
Sħubiji Pubbliċi-Privati fl-UE: Nuqqasijiet mifruxa u benefiċċji limitati
Dwar ir-rapport Is-Sħubiji Pubbliċi-Privati (PPPs) jirrikorru kemm għas-settur pubbliku kif ukoll għal dak privat biex jipprovdu beni u servizzi li tradizzjonalment jiġu pprovduti mis-settur pubbliku, filwaqt li jnaqqsu r-restrizzjonijiet baġitarji stretti fuq in-nefqa pubblika. Aħna sibna li minkejja li l-PPPs għandhom il-potenzjal li jaċċelleraw l-implimentazzjoni tal-politika u li jiżguraw standards tajbin ta’ manutenzjoni, il-proġetti awditjati mhux dejjem kienu mmaniġġjati b’mod effettiv u ma pprovdewx valur għall-flus adegwat. Ta’ spiss il-benefiċċji potenzjali tal-PPPs ma nkisbux, billi kienu suġġetti għal dewmien, żidiet fl-ispejjeż u użu insuffiċjenti, u rriżultaw f’infiq ineffettiv ta’ EUR 1.5 biljun, li minnhom EUR 0.4 biljun kienu fondi tal-UE. Dan kien dovut ukoll għan-nuqqas ta’ analiżijiet adegwati u ta’ approċċi strateġiċi għall-użu tal-PPPs kif ukoll għall-insuffiċjenza tal-oqfsa istituzzjonali u legali. Filwaqt li huma ftit l-Istati Membri li għandhom esperjenza u għarfien ikkonsolidati fl-implimentazzjoni ta’ proġetti PPP li jirnexxu, hemm riskju għoli li l-PPPs ma jikkontribwixxux sal-punt mistenni għall-ilħuq tal-għan li tiġi implimentata parti ikbar mill-fondi tal-UE permezz ta’ proġetti kkombinati, inklużi l-PPPs.
Sommarju eżekuttiv
IIl-proġetti bi Sħubija Pubblika-Privata (PPP) jirrikorru kemm għas-settur pubbliku kif ukoll għal dak privat biex jipprovdu beni u servizzi li tradizzjonalment jiġu pprovduti mis-settur pubbliku, filwaqt li jnaqqsu r-restrizzjonijiet baġitarji stretti li jitqiegħdu fuq in-nefqa pubblika. Mis-snin disgħin 'il hawn, 1 749 PPP b’valur totali ta’ EUR 336 biljun waslu għal għeluq finanzjarju fl-UE. Il-biċċa l-kbira mill-PPPs ġew implimentati fil-qasam tat-trasport li, fl-2016, kien jirrappreżenta terz tal-investiment kollu tas-sena, qabel il-kura tas-saħħa u l-edukazzjoni.
IIMadankollu, sa issa, il-fondi tal-UE ftit li xejn intużaw għall-PPPs. Għalkemm il-politika tal-Kummissjoni ilha għal xi snin tħeġġeġ l-użu tal-PPPs (eż. l-istrateġija Ewropa 2020) bħala mezz potenzjalment effettiv ta’ twettiq tal-proġetti, aħna identifikajna li matul il-perjodu 2000-2014 84 PPP biss, bi spiża totali tal-proġetti li laħqet l-ammont ta’ EUR 29.2 biljun, irċevew finanzjament ta’ EUR 5.6 biljun mill-UE. L-għotjiet mill-Fondi Strutturali u mill-Fond ta' Koeżjoni kienu s-sors prinċipali ta’ finanzjament mill-UE, segwiti mill-istrumenti finanzjarji - spiss f’kooperazzjoni mal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI).
IIIAħna eżaminajna 12-il PPP kofinanzjati mill-UE fi Franza, fil-Greċja, fl-Irlanda u fi Spanja fil-qasam tat-trasport bit-triq u f’dak tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni (ICT). L-Istati Membri li saritilhom żjara kienu jirrappreżentaw madwar 70 % tal-ispiża totali tal-proġetti (EUR 29.2 biljun) tal-PPPs li ngħataw appoġġ mill-UE. Aħna vvalutajna jekk il-proġetti awditjati setgħux jisfruttaw il-benefiċċji li l-PPPs huma mistennija jwasslu, jekk huma kinux ibbażati fuq analiżijiet sodi u approċċi adatti, u jekk l-oqfsa istituzzjonali u legali kumplessivi fi ħdan l-Istati Membri li saritilhom żjara kinux adegwati biex il-PPPs ikunu jistgħu jiġu implimentati b’suċċess. B'mod ġenerali, aħna sibna li:
- Permezz tal-PPPs, l-awtoritajiet pubbliċi setgħu jakkwistaw infrastrutturi fuq skala kbira permezz ta’ proċedura unika, iżda l-PPPs żiedu r-riskju ta’ kompetizzjoni insuffiċjenti u għaldaqstant qiegħdu lill-awtoritajiet kontraenti f’pożizzjoni ta’ negozjar aktar dgħajfa.
- L-akkwist tal-PPPs tipikament jirrikjedi negozjar dwar aspetti li normalment ma jkunux parti mill-akkwist tradizzjonali, u għalhekk jieħu aktar żmien minn proġetti tradizzjonali. Terz tat-12-il proġett awditjati, li d-durata tal-akkwist tagħhom kienet ta’ 5 sa 6.5 snin, kienu affettwati minn dewmien konsiderevoli.
- B’mod simili għall-proġetti tradizzjonali, il-maġġoranza tal-PPPs awditjati wkoll kienu suġġetti għal ineffiċjenzi konsiderevoli fil-forma ta’ dewmien matul il-kostruzzjoni u ta’ żidiet kbar fl-ispejjeż. B’mod ġenerali, sebgħa mid-disa’ proġetti kkompletati (li l-ispejjeż aggregati tagħhom ammontaw għal EUR 7.8 biljun) iffaċċjaw dewmien li kien ivarja minn xahrejn sa 52 xahar. Barra minn hekk, fondi pubbliċi addizzjonali li jammontaw għal kważi EUR 1.5 biljun, li madwar 30 % minnhom ġew ipprovduti mill-UE (li jikkorrispondu għal EUR 422 miljun), kienu meħtieġa għall-ikkompletar tal-ħames awtostradi li awditjajna fil-Greċja u fi Spanja. Aħna nqisu li dan l-ammont intnefaq b’mod ineffettiv f’termini ta’ ksib tal-benefiċċji potenzjali.
- Aktar importanti minn hekk, fil-Greċja (li hija, bil-bosta, l-akbar riċevitur tal-kontribuzzjonijiet mill-UE, peress li rċeviet 59 % tal-ammont totali mill-UE, jew EUR 3.3 biljun), l-ispiża għal kull kilometru ta’ tliet awtostradi vvalutati kienet żdiedet b’rata li tilħaq id-69 %, filwaqt li fl-istess ħin, l-ambiti tal-proġetti tnaqqsu b’sa 55 %. Dan kien prinċipalment dovut għall-kriżi finanzjarja u għat-tħejjija ħażina tal-proġetti mis-sieħeb pubbliku, bir-riżultat li l-kuntratti ma’ konċessjonarji privati kienu prematuri u mhux effettivi biżżejjed.
- L-ambitu wiesa’, l-ispiża għolja u d-durata twila ta’ PPPs tipiċi relatati mal-infrastruttura jirrikjedu diliġenza partikolari. Madankollu, aħna sibna li l-analiżijiet preċedenti kienu bbażati fuq xenarji ottimisti żżejjed li jikkonċernaw id-domanda futura u l-użu tal-infrastruttura ppjanata, bir-riżultat li r-rati ta’ użu tal-proġetti kienu taħt il-livell previst, jiġifieri rati li jilħqu d-69 % (ICT) u l-35 % (awtostradi). Dan ma jiħux kont tar-riskju pendenti tal-awtostradi fil-Greċja li xejn ma ntużaw biżżejjed wara li ġew ikkompletati.
- Fuq nota pożittiva, disa’ proġetti kkompletati li awditjajna wrew livelli tajbin ta’ servizz u manutenzjoni u għandhom il-potenzjal li jżommu dawn il-livelli għall-bqija tad-durata tal-proġetti.
- Għall-biċċa l-kbira mill-proġetti awditjati, il-possibbiltà tal-PPPs ma kinitx ibbażata fuq xi analiżi komparattiva, li saret qabel, ta’ għażliet alternattivi, bħalma hija l-Analiżi Komparattiva mas-Settur Pubbliku, u għaldaqstant ma ġiex iddimostrat li din l-għażla kienet dik li timmassimizza l-valur għall-flus u li tipproteġi l-interess pubbliku billi tiżgura kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni bejn il-PPPs u l-proċeduri ta’ akkwist tradizzjonali.
- L-allokazzjoni tar-riskji bejn is-sħab pubbliċi u dawk privati spiss ma kinitx xierqa, koerenti jew effettiva, filwaqt li r-rati għoljin ta’ rimunerazzjoni (sa 14 %) fuq il-kapital ta’ riskju tas-sieħeb privat mhux dejjem kienu jirriflettu r-riskji merfugħin. Barra minn hekk, il-biċċa l-kbira mis-sitt proġetti awditjati tal-ICT ma kinux faċilment kompatibbli mad-durati twal tal-kuntratti peress li kienu suġġetti għal bidliet rapidi fit-teknoloġija.
Sabiex tirnexxi, l-implimentazzjoni tal-proġetti PPP tirrikjedi kapaċità amministrattiva konsiderevoli li tista’ tiġi żgurata biss permezz ta’ oqfsa istituzzjonali u legali adatti, kif ukoll esperjenza dejjiema fl-implimentazzjoni tal-proġetti PPP. Aħna sibna li attwalment dawn il-kundizzjonijiet huma disponibbli biss f’għadd limitat ta’ Stati Membri tal-UE. Għalhekk, is-sitwazzjoni tmur kontra l-għan tal-UE li tiġi implimentata parti ikbar mill-fondi tal-UE permezz ta’ proġetti kkombinati, inklużi l-PPPs.
VIl-kombinament tal-finanzjament mill-UE mal-PPPs jinvolvi rekwiżiti u inċertezzi addizzjonali. Barra minn hekk, il-possibbiltà li l-proġetti PPP jiġu rreġistrati bħala entrati li ma jidhrux fil-karta tal-bilanċ hija kunsiderazzjoni importanti fl-għażla tal-possibbiltà tal-PPPs, iżda din il-prattika għandha wkoll ir-riskju li ddgħajjef il-valur għall-flus u t-trasparenza.
Għalhekk, aħna nirrakkomandaw dan li ġej:
- li ma jiġix promoss użu aktar intensiv u mifrux tal-PPPs sakemm il-problemi identifikati jkunu ġew indirizzati u r-rakkomandazzjonijiet li ġejjin implimentati b’suċċess;
- li jiġi mmitigat l-impatt finanzjarju tad-dewmien u tan-negozjati mill-ġdid dwar l-ispiża tal-PPPs li s-sieħeb pubbliku jkun ġarrab;
- li s-selezzjoni tal-possibbiltà tal-PPPs tkun ibbażata fuq analiżijiet komparattivi sodi tal-aħjar għażla rigward l-akkwist pubbliku;
- li jiġu stabbiliti politiki u strateġiji ċari fil-qasam tal-PPPs;
- li jsir titjib fil-qafas tal-UE biex tiżdied l-effettività tal-proġetti PPP.
Introduzzjoni
X’inhi PPP?
01L-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) tiddefinixxi s-Sħubiji Pubbliċi-Privati (PPPs) bħala arranġamenti kuntrattwali fuq terminu twil bejn il-gvern u sieħeb privat li permezz tagħhom dan tal-aħħar iwassal u jiffinanzja servizzi pubbliċi bl-użu ta’ assi kapitali, filwaqt li jikkondividi r-riskji assoċjati3. Din id-definizzjoni ġenerali turi li l-PPPs jistgħu jkunu maħsuba li jilħqu firxa wiesgħa ta’ objettivi f’diversi setturi, bħat-trasport, l-akkomodazzjoni soċjali u l-kura tas-saħħa, u li jistgħu jiġu strutturati taħt approċċi differenti.
02Il-PPPs ma għandhomx natura u eżiti differenti minn dawk ta’ proġetti li jkunu suġġetti għal proċedura ta’ akkwist tradizzjonali, iżda juru xi differenzi f’dak li jikkonċerna l-ġestjoni tal-proġetti u tal-kuntratti. Id-differenza prinċipali bejn il-PPPs u l-proġetti tradizzjonali hija l-kondiviżjoni tar-riskji bejn is-sieħeb pubbliku u dak privat. Fil-prinċipju, jenħtieġ li r-riskji fi proġett PPP jiġu allokati għall-parti li tkun l-aktar adatta biex timmaniġġjahom, bl-għan li jintlaħaq l-aħjar bilanċ bejn it-trasferiment tar-riskju u l-kumpens għall-parti li tkun qed iġarrab ir-riskju. Is-sieħeb privat huwa spiss responsabbli għal riskji li huma assoċjati mat-tfassil, mal-kostruzzjoni, mal-finanzjament, mal-operat u mal-manutenzjoni tal-infrastruttura, filwaqt li s-sieħeb pubbliku normalment jieħu responsabbiltà għal riskji regolatorji u politiċi.
03Il-forma l-aktar komuni ta’ PPP hija l-kuntratt tat-tip “Design-Build-Finance-Maintain-Operate” (DBFMO) (Tfassil-Bini-Finanzjament-Manutenzjoni-Operat)4. Hawnhekk, is-sieħeb privat jiġi fdat bil-fażijiet kollha tal-proġett, mit-tfassil sal-kostruzzjoni, l-operat u l-manutenzjoni tal-infrastruttura, inkluż il-ġbir ta’ fondi. Din il-perspettiva fuq terminu twil hija magħrufa bħala l-“approċċ ibbażat fuq iċ-ċiklu sħiħ tal-ħajja”.
04Il-Figura 1 tipprovdi rappreżentazzjoni grafika tal-fażijiet differenti ta’ PPP tat-tip DBFMO, li jintwerew bħala responsabbiltajiet tas-sieħeb pubbliku u dak privat rispettivament. Ladarba l-fażi ta’ kostruzzjoni tiġi kkompletata, is-sieħeb pubbliku jibda jħallas lill-parti privata għall-użu tas-servizz. Normalment, il-livell tal-pagamenti akkont ivarja skont id-disponibbiltà tal-infrastruttura (PPP ibbażata fuq id-disponibbiltà) jew skont kemm tintuża l-infrastruttura (PPP ibbażata fuq id-domanda) biex jiġi żgurat li l-istandards tal-kwalità li jkunu meħtieġa jiġu ssodisfati matul il-ħajja tal-proġett.
Figura 1
Skema ta’ PPP tipika tat-tip DBFMO bbażata fuq id-disponibbiltà5
Sors: Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri.
Raġunijiet għalfejn il-PPPs jiġu implimentati
05Skont id-dokumentazzjoni u r-riċerka rilevanti6, il-PPPs jiġu prinċipalment implimentati sabiex jinkisbu benefiċċji potenzjali meta mqabbla mal-metodi tradizzjonali ta’ akkwist. Dawn jinkludu dan li ġej:
- twettiq aktar rapidu ta’ programm ta’ investiment kapitali ppjanat, billi l-PPPs jistgħu jipprovdu finanzjament addizzjonali importanti biex jikkomplementaw il-pakketti baġitarji tradizzjonali;
- il-possibbiltà li jsir titjib fl-effiċjenza waqt l-implimentazzjoni tal-proġetti permezz tal-ikkompletar aktar rapidu ta’ proġetti individwali;
- il-possibbiltà li jiġu kondiviżi r-riskji mas-sieħeb privat u li jiġu ottimizzati l-ispejjeż matul il-ħajja tal-proġetti;
- il-possibbiltà li jkun hemm livelli ta’ manutenzjoni u servizz li jkunu aħjar minn dawk ta’ proġetti tradizzjonali permezz tal-approċċ ibbażat fuq iċ-ċiklu sħiħ tal-ħajja;
- il-possibbiltà li jiġi kkombinat l-għarfien espert pubbliku ma’ dak privat bl-aktar mod effettiv, biex titwettaq valutazzjoni approfondita tal-proġetti u biex jiġi ottimizzat l-ambitu tagħhom.
Barra minn hekk, il-qafas tal-kontabbiltà tal-UE (ESA 2010)7 jippermetti li, taħt ċerti kundizzjonijiet, l-involviment pubbliku fil-PPPs jiġi rreġistrat bħala entrata li ma tidhirx fil-karta tal-bilanċ. Dan jagħti inċentiv biex dawn jintużaw bl-iskop li tiżdied il-konformità mal-Kriterji ta’ Konverġenza tal-Euro, magħrufa wkoll bħala l-kriterji ta’ Maastricht8.
Is-suq Ewropew tal-PPPs
07Skont iċ-Ċentru Ewropew ta' Kompetenza dwar il-PPP (EPEC), 1 749 proġett PPP b’valur totali ta’ EUR 336 biljun waslu għall-għeluq finanzjarju fis-suq tal-PPPs tal-UE bejn l-1990 u l-2016. Qabel il-kriżi finanzjarja u ekonomika, il-volum tas-suq tal-PPPs kien qed jesperjenza żieda qawwija, iżda mill-2008 'l hawn, l-għadd ta’ proġetti PPP ġodda naqas b’mod konsiderevoli (ara l-Figura 2). Fl-2016, il-valur aggregat tal-64 tranżazzjoni tal-PPPs li waslu għall-għeluq finanzjarju fis-suq tal-UE kien ta’ EUR 10.3 biljun. Il-biċċa l-kbira mill-proġetti kienu fis-settur tat-trasport li, fl-2016, kien jirrappreżenta terz tal-investiment kollu li sar fil-PPPs, segwit mis-settur tal-kura tas-saħħa u dak tal-edukazzjoni.
Figura 2
Suq tal-PPPs tal-UE mill-1990 sal-2016
Sors: Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, ibbażat fuq informazzjoni pprovduta mill-EPEC.
Kif jidher fil-Figura 3, is-suq tal-PPPs tal-UE huwa fil-biċċa l-kbira kkonċentrat fir-Renju Unit, fi Franza, fi Spanja, fil-Portugall u fil-Ġermanja, li implimentaw proġetti b’valur ta’ 90 % tas-suq kollu kemm hu matul il-perjodu 1990-2016. Filwaqt li, matul dan il-perjodu, xi Stati Membri implimentaw għadd kbir ta’ proġetti PPP, bħalma għamel ir-Renju Unit b’aktar minn 1 000 proġett PPP b’valur ta’ kważi EUR 160 biljun, segwit minn Franza b’175 PPP b’valur ta’ kważi EUR 40 biljun, 13 mit-28 Stat Membru implimentaw inqas minn 5 proġetti PPP.
Figura 3
Suq tal-PPPs tal-UE għal kull Stat Membru mill-1990 sal-2016
Sors: Il-QEA, ibbażat fuq informazzjoni pprovduta mill-EPEC.
PPPs u fondi tal-UE
09Il-proġetti PPP li jikkombinaw fondi tal-UE ma’ riżorsi privati ta’ finanzjament jissejħu PPPs li jibbenefikaw minn finanzjament ikkombinat. Billi jikkombina l-fondi tal-UE f’PPP, is-settur pubbliku jista’ jrendi proġett aktar affordabbli billi jnaqqas il-livelli ta’ finanzjament meħtieġa.
10Kien hemm tendenza lejn ingranaġġ aktar intensiv tal-fondi pubbliċi assoċjati ma’ finanzjament privat permezz tal-PPPs. Pereżempju, l-istrateġija Ewropa 20209 tenfasizza l-importanza tal-PPPs. Skont l-istrateġija, l-ingranaġġ ta’ mezzi finanzjarji permezz tal-kombinament ta’ finanzi privati ma’ dawk pubbliċi u permezz tal-ħolqien ta’ strumenti innovattivi għall-finanzjament tal-investimenti meħtieġa huwa wieħed mill-aspetti ewlenin li l-Ewropa trid twettaq sabiex tilħaq l-objettivi tagħha għal Ewropa 2020.
11Il-White Paper tal-Kummissjoni, tal-2011, dwar it-Trasport10, fost oħrajn, tħeġġeġ lill-Istati Membri jużaw aktar PPPs, filwaqt li jiġi rrikonoxxut li mhux il-proġetti kollha huma sostenibbli għal dan il-mekkaniżmu. Barra minn hekk, hija tirrikonoxxi li l-istrumenti finanzjarji jistgħu jappoġġaw il-finanzjament mill-PPPs fuq skala akbar.
12Fil-qafas finanzjarju pluriennali 2014-2020, il-Kummissjoni tat kunsiderazzjoni akbar għall-ingranaġġ aktar intensiv ta’ fondi pubbliċi assoċjati ma’ finanzjament privat, u għar-rwol li l-PPPs jista’ jkollhom f’dan ir-rigward.
13Kemm fir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni (RDK) għall-perjodu 2014-2020 kif ukoll fir-Regolament dwar is-CEF11, il-PPPs jitqiesu bħala mezz potenzjalment effiċjenti għat-twettiq ta’ proġetti infrastrutturali li jiżguraw ir-realizzazzjoni ta’ objettivi tal-politika pubblika billi jiġbru flimkien forom differenti ta’ riżorsi pubbliċi u privati.
14Ir-regolament dwar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS), li ġie adottat fl-2015, għandu ppjanat ukoll l-użu ta’ firxa wiesgħa ta’ prodotti finanzjarji bil-ħsieb li jimmobilizza l-investimenti privati. Il-FEIS jista’ jintuża wkoll biex jappoġġa l-PPPs12.
Proġetti li ngħataw appoġġ mill-UE sal-2014
15Meta għal dan l-awditu (April 2016) konna qed niġbru data dwar il-PPPs li ngħataw appoġġ mill-UE, aħna identifikajna, għall-perjodu 2000-2014, 84 proġett PPP li bbenefikaw minn finanzjament ikkombinat, u li l-ispiża totali għalihom kienet ta’ EUR 29.2 biljun filwaqt li l-kontribuzzjoni li ngħatatilhom mill-UE kienet ta’ EUR 5.6 biljun rispettivament. Il-Greċja kienet, bil-bosta, l-akbar riċevitur tal-kontribuzzjonijiet mill-UE (59 % tat-total, jew EUR 3.3 biljun). Fi 13-il Stat Membru ma kien hemm assolutament l-ebda PPP li ngħatat appoġġ mill-UE (ara l-Anness I). Kif indikat fit-Tabella 1, is-settur tat-trasport kellu l-akbar proporzjon f’termini ta’ spiża totali (88 %), filwaqt li s-settur tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni (ICT) kien jirrappreżenta madwar 5 % u s-setturi l-oħra kollha (ħin rikrattiv, servizzi tal-ilma, ambjent, eċċ.) kienu jirrappreżentaw 7 %.
| Setturi | Għadd ta' proġetti | Spiża totali | % | Kontribuzzjoni mill-UE | % |
|---|---|---|---|---|---|
| Trasport | 24 | 25 538 | 87 | 4 555 | 81 |
| ICT | 28 | 1 740 | 6 | 472 | 8 |
| Is-setturi l-oħra kollha | 32 | 1 964 | 7 | 613 | 11 |
| Total | 84 | 29 242 | 100 | 5 640 | 100 |
Sors: Il-QEA, ibbażat fuq data pprovduta mill-Kummissjoni, mill-EPEC u mill-Istati Membri magħżula.
