Rapport Speċjali
Nru11 2018

Opzjonijiet ġodda għall-finanzjament ta' proġetti tal-iżvilupp rurali: Aktar sempliċi iżda mhux iffukati fuq ir-riżultati

Dwar ir-rapport L-użu ta’ opzjonijiet ta’ spejjeż simplifikati (SCOs) jista’ jirriżulta f’simplifikazzjoni u jista’ jnaqqas il-piż amministrattiv, kemm għall-benefiċjarji kif ukoll għall-awtoritajiet tal-Istati Membri. Madankollu, dawn l-opzjonijiet jikkostitwixxu biss parti żgħira tal-infiq fuq l-iżvilupp rurali matul il-perjodu 2014-2020. Billi jibbażaw il-pagamenti fuq l-output, l-SCOs ineħħu l-fokus minn fuq il-fatturi iżda ma jżidux il-fokus fuq ir-riżultati. Aħna sibna li l-SCOs jistgħu jippermettu li jinżamm kontroll fuq l-ispejjeż tal-proġetti tal-iżvilupp rurali, iżda dan iseħħ biss jekk jiġu ssettjati fil-livell korrett u jkunu bbażati fuq metodoloġija ġusta, ekwa u verifikabbli.

Din il-pubblikazzjoni hija disponibbli bi 23 lingwa fil-format li ġej:
PDF
PDF General Report

Sommarju eżekuttiv

I

Opzjonijiet ta’ Spejjeż Simplifikati (SCOs) huma metodu ġdid ta’ rimborż għal ċerti miżuri ta’ żvilupp rurali. Qabel l-2014, il-proġetti taħt dawn il-miżuri kienu jiġu rimborżati fuq il-bażi tal-ispejjeż imġarrba.

II

L-għoti ta’ appoġġ fuq il-bażi ta’ rimborż tal-ispejjeż imġarrba huwa diffikultuż u suxxettibbli għal żbalji. B’riżultat ta’ dan, kien hemm interess qawwi li jitqiesu metodi aktar sempliċi għall-kalkolu tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-UE għal proġetti u attivitajiet. Issa (fil-perjodu 2014-2020), l-Istati Membri jistgħu jagħżlu minn tliet metodi ġodda (magħrufa bħala SCOs) biex jistabbilixxu l-appoġġ pagabbli:

  • skali standard ta' spejjeż għal kull unità;
  • somom f'daqqa; u
  • finanzjament b'rata fissa.
III

Dan ir-rapport jippreżenta s-sejbiet tal-awditu li wettaqna tal-SCOs fl-iżvilupp rurali. L-objettiv prinċipali tagħna kien li nivvalutaw jekk l-SCOs jikkontribwux għas-simplifikazzjoni filwaqt li jiżguraw konformità mal-prinċipju tal-ekonomija u jipproduċu riżultati aħjar. Aħna eżaminajna jekk l-SCOs:

  • jissimplifikawx l-amministrazzjoni;
  • jiżgurawx konformità mal-prinċipju tal-ekonomija; u
  • jintużawx b’mod mifrux kif ukoll iżidux il-fokus fuq l-objettivi ta’ politika.
IV

B’mod ġenerali, aħna nikkonkludu li l-użu tal-SCOs jista’ jirriżulta f’simplifikazzjoni u jista’ jnaqqas il-piż amministrattiv, kemm għall-benefiċjarji kif ukoll għall-awtoritajiet tal-Istati Membri. Billi jibbażaw il-pagamenti fuq l-output, l-SCOs ineħħu l-fokus minn fuq il-fatturi iżda ma jżidux il-fokus fuq ir-riżultati.

V

Aħna sibna li l-SCOs jistgħu jippermettu li jinżamm kontroll fuq l-ispejjeż tal-proġetti tal-iżvilupp rurali, iżda dan iseħħ biss jekk jiġu ssettjati fil-livell korrett u jkunu bbażati fuq metodoloġija ġusta, ekwa u verifikabbli. Madankollu, billi r-rwol tal-Korpi taċ-Ċertifikazzjoni fl-awditjar tal-SCOs mhuwiex speċifikat, dan joħloq riskju li jkun irid jiġi indirizzat.

VI

Aħna osservajna wkoll li l-SCOs il-ġodda għadhom jikkonċernaw biss parti marġinali mill-infiq għall-iżvilupp rurali. Ir-raġunijiet prinċipali għal dan hija n-natura diversa tal-proġetti tal-iżvilupp rurali u l-investiment meħtieġ għall-iżvilupp ta’ metodoloġiji.

VII

Ibbażat fuq dawn is-sejbiet, aħna nagħmlu r-rakkomandazzjonijiet li ġejjin:

  • Jenħtieġ li l-Kummissjoni taġġorna l-gwida tagħha dwar l-SCOs biex tkopri l-prinċipji ewlenin għall-iżvilupp tal-metodoloġiji.
  • Jenħtieġ li l-Kummissjoni tikkjarifika min għandu r-responsabbiltà li jivverifika l-metodoloġija u l-kalkoli għall-SCOs.
  • Biex jiġi ffaċilitat l-użu xieraq tal-SCOs, jenħtieġ li l-Kummissjoni tesplora l-possibbiltajiet għall-iżvilupp ta’ aktar SCOs standard fakultattivi u taġġorna d-definizzjonijiet tagħha tal-kontrolli ewlenin u ta’ dawk anċillari biex ikunu jirriflettu l-użu tal-SCOs.
  • Jenħtieġ li l-Kummissjoni teżamina l-potenzjal li r-rimborż ma jibqax wieħed ibbażat fuq l-ispejjeż imġarrba iżda jkun ibbażat fuq ir-riżultati, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-esperjenza li nkisbet sa issa.

Introduzzjoni

Il-politika ta' żvilupp rurali tal-UE

01

L-għan tal-politika ta' żvilupp rurali tal-UE huwa li tgħin liż-żoni rurali fl-UE biex jindirizzaw firxa wiesgħa ta’ sfidi ekonomiċi, ambjentali u soċjali. Kull sena, l-UE tonfoq madwar EUR 14-il biljun fuq din il-politika permezz tal-baġit tal-Unjoni Ewropea (UE). L-infiq għall-iżvilupp rurali jammonta għal madwar 25 % tal-infiq taħt il-Politika Agrikola Komuni (PAK). Il-kofinanzjament mill-Istati Membri jirrappreżenta EUR 7 biljun aktar fis-sena.

02

Għal madwar nofs l-infiq fuq l-iżvilupp rurali mill-baġit tal-UE, il-pagament huwa bbażat fuq l-erjas ikkultivati jew fuq l-għadd ta’ annimali. Għall-bqija, l-appoġġ jista’ jkun fil-forma ta’ ammonti fissi jew perċentwali marbuta mal-attivitajiet imwettqa, jew mal-ispejjeż imġarrba mill-benefiċjarju. Il-Kaxxa 1 tippreżenta l-mekkaniżmi involuti.

Kaxxa 1

Kif jitħallas l-appoġġ għall-iżvilupp rurali

Għall-miżuri fejn il-pagamenti huma bbażati fuq l-erjas jew fuq l-annimali, l-appoġġ jingħata kull sena u jitħallas għal kull ettaru jew kull unità ta' bhejjem. F’konformità mal-leġiżlazzjoni rilevanti2, l-appoġġ jiġi kkalkulat fuq il-bażi tal-ispejjeż standard addizzjonali u d-dħul mitluf.

Ir-Regolament dwar l-iżvilupp rurali jintroduċi metodi ta’ pagament fiss għal ċerti miżuri3. Pereżempju, għajnuna biex jiġi stabbilit negozju għal bdiewa żgħażagħ, attivitajiet mhux agrikoli ġodda f’żoni rurali u l-iżvilupp ta' azjendi agrikoli żgħar, jitħallsu fil-forma ta’ ammonti definiti minn qabel.

Il-bqija tal-appoġġ għall-iżvilupp rurali huwa marbut ma’ miżuri ta’ investiment fl-agrikoltura u fil-forestrija, servizzi bażiċi u tiġdid ta’ rħula, u miżuri trasversali bħat-trasferiment tal-għarfien, l-innovazzjoni u l-kooperazzjoni. Il-proġetti li jiġu ffinanzjati taħt dawn il-miżuri qabel kienu normalment ikunu bbażati fuq sistema ta’ rimborż tal-ispejjeż imġarrba. Dan ifisser li fl-istadju tat-talba għall-pagament, il-benefiċjarju jippreżenta l-fatturi u l-Aġenzija tal-Pagamenti tivverifika l-eliġibbiltà tagħhom. Imbagħad, l-infiq li jkun eliġibbli jiġi mmultiplikat bir-rata tal-appoġġ applikabbli u r-riżultat ikun l-ammont li fil-fatt jitħallas lill-benefiċjarju.

03

L-għoti ta’ appoġġ fuq il-bażi ta’ rimborż tal-ispejjeż imġarrba u mħallsa huwa diffikultuż u suxxettibbli għal żbalji. Aħna sibna li l-iżbalji fl-infiq tal-UE huma kkonċentrati f’dan it-tip ta’ appoġġ4. B’riżultat ta’ dan, kien hemm interess qawwi f’li jitqiesu metodi aktar sempliċi għall-kalkolu tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-UE għal proġetti u attivitajiet. Issa (mill-2014 ’il quddiem), l-Istati Membri jistgħu jagħżlu minn tliet metodi bħal dawn5 (magħrufa bħala opzjonijiet ta’ spejjeż simplifikati – SCOs) biex jistabbilixxu l-appoġġ pagabbli:

  • skali standard ta' spejjeż għal kull unità;
  • somom f'daqqa; u
  • finanzjament b'rata fissa.
04

Fil-prattika, dan ifisser li l-ammont kollu rimborżat, jew parti minnu, ikun ibbażat fuq (pereżempju): spejjeż standard ikkalkulati skont metodu definit minn qabel, unitajiet ta’ rendiment ta’ proġett, jew perċentwali applikati għal spejjeż oħra6 (ara l-Figura 1). Jistgħu jiġu kkombinati tipi differenti ta’ SCOs.

Figura 1

It-tipi differenti ta’ SCOs

Sors: Il-QEA, ibbażat fuq il-gwida tal-Kummissjoni dwar l-SCOs.

05

L-SCOs li ġew introdotti fil-perjodu 2014-2020, huma rilevanti biss għall-miżuri fejn il-pagamenti ma jsirux fuq il-bażi ta’ erjas jew ta’ annimali u lanqas għall-miżuri li huma koperti mill-metodi ta’ pagament fiss stabbiliti fir-regolamenti (ara l-paragrafu 2). Il-Figura 2 tippreżenta l-finanzjament għall-iżvilupp rurali ppjanat għall-perjodu 2014-2020, u tindika s-sehem probabbli ta’ miżuri li għalihom ċerti spejjeż jistgħu jitħallsu fuq il-bażi ta’ SCOs. L-użu tal-SCOs għal dawn il-miżuri huwa żvilupp ġdid fil-politika ta’ żvilupp rurali iżda fondi oħrajn7 kienu diġà użawhom matul il-perjodu 2007-2013.

Figura 2

L-ambitu għall-SCOs

1Miżuri sospiżi huma pagamenti relatati ma’ proġetti li nbdew matul il-perjodu 2007-2013 għal miżuri li ma jintużawx fil-perjodu 2014-2020 (irtirar bikri ta’ bdiewa u ta’ ħaddiema f’azjendi agrikoli, issodisfar ta’ standards u taħriġ u informazzjoni).

NB: Il-figura turi ripartizzjoni approssimattiva, billi l-metodi ta’ pagament fiss huma stabbiliti għal partijiet ta’ wħud mill-miżuri, iżda l-ebda tqassim tal-ammonti bbaġitjati fil-livell tas-sottomiżura mhu disponibbli.

Sors: Il-QEA, ibbażat fuq informazzjoni finanzjarja mill-Kummissjoni (miksuba fl-20 ta’ Novembru 2017).

06

F’konformità mar-regoli applikabbli8, jenħtieġ li l-SCOs jiġu stabbiliti f’wieħed minn dawn il-modi li ġejjin9:

  • fuq il-bażi ta’ metodu ta’ kalkolu ġust, ekwu u verifikabbli;
  • stabbiliti f’konformità mar-regoli applikabbli għall-SCOs f’politiki oħrajn tal-UE għal tip simili ta’ operazzjoni u ta’ benefiċjarju;
  • stabbiliti skont l-iskemi ta’ għotja nazzjonali tal-Istat Membru inkwistjoni għal tip simili ta’ operazzjoni u ta’ benefiċjarju;
  • fuq il-bażi ta’ rati stabbiliti bir-regolamenti.
07

L-SCOs mhumiex obbligatorji – l-Istati Membri huma liberi biex jiddeċiedu jekk jużawhomx jew le.

Ambitu u approċċ tal-awditjar

08

L-awditu tagħna kopra t-tfassil u l-ewwel tliet snin (2015-2017) tal-użu tal-SCOs għall-pagament tal-appoġġ għall-iżvilupp rurali. Il-miżuri kkonċernati huma inklużi fl-Anness I.

09

L-objettiv prinċipali tagħna kien li nivvalutaw jekk l-SCOs jikkontribwux għas-simplifikazzjoni filwaqt li jiżguraw konformità mal-prinċipju ta’ ekonomija għall-baġit tal-UE, u jekk jinkisbux riżultati aħjar bl-użu tagħhom. Biex inwieġbu din il-mistoqsija prinċipali tal-awditjar, aħna eżaminajna jekk l-SCOs:

  • jissimplifikawx l-amministrazzjoni;
  • jiżgurawx konformità mal-prinċipju tal-ekonomija; u
  • jintużawx b’mod mifrux kif ukoll iżidux il-fokus fuq l-objettivi ta’ politika.
10

Biex tinkiseb stampa ġenerali dwar l-użu tal-SCOs, aħna eżaminajna l-118-il Programm tal-Iżvilupp Rurali (PŻR) u għażilna 2010 minnhom għal analiżi dokumentarja11. Aħna għażilna dawn is-sitt PŻR li ġejjin għal żjara ta’ awditjar: il-Fjandri (il-Belġju), id-Danimarka, is-Sassonja (il-Ġermanja), il-Gżejjer Kanarji (Spanja), Languedoc-Roussillon (Franza) u l-Iżvezja. Matul iż-żjarat tal-awditjar tagħna, aħna qabbilna l-proċeduri tal-Istati Membri u l-gwida għall-benefiċjarji qabel u wara l-introduzzjoni tal-SCOs. Aħna qabbilna wkoll il-fajls tal-proġetti u, f’żewġ Stati Membri12, żorna lill-benefiċjarji finali.

11

Biex jiġu mifhuma r-regoli applikabbli u r-rwol tal-Kummissjoni, aħna eżaminajna l-qafas legali, il-gwida tal-Kummissjoni għall-Istati Membri, u l-proċeduri u l-listi ta’ kontroll interni tal-Kummissjoni. Fil-Kummissjoni, aħna wettaqna intervisti, eżaminajna l-korrispondenza mal-Istati Membri, u attendejna avvenimenti fejn il-Kummissjoni pprovdiet informazzjoni dwar l-SCOs lill-Istati Membri.

L-użu ta’ opzjonijiet ta’ spejjeż simplifikati (SCOs) issimplifika l-amministrazzjoni

Dawn jagħmluha aktar faċli għall-benefiċjarji biex jippreżentaw talbiet għall-pagament…

12

Ir-riċeviment ta’ għajnuna għal proġetti tal-iżvilupp rurali huwa proċess magħmul minn żewġ stadji. L-ewwel, l-applikanti jibagħtu l-applikazzjonijiet għall-appoġġ lill-awtoritajiet rilevanti, li jivverifikaw u japprovaw proġetti fuq il-bażi ta’ kriterji ta’ eliġibbiltà u ta’ għażla. Wara l-ikkompletar tal-proġett, il-benefiċjarji jippreżentaw it-talbiet għall-pagament, li l-Aġenzija tal-Pagamenti tivverifika qabel ma tħallas. Dan il-proċess jintwera fil-Figura 3.

Figura 3

Mill-applikazzjoni għall-pagament

Sors: il-QEA.

13

Meta japplikaw għal appoġġ l-applikanti jkunu jridu jipprovdu diversi dokumenti. Fejn il-baġit tal-UE jkun se jirrimborża parti mill-ispejjeż eliġibbli, ta’ spiss ikun jeħtieġ li huma jipprovdu offerti biex juru li l-ispejjeż mistennija jkunu raġonevoli, u mbagħad jippreżentaw il-fatturi u l-provi tal-pagament flimkien mat-talbiet tagħhom għall-pagament. Għal proġett wieħed tal-perjodu 2007-2013, li aħna eżaminajna fl-Iżvezja, fejn il-benefiċjarju bena maqjel għall-baqar, iż-żewġ talbiet għall-pagament kienu jinkludu 134 fattura u prova ta’ pagament. Dan ir-rekwiżit japplika wkoll għall-ispejjeż indiretti (ara l-Kaxxa 2).

Kaxxa 2

Spejjeż indiretti

Spejjeż indiretti huma spejjeż imġarrba minn organizzazzjoni u li mhumiex direttament attribwibbli għal proġett. Eżempji ta’ spejjeż indiretti jistgħu jkunu l-kera tal-uffiċċji, l-assigurazzjoni, provvisti għall-uffiċċji, servizzi postali u spejjeż tat-telefown. Dawn l-ispejjeż huma eliġibbli għal ċerti tipi ta’ proġetti ffinanzjati mill-UE. Meta jitolbu spejjeż indiretti bbażati fuq l-ispejjeż imġarrba, il-benefiċjarji jridu jipprovdu evidenza ta’ sostenn għal kull entrata u jiġġustifikaw il-parti mill-ispiża allokata għall-proġett (il-gwida għat-tqassim). Barra minn hekk, huma jridu juru li dawn l-ispejjeż huma raġonevoli.

14

Aħna eżaminajna l-applikazzjonijiet għall-appoġġ u t-talbiet għall-pagament għal proġetti tal-perjodu 2014-2020 li tħallsu permezz ta’ SCOs u qabbilniehom ma’ proġetti tal-perjodu 2007-2013 (meta l-SCOs ma ntużawx) sabiex nivvalutaw jekk il-proċeduri għall-applikazzjoni u għat-talbiet sarux aktar faċli. Fis-sitt Stati Membri kollha li saritilhom żjara, aħna sibna li l-benefiċjarji ta’ proġetti bbażati fuq SCOs la għandhom bżonn jippreżentaw offerti mal-applikazzjonijiet tagħhom u lanqas fatturi jew provi ta’ pagament mat-talbiet tagħhom għall-pagament. It-Tabella 1 tipprovdi eżempji ta’ dokumenti ġustifikattivi mehmuża mal-applikazzjonijiet għall-appoġġ u mat-talbiet għall-pagament matul il-perjodu 2007-2013 (rimborż ibbażat fuq l-ispejjeż imġarrba) u matul il-perjodu 2014-2020 (rimborż ibbażat fuq SCOs).

