Interventi tal-UE mmaniġġjati b’mod ċentrali għall-kapital ta’ riskju: jeħtieġ li jkun hemm orjentament akbar
Dwar ir-rapport:
L-UE tipprovdi flus lil fondi ta’ kapital ta’ riskju biex jiġu investiti prinċipalment f’negozji li jkunu għadhom kemm jinfetħu u f’ditti emerġenti li huma innovattivi. L-awditu vvaluta sitt interventi mmaniġġjati b’mod ċentrali, li ilhom jiġu implimentati mill-1998. Il-FEI jimmaniġġja dawn l-interventi f’isem il-Kummissjoni. Aħna sibna li l-Kummissjoni kienet żiedet l-appoġġ finanzjarju tagħha matul is-snin mingħajr ma kienet ivvalutat b’mod sħiħ il-ħtiġijiet tas-suq jew il-kapaċità ta’ assorbiment. L-istrateġija ta’ investiment li tintuża minnha ma kinitx komprensiva, u s-swieq ta’ kapital ta’ riskju li huma inqas żviluppati ma bbenefikaw kważi xejn minnha. Il-proċeduri tal-FEI jirrikjedu wkoll semplifikazzjoni u titjib.
Rapport speċjali tal-QEA skont l-Artikolu 287(4), it-tieni subparagrafu, TFUE.
Sommarju eżekuttiv
IIl-kapital ta’ riskju jiffoka fuq il-finanzjament ta’ ditti żgħar, fi stadju bikri u innovattivi, li huma meqjusa li għandhom potenzjal kbir ta’ tkabbir. Ħafna drabi jitqies bħala katalizzatur għall-ħolqien tal-impjiegi u għat-tkabbir ekonomiku. L-Unjoni Ewropea (UE) ilha aktar minn 20 sena tipprovdi kapital ta’ riskju lil intrapriżi żgħar u medji biex tgħinhom jibdew in-negozji tagħhom. L-UE trawwem ukoll ekosistema tal-kapital ta’ riskju Ewropea sostenibbli.
IIAħna ddeċidejna li neżaminaw is-swieq ta’ kapital ta’ riskju minħabba l-involviment dejjem akbar tal-UE f’dan il-qasam ta’ politika li ma konniex koprejna qabel. Awditjajna l-mod kif il-Kummissjoni qed timplimenta l-interventi mmaniġġjati b’mod ċentrali fil-qasam tal-kapital ta’ riskju. Aħna vvalutajna jekk it-tfassil ta’ dawn l-interventi kienx ġie appoġġat minn valutazzjonijiet tal-impatt u minn evalwazzjonijiet, u jekk dawn kinux ġew implimentati kif suppost. Aħna qisna wkoll jekk kienx hemm strateġija ta’ investiment komprensiva.
IIIL-awditu kopra s-sitt interventi mmaniġġjati b’mod ċentrali, li ilhom stabbiliti mill-1998, u qies ukoll il-proposti għal strument suċċessur taħt il-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss (2021-2027). Aħna analizzajna d-dokumentazzjoni rilevanti, u intervistajna lill-persunal tal-Kummissjoni u tal-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI), partijiet interessati mis-settur pubbliku u dak privat kif ukoll akkademiċi. Barra minn hekk, wettaqna stħarriġiet fost maniġers ta’ fondi ta’ kapital ta’ riskju.
IVAħna sibna li l-Kummissjoni kienet żiedet l-appoġġ tagħha għas-suq ta’ kapital ta’ riskju mingħajr ma kienet wettqet valutazzjoni sħiħa tal-ħtiġijiet tas-suq li kienet tkopri l-istrumenti kollha u l-kapaċità ta’ assorbiment. Sibna wkoll evidenza limitata dwar l-impatt tal-appoġġ tagħha.
VL-istrateġija ta’ investiment li l-Kummissjoni użat ma kinitx komprensiva, u s-swieq ta’ kapital ta’ riskju li huma inqas żviluppati ma bbenefikaw kważi xejn mill-interventi tal-UE mmaniġġjati b’mod ċentrali.
VIIl-Kummissjoni u investituri oħra (pubbliċi u privati) jipparteċipaw fuq l-istess livell fil-fondi ta’ kapital ta’ riskju, fejn jaqsmu l-istess qligħ u telf (jiġifieri skont il-prinċipju pari passu). Ir-rata baxxa ta’ redditu fuq l-investiment tagħhom hija waħda mir-raġunijiet għal-livell baxx ta’ interess muri minn investituri privati fil-kapital ta’ riskju tal-UE. Filwaqt li, għall-investimenti soċjali, il-Kummissjoni diġà tippermetti li jsiru investimenti li ma jkunux pari passu, hija għadha ma analizzatx il-possibbiltà li, lill-investituri privati, iċċedilhom ir-redditu tal-UE fuq l-investimenti.
VIIIl-FEI jimmaniġġja fondi primarjament għall-Kummissjoni, għall-Bank Ewropew tal-Investiment u għal korpi nazzjonali. Sar attur importanti fis-suq ta’ kapital ta’ riskju tal-UE. Madankollu, jeħtieġ li l-proċeduri tiegħu jiġu semplifikati, billi l-applikazzjonijiet għal fondi jistgħu jdumu aktar minn 12-il xahar biex jiġu approvati. Jeħtieġ li l-politika inizjali tal-FEI dwar l-allokazzjoni ta’ ftehimiet ta’ investiment tiġi aġġornata u mtejba. Aħna sibna li l-FEI ffaċċja diffikultajiet biex jagħlaq mandati skaduti.
VIIIFl-aħħar nett, il-Kummissjoni ma tiġborx informazzjoni dwar l-ispejjeż reali li l-FEI jġarrab fl-implimentazzjoni tal-istrumenti appoġġati mill-UE. Aħna sibna li t-tariffi tal-bidu tan-negozju li l-Kummissjoni ħallset lill-FEI għat-tnedija ta’ strumenti ġodda żdiedu maż-żmien u li, minkejja s-sinerġiji jew l-għarfien espert li l-FEI seta’ akkumula matul l-aħħar żewġ deċennji, dan ma wassalx għal iffrankar. Sibna wkoll li t-tariffi ma kinux mfassla apposta kompletament biex jinċentivaw l-ilħuq tal-objettivi kumplessivi tal-fondi.
IXAħna nagħmlu għadd ta’ rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni biex ittejjeb il-valur miżjud tal-interventi tal-UE fis-suq ta’ kapital ta’ riskju. Aħna nirrakkommandaw li l-Kummissjoni:
- twettaq l-analiżijiet meħtieġa biex ittejjeb l-evalwazzjoni tal-interventi tal-UE;
- tiżviluppa strateġija ta’ investiment li tkun komprensiva;
- tikkomunika mal-FEI biex dan jissemplifika l-ġestjoni li jwettaq tal-interventi tal-UE.
Introduzzjoni
01Il-kapital ta’ riskju jista’ jikkatalizza l-innovazzjoni, il-ħolqien tal-impjiegi u t-tkabbir ekonomiku. B’riżultat ta’ dan, suq ta’ kapital ta’ riskju vibranti jista’ jġib miegħu benefiċċji ekonomiċi diretti. Tabilħaqq, esperti u partijiet interessati fl-UE, inkluża l-Kummissjoni, jagħrfu r-rabta li teżisti bejn l-innovazzjoni, l-intraprenditorija, il-kapital ta’ riskju u t-tkabbir ekonomiku.
Kapital ta’ riskju: tip ta’ ekwità privata
02Il-kapital ta’ riskju huwa tip ta’ ekwità privata li jiffoka fuq il-finanzjament ta’ ditti emerġenti żgħar, fi stadju bikri, u innovattivi, li huma meqjusa li għandhom potenzjal kbir ta’ tkabbir. Ħafna drabi dawn il-kumpaniji jibdew biss b’idea u b’mudell kummerċjali li ma jkunx ġie ttestjat, jiġifieri jkun hemm element ta’ riskju sostanzjali. Madankollu, jekk l-idea u l-mudell kummerċjali jispiċċaw jirnexxu, eventwalment dawn il-kumpaniji jistgħu jiġġeneraw redditi għoljin, li jippermettu li r-redditi fit-tul tal-kapital ta’ riskju u tal-ekwità privata jisbqu l-investimenti tradizzjonali.
03Ditti emerġenti u negozji li jkunu għadhom kemm jinfetħu jeħtieġu finanzjament biex jiżviluppaw it-teknoloġija/l-innovazzjoni ġdida tagħhom. Fl-istess ħin, ma tantx ikollhom introjtu x’jirrapportaw. Għalhekk, minħabba d-diffikultà li jista’ jkollhom biex jipprovdu l-livelli ta’ kollateral meħtieġa, dawn id-ditti jistgħu jiffaċċjaw diffikultajiet ta’ aċċess għal finanzjament suffiċjenti mill-banek. L-investituri ta’ kapital ta’ riskju jimlew din id-diskrepanza tal-likwidità minħabba li huma lesti jaċċettaw aktar riskji mill-banek, minħabba l-opportunitajiet ta’ redditu, jew għal raġunijiet strateġiċi.
04Kumpaniji ġodda jgħaddu minn stadji differenti ta’ żvilupp, kif jidher fil-Figura 1.
- L-istadju ta’ avvjament: il-kapital ta’ avvjament jappoġġa attivitajiet preliminari bħal riċerka dwar is-suq u dwar il-prodott jew l-iżvilupp ta’ pjan ta’ direzzjoni tan-negozju. Dan jiġi l-aktar mis-sid(ien) tan-negozju, minn investituri informali (business angels) u/jew mill-familja u l-ħbieb.
- L-istadju bikri u sussegwenti tan-negozju: aktar kapital huwa meħtieġ għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-mudell kummerċjali. Dan huwa prinċipalment l-istadju li fih jidħlu l-investituri ta’ kapital ta’ riskju. Lejn tmiem din il-fażi, il-kumpaniji li jirnexxu jibdew bil-mod jagħmlu qligħ.
- L-istadju ta’ tkabbir u ta’ espansjoni: kumpaniji li jirnexxu se jżidu d-dħul u l-qligħ. Jekk l-investituri ta’ kapital ta’ riskju jkunu investew f’dawn il-kumpaniji, huma se jibdew ifittxu li jbigħu (jew “joħorġu minn”) dawn il-kumpaniji biex jiksbu redditu fuq l-investiment tagħhom.
Figura 1
Fażijiet tal-bidu u l-evoluzzjoni tad-dħul u tal-qligħ
Sors: Il-QEA.
Normalment investimenti ta’ kapital ta’ riskju jsiru permezz ta’ fond, li huwa konsorzjament ta’ kapital minn diversi investituri (soċji akkomandanti) li jiġi mmaniġġjat minn maniġer ta’ fond (soċju solidali). Il-fondi ta’ kapital ta’ riskju jiddependu mill-prinċipju tad-diversifikazzjoni: huma għandhom skopertura wiesgħa fuq portafoll diversifikat (tipikament bejn 10 ftehimiet u 20 ftehim, ta’ investiment), li tgħin biex ir-riskji jiġu mmaniġġjati aħjar (ara l-Kaxxa 1 għall-karatteristiċi prinċipali ta’ investiment ta’ kapital ta’ riskju fl-Ewropa). L-Anness I jippreżenta l-istruttura tipika ta’ fond ta’ kapital ta’ riskju.
06Il-fondi ta’ kapital ta’ riskju jistgħu joffru wkoll għarfien espert, li jintalab regolarment minn intraprendituri li jkollhom l-għan li jkabbru l-kumpanija tagħhom. Dan is-servizz siewi jista’ jkopri suġġetti bħall-irfinar ta’ strateġija u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ innovazzjoni, l-iżvilupp ta’ prodott u ta’ servizz ġdid, jew l-introduzzjoni ta’ negozju fis-suq globali. Strateġija rfinata u viżibbiltà bikrija fis-suq globali huma essenzjali għas-suċċess ta’ kumpaniji ta’ teknoloġija avvanzata u għal negozji li jkunu għadhom kemm infetħu.
Kaxxa 1
Karatteristiċi prinċipali ta’ investiment ta’ kapital ta’ riskju fl-Ewropa
- Investiment medju ta’ bejn EUR 2 miljun u EUR 3 miljun
- Investiment finanzjarju fuq terminu twil (orizzont ta’ bejn 10 snin u 15-il sena)
- Investiment mhux likwidu (diffiċli li jeżisti billi ma hemm l-ebda suq trasferibbli)
- Sjieda attiva biex tgħin lin-negozji li jkunu għadhom kemm infetħu, li qed jikbru
- Aspettattiva ta’ redditu għoli fuq l-investiment minħabba riskju għoli u/jew interess strateġiku
- Tariffa li trid titħallas lill-maniġer ta’ investiment (20 % tal-investiment)
- Ħiliet speċjalizzati u tim maniġerjali dedikat
Fond ta’ kapital ta’ riskju jikseb redditu ladarba jbigħ (jew “joħroġ minn”) kumpanija. Il-ħruġ isir jew permezz ta’ offerta inizjali (IPO) lill-pubbliku fis-suq tal-istokks, jew inkella permezz ta’ bejgħ tal-kumpanija lil investitur industrijali (bejgħ ta’ negozju) jew lil fond ta’ kapital ta’ riskju jew ditta ta’ ekwità privata oħra. Meta kumpanija fil-portafoll ma jifdallhiex valur, il-valur kontabilistiku tagħha jitħassar skont l-istandards applikabbli tal-kontabbiltà.
Involviment tal-Kummissjoni fis-suq ta’ kapital ta’ riskju
08L-istrateġija Ewropa 2020 hija l-aġenda attwali tal-UE għat-tkabbir u l-impjiegi. Hija tenfasizza tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv bħala mod kif jingħelbu d-dgħufijiet strutturali fl-ekonomija Ewropea, jittejbu l-kompetittività u l-produttività tagħha, u tiġi sostnuta ekonomija soċjali tas-suq sostenibbli1. Bħalma l-kapital ta’ riskju huwa katalist għall-innovazzjoni, għall-ħolqien ta’ impjiegi u għat-tkabbir ekonomiku, l-UE tipprovdi flus biex ittejjeb l-aċċess tan-negozji Ewropej fl-istadji tal-bidu u tat-tkabbir tagħhom. L-UE trawwem ukoll ekosistema tal-kapital ta’ riskju Ewropea sostenibbli fl-Ewropa2.
09L-interventi tal-UE jimmobilizzaw fondi privati u pubbliċi addizzjonali bħala appoġġ finanzjarju biex tiġi massimizzata l-effettività tal-baġit tal-UE. Dawn l-investimenti diretti fil-fondi ta’ kapital ta’ riskju huma ġejjin minn partijiet differenti mill-baġit tal-UE.
- Interventi mmaniġġjati b’mod ċentrali jiġu ffinanzjati minn diversi oqsma baġitarji, bħall-intrapriża, l-industrija, u r-riċerka. Il-Kummissjoni hija direttament involuta fit-tfassil u l-iżvilupp ta’ dawn l-istrumenti, tal-istrateġija ta’ investiment tagħhom u fid-determinazzjoni tal-iskala tal-kontribuzzjoni li ssir mill-UE.
- Interventi taħt ġestjoni kondiviża3, li jintużaw fil-politika ta’ koeżjoni, huma ffinanzjati mill-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (FSIE). Kull intervent irid jiġi implimentat fi ħdan il-qafas ta’ programm operazzjonali mmaniġġjat minn awtorità maniġerjali fi Stat Membru. L-awtorità maniġerjali hija responsabbli għat-tfassil tal-istrument finanzjarju u għad-determinazzjoni tad-daqs finanzjarju tiegħu.
Ħafna mill-fatturi strutturali li jistgħu jew jagħtu spinta jew inkella jirrestrinġu l-kapital ta’ riskju fl-Ewropa kollha għadhom prinċipalment id-dominju tal-Istati Membri. Pereżempju, il-liġijiet fiskali nazzjonali jistgħu jfixklu l-iżvilupp tas-suq ta’ kapital ta’ riskju4, il-liġijiet korporattivi u tax-xogħol jistgħu jostakolaw l-ingaġġ ta’ persunal, u l-ambjent regolatorju jista’ jnaqqas l-aptit tal-investituri għar-riskju u jillimita l-ġbir ta’ fondi5.
Is-suq ta’ kapital ta’ riskju fl-Ewropa
11Mill-2012 ’il hawn kien hemm żieda kontinwa fil-ġbir ta’ fondi mill-fondi Ewropej ta’ kapital ta’ riskju. It-total ta’ fondi miġbura laħaq quċċata, wara 10 snin, ta’ EUR 11.4 biljun fl-2018. Il-livell attwali jaqbeż il-livell li kien hemm fl-2007 qabel il-kriżi. Sal-2022, huwa ppjanat li l-Kummissjoni tkun allokat aktar minn EUR 3.3 biljun għall-investimenti ta’ kapital ta’ riskju mill-2014 ’il hawn.
