu evalwati minn ġurija nazzjonali. Imbagħad, l-applikazzjonijiet magħżula jiġu vvalutati minn ġurija tal-UE magħmula minn esperti tal-aċċessibilità li jagħżlu l-belt rebbieħa u żewġ runners-up.
Kull sena, il-ġurija tal-UE tagħti wkoll premju speċjali ta’ aċċenn lill-bliet li marru tajjeb b’mod eċċezzjonali f’qasam speċifiku. Din is-sena, il-ġurija għamlet aċċenn speċjali għat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, għall-ambjent mibni, u għat-trasport.
Skellefteå L-Iżvezja
Belt kostali li tinsab fit-Tramuntana tal-Iżvezja, Skellefteå hija parti mill-provinċja ta’ Lapland, li jfisser li x-xitwa ġġib magħha sfidi għall-aċċessibilità. Minn meta rebħet it-tielet post fl-Access City Award tal-2020, Skellefteå kompliet tagħti prijorità lill-aċċessibilità u tirrifletti dwar kif il-belt tista’ issir aktar aċċessibbli b’sistema b’saħħitha ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni.
Xogħol strateġiku b’determinazzjoni qawwija u l-fokus it-tajjeb jaħdem. Dan jippermetti lin-nies ikunu attivi, jiżgura l-parteċipazzjoni, u jixpruna lejn soċjetà ugwali u aktar b’saħħitha. Billi naħdmu flimkien, inżidu l-bidliet biex nibnu Skellefteå aktar inklużiva, għal futur li ma jikkuntentax ruħu qabel ma joffri aċċessibilità sħiħa.
Elin Brännström, Koordinatur tal-Parteċipazzjoni għal Skellefteå
Aċċessibilità għal kulħadd, fl-oqsma kollha
L-istrateġija muniċipali ta’ Skellefteå għall-aċċessibilità u l-parteċipazzjoni, Ett Skellefteå för alla 2015–2025 (“A Skellefteå for all 2015–2025”), hija implimentata fl-ogħla livell mill-Kunsill tal-Belt. L-għan ġenerali huwa l-parteċipazzjoni sħiħa fil-livelli kollha tas-soċjetà għaċ-ċittadini kollha. Dan jitwettaq fi tliet oqsma ta’ prijorità: aċċessibilità akbar, livelli ogħla ta’ sensibilizzazzjoni, u edukazzjoni u impjiegi aħjar għall-persuni b’diżabilità.
Skellefteå għandha approċċ sistematiku u komprensiv għall-aċċessibilità, inkluż fil-pjanti kollha tal-bini u fil-proċessi kollha tal-ksib pubbliku, kif ukoll permezz tal-politika muniċipali dwar spazji pubbliċi aċċessibbli. Din il-politika għandha l-għan li żżid il-koerenza tal-miżuri ta’ aċċessibilità fil-belt f’diversi oqsma, bħall-punti ta’ qsim pedonali, mogħdijiet tattili, u l-punti ta’ waqfien tal-karozzi tal-linja.
Barra minn hekk, Skellefteå użat il-finanzjament mill-Access City Award preċedenti tagħha biex tkompli ttejjeb l-aċċessibilità. Miżuri speċifiċi implimentati fl-istaġun tax-xitwa juru kif il-belt tistinka biex tibqa’ miftuħa għal kulħadd, matul is-sena kollha.
Il-punti ta’ qsim pedonali u l-mogħdijiet tattili fi Skellefteå jagħmlu l-belt aktar sikura u aktar aċċessibbli
Sistema b’saħħitha għal titjib kontinwu
Is-sistema ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni ta’ Skellefteå hija enfasi partikolari fuq l-impenn kontinwu tal-belt lejn l-aċċessibilità. Il-ġurija nnotat li ftit muniċipalitajiet jaħdmu b’monitoraġġ u evalwazzjoni u qablet li l-kejl tal-progress maż-żmien huwa aspett importanti biex il-ħaddiema tal-amministrazzjoni pubblika jiġu mħeġġa jagħtu prijorità lill-aċċessibilità.
Finanzjament biex jiġu appoġġjati rappreżentanza aħjar u faċilitajiet u servizzi aċċessibbli
Skellefteå għandha 850 organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili, inklużi 30 organizzazzjoni rappreżentattiva għall-persuni b’diżabilità. L-organizzazzjonijiet kollha tas-sħubija jistgħu japplikaw għal appoġġ finanzjarju mill-muniċipalità, u hemm disponibbli finanzjament ġeneruż għal organizzazzjonijiet rappreżentattivi. Huma disponibbli wkoll sussidji għal organizzazzjonijiet li għandhom l-għan li jagħmlu s-servizzi u l-faċilitajiet ġenerali tagħhom aktar aċċessibbli.
Żieda fis-sensibilizzazzjoni fost il-persunal u l-politiċi
Il-muniċipalità ta’ Skellefteå għandha l-għan li tibni l-għarfien u tqajjem kuxjenza permezz ta’ kors edukattiv interattiv ġdid u żviluppat lokalment dwar il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità. Dan il-kors huwa obbligatorju għall-impjegati muniċipali kollha, u fil-ħarifa tal-2022 ħadu sehem 62 politiku fil-muniċipalità.
It-teknoloġija hija kruċjali għall-belt għal persuni b’diżabilità
Il-muniċipalità ta’ Skellefteå u r-rappreżentanti ta’ persuni b’diżabilità ħadmu mal-uffiċċju turistiku, Visit Skellefteå, biex jagħmlu l-akkomodazzjoni u l-faċilitajiet aċċessibbli aktar viżibbli. Dan jinkludi inventarju tal-livelli ta’ aċċessibilità fil-bini pubbliku, li huwa ospitat fuq is-sit web tal-muniċipalità.