Tabella 1

Tqabbil ta’ dokumenti ġustifikattivi għal SCOs magħżula fl-Iżvezja

Tip ta’ SCO Stadju 2014-2020 (bl-SCOs) 2007-2013 (mingħajr SCOs)
Rata fissa: rimborż tal-ispejjeż indiretti li jikkorrispondi għal 15 % tal-ispejjeż diretti eliġibbli għall-persunal Applikazzjoni għall-appoġġ L-ebda dokument ġustifikattiv Baġit dettaljat tal-ispejjeż indiretti
Talba għall-pagament L-ebda dokument ġustifikattiv ħlief dawk meħtieġa biex isostnu l-ispejjeż diretti1 Fatturi
Provi ta’ pagament
Karti tas-salarju (jekk l-ispejjeż indiretti jinkludu l-ispejjeż għall-persunal)
Skedi bil-ħinijiet
Kalkolu u ġustifikazzjoni tal-gwida għat-tqassim (jiġifieri l-proporzjon tal-ispejjeż indiretti allokat għall-proġett)
Spejjeż għal kull unità għall-akkomodazzjoni tal-bhejjem imħallsa għal kull post għall-annimali jew għal kull m2 Applikazzjoni għall-appoġġ Il-mudell li juri l-għadd ta’ unitajiet, jiġifieri l-postijiet għall-annimali jew m2 (l-ispejjeż jiġu kkalkulati awtomatikament) Baġit dettaljat Offerti
Talba għall-pagament Pagamenti intermedjarji (biex tiġi appoġġata d-data ta’ meta jibdew ix-xogħlijiet u l-progress tagħhom): Speċifikazzjoni tal-ispejjeż Fatturi Provi ta’ pagament

-fatturi għax-xogħlijiet ta’ tħejjija tal-art

-ritratti tal-bini li jinkludu l-art, is-saqaf u l-ħitan

Pagamenti finali:

-L-għadd ta’ unitajiet miksuba

1L-ispejjeż diretti għall-persunal iridu jkunu sostnuti mill-karti tas-salarju u minn evidenza tar-rata ta’ impjieg (full-time jew part-time) tal-persunal, iżda dan huwa l-każ irrispettivament minn jekk ir-rati fissi humiex ibbażati fuq l-ispejjeż tal-persunal, jew le.

NB: It-tabbella tinkludi biss id-dokumenti ġustifikattivi li huma affettwati mill-użu ta’ SCOs.

Sors: Il-QEA, ibbażat fuq dokumentazzjoni mill-Istati Membri.

15

Kif jidher fit-Tabella 1, l-użu frekwenti ta’ SCOs ifisser li l-benefiċjarji jkollhom inqas dokumenti x’jippreżentaw. Fil-Kaxxa 3, qed nagħtu eżempju ta’ dan.

Kaxxa 3

Rata fissa għall-ispejjeż soċjali fl-Iżvezja

Il-Bord Żvediż tal-Agrikoltura, b’kooperazzjoni mal-Kunsill Żvediż dwar il-Fond Soċjali Ewropew u l-Aġenzija Żvediża għall-Ekonomija u t-Tkabbir Reġjonali, żviluppa rata komuni għall-ispejjeż tas-sigurtà soċjali. Fl-Iżvezja, ħafna mill-proġetti jinkludu salarji u għaldaqstant anke spejjeż soċjali. Dawn l-ispejjeż ivarjaw skont it-tip ta’ kuntratt u l-età; u jistgħu jinvolvu bosta fatturi maħruġa minn diversi organizzazzjonijiet kif ukoll kalkoli li normalment ikunu kumplessi. Preċedentement, ħafna benefiċjarji żgħar ma applikawx għal dawn l-ispejjeż minħabba li qisuhom ikkumplikati wisq.

L-istampa turi d-dokumenti ppreżentati minn benefiċjarju għal talba waħda għall-pagament fil-perjodu 2007-2013 meta l-ispejjeż soċjali ma kinux isiru abbażi ta’ rata fissa.

… u filwaqt li l-awtoritajiet jiffaċċjaw ammont ta’ xogħol jew spejjeż addizzjonali fit-tħejjija tal-metodoloġija …

16

Jekk jużaw l-SCOs, l-Awtoritajiet Maniġerjali jridu13 jiżviluppaw metodoloġija u jikkalkolaw il-livelli ta’ pagament (ara l-paragrafu 45 għal stampa ġenerali tal-korpi involuti fil-livell tal-Istati Membri). Dan huwa xogħol addizzjonali li mhuwiex meħtieġ meta l-għotjiet jitħallsu fuq il-bażi tal-ispejjeż imġarrba. Biex nivvalutaw jekk il-ħin jew l-ispejjeż meħtieġa għat-tħejjija tal-metodoloġija u l-kalkoli humiex proporzjonati mal-ħin li ġie ffrankat fil-perjodu kollu, aħna intervistajna lill-awtoritajiet tal-Istati Membri li żorna u eżaminajna d-dokumentazzjoni tagħhom dwar il-metodoloġija u l-kalkoli. Il-Kaxxa 4 tinkludi eżempju tal-ammont ta’ xogħol involut fl-iżvilupp tal-metodoloġija.

Kaxxa 4

L-Awtorità ta’ Maniġerjali tal-Gżejjer Kanarji żviluppat il-metodoloġija tagħha internament.

L-Awtorità Maniġerjali tal-Gżejjer Kanarji żviluppat spejjeż għal kull unità għal tmien kategoriji ta’ investimenti f’azjendi agrikoli (irrigazzjoni, adattament tal-azjendi agrikoli, materjal tal-pjanti , binjiet agrikoli, infrastruttura ġenerali, serer u infrastrutturi oħra, makkinarju agrikolu u faċilitajiet ġenerali). Kull waħda minn dawn il-kategoriji tinqasam f’bosta f’sottokategoriji (sa 49 għal kull kategorija, 192 b’kollox); għal kull waħda minn dawn, l-awtoritajiet tal-Gżejjer Kanarji kkalkulaw l-ispiża għal kull unità. Id-dokument li jiddeskrivi l-metodoloġija huwa 125 paġna twil, u jinkludi referenzi għal dokumenti oħra li huma disponibbli f’format elettroniku biss.

17

Matul l-analiżi dokumentarja li wettaqna, aħna staqsejna lill-awtoritajiet responsabbli mill-20 PŻR magħżula dwar ir-raġunijiet prinċipali tagħhom għalfejn ma jagħmlux użu aktar estensiv mill-SCOs. L-aktar spjegazzjoni frekwenti li tawna kienet li dan huwa dovut għall-varjetà kbira ta’ proġetti u ta’ benefiċjari appoġġati. Sitta14 mill-20 awtorità responsabbli semmew il-piż amministrattiv u l-ħin li jittieħed fit-tfassil tal-metodoloġiji.

18

Tlieta mis-sitt Awtoritajiet Maniġerjali li saritilhom żjara għażlu li jesternalizzaw dan il-kompitu għal tal-inqas xi wħud mill-SCOs tagħhom peress li la kellhom ir-riżorsi u lanqas l-għarfien espert disponibbli internament: id-Danimarka, Languedoc-Roussillon u l-Iżvezja. Minkejja l-ammont ta’ xogħol jew l-ispiża addizzjonali meħtieġa għall-iżvilupp tal-SCOs, l-Awtoritajiet Maniġerjali fl-Istati Membri li saritilhom żjara kienu favur li jinvestu fl-iżvilupp tal-metodoloġija għall-SCOs, minħabba s-simplifikazzjoni u l-iffrankar ta’ ħin (mistennija) fil-livell tal-amministrazzjoni u tal-benefiċjarji matul l-implimentazzjoni.

19

Il-leġiżlatur jista’ jinkludi fir-regolamenti r-rati u l-ammonti li għandhom jintużaw għall-SCOs. Jekk dawn l-SCOs ikunu lesti biex jintużaw mill-awtoritajiet tal-Istati Membri mingħajr ma jkun meħtieġ li titħejja xi metodoloġija jew isiru kalkoli, dawn jissejħu SCOs standard. Ara l-Kaxxa 5 għal eżempji ta’ SCOs standard li attwalment huma disponibbli għall-appoġġ għall-iżvilupp rurali15.

Kaxxa 5

SCOs “standard” fl-iżvilupp rurali

Spejjeż indiretti: l-awtoritajiet tal-Istati Membri jistgħu jikkalkulawhom bħala rata fissa massima ta’ 15 % tal-ispejjeż diretti eliġibbli għall-persunal mingħajr ma jkun meħtieġ li jħejju kalkoli biex jiġġustifikaw ir-rata użata.

Spejjeż għall-persunal: l-awtoritajiet tal-Istati Membri jistgħu jikkalkulaw ir-rata fis-siegħa billi jiddividu l-ispejjeż tal-impjiegi annwali gross iddokumentati l-aktar reċentement b’1 720 siegħa.

20

Għall-SCOs standard previsti fir-Regolament, bħall-kumpens b’rata fissa għall-ispejjeż indiretti, l-Awtoritajiet Maniġerjali mhumiex meħtieġa jiġġustifikaw il-perċentwal użat. Dan huwa partikolarment vantaġġuż għall-awtoritajiet tal-Istati Membri minħabba li ma jkollhomx għalfejn iħejju metodoloġija, iżda xorta waħda jkunu jistgħu jibbenefikaw minn proċedura ssimplifikata għall-applikazzjoni u għall-pagament.

… huma jiffrankaw il-ħin matul il-kontrolli amministrattivi

21

Il-persunal tal-awtoritajiet rilevanti huwa meħtieġ iwettaq kontrolli amministrattivi fuq l-applikazzjonijiet għall-appoġġ u t-talbiet għall-pagament. Aħna investigajna kif dawn il-kontrolli jinbidlu meta l-pagamenti jsiru bl-użu tal-SCOs, billi eżaminajna l-leġiżlazzjoni rilevanti16, il-proċeduri tal-Istati Membri u l-kontrolli mwettqa kemm għal proġetti li tħallsu bl-użu tal-SCOs kif ukoll għal dawk li tħallsu mingħajr l-użu tagħhom. Fit-Tabella 2 jingħataw eżempji ta’ dan.

Tabella 2

Tqabbil tal-kontrolli amministrattivi li saru għar-rati fissi u għall-ispejjeż għal kull unità

Tip ta’ SCO Stadju 2014-2020 (bl-SCOs) 2007-2013 (mingħajr SCOs)
Rata fissa: rimborż tal-ispejjeż indiretti li jikkorrispondi għal 15 % tal-ispejjeż diretti eliġibbli għall-persunal Applikazzjoni għall-appoġġ L-ebda dokument ġustifikattiv Jiġu ċċekkjati r-raġonevolezza tal-ispejjeż u l-ġustifikazzjoni tal-gwida għat-tqassim
Talba għall-pagament Kalkolu ta’ 15 % tal-ispejjeż eliġibbli għall-persunal1 Jiġu ċċekkjati l-ispejjeż imġarrba u l-pagamenti magħmula:

-Eżaminar ta’ fatturi, provi ta’ pagament, karti tas-salarju u skedi bil-ħinijiet (jekk is-salarji jkunu inklużi fl-ispejjeż indiretti)

-Eżaminar u kalkolu mill-ġdid tal-gwida għat-tqassim għall-ispejjeż indiretti

Spejjeż għal kull unità għall-akkomodazzjoni tal-bhejjem imħallsa għal kull post għall-annimali jew għal kull m2 Applikazzjoni għall-appoġġ Verifikazzjoni tal-għadd ta’ unitajiet meta mqabbel mal-ambitu tal-proġett (l-ispejjeż jiġu kkalkulati awtomatikament) Tiġi ċċekkjata r-raġonevolezza tal-ispejjeż, permezz ta’ tqabbil tal-offerti jew permezz ta’ sistema ta’ evalwazzjoni oħra bħall-ispejjeż ta’ referenza
Talba għall-pagament Verifikazzjoni tal-kwantitajiet ikklejmjati Jiġu ċċekkjati l-ispejjeż imġarrba u l-pagamenti magħmula:

-Eżaminar tal-ispeċifikazzjoni tal-ispejjeż, fatturi u provi ta’ pagament

1L-eliġibbiltà tal-ispejjeż diretti għall-persunal trid tiġi vverifikata, iżda dan huwa l-każ irrispettivament minn jekk ir-rati fissi jkunux ibbażati fuq l-ispejjeż tal-persunal, jew le.

NB: It-tabella tinkludi biss il-kontrolli amministrattivi affettwati mill-użu tal-SCOs.

Sors: il-QEA.

22

Il-persunal tal-Aġenzija tal-Pagamenti fis-sitt Stati Membri li saritilhom żjara qalilna li l-kontroll tar-raġonevolezza tal-ispejjeż17 kien jieħu ħafna ħin, b’mod partikolari fil-każijiet fejn kienu meħtieġa li jsiru kjarifiki jew fejn l-offerti ma kinux ta’ kwalità suffiċjenti. Fl-istadju tat-talba għall-pagament, l-Aġenziji tal-Pagamenti jiffrankaw il-ħin billi ma jwettqux kontrolli tal-fatturi jew tal-provi tal-pagamenti meta dawn ikunu bbażati fuq SCOs.

23

Qabel ma jsir pagament, il-persunal tal-Aġenzija tal-Pagamenti jivverifika l-konformità mal-kundizzjonijiet għall-għoti tal-appoġġ. Dawn iqabblu l-operazzjoni kompluta mal-operazzjoni li għaliha jkun ingħata l-appoġġ, u normalment jagħmlu żjara biex jivverifikaw li l-operazzjoni tkun fil-fatt kompluta18. Dawn il-kontrolli ma jinbidlux meta jintużaw SCOs.

24

Għal pagamenti bbażati fuq spejjeż għal kull unità, il-persunal tal-Aġenzija tal-Pagamenti jkun meħtieġ li jivverifika l-kwantitajiet. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu huma stess kif jagħmlu dan. Ħafna minnhom jirrikorru għal żjarat lill-benefiċjarji biex jivverifikaw il-kwantitajiet u biex jiżguraw li l-operazzjoni li ġiet ikkompletata tkun konformi mad-deċiżjoni tal-għajnuna. Għal operazzjonijiet li ma tkunx saritilhom żjara, l-Istati Membri jkunu jridu jsibu mezzi oħra biex jivverifikaw il-kwantitajiet involuti u li l-operazzjoni tkun ġenwina. L-Aġenzija tal-Pagamenti tal-Gżejjer Kanarji, pereżempju, tuża reġistri ta’ vetturi agrikoli biex tivverifika s-sjieda, u d-Danimarka tuża immaġnijiet bis-satellita biex tivverifika l-eżistenza ta’ faċilitajiet għall-ħżin tad-demel.

25

Meta jintużaw rati fissi, l-ispejjeż eliġibbli jiġu kkalkulati bħala perċentwal ta’ kategoriji oħra ta’ spejjeż eliġibbli. Is-sitt19 PŻR kollha magħżula għal żjara tal-awditjar jużaw rati fissi għall-ispejjeż indiretti, u l-awtoritajiet tal-Istati Membri semmew dan bħala eżempju tajjeb ta’ simplifikazzjoni. Eżempju ta’ dan jingħata fil-Kaxxa 6.

Kaxxa 6

Eżempju ta’ dokumentazzjoni għal spejjeż indiretti

Fil-Fjandri, aħna qabbilna t-talbiet għall-pagament, inkluża d-dokumentazzjoni ġustifikattiva, ta’ qabel u wara l-introduzzjoni tar-rata fissa. Għal tal-ewwel, aħna sibna entrata waħda ta’ EUR 12 li għaliha kien hemm disa’ dokumenti ġustifikattivi.

Meta jintużaw rati fissi, il-benefiċjarji mhumiex meħtieġa jippreżentaw dawn id-dokumenti u l-awtoritajiet tal-Istati Membri ma għandhomx bżonn jivverifikawhom.

26

L-awtoritajiet fis-Sassonja qalulna li l-ħin meħud għall-kontroll tat-talbiet għall-pagament naqas b’mill-inqas 50 % minħabba li hemm inqas kontrolli fuq l-ispejjeż indiretti. Fil-perjodu preċedenti, il-verifikazzjoni ta’ kull fattura matul il-kontrolli fuq l-ispejjeż indiretti kienet tieħu mill-inqas 10 minuti. Jekk benefiċjarju jkun iddikjara l-ispejjeż tal-kera għal sena, l-amministratur ikollu jivverifika 12-il fattura u 12-il prova ta’ pagament, li jieħu madwar 120 minuta. Issa, l-amministratur huwa meħtieġ li jivverifika biss li l-kalkolu tal-15 % spejjeż indiretti huwa korrett u li l-ebda spiża indiretta ma tkun inkluża fil-lista ta’ fatturi ddikjarati għal spejjeż diretti, li jieħu madwar 10-15-il minuta.

27

L-awtoritajiet Żvediżi stmaw li l-kontrolli fuq l-ispejjeż indiretti bbażati fuq l-ispejjeż imġarrba kienu qed jieħdu minn tlieta sa ħames sigħat għal kull talba għall-pagament, meta mqabbla ma’ madwar 50 minuta jekk tintuża rata fissa.

28

L-awditu tagħna juri li l-użu tal-SCOs jista’ jwassal għal simplifikazzjoni u ffrankar ta’ ħin, prinċipalment għall-benefiċjarji iżda wkoll għall-awtoritajiet rilevanti. Madankollu, l-investiment bil-quddiem meħtieġ biex l-Awtorità Maniġerjali tkun tista’ tiżviluppa metodoloġija għall-SCOs irid ikun proporzjonat għall-ħin li l-awtoritajiet u l-benefiċjarji jistgħu jistennew li jiffrankaw jekk japplikaw l-SCOs. Din hija waħda mir-raġunijiet għalfejn l-SCOs ma tantx qed jintużaw fil-politika ta' żvilupp rurali, kif se jiġi diskuss hawn taħt fil-paragrafi 48 sa 50, 55 sa 56.

Użu tajjeb ta’ SCOs jista’ jgħin biex tiġi kkontrollata l-ispiża ta’ proġetti tal-iżvilupp rurali

29

Għal proġetti ffinanzjati fuq il-bażi ta’ rimborż tal-ispejjeż imġarrba, l-awtoritajiet nazzjonali huma meħtieġa li, fl-istadju tal-approvazzjoni jivverifikaw jekk l-ispejjeż mistennija jkunux raġonevoli. Ir-rapporti tad-DĠ AGRI u tal-QEA ġibdu l-attenzjoni għal nuqqasijiet f’dawn il-kontrolli (ara l-Kaxxa 7).

Kaxxa 7

Raġonevolezza tal-ispejjeż meta l-għotjiet jitħallsu fuq il-bażi tal-ispejjeż imġarrba

Għal proġetti appoġġati fuq il-bażi ta’ rimborż tal-ispejjeż imġarrba u mħallsa, normalment l-awtoritajiet nazzjonali jivverifikaw jekk l-ispejjeż mitluba tal-proġett ikunux raġonevoli, billi: a) jeżaminaw l-offerti ppreżentati mill-applikant flimkien mal-applikazzjoni għall-appoġġ, jew b) billi jqabbluhom ma’ prezzijiet ta’ referenza20.

Għall-perjodu 2014-2016, minn 193 proġett eżaminat, 66 (34 %) ma pprovdewx evidenza suffiċjenti li turi li l-ispejjeż kienu raġonevoli21. Il-Qorti diġà esprimiet dubju22 dwar jekk il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-Istati Membri jużawx l-aktar approċċi effettivi biex l-ispejjeż tal-għotjiet fil-qasam tal-iżvilupp rurali jinżammu taħt kontroll.

30

Meta jintużaw l-SCOs, dawn il-kontrolli jitqiesu li jkunu koperti jekk tkun ġiet żviluppata metodoloġija soda. L-użu effettiv tal-SCOs jippermetti li jinżamm kontroll fuq l-ispejjeż tal-proġetti tal-iżvilupp rurali. Biex dan jinkiseb jeħtieġ li l-SCOs jiġu ssettjati fil-livell korrett, ikunu bbażati fuq metodoloġija soda, u jiġu riveduti b'mod regolari u aġġornati meta jkun meħtieġ. Żbalji fil-kalkoli jfisser li l-proġetti kollha li jużaw ir-rati jkunu milquta mill-istess żball.

