Rapport Speċjali
Nru06 2018

Moviment Liberu tal-Ħaddiema – il-libertà fundamentali hija żgurata iżda orjentament aħjar tal-fondi tal-UE jkun ta’ għajnuna għall-mobbiltà tal-ħaddiema

Dwar ir-rapport Fl-2018, aħna niċċelebraw il-50 anniversarju tar-Regolament Fundatur dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema, wieħed mill-erba’ libertajiet fundamentali tal-Unjoni.
Aħna sibna li l-għodod stabbiliti mill-Kummissjoni jiżguraw il-moviment liberu tal-ħaddiema, iżda jimmeritaw ikunu magħrufin aħjar. Is-similarità tal-objettivi rispettivi taż-żewġ fondi tal-UE li jappoġġaw il-mobbiltà tal-ħaddiema (l-FSE u l-EASI) tagħmilha diffiċli li jkun hemm komplementarjetà bejniethom u d-dgħufijiet fis-sistema ta’ monitoraġġ ixekklu l-evalwazzjoni tal-azzjonijiet iffinanzjati. Fl-aħħar nett, il-portal tal-EURES, li fuqu jittellgħu l-postijiet tax-xogħol battala ġewwa l-UE, ma jistax jiżviluppa f’għodda vera ta’ kollokament fl-Ewropa dment li ċerti nuqqasijiet, bħar-rata baxxa ta’ offerti ta’ impjieg ippubblikati fuqu, ma jiġux indirizzati.

Din il-pubblikazzjoni hija disponibbli bi 23 lingwa fil-format li ġej:
PDF
PDF General Report

Sommarju eżekuttiv

Dwar il-mobbiltà tal-ħaddiema

I

Il-moviment liberu tal-ħaddiema huwa wieħed mill-erba’ libertajiet fundamentali tal-Unjoni. Fl-2018, l-UE se tiċċelebra l-50 anniversarju tar-Regolament fundatur dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema. Dan jimplika l-abolizzjoni, fl-Istati Membri kollha, ta' kull diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza dwar l-impjieg, il-paga u l-kundizzjonijiet l-oħra tax-xogħol. Fl-2015, 11.3 miljun ħaddiem mobbli ta’ età lavorattiva fl-EU-28 kienu qed jgħixu fi Stat Membru ieħor tal-UE li ma kienx il-pajjiż taċ-ċittadinanza tagħhom. Dan huwa ekwivalenti għal 3.7 % tat-total tal-popolazzjoni ta’ età lavorattiva fl-UE kollha.

Kif wettaqna l-awditu tagħna

II

Aħna eżaminajna kif il-Kummissjoni tiżgura l-moviment liberu tal-ħaddiema, kif ukoll l-effettività tal-azzjonijiet tal-UE li jiffaċilitaw il-mobbiltà tagħhom. Aħna wettaqna x-xogħol tal-awditjar tagħna bejn Ottubru 2016 u Lulju 2017 fil-Kummissjoni u fil-ħames Stati Membri li għandhom l-akbar flussi ta’ ħaddiema li ġejjin minn pajjiżi oħra u l-akbar flussi ta’ ħaddiema li jmorru f’pajjiżi oħra (il-Ġermanja, il-Lussemburgu, il-Polonja, ir-Rumanija u r-Renju Unit).

X'sibna

III

Aħna sibna li l-Kummissjoni tipprovdi informazzjoni lill-ħaddiema tal-UE dwar id-drittijiet tagħhom permezz ta’ bosta mezzi, iżda li hemm opportunitajiet biex huma jkunu aktar konxji minnhom.

IV

L-ostakli li persuna tiltaqa’ magħhom biex tittrażloka għal pajjiż ieħor u taħdem fih (bħar-rikonoxximent ta’ diplomi professjonali) ilhom jeżistu. Filwaqt li l-Kummissjoni u l-Istati Membri ħadu bosta azzjonijiet biex jindirizzaw ostakli ta’ dan it-tip, dawn għadhom hemm.

V

L-Istati Membri jinsabu f’livelli differenti f’dak li jirrigwarda d-data relatata mal-iżbilanċi fil-ħiliet u fil-forza tax-xogħol, kemm fil-livell reġjonali kif ukoll f’dak nazzjonali. Il-Kummissjoni qed tkompli taħdem mal-Istati Membri biex isir titjib ta’ din id-data.

VI

L-UE tappoġġa l-mobbiltà tal-ħaddiema permezz tal-FSE għall-Istati Membri li jidentifikaw il-ħtieġa ta’ din il-mobbiltà. Madankollu, il-mobbiltà tal-ħaddiema għadha ma ġietx iddefinita bħala prijorità ta’ investiment distinta, u kien hemm nuqqas ta’ monitoraġġ ta’ attività ta’ dan it-tip matul il-proċess ta’ approvazzjoni għall-perjodu ta’ programmazzjoni tal-FSE attwali. Għalhekk, għadu mhuwiex magħruf kemm fil-fatt l-FSE jintuża għal dan l-iskop.

VII

Is-sors prinċipali ta’ finanzjament li huwa magħruf li jintuża għall-appoġġ tal-mobbiltà tal-ħaddiema huwa l-programm tal-Kummissjoni għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali (EaSI) b’EUR 165 miljun għall-perjodu mill-2014 sal-2020. F’dak li jirrigwarda l-mobbiltà tal-ħaddiema, aħna sibna li l-EaSI-EURES għandu objettivi ta’ politika li huma simili bħal dawk tal-FSE u dan ifisser li attwalment huwa diffiċli li tinkiseb il-komplementarjetà meħtieġa taż-żewġ fondi tal-UE.

VIII

Aħna eżaminajna 23 proġett tal-EURES immexxija minn Proġetti Transkonfinali (CBP) u appoġġati mill-EaSI. Sibna li l-proġetti li kellhom riżultati ddefiniti (eż. persuni li kienu qed ifittxu xogħol u li sabuh) kienu ftit, u li d-dgħufijiet fil-monitoraġġ tal-proġetti rriżultaw f’sitwazzjoni fejn dawn ma setgħux jaggregaw l-outputs u r-riżultati tagħhom fil-livell tal-programm.

IX

Il-“Portal tal-EURES dwar il-mobbiltà fix-xogħol” huwa l-għodda prinċipali fil-livell tal-UE biex tiġi ffaċilitata l-mobbiltà tal-ħaddiema, iżda dan qed jiffaċċja diffikultajiet sinifikanti, partikolarment minħabba l-fatt li proporzjon sinifikanti ta’ offerti ta’ impjieg disponibbli fil-livell nazzjonali u ppubblikati mill-PES ma jittellgħux fuq il-portal tal-EURES. Barra minn hekk, l-analiżi tagħna spiss uriet li l-offerti ta’ impjieg li ttellgħu fuq il-portal ma kinux adegwati jew utli għal min kien qed ifittex ix-xogħol eż. 39 offerta ta’ impjieg mill-50 li eżaminajna ma kellhomx data ta’ skadenza għall-applikazzjoni.

X

Il-kejl tal-għadd ta’ kollokamenti f’impjieg li jinkisbu permezz tal-EaSI-EURES huwa kejl fundamentali tal-effettività tal-programm. Skont il-Kummissjoni, 28 934 kollokament f’impjieg fl-2016 kienu r-riżultat tal-appoġġ li l-konsulenti tal-EURES taw lil dawk li kienu qed ifittxu x-xogħol. Dan jirrappreżenta 3.7 % biss tal-kuntatti li saru minn persuni li kienu qed ifittxu x-xogħol mal-konsulenti tal-EURES. Barra minn hekk, il-biċċa l-kbira mis-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi (PES) li stħarriġna ddikjaraw li huma jew ma jistgħux ikejlu l-għadd reali ta’ kollokamenti f’impjieg, jew inkella ma baqgħux jużawhom bħala indikatur.

X'nirrakkomandaw

XI

Aħna nirrakkomandaw li jenħtieġ li l-Kummissjoni:

  1. Tevalwa kemm iċ-ċittadini tal-UE huma konxji mill-għodod eżistenti għall-forniment ta’ informazzjoni dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema u r-rappurtar tad-diskriminazzjoni.
  2. Tagħmel użu aħjar mill-informazzjoni disponibbli sabiex jiġu identifikati t-tipi ta’ diskriminazzjoni.
  3. Taħdem mal-Istati Membri sabiex isir titjieb fil-ġbir u l-użu tad-data dwar ix-xejriet u l-flussi fil-mobbiltà tal-ħaddiema u l-iżbilanċi fis-suq tax-xogħol
  4. Ittejjeb it-tfassil tal-finanzjament li jingħata mill-UE biex tiġi indirizzata l-mobbiltà tal-ħaddiema.
XII

Aħna nirrakkomandaw li jenħtieġ li l-Istati Membri:

e)Itejbu l-monitoraġġ tal-effettività tal-EaSI-EURES, speċjalment fir-rigward ta’ kollokamenti f’impjieg.

f)Jindirizzaw il-limitazzjonijiet tal-Portal tal-EURES dwar il-mobbiltà fix-xogħol biex dan isir għodda vera ta’ kollokament f’impjieg fl-Ewropa.

Introduzzjoni

Moviment liberu tal-ħaddiema: libertà fundamentali

01

Il-moviment liberu tal-ħaddiema huwa wieħed mill-erba’ libertajiet fundamentali tal-Unjoni1. Fl-2018, l-UE se tiċċelebra l-50 anniversarju tar-Regolament fundatur dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema. Huwa dritt importanti, individwali għal kull ħaddiem, u huwa kostitwent essenzjali tas-suq uniku. Skont din il-libertà, il-ħaddiema tal-UE li jkunu ġejjin minn Stati Membri oħra jibbenefikaw minn trattament indaqs bħaċ-ċittadini ta’ dak il-pajjiż f’dak li jirrigwarda l-aċċess għall-impjiegi, il-kundizzjonijiet tax-xogħol kif ukoll il-benefiċċji fiskali u soċjali l-oħra kollha. Dan ifisser li kull awtorità nazzjonali u kull impjegatur, kemm pubbliċi kif ukoll privati, iridu japplikaw u jirrispettaw id-drittijiet li joħorġu mill-Artikolu 45 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ara l-Kaxxa 1). Din il-libertà hija garantita wkoll fil-pajjiżi tal-EFTA (l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Iżvizzera). Għandu jiġi nnutat li l-moviment liberu tal-ħaddiema huwa differenti mil-libertà li ċ-ċittadini kollha tal-UE għandhom li jiċċaqalqu u jabitaw b’libertà fit-territorju tal-Istati Membri.