Il-bandli u t-toroq pubbliċi fi Skellefteå huma aċċessibbli ħafna, b’sinjali ta’ informazzjoni li jistgħu jintmessu u t-tisħin tal-art biex jiġi żgurat li l-borra u s-silġ ma jkunux ta’ periklu għal persuni b’diżabilità u għal ċittadini oħra. Il-park ċentrali tal-belt u ż-żona tax-xmara fil-qrib huma postijiet funzjonali u aċċessibbli fejn wieħed jista’ jiltaqa’, b’mogħdijiet tattili,b’postijiet fejn wieħed jista’ jpoġġi bilqiegħda, b’lift fuq barra u b’diversi mapep tattili. Il-karozzi tal-linja fin-network ta’ Skellefteå huma mgħammra b’art baxxa li tinżel skont il-livell tal-bankina, b’rampi, bi skrins bit-test fuqhom u b’avviżi bl-awdjo.
L-impenn politiku għall-aċċessibilità u l-inklużjoni tal-abitanti kollha huwa wieħed ewlieni għas-suċċess tagħna. Għandna wkoll twemmin sod fid-disinn universali u qed nagħmlu l-affarijiet tajbin mill-ewwel. L-affarijiet li jaħdmu għall-persuni b’diżabilità huma kważi dejjem aktar konvenjenti għall-bqija tan-nies ukoll. L-għan tagħna mhuwiex li nisseparaw kwistjonijiet ta’ aċċessibilità u inklużjoni ta’ persuni b’kapaċitajiet differenti, iżda li nintegraw dawn il-perspettivi fl-attivitajiet u l-proġetti kollha li għaddejjin fil-belt.
Elin Brännström, Koordinatur tal-Parteċipazzjoni għal Skellefteå
Iċ-Ċentru Kulturali l-ġdid ta’ Skellefteå, SARA, għandu applikazzjoni tar-realtà awmentata li tagħmilha aktar faċli li wieħed jinnaviga madwaru. Dan jinkludi l-immappjar 3D, l-ippjanar tar-rotot u sistema tal-awdjo għal persuni neqsin mid-dawl, u b’hekk jiżgura l-aċċessibilità għall-komunità kollha.
Biex jitnaqqsu l-perikli potenzjali għal persuni b’diżabilità, paġna web muniċipali u servizz b’SMS għal individwi neqsin mid-dawl jipprovdu informazzjoni aġġornata dwar ix-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni li jkunu qed iseħħu fit-toroq ta’ Skellefteå, flimkien ma’ ostakli potenzjali oħra. Il-belt għandha wkoll dipartiment ta’ taħriġ li jippermetti lil żgħażagħ b’diżabilità intellettwali jesploraw teknoloġij u modi ta’ xogħol li jistgħu jappoġġjawhom biex jgħixu ħajja adulta aktar indipendenti.
B’dan il-mod, Skellefteå mhux biss tipprovdi teknoloġiji biex tappoġġja persuni b’diżabilità, iżda tgħin ukoll biex jiġu mgħammra bl-għarfien u l-ħiliet li jeħtieġu biex jużawhom.
Iċ-Ċentru Kulturali ta’ Skellefteå juża applikazzjoni tar-realtà awmentata biex jagħmilha aktar faċli għall-persuni neqsin mid-dawl biex jinnavigaw madwarhom.
Córdoba Spanja
Waħda mill-eqdem bliet fl-Ewropa, Córdoba hija stabbilita f’enklavi qalb il-muntanji u l-wied ta’ Guadalquivir. Il-belt tqis l-aċċessibilità universali bħala prijorità kbira, u tiffoka b’mod partikolari fuq it-turiżmu inklużiv u s-sħubijiet pubbliċi-privati.
Aħna konxji li għad fadal ħafna x’isir biex tinkiseb aċċessibilità perfetta, iżda nistgħu niżguraw li l-belt tagħna qed issir aħjar kull sena. Fl-aħħar mill-aħħar, fil-ġestjoni ta’ din ir-rokna sabiħa fid-dinja, il-belt ta’ Córdoba hija responsabbli għall-kura taċ-ċittadini u tal-viżitaturi kollha, b’diżabilità jew mingħajrha. Aħna nagħmluha għal kulħadd, u kulħadd huwa dejjem milqugħ hawnhekk.
José María Bellido, Sindku ta’ Córdoba
Wirt kulturali biex jitgawda minn kulħadd
Dar għall-akbar kwartier antik fi Spanja u l-unika belt fid-dinja b’erba’ siti protetti mill-UNESCO, Córdoba hija popolari mat-turisti. Il-Moskea-Kattidral ta’ Córdoba waħedha tattira sa 2 miljun viżitatur fis-sena. F’dan il-kuntest, l-azzjonijiet imwettqa mid-Delegazzjoni għall-Inklużjoni u l-Aċċessibilità għandhom l-għan li jippromwovu azzjoni kontinwa u komprensiva biex itejbu l-aċċessibilità għat-turisti li jżuru l-belt.
Parti kbira mill-aġenda kulturali ta’ Córdoba hija l-festival Patios de Córdoba, fejn ir-residenti jiftħu l-btieħi tagħhom biex igawdihom il-pubbliku. Matul il-festival, jiġu installati rampi mobbli għall-utenti tas-siġġijiet tar-roti jew għal persuni b’mobbiltà mnaqqsa, bi spazji tal-parkeġġ riżervati.
Il-Mużew Julio Romero de Torres ta’ Córdoba huwa l-ewwel mużew fi Spanja li huwa 100 % aċċessibbli, u dan juri aktar l-impenn strateġiku tal-belt lejn kultura inklużiva. Il-mużew huwa mgħammar b’sistemi ta’ ċirkwit tas-smigħ u ta’ frekwenza tar-radju, b’pitturi ta’ għajnuna (skulturi tattili mmuntati mal-ħajt), u b’deskrizzjonijiet bl-awdjo tal-wirjiet f’34 lingwa u bil-lingwa tas-sinjali Spanjola. Hemm ukoll rotta aċċessibbli li twassal miċ-ċentru storiku tal-belt għall-mużew.