12Kif jidher fil-Figura 2, mill-2015 sal-2017 l-aġenziji governattivi6 żiedu l-appoġġ tagħhom sinifikattivament għall-fondi Ewropej ta’ kapital ta’ riskju. L-appoġġ naqas fl-2018. F’termini relattivi, l-2010 u l-2011 raw l-ogħla rati ta’ finanzjament imwettaq mill-aġenziji governattivi. Fl-2018, l-aġenziji governattivi pprovdew 14 % tal-ġbir kumplessiv ta’ fondi, li huwa sehem sinifikattivament iżgħar meta mqabbel mas-sentejn preċedenti, iżda xorta waħda ogħla mil-livell li kien hemm fl-2007 qabel il-kriżi.
Figura 2
Sehem ta’ fondi pubbliċi mit-total tal-fondi li nġabru minn fondi Ewropej ta’ kapital ta’ riskju (f’EUR biljun u bħala perċentwal)
Sors: Data pprovduta lill-QEA mingħand Invest Europe.
Il-Figura 3 turi xejra simili fl-investmenti li saru f’kumpaniji. F’dawn l-aħħar 10 snin, żdiedu l-investimenti minn fondi Ewropej ta’ kapital ta’ riskju, u l-quċċata ntlaħqet fl-2018 f’ammont ta’ EUR 8.2 biljun. Barra minn hekk, il-livell attwali ta’ investiment jaqbeż il-livell li kien hemm fl-2007 qabel il-kriżi.
14Mindu bdiet il-kriżi finanzjarja, il-valur u l-ammont ta’ ħruġ minn fondi Ewropej ta’ kapital ta’ riskju kienu relattivament stabbli. Fl-2018, il-fondi ta’ kapital ta’ riskju ħarġu minn 1 193 negozju li kienu għadhom kemm infetħu, għal valur ta’ EUR 2.0 biljun, iżda ma kienx hemm ritorn għal-livell tal-2007, ta’ qabel il-kriżi, meta l-fondi ta’ kapital ta’ riskju kienu ħarġu minn 1 629 negozju li kienu għadhom kemm infetħu, għal valur ta’ EUR 3.1 biljun. Ara l-Figura 3.
Figura 3
Investimenti u ħruġ minn fondi Ewropej ta’ kapital ta’ riskju (f’EUR biljun)
Sors: Data pprovduta lill-QEA mingħand Invest Europe.
Matul l-20 sena li l-Kummissjoni ilha tappoġġa l-fondi ta’ kapital ta’ riskju permezz tal-interventi tal-UE mmaniġġjati b’mod ċentrali, din impenjat EUR 1.7 biljun f’140 fond, li EUR 0.9 biljun minnhom kienu ġew żborżati sa nofs l-2018. Bħala medja, dawn il-fondi ta’ kapital ta’ riskju investew EUR 3 miljun u ħolqu 48 impjieg għal kull kumpanija. Dawn il-kumpaniji kienu jimpjegaw madwar 74 000 persuna fiż-żmien meta sar l-investiment.
Kif jaħdmu l-interventi tal-UE mmaniġġjati b’mod ċentrali
16Il-Kummissjoni tagħti mandat lill-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI)/Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) biex jimplimentaw interventi ta’ kapital ta’ riskju għal remunerazzjoni li dwarha jkun intlaħaq qbil. Il-Kummissjoni żżomm ir-responsabbiltà ġenerali, għajr f’każ wieħed fejn ir-responsabbiltà hija kondiviża mal-Grupp tal-BEI u korpi oħra. L-interventi tal-UE appoġġaw għadd kbir ta’ negozji li kienu għadhom kemm infetħu, u xi wħud minnhom saru atturi importanti fis-setturi tagħhom. Il-Kaxxa 2 tipprovdi eżempji tar-riskji u l-benefiċċji tal-investimenti tal-FEI taħt il-mandat tal-Kummissjoni.
Kaxxa 2
Eżempji tar-riskji u l-benefiċċji tal-investimenti tal-FEI taħt il-mandat tal-Kummissjoni
Il-FEI investa EUR 15-il miljun f’fond wieħed ta’ kapital ta’ riskju li kien jiffoka fuq it-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni. Sa issa, il-fond radd lura EUR 76 miljun lill-FEI wara l-bejgħ ta’ kumpaniji. F’nofs l-2018, l-imgħax li kien jifdal (jiġifieri kumpaniji li kienu għadhom fil-portafoll tal-fond) ġie stmat f’ammont ta’ EUR 35 miljun. Dan ir-redditu għoli kien dovut prinċipalment għal investiment f’negozju li kien għadu kemm jinfetaħ u li kien kiseb suċċess. Fi tmiem l-2018 din il-kumpanija kienet timpjega madwar 3 600 persuna, li minnhom 43 % kienu fl-UE.
Il-FEI investa EUR 17-il miljun f’fond wieħed ta’ kapital ta’ riskju li kellu l-istess fokus. Mill-2005 sal-2007, dan il-fond għamel 11-il investiment f’negozji li kienu għadhom kemm infetħu. Aktar tard, minħabba l-kwalità baxxa ta’ prestazzjoni, il-fond kellu jniżżel il-valur jew ibigħ sebgħa minnhom b’telf. Sa nofs l-2018 il-fond kien radd lura EUR 4 miljun biss u l-imgħax li kien jifdal tal-FEI ġie stmat f’ammont ta’ EUR 0.5 miljun. Għaldaqstant, f’nofs l-2018, it-telf fuq dan l-investiment kien ta’ EUR 12.5 miljun.
L-ammont investit mill-interventi tal-UE mmaniġġjati b’mod ċentrali, b’fokus fuq il-kapital ta’ riskju, żdied sinifikattivament matul dawn l-aħħar 10 snin, billi tela’ minn EUR 33 miljun kull sena (medja għall-perjodu 1998‐2000) għal EUR 458 miljun kull sena (medja għall-perjodu 2014‐2020).
18Dawn l-istrumenti tal-UE jitfasslu fuq bażi xprunata mid-domanda, li jfisser li huma jipprovdu finanzjament meta jintalbu jagħmlu dan mill-fondi ta’ kapital ta’ riskju, dment li jissodisfaw il-kriterji ta’ eliġibbiltà u jgħaddu mill-proċess ta’ diliġenza dovuta u approvazzjoni. It-Tabella 1 turi s-sitt interventi tal-UE b’fokus fuq il-kapital ta’ riskju li għandhom ġestjoni ċentrali b’dan il-mod7.
Tabella 1
Interventi tal-UE mmaniġġjati b’mod ċentrali b’fokus fuq il-kapital ta’ riskju
| Strumenti finanzjarji/garanzija baġitarja | Programm | Perjodu ta’ Programmazzjoni | Finanzjament mill-UE (f’miljun EUR) fil-31.12.2018 |
| Il-Faċilità Ewropea għall-Bidu ta’ Negozju Teknoloġiku (ESU 1998) | L-Inizjattiva għat-Tkabbir u l-Impjiegi (G&E)8 | 1998-2000 | 101 |
| Il-Faċilità Ewropea għall-Bidu ta’ Negozju Teknoloġiku (ESU 2001) | Programm Multiannwali għall-Intrapriża u l-Intraprenditorija (MAP)9 | 2001-2006 | 209 |
| Il-Faċilità għall-SMEs Innovattivi u b’Rata Għolja ta’ Tkabbir (GIF) | Programm Kwadru għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (CIP)10 | 2007-2013 | 625 |
| Il-Faċilità ta’ Ekwità għat-Tkabbir (EFG) | Il-Programm għall-Kompetittività tal-Intrapriżi u l-Intrapriżi ż-Żgħar u ta’ daqs Medju (COSME)11 | 2014-2020 | 32512 |
| Il-Faċilità ta’ Ekwità InnovFin għall-Istadju Bikri (IFE) | Orizzont 2020 – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni13 | 2014-2020 | 488 |
| It-Tieqa tal-Prodott ta’ Ekwità għall-SMEs (SMEW) tal-FEIS | Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS)14 | 2014-2020 | 1 270 |
Sors: Il-QEA, adattat mill-bażi ġuridika.
19Fl-2015, il-leġiżlaturi tal-UE adottaw regolament li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) (ara l-Anness II). Il-Kummissjoni fdat lill-BEI bil-ġestjoni tal-FEIS, u mbagħad il-BEI ddelega parti minnha lill-FEI15. Il-FEIS tnieda biex jipprovdi kapaċità ta’ rfigħ tar-riskji, iffaċilitat minn garanzija ta’ EUR 16-il biljun mill-baġit tal-UE u EUR 5 biljun mir-riżorsi proprji tal-BEI sabiex jippermetti lill-Grupp tal-BEI (il-BEI u l-FEI) iforni finanzjament addizzjonali. Il-FEIS se jipprovdi finanzjament ta’ kapital ta’ riskju ta’ EUR 2 320 miljun u b’hekk huwa l-akbar mis-sitt programmi16.
20F’April 2018, il-Kummissjoni niedet il-programm pan-Ewropew ta’ fond ta’ fondi. Flimkien mal-FEI, hija għażlet sitt fond ta’ fondi Ewropej, li minnhom tnejn diġà għandhom ftehimiet iffirmati. Fond ta’ fondi huwa konsorzjament ta’ kapital ipprovdut minn bosta sħab għall-investiment f’fondi ta’ kapital ta’ riskju, li min-naħa tagħhom jinvestu f’negozji li jkunu għadhom kemm jinfetħu. Din l-istruttura tippermetti diversifikazzjoni usa’ tar-riskju, iżda żżid saff addizzjonali ta’ amministrazzjoni. Ammont li jilħaq EUR 343 miljun huwa disponibbli mill-interventi mmaniġġjati b’mod ċentrali, b’EUR 67 miljun oħra mir-riżorsi propji tal-FEI. Is-sitt fond ta’ fondi huma mistennija jiġbru EUR 1.7 biljun oħra minn investituri oħra (pubbliċi jew privati), bil-għan li jikkatalizzaw investimenti ta’ EUR 6.5 biljun f’kumpaniji li jkunu għadhom kemm jinfetħu.
21F’Ġunju 2018, il-Kummissjoni ppubblikat il-proposta tagħha għall-intervent suċċessur imsejjaħ “InvestEU”17, bħala parti mill-pakkett ta’ proposti għall-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss (2021-2027).
Ir-rwol tal-Fond Ewropew tal-Investiment
22Il-FEI jappoġġa intermedjarji finanzjarji li jipprovdu finanzjament lill-SMEs madwar l-Ewropa. L-azzjonisti prinċipali tiegħu huma l-BEI (58.6 % tal-kapital), l-UE irrappreżentata mill-Kummissjoni (29.7 %) u partijiet interessati oħra fosthom banek pubbliċi u privati kif ukoll istituzzjonijiet finanzjarji18. Huwa jimplimenta interventi ta’ kapital ta’ riskju f’isem oħrajn, bħall-UE, il-BEI (taħt il-mandat tar-Riżorsi tal-Kapital ta’ Riskju (RCR)), l-awtoritajiet nazzjonali jew reġjonali, u investituri privati. Il-Figura 4 tagħti stampa ġenerali ta’ kif joperaw l-istrumenti ta’ kapital ta’ riskju appoġġati mill-UE, u tar-rwol tal-FEI.
Figura 4
Struttura operazzjonali għall-istrumenti ta’ kapital ta’ riskju appoġġati mill-UE
Sors: Il-QEA, ibbażat fuq data tal-FEI.
Il-FEI sar wieħed mill-akbar atturi fis-suq Ewropew ta’ kapital ta’ riskju. Fl-2018, il-FEI waħdu ffirma ftehimiet ma’ fondi ta’ kapital ta’ riskju b’impenn li jinvesti EUR 1.4 biljun.
Ambitu u approċċ tal-awditjar
24Aħna ddeċidejna li neżaminaw is-swieq ta’ kapital ta’ riskju minħabba l-involviment dejjem akbar tal-UE f’dan il-qasam ta’ politika li ma konniex koprejna qabel. Evalwajna jekk il-Kummissjoni kinitx qed tagħmel użu tajjeb mill-istrumenti ta’ kapital ta’ riskju tagħha billi eżaminajna jekk:
- il-Kummissjoni wettqitx evalwazzjonijiet ex ante, interim u ex post ta’ kwalità tajba;
- l-istrateġija ta’ investiment li permezz tagħha l-UE wasslet l-assistenza tagħha kinitx komprensiva;
- l-istrumenti tal-UE ġewx implimentati kif suppost mill-FEI.
Aħna nistennew li r-rapport tagħna jgħin lill-Kummissjoni biex timplimenta l-politika tagħha b’mod aktar effiċjenti u effettiv. Meta vvalutajna l-adegwatezza tat-tfassil tal-interventi, aħna kkonċentrajna fuq il-perjodu 2014-2020. Għall-aspetti l-oħra, aħna ħadna inkunsiderazzjoni l-interventi kollha tal-UE mmaniġġjati b’mod ċentrali mill-1998 ’il quddiem. Fejn applikabbli, qisna wkoll l-abbozz tal-programm InvestEU għall-perjodu 2021-2027.
26Biex niġbru evidenza għall-awditjar, aħna analizzajna d-dokumentazzjoni rilevanti, inkluż kampjun li jiddokumenta l-proċess li jintuża mill-FEI għall-għażla ta’ fondi ta’ kapital ta’ riskju. Aħna intervistajna wkoll persunal mill-Kummissjoni, mill-FEI, mill-Banque Publique d’Investissement ta’ Franza u minn Invest Europe19, kif ukoll akkademiċi u maniġers ta’ fondi. Barra minn hekk, għamilna żjarat lil assoċjazzjonijiet ta’ kapital ta’ riskju u assoċjazzjonijiet li kienu għadhom kemm jinftetħu, banek promozzjonali, ministeri u fondi ta’ kapital ta’ riskju fid-Danimarka u fl-Italja. Fl-aħħar nett, wettaqna żewġ stħarriġiet fost maniġers ta’ fondi ta’ kapital ta’ riskju.
Osservazzjonijiet
Dgħufijiet fl-evalwazzjonijiet ex ante u ex post
27Qabel tniedi intervent ġdid, il-Kummissjoni trid twettaq evalwazzjoni ex ante u/jew valutazzjoni tal-impatt, li tinkludi analiżi tal-ħtiġijiet tas-suq. Jenħtieġ li l-evalwazzjoni u l-valutazzjoni janalizzaw ukoll l-istruttura u l-ħtiġijiet ta’ finanzjament tal-kumpaniji mmirati mill-istrument, kif ukoll is-sorsi disponibbli ta’ finanzjament. Billi tuża din l-informazzjoni, il-Kummissjoni tista’ tistma d-diskrepanza tal-likwidità u tiddetermina l-iskala xierqa tal-appoġġ tagħha għas-suq ta’ kapital ta’ riskju.
28L-objettiv prinċipali tal-interventi kollha tal-UE mill-1998 ’il hawn kien li jittejjeb l-aċċess tan-negozji, b’mod partikolari l-SMEs, għall-finanzjament permezz ta’ appoġġ għall-intraprenditorija u l-innovazzjoni. Għal kull intervent, il-Kummissjoni hija mistennija twettaq evalwazzjonijiet interim u/jew ex post biex tivvaluta l-effettività tal-intervent.
L-interventi ma kinux ibbażati fuq valutazzjoni xierqa tal-ħtiġijiet tas-suq
29Aħna eżaminajna jekk u kif il-Kummissjoni kienet iddeterminat u kkwantifikat id-diskrepanza tal-likwidità għall-interventi fil-perjodu ta’ programmazzjoni attwali (2014-2020). Eżaminajna wkoll jekk dan kienx sar kemm fuq livell aggregat tal-UE kif ukoll fuq livell tal-Istati Membri. Fl-aħħar nett, aħna analizzajna jekk kinitx ġiet stabbilita diskrepanza tal-likwidità għall-fażijiet differenti fiċ-ċiklu tal-ħajja ta’ kumpanija (ara l-Figura 1).
30Aħna sibna li, għalkemm il-Kummissjoni kienet wettqet evalwazzjonijiet ex ante u valutazzjonijiet tal-impatt u għalkemm kienet analizzat il-ħtiġijiet tas-suq billi ħarset lejn il-provvista u d-domanda, il-kwantifikazzjoni tad-diskrepanza tal-likwidità ma kinitx komprensiva. Dan kien prinċipalment minħabba n-nuqqas ta’ data. Il-Kummissjoni osservat ukoll li fid-dokumentazzjoni akkademika ma hemmx qbil dwar jekk il-livelli baxxi ta’ investimenti ta’ kapital ta’ riskju meta mqabbla mal-PDG fil-biċċa l-kbira mill-Istati Membri tal-UE humiex, b’mod predominanti, problema ta’ provvista jew problema ta’ domanda, jiġifieri jekk hemmx provvista insuffiċjenti ta’ kapital ta’ riskju jew jekk hemmx għadd insuffiċjenti ta’ kumpaniji li fihom jista’ jsir investiment20.
