
Il-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni li twassal għat-terroriżmu: il-Kummissjoni indirizzat il-ħtiġijiet tal-Istati Membri, iżda hemm xi nuqqasijiet fil-koordinazzjoni u l-evalwazzjoni
Dwar ir-rapport Ir-radikalizzazzjoni hija l-fenomenu ta’ persuni li jħaddnu ideat li jistgħu jwassluhom biex iwettqu atti ta’ terroriżmu. Il-Kummissjoni tappoġġa lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom biex jiġġieldu kontra r-radikalizzazzjoni, pereżempju permezz tal-iskambju ta’ prattiki tajbin. Biex tagħmel dan hija tibbaża fuq firxa wiesgħa ta’ fondi tal-UE. Aħna eżaminajna jekk il-Kummissjoni mmaniġġjatx tajjeb l-appoġġ li tat. Sibna li hija indirizzat il-ħtiġijiet tal-Istati Membri u ppromwoviet il-kooperazzjoni permezz ta’ inizjattivi rilevanti bħan-Netwerk ta’ Sensibilizzazzjoni dwar ir-Radikalizzazzjoni. Madankollu, kien hemm xi nuqqasijiet fil-mod ġenerali kif il-Kummissjoni kkoordinat l-azzjonijiet li jindirizzaw ir-radikalizzazzjoni u fil-qafas li użat għall-evalwazzjoni tal-effettività tal-appoġġ li tat. Aħna, għalhekk, nagħmlu għadd ta’ rakkomandazzjonijiet biex il-Kummissjoni ttejjeb il-koordinazzjoni tal-azzjonijiet tagħha sabiex tkun tista’ tagħmel l-aħjar użu mis-sinerġiji potenzjali, kif ukoll biex ittejjeb il-qafas għall-valutazzjoni tar-riżultati.
Sommarju eżekuttiv
IL-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (UE) huma responsabbli għas-sigurtà nazzjonali, inkluża l-ġlieda kontra t-terroriżmu. Huma inkarigati mit-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ miżuri fil-livell nazzjonali li l-għan tagħhom huwa li jiġġieldu kontra r-radikalizzazzjoni, jiġifieri l-fenomenu ta’ persuni li jħaddnu ideoloġiji u mġiba estremisti li jistgħu jwassluhom biex iwettqu atti ta’ terroriżmu. Peress li r-radikalizzazzjoni hija kkawżata minn diversi fatturi, ġeneralment tintuża firxa wiesgħa ta’ azzjonijiet preventivi biex jindirizzaw il-problema. Ir-rwol tal-Kummissjoni huwa li tappoġġa lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom u tgħinhom jiżguraw li jsir skambju ta’ prattiki tajbin. Sabiex tagħmel dan, il-Kummissjoni tibbaża fuq firxa dejjem aktar wiesgħa ta’ fondi tal-UE.
IIL-awditu tagħna eżamina jekk il-Kummissjoni timmaniġġjax tajjeb dan l-appoġġ trażversali. B’mod partikolari, aħna eżaminajna jekk:
- il-Kummissjoni tipprovdix l-appoġġ rilevanti lill-Istati Membri;
- l-azzjonijiet iffinanzjati mill-fondi differenti tal-UE humiex ikkoordinati biex jkun jista’ jsir l-aħjar użu mis-sinerġiji li jeżistu;
- il-Kummissjoni stabbilietx qafas biex tivvaluta l-effettività u l-valur għall-flus tal-appoġġ tagħha.
B’mod kumplessiv, sibna li l-Kummissjoni indirizzat il-ħtiġijiet tal-Istati Membri, iżda kien hemm xi nuqqasijiet fil-koordinazzjoni u l-evalwazzjoni.
IVIl-Kummissjoni ppromwoviet il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri permezz ta’ inizjattivi rilevanti bħan-Netwerk ta’ Sensibilizzazzjoni dwar ir-Radikalizzazzjoni (RAN), il-Forum tal-UE dwar l-Internet u n-Netwerk Ewropew ta’ Komunikazzjoni Strateġika.
VIl-Kummissjoni kkoordinat l-appoġġ trażversali tagħha, pereżempju, permezz ta’ konsultazzjoni bejn id-direttorati ġenerali meta kienet qed tapprova l-programmi ta’ ħidma. Dan irriżulta f’sinerġiji bejn l-azzjonijiet tagħha. Madankollu, minkejja t-titjib reċenti, għad hemm lok biex isir aktar titjib fil-koordinazzjoni tal-azzjonijiet tal-Kummissjoni. Pereżempju, l-istampa ġenerali li ngħatat mill-Kummissjoni dwar l-azzjonijiet iffinanzjati mill-UE f’dan il-qasam ma tinkludix dawk l-azzjonijiet immaniġġjati mill-Istati Membri, li jkun utli biex ikun jista’ jsir l-aħjar użu mis-sinerġiji potenzjali. Sibna wkoll li ma ntużax il-potenzjal sħiħ tar-RAN, waħda mill-inizjattivi prinċipali tal-Kummissjoni, biex tkun tista’ ssir disseminazzjoni tar-riżultati ta’ proġetti ffinanzjati mill-UE li rnexxew.
VIIl-Kummissjoni ma żviluppatx biżżejjed il-qafas tagħha biex tivvaluta jekk l-appoġġ tagħha huwiex effettiv u joffrix valur għall-flus. Pereżempju, l-objettivi kumplessivi ta’ politika ma nqasmux f’objettivi aktar speċifiċi u li jistgħu jitkejlu, u l-fondi li l-Kummissjoni użat mhumiex akkumpanjati minn indikaturi u miri mfassla biex ikejlu s-suċċess li nkiseb fl-indirizzar tar-radikalizzazzjoni.
VIIBarra minn hekk, il-kisbiet ta’ azzjonijiet speċifiċi ħafna drabi jitkejlu f’termini ta’ ammont ta’ attività aktar milli f’termini ta’ effettività. B’riżultat ta’ dan, hemm ir-riskju li t-tagħlimiet utli jew ma jiġux disseminati jew inkella ma jittiħdux inkunsiderazzjoni meta l-Kummissjoni tfassal azzjonijiet jew tiżviluppa aktar il-politika tagħha.
VIIIFuq il-bażi tas-sejbiet tagħha, il-QEA tirrakkomanda li jenħtieġ li l-Kummissjoni:
- ittejjeb il-qafas għall-koordinazzjoni kumplessiva tal-azzjonijiet li jindirizzaw ir-radikalizzazzjoni;
- iżżid l-appoġġ prattiku lill-professjonisti u lil dawk inkarigati mit-tfassil tal-politika fl-Istati Membri; u
- ittejjeb il-qafas stabbilit għall-valutazzjoni tar-riżultati.
Introduzzjoni
L-UE tappoġġa lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom biex jiġġieldu kontra t-terroriżmu
01L-Istati Membri huma responsabbli għas-sigurtà nazzjonali tagħhom1. Huma żviluppaw approċċi differenti biex jiġġieldu kontra t-terroriżmu skont l-evalwazzjoni tagħhom tar-riskji. Ir-rwol tal-UE huwa li tagħmel ħilitha biex tiżgura livell għoli ta’ sigurtà2 billi tiffaċilita l-iskambji ta’ informazzjoni, il-kooperazzjoni operazzjonali u l-kondiviżjoni ta’ għarfien u ta’ esperjenzi. Fl-2005, il-Kunsill adotta strateġija tal-UE għal kontra t-terroriżmu organizzata madwar erba’ pilastri3:
- Prevenzjoni: biex tittratta l-kaġunijiet tar-radikalizzazzjoni u r-reklutaġġ għat-terroriżmu.
- Protezzjoni: biex tipproteġi liċ-ċittadini u l-infrastruttura permezz ta’ sigurtà mtejba fil-fruntieri, trasport u infrastruttura kritika.
- Insegwiment: biex issegwi u tinvestiga t-terroristi billi timpedixxi l-ippjanar, l-ivvjaġġar u l-komunikazzjonijiet, tisfratta n-netwerks ta’ appoġġ, taqta’ l-finanzjament u l-aċċess għal materjali għall-attakk, u biex it-terroristi jitressqu quddiem il-ġustizzja.
- Rispons: biex timmaniġġja u timminimizza l-konsegwenzi ta’ attakk terroristiku.
L-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà tal-20154 stabbiliet kif l-UE tista’ tappoġġa lill-Istati Membri fil-ġlieda kontra t-terroriżmu. Hija ffukat fuq il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni u t-theddida li jirrappreżentaw ġellieda terroristi barranin (dawk li jirritornaw fl-Ewropa wara li jkunu ngħaqdu ma’ gruppi terroristi f’żoni ta’ kunflitt). Hija enfasizzat il-ħtieġa li ċ-ċittadini u l-infrastruttura kritika jkunu protetti aħjar, u li tiġi indirizzata l-ġlieda kontra t-terroriżmu barra mit-territorju tal-UE. Hija ssottolinjat l-importanza li t-terroristi u dawk li jagħtuhom appoġġ jiġu ppenalizzati, kif ukoll li ma jingħatawlhomx aċċess għal fondi, għal armi tan-nar u għal splussivi. Hija ġibdet ukoll l-attenzjoni fuq il-ħtieġa li jkun hemm skambji aħjar ta’ informazzjoni sabiex jiġu ntraċċati dawk li jkunu involuti f’attivitajiet terroristiċi.
03Diversi istituzzjonijiet u korpi tal-UE huma involuti fil-ġlieda tal-UE kontra t-terroriżmu. Permezz tal-komunikazzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni tikkontribwixxi għall-istrateġija tal-UE li ġiet adottata mill-Kunsill fil-forma ta’ konklużjonijiet tal-Kunsill. Hija tagħti bidu wkoll għal atti leġiżlattivi dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu, biex dawn jiġu nnegozjati u adottati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill5. Hija responsabbli għall-ġestjoni finanzjarja tajba tal-fondi tal-UE u għall-koordinazzjoni tad-diversi direttorati ġenerali u l-monitoraġġ tal-aġenziji tagħha fl-għoti ta’ appoġġ lill-Istati Membri. Il-Kummissarju għall-Unjoni tas-Sigurtà jaħdem taħt il-gwida tal-Ewwel Viċi President u jappoġġa x-xogħol tal-Kummissarju għall-Migrazzjoni, l-Affarijiet Interni, u ċ-Ċittadinanza fl-iżgurar tar-rispons tal-Kummissjoni għat-terroriżmu, fil-livell ta’ sigurtà. Ir-rwol tal-Koordinatur tal-Kunsill għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu huwa li jsegwi l-implimentazzjoni kumplessiva tal-istrateġija tal-UE għal kontra t-terroriżmu u li jiżgura li l-UE jkollha rwol attiv fil-ġlieda kontra t-terroriżmu.
Il-Kummissjoni tuża firxa wiesgħa ta’ azzjonijiet biex tgħin lill-Istati Membri jindirizzaw ir-radikalizzazzjoni
04L-indirizzar tar-radikalizzazzjoni huwa komponent ewlieni tal-ġlieda kontra t-terroriżmu. Il-maġġoranza ta’ persuni suspettati involuti fl-attakki terroristiċi reċenti fl-Ewropa kienu ċittadini Ewropej li kienu ġew radikalizzati6. Fil-Komunikazzjonijiet tagħha dwar l-appoġġ mogħti lill-Istati Membri għall-indirizzar tar-radikalizzazzjoni li twassal għat-terroriżmu7, il-Kummissjoni hija tal-fehma li r-radikalizzazzjoni ġeneralment tkun ir-riżultat ta’ diversi fatturi. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni l-aktar reċenti tiddeskrivi bosta fatturi soċjali ta’ spinta (eż. marġinalizzazzjoni u esklużjoni) u fatturi ideoloġiċi ta’ ġibda (eż. abbuż ta’ narrattivi reliġjużi minn min jirrekluta biex jiġġustifika atti ta’ vjolenza).