Aħna sibna eżempji tajbin ta’ metodoloġija u ta’ kalkoli …

31

Aħna ridna neżaminaw il-metodoloġiji żviluppati mill-Istati Membri li żorna. Aħna osservajna li l-biċċa l-kbira tal-miżuri li ngħataw appoġġ mill-FAEŻR matul il-perjodu 2014-2020 huma simili għal dawk li ġew appoġġati fil-perjodu 2007-201323. Għalhekk, ħafna mill-Istati Membri għandhom aċċess għal data storika dwar l-ispejjeż li effettivament iġġarrbu u tħallsu għall-operazzjonijiet fil-perjodu preċedenti. Fil-Kaxxa 8 jingħata eżempju ta’ spejjeż għal kull unità bbażati fuq data storika.

Kaxxa 8

Metodoloġija bbażata fuq data storika fid-Danimarka

Xi żoni huma partikolarment importanti għall-bijodiversità. Fid-Danimarka, il-bdiewa jitħallsu, fuq il-bażi ta’ spejjeż għal kull unità, biex jagħlqu dawn iż-żoni għar-ragħa b’xi forma ta’ lqugħ. L-awtoritajiet Daniżi użaw data minn proġetti preċedenti biex jiżviluppaw spejjeż għal kull unità bħal dawn. Il-kalkolu huwa bbażat fuq l-irħas offerti ppreżentati flimkien ma’ 82 applikazzjoni għall-appoġġ matul il-perjodu 2013-2014. Huma qasmu l-offerti għal dawn l-applikazzjonijiet f’żewġ gruppi skont jekk l-ilqugħ kellux wajer wieħed jew tnejn (52 offerta) jew minn tlieta sa erba’ wajers (30 offerta), u kkalkulaw l-ispejjeż għal kull unità bħala medja ta’ dawn l-offerti. Il-kalkoli rriżultaw fi spiża għal kull unità ta’ DKK 19 (madwar EUR 2.50)/m għal ilqugħ b’wajer wieħed jew tnejn u ta’ DKK 28 (madwar EUR 3.75)/m għal ilqugħ bi tlieta jew erba’ wajers.

Fejn għal tip ta’ nefqa speċifika kien hemm disponibbli inqas minn 20 offerta ta’ kwalità tajba, huma wettqu riċerka dwar is-suq. Huma analizzaw ukoll il-firxa tad-data biex jiżguraw li l-benefiċjarji jingħataw trattament ekwu u kkonkludew li l-varjazzjoni fl-ispejjeż bejn ir-reġjuni differenti u għall-materjali differenti użati ma kinitx kbira biżżejjed biex tiġġustifika d-diversifikazzjoni tal-SCOs fuq dik il-bażi. Qabel kull sensiela ta’ applikazzjonijiet annwali, l-awtoritajiet Daniżi jippjanaw li jivvalutaw jekk ikunx meħtieġ li jaġġornaw il-kalkoli tal-SCOs tagħhom u li jaġġustaw l-SCOs tagħhom fuq il-bażi ta’ indiċi tal-prezzijiet.

32

Inġenerali, l-Istati Membri li jużaw l-SCOs ma għandhomx il-mezzi biex ikomplu jimmonitorjaw l-ispejjeż reali. Dan għaliex meta l-Aġenziji tal-Pagamenti jeqilbu għal pagamenti bbażati fuq l-SCOs, huma ma jibqgħux jiġbru informazzjoni dwar l-ispejjeż reali. Għalhekk, jista’ ma jkollhomx data rilevanti disponibbli biex jaġġornaw il-kalkoli tagħhom. Minħabba dan fis-Sassonja (il-Ġermanja), l-awtoritajiet kienu involvew lil konsulenti biex jiżviluppaw metodoloġiji ġodda bbażati fuq data ta’ esperti esterni biex jaġġornaw l-SCOs tagħhom meta d-data storika ma tkunx disponibbli aktar.

… iżda f’xi każijiet id-data ta’ bażi ma kinitx disponibbli …

33

Biex jiġi vvalutat jekk metodoloġija tkunx ġusta u ekwa, din trid tkun verifikabbli. Jeħtieġ li l-awdituri jkollhom aċċess għad-data li fuqha jkun ibbażat il-kalkolu tal-SCOs għaż-żmien kollu li fih tintuża l-SCO24. Aħna għażilna elementi individwali tal-kalkoli u ttraċċajniehom lura għad-data sors biex neżaminaw il-verifikabbiltà.

34

Il-metodoloġija deskritta fil-Kaxxa 8 (ara l-paragrafu 31) tipprovdi eżempju fejn aħna nistgħu faċilment nittraċċaw lura l-elementi magħżula għad-data ta’ bażi. Madankollu, aħna sibna problemi relatati mal-verifikabbiltà ta’ xi wħud mill-metodoloġiji żviluppati għall-ispejjeż għal kull unità. L-awdituri tad-DĠ AGRI rrappurtaw sejbiet simili dwar il-verifikabbiltà f’żewġ awditi25 mis-sitta li wettqu sa issa dwar l-SCOs.

35

Fl-għażla limitata ta’ eżempji li għażilna, il-problemi li sibna kienu relatati ma’ każijiet fejn l-awtoritajiet kienu esternalizzaw il-kalkoli. Fl-Iżvezja, l-Awtorità Maniġerjali ma kellhiex aċċess għad-data li fuqha jkunu bbażati xi wħud mill-kalkoli u minflok serrħet fuq analiżijiet indipendenti. Fid-Danimarka, l-istruttura tal-esternalizzazzjoni kienet tinvolvi tliet livelli ta’ konsulenti u kkumplikat il-proċess ta’ verifikazzjoni, kif inhu spjegat fil-Kaxxa 9.

Kaxxa 9

L-involviment ta’ diversi konsulenti jista’ jikkumplika l-verifikazzjoni

L-awtoritajiet Daniżi esternalizzaw l-iżvilupp tal-SCOs lill-Konsulent A. L-ebda data storika ma kienet disponibbli dwar l-akkomodazzjoni tal-bhejjem. Il-Konsulent A qabbad sottokuntrattur (il-Konsulent B) biex jiddefinixxi l-ispejjeż għal kull unità, u dan, min-naħa tiegħu qabbad lill-Konsulent C biex jikseb id-data. Barra minn hekk, korp indipendenti eżamina l-kalkoli fuq il-bażi tal-għarfien espert proprju tiegħu u s-sorsi tad-data. Il-figura ta’ hawn taħt tagħti stampa ġenerali tal-partijiet involuti fl-iżvilupp tal-ispejjeż għal kull unità għall-akkomodazzjoni tal-bhejjem fid-Danimarka.

Madwar terz tad-data ta’ bażi ma kinitx disponibbli fiż-żmien meta sar l-awditu tagħna. L-awtoritajiet Daniżi infurmawna li kien se jkollhom jiffirmaw kuntratt ġdid mat-tielet konsulent (il-Konsulent C) biex jiksbu d-data ta’ bażi li ssostni l-istimi. L-esternalizzazzjoni u l-użu ta’ data minn diversi konsulenti kkumplikaw il-proċess ta’ verifikazzjoni tal-kalkoli u b’hekk dan ħa ħafna ħin. L-awtoritajiet Daniżi setgħu jevitaw dan kollu billi jitolbu d-data ta’ bażi mill-Konsulent A, li miegħu kienu ffirmaw kuntratt, jew billi jistipulaw fil-kuntratt li l-kalkoli kellhom ikunu verifikabbli.

… jew id-data użata għall-kalkoli ma kinitx iġġustifikata b’mod suffiċjenti

36

Il-kalkoli jkunu ġusti jekk ikunu bbażati fuq ir-realtà, u jekk is-suppożizzjonijiet u d-data użata għall-metodoloġija jkunu ġġustifikati sew26. Aħna ridna neżaminaw jekk dan kienx il-każ billi vverifikajna l-metodoloġija għall-SCOs magħżula fl-Istati Membri li żorna. Aħna ttestjajna wkoll il-kalkoli billi ttraċċajna lura kampjun ta’ elementi għad-data sors (ara wkoll il-paragrafi 33 sa 35). Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, aħna sibna li l-metodoloġija u l-kalkoli kienu tajbin.

37

Fi Stat Membru li saritlu żjara, l-awtoritajiet ma setgħux jiġġustifikaw id-data li ntużat. Il-metodoloġija tal-Gżejjer Kanarji għall-ispejjeż għal kull unità u s-somom f’daqqa tgħid li tliet offerti jew fatturi huma biżżejjed biex jiġi stabbilit SCO. L-ammont ta’ data li ntużat fil-kalkoli nfushom tvarja, iżda ħafna drabi, l-awtoritajiet ma setgħux jiġġustifikaw għaliex u kif kienet intgħażlet id-data speċifika użata. Eżempju ta’ dan jingħata fil-Kaxxa 10.

Kaxxa 10

L-awtoritajiet tal-Istati Membri mhux dejjem setgħu jispjegaw l-għażla tagħhom ta’ data għall-kalkoli tal-SCO

F’kalkolu wieħed tal-ispejjeż għal kull unità għas-serer, l-awtoritajiet tal-Gżejjer Kanarji użaw 12-il dokument sors (fatturi u offerti), li minnhom erbgħa biss kienu fatturi minn proġetti tal-passat. Huma ma setgħux jipprovdulna l-għadd totali ta’ fatturi disponibbli mill-perjodu 2007-2013. Lanqas ma setgħu jispjegaw kif u għaliex huma kienu għażlu t-12-il dokument sors li ntużaw fil-kalkolu.

Biex tiġi kkalkulata somma f’daqqa għall-organizzazzjoni ta’ avvenimenti ta’ ġurnata, l-awtoritajiet użaw medja tal-offerti minn tliet lukandi, li tnejn minnhom jappartjenu għall-istess grupp ta’ lukandi. L-awtoritajiet tal-Gżejjer Kanarji ma setgħux jispjegaw kif jew għaliex kienu għażlu dawk it-tliet lukandi. Barra minn hekk, l-offerti li ntużaw għall-kalkoli kienu jinkludu l-VAT, li mhix eliġibbli għall-appoġġ għall-iżvilupp rurali 27.

38

F’każijiet oħra, għall-kalkolu tal-SCOs l-awtoritajiet użaw offerti li mhumiex komparabbli. Fil-Kaxxa 11 jingħata eżempju li juri wkoll li l-użu tal-SCOs mhux dejjem jipprovdi valur miżjud meta mqabbel mar-rimborż tal-ispejjeż imġarrba.

Kaxxa 11

Somma f’daqqa bbażata fuq offerti mhux komparabbli li ma wasslu għal ebda ffrankar

Fil-Gżejjer Kanarji, gruppi ta’ azzjoni lokali li jieħdu sehem f’mill-inqas żewġ fieri jistgħu jirċievu appoġġ permezz ta’ pagament ta’ somma f’daqqa li tkopri t-tariffi ta’ parteċipazzjoni. L-awtoritajiet tal-Gżejjer Kanarji kkalkulaw is-somma f’daqqa bħala l-ispiża medja ta’ ħames avvenimenti mmultiplikata bi tnejn. Il-ħames avvenimenti huma relatati mal-agrikultura u l-bhejjem, l-artiġjanat u r-restawr. Il-benefiċjarji jirċievu l-pagament ta’ somma f’daqqa talli jkunu żaru tnejn minn dawn l-avvenimenti.

Li kieku dawn l-attivitajiet ġew rimborżati fuq il-bażi tal-ispejjeż imġarrba, x’aktarx li l-benefiċjarju kien ikollu jippreżenta żewġ fatturi u provi ta’ pagament biex jissostanzja l-ispejjeż. Probabbilment li, biex jirċievi pagament ta’ somma f’daqqa, kien ikollu wkoll jippreżenta fattura jew ċertifikat ta’ attendenza bħala prova li kien attenda ż-żewġ fieri. F’dan il-każ, l-użu ta’ pagament ta’ somma f’daqqa ftit li xejn naqqas il-volum ta’ dokumenti li l-benefiċjarju kien meħtieġ jippreżenta jew l-għadd ta’ kontrolli li l-Aġenzija tal-Pagamenti kellha twettaq. Lanqas ma għen biex l-ispejjeż tal-proġett jinżammu taħt kontroll, kif turi l-varjazzjoni bejn l-offerti.

It-tneħħija tar-rekwiżit ta’ ċertifikazzjoni indipendenti ġġib sfidi ġodda

39

Kontroll indipendenti huwa importanti biex jiġi żgurat li l-SCOs ikunu bbażati fuq metodoloġiji ġusti, ekwi u verifikabbli. Kontrolli indipendenti dwar it-tfassil ta’ SCO jistgħu jitwettqu qabel l-implimentazzjoni (“ex ante”) jew matul jew wara l-implimentazzjoni (“ex post”). Aħna ridna niksbu stampa ġenerali tal-kontrolli mwettqa fuq il-metodoloġija relatata mal-SCOs u sibna li, għall-iżvilupp rurali, ir-regoli kienu nbiddlu reċentement.

40

L-introduzzjoni ta’ SCOs għall-iżvilupp rurali kienet akkumpanjata minn dikjarazzjoni obbligatorja ta’ korp indipendenti28. Din kienet l-unika miżura ta’ kontroll ex ante indipendenti. Bidliet reċenti fil-leġiżlazzjoni29 jfissru li l-miżuri ta’ investiment ma għadhomx koperti minn dawn id-dikjarazzjonijiet. B’riżultat ta’ dan, mill-2018 ’il quddiem mhux se jkun obbligatorju li jitwettqu kontrolli indipendenti fuq il-metodoloġiji u l-kalkoli relatati ma’ SCOs. Madankollu, l-Awtoritajiet Maniġerjali xorta waħda se jkollhom il-possibbiltà li jinvolvu korp indipendenti biex jistabbilixxi jew jeżamina l-metodoloġija u l-kalkoli.

Il-Kummissjoni ma teżaminax il-metodoloġija u l-kalkoli matul l-approvazzjoni tal-PŻR, iżda biss f’xi awditi magħżula …

41

Il-Kummissjoni teżamina u tapprova l-PŻR30. Il-validazzjoni tal-kalkoli tal-SCOs ma tagħmilx parti mill-proċess ta’ approvazzjoni tal-PŻR.

42

Il-Kummissjoni twettaq awditi biex tivverifika li l-pagamenti jkunu konformi mal-liġijiet applikabbli31. L-awdituri tal-Kummissjoni jeżaminaw il-metodoloġiji u l-kalkoli jekk jagħżlu nfiq li jkun sar bl-użu ta’ SCOs. Fl-2017, il-biċċa l-kbira tal-infiq kopert fl-awditi kien għadu jirrigwarda miżuri mill-perjodu 2007-2013 u kien tħallas fuq il-bażi tal-ispejjeż imġarrba.

43

Żbalji fil-metodoloġija relatata ma’ SCO jistgħu jaffettwaw il-proġetti kollha li jużaw l-SCO inkwistjoni. Bosta Stati Membri32 esprimew tħassib dwar il-korrezzjonijiet finanzjarji potenzjali u semmew dan bħala ostaklu għall-użu ta’ SCOs Bħal korrezzjonijiet finanzjarji oħrajn imposti mill-awdituri tal-Kummissjoni, l-impatt tagħhom huwa limitat għal 24 xahar ta’ nfiq33.

44

Għall-Fond Soċjali Ewropew, il-Kummissjoni tista’, fuq talba ta’ Stat Membru, tivvalida ex ante l-metodoloġija u l-kalkoli relatati ma’ SCOs. Hija tagħmel dan billi tadotta att delegat34, li joħloq ċertezza legali għall-Istat Membru. Billi l-ebda wieħed mill-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej l-oħra ma għażel dan il-mekkaniżmu fil-proposta għar-Regolament Omnibus35, dan se jibqa’ limitat għall-Fond Soċjali Ewropew.

… u r-rwol tal-Korpi taċ-Ċertifikazzjoni fl-awditjar tal-SCOs mhuwiex speċifikat

45

Tliet korpi nazzjonali huma involuti fil-ġestjoni u l-kontroll tal-fondi; ir-responsabbiltajiet tagħhom relatati mal-SCOs huma deskritti fil-Figura 4.

Figura 4

Responsabbiltajiet fil-livell tal-Istati Membri f’dak li jirrigwarda l-SCOs

Sors: il-QEA, ibbażat fuq ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013.

46

Il-Korpi taċ-Ċertifikazzjoni Indipendenti joħorġu opinjoni annwali li tkopri l-kontijiet annwali tal-Aġenziji tal-Pagamenti, il-funzjonament tas-sistema ta’ kontroll intern, u l-legalità u r-regolarità tal-infiq36. Il-linji gwida tal-Kummissjoni37 għall-Korpi taċ-Ċertifikazzjoni ma jsemmux l-SCOs38.

47

Biex ikun żgurat li jinżamm kontroll fuq l-ispejjeż, huwa importanti li l-SCOs jiġu ssettjati fil-livell korrett. Il-problemi li sibna bil-kalkoli juru li jeħtieġ li jsir kontroll indipendenti.

L-SCOs il-ġodda kienu jkopru parti żgħira tal-infiq totali fuq l-iżvilupp rurali

48

Fiż-żmien meta wettaqna l-awditu, il-Kummissjoni ma kellhiex stampa ġenerali tal-proporzjon ta’ nfiq li huwa kopert mill-SCOs. L-għażla tagħna ta’ PŻR kienet tinkludi dawk bl-ogħla użu apparenti ta’ SCOs39, madankollu, aħna ma sibna l-ebda eżempju fejn miżura sħiħa ġiet implimentata permezz ta’ SCOs.

49

Kull miżura ta’ żvilupp rurali hija maqsuma f’diversi sottomiżuri, li min-naħa tagħhom ikopru ħafna tipi differenti ta’ proġetti. Mill-analiżi dokumentarja li wettaqna ta’ 20 PŻR, aħna sibna li l-użu tal-SCOs kien limitat għal ċerti tipi ta’ proġetti jew infiq. Ara l-Figura 5 għal eżempju ta’ dan.

Figura 5

SCOs użati biss għal tipi speċifiċi ta’ proġetti f’Languedoc-Roussillon

Sors: il-QEA, ibbażat fuq PŻR ta’ Languedoc-Roussillon.

50

Meta parti biss ta’ sottomiżura jew ta’ tip speċifiku ta’ spejjeż jiġu rimborżati permezz ta’ SCOs, mhuwiex possibbli li jiġu traċċati l-ammonti involuti. L-ibbaġitjar fi ħdan PŻR iwassal biss sal-miżuri, u ġeneralment l-Istati Membri jimmonitorjaw biss il-pagamenti li jsiru għal kull proġett (jiġifieri mhux għal kull tip ta’ nefqa). Madankollu, biex jintwera l-impatt tal-SCOs fuq PŻR partikolari (Walloon), li fih hemm żewġ miżuri li jużaw l-SCOs, fil-Figura 6 jingħata l-proporzjon tal-baġit għal dawn iż-żewġ miżuri dovut għall-SCOs. Għal dawn iż-żewġ miżuri, il-programm juża rata fissa ta’ 14 % għall-ispejjeż indiretti.

Figura 6

Pagamenti li mistennija jsiru bl-użu ta’ SCOs f’Walloon

Sors: Il-QEA, ibbażat fuq dokumentazzjoni tal-Kummissjoni.

