L-asil, ir-rilokazzjoni u r-ritorn ta’ migranti: Wasal iż-żmien li tingħata spinta biex jiġu indirizzati d-disparitajiet bejn l-objettivi u r-riżultati.
Dwar ir-rapport:
F’dan l-awditu, aħna vvalutajna jekk l-azzjoni ta’ appoġġ li ġiet iffinanzjata mill-UE favur il-Greċja u l-Italja kinitx laħqet l-objettivi tagħha, u jekk il-proċeduri ta’ asil u ta’ ritorn kinux effettivi u rapidi. Aħna vvalutajna wkoll jekk l-iskemi temporanji ta’ rilokazzjoni ta’ emerġenza kinux laħqu l-miri u l-objettiv tagħhom. Aħna nikkonkludu li hemm disparitajiet bejn l-objettivi tal-appoġġ li ngħata mill-UE u r-riżultati li nkisbu. L-iskemi ta’ rilokazzjoni ta’ emerġenza ma laħqux il-miri tagħhom. Minkejja li kien hemm żieda fil-kapaċità tal-awtoritajiet Griegi u Taljani, l-implimentazzjoni tal-proċeduri ta’ asil qed tkompli tiġi affettwata minn żminijiet tal-ipproċessar li huma twal u minn konġestjonijiet. Bħal fil-bqija tal-UE, l-ammont ta’ ritorni mill-Greċja u mill-Italja huwa baxx, għar-raġunijiet li ġew identifikati f’dan ir-rapport.
Rapport speċjali tal-QEA skont l-Artikolu 287(4), it-tieni subparagrafu, TFUE.
Sommarju eżekuttiv
IFi snin reċenti, l-UE esperjenzat livelli ta’ migrazzjoni li huma mingħajr preċedent, kif ukoll żieda sussegwenti fl-applikazzjonijiet għall-asil, imbagħad is-sitwazzjoni reġgħet lura għal-livelli ta’ qabel il-kriżi.
IIFl-2017, aħna ppubblikajna rapport dwar il-hotspots stabbiliti fil-Greċja u fl-Italja, li jservu bħala l-ewwel ċentri ta’ akkoljenza fejn il-migranti li jaslu jiġu identifikati, irreġistrati u jitteħdulhom il-marki tas-swaba’. Il-Parlament Ewropew approva l-konklużjonijiet ta’ dan ir-rapport u talabna biex nikkunsidraw li nwettqu segwitu rapidu li jinkludi analiżi tal-proċeduri ta’ rilokazzjoni, ta’ asil u ta’ ritorn.
IIIF’dan l-awditu, aħna vvalutajna jekk l-azzjoni ta’ appoġġ li ġiet iffinanzjata mill-UE favur il-Greċja u l-Italja kinitx laħqet l-objettivi tagħha, u jekk il-proċeduri ta’ asil u ta’ ritorn kinux effettivi u rapidi. Aħna vvalutajna wkoll jekk l-iskemi temporanji ta’ rilokazzjoni ta’ emerġenza kinux laħqu l-miri u l-objettiv tagħhom. Aħna nikkonkludu li hemm disparitajiet bejn l-objettivi tal-appoġġ li ngħata mill-UE u r-riżultati li nkisbu. Minkejja li kien hemm żieda fil-kapaċità tal-awtoritajiet Griegi u Taljani, l-implimentazzjoni tal-proċeduri ta’ asil fil-Greċja u fl-Italja qed tkompli tiġi affettwata minn żminijiet tal-ipproċessar li huma twal u minn konġestjonijiet. Bħal fil-bqija tal-UE, l-ammont ta’ ritorni mill-Greċja u mill-Italja huwa baxx.
IVAħna sibna li r-rakkomandazzjonijiet fir-rapport speċjali tagħna tal-2017 kienu ġew implimentati fil-biċċa l-kbira mill-aspetti jew kienu qed jiġu implimentati u, fejn dan ma kienx il-każ, aħna stabbilejna r-raġunijiet. Ir-reġistrazzjoni u t-teħid tal-marki tas-swaba’ tal-migranti fil-hotspots kienu tjiebu b’mod sinifikanti. Madankollu, l-iskemi temporanji ta’ rilokazzjoni ta’ emerġenza ma laħqux il-miri tagħhom u, għaldaqstant, naqsu milli jtaffu b’mod effettiv il-pressjoni fuq is-sistemi ta’ asil Griegi kif ukoll dawk Taljani.
VAħna eżaminajna 20 azzjoni ta’ appoġġ li ttieħdu mill-UE fil-Greċja u fl-Italja. Għalkemm dawn indirizzaw il-ħtiġijiet identifikati, aħna sibna dgħufijiet fit-tfassil tagħhom. Sibna wkoll li l-biċċa l-kbira mill-proġetti li analizzajna ma kinux laħqu l-miri tagħhom kompletament. Aħna ħadna inkunsiderazzjoni l-qafas ta’ ġestjoni tal-prestazzjoni u sibna li dan ġie stabbilit tard u li ma kien jinkludi l-ebda mira. Barra minn hekk, id-data dwar il-prestazzjoni disponibbli ma kinitx biżżejjed.
VIAħna vvalutajna l-impatt tal-azzjoni ta’ appoġġ li ttieħdet mill-UE fil-livell nazzjonali billi eżaminajna jekk il-proċeduri ta’ asil u ta’ ritorn kinux saru aktar rapidi u effettivi. Aħna sibna li l-kapaċità ta’ pproċessar tal-każijiet ta’ asil kienet żdiedet kemm fil-Greċja kif ukoll fl-Italja, iżda li din kienet għadha mhix suffiċjenti biex tindirizza l-akkumulazzjoni li dejjem qed tiżdied ta’ applikazzjonijiet fil-Greċja. Peress li l-għadd ta’ applikazzjonijiet ġodda fl-Italja huwa inqas, l-akkumulazzjoni qed tonqos, iżda l-kapaċità ta’ pproċessar tal-għadd kbir ta’ appelli għall-ewwel deċiżjoni mhix suffiċjenti.
VIIL-għadd ta’ migranti li fil-fatt jiġu rritornati huwa ferm inqas mid-deċiżjonijiet ta’ ritorn li jittieħdu, kemm fil-Greċja u fl-Italja kif ukoll fl-UE kollha kemm hi. Aħna identifikajna raġunijiet għal din is-sitwazzjoni; pereżempju: it-tul taż-żmien meħtieġ għall-ipproċessar tal-każijiet ta’ asil, il-kapaċità insuffiċjenti fiċ-ċentri ta’ detenzjoni, il-kooperazzjoni diffiċli mal-pajjiż ta’ oriġini tal-migranti, jew migranti li sempliċiment jaħarbu ladarba tittieħed deċiżjoni biex dawn jintbagħtu lura.
VIIIL-entitajiet prinċipali tagħna kienu l-Kummissjoni Ewropea, l-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-Qasam tal-Asil (EASO) u l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (li spiss tissejjaħ “Frontex”). Barra minn hekk, aħna żorna lill-awtoritajiet nazzjonali, u lil organizzazzjonijiet internazzjonali u nongovernattivi li jimplimentaw proġetti ffinanzjati mill-UE.
IXB’riżultat tal-awditu tagħna, aħna nirrakkomandaw li l-Kummissjoni tal-UE u l-aġenziji:
- jużaw it-tagħlimiet meħuda biex jibnu fuq l-esperjenza għall-fini ta’ kwalunkwe mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni volontarja li jista’ jkun hemm fil-futur;
- isaħħu l-ġestjoni tal-assistenza ta’ emerġenza u tal-programmi nazzjonali taħt il-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni;
- itejbu s-sostenn operazzjonali pprovdut mill-EASO għall-proċeduri ta’ asil;
- jaġġustaw l-appoġġ għar-ritorn u l-istazzjonament tal-esperti fil-hotspots min-naħa tal-Frontex;
- jirrinfurzaw il-ġestjoni tas-sistemi nazzjonali ta’ asil;
- jappoġġaw ulterjorment il-proċeduri nazzjonali ta’ ritorn.
Introduzzjoni
01Fi snin reċenti, l-UE esperjenzat livelli ta’ migrazzjoni li huma mingħajr preċedent kif ukoll żieda sussegwenti fl-applikazzjonijiet għall-asil. Il-kriżi tal-migrazzjoni laħqet il-quċċata tagħha fl-2015, meta aktar minn miljun persuna wettqu l-vjaġġ perikoluż bil-baħar lejn l-Ewropa, imbagħad is-sitwazzjoni reġgħet lura għal-livelli ta’ qabel il-kriżi.
02Din iż-żieda f’daqqa fil-migrazzjoni kienet tirrappreżenta sfida għall-qafas tal-UE dwar l-asil, il-migrazzjoni u l-ġestjoni tal-fruntieri esterni. L-arranġamenti stabbiliti ġew taħt pressjoni kbira, u saħansitra ġew sospiżi temporanjament f’xi każijiet. Billi huma l-aktar esposti, il-Greċja u l-Italja għandhom piż sproporzjonat.
03Bil-ħsieb li tindirizza l-kriżi, l-UE fasslet bosta miżuri li jissupplimentaw il-finanzjament li jingħata lill-Istati Membri taħt il-politika tagħha dwar il-ġestjoni tal-migrazzjoni. Dawn jinkludu l-istabbiliment ta’ “hotspots” u l-introduzzjoni ta’ skemi ta’ rilokazzjoni temporanja. Barra minn hekk, hija ħarġet proposti leġiżlattivi biex tiġi riformata s-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil. Fil-qalba ta’ din ir-riforma hemm ir-reviżjoni tal-mekkaniżmu Dublin III, li jobbliga lill-applikanti għall-asil biex iressqu applikazzjoni fil-pajjiż li minnu jkunu daħlu l-ewwel fl-Unjoni. Ir-reviżjoni proposta tiegħu – ir-Regolament ta’ Dublin IV – tinkludi sistema ta’ rilokazzjoni permanenti li tissostitwixxi l-iskemi ta’ distribuzzjoni temporanji bbażati fuq il-kwoti li skadew f’Settembru 2017. Il-Kunsill għadu ma laħaqx kunsens fir-rigward ta’ din il-proposta.
04Skont l-approċċ hotspot, l-aġenziji tal-UE (prinċipalment l-EASO, il-Frontex u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi) jassistu fuq il-post lill-Istati Membri l-aktar esposti, fl-identifikazzjoni, fir-reġistrazzjoni, fit-teħid tal-marki tas-swaba’ u fil-ġbir ta’ informazzjoni għal dak li jirrigwarda l-migranti l-ġodda li jaslu, sabiex jaċċertaw liema huma dawk li jkunu jeħtieġu protezzjoni internazzjonali. Bejn l-2015 u l-2018, kien hemm ħames hotspots fil-Greċja u ħamsa oħra fl-Italja (il-Figura 1). Minħabba l-għadd baxx ta’ wasliet, il-hotspot fi Trapani ġiet ikkonvertita f’ċentru ta’ detenzjoni f’Ottubru 2018.
Figura 1
Hotspots fil-Greċja u fl-Italja
© L-Aġenzija Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali.
Il-Greċja u l-Italja japplikaw l-approċċ hotspot b’mod differenti. Meta jirreġistraw u jidentifikaw lill-migranti irregolari, it-tnejn li huma jirreġistraw jekk il-persuna li tkun waslet tkunx biħsiebha titlob protezzjoni internazzjonali. Fl-Italja, dawk li jagħmlu hekk jiġu ttrasferiti b’xarabank jew b’dgħajsa lejn faċilitajiet ta’ akkoljenza madwar l-Italja. B’kuntrast ma’ dan, b’segwitu għad-dikjarazzjoni UE-Turkija tat-18 ta’ Marzu 2016, il-migranti fuq il-gżejjer Griegi (għajr il-persuni vulnerabbli, il-każijiet ta’ riunifikazzjoni tal-familja u s-Sirjani ammissibbli) huma obbligati li jibqgħu fuq il-gżira tal-hotspot (taħt l-hekk imsejħa “restrizzjoni ġeografika”) matul il-proċedura kollha ta’ asil, inkluż kwalunkwe appell (il-Figura 2).
Figura 2
Stampa ġenerali tal-attivitajiet tal-hotspots fil-Greċja u fl-Italja
Sors: Il-QEA.
L-iskemi ta’ rilokazzjoni temporanja ġew introdotti minn żewġ deċiżjonijiet tal-Kunsill f’Settembru 20151. L-iskemi, li kienu operazzjonali mill-24 ta’ Marzu 2015 sas-26 ta’ Settembru 2017, kellhom l-għan li jirrilokaw 160 000 migrant, fuq il-bażi ta’ kwoti, biex il-piż jiġi kondiviż fost l-Istati Membri, u b’hekk tittaffa l-pressjoni fuq l-ewwel pajjiżi ta’ dħul.
07Politika ta’ ritorn effettiva tikkostitwixxi parti neċessarja minn politika komprensiva u leġittima dwar il-migrazzjoni. Fi tmiem l-2010, daħlet fis-seħħ id-Direttiva tal-UE dwar ir-Ritorn, li stabbiliet regoli komuni għar-ritorn ta’ migranti li jibqgħu f’pajjiż b’mod irregolari. Il-Kummissjoni pproponiet reviżjoni ta’ din id-direttiva f’Settembru 20182.
08Il-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (AMIF) jipprovdi l-maġġoranza tal-fondi tal-UE għall-ġestjoni tal-migrazzjoni. L-AMIF ġie stabbilit għall-perjodu 2014-2020 biex jippromwovi l-ġestjoni effiċjenti tal-flussi migratorji, u biex jimplimenta u jsaħħaħ il-politika komuni tal-UE dwar l-asil u l-immigrazzjoni.
09Il-biċċa l-kbira mill-finanzjament taħt l-AMIF jitwassal permezz ta’ ġestjoni kondiviża biex jiġu appoġġati l-programmi nazzjonali pluriennali tal-Istati Membri. Dawn il-programmi huma kofinanzjati mill-Istati Membri, li huma responsabbli għat-tħejjija, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tagħhom. Barra minn hekk, ir-riżorsi tal-AMIF jiffinanzjaw l-assistenza ta’ emerġenza. Immaniġġjata jew direttament mill-Kummissjoni jew inkella indirettament minn organizzazzjonijiet internazzjonali, din l-assistenza tiġi ffinanzjata kważi għalkollox mill-baġit tal-UE.
10L-EASO jgħin lill-awtoritajiet Griegi u dawk Taljani abbażi ta’ pjanijiet operattivi annwali. Fl-2018, fil-Greċja, l-EASO għen fir-reġistrazzjoni u fl-ipproċessar ta’ applikazzjonijiet għall-asil fil-fruntiera, u pprovda appoġġ għall-proċedura regolari ta’ asil, għall-awtoritajiet tal-appell u għall-Unità ta’ Dublin. Fl-Italja, l-EASO pprovda lill-migranti fil-hotspots b’informazzjoni dwar l-asil, għen fir-reġistrazzjoni ta’ applikazzjonijiet għall-asil, u appoġġa lill-kummissjonijiet nazzjonali u territorjali tal-asil kif ukoll lill-Unità ta’ Dublin.
11Barra minn hekk, l-EASO kien involut fit-tisħiħ tal-kapaċità tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fil-qasam tal-asil, fit-titjib tas-sistema ta’ akkoljenza u fil-protezzjoni ta’ gruppi vulnerabbli, inklużi l-minorenni mhux akkumpanjati.
12Fuq talba tal-Istati Membri, il-Frontex tikkoordina r-ritorn ta’ migranti irregolari li ma jkunux eliġibbli għall-protezzjoni internazzjonali fit-territorju tagħhom. Iċ-Ċentru Ewropew tagħha għar-Ritorni jipprovdi appoġġ operazzjonali u tekniku lill-Istati Membri u lill-Pajjiżi Assoċjati ma’ Schengen, kemm matul l-operazzjonijiet ta’ qabel ir-ritorn kif ukoll matul dawk ta’ ritorn.
13Mill-2006 sal-2016, il-Frontex ikkoordinat operazzjonijiet konġunti fuq titjiriet charter. Fl-2016, il-mandat tagħha ġie estiż għall-organizzazzjoni/koordinazzjoni ta’ operazzjonijiet nazzjonali ta’ ritorn. F’Diċembru 2017, hija bdiet tappoġġa wkoll ritorni fuq titjiriet kummerċjali skedati.
14Informazzjoni dettaljata dwar l-implimentazzjoni finanzjarja tal-fondi tal-AMIF, l-EASO u l-Frontex tingħata fl-Anness I.
15Fl-2017, aħna ppubblikajna rapport3 dwar il-hotspots fil-Greċja u fl-Italja. Il-Parlament Ewropew approva l-konklużjonijiet tiegħu4 u talab lill-Qorti biex “tikkunsidra rapport ta’ segwitu malajr dwar il-funzjonament tal-hotspots, bl-adozzjoni ta’ skop usa’ billi tinkludi wkoll analiżi tal-proċeduri ta’ segwitu, jiġifieri l-asil, ir-rilokazzjoni u l-proċeduri ta’ ritorn”. Dan ir-rapport iwieġeb għal dik it-talba.
Ambitu u approċċ tal-awditjar
16L-objettiv ta’ dan l-awditu tal-prestazzjoni kien li jiġi ddeterminat jekk l-appoġġ tal-UE għall-ġestjoni tal-migrazzjoni (inkluż l-approċċ hotspot) kienx għen biex jiġu stabbiliti proċeduri ta’ asil u ta’ ritorn effettivi u rapidi kemm fil-Greċja kif ukoll fl-Italja. Biex inwieġbu għal din il-mistoqsija prinċipali tal-awditjar, aħna indirizzajna żewġ sottomistoqsijiet:
- L-azzjoni ta’ appoġġ li ġiet iffinanzjata mill-UE favur il-Greċja u l-Italja laħqet l-objettivi tagħha?
Biex inwieġbu għal din is-sottomistoqsija, aħna vvalutajna jekk ir-rakkomandazzjonijiet li għamilna fir-Rapport Speċjali Nru 6/2017 kinux ġew implimentati, u jekk l-iskemi temporanji ta’ rilokazzjoni ta’ emerġenza kinux laħqu l-objettivi tagħhom. Aħna vvalutajna wkoll ir-rilevanza u t-tfassil ta’ kampjun ta’ azzjonijiet ta’ appoġġ li ġew iffinanzjati mill-UE, u analizzajna jekk l-outputs ippjanati kinux inkisbu u jekk l-objettivi tagħhom kinux intlaħqu. - Il-proċeduri ta’ asil u ta’ ritorn fl-Italja u fil-Greċja kienu effettivi u rapidi?
Biex inwieġbu din is-sottomistoqsija, aħna eżaminajna jekk kienx hemm titjib fil-prestazzjoni tal-proċeduri ta’ asil u ta’ ritorn fiż-żewġ Stati Membri mill-2015 ’il hawn. Aħna analizzajna l-prestazzjoni abbażi tad-data li nġabret mill-Kummissjoni, mill-EASO, mill-Frontex u mill-awtoritajiet nazzjonali, u identifikajna r-raġunijiet għal kull prestazzjoni insuffiċjenti.
L-awditu kopra l-perjodu mill-2015 (meta bdiet il-kriżi tal-migrazzjoni u ġew stabbiliti l-ewwel hotspots fil-Greċja u fl-Italja) sa tmiem l-2018.
18Il-kampjun tagħna ta’ azzjonijiet ta’ appoġġ iffinanzjati mill-UE kien jinkludi 6 proġetti ta’ assistenza ta’ emerġenza tal-AMIF (EMAS taħt l-AMIF) u 10 proġetti tal-programmi nazzjonali taħt l-AMIF (NP taħt l-AMIF). Aħna eżerċitajna l-ġudizzju professjonali tagħna meta għażilna l-proġetti biex niżguraw kopertura bbilanċjata tal-proċeduri awditjati (asil, għajr l-akkoljenza, rilokazzjoni u ritorn) u tat-tipi ta’ sħab inkarigati mill-implimentazzjoni (aġenziji tan-NU jew awtoritajiet nazzjonali), filwaqt li qisna wkoll il-materjalità finanzjarja u l-perjodu ta’ implimentazzjoni. Fost l-azzjoni ta’ appoġġ mill-UE li ġew eżaminati kien hemm inkluż is-sostenn operazzjonali pprovdut mill-EASO fl-2018 għall-proċeduri ta’ asil fil-Greċja u fl-Italja, kif ukoll l-appoġġ għar-ritorn li ngħata mill-Frontex favur il-Greċja u l-Italja fl-2018. Il-lista sħiħa ta’ proġetti awditjati tingħata fl-Anness II.
19L-entitajiet prinċipali li awditjajna kienu l-Kummissjoni Ewropea, l-EASO u l-Frontex, bħala l-fornituri ta’ appoġġ mill-UE għall-proċeduri ta’ asil, ta’ rilokazzjoni u ta’ ritorn (ara wkoll il-Figura 3). Barra minn hekk, aħna żorna kemm l-awtoritajiet kif ukoll il-hotspots Griegi u dawk Taljani, u l-organizzazzjonijiet internazzjonali u nongovernattivi li jimplimentaw proġetti taħt l-AMIF fil-Greċja u fl-Italja. Ix-xogħol tal-awditjar kien jinkludi analiżijiet dokumentarji ta’ direttivi u regolamenti, strateġiji, dokumenti ta’ politika, linji gwida, evalwazzjonijiet, rapporti ta’ monitoraġġ u dokumenti interni, kif ukoll dokumenti ppubblikati minn awtoritajiet nazzjonali, korpi ta’ riċerka, akkademiċi u organizzazzjonijiet nongovernattivi.
Figura 3
Ambitu tal-awditu
Sors: Il-QEA.
Aħna ma vvalutajniex il-validità tad-deċiżjonijiet individwali li ttieħdu fir-rigward tal-asil u r-ritorn, peress li kieku dan ikun jinvolvi li wieħed jidħol fil-merti ta’ każijiet individwali, u dan jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-awtoritajiet amministrattivi/ġudizzjarji nazzjonali u, fl-aħħar stadju, tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.
21L-għan tal-awditu ma kienx li tiġi vvalutata l-affidabbiltà tad-data statistika pprovduta mill-Kummissjoni, mill-EASO, mill-Frontex, mill-awtoritajiet nazzjonali jew mis-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni tal-proġetti.
Osservazzjonijiet
L-azzjoni li ttieħdet mill-UE għall-ġestjoni tal-migrazzjoni fil-Greċja u fl-Italja kienet rilevanti iżda ma laħqitx il-potenzjal sħiħ tagħha
22Aħna eżaminajna jekk:
- ir-rakkomandazzjonijiet tagħna fir-Rapport Speċjali Nru 6/2017 kinux ġew implimentati;
- il-migranti irregolari l-ġodda kollha kinux ġew irreġistrati u jekk kinux itteħdulhom il-marki tas-swaba’, kemm fil-hotspots kif ukoll barra minnhom;
- l-iskemi temporanji ta’ rilokazzjoni ta’ emerġenza kinux laħqu l-miri u l-objettiv tagħhom;
- l-20 azzjoni ta’ appoġġ li ttieħdu mill-UE li ġew eżaminati fil-Greċja u fl-Italja kinux imfassla sew fid-dawl (i) tar-rilevanza tagħhom biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet identifikati, (ii) tal-objettivi SMART u tal-indikaturi RACER; (iii) tan-nuqqas ta’ trikkib ma’ attivitajiet oħra ffinanzjati mill-UE; (iv) tas-sitwazzjoni ta’ emerġenza (għall-proġetti EMAS taħt l-AMIF), u (v) tal-istrateġija ta’ tranżizzjoni minn programmi ta’ emerġenza għal kwalunkwe programm nazzjonali fuq terminu itwal stabbilit;
- l-20 azzjoni ta’ appoġġ li ttieħdu mill-UE li ġew eżaminati kinux kisbu dak li kien ippjanat;
- kienx hemm stabbilit qafas robust ta’ monitoraġġ u ta’ rappurtar dwar il-prestazzjoni.