16L-għotjiet mill-Fondi Strutturali u mill-Fond ta' Koeżjoni kienu s-sors prinċipali ta’ finanzjament tal-PPPs mill-UE (67 mill-84 proġett) matul il-perjodu 2000-2014. Il-Kummissjoni tat appoġġ lis-17-il PPP l-oħra permezz ta’ strumenti finanzjarji, spiss f’kooperazzjoni mal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI):
- Sitt proġetti PPP ngħataw appoġġ mill-Istrument ta’ Garanzija fuq is-Self għall-Proġetti tan-Netwerk Trans-Ewropew tat-Trasport (LGTT), u erbgħa ngħataw appoġġ mill-istrumenti tal-Inizjattiva tal-Bonds tal-Proġetti (PBI)13, li ġew implimentati u mmaniġġjati mill-BEI taħt ftehimiet ta’ kooperazzjoni stabbiliti mal-Kummissjoni.
- Erba’ proġetti PPP ġew iffinanzjati taħt il-Fond Marguerite14 - inizjattiva tal-BEI, tal-banek promozzjonali nazzjonali u tal-Kummissjoni biex iwettqu investimenti ta’ ekwità fi proġetti ta' infrastruttura tal-UE.
- Tliet proġetti PPP ġew iffinanzjati bl-użu tal-Appoġġ Konġunt Ewropew għall-Investiment Sostenibbli fiż-Żoni tal-Ibliet (JESSICA).
Skont il-Kummissjoni15, strumenti finanzjarji bħall-LGTT u l-investiment dirett tal-UE fil-Fond Marguerite (EUR 80 miljun) huma mistennija jżidu r-rata u l-pass fl-użu tal-infrastruttura tat-TEN-T u jingranaw l-impatt tal-fondi taħt it-TEN-T.
L-iżviluppi l-aktar reċenti
18Aktar tard, fl-2015, il-Kummissjoni u l-BEI niedu formalment l-istrument ta’ dejn tas-CEF, li segwa u kien ibbażat fuq portafolli li kienu ġew żviluppati qabel mill-LGTT u mill-PBI. L-istrument ta’ ekwità tas-CEF, li għandu l-għan li jipprovdi finanzjament ta’ ekwità jew ta’ kważi ekwità lil proġetti iżgħar jew aktar riskjużi, kien qed jiġi żviluppat fiż-żmien meta sar l-awditu.
19Mill-2015 'il hawn, il-proġetti PPP ġew ukoll iffinanzjati taħt il-FEIS, li huwa inizjattiva konġunta tal-Kummissjoni u tal-BEI. Mill-għadd totali ta’ 224 proġett li ġew approvati sa Ġunju 2017, 18 kienu ġew identifikati bħala PPPs.
Ambitu u Approċċ tal-Awditjar
20L-objettiv prinċipali tal-awditu tagħna kien li jiġi eżaminat jekk il-proġetti PPP iffinanzjati mill-UE kinux ġew immaniġġjati b’mod effettiv u jekk ipprovdewx valur għall-flus adegwat, b’kont meħud tax-xejra lejn ingranaġġ aktar intensiv tal-fondi pubbliċi assoċjati ma’ finanzjament privat permezz tal-PPPs. B'mod partikolari, aħna eżaminajna jekk:
- il-proġetti awditjati setgħux jisfruttaw il-benefiċċji li l-PPPs huma mistennija jwasslu (ara l-paragrafi 24 sa 46);
- huma kinux ibbażati fuq analiżijiet sodi u approċċi adatti (ara l-paragrafi 47 sa 59);
- l-oqfsa istituzzjonali u legali kumplessivi fi ħdan l-Istati Membri awditjati kinux adegwati biex il-PPPs ikunu jistgħu jiġu implimentati b’suċċess (ara l-paragrafi 60 sa 76).
Ix-xogħol tal-awditjar twettaq bejn Mejju 2016 u Settembru 2017, kemm fil-Kummissjoni (id-Direttorati Ġenerali MOVE, REGIO, ECFIN u ESTAT) kif ukoll f’erba’ Stati Membri: Franza, l-Irlanda, il-Greċja u Spanja.
22Aħna eżaminajna l-politiki, l-istrateġiji, u l-leġiżlazzjoni rilevanti kif ukoll id-dokumentazzjoni relatata mal-proġetti; wettaqna intervisti ma’ rappreżentanti tal-Kummissjoni u mal-awtoritajiet pubbliċi u s-sħab privati fl-erba’ Stati Membri, u wettaqna kontrolli fuq il-post ta’ 12-il proġett PPP kofinanzjati mill-UE fil-qasam tat-trasport bit-triq (6 proġetti) u f’dak tal-ICT (6 proġetti16) (ara l-Figura 4 u l-Anness III) li ntgħażlu mill-popolazzjoni identifikata tal-84 PPP li ngħataw appoġġ mill-UE (ara l-paragrafu 15).
23B’din is-selezzjoni, l-awditu kiseb il-kopertura li ġejja:
- l-Istati Membri magħżula koprew madwar 70 % tal-ispiża totali ta’ PPPs li ngħataw appoġġ mill-UE matul il-perjodu 2000-2014 (EUR 20.4 biljun minn EUR 29.2 biljun) u 71 % tal-kontribuzzjoni li ngħatat mill-UE għall-PPPs (EUR 4 biljuni minn EUR 5.6 biljuni), ara l-Anness I;
- is-setturi tat-Trasport u tal-ICT koprew 93 % tal-ispiża totali ta’ PPPs li ngħataw appoġġ mill-UE (EUR 27.3 biljun minn EUR 29.2 biljun), ara t-Tabella 1;
- il-proġetti magħżula rrappreżentaw spiża totali ta’ EUR 9.6 biljun u kontribuzzjoni mill-UE ta’ EUR 2.2 biljun (ara l-Anness III);
- il-proġetti magħżula ġew iffinanzjati kemm mill-Fondi Strutturali u mill-Fond ta' Koeżjoni kif ukoll minn strumenti finanzjarji.
Figura 4
It-12-il proġett PPP kofinanzjati mill-UE li ġew ivvalutati matul dan l-awditu
Sors: Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri.
Osservazzjonijiet
Il-proġetti PPP awditjati ppermettew li ssir l-implimentazzjoni aktar rapida tal-politiki u kellhom il-potenzjal li jiggarantixxu standards tajbin ta’ operat u manutenzjoni, iżda mhux dejjem kienu effettivi biex jiksbu l-benefiċċji potenzjali tagħhom
24Aħna analizzajna jekk il-proġetti awditjati setgħux jisfruttaw il-benefiċċji potenzjali tagħhom f’termini ta’ twettiq tal-proġetti fil-ħin u fi ħdan il-limiti tal-baġit, kif ukoll il-livell ta’ użu tal-infrastruttura mibnija.
Bil-possibbiltà tal-PPPs, l-awtoritajiet pubbliċi setgħu jakkwistaw pjanijiet ta’ infrastruttura fuq skala kbira permezz ta’ proċedura unika
25Bil-proċeduri ta’ akkwist tradizzjonali, il-kumpaniji privati li jkunu involuti fi proġetti kbar ta' infrastruttura jitħallsu matul il-perjodu ta’ kostruzzjoni, li normalment idum biss ftit snin. Għalhekk, l-awtoritajiet pubbliċi huma meħtieġa jipprovdu riżorsi baġitarji suffiċjenti biex jiffinanzjaw il-kostruzzjoni kollha f’perjodu ta’ żmien relattivament qasir. Fejn il-finanzjament ikun insuffiċjenti, il-proġetti jistgħu jinqasmu f’għadd ta’ taqsimiet differenti skont li jridu jiġu akkwistati fi snin differenti kif ikun jippermetti l-baġit, u b’hekk il-kostruzzjoni tal-infrastruttura kompleta tinfirex fuq għadd akbar ta’ snin.
26Il-PPPs, min-naħa l-oħra, tipikament jirrikjedu li s-sieħeb privat jiffinanzja l-kostruzzjoni kollha u mbagħad dan jiġi rimborżat mis-sieħeb pubbliku jew mill-utenti matul il-perjodu operazzjonali tal-kuntratt, li normalment idum aktar minn 20 sena u spiss jista’ jdum anke sa 30 sena. Dan jippermetti li s-sieħeb pubbliku jibda minnufih il-kostruzzjoni tal-infrastruttura kollha kemm hi, u għaldaqstant, li jħaffef iż-żmien tal-ikkompletar u tal-ksib tal-benefiċċji kollha li jirriżultaw mill-infrastruttura fl-intier tagħha.
27Dan kien il-każ tal-proġetti tal-awtostradi awditjati fl-Irlanda, fil-Greċja u fi Spanja, li kull wieħed minnhom kien suġġett għal proċedura unika ta’ akkwist. Pereżempju, l-awtoritajiet Griegi għamlu l-possibbiltà tal-PPPs sabiex jiksbu aċċess għal finanzjament privat, li mingħajru, fil-fehma tagħhom, il-proġetti ma kinux jistgħu jimxu 'l quddiem. B'riżultat ta' dan, il-kostruzzjoni u/jew il-modernizzazzjoni ta’ 744 km ta’ toroq (174 km għall-Awtostrada Ċentrali, 365 km għall-Awtostrada Olympia Odos u 205 km għall-Awtostrada Moreas) ġew akkwistati permezz ta’ tliet proċeduri biss ta’ ħruġ ta’ offerti, u dan jikkuntrasta bil-kbir mal-esperjenza preċedenti, fejn il-kostruzzjoni tal-awtostradi fil-Greċja kienet suġġetta għal proċedura ta’ akkwist tradizzjonali. Pereżempju, iż-żewġ sezzjonijiet diġà eżistenti tal-awtostrada Olympia, b’tul totali ta’ 82 km, kienu jirrikjedu sa mhux inqas minn 20 sena u 31 proċedura ta’ akkwist biex jinbnew17. Madankollu, tnejn mill-proġetti awditjati fil-Greċja tnaqqsilhom l-ambitu b’mod konsiderevoli matul l-implimentazzjoni (ara t-Tabella 3).
L-akkwist għall-proġetti PPP kbar żied ir-riskju ta’ kompetizzjoni insuffiċjenti u f’xi każijiet kien suġġett għal dewmien konsiderevoli
28Filwaqt li l-proġetti ta’ xogħlijiet tradizzjonali jistgħu jinqasmu f’lottijiet sabiex jattiraw aktar offerenti, il-proġetti PPP jirrikjedu daqs minimu biex jiġġustifikaw l-ispiża tal-akkwist u biex jiffaċilitaw l-ekonomiji ta’ skala li huma meħtieġa biex tiżdied l-effiċjenza tal-operat u tal-manutenzjoni. Madankollu, l-ambitu wiesa’ ħafna ta’ proġett jista’ xi kultant inaqqas il-livell ta’ kompetizzjoni, billi, ġeneralment, ftit huma l-kumpaniji li jkollhom il-mezzi finanzjarji suffiċjenti biex jippreżentaw offerti. Fil-każ ta’ kuntratti b’valur għoli ħafna, għadd żgħir biss ta’ operaturi, jekk mhux anke wieħed biss, jistgħu joffru l-prodotti jew is-servizzi kollha mitluba; dan jista’ jqiegħed lill-awtorità kontraenti f’pożizzjoni ta’ dipendenza.
29Kien hemm evidenza ta’ dan, pereżempju, fil-każ tal-Awtostrada Ċentrali fil-Greċja, li l-ispejjeż’ ippjanati totali tagħha kienu jammontaw għal EUR 2 375 miljun. Mill-erba’ kumpaniji li ġew mistiedna biex jippreżentaw offerta, tnejn għamlu dan, iżda offerta waħda biss ġiet evalwata fl-istadju finali tal-proċedura ta’ akkwist. L-evalwazzjoni ta’ mill-inqas żewġ offerenti kienet tqiegħed lis-sieħeb pubbliku f’pożizzjoni aħjar ta’ negozjar biex jikseb termini kuntrattwali aktar vantaġġużi.
30Biex jingħata kuntratt PPP, jeħtieġ li jiġu identifikati u nnegozjati l-aspetti kollha relatati mal-implimentazzjoni, mal-finanzjament, mal-operat u mal-manutenzjoni tal-proġett - inklużi l-indikaturi u s-sistemi ta’ kejl tal-prestazzjoni, li normalment ma jkunux parti mill-proċedura ta’ akkwist tradizzjonali għall-proġetti, u li tipikament jieħdu aktar żmien. Taħt PPP, dewmien addizzjonali jista’ jirriżulta wkoll jekk s-sieħeb privat ikun jeħtieġ jiġbor fondi għall-finanzjament tal-proġett. L-akkwist għall-Awostrada N17/N18 fl-Irlanda ħa konsiderevolment aktar żmien (ħames snin) mill-medja ta’ 15-il xahar meħtieġa fl-Irlanda għall-proġetti PPP. Minħabba n-nuqqas ta’ likwidità wara l-kriżi finanzjarja, is-sieħeb privat sabha aktar diffiċli li jsib sorsi suffiċjenti ta’ finanzjament biex jasal għall-għeluq finanzjarju, u dan irriżulta f’dewmien ta’ mill-inqas tliet snin18.
31Barra minn hekk, l-użu tal-possibbiltà tal-PPPs ma kellha l-ebda effett pożittiv fuq tnejn mir-raġunijiet l-aktar komuni għad-dewmien, jiġifieri l-proċedimenti legali u l-istudji preparatorji inkompleti, li aħna sibna li kienu affettwaw mhux biss ħafna proġetti awditjati li kienu suġġetti għal proċedura ta’ akkwist tradizzjonali fis-settur tat-trasport19, iżda wkoll it-tliet awtostradi li kienu suġġetti għal proċedura ta’ akkwist tat-tip PPP fil-Greċja. Dawn tal-aħħar kienu jirrikjedu medja ta’ 6.5 snin mill-bidu tal-proċedura sad-dħul fis-seħħ tal-kuntratti. Barra minn hekk, 3.5 xhur ta’ dan id-dewmien kienu esklussivament attribwibbli għall-għażla tal-possibbiltà tal-PPPs, billi l-kuntratti kellhom jiġu rratifikati mill-Parlament minħabba li, f’dak ż-żmien, ma kienx hemm qafas legali xieraq għal konċessjonijiet, la fil-livell nazzjonali u lanqas f’dak tal-UE.
32Fir-rigward tal-proġetti ta’ awtostradi fi Spanja l-proċeduri ta’ akkwist saru f’waqthom, iżda l-kuntratti ġew innegozjati mill-ġdid ftit wara (ara l-paragrafu 34(a), u dan iqajjem mistoqsijiet dwar jekk l-akkwist kienx ġie mmaniġġjat tajjeb. Minkejja l-kumplessità addizzjonali fl-approċċ tal-PPPs, il-proċeduri ta’ akkwist għall-proġetti tal-broadband fi Franza u fl-Irlanda saru f’waqthom, iżda kellhom ambitu iżgħar minn dak tal-proġetti tal-awtostradi awditjati.
Il-biċċa l-kbira mill-proġetti awditjati kienu affettwati minn dewmien sinifikanti fil-kostruzzjoni u minn spejjeż li kienu akbar milli ppjanat
Il-biċċa l-kbira mill-proġetti awditjati ma ġewx ikkompletati fil-ħin u fi ħdan il-limiti tal-baġit
33Skont id-dokumentazzjoni rilevanti, il-proġetti ta' infrastruttura li jiġu implimentati permezz ta’ PPP għandhom probabbilta akbar li jiksbu titjib fl-effiċjenza minn proġetti tradizzjonali, billi l-kostruzzjoni tal-proġett tiġi kkompletata fil-ħin u fi ħdan il-limiti tal-baġit20. Dan għaliex is-sieħeb privat normalment ikollu inċentiv qawwi biex jispiċċa x-xogħlijiet ta' kostruzzjoni skont it-termini tal-kuntratt, biex b’hekk il-pagamenti bbażati fuq id-disponibbiltà jew it-tariffi tal-utenti jkunu jistgħu jibdew jitħallsu b’mod f’waqtu u jiġu evitati żidiet fl-ispejjeż li għalihom huwa normalment iġarrab ir-riskji.
34Madankollu, aħna sibna li ta’ spiss, il-benefiċċji potenzjali tal-PPPs ma mmaterjalizzawx, billi l-infrastruttura ma kinitx ġiet ikkompletata fi ħdan il-perjodu ta’ żmien u l-limiti tal-ispejjeż ippjanati. F’sebgħa mid-disa’ proġetti kkompletati21, li jikkorrispondu għal spejjeż ta’ EUR 7.8 biljun, id-dewmien kien ivarja minn xahrejn sa 52 xahar u ż-żidiet totali fl-ispejjeż kienu jqarrbu lejn l-ammont ta’ EUR 1.5 biljun, li madwar 30 % minnhom kienu kofinanzjati mill-UE. Fil-Greċja, iż-żieda fl-ispejjeż kienet ta’ EUR 1.2 biljun (li ġġarrbu mis-sieħeb pubbliku u kienu kofinanzjati b’rata ta’ 36 % mill-UE) u fi Spanja, ta’ EUR 0.3 biljun (li ġġarrbu mis-sieħeb pubbliku), filwaqt li fi Franza, l-ispejjeż żdiedu b’ammont ta’ EUR 13-il miljun jew b’rata ta’ 73 % - l-ogħla żieda fl-ispejjeż f’termini relattivi li ġiet osservata fost il-proġetti awditjati (ara l-Anness III għad-dettalji):
- Il-kuntratti relatati mal-awtostradi ta’ Spanja ġew innegozjati mill-ġdid ftit wara l-iffirmar tagħhom minħabba modifiki meħtieġa fix-xogħlijiet ippjanati, u dan wassal għal żidiet fl-ispejjeż ta’ madwar EUR 300 miljun li kellhom jiġġarrbu mis-sieħeb pubbliku. L-ispiża tal-Awtostrada A-1 żdiedet bi 33 % (EUR 158 miljun) u dan il-proġett iddewwem b’sentejn, filwaqt li għall-Awtostrada C-25 kien hemm żieda fl-ispejjeż ta’ 20.7 % (EUR 143.8 miljun, inklużi EUR 88.9 miljun fi spejjeż finanzjarji) kif ukoll dewmien ta’ 14-il xhar.
- L-ispiża għall-proġett tal-ICT f’Pau, fil-Pyrénées, fi Franza, żdiedet bi 73 % (minn EUR 18-il miljun għal EUR 31 miljun) sabiex ikun hemm konformità mal-bidliet regolatorji; għalkemm l-infrastruttura għall-proġett Girondins ġiet ikkompletata fil-ħin, il-kummissjonar tal-proġett iddewwem b’16-il xahar għal raġunijiet amministrattivi.
- Il-fażi ta’ kostruzzjoni tal-proġett tal-ICT għan-Netwerks taż-Żona Metropolitana (MAN) fl-Irlanda kienet ippjanata ħażin, u b’hekk sussegwentement il-proġett kollu kemm hu ċċekken, bir-riżultat li twettqu inqas MANs (għal 66 belt minflok 95) u żieda fl-ispiża ta’ 4.2 % (EUR 50 953) għal kull belt.
- Il-kostruzzjoni tat-tliet awtostradi fil-Greċja kellha dewmine sinifikanti (bħala medja b’erba’ snin), u n-negozjar mill-ġdid tal-PPP kien ifisser spejjeż addizzjonali sostanzjali (EUR 1.2 biljun) li s-sieħeb pubbliku kellu jġarrab, minkejja li l-ambitu taż-żewġ proġetti tnaqqas b’mod konsiderevoli (ara t-taqsima hawn taħt).
Ir-“risettjar” fil-Greċja: X’jiġri meta l-affarijiet imorru ħażin f’PPP u min iħallas il-kont? Il-pubbliku ħallas kważi EUR 1.2 biljun addizzjonali
35Fil-Greċja, l-ewwel grupp ta’ PPPs, ingħata fis-snin disgħin u kien jinkludi proġetti bħall-Pont Rion Antirion, it-triq li ddur mal-belt ta’ Ateni u l-ajruport internazzjonali l-ġdid tagħha. It-tieni grupp ta’ PPPs ingħata fil-perjodu 2007-2008 u kien prinċipalment jinkludu l-kostruzzjoni ta’ awtostradi (ara l-Figura 5). Aħna awditjajna tlieta minn dawn l-awtostradi.
Figura 5
Konċessjoni tal-awtostradi fil-Greċja
Sors: L-Awtorità Maniġerjali Griega tal-PO Infrastruttura tat-Trasport, Ambjent u Żvilupp Sostenibbli.
Dawn il-proġetti ġew iffinanzjati fil-biċċa l-kbira permezz ta’ dħul mill-pedaġġi tul sezzjonijiet predefiniti tal-awtostradi, li kienu mmaniġġjati mis-sieħeb privat. Madankollu, il-kriżi finanzjarja u ekonomika gravi fil-Greċja ġabet magħha kollass fil-volumi tat-traffiku, li naqsu b’madwar 50 % taħt il-livell tax-xenarji l-aktar pessimisti22, u għaldaqstant tnaqqis qawwi kemm fid-dħul reali kif ukoll f’dak stmat għat-tliet konċessjonijiet awditjati. B’mod partikolari, bejn l-2011 u “r-Risettjar” (ara l-paragrafu 37), it-tliet awtostradi awditjati kienu qed jiffaċċjaw tnaqqis konsiderevoli fid-dħul permezz tat-tnaqqis tat-traffiku b’mill-inqas 63 % (l-Awtostrada Ċentrali), 49 % (l-Awtostrada Olympia) u 20 % (l-Awtostrada Moreas) meta mqabbla mal-previżjoni23. Billi l-awtoritajiet pubbliċi kienu ttrasferew il-biċċa l-kbira mir-riskju relatat mad-domanda (jiġifieri mat-traffiku) għas-sħab privati (konċessjonarji) fil-kuntratti PPP, it-tnaqqis fid-dħul affettwa serjament il-bilanċi finanzjarji tal-kuntratti, u wassal biex is-selliefa ma jkomplux jiffinanzjaw il-proġetti, billi huma ma baqgħux jemmnu aktar fil-vijabbiltà finanzjarja tagħhom, u dan irriżulta fis-sospensjoni immedjata tax-xogħlijiet.
37Wara li kienu qablu dwar klawsola kuntrattwali (force majeure estiża għas-sieħeb privat f’każ ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali), l-awtoritajiet Griegi ġabu lilhom infushom f’sitwazzjoni fejn l-unika possibbiltà tagħhom kienet li:
- jew iwaqqfu l-kostruzzjoni tal-awtostradi u jesponu lilhom infushom għal tilwim legali u għall-possibbiltà li jitħallsu penali u kumpensi;
- jew inkella jinnegozjaw mill-ġdid il-ftehimiet ta’ konċessjoni mal-konċessjonarji (u s-selliefa), sabiex jistabbilixxu l-vijabbiltà tagħhom mill-ġdid, għalkemm bi spiża pubblika addizzjonali.
