Rapport Speċjali
19 2021

L-appoġġ tal-Europol fil-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti: sieħeb apprezzat, iżda b’użu insuffiċjenti ta’ sorsi ta’ data u kejl tar-riżultati

Dwar ir-rapport:Il-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti ħolqot sfida kbira umanitarja u ta’ sigurtà għall-UE fi snin reċenti. L-awditu li wettaqna vvaluta jekk il-Europol appoġġatx b’mod effettiv lill-Istati Membri tal-UE fiż-żarmar tan-networks kriminali involuti fil-faċilitazzjoni organizzata ta’ dħul klandestin ta’ migranti. Aħna sibna li sħab il-Europol apprezzaw l-appoġġ tagħha, iżda minħabba dgħufijiet fil-kejl tar-riżultati tagħha ma stajniex nevalwaw bis-sħiħ l-impatt tagħha. Sibna wkoll li l-użu li għamlet l-Aġenzija minn sorsi ta’ data Ewropej disponibbli kultant kien limitat. Aħna nirrakkomandaw li l-Europol tuża s-sorsi ta’ data kollha disponibbli; issaħħaħ l-iskambju ta’ data mas-sħab tagħha; ittejjeb il-monitoraġġ tal-prestazzjoni u rappurtar tal-attivitajiet tagħha dwar il-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti; jenħtieġ ukoll li l-proċess tagħha għall-prijoritizzazzjoni tal-każijiet ta’ faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti li joriġina fl-Istati Membri jsir aktar trasparenti.t

Rapport speċjali tal-QEA skont l-Artikolu 287(4), it-tieni subparagrafu, TFUE.

Din il-pubblikazzjoni hija disponibbli bi 23 lingwa fil-format li ġejt:
PDF
PDF General Report

Sommarju eżekuttiv

I

Il-faċilitazzjoni ta' dħul klandestin ta' migranti, deskritta wkoll bħala l-faċilitazzjoni tal-immigrazzjoni illegali, hija reat dinji li jpoġġi f’riskju l-ħajja tal-migranti u jisfida l-integrità tal-fruntieri internazzjonali. Hija waħda mill-aktar tipi ta’ attività kriminali profittabbli għall-gruppi kriminali organizzati u fi snin reċenti ħolqot sfida kbira umanitarja u ta’ sigurtà għall-UE. Fl-2015 u l-2016, l-UE esperjenzat wasla bla preċedent ta’ migranti. Aktar minn 1 000 000 persuna daħlu fl-UE b’mod irregolari. Il-Europol stmat li maġġoranza kbira ta’ dawn il-wasliet kienu ġew iffaċilitati minn faċilitaturi ta’ dħul klandestin ta’ migranti.

II

L-Aġenzija tal-UE għall-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi, il-Europol, fl-2016 stabbiliet Ċentru Ewropew kontra l-Faċilitazzjoni ta’ Dħul Klandestin ta’ Migranti li huwa ddedikat biex jappoġġa b’mod proattiv lill-Istati Membri fiż-żarmar tan-networks kriminali involuti fil-faċilitazzjoni organizzata ta’ dħul klandestin ta’ migranti. Peress li l-Europol ma għandhiex setgħat eżekuttivi (ma tistax tarresta kriminali), hija tassisti lill-Istati Membri prinċipalment billi sservi bħala hub għall-iskambju ta’ informazzjoni dwar attivitajiet kriminali u għall-għoti ta' koordinazzjoni u appoġġ operazzjonali u strateġiku għall-investigazzjonijiet kriminali tal-Istati Membri.

III

Aħna vvalutajna jekk il-Europol u b’mod partikolari ċ-Ċentru Ewropew kontra l-Faċilitazzjoni ta’ Dħul Klandestin ta’ Migranti pprovdewx lill-Istati Membri appoġġ effettiv fil-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni ta' dħul klandestin ta' migranti. L-awditu kopra l-perjodu bejn l-2016 (is-sena li fiha twaqqaf iċ-Ċentru Ewropew kontra l-Faċilitazzjoni ta’ Dħul Klandestin ta’ Migranti) u l-2019. Fejn applikabbli, analizzajna wkoll data mill-2020. Biex inwieġbu għal din il-mistoqsija prinċipali tal-awditjar, aħna indirizzajna żewġ sottomistoqsijiet:

  • Il-Europol kienet hub effettiv għall-iskambju ta’ informazzjoni dwar il-faċilitazzjoni ta' dħul klandestin ta' migranti?
  • Il-Europol ipprovdiet koordinazzjoni u appoġġ effettivi fil-qasam tal-faċilitazzjoni ta' dħul klandestin ta' migranti?
IV

B’mod ġenerali, aħna nikkonkludu li l-Europol tipprovdi appoġġ apprezzat, iżda hija tiffaċċja sfidi kontinwi biex tagħmel użu sħiħ mis-sorsi esterni ta’ informazzjoni, u r-riżultati tal-appoġġ tagħha ma jitkejlux b'mod sistematiku u għalhekk huma diffiċli biex jintwerew. L-awditu jikkontribwixxi għad-dibattitu li għaddej dwar kif l-UE timmaniġġja l-pressjoni migratorja, u s-sejbiet tiegħu huma intenzjonati biex iqawwu r-rwol tal-Europol fl-għoti ta’ appoġġ effettiv lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri. Il-konklużjonijiet jistgħu jinfluwenzaw ukoll ir-rieżaminar li għaddej tar-Regolament tal-Europol.

V

Aħna sibna li l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u partijiet terzi attivament ipprovdew informazzjoni lill-Europol, għalkemm il-livell ta’ involviment kien ivarja minn sieħeb għal ieħor. L-iskambju ta’ informazzjoni kiber kontinwament bejn l-2016 u l-2019. Minkejja din ix-xejra pożittiva, aħna sibna li l-problemi li ġew esperjenzati fit-tnedija ta’ negozjati bilaterali għall-konklużjoni ta’ ftehimiet internazzjonali ma’ pajjiżi prijoritarji mhux tal-UE, u n-nuqqas ta’ kapaċità tal-Europol li tiġbor u tanalizza direttament informazzjoni minn partijiet privati, dgħajfu l-kompletezza tal-informazzjoni miksuba mill-Europol.

VI

Bħala l-hub Ewropew ta’ informazzjoni kriminali, il-Europol jeħtieġ li jkollha aċċess għall-bażijiet ta’ data rilevanti kollha. Madankollu, mhux is-sorsi esterni rilevanti kollha ta’ data huma attwalment disponibbli għall-Europol biex tużahom, jew din ma tużahomx suffiċjentement.

VII

L-istħarriġ tagħna juri li l-Istati Membri u l-pajjiżi mhux tal-UE japprezzaw l-informazzjoni li hija tipprovdi, iżda l-interoperabbiltà sħiħa bejn il-bażijiet ta’ data tal-Europol u tal-Istati Membri għadha ma nkisbitx. Aħna sibna wkoll problemi relatati mal-iskambju ta’ data ma’ aġenziji oħra tal-UE.

VIII

Is-sħab tal-Europol japprezzaw l-appoġġ strateġiku u operazzjonali li din tipprovdi, iżda r-riżultati tal-appoġġ tal-Europol huma diffiċli biex jiġu vverifikati, billi hija ma tkejjilhomx b’mod komprensiv. Dan għaliex ma hemm l-ebda proċedura sistematika għall-Istati Membri biex jirrappurtaw data dwar ir-riżultati miksuba bl-appoġġ tal-Europol. Il-Europol lanqas ma għandha indikaturi tal-prestazzjoni għall-isforzi tagħha fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-frodi tad-dokumenti, li huma marbuta wkoll mal-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti. Għalhekk, b’mod ġenerali ma hemmx fis-seħħ kejl tal-prestazzjoni tal-Europol fil-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti.

IX

L-appoġġ operazzjonali tal-Europol jinvolvi l-għoti ta' appoġġ lill-Istati Membri tagħha u lill-pajjiżi sħab mhux tal-UE fl-investigazzjonijiet tagħhom ta’ każijiet speċifiċi, li jistgħu jiġu kklassifikati bħala mhux ta’ prijorità jew ta’ prijorità. Proċess għall-prijoritizzazzjoni tal-każijiet ibbażat fuq kriterji xierqa jgħin lill-Europol biex talloka r-riżorsi fejn dawn huma l-aktar meħtieġa. Dan il-proċess huwa bbażat fuq il-ġudizzju professjonali tal-persunal involut, iżda mhuwiex iddokumentat bis-sħiħ, ħlief għal dawk il-każijiet ta’ prijorità li huma identifikati għal appoġġ bħala miri ta’ valur għoli. Għalhekk ma hemmx biżżejjed evidenza biex jintwera li l-Europol talloka r-riżorsi tagħha lill-każijiet li l-aktar jeħtiġuhom.

X

Fuq il-bażi ta’ dawn il-konklużjonijiet, aħna nirrakkomandaw li l-Europol:

  • tuża s-sorsi esterni rilevanti kollha ta’ informazzjoni;
  • issaħħaħ l-iskambju ta' data tagħha mas-sħab tagħha;
  • ittejjeb il-monitoraġġ tal-prestazzjoni u r-rappurtar għall-attivitajiet taċ-Ċentru Ewropew kontra l-Faċilitazzjoni ta’ Dħul Klandestin ta’ Migranti;
  • tagħmel il-proċess ta’ prijoritizzazzjoni tal-każijiet tagħha aktar trasparenti billi tiddokumenta bis-sħiħ kif tiddeċiedi liema każijiet se jirċievu trattament prijoritarju.

Introduzzjoni

01

Il-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ persuni lejn u fi ħdan l-UE u t-traffikar tal-bnedmin huma meqjusa bħala theddid kriminali ewlieni għall-UE1 u huma fost il-prijoritajiet tal-Kunsill għall-perjodu 2018-2021 fil-ġlieda kontra l-kriminalità internazzjonali serja u organizzata2. It-tnejn li huma jużaw lill-bnedmin bħala sors ta’ profitt. Madankollu, il-faċilitazzjoni ta' dħul klandestin ta' migranti u t-traffikar tal-bnedmin huma reati differenti (ara l-Kaxxa 1).

Kaxxa 1

Differenza bejn il-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti u t-traffikar tal-bnedmin

Fil-każ tal-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti, deskritta wkoll bħala l-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali, il-faċilitaturi ta' dħul klandestin ta' migranti intenzjonalment jassistu lill-migranti biex dawn illegalment jidħlu jew jaqsmu fi tranżitu t-territorju ta’ Stat Membru, bil-kunsens tagħhom jew, għal gwadann finanzjarju, intenzjonalment jassistu lill-migranti biex jgħixu hemm. Din hija differenti mit-traffikar tal-bnedmin, fejn it-traffikanti jisfurzaw lill-vittmi tagħhom biex jidħlu għal sfruttament sever, li mhux neċessarjament jinvolvi l-qsim ta’ fruntiera.

02

Il-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti hija reat dinji li jpoġġi f’riskju ħajjet il-migranti u jisfida l-integrità tal-fruntieri internazzjonali. Dan huwa tip ta’ attività kriminali profittabbli għall-gruppi kriminali organizzati3 u fi snin reċenti din ħolqot sfida umanitarja u ta’ sigurtà kbira għall-UE.

03

Fl-2015 u l-2016, l-UE esperjenzat wasla bla preċedent ta’ migranti. Waslu aktar minn 1 000 000 persuna, li l-biċċa l-kbira minnhom kienu qed jaħarbu mill-gwerra fis-Sirja u f’pajjiżi oħra4. L-aktar rotot komuni użati kienu dawk li jgħaddu mill-Mediterran tal-Punent, il-Mediterran Ċentrali, il-Mediterran tal-Lvant u l-Balkani tal-Punent. Għalkemm il-wasliet irregolari fl-UE naqsu b’aktar minn 90 % minn dak iż-żmien 'il hawn, l-instabbiltà ekonomika fit-tul u n-nuqqas ta’ opportunitajiet fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, flimkien mal-impatt tal-kriżi tal-COVID-19, jistgħu jirriżultaw f’żieda fil-migrazzjoni irregolari lejn l-UE fit-terminu medju5.

04

Il-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti hija klandestina min-natura tagħha u għalhekk diffiċli ħafna biex titkejjel. Il-Europol tistma li madwar 90 % ta’ dawk li jaqsmu l-fruntieri tal-UE b’mod irregolari jużaw l-assistenza ta’ faċilitaturi ta’ dħul klandestin ta’ migranti, li huma fil-biċċa l-kbira gruppi kriminali. Dawn il-gruppi ikunu involuti wkoll f’oqsma oħra tal-kriminalità, bħall-frodi tad-dokumenti jew it-traffikar tal-bnedmin.

05

Il-faċilitaturi ta’ dħul klandestin tal-migranti involuti fil-faċilitazzjoni ta’ vjaġġi lejn l-UE joriġinaw minn aktar minn 122 pajjiż. L-istimi tal-iskala tal-industrija tal-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ivarjaw bejn ir-rapporti, b’networks madwar l-UE fl-intier tagħha stmati li ġġeneraw bejn EUR 4.7 biljun u EUR 5.7 biljun6 fis-sena 2015 biss.

