
Tisħiħ tal-kapaċità tal-forzi tas-sigurtà interna fin-Niġer u l-Mali: il-progress huwa limitat u miexi bil-mod
Dwar ir-rapport In-Niġer u l-Mali huma stati fl-Afrika tal-Punent li jinsabu f’sitwazzjoni fraġli, li s-sigurtà tagħhom tinsab mhedda mill-preżenza ta’ gruppi terroristiċi, fruntieri mhux sikuri u migrazzjoni irregolari. Sabiex tkun tista’ tirreaġixxi għal dan it-theddid, l-UE stabbiliet Missjonijiet tal-PSDK, fl-2012 u fl-2014 rispettivament, biex issaħħaħ il-kapaċità tal-forzi tas-sigurtà interna billi tipprovdi taħriġ, pariri u tagħmir. Bejn l-2012 u l-2017, l-UE allokat EUR 69 455 000 għall-Missjoni EUCAP Sahel Niger u bejn l-2014 u l-2017 hija allokat EUR 66 475 000 għall-Missjoni EUCAP Sahel Mali. Aħna kkonkludejna li l-Missjonijiet kellhom xi suċċess iżda li l-progress mexa bil-mod. Dan kien dovut għall-kuntest diffiċli li fih kellhom jaħdmu l-Missjonijiet, iżda wkoll minħabba diffikultajiet operazzjonali. Aħna nagħmlu għadd ta’ rakkomandazzjonijiet għat-titjib tal-effiċjenza operazzjonali, is-sostenibbiltà u l-monitoraġġ.
Sommarju eżekuttiv
IIn-nuqqas ta’ sigurtà fir-reġjun tas-Saħel fl-Afrika tal-Punent għandu impatt negattiv kemm fuq l-iżvilupp tal-pajjiżi tiegħu, kif ukoll fuq l-interessi tal-Unjoni Ewropea (UE). Il-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni (PSDK) hija strument tal-UE maħsub biex jindirizza l-isfidi li jirriżultaw mill-kunflitti armati, l-instabbiltà politika, it-terroriżmu, il-kriminalità organizzata u l-migrazzjoni illegali. Taħt il-PSDK, l-UE tmexxi Missjonijiet ċivili fin-Niġer u fil-Mali li jipprovdu taħriġ, pariri u tagħmir sabiex tissaħħaħ il-kapaċità tal-forzi nazzjonali responsabbli għas-sigurtà interna.
IIIs-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) stabbilixxa Missjonijiet tal-UE għat-Tisħiħ tal-Kapaċità (EUCAP Sahel) fin-Niġer (2012) u fil-Mali (2014) f’isem l-Istati Membri tal-UE u jippjana u jiġġestixxi l-operazzjonijiet tagħhom, filwaqt li l-Kummissjoni timmaniġġja l-baġits tagħhom, iffinanzjati mill-UE (EUR 69.46 miljun għan-Niġer għall-perjodu mill-2012 sal-2017 u EUR 66.48 miljun għall-Mali għall-perjodu mill-2014 sal-2017). Kull Missjoni għandha l-Kap tal-Missjoni tagħha stess, li huwa responsabbli għall-operazzjonijiet fil-pajjiż ikkonċernat. Aktar minn nofs il-persunal assenjat għall-Missjonijiet ġie ssekondat u mħallas mill-Istati Membri tal-UE. Il-bqija tal-persunal jitħallas mill-baġits tal-Missjonijiet.
IIIAħna eżaminajna kif il-Missjonijiet EUCAP Sahel ġew stabbiliti u mmaniġġjati, kif operaw, u jekk kellhomx suċċess fit-tisħiħ tal-kapaċità tal-forzi responsabbli għas-sigurtà interna fin-Niġer u l-Mali. Intervistajna l-persunal tas-SEAE, tal-Kummissjoni, taż-żewġ Missjonijiet EUCAP Sahel, tal-awtoritajiet nazzjonali u tal-forzi tas-sigurtà interna (FSI) fin-Niġer u fil-Mali, kif ukoll firxa ta’ partijiet ikkonċernati.
IVIkkonkludejna li l-Missjonijiet ikkontribwew għat-tisħiħ tal-kapaċità tal-forzi responsabbli għas-sigurtà interna, iżda dak il-progress tnaqqas minħabba l-kuntest diffiċli li huma kellhom jaħdmu fih u minħabba ineffiċjenzi operazzjonali. Aħna sibna li l-persunal tal-Missjoni ma kienx irċieva gwida prattika adegwata u, fil-każ tal-Missjoni EUCAP Sahel Niger, il-persunal ma kienx irċeiva taħriġ qabel l-istazzjonar. Is-SEAE u l-Kummissjoni ma pprovdewx biżżejjed appoġġ u f’xi każijiet applikaw proċeduri li ma kinux adatti għall-kundizzjonijiet tax-xogħol fuq il-post.
VIż-żewġ Missjonijiet kellhom għadd kbir ta’ postijiet vakanti. Bħala medja tliet kwarti tal-postijiet biss kienu okkupati. Il-proċeduri ta’ reklutaġġ kienu jieħdu l-ħin u ħafna drabi ma kinux ikunu ta’ suċċess. L-issekondar tal-persunal tal-Istati Membri tal-UE ġeneralment ma jdumx aktar minn sentejn. Il-Missjonijiet EUCAP Sahel jirċievu baġits annwali u l-mandat tagħhom huwa ta’ sentejn. Dan kollu jnaqqas l-effiċjenza operazzjonali tal-Missjonijiet minħabba li ma jinkoraġġix li jsir ippjanar fuq terminu medju jew fuq terminu twil. Fl-istess waqt, anki jekk il-Missjonijiet mhumiex maħsuba li jsiru korpi permanenti fil-pajjiżi ospitanti, attwalment ma hemmx pjan ċar lejn strateġija ta’ ħruġ.
VIAħna sibna li l-Missjonijiet indirizzaw is-sostenibbiltà fl-attivitajiet tagħhom, iżda ma tantx kellhom suċċess. Dan kien parzjalment dovut, minn naħa, għan-nuqqas ta’ sjieda mill-pajjiżi ospitanti, u min-naħa l-oħra, minħabba l-fatt li l-Missjonijiet ma ddedikawx riżorsi adegwati biex jiżguraw is-sostenibbiltà u jagħmlu segwitu fuq l-applikazzjoni prattika u l-użu tat-taħriġ mogħti u t-tagħmir fornut.
VIIIl-Missjonijiet kellhom indikaturi tal-prestazzjoni dgħajfa u matul il-perjodu awditjat ma sorveljawx u ma evalwawx adegwatament il-kisba tal-kompiti tagħhom. Il-valutazzjonijiet tal-impatt tas-SEAE ma kinux marbuta mal-monitoraġġ u mal-evalwazzjoni.
VIIIAħna osservajna li l-Missjonijiet kellhom rwol importanti fit-tisħiħ tal-kapaċità tal-forzi responsabbli għas-sigurtà interna fin-Niġer u fil-Mali, kif ukoll fl-appoġġ ta’ attivitajiet oħra tal-UE u tal-Istati Membri tagħha. Id-donaturi l-oħra, l-Istati Membri tal-UE, l-awtoritajiet nazzjonali u l-benefiċjarji tal-appoġġ tal-EUCAP fin-Niġer u fil-Mali taw valutazzjoni kumplessiva pożittiva tal-attivitajiet tal-Missjonijiet EUCAP Sahel.
IXAħna nagħmlu r-rakkomandazzjonijiet li ġejjin lis-SEAE u lill-Kummissjoni:
- li jieħdu miżuri biex itejbu l-effiċjenza operazzjonali tal-Missjonijiet;
- li jtejbu r-rata ta’ okkupanza tal-postijiet għall-persunal fil-Missjonijiet;
- li jistabbilixxu mandati u baġits li jaqblu mal-operazzjonijiet u li jipprevedu strateġija ta’ ħruġ;
- li jżidu l-fokus fuq is-sostenibbiltà;
- li jtejbu l-indikaturi, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni.
Introduzzjoni
In-Niġer u l-Mali fir-reġjun tas-Saħel
01In-Niġer u l-Mali huma stati fl-Afrika tal-Punent li jinsabu f’sitwazzjoni fraġli. Dawn huma demokraziji parlamentari reċenti b’ekonomiji dgħajfa u amministrazzjonijiet pubbliċi li għadhom qed jiżviluppaw. Filwaqt li ġew elenkati fil-187 u fil-175 post mill-188 pajjiż elenkat fl-Indiċi tal-Iżvilupp tal-Bniedem għall-2016, il-popolazzjonijiet tagħhom huma fost l-ifqar fid-dinja. In-Niġer u l-Mali huma s-sitt u t-tmien l-akbar pajjiżi fl-Afrika u jinsabu fil-parti tan-Nofsinhar tad-deżert tas-Saħara. Ħafna migranti jgħaddu minn dawn iż-żewġ pajjiżi fi triqthom lejn id-destinazzjoni finali tagħhom.
02Minkejja ftehim ta’ paċi ffirmat f’Ġunju 2015 u l-preżenza ta’ forzi barranin għaż-żamma tal-paċi, il-gruppi estremisti xorta għadhom attivi fit-Tramuntana tal-Mali, u l-forzi tas-sigurtà nazzjonali għandhom quddiemhom għadd ta’ sfidi. L-għadd ta’ vittmi u attakki terroristiċi għadu għoli. Is sigurtà tan-Niġer hija mhedda min-nuqqas ta’ stabbiltà fil-pajjiżi tal-viċinat, jiġifieri il-Libja, fin-Niġerja u fil-Mali. Il-gvern għandu quddiemu sfidi bħall-ġlieda kontra t-traffikanti tal-bnedmin u attivitajiet oħra illegali.
03F’Marzu 2011, l-UE adottat Strateġija għas-Sigurtà u l-Iżvilupp fir-reġjun tas-Saħel, fuq il-bażi tal-premessa li l-iżvilupp u s-sigurtà jappoġġaw lil xulxin b’mod reċiproku u l-problemi li r-reġjun tas-Saħel qed jiffaċċja jeħtieġu tweġiba reġjonali. Fl-2014, in-Niġer, il-Mali, il-Mauritania, iċ-Chad u l-Burkina Faso, qablu li joħolqu organizzazzjoni reġjonali, il-“Grupp ta’ Ħamsa” (G5), biex isaħħu l-kooperazzjoni fir-rigward tal-iżvilupp u s-sigurtà fir-reġjun tas-Saħel (ara l-Mappa). L-UE tappoġġa din l-inizjattiva fl-oqsma ta’ interess komuni bħas-sigurtà, il-kontroll tal-migrazzjoni, il-ġlieda kontra t-terroriżmu, is-sitwazzjoni umanitarja u l-iżvilupp.
Mappa
Il-pajjiżi G5 tar-reġjun tas-Saħel
Sors: il-Eurostat.
Missjonijiet Ċivili tal-PSDK
04Il-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni (PSDK) tal-UE tiddetermina l-istrutturi u l-kapaċitajiet ta’ ġestjoni tal-kriżijiet u tad-difiża tal-Unjoni, u tikkostitwixxi parti kbira mill-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK)1. Il-PSDK, li hija koperta mill-Artikoli 42 sa 46 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, irriżultat fl-iskjerament ta’ Missjonijiet2 barra mill-UE bil-għan li jiżguraw iż-żamma tal-paċi, il-prevenzjoni ta’ kunflitti u t-tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali f’konformità mal-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti.
05Mill-2003 ’l hawn3, l-UE wettqet 22 Missjoni ċivili tal-PSDK f’pajjiżi terzi madwar id-dinja. L-għaxar Missjonijiet, li għadhom għaddejjin fi Frar 2018, jiffukaw l-aktar fuq il-bini tal-kapaċitajiet tal-istat tad-dritt u t-tisħiħ tiegħu fl-istati ospitanti. Il-maġġoranza tagħhom jipprovdu appoġġ fl-oqsma tar-riforma tas-settur tas-sigurtà u l-governza tajba, pereżempju, il-EULEX4 Kosovo5 u EUPOL6 Afghanistan7. Oħrajn jittrattaw ukoll il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, il-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-ġestjoni tal-fruntieri (il-Missjoni EUCAP Sahel Mali), u aktar reċentement, il-ġestjoni tal-migrazzjoni illegali (il-Missjoni EUCAP Sahel Niger). Attwalment, l-UE qed tmexxi wkoll sitt Operazzjonijiet militari, li huma ffinanzjati direttament mill-Istati Membri tal-UE u mhux mill-baġit tal-UE. Ara l-Anness I għal ħarsa ġenerali tal-Missjonijiet u l-Operazzjonijiet militari tal-PSDK.
06Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà/Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea (RGħ/VP) hija responsabbli għall-Missjonijiet ċivili tal-PSDK. Taħt l-awtorità tagħha, is-SEAE jimmaniġġja x-xogħol li jsir fil-kuntest tal-Missjonijiet u s-servizz tal-Istrumenti tal-Politika Barranija (FPI) tal-Kummissjoni Ewropea jimmaniġġja l-baġits tagħhom. Id-Direttorat għall-Maniġġjar ta' Kriżijiet u l-Ippjanar (CMPD) fi ħdan is-SEAE jwettaq l-ippjanar politiku u strateġiku tal-Missjonijiet u jiżviluppa Kunċetti ta' Maniġġjar ta' Kriżi (CMCs) għal Missjonijiet ġodda tal-PSDK. L-unità tas-SEAE responsabbli għall-istabbiliment u l-manutenzjoni tal-Missjonijiet hija l-istruttura tal-Kapaċità Ċivili tal-Ippjanar u t-Tmexxija (CPCC), li d-direttur tagħha huwa wkoll il-Kmandant ta’ Operazzjonijiet Ċivili.
07L-Istati Membri tal-UE jiddeċiedu li jistabbilixxu u jtemmu Missjonijiet ċivili tal-PSDK permezz tal-Kunsill. Huma jistabbilixxu l-objettivi u l-mandati tal-Missjonijiet, japprovaw il-pjanijiet ta’ ħidma tagħhom u jiddeċiedu jekk iġeddux il-mandati u għal kemm żmien. Flimkien mal-Parlament Ewropew, il-Kunsill jistabbilixxi wkoll il-baġits tal-Missjonijiet. Il-Kaxxa 1 tippreżenta l-proċedura li tibda mill-identifikazzjoni ta’ kriżi u li twassal għall-istabbiliment tal-Missjonijiet u l-Figura 1 turi kif jiġu ppjanati.
Kaxxa 1
Il-proċedura li tibda mill-identifikazzjoni ta’ kriżi u li twassal għall-istabbiliment ta’ Missjonijiet ċivili tal-PSDK
01Ladarba tiġi identifikata kriżi mis-SEAE u mill-Istati Membri tal-UE, il-Kunsill jiżviluppa Qafas Politiku għal Approċċ għal Kriżijiet (PFCA) f’kooperazzjoni mal-Kummissjoni, l-uffiċċji ġeografiċi tas-SEAE (GEO-DESKs) u d-dipartimenti rilevanti tas-SEAE. Dan id-dokument jistabbilixxi l-kuntest politiku, jispjega n-natura tal-kriżi, jagħti r-raġuni għalfejn jenħtieġ li l-UE taġixxi u jindika liema strumenti huma disponibbli u dawk li huma l-aktar adatti għar-rispons tal-UE.
02Il-gwida u d-direzzjoni politika li jiġu riċevuti mill-Istati Membri tal-UE (mibgħuta permezz tal-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (KPS) u l-Kunsill) huma artikolati permezz ta’ dokumenti ta’ ppjanar u ta’ deċiżjonijiet tal-Kunsill iggwidati minn proċess imsemmi Proċeduri tal-Ġestjoni tal-Kriżijiet.
03Jekk il-Kunsill jiddeċiedi li jistabbilixxi Missjoni ċivili tal-PSDK, is-CMPD jiġbor fatti miż-żona tal-kriżi u jfassal Kunċett ta’ Maniġġjar ta’ Kriżi.