05Il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-għoti ta’ appoġġ lill-Istati Membri fil-ġlieda tagħhom kontra r-radikalizzazzjoni hija sfida kumplessa u b’ħafna aspetti li tista’ tiġi indirizzata biss permezz ta’ kombinament ta’ azzjonijiet f’bosta oqsma ta’ politika u billi jitlaqqgħu l-partijiet ikkonċernati fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u dak Ewropew8. Dawn l-azzjonijiet huma ffinanzjati minn diversi fondi bħall-Fond għas-Sigurtà Interna, il-Programm Orizzont 2020, il-Programm “Ġustizzja”, Erasmus+ u l-Fond Soċjali Ewropew (FSE). L-ebda wieħed minn dawn il-fondi ma għandu l-indirizzar tar-radikalizzazzjoni bħala objettiv speċifiku. Id-diversi azzjonijiet tal-Kummissjoni huma mmaniġġjati minn tmienja mid-direttorati ġenerali tagħha, l-Europol, il-Eurojust u l-Istati Membri (ara l-Anness). L-approċċ li l-Kummissjoni tuża biex tagħti appoġġ lill-Istati Membri fl-indirizzar tar-radikalizzazzjoni huwa ppreżentat fil-Figura 1.
Figura 1
Kif il-Kummissjoni tappoġġa lill-Istati Membri fl-indirizzar tar-radikalizzazzjoni
Sors: il-QEA
Il-programm Orizzont 2020 jipprovdi għotjiet ta’ riċerka għall-iżvilupp ta’ għarfien dwar ir-radikalizzazzjoni. Is-suġġetti tar-riċerka jinkludu x-xejriet tar-radikalizzazzjoni kontemporanja u l-iżvilupp ta’ approċċ komprensiv għar-radikalizzazzjoni vjolenti. Isiru skambji ta’prattiki tajbin permezz ta’ inizjattivi bħan-Netwerk ta’ Sensibilizzazzjoni dwar ir-Radikalizzazzjoni (RAN) (ara l-Kaxxa 1).
Kaxxa 1
Netwerk ta’ Sensibilizzazzjoni dwar ir-Radikalizzazzjoni (RAN)
Ir-RAN ġie stabbilit fl-2011. Huwa jlaqqa’ lill-professjonisti mill-Ewropa kollha, bħal psikologi, għalliema, ħaddiema soċjali, pulizija, uffiċjali tal-ħabs u tal-probazzjoni, li jaħdmu direttament ma’ dawk vulnerabbli għar-radikalizzazzjoni, u dawk li diġà jkunu ġew radikalizzati. L-għan tiegħu hu li jgħin u jagħti setgħa lill-professjonisti b’kuntatt dirett ma’ dawk milquta (aktar milli lil dawk inkarigati mit-tfassil tal-politika u l-akkademiċi) biex jiġġieldu kontra r-radikalizzazzjoni jew jintegraw mill-ġdid l-estremisti vjolenti billi:
- jippromwovi skambji ta’ esperjenza, eż. f’laqgħat u konferenzi;
- jinkoraġġixxi l-użu ta’ għodod prattiċi rilevanti;
- jiddissemina informazzjoni u għarfien espert.
Iċ-Ċentru ta’ Eċċellenza tar-RAN jipprovdi koordinazzjoni u appoġġ għar-RAN. Huwa juża l-għarfien espert tiegħu biex jiggwida d-disa’ Gruppi ta’ Ħidma tar-RAN (gruppi tematiċi li fihom jiltaqgħu professjonisti biex jiskambjaw ideat, għarfien u esperjenzi), joffri appoġġ imfassal apposta (eż. workshops u korsijiet ta’ taħriġ) lil pajjiżi individwali, u jiddissemina għarfien u prattiki. Iċ-Ċentru huwa mmaniġġjat minn kuntrattur u ffinanzjat permezz ta’ kuntratt taħt il-“Fond għas-Sigurtà Interna - Pulizija” li jammonta għal total ta’ EUR 25 miljun għall-perjodu 2015-2019.
Il-propaganda terroristika onlajn tiġi miġġielda, pereżempju, permezz tal-Unità ta’ Indikazzjoni ta’ Kontenut fuq l-Internet (EU IRU) ibbażata fi ħdan l-Europol, il-Forum tal-UE dwar l-Internet u n-Netwerk Ewropew ta’ Komunikazzjoni Strateġika (ara l-Kaxxa 2).
Kaxxa 2
Il-ġlieda kontra l-propaganda terroristika
Unità ta’ Indikazzjoni ta’ Kontenut fuq l-Internet (EU IRU)
L-EU IRU ġiet imwaqqfa fl-1 ta’ Lulju 2015 u tifforma parti miċ-Ċentru Ewropew għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu (ECTC) fi ħdan l-Europol. Hija għandha baġit ta’ EUR 4.5 miljun għall-2017.
L-EU IRU għandha l-għan li tiġġieled kontra l-isforzi tar-radikalizzazzjoni u r-reklutaġġ onlajn minn terroristi billi tidentifika u tissenjala kontenut terroristiku onlajn u twissi lill-fornituri tas-servizzi li jospitawh, bħal YouTube (Google), Microsoft, Facebook u Twitter, permezz ta’ valutazzjoni, li tippermettilhom jiddeċiedu jekk għandhomx ineħħu dan il-kontenut. Bi ftehim mal-Istati Membri, hija tiffoka fuq propaganda terroristika Iżlamika, li hija ta’ natura transkonfinali.
L-EU IRU tipprovdi wkoll għarfien espert dwar komunikazzjonijiet ibbażati fuq l-internet biex tappoġġa l-investigazzjonijiet tal-Istati Membri u tipprovdi analiżi strateġika biex tidentifika t-theddid terroristiku.
Forum tal-UE dwar l-Internet
F’Diċembru 2015 il-Kummissjoni nediet il-Forum tal-UE dwar l-Internet iffinanzjat mill-“Fond għas-Sigurtà Interna - Pulizija”. Permezz ta’ laqgħat u konferenzi, il-Forum ilaqqa’ gvernijiet, l-Europol, il-kumpaniji tal-internet, il-Koordinatur għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu, in-Netwerk Ewropew ta’ Komunikazzjoni Strateġika u r-RAN. Huwa għandu żewġ objettivi:
- li jnaqqas l-aċċessibbiltà għal kontenut terroristiku onlajn;
- li jagħti s-setgħa lis-sħab tas-soċjetà ċivili biex iżidu l-volum ta’ narrattivi alternattivi effettivi onlajn.
Netwerk Ewropew ta’ Komunikazzjoni Strateġika
In-Netwerk Ewropew ta’ Komunikazzjoni Strateġika huwa netwerk li permezz tiegħu l-esperti tal-Istati Membri tal-UE jiskambjaw prattiki tajbin dwar komunikazzjonijiet strateġiċi. It-tim ta’ konsulenza tiegħu jipprovdi parir lill-gvernijiet dwar l-iżvilupp ta’ strateġija ta’ komunikazzjoni u dwar l-organizzazzjoni ta’ kampanji ta’ kontronarrattiva9. Il-“Fond għas-Sigurtà Interna - Pulizija” pprovda għotjiet ta’ EUR 2.2 miljun biex jiffinanzjaw l-attivitajiet tan-netwerk għall-perjodu minn Jannar 2015 sa Settembru 2017.
Soċjetajiet inklużivi u reżiljenti bħal STRESAVIORA (ara l-Kaxxa 3) jiġu promossi permezz ta’ proġetti ffinanzjati mill-“Fond għas-Sigurtà Interna – Pulizija”. Barra minn hekk, proġetti ffinanzjati minn Erasmus+ u l-Fond Soċjali Ewropew jimmiraw ukoll li jsaħħu r-reżiljenza u jgħinu lil komunitajiet żvantaġġati. Għalkemm l-objettivi tagħhom huma ħafna aktar vasti u mhumiex intenzjonati speċifikament biex jindirizzaw ir-radikalizzazzjoni, huma jgħinu indirettament biex jimpedixxuha.
Kaxxa 3
STRESAVIORA
STRESAVIORA I kien jinvolvi riċerkaturi li identifikaw il-ħtieġa li ż-żgħażagħ isiru aktar reżiljenti, jesprimu l-opinjonijiet proprji tagħhom, jinvolvu ruħhom f’dibattiti, u jiddefendu lilhom infushom. Huwa kien jinkludi persuni mill-ambjent soċjali dirett tagħhom (eż. ġenituri, għalliema u uffiċjali tal-pulizija) li kellhom bżonn jiġu sensibilizzati.
STRESAVIORA II għandu l-għan li jimplimenta l-għodod għaż-żieda tar-reżiljenza li ġew żviluppati matul l-ewwel fażi tal-proġett f’żewġt ibliet f’kull wieħed minn ħames pajjiżi tal-UE (il-Belġju, Franza, il-Ġermanja, in-Netherlands u l-Iżvezja). Il-proġett jikkonċerna t-tipi kollha ta’ radikalizzazzjoni (mhux biss dik Iżlamika), u għalhekk jista’ jiġi estiż għal partijiet oħra tal-Ewropa li għandhom ħtiġijiet differenti. Il-proġett jirċievi finanzjament ta’ EUR 0.7 miljun mill-“Fond għas-Sigurtà Interna – Pulizija”.
Il-Kummissjoni tappoġġa lill-Istati Membri fl-identifikazzjoni u t-trattament ta’ persuni radikalizzati billi tiffaċilita skambji ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi fl-Istati Membri (eż. permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen). Hija tappoġġa wkoll l-iżvilupp ta’ strateġiji ta’ ħruġ biex tgħin lil persuni jtemmu r-rabta tagħhom ma’ ambjenti radikalizzati u jerġgħu jintegraw ruħhom fis-soċjetà permezz ta’ proġetti ta’ riabilitazzjoni u deradikalizzazzjoni ffinanzjati mill-Programm “Ġustizzja”.
10Ir-radikalizzazzjoni f’pajjiżi barra mill-Ewropa tiġi indirizzata kemm permezz ta’ miżuri kontra t-terroriżmu speċifiċi kif ukoll bl-integrazzjoni ta’ dawn f’miżuri oħra. Dan jinkludi programmi ffinanzjati mill-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp, Erasmus+, l-Istrument Ewropew ta’ Viċinat u l-Istrument li jikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi.
Ambitu u approċċ tal-awditjar
Ambitu tal-awditjar
11Aħna eżaminajna jekk il-Kummissjoni mmaniġġjatx b’mod xieraq l-appoġġ li tat lill-Istati Membri fl-indirizzar tar-radikalizzazzjoni li twassal għat-terroriżmu. Il-mira kienet li jinsabu tweġibiet għall-mistoqsijiet li ġejjin:
- Il-Kummissjoni tipprovdi appoġġ rilevanti lill-Istati Membri?
Sabiex inwieġbu din il-mistoqsija, aħna eżaminajna jekk l-objettivi ta’ politika u l-azzjonijiet tal-Kummissjoni kinux imfassla b’tali mod li jirriflettu l-ħtiġijiet tal-Istati Membri. - L-azzjonijiet iffinanzjati mill-fondi differenti tal-UE huma kkoordinati biex ikun jista’ jsir l-aħjar użu minn kull sinerġija?
Sabiex inwieġbu din il-mistoqsija, aħna eżaminajna jekk il-Kummissjoni kellhiex il-proċeduri meħtieġa biex tikkoordina l-appoġġ tagħha. - Il-Kummissjoni stabbiliet qafas biex tivvaluta l-effettività u l-valur għall-flus tal-appoġġ tagħha?
Sabiex inwieġbu din il-mistoqsija, aħna eżaminajna jekk il-Kummissjoni kinitx stabbiliet il-qafas meħtieġ ta’ indikaturi u rapporti biex tivvaluta jekk il-politika tagħha hijiex effettiva u toffrix valur għall-flus. Eżaminajna wkoll jekk il-valutazzjonijiet ta’ azzjonijiet individwali kejlux mhux biss l-attività, iżda wkoll l-effettività.
L-enfasi tagħna kienet prinċipalment fuq il-perjodu mill-2014 ‘il quddiem, biex tikkoinċidi mal-bidu tal-perjodi ta’ finanzjament 2014-2020 għall-fondi u l-programmi tal-Kummissjoni.
13Aħna ffukajna prinċipalment fuq il-ġestjoni ta’ azzjonijiet fi ħdan l-UE li l-iskop primarju tagħhom kien li jipprevjenu u jiġġieldu kontra r-radikalizzazzjoni, iżda ħadna inkunsiderazzjoni wkoll azzjonijiet li jsegwu objettivi aktar vasti, bħall-inklużjoni soċjali ta’ gruppi żvantaġġati. Ma eżaminajniex sistemi ta’ informazzjoni (bħas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen) għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri dwar id-dettalji ta’ individwi radikalizzati.
