Rapport Speċjali
Nru20 2017

Strumenti ta’ garanzija fuq is-self iffinanzjati mill-UE: inkisbu riżultati pożittivi, iżda jeħtieġ orjentament akbar lejn il-benefiċjarji u koordinazzjoni aħjar mal-iskemi nazzjonali

Dwar ir-rapport: Dan ir-rapport jeżamina jekk il-garanziji tal-UE fuq is-self tawx appoġġ għat-tkabbir u l-innovazzjoni ta’ negozji aktar żgħar billi ppermettewlhom jiksbu aċċess għall-finanzjament. Aħna sibna li l-Faċilità ta’ Garanzija ta’ Self għenet lill-kumpaniji benefiċjarji jikbru aktar f’termini ta’ assi totali, bejgħ, spiża tal-pagi u produttività. Madankollu, il-Faċilità ta’ Garanziji ta’ InnovFin għall-SMEs ma kinitx tiffoka biżżejjed fuq kumpaniji li jwettqu attivitajiet ta’ innovazzjoni b’potenzjal għoli għall-eċċellenza. Minbarra dan, għat-tnejn li huma, ħafna negozji ma kinux verament jeħtieġu garanzija. Għalkemm l-attivitajiet ta’ evalwazzjoni tjiebu, għadhom jeżistu bosta dgħufijiet. Aħna nagħmlu għadd ta’ rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni Ewropea biex ittejjeb l-orjentament tal-garanziji lejn negozji vijabbli li ma għandhomx aċċess għall-finanzjament, u lejn negozji aktar innovattivi. Nenfasizzaw ukoll l-importanza tal-kosteffettività, peress li diġà jeżistu strumenti simili fl-Istati Membri.

Din il-pubblikazzjoni hija disponibbli bi 23 lingwa fil-format li ġej:
PDF
PDF General Report

Sommarju eżekuttiv

Dwar garanziji fuq is-self għall-intrapriżi żgħar u medji

I

Għal kważi 20 sena, l-UE għenet lill-intrapriżi żgħar u medji Ewropej jiksbu aċċess għall-finanzjament ta’ dejn billi pprovdiet garanziji fuq is-self. Il-garanziji jiġu pprovduti lil intermedjarji finanzjarji, li huma mistennija jżidu s-self li jagħtu lil negozji vijabbli li altrimenti jesperjenzaw diffikultà biex jissellfu. Biex tgħin lil dawn l-impriżi, l-UE tipprovdi fondi għal żewġ strumenti ta’ garanzija mmaniġġjati ċentralment u, taħt il-politika ta’ koeżjoni, hija tikkofinanzja strumenti simili stabbiliti mill-awtoritajiet nazzjonali jew reġjonali. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom l-istrumenti ta’ garanzija proprji tagħhom li huma ffinanzjati fil-livell nazzjonali jew reġjonali.

Kif wettaqna l-awditu tagħna

II

Aħna ffukajna fuq iż-żewġ strumenti mmaniġġjati ċentralment li qed joperaw bħalissa: il-Faċilità ta’ Garanziji ta’ InnovFin għall-SMEs, li hija maħsuba għall-kumpaniji mmexxija mir-riċerka u l-innovazzjoni, u l-Faċilità ta’ Garanzija ta’ Self. Matul il-perjodu 2014-2020, il-baġit tal-UE huwa mistenni jipprovdi EUR 1.78 biljun (u sa EUR 3.13 biljun meta jiġi inkluż s-suppliment mill-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi) sabiex ikopri kemm it-telf potenzjali fuq is-self, kif ukoll l-ispejjeż għat-tħaddim ta’ dawn l-istrumenti, li ġiet iddelegata lill-Fond Ewropew tal-Investiment.

III

Aħna analizzajna jekk il-garanziji tal-UE fuq is-self kinux jappoġġjaw it-tkabbir u l-innovazzjoni ta’ negozji aktar żgħar billi ppermettewlhom jiksbu aċċess għall-finanzjament.

IV

L-awdituri tagħna żaru lill-intermedjarji finanzjarji tal-Faċilità ta’ Garanzija ta’ Self (fir-Repubblika Ċeka, ir-Rumanija u r-Renju Unit) u tal-Garanziji ta’ InnovFin għall-SMEs (fil-Ġermanja u l-Iżvezja), kif ukoll lil banek kummerċjali u korpi tal-Gvern fil-Greċja. Huma wettqu wkoll analiżi ta’ kampjun aleatorju ta’ 50 selfa koperti miż-żewġ strumenti kif ukoll intervisti bit-telefon ma’ kampjun ta’ 46 kumpanija benefiċjarja tal-Faċilità ta’ Garanziji ta’ InnovFin għall-SMEs.

X’sibna

V

Meta mmqabbla mal-passat, l-istrumenti ta’ garanzija bdew l-operazzjonijiet malajr. Filwaqt li l-finanzjament disponibbli tal-UE żdied sostanzjalment, il-valutazzjoni tal-ħtiġijiet tas-suq li twettqet ma koprietx l-istrumenti kollha u ma wrietx kif jenħtieġ li jwieġbu għal dawn il-ħtiġijiet, u l-Kummissjoni sa issa pprovdiet biss evidenza limitata rigward l-effettività tal-istrumenti ta’ garanzija li ntużaw preċedentement. Għalkemm l-arranġamenti ta’ evalwazzjoni għall-istrumenti attwali tjiebu, għad hemm diversi nuqqasijiet, bħal nuqqas ta’ data għall-evalwazzjoni tal-effett fuq l-attività ta’ innovazzjoni, u ambitu limitat għall-iskrutinju tal-iskemi permezz ta’ riċerka akkademika. Minbarra dan, l-evidenza ta’ sostenn li l-Kummissjoni kellha meta daħlet fil-proċess għan-negozjar ta’ tariffi mal-Fond Ewropew tal-Investiment, kienet limitata.

VI

L-għan prinċipali tal-Faċilità ta’ Garanzija ta’ Self u tal-predeċessuri tagħha kien li jrawmu t-tkabbir. L-evidenza ekonometrika turi li l-garanziji fuq is-self laħqu l-iskop li tfasslu għalih. Huma għenu lill-kumpaniji benefiċjarji jikbru aktar f’termini ta’ assi totali, bejgħ, numri ta’ impjegati u produttività. L-effetti kienu ogħla għal negozji li potenzjalment kien ikollhom diffikultà biex jissellfu mingħajr il-garanzija. Dan għandu implikazzjonijiet importanti għall-orjentament lejn il-benefiċjarji taħt l-iskemi.

VII

Madankollu, kemm għall-istrumenti attwali kif ukoll għal dawk preċedenti, aħna osservajna li fil-kampjun tagħna kien hemm perċentwal sinifikanti ta’ kumpaniji benefiċjarji li ma kienx ikollhom diffikultà biex jiksbu aċċess għall-finanzjament u b’hekk ma kinux jeħtieġu self garantit. L-għoti ta’ self lil kumpaniji li fil-fatt kellhom aċċess għall-finanzjament kien partikolarment evidenti f’intermedjarji finanzjarji privati taħt il-Faċilità ta’ Garanziji ta’ InnovFin għall-SMEs. Negozji li jkollhom aċċess għall-finanzjament jibbenefikaw ukoll mill-garanzija, pereżempju fil-forma ta’ rata tal-imgħax aktar baxxa. Iżda t-tnaqqis fir-rata tal-imgħax huwa limitat u ma jiġix b’xejn. Barra minn hekk, billi jappoġġjaw lil negozji li jkollhom aċċess għal self kummerċjali, hemm riskju li l-istrumenti tal-UE jikkompetu mas-settur privat.

VIII

Il-Faċilità ta’ Garanziji ta’ InnovFin għall-SMEs hija maħsuba biex tiffoka fuq il-kumpaniji li jwettqu riċerka u innovazzjoni b’potenzjal għoli għall-eċċellenza. Madankollu, żewġ terzi tal-kumpaniji fil-kampjun tagħna jew għamlu biss żviluppi standard tal-prodotti jew tal-proċessi, jew inkella assolutament ma wettqu l-ebda innovazzjoni. Għal darba oħra, aħna osservajna diviżjoni ċara bejn l-intermedjarji pubbliċi u dawk privati: dawk pubbliċi tassew jirnexxilhom jiffukaw ferm aktar fuq negozji f’setturi b’intensità għolja ta’ għarfien, fi kliem ieħor dawk li għandhom probabbiltà akbar li jinnovaw. Dan huwa qasam li fih l-Ewropa għadha lura.

X’nirrakkomandaw

IX

Aħna nagħmlu għadd ta’ rakkomandazzjonijiet biex intejbu l-orjentament tal-istrumenti lejn “negozji vijabbli li ma jkollhomx aċċess għall-finanzjament”. Fil-każ tal-Faċilità ta’ Garanziji ta’ InnovFin għall-SMEs, jenħtieġ li dawn in-negozji jkunu aktar innovattivi.

X

Minħabba li hemm diversi strumenti ta’ garanzija ffinanzjati mill-UE u billi dawn żdiedu fid-daqs, aħna nirrakkomandaw li l-Kummissjoni tipproduċi evalwazzjoni tal-effettività tal-istrumenti ta’ garanzija preċedenti u attwali kif ukoll evalwazzjoni ex ante tal-istrumenti suċċessuri possibbli, inkluża analiżi bir-reqqa u komprensiva tal-ħtiġijiet tas-suq u tal-kosteffettività. Jenħtieġ li l-evalwazzjoni tidentifika wkoll kif l-istrumenti mmaniġġjati ċentralment jistgħu jirrispondu l-aħjar għall-ħtiġijiet tas-suq billi tiġi żgurata l-koordinazzjoni mal-istrumenti ffinanzjati mill-awtoritajiet reġjonali u nazzjonali kkofinanzjati mill-Fondi Strutturali tal-UE, kif ukoll ma’ strumenti simili ffinanzjati esklussivament mill-awtoritajiet nazzjonali jew reġjonali.

XI

Aħna nirrakkomandaw ukoll li l-Kummissjoni ttejjeb is-sistema ta’ evalwazzjoni tagħha.

Introduzzjoni

Strumenti għat-titjib tal-aċċess għall-finanzjament għal negozji aktar żgħar

01

L-intrapriżi żgħar u medji1 (SMEs, minn hawn ’il quddiem imsejħa wkoll “negozji aktar żgħar”) ta’ spiss jiġu rikonoxxuti bħala forza importanti li tmexxi t-tkabbir, l-innovazzjoni u l-kompetittività tal-Ewropa, kif ukoll bħala fattur ewlieni fl-integrazzjoni soċjali. Madankollu, hemm il-fehma li l-banek u s-swieq finanzjarji ma jissodisfawx biżżejjed il-ħtiġijiet finanzjarji ta’ negozji aktar żgħar, u b’hekk jillimitaw l-investiment u t-tkabbir tagħhom. Ir-raġunar loġiku ewlieni għall-garanziji fuq is-self huwa li jindirizzaw din is-sitwazzjoni billi jipperswadu lill-mutwanti joffru livelli ogħla ta’ kreditu b’kundizzjonijiet aħjar. Billi tipprovdi garanzija, parti terza tidħol għall-impenn li tħallas id-dejn kollu ta’ mutwatarju, jew parti minnu, meta dan tal-aħħar ma jkunx jista’ jħallsu huwa stess.

02

Il-Kummissjoni Ewropea tqis li l-istrumenti finanzjarji, li jikkonsistu primarjament f’self u garanziji, huma “mod intelliġenti kif tiġi ffinanzjata l-ekonomija reali, u tingħata spinta lit-tkabbir u l-impjiegi”2. Għalhekk, l-istrumenti finanzjarji jintużaw f’partijiet differenti tal-baġit tal-UE:

  1. strumenti finanzjarji mmaniġġjati ċentralment jiġu ffinanzjati minn diversi oqsma baġitarji, bħar-riċerka; l-intrapriża u l-industrija; l-edukazzjoni u l-kultura. Il-Kummissjoni hija direttament involuta fit-tfassil u l-iżvilupp ta’ dawn l-istrumenti, tal-istrateġija ta’ investiment tagħhom u tal-kontribuzzjoni mill-UE għalihom. Id-deċiżjoni li jitwaqqfu dawn l-istrumenti tittieħed mill-awtoritajiet baġitarji (jiġifieri l-Parlament Ewropew u l-Kunsill) fuq il-bażi ta’ proposta tal-Kummissjoni;
  2. strumenti finanzjarji b’ġestjoni kondiviża,3 li jintużaw fil-qasam tal-politika ta’ koeżjoni, jiġu ffinanzjati prinċipalment taħt il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u, sa livell inqas, taħt il-Fond Soċjali Ewropew (bl-ewwel tnejn minn hawn ’il quddiem imsejħa “Fondi Strutturali”), il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew għas-Sajd. Fil-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020, l-istrumenti finanzjarji jistgħu jiġu ffinanzjati wkoll taħt il-Fond ta’ Koeżjoni. Kull strument irid jiġi implimentat fil-qafas ta’ programm operazzjonali mmaniġġjat minn awtorità maniġerjali. L-awtorità maniġerjali hija responsabbli sabiex tfassal l-istrument finanzjarju u biex tiddeċiedi fuq id-daqs finanzjarju tiegħu.
03

Fil-perjodu 2014-2020, iż-żewġ strumenti ewlenin immaniġġjati ċentralment li l-Kummissjoni tuża sabiex tappoġġja l-aċċess għall-finanzjament ta’ dejn ta’ negozji aktar żgħar Ewropej huma:

  1. il-Faċilità ta’ Garanzija ta’ Self taħt il-Programm għall-Kompetittività tal-Intrapriżi u l-Intrapriżi Żgħar u ta’ daqs Medju4; u
  2. il-Faċilità ta’ Garanziji ta’ InnovFin għall-SMEs taħt il-programm Orizzont 20205.
04

Iż-żewġ strumenti jvarjaw fl-objettivi ta’ politika tagħhom. Il-Faċilità ta’ Garanzija ta’ Self għandha l-għan li tappoġġja lil negozji aktar żgħar li jiffaċċjaw diffikultajiet sabiex jiksbu aċċess għall-finanzjament ta’ dejn minħabba riskju għoli perċepit jew nuqqas ta’ kollateral disponibbli suffiċjenti6. Il-Faċilità ta’ Garanziji ta’ InnovFin għall-SMEs għandha l-għan li tappoġġja lil negozji li huma mmexxija mill-innovazzjoni u/jew mir-riċerka u l-iżvilupp u li għandhom inqas minn 500 impjegat.

05

Iż-żewġ strumenti kienu ppreċeduti minn:

  1. il-Faċilità ta’ Garanziji għall-SMEs implimentata fil-perjodu 1998-20137, li kellha objettiv u tfassil finanzjarju simili għall-Faċilità ta’ Garanzija ta’ Self; u
  2. l-Istrument għall-Kondiviżjoni tar-Riskji8 mniedi bħala proġett pilota fl-2012, li kien simili għall-Faċilità ta’ Garanziji ta’ InnovFin għall-SMEs.

Struttura operazzjonali

06

Il-Kummissjoni Ewropea għandha r-responsabbiltà ġenerali għal dawn l-istrumenti ta’ garanzija mmaniġġjati ċentralment. Din tinkludi l-preżentazzjoni tal-proposta tal-programm, tal-programmi ta’ ħidma annwali u tar-rapporti dwar l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni. Madankollu, l-implimentazzjoni hija fdata lill-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI) għal rimunerazzjoni li dwarha jkun intlaħaq qbil, kif stipulat fil-ftehim ta’ delega.

07

Il-FEI jagħżel l-intermedjarji finanzjarji (bħal banek kummerċjali, istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali jew istituzzjonijiet ta’ garanzija reċiproka) u jiffirma l-ftehimiet ta’ garanzija magħhom f’ismu stess. L-intermedjarji jew isellfu direttament lil negozji jew inkella joħorġu garanziji lil intermedjarji finanzjarji oħra li jipprovdu self lil negozji. Meta negozju jkun inadempjenti fuq selfa, il-FEI jħallas lura parti mit-telf lill-intermedjarju, kif stipulat fil-ftehim ta’ garanzija.

08

Il-FEI jżomm il-lista ta’ selfiet li l-intermedjarji jkunu għażlu li jinkludu taħt il-garanzija u jimmonitorja l-konformità tal-intermedjarji mal-ftehimiet ta’ garanzija. Il-FEI jirrapporta regolarment lill-Kummissjoni dwar il-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni tal-istrumenti.

Arranġamenti finanzjarji

09

Il-FEI jiggarantixxi parzjalment is-self li l-intermedjarji jipprovdu lil negozji żgħar (il-portafoll tas-self). L-għan huwa li l-intermedjarji finanzjarji jiġu mħeġġa jespandu s-self li jagħtu lil negozji aktar żgħar. Għalhekk, il-ftehimiet ta’ garanzija bejn il-FEI u l-intermedjarji jistipulaw li l-intermedjarji jridu jżidu s-self li jagħtu għal livell ogħla minn soll li jkun ġie stabbilit minn qabel. Is-soll jiġi stabbilit fil-livell li l-intermedjarju kien jilħaq, kieku, mingħajr il-ftehim ta’ garanzija jew fil-livell żero meta huwa ma jkunx ipprovda self ta’ dan it-tip fil-passat. Taħt il-Faċilità ta’ Garanziji ta’ InnovFin għall-SMEs, ma hemm l-ebda soll applikabbli.

10

Iż-żewġ strumenti jvarjaw f’dak li jirigwarda l-kopertura tar-riskju ta’ kreditu. Fiż-żewġ każijiet, il-FEI jikkumpensa lill-intermedjarji finanzjarji sa massimu ta’ nofs it-telf li jġarrbu fuq is-self individwali fil-portafolli tagħhom (jiġifieri rata ta’ garanzija b’massimu ta’ 50 %). Madankollu, taħt il-Faċilità ta’ Garanzija ta’ Self, l-ammont totali ta’ kumpens huwa limitat kuntrattwalment (għall-ftehimiet ta’ garanzija ffirmati sal-31 ta’ Diċembru 2016, ir-rati tal-limitu massimu jvarjaw minn 4 % sa 20 % tal-ammont tal-portafoll tas-self garantit). It-telf li jkun ogħla mil-limitu massimu jiġġarrab kollu kemm hu mill-intermedjarju. Fi kliem ieħor, għal kull selfa inadempjenti, il-FEI jirrimborża t-telf bir-rata tal-garanzija sakemm jintlaħaq l-ammont tal-limitu massimu, li min-naħa tiegħu jiġi rrimborżat mill-Kummissjoni (imsejħa l-kontribuzzjoni mill-UE). Il-limitu massimu stabbilit għal kull intermedjarju jillimita r-riskju għall-baġit tal-UE. B’kuntrast ma’ dan, taħt il-Faċilità ta’ Garanziji ta’ InnovFin għall-SMEs, ma hemm l-ebda limitu massimu ta’ dan it-tip u l-FEI huwa obbligat li jkopri t-telf kollu bir-rata tal-garanzija kkuntrattata, normalment qrib il-50 % (ara l-Figura 1).

Figura 1

Kopertura tar-riskju ta’ kreditu taħt iż-żewġ strumenti

Nota: Iċ-ċifra turi s-sitwazzjoni fejn it-telf reali huwa ogħla mit-telf mistenni.

Sors: Il-QEA.

11

Biex jillimitaw l-ammonti ta’ telf li jiġu koperti mill-garanzija taħt il-Faċilità ta’ Garanziji ta’ InnovFin għall-SMEs, l-intermedjarji jridu jidħlu għall-impenn li jżommu livell minimu ta’ kwalità tas-self fil-portafolli tagħhom. Dan il-livell huwa ddefinit f’termini ta’ (i) klassifikazzjoni ta’ kreditu minima tal-mutwatarji u (ii) karatteristiċi oħra tal-portafolli. Barra minn hekk, filwaqt li l-garanziji parzjali taħt il-Faċilità ta’ Garanzija ta’ Self huma pprovduti mingħajr ħlas, l-intermedjarju jintalab iħallas tariffa ta’ garanzija b’rata ta’ 0.5 % jew 0.8 % fis-sena (skont id-daqs tal-mutwatarju) fuq l-ammont garantit pendenti taħt il-Faċilità ta’ Garanziji ta’ InnovFin għall-SMEs.

12

Minħabba li ma hemm l-ebda limitu massimu taħt il-Faċilità ta’ Garanziji ta’ InnovFin għall-SMEs, il-Kummissjoni u l-FEI qablu li jikkondividu r-riskji assoċjati, bil-FEI jkun intitolat għal tariffa ta’ riskju li dwarha jkun intlaħaq qbil.

Fondi tal-UE involuti

13

Ir-riżorsi tal-UE li saru disponibbli għall-istrumenti ta’ garanzija fuq is-self, immaniġġjati ċentralment, li jindirizzaw lil negozji aktar żgħar żdiedu matul iż-żmien, kif jidher fit-Tabella 1.

Tabella 1

Data finanzjarja għall-istrumenti mmaniġġjati ċentralment (f’biljun EUR)

Strument u perjodu Kontribuzzjoni mill-UE
(ara l-paragrafu 10)
Ammonti garantiti Somma tal-portafolli tas-self, tal-intermedjarji, koperti mill-garanzija (ammont massimu tal-portafoll)
(ara l-paragrafu 9)
Strumenti preċedenti
Faċilità ta’ Garanziji għall-SMEs 1998-2000 0.14 2.40 6.17
Faċilità ta’ Garanziji għall-SMEs 2001-2006 0.27 4.68 10.22
Faċilità ta’ Garanziji għall-SMEs 2007-2013 0.64 7.34 14.40
Strument għall-Kondiviżjoni tar-Riskji 2012-2013 0.27 1.13 3.18
Strumenti attwali (1)
Faċilità ta’ Garanzija ta’ Self 2014-2020
  • Sitwazzjoni fil-31.12.2016
6.71 13.67
(is-self li mistenni jingħata lin-negozji huwa ta’ 18.90(2))
  • Sitwazzjoni mistennija ladarba l-kontribuzzjoni mill-UE tkun intużat kollha
0.72 7.31 14.89
(is-self li mistenni jingħata lin-negozji huwa ta’ 20.59)
Faċilità ta’ Garanziji ta’ InnovFin għall-SMEs 2014-2020
  • Sitwazzjoni fil-31.12.2016
4.08 8.65
(= is-self li mistenni jingħata lin-negozji)
  • Sitwazzjoni mistennija ladarba l-kontribuzzjoni mill-UE tkun intużat kollha
1.06 4.76 9.53
(= is-self li mistenni jingħata lin-negozji)
Total
tal-istrumenti attwali

  • Sitwazzjoni fil-31.12.2016
10.79 22.32
(is-self li mistenni jingħata lin-negozji huwa ta’ 27.55)
  • Sitwazzjoni mistennija ladarba l-kontribuzzjoni mill-UE tkun intużat kollha
1.78 12.07 24.42
(is-self li mistenni jingħata lin-negozji huwa ta’ 30.12)

(1)Għall-istrumenti preċedenti, id-data sa meta setgħu jiġu ffirmati l-ftehimiet ta’ garanzija għaddiet. Għall-istrumenti attwali, il-ftehimiet ta’ garanzija jistgħu jiġu ffirmati sat-30.6.2021 taħt il-Faċilità ta’ Garanzija ta’ Self, u sat-30.6.2022 taħt il-Faċilità ta’ Garanziji ta’ InnovFin għall-SMEs. Għalhekk, għas-sitwazzjoni fil-31.12.2016, l-ammonti garantiti u l-portafoll tas-self jikkonċernaw il-ftehimiet ta’ garanzija ffirmati sa dik id-data.

(2)Is-self li mistenni jingħata lin-negozji huwa ogħla mill-ammont massimu tal-portafoll, peress li l-garanzija tal-UE hija pprovduta wkoll sabiex tiggarantixxi lill-istituzzjonijiet li huma stess jerġgħu jiggarantixxu parti mis-self ipprovdut minn intermedjarji finanzjarji.

Sors: Il-QEA, fuq il-bażi ta': l-informazzjoni tal-Kummissjoni għall-istrumenti sal-2006, il-baġit tal-UE għall-ammont tal-kontribuzzjoni mill-UE għall-istrumenti mill-2007 ’l quddiem, ir-rapportar mill-FEI għas-sitwazzjoni fil-31.12.2016, u l-kalkolu mwettaq mill-Kummissjoni għas-sitwazzjoni mistennija ladarba l-kontribuzzjoni mill-UE tkun intużat kollha.

14

Matul il-perjodu 2014-2020, il-baġit tal-UE huwa b’hekk mistenni jipprovdi EUR 1.78 biljun sabiex jiġu koperti kemm it-telf fil-ġejjieni fuq il-portafoll garantit, kif ukoll l-ispejjeż għall-ġestjoni tal-istrumenti. Fil-31 ta’ Diċembru 2016, il-medja tat-telf mistenni fir-rigward tal-ftehimiet ta’ garanzija diġà ffirmati kienet ta’ 9 %9 (jew EUR 0.98 biljun). Din kienet ogħla milli kienet taħt il-Faċilitajiet ta’ Garanziji għall-SMEs predeċessuri (il-medja tar-rata tat-telf mistenni kienet ta’ 5.4 % għall-perjodu 1998-2000, 5.1 % għall-perjodu 2001-2006 u 6.8 % għall-perjodu 2007-2013).

15

Taħt il-Faċilità ta’ Garanziji għall-SMEs 1998-2000, 52 % tal-intermedjarji finanzjarji ġarrbu telf li jikkorrispondi għal 90 % jew aktar tat-telf mistenni fuq il-portafoll tagħhom. Taħt il-Faċilità 2001-2006, dan kien il-każ għal 53 % tal-intermedjarji finanzjarji. Għadu kmieni wisq biex tiġi pprovduta data simili għall-Faċilità ta’ Garanzija għall-SMEs 2007-2013.

16

Għall-istrumenti attwali (ara t-Tabella 1), fil-31 ta’ Diċembru 2016, il-portafoll tas-self (EUR 22.32 biljun) tal-intermedjarji kkuntrattati kien garantit għal ammont ta’ EUR 10.79 biljun, jew b’rata ta’ kważi 50 %. It-total mistenni tal-ammont tas-self li ngħata lin-negozji kien ta’ EUR 27.55 biljun.

17

Fl-2015, twaqqaf il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi10 (FEIS). Fl-2016 il-Kummissjoni, il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) u l-FEI ddeċidew li jagħmlu parti mir-riżorsi baġitarji tal-FEIS disponibbli biex jissupplimentaw il-kontribuzzjoni mill-UE għaż-żewġ strumenti mmaniġġjati ċentralment. Il-Faċilità ta’ Garanzija ta’ Self se tiżdied b’EUR 0.55 biljun u l-Faċilità ta’ Garanziji ta’ InnovFin għall-SMEs se tiġi supplimentata b’EUR 0.88 biljun. Għalhekk, it-total tar-riżorsi tal-UE se jiżdied minn EUR 1.78 biljun (ara t-Tabella 1) għal EUR 3.13 biljun. F’Lulju 2017, il-ftehimiet ta’ delega bejn il-Kummissjoni u l-FEI kienu fil-proċess li jiġu emendati.

18

Taħt ġestjoni kondiviża, l-UE pprovdiet ukoll riżorsi sostanzjali għall-istrumenti finanzjarji (ara l-paragrafu 2). Fil-31 ta’ Marzu 2017, il-kontribuzzjoni reali mill-UE għall-istrumenti ta’ garanzija matul il-perjodu 2007-2013 kienet ta’ EUR 2.5 biljun, bl-ammont ta’ self ipprovdut stmat bħala EUR 18-il biljun mill-inqas11. L-ammont tal-kontribuzzjoni mill-UE li ġie allokat għat-tipi kollha ta’ strumenti finanzjarji taħt ġestjoni kondiviża għall-perjodu 2014-2020 kien stmat mill-Kummissjoni li huwa sinifikattivament ogħla minn dak għall-perjodu 2007-2013. Iżda d-data disponibbli l-aktar reċenti (fil-31 ta’ Diċembru 2015) għadha ma tippermettix li jiġu identifikati l-ammonti relatati mal-istrumenti ta’ garanzija.

19

Matul il-perjodu 2007-2013, il-piż relattiv tal-ammonti ta’ garanziji (ko)finanzjati mill-UE baqa’ żgħir meta mqabbel mal-ammont totali ta’ garanziji maħruġa fl-Istati Membri (ara l-Anness I għal aktar dettalji). Madankollu, minħabba ż-żieda fir-riżorsi baġitarji għal dawn l-istrumenti ta’ garanzija fil-perjodu 2014-2020 (ara l-paragrafi 13 u 17 sa 18), is-sehem huwa mistenni jiżdied. Barra minn hekk, matul il-perjodu 2007-2013, il-medja annwali tal-għoti ta’ self garantit mill-UE kienet tirrappreżenta inqas minn 0.5 % tat-total tal-għoti ta’ self bankarju lill-SMEs (għalkemm b’varjazzjonijiet sinifikanti bejn l-Istati Membri) (ara l-Anness II għal aktar dettalji).

Approċċ tal-awditjar

20

L-awditu kellu l-għan li jeżamina jekk il-garanziji tal-UE fuq is-self appoġġjawx it-tkabbir u l-innovazzjoni ta’ negozji aktar żgħar permezz ta’ titjib tal-aċċess tagħhom għall-finanzjament. Għal dik il-fini, aħna eżaminajna:

  1. jekk l-istrumenti ta’ garanzija attwali kinux twaqqfu b’mod xieraq;
  2. jekk il-benefiċjarji kienx ikollhom diffikultà biex jissellfu mingħajr garanzija;
  3. jekk l-istrumenti ta’ garanzija ssodisfawx l-objettivi tagħhom jew waslux għand il-benefiċjarji intenzjonati tagħhom; u
  4. jekk is-sistema ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni pprovdietx evidenza dwar l-effettività tal-istrumenti ta’ garanzija.
21

Sabiex nanalizzaw ir-riżultati fit-tul u s-sistema ta’ evalwazzjoni, aħna ffukajna primarjament fuq l-istrumenti ta’ garanzija fuq is-self li kien hemm fis-seħħ fil-perjodu 2001-2013. Għall-aspetti l-oħra kollha, aħna ffukajna fuq il-Faċilità ta’ Garanzija ta’ Self u l-Faċilità ta’ Garanziji ta’ InnovFin għall-SMEs.

22

Il-kriterji tal-awditjar kienu dderivati mir-regolamenti li jistabbilixxu dawn l-istrumenti, mid-dokumenti ta’ tħejjija korrispondenti, mir-rapporti preċedenti tal-Qorti rilevanti għas-suġġett, mir-regoli u l-proċeduri interni tal-Kummissjoni u mid-dokumentazzjoni akkademika. Il-kriterji huma spjegati aktar fit-taqsimiet differenti ta’ dan ir-rapport.