31Pereżempju, fl-2011 il-Kummissjoni wettqet evalwazzjoni ex ante u valutazzjoni tal-impatt tal-Faċilità ta’ Ekwità għat-Tkabbir (EFG) immaniġġjat b’mod ċentrali. Aħna sibna li l-istudju ta’ bażi li sar f’isem il-Kummissjoni ma spjegax ir-raġunament wara l-istima li wettaq tad-diskrepanza tal-likwidità21.
32Għal dak li jirrigwarda strument ieħor immaniġġjat b’mod ċentrali, il-Faċilità ta’ Ekwità InnovFin (IFE), aħna sibna li l-valutazzjoni li saret fl-2013 kienet twettqet biss wara t-tressiq tal-proposta leġiżlattiva u wara li l-Kummissjoni, il-Parlament u l-Kunsill kienu diġà ddiskutew baġit indikattiv.
33Sibna wkoll li meta l-FEIS tnieda fl-2015, il-Kummissjoni ma wettqitx evalwazzjoni ex ante komprensiva jew valutazzjoni tal-impatt tad-diskrepanza tal-likwidità jew tal-ħtiġijiet tas-suq. Hija lanqas ma wettqet din il-valutazzjoni fl-2017, meta l-garanzija tal-UE żdiedet b’EUR 10 biljun (għal EUR 26 biljun) u l-perjodu ta’ investiment ġie estiż mill-31 ta’ Lulju 2019 sal-31 ta’ Diċembru 202022.
34Fl-2015 ukoll, twettqet valutazzjoni speċifika f’isem il-Kummissjoni biex tiġi esplorata l-possibbiltà li tintuża struttura ta’ fond ta’ fondi23. Abbażi ta’ intervisti ma’ 105 maniġers ta’ fondi ta’ kapital ta’ riskju, il-valutazzjoni wriet li kien hemm diverġenza ta’ opinjonijiet dwar l-istat u l-ħtiġijiet tas-suq ta’ kapital ta’ riskju. Meta għamlet ir-rakkomandazzjoni dwar id-daqs finanzjarju tal-fond ta’ fondi li kellu jinħoloq, il-valutazzjoni la kkwantifikat id-diskrepanza tal-likwidità u lanqas ma indirizzat il-kwistjoni ta’ assorbiment.
35Il-Kummissjoni diġà wettqet l-evalwazzjoni ex ante/valutazzjoni tal-impatt tagħha għall-interventi ta’ kapital ta’ riskju suċċessuri taħt il-programm InvestEU li jmiss għall-perjodu 2021-2027 li riesaq. Madankollu, għal darb’oħra, id-diskrepanza tal-likwidità ma ġietx ikkwantifikata.
36Fil-fehma tagħna, iż-żieda fir-riżorsi baġitarji għall-fondi ta’ kapital ta’ riskju (ara t-Tabella 1) mingħajr kwantifikazzjoni xierqa tad-diskrepanza tal-likwidità tista’ twassal għar-riskju li dawn il-fondi ma jkunux jistgħu jiġu assorbiti (ara l-Kaxxa 3).
Kaxxa 3
Żieda ta’ fondi pubbliċi mingħajr valutazzjoni xierqa tad-daqs tas-suq tista’ twassal għal riskju ta’ nuqqas ta’ assorbiment
Iż-żieda sostanzjali ta’ fondi pubbliċi fis-suq ta’ kapital ta’ riskju tista’ twassal għal riskju ta’ nuqqas ta’ assorbiment jekk ikun hemm nuqqas ta’: (i) fondi ta’ kapital ta’ riskju li fihom jista’ jsir investiment; (ii) investituri privati interessati; iii) SMEs bi tkabbir potenzjali li fihom jista’ jsir investiment.
Studju li sar fl-201124 żvela li jkun diffiċli għall-UE li tinvesti aktar minn EUR 300 miljun fis-sena tul il-perjodu 2014-2020 minħabba riskji ta’ nuqqas ta’ assorbiment. Madankollu, il-fondi allokati mill-UE lill-kapital ta’ riskju kważi diġà laħqu dan l-ammont. Għall-perjodu 2014-2020, il-medja tal-investiment annwali li ssir permezz tal-interventi tal-UE tammonta għal total ta’ madwar EUR 285 miljun fis-sena (jiġifieri EUR 1 989 miljun fuq seba’ snin). Barra minn hekk, il-fondi allokati lill-prodott ta’ ekwità taħt l-SMEW tal-FEIS żdiedu b’EUR 1 050 miljun (ara l-paragrafu 07 tal-Anness II).
Il-pressjoni biex ikun hemm assorbiment iġġorr magħha riskji indiretti. Ammont ambizzjuż jista’ joħloq pressjoni biex il-fondi jiġu impenjati malajr. Peress li fondi inizjali jew swieq verġni jirrikjedu aktar żmien biex jiżviluppaw, din il-pressjoni ta’ żmien tista’ twassal għal konċentrazzjoni ta’ fondi fis-swieq jew operaturi “tas-soltu”, billi l-prijorità tingħata lil swieq maturi u lil fondi stabbiliti. Minbarra dan, l-istudju li sar fl-2011 iddikjara li l-pressjoni biex jiġu impenjati fondi tista’ tirriżulta fl-għoti ta’ finanzjament lil destinatarji inferjuri ta’ investiment li, u dan maż-żmien ikun jnaqqas b’mod inevitabbli r-redditi fuq l-investimenti.
Evidenza insuffiċjenti tal-impatt tal-interventi tal-UE
37Aħna eżaminajna jekk l-evalwazzjonijiet interim u ex post preċedenti kinux urew l-effettività tal-appoġġ tal-UE lejn il-kapital ta’ riskju. Evalwazzjonijiet interim u ex post xierqa jipprovdu informazzjoni siewja għat-tfassil ta’ strumenti ġodda.
38Minn mindu bdiet tappoġġa l-kapital ta’ riskju, il-Kummissjoni ppreżentat sitt evalwazzjonijiet ta’ nofs it-terminu u żewġ evalwazzjonijiet finali. Normalment, l-evalwazzjonijiet irrapportaw dwar l-outputs u r-riżultati bħal pereżempju l-għadd ta’ fondi ta’ kapital ta’ riskju appoġġati, jew l-għadd ta’ kumpaniji li fihom kienu ġew investiti fond ta’ kapital ta’ riskju appoġġati mill-UE. Madankollu, l-evalwazzjonijiet ma analizzawx l-impatt tal-intervent tal-UE fuq l-industrija tal-kapital ta’ riskju jew l-effetti ekonomiċi tiegħu (bħat-tkabbir, l-innovazzjoni, jew l-impjiegi li nżammu u li nħolqu).
39Iż-żewġ evalwazzjonijiet ex post twettqu kmieni wisq. Pereżempju, l-evalwazzjoni finali li tkopri l-Faċilità għall-SMEs Innovattivi u b’Rata Għolja ta’ Tkabbir nħarġet fl-2011. Madankollu, il-FEI seta’ japprova ftehimiet ta’ sħubija limitata ma’ fondi ta’ kapital ta’ riskju sal-2013 – u b’hekk dawn kellhom ħames snin biex jinvestu f’kumpaniji.
40L-evalwazzjoni interim tal-GIF u l-evalwazzjonijiet ex post tal-ESU 1998 u tal-ESU 2001 iddgħajfu minħabba d-disponibbiltà limitata tad-data.
- L-istrumenti bikrin Il-Faċilità Ewropea għall-Bidu ta’ Negozju Teknoloġiku 1998 u l-Faċilità Ewropea għall-Bidu ta’ Negozju Teknoloġiku 2001 ma kellhomx indikaturi tal-prestazzjoni. L-evalwazzjoni ex post ta’ dawn l-istrumenti rrakkomandat l-użu ta’ indikaturi tal-prestazzjoni mfassla tajjeb.
- Għalkemm il-bażi ġuridika tal-istrument GIF stabbiliet indikaturi u miri, dawn kienu prinċipalment relatati mal-outputs. Għalhekk, għal darb’oħra l-evalwazzjoni interim li kienet tkopri l-istrument GIF irrakkomandat li jiġu żviluppati indikaturi tar-riżultati u tal-impatt, biex ikun hemm lok għal evalwazzjoni finali tal-effettività. Il-Kummissjoni żiedet indikaturi, iżda l-evalwazzjoni finali ma setgħetx tibbaża fuqhom billi din twettqet fi żmien sena mill-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu.
L-evalwazzjonijiet serrħu l-aktar fuq metodi kwalitattivi bħal intervisti u stħarriġ. Filwaqt li l-informazzjoni li nġabret kienet utli, din ma kinitx ikkorroborata minn metodi kwantitattivi.
42L-evalwazzjonijiet interim u finali mwettqa mill-Kummissjoni ma analizzawx ix-xenarju kontrofattwali. L-evalwaturi ma vvalutawx l-ammont ta’ impjiegi li kienu nħolqu jew li kienu nżammu mill-kumpaniji li kienu bbenefikaw mill-finanzjament tal-kapital ta’ riskju meta mqabbel mal-għadd teoretiku li seta’ jinħoloq kieku mingħajr il-finanzjament.
43Fl-2011, proġett ta’ riċerka ffinanzjat mill-UE25 wettaq din l-analiżi kontrofattwali, li qieset il-kapital ta’ riskju mis-sorsi kollha, (mhux biss mill-UE), kif ukoll minn kumpaniji provenjenti minn seba’ Stati Membri u pajjiż terz wieħed. L-analiżi kkonkludiet li s-sejbiet ġeneralment sostnew l-opinjoni li l-investituri ta’ kapital ta’ riskju kellhom effett pożittiv konsiderevoli fuq it-tkabbir u l-produttività tad-ditti kif ukoll fuq il-prestazzjoni tal-investiment u tal-innovazzjoni. Skont l-istudju, l-investituri ta’ kapital ta’ riskju għenu biex il-kumpaniji fil-portafoll tagħhom ikollhom prestazzjoni aħjar minn ta’ ditti li ma kellhomx appoġġ ta’ kapital ta’ riskju, anke waqt il-kriżi finanzjarja fil-perjodu 2008-2009. Huma pprovdew ir-riżorsi u l-kompetenzi meħtieġa lid-ditti fil-portafoll tagħhom biex dawn jaġġustaw malajr mill-ġdid l-offerta tagħhom tal-prodott/fuq is-suq waqt il-kriżi globali.
44Fuq nota pożittiva, il-FEI ppubblika sensiela ta’ dokumenti ta’ ħidma dwar il-kontribuzzjoni ekonomika mwettqa mill-investimenti appoġġati mill-FEI u l-prestazzjoni tan-negozji appoġġati li jkunu għadhom kemm infetħu26, inkluża analiżi kontrafattwali. L-unika osservazzjoni hija li d-dokumenti eżaminaw l-investimenti kollha ta’ kapital ta’ riskju tal-FEI – u mhux biss dawk appoġġati mill-UE.
45Fir-rigward tal-istrumenti fil-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020, il-Kummissjoni stabbiliet indikaturi tar-riżultati u tal-impatt għall-EFG, għall-IFE, u għall-FEIS. Fir-rigward tal-EFG u tal-IFE, ġew stabbiliti miri għall-indikaturi kollha għajr il-fatturat u l-għadd ta’ impjegati tal-kumpaniji benefiċjarji (ara t-Tabella 2). Barra minn hekk, il-miri għall-IFE mhumiex relatati biss mal-kapital ta’ riskju iżda jikkombinaw il-kapital ta’ riskju u l-appoġġ ta’ finanzjament b’dejn, li jagħmilha diffiċli li tiġi evalwata l-prestazzjoni ta’ kull strument.
Tabella 2
Indikaturi għall-EFG u għall-IFE
Sors: Il-QEA, ibbażat fuq il-leġiżlazzjoni u fuq id-dokumenti tal-Kummissjoni.
L-evalwazzjoni interim tal-FEIS irrakkomandat li jiġi ċċarat l-impatt tal-inizjattiva fuq is-suq finanzjarju u, b’mod partikolari, l-effett fuq il-falliment tas-suq u l-possibilità ta’ esklużjoni billi jintużaw xenarji kontrofattwali. L-evalwazzjoni interim irrikonoxxiet l-isforzi attwali tal-Grupp tal-BEI biex jittestja dawn l-istrateġiji għall-prodotti tal-FEIS, b’mod partikolari fit-twaqqif tal-infrastruttura tad-data meħtieġa27.
Il-Kummissjoni ma kellhiex strateġija ta’ investiment komprensiva
47It-titjib tal-aċċess għall-finanzjament li jingħata lil negozji permezz ta’ suq pan-Ewropew ta’ kapital ta’ riskju jirrikjedi strateġija ta’ politika u ta’ investiment li tkun koerenti u komprensiva u li, fost l-oħrajn, għandha l-għan li tappoġġa swieq inqas żviluppati, tnaqqas id-dipendenza fuq is-settur pubbliku u tissemplifika l-interventi.
Approċċ abbażi tad-domanda ma jiffavorixxix l-iżvilupp ta’ swieq jew setturi ta’ kapital ta’ riskju inqas żviluppati
48Biex nivvalutaw l-istrateġija ta’ investiment li ntużat mill-Kummissjoni, aħna analizzajna s-sitwazzjoni attwali f’termini tal-pajjiżi fejn il-fondi ta’ kapital ta’ riskju appoġġati mill-UE u l-kumpaniji benefiċjarji kienu domiċiljati, l-istadji ta’ żvilupp, u s-setturi ta’ attività.
Swieq ta’ kapital ta’ riskju li kienu sottożviluppati ma bbenefikaw kważi xejn mill-interventi tal-UE mmaniġġjati b’mod ċentrali
49Minn mindu l-Kummissjoni bdiet l-attività tagħha ta’ kapital ta’ riskju fl-1998, l-allokazzjoni tal-finanzjament min-naħa tagħha kienet fuq il-bażi tal-mertu tal-proġetti, u ma kinitx immotivata mil-lok ġeografiku tal-fondi ta’ kapital ta’ riskju jew mis-settur tal-investiment.
50Mingħajr strateġija li tiżgura l-allokazzjoni ta’ investiment adegwat lil swieq sottożviluppati, huma jistgħu jirċievu inqas appoġġ. Dan ir-riskju ġie kkonfermat mill-evalwazzjonijiet ex ante/valutazzjonijiet tal-impatt li l-Kummissjoni wettqet dwar l-interventi tagħha fil-perjodu 2014-2020 (IFE u EFG), li indikaw konċentrazzjoni għolja ta’ investimenti ta’ kapital ta’ riskju f’ċerti Stati Membri.
51Aħna sibna li, fi tmiem Ġunju 2018, iż-żewġ Stati Membri bl-ogħla reġistrazzjoni ta’ fondi ta’ kapital ta’ riskju appoġġati mill-UE kienu Franza u l-Italja, b’20 % u 14 % tal-għadd totali ta’ fondi, rispettivament. Dawn il-pajjiżi kienu segwiti mil-Lussemburgu, ir-Renju Unit, in-Netherlands, il-Ġermanja u l-Finlandja. Fi 12-il Stat Membru, ma twettaq l-ebda investiment ta’ fond ta’ kapital ta’ riskju appoġġat mill-UE (ara l-Figura 5).
52Ir-reġim regolatorju applikabbli huwa wieħed mill-fatturi li l-maniġers ta’ fondi jieħdu inkunsiderazzjoni meta jiddeċiedu fejn jirreġistraw fond ta’ kapital ta’ riskju. Skont stħarriġ28 li twettaq mill-FEI, il-maniġers ta’ fondi talbu biex jingħata appoġġ lil fondi pan-Ewropej, aktar investimenti transfruntiera, u armonizzazzjoni tal-oqfsa legali u tas-sistemi fiskali.
Figura 5
Fondi ta’ kapital ta’ riskju appoġġati mill-UE għal kull pajjiż ta’ reġistrazzjoni kif kienu fit-30 ta’ Ġunju 2018
Sors: Il-QEA, ibbbażat fuq data tal-FEI.
Fondi ta’ kapital ta’ riskju jistgħu jew jinvestu biss f’kumpaniji li jinsabu fil-pajjiż tar-reġistrazzjoni tagħhom, jew inkella jkollhom fokus fuq bosta pajjiżi. Sat-30 ta’ Ġunju 2018, 42 % tal-fondi ta’ kapital ta’ riskju appoġġati mill-UE kienu ffukati fuq bosta pajjiżi.
