Ambjent tal-baħar: il-protezzjoni tal-UE hija wiesgħa iżda mhux approfondita
Dwar ir-rapport:
It-telfien tal-bijodiversità u tal-ħabitats tal-baħar jirrappreżenta sfida kontinwa għall-ibħra Ewropej. F’dan ir-rapport, aħna neżaminaw il-mod kif din l-isfida tiġi indirizzata mill-politiki u l-programmi ta’ nfiq ewlenin tal-UE f’partijiet tal-Atlantiku u tal-Mediterran.
Filwaqt li hemm qafas fis-seħħ għall-protezzjoni tal-ambjent tal-baħar, l-azzjonijiet li ttieħdu mill-UE ma kinux ippermettew li l-ibħra jiġu restawrati għal status ambjentali tajjeb u lanqas li s-sajd imur lura għal livelli sostenibbli fl-ibħra kollha. Ir-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni ma wasslux għall-irkupru ta’ ammont sinifikanti ta’ ekosistemi u ħabitats; iż-Żoni tal-Baħar Protetti jipprovdu protezzjoni limitata; id-dispożizzjonijiet għall-koordinazzjoni tal-politika tas-sajd mal-politika dwar il-protezzjoni tal-baħar ftit li xejn jintużaw fil-prattika; u l-fondi disponibbli li jintużaw għall-miżuri ta’ konservazzjoni huma relattivament ftit.
Filwaqt li fl-Atlantiku kien hemm titjib li jista’ jitkejjel f’dak li jirrigwarda l-istokkijiet tal-ħut, dan ma kienx il-każ fil-Mediterran.
Aħna nagħmlu rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni biex tindirizza dawn il-kwistjonijiet, flimkien mal-Istati Membri.
Rapport speċjali tal-QEA skont l-Artikolu 287(4), it-tieni subparagrafu, TFUE.
Sommarju eżekuttiv
IL-ibħra tal-Unjoni Ewropea (UE) huma vasti, u fihom abbundanza ta’ ħabitats u speċijiet. L-UE għandha politika għall-protezzjoni tal-ambjent tal-baħar u l-użu sostenibbli tar-riżorsi tal-baħar. Ix-xjenzati u dawk li jfasslu l-politika rrikonoxxew li s-sajd, permezz tal-estrazzjoni tar-riżorsi u l-ħsara li ssir lill-qiegħ il-baħar, huwa pressjoni ewlenija fuq l-ambjent tal-baħar.
IIIl-politika komuni tas-sajd tal-UE tkopri s-sajd fl-ibħra tal-UE, u għandha l-għan li tiżgura li l-attivitajiet tas-sajd ikunu ambjentalment sostenibbli. Il-Kummissjoni għandha rwol akbar fil-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar milli għandha għall-politiki ambjentali, fejn hija u l-Istati Membri jikkondividu r-responsabbiltà. Il-politiki ambjentali marittimi l-aktar rilevanti huma stipulati fid-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marittima, u fid-Direttivi dwar l-Għasafar u l-Ħabitats. Il-finanzjament mill-UE huwa mifrux fuq strumenti ta’ finanzjament differenti.
IIIIs-sena 2020 kienet waħda importanti għall-UE f’termini ta’ lħuq tal-objettivi għall-ambjent tal-baħar, u fl-2021 se ssir laqgħa tal-konferenza rigward il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Bijodiversità. Ir-rapport tagħna jista’ jgħin biex jipprovdi informazzjoni għad-diskussjonijiet ta’ politika fil-ġejjieni.
IVDan l-awditu eżamina jekk il-qafas tal-UE li jindirizza l-pressjonijiet prinċipali fuq il-bijodiversità u l-ħabitats tal-baħar kienx ġie imfassal u applikat tajjeb fil-prattika f’partijiet magħżula tal-Atlantiku u tal-Mediterran, u jekk kinux inkisbu riżultati mill-użu tal-fondi tal-UE.
VAħna sibna li, b’mod ġenerali, filwaqt li kien hemm qafas fis-seħħ għall-protezzjoni tal-ambjent tal-baħar, l-azzjonijiet li ttieħdu mill-UE ma kinux ippermettew li l-ibħra jiġu restawrati għal status ambjentali tajjeb, u lanqas li s-sajd imur lura għal livelli sostenibbli fl-ibħra kollha: din il-valutazzjoni hija appoġġata minn rapport mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, ippubblikat hekk kif ikkonkludejna x-xogħol tal-awditjar tagħna, li identifika li l-bijodiversità tal-baħar fl-ibħra Ewropej għadha taħt theddida. Proporzjon għoli ta’ valutazzjonijiet tal-ispeċijiet u l-ħabitats tal-baħar qed ikomplu juru “status ta’ konservazzjoni mhux favorevoli” jew status li “mhuwiex magħruf”. Filwaqt li sibna li l-azzjoni li ttieħdet mill-UE fir-rigward tal-Atlantiku kienet irriżultat fi progress li jista’ jitkejjel, fil-Mediterran baqa’ jsir ammont sinifikanti ta’ sajd eċċessiv; u sehem żgħir mill-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd intuża biex tiġi appoġġata l-konservazzjoni tal-baħar.
VIB’mod partikolari, aħna sibna li:
- Ir-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni ma wasslux għall-irkupru ta’ ammont sinifikanti ta’ ekosistemi u ħabitats. In-network ta’ żoni tal-baħar protetti ma kienx rappreżentattiv tad-diversi ibħra tal-UE u xi drabi ftit li xejn ipprovda protezzjoni. Fil-prattika, id-dispożizzjonijiet għall-koordinazzjoni tal-politika tas-sajd mal-politika ambjentali ma kinux ħadmu kif kien intenzjonat, u l-ispeċijiet u l-ħabitats li huma protetti permezz tad-Direttivi dwar l-Għasafar u l-Ħabitats kienu bbażati fuq valutazzjonijiet tat-theddid li ma kinux aġġornati.
- Fl-Atlantiku, fejn il-ġestjoni tas-sajd hija fil-biċċa l-kbira marbuta ma’ limiti fuq il-qabdiet permissibbli, kien hemm titjib li jista’ jitkejjel. Is-sajd għall-maġġoranza tal-istokkijiet tal-ħut kien sostenibbli. Madankollu, għal ħafna stokkijiet kien għadu qed isir sajd eċċessiv.
- Fil-Mediterran, fejn il-ġestjoni tas-sajd hija fil-biċċa l-kbira marbuta ma’ limiti fuq l-isforz tas-sajd (u mhux fuq il-qabdiet), ir-rati tas-sajd kienu laħqu livelli li kienu darbtejn ogħla minn dawk sostenibbli.
- L-Istati Membri li żorna użaw 6 % tal-finanzjament tagħhom permezz tal-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd fuq miżuri li huma direttament relatati mal-miżuri ta’ konservazzjoni, u 8 % oħra fuq miżuri li huma indirettament relatati mal-miżuri ta’ konservazzjoni; u aħna rajna eżempji tajba ta’ proġetti ffinanzjati mill-programmi LIFE u Interreg.
Ibbażat fuq dawn is-sejbiet, aħna nagħmlu rakkomandazzjonijiet li għandhom l-għan li:
- jidentifikaw il-bidliet regolatorji u amministrattivi meħtieġa biex jiġu protetti l-ispeċijiet u l-ħabitats sensittivi,
- itejbu l-miżuri ta’ protezzjoni fil-Mediterran, u
- iżidu l-potenzjal tal-finanzjament mill-UE.
Introduzzjoni
L-ibħra u l-oċeani tal-UE
01L-Unjoni Ewropea (UE) hija impenjata li tippromwovi l-użu sostenibbli tal-oċeani u li tipproteġi l-ekosistemi tal-baħar. Kemm l-UE bħala korp kif ukoll l-Istati Membri individwali tagħha huma partijiet għal bosta ftehimiet internazzjonali rilevanti għall-protezzjoni tal-ħabitats u l-ispeċijiet tal-baħar. Dawn jinkludu konvenzjonijiet dwar il-Liġi tal-baħar, id-Diversità Bijoloġika, l-Ispeċi Migratorji tal-Annimali Selvaġġi (Konvenzjoni ta’ Bonn), u l-Konservazzjoni tal-Ħajja Ferjali Ewropea u tal-Abitati Naturali (Konvenzjoni ta’ Bern). Il-konvenzjonijiet dwar l-ibħra reġjonali u l-organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd (RFMOs) ukoll għandhom rwol ewlieni.
02Fl-2015, in-NU adottat Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli, li jistabbilixxu miri relatati mal-“ħajja taħt l-ilma” (ara l-Kaxxa 1). L-UE hija impenjata li tilħaq dawn l-għanijiet fl-ibħra tagħha.
Kaxxa 1
Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli 14 tan-NU: il-ħajja taħt l-ilma
Dan l-għan huwa mmirat lejn il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-ibħra u r-riżorsi tal-baħar. Huwa jkopri:
- il-kisba tal-mira ta’ Aichi li, sal-2020, jiġu koperti 10 % tal-ilmijiet tal-baħar permezz ta’ żoni protetti jew miżuri ta’ konservazzjoni oħra li jkunu effettivi;
- it-tmiem tas-sajd eċċessiv, illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, kif ukoll tal-prattiki tas-sajd distruttivi sal-2020;
- il-projbizzjoni ta’ ċerti forom ta’ sussidji tas-sajd sal-2020; u
- il-permess għal sajjieda artiġjanali li jaħdmu fuq skala żgħira biex ikollhom aċċess għar-riżorsi tal-baħar u għas-swieq.
L-ibħra tal-UE huma vasti (it-terminu “ibħra” jintuża f’dan ir-rapport biex ikopri kemm l-Oċean Atlantiku kif ukoll ibħra oħra). Huma fihom abbundanza ta’ ħabitats u speċijiet u huma ekonomikament, soċjalment u ambjentalment importanti għall-UE, hekk kif jintwera fil-Figura 1.
Figura 1
L-importanza tal-ibħra tal-UE
Sorsi: il-QEA, ibbażat fuq is-sit web tad-DĠ ENV u “State of Europe's Seas”, l-EEA, 2015.
It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jirrikjedi li l-UE tintegra l-protezzjoni ambjentali u l-iżvilupp sostenibbli fil-politiki tagħha1.
05Skont it-TFUE, l-UE għandha kompetenza esklużiva fuq il-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar permezz tal-politika komuni tas-sajd tagħha2 (PKS). Il-Kummissjoni u l-Istati Membri3jikkondividu r-responsabbiltà għall-politiki ambjentali, li fosthom dawk l-aktar rilevanti għall-ibħra huma stipulati f’direttivi: id-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marittima4 (MSFD) u d-Direttivi dwar l-Għasafar u l-Ħabitats5 (BHDs).
06Fl-2015, l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA) irrappurtat dwar il-fatt li l-istat ta’ ħafna speċijiet u ħabitats tal-baħar mhuwiex sodisfaċenti, u kkonkludiet li ma setgħetx tqis li l-ibħra tal-Ewropa huma “b’saħħithom” jew “nodfa”6. Fl-2020, l-EEA rrappurtat li t-telfien tal-bijodiversità tal-baħar fl-ibħra tal-Ewropa ma kienx twaqqaf, u li proporzjon għoli ta’ valutazzjonijiet tal-ispeċijiet u tal-ħabitats tal-baħar juru status ta’ konservazzjoni mhux favorevoli jew status li ma kienx magħruf7. Il-Figura 2 turi l-klassifikazzjoni tal-EEA tal-kundizzjoni tal-bijodiversità fl-ibħra tal-Ewropa.
Figura 2
Il-klassifikazzjoni tal-EEA tal-kundizzjoni tal-bijodiversità fl-ibħra tal-Ewropa
Sors: © L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, ir-Rapport tal-EEA, Marine messages II, 2020, il-Figura 3.1, p. 27.
Is-sajd, permezz tal-estrazzjoni tar-riżorsi u l-ħsara li ssir lill-qiegħ il-baħar, huwa waħda mill-pressjonijiet ewlenin fuq l-ambjent tal-baħar. L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent irrappurtat fl-20208 li l-attivitajiet tas-sajd kienu responsabbli għal xi wħud mill-pressjonijiet prinċipali fuq l-ekosistemi fl-ibħra Ewropej, u l-Pjattaforma Intergovernattiva tal-Politika tax-Xjenza dwar il-Bijodiversità u s-Servizzi Ekosistemiċi rrappurtat fl-20199 li s-sajd kellu l-akbar impatt fuq l-ekosistemi tal-baħar. L-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti (FAO) tosserva li l-bastimenti tat-tkarkir għandhom effetti drammatiċi fuq l-ekosistema, li jinkludu ħsara fiżika f’qiegħ il-baħar, is-sajd eċċessiv ta’ riżorsi demersali, l-ammont kbir ta’ qabdiet aċċessorji u l-qbid skartat10. Il-Figura 3 turi r-relazzjoni bejn is-sajd u l-konservazzjoni, u l-Anness I jiddeskrivi fil-qosor xi tekniki tas-sajd.
Figura 3
L-impatti tas-sajd eċċessiv
Sors: il-QEA.
Is-sajd jista’ jinvolvi l-qbid aċċessorju ta’ speċijiet vulnerabbli (bħal klieb il-baħar), jew ta’ mammiferi tal-baħar, tjur tal-baħar, u fkieren. It-tibdil fil-klima, it-tniġġis, l-iżvilupp kostali, id-disturb ta’ qiegħ il-baħar u t-tixrid ta’ speċijiet mhux indiġeni wkoll għandhom impatt fuq il-bijodiversità tal-baħar. Fl-2015, l-Unjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tan-Natura (IUCN) irrappurtat li 7.5 % tal-ispeċijiet ta’ ħut tal-baħar Ewropej ġew mhedda bl-estinzjoni, u li ma kienx hemm biżżejjed informazzjoni xjentifika disponibbli biex jiġi evalwat ir-riskju ta’ estinzjoni għal 20.6 % oħra ta’ speċijiet ta’ ħut11.
Azzjoni tal-UE
09L-UE għandha qafas fis-seħħ għall-protezzjoni tal-ambjent tal-baħar. Dan jinkludi diversi direttivi ambjentali u regolamenti dwar is-sajd. Il-Figura 4 tagħti ħarsa ġenerali lejn il-politiki tal-UE l-aktar rilevanti għal dan l-awditu.
Figura 4
Ħarsa ġenerali lejn il-politiki
Sors: il-QEA.
Politika komuni tas-sajd
10Il-politika komuni tas-sajd (PKS)12 tistabbilixxi r-regoli għas-sajd tal-UE. Hija għandha wkoll l-għan li tiżgura li l-attivitajiet tas-sajd ikunu ambjentalment sostenibbli, u li timminimizza kemm jista’ jkun l-impatti negattivi tagħhom fuq l-ekosistema tal-baħar13. Il-PKS għandha l-għan li tiżgura li, sal-2020, ir-rata tas-sajd ma taqbiżx ir-“rendiment massimu sostenibbli”14 (ara l-Kaxxa 2).
Kaxxa 2
Rendiment Massimu Sostenibbli (MSY)
Jenħtieġ li l-applikazzjoni tal-MSY tikseb livelli għolja ta’ qabdiet filwaqt li jinżammu l-istokkijiet tal-ħut produttivi fi ħdan ekosistemi tal-baħar b’saħħithom: jekk il-ħut li jinqabad jaqbeż dan il-livell, l-istokkijiet tal-ħut jonqsu. L-applikazzjoni tal-MSY tinvolvi li l-istokkijiet tal-ħut jinżammu f’livelli li jkunu ogħla mill-“approċċ prekawzjonarju” meħtieġ mill-Konferenza tan-NU dwar l-Ambjent u l-Iżvilupp u mill-Ftehim tan-NU dwar il-Ħażniet ta’ Ħut. L-approċċ prekawzjonarju għandu l-għan li jżomm l-istokkijiet tal-ħut ’il fuq mil-limiti bijoloġiċi sikuri u huwa kundizzjoni neċessarja, iżda mhux suffiċjenti, għall-MSY. Kemm l-approċċ prekawzjonarju kif ukoll l-MSY huma integrati fi ħdan l-approċċ ekosistemiku għall-ġestjoni tas-sajd, u jinvolvu t-teħid ta’ livelli dejjem jonqsu ta’ qabdiet tal-ħut:
Sors: il-QEA, ibbażat fuq Parir mogħti mill-ICES, Ġunju 2012 (ICES, 2012. Report of the ICES Advisory Committee 2012. ICES Advice, 2012. Book 1.).