04Imbagħad, is-CPCC tabbozza d-dokumenti ewlenin tat-tfassil u tal-ippjanar għall-Missjonijiet: il-Kunċett tal-Operazzjonijiet (CONOPS), li jistabbilixxi l-mandati tal-Missjonijiet, u l-Pjan Operazzjonali (OPLAN), li jiddefinixxi l-kompiti tal-Missjonijiet u r-riżultati mistennija. Fil-livell operazzjonali, l-objettivi u l-kompiti ddikjarati fl-OPLAN jiġu kkonkretizzati fi Pjan ta’ Implimentazzjoni tal-Missjoni (MIP). L-MIP jispjega fid-dettall l-attivitajiet u l-proġetti li jridu jitwettqu sabiex jinkisbu l-kompiti.
Figura 1
L-ippjanar ta’ Missjonijiet ċivili tal-PSDK
Sors: is-SEAE.
Is-CPCC tippjana u tfassal il-kuntest tax-xogħol tal-Missjonijiet u tiddefinixxi l-attivitajiet u l-indikaturi tal-prestazzjoni. Hija tipprovdi wkoll input lill-FPI rigward il-baġits tal-Missjonijiet u tappoġġa lis-CMPD fit-tħejjija ta’ analiżijiet strateġiċi perjodiċi tal-progress. Fil-kwartieri ġenerali tagħha fi Brussell, is-CPCC għandha 68 membru tal-persunal. Kap tal-Missjoni jieħu l-kmand fil-livell operazzjonali fuq il-post. Ħafna mill-membri tal-persunal tal-Missjonijiet huma ssekondati mill-Istati Membri tal-UE. Il-pajjiżi ta’ oriġini jħallsu s-salarji tal-persunal li jibagħtu, filwaqt li l-baġit tal-Missjoni tal-UE jiffinanzja indennizz ta’ kuljum addizzjonali u primjum tar-riskju. Il-membri tal-persunal ikkuntrattati jiġu impjegati direttament mill-Missjonijiet u fil-biċċa l-kbira jaħdmu fl-oqsma tal-finanzi, tal-loġistika, tas-sigurtà u tal-amministrazzjoni.
Missjonijiet EUCAP Sahel fin-Niġer u fil-Mali
09L-UE tuża Missjonijiet ċivili u Operazzjonijiet militari8 tal-PSDK, kif ukoll strumenti oħra tal-UE9 biex timplimenta l-Istrateġija tagħha għas-Saħel. L-UE stabbiliet il-Missjonijiet fin-Niġer u fil-Mali biex tirreaġixxi għat-theddid għall-iżvilupp u għas-sigurtà interna tas-Saħel, kif ukoll għas-sigurtà tal-UE. L-għan kien li tgħin biex tissaħħaħ il-kapaċità tal-forzi nazzjonali responsabbli għas-sigurtà interna billi tipprovdi taħriġ, konsulenza u tagħmir. Il-persunal taż-żewġ Missjonijiet EUCAP Sahel jipprovdu dan l-appoġġ fil-funzjoni mhux eżekuttiva tiegħu10. Huma jsaħħu l-kapaċità tal-forzi tas-sigurtà interna (il-pulizija, il-ġendarmerija, il-gwardja nazzjonali) fil-pajjiżi ospitanti. Fin-Niġer, dan jinkludi l-armata sakemm ir-rwol tagħha jirrigwarda s-sigurtà interna.
10Il-Kunsill stabbilixxa l-Missjoni EUCAP Sahel Niger fl-2012 “sabiex tappoġġa l-iżvilupp tal-kapaċità tal-atturi tas-sigurtà tan-Niġer biex jikkumbattu t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata”11. Fl-2015, l-Istati Membri tal-UE espandew il-mandat tal-Missjoni biex jinkludi l-assistenza lin-Niġer biex jeżerċita kontroll u jiġġieled kontra l-migrazzjoni irregolari, kif ukoll jiġbor l-informazzjoni f’dan ir-rigward. L-uffiċċju prinċipali u l-maġġoranza tal-169 post għall-persunal12 tal-Missjoni jinsabu fil-belt kapitali, Niamey. Fl-2016, il-Missjoni fetħet uffiċċju lokali f’Agadez fid-deżert tas-Saħara. L-attivitajiet prinċipali tal-Missjoni huma:
- li tipprovdi taħriġ f’setturi ewlenin inklużi l-forensika, l-intervent tattiku u tekniku, u tgħallem lill-persunal fil-forzi tas-sigurtà interna (FSI) biex ikunu jistgħu jagħtu taħriġ huma stess;
- li tagħti konsulenza lill-FSI dwar kif ifasslu u jorganizzaw il-korsijiet;
- li tgħin lill-FSI biex jaħdmu flimkien (interoperabbiltà) u biex jikkoordinaw xogħolhom;
- li tipprovdi tagħmir bħal mapep għal żoni remoti, softwer tar-riżorsi umani, vetturi għal kull art, kittijiet forensiċi tal-pulizija u garaxxijiet mobbli;
- li tappoġġa r-reviżjoni tal-liġi Niġerina dwar il-migrazzjoni irregolari u l-kriminalità organizzata assoċjata.
Fl-2014, il-Kunsill stabbilixxa l-Missjoni EUCAP Sahel Mali biex “l-awtoritajiet Maljani jkunu jistgħu jerġgħu jistabbilixxu u jżommu l-ordni kostituzzjonali u demokratiku u l-kondizzjonijiet għal paċi dejjiema fil-Mali, u li jerġgħu jistabbilixxu u jżommu l-awtorità u l-leġittimità tal-Istat fuq it-territorju kollu tal-Mali permezz tal-instawrazzjoni mill-ġdid effikaċi tal-amministrazzjoni tiegħu”13. Il-194 post għall-persunal14 assenjati għall-Missjoni jinsabu fil-belt kapitali Bamako. Dawn li ġejjin huma wħud mill-attivitajiet tal-Missjoni:
- ir-riforma tal-politika u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet biex jiġu żviluppati l-ħiliet ta’ ġestjoni tal-fruntieri;
- ir-reviżjoni ta’ kurrikuli tat-taħriġ u l-forniment ta’ taħriġ dwar il-ġestjoni operazzjonali u dik tar-riżorsi umani, l-etika professjonali, l-ordni pubbliku, it-tekniki ta’ intelligence, l-intervent professjonali, il-pulizija kriminali, il-ġlieda kontra t-terroriżmu u d-drittijiet tal-bniedem u l-ugwaljanza bejn is-sessi;
- it-tnedija ta’ skwadri mobbli tat-taħriġ u tal-valutazzjoni biex jilħqu reġjuni remoti.
L-Anness II juri l-mandat u l-objettivi assenjati għaż-żewġ Missjonijiet EUCAP Sahel mill-Kunsill. It-Tabella 1 tipprovdi ħarsa ġenerali tal-karatteristiċi ewlenin tal-Missjonijiet.
| In-Niġer u l-Mali | In-Niġer | Il-Mali | |
|---|---|---|---|
| Bidu tal-operazzjonijiet | 2012 | 2014 | |
| Durata tal-mandat | Sentejn li huma rinnovabbli | ||
| Benefiċjarji prinċipali | Forzi tas-Sigurtà Interna: -Pulizija -Ġendarmerija -Gwardja Nazzjonali |
Kif ukoll il-Forzi Armati Niġerini fir-rigward tas-sigurtà interna | |
| Kwartieri ġenerali | Il-Belt kapitali | Niamey | Bamako |
| Uffiċċju lokali | Agadez | ||
| Postijiet għall-persunal disponibbli | 169 | 194 | |
| Sfidi ta’ sigurtà li huma l-fokus prinċipali tal-EUCAP | -Preżenza ta’ gruppi terroristiċi -Fruntieri mhux sikuri -Migrazzjoni irregolari -Espansjoni tar-radikalizzazzjoni |
-Ritorn ta’ ċittadini Niġerini mil-Libja -Disponibbiltà ta’ armi -Netwerks illegali tat-traffikar u tal-kuntrabandu -Boko Haram/terroristi pentiti |
-Stat dgħajjef u nuqqas ta’ kontroll ta’ xi partijiet mit-territorju Maljan -Preżenza ta’ traffikanti -Korruzzjoni -Kriminalità organizzata -Nuqqas ta’ fiduċja bejn il-popolazzjoni u l-FSI |
Il-Kunsill approva EUR 69.46 miljun għall-Missjoni EUCAP Sahel Niger bejn Lulju 2012 u Lulju 2017 u EUR 66.48 miljun għall-Missjoni EUCAP Sahel Mali bejn April 2014 u Jannar 2017. Minn dan l-ammont, kull Missjoni nefqet 53 % fuq l-ispejjeż għall-persunal u 19 % (in-Niġer) u 24 % (il-Mali) fuq l-ispejjeż operazzjonali, bħall-kera, l-assigurazzjoni, l-ispejjeż tas-sigurtà u l-karozzi (ara l-Graff 1). Il-Missjonijiet użaw rispettivament 77 %15 u 67 %16 minn dawn il-baġits akkumulati.
Graff 1
Tip ta’ nfiq għall-Missjoni EUCAP Sahel Niger u l-Missjoni EUCAP Sahel Mali
Sors: il-Kummissjoni Ewropea.
Żviluppi reċenti
14Mill-2015 ’l hawn, b’rispons għall-bdil fl-ambjent tas-sigurtà, il-kompiti tal-Missjonijiet ċivili tal-PSDK saru dejjem aktar varjati. Pereżempju, huma ffukaw l-aktar fuq it-tisħiħ tal-kapaċitajiet relatati mal-ġlieda kontra t-terroriżmu, u żiedu l-attivitajiet relatati mal-ġbir u l-iskambju ta’ informazzjoni fil-qasam tal-migrazzjoni. Meta fl-2016 ir-RGħ/VP ippreżentat l-“Istrateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea”, enfasizzat l-importanza ewlenija tat-tisħiħ tal-kapaċitajiet ċivili f’pajjiżi terzi17.
15Fil-Pjan ta’ Implimentazzjoni dwar is-Sigurtà u d-Difiża18, ir-RGħ/VP talbet lill-Istati Membri tal-UE biex jaqblu biex jilħqu ftehim dwar l-analiżi tal-istrutturi u tal-kapaċitajiet għall-ippjanar u l-kondotta tal-Missjonijiet tal-PSDK19. F’Novembru 2017, il-Kunsill stedinha biex tippreżenta l-passi li jmiss għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet ċivili sabiex sal-2018 jintlaħaq ftehim għal Patt dwar id-dimensjoni ċivili tal-PSDK20 21. Dan huwa t-tielet pass minn proċess ta’ tliet stadji li jibda b’Dokument Kunċettwali li jħares ’il quddiem, li huwa segwit mill-Pjan ta’ Żvilupp tal-Kapaċitajiet Ċivili u li, fil-Patt, jippermetti lill-partijiet ikkonċernati kollha (primarjament l-Istati Membri tal-UE) biex jimpenjaw ruħhom għall-proċess tat-tisħiħ tal-Missjonijiet ċivili tal-PSDK.
16Il-Kunsill stieden lir-RGħ/VP biex tistabbilixxi “kapaċità bażika ta' rispons” sa Mejju 201822, magħmula minn “Pjattaforma ta' Sostenn għall-Missjonijiet imsaħħa23 kif ukoll minn riżorsi li jitqiegħdu f'Missjonijiet eżistenti.” Iż-żieda fl-importanza tal-Missjonijiet ċivili tal-PSDK irriżultat fl-allokazzjoni ta’ riżorsi addizzjonali għas-SEAE mill-2018 biex jissaħħaħ l-appoġġ għall-Missjonijiet ċivili tal-PSDK.
Ambitu u approċċ tal-awditjar
17Dan l-awditu kopra ż-żewġ Missjonijiet ċivili tal-PSDK stabbiliti mill-UE biex isaħħu l-kapaċità tal-forzi responsabbli għas-sigurtà interna fin-Niġer u l-Mali24. Aħna staqsejna l-mistoqsijiet li ġejjin:
- Il-Missjonijiet EUCAP Sahel ġew ippjanati u implimentati b’mod korrett mis-SEAE?
- Il-Missjonijiet EUCAP Sahel saħħew il-kapaċità tal-forzi tas-sigurtà fin-Niġer u l-Mali?
L-awditu kopra l-perjodu mill-istabbiliment tal-Missjonijiet u inkluda ż-żjarat li saru fin-Niġer u l-Mali f’Settembru 2017.
19Aħna bdejna xogħolna billi analizzajna l-istrateġiji, il-politiki, il-pjanijiet u r-rapporti ta’ implimentazzjoni. Wara dan, iltqajna mal-persunal responsabbli għall-immaniġġjar tal-Missjonijiet minn Brussell: is-CPCC u s-CMPD tas-SEAE, kif ukoll id-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għall-Kooperazzjoni Internazzjonali u l-Iżvilupp u l-FPI. Intervistajna wkoll rappreżentanti tal-Kumitat għall-Aspetti Ċivili tal-Maniġġjar ta’ Kriżijiet (CIVCOM) minn erba’ Stati Membri tal-UE25, ir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għas-Saħel u l-eks Kap tal-Missjoni EUCAP Sahel Niger.
20Aħna żorna kemm in-Niġer kif ukoll il-Mali, fejn intervistajna persunal miż-żewġ Missjonijiet (inklużi dawk fl-uffiċċju lokali f’Agadez, in-Niġer), rappreżentanti tal-awtoritajiet nazzjonali u tal-forzi tas-sigurtà interna. Iltqajna wkoll mad-Delegazzjonijiet rispettivi tal-UE u r-rappreżentazzjonijiet ta’ erba’ Stati Membri tal-UE26 kemm fin-Niġer kif ukoll fil-Mali, kif ukoll dawk tal-Istati Uniti, tal-Ġappun u tal-Kanada. Intervistajna organizzazzjonijet u donaturi internazzjonali involuti fis-settur tas-sigurtà, bħall-Missjoni Multidimensjonali Integrata tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Istabbilizzazzjoni fil-Mali (MINUSMA), il-Missjoni ta’ Taħriġ tal-Unjoni Ewropea fil-Mali, CiviPol, Expertise France, Deutsche Gesellschaft für Internationale Zusammenarbeit (GIZ) u l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni.
21Aħna analizzajna dokumenti u wettaqna kontrolli, fuq il-post, ta’ 46 kors ta’ taħriġ minn total ta’ 446 li ngħataw fin-Niġer u ta’ 16-il kors ta’ taħriġ minn total ta’ 135 li ngħataw fil-Mali, ta’ 12-il proġett li ġew stabbiliti biex jinxtara tagħmir jew biex jiġu rinnovati l-kmamar tat-taħriġ tal-FSI fin-Niġer u ta’ 9 proġetti fil-Mali. Analizzajna wkoll ix-xogħol imwettaq mill-persunal tal-Missjonijiet li jipprovdi servizzi ta’ konsulenza fil-pajjiżi ospitanti.
Osservazzjonijiet
Ir-rispons tal-UE fir-rigward tal-ħtiġijiet ta’ tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-forzi tas-sigurtà ġie affettwat minn ineffiċjenzi operazzjonali
22Aħna eżaminajna kif il-Kunsill, is-SEAE, il-Kummissjoni u l-persunal fin-Niġer u l-Mali waqqfu, immaniġġjaw u operaw iż-żewġ Missjonijiet. Aħna eżaminajna jekk is-SEAE:
- ħax inkunsiderazzjoni t-tagħlimiet meħuda minn missjonijiet tal-PSDK preċedenti;
- allokax biżżejjed riżorsi umani u loġistiċi lill-Missjonijiet;
- ipprovdiex gwida prattika u taħriġ suffiċjenti lill-persunal tal-Missjoni qabel l-istazzjonar;
- segwiex proċeduri amministrattivi adatti;
- ippjanax il-Missjonijiet b’mod xieraq.