Ir-rakkomandazzjonijiet ewlenin qed jiġu implimentati fil-hotspots Griegi, u r-reġistrazzjoni u t-teħid tal-marki tas-swaba’ twettqu bis-sħiħ
23Aħna vvalutajna l-implimentazzjoni tal-approċċ hotspot fil-Greċja u fl-Italja fir-Rapport Speċjali 6/2017 u għamilna 11-il rakkomandazzjoni, li ġew aċċettati kollha kemm mill-Kummissjoni kif ukoll mill-aġenziji rilevanti. Minn dawn ir-rakkomandazzjonijiet, huma implimentaw sitta bis-sħiħ.
24Żewġ rakkomandazzjonijiet ewlenin qed jiġu implimentati: 1.1 (appoġġ fl-indirizzar tan-nuqqas ta’ kapaċità tal-hotspots fil-Greċja) u 2.1 (għajnuna biex jiġi żgurat li minorenni mhux akkumpanjati jiġu ttrattati f’konformità mal-istandards internazzjonali). Għal dak li jirrigwarda l-Kummissjoni u l-Aġenziji, ġew implimentati żewġ rakkomandazzjonijiet: 2.2 (l-insistenza li jinħatar uffiċjal għall-protezzjoni tat-tfal għal kull hotspot) u 3.1 (jiġu mitluba aktar esperti mill-Istati Membri biex il-ħtiġijiet tal-hotspots jiġu koperti aħjar). Rakkomandazzjoni waħda – 3.2 (jenħtieġ li l-istazzjonament ta’ esperti mill-Istati Membri jkun twil biżżejjed) – ma ġietx implimentata. Aħna nippreżentaw valutazzjoni dettaljata fl-Anness III u fil-paragrafi 25 sa 30 hawn taħt.
Il-hotspots Griegi għandhom nuqqas ta’ kapaċità
25Il-hotspots Taljani huma vojta jew kważi vojta, nodfa u mgħammra sew. B’kuntrast qawwi, il-kundizzjonijiet ta’ għajxien fil-hotspots Griegi, b’mod partikolari f’Lesbos u f’Samos, huma ħżiena minħabba affollament eċċessiv, nuqqas ta’ tobba u sigurtà inadegwata. Il-hotspots f’Lesbos u f’Samos, li għandhom kapaċità għal 3 100 u 640 migrant, kienu qed jospitaw 5 096 u 3 745 persuna, rispettivament, fi żmien iż-żjara tal-awditjar li wettaqna fi Frar 2019. Ħafna minnhom kienu qed jgħixu f’tined barra mill-perimetru tal-hotspot (l-Istampa 1). Il-proċeduri ta’ akkwist bil-mod, l-eżekuzzjoni mdewma ta’ proġetti ta’ manutenzjoni u ta’ titjib, il-wasliet kontinwi ta’ migranti ġodda u l-proċeduri ta’ asil twal flimkien jippreżentaw ostaklu għal kwalunkwe titjib rapidu fis-sitwazzjoni5.
Stampa 1
Tined improvviżati barra mill-perimetru tal-hotspot f’Lesbos, il-Greċja (Frar 2019)
Sors: Il-QEA.
Il-kundizzjonijiet għall-minorenni mhux akkumpanjati huma terribbli
26Il-kundizzjonijiet għall-minorenni mhux akkumpanjati fil-gżejjer Griegi huma terribbli (il-Kaxxa 1).
Kaxxa 1
Minorenni mhux akkumpanjati fil-hotspot f’Samos
F’Samos, aħna żorna t-taqsima tal-hotspot li fiha hemm il-minorenni. Hija kellha seba’ kontejners, kull wieħed minnhom b’kamra tal-banju waħda u żewġt ikmamar tas-salott. Xi wħud mill-kontejners ma kellhomx bibien, twieqi, sodod jew kundizzjonaturi tal-arja. Il-kapaċità uffiċjali ta’ kull kontejner kienet ta’ 8-10 minorenni, iżda f’kull wieħed minnhom kienu qed jgħixu madwar 16-il minorenni mhux akkumpanjati li saħansitra kienu qed jorqdu mal-art. It-taqsima riżervata għall-minorenni kienet tospita subien biss. F’tined jew fi djar żdingati u abbandunati barra mill-hotspot, f’estensjonijiet mhux uffiċjali għall-faċilità, kien hemm 78 minorenni mhux akkumpanjati. Jorqdu mal-art kien hemm disat ibniet mhux akkumpanjati f’kontejner ta’ 10 m2 maġenb l-uffiċċju tal-pulizija, bl-ebda kamra tal-banju jew doċċa.
Fl-Italja, il-fokus inbidel għas-sitwazzjoni fuq il-baħar, billi xi bastimenti tas-salvataġġ ma tħallewx jittrakkaw billi ma kellhomx post tal-iżbark awtorizzat. Id-dewmien fl-iżbark affettwa wkoll lil ħafna tfal, inklużi minorenni mhux akkumpanjati li ilhom bejn sema u ilma għal jiem u xi drabi anki għal ġimgħat sħaħ6.
L-istazzjonament tal-esperti mill-EASO u mill-Frontex mhuwiex allinjat kompletament mal-ħtiġijiet tal-hotspots
28Aħna osservajna nuqqas kostanti ta’ esperti nazzjonali biex jaħdmu fuq l-operazzjonijiet tal-EASO. B’kuntrast ma’ dan, il-Frontex kellha biżżejjed persunal mill-Istati Membri bis-saħħa tal-pjanijiet annwali ta’ stazzjonament tagħha. Fi żmien iż-żjara tagħna fl-Italja, il-Frontex fil-fatt kellha aktar persunal milli meħtieġ stazzjonat fil-hotspots, billi ma kinitx aġġustat il-pjan tagħha minħabba livell baxx ta’ wasliet bil-baħar u għalhekk kienet qed iżżomm preżenza permanenti ta’ persunal fil-hotspots (persuni għall-iskrinjar, esperti tad-debriefing, esperti tat-teħid tal-marki tas-swaba’), anke jekk il-hotspots kienu vojta (il-Kaxxa 2).
Kaxxa 2
Stazzjonament ta’ esperti mill-Frontex fil-hotspots Taljani
Matul iż-żjara tal-awditjar li wettaqna fi Frar 2019, disa’ membri tal-persunal tal-Frontex kienu stazzjonati fil-hotspot vojta f’Pozzallo. Fin-nuqqas ta’ migranti, dawn prinċipalment kienu qed ifittxu fuq il-midja soċjali netwerks li jiffaċilitaw l-immigrazzjoni illegali. F’Messina, il-membri tal-persunal tal-Frontex kienu qed jgħinu lill-pulizija lokali biex jirreġistraw l-applikazzjonijiet għall-asil, għalkemm din mhijiex l-attività ewlenija tal-Frontex.
Il-persunal tal-Frontex li jipprovdi appoġġ lingwistiku kien diġà ġie kkonvertit f’timijiet mobbli, iżda skont il-pjan operattiv għall-2019 kien mistenni li jkun hemm preżenza permanenti tal-esperti l-oħra kollha f’kull hotspot (8-10 fl-istaġun inqas intensiv, 8-12 fl-istaġun l-aktar intensiv) sa Jannar 2020. Fl-Italja, minħabba li ftit li xejn kienu qed jaslu migranti bil-baħar, dan ma kienx iġġustifikat. Dan kien partikolarment il-każ għall-esperti tat-teħid tal-marki tas-swaba’, li ma kellhomx aċċess għad-database nazzjonali tat-teħid tal-marki tas-swaba’, u dan illimita l-valur miżjud tagħhom għall-provvediment ta’ assistenza bażika lill-uffiċjali tal-pulizija Taljani matul il-proċess tat-teħid tal-marki tas-swaba’.
Id-durata medja tal-istazzjonament tal-esperti nazzjonali għadha qasira, kemm għall-EASO kif ukoll għall-Frontex.
30Il-profili tal-esperti mill-EASO ġeneralment jikkonformaw mar-rekwiżiti, għalkemm hemm nuqqas ta’ esperti ta’ livell għoli li jkunu esperjenzati. Il-profili tal-esperti mill-Frontex kienu jaqblu mar-rekwiżiti wkoll, għalkemm sehem għoli7 ta’ esperti mill-Frontex għall-operazzjonijiet ta’ riammissjoni lejn it-Turkija kellhom biss profil ta’ skorta; dan mhuwiex allinjat kompletament mal-ħtiġijiet tal-hotspots. B’medja ta’ operazzjoni waħda ta’ ritorn fil-ġimgħa, li ddum jum tax-xogħol wieħed, dawn l-iskorti bi profil wieħed ma jistgħux jintużaw għal xi tip ieħor ta’ operazzjoni tal-Frontex fis-sitt ijiem l-oħra tal-ġimgħa.
Ir-reġistrazzjoni, it-teħid tal-marki tas-swaba’ u l-ġbir ta’ informazzjoni tal-migranti kollha fil-hotspots u lil hinn minnhom
31Ir-rati ta’ reġistrazzjoni u ta’ teħid tal-marki tas-swaba’8 tjiebu b’mod sinifikanti, billi l-approċċ hotspot fil-Greċja u fl-Italja stabbilixxa proċeduri operattivi standard u qasam b’mod ċar ir-responsabbiltajiet bejn l-awtoritajiet nazzjonali u l-aġenziji ta’ appoġġ tal-UE.
32Madankollu, minbarra l-hotspots fl-Italja u fil-Greċja, sehem relattivament għoli ta’ migranti japplikaw għall-asil fi Stati Membri oħra tal-UE, mingħajr ma l-marki tas-swaba’ tagħhom jiġu maħżuna fid-database EURODAC fil-Kategorija 29 (il-Figura 4). Bl-esklużjoni tal-migranti legali li japplikaw għall-asil u li jkunu eżenti mit-teħid tal-marki tas-swaba’ taħt il-Kategorija 2 fil-EURODAC, in-nuqqas ta’ data dwar il-marki tas-swaba’ fil-EURODAC jista’ jiġi spjegat minn waħda minn dawn ir-raġunijiet li ġejjin:
- l-applikant għall-asil ikun daħal fl-UE permezz ta’ rotta alternattiva li mhijiex il-Gżejjer Griegi tal-Lvant tal-Eġew jew l-Italja, fejn, fin-nuqqas tal-approċċ hotspot, ir-reġistrazzjoni fil-EURODAC f’ċerti Stati Membri tista’ ma tkunx daqstant effettiva (il-Figura 4);
- l-applikant għall-asil ikun irreġistra l-applikazzjoni tiegħu aktar minn 18-il xahar qabel ma l-entrata korrispondenti tkun ġiet irreġistrata fil-EURODAC, u għalhekk id-data dwar il-marki tas-swaba’ ma tibqax maħżuna fid-database;
- l-applikant għall-asil wasal fl-UE mingħajr ma nqabad u b’hekk ma ġiex irreġistrat.
Figura 4
Il-proċess EURODAC għat-teħid tal-marki tas-swaba’
Sors: Il-QEA, ibbażat fuq data pprovduta mill-Frontex, mill-EURODAC u mill-EUROSTAT.
Il-fatt li kien hemm ħafna hits barranin tal-marki tas-swaba’ fil-EURODAC10 bejn l-2015 u l-2018 juri li għadd kbir ta’ applikanti għall-asil marru mill-Greċja u l-Italja għal Stati Membri oħra11. Il-volum għoli ta’ movimenti sekondarji fl-UE jkompli jżid id-diffikultà fl-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ Dublin.
34Taħt is-sistema attwali, hits barranin fil-EURODAC jiskattaw trasferimenti skont ir-Regolament ta’ Dublin lura lejn il-pajjiż li minnu l-migranti jkunu daħlu l-ewwel. Analiżi tad-data tal-EUROSTAT fil-fatt turi rati baxxi ta’ trasferimenti ’l barra u ’l ġewwa skont ir-Regolament ta’ Dublin għall-Greċja, għall-Italja, u tabilħaqq għall-UE kollha kemm hi12. Hemm ħafna raġunijiet għal dan, inkluż persuni li jaħarbu, raġunijiet umanitarji, deċiżjonijiet sospensivi tal-qrati, u każijiet ta’ riunifikazzjoni tal-familja.
L-iskemi temporanji ta’ rilokazzjoni ta’ emerġenza ma laħqux il-miri u l-objettiv prinċipali tagħhom
L-objettiv prinċipali tar-rilokazzjoni ntlaħaq biss parzjalment
35L-approċċ hotspot kien parti minn pakkett ta’ miżuri immedjati stabbiliti mill-Kunsill biex tiġi miġġielda l-kriżi li kienet qed isseħħ fl-2015. Parti oħra minn dan il-pakkett kien mekkaniżmu temporanju u eċċezzjonali ta’ rilokazzjoni għal applikanti bi ħtieġa ċara ta’ protezzjoni internazzjonali mill-Greċja jew mill-Italja lejn pajjiżi oħra fl-UE, sabiex jittaffa l-piż fuq dawn iż-żewġ Stati Membri l-aktar esposti.
36Il-Kunsill stabbilixxa żewġ miri inizjali għar-rilokazzjoni ta’ 40 000 u 120 000 rispettivament (total ta’ 160 000). Peress li dan sar fl-eqqel tal-kriżi tal-migrazzjoni, il-miri kienu r-riżultat ta’ negozjati politiċi aktar milli ta’ analiżi robusta tal-flussi migratorji mbassra. Billi 7 744 post (mill-40 000) qatt ma ġew allokati13, u 54 000 (mill-120 000) tqiegħdu għad-dispożizzjoni tar-risistemazzjoni ta’ Sirjani mit-Turkija b’segwitu għad-dikjarazzjoni UE-Turkija, l-Istati Membri impenjaw lilhom infushom legalment biex jirrilokaw 98 256 mill-160 000 migrant.
37Skont id-Deċiżjonijiet ta’ Rilokazzjoni, kienu biss in-nazzjonalitajiet b’rata ta’ rikonoxximent tal-asil ta’ 75 % jew ogħla – li għaldaqstant kellhom possibbiltà għolja li jingħataw protezzjoni internazzjonali fl-Istati Membri ta’ rilokazzjoni – li kienu eliġibbli għar-rilokazzjoni. L-użu ta’ din il-medja fil-livell tal-UE kien jassumi approċċi ta’ asil koerenti fost l-Istati Membri fis-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil. Madankollu, ir-rati ta’ rikonoxximent ivarjaw b’mod sinifikanti fost l-Istati Membri, b’mod partikolari għal ċerti nazzjonalitajiet14. Għalhekk, il-medja fl-UE kollha ma kinitx indikatur ottimali tal-probabbiltajiet li l-migranti jingħataw protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru partikolari. Madankollu, aħna nirrikonoxxu l-fatt li dan kien kriterju ċar li jippermetti valutazzjoni rapida tal-eliġibbiltà għar-rilokazzjoni.
38Il-Figura 5 turi li 34 705 migranti eliġibbli (12 706 mill-Italja u 21 999 mill-Greċja) ġew irrilokati lejn 22 Stat Membru u 3 pajjiżi assoċjati (il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Iżvizzera). Ir-Renju Unit u d-Danimarka eżerċitaw id-drittijiet tagħhom ta’ nonparteċipazzjoni skont it-Trattati. L-Ungerija u l-Polonja ma rrilokawx migranti15.
Figura 5
Rilokazzjoni ta’ migranti mill-Greċja u mill-Italja skont l-iskema temporanja ta’ rilokazzjoni ta’ emerġenza (2015-2017)
Sors: Il-QEA, ibbażat fuq data miġbura mill-Istati Membri.
Għal kull migrant li ġie rrilokat, il-Kummissjoni żborżat EUR 500 mill-AMIF favur il-Greċja jew l-Italja biex jiġu koperti l-ispejjeż tal-ivvjaġġar, u EUR 6 000 favur l-Istat Membru riċeventi għall-ispejjeż ta’ akkoljenza. Dan jammonta għal total ta’ EUR 225.6 miljun għall-migranti kollha li ġew irrilokati.
40L-iskemi obbligatorji ta’ rilokazzjoni kienu l-ewwel inizjattiva ta’ solidarjetà fl-istorja tal-politika Ewropea dwar il-migrazzjoni li kienet immirata lejn ir-ridistribuzzjoni fuq skala kbira ta’ applikanti għall-asil fost l-Istati Membri. Id-Deċiżjonijiet ta’ Rilokazzjoni pprovdew ukoll protezzjoni lil għadd sinifikanti ta’ applikanti li kieku kienu jibqgħu fl-Italja jew fil-Greċja, jew li setgħu jmorru lejn pajjiżi oħra b’mod irregolari.
41Madankollu, l-għadd ta’ applikanti għall-asil irrilokati ma kienx suffiċjenti biex il-pressjoni fuq is-sistemi ta’ asil fil-Greċja u fl-Italja tittaffa b’mod effettiv. Il-migranti rrilokati matul il-perjodu ta’ eliġibbiltà kienu jirrappreżentaw madwar 4 % mill-applikanti kollha għall-asil fl-Italja u madwar 22 % minn dawk fil-Greċja.
Is-sehem ta’ migranti potenzjalment eliġibbli li ġew irrilokati kien baxx ħafna
42Id-Deċiżjonijiet ta’ Rilokazzjoni kienu japplikaw għal migranti li kienu waslu fil-Greċja jew fl-Italja bejn l-24 ta’ Marzu 2015 u s-26 ta’ Settembru 2017. Is-Sirjani u l-Eritreani kienu ż-żewġ nazzjonalitajiet prinċipali li baqgħu eliġibbli matul il-perjodu kollu. L-Iraqin kienu eliġibbli sal-15 ta’ Ġunju 201616.
43Madankollu, l-Istati Membri riċeventi aċċettaw biss kandidati għar-rilokazzjoni mill-Greċja li kienu waslu fil-pajjiż qabel l-20 ta’ Marzu 2016 (id-data tad-dħul fis-seħħ tad-dikjarazzjoni UE-Turkija).
44Id-Deċiżjonijiet daħlu fis-seħħ fl-eqqel tal-kriżi tal-migrazzjoni, meta l-biċċa l-kbira mill-migranti li kieku kienu jkunu potenzjalment eliġibbli kienu jinsabu fi tranżitu fil-Greċja jew l-Italja fi proċess ta’ migrazzjoni sekondarja lejn Stati Membri oħra. Fi tmiem l-2015 sal-bidu tal-2016, kemm l-awtoritajiet Griegi kif ukoll dawk Taljani ma kellhomx biżżejjed kapaċità biex jidentifikaw u jilħqu lill-kandidati kollha li kienu potenzjalment eliġibbli fit-territorju tagħhom. L-iskemi kellhom prestazzjoni insuffiċjenti prinċipalment minħabba l-għadd baxx ħafna ta’ kandidati rreġistrati li kienu potenzjalment eliġibbli (ara l-Figura 5).
45L-għeluq tar-rotta tal-Balkani f’Marzu 2016 naqqset sinifikattivament it-tranżitu mhux ikkontrollat fil-Greċja, u ħalla ħafna kandidati potenzjalment eliġibbli għar-rilokazzjoni fil-Greċja. F’Marzu 2016, il-Kummissjoni stmat li bejn 50 000 u 56 000 persuna kellhom jibqgħu fil-Greċja, inklużi 35 000 sa 40 000 kandidat li kienu potenzjalment eliġibbli għar-rilokazzjoni. Eżerċizzju ta’ prereġistrazzjoni tal-massa, iffinanzjat permezz tal-EMAS u appoġġat mill-UNHCR u mill-EASO, għen fl-identifikazzjoni u fir-reġistrazzjoni ta’ dawk li kienu għadhom fil-Greċja fis-sajf tal-2016. Mingħajr dan l-eżerċizzju, l-għadd ta’ rilokazzjonijiet kien ikun saħansitra aktar baxx.
46L-informazzjoni pprovduta lill-migranti identifikati dwar il-pajjiżi ta’ rilokazzjoni u dwar il-benefiċċji ta’ rilokazzjoni regolari (għall-kuntrarju ta’ “awtorilokazzjoni” irregolari) ma kinitx effettiva biżżejjed biex tinkiseb il-fiduċja tagħhom u biex jiġu konvinti li l-iskemi kienu vantaġġużi.
47Barra minn hekk, l-għadd baxx ta’ impenji ta’ rilokazzjoni u l-pass bil-mod li bih l-Istati Membri pproċessaw l-impenji u t-trasferimenti qatgħu qalb xi wħud mill-migranti milli japplikaw għal rilokazzjoni, għalkemm is-sitwazzjoni tjiebet biż-żmien.
Sehem għoli mill-kandidati rreġistrati kienu ġew irrilokati, minkejja nuqqasijiet fil-proċess ta’ rilokazzjoni
48Sehem għoli mill-kandidati kollha rreġistrati fl-iskemi fil-Greċja u fl-Italja (80 % u 89 % rispettivament) kienu ġew effettivament irrilokati. Iż-żewġ raġunijiet prinċipali għan-nuqqas ta’ suċċess tar-rilokazzjoni għal dawk li kienu rreġistrati kienu l-kontrolli ta’ sigurtà li ma rnexxewx u l-persuni li jaħarbu.
49Madankollu, aħna sibna għadd ta’ dgħufijiet operazzjonali fil-proċessi ta’ rilokazzjoni (il-Kaxxa 3 u l-Figura 6).
Kaxxa 3
Dgħufijiet operazzjonali fil-proċess ta’ rilokazzjoni
Id-Deċiżjonijiet ta’ Rilokazzjoni kellhom jiġu adottati malajr f’Settembru 2015, qabel l-istabbiliment tal-proċeduri jew id-dħul fis-seħħ tal-istrutturi meħtieġa (għar-reġistrazzjoni, it-trasport u l-akkomodazzjoni ta’ kandidati għar-rilokazzjoni). Għalhekk, ma kienx ċar kif wieħed kellu jipproċedi; pereżempju, min għandu jwettaq kontrolli ta’ sigurtà u dawk mediċi, u kif? Il-partijiet ikkonċernati ewlenin qablu dwar il-protokolli operattivi fi stadju aktar tard (fis-sajf tal-2016 fil-Greċja u fi tmiem l-2016 fl-Italja).
Il-maġġoranza tar-rifjuti ġew iġġustifikati permezz ta’ raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sikurezza nazzjonali, f’konformità mad-Deċiżjonijiet ta’ Rilokazzjoni. Madankollu, l-ispjegazzjonijiet li ngħataw kienu spiss ġeneriċi, mingħajr ġustifikazzjoni dettaljata tal-każijiet individwali. L-għadd ta’ rifjuti għall-Greċja kien ogħla min dak għall-Italja, minħabba l-profili ta’ sikurezza differenti tal-migranti eliġibbli. Il-Greċja għaddiet lill-kandidati rifjutati lis-sistema nazzjonali ta’ asil, filwaqt li l-Italja offriet li dawn jiġu rrilokati fi Stat Membru ieħor.
Xi wħud mill-Istati Membri applikaw preferenzi restrittivi li mhumiex ibbażati fuq id-Deċiżjonijiet (eż. ir-rifjut ta’ Eritreani fil-Bulgarija, fiċ-Ċekja huma permessi biss il-kandidati li jkollhom ID u dokumenti tal-ivvjaġġar). L-EASO dam biex jiżviluppa sistema ta’ tqabbil tal-preferenzi. Skedat biex jitħaddem f’Ottubru 2016, il-proġett ma ġiex ikkompletat qabel ma ntemmet ir-rilokazzjoni u, għalkemm ġie ttestjat fil-Greċja, qatt ma ntuża la fil-Greċja u lanqas fl-Italja.
Il-kandidati ġew mifruxa madwar l-Italja u l-Greċja minflok ma nżammew flimkien. Li kieku huma ġew akkomodati f’faċilitajiet ta’ rilokazzjoni ddedikati, l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet tagħhom kien jitħaffef peress li jiġu ffaċilitati diversi stadji, inklużi l-kontrolli tas-saħħa u s-sessjonijiet ta’ orjentazzjoni kulturali obbligatorji.