Il-PKS kellha l-objettiv li tikseb l-MSY “fejn possibbli, [...] sal-2015 u, fuq bażi progressiva u inkrementali sa mhux aktar tard mill-2020 għall-istokkijiet kollha.” Fl-2019, l-EEA qieset li kien improbabbli li l-UE tilħaq l-objettiv tagħha tal-politika tal-PKS għall-2020 fil-Mediterran15.
12
Suġġett għar-regoli tal-PKS, il-bastimenti tas-sajd tal-UE jistgħu jistadu fl-ibħra kollha tal-UE. Fl-ilmijiet kostali, l-Istati Membri jimmaniġġjaw l-aċċess skont eċċezzjoni temporanja li mill-1983 ’il hawn ġiet suċċessivament imġedda16.
13Il-ġestjoni tas-sajd tal-UE hija organizzata b’mod differenti fl-Atlantiku u l-Mediterran: fl-Atlantiku, fil-biċċa l-kbira, tiġi applikata sistema ta’ kwoti; filwaqt li l-Mediterran huwa fil-biċċa l-kbira regolat minn reġim tal-isforz tas-sajd. Għall-Atlantiku, kull sena, l-UE tistabbilixxi limiti ta’ qbid, deżinjati bħala “Qabdiet Totali Permissibbli” (TACs), u tallokahom 17 fost l-Istati Membri u skont iż-żona tas-sajd. Fil-Mediterran, japplikaw ukoll żewġ Regolamenti tal-UE: ir-Regolament dwar il-Mediterran (“MedReg”)18 u r-Regolament għas-sajd fiż-żona tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran (“Regolament dwar il-GFCM”)19, li fihom kemm miżuri ta’ ġestjoni kif ukoll miżuri tekniċi. Il-Kaxxa 3 tagħti eżempju ta’ TACs u ta’ sforz tas-sajd.
Kaxxa 3
“Qabdiet totali permissibbli” bi tqabbil mal-“isforz tas-sajd”
F’Jannar 2020, il-Kunsill stabbilixxa l-qabdiet totali permissibbli għal ċerti stokkijiet tal-ħut fl-Atlantiku għall-2020. Dawn jinkludu 922 064 tunnellata ta’ Kavalli (Scomber scombrus) li jiġu kondiviżi bejn 14-il Stat Membru tal-UE, in-Norveġja u l-Gżejjer Faeroe, skont iż-żoni tal-baħar iddefiniti. Għal dan l-istokk, ma kien hemm l-ebda limitu rigward l-għadd ta’ jiem fuq il-baħar għad-dgħajjes tas-sajd.
F’Diċembru 2019, il-Kunsill stabbilixxa l-isforz tas-sajd massimu permissibbli għal ċerti stokkijiet tal-ħut fil-Mediterran u fil-Baħar l-Iswed għall-2020. Dan kien jinkludi massimu ta’ 108 349 jum fuq il-baħar għad-dgħajjes tas-sajd Taljani, u 39 257 jum għad-dgħajjes Kroati, biex jistadu għall-merluzz, il-gamblu abjad, l-iskampu, u t-trilja tal-ħama fil-Baħar Adrijatiku. Għal dawn l-istokkijiet, ma kien hemm l-ebda limitu fuq il-qabdiet.
Sal-2019, meta daħal fis-seħħ il-pjan ta’ ġestjoni pluriennali (MAP) tal-UE għall-Punent tal-Mediterran u ġie adottat il-MAP tal-GFCM għall-istokkijiet tal-ħut tal-qiegħ fl-Adrijatiku, il-pjanijiet ta’ ġestjoni nazzjonali kienu jistabbilixxu limitazzjonijiet tal-isforz skont l-Istat Membru u ma kien hemm l-ebda qafas għall-monitoraġġ tat-tnaqqis tal-isforz fil-livell tal-UE.
15L-UE, l-Istati Membri Mediterranji tagħha, u nazzjonijiet Mediterranji oħra huma partijiet għall-GFCM. L-objettivi tal-GCFM jinkludu l-iżgurar tal-konservazzjoni u tal-użu sostenibbli tar-riżorsi ħajjin tal-baħar fil-Baħar Mediterran20. Fl-2017, il-partijiet għall-GFCM, inkluża l-UE, iffirmaw id-Dikjarazzjoni Ministerjali ta’ Malta MedFish4Ever21.
Politiki ambjentali
Żoni tal-baħar protetti tal-UE (Natura 2000)
16Id-Direttiva dwar l-Għasafar (1979) u d-Direttiva dwar il-Ħabitats (1992) għandhom l-għan li jipproteġu l-ispeċijiet u l-ħabitats mhedda fl-UE kollha, u flimkien joħolqu n-network ta’ żoni protetti “Natura 2000”. L-Istati Membri jiddeżinjaw u jimmaniġġjaw is-siti ta’ Natura 2000. Iż-żoni protetti fil-baħar jissejħu żoni tal-baħar protetti (MPAs). Fi tmiem l-2019, kien hemm aktar minn 3 000 MPA ta’ dan it-tip.
Id-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina (MSFD)
17Fl-2007, il-Kummissjoni adottat politika marittima integrata22, li għandha l-għan li ssaħħaħ il-koordinazzjoni bejn oqsma ta’ politika differenti. L-MSFD tal-2008 hija l-pilastru ambjentali ta’ din il-politika.
18L-MSFD tistabbilixxi reġjuni u sottoreġjuni tal-baħar (ara l-Figura 5) u tirrikjedi li l-Istati Membri jiksbu “status ambjentali tajjeb” fl-ibħra tagħhom sal-202023. L-Istati Membri jridu jimplimentaw strateġiji għall-ibħra tagħhom, f’kooperazzjoni ma’ Stati Membri oħra li jikkondividu reġjun jew sottoreġjun tal-baħar.
Figura 5
Reġjuni u sottoreġjuni tal-baħar skont l-MSFD
Sors: il-QEA, ibbażat fuq id-dokument tekniku Delineation of the MSFD Article 4 marine regions and subregions.
L-Istati Membri kellhom jivvalutaw l-ilmijiet tal-baħar tagħhom abbażi ta’ 11-il deskrittur kwalitattiv (ara l-Kaxxa 4) u kellhom iressqu programmi ta’ monitoraġġ u miżuri biex jinkiseb status ambjentali tajjeb sal-2020.
Kaxxa 4
Sommarju tad-deskritturi kwalitattivi għad-determinazzjoni ta’ status ambjentali tajjeb
- Id-diversità bijoloġika hija miżmuma.
- L-ispeċijiet mhux indiġeni huma f’livelli li ma jbiddlux negattivament l-ekosistemi.
- Il-popolazzjonijiet tal-ħut u tal-frott tal-baħar kollu sfruttati b’mod kummerċjali huma fi ħdan limiti bijoloġiċi sikuri.
- L-elementi kollha tas-sistemi marini tal-ikel, sa fejn huma magħrufa, kapaċi jiżguraw l-abbundanza tal-ispeċijiet fuq perjodu twil.
- L-ewtrofikazzjoni indotta mill-bniedem hi minimizzata.
- L-integrità ta’ qiegħ il-baħar tkun f’livell li jiżgura li l-ekosistemi huma salvagwardjati.
- L-alterazzjoni permanenti tal-kundizzjonijiet idrografiċi ma taffettwax b’mod negattiv lill-ekosistemi tal-baħar
- Il-konċentrazzjonijiet ta’ kontaminanti mhumiex f’livelli li jagħmlu l-ħsara.
- Il-kontaminanti f’ħut u fi frott tal-baħar ieħor huma baxxi.
- L-iskart fil-baħar ma jikkawżax ħsara.
- L-introduzzjoni tal-enerġija, inkluż storbju ta’ taħt il-baħar, ma taffettwax b’mod negattiv lill-ambjent tal-baħar.
Fl-2018, il-Kummissjoni kkonkludiet24 li kien meħtieġ titjib fil-programmi kollha ta’ miżuri, u li x’aktarx ma kienx se jinkiseb status ambjentali tajjeb sal-2020 fir-reġjuni kollha tal-baħar u għad-deskritturi kollha25. Fl-2020, il-Kummissjoni rrikonoxxiet26 li l-progress fl-ilħuq ta’ status ambjentali tajjeb ma kienx mgħaġġel biżżejjed, u identifikat oqsma kritiċi fejn jista’ jsir titjib.
Strateġiji għall-Bijodiversità
21Fl-2011, il-Kummissjoni adottat komunikazzjoni dwar l-istrateġija għall-bijodiversità sal-202027, li stabbiliet il-mira li jitwaqqaf it-telfien tal-bijodiversità u d-degradazzjoni tal-ekosistema tal-art u tal-baħar tal-UE sal-2020. Fl-2015, ir-rieżami ta’ nofs il-mandat tal-istrateġija rrikonoxxa li l-ispeċijiet u l-ekosistemi tal-baħar kienu għadhom qed jonqsu fl-ibħra tal-UE u li n-network tal-baħar ta’ Natura 2000 baqa’ ma ġiex ikkompletat28. F’Mejju 2020, il-Kummissjoni ħarġet Strateġija dwar il-Bijodiversità ġdida. Din għandha l-għan li tipproteġi mill-inqas 30 % taż-żona tal-baħar tagħha sal-2030, u li tipproteġi b’mod strett mill-inqas 10 %.
Responsabbiltajiet tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri
22Billi l-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar hija kompetenza esklużiva tal-UE, il-Kummissjoni għandha rwol akbar f’dan il-qasam milli għandha għall-ambjent tal-baħar, fejn ir-responsabbiltajiet jiġu kondiviżi mal-Istati Membri. Il-Kummissjoni tipproponi Regolamenti għall-ġestjoni tas-sajd (b’mod notevoli rigward il-qabdiet permissibbli, il-metodi u l-kontrolli tas-sajd, u l-finanzjament). Il-Kummissjoni tissorvelja l-implimentazzjoni, min-naħa tal-Istati Membri, għaż-żewġ oqsma ta’ politika: għas-sajd, permezz tad-Direttorat Ġenerali għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (DĠ MARE) u, għall-ambjent tal-baħar, permezz tad-Direttorat Ġenerali għall-Ambjent (DĠ ENV). Il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) huwa grupp ta’ esperti li jipprovdi pariri lill-Kummissjoni dwar il-ġestjoni tas-sajd; u l-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (ICES) huwa korp intergovernattiv tar-riċerka dwar il-baħar fl-Atlantiku tat-Tramuntana, li jipprovdi pariri xjentifiċi lill-Kummissjoni.
23It-Tabella 1 turi kif ir-responsabbiltajiet għall-politiki ambjentali u tas-sajd jinqasmu bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri f’żoni tal-baħar differenti. L-Istati Membri huma responsabbli għal miżuri għall-implimentazzjoni tad-direttivi ambjentali, u għall-applikazzjoni tar-regoli stipulati fil-PKS. Dawn jinkludu d-dritt li jittieħdu miżuri protettivi fl-ilmijiet tal-baħar tagħha (pereżempju, bl-użu tal-Artikoli 11 u 20 tal-PKS).
Tabella 1
Responsabbiltajiet għall-politiki ambjentali u tas-sajd
Sors: il-QEA.
Finanzjament mill-UE
24Il-finanzjament mill-UE jista’ jappoġġa l-protezzjoni tal-ambjent tal-baħar permezz ta’ bosta strumenti (bħall-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS), il-programmi LIFE u Interreg), iżda l-ebda wieħed ma huwa speċifiku għall-protezzjoni tal-baħar. Skont l-Artikolu 6 tar-Regolament 508/2014, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-FEMS jinkludi appoġġ għall-PKS għall-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar. Il-Kummissjoni ma tirrappurtax b’mod espliċitu dwar it-total tal-finanzjament mill-UE ddedikat għall-ambjent tal-baħar.
Ambitu u approċċ tal-awditjar
25Aħna analizzajna l-qafas ta’ politika u ta’ nfiq tal-UE, u kif dan indirizza l-pressjonijiet prinċipali fuq il-bijodiversità u l-ħabitats tal-baħar, filwaqt li ffukajna fuq il-pressjoni li tirriżulta mis-sajd kummerċjali. Aħna eżaminajna jekk:
- il-qafas tal-UE kienx imfassal u applikat tajjeb mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri,
- kienx sar progress fl-Atlantiku u fil-Mediterran, u
- il-Kummissjoni u l-Istati Membri kisbux riżultati mill-użu li għamlu mill-fondi tal-UE.
L-awditu li wettaqna kopra l-perjodu mill-adozzjoni tal-MSFD fl-2008 sal-1 ta’ Marzu 2020. Aħna ffukajna fuq il-Golf tal-Biskalja u l-Kosta Iberika, kif ukoll fuq il-Makaroneżja u l-Punent tal-Baħar Mediterran, u żorna l-Istati Membri li għandhom kosti f’dawn iż-żoni tal-baħar – Spanja, Franza, l-Italja u l-Portugall. Il-Figura 6 turi l-ambitu ġeografiku tal-awditu li wettaqna.
Figura 6
Ambitu ġeografiku tal-awditu
Sors: il-QEA, ibbażat fuq id-dokument tekniku Delineation of the MSFD Article 4 marine regions and subregions.
L-awditu li wettaqna ma kienx ikopri d-Direttiva dwar l-Ippjanar tal-Ispazju Marittimu29 u l-Istrateġija tat-Tkabbir Blu, billi l-Istati Membri mhux se jagħtu rendikont lill-Kummissjoni dwar l-ippjanar tal-ispazju marittimu qabel l-2021.
28Fix-xogħol tal-awditjar li wettaqna aħna:
- eżaminajna l-proposti, il-linji gwida u r-rapporti rilevanti tal-Kummissjoni;
- żorna lill-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali, kif ukoll lir-rappreżentanti mis-settur tas-sajd u minn organizzazzjonijiet ambjentali fi Spanja, Franza, l-Italja u l-Portugall;
- irrieżaminajna l-finanzjament mill-UE għal proġetti li jipproteġu l-ambjent tal-baħar u eżaminajna tali proġetti u 21 żona tal-baħar protetta li kienu ilhom stabbiliti, b’objettivi ta’ protezzjoni li jvarjaw, miż-żoni tal-baħar magħżula;
- ikkonsultajna ma’ bord ta’ esperti biex nużaw l-għarfien espert tagħhom sabiex nanalizzaw ir-rabtiet bejn il-politiki ambjentali u tas-sajd;
- irrieżaminajna studji u rapporti rilevanti, inklużi dawk mill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) u mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent.
Is-sena 2020 hija waħda importanti għall-UE f’termini ta’ lħuq tal-objettivi ta’ konservazzjoni skont l-istrateġija għall-bijodiversità tal-2011, il-PKS u l-MSFD. Fl-2021, huwa mistenni li ssir il-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika. Dan ir-rapport jipprovdi analiżi tar-riżultati li nkisbu sa issa dwar il-protezzjoni tal-bijodiversità tal-baħar u, għaldaqstant, jista’ jikkontribwixxi għad-diskussjoni dwar l-għażliet fil-ġejjieni.
