Rapport Speċjali
Nru18 2017

Ajru Uniku Ewropew: il-kultura nbidlet, iżda għad ma hemmx ajru uniku

Dwar ir-rapport: F'dan l-awditu, aħna eżaminajna komponenti ewlenin magħżula tal-inizjattiva tal-Ajru Uniku Ewropew (SES), li għandha l-għan li ttejjeb il-prestazzjoni ġenerali tal-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru (ATM).
B’mod ġenerali, aħna nikkonkludu li l-inizjattiva indirizzat ħtieġa ċara u wasslet għal kultura ta’ effiċjenza akbar fl-ATM. Madankollu, il-ġestjoni tal-ispazju tal-ajru Ewropew għadha frammentata u l-SES, bħala kunċett, għadu ma nkisibx. L-imposti tan-navigazzjoni ma tnaqqsux b’mod sostanzjali u d-dewmien relatat mal-ATM reġa’ beda jiżdied. Il-pilastru teknoloġiku tal-SES, il-proġett SESAR, ippromwova l-koordinazzjoni u gradwalment qed joħroġ pubblikazzjonijiet dwar titjib teknoloġiku, iżda waqa’ lura fl-iskeda inizjali tiegħu u sar konsiderevolment aktar għali milli kien antiċipat. Bażikament, l-intervent tal-UE fis-SESAR evolva minn wieħed bi skadenza mmirata għall-kisba tiegħu, u sar impenn aktar miftuħ.
Aħna nagħmlu għadd ta' rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri biex jgħinu fit-titjib tal-effettività tal-SES.

Din il-pubblikazzjoni hija disponibbli bi 23 lingwa fil-format li ġej:
PDF
PDF General Report

Sommarju Eżekuttiv

Dwar l-Ajru Uniku Ewropew
I

It-trasport bl-ajru huwa komponent importanti tas-suq intern tal-UE, li jippromwovi l-mobbiltà ta’ persuni u merkanzija filwaqt li jixpruna t-tkabbir ekonomiku. Fl-2015, madwar 920 miljun passiġġier u 15-il miljun tunnellata ta’ merkanzija telqu jew waslu f’ajruporti tal-UE. F’dik is-sena, l-ajru Ewropew intuża minn kważi 10 miljun titjira bl-IFR (Regoli tat-Titjir bl-Istrumenti). Il-fluss sikur u effiċjenti ta’ dan it-traffiku jeħtieġ l-intervent tal-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru (ATM), li tinkludi tliet funzjonijiet essenzjali: l-iżgurar tas-separazzjoni bejn l-inġenji tal-ajru; l-ibbilanċjar tal-provvista (tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru) u tad-domanda (titjiriet); u l-forniment ta’ informazzjoni ajrunawtika lill-utenti tal-ispazju tal-ajru.

II

Għalkemm in-natura tiegħu hija intrinsikament internazzjonali, it-traffiku tal-ajru tradizzjonalment ġie mmaniġġjat fuq livell nazzjonali f’ambjent frammentat u monopolistiku, karatteristiċi li kkontribwew għal dewmien u spejjeż ogħla tal-ATM li jiġġarrbu mill-utenti tal-ispazju tal-ajru. Għalhekk, l-inizjattiva tal-Ajru Uniku Ewropew (SES) għandha l-għan li ttejjeb il-prestazzjoni ġenerali tal-ATM billi tittrasferixxi għadd ta’ kompetenzi minn prattika intergovernattiva preċedenti għall-qafas tal-Unjoni Ewropea.

III

L-inizjattiva tal-SES tniedet formalment fl-2004, u gradwalment stabbiliet qafas regolatorju, li jinkludi sett ta’ regoli vinkolanti komuni għall-UE kollha dwar is-sigurtà tal-ATM, dwar il-forniment tas-servizzi tal-ATM, dwar il-ġestjoni tal-ispazju tal-ajru u dwar l-interoperabbiltà fi ħdan in-netwerk. Dak il-qafas huwa akkoppjat ma’ programm ta’ modernizzazzjoni teknoloġika, il-“proġett SESAR” (Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku bl-Ajru tal-Ajru Uniku Ewropew), appoġġat b’inċentivi finanzjarji.

Kif wettaqna l-awditu tagħna
IV

F’dan l-awditu, aħna vvalutajna jekk l-inizjattiva tal-UE fir-rigward tal-SES irriżultatx, sa issa, f’żieda fl-effiċjenza tas-sistema Ewropea għall-ATM. B’mod partikolari, aħna eżaminajna jekk l-SES kinitx iġġustifikata u sa liema punt selezzjoni tal-komponenti tagħha (l-iskemi ta’ prestazzjoni u ta’ imposti, il-blokok funzjonali tal-ispazju tal-ajru u l-fażijiet ta’ definizzjoni u żvilupp tal-proġett SESAR) ikkontribwew għal sistema Ewropea għall-ATM aktar effiċjenti sa issa.

V

Aħna żorna l-Kummissjoni (id-DĠ MOVE), il-Eurocontrol, l-EASA, l-Impriża Konġunta SESAR u kampjun tal-membri tagħha. Żorna wkoll ħames Stati Membri – Spanja, Franza, l-Ungerija, l-Iżvezja u r-Renju Unit – fejn f’kull wieħed koprejna d-dipartiment governattiv responsabbli għall-politika tat-trasport bl-ajru, l-awtorità superviżorja nazzjonali u fornitur wieħed ta’ servizz tan-navigazzjoni bl-ajru. Barra minn hekk, aħna eżaminajna kampjun ta’ attivitajiet (11-il proġett ta’ riċerka u żvilupp, 4 attivitajiet ta’ dimostrazzjoni u studju wieħed) imwettqa fil-qafas tal-proġett SESAR u kkofinanzjati mill-UE.

X'sibna
VI

L-inizjattiva tal-SES kienet iġġustifikata minħabba li l-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru Ewropea kienet imxekkla mill-monopolji nazzjonali u minn frammentazzjoni. Id-diversi komponenti tal-politika jiffurmaw sett koerenti li tabilħaqq jindirizza dawk in-nuqqasijiet. Madankollu, il-bidliet fix-xejriet tat-traffiku fissru li parti mill-għanijiet ta’ livell għoli li ġew stabbiliti fl-2005 għall-inizjattiva ma setgħux jintlaħqu, u anke saru parzjalment irrilevanti.

VII

L-iskemi ta’ prestazzjoni u ta’ imposti għandhom l-għan li jimmitigaw l-effetti negattivi ta’ forniment monopolistiku tas-servizzi, billi jistabbilixxu miri vinkolanti u jistabbilixxu regoli komuni għall-iddebitar tal-ispejjeż lill-utenti tal-ispazju tal-ajru. Huma rawmu kultura ta’ effiċjenza u trasparenza fil-livell tal-fornituri ta’ servizz tan-navigazzjoni bl-ajru (ANSPs). Madankollu, ir-riżultati kwantitattivi kienu aktar baxxi milli kien mistenni: id-dewmien ġeneralment kien ogħla mill-miri stabbiliti fil-pjanijiet ta’ prestazzjoni u, minkejja li laħaq livell minimu rekord fl-2013, minn dak iż-żmien ’il hawn baqa’ jiżdied; ir-rati għal kull unità mħallsa mill-utenti tal-ispazju tal-ajru jiddependu ħafna fuq il-volumi tat-traffiku u naqsu biss b’4 % bejn l-2011 u l-2016, li huwa taħt it-tnaqqis għall-UE kollha li ġie ssettjat mill-Kummissjoni.

VIII

In-nuqqas ta’ deframmentazzjoni sostantiva, flimkien ma’ tkabbir aktar bil-mod tat-traffiku, huma kontributuri ewlenin għar-riżultati kwantitattivi fjakki murija mill-iskema ta’ prestazzjoni. Il-Blokok Funzjonali tal-Ispazju tal-Ajru (FABs) attwali essenzjalment jipprovdu forum għall-kooperazzjoni bejn il-partijiet interessati tal-Istati ġirien, iżda ma kinux effettivi fl-indirizzar tal-frammentazzjoni, kemm fil-livelli tal-ġestjoni tal-ispazju tal-ajru, kif ukoll fil-forniment tas-servizzi jew fl-akkwist ta’ tagħmir tekniku.

IX

Ir-rwol ta’ sorveljanza attribwit lill-Awtoritajiet Superviżorji Nazzjonali (NSAs) huwa mxekkel mill-fatt li dawn mhux dejjem huma kompletament indipendenti mill-ANSPs, u f’xi każijiet ma għandhomx ir-riżorsi meħtieġa sabiex iwettquh. Sibna wkoll limitazzjoni, b’mod partikolari fil-qasam tal-kosteffiċjenza, fejn mhux qed jitwettqu kontrolli regolari fuq l-ispejjeż iddebitati lill-utenti tal-ispazju tal-ajru.

X

Il-proċess tal-adozzjoni ta’ miri għall-iskema ta’ prestazzjoni huwa wieħed twil u kumpless. L-ilħuq ta’ ftehimiet bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri kien diffiċli, b’mod partikolari fl-oqsma tal-kapaċità u tal-kosteffiċjenza. Barra minn hekk, xi indikaturi li ntużaw biex titkejjel il-prestazzjoni tal-ATM fihom xi nuqqasijiet, billi ma jirreġistrawx aspetti rilevanti ta’ dik il-prestazzjoni.

XI

Il-fażijiet ta’ definizzjoni u żvilupp tas-SESAR ippromovew l-impenn ta’ partijiet interessati ewlenin lejn pjan teknoloġiku komuni, u l-fażi ta’ żvilupp tiegħu ttrasformat ambjent ta’ riċerka u żvilupp, li qabel kien frammentat, f’wieħed ikkoordinat. Gradwalment, l-Impriża Konġunta SESAR ħarġet pubblikazzjonijiet dwar titjib teknoloġiku u operazzjonali, fil-forma ta’ għadd ta’ “Soluzzjonijiet tas-SESAR”. Madankollu, ir-rwol tal-UE fil-proġett evolva mill-bidu oriġinali tiegħu fir-rigward tal-ambitu, tal-perjodu ta’ żmien u tal-kobor finanzjarju, li kollha ġew estiżi sinifikattivament. Il-proġett SESAR issa jsegwi viżjoni ta’ riċerka u żvilupp li tevolvi kontinwament u li ma għandhiex żmien determinat biex din tinkiseb, u li mhijiex allinjata mal-qafas regolatorju li jirregola l-Impriża Konġunta SESAR. Dan l-allinjament skorrett għandu impatt negattiv fuq l-obbligu ta' rendikont tal-Impriża Konġunta. Sal-2016, parti żgħira biss mill-Pjan Regolatorju fis-seħħ kien fil-fatt twettaq, u l-ambizzjonijiet ta’ prestazzjoni tas-SESAR ġew issettjati mill-ġdid għall-2035, mhux għall-2020 kif kien previst oriġinarjament. Barra minn hekk, tniedu proġetti individwali ta’ riċerka u żvilupp mingħajr l-appoġġ ta’ analiżi speċifika tal-ispejjeż imqabbla mal-benefiċċji li tiddimostra l-valur miżjud tagħhom.

X'nirrakkomandaw
XII

Jenħtieġ li l-Kummissjoni:

  • teżamina l-għanijiet ta’ livell għoli tal-SES;
  • tanalizza għażliet politiċi oħra mmirati lejn il-deframmentazzjoni;
  • tiżgura l-indipendenza u l-kapaċità sħaħ tal-NSAs u tkopri d-diskrepanza fl-ispezzjonijiet fil-livell tal-iskema ta’ imposti;
  • tissimplifika l-iskema ta’ prestazzjoni;
  • teżamina ċerti indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni;
  • teżamina l-istruttura ta’ appoġġ tal-UE għar-riċerka u l-iżvilupp fid-dawl tal-objettivi tagħha;
  • tirrinforza l-obbligu ta’ rendikont tal-Impriża Konġunta SESAR;
  • tipprijoritizza l-appoġġ mill-UE għal soluzzjonijiet ta’ riċerka u żvilupp li jippromwovu d-deframmentazzjoni u ambjent kompetittiv.

Introduzzjoni

Sfond

01

It-trasport bl-ajru huwa komponent importanti tas-suq intern tal-UE u tal-kompetittività tal-industriji u s-servizzi Ewropej. Dan jippermetti l-mobbiltà ta’ persuni u merkanzija madwar u l-UE u barra minnha, filwaqt li jixpruna t-tkabbir ekonomiku, l-impjiegi u l-kummerċ. Fl-2015, madwar 920 miljun passiġġier u 15-il miljun tunnellata ta’ merkanzija telqu jew waslu f’ajruporti tal-UE. F’dik is-sena, l-ajru Ewropew intuża minn kważi 10 miljun titjira li twettqu skont ir-Regoli tat-Titjir bl-Istrumenti1.

02

Il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru hija meħtieġa biex tiżgura trasport bl-ajru sikur u effiċjenti f’kuntest ta’ żieda fit-traffiku tal-ajru li juża volum limitat ta’ spazju tal-ajru. Din tikkonsisti fi tliet attivitajiet prinċipali:

  • l-iżgurar tas-separazzjoni bejn l-inġenji tal-ajru;
  • l-ibbilanċjar tal-provvista (tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru) mad-domanda (titjiriet), bl-għan li jkun hemm fluss sikur, effiċjenti u mħaffef tat-traffiku tal-ajru;
  • Il-forniment ta’ informazzjoni ajrunawtika lill-utenti tal-ispazju tal-ajru (eż. għajnuniet navigazzjonali, informazzjoni dwar it-temp).
03

Il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru tradizzjonalment ġiet żviluppata u pprovduta, fil-livell nazzjonali, minn fornituri ta’ servizz tan-navigazzjoni bl-ajru. Dan kellu tliet konsegwenzi importanti: (i) l-ajru Ewropew ġie frammentat f’għadd kbir ta’ setturi u ta’ ċentri ta’ kontroll tal-erja, imfassla abbażi tal-fruntieri nazzjonali u mmaniġġjati minn fornituri nazzjonali ta’ servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru (ara l-Mappa 1); (ii) kull fornitur ta’ servizz tan-navigazzjoni bl-ajru kien jopera skont il-proċeduri proprji tiegħu u juża għodod ta’ appoġġ imfassla apposta għalih, li effettivament kien jillimita l-integrazzjoni, l-interoperabbiltà u l-ekonomiji ta’ skala; u (iii) il-fornituri ta’ servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru kienu jgawdu minn sitwazzjoni li fil-biċċa l-kbira kienet monopolistika fil-konfront ta’ suq tal-avjazzjoni ferm aktar kompetittiv.

Mappa 1

Reġjuni Ewropej ta’ Informazzjoni għal Titjir

Sors: Il-Eurocontrol2.

04

L-utenti tal-ispazju tal-ajru Ewropew jiġu ddebitati għas-servizzi ta’ ġestjoni tat-traffiku tal-ajru li jirċievu, abbażi tat-tip ta’ inġenju tal-ajru u d-distanza li dan itir fi ħdan l-erja ta’ responsabbiltà ta’ kull fornitur ta’ servizz tan-navigazzjoni bl-ajru (ANSP), skont it-trajettorja ppjanata. Kull sena, huma jħallsu sa EUR 9 biljun għal dawn is-servizzi3, medja ta’ EUR 900 għal kull titjira.

X’inhu l-Ajru Uniku Ewropew?

05

L-inizjattiva tal-Ajru Uniku Ewropew (SES) kellha l-għan li ttejjeb il-prestazzjoni ġenerali tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (ATM), filwaqt li tissodisfa r-rekwiżiti tal-utenti kollha tal-ispazju tal-ajru4.

06

L-SES illum huwa qafas regolatorju (ara l-paragrafu 10) akkoppjat ma’ programm ta’ modernizzazzjoni teknoloġika (il-proġett SESAR). Huwa magħmul minn sett ta’ regoli għall-UE kollha dwar is-sikurezza tal-ATM, dwar il-forniment tas-servizzi ta’ ATM, dwar il-ġestjoni tal-ispazju tal-ajru u dwar l-interoperabbiltà fi ħdan in-netwerk, kif ukoll appoġġ finanzjarju lill-Impriża Konġunta SESAR.

07

L-erja tal-SES tinkludi t-28 Stat Membru kollha tal-Unjoni Ewropea, u testendi wkoll sal-Iżvizzera u san-Norveġja. Din tinvolvi firxa wiesgħa ta’ partijiet interessati, kemm fuq il-livell nazzjonali kif ukoll fuq il-livell Ewropew.

PARTI INTERESSATA Rwol prinċipali
IL-KUMMISSJONI EWROPEA Responsabbli għall-implimentazzjoni ġenerali tal-inizjattiva tal-SES
IL-EUROCONTROL Organizzazzjoni intergovernattiva magħmula minn 41 Stat5, attiva bħala: maniġer tan-netwerk, responsabbli għall-funzjoni ċentrali tal-ATFM, kif ukoll għall-koordinazzjoni tal-użu ta’ riżorsi skarsi u għall-kontribuzzjoni fit-tfassil ta’ Netwerk ta’ Rotot Ewropej; fornitur ta’ appoġġ tekniku lill-Kummissjoni, l-EASA u l-NSAs; ANSP fiċ-Ċentru ta’ Kontroll tal-Erja ta’ Fuq ta’ Maastricht; Uffiċċju Ċentrali tal-Imposti tar-Rotot; membru fundatur u kontributur għall-Impriża Konġunta SESAR, fost affarijiet oħra.
IL-KUMITAT DWAR L-AJRU UNIKU (SSC) Magħmul minn rappreżentanti tal-Istati Membri u joħroġ opinjonijiet dwar ir-regolamenti u d-deċiżjonijiet ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni
L-AĠENZIJA EWROPEA TAS-SIKUREZZA TAL-AVJAZZJONI (EASA) Tipprovdi sorveljanza u appoġġ lill-Istati Membri fi kwistjonijiet relatati mal-ATM, kif ukoll appoġġ lill-Kummissjoni fl-attività tagħha ta’ tfassil tar-regoli
L-AWTORITAJIET SUPERVIŻORJI NAZZJONALI (NSAs) Responsabbli għaċ-ċertifikazzjoni u s-sorveljanza tal-ANSPs nazzjonali tagħhom, kif ukoll għall-abbozzar u l-monitoraġġ tal-pjanijiet u l-miri ta’ prestazzjoni
IL-KORP TA’ ANALIŻI TAL-PRESTAZZJONI Jassisti lill-Kummissjoni u, meta jintalab, lill-NSAs fl-implimentazzjoni tal-iskema ta’ prestazzjoni
Il-FORNITURI TA’ SERVIZZ TAN-NAVIGAZZJONI BL-AJRU (ANSPs) Jipprovdu servizzi ta’ kontroll tat-traffiku tal-ajru, tal-komunikazzjoni, tan-navigazzjoni u tas-sorveljanza, kif ukoll informazzjoni meteoroloġika u ajrunawtika
L-UTENTI TAL-ISPAZJU TAL-AJRU Ir-riċevituri ta’ servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru en route u fuq l-art. Dan jinkludi l-linji tal-ajru kummerċjali, il-militar u l-avjazzjoni ġenerali.
L-OPERATURI TAL-AJRUPORTI Jamministraw il-faċilitajiet tal-ajruporti, kif ukoll jikkoordinaw u jikkontrollaw l-attivitajiet tal-atturi differenti li huma preżenti fl-ajruporti
L-IMPRIŻA KONĠUNTA SESAR (Impriża Konġunta SESAR) Responsabbli għall-koordinazzjoni u t-twettiq ta’ attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp tal-proġett SESAR, kif previst fil-Pjan Regolatorju Ewropew tal-ATM
IL-MANIĠER TAT-TWAQQIF TAS-SESAR (SDM) Responsabbli għat-twaqqif sinkronizzat ta’ selezzjoni ta’ funzjonalitajiet ġodda tal-ATM li jirriżultaw mill-proġett SESAR

L-istorja tal-inizjattiva tal-SES

08

Sa mill-1989, madwar USD 4.2 biljun fis-sena6 kienu qed jintilfu minħabba l-kontroll tat-traffiku tal-ajru – kawża ta’ dewmien, spejjeż eċċessivi għall-kontroll tat-traffiku tal-ajru u trajettorji tat-titjir mhux ekonomiċi. Il-gvernijiet nazzjonali kienu qed jappellaw għal inizjattivi bħal Unità Ċentrali Amministrattiva tal-Fluss (biex timmaniġġa l-flussi fin-netwerk) u Programm Ewropew ta’ Armonizzazzjoni u Integrazzjoni tal-Kontroll tat-Traffiku tal-Ajru, għall-armonizzazzjoni teknoloġika7.

09

Il-Kummissjoni Ewropea bdiet tirrikonoxxi l-limitazzjonijiet teknoloġiċi u istituzzjonali tas-sistema ta’ kontroll tat-traffiku tal-ajru, bħall-frammentazzjoni tal-ispazju tal-ajru, multipliċità ta’ ċentri nazzjonali ta’ kontroll tat-traffiku tal-ajru, nuqqas ta’ mekkaniżmi deċiżjonali effettivi u ta’ setgħat ta’ infurzar, u dewmien li jiswa l-flus. Filwaqt li kkwotat livell katastrofiku ta’ dewmien, fl-2001 il-Kummissjoni ppreżentat pjanijiet għall-ħolqien ta’ inizjattiva tal-Ajru Uniku Ewropew8.

10

Fl-2004, ġie adottat l-ewwel pakkett leġislattiv tal-SES9. Ir-regolamenti ġew riveduti u estiżi fl-2009 fil-pakkett “SES II”. Dan introduċa skema ta’ prestazzjoni, skema riveduta ta’ imposti u r-rekwiżiti għall-blokok funzjonali tal-ispazju tal-ajru. Inħoloq Maniġer tan-Netwerk, kif ukoll Korp ta’ Analiżi tal-Prestazzjoni sabiex jappoġġa l-iżvilupp u l-ġestjoni tal-iskema ta’ prestazzjoni tas-SES. Il-qafas kien jinkludi wkoll bosta Regoli ta’ Implimentazzjoni u Speċifikazzjonijiet Komunitarji (“standards tekniċi”) oħra biex tiġi żgurata l-interoperabbiltà tas-sistemi. Kronoloġija aktar dettaljata tal-inizjattiva tal-SES hija inkluża fl-Anness I.

Appoġġ finanzjarju tal-UE lill-proġett SESAR

11

L-appoġġ finanzjarju tal-UE għall-inizjattiva tal-SES, filwaqt li joriġina minn varjetà ta’ strumenti finanzjarji, huwa essenzjalment iddedikat għall-proġett SESAR. L-appoġġ matul il-fażijiet ta’ definizzjoni u ta’ twaqqif tas-SESAR kien u għadu qed jingħata fil-forma ta’ għotjiet b’rati ta’ kofinanzjament ta’ 50 % (fażi ta’ definizzjoni), u li jvarjaw bejn 20 % u 85 % (fażi ta’ twaqqif). Rigward il-fażi ta’ żvilupp, inħolqot sħubija pubblika-privata (l-Impriża Konġunta SESAR) li fiha l-finanzjament jiġi kondiviż bejn il-Kummissjoni Ewropea (kontribuzzjoni fi flus kontanti), il-Eurocontrol (kontribuzzjonijiet fi flus kontanti u kontribuzzjonijiet in natura) u grupp ta’ sħab industrijali (kontribuzzjonijiet fi flus kontanti u kontribuzzjonijiet in natura).

Tabella 1:

Appoġġ finanzjarju tal-UE lill-proġett SESAR

Fażi tas-SESAR Perjodu Kontribuzzjoni mill-UE (miljun EUR) Sors ta’ finanzjament
Definizzjoni 2004-2006 30 TEN-T
Żvilupp 2007-2013 700 TEN-T u s-Seba’ Programm Kwadru
Żvilupp 2014-2020 585 Orizzont 2020
Twaqqif 2014-2020 2 500 Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa
Total 3 815  

Nota: L-ammonti msemmija għall-perjodu 2014-2020 huma indikattivi.