L-awtoritajiet Griegi qiesu li l-ewwel xenarju, jiġifieri t-twaqqif tal-kostruzzjoni tal-awtostradi, kien inqas favorevoli fid-dawl tal-konsegwenzi makroekonomiċi u soċjali usa’ li din id-deċiżjoni tkun tinvolvi. Għalhekk, wara tliet snin ta’ negozjati, il-kuntratti mal-konċessjonarji ġew innegozjati mill-ġdid (“risettjati”) f’Novembru 2013 (l-Awtostradi Olympia u Ċentrali E-65) u f’Diċembru 2015 (l-Awtostrada Moreas) (ara t-Tabella 2). Dan ifisser li, kif dettaljat hawn taħt, is-sieħeb pubbliku kellu jġarrab kważi EUR 1.2 biljun spejjeż addizzjonali ta’ (ara l-paragrafu 39).
| Implementazzjoni | Awtostrada Ċentrali | Olympia Odos | Moreas |
|---|---|---|---|
| Data tal-bidu tal-konċessjoni | 31.3.2008 | 4.8.2008 | 3.3.2008 |
| Data inizjali tal-ikkompletar | 30.9.2013 | 3.8.2014 | 31.8.2012 |
| Data tas-sospensjoni tax-xogħlijiet | 26.6.2011 | 26.6.2011 | 30.11.2013 |
| Data tal-ikkompletar riveduta mistennija wara r-risettjar | 31.12.2015 | 31.12.2015 | 30.4.2015 |
| Data tal-ikkompletar stmata/reali tal-proġett | 31.8.2017 | 31.8.2017 | 31.12.2016 |
| Dewmien mistenni meta mqabbel mad-data inizjali tal-ikkompletar, f’xhur |
47 | 37 | 52 |
Sors: Il-QEA, ibbażat fuq informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Griegi.
38Bir-“risettjar”, filwaqt li d-data tat-tmiem tal-konċessjonijiet baqgħet ma nbidlitx, ġie deċiż li tiġi posposta l-kostruzzjoni ta’ meded sinifikanti ta’ awtostradi (45 % tal-Awtostrada Olympia u 55 % tal-Awtostrada Ċentrali) u li jiġu estiżi d-dati ta' skadenza tal-ikkompletar tal-kostruzzjoni għat-tliet proġetti kollha, u dan wassal għal perjodi iqsar tal-operat għar-rimborż tal-ispejjeż tal-infrastruttura. Id-dewmien fil-proġetti u t-tnaqqis fl-ambitu tagħhom kellhom impatt fuq l-objettiv li jiġi estiż in-netwerk tal-awtostradi Griegi, kif ukoll effett konsegwenzjali fuq it-TEN-T fl-intier tiegħu. Barra minn hekk, hemm ir-riskju pendenti li l-proġetti tal-Awtostrada Ċentrali u tat-taqsima Lefktro-Sparta tal-Awtostrada Moreas xejn ma jkunu jintużaw biżżejjed, u dan ma jikkonformax mal-kriterji ta’ ġestjoni finanzjarja tajba (ara b’mod partikolari l-Kaxxa 1).
39Barra minn hekk, is-sieħeb pubbliku kellu wkoll iħallas spejjeż addizzjonali ta’ kważi EUR 1.2 biljun (ara t-Tabella 3). Dan li ġej seħħ wara li ttieħdet id-deċiżjoni msemmija hawn fuq biex il-kuntratti jiġu nnegozjati mill-ġdid:
- Tħallset kontribuzzjoni finanzjarja addizzjonali ta’ EUR 470 miljun (inklużi EUR 422 miljun minn fondi tal-UE) għall-perjodi ta’ kostruzzjoni tal-Awtostradi Olympia u Ċentrali. Dan sar biex jiġu koperti l-lakuni finanzjarji li nħolqu prinċipalment mid-dħul inqas li rriżulta mill-volumi aktar baxxi tat-traffiku u miż-żieda sinifikanti fl-ispejjeż finanzjarji tal-proġetti b’konsegwenza tal-kriżi finanzjarja, u dan biddel serjament il-bilanċi finanzjarji tal-kuntratti.
- Barra minn hekk, is-sieħeb pubbliku kellu wkoll iħallas ammont addizzjonali ta’ EUR 705 miljun lill-konċessjonarji tat-tliet awtostradi, prinċipalment minħabba ftehimiet li saru biex jiġu aċċellerati x-xogħlijiet, li ma kinux meħtieġa mill-ħtiġijiet tal-kapaċità, u għad-dewmien li ġej li huwa attribwibbli għas-sieħeb pubbliku:
- għall-ikklerjar ta’ sejbiet arkeoloġiċi;
- għall-ksib tal-permessi ambjentali meħtieġa;
- għall-iffinalizzar tal-esproprjazzjonijiet meħtieġa tal-artijiet.
L-ammont kbir ta’ dan il-pagament kien ukoll dovut għal proġetti li ma tħejjewx tajjeb, u speċjalment għall-fatt li l-kuntratti PPP kienu ġew iffirmati qabel ma ġew solvuti problemi rilevanti, kif ukoll minħabba li d-dewmien ma rriżultax awtomatikament fi skedar mill-ġdid tat-tmiem tal-perjodi tal-operat; minflok is-sħab privati kien għad baqalhom inqas żmien biex jiġbru d-dħul u jiksbu l-profittabbiltà mistennija.
| Spejjeż | Awtostradi | ||
|---|---|---|---|
| Awtostrada Ċentrali | Olympia Odos | Moreas | |
| Inizjalment ippjanati | |||
| Tul tat-triq f’km | 174.0 | 365.0 | 205.0 |
| Spejjeż totali tal-proġetti, f’miljun EUR | 2 375.0 | 2 825.0 | 1 543.0 |
| Spiża totali tal-proġetti, f’miljun EUR għal kull km | 13.7 | 7.7 | 7.5 |
| Wara r-risettjar | |||
| Tul tat-triq f’km | 79.0 | 202.0 | 205.0 |
| Spejjeż totali tal-proġetti, f’miljun EUR | 1 594.0 | 2 619.0 | 1 791.0 |
| Li minnhom: | |||
| Kontribuzzjoni finanzjarja addizzjonali mill-Istat: EUR 469.9 miljun | 231.4 | 238.5 | - |
| (li minnhom kofinanzjati mill-UE: EUR 422.1 miljun) | 203.6 | 218.5 | - |
| Pagamenti li ngħataw mill-Istat lill-konċessjonarji: EUR 705.2 miljun | 181.4 | 439.7 | 84.1 |
| Spiża totali tal-proġetti, f’miljun EUR għal kull km | 20.2 | 13.0 | 8.7 |
Sors: Il-QEA, ibbażat fuq informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Griegi.
40B'riżultat tal-pagament li ngħata mill-Istat lill-konċessjonarji, u taż-żieda sostanzjali fl-ispejjeż finanzjarji, l-ispiża totali tal-proġetti għal kull km għall-Awtostrada Olympia żdiedet b’69 % minn EUR 7.7 miljun għal EUR 13.0-il miljun, filwaqt li t-tul tat-triq li kellha tinbena tqassar b’45 %. B’mod simili, l-ispiża totali tal-proġetti għal kull km għall-Awtostrada Ċentrali żdiedet b’47 % mill-ammont inizjali ta’ EUR 13.7 miljun għal EUR 20.2 miljun għal kull km, filwaqt li t-triq li kellha tinbena tqassret b’55 % (ara l-Figura 6). B’mod ġenerali, minħabba r-risettjar, l-ispiża totali tal-proġetti relatati mat-tliet awtostradi żdiedet b’36 %, minn EUR 9.1 miljun għal EUR 12.4 miljun għal kull km, li minnhom, il-kontribuzzjoni mill-UE għall-ispiża totali tal-proġetti għal kull km żdiedet b’95 % minn EUR 2.1 miljun għal EUR 4.1 miljun għal kull km24.
Figura 6
Żieda fl-ispiża għal kull km wara r-“risettjar”
Sors: Il-QEA, ibbażat fuq informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Griegi.
Il-biċċa l-kbira mill-proġetti awditjati għandhom il-potenzjal li jżommu standards tajbin ta’ servizz u manutenzjoni
41Benefiċċju potenzjali ieħor tal-PPPs huwa l-possibbiltà li jiġu żgurati livelli aħjar ta’ manutenzjoni u servizz minn dawk ta’ proġetti tradizzjonali permezz ta’ approċċ ibbażat fuq iċ-ċiklu sħiħ tal-ħajja, peress li s-sieħeb privat inkarigat mill-kostruzzjoni huwa wkoll responsabbli għall-operat u l-manutenzjoni tal-infrastruttura għad-durata kollha kemm hi tal-proġett – li hija ferm itwal mill-perjodu tipiku ta’ garanzija previst taħt ir-regoli ta’ akkwist tradizzjonali. Dan ikun jirrikjedi li s-sieħeb privat jippjana b’kont meħud tal-ispejjeż tal-operat u l-manutenzjoni li jkollu jġarrab fuq terminu twil, kif ukoll tat-twettiq fuq terminu twil tal-livelli ta’ servizz li jkun impenja lilu nnifsu li joffri fil-kuntratt PPP; għalhekk, huwa jkollu jagħti attenzjoni partikolari għall-kwalità tal-kostruzzjoni.
42Barra minn hekk, il-proġetti li jkunu suġġetti għal proċedura ta’ akkwist tradizzjonali normalment ma jkunux jinkludu r-riżorsi baġitarji li huma meħtieġa għall-operat u l-manutenzjoni tal-infrastruttura tal-proġetti, billi dawn l-aspetti jiġu kkuntrattati separatament. Billi l-kuntratti PPP jinkludu dispożizzjonijiet għall-operazzjonijiet u l-manutenzjoni, huma jippermettu li l-fondi meħtieġa jiġu impenjati mill-bidu tal-perjodu ta’ kostruzzjoni, u għaldaqstant jiġi żgurat li ma jkunux suġġetti għad-diskrezzjoni tal-awtoritajiet pubbliċi.
43Il-biċċa l-kbira mid-disa’ proġetti awditjati li kienu ġew ikkompletati fiż-żmien meta saru ż-żjarat tal-awditjar tagħna wrew standards tajbin ta’ servizz u manutenzjoni, bħal integrità strutturali, sinjalar orizzontali u vertikali għall-awtostradi u, għall-ICT, ħin tar-rispons għat-talbiet li l-konsumaturi għamlu rigward il-broadband u ħafna aspetti oħrajn. Dawn il-proġetti għandhom il-potenzjal li jżommu standards tajbin ta’ servizz u manutenzjoni għad-durata futura tal-kuntratti. Dan kien dovut għal inċentivi u penali, fil-kuntratti, li seta’ jkollhom impatt fuq l-ammont ta’ pagamenti annwali. Bl-eċċezzjoni tal-Awtostrada C-25 fi Spanja u tat-tliet awtostradi Griegi awditjati, fejn proċeduri ad hoc japplikaw għall-penali, il-pagamenti annwali jistgħu awtomatikament jitnaqqsu fil-każ ta’ manutenzjoni ħażina jew jiżdiedu jekk il-livelli ta’ manutenzjoni u servizz ikunu partikolarment għoljin.
Il-PPPs ma pproteġewx lis-sieħeb pubbliku milli jkun ottimist iżżejjed rigward id-domanda futura u l-użu tal-infrastruttura ppjanata
44Il-possibbiltà li jiġi kkombinat l-għarfien espert pubbliku ma’ dak privat matul it-tfassil ta’ PPP, ġeneralment titqies li hija ta’ benefiċċju għal valutazzjoni realistika tal-użu futur tal-infrastruttura ppjanata. Madankollu, il-fatt li l-pagamenti jistgħu jinfirxu fuq perjodu ta’ 20 sa 30 sena jnaqqas il-pressjoni biex jiġi ottimizzat l-ambitu tal-proġett skont il-ħtiġijiet reali, u għalhekk iżid ir-riskju li entitajiet pubbliċi jidħlu fi proġetti akbar ta’ infrastruttura milli huma meħtieġa jew milli b’xi mod ieħor ikunu jistgħu jaffordjaw25. Flimkien ma’ xenarji ottimisti żżejjed rigward id-domanda futura u l-użu tal-infrastruttura ppjanata, dan jista’ jwassal għal proġetti li ma jintużawx biżżejjed b’inqas valur għall-flus u inqas benefiċċji milli mistennija.
45Dan kien il-każ għal tlieta mill-proġetti tal-awtostradi awditjati, li għandhom ir-riskju li xejn mhuma se jintużaw biżżejjed, bħall-Awtostrada Ċentrali (ara l-Kaxxa 1) u s-sezzjoni Lefktro-Sparta tal-Awtostrada Moreas, fil-Greċja, u l-Awtostrada A-1 ikkompletata fi Spanja, li b’dan il-mod kellhom jiffaċċjaw livelli tat-traffiku li kienu ta’ 35 % inqas milli kien inizjalment previst (20 463 vettura minflok 31 719).
Kaxxa 1
Eżempju ta’ awtostrada fil-Greċja li għandha r-riskju li xejn mhi se tintuża biżżejjed
Meta l-proġett tal-Awtostrada Ċentrali E-65 inbeda fil-Greċja, diġà kien hemm ftit li xejn aspettattiva li din se tkun tattira livelli għoljin ta’ traffiku (4 832 vettura biss kuljum kienu antiċipati għall-ewwel sena tal-operat, ammont li huwa insuffiċjenti biex jiġġustifika l-kostruzzjoni ta’ awtostrada skont il-kriterji ta’ ġestjoni finanzjarja tajba). Fl-2013, l-istima tat-traffiku tnaqqset aktar għal 1 792 vettura kuljum, jiġifieri aktar minn 63 % inqas mill-istima inizjali. Hemm probabbiltà kbira li l-infrastruttura xejn mhi se tintuża biżżejjed. Minkejja dan, l-ispeċifikazzjonijiet tal-awtostrada ġew issettjati mingħajr ma ngħatat biżżejjed kunsiderazzjoni għall-possibbiltà li tinbena alternattiva orħos għal awtostrada26. Barra minn hekk, l-ambitu tal-proġett tnaqqas konsiderevolment, biex b’hekk is-sezzjoni tan-nofs biss (79 km) tal-awtostrada ppjanata qed tinbena attwalment (ara l-Figura 7), u mhux, madankollu, is-sezzjonijiet differiti tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar li joħolqu konnessjonijiet ma’ awtostradi eżistenti oħrajn. Mingħajr dawn il-konnessjonijiet, il-livelli futuri tat-traffiku għandhom il-probabbiltà li jkunu ferm inqas mil-livelli tat-traffiku li diġà ġew stmati li huma baxxi.
Figura 7
Xogħlijiet ta’ kostruzzjoni tal-Awtostrada Ċentrali E-65 fil-Greċja
Sors: Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri.
Barra minn hekk, il-proġetti awditjati tal-broadband fi Franza u fl-Irlanda wkoll kellhom rata ta’ użu li jsir mill-konsumaturi li kienet aktar baxxa, xi kultant konsiderevolment aktar baxxa, milli kien ġie antiċipat. Il-proġett f’Meurthe-et-Moselle (Franza) kellu dħul ta’ kważi 50 % inqas meta mqabbel mal-aspettattivi (ara t-Tabella 4), u għall-proġett NBS (l-Irlanda), iċ-ċifri reali tal-użu li sar mill-konsumaturi kienu ta’ 69 % inqas meta mqabbla ma’ dawk previsti (42 004 konsumaturi minflok 135 948).
| Proġett (data tal-bidu) |
Gironde (2009) |
Meurthe-et-Moselle (2008) |
Hautes-Pyrénées (2010) |
|---|---|---|---|
| Dħul reali sa tmiem l-2015 (% tad-dħul stmat sa tmiem l-2015) |
EUR 7.8 miljun (83.9 %) |
EUR 7 miljuni (50.9 %) |
EUR 9.2 miljun (89.6 %) |
Id-dewmien, iż-żidiet fl-ispejjeż u l-użu insuffiċjenti kienu parzjalment attribwibbli għal analiżijiet inadegwati u għal approċċi mhux adatti
47Sabiex nidentifikaw ir-raġunijiet għal kull dgħufija possibbli fl-implimentazzjoni tal-proġetti (għal ħarsa ġenerali lejn il-benefiċċji u r-riskji potenzjali, kif ukoll l-osservazzjonijiet tal-awditjar relatati, ara l-Anness IV), aħna vvalutajna jekk saritx analiżi preċedenti suffiċjenti li tiġġustifika l-għażla u l-iskala ta’ kull proġett, kif ukoll l-għażla tal-possibbiltà tal-PPPs. Aħna eżaminajna wkoll jekk l-approċċ magħżul għall-PPPs kienx xieraq għaċ-ċirkustanzi speċifiċi.
Għall-biċċa l-kbira mill-proġetti awditjati, il-possibbiltà tal-PPPs saret mingħajr analiżi komparattiva li saret minn qabel, biex jiġi ddimostrat li din l-għażla kienet dik li timmassimizza l-valur għall-flus
48Billi ħafna pajjiżi ma jirrikjedux li l-ispejjeż sħaħ tal-PPPs jiġu bbaġitjati minn qabel fiż-żmien meta jsir l-impenn, u billi l-imposti annwali jiġu rikonoxxuti biss bosta snin wara l-approvazzjoni tal-proġett u wara li tintemm il-kostruzzjoni, kull dikjarazzjoni tal-ispejjeż tal-PPPs tiddewwem bil-kbir u titwettaq ferm wara li jittieħdu d-deċiżjonijiet ewlenin. Dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet jistgħu jiskrutinizzaw il-PPPs b’inqas attenzjoni milli jagħmlu għall-kuntratti tradizzjonali, billi l-ispejjeż tal-kapital għal dawn tal-aħħar jiġu bbaġitjati minn qabel u jridu jikkompetu ma’ proġetti oħra għal finanzjament kollettiv limitat. Barra minn hekk, is-sħab pubbliċi spiss joqogħdu fuq l-iskrutinju li jkun sar mis-selliefa, li l-objettivi tagħhom jistgħu jkunu differenti ħafna.
49Billi l-PPPs għandhom implikazzjonijiet fuq terminu twil għall-ġenerazzjonijiet futuri, is-selezzjoni tagħhom tirrikjedi analiżi u ġustifikazzjoni partikolarment robusti. Prattiki tajbin ta’ ġestjoni jipprevedu t-twettiq ta’ analiżijiet komparattivi bejn l-għażliet differenti tal-akkwist (eż. l-akkwist tradizzjonali mqabbel ma’ PPP) sabiex issir dik li toffri l-aħjar valur għall-flus. L-Analiżi Komparattiva mas-Settur Pubbliku (PSC) hija għodda li tintuża komunement. Jekk il-possibbiltà tal-PPPs issir mingħajr ma titwettaq analiżi komparattiva biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni bejn il-metodi differenti ta’ akkwist, ma jistax ikun hemm garanzija li din hija dik li timmassimizza l-valur għall-flus u li tipproteġi bl-aħjar mod l-interess pubbliku.
50Għal 3 mit-12-il proġett awditjati, il-proċeduri nazzjonali ma pprevedew l-ebda analiżi komparattiva, bħal PSC, biex tiġi identifikata l-għażla tal-akkwist l-aktar adatta, billi dawn il-proġetti ma pprevedewx li jsiru pagamenti diretti mill-pubbliku. Madankollu, il-loġika segwita għas-selezzjoni ta’ ħamsa mid-disa’ proġetti awditjati l-oħra (ara l-Anness III) – jiġifieri l-proġetti tal-awtostradi kollha awditjati fil-Greċja u fi Spanja - ma kinitx ibbażata fuq xi analiżi komparattiva, li kienet tipprovdi elementi kwantitattivi addizzjonali u kunsiderazzjonijiet dwar il-valur għall-flus bħala bażi għad-deċiżjoni dwar l-għażla tal-akkwist (eżempju tar-rilevanza ta’ dawn l-analiżijiet jingħata fil-Kaxxa 2). Barra minn hekk, għal wieħed mid-disa’ proġetti, il-Qorti ma ngħatatx l-aċċess għad-dokumentazzjoni rilevanti (ara l-paragrafu 51).
51Għalkemm l-investiment tal-Kummissjoni fil-Fond Marguerite jaqa’ taħt ir-Regolament dwar it-TEN, li jipprevedi d-drittijiet tal-awditjar tal-Qorti anke f’każ li l-benefiċjarju jkun sieħeb privat27, l-awtoritajiet Irlandiżi rrifjutaw li jipprovdu l-PSC u l-fajl tas-sejħiet għall-offerti lill-Qorti għall-proġett tal-Awtostrada N17/18, li lanqas ma kienu disponibbli, fil-Kummissjoni. Għalhekk, il-loġika fit-tfassil u fl-akkwist tal-proġett kif ukoll fl-għażla tal-possibbiltà tal-PPPs minflok il-metodi alternattivi ta’ akkwist (bħall-proċeduri ta’ akkwist tradizzjonali u l-konċessjonijiet) ma setgħux jiġu vvalutati.
Kaxxa 2
Rilevanza tal-Analiżijiet Komparattivi mas-Settur Pubbliku għall-proġetti ta' infrastruttura
L-Analiżijiet Komparattivi mas-Settur Pubbliku jistgħu juru li huma partikolarment rilevanti waqt il-valutazzjoni tal-valur għall-flus tal-possibbiltà tal-PPPs għall-proġetti ta’ infrastruttura. Billi s-sħab privati normalment iġarrbu spejjeż finanzjarji ogħla u jkunu jirrikjedu rimunerazzjoni għolja għall-kapital ta’ riskju tagħhom28, huma għandhom it-tendenza li jimminimizzaw l-ispejjeż tal-manutenzjoni fuq terminu twil billi jtejbu l-kwalità tal-kostruzzjoni, u dan jimplika wkoll spejjeż ogħla tal-kostruzzjoni. B’konsegwenza ta’ dan, jeħtieġ li l-iffrankar fl-ispejjeż tal-manutenzjoni jkunu suffiċjenti biex jikkumpensaw għall-ispejjeż ogħla tal-kostruzzjoni u dawk finanzjarji. Għalhekk, huwa importanti li l-Analiżijiet Komparattivi mas-Settur Pubbliku jivvalutaw kemm jista’ jsir iffrankar fuq terminu twil, u jekk PPP hijiex l-għażla t-tajba għal infrastruttura partikolari. Dan huwa partikolarment rilevanti għall-infrastruttura, bħal xi triq jew awtostrada, li għaliha l-infiq annwali għall-manutenzjoni jammonta għal mhux aktar minn 3 % tal-ispiża tal-infrastruttura u li, għalhekk, jitħallew biss marġnijiet limitati għall-iffrankar fuq terminu twil fil-manutenzjoni29.
Filwaqt li twettqu Analiżijiet Komparattivi mas-Settur Pubbliku għat-tliet PPPs Franċiżi bbażati fuq id-disponibbiltà li ġew eżaminati, huma jxekklu min-nuqqas ta’ data affidabbli dwar l-ispejjeż u mill-antiċpazzjoni sistematika tal-livelli ta’ dħul ottimisti żżejjed30 li, fil-biċċa l-kbira mill-każijiet, ma setgħux jitqabblu mar-rati ta’ użu reali tal-konsumaturi (ara l-paragrafu 46), u dan irriżulta f’effettività aktar baxxa milli ppjanat. Barra minn hekk, lanqas ma twettqet analiżi kumplessiva tal-ispejjeż imqabbla mal-benefiċċji għall-proġett Pau-Pyrénées fi Franza u għall-proġett MANs fl-Irlanda, u b’hekk dan xekkel kemm l-identifikazzjoni tal-benefiċċji mistennija kif ukoll l-ottimizzazzjoni tad-daqsijiet u l-ambiti tal-proġetti. Għall-proġett MANs, dan irriżulta fi tnaqqis fl-ambitu tal-proġett minn 95 għal 66 MANs, u l-ispiża għal kull muniċipalità li nqdiet mill-proġett żdiedet b’4.2 % (ara l-paragrafu 34(c)).