06

L-attivitajiet tal-infurzar tal-liġi għall-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti huma r-responsabbiltà tal-Istati Membri. Ir-rwol tal-UE huwa li tassistihom f’dik il-ġlieda. Ir-rispons tagħha għall-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti jitlob approċċ ikkoordinat li jinvolvi bosta istituzzjonijiet (il-Kunsill tal-UE, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni7), l-aġenziji (il-Europol, il-Frontex, il-Eurojust, l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA), l-eu-LISA, is-CEPOL) u oħrajn (is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), missjonijiet ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni).

07

Il-leġiżlazzjoni prinċipali tal-UE dwar il-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti (id-“Direttiva ta' Faċilitazzjoni”8) tirrikjedi li kull Stat Membru jadotta sanzjonijiet xierqa dwar kull persuna li intenzjonalment tassisti persuna li mhijiex ċittadina ta’ Stat Membru tal-UE biex tidħol, jew taqsam fi tranżitu, jew tirrisjedi fi ħdan it-territorju tiegħu illegalment9. Għalkemm id-Direttiva ta’ Faċilitazzjoni tistabbilixxi karatteristiċi ġenerali u tippermetti l-eżenzjoni ta’ każijiet ta’ assistenza umanitarja, kull Stat Membru juża d-definizzjoni tiegħu stess ta’ x’tikkostitwixxi faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti10.

08

L-Istati Membri, l-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-UE, u partijiet rilevanti oħra, bħall-Interpol u pajjiżi mhux tal-UE, jikkooperaw taħt pjattaforma multidixxiplinari strutturata ad hoc immexxija mill-Istati Membri tal-UE. Din hija magħrufa bħala EMPACT, li tfisser “Pjattaforma Multidixxiplinari Ewropea Kontra t-Theddid Kriminali”. L-EMPACT tfassal ċikli ta’ politika ta’ erba’ snin għall-ġlieda tal-UE kontra l-kriminalità organizzata internazzjonali.

09

Il-Europol11 hija waħda mill-atturi prinċipali tal-UE fil-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti. Ir-rwol tagħha huwa li tappoġġa lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u li tiffaċilita l-kooperazzjoni biex tipprevieni u tiġġieled kontra l-kriminalità serja u organizzata. Il-Europol ma għandhiex setgħat eżekuttivi, li jibqgħu kompetenza nazzjonali.

10

Fi Frar 2016, wara perjodu ta’ immigrazzjoni irregolari għolja, il-Europol waqqfet iċ-Ċentru Ewropew kontra l-Faċilitazzjoni ta’ Dħul Klandestin ta’ Migranti (EMSC), bħala parti miċ-Ċentru Ewropew tal-Kriminalità Organizzata u Serja, wieħed mid-dipartimenti tal-operazzjonijiet tal-aġenzija.

11

L-għan tal-EMSC huwa li jappoġġa lill-Istati Membri tal-UE fl-immirar u ż-żarmar tan-networks kriminali involuti fil-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti. Għal dan il-għan, huwa jgħin lill-Istati Membri u lill-pajjiżi sħab mhux tal-UE biex jippermettu l-iskambju ta’ informazzjoni u l-koordinazzjoni tal-operazzjonijiet tagħhom fil-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti. Jiffaċilita wkoll kooperazzjoni akbar fost l-Istati Membri, pajjiżi sħab mhux tal-UE u aġenziji Ewropej oħra (ara l-Figura 1).

Figura 1

Ir-rwol tal-EMSC fil-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti

Sors: il-QEA.

12

L-EMSC huwa inkarigat minn żewġ pjattaformi ddedikati, imsejħa “Proġetti ta’ analiżi” (APs), u kull waħda minnhom tittratta reat speċifiku: AP Migrant Smuggling u AP Phoenix (dwar it-traffikar tal-bnedmin). L-AP jappoġġaw l-investigazzjonijiet tal-Istati Membri b’bosta modi, inkluż permezz ta’ analiżi operazzjonali u skjeramenti fuq il-post. Kull AP huwa stabbilit permezz ta’ sett ta’ regoli li jiddefinixxu l-iskop tiegħu u d-drittijiet tiegħu ta’ aċċess għall-informazzjoni, inkluż x'informazzjoni l-AP jista’ jipproċessa u liema Stati Membri u partijiet terzi assoċjati jistgħu jipparteċipaw. Il-baġit annwali tal-EMSC baqa’ stabbli għal dawn l-aħħar tliet snin f'ammont ta' ftit aktar minn EUR 10 miljun, li jinkludi l-ispejjeż għal għadd ta’ persunal b’medja ta’ 48 fl-istess perjodu.

13

Unitajiet operazzjonali oħra tal-Europol ukoll jappoġġaw il-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti: iċ-“Ċentru Operazzjonali” iwettaq kontroverifiki tad-data li tidħol, it-“Tim ta' Analiżi Strateġika” jikkoordina l-analiżi strateġika, u l-Unità ta’ Indikazzjoni ta’ Kontenut fuq l-Internet tappoġġa lill-EMSC fl-indirizzar tal-attivitajiet ibbażati fuq l-internet ta’ faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti.

14

Wieħed mill-għanijiet prinċipali tal-Europol huwa li sservi lis-sħab tagħha bħala l-hub tal-UE għall-iskambju ta’ informazzjoni dwar attivitajiet kriminali. Prinċipalment hija tipprovdi informazzjoni operazzjonali biex tiffaċilita l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri, billi l-kondiviżjoni ta’ informazzjoni ma’ partijiet ikkonċernati oħra (eż. aġenziji tal-UE, pajjiżi mhux tal-UE) hija suġġetta għal kundizzjonijiet li jkunu ġew stabbiliti fi ftehimiet ta’ kooperazzjoni speċifiċi u f’arranġamenti tax-xogħol speċifiċi.

15

It-tliet pilastri teknoloġiċi prinċipali tal-appoġġ li l-Europol tagħti lill-Istati Membri huma s-Sistema ta’ Informazzjoni tal-Europol, is-Sistema ta’ Analiżi tal-Europol u l-Applikazzjoni ta’ Network għall-Iskambju Sikur ta’ Informazzjoni (ara l-Kaxxa 2 u l-Figura 2).

Kaxxa 2

It-tliet pilastri prinċipali tal-hub ta’ informazzjoni tal-Europol

Is-Sistema ta’ Informazzjoni tal-Europol (EIS) hija bażi ta’ data ċentrali ta’ informazzjoni kriminali u intelligence li tkopri l-oqsma kollha ta’ kriminalità fi ħdan il-mandat tal-Europol. Hija sistema ta’ referenza biex jiġi vverifikat jekk informazzjoni dwar ċerta persuna jew oġġett ta’ interess (bħal karozza, telefon jew messaġġ bil-posta elettronika) hijiex disponibbli fi Stati Membri oħra. Kemm il-Europol kif ukoll il-LEAs (Awtoritajiet tal-Infurzar tal-Liġi) tal-Istati Membri jużaw l-informazzjoni disponibbli fis-sistema u jdaħħlulha informazzjoni ġdida.

Is-Sistema ta’ Analiżi tal-Europol (EAS) hija sistema ta’ informazzjoni operazzjonali li hija host ta' data (bħall-ismijiet u l-indirizzi ta’ persuni suspettati) li tkun ġiet ikkontribwita mis-sħab tal-Europol u tista’ tiġi aċċessata biss mill-persunal tal-Europol. Hija tintuża minn analisti operazzjonali fi ħdan proġetti ta’ analiżi, inkluż l-AP Migrant Smuggling.

L-Applikazzjoni ta’ Network għall-Iskambju Sikur ta’ Informazzjoni (SIENA) hija sistema sikura ta’ messaġġerija elettronika użata mil-LEAs tal-Istati Membri biex jikkondividu l-informazzjoni ma’ xulxin u mal-Europol. Informazzjoni kondiviża permezz tas-SIENA tista’ tiddaħħal fis-sistemi EIS u EAS jew tiġi skambjata bilateralment mingħajr ma tinvolvi lill-Europol. Il-LEAs tal-Istati Membri jistgħu wkoll jagħmlu input ta' data direttament fl-EIS mingħajr ma jużaw is-SIENA.

Figura 2

Interazzjoni bejn l-EIS, l-EAS u s-SIENA

Sors: l-awdituri tal-QEA.


Ambitu u approċċ tal-awditjar

16

L-objettiv ta’ dan l-awditu tal-prestazzjoni kien li jiġi aċċertat jekk il-Europol kinitx tappoġġa lill-Istati Membri b’mod effettiv fil-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti. Biex inwieġbu għal din il-mistoqsija prinċipali tal-awditjar, aħna indirizzajna żewġ sottomistoqsijiet:

  1. Il-Europol kienet hub effettiv għall-iskambju ta’ informazzjoni dwar il-faċilitazzjoni ta' dħul klandestin ta' migranti?
  2. Il-Europol ipprovdiet koordinazzjoni u appoġġ effettivi fil-qasam tal-faċilitazzjoni ta' dħul klandestin ta' migranti?
17

Din hija l-ewwel darba li awditjajna l-attivitajiet operazzjonali tal-Europol u, għalhekk, l-attivitajiet tal-EMSC u tal-unitajiet oħra tal-Europol involuti fil-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti. L-awditu għandu l-għan li jikkontribwixxi għad-dibattitu li għaddej dwar kif l-UE timmaniġġja l-pressjoni migratorja, u s-sejbiet tiegħu huma intenzjonati biex iqawwu r-rwol tal-Europol fl-għoti ta’ appoġġ effettiv lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri. Il-konklużjonijiet jistgħu jinfluwenzaw ukoll ir-rieżaminar li għaddej tar-Regolament tal-Europol.

18

L-awditu jikkonċentra fuq il-qasam tal-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti u ma jkoprix il-qasam tat-traffikar tal-bnedmin. Huwa jkopri l-perjodu li jibda mit-twaqqif tal-EMSC fl-2016 sal-2019. Fejn disponibbli, analizzajna wkoll data mill-2020. Analizzajna wkoll kif il-Europol kienet tikkoopera ma’ korpi oħra tal-UE involuti fil-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti. Biex inwieġbu l-mistoqsijiet ta’ hawn fuq, aħna ħarisna wkoll lejn il-monitoraġġ tal-prestazzjoni u l-qafas ta’ rappurtar għall-attivitajiet tal-Europol fil-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti.

19

Is-sejbiet tal-awditjar tagħna huma bbażati fuq analiżi ta’ data statistika, appoġġati minn analiżi dokumentarja u intervisti ma’ partijiet ikkonċernati ewlenin. Sabiex nivvalutaw is-sodisfazzjon bis-servizzi tal-aġenzija, aħna użajna r-risposti għal kwestjonarju li bgħatna lil 27 awtorità tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri (LEAs tal-Istati Membri) u lill-awtoritajiet ta’ 13-il pajjiż mhux tal-UE (l-Albanija, il-Georgia, l-Iżlanda, Iżrael, il-Moldova, il-Montenegro, il-Maċedonja ta’ Fuq, in-Norveġja, is-Serbja, l-Iżvizzera, it-Turkija, l-Ukrajna u r-Renju Unit). Dawn l-40 pajjiż ilkoll irrispondew għall-kwestjonarju, għajr wieħed.

20

Aħna organizzajna vidjokonferenzi mal-entitajiet awditjati u l-partijiet ikkonċernati rilevanti, inklużi l-Europol, il-Eurojust, is-SEAE, id-DĠ HOME, id-DĠ JUST, il-Frontex, l-Interpol u l-Uffiċċju Operazzjonali Konġunt. Peress li ż-żjarat tal-awditjar fuq il-post ma kinux possibbli minħabba restrizzjonijiet relatati mal-COVID-19, organizzajna wkoll vidjokonferenzi mal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi mis-Serbja (pajjiż ta’ tranżitu), Spanja (pajjiż l-aktar espost) u l-Ġermanja (pajjiż ta’ destinazzjoni).

21

Minħabba n-natura sensittiva tad-data personali operazzjonali pproċessata mill-Europol, valutazzjoni tal-preċiżjoni u r-rilevanza tagħha ma kinitx taqa’ fi ħdan l-ambitu tal-awditu. Għalhekk ma stajniex nivverifikaw il-kwalità kumplessiva tad-data f’termini ta’ dawn iż-żewġ aspetti.


Osservazzjonijiet

Il-Europol isservi bħala hub ta’ skambju ta’ informazzjoni iżda hija mfixkla minn data mhux kompleta u problemi ta’ interoperabbiltà

22

Biex twettaq il-funzjoni tagħha bħala l-hub Ewropew ta’ informazzjoni dwar attivitajiet kriminali, jenħtieġ li l-Europol tirċievi biżżejjed informazzjoni mill-Istati Membri u mill-pajjiżi mhux tal-UE u jkollha aċċess għas-sorsi ta’ data rilevanti kollha. Il-valur tas-servizz ipprovdut mill-Europol jiddependi fil-biċċa l-kbira minn kemm ikun attiv l-iskambju ta' informazzjoni magħha mis-sħab tagħha stess. Fil-paragrafi ta’ hawn taħt, aħna neżaminaw:

  1. kemm huwa attiv l-iskambju ta' informazzjoni mal-aġenzija mis-sħab tal-Europol;
  2. jekk il-Europol għandhiex aċċess għas-sorsi ta’ data rilevanti kollha;
  3. jekk l-Istati Membri u l-pajjiżi sħab mhux tal-UE humiex sodisfatti bl-informazzjoni miksuba mill-aġenzija.