Billi d-Deċiżjonijiet ma jistabbilixxu l-ebda mira preliminari ta’ rilokazzjoni vinkolanti, l-impenji li għamlu l-Istati Membri riċeventi inizjalment ħadu l-ħin, iżda gradwalment dawn tħaffew hekk kif l-implimentazzjoni bdiet tipprogressa. Xi wħud mill-Istati Membri kienu aktar proattivi minn oħrajn.
Figura 6
Stampa ġenerali tad-dgħufijiet operazzjonali fir-rilokazzjoni
Sors: Il-QEA.
Il-monitoraġġ wara r-rilokazzjoni huwa insuffiċjenti u ma hemm l-ebda struttura għar-rilokazzjoni volontarja
50Il-Kummissjoni, flimkien mal-EASO u mal-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (IOM), immonitorjat l-implimentazzjoni tal-iskemi ta’ rilokazzjoni, speċjalment l-għadd ta’ trasferimenti effettivi. Inġabret ukoll data dwar ir-reġistrazzjonijiet, il-persuni li jaħarbu u r-rifjuti, iżda r-rappurtar dwar dawn l-aspetti ma ġiex armonizzat bejn il-Greċja u l-Italja.
51Ir-riżultati preliminari miġbura mill-Kummissjoni fi Frar 2018 urew rati għoljin ta’ rikonoxximent tal-asil fost il-migranti rrilokati fl-Istati Membri riċevituri. Huma wrew ukoll rati relattivament għoljin ta’ movimenti sekondarji wara r-rilokazzjoni f’ċerti Stati Membri, għalkemm il-biċċa l-kbira ma jiġbrux informazzjoni dwar dan l-aspett.
52Minn Frar 2018 ’il hawn, il-Kummissjoni ma mmonitorjatx is-sitwazzjoni fil-pajjiżi ta’ rilokazzjoni. Id-data li ġbarna mill-Istati Membri riċeventi f’April u f’Mejju 2019 tikkonferma l-osservazzjonijiet li saru fil-paragrafu preċedenti (il-Figura 7).
53L-iskemi ta’ rilokazzjoni temporanja skadew f’Settembru 2017. Għadu ma ntlaħaq l-ebda kunsens dwar il-proposta tal-Kummissjoni għal sistema ta’ rilokazzjoni permanenti. Fin-nuqqas ta’ mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni maqbul fil-livell tal-UE, qed issir rilokazzjoni volontarja fuq bażi ad hoc, prinċipalment għal migranti li żbarkaw fl-Italja u f’Malta.
Figura 7
Sehem għoli ta’ movimenti sekondarji fost il-migranti rrilokati lejn ċerti Stati Membri1
1 Spanja ma pprovdiet l-ebda data. Il-Belġju, il-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, l-Irlanda, il-Latvja, Malta, in-Netherlands u r-Rumanija ma ġabrux data dwar dan l-aspett. Il-perċentwal fl-Estonja kien jinkludi migranti li ġew risistemati.
Sors: Il-QEA, ibbażat fuq data dwar ir-rilokazzjoni miġbura mill-Istati Membri (f’April 2019).
Proġetti eżaminati taħt l-assistenza ta’ emerġenza u l-programmi nazzjonali taħt l-AMIF indirizzaw il-ħtiġijiet identifikati, iżda ma laħqux kompletament il-miri tagħhom
Il-proġetti EMAS taħt l-AMIF huma rilevanti iżda ma jindirizzawx biss ħtiġijiet urġenti u speċifiċi kif kien intenzjonat
54Il-proġetti EMAS taħt l-AMIF għandhom l-għan li jipprovdu assistenza finanzjarja biex jiġu indirizzati ħtiġijiet urġenti u speċifiċi f’każ ta’ sitwazzjoni ta’ emerġenza17.
55Għalkemm il-baġit oriġinali kien ta’ EUR 160 miljun għall-qafas finanzjarju pluriennali 2014-2020, l-allokazzjonijiet totali għall-EMAS taħt l-AMIF żdiedu u jammontaw għal EUR 1.1 biljun sal-programm ta’ ħidma annwali (AWP) għall-2019. Kif jidher fil-Figura 8, il-Greċja u l-Italja huma l-akbar żewġ riċevituri tal-finanzjament taħt l-AMIF għall-EMAS.
Figura 8
Għotjiet taħt l-AMIF għall-EMAS fl-Istati Membri (f’miljun EUR)
L-Istati Membri li ma bbenefikawx mill-finanzjament taħt l-AMIF għall-EMAS ma kinux eliġibbli jew ma applikawx għall-finanzjament.
Sors: Kalkolu tal-QEA bbażat fuq id-data tal-Kummissjoni tal-UE, f’Marzu 2019. Sfond tal-mappa
© kontributuri ta’ OpenStreetMap liċenzjati taħt il-liċenzja Creative Commons Attribution-ShareAlike 2.0 (CC BY-SA).
Oriġinarjament, l-EMAS tfasslet bħala strument fuq skala żgħira li jindirizza l-ħtiġijiet ta’ emerġenza urġenti u speċifiċi. Iż-żieda fil-finanzjament għall-EMAS ikkontribwiet biex l-appoġġ li jingħata mill-Kummissjoni għall-kriżijiet isir aktar flessibbli u risponsiv. L-evalwazzjoni interim tal-AMIF18 enfasizzat ukoll ir-rwol tal-EMAS fit-tisħiħ tas-solidarjetà u tal-kondiviżjoni tar-responsabbiltajiet fost l-Istati Membri. Għalhekk, l-EMAS kellha rwol ewlieni fl-appoġġ tal-implimentazzjoni tal-iskemi ta’ rilokazzjoni fil-Greċja u fl-Italja, billi ffinanzjat il-prereġistrazzjoni ta’ kandidati għar-rilokazzjoni (fil-Greċja), il-faċilitajiet ta’ akkoljenza u t-trasferimenti ta’ kandidati eliġibbli għar-rilokazzjoni.
57Fl-istess ħin, l-EMAS saret l-istrument strateġiku ewlieni tal-Kummissjoni biex l-appoġġ jiġi bbilanċjat mill-ġdid lejn il-pajjiżi li huma l-aktar affettwati mill-kriżi tal-migrazzjoni, b’mod partikolari l-Greċja, billi tikkomplementa l-pakketti tal-programmi nazzjonali19 tagħhom.
58Għalhekk, xi wħud mill-proġetti EMAS ma jindirizzawx biss il-ħtiġijiet urġenti u speċifiċi, iżda jikkomplementaw il-programmi nazzjonali taħt l-AMIF billi jiffinanzjaw attivitajiet strutturali fuq terminu itwal b’komponenti integrati tal-bini tal-kapaċitajiet. Dan ġie enfasizzat ukoll mill-Kummissjoni fil-valutazzjoni tal-impatt tagħha20.
59Aħna eżaminajna sitt proġetti EMAS: tlieta fil-Greċja u tlieta fl-Italja. F’kull pajjiż, proġett wieħed kien relatat mal-asil, wieħed mar-ritorni u wieħed mar-rilokazzjoni. Valutazzjoni dettaljata tingħata fl-Anness II.
60Aħna sibna li s-sitt proġetti kollha li ġew eżaminati huma rilevanti għall-ħtiġijiet identifikati. L-objettivi stabbiliti għal kull proġett ikkampjunat kienu ċari f’termini ta’ dak li għandu jinkiseb mill-azzjoni. Rigward ir-riżultati tanġibbli, il-proġetti kkampjunati kollha ffukaw fuq l-outputs immedjati, iżda mhux fuq ir-riżultati u l-impatt. L-eċċezzjoni kien il-proġett EMAS-IT-1, li lanqas biss kellu indikaturi tal-output (il-Kaxxa 4).
Kaxxa 4
Eżempju ta’ proġett mingħajr indikaturi tal-output u tal-eżitu
Il-proġett EMAS-IT-1 jappoġġa l-uffiċċji tal-pulizija għall-immigrazzjoni (“questure”) billi jiffinanzja l-appoġġ lingwistiku u t-tagħmir. Il-kumitat ta’ evalwazzjoni kkonkluda li l-output tal-azzjoni proposta jenħtieġ li jiġi ddikjarat espliċitament billi jiġu stabbiliti indikaturi xierqa li jikkorrispondu għall-objettivi tal-azzjoni (eż. medja ta’ kuljum/ta’ kull xahar tal-applikazzjonijiet għall-asil ipproċessati għal kull questura). Dawn l-indikaturi jippermettu li l-prestazzjoni tiġi mmonitorjata u li l-kisbiet jiġu vvalutati b’mod xieraq.
Il-ftehim ta’ għotja ma ġiex immodifikat skont it-talba tal-kumitat ta’ evalwazzjoni u kien jiffoka fuq l-inputs biss (eż. l-għadd ta’ tradutturi pprovduti, il-kwantitajiet ta’ tagħmir ikkonsenjat) mingħajr ma stabbilixxa xi miri tal-prestazzjoni.
Aħna ma sibna l-ebda trikkib bejn il-proġetti ffinanzjati taħt l-EMAS, minn naħa waħda, u l-programmi nazzjonali taħt l-AMIF jew l-operazzjonijiet tal-EASO/Frontex, min-naħa l-oħra.
62Madankollu, tnejn mis-sitt proġetti EMAS li ġew eżaminati ma indirizzawx ħtiġijiet urġenti u speċifiċi (EMAS-GR-2 u EMAS-IT-1), iżda minflok issostitwew azzjonijiet fil-programmi nazzjonali taħt l-AMIF billi ffinanzjaw attivitajiet strutturali fuq terminu itwal b’komponenti integrati tal-bini tal-kapaċitajiet (il-Kaxxa 5).
Kaxxa 5
Bidla tal-EMAS minn rispons ta’ emerġenza għal appoġġ strutturali fuq terminu itwal
Il-proġett EMAS-GR-2 iffinanzja ritorni furzati ta’ migranti irregolari mill-Pulizija Ellenika minn Diċembru 2015 sa Novembru 2016. Madankollu, dawn l-attivitajiet standard ta’ ritorn fuq terminu twil huma koperti mill-baġit nazzjonali. Wieħed mill-proġetti relatati mal-programmi nazzjonali taħt l-AMIF dwar ir-ritorni furzati kien ikopri, retroattivament, il-perjodu kollu mill-2014 sal-2019 (għajr il-perjodu kopert mill-EMAS). Dan juri li ma kienx hemm ħtieġa urġenti għal finanzjament ta’ emerġenza.
Il-proġett EMAS-IT-1 se jopera għal 18-il xahar. Minbarra t-tagħmir tal-IT, l-appoġġ jinkludi wkoll ix-xiri ta’ karozzi u ta’ għamara. Minflok li jiffoka fuq il-questure li għandhom l-aktar piż żejjed u li qed jiffaċċjaw ħinijiet twal ta’ stennija biex jirreġistraw it-talbiet għall-asil, il-proġett għandu l-għan li jsaħħaħ il-kapaċità tal-questure kollha fl-Italja, inklużi dawk mingħajr ħtieġa urġenti ta’ appoġġ.
Filwaqt li din l-azzjoni xorta waħda tista’ tgħin lill-Italja biex tikklerja l-akkumulazzjoni ta’ applikazzjonijiet għall-asil, proġett bħal dan kien ikun aktar opportun li kieku ġie implimentat fl-2016/2017, meta r-reġistrazzjonijiet għall-asil fl-Italja kienu fl-eqqel tagħhom. Madankollu, din bdiet biss f’Settembru 2018, meta r-reġistrazzjonijiet għall-asil kienu diġà naqsu sinifikattivament mis-snin preċedenti. Saż-żmien taż-żjara tal-awditjar li saret fi tmiem Frar 2019, ma kienet twettqet l-ebda attività, minħabba l-proċeduri ta’ akkwist pubbliku li kienu għaddejjin.
F’Lulju 2017, il-Kummissjoni assenjat lill-Italja finanzjament addizzjonali li kien jammonta sa EUR 100 miljun għall-EMAS taħt l-AMIF, li ntuża biex jiġu ffinanzjati wkoll il-proġetti EMAS-IT-1 u EMAS-IT-2. Madankollu, ma kienx hemm mekkaniżmu strutturat li jiddistribwixxi l-fondi għall-EMAS b’mod ġust fost l-Istati Membri f’każ ta’ talbiet għal finanzjament ta’ proġetti li jaqbżu l-baġit disponibbli. Li kieku l-Istati Membri kollha eliġibbli applikaw għal għotjiet taħt l-AMIF għall-EMAS biex jiffinanzjaw attivitajiet simili (ritorni furzati nazzjonali, AVRR jew tisħiħ tal-kapaċità tal-istazzjonijiet tal-pulizija), il-baġit tal-EMAS jiġi eżawrit f’qasir żmien.
64Il-Kummissjoni pproponiet li l-assistenza ta’ emerġenza taħt ġestjoni kondiviża mal-Istati Membri tiġi inkluża fil-qafas finanzjarju l-ġdid għall-2021-202721. Il-kriterji għall-allokazzjoni tal-fondi għall-EMAS għad iridu jiġu ddefiniti.
Tnejn biss mis-sitt proġetti EMAS taħt l-AMIF li ġew eżaminati laħqu kompletament il-miri tagħhom
65L-objettivi ppjanati għall-proġetti EMAS-GR-3 u EMAS-IT-2 kienu ntlaħqu kompletament, filwaqt li għall-proġetti EMAS-GR-1, EMAS-GR-2 u EMAS-IT-3 dawn intlaħqu parzjalment (il-Kaxxa 6). Il-proġett EMAS-IT-1 għadu fil-fażi bikrija tal-implimentazzjoni (il-Kaxxa 5 u l-Anness II).
Kaxxa 6
Eżempji ta’ proġetti EMAS taħt l-AMIF li ma laħqux kompletament l-objettivi tagħhom
EMAS-GR-2: Il-Pulizija Ellenika ma laħqitx il-miri tagħha, billi rritornat b’mod furzat 121 ċittadin ta’ pajjiżi terzi meta mqabbel mal-mira ta’ 1 080. B’kuntrast ma’ dan, l-IOM qabżet l-aspettattivi, filwaqt li rritornat 1 464 ċittadin ta’ pajjiżi terzi (meta mqabbel mal-1 000 ippjanati) f’ritorni volontarji assistiti. L-infiq ta’ dan il-proġett kien ukoll insuffiċjenti, u ntuża 65 % (EUR 1.7 miljun) mill-ammont oriġinali allokat (EUR 2.5 miljun).
EMAS-IT-3: Il-mira li jiġu akkomodati medja ta’ 1 310 kandidati għar-rilokazzjoni matul il-perjodu ta’ 12-il xahar ma setgħetx tintlaħaq, billi l-kandidati għar-rilokazzjoni kienu effettivament inqas milli kien previst. Barra minn hekk, il-migranti eliġibbli għar-rilokazzjoni ġew mifruxa madwar l-Italja. Għalhekk, kienet diffiċli biex dawn jiġu trasferiti lejn ċentri ta’ rilokazzjoni ddedikati, li spiċċaw jospitaw taħlita ta’ migranti, inklużi dawk mhux eliġibbli għar-rilokazzjoni. B’riżultat ta’ dan, l-ammont imġarrab għal dan il-proġett kien inqas milli ppjanat, u ntuża 63 % (EUR 9.7 miljun) mill-ammont oriġinali allokat (EUR 15.3 miljun).
Għalkemm il-proġett EMAS-IT-2 qabeż il-miri tiegħu tliet xhur qabel tmiem il-perjodu ta’ implimentazzjoni, irid jiġi enfasizzat li l-miri kienu relattivament modesti meta wieħed iqis l-għadd ta’ deċiżjonijiet ta’ ritorn maħruġa u l-għadd ta’ migranti irregolari li jgħixu fl-Italja. Il-prestazzjoni tal-programm tal-AVRR fl-Italja huwa affettwat minn għadd ta’ problemi, li aħna nanalizzaw fil-Kaxxa 12.
Ma saret l-ebda valutazzjoni komprensiva u robusta tal-ħtiġijiet għall-programmi nazzjonali taħt l-AMIF
67Il-programmi nazzjonali taħt l-AMIF għall-2014-2020 allokaw EUR 328.3 miljun għall-Greċja u EUR 394.2 miljun għall-Italja. Madankollu, il-programmi nazzjonali taħt l-AMIF ġew maqbula f’Lulju u f’Awwissu 2015 rispettivament, minħabba l-adozzjoni tardiva tar-Regolament dwar l-AMIF.
68Integrat fi pjan strateġiku globali, fond pluriennali bħall-AMIF jirrikjedi valutazzjonijiet tal-ħtiġijiet robusti u komprensivi, fejn il-ħtiġijiet kollha jiġu kkwantifikati finanzjarjament, u jiġu pprijoritizzati u aġġornati regolarment22. Is-sitwazzjoni dejjem tinbidel ftit li xejn ħalliet żmien biex jiġu stabbiliti valutazzjonijiet tal-ħtiġijiet bħal dawn fil-Greċja u fl-Italja.
69Aħna eżaminajna 10 proġetti nazzjonali taħt l-AMIF fil-Greċja u 5 fl-Italja (valutazzjoni dettaljata tal-proġetti GR-1 sa GR-5 u IT-1 sa IT-5 tingħata fl-Anness II). Aħna sibna li l-proġetti kollha li ġew awditjati kienu rilevanti sal-punt li kellhom rabta tematika dimostrabbli mal-għanijiet tal-programmi nazzjonali. Madankollu, minħabba li l-ħtiġijiet kollha ma ġewx ikkwantifikati finanzjarjament u pprijoritizzati, mhuwiex possibbli li jiġi vvalutat jekk il-fondi tal-AMIF kinux ġew assenjati fejn kienu meħtieġa l-aktar.
70Aħna sibna dgħufijiet fl-indikaturi tal-prestazzjoni tal-proġetti awditjati. Xi wħud mill-proġetti ma kellhomx indikaturi tal-output jew tal-eżitu speċifiċi (IT-1, GR-2). Xi wħud mill-indikaturi stabbilew miri li kienu baxxi wisq (IT-2, 3, 4) jew li inkella kienu diġà ntlaħqu (GR-1). Xi wħud mill-indikaturi ma ġewx aġġornati wara li ġie emendat l-ambitu tal-proġett (GR-3) jew, fl-aħħar nett, stabbilew perjodu ta’ żmien ristrettiv għar-ritorni volontarji assistiti u r-riintegrazzjoni (GR-5).
71Aħna sibna trikkib bejn il-proġetti tal-AVRR, IT-2 u IT-3, li ġew awditjati fl-Italja. Dawn il-proġetti ngħataw għotja taħt l-istess sejħa għal proposti, kienu jkopru l-istess pajjiżi ta’ oriġini u twettqu fl-istess reġjuni tal-Italja. Mingħajr l-ebda mmappjar li jiżgura li l-proġetti joperaw f’żoni ġeografiċi komplementari, il-proġetti kkompetew għar-ritorn tal-istess migranti.
72Minn meta l-mandat tal-Frontex ġie estiż fl-2016, kien hemm żewġ strumenti tal-UE (il-programm nazzjonali taħt l-AMIF u l-appoġġ għar-ritorn mogħti mill-Frontex) li jappoġġaw l-istess tip ta’ attivitajiet ta’ ritorn furzat b’mod parallel. Dan jikkonċerna wkoll il-proġetti ta’ ritorn furzat taħt l-AMIF, GR-4 u IT-4.
Il-biċċa l-kbira mill-proġetti awditjati relatati mal-programmi nazzjonali taħt l-AMIF fil-Greċja u fl-Italja ma kinux laħqu kompletament il-miri tagħhom saż-żmien meta sar l-awditu
73Sa tmiem l-2016, ftit li xejn kienu ġew immobilizzati riżorsi finanzjarji taħt l-AMIF mill-programm nazzjonali tal-Greċja biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tal-pajjiż li jirriżultaw mill-kriżi tal-migrazzjoni. Il-Greċja kienet qed tpatti għad-dewmien tagħha fl-implimentazzjoni tal-impenji, iżda l-pagamenti li saru taħt il-programm nazzjonali taħt l-AMIF baqgħu baxxi. L-Italja rkuprat id-dewmien fl-implimentazzjoni tal-impenji taħt l-Objettivi Speċjali 1 u 2, iżda l-impenji taħt l-Objettiv Speċifiku 3 kienu għadhom lura fiż-żmien meta saret iż-żjara tal-awditjar (ara l-Anness I).
74Fil-Greċja, wieħed mill-ħames proġetti eżaminati (GR-1) kien intemm saż-żmien meta sar l-awditu, filwaqt li erbgħa kienu għadhom għaddejjin. Erbgħa mill-ħames proġetti jew kienu għadhom ma kisbux ir-riżultati intenzjonati tagħhom jew inkella x’aktarx li ma kinux se jiksbuhom (fil-każ ta’ proġetti li kienu għadhom għaddejjin) (l-Anness IV). Fil-proġetti kollha eżaminati, aħna sibna evidenza ta’ rappurtar u monitoraġġ regolari. Fi tlieta mill-ħames proġetti, l-għadd kbir ta’ emendi għamel il-monitoraġġ tal-prestazzjoni tal-proġetti, u fl-aħħar mill-aħħar il-valutazzjoni tas-suċċess tagħhom, aktar diffiċli23.
75Fl-Italja, erbgħa mill-ħames proġetti eżaminati kienu ntemmu saż-żmien meta sar l-awditu. Minn dawn, tnejn laħqu l-objettivi tagħhom parzjalment. Proġett wieħed ġie sospiż u, għal proġett ieħor, id-data finali ma kinitx disponibbli (l-Anness IV). Fi tnejn mill-ħames proġetti, ir-rappurtar u l-monitoraġġ kienu inadegwati.
Il-qafas ta’ monitoraġġ tal-prestazzjoni ġie stabbilit tard u mingħajr miri
76Il-Qafas Komuni ta’ Monitoraġġ u Evalwazzjoni huwa l-għodda prinċipali tal-Kummissjoni għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-prestazzjoni tal-programmi nazzjonali taħt l-AMIF. Minħabba li d-diskussjonijiet mal-Istati Membri biex jintlaħaq qbil dwar sett armonizzat ta’ indikaturi tal-eżitu u tal-impatt ħadu fit-tul, il-qafas ma ġiex iffinalizzat qabel Frar 201724. Sa dan iż-żmien, ħafna mill-proġett taħt l-AMIF kienu diġà nbdew.
77Minbarra li l-qafas ġie implimentat tard, l-indikaturi tal-eżitu u tal-impatt tiegħu la għandhom miri u lanqas linji bażi, u dan jagħmilha diffiċli li tiġi evalwata l-prestazzjoni. Barra minn hekk, l-Italja u l-Greċja ma ġabrux settijiet sħaħ ta’ data dwar kwalunkwe wieħed mill-indikaturi tal-qafas fir-rapporti ta’ evalwazzjoni interim għall-2017.
78Il-Kummissjoni ma żviluppatx qafas ta’ monitoraġġ tal-prestazzjoni għall-monitoraġġ u r-rappurtar dwar ir-riżultati tal-proġetti ffinanzjati mill-EMAS.
Id-data dwar il-prestazzjoni mhix suffiċjenti biex jiġi ffaċilitat it-twettiq ta’ evalwazzjoni robusta tal-politika fil-livell tal-UE
79F’Mejju 2018, il-Kummissjoni pproponiet25 reviżjoni tal-istatistika tal-EUROSTAT dwar il-migrazzjoni u l-asil biex, fost affarijiet oħra: (i) jiżdiedu l-frekwenza u l-kontenut tal-istatistika dwar ir-ritorn; (ii) tiġi pprovduta data diżaggregata dwar l-asil fir-rigward ta’ minorenni mhux akkumpanjati; u (iii) tiġi introdotta statistika ġdida dwar it-talbiet għal rieżami skont is-sistema ta’ Dublin.
80Matul dan l-awditu sar evidenti li kienet meħtieġa aktar data dwar il-prestazzjoni biex jiġi ffaċilitat it-twettiq ta’ evalwazzjoni robusta tal-politika fil-livell tal-UE. Il-proposta tal-Kummissjoni ma tkoprix din il-ħtieġa.