Osservazzjonijiet
L-Istati Membri jiffaċċjaw sfidi fl-applikazzjoni tal-qafas tal-UE għall-protezzjoni tal-ambjent tal-baħar
30Il-qafas legali tal-UE jirrikjedi li l-Istati Membri jipproteġu l-ambjent tal-baħar. Aħna eżaminajna jekk il-qafas tal-UE kienx ġie stabbilit u applikat biex jiffaċilita dan. Għal dan il-għan, aħna eżaminajna jekk il-qafas kienx jipprovdi għodod effettivi biex jiġu protetti ż-żoni tal-baħar, kienx stabbilixxa bażi ċara għall-azzjonijiet, kienx ġie integrat ma’ oqsma oħra ta’ politika li għandhom impatt fuq l-ambjent tal-baħar, u kienx ibbażat fuq pariri xjentifiċi aġġornati li jidentifikaw l-ispeċijiet u l-ħabitats li huma l-aktar fil-periklu.
Iż-żoni tal-baħar protetti tal-UE fil-prattika jipprovdu protezzjoni limitata
31Il-Kummissjoni tiddefinixxi l-MPAs bħala żoni tal-baħar li nħolqu bl-objettiv primarju ta’ konservazzjoni tan-natura. Biex ikunu effettivi, l-MPAs jeħtieġu objettivi ċari b’azzjonijiet immaniġġjati tajjeb ibbażati fuq l-aqwa xjenza disponibbli30. L-MSFD tirrikjedi li l-Istati Membri jinkludu fl-istrateġiji tagħhom miżuri ta’ protezzjoni ta’ spazji, b’mod li jikkontribwixxu għal networks koerenti u rappreżentattivi ta’ żoni marini protetti31.
32L-MPAs ikopru ħafna objettivi ta’ konservazzjoni permezz ta’ varjetà ta’ miżuri protettivi, li jistgħu jinkludu restrizzjonijiet fuq is-sajd. L-Istati Membri japplikaw bosta livelli ta’ restrizzjonijiet fuq is-sajd fi ħdan l-MPAs (ara l-Kaxxa 5 għal eżempju). Fl-2018, l-EEA kkonkludiet li n-network ta’ MPAs ma kienx ekoloġikament rappreżentattiv32.
Kaxxa 5
Livelli ta’ protezzjoni differenti fl-MPA ta’ Cinque Terre (l-Italja)
Sors: il-QEA, addattat minn stampa oriġinali © Ente Parco Nazionale delle Cinque Terre.
L-MPA tkopri 4 554 ha, bi 3 saffi ta’ protezzjoni. Iż-żona A (is-sajd huwa pprojbit) tkopri biss 104 ha (2.3 % tal-MPA). Fiż-żoni B u C, is-sajjieda lokali huma awtorizzati jistadu dment li jkollhom awtorizzazzjoni minn qabel mill-awtorità maniġerjali. Iż-żona C hija żona ta’ lqugħ bejn iż-żoni tal-akbar interess għall-bijodiversità u ż-żoni barra mill-MPA fejn ir-restrizzjonijiet huma inqas stretti.
L-MPAs ma jikkwalifikawx għal deżinjazzjoni tal-UE taħt in-network Natura 2000, sakemm ma jkunux jirreferu għal ħabitats jew speċijiet li huma elenkati fil-BHDs. MPAs iddeżinjati spiss jikkoinċidu ma’ xulxin u ma’ żoni protetti nazzjonali. Il-Figura 7 turi kif dawn iż-żoni jistgħu jkunu relatati ma’ xulxin.
Figura 7
Żoni protetti f’Korsika ta’ Fuq (Franza)
Sorsi: INPN, Cartographie des espaces naturels ou protégés: https://inpn.mnhn.fr/viewer-carto/espaces/I056FR9100008 u Natura 2000 Network Viewer: https://natura2000.eea.europa.eu/.
Fejn l-MPAs jindirizzaw il-pressjonijiet tas-sajd, huma jipprovdu diversi livelli ta’ protezzjoni. Aħna eżaminajna kif id-dispożizzjonijiet legali tal-Istati Membri pproteġew 21 MPA ta’ Natura 2000 li kienu ilhom stabbiliti (ara l-Anness II), u sibna li:
- Għal 3 (14 %), kien hemm projbizzjonijiet fuq is-sajd fil-biċċa l-kbira miż-żona protetta (MPA);
- Għal 9 (43 %), kien hemm xi restrizzjonijiet fuq l-attivitajiet tas-sajd – il-projbizzjoni ta’ ċerti metodi tas-sajd; il-ħtieġa ta’ awtorizzazzjonijiet; jew is-sajd kien awtorizzat fil-biċċa l-kbira mill-MPA; u
- F’9 MPAs (43 %), l-Istati Membri kienu imponew ftit jew xejn restrizzjonijiet speċifiċi fuq l-attivitajiet tas-sajd.
Il-leġiżlazzjoni tal-UE ma tirrikjedix li l-MPAs ikollhom pjanijiet ta’ ġestjoni, iżda l-OECD33 identifikat li dawn il-pjanijiet huma prattika tajba. Il-pjanijiet ta’ ġestjoni jiddefinixxu l-azzjonijiet meħtieġa għall-protezzjoni tal-MPAs u l-awtoritajiet li huma responsabbli milli jagħmlu dan. Ftit aktar minn nofs l-MPAs li eżaminajna kellhom tali pjanijiet. Fl-2019, il-Fond Dinji għan-Natura (WWF)34 irrapporta li filwaqt li l-MPAs kienu jkopru 12.4 % taż-żona tal-baħar tal-UE, 1.8 % biss kienu koperti minn pjanijiet ta’ ġestjoni ta’ MPA. Fl-2020, l-EEA rrappurtat li inqas minn 1 % tal-MPAs Ewropej setgħu jitqiesu bħala riżervi tal-baħar bi protezzjoni sħiħa (eż. permezz ta’ projbizzjonijiet fuq is-sajd), u li kien jeħtieġ li l-ġestjoni tal-MPAs tissaħħaħ35.
36L-Istati Membri jistgħu jużaw l-MPAs biex jipproteġu ż-żoni tal-baħar kontra firxa wiesgħa ta’ pressjonijiet oħra minbarra s-sajd (bħat-tħammil, l-estrazzjoni, l-esplorazzjoni għaż-żejt u l-gass, l-iskariki industrijali, l-ankrar, it-tbaħħir jew il-kejbils ta’ taħt il-baħar).
37Fl-2019, studju xjentifiku36 kkonkluda li f’59 % tal-MPAs analizzati kien qed jitwettaq sajd tat-tkarkir għal skopijiet kummerċjali f’livelli li kienu ogħla minn dawk ta’ żoni mhux protetti, u li ħafna mill-MPAs ma pproteġewx l-ispeċijiet vulnerabbli. Fl-istudju ġie osservat li ħafna min-network ta’ MPAs tal-UE, spazjalment impressjonanti, jipprovdi sens falz ta’ sigurtà fir-rigward tal-azzjonijiet ta’ konservazzjoni pożittivi li qed jittieħdu. Fejn l-MPAs kienu jinvolvu restrizzjonijiet fuq is-sajd, aħna sibna eżempji ta’ prattiki ta’ protezzjoni addizzjonali (ara l-Kaxxa 6).
Kaxxa 6
Żoni tal-baħar protetti (MPAs) u protezzjoni mis-sajd
Fl-MPA ta’ Cinque Terre (l-Italja), għalkemm jeżistu projbizzjonijiet fuq is-sajd, il-maniġers kienu konxji minn episodji frekwenti ta’ sajd bit-tkarkir illegali ġewwa ż-żona protetta. Fl-2009, huma poġġew bolards kontra t-tkarkir (ara l-Istampa) biex inaqqsu s-sajd illegali. Dawn il-bolards jimblukkaw it-tkarkir u jħabblu x-xbieki.
Sors: © Parco Nazionale delle Cinque Terre.
Fl-2018, l-EEA rrappurtat37 li l-UE kienet laħqet il-mira tal-kopertura spazjali li tiddeżinja minimu ta’ 10 % tal-ilmijiet tagħha bħala MPAs sal-2020, iżda li ż-żoni protetti kienu żbilanċjati favur l-ilmijiet kostali u ma kinux ikopru l-baħar fond b’mod suffiċjenti. Hija kkonkludiet li n-network ta’ MPAs kien għadu ma kienx rappreżentattiv tal-firxa sħiħa tal-bijodiversità fiż-żoni koperti u li kien jeħtieġ li l-bijodiversità tal-baħar tiġi protetta b’mod aħjar38. Fl-2020, il-Kummissjoni stmat li inqas minn 1 % taż-żoni tal-baħar fl-UE kienu protetti b’mod strett39.
39It-Tabella 1 turi l-varjazzjoni fir-responsabbiltajiet għall-politiki ambjentali u tas-sajd skont it-tip ta’ żona tal-baħar. L-Istati Membri jridu jikkonformaw mal-impenji ta’ konservazzjoni tal-baħar stipulati fl-MSFD u fil-BHDs, u għal dan il-għan, huma jistabbilixxu MPAs u jimponu restrizzjonijiet fuq il-bastimenti tas-sajd proprji tagħhom. Fl-ibħra territorjali tagħhom, huma jistgħu wkoll jillimitaw l-aċċess għas-sajd għal bastimenti li tradizzjonalment jistadu f’dawk l-ilmijiet u li jiġu minn portijiet li jinsabu fuq il-kosta maġenb tagħhom, iżda ma jistgħux jagħmlu dan b’mod unilaterali għal MPAs li jinsabu barra minn din iż-żona kostali (ara l-Figura 8) u jeħtieġ li jinvolvu lilhom infushom f’diskussjonijiet multilaterali skont il-PKS.
Figura 8
L-MPAs li jinsabu barra miż-żoni kostali huma inqas protetti
Sors: il-QEA.
L-għodod regolatorji li jorbtu l-politika tal-UE dwar il-bijodiversità tal-baħar mal-PKS tagħha ma ħadmux tajjeb fil-prattika
40Id-dritt tal-UE rigward il-PKS u l-bijodiversità tal-baħar fih dispożizzjonijiet biex il-protezzjoni tal-ambjent tal-baħar (fejn l-Istati Membri huma prinċipalment responsabbli) tintrabat ma’ miżuri ta’ konservazzjoni tas-sajd (li jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-UE). Aħna eżaminajna kif dawn id-dispożizzjonijiet ħadmu fil-prattika fiż-żoni tal-baħar li eżaminajna u li huma ppreżentati fil-paragrafu 26.
L-Artikolu 11 tal-PKS
41L-Istati Membri huma responsabbli mill-ħolqien ta’ żoni tal-baħar protetti u jridu jirrispettaw l-impenji ta’ konservazzjoni skont il-BHDs u l-MSFD. Madankollu, billi s-sajd huwa kompetenza fil-livell tal-UE, l-Artikolu 11 tal-PKS jippermetti li l-Istati Membri, meta jfittxu li jillimitaw l-impatti minn bastimenti tas-sajd minn Stati Membri oħra, jippreżentaw rakkomandazzjonijiet konġunti biex il-Kummissjoni tkun tista’ tieħu miżuri.
42L-Istati Membri li żorna ma fittxewx li jużaw l-Artikolu 11 tal-PKS. Huma spjegawlna li raġuni ewlenija kienet li l-proċess, ibbażat fuq rakkomandazzjonijiet konġunti segwiti minn atti legali delegati tal-Kummissjoni, kien ikkumplikat biex jiġi applikat u seta’:
- iwassal għal restrizzjonijiet finali li jkunu aktar dgħajfa minn dawk inizjalment imressqa mill-Istat Membru li jkun qed jagħmel il-proposta,
- jirrikjedi diskussjoni twila li matulha ż-żona tkun tibqa’ miftuħa għall-bastimenti ta’ Stati Membri oħra u setgħet tkompli ssir aktar ħsara lill-ħabitats sensittivi (ara l-eżempju fil-Kaxxa 7).
Kaxxa 7
Eżempju tad-diffikultajiet fl-applikazzjoni tal-Artikolu 11 tal-PKS
Jekk, pereżempju, Franza kienet teħtieġ timponi restrizzjonijiet fuq is-sajd biex tkun konformi mal-MSFD fi kwalunkwe żona żgħira li tinsab fl-ilmijiet tagħha taż-Żona 8.a tal-ICES (ara hawn taħt), hija tista’ tapplikahom għall-bastimenti Franċiżi. Biex ir-restrizzjonijiet jiġu estiżi għall-bastimenti kollha tal-UE, Franza trid tilħaq qbil dwar rakkomandazzjoni konġunta mal-Istati Membri kollha l-oħra li jkollhom interess ta’ ġestjoni diretta fiż-żona (il-Kummissjoni infurmatna li tmien Stati Membri jiddikjaraw il-qabdiet fiż-Żona 8a).
Sors: il-QEA, adattat minn Original Scientific Illustrations Archive tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti. Riproduzzjoni awtorizzata.
Madankollu, ma hemm l-ebda limitu ta’ żmien għall-Istati Membri kkonsultati biex jirreaġixxu għall-proposta ta’ Franza. Jekk u meta jirreaġixxu, huma jistgħu jaċċettaw rakkomandazzjoni konġunta b’miżuri li jkunu aktar dgħajfa minn dawk proposti. Jekk Franza ma taqbilx, hija trid tappoġġa t-talba tagħha b’evidenza xjentifika, u huwa diffiċli li tintwera evidenza konkreta tal-benefiċċji tal-miżuri protettivi fuq l-ambjent tal-baħar. Il-proċess kollu jista’ jdum bosta snin.
Il-Kummissjoni rrikonoxxiet li r-rakkomandazzjonijiet konġunti skont l-Artikolu 11 tal-PKS “damu aktar biex jitfasslu u jkopru biss ċerti żoni tal-Baħar tat-Tramuntana u tal-Baħar Baltiku”40. F’seba’ snin, il-Kummissjoni adottat sitt rakkomandazzjonijiet konġunti relatati mal-Baħar tat-Tramuntana u l-Baħar Baltiku41, u l-ebda waħda minnhom ma kienet tirrigwarda żoni inklużi fl-ambitu ġeografiku tal-awditu li wettaqna, u lanqas fil-Mediterran. Inqisu li din il-proċedura ma tistax tiżgura protezzjoni f’waqtha mis-sajd għal għadd kbir ta’ MPAs ta’ Natura 2000. Aħna nosservaw li l-EEA rrappurtat fl-2020 li l-proċedura tal-Artikolu 11 spiss kellha l-konsegwenza li jiġu ppreferuti l-interessi tas-sajd kummerċjali aktar milli r-rekwiżiti tal-konservazzjoni tan-natura42.
44Fl-2018, il-Kummissjoni pproponiet li d-definizzjoni taż-żoni ristretti għas-sajd tiġi estiża għal kwalunkwe żona protetta stabbilita mill-Istati Membri. Jekk dawn tal-aħħar jingħataw is-setgħa biex jikkontrollaw l-attivitajiet tas-sajd f’dawn iż-żoni43, kieku jiġi ssimplifikat il-proċess li attwalment huwa meħtieġ skont l-Artikolu 11.
L-Artikolu 15 tal-MSFD
45Meta, biex jilħqu l-objettiv tal-MSFD li jikkonsisti fil-ksib ta’ status ambjentali tajjeb fiż-żoni tal-baħar tagħhom, l-Istati Membri jidentifikaw miżuri li jmorru lil hinn mis-setgħat tagħhom (pereżempju, li jkunu relatati mal-politika tas-sajd), huma jistgħu jqajmu l-kwistjoni fil-livell tal-UE skont l-Artikolu 15 tal-MSFD (Rakkomandazzjonijiet għal azzjoni Komunitarja). Mill-erba’ Stati Membri li żorna, il-Portugall biss kien għamel dan.