L-iskambju ta’ informazzjoni qed ikompli jiżdied, iżda għadd ta’ problemi jaffettwaw il-kompletezza tiegħu

23

Il-Europol qed tirċievi għadd dejjem jikber ta’ messaġġi permezz tas-SIENA. L-għadd ta’ messaġġi li jkun fihom informazzjoni operazzjonali dwar investigazzjonijiet kriminali konkreti mibgħuta lill-Europol u l-għadd ta’ messaġġi li ħerġin mill-Europol lis-sħab tagħha kienu qed jiżdiedu kontinwament. Dan irriżulta f’żieda fil-każijiet ġodda relatati mal-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti, kif turi l-Figura 3. L-Istati Membri kollha tal-UE u l-pajjiżi mhux tal-UE li magħhom il-Europol għandha ftehimiet operazzjonali jalimentaw il-bażijiet ta’ data tal-Europol.

Figura 3

Skambju ta’ messaġġi SIENA bejn il-Europol u s-sħab kollha tagħha relatati mal-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti għall-perjodu 2016-2019

Sors: analiżi tal-QEA bbażata fuq data tal-Europol.

24

Minkejja dawn ix-xejriet pożittivi, aħna sibna problemi li jaffettwaw il-kompletezza tal-informazzjoni miksuba mill-Europol. Il-biċċa l-kbira minn dawn il-problemi mhumiex speċifiċi għall-qasam tal-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti, u huma barra mill-kontroll tal-Europol. Dawk prinċipali huma:

  1. livelli ta’ attività li jvarjaw fost l-Istati Membri fl-alimentazzjoni tal-bażijiet ta' data tal-Europol;
  2. problemi li ġew esperjenzati fit-tnedija ta’ negozjati bilaterali għall-konklużjoni ta’ ftehimiet internazzjonali ma’ pajjiżi prijoritarji mhux tal-UE; u
  3. l-inabbiltà tal-Europol li tiġbor u tanalizza informazzjoni direttament minn partijiet privati.
25

L-involviment attiv min-naħa tal-Istati Membri huwa kruċjali biex jiġi żgurat li l-Europol ikollha data kompleta għad-dispożizzjoni tagħha. Għadd ta’ partijiet ikkonċernati ġibdu l-attenzjoni għall-ħtieġa li l-Istati Membri jipprovdu lill-Europol aktar informazzjoni operazzjonali. Spiss ikun hemm raġunijiet operazzjonali jew legali, li jkunu validi, għan-nuqqas ta’ kondiviżjoni ta’ informazzjoni mal-Europol jew għall-involviment ma’ Stati Membri oħra fuq bażi bilaterali. Pereżempju, ma hemmx bżonn li l-Europol tkun f’kopja tal-komunikazzjoni organizzattiva/amministrattiva. L-investigaturi jista’ ma jkollhomx awtorizzazzjoni mingħand prosekutur biex jikkondividu data sensittiva fl-istadji bikrija tal-investigazzjoni. Jistgħu jiġu applikati politiki restrittivi li jittrattaw l-informazzjoni biex jiġi evitat li tiġi pperikolata investigazzjoni li tkun għaddejja jew biex jiġu protetti l-interessi tas-sigurtà nazzjonali. Xi informazzjoni tista’ tkun ukoll barra mill-mandat tal-Europol.

26

Madankollu, il-livell sa fejn l-Istati Membri jikkondividu l-informazzjoni jiddependi wkoll mill-mod kif jorganizzaw l-arkitettura tagħhom ta' kondiviżjoni tal-informazzjoni. Xi Stati Membri ma żviluppawx kargaturi awtomatizzati ta' data, li jfisser li d-data kollha trid terġa’ tiddaħħal manwalment fl-EIS jew fis-SIENA. Dan il-piż amministrattiv jaffettwa r-rieda tal-Istati Membri li jikkondividu l-informazzjoni mal-Europol. Barra minn hekk, l-aċċess għas-sistemi tal-Europol huwa ċentralizzat f’xi pajjiżi filwaqt li l-investigaturi għandhom aċċess dirett f’oħrajn. Dan jidher fil-Figura 4, li turi li hemm differenzi kbar fost l-Istati Membri fl-għadd ta’ punti ta’ aċċess tas-SIENA li huma disponibbli għall-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi, li jillimitaw il-kapaċità tagħhom li jibagħtu l-informazzjoni rilevanti lill-Europol f’waqtha.

Figura 4

Għadd ta’ uffiċjali tal-infurzar tal-liġi għal kull kont tal-utent tas-SIENA

Sors: analiżi tal-QEA bbażata fuq data mill-Europol (f'Lulju 2020) u l-Eurostat.

27

Il-kompletezza tad-data hija affettwata wkoll mid-dewmien fid-disponibbiltà tal-informazzjoni. Barra minn hekk, il-Europol tirċievi xi fajls/data li jidħlu f’format mhux strutturat ukoll. Il-persunal tagħha għalhekk irid idaħħal din l-informazzjoni manwalment fil-bażijiet ta’ data tagħha. Il-Europol żviluppat għodda ġdida (magħrufa bħala d-“Data Intake Utility”) li għandha tgħin fl-istrutturar tad-data meta din tiddaħħal fis-SIENA fil-futur.

28

Aħna identifikajna wkoll xejra ta’ żieda fl-iskambju bilaterali bejn l-Istati Membri li ma tinvolvix lill-Europol (jiġifieri messaġġi mingħajr l-aġenzija f’kopja). Il-proporzjon kumplessiv ta’ messaġġi bħal dawn kiber minn 46 % fl-2016 għal 62 % fl-2019, iżda jvarja bejn l-Istati Membri (ara l-Figura 5).

Figura 5

Proporzjon ta’ messaġġi SIENA relatati mal-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti mibgħuta mill-Istati Membri tal-UE mingħajr il-Europol f’kopja

Sors: analiżi tal-QEA bbażata fuq data tal-Europol.

29

Sabiex tappoġġa b’mod effettiv il-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti, il-Europol jeħtieġ li jkollha aċċess għal data operazzjonali minn investigazzjonijiet kriminali fil-pajjiżi ta’ oriġini u ta’ tranżitu. Għal dan il-għan, il-Europol iffirmat 17-il ftehim ma’ pajjiżi mhux tal-UE taħt leġiżlazzjoni preċedenti. Hija identifikat tmien pajjiżi prijoritarji addizzjonali mhux tal-UE li magħhom se tikkonkludi ftehimiet internazzjonali (ara l-Figura 6). F’Diċembru 2017, il-Kummissjoni rrakkomandat li l-Kunsill jawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati ma’ dawk il-pajjiżi. Il-Kunsill għamel dan f’Ġunju 2018. Madankollu, sa Lulju 2021, il-Kummissjoni kienet bdiet negozjati ma’ pajjiż wieħed biss.

Figura 6

Ftehimiet operazzjonali ma’ pajjiżi mhux tal-UE (is-sitwazzjoni attwali)

Sors: il-QEA, ibbażat fuq data tal-Europol.

30

Il-konklużjoni ta’ ftehimiet internazzjonali li tinvolvi l-iskambju ta’ data personali hija kumplessa, għaliex tista’ ssir biss ma’ pajjiżi li joffru livell essenzjalment ekwivalenti ta’ protezzjoni tad-data bħall-istandards tal-UE12. Madankollu, mingħajr ftehim internazzjonali, il-pajjiżi mhux fl-UE ftit li xejn jibbenefikaw mill-kondiviżjoni tad-data operazzjonali mal-Europol, billi l-aġenzija mhijiex se titħalla tibgħatilhom lura b’mod sistematiku informazzjoni li jkun fiha data personali13.

31

Il-Europol qed tiffaċċja wkoll restrizzjonijiet fil-kisba ta’ data personali dwar il-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti minn partijiet privati (bħal fornituri ta’ servizzi online). Hija tista’ tirċievi data personali minn partijiet privati indirettament, permezz ta’ unità tal-pulizija jew awtorità nazzjonali. Madankollu, jekk il-partijiet privati jippreżentaw id-data direttament lill-Europol fuq inizjattiva tagħhom stess (pereżempju, jekk fornitur tas-servizz tal-internet jinnotifika b’mod proattiv lill-Europol dwar kontenut online illegali relatat mal-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti), l-aġenzija tista’ tipproċessa d-data biss sabiex tidentifika l-unità jew l-awtorità tal-pulizija nazzjonali kkonċernata14. Il-Europol ma tistax tipproċessa d-data għal finijiet analitiċi jew ta’ kontroverifika u trid tħassarha fi żmien erba’ xhur sakemm l-Istat Membru jew l-awtoritajiet tal-pajjiż mhux tal-UE ma jerġgħux jippreżentawha. Dan jista’ jikkawża dewmien u fl-aħħar mill-aħħar irendi tali data obsoleta jew irrilevanti għall-investigazzjoni.

32

Fir-riformulazzjoni tal-2020 tar-Regolament dwar il-Europol, il-Kummissjoni pproponiet li jenħtieġ li l-Europol tkun tista’ tirċievi data personali mingħand partijiet privati, tinforma lit-tali partijiet privati dwar informazzjoni nieqsa, u titlob lill-Istati Membri jitolbu lil partijiet privati oħra sabiex jaqsmu aktar informazzjoni15. F’Ġunju 2021, il-ħidma leġiżlattiva fuq l-abbozz ta’ regolament kienet għadha għaddejja fil-Parlament Ewropew u fil-Kunsill.

Il-Europol ma tagħmilx użu suffiċjenti minn sorsi esterni ta’ data

33

Bħala l-hub Ewropew għall-iskambju ta’ informazzjoni dwar il-kriminalità, il-Europol jeħtieġ li jkollha aċċess għall-bażijiet ta’ data esterni (mhux tal-Europol) rilevanti kollha għall-ġbir ta’ informazzjoni u għall-kontroverifika tagħha bi tqabbil mas-sorsi rilevanti kollha ta’ informazzjoni. Dawn identifikajnihom fil-Kaxxa 3 u l-Figura 7). Dan huwa speċjalment il-każ meta tiġi vverifikata data li tkun ġejja minn pajjiżi mhux tal-UE, bi tqabbil ma’ bażijiet ta’ data tal-UE rilevanti. Madankollu, attwalment mhux is-sorsi ta’ data rilevanti kollha huma disponibbli biex jintużaw mill-Europol, u wħud minnhom din ma tużahomx b’mod biżżejjed.

Kaxxa 3

Sorsi esterni ta’ data dwar il-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti

Is-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SISII) hija s-sistema prinċipali li tappoġġa l-ħidma tal-awtoritajiet tal-kontroll tal-fruntieri, tad-dwana u tal-pulizija fiż-żona Schengen. Fiha data dwar persuni (bħal persuni suġġetti għal talbiet ta’ estradizzjoni jew li l-preżenza tagħhom hija meqjusa mhux mixtieqa f’territorju partikolari, jew minorenni neqsin) kif ukoll data dwar armi tan-nar mitlufa, misruqa u miżapproprjati, dokumenti tal-identità, vetturi bil-mutur u karti tal-flus. L-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jiskambjaw informazzjoni addizzjonali permezz ta’ network ta’ punti ta’ kuntatt, magħruf bħala Talba għal Informazzjoni Supplimentari fid-Dħul Nazzjonali (SIRENE).

Id-Dattiloskopija Ewropea (EURODAC) hija sistema amministrattiva użata primarjament biex tirreġistra lill-migranti meta jaqsmu l-fruntiera esterna tal-UE b’mod irregolari u meta japplikaw għall-ażil.

Is-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) hija sistema amministrattiva għall-ħruġ ta’ viżi ta’ Schengen.

Ir-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) u l-Informazzjoni Antiċipata dwar il-Passiġġieri (API) huma sistemi li jkun fihom data dwar il-passiġġieri tal-ajru.

Is-sistema Prüm hija sistema ta’ kooperazzjoni miftiehma li permezz tagħha l-Istati Membri jiskambjaw data dwar id-DNA, il-marki tas-swaba’ u dik relatata mal-karozzi.

L-Interpol topera 19-il bażi ta’ data li jistgħu jiġu aċċessati permezz ta’ sistema ta’ komunikazzjoni sikura msejħa I24/7.

34

Il-Europol tuża b’mod attiv is-SISII, wara li ngħatat aċċess sħiħ f’Settembru 2020. Minn Marzu 2021 ’il quddiem, il-Europol hija konnessa man-network SIRENE, li jippermetti lill-aġenzija tiskambja informazzjoni mal-punti ta’ kuntatt tan-network, magħrufa bħala l-“uffiċċji SIRENE”. L-Istati Membri huma legalment obbligati jinnotifikaw lill-Europol bi kwalunkwe informazzjoni (“hits”) li għandhom li tkun taqbel ma’ twissijiet tas-SISII relatati mat-terroriżmu16, iżda mhux ma’ kwalunkwe forma oħra ta’ kriminalità, inkluża l-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti (għalkemm jistgħu jiskambjaw informazzjoni oħra f’dawn l-oqsma permezz tan-network SIRENE). In-nuqqas ta’ tali informazzjoni kruċjali kważi f’ħin reali fuq bażi sistematika jista’ jillimita l-kapaċità tal-Europol li tittraċċa lill-faċilitaturi ta’ dħul klandestin ta’ migranti.