Bħalissa għaddejjin xogħlijiet ta’ kostruzzjoni biex tittejjeb l-aċċessibilità għas-siġġijiet tar-roti f’Alcázar de los Reyes Cristianos (“Il-Kastell tal-Monarkiji Nsara”). S’issa, ix-xogħlijiet tejbu l-aċċessibilità ġenerali tal-monument b’90 %.
Fl-aħħar nett, programm ta’ taħriġ speċjali, li jammonta għal total ta’ 355 siegħa ta’ tagħlim, jgħin lill-aġenti tat-turiżmu pubbliċi u privati biex jappoġġjaw aħjar lill-viżitaturi b’diżabilità.
Rampi jiġu installati fiż-żoni kulturali u rikreattivi ta’ Córdoba biex itejbu l-aċċessibilità għas-siġġijiet tar-roti
Il-kodiċijiet NaviLens jgħinu lill-utenti neqsin mid-dawl jużaw b’mod indipendenti n-network tat-trasport pubbliku ta’ Córdoba
Aċċessibilità fin-network tat-trasport kollu
It-trasport pubbliku f’Córdoba huwa bla ħlas għall-assistenti personali ta’ persuni b’diżabilità, u x-xufiera tal-karozzi tal-linja huma mħarrġa biex jaħdmu magħhom. Applikazzjoni ddedikata żviluppata mill-belt tiżgura li l-utenti b’mobbiltà mnaqqsa jkunu jistgħu faċilment jipprenotaw minn qabel spazju ta’ parkeġġ mgħammar b’sensur. L-istazzjonijiet tal-ferrovija huma aċċessibbli wkoll.
Il-finanzjament minn NextGenerationEU qed jintuża biex isiru 220 waqfa tal-karozzi tal-linja f’Córdoba li huma 100 % aċċessibbli, inkluż billi tiġi installata s-sistema NaviLens. NaviLens tgħin lill-utenti neqsin mid-dawl biex ikunu aktar indipendenti. B’mod ġenerali, 50 waqfa tat-taxi f’Córdoba diġà jużaw din is-sistema. Sal-lum, ġew installati aktar minn 4 000 interazzjoni b’kodiċijiet NaviLens f’34 waqfa tal-karozzi tal-linja, u aktar minn 1 200 b’kodiċijiet installati fil-Mużew Julio Romero de Torres.
Spazji inklużivi biex in-nies jieħdu pjaċir
Córdoba tuża pittogrammi biex tagħmilha aktar faċli għal tfal b’diżabilità li jilagħbu, kif ukoll għamara adattata f’żoni ta’ rikreazzjoni għal persuni b’mobbiltà mnaqqsa.
Pittogrammi bħal din jagħmluha aktar faċli għal tfal b’diżabilità biex jifhmu u jilagħbu fuq it-tagħmir rikreattiv
Ljubljana Is-Slovenja
Il-belt kapitali u l-akbar belt fis-Slovenja, Ljubljana, hija l-qalba kulturali tal-pajjiż, u għandha wirt storiku rikk. Il-belt rebħet premji fl-Access City Award tal-2015 u l-2018. Minn dak iż-żmien, ilha taħdem qatigħ biex il-belt issir saħansitra aktar aċċessibbli, u dan kien ta’ eżempju għal bliet Sloveni oħra.
Ljubljana hija belt li fiha nies diversi jgħixu flimkien f’rispett reċiproku. Aħna noħolqu l-kundizzjonijiet meħtieġa biex kulħadd jgħix ħajja sħiħa u ta’ kwalità. L-aċċessibilità għal kulħadd hija waħda mill-aktar kwistjonijiet importanti li dejjem irridu nikkunsidraw hekk kif nerġgħu niżviluppaw il-belt. Jekk il-belt tkun aċċessibbli għall-aktar gruppi vulnerabbli, tkun aċċessibbli u faċli għal kulħadd.
Zoran Jankovićlin Brännström, Sindku tal-Belt ta’ Ljubljana
Mudell tattili tal-Kastell ta’ Ljubljana jinsab fuq il-wiri fil-bitħa
Esperjenza kulturali rikka għal kull viżitatur
Il-qalba l-antika ta’ Ljubljana toffri aċċess mingħajr ostakli għal persuni li jimxu fit-toroq, fil-pjazez u fuq il-pontijiet madwar ix-xmara Ljubljanica. B’kollox inbnew jew ġew rinnovati 13-il pont pedonali biex ikunu aktar aċċessibbli. U minn 13-il latrina pubblika bla ħlas, 10 huma aċċessibbli għal kulħadd.
Butchers’ Bridge (il-“pont tal-imħabba” ta’ Ljubljana) għandu faċilitajiet ta’ imbark aċċessibbli mingħajr ħlas għad-dgħajjes tax-xmajjar, u wieħed jista’ jżur il-Kastell ta’ Ljubljana permezz ta’ karozza tal-kejbil aċċessibbli. Mudell tattili tal-kastell għal persuni neqsin mid-dawl jinsab għall-wiri fil-bitħa, u dan jagħmilha aktar faċli għalihom li jesperjenzaw l-arkitettura tiegħu.
Sabiex jiġi żgurat li kulħadd ikun jista’ jgawdi miż-żoni ekoloġiċi estensivi ta’ Ljubljana, il-belt investiet f’ġonna urbani aċċessibbli. Dan jinkludi l-installazzjoni ta’ aktar minn 3 000 bank. Diversi bandli pubbliċi ġew aġġornati wkoll biex isiru aktar aċċessibbli.