53Il-valutazzjoni li wettaqna tal-proġetti PPP awditjati wriet li ċerti aspetti jistgħu jinfluwenzaw konsiderevolment il-prestazzjoni tal-proġetti u, għalhekk, jistgħu jaqgħu fi ħdan l-ambitu ta’ valutazzjoni speċifika li titwettaq mill-Kummissjoni. Għalkemm l-istrutturar, il-proċedura tal-offerti, u l-implimentazzjoni tal-proġetti PPP jaqgħu esklussivament fi ħdan il-kompetenza tal-Istati Membri, il-Kummissjoni jista’ jkollha rwol importanti meta jkollha tapprova proġetti kbar li jridu jiġu kofinanzjati mir-riżorsi tal-UE. Madankollu, sal-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013, hija ma kinitx stabbiliet għodod iddedikati ta’ valutazzjoni (eż. kriterji ta’ evalwazzjoni tal-proġetti biex juru l-valur miżjud tal-UE, il-valur għall-flus u l-kompatibbiltà mal-kuntratti ta’ durata twila) biex janalizza l-impatt ta’ karatteristiċi speċifiċi tal-PPPs fuq il-proġetti kbar individwali31.
L-allokazzjoni tar-riskji spiss ma kinitx xierqa, u dan irriżulta f’inqas inċentiv jew f’esponiment eċċessiv għar-riskju għas-sieħeb privat
54Raġuni waħda għas-selezzjoni tal-possibbiltà tal-PPPs hija l-possibbiltà li jiġu allokati riskji (bħall-kostruzzjoni, id-domanda, id-disponibbiltà) skont il-prinċipju li jenħtieġ li dawn jintrefgħu mis-sieħeb li jkun l-aktar adatt biex jimmaniġġjahom.
55Fattur ewlieni għas-suċċess ta’ PPP huwa l-kapaċità li riskji relatati mal-proġetti jiġu identifikati u allokati b’mod korrett, biex b’hekk jinkiseb l-aħjar bilanċ bejn it-trasferiment tar-riskju u l-kumpens mogħti lill-parti li tkun qed iġarrab ir-riskju. Jekk ma jsirx dan, jista’ jkun hemm implikazzjonijiet finanzjarji għas-sieħeb pubbliku u jkun hemm xkiel għall-ilħuq tal-objettivi tal-proġett. Arranġamenti subottimali ta’ kondiviżjoni tar-riskji jistgħu jirriżultaw f’inqas inċentivi għas-sieħeb privat jew fi spejjeż ogħla tal-proġetti kif ukoll inqas benefiċċji għas-sieħeb pubbliku.
56Filwaqt li identifikajna mill-inqas prattika tajba waħda - il-proġett tal-broadband f’Gironde fi Franza ħa kont tal-ilħuq tal-livelli mistennija ta’ servizz u ppreveda penali jekk ir-rata ta’ użu tal-konsumaturi ma kinitx konformi mal-mudelli finanzjarji ppreżentati fl-offerta tal-akkwist - aħna sibna wkoll għadd ta’ każijiet fejn ir-riskji ma ġewx allokati b’mod koerenti. Pereżempju:
- Inkoerenza bejn l-allokazzjoni tar-riskji u l-kriterji għall-għoti tal-kuntratt PPP: għalkemm l-offerenti għall-proġett f’Meurthe-et-Moselle fi Franza ntgħażlu f’konformità mal-kriterji tal-għoti li kienu jinkludu proposti min-naħa ta’ sħab privati prospettivi rigward mudelli finanzjarji għall-kummerċjalizzazzjoni tas-servizzi tal-broadband, ir-riskji kummerċjali ma ntrefgħux minnhom iżda mis-sieħeb pubbliku. Minħabba dan, is-sħab privati ma kellhomx obbligu ta’ rendikont għall-previżjonijiet tad-dħul tagħhom fl-istadju tal-offerti. Matul l-awditu, aħna sibna li d-dħul kien kważi 50 % inqas meta mqabbel mal-aspettattivi; allokazzjoni tar-riskji aktar koerenti kienet tipprovdi inċentivi aktar b’saħħithom biex tiġi żgurata l-kummerċjalizzazzjoni effettiva tas-servizzi tal-broadband.
- Inkoerenza bejn l-allokazzjoni tar-riskji u r-rimunerazzjoni tal-kapital ta’ riskju privat: Fil-każ ta’ proġett ta’ awtostrada, is-sieħeb privat refa’ r-riskju relatat mad-disponibbiltà, iżda mhux ir-riskju relatat mad-domanda. Billi dan tal-ewwel jiddependi aktar mil-livelli ta’ manutenzjoni milħuqin mis-sieħeb privat milli minn fatturi eżoġeni, huwa jesponi lis-sieħeb privat għal inqas inċertezzi u għalhekk ikun mistenni li r-riskju relatat mad-disponibbiltà jiskatta rati aktar baxxi ta’ rimunerazzjoni għall-kapital tas-sieħeb privat minn dawk li jiġu skattati mir-riskju relatat mad-domanda. Madankollu, f’dan il-każ, il-kuntratt PPP kien jipprevedi rata ta’ ritorn ta’ kważi 14 % kull sena għall-kapital ta' ekwità tas-sieħeb privat, li kienet fost l-ogħla rati osservati fost il-proġetti awditjati.
- Allokazzjoni mhux xierqa tar-riskji - riskji eċċessivi li ntrefgħu mis-sieħeb privat: il-proġetti awditjati fil-Greċja wrew li, fejn il-proporzjon tar-riskju tas-sieħeb privat ikun eċċessivament għoli (bħal pereżempju fil-każ tal-Awtostrada Olympia, fejn is-sieħeb pubbliku ttrasferixxa r-riskju kollu, relatat mad-domanda, lis-sieħeb privat għalkemm dan bl-ebda mod ma seta’ jinfluwenza d-domanda tat-traffiku), diffikultajiet kbar jistgħu jinqalgħu fil-forma ta’ riskju akbar ta’ falliment għas-sieħeb privat u għaldaqstant spejjeż addizzjonali u valur għall-flus inqas għas-sieħeb pubbliku (ara l-paragrafi 36 sa 40). Allokazzjoni simili tar-riskji kienet prevista wkoll għall-proġett NBS fl-Irlanda, fejn ir-rata reali ta’ użu tal-konsumaturi kienet ħafna aktar baxxa milli kien ippjanat inizjalment (ara l-paragrafu 46); li kieku s-sieħeb privat ma kienx finanzjarjament robust, id-dħul konsiderevolment aktar baxx li nkiseb kien iqiegħed il-proġett kollu kemm hu f’riskju.
- Allokazzjoni ineffettiva tar-riskji: Fil-qafas tal-proġett tal-Awtostrada A-1 fi Spanja (ara l-Figura 8), kemm ir-riskju relatat mad-domanda kif ukoll ir-riskju relatat mad-disponibbiltà ġew trasferiti lis-sieħeb privat, billi r-rimunerazzjoni tal-proġett kienet ibbażata fuq pedaġġi virtwali mħallsa mis-sieħeb pubbliku, li ġew aġġustati biex jinkludu bonusijiet jew penali għall-kwalità tal-manutenzjoni tal-infrastruttura. Filwaqt li l-livelli tat-traffiku kienu konsiderevolment aktar baxxi meta mqabbla mal-aspettattivi, il-kwalità tal-manutenzjoni (li kienet iffaċilitata mil-livelli baxxi tat-traffiku) iġġenerat bonusijiet li kkumpensaw għat-telf kollu tas-sieħeb privat li kien jirriżulta mir-riskju relatat mad-domanda. Għalhekk, minkejja li r-riskji kollha ntrefgħu mis-sieħeb privat, fil-prattika dan ma kellu kważi l-ebda żvantaġġ finanzjarju, filwaqt li s-sieħeb pubbliku kien kuntrattwalment obbligat iħallas ammonti konsiderevolment ogħla biex jiżgura l-manutenzjoni pendenti ta’ awtostrada li ma kinitx qed tintuża biżżejjed.
Figura 8
L-Awtostrada A-1 fi Spanja
Sors: Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri.
Il-kuntratti PPP b’durata twila mhumiex adatti sew għall-pass rapidu tal-bidla teknoloġika
57Normalment, il-PPPs huma mistennija li jfittxu li jimmassimizzaw il-benefiċċji tagħhom billi jikkombinaw u jibnu fuq il-punti tajbin rispettivi tal-għarfien espert pubbliku u dak privat. B’dan il-mod, huma mistennija li jiġġeneraw l-infrastrutturi u servizzi ta’ kwalità aħjar u li jipprovdu inċentivi għall-identifikazzjoni ta’ soluzzjonijiet innovattivi fl-għoti ta’ servizzi pubbliċi32.
58Il-proġetti awditjati tal-broadband ġew implimentati bħala PPPs, prinċipalment minħabba li s-sħab pubbliċi qiesu li huma ma kellhomx il-kapaċità teknika li jimplimentawhom b’mod tradizzjonali mingħajr ma jkollhom riskju għoli ta’ problemi relatati mal-interfaċċja teknika. Madankollu, huma ltaqgħu ma’ problema komuni li l-PPPs jiffaċċjaw fil-qasam ta’ teknoloġiji ġodda, fejn l-għażla tas-soluzzjonijiet teknoloġiċi l-aktar xierqa hija fattur ewlieni għall-implimentazzjoni b’suċċess ta’ kuntratti fuq terminu twil. L-impenn għal teknoloġija partikolari u għal prestazzjoni partikolari matul id-durata normalment twila ta’ kuntratt PPP espona l-proġetti għal riskju konsiderevoli ta’ obsolexxenza teknoloġika, li inevitabbilment ikun ifisser dħul inqas hekk kif teknoloġija ġdida ssir disponibbli.
59Pereżempju, tlieta mill-erba’ proġetti PPP li jikkonċernaw il-broadband awditjati fi Franza tniedu għal perjodu minn 18-il sena sa 24 sena u huma bbażati fuq taħlita ta’ teknoloġiji, inkluż l-użu estensiv ta’ teknoloġiji mingħajr fili li jirrikjedu aġġornamenti għaljin kull ħames jew sitt snin (ara wkoll il-Kaxxa 3). Bl-introduzzjoni tal-istrateġija Franċiża għall-Internet b'veloċità għolja ħafna33, sabiex tiġi stabbilita l-infrastruttura rilevanti, se jkun meħtieġ li jitniedu proċeduri ġodda ta' akkwist biex ikopru żoni li għadhom kemm ġew koperti b’teknoloġija mingħajr fili u li għalihom diġà hemm kuntratt PPP stabbilit sal-2030 u aktar tard. Dan għandu l-probabbiltà li jirriżulta f’żewġ kuntratti PPP doppji, jew aktar, biex ikopru l-istess żona– wieħed minnhom ibbażat fuq teknoloġija obsoleta – kif ukoll fin-negozjati mill-ġdid possibbli ta’ kuntratti PPP eżistenti, żidiet fl-ispejjeż u konsegwenzi imprevisti għan-netwerk kollu kemm hu.
Kaxxa 3
Il-PPPs wiċċ imb wiċċ ma’ bidla tekonoloġika rapida - il-proġett f’Meurthe-et-Moselle
Il-kriterji tal-għoti għall-proġett tal-broadband f’Meurthe-et-Moselle enfasizzaw il-fattur tal-veloċità fil-ksib tal-kopertura ġeografika mixtieqa, iżda ma ngħatawx punti għall-kwalità tas-soluzzjonijiet tekniċi li l-offerenti pproponew. B’konsegwenza ta’ dan, għalkemm 95 % tal-unitajiet domestiċi ġew koperti b’broadband ta’ 6 Mbps, f’ħafna każijiet din il-kopertura tasal permezz ta’ satellita jew Wifi-MAX, li huma teknoloġiji inqas durabbli u bi prestazzjoni aktar baxxa, li mhumiex konformi mat-tendenza li tiġi estiża l-kopertura tal-unitajiet domestiċi permezz tal-fibrottika. Għalhekk, riżorsi addizzjonali konsiderevoli kellhom jitwarrbu biex il-kwalità tan-netwerk tiġi aġġornata fuq bażi regolari, u b’hekk l-ispiża tal-operazzjonijiet il-kbar ta’ manutenzjoni u ta’ tiġdid tal-infrastruttura (EUR 32 miljun) tirrappreżenta 84.4 % tal-ispiża totali tal-investiment fil-proġett, li tammonta għal EUR 37 miljun – proporzjon konsiderevolment ogħla minn dak fi proġetti oħra tal-broadband li jużaw il-fibrottika b’mod aktar intensiv.
Il-qafas istituzzjonali u legali għadu mhuwiex adegwat għall-proġetti PPP li jingħataw appoġġ mill-UE
60Aħna vvalutajna jekk l-oqfsa legali u istituzzjonali fl-UE jistgħux ilaħħqu mal-għedud akbar ta’ proġetti PPP fl-Istati Membri kollha. Ħadna inkunsiderazzjoni jekk kinitx teżisti leġiżlazzjoni adegwata dwar il-PPPs, u jekk kienx hemm unitajiet konsultattivi tal-PPPs biex jagħtu appoġġ għall-implimentazzjoni tal-proġetti PPP permezz ta’ pariri, kuntratti standard, mudelli għal analiżijiet komparattivi u mekkaniżmi xierqa ta’ funzjonament biex jiffaċilitaw l-implimentazzjoni ta’ dawn is-sistemi kollha, jekk kienx hemm strateġiji adatti biex il-PPPs jintużaw bħala parti mill-politika kumplessiva ta’ investiment.
Għalkemm huma familjari mal-PPPs, mhux l-Istati Membri kollha li żorna għandhom oqfsa istituzzjonali u legali żviluppati sew
61Sabiex jirnexxu, il-PPPs jirrikjedu oqfsa u proċessi legali u istituzzjonali li jkunu robusti u komprensivi. Barra minn hekk, l-implimentazzjoni b’suċċess tal-PPPs tiddependi wkoll fil-biċċa l-kbira mill-kapaċità amministrattiva tal-awtoritajiet responsabbli.
62Aħna eżaminajna l-oqfsa istituzzjonali u legali tal-erba’ Stati Membri li żorna u identifikajna ċerti nuqqasijiet li jxekklu l-implimentazzjoni b’suċċess tal-PPPs.
- Fi Franza u fl-Irlanda, il-qafas tal-PPPs jopera biss għal tipi speċifiċi ta’ PPPs fil-livell ċentrali: Fi Franza, il-qafas istituzzjonali komprensiv kien jopera prinċipalment għall-Contrats de Partenariat (CPs) (Ftehimiet ta’ Sħubija (FS)) – bħall-iskema komuni ta’ PPP tat-tip DBFMO bbażata fuq id-disponibbiltà - li jiġu nnegozjati fil-livell nazzjonali. Forom oħra ta’ PPPs, bħad-“Délégation de Service Public” (PPPs tat-tip konċessjoni) u FS fil-livell reġjonali ma kinux suġġetti għal arranġamenti simili. Fl-Irlanda, l-arranġamenti kuntrattwali bħal dawk għall-proġett MANs mhumiex suġġetti għall-istess proċeduri ta’ skrutinju u analiżi komparattiva bħall-PPPs ibbażati fuq id-disponibbiltà, li possibbilment f’dan il-każ, dawn l-arranġamenti setgħu jipprevienu ppjanar ħażin (ara l-paragrafu 34(c)).
- Fil-Greċja, il-qafas tal-PPPs jopera biss għal proġetti bi spiża tal-kostruzzjoni ta’ inqas minn EUR 500 miljun, b’tali mod li jiġu esklużi proġetti kbar ħafna ta’ infrastruttura, bħat-tliet awtostradi magħżula għall-awditu tagħna34, mill-valutazzjonijiet obbligatorji stabbiliti fil-liġi tal-PPPs. Din is-sitwazzjoni ma tagħmilhiex faċli għad-dipartiment responsabbli għall-PPPs biex japplika proċeduri stabbiliti u jibbenefika b’mod konsistenti mill-esperjenza tal-unità tal-PPPs fil-każ ta’ proġetti fuq skala kbira.
- Spanja ma kellha l-ebda dipartiment jew unità tal-PPPs biex tagħti appoġġ għall-implimentazzjoni tal-proġetti PPP awditjati: għalhekk, il-PPPs ma setgħux jibbenefikaw minn klawsoli kuntrattwali, gwida u għodda standardizzati fil-livell ċentrali. Il-proġetti PPP Spanjoli ma kinux suġġetti għal analiżi komparattiva ma’ għażliet oħra tal-akkwist pubbliku (ara l-paragrafu 50), jew għal xi valutazzjoni speċifika oħra tal-valur għall-flus adattati għall-proġetti PPP.
Barra minn hekk, aħna sibna li kienu biss ftit l-Istati Membri li akkumulaw biżżjjed esperjenza dejjiema u għarfien espert tas-settur pubbliku bl-implimentazzjoni b’suċċess ta’ proġetti PPP (ara l-Figura 3). L-analiżi li wettaqna tal-proġetti PPP iffinanzjati mill-FEIS ikkonfermat li dawn huma kkonċentrati fl-Istati Membri li huma l-aktar familjari ma’ din l-għażla tal-akkwist pubbliku: 14 mit-18-il PPP li ġew approvati taħt il-FEIS f'Ġunju 2017 kienu jinsabu fi Franza, fir-Renju Unit, fin-Netherlands, fl-Italja, fil-Ġermanja, fl-Irlanda u fil-Greċja. Dan huwa kkonfermat ukoll mill-Opinjoni tal-Qorti dwar il-proposta għall-estensjoni u l-espansjoni tal-ambitu tar-Regolament attwali dwar il-FEIS35, li ġibdet l-attenzjoni għal żbilanċi ġeografiċi gravi u għal konċentrazzjoni settorjali, minħabba li 63 % tal-finanzjament mill-FEIS taħt it-Tieqa (Opportunità) għall-Infrastruttura u l-Innovazzjoni imorru għar-Renju Unit, l-Italja u Spanja, prinċipalment fis-setturi tal-enerġija (46 %) u tat-trasport (19 %).
Minkejja l-implikazzjonijiet fuq terminu twil tal-PPPs, l-Istati Membri li saritilhom żjara ma żviluppawx strateġija ċara għall-użu tagħhom
64Wieħed mill-benefiċċji potenzjali tal-proġetti PPP huwa l-implimentazzjoni aktar bikrija ta’ programm ta’ investiment kapitali ppjanat, billi l-PPPs jistgħu jipprovdu sors addizzjonali ta’ finanzjament biex jikkomplementaw il-pakketti baġitarji tradizzjonali.
65Madankollu, il-finanzjament ta’ proġetti kbar ta' infrastruttura u l-impenn biex isiru pagamenti kull sena għall-kostruzzjoni, l-operat u l-manutenzjoni tagħhom għandhom implikazzjonijiet fuq terminu twil għall-baġits u għat-teħid ta’ deċiżjonjiet politiċi tal-Istati Membri, li jkunu jirrikjedu li l-Gvernijiet jiżviluppaw approċċ strateġiku biex jidentifikaw f’liema oqsma u ċirkustanzi l-possibbiltà tal-PPPs tkun l-aktar adatta u fejn jista’ jkun xieraq li jsir impenn għal baġit fuq terminu twil. Aħna sibna li l-biċċa l-kbira mill-Istati Membri li żorna ma kellhomx politika u strateġija ċari fir-rigward tal-użu ta’ PPPs:
- Fl-Irlanda u fil-Greċja, il-PPPs tqiesu prinċipalment bħala sors ta’ finanzjament addizzjonali, sabiex jiffinanzjaw prinċipalment investimenti supplimentari, jiġifieri proġetti addizzjonali li ma setgħux jiġu koperti mill-baġit tal-kapital nazzjonali, permezz ta’ PPPs (l-Irlanda), jew inkella biex jiġu attirati fondi privati (il-Greċja).
- Fi Franza, ma hemmx approċċ strateġiku għall-użu tal-PPPs. Il-Gvern ipprova jinċentiva l-użu tal-PPPs bħala miżura antiċiklika biex jaffronta l-kriżi finanzjarja u ekonomika, iżda ma tax indikazzjonijiet ċari dwar ir-rwol li l-PPPs għandu jkollhom fl-istrateġiji ta’ investiment. Pereżempju, il-proġetti PPP awditjati fis-settur tal-broadband ġew implimentati mingħajr ma ġiet stabbilita strateġija kumplessiva fil-livell nazzjonali biex jintlaħaq l-objettiv li jiġi żgurat aċċess għall-Internet b'veloċità għolja għal kulħadd (ara l-paragrafu 59).
- Fi Spanja, il-proġetti PPP ġew identifikati fuq il-bażi tal-maturità tagħhom u mhux fuq il-bażi tar-rilevanza, l-impatt jew il-valur għall-flus tagħhom, li jispjega għalfejn, pereżempju, proġett aktar matur fuq sezzjoni b’intensità inqas qawwija ta’ traffiku tal-Awtostrada A-1 ġie implimentat permezz ta’ PPP.
Mill-perspettiva tal-politika Ewropea ta’ infrastruttura, is-sitt proġetti awditjati tal-broadband fi Franza u fl-Irlanda indirizzaw il-prijoritajiet prinċipali tal-UE fil-qasam tal-ICT. Madankollu aħna sibna li żewġ terzi tal-proġetti tal-awtostradi awditjati36 kienu parti mhux min-Netwerk Ewlieni TEN-T ta’ prijorità għolja, li huwa intenzjonat biex jenfasizza l-prijorità għall-ikkompletar tan-netwerk sal-2030, iżda kienu parti min-netwerk komprensiv li huwa mistenni li jiġi kkompletat sal-2050. Għalkemm il-PPPs għandhom il-potenzjal li jikkontribwixxu, bħala alternattiva ulterjuri għall-metodi ta’ akkwist tradizzjonali, għall-ikkompletar ta’ pjanijiet kbar ta’ infrastruttura prijoritarji, huwa dubjuż jekk kienx utli u ġġustifikat li tittieħed responsabbiltà għar-rekwiżiti elaborati u r-riskji addizzjonali marbutin mal-possibbiltà tal-PPPs għal dawn il-proġetti, li mhumiex parti min-Netwerk Ewlieni li jrid jiġi kkompletati sal-2030 u li fil-fatt spiċċaw kienu partikolarment problematiċi, kif inhu enfasizzat f’dan ir-rapport.
67Ir-rwol li l-PPPs jenħtieġ li jkollhom fi ħdan strateġiji usa’ ta’ investiment possibbilment jenħtieġ li jkun ibbażat fuq approċċi strateġiċi koerenti. Mill-erba’ Stati Membri li saritilhom żjara, l-Irlanda u, sa livell inqas, il-Greċja qiesu l-possibbiltà li jillimitaw l-użu tal-PPPs sabiex ma jimpenjawx ammonti eċċessivi ta’ baġits futuri billi jieħdu vantaġġ min-nuqqas ta’ rikonoxximent u kontrolli baġitarji bil-quddiem. L-Irlanda pprevediet li tiffissa limitu massimu fuq in-nefqa għall-PPPs għal 10 % tan-nefqa kapitali aggregata kumplessiva fuq bażi annwali, filwaqt li fil-Greċja jenħtieġ li l-pagamenti totali għall-PPPs taħt il-qafas tad-dritt tal-PPPs ma jaqbżux l-10 % tal-programm annwali ta’ investiment pubbliku u l-pagamenti totali annwali bbażati fuq id-disponibbiltà għall-operaturi privati ma jaqbżux l-ammont ta’ EUR 600 miljun37.
68Fi Franza u fi Spanja, ma hemmx limitu massimu fuq il-pagamenti toali annwali għall-PPPs. Ir-riskju ta’ inqas flessibbiltà fiskali, minħabba li l-għadd ta’ livelli ta’ kapital huma ogħla milli jista’ jiġi affordjat fil-kuntest tar-restrizzjonijiet baġitarji attwali u fuq terminu twil, kien partikolarment evidenti fil-livell reġjonali (ara l-Kaxxa 4).