35

Il-Europol tuża wkoll il-bażijiet ta’ data tal-Interpol. Madankollu, ma hemm l-ebda interfaċċa awtomatika bejn is-SIENA tal-Europol u s-sistemi ta’ komunikazzjoni I24/7 tal-Interpol. L-informazzjoni teħtieġ tiġi trasferita minn sistema għal oħra.

36

Il-Europol rari ħafna tuża bażijiet ta’ data Ewropej oħra, li jistgħu jkunu ta’ rilevanza fil-qasam tal-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti. Hija għandha aċċess għas-sistema EURODAC iżda, fil-prattika, qatt ma fittxet fis-sistema b’rabta mal-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti minħabba restrizzjonijiet legali17. Hija ppreżentat żewġ tfittxijiet biss lill-API/PNR fl-2018, tmienja fl-2019 u sitta fl-2020.

37

Il-Europol ma għandha l-ebda aċċess għad-data maħżuna fil-VIS, minkejja li l-bażi legali għall-aġenzija biex taċċessa s-sistema (ir-regolament tal-VIS) ilha teżisti mill-2008, u r-rekwiżiti tekniċi u funzjonali għal tali aċċess ġew żviluppati fl-2018. Attwalment il-Europol qed tindirizza problemi tekniċi biex ittejjeb il-protezzjoni tad-data personali, kif meħtieġ minn Opinjoni f’Marzu 2021 tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, qabel ma tkun tista’ taċċessa s-sistema. Dan in-nuqqas ta’ aċċess għas-sistema tal-VIS huwa opportunità mitlufa għall-Europol biex tikseb informazzjoni li hija rilevanti għall-indirizzar tal-iskemi ta’ frodi tal-viża operati mill-faċilitaturi ta' dħul klandestin ta' migranti.

38

L-interoperabbiltà bejn il-bażijiet ta’ data tal-Europol, il-bażijiet ta’ data prinċipali tal-UE (is-SISII, il-VIS, il-EURODAC u sistemi futuri, b’mod partikolari s-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ u s-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar) u l-bażijiet ta’ data tal-Interpol jenħtieġ li tkompli titjieb sal-2023, kif previst fir-Regolament dwar l-Interoperabbiltà tal-201918. Ladarba tiġi implimentata, din se tagħmilha possibbli li jsir tiftix fil-bażijiet ta' data kollha b’mod simultanju.

39

Barra minn hekk, il-Europol ma għandha l-ebda aċċess għad-data kondiviża permezz tas-sistema Prüm. Dan minħabba li ma hemm l-ebda bażi legali espliċita għall-aġenzija biex taċċessa din id-data.

Figura 7

Aċċess tal-Europol għal sorsi esterni rilevanti ta’ informazzjoni dwar il-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti

Sors: l-awdituri tal-QEA.

Is-sħab tal-Europol japprezzaw l-informazzjoni li tipprovdi, iżda problemi ta’ interoperabbiltà jimpedixxu l-kondiviżjoni effettiva tad-data

40

L-istħarriġ tagħna juri li l-Istati Membri u l-pajjiżi mhux tal-UE japprezzaw l-informazzjoni li l-aġenzija tipprovdi. Il-punteġġ medju kumplessiv tas-sodisfazzjon (fuq skala minn 0-10) huwa ta’ 8.5 (ara l-Figura 8). Il-qasam prinċipali għat-titjib jikkonċerna problemi ta’ interoperabbiltà, li jaffettwaw il-kondiviżjoni effettiva tad-data.

Figura 8

Sodisfazzjon bl-informazzjoni riċevuta mill-Europol

Sors: analiżi tal-QEA bbażata fuq ir-risposti mill-Istati Membri u minn pajjiżi mhux tal-UE għall-kwestjonarju tal-QEA. Żewġ risposti ma pprovdewx punteġġ kwantitattiv.

41

Attwalment, il-LEAs tal-Istati Membri ma għandhom l-ebda aċċess għall-EAS. Huma jistgħu jivverifikaw jekk l-informazzjoni meħtieġa hijiex fl-EAS billi jagħmlu talba permezz tas-SIENA jew ta' uffiċjal ta’ kollegament. Billi din il-proċedura tieħu ż-żmien, in-nuqqas ta’ interoperabbiltà bejn is-sistemi nazzjonali u tal-Europol jagħmel l-iskambju tad-data inqas effiċjenti.

42

Fl-2020, il-Europol nediet proġett QUEST+ ġdid biex l-awtoritajiet nazzjonali jkunu jistgħu jfittxu fl-EAS mis-sistemi nazzjonali tagħhom. Il-proġett jippermettilhom li jaraw mill-ewwel, mingħajr ma jgħaddu minn kanali uffiċjali, jekk hemmx tqabbil (“hit”) fl-EAS, iżda ma jagħtihomx aċċess dirett għall-informazzjoni realment maħżuna fis-sistema. Jekk ikun hemm hit, jeħtieġu jitolbu kwalunkwe informazzjoni ulterjuri b’mod individwali. L-ikkompletar tal-proġett se tiddependi mid-disponibbiltà tar-riżorsi, bħala parti mir-ristrutturar kumplessiv tal-infrastruttura tal-IT tal-Europol. Hija ppjanata fażi pilota għall-2021, b’massimu ta’ sitt Stati Membri li se jieħdu sehem.

43

Għalkemm l-Istati Membri għandhom aċċess għall-bażi ta’ data l-oħra tal-Europol, l-EIS, din mhijiex kompletament integrata mas-sistemi nazzjonali. Fl-2016, il-Europol bdiet il-proġett “Querying Europol Systems” (QUEST) (ara l-Figura 9), li jippermetti lil-LEAs tal-Istati Membri jaċċessaw l-EIS mis-sistemi nazzjonali tagħhom. Il-proġett QUEST ġie skjerat fl-2017, iżda sal-lum ikopri biss żewġ kategoriji ta’ informazzjoni: il-persuni u l-armi tan-nar. Kategoriji addizzjonali (bħal mezzi ta’ trasport, mezzi ta’ komunikazzjoni u dokumenti tal-identità) huma mistennija li jsiru disponibbli sa tmiem Ġunju 2021.

Figura 9

Proġetti QUEST u QUEST+

Sors: il-QEA.

44

Aħna sibna problemi addizzjonali relatati mal-iskambju ta’ data tal-Europol ma’ aġenziji oħra tal-UE. Waħda mill-partijiet ikkonċernati prinċipali fil-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti hija l-Frontex, l-aġenzija tal-UE għall-gwardja tal-fruntiera u tal-kosta, li tipprovdi lill-Europol data personali operazzjonali (bħall-ismijiet u l-indirizzi tal-persuni suspettati). Madankollu, il-Europol ma tistax tikkondividi mal-Frontex kwalunkwe data personali li tkun tippermetti lil din tal-aħħar twettaq kontroverifika tal-preċiżjoni tad-data operazzjonali tagħha stess, tapprofondixxi l-intelligence tagħha stess għall-operazzjonijiet ta’ kontroll tal-fruntieri jew issaħħaħ il-valutazzjonijiet tar-riskju tagħha biex tillokalizza t-theddid li jirriżulta.

45

Raġuni waħda għal dan kienet id-Deċiżjoni Nru 58/2015 tal-Bord ta' Tmexxija tal-Frontex, li, abbażi tar-Regolament tal-2011 dwar il-Frontex, ma ħallithiex tirċievi data personali mill-Europol. Raġuni oħra kienet li fl-2018 il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ħareġ opinjoni negattiva dwar il-fatt li l-Frontex kienet tirċievi data personali mill-Europol, abbażi tar-Regolament dwar il-Frontex tal-2016. Madankollu, ir-Regolament tal-2019 dwar il-Frontex, l-aktar wieħed reċenti, għalaq dan id-distakk legali billi ppreveda speċifikament l-iskambju ta’ data personali bejn il-Europol u l-Frontex19. Id-data miġbura mill-Frontex waqt il-monitoraġġ tal-flussi migratorji jew matul l-operazzjonijiet issa tista’ tiġi kondiviża mal-Europol għall-fini tal-identifikazzjoni ta’ persuni suspettati b’reati transfruntiera.

46

Hija meħtieġa kooperazzjoni bla xkiel bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u dawk ġudizzjarji biex il-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin tal-migranti tiġi miġġielda b’mod effettiv. Għalkemm ir-Regolament tal-Europol tal-2016 jipprevedi aċċess reċiproku indirett bejn il-bażijiet ta’ data tal-Europol u l-Eurojust20, il-progress fit-twaqqif ta’ tali aċċess kien kajman. Huma jistgħu jiskambjaw data b’mod semiawtomatiku permezz tas-SIENA, iżda soluzzjoni ta’ aċċess kompletament kompjuterizzata ġiet imdewma billi s-sistemi tal-IT tal-Eurojust jeħtieġ li jiġu aġġornati.

47

Taħt il-qafas legali li kien fis-seħħ qabel l-201621, l-ipproċessar tad-data tal-Europol kien speċifiku għas-sistema: kien jispeċifika liema data setgħet tiġi pproċessata f’liema sistema. Ir-Regolament tal-Europol tal-2016, b'kuntrast ma' dan, ma għadux speċifiku għas-sistema. Minflok, ir-regoli li jirregolaw l-ipproċessar tad-data min-naħa tal-Europol issa jiddependu mill-iskop li għalih qed tiġi pproċessata (identifikazzjoni ta’ konnessjonijiet; analiżi ta’ natura tematika jew strateġika; analiżi operazzjonali; jew il-faċilitazzjoni tal-iskambju ta’ informazzjoni)22. Għalhekk, l-aġenzija qed tippjana li titbiegħed mis-sistemi separati eżistenti tagħha biex tersaq lejn repożitorju tad-data ċentrali u ambjent operazzjonali li jkunu integrati u globali.

48

Sal-lum, il-Europol ma użatx proċessi innovattivi tal-IT, bħall-estrazzjoni tad-data jew l-intelliġenza artifiċjali fil-qasam tal-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti. It-tiġdid tal-infrastruttura tal-IT kumplessiva tagħha b’dan il-mod jipprovdilha opportunità biex tagħmel dan.

Is-sħab tal-Europol japprezzaw l-appoġġ strateġiku u operazzjonali tagħha, għalkemm ir-riżultati ma jistgħux jiġu vvalutati u l-proċeduri mhumiex strutturati biżżejjed

49

Il-valur miżjud tal-Europol jirriżulta mhux biss mill-iskambju ta’ informazzjoni mas-sħab tagħha iżda wkoll mill-appoġġ strateġiku u operazzjonali tagħha. Fil-paragrafi ta’ hawn taħt, aħna neżaminaw jekk il-Europol:

  1. tipprovdix appoġġ strateġiku u operazzjonali siewi;
  2. tiksibx riżultati u tirrappurtax dwarhom;
  3. għandhiex il-proċeduri interni meħtieġa biex twassal l-appoġġ tagħha;
  4. tikkoordinax l-attivitajiet tagħha sew mas-sħab tagħha.

Il-Europol tipprovdi appoġġ apprezzat

50

Il-Figura 10 hawn taħt tipprovdi ħarsa ġenerali lejn l-appoġġ strateġiku u operazzjonali tal-Europol.

Figura 10

Appoġġ strateġiku u operazzjonali tal-Europol

Sors: il-QEA.

51

L-appoġġ strateġiku tal-Europol jikkonsisti f’rapporti ta’ kumplessità li tvarja, li jipprovdu ħarsa ġenerali lejn is-sitwazzjoni attwali tal-kriminalità u x-xejriet fl-UE (ara l-Kaxxa 4). Hija tħejji dawn ir-rapporti strateġiċi kemm b’mod rikorrenti kif ukoll fuq bażi ad hoc, li jippermettu lill-Istati Membri jieħdu azzjoni preventiva. Fil-kuntest tal-appoġġ strateġiku tagħha, il-Europol għandha wkoll rwol kruċjali fl-EMPACT (ara l-paragrafu 08), li tgħin biex jiġu stabbiliti prijoritajiet strateġiċi għall-UE kollha kemm hi u biex tappoġġa l-implimentazzjoni tagħhom f’livell operazzjonali.

Kaxxa 4

Eżempji ta’ rapporti strateġiċi mħejjija mill-Europol

Il-valutazzjoni ta' theddid mill-kriminalità serja u organizzata (SOCTA)23 tistabbilixxi rakkomandazzjonijiet ibbażati fuq l-analiżi mwettqa mill-Europol tat-theddid kbir tal-kriminalità li qed tiffaċċja l-UE. Il-konfigurazzjoni tal-Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni tuża r-rakkomandazzjonijiet tas-SOCTA biex tiddefinixxi l-prijoritajiet tal-UE dwar il-kriminalità għaċ-ċiklu ta’ politika ta’ erba’ snin li jmiss. Il-valutazzjoni strateġika tas-SOCTA tifforma l-bażi għaċ-ċiklu ta’ politika tal-EMPACT. L-aħħar SOCTA (għall-perjodu 2017-2021) identifikat il-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti bħala waħda mit-theddidiet prinċipali tal-kriminalità.