Kaxxa 1

Moviment liberu tal-ħaddiema - l-Artikolu 45 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE)

  1. Għandu jkun żgurat il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni.
  2. Dan jimplika l-abolizzjoni ta' kull diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza bejn il-ħaddiema tal-Istati Membri dwar l-impjieg, il-paga u l-kundizzjonijiet l-oħra tax-xogħol.
  3. Għandu jinkludi d-dritt, mingħajr preġudizzju għal-limitazzjonijiet gustifkati minħabba ordni pubbliku, sigurtà pubblika u saħħa pubblika li (dak li jkun):
    1. jaċċetta offerti ta’ impjieg li jkunu saru;
    2. jispostja ruħu liberament għal dan l-għan fit-territorju tal-Istati Membri;
    3. joqgħod f'kull Stat Membru sabiex jaħdem f'impjieg skont il-liġijiet, regolamenti u regoli amministrattivi li jirregolaw l-impjieg tal-ħaddiema ta’ dak l-Istat;
    4. jibqa' fit-territorju ta' Stat Membru wara li jkun okkupa impjieg hemm, suġġett għal kundizzjonijiet f'regolamenti implimentattivi li għandhom jitħejjew mill-Kummissjoni.
  4. Id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu ma japplikawx għal impjieg fl-amministrazzjoni pubblika.
02

Iċ-ċifri l-aktar reċenti li huma disponibbli jindikaw li, f’popolazzjoni ta’ età lavorattiva fl-UE li tammonta għal total ta’ 306 miljun, madwar 11-il miljun ħaddiem mobbli ta’ età lavorattiva (20-64 sena) fl-EU-28 kienu qed jgħixu għal żmien twil fi Stat Membru ieħor tal-UE li ma kienx il-pajjiż taċ-ċittadinanza tagħhom, ċifra li tirrappreżenta 3.7 % tat-total tal-popolazzjoni ta’ età lavorattiva fl-EU-28. F’termini ta’ flussi annwali ta’ ħaddiema mobbli li kienu ta’ età lavorattiva, 1.1 miljun ittrażlokaw fl-2014 (dan jinkludi madwar 100 000 ċittadin tal-EFTA li ttrażlokaw lejn l-Unjoni u jirrappreżenta 0.4 % tat-total tal-popolazzjoni ta’ età lavorattiva). Minbarra dan, 1.3 miljun persuna oħra jaqsmu l-fruntiera kuljum biex jaħdmu fi Stat Membru li mhuwiex dak fejn huma residenti (ara t-Tabella 1).

Tabella 1

Data dwar ħaddiema mobbli li marru fi Stat Membru ieħor (2015)

Ċifri Tip ta’ mobbiltà
11.3 miljun Ħaddiema mobbli “fuq medda twila ta’ żmien” ta’ età lavorattiva (20-64 sena) li ġejjin mill-EU-28 u li qed jgħixu fi Stat Membru tal-EU-28
3.7 % … bħala perċentwal tat-total tal-popolazzjoni ta’ età lavorattiva fl-EU-28
8.5 miljun Ħaddiema mobbli attivi tal-EU-28 (impjegati jew qed ifittxu x-xogħol)
1.3 miljun Ħaddiema transkonfinali (20-64 sena) tal-EU-28 fl-2015
1.1 miljun Fluss annwali ta’ ħaddiema mobbli tal-EU-28 u tal-EFTA, ta’ età lavorattiva, li ttrażlokaw fl-2014
0.4 % … bħala perċentwal tat-total tal-popolazzjoni ta’ età lavorattiva li qed tgħix fl-EU-28 u fl-EFTA
0.6 miljun Movers li rritornaw lejn il-pajjiż taċ-ċittadinanza tagħhom fl-2014

Nota: Il-fluss annwali ta’ ħaddiema mobbli ma jinkludix il-mobbiltà ta' ritorn.

Sors: Annual Report on intra-EU Labour Mobility (Rapport Annwali dwar il-Mobbiltà tal-Ħaddiema ġewwa l-UE), ir-Rapport Finali, il-Kummissjoni Ewropea, Diċembru 2016.

03

Għall-11.3 miljun ħaddiem mobbli, il-pajjiżi prinċipali ta’ destinazzjoni kienu l-Ġermanja, li akkomodat l-akbar għadd ta’ ħaddiema mobbli ta’ età lavorattiva (2.7 miljun jew 22 % tal-ħaddiema mobbli kollha), segwita mill-qrib mir-Renju Unit bi 2.1 miljun. Il-pajjiżi bl-akbar proporzjon ta’ ħaddiema mobbli fi ħdan il-popolazzjoni tagħhom ta’ età lavorattiva kienu l-Lussemburgu (43 %), l-Iżvizzera (19 %), Ċipru (15 %) u l-Irlanda (10 %).

04

Ħaddiema mobbli attivi reċenti huma ddefiniti bħala dawk li jkunu għexu f’pajjiż tal-UE li mhuwiex il-pajjiż taċ-ċittadinanza tagħhom għal mhux aktar minn 10 snin. Iċ-ċifri relatati ma’ dawn il-ħaddiema mobbli jingħataw fil-Figura 1.

Figura 1

Ħaddiema mobbli attivi reċenti, ta’ eta lavorattiva (20-64) fl-EU-28, skont il-pajjiż tar-residenza, data għall-2015 (f’eluf)

Nota: Ħaddiema mobbli reċenti li huma inqas minn 50 000 mhumiex rappreżentati.

Sors: Annual Report on intra-EU Labour Mobility (Rapport Annwali dwar il-Mobbiltà tal-Ħaddiema ġewwa l-UE), ir-Rapport Finali, il-Kummissjoni Ewropea, Diċembru 2016.

Responsabbiltajiet li jirrigwardaw il-mobbiltà tal-ħaddiema

05

Biex jiġu apprezzati l-livelli differenti ta’ responsabbiltà relatati mal-moviment liberu tal-ħaddiema, jeħtieġ li jitqies il-fatt li din il-libertà tiġi applikata direttament fl-Istati Membri, u għaldaqstant kull każ ta’ diskriminazzjoni jista’ jitressaq quddiem il-Qorti Nazzjonali. Il-Kummissjoni tista’ wkoll tieħu azzjoni diretta, li potenzjalment tista’ twassal għal proċeduri ta’ ksur kontra Stat Membru li jinvolvu lill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja. Madankollu, huma l-Istati Membri li huma primarjament responsabbli għall-politika tal-impjiegi u l-politika soċjali. Dawn ir-responsabbiltajiet kondiviżi huma deskritti fil-Figura 2.

Figura 2

Responsabbiltajiet li jirrigwardaw il-mobbiltà tal-ħaddiema

Sors: il-QEA.

Il-Kummissjoni Ewropea u l-mobbiltà tal-ħaddiema

06

It-trażlokazzjoni minn pajjiż għal ieħor għal raġunijiet ta’ impjieg hija essenzjalment deċiżjoni individwali. Madankollu, il-mobbiltà tal-ħaddiema tista’ tkun iffaċilitata, u l-finanzjament mill-UE jista’ jagħti appoġġ utli lill-azzjonijiet relatati mal-mobbiltà tal-ħaddiema. Fl-2010 bl-istrateġija tagħha “EWROPA 2020 - Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv”2, il-Kummissjoni tistabbilixxi l-faċilitazzjoni tal-mobbiltà tal-ħaddiema fil-kuntest ta’ tqabbil aħjar tal-provvista ta’ ħaddiema mad-domanda, b’appoġġ mill-fondi strutturali tal-UE, b’mod partikolari l-FSE. Hija tippromwovi “politika komprensiva ta' migrazzjoni tal-ħaddiema li tħares 'il quddiem u li tirrispondi b'mod flessibbli għall-prijoritajiet u l-ħtiġijiet tas-swieq tax-xogħol”. Fis-snin reċenti, il-Kummissjoni ħarġet bosta dokumenti ta’ politika, proposti leġiżlattivi u linji gwida dwar il-mobbiltà tal-ħaddiema, filwaqt li enfasizzat l-importanza ta’ din il-mobbiltà bħala politika tal-UE (ara l-Figura 3).

Figura 3

Kronoloġija ta’ azzjonijiet li ttieħdu mill-Kummissjoni fir-rigward tal-mobbiltà tal-ħaddiema

Sors: il-QEA.

Azzjonijiet iffinanzjati mill-UE li jiffaċilitaw il-mobbiltà tal-ħaddiema

07

L-FSE huwa mmaniġġjat mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri. Wieħed mill-objettivi tiegħu huwa li jżid il-mobbiltà geografika u fl-impjiegi tal-ħaddiema ġewwa l-Unjoni Ewropea3. Il-finanzjament globali tiegħu għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020 huwa ta’ EUR 86.4 biljun. Minn dan, bejn wieħed u ieħor EUR 27.5 biljun ġew allokati għal objettiv tematiku speċifiku: “Il-promozzjoni ta’ impjiegi sostenibbli u ta’ kwalità u l-appoġġ għall-mobbiltà fix-xogħol”4, li skontu l-Istati Membri jistgħu jiffinanzjaw azzjonijiet relatati mal-mobbiltà tal-ħaddiema. L-ammonti li jintużaw mill-Istati Membri għal skopijiet bħal dawn mhumiex magħrufa.

08

Il-programm għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali (EaSI), immaniġġjat mill-Kummissjoni, jikkonsisti fi tliet assi, li minnhom l-assi “EURES” (Netwerk tas-Servizzi Ewropej tax-Xogħol) għandu l-għan li jiffaċilita l-mobbiltà tal-ħaddiema. Il-finanzjament għall-EaSI għall-perjodu 2014-2020 jammonta għal EUR 919-il miljun. Il-finanzjament għall-attivitajiet iddedikati tal-EaSI-EURES jammonta għal EUR 165 miljun, jiġifieri 18 % tal-finanzjament totali. L-EaSI-EURES jappoġġa l-attivitajiet għall-promozzjoni tal-mobbiltà volontarja ġeografika għall-ħaddiema. Stampa ġenerali ta’ dawn l-attivitajiet tingħata fil-Figura 4.

Figura 4

L-attivitajiet differenti tal-assi EaSI-EURES

Sors: il-QEA.

Ambitu u approċċ tal-awditjar

09

Aħna eżaminajna kif il-Kummissjoni tiżgura l-moviment liberu tal-ħaddiema, kif ukoll l-effettività tal-azzjonijiet tal-UE li jiffaċilitaw il-mobbiltà tagħhom.