46Fl-2014, biex jissodisfa l-impenji tiegħu skont il-BHDs u l-MFSD, il-Portugall ipprojbixxa lill-bastimenti tiegħu milli jwettqu tkarkir tal-qiegħ f’parti kbira miż-ŻEE u mill-blata kontinentali tiegħu (ara l-Figura 9). F’Lulju 2015, il-Portugall talab lill-Kummissjoni biex tindirizza l-NEAFC sabiex il-projbizzjoni tiġi estiża għal bastimenti oħra tal-UE u mhux tal-UE, skont l-Artikolu 15 tal-MSFD. Fl-2016, il-Kummissjoni talbet lill-Portugall biex jipprovdi aktar studji xjentifiċi, li l-awtoritajiet Portugiżi qalulna li ma kinux iqisu li dawn kienu meħtieġa. B’riżultat ta’ dan, il-bastimenti Portugiżi mhumiex awtorizzati li jużaw ix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ f’dik iż-żona, filwaqt li, fiż-żmien meta wettaqna l-awditu, l-bastimenti tal-Istati Membri l-oħra komplew jagħmlu dan.
Figura 9
Żona ristretta għall-bastimenti tat-tkarkir tal-qiegħ Portugiżi
Sors: il-QEA, adattat mill-ordni ministerjali Portugiż Nru 114/2014 (© Ministério do Mar).
Ir-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni ma wasslux għall-irkupru ta’ ammont sinifikanti ta’ ekosistemi u ta’ ħabitats tal-baħar.
47Id-dritt tal-UE jipproteġi speċijiet u ħabitats speċifiċi li huma mhedda u li huma elenkati fl-annessi tal-BHDs, filwaqt li xi speċijiet mhedda (bħall-klieb il-baħar) jibbenefikaw minn restrizzjonijiet fuq il-qbid skont il-PKS. L-MFSD tippermetti li l-Istati Membri jipproteġu speċijiet jew ħabitats mhedda, u tħalli f’idejhom id-deċiżjoni dwar liema għandhom jiġu protetti.
48L-UE laħqet qbil rigward l-annessi tal-BHDS aktar minn 25 sena ilu, u dawn ma jinkorporawx l-għarfien xjentifiku reċenti u lanqas ma jkopru l-ħabitats tal-baħar b’mod suffiċjenti. Pereżempju, ir-raja ta’ Malta (Leucoraja melitensis) – speċi meqjusa mill-IUCN bħala f’periklu kritiku44 – u l-ħabitats ta’ trawwim tagħha (qigħan ramlija u bit-tajn taħt 60 metru) mhumiex koperti mill-BHDs. Dawn id-direttivi fihom proċeduri biex jiġu aġġornati l-listi ta’ speċijiet u ħabitats protetti, iżda l-Kummissjoni għadha ma użathomx45.
49Fl-2015, l-EEA46 rrappurtat li d-direttivi dwar in-natura jeskludu aspetti sinifikanti tal-ekosistema tal-baħar mill-iskemi ta’ protezzjoni formali, b’referenza b’mod partikolari għall-ħut tal-baħar (eż. l-ispeċijiet sfruttati b’mod kummerċjali), l-ispeċijiet invertebrati (eż. il-molluski u l-istilel tal-baħar) u l-ħabitats tal-baħar lil hinn mill-kosta (eż. is-sikek tar-ramel taħt 20 m jew il-ħabitats ta’ qiegħ artab) u l-komunitajiet assoċjati tagħhom ta’ fawna u flora.
50Iż-żieda ta’ speċijiet fl-annessi tal-BHDs tkun tagħmilha aktar faċli li dawn jinġiebu taħt il-protezzjoni tar-regoli tal-PKS. Pereżempju, ir-Regolament dwar il-Mediterran (MedReg) jipprojbixxi l-qbid ta’ speċijiet li huma elenkati fid-Direttiva dwar il-Ħabitats47. Skont ir-Regolament dwar il-Mediterran, il-qbid ta’ speċijiet mhedda (eż. sponoż u qroll), li mhumiex elenkati fl-Anness ta’ din id-Direttiva, għadu legali. Bl-istess mod, ir-Regolament dwar Miżuri Tekniċi (RMT)48 spiss jirreferi għall-ispeċijiet elenkati fid-Direttiva.
51L-UE ħadet inizjattivi biex tipproteġi l-klieb il-baħar (ara l-Kaxxa 8), iżda ma ddeżinjatx żoni protetti. B’kuntrast ma’ dan, l-Istati Uniti tal-Amerka ilhom mill-2006 li ddefinew il-Ħabitats Essenzjali tal-Ħut għall-Ispeċijiet Migratorji Ħafna tal-Atlantiku, inklużi l-klieb il-baħar.
Kaxxa 8
Inizjattivi tal-UE dwar il-protezzjoni tal-klieb il-baħar
Il-PKS tipprojbixxi s-sajd dirett għal ċerti speċijiet ta’ klieb il-baħar, li jenħtieġ li jiġu skartati mejtin jew ħajjin jekk jinqabdu b’mod mhux intenzjonat.
Fl-2009, il-Kummissjoni adottat Pjan ta’ Azzjoni għall-Konservazzjoni u l-Ġestjoni tal-Klieb il-Baħar, li ġie approvat mill-Kunsill tal-Ministri tal-UE49. Fl-2019, l-STECF irrapporta sinjali ta’ progress fil-ġestjoni u l-konservazzjoni tal-klieb il-baħar f’dawn l-aħħar 10 snin, iżda enfasizza wkoll li l-istatus ta’ ħafna popolazzjonijiet tal-klieb il-baħar kien għadu sors ta’ tħassib50.
Mill-2003 ’l hawn, l-UE pprojbiet it-tneħħija tal-pinen tal-klieb il-baħar abbord bastimenti (“tneħħija tal-pinen tal-kelb il-baħar”), waħda mit-theddidiet prinċipali għall-konservazzjoni tal-klieb il-baħar51.
Progress fl-Atlantiku, iżda r-riżultati fil-Mediterran mhumiex sodisfaċenti
52Il-PKS tirrikjedi l-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar u l-ġestjoni sostenibbli tas-sajd, billi dan tal-aħħar jitwettaq fi ħdan il-livelli tal-MSY. Aħna eżaminajna jekk l-implimentazzjoni tal-PKS kinitx appoġġat il-konservazzjoni tar-riżorsi u l-ħabitats tal-baħar. Sabiex niksbu dan, aħna nosservaw li jenħtieġ li l-PKS tistabbilixxi miżuri skont l-aħjar pariri xjentifiċi disponibbli biex jiġi indirizzat is-sajd eċċessiv, u tipprevieni l-isfruttament eċċessiv tar-riżorsi tal-baħar billi taġġusta l-kapaċità tal-flotot tas-sajd għal-livelli ta’ qabdiet li jkunu konsistenti mas-sajd sostenibbli52. Aħna nqisu li l-eżistenza ta’ sistema ta’ kontroll tas-sajd effettiva hija element kritiku.
53Fl-2020, l-EEA rrappurtat li l-objettiv tal-PKS, li l-istokkijiet kollha jinstadu fi ħdan il-livelli tal-MSY sal-2020, x’aktarx ma kienx se jintlaħaq53. Fl-istess rapport ġie osservat li minkejja xi livelli ta’ inċertezza, il-messaġġ huwa ċar – l-UE ma rnexxilhiex twaqqaf it-telfien tal-bijodiversità tal-baħar sal-202054. Dan jintwera fil-Figura 10, flimkien mal-insuffiċjenza tad-data biex jiġu vvalutati l-kundizzjonijiet tal-bijodiversità disponibbli f’ħafna oqsma.
Figura 10
Kundizzjonijiet u xejriet ġenerali tal-bijodiversità fl-ibħra tal-Ewropa
Noti: UNEP-MAP: Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent – Pjan ta’ Azzjoni għall-Mediterran; BSC: Kummissjoni tal-Baħar l-Iswed; BEAT+: għodda għall-valutazzjoni tal-varjabbiltà spazjali tal-bijodiversità billi jiġu kkombinati indikaturi eżistenti; BQR: Proporzjon tal-Kwalità tal-Bijodiversità. Abbrevjazzjonijiet oħra ssir referenza għalihom f’partijiet oħra ta’ dan ir-rapport tal-awditjar.
Sors: © L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, ir-Rapport tal-EEA: Marine messages II, 2020, it-Tabella 3.1, p. 26.
Fl-Atlantiku, il-PKS bdiet tnaqqas is-sajd eċċessiv fi snin reċenti. Fil-Mediterran, is-sajd eċċessiv għadu f’livelli għolja li mhumiex sostenibbli. Aħna eżaminajna fatturi li nqisu li kkontribwew għal dawn ir-riżultati ta’ konservazzjoni mħallta.
Titjib li jista’ jitkejjel fl-Atlantiku
55Għal stokkijiet fejn hemm pariri xjentifiċi disponibbli rigward l-MSY, l-għadd ta’ limiti tal-qabdiet totali permissibbli (TAC) stabbiliti f’konformità ma’ dawn il-pariri żdied fi snin reċenti55. Il-Kummissjoni kkonkludiet li s-sajd sostenibbli se jkopri 99 %, skont il-volum, tal-ħut li nqabad fl-2020; u 73 % tal-istokkijiet bijoloġiċi.
56Fl-2019, l-STECF osserva li fl-Atlantiku tal-Grigal, fuq medja, il-bijomassa tal-istokkijiet kienet qed titjieb56. L-istokkijiet fil-Kosta Iberika u fil-Golf tal-Biskalja wrew żieda konsiderevoli f’dak li jirrigwarda l-bijomassa. Madankollu, l-STECF irrapporta li, b’mod ġenerali, ħafna stokkijiet – li għalihom kien hemm informazzjoni ta’ valutazzjoni disponibbli – baqgħu suġġetti għal sajd eċċessiv fl-2017 (40 %) jew barra mil-limiti bijoloġiċi sikuri (35 %), u l-progress kien jidher miexi bil-mod wisq biex l-MSY jinkiseb sal-2020.
57L-ICES jipprovdi pariri għal ħafna stokkijiet bijoloġiċi tal-ħut. Fl-2017, l-STECF osserva li minħabba limitazzjonijiet fid-data, l-ICES ma setax jipprovdi stima tal-MSY għal aktar minn nofs l-istokkijiet57. Għall-156 stokk ta’ ħut suġġetti għal kwota, l-ICES seta’ jipprovdi pariri dwar l-MSY f’86, jew f’55 %, tal-każijiet58. Fil-każijiet l-oħra, l-ICES applika l-approċċ prekawzjonarju, li jista’ jwassal għal rati ta’ sajd li jkunu ogħla minn dawk taħt l-MSY (ara l-Kaxxa 2).
58Rapporti wrew li fil-passat il-Kummissjoni pproponiet limiti ta’ qbid li xi drabi qabżu l-pariri xjentifiċi li kienet irċeviet mingħand l-ICES. Min-naħa l-oħra, il-Kunsill xi drabi żied il-limiti proposti mill-Kummissjoni (ara l-Kaxxa 9).
Kaxxa 9
Xi rapporti kkritikaw il-limiti ta’ qbid tas-sajd stabbiliti fl-Atlantiku
Fir-rapport mill-2019 intitolat “Taking stock – are TACs set to achieve MSY?”, l-organizzazzjoni ClientEarth indikat li l-perċentwal tal-limiti ta’ qbid fejn il-proposta tal-Kummissjoni kienet taqbeż il-livelli mogħtija mill-pariri xjentifiċi kien ivarja bejn 41 % u 47 % bejn l-2015 u l-2019, u li l-perċentwal tal-limiti ta’ qbid maqbula mill-Kunsill u li qabżu l-livelli mogħtija mill-pariri xjentifiċi kienu ogħla.
Fir-rapport mill-2019 intitolat “EU fisheries management improves but still lags behind scientific advice”, l-organizzazzjoni Pew Charitable Trusts indikat li l-perċentwal tal-limiti ta’ qbid fejn il-proposta tal-Kummissjoni kienet taqbeż il-livelli mogħtija mill-pariri xjentifiċi kien qed jonqos matul iż-żmien. Ir-rapport identifika li l-perċentwal tal-limiti ta’ qbid stabbiliti mill-Kunsill, li qabżu dawk mogħtija skont il-pariri xjentifiċi, kien qed jonqos ukoll, iżda kien għadu jirrappreżenta 42 % tal-istokkijiet fl-Atlantiku tal-Grigal fl-2019.
Għadd kbir ta’ azzjonijiet tal-UE ma naqqsux is-sajd eċċessiv fil-Mediterran
59Fir-rapport tiegħu tal-2019 dwar il-monitoraġġ tal-prestazzjoni tal-PKS, l-STECF ikkonkluda li l-istokkijiet tas-sajd fil-Mediterran kienu għadhom f’sitwazzjoni li ma kinitx sodisfaċenti59. Il-Kummissjoni vvalutat li l-Baħar tal-Mediterran u l-Baħar l-Iswed qed jiġu sfruttati b’rati li huma 2.2 darbiet ogħla minn dawk kompatibbli mas-sajd fi ħdan il-livelli tal-MSY; u li mill-2003 sal-2016 il-bijomassa tal-istokkijiet tal-ħut ma wriet l-ebda żieda sinifikanti60. Fl-2020, l-EEA rrappurtat li 6 % biss tal-istokkijiet li ġew ivvalutati fil-Mediterran kienu jissodisfaw il-kriterji tal-MSY61.
60L-STECF osserva l-limitazzjonijiet tar-reġim tal-isforz tas-sajd użat fil-Mediterran u ssuġġerixxa li jitqiesu alternattivi bbażati fuq il-qabdiet (TACs). Il-Kummissjoni pproponiet tali miżuri fil-proposti tagħha għall-MAPs tal-UE fil-Punent tal-Baħar Mediterran u fil-Baħar Adrijatiku, iżda dawn ġew irrifjutati mill-koleġiżlaturi. L-STECF irrapporta li tnaqqis fl-isforz tas-sajd ma jirriżultax awtomatikament f’inqas qabdiet62.
61L-STECF jistma li, fl-2016, il-flotta kostali fuq skala żgħira tal-UE li topera fil-Mediterran kienet tinkludi madwar 17 500 bastiment63. Il-bastimenti l-kbar jaqbdu ammont ta’ ħut li huwa sinifikattivament aktar minn dak li jinqabad minn bastimenti żgħar. Il-Figura 11 turi s-sehem approssimattiv tal-għadd totali tal-flotta u tal-piż totali tal-qabdiet minn bastimenti żgħar u kbar.
Figura 11
Bastimenti tal-UE fil-Mediterran
Sors: il-QEA, (abbażi ta’ informazzjoni inkluża fl-STECF 18-07).
Jenħtieġ li l-Istati Membri jimmonitorjaw l-ħatt l-art fil-portijiet tagħhom u li l-liġijiet tal-UE jirrikjedu li l-prodotti kollha tas-sajd jiġu kummerċjalizzati jew reġistrati għall-ewwel darba f’ċentru tal-irkant jew lil xerrejja reġistrati jew lil organizzazzjonijiet tal-produtturi64. Konsegwentement, jenħtieġ li l-awtoritajiet tal-Istati Membri u l-maniġers tal-postijiet tal-ħatt l-art ikunu jistgħu jipproduċu bażijiet ta’ data komprensivi dwar il-qabdiet. Fl-2017, l-STECF osserva progress fil-valutazzjoni tal-istokkijiet fil-Mediterran, iżda li d-data disponibbli mhijiex affidabbli biżżejjed billi l-informazzjoni dwar is-sajd hija spiss parzjali u impreċiża u s-serje kronoloġika hija relattivament qasira65. Huwa osserva wkoll li l-monitoraġġ imwettaq mill-Istati Membri fir-rigward tal-livelli tal-isforz ta’ parti kbira mill-flotta Mediterranja tal-UE ma kienx sodisfaċenti66.