Ambitu u approċċ tal-awditjar

12

F’dan l-awditu, il-Qorti vvalutat jekk l-inizjattiva tal-UE fir-rigward tal-SES irriżultatx, sa issa, f’żieda fl-effiċjenza tas-sistema Ewropea għall-ATM. Biex nagħmlu dan, aħna eżaminajna:

  • jekk l-inizjattiva tal-SES kinitx iġġustifikata;
  • jekk il-komponenti regolatorji tas-SES, b’mod partikolari l-iskemi ta’ prestazzjoni u ta’ imposti kif ukoll il-blokok funzjonali tal-ispazju tal-ajru, ikkontribwewx b’mod effettiv għal sistema Ewropea għall-ATM aktar effiċjenti;
  • jekk il-komponent teknoloġiku tal-SES (il-proġett SESAR) għamilx kontribut effettiv għall-prestazzjoni tas-sistema Ewropea għall-ATM.
13

Ix-xogħol tal-awditjar l-ewwel fittex li jistabbilixxi jekk saritx analiżi korretta tal-problemi fi ħdan is-sistema Ewropea għall-ATM qabel ma tniedu l-pakketti leġislattivi tal-SES (2004 u 2009), kif ukoll jekk dawk il-komponenti tal-inizjattiva tal-SES humiex qed isolvu l-problemi identifikati. It-tieni, l-awditu fittex li jkejjel il-benefiċċji effettivi li rriżultaw minn dawk il-komponenti sal-2016, u li jqabbilhom mal-aspettattivi inizjali. L-awditu ma kopriex il-fażi ta’ twaqqif tas-SESAR, li bdiet biss fl-2014.

14

Aħna żorna l-Kummissjoni (id-DĠ MOVE), il-Eurocontrol, l-EASA, l-Impriża Konġunta SESAR u xi wħud mill-membri tagħha. Żorna wkoll ħames Stati Membri – Spanja, Franza, l-Ungerija, l-Iżvezja u r-Renju Unit – fejn f’kull wieħed koprejna d-dipartiment governattiv responsabbli għall-politika tat-trasport bl-ajru, l-Awtorità Superviżorja Nazzjonali u ANSP wieħed. Saru wkoll intervisti ma’ rappreżentanti tal-utenti tal-ispazju tal-ajru u l-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru. Barra minn hekk, wettaqna żjara f’istituzzjonijiet rilevanti fl-Istati Uniti li jittrattaw l-ATM10, biex niskambjaw xi fehmiet dwar l-esperjenza operazzjonali u tal-awditjar tagħhom f’dan il-qasam.

15

Barra minn hekk, l-awditu kien jinkludi kampjun ta’ attivitajiet (proġetti ta’ riċerka u żvilupp, attivitajiet ta’ dimostrazzjoni u studju wieħed) imwettqa fil-qafas tal-Impriża Konġunta SESAR u kkofinanzjati mill-UE. Dan l-eżaminar evalwa l-ħtieġa li jitniedu attivitajiet bħal dawn kif ukoll jekk l-outputs u r-riżultati finali tagħhom kinux konformi mal-aspettattivi. L-analiżi tal-attivitajiet koperti hija ppreżentata fl-Anness II.

Osservazzjonijiet

L-inizjattiva tal-SES kienet iġġustifikata

16

Aħna eżaminajna l-problemi ewlenin li kienu qed jaffettwaw is-sistema Ewropea għall-ATM qabel l-inizjattiva tal-Ajru Uniku Ewropew u l-ħtieġa ta’ intervent tal-UE f’dan il-qasam, flimkien mal-aspettattivi ssettjati għas-SES.

Il-monopolji nazzjonali u l-frammentazzjoni kienu jeħtieġu intervent mill-UE

17

L-ispazju tal-ajru internazzjonali, meta jkun frammentat f’unitajiet iżgħar organizzati tul il-linji ta’ demarkazzjoni tal-fruntieri nazzjonali, għandu effett limitattiv fuq l-integrazzjoni, l-interoperabbiltà u l-ekonomiji ta’ skala, filwaqt li jikkawża wkoll dewmien fit-titjiriet. Barra minn hekk, ġeneralment ikun hemm ANSP wieħed biss għal kull pajjiż. Bi ftit jew l-ebda kompetizzjoni, il-kundizzjonijiet kważi monopolistiċi jippermettu li l-fornituri ta’ servizzi jiddettaw il-kundizzjonijiet tal-forniment tal-ATM. Dan l-isfond ipprovda aktar minn biżżejjed ġustifikazzjoni għal intervent fuq livell Ewropew f’dan il-qasam. Fl-aħħar mill-aħħar, dan kien skattat mil-livelli għolja ta’ dewmien esperjenzati lejn tmiem id-disgħinijiet - kien qed jiżdied b’mod rapidu dewmien en route li rriżulta biss mir-restrizzjonijiet tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru, u dan laħaq livell ta’ kważi 5 minuti għal kull titjira fl-1999 u kkontribwixxa b’mod sinifikanti għad-dewmien ġenerali fit-trasport bl-ajru.

18

L-istrumenti ta’ politika ewlenin tal-inizjattiva tal-Ajru Uniku Ewropew, li huma analizzati f’aktar dettall fit-taqsimiet li ġejjin, jiffurmaw sett koerenti li, fil-prinċipju, jippermetti li jiġu indirizzati l-problemi ewlenin identifikati fis-sistema Ewropea għall-ATM. Dawn introduċew is-setgħa ta’ infurzar legali flimkien ma’ inċentivi finanzjarji, li għandhom jippromwovu titjib sinifikanti fl-ATM.

Madankollu, l-Għanijiet ta’ Livell Għoli tal-politika ġew ifformulati f’perjodu ta’ tkabbir qawwi fit-traffiku

19

L-objettiv ġenerali tal-politika li jittejbu s-sikurezza u l-prestazzjoni tal-ATM ġie kkonkretizzat f’sett ta’ għanijiet ta’ livell għoli. Bl-użu tal-2005 bħala sena bażi, l-għanijiet kienu li tiġi triplikata l-kapaċità, li jitnaqqsu b’10 % l-effetti fuq l-ambjent, u b’50 % l-ispejjeż tal-ATM għall-utenti tal-ispazju tal-ajru, filwaqt li s-sikurezza tiżdied b’10 darbiet11.

20

Dawn l-għanijiet ta’ livell għoli kienu l-bażi għad-deċiżjoni li jitnieda l-proġett SESAR u li jiġi impenjat finanzjament mill-UE għalih. Id-DĠ MOVE tal-Kummissjoni adottahom bħala miri ta’ nofs it-terminu għall-politika tiegħu dwar l-SES12.

21

Madankollu, l-għanijiet ġew stabbiliti b’mod relattiv għat-tkabbir qawwi fit-traffiku tal-ajru f’dak iż-żmien, u anke hemmhekk ma twettqitx analiżi approfondita dwarhom. Meta, aktar tard, id-domanda naqset13, dawn l-għanijiet saru kemm irrilevanti fir-rigward tal-kapaċità, kif ukoll ma setgħux jintlaħqu fir-rigward tal-kosteffiċjenza. Matul l-awditu, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li l-għanijiet għandhom jiġu kkunsidrati bħala aspirazzjonijiet aktar milli bħala miri. It-tkabbir aktar bil-mod bidel ukoll l-aspettattivi ewlenin tal-utenti tal-ispazju tal-ajru mill-inizjattiva tal-SES: wara l-2008, l-interess ewlieni tagħhom inbidel miż-żieda fil-kapaċità tas-sistema tal-ATM għat-tnaqqis tal-ispejjeż tagħha.

Il-kisbiet regolatorji tas-SES: il-kultura nbidlet, iżda għad ma hemmx ajru uniku

22

Aħna eżaminajna l-adegwatezza ta’ selezzjoni ta’ komponenti regolatorji ewlenin tal-inizjattiva tal-Ajru Uniku Ewropew, biex nindirizzaw il-problemi li qed ixekklu s-sistema Ewropea għall-ATM: l-iskemi ta’ prestazzjoni u ta’ imposti u l-blokok funzjonali tal-ispazju tal-ajru (kif deskritt fil-paragrafi 23 u 38). Barra minn hekk, aħna analizzajna r-riżultati li nkisbu u qabbilnihom mal-aspettattivi.

L-iskemi ta’ prestazzjoni u ta’ imposti rawmu kultura orjentata lejn il-prestazzjoni u wasslu għal trasparenza fil-forniment tas-Servizzi tan-Navigazzjoni bl-Ajru …

23

L-iskema ta’ prestazzjoni tfittex li timmitiga l-pożizzjoni monopolistika tal-ANSPs billi tissettja miri vinkolanti fir-rigward tas-sikurezza, l-effiċjenza tat-titjir u d-dewmien, kif ukoll l-ispejjeż. L-iskema ta’ imposti ssaħħaħ it-trasparenza billi tiddefinixxi liema spejjeż huma eliġibbli biex jiġu ddebitati lill-utenti tal-ispazju tal-ajru, u billi tipprovdi regoli komuni għall-kalkolu tar-rati għal kull unità. Iż-żewġ skemi jinkludu wkoll dispożizzjonijiet għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tagħhom mill-Kummissjoni u l-Awtoritajiet Superviżorji Nazzjonali. Deskrizzjoni aktar dettaljata tal-funzjonament ta’ dawn l-iskemi, kif ukoll tar-rabtiet bejniethom tingħata fl-Anness III.

24

L-implimentazzjoni tal-iskemi ta’ prestazzjoni u ta’ imposti ġabet żewġ benefiċċji ewlenin li kienu rikonoxxuti b’mod ġenerali mill-partijiet interessati kollha involuti:

  1. Hija għenet lill-ANSPs jiżviluppaw kultura orjentata lejn il-prestazzjoni li mhux dejjem kienet preżenti fl-imgħoddi. Id-definizzjoni ta’ miri tal-prestazzjoni, il-kejl tar-riżultati u l-inċentivi marbuta mal-kisba tagħhom ikkontribwew għal din il-kultura u wasslu biex l-ANSPs ifittxu effiċjenzi fl-operazzjonijiet tagħhom.
  2. Id-disponibbiltà ta’ informazzjoni f’waqtha u rilevanti meħtieġa mill-iskemi ta’ prestazzjoni u ta’ imposti kkontribwiet għal livell għoli ta’ trasparenza fil-forniment tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru. Dan trawwem ukoll permezz ta’ konsultazzjoni regolari bejn il-partijiet interessati.

… iżda r-riżultati kwantitattivi ma laħqux l-aspettattivi …

25

Aħna analizzajna r-riżultati kwantitattivi tal-iskemi ta’ prestazzjoni u ta’ imposti bi tqabbil mal-miri għall-ambjent, il-kapaċità u l-kosteffiċjenza għall-perjodu ta’ referenza 1 (RP1, 2012-2014) u għall-perjodu ta’ referenza 2 (RP2, 2015-2019)14. Barra minn hekk, il-Figura 1 turi evoluzzjoni, fuq perjodu aktar fit-tul, tad-dewmien en route u tar-rati medji għal kull unità15, flimkien mat-traffiku effettiv, li miegħu dawn huma marbutin mill-qrib.

26

Aħna nenfasizzaw li:

  1. Fir-rigward tal-kapaċità, id-dewmien fil-Ġestjoni tal-Fluss ta’ Traffiku tal-Ajru en route (ara l-linja ħadra fil-Figura 1) fl-2016 huwa aħjar milli kien fl-2008 għal volum ta’ traffiku kumparabbli. Madankollu, il-mira għall-UE kollha ta’ 0.5 minuti għal kull titjira qatt ma ntlaħqet, u d-dewmien ilu jiżdied mill-2013, meta fl-2016 qabeż il-valur fil-mira b’fattur ta’ 2. L-azzjoni industrijali kkontribwiet għal 13.6 % tad-dewmien en route totali fl-2016, u madwar 13 000 titjira ġew ikkanċellati matul xi jiem ta’ strajk16.
  2. Rigward il-kosteffiċjenza, bejn l-2004 u l-2016 ir-rati effettivi għal kull unità (ara l-linja ħamra fil-Figura 1) esperjenzaw tnaqqis akkumulat ta’ 22 % bi prezzijiet kostanti. Madankollu, il-biċċa l-kbira minn dan it-tnaqqis inkiseb bejn l-2004 u l-2008, jiġifieri, matul snin ta’ tkabbir qawwi fit-traffiku u qabel ma daħlet fis-seħħ l-iskema ta’ prestazzjoni. Bejn l-2011 (is-sena ta’ qabel l-implimentazzjoni tas-sistema tal-ispejjeż iddeterminati u tal-iskema ta’ prestazzjoni) u l-2016, it-tnaqqis totali kien ta’ 4 % biss. Dan huwa inqas minn dak li l-Kummissjoni kienet stabbiliet bħala l-objettiv ta’ tnaqqis madwar l-UE kollha għall-ispejjeż iddeterminati għal kull unità (3.5 % fis-sena matul l-RP1 u 3.3 % fis-sena matul l-RP2), u dik il-prestazzjoni aktar baxxa hija primarjament ir-riżultat tat-traffiku effettiv, li kien aktar baxx milli mbassar17. Bħala tali, il-benefiċċji fil-fatt trasmessi lill-utenti huma ferm taħt l-aspettattivi li tqajmu mid-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni. B’mod ġenerali, aħna osservajna li l-ispejjeż iddeterminati għal kull unità u r-rati għal kull unità jiddependu ħafna fuq it-tbassir tat-traffiku u t-traffiku effettiv, rispettivament.
  3. Barra minn hekk, għall-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni (KPIs) ambjentali, minkejja titjib gradwali matul l-RP1 u l-ewwel sena tal-RP2, il-mira tal-2014 (eċċess ta’ 4.67 % fir-rigward tal-iqsar rotta bejn l-oriġini u d-destinazzjoni) ma ntlaħqitx (4.9 %) u ċ-ċifra l-aktar reċenti disponibbli (2016) turi interruzzjoni tax-xejra pożittiva preċedenti (4.91 %).

Figura 1

Evoluzzjoni, fuq perjodu fit-tul, tat-traffiku, tad-dewmien en route u tar-rati medji għal kull unità

Sors: Kalkolu tal-QEA bbażat fuq data mill-Eurocontrol (irrappurtata mill-Maniġer tan-Netwerk u l-Uffiċċju Ċentrali tal-Imposti tar-Rotot).

27

Ir-riżultati tal-prestazzjoni fil-livell lokali (Blokok Funzjonali tal-Ispazju tal-Ajru (FABs), żoni tal-imposti) huma varji u jiddependu fuq iċ-ċirkustanzi lokali: is-sitwazzjoni ġeografika, l-istruttura legali u istituzzjonali, l-organizzazzjoni tal-forniment tas-servizzi, il-kundizzjonijiet tal-persunal, l-istruttura speċifika tal-ispejjeż, u x-xejriet tat-traffiku. Ara l-eżempji fil-Kaxxa 1.

Kaxxa 1

Riżultati lokali dipendenti fuq iċ-ċirkustanzi lokali

  • Fi snin reċenti, id-dewmien en route mar għall-agħar fi Spanja u fi Franza. Filwaqt li fi Spanja dan kien dovut għat-traffiku ogħla mhux previst fil-Lbiċ tal-Ewropa, fi Franza dan irriżulta prinċipalment mill-implimentazzjoni ta’ sistema operattiva ġdida f’xi ċentri ta’ kontroll tal-erja u strajkijiet mill-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru. Għall-kuntrarju ta’ dan, l-Iżvezja u l-Ungerija rreġistraw valuri baxxi ħafna ta’ dewmien en route minħabba li tradizzjonalment ma hemmx restrizzjonijiet fuq il-kapaċità f’dawn il-pajjiżi.
  • Fl-Iżvezja u fir-Renju Unit, ir-riżultati tal-kosteffiċjenza kienu affettwati minn ċerti elementi ta’ spejjeż, notevolment id-drittijiet ta’ pensjoni b’benefiċċji stabbiliti, li jitqiesu li huma barra mill-kontroll tal-ANSPs18.
  • Fi Spanja, liġi tal-2010 mmodifikat il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru. Dan żgura tnaqqis sostanzjali fl-ispejjeż tal-persunal, u allinjahom mal-medja tal-ħames ANSPs prinċipali fl-Ewropa. Mill-implimentazzjoni tal-iskema fl-2012, ir-rati għal kull unità baqgħu stabbli.

… u l-iskemi huma affettwati minn xi nuqqasijiet

Nuqqas ta’ rabta bejn il-miri tal-iskema ta’ prestazzjoni u l-għanijiet ta’ livell għoli tas-SES

28

Jenħtieġ li l-iskema ta’ prestazzjoni ttejjeb l-effiċjenza ġenerali tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru fl-erba’ oqsma ta’ prestazzjoni ewlenin tas-sikurezza, l-ambjent, il-kapaċità u l-effiċjenza fl-infiq, f’konformità mal-qafas ta’ prestazzjoni tal-Pjan Regolatorju Ewropew tal-ATM19. L-istabbiliment tal-miri tal-prestazzjoni għall-Unjoni Ewropea kollha għandu jiġi kkunsidrat parti minn proċess li jimmira li jintlaħqu l-objettivi fil-Pjan Regolatorju20.

29

Minkejja dawn id-dispożizzjonijiet, ma sar l-ebda kejl tal-kontribut tal-iskema ta’ prestazzjoni fl-RP1 għall-ilħuq ta’ dawk l-għanijiet ta’ livell għoli. Fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi l-miri tal-prestazzjoni għall-RP2 madwar l-UE kollha, dawn l-objettivi ma jissemmewx.

Il-KPIs mhux dejjem ikunu adatti għall-iskop tagħhom

30

Is-sett ta’ indikaturi tal-prestazzjoni magħżul kien fil-biċċa l-kbira bbażat fuq ix-xogħol eżistenti tal-Eurocontrol u kien iddeterminat mid-disponibbiltà preeżistenti tal-informazzjoni. Madankollu, aħna identifikajna tħassib rigward l-adegwatezza ta’ ċerti indikaturi ewlenin biex ikejlu l-prestazzjoni fl-oqsma rispettivi tagħhom, kif deskritt hawn taħt.

31

Ambjent. L-indikatur ewlieni f’dan il-qasam jirreġistra d-differenza bejn it-trajettorja ppjanata jew dik effettiva bi tqabbil mal-iqsar rotta21. Madankollu, filwaqt li t-trajettorja tista’ ċertament tiġi estiża minħabba konġestjoni jew tfassil mhux ottimali tar-rotta, jeżistu wkoll għadd ta’ fatturi oħra li jirriżultaw f’devjazzjonijiet mill-iqsar rotta: il-kundizzjonijiet tat-temp, ir-restrizzjonijiet fl-ispazju tal-ajru minħabba operazzjonijiet militari jew deċiżjonijiet ta’ kosteffiċjenza mil-linji tal-ajru (ir-rati għal kull unità jvarjaw b’mod sinifikanti bejn il-pajjiżi, kif jidher fil-Mappa 2, fatt li spiss iwassal lill-utenti tal-ispazju tal-ajru biex minflok itiru skont l-iqsar rotot, jużaw dawk inqas għaljin f’termini ta’ servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru). Għalhekk, l-obbligu ta' rendikont għal dan il-KPI ma jistax jiġi allokat kompletament lil ANSPs individwali, billi dawn il-fatturi huma barra mill-kontroll tagħhom. Barra minn hekk, attwalment mhijiex immirata l-effiċjenza vertikali ta’ titjira, għalkemm l-altitudni li fiha jittajjar inġenju tal-ajru tiddetermina wkoll l-impatt ambjentali tat-titjira.

Mappa 2

Rati għal kull unità en route kuntrastanti fi Stati differenti tal-SES fl-2016 (espressi f’EUR)

Sors: Is-CRCO tal-Eurocontrol.

32

Kapaċità: Id-dewmien jirrappreżenta kejl rilevanti ħafna tal-prestazzjoni għat-trasport bl-ajru. Madankollu, id-dewmien ikkawżat mill-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru jirrappreżenta inqas minn terz tad-dewmien globali esperjenzat mill-passiġġieri22. Ma hemmx stabbilit miri vinkolanti għal komponenti addizzjonali tad-dewmien “gate-to-gate” globali, bħall-ħin addizzjonali fil-fażi taxi-out qabel it-tlugħ jew ir-rotot ta’ titjir fil-viċinanza tal-ajruporti qabel l-inżul (holding patterns). Filwaqt li l-ANSPs ikunu responsabbli biss għal parti mid-dewmien gate-to-gate globali, indikatur siewi f’dan il-qasam ikun irid jinkludi l-komponenti ewlenin lI jagħmlu parti mid-dewmien totali. Ta’ min jinnota li dawn il-komponenti diġà qed jiġu mmonitorjati, għalkemm mingħajr miri vinkolanti, fil-qasam tal-ambjent.

33

Barra minn hekk, il-kejl tad-dewmien huwa indikatur tal-abbiltà tal-ANSPs li jirrispondu għall-aktar perjodi bieżla fid-domanda, iżda ma jipprovdi l-ebda għarfien dwar l-użu effiċjenti ta’ dik il-kapaċità matul perjodi kwieti, li hija sfida minħabba l-varjabbiltà tal-flussi tat-traffiku f’kull siegħa, kuljum u fi staġuni differenti.

Il-proċess deċiżjonali tal-miri tal-prestazzjoni huwa twil u kumpless

34

L-adozzjoni ta’ miri tal-prestazzjoni teħtieġ proċess bi tliet passi, li jinkludi (i) il-proposta, il-konsultazzjoni u d-deċiżjoni dwar il-miri fil-livell tal-UE; (ii) it-tħejjija ta’ pjanijiet ta’ prestazzjoni għall-FAB23, b’miri lokali u għall-FAB, segwita mill-valutazzjoni tagħhom mill-Korp ta’ Analiżi tal-Prestazzjoni; (iii) id-deċiżjoni, li tittieħed mill-Kummissjoni, dwar il-konsistenza bejn il-miri lokali/tal-FAB u dawk issettjati fil-livell tal-UE. Meta tkun qiegħda tiddeċiedi dwar il-miri, il-Kummissjoni trid tfittex l-opinjoni tal-Kumitat dwar l-Ajru Uniku24, li jista’ jimblokka jew jipposponi dik id-deċiżjoni.

35

Dan il-proċess huwa intrinsikament twil billi l-iskadenzi legali jipprevedu tul ta’ żmien li jista’ jdum sa sentejn. Fil-prattika, il-ftehimiet dwar il-miri għall-kosteffiċjenza rriżultaw partikolarment diffiċli minħabba l-livelli differenti ta’ ambizzjoni li l-Kummissjoni u l-Istati Membri wrew dwar id-daqs tat-tnaqqis fl-ispejjeż. In-negozjati effettivi mal-Istati Membri u l-Kumitat dwar l-Ajru Uniku ġew estiżi u saħansitra baqgħu deħlin ferm fil-perjodu ta’ referenza li kienu maħsuba li jkopru. Il-proċess kollu għall-perjodu ta’ referenza 2 diġà ilu għaddej kważi erba’ snin u għadu mhux magħluq kompletament għall-FABs kollha25. Xi każijiet speċifiċi jingħataw fl-Anness IV.

Monitoraġġ dgħajjef tal-miri tal-prestazzjoni u tar-rati għal kull unità

36

Kemm l-Awtoritajiet Superviżorji Nazzjonali kif ukoll il-Kummissjoni huma responsabbli għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ prestazzjoni u, skont regolament, jistgħu jwettqu spezzjonijiet tal-ANSPs u tal-Maniġer tan-Netwerk, jekk huma jqisu li dan ikun xieraq26. L-Awtoritajiet Superviżorji Nazzjonali (NSAs) jistgħu jwettqu wkoll spezzjonijiet dwar l-istabbiliment tal-imposti tan-navigazzjoni tal-ajru27. F’dawn l-attivitajiet, jenħtieġ li l-NSAs ikunu indipendenti mill-ANSPs, għall-inqas fil-livell funzjonali, u jeħtieġu r-riżorsi u l-kapaċitajiet neċessarji biex iwettqu l-kompiti assenjati lilhom28. Barra minn hekk, il-Kummissjoni hija responsabbli wkoll għall-valutazzjoni ta-rati għal kull unità mqabbla mad-dispożizzjonijiet tal-iskemi ta’ prestazzjoni u ta’ imposti29.