In-notifiki ta’ intelligence jipprovdu informazzjoni dwar attivitajiet speċifiċi; pereżempju, dwar modi ġodda tat-trasport, bħal dgħajjes żgħar li jintużaw biex jaqsmu l-kanal Ingliż24. Dawn jistgħu jiġu abbozzati b’risposta għal talbiet speċifiċi mill-Istati Membri.

52

L-appoġġ operazzjonali tal-Europol jinvolvi l-għoti ta' appoġġ għall-investigazzjonijiet ta’ każijiet speċifiċi mill-Istati Membri u minn pajjiżi mhux tal-UE, li jistgħu jiġu kklassifikati bħala każijiet ta’ appoġġ mhux ta’ prijorità (appoġġ bażiku) jew ta’ prijorità, jew bħala investigazzjonijiet ta’ mira ta’ valur għoli (HVT) (li jintgħażlu minn fost każijiet ta’ prijorità permezz ta’ proċess ta’ prijoritizzazzjoni addizzjonali), kif jidher fil-Figura 11. L-appoġġ operazzjonali jikkonsisti f’żewġ partijiet ewlenin:

  1. Appoġġ għall-operazzjoni – il-Europol tipprovdi appoġġ dirett fuq il-post għal Stat Membru matul l-operazzjonijiet; pereżempju d-data tista’ tiġi estratta minn apparati mobbli bħal smartphones jew tablets mill-esperti tal-Europol.
  2. Appoġġ għall-investigazzjoni – l-appoġġ ipprovdut jiddependi minn jekk il-każ inkwistjoni huwiex każ ta’ prijorità, każ mhux ta’ prijorità jew investigazzjoni HVT:
  1. Għall-każijiet mhux ta’ prijorità, il-Europol twettaq kontroverifiki tad-data bi tqabbil mal-bażijiet ta’ data tagħha.
  2. Għall-każijiet ta’ prijorità, il-Europol tipprovdi appoġġ għall-analiżi operazzjonali lill-investigaturi (eż. informazzjoni dwar in-network kriminali involut, il-metodi, il-limitazzjonijiet u l-intenzjonijiet tiegħu), appoġġ ta’ koordinazzjoni għall-operazzjonijiet u/jew finanzjament għal-laqgħat operazzjonali.
  3. L-investigazzjonijiet HVT jirċievu appoġġ aktar intensiv minn dak li l-każijiet ta’ prijorità jirċievu. B’mod partikolari, huma jinvolvu t-tfassil ta’ pjan operazzjonali u t-twaqqif ta’ Task Force Operazzjonali għall-koordinazzjoni tal-attivitajiet ta’ intelligence u ta’ investigazzjoni inklużi l-operazzjonijiet fuq il-post.

Figura 11

Relazzjoni bejn każijiet mhux ta’ prijorità, każijiet ta’ prijorità u investigazzjonijiet HVT

Sors: il-QEA.

53

B’mod ġenerali, is-sħab tal-Europol kienu sodisfatti bil-kwalità tal-appoġġ li rċevew mill-aġenzija. Fuq skala ta’ 0-10, huma kklassifikaw l-appoġġ strateġiku mill-Europol b’punteġġ ta’ 8.0 u l-appoġġ operazzjonali tiegħu b’punteġġ ta’ 8.4 (ara l-Figura 12).

Figura 12

Sodisfazzjon bl-appoġġ strateġiku u operazzjonali tal-Europol

Sors: analiżi tal-QEA bbażata fuq ir-risposti mill-Istati Membri u minn pajjiżi mhux tal-UE għall-kwestjonarju tal-QEA. Risposta waħda ma pprovdietx punteġġi kwantitattivi.

Ir-riżultati tal-appoġġ operazzjonali u strateġiku tal-Europol huma diffiċli biex jiġu vverifikati, billi hija ma tkejjilhomx b’mod komprensiv

54

Għalkemm il-valutazzjoni mill-Istati Membri u l-pajjiżi mhux tal-UE kienet pożittiva, il-kejl tal-indikaturi tal-prestazzjoni huwa mfixkel mil-limitazzjonijiet fl-arranġamenti ta’ rappurtar disponibbli. Aħna nanalizzaw ir-raġunijiet għal dan hawn taħt.

55

Il-Europol ma għandha l-ebda indikatur li jkejjel b’mod sistematiku jekk il-kontribuzzjonijiet tagħha għal każijiet tal-Istati Membri fil-qasam tal-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti (eż. it-twassil ta’ rapport ta’ analiżi) irriżultawx f’eżiti operazzjonali bħal arresti, żarmar ta’ gruppi ta’ kriminalità organizzata jew sekwestri ta’ assi fi Stat Membru. Dan huwa prinċipalment minħabba li l-Istati Membri ma għandhom l-ebda obbligu li jiżvelaw tali data lill-Europol. Raġuni oħra hija li l-proċess tal-ġbir tad-data mhuwiex strutturat, billi l-Europol ma tatx struzzjonijiet lis-sħab tagħha dwar kif għandhom jirrappurtaw dwar ir-riżultati miksuba. Il-Europol tiġbor data dwar l-għadd ta’ arresti marbuta ma’ “jiem ta’ azzjoni” (ara l- Kaxxa 5).

Kaxxa 5

Jiem ta’ azzjoni

Jiem ta’ azzjoni huma operazzjonijiet transfruntiera li jiffokaw fuq hotspots ewlenin tal-kriminalità u networks kriminali madwar l-UE, bl-appoġġ tal-Europol (eż. appoġġ loġistiku jew analitiku). Jiem ta’ azzjoni jistgħu jieħdu diversi forom, bħall-arrest ta’ faċilitaturi ta’ dħul klandestin ta’ migranti li jużaw dgħajjes żgħar għall-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti, jew operazzjonijiet ikkoordinati fl-ajruporti biex jidentifikaw dokumenti ffalsifikati.

Pereżempju, matul jiem ta’ azzjoni fit-28 u d-29 ta’ Settembru 2020, il-Europol appoġġat l-arrest ta’ 12-il faċilitatur ta’ dħul klandestin ta’ migranti. Dawn kienu qed jużaw dgħajjes żgħar biex jiffaċilitaw id-dħul klandestin ta’ persuni fil-Kanal Ingliż. L-operazzjoni kienet tinkludi l-kooperazzjoni bejn il-Belġju, Franza, in-Netherlands u r-Renju Unit, appoġġata mill-Europol u l-Eurojust.

56

Madankollu, il-Europol mhux dejjem taġġorna ċ-ċifri ta’ arrest tagħha wara jiem ta’ azzjoni, u l-EMSC ma jiġborx b’mod sistematiku data dwar riżultati oħra bħal sekwestri ta’ assi. L-istħarriġ tagħna juri li 33 % biss tal-Istati Membri jirrappurtaw informazzjoni b’mod sistematiku lill-Europol dwar ir-riżultati tal-appoġġ tagħha fil-qasam tal-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti.

57

Il-kisba ta’ statistika affidabbli dwar il-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti wkoll wriet li hija diffiċli għall-Eurostat. Huwa wettaq tliet ġabriet ta’ data pilota li kienu jikkonċernaw data tal-ġustizzja kriminali dwar il-“faċilitazzjoni mhux awtorizzata tad-dħul, it-tranżitu u r-residenza” (kif iddefinit fid-dritt tal-UE), li jkopru s-snin ta’ referenza 2015, 2016 u 2017. Mis-sena ta’ referenza 2018 ’il quddiem, il-ġbir tad-data ġie inkorporat fil-kwestjonarju annwali dwar l-istatistika kriminali tal-Eurostat. L-Istati Membri kkontribwew volontarjament għall-proġett, billi ma hemm l-ebda bażi legali li tobbligahom jipprovdu data. L-għadd ta’ Stati Membri li rrappurtaw id-data żdied gradwalment matul is-snin. Il-biċċa l-kbira mill-Istati Membri issa jagħmlu dan, għalkemm id-data tagħhom mhux dejjem tkun kompleta. F'Lulju 2021, il-Eurostat kien għadu ma ppubblikax statistika dwar il-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti, prinċipalment minħabba tħassib dwar il-kwalità tad-data.

58

Il-Europol u l-Frontex ukoll jiġbru statistika dwar il-faċilitaturi ta’ dħul klandestin ta’ migranti mill-Istati Membri: il-Frontex għall-analiżi tar-riskju tagħha u għal skopijiet operazzjonali u strateġiċi, u l-Europol għar-rappurtar tagħha lill-Kunsill dwar l-EMPACT. Ma hemm l-ebda koordinazzjoni tal-proċess tal-ġbir tad-data bejn il-Europol, il-Frontex u l-Eurostat.

59

Fl-2018, l-EMSC beda jirrapporta informazzjoni internament dwar l-għadd annwali ta’ arresti u, sena wara, beda jirrapporta dik iċ-ċifra lill-Kummissjoni. Madankollu, peress li l-EMSC iqis li, minħabba n-nuqqas ta’ aġġornamenti regolari dwar l-eżitu tal-proċess ta’ ġustizzja kriminali, mhijiex disponibbli data affidabbli dwar l-għadd ta’ arresti, huwa ma pprovda l-ebda data dwar dan l-indikatur f’xi wieħed mir-rapporti pubbliċi tiegħu. Għalkemm l-għadd ta’ arresti jidher fl-istqarrijiet għall-istampa dwar jiem ta’ azzjoni, l-ebda data konsolidata mhija disponibbli pubblikament. Id-data annwali dwar il-faċilitaturi ta’ dħul klandestin ta’ migranti identifikati hija disponibbli biss għal kriminali prominenti (HVTs)25.

60

Korpi oħra tal-UE, madankollu, jipprovdu data pubblika dwar ir-riżultati. Ir-rapporti tal-Kunsill dwar l-EMPACT jipprovdu statistika dwar ir-riżultati fil-qasam tal-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti (għadd ta’ arresti, sekwestri ta’ assi kriminali). Bl-istess mod, ir-rapport annwali tal-Eurojust jipprovdi ċifri dwar l-eżiti operazzjonali kumplessivi tagħha (persuni suspettati arrestati u assi kriminali sekwestrati).

61

L-EMSC identifika ħames HVTs fl-2019, li kollha ġew arrestati. Bl-appoġġ tal-EMSC, l-Istati Membri arrestaw 598 persuna bħala parti mill-operazzjonijiet f’jiem ta’ azzjoni. Il-Europol ma tispeċifikax il-klassifikazzjoni tal-persuni arrestati (eż. membri ta’ livell għoli jew persuni oħra f’livell operazzjonali, bħas-sewwieqa tat-trakkijiet għal gruppi ta’ kriminalità organizzata).

62

Fl-istess sena, ġew identifikati 10 989 faċilitatur suspettat ta’ dħul klandestin ta’ migranti fl-UE. Ċertament, mhux kull persuna suspettata tirriżulta li hija faċilitatur ta’ dħul klandestin ta’ migranti u tiġi arrestata. Madankollu, l-għadd ta’ arresti matul il-ġranet ta’ azzjoni huwa baxx. Il-Europol tikkoordina l-attivitajiet tagħha bejn il-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti u oqsma oħra ta’ kriminalità, bħall-frodi tad-dokumenti jew il-ħasil tal-flus. Madankollu, ma hemm l-ebda indikatur tal-prestazzjoni għall-attivitajiet tal-Europol fil-qasam tal-ħasil tal-flus u l-frodi tad-dokumenti (eż. l-għadd ta’ dokumenti frodulenti maqbuda jew il-valur tal-assi finanzjarji sekwestrati). Il-Europol fil-fatt stabbiliet indikatur tal-prestazzjoni dwar it-tneħħija ta’ kontenut illegali tal-internet, iżda ma rnexxilhiex tilħaq il-mira korrispondenti (ara t-Tabella 3 fl-Anness).

63

Mill-2020 ’il quddiem, il-Europol, wara li ddeċidiet li tiġbed l-attenzjoni tal-maniġment superjuri għall-indikaturi ta’ livell għoli biss, ma għadhiex tistabbilixxi miri speċifiċi għall-indikaturi tal-output. Id-dokumenti ta’ programmazzjoni ġabru flimkien l-indikaturi dwar il-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti ma’ dawk relatati ma’ attivitajiet oħra koperti taħt “kriminalità serja u organizzata” (ara t-Tabella 1 u t-Tabella 2 fl-Anness).

64

L-EMSC mhux dejjem laħaq il-miri tiegħu għall-indikaturi tal-output, u xi drabi stabbilixxa miri taħt il-livell tal-kisbiet tas-snin preċedenti (ara l-Figura 15, il-Figura 16, u l-Figura 17 fl-Anness).