81Pereżempju, fir-rigward tal-proċeduri ta’ asil, l-EUROSTAT u l-EASO ma jiġbrux data dwar il-prestazzjoni dwar il-ħinijiet tal-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għall-asil bejn l-istadji importanti ewlenin26 fil-proċedura, minkejja l-bosta limiti ta’ żmien stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-UE u f’dik nazzjonali dwar l-asil. L-EASO jiġbor data bażika dwar l-akkumulazzjoni ta’ applikazzjonijiet li tirrigwarda biss il-perjodu li ttieħed għat-trattament tal-applikazzjonijiet għall-asil pendenti fl-istadju tal-ewwel istanza. L-EUROSTAT jiġbor biss data27 limitata dwar l-istadju ġudizzjarju/tal-appell, iżda mhux id-data dwar appelli pendenti fl-istanzi differenti.
82Ma tinġabar l-ebda data dwar il-ħeffa tal-proċeduri ta’ ritorn. Barra minn hekk, ma hemmx indikaturi li jkejlu s-sostenibbiltà tar-ritorni, bħall-għadd ta’ migranti li jiġu rritornati u li jippruvaw jerġgħu jiġu lejn l-UE jew is-suċċess tal-pakketti ta’ riintegrazzjoni tal-AVRR.
Is-sostenn operazzjonali tal-aġenziji tal-UE ma ġiex sfruttat kompletament
L-isforzi li saru mill-EASO biex jiżviluppa approċċ aktar strateġiku għall-appoġġ tiegħu għall-proċeduri ta’ asil
83Aħna vvalutajna l-operazzjonijiet tal-EASO bħala rilevanti għall-pletora ta’ ħtiġijiet li jirriżultaw mill-flussi kbar ta’ dħul ta’ migranti fil-Greċja u fl-Italja.
84Meta kien qed jappoġġa lil dawn l-Istati Membri matul il-kriżi tal-migrazzjoni, b’mod partikolari fl-eqqel tal-wasliet tal-migranti fl-2015 u fl-2016, u b’kont meħud tal-iżviluppi kontinwi u frekwenti, l-EASO ma kellux ħin biex iwettaq valutazzjonijiet komprensivi tal-ħtiġijiet li jipprijoritizzaw u jikkwantifikaw finanzjarjament il-ħtiġijiet, jew biex jistabbilixxi pjanijiet pluriennali jew strateġiji ta’ ħruġ. Madankollu, lanqas għall-pjanijiet operattivi għall-2017 u l-2018 ma kienet tħejjiet valutazzjoni strutturata ta’ dan it-tip. Il-pjanijiet ġew maqbula mill-EASO u mill-Istati Membri ospitanti Madankollu, billi l-ħtiġijiet ma ġewx ipprijoritizzati u kkwantifikati finanzjarjament b’mod ċar, ma setax jiġi ddimostrat li l-EASO kien immira l-appoġġ tiegħu fejn dan kien l-aktar meħtieġ.
85Waqt it-tħejjija tal-pjanijiet operattivi tiegħu għall-2019, l-EASO għamel sforz sostanzjali biex jistabbilixxi l-elementi ewlenin tal-ippjanar strateġiku28. Minn perspettiva kunċettwali, aħna nqisu li dan l-approċċ huwa prassi tajba, għalkemm l-implimentazzjoni effettiva tiegħu tista’ tiġi vvalutata biss meta jiġu eżaminati l-pjanijiet operattivi għall-2019, li ma jaqgħux fi ħdan l-ambitu tal-awditu tagħna.
86Sal-2018, il-pjanijiet operattivi kienu mmexxija mill-input. L-introduzzjoni ta’ għodda ta’ monitoraġġ tal-prestazzjoni fi Frar 2018 għall-Italja u f’Mejju 2018 għall-Greċja wasslet għall-istabbiliment ta’ indikaturi tal-output u tal-eżitu, iżda aħna sibna bosta nuqqasijiet29.
87Għalkemm ma sibniex eżempji konkreti ta’ trikkib, il-Kummissjoni u l-EASO ma għandhomx stabbiliti proċeduri biex jinvolvu lill-EASO sistemikament fl-ippjanar tal-proġetti tal-AMIF, b’mod partikolari għal proġetti (kemm jekk taħt il-programmi nazzjonali taħt l-AMIF kif ukoll l-EMAS) li jiffinanzjaw attivitajiet simili (eż. finanzjament tal-persunal tal-GAS jew appoġġ għall-questure fl-Italja).
88Fl-Italja, l-EASO aġġusta l-appoġġ tiegħu hekk kif il-flussi ta’ migrazzjoni naqsu sinifikattivament. Huwa waqaf jappoġġa l-forniment ta’ informazzjoni fi tmiem l-2018. L-appoġġ għar-reġistrazzjoni li ġie pprovdut kien inqas milli ppjanat, u dan huwa skedat li jiġi eliminat gradwalment sa tmiem l-2019. L-EASO biħsiebu wkoll iwaqqaf l-appoġġ tiegħu għall-kummissjonijiet territorjali tal-asil30 sa tmiem l-2019.
89Għalkemm ċerti elementi tal-appoġġ mogħti mill-EASO jistgħu jitwettqu mill-awtoritajiet nazzjonali u jistgħu jiġu ffinanzjati taħt l-AMIF (eż. interims – esperti tar-reġistrazzjoni u persuni responsabbli mill-każijiet tal-asil li diġà jkunu ġew issekondati fi ħdan il-GAS, jew servizzi ta’ interpretazzjoni), l-EASO ma għandux dan it-tip ta’ strateġija ta’ ħruġ stabbilita għall-Greċja.
L-appoġġ mill-EASO huwa mxekkel minn nuqqas permanenti ta’ esperti mill-Istati Membri, mid-durata qasira tal-istazzjonament tagħhom u minn problemi operazzjonali oħra
90Rigward l-inputs (għadd ta’ esperti, konsulenti interim, eċċ.), l-istazzjonament tal-EASO fil-Greċja u fl-Italja huwa ġeneralment f’konformità mal-pjanijiet operattivi. L-Anness I juri li, kull sena, l-infiq kien ogħla mill-baġit inizjali.
91Fin-nuqqas ta’ miri/linji bażi għall-indikaturi, huwa diffiċli li jiġu vvalutati l-prestazzjoni/l-effettività tal-appoġġ mill-EASO f'termini ta’ outputs u eżiti. Madankollu, l-awtoritajiet Griegi u Taljani kompetenti fil-qasam tal-asil li intervistajna qiesu li l-appoġġ mill-EASO huwa utli kemm fl-appoġġ għall-proċeduri ta’ asil kif ukoll fit-tisħiħ tal-kapaċità nazzjonali.
92L-operazzjonijiet tal-EASO għadhom iġarrbu nuqqas permanenti ta’ esperti mill-Istati Membri u huwa evidenti li d-durata medja tal-istazzjonament tagħhom hija qasira wisq (fuq medja, 50 jum fil-Greċja u 46 jum fl-Italja fl-2018). L-EASO ma jfassalx pjan annwali ta’ stazzjonament, bħalma tagħmel il-Frontex. Minflok, huwa jitlob nominazzjonijiet ta’ esperti mill-Istati Membri, iżda spiss ma jirċevix rispons suffiċjenti. L-EASO mbagħad huwa obbligat juża aktar interims biex ikopri dan in-nuqqas.
93L-appoġġ mill-EASO fil-gżejjer Griegi xxekkel minn problemi operazzjonali addizzjonali (il-Kaxxa 7).
Kaxxa 7
Problemi operazzjonali li jaffettwaw l-appoġġ li ngħata mill-EASO għall-proċeduri ta’ asil fil-gżejjer Griegi
L-appoġġ li ngħata mill-EASO ġie mxekkel minn nuqqas ta’ spazju ta’ ħidma u minn tħassib dwar is-sigurtà (irvellijiet, toroq ta’ evakwazzjoni mblukkati). Pereżempju, fil-hotspot ta’ Samos, fejn hemm affollament eċċessiv, l-EASO wettaq biss erba’ intervisti għal kull xift, billi huwa għandu għad-dispożizzjoni tiegħu erba’ stazzjonijiet tax-xogħol biss. Fix-xitwa ma kienx hemm xiftijiet wara nofsinhar, minħabba tħassib dwar is-sigurtà tal-persunal tal-EASO wara nżul ix-xemx.
L-intervisti ta’ ammissibbiltà, li jdumu bejn sagħtejn u tliet sigħat, jitwettqu għan-nazzjonalitajiet kollha b’rata ta’ rikonoxximent ogħla minn 25 %. Il-GAS sistematikament jannulla l-opinjonijiet legali tal-EASO (osservazzjonijiet finali) dwar l-inammissibbiltà għal kulħadd għajr Sirjani li huma suġġetti għal protezzjoni temporanja fit-Turkija, billi l-GAS (għall-kuntrarju tal-EASO u tal-Kummissjoni) ġeneralment ma jqisx lit-Turkija bħala “pajjiż terz sikur” għall-protezzjoni internazzjonali. L-ineffiċjenza li tirriżulta ġiet indirizzata parzjalment bil-fużjoni tal-intervisti ta’ ammissibbiltà u ta’ eliġibbiltà f’pass wieħed fl-2017. Minn Settembru 2018, l-EASO ħareġ osservazzjonijiet finali dwar l-ammissibbiltà u l-eliġibbiltà b’mod simultanju mal-GAS, biex jevita konsultazzjonijiet mhux meħtieġa bejn iż-żewġ entitajiet.
Skont l-istatistika, fl-opinjonijiet tiegħu tal-2018, l-EASO qies li 70 % tal-applikanti u tal-membri tal-familja li ġew intervistati kienu vulnerabbli (jew kienu jirrikjedu valutazzjoni medika ulterjuri), skont il-kategoriji ddefiniti mil-liġi Griega, bir-riżultat li l-GAS irrefera lil dawn il-persuni għall-proċedura regolari. Aħna osservajna nuqqas ta’ qbil bejn l-EASO u l-GAS dwar l-eżiti ta’ dawn il-valutazzjonijiet tal-vulnerabbiltà. Dan in-nuqqas ta’ approċċ armonizzat wassal għal konsultazzjonijiet ineffiċjenti bejn iż-żewġ entitajiet31. La l-GAS u lanqas l-EASO ma jiġbru statistika dwar ir-rata ta’ annullament tal-valutazzjonijiet tal-vulnerabbiltà li tippermettilna nivvalutaw il-kobor ta’ din il-problema.
Nuqqas ta’ informazzjoni mill-Istati Membri u ta’ koordinazzjoni mal-AMIF fl-operazzjonijiet ta’ appoġġ li ngħata mill-Frontex għal dak li jirrigwarda r-ritorn furzat
94Aħna nqisu li l-operazzjonijiet ta’ ritorn kollha mwettqa mill-Frontex huma rilevanti għall-ħtiġijiet identifikati fil-qasam tar-ritorni.
95Mill-2016 ’il hawn, il-Frontex setgħet tikkoordina u torganizza operazzjonijiet ta’ ritorn furzat fuq inizjattiva proprja tagħha. Madankollu, biex hija tkun tista’ tippjana aħjar dawn l-operazzjonijiet, l-Istati Membri jkunu meħtieġa li jipprovdu sistematikament informazzjoni operazzjonali robusta u f’waqtha fuq bażi regolari (eż. data aġġornata dwar ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu eliġibbli għar-ritorn, il-pajjiż ta’ oriġini tagħhom, l-għadd tagħhom f’ċentri ta’ detenzjoni ta’ qabel it-tneħħija, id-data tat-tmiem tad-detenzjoni tagħhom, eċċ.).
96Minn meta l-mandat tal-Frontex ġie estiż fl-2016, kien hemm żewġ strumenti tal-UE għal attivitajiet ta’ ritorn furzat (il-programm nazzjonali taħt l-AMIF u l-appoġġ għar-ritorn mogħti mill-Frontex). Iż-żewġ strutturi ta’ finanzjament tal-UE eżistew b’mod parallel biex jiffinanzjaw l-istess tip ta’ attivitajiet relatati mar-ritorn furzat (operazzjonijiet konġunti, operazzjonijiet nazzjonali u titjiriet kummerċjali skedati). Fil-kuntest tal-livell baxx ta’ ritorni, dan iwassal biex il-potenzjal tal-Frontex li joffri appoġġ għar-ritorn ma jiġix sfruttat (il-Kaxxa 8).
Kaxxa 8
Eżempju ta’ koordinazzjoni insuffiċjenti bejn l-appoġġ mogħti mill-Frontex u dak mogħti mill-AMIF għal operazzjonijiet ta’ ritorn furzat
Il-Greċja rarament organizzat operazzjonijiet konġunti ta’ ritorn qabel l-2018, billi hija ma kellhiex il-kuntratt qafas proprju tagħha għal ajruplani charter. Minflok, hija pparteċipat fl-operazzjonijiet konġunti ta’ Stati Membri oħra. Fl-2018, il-Greċja kkonkludiet il-kuntratt qafas proprju tagħha, iżda sa issa użatu darba biss għal operazzjonijiet nazzjonali ffinanzjati mill-programmi nazzjonali taħt l-AMIF, minflok ma organizzat operazzjonijiet konġunti ma’ Stati Membri oħra biex tagħmel użu aħjar mill-kapaċità tal-ajruplani.
Ma hemm l-ebda struttura għall-koordinazzjoni tal-azzjoni tal-AMIF u tal-Frontex. Il-Frontex mhijiex involuta fil-programmazzjoni ta’ azzjonijiet tal-AMIF li huma relatati mar-ritorn u ma għandhiex aċċess għall-informazzjoni dwar il-programmi nazzjonali taħt l-AMIF jew dwar il-proġetti rilevanti ffinanzjati taħt l-AMIF.
Il-potenzjal tal-appoġġ mogħti mill-Frontex mhux qed jiġi realizzat
98Billi l-Istati Membri ma sfruttawx bis-sħiħ il-potenzjal tal-Frontex li jappoġġa l-operazzjonijiet ta’ ritorn (il-Figura 9), l-Aġenzija ma kinitx f’pożizzjoni li tagħmel użu sħiħ miż-żieda fil-baġit tagħha għall-appoġġ għar-ritorn minn mindu l-mandat tagħha ġie estiż.
Figura 9
Użu mill-baġit tal-Frontex għall-appoġġ għar-ritorn (f’miljun EUR)
Sors: Il-QEA, ibbażat fuq data tal-Frontex.
Kif jidher fil-Figura 10, il-Greċja u l-Italja huma fost l-Istati Membri li mhumiex jagħmlu użu sħiħ mill-potenzjal tal-Frontex32. Ir-raġuni prinċipali hija l-għadd baxx ta’ persuni rimpatrijati miż-żewġ pajjiżi. Barra minn hekk, is-sitwazzjoni hija spjegata wkoll mill-fatt li dawn il-pajjiżi għażlu l-programm nazzjonali taħt l-AMIF minflok l-appoġġ mogħti mill-Frontex għal ritorni furzati.
Figura 10
Appoġġ li ngħata mill-Frontex għall-operazzjonijiet ta’ ritorn fl-2018
Sors: Il-QEA, ibbażat fuq data operazzjonali tal-Frontex.
Aħna osservajna li hemm sfidi operazzjonali li qed jaffettwaw il-kosteffiċjenza tal-operazzjonijiet charter (il-Figura 10).
- Minħabba r-riskju li l-persuni jistgħu jaħarbu, hemm il-ħtieġa li tittieħed azzjoni rapida ladarba migrant ikun lest biex jiġi rritornat; wieħed ma jistax joqgħod jistenna sakemm it-titjira charter tkun mimlija. Dan jirriżulta f’kapaċità mhux użata (43 %) tal-inġenji tal-ajru mikrija, b’mod partikolari peress li jrid jintuża inġenju tal-ajru kbir b’medda ta’ titjir suffiċjenti għal operazzjonijiet ta’ ritorn fuq distanzi twal lejn l-Afrika jew l-Asja.
- L-ammonti effettivi ta’ passiġġieri spiss ikunu aktar baxxi milli ppjanat (67 % fl-2018) minħabba n-nuqqas ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar meħtieġa, talbiet għall-asil li jiġu mġedda fl-aħħar minuta, persuni li jaħarbu, eċċ.
- Il-persuni rimpatrijati jridu jkunu akkumpanjati minn ħafna membri tal-persunal (skorti, superviżuri, osservaturi, persunal mediku, eċċ.).
- L-operazzjonijiet ta’ ritorn huma mxekkla wkoll mill-kooperazzjoni diffiċli mal-pajjiżi terzi33.
Inġenerali, it-titjiriet skedati huma ħafna aktar kosteffiċjenti minn titjiriet charter. Min-naħa l-oħra, bejn wieħed u ieħor terz mill-operazzjonijiet ta’ ritorn b’titjiriet skedati ġew ikkanċellati, prinċipalment minħabba rifjut min-naħa tal-persuna rimpatrijata, in-nuqqas ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar, persuni li jaħarbu, deċiżjonijiet tal-qorti jew rifjuti min-naħa tal-kaptan.
Minkejja ż-żieda fil-kapaċità, iż-żminijiet tal-ipproċessar tal-asil għadhom twal u r-ritorni ta’ migranti irregolari jibqgħu ftit
102Aħna vvalutajna l-impatt tal-azzjonijiet ta’ appoġġ li ttieħdu mill-UE fil-livell nazzjonali billi eżaminajna jekk il-proċeduri ta’ asil u ta’ ritorn kinux saru aktar rapidi u effettivi, filwaqt li analizzajna:
- iż-żminijiet medji tal-ipproċessar bejn l-istadji ewlenin tal-proċedura ta’ asil (ara l-Figura 11);
- l-ikklerjar tal-akkumulazzjoni ta’ applikazzjonijiet għall-asil li jkunu pendenti;
- is-sehem ta’ appelli li jannullaw id-deċiżjonijiet fl-ewwel istanza dwar l-asil;
- l-għadd ta’ ritorni reali meta mqabbel mal-għadd ta’ deċiżjonijiet ta’ ritorn maħruġa;
- iż-żminijiet medji tal-ipproċessar bejn l-istadji ewlenin tal-proċedura ta’ ritorn (ara l-Figura 12).
Figura 11
Proċedura ta’ asil
Sors: Il-QEA.
Figura 12
Proċedura ta’ ritorn
Sors: Il-QEA.
Matul il-kriżi, il-biċċa l-kbira mill-migranti irregolari li vvjaġġaw lejn l-Ewropa waslu jew fl-Italja jew inkella fil-Greċja. Iż-żewġ Stati Membri evolvew minn pajjiżi ta’ tranżitu għal pajjiżi fejn il-migranti japplikaw għall-asil. Billi s-sitwazzjoni attwali fiż-żewġ pajjiżi hija differenti, aħna qed nippreżentaw is-sejbiet tagħna dwar il-proċeduri ta’ asil għal kull wieħed minnhom b’mod separat. Barra minn hekk, id-data dwar l-asil li nġabret u li ġiet analizzata ma tippermettix li jsir tqabbil dirett tas-sistemi ta’ asil tal-Greċja ma’ dawk tal-Italja.
Is-sistema ta’ asil tal-Greċja hija kollha kemm hi mgħobbija żżejjed, minkejja żieda kbira fil-kapaċità tal-ipproċessar
L-akkumulazzjoni ta’ applikazzjonijiet qed tiżdied minkejja żieda fil-kapaċità tal-ipproċessar
104Is-Servizz tal-Asil Grieg (GAS) beda jopera f’Ġunju 2013. Bl-appoġġ tal-EMAS taħt l-AMIF, tal-programm nazzjonali taħt l-AMIF, tal-EASO u tal-UNHCR, il-forza tax-xogħol tiegħu kibret fi snin reċenti, u dan żied il-kapaċità tiegħu li jipproċessa deċiżjonijiet fl-ewwel istanza (ara l-Figura 13).
Figura 13
Persunal tal-GAS bi tqabbil mad-deċiżjonijiet fl-ewwel istanza
Sors: Il-QEA, ibbażat fuq data tal-GAS u tal-EUROSTAT.
Minkejja din iż-żieda fir-riżorsi tal-persunal, il-kapaċità attwali ta’ trattament tal-każijiet min-naħa tal-impjegati tal-GAS għadha insuffiċjenti fid-dawl tal-għadd dejjem jiżdied ta’ applikazzjonijiet għall-asil. Fl-2018, il-GAS kellu medja ta’ 240 persuna responsabbli mill-każijiet. Aħna stmajna li l-GAS ikun jeħtieġ bejn wieħed u ieħor 110 persuni oħra li jkunu responsabbli mill-każijiet biex sempliċement jipprevjenu l-akkumulazzjoni ta’ applikazzjonijiet fl-ewwel istanza (billi jiġu diviżi s-66 970 applikazzjoni għall-asil li ġew riċevuti fl-2018 bir-rata ta’ produttività standard ta’ 16-il każ kull xahar għal kull persuna responsabbli mill-każijiet). Minbarra d-diffikultà fir-reklutaġġ ta’ persunal ikkwalifikat, fattur ieħor li jillimita ż-żieda ulterjuri fil-kapaċità tal-GAS huwa n-nuqqas qawwi ta’ spazju ta’ ħidma (il-Kaxxa 9).
Kaxxa 9
Nuqqas ta’ spazju ta’ ħidma fis-Servizz tal-Asil Grieg
F’Ateni, is-servizzi ċentrali tal-GAS jokkupaw bini qadim b’uffiċċji ffullati. L-uffiċċji tal-intervisti, tar-reġistrazzjoni u tal-unità ta’ Dublin jinsabu f’kontejners barra mill-bini prinċipali, fejn il-fajls jitqiegħdu fuq xulxin mal-art minħabba n-nuqqas ta’ spazju. In-nuqqas ta’ spazju kien viżibbli anki matul iż-żjara tal-awditjar li wettaqna fil-hotspots ta’ Lesbos u ta’ Samos.
L-għadd totali ta’ każijiet pendenti fl-ewwel istanza kważi rdoppja bejn nofs l-2017 u tmiem l-2018, u kien hemm żieda qawwija fl-għadd ta’ każijiet li ilhom aktar minn sitt xhur (il-Figura 14).
Figura 14
Każijiet pendenti fl-ewwel istanza fil-Greċja
Din iċ-ċifra tkopri kemm il-parti kontinentali kif ukoll il-gżejjer, iżda ma tinkludix l-akkumulazzjoni fl-istadju tal-prereġistrazzjoni, li għaliha ma ksibna l-ebda data mill-awtoritajiet nazzjonali.
Sors: Il-QEA, ibbażat fuq data mill-EASO.
Id-dikjarazzjoni UE-Turkija tat-18 ta’ Marzu 2016 kellha impatt kbir fuq is-sitwazzjoni tal-asil fil-Greċja. Il-qsim irregolari tal-fruntiera mit-Turkija għall-Greċja naqas drastikament (ara l-Figura 15). Madankollu, fl-istess ħin, il-GAS tqiegħed taħt pressjoni konsiderevoli billi l-maġġoranza vasta taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi qed japplikaw għall-protezzjoni internazzjonali fil-Greċja minn meta ngħalqet ir-rotta tal-Balkani.
Figura 15
Qsim irregolari tal-fruntieri fil-Lvant tal-Mediterran
Sors: Il-QEA, ibbażat fuq data ta’ kull xahar mill-Frontex.
B’rispons għad-dikjarazzjoni UE-Turkija, ġiet introdotta proċedura rapida fuq il-fruntiera34 fil-gżejjer Griegi. Din tfasslet biex tikkomplementa l-proċeduri ta’ asil regolari u aċċellerati eżistenti (ara l-flowchart fil-Figura 16). L-akkumulazzjoni ta’ każijiet pendenti fl-ewwel istanza fil-gżejjer kienet ta’ 24 533 fi tmiem Marzu 201935.
Figura 16
Flowchart li tissimplifika l-proċedura rapida fuq il-fruntiera fil-gżejjer Griegi
Sors: Il-QEA.
Iż-żminijiet tal-ipproċessar qed jiżdiedu dejjem aktar
109Fl-2018, iż-żminijiet tal-ipproċessar tal-asil – mir-reġistrazzjoni sad-deċiżjoni ta’ appell – twalu għall-proċeduri ta’ asil kollha fil-Greċja (il-Figura 17).