51

Il-miżuri li għalihom jintużaw l-SCOs fl-20 PŻR magħżula għall-analiżi dokumentarja tagħna huma inklużi fl-Anness I. L-SCOs li jintużaw l-aktar ta’ spiss huma dawk standard (ara l-paragrafu 19); il-biċċa l-kbira tal-20 PŻR jużaw rati fissi għall-ispejjeż indiretti. Il-Figura 7 turi kif normalment jintużaw it-tipi differenti ta’ SCOs.

Figura 7

Kif normalment jintużaw l-SCOs

Sors: il-QEA, ibbażat fuq analiżi dokumentarja ta’ 20 PŻR.

52

L-ispejjeż għal kull unità jintużaw l-aktar għall-ispejjeż għall-persunal40, l-ispejjeż tal-ivvjaġġar jew l-allowances għall-akkomodazzjoni41. Għal proġetti sħaħ, l-ispejjeż għal kull unità jintużaw l-aktar għal investimenti f’assi fiżiċi42. Il-Figura 8 turi t-tipi ta’ SCOs li ntużaw fis-sitt PŻR magħżula għal żjara tal-awditjar.

Figura 8

L-ispejjeż għal kull unità u r-rati fissi huma l-aktar li jintużaw fil-PŻR magħżula, filwaqt li s-somom f’daqqa rarament jintużaw

NB: L-SCOs jintużaw biss għal tipi speċifiċi ta’ proġetti jew kategoriji ta’ spejjeż, u qatt ma jintużaw għal miżura sħiħa. Il-figura turi l-għadd ta’ sottomiżuri li japplikaw kull tip ta’ SCO fil-PŻR magħżula. Jistgħu jintużaw tipi differenti ta’ SCOs għall-istess sottomiżura. Għaldaqstant, il-figura ma tagħtix indikazzjoni tal-infiq totali li jkun sar bl-użu tal-SCOs iżda turi biss it-tipi ta’ SCOs ippreferuti.

Sors: Il-QEA, ibbażat fuq dokumentazzjoni tal-Istati Membri.

L-SCOs ma ngħatawx prijorità fit-tħejjija tal-PŻR għall-perjodu 2014-2020 iżda l-Kummissjoni tħeġġeġ l-użu tagħhom

53

Il-Parlament u l-Kunsill approvaw ir-regoli għall-perjodu 2014-2020 f’Diċembru 201343. L-erba’ DĠ44 responsabbli mill-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej ħejjew dokument ta’ gwida komuni45 (il-gwida tal-Kummissjoni dwar l-SCOs), u ppubblikaw id-dokument finali f’Settembru 2014. Il-Figura 9 turi l-kronoloġija tat-tħejjija tal-PŻR għall-perjodu 2014-2020.

Figura 9

Kronoloġija tal-SCOs: mill-proposta sal-gwida u t-taħriġ

Sors: il-QEA.

54

L-erba’ DĠ li jimmaniġġaw il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej ikkummissjonaw studju dwar l-SCOs, li attwalment jinsab għaddej. L-istudju jiġbor informazzjoni, permezz ta’ stħarriġ, dwar il-miżuri u t-tipi ta’ SCOs li jintużaw għal kull wieħed mill-fondi, l-ammonti involuti u l-proġetti implimentati bl-użu tal-SCOs, kif ukoll il-benefiċċji relatati mal-użu tal-SCOs. Il-Kummissjoni għandha l-għan li tuża din l-informazzjoni meta tkun qed tiżviluppa l-qafas tal-iżvilupp rurali għall-perjodu li jmiss (wara l-2020).

Il-varjetà kbira ta’ miżuri u ta’ benefiċjarji tagħmel l-użu tal-SCOs diffikultuż, iżda dawn jistgħu jintużaw għal firxa wiesgħa ta’ investimenti

55

Għall-perjodu 2014-2020, it-28 Stat Membru stabbilew 118-il PŻR differenti, li minnhom 20 programm nazzjonali kienu uniċi filwaqt li 8 Stati Membri għażlu programmi reġjonali46. Skont il-kundizzjonijiet ekonomiċi, naturali jew strutturali speċifiċi, il-PŻR jistgħu jinkludu sa 20 miżura li jikkontribwixxu għall-kisba tal-prijoritajiet tal-UE għall-iżvilupp rurali47.

56

L-użu tal-SCOs jagħmel l-aktar sens meta jkun hemm ċertu ammont ta’ operazzjonijiet jew ta’ tipi ta’ nfiq simili. L-awtoritajiet responsabbli għall-20 PŻR magħżula għall-analiżi dokumentarja tagħna semmew li d-diversità fit-tipi ta’ operazzjonijiet u ta’ benefiċjarji hija r-raġuni prinċipali għaliex għażlu li ma jużawx l-SCOs b’mod aktar estensiv. Il-miżuri li ngħataw appoġġ mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) huma maqsumin f’sottomiżuri. B’kollox hemm 49 sottomiżura differenti li għalihom jistgħu jintużaw l-SCOs (elenkati fl-Anness I). Ħafna tipi differenti ta’ proġetti u/jew ta’ nfiq jistgħu jingħataw appoġġ taħt kull sottomiżura.

57

Minkejja d-diversità tal-proġetti u t-tipi ta’ nfiq fil-politika ta’ żvilupp rurali, aħna sibna eżempji fejn l-SCOs kienu ġew żviluppati għal firxa wiesgħa ta’ investimenti. Pereżempju, il-PŻR tal-Gżejjer Kanarji jinkludi spejjeż għal kull unità għal tmien kategoriji ta’ investimenti f’azjendi agrikoli, ara l-Kaxxa 12.

Kaxxa 12

L-ispejjeż għal kull unità jistgħu jiġu żviluppati għal firxa wiesgħa ta’ investimenti, iżda jkunu biss ta’ vantaġġ meta jiġu applikati għal ċertu ammont ta’ proġetti

L-awtoritajiet tal-Gżejjer Kanarji żviluppaw spejjeż għal kull unità separati għal tmien kategoriji ta’ investimenti f’azjendi agrikoli: irrigazzjoni, adattament tal-azjendi agrikoli, materjal tal-pjanti , binjiet agrikoli, infrastruttura ġenerali, serer u infrastrutturi oħra, makkinarju agrikolu u faċilitajiet ġenerali. Kull waħda minn dawn il-kategoriji tinqasam f’bosta sottokategoriji (sa 49 għal kull kategorija, 192 b’kollox); għal kull waħda minn dawn, l-awtoritajiet tal-Gżejjer Kanarji kkalkulaw l-ispiża għal kull unità.

58

Madankollu, meta l-ammont ta’ proġetti jkun limitat għal ċertu tip ta’ investiment, l-SCOs ma jipprovdu l-ebda valur miżjud. Pereżempju, l-awtoritajiet tal-Gżejjer Kanarji żviluppaw l-ispiża għal kull unità għax-xiri ta’ kollettur taċ-ċpar. Din l-ispiża għal kull unità hija bbażata fuq offerta waħda li saret mill-uniku fornitur disponibbli. Fiż-żmien meta wettaqna l-awditu, proġett wieħed biss kien jinkludi x-xiri ta’ kollettur taċ-ċpar. Is-somom f’daqqa huma l-opzjoni li tintuża l-inqas għall-proġetti tal-iżvilupp rurali. Tlieta mis-sitt Stati Membri li żorna48 indikaw li huma għażlu li ma jużawx l-opzjoni ta’ somom f’daqqa minħabba li kienu tal-fehma li dawn huma aktar riskjużi. Sabiex jirċievi pagament fil-forma ta’ somma f’daqqa, benefiċjarju jrid jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha – mhuwiex possibbli li jsiru pagamenti parzjali.

59

L-Istati Membri għandhom ukoll il-possibbiltà li jikkombinaw tipi differenti ta’ SCOs għal tip wieħed ta’ proġett, għalhekk, huma jistgħu jillimitaw is-somom f’daqqa għal attivitajiet li għalihom iridu jkunu ġew issodisfati l-kundizzjonijiet kollha sabiex jinkisbu r-riżultati mixtieqa. Pereżempju, il-PŻR tal-Gżejjer Kanarji jinkludi t-tliet tipi ta’ SCOs – spejjeż għal kull unità, somom f’daqqa u rati fissi – għal proġetti li jingħataw appoġġ taħt il-miżura ta’ kooperazzjoni u l-miżura ta’ appoġġ għall-iżvilupp lokali Leader (ara l-Kaxxa 13). Il-possibbiltà li jiġu kkombinati tipi differenti ta’ SCOs tipprovdi flessibbiltà fil-mod ta’ kif jistgħu jintużaw l-SCOs.

Kaxxa 13

Eżempju ta’ kif jistgħu jintużaw tipi differenti ta’ SCOs għal proġett wieħed

Għal proġetti li jingħataw appoġġ taħt il-miżura ta’ kooperazzjoni, il-benefiċjarji tal-Gżejjer Kanarji jistgħu jirċievu pagamenti kkombinati mit-tliet tipi ta’ SCOs. Pereżempju, pagament għal proġett għall-ħolqien u l-iżvilupp ta’ ktajjen tal-provvista qosra u ta’ suq lokali jista’ jkun magħmul minn:

  • Somma f’daqqa għall-attivitajiet promozzjonali f’gazzetti u f’rivisti speċjalizzati, bil-għan li tiżdied is-sensibilizzazzjoni dwar il-ktajjen tal-provvista qosra u s-suq lokali u jiġu kkomunikati l-benefiċċji tagħhom;
  • Spejjeż għal kull unità għall-ispejjeż għall-persunal involut fil-proġett; kif ukoll
  • Rata fissa ta’ 15 % għall-ispejjeż indiretti.
60

Meta jintroduċu l-SCOs, l-awtoritajiet ta’ Stat Membru jistgħu jibbenefikaw mill-metodoloġiji jew mir-rati li diġà ġew żviluppati għal skemi nazzjonali jew għal skemi tal-UE. Aħna sibna bosta PŻR49 li jużaw l-allowances tal-ivvjaġġar jew l-ispejjeż għal kull unità fil-każ tal-ispejjeż għall-persunal li jinħarġu mis-sistemi nazzjonali. Madankollu, fuq il-bażi tal-analiżi dokumentarja li wettaqna ta’ 20 PŻR, sibna li, meta jiġu biex jiżviluppaw l-SCOs tagħhom, l-awtoritajiet tal-Istati Membri rarament jużaw l-esperjenza miksuba f’oqsma oħra ta’ politika. Aħna sibna żewġ eżempji biss ta’ dan (ara l-Kaxxa 14).

Kaxxa 14

Eżempji ta’ użu ta’ metodoloġija eżistenti

Fil-PŻR tagħha, it-Toskana tuża spejjeż għal kull unità u somom f’daqqa50 għal proġetti li jibbenefikaw minn appoġġ u li jippromwovu t-taħriġ vokazzjonali u l-akkwist tal-ħiliet. Il-PŻR juża tliet tipi differenti ta’ spejjeż għal kull unità fil-każ ta’ attivitajiet ta’ taħriġ, skont it-tul tagħhom (inqas minn 20 siegħa; minn 21 sa 60 siegħa; aktar minn 60 siegħa) u somma f’daqqa fil-każ ta’ attivitajiet ta’ kkowċjar. L-ammonti stabbiliti għall-ispejjeż għal kull unità u s-somom f’daqqa huma bbażati fuq metodoloġiji li diġà ġew żviluppati u użati matul il-perjodi 2007-2013 u 2014-2020 mill-Programm Operazzjonali reġjonali għall-kompetittività u l-impjiegi, iffinanzjat mill-Fond Soċjali Ewropew.

Il-PŻR ta’ Ċipru juża spejjeż għal kull unità fil-każ tal-allowances tal-ivvjaġġar u l-allowances ta’ kuljum tal-programm Erasmus+ għal skambji fuq terminu qasir bejn is-setturi tal-ġestjoni tal-azjendi agrikoli u tal-ġestjoni tal-foresti kif ukoll għal żjarat fl-azjendi agrikoli u fil-foresti.

L-awtoritajiet tal-Istati Membri huma mħassba dwar l-awditi tal-Kummissjoni

61

Matul iż-żjarat tal-awditjar li wettaqna, bosta awtoritajiet tal-Istati Membri semmew li kellhom dubji dwar il-mod kif il-Kummissjoni teżamina l-SCOs, u xi wħud qalu li dan huwa ta’ ostaklu għall-użu tal-SCOs51. Matul iż-żjarat li jwettaq fl-Istati Membri, il-persunal tal-Kummissjoni jivverifika s-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll tal-Istati Membri bl-użu ta’ lista ta’ kontrolli ewlenin u ta’ kontrolli anċillari52. Aħna eżaminajna l-approċċ tal-awditjar tad-DĠ AGRI u sibna li d-definizzjonijiet tagħhom ta’ dawn il-kontrolli ma kinux ġew aġġornati mal-introduzzjoni tal-SCOs. L-aġġornament tad-definizzjonijiet li l-Kummissjoni tuża għall-kontrolli ewlenin u għall-kontrolli anċillari biex jittieħed kont tal-SCOs huwa mod ta’ kif it-tħassib tal-Istati Membri jista’ jiġi indirizzat. Il-kontrolli rilevanti għall-SCOs huma ppreżentati fil-Figura 10.

Figura 10

Kontrolli amministrattivi li l-Kummissjoni tistenna li l-awtoritajiet tal-Istati Membri jwettqu fir-rigward tal-SCOs

Sors: il-QEA, ibbażat fuq intervisti u dokumentazzjoni tal-Kummissjoni.

62

F’dan il-kuntest, aħna żviluppajna lista ta’ rekwiżiti komuni ta’ aċċertament u ta’ prinċipji komuni tal-prestazzjoni fl-Anness II.1 u II.2.

63

Minkejja l-isfidi msemmija hawn fuq, l-awtoritajiet ta’ ħamsa mis-sitt Stati Membri li saritilhom żjara jipprevedu li fil-futur se jużaw l-SCOs b’mod aktar estensiv. Pereżempju, fl-ewwel PŻR tagħha għall-perjodu 2014-2020, l-Iżvezja riedet tuża aktar l-opzjoni ta’ somom f’daqqa iżda kienet limitata milli tagħmel dan minħabba d-dispożizzjoni (li issa tneħħiet) li l-SCOs iridu jiġu approvati ex ante53.

Bidliet reċenti fil-leġiżlazzjoni jistgħu jħeġġu użu akbar tal-SCOs fl-iżvilupp rurali

64

F’Settembru 2016, il-Kummissjoni pproponiet bidliet54 f’bosta dispożizzjonijiet li jaffettwaw l-implimentazzjoni tal-politika ta’ żvilupp rurali. F’Ottubru 2017, il-Kunsill u l-Parlament qablu li, b’effett mill-2018, titneħħa dispożizzjoni speċifika għall-iżvilupp rurali55 li kienet tillimita l-użu tal-SCOs.

65

Il-bidliet maqbula jarmonizzaw aktar ir-regoli bejn il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej u jżidu l-possibbiltajiet għall-użu tal-SCOs. It-tneħħija taċ-ċertifikazzjoni ex ante tal-metodoloġija u l-kalkoli għall-FAEŻR tista’ tiffaċilita użu aktar estensiv tal-SCOs. Iċ-ċertifikazzjoni ex ante kienet tfisser li l-SCOs kien ikollhom jiġu stabbiliti fi stadju aktar bikri fil-każ tal-FAEŻR milli, pereżempju, fil-każ tal-Fond Soċjali Ewropew. Għal dan tal-aħħar, huwa biżżejjed li l-SCOs jiġu stabbiliti sa mhux aktar tard mid-data ta’ meta tingħata l-għajnuna, kif issa huwa wkoll il-każ għall-FAEŻR. Il-Kunsill u l-Parlament għadhom qed jiddiskutu aktar proposti li jistgħu jaffettwaw l-użu tal-SCOs għall-FAEŻR; dawn jingħataw fil-qosor fil-Kaxxa 15. Jekk jiġu adottati, dawn il-bidliet addizzjonali se jżidu l-użu tal-SCOs.

Kaxxa 15

Bidliet proposti fil-leġiżlazzjoni biex jiżdiedu l-possibbiltajiet għall-użu tal-SCOs

L-emendi proposti tal-Artikoli 67 u 68 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 ikunu jfissru:

  • It-tneħħija tal-limitu massimu għas-somom f’daqqa;
  • Il-possibbiltà li jiġi stabbilit abbozz ta' baġits fuq bażi ta’ każ b’każ għall-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej kollha;
  • Il-possibbiltà li l-ispejjeż diretti għall-persunal fir-rigward ta’ operazzjoni partikolari jiġu kkalkulati b’rata fissa massima ta’ 20 % tal-ispejjeż diretti għajr l-ispejjeż għall-persunal għal dik l-operazzjoni; u
  • Il-possibbiltà li tintuża rata fissa massima ta’ 40 % tal-ispejjeż eliġibbli għall-persunal biex jiġu koperti l-ispejjeż eliġibbli li jkun jifdal għal operazzjoni mingħajr il-ħtieġa li l-Istati Membri jikkalkulaw ir-rata applikabbli.
66

Il-possibbiltà li l-SCOs ikunu bbażati fuq abbozz ta’ baġit għal proġett tfisser li dawn l-opzjonijiet jistgħu jiġu stabbiliti għal operazzjoni individwali waqt li tkun qed tiġi vvalutata l-applikazzjoni għal appoġġ. L-awtoritajiet Żvediżi u Finlandiżi infurmawna li huma kienu diġà biħsiebhom jużaw somom f’daqqa bbażati fuq abbozz ta’ baġit għal bosta miżuri sakemm il-Kummissjoni infurmathom li dan ma kienx possibbli għall-FAEŻR56.

L-SCOs ma ġewx assoċjati ma’ fokus akbar fuq ir-riżultati

L-SCOs jittrasferixxu l-fokus minn fuq il-fatturi għal fuq l-output iżda ma jirriżultawx f’fokus akbar fuq ir-riżultati.

67

Waħda mir-raġunijiet mogħtija għall-promozzjoni ta’ użu aktar estensiv tal-SCOs hija l-potenzjal li permezz tagħhom jiżdied il-fokus fuq l-output u r-riżultati. Il-gwida tal-Kummissjoni dwar l-SCOs tinkludi bosta referenzi dwar dan57. Għall-PŻR magħżula għal żjara tal-awditjar, aħna eżaminajna proġetti individwali biex nivverifikaw li l-awtoritajiet tal-Istati Membri kienu ffukaw il-verifikazzjonijiet tagħhom fuq l-output jew ir-riżultati u mhux fuq il-fatturi, u jekk l-eliġibbiltà tal-pagamenti li saru permezz ta’ SCOs kinitx ġiet determinata fuq il-bażi tal-kisba tal-output jew tar-riżultati ppjanati. Aħna qabbilna wkoll il-pagamenti li saru permezz ta’ SCOs kif ukoll dawk li saru mingħajr l-użu tagħhom.

68

Aħna sibna eżempji ta’ output u ta’ riżultati ta’ proġetti li jikkontribwixxu għall-ilħuq tal-objettivi ta’ miżura (ara l-Kaxxa 16 għal wieħed minnhom), iżda ma kien hemm l-ebda indikazzjoni li r-riżultati li nkisbu kienu aħjar minn li kieku l-pagament sar permezz ta’ rimborż tal-ispejjeż imġarrba.