Kaxxa 4
Eżempju ta’ inqas flessibbiltà fiskali fir-Reġjun tal-Katalonja
Ir-Reġjun tal-Katalonja fi Spanja jopera programm importanti ta’ investiment fil-PPPs, li l-loġika ekonomika għalih tiġi minn prospettiva ottimista għall-finanzi pubbliċi bbażata fuq tkabbir ekonomiku rapidu qabel il-kriżi ekonomika u finanzjarja. Fil-fatt, fl-2007, il-proġetti PPP kienu jirrappreżentaw nefqa ta’ EUR 178.8 miljun, jew 8.9 % tal-baġit annwali (EUR 2 000 miljun) tad-dipartiment responsabbli għall-infrastruttura tat-trasport. Id-dipartiment qies li dan il-piż finanzjarju ma jkunx jipperikola s-sostenibbiltà tal-baġits futuri, billi f’dak iż-żmien l-ekonomija kienet qed tikber b’ritmu konsiderevoli. Madankollu, wara l-kriżi, il-baġit annwali tad-dipartiment tnaqqas għal EUR 300 miljun, bir-riżultat li issa l-pagamenti għall-PPPs kienu jirrappreżentaw l-akbar proporzjon tiegħu. Dan ħalla ftit li xejn lok għal flessibbiltà fiskali u għaldaqstant ikkomprometta l-kapaċità tar-reġjun li jadatta għal prijoritajiet emerġenti jew li jiffinanzja investimenti urġenti.
Il-kombinament tal-finanzjament mill-UE mal-PPPs jinvolvi rewiżiti u inċertezzi addizzjonali
69Kienu biss tassew ftit l-Istati Membri li implimentaw PPPs b’mod sistematiku billi għamlu użu mill-appoġġ li jingħata mill-UE (ara l-paragrafi 9 sa 19). Iż-żjarat li wettaqna fl-Irlanda, fi Franza, fi Spanja u fil-Greċja kkonfermaw li wieħed mill-ostakli prinċipali għall-proġetti PPP li jibbenefikaw minn finanzjament ikkombinat huwa l-fatt li hemm rekwiżiti aktar elaborati li huma imposti mill-proċess ta’ applikazzjoni għall-għotjiet tal-UE, minbarra l-proċess kumpless ta’ akkwist u ta’ ġestjoni tal-PPPs. Din is-sitwazzjoni tista’ twassal biex, mill-bidu nett, iż-żewġ sħab jevitaw l-użu tal-fondi kkombinati (PPPs), u minflok jagħżlu proċeduri ta’ akkwist tradizzjonali jew jimplimentaw PPPs mingħajr l-ebda forma ta’ appoġġ mill-UE.
70Flimkien ma’ fatturi oħra, bħall-effetti tal-kriżi finanzjarja u ekonomika, il-preferenzi politiċi u l-kapaċità limitata tas-settur pubbliku li jittratta l-PPPs, l-użu limitat ħafna tal-appoġġ mill-UE fir-rigward tal-PPPs sa issa kien dovut, sa ċertu punt, għal diffikultajiet prattiċi marbuta mar-regolamenti preċedenti ta’ finanzjament mill-UE. Ir-regolamenti dwar il-Fondi Strutturali u l-Fond ta’ Koeżjoni għall-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013 ma kienx fihom dispożizzjonijiet speċifiċi għall-PPPs, billi huma kienu fundamentalment adattati biex jaħdmu b’mekkaniżmi ta’ approvazzjoni tal-għotjiet u ta’ żborżament li kienu nħolqu għal forom tradizzjonali ta’ akkwist.
71Id-dispożizzjonijiet il-ġodda tal-RDK għall-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020 introduċew kapitolu ddedikat dwar il-PPPs biex jikkjarifika l-possibbiltajiet ipprovduti mill-FSIE għall-għoti ta’ appoġġ lill-proġetti PPP u biex jindirizza xi wħud mid-diffikultajiet prattiċi prinċipali. Dan wassal, pereżempju, għal simplifikazzjonijiet fil-kalkolu tan-nuqqas fil-finanzjament kif ukoll għall-possibbiltà li jiġi estiż il-perjodu ta’ żborżament tal-għotja (ara l-Anness II għal aktar dettalji). Filwaqt li dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jippromwovu l-użu aktar ġenerali tal-proġetti PPP li jibbenefikaw minn finanzjament mill-UE, tassew ftit kienu dawk li tħejjew fiż-żmien meta sar l-awditu (Settembru -2017).
Il-possibbiltà li l-proġetti PPP jiġu rreġistrati bħala entrati li ma jidhrux fil-karta tal-bilanċ għandha r-riskju li ddgħajjef it-trasparenza u l-valur għall-flus
72Aħna sibna li t-trattament statistiku tal-PPPs huwa element importanti li l-awtoritajiet pubbliċi jieħdu inkunsiderazzjoni meta jkunu qed jiddeċiedu jekk għandhomx jużaw din il-possibbiltà ta’ akkwist. Skont l-ESA 2010 (ara l-paragrafu 6), jenħtieġ li l-PPPs jiġu allokati għall-karta tal-bilanċ tas-sid ekonomiku tal-assi, jiġifieri l-parti li ġġarrab l-akbar proporzjon ta’ riskji u li jkollha d-dritt għall-biċċa l-kbira mill-benefiċċji assoċjati mal-assi. Skont xi tkun l-allokazzjoni tar-riskji/tal-benefiċċji bejn is-sħab pubbliċi u privati, ir-regoli jippermettu żewġ possibbiltajiet.
- Il-PPPs jistgħu jiġu rreġistrati fil-karta tal-bilanċ tal-gvern b’mod simili għal kif jiġri għall-proġetti li jkunu suġġetti għal proċedura ta’ akkwist tradizzjonali. B’din il-possibbiltà, l-assi tal-PPP jitqies bħala investiment pubbliku li jiġġenera żieda fid-dejn tal-gvern li tkun konformi mal-investiment, u għalhekk din l-għażla għandha impatt fuq il-konformità mal-kriterji ta’ Maastricht;
- Il-PPPs jistgħu jiġu rreġistrati b’mod li ma jidhirx fil-karta tal-bilanċ tal-gvern permezz ta’ trasferiment tal-ispejjeż ta’ investiment mill-baġit tal-kapital għall-baġits operattivi annwali għas-snin futuri. Il-vantaġġ huwa li l-proporzjon tad-dejn relatat mal-PPP ma jitteħidx inkunsiderazzjoni għal skopijiet ta’ konformità tal-kriterji ta’ Maastricht.
L-allokazzjoni tar-riskji bejn is-sħab pubbliċi u dawk privati hija waħa mill-karatteristiċi ewlenin ta’ kuntratt PPP (ara l-paragrafu 54). Billi r-reġistrazzjoni tal-PPPs b’mod li ma jidhrux fil-karta tal-bilanċ ifisser li l-biċċa l-kbira mir-riskji u mill-benefiċċji jiġu ttrasferiti għas-sieħeb privat, hemm riskju inerenti li l-arranġamenti ta’ distribuzzjoni jiġu influwenzati mit-trattament statistiku ppreferut, aktar milli mill-prinċipju li r-riskji jenħtieġ li jintrefgħu mill-parti li tkun tinsab f’pożizzjoni aħjar biex timmaniġġjahom u biex timmassimizza l-valur għall-flus. F’termini ġenerali, ir-reġistrazzjoni ta’ assi tal-PPP fil-karta tal-bilanċ tista’ tiżgura kundizzjonijiet aktar ekwivalenti ta’ kompetizzjoni bejn il-possibbiltajiet differenti ta’ akkwist, biex b’hekk il-possibbiltà tkun ibbażata unikament fuq kunsiderazzjonijiet rigward il-valur għall-flus.
74Mill-analiżi tal-politiki, l-istrateġiji u l-proġetti PPP fl-erba’ Stati Membri, irriżulta li:
- Fl-Irlanda, minbarra l-valur għall-flus bħala kunsiderazzjoni ewlenija, il-possibbiltà li l-PPPs ma jkunux jidhru fil-karta tal-bilanċ tal-Gvern kienet fattur importanti fis-selezzjoni tal-possibbiltà tal-PPPs. Tnejn mill-proġetti awditjati, li l-ispiża totali tagħhom kienet ta’ EUR 1.2 biljun, ġew irreġistrati b’mod li ma jidhrux fil-karta tal-bilanċ, u ieħor ġie rreġistrat fil-karta tal-bilanċ;
- Fil-Greċja, element ewlieni ta’ kunsiderazzjoni fis-selezzjoni tal-possibbiltà tal-PPPs kienet ix-xewqa li jiġi attirat finanzjament privat. Tħassib dwar it-trattament statistiku wkoll kellu rwol, biex b’hekk it-tliet konċessjonijiet awditjati, b’valur totali ta’ EUR 6.7 biljun, ġew inizjalment irreġistrati bħala entrati li ma jidhrux fil-karta tal-bilanċ. Madankollu, wara li l-kundizzjonijiet tal-kuntratt ġew innegozjati mill-ġdid u sostanzjalment emendati, dawn ġew riklassifikati sabiex jidhru fil-karta tal-bilanċ (ara l-paragrafi 37 sa 40). L-ebda wieħed mill-proġetti ma kien suġġett għal valutazzjonijiet komparattivi tal-valur għall-flus meta mqabbla ma’ possibbiltajiet oħra ta’ akkwist.
- Franza tirreġistra b’mod sistematiku l-PPPs tagħha fil-karta tal-bilanċ tal-Gvern, u b’hekk l-għażla tal-possibbiltà tal-PPPs tkun ibbażata unikament fuq kunsiderazzjonijiet rigward il-valur għall-flus. L-erba’ proġetti awditjati ġew irreġistrati fil-karta tal-bilanċ u, bl-eċċezzjoni tal-proġett Pau-Pyrénées, twettqet analiżi komparattiva tal-possibbiltajiet alternattivi tal-akkwist pubbliku.
- Ir-reġistrazzjoni tal-proġetti PPP b’mod li ma jidhrux fil-karta tal-bilanċ kienet ukoll element ewlieni ta’ kunsiderazzjoni għall-awtoritajiet Spanjoli. Inġenerali, il-PPPs li kien ikollhom impatt fil-karta tal-bilanċ tal-Gvern ma ġewx promossi, u l-PPPs awditjati ma kinux ġew ivvalutati bi tqabbil mal-possibbiltajiet alternattivi bl-użu ta’ kriterji tal-valur għal-flus. Pereżempju, l-istudju ta’ fattibbiltà għall-proġett tal-Awtostrada A1 indirizza l-allokazzjoni tar-riskji bl-għan li l-proġett jiġi rreġistrat b’mod li ma jkunx jidher fil-karta tal-bilanċ tal-Gvern, u għaldaqstant ikun iżomm għalih “wieħed mill-vantaġġi fundamentali tal-PPPs”38. Madankollu, l-Uffiċjal Nazzjonali tal-Kontabbiltà oppona għal dan, filwaqt li ddikjara li ż-żewġ proġetti awditjati kellhom jiġu rreġistrati fil-karta tal-bilanċ minħabba li s-sieħeb privat kellu riskji insuffiċjenti.
Aħna sibna li għal 5 mit-12-il proġett awditjati (li l-ispiża totali tagħhom kienet ta’ EUR 7.9 biljun), ingħatat kunsiderazzjoni importanti għall-possibbiltà li l-PPPs jiġu rreġistrati b’mod li ma jidhrux fil-karta tal-bilanċ waqt is-selezzjoni tal-possibbiltà tal-PPPs. Prattiċi bħal dawn iżidu r-riskju li jkun hemm effetti kollaterali negattivi li jistgħu jdgħajfu l-valur għall-flus, bħal approċċ preġudikat lejn il-proġetti PPP anke f’każijiet fejn kunsiderazzjonijiet rigward il-valur għall-flus ikunu jistgħu jwasslu għal għażliet differenti, arranġamenti żbilanċjati ta’ kondiviżjoni tar-riskji u spejjeż ogħla għas-sieħeb pubbliku.
76Flimkien man-nuqqas ta’ databases affidabbli li jkunu disponibbli għall-pubbliku dwar il-proġetti PPP39, li juru l-impenji tal-entitajiet pubbliċi għas-snin li ġejjin, ir-reġistrazzjoni tal-proġetti PPP b’mod li ma jkunux jidhru fil-karti tal-bilanċ tal-gvernijiet tnaqqas il-livell ta’ informazzjoni trasparenti pprovduta lill-pubbliku ġenerali dwar l-impenji fuq terminu twil rigward il-PPPs u l-obbligazzjonijiet assoċjati tagħhom, u għalhekk dwar l-impatt tagħhom fuq il-livelli tad-dejn u tad-defiċit tal-Istati Membri kkonċernati.
Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
77Aħna sibna li, minkejja li l-PPPs għandhom il-potenzjal li jaċċelleraw l-implimentazzjoni tal-politika u li jiżguraw standards tajbin ta’ manutenzjoni matul il-ħajja tagħhom, dawk il-PPPs li ngħataw appoġġ mill-UE li ġew awditjati mhux dejjem kienu mmaniġġjati b’mod effettiv u ma pprovdewx valur għall-flus adegwat. Il-benefiċċji potenzjali tal-PPPs awditjati spiss ma nkisbux, billi – b’mod simili għall-proġetti suġġetti għal proċedura ta’ akkwist tradizzjonali - huma kienu suġġetti għal dewmien, żidiet fl-ispejjeż u użu insuffiċjenti tal-eżiti tal-proġetti, bir-riżultat li sar infiq ineffiċjenti u ineffettiv ta’ EUR 1.5 biljun, li minnhom EUR 0.4 biljun kienu fondi tal-UE.
78Barra minn hekk, kien hemm nuqqas ta’ analiżijiet adegwati dwar il-potenzjal biex il-PPPs iwasslu valur għall-flus addizzjonali, kif ukoll nuqqas ta’ strateġiji adegwati dwar l-użu tal-PPPs u ta’ oqfsa istituzzjonali u legali. Peress li huma biss ftit l-Istati Membri li għandhom livell xieraq ta’ esperjenza u għarfien espert biex jimplimentaw proġetti PPP li jirnexxu, hemm riskju sostanzjali li l-PPPs ma jikkontribwux għall-għan – li ġie espress, fost oħrajn, fil-White Paper dwar it-Trasport, fis-CEF attwali u fir-regolamenti dwar il-FEIS – ingranaġġ aktar intensiv tal-fondi tal-UE assoċjati ma’ fondi privati inklużi l-PPPs.
Rakkomandazzjoni 1 – Ma jiġix promoss użu aktar intensiv u mifrux tal-PPPs sakemm il-problemi identifikati jiġu indirizzati, u r-rakkomandazzjonijiet li ġejjin ma jiġu implimentati b’suċċess
Jenħtieġ li l-Kummissjoni u l-Istati Membri ma jippromwovux użu aktar intensiv u mifrux tal-PPPs sakemm il-problemi identifikati f’dan ir-rapport jiġu indirizzati, u sakemm ir-rakkomandazzjonijiet li ġejjin jiġu implimentati b’suċċess; b’mod partikolari, jenħtieġ li huma jtejbu l-oqfsa istituzzjonali u legali kif ukoll il-ġestjoni tal-proġetti, u jżidu l-aċċertament li l-għażla tal-possibbiltà tal-PPPs tkun dik li tipprovdi l-aktar valur għall-flus u li jkun hemm probabbiltà li l-proġetti PPP jiġu mmaniġġjati b’suċċess.
Data mmirata għall-implimentazzjoni: minnufih.
Il-proġetti PPP awditjati mhux dejjem kienu effettivi biex jiksbu l-benefiċċji potenzjali tagħhom
79L-istrateġiji u r-regolamenti rilevanti tal-UE jipprevedu l-użu tal-PPPs bħala mezz potenzjalment effettiv għat-twettiq ta’ proġetti ta’ infrastruttura li jiżguraw l-ilħuq tal-objettivi pubbliċi billi jiġbru flimkien forom differenti ta’ riżorsi pubbliċi u privati. Madankollu, aħna sibna li l-implimentazzjoni ta’ proġetti fuq skala akbar mis-soltu kif ukoll il-fużjoni tat-tfassil, tal-finanzjament, tal-kostruzzjoni, tal-operat u tal-manutenzjoni tal-proġetti f’kuntratt uniku żiedu r-riskju ta’ livell baxx ta’ kompetizzjoni – u għaldaqstant qiegħdu lill-awtorità pubblika f’pożizzjoni ta’ dipendenza u żiedu l-kumplessità ġenerali tal-proġetti.
80L-għażla tal-possibbiltà tal-PPPs għall-maġġoranza tal-proġetti awditjati ma ġġeneratx il-benefiċċji mistennija tal-PPPs f’termini ta’ kkompletar tal-proġetti fil-ħin u fi ħdan il-limiti tal-baġit. Kif diġà osservajna għall-proġetti li kienu suġġetti għal proċedura ta’ akkwist tradizzjonali, anke l-maġġoranza tal-proġetti PPP awditjati (7 minn 12-il proġett, li jikkorrispondu għal spiża tal-proġetti li ammontat għal EUR 7.8 biljun) kienu affettwati minn ineffiċjenzi, li kienu jinkludu proċeduri twal ta’ akkwist (durata li kienet tilħaq is-6.5 snin) u fażijiet twal ta’ kostruzzjoni (dewmien li jvarja minn xahrejn sa 52 xahar). Fil-fatt, il-potenzjal tal-PPPs li jiksbu dawn il-benefiċċji kien limitat, billi parti minn dan id-dewmien kienet ikkawżata minn fatturi li ma setgħux jiġu influwenzati mill-possibbiltà tal-PPPs (dewmien fil-ksib ta’ awtorizzazzjonijiet u permessi rilevanti, tilwim legali rigward il-proċedura ta’ akkwist jew negozjar mill-ġdid tal-proġett), iżda xi dewmien ieħor kien direttament attribwibbli għall-għażla tal-possibbiltà tal-PPPs (bħal diffikultajiet fl-għeluq finanzjarju, u vulnerabbiltà akbar għat-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku u finanzjarju, u dan wassal biex xi selliefa jirtiraw mill-proġetti u biex is-sieħeb pubbliku jġarrab spejjeż addizzjonali konsiderevoli (EUR 1.5 biljun).
81Il-possibbiltà li jiġu ffinanzjati proġetti fuq skala kbira fuq perjodu ta’ żmien itwal tnaqqas il-pressjoni biex id-daqs tal-proġett jiġi ottimizzat skont il-ħtiġijiet reali u għalhekk iżżid ir-riskju li entitajiet pubbliċi jimplimentaw proġetti akbar ta’ infrastruttura milli huma meħtieġa. Fil-proġetti awditjati, il-valutazzjonijiet li saru mis-sħab pubbliċi u privati u mis-selliefa ma pprevenewx il-formulazzjoni ta’ xenarji ottimisti żżejjed rigward id-domanda futura u l-użu tal-infrastruttura ppjanata. Pereżempju, l-istimi tat-traffiku għal xi sezzjonijiet tal-awtostradi fi Spanja u fil-Greċja kienu ferm inqas mill-kapaċità potenzjali, u ċ-ċifri reali tar-rata ta’ użu li sar mill-konsumaturi għall-proġetti awditjati tal-broadband fi Franza u fl-Irlanda kienu ferm inqas mill-previżjonijiet (sa 69 %), u għaldaqstant ipprovdew inqas valur għall-flus u effettività aktar baxxa milli mistenni.
Rakkomandazzjoni 2 – Jiġi mmitigat l-impatt finanzjarju tad-dewmien u tan-negozjati mill-ġdid dwar l-ispiża tal-PPPs li s-sieħeb pubbliku jkun jġarrab
Sabiex l-ispiża tad-dewmien u tan-negozjati mill-ġdid tiġi kondiviża aħjar bejn is-sħab, bl-għan li jiġi mmitigat l-impatt finanzjarju tad-dewmien attribwibbli għas-sieħeb pubbliku u n-negozjati mill-ġdid tal-kuntratti dwar l-ispiża finali tal-PPPs li s-sieħeb pubbliku jkun ġarrab, aħna nirrakkomandaw li:
- L-Istati Membri jidentifikaw u jipproponu dispożizzjonijiet kuntrattwali standard li jillimitaw l-ammonti tal-ispejjeż żejda possibbli li jridu jitħallsu mis-sieħeb pubbliku.
- L-Istati Membri jeżaminaw kwalunkwe negozjar mill-ġdid tal-kuntratti, li jsir kmieni, biex jiżguraw li l-ispejjeż konsegwenti li jiġġarrbu mis-sieħeb pubbliku jkunu debitament iġġustifikati u jikkonformaw mal-prinċipji ta’ valur għall-flus.
Data mmirata għall-implimentazzjoni: minnufih.
Id-dewmien, iż-żidiet fl-ispejjeż u l-użu insuffiċjenti kienu parzjalment attribwibbli għal analiżijiet inadegwati u għal approċċi mhux adatti
82Aħna sibna li l-possibbiltà tal-PPPs spiss intgħażlet mingħajr bażi analitika robusta biżżejjed. Għall-biċċa l-kbira mill-proġetti awditjati, ma twettqet l-ebda analiżi komparattiva, bħall-Analiżi Komparattiva mas-Settur Pubbliku, biex tiddimostra li PPP kienet toffri l-valur għall-flus massimu jew biex tipproteġi l-interess pubbliku billi jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni mal-metodi differenti ta’ akkwist.
83Għalkemm l-investiment tal-Kummissjoni Ewropea fil-Fond Marguerite jaqa’ taħt ir-Regolament dwar it-TEN-T, li permezz tiegħu l-Qorti tista’ twettaq awditi anke f’każ li l-benefiċjarju jkun sieħeb privat, l-awtoritajiet Irlandiżi rrifjutaw li jipprovdulna l-PSC u l-fajl tal-offerti għall-proġett tal-Awtostrada N17/18, li ma kinux disponibbli, lanqas, fil-Kummissjoni. Għaldaqstant, il-loġika fit-tfassil u fl-akkwist tal-proġett kif ukoll fl-għażla tal-possibbiltà tal-PPPs minflok il-metodi alternattivi ta’ akkwist (bħall-proċeduri ta’ akkwist tradizzjonali u l-konċessjoni) ma setgħux jiġu vvalutati.
84Il-biċċa l-kbira mill-proġetti PPP awditjati ddimostraw inadegwatezzi fl-użu tal-possibbiltà tal-PPPs. L-arranġamenti ta’ kondiviżjoni tar-riskji ġew ikkonċepiti ħażin, u dan irriżulta f’allokazzjoni ineffettiva jew inkoerenti tar-riskji, jew f’esponiment eċċessiv għar-riskju għas-sieħeb privat. F’wieħed mill-każijiet awditjati, ir-rimunerazzjoni għolja ta’ 14 % għall-kapital ta’ riskju tas-sieħeb privat ma kinitx koerenti mal-livelli baxxi tar-riskji allokati għalih. Barra minn hekk, il-kombinament ta’ teknoloġiji ġodda, bħal fis-settur tal-ICT, ma’ kuntratti b’durata twila mhux dejjem ġie mmaniġġjat tajjeb, billi s-sħab pubbliċi kellhom iżommu kuntratt għaddej anke jekk il-pass rapidu tal-bidla kien iwassal għal obsolexxenza teknoloġika.