23

L-evidenza għall-awditjar inġabret fuq il-bażi ta':

  1. analiżi tad-dokumentazzjoni rilevanti;
  2. analiżi ta’ kampjun aleatorju ta’ 50 selfa koperti miż-żewġ strumenti ta’ garanzija attwali, inklużi żjarat lil tliet intermedjarji finanzjarji mill-Faċilità ta’ Garanzija ta’ Self (fir-Repubblika Ċeka, ir-Rumanija u r-Renju Unit) u tnejn mill-Faċilità ta’ Garanziji ta’ InnovFin għall-SMEs (fil-Ġermanja u l-Iżvezja);
  3. intervisti bit-telefon ma’ kampjun aleatorju ta’ 46 benefiċjarji finali tal-Faċilità ta’ Garanziji ta’ InnovFin għall-SMEs (li jkopru seba’ intermedjarji finanzjarji fir-Repubblika Ċeka, Spanja, Franza, l-Italja u l-Lussemburgu);
  4. żjarat lil żewġ banek kummerċjali u korpi tal-Gvern fil-Greċja;
  5. studju ekonometriku tal-effetti, fuq terminu twil, li l-predeċessuri tal-Faċilità ta’ Garanzija ta’ Self kellhom fuq il-kumpaniji benefiċjarji fi Franza;
  6. analiżi tad-data tal-FEI u tal-Kummissjoni dwar il-garanziji, kif ukoll dwar l-iskemi ta’ għotjiet orjentati lejn negozji aktar żgħar fil-programm Orizzont 2020; kif ukoll
  7. intervisti mal-persunal tal-FEI u tal-Kummissjoni.

Osservazzjonijiet

L-istruttura tal-istrumenti ta’ garanzija ġarrbet dgħufijiet

24

Meta tkun qed twaqqaf strument finanzjarju, jeħtieġ li l-Kummissjoni tqis, fost affarijiet oħra, l-elementi li ġejjin: (i) il-ħtiġijiet tas-suq u d-daqs tal-istrument (jiġifieri l-ammont tal-kontribuzzjoni mill-UE li trid issir disponibbli) u (ii) l-ispiża tal-ġestjoni tal-istrument.

25

Ladarba l-istrument jiġi stabbilit, jenħtieġ li dan jibda l-operazzjonijiet malajr sabiex jagħmel l-aħjar użu mill-perjodu ta’ implimentazzjoni.

26

Għalhekk, aħna eżaminajna:

  1. jekk id-daqs tal-istrumenti ġiex deċiż abbażi ta’ valutazzjoni xierqa tal-ħtiġijiet tas-suq;
  2. jekk in-negozjati tal-Kummissjoni mal-FEI dwar l-ispejjeż u t-tariffi kinux ibbażati fuq l-evidenza;
  3. jekk l-istrumenti kinux bdew l-operazzjonijiet mingħajr dewmien.

Id-daqs tal-istrumenti ma kienx ibbażat fuq valutazzjoni komprensiva u aġġornata tal-ħtiġijiet tas-suq

27

Billi l-UE tiffinanzja għadd kbir ta’ strumenti finanzjarji li joperaw flimkien ma’ strumenti ffinanzjati fil-livell nazzjonali jew reġjonali, l-analiżi tal-ħtiġijiet tas-suq hija kruċjali sabiex l-effettività tal-istrumenti tiġi żgurata.

28

Il-valutazzjonijiet tal-impatt u l-evalwazzjonijiet ex ante mwettqa mill-Kummissjoni qabel it-tnedija ta’ ġenerazzjoni ġdida ta’ strumenti finanzjarji għandhom jipprovdu informazzjoni dwar il-ħtiġijiet tas-suq, u għandhom jippermettu li jinsiltu konklużjonijiet rigward l-ammont ta’ appoġġ meħtieġ sabiex jiġu indirizzati dawn il-ħtiġijiet. Għalhekk, aħna eżaminajna dawn il-valutazzjonijiet/evalwazzjonijiet għall-istrumenti ta’ garanzija.

29

Għaż-żewġ programmi li fi ħdanhom huma inkorporati ż-żewġ strumenti mmaniġġjati ċentralment (jiġifieri l-Programm għall-Kompetittività tal-Intrapriżi u l-Intrapriżi Żgħar u ta’ Daqs Medju u Orizzont 2020), il-valutazzjonijiet twettqu fl-2011 u fl-2013, rispettivament. Madankollu, għall-istrumenti finanzjarji taħt il-programm Orizzont 2020 (inkluża l-Faċilità ta’ Garanziji ta’ InnovFin għall-SMEs), il-valutazzjoni speċifika twettqet wara li l-proposta leġiżlattiva għall-programm kienet diġà ħarġet u wara li ammont tal-baġit indikattiv bejn il-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill kien diġà ġie diskuss.

30

Iż-żewġ valutazzjonijiet wettqu analiżi tal-ħtiġijiet tas-suq (jiġifieri n-nuqqas fil-finanzjament). Minħabba nuqqas ta’ data kompleta, kien diffiċli li titwettaq kwantifikazzjoni preċiża ta’ dan in-nuqqas u, għalhekk, din kienet ibbażata fuq għadd ta’ stimi u suppożizzjonijiet (ara l-Kaxxa 1). B’riżultat ta’ dan, l-għadd ta’ SMEs li kienu meqjusa li jġarrbu nuqqas ta’ aċċess għall-finanzjament (2 sa 3.5 miljun minn madwar 23 miljun) u li mhux attribwibbli għal dgħufijiet fundamentali iżda pjuttost għan-nuqqas/insuffiċjenza ta’ kollateral (preżunt fil-livell ta’ 20 %) kien espress bħala firxa (minn 0.4 sa 0.7 miljun SMEs). Il-valutazzjoni tal-2013 ma aġġornatx iċ-ċifri dwar in-nuqqas fil-finanzjament li ntużaw fil-valutazzjoni tal-2011.

Kaxxa 1

Kwantifikazzjoni tal-ħtiġijiet tas-suq: stimi u suppożizzjonijiet

Minħabba n-nuqqas ta’ data, kien meħtieġ li jiġu stmati għadd ta’ aspetti, bħal:

  • (i) SMEs li kellhom applikazzjonijiet għal finanzjament bankarju rrifjutati jew aċċettati biss parzjalment u (ii) SMEs li ma applikawx minħabba rifjut possibbli. Dawn ġew stmati fuq il-bażi ta’ stħarriġ u dawn l-SMEs ma jitqisux li huma koperti mill-istrumenti eżistenti ffinanzjati mill-UE jew fil-livell nazzjonali. Skont id-data tal-istħarriġ12, il-perċentwal tal-SMEs li qiesu li l-aċċess għall-finanzjament kien problematiku naqas minn 17 % fl-2009 għal 10 % fl-2016. Madankollu, kien hemm diverġenza sinifikanti fost il-pajjiżi;
  • is-sehem tar-rifjuti li jirreferi għal tranżazzjonijiet bankarji potenzjalment ta’ valur. Dan kien ibbażat fuq xi sorsi u studji tal-industrija.

Eżempji ta’ suppożizzjonijiet li saru fil-valutazzjonijiet:

  • In-nuqqas fil-finanzjament kien meqjus li ġie stmat b'mod insuffiċjenti minħabba li, pereżempju, kien preżunt li kull sena jidħlu fis-suq SMEs ġodda. Madankollu, ma kien hemm l-ebda kwantifikazzjoni sottostanti ta’ dawk li ngħaqdu mal-grupp ta’ SMEs u dawk li telqu mill-grupp ta’ SMEs;
  • L-appoġġ pubbliku għall-garanziji fuq is-self fil-livell tal-Istati Membri kien mistenni jonqos, biex b’hekk żdied in-nuqqas. Retrospettivament, din is-suppożizzjoni ma tidhirx li hija korretta billi, skont id-data disponibbli13, il-livell ta’ garanziji maħruġa fis-snin 2010 sa 2015 kien ogħla minn kif kien fis-snin kollha mill-2000 sal-2008. Is-sena 2009 kienet sena rekord;
  • L-istrumenti ta’ garanzija fuq is-self taħt ġestjoni kondiviża kienu mistennija jiżdiedu, iżda mhux b’tali mod li jpattu bis-sħiħ għat-tnaqqis mistenni fl-appoġġ ipprovdut mill-Istati Membri. Skont id-data tal-Kummissjoni, il-kontribuzzjoni mill-UE għall-istrumenti finanzjarji taħt ġestjoni kondiviża tat-tipi kollha fil-perjodu 2014-2020 hija mistennija tkun sinifikattivament ogħla (madwar 75 %) mill-kontribuzzjoni tagħha fil-perjodu 2007-2013 (ara l-paragrafu 18).
31

Il-valutazzjoni tal-2011 u, b’mod partikolari, l-istudju sottostanti14 mwettaq f’isem il-Kummissjoni kienu jinkludu analiżi dettaljata ta’ diversi għażliet (strumenti finanzjarji differenti u baġits differenti) u vvalutaw l-impatt tagħhom. Il-valutazzjoni tal-2013 ma kellhiex l-istess livell ta’ għażliet u informazzjoni dwar l-impatt. B’mod partikolari, għalkemm kellha ssir disponibbli kontribuzzjoni ferm ogħla mill-UE għall-Faċilità ta’ Garanziji ta’ InnovFin għall-SMEs meta mqabbla mal-ekwivalenti tagħha fil-perjodu preċedenti (ara t-Tabella 1), ma twettqitx valutazzjoni tal-impatt fuq in-nuqqas fil-finanzjament u lanqas tal-kapaċità ta’ assorbiment15 li tkun tieħu inkunsiderazzjoni wkoll l-impatt ikkombinat tal-istrumenti ta’ garanzija l-oħra kollha ffinanzjati mill-UE meħuda flimkien.

32

Il-kontribuzzjoni mill-UE li kien hemm disponibbli għaż-żewġ strumenti mmaniġġjati ċentralment ma tiġix allokata skont l-Istat Membru, ir-reġjun jew is-settur. L-istrumenti, f’konformità mal-bażi ġuridika tagħhom, huma mmexxija mid-domanda, bl-intermedjarji finanzjarji jirrispondu għas-sejħa għal espressjoni ta’ interess li tinħareġ mill-FEI. Filwaqt li l-ħtiġijiet tas-suq u, b’hekk, l-impatt possibbli tal-garanziji jvarjaw bejn l-Istati Membri, l-analiżi tan-nuqqas fil-finanzjament għaż-żewġ strumenti twettqet fil-livell tal-UE biss. Il-valutazzjonijiet tal-2011 u tal-2013 ma użawx l-informazzjoni disponibbli dwar il-ħtiġijiet tas-suq f’għadd ta’ Stati Membri u reġjuni. Tabilħaqq, bejn l-2006 u l-2008, taħt l-Inizjattiva JEREMIE16 (Riżorsi Ewropej Konġunti għall-Impriżi Mikro sa Medji), il-FEI kien ipproduċa “analiżi tan-nuqqas” fil-livell nazzjonali għal 19-il Stat Membru fuq talba tagħhom. Barra minn hekk, fl-2012 sar studju għall-Kummissjoni biex tingħata stampa ġenerali tal-iskemi ta’ self, garanzija u ekwità li ngħataw appoġġ mir-riżorsi nazzjonali fl-Istati Membri tal-UE. Fl-2014 sar aġġornament iżda, minħabba l-limitazzjonijiet fl-ambitu stabbilit għall-istudji, l-istampi ġenerali għal kull Stat Membru mhumiex kompleti.

33

Il-valutazzjoni tal-2011 kienet tistenna li jkun jinkiseb l-ogħla effett katalitiku fl-Istati Membri li ssieħbu fl-UE mill-2004 ’l quddiem. Madankollu, fuq il-bażi tal-ftehimiet ta’ garanzija ffirmati bejn il-FEI u l-intermedjarji finanzjarji taħt iż-żewġ strumenti sa tmiem l-2016, bejn wieħed u ieħor tliet kwarti tas-self mistenni se jiġi ġġenerat f’erba’ Stati Membri li ssieħbu fl-UE qabel l-2004. Għall-maġġoranza tal-Istati Membri li ssieħbu fl-UE mill-2004 ’l quddiem, l-impatt taż-żewġ strumenti f’dak li jirrigwarda r-rimedjar tan-nuqqas fil-finanzjament huwa inqas milli għal dawn l-Istati Membri benefiċjarji prinċipali.

34

Il-FEIS (ara l-paragrafu 17) se jissupplimenta ż-żewġ strumenti b’mod sinifikanti. Fl-Opinjoni Nru 2/2016 tagħna17, aħna diġà ġbidna l-attenzjoni għall-fatt li għall-FEIS ma kienu twettqu l-ebda valutazzjoni u analiżi tal-kawżi tan-nuqqas u tal-ħtiġijiet tas-suq u kif dawn jistgħu jiġu indirizzati bl-aħjar mod.

35

Fir-rigward tal-istrumenti kkofinanzjati mill-Fondi Strutturali, Rapport Speċjali preċedenti18 enfasizza l-fatt li, għall-perjodu 2007-2013, il-ħtiġijiet tas-suq mhux dejjem kienu ġew ivvalutati sew mill-awtoritajiet responsabbli fl-Istati Membri. Dan wassal biex għadd sinifikanti ta’ strumenti finanzjarji kienu kbar iżżejjed.

Il-livell ta’ spejjeż u tariffi ma kienx ġie sostanzjat b’mod suffiċjenti

36

Il-FEI jirċievi tariffa amministrattiva bħala rimunerazzjoni għas-servizzi pprovduti u tariffa fuq il-prestazzjoni maħsuba biex tinċentiva l-ilħuq ta’ miri speċifiċi. L-ammont totali massimu ta’ tariffi amministrattivi u tariffi fuq il-prestazzjoni li jistgħu jiġu imposti mill-FEI matul il-ħajja ta’ kull faċilità se jkun 6 % tal-kontribuzzjoni mill-UE. Din it-tariffa kienet f’livell ta’ 9 % għall-istrumenti tal-perjodi 1998-2000 u 2001-2006 u l-Kummissjoni rnexxielha tnaqqasha għal 6 % minn hemm ’il quddiem.

37

Minbarra dan, il-Kummissjoni (i) tħallas tariffa lill-FEI għall-immaniġġjar ta' flus19 tal-ammonti mħallsa mill-baġit tal-UE għaż-żewġ strumenti u (ii) tirrimborża lill-FEI għal ċerti spejjeż oħra tal-ġestjoni mhux previsti, abbażi ta’ evidenza dokumentarja. Il-limitu massimu kkombinat għal dawn l-ispejjeż huwa 1 % tal-kontribuzzjoni mill-UE għall-Faċilità ta’ Garanzija ta’ Self u 1.5 % tal-kontribuzzjoni tagħha għall-Faċilità ta’ Garanziji ta’ InnovFin għall-SMEs.

38

L-ammont massimu ta’ spejjeż u tariffi tal-ġestjoni pagabbli għaż-żewġ strumenti matul il-ħajja tagħhom huwa ta’ EUR 129.7 miljun, kif spjegat fid-dettall fit-Tabella 2. L-ispejjeż se jiżdiedu ladarba s-suppliment tal-kontribuzzjoni mill-FEIS jiġi formalizzat permezz ta’ emendi għall-ftehimiet ta’ delega (ara l-paragrafu 17).

Tabella 2

Ammont massimu ta’ spejjeż u tariffi tal-ġestjoni pagabbli (f’EUR miljun)

  Faċilità ta’ Garanzija ta’ Self Faċilità ta’ Garanziji ta’ InnovFin għall-SMEs TOTAL
Kontribuzzjoni mill-UE 717.00 1 060.00 1 777.00
Total tal-ispejjeż u t-tariffi tal-ġestjoni, li minnhom 50.18 79.50 129.68
  • Tariffa amministrattiva
20.07 29.68 49.75
  • Tariffa fuq il-prestazzjoni
22.94 33.92 56.86
  • Tariffa għall-immaniġġjar ta' flus, u spejjeż oħra
7.17 15.90 23.07
Kontribuzzjoni mill-UE, netta mill-ispejjeż u t-tariffi 666.82 980.50 1 647.32

Sors: Il-QEA, fuq il-bażi tal-informazzjoni baġitarja tal-UE u l-ftehimiet ta’ delega bejn il-Kummissjoni u l-FEI.

39

L-ispejjeż u t-tariffi tal-ġestjoni annwali20 għaż-żewġ strumenti se jkunu madwar EUR 6.5 miljun (mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni s-suppliment tal-kontribuzzjoni mill-FEIS). Filwaqt li l-FEI huwa prinċipalment proprjetà pubblika21, fejn l-UE għandha 29.81 % tal-kapital azzjonarju, madankollu huwa importanti li jiġi żgurat li t-tariffi jkunu xierqa.

40

Għalhekk, qabel tidħol fil-fażi tan-negozjati mal-FEI, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun konxja tad-data dwar l-ispejjeż (i) imġarrba mill-FEI għat-tmexxija tal-istrumenti ta’ garanzija li ntużaw preċedentement, (ii) imġarrba mill-istituzzjonijiet ta’ garanzija nazzjonali għat-tmexxija tal-istrumenti ta’ garanzija fuq is-self u (iii) imposti mill-FEI lil korpi oħra li mingħandhom huwa rċieva mandat ta’ ġestjoni (bħall-BEI jew l-awtoritajiet nazzjonali). Aħna eżaminajna jekk din id-data kinitx inkisbet.

41

Aħna sibna li l-Kummissjoni ma kellhiex għad-dispożizzjoni tagħha informazzjoni dettaljata dwar l-ispejjeż reali tal-iskemi li kien hemm qabel. Hija kellha informazzjoni limitata dwar it-tariffi mħallsa minn korpi oħra li kienu taw mandat lill-FEI biex imexxi l-istrumenti finanzjarji f’isimhom, u sar xogħol limitat biex jitqabblu l-ispejjeż tiegħu ma’ dawk imġarrba minn kampjun ta’ strumenti ta’ garanzija mmexxija fuq livell nazzjonali.

42

Bħala kwistjoni ta’ tqabbil, għall-istrumenti ta’ garanzija kkofinanzjati mill-Fondi Strutturali, il-limitu massimu impost, mir-regolamenti rilevanti, fuq l-ispejjeż u t-tariffi tal-ġestjoni huwa ogħla mis-6 % li ġie impost għall-istrumenti mmaniġġjati ċentralment. Madankollu, l-ispejjeż reali baqgħu taħt il-limitu massimu. Skont id-data indikattiva dwar l-implimentazzjoni tal-istrumenti ta’ garanzija kkofinanzjati mill-Fondi Strutturali22 matul il-perjodu 2007-2013, il-medja annwali tal-ispejjeż u t-tariffi tal-ġestjoni23 attwalment jinsabu fl-istess firxa bħal dawk imħallsa mill-Kummissjoni għaż-żewġ strumenti awditjati.

43

Minbarra t-tariffi msemmija hawn fuq, għall-Faċilità ta’ Garanziji ta’ InnovFin, il-FEI huwa intitolat li jirċievi tariffa ta’ riskju bħala kumpens talli jerfa’ parti mir-riskju għal dan l-istrument (ara l-paragrafu 12 u l-Figura 1).

44

Ir-riskju assoċjat mal-iskopertura tal-FEI jiddependi mill-profil tar-riskju tal-portafoll sottostanti u l-ammont tal-kontribuzzjoni mill-UE, b’din tal-aħħar titħallas f’pagamenti akkont annwali u qabel l-approvazzjoni effettiva tal-garanziji. Sal-2022, is-self jista’ jiġi inkluż taħt il-Faċilità ta’ Garanziji ta’ InnovFin għall-SMEs, għalhekk il-profil tar-riskju tal-portafoll jista’ jkompli jinbidel.

45

L-intermedjarji finanzjarji jridu jħallsu tariffa ta’ garanzija (ara l-paragrafu 11), li hija introjtu għall-Faċilità. Il-kontribuzzjoni mill-UE tintuża biss sabiex jitħallsu t-tariffi ta’ riskju meta t-tariffa ta’ garanzija ma tkunx biżżejjed biex tkopri l-ammont sħiħ tat-tariffa ta’ riskju li l-FEI huwa intitolat għaliha.

46

It-tariffa ta’ riskju hija stabbilita f’rata ta’ 1.25 % fis-sena fuq 80 % tal-ammont garantit pendenti (billi l-kontribuzzjoni mill-UE hija mistennija li tkun tikkorrispondi għal 20 % tat-total tal-ammont garantit lill-intermedjarji kollha meħuda flimkien). It-total tal-ammont massimu ta’ tariffi ta’ riskju li jistgħu jiġu imposti mill-FEI matul il-ħajja tal-Faċilità huwa 10 % tal-kontribuzzjoni mill-UE (jiġifieri EUR 106 miljun).

47

Hemm riskju li t-tariffa tista’ tikkumpensa żżejjed lill-FEI għar-riskju effettivament meħud. Dan minħabba li t-tariffa titħallas fuq 80 % tal-ammont garantit pendenti anki meta l-kontribuzzjoni mill-UE mħallsa taqbeż l-20 % tal-ammont garantit (fi kliem ieħor, meta l-esponiment reali tal-FEI ikun inqas minn 80 %). Madankollu, ma hemmx mekkaniżmu għar-reviżjoni tat-tariffa ta’ riskju mħallsa lill-FEI sal-2022. Pereżempju, fil-perjodu 2014-2015, il-kontribuzzjoni mill-UE kienet taqbeż l-ammont garantit pendenti, għalhekk il-FEI ma assuma l-ebda riskju, u minkejja dan huwa rċieva bejn wieħed u ieħor EUR 0.5 miljun f’tariffi ta’ riskju.

Bidu rapidu għall-fażi ta’ implimentazzjoni

48

L-awditi li wettaqna fil-passat urew li t-tħaddim tal-istrumenti finanzjarji huwa sfida ewlenija, u d-dewmien ipoġġi f’riskju l-ilħuq tal-objettivi24. Għalhekk, aħna eżaminajna jekk dan id-dewmien fiż-żmien kienx ġie evitat.

49

Il-Faċilità ta’ Garanzija ta’ Self kienet essenzjalment kontinwazzjoni tal-Faċilità ta’ Garanziji għall-SMEs preċedenti, li għamlitha faċli li din tibda topera malajr. Iżda l-bidu rapidu tal-Faċilità ta’ Garanziji ta’ InnovFin għall-SMEs, li f’xi aspetti kienet strument ġdid, kien kisba sinifikanti.

50

Għaż-żewġ strumenti, il-ftehimiet bejn il-Kummissjoni u l-FEI ġew iffirmati sa Lulju 2014. Sa tmiem l-2014, il-FEI kien diġà ffirma ftehimiet ta’ garanzija ma’ sitt intermedjarji b’volum mistenni ta’ għoti ta’ self ta’ kważi EUR 1.4 biljun. Sa tmiem l-2016, ir-rata ta’ implimentazzjoni (f’termini tal-kontribuzzjoni mill-UE li ntużat) kienet ta’ 80 %. Fl-istess data, l-intermedjarji finanzjarji kienu pprovdew self li jikkorrispondi għal madwar 27 % tal-volum ta’ self mistenni tagħhom.

L-istrumenti ta’ garanzija fuq is-self ma ffukawx biżżejjed fuq negozji li qed ikollhom diffikultà biex jissellfu

51

Il-mutwanti ġeneralment jitolbu rati tal-imgħax ogħla u tariffi proporzjonati mal-mutwatarji li jkollhom profil ta’ riskju ogħla. Madankollu, huma jistgħu jsibuha bi tqila wkoll biex jitolbu mgħax għoli u biex jieħdu riskji li jkunu ogħla minn ċertu livell u minflok jagħżlu li jirrestrinġu l-attività ta’ għoti ta’ self. Konsegwentement, jista’ jkun li proġetti vijabbli ma jiġux iffinanzjati minħabba li l-banek iqisuhom riskjużi wisq, b’mod partikolari meta l-mutwatarji ma jkollhom l-ebda mezz kif juru l-affidabbiltà kreditizja tagħhom u/jew il-validità tal-prospetti tagħhom għall-proġett25. Għall-iskopijiet ta’ dan ir-rapport, negozji vijabbli li ma jkunux f’pożizzjoni li jissellfu mingħand mutwanti kummerċjali jissejħu “negozji vijabbli li ma jkollhomx aċċess għall-finanzjament”.

52

Il-fatt li hemm mutwatarji bi proġetti vijabbli li ma jistgħux jiksbu aċċess għall-finanzjament huwa r-raġunar loġiku ewlieni wara l-iffinanzjar, mill-UE, tal-istrumenti ta’ garanzija fuq is-self. Dan ir-raġunar loġiku huwa ddikjarat fid-dokumenti ta’ tħejjija u fir-regolamenti rispettivi li jistabbilixxu ż-żewġ Faċilitajiet eżaminati. B’mod partikolari, huwa ddikjarat li “l-Faċilità ta’ Garanzija ta’ Self għandha (…) tnaqqas id-diffikultajiet partikolari li jiffaċċjaw l-SMEs vijabbli biex ikollhom aċċess għall-finanzi, jew minħabba r-riskju għoli pperċepit tagħhom jew minħabba n-nuqqas ta’ kollateral disponibbli suffiċjenti tagħhom”26. Għall-Faċilità ta’ Garanziji ta’ InnovFin għall-SMEs, ir-Regolament dwar Orizzont 202027 jirreferi għall-fatt li “kumpaniji innovattivi stabbiliti – kemm kbar kif ukoll żgħar – ma jkunux jistgħu jiksbu self għal attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni ta’ riskju ogħla” u li “l-innovazzjonijiet meħtieġa biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ politika qed jirriżultaw li huma, tipikament, riskjużi wisq għas-suq (…)”. Barra minn hekk, id-dispożizzjoni tar-Regolament Finanzjarju li “l-istrumenti finanzjarji ma għandux ikollhom l-għan li jissostitwixxu (…) il-finanzjament privat”28 timplika li hemm fokus fuq “negozji vijabbli li ma jkollhomx aċċess għall-finanzjament”.

53

B’hekk, dawn l-istrumenti mhumiex maħsuba bħala sussidji ġenerali intenzjonati biex inaqqsu l-ispejjeż tal-imgħax ta’ negozji aktar żgħar b’mod ġenerali, jew ta’ dawk li huma innovattivi, iżda huma maħsuba biex itejbu l-aċċess għall-finanzjament għal dawk il-kumpaniji li ma kinux ikunu jistgħu jissellfu mingħand mutwanti kummerċjali.

54

Għalhekk, aħna eżaminajna:

  1. jekk il-kumpaniji li jibbenefikaw mill-garanziji fuq is-self kellhomx diffikultajiet biex jaċċessaw il-finanzjament;
  2. jekk il-Kummissjoni għamlitx użu effettiv mill-miżuri maħsuba biex itejbu l-orjentament lejn “negozji vijabbli li ma jkollhomx aċċess għall-finanzjament”; u
  3. jekk l-istrumenti kinux ġew adottati b’suċċess fl-Istati Membri li għandhom diffikultajiet finanzjarji.

Dgħufijiet fl-orjentament lejn dawk in-negozji vijabbli li ma jkollhomx aċċess għall-finanzjament

55

Ibbażat fuq il-kampjun tas-self li ħadna (96 negozju), u li kien ikopri ż-żewġ strumenti, aħna sibna li 40 % biss tas-self ġie pprovdut lil negozji li altrimenti kien ikollhom diffikultà biex jiksbu finanzjament mingħand mutwanti kummerċjali. Dan il-livell mhuwiex sinifikattivament differenti mit-43 %29 li sibna fl-awditu preċedenti tagħna tal-Faċilità ta’ Garanziji għall-SMEs30 (il-predeċessur għall-Faċilità ta’ Garanzija ta’ Self), li kellha objettivi simili ħafna u li, fil-biċċa l-kbira, kienet ibbażata fuq intermedjarji simili.

56

Taħt il-Faċilità ta’ Garanziji ta’ InnovFin għall-SMEs, 35 % tan-negozji kien ikollhom diffikultà biex jiksbu self kummerċjali mingħajr il-garanzija tal-UE. Iżda anki fost dan is-sottogrupp ta’ negozji innovattivi, xi wħud kellhom aċċess għall-finanzjament tal-kapital ta’ riskju jew setgħu kisbu self kummerċjali billi jipprovdu garanziji personali.

57

Aħna qabbilna wkoll l-imġiba tal-intermedjarji pubbliċi u privati fl-orjentament lejn il-benefiċjarji intenzjonati31 bl-użu ta’ indikaturi indiretti li huma marbuta mal-livell ta’ restrizzjoni finanzjarja:

  1. l-età u d-daqs tal-kumpanija, minħabba li negozji aktar żgħar u aktar ġodda għandhom it-tendenza li jkollhom aktar restrizzjonijiet finanzjarji32; u
  2. is-selfa bħala proporzjon tal-assi totali ta’ kumpanija biex l-importanza finanzjarja tas-selfa titkejjel bħala sors ta’ finanzjament fl-istruttura tal-kapital tal-kumpanija.
58

Dawn l-indikaturi juru differenza qawwija bejn l-imġiba tal-intermedjarji pubbliċi versus dawk privati taħt il-Faċilità ta’ Garanziji ta’ InnovFin għall-SMEs. L-intermedjarji pubbliċi konsistentement marru aħjar minn dawk privati f’dak li għandu x’jaqsam mal-orjentament lejn in-negozji li huma aktar probabbli li ġenwinament ikunu jeħtieġu garanzija. Pereżempju, in-negozji li ilhom stabbiliti inqas minn ħames snin kienu jirrappreżentaw 35 % tal-portafoll tas-self tal-intermedjarji pubbliċi, meta mqabbla ma’ 16 % ta’ dawk privati. Bl-istess mod, l-intermedjarji pubbliċi kienu aktar probabbli li jipprovdu ammont relattivament sostanzjali ta’ finanzjament lill-benefiċjarji: aktar minn nofs is-self ipprovdut minnhom kien jirrappreżenta aktar minn 10 % tal-assi tal-mutwatarju rilevanti, filwaqt li dan kien il-każ biss għal kwart tas-self ipprovdut minn intermedjarji privati33.

59

Il-fatt li l-intermedjarji privati taħt il-Faċilità ta’ Garanziji ta’ InnovFin għall-SMEs iffukaw aktar fuq li l-kumpaniji jkollhom aċċess għal self kummerċjali huwa marbut ma’ kif l-istrument ġie stabbilit. Ir-Regolament dwar Orizzont 2020 jindika li l-Faċilità għandha l-mira li ttejjeb l-aċċess għall-finanzjament ta’ dejn, iżda ma jinkludi l-ebda rekwiżit espliċitu biex il-fokus ikun fuq “negozji vijabbli li ma jkollhomx aċċess għall-finanzjament”. Il-ftehim bejn il-Kummissjoni u l-FEI jiddikjara li l-iskop tal-Faċilità huwa biss li tinċentiva lill-intermedjarji biex jestendu direttament jew indirettament il-finanzjament ta’ dejn. Il-ftehimiet bejn il-FEI u l-intermedjarji ma jispeċifikawx li l-intermedjarji jkollhom jiffukaw fuq negozji li jiltaqgħu ma’ diffikultajiet biex jaċċessaw self kummerċjali. Filwaqt li huwa aktar probabbli li l-intermedjarji pubbliċi jiffukaw fuq dawn in-negozji minħabba l-objettivi ta’ politika tagħhom, l-intermedjarji privati ma għandhomx din il-motivazzjoni u l-ftehim ta’ garanzija mal-FEI ma jitlobhomx jagħmlu dan. Tabilħaqq, intermedjarju privat li żorna lanqas biss kien konxju tal-fatt li l-enfasi għandha tkun fuq negozji vijabbli li jiġu miċħuda kreditu (ara l-paragrafu 52).