Kaxxa 16

Pagamenti bbażati fuq l-output fis-Sassonja

Il-PŻR tas-Sassonja jiffinanzja l-bini ta’ ħitan tal-ġebel naturali fuq il-bażi ta’ spejjeż għal kull unità. Il-ħitan tal-ġebel naturali huma intenzjonati li jikkontribwixxu għar-restawr, il-preżervazzjoni u t-titjib tal-bijodiversità ta’ vinji li jkunu jinstabu fuq telgħet weqfin u fuq għoljiet. Il-pagamenti huma bbażati fuq metri kwadri ta’ ħajt mibni.

© MINISTERU GĦALL-AMBJENT U L-AGRIKOLTURA TAL-ISTAT TAS-SASSONJA

Il-benefiċjarji ma jistgħux japplikaw għall-għajnuna qabel ma jkunu rċevew valutazzjoni tal-valur ambjentali minn espert fil-qasam tal-protezzjoni tan-natura. Wara l-ikkompletar tal-proġett, il-benefiċjarji jikklejmjaw l-għadd ta’ unitajiet (m2) li jkunu saru. L-awtoritajiet tas-Sassonja jżuru lill-benefiċjarji biex jivverifikaw il-kwantitajiet ikklejmjati. Huma spjegaw li dan, flimkien mal-valutazzjoni tal-espert fil-qasam tal-protezzjoni tan-natura, jippermettilhom li jiżguraw li l-output tal-proġett jikkontribwixxi għall-ilħuq tar-riżultati mixtieqa.

69

L-SCOs jistgħu jiġu differenzjati fuq il-bażi tar-riżultati mixtieqa, dment li dawn ikunu jirriflettu l-ispejjeż u li jiġi żgurat it-trattament ugwali tal-benefiċjarji. Din hija waħda mill-bosta possibbiltajiet li jeżistu biex jinkiseb fokus akbar fuq ir-riżultati (possibbiltajiet oħra jinkludu l-użu ta’ kriterji tal-għażla u l-varjazzjoni tal-“intensità tal-għajnuna”, jiġifieri l-perċentwal tal-proġett li jingħata appoġġ mill-FAEŻR). Aħna ma sibna l-ebda eżempju fejn dan kien sar fil-prattika.

70

Il-Kummissjoni timmonitorja l-implimentazzjoni tal-politika ta’ żvilupp rurali permezz tas-Sistema Komuni ta' Monitoraġġ u Evalwazzjoni (CMES). Is-CMES tistabbilixxi l-indikaturi58 fil-livell tal-UE: biex l-evalwazzjoni tal-politika tkun ta’ sinifikat, ir-rappurtar li jsir mill-Istati Membri jrid ikun komparabbli. L-indikaturi huma intenzjonati li jirriflettu l-objettivi ta’ politika, għalhekk, aħna ppruvajna naraw jekk hemmx rabta bejn dawn l-indikaturi u l-pagamenti, kif qed nuru permezz tal-eżempju fittizju li jidher fil-Figura 11.

Figura 11

Jenħtieġ li jkun hemm rabta bejn l-objettivi, l-indikaturi u l-pagamenti li jsiru permezz ta’ SCOs

Sors: il-QEA.

71

Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, aħna ma stajniex nistabbilixxu rabta diretta bejn il-pagamenti għall-proġetti magħżula u l-indikaturi. Fir-realtà, l-indikaturi tas-CMES, stabbiliti fil-livell tal-UE, ma jimmonitorjawx l-implimentazzjoni tal-politika ta’ żvilupp rurali fil-livell tal-proġetti, u għaldaqstant, mhuwiex fattibbli li l-pagamenti li jsiru permezz ta’ SCOs ikunu bbażati fuqhom. Madankollu, sabiex isir monitoraġġ tar-riżultati tal-politika, l-operazzjonijiet iffinanzjati taħt il-FAEŻR iridu jkunu marbutin b’mod ċar ma’ wieħed mill-objettivi tiegħu. It-titjib tar-rabta bejn il-pagamenti u l-objettivi għal proġetti individwali jista’ jikkontribwixxi biex jinkiseb fokus akbar fuq l-ilħuq tal-objettivi.

Il-Kummissjoni pproponiet li ssir bidla lejn pagamenti bbażati fuq ir-riżultati

72

Il-proposti reċenti għal bidliet fil-qafas legali59 jintroduċu wkoll, minbarra aktar possibbiltajiet għall-użu tal-SCOs, il-possibbiltà ta’ pagamenti bbażati fuq ir-riżultati. B’mod speċifiku, il-Kummissjoni pproponiet li l-Artikolu 67 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jinkludi l-possibbiltà ta’ finanzjament li ma jkunx marbut mal-ispejjeż għall-operazzjoni rilevanti iżda minflok ikun ibbażat fuq l-issodisfar tal-kundizzjonijiet relatati mal-progress fl-implimentazzjoni jew l-ilħuq tal-objettivi tal-programm.

Konklużjonjiet u rakkomandazzjonijiet

73

L-użu tal-SCOs għandu bosta vantaġġi potenzjali. Il-piż amministrattiv jista’ jitnaqqas billi ma jkunx meħtieġ li kull euro jiġi traċċat għad-dokumentazzjoni ta’ sostenn individwali. Il-benefiċjarji jipprovdu inqas dokumenti, u għaldaqstant, l-awtoritajiet tal-Istati Membri jkollhom inqas dokumenti x’jivverifikaw.

74

Billi jibbażaw il-pagamenti fuq l-output, l-SCOs ineħħu l-fokus minn fuq il-fatturi iżda ma jżidux il-fokus fuq ir-riżultati. L-SCOs jippermettu li jinżamm kontroll fuq l-ispejjeż tal-proġetti tal-iżvilupp rurali, iżda dan ikun possibbli biss jekk huma jkunu bbażati fuq metodoloġija ġusta, ekwa u verifikabbli. Il-pagamenti ppjanati li jkunu bbażati fuq ir-riżultati għandhom il-potenzjal li jżidu l-enfasi fuq il-prestazzjoni u jiġġeneraw fokus akbar fuq l-ilħuq tal-objettivi.

75

L-awditu tagħna juri trasferiment u tnaqqis kumplessiv tal-piż amministrattiv. Filwaqt li l-Awtoritajiet Maniġerjali jinvestu (ħin jew flus) minn qabel fil-metodoloġija u fil-kalkoli, il-membri tal-persunal jiffrankaw il-ħin meta jiġu biex jivverifikaw l-applikazzjonijiet għall-appoġġ u t-talbiet għall-pagament u l-benefiċjarji jkollhom inqas dokumenti x’jippreżentaw (ara l-paragrafi 13 sa 18, 21 sa 22, 26).

76

Jekk l-SCOs jintużaw b’mod effettiv huma jippermettu li jinżamm kontroll fuq l-ispejjeż tal-proġetti tal-iżvilupp rurali. Madankollu, biex jiġi żgurat li l-ispejjeż ikunu raġonevoli jeħtieġ li tiġi applikata metodoloġija soda sabiex il-livelli tal-finanzjament jiġu ssettjati fil-livell korrett (ara l-paragrafi 33 sa 38).

77

Għalkemm ma hemm l-ebda rekwiżit legali biex isir aġġornament tal-metodoloġija jew tal-kalkoli, minħabba l-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba, jenħtieġ li l-kalkoli jiġu aġġornati biex l-SCOs ikunu jirriflettu r-realtà.

Rakkomandazzjoni 1

Jenħtieġ li l-Kummissjoni taġġorna l-gwida tagħha dwar l-SCOs biex tkopri l-prinċipji ewlenin għall-iżvilupp tal-metodoloġiji. Din tkun trid tinkludi:

  • ir-rekwiżiti minimi dwar id-data;
  • il-varjazzjoni aċċettabbli fil-prezzijiet użati; u
  • il-kunsiderazzjoni ta’ settijiet tad-data li jkun fihom valuri estremi u data volatili.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: l-2018.

78

Il-Kummissjoni ma tivvalutax il-metodoloġija jew il-kalkoli relatati mal-SCOs meta tagħti l-approvazzjoni tagħha għall-PŻR. L-awditi li jwettqu l-awdituri tad-DĠ Agri jkopru l-SCOs jekk huma jagħżlu pagamenti li jkunu saru permezz ta’ SCOs, iżda l-awdituri ma jagħżlux sistematikament l-Istati Membri jew il-PŻR li jagħmlu użu mill-SCOs. Il-Korpi taċ-Ċertifikazzjoni huma korpi funzjonalment indipendenti iżda r-rwol tagħhom fl-awditjar tal-SCOs mhuwiex speċifikat. Dan iwassal għal riskju li l-SCOs ma jiġux eżaminati minn korp indipendenti (ara l-paragrafi 40 sa 47). F’dan il-kuntest, ir-rekwiżiti u l-prinċipji inklużi fl-Anness II.1 u II.2 jistgħu jkunu rilevanti għall-korpi li jagħmlu użu mill-SCOs u li jivverifikawhom, inklużi l-Korpi taċ-Ċertifikazzjoni (ara l-paragrafu 62).

Rakkomandazzjoni 2

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tikkjarifika min għandu jkollu r-responsabbiltà li jivverifika l-metodoloġija u l-kalkolu tal-SCOs.

B’mod speċifiku, jenħtieġ li l-Kummissjoni, b’kont meħud tar-rekwiżiti ta’ aċċertament stabbiliti fl-Anness II.1, tikkjarifika r-rwol tal-Korpi taċ-Ċertifikazzjoni u, fil-gwida tagħha għalihom tinkludi referenza speċifika għall-awditjar tal-SCOs u tas-sistemi ta’ kontroll intern relatati.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: l-2018.

79

L-awditu tagħna juri li l-SCOs jibqgħu parti marġinali mill-infiq għall-iżvilupp rurali. L-aktar raġuni sinifikanti għal dan hija d-diffikultà biex jiġu stabbiliti miżuri relatati mal-ispejjeż għal firxa wiesgħa u diversa ta’ proġetti, attivitajiet u benefiċjarji. Dan jikkontribwixxi għall-investiment sinifikanti meħtieġ biex tiġi żviluppata metodoloġija għall-SCOs. L-iżvilupp ta’ SCOs huwa utli biss meta jkun hemm ħafna proġetti li jkunu simili jew li jkollhom infiq simili. L-SCOs mhumiex adatti għat-tipi kollha ta’ operazzjonijiet u ta’ nfiq iżda xorta jistgħu jintużaw aktar ta’ spiss u b’mod aħjar (ara l-paragrafi 16 sa 17, 48 sa 51). Filwaqt li r-regolamenti jippermettu l-użu ta’ metodoloġiji u ta’ rati għal SCOs żviluppati f’oqsma oħra ta' politika, aħna sibna li huwa rari li l-Istati Membri jieħdu vantaġġ min din il-possibbiltà.

80

Il-leġiżlatur jista’ jinkludi fir-regolamenti r-rati u l-ammonti li għandhom jintużaw għall-SCOs. Dawn l-SCOs standard għandhom vantaġġ partikolari, billi l-awtoritajiet tal-Istati Membri ma jkollhomx għalfejn jistabbilixxu xi metodoloġija jew kalkolu (ara l-paragrafi 19 sa 20). Madankollu, huwa importanti li dawn ir-rati jkollhom bażi soda, u jkunu kkoordinati b’mod xieraq mal-ispejjeż iffinanzjati fuq il-bażi ta’ fatturi u ta’ dokumentazzjoni oħra.

Rakkomandazzjoni 3

Biex jiġi ffaċilitat l-użu xieraq tal-SCOs, jenħtieġ li l-Kummissjoni

  • tesplora l-possibbiltajiet biex tkompli tiżviluppa SCOs standard li jkollhom bażi soda; u
  • taġġorna d-definizzjonijiet tagħha ta’ kontrolli ewlenin u kontrolli anċillari biex jiġi rifless l-użu li jsir mill-SCOs.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: l-2018.

81

Għalkemm il-Kummissjoni tippromwovi l-fokus akbar li jkun hemm fuq l-output u r-riżultati bħala waħda mir-raġunijiet għalfejn għandhom jintużaw l-SCOs, aħna ma sibniex li l-fokus fuq ir-riżultati żdied. L-SCOs jittrasferixxu l-fokus minn fuq il-fatturi għal fuq l-output, iżda aħna ma sibna l-ebda indikazzjoni li nkisbu riżultati aħjar meta l-SCOs intużaw għall-pagamenti meta mqabbel ma’ rimborż tal-ispejjeż imġarrba.

82

Il-pagamenti l-ġodda bbażati fuq ir-riżultati, li ġew introdotti fil-proposta Omnibus tal-Kummissjoni, joffru l-possibbiltà li jsiru pagamenti li mhumiex marbuta mal-ispejjeż. Is-suċċess tagħhom se jkun jiddependi mill-gwida tal-Kummissjoni u mir-rieda tal-Istati Membri li jadottaw din il-forma ġdida ta’ finanzjament.

Rakkomandazzjoni 4

Jenħtieġ li l-Kummissjoni teżamina l-potenzjal li ma tibqax tibbaża r-rimborż fuq l-ispejjeż imġarrba iżda fuq ir-riżultati. Biex tagħmel dan, jenħtieġ li il-Kummissjoni tieħu kont tal-esperjenza miksuba mill-introduzzjoni tal-SCOs.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: l-2018.

Dan ir-Rapport Speċjali ġie adottat mill-Awla I, immexxija mis-Sur Phil WYNN OWEN, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tas-7 ta’ Marzu 2018.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Klaus-Heiner LEHNE
President

Annessi

Anness I

Miżuri ta’ żvilupp rurali li għalihom jintużaw l-SCOs għal 20 pżr

Miżura Sotto miżura Il-Fjandri (il-Belġju) Walloon (il-Belġju) Il-Bulgarija Id-Danimarka Is-Sassonja (il-Ġermanja) L-Estonja L-Irlanda Il-Greċja Spanja Languedoc-Roussillon (Franza) Provence-Alpes-Côte d'Azur (Franza) (Franza) Il-Kroazja It-Toskana (l-Italja) Il-Veneto (l-Italja) Ċipru Il-Lussemburgu In-Netherlands L-Awstrija Il-Finlandja L-Iżvezja
Trasferiment tal-għarfien u azzjonijiet ta’ informazzjoni 1.1 X X X X X X X X X X X X X X
1.2 X X X X X X X X X X
1.3 X X X
Servizzi konsultattivi, ġestjoni tal-azjendi agrikoli u servizzi ta' skambju tal-azjendi agrikoli 2.1 X X X
2.2
2.3 X X
Skemi ta’ kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel 3.1
3.2 X X X
Investmenti f’assi fiżiċi 4.1 X X X X X X X
4.2 X
4.3 X X X
4.4 X X X X X X X
Ir-restawr tal-potenzjal tal-produzzjoni agrikola li tkun sofriet ħsara minħabba diżastri naturali u introduzzjoni ta’ azzjonijiet xierqa ta’ prevenzjoni 5.1
5.2
Żvilupp tal-azjenda agrikola u tan-negozju 6.4
Servizzi bażiċi u tiġdid tal-irħula f’żoni rurali 7.1 X X X X
7.2 X
7.3 X
7.4 X X
7.5 X X
7.6 X X X X X
7.7 X
7.8 X
Investimenti fl-iżvilupp taż-żoni forestali u titjib tal-vijabbiltà tal-foresti 8.1 X X X X X
8.2 X
8.3 X X X
8.4 X X X X
8.5 X X X X X X X X
8.6 X X
Servizzi ambjentali u klimatiċi b’rabta mal-foresti u l-konservazzjoni tal-foresti 15.2
Kooperazzjoni 16.1 X X X X X X X X X
16.2 X X X X X X X X X X X
16.3 X X X X X X
16.4 X X X X X X X
16.5 X X X X X X X X
16.6 X X
16.7 X
16.8 X
16.9 X X X X X X
16.10 X X X X
Ġestjoni tar-riskju 17.1 X
17.2
17.3
Appoġġ għall-iżvilupp lokali LEADER (CLLD) 19.1 X X X X X X X
19.2 X X X X X X X X X
19.3 X X X X X X X X X
19.4 X X X X X X X X X X X X X
Assistenza teknika 20.1 X X
20.2 X X
Għadd ta’ sottomiżuri li għalihom jintużaw l-SCOs 21 6 13 4 12 14 1 1 9 10 9 6 1 7 6 0 14 21 18 17
Għadd totali ta’ sottomiżuri mhux relatati mal-erja/annimali fil-PŻR 30 18 29 21 20 28 14 30 31 23 23 26 36 32 26 8 16 36 25 26
% ta’ sottomiżuri li jużaw l-SCOs 70 % 33 % 45 % 19 % 60 % 50 % 7 % 3 % 29 % 43 % 39 % 23 % 3 % 22 % 23 % 0 % 88 % 58 % 72 % 65 %

NB: Il-lista tinkludi d-49 sottomiżura ta’ żvilupp rurali għalihom jistgħu jintużaw l-SCOs matul il-perjodu 2014-2020. Ma hemm l-ebda sottomiżura li hija implimentata bis-sħiħ permezz tal-SCOs. L-SCOs jintużaw biss għal tipi speċifiċi ta’ proġetti jew infiq li jingħataw appoġġ taħt is-sottomiżuri rispettivi.

Sors: il-QEA, ibbażat fuq informazzjoni pprovduta mill-Istat Membru u l-miżuri definiti fir-Regolament (UE) Nru 808/2014.

Anness II

1. Aċċertament dwar l-SCOs

Introduzzjoni: Aħna ddiskutejna dawn ir-rekwiżiti ewlenin mas-servizzi tal-Kummissjoni responsabbli għall-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej; dawn huma rilevanti għall-korpi kollha li jużaw u jivverifikaw l-SCOs. Sa liema punt dawn ir-rekwiżiti se jiġu koperti f’awditu partikolari jiddependi kemm fuq l-ambitu tax-xogħol imwettaq kif ukoll fuq kemm jintużaw l-SCOs fl-infiq eżaminat.
Rekwiżit Approċċ
Tfassil (metodoloġija u kalkoli tal-SCOs) L-Istat Membru juża biss SCOs li jkunu permessi skont ir-regoli tal-UE u dawk nazzjonali. Jiġu analizzati r-regoli tal-UE u dawk nazzjonali:

jiġi żgurat li t-tip ta’ SCOs użati jkunu kompatibbli ma’ dawn ir-regoli; u

tiġi identifikata kwalunkwe limitazzjoni għat-tipi ta’ operazzjonijiet li għalihom jistgħu jintużaw l-SCOs u jiġi vverifikat li l-SCOs ikunu qed jintużaw għat-tipi ta’ operazzjonijiet u għall-kategoriji ta’ spejjeż li huma awtorizzati.