37

Aħna sibna għadd ta’ nuqqasijiet li jillimitaw l-effettività tar-rwol ta’ monitoraġġ:

  1. Sibna każijiet fejn in-nuqqas ta’ riżorsi adegwati (persunal u/jew riżorsi finanzjarji), jew is-separazzjoni purament funzjonali iżda mhux ġerarkika u finanzjarja mill-ANSPs, kienu qed jillimitaw l-abbiltà tal-NSAs li jikkonformaw mal-kompiti tagħhom. Fi Spanja, ma kienx hemm separazzjoni ġerarkika kompleta bejn l-ANSP u l-NSA. Fi Franza, l-NSA u l-ANSP jirrappurtaw lill-istess Direttur Ġenerali u jikkondividu riżorsi finanzjarji minn baġit komuni, iffinanzjat primarjament mill-istess imposti tan-navigazzjoni li fuqhom l-NSA għandha sorveljanza regolatorja. Fl-Ungerija, is-separazzjoni funzjonali ma teżistix billi l-liġi nazzjonali tattribwixxi, għall-ANSP, l-istabbiliment tal-bażi tal-ispejjeż tal-ATM, u l-NSA ma għandhiex ir-riżorsi neċessarji biex twettaq ir-rwol superviżorju tagħha. Fl-2013, il-Kummissjoni kienet diġà pproponiet ir-rinforz tal-effiċjenza u l-indipendenza tal-NSAs “bħala kwistjoni prijoritarja”, madankollu, sal-2017 is-sitwazzjoni għadha ma nbidlitx f’dan ir-rigward.
  2. Fil-ħames Stati Membri li żorna, ma twettqux spezzjonijiet regolari biex jiġi aċċertat li l-ispejjeż eliġibbli biss jiġu inklużi fl-iskema ta’ imposti, u lanqas ma twettqu spezzjonijiet regolari dwar jekk dawn iġġarrbux b’mod kosteffiċjenti u ġewx allokati adegwatament bejn iż-żoni tal-imposti en route u dawk fit-terminals. Billi x-xogħol ta’ verifikazzjoni li jitwettaq mill-Korp ta’ Analiżi tal-Prestazzjoni meta jivvaluta r-rati għal kull unità f’isem il-Kummissjoni jeskludi wkoll l-eliġibbiltà tal-ispejjeż sottostanti, ir-rati għal kull unità jiġu ddebitati lill-utenti mingħajr ma jitwettqu biżżejjed kontrolli fuq l-ispejjeż sottostanti.
  3. Il-gwida fir-rigward tal-allokazzjoni tal-ispejjeż en route / fit-terminals instabet insuffiċjenti, li jwassal għal nuqqas ta’ proċeduri kontabilistiċi armonizzati fl-Istati Membri u r-riskju ta’ sussidjar reċiproku bejn is-servizzi en route u dawk fit-terminals: l-iddebitar ta’ servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru fit-terminals lil utenti tal-ispazju tal-ajru li sempliċiment ikunu qed itiru fuq l-ispazju tal-ajru kkonċernat u ma jkunux qed jużaw dawk is-servizzi fit-terminals.
  4. L-infiq kapitali30 li ġie inkluż fil-pjanijiet ta’ prestazzjoni huwa parti mill-ispiża ddeterminata għal kull unità u se jiġi ddebitat lill-utenti tal-ispazju tal-ajru anke jekk l-ANSPs jagħżlu li jikkanċellaw jew jipposponu investimenti bħal dawn. Filwaqt li l-Korp ta’ Analiżi tal-Prestazzjoni identifika nfiq kapitali insuffiċjenti ta’ madwar EUR 1 biljun matul il-perjodu 2012-201531, ma hemm l-ebda dispożizzjoni għar-ritorn ta’ dawn l-ammonti lill-utenti jekk l-investimenti relatati qatt ma jseħħu.

Il-Blokok Funzjonali tal-Ispazju tal-Ajru eventwalment rawmu strutturi ta’ kooperazzjoni, mhux deframmentazzjoni

38

Il-kunċett ta’ blokk funzjonali tal-ispazju tal-ajru nħoloq bħala rispons għall-frammentazzjoni, bl-għan partikolari li l-ispazju tal-ajru jiġi mmaniġġjat abbażi tar-rekwiżiti operazzjonali u mhux tal-fruntieri nazzjonali. Madankollu, il-qafas regolatorju fis-seħħ ma jippreskrivix FABs li, b’mod effettiv, ikollhom il-frammentazzjoni fil-mira, fir-rigward tal-ġestjoni tal-ispazju tal-ajru, tal-forniment tas-servizzi jew tal-akkwist ta’ tagħmir tekniku.

Bidla kunċettwali gradwali

39

Mill-viżjoni inizjali tal-Kummissjoni, iffukata fuq konfigurazzjoni tal-ispazju tal-ajru li tkun tippermetti l-operat ta’ ċentri ta’ kontroll tal-erja ta’ daqs ottimali, gradwalment il-FABs ġew ittrasformati f’mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni bejn l-NSAs u l-ANSPs ta’ Stati Membri ġirien:

  1. L-ambizzjoni inizjali għall-FABs kienet espressa f’komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-200132, li rreferiet għall-ħolqien ta’ żoni ta’ kontroll bejn il-fruntieri nazzjonali. Hija pproponiet l-istabbiliment ta’ Reġjun Ewropew ta’ Informazzjoni għal Titjir Aktar ’il Fuq (EUIR) li jkun ikkonfigurat mill-ġdid fi blokok funzjonali tal-ispazju tal-ajru ta’ daqs minimu li jkun ibbażat fuq is-sikurezza u l-effiċjenza. Il-fruntieri ta’ dawn il-blokok funzjonali tal-ispazju tal-ajru ma jkollhomx għalfejn jikkoinċidu mal-fruntieri nazzjonali, u jinħolqu biex jappoġġaw il-forniment ta’ servizzi ta’ traffiku tal-ajru fi ħdan ċentri ta’ kontroll tal-erja li jkunu responsabbli għal daqs ottimali ta’ spazju tal-ajru fl-EUIR.
  2. L-ewwel pakkett tal-SES iddefinixxa l-FABs bħala blokok (ta’ spazju) tal-ajru bbażati fuq ir-rekwiżiti operazzjonali u mmirati lejn ġestjoni aktar integrata tal-ispazju tal-ajru irrispettivament mill-fruntieri eżistenti33. Huwa kien jipprevedi l-istabbiliment tal-EUIR, konfigurat f’FABs li għandhom jirrispettaw għadd ta’ kundizzjonijiet relatati mas-sikurezza, l-effiċjenza u l-operabbiltà34. Fejn il-FABs jestendu fuq it-territorju ta’ aktar minn Stat Membru wieħed, l-Istati Membri kkonċernati jaħtru l-fornituri tas-servizz flimkien35. Madankollu, ma għadhiex tissemma’ r-referenza għal ċentri ta’ kontroll tal-erja ta’ daqs ottimali ta’ spazju tal-ajru fl-EUIR.
  3. It-tieni pakkett tal-SES, li ġie adottat fl-2009 u li għadu fis-seħħ illum, jintroduċi l-kunċett ta’ “kooperazzjoni mtejba” bħala alternattiva għall-“ġestjoni integrata” meta jiddefinixxi l-FABs36. B’mod kruċjali, huwa jelimina wkoll ir-rekwiżit li l-EUIR previst jiġi kkonfigurat f’FABs. Ir-rekwiżiti preskritti għall-FABs ma jirrikjedux b’mod espliċitu l-forniment integrat jew transkonfinali ta’ servizzi.

L-implimentazzjoni effettiva kienet kontenzjuża…

40

Wara l-adozzjoni tat-tieni pakkett tas-SES, kienu stabbiliti formalment 9 FABs fl-Ewropa, kif jidher fil-Mappa 3.

Mappa 3

Id-disa’ FABs stabbiliti, flimkien mad-dati tal-ħolqien tagħhom

Sors: Il-Eurocontrol.

41

L-implimentazzjoni effettiva tal-FABs kienet kwistjoni ta’ kontenzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri. Fl-2013, il-Kummissjoni b’mod ġenerali esprimiet dubji dwar kif il-FABs setgħu jwasslu ottimizzazzjoni tal-ispazju tal-ajru b’mod indipendenti mill-fruntieri nazzjonali, jekk ir-reġjuni ta’ informazzjoni għal titjir baqgħu l-istess, l-ANSPs huma strutturati bl-istess mod, u l-objettivi ta’ kosteffiċjenza u kapaċità li huma stipulati fil-pjanijiet ta’ prestazzjoni f’ċerti każijiet tqiesu bħala mhux ottimali mill-Korp ta’ Analiżi tal-Prestazzjoni.

42

It-termini “jagħmlu possibbli l-aħjar użu tal-ispazju tal-ajru” u “ikunu ġġustifikati mill-valur miżjud tagħhom”37 iħallu ħafna possibbiltajiet għall-interpretazzjoni mill-Istati Membri, meta dawn jimplimentaw il-FABs. B’mod ġenerali, huma ma aċċettawx l-argumenti li tressqu mill-Kummissjoni li enfasizzaw li l-ħolqien tal-istrutturi tal-FABs u l-mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni kienu rrispettaw ir-rekwiżiti leġislattivi. Dan juri differenza ġenerali bejn il-perċezzjonijiet tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri rigward ir-rekwiżiti regolatorji. L-ebda każ ma ttella’ fil-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja. Studju ta’ konsulent dwar l-implimentazzjoni tal-FABs sab li l-FABs ma laħqux l-objettivi ta’ politika ta’ livell għoli stabbiliti mil-leġiżlazzjoni tal-SES, minkejja li saru sforzi sostanzjali għall-implimentazzjoni tagħhom38.

…u wasslet għal kooperazzjoni, mhux deframmentazzjoni

43

Fl-Istati Membri li żorna, il-ħolqien tal-FABs kien stabbilixxa strutturi u proċeduri ta’ kooperazzjoni fl-NSAs u l-ANSPs. Huma attivi prinċipalment fi kwistjonijiet ta’ kooperazzjoni regolatorja u teknika, bħall-istabbiliment ta’ Spazju tal-Ajru b’Rotot Liberi fiż-żoni tagħhom. Xi FABs (eż. il-FABCE, il-FAB UK-Ireland) qed jikkoordinaw b’mod formali l-implimentazzjoni tal-Proġett Komuni Pilota39.

44

Madankollu, il-kooperazzjoni ppreċediet il-ħolqien tal-FABs u l-ANSPs huma involuti f’attivitajiet simili ma’ sħab oħra barra mill-FABs rispettivi tagħhom. Inizjattivi tekniċi bħal COOPANS u ITEC iwasslu investimenti kkoordinati, u BOREALIS qed timplimenta arranġamenti għal rotot liberi li jestendu lil hinn mill-fruntieri tal-FABs. Dan juri li xi benefiċċji jistgħu jinkisbu wkoll permezz ta’ kooperazzjoni volontarja, barra minn oqfsa regolatorji.

45

L-ebda Stat Membru li żorna ma kien kapaċi jipprovdi stima preċiża tal-ispejjeż tal-ħolqien jew tal-operat ta’ FAB, u l-ebda wieħed mill-korpi li żorna ma seta’ jiddimostra li l-FABs kienu wasslu benefiċċji tanġibbli lill-utenti tal-ispazju tal-ajru. Ma sar l-ebda kejl fir-rigward tal-oqsma ta’ prestazzjoni ewlenin tal-iskema ta’ prestazzjoni, u anke jekk diversi KPIs kienu stabbiliti fil-livell tal-FABs, fil-biċċa l-kbira dawn huma sempliċement aggregazzjoni ta’ miri nazzjonali.

46

Id-deframmentazzjoni, prinċipalment permezz tal-forniment ta’ servizzi transkonfinali, il-fużjoni ta’ ċentri ta’ kontroll tat-traffiku tal-ajru jew żoni komuni tal-imposti, ma ntlaħqet fl-ebda FAB u hemm nuqqas ġenerali ta’ impenn lejn dawn l-inizjattivi min-naħa tal-Istati Membri. It-tħassib marbut mal-preservazzjoni tas-sovranità, il-legat tal-ANSPs, id-dħul u l-forza tax-xogħol tagħhom għandhom impatt qawwi fuq il-preferenza tal-Istati Membri biex iżommu l-istatus quo.

Iżda d-daqs huwa importanti u l-ħtieġa għad-deframmentazzjoni tibqa’ hemm

47

Studju mmexxi mill-Eurocontrol f’isem il-Kummissjoni dwar il-kosteffiċjenza tal-ATM Ewropea u dik tal-Amerika ta’ Fuq40 jipprovdi evidenza ta’ ekonomiji ta’ skala u tal-benefiċċji potenzjali tad-deframmentazzjoni. Filwaqt li x-xejriet tat-traffiku, kif ukoll il-kuntest politiku, ivarjaw bejn iż-żewġ reġjuni, l-istudju jenfasizza li s-sistema tal-ATM fl-Istati Uniti, fejn l-ATM hija integrata f’organizzazzjoni unika, tista’ tikkontrolla għadd akbar ta’ titjiriet bl-użu ta’ inqas membri tal-persunal u inqas ċentri ta’ kontroll tat-traffiku tal-ajru (ara t-Tabella 2).

Tabella 2

Data tal-prestazzjoni magħżula għall-Ewropa u l-Istati Uniti

Sena Kalendarja 2014 Stati tal-Eurocontrol L-Istati Uniti
Żona ġeografika (miljun km2) 12 15
Titjiriet ikkontrollati bl-IFR (miljun) 10 15
Sigħat ta’ titjir ikkontrollati (miljun) 15 23
     
ANSPs ċivili en route 37 1
Total tal-persunal 56 300 31 500
ATCO fi dmir operazzjonali
17 500 12 960
Persunal ta’ appoġġ
38 800 18 540
Ċentri ta’ ATC en route 63 23
     
Densità relattiva (titjira/km2) 0.85 1.03
Produttività41 (sigħat ta’ titjir/ATCO) 834 1 767

Sors: Il-Eurocontrol “U.S. – Europe continental comparison of ANS cost-efficiency trends 2006-2014” (Tqabbil kontinentali bejn l-Istati Uniti u l-Ewropa rigward ix-xejriet ta’ kosteffiċjenza tal-ANS 2006-2014), Novembru 2016.

48

L-analiżi tagħna tal-produttività taċ-ċentri ta’ kontroll tat-traffiku tal-ajru42, ibbażata fuq id-data miġbura mill-Eurocontrol, tikkorrobora wkoll l-eżistenza ta’ ekonomiji ta’ skala potenzjali. Għalkemm bosta fatturi oħra jistgħu jaffettwaw il-produttività, l-analiżi turi li hemm korrelazzjoni pożittiva bejn il-produttività taċ-ċentri ta’ kontroll tat-traffiku tal-ajru u d-daqs tagħhom, kif imkejla minn għadd ta’ movimenti skont ir-Regoli tat-Titjir bl-Istrumenti (IFR) f’sena. Dan jissuġġerixxi li l-konsolidazzjoni taċ-ċentri u/jew forom imtejba ta’ forniment temporanju ta’ servizzi transkonfinali (eż. ċentru uniku ta’ kontroll tat-traffiku tal-ajru li, matul il-perjodi l-kwieti, jipprovdi servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru lil hinn mill-fruntieri nazzjonali) tkun tippermetti użu aktar effiċjenti tal-kapaċità żejda u tista’ tirriżulta fi produttività akbar u f’żidiet fil-kosteffiċjenza.

49

Minħabba l-preżenza ta’ ekonomiji ta’ skala, il-progress lejn l-għan ta’ livell għoli attwali li l-ispejjeż tal-ATM jitnaqqsu bin-nofs ikun jirrikjedi kombinament ta’ żidiet fit-traffiku u deframmentazzjoni reali tal-forniment tas-servizzi.

Il-proġett SESAR rawwem viżjoni komuni iżda nqata’ mill-iskeda inizjali tiegħu u issa ma għandux żmien determinat biex dan jinkiseb

50

Il-proġett SESAR huwa l-parti teknoloġika tal-inizjattiva tal-SES, u huwa magħmul minn sħubija pubblika-privata bejn il-Kummissjoni Ewropea, il-Eurocontrol u diversi partijiet interessati industrijali, kif ukoll qafas regolatorju speċifiku u firxa ta’ strumenti finanzjarji. Huwa jfittex li jarmonizza u jimmodernizza s-sistemi u l-proċeduri tal-ATM madwar l-Ewropa. Mill-bidu nett, is-SESAR kienet maqsuma f’: fażi ta’ definizzjoni (bl-għan li jitfassal il-pjan għall-modernizzazzjoni), fażi ta’ żvilupp (l-istabbiliment tal-bażijiet teknoloġiċi neċessarji) u fażi ta’ twaqqif (l-installazzjoni tas-sistemi u l-proċeduri l-ġodda).

51

Aħna eżaminajna l-każ għall-proġett SESAR, kif ukoll selezzjoni ta’ aspetti tal-fażijiet ta’ definizzjoni u żvilupp tiegħu, b’mod partikolari l-istabbiliment, il-funzjonament u l-estensjoni tal-Impriża Konġunta SESAR. Għal kampjun ta’ proġetti ta’ riċerka u żvilupp u attivitajiet relatati, aħna eżaminajna l-valutazzjoni tal-ħtiġijiet li ġġustifikat it-tnedija tagħhom, kif ukoll x’riżultati twasslu u x’użu operazzjonali sar minn dawk ir-riżultati sa issa.

Il-proġett SESAR kien immirat lejn il-frammentazzjoni teknoloġika, iżda l-benefiċċji kienu stmati b’mod eċċessiv u l-intervent tal-UE kien maħsub biex ikun temporanju

52

Billi fittex li jiġbor flimkien firxa ta’ partijiet interessati biex jimpenjaw lilhom infushom lejn Pjan Regolatorju tal-ATM, il-proġett SESAR kien immirat lejn il-frammentazzjoni teknoloġika, kunċettwali u proċedurali eżistenti fil-forniment tas-servizzi. Fl-2004, l-ispiża tal-frammentazzjoni kienet stmata f’ammont ta’ bejn EUR 880 miljun u EUR 1 400 miljun kull sena, li kważi nofsha kien relatat mal-akkwist, l-iżvilupp u l-operat frammentati tas-sistemi tal-ATM43.

53

Madankollu, il-benefiċċji mistennija mill-proġett SESAR, bħat-tnaqqis fid-dewmien u spejjeż aktar baxxi, kienu stmati żżejjed minħabba li kienu bbażati fuq tbassir tat-traffiku fuq terminu twil li kien ottimist iżżejjed u li ma seħħx. L-Analiżi tal-Ispejjeż imqabbla mal-Benefiċċji tal-2005, li fuqha kien ibbażat il-proġett, kienet ibbażata fuq tbassir li t-traffiku se jiżdied bi 2.9 % kull sena matul perjodu ta’ 30 sena (2005-2035). Minkejja dan, id-data turi li t-tkabbir effettiv medju kien ta’ 1.1 %, minflok ta’ 2.9 %, matul il-perjodu 2005-2016. Ottimiżmu simili jista’ jinstab fl-istadji importanti ewlenin li aktar tard immarkaw il-fażi ta’ żvilupp tas-SESAR: l-edizzjoni 2009 tal-Pjan Regolatorju tal-ATM u studju tal-2012 li jappoġġa l-estensjoni tal-Impriża Konġunta SESAR44.

54

Il-proġett SESAR tnieda b’perjodu ta’ żmien speċifiku. Skont komunikazzjoni tal-2005 mill-Kummissjoni lill-Kunsill45, il-fażi ta’ definizzjoni kellha tkun mill-2005 sal-2007 u tkun segwita mill-fażi ta’ żvilupp (2008-2013) u l-fażi ta’ twaqqif (2014-2020). L-ambitu tal-parteċipazzjoni tal-UE kellu jkun limitat għad-definizzjoni u l-iżvilupp: kemm il-governanza kif ukoll il-finanzjament tal-fażi ta’ twaqqif kellhom jiġu trasferiti kompletament lil partijiet interessati industrijali. Ir-Regolament tal-Kunsill li aktar tard stabbilixxa l-Impriża Konġunta SESAR46 kien jinkludi dak il-kalendarju fil-premessa tiegħu, u ddefinixxa data ta’ terminazzjoni għall-Impriża Konġunta, il-31 ta’ Diċembru 2016, għalkemm ippreveda l-possibbiltà ta’ reviżjoni.

Il-fażi ta’ definizzjoni tas-SESAR żgurat l-involviment tal-partijiet interessati ewlenin

55

Fl-2004, il-Eurocontrol talab għajnuna finanzjarja mingħand il-Kummissjoni għall-fażi ta’ definizzjoni tas-SESAR. L-appoġġ finanzjarju ngħata permezz ta’ deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fl-2004, fl-2005 u fl-2006. B’kollox, ingħataw EUR 30 miljun mit-TEN-T lill-Eurocontrol għall-konfinanzjat ta’ studju bi spiża totali ta’ EUR 60 miljun.

56

Il-fażi ta’ definizzjoni tas-SESAR twettqet minn konsorzju47, li kien jinkludi l-partijiet interessati ewlenin kollha, mill-utenti tal-ispazju tal-ajru sal-operaturi tal-ajruporti, l-ANSPs u l-manifatturi. Din il-fażi damet mill-2005 sal-2008 u, minbarra għadd ta’ riżultati tanġibbli48, ipproduċiet l-ewwel Pjan Regolatorju Ewropew tal-ATM Ewropew, bħala pjan direzzjonali għall-fażijiet ta’ żvilupp u ta’ twaqqif tas-SESAR. Il-Pjan Regolatorju ġie approvat mill-Kunsill f’Marzu 2009 u kien il-bażi għall-fażi ta’ żvilupp li segwiet.

L-Impriża Konġunta SESAR irnexxielha tistabbilixxi sforz ikkoordinat ta’ riċerka u żvilupp fis-sistema Ewropea għall-ATM …

57

L-attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp fl-ATM jistgħu jkunu kumplessi u jridu jiġu mmaniġġjati. Dan huwa dovut għal grad għoli ta’ interdipendenza bejn l-ajruporti, l-utenti tal-ispazju tal-ajru, il-maniġer tan-netwerk u l-ANSPs, kif ukoll il-fatt li r-riċerka u żvilupp u l-operazzjonijiet effettivi jridu jitwettqu b’mod parallel.

58

L-Impriża Konġunta SESAR ġiet stabbilita49 biex timmaniġġa r-riċerka u l-iżvilupp tal-fażi ta’ żvilupp. Hija stabbiliet qafas għall-ġestjoni ta’ programm ta’ riċerka u żvilupp kumpless ħafna, u kkoordinat ambjent ta’ riċerka u żvilupp li qabel kien frammentat. Il-partijiet interessati qalu li l-proġett SESAR rawwem: (i) viżjoni, fuq il-livell tal-UE, tal-konfigurazzjoni u t-twaqqif futuri tas-sistema Ewropea għall-ATM, b’adozzjoni mill-partijiet interessati, inklużi mill-manifatturi; (ii) sħubijiet ikkoordinati bejn il-partijiet interessati fix-xogħol ta’ riċerka u żvilupp u fl-ekonomiji ta’ skala; (iii) influwenza Ewropea aktar b’saħħitha fuq l-istabbiliment ta’ standards internazzjonali u fuq it-tħejjija tal-Pjan Globali għan-Navigazzjoni bl-Ajru tal-ICAO. Barra minn hekk, id-disponibbiltà ta’ finanzjament mill-UE wasslet lill-partijiet interessati biex jimpenjaw riżorsi addizzjonali għar-riċerka u l-iżvilupp.

… iżda hemm nuqqasijiet fir-rigward tal-mandat tagħha

59

Il-qafas legali jattribwixxi għall-Impriża Konġunta SESAR ir-responsabbiltà għall-eżekuzzjoni tal-Pjan Regolatorju tal-ATM (u b’mod partikolari għall-organizzazzjoni tal-fażi ta’ żvilupp skont dak il-pjan)50. Madankollu, il-mandat tal-Impriża Konġunta SESAR mhuwiex ċar fir-rigward ta’ żewġ elementi:

  1. Għalkemm ir-Regolament tal-Kunsill tal-2007 kien jipprevedi l-istralċ tal-Impriża Konġunta SESAR sa tmiem l-2016, l-istess Regolament inkariga wkoll lill-Impriża Konġunta SESAR bl-eżekuzzjoni ta’ Pjan Regolatorju li fih l-attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp jestendu lil hinn mill-2020;
  2. Ir-Regolament ma jagħtix, espliċitament, mandat lill-Impriża Konġunta SESAR biex taġġorna l-Pjan Regolatorju, u jiddeskrivi biss il-proċedura għall-approvazzjoni, mill-UE, ta’ modifiki sinifikanti li jsirulu. L-involviment tal-Impriża Konġunta SESAR f’dan il-proċess jissemma’ f’dokumenti mhux legalment vinkolanti51, li jappellaw għall-Impriża Konġunta SESAR biex tipproponi aġġornamenti u għall-Bord Amministrattiv tagħha biex jadottahom.
60

Il-qafas deskritt hawn fuq iqajjem riskju għall-effiċjenza tal-proġett. L-ewwel nett, l-allinjament skorrett bejn it-tul tal-ħajja regolatorju tal-Impriża Konġunta SESAR u x-xogħol ta’ riċerka u żvilupp li din għandha l-mandat li tesegwixxi jqajjem dubji dwar kemm, minn dik l-eżekuzzjoni, kellha tiġi kkompletata sad-data tat-terminazzjoni. It-tieni, minħabba li fl-aħħar mill-aħħar l-aġġornamenti għandhom impatt fuq l-iskedi taż-żmien kif ukoll fuq l-ispejjeż u l-benefiċċji li għandhom ikunu mistennija minn partijiet interessati differenti, il-progress qed jitkejjel bi tqabbil ma’ mira li tinbidel, fatt li jkompli jnaqqas l-obbligu ta' rendikont fir-rigward tal-mandat tal-Impriża Konġunta SESAR.