54F’termini tal-ammonti li l-fondi ta’ kapital ta’ riskju appoġġati mill-UE kienu investew f’kumpaniji, il-Figura 6 turi li l-Istati Membri li kienu attraenti għall-kapital ta’ riskju29 bbenefikaw l-aktar mill-interventi tal-UE. Franza, il-Ġermanja u r-Renju Unit jispikkaw peress li jirrappreżentaw 50 % ta’ dawn l-investimenti. Peress li dawn l-Istati Membri huma l-akbar ekonomiji tal-UE, il-konċentrazzjoni fuqhom ma tgħinx biex jitrawwem suq Ewropew ta’ kapital ta’ riskju.
55Sa nofs l-2018, l-ebda fond ta’ kapital ta’ riskju appoġġat mill-UE u mmaniġġjat b’mod ċentrali ma kien investa f’Ċipru, f’Malta, fis-Slovenja jew fis-Slovakkja, u l-investimenti li kienu saru fil-Bulgarija, fiċ-Ċekja, fl-Ungerija, fil-Polonja jew fir-Rumanija kienu limitati biss (EUR 29 miljun b’kollox).
Figura 6
Investimenti f’kumpaniji permezz ta’ fondi ta’ kapital ta’ riskju appoġġati mill-UE kif kienu fit-30 ta’ Ġunju 2018
Sors: Il-QEA, ibbażat fuq data tal-FEI.
L-analiżi li wettaqna tad-data tagħti x’tifhem li l-allokazjoni tal-assistenza abbażi tad-domanda tiffavorixxi s-swieq ta’ kapital ta’ riskju li huma l-aktar żviluppati. Dan ma jikkontribwix bis-sħiħ għall-għan iddikjarat tal-UE li jitrawwem suq pan-Ewropew ta’ kapital ta’ riskju, u lanqas għal xi wħud mill-prijoritajiet imsemmijin fil-ftehimiet ta’ delega. Pereżempju, għat-tliet strumenti ta’ ekwità l-aktar reċenti (jiġifieri l-EFG, l-IFE, il-FEIS) il-bażi ġuridika dejjem tagħmel referenza għall-appoġġ tal-iżvilupp tal-kapital ta’ riskju fil-livell tal-UE. Minbarra dan, l-Artikolu 2 tal-ftehim ta’ mandat tal-GIF jiddikjara li l-objettiv tal-faċilità huwa t-tnaqqis tad-differenza bejn l-ekwità u s-suq tal-kapital ta’ riskju bil-ħsieb li jittejjeb is-suq tal-kapital ta’ riskju tal-UE. Bosta evalwazzjonijiet tal-interventi tal-UE mwettqa mill-Kummissjoni jew f’isimha kkritikaw l-approċċ ta’ allokazzjoni abbażi tad-domanda u rrakkomandaw li dan jiġi sostitwit b’approċċ aktar proattiv.
57Pereżempju, il-valutazzjoni tal-impatt tal-2018 għall-programm suċċessur InvestEU (perjodu 2021-2027) tirrakkomanda l-ibbilanċjar tal-approċċ abbażi tad-domanda fil-livell ta’ operazzjonijiet individwali permezz ta’ verifikazzjoni aktar rigoruża tal-konformità mal-objettivi ta’ politika. Il-Kummissjoni ma speċifikatx kif dan il-bilanċ ikun jinkiseb fil-prattika jew kif ikun jaffettwa l-approċċ abbażi tad-domanda.
Il-ħtiġijiet ta’ finanzjament ma ġewx ikkwantifikati skont l-istadju ta’ żvilupp jew is-settur ta’ attività
58Matul l-20 sena li matulhom il-Kummissjoni ilha tappoġġa l-fondi ta’ kapital ta’ riskju permezz tad-diversi interventi tagħha mmaniġġjati b’mod ċentrali, hija investiet f’SMEs fi stadji differenti ta’ żvilupp. Il-Figura 7 turi kemm mill-EUR 4.6 biljun investiti mill-fondi ta’ kapital ta’ riskju appoġġati mill-UE, f’dan il-perjodu, intuża f’kull stadju ta’ żvilupp tal-kumpaniji.
Figura 7
Investimenti tal-fondi ta’ kapital ta’ riskju appoġġati mill-UE skont il-fażi ta’ żvilupp tal-SMEs
Sors: Il-QEA, ibbbażat fuq data tal-FEI.
L-istadji bikrin (jiġifieri l-istadju ta’ avvjament u dak tal-bidu) jirrappreżentaw 56 % tal-investiment totali. Normalment, il-fondi ta’ kapital ta’ riskju jinvestu f’aktar kumpaniji fi stadju bikri ta’ tkabbir, pjuttost milli fl-istadji ta’ wara. Minkejja dan, l-ammonti medji li jiġu investiti għal kull SME huma aktar baxxi fl-istadji bikrin. Bħala medja, il-fondi ta’ kapital ta’ riskju appoġġati mill-UE investew EUR 1.36 miljun u EUR 2.56 miljun għal kull SME fl-istadju ta’ avvjament u tal-bidu, rispettivament, filwaqt li l-medja tal-investimenti fl-istadji tat-tkabbir u tal-akkwiżizzjoni30 kienet tammonta għal EUR 4.82 biljun u EUR 7.16-il biljun għal kull SME, rispettivament.
60Fl-istħarriġ li wettaqna, 68 % tal-maniġers ta’ fondi ta’ kapital ta’ riskju li wieġbu kienu jqisu li l-parteċipazzjoni pubblika fil-kapital ta’ riskju kienet meħtieġa l-aktar għal investimenti fl-istadji tal-avvjament u tal-bidu.
61F’dak li għandu x’jaqsam mad-distribuzzjoni settorjali, kumpaniji li joperaw fis-settur tal-kompjuters u tal-elettronika għall-konsumaturi u fix-xjenzi tal-ħajja jirrappreżentaw aktar minn 50 % tal-investimenti totali magħmula mill-fondi ta’ kapital ta’ riskju appoġġati mill-UE (ara l-Figura 8).
Figura 8
Investimenti tal-fondi ta’ kapital ta’ riskju appoġġati mill-UE skont is-settur
Sors: Il-QEA, ibbażat fuq data tal-FEI.
Għalkemm l-UE investiet fi stadji ta’ żvilupp u f’setturi ta’ attività differenti, l-allokazzjoni ta’ fondi ma kinitx ibbażata fuq analiżi bir-reqqa tal-provvista u d-domanda fis-suq Ewropew ta’ kapital ta’ riskju. L-evalwazzjonijiet ex ante tal-Kummissjoni ma kienx fihom data dwar id-diskrepanza tal-likwidità għall-istadji ta’ żvilupp jew is-setturi ta’ attività differenti (ara l-paragrafu 36).
63Aħna nosservaw li fil-valutazzjoni tal-impatt tagħha għal InvestEU (perjodu 2021-2027), il-Kummissjoni ssuġġeriet li l-istrumenti ta’ ekwità jistgħu jkunu mmirati fuq bażi settorjali u abbażi taċ-ċiklu tal-ħajja ta’ kumpanija (abbażi ta’ analiżi tad-diskrepanza tal-likwidità)31. Il-valutazzjoni mkien ma ssemmi l-immirar jew l-analiżi skont l-Istat Membru.
Is-suq ta’ kapital ta’ riskju tal-UE mhuwiex attraenti biżżejjed għall-investituri privati
64Jenħtieġ li l-interventi appoġġati mill-UE jindirizzaw il-fallimenti tas-suq jew, b’mod aktar speċifiku, dawk li – biex josservaw il-prinċipju tas-sussidjarjetà u jiksbu valur miżjud – l-Istati Membri ma jistgħux jindirizzaw waħedhom32. L-objettiv aħħari ta’ intervent pubbliku huwa li jattira investituri privati sabiex jiġi żviluppat suq sostenibbli ta’ kapital ta’ riskju. Aħna eżaminajna jekk il-Kummissjoni rnexxilhiex tħeġġeġ lil investituri pubbliċi u privati oħra biex jipprovdu fondi flimkien mal-UE. L-evalwazzjoni ex ante tal-IFE li twettqet fl-2013 enfasizzat ir-redditi baxxi bħala waħda mir-raġunijiet prinċipali għan-nuqqas ta’ interess minn investituri privati fil-kapital ta’ riskju: Apparti mill-perjodu tal-bużżieqa tad-dot.com mill-1997 sal-2000, ir-redditu annwali medju għall-fondi Ewropej ta’ kapital ta’ riskju kien inqas minn 10 %, u matul l-10 snin li għaddew, negattiv, fejn lanqas il-prestazzjoni tal-fondi li kellhom l-aħjar ġestjoni ma kienet għolja biżżejjed biex twassal ir-redditi li l-investituri istituzzjonali kienu qed ifittxu33.
65Sabiex l-intervent tal-UE jkun konsistenti mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni stabbiliet miri minimi għas-sehem ta’ investimenti privati fil-fondi ta’ kapital ta’ riskju appoġġati mill-UE. Dawn il-miri ġew stabbiliti f’livell ta’ 50 % għall-istrumenti bikrin bħall-ESU 1998 u l-ESU 2001, iżda mbagħad tnaqqsu għal 30 % fl-interventi tal-perjodu 2014-2020. Dan huwa saħansitra aktar importanti peress li l-Kummissjoni tqis li l-investimenti ta’ riskju proprju mill-FEI/BEI u minn banek promozzjonali huma indipendenti u privati. Mill-bqija, il-Kummissjoni ma stabbilietx xi miri għall-parteċipazzjoni tas-settur privat.
66Il-Kummissjoni ma stabbilietx il-kisba ta’ redditi għoljin bħala objettiv għall-interventi tagħha, u lanqas ma talbet lill-FEI jagħmel qligħ bil-fondi tal-UE. Madankollu, skont il-leġiżlazzjoni u l-ftehimiet ta’ delega, il-FEI jeħtieġ japplika l-prinċipju pari passu, skont liema investituri pubbliċi u privati jipparteċipaw fuq livell indaqs fil-fondi ta’ kapital ta’ riskju, u jaqsmu l-istess qligħ u telf. L-attirar ta’ investituri privati, li huwa essenzjali għal suq sostenibbli ta’ kapital ta’ riskju, huwa possibbli biss jekk l-investimenti jiġġeneraw redditi għoljin.
67Skont ir-rapporti finanzjarji tal-2017, l-ESU 1998 investiet EUR 101 miljun, u kellha telf nett globali ta’ EUR 12-il miljun minn meta bdiet. Toħroġ stampa simili mill-portafolli mwettqa tal-ESU 2001 u tal-GIF (dawk li diġà tħassru jew inbiegħu). L-ESU 2001 irrapportat telf nett realizzat ta’ EUR 82 miljun fuq l-ammont ta’ EUR 207 miljun investiti, u l-GIF telf ta’ EUR 88 miljun fuq ammont ta’ EUR 470 miljun34. Dawn l-aħħar żewġ strumenti għad għandhom parti sinifikanti mill-investiment tagħhom fil-portafolli tagħhom (ESU 2001: 31 %; GIF: 64 %). Għadu kmieni wisq biex tkun tista’ tiġi pprovduta data sinifikanti għall-interventi aktar reċenti tal-UE [ara t-Tabella 3].
68Uħud mill-evalwazzjonijiet finali u interim li l-Kummissjoni wettqet tal-programmi mmaniġġjati b’mod ċentrali ddikjaraw li l-prinċipju pari passu ma rnexxilux jistimula, jew kien ostaklu biex jiġi stimulat, l-investiment privat. Evalwazzjoni oħra (l-evalwazzjoni ex ante tal-2011 dwar l-EFG) ma waslet għall-ebda konklużjoni dwar jekk il-prinċipju pari passu kellux jiġi abbandunat, u ppostponiet id-deċiżjoni għal wara t-twettiq ta’ valutazzjoni dettaljata tas-suq. Fiż-żmien meta sar l-awditu, il-Kummissjoni kienet għadha ma wettqitx din il-valutazzjoni. Il-Kummissjoni tippermetti li jsiru investimenti pari passu biss f’każ ta’ investimenti soċjali taħt it-Tieqa għall-SMEs tal-FEIS.
69Wieħed mill-argumenti li l-Kummissjoni tuża għall-applikazzjoni tal-prinċipju pari passu huwa li, inkella, ikun hemm riskju li l-investiment jitqies bħala għajnuna mill-Istat. Għajnuna inkompatibbli mill-Istat li tingħata mill-Istati Membri tfixkel il-kompetizzjoni u tista’ tiġi rkuprata mill-Kummissjoni. Madankollu, il-linji gwida tal-Kummissjoni35 u d-dritt tal-UE36 jistipulaw b’mod ċar iċ-ċirkustanzi li taħthom il-kondiviżjoni asimmetrika tal-qligħ ma tmurx kontra r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.
70Pereżempju, investitur pubbliku jista’ jżid ir-redditu għall-investituri privati billi jċedi parti mir-redditu proprju tiegħu (taħt struttura ta’ redditu asimmetrika). Dan ikun ifisser li l-investitur pubbliku ma jkunx qed jinvesti skont l-istess termini bħal investituri oħra, kuntrarju għall-prinċipju ta’ ugwaljanza pari passu.
71Il-valutazzjoni tal-2015 dwar il-fond ta’ fondi tgħid: Il-biċċa l-kbira mill-maniġers ta’ fondi ta’ ekwità privata u ta’ kapital ta’ riskju intervistati ġabu l-argument li jekk l-UE biħsiebha serjament tħeġġeġ lis-settur privat jerġa’ jinvesti fil-kapital ta’ riskju Ewropew, jenħtieġ li din tippermetti li l-qligħ imur lis-settur privat bħala kumpens għall-investiment tiegħu fi stadji ta’ investiment b’riskju ogħla. Ir-redditi asimmetriċi kienu meqjusa bħala għajnuna potenzjali biex jingħelbu l-ostakli ħalli jiġu attirati investituri privati fil-livell ta’ fond ta’ fondi.
72Qabel ma l-programm ta’ fond ta’ fondi Ewropew ġie stabbilit, il-Kummissjoni waqqfet grupp ta’ ħidma għall-analiżi tiegħu. Il-grupp għamel suġġeriment biex jiġu previsti redditi asimmetriċi fis-sejħa għall-espressjoni ta’ interess, għalkemm għandha tingħata preferenza lil fondi ta’ kapital ta’ riskju b’termini pari passu. Huwa ppropona li dan jiġi bbilanċjat kontra t-twettiq ta’ investimenti f’pajjiżi li għandhom ambjenti ta’ kapital ta’ riskju inqas żviluppati. Għall-kuntrarju ta’ din ir-rakkomandazzjoni, is-sejħa għall-espressjoni ta’ interess ma tatx lok għal redditi asimmetriċi.
73Mod ieħor kif l-investituri pubbliċi jistgħu jrawmu suq awtosostenibbli ta’ kapital ta’ riskju huwa li jingħata lok għal irtirar gradwali, jiġifieri ħruġ bikri, minn fondi ta’ kapital ta’ riskju. Madankollu, la l-ftehimiet ta’ sħubija limitata ffirmati bejn il-FEI u l-fondi ta’ kapital ta’ riskju, u lanqas iż-żewġ ftehimiet dwar il-fond ta’ fondi ffirmati sa issa mill-FEI, ma kienu jinkludu dispożizzjonijiet għal ħruġ bikri. Aħna nosservaw li l-valutazzjoni, imwettqa fl-2015, tal-fond tal-fondi kienet għamlet suġġeriment favur l-inkorporazzjoni ta’ mekkaniżmi ta’ ħruġ bikri.
Kumplessità minħabba l-użu ta’ aktar minn intervent wieħed għall-implimentazzjoni tal-appoġġ tal-UE għas-suq ta’ kapital ta’ riskju
74Filwaqt li, f’perjodi preċedenti, il-Kummissjoni kienet wasslet l-appoġġ tagħha għas-suq ta’ kapital ta’ riskju permezz ta’ strument wieħed, fil-perjodu 2014-2020 din qed tuża tliet interventi għal din il-fini (jiġifieri l-EFG, l-IFE u l-prodott ta’ ekwità taħt l-SMEW tal-FEIS). Aħna eżaminajna jekk il-Kummissjoni kinitx żgurat koerenza fost dawn it-tliet interventi.
75L-għan tal-EFG huwa li jittejjeb l-aċċess tal-SMEs għall-ekwità fl-istadju ta’ espansjoni u ta’ tkabbir tagħhom filwaqt li l-IFE timmira għal investimenti fi stadju bikri. Iż-żewġ regolamenti rispettivi li jirregolaw, it-tnejn jagħtu lok għal investimenti trasversali fi stadji differenti. Iż-żewġ strumenti kienu maħsuba biex ikunu żewġ komponenti ta’ strument finanzjarju uniku ta’ ekwità tal-Unjoni.