Rakkomandazzjoni 3 – Is-selezzjoni tal-possibbiltà tal-PPPs tkun ibbażata fuq analiżijiet komparattivi sodi tal-aħjar għażla tal-akkwist pubbliku
Sabiex niżguraw li l-possibbiltà tal-PPPs tkun dik li timmassimizza l-valur għall-flus, aħna nirrakkomandaw li:
- L-Istati Membri jibbażaw is-selezzjoni tal-possibbiltà tal-PPPs fuq analiżijiet komparattivi sodi, bħalma hija l-Analiżi Komparattiva mas-Settur Pubbliku, u fuq approċċi xierqa li jiżguraw li l-possibbiltà tal-PPPs tintagħżel biss jekk tkun timmassimizza l-valur għall-flus anke f’xenarji pessimisti.
- Il-Kummissjoni tiżgura li l-Qorti tal-Awdituri jkollha aċċess sħiħ għall-informazzjoni meħtieġa sabiex tivvaluta l-għażla tal-possibbiltà tal-akkwist u tal-akkwist relatat, li ssir mill-awtoritajiet pubbliċi, anke fejn l-appoġġ mill-UE jiġi pprovdut direttament lill-entitajiet privati permezz ta’ strumenti finanzjarji.
Data mmirata għall-implimentazzjoni: minn Settembru 2018 'il quddiem.
Il-qafas istituzzjonali u legali għadu mhuwiex adegwat għall-proġetti PPP li jingħataw appoġġ mill-UE
85In-nuqqasijiet li ġew iddefiniti fl-awditu tagħna juru li kapaċità amministrattiva konsiderevoli hija meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ proġetti PPP li jirnexxu, u li dan jista’ jiġi żgurat biss permezz ta’ oqfsa istituzzjonali u legali adegwati kif ukoll esperjenza estensiva. Aħna sibna li attwalment dawn il-kundizzjonijiet huma stabbiliti biss f’tassew ftit Stati Membri, u dan imur kontra l-enfasi akbar li ssir mill-UE fuq ingranaġġ aktar mifrux u intensiv tal-fondi pubbliċi kkombinati ma’ fondi privati, u fuq ir-rwol li l-PPPs jista’ jkollhom f’dan ir-rigward.
86Dan huwa kkonfermat mill-konċentrazzjoni ġeografika u settorjali għolja tal-proġetti vvalutati (59 % tal-ammont totali mogħti mill-UE, jew EUR 3.3 biljun ipprovduti lill-Greċja; 88 % tal-ispiża totali ta’ proġetti li ngħataw appoġġ mill-UE fis-settur tat-Trasport), kif ukoll mix-xejra tal-proġetti ffinanzjati taħt il-FEIS, billi 63 % tal-finanzjament mill-FEIS kien ikkonċentrat fir-Renju Unit, fl-Italja u fi Spanja, u prinċipalment fis-setturi tal-enerġija (46 %) u tat-trasport (19 %).
87Barra minn hekk, għalkemm huma familjari mal-implimentazzjoni tal-proġetti PPP u tal-konċessjonijiet, tlieta mill-Istati Membri li żorna (Franza, il-Greċja u Spanja) ma kellhomx qafas istituzzjonali li kien adegwat bis-sħiħ biex jiżguraw li l-ġestjoni tal-proġetti PPP tirnexxi.
88L-Istati Membri li saritilhom żjara ma kellhomx - f’livelli differenti – approċċ strateġiku adegwat għall-użu ta’ PPPs. Dawn kienu meqjusa bħala mezz li jattira finanzjament addizzjonali fil-forma ta’ fondi privati, iżda ma kienx hemm indikazzjoni ċara dwar ir-rwol li jenħtieġ li l-PPPs ikollhom fl-istrateġiji nazzjonali ta’ investiment jew f’liema oqsma ikun aħjar jekk jiġi impenjat proporzjon sinifikanti tal-baġits futuri.
89Għalkemm il-PPPs għandhom il-potenzjal li jikkontribwixxu, bħala possibbiltà ulterjuri għall-metodi ta’ akkwist tradizzjonali, għall-ikkompletar ta’ pjanijiet kbar ta’ infrastruttura prijoritarji u biex jiżguraw standards tajbin ta’ servizz u manutenzjoni, aħna sibna li żewġ terzi tal-proġetti tal-awtostradi awditjati ma kinux jinsabu fin-Netwerk ewlieni TEN-T ta’ prijorità għolja, li huwa intenzjonat biex jenfasizza l-prijorità għall-ikkompletar tan-netwerk sal-2030, iżda fin-netwerk komprensiv li huwa mistenni li jiġi kkompletat sal-2050. Barra minn hekk, xi wħud mill-PPPs awditjati ġew implimentati f’setturi (bħall-ICT) li huma suġġetti għal bidliet rapidi tat-teknoloġija li mhumiex faċilment kompatibbli mad-durati twal tal-kuntratti.
90Fl-aħħar nett, huma biss ftit l-Istati Membri li pprevedew li jiffissaw limitu massimu fuq l-użu tal-PPPs sabiex ma jimpenjawx ammonti eċċessivi tal-baġits futuri, u b’hekk is-sieħeb pubbliku jkun marbut ukoll f’perjodi ta’ tnaqqis fir-ritmu ekonomiku u ma jkunx disponibbli għall-implimentazzjoni ta’ politiki futuri.
Rakkomandazzjoni 4 - Jiġu stabbiliti politiki u strateġiji ċari fil-qasam tal-PPPs
Sabiex niżguraw li l-Istati Membri jkollhom il-kapaċità amministrattiva meħtieġa u li hemm stabbiliti politiki u strateġiji ċari fil-qasam tal-PPPs biex jiġu implimentati b’suċċess proġetti PPP li jingħataw appoġġ mill-UE, aħna nirrakkomandaw li:
- L-Istati Membri jistabbilixxu politiki u strateġiji ċari fil-qasam tal-PPPs li jidentifikaw b’mod ċar ir-rwol li l-PPPs huma mistennija jkollhom fi ħdan il-politiki ta’ investiment tagħhom fl-infrastruttura, bil-ħsieb li jidentifikaw is-setturi li fihom il-PPPs huma l-aktar adatti u jistabbilixxu limiti possibbli għal kemm il-PPPs jistgħu jintużaw b’mod effettiv.
- Il-Kummissjoni tipproponi emendi leġiżlattivi biex tikkonċentra l-appoġġ finanzjarju għall-PPPs futuri fis-setturi li hija tqis li jkunu ta’ rilevanza strateġika għolja u kompatibbli mal-impenji fuq terminu twil tal-PPPs, bħan-Netwerk ewlieni TEN-T.
Data mmirata għall-implimentazzjoni: mill-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss.
91Kien hemm ħamsa mit-12-il proġett vvalutati, li l-ispiża totali tagħhom kienet ta’ EUR 7.9 biljun, li ġew inizjalment irreġistrati b’mod li ma jidhrux fil-karta tal-bilanċ. Filwaqt li hija konformi mal-qafas kontabilisitku tal-UE, din il-prattika żżid ir-riskju ta’ effetti kollaterali negattivi li jdgħajfu l-valur għall-flus, bħal preġudizzju lejn il-proġetti PPP anke jekk il-kunsiderazzjonijiet rigward il-valur għall-flus jistgħu jwasslu għal għażliet differenti, u għal trasparenza.
92Il-kombinament tal-finanzjament mill-UE mal-PPPs wassal għal kumplessitajiet u inċertezzi li ma ħeġġewx l-użu tagħhom. L-għadd ta’ proġetti PPP li jingħataw appoġġ mill-UE, bħala proporzjon tas-suq kumplessiv tal-PPPs, kien għadu baxx. Ir-regolamenti l-ġodda dwar l-FSIE kkjarifikaw parzjalment il-possibbiltajiet ipprovduti mill-fondi għall-finanzjament tal-PPPs u neħħew xi wħud mill-kumplessitajiet li l-kombinament ikun jiġġenera, iżda hemm aktar lok għal simplifikazzjoni.
Rakkomandazzjoni 5 – Isir titjib fil-qafas tal-UE biex tiżdied l-effettività tal-proġetti PPP
Sabiex timmitiga r-riskju ta’ preġudizzju lejn is-selezzjoni tal-possibbiltà tal-PPPs, biex tippromwovi trasparenza ulterjuri u biex tiżgura li l-PPPs jistgħu jingħataw appoġġ effettiv mill-fondi tal-UE, il-Qorti tirrakkomanda li:
- Il-Kummissjoni torbot l-appoġġ li jingħata mill-UE mal-proġetti PPP biex ikun hemm aċċertament li l-għażla tal-possibbiltà tal-PPPs kienet iġġustifikata mill-kunsiderazzjonijiet rigward il-valur għall-flus, u għaldaqstant ma tkunx indebitament influwenzata minn kunsiderazzjonijiet relatati mal-limitazzjonijiet baġitarji jew mat-trattament statistiku tagħhom.
- L-Istati Membri jtejbu t-trasparenza billi jippubblikaw listi perjodiċi ta’ proġetti PPP, inkluża data suffiċjenti u sinifikattiva dwar l-assi ffinanzjati, l-impenji futuri tagħhom u t-trattament tagħhom fil-karta tal-bilanċ, filwaqt li jippreservaw il-protezzjoni ta’ data kunfidenzjali u kummerċjalment sensittiva.
- Il-Kummissjoni tivvaluta l-kumplessità addizzjonali tal-proġetti PPP li jibbenefikaw minn finanzjament mill-UE fid-dawl ta’ azzjonijiet ulterjuri li jkollhom l-għan li jissimplifikaw ir-regoli u l-proċeduri rilevanti tal-programmi tal-UE.
Data mmirata għall-implimentazzjoni: sa tmiem l-2019.
Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla II, immexxija mis-Sinjura Iliana IVANOVA, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tas-7 ta’ Frar 2018.
Għall-Qorti tal-Awdituri

Klaus-Heiner LEHNE
President
Annessi
Anness I
PPPs li ngħataw appoġġ mill-UE għall-perjodu 2000-2014, f’miljun EUR, skont il-pajjiż
| Pajjiżi | Għadd ta' proġetti | Spiża Totali | Kontribuzzjoni mill-UE | % tal-kontribuzzjoni mill-UE |
|---|---|---|---|---|
| Il-Greċja | 8 | 6 806 | 3 301 | 58.53 % |
| Il-Portugall | 3 | 2 379 | 564 | 10.00 % |
| Franza | 21 | 9 856 | 324 | 5.74 % |
| Spanja | 4 | 2 422 | 311 | 5.51 % |
| Il-Polonja | 4 | 388 | 272 | 4.82 % |
| Il-Ġermanja | 14 | 2 147 | 254 | 4.50 % |
| L-Italja | 6 | 553 | 210 | 3.72 % |
| Ir-Renju Unit | 3 | 2 212 | 110 | 1.95 % |
| Il-Belġju | 2 | 686 | 101 | 1.79 % |
| L-Irlanda | 3 | 1 286 | 81 | 1.44 % |
| Il-Litwanja | 3 | 99 | 40 | 0.71 % |
| Is-Slovenja | 10 | 52 | 36 | 0.64 % |
| Il-Kroazja | 1 | 331 | 20 | 0.35 % |
| Malta | 1 | 21 | 12 | 0.21 % |
| L-Estonja | 1 | 4 | 4 | 0.07 % |
| Total Kumplessiv | 84 | 29 242 | 5 640 | 100.00 % |
Sors: Tabella elaborata mill-QEA fuq il-bażi ta’ data pprovduta mill-Kummissjoni, mill-EPEC u mill-Istati Membri magħżula. Is-sorsi għall-kontribuzzjoni mill-UE kienu: il-FEŻR, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Marguerite, l-LGTT, il-PBI u JESSICA.
Fit-13-il Stat Membru l-oħra ma ngħatax appoġġ mill-UE għall-PPPs.
Anness II
Diffikultajiet prinċipali fl-użu tal-PPPs li jibbenefikaw minn finanzjament ikkombinat, matul il-perjodu 2007-2013, u bidliet introdotti fir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni għall-perjodu 2014-2020
| 2007-2013 | 2014-2020 |
|---|---|
| Il-ħtieġa li jintgħażel is-sieħeb privat qabel ma tiġi inizjata l-applikazzjoni għall-għotjiet kienet tesponi lill-awtoritajiet pubbliċi għar-riskju li l-għotja ma tiġix approvata, filwaqt li huma jkunu diġà daħli għal impenn PPP. | Filwaqt li baqa’ possibbli li l-applikazzjoni għal għotja ssir biss wara li tiġi konkluża l-proċedura ta’ akkwist tal-PPPs, id-dispożizzjonijiet il-ġodda jipprevedu wkoll l-approvazzjoni kundizzjonali tas-sieħeb privat bħala benefiċjarju ta’ għotja qabel ma dan jiġi selezzjonat formalment taħt il-proċess ta’ akkwist tal-PPPs. B’hekk, l-awtorità inkarigata mill-akkwist tkun tista’ tipproċedi bl-applikazzjoni għall-għotja b'mod parallel mal-proċedura ta’ akkwist u li tirċievi approvazzjoni kundizzjonali tal-għotja qabel ma jingħata l-kuntratt PPP, bir-riżultat li, minn stadju bikri, ikun hemm aktar ċarezza u ċertezza dwar is-sorsi ta’ finanzjament u jiġi eliminat ir-riskju li s-sieħeb pubbliku ma jkollux l-għotja approvata, filwaqt li jkun diġà daħal għal impenn PPP. |
| Ir-rekwiżit biex l-għotjiet jiġu żborżati fi żmien sentejn wara s-sena tal-allokazzjoni (ir-regola n+2) kien jillimita l-użu tal-għotjiet biex l-ispejjeż tal-kapital jitħallsu minn qabel, u ma kienx adatt biex jakkomoda strutturi tal-PPPs fejn il-pagamenti jsiru fuq terminu ħafna itwal. | Id-dispożizzjonijiet il-ġodda jipprevedu perjodu estiż ta’ żborżament tal-għotja, li jista’ jkun twil daqs id-durata tal-PPPs. L-għotja tiġi ttrasferita għal kont miżmum minn terzi, ikkontrollat mis-sieħeb pubbliku, b’hekk ikunu jistgħu jsiru pagamenti li jkunu aktar konformi mal-profil tal-pagamenti, fuq terminu itwal, ta’ PPP. |
| Il-kumplessità u l-inċertezza tal-kalkolu tal-ammont massimu eżatt tal-assistenza mill-UE (id-defiċit tal-finanzjament1) għall-proġetti li jiġġeneraw dħul, qabel l-ikkompletar tal-proċedura ta’ akkwist tal-PPPs, kienu jesponu lill-awtoritajiet pubbliċi għal riskju ta’ finanzjament f’każ li l-ammont tal-għotja kien inqas milli mistenni. | Filwaqt li l-metodu tan-nuqqas fil-finanzjament għadu disponibbli biex jiġi kkalkolat l-ammont tal-appoġġ li jingħata mill-UE għall-proġetti li jiġġeneraw dħul, id-dispożizzjonijiet il-ġodda jipprovdu alternattivi konsiderevolment simplifikati, filwaqt li jintużaw rati fissi, stabbiliti minn qabel, tan-nuqqas fil-finanzjament għal setturi partikolari. |
| Id-dispożizzjonijiet il-ġodda jippermettu li ssir is-sostituzzjoni tas-sieħeb privat benefiċjarju mingħajr ma tintilef l-għotja, u għaldaqstant jakkomodaw aħjar id-drittijiet tas-selliefa rigward intervent u sostituzzjoni. |
1Il-proġetti li jiġġeneraw dħul huma dawk fejn l-utenti jħallsu direttament għas-servizzi. Il-prinċipju huwa li jenħtieġ li l-fondi SIE jintużaw biss biex jindirizzaw id-defiċit li jkun għad fadal bejn l-ispejjeż tal-proġett u d-dħul iġġenerat. Is-somma tal-kontribuzzjonijiet nazzjonali u dawk mill-UE ma tistax tkun ogħla mid-defiċit tal-finanzjament.
Anness III
Proġetti awditjati
| Settur/Proġetti | Status u durata tal-kuntratt | Dewmien f’xhur | Spiża ppjanata totali tal-proġetti | Spiża proviżorja totali tal-proġetti | Spiża addizzjonali mġarrba mis-sieħeb pubbliku | % taż-żieda fl-ispiża | Kummenti | Appoġġ mill-UE | Sors ta’ finanzjament mill-UE | Fil-karta tal-bilanċ/Ma jidhirx fil-karta tal-bilanċ | Analiżi Komparattiva mas-Settur Pubbliku | |
|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|
| F’miljun EUR | F’miljun EUR | |||||||||||
| Il-Greċja | ||||||||||||
| 1 | Trasport: Awtostrada Ċentrali E-651 |
Konċessjoni ta’ 30 sena (sal-2038), il-kostruzzjoni għadha għaddejja | 47 | 2 375 | 1 594 | 413 | ara l-kumment | L-ispiża proviżorja totali hija aktar baxxa mill-ispiża ppjanata totali minħabba tnaqqis ta’ 55 % fl-ambitu tal-proġett. Madankollu, l-ispiża totali għal kull km żdiedet b’47 %. Iċ-ċifra ta’ EUR 413 miljun tinkludi l-kontribuzzjoni finanzjarja addizzjonali ta’ EUR 231.4 miljun imwettqa mill-Istat u pagamenti lill-konċessjonarju li jammontaw għal EUR 181.4 miljun. | 647.6 | FEŻR u Fond ta' Koeżjoni | Inizjalment ma kienx jidher fil-karta tal-bilanċ, imbagħad ġie rreġistrat fil-karta tal-bilanċ wara r-risettjar biss | le |
| 2 | Trasport: Awtostrada Olympia2 |
Konċessjoni ta’ 30 sena (sal-2038), il-kostruzzjoni għadha għaddejja | 37 | 2 825 | 2 619 | 678 | ara l-kumment | L-ispiża proviżorja totali hija aktar baxxa mill-ispiża ppjanata totali minħabba tnaqqis ta’ 45 % fl-ambitu tal-proġett. Madankollu, l-ispiża totali għal kull km żdiedet b’69 %. Iċ-ċifra ta’ EUR 678 miljun tinkludi l-kontribuzzjoni finanzjarja addizzjonali ta’ EUR 238.5 miljun imwettqa mill-Istat u pagamenti lill-konċessjonarju li jammontaw għal EUR 439.7 miljun. | 1 012.4 | FEŻR u Fond ta' Koeżjoni | Inizjalment ma kienx jidher fil-karta tal-bilanċ, imbagħad ġie rreġistrat fil-karta tal-bilanċ wara r-risettjar biss | le |
| 3 | Trasport: Awtostrada Moreas3 |
Konċessjoni ta’ 30 sena (sal-2038), il-kostruzzjoni ġiet ikkompletata | 52 | 1 543 | 1 791 | 84 | ara l-kumment | L-ispiża totali għal kull km żdiedet b’16 %. Iċ-ċifra ta’ EUR 84 miljun tikkorrispondi għall-pagamenti lill-konċessjonarju. | 328.6 | FEŻR u Fond ta' Koeżjoni | Inizjalment ma kienx jidher fil-karta tal-bilanċ, imbagħad ġie rreġistrat fil-karta tal-bilanċ wara r-risettjar biss | le |
| Spanja | ||||||||||||
| 4 | Trasport: Awtostrada A-14 |
Konċessjoni ta’ 19-il sena (sal-2026), il-kostruzzjoni ġiet ikkompletata | 24 | 475 | 633 | 158 | 33 % | Modifiki meħtieġa fix-xogħlijiet ippjanati. | 2.2 | Il-Fond Marguerite | fil-karta tal-bilanċ | le |
| 5 | Trasport: Awtostrada C-255 |
Konċessjoni ta’ 33 sena (sal-2044), il-kostruzzjoni ġiet ikkompletata | 14 | 695 | 838 | 144 | 21 % | Modifiki meħtieġa fix-xogħlijiet ippjanati u l-kuntratt kellu jiġi nnegozjat mill-ġdid. | 70 | LGTT | fil-karta tal-bilanċ | le |
| L-Irlanda | ||||||||||||
| 6 | Trasport: Awtostrada N17/186 |
Konċessjoni ta’ 25 sena (sal-2042), il-kostruzzjoni għadha għaddejja | m/a | 946 | m/a | m/a | ara l-kumment | Il-kostruzzjoni tal-proġett kienet għadha għaddejja fiż-żmien meta sar l-awditu. | 2.7 | Fond Marguerite | ma jidhirx fil-karta tal-bilanċ | m/a |
| 7 | ICT: Skema Nazzjonali tal-Broadband7 |
Ftehim tal-proġett ta’ ħames sa seba’ snin, il-kostruzzjoni ġiet ikkompetata | 0 | 223 | 169 | m/a | ara l-kumment | Il-proġett iġġenera inqas dħul milli mistenni meta mqabbel mal-offerta oriġinali minħabba l-użu li jsir mill-konsumaturi, li huwa sinifikattivament aktar baxx milli mistenni. Dan kellu wkoll impatt fuq in-nefqa operazzjonali kumplessiva, u dan naqqas il-finanzjament inizjalment stmat għall-proġett. | 36 | FEŻR | ma jidhrux fil-karta tal-bilanċ | m/a |
| 8 | ICT: Netwerks taż-Żona Metropolitana8 |
Sa 25 sena mill-aħħar ċertifikazzjoni tal-MANs | m/a | 117 | 84 | m/a | ara l-kumment | Tnaqqis fl-ambitu tal-proġett, żieda ta’ 4.2 % fl-ispiża medja għal kull belt koperta. Iċ-ċifra tal-ispejjeż teskludi l-operat u l-manutenzjoni tal-infrastruttura, li għalihom hemm kuntratt separat, u kontribuzzjoni mill-awtoritajiet lokali. | 42.1 | FEŻR | fil-karta tal-bilanċ | m/a |
| Franza | ||||||||||||
| 9 | ICT : Le numérique au service des Girondins9 |
Konċessjoni ta’ 20 sena (sal-2029), il-kostruzzjoni ġiet ikkompletata | 16 | 146 | 143 | -4 | -2 % | Il-kostruzzjoni tal-infrastruttura ġiet ikkompletata fil-ħin, iżda kien hemm dewmien ta’ 16-il xahar għall-kummissjonar tal-proġett minħabba raġunijiet amministrattivi. | 12.5 | FEŻR | fil-karta tal-bilanċ | iva |
| 10 | ICT : SPTHD Communauté de l’agglomération de Pau Pyrénées10 |
Konċessjoni ta’ 15-il sena (sal-2018), il-kostruzzjoni għadha għaddejja | m/a | 18 | 31 | 13 | 73 % | Il-kostruzzjoni tal-proġett kienet għadha għaddejja fiż-żmien meta sar l-awditu. Żieda ta’ 73 % fl-ispejjeż sabiex ikun hemm konformità mal-bidliet regolatorji introdotti. | 7.7 | FEŻR | fil-karta tal-bilanċ | m/a |
| 11 | ICT: Proximit-e broadband in Meurthe et Moselle11 |
26 sena (sal-2034), il-kostruzzjoni ġiet ikkompletata | 2 | 148 | 148 | 0 | 0 % | 5.9 | FEŻR | fil-karta tal-bilanċ | iva | |
| 12 | ICT: Haute Pyrénées numérique12 |
22 sena (sal-2031), il-kostruzzjoni ġiet ikkompletata | 0 | 107 | 106 | -1 | -1 % | 0.9 | FEŻR | fil-karta tal-bilanċ | iva | |
| Total | 9 618 | 8 156 | 1 490 | 2 169 | ||||||||
1Il-proġett jinvolvi: a) it-tfassil, il-finanzjament, il-kostruzzjoni, l-operat, u l-manutenzjoni ta’ awtostrada ġdida ta’ 174 km u b) l-operat, il-manutenzjoni u l-isfruttament ta’ sezzjoni tal-Awtostrada li tgħaqqad lil Ateni ma’ Salonka, bejn Skarfia u Raches (57 km), li nbniet mill-Istat Grieg (DBFMO).