L-aġġornamenti fil-Pjan Regolatorju jirriflettu realtajiet ġodda iżda dewmien sinifikanti wkoll…

61

L-Impriża Konġunta SESAR fil-fatt impenjat riżorsi sostanzjali għall-proċess ta’ aġġornament tal-Pjan Regolatorju52. Sal-2017, saru żewġ aġġornamenti sinifikanti tal-Pjan Regolatorju u t-tielet wieħed huwa ppjanat għall-2018.

62

Il-motivatur ewlieni tal-ewwel aġġornament (2012) kien ir-realizzazzjoni li mhux l-attivitajiet ippjanati kollha ta’ riċerka u żvilupp setgħu jiġu kkompletati sa tmiem l-2016, u għalhekk l-isforz tar-riċerka u l-iżvilupp iffoka fuq sett maniġġabbli ta’ bidliet operazzjonali essenzjali53. L-aġġornament segwa eżerċizzju intern tal-Impriża Konġunta SESAR li twettaq mill-membri tal-Kumitat għall-Programmi tagħha biex jiġu identifikati l-ħtiġijiet strateġiċi tal-membri tagħha u jiġu rriallokati r-riżorsi bejn il-proġetti, kif meħtieġ. Aħna nosservaw li l-grupp ta’ ħidma li ddefinixxa mill-ġdid il-prijoritajiet tal-programm ma kienx jinkludi l-utenti tal-ispazju tal-ajru, li finalment se jkunu meħtieġa jħallsu għall-investimenti mitluba mill-Pjan Regolatorju. Aħna nqisu dan bħala ta’ detriment għall-adozzjoni meħtieġa tas-soluzzjonijiet tas-SESAR, kif ukoll għall-effettività ġenerali tal-proġett. Fil-programm kumparabbli Amerikan NextGen, in-nuqqas ta’ adozzjoni mil-linji tal-ajru, b’mod partikolari n-nuqqas ta’ rieda tagħhom li jgħammru l-ajruplani tagħhom b’avjonika kumpatibbli, ġie identifikat bħala sfida ewlenija għat-twaqqif54.

63

L-impatt affettwa l-proġetti kważi kollha ta’ riċerka u żvilupp li tniedu inizjalment, ħafna ġew immodifikati u ma setgħux iwasslu r-riżultati inizjalment ippjanati tagħhom fi ħdan it-tul tal-ħajja regolatorju tal-Impriża Konġunta SESAR. Deher ċar li l-perjodu ta’ żmien li inizjalment kien previst għall-fażi ta’ żvilupp (2008-2013), ma kienx għadu fil-mira.

64

Il-motivatur ewlieni tat-tieni aġġornament (2015) kienet il-ħtieġa li l-programm ta’ riċerka u żvilupp jiġi ffukat fuq ir-rekwiżiti tal-fażi ta’ twaqqif, b’mod partikolari r-rekwiżiti tal-Proġett Komuni Pilota, u li jiġu inkorporati elementi ġodda bħall-inġenji tal-ajru mtajrin mill-bogħod (remote piloted aircraft) u ċ-ċibersigurtà.

65

L-aġġornamenti ġabu bidliet sostanzjali fil-Pjan Regolatorju tal-ATM, kemm fil-forma kif ukoll fil-kontenut. Aħna nosservaw l-evoluzzjonijiet ewlenin li ġejjin bejn id-dokumenti:

Tabella 3

Evoluzzjoni ta’ karatteristiċi magħżula tal-Pjan Regolatorju Ewropew tal-ATM

PR 2009 PR 2012 PR 2015
Għanijiet ta’ prestazzjoni Linja bażi: 2004/2005
Data fil-mira: 2020

Għanijiet:

   Żieda ta’ 73 % fil-kapaċità

   Tnaqqis ta’ 10 % fl-impatt ambjentali għal kull titjira

   Tnaqqis ta’ 50 % fl-ispiża għal kull titjira

Linja bażi: 2005
Data fil-mira: 2030

Għanijiet:

   Żieda ta’ 27 % fil-kapaċità

   Tnaqqis ta’ 2.8 % fl-impatt ambjentali għal kull titjira

   Tnaqqis ta’ 6 % fl-ispiża għal kull titjira

Linja bażi: 2012
Data fil-mira: 2035

Għanijiet:

   Tnaqqis ta’ 10-30 % fid-dewmien en route

   Tnaqqis ta’ 5-10 % fl-impatt ambjentali għal kull titjira

   Tnaqqis ta’ 30-40 % fl-ispiża għal kull titjira

Spejjeż ta’ investiment EUR 32 biljun matul il-perjodu 2008-2020 (li minnhom EUR 22 biljun għall-utenti tal-ispazju tal-ajru u EUR 7 biljun għall-ANSPs) EUR 20-29 biljun (li minnhom EUR 13-17-il biljun għall-utenti tal-ispazju tal-ajru u EUR 3-6 biljun għall-ANSPs) EUR 19-28 biljun matul il-perjodu 2015-2035, (li minnhom EUR 17-26 biljun għall-investimenti fuq l-art)

Sors: Il-Pjanijiet Regolatorji tal-ATM Ewropew tal-2009, tal-2012 u tal-2015.

66

It-tabella ta’ hawn fuq tippreżenta posponiment gradwali tad-data għall-kisba tal-kunċett tal-ATM fil-mira mill-2020 għall-2035, tnaqqis fil-benefiċċji tal-prestazzjoni mistennija u tnaqqis marġinali fil-ħtiġijiet ġenerali ta’ investiment. Fil-każ partikolari tal-ANSPs, l-investiment meħtieġ issa huwa mistenni li jkun ogħla milli kien fl-200955.

… u finalment wasslu għad-deċiżjoni li tiġi estiża l-Impriża Konġunta SESAR u li jiġu impenjati riżorsi addizzjonali

67

L-aġġornament tal-2012 tal-Pjan Regolatorju ddefinixxa tliet passi ewlenin56 għat-twaqqif tal-kunċett tas-SESAR sal-2030. Madankollu, fl-2013, il-Kummissjoni rrikonoxxiet57 li fi ħdan il-perspettivi finanzjarji 2007-2013, il-programm ta’ ħidma tal-Impriża Konġunta SESAR kien se jippermetti biss li jiġu koperti l-Pass 1 u parti mill-Pass 2 tal-Pjan Regolatorju, u li l-ikkompletar tal-Passi 2 u 3 kienu se jeħtieġu estensjoni tal-Impriża Konġunta SESAR. B’appoġġ għal estensjoni, il-Kummissjoni ddikjarat li l-benefiċċji tal-estensjoni tal-Impriża Konġunta SESAR kienu se jkunu ferm aktar mill-ispejjeż tagħha. Fl-2014, il-Kunsill emenda r-Regolament (KE) Nru 219/2007 biex estenda l-Impriża Konġunta SESAR sa Diċembru 2024, u matul dak il-perjodu ta finanzjament addizzjonali ta’ EUR 585 miljun, mill-UE, lill-baġit tal-Impriża Konġunta SESAR.

68

Minbarra tbassir fit-tul ottimist dwar it-traffiku tal-ajru, l-Analiżi tal-Ispejjeż imqabbla mal-Benefiċċji (CBA), li tappoġġa d-deċiżjoni li l-Impriża Konġunta SESAR tiġi estiża, ma stmatx l-ispejjeż tar-riċerka u żvilupp wara l-2020, filwaqt li qabblet dawn l-ispejjeż mal-benefiċċji mistennija sal-2035. Dan l-ispariġġ jirrifletti d-diskrepanza bejn in-natura temporanja tal-Impriża Konġunta SESAR (u tal-qafas finanzjarju li jappoġġaha) u d-durata meħtieġa għall-ħidma ta’ riċerka u żvilupp li hija għandha l-mandat li twettaq.

69

L-aġġornamenti fil-Pjan Regolatorju u l-estensjoni tal-Impriża Konġunta SESAR komplew qatgħu l-fażi ta’ żvilupp, li kienet għadha għaddejja, mill-iskeda inizjali u kienu jirrappreżentaw bidla fil-viżjoni aktar milli sempliċiment dewmien. Filwaqt li inizjalment kien limitat għall-perjodu 2008-2013, l-isforz ta’ riċerka u żvilupp issa effettivament ma għandux żmien determinat biex dan jinkiseb, minkejja li huwa appoġġat minn struttura temporanja.

Fi tmiem l-2016, ġew ippubblikati xi soluzzjonijiet teknoloġiċi iżda għad fadal ħafna żmien qabel l-ikkompletar tal-eżekuzzjoni tal-Pjan Regolatorju

70

L-Impriża Konġunta SESAR ippubblikat xi dokumentazzjoni relatata mat-titjib teknoloġiku u operazzjonali, fil-forma ta’ għadd ta’ “Soluzzjonijiet tas-SESAR”58. Hija wettqet ukoll dimostrazzjonijiet, f’ambjent operazzjonali reali, tal-benefiċċji potenzjali ta’ dan it-titjib.

71

Madankollu, permezz tar-riallokazzjoni tar-riżorsi u l-aġġornamenti tal-Pjan Regolatorju, l-Impriża Konġunta SESAR immodifikat il-programm ta’ riċerka u żvilupp matul l-eżekuzzjoni tiegħu, fejn bidlet il-kontenut tal-proġetti, l-iskeda ta’ żmien tagħhom u l-kunċett ġenerali tal-ATM fil-mira. Din il-flessibbiltà ġiet imfaħħra mill-Impriża Konġunta SESAR u l-membri tagħha, iżda taħbi wkoll id-dewmien fil-ħidma ta’ riċerka u żvilupp meta mqabbel mal-ippjanar inizjali.

72

Nixtiequ nenfasizzaw erba’ kwistjonijiet f’dan il-kuntest:

  1. Ir-rappurtar estern tal-Impriża Konġunta SESAR ma jipprovdix stampa sħiħa tal-progress li sar lejn l-implimentazzjoni tal-Pjan Regolatorju. Ir-rapport annwali tal-attività jippreżenta perċentwal tal-ikkompletar li huwa relattiv għall-iskop l-aktar reċenti ta’ kull proġett, u ma jirreferix għad-dewmien relattiv għall-iskadenzi inizjali.
  2. Madankollu, il-maturità tat-Titjib Operattiv li għandu jiġi inkluż fis-Soluzzjonijiet tas-SESAR tiġi mmonitorjata b’mod regolari mill-Impriża Konġunta SESAR59. L-analiżi tagħna turi li fi tmiem l-2016, 19 % biss tat-Titjib Operattiv kien ġie vvalidat mill-Impriża Konġunta SESAR fil-“Livell ta’ żvilupp u integrazzjoni preindustrijali”, u 61 % kien għadu fl-istadju ta’ definizzjoni tal-kunċett.
  3. Sal-2016, kienet twettqet parti żgħira biss mill-Pjan Regolatorju attwali, minkejja li l-biċċa l-kbira mill-appoġġ tal-UE inizjalment ippjanat għall-fażi ta’ żvilupp kien intnefaq (EUR 700 miljun). Minħabba f’hekk, l-Impriża Konġunta SESAR kellha tiġi estiża sal-2024 u tingħata EUR 585 miljun ta’ finanzjament addizzjonali mill-UE.
  4. Għalkemm ippreżentati f’kull edizzjoni tal-Pjan Regolatorju tal-ATM f’livell ġenerali, il-proġetti individwali ta’ riċerka u żvilupp awditjati tniedu mingħajr analiżi tal-ispejjeż imqabbla mal-benefiċċji, li turi d-daqs tal-problema li tkun qed tiġi indirizzata u li l-investiment impenjat x’aktarx jiġġenera benefiċċju nett. Xi proġetti ġew affettwati mill-aġġustamenti li saru fl-ambitu fil-kuntest tal-aġġornamenti fil-Pjan Regolatorju, u wasslu biss parti mill-outputs li kienu ppjanati inizjalment (ara l-Anness II).

Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

73

Il-fluss sikur u effiċjenti tat-traffiku tal-ajru jeħtieġ l-intervent tal-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru (ATM), li tinkludi tliet funzjonijiet essenzjali: l-iżgurar ta’ separazzjoni bejn l-inġenji tal-ajru; l-ibbilanċjar tal-provvista (tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru) u tad-domanda (titjiriet); u l-forniment ta’ informazzjoni ajrunawtika lill-utenti tal-ispazju tal-ajru.

74

L-inizjattiva tal-Ajru Uniku Ewropew (SES) għandha l-għan li ttejjeb il-prestazzjoni ġenerali tal-ATM billi tmexxi għadd ta’ kompetenzi minn prattika intergovernattiva preċedenti għall-qafas tal-Unjoni Ewropea.

75

L-inizjattiva tal-SES tniedet formalment fl-2004, u gradwalment stabbiliet qafas regolatorju, li jinkludi ġabra ta’ regoli vinkolanti komuni għall-UE kollha dwar is-sigurtà tal-ATM, dwar il-forniment tas-servizzi tal-ATM, dwar il-ġestjoni tal-ispazju tal-ajru u dwar l-interoperabbiltà fi ħdan in-netwerk. Dak il-qafas huwa akkoppjat ma’ programm ta’ modernizzazzjoni teknoloġika (Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku bl-Ajru tal-Ajru Uniku Ewropew - proġett SESAR), appoġġat b’inċentivi finanzjarji.

76

Aħna eżaminajna selezzjoni ta’ komponenti regolatorji ewlenin tal-inizjattiva tal-Ajru Uniku Ewropew. Dawn jinkludu (i) l-iskemi ta’ prestazzjoni u ta’ imposti, li jistabbilixxu miri vinkolanti f’erba’ oqsma ta’ prestazzjoni: is-sikurezza, l-ambjent, il-kapaċità u l-kosteffiċjenza, kif ukoll regoli dwar l-ispejjeż li għandhom jiġu ddebitati lill-utenti tal-ispazju tal-ajru; (ii) il-blokok funzjonali tal-ispazju tal-ajru mmirati lejn l-ottimizzazzjoni tal-forniment ta’ servizzi tradizzjonalment organizzati skont il-fruntieri Statali u (iii) il-fażijiet ta’ definizzjoni u żvilupp tal-proġett SESAR, il-pilastru teknoloġiku tal-inizjattiva tal-Ajru Uniku Ewropew, li għandu l-għan li jarmonizza u jimmodernizza l-proċeduri u l-infrastruttura tal-ATM.

77

B’mod ġenerali, aħna nikkonkludu li l-inizjattiva indirizzat ħtieġa ċara u wasslet għal kultura ta’ effiċjenza akbar fl-ATM. Madankollu, il-ġestjoni tal-ispazju tal-ajru Ewropew għadha frammentata u l-Ajru Uniku Ewropew, bħala kunċett, għadu ma nkisibx. L-imposti tan-navigazzjoni ma tnaqqsux b’mod sostanzjali u d-dewmien relatat mal-ATM reġa’ beda jiżdied. Il-proġett SESAR, filwaqt li ppromwova l-koordinazzjoni u gradwalment ħareġ pubblikazzjonijiet dwar titjib teknoloġiku, waqa’ lura fl-iskeda inizjali tiegħu u sar konsiderevolment aktar għali milli kien antiċipat. Bażikament, l-intervent tal-UE fis-SESAR evolva minn wieħed b’data ta' skadenza mmirata għall-ilħuq tal-objettivi tiegħu, għal impenn mingħajr żmien determinat biex dan jinkiseb.

78

Il-monopolji nazzjonali u l-frammentazzjoni kienu jeħtieġu intervent mill-UE, li rriżulta fl-inizjattiva tal-SES. L-għanijiet ta’ livell għoli li ġew stabbiliti għall-inizjattiva kienu oriġinarjament ifformulati b’referenza għall-evoluzzjoni fit-traffiku tal-ajru li kienet qed tiġi esperjenzata fl-2005. Meta, suċċessivament, it-tkabbir fit-traffiku naqas, l-għanijiet ta’ livell għoli ma setgħux jintlaħqu fir-rigward tal-kosteffiċjenza, kif ukoll saru irrilevanti fir-rigward tal-kapaċità. Barra minn hekk, dawn mhumiex marbuta mal-miri ssettjati mill-iskema ta’ prestazzjoni (ara l-paragrafi 16 sa 21 u 28 sa 29).

Rakkomandazzjoni 1 - Eżaminar tal-Għanijiet ta’ Livell Għoli

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tipproponi definizzjoni tal-Ajru Uniku Ewropew li tinkludi d-dimensjonijiet ewlenin tal-arkitettura tal-ispazju tal-ajru, il-forniment ta’ servizzi u l-infrastruttura. Imbagħad, fuq din il-bażi, jenħtieġ li hija teżamina l-għanijiet ta’ livell għoli tal-SES, filwaqt li tiżgura li jkunu ambizzjużi biżżejjed biex titrawwem il-prestazzjoni, u li jkollhom skedi ta’ żmien realistiċi biex jintlaħqu. Jenħtieġ li l-għanijiet ta’ livell għoli riveduti jintrabtu wkoll ma’ miri għall-UE kollha fl-iskema ta’ prestazzjoni, biex ikun jista’ jitkejjel il-progress li jsir lejn dawk l-għanijiet. Billi l-perjodu ta’ referenza attwali (RP 2) se jintemm fl-2019, jenħtieġ li l-miri għall-perjodu ta’ referenza 3 jiġu stabbiliti fid-dawl ta’ dan il-fatt. Jenħtieġ li l-għanijiet ta’ livell għoli riveduti jsiru wkoll ir-referenza għall-evoluzzjoni tal-Pjan Regolatorju attwali.

Skadenza: Sal-2019.

79

L-iskemi ta’ prestazzjoni u ta’ imposti jikkostitwixxu, fil-prinċipju, għodod adegwati biex jiġu mmitigati l-effetti negattivi ta’ forniment ta’ servizz li fil-biċċa l-kbira jkun monopolistiku. Huma rawmu kultura ta’ effiċjenza u trasparenza fost il-Fornituri ta’ Servizzi tan-Navigazzjoni bl-Ajru (ANSPs). Madankollu, ir-riżultati kwantitattivi tal-iskemi ma jilħqux l-aspettattivi: id-dewmien fit-titjiriet ġeneralment kien ogħla mill-miri stabbiliti fil-pjanijiet ta’ prestazzjoni u, minkejja li laħaq livell minimu rekord fl-2013, minn dak iż-żmien baqa’ jiżdied; ir-rati unitarji mħallsa mill-utenti tal-ispazju tal-ajru jiddependu ħafna fuq il-volumi tat-traffiku u naqsu biss b’4 % bejn l-2011 u l-2016, li huwa taħt it-tnaqqis għall-UE kollha li ġie stabbilit mill-Kummissjoni.

80

In-nuqqas ta’ deframmentazzjoni sostantiva, flimkien ma’ tkabbir aktar bil-mod tat-traffiku, huma kontributuri ewlenin għar-riżultati kwantitattivi fjakki murija mill-iskema ta’ prestazzjoni. Il-Blokok Funzjonali tal-Ispazju tal-Ajru (FABs) attwali essenzjalment jipprovdu forum għall-kooperazzjoni bejn il-partijiet interessati tal-Istati ġirien, iżda ma kinux effettivi fl-indirizzar tal-frammentazzjoni, kemm fil-livelli tal-ġestjoni tal-ispazju tal-ajru, kif ukoll fil-forniment tas-servizzi jew fit-tagħmir tekniku. Il-FABs ma rnexxilhomx irawmu forniment ta’ servizzi transkonfinali integrat jew temporanju li jista’ jkollu potenzjal sinifikanti għat-titjib tal-prestazzjoni (ara l-paragrafi 22 sa 49).

Rakkomandazzjoni 2 – Analiżi ta’ għażliet politiċi oħra mmirati lejn il-frammentazzjoni

Jenħtieġ li l-Kummissjoni:

  1. tivvaluta l-valur miżjud taż-żamma tar-rekwiżiti regolatorji għall-FABs, minħabba n-nuqqas ta’ effettività tagħhom f’dak li jirrigwarda d-deframmentazzjoni;
  2. teżamina għażliet politiċi li, jew waħidhom jew flimkien mal-FABs, jistgħu effettivament iwasslu għad-deframmentazzjoni u potenzjalment jiġġeneraw ekonomiji ta’ skala, u timmonitorja l-implimentazzjoni tagħhom permezz ta’ indikaturi u miri tal-prestazzjoni rilevanti. L-għażliet jistgħu jinkludu l-promozzjoni attiva ta’ forniment ta’ servizzi integrati jew transkonfinali, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll ir-ristrutturar possibbli tas-servizzi tal-ANSP.

Skadenza: Sal-2020.

81

Ir-rwoli ta’ monitoraġġ tal-Awtoritajiet Superviżorji Nazzjonali (NSAs) u tal-Kummissjoni huma affettwati minn għadd ta’ limitazzjonijiet. L-NSAs mhux dejjem huma kompletament indipendenti jew effettivi. Huma ma jwettqux spezzjonijiet regolari fuq elementi importanti tal-ispejjeż iddebitati lill-utenti: l-eliġibbiltà, l-ekonomija u l-allokazzjoni adegwata tal-ispejjeż. Dawn l-aspetti lanqas ma jiġu ċċekkjati mill-Kummissjoni meta din tivvaluta r-rati għal kull unità. Barra minn hekk, il-gwida tal-Kummissjoni dwar l-allokazzjoni tal-ispejjeż bejn iż-żoni tal-imposti en route u dawk fit-terminals kienet insuffiċjenti, fatt li wassal għar-riskju ta’ sussidjar reċiproku bejn is-servizzi ta’ navigazzjoni en route u dawk fit-terminals (ara l-paragrafi 36 sa 37).

Rakkomandazzjoni 3 – Żgurar tal-indipendenza u l-kapaċità sħaħ tal-NSAs

Jenħtieġ li l-NSAs ikunu kompletament indipendenti u li jkollhom il-kapaċità li jissodisfaw il-funzjonijiet tagħhom. Għal din il-fini, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-NSAs ikunu ġerarkikament, finanzjarjament u funzjonalment indipendenti mill-ANSPs, u li jkollhom ir-riżorsi neċessarji biex jissorveljaw u jimmonitorjaw l-iskemi ta’ prestazzjoni u ta’ imposti. Aħna nosservaw il-fatt li l-adozzjoni, fil-pront, tad-dispożizzjonijiet applikabbli fil-pakkett leġiżlattiv dwar l-SES2+ tkun ta’ benefiċċju f’dan ir-rigward.

Skadenza: Sal-2019.

Rakkomandazzjoni 4 – Żgurar ta’ spezzjonijiet li jkopru l-iskema ta’ imposti

Jenħtieġ li ll-Kummissjoni u l-NSAs iwettqu l-ispezzjonijiet regolari li huma stipulati fil-leġiżlazzjoni attwali, billi jkopru b’mod partikolari l-eliġibbiltà tal-ispejjeż iddebitati u l-allokazzjoni tagħhom bejn iż-żoni tal-imposti en route u dawk fit-terminals. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tipprovdi gwida addizzjonali dwar l-allokazzjoni tal-ispejjeż biex tiżgura trattament kontabilistiku armonizzat.

Skadenza: Sal-2019.

82

Il-proċess ta’ approvazzjoni tal-pjanijiet ta’ prestazzjoni huwa twil u kumpless. L-ilħuq ta’ ftehimiet bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri, b’mod partikolari dwar il-miri għall-kapaċità u l-kosteffiċjenza, irriżulta diffiċli. Billi l-Kummissjoni ma għandhiex il-possibbiltà li timponi miri, dawk inklużi fil-pjanijiet ta’ prestazzjoni għandhom tendenza li jirriflettu livell aktar baxx ta’ ambizzjoni (ara l-paragrafi 34 sa 35).

Rakkomandazzjoni 5 – Simplifikazzjoni tal-iskema ta’ prestazzjoni

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tissimplifika l-proċess ta’ approvazzjoni tal-pjanijiet ta’ prestazzjoni. Għal dan il-fini, jenħtieġ li hija tippromwovi attivament eżenzjonijiet mill-iskema, fil-każ ta’ servizzi pprovduti taħt kundizzjonijiet tas-suq jew taħt ftehimiet dwar il-livell ta’ servizz bejn il-fornituri ta’ servizzi u l-utenti tal-ispazju tal-ajru. Fin-nuqqas ta’ kundizzjonijiet bħal dawn, jenħtieġ li l-Kummissjoni jkollha setgħat ta’ infurzar biex tistabbilixxi, direttament, miri vinkolanti fuq il-bażi tal-valutazzjoni tal-Korp ta’ Analiżi tal-Prestazzjoni.