76Bit-tnedija tal-prodott ta’ ekwità taħt l-SMEW tal-FEIS f’nofs l-2016 (ara l-Anness II), il-kumplessità żdiedet minħabba l-kombinament ta’ garanzija baġitarja flimkien ma’ strument finanzjarju, flimkien mal-involviment tal-Kummissjoni, tal-BEI u tal-FEI.
77Biex jiġi evitat it-trikkib bejn dan il-prodott il-ġdid u l-EFG eżistenti, fl-2016 il-Kummissjoni ddeċidiet li tagħti fokus ġdid lill-EFG biex timmira prinċipalment għal investimenti ta’ kapital ta’ riskju f’pajjiżi terzi mhux parteċipanti37, li l-prodott ta’ ekwità taħt l-SMEW tal-FEIS ma jistax ikopri.
78Il-fatt li hemm tliet strumenti b’objettivi simili, immaniġġjati minn tliet servizzi differenti fi ħdan il-Kummissjoni, kien ifisser multiplikazzjoni tal-isforzi ta’ governanza, ta’ rapportar u ta’ monitoraġġ. Skont id-diversi dispożizzjonijiet legali, il-FEI huwa meħtieġ iħejji rapporti operazzjonali separati għal kull wieħed mill-istrumenti, minn tal-inqas darbtejn fis-sena.
79Attwalment, ir-rapportar operazzjonali li jsir mill-FEI dwar il-prodott ta’ ekwità taħt l-SMEW tal-FEIS ma jipprovdix ċarezza suffiċjenti dwar is-sottotwieqi differenti, u huwa diffiċli li tinkiseb stampa komprensiva tal-istruttura tal-interventi kkombinati.
80Aħna nosservaw li l-Kummissjoni rrikonoxxiet l-ineffiċjenzi u t-trikkib u li din ipproponiet struttura ferm simplifikata għall-programm InvestEU li jmiss (2021-2027). Il-proposta hi li jkun hemm strument uniku minflok tlieta (l-EFG, l-IFE u l-FEIS), li jipprovdi garanzija baġitarja unika.
Il-FEI huwa investitur fundamentali iżda dan jista’ jissemplifika l-ġestjoni li jwettaq tal-interventi tal-UE
81Il-Kummissjoni ilha twassal l-interventi ta’ kapital ta’ riskju tagħha mmaniġġjati b’mod ċentrali permezz tal-FEI sa mill-bidu tagħhom fl-aħħar parti tas-snin disgħin. Għalhekk, jeħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura li l-FEI qed jimplimenta sew l-interventi tal-UE.
Il-FEI huwa attur importanti
82Il-fondi miġbura mill-industrija tal-kapital ta’ riskju tal-UE li ġej minn investituri pubbliċi rduppjaw bejn l-2015 u l-2016 u, fl-2018, xorta waħda qabżu l-livell li kien hemm fl-2007 qabel il-kriżi (ara l-Figura 2). Il-FEI, li qed jimmaniġġja għadd dejjem jikber ta’ mandati (ara l-paragrafu 22), sar wieħed mill-akbar atturi fis-suq Ewropew ta’ kapital ta’ riskju. Fl-2018, il-FEI waħdu ffirma ftehimiet ma’ fondi ta’ kapital ta’ riskju b’impenn ta’ investiment ta’ EUR 1.4 biljun, inklużi EUR 214-il miljun li kienu ġejjin mill-istrumenti appoġġati mill-UE. Aħna eżaminajna jekk il-FEI mmaniġġjax l-istrumenti b’mod effiċjenti.
83Fl-2018 il-FEI wettaq stħarriġ38 li wera li, minħabba r-rwol tiegħu ta’ investitur fundamentali, il-parteċipazzjoni tiegħu kienet meqjusa importanti u kienet tgħin biex tattira investituri privati billi ssaħħaħ il-kredibilità tal-fond. B’mod ġenerali, il-maniġers tal-fond inkwistjoni kellhom impressjoni pożittiva tal-parteċipazzjoni tal-FEI fl-investimenti.
84Il-biċċa l-kbira mill-maniġers ta’ fondi ta’ kapital ta’ riskju li wieġbu għall-istħarriġ tagħna kienu japprezzaw il-proċess bir-reqqa ta’ diliġenza dovuta tal-FEI; il-kwalità tiegħu tfisser li ħafna drabi dan huwa meqjus bħala “siġill ta’ approvazzjoni”. Madankollu, il-wiġġieba ddikjaraw ukoll li l-FEI kien formalistiku, orjentat lejn il-konformità, u li l-proċess ta’ approvazzjoni tal-applikazzjoni għall-fond kien jieħu wisq fit-tul. Skont l-istħarriġ, 45 % tal-maniġers ta’ fondi qalu li l-FEI dam aktar minn sena biex japprova applikazzjoni, u 41 % irrapportaw li dam bejn 6 xhur u sena. Il-biċċa l-kbira mill-wiġġieba (66 %) qalu li, matul il-proċess ta’ applikazzjoni, kienu f’kuntatt ma’ bejn tlieta u ħames interlokuturi fil-FEI, u xi interlokuturi mhux dejjem kienu familjari mal-partikolaritajiet nazzjonali.
85Il-valutazzjoni li twettqet fl-2015 tal-fond ta’ fondi enfasizzat li r-rwol kontroċikliku li l-FEI jaqdi biex jiżgura li n-negozji innovattivi li jkunu għadhom kemm infetħu u l-SMEs ikomplu jkollhom aċċess għall-kapital matul perjodi ta’ tnaqqis fir-ritmu ekonomiku. Iżda hija ddikjarat ukoll li għadd ta’ partijiet interessati, speċjalment fondi ta’ kapital ta’ riskju, assoċjazzjonijiet ta’ kapital ta’ riskju u xi operaturi nazzjonali ta’ fond ta’ fondi, kienu esprimew il-fehma li r-rwol dominanti tal-FEI bħala investitur fundamentali fis-suq Ewropew ta’ kapital ta’ riskju u bħala maniġer tal-fond ta’ fondi qajjem dubji dwar is-sostenibbiltà fuq terminu itwal.
L-istrumenti appoġġati mill-UE jirkbu fuq oħrajn immaniġġjati mill-FEI minflok ma jissupplimentawhom
86Il-FEI żviluppa politika għall-allokazzjoni ta’ fondi mill-mandati differenti (jiġifieri politika dwar l-allokazzjoni ta’ ftehimiet ta’ investiment). Aħna eżaminajna jekk il-FEI kienx implimentaha sew, b’kont meħud tan-natura tal-mandati differenti tiegħu.
87Il-FEI jrid jiddeċiedi f’liema fond ta’ kapital ta’ riskju jinvesti u liema mandat. Il-bażijiet ġuridiċi rispettivi u l-ftehimiet ta’ delega tal-istrumenti mmaniġġjati b’mod ċentrali li jiġu ffinanzjati mill-UE jew jippermettu li jsir koinvestiment b’fondi taħt mandati oħra, jew inkella le.
88Taħt l-ESU 1998, koinvestimenti mal-FEI jew ma’ faċilitajiet immaniġġjati mill-FEI kienu espressament ipprojbiti39. Dan huwa minħabba li l-ESU 1998 kienet imfassla biex tikkomplementa l-mandati mmaniġġjati mill-FEI billi tindirizza dawk l-SMEs li la l-BEI u lanqas il-FEI ma jista’ jappoġġa minħabba l-kriterji ta’ riskju ogħla statutorji tagħhom40.
89Il-kunċett ta’ kriterji ta’ riskju ogħla kien ripetut għall-ESU 2001 u għall-GIF, għalkemm il-koinvestiment kien permess. Fi tmiem l-2017, 30 % tal-fondi ta’ kapital ta’ riskju appoġġati minn dawn l-istrumenti kellhom koinvestimenti minn mandati oħra tal-FEI (l-aktar mill-mandat tal-RCR tal-BEI41). Dan juri li l-fondi magħżula ma kinux qed jimmiraw għal segment ta’ riskju differenti mill-mandati l-oħra tal-FEI.
90Il-bażijiet ġuridiċi li jkopru l-EFG, l-IFE u l-FEIS ma għadhomx jirreferu għall-kunċett ta’ kriterji ta’ riskju ogħla. It-tlieta li huma jispeċifikaw li l-istrumenti għandhom jikkomplementaw l-istrumenti finanzjarji li jiġu ffinanzjati minn programmi nazzjonali jew reġjonali. Filwaqt li l-bażi ġuridika għall-FEIS tistimola b’mod speċifiku l-komplementarjetà mal-operazzjonijiet u mal-attivitajiet eżistenti tal-BEI, il-bażi ġuridika għat-tnejn l-oħra ma tgħid xejn dwar dan l-aspett.
91Ir-regolament dwar il-FEIS jitlob għal gwida dwar il-kombinament tal-użu tal-istrumenti tal-UE mal-finanzjament tal-BEI taħt il-garanzija tal-UE biex il-komplementarjetà tiġi żgurata. Il-Kummissjoni ħarġet gwida dwar il-komplementaritajiet bejn il-FEIS u l-FSIE. Ma teżisti l-ebda gwida rigward koinvestimenti ma’ mandati oħra mmaniġġjati mill-FEI, eż. il-mandat tal-RCR tal-BEI.
92Minħabba l-multiplikazzjoni ta’ mandati taħt il-FEI, l-evalwazzjoni interim li saret għall-Kummissjoni dwar l-intervent tal-GIF irrakkomandat li l-FEI jiżviluppa politika dwar l-allokazzjoni ta’ ftehimiet ta’ investiment42. Din il-politika tal-FEI ilha teżisti mill-2009. Wara ftit aġġornamenti, il-politika baqgħet ma nbidlitx bejn tmiem l-2011 u l-2018, meta sar tibdil radikali.
93Il-politika tal-2011 dwar l-allokazzjoni ta’ ftehimiet ta’ investiment ma rat l-ebda trikkib notevoli bejn il-mandati differenti. Madankollu, fil-każ tal-intervent tal-GIF, saru koinvestimenti, jiġifieri l-FEI investa fondi minn bosta mandati fl-istess fond ta’ kapital ta’ riskju43. Il-politika dwar l-allokazzjoni ta’ fondi tal-2018 ma siltet l-ebda konklużjoni dwar xi trikkib potenzjali. Madankollu, meta wieħed iqis il-preferenzi tal-mandati (għal setturi speċifiċi jew għal prestazzjoni partikolari, pereżempju) u l-fokus ġeografiku tagħhom, hemm trikkib bejn l-interventi tal-UE mmaniġġjati b’mod ċentrali u mandati oħra.
94Filwaqt li l-politika inizjali (valida sal-2018) ħalliet id-deċiżjonijiet dwar l-allokazzjoni ta’ fondi kompletament għall-ġudizzju professjonali tal-FEI, il-politika l-ġdida tinkludi kriterji għal valutazzjoni kwantitattiva44 u kwalitattiva biex jiġi deċiż liema mandat huwa l-aktar adatt għal liema fond ta’ kapital ta’ riskju. Il-FEI ma pprovdielna l-ebda evidenza tal-gwida li huwa jagħti lill-persunal dwar kif dawn il-kriterji għandhom jiġu applikati.
95Il-FEI ttestja l-politika l-ġdida tiegħu billi applikaha għall-investimenti li saru fl-2017 u fl-2018. Ir-riżultati ta’ dan l-eżerċizzju ta’ ttestjar retrospettiv wera li, abbażi tal-valutazzjoni kwantitattiva biss, fil-każ ta’ xi investimenti li saru bl-użu tal-interventi tal-UE mmaniġġjati b’mod ċentrali, il-FEI seta’ uża mandati pubbliċi oħra minħabba li dawn tal-aħħar ingħataw punteġġi ugwali jew ogħla minn dawk appoġġati mill-UE. Il-FEI ma pprovdilniex evidenza dettaljata biex juri kif il-punteġġi individwali ġew ikkalkulati.
Il-FEI kellu diffikultajiet biex joħroġ minn fondi appoġġati mill-UE
96Fond ta’ kapital ta’ riskju jwettaq redditu ladarba jbigħ (jew “joħroġ minn”) kumpanija. Il-ħruġ isir jew permezz ta’ IPO fis-suq tal-istokks, jew inkella permezz ta’ bejgħ tal-kumpanija lil investitur industrijali (bejgħ ta’ negozju) jew lil fond ta’ kapital ta’ riskju jew ditta ta’ ekwità privata oħra. Meta kumpanija fil-portafoll ma jifdallhiex valur, il-valur kontabilistiku tagħha jitħassar skont l-istandards applikabbli tal-kontabbiltà. Aħna eżaminajna l-istrateġija ta’ ħruġ użata mill-fondi biex jimmassimizzaw ir-redditi fuq l-investimenti. Barra minn hekk, aħna eżaminajna l-istrateġija għall-għeluq tal-mandati taħt analiżi.
97Fl-2018, it-tliet rotot prinċipali ta’ ħruġ fuq is-suq Ewropew ta’ kapital ta’ riskju skont l-ammont kienu: (i) bejgħ ta’ negozju f’rata ta’ 35 %; (ii) IPOs f’rata ta’ 22 %; (iii) tħassir f’rata ta’ 12 %45. Il-maniġers ta’ fondi Ewropej ta’ kapital ta’ riskju jqisu li l-akbar sfidi tagħhom huma l-ħruġ minn investimenti u s-suq tal-IPO46.
98Dokument tal-2017 mis-Sħubija Startup Europe kkonkluda li 2 % biss tal-kumpaniji Ewropej li qed jespandu joħorġu titoli ta’ ekwità għall-bejgħ lill-pubbliku, u li madwar 15 % tal-ammont kumplessiv iġġenerat fl-Ewropa nġabar permezz ta’ IPOs. Dan joħloq problema għaliex l-IPOs, minbarra li sempliċiment jipprovdu kapital għat-tkabbir, joffru opportunitajiet ta’ ħruġ għall-fondi ta’ kapital ta’ riskju. Mingħajr ħruġ, il-magna tal-kapital ta’ riskju tirriskja li tisfa miżgħuda47.
99It-Tabella 3 turi l-għadd ta’ ħruġ u l-investimenti li kien jifdal għall-interventi kollha appoġġati mill-UE li kienu mmaniġġjati b’mod ċentrali, fit-30 ta’ Ġunju 2018.
100Id-durata ta’ fond tiġi stabbilita fil-ftehim ta’ sħubija limitata. Il-FEI ffaċċja diffikultajiet biex jagħlaq tnejn mill-mandati tal-Kummissjoni (l-ESU 1998 u l-ESU 2001) minħabba li l-fondi ta’ kapital ta’ riskju naqsu milli jbigħu l-kumpaniji kollha fil-portafoll tagħhom matul il-ħajja tagħhom. Meta vvaluta l-fondi li fihom kellu jinvesti taħt l-ESU 1998 u l-ESU 2001, il-FEI ta attenzjoni limitata lill-kapaċità tal-fondi li jimmaniġġjaw il-fażi ta’ żvestiment. Din il-kwistjoni ġiet indirizzata tard u ż-żewġ strumenti bikrija (l-ESU 1998 u l-ESU 2001), li kienu diġà skadew, kellhom jiġu estiżi biex jagħtu ċans lill-FEI jsib modi kif jiżvesti.
Tabella 3
Ħruġ minn fondi ta’ kapital ta’ riskju appoġġati mill-UE li kienu mmaniġġjati b’mod ċentrali
Sors: Il-QEA, ibbażat fuq data tal-FEI.
B’riżultat ta’ dan, f’nofs l-2018, l-ESU 1998, li l-mandat tagħha spiċċa f’Lulju 2014, kienet għadha qed tipparteċipa f’fondi b’investimenti fi 12-il ditta, li kienu jirrappreżentaw 4 % tal-kumpaniji investiti. Bl-istess mod, f’nofs l-2018, l-ESU 2001 kienet għadha qed tipparteċipa f’fondi b’interess kontinwu fi 98 kumpanija, b’rappreżentanza ta’ 31 % tal-investimenti.
It-tariffi tal-FEI mhumiex trasparenti għalkollox jew maħsuba b’mod li jiffavorixxi l-ilħuq tal-objettivi tal-politika
102Il-Kummissjoni tħallas tariffi ta’ ġestjoni lill-FEI biex jimplimenta l-interventi ta’ kapital ta’ riskju tal-UE f’isimha48. Il-Kummissjoni tirrimborża wkoll lill-FEI wħud mill-ispejjeż li jitqiesu eliġibbli għall-implimentazzjoni tal-fondi tal-UE (spejjeż oħra ta’ ġestjoni). Aħna eżaminajna jekk it-tariffi ta’ ġestjoni mħallsa mill-Kummissjoni kinux ġustifikati u jekk dawn laħqux l-objettivi tal-politika.