L-SCO tiġi stabbilita fuq il-bażi ta’ wieħed mill-metodi awtorizzati fil-leġiżlazzjoni. Jiġu analizzati r-regoli tal-UE u dawk nazzjonali u jiġu identifikati l-metodi awtorizzati għall-istabbiliment tal-SCOs.
Jiġi ivverifikat li l-SCO tkun ġiet stabbilita bl-użu ta’ wieħed mill-metodi identifikati fil-leġiżlazzjoni (eż. metodu ta’ kalkolu ġust, ekwu u verifikabbli, użu ta’ skemi tal-UE jew skemi nazzjonali eżistenti, użu ta’ rati jew ta’ metodi speċifiċi meħuda mir-regolamenti).
Jekk jintużaw rati jew metodi speċifiċi meħuda mir-regolamenti, mhux meħtieġ li t-tfassil jiġi vverifikat.
L-SCO tkopri biss l-ispejjeż eliġibbli. Jiġi żgurat li l-metodoloġija użata għad-definizzjoni tal-SCO tkun tinkludi biss l-ispejjeż li huma eliġibbli fuq il-bażi tar-regoli tal-UE u dawk nazzjonali.
Jekk għall-istess operazzjoni jintuża kombinament ta’ SCOs jew mekkaniżmi ta’ rimborż differenti, jiġi evitat li jsiru dikjarazzjonijiet doppji tal-ispejjeż. Jiġi vverifikat li tip wieħed ta’ infiq għal benefiċjarju individwali jista’ jiġi ffinanzjat darba biss.
Jekk operazzjoni tiġi parzjalment rimborżata fuq il-bażi tal-ispejjeż reali effettivament imġarrba, jiġi vverifikat li dawn l-ispejjeż ma jitħallsux ukoll bħala parti mill-SCO.
Jekk jintużaw somma f’daqqa u spejjeż għal kull unità għall-istess tip ta’ operazzjoni, jiġi vverifikat li l-kalkolu tas-somma f’daqqa ma jkoprix l-elementi rimborżati fuq il-bażi tal-ispejjeż għal kull unità.
Għal rati fissi, jiġi żgurat li jkun hemm definizzjoni komprensiva tal-kategoriji ta’ spejjeż li għalihom tiġi applikata r-rata u l-kategoriji ta’ spejjeż rimborżati mir-rata fissa, kif ukoll li jkun hemm distinzjoni ċara bejniethom.
Jekk l-SCOs ikunu bbażati fuq skemi nazzjonali jew skemi tal-UE eżistenti, dawn l-iskemi jkunu jridu jindirizzaw tipi ta’ benefiċjarji u ta’ operazzjonijiet simili. Jiġi vvalutat jekk it-tipi ta’ benefiċjarji u ta’ operazzjonijiet li jingħataw appoġġ permezz tal-SCOs humiex simili. Dan jiġi ċċekkjat fuq bażi ta’ każ b’każ, pereżempju billi ssir valutazzjoni dwar jekk it-tip ta’ benefiċjarju kienx ikun eliġibbli taħt l-iskema nazzjonali jew dik tal-UE użata bħala l-bażi tal-SCO.
Jiġi vverifikat li l-parametri użati meħuda mill-metodoloġija eżistenti (pereżempju l-ambitu ġeografiku) ikunu validi wkoll għat-tipi ta’ operazzjonijiet li se tintuża għalihom.
Il-kalkolu tal-SCO jkun ġust, raġonevoli u bbażat fuq ir-realtà, u ma jkunx eċċessiv jew estrem. Jiġi vverifikat li l-awtoritajiet tal-Istati Membri jkunu ġġustifikaw is-suppożizzjonijiet u d-data tagħhom użati għall-metodoloġija u l-kalkolu tal-SCO.
Il-kalkolu tal-SCO jkun ekwu: ma jiffavorixxix lil xi wħud mill-benefiċjarji jew mill-operazzjonijiet aktar minn oħrajn. Jiġu analizzati l-ammonti jew ir-rati tal-SCO u jiġi vverifikat li s-suppożizzjonijiet u d-data użati għall-istabbiliment tagħhom ikunu bbażati fuq operazzjonijiet jew benefiċjarji medji jew, alternattivament, li l-ammonti jew ir-rati jkunu diversifikati fuq il-bażi ta’ ġustifikazzjonijiet objettivi.
Il-kalkolu tal-SCO jkun verifikabbli: ibbażat fuq evidenza dokumentarja li tista’ tiġi vverifikata għaż-żmien kollu li fih jintuża l-SCO. Jiġi vverifikat li l-korp li jiddetermina l-SCO jkun żamm rekords xierqa:

tad-deskrizzjoni tal-metodoloġija (inklużi l-passi ewlenin tal-kalkolu);

tas-sorsi tad-data użata, inkluża valutazzjoni tar-rilevanza u tal-kwalità tad-data; u

tal-kalkolu nnifsu.

Id-data użata għall-kalkolu tal-SCO tiġi vverifikata fuq il-bażi ta’ kampjun u jiġi żgurat li jkun hemm rendikont adegwat tal-entrati.
Tfassil - Sistema ta’ ġestjoni u kontroll (sa fejn tkun tikkonċerna l-SCOs biss) Is-sistema ta’ ġestjoni u kontroll tkun tinkludi kontrolli rilevanti relatati mat-tfassil tal-SCOs. Il-proċeduri tal-Istat Membru jiġu ċċekkjati u jiġi vverifikat jekk dawn ikunux jinkludu dispożizzjonijiet li jipprevedu analiżi funzjonalment indipendenti tal-metodoloġija u tal-kalkoli tal-SCOs.
Jiġi ċċekkjat li l-analiżi titwettaq meta jkun rilevanti u li tkun tkopri r-rekwiżiti ewlenin applikabbli msemmija hawn fuq.
Implimentazzjoni (pagamenti bbażati fuq l-SCOs) L-SCOs li jintużaw fil-prattika jiġu stabbiliti minn qabel. Is-sejħa għal proposti tiġi eżaminata u jiġi żgurat li din tkun tinkludi referenza għall-użu tal-SCOs.
Bl-eżaminar tad-dokument li jistipula l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-appoġġ, jiġi vverifikat li l-ammont jew ir-rata użati għall-SCOs ikunu ġew ikkomunikati sa mhux aktar tard milli fid-deċiżjoni dwar l-għajnuna.
Ir-riżultat tanġibbli li l-benefiċjarju mistenni jipprovdi biex jirċievi pagament ibbażat fuq l-SCOs ikun definit b’mod ċar. Jiġi vverifikat li fid-dokument li jistipula l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-appoġġ għal kampjun tal-operazzjonijiet, it-termini ta’ ftehim definiti minn qabel ikunu jispeċifikaw b’mod ċar ir-riżultat tanġibbli meħtieġ biex wieħed jirċievi pagament ibbażat fuq l-SCOs.
Il-pagament jingħata biss jekk ir-riżultati tanġibbli definiti minn qabel ikunu ġew ikkompletati. Jiġi vverifikat li r-riżultati tanġibbli definiti minn qabel ikunu ġew ikkompletati u li l-kundizzjonijiet biex wieħed jirċievi l-appoġġ ikunu ġew issodisfati (billi ssir spezzjoni fiżika jew billi tinkiseb evidenza konklużiva oħra).
Għas-somom f'daqqa u l-spejjeż għal kull unità: jiġi vverifikat li l-kundizzjonijiet definiti minn qabel ikunu ġew issodisfati . Għall-ispejjeż għal kull unità, jiġi vverifikat l-għadd ta'unitajiet eliġibbli reali.
Għall-finanzjament b'rata fissa, jiġi vverifikat li l-ammont stabbilit ikun ibbażat fuq il-kategoriji ta’ spejjeż eliġibbli ddefiniti fil-metodoloġija. L-ispejjeż effettivi mġarrba u mħallsa li għalihom tiġi applikata r-rata jiġu vverifikati u jiġi żgurat li dawn ikunu konformi mad-dokument li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-appoġġ.
Il-metodoloġija tiġi applikata b’mod xieraq u l-pagament ibbażat fuq l-SCOs ikun ġie kkalkulat b’mod korrett. Jiġi ċċekkjat li l-kalkolu tal-pagament ikun ibbażat fuq l-SCO stabbilita f’konformità mar-regoli applikabbli fil-mument tal-għoti tal-appoġġ (jekk ir-rata jew l-ammont tal-SCO jkunu ġew riveduti, jiġi ċċekkjat li jkunu qed jintużaw ir-rati t-tajbin).
Il-kalkolu tal-pagament jiġi ttestjat b’mod matematiku għal kampjun tal-operazzjonijiet (spejjeż għal kull unità: l-għadd ta’ unitajiet implimentati mmultiplikati bl-ispiża għal kull unità, somma f’daqqa: is-somma hija l-istess bħal dik indikata fid-deċiżjoni dwar l-għajnuna, rati fissi: % tal-kategoriji ta’ spejjeż definiti).
F’każ li l-valur tal-ispejjeż li għalihom tiġi applikata r-rata fissa jkun ġie mmodifikat, irid jiġi vverifikat li l-ammont ikkalkulat fuq il-bażi ta’ rata fissa jkun ġie aġġustat ukoll b’mod proporzjonali.
Implimentazzjoni - Sistema ta’ ġestjoni u kontroll (sa fejn tkun tikkonċerna l-SCOs biss) Is-sistema ta’ ġestjoni u kontroll tkun tinkludi kontrolli rilevanti relatati mal-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet li jagħmlu użu mill-SCOs. Il-proċeduri tal-Istati Membri jiġu eżaminati u jiġi vvalutat jekk dawn ikunux jinkludu kontrolli amministrattivi fuq it-twettiq tal-operazzjoni, l-issodisfar tat-termini definiti minn qabel, u l-verifikazzjoni tal-unitajiet (għall-ispejjeż għal kull unità) u l-kategoriji tal-ispejjeż eliġibbli (għall-finanzjament b'rata fissa).
Il-kontrolli amministrattivi definiti fis-sistema ta’ ġestjoni u kontroll ikunu qed joperaw b’mod effettiv. Għal kampjun tal-pagamenti, il-kontrolli amministrattivi jiġu eżaminati u jiġi vverifikat li dawn ikunu twettqu f’konformità mal-kontrolli definiti fis-sistema ta’ ġestjoni u kontroll.

Anness II

2. Prestazzjoni tal-SCOs

Introduzzjoni: Din it-taqsima tagħti eżempji tal-prinċipji li jistgħu jkunu rilevanti għall-awditjar tal-prestazzjoni; oħrajn jistgħu jiġu żviluppati skont l-ambitu tal-awditu. Barra minn hekk, ikun meħtieġ li jiġu żviluppati kriterji tal-awditjar għal kull wieħed mill-prinċipji.
Prinċipju Approċċ
Ekonomija L-SCOs ikunu ssettjati fil-livell korrett. Jiġi ċċekkjat li, għal livell stipulat ta' outputs jew riżultati, l-SCOs ma setgħux jitfasslu jew jiġu implimentati b’mod li seta’ jirriżulta fi spejjeż sinifikattivament aktar baxxi.
Il-ħtieġa ta’ indiċjar jew ta’ aġġornament tal-metodoloġija u tad-data użati għall-kalkolu tiġi evalwata perjodikament. Jiġi vverifikat (bl-eżaminar ta’ proċeduri, jew ta’ aġġornamenti jew stħarriġ preċedenti) li l-awtoritajiet tal-Istati Membri jevalwaw perjodikament il-ħtieġa li jaġġornaw is-suppożizzjonijiet użati għall-metodoloġija relatata mal-SCOs kif ukoll id-data użata għall-kalkolu. Jiġi ċċekkjat li l-kalkoli jkunu ġew aġġornati fejn rilevanti.
Jekk l-SCOs ikunu bbażati fuq skemi tal-UE jew skemi nazzjonali eżistenti, jiġi ċċekkjat jekk il-metodoloġija użata għall-iskema oriġinali ġietx immodifikata matul il-perjodu, u jekk dan ikun il-każ, jiġi vverifikat li l-SCO tkun ġiet modifikata kif meħtieġ.
Effiċjenza Il-ħin meħud u l-ispejjeż involuti għat-tħejjija tal-metodoloġija u l-kalkoli użati għall-SCOs ikunu proporzjonati mal-iffrankar li jkun sar matul l-implimentazzjoni fil-perjodu kollu. Tinkiseb informazzjoni dwar ir-riżorsi meħtieġa għall-istabbiliment tal-metodoloġija meta mqabbla mal-ħin li ġie ffrankat matul l-implimentazzjoni. Jiġi analizzat jekk l-użu tal-SCOs għal dan it-tip partikolari ta’ operazzjoni, benefiċjarju u/jew kategorija ta’ spejjeż huwiex effiċjenti.
Il-kontrolli amministrattivi jkunu simplifikati biex jirriflettu l-użu tal-SCOs. Il-proċedura tal-Istati Membri u l-listi ta’ kontroll għall-kontrolli amministrattivi jiġu eżaminati biex ikun żgurat li:

l-ispejjeż effettivament imġarrba ma jiġux ivverifikati għall-kategoriji ta’ infiq rimborżat permezz tal-SCOs;

l-infiq iċċertifikat lill-Kummissjoni jiġi kkalkulat fuq il-bażi tal-kwantitajiet iċċertifikati;

għall-ispejjeż għal kull unità u s-somom f’daqqa il-kontrolli jkunu ffukati fuq l-outputs u l-eżiti; u

għar-rati fissi, il-verifikazzjoni tkun iffukata fuq l-ispejjeż eliġibbli li għalihom tiġi applikata r-rata.

Effettività L-SCOs ikunu ffukati fuq l-ilħuq tal-outputs u r-riżultati. Jiġi ċċekkjat li r-riżultati tanġibbli li l-benefiċjarju mistenni jipprovdi biex jirċievi pagament ibbażat fuq l-SCOs ikunu marbutin b’mod ċar mal-ilħuq tal-objettivi ta’ politika.

Ir-risposti tal-Kummissjoni

Sommarju eżekuttiv

I

Il-Kummissjoni saħħet l-Għażliet Simplifikati tal-Kostijiet fl-2014 bil-għan li tkompli tissimplifika t-twettiq ta’ ċerti miżuri ta’ żvilupp rurali. Kien jidher ċar mill-bidu nett li din l-alternattiva dwar il-metodu ta’ rimborż tal-ispejjeż li ma kenitx probabbli li żżid b’mod sinifikanti l-attenzjoni fuq ir-riżultati. Bħala tali, l-approċċ ta’ SCO għandu jwassal għall-istess riżultati bħal sistemi ta’ rimborż konvenzjonali, għalkemm b’mod aktar sempliċi u rapidu.

IV

Il-Kummissjoni tqis li l-SCO inaqqsu b’mod sinifikanti l-piż amministrattiv, u r-riżorsi umani u l-isforz amministrattiv involuti fil-ġestjoni tal-Fond jistgħu jiġu ffukati aktar fuq il-kisba tal-għanijiet ta’ politika minflok ikunu kkonċentrati fuq il-ġbir u l-verifika tad-dokumenti finanzjarji.

V

Il-Kummissjoni ċċarat u qed tippjana biex tkompli tiċċara r-rwol tal-Korpi ta’ Ċertifikazzjoni dwar verifika tal-metodoloġija tal-SCO f’Laqgħat tal-Grupp ta’ Esperti għall-Korpi ta’ Ċertifikazzjoni.

VI

Il-Kummissjoni tqis li l-SCO huma xi ħaġa ġdida għal nefqa mhux relatata maż-żona u mal-annimali. Jeħtieġ ftit taż-żmien biex jittieħdu mill-Istati Membri. Madankollu, bħalissa qed jiġu introdotti xi SCOs permezz tal-emendi għall-RDP.

VII

L-ewwel punt: Il-Kummissjoni taċċetta din ir-rakkomandazzjoni u diġà bdiet taġġorna d-dokument ta’ gwida l-aktar biex tinkludi l-bidliet li se jiġu introdotti mir-regolament CPR tal-Omnibus.

It-tieni punt: Il-Kummissjoni taċċetta din ir-rakkomandazzjoni.

Il-Kummissjoni taċċetta l-ħtieġa li jiġu ċċarati xi aspetti li jikkonċernaw il-verifika tal-metodoloġija u l-kalkolu għall-SCOs fil-gwida aġġornata. Il-Korpi taċ-Ċertifikazzjoni attwalment jipprovdu opinjoni dwar is-sistemi ta’ kontroll intern, kif ukoll il-legalità u r-regolarità tan-nefqa, inkluża l-konformità mal-liġi applikabbli rigward l-SCOs. Madankollu, ir-rwol tagħhom fl-awditjar tal-SCO jista’ jiġi ċċarat aktar.

It-tielet punt: Il-Kummissjoni taċċetta din ir-rakkomandazzjoni u se taġġorna l-lista ta’ kontrolli ewlenin u anċillari li jirriflettu l-użu ta’ SCOs. Il-Kummissjoni inkludiet aktar SCOs standard fis-CPR tal-Omnibus.

Ir-raba’ punt: Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni. Il-Kummissjoni qed tirrifletti, kif stipulat fil-Komunikazzjoni dwar il-Futur għall-Ikel u l-Biedja dwar modi biex jiċċaqalqu għal Stat Membru li jibbażaw is-sistemi ta’ rimborż fuq ta’ politika.

Osservazzjonijiet

Kaxxa 3 - Rata fissa għal spejjeż soċjali fl-Iżvezja

L-eżempju mill-Iżvezja juri b’mod xieraq ħafna il-benefiċċji amministrattivi potenzjali milli jintużaw l-SCO minflok l-ispejjeż attwali mġarrba.

28

Il-Kummissjoni tqis li l-investiment meħtieġ għall-iżvilupp tal-metodoloġija tal-SCO huwa aktar tard ikkumpensat minn iffrankar ta’ ħin tal-awtoritajiet kompetenti matul il-preżentazzjoni u l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għal għajnuna u talbiet għal pagament.

Kaxxa 7 - Ir-raġonevolezza tal-kostijiet imħallsa meta l-għotjiet ikunu bbażati fuq spejjeż

It-tieni inċiż: Il-valutazzjoni tar-raġonevolezza tal-ispejjeż tinsab fir-responsabbiltà tal-Istati Membri. Barra minn hekk, l-offerti jew il-prezzijiet ta’ referenza huma biss żewġ għażliet dwar kif din l-evalwazzjoni se titwettaq (l-Artikolu 48(2)(e) tar-Regolament (UE) Nru 809/2014 jirreferi għalihom bħala “bħal”). Il-Kummissjoni tipproteġi l-baġit tal-UE meta d-dgħufijiet jiġu identifikati permezz ta' proċeduri ta' konformità u toħroġ gwida dwar kif jistgħu jitjiebu s-sistemi fis-seħħ (ara l-Gwida dwar il-kontrolli tal-iżvilupp rurali u s-sanzjonijiet, inkluż lista ta' kontroll ippreżentat mill-QEA fir-Rapport Speċjali 22/2014 għall-valutazzjoni tar-raġonevolezza tal-ispejjeż).

30

Il-Kummissjoni tinnota li skont il-qafas legali applikabbli (Artikoli 67 u 68 tar-Regolament Nru (UE) 1303/2013), meta l-ammonti tal-SCOs huma żviluppati fuq il-bażi ta’ metodoloġija, dawn mhux bilfors iridu jiġu aġġornati u lanqas eżaminati matul il-perjodu ta’ programmazzjoni. Madankollu, anki jekk ma jkun hemm l-ebda bażi legali li teħtieġ l-aġġornament tal-kalkoli, SCO tista’ tkun trid tiġi aġġornata jekk ikun hemm provi li m’għadhiex ġusta (jiġifieri hija ma tirriflettix l-ispejjeż medji tas-suq).

34

Il-Kummissjoni tikkondividi bis-sħiħ il-fehma li d-dejta sottostanti għall-kalkolu tal-SCOs għandha tkun disponibbli għal verifika possibbli. Dan huwa msemmi wkoll fid-dokument ta’ Gwida tal-FSIE għal SCOs ippubblikati fl-2014.

Kaxxa 10 - L-awtoritajiet tal-Istati Membri mhux dejjem setgħu jispjegaw l-għażla tagħhom għal kalkoli tad-dejta tal-SCO

Kif spjegat qabel, il-Kummissjoni tikkondividi bis-sħiħ il-fehma li d-dejta sottostanti għall-kalkolu tal-SCOs jenħtieġ li tkun disponibbli għal verifika possibbli u l-Awtoritajiet ta’ Ġestjoni jenħtieġ li jkunu kapaċi jispjegaw id-deċiżjonijiet tagħhom rigward id-dejta sottostanti użata.