Approċċ tal-awditjar
14Ix-xogħol tagħna tal-awditjar fuq il-post twettaq minn Novembru 2016 sa Marzu 2017. Aħna bbażajna l-osservazzjonijiet tagħna fuq is-sorsi ta’ evidenza li ġejjin:
- analiżi tad-dokumentazzjoni dwar politiki, proċeduri u azzjonijiet relatati ma’ appoġġ għall-Istati Membri fl-indirizzar tar-radikalizzazzjoni;
- intervisti mad-direttorati ġenerali tal-Kummissjoni li jimmaniġġjaw fondi u għodod tal-UE għall-indirizzar tar-radikalizzazzjoni, kif ukoll maċ-Ċentru ta’ Eċċellenza tar-RAN, mal-EU IRU fi ħdan l-Europol, u maċ-Ċentru Internazzjonali għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu (organizzazzjoni li tippromwovi l-kondiviżjoni ta’ għarfien u ideat dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu);
- stħarriġ li bgħatna lil punti fokali kontra t-terroriżmu fir-Rappreżentanzi Permanenti kollha tal-Istati Membri għall-UE. Mit-28 punt fokali kontra t-terroriżmu, 15 wieġbu għall-istħarriġ, jiġifieri rata ta’ rispons ta’ 54%. L-istħarriġ kien jinkludi mistoqsijiet dwar ir-rilevanza, il-valur miżjud u l-isfidi tal-appoġġ mogħti lil Stati Membri;
- żjarat lil awtoritajiet nazzjonali fil-Belġju u Franza sabiex jiġu eżaminati r-rilevanza u l-valur miżjud tal-appoġġ li jirċievu.
Osservazzjonijiet
L-appoġġ huwa rilevanti u mfassal sew
15Aħna eżaminajna l-qafas ta’ politika tal-Kummissjoni sabiex nivvalutaw jekk indirizzax il-ħtiġijiet tal-Istati Membri, u jekk kienx hemm xi nuqqasijiet. Eżaminajna wkoll jekk l-azzjonijiet ġewx imfassla b’tali mod li l-intervent fil-livell Ewropew jirriżulta f’benefiċċji għall-Istati Membri.
Il-Kummissjoni indirizzat il-ħtiġijiet tal-Istati Membri, b’xi ftit eċċezzjonijiet
16Dawk inkarigati mit-tfassil tal-politika fl-Istati Membri jistgħu jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar l-oqsma fejn ikunu jeħtieġu appoġġ fl-indirizzar tar-radikalizzazzjoni. Dan isir permezz ta’ diversi laqgħat, netwerks u dokumenti (eż. il-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill dwar it-Terroriżmu, in-netwerk ta’ dawk inkarigati mit-tfassil tal-politika għall-prevenzjoni, li ġie mniedi fi Frar 2017 u l-Konklużjonijiet tal-Kunsill), jew bħala parti mill-approvazzjoni ta’ programmi ta’ ħidma għall-fondi tal-UE. Aħna sibna li meta l-Kummissjoni fasslet il-qafas ta’ politika tagħha biex tindirizza r-radikalizzazzjoni, hija ħadet inkunsiderazzjoni l-ħtiġijiet li esprimew dawk inkarigati mit-tfassil tal-politika fl-Istati Membri (ara l-Kaxxa 4).
Kaxxa 4
Eżempji fejn il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-ħtiġijiet li esprimew l-Istati Membri
F’Novembru 2015, il-Ministri tal-Istati Membri għall-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni użaw il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea biex jenfasizzaw il-ħtieġa li l-Kummissjoni tappoġġa lill-Istati Membri fl-indirizzar tar-radikalizzazzjoni fil-ħabsijiet. Bħala rispons, il-“Komunikazzjoni dwar l-appoġġ lill-prevenzjoni mir-radikalizzazzjoni li twassal għal estremiżmu vjolenti”, tal-2016, kienet tinkludi tema ċentrali fuq ir-radikalizzazzjoni fil-ħabsijiet.
Wara l-attakki terroristiċi f’Pariġi u fid-Danimarka li seħħew lejn il-bidu tal-2015, f’Marzu 2015 il-Ministri tal-Edukazzjoni tal-UE ħarġu d-Dikjarazzjoni ta’ Pariġi dwar il-promozzjoni taċ-ċittadinanza u l-valuri komuni tal-libertà, it-tolleranza u n-nondiskriminazzjoni permezz tal-edukazzjoni. F’konformità ma’ din id-Dikjarazzjoni, il-“Komunikazzjoni dwar l-appoġġ lill-prevenzjoni mir-radikalizzazzjoni li twassal għal estremiżmu vjolenti”, tal-2016, għamlet enfasi akbar fuq l-indirizzar tal-esklużjoni soċjali.
L-appoġġ tal-Kummissjoni nbidel bl-istess mod kif inbidlu l-ħtiġijiet tal-Istati Membri b’rispons għall-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni tat-theddid. Fil-modifika tal-appoġġ tagħha, il-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni x-xogħol tal-korpi Ewropej bħall-Europol li tipprovdilha informazzjoni dwar is-sitwazzjoni tat-theddid fl-Istati Membri (ara l-Kaxxa 5).
Kaxxa 5
L-appoġġ tal-Kummissjoni jinbidel b’rispons għas-sitwazzjoni tat-theddid
B’rispons għall-attakki terroristiċi reċenti fl-Ewropa u l-analiżi tal-Europol, il-“Komunikazzjoni dwar l-appoġġ lill-prevenzjoni mir-radikalizzazzjoni li twassal għal estremiżmu vjolenti”, tal-2016, enfasizzat it-theddida li jirrappreżenta r-ritorn ta’ ġellieda terroristi barranin (dawk li jitilqu minn pajjiżhom fl-UE u jivvjaġġaw lejn pajjiżi oħra, eż. iż-żoni ta’ kunflitt fis-Sirja u fl-Iraq, biex jieħdu sehem fi ġlied jew f’taħriġ terroristiku). Hija rrinforzat l-appoġġ għall-iżvilupp ta’ strateġiji ta’ ħruġ biex tgħin lil individwi jtemmu r-rabta tagħhom ma’ ambjenti radikalizzati u jerġgħu jintegraw fis-soċjetà.
Peress li l-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni l-ħtiġijiet li jesprimu l-Istati Membri, il-qafas ta’ politika jiffoka l-appoġġ li jingħata lill-Istati Membri fuq oqsma rilevanti. L-istħarriġ tagħna kkonferma li l-maġġoranza ta’ dawk li wieġbu dehrilhom li l-appoġġ mogħti mill-Kummissjoni lill-Istati Membri fl-oqsma diversi kien rilevanti (ara l-Figura 2). Il-perċentwal varja bejn 64% u 80%, skont iż-żona. L-Anness juri kif il-Kummissjoni mhux biss immirat fuq oqsma rilevanti fil-qafas ta’ politika tagħha, iżda wkoll applikat id-diversi fondi tal-UE biex twettaq azzjonijiet li effettivament jindirizzaw dawk l-oqsma fil-prattika.
Figura 2
Rilevanza tal-appoġġ mogħti mill-Kummissjoni
Sors: Stħarriġ tal-awditjar li ntbagħat lir-Rappreżentanzi Permanenti tal-Istati Membri għall-UE.
Madankollu, kien hemm eċċezzjonijiet fejn il-ħtiġijiet ma ġewx indirizzati biżżejjed:
- L-awtoritajiet Belġjani infurmawna li l-kwistjoni tal-midja prinċipali (it-televiżjoni, ir-radju u l-istampa) ma ġietx indirizzata biżżejjed fil-qafas ta’ politika. Huma qiesu li huwa importanti li din il-kwistjoni tiġi inkluża fil-qafas ta’ politika sabiex tkun tista’ ssir riflessjoni fuq ir-rwol tal-midja mhux biss f’li tinkoraġġixxi persuni biex jitilqu mill-Ewropa u jmorru jiġġieldu fis-Sirja iżda wkoll f’li tikkontribwixxi għall-polarizzazzjoni fis-soċjetà, li jista’ joħloq tensjonijiet li mbagħad iwasslu għar-radikalizzazzjoni.
- Il-ħtieġa li jiġu żviluppati strateġiji ta’ ħruġ (ara l-Kaxxa 5) ma ġietx indirizzata biżżejjed fil-prattika. Fl-2014, il-Kummissjoni nediet sejħa għal proposti għal proġetti li kellhom jiġu ffinanzjati mill-“Fond għas-Sigurtà Interna – Pulizija”. Din is-sejħa kellha l-għan li tindirizza żewġ prijoritajiet: il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni u l-iżvilupp ta’ strateġiji ta’ ħruġ. Madankollu, kienu biss il-proġetti li indirizzaw l-ewwel objettiv, jiġifieri l-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni, li ġew iffinanzjati peress li dawn ingħataw klassifikazzjoni aktar għolja. Il-programmi ta’ ħidma annwali tal-2015 u l-2016 għall-“Fond għas-Sigurtà Interna – Pulizija” ma inkludew l-ebda sejħa ġdida għal proposti biex jiġu żviluppati programmi dwar strateġiji ta’ ħruġ.
L-appoġġ huwa intenzjonat biex iwassal benefiċċji lill-Istati Membri meta jsir intervent fil-livell Ewropew
20Il-Kummissjoni mhux biss timmira fuq l-oqsma rilevanti, iżda tagħmel ukoll użu mill-fondi u l-għodod tal-UE biex tagħti appoġġ konkret lill-Istati Membri li huwa intenzjonat biex iwassal benefiċċji meta jsir intervent fil-livell Ewropew. Eżempji ta’ dan l-appoġġ jinkludu r-RAN (ara l-Kaxxa 1), il-Forum tal-UE dwar l-Internet, in-Netwerk Ewropew ta’ Komunikazzjoni Strateġika u l-EU IRU fi ħdan l-Europol (ara l-Kaxxa 2). Dawn l-inizjattivi, li huma speċifikament immirati fuq ir-radikalizzazzjoni, jippromwovu l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u ma jkunux jistgħu jiġu implimentati - jew almenu mhux b’mod daqshekk effiċjenti - li kieku l-Istati Membri jaġixxu individwalment.
21Il-programmi nazzjonali tal-“Fond għas-Sigurtà Interna – Pulizija”, immaniġġjati mill-Istati Membri, huma intenzjonati wkoll biex iwasslu benefiċċji minn interventi fil-livell Ewropew billi jgħollu l-istandards nazzjonali biex inaqqsu disparitajiet u billi jistimulaw is-sinerġiji bejn l-Istati Membri. B’kollox, 18-il Stat Membru inkludew azzjonijiet speċifiċi biex jiġġieldu kontra r-radikalizzazzjoni fil-programmi nazzjonali tagħhom. Il-Belġju, pereżempju, iffinanzja proġetti biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni għar-radikalizzazzjoni fil-ħabsijiet, jingħata appoġġ għal netwerk ta’ assistenza għal familji vulnerabbli, u jiġu ffinanzjati timijiet multidixxiplinarji mobbli biex issir analiżi tal-ħtiġijiet tal-awtoritajiet lokali u jiġu proposti stateġiji lokali.
Il-Kummissjoni trawwem is-sinerġiji, iżda tista’ ttejjeb il-koordinazzjoni
22Il-Kummissjoni qed tkun dejjem aktar attiva fl-appoġġ lill-Istati Membri biex jindirizzaw ir-radikalizzazzjoni. Mill-15-il persuna li wieġbu għall-istħarriġ tagħna (ara l-paragrafu 14), 14 dehrilhom li l-Kummissjoni kienet aktar attiva issa milli kienet ħames snin ilu. Il-varjetà tal-azzjonijiet tal-Kummissjoni, li jinvolvu fondi differenti mmaniġġjati minn tmien direttorati ġenerali, u li huma mifruxa fuq oqsma ta’ politika differenti (ara l-paragrafu 5), jirrikjedu li jkun hemm koordinazzjoni effettiva. Għalhekk aħna eżaminajna jekk il-Kummissjoni tikkoordinax l-azzjonijiet tagħha b’tali mod biex timmassimizza s-sinerġiji. Analizzajna l-proċeduri ta’ konsultazzjoni tad-diversi direttorati ġenerali qabel ma jingħata finanzjament mill-UE. Analizzajna wkoll l-azzjonijiet prinċipali ffinanzjati minn fondi differenti tal-UE sabiex nidentifikaw is-sinerġiji, u eżaminajna jekk il-Kummissjoni kellhiex stampa ġenerali komprensiva tal-azzjonijiet kollha tagħha relatati mal-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni, li hija meħtieġa biex ikun jista’ jsir l-aħjar użu mis-sinerġiji potenzjali. B’mod partikolari, aħna vverifikajna jekk il-Kummissjoni għamlitx użu sħiħ mir-RAN, pereżempju għad-disseminazzjoni tar-riżultati ta’ azzjonijiet iffinanzjati mill-UE.