Skadenza: Sal-2019.

83

Il-qafas ta’ prestazzjoni jimmonitorja l-prestazzjoni tal-ATM abbażi ta’ indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni li xi wħud minnhom, madankollu, fihom għadd ta’ nuqqasijiet. Dawn jillimitaw l-abilità tagħhom li jkejlu b’mod xieraq il-prestazzjoni tal-ATM f’diversi oqsma ewlenin. B’mod partikolari, l-indikaturi li jkejlu l-kapaċità f’termini tad-dewmien jirreġistraw parti żgħira biss mill-esperjenza gate-to-gate globali għall-passiġġieri, u ma jkejlux l-effiċjenza f’perjodi kwieti. Fil-qasam tal-ambjent, minn naħa waħda, l-effiċjenza tat-titjir en route tirrifletti elementi li huma barra l-kontroll tal-ANSPs, filwaqt li min-naħa l-oħra, din ma hijiex immirata lejn l-aspett vertikali tal-effiċjenza tat-titjir (ara l-paragrafi 30 sa 33).

Rakkomandazzjoni 6 – Eżaminar ta’ ċerti indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni

Għall-perjodu ta’ referenza li jmiss, jenħtieġ li l-Kummissjoni:

  1. fir-rigward tal-kapaċità, tiżgura li l-KPIs jirreġistraw id-dewmien gate-to-gate globali filwaqt li jżommu obbligu ta' rendikont adegwat tal-ANSPs. Jenħtieġ li l-KPIs ikunu jistgħu jkejlu wkoll mhux biss il-kapaċità ta’ rispons għall-aktar perjodi bieżla fid-domanda, iżda wkoll jekk ir-riżorsi humiex qed jintużaw b’mod effiċjenti fl-aktar perjodi bieżla u fil-perjodi l-kwieti;
  2. fir-rigward tal-ambjent, timmodifika l-KPIs biex ikejlu l-kapaċità ta’ rispons tas-sistema tal-ATM għat-trajettorji mixtieqa tal-utenti tal-ispazju tal-ajru, kemm fid-dimensjonijiet orizzontali kif ukoll fid-dimensjonijiet vertikali tagħhom.

Skadenza: Sal-2019.

84

Il-fażijiet ta’ definizzjoni u żvilupp tas-SESAR ippromovew l-impenn ta’ partijiet interessati ewlenin lejn pjan teknoloġiku komuni, u l-fażi ta’ żvilupp tiegħu ttrasformat ambjent ta’ riċerka u żvilupp, li qabel kien frammentat, f’wieħed ikkoordinat. L-Impriża Konġunta SESAR ippubblikat xi titjib teknoloġiku u operazzjonali, fil-forma ta’ għadd ta’ “Soluzzjonijiet tas-SESAR”.

85

Ir-rwol tal-UE fil-proġett SESAR evolva mill-bidu oriġinali tiegħu fir-rigward tal-ambitu, tal-perjodu ta’ żmien u tal-kobor finanzjarju, li kollha ġew estiżi b’mod sinifikanti: l-aspettattiva inizjali ta’ fażi ta’ żvilupp li kellha tiġi kkompletata sal-2013, u mbagħad tiġi trasferita lill-partijiet interessati industrijali għat-twaqqif, ġiet sostitwita b’viżjoni ta’ riċerka u żvilupp li tevolvi kontinwament u li ma għandhiex żmien determinat biex din tinkiseb, u li tippresupponi appoġġ fit-tul mill-UE. L-aġġornamenti tal-2012 u l-2015 fil-Pjan Regolatorju wasslu għal bidliet sostanzjali, kemm fil-kontenut kif ukoll fil-forma, kif ukoll posponiment suċċessiv tad-data meta għandu jintlaħaq il-kunċett fil-mira: l-ambizzjonijiet ta’ prestazzjoni tas-SESAR issa huma ssettjati għall-2035, mhux għall-2020 kif kien previst oriġinarjament.

86

Jeżisti allinjament skorrett bejn it-tul ta’ ħajja regolatorju fiss tal-Impriża Konġunta SESAR u d-durata ppjanata tax-xogħol ta’ riċerka u żvilupp li huwa mistenni minnha. Dan ixekkel l-obbligu ta' rendikont fl-Impriża Konġunta SESAR fir-rigward tal-eżekuzzjoni tal-Pjan Regolatorju. Is-sitwazzjoni hija aggravata billi l-Impriża Konġunta SESAR ma tirrappurtax b’mod xieraq fuq dak il-grad ta’ eżekuzzjoni.

87

Sal-2016, parti żgħira biss mill-Pjan Regolatorju fis-seħħ kienet twettqet, minkejja li l-biċċa l-kbira mill-appoġġ tal-UE li kien inizjalment ippjanat għall-fażi ta’ żvilupp kien intnefaq (EUR 700 miljun). Minħabba f’hekk, l-Impriża Konġunta SESAR kellha tiġi estiża sal-2024 u tingħata EUR 585 miljun addizzjonali ta’ finanzjament mill-UE (ara l-paragrafi 50 sa 72).

Rakkomandazzjoni 7 – Eżaminar tal-istruttura ta’ appoġġ tal-UE għar-riċerka u l-iżvilupp tal-ATM fid-dawl tal-objettivi tagħha

Skont il-prinċipji ta’ “Regolamentazzjoni Aħjar”, jenħtieġ li d-deċiżjonijiet politiċi jitħejjew b’mod miftuħ u trasparenti, ikunu infurmati mill-aħjar evidenza disponibbli u appoġġati mill-involviment komprensiv tal-partijiet interessati.

Għalhekk, jekk il-Kummissjoni tipproponi li tkompli tiffinanzja l-isforzi ta’ riċerka u żvilupp tal-ATM anke wara l-2024, jenħtieġ li hija:

  1. tiġġustifika l-appoġġ mill-UE b’mod adegwat, b’mod partikolari għaliex dak l-appoġġ għandu jkompli, biex jikseb xiex, sa meta u xi jkun l-ammont ta’ appoġġ pubbliku meħtieġ sabiex jiġi massimizzat il-valur għall-flus tiegħu;
  2. tanalizza jekk l-Impriża Konġunta SESAR, struttura temporanja, hijiex xierqa biex jiġi indirizzat dak l-isforz fit-tul ta’ riċerka u żvilupp u, jekk le, tagħmel l-adattamenti neċessarji.

Skadenza: Sal-2020.

Rakkomandazzjoni 8 – Tisħiħ tal-obbligu ta' rendikont tal-Impriża Konġunta SESAR

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tirrinforza l-obbligu ta' rendikont tal-Impriża Konġunta SESAR billi tiddefinixxi stadji importanti ċari u marbuta biż-żmien, b’baġit assoċjat, għall-eżekuzzjoni tal-Pjan Regolatorju. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tirrikjedi wkoll li l-Impriża Konġunta SESAR tirrapporta b’mod regolari dwar il-progress tagħha fir-rigward tal-implimentazzjoni sħiħa ta’ dak il-Pjan.

Skadenza: Sal-2018.

88

Għalkemm ippreżentati f’kull edizzjoni tal-Pjan Regolatorju tal-ATM f’livell ġenerali, il-proġetti individwali ta’ riċerka u żvilupp awditjati tniedu mingħajr analiżi tal-ispejjeż imqabbla mal-benefiċċji, li turi d-daqs tal-problema li tkun qed tiġi indirizzata u li l-investiment impenjat x’aktarx jiġġenera benefiċċju nett. Xi proġetti ġew affettwati mill-aġġustamenti li saru fl-ambitu fil-kuntest tal-aġġornamenti fil-Pjan Regolatorju, u wasslu biss parti mill-outputs li kienu ppjanati inizjalment (ara l-paragrafu 72).

Rakkomandazzjoni 9 – Prijoritizzazzjoni tal-appoġġ mill-UE għal soluzzjonijiet ta’ riċerka u żvilupp li jippromwovu d-deframmentazzjoni u ambjent kompetittiv

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura li:

  1. l-appoġġ mill-UE jingħata biss lil proġetti b’valur miżjud iddimostrat għan-netwerk. Dan jista’ jinkiseb, pereżempju, permezz tal-implimentazzjoni ta’ sistema li tevalwa l-valur miżjud għan-netwerk ta’ proġetti, pereżempju bl-istabbiliment ta’ analiżi tal-ħtiġijiet jew analiżi tal-ispejjeż imqabbla mal-benefiċċji għall-proġetti;
  2. fi ħdan il-qafas tal-Impriża Konġunta SESAR, il-finanzjament mill-UE jiġi prijoritizzat lejn soluzzjonijiet ta’ riċerka u żvilupp relatati mal-ATM, li jippromwovu d-deframmentazzjoni, l-interoperabbiltà, il-kondiviżjoni tal-infrastruttura u li jrawmu l-kundizzjonijiet għal ambjent kompetittiv.

Skadenza: applikabbli għal proġetti ġodda li jiġu ffinanzjati mill-2018 ’il quddiem.

Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla II, immexxija mis-Sinjura Iliana IVANOVA, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tal-11 ta’ Ottubru 2017.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Klaus-Heiner LEHNE
President

Anness

Anness I

Il-Kronoloġija tal-SES

Anness II

Sommarju tal-analiżi li saret fuq kampjun ta’ proġetti u attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp tal-Impriża Konġunta SESAR

It-tim tal-awditjar għażel kampjun ta’ 11-il proġett ta’ riċerka u żvilupp, 4 attivitajiet ta’ dimostrazzjoni u studju wieħed, kollha mwettqa fil-qafas tal-Impriża Konġunta SESAR. Għal kull wieħed, twettaq eżaminar iddettaljat li ffoka fuq il-valutazzjoni tal-ħtiġijiet li wasslet għad-deċiżjoni li jitnieda kull proġett; it-twassil tal-outputs tagħhom; l-użu li sar minnhom, jew f’kuntest operazzjonali jew f’riċerka u żvilupp addizzjonali.

B’mod ġenerali, aħna osservajna li:

Kien hemm raġuni ċara wara kull proġett, u r-rabta tiegħu mal-Pjan Regolatorju tal-ATM setgħet tiġi stabbilita. Madankollu, l-ebda wieħed mill-proġetti ta’ riċerka u żvilupp ikkampjunati ma tnieda bbażat fuq analiżi tal-ispejjeż imqabbla mal-benefiċċji, li turi d-daqs tal-problema li kienet qed tiġi indirizzata u li l-investiment x’aktarx jiġġenera benefiċċju nett. Filwaqt li ġiet prodotta CBA ġenerali tas-SESAR fil-kuntest tal-fażi ta’ definizzjoni, din l-analiżi ma kinitx tippermetti li tintlaħaq konklużjoni dwar l-ispejjeż u l-benefiċċji relattivi ta’ proġetti individwali.

Minn 11-il proġett ta’ riċerka u żvilupp u 4 attivitajiet ta’ dimostrazzjoni, 5 proġetti u 3 attivitajiet ma pprovdewx il-firxa sħiħa tar-riżultati tanġibbli li ġew maqbula inizjalment. Sa ċertu punt, dan kien dovut għall-eżerċizzju ta’ riallokazzjoni li twettaq mill-Impriża Konġunta SESAR biex tiffoka fuq għadd aktar limitat ta’ riżultati tanġibbli, iżda kien dovut ukoll għall-ippjanar inadegwat ta’ xi attivitajiet ta’ dimostrazzjoni. Filwaqt li l-attivitajiet ta’ dimostrazzjoni kkampjunati ġeneralment ġew ikkompletati fil-ħin, ġie osservat dewmien ta’ bejn xahrejn u 34 xahar f’7 mill-11-il proġett ta’ riċerka u żvilupp ikkampjunati.

Fi żmien l-awditu, għadd żgħir biss mill-outputs ġew integrati f’soluzzjonijiet li tħaddmu f’ambjenti operazzjonali reali. Minn 11-il proġett ta’ riċerka u żvilupp: f’4 minnhom, l-outputs li twasslu bdew jintużaw parzjalment b’mod operazzjonali reali; f’5 minnhom, se tkun meħtieġa aktar riċerka sabiex jinkisbu benefiċċji reali; soluzzjoni waħda ġiet ikkanċellata fi tmiem l-attività ta’ riċerka minħabba li ma wasslitx il-benefiċċji mistennija; u proġett wieħed twettaq kif ippjanat u r-riżultati tiegħu ntużaw fil-kuntest tal-aġġornamenti tal-Pjan Regolatorju. Fejn ir-riżultati tħaddmu, ma kienx hemm kejl sistematiku tal-benefiċċji li dawn wasslu lill-operazzjonijiet. Ma ġiet skjerata l-ebda waħda mill-erba’ attivitajiet maħsuba biex jiddimostraw funzjonalitajiet speċifiċi lill-ANSPs u lill-utenti tal-ispazju tal-ajru.

Anness III

L-iskemi ta’ prestazzjoni u ta’ imposti

L-iskema ta’ prestazzjoni għandha l-għan li ttejjeb il-prestazzjoni tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru billi tistabbilixxi miri vinkolanti li jkunu applikabbli għall-ANSPs. L-iskema ta’ imposti għandha l-għan li ttejjeb it-trasparenza u l-kosteffiċjenza billi tistabbilixxi regoli dwar il-kalkolu tal-imposti tan-navigazzjoni.

Iż-żewġ skemi huma bbażati, fil-biċċa l-kbira, fuq ix-xogħol u l-proċessi preċedenti tal-Eurocontrol. Fir-rigward tal-kejl tal-prestazzjoni, il-metrika li diġà tintuża mill-Eurocontrol60 aktar tard ġiet adottata mill-iskema ta’ prestazzjoni tal-UE fl-2009. Il-Figura ta’ hawn taħt telenka l-oqsma ta’ prestazzjoni ewlenin u l-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni (KPIs) rispettivi li ntużaw matul iż-żewġ perjodi ta’ referenza li għalihom applikat l-iskema sa issa.

Indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni (KPIs) f’kull perjodu ta’ referenza

1 L-effettività tal-ġestjoni tas-sikurezza, l-applikazzjoni tal-iskema ta’ klassifikazzjoni tas-severità u l-applikazzjoni ta’ Kultura Ġusta.

Bl-istess mod, l-oriġini tas-sistema ta’ imposti tal-SES tista’ tinstab fil-ftehim multilaterali tal-Eurocontrol, li huwa relatat mal-ġbir tal-imposti tar-rotot, li ġie ffirmat fl-1970. Fl-2009, it-tieni pakkett tal-SES introduċa bidla fundamentali fis-sistema ta’ imposti, jiġifieri s-sostituzzjoni tal-irkupru sħiħ tal-ispejjeż b’sistema bbażata fuq spejjeż predeterminati. Minflok ma tirkupra l-ispejjeż kollha mġarrba fil-forniment ta’ servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru, is-sistema tiddefinixxi bil-quddiem l-ispejjeż massimi li għandhom jiġu rkuprati f’kull sena ta’ perjodu ta’ referenza ddefinit, fir-rigward tat-traffiku mbassar. Il-bidla hija mmirata primarjament lejn il-kosteffiċjenza: billi ġie stabbilit limitu massimu ex ante fuq l-ispejjeż tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru, l-ANSPs se jiġu ppremjati jekk l-ispejjeż effettivi tagħhom jibqgħu taħt dak il-livell billi jżommu l-marġni rispettiv; għall-kuntrarju ta’ dan, l-ANSPs mhumiex se jkunu jistgħu jiddebitaw aktar mill-ispejjeż predeterminati lill-utenti tal-ispazju tal-ajru, u għalhekk ikollhom jerfgħu l-ispejjeż eċċessivi. Din il-karatteristika tal-iskema hija definita bħala l-“mekkaniżmu ta’ kondiviżjoni tal-ispejjeż”.

Hemm rabta mill-qrib bejn l-iskemi ta’ prestazzjoni u ta’ imposti, billi r-rati għal kull unità li jirriżultaw mill-iskema ta’ imposti jridu jkunu allinjati mal-miri għall-kosteffiċjenza stabbiliti mill-pjanijiet ta’ prestazzjoni applikabbli għal kull żona tal-imposti.

Miri tal-prestazzjoni għall-kosteffiċjenza u kalkolu tar-rati għal kull unità

Il-kalkolu tar-rati għal kull unità jaħdem kif ġej:

  1. Il-punt tat-tluq huwa l-bażi tal-ispejjeż determinati li tintuża għad-definizzjoni tal-miri tad-DUC ta’ kull żona tal-imposti fil-pjanijiet ta’ prestazzjoni. Il-miri lokali tad-DUC iridu jkunu konsistenti mal-miri għall-kosteffiċjenza applikabbli għall-UE kollha. Din il-konsistenza tiġi vvalutata mill-Kummissjoni bl-appoġġ tal-Korp ta’ Analiżi tal-Prestazzjoni.
  2. Il-bażi tal-ispejjeż determinati ta’ żona tal-imposti tikkonsisti mit-total tal-ispejjeż eliġibbli stmati tal-entitajiet differenti li jipprovdu servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru. L-eliġibbiltà tal-ispejjeż hija ddefinita fil-leġiżlazzjoni. Il-maġġoranza vasta ta’ dawn l-ispejjeż jikkorrispondu għall-ANSP nazzjonali, iżda jistgħu jinkludu spejjeż ta’ entitajiet oħra, ġeneralment ANSPs oħra iżgħar, jekk ikun hemm, fornituri ta’ servizzi meteoroloġiċi, NSAs (spejjeż ta’ superviżjoni) u kontribuzzjonijiet nazzjonali għall-Eurocontrol. Rigward in-natura tal-ispejjeż, il-komponent prinċipali huwa l-ispejjeż tal-persunal (madwar 60 % fil-livell tal-erja tal-SES), segwit minn spejjeż operattivi oħra, id-deprezzament u l-kost tal-kapital (redditu fuq l-ekwità).
  3. Ċerti aġġustamenti, pożittivi jew negattivi, jistgħu jiġu applikati għall-ispejjeż determinati:
    • Inflazzjoni. Id-differenza bejn l-inflazzjoni effettiva u dik imbassra.
    • Kondiviżjoni tar-riskju tat-traffiku. Din hija sistema ta’ kumpens għall-ANSPs u għall-utenti tal-ispazju tal-ajru, meta jkun hemm devjazzjoni mit-tbassir tat-traffiku. Fi ħdan ċerti faxex tat-traffiku u limiti ta’ kumpens li huma ddefiniti fil-leġiżlazzjoni, l-ANSPs iridu jirrimborżaw lill-utenti tal-ispazju tal-ajru jekk it-traffiku effettiv jiżdied aktar milli mbassar u, viċi versa, l-ANSPs jistgħu jiddebitaw ammonti addizzjonali jekk l-evoluzzjoni tat-traffiku reali tkun agħar milli mbassar.
    • Skemi ta’ inċentivi. Dan jirrifletti l-bonus jew il-penali finanzjarji attribwiti għall-ANSPs għar-riżultati miksuba fl-oqsma ta’ prestazzjoni tal-kapaċità u l-ambjent, fir-rigward tal-miri ddefiniti fil-pjanijiet ta’ prestazzjoni. Il-bonusijiet u l-penali jimplikaw imposti addizzjonali jew imnaqqsa mill-ANSPs għall-utenti tal-ispazju tal-ajru, rispettivament.
    • Spejjeż eżenti mill-kondiviżjoni tal-ispejjeż Ċerti spejjeż merfugħa mill-ANSPs huma eżenti mill-“mekkaniżmu ta’ kondiviżjoni tal-ispejjeż” deskritt hawn fuq, billi jitqiesu li huma barra mill-kontroll tal-ANSPs. Dan jinkludi: bidliet mhux previsti fil-liġi nazzjonali dwar il-pensjonijiet, fl-ispejjeż tal-pensjonijiet, fil-liġi nazzjonali dwar it-tassazzjoni u fl-ispejjeż jew fid-dħul li jirriżultaw minn ftehimiet internazzjonali; bidliet sinifikanti fir-rati tal-imgħax fuq is-self; u elementi ta’ spejjeż ġodda mhux previsti li mhumiex koperti fil-pjanijiet ta’ prestazzjoni. Dawn l-ispejjeż eżenti jiġġeneraw aġġustament biex ikun żgurat li jiġu rkuprati kompletament.
    • Spejjeż tar-ristrutturar. Il-leġiżlazzjoni tippermetti l-irkupru tal-ispejjeż ta’ ristrutturar tal-ANSPs, suġġett għal argument għall-vijabbiltà li jiddimostra benefiċċju nett għall-utenti tal-ispazju tal-ajru, kif ukoll għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni. Fl-RP1 u sa issa fl-RP2, ma ġew iddebitati l-ebda spejjeż ta’ ristrutturar mill-ebda ANSP.
    • Riporti minn perjodi ta’ rappurtar preċedenti. Dan jikkorrispondi għal spejjeż mhux irkuprati mġarrba mill-ANSPs fis-sistema preċedenti ta’ rkupru sħiħ tal-ispejjeż li kienu awtorizzati għall-irkupru fil-perjodi ta’ referenza sussegwenti.
    • Dħul ieħor. Irid jitnaqqas id-dħul riċevut mill-ANSP minbarra l-imposti tan-navigazzjoni relatati mal-forniment irregolat ta’ servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru. Dan jinkludi l-finanzjament pubbliku nazzjonali, il-programmi ta’ assistenza tal-UE, id-dħul kummerċjali u dħul ieħor.
  • Fl-aħħar nett, il-bażi tal-ispejjeż netti li tirriżulta tiġi diviża bit-tbassir tat-traffiku (espress f’unitajiet tas-servizzi) biex tinkiseb ir-rata għal kull unità ta’ kull sena li għandha tiġi ddebitata lill-utenti tal-ispazju tal-ajru, għall-forniment ta’ servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru fiż-żona tal-imposti korrispondenti. It-tbassir tat-traffiku huwa dak inkluż fil-pjanijiet ta’ prestazzjoni.

Mis-sena bażi 2014 ’l hawn, ir-rati annwali għal kull żona tal-imposti jiġu ppubblikati f’Deċiżjoni tal-Kummissjoni, dment li jitqiesu bħala konformi mar-regolamenti dwar l-iskemi ta’ prestazzjoni u ta’ imposti.

Fl-aħħar nett, l-informazzjoni dwar l-evoluzzjoni effettiva tal-ispejjeż imwassla b’mod regolari fil-kuntest tal-iskema ta’ imposti tintuża għas-segwitu tal-qasam tal-kosteffiċjenza tal-pjanijiet ta’ prestazzjoni, u tikkostitwixxi input fundamentali fiż-żmien tad-diskussjoni u d-definizzjoni tal-miri għall-kosteffiċjenza applikabbli għall-perjodu ta’ referenza sussegwenti.

Anness IV

Implimentazzjoni tal-Iskema ta’ Prestazzjoni

Il-proċess ta’ adozzjoni tal-miri għall-kosteffiċjenza applikabbli għall-UE kollha, għall-RP2

  • F’Settembru 2013, il-Korp ta’ Analiżi tal-Prestazzjoni oriġinarjament ippropona tnaqqis medju ta’ 4.6 % kull sena fl-ispiża għal kull unità en route;
  • Il-Kummissjoni ddeċidiet li tipproponi mira aktar ambizzjuża ta’ 4.9 % fl-SSC; l-Istati Membri argumentaw li se jkun diffiċli li jinkiseb it-tnaqqis addizzjonali fl-ispejjeż lil hinn minn dak li kien ġie maqbul matul l-RP1, u li dan kien se jkollu impatt fuq il-kapaċità;
  • Wara n-nuqqas ta’ appoġġ tal-SSC, il-Kummissjoni offriet żewġ alternattivi ġodda: jew tnaqqis ta’ 4.6 % fl-ispiża għal kull unità en route, bit-tbassir li t-traffiku kien se jiżdied bi 2.6 % kull sena, jew inkella tnaqqis ta’ 3.3 % fl-ispiża għal kull unità en route, bit-tbassir li t-traffiku kien se jiżdied b’1.2 % kull sena.
  • Minkejja li l-Kummissjoni ppromwoviet l-alternattiva li twassal għal tnaqqis akbar fl-ispiża għal kull unità, bħala bilanċ aħjar bejn l-interessi tal-utenti tal-ispazju tal-ajru u l-ANSPs, in-nuqqas ta’ maġġoranza kwalifikata biex tappoġġaha ġiegħlet lill-Kummissjoni taċċetta t-tieni alternattiva li kienet anqas ambizzjuża;
  • Il-miri għall-UE kollha ġew adottati formalment f’Deċiżjoni tal-Kummissjoni datata l-11 ta’ Marzu 2014, b’dewmien ta’ xahrejn fuq l-iskadenza prevista fil-leġiżlazzjoni (12-il xahar qabel il-bidu tal-perjodu ta’ referenza).