Is-SEAE għamel użu mit-tagħlimiet meħuda mill-Missjoni EUCAP Sahel Niger meta stabbilixxa l-Missjoni EUCAP Sahel Mali
23Qabel l-istabbiliment tal-Missjonijiet, is-SEAE u l-Kummissjoni żaru n-Niġer u l-Mali biex jivvalutaw il-ħtiġijiet fir-rigward tat-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-forzi tas-sigurtà interna. Il-valutazzjoni tal-ħtiġijiet tan-Niġer bdiet f’Jannar 2012 u sa Marzu 2012 is-SEAE kkompleta proposta dettaljata fil-forma ta’ Kunċett ta’ Maniġġjar ta’ Kriżi. Fl-ewwel 18-il xahar il-Missjoni esperjenzat problemi loġistiċi u operazzjonali, dovuti parzjalment għall-għaġla li biha ġiet stabbilita (ara l-Kaxxa 2).
Kaxxa 2
Diffikultajiet legali li l-Missjoni EUCAP Sahel Niger kellha tiffaċċja matul l-ewwel mandat tagħha
01Il-Missjoni damet 18-il xahar biex saret entità legali, li jfisser li l-Kap tal-Missjoni ffirma d-dokumenti kollha f’ismu u refa’ r-responsabbiltà finanzjajra u legali.
02Il-Missjoni ma kellhiex baġit allokat speċifikament għall-fażi tal-istabbiliment u l-appoġġ amministrattiv u loġistiku minn Brussell kien ftit. Minbarra dan, ma setgħetx tirrekluta persunal ta’ sigurtà. Dan wassal biex l-attivitajiet bdew bil-mod, il-kredibbiltà tal-Missjoni ddgħajfet u l-persunal ġie espost għal riskji tas-sigurtà akbar. Matul l-ewwel sitt xhur il-persunal ġie akkomodat f’lukandi u beda jaħdem minn hemm. La kellu kompjuters, u lanqas uffiċċji jew telefowns ċellulari. Fl-ewwel sena finanzjarja, il-kuntratti li jkopru l-akkomodazzjoni u l-ispejjeż operazzjonali ġew iffirmati għal ammont stmat ta’ EUR 554 000 mingħajr l-użu ta’ proċeduri idonei ta' akkwist27.
Is-SEAE stabbilixxa l-Missjoni EUCAP Sahel fil-Mali bħala entità legali fl-201428, u dan ippermetta li l-Missjoni l-ġdida tevita ħafna mill-problemi li l-Missjoni EUCAP Sahel Niger kellha tiffaċċja. Filwaqt li silet mill-esperjenza tiegħu fin-Niġer, is-SEAE żgura li:
- il-persunal irċieva privileġġi mogħtija lid-diplomatiċi hekk kif ġiet stabbilita l-Missjoni, u
- il-Kunsill approva baġit inizjali għall-istabbiliment tal-Missjoni biex jiġi impjegat il-persunal amministrattiv u tas-sigurtà u biex it-tagħmir jinxtara qabel il-bidu tal-operazzjonijiet.
Nuqqas ta’ taħriġ u appoġġ qabel l-istazzjonar mill-kwartieri ġenerali tas-SEAE wasslu għal dewmien
25Aħna sibna li ħafna mill-persunal responsabbli biex jidentifika proġetti u jħejji speċifikazzjonijiet tekniċi ma kienx infurmat biżżejjed dwar il-proċeduri u r-regoli tal-UE qabel ma wasal għall-Missjonijiet fin-Niġer u l-Mali. Dan wassal għal dewmien fil-proċeduri ta' akkwist u għal kuntratti kkanċellati.
26Fin-Niġer, pereżempju, dan ma kienx limitat għall-fażi tal-istabbiliment (ara l-Kaxxa 2), iżda kompla fis-snin sussegwenti tal-operazzjoni tal-Missjoni. Fil-każ tas-sitt proġetti awditjati, it-tagħmir mixtri wasal wara t-tmiem tal-korsijiet ta’ taħriġ li għalihom kien maħsub. F’ħames każijiet oħra, il-persunal li kien iddefinixxa l-ħtiġijiet tat-tagħmir jew li kien fassal l-ispeċifikazzjonijiet għal kuntratt kien diġà telaq meta waslu l-oġġetti. Il-persunal il-ġdid irreklutat kellu jieħu f’idejh il-proġetti u l-proċeduri mingħajr ma kellu t-taħriġ neċessarju, u dan wassal għal dewmien fl-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet tal-Missjoni.
27B’rikonoxximent tad-dgħufijiet osservati fl-istabbiliment tal-Missjonijiet tal-PSDK, is-SEAE u l-Kummissjoni fit-tweġiba tagħhom għar-rapport tagħna dwar EUPOL Afghanistan iddikjaraw li huma se jiżviluppaw “ċentru għas-servizzi kondiviżi għall-missjonijiet kollha tal-PSDK” u jottimizzaw “l-użu tal-maħżen tal-PSDK għall-maniġġjar tal-assi ta’ missjonijiet li għadhom għaddejjin”. Dan ma kienx fis-seħħ fi żmien l-awditu tagħna. Madankollu, fit-13 ta’ Novembru 2017 il-Kunsill approva l-istabbiliment ta’ Pjattaforma ta’ Sostenn għall-Missjonijiet imsaħħa li għandha titlesta sa Mejju 2018. Din il-Pjattaforma se tippermetti li l-Missjonijiet ċivili ġodda tal-PSDK ikollhom għad-dispożizzjoni tagħhom “assi skjerabbli rapidament u elementi ta' ppjanar mill-Istati Membri, kif ukoll, fejn ikun maqbul, timijiet speċjalizzati u formazzjonijiet multinazzjonali bħall-Forza tal-Ġendarmerija Ewropea”. Is-SEAE qed iħejji wkoll biex jistabbilixxi maħżen ċentrali biex iżomm stokk ċentralizzat ta’ oġġetti għal distribuzzjoni rapida u b’hekk jitnaqqas l-għadd ta’ proċeduri ta’ akkwist imwettqa minn Missjonijiet eżistenti.
Regoli u proċeduri tal-Kummissjoni mhumiex adattati għall-kundizzjonijiet fin-Niġer u fil-Mali
28Il-Kummissjoni ppermettiet lill-persunal tal-Missjoni fin-Niġer u fil-Mali li japplika proċeduri ta' akkwist flessibbli29 minħabba l-kuntest diffiċli li fih kellu jopera30. Għalkemm dawn il-proċeduri ġew użati, il-persunal tal-Missjonijiet li kien responsabbli għall-akkwist qies li r-regoli tal-FPI ħafna drabi ġew applikati b’mod li ma kienx adatt għall-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-pajjiżi mingħajr kosta tal-Afrika tal-Punent. B'mod partikolari:
- Il-perjodu baġitajru ta’ sena għamilha diffiċli li l-kuntratti jitħejjew u jitlestew sal-iskadenzi regolatorji b’kont meħud tal-għadd insuffiċjenti ta’ fornituri lokali u taż-żminijiet twal tal-konsenji. Barra minn hekk, ir-rekwiżit (applikat biss mill-2017 ’l hawn) li t-tagħmir jingħata lill-benefiċjarju matul is-sena baġitarja kien tefa’ pressjoni addizzjonali fuq il-Missjonijiet, speċjalment fin-Niġer, fejn it-tagħmir ħafna drabi jkun destinat għal reġjuni fejn mhux faċli li jiġi organizzat trasport lejn dawk it-territorji.
- Applikazzjoni stretta tar-regoli u tal-proċeduri mill-FPI kienet irriżultat fil-kanċellazzjoni ta’ kuntratti minħabba ineżattezzi żgħar fl-ispeċifikazzjonijiet tat-tagħmir, jew infiq baġitarju li jkun kemxejn akbar milli ppjanat.
- Ir-rekwiżit li jiġu raggruppati elementi simili (kemm għall-Missjonijiet kif ukoll għall-benefiċjarji) f’kuntratt uniku kkawża dewmien minħabba nuqqas fil-frekwenza tax-xiri.
- L-obbligu li jintużaw il-kuntratti qafas tal-Kummissjoni wassal għal problemi. F’każ partikolari, il-Missjoni EUCAP Sahel Niger ordnat it-tagħmir iżda l-limitu massimu tax-xiri tal-kuntratt qafas kien intlaħaq. B’riżultat ta’ dan, il-Missjoni kellha tniedi proċeduri ta' akkwist għal dawn l-oġġetti fil-livell lokali. F’każijiet oħra, il-provvisti ta’ tagħmir mixtri taħt il-kuntratt qafas ma setgħux jiġu akkwistati fil-livell lokali.
Il-Missjonijiet EUCAP Sahel jirrikjedu l-awtorizzazzjoni preliminari tal-Kummissjoni għal xiri ta’ aktar minn EUR 20 000. Dan il-proċess idum aktar milli meta l-Missjonijiet jagħmlu x-xiri direttament. Il-Kummissjoni aċċettat ir-rakkomandazzjoni fir-Rapport Annwali 2013 tal-QEA li jenħtieġ li l-FPI jakkredita l-Missjonijiet ċivili kollha tal-PSDK skont il-“valutazzjoni fuq sitt pilastri”31. Dan ifisser li ladarba l-Missjonijiet ikunu saħħew is-sistemi tagħhom biex jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-assessuri, il-Kapijiet tal-Missjonijiet jirċievu setgħat delegati biex jawtorizzaw ix-xiri, filwaqt li l-Kummissjoni tkompli twettaq kontrolli a posterori. Ftit wara ż-żjara tagħna lill-Missjonijiet, it-tnejn li huma bdew għaddejjin mill-proċess ta’ valutazzjoni fuq sitt pilastri32.
Nuqqas ta’ gwida mill-kwartieri ġenerali tas-SEAE rriżulta fi proċeduri dgħajfa
30Aħna eżaminajna l-gwida li l-Missjonijiet kellhom għad-dispożizzjoni u sibna li din ma kinitx adegwata peress li kienet tirrigwarda prinċipalment il-proċeduri amministrattivi33. Din ma tantx kienet tinkludi gwida operazzjonali, b’eżempji ta’ prattika tajba, jew mudelli standard minn Missjonijiet ċivili tal-PSDK preċedenti, li setgħu jintużaw għat-taħriġ tal-persunal il-ġdid reklutat. Kull Missjoni EUCAP Sahel iddedikat ammont konsiderevoli ta’ ħin u ta’ riżorsi fuq id-definizzjoni u l-istabbiliment tal-proċeduri tagħha stess, li fuq il-pjan operazzjonali mhux dejjem kienu effiċjenti.
L-Istati Membri tal-UE ma pprovdewx biżżejjed persunal biex jimtlew il-postijiet disponibbli
31L-aktar riżorsa importanti tal-Missjonijiet EUCAP Sahel hija l-persunal tagħhom, kemm dak issekondat u mħallas mill-Istati Membri tal-UE kif ukoll dak ikkuntrattat lokalment mill-Missjonijiet u ffinanzjat mill-baġit tal-UE. Il-Missjonijiet esperjenzaw problemi b’mod konsistenti biex jimlew il-postijiet vakanti għal persunal issekondat. Is-SEAE jistieden lill-Istati Membri tal-UE biex jipprovdu l-kandidati għall-issekondar permezz ta’ sejħiet għal kontribuzzjonijiet, li l-organizzazzjoni tagħhom tirrikjedi ħafna ħin u flus. Bejn l-2012 u l-2016 għall-Missjoni EUCAP Sahel Niger saru 24 sejħa għal kontribuzzjonijiet u bejn l-2014 u l-2016 għall-Missjoni EUCAP Sahel Mali saru 14. Dawn is-sejħiet għal kontribuzzjonijiet wasslu biex imtlew biss nofs il-postijiet battala ppubblikati għan-Niġer, u żewġ terzi biss għall-Mali (ara t-Tabelli 2 u 3). Is-CIVCOM jiddeċiedi liema postijiet jiġu ppubblikati esklussivament għall-persunal issekondat u liema jkunu miftuħin ukoll għall-persunal ikkuntrattat. Dan tal-aħħar jista’ biss jiġi reklutat f’postijiet għall-persunal issekondat jekk wara żewġ sejħiet għal kontribuzzjonijiet konsekuttivi ma jkunx hemm kandidati ssekondati li jkunu adatti.
| EUCAP Sahel Niger | Sejħiet għal Kontribuzzjonijiet Ordinarji | Sejħiet għal Kontribuzzjonijiet Straordinarji | ||
|---|---|---|---|---|
| Għadd totali ta’ postijiet ippubblikati | 276 | 59 | ||
| Ippubblikati bħala “Ssekondati” | 132 | 48 % | 20 | 34 % |
| Ippubblikati bħala “Ssekondati/Ikkuntrattati” | 144 | 52 % | 39 | 66 % |
| Postijiet Mimlija | 163 | 59 % | 29 | 49 % |
| Postijiet Mhux mimlija | 113 | 41 % | 30 | 51 % |
| Postijiet li għalihom ma waslet l-ebda applikazzjoni | 33 | 12 % | 9 | 15 % |
| Postijiet li għalihom waslet applikazzjoni waħda biss | 71 | 26 % | 9 | 15 % |
Sors: il-Missjoni EUCAP Sahel Niger.
| EUCAP Sahel Mali | Sejħiet għal Kontribuzzjonijiet Ordinarji | Sejħiet għal Kontribuzzjonijiet Straordinarji | ||
|---|---|---|---|---|
| Għadd totali ta’ postijiet ippubblikati | 198 | 21 | ||
| Ippubblikati bħala “Ssekondati” | 127 | 64 % | 5 | 24 % |
| Ippubblikati bħala “Ssekondati/Ikkuntrattati” | 71 | 36 % | 16 | 76 % |
| Postijiet Mimlija | 139 | 70 % | 14 | 67 % |
| Postijiet Mhux mimlija | 59 | 30 % | 7 | 33 % |
| Postijiet li għalihom ma waslet l-ebda applikazzjoni | 7 | 4 % | 0 | 0 % |
| Postijiet li għalihom waslet applikazzjoni waħda biss | 26 | 13 % | 1 | 5 % |
Sors: il-Missjoni EUCAP Sahel Mali.
32Id-diffikultajiet iffaċċjati mill-Missjonijiet fin-Niġer u l-Mali fil-kisba ta’ persunal issekondat minn Stati Membri tal-UE huma simili għal dawk iffaċċjati minn Missjonijiet ċivili tal-PSDK preċedenti34. Ir-raġunijiet jinkludu l-fatt li l-kwalifiki u l-livell ta’ għarfien espert meħtieġa minn dan il-persunal huma għoljin, u jeħtieġ li jkunu kapaċi jaħdmu bil-Franċiż35. Il-kandidati potenzjali għandhom jikkunsidraw ukoll il-kundizzjonijiet prekarji tas-sikurezza u tal-għajxien. Fl-aħħar nett, il-ġestjoni tal-persunal tal-Missjonijiet ċivili tal-PSDK mhux dejjem għandha prijorità għolja għall-Istati Membri tal-UE. B’riżultat ta’ dan, ir-rata ta’ okkupazzjoni tal-postijiet għall-persunal fil-Missjonijiet EUCAP Sahel fin-Niġer u fil-Mali kellha medja ta’ 72 % u ta’ 77 % rispettivament fil-perjodi rilevanti.
33It-tul ta’ żmien tal-issekondar tal-persunal minn Stati Membri tal-UE bħala medja huwa ta’ sentejn iżda għal ċerti Stati Membri tal-UE dan huwa limitat għal sena biss. Għaldaqstant, l-individwi ma għandhomx żmien biżżejjed biex jibnu għarfien suffiċjenti tad-diversi proċeduri u kundizzjonijiet tax-xogħol. Aħna sibna li minbarra l-perjodu qasir tal-issekondar, ir-rata għolja ta’ postijiet vakanti kellha impatt negattiv fuq il-punt sa fejn il-Missjonijiet kienu jwettqu l-attivitajiet tagħhom (ara l-Kaxxa 3).