10

B'mod partikolari, aħna eżaminajna:

  • l-għodod ta’ informazzjoni stabbiliti mill-Kummissjoni bħala appoġġ għall-ħaddiema li huma interessati li jittrażlokaw jew li jkunu diġà ttrażlokaw għal Stat Membru ieħor, u l-azzjonijiet meħuda mill-Kummissjoni biex jiġu indirizzati l-ostakli eżistenti għall-mobbiltà tal-ħaddiema, dan inkluż id-data li tinġabar mill-Kummissjoni dwar il-flussi u x-xejriet tal-mobbiltà tal-ħaddiema (il-Parti I);
  • l-effettività tal-finanzjament li jingħata mill-UE b’appoġġ għall-mobbiltà tal-ħaddiema permezz tal-FSE u tal-programm EaSI fil-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020 (il-Parti II).
11

L-awditu tagħna sar bejn Ottubru 2016 u Lulju 2017, u aħna wettaqna l-kontrolli li ġejjin:

  • Eżaminajna l-azzjonijiet meħuda mill-Kummissjoni fir-rigward tal-mobbiltà tal-ħaddiema.
  • Żorna u intervistajna l-awtoritajiet nazzjonali rilevanti fil-Ġermanja, fil-Lussemburgu, fil-Polonja, fir-Rumanija u fir-Renju Unit.
  • Aħna eżaminajna 23 proġett ta’ sħubija transkonfinali (CBP) taħt l-EaSI-EURES ikkompletati, li ġew iffinanzjati fl-2015 u l-2016, u intervistajna maniġers tal-proġetti fil-Ġermanja, fil-Lussemburgu, fil-Polonja u fir-Renju Unit.
  • Indirizzajna stħarriġ lit-28 Uffiċċju Nazzjonali ta’ Koordinazzjoni (NCO) tan-netwerk tal-EURES u lill-NCO tal-Iżvizzera biex neżaminaw il-funzjonament tal-EURES, u analizzajna l-kwalità ta’ 50 offerta ta’ impjieg li ttellgħu fuq il-Portal tal-EURES dwar il-mobbiltà fix-xogħol.
  • Barra minn hekk, it-tim tal-awditjar kien megħjun minn bord ta’ esperti magħmul minn tliet speċjalisti fil-qasam tal-mobbiltà tal-ħaddiema5.
12

Dan l-awditu ma vvalutax l-impatt tal-“Brexit” fuq il-moviment liberu, billi din hija parti ċentrali tan-negozjati li għaddejjin bħalissa bejn l-UE u r-Renju Unit. Bl-istess mod, dan l-awditu ma eżaminax l-impatt tar-referendum dwar l-immigrazzjoni li sar fl-2014 fl-Iżvizzera, li l-eżitu tiegħu se jaffettwa l-libertà li l-ħaddiema tal-UE għandhom li jittrażlokaw għall-Iżvizzera, meta dan eventwalment jiġi adottat fil-leġiżlazzjoni tal-Iżvizzera.

Osservazzjonijiet

Parti I – Il-Kummissjoni stabbiliet għodod biex tiżgura l-moviment liberu tal-ħaddiema, iżda ma għandhiex informazzjoni kompleta dwar kif il-mobbiltà tal-ħaddiema qed taħdem fil-prattika

13

Fl-ewwel parti, aħna neżaminaw l-għodod li ġew stabbiliti mill-Kummissjoni Ewropea bħala appoġġ għall-ħaddiema li huma interessati li jittrażlokaw, jew li jkunu diġà ttrażlokaw, għal Stat Membru ieħor. Hija tindirizza wkoll l-ostakli eżistenti għall-mobbiltà tal-ħaddiema, kif ukoll l-azzjonijiet meħuda mill-Kummissjoni biex dawn jiġu indirizzati. Fl-aħħar nett, fil-Parti I aħna vvalutajna wkoll id-data miġbura mill-Kummissjoni biex timmonitorja l-flussi u x-xejriet tal-mobbiltà tal-ħaddiema, kif ukoll l-iżbilanċi fis-suq tax-xogħol.

Il-Kummissjoni stabbiliet għodod biex tinforma liċ-ċittadini dwar id-drittijiet tagħhom, iżda ma tafx kemm fil-fatt huma konxji mill-eżistenza ta’ dawn l-għodod

14

Huwa importanti li persuni li jkunu diġà qed jaħdmu f’pajjiż ieħor jew li jkunu qed ifittxu li jaħdmu f’pajjiż ieħor ikollhom aċċess għal informazzjoni dwar kundizzjonijiet u drittijiet. Minbarra dan, jeħtieġ li dawk li għalihom din l-informazzjoni tista’ tkun utli jkunu konxji li din tkun teżisti u tkun disponibbli għalihom.

15

Il-Kummissjoni tipprovdi informazzjoni liċ-ċittadini dwar id-drittijiet u l-opportunitajiet ta’ mobbiltà tal-ħaddiema permezz ta’ żewġ siti web dedikati: L-EWROPA TIEGĦEK, u l-EURES (ara l-Kaxxa 2).

Kaxxa 2

Informazzjoni dwar id-drittijiet u l-opportunitajiet għal min jixtieq jaħdem fi Stat Membru ieħor

  • Is-sit web L-EWROPA TIEGĦEK6 jipprovdi informazzjoni ġenerali għal min jixtieq jaħdem fi Stat Membru ieħor, bħal drittijiet bażiċi u kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali; Pariri tal-Ewropa Tiegħek joffri pariri permezz ta’ netwerk ta’ esperti legali ssottokuntrattati mill-Kummissjoni; L-EWROPA TIEGĦEK jipprovdi wkoll links għall-korpi nazzjonali, ir-regoli u s-servizzi ta’ assistenza li huma rilevanti.
  • Il-Portal tal-EURES7 joffri aċċess għal offerti ta’ impjieg ippubblikati mis-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi (PES) nazzjonali permezz tal-Portal tal-EURES dwar il-mobbiltà fix-xogħol u jipprovdi informazzjoni aktar dettaljata dwar is-suq tax-xogħol u l-leġiżlazzjoni fl-Istati Membri differenti. Huwa joffri wkoll il-possibbiltà li wieħed jikkuntattja lil konsulenti speċjalizzati tal-EURES, li jistgħu jiggwidaw lil min ikun qed tfittex ix-xogħol b’mod attiv fl-opportunitajiet ta’ xogħol differenti li jkun hemm disponibbli.
16

Barra minn hekk, l-Istati Membri waqqfu s-sorsi ta’ informazzjoni proprji tagħhom għaċ-ċittadini tal-UE li jkunu qed jaħdmu fil-pajjiżi tagħhom, jew għaċ-ċittadini tagħhom li jkun biħsiebhom jaħdmu fi Stat Membru ieħor. Sistemi bħal dawn jistgħu jiġu appoġġati mill-awtoritajiet pubbliċi, mill-unions jew minn korpi oħra (ara l-Kaxxa 3).

Kaxxa 3

Eżempji ta’ Stati Membri li jipprovdu informazzjoni lill-ħaddiema dwar id-drittijiet tagħhom f’pajjiż ieħor

L-awtoritajiet Pollakki ttrasponew id-drittijiet legali dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema u l-mobbiltà fil-gwida proprja tagħhom għall-ħaddiema tal-UE li jmorru l-Polonja u għaċ-ċittadini Pollakki li jittrażlokaw f’pajjiż ieħor. L-informazzjoni hija disponibbli f’fuljetti miktuba bil-Pollakk, bl-Ingliż, bil-Ġermaniż u bil-Franċiż. Dawn huma disponibbli fl-ambaxxati u l-konsolati Pollakki fi Stati Membri oħra, fiċ-ċentri ta’ impjieg fil-Polonja kif ukoll fuq is-sit web tal-Ministeru għall-Familja, ix-Xogħol u l-Politika Soċjali.

L-awtoritajiet Rumeni jiddeskrivu d-drittijiet legali li jirriżultaw mill-moviment liberu tal-ħaddiema fuq is-siti web tagħhom. Il-konsolati Rumeni fi Stati Membri oħra wkoll jippreżentaw informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol fil-pajjiż rispettiv, u jipprovdu volantini u fuljetti dwar dawn l-aspetti liċ-ċittadini tagħhom.

17

Il-Kummissjoni tevalwa s-sodisfazzjon tal-utenti kemm għal L-EWROPA TIEGĦEK kif ukoll għall-EURES. Fl-2016, 64 % tal-viżitaturi ta’ L-EWROPA TIEGĦEK ikklassifikaw is-sit bħala għodda tajba jew eċċellenti, 25 % bħala sodisfaċenti, u 5 % bħala ħażina jew ħażina ħafna. Minn dawk li kienu jużaw il-portal tal-EURES, 40 % qablu li l-EURES jista’ jinstab faċilment u li se jerġgħu jużaw is-servizz.

18

Filwaqt li l-Kummissjoni tevalwa s-sodisfazzjon tal-utenti, hija ma evalwatx kemm iċ-ċittadini tal-UE kienu konxji minn dawn is-sistemi. Il-ħtieġa li tiżdied is-sensibilizzazzjoni hija riflessa fis-sejbiet inklużi f’rapport tal-Kummissjoni tal-20178 li jidentifika li, fost dawk li diġà kienu jużaw l-EURES, il-biċċa l-kbira minnhom kienu sabu s-sit permezz ta’ tiftix fuq il-web jew b’kumbinazzjoni.

Il-Kummissjoni waqqfet sistemi għar-rappurtar ta’ diskriminazzjoni kontra l-moviment liberu iżda l-iskala ta’ din id-diskriminazzjoni fil-livell tal-UE tibqa’ mhux magħrufa

19

Jeħtieġ li l-ħaddiema jkunu aktar konxji mid-drittijiet tagħhom u jkollhom l-opportunità li jirrappurtaw diskriminazzjoni kontra l-moviment liberu tal-ħaddiema. Jeħtieġ li jkun hemm fehim dwar l-iskala u t-tipi ta’ diskriminazzjoni eżistenti biex dawn ikunu jistgħu jiġu indirizzati b’mod effettiv.

20

SOLVIT hija s-sistema tal-Kummissjoni li permezz tagħha ċ-ċittadini jistgħu jressqu lmenti dwar regoli jew deċiżjonijiet inġusti li jkunu saru mill-amministrazzjonijiet pubbliċi nazzjonali. Fl-2016, SOLVIT ittrattat 2 414-il każ relatati mal-aspetti kollha tas-suq uniku. Kategorija waħda ta’ lment tirrigwarda l-moviment liberu tal-ħaddiema, filwaqt li kategoriji oħra jistgħu wkoll ikunu relatati indirettament mal-moviment liberu. Dawn jinkludu r-rikonoxximent ta’ diplomi professjonali, is-sigurtà soċjali jew l-aċċess għall-edukazzjoni għall-membri tal-familja. Fl-2016, kien hemm 34 każ relatati mal-moviment liberu tal-ħaddiema.

21

Mill-2010 ’l hawn, il-Kummissjoni niedet 33 proċediment legali kontra l-Istati Membri li kienu jirrigwardaw il-moviment liberu, kif ukoll 21 proċedimentż legali relatati ma’ kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali, li għandhom impatt indirett fuq dawn id-drittijiet.

22

Meta mqabbel mal-11.3 miljun ħaddiema mobbli ta’ età lavorattiva fl-UE, l-għadd ta’ każijiet kemm minn SOLVIT kif ukoll mill-proċeduri ta’ ksur huwa baxx ħafna.