Il-Kummissjoni trawwem is-sinerġiji
23L-Anness juri li azzjonijiet differenti tal-Kummissjoni jistgħu jindirizzaw kwistjonijiet li jkunu simili. Peress li l-Kummissjoni qed tkun dejjem aktar attiva f’dan il-qasam, hemm opportunitajiet għal sinerġiji, partikolarment fejn l-azzjonijiet jikkoinċidu. Xi eżempji ta’ dan huma:
- il-finanzjament mill-“Fond għas-Sigurtà Interna – Pulizija” li jiġi pprovdut lill-Istati Membri għat-taħriġ tal-għalliema jista’ jindirizza kwistjonijiet simili għal dawk indirizzati mill-proġetti taħt Erasmus+;
- il-proġetti ffinanzjati mill-Programm “Ġustizzja” għat-taħriġ u s-sensibilizzazzjoni tal-persunal tal-ħabsijiet jistgħu jindirizzaw kwistjonijiet simili għal dawk indirizzati mill-proġetti taħt Erasmus+ jew taħt il-“Fond għas-Sigurtà Interna – Pulizija”.
Il-Kummissjoni għandha għadd ta’ proċeduri biex tiffaċilita l-koordinazzjoni, bil-għan li timmassimizza s-sinerġiji u tevita d-duplikazzjoni tal-appoġġ (ara l-Kaxxa 6).
Kaxxa 6
Eżempji ta’ proċeduri tal-Kummissjoni li jiffaċilitaw il-koordinazzjoni
Permezz tal-proċess imsejjaħ konsultazzjoni bejn is-servizzi, diversi direttorati ġenerali jaħdmu flimkien biex japprovaw programmi ta’ ħidma annwali li jistipulaw l-azzjonijiet ippjanati għall-fondi tal-UE. Xi programmi ta’ ħidma annwali jirrikjedu li l-proġetti jkunu jikkomplementaw azzjonijiet oħra. Pereżempju:
- il-Programm ta’ Ħidma Annwali 2016 għall-Programm “Ġustizzja” kien jirrikjedi li l-azzjonijiet jiżguraw konsistenza, komplementarjetà u sinerġiji mal-azzjonijiet appoġġati minn fondi oħra tal-UE, inklużi l-“Fond għas-Siġurtà Interna – Pulizija, Erasmus+ u Orizzont 2020;
- il-Programm ta’ Ħidma Annwali 2016 għall-azzjonijiet taħt il-“Fond għas-Sigurtà Interna – Pulizija” li huma mmaniġġjati ċentralment mill-Kummissjoni kien jirrikjedi li l-proġetti jiżguraw il-komplementarjetà mal-attivitajiet tal-Europol.
Sejħiet għal proposti (il-proċedura li permezz tagħha ssir stedina għal applikazzjonijiet għall-finanzjament ta’ proġetti) jistgħu jirrikjedu li l-applikanti juru li mhux se jidduplikaw inizjattivi eżistenti. Pereżempju, is-sejħa għal proposti tal-2014 li saret taħt il-“Fond għas-Sigurtà Interna – Pulizija” u li kienet tikkonċerna l-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni, kienet tirrikjedi li l-applikanti juru li l-proposti ma jidduplikawx xogħol, proġetti u inizjattivi eżistenti, inklużi l-attivitajiet tar-RAN.
Aħna eżaminajna azzjonijiet li saru f’oqsma differenti u li kienu ffinanzjati minn fondi differenti. Sibna li l-koordinazzjoni li ġiet iffaċilitata mill-Kummissjoni rriżultat f’sinerġiji bejn l-azzjonijiet tagħha. Ir-RAN, pereżempju, jintuża biex jiddissemina r-riżultati ta’ proġetti oħra ffinanzjati mill-UE (ara l-Kaxxa 7). Aktar eżempji jingħataw fil-Figura 3. Din tippreżenta diversi azzjonijiet iffinanzjati minn tliet fondi tal-UE u turi li jeżistu sinerġiji kemm fi ħdan il-fondi kif ukoll bejniethom. Pereżempju, il-Kummissjoni użat is-Seba’ Programm Qafas (il-programm ta’ riċerka li ġie qabel il-programm Orizzont 2020) biex tiffinanzja l-proġett ta’ riċerka IMPACT10 li żviluppa għodod għall-evalwazzjoni ta’ azzjonijiet relatati mar-radikalizzazzjoni. Dawn l-għodod intużaw mill-proġett STRESAVIORA li kien iffinanzjat mill-“Fond għas-Sigurtà Interna – Pulizija.” Dan il-proġett imbagħad ġie intensifikat u ddisseminat minn proġett iffinanzjat minn Erasmus+.
Kaxxa 7
Il-Kollezzjoni tar-RAN - eżempju ta’ sinerġija bejn proġetti ffinanzjati mill-UE
Il-Kollezzjoni tar-RAN ta’ Approċċi u Prattiki, li ġiet aġġornata regolarment mill-2014, fiha dettalji ta’ proġetti relatati mar-radikalizzazzjoni li huma bbażati fl-UE u huma trasferibbli għal kuntesti oħra. Il-proġetti ġew ippreżentati f’laqgħa tal-Grupp ta’ Ħidma tar-RAN għal evalwazzjoni bejn il-pari u ġew approvati mill-Kumitat ta’ Tmexxija tar-RAN. Fil-Kollezzjoni tar-RAN hemm 108 prattiki, inklużi 16-il proġett iffinanzjati mill-UE.
Figura 3
Eżempji ta’ sinerġiji bejn azzjonijiet tal-Kummissjoni li jindirizzaw ir-radikalizzazzjoni
Sors: Il-QEA.
Hemm xi nuqqasijiet fil-koordinazzjoni
26Għalkemm il-Kummissjoni tista’ tidentifika u tisfrutta ħafna konnessjonijiet bejn l-azzjonijiet, hemm nuqqasijiet fil-koordinazzjoni kumplessiva:
- Direttorati ġenerali differenti huma responsabbli għall-ippjanar għal fondi differenti tal-UE u r-rappurtar dwarhom (ara l-Anness). Pereżempju, id-DĠ Edukazzjoni u Kultura huwa responsabbli għall-koordinazzjoni ta’ proġetti ffinanzjati minn Erasmus+, u d-DĠ Ġustizzja u Konsumaturi huwa responsabbli għall-koordinazzjoni ta’ proġetti ffinanzjati mill-Programm “Ġustizzja”. Id-DĠ Migrazzjoni u Affarijiet Interni huwa d-direttorat ġenerali prinċipali għall-iżvilupp tal-qafas ta’ politika tal-Kummissjoni u għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tiegħu11. Madankollu, sal-2017 ma kien jeżisti l-ebda qafas għall-koordinazzjoni tal-azzjonijiet kollha tal-UE li jindirizzaw ir-radikalizzazzjoni sabiex jiġu identifikati s-sinerġiji potenzjali bejn il-fondi.
- Kien biss fl-2017 li d-DĠ Migrazzjoni u Affarijiet Interni wettaq immappjar ta’ proġetti ffinanzjati mill-UE li jindirizzaw ir-radikalizzazzjoni. Dan kien ifisser li, sa dak iż-żmien, il-Kummissjoni ma kellhiex lista konsolidata tal-azzjonijiet relatati mal-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni li kienu ffinanzjati mill-fondi differenti tal-UE. Anki dak iż-żmien, dan il-proċess ta’ mmappjar kien limitat għal azzjonijiet immaniġġjati ċentralment mill-Kummissjoni u ma kienx jinkludi dawk immaniġġjati mill-Istati Membri fil-programmi nazzjonali tagħhom.
Intervisti mal-EU IRU fi ħdan l-Europol u n-Netwerk Ewropew ta’ Komunikazzjoni Strateġika identifikaw opportunitajiet għal koordinazzjoni aħjar bejn azzjonijiet iffinanzjati mill-UE:
- l-Europol issuġġeriet li kien hemm opportunità għal sinerġija akbar permezz ta’ koordinazzjoni tat-twaqqit u l-kontenut ta’ kampanji ta’ kontronarrattiva mat-tneħħija ta’ materjal terroristiku mill-internet;
- in-Netwerk Ewropew ta’ Komunikazzjoni Strateġika ssuġġerixxa li jkun jista’ jibbenefika minn aċċess għall-analiżi tal-Europol dwar ix-xejriet fil-propaganda terroristika (sa fejn dan huwa awtorizzat taħt il-Ftehim Amministrattiv bejn il-Kummissjoni u l-Europol), kif ukoll minn involviment akbar fil-VOX-Pol12, proġett ta’ riċerka ffinanzjat mill-UE. Din l-informazzjoni tkun tippermettilu jipprovdi parir aħjar lill-gvernijiet dwar l-iżvilupp ta’ strateġiji ta’ komunikazzjoni u l-produzzjoni ta’ kampanji ta’ kontronarrattiva.
Mhux qed jintuża l-potenzjal sħiħ tar-RAN
28Għalkemm ir-RAN iwassal benefiċċji utli mill-intervent tiegħu fil-livell Ewropew, sibna li dan il-valur miżjud mhuwiex qed jiġi massimizzat fil-prattika13:
Figura 4
Parteċipanti tal-Grupp ta’ Ħidma tar-RAN minn Ottubru 2045
Sors: Il-QEA, ibbażat fuq data tal-Kummissjoni.
- Ir-RAN jista’ jipproduċi aktar outputs prattiċi, pereżempju billi jiġu analizzati prattiki fl-Istati Membri (eż. permezz ta’ aktar żjarat fuq il-post) u billi jitfassal inventarju komparattiv dettaljat tal-approċċi implimentati f’kull Stat Membru. “Il-Komunikazzjoni dwar il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni għat-terroriżmu” tal-2014 tirreferi għall-Kollezzjoni tar-RAN - li ġiet ippubblikata għall-ewwel darba fl-2014 - bħala repożitorju tal-aħjar prattiki. Madankollu, l-introduzzjoni għall-Kollezzjoni tar-RAN tiddikjara li l-prattiki inklużi huma maħsuba biss biex ikunu informattivi u ta’ ispirazzjoni. Barra minn hekk, sibna li l-entrati fil-Kollezzjoni tar-RAN ma għandhomx biżżejjed informazzjoni dwar kif il-proġett kien ġie ffinanzjat biex jippermetti lill-partijiet interessati jidentifikaw is-sorsi potenzjali ta’ finanzjament mill-UE għat-tipi ta’ proġetti li jkunu qed jikkunsidraw.
- Il-Kummissjoni ma analizzatx ir-raġunijiet għalfejn ir-RAN jintuża inqas minn ċerti pajjiżi milli minn oħrajn (ara l-Figura 4). Din id-differenza fl-użu tista’ tiġi spjegata mill-perċezzjonijiet li l-pajjiżi differenti għandhom tat-terroriżmu bħala theddida, il-fokus tar-RAN fuq tipi partikolari ta’ terroriżmu, l-approċċ tiegħu minn isfel għal fuq (jiġifieri li jżomm lil dawk inkarigati mit-tfassil tal-politika infurmati dwar il-perspettivi tal-professjonisti) jew l-użu tiegħu tal-Ingliż bħala l-lingwa prinċipali matul l-laqgħat tiegħu. Ma jinżamm l-ebda rekord tal-bdil fir-rati tal-parteċipazzjoni ta’ Stati Membri differenti, matul iż-żmien.