Figura 17
Stampa ġenerali taż-żminijiet tal-ipproċessar skont il-proċedura ta’ asil (f’jiem)
L-ebda data mhi disponibbli għaż-żminijiet tal-ipproċessar fl-istadju tal-appell għall-proċedura aċċellerata u għall-każijiet fil-livell tal-qrati amministrattivi tal-appell u tal-Kunsill tal-Istat.
Sors: Il-QEA, ibbażat fuq data pprovduta mill-GAS u mill-Awtorità tal-Appell Griega.
Il-persunal tal-GAS u tal-EASO jwettqu l-intervisti għall-proċedura rapida fuq il-fruntiera fil-ħames gżejjer Griegi li għandhom hotspots. Għalkemm il-leġiżlazzjoni nazzjonali tistabbilixxi skadenzi li huma stretti ħafna (jenħtieġ li l-intervista għall-asil titwettaq f’jum wieħed mill-preżentazzjoni tal-applikazzjoni, u d-deċiżjoni fl-ewwel istanza trid tittieħed f’jum wieħed mill-intervista), iż-żminijiet medji tal-ipproċessar, madankollu, żdiedu minn sena għal oħra (il-Kaxxa 10).
Kaxxa 10
Problemi li jaffettwaw l-effiċjenza tal-proċedura rapida fuq il-fruntiera
Il-proċedura rapida fuq il-fruntiera tinvolvi bosta partijiet ikkonċernati (is-Servizz ta’ Akkoljenza u Identifikazzjoni, il-Frontex, it-tobba mill-Ministeru tas-Saħħa, il-pulizija, il-GAS u l-EASO), għaldaqstant huwa essenzjali li jkun hemm koordinazzjoni tajba bejniethom. Konġestjoni fi kwalunkwe stadju taffettwa b’mod negattiv l-effiċjenza tal-proċess kollu. Pereżempju, fl-2018, in-nuqqas36 ta’ tobba mill-Ministeru tas-Saħħa – li huma l-uniċi intitolati sabiex iwettqu valutazzjonijiet tal-vulnerabbiltà – fil-hotspots affettwa l-effiċjenza tal-proċedura kollha u b’hekk żdiedet l-akkumulazzjoni ta’ applikazzjonijiet. Eżempju ieħor huwa n-numri ta’ identifikazzjoni differenti maħruġa mit-tobba tal-Ministeru tas-Saħħa u mis-Servizz ta’ Akkoljenza u Identifikazzjoni. Dan ikkomplika l-identifikazzjoni ta’ applikanti għall-asil vulnerabbli u l-ipproċessar tal-każijiet tagħhom.
Il-maġġoranza vasta tal-applikanti (74 % fl-2018) jiġu kategorizzati bħala li huma vulnerabbli37 u jiġu esklużi mill-proċedura rapida fuq il-fruntiera. F’xi każijiet (la l-GAS u lanqas l-EASO ma jiġbru statistika preċiża), il-GAS annulla l-valutazzjoni tal-vulnerabbiltà mwettaq mill-EASO u rrefera l-każ għal eżami mediku ulterjuri. Dan kompla jtawwal il-proċedura ta’ asil għall-individwi kkonċernati. Barra minn hekk, il-GAS jannulla sistematikament l-opinjonijiet dwar l-inammissibbiltà li jinħarġu mill-EASO għal persuni mhux Sirjani38 (il-Kaxxa 7).
Jenħtieġ li l-appelli jiġu diskussi fi żmien tlett ijiem u mbagħad id-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu fi żmien jumejn mid-diskussjoni jew mill-preżentazzjoni ta’ rapport komplementari. Madankollu, fl-2018, iż-żmien medju tal-ipproċessar kien ta’ 171 jum (il-Figura 17).
Sa tmiem l-2018, 1 806 biss mit-8 928 migrant eliġibbli għar-ritorn kienu fil-fatt ġew rritornati lejn it-Turkija skont id-dikjarazzjoni UE-Turkija.
Is-sitwazzjoni hija saħansitra aktar problematika meta jitqiesu l-proċeduri regolari u aċċellerati.
112Iż-żmien medju mir-reġistrazzjoni sad-deċiżjoni fl-ewwel istanza skont il-proċedura regolari żdied minn 84 jum fl-2016 għal 241 jum fl-2018. Dan il-perjodu x’aktarx jitwal aktar, billi aħna sibna eżempji ta’ applikanti għall-asil li ppreżentaw applikazzjonijiet fl-2018 u li rċevew appuntamenti għal intervista fl-2022 jew saħansitra fl-2023.
113Fil-każ tal-proċedura aċċellerata għall-applikanti mis-Sirja, mill-Palestina jew mingħajr nazzjonalità, iż-żmien medju mir-reġistrazzjoni sad-deċiżjoni fl-ewwel istanza żdied b’aktar mid-doppju, minn 142 jum fl-2016 sa 303 ijiem fl-2018. Aħna osservajna każijiet ta’ Sirjani li applikaw fl-2018 u li ma ġewx offruti li jiġu intervistati sa Marzu 2021, u dan jindika li hemm riskju li dan il-perjodu jiżdied.
114Dan joħloq paradoss għas-Sirjani ammissibbli u għall-applikanti vulnerabbli fuq il-gżejjer39. Minkejja li tneħħitilhom ir-restrizzjoni ġeografika u jistgħu jħallu l-gżejjer, huma jridu jistennew ħafna aktar biex il-każ tagħhom jiġi eżaminat fuq il-mertu fil-Greċja kontinentali milli kieku baqgħu fil-proċedura rapida fuq il-fruntiera fil-gżejjer40.
L-awtoritajiet tal-appell huma mgħobbija żżejjed
115Il-Greċja għamlet sforz biex iżżid il-kapaċità tal-awtoritajiet tal-appell tagħha. F’Diċembru 2018, l-għadd ta’ kumitati ta’ appell żdied minn 12 għal 20. Din il-kapaċità akbar hija meħtieġa ħafna biex tiġi evitata s-sitwazzjoni tal-2017, meta l-kumitati tal-appelli pendenti kienu għadhom qed jikklerjaw l-appelli pendenti ta’ qabel l-2013 (ara l-proġett GR-1 tal-programmi nazzjonali taħt l-AMIF fl-Anness IV).
116Fi tmiem l-2018, l-awtoritajiet tal-appell kellhom 13 75541 każ li kienu għadhom pendenti. Sehem konsiderevoli tad-deċiżjonijiet negattivi fl-ewwel istanza (li rrappreżentaw kważi nofs dawn id-deċiżjonijiet mill-2013 ’il hawn) jgħaddi għall-istadju tal-appell, li jqiegħed pressjoni addizzjonali fuq l-awtoritajiet tal-appell. Iż-żminijiet medji tal-ipproċessar kemm fuq il-Greċja kontinentali kif ukoll fil-gżejjer twalu bejn l-2016 u l-2018.
117Ma huwa ppjanat l-ebda proġett iffinanzjat mill-AMIF biex jipprovdi appoġġ lill-kumitati ta’ appell, u l-appoġġ mill-EASO huwa limitat minħabba l-involviment tiegħu fl-istadju tal-ewwel istanza.
Indikazzjonijiet ta’ tnaqqis fil-kwalità tad-deċiżjonijiet fl-ewwel istanza li jittieħdu fil-gżejjer
118Indikatur possibbli tal-kwalità tad-deċiżjonijiet fl-ewwel istanza huwa l-perċentwal ta’ deċiżjonijiet annullati fost l-appelli mressqa quddiem l-awtoritajiet tal-appell. Il-Figura 18 turi rata baxxa ta’ deċiżjonijiet annullati għall-Greċja kontinentali, iżda s-sitwazzjoni fil-gżejjer marret għall-agħar b’mod sinifikanti f’dawn l-aħħar sentejn. Dan jissuġġerixxi tnaqqis fil-kwalità tad-deċiżjonijiet fl-ewwel istanza (17.8 % ġew annullati mill-awtoritajiet tal-appell fl-2018).
Figura 18
Sehem ta’ deċiżjonijiet negattivi li ttieħdu fl-ewwel istanza u li ġew annullati
Gżejjer: Lesbos, Kos, Leros, Samos, Chios.
Ma ġiet ipprovduta l-ebda data dwar deċiżjonijiet ta’ appell pożittivi għall-protezzjoni umanitarja.
Sors: Il-QEA, ibbażat fuq data mill-Awtorità tal-Appell Griega.
Fl-Italja, l-akkumulazzjoni tal-applikazzjonijiet għall-asil tingħadda lill-awtoritajiet tal-appell li huma mgħobbija żżejjed
Tnaqqis fl-akkumulazzjoni ta’ każijiet pendenti fl-ewwel istanza
119L-awtoritajiet Taljani ma setgħux jiġġeneraw l-informazzjoni li tlabna dwar l-evoluzzjoni annwali tal-għadd ta’ każijiet pendenti/tal-akkumulazzjoni li kien hemm mill-2015 ’il hawn fl-istadji tar-reġistrazzjoni, tal-preżentazzjoni, tal-appell u tad-deċiżjoni finali. Għalhekk, din it-taqsima tkopri biss l-għadd ta’ każijiet pendenti/akkumulazzjoni fl-istadju tad-deċiżjoni fl-ewwel istanza.
120Mill-2016 ’il hawn, il-wasliet fl-Italja rreġistraw xejra qawwija ’l isfel: fl-2017, dawn naqsu b’34 % meta mqabbel mas-sena preċedenti, u fl-2018 naqsu bi 80 % aktar (il-Figura 19). L-applikazzjonijiet għall-asil naqsu b’56 % mill-2016 sal-2018.
Figura 19
Wasliet u applikazzjonijiet għall-asil
Sors: Il-QEA, ibbażat fuq data mill-Ministeru għall-Intern (wasliet) u mill-Eurostat (applikazzjonijiet).
Il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Asil (NAC), flimkien mal-fergħat reġjonali tagħha, tivvaluta l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali fl-Italja u hija responsabbli biex toħroġ deċiżjonijiet fl-ewwel istanza. Bl-appoġġ tal-baġit nazzjonali, il-kapaċità tal-persunal tagħha żdiedet mill-2014 sal-2018 (ara l-Figura 20). Ir-rinforz tal-persunal żied il-kapaċità tal-ipproċessar tal-applikazzjonijiet fl-ewwel istanza.
Figura 20
Membri tal-kummissjonijiet territorjali tal-asil bi tqabbil mad-deċiżjonijiet fl-ewwel istanza
Sors: Il-QEA, ibbażat fuq data mill-Kummissjoni Nazzjonali għall-Asil u mill-EUROSTAT.
Sa tmiem l-2017, in-NAC kienet għadha qed issibha diffiċli biex tittratta l-għadd dejjem jikber ta’ applikazzjonijiet għall-asil. Sa Diċembru 2017, il-każijiet pendenti kienu żdiedu għal 149 006, u dan qiegħed pressjoni sinifikanti fuq is-sistema ta’ asil tal-Italja. Madankollu, din is-sitwazzjoni nbidlet fl-2018, meta l-akkumulazzjoni ta’ applikazzjonijiet naqset drammatikament b’45 % bis-saħħa ta’ żieda ulterjuri fil-kapaċità tal-ipproċessar fl-ewwel istanza, flimkien ma’ tnaqqis sinifikanti fil-wasliet. Dan irriżulta f’ammont inqas ta’ applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali (il-Figura 21).
Figura 21
Każijiet pendenti fl-ewwel istanza fl-Italja
Sors: Il-QEA, ibbażat fuq data mill-EASO.
In-NAC tipprevedi li tikklerja l-akkumulazzjoni kollha fl-ewwel istanza sa tmiem l-2019. Madankollu, meta dawn l-isforzi jiġu kkombinati mal-politika aktar iebsa dwar il-migrazzjoni (l-abolizzjoni tal-protezzjoni umanitarja u t-tnaqqis fir-rata ta’ rikonoxximent42), fi żmien sena, huwa mistenni li volum kbir ta’ każijiet ta’ rifjut jgħaddu għall-istadju tal-appell, li huwa diġà mgħobbi żżejjed (ara l-paragrafu 127 hawn taħt).
Iż-żminijiet tal-ipproċessar qed jiżdiedu
124Mis-sistemi tal-IT Taljani mhuwiex possibbli li jiġi estratt iż-żmien tal-ipproċessar medjan jew medju li jittieħed bejn l-iżbark, il-formulazzjoni tal-applikazzjoni għall-asil u r-reġistrazzjoni tagħha fi questura.
125Skont il-proċedura regolari, il-leġiżlazzjoni Taljana tistabbilixxi żmien massimu ta’ 33 jum43 mid-data tal-preżentazzjoni ta’ talba sal-ħruġ ta’ deċiżjoni fl-ewwel istanza. Il-Figura 22 turi li ż-żmien medju tal-ipproċessar żdied konsiderevolment mill-2015 sal-2018.
Figura 22
Żminijiet medji tal-ipproċessar fl-ewwel istanza fl-Italja (f’jiem)
Sors: Il-QEA, ibbażat fuq data mill-Ministeru għall-Intern Taljan.
Kwistjoni kritika hija n-nuqqas ta’ sistema integrata ta’ ġestjoni tal-IT li tippermetti l-insegwiment tal-prestazzjoni mill-bidu sat-tmiem tal-proċedura, inkluż l-istadju (tal-appell) ġudizzjarju. Il-kummissjonijiet territorjali tal-asil jirreġistraw id-deċiżjonijiet ta’ appell b’mod manwali u dan jeħdilhom il-ħin u jxekkel il-kompletezza u l-affidabbiltà tad-data. Mhux id-deċiżjonijiet kollha jiġu ppreżentati sistemikament lill-kummissjoni territorjali. Huma jridu jiġbru informazzjoni mill-migranti jew mill-questure. Barra minn hekk, il-kummissjonijiet territorjali jieħdu wkoll il-ħin biex itellgħu d-deċiżjonijiet meħuda minnhom fl-ewwel istanza. In-nuqqas ta’ data affidabbli u f’waqtha dwar id-deċiżjonijiet negattivi fl-istadji kollha jimpedixxi wkoll il-ħruġ ta’ deċiżjonijiet ta’ ritorn mill-questure.
L-awtoritajiet tal-appell huma mgħobbija żżejjed
127Il-Figura 23 turi li deċiżjoni finali wara s-sessjonijiet kollha possibbli ta’ appell tista’ ddum 4.3 snin. Għalhekk, huwa probabbli li l-appoġġ li jingħata lill-awtoritajiet ġudizzjarji jsir il-ħtieġa l-aktar urġenti għas-sistema ta’ asil Taljana.
Figura 23
Żmien medju meħtieġ biex tintlaħaq deċiżjoni finali dwar l-applikazzjonijiet tal-2015 fl-Italja
Sors: Il-QEA, ibbażat fuq data mill-Ministeru għall-Intern Taljan.
Fiż-żmien meta sar l-awditu, ma kienx hemm proġett taħt l-AMIF li jsaħħaħ il-kapaċità ġudizzjarja. L-EASO identifika din il-ħtieġa iżda sa issa pprovda biss appoġġ indirett: huwa jgħin lin-NAC b’każijiet li jilħqu t-tieni istanza iżda ma jassistix direttament lill-qrati ġudizzjarji tal-appell.
Rata relattivament għolja ta’ deċiżjonijiet fl-ewwel istanza li ġew annullati mill-awtoritajiet tal-appell
129Il-Figura 24 turi li l-awtoritajiet tal-appell annullaw 33 % mid-deċiżjonijiet fl-ewwel istanza li ġew appellati fl-2018. Għalkemm hija relattivament għolja, din ir-rata kienet tjiebet xi ftit meta mqabbla mas-snin preċedenti.
Figura 24
Sehem ta’ deċiżjonijiet negattivi fl-ewwel istanza dwar l-asil li ġew annullati
Deċiżjonijiet dwar appelli mressqa bejn l-2012 u l-2015.
Sors: Il-QEA, ibbażat fuq data mill-Ministeru għall-Intern Taljan.
Ir-ritorn effettiv tal-migranti irregolari jibqa’ problematiku fl-UE kollha
Rati baxxi ta’ ritorni fl-UE kollha
130B’kont meħud tal-għadd kbir ta’ persuni li fittxew protezzjoni internazzjonali fl-Ewropa mill-2015 ’il hawn, ir-rata baxxa li biha l-migranti irregolari qed jiġu rritornati saret problematika għall-Greċja, għall-Italja u għall-UE kollha, kif jidher fil-Figura 25. Ir-rati ta’ ritorni huma saħansitra aktar baxxi jekk jitqiesu biss ir-ritorni barra mill-Ewropa. Hemm ħafna raġunijiet għal dan, li aħna nanalizzaw hawn taħt.
Figura 25
Ritorni fil-Greċja u fl-Italja
Sors: Il-QEA, rati ta’ ritorni kkalkulati abbażi ta’ data mill-EUROSTAT.
Rigward l-implimentazzjoni tad-dikjarazzjoni UE-Turkija, il-gżejjer Griegi kienu bagħtu lura biss total ta’ 1 806 migranti irregolari sa tmiem l-2018. L-għadd ta’ ritorni skont id-dikjarazzjoni UE-Turkija fl-2018 (322) saħansitra kompla jonqos meta mqabbel mal-2017 (687).
Għadd ta’ fatturi jdgħajfu l-prestazzjoni tal-operazzjonijiet ta’ ritorn
132Wieħed mill-fatturi li jaffettwa l-prestazzjoni tal-operazzjonijiet ta’ ritorn huwa t-tul tal-proċess ta’ asil (ara wkoll il-paragrafi 109 sa 114 u 124 sa 126). Barra minn hekk, rigward l-għadd limitat ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jistgħu jinżammu, skont ir-raġunijiet li huma permessi mil-liġi dwar l-asil, il-perjodu massimu ta’ detenzjoni huwa ta’ sitt xhur. Meta jintemm il-perjodu ta’ detenzjoni, il-migranti jinħelsu u jistgħu jaħarbu. Fl-aħħar nett, kemm fl-Italja kif ukoll fil-Greċja, ta’ spiss il-migranti jagħmlu applikazzjonijiet għall-asil fl-aħħar minuta biex idewmu l-proċedura ta’ ritorn.
133Koordinazzjoni tajba bejn l-awtoritajiet tal-asil u dawk ta’ ritorn hija essenzjali biex tiġi ottimizzata l-kondiviżjoni tal-informazzjoni u biex jiġi awtomatizzat il-ħruġ ta’ deċiżjoni ta’ ritorn b’segwitu ta’ deċiżjoni ta’ ritorn negattiva (il-Kaxxa 11).
Kaxxa 11
Rabta bejn il-proċeduri ta’ asil u dawk ta’ ritorn fil-Greċja u fl-Italja
Fil-Greċja, iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jiġu rreġistrati bħala applikanti għall-protezzjoni internazzjonali fid-database tal-GAS li tissejjaħ ALKIONI. Fil-Greċja kontinentali, minkejja li l-Pulizija ngħatat aċċess ristrett għal ċerti moduli ta’ din id-database, hija ma tiġix notifikata awtomatikament meta deċiżjoni negattiva dwar l-asil tinħareġ fis-sistema ALKIONI. Għalhekk, id-deċiżjonijiet ta’ ritorn jinħarġu biss jekk persuna tinqabad. L-iskambju ta’ informazzjoni fuq il-gżejjer huwa aħjar, iżda għadu informali u jiddependi fuq kuntatti personali.
L-Italja ma toħroġx deċiżjoni ta’ ritorn malli tittieħed deċiżjoni negattiva dwar l-asil. Dawn iż-żewġ tipi ta’ deċiżjonijiet jinħarġu minn żewġ awtoritajiet separati: il-questure u l-kummissjonijiet tal-asil. Il-Pulizija għandha aċċess għad-database li fiha jiġu rreġistrati d-deċiżjonijiet dwar l-asil, iżda ma tiġix notifikata awtomatikament meta tinħareġ deċiżjoni negattiva dwar l-asil. Bħal fil-Greċja, deċiżjoni ta’ ritorn tinħareġ biss jekk persuna tinqabad.
Kif imsemmi fil-paragrafu 126, in-nuqqas ta’ data affidabbli u f’waqtha dwar id-deċiżjonijiet negattivi li jittieħdu fl-istadji tal-appell jimpedixxi wkoll il-ħruġ ta’ deċiżjonijiet ta’ ritorn mill-questure.
Il-Greċja għandha sistema tal-IT ċentralizzata (Sistema tal-Immappjar Griega) għall-ġestjoni tal-migrazzjoni, iżda din għadha mhix matura f’termini ta’ informazzjoni jew funzjonalità. Hija mhix sistema integrata li timmappja l-proċess ta’ ritorn kollu kemm hu. Pereżempju, ma hemmx data f’ħin reali dwar id-detenzjoni. Minflok, kull ċentru ta’ detenzjoni ta’ qabel it-tneħħija juża l-fajl tal-Excel proprju tiegħu, u l-unità tal-koordinazzjoni fil-kwartieri ġenerali tal-pulizija jkollha titlob lil kull wieħed minn dawn iċ-ċentri biex jipprovdu aġġornamenti regolari sabiex tikseb stampa ġenerali tas-sitwazzjoni. Il-Frontex qed tappoġġa lill-Greċja biex il-proċess ta’ ritorni tagħha jiġi kkonvertit f’format diġitali.
135Barra minn hekk, ma hemmx rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet ta’ ritorn fost l-Istati Membri tal-UE. Sal-2018, ma kienx isir skambju ta’ informazzjoni dwar id-deċiżjonijiet ta’ ritorn fi ħdan l-UE. Minn Diċembru 2018, jenħtieġ li d-deċiżjonijiet ta’ ritorn jiddaħħlu sistematikament fis-Sistema ta’ informazzjoni ta’ Schengen, biex b’hekk dawn ikunu viżibbli għall-Istati Membri kollha.
136Ir-riskju li l-persuni jaħarbu jeżisiti wkoll f’każijiet ta’ tluq volontarju. Il-kawża prinċipali għal dan hija n-nuqqas ta’ sistema standard li tivverifika jekk ċittadin ta’ pajjiż terz ikunx qasam il-fruntiera esterna ta’ pajjiż taż-żona Schengen. Għalhekk, mhuwiex possibbli li jiġi stabbilit b’ċertezza jekk ċittadin ta’ pajjiż terz ikunx fil-fatt telaq mill-UE, jew jekk ikunx qed jinħeba fl-Istat Membru, jew inkella jekk marx jgħix fi Stat Membru ieħor.
137Skont id-Direttiva dwar ir-Ritorn44, jenħtieġ li l-użu tad-detenzjoni għall-finijiet ta’ tneħħija jkun limitat u suġġett għall-prinċipju tal-proporzjonalità fir-rigward tal-mezzi użati u tal-objettivi fil-mira. Id-detenzjoni hija ġġustifikata biss meta jitħejja r-ritorn jew meta jitwettaq il-proċess ta’ tneħħija, jew inkella meta miżuri anqas koerċittivi ma jkunux suffiċjenti. Il-perjodu inizjali ta’ detenzjoni huwa sa sitt xhur. Dan jista’ jiġi estiż sa 18-il xahar taħt ċerti kundizzjonijiet. Fil-Greċja, attwalment hemm sitt ċentri ta’ detenzjoni ta’ qabel it-tneħħija fuq il-parti kontinentali u tnejn fuq il-gżejjer ta’ Lesbos u Kos. Huwa ppjanat li jkun hemm ċentru ieħor fuq Samos. Il-kundizzjonijiet f’xi wħud miċ-ċentri ta’ detenzjoni ta’ qabel it-tneħħija ġew ikkritikati (ara l-proġett GR-3 fl-Anness IV).
138Minkejja l-isforzi tal-Italja, il-kapaċità taċ-ċentri ta’ detenzjoni ta’ qabel it-tneħħija fil-pajjiż għadhom mhumiex suffiċjenti biex jakkomodaw l-għadd ta’ persuni li jridu jiġu rritornati (815-il post meta mqabbel ma’ 27 070 deċiżjoni ta’ ritorn maħruġa fl-2018). Ma hemm l-ebda proġett taħt l-AMIF previst biex jindirizza din il-kwistjoni.