60

Il-kumpaniji b’aċċess suffiċjenti għall-finanzi xorta jistgħu jibbenefikaw mill-garanzija, pereżempju, billi jissellfu għal durata itwal jew għal ammonti akbar. Barra minn hekk, taħt il-Faċilità ta’ Garanziji ta’ InnovFin għall-SMEs, l-intermedjarji jistgħu jnaqqsu r-rata tal-imgħax taħt ir-rata tas-suq. L-iffrankar fuq l-imgħax huwa proporzjonali għall-istat ta’ riskju tal-mutwatarju. Madankollu, peress li negozji b’aċċess għal self kummerċjali jkollhom it-tendenza li jkunu ta’ riskju aktar baxx, l-iffrankar huwa marġinali. L-iffrankar medju li osservajna fil-kampjun tagħna kien ta’ bejn 0.3 % u 0.4 %, jiġifieri mhux aktar minn EUR 1 000 fis-sena fuq selfa ta’ EUR 250 000 (il-valur medjan taħt il-Faċilità ta’ Garanziji ta’ InnovFin għall-SMEs).

Filwaqt li fil-każ ta’ miżura waħda l-Kummissjoni rnexxielha tikseb orjentament akbar lejn “negozji vijabbli li ma jkollhomx aċċess għall-finanzjament”, hija għadha ma esploratx xi miżuri possibbli oħra b’mod partikolari għall-Faċilità ta’ Garanziji ta’ InnovFin għall-SMEs

61

Aħna diġà osservajna li, taħt il-Faċilità ta’ Garanziji għall-SMEs preċedenti, perċentwal sostanzjali ta’ benefiċjarji kien magħmul minn negozji li jkollhom aċċess għal self kummerċjali u rrakkomandajna li “għandhom jiġu previsti miżuri xierqa biex jitnaqqas it-telf nett fil-benessri ekonomika, ikkawżat mill-programm, kemm jista’ jkun, bl-użu fost l-oħrajn tal-aqwa prattiki diġà fis-seħħ għand ċerti intermedjarji”34. Fir-risposta tagħha għar-rakkomandazzjoni, il-Kummissjoni qablet “li miżuri xierqa sabiex jiġi minimizzat il-piż mejjet għandhom jiġu previsti fi kwalunkwe programm suċċessiv”35.

62

Fil-proposta leġiżlattiva tagħha għall-Faċilità ta’ Garanzija ta’ Self attwali, il-Kummissjoni introduċiet limitu massimu ta’ EUR 150 000 għas-self eliġibbli għall-garanziji. Il-mutwatarji li talbu ammonti aktar baxxi tqiesu li kellhom aktar diffikultajiet biex jaċċessaw il-finanzjament.

63

Filwaqt li dan il-limitu massimu ġie approvat, il-leġiżlaturi introduċew eċċezzjoni. Xorta jista’ jiġi garantit self akbar taħt il-Faċilità ta’ Garanzija ta’ Self jekk ikun jista’ jiġi ddimostrat li l-benefiċjarju huwa ineliġibbli għal garanzija taħt il-Faċilità ta’ Garanziji ta’ InnovFin għall-SMEs36. Intermedjarju li jkun lest li japprova self ogħla mil-limitu massimu jrid l-ewwel jivverifika li l-mutwatarju ma jista’ jissodisfa l-ebda wieħed mill-14-il kriterju ta’ eliġibbiltà relatati mal-innovazzjoni taħt il-Faċilità ta’ Garanziji ta’ InnovFin għall-SMEs (ara l-paragrafu 89). Billi dan huwa proċess relattivament diffiċli u r-raġunar loġiku tiegħu diffiċli jinftiehem, il-biċċa l-kbira tal-intermedjarji finanzjarji jżommu s-self garantit tagħhom taħt il-limitu massimu.

64

Għalhekk, il-limitu massimu tassew wassal biex il-Faċilità ta’ Garanzija ta’ Self ġiet iffukata mill-ġdid fuq negozji ġeneralment aktar riskjużi, aktar żgħar u aktar ġodda. Dan jintwera minn ammont ta’ statistika tal-portafoll:

  1. id-daqs medju ta’ selfa naqas, u s-sehem tas-self ta’ aktar minn EUR 150 000 naqas minn 37 % taħt il-Faċilità preċedenti għal 15.8 % taħt il-Faċilità ta’ Garanzija ta’ Self; u
  2. is-sehem tas-self lil negozji mikro (jiġifieri b’inqas minn 10 impjegati) żdied għal 82 %, meta mqabbel ma’ 74 % taħt il-Faċilità preċedenti.
65

Madankollu, qed ikompli jiġi garantit self akbar, xi drabi anki billi ma jiġux osservati r-regoli. Intermedjarju wieħed tal-Faċilità ta’ Garanzija ta’ Self (minn fost it-tlieta li awditjajna) qabeż il-limitu massimu f’diversi okkażjonijiet billi ggarantixxa bosta selfiet lil kumpanija waħda fl-istess data. Il-FEI nnota din il-prattika u talab informazzjoni addizzjonali għal każ wieħed, li huwa sab aċċettabbli, u fuq il-bażi tiegħu ddeċieda li kien hemm raġunar kummerċjali loġiku u adegwat għal dan il-każ speċifiku. Self bħal dan kien jirrappreżenta aktar minn 10 % tal-portafoll tas-self garantit tal-intermedjarju.

66

Kriterji ta’ eliġibbiltà mfassla tajjeb jistgħu jkunu mezz ieħor ta’ kif jiġi żgurat li l-garanziji jiġu adottati minn negozji vijabbli li ma jkollhomx aċċess għall-finanzjament (ara l-Kaxxa 2 għal eżempju). Għall-Faċilità ta’ Garanzija ta’ Self, kriterji ta' eliġibbiltà bħal dawn huma stabbiliti fil-ftehimiet ta’ garanzija mal-intermedjarji finanzjarji. Madankollu, għall-Faċilità ta’ Garanziji ta’ InnovFin għall-SMEs, il-Kummissjoni ma imponietx kriterji bħal dawn fil-ftehim ta’ delega tagħha mal-FEI (ara l-paragrafu 59). Minkejja dan, aħna nosservaw il-fatt li mill-14-il kriterju ta' eliġibbiltà stabbiliti biex jiġi vvalutat il-karattru innovattiv ta’ negozju (li wieħed minnhom għad irid jiġi ssodisfat) 2 kriterji jirrigwardaw negozji aktar ġodda. Iżda dawn iż-żewġ kriterji ntużaw biss minn minoranza ta’ negozji li bbenefikaw minn selfa garantita taħt il-Garanziji ta’ InnovFin għall-SMEs (20 % fil-31.12.2016).

Kaxxa 2

Eżempju ta’ kriterji ta’ eliġibbiltà li jintużaw bnadi oħra u li jistgħu jiġu rreplikati għall-Faċilità ta’ Garanziji ta’ InnovFin għall-SMEs

Il-programm ta’ self tal-Amministrazzjoni tan-Negozji ż-Żgħar tal-Istati Uniti jirrikjedi mill-mutwanti li dawn jiġġustifikaw l-użu tal-garanzija billi jagħtu prova li mutwatarju ma jistax jikseb il-fondi minn sorsi konvenzjonali alternattivi mingħajr il-garanzija. Dan jinkludi li jittieħed kont tal-assi personali disponibbli ta’ sid in-negozju.

67

L-impożizzjoni ta’ rati tal-imgħax ogħla mil-livell medju tas-suq hija approċċ alternattiv biex l-intermedjarji pubbliċi jkunu jistgħu jiżguraw li fil-biċċa l-kbira huma n-“negozji vijabbli li ma jkollhomx aċċess għall-finanzjament” li japplikaw għall-garanzija. Tabilħaqq, negozji li għandhom aċċess għall-finanzjament jistgħu jissellfu bir-rata tas-suq u, għalhekk, huma skoraġġuti milli japplikaw għal self garantit aktar għali. Madankollu, politika tal-ipprezzar ta’ dan it-tip, kif tiġi applikata minn xi istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali, ma tintużax taħt il-Faċilità ta’ Garanziji ta’ InnovFin għall-SMEs.

68

L-istruttura tal-Kummissjoni għall-monitoraġġ tal-istrumenti ta’ garanzija ma tagħmilhiex possibbli li jiġi vverifikat perjodikament jekk l-intermedjarji humiex qed ikunu orjenti lejn “negozji vijabbli li ma jkollhomx aċċess għall-finanzjament”. Għall-Faċilità ta’ Garanzija ta’ Self, l-indikatur tal-monitoraġġ huwa: il-perċentwal ta’ negozji li jqisu li ma kinux ikunu jistgħu jiksbu finanzjament mingħajr il-garanzija. Madankollu, id-data meħtieġa sabiex dan jiġi aċċertat trid tinġabar permezz ta’ stħarriġ li jsir darbtejn biss matul il-ħajja tal-Faċilità. Indikatur simili ntuża għall-evalwazzjoni tal-Faċilità predeċessur, iżda d-daqs tal-kampjun kien żgħir wisq biex jinsiltu xi konklużjonijiet fil-livell tal-intermedjarji individwali. Għall-Faċilità ta’ Garanziji ta’ InnovFin għall-SMEs, ma jintuża l-ebda indikatur bħal dan.

69

Id-dokumentazzjoni akkademika toffri għadd ta’ indikaturi alternattivi (ara l-Kaxxa 3) li jistgħu jipprovdu indikazzjonijiet aktar f’waqthom tal-perċentwal ta’ negozji li jkollhom aċċess għal self kummerċjali fil-livell tal-intermedjarji individwali. Billi dawn l-indikaturi joqogħdu fuq data tipikament derivata mill-fajls tas-self, id-data neċessarja tista’ tinġabar mingħand l-intermedjarji. Madankollu, sal-lum, il-Kummissjoni għadha ma ttestjatx l-applikabbiltà ta’ indikaturi alternattivi.

Kaxxa 3

Eżempji ta’ indikaturi alternattivi

  • Indikatur tar-restrizzjonijiet tal-investiment: abbażi ta’ skema ta’ “klassifikazzjoni a priori” li tattribwixxi grad ta’ restrizzjonijiet finanzjarji lil kull ditta bl-użu ta’ sett ta’ varjabbli derivati mill-karta tal-bilanċ u r-rapporti tal-introjtu tagħha u mill-interrelazzjonijiet tagħhom f’xi xenarji ta’ investiment/finanzjament37.
  • Indikatur tar-restrizzjonijiet finanzjarji: jintuża sabiex jiddetermina d-ditti li jistgħu jitqiesu bħala li għandhom restrizzjonijiet ta’ kreditu, bl-użu ta’ mudell li jorbot iċ-ċifri finanzjarji tal-kumpaniji mat-tweġibiet li huma jagħtu fl-istħarriġ tal-UE dwar l-aċċess tal-intrapriżi żgħar u medji għall-finanzi38.
  • L-indikaturi nazzjonali eżistenti, bħall-fatturat u l-klassifikazzjoni tal-kreditu pprovduta mill-Banque de France għal kull kumpanija li tippreżenta l-kontijiet annwali.
  • Mudell ta’ tbassir speċifiku żviluppat fuq il-bażi tal-istħarriġiet imwettqa bħala parti minn evalwazzjonijiet jew studji akkademiċi li jkunu saru qabel39.

L-adozzjoni tal-istrumenti saret bil-mod fl-Istati Membri li kienu jinsabu f’diffikultajiet finanzjarji

70

Tnaqqis fir-ritmu ċikliku, b’mod partikolari l-kriżijiet finanzjarji, ġeneralment iżid in-nuqqas fis-self (jiġifieri l-finanzjament ikun meħtieġ iżda mhux disponibbli) li jingħata lil negozji aktar żgħar40. Huwa għalhekk li t-titjib tal-aċċess għall-finanzjament għal negozji aktar żgħar kien element importanti tal-Pjan Ewropew ta’ Rkupru Ekonomiku tal-200841 u għalhekk li l-Kummissjoni u tliet Stati Membri li bbenefikaw mill-assistenza finanzjarja tal-UE (il-Latvja, il-Greċja u l-Portugall) qablu li jimplimentaw diversi miżuri għal din il-fini.

71

Il-baġits nazzjonali tat-tliet Stati Membri inkwistjoni kienu mġebbda ħafna. Il-gvernijiet tagħhom ma setgħux jirfdu l-iskemi ta’ garanzija nazzjonali tagħhom u l-livell ta’ attività ta’ garanzija li ngħatat appoġġ mill-gvernijiet naqas drastikament. Billi l-iskemi tal-UE huma maħsuba biex jikkomplementaw l-isforzi tal-Istati Membri42, aħna eżaminajna jekk, f’dawn il-pajjiżi, l-istrumenti ta’ garanzija tal-UE mmaniġġjati ċentralment u strumenti simili kkofinanzjati mill-Fondi Strutturali kinux ġew adottati b’suċċess.

72

Aħna sibna li l-istrumenti ta’ garanzijatal-UE mmaniġġjati ċentralment kellhom sinifikattivament inqas suċċess f’termini tal-adozzjoni f’dawn l-Istati Membri milli kellhom l-istrumenti kkofinanzjati mill-Fondi Strutturali. Għalkemm il-predeċessur għall-Faċilità ta’ Garanzija ta’ Self kien diġà jeżisti fiż-żmien meta seħħet il-kriżi, minn fost dawn it-tliet Stati Membri, il-FEI ffirma kuntratt ma’ intermedjarju finanzjarju wieħed biss fil-Latvja fl-2009. L-adozzjoni tal-predeċessur għall-Faċilità ta’ Garanziji ta’ InnovFin għall-SMEs, li kien ilu jeżisti mill-aħħar xhur tal-2012, kienet sodisfaċenti fil-Portugall, iżda mhux fiż-żewġ Stati Membri l-oħra.

73

Il-Fondi Strutturali kkofinanzjaw il-garanziji u l-“istrumenti finanzjarji għall-kondiviżjoni tar-riskji ffinanzjati”. Dawn iż-żewġ strumenti t-tnejn kellhom l-għan li jirrimedjaw in-nuqqas fis-self li jingħata lil negozji aktar żgħar, iżda huwa biss it-tieni strument li jipprovdi kemm kopertura għar-riskju ta’ kreditu kif ukoll likwidità lill-intermedjarji. L-iżvantaġġ ta’ “strument finanzjarju għall-kondiviżjoni tar-riskji ffinanzjat” huwa li s-self lil negozji aktar żgħar irid jiġi ffinanzjat kompletament jew parzjalment minn fondi pubbliċi43, li jfisser li għadd inqas ta’ negozji jistgħu jingħataw appoġġ. Aħna sibna li l-istrumenti fejn il-fondi pubbliċi ntużaw biex jiffinanzjaw mill-inqas nofs is-self kellhom aktar suċċess fl-iżborżament tal-flus lin-negozji, minħabba li l-provvediment ta’ likwidità kkumpensa għar-restrizzjonijiet tal-likwidità ffaċċjati mill-banek kummerċjali. Dan jispjega għaliex, bħala strumenti li ma joffrux likwidità lill-banek kummerċjali, il-garanziji tal-UE fuq is-self mmaniġġjati ċentralment ma ġewx adottati sa livell sodisfaċenti fl-Istati Membri inkwistjoni.

74

Madankollu, anki għall-istrumenti finanzjarji kkofinanzjati mill-Fondi Strutturali, l-iżborżamenti lin-negozji ma seħħewx fiż-żmien meta kien hemm l-akbar stress, iżda pjuttost wara. Fil-Latvja, 16 % biss tal-ammont previst għall-“istrumenti finanzjarji għall-kondiviżjoni tar-riskji ffinanzjati” taħt l-iskema mmexxija mill-FEI44 ġie żborżat lil negozji aktar żgħar bejn l-2009 u l-2012. L-iżborżamenti minn strumenti finanzjarji lil negozji aktar żgħar fil-Greċja ġew ittardjati wkoll u aċċelleraw biss lejn l-aħħar tal-perjodu ta’ disponibbiltà fl-2015-2016.

75

L-iżborżamenti bil-mod lil negozji aktar żgħar, minn strumenti finanzjarji kkofinanzjati mill-Fondi Strutturali, jikkuntrastaw mal-kisbiet li saru mill-Istitut għat-Tkabbir fil-Greċja. Dan kien istitut finanzjarju mhux bankarju li ġie stabbilit mill-Istat Grieg u mill-bank ta’ żvilupp Ġermaniż Kreditanstalt für Wiederaufbau bħala miżura ta’ darba bl-iskop li jipprovdi self lil negozji aktar żgħar. Huwa kellu kapital ta’ EUR 200 miljun, li rnexxielu jikkonverti f’self f’inqas minn sena. Skont il-banek kummerċjali fil-Greċja li intervistajna, ir-raġuni ewlenija għall-iżborżament rapidu kienet li l-implimentazzjoni kienet soġġetta għal regoli ferm aktar sempliċi minn dawk għall-istrumenti taħt il-Fondi Strutturali.

76

Il-Kummissjoni tabilħaqq irreaġiet għad-diffikultajiet fl-adozzjoni. B’mod partikolari fl-2011, il-Kummissjoni ppermettiet li l-istrumenti finanzjarji taħt il-Fondi Strutturali jintużaw ukoll għall-finanzjament tal-kapital operatorju, xi ħaġa li qabel kienet permessa biss f’ċirkostanzi eċċezzjonali. Dan kellu effett pożittiv fuq l-iżborżamenti lil negozji aktar żgħar, u kien ġustifikat miċ-ċirkostanzi ta’ dak iż-żmien.

77

Madankollu, l-istorja tal-garanziji fuq is-self turi li bidliet bħal dawn ma jitreġġgħux lura ladarba dawn iċ-ċirkostanzi speċifiċi ma jibqgħux japplikaw. Dan imbagħad jirriżulta f’“rilassament tal-eliġibbiltà” ġenerali. Pereżempju, filwaqt li l-predeċessuri għall-Faċilità ta’ Garanzija ta’ Self iffukaw għall-ewwel fuq is-self ta’ investiment, issa l-finanzjament tal-kapital operatorju sar komuni. Il-predeċessur għall-Faċilità ta’ Garanziji ta’ InnovFin għall-SMEs kien jagħti appoġġ biss lil self b’maturità minima ta’ sentejn. Il-Faċilità ta’ Garanziji ta’ InnovFin għall-SMEs tagħti appoġġ ukoll lil self b’maturità annwali, inklużi l-linji ta’ kreditu. Filwaqt li, bla dubju, bidliet bħal dawn iżidu l-adozzjoni tal-iskemi, huma jżidu wkoll ir-riskju li l-istrument ma jilħaqx b’mod effettiv l-objettivi tal-ordni pubbliku jew jispiċċa jikkompeti mas-settur privat (ara l-Kaxxa 4).

Kaxxa 4

Sitwazzjonijiet fejn il-garanziji tal-UE jagħtu appoġġ lil prodott finanzjarju li mhuwiex adattat għall-objettivi ta’ politika tagħhom

L-għan tal-Faċilità ta’ Garanziji ta’ InnovFin għall-SMEs huwa li tagħti appoġġ lill-attività ta’ innovazzjoni tan-negozji. Linji ta’ kreditu rotanti annwali jew self b’maturità huma eliġibbli. Madankollu, dawn it-tipi ta’ self ma jipprovdux l-istabbiltà meħtieġa sabiex jappoġġjaw proġett ta’ terminu medju, kif tipikament tkun l-innovazzjoni.

Is-self ta’ kapital operatorju huwa eliġibbli taħt il-garanziji tal-UE fuq is-self. Partijiet minn dawn il-garanziji kienu ffinanzjati mir-riżorsi tal-FEIS u huwa mistenni li jikkontribwixxu għall-ilħuq tal-objettiv ġenerali tiegħu ta’ mobilizzazzjoni tal-investiment. Madankollu, self bħal dan mhux dejjem iwassal għal investimenti ġodda. Waħda minn kull ħames kumpaniji li intervistajna u li bbenefikaw mill-Faċilità ta’ Garanziji ta’ InnovFin għall-SMEs ma setgħux jidentifikaw ir-rabta bejn is-self u investiment, jew jgħidu kif is-self ikun jikkontribwixxi għall-iżvilupp tan-negozju tagħhom.

Il-garanziji tal-UE fuq is-self għandhom jagħtu appoġġ lil negozji li ma jkollhomx aċċess għall-finanzjament ta’ dejn. Għalhekk, l-użu ta’ selfa garantita għar-rifinanzjament ta’ selfa eżistenti mhuwiex permess. Madankollu, fil-każ tas-self ta’ kapital operatorju, dan huwa impossibbli li jiġi kkontrollat. Fl-awditu tagħna, aħna ltqajna ma’ selfa waħda bħal din b’valur ta’ EUR 74 000.

Objettivi parzjalment milħuqa

78

Iż-żewġ strumenti ta’ garanzija għandhom objettivi differenti. Għalhekk, din it-taqsima tindirizzahom separatament. Aħna eżaminajna:

  1. jekk il-predeċessuri tal-Faċilità ta’ Garanzija ta’ Self rawmux it-tkabbir tan-negozju;
  2. jekk il-Faċilità ta’ Garanziji ta’ InnovFin għall-SMEs iffukatx fuq l-għoti ta’ appoġġ lil negozji li huma involvuti f’attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni b’potenzjal għoli għall-eċċellenza.

Il-predeċessuri għall-Faċilità ta’ Garanzija ta’ Self għenu lin-negozji jikbru

79

It-tkabbir tan-negozji jista’ jimmanifesta ruħu fil-ħolqien tal-impjiegi, fil-produttività akbar u f’rata ogħla ta’ sopravivenza. Sabiex jiġi osservat l-effett ta’ garanzija, mhuwiex biżżejjed, pereżempju, li jitqabbel l-għadd ta’ impjegati f’kumpanija partikolari, qabel ma din tkun ibbenefikat mill-garanzija, mal-għadd ta’ dawn l-impjegati ftit snin wara, billi seta’ kien hemm fatturi oħra li kkontribwew45. Minflok, jenħtieġ li valutazzjoni tal-effetti tkun ibbażata fuq it-tqabbil ta’ x’ġara lin-negozji li bbenefikaw mill-garanziji ma’ dak li kien jiġri mingħajr appoġġ ta’ dan it-tip.

80

Bħala parti minn dan l-awditu, aħna kkummissjonajna studju ta’ evalwazzjoni tal-impatt kontrafattwali tal-effetti, fuq terminu twil, tal-garanziji tal-UE fuq is-self fi Stat Membru wieħed, Franza46. Il-kontribuzzjoni mill-UE lill-intermedjarji Franċiżi, li l-portafolli tagħhom ġew analizzati fl-istudju, kienet tirrappreżenta aktar minn 25 % tal-baġit totali tal-Faċilitajiet ta’ Garanziji għall-SMEs li operaw fil-perjodu 2001-2013. L-istudju qabbel għadd ta’ varjabbli tal-eżiti47 għal negozji aktar żgħar li bbenefikaw mill-garanziji tal-UE fuq is-self fil-perjodu 2002-2012 ma’ negozji li ma bbenefikawx minnhom (il-“grupp ta’ tqabbil”). L-effetti ġew stmati kull sena għall-perjodu ta’ 10 snin wara s-sena li fiha ġie riċevut is-self. L-Anness III jipprovdi aktar dettalji dwar il-metodoloġija.

81

Ir-riżultati tal-istudju huma pożittivi fir-rigward tal-varjabbli tal-eżiti kollha analizzati. Il-kumpaniji benefiċjarji kibru aktar mill-grupp ta’ tqabbil f’termini ta’ assi totali, bejgħ u l-ispiża tal-pagi. Wara tnaqqis inizjali fil-produttività, huma saru wkoll aktar produttivi mill-grupp ta’ tqabbil. It-tnaqqis inizjali fil-produttività huwa konsistenti mal-fatt li jinħtieġ iż-żmien biex l-investimenti jsiru produttivi b’mod sħiħ. Filwaqt li s-self ta spinta lill-assi kważi immedjatament, l-effett fuq il-bejgħ u l-ispiża tal-pagi ħa bejn sentejn u tliet snin addizzjonali biex jimmaterjalizza. Is-self garantit kompla poġġa lill-kumpaniji f’aktar dejn, iżda d-dejn addizzjonali ma għamilhomx aktar vulnerabbli. Tabilħaqq, fil-fatt kien hemm probabbiltà inqas li l-kumpaniji benefiċjarji jieqfu min-negozjati milli l-grupp ta’ tqabbil (ara l-Figura 2).

Figura 2

L-effett tas-self garantit fuq negozji aktar żgħar

Sors: Il-QEA, fuq il-bażi tal-“Final report: Long-term effects of loan portfolio guarantees on SMEs’ performance”, minn Bertoni, Colombo u Quas (2016, għad irid jiġi ppubblikat).

82

Għalkemm ir-riżultati pożittivi huma kisba, l-effetti globali osservati għal negozji Franċiżi aktar żgħar huma aktar modesti minn dawk stmati fiż-żewġ studji l-oħra li janalizzaw l-istrumenti ta’ garanzija fuq is-self fi Franza jew bnadi oħra bl-użu ta’ metodoloġija simili (ara t-Tabella 3).

Tabella 3

Effetti għal negozji aktar żgħar skont studji differenti

Studju Fokus Effett fuq l-impjiegi Effett fuq il-bejgħ
Bertoni, Colombo u Quas (2016) Garanziji tal-UE fuq is-self ipprovduti lil negozji Franċiżi aktar żgħar fil-perjodu 2002-2012 7.9 % fir-raba’ sena 6.7 % fir-raba’ sena
Lelarge, C., Sraer, D. u Thesmar, D. (2010)48 Skema ta’ garanzija Franċiża għal negozji li jkunu għadhom kif jiftħu, prinċipalment fil-perjodu 1995-2000 16 % fis-sitt sena --
Asdrubali u Signore (2015)49 garanziji tal-UE fuq is-self ipprovduti lil negozji aktar żgħar fil-pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali, tal-Lvant u tax-Xlokk fil-perjodu 2005-2007 17.3 % fil-ħames sena 19.6 % fil-ħames sena
83

Fl-2005, il-Kummissjoni assumiet li l-ħolqien/iż-żamma ta’ impjieg wieħed taħt il-Faċilità ta’ Garanziji għall-SMEs jkun jiswa EUR 1 33050. Bis-suppożizzjoni li t-tkabbir tal-ispiża tal-pagi, kif stabbilit mill-istudju kontrafattwali, jirrifletti t-tkabbir tal-impjiegi biss, aħna kkalkulajna li kull impjieg li nħoloq/inżamm b’riżultat tal-garanziji tal-UE pprovduti lil negozji Franċiżi aktar żgħar fil-fatt kien jiswa bejn EUR 8 000 u EUR 11 000, jiġifieri seba’ darbiet aktar mill-istima.

84

L-istudju kkonferma wkoll li orjentament akbar jista’ jagħmel l-istrument aktar effettiv. B’mod partikolari, is-self garantit kellu effett akbar fuq il-kumpaniji aktar żgħar u aktar ġodda, jiġifieri l-kumpaniji li, skont id-dokumentazzjoni akkademika, għandhom probabbiltà akbar li jkunu finanzjarjament ristretti. Is-self garantit kellu wkoll effett akbar fejn l-ammont tal-kontribuzzjoni pubblika fuq kull euro ta’ self garantit, jiġifieri t-telf mistenni, kien ogħla (ara t-Tabella 4).

Tabella 4

Fatturi li għandhom impatt fuq l-effettività tal-garanziji

  Bejgħ Spiża tal-pagi Assi
Daqs
Effett akbar għall-kumpaniji aktar żgħar (jiġifieri b’bejgħ taħt EUR 370 000):
+ 2.7pp + 4.4pp + 5.7pp
Età
Effett akbar għall-kumpaniji aktar ġodda (jiġifieri li ilhom stabbiliti inqas minn 7 snin):
- + 2.3pp -
Kontribuzzjoni pubblika
Iż-żieda ta’ punt perċentwali wieħed fil-kontribuzzjoni pubblika fuq kull euro ta’ self garantit żiedet l-effett b’:
+ 2.7pp + 3.9pp + 4.6pp

Nota: pp = punt perċentwali.

Sors: Bertoni et al. (2016).

85

Fl-awditu preċedenti tagħna tal-Faċilità ta’ Garanziji għall-SMEs, aħna osservajna li r-riżultati tal-garanzija jistgħu jinkisbu wkoll b’finanzjament mill-baġits nazzjonali. Minħabba l-perċentwal kbir ta’ mutwatarji li n-negozji tagħhom ġeneralment ikunu lokali, il-ħtieġa għal intervent mill-UE mhijiex ddimostrata biżżejjed51. Il-Kummissjoni aċċettat ir-rakkomandazzjoni relatata u ddikjarat li din kienet diġà ttieħdet inkunsiderazzjoni fid-diskussjonijiet u l-ippjanar għall-ġenerazzjoni li jmiss tal-istrumenti finanzjarji, fejn l-iżgurar tal-valur miżjud tal-UE jkun wieħed mill-prinċipji ewlenin li jridu jiġu rrispettati mill-istrumenti proposti kollha52.

86

Il-konklużjoni preċedenti tagħna, li l-valur miżjud tal-UE ma setax jiġi ddimostrat, għadha valida għall-Faċilità ta’ Garanziji ta’ Self għaż-żewġ raġunijiet li ġejjin. L-ewwel nett, fil-proposta leġiżlattiva tagħha rigward il-Faċilità ta’ Garanzija ta’ Self, il-Kummissjoni ddikjarat li s-“suċċessur se jiffoka aktar fuq garanziji li jappoġġaw is-self transkonfinali u f’aktar minn pajjiż wieħed, kif ukoll it-titolizzazzjoni, f’konformità ma’ rakkomandazzjoni tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri” biex jiġi massimizzat il-valur miżjud tal-UE53. Madankollu, il-leġiżlaturi ma kkonkretizzawx dan fir-regolament li jirregola l-Faċilità. Minbarra dan, fiż-żmien meta wettaqna l-awditu tagħna, il-garanziji transkonfinali jew f’aktar minn pajjiż wieħed taħt il-Faċilità ta’ Garanzija ta’ Self kienu limitati. L-operazzjonijiet ta’ titolizzazzjoni kienu għadhom ma seħħewx lanqas. Anki taħt il-Faċilità ta’ Garanziji għall-SMEs preċedenti tal-perjodu 2007-2013, l-operazzjonijiet ta’ titolizzazzjoni ftit kellhom suċċess, billi ġew iffirmati biss żewġ operazzjonijiet. Spjegazzjoni waħda għal dan hija l-attività limitata fis-suq tat-titolizzazzjoni mill-2008 ’l hawn54.

87

It-tieni nett, l-effett ta’ dimostrazzjoni, katalitiku u ta’ bini tal-kapaċità55 mressaq bħala argument ta’ valur miżjud tal-UE, b’mod partikolari għall-Istati Membri li ssieħbu fl-UE mill-2004 ’l quddiem (ara wkoll il-paragrafu 33) qed jonqos fl-importanza. Dan minħabba li l-użu tal-istrumenti finanzjarji ffinanzjati mill-UE żdied sinifikattivament matul l-aħħar snin (ara l-paragrafi 13 u 17 sa 18), tant li wassal għal żieda fl-għarfien espert tal-Istati Membri fl-implimentazzjoni ta’ strumenti bħal dawn. Min-naħa tiegħu, dan inaqqas il-ħtieġa għall-istrumenti ta’ garanzija tal-UE56. Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu jużaw il-Fondi Strutturali biex jiffinanzjaw l-istrumenti nazzjonali proprji tagħhom (ara l-paragrafi 72 sa 74).