Pjan ta’ prestazzjoni u proċess ta’ adozzjoni tal-miri tal-FABEC

Risposta tal-Kummissjoni

Sommarju Eżekuttiv

I

Il-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru (Air Traffic Management, ATM) hija l-ġestjoni dinamika u integrata tat-traffiku tal-ajru u tal-ispazju tal-ajru, inklużi s-servizzi tat-traffiku tal-ajru, il-ġestjoni tal-ispazju tal-ajru u l-ġestjoni tal-fluss tat-traffiku tal-ajru (id-definizzjoni 10 tar-Regolament (KE) Nru 549/2004). Barra minn hekk, l-informazzjoni ajrunawtika hija pprovduta lill-utenti bħala servizz tan-navigazzjoni tal-ajru biex tappoġġa s-servizzi tat-traffiku tal-ajru, il-ġestjoni tal-fluss tat-traffiku tal-ajru u l-ġestjoni tal-ispazju tal-ajru.

VII

Il-Kummissjoni u l-Korp ta' Analiżi tal-Prestazzjoni ("PRB" - Performance Review Body) qegħdin jissorveljaw il-prestazzjoni tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru fuq bażi regolari. Fir-rigward tan-nuqqas tal-ilħiq tal-miri ta' kapaċità matul l-aħħar sentejn, il-Kummissjoni tinsab fil-proċess li tobbliga lill-Istati Membri jipproponu miżuri korrettivi kif meħtieġ skont il-leġiżlazzjoni eżistenti. Dawk il-miżuri jenħtieġ li jimmiraw li jirrettifikaw is-sitwazzjoni u jtejbu s-sitwazzjoni ta' kapaċità fis-snin li ġejjin.

Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-miri ta' kosteffiċjenza huma stabbiliti fuq kostijiet unitarji determinati. Filwaqt li tirrikonoxxi li l-kosteffiċjenza jinħtieġ li tkompli titjieb u li possibbilment setgħu ġew stabbiliti miri aktar ambizzjużi, il-miri li ġew stabbiliti ntlaħqu. Dan huwa indipendenti mill-fatt li l-liġi attwali tippermetti għadd ta' aġġustamenti, apparti l-miri (inkluż l-irkupru ta' elementi tal-kostijiet li jmorru lura għal qabel ma ġiet introdotta l-iskema ta' prestazzjoni) u li riżultat ta' dan, ir-rati unitarji ma naqsux bl-istess rata tal-miri ta' kosteffiċjenza tal-iskema ta' prestazzjoni.

VIII

Il-Kummissjoni tikkunsidra li r-riżultati tal-iskema tal-prestazzjoni u tal-imposti jinħtieġ li jiġu evalwati wkoll meta mqabbla mal-perjodu meta dawk l-iskemi ma kinux fis-seħħ. It-tendenzi fil-Figura 1 juru li mill-2011, il-livell ta' dewmien u ta' spejjeż inżamm stabbli. Qabel dak il-perjodu, kien hemm biss proċess ta' monitoraġġ ta' prestazzjoni laxk li ma kienx jiggarantixxi t-trażżin tad-dewmien u l-kostijiet taħt livelli aċċettabbli.

IX

Il-Kummissjoni hija konxja dwar in-nuqqas ta' riżorsi adegwati f'xi NSAs. Il-proposta tagħha dwar l-SES2+ kellha l-għan li tpatti għal dan in-nuqqas inter alia permezz ta' titjib fl-indipendenza tal-NSAs.

X

Il-Kummissjoni temmen li r-raġuni ewlenija għall-proċess twil u kumpless tal-adozzjoni tal-miri huwa minħabba l-proċedura ta' eżami tal-komitoloġija li tirrikjedi l-liġi bażika għall-adozzjoni tal-miri. Fil-proposta tagħha għar-riformulazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-SES (SES 2+), ġew proposti alternattivi. L-esperjenza wriet li l-Kummissjoni jew xi regolatur ieħor għas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru jeħtieġu aktar awtonomija biex jiddeċiedu dwar il-miri u li l-Istati Membri ma għandhomx l-istampa sħiħa biex ikunu involuti f'deċiżjonijiet li jaffettwaw direttament Stati Membri oħrajn.

XI

Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-proġett SESAR u SESAR JU (joint undertaking) huma allinjati b'mod sħiħ mal-oqfsa regolatorji rilevanti, li evolvew matul iż-żmien.

Il-Kummissjoni tikkunsidra wkoll li s-SESAR JU qed isegwi viżjoni aktar stabbli tas-sistema ATM futura li ġiet żviluppata permezz tas-sħubija pubblika-privata tagħha u li ġiet formalment adottata fil-Pjan Regolatorju Ewropew tal-ATM u fil-programm ta' ħidma tal-JU. Il-Pjan Regolatorju, il-viżjoni u l-ħidma tas-SESAR JU evolvew mill-2007 sabiex jadattaw għal ambjent ta' avjazzjoni li jevolvi u għar-riżultati tal-fażi ta' żvilupp. Il-qafas regolatorju evolva wkoll b'dan il-mod.

Il-Kummissjoni tqis li l-obbligu ta' rendikont tas-SESAR JU ma jiġix affettwat neċessarjament mill-evoluzzjoni msemmija hawn fuq, li saħansitra seta' ssaħħaħ.

Il-Kummissjoni tifhem li l-QEA se twettaq verifika separata dwar il-fażi tal-adozzjoni tas-SESAR u tilqagħha. Almenu mill-perspettiva operazzjonali, jinħtieġ li l-valutazzjoni tal-kontribuzzjoni tal-"proġett" tas-SESAR għall-valutazzjoni tal-ATM Ewropea tqis ir-riżultati tal-fażijiet kollha tal-proġett. Il-gwadann reali tal-prestazzjoni jista' jitkejjel biss ladarba s-soluzzjonijiet tas-SESAR ikunu ġew adottati u bdew jiġu mħaddma permezz tan-netwerk ATM Ewropew.

XII

Ara t-tweġibiet tal-Kummissjoni għar-Rakkomandazzjonijiet minn 1 sa 9.

Introduzzjoni

02

L-ATM hija l-ġestjoni dinamika u integrata tat-traffiku tal-ajru u tal-ispazju tal-ajru, inklużi servizzi tat-traffiku tal-ajru, il-ġestjoni tal-ispazju tal-ajru u l-ġestjoni tal-fluss tat-traffiku tal-ajru (id-definizzjoni 10 tar-Regolament (KE) Nru 549/2004). Barra minn hekk, l-informazzjoni ajrunawtika hija pprovduta lill-utenti bħala servizz tan-navigazzjoni tal-ajru biex tappoġġa s-servizzi tat-traffiku tal-ajru, il-ġestjoni tal-fluss tat-traffiku tal-ajru u l-ġestjoni tal-ispazju tal-ajru.

Osservazzjonijiet

19

Fl-2005 ġew ifformulati għanijiet ta' livell għoli. F'dan iż-żmien, it-traffiku tal-ajru ġie previst li jikber bi stima ta' 3-4 % fis-sena.

21

Il-Kummissjoni tqis li l-għanijiet ta' livell għoli kienu ambizzjużi u pprovdew orjentazzjonijiet ta' politika biex jippromwovu l-ħtieġa li tittieħed azzjoni. Huma ġew espressi b'mod kwalitattiv u fil-waqt li ma tkejlu ma ebda linja bażi partikolari, huma kienu assoċjati mal-iskadenza tas-sena 2025. Għall-kuntrarju, il-miri tal-prestazzjoni ddefiniti skont l-iskema ta' prestazzjoni huma bbażati fuq indikaturi tal-prestazzjoni ddefiniti tajjeb u stabbiliti skont analiżi fil-fond tal-assunzjonijiet u r-raġunament sottostanti.

26
  1. Il-Kummissjoni u l-PRB qegħdin jissorveljaw il-prestazzjoni tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru fuq bażi regolari. Fir-rigward tan-nuqqas tal-ilħiq tal-miri ta' kapaċità matul l-aħħar sentejn, il-Kummissjoni tinsab fil-proċess li tobbliga lill-Istati Membri jipproponu miżuri korrettivi kif meħtieġ skont il-leġiżlazzjoni eżistenti. Dawk il-miżuri jenħtieġ li jimmiraw li jirrettifikaw is-sitwazzjoni u jtejbu s-sitwazzjoni ta' kapaċità fis-snin li ġejjin.
  2. Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-miri ta' kost-effiċjenza huma stabbiliti fuq spejjeż unitarji determinati. Filwaqt li tirrikonoxxi li l-kosteffiċjenza jinħtieġ li tkompli titjieb u li possibbilment setgħu ġew stabbiliti miri aktar ambizzjużi, il-miri li ġew stabbiliti ntlaħqu. Dan huwa indipendenti mill-fatt li l-liġi attwali tippermetti għadd ta' aġġustamenti, apparti l-miri (inkluż l-irkupru ta' elementi tal-kostijiet li jmorru lura għal qabel ma ġiet introdotta l-iskema ta' prestazzjoni) u li riżultat ta' dan, ir-rati unitarji ma naqsux bl-istess rata tal-miri ta' kosteffiċjenza tal-iskema ta' prestazzjoni.
  3. Il-Kummissjoni tirreferi għall-osservazzjonijiet tal-Qorti kif espressi fil-paragrafu 31 u fit-tweġiba tagħha għall-istess paragrafu.
28

Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-iskema ta' prestazzjonijiet hija l-punt ewlieni tal-approċċ għall-prestazzjonijiet tal-inizjattiva Ajru Uniku.

29

Il-Kummissjoni tqis li għanijiet ta' livell għoli kienu ambizzjużi u pprovdew orjentazzjonijiet ta' politika biex jippromwovu l-ħtieġa li tittieħed azzjoni. Huma ġew espressi b'mod kwalitattiv u fil-waqt li ma tkejlu ma ebda linja bażi partikolari, huma kienu assoċjati mal-iskadenza tas-sena 2025. Għall-kuntrarju, il-miri tal-prestazzjoni ddefiniti skont l-iskema ta' prestazzjoni huma bbażati fuq indikaturi tal-prestazzjoni ddefiniti tajjeb u stabbiliti skont analiżi fil-fond tal-assunzjonijiet u r-raġunament sottostanti.

30

Il-Kummissjoni tqis li t-twaqqif tal-iskema ta' prestazzjoni u l-indikaturi tagħha rrappreżentaw avvanz ewlieni fl-approċċ tal-prestazzjoni li jitlaq mill-monitoraġġ qadim tal-prestazzjoni. L-indikaturi ġew stabbiliti skont id-disponibbiltà tad-dejta u l-obbligu ta' rendikont tal-partijiet ikkonċernati.

31

Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-effiċjenza vertikali tiddependi wkoll fuq fatturi li huma barra mill-kontroll tal-ANSPs (skedar tat-titjiriet, kapaċità tal-ajruport, storbju u restrizzjonijiet tal-art).

32

Il-Kummissjoni tqis li t-twaqqif ta' miri għall-indikaturi tobbliga li jkun hemm dejta storika suffiċjenti disponibbli. Dan ma kienx il-każ għal xi wħud mill-indikaturi fiż-żona tat-terminals meta ġew stabbiliti l-Miri għall-Perjodu ta' Referenza 2 (Reference Period 2, RP2). Il-possibbiltà li l-indikaturi li jirreferu għal diversi fażijiet tat-titjiriet (dewmien gate-to-gate) jiġu kkombinati skont il-metriċi użat u l-ħtieġa li r-responsabbiltà ta' dan id-dewmien tiġi allokata b'mod ċar għal diversi unitajiet ta' kontroll tat-traffiku tal-ajru.

33

Il-Kummissjoni tixtieq tiċċara li għalkemm attwalment ma hemm l-ebda indikatur speċifiku biex ikejjel il-kapaċità, dan l-aspett qed jiġi ssorveljat fil-kuntest tal-prestazzjoni tal-funzjonijiet tan-netwerk.

35

Il-Kummissjoni temmen li r-raġuni ewlenija għall-proċess twil u kumpless tal-adozzjoni tal-miri huwa minħabba l-proċedura ta' eżami tal-komitoloġija hija meħtieġa mil-liġi bażika għall-adozzjoni tal-miri. Fil-proposta tagħha għar-riformulazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-SES (SES 2+), ġew proposti alternattivi. L-esperjenza wriet li l-Kummissjoni jew kwalunkwe regolatur ieħor għas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru jeħtieġu aktar awtonomija biex jiddeċiedu dwar il-miri u li l-Istati Membri ma għandhomx l-istampa sħiħa biex ikunu involuti f'deċiżjonijiet li jaffettwaw direttament Stati Membri oħrajn.

37
  1. Il-Kummissjoni taf dwar in-nuqqas ta' riżorsi adegwati f'xi NSAs. Il-proposta tagħha dwar l-SES2+ kellha l-għan li tpatti għal dan in-nuqqas inter alia permezz ta' titjib fl-indipendenza tal-NSAs.
  2. Il-verifika tal-eliġibbiltà tal-ispejjeż hija primarjament fil-kompetenza tal-NSAs bħala entitajiet responsabbli għat-tfassil tal-pjanijiet tal-prestazzjoni, is-sorveljanza tal-prestazzjoni u l-monitoraġġ tal-pjanijiet u tal-miri tal-prestazzjoni.
  3. Il-Kummissjoni kkummissjonat studju rigward l-allokazzjoni tal-ispejjeż bejn en route u t-terminal fl-2015. L-eżitu ta' dan l-istudju issa huwa kkunsidrat fir-reviżjoni tal-prestazzjoni u fir-Regolament dwar l-imposti qabel il-Perjodu ta' Referenza 3 (Reference Period 3, RP3). Kull bidla potenzjali fil-proċeduri kontabilistiċi jaf ikollha tiġi vvalutata wkoll fid-dawl tal-piż amministrattiv li jistgħu jwasslu għalih dawn il-bidliet.
  4. Il-Kummissjoni taf b'din il-problema u qed taħdem fuq soluzzjonijiet fil-kuntest tar-reviżjoni tal-prestazzjoni li għadha għaddejja u tar-Regolamenti dwar l-imposti.
38

Il-Kummissjoni tenfasizza li l-qafas regolatorju eżistenti jiddefinixxi kriterji vinkolanti li jridu jiġu ssodisfati biex jiġu stabbiliti l-FABs. Fiż-żmien tal-adozzjoni ta' dak il-qafas regolatorju, dawn il-kriterji ġew meqjusa suffiċjenti biex jiffaċilitaw il-proċess ta' deframmentazzjoni tal-ispazju tal-ajru Ewropew. Dan huwa għaliex il-Kummissjoni bdiet proċeduri ta' ksur kontra l-Istati Membri.

47

Il-Kummissjoni tixtieq tiċċara li din l-attività ta' tqabbil bejn l-Istati Uniti u l-UE titwettaq skont il-Memorandum ta' Kooperazzjoni bejn l-Istati Uniti u l-UE bl-appoġġ ta' Eurocontrol. Madankollu, dan it-tqabbil ma jqisx il-kumplessitajiet u l-ispeċifitajiet taż-żewġ sistemi billi huwa bbażat fuq indikaturi sempliċi. Għalhekk, jinħtieġ li l-analiżi tal-livelli ta' produttività jiġi bbażat ukoll fuq analiżi fil-fond fil-livell tal-unitajiet operazzjonali (ċentri tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru) sabiex l-ekonomiji ta' skala jistgħu jintwerew bis-sħiħ.

48

Il-Kummissjoni tenfasizza li din l-analiżi fil-livell taċ-ċentri tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru mhijiex żviluppata bis-sħiħ u li l-konklużjonijiet dwar l-ekonomiji ta' skala jistgħu jkunu prematuri. Fl-Ewropa, iċ-ċentri ta' kontroll tat-traffiku tal-ajru iżgħar f'xi każijiet huma inqas għalja minn ċentri ta' traffiku tal-ajru aktar kbar.

59
  1. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li r-Regolament li stabbilixxa s-SESAR JU indika data tat-terminazzjoni tal-JU qabel l-istima tat-tul taż-żmien tal-attivitajiet ta' riċerka u żvilupp tal-Pjan Regolatorju tal-ATM. Madankollu, il-Kummissjoni tqis li din mhijiex neċessarjament kontradizzjoni.
  2. Il-Kummissjoni tqis li r-rwol li għandha s-SESAR JU fil-manteniment tal-Pjan Regolatorju Ewropew tal-ATM huwa konformi mal-qafas regolatorju.
60

Il-Kummissjoni tirreferi għat-tweġiba tagħha fil-paragrafu 59 b). Il-Kummissjoni taqbel li l-qafas attwali jista' jittejjeb biex tinkiseb kontinwità tal-ħidma tas-SESAR JU permezz ta' tranżizzjoni b'inqas xkiel minn qafas finanzjarju wieħed għal ieħor. Madankollu, hija tikkunsidra li l-qafas ma jġibx miegħu riskju għall-effiċjenza tal-proġett jew għall-obbligu ta' rendikont tas-SESAR JU, li huma elementi marbuta mal-programmi ta' ħidma tal-JU li jkopru t-tul ta' żmien regolatorju tal-JU li huwa stabbilit fir-Regolament (UE) 721/2014. Il-proġett tas-SESAR nieda u rabat flimkien it-tlett fażijiet kollha kif ippjanat u ilu jimmobilizza s-soluzzjonijiet tas-SESAR sa mill-2014.

62

Il-Kummissjoni tqis li l-proċess għall-approvazzjoni tal-aġġornamenti tal-Pjan Regolatorju Ewropew tal-ATM involva b'mod suffiċjenti lill-utenti tal-ispazju tal-ajru. L-utenti tal-ispazju tal-ajru, skont ir-Regolament, huma rappreżentati fuq il-Bord Amministrattiv tas-SESAR b'10 % tad-drittijiet tal-vot, li jirrappreżenta l-akbar sehem ta' voti wara ż-żewġ membri fundaturi (l-UE u Eurocontrol).

63

Il-Kummissjoni tqis li l-attivitajiet ta' riċerka u żvilupp huma intiżi li jipprovaw u jivvalidaw kunċetti operazzjonali u teknoloġiji assoċjati li l-fattibbiltà tagħhom ma tkunx magħrufa minn qabel. Fid-dawl ta' dan, ir-ridimensjonar maż-żmien tal-ambitu tagħhom huwa mod naturali u effettiv kif isir l-aħjar użu mir-riżultati tagħhom u mill-fondi allokati għall-proġetti.

64

Il-Kummissjoni tirreferi għat-tweġiba tagħha għall-paragrafu 63. Iżżid ukoll li l-feedback mill-attivitajiet tal-adozzjoni offra l-opportunità li l-attivitajiet ta' żvilupp jiġu rieżaminati.

Tweġiba komuni għall-paragrafi 68, 69, 72(a) u 72(c)

Il-Kummissjoni tirreferi għat-tweġibiet tagħha għall-kummenti tal-Qorti f'XI u 59.

72

(d) Il-Kummissjoni tqis li l-attivitajiet ta' riċerka u żvilupp huma intiżi li jipprovaw u jivvalidaw kunċetti operazzjonali u teknoloġiji assoċjati li l-fattibbiltà tagħhom ma tkunx magħrufa minn qabel. Fid-dawl ta' dan, ir-ridimensjonar maż-żmien tal-ambitu tagħhom huwa mod naturali, inevitabbli u effettiv biex isir l-aħjar użu mir-riżultati tagħhom.

Konklużjonijiet u Rakkomandazzjonijiet

73

L-ATM hija l-ġestjoni dinamika u integrata tat-traffiku tal-ajru u tal-ispazju tal-ajru, inklużi servizzi tat-traffiku tal-ajru, il-ġestjoni tal-ispazju tal-ajru u l-ġestjoni tal-fluss tat-traffiku tal-ajru (id-definizzjoni 10 tar-Regolament (KE) Nru 549/2004). Barra minn hekk, l-informazzjoni ajrunawtika hija pprovduta lill-utenti bħala servizz tan-navigazzjoni tal-ajru biex tappoġġa s-servizzi tat-traffiku tal-ajru, il-ġestjoni tal-fluss tat-traffiku tal-ajru u l-ġestjoni tal-ispazju tal-ajru.

77

Il-Kummissjoni tenfasizza li l-kunċett oriġinali tal-Ajru Uniku Ewropew kien ħolqien tagħha "permezz ta' amministrazzjoni progressivament aktar integrata ta' spazju tal-ajru u l-iżvilupp ta' konċetti u proċeduri ġodda ta' amministrazzjoni ta' traffiku tal-ajru" (il-premessa (3) tar-Regolament (KE) Nru 551/2004). Il-kunċett qatt ma mmaterjalizza f'viżjoni operazzjonali ta' arkitettura tal-ispazju tal-ajru aktar ottimali f'termini tal-għadd ta' ċentri ta' kontroll tat-traffiku tal-ajru. Anki l-inizjattiva tal-FAB ma wasslitx għal riżultati tanġibbli f'dan il-qasam.

78

Il-Kummissjoni tqis li għanijiet ta' livell għoli kienu ambizzjużi u pprovdew orjentazzjonijiet ta' politika biex jippromwovu l-ħtieġa li tittieħed azzjoni. Huma ġew espressi b'mod kwalitattiv u fil-waqt li ma tkejlu ma ebda linja bażi partikolari, huma kienu assoċjati mal-iskadenza tas-sena 2025. Għall-kuntrarju, il-miri tal-prestazzjoni ddefiniti skont l-iskema ta' prestazzjoni huma bbażati fuq indikaturi tal-prestazzjoni ddefiniti tajjeb u stabbiliti skont analiżi fil-fond tal-assunzjonijiet u r-raġunament sottostanti.

Rakkomandazzjoni 1 – Rieżaminar tal-Għanijiet ta' Livell Għoli

Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni.

Minkejja dan, il-Kummissjoni tixtieq tiddeskrivi li, kif l-esperjenza uriet definittivament, it-twaqqif ta' għanijiet ta' livell għoli tal-SES sabiex jintlaħqu fit-tul joħloq ir-riskju li dawn isiru irrilevanti fi stadju aktar tard, anki jekk ibbażati fuq analiżi fil-fond. Is-sjieda sħiħa mill-komunità tal-ATM hija meħtieġa biex dawn l-għanijiet ikunu jistgħu jinkisbu. Waħda mir-raġunijiet għaliex l-inizjattiva tas-SES għadha ma pproduċietx ajru uniku ġenwin tirriżulta minn nuqqas ta' viżjoni / kunċett komuni dwar il-mira ta' sistema tal-ATM wara l-proċess ta' modernizzar tagħha, mhux biss mill-perspettiva teknoloġika, iżda wkoll mill-istruttura organizzattiva u operazzjonali.

Il-Kummissjoni taqbel li jkun utli li tinvesti l-isforzi fuq id-definizzjoni ta' din il-viżjoni / ta' dan il-kunċett, li tista' eventwalment issarraf f'passi konkreti biex jagħmilha realtà.

80

Il-Kummissjoni tikkunsidra li r-riżultati tal-iskema tal-prestazzjoni u tal-imposti jinħtieġ li jiġu evalwati wkoll meta mqabbla mal-perjodu meta dawk l-iskemi ma kinux fis-seħħ. It-tendenzi fil-Figura 1 juru li mill-2011, il-livell ta' dewmien u ta' spejjeż inżamm stabbli. Qabel dak il-perjodu, kien hemm biss proċess ta' monitoraġġ ta' prestazzjoni laxk li ma kienx jiggarantixxi t-trażżin tad-dewmien u l-ispejjeż taħt livelli aċċettabbli.

Rakkomandazzjoni 2 – Analiżi ta' għażliet politiċi oħra mmirati lejn il-frammentazzjoni

Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni u se timplimentaha kif ġej.

Il-Kummissjoni diġà għamlet diversi tentattivi biex tippromwovi l-provvista tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru, b'mod iktar integrat, bejn il-fruntieri. Lil hinn mill-inizjattiva mingħajr suċċess tal-FABs, fl-2013, il-Kummissjoni pproponiet reviżjoni tal-qafas legali tal-SES (SES2+), inkluża s-separazzjoni tal-hekk magħrufa servizzi tal-infrastruttura.