- Il-Kummissjoni tipprova żżid is-sensibilizzazzjoni ta’ proġetti ffinanzjati mill-UE billi tinkoraġġixxi lill-parteċipanti tal-proġett biex jiddisseminaw ir-riżultati permezz ta’ Grupp ta’ Ħidma tar-RAN. Pereżempju, minn 20 proġett iffinanzjati mill-ISEC14 li ntemmew mill-2011 ‘l hawn (meta ġie stabbilit ir-RAN), u li l-Kummissjoni vvalutat bħala tajbin, tajbin ħafna jew eċċellenti, hija pproponiet li r-riżultati ta’ 16 minnhom jiġu disseminati permezz tar-RAN. Madankollu, aħna sibna li għal aktar minn nofs dawn il-proġetti dan ma seħħx fil-prattika. Fiż-żmien tal-awditu tagħna sebgħa biss minn dawn il-proġetti (44%) kienu fil-fatt ġew ippreżentati lil Grupp ta’ Ħidma, workshop jew konferenza tar-RAN.
- L-awtoritajiet Belġjani infurmawna li l-professjonisti minn organizzazzjonijiet żgħar li jaħdmu fuq il-post u li ma għandhomx rabtiet mal-gvern (eż. netwerks ta’ gruppi lokali ta’ ommijiet ta’ ġellieda barranin) mhumiex involuti biżżejjed fir-RAN biex jiżguraw approċċ ġenwinament minn isfel għal fuq.
- Ir-RAN għandu l-għan li jtejjeb il-komunikazzjoni minn isfel għal fuq minn professjonisti għal dawk inkarigati mit-tfassil tal-politika. Madankollu, inqas minn nofs dawk li wieġbu għal stħarriġ ta’ professjonisti tar-RAN imwettaq mir-RAN innifsu fl-2016 dehrilhom li r-RAN kien għenhom jinfluwenzaw lil persuni inkarigati mit-tfassil tal-politika. Barra minn hekk, erbgħa minn dawk li wieġbu għall-istħarriġ tagħna ssuġġerew li r-rabta bejn ir-RAN u dawk inkarigati mit-tfassil tal-politika tista’ tissaħħaħ, pereżempju permezz ta’ skambji formali ta’ approċċi u ideat. Iż-żmien meħtieġ biex il-ħtiġijiet identifikati fil-livell tal-professjonisti jiġu inklużi fil-qafas ta’ politika tal-Kummissjoni jista’ jkun twil wisq. Pereżempju, il-kwistjoni ta’ radikalizzazzjoni fil-ħabsijiet ilha tiġi diskussa mill-2011 fil-livell tal-professjonisti (eż. persunal tal-ħabsijiet u tal-probazzjoni, għalliema u ħaddiema soċjali) mill-Grupp ta’ Ħidma tal-Ħabsijiet u tal-Probazzjoni tar-RAN. Madankollu, kien biss fl-2015 li l-Kummissjoni identifikat azzjonijiet speċifiċi ffinanzjati mill-Programm “Ġustizzja” li kellhom jittieħdu biex jindirizzaw din il-kwistjoni.
Il-qafas tal-Kummissjoni għall-valutazzjoni tar-riżultati mhuwiex żviluppat biżżejjed
29Aħna eżaminajna jekk il-Kummissjoni għandhiex indikaturi tal-prestazzjoni biex tivvaluta l-effettività tal-appoġġ kumplessiv tagħha u jekk kinux ġew stabbiliti miri realistiċi. Eżaminajna jekk l-indikaturi jkejlux mhux biss l-attività, iżda wkoll il-progress reali miksub fl-ilħuq tal-objettiv kumplessiv li l-Istati Membri jingħataw għajnuna biex jindirizzaw ir-radikalizzazzjoni li twassal għat-terroriżmu. Fil-livell tal-azzjonijiet individwali, aħna eżaminajna jekk il-Kummissjoni tivvalutax l-effettività tal-appoġġ tagħha sabiex issib x’jiffunzjona u f’liema oqsma, u x’ma jiffunzjonax u għalfejn. Il-Kummissjoni teħtieġ din l-informazzjoni biex tkun tista’:
- tirrispondi għal talbiet mill-Parlament Ewropew biex tiġi evalwata l-istrateġija tal-UE għall-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni u r-reklutaġġ fi gruppi terroristiċi15;
- ittejjeb u tadatta l-politika u l-appoġġ tagħha kontinwament b’rispons għall-bdil fis-sitwazzjoni tat-theddid u l-ħtiġijiet tal-utenti;
- tiddissemina u tintensifika eżempji ta’ proġetti li rnexxew biex timmassimizza s-sinerġiji (u tevita li tiddissemina riżultati ta’ proġetti ineffettivi jew kontroproduttivi);
- turi liċ-ċittadini li huwa probabbli li l-inizjattivi jkunu effettivi.
Il-Kummissjoni ma tevalwax is-suċċess kumplessiv tagħha fil-kisba tal-għanijiet ta’ politika
30Aħna sibna li l-Kummissjoni ma kinitx żviluppat il-qafas tagħha biżżejjed biex tivvaluta jekk il-politika tagħha għall-għoti ta’ appoġġ lill-Istati Membri fl-indirizzar tar-radikalizzazzjoni hijiex effettiva u toffrix valur għall-flus. Pereżempju, il-Kummissjoni:
- ma qasmitx l-objettivi kumplessivi tal-politika tagħha għall-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni f’objettivi aktar speċifiċi u li jistgħu jitkejlu;
- ma stabbilietx indikaturi u miri xierqa għall-fondi tal-UE li ġew użati, sabiex tkejjel il-prestazzjoni fl-indirizzar tar-radikalizzazzjoni;
- ma pprovdietx stampa ġenerali komprensiva tal-azzjonijiet relatati mal-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni li ġew iffinanzjati mill-UE (ara l-paragrafu 26);
- ma stipulatx b’mod sħiħ l-ispiża għall-indirizzar tar-radikalizzazzjoni. “Il-Komunikazzjoni dwar il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni għat-terroriżmu”, tal-2014, ma inkludiet l-ebda informazzjoni dwar l-ammonti ta’ finanzjament. Il-Kummissjoni spjegat li l-azzjonijiet kellhom jiġu implimentati bl-użu tar-riżorsi eżistenti, iżda ma speċifikatx liema. “Il-Komunikazzjoni dwar l-appoġġ lill-prevenzjoni mir-radikalizzazzjoni li twassal għal estremiżmu vjolenti”, tal-2016, ipprovdiet xi informazzjoni dwar il-finanzjament u l-ispejjeż, bl-istess mod kif għamel id-dokument intitolat “Comprehensive Assessment of EU Security Policy”16 ta’ Lulju 2017. Madankollu:
- xi azzjonijiet, bħall-proġetti ffinanzjati mill-“Fond għas-Sigurtà Interna – Pulizija”, tħallew barra;
- l-ispejjeż ta’ xi wħud mill-azzjonijiet mhumiex kwantifikati, b’mod partikolari l-EU IRU, il-Forum tal-UE dwar l-Internet, il-Programm ta’ Għoti tas-Setgħa lis-Soċjetà Ċivili (Civil Society Empowerment Programme) u n-Netwerk Ewropew ta’ Komunikazzjoni Strateġika;
- l-informazzjoni dwar il-finanzjament għad-diversi azzjonijiet tkopri perjodi differenti;
- ma ssir l-ebda distinzjoni bejn l-ispejjeż tal-azzjonijiet li huma speċifikament intenzjonati biex jindirizzaw ir-radikalizzazzjoni (eż. l-EUR 25 miljun għaċ-Ċentru ta’ Eċċellenza tar-RAN) u dawk li mhumiex, iżda li madankollu jgħinu biex jipprevjenuha (pereżempju l-EUR 25.6 biljun mill-Fond Soċjali Ewropew għat-trawwim tal-inklużjoni soċjali ta’ gruppi żvantaġġati).
B’riżultat ta’ dan, ma hemm l-ebda rapport kumplessiv li jkopri l-ispejjeż u l-kisbiet ta’ azzjonijiet relatati mal-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni li ġew iffinanzjati mill-UE. Minflok, dawn il-kwistjonijiet huma koperti f’diversi rapporti li jiddeskrivu dak li sar aktar milli jkejlu s-suċċess fil-kisba tal-għanijiet ta’ politika (ara l-Kaxxa 8).
Kaxxa 8
Eżempji ta’ rapporti li jiddeskrivu dak li sar aktar milli jkejlu s-suċċess fil-kisba tal-għanijiet ta’ politika
Ir-rapport finali dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tas-Sigurtà Interna tal-UE 2010-2014 jiddeskrivi dak li kien sar biex jingħata appoġġ lill-Istati Membri fl-indirizzar tar-radikalizzazzjoni, iżda ma vvalutax l-effettività17:
- l-istabbiliment tar-RAN f’Settembru 2011;
- l-adozzjoni tal-“Komunikazzjoni dwar il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni għat-terroriżmu”, ta’ Jannar 2014;
- il-pubblikazzjoni tal-Kollezzjoni tar-RAN.
Fir-Rapport Annwali tal-Attività 2016 tad-DĠ Migrazzjoni u Affarijiet Interni, it-tabelli tal-prestazzjoni dwar il-“Fond għas-Sigurtà Interna – Pulizija” fihom informazzjoni dwar l-għadd ta’ kontronarrattivi li ġew prodotti.
L-EU IRU perjodikament tirrapporta dwar l-ammont ta’ kontenut terroristiku li jkun tneħħa minn fuq l-internet.
Il-Kummissjoni ma tistax turi kemm verament huma effettivi l-azzjonijiet individwali tagħha
32aktar attività ma tfissirx neċessarjament effettività akbar. Aħna sibna li l-valutazzjonijiet tal-azzjonijiet tal-Kummissjoni li jgħinu lill-Istati Membri jindirizzaw ir-radikalizzazzjoni ħafna drabi jkejlu l-kisbiet f’termini tal-ammont ta’ attività (eż. l-għadd ta’ laqgħat li jsiru jew ta’ dokumenti prodotti) aktar milli l-effettività (eż. l-għarfien miksub mill-parteċipanti tar-RAN, kif applikawh, u l-impatt tiegħu fuq xogħolhom). Id-dokument reċenti “Comprehensive Assessment of EU Security Policy” (Valutazzjoni Komprensiva tal-Politika tas-Sigurtà tal-UE) enfasizza wkoll il-ħtieġa li jiġu evalwati r-riżultati u l-effettività tal-azzjonijiet li l-għan tagħhom huwa l-prevenzjoni tat-terroriżmu. B’konsegwenza, kif juru l-paragrafi li ġejjin, il-Kummissjoni ma tistax turi kemm verament huma effettivi l-azzjonijiet relatati mal-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni li jiġu ffinanzjati mill-UE.
33Huwa ppjanat li jsiru evalwazzjonijiet għal proġetti ffinanzjati mill-“Fond għas-Sigurtà Interna – Pulizija”. Madankollu, il-proġetti ħafna drabi ma jkollhomx indikaturi tal-effettività. Pereżempju, mill-ħames proposti għal proġetti li rnexxew b’rispons għas-sejħa għal proposti dwar ir-radikalizzazzjoni li ħarġet fl-2014 (ara l-paragrafu 19(b)), il-Kummissjoni qieset li għal tlieta minnhom18 l-istrateġiji ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ kienu skarsi, vagi jew bażiċi, u li ma kellhomx indikaturi biex ikejlu kemm verament il-proġetti kienu effettivi.
34Għall-ISEC (il-fond li ġie qabel il-“Fond għas-Sigurtà Interna – Pulizija”), il-Kummissjoni eżaminat ir-rapport finali19 għal kull proġett u ddeskriviet ir-riżultati miksuba f’termini ta’ outputs konkreti. Hija vvalutat ukoll il-kwalità tar-riżultati, jiġifieri jekk kinux utli u trasferibbli, u jekk għandhomx jiġu ddisseminati u kif. Madankollu, dan l-eżaminar ma pprovdiex evalwazzjoni bbażata fuq l-evidenza tal-impatti tal-proġetti. Fin-nuqqas ta’ indikaturi tal-effettività li huma realment integrati fi proġett, huma rreġistraw il-ġudizzju tal-eżaminatur dwar l-effettività probabbli tal-proġett.