2Il-proġett jinvolvi: a) it-tfassil, il-kostruzzjoni, l-operat, il-manutenzjoni u l-isfruttament ta’ awtostrada ġdida ta’ 283.7 km li tgħaqqad il-bliet Griegi ta’ Korinthos u ta’ Tsakona, u b) l-operat, il-manutenzjoni u l-isfruttament ta’ żewġ sezzjonijiet eżistenti tal-awtostrada mill-belt ta’ Elefsina, viċin Ateni, sa Korinthos (b’tul ta’ 63.2 km) u s-sezzjoni tal-awtostrada tal-Bypass Patra (b’tul ta’ 18.3 km) (DBFMO).
3Il-proġett jinvolvi: a) it-tfassil, il-kostruzzjoni, l-operat, il-manutenzjoni u l-isfruttament ta’ awtostrada ġdida ta’ 76 kilometru li tgħaqqad lil Tripli ma’ Kalamata, u awtostrada ġdida oħra ta’ 47 kilometru li tgħaqqad l-awtostrada minn Lefktro ma’ Sparta, kif ukoll b) il-modernizzazzjoni, l-operat, il-manutenzjoni u l-isfruttament ta’ sezzjoni ta’ 82 kilometru ta’ awtostrada eżistenti bejn Korinthos u Tripli (DBFMO).
4Il-proġett jinvolvi il-konformità mal-istandards awtostradali, u l-manutenzjoni tal-Awtostrada A-1 (is-sezzjoni bejn Santo Tomé del Puerto u Burgos) b’tul totali ta’ 150.12 Km (DBFMO).
5Il-proġett jinvolvi l-kostruzzjoni ta’ karreġġati doppji, il-konformità mal-istandards awtostradali, u l-manutenzjoni tat-triq (DBFMO).
6Kostruzzjoni, f’żona ġdida ta’ awtostrada b’żewġ karreġġati ta’ 53 km minn Gort sa Tuam, kif ukoll ta’ bypass fil-Punent ta’ Tuam, ta’ bypass mhux awtostradali b’żewġ karreġġati ta’ 4 km fil-Punent ta’ Tuam (DBFMO).
7L-objettiv tal-NBS huwa li tħeġġeġ u tiżgura l-provvista ta’ servizzi tal-broadband bi prezzijiet li jilħqu l-but ta’ kulħadd f’żoni fil-mira identifikati, li fihom l-ebda servizz ta’ dan it-tip ma huwa attwalment disponibbli (ftehim tal-proġett).
8It-tieni fażi tal-programm li tinvolvi l-akkwist tradizzjonali ta’ netwerks fibrottiċi tan-“nofs mil”, ta’ aċċess miftuħ u użati minn operaturi differenti, effettwat mill-awtoritajiet lokali u konċessjoni sussegwenti għal sieħeb privat uniku għall-ġestjoni, il-manutenzjoni u l-bejgħ bl-ingrossa lill-operaturi tal-komunikazzjoni (akkwist tradizzjonali u konċessjoni).
9Dan il-proġett jinvolvi l-kostruzzjoni u l-isfruttament ta’ infrastruttura tat-telekomunikazzjoni b'veloċità għolja fid-dipartiment ta’ Gironde. Il-proġett għandu l-għan li jipprovdi servizzi tal-Internet b’veloċità għolja ħafna) (jiġifieri aktar minn 30 Mbps) (très haut débit) liż-Żoni ta' Attività Ekonomika (ŻAE) u lill-istabbilimenti pubbliċi, kif ukoll servizzi tal-Internet b’veloċità għolja (jiġifieri aktar minn 2 Mbps) (haut débit) lill-popolazzjoni fiż-żoni bojod, li għalihom hemm nuqqas ta’ inizjattiva privata mill-operaturi tas-servizzi minħabba profittabbiltà baxxa (contrat de partenariat).
10Dan il-proġett jinvolvi l-isfruttament u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ infrastruttura tat-telekomunikazzjoni b'veloċità għolja ħafna fl-agglomerazzjoni ta’ Pau-Pyrénées. Dan il-proġett kellu l-għan li jipprovdi servizzi tal-Internet b’veloċità għolja (jiġifieri aktar minn 10 Mbits) (haut débit) lill-utenti kollha fi ħdan il-perimetru tal-Communauté d’Agglomération de Pau Pyrénées (délégation de service public)
11Dan il-proġett jinvolvi l-kostruzzjoni u l-operat ta’ netwerk dipartimentali tat-telekomunikazzjoni b’veloċità għolja f’Meurthe-et-Moselle. L-objettiv tal-proġett kien li jipprovdi infrastruttura ta’ bażi tan-netwerks bil-fibra, u kopertura tal-Internet ta’ 100 % b’veloċità minima ta’ 2 Mbps, u kopertura ta’ 95 % b’veloċità ta’ aktar minn 6 Mbps, bl-użu ta’ taħlita ta’ teknoloġiji: il-fibrottika, l-ADSL u l-WiFiMax (contrat de partenariat).
12Dan il-proġett jinvolvi l-kostruzzjoni u l-operat ta’ netwerk dipartimentali tat-telekomunikazzjoni b’veloċità għolja fid-Dipartiment tal-Hautes Pyrénées. L-objettiv tal-proġett kien li jipprovdi infrastruttura ta’ bażi tan-netwerks bil-fibra, u kopertura bl-Internet ta’ 100 % b’veloċità minima ta’ 2 Mbps, u ta’ aktar minn 20 Mbps għas-siti pubbliċi u ż-żoni tan-negozju kollha, bl-użu ta’ taħlita ta’ teknoloġiji: il-fibrottika, l-ADSL, il-WiFiMax u s-satellita (contrat de partenariat).
Anness IV
Proġetti bi Sħubija Pubblika-Privata - Ħarsa ġenerali lejn il-benefiċċji u r-riskji potenzjali meta mqabbla mal-osservazzjonijiet tal-awditjar fir-rigward tal-ambitu tal-awditjar
| Benefiċċji teoretiċi tal-PPPs | Riskji | Osservazzjonijiet tal-awditjar fir-rigward tal-ambitu tal-awditjar: 12-il proġett PPP kofinanzjati mill-UE (6 proġetti tal-awtostrada u 6 proġetti tal-ICT) f’4 Stati Membri: Franza, il-Greċja, l-Irlanda u Spanja | |
|---|---|---|---|
| Pożittivi | Negattivi | ||
| Jistgħu jippermettu l-implimentazzjoni ta’ proġetti fuq skala kbira f’salt wieħed | Inqas kompetizzjoni minħabba d-daqs tal-infrastruttura li trid tiġi akkwistata; Illużjoni finanzjarja, jiġifieri jsir użu mill-baġit tal-Istat għal aktar proġetti jew għal proġetti akbar milli normalment ikun affordabbli. |
Permezz tal-finanzjament addizzjonali, l-awtoritajiet pubbliċi setgħu jikkompletaw pjanijiet ta’ infrastruttura fuq skala akbar. | L-implimentazzjoni ta’ proġetti fuq skala akbar żiedet il-kumplessità ġenerali tal-proġett u r-riskju ta’ livelli baxxi ta’ kompetizzjoni – u għaldaqstant qiegħdet lill-awtorità pubblika f’pożizzjoni ta’ dipendenza. Dan ġara, pereżempju, fil-każ ta’ Awtostrada fil-Grreċja, fejn mill-erba’ kandidati li ġew mistiedna biex jippreżentaw offerta, tnejn għamlu dan, iżda offerta waħda biss ġiet evalwata fl-istadju finali tal-proċedura ta’ akkwist. |
| Il-ġbir flimkien tal-fażijiet tat-tfassil, il-finanzjament, il-bini, l-operat u l-manutenzjoni ta’ proġett f’kuntratt wieħed jista’ jiżgura approċċ ibbażat fuq iċ-ċiklu sħiħ tal-ħajja għal benefiċċji fuq terminu twil | Il-finanzjament tal-ispiża sħiħa tal-kostruzzjoni permezz tas-sieħeb privat jista’ jikkumplika u jdewwem l-għeluq finanzjarju, iżid l-ispejjeż finanzjarji u jesponi lis-sieħeb privat għal riskji finanzjarji akbar; Il-kombinament ta’ fażijiet differenti f’kuntratt wieħed iżid rekwiżiti u riskji elaborati għall-proċedura ta' akkwist, u jista’ jwassal għal dewmien; Il-kuntratti b’durata twila mhumiex kompatibbli mal-pass rapidu tal-bidla teknoloġika. |
Għal proġett wieħed tal-Awtostrada fl-Irlanda, l-akkwist iddewwem bi tliet snin, u dan irriżulta f’durata totali tal-akkwist ta’ ħames snin, minħabba diffikultajiet fl-għeluq finanzjarju; It-tliet proġetti ta’ awtostradi fil-Greċja ġew sospiżi minħabba li s-selliefa rtiraw mill-proġett; Il-kombinament tal-proċedura ta’ akkwist tal-PPPs mal-proġetti tal-ICT f’ambjent ta’ bidliet teknoloġiċi rapidi wassal għal spejjeż addizzjonali u duplikazzjonijiet potenzjali ta’ inizjattivi futuri (bħal fi Franza, tlieta mill-erba’ proġetti tal-broadband). |
|
| Kondiviżjoni u allokazzjoni tar-riskji lill-parti l-aktar adatta biex timmaniġġjahom | L-allokazzjoni tar-riskji tista’ tiġi influwenzata mill-ħiliet ta’ negozjar tal-partijiet involuti, b’riżultati insodisfaċenti; L-allokazzjoni tar-riskji tista’ tiġi influwenzata minn kunsiderazzjonijiet rigward it-trattament statistiku tal-proġett. |
L-allokazzjoni tar-riskji kienet jew inkoerenti (eż. rimunerazzjoni ta’ 14 % għall-kapital ta’ riskju tas-sieħeb privat minkejja esponiment baxx għar-riskju) jew mhux xierqa billi wisq riskji relatati mad-domanda ġew ittrasferiti lis-sieħeb privat (jiġifieri riskju sħiħ relatat mat-traffiku); Barra minn hekk, f’każ wieħed, il-penali u l-bonusijiet ikkanċellaw lil xulxin, bir-riżultat li s-sieħeb pubbliku ma refa’ l-ebda riskju (= allokazzjoni ineffettiva tar-riskji). |
|
| Kosteffiċjenza, u effiċjenza ta’ ħin | Rekwiżiti addizzjonali għandhom il-probabbiltà li jżidu d-durata tal-proċeduri ta’ akkwist, u dan inaqqas l-effiċjenzi miksuba matul il-kostruzzjoni; Il-kawżi tad-dewmien huma spiss indipendenti minn jekk il-proġett kienx suġġett għal proċedura ta’ akkwist tradizzjonali jew sarx permezz ta’ PPP. L-impatt tan-nuqqasijiet fl-ippjanar u fl-implimentazzjoni tal-proġetti jiġu amplifikati u jistgħu jirriżultaw f’pagamenti konsiderevoli li jiġġarrbu mis-sieħeb pubbliku. |
Dewmien sinifikanti fil-proċedura ta’ akkwist minħabba l-użu tal-possibbiltà tal-PPPs jew minħabba fatturi li ma setgħu jiġu influwenzati minnha bl-ebda mod; Barra minn hekk, matul il-fażi ta’ kostruzzjoni: sebgħa mid-disa’ proġetti kkompletati ddewmu (minn xahrejn sa 52 xahar) u dan irriżulta fi spiża żejda ta’ EUR 1.5 biljun (prinċipalment EUR 1.2 biljun fil-Greċja u EUR 0.3 biljun fi Spanja), li ġġarrbet mis-sieħeb pubbliku (30 % minnha kofinanzjata mill-UE), billi ġiet ikkawżata minn ċirkustanzi li għalihom is-sieħeb pubbliku kien prinċipalment responsabbli. |
|
| Valutazzjoni aktar realistika u robusta tal-ħtiġijiet tal-infrastruttura meħtieġa u l-użu futur tagħha | Is-sieħeb pubbliku jista’ joqgħod fuq valutazzjonijiet, imwettqa mis-sħab pubbliċi u mis-selliefa, li l-objettivi tagħhom jistgħu ma jkunux fl-interess pubbliku; Il-ħlas għall-infrastruttura f’ħafna pagamenti akkont u, f’xi każijiet, mingħajr ma l-infrastruttura tkun tidher li tinsab fi ħdan il-limiti tal-baġit jista’ jagħti dehra negattiva lill-inċentiv biex il-proġetti jiġu kklassifikati kif jixraq għar-rekwiżiti. |
Għall-biċċa l-kbira mill-proġetti awditjati, l-għażla tal-PPPs saret mingħajr ma kienet ibbażata fuq xi analiżi robusta (eż. Analiżi Komparattiva mas-Settur Pubbliku), u għaldaqstant ma ġiex iddimostrat li din l-għażla kienet dik li timmassimizza l-valur għall-flus u li tipproteġi l-interess pubbliku billi tiżgura kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni bejn il-metodi differenti ta’ akkwist pubbliku (eż. il-PPPs u l-proċeduri ta’ akkwist tradizzjonali). L-għażla tal-possibbiltà tal-PPPs ma servietx bħala prevenzjoni tal-formulazzjoni ta’ xenarji ottimisti żżejjed rigward id-domanda futura u l-użu tal-infrastruttura ppjanata (eż. fi proġett reali tal-ICT, iċ-ċifri reali tal-użu li sar mill-konsumaturi kienu 69 % inqas meta mqabbla ma’ dawk mistennija). |
|
| Standards aħjar ta’ manutenzjoni u servizz | In-nuqqas ta’ aġġustamenti awtomatiċi tal-penali, speċjalment f’kuntratti twal, jista’ jnaqqas l-inċentiv li s-sieħeb privat jiżgura manutenzjoni ta’ kwalità tajba. | L-ibbaġitjar fuq terminu twil, speċjalment rigward il-manutenzjoni, għandu l-potenzjal li jżomm livelli tajbin ta’ servizz u manutenzjoni matul id-durata tal-kuntratti. | |
| Taħt ċerti kundizzjonijiet, il-qafas tal-kontabbiltà tal-UE jista’ jippermetti li l-involviment pubbliku fil-PPPs jiġi rreġistrat bħala entrata li ma tidhirx fil-karta tal-bilanċ, u għaldaqstant dan jagħti inċentiv biex jintużaw bl-iskop li tiżdied il-konformità mal-Kriterji ta’ Konverġenza tal-Euro. | In-nuqqas potenzjali ta’ kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni bejn l-għażliet differenti tal-akkwist jista’ jirriżulta f’selezzjoni preġudikata. Tingħata inqas kunsiderazzjoni għall-aspetti tal-valur għall-flus waqt is-selezzjoni tal-possibbiltà tal-PPPs; Ir-reġistrazzjoni tal-proġetti PPP b’mod li ma jkunux jidhru fil-karta tal-bilanċ tista’ jipprovdi informazzjoni inkompleta. |
Huwa wieħed biss (Franza) mill-erba’ Stati Membri awditjati li l-proġetti PPP jiġu sistematikament irreġistrati il-karta tal-bilanċ. | Għal 5 mit-12-il proġett awditjati (li l-ispiża totali tagħhom kienet ta’ EUR 7.9 biljun), ingħatat kunsiderazzjoni importanti għall-possibbiltà li l-PPPs jiġu rreġistrati b’mod li ma jidhrux fil-karta tal-bilanċ waqt is-selezzjoni tal-possibbiltà tal-PPPs. Dan iżid ir-riskju li jkun hemm effetti kollaterali negattivi li jistgħu jdgħajfu l-valur għall-flus, l-arranġamenti żbilanċjati ta’ kondiviżjoni tar-riskji u t-trasparenza. |
| L-oqfsa legali u istituzzjonali komprensivi jistgħu jagħtu appoġġ għall-implimentazzjoni tal-proġetti PPP. | In-nuqqas ta’ strateġiji xierqa għall-użu tal-PPPs fi ħdan politika kumplessiva ta’ investiment, kif ukoll nuqqas ta’ liġijiet adegwati dwar il-PPPs u ta’ kuntratti standard, flimkien man-nuqqas ta’ kapaċità amministrattiva xierqa, jisgħu jwasslu għall-implimentazzjoni ta’ inqas proġetti PPP. | Il-Kummissjoni u l-oqfsa istituzzjonali u legali nazzjonali kkontribwew għal prestazzjoni insuffiċjenti li ġiet osservata fil-livell tal-proġetti, eż. l-għarfien espert u l-kapaċità limitati tas-settur pubbliku biex jiġu implimentati l-PPPs, kif ukoll nuqqas ta’ koerenza fl-approċċ strateġiku dwar l-użu ta’ PPPs. Għalhekk dawn ma jaqblux mal-kunsiderazzjoni akbar li l-UE tagħti lill-ingranaġġ aktar mifrux u intensiv tal-fondi pubbliċi kkombinati ma’ fondi privati, u lir-rwol li l-PPPs jista’ jkollhom f’dan ir-rigward. |
|
Glossarju
Akkwist pubbliku: Akkwist pubbliku huwa l-proċess li permezz tiegħu l-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali, reġjonali u lokali, jew il-korpi rregolati bil-liġi pubblika, jixtru prodotti, servizzi u xogħlijiet pubbliċi bħal toroq u binjiet. L-impriżi privati huma wkoll suġġetti għal regoli u/jew prinċipji tal-akkwist pubbliku kull meta jwettqu akkwisti li jkunu fil-biċċa l-kbira ffinanzjati mill-pubbliku.
Analiżi Komparattiva mas-Settur Pubbliku (PSC): Għodda komparattiva komunement użata, li tittestja jekk proposta ta’ investiment privat toffrix valur għall-flus meta mqabbla mal-forma tradizzjonali tal-akkwist.
Awtorità maniġerjali: Awtorità maniġerjali hija awtorità pubblika nazzjonali, reġjonali jew lokali (jew kwalunkwe korp pubbliku jew privat ieħor), li tkun ġiet iddeżinjata minn Stat Membru biex timmaniġġja Programm Operazzjonali. Il-kompiti tagħha jinkludu l-għażla ta’ proġetti għall-finanzjament, il-monitoraġġ ta’ kif il-proġetti jiġu implimentati u r-rappurtar lill-Kummissjoni dwar l-aspetti finanzjarji u r-riżultati miksuba.
Awtoritajiet kontraenti: Awtoritajiet kontraenti huma awtoritajiet tal-Istat, reġjonali jew lokali, jew korpi rregolati bil-liġi pubblika li jridu japplikaw id-direttivi dwar l-akkwist pubbliku għall-kuntratti pubbliċi u l-kompetizzjonijiet ta’ disinn.
Ċentru Ewropew ta’ Kompetenza dwar il-PPP (EPEC): B’appoġġ mill-BEI, huwa jaħdem f’kollaborazzjoni mal-Istati Membri biex jimmonitorja l-iżvilupp tas-suq tal-PPPs settorjali u nazzjonali u jipprovdi appoġġ għall-bini tal-kapaċitajiet istituzzjonali biex jiġu ttrattati l-PPPs fl-amministrazzjonijiet nazzjonali.
Effett ta’ ingranaġġ: Fir-rigward ta' strumenti finanzjarji li jiġu ffinanzjati mill-baġit tal-UE u mill-fondi pubbliċi nazzjonali, l-ingranaġġ jindika kemm-il euro ta' finanzjament (pubbliku u privat) kienu effettivament disponibbli biex jiġi pprovdut appoġġ finanzjarju lir-riċevituri finali għal kull euro ta' finanzjament pubbliku (fondi tal-UE u fondi pubbliċi nazzjonali) allokat għall-istrument.
Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF): Il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF) ilha mill-2014 tipprovdi għajnuna finanzjarja lil tliet setturi: enerġija, trasport u teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT). F'dawn it-tliet oqsma, is-CEF tidentifika l-prijoritajiet ta' investiment li jenħtieġ li jiġu implimentati fid-deċennju li jmiss, bħall-kurituri tal-elettriku u tal-gass, l-użu tal-enerġija rinnovabbli, il-kurituri tat-trasport interkonnessi u l-modi ta’ trasport aktar nodfa, il-konnessjonijiet tal-broadband b'veloċità għolja u n-netwerks diġitali.
Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS): Il-FEIS huwa l-ewwel pilastru tal-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa, tal-Kummissjoni, li jissejjaħ ukoll il-“Pjan ta’ Juncker”. Huwa għandu l-għan li jimmobilizza, matul il-perjodu mill-2015 sal-2017, mill-inqas EUR 315-il biljun f'investiment privat u pubbliku fuq terminu twil fl-UE kollha. Il-FEIS huwa stabbilit fi ħdan il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) bħala fond fiduċjarju b'durata illimitata, biex jiffinanzja l-partijiet, ta' proġetti, li jkunu aktar riskjużi. Garanzija b’ammont massimu ta’ EUR 16-il biljun, li hija appoġġata mill-baġit tal-UE, se tikkumpensa r-riskju addizzjonali li jittieħed mill-BEI. L-Istati Membri jistgħu jikkontribwixxu għall-FEIS. Dan tal-aħħar jista' jiffinanzja Proġetti ta' Interess Komuni (PCIs) jew proġetti oħra ta' interkonnessjoni. Fiż-żmien meta sar l-awditu, l-adozzjoni ta’ proposta leġiżlattiva li saret biex id-durata tal-FEIS tiġi estiża sa tmiem l-2020 u biex il-garanzija tal-baġit tal-UE tiżdied għal EUR 26 biljun, kif ukoll biex tintlaħaq mira tal-investiment ta’ EUR 500 biljun, kienet għadha pendenti.
Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR): Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali għandu l-għan li jirrinforza l-koeżjoni ekonomika u soċjali fi ħdan l-Unjoni Ewropea billi jirrimedja l-iżbilanċi reġjonali prinċipali permezz ta' appoġġ finanzjarju għall-ħolqien ta' infrastrutturi u permezz ta' investimenti produttivi li joħolqu l-impjiegi, prinċipalment għan-negozji.
Fond ta’ Koeżjoni (FK): Il-Fond ta' Koeżjoni għandu l-għan li jsaħħaħ il-koeżjoni ekonomika u soċjali fi ħdan l-Unjoni Ewropea billi jiffinanzja proġetti għall-ambjent u t-trasport fl-Istati Membri li għandhom PNG per capita ta' inqas minn 90 % tal-medja tal-UE.
Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (FSIE jew Fondi SIE): L-FSIE jkopru ħames fondi separati li għandhom l-għan li jnaqqsu l-iżbilanċi reġjonali fl-Unjoni kollha, b’oqfsa ta’ politika ssettjati għall-perjodu baġitarju tal-QFP ta’ seba’ snin. Il-fondi jinkludu: il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR); il-Fond Soċjali Ewropew (FSE); il-Fond ta’ Koeżjoni (FK); il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR); u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS).
Ġestjoni kondiviża: Metodu ta' implimentazzjoni tal-baġit tal-UE, li fih il-Kummissjoni tiddelega kompiti ta' implimentazzjoni lill-Istati Membri, filwaqt li żżomm ir-responsabbiltà finali.