Il-Faċilità ta’ Garanziji ta’ InnovFin għall-SMEs ma ffukatx biżżejjed fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni b’potenzjal għoli għall-eċċellenza

88

Il-Faċilità ta’ Garanziji ta’ InnovFin għall-SMEs hija rregolata mir-Regolament dwar Orizzont 2020. Dan huwa regolament globali li jirregola diversi interventi, sew fil-forma ta’ għotjiet, u sew fil-forma ta’ garanziji jew finanzjament mill-bejgħ ta' ishma. Bħala regolament globali, huwa jindirizza t-tipi kollha ta’ innovazzjoni. Madankollu, għall-Faċilità ta’ Garanziji ta’ InnovFin għall-SMEs, ir-regolament jispeċifika li l-fokus irid ikun fuq l-għoti ta’ appoġġ lil negozji li jkunu “involvuti f’attivitajiet tar-riċerka u l-innovazzjoni (…) b’potenzjal għoli għall-eċċellenza”57. Attivitajiet bħal dawn jinvolvu investimenti riskjużi.

89

Billi r-Regolament dwar Orizzont 2020 ma pprovdiex xi definizzjoni ulterjuri ta’ “investimenti riskjużi” fir-“riċerka u l-innovazzjoni b’potenzjal għoli għall-eċċellenza”, il-Kummissjoni ddefiniet 14-il kriterju ta' eliġibbiltà relatati mal-innovazzjoni (see l-Anness IV). Jeħtieġ li kumpanija li tixtieq tibbenefika minn selfa garantita tissodisfa wieħed minn dawn il-kriterji. Il-kriterji jikkomprendu firxa wiesgħa ta’ karatteristiċi possibbli tan-negozji, bħal jekk negozju għandux ċertu livell ta’ nefqa fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni, jekk rebaħx premju għall-innovazzjoni, kisibx għotja jew selfa għar-riċerka u l-innovazzjoni, irreġistrax id-drittijiet tat-teknoloġija, huwiex qed jikber b’mod rapidu jew huwiex qed jirċievi investiment minn fond ta’ kapital ta’ riskju jew “investment angel”.

90

Tnejn mill-aktar tliet kriterji użati ta’ spiss huma wiesgħa fin-natura tagħhom:

  1. il-kriterju użat f’27 % tal-każijiet (iċ-ċifri fi tmiem l-2016): il-benefiċjarju għandu l-ħsieb li jinvesti fil-produzzjoni, fl-iżvilupp jew fl-implimentazzjoni ta’ prodotti, proċessi jew servizzi ġodda jew imtejba b’mod sostanzjali li huma innovattivi u fejn ikun hemm riskju ta’ falliment teknoloġiku jew industrijali;
  2. il-kriterju użat fi 12 % tal-każijiet: il-benefiċjarju li jkun ilu jopera f’suq għal inqas minn seba’ snin u l-ispejjeż għar-riċerka u l-innovazzjoni jirrappreżentaw mill-inqas 5 % tal-ispejjeż operatorji totali tiegħu f’mill-inqas waħda mit-tliet snin qabel l-applikazzjoni tal-benefiċjarju.
91

Ibbażat fuq il-kampjun tas-self tagħna, aħna eżaminajna jekk il-fokus li huwa speċifikat fir-regolament kienx inkiseb. Aħna kklassifikajna l-kumpaniji fi tliet gruppi: (i) l-ebda innovazzjoni (15 % tal-kampjun tagħna), (ii) żvilupp ta’ prodott jew proċess standard (50 % tal-kampjun tagħna) u (iii) innovazzjoni b’riskju għoli (35 % tal-kampjun tagħna). Il-Kaxxa 5 tagħti eżempji ta’ proġetti u kumpaniji għal kull kategorija. Innovazzjonijiet li jirriżultaw minn żvilupp ta’ prodott jew proċess standard huma mifhuma bħala li huma ġodda għall-kumpanija biss (jiġifieri l-prodotti jew proċessi jistgħu jeżistu diġà fuq is-suq)58. Innovazzjoni b’riskju għoli tmur ’lil hinn minn dan, u aħna sibna li 35 % tal-kumpaniji biss jaqgħu taħt din il-kategorija. Anke hawn, madankollu, spikkat l-attività ta’ innovazzjoni ta’ ftit kumpaniji biss.

92

B’hekk, 65 % tal-kumpaniji fil-kampjun tagħna kienu jirriflettu definizzjoni wiesgħa tal-innovazzjoni, minkejja li l-enfasi kellha tkun fuq il-kunċett aktar ristrett tal-innovazzjoni b’potenzjal għoli għall-eċċellenza (ara l-paragrafu 88).

Kaxxa 5

Eżempji ta’ proġetti u kumpaniji li bbenefikaw mill-Faċilità ta’ Garanziji ta’ InnovFin għall-SMEs

L-ebda innovazzjoni

  • Bejjiegħ bl-imnut online tal-ħwejjeġ tat-tfal uża s-selfa garantita biex jiffinanzja l-espansjoni tal-istokk tiegħu.
  • Ristorant taħt liċenzja ta’ franchise uża s-selfa biex jiffinanzja l-espansjoni taż-żona tar-ristorant b’25 %.

Żvilupp ta’ prodott jew proċess standard

  • Is-selfa ntużat biex tiffinanzja l-iżvilupp ta’ applikazzjoni ta’ smartphone li tipprovdi informazzjoni dwar il-kmamar tal-laqgħat (in-nies, it-tagħmir u jekk humiex okkupati). Diġà jeżistu għadd ta’ għodod simili.
  • Kumpanija li tipproduċi tagħmir teatrali użat is-selfa purament bħala finanzjament ta’ kapital operatorju. Il-kumpanija tiffoka fuq l-iżvilupp ta’ prodotti tagħha stess li huma simili għal dawk li diġà hemm fis-suq.

Innovazzjoni b’riskju għoli

  • Is-selfa ntużat biex tiffinanzja l-kostruzzjoni ta’ stazzjon tal-bijogass għall-iskart muniċipali. Għalkemm stazzjonijiet bħal dawn joperaw fil-pajjiżi ġirien, dan kien proġett ġdid fil-pajjiż ikkonċernat, u b’hekk kien investiment b’riskju għoli.
  • Is-selfa ntużat f’konnessjoni mal-iżvilupp ta’ sistema ta’ tkessiħ stampata b’mod tridimensjonali bħala parti integrali mill-forom tal-metall għall-produzzjoni tal-plastik. Kumpaniji oħra jużaw applikazzjonijiet simili iżda, minħabba l-kumplessità u n-natura mill-aktar avvanzata tal-proġett, dan kien investiment b’riskju ogħla.
  • Is-selfa ntużat biex isir investiment f’tagħmir li jipproduċi tip ġdid ta’ prodott ta’ kromatografija intiż biex jintuża mill-industrija farmaċewtika. Il-prodott offra l-istess prestazzjoni bħas-soluzzjoni eżistenti, iżda bi spiża aktar baxxa. Il-prodott kien ibbażat fuq l-outputs tar-riċerka ta’ proġett iffinanzjat taħt is-Seba’ Programm Kwadru għar-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku.
93

Biex tittraċċa l-prestazzjoni tal-innovazzjoni tal-kumpaniji li jirċievu l-appoġġ, il-Kummissjoni tuża l-indikatur “il-perċentwal tal-SMEs parteċipanti li jintroduċu innovazzjonijiet ġodda għall-kumpanija jew għas-suq”. Dan l-indikatur ma jidentifikax l-innovazzjoni b’riskju għoli u b’potenzjal għoli għall-eċċellenza u b’hekk jirrifletti definizzjoni usa’ ta’ innovazzjoni59. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tistabbilixxi valur fil-mira relattivament modest ta’ 50 % għall-perċentwal ta’ negozji li jintroduċu innovazzjonijiet li jkunu ġodda għall-kumpanija jew għas-suq. Minħabba li, bejn wieħed u ieħor, nofs il-kumpaniji Ewropej iwettqu xi forma ta’ attività ta’ innovazzjoni f’sens wiesa’, l-ilħuq ta’ din il-mira ma jistax jitqies bħala kisba60. Probabbilment li l-Kummissjoni xorta kien jirnexxielha tilħaq il-mira anki li kieku sempliċiment kellha tqassam il-finanzjament b’mod aleatorju bejn il-kumpaniji.

94

Aħna qabbilna wkoll il-Faċilità ta’ Garanziji ta’ InnovFin għall-SMEs ma’ skemi ta’ appoġġ oħra mmirati għal negozji aktar żgħar innovattivi, u vvalutajna l-prestazzjoni ta’ intermedjarji individwali fl-orjentament lejn negozji b’intensità għolja ta’ għarfien61. Aħna użajna l-intensità ta’ għarfien tal-industrija ewlenija tal-kumpanija rilevanti62 minħabba li din hija indikatur tajjeb għall-probabbiltà li l-kumpanija twettaq riċerka u innovazzjoni b’potenzjal għoli għall-eċċellenza. Tabilħaqq hemm probabbiltà akbar li jkunu l-kumpaniji li huma attivi fl-industrija tat-teknoloġija avvanzata, jew f’servizzi b’intensità għolja ta’ għarfien, li jinnovaw. Għalhekk, jekk il-Faċilità tiffoka fuq l-innovazzjoni b’mod effettiv, il-kumpaniji benefiċjarji inevitabbilment jiġu kkonċentrati f’setturi b’intensità għolja ta’ innovazzjoni. L-iffukar fuq l-industrija tat-teknoloġija avvanzata u s-servizzi b’intensità għolja ta’ għarfien huwa wkoll importanti minn perspettiva ta’ politika (ara l-Kaxxa 6).

Kaxxa 6

L-importanza tas-setturi b’intensità għolja ta’ għarfien u teknoloġija

L-innovazzjoni tista’ sseħħ f’kumpanija fi kwalunkwe industrija. Iżda sabiex isseħħ, hija ta’ spiss tkun teħtieġ inputs speċifiċi, jiġifieri attività ta’ riċerka u żvilupp u/jew forza tax-xogħol b’edukazzjoni terzjarja. Dawn huma ż-żewġ kriterji li jintużaw mill-Eurostat għall-klassifikazzjoni tas-setturi ekonomiċi skont l-intensità tat-teknoloġija u tal-għarfien.

Skont il-Kummissjoni, l-Ewropa qed iġġarrab produttività baxxa u tnaqqis fil-kompetittività minħabba lakuna fl-innovazzjoni. Storikament, l-Ewropa minn dejjem kellha bażi xjentifika b’saħħitha, iżda l-pożizzjoni tagħha hija dgħajfa meta tiġi biex tikkonkretizza l-iskoperti xjentifiċi fi prodotti63. Din mhijiex problema ġenerali li taffettwa l-industrija Ewropea fl-intier tagħha. L-aqwa investituri Ewropej fir-riċerka u l-iżvilupp huma fis-settur tat-teknoloġija medja, pereżempju, il-karozzi. Madankollu, il-problema ewlenija hija li hemm inqas attività fis-setturi tat-teknoloġija avvanzata, bħall-farmaċewtika, il-bijoteknoloġija u t-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni64. B’hekk, setturi b’intensità għolja ta’ għarfien u teknoloġija jixirqilhom attenzjoni akbar mhux biss għaliex l-Ewropa għadha lura fis-setturi tat-teknoloġija avvanzata, iżda wkoll għaliex hemm probabbiltà akbar li jkunu n-negozji f’setturi b’għarfien u teknoloġija aktar intensivi li jinnovaw65.

95

Aħna sibna li l-Faċilità ta’ Garanziji ta’ InnovFin għall-SMEs attwali tat appoġġ lil negozji b’intensità għolja ta’ għarfien aktar mill-predeċessur tagħha, jiġifieri l-Istrument għall-Kondiviżjoni tar-Riskji. Ir-rwol tal-intermedjarji pubbliċi, li dejjem qed jikber, ikkontribwixxa għal fokus akbar fuq negozji b’intensità għolja ta’ għarfien. Il-perċentwal ta’ negozji bħal dawn fil-portafolli tal-intermedjarji pubbliċi taħt il-Faċilità ta’ Garanziji ta’ InnovFin għall-SMEs (76 %) huwa simili ħafna għall-perċentwal miksub taħt l-iskemi tal-għotjiet ta’ Orizzont 2020, li huma orjentati lejn negozji aktar żgħar. B’kuntrast ma’ dan, l-intermedjarji privati jiffukaw ferm inqas fuq negozji b’intensità għolja ta’ għarfien (41 %), u b’hekk inaqqsu l-perċentwal kumplessiv għall-Faċilità fl-intier tagħha (ara l-Figura 3).

Figura 3

L-intensità ta’ għarfien tan-negozji li ngħataw appoġġ mill-Faċilità ta’ Garanziji ta’ InnovFin għall-SMEs u l-iskemi għal negozji aktar żgħar taħt il-programm Orizzont 2020

Nota: Is-setturi b’b’intensità għolja ta’ għarfien u teknoloġija jinkludu l-industrija tat-teknoloġija avvanzata u tat-teknoloġija medja-avvanzata, u s-servizzi b’intensità għolja ta’ għarfien kif iddefiniti fil-linja gwida rilevanti tal-Eurostat.

Sors: Il-QEA, ibbażat fuq id-data pprovduta mill-FEI u mill-Kummissjoni.

Is-sistema ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni pprovdiet biss evidenza limitata dwar l-effettività tal-istrumenti

96

Il-Kummissjoni Ewropea ilha mill-aħħar snin tad-disgħinijiet (1990s) tiffinanzja l-istrumenti ta’ garanzija fuq is-self għal negozji aktar żgħar. Il-fokus ta’ dawn il-garanziji evolva matul iż-żmien, iżda l-objettiv prinċipali baqa’ l-istess: li jittejjeb l-aċċess għall-finanzjament għal negozji aktar żgħar u li jingħata appoġġ lill-intraprenditorija u l-innovazzjoni għall-promozzjoni sostenibbli tal-iżvilupp ta negozji aktar żgħar u tat-tkabbir tal-impjiegi madwar l-UE. Għal kull strument, ir-regolament rilevanti stipula l-iskadenzi għall-evalwazzjonijiet interim u/jew finali u l-kontenut tagħhom. Fost affarijiet oħra, l-evalwazzjonijiet kienu mistennija li jindirizzaw il-mistoqsija “Kemm kien effettiv l-intervent tal-UE (jiġifieri l-garanziji fuq is-self)?” Għalhekk, aħna eżaminajna:

  1. jekk l-evalwazzjonijiet preċedenti ddimostrawx l-effettività tal-istrumenti ta’ garanzija fuq is-self; u
  2. jekk l-arranġamenti eżistenti għall-evalwazzjoni tal-istrumenti attwali humiex xierqa.

L-evalwazzjonijiet preċedenti ma rnexxilhomx jipprovdu evidenza robusta dwar l-effettività tal-istrumenti

97

Fit-18-il sena minn meta l-istrumenti ta’ garanzija tal-UE fuq is-self ġew introdotti għall-ewwel darba, il-Kummissjoni ppreżentat tliet evalwazzjonijiet interim u tnejn oħra finali. Madankollu, l-ebda waħda minn dawn l-evalwazzjonijiet ma pprovdiet evidenza robusta fir-rigward tal-impatt tal-garanziji. Tipikament, l-evalwazzjonijiet laqgħu b’sodisfazzjon l-għoti ta’ self totali garantit jew l-għadd ta’ negozji aktar żgħar li ngħatalhom appoġġ. Madankollu, indikaturi bħal dawn ma jkejlux l-effettività jew il-benefiċċju soċjali66 b’mod xieraq.

98

L-evalwazzjonijiet straħu l-aktar fuq metodi kwalitattivi bħal intervisti u stħarriġiet; il-metodi kwantitattivi ġew injorati. Barra minn hekk, huma ma ddimostrawx li l-bidliet osservati fil-benefiċjarji kienu dovuti għall-garanziji aktar milli għal fatturi kontributorji oħra. L-istħarriġiet intużaw biex jikkumpensaw għan-nuqqas ta’ kompletezza tad-data, iżda ma kinux maħsuba biex jattribwixxu l-bidliet osservati għall-istrument ta’ garanzija. Billi l-kumpaniji ġew mistħarrġa biss bosta snin wara li kienu rċevew selfa garantita, żdied ir-riskju li jikkonċerna l-affidabbiltà.

99

Hemm żewġ raġunijiet addizzjonali għan-nuqqas ta’ evalwazzjonijiet robusti. L-ewwel nett, l-evalwazzjonijiet twettqu kmieni wisq, bl-evalwazzjoni finali ssir f’nofs triq matul iċ-ċiklu tal-programm. It-tieni nett, l-evalwazzjonijiet adottaw perspettiva ristretta ħafna, billi ffukaw biss fuq il-programm attwali, u b’hekk ma evalwawx l-effetti ta’ programmi preċedenti u ġeneralment simili.

Il-ġbir tad-data biex issostni lill-evalwazzjonijiet futuri tjieb, iżda xorta għad hemm xi nuqqasijiet

100

Il-metodoloġija għal evalwazzjoni tal-impatt tista’ faċilment tiġi żviluppata u stabbilita fil-fażi tat-tfassil ta’ programm ġdid. Ir-rekwiżiti tal-ġbir tad-data jridu jitqiesu mill-bidu, aktar milli wara li l-programm ikun ilu jopera għal ħafna snin67.

101

Reċentement, il-FEI u l-Kummissjoni ħadu xi passi biex itejbu l-proċess tal-evalwazzjoni. L-ewwel nett, il-Kummissjoni issa qed tippjana li twettaq l-evalwazzjonijiet finali ferm aktar tard matul iċ-ċiklu tal-programm. It-tieni nett, fl-2015, il-persunal tal-Kummissjoni u l-FEI ppubblikaw dokument ta’ riċerka li jevalwa l-impatt ekonomiku tal-garanziji fuq is-self ipprovduti lil negozji aktar żgħar fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant fil-perjodu 2005-200768. Il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li tuża dan bħala pjan ta’ azzjoni għall-evalwazzjoni tal-effetti tal-garanziji fuq il-prestazzjoni ta’ negozji aktar żgħar. Fl-aħħar nett, il-FEI issa jinsab f’pożizzjoni aħjar biex jidentifika l-benefiċjarji billi juża l-bażijiet ta’ data esterni eżistenti b’data finanzjarja f’serje kronoloġika dwar id-ditti, li jistgħu jintużaw għal analiżi aktar kwantitattiva.

102

Fiż-żmien meta wettaqna l-awditu tagħna, il-Kummissjoni kienet diġà ħejjiet it-termini ta’ referenza għal evalwazzjoni interim tal-istrumenti ta’ garanzija attwali, li hija mistennija titlesta sa tmiem l-2017. Madankollu, sa issa għadha ma wettqet l-ebda ħidma fuq il-metodoloġija għall-evalwazzjoni finali. Pereżempju, hija għadha ma stabbilietx (i) kif għandu jiġi evalwat jekk il-Faċilità ta’ Garanziji ta’ InnovFin għall-SMEs tabilħaqq iżżidx l-attività ta’ innovazzjoni, li hija l-objettiv prinċipali tagħha, u (ii) kif jiġu iżolati l-effetti tagħha minn dawk ta’ programmi oħra69. Id-data inkompleta x’aktarx li taffettwa wkoll l-evalwazzjoni ta’ dik il-Faċilità.

103

Il-pjan ta’ azzjoni pprovdut minn Asdrubali u Signore (2015) qabbel l-effett tal-istrumenti ta’ garanzija tal-UE mas-sorsi ta’ finanzjament l-oħra kollha possibbli, inklużi garanziji oħra ffinanzjati minn strumenti nazzjonali jew strumenti oħra tal-UE, bħall-Fondi Strutturali. Għalkemm l-istrumenti tad-dejn ivarjaw sa ċertu punt (pereżempju, “b’limitu massimu” vs “mingħajr limitu massimu”, jew dawk li jiffukaw fuq subsett ta’ negozji aktar żgħar), huma ta’ spiss jaħdmu bħala sostituti mill-qrib għal banek kummerċjali jew negozji li jkunu qed ifittxu l-finanzi u fil-fatt isegwu objettivi simili ħafna. L-analiżi tal-akbar għadd possibbli ta’ strumenti flimkien tkun ittaffi parzjalment il-limitazzjoni prinċipali tal-metodoloġija tal-pjan ta’ azzjoni. Madankollu, fiż-żmien meta wettaqna l-awditu tagħna, ma kinux ittieħdu passi f’din id-direzzjoni.

104

Barra minn hekk, in-nuqqas fl-evalwazzjoni jista’ jiġi rimedjat b’aktar riċerka akkademika. Madankollu, filwaqt li l-prinċipju tat-trasparenza70 jirrikjedi li tiġi ppubblikata kull għotja ta’ għajnuna finanzjarja, dment li din ma titħallasx lil persuna fiżika, dan ma japplikax għall-benefiċjarji tal-garanziji. Dan jimplika li r-riċerkaturi li huma esterni għall-FEI ma jkollhomx aċċess għad-data dwar il-benefiċjarji. Istituzzjonijiet pubbliċi oħra li jittrattaw data li b’mod simili hija kunfidenzjali introduċew proċeduri speċifiċi biex jipprovdu aċċess71 għal riċerka ġustifikata u joffru aċċess permezz ta’ “ċentru sikur”72 jew permezz ta’ sħubija bejn riċerkatur estern u l-persunal ta’ organizzazzjoni73.

105

Sa issa, l-enfasi kienet primarjament fuq il-valutazzjoni tal-effetti fuq in-naħa tad-domanda, jiġifieri d-dimostrazzjoni tal-effett tal-programm fuq il-prestazzjoni ta’ negozji aktar żgħar. Twettqet analiżi ferm inqas ta’ (i) l-effett fuq in-naħa tal-provvista, bħal kemm il-garanziji jżidu l-provvista ta’ kreditu ’l fuq mil-livell li jinkiseb kieku mill-intermedjarju mingħajr il-garanziji; (ii) kif il-benefiċċji tas-sussidju impliċiti fl-istrumenti ta’ garanzija huma effettivament maqsuma bejn il-fornituri u l-benefiċjarji74, u (iii) kif il-garanziji jaffettwaw il-kompetizzjoni bejn il-banek. Għalkemm il-FEI ta’ spiss ikollu aċċess għal data xierqa, din id-data ma tinġabarx għall-iskopijiet ta’ evalwazzjoni. Meta wettaqna din l-analiżi tal-provvista għar-Repubblika Ċeka, fejn ħames banek kbar bdew jikkooperaw mal-FEI fuq perjodu ta’ tliet snin, aħna stajna nidentifikaw impatt ċar u pożittiv fuq id-disponibbiltà tal-kreditu għal wieħed biss mill-banek.

Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

106

Taħt l-oqsma ta’ politika differenti, il-baġit tal-UE jipprovdi riżorsi għall-istrumenti ta’ garanzija fuq is-self immirati għal negozji aktar żgħar, li joperaw flimkien mal-istrumenti ta’ garanzija ffinanzjati mill-awtoritajiet nazzjonali. Il-konklużjonijiet kumplessivi tagħna huma li d-daqs finanzjarju tal-istrumenti ta’ garanzija ġie stabbilit mingħajr ma twettqet analiżi komprensiva tal-ħtiġijiet tas-suq, kif ukoll li hemm wisq kumpaniji benefiċjarji li mhumiex fil-bżonn reali ta’ self garantit. Madankollu, dawk li rċevew selfa garantita kibru tassew. Madankollu, il-livell ta’ attivitajiet innovattivi li ngħataw appoġġ minn wieħed mill-istrumenti kien pjuttost modest, u mhux konformi mal-fokus u l-ambizzjoni għall-eċċellenza iddikjarati fir-regolament. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni għadha ma pprovdietx evidenza suffiċjenti dwar l-impatt tal-istrumenti u dwar il-kosteffettività tagħhom. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tindirizza l-biċċa l-kbira mir-rakkomandazzjonijiet tagħna ta’ hawn taħt meta tkun qed tħejji l-evalwazzjonijiet ex ante għall-istrumenti suċċessuri possibbli taħt il-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss.

Struttura tal-istrumenti ta’ garanzija

107

Il-baġit tal-UE jiffinanzja l-istrumenti ta’ garanzija mmaniġġjati ċentralment flimkien mal-istrumenti taħt ġestjoni kondiviża. Filwaqt li l-istrumenti ffinanzjati mill-UE kollha kibru fid-daqs tagħhom, meta mqabbla mal-perjodu preċedenti 2007-2013, il-valutazzjonijiet tal-ħtiġijiet tas-suq imwettqa ma koprewx l-istrumenti kollha u ma wrewx kif l-istrumenti għandhom jirrispondu kollettivament għal dawn il-ħtiġijiet bil-ħsiebli jiġu evitati t-trikkib u l-kompetizzjoni bejniethom (ara l-paragrafi 27 sa 35).

108

Iż-żewġ strumenti attwali mmaniġġjati ċentralment bdew l-operazzjonijiet mingħajr dewmien. Abbażi tal-ftehimiet ta’ garanzija li kienu ġew iffirmati sa tmiem l-2016, tliet kwarti tas-self mistenni, bejn wieħed u ieħor, se jkun ikkonċentrat f’dawk l-erba’ Stati Membri fejn l-għadd ta’ negozji aktar żgħar li jeħtieġu aċċess għall-finanzjament huwa l-ogħla (ara l-paragrafi 33 u 48 sa 50).

109

L-implimentazzjoni tal-istrumenti finanzjarji ma tiġix b’xejn. Madankollu, l-evidenza ta’ sostenn li l-Kummissjoni kellha meta daħlet fil-proċess għan-negozjar ta’ tariffi mal-FEI, kienet limitata (ara l-paragrafi 36 sa 47).

Rakkomandazzjoni 1 – Valutazzjoni tal-ħtiġijiet tas-suq u kisba ta’ data dwar l-ispejjeż għall-ġestjoni

Jenħtieġ li l-Kummissjoni:

  1. Tivvaluta l-ħtiġijiet tas-suq u kif id-diversi strumenti ta’ garanzija tal-UE jistgħu jirrispondu l-aħjar għal dawn il-ħtiġijiet flimkien mal-istrumenti ffinanzjati fil-livell nazzjonali/reġjonali, biex b’hekk jiġi żgurat il-valur miżjud tal-UE;

    Data mmirata għall-implimentazzjoni: qabel ma jiġu ppreżentati l-proposti għall-istabbiliment ta’ strumenti ta’ garanzija ġodda taħt il-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss.

  2. Tikseb u tanalizza d-data rilevanti dwar l-ispejjeż għall-ġestjoni tal-iskemi ta’ garanzija, bħall-ispejjeż li verament jiġġarrbu mill-FEI jew l-ispejjeż li jiġġarrbu minn skemi li jsiru fil-livell nazzjonali, bħala input biex issaħħaħ il-bażi tagħha għan-negozjar mal-FEI u biex tiżgura li l-livell tat-tariffi jkun xieraq.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: qabel ma jiġu nnegozjati mandati ġodda mal-FEI taħt il-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss.

Aċċess għall-finanzjament

110

L-istrumenti ta’ garanzija fuq is-self kienu maħsuba biex jgħinu lil dawk in-negozji bi proġetti vijabbli li għandhom diffikultajiet biex jiksbu finanzjament ta’ dejn. Madankollu, aħna osservajna li 60 % tan-negozji fil-kampjun tagħna setgħu jiksbu self kummerċjali mingħajr ma jużaw dawn l-istrumenti. Il-proporzjon ta’ negozji bħal dawn li rċevew appoġġ huwa kemxejn ogħla għall-Faċilità ta’ Garanziji ta’ InnovFin għall-SMEs, fejn dan ilaħħaq il-65 %. Barra minn hekk aħna osservajna li, taħt il-Faċilità ta’ Garanziji ta’ InnovFin għall-SMEs, l-intermedjarji privati kellhom perċentwal akbar ta’ negozji bħal dawn fil-portafolli tagħhom. Fil-fatt, fil-ftehim ta’ delega tagħha mal-FEI, il-Kummissjoni ma speċifikatx li “negozji vijabbli li ma jkollhomx aċċess għall-finanzjament”, u li kienu innovattivi, kienu l-grupp fil-mira għall-istrument (ara l-paragrafi 55 sa 59). Negozji li jkollhom aċċess għal self kummerċjali jistgħu wkoll jiksbu benefiċċji mill-garanzija, bħal rata tal-imgħax aktar baxxa taħt il-Faċilità ta’ Garanziji ta’ InnovFin għall-SMEs (ara l-paragrafu 60).

111

Filwaqt li t-tnaqqis tad-daqs massimu tas-self eliġibbli taħt il-Faċilità ta’ Garanzija ta’ Self żied is-sehem tal-appoġġ li jingħata lil “negozji vijabbli li ma jkollhomx aċċess għall-finanzjament”, il-Kummissjoni ma esploratx għalkollox miżuri possibbli oħra biex tindirizza s-sitwazzjoni. Barra minn hekk, l-arranġamenti ta’ monitoraġġ attwali ma jipprovdux informazzjoni perjodika dwar il-perċentwal miksub ta’ “negozji vijabbli li ma jkollhomx aċċess għall-finanzjament” (ara l-paragrafi 61 sa 69).

112

L-aċċess għall-finanzjament sar kwistjoni jerġa’ aktar importanti matul il-kriżi finanzjarja, b’mod partikolari fl-Istati Membri li ntlaqtu ħażin u li kellhom jiksbu assistenza makrofinanzjarja. Madankollu, l-istrumenti ta’ garanzija tal-UE li huma mmaniġġjati ċentralment kienu ta’ għajnuna limitata f’dawn il-pajjiżi, prinċipalment minħabba li ma kinux maħsuba biex jipprovdu likwidità lill-intermedjarji. Filwaqt li ntużaw ukoll l-istrumenti finanzjarji kkofinanzjati mill-Fondi Strutturali, l-iżborżamenti li saru lil negozji aktar żgħar prinċipalment seħħew wara, u mhux matul, il-perjodu meta kien hemm l-akbar stress (ara l-paragrafi 70 sa 77).

Rakkomandazzjoni 2 - Orjentament lejn negozji li jeħtieġu garanzija

Jenħtieġ li l-Kummissjoni:

  1. Fil-proposta leġiżlattiva għal strument suċċessur possibbli għall-Faċilità ta’ Garanziji ta’ InnovFin għall-SMEs, tinkludi dispożizzjonijiet speċifiċi orjentati lejn negozji innovattivi u vijabbli li ma jkollhomx aċċess suffiċjenti għall-finanzjament, u tiżgura li l-finanzjament mis-settur privat ma jiġix sostitwit.

    Data mmirata għall-implimentazzjoni: meta tiġi ppreżentata l-proposta għall-istabbiliment ta’ strument suċċessur possibbli taħt il-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss.

  2. Tintroduċi mekkaniżmi biex tnaqqas il-perċentwal ta’ negozji li setgħu kisbu self kummerċjali mingħajr appoġġ mill-UE. Jenħtieġ li hija tivvaluta l-ispejjeż u l-benefiċċji tal-miżuri possibbli biex jinkiseb dan it-tnaqqis.

    Data mmirata għall-implimentazzjoni: qabel ma jiġu implimentati strumenti suċċessuri possibbli taħt il-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss.

  3. Timmonitorja kull sena s-sehem li l-intermedjarji finanzjarji jkollhom tan-negozji b’aċċess għal self kummerċjali mingħajr appoġġ mill-UE, u tieħu azzjoni korrettiva kull meta dan il-perċentwal ikun għoli wisq. Jenħtieġ li dan il-monitoraġġ isir fuq il-bażi ta’ informazzjoni disponibbli mill-intermedjarji finanzjarji, biex b’hekk ma jiġix impost piż amministrattiv addizzjonali fuq in-negozji.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: meta jkunu qed jiġu implimentati strumenti suċċessuri possibbli taħt il-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss.