Madankollu, għandu jitqies ukoll li, għal ċerti materjali u servizzi speċjalizzati, huwa diffiċli li jinkisbu anki tliet offerti minn fornituri/manifatturi, aktar u aktar jekk għandhom jiġu pprovduti fir-Reġjuni Ultraperiferiċi u fi kwantitajiet limitati (pereżempju, tractors żgħar biex jintużaw f’pajsaġġi b’art wieqfa, materjali reżistenti għal kundizzjonijiet tropikali, makkinarju speċjalizzat, eċċ.).

Kaxxa 11 - Somma f’daqqa fuq il-bażi li ma jistgħux jitqabblu l-offerti li ma twassalx għal xi ffrankar

Il-Kummissjoni tqis li din l-osservazzjoni ma jistax tiġi ġeneralizzata peress li ma tkoprix il-każijiet kollha: il-parteċipazzjoni f’fieri tista’ tinvolvi diversi kategoriji ta’ nefqa eliġibbli li kollha magħduda jistgħu tabilħaqq iwasslu għal piż addizzjonali għall-amministrazzjoni u għall-benefiċjarji. L-SCOs huma partikolarment rakkomandati għal għotjiet żgħar u, għal Fondi SIE oħra, huma saħansitra obbligatorji.

40

Il-Kummissjoni tinnota li l-bidla riċenti fil-leġiżlazzjoni ssimplifikat l-approċċ ma’ Fondi SIE oħra, li għalihom mhijiex meħtieġa dikjarazzjoni indipendenti. Fil-prattika, kien hemm SCOs li l-Istati Membri ma setgħux jintużaw minħabba l-ħtieġa li jissottomettu d-dikjarazzjoni indipendenti permezz ta’ modifika tal-programm. Kif tinnota l-QEA, l-Istati Membri xorta jistgħu jagħżlu li jinvolvu korp indipendenti biex jeżaminaw mill-ġdid il-metodoloġija u l-kalkoli. Għalhekk il-Kummissjoni tikkunsidra li din l-abolizzjoni ġġib simplifikazzjoni u jenħtieġ li tidher aktar bħala opportunità milli sfida.

42

Il-verifiki ta’ konformità tal-Kummissjoni mhumiex esklużivament immirati għall-SCOs. Sabiex tikseb assigurazzjoni raġonevoli li l-infiq iffinanzjat mill-FAEŻR fuq il-miżuri magħżula, intalab u ntefaq b’konformità mar-regoli tal-UE, il-valutazzjoni tal-SCOs hija magħmula fuq il-bażi sempliċi ta’ kampjuni bħala parti mis-sistemi ta’ awditjar imwettqa. Inkella, l-SCOs ikun l-uniku skop tal-verifika u l-ebda kwistjonijiet oħra ma jkunu jistgħu jiġu awditjati.

43

Il-Kummissjoni tqis li l-korrezzjonijiet finanzjarji mhumiex ostakoli, iżda rettifiki f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità mar-regoli (ksur tal-liġi tal-UE, ksur tal-kuntratt) u ma jiddependux fuq il-metodoloġija tal-kalkolu tal-ispejjeż.

Il-Kummissjoni (fondi SIE tad-DĠs) tkompli tipprovdi gwida għall-Istati Membri dwar l-SCOs. Ġew organizzati diversi sessjonijiet ta’ informazzjoni għall-Istati Membri, fejn anke l-awdituri kienu involuti. Ingħataw kjarifiki kull meta l-Istati Membri saqsew dwar il-metodoloġija tal-SCO.

44

Tali possibbiltà għall-fondi ESI kollha tista’ tkun ta’ piż għall-Kummissjoni, filwaqt li l-użu tal-SCOs huwa preċiżament sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv għall-awtoritajiet.

46

Il-linji gwida tal-Kummissjoni għall-Korpi ta’ Ċertifikazzjoni huma ġenerali u ma jistgħux jipprovdu għal proċessi speċifiċi bħal SCOs, li jistgħu jew jistgħu ma jkunux applikabbli għal kull Aġenzija tal-Pagamenti.

47

Il-verifika indipendenti ma tiżgurax li s-sistema hija ħielsa mill-iżbalji. Il-Kummissjoni tinnota li anki meta twettaq dan l-awditu, l-obbligu ta’ korp indipendenti li jiċċertifika l-metodoloġija xorta kien għadu applikabbli, u kif wriet il-QEA dan ma taffiex ir-riskju ta’ żbalji fil-kalkoli. Għall-kuntrarju, il-pagamenti tal-SCOs taħt il-Fondi ESI, fejn mhux neċessarjament jitwettaq l-ebda kontroll indipendenti, jidhru li huma inqas suxxettibbli għal żbalji.

48

Fuq il-bażi ta’ studju reċenti dwar “L-użu u l-użu maħsub ta’ għażliet għal spejjeż simplifikati tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE), il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond ta’ Koeżjoni (FK) u l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR)”, il-Kummissjoni tat ħarsa ġenerali dwar l-użu u l-użu maħsub tal-SCOs.

56

Il-Kummissjoni tqis li l-pagamenti SCO jistgħu jintużaw bħala prinċipju għat-tipi kollha ta’ operazzjonijiet anke jekk id-diversità ta’ proġetti appoġġati taħt il-FAEŻR jistgħu jeħtieġu investiment inizjali fit-tfassil tal-metodoloġija.

58

Ara t-tweġiba tal-Kummissjoni għall-paragrafu 56.

61

L-awdituri tal-Kummissjoni tabilħaqq jikkontrollaw it-tfassil u l-implimentazzjoni (l-applikazzjoni korretta) ta’ SCOs kull meta dawn jintużaw fl-implimentazzjoni tal-miżura (i) fl-ambitu tal-awditu. Il-Kummissjoni qed tikkunsidra tagħmel SCOs aktar espliċiti fil-kontrolli ewlenin u anċillari f’reviżjoni futura tad-dokument.

62

Il-Kummissjoni tenfasizza li l-Korpi taċ-Ċertifikazzjoni m’għandhomx isegwu l-prinċipji ta’ prestazzjoni stabbiliti fl-Anness II.2. Fil-qafas legali preżenti, dawn il-prinċipji jmorru 'lil hinn mill-ambitu tax-xogħol tal-awditu tal-Korpi taċ-Ċertifikazzjoni li huwa stabbilit fl-Artikolu 9 tar-Regolament UE 1306/2013.

63

Il-Kummissjoni tqis li din l-osservazzjoni turi r-rilevanza tad-deċiżjoni biex tneħħi ċ-ċertifikat meħud mil-leġiżlatur.

67

Il-gwida tissuġġerixxi li l-użu ta’ SCOs huwa li jitnaqqas il-piż amministrattiv għall-awtoritajiet u l-benefiċjarji, u b’hekk l-isforz amministrattiv involuti fil-ġestjoni tal-Fond ikun jista’ jiffoka aktar fuq il-kisba tal-għanijiet ta’ politika minflok ikun ikkonċentrat fuq il-ġbir u l-verifika tad-dokumenti finanzjarji.

68

Ma hemm l-ebda indikazzjoni li l-użu ta’ SCOs se jgħin biex jinkisbu riżultati aħjar meta mqabbla mal-ispejjeż reali. Is-sistema ta’ rimborż tal-SCO għandha twassal għall-istess riżultati bħala sistemi ta’ rimborż konvenzjonali, għalkemm b’mod aktar sempliċi u rapidu. Ara t-tweġiba tal-Kummissjoni għall-paragrafu 67.

69

Filwaqt li d-definizzjoni ta’ kriterji ta’ għażla u tal-intensità tal-għajnuna huma mezzi biex jiżdied l-immirar tal-interventi (eż. favur ċerti benefiċjarji jew żoni), l-applikazzjoni ta’ SCOs twassal għal simplifikazzjoni amministrattiva meta mqabbla mal-modi standard ta’ rimborż ta’ benefiċjarji (fatturi). L-ewwel metodi jgħinu biex tiżdied il-prestazzjoni tal-politika, it-tieni jwasslu għal żieda fl-effiċjenza amministrattiva.

It-tweġiba komuni tal-Kummissjoni għall-paragrafi 70 u 71

Il-prestazzjoni tal-politika hija bbażata fuq interazzjoni effettiva ta’ interventi ta’ appoġġ fid-dawl ta’ objettivi ta’ politika. L-indikaturi fis-Sistema Komuni ta’ Monitoraġġ u Evalwazzjoni (Common Monitoring and Evaluation System - CMES) huma mezzi biex jivvalutaw il-prestazzjoni tal-politika. Għalhekk, huma bbażati fuq l-attivitajiet imwettqa, u mhux fuq kif dawk l-attiivtajiet jiġu mħallsa. Skont il-loġika ta’ intervent ma jistax ikun hemm rabta diretta bejn l-objettivi tal-politika u l-ħlasijiet lill-benefiċjarji.

Operazzjonijiet appoġġati mill-iżvilupp rurali huma marbuta direttament mal-objettivi tal-politika permezz ta’ oqsma ta’ fokus li jitqiegħdu taħthom.

72

Din l-għażla ta’ “ħlasijiet fuq l-issodisfar tal-kundizzjonijiet” li għandha tiġi introdotta mir-regolament CPR tal-Omnibus mhijiex meqjusa bħala SCO (ħlas lill-benefiċjarji) iżda forma ġdida ta’ finanzjament li fuqha l-Kummissjoni tista’ tirrimborsa lill-Istati Membri. Id-dispożizzjoni l-ġdida fic-CPR, li nibtet minn proposta simili introdotta fl-emendi għar-Regolament Finanzjarju (l-Artikolu 121), tipprovdi għall-possibilità li l-Istati Membri jiġu rimborżati ibbażat fuq l-issodisfar tal-kundizzjonijiet relatati mat-twettiq ta’ progress tal-progress fl-implimentazzjoni jew il-kisbiet tal-għanijiet tal-programmi kif stabbilit fl-atti delegati (li għandhom jiġu adottati).

Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

74

Il-Kummissjoni ma taqbilx mar-rabta diretta bejn il-ħlas fil-livell tal-proġett u r-riżultat, kif spjegat fit-tweġibiet tal-Kummissjoni għall-paragrafi 69-72.

75

L-Awtoritajiet Maniġerjali jeħtieġ li jinvestu l-ħin fil-metodoloġija biss meta l-SCOs ikunu stabbiliti f’konformità mal-Artikolu 67(5)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013. Madankollu, hemm possibilitajiet oħra pprovduti fl-Artikolu 67(5)(b) sa (e) u 68 li ma jeħtieġux l-iżvilupp tal-metodoloġija.

77

Fin-nuqqas ta’ rekwiżiti legali għal aġġornamenti regolari, huwa taħt ir-responsabbiltà tal-Istati Membri li jivvalutaw jekk l-SCO tkunx teħtieġ li tiġi aġġornata jekk jiġi ppruvat li mhijiex ġusta (jiġifieri ma tkunx tirrifletti aktar l-ispejjeż medji tas-suq). Ara wkoll it-tweġiba tal-Kummissjoni għall-paragrafu 30.

Rakkomandazzjoni 1

Il-Kummissjoni taċċetta din ir-rakkomandazzjoni. Il-Kummissjoni se tirrevedi l-linji gwida billi tipprovdi xi eżempji ta’ prattiki tajba u aktar informazzjoni.

78

Bħala parti mir-rieżami tas-sistema ta’ kontroll intern, il-Korpi taċ-Ċertifikazzjoni huma mistennija li jikkontrollaw il-proċeduri għall-SCOs sabiex jeżaminaw it-tfassil tal-proċess. Barra minn hekk, huma jittestjaw xi tranżazzjonijiet skont il-lista ta’ kontrolli ewlenin u anċillari biex jaraw jekk il-kontrolli tal-Aġenzija tal-Pagamenti humiex qed jiġu mfassla u implimentati b’mod xieraq. Dan jiġi żviluppat fil-linji gwida tal-Korpi taċ-Ċertifikazzjoni biex jiġi applikat b’mod obbligatorju mis-Sena Finanzjarja 2019 ’il quddiem, u b’mod volontarju fis-Sena Finanzjarja 2018.

Barra minn hekk, matul l-ittestjar sostantiv statistiku tal-fajls, il-Korpi taċ-Ċertifikazzjoni għandhom jeżaminaw fid-dettall it-talbiet għall-pagamenti, il-kontrolli tal-Aġenziji tal-Pagamenti (amministrattivi u/jew fuq il-post) u l-kalkolu tal-pagament. Fil-każ li l-Korp taċ-Ċertifikazzjoni jkun diġà eżamina l-proċedura, hija biss tal-preċiżjoni aritmetika tal-kalkolu tal-ħlas li hemm bżonn tiġi vverifikata.

Fir-rigward tal-metodoloġija SCO, f’xi każijiet, il-Korpi taċ-Ċertifikazzjoni jirreveduha.

Ir-rwol tal-Korpi taċ-Ċertifikazzjoni fil-verifika tal-SCO ġie ċċarat f’laqgħat ta’ ħidma dwar l-SCOs matul il-Grupp ta’ Esperti għall-Korpi ta’ Ċertifikazzjoni ta’ Novembru u se jiġu ċċarati aktar fil-Laqgħat tal-Grupp ta’ Esperti.

Rakkomandazzjoni 2

Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni.

Il-Korpi taċ-Ċertifikazzjoni attwalment jipprovdu opinjoni dwar is-sistemi ta’ kontroll intern, kif ukoll il-legalità u r-regolarità tan-nefqa, inkluża l-konformità mal-liġi applikabbli rigward is-SCOs. Ir-rwol tal-Korpi ta’ Ċertifikazzjoni għandu jiġi ċċarat ulterjorment u l-Kummissjoni tqis li din il-parti tar-rakkomandazzjoni bħalissa qed tiġi implimentata. Il-linji gwida huma ċari dwar il-ħidma ta’ verifika li trid issir mill-Korpi taċ-Ċertifikazzjoni għal SCOs fil-livell tal-Aġenzija tal-Pagamenti.

Il-Kummissjoni ċċarat u tippjana biex tkompli tiċċara r-rwol tagħhom dwar verifika tal-metodoloġija tal-SCO f’Laqgħat tal-Grupp ta’ Esperti għall-Korpi ta’ Ċertifikazzjoni. Ara t-tweġiba tal-Kummissjoni għall-paragrafu 78.

79

Il-Kummissjoni tqis li l-SCO huma xi ħaġa ġdida għal nefqa mhux relatati maż-żona u mal-annimali. Jeħtieġ ftit taż-żmien biex jittieħdu mill-Istati Membri. Madankollu, xi SCOs bħalissa qed jiġu introdotti permezz tal-emendi għall-RDP.

Rakkomandazzjoni 3

Il-Kummissjoni taċċetta din ir-rakkomandazzjoni:

L-ewwel punt: Il-Kummissjoni tqis li din is-sottorakkomandazzjoni ġiet implimentata minħabba li SCOs ġodda kummerċjalment disponibbli ġew inklużi fir-regolament Omnibus tas-CPR. Il-Kummissjoni se tkompli tesplora l-għażliet biex jiġi żviluppat aktar SCOs kummerċjalment disponibbli biex jiġu inklużi f’leġiżlazzjoni futura iżda mhix f’pożizzjoni f’dan l-istadju li tagħmel impenji speċifiċi.

It-tieni punt: Il-Kummissjoni se taġġorna d-definizzjoni tal-lista ta’ kontrolli ewlenin u anċillari biex tirrifletti l-użu ta’ SCOs.

81

L-użu ta’ SCOs huwa li jitnaqqas il-piż amministrattiv għall-awtoritajiet u l-benefiċjarji, u b’hekk l-isforz amministrattiv involuti fil-ġestjoni tal-Fond ikun jista’ jiffoka aktar fuq il-kisba tal-għanijiet ta’ politika minflok ikun ikkonċentrat fuq il-ġbir u l-verifika tad-dokumenti finanzjarji. Ma hemm l-ebda indikazzjoni li l-użu ta’ SCOs se jgħin biex jinkisbu riżultati aħjar meta mqabbla mal-ispejjeż reali. Is-sistema ta’ rimborż tal-SCO għandha twassal għall-istess riżultati bħala sistemi ta’ rimborż konvenzjonali, għalkemm b’mod aktar sempliċi u rapidu.

82

Id-dispożizzjoni l-ġdida fic-CPR, tipprovdi għall-possibilità li l-Istati Membri jiġu rimborżati ibbażat fuq l-issodisfar tal-kundizzjonijiet relatati mat-twettiq ta’ progress tal-progress fl-implimentazzjoni jew il-kisbiet tal-għanijiet tal-programmi kif stabbilit fl-atti delegati (li għandhom jiġu adottati).

Rakkomandazzjoni 4

Il-Kummissjoni taċċetta din ir-rakkomandazzjoni.

Filwaqt li l-Kummissjoni f’dan l-istadju mhix f’pożizzjoni biex tieħu impenji speċifiċi b’rabta mal-proposti leġiżlattivi għall-perjodu ta’ wara l-2020, hija qed tirrifletti, kif stipulat fil-Komunikazzjoni dwar il-Futur għall-Ikel u l-Biedja Organika dwar modi kif tgħaddi għal sistemi li jibbażaw ir-rimborż tal-Istati Membri fuq il-kisba tal-għanijiet ta’ politika. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni se tkompli tinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jużaw SCOs biex jiffaċilitaw ir-rimborż ta’ benefiċjarji.

Glossarju

Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej: Ħames strumenti ta’ nfiq tal-UE stabbiliti għal perjodu baġitarju ta’ seba’ snin: il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond Soċjali Ewropew (FSE), il-Fond ta’ Koeżjoni (FK), il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS).

Ġestjoni kondiviża: Metodu ta' implimentazzjoni tal-baġit tal-UE fejn il-Kummissjoni tiddelega kompiti ta' implimentazzjoni lill-Istati Membri, filwaqt li żżomm ir-responsabbiltà finali.

Kalkolu (fil-kuntest tal-SCOs): Id-determinazzjoni matematika li tistabbilixxi l-ammont/ir-rata tal-SCO.

Korrezzjonijiet finanzjarji: Tnaqqis fl-ammonti li l-Kummissjoni tirrimborża lill-Istati Membri għal attivitajiet imwettqa fl-ambitu ta’ ġestjoni kondiviża, biex jittieħed kont ta’ dgħufijiet tas-sistema, il-pagamenti żbaljati jew li jsiru tard,u nuqqasijiet oħrajn.

Metodoloġija (fil-kuntest tal-SCOs): Il-metodu użat għall-kalkolu tal-SCO.

Miżura: Skema ta' għajnuna għall-implimentazzjoni ta' politika. Miżura tiddefinixxi r-regoli, bħall-kriterji ta’ eliġibbiltà u ta’ għażla, għall-proġetti li jistgħu jiġu ffinanzjati.

Operazzjoni: Proġett, grupp ta’ proġetti jew azzjoni oħra magħżula skont il-kriterji stabbiliti għall-programm tal-iżvilupp rurali, u implimentati minn benefiċjarju wieħed jew aktar bil-ħsieb li jinkisbu l-objettivi tal-programm.

Opzjonijiet ta' Spejjeż Simplifikati (SCO): It-tliet tipi ta’ finanzjament definiti fl-Artikolu 67(b), (c) u (d) tar-Regolament (UE) Nru 1303/20131: skali standard ta' spejjeż għal kull unità, somom f’daqqa u finanzjament b’rata fissa.