35L-EU IRU fi ħdan l-Europol tidentifika u tissenjala kontenut terroristiku onlajn u tirreferih lill-fornituri tas-servizzi li jospitawh sabiex ikunu jistgħu jneħħuh. Il-prestazzjoni titkejjel f’termini tal-ammont u l-proporzjon tal-kontenut riferut li jitneħħa mill-fornituri tas-servizzi (ara l-Figura 5). Din l-istatistika għandha l-limitazzjonijiet li ġejjin:
- Ma turix kemm mill-kontenut jitneħħa biss b’riżultat tal-azzjonijiet tal-EU IRU. Huwa fatt li, l-EU IRU tista’ titlob lill-kumpaniji tal-internet biex ineħħu l-propaganda terroristika li tkun ġiet identifikata u ssenjalata wkoll mill-Istati Membri20. Ir-riskju ta’ dan huwa aktar baxx meta l-EU IRU teżamina propaganda f’lingwi ta’ pajjiżi terzi (eż. l-Għarbi, ir-Russu jew it-Tork) li l-Unitajiet ta’ Indikazzjoni ta’ Kontenut fuq l-Internet jeżaminaw inqas. L-EU IRU ma għandhiex informazzjoni dwar kemm mill-kontenut terroristiku jkun tneħħa mill-kumpaniji tal-internet fuq talba tagħha biss, mingħajr ma jkun ġie identifikat u ssenjalat ukoll mill-IRUs nazzjonali, mis-soċjetà ċivili jew mill-kumpaniji tal-internet infushom. Il-kumpaniji tal-internet ma jipprovdux feedback dwar ir-raġuni għalfejn il-kontenut ikun tneħħa.
- Ma turix l-effettività f’termini tal-ammont ta’ propaganda terroristika li tibqa’ fuq l-internet. L-10 persuni li wieġbu l-istħarriġ u li esprimew opinjoni dehrilhom li waħda mill-isfidi li tiffaċċja l-EU IRU hija li l-propaganda li titneħħa sempliċiment terġa’ tittella’ jew tiġi ttrasferita fuq pjattaformi oħra (effett magħruf bħala “whack-a-mole”, jiġifieri azzjoni ripetuta u inutli). Waqt il-Forum tal-UE dwar l-Internet, f’Diċembru 2016 (ara l-Kaxxa 2), il-kumpaniji ewlenin tal-internet ippreżentaw inizjattiva li kellha tgħin biex il-propaganda ma terġax tittella’ fuq l-internet. L-awtoritajiet Franċiżi li ltqajna magħhom enfasizzaw il-ħtieġa li tintwera l-effettività ta’ dan il-mekkaniżmu. Huma enfasizzaw ukoll id-diffikultà biex jinsab bilanċ ġust bejn li l-propaganda terroristika ssir inqas aċċessibbli fuq l-internet u li t-terroristi jiġu instigati biex jużaw sistemi ta’ messaġġi aktar kumplessi u klandestini, li jista’ jrendi l-investigazzjonijiet aktar diffiċli.
- Ma tkejjilx ir-rapidità tar-rispons, eż. iż-żmien li l-EU IRU tieħu biex tidentifika kontenut suspettuż ladarba dan ikun itella’ fuq l-internet u ż-żmien li l-kumpaniji tal-internet jieħdu sakemm ineħħu dan il-kontenut ladarba jkunu ġew notifikati dwaru.
| mill-1 ta’ Lulju 2015 sal-1 ta’ Lulju 2016 | mill-1 ta’ Lulju 2016 sal-1 ta’ Ġunju 2017 | |
|---|---|---|
| Proposti għal riferiment | 9 787 | 20 174 |
| Kontenut imneħħi mill-fornituri tas-servizzi | 8 949 | 16 143 |
| Rata tas-suċċess | 91.4 % | 80.0 % |
Sors: L-Europol - Rapport tal-Ewwel Sena tal-EU IRU u dejta tal-Europol.
36Id-DĠ Migrazzjoni u Affarijiet Interni jistabbilixxi miri kwantifikati dettaljati għar-RAN fil-pjan ta’ attività annwali, u jeżamina l-progress li jkun sar f’rapporti ta’ progress trimestrali u annwali. Madankollu, dawn il-pjanijiet u r-rapporti jelenkaw biss l-attivitajiet, eż. l-għadd ta’ laqgħat, parteċipanti, dokumenti ex ante, żjarat ta’ studju, seminars, konferenzi, bulettini, korsijiet ta’ taħriġ, workshops, dokumenti ta’ politika u dokumenti ta’ analiżi. Il-Kummissjoni ma talbitx liċ-Ċentru ta’ Eċċellenza tar-RAN għal informazzjoni biex timmonitorja l-effettività tiegħu, eż. is-sodisfazzjoni tal-parteċipanti, l-għarfien u l-kuntatti miksuba, kif dawn intużaw u ġew iddisseminati fl-Istati Membri, u l-impatt tagħhom fuq ix-xogħol tal-parteċipanti jew fuq ir-riżultati tal-organizzazzjoni (eż. jekk it-taħriġ verament għenx lill-pulizija biex jagħrfu min huma l-individwi li jkunu ġew radikalizzati u biex inaqqsu r-riskju li dawn jippreżentaw). Madankollu, fuq l-inizjattiva tiegħu stess, iċ-Ċentru ta’ Eċċellenza tar-RAN, wettaq stħarriġiet li jipprovdu xi indikazzjoni dwar kemm huma utli l-prodotti tiegħu. Pereżempju, stħarriġ partikolari li wettaq f’Awwissu 2016 sab li kważi 90 % tal-parteċipanti f’avvenimenti tar-RAN kienu tal-opinjoni li l-attendenza tagħhom ikollha impatt pożittiv fuq ix-xogħol ta’ kuljum tagħhom.
Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
37L-Istati Membri huma responsabbli għas-sigurtà nazzjonali tagħhom, inkluża l-ġlieda kontra t-terroriżmu. L-UE għandha rwol ukoll f’li tiżgura livell għoli ta’ sigurtà billi tiffaċilita l-iskambji ta’ informazzjoni, il-kooperazzjoni operazzjonali u l-kondiviżjoni ta’ għarfien u ta’ esperjenzi. Fl-2005, l-UE ppreżentat l-istrateġija tagħha għal kontra t-terroriżmu, li kienet organizzata madwar erba’ pilastri. L-ewwel pilastru għandu l-għan li jipprevjeni lin-nies milli jagħżlu t-terroriżmu billi jiġu miġġielda l-kawżi tar-radikalizzazzjoni u r-reklutaġġ. Peress li r-radikalizzazzjoni hija kkawżata minn diversi fatturi, tintuża firxa wiesgħa ta’ azzjonijiet biex jindirizzaw il-problema. B’hekk, il-Kummissjoni tibbaża fuq firxa dejjem aktar wiesgħa ta’ fondi eżistenti tal-UE biex tagħti appoġġ lill-Istati Membri.
38L-awditu tagħna eżamina jekk il-Kummissjoni mmaniġġjatx b’mod xieraq l-appoġġ li tat lill-Istati Membri għall-indirizzar tar-radikalizzazzjoni li twassal għat-terroriżmu. B’mod kumplessiv, sibna li l-Kummissjoni indirizzat il-ħtiġijiet tal-Istati Membri, iżda kien hemm xi nuqqasijiet fil-koordinazzjoni u l-evalwazzjoni.
39Il-Kummissjoni ppromwoviet il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri permezz ta’ inizjattivi rilevanti bħan-Netwerk ta’ Sensibilizzazzjoni dwar ir-Radikalizzazzjoni (RAN), il-Forum tal-UE dwar l-Internet u n-Netwerk Ewropew ta’ Komunikazzjoni Strateġika (ara mill-paragrafu 15 sal-paragrafu 21).
40Il-Kummissjoni kkoordinat l-appoġġ trażversali tagħha, pereżempju, permezz ta’ konsultazzjoni bejn id-direttorati ġenerali meta kienet qed tapprova l-programmi ta’ ħidma. Dan irriżulta f’sinerġiji bejn l-azzjonijiet tagħha. Madankollu, minkejja t-titjib reċenti, għad hemm lok biex tittejjeb il-koordinazzjoni tal-azzjonijiet tal-Kummissjoni. Pereżempju, l-istampa ġenerali li ngħatat mill-Kummissjoni dwar l-azzjonijiet iffinanzjati mill-UE f’dan il-qasam ma tinkludix dawk l-azzjonijiet immaniġġjati mill-Istati Membri, li jkun utli biex ikun jista’ jsir l-aħjar użu mis-sinerġiji potenzjali. Sibna wkoll li ma ntużax il-potenzjal sħiħ tar-RAN, waħda mill-inizjattivi prinċipali tal-Kummissjoni, biex jiġu disseminati r-riżultati ta’ proġetti li rnexxew iffinanzjati mill-UE (ara mill-paragrafu 22 sal-paragrafu 28).
Rakkomandazzjoni 1
Jitjieb il-qafas għall-koordinazzjoni kumplessiva tal-azzjonijiet li jindirizzaw ir-radikalizzazzjoni
Jenħtieġ li l-Kummissjoni ttejjeb il-qafas għall-koordinazzjoni kumplessiva tal-azzjonijiet iffinanzjati mill-UE biex tappoġġa lill-Istati Membri fl-indirizzar tar-radikalizzazzjoni. B’mod partikolari jenħtieġ li l-Kummissjoni:
- fil-lista tal-azzjonijiet relatati mal-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni ffinanzjati mill-UE, tinkludi, dawk l-azzjonijiet l-aktar importanti li jkunu ffinanzjati mill-UE u mmaniġġjati mill-Istati Membri. Jenħtieġ li l-Kummissjoni taġġorna regolarment din il-lista bil-ħsieb li timmassimizza s-sinerġiji speċjalment fejn il-fondi u l-għodod differenti jikkoinċidu. Jenħtieġ li l-lista tkun disponibbli għall-applikanti tal-proġetti;
- tagħmel użu sħiħ mis-sinerġiji potenzjali bejn l-azzjonijiet tal-Kummissjoni billi tifformalizza r-rekwiżit li jintuża r-RAN għad-disseminazzjoni tar-riżultati ta’ proġetti ffinanzjati mill-UE li rnexxew.
Data mmirata għall-implimentazzjoni: Ġunju 2019.
Rakkomandazzjoni 2
Jiżdied l-appoġġ prattiku lill-professjonisti u lil dawk inkarigati mit-tfassil tal-politika fl-Istati Membri
Jenħtieġ li l-Kummissjoni:
- ittejjeb il-komunikazzjoni, mill-professjonisti sa dawk inkarigati mit-tfassil tal-politika, permezz ta’ skambju regolari u strutturat ta’ approċċi u ta’ ideat;
- tanalizza l-parteċipazzjoni mill-professjonisti tal-Istati Membri fir-RAN, b’fokus partikolari fuq jekk pajjiżi li jkunu inqas attivi għandhomx ikunu aktar involuti;
- tanalizza l-involviment tal-professjonisti fi ħdan ir-RAN filwaqt li tiżgura li t-tipi differenti ta’ partijiet ikkonċernati jkunu rrappreżentati b’mod adegwat, inklużi n-netwerks ta’ organizzazzjonijiet fuq il-post, mingħajr rabtiet mal-gvern, sabiex issaħħaħ l-approċċ minn isfel għal fuq;
- tappoġġa lill-maniġers ta’ proġetti relatati mal-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni fil-valutazzjoni tal-effettività u t-trasferibbiltà tal-prattiki, u żżid r-rilevanza tal-Kollezzjoni tar-RAN billi tinkludi aktar informazzjoni dwar l-effettività tal-prattiki u l-kuntest li fih jistgħu jiġu trasferiti;
- fil-Kollezzjoni tar-RAN, tinkludi spjegazzjoni ċara dwar kif l-azzjonijiet jiġu ffinanzjati permezz tal-fondi tal-UE.
Data mmirata għall-implimentazzjoni: Ġunju 2019.
41Il-Kummissjoni ma żviluppatx il-qafas tagħha biżżejjed biex tivvaluta jekk l-appoġġ tagħha huwiex effettiv u joffrix valur għall-flus. Pereżempju, l-objettivi kumplessivi ta’ politika ma nqasmux f’objettivi aktar speċifiċi u li jistgħu jitkejlu, u l-fondi li l-Kummissjoni użat biex tindirizza r-radikalizzazzjoni mhumiex akkumpanjati minn indikaturi u miri mfassla biex ikejlu s-suċċess fl-ilħuq ta’ din il-mira (ara mill-paragrafu 29 sal-paragrafu 31).