Vjaġġar sikur madwar il-belt
Fiċ-ċentru tal-belt ta’ Ljubljana, iż-żoni esklussivament pedonali u għaċ-ċiklisti ġew estiżi u mtejba b’pavimentar imqiegħed b’mod ugwali, b’marki tal-art tattili, bankini baxxi u rampi. Aktar minn 80 % tal-punti ta’ qsim pedonali jipprovdu sinjali li jinstemgħu, u 2 % tal-ispazji tal-parkeġġ huma riżervati għall-persuni b’diżabilità.
Vetturi elettriċi bla ħlas, inklużi karozzi aċċessibbli għas-siġġijiet tar-roti, huma disponibbli għaċ-ċittadini madwar il-belt. Il-karozzi tal-linja kollha tal-belt għandhom art baxxa, u 96 % minnhom huma mgħammra b’avviżi bil-vidjo u bl-awdjo. L-ivvjaġġar fuq it-trasport pubbliku fil-bliet u bejn il-bliet huwa wkoll bla ħlas għar-residenti b’diżabilità u għall-assistenti personali tagħhom, kif ukoll għall-anzjani.
Persuni b’diżabilità jistgħu jużaw it-trasport pubbliku b’mod sikur f’Ljubljana bis-saħħa ta’ miżuri bħal karti tal-identità speċjali, li jistgħu jużaw biex jitolbu malajr l-assistenza tas-sewwieqa fuq il-karozzi tal-linja tal-belt.
Il-vetturi elettriċi bla ħlas, inklużi l-karozzi aċċessibbli għas-siġġijiet tar-roti, huma disponibbli madwar Ljubljana kollha
Applikazzjoni mobbli innovattiva
Mill-2018, il-viżitaturi f’Ljubljana jistgħu jniżżlu l-applikazzjoni mobbli b’xejn ta’ “Ljubljana by Wheelchair (Ljubljana b’siġġu tar-roti)” biex jaċċessaw informazzjoni għall-utenti tas-siġġijiet tar-roti. L-applikazzjoni turi informazzjoni dwar żoni aċċessibbli fil-belt u tagħmilha aktar faċli għal persuni b’diżabilità li jaslu fejn għandhom jaslu.
Soluzzjonijiet diġitali intelliġenti (inkluż portal tal-internet aċċessibbli għas-Servizz tal-Inizjattivi taċ-Ċittadini) jgħinu biex jiġi pprovdut aċċess aktar faċli u aktar malajr għall-informazzjoni, kif ukoll opportunitajiet għall-parteċipazzjoni, għal kulħadd.
L-applikazzjoni tal-mowbajl “Ljubljana by Wheelchair (Ljubljana b’siġġu tar-roti)” tipprovdi informazzjoni rilevanti u aġġornata dwar l-aċċessibilità madwar il-belt
Involviment attiv ta’ persuni b’diżabilità
Dan l-aħħar Ljubljana ħarġet Pjan Strateġiku ta’ Aċċessibilità li jinvolvi kemm l-atturi privati kif ukoll dawk pubbliċi u jinkludi miżuri ċari biex sal-2025 il-belt issir aktar aċċessibbli.
Persuni b’diżabilità huma direttament inklużi fit-tfassil tal-politika tal-belt permezz ta’ SOAKO u SVSO, korpi konsultattivi lis-sindakat. L-SOAKO huwa magħmul minn persuni b’diżabilità, rappreżentanti minn organizzazzjonijiet għal persuni b’diżabilità, periti u uffiċjali muniċipali. Il-korp konsultattiv jimplimenta inizjattivi biex jitneħħew u jiġu evitati ostakli arkitettoniċi u ta’ barrieri komunikattivi għall-persuni b’diżabilità. Jipproponi wkoll soluzzjonijiet prattiċi għall-korpi rilevanti fi ħdan l-amministrazzjoni tal-belt.
Minbarra t-tfassil tal-politika, persuni b’diżabilità huma inklużi wkoll fl-implimentazzjoni prattika tal-politiki. Dan jinkludi l-ittestjar ta’ soluzzjonijiet aċċessibbli fl-ispazji pubbliċi, bħal marki tattili mal-art, rikbiet ta’ prova fuq karozzi tal-linja tal-belt, u l-qari bi prova ta’ informazzjoni faċli biex tinqara. B’dan il-mod, persuni b’diżabilità huma sħab siewja biex jagħmlu l-belt miftuħa u aċċessibbli għal kulħadd.
Ljubljana tikkonsulta regolarment lill-persuni b’diżabilità bħala parti mit-teħid tad-deċiżjonijiet, sabiex tifhem aħjar is-servizzi u l-azzjonijiet speċifiċi li jistgħu jappoġġjaw l-integrazzjoni, l-awtonomija u l-għajxien indipendenti tagħhom.
Mérida Spanja
Mérida, belt storika fil-Lbiċ ta’ Spanja, ġiet iddikjarata sit ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1993 minħabba l-istorja rikka Rumana tagħha. Il-belt għandha l-għan li tippromwovi l-aċċess għaċ-ċittadini kollha minħabba l-passat, il-preżent u l-futur kulturali tagħha, u tistinka b’mod kostanti biex issir belt għal kulħadd.
F’Mérida, qed inwettqu proġett ta’ trasformazzjoni urbana u soċjali bbażat fuq aċċessibilità universali. Sabiex issir realtà, nifhmu li l-uniku mod kif tiġi promossa t-trasformazzjoni meħtieġa huwa permezz tal-trasversalità tal-azzjonijiet u tal-politiki. Huwa biss permezz ta’ aċċessibilità universali u mudell soċjali li nistgħu nilħqu l-għan tagħna: li n-nies kollha, mingħajr eċċezzjoni, jistgħu jeżerċitaw bis-sħiħ iċ-ċittadinanza tagħhom.