103Il-ftehimiet ta’ delega jqiegħdu limitu massimu fuq it-tariffi f’rata ta’ bejn 5.7 % u 8.5 % tal-intervent tal-UE. (Ara t-Tabella 4 għal dettalji dwar is-solli tat-tariffi għal kull intervent).
Tabella 4
Solli tat-tariffi ta’ ġestjoni għal kull intervent
Sors: Il-QEA, ibbażat fuq ftehimiet ta’ delega.
Minbarra t-tariffi ta’ ġestjoni li l-Kummissjoni tħallas lill-FEI, il-maniġers ta’ fondi tal-fondi ta’ kapital ta’ riskju appoġġati mill-UE jiddebitaw ukoll tariffi ta’ ġestjoni. Ġeneralment, dawn jikkorrispondu għal 2 % tal-ammont impenjat kull sena. Barra minn hekk, it-tnedija tal-programm pan-Ewropew ta’ fond ta’ fondi żiedet saff amministrattiv ieħor (ara l-paragrafu 20). Il-maniġer ta’ kull fond ta’ fondi jiddebita wkoll tariffi ta’ ġestjoni, li jistgħu jvarjaw bejn 8 % u 12 % tal-kontribuzzjoni tal-UE li tkun ġiet impenjata matul il-ħajja tal-fond (ħafna drabi madwar 12-il sena).
Nuqqas ta’ trasparenza dwar il-ġustifikazzjoni tat-tariffi tal-bidu tan-negozju
105Il-ftehimiet ta’ delega bejn il-Kummissjoni u l-FEI jirrikjedu l-pagament, bħala parti mit-tariffi amministrattivi, ta’ tariffa tal-bidu tan-negozju fil-bidu tal-perjodu ta’ implimentazzjoni (l-Anness III). Dawn it-tariffi huma maħsuba biex ikopru: i) it-tħejjija tas-sejħa għal espressjoni ta’ interess (li tinkludi termini u kundizzjonijiet dettaljati kif ukoll ir-rekwiżiti ta’ rapportar); ii) it-twaqqif tal-proċessi interni u s-sistemi tal-IT inkluż is-sit web tal-FEI, iii) il-ħolqien ta’ dokumentazzjoni legali standardizzata.
106Fid-dawl tal-fatt li l-FEI ilu 20 sena jimmaniġġja l-istrumenti appoġġati mill-UE, forsi jkun mistenni li dan ikun żviluppa sinerġiji u għarfien espert li jistgħu jwasslu għal iffrankar fl-ispejjeż, speċjalment fil-fażi tal-bidu ta’ strumenti ġodda. Madankollu dan mhuwiex il-każ, u t-tariffi tal-bidu tan-negozju mħallsa mill-Kummissjoni lill-FEI aktar ma jmorru baqgħu jiżdiedu. Għall-istrument GIF, il-Kummissjoni ħallset EUR 0.3 miljun f’tariffi tal-bidu tan-negozju (0.8 % tat-tariffi massimi totali). Ħarsa lejn l-istrumenti aktar reċenti turi li t-tariffa tal-bidu tan-negozju żdiedet għal EUR 2.5 miljun fil-każ tal-istrument EFG (13 % tat-tariffi massimi totali), EUR 4.0 miljun għall-IFE (14 % tat-tariffi massimi totali), u EUR 5.0 miljun għall-prodott ta’ ekwità taħt l-SMEW tal-FEIS (7 % tat-tariffi massimi totali).
107Il-Kummissjoni ma tiġborx informazzjoni dwar l-ispejjeż reali tal-bidu li l-FEI jġarrab. Aħna kkummentajna dwar il-proċess tan-negozjar tat-tariffi bejn il-Kummissjoni u l-FEI fir-Rapport Speċjali Nru 20/2017 tagħna dwar strumenti ta’ garanzija fuq is-self49. Sibna li l-konklużjonijiet tar-rapport kienu japplikaw ukoll għall-istrumenti ta’ kapital ta’ riskju, b’mod partikolari s-sejba li l-Kummissjoni ma kellhiex informazzjoni dettaljata għad-dispożizzjoni tagħha dwar l-ispejjeż reali tal-iskemi li kien hemm qabel.
It-tariffi ta’ inċentiv relatati mal-politika mhumiex adatti għalkollox għall-iskop tagħhom
108It-tariffi ta’ inċentiv fis-seħħ ma jimmotivawx l-iżvilupp ta’ suq Ewropew ta’ kapital ta’ riskju. Pereżempju, il-FEI jitħallas tariffa ta’ inċentiv għal kull kuntratt li jiġi ffirmat ma’ maniġer ta’ fond, li l-ammont tiegħu jvarja skont l-għadd ta’ kuntratti ffirmati. Madankollu, it-tariffi ta’ inċentiv huma strutturati b’tali mod li ma hemmx rabta bejn it-tariffa ta’ inċentiv u xi mira stabbilita f’dak li jirrigwarda l-għadd ta’ fondi li fihom il-FEI għandu jinvesti. Barra minn hekk, aħna nosservaw li din it-tariffa ma tiżdiedx progressivament skont l-għadd ta’ kuntratti ffirmati. Fil-każ tal-istrumenti GIF u EFG, il-FEI jirċievi tariffa fissa u, fil-każ tal-istrument tal-IFE, l-ogħla tariffi jitħallsu għall-ewwel erba’ kuntratti ffirmati.
109It-tariffi ta’ inċentiv mhumiex mfassla apposta bis-sħiħ għall-ilħuq tal-miri stabbiliti għall-interventi. Pereżempju, fil-każ tal-EFG, bħala mira minima l-Kummissjoni stabbiliet l-appoġġ ta’ mill-inqas 360 kumpanija eliġibbli. Madankollu, hija tħallas parti mit-tariffi ta’ inċentiv lill-FEI anki jekk din il-mira ma tintlaħaqx (ara t-Tabella 2).
110It-tariffi ta’ inċentiv relatati mal-politika ma jistimolawx l-investiment fis-swieq ta’ kapital ta’ riskju jew f’setturi ta’ attività inqas żviluppati tal-UE. L-istrumenti ESU 1998/2001 ma jipprovdu l-ebda inċentiv għall-FEI biex jinvesti fi swieq ġodda. Strumenti oħra għall-inqas fihom inċentiv – għalkemm l-ammonti huma baxxi meta mqabbla ma’ tipi oħra ta’ inċentiv - iżda ma tingħatax prijorità lil swieq ta’ kapital ta’ riskju li huma inqas żviluppati.
Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
111L-UE ilha involuta fis-suq ta’ kapital ta’ riskju għal aktar minn 20 sena. Matul dan iż-żmien, il-Kummissjoni żiedet bil-kbir l-appoġġ tagħha għas-suq ta’ kapital ta’ riskju. Sar disponibbli ammont sinifikanti ta’ finanzjament mill-UE għat-tisħiħ tas-suq ta’ kapital ta’ riskju tal-UE, iżda għad fadal sfidi.
Evalwazzjoni tal-interventi tal-UE
112Aħna sibna li d-deċiżjonijiet li jiddeterminaw l-iskala tal-intervent tal-UE ma kinux ibbażati fuq informazzjoni adegwata, jew minħabba li ma kinitx saret evalwazzjoni ex ante jew valutazzjoni tal-impatt, jew inkella minħabba li l-evalwazzjonijiet kienu tħejjew wara li d-deċiżjoni baġitarja kienet diġà ttieħdet. L-analiżi tad-diskrepanza tal-likwidità kellha diversi dimensjonijiet neqsin, bl-ebda analiżi fuq livell tal-Istati Membri jew ta’ setturi ta’ attività jew ta’ fażijiet ta’ riskju (ara l-paragrafu 29 sa 36).
113Meta tfassal interventi futuri, il-Kummissjoni hija meħtieġa twettaq evalwazzjonijiet interim u ex post li jkunu f’waqthom u sinifikanti, filwaqt li t-tagħlimiet meħuda jittieħdu inkunsiderazzjoni. B’mod ġenerali, l-evalwazzjonijiet ex post li twettqu saru kmieni wisq, ħafna drabi saħansitra qabel ma l-programmi kienu ntemmu. Barra minn hekk, dawn l-evalwazzjonijiet ma kienx fihom analiżi bbażata fuq data kwantitattiva, u injoraw ix-xenarji kontrofattwali. Għalhekk, minkejja storja ta’ 20 sena fl-appoġġ għall-kapital ta’ riskju, sa issa l-Kummissjoni pprovdiet biss evidenza limitata tal-impatt miksub (ara l-paragrafu 37 sa 46).
Rakkomandazzjoni 1 – Jitwettqu l-analiżijiet meħtieġa għat-titjib tal-evalwazzjoni tal-interventi tal-UEJenħtieġ li l-Kummissjoni ttejjeb il-bażi ta’ informazzjoni għad-deċiżjonijiet tagħha. B’mod speċifiku, jenħtieġ li din:
- twettaq analiżi bir-reqqa tal-fallimenti tas-suq jew tal-investimenti subottimali fil-livell tal-UE, tal-Istati Membri u tas-setturi, kif ukoll fl-istadji differenti tal-iżvilupp, sabiex talloka riżorsi finanzjarji xierqa għall-interventi ta’ kapital ta’ riskju.
- tiżgura l-ġbir ta’ data rilevanti għall-evalwaturi biex jiffukaw fuq l-effettività tal-appoġġ, bl-użu ta’ analiżi kontrofattwali fejn ikun xieraq;
- twettaq evalwazzjonijiet retrospettivi f’ċertu żmien wara l-perjodu ta’ investiment għall-ESU 1998, l-ESU 2001 u l-GIF, biex tagħti lok għall-ilħuq ta’ konklużjoni utli dwar l-impatt tal-interventi.
Data mmirata għall-implimentazzjoni: sal-iffirmar tal-ftehimiet ta’ delega mas-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni (tmiem l-2022).
Biex ittejjeb l-evalwazzjonijiet tagħha, jenħtieġ li l-Kummissjoni:
Data mmirata għall-implimentazzjoni: mill-aktar fis possibbli, iżda mhux aktar tard minn tmiem l-2021.
Żvilupp ta’ strateġija ta’ investiment li tkun komprensiva
114Il-Kummissjoni ma stabbilietx strateġija ta’ investiment komprensiva biex tiżviluppa suq pan-Ewropew ta’ kapital ta’ riskju. L-interventi tal-UE ma tawx prijorità lil swieq ta’ kapital ta’ riskju inqas żviluppati jew lil setturi ta’ attività inqas żviluppati. Is-suq tal-UE għadu jiddependi ħafna mill-involviment tas-settur pubbliku u kien hemm kumplessità bla meħtieġ li kienet ġejja mill-użu ta’ strumenti differenti.
115L-interventi tal-Kummissjoni fis-suq Ewropew ta’ kapital ta’ riskju kienu msejsa fuq approċċ abbażi tad-domanda li, skontu, l-appoġġ jiġi pprovdut għal proġetti abbażi tal-mertu u ma kienx immotivat mil-lok ġeografiku jew mis-settur. Madankollu, aħna sibna li dan l-approċċ jiffavorixxi b’mod ċar lis-swieq ta’ kapital ta’ riskju li huma l-aktar żviluppati, fatt li jwassal għal konċentrazzjoni ta’ investimenti, li ma jikkontribwix bis-sħiħ għal suq pan-Ewropew ta’ kapital ta’ riskju (ara l-paragrafi 49 sa 63).
116Il-Kummissjoni ma stabbilietx il-kisba ta’ redditi għoljin bħala objettiv għall-interventi tagħha. F’termini ġenerali, l-attirar ta’ investituri privati, li huwa essenzjali għal suq sostenibbli ta’ kapital ta’ riskju, huwa possibbli biss jekk l-investimenti jiġġeneraw redditi għoljin. L-ESU 1998 investiet EUR 101 miljun, u rreġistrat telf nett globali ta’ EUR 12-il miljun minn meta bdiet. Stampa simili tista’ tiġi osservata fil-portafolli mwettqa tal-ESU 2001 u tal-GIF. Sa issa, il-Kummissjoni kienet qed tipprovdi appoġġ biss fuq bażi pari passu, mingħajr ma ċċedi parti mir-redditu tagħha lill-investituri privati, jew tassumi aktar telf (ara l-paragrafi 64 sa 73).
Rakkomandazzjoni 2 – Tiġi żviluppata strateġija ta’ investiment li tkun komprensivaBiex jiġi żviluppat suq pan-Ewropew ta’ kapital ta’ riskju, jenħtieġ li l-Kummissjoni:
- tieħu miżuri konkreti għall-appoġġ ta’ investimenti fi swieq ta’ kapital ta’ riskju u setturi ta’ attività inqas żviluppati.
- tistabbilixxi miri xierqa fil-livell tal-istrumenti biex tiġbor għadd kbir ta’ investituri privati f’daqqa, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-objettivi ta’ politika speċifiċi, u l-iżvilupp tas-swieq ta’ kapital ta’ riskju u setturi ta’ attività differenti fil-livell lokali;
- tesplora l-għażla li tintroduċi klawsoli ta’ ħruġ gradwali;
- tesplora l-użu ta’ kondiviżjoni asimmetrika tal-qligħ jew ta’ kondiviżjoni asimmetrika tar-riskju f’każ ta’ falliment tas-suq akut, li permezz ta’ dan il-Kummissjoni tkun iċċedi parti mir-redditu tagħha għall-benefiċċju ta’ investituri oħra, jew tassumi l-ewwel telfiet fejn ir-redditi negattivi jkunu negattivi.
Data mmirata għall-implimentazzjoni: fil-ħin għat-tħejjija tal-perjodu ta’ programmazzjoni ġdid (tmiem l-2020).
Biex titnaqqas id-dipendenza tas-suq ta’ kapital ta’ riskju tal-UE fuq l-involviment tas-settur pubbliku, jenħtieġ li l-Kummissjoni:
Data mmirata għall-implimentazzjoni: qabel in-negozjar tal-ftehimiet ta’ delega ġodda (tmiem l-2022).
Implimentazzjoni tal-interventi tal-UE
117Il-FEI sar wieħed mill-akbar atturi fis-suq Ewropew ta’ kapital ta’ riskju, b’għadd dejjem jikber ta’ mandati li jimmaniġġja. Il-proċess ta’ diliġenza dovuta tiegħu huwa wieħed bir-reqqa; il-kwalità tiegħu tfisser li ħafna drabi dan huwa meqjus bħala “siġill ta’ approvazzjoni”. Minkejja dan, ħafna drabi l-proċess tqies li kien twil wisq u formalistiku, b’45 % tal-maniġers ta’ fondi jirrapportaw li l-FEI dam ’il fuq minn sena biex japprova applikazzjoni. Barra minn hekk, mill-bidu sal-aħħar, il-maniġers kellhom jittrattaw ma’ għadd kbir ta’ interlokuturi li kellhom diversi livelli ta’ familjarità mal-każ tagħhom.
118L-interventi tal-UE mmaniġġjati b’mod ċentrali jirkbu fuq għadd ta’ interventi pubbliċi oħra li wkoll jiġu mmaniġġjati mill-FEI. Il-Kummissjoni rċeviet ftit li xejn informazzjoni dwar kif il-FEI ddeċieda f’liema fond ta’ kapital ta’ riskju jinvesti u taħt liema mandat (ara l-paragrafi 86 sa 95).
119Il-FEI ffaċċja diffikultajiet biex jagħlaq tnejn mill-mandati tal-Kummissjoni li kienu waslu għall-istralċ (l-ESU 1998 u l-ESU 2001) minħabba li l-fondi ta’ kapital ta’ riskju naqsu milli jbigħu l-kumpaniji kollha fil-portafoll tagħhom matul il-ħajja tagħhom. Minħabba li din il-problema ngħatat attenzjoni biss wara, dawn iż-żewġ strumenti, li kienu diġà skadew, kellhom jiġu estiżi biex jagħtu ċans lill-FEI jsib modi kif jiżvesti (ara l-paragrafi 96 sa 101).
120Aħna sibna li l-Kummissjoni ħallset tariffi sinifikanti tal-bidu tan-negozju għat-tnedija ta’ kull strument ġdid. Ma naraw l-ebda ffrankar li rriżulta minn xi sinerġiji jew minn xi għarfien espert li l-FEI seta’ akkumula matul l-aħħar żewġ deċennji li ilu jimmaniġġja l-istrumenti appoġġati mill-UE. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma kinitx infurmata dwar l-ispejjeż reali li l-FEI ġarrab (ara l-paragrafi 105 sa 107).