139Raġuni oħra għar-rata baxxa li biha l-migranti li jkunu ġew ordnati jitilqu mill-UE jiġu effettivament irritornati hija n-nuqqas ta’ kooperazzjoni min-naħa ta’ xi pajjiżi terzi fl-identifikazzjoni u fir-riammissjoni taċ-ċittadini tagħhom (ara wkoll il-paragrafu 100 (iv)). Pereżempju, il-Ftehim ta’ Cotonou bejn l-UE u l-pajjiżi Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku jistipula45 li dawn il-pajjiżi jridu jerġgħu jieħdu lura kull ċittadin tagħhom li jkun preżenti b’mod illegali fit-territorju ta’ Stat Membru tal-UE, mingħajr formalitajiet ulterjuri. Fil-prattika, din id-dispożizzjoni legali ma tiġix rispettata.
Ir-ritorni volontarji assistiti u r-riintegrazzjoni qed jiffaċċjaw sfidi operazzjonali
140Mingħajr l-ebda approċċ armonizzat fl-UE, il-pakketti tal-AVRR ivarjaw fost l-Istati Membri. Skont is-Servizz ta’ Riċerka tal-Parlament Ewropew, mhux inqas minn 90 programm speċifiku tal-AVRR ġew stabbiliti mill-Istati Membri tal-UE, ikkofinanzjati mill-Unjoni Ewropea.
141Sa issa, l-operazzjonijiet tal-AVRR irrappreżentaw biss frazzjoni mir-ritorni totali fl-Italja (15 % fl-2018), billi bosta kwistjonijiet ipprevenew lill-proġetti tal-AVRR milli jikkontribwixxu b’mod effettiv biex tiġi solvuta l-problema tar-ritorni (il-Kaxxa 12).
Kaxxa 12
Eżempji ta’ problemi li jxekklu l-effettività tal-proġetti tal-AVRR fl-Italja
Fl-2015/2016, kien hemm lakuna ta’ sena li matulha ma ġie implimentat l-ebda programm tal-AVRR, minħabba t-tranżizzjoni tardiva lejn il-Fond tal-AMIF. L-ebda kampanja nazzjonali ta’ sensibilizzazzjoni ma akkumpanjat il-proġetti tal-AVRR iffinanzjati taħt l-AMIF li tnedew fl-2016, u kull proġett wettaq l-attivitajiet ta’ informazzjoni tiegħu b’mod individwali (ara l-paragrafu 71 dwar it-trikkib). Barra minn hekk, meta nbdew il-proġetti ma kellhomx attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni effettivi. Is-sitwazzjoni mbagħad ġiet indirizzata bl-introduzzjoni ta’ persunal ddedikat għas-sensibilizzazzjoni: konsulenti reġjonali. Il-miri ssettjati għall-indikaturi tal-proġetti ma kinux ambizzjużi meta jiġu kkunsidrati l-ħtiġijiet.
Grupp kbir ta’ migranti li baqgħu fl-Italja illegalment ġew esklużi mill-programm tal-AVRR, peress li, biex ikun eliġibbli, migrant irid japplika għall-AVRR fi żmien qasir ħafna ta’ 7-30 jum wara l-ħruġ ta’ deċiżjoni ta’ ritorn.
Iż-żmien meħtieġ mill-applikazzjoni sal-approvazzjoni min-naħa tal-questura jew tal-prefettura kien twil, b’medja ta’ 37 jum (fil-proġett IT-3) u 40 jum (fil-proġett IT-2). Billi l-Italja ma għandhiex akkomodazzjoni għall-applikanti tal-AVRR, it-tul taż-żmien ta’ stennija ikkontribwixxa għar-rata għolja ta’ abbandun ta’ 27 %46.
Fl-aħħar nett, kien hemm lakuna fil-programm tal-AVRR billi, wara li l-proġetti ntemmu f’Ġunju 2018, ma ġietx ippubblikata sejħa ġdida sa Ottubru 2018. Din is-sejħa kienet qed tiġi evalwata fiż-żmien meta saret iż-żjara tal-awditjar li wettaqna fi Frar 2019. L-IOM infurmatna li hija ma kinitx ipparteċipat minħabba li r-regoli dwar l-eliġibbiltà tal-ispejjeż kienu rigorużi wisq47.
Fil-Greċja, il-programm tal-AVRR implimentat mill-IOM qed jilħaq l-objettivi tiegħu48. Madankollu, l-assistenza għar-riintegrazzjoni, li tappoġġa lill-benefiċjarji hekk kif jirritornaw fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom, hija disponibbli biss għal 26 % mill-applikanti. Din il-lakuna fil-forniment ta’ assistenza għar-riintegrazzjoni setgħet tiġi koperta parzjalment mill-Programm ta’ Azzjoni Speċifika tan-Netwerk Ewropew dwar Strument ta’ Riintegrazzjoni (ERIN)49, iżda l-Greċja għadha ma għamlitx użu minnu.
143Barra minn hekk, filwaqt li l-perjodu ta’ eliġibbiltà għall-programm fil-Greċja kontinentali ma għandux limitu, il-migranti fuq il-gżejjer iridu japplikaw għall-AVRR fi żmien qasir ħafna (15-il jum wara deċiżjoni negattiva fl-ewwel istanza mill-GAS).
144Minkejja dan ta’ hawn fuq, ġie osservat eżempju ta’ prassi tajba fiċ-Ċentru Miftuħ ta’ Attiko Alsos għal migranti li huma rreġistrati għal ritorn volontarju assistit u għal riintegrazzjoni, li joffri ambjent sikur u appoġġ lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi li b’mod volontarju jiddeċiedu li jirritornaw lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħhom (ara l-Kaxxa 13).
Kaxxa 13
Eżempju ta’ prassi tajba fl-AVRR
Iċ-Ċentru Miftuħ ta’ Attiko Alsos għal migranti li huma rreġistrati għal ritorn volontarju assistit u għal riintegrazzjoni, iffinanzjat minn EMAS taħt l-AMIF, ġie stabbilit qrib iċ-ċentru ta’ Ateni sabiex jipprovdi kenn lil migranti fil-Greċja li jkunu rreġistraw għall-programm tal-AVRR u li ma jkollhomx fejn jgħixu sakemm jasal it-tluq tagħhom. Il-benefiċjarji huma migranti vulnerabbli, iddefiniti għall-finijiet tal-proġett bħala nisa tqal, familji b’ġenitur wieħed, migranti bi ħtiġijiet mediċi, migranti anzjani u migranti foqra. Iċ-Ċentru Miftuħ għandu konnessjonijiet tat-trasport tajba u huwa qrib l-isptarijiet u s-servizzi konsulari. Huwa jipprovdi servizzi li huma essenzjali għall-migranti vulnerabbli sakemm huma jirritornaw lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħhom.
Ebda data dwar il-ħeffa tal-operazzjonijiet ta’ ritorn
145La s-sistemi tal-IT Griegi u lanqas dawk Taljani ma huma kapaċi jiġġeneraw statistika dwar il-ħeffa tal-proċeduri ta’ ritorn50. B’riżultat ta’ dan, aħna ma stajniex nivvalutaw dan l-aspett.
Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
146L-awditu tagħna eżamina jekk l-appoġġ li ngħata mill-UE għall-ġestjoni tal-migrazzjoni (inkluż l-approċċ hotspot) kienx ikkontribwixxa biex il-proċeduri ta’ asil u ta’ ritorn fil-Greċja u fl-Italja jkunu effettivi u veloċi. Aħna nikkonkludu li hemm disparitajiet bejn l-objettivi tal-appoġġ li ngħata mill-UE u r-riżultati li nkisbu. Minkejja li kien hemm żieda fil-kapaċità tal-awtoritajiet Griegi u Taljani, l-implimentazzjoni tal-proċeduri ta’ asil fil-Greċja u fl-Italja qed tkompli tiġi affettwata minn żminijiet tal-ipproċessar li huma twal u minn konġestjonijiet. Bħal fil-bqija tal-UE, l-għadd ta’ ritorni ta’ ċittadini irregolari ta’ pajjiżi terzi mill-Greċja u mill-Italja huwa baxx.
147Mill-11-il rakkomandazzjoni li għamilna fl-2017 dwar l-approċċ hotspot fil-Greċja u fl-Italja, 6 ġew implimentati bis-sħiħ, 2 ġew implimentati għal dak li jirrigwarda l-Kummissjoni u l-Aġenziji, filwaqt li rakkomandazzjoni waħda għadha ma ġietx implimentata mill-Istati Membri (l-Anness III). Żewġ rakkomandazzjonijiet ewlenin għadhom qed jiġu implimentati (dwar il-kapaċità tal-hotspots u s-sitwazzjoni ta’ minorenni mhux akkumpanjati fil-hotspots Griegi), billi s-sitwazzjoni fil-hotspots Griegi għadha kritika ħafna (il-paragrafi 23 sa 27).
148Ir-rakkomandazzjoni tagħna, li l-istazzjonament tal-esperti mill-Istati Membri għandu jkun twil biżżejjed, għadha ma ġietx implimentata. Għalkemm il-Kummissjoni u l-Aġenziji appellaw ripetutament lill-Istati Membri biex jistazzjonaw aktar esperti nazzjonali, in-nuqqas ta’ dawn l-esperti fl-operazzjonijiet tal-EASO għadu jippersisti. B’kuntrast ma’ dan, il-Frontex kienet fil-fatt stazzjonat aktar persunal milli meħtieġ fil-hotspots Taljani, billi hija ma kinitx aġġustat il-pjan tagħha fid-dawl tal-għadd baxx ta’ migranti li waslu bil-baħar. Minkejja li ftit li xejn kien hemm operazzjonijiet ta’ ritorn, aħna osservajna wkoll li sehem għoli mill-iskorti esperti tal-Frontex għal operazzjonijiet ta’ riammissjoni fit-Turkija kellhom profil ta’ skorta biss u, għaldaqstant, ma setgħux jintużaw għal xi tip ieħor ta’ operazzjoni (il-paragrafi 28 sa 30).
149Aħna sibna li r-rati ta’ reġistrazzjoni u ta’ teħid tal-marki tas-swaba’ fil-hotspots kienu tjiebu b’mod sinifikanti, billi kienu ġew stabbiliti proċeduri operattivi standard u r-responsabbiltajiet ġew kondiviżi b’mod ċar bejn l-awtoritajiet nazzjonali u l-aġenziji ta’ appoġġ tal-UE. Madankollu, sehem għoli ta’ migranti jibqgħu sejrin lejn Stati Membri oħra tal-UE u japplikaw għall-asil hemmhekk, mingħajr ma l-marki tas-swaba’ tagħhom jiġu maħżuna fid-database tal-EURODAC (il-paragrafi 31 sa 34).
150L-iskemi ta’ rilokazzjoni ta’ emerġenza, li tfasslu biex ikunu temporanji, kienu l-ewwel inizjattiva ta’ solidarjetà fl-istorja tal-politika Ewropea dwar il-migrazzjoni li hija mmirata lejn ir-ridistribuzzjoni fuq skala kbira ta’ applikanti għall-asil fost l-Istati Membri. Madankollu, huma ma laħqux il-miri tagħhom u għaldaqstant ma taffewx b’mod effettiv il-pressjoni fuq is-sistemi ta’ asil Griegi u Taljani (il-paragrafi 35 sa 41).
151Fil-fatt, is-sehem ta’ migranti potenzjalment eliġibbli li ġew identifikati u orjentati b’suċċess biex japplikaw għal rilokazzjoni kien baxx ħafna (il-paragrafi 42 sa 47).
152Sehem għoli ta’ kandidati li fil-fatt applikaw ġew irrilokati (80 % fil-Greċja u 89 % fl-Italja). Madankollu, aħna sibna għadd ta’ dgħufijiet operazzjonali fil-proċess ta’ rilokazzjoni. Il-Kummissjoni ma mmonitorjatx il-proċess ta’ rilokazzjoni fil-pajjiżi li ilhom jirċievu migranti minn Frar 2018. L-iskemi ta’ rilokazzjoni temporanja skadew f’Settembru 2017, u għadu ma ntlaħaq l-ebda kunsens dwar il-proposta tal-Kummissjoni għal sistema ta’ rilokazzjoni permanenti. Fin-nuqqas ta’ mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni maqbul fil-livell tal-UE, qed issir rilokazzjoni volontarja fuq bażi ad hoc, prinċipalment għal migranti li żbarkaw fl-Italja u f’Malta (il-paragrafi 48 sa 53).
Rakkomandazzjoni 1 – Isir użu mit-tagħlimiet meħuda biex wieħed jibni fuq l-esperjenza għall-fini ta’ kwalunkwe mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni volontarja li jista’ jkun hemm fil-futurJenħtieġ li l-Kummissjoni tuża t-tagħlimiet li ttieħdu mill-iskemi ta’ rilokazzjoni ta’ emerġenza (inkluż mis-sitwazzjoni fl-Istat Membru riċeventi wara r-rilokazzjoni) u tibni fuq din l-esperjenza għall-fini ta’ kwalunkwe mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni volontarja li jista’ jkun hemm fil-futur.
Data mmirata għall-implimentazzjoni: il-31 ta’ Diċembru 2020
153L-EMAS taħt l-AMIF oriġinarjament tfasslet bħala strument fuq skala żgħira li jindirizza l-ħtiġijiet ta’ emerġenza urġenti u speċifiċi. Iż-żieda fil-finanzjament għall-EMAS ikkontribwiet biex l-appoġġ li jingħata mill-Kummissjoni għall-kriżijiet isir aktar flessibbli u risponsiv. Hija saret l-istrument strateġiku ewlieni tal-Kummissjoni biex l-appoġġ jiġi bbilanċjat mill-ġdid lejn il-pajjiżi li huma l-aktar affettwati mill-kriżi tal-migrazzjoni, b’mod partikolari l-Greċja, billi tikkomplementa l-pakketti tal-programmi nazzjonali tagħhom. Din il-bidla seħħet mingħajr l-istabbilment ta’ qafas ta’ monitoraġġ tal-prestazzjoni. Il-Kummissjoni pproponiet li l-assistenza ta’ emerġenza taħt ġestjoni kondiviża mal-Istati Membri tiġi inkluża fil-qafas finanzjarju l-ġdid għall-2021-2027 (il-paragrafi 54 sa 64).
154Mis-sitt proġetti EMAS li ġew eżaminati, tnejn biss laħqu l-miri tagħhom kompletament, tlieta laħqu l-miri tagħhom parzjalment u wieħed għadu fl-istadju bikri tal-implimentazzjoni (il-paragrafi 65 sa 66).
155L-10 proġetti li ġew eżaminati taħt il-programmi nazzjonali taħt l-AMIF huma kollha rilevanti. Dawn il-programmi huma strument ta’ finanzjament pluriennali, iżda fil-Greċja u fl-Italja għad ma hemmx stabbiliti mekkaniżmi robusti għall-ppjanar strateġiku pluriennali biex jiżguraw li l-fondi jiġu allokati fejn ikunu l-aktar meħtieġa (il-paragrafi 67 sa 72).
156Mill-ħames proġetti kkompletati relatati mal-programmi nazzjonali taħt l-AMIF li ġew eżaminati, l-ebda wieħed ma laħaq il-miri tiegħu bis-sħiħ: tlieta laħqu l-miri tagħhom parzjalment, wieħed ma laħaqx l-objettivi tiegħu, u għall-aħħar wieħed, id-data ma kinitx suffiċjenti biex jiġi vvalutat il-progress. Il-ħames proġetti li jifdal kienu għadhom għaddejjin fiż-żmien meta sar l-awditu (il-paragrafi 73 sa 75).
157Il-qafas ta’ monitoraġġ tal-prestazzjoni tal-AMIF ġie stabbilit tard u mingħajr miri. Matul l-awditu, sar evidenti li kienet meħtieġa aktar data dwar il-prestazzjoni biex jiġi ffaċilitat it-twettiq ta’ evalwazzjoni robusta tal-politika fil-livell tal-UE (il-paragrafi 76 sa 82).
Rakkomandazzjoni 2 – Tiġi msaħħa l-ġestjoni tal-assistenza ta’ emerġenza u tal-programmi nazzjonali taħt l-AMIFJenħtieġ li l-Kummissjoni:
- tiddefinixxi kriterji għall-allokazzjoni tal-fondi għall-EMAS taħt ġestjoni kondiviża mal-Istati Membri fil-qafas finanzjarju li jmiss;
- issaħħaħ il-qafas ta’ monitoraġġ tal-prestazzjoni billi:
- tiżgura li l-proġetti EMAS taħt l-AMIF ikunu jinkludu, fejn ikun xieraq, indikaturi tal-output u tal-eżitu b’miri u linji bażi ċari, u tipprovdi ġustifikazzjoni meta dan ma jkunx il-każ;
- timmonitorja u tirrapporta l-eżiti li nkisbu mill-proġetti ffinanzjati mill-EMAS;
- għall-QFP il-ġdid għall-2021-2027, tfassal l-indikaturi tas-CMEF tal-AMIF, inklużi l-linji bażi u l-miri tagħhom qabel ma jinbdew il-proġetti għall-2021-2027;
- timplimenta miżuri li jiżguraw il-komplementarjetà u koordinazzjoni aħjar bejn l-AMIF u l-EASO/il-FRONTEX (eż. fil-qasam tar-ritorni furzati jew tal-appoġġ lill-awtoritajiet kompetenti fil-qasam tal-asil).
Data mmirata għall-implimentazzjoni: it-30 ta’ Ġunju 2021
158L-awtoritajiet nazzjonali kemm fil-Greċja kif ukoll fl-Italja jivvalutaw is-sostenn operazzjonali pprovdut mill-EASO bħala rilevanti u utli. Madankollu, il-pjanijiet ta’ sostenn operazzjonali pprovdut mill-EASO sal-2018, fil-biċċa l-kbira mill-każijiet, kienu mmexxija mill-input, u ma kellhomx miri għall-outputs u għall-eżiti biex tiġi vvalutata l-prestazzjoni tal-EASO. Is-sitwazzjoni fl-2019 qed titjieb gradwalment (il-paragrafi 83 sa 89).
159Filwaqt li n-nuqqas ta’ esperti mill-Istati Membri huwa kkumpensat minn fornituri interim ta’ servizzi, id-durata qasira tal-istazzjonament tal-esperti għadha problema. L-operazzjonijiet tal-EASO fil-hotspots Griegi huma affettwati minn problemi relatati mas-sigurtà, nuqqas ta’ spazju ta’ ħidma, nuqqas ta’ qbil mal-GAS dwar il-valutazzjonijiet tal-vulnerabbiltà , u l-annullament sistematiku ta’ deċiżjonijiet ta’ nuqqas ta’ ammissibbiltà għal persuni mhux Sirjani min-naħa tal-GAS (il-paragrafi 90 sa 93).
Rakkomandazzjoni 3 – Isir titjib fis-sostenn operazzjonali pprovdut mill-EASO għall-proċeduri ta’ asilJenħtieġ li l-EASO:
- jaġġusta l-mudell ta’ stazzjonament tal-esperti tiegħu biex jagħmlu aktar prevedibbli minħabba n-nuqqas permanenti ta’ esperti mill-Istati Membri;
- jikkompleta l-oqfsa ta’ monitoraġġ tal-prestazzjoni tiegħu għall-Greċja u għall-Italja billi jżid indikaturi tal-eżiti, linji bażi u miri, u billi jiġbor id-data rilevanti dwar il-prestazzjoni għall-indikaturi kollha;
- jikkollabora mal-GAS biex jingħeleb in-nuqqas ta’ qbil rigward il-valutazzjonijiet tal-vulnerabbiltà u l-ammissibbiltà ta’ persuni mhux Sirjani fil-proċedura rapida fuq il-fruntiera.
Data mmirata għall-implimentazzjoni: il-31 ta’ Diċembru 2020
160Il-Greċja u l-Italja huma fost l-Istati Membri li ma ħadux vantaġġ sħiħ mill-potenzjal tal-Frontex għall-operazzjonijiet ta’ ritorn (mandat estiż u żieda fil-baġit). Is-sitwazzjoni tista’ tiġi spjegata mhux biss mill-għadd baxx ta’ persuni rimpatrijati, iżda anki mill-eżistenza ta’ żewġ strumenti paralleli ta’ finanzjament mill-UE li jappoġġaw l-istess tip ta’ attivitajiet (ritorni furzati ffinanzjati taħt programmi nazzjonali taħt l-AMIF u operazzjoni tal-Frontex) (il-paragrafi 94 sa 101).
Rakkomandazzjoni 4 – Jiġu aġġustati l-appoġġ għar-ritorn u l-istazzjonament tal-esperti fil-hotspots min-naħa tal-FrontexJenħtieġ li l-Frontex:
- tikkollabora mal-Kummissjoni biex tiżgura komplementarjetà u koordinazzjoni aħjar bejn l-appoġġ għar-ritorn iffinanzjat mill-Frontex u dak iffinanzjat mill-AMIF;
- fil-kuntest tal-għadd baxx ta’ operazzjonijiet ta’ ritorn fil-Greċja, ma tibqax tistazzjona skorti bi profil wieħed li ma jkunux jistgħu jiġu stazzjonati għal operazzjonijiet fil-hotspots;
- taġġusta l-pjan operattiv biex l-istazzjonament tal-persunal fil-hotspots (inklużi l-esperti tat-teħid tal-marki tas-swaba’) fl-Italja jsir aktar risponsiv għax-xejriet tal-wasliet bil-baħar.
Data mmirata għall-implimentazzjoni: il-31 ta’ Diċembru 2020
161Matul il-kriżi, il-biċċa l-kbira mill-migranti irregolari li vvjaġġaw lejn l-Ewropa waslu jew fl-Italja jew inkella fil-Greċja. Iż-żewġ Stati Membri evolvew minn pajjiżi ta’ tranżitu għal pajjiżi fejn il-migranti japplikaw għall-asil (il-paragrafu 103).
162Fil-Greċja, il-kapaċità tal-ipproċessar tal-GAS żdiedet mill-2015 ’il hawn, iżda għadha mhix suffiċjenti biex tindirizza l-akkumulazzjoni li dejjem qed tiżdied ta’ applikazzjonijiet pendenti għall-asil. Id-dikjarazzjoni UE-Turkija kellha impatt kbir fuq il-wasliet, iżda l-proċedura rapida fuq il-fruntiera, li hija l-pedament tagħha, mhix rapida biżżejjed. Għall-proċeduri regolari u aċċellerati, is-sitwazzjoni hija saħansitra aktar problematika, b’dati għall-intervisti li huma stabbiliti għall-2023 u l-2021 rispettivament. Il-volum kbir ta’ każijiet ta’ deċiżjonijiet negattivi fl-ewwel istanza se jiġi trasferit għall-istadju tal-appell, li ma għandux biżżejjed appoġġ u li huwa diġà mgħobbi żżejjed (il-paragrafi 104 sa 118).
163Fil-kuntest tat-tnaqqis qawwi fil-wasliet u fl-applikazzjonijiet għall-asil, fl-Italja, il-kapaċità attwali tal-ipproċessar fl-ewwel istanza hija suffiċjenti. L-akkumulazzjoni sostanzjali eżistenti mistennija tiġi kklerjata sa tmiem l-2019. Madankollu, huwa mistenni li din is-sitwazzjoni tirriżulta fi pressjoni qawwija fuq l-awtoritajiet tal-appell. Applikazzjoni għall-asil li ġiet ippreżentata fl-2015 ħadet aktar minn erba’ snin biex tasal sal-istadju finali tal-appell. Mingħajr appoġġ adegwat, dan il-perjodu ta’ żmien twil jista’ jkompli jiżdied fil-futur (il-paragrafi 119 sa 129).