Kaxxa 3
Postijiet vakanti fil-bidu tal-2017
- Il-Missjoni EUCAP Sahel Niger: fil-bidu tal-2017, il-Missjoni kellha 39 post vakanti (35 %36) f’postijiet ewlenin fi ħdan l-unitajiet operazzjonali kif ukoll fi ħdan id-dipartimenti tal-monitoraġġ, tal-evalwazzjoni u tal-akkwist. Postijiet vakanti oħra kienu jinkludu dawk ta’ uffiċjali tal-protezzjoni armati, u uffiċjal tal-istampa u tal-informazzjoni pubblika. B’riżultat ta’ dan:
- tnedew inqas proċeduri tal-offerti minn dak li kien ippjanat li jfisser li t-tagħmir biex jitwettqu l-attivitajiet ma kienx disponibbli;
- ma kienx hemm evalwazzjoni tat-taħriġ jew tal-proġetti;
- il-Missjoni ma setgħetx tibda timplimenta l-attivitajiet relatati mat-traffikar ta’ armi u ta’ droga u ma rnexxiliex tagħmel l-attivitajiet sostenibbli.
- Il-Missjoni EUCAP Sahel Mali: fil-bidu tal-2017, il-Missjoni kellha 50 post vakanti (37 %37), prinċipalment għal konsulenti u ħarrieġa f’oqsma ewlenin. L-implimentazzjoni ta’ ċerti attivitajiet iddewmet, iżda l-Missjoni qassmet mill-ġdid l-ammont ta’ xogħol bejn il-persunal eżistenti.
L-inċertezza fir-rigward tat-tul ta’ żmien tal-Missjonijiet għamlitha diffiċli li tiġi ppjanata strateġija ta' ħruġ
34Fuq il-bażi tal-proposta tas-SEAE (ara l-paragrafu 7), il-Kunsill stabbilixxa ż-żewġ Missjonijiet fir-reġjun tas-Saħel biex isaħħaħ il-kapaċitajiet tal-forzi responsabbli għas-sigurtà interna. Id-deċiżjonijiet tal-Kunsill iddefinixxew l-objettivi tax-xogħol tal-Missjonijiet, iżda ma taw l-ebda indikazzjoni ta’ kemm il-Missjonijiet jistgħu jdumu. Attwalment dawn joperaw f’mandati ta’ sentejn, li huma rinnovabbli. Is-SEAE huwa meħtieġ jipprepara strateġija ta' ħruġ għal meta l-Istati Membri tal-UE jiddeċiedu li jtemmu l-Missjonijiet. Huwa ddeskriva wkoll l-istat finali tal-Missjonijiet. Madankollu, ma stipulax pjan iddettaljat biex tintlaħaq tranżizzjoni jew strateġija ta’ ħruġ.
35Il-partijiet ikkonċernati38 li intervistajna kienu tal-opinjoni li l-Missjonijiet se jibqgħu jeżistu għal mill-inqas perjodu medju sabiex jiksbu l-objettivi stabbiliti għalihom. Aktar ċertezza rigward it-tul ta’ żmien tal-Missjonijiet tippermetti li dawn itejbu l-mod kif jiġu mmaniġġjati u kif jippjanaw l-operazzjonijiet. Dan jagħmilha aktar faċli li titfassal strateġija ta' ħruġ sinifikattiva.
Il-Missjonijiet EUCAP Sahel saħħew il-kapaċità tal-forzi tas-sigurtà, iżda r-riżultati ma kinux sostenibbli
36Aħna eżaminajna kif il-Missjonijiet EUCAP Sahel fin-Niġer u fil-Mali wettqu l-attivitajiet ppjanati, kif kisbu r-riżultati, u kif għamlu l-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tagħhom, u jekk ir-riżultati kinux sostenibbli. Aħna eżaminajna:
- jekk il-Missjonijiet kinux saħħew il-kapaċità tal-forzi tas-sigurtà interna;
- jekk ir-riżultati tal-Missjonijiet kinux sostenibbli;
- jekk l-indikaturi għall-monitoraġġ tar-riżultati tal-Missjonijiet kinux xierqa;
- jekk il-proċeduri ta’ monitoraġġ u ta’ evalwazzjoni fi ħdan il-Missjonijiet kinux iffukati fuq l-impatt;
- x’kienet il-perċezzjoni tal-partijiet ikkonċernati l-oħra fiż-żewġ pajjiżi fir-rigward tal-prestazzjoni tal-Missjonijiet.
Billi li ħadmu f’kuntest diffiċli, il-Missjonijiet saħħew il-kapaċità tal-forzi tas-sigurtà, għalkemm dan seħħ bil-mod
37Il-ħtiġijiet ta’ tisħiħ tal-kapaċità tal-forzi responsabbli għas-sigurtà interna kemm fin-Niġer kif ukoll fil-Mali huma konsiderevoli. Il-Missjonijiet EUCAP Sahel jipprovdu taħriġ, tagħmir, pariri u jeżerċitaw funzjoni ta’ koordinazzjoni fuq il-forzi tas-sigurtà interna permezz ta’ firxa ta’ kompiti u attivitajiet. L-UE tipprovdi wkoll appoġġ lis-settur tas-sigurtà interna permezz ta’ strumenti bħall-Fond Ewropew għall-Iżvilupp u l-Fond Fiduċjarju tal-UE għall-Afrika.
38Il-persunal tal-EUCAP għandu diffikultajiet konsiderevoli minħabba l-fatt li jgħix u jaħdem f’pajjiżi li jinsabu fuq il-fruntieri tad-deżert tas-Saħara fejn l-infrastruttura hija fqira u l-amministrazzjonijiet huma dgħajfa. L-ivvjaġġar huwa kkumplikat u l-persunal irid ikun viġilanti b’mod kostanti kontra t-theddid ta’ attakki terroristiċi. Fin-Niġer ċerti reġjuni tal-fruntiera huma wisq insiguri biex wieħed iżurhom, u l-aċċess għaċ-ċentru u t-Tramuntana tal-Mali huwa kompletament ipprojbit.
39Biex jilħqu l-objettivi tagħhom, il-Missjonijiet iwettqu attivitajiet li fil-biċċa l-kbira tagħhom jinsabu għaddejjin u mġedda minn mandat tal-Kunsill għall-ieħor u minn sena finanzjarja għall-oħra. Aħna qabbilna l-mod li bih il-Missjonijiet wettqu l-attivitajiet ippjanati mar-riżultati rrappurtati u kkonfermati f’intervisti li għamilna fin-Niġer u fil-Mali. Ara l-Annessi III u IV għal dettalji dwar is-sejbiet tagħna. F’ċerti każijiet, il-Missjonijiet għamlu progress tajjeb, bħal fir-rigward tal-forniment ta’ taħriġ relatat mal-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata fin-Niġer. F’każijiet oħra, il-progress li sar kien ftit jew ma kien hemm l-ebda progress, bħal fil-każ tal-istabbiliment ta’ servizzi ta’ kontroll intern u ta’ awditjar intern fl-FSI fil-Mali.
Korsijiet ta' taħriġ
40Aħna eżaminajna kampjun tal-korsijiet ta' taħriġ għal kull waħda mill-Missjonijiet. Il-benefiċjarji prinċipali tal-korsijiet kienu l-pulizija, il-ġendermerija u l-gwardja nazzjonali. Il-korsijiet ta’ taħriġ koprew oqsma bħat-tekniki ta’ arrest, l-immaniġġjar tal-post tar-reat, l-analiżi tal-evidenza forensika, l-investigazzjoni kriminali, il-manutenzjoni tal-vetturi u d-detezzjoni ta’ migranti irregolari. Fin-Niġer, il-maġistrati, il-pulizija muniċipali u l-forzi armati (ara l-Kaxxa 4) ukoll attendew korsijiet, pereżempju dawk li jikkonċernaw id-drittijiet tal-bniedem.
Kaxxa 4
Il-forzi armati fin-Niġer
Minħabba r-rwol ewlieni tal-forzi armati fis-sigurtà interna, notevolment fil-parti tat-Tramuntana tan-Niġer, il-mandat tal-Missjoni EUCAP Sahel Niger ippermetta l-parteċipazzjoni tagħhom f’attivitajiet rilevanti ta’ tisħiħ tal-kapaċità. Il-Missjoni waqfet milli tħarreġ lill-forzi armati Niġerini fl-2016, parzjalment minħabba dubji dwar jekk kinux eliġibbli jew le għall-appoġġ, u parzjalment minħabba d-diffikultajiet biex jimtlew postijiet battala fi ħdan il-Missjoni.
Aħna sibna li t-taħriġ ipprovdut indirizza oqsma ewlenin li fihom il-kapaċitajiet tal-forzi tas-sigurtà kienu limitati u li dan kien konformi mal-objettivi tal-Missjonijiet EUCAP Sahel. Madankollu, minħabba proċeduri amministrattivi dgħajfa, il-persunal tal-Missjoni EUCAP Sahel Niger ma setax jipprovdielna d-dokumentazzjoni kollha relatata mal-korsijiet ta' taħriġ li awditjajna fin-Niġer. Għal nofs il-korsijiet ta' taħriġ ma setax jipprovdi l-provi ta’ attendenza u l-formoli tal-evalwazzjoni tal-korsijiet ikkompletati mill-parteċipanti. Għalkemm il-maġġoranza tal-korsijiet ta' taħriġ ingħataw f’Niamey, il-ħarrieġa rrappurtaw biss dwar dawk li ngħataw fir-reġjuni. Id-data dwar fejn jaħdmu l-parteċipanti ma kinitx kompluta u ma sar l-ebda kontroll mill-Missjoni biex jiġi vverifikat jekk dawn kinux ġew imħarrġa preċedentement. Il-prestazzjoni tal-Missjoni EUCAP Sahel Mali kienet tajba fil-maġġoranza ta’ dawn l-aspetti (ara l-Kaxxa 5).
Kaxxa 5
Eżempji ta’ prattika tajba tal-Missjoni EUCAP Sahel Mali
- Il-ħarrieġa tal-Missjoni vverifikaw il-kompetenzi tat-trainees proposti mill-FSI għal korsijiet organizzati mill-Missjoni EUCAP Sahel Mali. Il-persunal irreġistra lit-trainees f’bażi tad-data u ċċekkja jekk kinux diġà attendew korsijiet simili ta’ taħriġ mal-EUCAP jew ma’ organizzazzjonijiet oħra, u jekk it-taħriġ propost kienx rilevanti għall-impjieg attwali tagħhom.
- Kemm it-trainees kif ukoll il-ħarrieġa evalwaw il-korsijiet ta’ taħriġ imwettqa. It-trainees imbagħad ġew irreġistrati f’bażi tad-data organizzata skont il-kors ta' taħriġ, is-sena u l-forza tas-sigurtà.
- Il-persunal tal-EUCAP ħejja rapporti ta’ taħriġ dwar kull kors ta’ taħriġ mogħti, li jiddeskrivu l-kontenut u l-objettivi tat-taħriġ, it-trainees, il-kompetenzi li kisbu u kwalunkwe tagħlima meħuda. Ir-rapport ġibed l-attenzjoni wkoll għall-kandidati magħżula għal taħriġ ulterjuri bħala ħarrieġa.
Forniment ta’ tagħmir
42L-ammonti bbaġitjati għax-xiri ta’ tagħmir u ta’ servizzi għall-Missjoni u għall-benefiċjarji kienu ta’ EUR 3.3 miljun għall-Missjoni EUCAP Sahel Niger u ta’ EUR 2.9 miljun għall-Missjoni EUCAP Sahel Mali (ċifri tal-2016/17). Ix-xiri sar biex jgħin l-attivitajiet tal-Missjonijiet, pereżempju, korsijiet ta' taħriġ, u ġie raggruppat fi proġetti. Eżempji jinkludu vetturi, tagħmir ta’ detezzjoni, kompjuters u printers, ġeneraturi, ir-rinnovazzjoni ta’ ċentri ta’ taħriġ u dawk operazzjonali, u l-kostruzzjoni u t-tagħmir ta’ garaxxijiet mobbli. Ara l-Kaxxa 6 għal eżempju ta’ proġett utli appoġġat minn taħriġ li, minkejja li kien hemm kumplikazzjonijiet matul l-implimentazzjoni, kien ta’ suċċess.
Kaxxa 6
Garaxxijiet mobbli għal vetturi tal-forza tas-sigurtà fid-deżert
Il-forzi responsabbli għas-sigurtà interna fin-Niġer ħafna drabi jivvjaġġaw distanzi twal ħafna fuq art imħarbta fid-deżert tas-Saħara. Tnejn mill-proġetti fil-kampjun tagħna kienu jikkonċernaw ix-xiri ta’ garaxxijiet mobbli għall-forzi tas-sigurtà interna li joperaw f’diversi reġjuni. Wieħed minnhom ma setax jiġi konsenjat (f’Tillabéry) minħabba l-fatt li s-sitwazzjoni tas-sigurtà marret għall-agħar. Aħna żorna ieħor f’Agadez. Minkejja problemi inizjali, dan il-garaxx serva tajjeb biex il-vetturi u t-tagħmir setgħu jiġu msewwija fuq il-post.
Permezz tal-Missjoni EUCAP Sahel Niger il-persunal tal-FSI tgħallem ukoll kif jopera l-garaxxijiet. Kors ta' taħriġ bħal dan kien fil-kampjun tagħna.
Garaxx mobbli f’Agadez (gwardja nazzjonali)
Sors: il-QEA.
Aħna eżaminajna kampjun ta’ proġetti (ara l-paragrafu 21) u sibna li huma indirizzaw oqsma ewlenin li fihom il-kapaċitajiet tal-forzi tas-sigurtà kienu limitati u li dawn kienu konformi mal-objettivi tal-Missjonijiet EUCAP Sahel. Parzjalment minħabba d-diffikultajiet irrappurtati fil-paragrafu 28, għal 7 mill-21 proġett eżaminati, damu biex jiġu implimentati. Kien hemm ukoll problemi li jaffettwaw is-sostenibbiltà, pereżempju l-fatt li ma saritx manutenzjoni fuq it-tagħmir ipprovdut, ma saritx tiswija meta dan kien bil-ħsara, jew li nxtraw oġġetti konsumabbli sabiex jiġi żgurat li jkun jista’ jintuża.
Pariri
44Wieħed mill-kompiti prinċipali tal-Missjonijiet huwa li jagħtu pariri lill-ministeri u lill-FSI tal-pajjiżi ospitanti. Fin-Niġer, il-Missjoni ħatret konsulenti għall-Ministeri tal-Intern u l-Ġustizzja, ikkomplementati mid-disponibbiltà kostanti tal-persunal tal-Missjoni f’oqsma oħra. Il-Missjoni EUCAP Sahel Mali pprovdiet konsulenti li kienu integrati fil-ministeri nazzjonali ewlenin u fl-FSI.
45Objettiv ewlieni taż-żewġ Missjonijiet kien li jħeġġu lill-FSI biex jaħdmu flimkien mill-qrib fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata (“interoperabbiltà”). Fil-Mali, għalkemm it-tliet FSI kienu jiltaqgħu kull ġimgħa, huma ma kinux jippermettu li l-persunal tal-EUCAP ikun preżenti. Dan illimita l-input tal-persunal tal-EUCAP. Fin-Niġer, minkejja l-investiment ta’ riżorsi sinifikanti favur it-titjib tal-interoperabbiltà, il-Missjoni ma rnexxiliex twettaq ċerti kompiti bħal pereżempju li tħeġġeġ il-kondiviżjoni ta’ informazzjoni bejn il-forzi tas-sigurtà, u eventwalment irrinunzjat li tagħmel dan.
46Mill-2012 ’l hawn, wieħed mill-objettivi primarji tal-Missjoni EUCAP Sahel Niger kien li tassisti lill-awtoritajiet Niġerini fit-tħejjija ta’ Strateġija ta’ Sigurtà Nazzjonali. Ħames snin wara, l-aktar minħabba li kienet kundizzjoni biex jirċievu l-appoġġ baġitarju39, l-awtoritajiet Niġerini adottaw Strateġija ta’ Sigurtà Interna Nazzjonali. Fin-nuqqas ta’ strateġija nazzjonali globali li tittratta wkoll is-sigurtà esterna (il-kontroll tal-fruntieri, eċċ), l-impatt ta’ strateġija ta' sigurtà interna huwa limitat.