63Fl-2019, l-STECF wettaq rieżaminar ex post ta’ 22 pjan nazzjonali ta’ ġestjoni li ġew adottati skont ir-Regolament dwar il-Mediterran. L-STECF ikkonkluda li l-pjanijiet nazzjonali ta’ ġestjoni antiki skont ir-Regolament dwar il-Mediterran, fil-biċċa l-kbira mill-każijiet, ma kkontribwewx għat-titjib tal-istatus mhux sodisfaċenti tal-istokkijiet tal-Mediterran. Barra minn hekk, huwa osserva li t-tnedija ta’ xi wħud minn dawn il-pjanijiet kienet assoċjata ma’ talbiet għal derogi minn dispożizzjonijiet tar-Regolament dwar il-Mediterran67.
64Ir-Regolament dwar il-Mediterran għandu l-għan li jipproteġi ż-żoni fejn jitrabbew il-ħut u l-ħabitats sensittivi68. Huwa kien jirrikjedi li l-Istati Membri jipprovdu lill-Kummissjoni, sal-31 ta’ Diċembru 2007, informazzjoni rilevanti biex jiġu stabbiliti tali żoni, u biex, sa tmiem l-2008, il-Kunsill jiddeżinja “żoni ta’ sajd protetti li essenzjalment jinsabu lil hinn mill-ibħra territorjali tal-Istati Membri, dwar it-tipi ta’ attivitajiet ta’ sajd ipprojbiti jew awtorizzati f’tali żoni”. L-Istati Membri ma pprovdewx din l-informazzjoni lill-Kummissjoni.
65Fl-2019, l-UE adottat pjan pluriennali għal sitt speċijiet li jgħixu qrib qiegħ il-baħar fil-Punent tal-Baħar Mediterran69. Il-pjan fih dispożizzjonijiet ta’ salvagwardja70 biex jittieħdu miżuri ta’ rimedju (bħal għeluq) fil-każijiet fejn il-pariri xjentifiċi juru li l-istokkijiet huma mhedda, iżda hemm diffikultajiet fil-monitoraġġ tal-qabdiet u fil-ksib ta’ data tajba (ara l-paragrafu 62). Il-Kummissjoni se tevalwa l-pjan fl-2024, jiġifieri qrib ħafna tad-data mmirata tal-1 ta’ Jannar 2025, sa meta jridu jinkisbu l-livelli tas-sajd tal-MSY.
66Il-miżuri tekniċi huma r-regoli li jirregolaw kif, meta u fejn is-sajjieda kummerċjali jistgħu jistadu. Fl-2019, l-UE adottat ir-Regolament dwar Miżuri Tekniċi (RTM)71, li huwa applikabbli fl-ilmijiet kollha tal-UE. Wieħed mill-objettivi tal-RTM huwa li jenħtieġ li l-ġestjoni tas-sajd tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-MSFD u tal-BHDs72.
67Ir-regolamenti dwar il-Mediterran74 u dwar il-GFCM75 fihom ukoll miżuri tekniċi li japplikaw biss f’dawn l-oqsma. L-UE hija parti għall-GFCM, iżda għandha d-dritt li tadotta regoli aktar stretti jekk tqis li l-miżuri tal-GFCM ma jkunux biżżejjed biex jipprevienu l-impatti distruttivi tas-sajd76. Hemm lok għal Miżuri Tekniċi biex jikkontribwixxu b’mod aktar effettiv sabiex jiġi minimizzat l-impatt ambjentali negattiv tas-sajd fuq l-ambjent tal-baħar fil-Mediterran.
68Qabel l-adozzjoni tal-RTM, ma kien hemm l-ebda mekkaniżmu għall-monitoraġġ tal-progress. L-RTM jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta atti delegati, fejn ikun meħtieġ73, u jintroduċi rappurtar triennali. L-ewwel rapport triennali huwa mistenni fl-2020.
69Id-data dwar is-sajd tinkiseb skont ir-Regolament dwar il-kontroll77 u skont ir-Regolament dwar il-Qafas tal-Ġbir ta’ Data. L-evalwazzjoni li l-Kummissjoni wettqet fl-2017 fir-rigward tar-Regolament dwar il-kontroll ikkonkludiet li huwa ma kienx kollu kemm hu adattat għall-iskop tiegħu78, u dan wassal lill-Kummissjoni biex tipproponi wieħed ġdid79. Problema partikolari hija l-eżenzjoni mir-rappurtar għal bastimenti ta’ inqas minn 12-il metru, u għal qabdiet li jkunu inqas minn 50 kg. Il-proposta, li għadha fil-proċess leġiżlattiv, fiha dispożizzjonijiet li jsaħħu l-monitoraġġ tas-sajd fuq skala żgħira u tinkludi r-rekwiżit għall-bastimenti kollha biex ikollhom sistemi ta’ trekkjar tal-bastimenti.
70Sa issa, il-GFCM stabbiliet tmien żoni ristretti għas-sajd (bħaż-żona ristretta fil-Fossa ta’ Jabuka/Pomo) biex tipproteġi l-ħabitats sensittivi tal-baħar fond u l-ħabitats essenzjali tal-ħut – li jkopru madwar 1 % tal-Baħar Mediterran (ara l-Figura 12). Barra minn hekk, mill-2005 ’l hawn, il-GFCM ipprojbiet l-użu ta’ gangmi rmunkati u ta’ xbieki tat-tkarkir fl-ilmijiet kollha li huma fondi aktar minn 1 000 metru (li jirrappreżentaw 59 % tal-Baħar tal-Mediterran u tal-Baħar l-Iswed) biex jiġu protetti l-ħabitats ta’ qiegħ il-baħar li ma tantx huma magħrufa.
Figura 12
Żoni Ristretti għas-Sajd stabbiliti mill-GFCM
Sors: il-QEA, adattat minn Original Scientific Illustrations Archive tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti. Riproduzzjoni awtorizzata./span>
Fil-Mediterran, il-ġestjoni kondiviża tas-sajd ma’ pajjiżi terzi hija diffikultà addizzjonali. Fl-2017, il-qabdiet tal-UE kienu jirrappreżentaw, skont il-piż, madwar 52 % tal-qabdiet fil-Mediterran. Il-Figura 13 turi li erba’ Stati Membri tal-UE huma responsabbli għal kważi l-qabdiet kollha tal-UE, u erba’ pajjiżi oħra jirrappreżentaw aktar minn 80 % tal-qabdiet ta’ pajjiżi terzi80.
Figura 13
Nazzjonijiet ewlenin li jipprattikaw is-sajd fil-Mediterran
Sors: il-QEA, ibbażat fuq bażi ta’ data pprovduta mill-GFCM.
L-għodod tal-UE biex tiġi indirizzata l-kapaċità żejda tas-sajd mhumiex allinjati mill-qrib mal-ħtiġijiet reġjonali u mal-impatti ambjentali
72Il-PKS għandha l-għan li tipprevieni l-isfruttament eċċessiv tar-riżorsi tal-baħar billi taġġusta l-kapaċità tas-sajd tal-flotot għal livelli ta’ qabdiet li huma konsistenti mal-MSY81. Fir-Rapport Annwali tal-Attività għall-2017 tagħha, is-servizzi tal-Kummissjoni osservaw li l-kapaċità żejda hija meqjusa bħala kawża ewlenija tas-sajd eċċessiv fil-Baħar Mediterran, minħabba n-nuqqas ġenerali ta’ kontrolli fuq il-qabdiet u d-dipendenza fuq l-isforz tas-sajd biex tiġi rregolata l-mortalità mis-sajd.
73Ir-Regolament dwar il-PKS jobbliga lill-Istati Membri biex jaġġustaw il-kapaċità tal-flotot tagħhom għall-opportunitajiet tas-sajd disponibbli għalihom. Huwa jistabbilixxi limiti massimi tal-kapaċità tas-sajd għal kull Stat Membru f’termini ta’ tunnellaġġ u saħħa tal-magna; u jirrikjedi li l-Istati Membri japplikaw “Skema ta’ Dħul/Ħruġ”82, sabiex id-dħul ta’ kapaċità ġdida fil-flotot tagħhom isir biss wara l-irtirar ta’ kapaċità ekwivalenti. Il-limiti massimi tal-kapaċità jitnaqqsu meta l-bastimenti jiġu skrappjati permezz ta’ għajnuna pubblika.
74Fi tmiem l-2019, il-kapaċitajiet tal-flotot kienu fi ħdan il-limiti massimi aġġustati tal-kapaċità – b’mod kumplessiv, 21 % aktar baxxi f’termini ta’ tunnellaġġ, u 15 % f’termini ta’ saħħa tal-magna. Għalhekk, dawn il-limiti massimi jipprovdu inċentivi limitati biex l-Istati Membri jieħdu azzjoni rigward il-kapaċità tas-sajd (ara l-Figura 14).
Figura 14
Limiti massimi u kapaċitajiet tal-flotot ewlenin tas-sajd fl-2019
Sors: Il-QEA, ibbażat fuq ir-reġistru tal-flotta tal-UE.
L-Iskema ta’ Dħul/Ħruġ ma tinkludix kundizzjonijiet speċifiċi għall-Mediterran, fejn il-pressjonijiet tas-sajd huma aktar severi minn dawk fl-Atlantiku. L-Iskema tippermetti li bastimenti ġodda jissostitwixxu lil dawk inattivi, kif ukoll li bastimenti ġodda jużaw tekniki li jagħmlu aktar ħsara. Pereżempju, il-permess tad-dħul fil-flotta ta’ bastiment tat-tkarkir tal-qiegħ ġdid li jissostitwixxi bastiment tas-sajd bit-tartarun se jirriżulta fi ħsara akbar lill-ħabitats ta’ qiegħ il-baħar. Ir-Regolament dwar il-PKS jippermetti li l-Kummissjoni tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu regoli għall-applikazzjoni tal-Iskema, iżda għadha ma għamlitx dan83.
Sehem żgħir mill-finanzjament mill-UE jintuża għall-appoġġ tal-konservazzjoni tal-baħar
76Jenħtieġ li l-appoġġ finanzjarju jindirizza ħtiġijiet reali u jikkontribwixxi għal azzjonijiet li jtejbu l-konservazzjoni tal-baħar. Fl-awditu li wettaqna, aħna eżaminajna jekk l-użu tal-FEMS, tal-programmi LIFE u ta’ Interreg fl-erba’ Stati Membri li żorna kinux ikkontribwew għall-konservazzjoni tal-baħar.
77Il-FEMS jappoġġa l-ilħuq tal-objettivi tal-PKS, inkluż il-minimizzazzjoni tal-impatti negattivi tal-attivitajiet tas-sajd fuq l-ekosistema tal-baħar u l-iżgurar li s-sajd ma jiddegradax l-ambjent tal-baħar84. Jenħtieġ li l-FEMS ma jintużax biex jiġu ffinanzjati azzjonijiet li jżidu l-kapaċità tas-sajd ta’ bastiment85.
78Il-finanzjament totali li ngħata mill-FEMS għall-perjodu 2014-2020 jaqbeż is-EUR 6 biljun. Ħamsa mis-seba’ l-akbar benefiċjarji tal-finanzjament mill-FEMS huma pajjiżi li għandhom kosti Mediterranji (ara l-Figura 15). Minn dawn, l-akbar żewġ benefiċjarji għandhom kosti Atlantiċi u Mediterranji.
Figura 15
L-ogħla ammonti mill-FEMS
Sors: il-QEA, ibbażat fuq “Facts and figures on the common fisheries policy, (EU, 2018)”.
Il-FEMS jappoġġa l-attivitajiet tas-sajd u tal-akkwakultura. Huwa maħsub biex jappoġġa l-MSFD u biex jikkontribwixxi għall-protezzjoni tal-ambjent tal-baħar86. Il-fond jista’ jappoġġa l-miżuri ta’ konservazzjoni direttament, u anki indirettament permezz ta’ miżuri utli oħra (inklużi dawk rigward l-għarfien xjentifiku, il-ġbir ta’ data, il-monitoraġġ u l-infurzar)87. Aħna nistmaw li, sa tmiem l-2019, l-erba’ Stati Membri li żorna kienu użaw madwar 6 % tal-finanzjament totali tagħhom li ngħata mill-FEMS għall-miżuri ta’ konservazzjoni li huma marbuta l-aktar direttament mal-MSFD u mal-BHDs88, u 8 % oħra għal miżuri li għandhom impatt inqas dirett fuq il-konservazzjoni. Minn dan, huma kienu użaw inqas minn EUR 2 miljun (0.2 %) biex jillimitaw l-impatt tas-sajd fuq l-ambjent tal-baħar (ara l-Figura 16). Fi studju mill-2020 u li ġie ffinanzjat mill-Kummissjoni89 nstab li, sal-2019, l-Istati Membri tal-UE kienu użaw EUR 14-il miljun mill-FEMS għall-protezzjoni tal-ispeċijiet sensittivi. Fl-2020, l-EEA identifikat ħtieġa għal allinjament aħjar bejn il-finanzjament mill-FEMS u l-MSFD90.
Figura 16
Finanzjament mill-FEMS li ntuża fl-erba’ Stati Membri li żorna (sal-31.12.2019)
Sors: il-QEA, ibbażat fuq informazzjoni riċevuta mingħand l-Istati Membri.
Fl-2011, aħna rrappurtajna li l-kapaċità żejda tal-flotot tas-sajd tal-UE kienet ippreġudikat is-sostenibbiltà tal-istokkijiet tal-ħut91. Il-FEMS kellu l-għan li jiffinanzja s-sajd sostenibbli u l-implimentazzjoni tal-politika komuni tas-sajd bejn l-2014 u l-202092. Peress li xi stokkijiet tal-ħut kummerċjali kienu suġġetti għal sajd eċċessiv, waħda mill-kundizzjonijiet tal-fond kienet li ma setax jintuża sabiex tiżdied il-kapaċità tal-flotot tas-sajd biex jaqbdu l-ħut. Għalhekk, il-fond ma appoġġax il-kostruzzjoni ta’ bastimenti ġodda u lanqas iż-żieda fil-kapaċità tas-sajd ta’ bastimenti eżistenti93.
81Il-proposta tal-Kummissjoni għal fond ġdid għall-perjodu 2021-2027 għal darb’oħra eskludiet l-appoġġ finanzjarju għal kwalunkwe żieda fil-kapaċità tas-sajd ta’ bastimenti eżistenti, u pprevediet appoġġ finanzjarju għall-ewwel akkwist ta’ bastimenti tas-sajd kostali fuq skala żgħira skont kundizzjonijiet speċifiċi94. F’Ġunju 2019, il-konklużjonijiet tal-Kunsill95 dwar il-proposta tal-Kummissjoni pprevedew appoġġ finanzjarju għall-ewwel akkwist ta’ bastimenti tas-sajd skont kundizzjonijiet speċifiċi u inkludew deroga għall-esklużjoni ta’ appoġġ għal żidiet fil-kapaċità tas-sajd. Saż-żmien meta wettaqna l-awditu, l-awtoritajiet leġiżlattivi kienu għadhom ma adottawx il-leġiżlazzjoni. Aħna nosservaw li l-għoti ta’ appoġġ għall-akkwist ta’ bastimenti tas-sajd u għaż-żidiet fil-kapaċità tas-sajd jista’ jwassal għal pressjonijiet addizzjonali fuq l-istokkijiet tal-ħut u fuq il-ħabitats vulnerabbli tal-baħar.
82Il-Programm LIFE96 huwa l-għodda tal-UE li l-għan tagħha huwa li b’mod aktar speċifiku tappoġġa lill-proġetti ambjentali. Mill-2014 ’il hawn, il-Programm LIFE ħoloq Proġetti Integrati li l-għan tagħhom huwa li b’mod speċifiku jappoġġaw, b’ammonti ogħla ta’ finanzjament, lill-Istati Membri tal-UE biex jimplimentaw il-leġiżlazzjoni ambjentali u klimatika. Tlieta mill-erba’ Stati Membri li saritilhom żjara ppromwovew tali proġetti b’azzjonijiet ta’ protezzjoni tal-baħar: LIFE-IP Intemares fi Spanja; LIFE IP Marine Habitats fi Franza; u LIFE-IP Azores Natura fil-Portugall. Fl-erba’ Stati Membri li żorna, aħna sibna eżempji tajba ta’ proġetti relatati mal-protezzjoni tal-baħar li rċevew finanzjament mill-Programm LIFE tal-UE; rajna wkoll użu tajjeb ta’ finanzjament minn Interreg. Il-Kaxxa 10 tagħti eżempji fejn il-finanzjament mill-UE kien għamel differenza.