Antonio Rodríguez Osuna, Sindku ta’ Mérida
Il-viżitaturi tal-fdalijiet u l-monumenti ta’ Mérida jistgħu jużaw it-telefown tagħhom biex jiskennjaw pannelli interattivi u jaċċessaw informazzjoni awdjoviżiva
Mérida ħadmet b’mod konsistenti biex tippromwovi l-aċċessibilità universali u tikkonsolida l-kollaborazzjoni ma’ organizzazzjonijiet rappreżentattivi ta’ persuni b’diżabilità. B’mod partikolari, il-belt użat l-ICT biex tagħmel l-avvenimenti kulturali u s-siti storiċi aktar aċċessibbli.
L-użu innovattiv tal-ICT f’avvenimenti kulturali u f’siti storiċi
Mérida hija belt antika ħafna li tistinka biex tirrispetta l-wirt tagħha filwaqt li ssir aktar aċċessibbli wkoll. Hija għamlet enfasi speċjali fuq it-tisħiħ tal-aċċessibilità tal-avvenimenti kulturali u tas-siti storiċi tagħha.
Sabiex l-istorja affaxxinanti ta’ Mérida ssir disponibbli għal aktar nies, il-belt installat pannelli interattivi aċċessibbli fil-fdalijiet u l-monumenti tagħha.
Fil-Festival Stone and Music, li jsir kull sena fit-Teatru Ruman, jintużaw boroż li jivvibraw biex jgħinu lin-nies bi smigħ limitat igawdu l-mużika. Barra minn hekk, il-Festival Internazzjonali tat-Teatru Klassiku ta’ Mérida jaħdem ma’ Plena inclusión (organizzazzjoni li tappoġġja persuni b’diżabilità intellettwali jew ta’ żvilupp), ONCE (fondazzjoni li tappoġġja persuni neqsin mid-dawl), u l-Audiosigno (servizzi ta’ aċċessibilità sensorjali) biex jagħmlu l-prestazzjonijiet aktar aċċessibbli u jippermettu lil kulħadd igawdi t-teatru klassiku.
Mérida introduċiet “jiem mingħajr storbju” fil-Fiera tal-Belt u matul il-Parata Wise Kings fil-Milied. F’dawn il-jiem, il-mużika tintefa matul sigħat speċifiċi biex tippermetti lin-nies bl-awtiżmu u sensittivitajiet sensorjali oħra jattendu mingħajr ma jkunu stimulati żżejjed.
In-nies li jgħixu fil-belt tagħna jafdawna biex intejbu ħajjithom billi nippromwovu proġetti globali fil-livell lokali u biex inkunu belt li tagħmel il-wirt tagħha aktar universali, aktar aċċessibbli u aktar inklużiv. Wirt li huwa parti mill-ħajja taċ-ċittadini ta’ Mérida u tal-persuni kollha li jżuruna. Wirt li huwa ħaj u li jitgawda.
Antonio Rodríguez Osuna, Sindku ta’ Mérida
Fil-vaganzi tas-sajf u tal-Milied, it-tfal jistgħu jieħdu sehem f’kampeġġi urbani inklużivi li jagħmlu l-wirt tal-belt aktar aċċessibbli. Il-kampeġġi joffru lit-tfal assistenza speċjalizzata biex jgħinuhom jilagħbu l-isports, jattendu avvenimenti tat-teatru u tal-mużika, u jipparteċipaw fi żjarat bi gwida. Il-pixxina pubblika issa hija aċċessibbli bis-saħħa tal-installazzjoni ta’ lift, u ġew introdotti wkoll elementi aċċessibbli f’ħafna miż-żoni għal-logħob tal-belt.
Rappreżentanza
Il-bini pubbliku ewlieni ta’ Mérida għandu ċirkwiti manjetiċi, li jfisser li aktar nies jistgħu jieħdu sehem fl-attivitajiet, fil-forums u fl-avvenimenti tal-belt. Mill-2015, il-belt kellha wkoll taqsima speċifika tal-gvern iddedikata għad-drittijiet u l-ħtiġijiet ta’ persuni b’diżabilità. Il-politiki dwar l-aċċessibilità huma artikolati madwar pjan ta’ inklużjoni. Il-pjan inkiteb f’kooperazzjoni ma’ persuni b’diżabilità, il-familji tagħhom u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi. Kien jinvolvi wkoll kompilazzjoni massiva ta’ informazzjoni permezz ta’ testijiet, laqgħat u intervisti. Imbagħad ġie diskuss u miftiehem bejn il-membri tal-gvern lokali. Mill-101 miżura fil-pjan ta’ inklużjoni, s’issa il-belt diġà nediet 50, u investiet EUR 2.1 miljun.
Il-kampeġġi urbani inklużivi jagħmlu l-wirt ta’ Mérida aktar aċċessibbli għat-tfal, inkluż permezz ta’ żjarat bi gwida
Hamburg Il-Ġermanja
It-tieni l-akbar belt fil-Ġermanja, Hamburg, tattira miljuni ta’ turisti kull sena. Ix-xmajjar u l-kanali tagħha jinqasmu b’madwar 2 500 pont, li jagħmluha l-belt bl-ogħla numru ta’ pontijiet fl-Ewropa. B’popolazzjoni ta’ madwar 1.9 miljun, Hamburg qed tiżviluppa b’mod kostanti il-pajsaġġ tagħha biex issir belt aktar inklużiva għall-għajxien fil-każ ta’ persuni b’diżabilità.