Ilħuq tal-objettivi

113

Il-predeċessuri għall-Faċilità ta’ Garanzija ta’ Self kellhom l-għan li jrawmu t-tkabbir. L-evidenza ekonometrika disponibbli tikkonferma s-suċċess tal-istrumenti f’dan ir-rigward. Il-kumpaniji benefiċjarji kibru aktar mill-grupp ta’ tqabbil f’termini tal-assi totali, il-bejgħ, l-ispiża tal-pagi u l-produttività tagħhom. L-istudji juru wkoll li l-effetti kienu ogħla għal dawk in-negozji li potenzjalment kien ikollhom diffikultà biex jissellfu mingħajr il-garanzija (ara l-paragrafi 79 sa 87).

114

Il-Faċilità ta’ Garanziji ta’ InnovFin għall-SMEs kienet maħsuba biex tiffoka fuq l-appoġġ għar-riċerka u l-innovazzjoni b’potenzjal għall-eċċellenza. Madankollu, ir-Regolament dwar Orizzont 2020 ma ta l-ebda definizzjoni ta’ dan it-terminu. Żewġ terzi tal-kumpaniji fil-kampjun tagħna jew innovaw biss permezz ta’ żviluppi standard tal-prodotti jew tal-proċessi, jew inkella assolutament ma wettqu l-ebda innovazzjoni. Il-kriterji ta’ eliġibbiltà relatati mal-innovazzjoni stabbiliti ma rnexxilhomx jeliminaw dawn il-kumpaniji milli jingħatalhom appoġġ. Il-mira tal-innovazzjoni għall-istrument hija modesta ħafna, billi l-Kummissjoni tqisha suċċess jekk ikun hemm sempliċiment nofs il-kumpaniji kollha li jinnovaw, irrispettivament mil-livell ta’ innovazzjoni tagħhom. Kif inhu l-każ tal-aċċess għall-finanzjament, aħna osservajna diviżjoni kbira bejn l-intermedjarji privati u dawk pubbliċi, b’tal-aħħar jiksbu aktar suċċess fl-orjentament lejn negozji f’setturi b’intensità għolja ta’ għarfien (ara l-paragrafi 88 sa 95).

Rakkomandazzjoni 3 – Orjentament lejn innovazzjoni b’riskju għoli

Jenħtieġ li l-Kummissjoni:

  1. Fil-proposta leġiżlattiva għal strument suċċessur possibbli, tinkludi definizzjoni ċara tat-tip ta’ innovazzjoni li tingħatalha appoġġ, u tistabbilixxi d-daqs tal-istrument kif meħtieġ.

    Data mmirata għall-implimentazzjoni: meta tiġi ppreżentata l-proposta għall-istabbiliment ta’ strument suċċessur possibbli taħt il-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss.

  2. Tirrevedi l-kriterji ta’ eliġibbiltà relatati mal-innovazzjoni biex tiżgura li kwalunkwe strument suċċessur jappoġġja, b’mod predominanti, lil kumpaniji li jieħdu sehem f’attivitajiet b’potenzjal għoli għall-eċċellenza u li jkunu jirrikjedu investimenti riskjużi.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: qabel ma jiġi implimentat strument suċċessur possibbli taħt il-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss.

Sistema ta’ evalwazzjoni

115

Minkejja storja ta’ 18-il sena ta’ garanziji tal-UE fuq is-self, il-Kummissjoni sa issa pprovdiet biss evidenza limitata dwar ir-riżultati miksuba. Ir-raġunijiet għal din is-sitwazzjoni huma: data inkompleta, evalwazzjonijiet prematuri u kejl inadegwat. Fir-rigward tal-evalwazzjonijiet futuri, il-Kummissjoni għadha ma qisitx kif se (i) twettaq evalwazzjoni komprensiva tad-diversi strumenti ta’ garanzija tal-UE stabbiliti u (iii) tivvaluta l-effett fuq in-naħa tal-provvista u fuq il-kompetizzjoni bejn il-banek. In-nuqqas fl-evalwazzjoni jista’ rimedjat b’aktar riċerka akkademika, iżda din hija mxekkla minn regoli restrittivi ta’ kunfidenzjalità (ara l-paragrafi 97 sa 105).

Rakkomandazzjoni 4 – Titjib tas-sistema ta’ evalwazzjoni

Jenħtieġ li l-Kummissjoni:

  1. Twettaq evalwazzjoni ex post komprensiva tal-predeċessur għall-Faċilità ta’ Garanzija ta’ Self, b’fokus fuq jekk il-garanziji kinux effettivi inġenerali.

    Data mmirata għall-implimentazzjoni: sa tmiem l-2019.

  2. Tiżviluppa metodoloġija għall-analiżi tal-effett tal-garanziji fuq il-provvista tas-self, il-kompetizzjoni bejn il-banek u l-attività ta’ innovazzjoni tan-negozji, u għall-analiżi tad-diviżjoni tas-sussidju impliċitu bejn il-fornitur u l-benefiċjarju.

    Data mmirata għall-implimentazzjoni: sa tmiem l-2019.

  3. Minbarra evalwazzjonijiet finali separati għal kull wieħed miż-żewġ strumenti ta’ garanzija mmaniġġjati ċentralment, tippreżenta evalwazzjoni waħda kkombinata li tivvaluta l-prestazzjoni relattiva tagħhom u, sa fejn ikun possibbli, tipprovdi tqabbil ma’ strumenti ta’ dejn simili tal-UE li ntużaw fl-imgħoddi jew qed jintużaw fl-istess ħin.

    Data mmirata għall-implimentazzjoni: meta l-evalwazzjonijiet finali li jmiss ikunu dovuti.

  4. Tfassal sistema li tippermetti lir-riċerkaturi jiksbu aċċess għal data dwar il-benefiċjarji tal-garanziji.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: sa tmiem l-2018.

Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla IV, immexxija mis-Sur Baudilio TOMÉ MUGURUZA, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tas-7 ta’ Novembru 2017.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Klaus-Heiner LEHNE
President

Anness

Anness I

Piż rispettiv tal-istrumenti ta’ garanzija

Il-figura ta’ hawn taħt tipprovdi, għall-perjodu 2007-2013, ħarsa ġenerali, skont l-Istat Membru, lejn il-piż tal-ammonti ta’ garanzija globali għal kull Stat Membru. Minħabba nuqqas ta’ data, għamilna għadd ta’ stimi u suppożizzjonijiet (ara n-noti taħt il-figura). Għalhekk, filwaqt li d-data mhijiex kompletament preċiża, il-figura xorta tipprovdi stampa raġonevoli tal-ordni tal-kobor. L-Istati Membri li għalihom ma kellniex data dwar il-garanziji ffinanzjati fil-livell nazzjonali mhumiex inklużi f’din il-figura.

Noti:

  1. Id-data għall-garanziji nazzjonali mill-European Mutual Guarantee Association (Assoċjazzjoni Ewropea ta’ Garanzija Reċiproka) (AECM) mhijiex kompleta. Hija tiġbor id-data mill-organizzazzjonijiet membri tagħha, iżda mhux l-istituzzjonijiet ta’ garanzija kollha huma membri ta’ din l-organizzazzjoni. Għalhekk, id-data għal xi Stati Membri (bħall-Ġermanja jew l-Italja) hija stmata b'mod insuffiċjenti.
  2. Kif ġie ddikjarat fir-rapport ta’ Economisti Associati et al. (ara n-Nota 14 f’qiegħ il-paġna), huwa diffiċli li jiġi vvalutat il-livell ta’ appoġġ pubbliku minħabba li, f’xi każijiet, l-intervent pubbliku jieħu l-forma ta’ garanzija sovrana. Meta dan ikun il-każ, il-valur tal-appoġġ pubbliku jkun magħruf biss jekk u meta sseħħ inadempjenza u jintużaw ir-riżorsi pubbliċi għall-ħlas lura tas-self.
  3. Billi bosta istituzzjonijiet ta’ garanzija nazzjonali li jirrapportaw id-data lill-OECD jew lill-AECM jimmaniġġjaw ukoll l-istrumenti ta’ garanzija kkofinanzjati mill-UE taħt ġestjoni kondiviża, jista’ jkun li xi ammonti jkunu ġew kontabilizzati darbtejn.
  4. Id-data għal garanziji taħt il-Fondi Strutturali ġew stmati fuq il-bażi tal-kontribuzzjoni mill-UE, bis-suppożizzjoni li hija tirrappreżenta 50 % tal-ammont garantit. Din twassal għal stima insuffiċjenti għal għadd ta’ Stati Membri (billi l-perċentwal jista’ jitla’ sa 80).

Sors: Il-QEA, fuq il-bażi ta':

  • Għall-garanziji nazzjonali: id-data mill-AECM għas-snin 2009-2013 (http://AECM.eu), id-data mill-OECD għal għadd ta’ pajjiżi għas-snin 2007-2013 (http://stats.oecd.org);
  • Għall-garanziji taħt Fondi Strutturali: Rapport mill-Kummissjoni “Sommarju tad-data dwar il-progress li sar fil-finanzjament u l-implimentazzjoni tal-istrumenti ta’ inġinerija finanzjarja rrapportat mill-awtoritajiet maniġerjali skont l-Artikolu 67(2)(j) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006”, il-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013, is-sitwazzjoni fil-31 ta’ Diċembru 2015;
  • għall-garanziji taħt ġestjoni ċentrali: Rapporti operazzjonali tal-FEI fil-31.12.2016.

Anness II

Sehem ta’ self mogħti lill-smes li jiġi garantit mill-istrumenti ffinanzjati mill-ue fuq it-total tas-self mogħti lill-smes

Il-figura ta’ hawn taħt tipprovdi stima għall-perjodu 2007-2013, skont l-Istat Membru, tas-sehem medju annwali tas-self li ngħata lill-SMEs li jiġi garantit mill-istrumenti ffinanzjati mill-UE (ġestjoni ċentrali u kondiviża). Id-data dwar it-total tas-self mogħti lill-SMEs ma kinitx disponibbli għal xi Stati Membri, għalhekk din mhijiex inkluża fil-figura.

Noti:

  1. Id-data għat-total tas-self ġdid mogħti lill-SMEs fil-fatt mhijiex disponibbli. Għalhekk, aħna użajna self alternattiv minbarra self rotanti u overdrafts, dejn relatat ma’ kreditu ta' konvenjenza u kreditu estiż tal-kard ta’ kreditu – sa u inkluż EUR 1 000 000.
  2. Is-self individwali garantit mill-istrumenti tal-UE jista’ jaqbeż EUR 1 000 000. Minħabba s-self alternattiv imsemmi fin-nota (1), aħna eskludejna s-self kollu ta’ aktar minn EUR 1 000 000 garantit taħt il-Faċilità ta’ Garanzija għall-SMEs u l-Istrument għall-Kondiviżjoni tar-Riskji. Għas-self garantit taħt il-Fondi Strutturali, dan ma kienx possibbli minħabba li ma kien hemm l-ebda data aggregata dwar l-ammonti ta’ self individwali. Dan seta’ rriżulta fi stima eċċessiva.
  3. Aħna kkalkolajna s-self garantit taħt il-Fondi Strutturali fil-livell tal-Istati Membri, minħabba li kien biss l-ammont ta’ self totali għall-Istati Membri kollha meħuda flimkien li kien disponibbli.

Sors: Il-QEA, fuq il-bażi ta':

  • għall-Fondi Strutturali: Rapport mill-Kummissjoni “Sommarju tad-data dwar il-progress li sar fil-finanzjament u l-implimentazzjoni tal-istrumenti ta’ inġinerija finanzjarja rrapportat mill-awtoritajiet maniġerjali skont l-Artikolu 67(2)(j) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006”, il-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013, is-sitwazzjoni fil-31 ta’ Diċembru 2015;
  • għall-Faċilità ta’ Garanzija għall-SMEs u għall-Istrument għall-Kondiviżjoni tar-Riskji: id-data tas-self tal-FEI fil-31.12.2016;
  • għat-total tas-self mogħti lill-SMEs: Il-maħżen virtwali tad-data statistika tal-Bank Ċentrali Ewropew (http://sdw.ecb.europa.eu) u, għal xi pajjiżi (CZ, DK u HU), id-data mill-OECD (http://stats.oecd.org).

Anness III

Metodoloġija tal-istudju ekonometriku

01

L-istudju analizza l-eżiti għal aktar minn 57 000 kumpanija fi Franza li bbenefikaw mill-istrumenti ta’ garanzija tal-UE fuq is-self fil-perjodu 2002-2012. Id-data finanzjarja għal dawn il-kumpaniji nkisbet mill-bażijiet tad-data eżistenti li kien fihom data finanzjarja f’sensiela kronoloġika. Sabiex jistma l-effett, l-istudju qabbel il-kumpaniji benefiċjarji ma’ grupp ta’ tqabbil ta’ kumpaniji li ma bbenefikawx mill-garanziji. Dawn il-kumpaniji nsiltu minn kampjun ta’ 0.5 miljun kumpanija fi Franza bl-użu ta’ proċedura ta’ tqabbil f’żewġ stadji biex ikun żgurat li l-kumpaniji fil-grupp ta’ tqabbil ikollhom karatteristiċi simili għall-kumpaniji benefiċjarji f’termini ta’ reġjun, età, industrija u kull element varjabbli analizzat qabel ma ngħata s-self.

02

Billi qabbel il-prestazzjoni taż-żewġ gruppi ta’ kumpaniji, l-istudju għamel stima tal-effett medju kundizzjonali tat-trattament tas-self garantit fuq il-kumpaniji. L-istudju kien jinkludi wkoll bosta testijiet biex tiġi vverifikata r-robustezza tar-riżultati, pereżempju b’konsegwenza tat-tkabbir mhux parallel jew tal-preġudizzju tal-għażla minħabba d-disponibbiltà tad-data.

03

Limitazzjoni teoretika tal-istudju tinsab fil-fatt li l-mudell għamel stima tal-effett ekonomiku konġunt tal-garanziji u tas-self sottostanti, mingħajr il-possibbiltà li ż-żewġ effetti jiġu sseparati. Konsegwentement, l-impatt imkejjel huwa dak tal-kisba ta’ self garantit mill-UE, għall-kuntrarju ta’ kwalunkwe sors ta’ finanzjament ieħor possibbli, inklużi skemi ta’ garanzija pubblika nazzjonali.

Anness IV

Kriterji ta’ eliġibbiltà relatati mal-innovazzjoni

01

Ir-Riċevitur Finali tal-Garanzija ta’ InnovFin għall-SMEs ikun SME jew kumpanija żgħira b’kapitalizzazzjoni medja li jkun biħsiebha tuża t-Tranżazzjoni tar-Riċevitur Finali tal-Garanzija ta’ InnovFin għall-SMEs biex tinvesti fil-produzzjoni jew fl-iżvilupp jew l-implimentazzjoni ta’ (i) prodotti, proċessi jew servizzi, jew (ii) metodi ta’ produzzjoni jew ta’ twassil, jew (iii) innovazzjoni tal-organizzazzjoni jew tal-proċessi, inklużi mudelli ta’ negozju innovattivi u fejn ikun hemm riskju ta’ falliment teknoloġiku jew falliment industrijali jew tan-negozju, kif evidenzjat minn evalwazzjoni mwettqa minn espert estern, jew

02

Ir-Riċevitur Finali tal-Garanzija ta’ InnovFin għall-SMEs ikun impriża li qed tikber b’rata mgħaġġla, li tkun SME jew

kumpanija żgħira b'kapitalizzazzjoni medja li tkun ilha topera f’suq għal inqas minn 12-il sena wara l-ewwel bejgħ kummerċjali tagħha u bi tkabbir endoġenu annwalizzat medju fl-għadd ta’ impjegati jew f’fatturat li jkun akbar minn 20 % fis-sena, matul perjodu ta’ 3 snin, u b’10 impjegati jew aktar fil-bidu tal-perjodu ta’ osservazzjoni, jew

03

Ir-Riċevitur Finali tal-Garanzija ta’ InnovFin għall-SMEs ikun SME jew kumpanija żgħira b'kapitalizzazzjoni medja li tkun ilha topera f’suq għal inqas minn seba’ snin wara l-ewwel bejgħ kummerċjali tagħha, u l-ispejjeż tagħha għar-riċerka u l-innovazzjoni jirrappreżentaw mill-inqas 5 % tal-ispejjeż operatorji totali tagħha f’mill-inqas waħda mit-tliet snin ta’ qabel l-applikazzjoni tar-Riċevitur Finali tal-Garanzija ta’ InnovFin għall-SMEs għat-Tranżazzjoni tar-Riċevitur Finali tal-Garanzija ta’ InnovFin għall-SMEs, jew fil-każ ta’ impriża (u partikolarment negozju li jkun għadu kemm jiftaħ) mingħajr l-ebda passat finanzjarju, skont id-dikjazzjonijet finanzjarji attwali tagħha, jew

04

Ir-Riċevitur Finali tal-Garanzija ta’ InnovFin għall-SMEs ikun SME jew kumpanija żgħira b'kapitalizzazzjoni medja li jkollha potenzjal sinifikanti ta’ innovazzjoni jew tkun impriża b’intensità għolja ta’ riċerka u innovazzjoni, billi tissodisfa mill-inqas waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

  1. L-ispejjeż annwali tar-riċerka u l-innovazzjoni, imġarrba mir-Riċevitur Finali tal-Garanzija ta’ InnovFin għall-SMEs, ikunu daqs jew aktar minn 20 % tal-ammont tat-Tranżazzjoni tar-Riċevitur Finali tal-Garanzija ta’ InnovFin għall-SMEs skont ir-rapporti finanzjarji statutorji l-aktar reċenti tar-Riċevitur Finali tal-Garanzija ta’ InnovFin għall-SMEs, bil-kundizzjoni li l-pjan ta’ direzzjoni għan-negozju mħejji mir-Riċevitur Finali tal-Garanzija ta’ InnovFin għall-SMEs ikun jindika żieda fl-ispejjeż għar-riċerka u l-innovazzjoni tagħha li tkun mill-inqas daqs l-ammont tat-Tranżazzjoni tar-Riċevitur Finali tal-Garanzija ta’ InnovFin għall-SMEs; jew
  2. Ir-Riċevitur Finali tal-Garanzija ta’ InnovFin għall-SMEs jidħol għall-impenn li jinfoq ammont li jkun mill-inqas daqs 80 % tal-ammont tat-Tranżazzjoni tar-Riċevitur Finali tal-Garanzija ta’ InnovFin għall-SMEs, għall-attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni kif indikat fil-pjan ta’ direzzjoni għan-negozju mħejji minnu, u l-bqija għall-ispejjeż li jkunu meħtieġa għat-twettiq ta’ attivitajiet bħal dawn; jew
  3. Ir-Riċevitur Finali tal-Garanzija ta’ InnovFin għall-SMEs ikun ingħata, b’mod formali, għotjiet, self jew garanziji minn skemi Ewropej ta’ appoġġ għar-riċerka u l-innovazzjoni jew permezz tal-istrumenti ta’ finanzjament tagħhom, jew skemi ta’ appoġġ għar-riċerka jew l-innovazzjoni fil-livell reġjonali jew nazzjonali matul dawn l-aħħar 36 xahar, bil-kundizzjoni li t-Tranżazzjoni tar-Riċevitur Finali tal-Garanzija ta’ InnovFin għall-SMEs ma tkunx tkopri l-istess spiża; jew
  4. Ir-Riċevitur Finali tal-Garanzija ta’ InnovFin għall-SMEs ikun ingħata, matul dawn l-aħħar 24 xahar, premju għar-riċerka u l-iżvilupp jew l-Innovazzjoni pprovdut minn istituzzjoni jew korp tal-UE; jew
  5. Ir-Riċevitur Finali tal-Garanzija ta’ InnovFin għall-SMEs ikun irreġistra mill-inqas dritt wieħed tat-teknoloġija (bħal privattiva, mudell ta’ utilità, dritt tat-tfassil, topografija ta’ prodotti semikondutturi, ċertifikat ta’ protezzjoni supplimentari għal prodotti mediċiinali jew prodotti oħra li għalihom jistgħu jinkisbu ċertifikati ta’ protezzjoni supplimentari, ċertifikat ta’ nissiel tal-pjanti jew drittijiet tal-awtur relatati ma’ softwer) f’dawn l-aħħar 24 xahar, u l-iskop tat-Tranżazzjoni tar-Riċevitur Finali tal-Garanzija ta’ InnovFin għall-SMEs ikun li jista’ jsir użu dirett jew indirett minn dan id-dritt tat-teknoloġija; jew
  6. Ir-Riċevitur Finali tal-Garanzija ta’ InnovFin għall-SMEs ikun SME fi stadju bikri u jkun irċieva investiment matul dawn l-aħħar 24 xahar mingħand investitur fil-kapital ta’ riskju jew mingħand “business angel” li jkun membru ta’ netwerk tal-”business angels”; jew inkella dan l-investitur fil-kapital ta’ riskju jew il-”business angel” ikun azzjonarju tar-Riċevitur Finali tal-Garanzija ta’ InnovFin għall-SMEs fiż-żmien meta dan tal-aħħar japplika għat-Tranżazzjoni tar-Riċevitur Finali tal-Garanzija ta’ InnovFin għall-SMEs; jew
  7. Ir-Riċevitur Finali tal-Garanzija ta’ InnovFin għall-SMEs ikun jirrikjedi investiment ta' finanzjament ta' riskju li, ibbażat fuq pjan ta’ direzzjoni għan-negozju li jkun tħejja bil-ħsieb li jiddaħħal prodott ġdid jew suq ġeografiku ġdid, ikun ogħla minn 50 % tal-fatturat annwali medju tiegħu fil-ħames snin ta’ qabel; jew
  8. L-ispejjeż għar-riċerka u l-innovazzjoni mġarrba mir-Riċevitur Finali tal-Garanzija ta’ InnovFin għall-SMEs ikunu jirrappreżentaw mill-inqas 10 % tat-total tal-ispejjeż operatorji tiegħu f’mill-inqas waħda mit-tliet snin qabel l-applikazzjoni tar-Riċevitur Finali tal-Garanzija ta’ InnovFin għall-SMEs għat-Tranżazzjoni tar-Riċevitur Finali tal-Garanzija ta’ InnovFin għall-SMEs, jew f’każ ta’ impriża mingħajr l-ebda passat finanzjarju, skont ir-rapporti finanzjarji attwali tiegħu; jew
  9. Ir-Riċevitur Finali tal-Garanzija ta’ InnovFin għall-SMEs ikun kumpanija żgħira b'kapitalizzazzjoni medja, u l-ispejjeż għar-riċerka u l-innovazzjoni tieħu jirrappreżentaw:
    1. Jew, mill-inqas 15 % tat-total tal-ispejjeż operatorji tiegħu f’mill-inqas waħda mit-tliet snin qabel l-applikazzjoni tar-Riċevitur Finali tal-Garanzija ta’ InnovFin għall-SMEs, għat-Tranżazzjoni tar-Riċevitur Finali tal-Garanzija ta’ InnovFin għall-SMEs
    2. Jew inkella, mill-inqas 10 % kull sena tat-total tal-ispejjeż operatorji tiegħu fit-tliet snin qabel l-applikazzjoni tar-Riċevitur Finali tal-Garanzija ta’ InnovFin għall-SMEs, għat-Tranżazzjoni tar-Riċevitur Finali tal-Garanzija ta’ InnovFin għall-SMEs; jew
  10. Ir-Riċevitur Finali tal-Garanzija ta’ InnovFin għall-SMEs ikun ġarrab spejjeż għar-riċerka u l-innovazzjoni li jkunu ġew kwalifikati f’dawn l-aħħar 36 xahar minn korpi jew istituzzjonijiet nazzjonali jew reġjonali kompetenti bħala parti minn miżuri ta’ appoġġ ġenerali approvati mill-Kummissjoni Ewropea u maħsuba biex jinċentivizzaw lill-kumpaniji biex jinvestu fir-riċerka u l-innovazzjoni, dment li i) dan il-korp jew istituzzjoni jkunu indipendenti mill-(Sub-)Intermedjarju Finanzjarju ta’ Garanzija ta’ InnovFin għall-SMEs u mir-Riċevitur Finali tal-Garanzija ta’ InnovFin għall-SMEs u ii) it-Tranżazzjoni tar-Riċevitur Finali tal-Garanzija ta’ InnovFin għall-SMEs tkun tkopri nfiq inkrementali kif indikat fil-pjan ta’ direzzjoni għan-negozju tar-Riċevitur Finali tal-Garanzija ta’ InnovFin għall-SMEs u iii) it-Tranżazzjoni tar-Riċevitur Finali tal-Garanzija ta’ InnovFin għall-SMEs ma tkunx tkopri l-istess spejjeż eliġibbli li diġà jingħatalhom appoġġ mill-miżuri msemmija qabel; jew
  11. Ir-Riċevitur Finali tal-Garanzija ta’ InnovFin għall-SMEs ikun ġie ddeżinjat f’dawn l-aħħar 36 xahar bħala kumpanija innovattiva minn istituzzjoni jew korp, jew tal-UE jew inkella nazzjonali jew reġjonali, dment li f’kull każ
    1. id-deżinjazzjoni tagħhom tkun ibbażata fuq il-kriterji disponibbli għall-pubbliku, u fejn dawn il-kriterji:
      • ma għandhomx ikunu limitati għal, jew b’xi mod ieħor jiffavorixxu, kwalunkwe industrija jew settur partikolari, u
      • għandhom jirriflettu mill-inqas wieħed mill-kriterji msemmija fl-Artikolu 5.2 għajr l-Artikolu 5.2(d)(4), jew għandhom jirriflettu s-sustanza ta’ mill-inqas wieħed minn dawn il-kriterji iżda ma għandhomx ikunu inqas strinġenti; u
    • il-korp jew l-istituzzjoni tkun indipendenti mill-(Sub-)Intermedjarju Finanzjarju ta’ Garanzija ta’ InnovFin għall-SMEs u mir-Riċevitur Finali tal-Garanzija ta’ InnovFin għall-SMEs; u
    • it-Tranżazzjoni tar-Riċevitur Finali tal-Garanzija ta’ InnovFin għall-SMEs tkun tkopri nfiq inkrementali inkrementali kif indikat fil-pjan ta’ direzzjoni għan-negozju tar-Riċevitur Finali tal-Garanzija ta’ InnovFin għall-SMEs.

Risposta tal-Kummissjoni

Sommarju eżekuttiv

I

Il-Kummissjoni testendi l-garanziji għall-intermedjarji finanzjarji permezz ta’ numru ta’ strumenti finanzjarji għall-SMEs. Filwaqt li l-iskop ta’ wħud mill-garanziji hu li jżidu l-volum ta’ self lil negozji vijabbli, oħrajn jiffokaw b’mod iktar speċifiku fuq l-immirar lejn ċerti segmenti tas-suq, bħas-self lil negozji, lil mikrointrapriżi jew lil intrapriżi soċjali innovattivi, jew li jipprovdu self subordinat lil benefiċjarji riskjużi.

II

Il-Kummissjoni tinnota n-neċessità li ssir distinzjoni bejn il-Faċilità ta’ Garanzija ta’ Self u l-Faċilità ta’ Garanziji ta’ InnovFin għall-SMEs fid-dejta u fis-sejbiet tagħha minħabba d-differenza fid-disinn tal-istrumenti u d-differenzi fin-negozji u fl-objettivi fil-mira.

Il-Faċilità ta’ Garanzija ta’ Self hi strument ta’ garanzija limitata li fih it-telf kollu jiġi kopert biss permezz tal-baġit tal-UE u jiġi implimentat mill-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI) bħala l-entità inkarigata. Il-Faċilità ta’ Garanziji ta’ InnovFin għall-SMEs hi garanzija illimitata, li tgħaqqad ir-riżorsi tal-baġit tal-UE u t-teħid tar-riskji superjuri tal-FEI, implimentata mill-FEI, bħala l-entità inkarigata. B’din il-faċilità, il-FEI jipprovdi teħid tar-riskji addizzjonali fuq il-bażi tal-kapital proprju tiegħu.

Għaż-żewġ strumenti, il-baġit tal-UE jintuża b’mod predominanti għat-teħid tar-riskji, u frazzjoni biss (sa 6% b’kollox, tul il-ħajja tal-faċilitajiet) tintuża bħala remunerazzjoni għall-entità inkarigata.

III

Jenħtieġ li jiġi kkunsidrat li filwaqt li t-tkabbir jista’ jiġi kkunsidrat bħala objettiv impliċitu taż-żewġ faċilitajiet analizzati, l-innovazzjoni hi l-fokus speċifiku tal-Faċilità ta’ Garanziji ta’ InnovFin għall-SMEs li mhix immirata biss lejn l-SMEs iżda anki lejn midcaps żgħar.

V

Il-Kummissjoni ma wettqitx il-valutazzjonijiet “ex ante” meħtieġa għaż-żewġ programmi. It-tagħlimiet meħuda mill-programmi predeċessuri ġew riflessi wkoll fid-disinn tal-ġodda.

L-istrumenti finanzjarji kollha huma soġġetti għal evalwazzjonijiet “ex post” u finali bl-użu tal-qafas ta’ evalwazzjoni standardizzat tal-Kummissjoni li janalizza l-effikaċja wkoll.

Meta ddiskutiet l-imposti mal-FEI, il-Kummissjoni tqis li hi kellha evidenza komprensiva għad-dispożizzjoni tagħha, inklużi stimi tal-kost maniġerjali għall-Faċilità ta’ Garanziji ta’ InnovFin għall-SMEs, għar-rapporti finanzjarji tal-FEI u għall-pjanijiet korporattivi tal-operat tal-FEI, u din tqieset li kienet suffiċjenti. Din l-evidenza ntużat b’sostenn tal-pożizzjoni tal-Kummissjoni fin-negozjati mal-FEI li rriżultaw fil-livelli maqbula tal-imposti u fil-modalitajiet tal-pagament tagħhom.

VI

Il-Kummissjoni hi tal-fehma li jkun ta’ benefiċċju li kieku l-istudju ekonometriku jitqiegħed għad-dispożizzjoni pubblikament fis-sħuħija tiegħu.

VII

Il-Kummissjoni tinnota li s-sejbiet tal-ECA jirrigwardaw kampjun ta’ operazzjonijiet u jista’ ma japplikax għas-sett sħiħ ta’ benefiċjarji tal-faċilitajiet. Minbarra dan, l-analiżi f’dan ir-rapport hi bbażata fuq l-immirar biss lejn dawk il-kumpaniji li, kieku, ma jiksbux self affattu mingħand il-mutwanti kummerċjali. Madankollu, ir-rekwiżit tar-Regolament Finanzjarju globali hu li jindirizza “fallimenti tas-suq jew sitwazzjonijiet ta’ investiment subottimali”.

Id-diffikultajiet fl-aċċessar tal-finanzjament iseħħu minħabba l-approċċ tal-affidabbiltà tal-kreditu/tal-valutazzjoni tar-riskju tal-industrija finanzjarja. Negozji bi klassifikazzjoni għolja ta’ affidabbiltà biss aktarx li jiksbu finanzjament mingħajr ebda rikors għal kollateral. Negozji bi klassifikazzjoni baxxa ta’ affidabbiltà jiġu injorati u ma jiġux offruti finanzjament.