Il-Europol ma tiddokumentax bis-sħiħ l-għażla tal-każijiet

65

Il-Europol stabbiliet kriterji oġġettivi biex tiddistingwi bejn każijiet ta’ appoġġ li mhumiex ta’ prijorità, każijiet ta’ prijorità u investigazzjonijiet HVT (ara l-paragrafu 52). Biex tapplika dawn il-kriterji, hija fasslet proċess ta’ prijoritizzazzjoni bi fluss tax-xogħol iddettaljat. Fil-prattika, l-ispeċjalisti u l-analisti superjuri tal-Europol jużaw il-proċess ta’ prijoritizzazzjoni bħala linja gwida ġenerali meta jiddeċiedu jekk jassenjawx status ta’ prijorità lil każ partikolari, filwaqt li jibbażaw id-deċiżjoni tagħhom fuq il-ġudizzju professjonali tagħhom, ir-riżorsi disponibbli u l-potenzjal għall-iżvilupp tal-każ. Għal dan il-għan, huma spiss iwettqu valutazzjonijiet konġunti mal-uffiċċji ta’ kollegament tal-Europol fl-Istati Membri (“uffiċċji ta’ kollegament”) u/jew investigaturi tal-ewwel linja. Billi dan il-proċess tal-għażla mhuwiex iddokumentat bis-sħiħ, aħna ma stajniex nivverifikaw jekk ġiex applikat b’mod korrett.

66

Għalkemm l-għadd kumplessiv ta’ każijiet irdoppja bejn l-2016 u l-2019, ma kien hemm l-ebda żieda fl-għadd ta’ każijiet ta’ prijorità (ara l-Figura 13). Fl-2016, il-Europol ikklassifikat 93 każ minn 2 057 bħala każijiet ta’ prijorità, filwaqt li fl-2019, iċ-ċifra korrispondenti kienet 104 minn 4 426 każ.

Figura 13

Każijiet ta’ prijorità vs każijiet totali ta’ faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti rrappurtati lill-Europol

Sors: il-QEA, ibbażat fuq data tal-Europol.

Il-Europol tikkoordina l-attivitajiet mas-sħab tagħha, iżda mhux b’mod sistematiku

67

Minbarra li tappoġġa lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, il-Europol tikkoordina l-attivitajiet tagħha ma’ sħab oħra. Dawn jinkludu aġenziji tal-UE, pajjiżi mhux tal-UE, organizzazzjonijiet internazzjonali u organizzazzjonijiet reġjonali tal-infurzar tal-liġi (ara l-Figura 14). L-intervisti tagħna mas-sħab tal-Europol, u r-risposti tagħhom għall-istħarriġ tagħna, juru li japprezzaw ir-rwol ta’ koordinazzjoni tagħha.

Figura 14

Sħab tal-Europol involuti f’attivitajiet ta’ koordinazzjoni

Sors: il-QEA.

68

Biex tqawwi l-kooperazzjoni, il-Europol tappoġġa u tipparteċipa f’għadd ta’ sħubijiet innovattivi:

  • task force konġunta ta’ kollegament (JLT) dwar il-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti: din tiġbor flimkien lill-uffiċjali ta’ kollegament issekondati għall-kwartieri ġenerali tal-Europol mill-Istati Membri u pajjiżi mhux tal-UE. L-EMSC jorganizza laqgħat regolari tal-uffiċjali ta’ kollegament tal-JLT, u l-biċċa l-kbira mir-rispondenti għall-istħarriġ tagħna qiesu li dan tejjeb il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri dwar il-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti;
  • ċentru ta’ distribuzzjoni tal-informazzjoni: dan itejjeb il-kondiviżjoni tal-informazzjoni billi jlaqqa’ flimkien sħab bħall-Frontex u l-Interpol, iżda wkoll partijiet inqas tradizzjonali bħall-missjonijiet tal-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża komuni. Iċ-ċentru ta’ distribuzzjoni tal-informazzjoni huwa maħsub biex jiddiskuti xejriet ġenerali kif ukoll każijiet speċifiċi;
  • l-uffiċċju operazzjonali konġunt fi Vjenna: dan huwa pjattaforma operazzjonali reġjonali għal investigazzjonijiet internazzjonali dwar gruppi ta’ kriminalità organizzata, li jiffaċilitaw id-dħul klandestin ta’ migranti, li joperaw tul ir-rotot tal-Balkani tal-Punent u tal-Mediterran Ċentrali. Huwa jappoġġa l-kooperazzjoni transfruntiera tal-pulizija u jinvolvi investigaturi internazzjonali fl-operazzjonijiet.
69

Madankollu, il-Europol ma għandha l-ebda kooperazzjoni strutturata ma’ pjattaformi ta’ koordinazzjoni Ewropej oħra involuti fil-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti, bħaċ-Ċentru tal-Infurzar tal-Liġi tax-Xlokk tal-Ewropa, il-Kooperazzjoni tal-Pulizija għax-Xlokk tal-Ewropa jew il-Ġlieda Integrata Kontra l-Kriminalità Organizzata fir-Reġjun tal-Baħar Baltiku.

70

Il-Europol lanqas ma għandha arranġamenti ta’ ħidma ma’ pjattaformi reġjonali ta’ kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi barra mill-Ewropa, bħall-ASEANAPOL, l-AMERIPOL u l-AFRIPOL.

71

Fl-aħħar nett, l-istħarriġ u l-intervisti tagħna ma’ rappreżentanti minn pajjiżi sħab mhux tal-UE juru li l-Europol tinvolvihom fl-attivitajiet tagħha, għalkemm mhux dejjem b’mod sistematiku. Fir-risposta tagħhom għall-istħarriġ tagħna, xi partijiet terzi esprimew ix-xewqa għal involviment aktar intensiv f’attivitajiet operazzjonali mal-Europol. Madankollu, tali involviment jiddependi mhux biss mill-Europol waħedha, iżda wkoll mir-rieda tal-Istat Membru li jkun qed imexxi l-investigazzjoni kkonċernata.


Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

72

Aħna eżaminajna l-appoġġ tal-Europol għall-Istati Membri fil-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti. B’mod ġenerali, aħna nikkonkludu li l-Europol hija sieħeb apprezzat u hub importanti għall-iskambju ta’ informazzjoni. Madankollu, hija tiffaċċja sfidi kontinwi biex tagħmel użu sħiħ mis-sorsi esterni ta’ informazzjoni, u r-riżultati tal-appoġġ tagħha ma jitkejlux b'mod sistematiku u għalhekk huma diffiċli biex jintwerew.

73

Aħna vvalutajna r-rwol tal-Europol bħala l-hub Ewropew għall-iskambju ta’ informazzjoni dwar il-kriminalità. Sibna li l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u partijiet terzi attivament ipprovdew informazzjoni lill-Europol, għalkemm il-livell ta’ involviment varja minn sieħeb għal ieħor. L-iskambju ta’ informazzjoni kiber kontinwament bejn l-2016 u l-2019 (il-paragrafu 23).

74

Minkejja din ix-xejra pożittiva, aħna sibna problemi li jaffettwaw il-kompletezza tal-informazzjoni miksuba mill-Europol. Il-biċċa l-kbira minn dawn il-problemi mhumiex speċifiċi għall-qasam tal-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti, u huma barra mill-kontroll tal-Europol. Dawk prinċipali huma: (i) livelli differenti ta’ attività fost l-Istati Membri fl-għoti ta’ informazzjoni lill-bażijiet ta’ data tal-Europol; (ii) il-problemi li ġew esperjenzati fit-tnedija ta’ negozjati bilaterali għall-konklużjoni ta' ftehimiet internazzjonali ma’ pajjiżi prijoritarji mhux tal-UE fil-livell tal-UE; u (iii) l-inabbiltà tal-Europol li tiġbor u tanalizza direttament informazzjoni minn partijiet privati biex twettaq il-kompiti tagħha (il-paragrafi 24 sa 32).

75

Bħala l-hub Ewropew ta’ informazzjoni kriminali, il-Europol jeħtieġ li jkollha aċċess għall-bażijiet ta’ data rilevanti kollha. Madankollu, mhux is-sorsi ta’ data rilevanti kollha huma attwalment disponibbli għall-Europol, jew ma jintużawx daqs kemm jistgħu (il-paragrafi 33 sa 39).

Rakkomandazzjoni 1 — Isir użu mis-sorsi rilevanti kollha ta’ informazzjoni

Sabiex id-data fil-hub ta’ informazzjoni tagħha tkun aktar kompleta, jenħtieġ li l-Europol:

  1. tuża l-uffiċċju SIRENE tagħha stabbilit reċentement u l-bażijiet ta’ data tal-PNR/API u l-EURODAC biex tikseb informazzjoni rilevanti skont il-kundizzjonijiet speċifiċi stabbiliti mill-oqfsa legali rispettivi;
  2. tistabbilixxi aċċess għall-bażi ta’ data tal-VIS għal skopijiet ta’ analiżi;
  3. tappoġġa lill-Kummissjoni fit-tħejjija ta’ proposti leġislattivi biex tagħti lill-aġenzija aċċess għal sorsi ta’ data rilevanti oħra, bħall-Prüm u kategoriji addizzjonali ta’ informazzjoni disponibbli permezz tal-oqfsa tas-SIS.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: Ġunju 2022

76

B’mod ġenerali, l-istħarriġ tagħna juri li l-Istati Membri u l-pajjiżi mhux tal-UE japprezzaw l-informazzjoni li hija tipprovdi. Madankollu, għadha ma nkisbitx interoperabbiltà sħiħa bejn il-bażijiet ta’ data tal-Europol u tal-Istati Membri, u b’hekk l-iskambju ta’ data huwa inqas effiċjenti. Il-Europol bdiet il-proġett “Querying Europol Systems” (QUEST), li jippermetti lill-Istati Membri jaċċessaw is-Sistema ta’ Informazzjoni tal-Europol mis-sistemi nazzjonali tagħhom. Il-proġett huwa mistenni li jiġi kkompletat sa tmiem Ġunju 2021. Fl-2020, tnieda proġett QUEST+ ġdid. Dan se jippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali jfittxu fis-Sistema ta’ Analiżi tal-Europol mis-sistemi nazzjonali tagħhom. Hija ppjanata fażi pilota għall-2021, b’massimu ta’ sitt Stati Membri (il-paragrafi 40 sa 43).

77

Aħna sibna wkoll problemi relatati mal-iskambju ta’ data ma’ aġenziji oħra tal-UE. Waħda mill-partijiet ikkonċernati prinċipali fil-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti hija l-Frontex, li tipprovdi lill-Europol data operazzjonali. Madankollu, il-Europol ma tistax tikkondividi data personali bi tpattija, billi sal-lum il-Frontex ma tistax, għal raġunijiet legali, tirċievi data personali operazzjonali. Barra minn hekk, għalkemm ir-Regolament tal-Europol tal-2016 jipprevedi aċċess indirett reċiproku għall-bażi ta’ data bejn il-Europol u l-Eurojust, il-progress fl-istabbiliment ta’ tali aċċess kien kajman. Sal-lum, il-Europol ma użatx kapaċitajiet tal-IT innovattivi, bħall-estrazzjoni tad-data jew l-intelliġenza artifiċjali, fin-negozju ewlieni tagħha, inkluż fir-rigward tal-qasam tal-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti. It-tiġdid ippjanat tal-infrastruttura kumplessiva tal-IT tagħha jipprovdi opportunità biex dan isir (il-paragrafi 44 sa 48).

Rakkomandazzjoni 2 – Jissaħħaħ l-iskambju ta’ data bejn il-Europol u s-sħab tagħha

Jenħtieġ li l-Europol, flimkien mal-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar tal-liġi u l-aġenziji rilevanti tal-UE, ittejjeb l-iskambju tad-data billi:

  1. iżżid l-interoperabbiltà bejn il-bażijiet ta’ data kriminali nazzjonali u tagħha stess permezz tal-ikkompletar f'waqtu tal-proġetti QUEST u QUEST+;
  2. issaħħaħ il-kooperazzjoni mal-Frontex permezz tal-iskambju reċiproku ta’ data, u mal-Eurojust permezz ta’ aċċess indirett għall-bażi ta’ data;
  3. tuża kapaċitajiet innovattivi tal-IT għall-ipproċessar u l-iskambju tad-data mas-sħab tagħha.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: Ġunju 2022

78

L-Istati Membri u l-pajjiżi sħab mhux tal-UE japprezzaw l-appoġġ strateġiku u operazzjonali li hija tipprovdi. L-appoġġ strateġiku tagħha jikkonsisti f’rapporti ad hoc u regolari. L-appoġġ operazzjonali tagħha jista’ jieħu l-forma ta’ analiżi tal-intelligence kriminali jew ta’ interventi fuq il-post, b’fokus fuq każijiet li jinvolvu kriminali li jkunu ġew identifikati bħala miri ta’ valur għoli (il-paragrafi 50 sa 53).

79

Ir-riżultati tal-appoġġ tal-Europol huma diffiċli biex jiġu vverifikati, billi l-Europol ma tistax tkejjilhom b’mod komprensiv. L-indikatur dwar l-għadd ta’ arresti jikkonċerna arresti minn jiem ta’ azzjoni biss u ma hemm l-ebda indikatur għal riżultati oħra, bħall-assi sekwestrati. Dan għaliex ma hemm l-ebda proċedura sistematika għall-Istati Membri biex jirrappurtaw data dwar ir-riżultati miksuba bl-appoġġ tal-EMSC. Għaldaqstant, l-EMSC ma jinkludix l-għadd ta’ arresti fir-rapporti annwali pubbliċi tiegħu (il-paragrafi 54 sa 62).