L-aċċessibilità hija dritt tal-bniedem, u hija importanti għaċ-ċittadini ta’ Hamburg u tal-Ġermanja b’mod ġenerali. Kull meta n-nies jiltaqgħu ma’ ostakli, ma jkunux jistgħu jipparteċipaw bis-sħiħ fis-soċjetà, u b’hekk ikunu qed jitilfu l-indipendenza tagħhom. F’dan ir-rigward, l-aċċessibilità hija wkoll parti fundamentali tad-demokrazija. Soċjetà demokratika moderna, orjentata lejn il-futur hija mingħajr ostakli u inklużiva, u dan huwa dak li rridu għal Hamburg.
Ulrike Kloiber, Koordinatur tas-Senat għall-Ugwaljanza għal Persuni b’Diżabilità
Aċċessibilità xprunata minn ideat innovattivi
Hamburg iżżomm enfasi qawwija fuq l-aċċessibilità bħala parti mill-ħidma tagħha fuq l-akkomodazzjoni privata u ssussidjata mill-Istat. Il-port ta’ Hamburg, li huwa fost l-akbar portijiet fid-dinja, huwa wieħed mill-attrazzjonijiet ewlenin tal-belt u eżempju kbir ta’ post turistiku li huwa aċċessibbli ħafna. Hamburg introduċiet ukoll kunċetti innovattivi bħat-“taxi tal-futur (taxi of the future)” (Zukunftstaxi). Dan il-kunċett jipprovdi sussidji għat-tħaddim ta’ taxis b’emissjonijiet żero li jistgħu jittrasportaw lill-utenti tas-siġġijiet bir-roti.
It-“taxi tal-futur” huwa pass ewlieni lejn l-aċċessibilità ta’ Hamburg
Involviment attiv madwar il-belt kollha
Hamburg għandha approċċ konsolidat għall-aċċessibilità li jinkludi l-involviment tal-partijiet ikkonċernati u l-azzjonijiet koordinati bejn is-setturi pubbliċi u privati. Eżempju wieħed huwa l-Grupp ta’ Ħidma tal-Istat għall-Persuni b’Diżabilità – assoċjazzjoni li tlaqqa’ flimkien kważi 70 organizzazzjoni ta’ persuni b’diżabilità. Il-grupp ta’ ħidma huwa favur id-drittijiet tal-persuni b’diżabilità quddiem l-awtoritajiet u l-istituzzjonijiet.
Il-fokus wiesa’ ta’ Hamburg ifisser li l-belt kisbet ħafna aktar aċċessibilità, mit-taħriġ tax-xufiera tat-taxi għal klijenti tas-servizzi b’diżabilità biex ikollhom servizzi tal-amministrazzjoni pubblika online aċċessibbli.
Il-kollaborazzjoni u l-involviment attiv kienu xprunaturi ewlenin tas-suċċess tal-aċċessibilità ta’ Hamburg
Mogħdijiet għal persuni b’diżabilità
Hamburg għandha l-għan li tistabbilixxi Istitut għall-Edukazzjoni Inklużiva sabiex persuni b’diżabilità intellettwali jkunu jistgħu jgħallmu f’istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja. Barra minn hekk, il-belt għandha l-liġi tagħha stess, l-Att dwar l-Ugwaljanza tad-Diżabilità, li, bħall-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità tan-NU, għandu l-għan li jistabbilixxi għajxien indipendenti u parteċipazzjoni ugwali ta’ persuni b’diżabilità fis-soċjetà.
Grenoble Franza
Imdawwar bil-muntanji fix-Xlokk ta’ Franza, Grenoble kellha impenn fit-tul lejn l-aċċessibilità. Il-belt rebħet it-tieni premju fl-Access City Award tal-2013, u fl-2020 ingħatat “l-ewwel belt aċċessibbli” mill-assoċjazzjoni Franċiża ta’ persuni b’diżabilità APF France handicap.
Aħna rridu nagħtu lil kulħadd l-opportunità li jipparteċipa fil-ħolqien tal-belt tagħna wara l-idea ta’ “xejn dwarna, mingħajrna”. It-trasport pubbliku tagħna huwa mgħammar sew – it-tramm tagħna kien l-ewwel servizz tat-tramm aċċessibbli fid-dinja, u issa aħna ffokati fuq l-għoti ta’ akkomodazzjoni aċċessibbli lil persuni b’diżabilità fiżika.
Luis Beltran-Lopez, Kunsillier tal-Belt inkarigat mill-aċċessibilità u d-diżabilità fit-tim muniċipali
Grenoble għamlet passi kbar biex tagħmel it-trasport pubbliku tagħha aċċessibbli
Vjaġġar aċċessibbli madwar il-belt
Grenoble għandha approċċ b’saħħtu lejn l-aċċessibilità tat-trasport. Il-karozzi tal-linja u t-trammijiet pubbliċi tal-belt saru aċċessibbli, u bħalissa qed taħdem biex tipprovdi roti adattati.
Kampanja ddedikata għat-tqajjim ta’ kuxjenza
Ix-Xahar ta’ Aċċessibilità ta’ Grenoble jinkludi sensiela ta’ avvenimenti li għandhom l-għan li jqajmu kuxjenza dwar il-persuni b’diżabilità, il-ħtiġijiet tagħhom, u l-isfidi tagħhom. Il-belt torganizza wkoll vjaġġi fuq il-post biex tivvaluta s-sitwazzjoni fuq il-post. Kull sena, Grenoble tfassal rapport dwar l-istat tal-aċċessibilità tal-istrutturi privati u pubbliċi u tippreżenta r-riżultati fil-laqgħa Muniċipali tal-Kummissjoni għall-Aċċessibilità.
Il-laqgħa tal-Kummissjoni Muniċipali għall-Aċċessibilità tiddiskuti l-istat tal-aċċessibilità fi Grenoble
Grenoble qed ittejjeb il-faċilitajiet tagħha biex tagħmel l-isport aktar aċċessibbli
Lil hinn mit-trasport
Il-pjan Ad’Ap, li jibqa’ għaddej sal-2025, għandu l-għan li jittrasforma l-bini ta’ Grenoble bħal skejjel, ċentri kulturali u faċilitajiet sportivi. Dan se jippermetti lill-belt tistabbilixxi aktar proġetti sportivi. Diġà saru konformi aktar minn 40 faċilità.