B’hekk, l-istrumenti ta’ garanzija fuq is-self tfasslu biex jappoġġaw ukoll lil SMEs li għandhom aċċess għal finanzjament, iżda b’kundizzjonijiet inaċċettabbli f’termini tal-kollateral meħtieġ, tal-perjodi ta’ self u/jew tal-prezz. Mingħajr il-garanzija, il-proġetti spiss jispiċċaw ma jitwettqux mill-SMEs, u dan iwassal għal sitwazzjoni ta’ investiment subottimali. Il-garanziji huma mfassla biex iwieġbu b’mod adegwat għall-mudelli kummerċjali tal-SMEs, bl-għan li jippermettulhom jikbru fuq bażi sostenibbli fuq terminu twil.

VIII

Minbarra l-fokus li ssemmi l-QEA, l-att bażiku tal-H2020 jiddefinixxi objettivi oħra għall-Faċilità ta’ Garanziji ta’ InnovFin għall-SMEs:

  • L-innovazzjoni tista’ sseħħ fl-SMEs kollha (fl-istadji kollha u fis-setturi kollha) li jixtiequ jużaw l-innovazzjoni biex tgħinhom jiżviluppaw, jikbru u jinternazzjonalizzaw
  • L-istrument Orizzont 2020 irid joħloq kundizzjonijiet aħjar għall-SMEs. Tingħata attenzjoni partikolari għall-inċertezza tal-innovazzjoni, għall-ħila li jinkisbu riżultati mill-innovazzjoni u għall-kollateral insuffiċjenti f’ħafna oqsma.
  • Kull tip ta’ innovazzjoni hu fil-mira: innovazzjoni teknoloġika, fis-servizzi eċċ.

Il-Faċilità ta’ Garanziji ta’ InnovFin għall-SMEs hi bbażata fuq il-kriterji ta’ eliġibbiltà tal-innovazzjoni f’konformità mal-kunċetti tal-att bażiku tal-H2020 imnaqqxa fil-Manwal rikonoxxut ta’ Oslo u f’konsistenza ma’ gwida rilevanti oħra dwar l-appoġġ għall-SMEs (gwida dwar ir-riskju). Għaldaqstant, il-Faċilità ta’ Garanziji ta’ InnovFin għall-SMEs tinkludi kull wieħed mill-erba’ tipi ta’ innovazzjoni: innovazzjoni fil-prodotti, innovazzjoni fil-proċessi, innovazzjoni organizzazzjonali u innovazzjoni fil-kummerċjalizzazzjoni.

IX

Ir-Regolament Finanzjarju jeħtieġ li jiġu mmirati SMEs li jkunu qed jaffaċċjaw disparitajiet fis-suq jew sitwazzjonijiet ta’ investiment subottimali. Il-Kummissjoni tqis li dan ifisser mhux biss id-disponibbiltà tal-finanzjamenet iżda anki l-kundizzjonijiet imtejba (prezz orħos, maturità itwal, rekwiżit tal-kollateral imnaqqas u disponibbiltà tal-prodott li, kieku, ma kinux jiġu offruti).

Il-Kummissjoni tqis li jenħtieġ li s-suċċessur potenzjali tal-Faċilità ta’ Garanziji ta’ InnovFin għall-SMEs ma jappoġġax b’mod predominanti lil SMEs u lil Midcaps żgħar involuti f’attivitajiet tal-innovazzjoni b’riskju għoli iżda jenħtieġ li jkompli jappoġġa lill-SMEs u lil Midcaps żgħar li jagħmlu innovazzjonijiet fil-prodotti, fis-servizzi u fil-mudelli kummerċjali f’kull settur tal-ekonomija kif imsemmi fil-Manwal ta’ Oslo dwar l-innovazzjoni.

X

Il-Kummissjoni se tkompli twettaq valutazzjonijiet “ex ante” u “ex post” tal-istrumenti ta’ garanzija għall-SMEs fi ħdan il-qafas ta’ evalwazzjoni standard tal-Kummissjoni li jistgħu jiġu kkomplimentati minn analiżi addizzjonali tal-istrumenti ta’ garanzija kollha.

XI

Il-Kummissjoni ma tqisx li hu adegwat li jinbidel il-qafas ta’ evalwazzjoni attwali tagħha li jkopri l-attivitajiet kollha tagħha peress li dan ikun qiegħed imur kontra l-objettivi ta’ simplifikazzjoni u ta’ streamlining.

Minkejja dan, biex tikkumplimenta l-evalwazzjonijiet standard u l-valutazzjonijiet “ex ante”, il-Kummissjoni se tkompli tuża l-metodoloġija applikata għall-Istudju tas-CESEE1 u għall-istudju tal-Qorti, u se tespandi l-ambitu tal-evalwazzjoni għal pajjiżi oħra.

Introduzzjoni

05 (a)

Filwaqt li l-objettivi tal-faċilitajiet preċedenti ta’ garanzija għall-SMEs kienu simili għal dawk tal-Faċilità ta’ Garanzija ta’ Self, l-aċċettazzjoni ta’ riskju ogħla mill-intermedjarji finanzjarji saret prekundizzjoni biex titjieb l-addizzjonalità tal-faċilità meta mqabbla mal-faċilitajiet preċedenti ta’ garanzija għall-SMEs.

09

Bil-Faċilità ta’ Garanziji ta’ InnovFin għall-SMEs, ma hemm ebda livell limitu applikabbli fis-sens li l-intermedjarji jridu jibnu portafoll ġdid ta’ self li jikkonforma mal-kriterji tal-innovazzjoni.

11

Il-limiti fuq il-kwalità kreditizja tal-portafoll iservu (i) biex jirriflettu l-aptit għar-riskju tal-intermedjarju, u (ii) biex jottimizzaw l-użu tal-baġit tal-UE.

12

Bil-Faċilità ta’ Garanziji ta’ InnovFin għall-SMEs, l-iskopertura tal-UE hi limitata għad-daqs tal-fondi baġitarji impenjati tal-UE (imnaqqsa għal ċerti elementi).

15

Il-livelli ta’ telf mistennija huma stimi li jħarsu ’l quddiem ibbażati fuq l-aħjar dejta disponibbli u r-riżultat finali ser ivarja, eż. skont iċ-ċiklu ekonomiku.

Osservazzjonijiet

27

Għall-perjodu ta’ programmazzjoni tal-2014-2020, il-qafas leġiżlattiv tal-istrumenti finanzjarji kkofinanzjati mill-Fondi Strutturali jipprevedi rekwiżiti ċari għall-valutazzjonijiet “ex ante” li jridu jinkludu valutazzjoni tal-“konsistenza ma’ forom oħra ta’ intervent pubbliku li jindirizzaw l-istess suq” (Artikolu 37(2)(b) CPR).

29

Il-valutazzjoni għall-istrumenti finanzjarji taħt il-programm Orizzont 2020 kienet valutazzjoni mwettqa minbarra l-valutazzjoni għall-programm Orizzont 2020, biex jiġi rfinat u approfondit il-fehim tal-Kummissjoni tal-ħtiġijiet tas-suq qabel it-tnedija tal-istrumenti.

31

Kif indikat fil-kummenti dwar il-paragrafu 29, twettqu valutazzjonijiet “ex ante” għall-Faċilità ta’ Garanzija ta’ Self COSME u għall-Faċilità ta’ Garanziji ta’ InnovFin għall-SMEs. Barra minn hekk, l-użu u d-domanda tas-suq esperjenzati taħt il-pilota tal-Istrument ta’ Qsim tar-Riskju, flimkien mal-analiżi tal-istudji disponibbli, servew bħala input għall-proposta tal-Kummissjoni għall-kontribuzzjoni indikattiva tal-UE allokata għall-Faċilità ta’ Garanziji ta’ InnovFin għall-SMEs.

32

Peress li l-leġiżlatur fl-atti legali sottostanti jindika biċ-ċar li jenħtieġ li dawn ikunu strumenti pan-Ewropej b’ebda allokazzjoni prestabbilita għal Stati Membri individwali, tabilħaqq l-approċċ komprensiv pan-UE għall-analiżi tad-disparitajiet fis-suq tqies li hu xieraq.

33

Il-Kummissjoni tqis li l-volumi ta’ self pur jaf ma jkunux indikatur adegwat biex jiġi analizzat it-tixrid ġeografiku tal-Faċilità ta’ Garanzija ta’ Self u tal-faċilitajiet ta’ Garanziji ta’ InnovFin għall-SMEs. Ma jistax ikun mistenni li Stati Membri “iżgħar” ikunu jistgħu jibbenefikaw minn ammonti assoluti simili ta’ finanzjament appoġġat bħal Stati Membri ikbar.

Għall-kuntrarju, l-Istati Membri li ssieħbu fl-UE wara l-2004 kienu ferm koperti meta jitqabblu l-ammonti ffirmati għaż-żewġ faċilitajiet mad-daqs relattiv tal-ekonomiji tagħhom.

34

Il-FEIS hu msejjes fuq analiżi ta’ disparità fl-investiment għall-ekonomija sħiħa u hu mibni bħala strument flessibbli mmotivat mis-suq. L-istrumenti ssupplimentati (il-Faċilità ta’ Garanzija ta’ Self u l-Faċilità ta’ Garanziji ta’ InnovFin għall-SMEs) kienu soġġetti għal valutazzjonijiet “ex ante” individwali li inkludew stimi tad-disparitajiet sottostanti tas-suq. L-ammonti tas-suppliment mhumiex fissi iżda huma espressi bħala limiti massimi li jistgħu jiġu riveduti iktar. Għaldaqstant, il-FEIS, sa mid-definizzjoni tiegħu, se jkun jista’ jwieġeb għal-livell it-tajjeb tal-ħtiġijiet tas-suq. Il-FEIS jintegra l-appoġġ tiegħu fl-istrumenti eżistenti fil-livell tal-UE, il-FEIS u l-istrumenti ta’ garanzija awditjati ġestiti ċentralment jaġixxu flimkien bħala faċilità waħda fir-rigward tas-suq.

35

Il-Kummissjoni tqis bħala aspett pożittiv il-perċentwal għoli (82%) tal-valutazzjonijiet tal-ħtiġijiet tas-suq imwettqa minn Stati Membri li wieġbu għall-istħarriġ tal-QEA, minkejja l-fatt li l-valutazzjonijiet ma kinux meħtieġa b’mod espliċitu mill-qafas legali.

38

Il-Kummissjoni tixtieq tispeċifika li t-Tabella 2 hi indikattiva biss peress li l-ammont propju tal-imposti pagabbli jiddependi mill-kontribuzzjoni fil-fatt impenjata kif ukoll mill-attivitajiet fil-fatt imwettqa.

Il-maġġoranza tal-imposti huma mmotivati mill-prestazzjoni, f’konformità mar-rekwiżiti tar-Regolament Finanzjarju.

40

Il-Kummissjoni tqis li hu siewi li wieħed ikollu din id-dejta qabel ma jidħol għan-negozjati. Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni kisbet l-istima tal-kostijiet tal-FEI għall-Faċilità ta’ Garanziji ta’ InnovFin għall-SMEs u tanalizza wkoll b’mod regolari r-rapporti finanzjarji tal-FEI biex tifhem l-introjtu mill-imposti tal-FEI u l-kontribuzzjoni ta’ dan għall-profittabilità ġenerali tal-FEI u, b’mod iktar ġenerali, tkompli tagħmel sforzi biex tikseb iktar dejta dettaljata rilevanti dwar il-kostijiet tal-operar tal-istrumenti ta’ garanzija.

Din id-dejta spiss tkun soġġetta għall-kunfidenzjalità u jaf ma tkunx ġejja minn strumenti direttament komparabbli. Madankollu, anki fin-nuqqas ta’ dejta bħal din, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ tiffinalizza n-negozjati fuq il-bażi tal-informazzjoni disponbbli.

Inċidentalment, hemm punt ta’ riferiment rilevanti fil-qafas tal-FEIS għall-2014-2020 fejn hu pprovdut limitu massimu ogħla (7%) fil-każ ta’ fondi iżda għal perjodu ta’ implimentazzjoni ferm iqsar (sal-2023).

Għal strumenti ġestiti ċentralment, il-Kummissjoni nnegozjat imposti f’żewġ stadji. L-ewwel nett, il-qafas ġenerali ġie stabbilit fi ftehim qafas mal-FEI f’konformità mar-Regolament Finanzjarju. It-tieni, l-imposti għall-ftehimiet individwali ġew innegozjati f’dan il-qafas ġenerali. Id-dejta msemmija hawn fuq intużat fiż-żewġ stadji.

41

Il-Kummissjoni tqis li hi kellha biżżejjed elementi tat-tali informazzjoni.

Jekk jogħġbok ara t-tweġiba għall-paragrafu 40.

It-tqabbil tal-kost ta’ strumenti pan-Ewropej ġestiti ċentralment ma’ skemi ta’ garanzija operati f’livell nazzjonali jkun ta’ rilevanza limitata peress li dawn l-iskemi ma għandhomx il-mandat ġeografiku ta’ mandati ċentrali u mhumiex soġġetti għall-istess obbligi ta’ rapportar, ta’ monitoraġġ u ta’ awditjar bħall-iskemi tal-UE.

42

Fir-Rapport Speċjali tagħha 4/2011, il-QEA tiddikjara “L-imposti li għandhom jitħallsu lill-FEI jenħtieġ li jiġu kkalkolati biex tingħata kunsiderazzjoni:

  • lill-prestazzjoni fil-kisba ta’ miri speċifiċi;
  • lid-distribuzzjoni ġeografika fil-pajjiżi eliġibbli; u
  • lill-grad ta’ innovazzjoni u ta’ kumplessità tal-istrument ta’ garanzija.”

Kull tqabbil bejn strumenti ġestiti ċentralment u strumenti kkofinanzjati mill-Fondi Strutturali jrid jieħu f’kunsiderazzjoni l-fatt li l-istrumenti sottostanti għandhom kopertura ġeografika, grad ta’ innovazzjoni u ta’ kumplessità, obbligi ta’ rapportar, objettivi u sawriet differenti.

45

Il-kopertura tan-nuqqas hi soġġetta għal limitu massimu miftiehem minn qabel li ma jistax jinqabeż.

46

Il-Kummissjoni qabblet l-imposta proposta ma’ offerti oħrajn tas-suq għall-iskopertura għar-riskju tal-BBB f’dak iż-żmien.

L-ammont totali massimu tal-imposta għar-riskju debitabbli mill-FEI matul il-ħajja tal-Faċilità jista’ jilħaq l-10 % tal-kontribuzzjoni tal-UE biss fil-każ ta’ nuqqasijiet fl-imposti tar-riskju minkejja li l-FEI ħa r-riskju korrispondeneti għall-benefiċċju tal-faċilità kollha kemm hi.

47

Il-mekkaniżmu tal-imposti hu mfassal biex jindirizza l-imposti tar-riskju tul il-perjodu sħiħ ta’ implimentazzjoni u ma jistax jiġi vvalutat b’mod kredibbli permezz ta’ ħarsa ġenerali limitata meħuda fil-bidu nett tal-perjodu ta’ implimentazzjoni.

51

L-analiżi f’dan ir-rapport hi bbażata fuq l-immirar biss lejn dawk il-kumpaniji li, kieku, ma jiksbux self affattu mingħand il-mutwanti kummerċjali. Madankollu, ir-rekwiżit tar-Regolament Finanzjarju globali hu li jindirizza “fallimenti tas-suq jew sitwazzjonijiet ta’ investiment subottimali”.

Id-diffikultajiet fl-aċċessar tal-finanzjament iseħħu minħabba l-approċċ tal-affidabbiltà tal-kreditu/tal-valutazzjoni tar-riskju tal-industrija finanzjarja. L-ewwel nett, mutwant jivvaluta jekk negozju għandux sodezza kreditizja, jiġifieri jekk in-negozju hux vijabbli u jekk l-ammont ta’ finanzjament mitlub jistax jitħallas lura mill-flussi tal-flus futuri mistennija. Ir-rapporti finanzjarji, ir-rekords tat-taxxa, ir-reġistri pubbliċi tal-kreditu, eċċ. se jiġu eżaminati u jiġu assenjati evalwazzjonijiet ta’ kreditu. Negozji bl-ogħla punteġġ ta’ affidabbiltà biss aktarx li jiksbu finanzjament mingħajr ebda rikors għal kollateral. Negozji b’punteġġ baxx ta’ affidabbiltà jiġu injorati u ma jiġux offruti finanzjament.

B’hekk, l-istrumenti ta’ garanzija fuq is-self tfasslu biex jappoġġaw ukoll lil SMEs li għandhom aċċess għal finanzjament, iżda b’kundizzjonijiet inaċċettabbli f’termini tal-kollateral meħtieġ, tal-perjodi ta’ self u/jew tal-prezz. Mingħajr il-garanzija, il-proġetti spiss jispiċċaw ma jitwettqux mill-SMEs, u dan iwassal għal sitwazzjoni ta’ investiment subottimali. Il-garanziji huma mfassla biex iwieġbu b’mod adegwat għall-mudelli kummerċjali tal-SMEs, bl-għan li jippermettulhom jikbru fuq bażi sostenibbli fuq terminu twil.

52

F’konformità mal-att bażiku ta’ Orizzont 2020, il-Faċilità ta’ Garanziji ta’ InnovFin għall-SMEs tfasslet biex ittejjeb l-aċċess għal finanzjament għal SMEs u għal Midcaps Żgħar immotivati mill-innovazzjoni. Dan hu indirizzat mill-offerta ta’ strument finanzjarju mhux iffinanzjat, garanzija li qed tattira kapital privat sinifikanti, f’konformità mar-Regolament Finanzjarju. Il-Kummissjoni tqis li l-Faċilità ta’ Garanziji ta’ InnovFin għall-SMEs ma tikkompetix mas-settur privat, peress li hi żżid il-preżenza tas-settur privat fil-finanzjament tal-innovazzjoni b’mod proporzjonat mar-rata ta’ garanzija u b’termini mtejba għall-intrapriżi mmotivati mill-innovazzjoni, f’konformità mal-att bażiku ta’ Orizzont 2020.

L-istess prinċipji japplikaw ukoll għall-Faċilità ta’ Garanzija ta’ Self COSME.

55

Il-Kummissjoni tinnota li s-sejbiet tal-QEA huma relatati biss ma’ kampjun limitat ta’ operazzjonijiet u dawn jaf ma japplikawx għas-sett sħiħ ta’ benefiċjarji tal-faċilitajiet.

Il-Kummissjoni tqis li minħabba li r-rekwiżiti tal-eliġibbiltà “ex ante” saru aktar stretti taħt il-Faċilità ta’ Garanzija ta’ Self meta mqabbla mal-istrumenti predeċessuri, in-numru ta’ kumpaniji appoġġati li għandhom aċċess ristrett għall-finanzjament żdied b’mod sinifikanti. Għall-Faċilità ta’ Garanzija ta’ Self, il-QEA tikkonkludi li 50% tal-SMEs fil-kampjun tagħha kienu jbatu biex jiksbu aċċess għal finanzjament, filwaqt li l-Kummissjoni kkonkludiet fuq l-istess kampjun li 73% tal-SMEs kienu jbatu biex jiksbu aċċess għal finanzjament b’kundizzjonijiet adegwati (biżżejjed finanzjament).

Il-Kummissjoni analizzat il-parti tal-kampjun li ġiet ipprovduta mill-QEA u waslet għall-konklużjoni li għaż-żewġ faċilitajiet flimkien, tal-inqas 45% mill-benefiċjarji kienu jbatu biex jiksbu aċċess għal finanzjament b’kundizzjonijiet adegwati.

56

L-iskop tal-Faċilità ta’ Garanziji ta’ InnovFin għall-SMEs, kif stipulat fl-att bażiku, hu li ttejjeb l-aċċess għal finanzjament b’dejn. Għaldaqstant, il-fatt li negozju seta’ jirċievi investiment ta’ ekwità jew finanzjament ieħor ma għandu ebda inċidenza. Barra minn hekk, Orizzont 2020 għandu għodod finanzjarji oħra biex jappoġġa riskju tat-tip ta’ ekwità (bħal InnovFin Equity, l-Istrument tal-SMEs).

59

Il-garanzija qatt ma tkopri 100% tal-iskopertura tas-self u l-intermedjarji finanzjarji huma meħtieġa jżommu skopertura ekonomika sostanzjali għal kull self. Għaldaqstant, dawn huma mmotivati biex jiffokaw fuq negozji vijabbli li kapaċi jieħdu self u jħallsuh lura.

Il-Garanzija ta’ InnovFin għall-SMEs tfasslet biex tappoġġa kemm is-self intermedjat pubbliku kif ukoll dak privat lil negozji innovattivi billi tħeġġeġ kundizzjonijiet imtejba tal-finanzjament f’termini ta’ prezz orħos, ta’ disponibbiltà tat-tip rilevanti ta’ finanzjament xieraq għall-ħtiġijiet tal-SMEs, ta’ maturitajiet itwal u spiss ta’ rekwiżiti inqas tal-kollateral. Il-Kummissjoni osservat żieda fl-aptit għar-riskju tal-intermedjarji finanzjarji peress li l-garanzija ttaffi parti mir-riskju li jirriżulta minn asimmetriji fl-informazzjoni bejn il-mutwant u l-mutwatarju u, b’hekk, ir-riskju perċepit tal-mutwatarju mill-mutwant.

60

L-iffrankar mill-imgħax għall-benefiċjarji finali mhuwiex l-objettiv ewlieni tal-Faċilità ta’ Garanziji ta’ InnovFin għall-SMEs. Hu wieħed mill-komponenti tal-aċċess imtejjeb għal finanzjament. Dan jiġi minbarra benefiċċji oħra attribwibbli għall-intervent tal-Faċilità ta’ Garanziji ta’ InnovFin għall-SMEs, eż. livelli ta’ finanzjament ogħla, rekwiżiti mnaqqsa tal-kollateral, maturitajiet itwal, forma iktar konvenjenti ta’ finanzjament aġġustata għall-ħtiġijiet ta’ SMEs u ta’ Midcaps Żgħar immotivati mill-innovazzjoni.

61

Fil-każ tal-Faċilità ta’ Garanzija ta’ Self, ir-rekwiżiti ta’ addizzjonalità ġew magħmulin aktar stretti b’mod sinifikanti permezz tal-ħolqien ta’ żewġ għażliet għat-teħid ta’ riskju addizzjonali mill-intermedjarju finanzjarju. Ġie ddikjarat b’mod espliċitu li t-teħid tar-riskju li jaqa’ fi ħdan il-prattiki kummerċjali normali tal-intermedjarju finanzjarju (eż. kif iddeterminat fil-politika dwar ir-riskju ta’ kreditu u ta’ ġbir) ma jkunx sostnut mill-garanzija tal-UE. Il-livelli limitu minimi ġew stabbiliti f’termini tar-riskju ta’ kreditu addizzjonali li intermedjarju finanzjarju jrid jaċċetta fil-livell tal-portafoll fir-rigward tan-negozju normali tiegħu biex jikkwalifika għall-garanzija tal-UE.

64

Il-limitu massimu rriżulta mill-aspett tal-komplementarjetà; il-fokus fuq kumpaniji iktar riskjużi (mhux bilfors iktar ġodda u iżgħar) irriżulta minn fokus ġdid taħt il-programm.

65

Il-Kummissjoni tqis li, bħala kwistjoni ta’ prinċipju, jenħtieġ li ma jkun hemm ebda qsim artifiċjali tas-self. Bħala parti mill-monitoraġġ tiegħu, il-FEI jikkontesta tranżazzjonijiet bħal dawn meta jidentifikahom. B’mod ġenerali, il-FEI jeħtieġ mill-intermedjarju raġuni kummerċjali talli jipprovdi iktar minn self wieħed lill-istess SME.

F’dan il-każ partikolari msemmi mill-QEA, l-intermedjarju finanzjarju ħareġ garanzija għas-self ipprovdut minn mutwant kummerċjali. Id-deċiżjoni dwar kif ġie pprovdut is-self kienet tal-mutwant kummerċjali. Il-FEI kkontesta l-ħruġ ta’ diversi garanziji għall-istess SME, talab informazzjoni addizzjonali mingħand l-intermedjarju finanzjarju u ġie pprovdut bi spjegazzjoni tar-raġuni kummerċjali talli pprovda iktar minn self wieħed li l-FEI ġġudika bħala adegwata.

66

Il-valutazzjoni “ex ante” tal-istrument InnovFin identifikat li l-kumpaniji innovattivi kienu mxekkla minn nuqqas ta’ aċċess għal finanzjament ta’ riskju. Għaldaqstant, il-Ftehimiet ta’ Delegazzjoni mal-FEI fihom kriterji ta’ eliġibbiltà dettaljati dwar il-livelli ta’ innovazzjoni (għall-Faċilità ta’ Garanziji ta’ InnovFin għall-SMEs), tal-SME, tat-tranżazzjonijiet u tal-portafoll (applikabbli għat-tnejn). Dawn il-kriterji huma konsistenti għalkollox mal-atti bażiċi rispettivi tagħhom.

67

It-teorija ekonomika wara li l-falliment tas-suq jirriżulta minn informazzjoni asimmetrika bejn il-mutwant u l-mutwatarju tibbaża eżattament fuq l-idea li – f’punt ogħla minn ċertu livell – l-intermedjarji finanzjarji ser isibu li mhuwiex profittabbli li jitolbu rati tal-imgħax ogħla mingħand mutwatarji li huma perċepiti bħala iktar riskjużi bħala grupp (minħabba periklu morali u kwistjonijiet ta’ għażla avversa); minflok, huma jippreferu jqassmu l-kreditu tagħhom. Din hi r-raġuni għaliex jeżistu SMEs finanzjarjament vijabbli fis-suq, li però ma jistgħux jiksbu biżżejjed kreditu lanqas b’rati tal-imgħax għoljin. Għaldaqstant, il-politika ta’ mgħax għoli tirriskja li tkun ineffikaċi.

It-trasferiment tal-benefiċċju jaħdem b’mod li l-proġetti bl-ogħla firxa tal-kreditu, jiġifieri l-iktar mutwatarji riskjużi, jiksbu l-ikbar benefiċċju. Dan il-mekkaniżmu tat-trasferiment tal-benefiċċju jinċentiva lir-riċevituri finali biex jagħżlu l-Faċilità ta’ Garanziji ta’ InnovFin għall-SMEs, jekk il-kostijiet tal-imgħax tagħhom b’kunsiderazzjoni tal-garanzija jkunu inqas milli mingħajr il-garanzija. Dan juri wkoll li l-istrument jinċentiva lill-intermedjarji biex jipprovdu finanzjament lil kumpaniji innovattivi iktar riskjużi. Is-self iggarantit ikun jiswa iktar flus fil-każ ta’ benefiċċju negattiv, li jista’ jagħmel is-self mhux attraenti.

68

Il-Kummissjoni tqis li l-informazzjoni meħtieġa għall-valutazzjoni ta’ jekk is-self tqegħidx għad-dispożizzjoni ta’ negozju li ma għandux aċċess għal biżżejjed finanzjament tista’ tinkiseb biss mingħand in-negozju stess.

Il-Kummissjoni kellha tikkunsidra kif tistabbilixxi sistema ta’ monitoraġġ li hi kosteffikaċi u li ma toħloqx piż amministrattiv żejjed għall-SMEs. Għaldaqstant, il-frekwenza tas-sistema kurrenti ta’ monitoraġġ hi meqjusa bħala adegwata għall-Faċilità ta’ Garanzija ta’ Self.

69

Filwaqt li jista’ jkun jeżisti approċċ akkademiku bħal dan, dan mhuwiex kif l-intermedjarji finanzjarji joperaw fil-prattika. Kull intermedjarju finanzjarju għandu l-approċċ tiegħu stess għall-valutazzjoni tar-riskju ta’ kreditu li jista’ jinvolvi sa ċertu punt l-evalwazzjoni tal-kriterji stabbiliti mill-QEA. Iżda hemm fatturi oħra li jaqdu rwol ukoll (bħad-disponibbiltà ta’ kollateral, skoperturi ta’ kreditu eżistenti, eċċ.). Peress li l-Faċilità ta’ Garanzija ta’ Self tappoġġa lil mikrokumpaniji fil-parti l-kbira, irid jingħad ukoll li t-tali kumpaniji f’ħafna mill-każijiet lanqas biss ma jkollhom karti bilanċjali awditjati uffiċjalment u jaħdmu fuq il-bażi ta’ sempliċi rapporti tal-introjtu. Sal-31 ta’ Diċembru 2016, iktar minn 50% tan-negozji appoġġati mill-Faċilità ta’ Garanzija ta’ Self kienu negozji ġodda u aktar minn 17% tan-negozji appoġġati mill-Faċilità ta’ Garanziji ta’ InnovFin għall-SMEs kienu negozji ġodda li għandhom rekord ta’ kreditu insuffiċjenti li seta’ jiġi analizzat.

73

L-objettiv primarju tal-Faċilità ta’ Garanzija ta’ Self hu li tikkontribwixxi għal problemi strutturali (finanzjament tan-negozji ġodda, asimmetrija tal-informazzjoni, nuqqas ta’ kollateral, eċċ.) li l-SMEs jaffaċċjaw fil-qasam tal-aċċess għal finanzjament. L-istrument finanzjarju mhuwiex imfassal biex ikun strument tal-kriżi.

Il-forniment ta’ likwidità hu indirizzat permezz ta’ mezzi oħra bħall-politika monetarja tal-Bank Ċentrali Ewropew jew is-self tal-Bank Ewropew tal-Investiment għall-SMEs.

74

L-istrumenti finanzjarji kkofinanzjati mill-Fondi Strutturali huma implimentati matul il-perjodi ta’ programmazzjoni, jiġifieri l-2007-2013 għall-eżempju msemmi. L-istabbiliment tal-istrumenti finanzjarji mill-Awtoritajiet Maniġerjali hu pass importanti fiċ-ċiklu tal-ħajja tal-istrumenti u jinkludi proċeduri bħall-għażla tal-maniġer ta’ fond jew il-verifika tal-konformità mal-għajnuna mill-Istat.

75

Biex jintlaħqu l-objettivi tal-Politika ta’ koeżjoni, u kif maqbul mill-koleġiżlaturi, il-Fondi Strutturali għandhom regoli speċifiċi x’josservaw, bħal limitazzjonijiet ġeografiċi b’fokus ikbar fuq iż-żoni l-iktar fil-bżonn.

76

Din il-possibbiltà ma ġietx introdotta biss bħala kejl tat-titjib fl-iżborżi, iżda bħala rispons immirat u dirett għall-kriżi finanzjarja.

77

Il-Faċilità ta’ Garanzija ta’ Self għandha l-għan li tappoġġa l-impiegi u t-tkabbir u ma tinkisibx biss permezz ta’ self ta’ investiment. Il-fatt li l-finanzjament tal-kapital operatorju hu kompletament eliġibbli mhuwiex dovut għal “rilassament tal-eliġibbiltà” iżda għal adattament għar-realtajiet ekonomiċi. Fl-ekonomija tal-lum, il-prodotti ta’ finanzjament jiddependu ħafna fuq l-industrija li fiha topera l-SME. Jekk SME tkun attiva fis-settur tas-servizzi, il-ħtieġa għall-finanzjament ta’ assi fissi hi baxxa ħafna (dawn ikunu jeħtieġu self ta’ investiment). Dawn l-SMEs jeħtieġu aċċess għal faċilitajiet tal-kapital operatorju għal, pereżempju, taħriġ tal-persunal u żvilupp tal-ħiliet. Dawn jistgħu jkunu jeħtieġu sistemi tal-IT sofistikati, siti web u ġestjoni tas-siti web, servizzi tal-cloud eċċ.. Iżda dawn it-tipi ta’ servizzi jistgħu jew jinkrew jew inkella se jidhru purament bħala kost fir-rapport tal-introjtu. Madankollu, il-faċilitajiet ta’ kapital operatorju b’terminu qasir mogħtija fuq bażi rotanti għal diversi xhur ftit li xejn huma ta’ għajnuna għall-SMEs peress li jeħtieġu perjodu itwal għall-ippjanar (dan hu wkoll il-każ eż. għal bejjiegħa bl-imnut li jixtru inventarju għall-istaġun tal-Milied, għall-bdiewa li jipprefinanzjaw il-ħsad billi jixtru żrieragħ, fertilizzanti, eċċ.).