23

Minbarra SOLVIT, xi Stati Membri waqqfu s-sistemi distinti proprji tagħhom biex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jirrappurtaw każijiet ta’ diskriminazzjoni u biex dawn ikunu jistgħu jiġu ttrattati. Pereżempju, ħaddiema barranin fil-Lussemburgu jistgħu jikkuntattjaw lill-ispettorat nazzjonali tax-xogħol li jista’ jagħti segwitu għall-ilment. Fi Stati Membri oħra bħall-Ġermanja, il-ħaddiema jistgħu jirrikorru għand uffiċċji tal-informazzjoni mmexxija minn unions, li jkollhom medjaturi speċjalizzati li jistgħu jieħdu l-ilment f’idejhom, u jirriferuh lill-awtoritajiet nazzjonali jew jikkuntattjaw lill-impjegaturi direttament għal konċiljazzjoni.

24

Minbarra s-sistema SOLVIT u n-netwerk ta’ esperti legali li joffru pariri permezz tas-sit web PARIRI TAL-EWROPA TIEGĦEK, il-Kummissjoni ftit li xejn tkun taf dwar il-każijiet li jitqajmu fil-livell nazzjonali, minħabba li dawn ma jiġux ikkomunikati regolarment lilha. Għaldaqstant hija ma tafx l-iskala sħiħa tad-diskriminazzjoni li teżisti kontra l-moviment liberu. Skont Direttiva mill-20149, l-Istati Membri kellhom sal-2016 biex jaħtru korpi għall-promozzjoni, l-analiżi, il-monitoraġġ u l-appoġġ tat-trattament ugwali tal-ħaddiema tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom. Dawn il-korpi jridu jwettqu stħarriġiet u analiżijiet dwar restrizzjonijiet u ostakli mhux ġustifikati għad-dritt tal-moviment liberu, jew diskriminazzjoni għal raġunijiet ta’ nazzjonalità (ċittadinanza).

Il-Kummissjoni ħadet azzjoni biex tindirizza restrizzjonijiet oħra dwar il-mobbiltà tal-ħaddiema iżda ċerti ostakli għadhom hemm

25

Il-ħaddiema jistgħu wkoll iħabbtu wiċċhom ma’ ostakli għat-trażlokazzjoni li, għalkemm ma jkunux jirrappreżentaw ksur tad-drittijiet tagħhom, xorta waħda jistgħu jaffettwaw il-mobbiltà tagħhom (pereżempju, ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki).

26

“Id-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom (iċ-ċittadini tal-UE li jkunu jridu jiċċaqilqu jew li fil-fatt jiċċaqilqu), jispjegaw xi ftit jew wisq ir-raġuni għalfejn il-mobbiltà ġeografika bejn l-Istati Membri tal-UE…(baqgħet) f'livell relattivament baxx: skont l-Istħarriġ dwar il-Forza tax-Xogħol fl-UE, fl-2011 kienu 3.1 % biss taċ-ċittadini Ewropej fl-età tax-xogħol … li marru jgħixu fi Stat Membru ieħor tal-UE li mhux dak tagħhom”10.

27

It-Tabella 2 tippreżenta l-ostakli, li spiss jidhru fid-dokumenti tal-Kummissjoni u li jxekklu l-mobbiltà tal-ħaddiema, flimkien mal-azzjoni meħuda mill-Kummissjoni u l-valutazzjoni li wettaqna dwar l-effettività tal-azzjonijiet meħuda. It-tabella tidentifika li l-Kummissjoni ħadet azzjonijiet biex tindirizza dawn l-ostakli għall-mobbiltà tal-ħaddiema. Iżda, mill-perspettiva ta’ ħaddiem Ewropew li jkun biħsiebu jaħdem fi Stat Membru ieħor, dawn mhux dejjem ikunu effettivi. L-indirizzar ta’ dawn l-ostakli jibqa’ sfida kontinwa għall-Unjoni Ewropea. Dawn l-ostakli li jifdal jridu jitqiesu fil-perspettiva tal-potenzjal mhux sfruttat fir-rigward tal-mobbiltà tal-ħaddiema tal-Unjoni: fl-2014, id-data disponibbli tal-istħarriġiet kienet tindika li madwar 2.9 miljun ċittadin tal-UE kienu jixtiequ jittrażlokaw fit-12-il xahar ta’ wara, iżda kienu biss ftit aktar minn 1 000 000 ħaddiem li għamlu dan.

Tabella 2

Ostakli li jaffettwaw il-mobbiltà tal-ħaddiema, azzjoni meħuda mill-Kummissjoni, u valutazzjoni tal-effettività tagħha

Ostakli Responsabbiltajiet Il-Kummissjoni ħadet azzjoni? Eżempju tal-azzjonijiet meħuda L-ostaklu li jxekkel il-mobbiltà tal-ħaddiema qed jiġi indirizzat b’mod effettiv?
Nuqqas ta’ informazzjoni dwar id-drittijiet legali għall-moviment liberu tal-ħaddiema Il-Kummissjoni Ewropea Iva Il-Kummissjoni waqqfet:

L-EWROPA TIEGĦEK
EURES
SOLVIT
Iva
Nuqqas ta’ informazzjoni suffiċjenti dwar opportunitajiet ta’ xogħol Il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri Iva Il-Kummissjoni qed tmexxi l-“Portal tal-EURES dwar il-mobbiltà fix-xogħol”, b’mod konġunt mal-PES nazzjonali; il-portal fih informazzjoni ġenerali dwar is-swieq tax-xogħol nazzjonali u jipprovdi aċċess dirett għal offerti ta’ impjieg. Ma ġiex indirizzat għalkollox

Il-Portal tal-EURES dwar il-mobbiltà fix-xogħol ma fihx l-offerti ta’ impjieg kollha fil-livell nazzjonali; ta’ spiss, l-offerti ta’ impjieg ma jkunux kompleti (ara l-paragrafi 51 sa 57).
Differenzi fis-sigurtà soċjali Il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri Iva F’Diċembru 2016, bħala parti mill-“pakkett dwar il-Mobbiltà tal-Ħaddiema”, il-Kummissjoni pproponiet reviżjoni tar-Regolament Nru 883/2004 attwali u tar-Regolament ta’ implimentazzjoni tiegħu, b’fokus fuq rabta aktar mill-qrib tal-pagament tal-benefiċċji mal-Istat Membru li jkun ġabar il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, biex b’hekk is-sistema tkun aktar ġusta u ekwa. Ma ġiex indirizzat għalkollox

Attwalment, l-Istati Membri jqiegħdu aktar enfasi fuq forom supplimentari ta’ introjtu tal-irtirar, li jissupplimentaw l-iskemi bażiċi nazzjonali tal-irtirar. Id-Direttiva 98/49/KE dwar is-salvagwardja tad-drittijiet tal-pensjoni supplimentari ta’ persuni impjegati u dawk li jaħdmu għal rashom ma tkoprix it-“trasferibbiltà” tal-pensjonijiet supplimentari, jiġifieri l-kapaċità li l-persuni jitittrasferixxu dawn l-intitolamenti tal-pensjoni meta jittrażlokaw għal Stat Membru differenti (li madankollu diġà huwa possibbli fl-iskemi nazzjonali tal-irtirar).
Dan in-nuqqas ta’ trasferibbiltà jista’ jkun ta’ diżinċentiv serju għall-mobbiltà tal-ħaddiema.
Rikonoxximent ta’ diplomi professjonali u akkademiċi Il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri Iva Rikonoxximent awtomatiku ta’ diplomi universitarji

Twaqqif ta’ qafas Ewropew għal professjonijiet regolati

Il-Karta Professjonali Ewropea (KPE) hija għodda ġdida li tiffaċilita r-rikonoxximent, u li saret disponibbli mit-18 ta’ Jannar 2016 biss.
Ma ġiex indirizzat għalkollox

Ir-rapport tal-2016 dwar il-mobbiltà tal-ħaddiema jidentifika li r-rikonoxximent ta’ diplomi professjonali jibqa’ ostaklu importanti għall-mobbiltà.

Nota: Informazzjoni aktar dettaljata dwar l-azzjonijiet meħuda u kif aħna vvalutajniehom hija inkluża taħt l-Anness I għal dan ir-rapport.

Sors: il-QEA.

28

L-eżempju li ġej fil-Kaxxa 4 jidentifika x’tip ta’ azzjoni ttieħdet mill-Kummissjoni, u għaliex dan mhuwiex effettiv għalkollox.

Kaxxa 4

Eżempju ta’ azzjoni li l-Kummissjoni ħadet biex tindirizza ostaklu għall-mobbiltà tal-ħaddiema, li kien ġie identifikat

Ostaklu “Rikonoxximent ta’ diplomi professjonali u akkademiċi”

Azzjoni: Il-Karta Professjonali Ewropea (KPE)

Il-Kummissjoni introduċiet il-KPE għall-infermiera/professjonisti fil-kura medika, spiżjara, fiżjoterapisti, u gwidi tal-iskijar u tal-muntanji, kif ukoll għall-aġenti immobiljarji. Dan huwa ċertifikat elettroniku, li għalih l-applikanti jippreżentaw il-provi meħtieġa għar-rikonoxximent lill-awtorità rilevanti fl-Istat Membru tad-domiċilju tagħhom, għal verifikazzjoni. Wara li l-kontroll tad-dokumenti jiġi kkompletat, l-evidenza dokumentata tintbagħat lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti, li mbagħad jeżamina l-ekwivalenza tal-kwalifika professjonali. Jekk l-eżitu ta’ dan l-eżaminar ma jwassalx għal miżuri kompensatorji ta’ taħriġ, din l-awtorità toħroġ il-KPE. L-intenzjoni hija li tinħoloq trasparenza u ċertezza legali akbar għall-professjonisti, u li tiżdied il-mobbiltà tagħhom.

Minn meta l-KPE ġiet introdotta fit-18 ta’ Jannar 2016, saru total ta’ 3 239 applikazzjoni għaliha madwar l-UE u dawn irriżultaw fil-ħruġ ta’ 1 390 KPE (ċifri f’Ġunju 2017).

Il-Kummissjoni timmonitorja l-flussi u x-xejriet tal-mobbiltà tal-ħaddiema, iżda d-data li hija disponibbli fl-Istati Membri tista’ tintuża aħjar biex ikun hemm fehim dwar l-iżbilanċi fis-suq tax-xogħol

29

Il-ġbir ta’ data ta’ kwalità tajba dwar flussi u xejriet tal-mobbiltà tal-ħaddiema huwa meħtieġ għall-appoġġ tat-teħid ta’ deċiżjonijiet fil-kuntest tal-mobbiltà tal-ħaddiema kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak tal-UE.