Għeluq finanzjarju: Il-punt li fih, fil-każ ta’ PPP, il-ftehimiet kollha ta’ finanzjament jiġu ffirmati u l-kundizzjonijiet meħtieġa kollha li jkun hemm fihom ikunu ġew issodisfati. B’dan il-mod, il-fluss tas-sorsi ta’ finanzjament u ta’ fondi għall-proġett (eż. self, ekwità, għotjiet) ikun jista’ jibda biex b’hekk tkun tista’ tibda l-implimentazzjoni tal-proġett.
Għotjiet: Kontribuzzjonijiet finanzjarji diretti (donazzjonijiet) li jsiru mill-baġit biex tiġi ffinanzjata azzjoni maħsuba biex tgħin fl-ilħuq ta’ objettiv ta’ politika tal-UE jew biex tappoġġa l-funzjonament ta’ korp li jfittex li jilħaq għan ta’ interess ġenerali Ewropew jew li jkollu objettiv li jkun parti minn politika tal-UE.
Jessica: JESSICA hija inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea, li ġiet żviluppata f’kooperazzjoni mal-BEI u mal-Bank ta' Żvilupp tal-Kunsill tal-Ewropa (CEB). Hija tappoġġa l-iżvilupp urban sostenibbli u r-riġenerazzjoni permezz ta’ strumenti ta’ inġinerija finanzjarja, previsti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 tal-11 ta’ Lulju 2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta' Koeżjoni1.
Netwerks Trans-Ewropej tat-Trasport (TEN-T): In-Netwerks Trans-Ewropej tat-Trasport (TEN-T) huma sett ippjanat ta' netwerks tat-trasport bit-triq, bil-ferrovija, bl-ajru u fuq l-ilma fl-Ewropa. L-iżvilupp tal-infrastruttura tat-TEN-T huwa marbut mill-qrib mal-implimentazzjoni u t-titjib ulterjuri tal-politika tat-trasport tal-UE. Dan jinkludi n-Netwerk Ewlieni u n-Netwerk Komprensiv, li jeħtieġ li jiġu kkompletati sal-2030 u l-2050 rispettivament.
Perjodu ta' programmazzjoni: Il-qafas pluriennali li fi ħdanu n-nefqa tal-Fondi Strutturali u tal-Fond ta’ Koeżjoni tiġi ppjanata u implimentata.
Proġett ikkombinat: Proġett PPP li jikkombina l-fondi tal-UE ma’ riżorsi privati ta’ finanzjament.
Proġett kbir: Proġett li jinkludi sensiela ta’ xogħlijiet ekonomikament indiviżibbli li jissodisfaw funzjoni teknika preċiża, b’għanijiet identifikati b’mod ċar, u li l-ispiża totali tiegħu meħuda inkunsiderazzjoni biex tiġi ddeterminata l-kontribuzzjoni tal-fondi, tkun taqbeż l-ammont ta’ EUR 50 miljun jew EUR 75 miljun fil-każ ta’ proġett għat-trasport. L-approvazzjoni tal-Kummissjoni hija meħtieġa fil-livell tal-proġetti individwali.
Programm operazzjonali (PO): PO jistipula l-prijoritajiet u l-objettivi speċifiċi ta’ Stat Membru, u kif il-finanzjament (kofinanzjament mill-UE, u kofinanzjament pubbliku nazzjonali u privat) ikun se jintuża matul perjodu partikolari (ġeneralment ta’ seba’ snin) biex jiffinanzja proġetti. Dawn il-proġetti jridu jikkontribwixxu għall-ilħuq ta' ċertu għadd ta’ objettivi li jiġu speċifikati fil-livell tal-assi prijoritarju tal-PO. Il-programmi operazzjonali jistgħu jiksbu finanzjament mill-FEŻR, mill-FK u/jew mill-FSE. PO jitħejja mill-Istat Membru u jrid jiġi approvat mill-Kummissjoni qabel ma jkunu jistgħu jsiru xi pagamenti mill-baġit tal-UE. Il-programmi operazzjonali jistgħu jiġu modifikati biss matul il-perjodu kopert jekk iż-żewġ partijiet jaqblu.
Regolament dwar dispożizzjonijiet komuni (RDK): Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/20062.
Sistema Ewropea tal-kontijiet nazzjonali u reġjonali (ESA): L-istatistika tal-ESA tiġi prodotta f’livell makroekonomiku aggregat għas-setturi tal-amministrazzjoni pubblika u tintuża bħala l-qafas ta’ referenza għall-politika tal-finanzi pubbliċi, inkluż ir-rappurtar li jsir mill-Istati Membri dwar il-konformità tagħhom mal-kriterji ta’ Maastricht dwar id-dejn u d-defiċit. F’konformità mar-Regolament tal-Kunsill (UE) 549/2013 tal-21 ta’ Mejju 2013, l-ESA 2010 ilha tapplika għall-Istati Membri kollha minn Settembru 2014.
Strumenti finanzjarji: Strumenti finanzjarji huma terminu ġeneriku għal kuntratti li jipprovdu lid-detentur tagħhom bi klejm fuq obbligant. L-UE tipprovdi appoġġ għal tliet tipi possibbli ta' strumenti finanzjarji: strumenti ta’ ekwità, ta’ self u ta’ garanzija. L-istrumenti ta' ekwità jew ta' self huma kuntratti li jsiru bejn investitur u destinatarju ta' investiment, jew bejn sellief u mutwatarju. Il-garanziji huma kuntratti li permezz tagħhom garanti jiggarantixxi d-drittijiet ta' investitur jew ta' sellief.
Noti finali
1 ĠU L 210, 31.7.2006, p. 25.
2 ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320.
3 L-OECD, “Principles of Public Governance of Public-Private Partnerships” (Prinċipji tal-Governanza Pubblika ta’ Sħubiji Pubbliċi-Privati), 2012.
4 It-tliet kategoriji prinċipali ta’ PPP huma: (a) konċessjonijiet, fejn, tipikament, l-utenti finali tas-servizz iħallsu lis-sieħeb privat direttament, mingħajr l-ebda rimunerazzjoni (jew rimunerazzjoni mnaqqsa) mis-settur pubbliku; (b) impriżi konġunti, jew PPPs istituzzjonali, fejn kemm is-settur pubbliku kif ukoll dak privat isiru azzjonisti f’kumpanija terza; (c) PPPs kuntrattwali, fejn ir-relazzjoni bejn il-partijiet tiġi rregolata minn kuntratt.
5 PPPs li taħthom is-sieħeb pubbliku jħallas lis-sieħeb privat għas-servizzi pprovduti.
6 Ara pereżempju ċ-Ċentru tar-Riżorsi tal-PPPs fil-qasam tal-Infrastruttura tal-Bank Dinji, l-EPEC, “The Non-Financial Benefits of PPPs-A review of Concepts and methodology” (Il-Benefiċċji Mhux Finanzjarji tal-PPPs-Eżaminar tal-Kunċetti u l-metodoloġija), Ġunju 2011; il-Ġurnal tal-OECD dwar l-Ibbaġitjar, il-Volum 2011/1, “How To Attain Value for Money: Comparing PPP and Traditional Infrastructure Public Procurement” (Kif Jinkiseb Valur għall-Flus: Tqabbil bejn il-PPPs u l-Akkwist Pubbliku Tradizzjonali fil-qasam tal-Infrastruttura); l-EPEC, “PPP Motivations and challenges for the Public Sector” (Motivazzjonijiet u sfidi li s-Settur Pubbliku jiffaċċja fir-rigward tal-PPPs), Ottubru 2015.
7 Ir-Regolament (UE) Nru 549/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar is-sistema Ewropea tal-kontijiet nazzjonali u reġjonali fl-Unjoni Ewropea (ESA 2010) (ĠU L 174 26.6.2013, p. 1), applikabbli għall-Istati Membri kollha minn Settembru 2014 ‘il quddiem.
8 Il-Kriterji ta’ Koverġenza tal-Euro – magħrufa wkoll bħala l-“Kriterji ta’ Maastricht” – huma bbażati fuq l-Artikolu 140 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. L-Istati Membri huma meħtieġa jissodisfaw dawn il-kriterji biex jidħlu fit-tielet stadju tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja u jadottaw l-euro bħala l-munita tagħhom. Il-kriterji fiskali huma li l-proporzjon tad-defiċit annwali tal-gvern ġenerali ma jridx jaqbeż it-3 % tal-PDG bi prezzijiet tas-suq u li l-proporzjon tad-dejn tal-gvern għall-PDG ma jridx jaqbeż is-60 % fi tmiem is-sena fiskali.
9 Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni - EWROPA 2020 Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv - COM (2010) 2020 final.
10 COM(2011) 144 final tat-28 ta' Marzu 2011 "White Paper: Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti”, p. 28.
11 Ir-Regolament (UE) Nru 1316/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 913/2010 u jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 680/2007 u (KE) Nru 67/2010 (ĠU L 348, 20.12.2013, p. 129).
12 Ir-Regolament (UE) 2015/1017 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ġunju 2015 dwar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, iċ-Ċentru Ewropew ta’ Konsulenza għall-Investimenti u l-Portal Ewropew ta’ Proġetti ta’ Investiment u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1291/2013 u (UE) Nru 1316/2013 – il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (ĠU L 169, 1.7.2015, p. 1).
13 Ir-Regolament (KE) Nru 680/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2007 li jistabbilixxi r-regoli ġenerali għall-għoti ta' għajnuna finanzjarja Komunitarja fil-qasam tan-netwerks trans-Ewropej tat-trasport u tal-enerġija (ĠU L 162, 22.6.2007, p. 1), kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 670/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2012.
14 Commission decision C(2010) 941 of 25 February 2010 on European Union participation in the 2020 European Fund for Energy, Climate Change and Infrastructure (the Marguerite Fund) (Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2010) 941 tal-25 ta’ Frar 2010 dwar il-parteċipazzjoni tal-Unjoni Ewropea fil-Fond Ewropew tal-2020 għall-Enerġija, it-Tibdil fil-Klima u l-Infrastruttura (il-Fond Marguerite)).
15 Commission decision C(2010) 796 final of 2010 establishing an annual work programme for granting financial aid in the field of trans-European Transport network (TEN-T) for 2010 (Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2010) 796 final tal-2010 li tistabbilixxi programm ta’ ħidma annwali għall-għoti ta’ għajnuna finanzjarja fil-qasam tan-Netwerk Trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T) għall-2010).
16 Billi Stati Membri differenti għandhom interpretazzjoni u definizzjoni diverġenti ta’ x’jikkostitwixxi PPP (eż. il-konċessjonijiet jitqiesu bħala PPPs fil-Greċja iżda mhux fi Franza), it-tim tal-awditjar adotta interpretazzjoni usa’ ta’ PPP, inklużi diversi forom ta’ kooperazzjoni pluriennali bejn is-sħab pubbliċi u dawk privati. B’hekk, aħna għażilna żewġ proġetti tal-ICT fl-Irlanda, li ma ġewx formalment meqjusin u akkwistati bħala PPPs mill-awtoritajiet Irlandiżi, iżda kienu jinvolvu ċerti karatteristiċi tal-PPPs.
17 Il-modernizzazzjoni tas-sezzjoni tal-Awtostrada Elefsina – Korinthos, li hija twila 64 km, kienet tirrikjedi 20 sena (mill-1986 sal-2006) u ġiet implimentata permezz ta’ 21 kuntratt ta' akkwist pubbliku tradizzjonali. B’mod simili, il-kostruzzjoni tas-sezzjoni tal-Bypass Patra, li hija twila 18-il km, kienet tirrikjedi 11-il sena (mill-1991 sal-2002) u ġiet implimentata permezz ta’ 10 kuntratti ta' akkwist pubbliku tradizzjonali.
18 Għall-kuntrarju ta’ proġetti tradizzjonali, fejn is-sieħeb privat jiġi rimunerat matul ix-xogħlijiet ta’ infrastruttura, fil-każ tal-PPPs jeħtieġ li s-sieħeb privat jiffinanzja l-ispiża kollha kemm hi tal-infrastruttura qabel ma jibda jiġi rimunerat. Għalhekk jeħtieġ li huwa jidentifika u jikkuntratta selliefa li jkunu partijiet terzi, sabiex iwettaq il-proġett.
19 Ara r-Rapport Speċjali Nru 23/2016 “It-trasport marittimu fl-UE: f’baħar ta’ inkwiet — sar ħafna investiment li la huwa effettiv u lanqas sostenibbli” u r-Rapport Speċjali Nru 4/2012 “L-użu ta’ Fondi Strutturali u ta’ Koeżjoni għall-kofinanzjament ta’ infrastrutturi tat-trasport fil-portijiet: investiment effettiv?” (http://eca.europa.eu).
20 Ara pereżempju l-EPEC, “The Non-Financial Benefits of PPPs - A review of Concepts and Methodology”, Ġunju 2011.
21 Il-Greċja tliet proġetti, Spanja żewġ proġetti, Franza żewġ proġetti.
22 Qabel ma kkonkludew il-ftehimiet ta’ self, is-selliefa tal-fondi għall-proġetti ħejjew xenarji ta’ kriżi, li kienu jassumu, fl-agħar każ possibbli, tnaqqis ta’ 20 % fit-traffiku meta mqabbel max-xenarju bażi.
23 Ara wkoll id-Deċiżjonijiet dwar l-Għajnuna mill-Istat C(2013) 9274 final, Suġġett: Għajnuna mill-Istat SA.36893 (2013/N), C(2013) 9253 final, Għajnuna mill-Istat SA.36878 (2013/N), C(2014)7798 final, Għajnuna mill-Istat SA.39224 (2014/N).
24 EUR 1.6 biljun għal 744 km imqabbla ma’ EUR 2.0 biljun għal 486 km.
25 Din is-sitwazzjoni spiss tissejjaħ “illużjoni finanzjarja”.
26 Skont ir-Rapport Speċjali Nru 5/2013 tal-QEA “Il-fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni tal-UE jintnefqu sew fuq it-toroq?”, l-għażla ta’ toroq għat-traffiku veloċi tista’ spiss tirriżulta fi ffrankar medju ta’ 43 % meta mqabbla mal-awtostradi.
27 Il-kontribuzzjoni tal-Kummissjoni għall-Fond Marguerite ġiet iffinanzjata taħt ir-Regolament Nru 680/2007 (ir-Regolament dwar it-TEN), li taħt l-Artikolu 11, jipprevedi li l-Istati Membri għandhom ċerti obbligi, bħal li “jimplimentaw […] il-proġetti ta' interess komuni li jirċievu għajnuna finanzjarja Komunitarja mogħtija taħt dan ir-Regolament”, “jieħdu ħsieb il-monitoraġġ tekniku u l-kontroll finanzjarju tal-proġetti f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni ” u li “jiċċertifikaw ir-realtà u l-konformità tan-nefqa mġarrba fir-rigward ta' proġetti jew partijiet ta' proġetti”, mingħajr ma ssir distinzjoni bejn forom differenti ta’ finanzjament. Jirriżulta li fir-rigward tal-implimentazzjoni, tal-monitoraġġ u tal-kontroll finanzjarju tal-proġetti appoġġati mill-Fond Marguerite, il-Qorti tista’ titlob direttament lill-Istati Membri jipprovdu l-informazzjoni rilevanti għall-fini tal-awditu, inklużi dawk li jirrigwardaw il-proċedura nazzjonali mwettqa bil-ħsieb li jingħataw kuntratti PPP.
28 Is-sħab prinċipali normalment ikollhom aċċess għal kundizzjonijiet ta’ self aktar għaljin mill-Gvernijiet Statali u jirrikjedu rimunerazzjoni għolja għall-kapital ta’ riskju li, għall-proġettii awditjati, xi kultant laħqet ir-rata ta’ 14 % kull sena.
29 Il-mudelli finanzjarji li elaborajna wrew li aktar ma l-infrastruttura tkun tirrikjedi spejjeż għoljin tal-manutenzjoni u aktar ma tkun baxxa d-differenza fir-rati tal-imgħax li jitħallsu mill-pubbliku u mill-privat, aktar ikun probabbli li l-PPPs ikollhom iffrankar suffiċjenti fuq terminu twil.
30 Fir-rapport tal-awditjar tagħha Les partenariats public-privé des collectivités territoriales: des risques à maîtriser, Cour des comptes française, Rapport public annuel 2015, il-Qorti tal-Awdituri Franċiża wkoll osservat dgħufijiet fl-użu tal-Analiżijiet Komparattivi mas-Settur Pubbliku.
31 Taħt il-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013 tal-FSIE, mid-968 proġett kbir b’valur ta’ EUR 155.2 biljun approvati mill-Kummissjoni Ewropea, 28 kienu jikkonsistu fi proġetti PPP b’valur ta’ EUR 11.8 biljun għal kontribuzzjoni mill-UE ta’ EUR 4.8 biljun. Proġetti kofinanzjati mill-Fond Marguerite jiġu approvati mill-Kumitat tal-Investiment tal-Fond. Il-Kummissjoni ma tagħmilx parti minn dan il-kumitat.
32 Ara pereżempju l-EPEC, “The Non-Financial Benefits of PPPs - A review of Concepts and Methodology”, Ġunju 2011.
33 Permezz tal-Plan France Très Haut Débit 2013-2022 li tnieda fi Frar 2013, il-Gvern innifsu daħal għall-impenn li jikseb kopertura ta’ 100 % tal-infrastruttura tal-broadband bil-fibrottika sal-2022.
34 Proġetti PPP li jkollhom spejjeż ogħla jistgħu jkunu suġġetti għal-liġi tal-PPPs abbażi ta’ deċiżjoni unanima tal-Kumitat Interministerjali għall-PPPs.
35 L-Opinjoni Nru 2/2016 “Il-FEIS: proposta bikrija għall-estensjoni u l-espansjoni” (http://www.eca.europa.eu).
36 L-Awtostrada N17/N18 fl-Irlanda, l-Awtostrada C-25 fi Spanja u l-Awtostrada Ċentrali, l-Awtostrada Moreas u t-taqsimiet l-oħra tal-Awtostrada Olympia fil-Greċja.
37 Dawn id-dispożizzjonijiet ma japplikawx għall-proġetti PPP fuq skala kbira li jammontaw għal aktar minn EUR 500 miljun li mhumiex inklużi fil-qafas tal-PPPs.
38 Estudio de viabilidad Económica Financiera Autovía A-1 Tramo 2 P.K. 101 a 247, p. 15, Marzu 2006.
39 L-Istati Membri huma mitluba jibagħtu lill-Eurostat, kull sitt xhur, lista tal-akbar 10 proġetti PPP, iżda din il-lista ma tkunx disponibbli għall-pubbliku.
| Avveniment | Data |
|---|---|
| Adozzjoni tal-APM / Bidu tal-awditu | 20.4.2016 |
| L-abbozz tar-rapport jintbagħat uffiċjalment lill-Kummissjoni (jew lil parti awditjata oħra) | 23.11.2017 |
| Adozzjoni tar-rapport finali wara l-proċedura kontradittorja | 7.2.2018 |
| Ir-risposti uffiċjali tal-Kummissjoni (jew ta’ parti awditjata oħra) riċevuti bil-lingwi kollha | 8.3.2018 |
Tim tal-awditjar
Ir-rapporti speċjali tal-QEA jippreżentaw ir-riżultati tal-awditi li twettaq ta’ politiki u programmi tal-UE, jew ta’ suġġetti relatati mal-ġestjoni minn oqsma speċifiċi tal-baġit tal-UE. Il-QEA tagħżel u tfassal dawn il-kompiti tal-awditjar biex timmassimizza l-impatt tagħhom billi tqis ir-riskji għall-prestazzjoni jew għall-konformità, il-livell ta' introjtu jew ta' nfiq involut, l-iżviluppi li jkunu għad iridu jseħħu u l-interess politiku u pubbliku.
Dan l-awditu tal-prestazzjoni twettaq mill-Awla II tal-Awditjar li tispeċjalizza fl-oqsma ta’ nfiq Investiment għall-koeżjoni, it-tkabbir u l-inklużjoni, u li hija mmexxija minn Iliana Ivanova, Membru tal-QEA. L-awditu tmexxa minn Oskar Herics, Membru tal-QEA, li ngħata appoġġ minn Thomas Obermayr, Kap tal-Kabinett; Pietro Puricella, Maniġer Prinċipali; Enrico Grassi, Kap tal-Kompitu; Guido Fara, Di Hai, Svetoslav Hristov, Maria del Carmen Jiménez, Chrysoula Latopoulou u Maria Ploumaki, Awdituri.
Kuntatt
IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI
12, rue Alcide De Gasperi
1615 Luxembourg
LUXEMBOURG
Tel. +352 4398-1
Mistoqsijiet: eca.europa.eu/mt/Pages/ContactForm.aspx
Sit web: eca.europa.eu
Twitter: @EUAuditors
Ħafna informazzjoni addizzjonali dwar l-Unjoni Ewropea hija disponibbli fuq l-Internet.
Jista’ jsir aċċess għaliha permezz tas-server Europa (http://europa.eu).
Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2018
| ISBN 978-92-872-9547-7 | ISSN 1977-5741 | doi:10.2865/654460 | QJ-AB-18-004-MT-N | |
| HTML | ISBN 978-92-872-9487-6 | ISSN 1977-5741 | doi:10.2865/962837 | QJ-AB-18-004-MT-Q |
© L-Unjoni Ewropea, 2018
Għal kull użu jew riproduzzjoni ta’ ritratti jew materjal ieħor li ma jaqax taħt id-drittijiet tal-awtur tal-Unjoni Ewropea, irid jintalab il-permess direttament mingħand id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur.
KIF TIKKUNTATTJA LILL-UE
Personalment
Madwar l-Unjoni Ewropea kollha hemm mijiet ta’ ċentri ta’ informazzjoni tal-Europe Direct. Tista’ ssib l-indirizz tal-eqreb ċentru għalik f’dan is-sit: https://europa.eu/european-union/contact_mt
Bit-telefown jew bil-posta elettronika
Europe Direct huwa servizz li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar l-Unjoni Ewropea. Tista’ tikkuntattja dan is-servizz:
- bit-telefown bla ħlas: 00 800 6 7 8 9 10 11 (ċerti operaturi jafu jimponu ħlas għal dawn it-telefonati),
- fuq dan in-numru standard: +32 22999696, jew
- bil-posta elettronika permezz: https://europa.eu/european-union/contact_mt
KIF ISSIB TAGĦRIF DWAR L-UE
Onlajn
L-informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE hija disponibbli fuq is-sit web Europa fuq: https://europa.eu/european-union/index_mt
Pubblikazzjonijiet tal-UE
Tista’ tniżżel mill-internet jew tordna l-pubblikazzjonijiet tal-UE, li xi wħud minnhom huma bla ħlas u xi oħrajn bil-ħlas, mill-EU Bookshop fl-indirizz li ġej: https://op.europa.eu/mt/web/general-publications/publications. Kopji multipli ta’ pubblikazzjonijiet bla ħlas tista’ tiksibhom billi tikkuntattja lil Europe Direct jew liċ-ċentru tal-informazzjoni lokali tiegħek (ara http://europa.eu/contact).
Il-liġi tal-UE u dokumenti relatati
Għal aċċess għall-informazzjoni legali tal-UE, inkluż il-liġijiet kollha tal-UE mill-1951 ’l hawn, fil-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali kollha, żur is-sit EUR-Lex hawnhekk: http://eur-lex.europa.eu/homepage.html?locale=mt
Dejta Miftuħa mill-UE
Il-portal tad-Dejta Miftuħa mill-UE (http://data.europa.eu/euodp) jipprovdi aċċess għal settijiet tad-dejta mill-UE. Id-dejta tista’ titniżżel mill-internet u tintuża mill-ġdid bla ħlas, kemm għal skopijiet kummerċjali kif ukoll mhux kummerċjali.