L-objettiv ta' din il-proposta kien li jiffavorixxi approċċ aktar kompetittiv għall-provvista ta' dawk is-servizzi jew il-provvista tagħhom bħala servizzi ta' appoġġ komuni. Sfortunatament, il-proposta tal-SES2+ għadha imblokkata fin-negozjati fil-livell interistituzzjonali. Fil-kuntest tal-iskema ta' prestazzjoni, fl-2014, ġie propost u mwaqqaf provvediment biex l-irkuprar tal-kostijiet ta' ristrutturar isir eliġibbli soġġett għal argument għall-vijabbiltà li juri benefiċċju nett għal utenti tal-ispazju tal-ajru matul iż-żmien.

Madankollu, l-Istati Membri għadhom ma ħadux vantaġġ minn dak il-provvediment. Il-modernizzazzjoni tal-infrastruttura tal-ATM fuq il-bażi tal-kunċetti ta' diġitalizzazzjoni sħiħa u sħubiji industrijali tagħti opportunitajiet konkreti għall-forniment ta' servizzi integrati jew transkonfinali. Illum, il-Kummissjoni qed teżamina din l-opportunità b'mod parallel mal-ħtieġa għal konsolidament u razzjonalizzazzjoni tal-infrastruttura tal-ATM fil-kuntest tal-proġett tas-SESAR, il-ħtieġa għal arkitettura ġdida tal-ispazju tal-ajru u r-reviżjoni tal-iskema ta' prestazzjoni.

Rakkomandazzjoni 3 – Żgurar tal-indipendenza u l-kapaċità sħaħ tal-NSAs

Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni.

Il-kwistjoni tal-indipendenza sħiħa u l-kapaċità tal-NSAs biex iwettqu l-funzjonijiet tagħhom diġà ġiet identifikata mill-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha dwar l-SES2+ (COM(2013) 408 final, pp. 6-7). Is-separazzjoni xierqa bejn l-NSAs u l-ANSPs jinħtieġ li tiġi organizzata sabiex tiżgura l-operazzjoni awtonoma u effettiva tal-NSAs.

Il-Kummissjoni tenfasizza li l-adozzjoni tal-SES2+ tiddependi wkoll fuq l-azzjoni f'waqtha mill-koleġiżlaturi.

Il-kisba tal-iskadenza għal din ir-rakkomandazzjoni hija soġġetta għat-tneħħija tal-istatus quo attwali fuq l-SES2+.

Rakkomandazzjoni 4 – Żġurar ta' spezzjonijiet li jkopru l-iskema ta' imposti

Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni u se timplimentaha kif ġej:

Il-verifika tal-eliġibbiltà tal-ispejjeż hija primarjament fil-kompetenza tal-NSAs bħala entitajiet responsabbli għat-tfassil tal-pjanijiet tal-prestazzjoni, is-sorveljanza tal-prestazzjoni u l-monitoraġġ tal-pjanijiet u tal-miri tal-prestazzjoni.

L-intervent tal-Kummissjoni jista', pereżempju, jkun iffokat fuq każijiet fejn l-Istati Membri talbu r-reviżjoni tal-pjanijiet ta' prestazzjoni tagħhom. B'mod parallel, il-Kummissjoni se tagħmel rieżami tar-rekwiżit tal-eliġibbiltà matul ir-reviżjoni li għaddejja tar-Regolamenti dwar is-sistemi ta' prestazzjoni u dwar l-imposti qabel l-RP3.

Rakkomandazzjoni 5 – Simplifikazzjoni tal-iskema ta' prestazzjoni

Sa fejn taqa' fil-kompetenza tagħha, il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni.

Il-Kummissjoni tenfasizza li r-regoli attwali diġà jippermettu l-eżenzjoni mill-iskema f'każ li s-servizzi tat-terminal, ta' komunikazzjoni, navigazzjoni u sorveljanza (CNS), servizzi ta' informazzjoni ajrunawtika (Aeronautical Information Services, AIS) jew is-servizzi meteoroloġiċi (MET) jkunu pprovduti skont il-kundizzjoni tas-suq. Sa issa, l-Istati Membri ddeċidew biss fi ftit każijiet għal servizzi tat-terminal għandhom jiġu pprovduti skont il-kundizzjonijiet tas-suq. Fir-rigward tas-setgħat tal-Kummissjoni li tistabbilixxi l-miri vinkolanti, dawn jistgħu jiġu rinforzati biss wara reviżjoni tar-Regolamenti tal-SES (SES2+). Huma, għalhekk, jiddependu fuq azzjonijiet mill-Kunsill u mill-PE (inkluż għall-iskadenza).

83

Il-Kummissjoni se tqis l-kummenti tal-Qorti matul ir-reviżjoni li għadha għaddejja tar-Regolamenti dwar is-sistemi ta' prestazzjoni u tal-imposti qabel RP3.

Rakkomandazzjoni 6 – Rieżaminar ta' ċerti indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni

Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni u se timplimentaha kif ġej:

Fir-rigward ta' indikaturi speċifiċi tal-iskema ta' prestazzjoni, dawn l-indikaturi jinsabu attwalment taħt rieżami qabel il-perjodu referenzjarju li jmiss (RP3) u l-Kummissjoni se tqis l-osservazzjonijiet tal-Qorti fil-kuntest ta' dan il-proċess ta' reviżjoni. Madankollu, il-fattibbiltà ta' indikaturi ġodda jew riveduti tiddependi b'mod qawwi fuq id-disponibbiltà ta' dejta preċiża u rilevanti.

Ara t-tweġiba tal-Kummissjoni għall-paragrafi 85 u 86

Il-Kummissjoni tirreferi għat-tweġibiet tagħha għall-paragrafi XI u 59.

Recommendation 7 – Rieżami tal-istruttura ta' appoġġ tal-UE għar-riċerka u l-iżvilupp tal-ATM fid-dawl tal-objettivi tagħha

Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni.

Il-Kummissjoni taqbel li jeħtieġ li twaqqaf strutturi stabbli biex tiżgura l-kontinwità fiċ-ċiklu ta' innovazzjoni tas-SESAR u tipprovidhom bl-istrumenti legali u finanzjarji adegwati li jappoġġaw ukoll il-kooperazzjoni ma' sħubiji industrijali. Punt b'saħħtu tal-proġett tas-SESAR huwa l-vokazzjoni tiegħu li jinvolvi l-partijiet ikkonċernati fil-proċessi kollha tiegħu. F'dan is-sens, is-SESAR hija inizjattiva pijuniera tal-Unjoni li tgawdi minn appoġġ li dejjem qed jiżdied minn partijiet ikkonċernati b'mod partikolari permezz tas-SESAR JU u l-qafas tal-adozzjoni tas-SESAR.

Madankollu, hija tikkunsidra li r-riżultati tal-fażi tal-iżvilupp, il-maturità tas-sħubija u l-kuxjenza aħjar tal-isfidi futuri tat-trasport bl-ajru għamluha possibbli li jiġi attivitat iċ-ċiklu tal-innovazzjoni tal-ATM li jorbot flimkien it-tliet fażijiet kollha tal-proġett tas-SESAR u tas-sħab tiegħu u jikkontribwixxi għal objettivi tal-prestazzjoni aktar wesgħin tal-Ajru Uniku Ewropew. Dan huwa r-riżultat tax-xogħol li jitmexxa primarjament mis-SESAR JU. Iċ-ċiklu ta' innovazzjoni u l-mekkaniżmi ta' implimentazzjoni sottostanti u l-korpi tiegħu, illum jippermettu li jiġu prijoritizzati aħjar is-soluzzjonijiet li jippromwovu l-prestazzjoni u l-kompetittività tal-ATM stimulata mid-deframmentazzjoni fil-livell tal-industrija Ewropea.

Il-Kummissjoni timmira li ttejjeb qafas li hu kapaċi jappoġġa u jiggwida dawn is-sħubiji sabiex jikseb l-objettivi tal-politika tal-Unjoni. Il-Kummissjoni qed tivvaluta l-għażliet potenzjali fil-kuntest tal-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss dwar kif torbot flimkien b'mod aktar effiċjenti ċ-ċiklu ta' innovazzjoni sħiħ tas-SESAR fil-mekkaniżmi tal-Ajru Uniku Ewropew u tintegra l-appoċċ taċ-ċiklu tal-ħajja fil-politika tat-trasport tal-ajru tagħha.

Rakkomandazzjoni 8 – Tisħiħ tal-obbligu ta' rendikont tas-SESAR JU

Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni.

Il-Kummissjoni se tkompli timpenja ruħha mas-SESAR JU biex tirrinforza l-obbligu ta' rendikont tagħha, li jiddependi ħafna fuq l-impenn tal-membri tagħha għal viżjoni miftehma b'mod komuni u qafas effiċjenti biex jinkiseb dan.

Fid-dawl tar-riżultati tal-iżvilupp tas-SESAR u l-fażijiet tal-adozzjoni, il-viżjoni tas-SESAR (SESAR 2020), iddefinita fl-aħħar edizzjoni tal-Pjan Regolatorju tal-ATM, issa hi aktar stabbli filwaqt li tippermetti prijoritajiet ta' allinjament aħjar, investimenti u enfasi li titqiegħed fuq il-finanzjament tal-UE. Il-membri kollha tas-SESAR JU impenjaw ruħhom għal din il-viżjoni. Huwa essenzjali li l-viżjoni tiġi tradotta fi programmi ta' ħidma annwali u pluriennali vinkolanti li jiddefinixxu l-objettivi u l-istadji importanti għall-ħidma tas-SESAR JU.

Rakkomandazzjoni 9 – Prijoritizzazzjoni tal-appoġġ mill-UE għal soluzzjonijiet ta' riċerka u żvilupp li jippromwovu d-deframmentazzjoni u ambjent kompetittiv

Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni.

Il-Kummissjoni tappoġġa l-ħtieġa li ttejjeb l-isforzi biex tipprijoritizza soluzzjonijiet tal-R&Ż tal-ATM li jippromwovu d-deframmentazzjoni, l-interoperabbiltà, il-kondiviżjoni tal-infrastruttura u jrawmu l-kondizzjonijiet għal ambjent kompetittiv. Il-proċessi attwali għall-għoti ta' finanzjament tal-UE diġà jipprevedu l-valutazzjoni tar-relevanza tal-proġetti fil-kuntest taċ-ċiklu tal-innovazzjoni tas-SESAR u l-impatt tal-finanzjament tal-UE fil-kriterji tal-għoti. Il-Kummissjoni tiżgura li dawn il-kriterji jiġu vvalutati b'attenzjoni fis-sejħiet għal proposti.

L-approċċ iffokat tan-netwerk diġà jinsab fiċ-ċiklu ta' innovazzjoni tas-SESAR. B'mod partikolari, il-funzjonalitajiet essenzjali tal-ATM identifikati fil-Pjan Regolatorju tal-ATM li wrew li jikkontribwixxu għall-prestazzjoni tan-netwerk u li jeħtieġu adozzjoni sinkronizzata, jiġu diretti lejn il-qafas tal-adozzjoni permezz ta' proġetti komuni (ir-Regolament (UE) 409/2013) u adottati taħt il-koordinazzjoni tal-Maniġer responsabbli mill-adozzjoni tas-SESAR. Il-finanzjament tal-UE għall-adozzjoni tas-SESAR jiffoka fuq proġetti komuni, li huma identifikati bħala prijorità fil-Programm Pluriennali għall-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF) u fis-sejħa għal proposti relatata.

Kif indikat fit-tweġiba għar-rakkomandazzjoni 7, il-Kummissjoni se tfittex li tistabbilixxi rabtiet aktar b'saħħithom ma' mekkaniżmi oħra tal-Ajru Uniku Ewropew u tistabbilixxi strutturi stabbli fiċ-ċiklu ta' innovazzjoni tas-SESAR li jipprovduhom bl-istrumenti ġuridiċi u finanzjarji xierqa li jiffokaw fuq il-valur miżjud għall-prestazzjoni tan-netwerk.

Glossarju

Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni: Aġenzija tal-UE li għandha bħala għan primarju l-istabbiliment u monitoraġġ ta’ livell għoli u uniformi ta’ sikurezza u protezzjoni ambjentali fl-avjazzjoni ċivili fl-Ewropa.

Awtorità Superviżorja Nazzjonali (NSAs): Il-korpi nnominati biex jassumu l-kompiti ta’ superviżjoni u monitoraġġ assenjati lilhom fil-leġiżlazzjoni dwar l-Ajru Uniku Ewropew.

Blokk Funzjonali tal-Ispazju tal-Ajru: Blokk tal-ajru bbażat fuq ir-rekwiżiti operazzjonali u stabbilit irrispettivament mill-fruntieri tal-Istat, fejn il-forniment ta’ servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru u l-funzjonijiet relatati huma xprunati mill-prestazzjoni u msaħħa biex jintroduċu l-kooperazzjoni mtejba fost l-ANSPs jew, fejn jixraq, fornitur integrat.

Ċentru ta’ Kontroll tal-Erja (ACC): Unità stabbilita biex tipprovdi servizz ta’ kontroll tat-traffiku tal-ajru lil titjiriet ikkontrollati fiż-żoni ta’ kontroll taħt il-ġurisdizzjoni tagħha.

Dewmien mal-wasla fit-terminal: Indikatur ewlieni tal-prestazzjoni għall-kapaċità li jkejjel il-medja ta’ minuti tad-dewmien tal-ATFM mal-wasla għal kull titjira li hija attribwibbli lis-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru fit-terminals u fl-ajruporti u kkawżat minn restrizzjonijiet fuq l-inżul fl-ajruport tad-destinazzjoni.

Dewmien tal-ATFM en route: Indikatur ewlieni tal-prestazzjoni għall-kapaċità li jkejjel il-medja ta’ minuti tad-dewmien tal-ATFM en route għal kull titjira li hija attribwibbli lis-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru, espress bħala d-differenza bejn il-ħin stmat tat-tluq mitlub mill-operatur tal-inġenju tal-ajru fl-aħħar pjan tat-titjira ppreżentat u l-ħin tat-tluq ikkalkulat allokat mill-Maniġer tan-Netwerk.

Effiċjenza ta’ titjira orizzontali en route: Indikatur ewlieni tal-prestazzjoni ambjentali li jqabbel it-tul tal-parti en route tat-trajettorja (ippjanata jew effettiva) u l-porzjon korrispondenti tad-distanza taċ-ċirku l-kbir (distanza ortodromika), jiġifieri l-iqsar rotta. Is-suppożizzjoni sottostanti hija li meta tintuża l-iqsar rotta jiġu mminimizzati l-ħruq tal-fjuwil u l-impatt ambjentali tat-titjira jkunu minimizzati. En route tirreferi għad-distanza li l-inġenju tal-ajru jkun tar ’il barra minn ċirku ta’ 40 mil nawtiku madwar l-ajruporti.

Eurocontrol: L-Organizzazzjoni Ewropea għas-Sikurezza tan-Navigazzjoni bl-Ajru hija organizzazzjoni intergovernattiva li twaqqfet fl-1960 bl-għan li tippromwovi operazzjonijiet tat-traffiku tal-ajru li jkunu sikuri, effiċjenti u ekoloġiċi fir-reġjun Ewropew kollu.

Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa: Mill-2014 ’l hawn, il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF) tat għajnuna finanzjarja lil tliet setturi: l-enerġija, it-trasport u t-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT). F’dawn it-tliet oqsma, is-CEF tidentifika l-prijoritajiet ta’ investiment li għandhom jiġu implimentati fid-deċennju li ġej, bħall-kurituri tal-elettriku u tal-gass, l-użu tal-enerġija rinnovabbli, il-kurituri tat-trasport interkonnessi u l-mezzi ta’ trasport aktar nodfa, il-konnessjonijiet broadband b’veloċità għolja u n-netwerks diġitali.

Fornitur ta’ Servizz tan-Navigazzjoni bl-Ajru (ANSP): Kull entità pubblika jew privata li tipprovdi servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru għat-traffiku tal-ajru ġenerali.

Ġestjoni tal-Fluss ta’ Traffiku tal-Ajru (ATFM): Funzjoni stabbilita biex tiżgura fluss sikur, bl-ordni u mħaffef ta’ traffiku tal-ajru, permezz tal-użu ottimali tal-kapaċità tal-ATC, u biex tara li l-volum tat-traffiku jkun kumpatibbli mal-kapaċitajiet iddikjarati mill-fornituri xierqa ta’ servizz tan-navigazzjoni bl-ajru.

Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru (ATM): L-aggregazzjoni tas-servizzi fl-ajru u dawk ibbażati fl-art (servizzi ta’ traffiku tal-ajru, ġestjoni tal-ispazju tal-ajru u ġestjoni tal-fluss ta’ traffiku tal-ajru) rekwiżita biex ikun żgurat il-moviment sikur u effiċjenti tal-inġenji tal-ajru matul il-fażijiet kollha tal-operati.

Ħin addizzjonali fil-fażi taxi-out: Indikatur li jkejjel il-ħin addizzjonali fil-fażi taxi-out, ikkalkulat bħala d-differenza bejn il-ħin effettiv tat-taxi-out ta’ inġenju tal-ajru li jkun se jitlaq u l-ħin mingħajr restrizzjonijiet ibbażat fuq il-ħinijiet tat-taxi-out waqt perjodi ta’ traffiku baxx.

Impriża Konġunta SESAR: Sħubija pubblika-privata stabbilita biex timmaniġġa l-attivitajiet tal-fażi ta’ żvilupp tal-proġett SESAR. L-għan tal-Impriża Konġunta SESAR huwa li tiżgura l-modernizzazzjoni tas-sistema Ewropea ta’ ġestjoni tat-traffiku tal-ajru, billi tikkoordina u tikkonċentra l-isforzi rilevanti kollha ta’ riċerka u żvilupp fl-UE. Hija responsabbli għat-twettiq tal-Pjan Regolatorju Ewropew tal-ATM.

Kontroll tat-Traffiku tal-Ajru: Servizz ipprovdut għall-iskop li tkun żgurata separazzjoni sikura bejn l-inġenji tal-ajru u li jinżamm fluss bl-ordni tat-traffiku tal-ajru.

Kontrollur tat-Traffiku tal-Ajru: Persuna awtorizzata biex tipprovdi servizzi ta’ kontroll tat-traffiku tal-ajru.

Korp ta’ Analiżi tal-Prestazzjoni: Korp iddeżinjat biex jassisti lill-Kummissjoni u, meta jintalab, lill-NSAs, fl-implimentazzjoni tal-iskema ta’ prestazzjoni.

Kumitat dwar l-Ajru Uniku: Kumitat, magħmul minn rappreżentanti tal-Istati Membri, li ġie stabbilit biex jappoġġa lill-Kummissjoni Ewropea fl-implimentazzjoni tal-inizjattiva tal-Ajru Uniku Ewropew u biex joħroġ opinjonijiet dwar ir-regolamenti u d-deċiżjonijiet ta’ implimentazzjoni korrispondenti.

Maniġer tan-Netwerk (MN): Korp innominat mill-Kummissjoni Ewropea fl-2011 biex jirrinforza u jtejjeb il-prestazzjoni tan-netwerk tas-sistema Ewropea għall-ATM. Il-maniġer tan-Netwerk huwa responsabbli għall-funzjoni ċentrali tal-ATFM, kif ukoll għall-koordinazzjoni tal-użu ta’ riżorsi skarsi u għall-kontribuzzjoni fit-tfassil ta’ Netwerk ta’ Rotot Ewropej.

Moviment bl-IFR: Moviment ta’ inġenju tal-ajru (mal-wasla jew mat-tluq) imwettaq skont ir-regoli tat-titjir bl-istrumenti, kif iddefinit fl-Anness 2 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago.

Netwerks Trans-Ewropej tat-Trasport (TEN-T): Sett ippjanat ta’ netwerks tat-trasport bit-triq, ferrovjarji, bl-ajru u bl-ilma fl-Ewropa. L-iżvilupp tal-infrastruttura tat-TEN-T huwa marbut mill-qrib mal-implimentazzjoni u t-titjib ulterjuri tal-politika tat-trasport tal-UE.

Orizzont 2020: Strument tal-UE biex jiffinanzja, matul il-perjodu mill-2014 sal-2020, il-programm ta’ riċerka u innovazzjoni Unjoni ta’ Innovazzjoni, inizjattiva emblematika ta’ Ewropa 2020 li għandha l-għan li tassigura l-kompetittività globali tal-Ewropa.

Pjan Regolatorju Ewropew tal-ATM: Dokument li jiddeskrivi fil-qosor il-bidliet operazzjonali essenzjali li huma meħtieġa biex jintlaħqu l-objettivi ta’ prestazzjoni tal-Ajru Uniku Ewropew. Huwa l-bażi maqbula għat-twaqqif f’waqtu, ikkoordinat u sinkronizzat tal-funzjonalitajiet ġodda tal-ATM tal-Impriża Konġunta SESAR.

Proġett Komuni Pilota: l-ewwel proġett komuni, b’mandat mil-leġiżlazzjoni tal-UE, li jidentifika l-ewwel sett ta’ funzjonalitajiet tal-ATM li għandhom jitħaddmu f’waqthom u b’mod ikkoordinat u sinkronizzat, sabiex jinkisbu l-bidliet operazzjonali essenzjali li jirriżultaw mill-Pjan Regolatorju Ewropew tal-ATM.

Reġjun ta’ Informazzjoni għal Titjir: Spazju tal-ajru b’dimensjonijiet iddefiniti li fihom ikunu pprovduti servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru.

Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku bl-Ajru tal-Ajru Uniku Ewropew (SESAR): Proġett li għandu l-għan li jtejjeb il-prestazzjoni tal-ATM billi jimmodernizza u jarmonizza s-sistemi tal-ATM permezz tad-definizzjoni, l-iżvilupp, il-validazzjoni u t-twaqqif ta’ soluzzjonijiet tekonoloġiċi u operazzjonali tal-ATM li jkunu innovattivi.

Servizzi en route: Dawn huma servizzi eliġibbli relatati mal-forniment ta’ servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru en route u għalhekk jeskludu s-servizzi fit-terminals.

Servizzi fit-terminals: Servizzi eliġibbli relatati: (i) mas-servizzi ta’ kontroll fl-ajrudrom, mas-servizzi ta’ informazzjoni għal titjir fl-ajrudrom, inklużi s-servizzi ta’ avviżi għal traffiku tal-ajru u s-servizzi ta’ allarm; (ii) mas-servizzi ta’ traffiku tal-ajru relatati mal-avviċinament u t-tluq ta’ inġenju tal-ajru fi ħdan ċerta distanza minn ajruport, abbażi tar-rekwiżiti operazzjonali; u (iii) mal-allokazzjoni xierqa tal-komponenti l-oħra kollha tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru, li tirrifletti distribuzzjoni proporzjonata bejn is-servizzi en route u dawk fit-terminals.

Servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru: Dawn jinkludu: servizzi ta’ traffiku tal-ajru (prinċipalment il-kontroll tat-traffiku tal-ajru); servizzi tal-komunikazzjoni, tan-navigazzjoni u tas-sorveljanza (CNS); servizzi meteoroloġiċi (MET); u servizzi tal-informazzjoni ajrunawtika (AIS).

Skemi ta’ Prestazzjoni u ta’ Imposti: L-iskema ta’ prestazzjoni tissettja miri għall-ANSPs fl-oqsma ta’ prestazzjoni ewlenin tas-sikurezza, l-ambjent, il-kapaċità tal-ispazju tal-ajru u l-kosteffiċjenza. L-iskema ta’ imposti tipprovdi r-regoli għall-kalkolu tar-rati għal kull unità li jistgħu jiġu ddebitati lill-utenti tal-ispazju tal-ajru għall-forniment ta’ servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru.

Spazju tal-Ajru b’Rotot Liberi: Dan huwa spazju tal-ajru speċifikat li fih l-utenti jistgħu jippjanaw rotta liberament bejn punt tad-dħul definit u punt tal-ħruġ definit, mingħajr referenza għan-netwerk tar-rotot tas-servizzi ta’ traffiku tal-ajru, suġġett għad-disponibbiltà. Fi ħdan spazju tal-ajru bħal dan, it-titjiriet jibqgħu soġġetti għall-kontroll tat-traffiku tal-ajru.

Spiża Ddeterminata għal kull Unità: Ir-riżultat meta l-ispejjeż predeterminati relatati mas-servizzi, il-faċilitajiet u l-attivitajiet eliġibbli li jridu jiġġarrbu għall-forniment ta’ servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru jiġu diviżi bit-traffiku mbassar għall-istess perjodu, espress bħala unitajiet tas-servizzi. Dawn jiġu kkalkulati għal kull żona tal-imposti en route jew fit-terminals u jiġu inklużi fil-pjanijiet ta’ prestazzjoni.