30

L-Istħarriġ dwar il-Forza tax-Xogħol (SFX) huwa l-akbar stħarriġ dwar l-unitajiet domestiċi Ewropej li jipprovdi data dwar il-parteċipazzjoni ta’ persuni ta’ 15-il sena u aktar fis-suq tax-xogħol. L-SFX huwa s-sors prinċipali ta’ data li jintuża mill-Kummissjoni biex timmonitorja x-xejriet tal-moviment tal-ħaddiema11. Ir-rapport annwali dwar il-mobbiltà tal-ħaddiema huwa bbażat prinċipalment fuq id-data tal-SFX, u jipprovdi data aggregata dwar iċ-ċifri u l-flussi annwali. Kull sena, ir-rapport jinkludi fokus fuq suġġetti speċifiċi. Għall-2016, dawn kienu jinkludu l-ħaddiema transkonfinali u l-mobbiltà ta' ritorn.

31

F’dak li jirrigwarda l-monitoraġġ tal-mobbiltà tal-ħaddiema, l-SFX għandu xi limitazzjonijiet li huma magħrufin mill-Kummissjoni12:

  • fi 12-il Stat Membru biss huwa obbligatorju li wieħed iwieġeb għall-istħarriġ u huwa magħruf li r-rata ta’ nuqqas ta’ parteċipazzjoni hija għolja ħafna fost il-barranin, notevolment minħabba problemi ta’ lingwa;
  • f’ħafna Stati Membri, hemm il-possibbiltà li l-istħarriġ ma jkoprix barranin li ma jkunux ilhom li waslu kif ukoll ħaddiema li jaħdmu għal żmien qasir billi, skont ir-rakkomandazzjonijiet taċ-ċensiment internazzjonali, l-SFX ikopri biss persuni li jkunu ilhom hemm għal sena jew aktar;
  • id-daqs żgħir tal-kampjun li ttieħed f’bosta pajjiżi jnaqqas il-kapaċità li d-data tiġi analizzata skont iċ-ċittadinanza.
32

Fl-2005, il-Kummissjoni identifikat il-ħtieġa li jsir titjib fl-informazzjoni dwar il-flussi tal-mobbiltà tal-ħaddiema bejn l-Istati Membri tal-UE, minbarra l-SFX. Il-Kummissjoni toħroġ kompendju annwali tas-sorsi ta’ data rilevanti disponibbli fi ħdan l-Istati Membri. Fl-2016, kważi l-pajjiżi kollha rrappurtaw li huma jiġbru data, b’mod ċentralizzat, dwar ċittadini ta' nazzjonalità oħra tal-UE li jew ikunu impjegati jew inkella jkunu persuni reġistrati u qed ifittxu x-xogħol. Xi PES jiġbru data li tiddeskrivi l-“profil” individwali tal-ħaddiema tal-UE, bħalma tagħmel is-sistema Ġermaniża li fiha informazzjoni dwar: il-professjoni/l-okkupazzjoni, it-tip ta’ xogħol imwettaq, u l-edukazzjoni tal-ħaddiem. Madankollu kien diffiċli li tintuża data ta’ dan it-tip, minħabba n-nuqqas ta’ kumparabbiltà bejn l-Istati Membri.

33

Fl-2010, il-Kummissjoni niedet il-proġett “Monitoring labour market developments in Europe” (Monitoraġġ tal-iżviluppi fis-suq tax-xogħol fl-Ewropa). L-għan tiegħu kien li tinġabar informazzjoni aġġornata dwar offerti ta’ impjieg, li tkun isservi wkoll bħala għodda ta’ twissija bikrija għal konġestjonijiet u spariġġi fis-swieq tax-xogħol madwar l-UE. Kien diffiċli li jintlaħaq dan l-għan minħabba l-limitazzjonijiet tad-data, bħad-disponibbiltà limitata ta’ data kumparabbli dwar l-offerti ta’ impjieg fl-Istati Membri individwali. Dan l-għan kien rifless ulterjorment fir-Regolament tal-2016 dwar l-EURES13, li jirrikjedi li l-programmi ta’ ħidma nazzjonali tal-Istati Membri jieħdu inkunsiderazzjoni d-data dwar il-flussi u x-xejriet tal-mobbiltà, u l-analiżi tad-data dwar in-nuqqas u l-eċċess, kemm eżistenti kif ukoll previsti, ta' ħaddiema. Ir-rapport tal-201614 li sar mill-Kummissjoni jagħti dettalji tar-riċerka dwar in-nuqqas u l-eċċess ta’ ħaddiema, u jesplora t-tlaqqigħ possibbli ta’ dan in-nuqqas u l-eċċess fil-pajjiżi.

34

Aħna sibna li l-Istati Membri jinsabu fi stadji differenti f’dak li jirrigwarda l-kwalità u l-profondità tal-informazzjoni dwar l-iżbilanċi fil-ħiliet u fil-forza tax-xogħol u l-kobor tagħhom. Minn dawk li saritilhom żjara, il-Ġermanja u r-Renju Unit joħorġu data li tmur lil hinn minn dak li l-Kummissjoni tista’ tipprovdi, u jistgħu jaqsmu dik id-data b’mod bilaterali mal-PES ta’ Stati Membri oħra (ara l-Kaxxa 5). Ir-rapport tal-Kummissjoni tal-2016 jirrikonoxxi wkoll il-ħtieġa li jsir titjib fil-ġbir ta’ din id-data fl-Istati Membri kollha. Għal dan l-istudju, 13 biss mis-26 PES li ppreżentaw data setgħu jipprovdu informazzjoni dwar il-kobor tan-nuqqas u l-eċċess fis-swieq tax-xogħol nazzjonali tagħhom. Fiż-żmien meta għalaqna l-awditu tagħna, il-valutazzjoni komprensiva tan-nuqqas jew l-eċċess kemm ta’ ħiliet kif ukoll ta’ ħaddiema fost l-Istati Membri kienet għadha xogħol fl-idejn.

Kaxxa 5

Eżempji ta’ data dwar l-iżbilanċi fil-ħiliet u fil-forza tax-xogħol fi ħdan l-Istati Membri

“Fachkräfteengpassanalyse” imwettqa mill-Ġermanja - stampa ġenerali dettaljata tan-nuqqas ta’ ħaddiema speċjalizzati fis-suq tax-xogħol, skont ir-reġjun u s-settur ekonomiku

Is-Servizz Pubbliku tal-Impjiegi Ġermaniż joħroġ analiżi tan-nuqqas prevedibbli ta’ ħaddiema speċjalizzati (“Fachkräfte” bil-Ġermaniż), differenzjati skont is-settur ekonomiku u r-reġjun. Din l-inizjattiva hija ssettjata fil-kuntest tal-bidliet demografiċi fil-Ġermanja, ir-rata baxxa tal-qgħad u l-problemi li dejjem qed jikbru fir-reklutaġġ ta’ ħaddiema speċjalizzati. In-nuqqas jitkejjel fuq il-bażi ta’ postijiet tax-xogħol li jibqgħu battala (ma jimtlewx), ir-rata tal-qgħad reġjonali u l-proporzjon ta’ persuni qiegħda mqabbla mal-postijiet tax-xogħol battala. Għaldaqstant, pereżempju, għall-kwalifika speċifika ta’ speċjalisti fil-mekkatronika u fl-awtomatizzazzjoni, ir-rapport jagħti l-istampa ġenerali li ġejja:

Ħaddiema speċjalizzati fil-mekkatronika u l-awtomatizzazzjoni, Diċembru 2016

Limiti amministrattivi © EuroGraphics.

Sors tad-data: Statistika tal-Aġenzija Federali tal-Impjiegi.

Is-Servizz pubbliku tal-impjiegi Ġermaniż jaqsam data ta’ dan it-tip ma’ PES oħra fuq bażi bilaterali, biex itejjeb il-proċess tar-reklutaġġ ta’ speċjalisti minn dak l-Istat Membru l-ieħor, iżda d-data la tinġabar u lanqas ma tiġi reġistrata fil-livell tal-UE.

… filwaqt li r-Renju Unit jipprovdi informazzjoni aktar dettaljata dwar in-nuqqas ta’ ħiliet, inklużi s-salarji minimi li jistgħu jkunu mistennija

Fir-Renju Unit, id-Dipartiment tax-Xogħlijiet u l-Pensjonijiet jistabbilixxi lista ta’ nuqqas ta’ ħiliet, biex jattira ħaddiema mobbli lejn il-pajjiż. Il-lista tkopri r-Renju Unit kollu (b’lista separata għall-Iskozja) u tindika d-dettalji speċifiċi dwar l-offerta ta’ impjieg, filwaqt li tipprovdi s-salarju minimu li jista’ jkun mistenni. Din il-lista hija aċċessibbli għall-pubbliku u hija kondiviża ma’ Stati Membri oħra15.

Parti II - Dgħufijiet fit-tfassil u l-monitoraġġ ta’ azzjonijiet iffinanzjati mill-UE li jiffaċilitaw il-mobbiltà tal-ħaddiema

35

Din il-parti tar-rapport teżamina kemm huwa effettiv il-finanzjament li jingħata mill-UE biex jiffaċilita l-mobbiltà tal-ħaddiema. Il-programmi disponibbli għal dawn l-iskopijiet huma l-FSE u l-programm EaSI. Aħna analizzajna l-allokazzjonijiet finanzjarji taż-żewġ fondi kif ukoll il-komplementarjetà tal-objettivi tal-FSE ma’ dawk tal-EaSI. Eżaminajna wkoll jekk dawk il-programmi jipprovdux appoġġ effettiv għall-mobbiltà tal-ħaddiema, u kif kull attività ta’ dan it-tip tiġi mmonitorjata.

36

Rigward l-attivitajiet tal-EaSI-EURES, aħna eżaminajna tnejn mill-elementi tiegħu: il-proġetti tal-EURES li huma mmaniġġjati minn Sħubijiet transkonfinali (CBPs), f’dak li jirrigwarda t-tfassil u l-monitoraġġ tal-prestazzjoni tagħhom, kif ukoll il-Portal tal-EURES dwar il-mobbiltà fix-xogħol, b’mod partikolari kemm huwa effettiv fit-tlaqqigħ ta’ persuni li qed ifittxu x-xogħol u l-offerti ta’ impjieg.

Il-finanzjament totali li jingħata mill-UE għall-mobbiltà tal-ħaddiema mhuwiex magħruf u l-komplementarjetà tal-fondi mhijiex żgurata

37

Meta l-UE tiffinanzja attivitajiet li jindirizzaw prijorità ta’ importanza kbira, bħalma hija l-mobbiltà tal-ħaddiema, jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura li l-finanzjament ikun jista’ jiġi identifikat u mmonitorjat. Meta bosta fondi tal-UE jkunu disponibbli, ikun meħtieġ li l-komplementarjetà tagħhom tkun żgurata.