80

Il-Europol ma għandhiex indikaturi tal-prestazzjoni għall-isforzi tagħha fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-frodi tad-dokumenti, li huma marbuta wkoll mal-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti (il-paragrafu 62). Sal-2019, id-dokumenti ta’ programmazzjoni ppubblikati mill-Europol irrappurtaw dwar miri għal indikaturi tal-prestazzjoni marbuta speċifikament mal-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti. Madankollu, mill-2020 ’il quddiem, il-miri huma miġbura flimkien għall-kriminalità organizzata serja fl-intier tagħha fir-rappurtar estern. Għalhekk, l-indikaturi tal-prestazzjoni rilevanti huma disponibbli fi ħdan l-organizzazzjoni biss (il-paragrafi 6364).

Rakkomandazzjoni 3 – Jittejjeb il-monitoraġġ tal-prestazzjoni u r-rappurtar għall-attivitajiet taċ-Ċentru Ewropew kontra l-Faċilitazzjoni ta’ Dħul Klandestin ta’ Migranti

Sabiex ittejjeb il-monitoraġġ u r-rappurtar tal-prestazzjoni għall-attivitajiet tal-EMSC, jenħtieġ li l-Europol:

  1. titlob lill-Istati Membri u lis-sħab mhux tal-UE biex jirrappurtaw lill-aġenzija dwar ir-riżultati li jkunu kisbu bl-appoġġ tagħha għal każijiet ta’ prijorità fil-qasam tal-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti;
  2. tistabbilixxi indikaturi ddedikati għall-isforzi tagħha biex tiġġieled kontra l-frodi tad-dokumenti u l-ħasil tal-flus;
  3. tippubblika fir-rapporti pubbliċi annwali tagħha data annwali konsolidata dwar ir-riżultati tal-appoġġ tagħha għall-Istati Membri u s-sħab mhux tal-UE fil-qasam tal-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti;
  4. tintroduċi mill-ġdid fid-dokumenti ta’ programmazzjoni tagħha indikaturi tal-prestazzjoni magħżula u miri annwali għall-EMSC.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: l-ewwel trimestru tal-2022

81

Proċess għall-prijoritizzazzjoni tal-każijiet ibbażat fuq kriterji xierqa jgħin lill-Europol biex talloka r-riżorsi fejn dawn huma l-aktar meħtieġa. Dan il-proċess huwa parzjalment ibbażat fuq il-ġudizzju professjonali tal-persunal espert involut, iżda mhuwiex iddokumentat bis-sħiħ. Għalhekk ma hemmx biżżejjed evidenza biex jintwera li l-Europol talloka r-riżorsi tagħha għall-każijiet li l-aktar jeħtiġuhom (il-paragrafi 6566).

82

Il-Europol tikkoordina l-attivitajiet tagħha ma’ partijiet ikkonċernati oħra, iżda mhux dejjem b’mod sistematiku. Għal dan il-għan, hija żviluppat sħubijiet innovattivi ma’ raggruppamenti Ewropej, li jippermettu skambju rapidu ta’ informazzjoni u kooperazzjoni intensa. Il-Europol qed tistinka wkoll biex tikkonkludi ftehimiet ta’ ħidma ma’ organizzazzjonijiet reġjonali tal-infurzar tal-liġi. Madankollu, il-Europol ma għandha l-ebda kooperazzjoni strutturata ma’ oqfsa ta’ kooperazzjoni Ewropej oħra involuti fil-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti (il-paragrafi 67 sa 71).

Rakkomandazzjoni 4 – Il-proċess ta’ prijoritizzazzjoni tal-każ isir aktar trasparenti

Sabiex tagħti prova li hija tagħżel l-aktar każijiet rilevanti, jenħtieġ li l-Europol:

  1. iżżomm evidenza li hija tapplika b’mod sistematiku u konsistenti l-kriterji ta’ prijoritizzazzjoni biex tikkategorizza l-każijiet kollha li jidħlu;
  2. iżżomm rekord tal-punteġġ għall-każijiet kollha eżaminati matul il-proċess ta’ prijoritizzazzjoni.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: tmiem l-2021

Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla III, immexxija mis-Sinjura Bettina Jakobsen, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fit-13 ta’ Lulju 2021.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Klaus-Heiner Lehne
Il-President

Anness

Anness – Rappurtar tal-Europol u indikaturi tal-prestazzjoni fil-qasam tal-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti

Fl-2019, il-Europol ipproduċiet ir-rapporti li ġejjin li jinkludu informazzjoni dwar l-attivitajiet tagħha kontra l-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti:

  • Id-Dokument ta’ Programmazzjoni tal-Europol, meħtieġ mill-Artikolu 16(5)(d) tar-Regolament tal-Europol, li jinkludi objettivi ta’ tliet snin u l-programm ta’ ħidma annwali.
  • Ir-rapport annwali tal-attività konsolidat tal-Europol, meħtieġ mill-Artikolu 16(5)(g) tar-Regolament tal-Europol, li jinkludi informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-programm ta’ ħidma annwali tagħha.
  • Ir-rapport annwali tal-attività tal-EMSC, li jipprovdi informazzjoni lill-pubbliku dwar l-attivitajiet tal-EMSC. Dan ir-rapport jipprovdi sett separat ta’ indikaturi għall-“immigrazzjoni illegali ffaċilitata” (il-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti) u għat-“traffikar tal-bnedmin”.
  • Ir-Rapport taċ-Ċentru Ewropew kontra l-Faċilitazzjoni ta’ Dħul Klandestin dwar l-Immigrazzjoni Illegali, rapport mhux pubbliku ta’ kull xahrejn mibgħut lill-Kummissjoni, li jipprovdi informazzjoni dwar l-attivitajiet tal-EMSC. Dan jinkludi 41 indikatur ewlieni tal-prestazzjoni (KPIs), miġbura flimkien f’7 kategoriji26, biex titkejjel il-prestazzjoni fl-oqsma tan-negozju ewlieni tal-EMSC.
  • Il-kontribuzzjoni tal-EMSC/AP Migrant Smuggling għar-rapport ta’ monitoraġġ trimestrali tal-OD tal-Europol, dokument intern mibgħut lid-Direttorat tal-Operazzjonijiet tal-Europol, fil-livell korporattiv. Ir-rapport jipprovdi statistika dwar sitt indikaturi magħżula u jispjega xejriet fl-attivitajiet.
  • Ir-rapport “Europol in brief”, li jipprovdi sommarju ta’ informazzjoni u ċifri dwar l-attivitajiet tal-Europol lill-pubbliku.

Tabella 1

Indikaturi għall-2020 tal-Europol għall-ġlieda kontra l-kriminalità serja u organizzata

INDIKATURI

MIRA GĦALL-2020
Għadd ta’ każijiet fejn jiġu identifikati miri ta’ valur għoli 10
Għadd ta’ task forces operazzjonali stabbiliti 5
Rapporti operazzjonali kkonsenjati relatati mal-Kriminalità Organizzata Serja (SOC) 3 000
Operazzjonijiet appoġġati relatati mas-SOC 370
Sodisfazzjon bl-appoġġ operazzjonali u l-analiżi fil-qasam tas-SOC 8

Sors: id-dokument ta’ programmazzjoni tal-Europol għall-perjodu 2020-2022, il-paġna 49.

Tabella 2

Il-miri tal-Europol għall-perjodu 2016-2019

INDIKATURI TAL-PRESTAZZJONI KORPORATTIVA 2016 2017 2018 2019
Messaġġi SIENA skambjati li huma relatati mal-migrazzjoni irregolari 15 447 22 650 20 000 L-ebda mira*
Għadd ta’ operazzjonijiet appoġġati mill-EMSC (AP Migrant Smuggling u AP Phoenix) mhux applikabbli mhux applikabbli 130 130
Appoġġ fuq il-post skjerat relatat mal-EMSC (jiem ġewwa u barra l-UE) 1 595 1 400 1 800 700
Volum ta’ kontenut ivvalutat mill-Unità ta’ Indikazzjoni ta’ Kontenut fuq l-Internet (IRU) relatat mal-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti mhux applikabbli 1 000 1 000 900
Perċentwal ta’ deċiżjonijiet għal riferiment mill-IRU relatati mal-migrazzjoni irregolari mhux applikabbli 75 % 90 % mhux applikabbli
Perċentwal ta’ riferimenti b’suċċess mill-IRU relatati mal-migrazzjoni irregolari 80 % 85 % 75 %

*Il-Europol tqis li ma għadux meħtieġ li tiġi stabbilita mira għall-messaġġi SIENA mill-2019 ’il quddiem billi l-iskambju ta’ informazzjoni hija stabbilita sew; l-indikatur tneħħa mill-programm ta’ ħidma.

Sors: ir-Rapport Annwali tal-Attività konsolidat 2016 tal-Europol u d-dokumenti ta’ programmazzjoni għall-perjodi 2017-2019, 2018-2020 u 2019-2021.

Tabella 3

Riżultati tal-IRU għall-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti

Tmiem l-2016 Tmiem l-2017 Tmiem l-2018 Tmiem l-2019
Elementi ta’ kontenut ivvalutati mill-Europol 172 693 805 831
Mira għal elementi ta’ kontenut - 1 000 1 000 900
% ta’ riferimenti b’suċċess mill-IRU 88 % 78 % 98 % -
Mira f’% ta’ riferimenti b’suċċess - 80 % 85 % 75 %

N.B.: Għall-2019 l-ebda data ma hija disponibbli minħabba problema teknika bil-pjattaforma tal-Ġestjoni tal-Indikazzjoni ta’ Kontenut fuq l-Internet (IRMA).

Sors: il-Europol.

Figura 15

Messaġġi SIENA skambjati li huma relatati mal-migrazzjoni irregolari

Sors: il-programmi ta’ ħidma tal-Europol u r-rapporti annwali tal-attività konsolidati.

Figura 16

Għadd ta’ operazzjonijiet appoġġati mill-EMSC

N.B.: Ma ġiet stabbilita l-ebda mira għall-2016 u l-2017.

Sors: il-programmi ta’ ħidma tal-Europol u r-rapporti annwali tal-attività konsolidati.

Figura 17

Appoġġ fuq il-post skjerat mill-EMSC (jiem)

Sors: il-programmi ta’ ħidma tal-Europol u r-rapporti annwali tal-attività konsolidati.


Akronimi u abbrevjazzjonijiet

AFRIPOL: Mekkaniżmu tal-Unjoni Afrikana għall-Kooperazzjoni tal-Pulizija

AMERIPOL: Il-Komunità tal-Pulizija tal-Ameriki

AP: Proġett ta’ analiżi

API: Informazzjoni Antiċipata dwar il-Passiġġieri

ASEANAPOL: Kapijiet tal-Pulizija Nazzjonali tal-ASEAN

EAS: Sistema ta’ Analiżi tal-Europol

EIS: Sistema ta’ Informazzjoni tal-Europol

EMSC: Iċ-Ċentru Ewropew kontra l-Faċilitazzjoni ta’ Dħul Klandestin ta’ Migranti

EMPACT: Pjattaforma Multidixxiplinari Ewropea kontra t-Theddid Kriminali

EURODAC: Dattiloskopija Ewropea

Il-EUROJUST: L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali

EUROPOL: L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi

FRONTEX: L-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta

HVT: Mira ta’ valur għoli

IRU: Unità ta' Indikazzjoni ta' Kontenut fuq l-Internet

JLT: Task Force Konġunta ta’ Kollegament — Faċilitazzjoni ta’ Dħul Klandestin ta’ Migranti

LEA ta’ SM: Awtoritajiet tal-Infurzar tal-Liġi tal-Istati Membri

PNR: Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri

QUEST: Tfittxijiet fis-Sistemi tal-Europol

SIENA: Applikazzjoni ta' Network għall-Iskambju Sikur ta' Informazzjoni

SIRENE: Talba għal Informazzjoni Supplimentari fid-Dħul Nazzjonali

SISII: Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen

VIS: Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża

Glossarju

Applikazzjoni ta' Network għall-Iskambju Sikur ta' Informazzjoni: Kanal għall-komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri tal-UE u ta’ partijiet terzi, bl-involviment tal-Europol jew mingħajru.

Ċentru Ewropew kontra l-Faċilitazzjoni ta’ Dħul Klandestin ta’ Migranti: Unità fi ħdan il-Europol li tittratta l-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti u t-traffikar tal-bnedmin.

Il-Europol: L-Aġenzija tal-UE li tappoġġa lill-Istati Membri fil-prevenzjoni u l-investigazzjoni tat-terroriżmu, iċ-ċiberkriminalità u forom oħra ta’ kriminalità organizzata li jaffettwaw żewġ Stati Membri jew aktar.

Jum ta’ azzjoni: Operazzjoni konġunta kkoordinata mill-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar tal-liġi fl-UE, appoġġata mill-Europol, kontra l-kriminalità organizzata transfruntiera.

Mira ta’ valur għoli: Mira ta’ valur għoli hija ddefinita bħala persuna suspettata li ppjanat, ippreparat jew wettqet wieħed jew aktar reati ddefiniti fl-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Europol matul is-sena li għaddiet, u għalhekk tikkostitwixxi riskju għoli ta’ kriminalità serja u organizzata għal żewġ Stati Membri jew aktar tal-UE.