Uffiċċju Ċentrali tal-Imposti tar-Rotot: Unità tal-Eurocontrol inkarigata bit-trattament tal-fatturar u l-ġbir tal-imposti tal-avjazzjoni en route mill-utenti tal-ispazju tal-ajru, kif ukoll bir-ridistribuzzjoni tagħhom lill-Istati.

Unitajiet tas-Servizzi: Din hija l-unità li tintuża għall-kalkolu tal-imposti li għandhom jitħallsu mill-utenti tal-ispazju tal-ajru. L-unitajiet tas-servizzi en route huma kkalkulati bħala l-prodott tal-fattur tad-distanza u l-fattur tal-piż tal-inġenju tal-ajru kkonċernat. L-unitajiet tas-servizzi fit-terminals huma ugwali għall-fattur tal-piż tal-inġenju tal-ajru kkonċernat.

Utenti tal-ispazju tal-ajru: Operaturi ta’ inġenji tal-ajru ċivili (linji tal-ajru kummerċjali u avjazzjoni ġenerali) jew militari.

Żona tal-imposti en route: Volum ta’ spazju tal-ajru li għalih jiġu stabbiliti bażi unika tal-ispejjeż u rata unika għal kull unità.

Żona tal-imposti fit-terminal: Ajruport jew grupp ta’ ajruporti li għalihom jiġu stabbiliti bażi unika tal-ispejjeż u rata unika għal kull unità.

Abbrevjazzjonijiet

ACC: Ċentru ta’ Kontroll tal-Erja

ANSP: Fornitur ta’ Servizz tan-Navigazzjoni bl-Ajru

ATC: Kontroll tat-Traffiku tal-Ajru

ATCO: Kontrollur tat-Traffiku tal-Ajru

ATFM: Ġestjoni tal-Fluss ta’ Traffiku tal-Ajru

ATM: Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru

CBA: Analiżi tal-Ispejjeż imqabbla mal-Benefiċċji

CNS: Servizzi tal-Komunikazzjoni, tan-Navigazzjoni u tas-Sorveljanza

CRCO: Uffiċċju Ċentrali tal-Imposti tar-Rotot

DĠ MOVE: Direttorat Ġenerali għall-Mobbiltà u t-Trasport

DUC: Spiża Ddeterminata għal kull Unità

EASA: Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni

EUIR: Reġjun Ewropew ta’ Informazzjoni għal Titjir Aktar ’il Fuq (EUIR)

FAB: Blokk Funzjonali tal-Ispazju tal-Ajru

ICAO: Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali

IFR: Regoli tat-Titjir bl-Istrumenti

Impriża Konġunta SESAR: Impriża Konġunta SESAR

KPI: Indikatur Ewlieni tal-Prestazzjoni

NSA: Awtorità Superviżorja Nazzjonali

R&Ż: Riċerka u Żvilupp

SES: Ajru Uniku Ewropew

SESAR: Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku bl-Ajru tal-Ajru Uniku Ewropew

SSC: Kumitat dwar l-Ajru Uniku

TEN-T: Netwerks Trans-Ewropej tat-Trasport

Noti finali

1 Sors: L-Eurostat, “Air Transport Statistics” (Statistika dwar it-Trasport bl-Ajru) u “Seven-Year Forecast (ESRA08)” (Tbassir fuq Seba’ Snin (ESRA08)) tal-Eurocontrol.

2 Dikjarazzjoni ta’ ċaħda ta’ responsabbiltà mill-Eurocontrol: L-użu ta’ din il-mappa huwa għar-riskju u r-responsabbiltà tal-utent waħdu.

3 Kalkolu tal-QEA, ibbażat fuq rapporti mis-CRCO tal-Eurocontrol u mill-Korp ta’ Analiżi tal-Prestazzjoni, li jinkludi kemm l-imposti en route kif ukoll dawk fit-terminals.

4 L-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2004 li jippreskrivi l-qafas għall-ħolqien tal-Ajru Uniku Ewropew (ĠU L 96, 31.3.2004, p. 1) kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1070/2009.

5 It-28 Stat Membru kollha tal-UE, l-Albanija, l-Armenja, il-Bożnija-Ħerzegovina, l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Georgia, il-Kosovo, il-Moldova, il-Montenegro, in-Norveġja, is-Serbja, l-Iżvizzera, l-Ukrajna u t-Turkija.

6 “Towards a Single System for Air Traffic Control in Europe” (Lejn Sistema Unika ta’ Kontroll tat-Traffiku tal-Ajru fl-Ewropa), Rapport Finali tal-Konsulent lill-Assoċjazzjoni tal-Linji tal-Ajru Ewropej, Settembru 1989.

7 Laqgħat tal-“MATSE” (il-Ministri tat-Trasport tal-ECAC dwar is-Sistema tat-Traffiku tal-Ajru fl-Ewropa) fl-1988 u fl-1990.

8 Dokumenti ewlenin li jappoġġaw id-dijanjożi tal-Kummissjoni jinkludu l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar Problemi fil-Kapaċità tas-Sistema tat-Traffiku tal-Ajru, COM(88) 577 final, Jannar 1989; il-White Paper ippreżentata mill-Kummissjoni “ATM - Freeing Europe’s Airspace” (Il-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru - Nilliberaw l-Ispazju tal-Ajru tal-Ewropa), 1996; COM(1999) 614 final/2 tas-6.12.1999 “The creation of a Single European Sky” (Il-ħolqien ta’ Ajru Uniku Ewropew); ir-Rapport tal-Grupp ta’ Livell Għoli (kompost minn rappreżentanti għolja tal-awtoritajiet tat-traffiku tal-ajru ċivili u militari mill-Istati Membri, iżda li kien jinkludi wkoll kontributi minn utenti tal-ispazju tal-ajru, ANSPs, manifatturi u rappreżentanti tal-persunal), Novembru 2000; u COM(2001) 123 final “An action programme on the creation of a Single European Sky” (Programm ta’ azzjoni dwar il-ħolqien ta’ Ajru Uniku Ewropew).

9 Ir-Regolamenti (KE) Nru 549/2004, Nru 550/2004, Nru 551/2004 u Nru 552/2004 mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, kif emendati sussegwentement.

10 L-Amministrazzjoni Federali tal-Avjazzjoni responsabbli għall-forniment tal-ATM u żewġ istituzzjonijiet tal-awditjar b’xogħol rilevanti f’dan il-qasam: l-Uffiċċju tal-Obbligu ta’ Rendikont tal-Gvern u l-Uffiċċju tal-Ispettur Ġenerali tad-Dipartiment tat-Trasport.

11 Inizjalment imħabbra mill-Kummissarju Jacques Barrot fl-2005, dawn l-għanijiet ta’ livell għoli aktar tard ġew inklużi bħala parti mill-Pjan Regolatorju Ewropew tal-ATM, li ġie approvat mill-Kunsill fl-2009.

12 Ir-Rapport Annwali tal-Attività 2013 tad-DĠ MOVE.

13 Bejn is-sena 2000 u l-2016, it-traffiku kiber biss b’rata medja ta’ 1 %, ferm inqas mit-tbassir inkluż fid-dokumenti ta’ tħejjija tal-SES (5-7 %). Barra minn hekk, il-linji tal-ajru kienu qed jużaw inġenji tal-ajru b’aktar sits u/jew joperawhom b’fatturi ta’ tagħbija ogħla. Minħabba f’hekk, it-tkabbir mistenni fl-ivvjaġġar bl-ajru, imkejjel f’passiġġieri, ma ġiex ikkonkretizzat f’żieda proporzjonali fit-traffiku tal-ajru.

14 Il-miri għall-UE kollha ġew adottati f’deċiżjonijiet speċifiċi: Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/121/UE tal-21 ta’ Frar 2011 li tistabbilixxi l-miri ta’ prestazzjoni u l-limiti ta’ twissija għall-Unjoni Ewropea kollha għall-forniment tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru mill-2012 sal-2014 (ĠU L 48, 23.2.2011, p. 16) fir-rigward tal-RP1, u d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/132/UE tal-11 ta’ Marzu 2014 li tistabbilixxi miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha għan-netwerk tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru u l-livelli limiti ta’ twissija għat-tieni perjodu ta’ referenza mill-2015 sal-2019 (ĠU L 71, 12.3.2014, p. 20) fir-rigward tal-RP2.

15 Ir-rati għal kull unità ġew ikkalkulati bħala medja pponderata tar-rati en route ippubblikati fiż-żoni tal-imposti kollha tas-SES, u huma ppreżentati bi prezzijiet kostanti (bażi 2004=100).

16 Il-Maniġer tan-Netwerk: ir-Rapport Annwali 2016 dwar l-Operazzjonijiet tan-Netwerk.

17 Skont il-mekkaniżmu ta’ kondiviżjoni tar-riskju tat-traffiku, tal-iskema ta’ imposti, l-ANPSs huma intitolati li jirkupraw mingħand l-utenti tal-ispazju tal-ajru parti mid-dħul ippjanat li ma nġabarx minħabba li l-volum mistenni tat-traffiku ma ntlaħaqx. Dan inkiseb permezz ta’ aġġustament tar-rata għal kull unità tas-snin sussegwenti. Aktar dettalji dwar il-funzjonament tal-iskema ta’ imposti huma ppreżentati fl-Anness III.

18 F’kuntest ta’ rati baxxi tal-imgħax, dawn l-iskemi ta’ pensjoni b’benefiċċji stabbiliti kienu jeħtieġu kontribuzzjonijiet annwali addizzjonali mill-ANSPs biex jiġi żgurat li l-impjegati koperti jiksbu l-benefiċċji tal-pensjoni maqbula.

19 Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 691/2010 tad-29 ta’ Lulju 2010 li jistabbilixxi skema ta’ prestazzjoni għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru u għall-funzjonijiet tan-netwerk (ĠU L 201, 3.8.2010, p. 1), aktar tard imħassar bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 390/2013.

20 Il-Premessa 8 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/121/UE.

21 Effiċjenza ta’ titjira orizzontali en route.

22 Skont is-Sommarju 2016 tal-Uffiċċju Ċentrali tal-Eurocontrol għall-Analiżi tad-Dewmien (CODA), id-dewmien ġenerali esperjenzat għal kull titjira bl-IFR kien ta’ 11.3 minuti, li minnhom 6.2 minuti setgħu jiġu traċċati għall-kawżi primarji tagħhom (51 % mill-linji tal-ajru, 28 % mill-ATFM, 7 % mill-ajruport u 14 % minn kawżi oħra). Il-5.1 minuti li jifdal huma kklassifikati bħala reazzjonarji, iġġenerati bħala riżultat tal-wasla tardiva ta’ inġenju tal-ajru minn titjira preċedenti, li min-naħa tagħha taffettwa l-puntwalità tat-titjira li jmiss bl-istess inġenju tal-ajru, kif ukoll potenzjalment tittardja l-konnessjoni tal-passiġġieri.

23 Il-kunċett ta’ Blokk Funzjonali tal-Ispazju tal-Ajru huwa deskritt fil-paragrafi 38-49.

24 L-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

25 Fil-każ tal-FAB BlueMed, il-miri tal-kapaċità kienu għadhom ma ġewx adottati fi żmien l-awditu.

26 L-Artikolu 20 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 390/2013 tat-3 ta’ Mejju 2013 li jistabbilixxi skema ta’ prestazzjoni għas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru u għall-funzjonijiet tan-netwerk (ĠU L 128, 9.5.2013, p. 1).

27 L-Artikolu 20 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 391/2013 tat-3 ta’ Mejju 2013 li jistabbilixxi skema komuni ta’ imposti għas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru (ĠU L 128, 9.5.2013, p. 31).

28 L-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 549/2004.

29 L-Artikolu 17.1(c) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 391/2013.

30 Fil-kuntest tal-iskema ta’ imposti, dan jinkludi l-ispiża tal-kapital meħtieġa sabiex jiġu ffinanzjati investimenti fuq assi ġodda meqjusa bħala meħtieġa għall-forniment tas-servizz, kif ukoll id-deprezzament sussegwenti tagħhom.

31 Ir-Rapporti Annwali ta’ Monitoraġġ 2014 u 2015 tal-Korp ta’ Analiżi tal-Prestazzjoni.

32 COM(2001) 564 final.

33 L-Artikolu 2.25 tar-Regolament (KE) Nru 549/2004 (ir-“Regolament qafas”).

34 L-Artikoli 3 u 5 tar-Regolament (KE) Nru 551/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2004 dwar l-organizzazzjoni u l-użu tal-ispazju tal-arja fl-ajru uniku Ewropew (ir-“Regolament tal-ispazju tal-arja”) (ĠU L 96, 31.3.2004, p. 20).

35 L-Artikolu 8.4 tar-Regolament (KE) Nru 550/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2004 dwar il-forniment ta’ servizzi ta’ navigazzjoni tal-ajru fl-ajru uniku Ewropew (ir-“Regolament tal-forniment ta’ servizz”) (ĠU L 96, 31.3.2004, p. 10).

36 L-Artikolu 2.25 tar-Regolament (KE) Nru 549/2004, kif emendat fl-2009.

37 L-Artikolu 9a tar-Regolament (KE) Nru 550/2004.

38 Integra, “Study on Functional Airspace Blocks – Final Report” (Studju dwar il-Blokok Funzjonali tal-Ispazju tal-Ajru – Rapport Finali), 2017.

39 Il-Proġett Komuni Pilota huwa l-ewwel proġett komuni b’mandat mil-leġiżlazzjoni tal-UE. Dan jidentifika l-ewwel sett ta’ funzjonalitajiet tal-ATM li jridu jitħaddmu f’waqthom, kif ukoll b’mod ikkoordinat u sinkronizzat sabiex jinkisbu l-bidliet operazzjonali essenzjali li jirriżultaw mill-Pjan Regolatorju Ewropew tal-ATM.

40 Il-Eurocontrol, “U.S. - Europe continental comparison of ANS cost-efficiency trends (2006-2014)” (Tqabbil kontinentali bejn l-Istati Uniti u l-Ewropa rigward ix-xejriet ta’ kosteffiċjenza tal-ANS (2006-2014)).

41 F’din it-tabella, il-produttività hija kkalkulata abbażi tas-sigħat totali ta’ titjir bl-IFR ikkontrollati fl-2014, f’kull reġjun, diviżi bl-għadd totali ta’ kontrolluri tat-traffiku tal-ajru fuq dmir operazzjonali li kienu responsabbli biex jikkontrollaw dawk it-titjiriet.

42 Il-produttività tal-Kontrollur tat-Traffiku tal-Ajru (ATCO), imkejla bħala s-Sigħat totali ta’ titjir ikkontrollati għal kull ATCO-siegħa waqt ix-xogħol, aggregati skont l-ACC, miksuba mill-Eurocontrol, ir-rapport ta’ valutazzjoni komparattiva ACE 2014.

43 Il-Kummissjoni tal-Eurocontrol għall-Analiżi tal-Prestazzjoni, L-impatt tal-frammentazzjoni fl-ATM/fis-CNS Ewropej, April 2004, studju kkummissjonat lil konsulent.

44 F’rapport preċedenti relatat mal-infrastrutturi tal-ajruporti (ir-Rapport Speċjali Nru 21/2014 tal-QEA “Infrastrutturi tal-ajruporti ffinanzjati mill-UE: valur baxx għall-flus”), il-Qorti osservat, b’mod simili, li xi investimenti kienu saru abbażi ta’ tbassir tat-traffiku ottimist iżżejjed.

45 COM(2005) 602 final.

46 Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 219/2007 (ĠU L 64, 2.3.2007, p. 1).

47 Il-Eurocontrol għażel il-konsorzju permezz ta’ sejħa għall-offerti u għamel kontribut in natura għall-fażi ta’ definizzjoni tas-SESAR.

48 Analiżi tas-sitwazzjoni eżistenti (D1), il-mira tal-prestazzjoni (D2), il-kunċett fil-mira tal-ATM (D3), is-sekwenza ta’ twaqqif (D4), il-Pjan Regolatorju tal-ATM (D5) u programm ta’ ħidma 2008-2013 (D6).

49 Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 219/2007.

50 L-Artikolu 1.5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 219/2007.

51 Jiġifieri Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament dwar il-Pjan Komprensiv għall-ATM (KUMM(2008) 750 finali) u r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar l-approvazzjoni tal-Pjan Regolatorju Ewropew għall-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru, minn Marzu 2009.

52 Il-pakkett ta’ ħidma C kien iddedikat għall-manutenzjoni tal-Pjan Regolatorju u ġie allokat bejn wieħed u ieħor EUR 51.4 miljun.

53 L-edizzjoni 2012 tal-Pjan Regolatorju tal-ATM, p. 14.

54 L-Uffiċċju tal-Ispettur Ġenerali tad-Dipartiment tat-Trasport, “Total Costs, Schedules, and Benefits of Federal Aviation Administration’s NextGen Transformational Programs remain uncertain” (L-Ispejjeż Totali, l-Iskedi u l-Benefiċċji tal-Programmi Trasformattivi NextGen tal-Amministrazzjoni Federali tal-Avjazzjoni), Novembru 2016.

55 Skont stimi mill-Impriża Konġunta SESAR, madwar 55 % tal-investiment totali meħtieġ sabiex jinkiseb il-kunċett fil-mira huwa mistenni li jiġi mill-ANSPs, jiġifieri madwar EUR 10-15-il biljun.

56 Minbarra “Linja bażi ta’ Twaqqif” li tikkonsisti f’bidliet operazzjonali li ġew ivvalidati b’suċċess wara li ntlaħaq tmiem il-fażi ta’ riċerka u żvilupp tagħhom, l-edizzjoni 2012 tal-Pjan Regolatorju Ewropew tal-ATM tiddefinixxi wkoll: Pass 1 (Operazzjonijiet ibbażati fuq il-ħin); Pass 2 (Operazzjonijiet ibbażati fuq it-trajettorja); u Pass 3 (Operazzjonijiet ibbażati fuq il-prestazzjoni). L-għanijiet ta’ prestazzjoni f’din l-edizzjoni ġew ikkalkulati biss għal-linja bażi u għall-pass 1.

57 Id-dokument ta’ ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, SWD(2013) 262.

58 F’Ġunju 2016, l-Impriża Konġunta SESAR ħarġet “Katalgu tas-Soluzzjonijiet tas-SESAR” li jelenka 63 soluzzjoni, xi wħud lesti għall-industrijalizzazzjoni u oħrajn li jeħtieġu aktar riċerka.

59 Il-Metodoloġija Ewropea ta’ Validazzjoni tal-Kunċetti Operattivi tinkludi 8 livelli ta’ maturità applikabbli għaċ-ċiklu tal-ħajja ta’ kunċett operazzjonali tal-ATM, kif ġej: V0 (Ħtiġijiet tal-ATM), V1 (Ambitu), V2 (Fattibbiltà), V3 (Żvilupp u integrazzjoni preindustrijali), V4 (Industrijalizzazzjoni), V5 (Twaqqif), V6 (Operazzjonijiet) u V7 (Dekummissjonar). Il-ħidma tal-Impriża Konġunta SESAR hija relatata mal-livelli V1 sa V3, jiġifieri li twassal il-kunċetti għal stat fejn ikunu lesti għall-industrijalizzazzjoni.

60 Mill-1998 ’l hawn, il-Kummissjoni tal-Eurocontrol għall-Analiżi tal-Prestazzjoni tipprovdi konsulenza indipendenti lill-korpi ta’ governanza tal-Eurocontrol billi tuża indikaturi tal-prestazzjoni u tippubblika rapporti ta’ analiżi tal-prestazzjoni.

Avveniment Data
Adozzjoni tal-APM / Bidu tal-awditu 11.5.2016
L-abbozz tar-rapport jintbagħat uffiċjalment lill-Kummissjoni (jew lil parti awditjata oħra) 24.7.2017
Adozzjoni tar-rapport finali wara l-proċedura kontradittorja 11.10.2017
Ir-risposti uffiċjali tal-Kummissjoni (jew ta’ parti awditjata oħra) riċevuti bil-lingwi kollha 23.11.2017

Tim tal-awditjar

Ir-rapporti speċjali tal-QEA jippreżentaw ir-riżultati tal-awditi tagħha f’dak li jirrigwarda l-politiki u l-programmi tal-UE jew suġġetti ta' ġestjoni relatati ma’ oqsma baġitarji speċifiċi. Il-QEA tagħżel u tfassal dawn il-kompiti tal-awditjar biex timmassimizza l-impatt tagħhom billi tqis ir-riskji għall-prestazzjoni jew għall-konformità, il-livell ta' introjtu jew ta' nfiq involut, l-iżviluppi li jkunu għad iridu jseħħu u l-interess politiku u pubbliku.

Dan l-awditu tal-prestazzjoni twettaq mill-Awla II tal-Awditjar – immexxija minn Iliana Ivanova, Membru tal-QEA – li tispeċjalizza fl-oqsma ta' nfiq ta' investiment għall-koeżjoni, it-tkabbir u l-inklużjoni. L-awditu tmexxa minn George Pufan, Membru tal-QEA, b'appoġġ minn Patrick Weldon, Kap tal-kabinett u Mircea Radulescu, Attaché; Pietro Puricella, Maniġer prinċipali; Afonso Malheiro, Kap tal-kompitu; Luis de la Fuente Layos, Erki Must, Maria Dominguez, Annekatrin Langer u Judit Oroszki, awdituri.

Mix-xellug għal-lemin: Luis de la Fuente Layos, Annekatrin Langer, Afonso Malheiro, Erki Must, Maria Dominguez, George Pufan, Pietro Puricella, Mircea Radulescu, Patrick Weldon.

Kuntatt

IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI
12, rue Alcide De Gasperi
1615 Luxembourg
LUXEMBOURG

Tel. +352 4398-1
Mistoqsijiet: eca.europa.eu/mt/Pages/ContactForm.aspx
Sit web: eca.europa.eu
Twitter: @EUAuditors

Ħafna informazzjoni addizzjonali dwar l-Unjoni Ewropea hija disponibbli fuq l-Internet.
Jista’ jsir aċċess għaliha permezz tas-server Europa (http://europa.eu).

Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2017

PDFISBN 978-92-872-8579-9ISSN 1977-5741doi:10.2865/143615QJ-AB-17-019-MT-N
HTMLISBN 978-92-872-8580-5ISSN 1977-5741doi:10.2865/949774QJ-AB-17-019-MT-Q

© L-Unjoni Ewropea, 2017

Għal kull użu jew riproduzzjoni ta’ ritratti jew materjal ieħor li ma jaqax taħt id-drittijiet tal-awtur tal-Unjoni Ewropea, irid jintalab il-permess direttament mingħand id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur.

KIF TIKKUNTATTJA LILL-UE

Personalment
Madwar l-Unjoni Ewropea kollha hemm mijiet ta’ ċentri ta’ informazzjoni tal-Europe Direct. Tista’ ssib l-indirizz tal-eqreb ċentru għalik f’dan is-sit: http://europa.eu/contact

Bit-telefown jew bil-posta elettronika
Europe Direct huwa servizz li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar l-Unjoni Ewropea. Tista’ tikkuntattja dan is-servizz:

  • bit-telefown bla ħlas: 00 800 6 7 8 9 10 11 (ċerti operaturi jafu jimponu ħlas għal dawn it-telefonati),
  • fuq dan in-numru standard: +32 22999696, jew
  • bil-posta elettronika permezz: http://europa.eu/contact

KIF ISSIB TAGĦRIF DWAR L-UE

Onlajn
L-informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE hija disponibbli fuq is-sit web Europa fuq: http://europa.eu

Pubblikazzjonijiet tal-UE
Tista’ tniżżel mill-internet jew tordna l-pubblikazzjonijiet tal-UE, li xi wħud minnhom huma bla ħlas u xi oħrajn bil-ħlas, mill-EU Bookshop fl-indirizz li ġej: http://op.europa.eu/eubookshop. Kopji multipli ta’ pubblikazzjonijiet bla ħlas tista’ tiksibhom billi tikkuntattja lil Europe Direct jew liċ-ċentru tal-informazzjoni lokali tiegħek (ara http://europa.eu/contact).

Il-liġi tal-UE u dokumenti relatati
Għal aċċess għall-informazzjoni legali tal-UE, inkluż il-liġijiet kollha tal-UE mill-1951 ’l hawn, fil-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali kollha, żur is-sit EUR-Lex hawnhekk: http://eur-lex.europa.eu

Dejta Miftuħa mill-UE
Il-portal tad-Dejta Miftuħa mill-UE (http://data.europa.eu/euodp) jipprovdi aċċess għal settijiet tad-dejta mill-UE. Id-dejta tista’ titniżżel mill-internet u tintuża mill-ġdid bla ħlas, kemm għal skopijiet kummerċjali kif ukoll mhux kummerċjali.