38

Il-Figura 5 tindika kif il-programmi tal-UE li huma rilevanti għall-mobbiltà tal-ħaddiema jistgħu jitqabblu f’termini finanzjarji. L-FSE huwa potenzjalment l-istrument prinċipali ta’ appoġġ għall-impjiegi, li jinkludu l-mobbiltà tal-ħaddiema. Skont wieħed mill-Objettivi Tematiċi tal-FSE, l-objettiv “Il-promozzjoni ta’ impjieg sostenibbli u ta’ kwalità u l-appoġġ għall-mobbiltà fix-xogħol” (l-hekk imsejjaħ “OT 8”) u l-prijorità ta’ investiment relatat tiegħu “l-immodernizzar tal-istituzzjonijiet tas-swieq tax-xogħol, inkluża l-mobbiltà tax-xogħol” (l-hekk imsejjaħ “PI 7”), l-Istati Membri jistgħu jipprogrammaw attivitajiet relatati mal-mobbiltà tal-ħaddiema. Jidher li l-finanzjament mill-FSE taħt l-OT 8, jiġifieri EUR 27.5 biljun li jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri biex jindirizzaw il-mobbiltà tal-ħaddiema, huwa sinifikattivament akbar mid-EUR 919-il miljun taħt il-programm EaSI, u b’mod speċifiku dak tal-assi tiegħu EURES b’EUR 165 miljun li huwa wkoll iddedikat għall-indirizzar ta’ kwistjonijiet ta’ mobbiltà tal-ħaddiema.

Figura 5

Tqabbil tas-sorsi rispettivi ta’ finanzjament li jistgħu jintużaw għall-appoġġ tal-mobbiltà tal-ħaddiema

Sors: il-QEA.

39

Għall-perjodu ta’ programmazzjoni attwali għall-FSE 2014-2020, l-Istati Membri jistgħu jippjanaw l-attivitajiet nazzjonali tagħhom relatati mal-EURES (bħalma huma l-ispejjeż għall-persunal u għall-IT li jiġġarrbu fil-PES parteċipanti) u mal-iżvilupp ta’ skemi ta’ mobbiltà u strateġiji speċifiċi fil-livelli lokali, reġjonali, nazzjonali u transkonfinali, billi jużaw il-fondi mill-FSE. Il-Kummissjoni ppreżentat dan l-approċċ il-ġdid lill-Istati Membri fl-2013, filwaqt li enfasizzat l-għan li jkun hemm funzjonament aħjar tas-swieq tax-xogħol permezz ta’ tisħiħ tal-mobbiltà ġeografika transnazzjonali tal-ħaddiema16.

40

Waqt l-approvazzjoni tal-Programmi Operazzjonali tal-FSE fl-2013/14, il-Kummissjoni ma mmonitorjatx kemm l-Istati Membri fil-fatt ipprogrammaw azzjonijiet li kienu jindirizzaw il-mobbiltà tal-ħaddiema. F’Settembru 2015, wara l-approvazzjoni tal-Programmi Operazzjonali sottostanti tal-FSE, f’tentattiv biex tinġabar din l-informazzjoni, il-Kummissjoni bagħtet stħarriġ lill-Istati Membri biex tikseb data dwar il-volum tal-baġit ippjanat fi ħdan l-FSE għall-mobbiltà tal-ħaddiema ġewwa l-UE u l-azzjonijiet tal-EURES. Madankollu, 15-il Stat Membru biss irrispondew. Minn dawn, 12 iddikjaraw li huma lesti li jappoġġaw is-servizzi tal-EURES permezz tal-FSE. Fir-rigward tal-mezzi finanzjarji allokati għal dan, l-evalwatur tal-istħarriġ ikkonkluda li, minħabba d-diversità kbira tat-tweġibiet, u l-eteroġeneità enormi fil-mod ta’ kif l-infiq ġie indikat għal kull sena jew bħala ammont totali, mhuwiex possibbli li jsir tqabbil bejn is-settijiet tad-data li ntbagħtu mill-15-il pajjiż. Il-Kaxxa 6 tiddeskrivi fil-qosor il-modi ta’ kif Stati Membri individwali qed jużaw l-FSE għal skopijiet ta’ dan it-tip.

Kaxxa 6

Eżempji ta’ attivitajiet tal-FSE li jindirizzaw il-mobbiltà tal-ħaddiema fl-Istati Membri, u l-importanza finanzjarja rispettiva tagħhom

Il-Portugall

Il-programm jagħti appoġġ lil azzjonijiet immirati direttament lejn persuni li jkunu qed ifittxu x-xogħol jew lejn l-impjegaturi, b’mod partikolari f’termini ta’ informazzjoni, parir u appoġġ għall-kollokamenti u r-reklutaġġ, li jingħataw lil ċittadini jew impjegaturi li jixtiequ jaħdmu jew jirreklutaw fi Stat Membru ieħor.

Għal dan il-għan, il-Portugall ipprogramma EUR 2.16 miljun għall-perjodu 2014-2020, jiġifieri 0.02 % tat-total tal-baġit tal-FSE għal dak il-perjodu (finanzjament mill-UE u dak nazzjonali), li huwa ta’ EUR 8.9 biljun.

L-Irlanda

L-Irlanda tagħti appoġġ lil dawk li jkunu qed ifittxu x-xogħol, permezz ta’ fieri ddedikati għall-impjiegi, il-promozzjoni ta’ offerti ta’ impjieg fl-Ewropa fuq Jobsireland, il-Portal tal-EURES u l-paġna Facebook tal-EURES. L-impjegaturi setgħu jagħmlu arranġamenti għall-fieri ddedikati għall-impjiegi, jirreklamaw l-offerti ta’ impjieg tagħhom fuq Jobsireland u fuq il-Portal tal-EURES, u ngħataw appoġġ f’avvenimenti ta’ reklutaġġ li saru f'pajjiżi oħra.

Għal dan il-għan, l-Irlanda pprogrammat EUR 2.7 miljun għall-perjodu 2014-2020, jiġifieri 0.28 % tat-total tal-baġit tal-FSE għal dak il-perjodu (finanzjament mill-UE u dak nazzjonali), li huwa ta’ EUR 948 miljun.

41

Fit-tfassil tal-FSE, il-mobbiltà tal-ħaddiema ġewwa l-UE ma ġietx iddefinita bħala prijorità ta’ investiment separata17, u lanqas ma ġiet identifikata b’xi mod ieħor. B’riżultat ta’ dan, il-baġits reali mill-FSE li effettivament ġew allokati għall-azzjonijiet tal-EURES jew għall-mobbiltà tal-ħaddiema fit-28 Stat Membru ma jistgħux jiġu ddeterminati, u b’hekk ma jistax ikun magħruf x’finanzjament intuża għal liema skopijiet.

42

Aħna eżaminajna l-Programmi Operazzjonali tal-FSE għall-Istati Membri li żorna, u ma stajniex niddeterminaw l-ammonti li ġew allokati għall-appoġġ tal-mobbiltà tal-ħaddiema. Mill-eżaminar li wettaqna u miż-żjarat tagħna fl-Istati Membri, aħna stabbilejna li l-programmazzjoni ta’ azzjonijiet relatati mal-mobbiltà tal-ħaddiema taħt l-FSE ma kinitx prijorità għalihom. Fir-Rumanija, l-enfasi kienet fuq l-istimulazzjoni tal-mobbiltà ta' ritorn, minħabba li l-fluss kostanti ta’ ħaddiema li kienu qed jitilqu mill-pajjiż kien ħoloq nuqqas f’oqsma ewlenin tal-ekonomija (ara l-Kaxxa 7).

Kaxxa 7

Indirizzar tal-mobbiltà tal-ħaddiema permezz ta’ finanzjament mill-FSE fil-ħames Stati Membri li saritilhom żjara

Stat Membru li saritlu żjara L-FSE attwali jindirizza l-mobbiltà tal-ħaddiema ġewwa l-UE?
Il-Ġermanja Le
Il-finanzjament mill-FSE jiffoka fuq l-integrazzjoni taż-żgħażagħ, ta’ dawk qiegħda fit-tul u tal-migranti, fis-suq tax-xogħol
Il-Lussemburgu Le
L-FSE jindirizza lill-persuni qiegħda li għandhom aktar minn 45 sena u l-intergrazzjoni fis-suq tax-xogħol tal-persuni qiegħda li għandhom inqas minn 30 sena
Il-Polonja B’mod limitat, eż. billi titħallas allowance ta’ rilokazzjoni liż-żgħażagħ li jittrażlokaw għal Stat Membru ieħor
Ir-Rumanija B’mod limitat, biex tiġi stimolata l-mobbiltà ta' ritorn lejn ir-Rumanija billi jiġi pprovdut self individwali
Ir-Renju Unit Le
Tingħata prijorità lil dawk il-gruppi li huma żvantaġġati fis-suq tax-xogħol, inklużi ż-żgħażagħ, il-persuni b’diżabbiltà, u dawk b’livelli baxxi ta’ kwalifiki u ħiliet
43

Ir-Regolament ta’ bażi li jiddefinixxi r-regoli orizzontali għall-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (“FSIE”, li jkopru wkoll l-FSE)18 kollha jirrikjedi l-koordinazzjoni u l-komplementarjetà bejn id-diversi fondi SIE u fondi oħra tal-UE. Ir-Regolament ta’ bażi dwar l-EaSI jirrikjedi wkoll li l-attivitajiet imwettqa taħt il-Programm EaSI jkunu “konsistenti, u komplementari ma’ azzjoni oħra tal-Unjoni, bħal pereżempju l-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (ESIFs)”19. Madankollu, kif ippreżentat fil-Figura 6, kemm il-Programm EaSI kif ukoll l-FSE jkopru azzjonijiet simili ħafna li jindirizzaw objettivi kumparabbli relatati mal-mobbiltà tal-ħaddiema. Iż-żewġ fondi jindirizzaw jew jistgħu jindirizzaw il-mobbiltà tal-ħaddiema fuq livell transnazzjonali u jipprevedu miżuri speċifiċi għat-trawwim tal-mobbiltà, inkluż l-appoġġ ta’ kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet rilevanti.

Figura 6

Tqabbil ta’ objettivi tal-FSE li jikkoinċidu ma’ dawk tal-EaSi f’dak li jirrigwarda l-Mobbiltà tal-Ħaddiema

Sors: il-QEA.

Sħubijiet transkonfinali jiffaċilitaw il-mobbiltà tal-ħaddiema, iżda jeżistu nuqqasijiet fit-tfassil tal-proġetti CBP u fir-rappurtar dwar l-effettività

44

Sħubijiet transkonfinali EaSI-EURES jindirizzaw il-mobbiltà tal-ħaddiema. Dawn jinkludu sħab minn tal-anqas żewġ Stati Membri parteċipanti (jew pajjiżi assoċjati), ġeneralment il-PES nazzjonali, iżda wkoll atturi oħra bħal organizzazzjonijiet tal-impjegaturi, trade unions jew assoċjazzjonijiet reġjonali oħra. Taħt l-EaSI-EURES, is-CBPs jistgħu japplikaw għal finanzjament annwali ta’ proġetti għall-attivitajiet tagħhom. Il-Kaxxa 8 tipprovdi eżempju ta’ proġett CBP iffinanzjat mill-EaSI-EURES.