Rakkomandazzjoni 5 – Tiġi rinfurzata l-ġestjoni tas-sistemi nazzjonali ta’ asilJenħtieġ li l-Kummissjoni u l-EASO, f’kooperazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali:
- ikomplu jżidu l-appoġġ tagħhom għall-GAS fl-ikklerjar tal-akkumulazzjoni dejjem tiżdied fl-ewwel istanza;
- jipprovdu appoġġ lill-awtoritajiet tal-appell li huma mgħobbija żżejjed fil-Greċja u fl-Italja, filwaqt li jevitaw kunflitti ta’ interess potenzjali għall-EASO fil-Greċja;
- jipproponu miżuri li jippermettu l-ġbir sistematiku tad-data dwar il-prestazzjoni fir-rigward taż-żminijiet tal-ipproċessar (diżaggregata skont it-tip ta’ proċedura u l-istadji importanti ewlenin) u tal-akkumulazzjoni (diżaggregata skont l-istadji importanti ewlenin, inklużi d-diversi stadji tal-appell) biex jiġu ffaċilitati t-tfassil tal-politiki u l-evalwazzjoni tal-prestazzjoni, kif ukoll biex tiġi mmonitorjata l-konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE.
Data mmirata għall-implimentazzjoni: il-31 ta’ Diċembru 2020
164L-ammont ta’ ritorni effettivi kien ħafna inqas minn dak tad-deċiżjonijiet ta’ ritorn li ttieħdu miż-żewġ pajjiżi u mill-UE kollha. Aħna identifikajna għadd ta’ raġunijiet għal din is-sitwazzjoni (il-paragrafi 130 sa 139).
165In-nuqqas ta’ approċċ armonizzat fl-UE jaffettwa r-ritorn volontarju assistit u r-riintegrazzjoni. Aħna sibna dgħufijiet strutturali f’dak li jirrigwarda l-AVRR fl-Italja. Il-programm tal-AVRR fil-Greċja qed jilħaq l-objettivi tiegħu, iżda l-pakkett ta’ riintegrazzjoni jiġi offrut lil 26 % tal-applikanti biss. Faċilità ta’ akkomodazzjoni ddedikata għall-AVRR hija eżempju ta’ prassi tajba li żżid l-attraenza tal-iskema (il-paragrafi 140 sa 144).
166Ma tinġabar l-ebda data dwar il-ħeffa tal-proċeduri ta’ ritorn. Barra minn hekk, ma hemmx indikaturi li jkejlu s-sostenibbiltà tar-ritorni, bħall-għadd ta’ migranti li jiġu rritornati u li jippruvaw jerġgħu jiġu lejn l-UE jew is-suċċess tal-pakketti ta’ riintegrazzjoni tal-AVRR (il-paragrafu 145).
Rakkomandazzjoni 6 – Jingħata appoġġ ulterjuri għall-proċeduri nazzjonali ta’ ritornJenħtieġ li l-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali:
- tipprovdi, flimkien mal-Frontex, appoġġ ulterjuri biex jiġu indirizzati l-kawżi għall-għadd baxx ta’ ritorni fil-Greċja u fl-Italja li ġew identifikati f’dan ir-rapport, filwaqt li tiffoka fuq l-għadd baxx ta’ ritorni mill-gżejjer Griegi u fuq l-AVRR fl-Italja;
- tieħu miżuri li jiżguraw li l-ftehimiet eżistenti ma’ pajjiżi terzi għar-ritorn taċ-ċittadini tagħhom, bħall-ftehim ta’ Cotonou u l-ftehimiet ta’ riammissjoni tal-UE, jiġu infurzati minn pajjiżi terzi u jintużaw bis-sħiħ mill-Istati Membri;
- trawwem approċċ ikkoordinat fl-UE għall-assistenza għar-riintegrazzjoni f’pajjiżi terzi tar-ritorn;
- tipproponi miżuri li jippermettu l-ġbir sistematiku ta’ data dwar il-prestazzjoni li tirrigwarda l-ħeffa u s-sostenibbiltà tal-proċeduri ta’ ritorn, biex tiffaċilita t-tfassil tal-politiki, l-evalwazzjoni tal-prestazzjoni u r-riċerka.
Data mmirata għall-implimentazzjoni: il-31 ta’ Diċembru 2020
Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla III, immexxija mis-Sinjura Bettina Jakobsen, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tat-22 ta’ Ottubru 2019.
Għall-Qorti Ewropea tal-Awdituri
Klaus-Heiner Lehne
President
Annessi
Anness I - Implimentazzjoni finanzjarja (f’miljun EUR)
Anness II - Valutazzjoni fil-qosor ta’ kampjun ta’ 20 azzjoni ta’ appoġġ mill-UE fil-Greċja u fl-Italja
Anness III - Segwitu tar-rakkomandazzjonijiet dwar l-approċċ hotspot
| Rakkomandazzjoni | Status | Kummenti |
| 1.1. Jenħtieġ li l-Kummissjoni, flimkien mal-Aġenziji rilevanti, tipprovdi appoġġ ulterjuri lill-Greċja fl-indirizzar tan-nuqqas ta’ kapaċità fil-hotspots billi: - ittejjeb il-faċilitajiet ta’ akkomodazzjoni fuq il-gżejjer fejn jinsabu l-hotspots; - tħaffef l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għall-asil (b’appoġġ mill-EASO), filwaqt li tipprovdi informazzjoni ċara lill-migranti dwar kif u meta l-applikazzjonijiet tagħhom se jiġu pproċessati; - tinforza l-proċeduri eżistenti ta’ ritorn, fejn xieraq (b’appoġġ mill Frontex). | Qed tiġi implimentata | Il-Kummissjoni, l-EASO u l-Frontex ipprovdew appoġġ ulterjuri biex tiżdied il-kapaċità tal-hotspots Griegi billi ffinanzjaw proġetti ta’ infrastruttura ġodda, appoġġaw lill-persunal kuntrattwali kollu tal-GAS u wettqu l-operazzjonijiet kollha ta’ riammissjoni lejn it-Turkija. Madankollu, xorta waħda huwa meħtieġ aktar appoġġ, billi s-sitwazzjoni fuq il-post għadha kritika. |
| 1.2. Jenħtieġ li l-Kummissjoni, flimkien mal-Aġenziji rilevanti, tappoġġa aktar l-isforzi tal-Italja biex iżżid l-għadd ta’ hotspots, kif oriġinarjament ippjanat, u biex tieħu miżuri ulterjuri biex testendi l-approċċ hotspot sabiex dan ikun ikopri wkoll l-iżbarki li jsiru lil hinn mil-lokalitajiet hotspot fissi. | Implimentata | |
| 2.1. Jenħtieġ li l-Kummissjoni, flimkien mal-Aġenziji u l-organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti, tgħin lill-awtoritajiet kemm fil-Greċja kif ukoll fl-Italja biex jieħdu l-miżuri kollha possibbli sabiex jiżguraw li l-minorenni mhux akkumpanjati li jaslu bħala migranti jiġu ttrattati skont standards internazzjonali, inkluż billi jingħataw kenn adegwat, protezzjoni, aċċess għal u prijoritizzazzjoni fil-proċeduri ta’ applikazzjoni għall-asil kif ukoll il-possibbiltà li jiġu kkunsidrati għar-rilokazzjoni. | Qed tiġi implimentata | Il-Kummissjoni pprovdiet appoġġ ulterjuri billi ffinanzjat proġetti ta’ infrastruttura ġodda biex titjieb is-sitwazzjoni tal-minorenni mhux akkumpanjati. F’Diċembru 2018, l-EASO beda proġett biex jindirizza s-sitwazzjoni urġenti f’Samos. Madankollu, xorta waħda huwa meħtieġ aktar appoġġ fil-Greċja, billi s-sitwazzjoni fuq il-post għadha kritika. |
| 2.2. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tinsisti li jinħatar uffiċjal għall-protezzjoni tat-tfal għal kull hotspot/sit. | Ġiet implimentata mill-Kummissjoni | Il-Kummissjoni insistiet dwar il-ħatra, iżda l-awtoritajiet Taljani ma ħatrux uffiċjali għall-protezzjoni tat-tfal fil-hotspots. |
| 2.3. Jenħtieġ li l-Kummissjoni u l-Aġenziji rilevanti jassistu aktar lill-awtoritajiet responsabbli permezz tal-provvediment ta’ taħriġ u ta’ parir legali, u li jkomplu jimmonitorjaw is-sitwazzjoni u jirrapportaw dwar l-azzjoni li tkun ittieħdet u l-progress li jkun inkiseb. | Implimentata | |
| 3.1. Jenħtieġ li l-Kummissjoni u l-Aġenziji jkomplu jitolbu lill-Istati Membri biex jipprovdu aktar esperti sabiex ikopru l-ħtiġijiet attwali aħjar. | Implimentata mill-Kummissjoni u mill-Aġenziji | Nuqqas kostanti ta’ esperti pprovduti mill-Istati Membri għall-operazzjonijiet tal-EASO fil-Greċja u fl-Italja. |
| 3.2. Jenħtieġ li l-iskjerament ta’ esperti mill-Istati Membri jkun fit-tul biżżejjed u jkun jikkonforma mal-profili mitluba biex l-appoġġ li jingħata mill-Frontex, mill-EASO u mill-Europol lill-Greċja u lill-Italja jkun effiċjenti u effettiv biżżejjed. | Mhux implimentata | Fl-2018, id-durata medja tal-istazzjonament ta’ esperti mill-EASO u mill-Frontex kompliet tkun ta’ inqas minn xahrejn. Fil-Greċja, fil-kuntest tal-għadd baxx ta’ ritorni, is-sehem ta’ skorti esperti bi profil wieħed huwa għoli. |
| 4.1. Jenħtieġ li l-Kummissjoni, flimkien mal-Aġenziji u l-awtoritajiet nazzjonali, tistipula b’mod aktar ċar ir-rwol, l-istruttura u r-responsabbiltajiet tat-Task Force Reġjonali tal-UE fl-approċċ hotspot. | Implimentata | |
| 4.2. Jenħtieġ li l-Kummissjoni u l-Aġenziji jkomplu jinsistu li, mill-Italja u mill-Greċja, tinħatar persuna waħda li tkun inkarigata mill-ġestjoni u mill-funzjonament globali ta’ kull żona hotspot individwali fuq bażi aktar permanenti, kif ukoll dwar l-istabbiliment ta’ proċeduri operattivi standard għal hotspots fil-Greċja. | Implimentata | |
| 5.1. Jenħtieġ li l-Kummissjoni u l-Aġenziji jevalwaw, sa tmiem l-2017, l-istruttura u l-implimentazzjoni tal-approċċ hotspot sa issa u jippreżentaw suġġerimenti għal żvilupp ulterjuri. Jenħtieġ li dawn jinkludu mudell standard ta’ appoġġ li għandu jiġi applikat għal movimenti migratorji futuri fuq skala kbira, id-definizzjoni ta’ rwoli u responsabbiltajiet differenti, ir-rekwiżiti minimi għall-infrastruttura u għar-riżorsi umani, it-tipi ta’ appoġġ li għandu jiġi pprovdut, u l-proċeduri operattivi standard. | Implimentata | |
| 5.2. Jenħtieġ ukoll li din l-analiżi tivvaluta l-ħtieġa għal aktar kjarifiki tal-qafas legali għall-approċċ hotspot bħala parti mill-ġestjoni tal-fruntieri esterni tal-UE. | Implimentata | Il-Kummissjoni rrakkomandat li l-Proċeduri Operattivi Standard tal-Hotspots jenħtieġ li jieħdu l-għamla ta’ att legali, deċiżjoni jew ċirkolari governattiva jew ministerjali, skont ir-rekwiżiti kostituzzjonali tal-Istat Membru ospitanti. Fl-Italja, il-Proċeduri Operattivi Standard tal-Hotspots ġew trażmessi lill-awtoritajiet nazzjonali kkonċernati f’ċirkolari f’Diċembru 2016. Fil-Greċja, il-Proċeduri Operattivi Standard ġew ippubblikati u distribwiti permezz ta’ ċirkolari amministrattiva fl-2017. |
Anness IV - Implimentazzjoni ta’ proġetti relatati mal-programmi nazzjonali taħt l-AMIF
Il-Greċja
Il-proġett GR-1, li huwa l-uniku proġett ikkompletat fil-kampjun għall-Greċja, ma laħaqx l-objettiv prinċipali tiegħu kompletament, jiġifieri li jikklerja l-akkumulazzjoni ta’ każijiet ta’ asil fit-tieni istanza (14 % mill-każijiet fit-tieni istanza kienu baqgħu ma ġewx ikklerjati). Il-proġett seta’ bbenefika minn estensjoni, iżda din intalbet tard wisq u ġiet imfixkla minn tilwim legali rigward ir-rimunerazzjoni tal-membri tal-Kumitat tal-Appelli Pendenti. Meta ntemm il-proġett, 20 % mill-baġit għall-proġett baqa’ ma ntużax. Minkejja l-akkumulazzjoni dejjem tiżdied (ara wkoll il-paragrafi 106 u 107) li għadha xxekkel il-proċedura ta’ asil, aħna osservajna wkoll li l-ebda proġett ġdid ma ġie ppjanat biex jindirizza l-akkumulazzjoni ta’ wara l-2013.
Fost il-proġetti awditjati li għadhom għaddejjin, il-proġett GR-2 dwar ir-rinforz tal-proċess ta’ asil qed jilħaq il-miri tiegħu f’termini tar-reklutaġġ ta’ persunal għat-tisħiħ tal-GAS. Madankollu, il-miri stabbiliti jistgħu jkunu insuffiċjenti fid-dawl tal-pressjoni kontinwa mill-influssi stabbli ta’ migranti lejn il-Greċja.
Fil-kuntest tal-proġett GR-3 li jappoġġa ċ-ċentri ta’ detenzjoni ta’ qabel it-tneħħija, aħna żorna ċ-ċentru f’Amygdaleza u sibna li l-kundizzjonijiet huma aċċettabbli. Madankollu, skont rapport mill-Kumitat għall-Prevenzjoni tat-Tortura51 tal-Kunsill tal-Ewropa, il-kundizzjonijiet fiċ-ċentri ta’ detenzjoni ta’ qabel it-tneħħija jvarjaw ħafna. F’xi wħud, il-kundizzjonijiet tad-detenzjoni kienu bejn ħżiena ħafna u inaċċettabbli, b’affollament eċċessiv u nuqqas ta’ iġjene fiċ-ċelel.
Il-proġett GR-4 jappoġġa l-infurzar ta’ ritorni furzati ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi. Minħabba r-rata baxxa ħafna ta’ ritorni furzati, mhuwiex probabbli li l-proġett jilħaq il-miri tiegħu (ara wkoll il-paragrafi 130 sa 139).
Sa issa, il-proġett GR-5 dwar ritorni volontarji assistiti laħaq il-miri tiegħu. Madankollu, il-pakkett ta’ riintegrazzjoni attwalment huwa offrut biss lil 26 % tal-kandidati għall-AVRR. L-ilħuq tal-miri annwali riġidi b’devjazzjoni ta’ +/-10 % jirrappreżenta sfida, billi bosta fatturi jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet tal-migranti biex jibbenefikaw mill-AVRR (is-sitwazzjoni fil-pajjiż ta’ oriġini, l-istatus tal-familja, problemi tas-saħħa, eċċ).
L-Italja:
Il-proġett IT-1 laħaq il-miri tiegħu, iżda l-ftit indikaturi stabbiliti ma kinux suffiċjenti biex jiddimostraw l-ilħuq tal-objettivi ppjanati. Pereżempju, ma kien hemm l-ebda mira stabbilita għall-monitoraġġ tal-ilħuq tal-objettiv relatat mal-identifikazzjoni u mas-senjalar ta’ każijiet vulnerabbli. Il-proġett nefaq 84 % mill-baġit tiegħu.
Iż-żewġ proġetti tal-AVRR, IT-2 u IT-3, kellhom prestazzjoni insuffiċjenti. Il-Kaxxa 12 tagħti aktar informazzjoni dwar il-problemi relatati mal-AVRR fl-Italja.
Il-proġett IT-2, li ġie implimentat mill-Consiglio Italiano per i Rifugiati, irnexxielu jirritorna 49 % biss mill-migranti, meta mqabbel ma’ dak li kien ippjanat inizjalment, minkejja li l-proġett ġie estiż bi tliet xhur. Il-baġit tiegħu wkoll intnefaq b’mod insuffiċjenti, b’perċentwal ta’ 35 %.
Il-proġett IT-3, li ġie implimentat mill-IOM, laħaq biss 12 % sa 28 % tal-miri tiegħu u nefaq biss 15 % mill-baġit tiegħu. L-awtoritajiet Taljani ssospendew dan il-proġett taħt l-AMIF u minflok iddeċidew li jiffinanzjaw l-attivitajiet tal-IOM relatati mal-AVRR bl-użu biss ta’ riżorsi baġitarji nazzjonali (mingħajr l-appoġġ tal-UE).
Il-proġett IT-4 kien proġett żviluppat mill-Ministeru għall-Intern dwar ir-ritorni furzati. Il-ftehim ta’ għotja ġie ffirmat f’Settembru 2017 biex ikopri l-perjodu 2014-2018. L-attivitajiet implimentati fl-ewwel sentejn (2014 u 2015) irrappreżentaw madwar 70 % tal-miri globali u 67 % tal-baġit. Fiż-żmien meta sar l-awditu, l-awtoritajiet Taljani ma kinux għadhom ġabru d-data dwar l-indikaturi u l-ispejjeż għall-2016, l-2017 u l-2018.
Il-proġett IT-5, li għadu għaddej, jinkludi attivitajiet relatati mat-taħriġ, mal-identifikazzjoni ta’ migranti bi bżonnijiet speċjali, u mal-forniment ta’ informazzjoni u assistenza. Filwaqt li l-objettiv tat-taħriġ diġà nqabeż, iż-żewġ objettivi l-oħra għadhom ma ntlaħqux għar-raġunijiet li ġejjin: a) diffikultajiet fl-identifikazzjoni jew fl-involviment tal-benefiċjarji finali; b) nuqqas ta’ komunikazzjoni dwar il-wasliet ta’ migranti mill-kontropartijiet lokali; c) it-tnaqqis sinifikanti fil-wasliet fl-2018. Il-proġett huwa skedat li jkompli sa tmiem l-2019. Fiż-żmien meta sar l-awditu, l-awtoritajiet kienu qed jikkunsidraw li jaġġustaw il-miri.
Akronimi u abbrevjazzjonijiet
AMIF: Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni
AVRR: Ritorn Volontarju Assistit u Riintegrazzjoni
CMEF: Qafas Komuni ta’ Monitoraġġ u Evalwazzjoni
EASO: Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-Qasam tal-Asil
EMAS: Assistenza ta’ Emerġenza
EURODAC: Database dattiloskopika Ewropea tal-marki tas-swaba’
Frontex: Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta
GAS: Servizz tal-Asil Grieg
IOM: Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni
NAC: Kummissjoni Nazzjonali għall-Asil fl-Italja
NP: Programm Nazzjonali
RACER: Rilevanti, Aċċettati, Kredibbli, Faċli u Robusti
SMART: Speċifiċi, Li jistgħu jitkejlu, Li jistgħu jintlaħqu, Rilevanti, Marbuta mal-ħin
UNHCR: Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati
Glossarju
Applikazzjoni għall-asil: Talba formali għall-protezzjoni internazzjonali. Mill-mument li fih l-applikant jesprimi l-intenzjoni tiegħu li japplika għall-asil, l-applikazzjoni tiegħu titqies bħala li tkun ġiet ippreżentata u huwa jibbenefika mid-drittijiet tal-applikanti għall-asil. L-applikazzjoni mbagħad tiġi rreġistrata mill-Istati Membri u titqies bħala li tkun ġiet ippreżentata ladarba din tasal għand l-awtoritajiet kompetenti.
Asil: Forma ta’ protezzjoni internazzjonali li l-UE tagħti fit-territorju tagħha lil dawk li jitqiesu bħala rifuġjati skont il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra, jiġifieri dawk li jaħarbu mill-pajjiż ta’ oriġini tagħhom minħabba biża’ ġustifikat ta’ persekuzzjoni, jew li inkella jikkwalifikaw għal protezzjoni sussidjarja.
Ċentru ta’ detenzjoni: Faċilità li fiha jinżammu ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu suġġetti għal proċeduri ta’ ritorn sabiex jiġi ffaċilitat il-proċess fil-każijiet fejn ikun hemm ir-riskju li persuni rimpatrijati jaħarbu jew jagħmlu reżistenza.
Deċiżjoni ta’ ritorn: Att amministrattiv jew ġudizzjarju li jiddikjara li s-soġġorn ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz huwa illegali u li jimponi l-obbligu ta’ ritorn.
Dikjarazzjoni UE-Turkija: Sensiela ta’ punti ta’ azzjoni, maqbula bejn il-Kunsill Ewropew u t-Turkija fil-laqgħa tagħhom tat-18 ta’ Marzu 2016, li jindirizzaw il-migrazzjoni irregolari minn ġot-Turkija lejn l-UE. Skont din id-dikjarazzjoni, il-migranti irregolari l-ġodda kollha li jaslu fil-gżejjer Griegi wara l-20 ta’ Marzu 2016 jiġu rritornati lejn it-Turkija. Hija introduċiet ukoll skema ta’ risistemazzjoni għas-Sirjani.
Hotspot: Faċilità li tinsab f’punt fuq il-fruntiera esterna tal-UE li jiffaċċja pressjoni migratorja qawwija u li taġixxi bħala l-ewwel ċentru ta’ akkoljenza fejn il-migranti li jaslu jiġu identifikati, rreġistrati u jitteħdulhom il-marki tas-swaba’.
Migrant irregolari: Persuna li tkun f’pajjiż mingħajr l-awtorizzazzjoni meħtieġa skont il-liġi dwar l-immigrazzjoni.
Migrazzjoni: Il-moviment ta’ persuna, jew ta’ grupp ta’ persuni, minn naħa għal oħra ta’ fruntiera internazzjonali jew inkella ġewwa Stat, għal perjodu ta’ aktar minn sena, irrispettivament mill-kawżi u l-mezzi.
Proċedura ta’ ammissibbiltà: Valutazzjoni mwettqa mill-awtoritajiet nazzjonali biex jiddeterminaw jekk applikazzjoni għall-asil għandhiex tiġi ammessa, jiġifieri eżaminata fuq il-merti tagħha. Applikazzjoni titqies bħala inammissibbli jekk applikant ikun ingħata protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru ieħor tal-UE, jekk ikun ġie minn pajjiż ta’ oriġini sikur, minn pajjiż terz sikur jew mill-ewwel pajjiż ta’ asil, jew jekk ikun ippreżenta applikazzjoni sussegwenti mingħajr elementi ġodda.
Protezzjoni sussidjarja: Il-forma ta’ protezzjoni li tingħata lil ċittadin ta’ pajjiż terz li ma jikkwalifikax bħala rifuġjat iżda li jekk jiġi rritornat lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, jista’ jiġi preżunt b’mod raġonevoli, li ma jkunx jista’ jipproteġi lilu nnifsu minn xi tip ta’ dannu serju li mhuwiex kopert mill-Konvenzjoni ta’ Ġinevra.
Protezzjoni umanitarja: Forma ta’ protezzjoni li tingħata lil dawk li la jkunu eliġibbli għall-asil u lanqas għall-protezzjoni sussidjarja, iżda li madankollu ma jkunux jistgħu jirritornaw f’pajjiżhom fid-dawl ta’, pereżempju, ċirkustanzi personali bħal saħħa ħażina jew età (inklużi minorenni mhux akkumpanjati), diżastri naturali jew kunflitt armat.
Questura (plural: questure): Il-korp inkarigat mis-sigurtà pubblika fil-livell provinċjali fl-Italja, li jkollu responsabbiltajiet amministrattivi relatati mal-immigrazzjoni.
Rata ta’ rikonoxximent: Is-sehem ta’ deċiżjonijiet pożittivi fl-għadd totali ta’ deċiżjonijiet dwar l-asil għal kull stadju tal-proċedura ta’ asil.