Kaxxa 10
Il-finanzjament mill-UE jista’ jagħmel differenza
Fl-Arċipelagu tal-Berlengas (sit ta’ Natura 2000 fil-Portugall), l-UE kkofinanzjat il-proġett LIFE Berlengas (b’madwar EUR 0.7 miljun). Il-proġett kellu l-għan li jirrestawra l-popolazzjonijiet tal-għasafar tal-baħar u li jnaqqas il-qbid aċċessorju tagħhom. L-azzjonijiet kienu jinkludu l-eradikazzjoni tal-ispeċijiet invażivi (firien suwed) u l-kontroll tal-popolazzjoni tal-predaturi. Sa tmiem il-proġett, koppja ta’ kanġijiet (band-rumped storm-petrels) kienu reġgħu bdew ibejtu fil-Gżira prinċipali. Il-proġett naqqas il-qbid aċċessorju tal-għasafar tal-baħar fis-sajd bit-tartarun tal-borża, bl-użu ta’ tajra li kienet timita għasfur predatur. Il-kollaborazzjoni mill-qrib tal-bijoloġisti u s-sajjieda għenet biex ikun hemm sensibilizzazzjoni dwar il-qabdiet aċċessorji.
L-ewwel fellus tal-kanġu (band-rumped storm-petrel) li twieled fil-Berlengas
© Ana Isabel Fagundes.
“Tajra” bħala għasfur predatur
© Elisabete Silva.
L-UE kkofinanzjat madwar EUR 3.5 miljun għall-proġett Interreg FISHMPABLU2, li kien jinvolvi 11-il MPA f’6 pajjiżi Mediterranji (il-Greċja, Spanja, Franza, il-Kroazja, l-Italja u s-Slovenja). Il-proġett kellu l-għan li jippromwovi s-sajd sostenibbli fuq skala żgħira fi ħdan l-MPAs u madwarhom, billi jittestja tipi differenti ta’ miżuri (eż. l-involviment tas-sajjieda fis-sorveljanza u fil-monitoraġġ, kif ukoll fit-teħid ta’ deċiżjonijiet, is-sostituzzjoni tal-irkapti tas-sajd, it-tnaqqis tal-isforz tas-sajd, eċċ.). Il-proġett ipproduċa “Sett ta’ għodod ta’ governanza” għal kull miżura għall-maniġers tal-MPAs u għas-sajjieda fuq skala żgħira.
Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
83Dan l-awditu eżamina jekk il-qafas tal-UE li jindirizza l-pressjonijiet prinċipali fuq il-bijodiversità u l-ħabitats tal-baħar kienx ġie imfassal u applikat tajjeb fil-prattika f’partijiet magħżula tal-Atlantiku u l-Mediterran, u jekk kinux inkisbu riżultati mill-użu tal-fondi tal-UE. Korpi xjentifiċi awtorevoli identifikaw is-sajd bħala pressjoni ewlenija fuq l-ambjent tal-baħar. B’riżultat ta’ dan, meta eżaminajna l-qafas ta’ politika, il-finanzjament mill-UE, u l-mod kif dawn ġew applikati, aħna tajna attenzjoni partikolari għall-kwistjonijiet relatati mas-sajd.
84B’mod ġenerali, kien hemm qafas fis-seħħ għall-protezzjoni tal-ambjent tal-baħar, iżda l-azzjonijiet li ttieħdu mill-UE ma kinux ippermettew li l-ibħra jiġu restawrati għal status ambjentali tajjeb, u lanqas li s-sajd imur lura għal livelli sostenibbli fl-ibħra kollha. Aħna sibna li l-azzjoni tal-UE kienet ikkontribwiet għall-progress fl-Atlantiku fejn ħafna stokkijiet tal-ħut ġew stabbilizzati u/jew tjiebu, iżda li fil-Mediterran, ma kien hemm l-ebda sinjal sinifikattiv ta’ progress.
85Iż-żoni tal-baħar protetti (MPAs) huma l-aktar miżuri emblematiċi ta’ konservazzjoni tal-baħar. Id-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marittima tirrikjedi li l-Istati Membri joħolqu networks koerenti ta’ tali żoni; u l-UE kellha l-objettiv li tipproteġi 10 % miż-żoni tal-baħar tagħha sal-2020. Il-valutazzjoni li wettaqna fir-rigward tar-rwol tal-MPAs hija konformi ma’ dik tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, li identifikat nuqqas ta’ network ta’ MPAs effettiv, immaniġġjat tajjeb u konness tajjeb (ara l-paragrafi 31 sa 38). B’riżultat ta’ dan, il-protezzjoni li huma pprovdew fir-rigward tal-bijodiversità tal-baħar kienet limitata.
86L-Istati Membri ma jistgħux jimponu restrizzjonijiet fuq l-attivitajiet tas-sajd lil hinn mill-ibħra territorjali mingħajr ma’ jinvolvu lilhom infushom f’diskussjonijiet multilaterali. Dan jikkomplika l-protezzjoni tal-ambjent tal-baħar (ara l-paragrafu 39).
87Id-dritt tal-UE rigward kemm il-politika komuni tas-sajd kif ukoll il-bijodiversità tal-baħar fih dispożizzjonijiet speċifiċi intenzjonati biex jikkoordinaw il-miżuri tas-sajd mal-miżuri li jipproteġu l-ambjent tal-baħar. Aħna sibna li, fil-prattika, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11 tal-PKS u tal-Artikolu 15 tal-MSFD ma kinux iffunzjonaw kif kien intenzjonat fiż-żoni li eżaminajna. Dan dgħajjef il-koordinazzjoni bejn dawn l-oqsma ta’ politika (ara l-paragrafi 40 sa 46).
88In-network Natura 2000, li ġie stabbilit permezz tad-Direttivi dwar l-Għasafar u l-Ħabitats, huwa l-pedament tal-isforzi mwettqa mill-UE biex tipproteġi l-bijodiversità. Leġiżlazzjoni oħra tal-UE tinkludi dispożizzjonijiet protettivi li jirreferu għall-ispeċijiet u l-ħabitats elenkati f’dawn id-direttivi. Aħna osservajna li l-listi tal-ispeċijiet u tal-ħabitats mhedda, li nħolqu aktar minn 25 sena ilu, ma jiħdux inkunsiderazzjoni l-għarfien xjentifiku reċenti. Għaldaqstant, din il-leġiżlazzjoni ma tipproteġix xi wħud mill-ispeċijiet mhedda (ara l-paragrafi 47 sa 51).
Rakkomandazzjoni 1 – Jiġu identifikati l-bidliet regolatorji u amministrattivi meħtieġa biex jiġu protetti l-ispeċijiet u l-ħabitats sensittiviBiex jissaħħu r-rabtiet bejn il-politika ambjentali u dik tas-sajd, jenħtieġ li l-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri, tidentifika l-bidliet regolatorji u amministrattivi meħtieġa biex jiġu protetti l-ispeċijiet u l-ħabitats sensittivi, li t-tnejn li huma:
- jiffaċilitaw applikazzjoni aktar rapida tal-miżuri ta’ konservazzjoni skont il-PKS u l-MSFD;
- jestendu l-protezzjoni għal aktar speċijiet (b’mod partikolari dawk ikklassifikati bħala f’periklu kritiku) u ħabitats fid-dawl tal-għarfien xjentifiku attwali.
Data mmirata għall-implimentazzjoni: 2022
89Fl-Atlantiku, fejn il-ġestjoni tas-sajd hija marbuta ma’ limiti fuq il-qabdiet permissibbli, kien hemm titjib li jista’ jitkejjel fl-istokkijiet tal-ħut, u l-Kummissjoni tistenna li s-sajd sostenibbli se jkopri 99 % tal-ħatt l-art għal qabdiet li huma esklużivament tal-UE u 73 % tal-istokkijiet bijoloġiċi. Għall-istokkijiet tal-ħut fejn hemm pariri xjentifiċi disponibbli dwar l-MSY, il-bijomassa tagħhom kienet qed tiżdied. Madankollu, osservajna li għal aktar minn nofs l-istokkijiet bijoloġiċi ma kienx hemm pariri disponibbli dwar l-MSY, li ħafna stokkijiet baqgħu suġġetti għal sajd eċċessiv, u li l-objettiv ġenerali li sal-2020 l-istokkijiet kollha jinstadu b’mod konsistenti mal-pariri dwar l-MSY mhuwiex se jintlaħaq (ara l-paragrafi 52 sa 58).
90Fl-2019, il-korp xjentifiku rilevanti tal-UE (STECF) wissa li s-sajd fil-Mediterran kien f’livelli li kienu darbtejn ogħla minn dawk sostenibbli (ara l-paragrafi 59 u 60).
91Aħna sibna li l-azzjoni tal-UE ma kinitx ħolqot iż-żoni tas-sajd protetti tal-UE meħtieġa mir-Regolament dwar il-Mediterran tal-2006. Żoni ristretti għas-sajd għal baċiri tal-baħar jistgħu jinħolqu permezz ta’ għodod oħra. Il-GFCM tippermetti wkoll li jinħolqu żoni ristretti għas-sajd fuq il-bażi ta’ pariri xjentifiċi. Mill-2019 ’il hawn, il-pjan pluriennali għall-Punent tal-Mediterran jipprovdi strument alternattiv għall-ħolqien taż-żoni ristretti għas-sajd. Il-pjan imexxi l-iskadenza tal-objettiv ġenerali li jinkiseb l-MSY mill-2020 għall-1 ta’ Jannar 2025. Il-Kummissjoni se tevalwa l-pjan fl-2024, qrib din id-data ta’ skadenza l-ġdida (il-paragrafi 61 u 65).
92Hemm lok għal miżuri tekniċi li jikkontribwixxu b’mod aktar effettiv biex jiġi minimizzat l-impatt ambjentali negattiv tas-sajd fuq l-ambjent tal-baħar fil-Mediterran. Il-miżuri tekniċi tal-UE applikabbli għall-Mediterran huma diffiċli biex jiġu infurzati u għadhom ma kinux suffiċjenti biex jipproteġu r-riżorsi tal-baħar. Fl-2018, il-Kummissjoni pproponiet regolament ġdid dwar il-kontroll, li jindirizza xi wħud mid-dgħufijiet magħrufa li japplikaw għas-sajd fil-Mediterran – notevolment il-monitoraġġ tal-qabdiet tal-ħut u tal-pożizzjoni tal-bastimenti (il-paragrafi 66 sa 69).
93Kemm l-UE kif ukoll l-Istati Membri Mediterranji tagħha u nazzjonijiet Mediterranji oħra huma partijiet tal-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran (GFCM). Żoni ristretti għas-sajd stabbiliti mill-GFCM ikopru madwar 1 % tal-Mediterran; u l-GFCM ipprojbiet xi tekniki tas-sajd dannużi (il-paragrafu 70) fl-ilmijiet kollha li huma aktar fondi minn 1 000 metru (li jirrappreżentaw 59 % tal-Baħar tal-Mediterran u tal-Baħar l-Iswed).
94Il-limiti massimi tal-kapaċità tas-sajd tal-UE u l-Iskema ta’ Dħul u Ħruġ ma kinux imfassla biex iwieġbu għaċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-ibħra reġjonali tal-UE u ma kinux iqisu l-impatt ambjentali ta’ tipi differenti ta’ tekniki tas-sajd (il-paragrafi 72 sa 75).
Rakkomandazzjoni 2 – Isir titjib fil-miżuri ta’ protezzjoni fil-MediterranMinħabba d-degradazzjoni fit-tul tal-ekosistemi tal-baħar fil-Mediterran, jenħtieġ li l-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri:
- teżamina l-każ biex jiġu stabbiliti aktar żoni tas-sajd protetti fil-baċir tal-Baħar Mediterran;
- tirrapporta regolarment dwar il-progress miksub u dwar il-ħtieġa għal azzjonijiet korrettivi, skont il-pjan pluriennali għall-Punent tal-Mediterran, biex ikunu jistgħu jiġu identifikati u jittieħdu azzjonijiet korrettivi.
Data mmirata għall-implimentazzjoni: 2023
95Il-politiki tal-UE jiddikjaraw li jenħtieġ li l-finanzjament mill-UE jappoġġa l-protezzjoni tal-ambjent tal-baħar. L-UE għandha bosta għodod biex tagħmel dan. Il-FEMS huwa mfassal biex jappoġġa l-objettivi tal-PKS. Il-fond jista’ jappoġġa l-miżuri ta’ konservazzjoni kemm direttament kif ukoll indirettament. Għall-erba’ Stati Membri li saritilhom żjara, aħna nistmaw li 6 % tal-finanzjament totali li ngħata mill-FEMS u li ntuża sa tmiem l-2019 kien direttament relatat ma’ miżuri ta’ konservazzjoni, u 8 % oħra kienu marbuta indirettament ma’ objettivi ta’ konservazzjoni (il-paragrafi 76 sa 79).
96Il-kapaċità żejda tal-flotta tas-sajd fil-Mediterran hija fattur fis-sajd eċċessiv. Aħna osservajna li l-proposta tal-Kummissjoni għal fond ġdid għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2021-2027 fil-biċċa l-kbira żammet ir-restrizzjonijiet eżistenti għall-finanzjament ta’ żidiet fil-kapaċità tas-sajd (il-paragrafi 80 u 81).
97Il-Programm LIFE tal-UE għandu l-għan li jappoġġa lill-proġetti ambjentali, b’mod partikolari permezz ta’ proġetti integrati. Interreg jista’ jiffinanzja wkoll proġetti li jappoġġaw l-ambjent tal-baħar. Aħna rajna eżempji ta’ użu tajjeb ta’ dawn il-fondi fl-Istati Membri li żorna (il-paragrafu 82).
Rakkomandazzjoni 3 – Jiżdied il-potenzjal tal-finanzjament mill-UEFil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ programmazzjoni li jmiss tal-FEMS, jenħtieġ li l-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri, tidentifika l-mod kif iżżid il-kontribuzzjoni tal-finanzjament mill-FEMS għall-objettivi ta’ konservazzjoni tal-baħar.
Data mmirata għall-implimentazzjoni: 2023
Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla I, immexxija mis-Sur Samo Jereb, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tat-28 ta’ Ottubru 2020.
Għall-Qorti tal-Awdituri
Klaus-Heiner Lehne
Il-President
Annessi
Anness I — Tekniki tas-sajd
Dan l-Anness jispjega fil-qosor il-karatteristiċi prinċipali ta’ xi tekniki tas-sajd97.
Xibka tat-tkarkir tal-qiegħ hija xibka f’forma ta’ kon li tiġi rmunkata b’mod orizzontali (minn dgħajsa waħda jew tnejn) tul qiegħ il-baħar. Normalment, din ikollha żewġ partijiet laterali li jestendu ’l quddiem mill-fetħa u tidjieq lejn tarf (“manka”) dejjaq u magħluq fejn fih jinżamm il-ħut li jinqabad. Ix-xibka hija mfassla biex taqbad speċijiet li jgħixu f’qiegħ il-baħar jew qrib tiegħu.
Tartarun tal-borża huwa xibka twila u ċirkolari b’qafas kemm fit-tarf ta’ fuq kif ukoll fit-tarf ta’ isfel. Ix-xifer ta’ isfel għandu ħoloq b’wajer tal-azzar jew b’ħabel li jgħaddi minnhom, li jintużaw biex ix-xibka tinġabar flimkien fl-għamla ta’ “borża” jew biex jinġibdilha l-qiegħ biex il-ħut jingħalaq ġo fiha. Ġeneralment, dan huwa l-aktar tagħmir effiċjenti għas-sajd fil-baħar miftuħ ’il bogħod mill-qiegħ.