L-istatistiki tal-EUROSTAT jikkonfermaw li “għad li l-intrapriżi bi tkabbir għoli joperaw fis-setturi kollha tal-ekonomija kummerċjali madwar l-UE, is-sehem tagħhom fis-servizzi hu ogħla fil-maġġoranza tal-Istati Membri”. Ara l-istqarrija għall-istampa 209/2016 tal-Eurostat fis-26 ta’ Ottubru 20162.

Għaldaqstant, il-Faċilità ta’ Garanzija ta’ Self, bħal kif inhu wkoll il-każ għall-Faċilità ta’ Garanziji ta’ InnovFin għall-SMEs, tippermetti wkoll li jingħata appoġġ lil diversi prodotti ta’ finanzjament (kapital operatorju, self ta’ investiment, lokazzjonijiet) dment li l-maturità minima ta’ dawn il-prodotti tkun ta’ 12-il xahar.

Kaxxa 4 – Sitwazzjonijiet li fihom il-garanziji tal-UE jappoġġaw prodott finanzjarju mhux addattat għall-objettivi tal-politika tagħhom

L-appoġġ mill-faċilitajiet ivarja mill-minimu ta’ 12-il xahar sal-massimu ta’ 10 snin (Faċilità ta’ Garanzija ta’ Self) u ta’ 12-il sena (Faċilità ta’ Garanziji ta’ InnovFin għall-SMEs), u b’hekk fil-fatt jippromwovi l-finanzjament fuq terminu itwal.

Jenħtieġ li jingħad ukoll li f’ċerti setturi b’rata mgħaġġla ta’ bejgħ (oġġetti tal-konsum, ilbies), anki 12-il xahar jista’ jkun perjodu twil biżżejjed għal ċiklu ta’ innovazzjoni sħiħ.

Self tal-kapital operatorju jista’ jintuża minn ċerti kumpaniji biex jinvestu f’assi intanġibbli jew f’għarfien espert. Spiża bħal din ma tkunx tikkwalifika għal self ta’ investiment standard. Barra minn hekk, self tal-kapital operatorju b’durata minima ta’ 12-il xahar jgħin biex tiġi stabbilizzata s-sitwazzjoni finanzjarja ta’ kumpanija, u b’hekk din issir iktar inklinata li tinvesti. Barra minn hekk, il-ħtieġa għal iktar kapital operatorju spiss tkun ir-riżultat ta’ proġetti ta’ investiment.

79

Fir-rapport dwar l-Impiegi u t-Tkabbir, il-Kummissjoni tittraċċa l-ħolqien tax-xogħol fl-SMEs li rċivew finanzjament (fl-2015, il-ħolqien tax-xogħol nominali kien ta’ 9,4%). Imbagħad dan jitqabbel ma’ dejta oħra dwar it-tkabbir fl-impiegi tal-SMEs biex jiġi kkunsidrat jekk il-popolazzjoni appoġġata tmurx aħjar jew agħar mill-popolazzjoni ġenerali tal-SMEs, eż. ara r-Rapport Annwali dwar l-SMEs Ewropej 2015/2016 li jindika li l-impiegi fl-SMEs Ewropej kollha (appoġġati jew mhux appoġġati) żdiedu b’1,5% b’mod ġenerali.

81

Il-Kummissjoni tilqa’ l-konklużjonijiet tal-QEA, peress li dawn jissuġġerixxu li l-programmi ta’ garanzija għal self tabilħaqq jistimulaw it-tkabbir tal-SMEs. Il-Kummissjoni hi tal-fehma li jkun ta’ benefiċċju li kieku l-istudju jitqiegħed għad-dispożizzjoni pubblikament fis-sħuħija tiegħu.

83

Il-Kummissjoni tinnota li ċ-ċifra ssoponuta ta’ EUR 1,330, għall-ħolqien u għaż-żamma ta’ impieg wieħed permezz tal-Faċilità ta’ Garanzija għall-SMEs, hi medja stmata għall-implimentazzjoni madwar l-Ewropa kollha, filwaqt li l-istudju kontrafattwali msemmi jkopri lil Franza biss. Barra minn hekk, minħabba d-differenzi fil-metodoloġiji użati għall-kalkoli, iż-żewġ numri mhumiex direttament komparabbli.

86

Il-Kummissjoni tqis li r-rapport preċedenti kien inkonklużiv fuq il-kwistjoni tal-valur miżjud tal-UE.

Il-Kummissjoni tinnota li hi timplimenta programmi fuq il-bażi tal-atti bażiċi adottati mil-leġiżlatur.

It-test legali finali jistipula dan li ġej fl-Artikolu 8 (ir-Regolament (UE) Nru 1287/2013 tal-11 ta’ Diċembru 2013):

Artikolu 8 Azzjonijiet li jtejbu l-aċċess għall-finanzi għall-SMEs 01

Il-Kummissjoni għandha tappoġġa azzjonijiet li għandhom l-għan li jiffaċilitaw u jtejbu l-aċċess tal-SMEs għall-finanzjament fil-fażijiet tagħhom tal-bidu, it-tkabbir u t-trasferiment filwaqt li jikkumplimentaw l-użu tal-istrumenti finanzjarji mill-Istati Membri għall-SMEs fil-livell nazzjonali u reġjonali. Sabiex tkun żgurata l-kumplimentarjetà, tali azzjonijiet għandhom ikunu kkoordinati mill-qrib ma’ dawk li jitwettqu fil-qafas tal-politika ta’ koeżjoni, l-programm Orizzont 2020 u fil-livell nazzjonali jew reġjonali. Tali azzjonijiet għandu jkollhom l-għan li jistimolaw l-adozzjoni u l-provvista tal-finanzjament kemm tal-ekwità kif ukoll tad-dejn, li jistgħu jinkludu finanzjament tal-avvjament (seed funding), finanzjament informali (angel funding) u finanzjament ta’ ekwità jew kważi-ekwità soġġetti għad-domanda tas-suq, iżda li jeskludi l-iżmembrament tal-assi (asset stripping).

02

Minbarra l-azzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, l-appoġġ tal-Unjoni jista’ jingħata wkoll lil azzjonijiet, biex jittejjeb il-finanzjament transfruntier u multinazzjonali, soġġett għad-domanda tas-suq, biex jassisti lill-SMEs fl-internazzjonalizzazzjoni tal-attivitajiet tagħhom f’konformità mal-liġi tal-Unjoni.

Il-Faċilità ta’ Garanzija ta’ Self ġiet implimentata kif adottata mil-leġiżlatur. L-għażla ta’ titolizzazzjoni ġiet ippubblikata flimkien mal-għażla ta’ garanzija u ta’ kontrogaranzija fil-forma ta’ sejħa għall-espressjoni ta’ interess. Iżda f’dan il-waqt ma ġietx issodisfata mid-domanda tas-suq.

F’dan il-waqt, lanqas ma hemm domanda tas-suq għal self transfruntier.

87

Il-Kummissjoni tinnota li l-effett ta’ dimostrazzjoni u katalitiku jseħħ meta l-intermedjarji finanzjarji jkunu lesti li jipprovdu finanzjament lil SME b’riskju ogħla minħabba l-Faċilità ta’ Garanzija ta’ Self fil-pajjiżi parteċipanti tal-programm. Dawn jagħmlu dan billi joffru prodotti ta’ finanzjament iktar riskjużi jew billi jżidu l-volumi ta’ prodotti ta’ finanzjament ta’ riskju ogħla diġà eżistenti.

Eżempji individwali ta’ prodotti bħal dawn huma:

  • Altum, il-Korporazzjoni Finanzjarja tal-Iżvilupp tal-Latvja, ħolqot prodott ta’ finanzjament ġdid biex tappoġġa lin-negozji ġodda mingħajr ma dawn jirrikorru għal kollateral3.
  • Fil-Greċja, pajjiż li esperjenza tnaqqis qawwi fis-self lil SMEs, erba’ istituzzjonijiet finanzjarji ffirmaw ftehimiet ta’ garanzija bl-għan li joffru prodotti ta’ self lill-SMEs b’rekwiżiti tal-kollateral sostanzjalment imnaqqsa4.
  • Fid-Danimarka, Vaekstfonden, il-Fond Daniż għat-Tkabbir, li hu l-fond ta’ investiment tal-istat Daniż, stabbilixxa prodott ta’ self subordinat ġdid biex jappoġġa lill-SMEs fis-settur agrikolu5.

F’dak li għandu x’jaqsam mal-Faċilità ta’ Garanziji ta’ InnovFin għall-SMEs, il-Banek Promozzjonali Nazzjonali stabbilixxew diversi programmi għal kumpaniji innovattivi fil-livell tal-Istati Membri.

88

Tweġibiet komuni għall-paragrafi 88 u 89:

Minbarra l-fokus li ssemmi l-QEA, l-att bażiku tal-H2020 jiddefinixxi objettivi oħra għall-Faċilità ta’ Garanziji ta’ InnovFin għall-SMEs:

  • L-innovazzjoni tista’ sseħħ fl-SMEs kollha (fl-istadji kollha u fis-setturi kollha) li jixtiequ jużaw l-innovazzjoni biex tgħinhom jiżviluppaw, jikbru u jinternazzjonalizzaw.
  • L-istrumenti ta’ Orizzont 2020 iridu joħolqu kundizzjonijiet aħjar għall-SMEs. Tingħata attenzjoni partikolari għall-inċertezza tal-innovazzjoni, għall-ħila li jinkisbu riżultati mill-innovazzjoni u għall-kollateral insuffiċjenti f’ħafna oqsma.
  • Kull tip ta’ innovazzjoni hu fil-mira: innovazzjoni teknoloġika, fis-servizzi eċċ..

Il-Faċilità ta’ Garanziji ta’ InnovFin għall-SMEs hi bbażata fuq il-kriterji ta’ eliġibbiltà tal-innovazzjoni f’konformità mal-kunċetti tal-att bażiku tal-H2020 imnaqqxa fil-Manwal rikonoxxut ta’ Oslo u f’konsistenza ma’ gwida rilevanti oħra dwar l-appoġġ għall-SMEs (gwida dwar ir-riskju). Għaldaqstant, il-Faċilità ta’ Garanziji ta’ InnovFin għall-SMEs tinkludi kull wieħed mill-erba’ tipi ta’ innovazzjoni: innovazzjoni fil-prodotti, innovazzjoni fil-proċessi, innovazzjoni organizzazzjonali u innovazzjoni fil-kummerċjalizzazzjoni6 .

91

Il-Kummissjoni tinnota li s-sejbiet huma relatati biss ma’ kampjun ta’ operazzjonijiet u dawn jaf ma japplikawx għas-sett sħiħ ta’ benefiċjarji tal-faċilità.

Il-Faċilità ta’ Garanziji ta’ InnovFin għall-SMEs mhix meħtieġa tillimita lilha nfisha għal innovazzjoni b’riskju għoli. Is-self eżaminat kollu hu konformi mal-kriterji ta’ eliġibbiltà tal-Faċilità ta’ Garanziji ta’ InnovFin għall-SMEs. Għaldaqstant, kull self hu innovattiv.

92

Il-Kummissjoni tqis li jenħtieġ li l-objettivi tal-faċilità ma jkunux limitati għall-innovazzjoni b’potenzjal għoli ta’ eċċellenza.

Filwaqt li r-referenza għal potenzjal għoli għall-eċċellenza teżisti fir-Regolament, il-bażi ġuridika tinkludi wkoll (i) l-aċċess imtejjeb għall-finanzjament b’dejn u (ii) l-għajnuna biex jiddaħħlu prodotti u servizzi ġodda jew imtejba fis-suq (…).

Kaxxa 5 – Eżempji ta’ proġetti u kumpaniji li bbenifikaw mill-Faċilità ta’ Garanzija ta’ InnovFin għall-SMEs

L-ewwel punt: Il-Kummissjoni tqis li dan in-negozju online u r-ristorant jistgħu jippreżentaw elementi ta’ innovazzjoni, peress li t-tnejn li huma jissodisfaw tal-inqas wieħed mill-kriterji ta’ innovazzjoni.

Il-Kummissjoni tindika li għad li l-kunċett tar-ristoranti mhuwiex innovattiv minnu nnifsu, l-iżviluppi riċenti fis-settur fir-rigward ta’ modalitajiet ġodda ta’ konsenja jew fir-rigward ta’ ikel iktar sustanzjuż jistgħu jikkwalifikaw lil ċerti proġetti bħala innovattivi.

Ir-raba’ punt: Il-Kummissjoni tindika li l-kumpanija baqgħet tiżviluppa l-prodotti l-ġodda tagħha stess bla heda u dan jista’ jikkwalifikaha bħala innovattiva. Dan hu l-objettiv maħsub tal-faċilità kif stipulat fir-regolament.

94

Il-Kummissjoni tqis li l-użu tal-intensità tal-għarfien bħala indikatur għall-probabbiltà tal-kumpanija li twettaq ir-riċerka u l-innovazzjoni b’potenzjal għoli ta’ eċċellenza jillimita d-definizzjoni tal-innovazzjoni kif iddefinita mil-leġiżlatur. Il-leġiżlatur iddikjara b’mod espliċitu li “[t-tipi] kollha tal-SMEs jistgħu jagħmlu innovazzjonijiet” u “L-SMEs jistgħu jinstabu fis-setturi kollha tal-ekonomija.” (Kapitolu 3.2. tal-att bażiku tal-H2020: “Raġunament u valur miżjud tal-Unjoni”). Iffokar biss fuq negozji b’għarfien intensiv ikun jiffavorixxi lil ekonomiji b’sehem ogħla ta’ negozji b’għarfien intensiv u jkun ta’ żvantaġġ għal ekonomiji b’sehem inqas ta’ dawn in-negozji, u b’hekk iżid id-disparitajiet bejn l-ekonomiji. Fid-dawl tal-ambitu tal-faċilità li jkopri l-UE kollha, jenħtieġ li l-Faċilità ta’ Garanziji ta’ InnovFin għall-SMEs tgħin biex jiġu mminimizzati dawn id-disparitajiet.

Il-Kummissjoni tqis li l-użu ta’ “bbażati fuq l-għarfien” bħala indikatur għal “intensivi fl-innovazzjoni” hu simplifikazzjoni li mhix konformi mar-rikonoxximent tal-leġiżlatur ikkwotat iktar ’il fuq. Id-definizzjoni ssimplifikata tal-intensità tal-innovazzjoni mbagħad tintuża mill-QEA bħala punt ta’ riferiment biex tqabbel il-prestazzjoni tal-Faċilità ta’ Garanziji ta’ InnovFin għall-SMEs ma’ skemi ta’ appoġġ oħra.

95

Fattur importanti f’fokus ikbar fuq negozji b’għarfien intensiv kien is-sett raffinat ta’ kriterji ta’ eliġibbiltà taħt il-Faċilità ta’ Garanziji ta’ InnovFin għall-SMEs meta mqabbla mal-Istrument ta’ Qsim tar-Riskju.

97

Il-Kummissjoni tuża sistema ta’ evalwazzjoni standardizzata li fiha l-effikaċja hi wieħed mill-kriterji vvalutati. Madankollu, din ma ġietx żviluppata b’mod speċifiku għal Strumenti Finanzjarji b’perjodi ta’ implimentazzjoni twal.

Il-Kummissjoni ma tqisx li hu adegwat li jinbidel il-qafas ta’ evalwazzjoni attwali tagħha li jkopri l-attivitajiet kollha tagħha peress li dan ikun qiegħed imur kontra l-objettivi ta’ simplifikazzjoni u ta’ streamlining. Minkejja dan, biex tikkumplimenta l-evalwazzjonijiet u l-valutazzjonijiet “ex ante” standard, il-Kummissjoni se tkompli tuża l-metodoloġija applikata għall-Istudju tas-CESEE7 u għall-istudju tal-QEA, u se tespandi l-ambitu tal-evalwazzjoni għal pajjiżi oħra.

Kif irrikonoxxiet il-QEA wkoll, il-ġenerazzjoni tad-dejta primarja u ta’ dejta komparabbli rilevanti hi sforz kumpless u li jieħu ħafna żmien u tista’ ssir biss għal swieq li għalihom hemm dejta bħal din disponibbli.

99

Il-Kummissjoni tixtieq tindika li t-tempestività u l-ambitu tal-evalwazzjonijiet huma stipulati fil-leġiżlazzjoni sottostanti.

102

Filwaqt li l-metodoloġija għall-evalwazzjoni finali għadha ma teżistix, il-Kummissjoni tixtieq tindika li ġiet ippubblikata evalwazzjoni interim 8 li tkopri l-Faċilità ta’ Garanziji ta’ InnovFin għall-SMEs.

103

Fi ħdan il-limitazzjonijiet baġitarji u tal-persunal, il-Kummissjoni tista’ tikkunsidra li tipproponi evalwazzjonijiet konġunti għal diversi strumenti finanzjarji tal-UE fil-ġejjieni. Madankollu, ir-rekwiżiti leġiżlattivi kurrenti jirrekjedu evalwazzjonijiet separati għal kull programm.

104

Il-forniment tad-dejta jista’ jkun previst soġġett għal leġiżlazzjonijiet applikabbli u għal ftehim bejn l-entitajiet inkarigati u l-intermedjarji finanzjarji.

Il-Kummissjoni, flimkien mal-entitajiet inkarigati, se tesplora kemm id-dejta tista’ titqiegħed għad-dispożizzjoni għal skopijiet ta’ riċerka u l-modalitajiet għal dan.

105

Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li jista’ jkun utli li tali metodoloġija tiġi żviluppata u se tesplora jekk tistax tiġi żviluppata metodoloġija solida biżżejjed u jekk tistax tinkiseb dejta affidabbli. Madankollu, analiżi inizjali tal-Kummissjoni indikat tħassib dwar jekk metodoloġija bħal din tkunx tista’ tipprovdi analiżi tal-qsim tas-sussidju impliċitu bejn il-fornitur u l-benefiċjarju.

Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

106
  • Id-daqs tal-istrumenti ġie ddeterminat fuq il-bażi: (i) tad-disparitajiet tas-suq identifikati fil-valutazzjoni “ex ante”; (ii) tal-att bażiku adottat mil-leġiżlatur; u (iii) tad-disponibbiltà tar-riżorsi tal-baġit.
  • Il-benefiċjarji kollha tal-Faċilità ta’ Garanziji ta’ InnovFin għall-SMEs li l-QEA analizzat kienu konformi mal-kriterji ta’ eliġibbiltà tal-innovazzjoni.
  • Potenzjal għoli għall-eċċellenza mhuwiex l-uniku objettiv tal-faċilità tad-dejn skont ir-Regolament (UE) Nru 1291/2013 dwar Orizzont 2020.
  • Il-Kummissjoni tipprovdi valutazzjoni tal-kosteffiċjenza fl-evalwazzjoni tagħha tal-istrumenti kollha peress li din hi meħtieġa mill-qafas standardizzat tal-evalwazzjonijiet.
107

Il-Kummissjoni tivvaluta l-ħtiġijiet tas-suq u kif id-diversi strumenti ta’ garanzija tal-UE jistgħu jwieġbu bl-aħjar mod għal dawn il-ħtiġijiet fiż-żmien partikolari u fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli f’dan iż-żmien bi tħejjija tal-istrumenti l-ġodda. Madankollu, meta tanalizza dawn il-ħtiġijiet tas-suq għal programmi futuri, il-Kummissjoni ma tistax tkun taf xi strumenti se jiġu implimentati fil-ġejjieni fil-livell nazzjonali u reġjonali u tista’ tibbaża l-valutazzjoni tagħha biss fuq is-suppożizzjoni dwar l-intervent nazzjonali u reġjonali. Għaldaqstant, koordinazzjoni perfetta mal-korpi nazzjonali hi impossibbli. Minkejja dan, għall-perjodu ta’ programmazzjoni tal-2014-2020, il-qafas leġiżlattiv għall-istrumenti finanzjarji kkofinanzjati mill-Fondi Strutturali jipprevedi rekwiżiti ċari għall-valutazzjonijiet “ex ante” li jridu jinkludu valutazzjoni tal-“konsistenza ma’ forom oħra ta’ intervent pubbliku li jindirizzaw l-istess suq” (Artikolu 37(2)(b) CPR).

109

Ara t-tweġiba tal-Kummissjoni għar-rakkomandazzjoni 1(b).

Rakkomandazzjoni 1 – Il-valutazzjoni tal-ħtiġijiet tas-suq u l-kisba ta’ dejta dwar il-kostijiet tal-ġestjoni a) Aċċettata:

Kif stipulat fid-dokument ta’ riflessjoni dwar il-futur tal-finanzi tal-UE, jeħtieġ li tiġi żgurata kumplimentarjetà aħjar bejn l-istrumenti finanzjarji fil-livell tal-UE u l-istrumenti ġestiti mill-Istati Membri taħt il-Politika ta’ koeżjoni.

Fir-rigward tal-valutazzjonijiet tad-disparitajiet tas-suq, se tintuża l-aħjar dejta disponibbli fi żmien il-valutazzjoni “ex ante” u fin-nuqqas ta’ dejta disponibbli ser ikompli jintuża l-ġudizzju espert xieraq.

b) Aċċettata:

Il-Kummissjoni diġà twettaq sforzi raġonevoli biex tikseb informazzjoni dwar il-kostijiet tal-ġestjoni, fuq il-bażi ta’ informazzjoni li tista’ tinkiseb legalment u biħsiebha ssaħħaħ l-isforz tagħha f’dan ir-rigward. Madankollu, jista’ jkun diffiċli li tinkiseb din id-dejta minn skemi nazzjonali u d-dejta jaf ma tkunx direttament komparabbli u rilevanti. Barra minn hekk, minbarra l-element tal-kost, il-livell xieraq tal-imposti se jiġi stabbilit b’kunsiderazzjoni tal-element ta’ inċentiv tar-remunerazzjoni li hu meħtieġ skont ir-Regolament Finanzjarju.

110

L-analiżi f’dan ir-rapport hi bbażata fuq l-immirar biss lejn dawk il-kumpaniji li, kieku, ma jiksbux self mingħand il-mutwanti kummerċjali. Madankollu, ir-rekwiżit tar-Regolament Finanzjarju globali hu li jindirizza “fallimenti tas-suq jew sitwazzjonijiet ta’ investiment subottimali”.

Id-diffikultajiet fl-aċċessar tal-finanzjament iseħħu minħabba l-approċċ tal-affidabbiltà tal-kreditu/tal-valutazzjoni tar-riskju tal-industrija finanzjarja. Negozji bl-ogħla punteġġ ta’ affidabbiltà biss aktarx li jiksbu finanzjament mingħajr ebda rikors għal kollateral. Negozji b’punteġġ baxx ta’ affidabbiltà jiġu injorati u ma jiġux offruti finanzjament.

B’hekk, l-istrumenti ta’ garanzija fuq is-self tfasslu biex jappoġġaw ukoll lil SMEs li għandhom aċċess għal finanzjament, iżda b’kundizzjonijiet inaċċettabbli f’termini tal-kollateral meħtieġ, tal-perjodi ta’ self u/jew tal-prezz. Mingħajr il-garanzija, il-proġetti spiss jispiċċaw ma jitwettqux mill-SMEs, u dan iwassal għal sitwazzjoni ta’ investiment subottimali. Il-garanziji huma mfassla biex iwieġbu b’mod adegwat għall-mudelli kummerċjali tal-SMEs, bl-għan li jippermettulhom jikbru fuq bażi sostenibbli fuq terminu twil.

Il-Kummissjoni tinnota li s-sejbiet tal-QEA huma relatati biss ma’ kampjun limitat ta’ operazzjonijiet u dawn jaf ma japplikawx għas-sett sħiħ ta’ benefiċjarji tal-faċilitajiet. Hi tqis li minħabba r-rekwiżiti tal-eliġibbiltà “ex ante” magħmulin aktar stretti taħt il-Faċilità ta’ Garanzija ta’ Self meta mqabbla mal-istrumenti predeċessuri, in-numru ta’ kumpaniji appoġġati li għandhom aċċess ristrett għall-finanzjament żdied b’mod sinifikanti. Għall-Faċilità ta’ Garanzija ta’ Self, il-QEA tikkonkludi li 50% tal-SMEs fil-kampjun tagħha kienu jbatu biex jiksbu aċċess għal finanzjament. Il-Kummissjoni kkonkludiet fuq l-istess kampjun li 73% tal-SMEs kienu jbatu biex jiksbu aċċess għal finanzjament b’kundizzjonijiet adegwati (biżżejjed finanzjament).

111

Il-Kummissjoni tqis li l-informazzjoni meħtieġa għall-valutazzjoni ta’ jekk is-self tqegħidx għad-dispożizzjoni ta’ negozju li ma għandux aċċess għal biżżejjed finanzjament tista’ tinkiseb biss mingħand in-negozju stess.

Il-Kummissjoni kellha tikkunsidra kif twaqqaf sistema ta’ monitoraġġ li hi kosteffikaċi u li ma toħloqx piż amministrattiv żejjed fuq l-SMEs. Għaldaqstant, il-frekwenza tas-sistema kurrenti ta’ monitoraġġ hi meqjusa bħala adegwata għall-Faċilità ta’ Garanzija ta’ Self.

112

L-istrumenti għenu billi indirizzaw ir-riskju ikbar tas-self lil SMEs, u b’hekk ipprovdew għal possibbiltà li l-banek ikomplu jiffinanzjaw l-SMEs fi żminijiet ta’ kriżi. Dawn l-istrumenti huma kkomplimentati minn miżuri oħra minn entitajiet oħra, bħall-Bank Ċentrali Ewropew jew il-Bank Ewropew tal-Investiment, li jiffokaw fuq il-forniment tal-likwidità.

Ara wkoll it-tweġiba għal paragrafi 70-77.

Rakkomandazzjoni 2 - L-immirar għan-negozji li jeħtieġu garanzija a) Aċċettata:

Bħalissa l-Kummissjoni mhix f’pożizzjoni li tieħu impenji għall-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss. Madankollu, jekk jiġi deċiż li jiġu proposti strumenti suċċessuri għall-innovazzjoni, il-Kummissjoni se tkompli tfassal it-tali strumenti f’konformità mal-atti bażiċi adottati mil-leġiżlatur. F’dak il-każ, bħal fil-każ tal-istrumenti attwali koperti f’dan ir-rapport, l-istrumenti ser ikollhom kriterji ta’ eliġibbiltà għar-riċevituri finali f’konformità sħiħa mal-atti bażiċi.

b) Aċċettata parzjalment:

Ir-Regolament Finanzjarju jeħtieġ li jiġu mmirati SMEs li qed jaffaċċjaw disparitajiet fis-suq jew sitwazzjonijiet ta’ investiment subottimali. Il-Kummissjoni tqis li dan ifisser mhux biss id-disponibbiltà tal-finanzjament iżda anki l-kundizzjonijiet imtejba (prezz orħos, maturità itwal, rekwiżit tal-kollateral imnaqqas u disponibbiltà tal-prodott li, kieku, ma kinux jiġu offruti). L-abilitazzjoni ta’ kundizzjonijiet ta’ finanzjament imtejba għall-benefiċjarji finali teħtieġ il-kooperazzjoni mal-katina sħiħa ta’ atturi li jimplimentaw l-istrument finanzjarju li jinkludu kemm intermedjarji privati kif ukoll pubbliċi.

c) Rifjutata:

Rekwiżit tal-monitoraġġ annwali ta’ numru kbir ta’ tranżazzjonijiet tal-SMEs bil-verifika u l-valutazzjoni ta’ dejta miżmuma mill-intermedjarji finanzjarji jkun qed jintroduċi piż amministrattiv żejjed fuq l-intermedjarji finanzjarji u l-SMEs u fl-istess ħin ma jkunx kosteffikaċi. Madankollu, il-Kummissjoni se tkompli tirrekjedi rapportar “ex post” regolari (iktar spiss milli annwali) u se teħtieġ il-monitoraġġ tal-intermedjarji finanzjarji kollha biex tiżgura li jiġu rrispettati r-rekwiżiti tal-eliġibbiltà kuntrattwali meta jiġi pprovdut finanzjament. Hu permezz tar-rekwiżiti tal-eliġibbiltà kuntrattwali li l-Kummissjoni tiżgura li l-finanzjament jitqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ riċevituri fil-mira biss, f’konformità mal-bażi ġuridika.

114

Il-kumpaniji analizzati kollha taħt il-Faċilità ta’ Garanziji ta’ InnovFin għall-SMEs huma konformi ma’ tal-inqas kriterju ta’ eliġibbiltà tal-innovazzjoni wieħed.

Rakkomandazzjoni 3 – L-immirar għall-innovazzjoni b’riskju għoli a) Aċċettata:

Bħalissa l-Kummissjoni mhix f’pożizzjoni li tieħu impenji għall-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss. Madankollu, jekk jiġi deċiż li jiġu proposti strumenti suċċessuri għall-innovazzjoni, il-Kummissjoni se tkompli tfassal dawn l-istrumenti f’konformità mal-atti bażiċi adottati mil-leġiżlatur. F’dak il-każ, bħal fil-każ tal-istrumenti attwali koperti f’dan ir-rapport, l-istrumenti ser ikollhom kriterji ta’ eliġibbiltà għar-riċevituri finali f’konformità sħiħa mal-atti bażiċi.

Id-daqs tal-istrumenti suċċessuri potenzjali se jiddependi:

  • mid-disparitajiet tas-suq identifikati fil-valutazzjoni “ex ante”;
  • mill-atti bażiċi adottati mil-leġiżlatur; u
  • mid-disponibbiltà tar-riżorsi tal-baġit.
b) Aċċettata Parzjalment:

Mingħajr preġudizzju għar-riżultati tal-valutazzjonijiet tas-suq li għandhom jitwettqu, il-Kummissjoni tqis li fil-qasam tar-Riċerka u tal-Innovazzjoni, teżisti medda ta’ tipi speċifiċi differenti ta’ fallimenti tas-suq, fosthom nuqqas ta’ appoġġ għal attivitajiet tal-innovazzjoni b’riskju għoli, u li jenħtieġ li s-suċċessur potenzjali tal-Faċilità ta’ Garanziji ta’ InnovFin għall-SMEs isostni dejjem iktar, iżda mhux b’mod predominanti, lil SMEs u lil Midcaps żgħar involuti f’attivitajiet tal-innovazzjoni b’riskju għoli. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi l-ħtieġa li jiġu rieżaminati l-kriterji ta’ eliġibbiltà biex tiġi żgurata ż-żieda tas-sehem ta’ kumpaniji innovattivi involuti f’attivitajiet tal-innovazzjoni b’riskju għoli.

115

Il-Kummissjoni tuża sistema ta’ evalwazzjoni standardizzata li fiha l-effikaċja hi wieħed mill-kriterji vvalutati. Madankollu, din ma ġietx żviluppata b’mod speċifiku għal Strumenti Finanzjarji b’perjodi ta’ implimentazzjoni twal.