42Barra minn hekk, il-kisbiet ta’ azzjonijiet speċifiċi ħafna drabi jitkejlu f’termini ta’ ammont ta’ attività aktar milli f’termini ta’ effettività. B’riżultat ta’ dan, hemm ir-riskju li tagħlimiet utli jew ma jiġux disseminati jew inkella ma jittiħdux inkunsiderazzjoni meta l-Kummissjoni tfassal azzjonijiet jew tiżviluppa aktar il-politika tagħha (ara mill-paragrafu 32 sal-paragrafu 36).
Rakkomandazzjoni 3
Jitjieb il-qafas għall-valutazzjoni tar-riżultati
Jenħtieġ li l-Kummissjoni tevalwa s-suċċess tagħha fl-ilħuq tal-miri ta’ politika tagħha u tiżgura li l-azzjonijiet iffinanzjati mill-UE jkunu jistgħu jipprovdu evidenza ta’ kemm huma verament effettivi. B’mod partikolari jenħtieġ li l-Kummissjoni:
- twettaq il-konsultazzjoni u r-riċerka meħtieġa sabiex tidentifika objettivi u indikaturi għall-evalwazzjoni tas-suċċess tagħha u biex tivverifika jekk ikunx inkiseb valur għall-flus fl-ilħuq tal-miri ta’ politika relatati mal-għajnuna li ngħatat lill-Istati Membri biex jindirizzaw ir-radikalizzazzjoni. Jenħtieġ li mbagħad hija tirrapporta regolarment dwar il-progress kumplessiv li jkun sar fl-ilħuq tal-objettivi tal-politika tagħha għall-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni, inklużi l-fondi tal-UE involuti;
- titlob liċ-Ċentru ta’ Eċċellenza tar-RAN biex jipprovdi rapporti aktar dettaljati dwar l-effettività tiegħu, pereżempju s-sodisfazzjon tal-parteċipanti, l-għarfien u l-kuntatti miksuba, kif dawn intużaw, u l-impatt tagħhom fuq ix-xogħol tal-parteċipanti jew fuq ir-riżultati tal-organizzazzjoni;
- tissorvelja permezz tal-Forum tal-UE dwar l-Internet:
- il-kooperazzjoni bejn l-EU IRU u l-IRUs nazzjonali biex tiġi żgurata l-komplementarjetà u tiġi evitata d-duplikazzjoni mhux meħtieġa fir-riferiment ta’ kontenut terroristiku lill-kumpaniji tal-IT;
- il-punt sa fejn it-tneħħija ta’ propaganda terroristika jkollha impatt fuq il-prevalenza tagħha fuq l-internet;
- ir-rapidità għat-tneħħija tal-kontenut riferut mill-EU IRU;
- tiżgura li l-applikanti tal-proġetti juru kif ikun biħsiebhom ikejlu l-effettività tal-proġetti tagħhom.
Data mmirata għall-implimentazzjoni: Ġunju 2019.
Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla V, immexxija mis-Sur Lazaros S. LAZAROU, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tal-20 ta’ Marzu 2018.
Għall-Qorti tal-Awdituri

Klaus-Heiner LEHNE
President
Anness
Eżempji ta’ azzjonijiet iffinanzjati mill-UE li jindirizzaw ir-radikalizzazzjoni
| Żvilupp tal-għarfien dwar ir-radikalizzazzjoni u kondiviżjoni tal-prattiki | |||
|---|---|---|---|
| Azzjoni | Objettiv għall-indirizzar tar-radikalizzazzjoni | Finanzjament | Ġestjoni |
| Netwerk ta’ Sensibilizzazzjoni dwar ir-Radikalizzazzjoni (RAN) | L-Istati Membri jingħataw appoġġ fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ ħidma effettiva għall-prevenzjoni, jiġu pprovduti linji gwida u manwali għall-istabbiliment ta’ strutturi li jinkludu diversi aġenziji, tinħoloq pjattaforma għall-iskambju ta’ esperjenzi u prattiki, u permezz ta’ aktar immappjar tar-riċerka dwar ir-radikalizzazzjoni | Fond għas-Sigurtà Interna-Pulizija | DĠ HOME |
| Għotjiet ta’ riċerka | Id-distakk bejn il-qasam akkademiku u l-professjonisti tas-sigurtà fil-qasam tar-radikalizzazzjoni jitnaqqas biex tissaħħaħ il-kapaċità tal-Istati Membri li jirfinaw l-approċċi eżistenti ta’ politika u li jiżviluppaw politika u prattiki ġodda(Suġġetti tar-riċerka: l-iżvilupp ta’ approċċ komprensiv għar-radikalizzazzjoni vjolenti u x-xejriet kontemporanji tar-radikalizzazzjoni) | Programm Orizzont 2020 | DĠ HOMEDĠ RTD |
| Proġetti ta’ sigurtà taħt ġestjoni diretta u kondiviża | L-għodod ta’ sensibilizzazzjoni, impenn u assistenza lil atturi lokali u lil familji jiġu żviluppati għall-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni | Fond għas-Sigurtà Interna-Pulizija | DĠ HOME |
| Ġlieda kontra l-propaganda terroristika | |||
| Unità ta’ Indikazzjoni ta’ Kontenut fuq l-Internet (EU IRU) | Ġlieda kontra l-propaganda terroristika onlajn | Europol | Europol |
| Forum tal-UE dwar l-Internet | Inizjattiva tal-Kummissjoni biex tinvolvi kumpaniji tal-internet fil-ġlieda kontra l-propaganda terroristika | Fond għas-Sigurtà Interna | DĠ HOME |
| Netwerk Ewropew ta’ Komunikazzjoni Strateġika | L-Istati Membri, is-soċjetà ċivili u l-istituzzjonijiet tal-UE jiġu pprovduti b’għarfien espert fl-iżvilupp ta’ oqfsa ta’ politika, kampanji ta’ komunikazzjoni jew inizjattivi individwali. Jiġi pprovdut netwerk għall-kondiviżjoni u l-iskambju tal-aħjar prattika, u jingħata appoġġ prattiku u konsulenza biex ikunu jistgħu jiġu żviluppati kontronarrattivi effettivi | Fond għas-Sigurtà Interna | DĠ HOME |
| Proġetti ta’ sigurtà taħt ġestjoni diretta u kondiviża | Tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-kontenut onlajn li jista’ jwassal għar-radikalizzazzjoni | Fond għas-Sigurtà Interna-Pulizija | DĠ HOME |
| Promozzjoni ta’ soċjetajiet inklużivi u reżiljenti | |||
| Sħubijiet transnazzjonali | Żvilupp ta’ approċċi u prattiki ta’ politika innovattivi li jagħtu prijorità lill-inklużjoni soċjali, lill-promozzjoni ta’ valuri komuni u lill-fehim interkulturali | Erasmus+ | DĠ EAC |
| Appoġġ għar-riforma tal-politika | Intensifikazzjoni u disseminazzjoni tal-prattiki tajbin innovattivi li jaqgħu fl-ambitu tad-Dikjarazzjoni ta’ Pariġi | ||
| Servizz Volontarju Ewropew | Promozzjoni ta’ valuri fundamentali u jintlaħqu persuni u komunitajiet żvantaġġati | ||
| Persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ | Żvilupp ta’ sett ta’ għodod tal-aħjar prattiki dwar kif:
|
||
| eTwinning | L-għalliema u l-klassijiet fl-Ewropa jiġu konnessi permezz tal-pjattaforma tal-internet eTwinning biex jiġu identifikati l-aħjar prattiki fl-indirizzar tad-diversità fil-klassi u biex jingħaddew valuri komuni lill-istudenti, kif ukoll biex jingħarfu r-riskji ta’ marġinalizzazzjoni jew jiġu identifikati gruppi vulnerabbli | ||
| Appoġġ għal skemi nazzjonali u proġetti lokali żgħar | Trawwim tal-inklużjoni soċjali ta’ gruppi żvantaġġati, eż. permezz ta’ programmi ta’ taħriġ imfassla apposta u skemi ta’ appoġġ soċjali | Fond Soċjali Ewropew | DĠ EMPLDĠ REGIO |
| Tingħata għajnuna lill-iskejjel biex jindirizzaw il-problema tat-tluq bikri mill-iskola u jiżdied l-aċċess għall-edukazzjoni ta’ kwalità għal kulħadd | |||
| Proġetti għall-impjiegi u l-innovazzjoni soċjali | Finanzjament ta’ proġetti innovattivi fuq il-post, filwaqt li titrawwem l-inklużjoni soċjali | Programm għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali | DĠ EMPL |
| Proġetti dwar id-drittijiet, l-ugwaljanza u ċ-ċittadinanza | Ħolqien ta’ fehim aħjar bejn il-komunitajiet, inklużi l-komunitajiet reliġjużi, għall-prevenzjoni ta’ u l-ġlieda kontra r-razziżmu u l-ksenofobija permezz ta’ attivitajiet interreliġjużi u interkulturali | Programm għad-Drittijiet, l-Ugwaljanza u ċ-Ċittadinanza | DĠ JUST |
| Proġetti ta’ sigurtà taħt ġestjoni diretta u kondiviża | Sensibilizzazzjoni u taħriġ ta’ professjonisti primarji biex jagħrfu u jirrispondu għall-proċess tar-radikalizzazzjoni ta’ dawk li jridu jsiru ġellieda barranin | Fond għas-Sigurtà Interna-Pulizija | DĠ HOME |
| Identifikazzjoni u trattament ta’ persuni radikalizzati | |||
| Programmi ta’ riabilitazzjoni u deradikalizzazzjoni | Riabilitazzjoni u deradikalizzazzjoni ġewwa u barra l-ħabsijiet, għodod ta’ valutazzjoni tar-riskju u taħriġ tal-professjonisti | Programm “Ġustizzja” | DĠ JUST |
| Taħriġ tal-persunal tal-ħabsijiet u tal-probazzjoni | Involviment tal-Konfederazzjoni Ewropea tal-Probazzjoni u l-Organizzazzjoni Ewropea tal-Ħabsijiet u s-Servizzi Korrettivi f’taħriġ speċifiku tal-persunal tal-ħabsijiet u tal-probazzjoni | ||
| Indirizzar tar-radikalizzazzjoni f’pajjiżi barra mill-Ewropa | |||
| Miżuri għall-ġlieda kontra t-terroriżmu | Pajjiżi terzi jiġu pprovduti b’appoġġ speċifiku kontra t-terroriżmu | Fondi Ewropej għall-Iżvilupp u l-Istrument li jikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi | DĠ DEVCO |
| Strument Ewropew ta’ Viċinat | DĠ NEAR | ||
| Jittieħed kont tad-dimensjoni tal-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni | Kwistjonijiet relatati mal-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni jiġu integrati f’diversi tipi ta’ appoġġ għal pajjiżi terzi | Fondi Ewropej għall-Iżvilupp u l-Istrument li jikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi | DĠ DEVCO |
| Strument Ewropew ta’ Viċinat | DĠ NEAR | ||
| eTwinning Plus | Il-pjattaforma eTwinning tiġi estiża għal ċertu pajjiżi magħżula tal-Viċinat Ewropew, l-aktar għal dawk li qed jiffaċċjaw problemi ta’ radikalizzazzjoni vjolenti u dawk fejn id-djalogu interkulturali huwa l-aktar meħtieġ. | Erasmus+ | DĠ EAC |
Sors: Il-QEA, ibbażat fuq il-Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-appoġġ tal-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni li twassal għall-estremiżmu vjolenti.