L-għeżul tat-tisqif huma magħmulin minn sensiela ta’ xbieki li bejn wieħed u ieħor jinżammu vertikali permezz ta’ sufruni mal-linja ta’ fuq (“lett”) u piżijiet mal-linja ta’ isfel (“kalament taċ-ċomb”). Ix-xbieki jinġarru mal-kurrent, normalment qrib is-superfiċe jew f’nofs l-ilma, u jaqbdu l-ħut mill-garġi hekk kif dawn jgħumu fihom. L-għeżul tat-tisqif jistgħu jitwaħħlu mad-dgħajsa jew jitħallew jinġarru ħielsa u jinġabru aktar tard.
Konz jikkonsisti f’kalament twil u bosta lettijiet iqsar (“brazzoli”) li jkunu spazjati b’mod indaqs u bis-snanar fit-tarf. Dan jista’ jitpoġġa jew qrib il-qiegħ jew inkella, b’mod inqas komuni, f’nofs l-ilma jew qrib is-superfiċe. It-tul tiegħu jista’ jvarja minn ftit mijiet ta’ metri fir-rigward tas-sajd kostali u għal aktar minn 50 km fir-rigward tas-sajd mekkanizzat u fuq skala kbira. Fil-każ ta’ konz tal-wiċċ, il-kalament jinżamm qrib is-superfiċe jew f’ċertu fond billi jintużaw sufruni li jkunu spazjati b’mod regolari.
Anness II — MPAs magħżula
Sottoreġjuni tal-baħar: Golf tal-Biskalja u l-Kosta Iberika (BIC); Makaroneżja (MAC); Mediterran tal-Punent (WM)
Sena: Sena li fiha ż-żona ġiet proposta bħala Sit ta’ Importanza Komunitarja
SPANJA
| MPA Natura 2000 | Sottoreġjun | Sena | Żona tal-baħar (ha) | |
| ES1200055 | Cabo Busto-Luanco | BIC | 2004 | 7 712 |
| ES1110006 | Complexo húmido de Corrubedo | BIC | 1997 | 7 410 |
| ES6200048 | Valles submarinos del Escarpe de Mazarrón | WM | 2000 | 154 082 |
| ES0000020 | Delta de l’Ebre | WM | 2006 | 35 972 |
| ES7020017 | Franja marina Teno-Rasca | MAC (il-Gżejjer Kanarji) | 1999 | 69 490 |
FRANZA
| MPA Natura 2000 | Sottoreġjun | Sena | Żona tal-baħar (ha) | |
| FR5400469 | Pertuis Charentais | BIC | 1999 | 456 027 |
| FR7200811 | Panache de la Gironde et plateau rocheux de Cordouan (Système Pertuis-Gironde) | BIC | 2008 | 95 256 |
| FR9402013 | Plateau du Cap Corse | WM | 2008 | 178 265 |
| FR9301613 | Rade d’Hyères | WM | 2002 | 44 958 |
| FR9301602 | Calanques et îles marseillaises, Cap Canaille et massif du Grand Caunet | WM | 2003 | 39 512 |
L-ITALJA
| MPA Natura 2000 | Sottoreġjun | Sena | Żona tal-baħar (ha) | |
| IT5160002 | Isola di Gorgona - area terrestre e marina | WM | 1995 | 14 611 |
| ITB010082 | Isola dell'Asinara | WM | 2002 | 11 862 |
| IT5160018 | Secche della Meloria | WM | 2011 | 8 727 |
| ITA010026 | Fondali dell'isola dello Stagnone di Marsala | WM | 1995 | 3 442 |
| IT1344270 | Fondali Punta Mesco - Rio Maggiore | WM | 1995 | 546 |
| IT1332674 | Fondali Monte Portofino | WM | 1995 | 544 |
IL-PORTUGALL
| MPA Natura 2000 | Sottoreġjun | Sena | Żona tal-baħar (ha) | |
| PTCON0062 | Banco Gorringe | BIC | 2015 | 2 292 778 |
| PTCON0012 | Costa Sudoeste | BIC | 1997 | 163 870 |
| PTCON0056 | Peniche /Stª Cruz | BIC | 1998 | 5 474 |
| PTDES0001 | Ilhas Desertas | MAC (Madeira) | 1995 | 10 060 |
| PTMIG0021 | Reserva Natural Marinha do Banco D. João de Castro (Canal Terceira - S. Miguel) | MAC (l-Azores) | 1997 | 1 648 |
Akronimi u abbrevjazzjonijiet
BHDs: Direttivi dwar l-Għasafar u l-Ħabitats
EEA: L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent
FAO: L-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-NU.
FEMS: Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd
GES: Status ambjentali tajjeb
GFCM: il-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran
ICES: Il-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar
IUCN: Unjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tan-Natura
MPA: Żona tal-baħar protetta
MSFD: Id-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina
MSY: Rendiment Massimu Sostenibbli
NEAFC: il-Kummissjoni tas-Sajd tal-Atlantiku tal-Grigal
NU: In-Nazzjonijiet Uniti
PKS: Politika komuni tas-sajd
RFMO: Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd
RSCs: Konvenzjonijiet dwar l-Ibħra Reġjonali
STECF: Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd
TFUE: It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea
UE: L-Unjoni Ewropea
ŻEE: Żona Ekonomika Esklużiva
Glossarju
Approċċ ekosistemiku għall-ġestjoni tas-sajd: Dan huwa approċċ integrat li jqis l-ekosistema kollha kemm hi. L-għan huwa li l-ekosistemi jinżammu f’kundizzjoni sana, nadifa, mhux tossika, produttiva u reżiljenti, biex jiġi żgurat li l-benefiċċji mir-riżorsi ħajjin tal-baħar ikunu għolja, filwaqt li l-impatti tal-operazzjonijiet tas-sajd fuq l-ekosistemi tal-baħar ikunu baxxi u ma jkunux ta’ detriment għall-ekosistemi fil-ġejjieni.
Bijomassa ta’ stokk: Il-piż ikkombinat tal-ħut individwali kollu fi stokk u li huwa kapaċi jirriproduċi.
FEMS: ilu mill-2014 l-istrument ta’ finanzjament tal-UE għall-politiki marittimi u tas-sajd.
Ħut tal-qiegħ: Speċijiet jew grupp ta’ ħut li fil-biċċa l-kbira ta’ ħajjithom jgħixu f’qiegħ il-baħar jew kważi.
Interreg: Dan is-sett ta’ programmi huwa ffinanzjat mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u jappoġġa l-kooperazzjoni minn naħa għal oħra tal-fruntiera permezz tal-finanzjament ta’ proġetti. L-għan tiegħu huwa li jindirizza b’mod konġunt l-isfidi komuni u li jsib soluzzjonijiet kondiviżi f’diversi oqsma, inkluż l-ambjent.
Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika: Trattat multilaterali li ġie konkluż fl-1992, taħt l-awspiċji tan-NU, dwar il-konservazzjoni tal-bijodiversità, l-użu sostenibbli tal-komponenti tagħha, u l-qsim ġust u ekwu ta’ benefiċċji li jirriżultaw mill-użu ta’ riżorsi ġenetiċi.
Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni tal-Ħajja Ferjali Ewropea u tal-Abitati Naturali (Konvenzjoni ta’ Bern): Trattat multilaterali li ġie konkluż fl-1979, taħt l-awspiċji tal-Kunsill tal-Ewropa, dwar il-konservazzjoni ta’ speċijiet ta’ flora u fawna selvaġġi u l-ħabitats tagħhom, b’mod partikolari dawk li huma fil-periklu jew vulnerabbli.
Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni tal-Ispeċi Migratorji tal-Annimali Selvaġġi (Konvenzjoni ta’ Bonn): Trattat multilaterali li ġie konkluż fl-1979, taħt l-awspiċji tan-NU, dwar il-konservazzjoni tal-ispeċijiet migratorji fil-firxa kollha ta’ żoni li jgħixu fihom.
Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar: Trattat multilaterali li ġie konkluż fl-1982, taħt l-awspiċji tan-NU, li jistipula d-drittijiet u r-responsabbiltajiet tan-nazzjonijiet fir-rigward tal-użu li huma jagħmlu mill-ibħra u l-oċeani tad-dinja u li jistabbilixxi linji gwida dwar l-ambjent u dwar il-ġestjoni tar-riżorsi naturali tal-baħar.
Konvenzjonijiet dwar l-Ibħra Reġjonali (RSCs): Strutturi ta’ kooperazzjoni maħsuba biex jipproteġu l-ambjent tal-baħar u li jinvolvi lill-Istati Membri u lill-pajjiżi ġirien li jikkondividu l-istess ilmijiet tal-baħar. L-erba’ RSCs Ewropej huma: OSPAR (il-konvenzjoni għall-protezzjoni tal-ambjent marin tal-Atlantiku tal-Grigal), HELCOM (il-konvenzjoni dwar il-protezzjoni tal-ambjent marin taż-żona tal-Baħar Baltiku), il-Konvenzjoni ta’ Barċellona (il-konvenzjoni għall-protezzjoni tal-ambjent tal-baħar u tar-reġjun kostali tal-Mediterran), u l-Konvenzjoni ta’ Bukarest (il-konvenzjoni dwar il-protezzjoni tal-Baħar l-Iswed).
LIFE: ilu mill-1992 l-istrument ta’ finanzjament tal-UE għall-ambjent u l-azzjoni klimatika.
Limiti bijoloġiċi sikuri: Sett ta’ parametri li, jekk jiġu rispettati fil-ġestjoni ta’ stokk ta’ ħut, jiżguraw probabbiltà baxxa li l-istokk jinqered, iżda huma inqas ristretti mill-MSY.
Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd (RFMOs): Organizzazzjonijiet internazzjonali ffurmati minn pajjiżi b’interessi fis-sajd f’żona partikolari. L-RFMOs jimmaniġġjaw kemm speċijiet migratorji ħafna (bħall-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku) kif ukoll l-istokkijiet tal-ħut skont iż-żona ġeografika (bħall-NEAFC).
Qabda totali permissibbli (TAC): Il-volum massimu li jista’ jinqabad minn stokk ta’ ħut kull sena skont il-politika komuni tas-sajd.
Reġim tal-isforz tas-sajd: Approċċ għall-ġestjoni tal-istokkijiet tal-ħut billi jiġu imposti limiti fuq l-isforz tas-sajd.
Rendiment massimu sostenibbli (MSY): Il-kwantità massima ta’ ħut li tista’ tinqabad kontinwament skont kundizzjonijiet eżistenti mingħajr ma jitnaqqas l-istokk.
Sforz tas-sajd: Miżura ta’ attività tas-sajd li tieħu kont tal-kapaċità ta’ bastiment jew ta’ flotta u tal-għadd ta’ jiem użati għas-sajd.
Skema ta’ dħul/ħruġ: Qafas legali għall-ġestjoni tad-daqs tal-flotta tas-sajd tal-UE f’konformità ma’ limiti massimi speċifikati, inkluż billi jiġi żgurat li l-Istati Membri ma jistgħux iżidu bastimenti ġodda mingħajr ma jieħdu inkunsiderazzjoni l-kapaċità irtirata.
Speċijiet pelaġiċi: Speċijiet tal-baħar li jqattgħu l-biċċa l-kbira mill-ħin tagħhom ’l bogħod mix-xatt u minn qiegħ il-baħar.
Stokk bijoloġiku: Grupp ta’ individwi li jappartjenu għal speċi waħda fi ħdan żona speċifika.
Żona ekonomika esklużiva (ŻEE): Erja tal-baħar, immedjatament lil hinn mill-ibħra territorjali ta’ pajjiż kostali, li fiha dak il-pajjiż għandu ċerti drittijiet u dmirijiet taħt il-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Liġi tal-Baħar.
Żona tal-baħar protetta (MPA): Żona tal-baħar iddeżinjata, bil-liġi jew b’xi mod ieħor, għall-protezzjoni u ż-żamma tal-bijodiversità, ir-riżorsi naturali u s-siti ta’ wirt kulturali.
Tim tal-awditjar
Ir-rapporti speċjali tal-QEA jippreżentaw ir-riżultati tal-awditi li twettaq ta’ politiki u programmi tal-UE, jew ta’ suġġetti relatati mal-ġestjoni minn oqsma speċifiċi tal-baġit. Il-QEA tagħżel u tfassal dawn il-kompiti tal-awditjar biex timmassimizza l-impatt tagħhom billi tqis ir-riskji għall-prestazzjoni jew għall-konformità, il-livell ta’ introjtu jew ta’ nfiq involut, l-iżviluppi li għad iridu jseħħu u l-interess politiku u pubbliku.
Dan l-awditu tal-prestazzjoni twettaq mill-Awla I tal-Awditjar, Użu sostenibbli tar-riżorsi naturali, li hija mmexxija minn Samo Jereb, Membru tal-QEA. L-awditu tmexxa minn João Figueiredo, Membru tal-QEA, li ngħata appoġġ minn Colm Friel, Maniġer Prinċipali; Michela Lanzutti u Antonella Stasia, Awdituri. Michael Pyper ipprovda appoġġ lingwistiku. Marika Meisenzahl pprovdiet appoġġ grafiku.
Noti finali
1 L-Artikoli 7 u 11 tat-TFUE.
2 L-Artikolu 3 tat-TFUE: “1. L-Unjoni għandha kompetenza esklużiva fl-oqsma li ġejjin: (…) il-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar fil-qafas tal-politika komuni tas-sajd”.
3 L-Artikolu 4 tat-TFUE: “2. Il-kompetenza kondiviża bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tapplika għall-oqsma prinċipali li ġejjin: (…) (e) l-ambjent”.
4 Id-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 li tistabbilixxi Qafas għal Azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-Politika tal-Ambjent Marin (Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina). ĠU L 164, 25.6.2008.
5 Rispettivament, id-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi u d-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa.
6 L-EEA: State of Europe’s Seas, 2015.
7 Ir-Rapport Nru 17/2019 tal-EEA: Marine messages II, Navigating the course towards clean, healthy and productive seas through implementation of an ecosystem‑based approach, 2020.
8 Ir-Rapport Nru 17/2019 tal-EEA: Marine messages II, il-Figura 4.1.
9 IPBES 2019: Global assessment report on biodiversity and ecosystem services.
10 Ara l-istudju tal-FAO: “Ecosystem Effects of Fishing in the Mediterranean: An Analysis of the Major Threats of Fishing Gear and Practices to Biodiversity and Marine Habits”, 2004.
11 L-IUCN: “European Red List of Marine Fishes”, 2015.
12 Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd. ĠU L 354, 28.12.2013. Dan ir-regolament huwa l-att bażiku tal-politika u huwa kkomplementat minn ħafna atti legali oħra. Għal skopijiet ta’ simplifikazzjoni, aħna se nirreferu għal dan ir-Regolament bħala “PKS”.
13 L-Artikolu 2 tal-PKS.
14 Il-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 2 tal-PKS.
15 L-EEA: “Status of marine fish and shellfish stocks in European seas”, 2019.
16 L-Artikolu 5 tal-PKS.
17 Għall-opportunitajiet tas-sajd għall-2020, ara r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/123 tas-27 ta’ Jannar 2020 li jistabbilixxi għall-2020 l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet tal-ħut u ċerti gruppi ta’ stokkijiet tal-ħut, applikabbli fl-ilmijiet tal-Unjoni u, għal bastimenti tas-sajd tal-Unjoni, f’ċerti ilmijiet mhux tal-Unjoni, ĠU L 25, 30.1.2020.
18 Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 tal-21 ta’ Diċembru 2006 dwar miżuri ta’ ġestjoni għall-isfruttament sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd fil-Baħar Mediterran. ĠU L 409, 30.12.2006.