121It-tariffi ta’ inċentiv relatati mal-politika mhumiex mfassla apposta għalkollox għall-ilħuq tal-miri li jiġu stabbiliti għall-interventi, u lanqas ma ġew maħsuba biex jistimolaw bis-sħiħ l-investimenti f’pajjiżi li kellhom suq ta’ kapital ta’ riskju inqas żviluppat jew f’setturi ta’ attività inqas żviluppati (ara l-paragrafi 108 sa 110).
Rakkomandazzjoni 3 -Tiġi ssimplifikata l-ġestjoni, imwettqa mill-FEI, tal-interventi tal-UEBiex tiżdied l-effiċjenza, jenħtieġ li l-Kummissjoni tikkomunika mal-FEI biex:
- jiġi ssemplifikat il-proċess ta’ approvazzjoni tal-proġetti billi titqassar il-kronoloġija attwali;
- jiġi żgurat li tiġi applikata politika ta’ allokazzjoni ta’ ftehimiet ta’ investiment li tiżgura komplementarjetà bejn l-interventi tal-UE u l-mandati oħra mmaniġġjati mill-FEI;
- tiġi żgurata l-identifikazzjoni ta’ għażliet suffiċjenti ta’ ħruġ waqt l-approvazzjoni ta’ investiment f’fond.
- jikkorrispondu għar-rimborż tal-ispejjeż li tassew ikunu ġġarrbu matul it-twaqqif ta’ interventi ġodda;
- ikunu maħsuba b’mod li jinċentiva l-ilħuq tal-objettivi ġenerali tal-interventi, speċjalment l-iżvilupp ta’ suq Ewropew ta’ kapital ta’ riskju, u jiżdiedu gradwalment ladarba jintlaħqu l-objettivi intermedjarji minimi ta’ prestazzjoni li dwarhom ikun intlaħaq qbil.
Data mmirata għall-implimentazzjoni: fil-ħin għan-negozjar tal-ftehimiet ta’ delega ġodda (tmiem l-2022).
Jenħtieġ li t-tariffi ta’ ġestjoni li l-Kummissjoni tħallas lill-FEI:
Data mmirata għall-implimentazzjoni: fil-ħin għan-negozjar tal-ftehimiet ta’ delega ġodda (tmiem l-2022).
Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla IV, immexxija mis-Sur Alex Brenninkmeijer, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tas-17 ta’ Settembru 2019.
Għall-Qorti tal-Awdituri
Klaus-Heiner Lehne
President
Annessi
Anness I — Struttura tipika ta’ fond ta’ kapital ta’ riskju
Sors: Adattat minn 2018 Professional Standards Handbook – Invest Europe.
Anness II — Il-prodott ta’ ekwità taħt l-SMEW tal-FEIS
01F’Ġunju 2015, il-Parlament approva r-Regolament dwar il-FEIS b’garanzija tal-UE ta’ EUR 16-il biljun. Flimkien mal-kontribuzzjoni ta’ EUR 5 biljun imwettqa mill-Grupp tal-BEI, dan iwassal għal total ta’ EUR 21 biljun. F’Diċembru 2017, il-Parlament approva estensjoni tal-garanzija tal-UE b’EUR 10 biljun, għal EUR 26 biljun. Il-Grupp tal-BEI żied ukoll il-kontribuzzjoni tiegħu b’EUR 2.5 biljun għal EUR 7.5 biljun. B’mod ġenerali, l-ammont ibbaġitjat kien ta’ EUR 33.5 biljun. Il-Figura 9 turi dan l-iżvilupp.
Figura 9
Żvilupp tal-garanzija tal-UE lill-FEIS
Sors: Ir-rapport tal-BEI/FEI tal-2017.
It-total ta’ EUR 33.5 biljun huwa distribwit taħt żewġ twieqi: (i) it-tieqa tal-infrastruttura u l-innovazzjoni; (ii) it-tieqa tal-SMEs. Wara l-estensjoni tal-garanzija tal-UE lill-FEIS, it-tieqa tal-SMEs żdiedet b’EUR 5.5 biljun għal EUR 10.5 biljun, li minnhom il-baġit tal-UE se jkopri EUR 6.5 biljun.
03Il-prodott ta’ ekwità taħt l-SMEW tal-FEIS jagħmel parti mit-tieqa tal-SMEs. Dan jinkludi żewġ sottotwieqi. Taħt is-sottotieqa 1, il-FEI jipprovdi investimenti ta’ ekwità: (i) f’fondi ta’ kapital ta’ riskju fl-istadji ta’ espansjoni u ta’ tkabbir; (ii) f’fondi ta’ kapital ta’ riskju f’bosta stadji; (iii) fl-impatt soċjali. Il-garanzija massima tal-UE tkopri EUR 1 000 000 000 u l-likwidità tiġi pprovduta mill-BEI. Barra minn hekk, il-FEI jrid jiffinanzja EUR 50 miljun għar-riskju proprju tiegħu.
04Is-sottotieqa 2 hija segment superjuri għall-IFE. Flimkien mas-segment superjuri tal-BEI, din inżdiedet bħala suppliment għall-istrument IFE li diġà kien jeżisti (Orizzont 2020). Il-Figura 10 tagħti stampa ġenerali ta’ kif kien il-prodott ta’ ekwità taħt l-SMEW tal-FEIS qabel l-estensjoni tal-garanzija tal-UE lill-FEIS.
Figura 10
Struttura tal-prodott ta’ ekwità taħt l-SMEW tal-FEIS qabel l-estensjoni tal-garanzija tal-UE lill-FEIS
Sors: Il-Bord ta’ Tmexxija tal-FEIS, SB/16/16.
Investiment ta’ EUR 100 taħt is-sottotieqa 1 kien se jiġi ffinanzjat b’EUR 95.2 mill-BEI u garantit mill-UE, b’EUR 4.8 mill-parteċipazzjoni proprja tal-FEI. Ir-riskju jkun kondiviż pari passu fil-proporzjon ta’ 4.8/95.2.
06Jekk inħarsu lejn is-sottotieqa 2, kull investiment huwa ffinanzjat skont il-perċentwal tas-segmenti. Jekk wieħed kellu jieħu investiment ta’ EUR 100, EUR 45 ikunu ffinanzjati mis-segment subordinat tal-IFE, EUR 26.5 mis-segment superjuri tal-BEI (garantit mill-baġit tal-UE permezz tal-prodott ta’ ekwità taħt l-SMEW tal-FEIS), u EUR 28.5 mis-segment superjuri tal-FEI. L-IFE kien sejjer ikopri telf sa EUR 45; ’il fuq minn dan is-soll, it-telf jinġarr pari passu mill-baġit tal-UE u mis-segment superjuri tal-FEI fi proporzjon ta’ 26.5/28.5.
07B’konsegwenza tal-estensjoni tal-garanzija tal-UE lill-FEIS, f’Ottubru 2018 il-Bord ta’ Tmexxija tal-FEIS iddeċieda li jżid il-garanzija tal-UE għall-prodott ta’ ekwità taħt l-SMEW tal-FEIS b’EUR 1 050 miljun għal EUR 2 320 miljun. Minn dan l-ammont supplimentari, EUR 950 miljun kien intenzjonat għas-sottotieqa 1, u EUR 100 miljun għas-sottotieqa 2.
08Minħabba l-arranġament ta’ kondiviżjoni tar-riskju li jidher fil-Figura 10, il-FEI se jkollu jikkoinvesti EUR 47 miljun oħra (4.8 %) fis-sottotieqa 1. Żieda addizzjonali fil-garanzija tal-UE għas-sottotieqa 2 tal-FEIS ta’ EUR 100 miljun tfisser ukoll żieda fil-kontribuzzjoni mill-UE taħt l-IFE b’EUR 170 miljun u fis-segment superjuri tal-FEI b’EUR 108 miljun.
09Il-kapaċità ta’ investiment totali ta’ EUR 2 068 miljun, kif jidher fil-Figura 10, imbagħad se tiżdied b’EUR 1 375 miljun għal EUR 3 443 miljun. Din iċ-ċifra tinkludi EUR 2 948 miljun mill-programmi mmaniġġjati b’mod ċentrali u EUR 495 miljun mis-segmenti tar-riskju proprju tal-FEI.
10Iż-żieda intenzjonata kienet tirrikjedi emenda oħra għall-ftehim ta’ delega tal-FEIS, li ma ġiex iffirmat qabel nofs Diċembru 2018.
Anness III — Kompożizzjoni tat-tariffi ta’ ġestjoni li l-Kummissjoni tħallas lill-FEI għal kull strument
Sors: Il-QEA, ibbażat fuq ftehimiet ta’ delega.
Akronimi u abbrevjazzjonijiet
BEI: Il-Bank Ewropew tal-Investiment
CIP: Programm Kwadru għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni
COSME: Programm għall-Kompetittività tal-Intrapriżi u l-SMEs
EFG: Faċilità ta’ Ekwità għat-Tkabbir
ESU 1998: Faċilità Ewropea għall-Bidu ta’ Negozju Teknoloġiku għall-perjodu ta’ ppjanar pluriennali li beda fl-1998
ESU 2001: Faċilità Ewropea għall-Bidu ta’ Negozju Teknoloġiku għall-perjodu ta’ ppjanar pluriennali li beda fl-2001
FEI: Fond Ewropew tal-Investiment
FEIS: Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi
G&E: Inizjattiva għat-Tkabbir u l-Impjiegi
GIF: Faċilità għall-SMEs Innovattivi u b’Rata Għolja ta’ Tkabbir
IFE: Faċilità ta’ Ekwità InnovFin għal Stadju Bikri (IFE)
InvestEU: Abbozz ta’ programm għall-perjodu ta’ ppjanar pluriennali 2021-2027
IPO: Offerta inizjali lill-pubbliku
MAP: Programm Multiannwali għall-Intrapriża u l-Intraprenditorija
PDG: Prodott domestiku gross
Prodott ta’ ekwità taħt l-SMEW tal-FEIS: Prodott ta’ ekwità taħt it-Tieqa għall-Intrapriżi Żgħar u Medji tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (l-Anness II)
SMEs: Intrapriżi żgħar u medji
VC: Kapital ta’ riskju
Glossarju
Ekwità privata: Investiment f’kumpanija privata mhux elenkata, bi skambju ma’ mgħax fuq terminu medju sa twil, li aktar tard jinbiegħ. L-injezzjoni ta’ kapital taġixxi bħala finanzjament tal-bidu ta’ negozju li jkun għadu kemm jiftaħ, jew tal-iżvilupp tiegħu.
Evalwazzjoni ex ante: Valutazzjoni li titwettaq qabel l-implimentazzjoni ta’ intervent u li tqis, pereżempju, il-ħtiġijiet, l-iskala fir-rigward tad-diskrepanza tal-likwidità, il-valur miżjud tal-UE u s-sinerġiji potenzjali ma’ strumenti finanzjarji oħra.
Fond ta’ fondi: Fond kollettiv ta’ investiment li jinvesti f’fondi oħra minflok ma jinvesti direttament f’titoli.
Fond ta’ kapital ta’ riskju: Fond ta’ investiment li jimmaniġġja l-flus li jaslu mingħand investituri professjonali li għandhom l-għan li jinvestu f’ditti żgħar u medji b’potenzjal qawwi ta’ tkabbir.
Garanzija baġitarja: Impenn legali għall-appoġġ ta’ investimenti li jsiru minn sħab finanzjarji billi jiġu pprovduti fondi mill-baġit tal-UE taħt ċerti ċirkustanzi biex jiġi ssodisfat obbligu ta’ pagament fuq programm tal-UE li jirċievi appoġġ.
Għajnuna mill-Istat: Appoġġ, dirett jew indirett, li l-gvern jagħti lil negozju jew lil organizzazzjoni, u li jagħtihom vantaġġ meta mqabbla mal-kompetituri tagħhom. L-UE għandha regoli li jirregolaw l-għajnuna mill-Istat sabiex tevita li jkun hemm distorsjoni tas-suq uniku. Il-Kummissjoni tissorvelja l-konformità ma’ dawn ir-regoli.
Intervent immaniġġjat b’mod ċentrali: Investiment li jiġi jew iffinanzjat jew inkella appoġġat mill-baġit tal-UE u mmaniġġjat mill-Kummissjoni.
Investitur fundamentali: Investitur fdat, li jixtri sehem sinifikanti minn fond ta’ kapital ta’ riskju. Huma jaqdu rwol importanti billi jiggarantixxu l-bejgħ ta’ ċertu proporzjon u billi jistimolaw id-domanda minħabba l-kredibbiltà li jikkontribwixxu għall-investiment.
Kapital ta’ riskju: Flus li jiġu investiti, bi skambju ma’ parteċipazzjoni, f’negozji li jkunu għadhom kemm jiftħu jew f’ditti emerġenti innovattivi li jerfgħu element sostanzjali ta’ riskju u li jirrikjedu għajnuna esperta biex ikabbru n-negozju tagħhom.
Offerta inizjali lill-pubbliku: Il-proċess ta’ tnedija tal-bejgħ jew tad-distribuzzjoni tal-ishma ta’ kumpanija lill-pubbliku għall-ewwel darba.
Pari passu: Il-prinċipju li permezz tiegħu l-investituri kollha jinvestu bl-istess termini u jgawdu l-istess drittijiet.
Strument finanzjarju: Appoġġ finanzjarju li jingħata mill-baġit tal-UE fil-forma ta’ investimenti ta’ ekwità jew ta’ kważi ekwità, self jew garanziji, jew strumenti oħra għall-kondiviżjoni tar-riskji.
Valutazzjoni tal-impatt: Il-ġbir u l-analiżi ta’ informazzjoni biex jiġu ddeterminati l-vantaġġi u l-iżvantaġġi probabbli ta’ azzjoni ppjanata sabiex jingħata appoġġ għat-teħid ta’ deċiżjonijiet.
Tim tal-awditjar
Ir-rapporti speċjali tal-QEA jistabbilixxu r-riżultati tal-awditi tagħha tal-politiki u l-programmi tal-UE, jew ta’ suġġetti relatati mal-ġestjoni minn oqsma baġitarji speċifiċi. Il-QEA tagħżel u tfassal dawn il-kompiti tal-awditjar biex timmassimizza l-impatt tagħhom billi tqis ir-riskji għall-prestazzjoni jew għall-konformità, il-livell ta’ introjtu jew ta’ nfiq involut, l-iżviluppi li jkunu għad iridu jseħħu u l-interess politiku u pubbliku.
Dan l-awditu tal-prestazzjoni twettaq mill-Awla IV tal-Awditjar, Regolamentazzjoni tas-swieq u ekonomija kompetittiva, li hija mmexxija minn Alex Brenninkmeijer, Membru tal-QEA. L-awditu tmexxa minn Baudilio Tomé Muguruza, Membru tal-QEA, li ngħata appoġġ minn Daniel Costa de Magalhães, Kap tal-Kabinett, Ignacio García de Parada, Attaché tal-Kabinett u Simon Dennett, Analist; Ioanna Metaxopoulou, Direttur tal-Awla IV; Marion Colonerus, Maniġer Prinċipali; Helmut Kern, Kap tal-Kompitu. It-tim tal-awditjar kien magħmul minn Christian Detry, Ezio Guglielmi u Natalie Hagmayer. Hannah Critoph ipprovdiet appoġġ lingwistiku.
Mix-xellug għal-lemin: Daniel Costa de Magalhães, Christian Detry, Baudilio Tomé Muguruza, Ignacio García de Parada, Ioanna Metaxopoulou, Helmut Kern, Ezio Guglielmi.
Noti finali
1 Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, EWROPA 2020 -Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv (COM(2010) 2020 final tat-3.3.2010).
2 http://www.eif.org/what_we_do/equity/venture/index.htm.
3 Il-Kummissjoni taġixxi f’kooperazzjoni mal-Istati Membri.
4 Kwistjonijiet ta’ taxxa doppja, ostakli amministrattivi relatati mat-taxxa, inċertezza dwar it-trattament fi kwistjonijiet ta’ taxxa.
5 https://www.investeurope.eu/policy/key‐topics/investor‐regulation/insurance/
https://www.investeurope.eu/policy/key‐topics/investor‐regulation/capital‐requirements‐forbanks/
6 Inklużi l-FEI u l-BEI.
7 Għal dan ir-rapport, aħna nifhmu li l-interventi tal-UE mmaniġġjati b’mod ċentrali huma l-istrumenti finanzjarji (l-ESU 1998, l-ESU 2001, il-GIF, l-IFE u l-EFG) u l-garanzija baġitarja għat-Tieqa tal-Prodott ta’ Ekwità għall-SMEs tal-FEIS kif imsemmija
8 98/347/KE: Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tad-19 ta’ Mejju 1998 dwar miżuri ta’ assistenza finanzjarja għal impriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) innovattivi u li joħolqu l-impjiegi – l-inizjattiva tkabbir u impjiegi (ĠU L 155, 29.5.1998, p. 43).