Rappreżentanza fit-teħid tad-deċiżjonijiet
Il-proġetti ffinanzjati mill-baġit tal-belt ta’ Grenoble, jiġu ppreżentati, u ssir votazzjoni fuqhom, mir-residenti, li jwassal għal proġetti ġodda ta’ inklużjoni soċjali. Dawn jinkludu t-twaqqif ta’ assoċjazzjonijiet li jappoġġjaw lit-tfal bl-awtiżmu li jkunu ħarġu mill-iskola, jew il-ħolqien ta’ bandli msejħa “handiparks”. Dawn il-parks huma maħsuba għal tfal b’diżabilità jew mingħajrha, u b’hekk irawmu d-diversità mill-età l-aktar bikrija.
Parteċipazzjoni fl-Access City Award 2024
Int tista’ tgħin biex tagħmel il-ħajja ta’ persuni b’diżabilità aktar faċli. Ingħaqad u applika issa għall-Access City Award 2024
L-Access City Award jiġi organizzat mill-Kummissjoni Ewropea flimkien mal-Forum Ewropew dwar id-Diżabbiltà. Il-Premju jirrikonoxxi l-bliet li ħadmu biex isiru aktar aċċessibbli, b’mod partikolari għal persuni b’diżabilità..
Il-parteċipazzjoni fil-Premju hija opportunità biex jinkiseb rikonoxximent Ewropew u opportunità unika biex tiġi riveduta s-sitwazzjoni attwali fil-belt tiegħek. Tippermetti wkoll li taqsam l-esperjenzi ma’ bliet Ewropej oħra, u b’hekk tgħinek issir belt saħansitra aħjar biex tgħix fiha u żżurha.
Il-bliet rebbieħa jirċievu premju finanzjarju:
- L-ewwel premju: €150 000
- It-tieni premju: €120 000
- It-tielet premju: €80 000
Jistgħu japplikaw bliet b’aktar minn 50 000 abitant
Il-proċess ta’ għażla huwa maqsum f’żewġ fażijiet: l-għażla minn qabel fil-livell nazzjonali u l-għażla finali fil-livell Ewropew. Il-ġuriji nazzjonali f’kull pajjiż jagħżlu massimu ta’ tlitt ibliet minn fost l-applikanti nazzjonali permezz ta’ kriterji ta’ evalwazzjoni pprovduti mill-Kummissjoni Ewropea. Il-kandidati magħżula minn qabel imbagħad jgħaddu għat-tieni fażi tal-kompetizzjoni u jiġu vvalutati mill-Ġurija Ewropea.
Sabiex tapplika, trid tkun awtorità governattiva ta’ belt ta’ aktar minn 50 000 abitant fi Stat Membru tal-UE. Fi Stati Membri b’anqas minn żewġt ibliet bħal dawn, żoni urbani komposti minn żewġt ibliet jew aktar jistgħu jieħdu sehem ukoll jekk il-popolazzjoni tagħhom flimkien taqbeż il-50 000 abitant.
Minħabba li l-Access City Award ma jistax jintrebaħ mill-istess belt għal sentejn konsekuttivi, il-belt rebbieħa fl-2023 ma tistax tipparteċipa mill-ġdid fl-2024. Il-Premju jħeġġeġ lill-ibliet l-oħra kollha, inklużi r-rebbieħa tat-tieni u tat-tielet premju u bliet ta’ aċċenn speċjali, biex jerġgħu jipparteċipaw.
Sabiex tapplika, trid timla u tissottometti formola ta’ applikazzjoni online sad-data tal-għeluq. Meta l-perjodu ta’ applikazzjoni jinfetaħ, jiġu ppubblikati nota ta’ gwida u regoli ta’ parteċipazzjoni biex jgħinuk tapplika.
Dawn se jkunu disponibbli fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE fuq is-sit web tal-Access City Award 2024.
ec.europa.eu/social/accesscityaward2024
Il-proċess u l-kriterji tal-għażla
Il-ġuriji se jqisu l-miżuri meħudin u ppjanati fl-oqsma li ġejjin:
- l-ambjent mibni u l-ispazji pubbliċi.
- it-trasport u l-infrastruttura relatata.
- l-informazzjoni u l-komunikazzjoni, inklużi teknoloġiji ġodda (ICTs).
- il-faċilitajiet u s-servizzi pubbliċi.
Il-ġuriji se jevalwaw l-applikazzjonijiet, billi jqisu s-sitt kriterji li ġejjin:
- il-kamp ta’ applikazzjoni tal-azzjonijiet.
- is-sjieda, il-livell ta’ impenn.
- l-impatt.
- il-kwalità u s-sostenibbiltà tar-riżultati.
- l-involviment ta’ persuni b’diżabilità u sħab rilevanti.
- l-innovazzjoni soċjali.
Jekk jogħġbok oqgħod attent/a għal aħbarijiet dwar il-kriterji finali fuq is-sit web tagħna.
Ir-rebbieħ tal-Access City Award tal-2024 se jiġi mħabbar fl-1 ta’ Diċembru 2023. Iċ-ċerimonja tal-għoti tal-Premju hija parti mill-konferenza annwali biex jiġi ċċelebrat il-Jum Ewropew għall-Persuni b’Diżabilità (bejn it-30 ta’ Novembru u l-1 ta’ Diċembru 2023).