Pjattaforma multidixxiplinari Ewropea kontra t-theddid kriminali: Struttura ad hoc għall-indirizzar tat-theddid prinċipali li tiffaċċja l-UE mill-kriminalità internazzjonali organizzata u serja, li tlaqqa’ flimkien l-Istati Membri, l-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-UE, u sħab internazzjonali pubbliċi u privati oħra.

Proġett ta’ analiżi: Pjattaforma fejn l-analiżi operazzjonali tista’ titmexxa biex tappoġġa l-investigazzjonijiet kriminali internazzjonali u l-operazzjonijiet ta’ intelligence kriminali.

Sistema Prüm: Il-grupp ta’ Stati Membri firmatarji għall-Konvenzjoni tal-2005 dwar it-titjib tal-kooperazzjoni transfruntiera, b’mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-kriminalità transfruntiera u l-migrazzjoni illegali.

Sistema ta’ Analiżi tal-Europol: Sistema ta’ informazzjoni sikura, aċċessibbli biss għall-persunal tal-Europol, għall-ħżin u l-ipproċessar ta’ informazzjoni operazzjonali kkontribwita mill-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar tal-liġi u s-sħab l-oħra tal-Europol.

Sistema ta’ Informazzjoni tal-Europol: Bażi ta’ data dwar persuni suspettati jew misjuba ħatja ta’ reat skont il-liġi ta’ Stat Membru jew f’qasam ta’ kriminalità li għalih hija kompetenti l-Europol, użata mill-Europol u mill-Istati Membri.

Risposti tal-Europol, tal-Kummissjoni u tas-SEAE, tal-Frontex u tal-Eurojust

Risposti tal-Europol

https://www.eca.europa.eu/mt/Pages/DocItem.aspx?did=59363  

Risposti tal-Kummissjoni u tas-SEAE

https://www.eca.europa.eu/mt/Pages/DocItem.aspx?did=59363  

Risposti tal-Frontex

https://www.eca.europa.eu/mt/Pages/DocItem.aspx?did=59363  

Risposti tal-Eurojust

https://www.eca.europa.eu/mt/Pages/DocItem.aspx?did=59363  

Noti finali

1 Europol (2017), European Union serious and organised crime threat assessment.

2 Konklużjonijiet tal-Kunsill li jistabbilixxu l-prijoritajiet tal-UE għall-ġlieda kontra l-kriminalità internazzjonali organizzata u serja bejn l-2018 u l-2021 – Konklużjonijiet tal-Kunsill (18 ta’ Mejju 2017)

3 “Smuggling of Migrants”, United Nations Office on Drugs and Crime, 2011.

4 Il-Kummissjoni Ewropea: Skeda Informattiva “L-UE u l-Kriżi tal-Migrazzjoni”, 2017.

5 European Migrant Smuggling Centre, 4th Annual Report, 2020.

6 Europol (2017), European Union serious and organised crime threat assessment, p. 50.

7 Id-Direttorat Ġenerali għall-Migrazzjoni u l-Affarijiet Interni (DĠ HOME), id-Direttorat Ġenerali għall-Ġustizzja u l-Konsumaturi (DĠ JUST), id-Direttorat Ġenerali għas-Sħubijiet Internazzjonali (DĠ INTPA), id-Direttorat Ġenerali għall-Viċinat u n-Negozjati għat-Tkabbir (DĠ NEAR).

8 Id-Direttiva tal-Kunsill tat-28 ta’ Novembru 2002 li tiddefinixxi l-iffaċilitar ta’ dħul, transitu u residenza mhux awtorizzati, ĠU L 328.

9 L-Artikolu 1 tad-Direttiva ta’ Faċilitazzjoni.

10 European Parliament study: Fit for purpose? The Facilitation Directive and the criminalization of humanitarian assistance to irregular migrants: 2018 update.

11 Ir-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol).

12 Sentenza fil-Kawża C-311/18 Data Protection Commissioner v Facebook Ireland Ltd u Maximillian Schrems, mogħtija fis-16 ta’ Lulju 2020, b’mod partikolari l-paragrafi 104-108.

13 L-eċċezzjonijiet huma previsti fl-Artikolu 25 tar-Regolament dwar il-Europol.

14 F’konformità mal-Artikolu 26(2) tar-Regolament dwar il-Europol.

15 L-Artikolu 26, COM(2020) 796 final tad-9.12.2020.

16 L-Artikolu 48(8) tar-Regolament (UE) 2018/1862 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS) fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali.

17 L-Artikolu 15 tar-Regolament EURODAC jippermetti lill-Europol tfittex fis-sistema EURODAC "biss jekk it-tqabbil ma' data dwar marki tas-swaba’ maħżuna fi kwalunkwe sistema ta' pproċessar ta' informazzjoni li tkun teknikament u legalment aċċessibbli mill-Europol ma jkunx wassal sabiex tiġi stabbilita l-identità tas-suġġett tad-data".

18 Ir-Regolament (UE) 2019/818 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 dwar l-istabbiliment ta' qafas għall-interoperabbiltà bejn sistemi ta' informazzjoni tal-UE fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja, l-ażil u l-migrazzjoni.

19 L-Artikolu 90 tar-Regolament (UE) 2019/1896 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-13 ta’ Novembru 2019 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1052/2013 u (UE) 2016/1624.

20 L-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2009/371/ĠAI, 2009/934/ĠAI, 2009/935/ĠAI, 2009/936/ĠAI u 2009/968/ĠAI.

21 L-Artikoli 10 sa 14 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/371/ĠAI.

22 L-Artikoli 18 u 19 tar-Regolament dwar il-Europol.

23 https://www.europol.europa.eu/socta-report

24 https://www.europol.europa.eu/migrant-smuggling-use-of-small-boats-to-cross-english-channel-0

25 Ir-rapport annwali konsolidat tal-attività tal-Europol, il-paġna 22.

26 Data dwar l-ipproċessar ta’ skambju ta’ informazzjoni, it-Tim tal-Operazzjoni Konġunta MARE, analiżi operazzjonali, laqgħat operazzjonali, jiem ta’ azzjoni, skjerament/appoġġ fuq il-post, laqgħat strateġiċi u tematiċi.

Tim tal-awditjar

Ir-rapporti speċjali tal-QEA jippreżentaw ir-riżultati tal-awditi li twettaq ta’ politiki u ta’ programmi tal-UE, jew ta’ suġġetti relatati mal-ġestjoni minn oqsma baġitarji speċifiċi. Il-QEA tagħżel u tfassal dawn il-kompiti tal-awditjar biex timmassimizza l-impatt tagħhom billi tqis ir-riskji għall-prestazzjoni jew għall-konformità, il-livell ta’ introjtu jew ta’ nfiq involut, l-iżviluppi li għad iridu jseħħu u l-interess politiku u pubbliku.

Dan l-awditu tal-prestazzjoni twettaq mill-Awla III tal-Awditjar, Azzjoni Esterna, Sigurtà u Ġustizzja, li hija mmexxija minn Bettina Jakobsen, Membru tal-QEA. L-awditu tmexxa minn Bettina Jakobsen, Membru tal-QEA, li ngħatat appoġġ minn Katja Mattfolk, Kap tal-Kabinett u Paolo Rexha, Attaché tal-Kabinett; Sabine Hiernaux-Fritsch, Maniġer Prinċipali; Piotr Senator u Roberto Ruiz Ruiz, Kapijiet tal-Kompitu; Andrej Minarovic u Erik Kotlarik, Awdituri. Michael Pyper ipprovda appoġġ lingwistiku.

Kuntatt

IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI
12, rue Alcide De Gasperi
1615 Luxembourg
LUXEMBOURG

Tel. +352 4398-1
Mistoqsijiet: eca.europa.eu/mt/Pages/ContactForm.aspx
Sit web: eca.europa.eu
Twitter: @EUAuditors

Ħafna informazzjoni addizzjonali dwar l-Unjoni Ewropea hija disponibbli fuq l-Internet.
Jista’ jsir aċċess għaliha permezz tas-server Europa (http://europa.eu).

Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2021

PDF ISBN 978-92-847-6542-3 ISSN 1977-5741 doi:10.2865/28725 QJ-AB-21-019-MT-N
HTML ISBN 978-92-847-6557-7 ISSN 1977-5741 doi:10.2865/30373 QJ-AB-21-019-MT-Q

DRITTIJIET TAL-AWTUR

© L-Unjoni Ewropea, 2021.

Il-politika tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) dwar l-użu mill-ġdid hija implimentata bid-Deċiżjoni Nru 6-2019 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar il-politika tad-data miftuħa u l-użu mill-ġdid ta’ dokumenti.

Sakemm ma jkunx indikat mod ieħor (eż. f’avviżi individwali dwar id-drittijiet tal-awtur), il-kontenut tad-dokumenti tal-QEA, li huwa proprjetà tal-UE, huwa liċenzjat taħt il-liċenzja Creative Commons Attribution 4.0 International (CC BY 4.0). Dan ifisser li l-użu mill-ġdid huwa awtorizzat, dment li l-awturi jingħataw kreditu xieraq u li l-bidliet jiġu indikati. Il-persuni li jużaw mill-ġdid dan il-kontenut ma jistgħux ibiddlu s-sinifikat jew il-messaġġ oriġinali tad-dokumenti. Il-QEA ma għandhiex tkun responsabbli għal kwalunkwe konsegwenza relatata mal-użu mill-ġdid.

Inti meħtieġ tikseb drittijiet addizzjonali ċari jekk kontenut speċifiku juri individwi privati identifikabbli, eż. f’ritratti li jkun fihom il-membri tal-persunal tal-QEA, jew jekk ikun jinkludi xogħlijiet ta’ parti terza. Fejn ikun inkiseb permess, tali permess għandu jikkanċella u jissostitwixxi l-permess ġenerali msemmi hawn fuq u għandu jindika b’mod ċar kwalunkwe restrizzjoni dwar l-użu.

Biex tuża jew tirriproduċi kontenut li ma jkunx proprjetà tal-UE, inti jista’ jkun li jkollok titlob il-permess direttament mingħand id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur.

Software jew dokumenti li jkunu koperti mid-drittijiet ta’ proprjetà industrijali, bħal privattivi, trademarks, disinji rreġistrati, logos u ismijiet, huma esklużi mill-politika tal-QEA dwar l-użu mill-ġdid u inti ma għandekx il-liċenzja biex tużahom.

Il-familja ta’ Siti Web istituzzjonali tal-Unjoni Ewropea, fi ħdan id-dominju europa.eu, tipprovdi links għal siti ta’ partijiet terzi. Peress li l-QEA ma għandha l-ebda kontroll fuqhom, inti mħeġġeġ biex tirrieżamina l-politiki tagħhom dwar il-privatezza u dwar id-drittijiet tal-awtur.

Użu tal-logo tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri

Ma jistax isir użu mil-logo tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri mingħajr ma jinkiseb il-kunsens tagħha minn qabel.

Kif tikkuntattja lill-UE

Personalment
Madwar l-Unjoni Ewropea kollha hemm mijiet ta’ ċentri ta’ informazzjoni tal-Europe Direct. Tista’ ssib l-indirizz tal-eqreb ċentru għalik f'dan is-sit: https://europa.eu/european-union/contact_mt

Bit-telefown jew bil-posta elettronika
Europe Direct huwa servizz li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar l-Unjoni Ewropea. Tista’ tikkuntattja dan is-servizz:

  • bit-telefown bla ħlas: 00 800 6 7 8 9 10 11 (ċerti operaturi jafu jimponu ħlas għal dawn it-telefonati),
  • fuq dan in-numru standard: +32 22999696, jew
  • bil-posta elettronika permezz: https://europa.eu/european-union/contact_mt

Kif issib tagħrif dwar l-UE

Onlajn
L-informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE hija disponibbli fuq is-sit web Europa fuq: https://europa.eu/european-union/index_mt

Pubblikazzjonijiet tal-UE
Tista’ tniżżel mill-internet jew tordna l-pubblikazzjonijiet tal-UE, li xi wħud minnhom huma bla ħlas u xi oħrajn bil-ħlas, minn: https://op.europa.eu/mt/publications. Kopji multipli ta’ pubblikazzjonijiet bla ħlas tista’ tiksibhom billi tikkuntattja lil Europe Direct jew liċ-ċentru tal-informazzjoni lokali tiegħek (ara https://europa.eu/european-union/contact_mt).

Il-liġi tal-UE u dokumenti relatati
Għal aċċess għall-informazzjoni legali tal-UE, inkluż il-liġijiet kollha tal-UE mill-1951 ’l hawn, fil-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali kollha, żur is-sit EUR-Lex hawnhekk: http://eur-lex.europa.eu

Dejta Miftuħa mill-UE
Il-portal tad-Dejta Miftuħa mill-UE (https://copenhagenizeindex.eu/) jipprovdi aċċess għal settijiet tad-dejta mill-UE. Id-dejta tista’ titniżżel mill-internet u tintuża mill-ġdid bla ħlas, kemm għal skopijiet kummerċjali kif ukoll mhux kummerċjali.