47Il-persunal tal-Missjoni ħadem ħafna wkoll biex jiġbor flimkien lill-forzi tas-sigurtà interna billi jistabbilixxi tmien centres opérationnels régionaux (CORs). Dawn huma korpi temporanji maħsuba biex jiġbru flimkien kemm lill-membri tal-gvernijiet reġjonali u lill-forzi tas-sigurtà Niġerini kif ukoll lill-korpi responsabbli għall-protezzjoni ċivili, it-tifi tan-nar, il-protezzjoni ambjentali u d-dwana sabiex jittrattaw il-kriżijiet li jirriżultaw minn attakki terroristiċi, il-kriminalità organizzata u d-diżastri naturali. Il-COR f’Niamey jaħdem tajjeb u jipprovdi eżempju ta’ prattika tajba. Madankollu, il-CORs ma għandhomx status li jippermetti li jkollhom persunal assenjat lilhom, jew baġit li jiġi allokat għall-infiq imġarrab matul il-kriżijiet, eż. għax-xiri ta’ fjuwil għall-vetturi. Il-Missjoni għenet ukoll biex jissaħħu s-Centres Opérationnels de Gendarmerie (COGs)40 f’Niamey, Agadez u Zinder. La l-CORs u lanqas is-COGs ma kienu qed joperaw kif xieraq fiż-żmien tal-awditu tagħna. Pereżempju, in-netwerk tar-radju ma kienx qed jaħdem – il-ftit komunikazzjoni li kien hemm kienet qed issir permezz ta’ telefowns ċellulari.
48Iż-żewġ Missjonijiet wettqu attivitajiet biex isaħħu l-immaniġġjar tar-riżorsi umani fl-FSI. Pereżempju fin-Niġer, il-GIZ introduċiet sistemi ta’ informazzjoni għall-pulizija u l-Missjoni EUCAP Sahel Niger assistiet iż-żewġ forzi l-oħra. Fil-Mali, il-konsulenti tal-Missjoni u tal-Ambaxxata tal-Istati Uniti abbozzaw id-deskrizzjonijiet tal-funzjonijiet. Kompiti oħra rriżultaw li kellhom inqas suċċess. Pereżempju, sa issa l-awtoritajiet nazzjonali rrifjutaw li jinkludu d-data dwar it-trasferimenti tal-persunal u l-promozzjonijiet fis-sistemi ta’ informazzjoni l-ġodda. Iż-żewġ Missjonijiet ipproponew ukoll li joħolqu dipartimenti ta’ taħriġ, jeżaminaw il-kurrikuli tat-taħriġ u jfasslu l-pjanijiet tat-taħriġ annwali fi ħdan l-FSI. Dan ħadem sew fil-Mali. Fin-Niġer il-progress kien limitat, għalkemm fl-2017 il-forza tal-pulizija fasslet l-ewwel pjan tat-taħriġ tagħha.
Iż-żewġ Missjonijiet indirizzaw is-sostenibbiltà, iżda bi ftit suċċess
49Peress li ż-żewġ Missjonijiet EUCAP Sahel jipprovdu appoġġ lin-Niġer u lill-Mali għal żmien limitat biss, l-indirizzar ta’ kif l-attivitajiet tagħhom jistgħu jsiru sostenibbli huwa ta’ importanza ewlenija41. Iż-żewġ Missjonijiet għamlu dan billi taw korsijiet dwar kif jiġi mħarreġ il-persunal l-ieħor, billi għenu jfasslu pjanijiet tat-taħriġ u jfasslu korsijiet ta' taħriġ, introduċew sistemi ta’ mmaniġġjar tar-riżorsi umani, ħolqu deskrizzjonijiet tal-funzjonijiet u ħeġġu l-FSI biex jaħdmu flimkien b’mod strutturat. Fin-Niġer, il-Missjoni ppjanat ukoll li tappoġġa lill-awtoritajiet nazzjonali biex iħejju Strateġija ta’ Sigurtà Nazzjonali, tagħti pariri lill-persunal tal-FSI fl-attivitajiet ta’ Mentoraġġ, Monitoraġġ u Konsulenza (MMA) u tipprovdi garaxxijiet mobbli lill-forzi kif ukoll taħriġ dwar kif jużawhom. Għalkemm is-SEAE rrapporta kisbiet f’dawn l-oqsma42, aħna sibna li l-Missjonijiet ma rnexxilhomx jagħmlu l-attivitajiet tagħhom sostenibbli.
50Iż-żewġ Missjonijiet organizzaw korsijiet tat-tip ħarreġ lil min iħarreġ għall-forzi tas-sigurtà. Fin-Niġer, f’erba’ snin, il-Missjoni stabbiliet grupp ta’ ħarrieġa Niġerini fl-FSI kollha. Madankollu, anki jekk il-persunal tal-FSI kien beda jipprovdi t-taħriġ huwa stess, il-persunal tal-Missjoni kompla jagħmel dan ukoll. Mill-2014, il-Missjoni ffukat fuq l-MMA, bl-għan li titnaqqas id-dipendenza tal-FSI fuq il-ħarrieġa tal-EUCAP. L-idea kienet li l-Missjoni tiġi assenjata mentor biex isegwi u jappoġġa lill-ħarrieġa tal-FSI li huwa jkun ħarreġ. Madankollu, dan ma ħadimx sew fil-prattika: l-esperti tal-Missjoni pprovdew pariri fuq talba, iżda ma kellhom l-ebda proċedura li permezz tagħha setgħu jsegwu jew jipprovdu appoġġ sistematiku lill-ħarrieġa individwali. L-evidenza li rajna kienet turi li 20 individwu biss kienu bbenefikaw minn dawn il-pariri matul il-perjodu ta’ tliet snin sa Marzu 2017. Fl-ebda pajjiż l-FSI ma kienu awtonomi f’xi qasam ta’ taħriġ.
51Ir-rata ta’ progress tal-attivitajiet li jippromwovu s-sostenibbiltà ħafna drabi kienet tiddependi fuq il-punt sa fejn l-awtoritajiet fil-pajjiżi ospitanti jkunu qablu li dawn kienu ta’ prijorità. Pereżempju, l-awtoritajiet nazzjonali fin-Niġer u fil-Mali ma taw l-ebda rikonoxximent uffiċjali jew kumpens finanzjarju lill-persunal tal-FSI li saru ħarrieġa. Dan ifisser li ftit kien hemm inċentiv biex il-persunal imħarreġ mill-EUCAP iħarreġ persunal ieħor minħabba l-fatt li seta’ jaqla’ aktar billi jaħdem f’unità operazzjonali. Iż-żewġ Missjonijiet għenu fl-abbozzar ta’ leġiżlazzjoni biex il-ħarrieġa jingħataw status separat, iżda l-ebda pajjiż ospitanti ma kien adotattaha fiż-żmien tal-awditu.
52In-nuqqas li tiġi żgurata s-sostenibbiltà ta’ ħafna attivitajiet kien parzjalment dovut għan-nuqqas ta’ sjieda mill-awtoritajiet nazzjonali u l-FSI. Minkejja l-fehma pożittiva tagħhom dwar il-EUCAP, il-gvernijiet Niġerini u Maljani mhux dejjem kienu lesti li jadottaw leġiżlazzjoni xierqa u jadottaw uħud mir-riformi meħtieġa biex jiġu sostnuti r-riżultati tat-tisħiħ tal-kapaċità. Is-sitwazzjoni fil-Mali iggravat minħabba n-nuqqas ta’ stabbiltà politika u nuqqasijiet organizzazzjonali fil-livell tal-gvern. Dan xekkel l-isforzi tal-Missjonijiet biex jagħmlu r-riżultati tal-attivitajiet tagħhom sostenibbli.
53Il-Missjonijiet kienu responsabbli wkoll għall-prestazzjoni dgħajfa tagħhom stess fl-iżgurar tas-sostenibbiltà. Pereżempju, l-ebda Missjoni ma vverifikat is-suċċess tal-appoġġ ipprovdut permezz ta’ kontroll ex post fuq l-użu li sar mill-għarfien miksub fil-korsijiet ta' taħriġ jew fuq it-tagħmir riċevut (għal eżempju ara l-Kaxxa 7). Matul il-perjodu awditjat, il-Missjonijiet ma ġabrux informazzjoni dwar jekk wara l-korsijiet il-persunal tal-FSI kompliex jaħdem fil-qasam li għalih kien ġie mħarreġ jew ma vvalutawx jekk it-trainees kinux fehmu u bdewx japplikaw l-għarfien miksub matul it-taħriġ. Dan kien il-każ għat-tipi kollha ta’ parteċipanti, inklużi dawk imħarrġa biex ikunu ħarrieġa. Fl-aħħar tal-2017, il-Missjoni fil-Mali għamlet l-ewwel pass billi kitbet lill-FSI Maljani biex tipproponi segwitu fuq il-korsijiet ta' taħriġ mogħtija mill-EUCAP biex tivvaluta l-impatt tagħhom u tislet tagħlimiet għall-korsijiet ta' taħriġ futuri.
54Wara li ħolqu l-CORs, il-Missjonijiet kellhom l-għan li jagħmluhom sostenibbli. Madankollu, huma ma rnexxilhomx minħabba n-nuqqas ta’ strateġija ta’ sigurtà nazzjonali, u r-rotazzjoni għolja ta’ persunal fi ħdan l-FSI u fi ħdan il-Missjoni. Pereżempju, huma la wettqu l-korsijiet maħsuba biex jgħallmu lill-persunal tal-FSI biex iħarreġ lill-oħrajn u lanqas ħolqu ċentru nazzjonali ta' koordinazzjoni biex jintegraw il-CORs kollha jew fasslu pjanijiet nazzjonali ta’ emerġenza u ta’ intervenzjoni.
Kaxxa 7
Centre opérationnel régional (COR) f’Agadez
Aħna żorna l-COR f’Agadez. Il-Missjoni EUCAP Sahel Niger kienet forniet tagħmir lil dan il-COR, iżda aħna osservajna li dan iċ-ċentru ma kienx operazzjonali għax it-tagħmir ma kienx fil-post:
- Fil-kamra tal-COR ma kienx hemm siġġijiet, nofs l-imwejjed kienu neqsin u l-arja kundizzjonata ma kinitx qed taħdem.
- Il-benefiċjarji ma setgħux juruna l-kompjuters ipprovduti, il-printer ma kienx qed jaħdem għax ma kienx hemm toner u t-tagħmir installat għall-komunikazzjoni bir-radju ma kienx qed jaħdem.
- Iż-żewġ vetturi li kellhom ikunu għad-dispożizzjoni tal-COR, biex ikun jista’ jirreaġixxi malajr għall-emerġenzi, bilkemm kienu ntużaw u waħda minnhom kellha ħsarat li ma setgħux jissewwew, u kienet ilha hekk mill-2014.
Is-SEAE ma stabbiliex indikaturi xierqa għall-monitoraġġ tar-riżultati tal-Missjonijiet
55Aħna eżaminajna r-rapporti li, kull sitt xhur il-Missjonijiet jibagħtu lis-SEAE, li jirreġistraw il-progress li sar biex jiġu kkompletati l-kompiti u jinkisbu l-objettivi fir-rigward tal-indikaturi stabbiliti fl-OPLANs. Ħafna mill-“indikaturi” deċiżi għall-Missjoni EUCAP Sahel Niger sempliċiment elenkaw l-attivitajiet stabbiliti għal kull kompitu u b’hekk ma rrispettawx l-indikaturi RACER43 u ma kinux bażi xierqa għall-kejl tal-progress. L-unika eċċezzjoni għal dan tikkonċerna l-indikaturi għall-ħames objettiv li huwa relatat mal-ġlieda kontra l-migrazzjoni irregolari, li ġie miżjud mal-mandat tal-Missjoni fl-2015. Dawn kienu aħjar għax kienu jiddefinixxu l-outputs ta’ mira għal kull kompitu. L-indikaturi stabbiliti għall-Missjoni EUCAP Sahel Mali wkoll speċifikaw l-outputs mistennija. Madankollu, ma kinux robusti biżżejjed biex jintużaw biex ikejlu l-progress minħabba li ma kien hemm l-ebda mira kwantifikata stabbilita44.
56L-ebda wieħed mill-indikaturi użati fil-Missjonijiet EUCAP Sahel ma semma r-rilevanza tal-kompiti għat-twettiq tal-objettivi45. Barra minn hekk, ma kien hemm l-ebda indikatur li fuqu tista’ tiġi bbażata valutazzjoni tal-eżiti jew l-impatt tal-kompiti.
Il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-attivitajiet tal-Missjonijiet ma kinux adegwati u ma ffukawx fuq l-impatt
57Il-Missjoni EUCAP Sahel Niger ma kellhiex proċeduri fis-seħħ biex tiddokumenta u timmonitorja sistematikament l-ippjanar u l-implimentazzjoni tal-attivitajiet tagħha. Kien biss matul l-2017, filwaqt li kien għaddej l-awditu, li l-Missjoni fin-Niġer ħadet il-passi biex tissimplifika l-MIP sabiex tiffaċilita l-monitoraġġ tal-progress kumplessiv. Hija żviluppat skedi ta’ proġetti u ppjanat li żżomm reġistri sistematiċi tat-trainees li kienu diġà attendew il-korsijiet, kif ukoll li tagħmel monitoraġġ tal-listi tal-preżenza u tiġbor u tivvaluta l-evalwazzjonijiet tal-korsijiet tal-parteċipanti. Il-Missjoni EUCAP Sahel Mali ħolqot proċeduri xierqa għad-dokumentazzjoni u l-monitoraġġ ta’ attivitajiet u ta’ outputs matul l-ewwel mandat tagħha.
58Is-SEAE tirrikjedi li l-Missjonijiet jipprovdu l-informazzjoni li ġejja:
- rapporti ta’ kull ġimgħa u ta’ kull xahar b’informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-baġit, ir-riżorsi umani u l-avvenimenti ġenerali li jkunu ġraw;
- rapporti ta’ kull sitt xhur biex jitqabbel il-progress li sar fil-kompiti mal-linja bażi stabbilita fl-OPLAN kif ukoll mal-progress irrappurtat fir-rapporti preċedenti ta’ kull sitt xhur;
- madwar sitt xhur qabel it-tmiem ta’ kull mandat, jipprovdu analiżijiet strateġiċi tas-sitwazzjoni tas-sigurtà fil-pajjiż, l-involviment tal-UE u ta’ partijiet ikkonċernati oħra, ir-riżultati tal-Missjonijiet u l-approċċ futur tagħhom;
- rapporti speċjali dwar suġġetti speċifiċi.
Aħna analizzajna dawn id-dokumenti u osservajna li:
- ir-rappurtar fuq l-outputs mhuwiex marbut b’mod ċar ma’ indikaturi u ma’ punti ta’ riferiment stabbiliti minn qabel, u
- is-SEAE u l-Missjonijiet ma vvalutawx sistematikament l-impatt tal-attivitajiet tal-Missjonijiet.
L-ebda Missjoni ma operat sistemi tajbin għall-evalwazzjoni tal-attivitajiet matul il-perjodu awditjat. Matul it-tieni mandat tagħha, il-Missjoni fil-Mali żviluppat sistema ta’ evalwazzjoni li tiffoka aktar fuq l-outputs, l-eżiti, l-impatt, is-sostenibbiltà u l-effiċjenza. Peress li din is-sistema ġiet implimentata reċentement, kien għadu kmieni wisq biex jiġu vvalutati r-riżultati tagħha. Il-Missjoni fin-Niġer irreklutat persunal biex jibda fuq xogħol ta’ evalwazzjoni f’Mejju 2017. Barra minn hekk, l-ebda waħda mill-Missjonijiet EUCAP Sahel ma kienet soġġetta għal evalwazzjoni esterna indipendenti.