Glossarju
Eurojust: L-aġenzija tal-UE responsabbli għall-appoġġ u t-tisħiħ tal-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fl-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ forom serji ta’ kriminalità organizzata, u ta’ terroriżmu transkonfinali
Europol: L-aġenzija tal-UE għall-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi li l-għan tagħha huwa li tappoġġa lill-Istati Membri fil-ġlieda kontra l-forom serji kollha ta’ kriminalità organizzata u t-terroriżmu internazzjonali
Fond għas-Sigurtà Interna - Pulizija: Il-komponent “Pulizija” tal-Fond għas-Sigurtà Interna (2014-2020) jgħin biex jiġi żgurat livell għoli ta’ sigurtà fl-UE. Huwa jiffinanzja azzjonijiet li jiġu mmaniġġjati direttament mill-Kummissjoni u azzjonijiet immaniġġjati mill-Istati Membri permezz ta’ programmi nazzjonali
Forum tal-UE dwar l-Internet: Inizjattiva tal-Kummissjoni biex tinvolvi kumpaniji tal-internet fil-ġlieda kontra l-propaganda terroristika
IMPACT: Proġett bl-għan li jiżviluppa sett ta’ għodod għall-evalwazzjoni ta’ inizjattivi għall-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni
Koordinatur għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu: Jikkoordina l-ħidma tal-Kunsill tal-UE fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u jiżgura li l-UE jkollha rwol attiv fil-ġlieda kontra t-terroriżmu
Netwerk Ewropew ta’ Komunikazzjoni Strateġika: Netwerk ta’ esperti mill-Istati Membri tal-UE għall-kondiviżjoni ta’ prattika tajba dwar komunikazzjonijiet strateġiċi
Netwerk ta’ Sensibilizzazzjoni dwar ir-Radikalizzazzjoni (RAN): Netwerk mifrux mal-UE kollha li jlaqqa’ professjonisti bl-għan li jsir skambju ta’ ideat, ta’ għarfien u ta’ esperjenzi dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-isforzi tar-radikalizzazzjoni li jwasslu għal estremiżmu u terroriżmu vjolenti
Propaganda terroristika: Propagazzjoni ta’ perspettiva estremista partikolari tad-dinja li twassal lil individwi biex jikkunsidraw u jiġġustifikaw il-vjolenza
Radikalizzazzjoni: Il-fenomenu ta’ persuni li jħaddnu ideoloġiji u mġiba estremisti li jistgħu jwasslu għal atti ta’ terroriżmu
Riintegrazzjoni: Proċess li l-għan tiegħu hu li jgħin lil eks terroristi jerġgħu jintegraw fis-soċjetà
STRESAVIORA: Proġett għall-promozzjoni ta’ soċjetajiet inklużivi u reżiljenti
Unità ta’ Indikazzjoni ta’ Kontenut fuq l-Internet (IRU): L-għan tal-EU IRU fi ħdan l-Europol huwa li tiġġieled kontra l-isforzi tar-radikalizzazzjoni u r-reklutaġġ onlajn billi tidentifika u tissenjala l-kontenut terroristiku onlajn u billi twissi lill-fornituri tas-servizzi li jospitawh
VOX-Pol: Proġett li l-għan tiegħu hu li jgħaqqad attivitajiet ta’ riċerka dwar l-estremiżmu onlajn bil-ħsieb li jipproduċi aġendi ta’ politika li jkunu infurmati aħjar fil-livell nazzjonali, il-livell Ewropew u dak internazzjonali
Noti finali
1 L-Artikolu 4.2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jiddikjara li s-sigurtà nazzjonali tibqa’ r-responsabbiltà unika ta’ kull Stat Membru.
2 L-Artikolu 67 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jiddikjara li l-Unjoni għandha tagħmel ħilitha sabiex tassigura livell għoli ta’ sigurtà. L-Artikoli 82 sa 89 jipprevedu l-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja.
3 L-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għal Kontra t-Terroriżmu, it-30 ta’ Novembru 2005, 14469/4/05, adottata fil-15 ta’ Diċembru 2005.
4 COM(2015) 185 final tat-28 ta’ April 2015 “L-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà”.
5 Pereżempju, id-Direttiva (UE) 2017/541 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu (ĠU L 88, 31.3.2017, p. 6).
6 A European Agenda on Security (Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà) Is-Sitwazzjoni Attwali: Ġunju 2017.
7 KUMM(2005) 313 finali tal-21 ta’ Settembru 2005 “Ir-reklutaġġ ta’ terroristi - Nindirizzaw il-fatturi li jagħtu kontribut għar-radikalizzazzjoni vjolenti”; COM(2013) 941 final tal-15 ta’ Jannar 2014 “Il-Prevenzjoni tar-Radikalizzazzjoni għat-Terroriżmu u l-Estremiżmu Vjolenti: It-Tisħiħ tar-Reazzjoni tal-UE”; u COM(2016) 379 final tal-14 ta’ Ġunju 2016 “L-appoġġ lill-prevenzjoni mir-radikalizzazzjoni li twassal għal estremiżmu vjolenti”.
8 Dan l-approċċ huwa rrinforzat mill-Istrateġija ta’ Sigurtà Interna tal-2010 u mill-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà tal-2015.
9 In-Netwerk Ewropew ta’ Komunikazzjoni Strateġika evolva mill-Grupp Konsultattiv għall-Komunikazzjoni Strateġika dwar is-Sirja (SSCAT).
10 Il-proġett IMPACT Europe (Metodu u Proċedura Innovattivi biex jiġu Vvalutati t-Tekniki tal-Ġlieda Kontra r-Radikalizzazzjoni Vjolenta fl-Ewropa) kellu l-għan li jiżviluppa sett ta’ għodod għall-evalwazzjoni ta’ inizjattivi kontra r-radikalizzazzjoni.
11 Pereżempju, permezz ta’ rapporti ta’ kull xahar minn Ottubru 2016 dwar il-progress lejn Unjoni tas-Sigurtà effettiva u ġenwina, u permezz tad-dokument Comprehensive Assessment of EU Security Policy (Valutazzjoni Komprensiva tal-Politika tas-Sigurtà tal-UE) ta’ Lulju 2017.
12 Il-proġett VOX-Pol għandu l-għan li jgħaqqad attivitajiet ta’ riċerka dwar l-estremiżmu onlajn bil-ħsieb li dan jirriżulta f’aġendi ta’ politika infurmati aħjar fil-livell nazzjonali, il-livell Ewropew u dak internazzjonali.
13 Dan huwa kkorroborat mill-istħarriġ tagħna. Mit-13-il persuna li wieġbu għall-istħarriġ u li esprimew opinjoni, tmienja (62%) kienu tal-fehma li l-approċċ tar-RAN seta’ jipprovdi aktar valur miżjud.
14 Il-programm ISEC (Prevenzjoni u Ġlieda kontra l-Kriminalità) kien parti mill-Programm Qafas “Is-Sigurtà u s-Salvagwardja tal-Libertajiet” (2007-2013) li ġie qabel il-“Fond għas-Sigurtà Interna - Pulizija” (2014-2020).
15 Ara, pereżempju, ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni u tar-reklutaġġ ta’ ċittadini Ewropej minn organizzazzjonijiet terroristiċi.
16 SWD(2017) 278 tas-26 ta’ Lulju 2017 “Comprehensive Assessment of EU Security Policy” (Valutazzjoni Komprensiva tal-Politika tas-Sigurtà tal-UE).
17 COM(2014) 365 final tal-20 ta’ Ġunju 2014 “Rapport finali dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tas-Sigurtà Interna tal-UE (2010-2014)”.
18 FIRST LINE, LIAISE II u SAFFRON.
19 Rapport narrattiv u finanzjarju dwar l-attivitajiet u l-kisbiet tal-proġetti, li jsir fit-tmiem ta’ proġett mir-riċevitur tal-finanzjament mill-UE.
20 L-Unità tar-Renju Unit ta’ Indikazzjoni ta’ Kontenut fuq l-Internet fil-qafas tal-Ġlieda kontra t-Terroriżmu tirreferi madwar 100 000 element fis-sena.
1 Sejħa 2017-ISFP-AG-RAD
| Avveniment | Data |
|---|---|
| Adozzjoni tal-APM / Bidu tal-awditu | 25.10.2016 |
| L-abbozz tar-rapport jintbagħat uffiċjalment lill-Kummissjoni (jew lil parti awditjata oħra) | 8.2.2018 |
| Adozzjoni tar-rapport finali wara l-proċedura kontradittorja | 20.3.2018 |
| Ir-risposti uffiċjali tal-Kummissjoni (jew ta’ parti awditjata oħra) riċevuti bil-lingwi kollha | 25.4.2018 |
Tim tal-awditjar
Ir-rapporti speċjali tal-QEA jippreżentaw ir-riżultati tal-awditi li twettaq ta’ politiki u programmi tal-UE, jew ta’ suġġetti relatati mal-ġestjoni minn oqsma speċifiċi tal-baġit tal-UE. Il-QEA tagħżel u tfassal dawn il-kompiti tal-awditjar biex timmassimizza l-impatt tagħhom billi tqis ir-riskji għall-prestazzjoni jew għall-konformità, il-livell ta’ introjtu jew ta’ nfiq involut, l-iżviluppi li jkunu għad iridu jseħħu u l-interess politiku u pubbliku.
Dan l-awditu tal-prestazzjoni twettaq mill-Awla V tal-Awditjar, Finanzjament u amministrazzjoni tal-Unjoni, li hija mmexxija minn Lazaros S. Lazarou, Membru tal-QEA. L-awditu tmexxa minn Jan Gregor, Membru tal-QEA, li ngħata appoġġ minn Werner Vlasselaer, Kap tal-Kabinett u Bernard Moya Attaché tal-Kabinett; Alejandro Ballester Gallardo, Maniġer Prinċipali; Mark Marshall, Kap tal-Kompitu; Alexandre-Kim Hugé u Pascale Pucheux-Lallemand, Awdituri.
Kuntatt
IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI
12, rue Alcide De Gasperi
1615 Luxembourg
LUXEMBOURG
Tel. +352 4398-1
Mistoqsijiet: eca.europa.eu/mt/Pages/ContactForm.aspx
Sit web: https://www.eca.europa.eu/mt/Pages/ecadefault.aspx
Twitter: @EUAuditors
Ħafna informazzjoni addizzjonali dwar l-Unjoni Ewropea hija disponibbli fuq l-Internet.
Jista’ jsir aċċess għaliha permezz tas-server Europa (http://europa.eu).
Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2018
| ISBN 978-92-872-9928-4 | ISSN 1977-5741 | doi:10.2865/591555 | QJ-AB-18-010-MT-N | |
| HTML | ISBN 978-92-872-9976-5 | ISSN 1977-5741 | doi:10.2865/713901 | QJ-AB-18-010-MT-Q |
© L-Unjoni Ewropea, 2018
Għal kull użu jew riproduzzjoni ta’ ritratti jew materjal ieħor li ma jaqax taħt id-drittijiet tal-awtur tal-Unjoni Ewropea, irid jintalab il-permess direttament mingħand id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur.
KIF TIKKUNTATTJA LILL-UE
Personalment
Madwar l-Unjoni Ewropea kollha hemm mijiet ta’ ċentri ta’ informazzjoni tal-Europe Direct. Tista’ ssib l-indirizz tal-eqreb ċentru għalik f’dan is-sit: https://europa.eu/european-union/contact_mt
Bit-telefown jew bil-posta elettronika
Europe Direct huwa servizz li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar l-Unjoni Ewropea. Tista’ tikkuntattja dan is-servizz:
- bit-telefown bla ħlas: 00 800 6 7 8 9 10 11 (ċerti operaturi jafu jimponu ħlas għal dawn it-telefonati),
- fuq dan in-numru standard: +32 22999696, jew
- bil-posta elettronika permezz: https://europa.eu/european-union/contact_mt
KIF ISSIB TAGĦRIF DWAR L-UE
Onlajn
L-informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE hija disponibbli fuq is-sit web Europa fuq: https://europa.eu/european-union/index_mt
Pubblikazzjonijiet tal-UE
Tista’ tniżżel mill-internet jew tordna l-pubblikazzjonijiet tal-UE, li xi wħud minnhom huma bla ħlas u xi oħrajn bil-ħlas, mill-EU Bookshop fl-indirizz li ġej: https://op.europa.eu/mt/publications. Kopji multipli ta’ pubblikazzjonijiet bla ħlas tista’ tiksibhom billi tikkuntattja lil Europe Direct jew liċ-ċentru tal-informazzjoni lokali tiegħek (ara https://europa.eu/european-union/contact_mt).
Il-liġi tal-UE u dokumenti relatati
Għal aċċess għall-informazzjoni legali tal-UE, inkluż il-liġijiet kollha tal-UE mill-1952 ’l hawn, fil-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali kollha, żur is-sit EUR-Lex hawnhekk: http://eur-lex.europa.eu/homepage.html?locale=mt
Dejta Miftuħa mill-UE
Il-portal tad-Dejta Miftuħa mill-UE (http://data.europa.eu/euodp/mt) jipprovdi aċċess għal settijiet tad-dejta mill-UE. Id-dejta tista’ titniżżel mill-internet u tintuża mill-ġdid bla ħlas, kemm għal skopijiet kummerċjali kif ukoll mhux kummerċjali.