Kaxxa 8

Il-proġett transkonfinali tal-Oberrhein – eżempju ta’ kooperazzjoni fit-tul li rnexxiet

Sors: http://www.interreg-oberrhein.eu/ablage/.

Is-CBP taħt l-EURES-T i tal-Oberrhein ġiet stabbilita fl-1999 u tkopri r-reġjuni ta’ Baden kif ukoll in-Nofsinhar ta’ Pfalz (DE), Alsace (FR), kif ukoll id-distretti awtonomi ta’ Argovie, Basel, il-belt ta’ Basel, Jura u Soleure (CH). Madwar 93 300 vjaġġatur jaqsmu l-fruntieri tagħha kuljum, it-tieni l-akbar għadd ta’ ħaddiema transkonfinali fl-UE.

Il-kooperazzjoni bejn is-servizzi pubbliċi tal-impjiegi, it-trade unions u l-assoċjazzjonijiet tal-impjegaturi fit-tliet pajjiżi kollha tippermetti l-faċilitazzjoni ta’ impjieg transkonfinali.

Il-proġett ta’ sħubija transkonfinali tal-Oberrhein li eżaminajna kien iffinanzjat parzjalment mill-EaSI-EURES u jindirizza 8 mill-10 objettivi ddikjarati fis-sejħa annwali għal proposti ppubblikata mill-Kummissjoni (il-proġetti jridu jindirizzaw mill-anqas 5 objettivi biex ikunu jistgħu jitqiesu).

Objettiv 4 – One-stop-shop hija miżura fl-Oberrhein li rnexxiet: hemm tliet konsulenti tal-EURES attribwiti għaliha, li jistgħu jiġu kkuntattjati permezz tat-telefown jew email, u li jipprovdu tweġibiet għall-mistoqsijiet li jsiru minn persuni li jkunu qed ifittxu x-xogħol. Fl-2016 is-servizz irċieva 2 271 talba.

L-Objettiv 5 jirrikjedi li s-CBPs ifasslu u jimplimentaw servizzi innovattivi. Fil-każ tas-CBP tal-Oberrhein, dawn kienu fil-forma ta’ appoġġ għall-apprendistati transkonfinali, speċjalment biex il-Franċiżi żgħażagħ li kienu qed ifittxu x-xogħol ikunu jistgħu jagħmlu l-apprendistat tagħhom f’kumpanija Ġermaniża.

Fl-istadju tal-applikazzjonijiet, huma ftit il-proġetti li jiddefinixxu r-riżultati kwantitattivi intenzjonati
45

Aħna eżaminajna 23 proġett CBP (11 mill-2015 u 12 mill-201620), u l-valutazzjoni li wettaqna tal-proġetti tinsab fl-Anness II. Sibna li l-attivitajiet iffinanzjati u approvati mill-Kummissjoni, bħala parti minn proċess annwali, ta’ spiss kienu repetizzjoni tal-attivitajiet tas-sena preċedenti. L-attivitajiet l-aktar komuni kienu jikkonsistu fl-organizzar ta’ konferenzi u fieri ddedikati għall-impjiegi, sessjonijiet ta’ ħidma, korsijiet ta’ taħriġ dwar il-kitba ta’ CVs, jew taħriġ fil-lingwi. Soluzzjonijiet aktar innovattivi kienu jinkludu l-użu tal-midja soċjali (Facebook, Linkedin, Twitter) jew il-ħolqien ta’ kuntatti mal-universitajiet. Soluzzjonijiet innovattivi bħal dawn rarament jiġu pprogrammati.

46

Aħna sibna li 21 applikazzjoni għal proġetti kellhom deskrizzjoni kwalitattiva tas-sitwazzjoni tagħhom, bħal deskrizzjoni tal-flussi tal-mobbiltà kif ukoll ir-raġunament għall-mobbiltà transkonfinali fir-reġjun. Madankollu disa’ proġetti biss kienu ddefinew linja bażi kwantitattiva, bin-numri minn fejn jista’ jitkejjel il-progress (il-Figura 7). Erba’ proġetti oħra f’kull sena pprovdew statistika li setgħet tintuża bħala linja bażi kwantitattiva biex jitkejjel il-progress li sar, iżda dawn ma ntużawx għal dan l-iskop.

Figura 7

Eżistenza ta’ linji bażi biex magħhom jista’ jitkejjel il-progress li jkun sar

Nota: Linja bażi kwantitattiva hija sitwazzjoni li, bi tqabbil magħha, ir-riżultati ta’ proġett jistgħu jitkejlu.

Linja bażi kwalitattiva tipprovdi biss deskrizzjoni tas-sitwazzjoni transkonfinali iżda ma tistax tintuża biex jitkejjel il-progress li jkun sar.

Sors: il-QEA.

47

Il-ftehim ta’ għotja għal proġetti jirrikjedi l-ġbir u l-preżentazzjoni ta’ informazzjoni dwar l-outputs u r-riżultati tal-azzjonijiet. Minkejja dan, l-eżaminar tagħna sab li 16 biss mit-23 proġett magħżula kienu ddefinew miri tal-outputs (eż. l-għadd ta’ parteċipanti f’fieri ddedikati lill-impjiegi li ġew organizzati mill-proġett CBP), u 9 proġetti biss kienu ddefinew riżultati (ir-riżultat iddefinit l-aktar ta’ spiss kien l-għadd ta' kollokamenti f’impjieg li kienu intenzjonati). Għal xi proġetti, ma kienx hemm rabta ċara bejn l-outputs u r-riżultati, billi l-miri tal-outputs ġew issettjati iżda r-riżultati mistennija ma kinux ġew iddefiniti. Madankollu, bejn l-2015 u l-2016, aħna identifikajna titjib fl-issettjar tal-miri tar-riżultati, billi fl-2015, 18 % biss tal-proġetti kellhom mira tar-riżultati, iżda fl-2016 dan il-perċentwal kien tela’ għal 58 %.

48

Il-Kaxxa 9 tippreżenta l-prattiki differenti fi ħdan il-proġetti li vvalutajna f’termini tat-tfassil u tal-monitoraġġ tal-prestazzjoni tagħhom.

Kaxxa 9

Prattiki tajbin u prattiki ħżiena mit-23 proġett CBP taħt l-EURES

Minn prattika ħażina

Il-maġġoranza tal-proġetti jiddefinixxu l-outputs biss. Pereżempju EURADRIA, kooperazzjoni transkonfinali bejn l-Italja, is-Slovenja u l-Kroazja, ma ddefiniet l-ebda linja bażi kwantitattiva (status attwali), u lanqas ma pprovdiet mira għar-riżultati (jiġifieri kollokamenti f’impjieg), jew kejlet ir-riżultati tal-proġett (kollokamenti, impjiegi li nstabu). Madankollu, il-proġett ipprovda figuri dwar l-outputs, bħall-għadd ta’ parteċipanti f’konferenzi, jew f’sessjonijiet ta’ ħidma.

… għal prattika tajba

Ċerti sħubijiet transkonfinali fejn l-ambitu tal-kooperazzjoni huwa iżgħar, pereżempju dik bejn id-Danimarka u l-Iżvezja (Oresund), jidentifikaw azzjonijiet aktar immirati u jistgħu jipprovdu ċifri dwar linji bażi, miri u riżultati tal-proġetti bħall-għadd ta' kollokamenti f’impjieg.

Is-sistema ta’ monitoraġġ tal-EaSI ma tippermettix li ssir aggregazzjoni tar-riżultati reali tal-proġetti CBP fil-livell tal-programmi
49

Il-Kummissjoni timmonitorja l-attivitajiet fil-proġetti CBP bl-użu ta’ mudell standard ta’ rappurtar, li kull koordinatur tal-proġett ikun meħtieġ jikkompleta. Ir-rapport fih taqsima kwalitattiva u taqsima kwantitattiva. Il-parti kwantitattiva ma tinkludix outputs jew riżultati rilevanti għall-mobbiltà tal-ħaddiema. Il-parti kwalitattiva tar-rapport tintuża minn ħafna koordinaturi tal-proġetti biex jispjegaw l-outputs u xi drabi r-riżultati iżda, billi ma jeżisti l-ebda rekwiżit għal spjegazzjoni ta’ dan it-tip, hemm nuqqas ta’ koerenza u konsistenza u b’hekk huwa diffiċli biex l-outputs u r-riżultati jiġu aggregati.

50

Fl-2016, il-Kummissjoni introduċiet mudell addizzjonali ta’ rappurtar għall-proġetti CBP. Il-mudell il-ġdid jirrikjedi data li, kif sibna għall-proġetti li nżaru, ma setgħetx tiġi aċċessata minħabba klassifikazzjonijiet ta’ statistika ġodda li ġew imposti. Barra minn hekk, parti mid-data addizzjonali li ntalbet għall-mudell il-ġdid ma toriġinax mill-proġett CBP innifsu, iżda mill-kwestjonarju ta’ kull xahar li l-Kummissjoni tindirizza lill-konsulenti kollha tal-EURES fl-UE. Dan inaqqas l-affidabbiltà tar-rappurtar għal proġetti individwali billi d-data ma toriġinax minn attivitajiet tal-proġetti. B’mod ġenerali, il-passi meħuda għat-titjib tal-monitoraġġ ex post jirrikjedu aktar irfinar.

Il-Kummissjoni għandha l-għan li tittrasforma l-Portal tal-EURES dwar il-mobbiltà fix-xogħol f’għodda vera ta’ kollokament u reklutaġġ fl-Ewropa, iżda dan se jkun diffiċli biex jinkiseb

51

Permezz tal-portal tal-EURES, persuni li jkunu qed ifittxu x-xogħol jistgħu jsibu informazzjoni dwar swieq tax-xogħol fi Stati Membri oħra, filwaqt li permezz tal-Portal tal-EURES dwar il-mobbiltà fix-xogħol huma jkollhom aċċess għal offerti ta’ impjieg fil-pajjiżi kollha tal-UE u tal-EFTA. Bl-istess mod, huwa jippermetti lill-impjegaturi jirreklamaw l-offerti ta’ impjieg tagħhom lil persuni li jkunu qed ifittxu x-xogħol f’pajjiżi oħra. Il-portal huwa mmaniġġjat mill-Kummissjoni21.