Il-partijiet ikkonċernati u l-benefiċjarji kellhom fehma pożittiva tal-attivitajiet tal-Missjoni u tar-rwol ta’ koordinazzjoni tagħhom
61Aħna intervistajna l-benefiċjarji tat-taħriġ, tal-pariri u tat-tagħmir tal-Missjonijiet EUCAP Sahel, kif ukoll diversi partijiet ikkonċernati fil-qasam tas-sigurtà interna fin-Niġer u fil-Mali. Il-valutazzjoni kumplessiva tal-attivitajiet imwettqa mill-Missjonijiet EUCAP Sahel kienet pożittiva. Il-partijiet ikkonċernati u l-benefiċjarji apprezzaw id-disponibbiltà tal-persunal tal-Missjonijiet biex jagħti pariri jew jipprovdi servizzi li ma kinux disponibbli minn sorsi nazzjonali. Fin-Niġer, il-forzi tas-sigurtà u r-rappreżentanti tal-gvern enfasizzaw il-valur tal-preżenza fuq terminu itwal tal-Missjonijiet EUCAP Sahel meta mqabbla ma’ dik ta’ ħafna donaturi oħra. Iż-żewġ Missjonijiet ipprovdew ukoll informazzjoni u pariri relatati mal-appoġġ li jingħata minn strumenti oħra tal-UE u l-attivitajiet usa’ tal-UE u l-Istati Membri tagħha. Pereżempju, il-Missjonijiet ikkontribwew għat-tfassil tal-Fond Fiduċjarju tal-UE għal proġetti fl-Afrika, ġabru informazzjoni dwar flussi migratorji, u mmappjaw l-attivitajiet tal-UE marbuta mal-migrazzjoni.
62Id-donaturi u l-partijiet ikkonċernati l-oħra fin-Niġer u fil-Mali enfasizzaw ir-rwol importanti li għandhom iż-żewġ Missjonijiet EUCAP Sahel fil-koordinazzjoni tal-attivitajiet fis-settur tas-sigurtà. Iż-żewġ Missjonijiet stabbilew korpi biex itejbu l-koordinazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali, li inizjalment esperjenzaw problemi iżda b’mod ġenerali kienu ta’ suċċess. Huma stabbilew ukoll mekkaniżmi għall-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni ma’ donaturi u partijiet ikkonċernati oħra. Fil-Mali, dan inkluda mmappjar formali tad-donaturi, li jagħti d-dettalji kollha tal-proġetti proposti (iżda li għadhom mhux iffinanzjati), ippjanati, li jinsabu għaddejjin u kkompletati fis-settur tas-sigurtà fil-Mali.
Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
63Il-Kunsill ħoloq il-Missjoni EUCAP Sahel Niger u l-Missjoni EUCAP Sahel Mali biex jindirizza l-kapaċità dgħajfa tal-forzi responsabbli għas-sigurtà interna. Filwaqt li ħadmu f’kuntest diffikultuż, iż-żewġ Missjonijiet ikkontribwew għat-tisħiħ tal-kapaċità, iżda kull waħda ltaqgħet ma’ diffikultajiet, li naqqsu l-effiċjenza u s-sostenibbiltà tal-operazzjonijiet tagħhom.
64Fiż-żewġ pajjiżi, il-persunal tal-Missjonijiet ma kellux aċċess għal gwida u għal taħriġ operazzjonali adegwati. Kull Missjoni EUCAP Sahel iddedikat ammont konsiderevoli ta’ ħin u ta’ riżorsi fuq l-istabbiliment tas-sistemi u tal-proċeduri tagħha stess, li ħafna drabi ma kinux adattati għall-kundizzjonijiet lokali. Is-SEAE u l-Kummissjoni, responsabbli għall-immaniġġjar tal-Missjonijiet ċivili tal-PSDK, ma pprovdewx biżżejjed appoġġ u f’xi każijiet applikaw proċeduri li ma kinux adatti għall-kundizzjonijiet tax-xogħol fuq il-post (ara l-paragrafi 25 sa 30).
Rakkomandazzjoni 1 – Jittieħdu miżuri biex tittejjeb l-effiċjenza operazzjonali tal-Missjonijiet
Jenħtieġ li s-SEAE:
- jipprovdi lill-Missjonijiet bi gwida prattika dwar il-proċeduri operazzjonali, b’mudelli standard li jistgħu jiġu adattati għaċ-ċirkostanzi lokali, b’eżempji tal-aħjar prattika minn Missjonijiet u taħriġ preċedenti;
Jenħtieġ li l-Kummissjoni:
- tagħmel tranżizzjoni lejn id-delegazzjoni tas-setgħat fir-rigward ta’ awtorizzazzjoni ta’ xiri lill-Kap tal-Missjoni, soġġett għal kontrolli ex post mill-Kummissjoni;
Jenħtieġ li s-SEAE u l-Kummissjoni:
- itejbu l-appoġġ lill-Missjonijiet billi jipprovdu tagħmir mill-maħżen komuni u jespandu r-rwol tal-Pjattaforma ta’ Sostenn għall-Missjonijiet.
Data Mmirata: Tmiem l-2018.
65L-aktar riżorsa importanti tal-Missjonijiet hija l-persunal tagħhom, iżda bħala medja tliet kwarti tal-postijiet biss kienu okkupati. Il-proċeduri ta’ reklutaġġ kienu jieħdu l-ħin u ħafna drabi ma kinux ikunu ta’ suċċess. Il-postijiet li kienu l-aktar diffiċli biex jimtlew kienu dawk riżervati għal persunal issekondat minn Stati Membri tal-UE (ara l-paragrafi 31 sa 33).
Rakkomandazzjoni 2 – Titjieb ir-rata ta’ okkupanza tal-postijiet għall-persunal fil-Missjonijiet
Jenħtieġ li s-SEAE jsib soluzzjonijiet li jippermettu li l-postijiet vakanti tal-Missjoni jimtlew malajr u b’mod effiċjenti, pereżempju billi jipproponi perjodi ta’ ssekondar li jkunu itwal għall-persunal tal-Istati Membri tal-UE fi ħdan il-Missjonijiet, filwaqt li juża aktar il-persunal ikkuntrattat u jħejji sejħiet għal kontribuzzjonijiet ġenerali li jistgħu jintużaw biex jitħejjew il-listi ta’ riserva ta’ persunal potenzjali biex jitħaffef l-assenjar meta jkun hemm postijiet vakanti.
Data Mmirata: Tmiem l-2018.
66Il-mandati ta’ sentejn tal-Missjonijiet iħeġġu l-ippjanar fuq terminu qasir u l-baġits annwali ħafna drabi jikkontribwixxu sabiex iċ-ċiklu ta’ akkwist ta’ tagħmir u ta’ servizzi jitqassar sa tali punt li ma jkunx maniġġabbli. Partijiet ikkonċernati oħra fis-Saħel u l-benefiċjarji tal-appoġġ iqisu li l-ambitu tal-kompiti fin-Niġer u fil-Mali jfisser li l-Missjonijiet huma meħtieġa għat-terminu medju sa dak twil. Fl-istess waqt, anki jekk il-Missjonijiet mhumiex intiżi sabiex isiru korpi permanenti fil-pajjiżi ospitanti, is-SEAE ma ppreveda l-ebda strateġija ta’ ħruġ ċara (ara l-paragrafi 34 u 35).
Rakkomandazzjoni 3 – Jiġu stabbiliti mandati u baġits li jaqblu mal-operazzjonijiet u li jipprevedu għal strateġija ta’ ħruġ
Jenħtieġ li s-SEAE jipproponi mandati għall-Missjonijiet li jippermettulhom jilħqu l-objettivi tagħhom, u jiddefinixxu pjan aktar ċar lejn strateġija ta' ħruġ.
Jenħtieġ li l-Kummissjoni tistabbilixxi perjodi baġitarji li jaqblu man-neċessitajiet operazzjonali.
Data Mmirata: Tmiem l-2019.
67Il-Missjonijiet EUCAP Sahel saħħew il-kapaċità tal-forzi tas-sigurtà interna permezz tal-korsijiet ta' taħriġ, it-tagħmir u l-pariri li pprovdew. Iż-żewġ Missjonijiet ħadmu biex jagħmlu l-attivitajiet tagħhom sostenibbli, iżda ma tantx kellhom suċċess. Dan kien parzjalment dovut għan-nuqqas ta’ sjieda jew rieda politika fil-pajjiżi ospitanti, u parzjalment għaliex il-Missjonijiet ma ddedikawx riżorsi adegwati biex jiżguraw is-sostenibbiltà u jagħtu segwitu għall-applikazzjoni prattika u l-użu tat-taħriġ mogħti u t-tagħmir fornut (ara l-paragrafi 37 sa 54).
Rakkomandazzjoni 4 – Jiżdied il-fokus fuq is-sostenibbiltà
Jenħtieġ li l-Missjonijiet jiffukaw ir-riżorsi biex l-attivitajiet isiru sostenibbli, billi jirtiraw, kif ikun xieraq, minn attivitajiet ta’ suċċess hekk kif ikun fattibbli biex jinkoraġġixxu l-awtonomija fl-FSI u jevitaw dipendenza żejda, u minflok jiffukaw fuq il-provvediment ta’ appoġġ u sostenn, u billi jagħtu segwitu għall-użu li jsir mit-taħriġ mogħti u t-tagħmir pprovdut.
Data Mmirata: Tmiem l-2018.
68Fl-ilħuq tal-objettivi tagħhom il-Missjonijiet għamlu biss progress limitat li miexi bil-mod. Madankollu, l-indikaturi definiti għall-kejl tal-progress tal-Missjonijiet ma kinux adegwati. Ħafna mill-indikaturi mfassla għan-Niġer ma setgħux jintużaw biex jitkejjel il-progress minħabba li kienu jelenkaw biss l-attivitajiet stabbiliti għall-kompiti. L-indikaturi għall-Mali kienu aħjar, iżda ma kinux jinkludu miri kwantifikati. L-indikaturi ma pprovdewx bażi tajba għall-kejl tal-effettività tal-kompiti jew tal-kontribuzzjoni li saret biex jinkisbu l-objettivi (ara l-paragrafi 55 u 56).
69Matul il-perjodu awditjat, l-ebda Missjoni ma operat sistemi tajbin għall-evalwazzjoni tal-attivitajiet jew ġiet suġġetta għal evalwazzjoni esterna indipendenti (ara l-paragrafi 57 sa 60).
Rakkomandazzjoni 5 – Jitjiebu l-indikaturi, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni
Jenħtieġ li s-SEAE:
- jistabbilixxi indikaturi RACER (Rilevanti, Aċċettati, Kredibbli, Faċli u Robusti) li jiffukaw fuq l-outputs kwantifikati u fuq l-eżiti tal-attivitajiet tal-Missjonijiet u li huma marbuta mar-rilevanza tal-mandati tal-Missjonijiet;
- jistabbilixxi punti ta’ riferiment immirati li jistgħu jiġu stabbiliti biex juru l-progress li sar biex jinkisbu l-objettivi;
- jipprovdi gwida u taħriġ lill-Missjonijiet dwar il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni;
- iwettaq evalwazzjonijiet esterni tal-Missjonijiet u valutazzjonijiet aktar komprensivi tal-impatt tagħhom.
Data Mmirata: Tmiem l-2018.
Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla III, immexxija mis-Sur Karel PINXTEN, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu, fil-laqgħa tagħha tal-24 ta’ April 2018.
Għall-Qorti tal-Awdituri

Klaus-Heiner LEHNE
President
Annessi
Anness I
Missjonijiet u Operazzjonijiet tal-PSDK li jinsabu għaddejjin
Sors: is-SEAE.
Anness II
Siltiet mid-Deċiżjonijiet tal-Kunsill (PESK) 2016/1172 (in-Niġer) u 2017/50 (il-Mali)
| Il-Missjoni EUCAP Sahel Niger | Il-Missjoni EUCAP Sahel Mali | |
|---|---|---|
| Mandat | Sabiex tappoġġa t-tisħiħ tal-kapaċità tal-atturi tas-sigurtà Niġerini biex jiġġieldu kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata. | Sabiex twettaq Missjoni ċivili fil-Mali b'appoġġ għall-forzi tas-sigurtà interna Maljani (FSI) (il-pulizija, il-ġendarmerija, il-gwardja nazzjonali). |
| Għan | -tagħmilha possibbli għall-awtoritajiet tan-Niġer li jiddefinixxu u jimplimentaw l-Istrateġija tas-Sigurtà Nazzjonali tagħhom stess; -tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' approċċ integrat, multidixxiplinari, koerenti, sostenibbli u li jkun ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem fost l-atturi varji tas-sigurtà tan-Niġer fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata; -barra minn hekk, għandha tgħin lill-awtoritajiet ċentrali u lokali u lill-forzi tas-sigurtà tan-Niġer jiżviluppaw politiki, tekniki u proċeduri sabiex jikkontrollaw aħjar u jiġġieldu kontra l-migrazzjoni irregolari. |
- l-awtoritajiet Maljani jkunu jistgħu jerġgħu jistabbilixxu u jżommu l-ordni kostituzzjonali u demokratiku u l-kundizzjonijiet għal paċi dejjiema fil-Mali; -terġa’ tistabbilixxi u żżomm l-awtorità u l-leġittimità tal-Istat fuq it-territorju kollu tal-Mali permezz tal-instawrazzjoni mill-ġdid effikaċi tal-amministrazzjoni tiegħu. |
| L-aktar objettivi Reċenti | Sabiex twettaq l-objettivi stipulati fl-Artikolu 2, il-Missjoni EUCAP Sahel Niger għandha: (a) issaħħaħ il-kmand u l-kontroll, l-interoperabbiltà u l-kapaċità tal-ippjanar Niġerini fil-livell strateġiku, filwaqt li tappoġġa l-iżvilupp ta' Strateġija tas-Sigurtà Nazzjonali u strateġiji marbuta magħha għall-ġestjoni tal-fruntieri f'koordinament ma' atturi oħrajn rilevanti; (b) issaħħaħ il-ħiliet tekniċi tal-forzi tas-sigurtà rilevanti li huma meħtieġa fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata; (c) permezz ta' kuntatti fuq livell kemm strateġiku kif ukoll operattiv, tħeġġeġ lill-forzi tas-sigurtà interna, u fejn ikun il-każ, il-forzi armati, biex isaħħu r-riżorsi umani, il-loġistika u l-politiki ta' taħriġ marbuta mal-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-migrazzjoni irregolari u l-kriminalità organizzata biex jiżguraw is-sostenibbiltà tal-azzjonijiet tal-Missjoni EUCAP Sahel Niger, fosthom bl-għoti ta' appoġġ tekniku permezz tal-proġetti; (d) issaħħaħ il-koordinament, fil-livelli nazzjonali, reġjonali u internazzjonali, fil-qasam tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-ġlieda kontra l-migrazzjoni irregolari u l-kriminalità organizzata, u tesplora l-possibbiltà ta' kontribuzzjoni, skont kif ikun meħtieġ, għall-kooperazzjoni reġjonali, bħall-G5 Sahel; (e) b'appoġġ għall-objettivi tal-Unjoni fil-qasam tal-migrazzjoni, tgħin lill-awtoritajiet ċentrali u lokali u lill-forzi tas-sigurtà tan-Niġer biex jiżviluppaw politiki, proċeduri u tekniki biex jikkontrollaw u jimmaniġġaw aħjar il-flussi migratorji, biex jiġġieldu kontra l-migrazzjoni irregolari u biex inaqqsu l-livell tal-kriminalità assoċjata. |
Il-Missjoni EUCAP Sahel Mali għandha tassisti u tforni konsulenza lill-forzi tas-sigurtà interni fl-implimentazzjoni tar-riforma ta' sigurtà stabbilita mill-Gvern il-ġdid, bil-ħsieb li: (a) titjieb l-effikaċja operazzjonali tagħhom; (b) jiġu stabbiliti mill-ġdid il-linji ġerarkiċi rispettivi tagħhom; (c) jissaħħaħ ir-rwol tal-awtoritajiet ġudizzjarji u amministrattivi fir-rigward tat-tmexxija u s-superviżjoni tal-missjonijiet tagħhom; (d) tiġi faċilitata l-instawrazzjoni mill-ġdid tagħhom fit-tramuntana tal-pajjiż. |
Anness III
Deskrizzjoni qasira mill-QEA dwar il-progress li sar mill-Missjoni EUCAP Sahel Niger fit-twettiq tal-kompiti
| Kompiti | Progress |
|---|---|
| Objettiv 1: Interoperabbiltà | |
| 1.1 Appoġġ għall-Istrateġija tas-Sigurtà Nazzjonali | |
| 1.3 Skambju ta’ informazzjoni bejn l-FSI | |
| 1.2, 1.3, 1.4, 1.5 Appoġġ lill-CORs (postijiet antiki ta’ kmand konġunti) | |
| 1.6 Appoġġ lis-COGs | |
| Objettiv 2: Kompetenzi tekniċi | |
| 2.1, 2.2, 2.3, 2.4 Konsulenza u taħriġ dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata | |
| 2.5 Taħriġ lill-ħarrieġa fil-forzi tas-sigurtà | |
| 2.6 Appoġġ favur rabtiet aktar mill-qrib bejn il-pulizija u l-maġistrati f’inkjesti kriminali | |
| 2.7 Titjib tal-bażi tad-data tal-forzi tas-sigurtà | |
| 2.8 Taħriġ dwar il-proċeduri legali u penali u d-drittijiet tal-bniedem għal uffiċjali fil-forzi armati | |
| 2.9 Sensibilizzazzjoni tal-FSI dwar il-prinċipji tal-liġi, id-drittijiet tal-bniedem u l-ugwaljanza bejn is-sessi | |
| 2.10 L-FSI u s-soċjetà ċivili jitlaqqgħu flimkien fl-oqsma tad-drittijiet tal-bniedem u tal-ugwaljanza bejn is-sessi | |
| Objettiv 3: Sostenibbiltà | |
| 3.1, 3.8, 3.9 Appoġġ lill-FSI: tagħmir u infrastruttura, kif ukoll pariri u taħriġ dwar il-kondiviżjoni u l-manutenzjoni tagħhom | |
| 3.2 Ħidma mal-Missjoni EUCAP Sahel Mali dwar l-iżvilupp tal-immaniġġjar tar-riżorsi umani fl-FSI | |
| 3.3 Evalwazzjoni operazzjonali tal-attivitajiet tal-EUCAP mal-FSI | |
| 3.4, 3.5 Appoġġ għall-iżvilupp tal-immaniġġjar tar-riżorsi umani fi ħdan l-FSI | |
| 3.6 L-istabbiliment ta’ direttorati u pjanijiet ta’ taħriġ fi ħdan l-FSI | |
| 3.7 Integrazzjoni tal-manwali tat-taħriġ fil-kurrikula nazzjonali; taħriġ, pariri u mentoraġġ għall-ħarrieġa | |
| Objettiv 4: Koordinazzjoni Internazzjonali | |
| 4.1, 4.6 Immaniġġjar tal-kooperazzjoni internazzjonali min-Niġer | |
| 4.3, 4.4, 4.5, 4.7 Koordinazzjoni bejn id-donaturi fin-Niġer | |
| 4.8 Appoġġ għall-parteċipazzjoni Niġerina f’inizjattivi ta’ kooperazzjoni reġjonali | |
| 4.2, 4.9, 4.10 Żvilupp tad-dimensjoni reġjonali tal-azzjonijiet tal-EUCAP | |
| Objettiv 5: Migrazzjoni | |
| 5.1 Appoġġ għall-Istrateġija Nazzjonali għall-Kontroll tat-Territorju | |
| 5.2, 5.11 Immappjar tal-partijiet ikkonċernati, ġbir ta’ data dwar il-flussi migratorji, definizzjoni tal-ħtiġijiet | |
| 5.3 Aċċettazzjoni ta’ liġi ġdida dwar il-migrazzjoni illegali, taħriġ fil-migrazzjoni illegali għall-FSI | |
| 5.4 Sensibilizzazzjoni tal-popolazzjoni dwar il-migrazzjoni irregolari | |
| 5.5, 5.7, 5.8 Taħriġ u pariri lill-FSI għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-migrazzjoni irregolari | |
| 5.6. Tisħiħ tal-COR ta’ Agadez | |
| 5.9 Appoġġ fi proċeduri legali għall-pulizija u għall-maġistrati f’Agadez | |
| 5.10 Segretarjat eżekuttiv tal-pjattaforma dwar il-koordinazzjoni tal-migrazzjoni | |
| 5.12 Koordinazzjoni fil-qasam tal-migrazzjoni mal-partijiet ikkonċernati l-oħra li jinsabu f’Agadez | |
| 5.13 Azzjonijiet transkonfinali mal-EUCAP Mali u l-EUBAM Libya | |
| 5.14 Żvilupp ta’ strateġija dwar il-migrazzjoni mad-delegazzjoni tal-UE responsabbli mill-komunikazzjoni | |
| Progress tajjeb | |
| Progress bil-mod/ Hemm diffikultajiet | |
| L-ebda progress/ Hemm diffikultajiet sinifikanti |
Sors: OPLAN 2016-2018, ħlief fil-każ tal-kompitu 1.3 (OPLAN 2014).