Rata ta’ ritorn: Il-proporzjon bejn l-għadd ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li effettivament jiġu rritornati u l-għadd ta’ migranti li jiġu ordnat sabiex jitilqu mill-UE f’sena partikolari. Miżura mhux perfetta tal-effettività tar-ritorni minħabba l-perjodu latenti bejn il-ħruġ ta’ deċiżjoni u r-ritorn effettiv.
Rifuġjat: Persuna li tkun ġiet sfurzata taħrab minn pajjiżha minħabba persekuzzjoni, gwerra jew vjolenza.
Rilokazzjoni: It-trasferiment ta’ persuni li jkollhom probabbiltà għolja li jingħataw asil minn Stat Membru tal-UE għal ieħor.
Tluq volontarju: Tluq deċiż liberament mill-migrant li jkun f’soġġorn illegali, f’konformità mal-limitu ta’ żmien impost għal dan il-għan fid-deċiżjoni ta’ ritorn.
Unità ta’ Dublin: Id-dipartiment ta’ awtorità nazzjonali kompetenti fil-qasam tal-asil u responsabbli għall-applikazzjoni tar-Regolament ta’ Dublin III.
Valutazzjoni tal-eliġibbiltà: Proċedura biex jiġi ddeterminat jekk applikant jikkwalifikax għall-asil minħabba raġunijiet ta’ biża’ ġustifikat ta’ persekuzzjoni fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu.
Tim tal-awditjar
Ir-rapporti speċjali tal-QEA jippreżentaw ir-riżultati tal-awditi li twettaq ta’ politiki u programmi tal-UE, jew ta’ suġġetti relatati mal-ġestjoni minn oqsma speċifiċi tal-baġit. Il-QEA tagħżel u tfassal dawn il-kompiti tal-awditjar biex timmassimizza l-impatt tagħhom billi tqis ir-riskji għall-prestazzjoni jew għall-konformità, il-livell ta’ introjtu jew ta’ nfiq involut, l-iżviluppi li jkunu għad iridu jseħħu u l-interess politiku u pubbliku.
Dan l-awditu tal-prestazzjoni twettaq mill-Awla III tal-Awditjar, Azzjoni esterna/Sigurtà u ġustizzja, li hija mmexxija minn Bettina Jakobsen, Membru tal-QEA. L-awditu tmexxa minn Leo Brincat, Membru tal-QEA, li ngħata appoġġ minn Romuald Kayibanda, Kap tal-Kabinett, u Annette Farrugia, Attaché tal-Kabinett; Sabine Hiernaux-Fritsch, Maniġer Prinċipali; Andrej Minarovic, Kap tal-Kompitu; Emmanuel-Douglas Hellinakis u Florin-Alexandru Farcas, Awdituri. Hannah Critoph ipprovdiet appoġġ lingwistiku.
Mix-xellug għal-lemin: Andrej MINAROVIC, Hannah CRITOPH, Annette FARRUGIA, Leo BRINCAT, Mirko IACONISI, Romuald KAYIBANDA, Emmanuel-Douglas HELLINAKIS, Florin-Alexandru FARCAS.
Noti finali
1 Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1523 tal-14 ta’ Settembru 2015 li tistabbilixxi miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u tal-Greċja, u d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1601 tat-22 ta’ Settembru 2015 li tistabbilixxi miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u l-Greċja (kif emendata mid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1754 tad-29 ta’ Settembru 2016). Il-legalità ta’ dawn id-deċiżjonijiet ġiet ikkonfermata fid-deċiżjoni 2017/C 374/05 tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja dwar il-kawżi konġunti mressqa mis-Slovakkja u mill-Ungerija fil-konfront tal-Kunsill.
2 Proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (riformulazzjoni), COM(2018) 634 final tat-12 ta’ Settembru 2018.
3 Ir-Rapport Speċjali Nru 6/2017: “Ir-rispons tal-UE għall-kriżi tar-refuġjati: l-approċċ ‘hotspot’”.
4 Id-Dokument ta’ Ħidma tal-PE (CONT) PE604.614v01-00.
5 Ara wkoll l-Opinjoni 3/2019 tal-FRA: Update of the 2016 Opinion of the European Union Agency for Fundamental Rights on fundamental rights in the ‘hotspots’ set up in Greece and Italy (Aġġornament tal-Opinjoni tal-2016 tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali dwar id-drittijiet fundamentali fil-“hotspots” stabbiliti fil-Greċja u fl-Italja).
6 Il-valutazzjoni tal-faċilitajiet ta’ akkoljenza, l-aċċess għal protezzjoni internazzjonali u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem fil-Libja – fejn il-biċċa l-kbira mill-migranti salvati minn fuq il-baħar fuq ir-rotta tal-Mediterran Ċentrali jiġu rritornati – ma jaqgħux taħt l-ambitu ta’ dan l-awditu.
7 2016: 81.8 %, 2017: 65.7 %, 2018: 54.0 %.
8 Il-Gżejjer Griegi tal-Eġew: minn 8 % f’Settembru 2015 għal 100 % fl-2018; l-Italja: minn 60 % fl-ewwel nofs tal-2015 għal 100 % fl-2018.
9 Id-data fil-Kategorija 1 tal-EURODAC tinkludi s-settijiet ta’ marki tas-swaba’ ta’ kull applikant għall-protezzjoni internazzjonali, ta’ 14-il sena jew akbar, li jippreżenta applikazzjoni għall-asil fi Stat Membru; id-data fil-Kategorija 2 tinkludi s-settijiet ta’ marki tas-swaba’ ta’ kull ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr Stat, ta’ 14-il sena jew akbar, li jinqabdu mill-awtoritajiet jaqsmu l-fruntiera esterna ta’ Stat Membru b’mod illegali fuq l-art, bil-baħar jew bl-ajru, u li jkunu ġejjin minn pajjiż terz u ma jkunux intbagħtu lura.
10 Hit barranija fil-EURODAC tiġi ġġenerata meta tinstab marka tas-swaba’ identika fi Stat Membru ieħor. Hits ma jikkorrispondux għall-għadd ta’ persuni iżda għall-għadd ta’ settijiet ta’ data, billi persuna waħda tista’ tapplika għall-asil aktar minn darba.
11 Hits barranin barra mill-Italja u l-Greċja - 2015: 236 422; 2016: 317 455; 2017: 164 639; 2018: 112 817.
12 Fl-2018, fl-UE saru 148 021 talba għal trasferimenti ’l barra skont ir-Regolament ta’ Dublin, iżda fil-fatt saru biss 25 960 trasferiment.
13 L-Istati Membri ta’ rilokazzjoni impenjaw lilhom infushom li jallokaw il-postijiet li kien fadal sa tmiem l-2015, iżda dan ma seħħx.
14 Fl-2018, ir-rata ta’ rikonoxximent tal-asil għall-Afgani kienet tvarja minn 6 % sa 98 % fl-Istati Membri kollha tal-UE, filwaqt li għall-Iraqin il-medda kienet minn 8 % sa 98 %. Sors: L-EASO.
15 F’Ġunju 2017, il-Kummissjoni nediet proċedimenti ta’ ksur għan-nuqqas ta’ konformità mad-Deċiżjonijiet ta’ Rilokazzjoni kontra l-Ungerija, il-Polonja u ċ-Ċekja. L-Ungerija la impenjat postijiet ta’ rilokazzjoni u lanqas ma rrilokat xi migranti. Il-Polonja impenjat xi postijiet f’Diċembru 2015, iżda wara dik id-data ma impenjat l-ebda post, u ma rrilokat l-ebda persuna. Iċ-Ċekja għamlet xi impenji u rrilokat 12-il migrant, iżda waqfet tagħmel dan aktar tard fil-proċess.
16 It-Tabella 6 tar-rapport trimestrali tal-Eurostat dwar l-asil tal-15 ta’ Ġunju 2016.
17 L-Artikolu 21, ir-Regolament (UE) Nru 516/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014.
18 SWD(2018) 339 final, Interim Evaluation of the Asylum, Migration and Integration Fund 2014-2017 (Evalwazzjoni Interim tal-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni għall-2014-2017).
19 Il-programmi nazzjonali taħt l-AMIF (bħal dawk tal-FSI) għandhom koeffiċjent tal-kontribuzzjoni bażiku u rigoruż, li huwa bbażat fuq data mill-ewwel snin tas-seklu 21, u b’hekk ma jirriflettix is-sitwazzjoni wara l-2015. Ir-riżorsi addizzjonali setgħu jiġu distribwiti lill-pajjiżi kollha b’mod proporzjonali biss skont dan il-koeffiċjent tal-kontribuzzjoni jew permezz ta’ azzjoni speċifika, li hija limitata għal għadd żgħir ta’ prijoritajiet ta’ investiment.
20 SWD(2018) 347 final, 2018 Impact assessment accompanying the proposal for the new AMF regulation (Valutazzjoni tal-impatt tal-2018 li takkumpanja l-proposta għar-Regolament il-ġdid dwar l-AMF), it-Taqsima 1.2.1.1.
21 Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Fond għall-Migrazzjoni u l-Asil, COM(2018) 471 final tat-12 ta’ Ġunju 2018.
22 Pereżempju, fil-qasam tal-asil, din il-valutazzjoni kieku tqabbel il-prestazzjoni mixtieqa mal-prestazzjoni reali (eż. f’termini ta’ kapaċità ta’ pproċessar, ta’ tnaqqis fl-akkumulazzjoni ta’ applikazzjonijiet u fil-ħinijiet tal-ipproċessar), fid-dawl tax-xejriet fil-passat u tal-flussi ta’ dħul u ta’ ħruġ proġettati. Din imbagħad tiġi konvertita f’analiżi pluriennali tal-lakuni tar-riżorsi meħtieġa biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet (f’termini ta’ persunal, spazju ta’ ħidma, kapaċità amministrattiva/ta’ taħriġ). Il-ħtiġijiet previsti kieku jiġu koperti mill-programmi nazzjonali taħt l-AMIF u mill-baġit nazzjonali, filwaqt li kwalunkwe ħtieġa li tirriżulta minn avvenimenti mhux previsti u mhux mistennija tkun tista’ tiġi indirizzata permezz ta’ assistenza ta’ emerġenza.
23 Pereżempju, il-proġett GR-3 kien suġġett għal 12-il emenda li bidlu l-ambitu, id-durata u l-baġit tiegħu, GR-2 kien suġġett għal 8 emendi li bidlu d-durata u l-baġit tiegħu, u GR-4 kien suġġett għal 6 emendi li bidlu l-ambitu, id-durata u l-baġit tiegħu.
24 Ibbażat fuq ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/207 ta’ Ottubru 2016.
25 COM(2018) 307 final.
26 Il-formulazzjoni, ir-reġistrazzjoni u l-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għall-asil, id-deċiżjoni fl-ewwel istanza, id-deċiżjoni fit-tieni istanza, id-deċiżjoni fl-aħħar istanza.
27 Id-deċiżjonijiet fl-aħħar istanza biss, id-database: migr_asydcfina.
28 Sensiela ta’ dokumenti analitiċi (valutazzjoni komprensiva tal-ħtiġijiet, rapport ta’ valutazzjoni tal-ħtiġijiet prijoritizzati u matriċi tar-riżultati ta’ livell għoli) intużaw biex jiġi prodott pjan direzzjonali ta’ tliet snin kemm għall-Italja kif ukoll għall-Greċja. Il-pjanijiet direzzjonali jinkludu l-ħtiġijiet identifikati, il-ġerarkija u s-soluzzjonijiet tagħhom, akkumpanjati mill-ispejjeż stmati tagħhom.
29 Fil-Greċja, ma ġewx stabbiliti miri jew linji bażi għad-data tal-output, u ma ġewx iddefiniti indikaturi tal-eżitu/tal-impatt. Fl-Italja, kien hemm tentattiv biex jiġu stabbiliti indikaturi tal-impatt, iżda ma ġewx stabbiliti miri jew xenarji bażi.
30 L-awtoritajiet amministrattivi Taljani li għandhom il-kompetenza li jeżaminaw l-applikazzjonijiet għall-asil u li jieħdu deċiżjonijiet fl-ewwel istanza.
31 Għall-kuntrarju tal-proċedura ta’ asil regolari, il-valutazzjoni tal-vulnerabbiltà hija kruċjali fil-proċedura rapida fuq il-fruntiera tal-Greċja, billi tiġi eliminata r-restrizzjoni ġeografika għall-applikanti li jitqiesu bħala li huma vulnerabbli u jingħaddu għall-proċedura regolari/aċċellerata fil-Greċja kontinentali.
32 B’mod partikolari għall-operazzjonijiet nazzjonali ta’ ritorn (il-Greċja), meta jiġu organizzati operazzjonijiet konġunti ta’ ritorn bl-użu tal-kuntratt qafas nazzjonali l-ġdid tal-Greċja (il-Greċja), il-parteċipazzjoni f’operazzjonijiet konġunti (l-Italja) jew b’titjiriet skedati (il-Greċja u l-Italja).
33 Pereżempju: L-Alġerija u l-Marokk ma jaċċettawx titjiriet charter u jippreferu ftehimiet bilaterali minflok ftehimiet ta’ riammissjoni tal-UE. Xi kultant, l-Alġerija tirrikjedi li r-ritorn ta’ individwu jiġi kkompletat fi żmien 24 siegħa mill-ħruġ tad-dokumenti tal-ivvjaġġar, u dan mhuwiex fattibbli. Il-Kostituzzjoni tal-Iran tipprojbixxi r-ritorn taċ-ċittadini tiegħu kontra r-rieda tagħhom, li jagħmel ir-ritorn furzat tagħhom impossibbli. L-awtoritajiet tat-Tuneżija jaċċettaw biss persuni rimpatrijati mill-Italja u mill-Ġermanja permezz ta’ titjiriet charter skont il-ftehimiet bilaterali ta’ riammissjoni rispettivi. It-Turkija ma tapplikax il-klawsola taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi tal-ftehim ta’ riammissjoni UE-Turkija fil-prattika. L-Afganistan biss jaċċetta dokumenti tal-ivvjaġġar tal-UE li jkunu temporanji. In-Niġerja (u ħafna pajjiżi Afrikani oħra) ma għandhomx reġistru komplet taċ-ċittadini tagħhom, u dan jagħmel l-identifikazzjoni tagħhom diffiċli.
34 Għall-applikanti rregolati mid-dikjarazzjoni UE-Turkija, jiġifieri dawk li waslu fil-gżejjer Griegi wara l-20 ta’ Marzu 2016, għajr dawk ikkategorizzati bħala li huma vulnerabbli u l-każijiet ta’ riunifikazzjoni tal-familja skont ir-Regolament ta’ Dublin. Għall-ewwel darba, il-kunċett ta’ “pajjiż terz sikur” japplika għall-applikanti ta’ nazzjonalità b’rata ta’ rikonoxximent ta’ aktar minn 25 %, inklużi s-Sirjani, biex jiġu ffaċilitati r-ritorni rapidi.
35 Fl-istadju tal-prereġistrazzjoni: 2 389 każ; fl-istadju tal-intervista skedata: 14 132 każ; fi tmiem il-proċess: 8 012-il każ.
36 Minn Awwissu 2018, ma kienx hemm tobba mill-Ministeru tas-Saħħa f’Chios, filwaqt li ż-żewġ tobba stazzjonati f’Lesbos irriżenjaw fi tmiem Ottubru 2018. Minn Diċembru 2017, fil-gżejjer ta’ Leros, Samos u Kos, fil-biċċa l-kbira, kien hemm tabib wieħed mill-Ministeru tas-Saħħa għal kull hotspot fil-gżejjer.
37 Il-liġi Griega tiddefinixxi seba’ kategoriji ta’ vulnerabbiltà: 1. Persuni b’diżabbiltà jew b’mard serju; 2. Vittmi ta’ vjolenza serja; 3. Nisa tqal jew nisa bi trabi; 4. Minorenni mhux akkumpanjati; 5. Ġenituri waħidhom; 6. Anzjani; 7. Vittmi tat-traffikar ta’ bnedmin.
38 Sa tmiem l-2018, it-3 737 każ kollha ta’ persuni mhux Sirjani kienu ġew ammessi għal eżaminar tal-merti tagħhom fil-Greċja, għajr għal żewġ każijiet li jikkonċernaw persuni Palestinjani li tqiesu bħala inammissibbli.
39 Sa tmiem l-2018, 889 Sirjan ammissibbli u 42 288 migrant vulnerabbli.
40 Skont il-Kunsill Grieg tar-Rifuġjati, xi applikanti vulnerabbli mill-Palestina (li jkollhom rata għolja ta’ rikonoxximent u l-possibbiltà reali li jiksbu protezzjoni internazzjonali) jippreferu li ma jiġux identifikati bħala vulnerabbli sabiex jibqgħu fil-proċedura rapida fuq il-fruntiera u b’hekk il-każ tagħhom jiġi pproċessat b’mod aktar rapidu.
41 Madankollu, dawn ma jinkludux il-każijiet fil-livell tal-qrati superjuri u tal-Kunsill tal-Istat, li dwarhom ma ġiet ipprovduta l-ebda data.
42 Ir-rata ta’ rikonoxximent fl-2018 kienet ta’ 32 %. Din kienet tinkludi 21 % għall-protezzjoni umanitarja. Billi l-protezzjoni umanitarja ġiet abolita, ir-rata ta’ rikonoxximent naqset fl-2019 (19 % fl-ewwel nofs tal-2019).
43 L-intervista personali trid issir fi żmien 30 jum mir-reġistrazzjoni tal-applikazzjoni, u trid tittieħed deċiżjoni fi żmien tlett ijiem tax-xogħol wara l-intervista.
44 Id-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008.
45 L-Artikolu 13.5c tal-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-membri tal-gruppi tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn banda waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa l-oħra, iffirmat f’Cotonou f’Ġunju 2000.
46 L-istatistika riċevuta mill-IOM tiżvela dan li ġej: mill-1 606 applikazzjonijiet għall-AVRR riċevuti mill-aġenzija bejn Jannar u Settembru 2018, 67 (4 %) ma ġewx approvati, 169 (10 %) qatt ma rċevew risposta mill-awtoritajiet, 118 (7 %) ikkanċellaw l-applikazzjoni tagħhom qabel l-approvazzjoni u 319 (20 %) ikkanċellaw l-applikazzjoni wara l-approvazzjoni.
47 Skont ir-regoli fl-aħħar sejħa għal proposti, l-ispejjeż ikunu eliġibbli biss jekk migrant jiġi effettivament irritornat. Billi l-migranti jistgħu jibdlu l-fehma tagħhom fl-aħħar minuta, l-ispejjeż kollha sa dak il-mument ikollhom jiġġarrbu mill-aġenzija.
48 Skont l-IOM, mill-1 ta’ Ġunju 2016 sal-14 ta’ Marzu 2019, 17 740 ċittadin ta’ pajjiżi terzi applikaw għall-AVRR u 15 031 (85 %) irritornaw lejn pajjiżhom.
49 Dan il-programm konġunt ta’ ritorn u riintegrazzjoni għandu l-għan li jimplimenta r-ritorn sostenibbli u r-riintegrazzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom, b’kooperazzjoni ulterjuri bejn l-istituzzjonijiet sħab tal-ERIN.
50 Iż-żminijiet medji tal-ipproċessar mill-ħruġ ta’ deċiżjoni ta’ ritorn sar-ritorn effettiv (kemm għal ritorni furzati kif ukoll għal dawk volontarji).
51 Rapport lill-Gvern Grieg dwar iż-żjara fil-Greċja mwettqa mill-Kumitat Ewropew għall-Prevenzjoni tat-Tortura u t-Trattament u Pieni Inumani jew Degradanti (CPT) mill-10 sad-19 ta’ April 2018, Strasburgu, id-19 ta’ Frar 2019.
52 Ir-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (tfassil mill-ġdid).
53 Id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill (UE) 2015/1523 tal-14 ta’ Settembru 2015 u 2015/1601 tat-22 ta’ Settembru 2015 li jistabbilixxu miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u tal-Greċja.
Kronoloġija
| Avveniment | Data |
|---|---|
| Il-Memorandum ta’ Ppjanar tal-Awditjar (APM) jiġi adottat / L-awditu jinbeda | 20.11.2018 |
| L-abbozz ta’ rapport jintbagħat uffiċjalment lill-Kummissjoni (jew lill-entità l-oħra awditjata) |
11.7.2019 |
| Ir-rapport finali jiġi adottat wara l-proċedura kontradittorja | 22.10.2019 |
| Ir-risposti uffiċjali tal-Kummissjoni jaslu bil-lingwi kollha | 12.11.2019 |
| Ir-risposti uffiċjali tal-EASO jaslu bil-lingwi kollha | 11.10.2019 |
| Ir-risposti uffiċjali tal-Frontex jaslu bil-lingwi kollha | 14.10.2019 |
Kuntatt
IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI
12, rue Alcide De Gasperi
1615 Luxembourg
LUXEMBOURG
Tel. +352 4398-1
Mistoqsijiet: eca.europa.eu/mt/Pages/ContactForm.aspx
Sit web: eca.europa.eu
Twitter: @EUAuditors
Ħafna informazzjoni addizzjonali dwar l-Unjoni Ewropea hija disponibbli fuq l-Internet.
Jista’ jsir aċċess għaliha permezz tas-server Europa (http://europa.eu).
Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2019
| ISBN 978-92-847-3941-7 | ISSN 1977-5741 | doi:10.2865/175403 | QJ-AB-19-021-MT-N | |
| HTML | ISBN 978-92-847-3940-0 | ISSN 1977-5741 | doi:10.2865/757349 | QJ-AB-19-021-MT-Q |
© L-Unjoni Ewropea, 2019
Ir-riproduzzjoni hija awtorizzata kemm-il darba jissemma s-sors oriġinali.
Għal kull użu jew riproduzzjoni ta’ ritratti jew materjal ieħor li mhuwiex taħt id-drittijiet tal-awtur tal- L-Unjoni Ewropea, għandu jintalab permess direttament mingħand id-detenturi tad-drittijiet.
Kif tikkuntattja lill-UE
Personalment
Madwar l-Unjoni Ewropea kollha hemm mijiet ta’ ċentri ta’ informazzjoni tal-Europe Direct. Tista’ ssib l-indirizz tal-eqreb ċentru għalik f'dan is-sit: https://europa.eu/european-union/contact_mt
Bit-telefown jew bil-posta elettronika
Europe Direct huwa servizz li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar l-Unjoni Ewropea. Tista’ tikkuntattja dan is-servizz:
- bit-telefown bla ħlas: 00 800 6 7 8 9 10 11 (ċerti operaturi jafu jimponu ħlas għal dawn it-telefonati),
- fuq dan in-numru standard: +32 22999696, jew
- bil-posta elettronika permezz: https://europa.eu/european-union/contact_mt
Kif issib tagħrif dwar l-UE
Onlajn
L-informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE hija disponibbli fuq is-sit web Europa fuq: https://europa.eu/european-union/index_mt
Pubblikazzjonijiet tal-UE
Tista’ tniżżel mill-internet jew tordna l-pubblikazzjonijiet tal-UE, li xi wħud minnhom huma bla ħlas u xi oħrajn bil-ħlas, minn: https://op.europa.eu/mt/publications. Kopji multipli ta’ pubblikazzjonijiet bla ħlas tista’ tiksibhom billi tikkuntattja lil Europe Direct jew liċ-ċentru tal-informazzjoni lokali tiegħek (ara https://europa.eu/european-union/contact_mt).
Il-liġi tal-UE u dokumenti relatati
Għal aċċess għall-informazzjoni legali tal-UE, inkluż il-liġijiet kollha tal-UE mill-1952 ’l hawn, fil-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali kollha, żur is-sit EUR-Lex hawnhekk: http://eur-lex.europa.eu
Dejta Miftuħa mill-UE
Il-portal tad-Dejta Miftuħa mill-UE (http://data.europa.eu/euodp/mt) jipprovdi aċċess għal settijiet tad-dejta mill-UE. Id-dejta tista’ titniżżel mill-internet u tintuża mill-ġdid bla ħlas, kemm għal skopijiet kummerċjali kif ukoll mhux kummerċjali.