Ikkuntattjana
Is-Segretarjat tal-Pemju Access City jista’ jgħinek tħejji l-applikazzjoni tiegħek. Jekk teħtieġ kwalunkwe informazzjoni addizzjonali, jekk jogħġbok ikkuntattja lil: secretariat@accesscityaward.eu
Dwar
Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2023
© L-Unjoni Ewropea, 2023
Il-politika tal-użu mill-ġdid tad-dokumenti tal-Kummissjoni Ewropea hija bbażata fuq id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/833/UE tat-12 ta’ Diċembru 2011 dwar l-użu mill-ġdid ta’ dokumenti tal-Kummissjoni (ĠU L 330, 14.12.2011, p. 39). Għajr jekk ikun indikat mod ieħor, l-użu mill-ġdid ta’ dan id-dokument huwa awtorizzat bil-liċenzja Creative Commons Attribution 4.0 International (CC-BY 4.0) (https://creativecommons.org/licenses/by/4.0). Dan ifisser li l-użu mill-ġdid huwa permess kemm-il darba jingħata kreditu xieraq u jiġu indikati t-tibdiliet kollha.

Għal kull użu jew riproduzzjoni ta’ elementi li mhumiex proprjetà tal-Unjoni Ewropea, jista’ jkun hemm bżonn li jintalab permess direttament mid-detenturi tad-drittijiet rispettivi.
Paġna tal-qoxra, © iStock.com/Johan Karlsson; Page 2, © Easy-to-read.eu; Page 3, © Image by Mohamed Hassan from Pixabay; © BRO.vector/Shutterstock.com; © GoodStudio/Shutterstock.com; © Naumova Marina/Shutterstock.com; © Easy-to-read.eu; © 777 Bond vector/Shutterstock.com; Page 4, © KatyGr5/Shutterstock.com; © Image by Memed_Nurrohmad from Pixabay; © Naumova Marina/Shutterstock.com; © Image by Mohamed Hassan from Pixabay; Page 5, © GoodStudio/Shutterstock.com; © Natty_Blissful/Shutterstock.com; © GoodStudio/Shutterstock.com; © mentalmind/Shutterstock.com; © Image by Mohamed Hassan from Pixabay; Page 6, © Image by Mohamed Hassan from Pixabay; © Peter Hermes Furian/Shutterstock.com; © Artishok/Shutterstock.com; Page 7, © Artishok/Shutterstock.com; © Image by Mohamed Hassan from Pixabay; © Image by Memed_Nurrohmad from Pixabay; © Image by Mohamed Hassan from Pixabay; Page 8, © Image by OpenClipart-Vectors from Pixabay; © Image by Mohamed Hassan from Pixabay; © Image by Mohamed Hassan from Pixabay; Page 9, © Easy-to-read.eu; © Image by Memed_Nurrohmad from Pixabay; © Image by Mohamed Hassan from Pixabay; Page 10, © European Union; © iStock.com/Johan Karlsson; © Lucy Left/Shutterstock.com; © Matej Kastelic/Shutterstock.com; © Creativika Graphics/stock.adobe.com; Page 12, © European Union; Page 15, © iStock.com/Johan Karlsson; Page 16 and 18, © Elin Brännström; Page 19, © Lucy Left/Shutterstock.com; Pages 20 and 21, © Bernardo Jordano de la Torre; Page 22, © Matej Kastelic/Shutterstock.com; Page 23, © Tatjana Čampelj; Page 24, © Ljubljana by Wheelchair; Page 25, Joseph Creamer; Pages 26 and 27, © Susana Fajardo Bautista; Page 28, © canadastock/Shutterstock.com; Pages 29 and 30 © Lukas Kapfer; Page 31, © BearFotos/Shutterstock.com; Page 32, © Sylvain Frappat, © Auriane-Poillet; Page 33, © Auriane-Poillet
Kif tikkuntattja lill-UE
Personalment
Madwar l-Unjoni Ewropea kollha hemm mijiet ta’ ċentri ta’ informazzjoni ta’ Europe Direct. Tista’ ssib l-indirizz tal-eqreb ċentru tiegħek fuq: https://europa.eu/european-union/contact_mt
Bit-telefown jew permezz tal-posta elettronika
Europe Direct huwa servizz li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar l-Unjoni Ewropea. Inti tista’ tikkuntattja dan is-servizz:
- permezz tan-numru tat-telefown mingħajr ħlas: 00 800 6 7 8 9 10 11 (ċerti operaturi jistgħu jitolbu ħlas għal dawn it-telefonati),
- fuq in-numru standard li ġej: +32 22999696 jew
- permezz tal-posta elettronika fuq: https://europa.eu/european-union/contact_mt
Kif issib l-informazzjoni dwar l-UE
Online
Informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE hija disponibbli fuq is-sit web tal-Europa fuq: https://europa.eu/european-union/index_mt
Pubblikazzjonijiet tal-UE
Tista’ tniżżel jew tordna pubblikazzjonijiet tal-UE kemm bi ħlas kif ukoll bla ħlas minn: https://op.europa.eu/mt/publications. Tista’ tikseb diversi kopji ta’ pubblikazzjonijiet bla ħlas billi tikkuntattja lil Europe Direct jew liċ-ċentru lokali ta’ informazzjoni tiegħek (ara https://europa.eu/european-union/contact_mt).
Id-dritt tal-Unjoni u dokumenti relatati
Sabiex ikollok aċċess għal informazzjoni legali mill-UE, inkluż id-drittijiet kollha tal-UE mill-1952 fil-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali kollha, żur EUR-Lex fuq: https://eur-lex.europa.eu
Data miftuħa mill-UE
Il-Portal tad-Data Miftuħa tal-UE (https://data.europa.eu/euodp/mt) jipprovdi aċċess għal settijiet tad-data mill-UE. Id-data tista’ titniżżel u terġa’ tintuża mingħajr ħlas, kemm għal skopijiet kummerċjali kif ukoll għal skopijiet mhux kummerċjali.