Anness IV
Deskrizzjoni qasira mill-QEA dwar il-progress li sar mill-Missjoni EUCAP Sahel Mali fit-twettiq tal-kompiti
| Punti ta’ deċiżjoni (DP) - Fuq il-bażi tal-OPLAN 2016 | Progress |
|---|---|
| 1. Pariri | |
| DP 1.1 Permezz ta’ pariri strateġiċi, il-Missjoni tiġi integrata fil-livell direttorali fl-FSI u l-Ministeri | |
| Bl-esklużjoni tal-kompitu 1.1.2.1: Titjib tal-istrutturi ta’ kontroll intern fl-FSI | |
| DP 1.2 L-FSI stabbilew l-istrutturi meħtieġa biex jikkoordinaw l-attivitajiet tagħhom u jżidu l-effiċjenza operazzjonali tagħhom | |
| DP 1.3 Riżorsi Umani - ġew abbozzati testi legali u jiġu applikati fil-prattika | |
| DP 1.4 Riżorsi Umani - il-proċeduri u l-istrutturi ġew riformati (eż. bażi tad-data) | |
| DP 1.5 Il-kapaċità Maljana fir-rigward tal-ġestjoni tal-fruntieri ġiet imsaħħa | |
| DP 1.6 Il-kapaċità tal-FSI fir-rigward tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata ġiet imsaħħa | |
| 2. Taħriġ | |
| DP 2.1 Il-Missjoni ġiet inkorporata fl-istrutturi tat-taħriġ tal-FSI u tal-Ministeri | |
| DP 2.2 Il-korsijiet u l-programmi ta’ taħriġ, inkluż il-kontenut tagħhom, ġew imfassla u qed jiġu implimentati | |
| Bl-esklużjoni tal-kompitu 2.2.1.1: deskrizzjonijiet tal-funzjonijiet huma abbozzati | |
| Bl-esklużjoni tal-kompiti 2.2.1.2 u 2.2.2.1: ħolqien ta’ katalogu tat-taħriġ u tal-programmi tat-taħriġ | |
| DP 2.3 L-għadd u l-kwalità tat-trainees mill-FSI huma f’konformità mal-ħtiġijiet identifikati u t-taħriġ huwa suġġett għal evalwazzjoni | |
| DP 2.4 Korsijiet tat-tip ħarreġ lil min iħarreġ huma organizzati biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà tal-azzjonijiet tal-Missjoni | |
| DP 2.5 Ġie identifikat qafas għat-taħriġ fi ħdan id-direttorati tal-FSI | |
| 3. Koordinazzjoni | |
| DP 3.1 Il-koordinazzjoni ma’ MINUSMA tippermetti li l-azzjonijiet konġunti jiġu msaħħa u ottimizzati u jiġi evitat it-trikkib tal-azzjonijiet | |
| DP 3.2 Il-koordinazzjoni ma’ sħab/strumenti oħra tal-UE u ma’ Stati Membri tal-UE hija kontinwa u effettwata fuq il-bażi ta’ skambju regolari ta’ informazzjoni u l-iżvilupp ta’ azzjonijiet konġunti | |
| DP 3.3 Azzjonijiet imwettqa minn partijiet ikkonċernati lokali u internazzjonali, pajjiżi terzi, u NGOs fl-istess qasam bħal dak tal-Missjoni (b’mod aktar speċifiku, it-taħriġ u l-evalwazzjoni) jiġu identifikati u koordinati mal-attivitajiet tal-Missjoni | |
| Progress tajjeb | |
| Progress bil-mod/ Hemm diffikultajiet | |
| L-ebda progress/ Hemm diffikultajiet sinifikanti | |
| L-evalwazzjoni għadha mhijiex possibbli |
Sors: OPLAN 2016
Glossarju u abbrevjazzjonijiet
CIVCOM: Kumitat għall-Aspetti Ċivili tal-Maniġġjar ta’ Kriżijiet: korp konsultattiv stabbilit mill-Kunsill li jipprovdi tagħrif, jagħmel rakkomandazzjonijiet u jagħti pariri dwar l-aspetti ċivili tal-maniġġjar ta' kriżijiet.
CMC: Kunċett ta’ Maniġġjar ta’ Kriżi: l-iskop tas-CMC huwa li janalizza u jipproponi l-possibbiltajiet previsti fil-PSDK, jiddeskrivi l-għanijiet u l-objettivi tagħhom, u jiddetermina l-miri u l-ambitu possibbli ta’ Missjoni tal-PSDK, tal-UE.
CMPD: Direttorat għall-Maniġġjar ta' Kriżijiet u l-Ippjanar: id-dipartiment fi ħdan is-SEAE responsabbli għall-ippjanar strateġiku u tal-politika ta’ Missjonijiet ċivili tal-PSDK. Ir-rwol tas-CMPD huwa li jiżgura l-koerenza u l-effettività tal-Missjonijiet u jiżviluppa sħubijiet, politiki, kunċetti u kapaċitajiet fil-qafas tal-PSDK. Huwa inkarigat mill-ippjanar strateġiku ta’ Missjonijiet ġodda tal-PSDK u mit-twettiq ta’ analiżijiet strateġiċi ta’ Missjonijiet eżistenti tal-PSDK.
COG: Centres Opérationnels de Gendarmerie (fin-Niġer): korpi permanenti stabbiliti biex jissorveljaw dak li jkun qed jiġri fir-reġjun, jipprovdu riżorsi lill-pattulji, jiġbru informazzjoni, jgħadduha lill-awtoritajiet rilevanti u jirreaġixxu f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi.
CONOPS: Kunċett tal-Operazzjonijiet. Dan huwa dokument ta’ ppjanar li jistabbilixxi mandat ta’ Missjoni u jikkonkretizza l-intenzjoni politika fi gwida billi jindika liema azzjoni hija meħtieġa biex titwettaq il-Missjoni.
COR: Centres Opérationnels Régionaux (fin-Niġer); korpi temporanji maħsuba biex ilaqqgħu flimkien il-membri tal-Provinċji u tal-Forzi Niġerini tad-Difiża u s-Sigurtà, u l-korpi responsabbli għall-protezzjoni ċivili, it-tifi tan-nar, il-protezzjoni ambjentali u d-dwana sabiex jittrattaw il-kriżijiet li jirriżultaw minn attakki terroristiċi, kriminalità organizzata u diżastri naturali.
CPCC: Kapaċità Ċivili tal-Ippjanar u t-Tmexxija: id-dipartiment fi ħdan is-SEAE li jippjana, jidderieġi, jikkoordina, jagħti parir, jappoġġa, jissorvelja u janalizza l-Missjonijiet ċivili tal-PSDK. Is-CPCC tabbozza d-dokumenti ewlenin tat-tfassil u tal-ippjanar għall-Missjonijiet: jiġifieri CONOPS u OPLAN.
EUCAP: Tisħiħ tal-Kapaċità tal-Unjoni Ewropea
EUTM: Missjoni ta' Taħriġ tal-Unjoni Ewropea: missjoni ta’ taħriġ militari multinazzjonali bil-kwartieri ġenerali tagħha f’Bamako, il-Mali, li tħarreġ u tagħti parir lill-forza militari tal-Mali.
FPI: Servizz tal-Istrumenti tal-Politika Barranija. Il-kompitu ewlieni tal-FPI huwa li jimplimenta għadd ta’ azzjonijiet tal-politika barranija tal-UE. L-FPI jimmaniġġja l-operazzjonijiet u l-finanzjament tagħhom. Huwa dipartiment tal-Kummissjoni Ewropea li jaħdem mill-qrib mas-SEAE.
FSI: Forzi tas-Sigurtà Interna: pulizija, ġendarmerija u gwardja nazzjonali.
GIZ: Deutsche Gesellschaft für Internationale Zusammenarbeit GmbH (Korporazzjoni Ġermaniża għall-Kooperazzjoni Internazzjonali)
KPS: Kumitat Politiku u ta' Sigurtà. Dan il-Kumitat jissorvelja s-sitwazzjoni internazzjonali, jirrakkomanda approċċi strateġiċi u għażliet ta’ politika lill-Kunsill, jipprovdi gwida lis-CIVCOM u jiżgura l-kontroll politiku fuq l-operazzjonijiet ta’ mmaniġġjar ta’ kriżijiet u d-direzzjoni strateġika tagħhom. Il-KPS huwa magħmul minn ambaxxaturi tal-Istati Membri tal-UE bbażati fi Brussell u huwa presedut minn rappreżentanti tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna.
MINUSMA: Missjoni Multidimensjonali Integrata tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Istabbilizzazzjoni fil-Mali, li tiffoka fuq doveri, bħall-iżgurar tas-sigurtà, l-istabbilizzazzjoni u l-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili; l-appoġġ tad-djalogu politiku nazzjonali u r-rikonċiljazzjoni nazzjonali; u l-assistenza fl-istabbiliment mill-ġdid tal-awtorità tal-Istat, il-bini mill-ġdid tas-settur tas-sigurtà, kif ukoll il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż.
MIP: Pjan ta’ Implimentazzjoni tal-Missjoni. Dan jipprovdi l-attivitajiet u l-proġetti li jkunu jridu jitwettqu biex Missjoni tkun tista’ tikkompleta l-kompiti tagħha.
MMA: Mentoraġġ, monitoraġġ u konsulenza. Mentoraġġ: trasferiment strutturat ta’ għarfien bejn mentor u mentee f’konformità ma’ pjan. Monitoraġġ: osservazzjoni, valutazzjoni u rappurtar dwar il-prestazzjoni tal-mentee fir-rigward tal-għoti ta’ korsijiet ta’ taħriġ fl-FSI. Konsulenza: appoġġ mogħti bil-għan li l-mentees ikunu jistgħu jipprovdu korsijiet ta' taħriġ b’mod awtonomu.
OPLAN: Pjan Operazzjonali. Dan jistabbilixxi l-objettivi u l-kompiti ta’ Missjoni.
PESK: Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni
PSDK: Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni
QEA: Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri
RGħ/VP: Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà/Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea
SEAE: Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, li huwa s-servizz diplomatiku tal-Unjoni Ewropea. Huwa jgħin lill-kap tal-affarijiet barranin tal-UE – ir-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà – timplimenta l-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni tal-Unjoni.
UE: L-Unjoni Ewropea
RAP: Regoli tal-Applikazzjoni. Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 tad-29 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni ("ir-Regoli tal-Applikazzjoni tar-Regolament Finanzjarju"), kif emendat.
Noti finali
1 Skont il-qafas finanzjarju pluriennali għall-perjodu 2014-2020, l-ammont allokat għall-PESK huwa ta’ EUR 2 076 miljun.
2 “Missjoni” huwa t-terminu uffiċjali użat mis-SEAE biex jiġu definiti entitajiet legali indipendenti u mhux permanenti mwaqqfa f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi.
3 Is-SEAE nieda l-ewwel Missjoni tal-PSDK tiegħu fl-2003 (il-Missjoni tal-Pulizija tal-UE fil-Bożnija-Ħerzegovina)
4 Il-Missjoni tal-Istat tad-Dritt tal-UE.
5 Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) fl-2012 ippubblikat Rapport Speċjali dwar il-EULEX (Rapport Speċjali Nru 18/2012 “L-assistenza tal-Unjoni Ewropea lill-Kosovo relatata mal-istat tad-dritt”(http://eca.europa.eu)).