9 2000/819/KE: Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2000 dwar programm multiannwali għall-intrapriża u l-intraprenditorija, u partikolarment għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (IŻM) (2001-2005) (ĠU L 333, 29.12.2000, p. 84).
10 Id-Deċiżjoni Nru 1639/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 2006 li tistabbilixxi Programm Kwadru għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (2007 sa 2013) (ĠU L 310, 9.11.2006, p. 15).
11 Ir-Regolament (UE) Nru 1287/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi Programm għall-Kompetittività tal-Intrapriżi u l-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju (COSME) (2014-2020) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1639/2006/KE (ĠU L 347 tal-20.12.2013).
12 Dan l-ammont jirrifletti l-allokazzjoni baġitarja fil-31 ta’ Diċembru 2018. Jista’ jkun li l-allokazzjoni baġitarja nbidlet sadanittant billi l-EFG hija parti minn linja baġitarja kumplessiva taħt ir-Regolament dwar il-COSME.
13 Ir-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi Orizzont 2020 – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE [Ir-Regolament dwar Orizzont 2020] (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 104).
14 Ir-Regolament (UE) 2015/1017 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ġunju 2015 dwar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, iċ-Ċentru Ewropew ta’ Konsulenza għall-Investimenti u l-Portal Ewropew ta’ Proġetti ta’ Investiment u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1291/2013 u (UE) Nru 1316/2013 — il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi [Ir-Regolament dwar il-FEIS] (ĠU L 169, 1.7.2015, p. 1). Adottat fl-2015, dan ir-regolament ma jkoprix il-perjodu 2014–2020 kollu kemm hu.
15 Il-FEIS biddel ir-rwol tal-FEI billi rabtu kuntrattwalment biex jikkontribwixxi finanzjament liż-żewġ sottotwieqi tal-prodott ta’ ekwità taħt l-SMEW tal-FEIS (ara l-Anness II).
16 Il-QEA ppubblikat opinjoni dwar il-FEIS: L-“Opinjoni Nru 02/2016 – Il-FEIS: proposta bikrija għall-estensjoni u l-espansjoni”, u r-Rapport Speċjali Nru 03/2019 tal-QEA “Il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi: Jeħtieġ li tittieħed azzjoni biex il-FEIS ikun suċċess totali”.
17 Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Programm InvestEU (COM(2018) 439 final tas-6.6.2018).
18 http://www.eif.org/who_we_are/index.htm
19 Invest Europe hija assoċjazzjoni li tirrappreżenta s-settur tal-ekwità privata, is-settur tal-kapital ta’ riskju, u s-settur tal-infrastruttura tal-Ewropa, kif ukoll l-investituri tagħhom.
20 JRC Science for Policy Report, “Improving access to finance: which schemes best support the emergence of high-growth innovative enterprises?” (Rapport tal-JRC dwar ix-Xjenza għall-Politika, “Intejbu l-aċċess għall-finanzjament: liema skemi jappoġġaw l-emerġenza ta’ intrapriżi innovattivi b’rata għolja ta’ tkabbir, bl-aħjar mod?”) p. 12.
21 L-Anness A tar-Rapport 2011 imħejji minn Economisti Associati srl f’kollaborazzjoni ma’ EIM Business & Policy Research, the Evaluation Partnership, is-Centre for Strategy and Evaluation Services u ċ-Ċentru għall-Istudji Ewropej, p. A13.
22 L-Opinjoni Nru 2/2016 tal-QEA “Il-FEIS: proposta bikrija għall-estensjoni u l-espansjoni”, il-paragrafu 26, u r-Rapport Speċjali Nru 3/2019 tal-QEA, “Il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi: Jeħtieġ li tittieħed azzjoni biex il-FEIS ikun suċċess totali” il-paragrafu 17.
23 Oxford Research Centre for Strategy & Evaluation Services, “Assessing the Potential for EU Investment in Venture Capital and Other Risk Capital Fund of Funds” (Nivvalutaw il-Potenzjal ta’ Investiment tal-UE fil-Kapital ta’ Riskju u Fond ta’ Fondi Oħra ta’ Kapital ta’ Riskju), Ottubru 2015.
24 Ir-Rapport 2011 imħejji minn Economisti Associati srl f’kollaborazzjoni ma’ EIM Business & Policy Research, the Evaluation Partnership, is-Centre for Strategy and Evaluation Services u ċ-Ċentru għall-Istudji Ewropej.
25 Il-proġett VICO, “Final Report Summary – Financing Entrepreneurial Ventures in Europe: Impact on innovation, employment growth, and competitiveness”, (“Taqsira Finali tar-Rapport – Il-Finanzjament ta’ Riskji Intraprenditorjali fl-Ewropa: Impatt fuq l-innovazzjoni, it-tkabbir tal-impjiegi, u l-kompetittività”, Settembru 2011 (https://cordis.europa.eu/project/rcn/88431/reporting/en).
26 Id-Dokument ta’ ħidma 2016/34 tal-FEI (Helmut Kraemer-Eis, Simone Signore, Dario Prencipe), “The impact of EIF on the Venture Capital ecosystem”, Volum I tal-The European venture capital landscape: an EIF perspective, 2016.
27 Il-Kummissjoni Ewropea, “Independent Evaluation of the EFSI Regulation. Final Report” (“Evalwazzjoni Indipendenti tar-Regolament dwar il-FEIS. Rapport Finali”), Ġunju 2018, p. 140.
28 Id-Dokument ta’ ħidma 2018/48 tal-FEI, “EIF VC Survey 2018 – Fund managers’ market sentiment and views on public intervention”, April 2018.
29 Venture Capital & Private Equity Country Attractiveness Index (https://blog.iese.edu/vcpeindex/).
30 Klassifikazzjoni tal-istadju ta’ investiment użata mill-FEI rigward ix-xiri tas-sehem maġġoritarju jew kontrollanti ta’ kumpanija, tipikament fi stadju ta’ żvilupp avvanzat, bħall-istadju tat-tkabbir jew tal-espansjoni.
31 Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, Valutazzjoni tal-Impatt, SWD(2018) 314 final tas-6.6.2018.
32 L-Artikolu 209 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).
33 Evalwazzjoni ex ante tal-Kummissjoni, “Financial instrument facilities supporting access to risk finance for research and innovation in Horizon 2020” (Faċilitajiet ta’ strumenti finanzjarji li jappoġġaw l-aċċess għall-finanzjament ta’ riskju għar-riċerka u l-innovazzjoni f’Orizzont 2020), 2013.
34 Skont ir-rapporti finanzjarji tal-istrumenti tal-2017, il-valur tal-kumpaniji li kienu għadhom fil-portafoll tal-fondi appoġġati mill-ESU 2001 u mill-GIF (qligħ mhux realizzat) kien jammonta għal EUR 97 miljun u EUR 79 miljun, rispettivament.
35 Linji gwida tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna mill-Istat biex tippromwovi investimenti ta’ finanzjament ta’ riskju (2014/C 19/04), il-paragrafi 108-109.
36 L-Artikolu 21(13) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tas-17 ta’ Ġunju 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta’ għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat (ĠU L 187, 26.6.2014, p. 1).
37 Il-programm COSME huwa miftuħ għal parteċipanti minn pajjiżi terzi, li jridu jilħqu qbil mal-Kummissjoni dwar arranġamenti.
38 Id-Dokument ta’ Ħidma 2018/51 tal-FEI, “EIF venture capital Survey 2018 – Fund managers’ perception of EIF’s Value Added”, Settembru 2018.
39 Għalkemm ipprojbit, sibna koinvestiment wieħed li kien qiegħed juża r-riżorsi propji tal-FEI.
40 Il-Kummissjoni Ewropea, Proposal for a Council Decision on Measures of Financial Assistance for Innovative and Job-Creating Small and Medium-sized Enterprises (Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar Miżuri ta’ Assistenza Finanzjarja għal Intrapriżi Żgħar u Medji li Huma lnnovattivi u li Joħolqu x-Xogħol) (COM(1998) 26 final tal-21.1.1998).
41 Il-BEI ta mandat lill-FEI biex jinvesti EUR 9.5 biljun f’kapaċità ta’ rfigħ tar-riskji, għall-appoġġ tat-teknoloġija u l-innovazzjoni industrijali. Permezz tal-mandat tal-RCR il-BEI jimmira għal fondi lil swieq minn bikrija sa medji żgħar li jiffukaw speċifikament fuq l-Ewropa.
42 Id-DĠ Intrapriża u Industrija tal-Kummissjoni Ewropea (GHK u Technopolis), “Interim evaluation of the Entrepreneurship and Innovation Programme” (Evalwazzjoni interim tal-Programm għall-Intraprenditorjat u l-Innovazzjoni), 2009, p. IV.
43 Il-FEI uża fondi minn mandati oħra għal 41 % tal-fondi ta’ kapital ta’ riskju appoġġati mill-GIF.
44 Pereżempju, klassifikazzjoni partikolari tiġi kkumpilata abbażi tal-istrateġija tal-fond ta’ kapital ta’ riskju, is-setturi jew l-istadji li fihom dan jixtieq jinvesti, jew il-fokus ġeografiku tiegħu. Hemm ukoll kriterji ta’ esklużjoni bħall-kriterju ta’ “maniġers għall-ewwel darba”, billi xi mandati mhux tal-UE ma jippermettux li jintużaw maniġers li jkunu qed iwettqu din il-kariga għall-ewwel darba.
45 Invest Europe, 2018 European Private Equity Activity Report. Rotot ta’ ħruġ oħra jinkludu l-ħlas lura ta’ ishma privileġġati, il-bejgħ lil ditta oħra ta’ ekwità, il-bejgħ lil istituzzjoni finanzjarja, ix-xiri lura mill-maniġment/mis-sid, u mezzi oħra.
46 Id-Dokument ta’ Ħidma 2018/48 tal-FEI (Helmut Kraemer-Eis, Antonia Botsari, Salome Gvetadze, Frank Lang), EIF venture capital Survey 2018: “Fund managers’ market sentiment and views on public intervention”, 2018.
47 Sħubija Start-up Europe, SEP Monitor: Scale-up report, Ġunju 2017.
48 Il-Kummissjoni tħallas ukoll tariffi lill-BEI għall-garanzija tal-kapital ta’ riskju relatata mal-FEIS.
49 Ir-Rapport Speċjali Nru 20/2017 tal-QEA “Strumenti ta’ garanzija fuq is-self iffinanzjati mill-UE: inkisbu riżultati pożittivi, iżda jeħtieġ orjentament akbar lejn il-benefiċjarji u koordinazzjoni aħjar mal-iskemi nazzjonali”.
50 InvestEurope, 2018 European Private Equity Activity. https://www.investeurope.eu/media/811517/invest-europe-2018-european-private-equity-activity.pdf.
51 Marco Buti and Philipp Mohl: “Lacklustre investment in the Eurozone: Is there a puzzle?” Vox, June 2014. https://voxeu.org/article/raising-investment-eurozone
52 Marco Buti: “Lacklustre investment in the Eurozone: The policy response” Vox, December 2014. https://voxeu.org/article/lacklustre-investment-eurozone-policy-response
53 Bergljot B. Barkbu, Pelin Berkmen, Pavel Lukyantsau, Sergejs Saksonovs and Hanni Schoelermann: “Investment in the Euro Area: Why Has It Been Weak?” IMF Working Paper No. 15/32, February 19, 2015. https://www.imf.org/en/Publications/WP/Issues/2016/12/31/Investment-in-the-Euro-Area-Why-Has-It-Been-Weak-42717
54 EIB: Investment and Investment Finance in Europe 2013, 14 November 2013. https://www.eib.org/en/infocentre/publications/all/investment-and-investment-finance-in-europe.htm
55 ESRI: Access to External Financing and Firm Growth. Background Study for the European Competitiveness Report 2014, May 2014. https://www.google.be/url?sa=t&rct=j&q=&esrc=s&source=web&cd=2&ved=2ahUKEwjY_475pujeAhVQKuwKHTn6AI4QFjABegQIAxAC&url=https%3A%2F%2Fec.europa.eu%2Fdocsroom%2Fdocuments%2F8786%2Fattachments%2F1%2Ftranslations%2Fen%2Frenditions%2Fpdf&usg=AOvVaw2SPzw1L4aRoQVrA_MZ19Y8
56 Florencio Lopez de Silanes Molina, Joseph McCahery, Dirk Schoenmaker and Dragana Stanisic: The European Capital Markets Study. Estimating the Financing Gaps of SMEs. Report sponsored by the Dutch Ministry of Finance and the EBRD, July 2015. https://web.archive.org/web/20161213054417/http:/www.dsf.nl/wp-content/uploads/2015/09/European-Capital-Markets-Study_2015_FINAL-15-7.pdf
Kronoloġija
| Avveniment | Data |
|---|---|
| Il-Memorandum ta’ Ppjanar tal-Awditjar (APM) jiġi adottat / L-awditu jinbeda | 12.12.2017 |
| L-abbozz ta’ rapport jintbagħat uffiċjalment lill-Kummissjoni (jew lill-entità l-oħra awditjata) | 29.4.2019 |
| Ir-rapport finali jiġi adottat wara l-proċedura kontradittorja | 17.9.2019 |
| Ir-risposti uffiċjali tal-Kummissjoni (jew tal-entità l-oħra awditjata) jaslu bil-lingwi kollha | 17.10.2019 |
Kuntatt
IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI
12, rue Alcide De Gasperi
1615 Luxembourg
LUXEMBOURG
Tel. +352 4398-1
Mistoqsijiet: eca.europa.eu/mt/Pages/ContactForm.aspx
Sit web: eca.europa.eu
Twitter: @EUAuditors
Ħafna informazzjoni addizzjonali dwar l-Unjoni Ewropea hija disponibbli fuq l-Internet.
Jista’ jsir aċċess għaliha permezz tas-server Europa (http://europa.eu).
Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2019
| ISBN 978-92-847-3554-9 | ISSN 1977-5741 | doi:10.2865/858634 | QJ-AB-19-015-MT-N | |
| HTML | ISBN 978-92-847-3544-0 | ISSN 1977-5741 | doi:10.2865/166427 | QJ-AB-19-015-MT-Q |
© L-Unjoni Ewropea, 2019
Għal kull użu jew riproduzzjoni ta’ ritratti jew materjal ieħor li ma jaqax taħt id-drittijiet tal-awtur tal-Unjoni Ewropea, irid jintalab il-permess direttament mingħand id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur.
Kif tikkuntattja lill-UE
Personalment
Madwar l-Unjoni Ewropea kollha hemm mijiet ta’ ċentri ta’ informazzjoni tal-Europe Direct. Tista’ ssib l-indirizz tal-eqreb ċentru għalik f'dan is-sit: https://europa.eu/european-union/contact_mt
Bit-telefown jew bil-posta elettronika
Europe Direct huwa servizz li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar l-Unjoni Ewropea. Tista’ tikkuntattja dan is-servizz:
- bit-telefown bla ħlas: 00 800 6 7 8 9 10 11 (ċerti operaturi jafu jimponu ħlas għal dawn it-telefonati),
- fuq dan in-numru standard: +32 22999696, jew
- bil-posta elettronika permezz: https://europa.eu/european-union/contact_mt
Kif issib tagħrif dwar l-UE
Onlajn
L-informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE hija disponibbli fuq is-sit web Europa fuq: https://europa.eu/european-union/index_mt
Pubblikazzjonijiet tal-UE
Tista’ tniżżel mill-internet jew tordna l-pubblikazzjonijiet tal-UE, li xi wħud minnhom huma bla ħlas u xi oħrajn bil-ħlas, minn: https://op.europa.eu/mt/publications. Kopji multipli ta’ pubblikazzjonijiet bla ħlas tista’ tiksibhom billi tikkuntattja lil Europe Direct jew liċ-ċentru tal-informazzjoni lokali tiegħek (ara https://europa.eu/european-union/contact_mt).
Il-liġi tal-UE u dokumenti relatati
Għal aċċess għall-informazzjoni legali tal-UE, inkluż il-liġijiet kollha tal-UE mill-1952 ’l hawn, fil-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali kollha, żur is-sit EUR-Lex hawnhekk: http://eur-lex.europa.eu
Dejta Miftuħa mill-UE
Il-portal tad-Dejta Miftuħa mill-UE (http://data.europa.eu/euodp/mt) jipprovdi aċċess għal settijiet tad-dejta mill-UE. Id-dejta tista’ titniżżel mill-internet u tintuża mill-ġdid bla ħlas, kemm għal skopijiet kummerċjali kif ukoll mhux kummerċjali.