19 Ir-Regolament (UE) Nru 1343/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar ċerti dispożizzjonijiet għas-sajd fiż-żona tal-ftehim tal-GFCM (Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Baħar Mediterran). ĠU L 347, 30.12.2011.
20 L-Artikolu 2 tal-GFCM: “L-objettiv tal-Ftehim huwa li jiżgura l-konservazzjoni u l-użu sostenibbli, fil-livell bijoloġiku, soċjali, ekonomiku u ambjentali, tar-riżorsi ħajjin tal-baħar, […] fiż-Żona ta’ Applikazzjoni”.
21 Konferenza ministerjali tal-2017 dwar is-sostenibbiltà tas-sajd fil-Mediterran, id-dikjarazzjoni ministerjali ta’ Malta MedFish4Ever. L-Eġittu ma ffirmax din id-dikjarazzjoni.
22 COM(2007) 575 final tal-10 ta’ Ottubru 2007: Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni “Politika Marittima Integrata għall-Unjoni Ewropea”.
23 L-Artikolu 1 tal-MSFD.
24 COM(2018) 562 final tal-31 ta’ Lulju 2018: Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jivvaluta l-programmi ta’ miżuri tal-Istati Membri skont id-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina.
25 COM(2018) 562 final tal-31 ta’ Lulju 2018: Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jivvaluta l-programmi ta’ miżuri tal-Istati Membri skont id-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina.
26 COM(2020) 259 final tal-25 ta’ Ġunju 2020: Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina.
27 COM(2011) 244 tat-3 ta’ Mejju 2011: Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni “L-assigurazzjoni ta’ ħajjitna, il-kapital naturali tagħna: strateġija tal-UE għall-bijodiversità sal-2020”.
28 COM(2015) 478 final tat-2 ta’ Ottubru 2015: Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill “Ir-Rieżami ta’ Nofs il-Mandat dwar l-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità sal-2020”.
29 Id-Direttiva 2014/89/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 li tistabbilixxi qafas għal ippjanar tal-ispazju marittimu.
30 COM(2015) 481 final tal-1 ta’ Ottubru 2015: Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-progress fit-twaqqif ta’ żoni protetti tal-baħar (kif mitlub mill-Artikolu 21 tad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina (id-Direttiva 2008/56/KE)).
31 L-Artikolu 13(4).
32 L-EEA: “Marine Protected Areas: Designed to conserve Europe's marine life, marine protected areas are a globally recognised tool for managing and enhancing our marine ecosystems”, 2018.
33 Marine Protected Areas Economics, Management and Effective Policy Mixes https://www.oecd.org/environment/resources/Marine-Protected-Areas-Policy-Highlights.pdf.
34 Id-WWF: Protecting Our Ocean - Europe’s Challenges to Meet the 2020 Deadlines”, 2019.
35 L-EEA: Marine messages II, il-Kaxxa 3.2, 2020.
36 Dureuil et al.: “Elevated trawling inside protected areas undermines conservation outcomes in a global fishing hot spot”, Science, Vol. 362, il-Ħarġa 6421, pp. 1403-1407, 2018.
37 L-EEA: “EU reaches the Aichi target of protecting ten percent of Europe's seas”, 2018.
38 L-EEA: “Marine Protected Areas”, 2018.
39 COM(2020) 380 final tal-20 ta’ Mejju 2020. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni. Strateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030. Inreġġgħu n-natura lura f’ħajjitna.
40 COM(2019) 274 final tas-7 ta’ Ġunju 2019: Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar is-Sitwazzjoni Attwali tal-Politika Komuni tas-Sajd u dwar Konsultazzjoni b’rabta mal-Opportunitajiet tas-Sajd għall-2020.
41 Ara https://ec.europa.eu/fisheries/cfp/fishing_rules_mt.
42 L-EEA: Marine messages II, il-Kaxxa 3.2, 2020.
43 COM(2018) 368 final tat-30 ta’ Mejju 2018: Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009, u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 1967/2006, (KE) Nru 1005/2008, u r-Regolament (UE) Nru 2016/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kontroll tas-sajd.
44 L-IUCN: “European Red List of Marine Fishes”, 2015.
45 L-Artikolu 19 tad-Direttiva dwar il-Ħabitats; l-Artikoli 15 u 16 tad-Direttiva dwar l-Għasafar.
46 Ir-Rapport Nru 3/2015 tal-EEA: “Marine protected areas in Europe's seas”.
47 L-Artikolu 3 tar-Regolament dwar il-Mediterran.
48 Ir-Regolament (UE) 2019/1241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-konservazzjoni ta’ riżorsi tas-sajd u l-protezzjoni ta’ ekosistemi tal-baħar permezz ta’ miżuri tekniċi. ĠU L 198, 25.7.2019.
49 COM(2009) 40 final tal-5 ta’ Frar 2009: “Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar Pjan ta’ Azzjoni tal-Komunità għall-Konservazzjoni u l-Ġestjoni tal-Klieb il-Baħar”.
50 STECF 19-17.
51 Ir-Regolament tal-Kunsill 1185/2003 (kif emendat), tat-23 ta’ Ġunju 2003 dwar it-tneħħija tal-pinen ta’ klieb il-baħar abbord bastimenti. ĠU L 167, 4.7.2003.
52 L-Artikoli 2 u 3 tal-PKS.
53 L-EEA: Marine messages II, 2020, p. 11.
54 L-EEA: Marine messages II, 2020, p. 25.
55 Dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni, ara p. 9.
56 STECF: Monitoring the performance of the Common Fisheries Policy (STECF-Adhoc-19-01). Dan huwa rapport li ġie ppreżentat minn grupp ta’ esperti lill-STECF f’Marzu 2019. Data li tmur lura għas-snin sal-2017. Ara pp. 7, 11.
57 STECF 19-01, p. 11.
58 Dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja COM(2019) 274 final, ara p. 7.
59 STECF-ADhoc-19-01.
60 COM(2019) 274 final tas-7 ta’ Ġunju 2016.
61 L-EEA: Marine messages II, 2020, p. 17.
62 Ara r-Rapporti tal-STECF: PLEN 17-02, PLEN 18-01, STECF 18-09 u STECF 18-13.
63 STECF: “The 2018 Annual economic report on the EU fishing fleets” (STECF 18-07), p. 163.
64 Ara l-Preambolu (21) u l-Artikolu 59 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009.
65 Ara l-STECF 17-02.
66 Ara l-STECF PLEN 17-02.
67 Ara l-STECF PLEN 19-01.
68 Ara l-Preambolu (18) u l-Artikoli 5 u 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006.
69 Ir-Regolament (UE) 2019/1022, li ġie adottat fl-20 ta’ Ġunju 2019.
70 L-Artikoli 17 u 6.
71 Ir-Regolament (UE) 2019/1241.
72 Ara l-Artikolu 3(d).
73 Ara, pereżempju, l-Artikoli 10(4), 12(2), 15(2), 23(1 u 5), 27(7) u 31(4).
74 Ir-Regolament 1967/2006.
75 Ir-Regolament 1343/2011.
76 COM(2007) 604 final tas-17 ta’ Ottubru 2007: Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Prattiki tas-sajd distruttivi fl-ibħra internazzjonali u l-ħarsien tal-ekosistemi vulnerabbli tal-baħar fond”.
77 STECF PLEN 17-02.
78 COM(2017) 192 final tal-24 ta’ April 2017: Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill “Implimentazzjoni u evalwazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 li jistabbilixxi sistema tal-Unjoni ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, kif meħtieġ skont l-Artikolu 118”.
79 COM(2018) 368 final tat-30 ta’ Mejju 2018.
80 Sors: Bażi ta’ data tal-GFCM.
81 Ara l-punt 5(d) tal-Artikolu 2 tal-PKS.
82 L-Artikolu 23 tal-PKS.
83 Ara l-Artikolu 23(2) tal-PKS.
84 L-Artikolu 2(3) tar-Regolament dwar il-PKS.
85 Ara l-Artikolu 1 tar-Regolament dwar il-FEMS (ir-Regolament (UE) Nru 508/2014).
86 Il-Preambolu (10) tar-Regolament dwar il-FEMS.
87 L-Artikolu 6 tar-Regolament dwar il-FEMS.
88 L-Artikoli 37 sa 40 tar-Regolament dwar il-FEMS, rispettivament “Appoġġ għad-disinn u l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ konservazzjoni u kooperazzjoni reġjonali”; “Limitazzjoni tal-impatt tas-sajd fuq l-ambjent tal-baħar u l-adattament tas-sajd għall-protezzjoni tal-ispeċijiet”; “Innovazzjoni marbuta mal-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar”; “Protezzjoni u rkuprar tal-bijodiversità u l-ekosistemi tal-baħar u reġimi ta’ kumpens fil-qafas tal-attivitajiet tas-sajd sostenibbli”.
89 “EMFF use for the protection of sensitive species”, rapport finali, Marzu 2020.
90 L-EEA: Marine messages II, 2020, p. 53.
91 Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, ir-Rapport Speċjali Nru 12/2011: “Il-miżuri tal-UE kkontribwixxew għall-adattament tal-kapaċità tal-flotot tas-sajd għal opportunitajiet ta’ sajd disponibbli?”
92 Ir-Regolament dwar il-FEMS: l-Artikolu 5.
93 Ir-Regolament dwar il-FEMS: l-Artikolu 11
94 Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 508/2014. COM(2018) 390 final tal-12.6.2018: l-Artikoli 13 u 16.
95 Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-proposta tal-Kummissjoni għal Fond Ewropew ġdid għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd, Ġunju 2019.
96 Ir-Regolament (UE) Nru 1293/2013.
97 Ibbażat fuq informazzjoni mis-sit web tal-FAO.
Kronoloġija
| Avveniment | Data |
|---|---|
| Il-Memorandum ta’ Ppjanar tal-Awditjar (APM) jiġi adottat / L-awditu jinbeda | 5.6.2019 |
| L-abbozz ta’ rapport jintbagħat uffiċjalment lill-Kummissjoni (jew lill-entità l-oħra awditjata) |
15.7.2020 |
| Ir-rapport finali jiġi adottat wara l-proċedura kontradittorja | 28.10.2020 |
| Ir-risposti uffiċjali tal-Kummissjoni (jew tal-entità l-oħra awditjata) jaslu bil-lingwi kollha | 17.11.2020 |
Kuntatt
IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI
12, rue Alcide De Gasperi
1615 Luxembourg
LUXEMBOURG
Tel. +352 4398-1
Mistoqsijiet: eca.europa.eu/mt/Pages/ContactForm.aspx
Sit web: eca.europa.eu
Twitter: @EUAuditors
Ħafna informazzjoni addizzjonali dwar l-Unjoni Ewropea hija disponibbli fuq l-Internet.
Jista’ jsir aċċess għaliha permezz tas-server Europa (http://europa.eu).
Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2020
| ISBN 978-92-847-5473-1 | ISSN 1977-5741 | doi:10.2865/81366 | QJ-AB-20-024-MT-N | |
| HTML | ISBN 978-92-847-5456-4 | ISSN 1977-5741 | doi:10.2865/361435 | QJ-AB-20-024-MT-Q |
DRITTIJIET TAL-AWTUR
© L-Unjoni Ewropea, 2020.
Il-politika tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) dwar l-użu mill-ġdid hija implimentata bid-Deċiżjoni Nru 6-2019 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar il-politika tad-data miftuħa u l-użu mill-ġdid ta’ dokumenti.
Sakemm ma jkunx indikat mod ieħor (eż. f’avviżi individwali dwar id-drittijiet tal-awtur), il-kontenut tad-dokumenti tal-QEA, li huwa proprjetà tal-UE, huwa liċenzjat taħt il-liċenzja Creative Commons Attribution 4.0 International (CC BY 4.0). Dan ifisser li l-użu mill-ġdid huwa awtorizzat, dment li l-awturi jingħataw kreditu xieraq u li l-bidliet jiġu indikati. Il-persuni li jużaw mill-ġdid dan il-kontenut ma jistgħux ibiddlu s-sinifikat jew il-messaġġ oriġinali tad-dokumenti. Il-QEA ma għandhiex tkun responsabbli għal kwalunkwe konsegwenza relatata mal-użu mill-ġdid.
Inti meħtieġ tikseb drittijiet addizzjonali ċari jekk kontenut speċifiku juri individwi privati identifikabbli, pereżempju f’ritratti li jkun fihom il-membri tal-persunal tal-QEA, jew jekk ikun jinkludi xogħlijiet ta’ parti terza. Fejn ikun inkiseb permess, tali permess għandu jikkanċella l-permess ġenerali msemmi hawn fuq u għandu jindika b’mod ċar kwalunkwe restrizzjoni dwar l-użu.
Biex tuża jew tirriproduċi kontenut li ma jkunx proprjetà tal-UE, inti jista’ jkun li jkollok titlob il-permess direttament mingħand id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur.
Software jew dokumenti li jkunu koperti mid-drittijiet ta’ proprjetà industrijali, bħal privattivi, trademarks, disinji rreġistrati, logos u ismijiet, huma esklużi mill-politika tal-QEA dwar l-użu mill-ġdid u inti ma għandekx il-liċenzja biex tużahom.
Il-familja ta’ Siti Web istituzzjonali tal-Unjoni Ewropea, fi ħdan id-dominju europa.eu, tipprovdi links għal siti ta’ partijiet terzi. Peress li dawn ma jaqgħux taħt il-kontroll tal-QEA, inti mħeġġeġ biex teżamina l-politiki tagħhom dwar il-privatezza u dwar id-drittijiet tal-awtur.
Użu tal-logo tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri
Ma jistax isir użu mil-logo tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri mingħajr ma jinkiseb il-kunsens tagħha minn qabel.
Kif tikkuntattja lill-UE
Personalment
Madwar l-Unjoni Ewropea kollha hemm mijiet ta’ ċentri ta’ informazzjoni tal-Europe Direct. Tista’ ssib l-indirizz tal-eqreb ċentru għalik f'dan is-sit: https://europa.eu/european-union/contact_mt
Bit-telefown jew bil-posta elettronika
Europe Direct huwa servizz li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar l-Unjoni Ewropea. Tista’ tikkuntattja dan is-servizz:
- bit-telefown bla ħlas: 00 800 6 7 8 9 10 11 (ċerti operaturi jafu jimponu ħlas għal dawn it-telefonati),
- fuq dan in-numru standard: +32 22999696, jew
- bil-posta elettronika permezz: https://europa.eu/european-union/contact_mt
Kif issib tagħrif dwar l-UE
Onlajn
L-informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE hija disponibbli fuq is-sit web Europa fuq: https://europa.eu/european-union/index_mt
Pubblikazzjonijiet tal-UE
Tista’ tniżżel mill-internet jew tordna l-pubblikazzjonijiet tal-UE, li xi wħud minnhom huma bla ħlas u xi oħrajn bil-ħlas, minn: https://op.europa.eu/mt/publications. Kopji multipli ta’ pubblikazzjonijiet bla ħlas tista’ tiksibhom billi tikkuntattja lil Europe Direct jew liċ-ċentru tal-informazzjoni lokali tiegħek (ara https://europa.eu/european-union/contact_mt).
Il-liġi tal-UE u dokumenti relatati
Għal aċċess għall-informazzjoni legali tal-UE, inkluż il-liġijiet kollha tal-UE mill-1952 ’l hawn, fil-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali kollha, żur is-sit EUR-Lex hawnhekk: http://eur-lex.europa.eu
Dejta Miftuħa mill-UE
Il-portal tad-Dejta Miftuħa mill-UE (https://copenhagenizeindex.eu/) jipprovdi aċċess għal settijiet tad-dejta mill-UE. Id-dejta tista’ titniżżel mill-internet u tintuża mill-ġdid bla ħlas, kemm għal skopijiet kummerċjali kif ukoll mhux kummerċjali.