6 Il-Missjoni tal-Pulizija tal-UE.
7 Il-QEA fl-2015 ippubblikat Rapport Speċjali dwar il-EUPOL (Rapport Speċjali Nru 7/2015 “Il-missjoni tal-pulizija tal-UE fl-Afganistan: riżultati mħallta” (http://eca.europa.eu)).
8 Il-Missjoni ta’ Taħriġ tal-Unjoni Ewropea fil-Mali (EUTM) hija operazzjoni ta’ taħriġ militari bil-kwartieri ġenerali tagħha f’Bamako, fil-Mali, maħsuba biex tħarreġ u tagħti konsulenza lill-forzi militari tal-Mali.
9 Prinċipalment l-Istrument li jikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp, il-Fond Fiduċjarju ta’ Emerġenza tal-UE għall-Afrika u għajnuna umanitarja.
10 Meta l-membri tal-persunal ta’ Missjoni jkollhom rwol eżekuttiv, huma jkollhom mandat biex jaġixxu direttament f’isem il-pajjiż ospitanti. F’Missjoni mhux eżekuttiva, il-persunal jappoġġa lill-pajjiż ospitanti fi rwol konsultattiv.
11 L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/392/PESK tas-16 ta' Lulju 2012 dwar il-missjoni ta' PSDK tal-Unjoni Ewropea fin-Niġer (EUCAP Sahel Niger) (ĠU L 187, 17.7.2012, p. 48).
12 Għadd ta’ persunal (aġenti ssekondati, esperti internazzjonali taħt kuntratt u aġenti lokali) ibbaġitjat fl-2016/2017. Fil-Missjoni EUCAP Sahel Niger, aktar minn nofs il-persunal internazzjonali huwa minn Franza (53 %), segwit mir-Rumanija (15 %) u l-Belġju (8 %).
13 L-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/219/PESK tal-15 ta' April 2014 dwar il-Missjoni ta' PSDK tal-Unjoni Ewropea f'Mali (EUCAP Sahel Mali) (ĠU L 113, 16.4.2014, p. 21).
14 Għadd ta’ persunal (aġenti ssekondati, esperti internazzjonali taħt kuntratt u aġenti lokali) ibbaġitjat fl-2017. Fil-Missjoni EUCAP Sahel Mali, il-persunal internazzjonali ġej prinċipalment minn erba’ Stati Membri tal-UE: Franza (30 %), ir-Rumanija (19 %), il-Belġju (13 %) u l-Ġermanja (10 %).
15 Sors: Abbozzi ta’ rapporti finanzjarji għall-ewwel tliet snin. L-awditu għar-raba’ sena sar f’Jannar 2018 u l-awditu għall-ħames sena sar fir-rebbiegħa tal-2018. Ma kien hemm l-ebda rapport finanzjarju disponibbli fiż-żmien meta twettaq l-awditu.
16 Iċ-ċifri huma bbażati fuq abbozzi ta’ rapporti finanzjarji li jkopru l-ewwel sentejn.
17 EU Global Strategy on Security and Defence (Strateġija Globali tal-UE dwar is-Sigurtà u d-Difiża), p. 50.
18 EU Global Strategy Implementation Plan on Security and Defence (Pjan ta’ Implimentazzjoni għall-Istrateġija Globali tal-UE dwar is-Sigurtà u d-Difiża), 17.11.2016.
19 Ibid p. 5.
20 Ikkonfermat fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-22 ta’ Jannar 2018: “Il-valur miżjud tad-dimensjoni ċivili tal-PSDK fi ħdan l-Approċċ Integrat tal-UE għall-konflitti u l-kriżijiet esterni u matul iċ-ċiklu sħiħ tal-konflitt għandu jiġi definit u r-rekwiżiti fir-rigward tal-kapaċitajiet ċivili għandhom jintlaħqu fil-Patt tal-PSDK fl-2018”.
21 “Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar is-sigurtà u d-difiża fil-kuntest tal-Istrateġija Globali tal-UE, 13.11.2017”, p. 9.
22 Ibid, il-punt 15.
23 Il-Pjattaforma ta' Sostenn għall-Missjonijiet hija magħmula minn membri tal-persunal fil-kwartieri ġenerali tas-SEAE u għandha l-għan li tiċċentralizza l-forniment ta’ funzjonijiet ta’ appoġġ lill-Missjonijiet ċivili tal-PSDK (eż. it-teknoloġija tal-informazzjoni, ir-riżorsi finanzjarji u dawk umani).
24 Il-QEA ppubblikat żewġ rapporti speċjali dwar il-Missjonijiet ċivili tal-PSDK, wieħed fl-2012 (il-EULEX fil-Kosovo) u l-ieħor fl-2015 (EUPOL fl-Afganistan). Ir-rakkomandazzjonijiet magħmula fiż-żewġ rapporti huma applikabbli wkoll għall-Missjonijiet EUCAP Sahel fin-Niġer u l-Mali. Fir-risposta tiegħu għar-rakkomandazzjoni, is-SEAE ddikjara li aċċettahom.
25 Il-Belġju, il-Ġermanja, Spanja u Franza.
26 Il-Belġju, il-Ġermanja, Franza u n-Netherlands.
27 L-ammont finali jiddependi fuq l-eżitu tal-proċedura kontradittorja mal-Missjoni EUCAP Sahel Niger. L-ebda waħda mis-snin finanzjarji tal-Missjoni ma ġiet konkluża sad-data tal-awditu.
28 Fir-Rapport Speċjali Nru 18/2012 dwar il-EULEX fil-Kosovo, il-QEA rrakkomandat lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jiżguraw li, l-Missjonijiet futuri tal-PSDK ikollhom personalità legali.
29 Meta l-Missjonijiet ikunu awtorizzati jużaw proċeduri flessibbli (jiġifieri proċeduri negozjati mingħajr pubblikazzjoni minn qabel skont l-Artikoli 266 (2) u 134 (1) il-punt (c) tal-RAP), ma jibqgħux marbutin skont l-Artikolu 128 (3) il-punt (b) tal-RAP min-neċessità li jinnegozjaw ma’ bosta partijiet kontraenti potenzjali, kif meħtieġ mir-regoli komuni tal-Kummissjoni Ewropea (ara l-Artikolu 128 tal-RAP). L-applikazzjoni ta’ proċeduri flessibbli tiffaċilita u tħaffef il-proċess tax-xiri. Il-Kummissjoni tippermetti dan f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi (għal definizzjoni ara l-Artikolu 190(2) tal-RAP) wara li l-adozzjoni ta’ dikjarazzjoni ta’ kriżi.
30 B’segwitu għar-Rapport Speċjali tal-QEA dwar il-Kosovo, is-SEAE u l-Kummissjoni impenjaw ruħhom biex “janalizzaw il-proċeduri ta’ pprogrammar u ta’ akkwist tal-Kummissjoni biex jiżguraw li dawn jirrispondu għall-ħtiġijiet operazzjonali tal-EULEX”.
31 Valutazzjoni ta’ proċessi ewlenin minn awditur indipendenti (kontroll intern; kontabbiltà; awditjar estern; għotjiet; akkwist pubbliku; strumenti finanzjarji). Il-valutazzjoni ta’ dawn il-proċessi għandha l-għan li tipprovdi aċċertament lill-Kummissjoni dwar il-kapaċità tal-Missjonijiet fl-immaniġġjar tal-fondi tal-UE f’isimhom.
32 Il-Missjoni EUCAP Sahel Mali kkonformat mal-kriterji tal-valutazzjoni fuq sitt pilastri f’Marzu 2018 u l-EUCAP Sahel Niger hija mistennija li tikseb dan l-istatus sa Lulju 2018.
33 Bi tweġiba għar-Rapport Speċjali tal-QEA dwar il-EUPOL, il-Kummissjoni u s-SEAE qablu li jaħdmu fuq “linji gwida komprensivi dwar kompiti operazzjonali (bħal valutazzjonijiet tal-ħtiġijiet, ippjanar u monitoraġġ tal-kompiti u rappurtar) u linji gwida f’oqsma amministrattivi (bħat-teknoloġija tal-informazzjoni, l-immaniġġjar tal-finanzi u tal-assi u r-riżorsi umani) filwaqt li jagħmlu użu massimu tat-tagħlimiet misluta minn Missjonijiet preċedenti”.
34 Ara r-Rapporti Speċjali tal-QEA Nru 18/2012 (il-paragrafu 109) u 7/2015 (il-paragrafu 81).
35 Fl-2016 is-CIVCOM naqqas il-livell ta’ Franċiż meħtieġ għal ċerti postijiet, li rriżulta f’żieda fl-għadd ta’ applikazzjonijiet.
36 F’Jannar 2017, 110 postijiet kienu disponibbli għal persunal issekondat u kkuntrattat. Matul l-2017 dan l-ammont żdied.
37 F’Jannar 2017, 134 post kienu disponibbli għal persunal issekondat u kkuntrattat. Meta mqabbel ma’ Diċembru 2016, dan kien ifisser żieda ta’ 30 post li rriżultat f’għadd għoli ta’ postijiet vakanti.
38 Eż. ministeri nazzjonali fin-Niġer u fil-Mali, ambaxxati ta’ xi Stati Membri tal-UE u organizzazzjonijiet ta’ donaturi, bħal GIZ, Civipol u Expertise France.
39 Kuntratt għall-Bini tal-Istat iffinanzjat mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp. Il-mira stabbilita sat-30.9.2017 għall-għoti tal-appoġġ baġitarju kienet relatata ma’ approvazzjoni ta’ digriet relatat mal-istrateġija ta’ sigurtà nazzjonali kif ukoll ma’ pjan ta’ azzjoni mill-Gvern.
40 Is-COGs huma korpi permanenti stabbiliti biex jissorveljaw dak li qed jiġri fir-reġjun, jipprovdu riżorsi lill-pattulji, jiġbru informazzjoni, jinnotifikawha lill-awtoritajiet rilevanti u jirreaġixxu f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi.
41 Wieħed mill-ħames objettivi fid-Deċiżjoni tal-Kunsill kien jirrikjedi b’mod espliċitu li l-Missjoni fin-Niġer twettaq attivitajiet biex tiżgura s-sostenibbiltà tal-azzjonijiet tagħha.
42 Ir-Rapport Annwali 2016 tal-PSDK, p. 17.
43 Rilevanti, Aċċettati, Kredibbli, Faċli u Robusti.
44 Pereżempju: “laqgħat (mingħajr ma jiġi ddikjarat l-għadd ta’ laqgħat meħtieġa)”, “estensjoni ta’…”, “titjib ta’…”, “il-modalitajiet ġew maqbula”, “skambju u distribuzzjoni ta’ informazzjoni…”, “il-kapaċità hija msaħħa”, “mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni jinsabu fis-seħħ…”, “aġġornament regolari…”, eċċ.
45 Fir-Rapport Speċjali tagħha dwar il-EULEX ippubblikat fl-2012, il-QEA rrakkomandat li l-objettivi tal-Missjonijiet jiġu “marbuta ma’ punti ta’ riferiment konkreti li abbażi tagħhom ikun jista’ jiġi vvalutat il-progress u jikkunsidraw l-objettivi tas-sigurtà interna tal-UE”.
| Avveniment | Data |
|---|---|
| Adozzjoni tal-APM / Bidu tal-awditu | 2.5.2017 |
| L-abbozz tar-rapport jintbagħat uffiċjalment lill-Kummissjoni (jew lil parti awditjata oħra) | 2.3.2018 |
| Adozzjoni tar-rapport finali wara l-proċedura kontradittorja | 24.4.2018 |
| Ir-risposti uffiċjali tal-Kummissjoni u tas-SEAE riċevuti bil-lingwi kollha | 13.6.2018 |
Tim tal-awditjar
Ir-rapporti speċjali tal-QEA jippreżentaw ir-riżultati tal-awditi li twettaq ta’ politiki u programmi tal-UE, jew ta’ suġġetti relatati mal-ġestjoni minn oqsma speċifiċi tal-baġit tal-UE. Il-QEA tagħżel u tfassal dawn il-kompiti tal-awditjar biex timmassimizza l-impatt tagħhom billi tqis ir-riskji għall-prestazzjoni jew għall-konformità, il-livell ta’ introjtu jew ta’ nfiq involut, l-iżviluppi li jkunu għad iridu jseħħu u l-interess politiku u pubbliku.
Dan l-awditu tal-prestazzjoni twettaq mill-Awla III tal-Awditjar, Azzjoni esterna/Sigurtà u ġustizzja, li hija mmexxija minn Karel Pinxten, Membru tal-QEA. L-awditu tmexxa minn Bettina Jakobsen, Membru tal-QEA, li ngħatat appoġġ minn Katja Mattfolk, Kap tal-Kabinett u Kim Storup, Attaché tal-Kabinett; Beatrix Lesiewicz, Maniġer Prinċipali; Kim Hublé, Kap tal-Kompitu u Torielle Perreur-Lloyd, Awditur.
Kuntatt
IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI
12, rue Alcide De Gasperi
1615 Luxembourg
LUXEMBOURG
Tel. +352 4398-1
Mistoqsijiet: eca.europa.eu/mt/Pages/ContactForm.aspx
Sit web: eca.europa.eu
Twitter: @EUAuditors
Ħafna informazzjoni addizzjonali dwar l-Unjoni Ewropea hija disponibbli fuq l-Internet.
Jista’ jsir aċċess għaliha permezz tas-server Europa (http://europa.eu).
Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2018
| ISBN 978-92-872-9676-4 | ISSN 1977-5741 | doi:10.2865/156129 | QJ-AB-18-012-MT-N | |
| HTML | ISBN 978-92-872-6441-1 | ISSN 1977-5741 | doi:10.2865/107475 | QJ-AB-18-012-MT-Q |
© L-Unjoni Ewropea, 2018
Għal kull użu jew riproduzzjoni ta’ ritratti jew materjal ieħor li ma jaqax taħt id-drittijiet tal-awtur tal-Unjoni Ewropea, irid jintalab il-permess direttament mingħand id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur.
KIF TIKKUNTATTJA LILL-UE
Personalment
Madwar l-Unjoni Ewropea kollha hemm mijiet ta’ ċentri ta’ informazzjoni tal-Europe Direct. Tista’ ssib l-indirizz tal-eqreb ċentru għalik f’dan is-sit: https://europa.eu/european-union/contact_mt
Bit-telefown jew bil-posta elettronika
Europe Direct huwa servizz li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar l-Unjoni Ewropea. Tista’ tikkuntattja dan is-servizz:
- bit-telefown bla ħlas: 00 800 6 7 8 9 10 11 (ċerti operaturi jafu jimponu ħlas għal dawn it-telefonati),
- fuq dan in-numru standard: +32 22999696, jew
- bil-posta elettronika permezz: https://europa.eu/european-union/contact_mt
KIF ISSIB TAGĦRIF DWAR L-UE
Onlajn
L-informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE hija disponibbli fuq is-sit web Europa fuq: https://europa.eu/european-union/index_mt
Pubblikazzjonijiet tal-UE
Tista’ tniżżel mill-internet jew tordna l-pubblikazzjonijiet tal-UE, li xi wħud minnhom huma bla ħlas u xi oħrajn bil-ħlas, mill-EU Bookshop fl-indirizz li ġej: https://op.europa.eu/mt/web/general-publications/publications. Kopji multipli ta’ pubblikazzjonijiet bla ħlas tista’ tiksibhom billi tikkuntattja lil Europe Direct jew liċ-ċentru tal-informazzjoni lokali tiegħek (ara http://europa.eu/contact).
Il-liġi tal-UE u dokumenti relatati
Għal aċċess għall-informazzjoni legali tal-UE, inkluż il-liġijiet kollha tal-UE mill-1951 ’l hawn, fil-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali kollha, żur is-sit EUR-Lex hawnhekk: http://eur-lex.europa.eu/homepage.html?locale=mt
Dejta Miftuħa mill-UE
Il-portal tad-Dejta Miftuħa mill-UE (http://data.europa.eu/euodp) jipprovdi aċċess għal settijiet tad-dejta mill-UE. Id-dejta tista’ titniżżel mill-internet u tintuża mill-ġdid bla ħlas, kemm għal skopijiet kummerċjali kif ukoll mhux kummerċjali.