Politika ta' żvilupp rurali: Waħda mill-pilastri tal-Politika Agrikola Komuni, ikkofinanzjata mill-FAEŻR. L-għan tal-politika huwa li ttejjeb il-kampanja u s-sitwazzjoni għall-persuni li jgħixu hemm, billi ssaħħaħ il-kompetittività tas-setturi tal-agrikoltura u tal-forestrija, ittejjeb l-ambjent u l-kwalità tal-ħajja fiż-żoni rurali u tħeġġeġ id-diversifikazzjoni tal-ekonomija rurali.

Programm tal-iżvilupp rurali (PŻR): Dokument ta' programmazzjoni mħejji minn Stat Membru u approvat mill-Kummissjoni biex jintuża fl-ippjanar u fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-politika ta' żvilupp rurali tal-UE fil-livell reġjonali jew nazzjonali.

Rata fissa: Waħda mill-opzjonijiet ta’ spejjeż simplifikati. Kategoriji speċifiċi ta’ spejjeż eliġibbli li jkunu identifikati b’mod ċar minn qabel. Dawn jiġu kkalkolati bl-applikazzjoni ta’ perċentwal stabbilit minn qabel għal kategorija waħda jew għal diversi kategoriji oħra ta’ spejjeż eliġibbli.

SCOs standard: SCOs stabbiliti f’regolament. L-hekk imsejħa SCOs standard jistgħu jintużaw minnufih mill-awtoritajiet tal-Istati Membri mingħajr ma jkun meħtieġ li l-ammonti jew ir-rati użati jiġu sostanzjati permezz ta’ metodoloġija jew kalkolu.

Sistema Komuni ta' Monitoraġġ u Evalwazzjoni (CMES): Sistema mfassla b’kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jitkejlu l-progress u l-kisbiet tal-politika ta’ żvilupp rurali, u biex issir valutazzjoni tal-impatt, l-effettività, l-effiċjenza u r-rilevanza tal-appoġġ għall-iżvilupp rurali.

Skali standard ta' spejjeż għal kull unità: Waħda mill-opzjonijiet ta’ spejjeż simplifikati. Prezzijiet standard stabbiliti minn qabel għal kwantitajiet definiti. L-infiq eliġibbli jiġi kkalkulat bil-multiplikazzjoni tal-ispiża standard mal-attivitajiet, l-input, l-outputs jew ir-riżultati kwantifikati.

Somom f’daqqa: Waħda mill-opzjonijiet ta’ spejjeż simplifikati. Somma f’daqqa hija pagament sħiħ ta’ għotja (ikkalkulata minn qabel) għal proġett, ladarba l-attivitajiet u/jew l-outputs miftiehma jkunu ġew ikkompletati.

Noti finali

1 Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).

2 L-Artikolu 41(d) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 487) u l-Artikolu 10 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 808/2014 tas-17 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 (ĠU L 227, 31.7.2014, p. 18).

3 L-Artikoli 19(1)(a) u 27 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013.

4 Ir-Rapport Annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2014 (il-paragrafu 1.25), 2015 (il-paragrafu 1.29) u 2016 (il-paragrafu 1.15).

5 L-Artikolu 67(1)(b), (c) u (d) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013.

6 It-Taqsima 1.2.2 tal-Gwida tal-Kummissjoni dwar l-Għażliet ta’ Spejjeż Issimplifikati (Opzjonijiet ta’ Spejjeż Simplifikati) (EGESIF_14-0017: Gwida dwar l-Għażliet ta’ Spejjeż Issimplifikati (SCOs). Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (FSIE)).

7 Bħall-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond Soċjali Ewropew.

8 L-Artikolu 67(5) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013.

9 Jistgħu jiġu stabbiliti metodi addizzjonali permezz ta’ regoli speċifiċi għall-Fondi; madankollu, dan ma sarx fil-każ tal-iżvilupp rurali.

10 Il-Fjandri (il-Belġju), id-Danimarka, is-Sassonja (il-Ġermanja), il-Gżejjer Kanarji (Spanja), Languedoc-Roussillon (Franza), l-Iżvezja, Walloon (il-Belġju), il-Bulgarija, l-Estonja, l-Irlanda, il-Greċja, Provence-Alpes-Côte d'Azur (Franza), il-Kroazja, it-Toskana (l-Italja), il-Veneto (l-Italja), Ċipru, il-Lussemburgu, in-Netherlands, l-Awstrija u l-Finlandja Kontinentali.

11 Aħna għażilna l-PŻR fuq il-bażi ta’ dawn il-kriterji li ġejjin: livelli differenti ta’ użu tal-SCOs fil-PŻR, kopertura ta’ SCOs għal miżuri differenti, użu ta’ tipi differenti ta’ SCOs, taħlita ta’ programmi nazzjonali u reġjonali u kopertura ġeografika raġonevoli, użu ta’ SCOs minn oqsma oħra ta’ politika, programmi approvati minn żmien għall-ieħor mill-Kummissjoni.

12 Il-Gżejjer Kanarji (Spanja) u l-Iżvezja.

13 Dment li ma jużawx l-hekk imsejħa SCOs standard li huma deskritti f'aktar dettall fil-paragrafu 19.

14 L-Irlanda, Languedoc-Roussillon (Franza), Provence-Alpes-Côte d'Azur (Franza), it-Toskana (l-Italja), il-Lussemburgu u l-Awstrija.

15 L-Artikoli 68(1)(b) u 68(2) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013.

16 Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 809/2014 tas-17 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll, tal-miżuri tal-iżvilupp rurali u tal-kundizzjonalità (ĠU L 227, 31.7.2014, p. 69).

17 Għal aktar dettalji dwar il-kontrolli tar-raġonevolezza tal-ispejjeż meta l appoġġ jitħallas fuq il-bażi tal-ispejjeż imġarrba, ara l-paragrafu 29.

18 L-Artikolu 48(3)(a) u 48(5) tar-Regolament (UE) Nru 809/2014.

19 Il-Fjandri (il-Belġju), is-Sassonja (il-Ġermanja), il-Gżejjer Kanarji (Spanja), Languedoc-Roussillon (Franza), u l-Iżvezja jużaw rati fissi għal spejjeż indiretti. Id-Danimarka kienet tużahom fil-perjodu 2014-2016, iżda mill-bidu tal-2017 ma ġiet implimentata l-ebda miżura fejn l-ispejjeż indiretti huma eliġibbli.

20 L-Artikolu 48(2) tar-Regolament (UE) Nru 809/2014.

21 Ir-Rapport Annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2016, il-paragrafu 7.39.

22 Ir-Rapport Speċjali Nru 22/2014 “Il-ksib ta’ ekonomija: inżommu l-ispejjeż tal-għotjiet għal proġetti tal-iżvilupp rurali ffinanzjati mill-UE taħt kontroll” ((https://www.eca.europa.eu/el/Pages/ecadefault.aspx).

23 Tliet miżuri biss ma tkomplewx: irtirar bikri ta’ bdiewa u ta’ ħaddiema f’azjendi agrikoli, issodisfar ta’ standards u taħriġ u informazzjoni.

24 It-Taqsima 5.2.1.3 tal-Gwida tal-Kummissjoni dwar l-SCOs.

25 Il-Bulgarija u l-Iżvezja.

26 Skont it-Taqsima 5.2.1.1. tal-gwida tal-Kummissjoni dwar l-SCOs: “L-awtorità maniġerjali għandha tkun tista’ tispjega u tiġġustifika l-għażliet tagħha”.

27 Ħlief meta skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, il-benefiċjarju ma jkunx jista’ jirkupra l-VAT.

28 L-Artikolu 62(2) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013.

29 F’Diċembru 2017, il-Kunsill u l-Parlament adottaw ir-Regolament (UE) Nru 2393/2017, li jabolixxi l-ħtieġa ta’ dikjarazzjoni obbligatorja minn korp indipendenti għall-SCOs fil-FAEŻR, b’effett mill-2018.

30 L-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013.

31 L-Artikolu 52 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549).

32 Il-Fjandri (il-Belġju), id-Danimarka, is-Sassonja (il-Ġermanja), il-Gżejjer Kanarji (Spanja).

33 L-Artikolu 52(4) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 jistipula li l-finanzjament ma jistax jiġi rrifjutat għal infiq li jsir aktar minn 24 xahar qabel ma l-Kummissjoni tinnotifika lill-Istat Membru bil-miktub bis-sejbiet tal-ispezzjoni tagħha.

34 L-Artikolu 14(1) tar-Regolament (UE) Nru 1304/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Soċjali Ewropew u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1081/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 470).

35 F’Settembru 2016, il-Kummissjoni pproponiet bidliet f’diversi dispożizzjonijiet tal-hekk imsejjaħ Regolament Omnibus tagħha (COM (2016)605 final) li jaffettwaw l-implimentazzjoni tal-politika ta’ żvilupp rurali.

36 L-Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.

37 Il-Korpi taċ-Ċertifikazzjoni huma ggwidati mil-linji gwida tal-Kummissjoni meta jkunu qed iwettqu l-valutazzjonijiet tagħhom. Għal aktar dettalji dwar ir-rwol tal-Korpi taċ-Ċertifikazzjoni, ara r-Rapport Speċjali Nru 7/2017 tal-Qorti “Ir-rwol il-ġdid tal-korpi taċ-ċertifikazzjoni f'dak li jirrigwarda l-infiq taħt il-PAK: pass pożittiv lejn mudell ta' awditu uniku iżda hemm dgħufijiet sinifikanti li jridu jiġu indirizzati” (http://eca.europa.eu).

38 Il-Linja Gwida Nru 1 dwar ir-rekwiżiti ta' akkreditazzjoni, il-Linja Gwida Nru 2 dwar l-awditjar annwali taċ-ċertifikazzjoni; il-Linja Gwida Nru 3 dwar ir-rekwiżiti ta' rappurtar; il-Linja Gwida Nru 4 dwar id-Dikjarazzjoni ta' Ġestjoni; u l-Linja Gwida Nru 5 dwar l-irregolaritajiet.

39 Aħna użajna wkoll kriterji oħra għall-għażla tagħna, ara l-paragrafu 10.

40 Eż. il-Fjandri (il-Belġju), il-Gżejjer Kanarji (Spanja), Languedoc-Roussillon (Franza), il-Kroazja, Ċipru, in-Netherlands u l-Iżvezja.

41 Eż. Languedoc-Roussillon (Franza), il-Kroazja, l-Awstrija u l-Iżvezja.

42 Eż. id-Danimarka, Spanja, Languedoc-Roussillon (Franza), Provence-Alpes-Côte d'Azur (Franza) u l-Iżvezja.

43 Ir-Regolamenti (UE) Nru 1303/2013, 1305/2013 u 1306/2013.

44 DĠ REGIO, DĠ EMPL, DĠ MARE u DĠ AGRI.

45 Il-Kummissjoni Ewropea: Gwida dwar l-Għażliet ta’ Spejjeż Issimplifikati (SCOs). Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (FSIE).

46 Il-Belġju (2), il-Ġermanja (15), Spanja (19), Franza (30 PŻR), l-Italja (23), il-Portugall (3), il-Finlandja (2) u r-Renju Unit (4).

47 Ibbażat fuq l-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 808/2014, il-prijoritajiet għall-iżvilupp rurali jindirizzaw: (1) it-trasferiment tal-għarfien u l-innovazzjoni; (2) il-vijabbiltà u l-kompetittività tal-(azjendi agrikoli), il-ġestjoni sostenibbli tal-foresti; (3) l-organizzazzjoni tal-ktajjen tal-ikel, il-ġestjoni tar-riskju u t-trattament xieraq tal-annimali; (4) l-ambjent u t-tibdil fil-klima; (5) l-użu effiċjenti tar-riżorsi, l-ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju u reżiljenti għat-tibdil fil-klima; kif ukoll (6) l-inklużjoni soċjali, it-tnaqqis tal-faqar u l-iżvilupp ekonomiku.

48 Is-Sassonja (il-Ġermanja), il-Gżejjer Kanarji (Spanja) u Languedoc-Roussillon (Franza).

49 Il-Fjandri (il-Belġju), Languedoc-Roussillon (Franza), il-Kroazja, in-Netherlands, l-Iżvezja.

50 L-awtoritajiet ta’ Toskana introduċew dawn l-SCOs fl-ewwel emenda tagħhom tal-PŻR, li huma ppreżentaw lill-Kummissjoni Ewropea f’Lulju 2016.

51 Eż. id-Danimarka, is-Sassonja (il-Ġermanja) u l-Gżejjer Kanarji (Spanja).

52 Huma biss id-dgħufijiet li jkunu fil-kontrolli ewlenin li jistgħu jwasslu għal korrezzjonijiet finanzjarji.

53 L-Artikolu 62(2) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013.

54 COM(2016) 605 final (ir-Regolament Omnibus).

55 L-Artikolu 62(2) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013, li skontu l-FAEŻR kien jeħtieġ ċertifikazzjoni ex ante tal-metodoloġija u l-kalkoli.

56 Il-Finlandja: il-Miżuri 1, 7, 16 u 19; l-Iżvezja: il-Miżuri 1, 2, 7, 16 u 19.

57 Pereżempju, skont it-Taqsima 1.3 l-użu tal-SCOs huwa rakkomandat jekk l-Istati Membri jkunu jridu li l-ġestjoni tal-FSIE tiffoka aktar fuq ir-rendiment (l-output) u r-riżultati minflok fuq il-kontributi (l-inputs); u t-Taqsima 1.2.2, bħala vantaġġ tal-opzjonijiet ta’ spejjeż simplifikati, issemmi li “l-ispejjeż eliġibbli jiġu kkalkolati skont metodu definit minn qabel ibbażat fuq ir-rendiment, ir-riżultati jew xi spejjeż oħra”. B’mod speċifiku għall-ispejjeż għal kull unità, skont it-Taqsima 3.1, minbarra li jkunu bbażati fuq il-proċess (bil-għan li jkopru l-ispejjeż reali permezz tal-aħjar approssimazzjoni), dawn jistgħu jkunu bbażati fuq l-eżitu wkoll (rendiment jew riżultat) jew jiġu definiti kemm fuq approssimazzjoni tal-ispejjeż reali kif ukoll fuq l-eżitu.

58 L-Anness IV tar-Regolament (UE) Nru 808/2014.

59 Emendi għar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 u r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 propost mill-Kummissjoni fid-dokument COM(2016) 605 final.

Avveniment Data
Adozzjoni tal-APM / Bidu tal-awditu 8.3.2017
L-abbozz tar-rapport jintbagħat uffiċjalment lill-Kummissjoni (jew lil parti awditjata oħra) 23.1.2018
Adozzjoni tar-rapport finali wara l-proċedura kontradittorja 7.3.2018
Ir-risposti uffiċjali tal-Kummissjoni (jew ta’ parti awditjata oħra) riċevuti bil-lingwi kollha 9.4.2018

Tim tal-awditjar

Ir-rapporti speċjali tal-QEA jippreżentaw ir-riżultati tal-awditi tal-prestazzjoni u tal-konformità tagħha f'dak li jirrigwarda oqsma baġitarji jew suġġetti ta’ ġestjoni speċifiċi. Il-QEA tagħżel u tfassal dawn il-kompiti tal-awditjar biex timmassimizza l-impatt tagħhom billi tqis ir-riskji għall-prestazzjoni jew għall-konformità, il-livell ta’ introjtu jew ta’ nfiq involut, l-iżviluppi li jkunu għad iridu jseħħu u l-interess politiku u pubbliku.

Dan l-awditu tal-prestazzjoni twettaq mill-Awla I tal-Awditjar, Użu sostenibbli tar-riżorsi naturali, li hija mmexxija minn Phil Wynn Owen, Membru tal-QEA. L-awditu tmexxa minn João Figueiredo, Membru tal-QEA, li ngħata appoġġ minn Paula Betencourt, Attaché tal-Kabinett; Robert Markus, Maniġer Prinċipali; Charlotta Törneling, Kap tal-Kompitu; Ioan-Alexandru Ilie, Liia Laanes, Päivi Piki u Raluca-Elena Sandu, Awdituri. Michael Pyper ipprovda appoġġ lingwistiku filwaqt li Annette Zimmerman ipprovdiet appoġġ segretarjali.

Mix-xellug għal-lemin: Liia Laanes, Michael Pyper, Paula Betencourt, Robert Markus, Charlotta Törneling, João Figueiredo, Raluca-Elena Sandu, Annette Zimmerman, Päivi Piki

Kuntatt

IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI
12, rue Alcide De Gasperi
1615 Luxembourg
LUXEMBOURG

Tel. +352 4398-1
Mistoqsijiet: eca.europa.eu/mt/Pages/ContactForm.aspx
Sit web: eca.europa.eu
Twitter: @EUAuditors

Ħafna informazzjoni addizzjonali dwar l-Unjoni Ewropea hija disponibbli fuq l-Internet.
Jista’ jsir aċċess għaliha permezz tas-server Europa (http://europa.eu).

Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2018

PDF ISBN 978-92-872-9883-6 ISSN 1977-5741 doi:10.2865/531107 QJ-AB-18-009-MT-N
HTML ISBN 978-92-872-9867-6 ISSN 1977-5741 doi:10.2865/39328 QJ-AB-18-009-MT-Q

© L-Unjoni Ewropea, 2018

Għal kull użu jew riproduzzjoni ta’ ritratti jew materjal ieħor li ma jaqax taħt id-drittijiet tal-awtur tal-Unjoni Ewropea, irid jintalab il-permess direttament mingħand id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur.

KIF TIKKUNTATTJA LILL-UE

Personalment
Madwar l-Unjoni Ewropea kollha hemm mijiet ta’ ċentri ta’ informazzjoni tal-Europe Direct. Tista’ ssib l-indirizz tal-eqreb ċentru għalik f’dan is-sit: https://europa.eu/european-union/contact_mt

Bit-telefown jew bil-posta elettronika
Europe Direct huwa servizz li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar l-Unjoni Ewropea. Tista’ tikkuntattja dan is-servizz:

  • bit-telefown bla ħlas: 00 800 6 7 8 9 10 11 (ċerti operaturi jafu jimponu ħlas għal dawn it-telefonati),
  • fuq dan in-numru standard: +32 22999696, jew
  • bil-posta elettronika permezz: https://europa.eu/european-union/contact_mt

KIF ISSIB TAGĦRIF DWAR L-UE

Onlajn
L-informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE hija disponibbli fuq is-sit web Europa fuq: https://europa.eu/european-union/contact_mt

Pubblikazzjonijiet tal-UE
Tista’ tniżżel mill-internet jew tordna l-pubblikazzjonijiet tal-UE, li xi wħud minnhom huma bla ħlas u xi oħrajn bil-ħlas, mill-EU Bookshop fl-indirizz li ġej: https://op.europa.eu/mt/publications. Kopji multipli ta’ pubblikazzjonijiet bla ħlas tista’ tiksibhom billi tikkuntattja lil Europe Direct jew liċ-ċentru tal-informazzjoni lokali tiegħek (ara https://europa.eu/european-union/contact_mt).

Il-liġi tal-UE u dokumenti relatati
Għal aċċess għall-informazzjoni legali tal-UE, inkluż il-liġijiet kollha tal-UE mill-1951 ’l hawn, fil-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali kollha, żur is-sit EUR-Lex hawnhekk: http://eur-lex.europa.eu

Dejta Miftuħa mill-UE
Il-portal tad-Dejta Miftuħa mill-UE (http://data.europa.eu/euodp) jipprovdi aċċess għal settijiet tad-dejta mill-UE. Id-dejta tista’ titniżżel mill-internet u tintuża mill-ġdid bla ħlas, kemm għal skopijiet kummerċjali kif ukoll mhux kummerċjali.