Il-Kummissjoni ma tqisx li hu adegwat li jinbidel il-qafas ta’ evalwazzjoni attwali tagħha li jkopri l-attivitajiet kollha tagħha peress li dan ikun qiegħed imur kontra l-objettivi ta’ simplifikazzjoni u ta’ streamlining. Minkejja dan, biex tikkumplimenta l-evalwazzjonijiet u l-valutazzjonijiet “ex ante” standard, il-Kummissjoni se tkompli tuża l-metodoloġija applikata għall-Istudju tas-CESEE9 u għall-istudju tal-QEA, u se tespandi l-ambitu tal-evalwazzjoni għal pajjiżi oħra.

Rakkomandazzjoni 4 – Titjib tas-sistema ta’ evalwazzjoni a) Aċċettata:

Fir-rigward tal-Programm Kompetittività u Innovazzjoni (CIP 2007-2013), hi prevista evalwazzjoni ex post (inkluża valutazzjoni tal-Faċilità ta’ Garanziji għall-SMEs), fuq il-bażi tal-qafas standard tal-Kummissjoni għall-evalwazzjonijiet. Biex l-evalwazzjoni ssir komprensiva, din se tiġi kkomplimentata minn studju ekonometriku tal-impatt fuq żewġ swieq li għadhom mhumiex analizzati għall-predeċessur tal-Faċilità ta’ Garanzija ta’ Self.

b) Aċċettata parzjalment:

Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li jista’ jkun utli li tali metodoloġija tiġi żviluppata u se tesplora jekk tistax tiġi żviluppata metodoloġija solida biżżejjed u jekk tistax tinkiseb dejta affidabbli. Madankollu, l-analiżi inizjali tal-Kummissjoni indikat tħassib dwar jekk metodoloġija bħal din tkunx tista’ tipprovdi analiżi tal-qsim tas-sussidju impliċitu bejn il-fornitur u l-benefiċjarju.

c) Rifjutata:

Ikun diffiċli li l-istrumenti finanzjarji jiġu implimentati minn żewġ programmi differenti li jkunu ġew evalwati flimkien b’mod sinifikattiv, peress li l-programmi sottostanti tagħhom ikollhom objettivi differenti. Il-qafas ta’ evalwazzjoni għaż-żewġ programmi diġà jeżisti u hu inkorporat fl-atti bażiċi taż-żewġ programmi.

Minbarra l-qafas ta’ evalwazzjoni eżistenti, il-Kummissjoni se tkompli tivvaluta l-istrumenti ta’ garanzija eżistenti u tal-passat, fir-rigward tal-impatt tagħhom.

d) Aċċettata parzjalment:

Il-forniment tad-dejta jista’ jkun previst soġġett għal-leġiżlazzjoni applikabbli u għal ftehim bejn l-entitajiet inkarigati u l-intermedjarji finanzjarji.

Il-Kummissjoni, flimkien mal-entitajiet inkarigati, se tesplora kemm id-dejta tista’ titqiegħed għad-dispożizzjoni għal skopijiet ta’ riċerka u l-modalitajiet għal dan.

Il-Kummissjoni se tesplora l-modalitajiet biex id-dejta titqiegħed għad-dispożizzjoni sa tmiem l-2019.

Glossarju

Il-Kummissjoni trid twettaq evalwazzjoni ex ante għall-istrumenti finanzjarji li jindirizzaw, fost l-oħrajn, il-ħtiġijiet li jridu jiġu ssodisfati, il-proporzjonalità tal-intervent fir-rigward tad-daqs tan-nuqqas fil-finanzjament identifikat, il-valur miżjud tal-involviment tal-Unjoni u s-sinerġiji kemm ma’ strumenti finanzjarji ġodda kif ukoll ma’ dawk eżistenti. Dawn l-aspetti jistgħu jiġu inklużi wkoll fil-valutazzjonijiet tal-impatt li il-Kummissjoni twettaq fuq l-inizjattivi li mistennija jkollhom impatti ekonomiċi, soċjali jew ambjentali sinifikanti.

Innovazzjoni, skont id-definizzjoni li tingħata mill-Eurostat, hija l-implimentazzjoni ta’ prodott (oġġett jew servizz) jew ta’ proċess, ġdid jew sinifikattivament imtejjeb, ta’ metodu ta’ kummerċjalizzazzjoni ġdid, jew ta’ metodu organizzazzjonali ġdid fil-prattiki tan-negozju, fl-organizzazzjoni tal-post tax-xogħol jew fir-relazzjonijiet esterni. Ir-rekwiżit minimu għal innovazzjoni huwa li l-prodott, il-proċess, il-metodu ta’ kummerċjalizzazzjoni jew il-metodu organizzazzjonali jrid ikun ġdid (jew sinifikattivament imtejjeb) għad-ditta.

L-għan tal-“istrument finanzjarju għall-kondiviżjoni tar-riskji ffinanzjat” (fil-perjodu 2007-2013) kien li jipprovdi finanzjament lil intermedjarju finanzjarju sabiex jappoġġja l-għoti ta’ self ġdid u jikkondividi r-riskju tas-self ġdid.

Il-klassifikazzjoni tal-kreditu ta’ mutwatarju hija l-klassifikazzjoni mogħtija mill-mutwanti wara li jkun ivvaluta l-affidabbiltà kreditizja tal-mutwatarju.

Il-politika ta’ Koeżjoni fil-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013 kienet tkopri l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond Soċjali Ewropew (jiġifieri ż-żewġ Fondi Strutturali) u l-Fond ta’ Koeżjoni. L-għan huwa li tissaħħaħ il-koeżjoni ekonomika u soċjali fl-Unjoni Ewropea billi jiġu rrimedjati l-iżbilanċi reġjonali ewlenin u billi jittejbu l-impjiegi u l-opportunitajiet ta’ xogħol. Fil-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020, il-koordinazzjoni bejn il-politika ta’ koeżjoni u l-politiki l-oħra li jikkontribwixxu għall-iżvilupp reġjonali, jiġifieri l-politika ta’ żvilupp rurali u l-politika tas-sajd u l-affarijiet marittimi, tjiebet permezz tal-istabbiliment ta’ dispożizzjonijiet komuni għall-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej.

Il-qafas finanzjarju pluriennali tal-UE jistabbilixxi l-ammonti massimi li l-UE tista’ tonfoq kull sena f’oqsma politiċi differenti matul perjodu ta’ mill-inqas ħames snin. Il-qafas finanzjarju pluriennali mhuwiex il-baġit tal-UE iżda jipprovdi qafas għall-programmazzjoni finanzjarja u għad-dixxiplina baġitarja.

Titolizzazzjoni hija proċess li permezz tiegħu mutwanti jaggrega u jerġa’ jippakkja l-assi (hawnhekk: portafoll tas-self), biex jorganizzahom f’kategoriji ta’ riskju differenti u biex jinnegozja dawn l-istrumenti ġodda (jiġifieri t-titoli).

Noti finali

1 Huma definiti bħala negozji li jimpjegaw inqas minn 250 persuna u li għandhom fatturat annwali li ma jaqbiżx EUR 50 miljun jew karta bilanċjali b’total ta’ mhux aktar minn EUR 43 miljun.

2 COM(2014) 686 final tat-30.10.2014 “Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-istrumenti finanzjarji sostnuti mill-baġit ġenerali skont l-Artikolu 140.8 tar-Regolament Finanzjarju mill-31 ta’ Diċembru 2013”.

3 Il-Kummissjoni taġixxi f’kooperazzjoni mal-Istati Membri.

4 Ir-Regolament (UE) Nru 1287/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi Programm għall-Kompetittività tal-Intrapriżi u għall-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju (COSME) (2014-2020) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1639/2006/KE (ĠU L 347, 20.12.2013).

5 Ir-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi Orizzont 2020 - il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE (ĠU L 347, 20.12.2013).

6 Assi mirhun minn mutwatarju sabiex jissellef. Il-mutwanti jista’ jissekwestra l-assi meta l-mutwatarju ikun inadempjenti fuq is-self.

7 L-ewwel taħt l-Inizjattiva għat-Tkabbir u l-Impjiegi (1998-2000), imbagħad taħt il-Programm Pluriennali għall-Intrapriża u l-Intraprenditorija għall-SMEs (2001-2006) u mbagħad taħt il-Programm Kwadru għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (2007-2013).

8 Taħt is-Seba’ Programm Kwadru tal-UE għar-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku.

9 It-telf mistenni huwa stabbilit mill-FEI għal kull ftehim ta’ garanzija. Għall-ftehimiet iffirmati sa tmiem l-2016, ir-rati jvarjaw bejn 4 % u 20 %.

10 Ir-Regolament (UE) 2015/1017 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ġunju 2015 dwar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, iċ-Ċentru Ewropew ta’ Konsulenza għall-Investimenti u l-Portal Ewropew ta’ Proġetti ta’ Investiment u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1291/2013 u (UE) Nru 1316/2013 — il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (ĠU L 169, 1.7.2015, p. 1).

11 Ir-Rapport mill-Kummissjoni “Summary of data on the progress made in financing and implementing financial engineering instruments reported by the managing authorities in accordance with Article 67(2)(j) of Council Regulation (EC) No 1083/2006” (Sommarju tad-data dwar il-progress li sar fil-finanzjament u l-implimentazzjoni tal-istrumenti ta’ inġinerija finanzjarja rrapportat mill-awtoritajiet maniġerjali skont l-Artikolu 67(2)(j) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006), il-Perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013, is-sitwazzjoni fil-31 ta’ Marzu 2017. Ta’ min jinnota li kważi 83 % tal-benefiċjarji tas-self huma SMEs, 17 % huma individwi u 0.11 % huma kumpaniji kbar. Id-data għall-SMEs biss mhijiex disponibbli.

12 Stħarriġiet dwar l-Aċċess għall-Finanzjament tal-Intrapriżi fiż-żona tal-euro li ilhom mill-2009 jitwettqu f’isem il-Bank Ċentrali Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea.

13 Rapport tal-AECM għall-2016 “Facts and Figures, Member statistics 2014-2015”. Jeħtieġ li jiġi osservat il-fatt li din id-data ma tipprovdix stampa sħiħa minħabba li hija limitata għall-garanziji maħruġa mill-organizzazzjonijiet membri tal-AECM u li żdiedu matul is-snin.

14 Studju mwettaq minn Economisti Associati f’kollaborazzjoni ma’ EIM Business & Policy Research, The Evaluation Partnership, Centre for Strategy & Evaluation Services, u s-Centre for European Policy Studies.

15 Hija tirreferi għall-kapaċità li jinstabu intermedjarji finanzjarji li jkunu lesti li jħaddmu l-istrument ta’ garanzija u għall-kapaċità tal-intermedjarji finanzjarji li japprovaw is-self għal għadd suffiċjenti ta’ negozji fil-mira tal-istrumenti ta’ garanzija.

16 Inizjattiva mnedija mill-Kummissjoni u mill-Grupp tal-BEI.

17 L-Opinjoni Nru 2/2016 “Il-FEIS: proposta bikrija għall-estensjoni u l-espansjoni” (il-paragrafi 21 sa 22) (ĠU C 465 tat-13.12.2016).

18 Ir-Rapport Speċjali Nru 19/2016 tal-QEA “L-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE permezz ta’ strumenti finanzjarji - tagħlimiet li għandhom jinsiltu mill-perjodu tal-programm 2007-2013”, il-paragrafi 46 sa 54 (http://eca.europa.eu).

19 Għall-Faċilità ta’ Garanziji ta’ InnovFin għall-SMEs, il-FEI jittrasferixxi t-tariffa lill-BEI, li jieħu ħsieb l-immaniġġjar reali ta' flus.

20 Meta wieħed iqis tul ta’ ħajja ta’ 21 sena.

21 L-Unjoni Ewropea għandha 28.1 % tal-kapital azzjonarju, filwaqt li l-BEI għandu 59.9 %. Il-kapital tal-BEI jinżamm mit-28 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea.

22 Sors: ara n-Nota 11 f’qiegħ il-paġna. Id-data hija indikattiva billi, għal għadd sinifikanti ta’ fondi ta’ garanzija, l-ebda tariffa ma kienet ġiet irrapportata, jew inkella ġew irrapportati tariffi żero.

23 Madankollu, hemm varjazzjonijiet sinifikanti fl-ispejjeż u t-tariffi fost il-pajjiżi u l-istrumenti finanzjarji. Ara r-Rapport Speċjali Nru 19/2016 tal-QEA, il-paragrafi 109 sa 131.

24 Pereżempju: Ir-Rapport Speċjali Nru 2/2012 tal-QEA “L-istrumenti finanzjarji għall-SMEs ikkofinanzjati mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali”, il-paragrafu 88; ir-Rapport Speċjali Nru 19/2016 tal-QEA, il-paragrafu 93; ir-Rapport Speċjali Nru 5/2015 tal-QEA “L-istrumenti finanzjarji huma għodda ta’ suċċess u promettenti fil-qasam tal-iżvilupp rurali?”, il-paragrafu 68 (http://eca.europa.eu).

25 Pereżempju, il-fatt li mutwatarju jkun lest li jipprovdi kollateral tal-kwalità u l-ammont meħtieġa jista’ jiġi interpretat bħala sinjal tal-affidabbiltà kreditizja tiegħu. Sors: Sebastian Schich, Byuoung-Hwan Kim, “Guarantee Arrangements for Financial Promises: How Widely Should the Safety Net be Cast?” Il-Ġurnal tal-OECD: Financial Market Trends, il-Volum 2011 – il-Ħarġa 1.

26 Ir-Regolament Nru 1287/2013.

27 Ir-Regolament (UE) Nru 1291/2013, l-Anness I, il-Parti II, it-Taqsima 2.3.

28 L-Artikolu 140(2)(b) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p: 1).

29 Abbażi ta’ kampjun ta’ 181 selfa pprovduti minn disa’ intermedjarji.

30 Ir-Rapport Speċjali Nru 4/2011 tal-QEA “Il-verifika tal-Faċilità ta’ Garanzija għall-SMEs”, il-paragrafu 103 (http://eca.europa.eu).

31 Bażi: l-għadd totali ta’ negozji li ssellfu taħt wieħed miż-żewġ strumenti attwali fit-30.6.2016.

32 Ara, pereżempju: Ferrando et al., “Assessing the financial and financing conditions of firms in Europe: the financial module in CompNet”, Sensiela ta’ Dokumenti ta’ Ħidma tal-BĊE, Nru 1836, 2015 (p. 10).

33 Jibqgħu jippersistu wkoll differenzi kbar jekk jintuża soll aktar baxx.

34 Ir-Rapport Speċjali Nru 4/2011 tal-QEA, ir-Rakkomandazzjoni 5.

35 Ir-Rapport Speċjali Nru 4/2011 tal-QEA, ir-risposta tal-Kummissjoni għall-paragrafu 103.

36 Il-Faċilità ta’ Garanziji ta’ InnovFin għall-SMEs hija eliġibbli għal self ta’ bejn EUR 25 000 u EUR 7.5 miljun.

37 Ferrando u Ruggieri, “Financial Constraints and Productivity: Evidence from Euro Area Companies”, Sensiela ta’ Dokumenti ta’ Ħidma tal-BĊE, Nru 1823, 2015.

38 Ferrando et al., “Assessing the financial and financing conditions of firms in Europe: the financial module in CompNet”, Sensiela ta’ Dokumenti ta’ Ħidma tal-BĊE, Nru 1836, 2015.

39 Reint Gropp, Christian Gruendl u Andre Guettler, “The Impact of public guarantees on bank risk taking – Evidence from a natural experiment”, Sensiela ta’ Dokumenti ta’ Ħidma tal-BĊE, Nru 1272, Diċembru 2010.

40 “Credit Guarantee Schemes for SME lending in Central, Eastern and South-Eastern Europe”, Rapport mill-Grupp ta’ Ħidma tal-Inizjattiva ta’ Vjenna dwar l-Iskemi ta’ Garanzija ta’ Kreditu, 2014.

41 KUMM(2008) 800 finali tas-26.11.2008 “Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku”.

42 Il-Premessi 3, 11 u 27 tad-Deċiżjoni Nru 1639/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 2006 li tistabbilixxi l-Programm għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (“Competitiveness and Innovation Programme” - CIP) (ĠU L 310, 9.11.2006, p. 15), il-Premessa 1, l-Artikolu 8.1 u l-Artikolu 17.1 tar-Regolament Nru 1287/2013 li jistabbilixxi l-programm għall-Kompetittività tal-Intrapriżi u l-SMEs (COSME), il-Premessi 2, 20, 21 u 22 tad-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar is-Seba’ Programm Kwadru għar-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku (ĠU L 412, 30.12.2006, p. 1).

43 Taħt il-garanziji, l-effett ta’ lieva (f’termini tal-volum ta’ self indott minn finanzjament pubbliku) ikun tipikament ogħla minħabba li l-baġit pubbliku jkopri biss il-provvedimenti għat-telf li jsir fil-ġejjieni.

44 L-iskema ġiet implimentata taħt ir-Riżorsi Ewropej Konġunti għall-Impriżi Mikro sa Medji (JEREMIE).

45 Dan kien diġà wieħed mill-fatturi ta’ tħassib tagħna fil-ħidma preċedenti tagħna fuq il-Faċilità ta’ Garanziji għall-SMEs; ara r-Rapport Speċjali tal-QEA Nru 4/2011.

46 L-istudju tħejja minn tim ta’ riċerka mill-Politecnico di Milano School of Management u l-Emlyon Business School: Bertoni, Colombo u Quas (2016), “Final report: Long-term effects of loan portfolio guarantees on SMEs’ performance”, (li jmiss).

47 L-ispiża tal-pagi (l-ispejjeż totali tal-impjegati f’kumpanija użata bħala indikatur għall-impjieg), il-bejgħ, l-assi totali, il-proporzjon ta’ solvenza (il-fondi tal-azzjonarji diviżi bl-assi totali), il-proporzjon attwali (l-assi attwali diviżi bl-obbligazzjonijiet kurrenti), ir-redditu fuq l-assi (il-qligħ qabel it-taxxa, diviż bl-assi totali), il-produttività tal-fattur totali u l-probabbiltà ta’ sopravivenza.

48 Lelarge, C., Sraer, D. u Thesmar, D., “Entrepreneurship and credit constraints: Evidence from a French loan guarantee program”, International differences in entrepreneurship, University of Chicago Press, 2010, (pp. 243-273).

49 Asdrubali Pierfederico, Signore Simone, “The Economic Impact of EU Guarantees on Credit to SMEs, Evidence from CESEE Countries”, EIF Research & Market Analysis, id-Dokument ta’ Ħidma 2015/29.

50 SEC(2005) 433 tas-6.4.2005 – “Annex to the Proposal for a Decision of the European Parliament and of the Council establishing a Competitiveness and Innovation Framework Programme (2007-2013)” (Anness għall-Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi Programm Kwadru għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (2007-2013)).

51 Ir-Rapport Speċjali Nru 4/2011 tal-QEA, il-paragrafu 104.

52 Idem, ir-risposta tal-Kummissjoni għar-Rakkomandazzjoni 6.

53 COM(2011) 834 final tal-31.11. 2011 “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Programm għall-Kompetittività tal-Intrapriżi u l-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju (2014 - 2020)”.

54 Rapport ta’ evalwazzjoni ta’ sinteżi mid-Diviżjoni tal-Evalwazzjonijiet tal-Operazzjonijiet tal-BEI, “EIF’s SME Securitisation Activities, 2004 – 2015”, Marzu 2017.

55 Dan jirreferi għall-kapaċità tal-intervent tal-UE li jinfluwenza l-iżviluppi tal-politika fl-Istati Membri u li jittrasferixxi l-għarfien espert mill-UE u mill-FEI lill-awtoritajiet u/jew l-istituzzjonijiet finanzjarji fl-Istati Membri.

56 Ara wkoll il-“Final Evaluation of the Entrepreneurship and Innovation Programme” li tiddikjara li ladarba approċċ ikun ġie stabbilit u adottat b’mod aktar ġenerali, jenħtieġ li l-Istrumenti Finanzjarji jimxu ’l quddiem, Centre for Strategy & Evaluation Services LLP, April 2011.

57 Ir-Regolament (UE) Nru 1291/2013, l-Anness I, p. 144.

58 Ara l-glossarju tal-Eurostat (http://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained): Jenħtieġ li l-innovazzjonijiet ikunu ġodda għall-impriża kkonċernata: għall-innovazzjonijiet tal-prodotti, huma mhux bilfors iridu jkunu ġodda għas-suq u, għall-innovazzjonijiet tal-proċessi, l-impriża mhux bilfors trid tkun l-ewwel waħda li tkun introduċiet il-proċess.

59 Innota li l-valutazzjoni li saret fl-2011 minn Economisti Associati et al. (ara n-Nota 14 f’qiegħ il-paġna) qieset definizzjoni aktar ristretta ta’ innovazzjoni bħala aktar sinifikanti. Id-definizzjoni aktar ristretta tkun tinkludi n-novità tal-prodotti minn perspettiva tas-suq jew il-kontribuzzjoni ta’ prodotti/proġetti ġodda għall-bejgħ.

60 L-“Istħarriġ dwar l-Innovazzjoni tal-Komunità tal-2012” irrapporta li 52.8 % tal-intrapriżi kellhom “attività ta’ innovazzjoni” bejn l-2008 u l-2010; l-“Istħarriġ dwar l-Innovazzjoni tal-Komunità tal-2014” irrapporta livell ta’ 48.9 % bejn l-2010 u l-2012 u ta’ 49.1 % bejn l-2012 u l-2014.

61 Bażi: l-għadd totali ta’ negozji li ssellfu sat-30.6.2016.

62 Abbażi tal-matriċi ta’ aggregazzjoni tal-Eurostat tal-kodiċijiet tal-industrija użati għall-kompilazzjoni tal-istatistika dwar l-industrija tat-teknoloġija avvanzata u s-servizzi b’intensità għolja ta’ għarfien.

63 SEC(2011) 1427 finali tat-30.11.2011 “Impact Assessment accompanying the Communication from the Commission ‘Horizon 2020 – The Framework Programme for Research and Innovation’” (Valutazzjoni tal-Impatt li takkumpanja l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni “Orizzont 2020 – Il-Programm Kwadru għar-Riċerka u l-Innovazzjoni”).

64 Il-Kummissjoni Ewropea: Dokumenti dwar Kwistjonijiet għall-Grupp ta’ Livell Għoli dwar il-massimizzazzjoni tal-impatt tal-programmi ta’ riċerka u innovazzjoni tal-UE, 2017.

65 Abbażi tar-riżultati tal-Istħarriġ Komunitarju dwar l-Innovazzjoni tal-2014.

66 Dan il-punt huwa enfasizzat minn Bosworth, Barry, Andrew S. Carron u Elisabeth Rhyne, “The Economics of Federal Credit Programs”, Washington DC: Brookings Institution, 1987.

67 Iċ-Ċentru għall-Iżvilupp Globali, “When will we ever learn? – Improving lives through impact evaluation”, Rapport mill-grupp ta’ ħidma dwar in-nuqqas fl-evalwazzjoni, 2006.

68 Asdrubali, Pierfederico u Signore, Simone, “The Economic Impact of EU Guarantees on Credit to SMEs, Evidence from CESEE Countries”, EIF Research & Market Analysis, id-Dokument ta’ Ħidma 2015/29.

69 Evalwazzjoni bħal din tirrikjedi data speċifika, kif jidher, pereżempju, f’Bondonio, Biagi u Stancik, “Counterfactual Impact Evaluation of Public Funding of Innovation, Investment and R&D”, Rapporti Tekniċi taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka, 2016.

70 L-Artikolu 128.3 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012.

71 Pereżempju, kif jista’ jingħata fi Franza mill-kumitat tal-kunfidenzjalità tal-istatistika tal-Istitut Nazzjonali Franċiż tal-Istatistika u l-Istudji Ekonomiċi.

72 L-Eurostat.

73 Pereżempju, kif użata minn xi banek ċentrali.

74 It-teorija ekonomika turi li l-benefiċċji ekonomiċi ta’ kwalunkwe sussidju huma maqsuma bejn il-fornitur u l-utenti, irrispettivament mill-intitolament legali.

1 Asdrubali, Pierfederico u Signore, Simone, "The Economic Impact of EU Guarantees on Credit to SMEs Evidence from CESEE Countries", EIF Research & Market Analysis, Dokument ta’ Ħidma 2015/29.

2 http://ec.europa.eu/eurostat/documents/2995521/7706167/4-26102016-AP-EN.pdf/20f0c515-ed43-45c3-ad6a-ca0b26b36de5

3 Stqarrija għall-istampa bil-Latvjan: http://www.fm.gov.lv/lv/aktualitates/nozares_zinas/altum/55763-altum-un-eiropas-investiciju-fonds-paraksta-sadarbibas-ligumu-jauna-garantiju-programma-uznemejiem-bus-pieejami-15-miljoni-eiro u deskrizzjoni tal-prodott bl-Ingliż: http://www.baltic-course.com/eng/good_for_business/?doc=133532

4 Press releases: http://www.eif.org/what_we_do/guarantees/news/2016/efsi_cosme_easi_eurobank.htm; http://www.eif.org/what_we_do/guarantees/news/2017/efsi_cosme_greece.htm https://www.nbg.gr/en/business/co-funded-loans/subsidized-loans/cosme

5 http://www.vf.dk/saadan-goer-vi/etableringslaan.aspx https://www.fi-compass.eu/sites/default/files/publications/presentation_20161125_brussels_eafrd_rolf_kjaergaard.pdf

6 Il-Manwal ta’ Oslo ISBN 92-64-01308-3

7 Asdrubali, Pierfederico u Signore, Simone, "The Economic Impact of EU Guarantees on Credit to SMEs Evidence from CESEE Countries", EIF Research & Market Analysis, Dokument ta’ Ħidma 2015/29.

8 Interim Evaluation of Horizon 2020’s Financial Instruments (Evalwazzjoni Interim tal-Istrumenti Finanzjarji ta’ Orizzont 2020), Rapport Finali, miktub minn The Centre for Strategy & Evaluation Services LLP (CSES)

9 Asdrubali, Pierfederico u Signore, Simone, "The Economic Impact of EU Guarantees on Credit to SMEs Evidence from CESEE Countries", EIF Research & Market Analysis, Dokument ta’ Ħidma 2015/29.

Avveniment Data
Adozzjoni tal-APM / Bidu tal-awditu 15.3.2016
L-abbozz tar-rapport jintbagħat uffiċjalment lill-Kummissjoni (jew lil parti awditjata oħra) 24.7.2017
Adozzjoni tar-rapport finali wara l-proċedura kontradittorja 7.11.2017
Ir-risposti uffiċjali tal-Kummissjoni (jew ta’ parti awditjata oħra) riċevuti bil-lingwi kollha 24.11.2017

Tim tal-awditjar

Ir-rapporti speċjali tal-QEA jippreżentaw ir-riżultati tal-awditi tagħha f’dak li jirrigwarda l-politiki u l-programmi tal-UE jew suġġetti ta' ġestjoni relatati ma’ oqsma baġitarji speċifiċi. Il-QEA tagħżel u tfassal dawn il-kompiti tal-awditjar biex timmassimizza l-impatt tagħhom billi tqis ir-riskji għall-prestazzjoni jew għall-konformità, il-livell ta' introjtu jew ta' nfiq involut, l-iżviluppi li jkunu għad iridu jseħħu u l-interess politiku u pubbliku.

Dan ir-rapport ġie prodott mill-Awla IV tal-Awditjar, li hija mmexxija minn Baudilio Tomé Muguruza, Membru tal-QEA, u li tiffoka fuq l-oqsma ta’ regolamentazzjoni tas-swieq u ekonomija kompetittiva. L-awditu tmexxa mill-Membru tal-QEA Neven Mates. Fit-tħejjija tar-rapport, huwa ngħata appoġġ minn Georgios Karakatsanis, Kap tal-kabinett Kroat, Marko Mrkalj, Attaché; Marion Colonerus, Maniġer prinċipali; Josef Jindra, Kap tal-kompitu. It-tim tal-awditjar kien magħmul minn Jiri Benes, Christian Detry, Andras Augustin Feher, Ezio Guglielmi u Martin Puc.

Mix-xellug għal-lemin: Georgios Karakatsanis, Josef Jindra, Ezio Guglielmi, Neven Mates, Martin Puc, Christian Detry.

Kuntatt

IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI
12, rue Alcide De Gasperi
1615 Luxembourg
LUXEMBOURG

Tel. +352 4398-1
Mistoqsijiet: eca.europa.eu/mt/Pages/ContactForm.aspx
Sit web: eca.europa.eu
Twitter: @EUAuditors

Ħafna informazzjoni addizzjonali dwar l-Unjoni Ewropea hija disponibbli fuq l-Internet.
Jista’ jsir aċċess għaliha permezz tas-server Europa (http://europa.eu).

Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2017

PDFISBN 978-92-872-8601-7ISSN 1977-5741doi:10.2865/985351QJ-AB-17-020-MT-N
HTMLISBN 978-92-872-8635-2ISSN 1977-5741doi:10.2865/028089QJ-AB-17-020-MT-Q

© L-Unjoni Ewropea, 2017

Għal kull użu jew riproduzzjoni ta’ ritratti jew materjal ieħor li ma jaqax taħt id-drittijiet tal-awtur tal-Unjoni Ewropea, irid jintalab il-permess direttament mingħand id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur.

KIF TIKKUNTATTJA LILL-UE

Personalment
Madwar l-Unjoni Ewropea kollha hemm mijiet ta’ ċentri ta’ informazzjoni tal-Europe Direct. Tista’ ssib l-indirizz tal-eqreb ċentru għalik f’dan is-sit: http://europa.eu/contact

Bit-telefown jew bil-posta elettronika
Europe Direct huwa servizz li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar l-Unjoni Ewropea. Tista’ tikkuntattja dan is-servizz:

  • bit-telefown bla ħlas: 00 800 6 7 8 9 10 11 (ċerti operaturi jafu jimponu ħlas għal dawn it-telefonati),
  • fuq dan in-numru standard: +32 22999696, jew
  • bil-posta elettronika permezz: http://europa.eu/contact

KIF ISSIB TAGĦRIF DWAR L-UE

Onlajn
L-informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE hija disponibbli fuq is-sit web Europa fuq: http://europa.eu

Pubblikazzjonijiet tal-UE
Tista’ tniżżel mill-internet jew tordna l-pubblikazzjonijiet tal-UE, li xi wħud minnhom huma bla ħlas u xi oħrajn bil-ħlas, mill-EU Bookshop fl-indirizz li ġej: http://op.europa.eu/eubookshop. Kopji multipli ta’ pubblikazzjonijiet bla ħlas tista’ tiksibhom billi tikkuntattja lil Europe Direct jew liċ-ċentru tal-informazzjoni lokali tiegħek (ara http://europa.eu/contact).

Il-liġi tal-UE u dokumenti relatati
Għal aċċess għall-informazzjoni legali tal-UE, inkluż il-liġijiet kollha tal-UE mill-1951 ’l hawn, fil-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali kollha, żur is-sit EUR-Lex hawnhekk: http://eur-lex.europa.eu

Dejta Miftuħa mill-UE
Il-portal tad-Dejta Miftuħa mill-UE (http://data.europa.eu/euodp) jipprovdi aċċess għal settijiet tad-dejta mill-UE. Id-dejta tista’ titniżżel mill-internet u tintuża mill-ġdid bla ħlas, kemm għal skopijiet kummerċjali kif ukoll mhux kummerċjali.