Il-livell ta’ kopertura li tingħata lill-opportunitajiet ta’ xogħol li jkunu disponibbli, permezz tal-Portal tal-EURES dwar il-mobbiltà fix-xogħol, huwa baxx
52

Fil-proposta tagħha għal riforma tal-leġiżlazzjoni dwar l-EURES fl-2016 (ir-Regolament (UE) 2016/589), il-Kummissjoni ddikjarat li “sabiex tiġi promossa libertà tal-moviment għall-ħaddiema, il-postijiet tax-xogħol battala kollha disponibbli pubblikament permezz tal-PES u Membri tal-EURES oħra…, għandhom jiġu ppubblikati fil-portal tal-EURES.” Waħda mil-limitazzjonijiet ewlenin tal-EURES li l-Kummissjoni identifikat fl-2014 kienet il-fatt li l-ġabra ta’ offerti ta’ impjieg li kienu aċċessibbli fil-livell tal-UE ma kinitx kompleta.

53

Id-data tal-istħarriġiet li pprovdewlna l-Uffiċċji Nazzjonali ta’ Koordinazzjoni tindika li, fi 11-il Stat Membru, aktar minn 90 % tal-offerti ta’ impjieg ippubblikati mill-PES ittellgħu wkoll fuq il-Portal tal-EURES dwar il-mobbiltà fix-xogħol fl-2016. B’kuntrast ma’ dan, erba’ Stati Membri tellgħu inqas minn 20 %, kif jidher fil-Figura 8. B’mod ġenerali, proporzjon sinifikanti ta’ offerti ta’ impjieg disponibbli fil-livell nazzjonali u ppubblikati mill-PES mhux qed jittellgħu fuq il-Portal tal-EURES dwar il-mobbiltà fix-xogħol.

Figura 8

Perċentwal ta’ offerti ta’ impjieg disponibbli fil-livell nazzjonali u ppubblikati mill-PES li ttellgħu fuq il-portal tal-EURES fl-2016

Nota: Id-data ġejja mingħand l-NCOs tal-Istati Membri li wieġbu għall-istħarriġ tagħna. Id-data ma kinitx disponibbli għall-Irlanda, il-Ġermanja, Spanja, il-Polonja u r-Rumanija. Uħud mill-NCOs indikaw problemi tekniċi, bħad-dħul doppju ta’ offerti ta’ impjieg fil-bażijiet tad-data nazzjonali, eż. meta post battal li jkun irid jimtela jiġi ppubblikat f’diversi reklami. Dan jista’ jaffettwa l-affidabbiltà tad-data li tiġi rrappurtata.

Sors: il-QEA.

54

Aħna analizzajna d-data tal-istħarriġiet ipprovduta mill-NCOs biex inqabblu l-proporzjon ta’ offerti ta’ impjieg disponibbli fil-livell nazzjonali u ppubblikati mill-PES li ttellgħu fuq l-EURES bejn l-2015 u l-2016. Għal 13-il Stat Membru, il-proporzjon kien l-istess jew kien żdied, iżda għal disa’ Stati Membri, il-proporzjon kien naqas. Mid-data inkluża fil-Figura 9 jista’ jiġi stmat li, b’mod ġenerali, bejn l-2015 u l-2016 kien hemm tnaqqis ta’ 15 % fil-proporzjon ta’ offerti ta’ impjieg ippubblikati mill-PES li ttellgħu fuq il-Portal tal-EURES dwar il-mobbiltà fix-xogħol.

Figura 9

Bidla fil-proporzjon ta’ offerti ta’ impjieg disponibbli fil-livell nazzjonali u ppubblikati mill-PES li ttellgħu fuq il-portal tal-EURES bejn l-2015 u l-2016

Nota: Id-data ġejja mingħand l-NCOs tal-Istati Membri li wieġbu għall-istħarriġ tagħna. Id-data ma kinitx disponibbli għall-Irlanda, il-Ġermanja, Spanja, il-Polonja u r-Rumanija. Uħud mill-NCOs indikaw problemi tekniċi, bħad-dħul doppju ta’ offerti ta’ impjieg fil-bażijiet tad-data nazzjonali, eż. meta post battal li jkun irid jimtela jiġi ppubblikat f’diversi reklami. Dan jista’ jaffettwa l-affidabbiltà tad-data li tiġi rrappurtata.

Sors: il-QEA.

55

Ir-Regolament (UE) 2016/589 ippermetta wkoll li l-Istati Membri jipprovdu lill-impjegaturi l-possibbiltà li ma jippubblikawx offerta ta’ impjieg fuq il-Portal tal-EURES dwar il-mobbiltà fix-xogħol, “… wara li ssir valutazzjoni oġġettiva minn impjegatur dwar ir-rekwiżiti relatati mal-impjieg inkwistjoni, jiġifieri ħiliet u kompetenzi speċifiċi meħtieġa sabiex id-dmirijiet tal-impjieg jitwettqu b'mod adegwat, li abbażi tagħhom, impjegatur jiġġustifika r-raġuni għalfejn ma jkunx ippubblika l-post tax-xogħol battal għal dawk ir-raġunijiet biss.” Fl-Istati Membri li żorna, dan fil-biċċa l-kbira jispjega għalfejn l-għadd ta’ offerti ta’ impjieg fuq l-EURES huwa sinifikattivament inqas minn dak ta’ fuq il-portals tal-impjieg tal-PES fil-livell nazzjonali. L-impjegaturi jistgħu sempliċement jagħżlu li ma jippubblikawx l-offerti ta’ impjieg tagħhom fuq l-EURES mingħajr ma jkollhom għalfejn jagħtu xi ġustifikazzjoni ulterjuri.

56

Iżda anke li kieku l-PES kellhom jippubblikaw fuq il-Portal tal-EURES dwar il-mobbiltà fix-xogħol l-offerti kollha ta’ impjieg li jinsabu fil-bażi tad-data nazzjonali dedikata tagħhom, dan xorta jkun jirrappreżenta porzjon żgħir biss tal-offerti kollha ta’ impjieg fis-suq tax-xogħol. Pereżempju, fil-Lussemburgu, l-offerti ta’ impjieg inklużi fil-bażi tad-data tal-PES nazzjonali jirrappreżentaw biss 18 % tar-reklutaġġi annwali kollha fis-suq tax-xogħol. L-offerti ta’ impjieg li l-impjegaturi Lussemburgiżi jtellgħu fuq il-Portal tal-EURES dwar il-mobbiltà fix-xogħol jirrappreżentaw biss 4 % ta’ dawn ir-reklutaġġi annwali.

57

Fi stħarriġ reċenti22 ta’ dawk li jużaw mill-inqas wieħed minn 11-il sit web differenti tal-UE mmirati għaċ-ċittadini, u li jirrigwardaw il-ħiliet u l-impjiegi, 36 % biss tal-utenti ddikjaraw li huwa probabbli ħafna li jużaw l-EURES jekk ikunu qed ifittxu x-xogħol f’pajjiż ieħor. Minbarra dak il-feedback mill-utenti aħħarija, 10 mis-27 NCO nazzjonali li wieġbu għall-istħarriġ tagħna jqisu li l-EURES huwa inqas effettiv mis-sistema tal-PES tagħhom bħala portal tal-kollokamenti f’impjieg għall-persuni li jkunu qed ifittxu x-xogħol jew bħala portal tal-impjiegi għall-impjegaturi.

Hemm lakuni fl-informazzjoni li tiġi pprovduta lill-persuni li jkunu qed ifittxu x-xogħol dwar l-offerti ta’ impjieg irreklamati
58

Aħna ppruvajna nifhmu d-diffikultajiet prattiċi li jiffaċċjaw il-persuni li jkunu qed ifittxu x-xogħol permezz tal-portal tal-EURES, u analizzajna l-avviżi ta’ postijiet tax-xogħol battala li jużaw ċerti parametri referenzjarji li qisna li huma ta’ għajnuna għal kwalunkwe tiftixa ta’ xogħol. Għażilna żewġ professjonijiet “Inġinier elettriku/tal-elettronika” u “Ħaddiem tal-kura tas-saħħa”. B’kollox, aħna għażilna 50 offerta ta’ impjieg b’mod aleatorju għal kull professjoni li ttellgħet fuq l-EURES f’9 pajjiżi, biex neżaminawhom. L-eżaminar tagħhom iddivulga li għad hemm opportunitajiet importanti għal titjib tal-informazzjoni disponibbli għall-persuni li jkunu qed ifittxu x-xogħol. Pereżempju, mill-offerti ta’ impjieg li kien hemm, 39 ma semmewx data ta' skadenza għall-applikazzjonijiet, 28 ma pprovdewx informazzjoni dwar il-livell ta’ edukazzjoni meħtieġ, 26 ma ddefinewx il-livell ta’ kwalifika meħtieġ għall-post tax-xogħol, 44 lanqas biss semmew id-data tal-bidu tal-impjieg ippubblikat, 33 ma tawx informazzjoni dwar is-sigħat ta’ xogħol fil-ġimgħa u 35 ma tawx dettalji tas-salarju.

Il-monitoraġġ tal-kollokamenti f’impjieg li nkisbu permezz tan-netwerk tal-EURES mhuwiex affidabbli, għalkemm dan huwa indikatur tal-prestazzjoni ewlieni għall-EaSI

59

Il-kejl tal-għadd ta’ kollokamenti f’impjieg li jkunu nkisbu permezz tal-użu tan-netwerk tal-EaSI-EURES huwa mezz ta’ kif titkejjel l-effettività tiegħu. Skont il-Kummissjoni, għall-2016, l-appoġġ li ngħata mill-konsulenti tal-EURES irriżulta fi 28 934 kollokament f’impjieg. Din iċ-ċifra tirrappreżenta 3.7 % ta’ kuntatti li saru, bejn il-persuni li kienu qed ifittxu x-xogħol u l-konsulenti tal-EURES, u li rriżultaw f’kollokament f’impjieg.

60

Din id-data tinġabar mill-Kummissjoni, permezz ta’ stħarriġ ta’ kull xahar indirizzat direttament lill-konsulenti tal-EURES. Hemm problemi bil-preċiżjoni tad-data: bħala medja, 60 % tal-konsulenti jwieġbu, u l-feedback tagħhom ikun ibbażat fuq estimi individwali, li ma jiġux ikkorroborati b’xi mod ieħor. Meta aħna intervistajna lill-NCOs matul iż-żjarat tagħna, ta’ spiss ma setgħux jivvalidaw iċ-ċifri li l-Kummissjoni tuża fid-dokumenti ta’ monitoraġġ li huma disponibbli għall-pubbliku. Sabiex tinġabar data aktar affidabbli għall-kejl tal-prestazzjoni ta’ attivitajiet tal-EaSI-EURES, ir-riforma tal-EURES fl-2016 kienet tirrikjedi wkoll li l-Kummissjoni tipproponi speċifikazzjonijiet dettaljati għall-ġbir u l-analiżi tad-data sabiex jiġi mmonitorjat u evalwat il-funzjonament tan-netwerk tal-EURES23.

61

Meta aħna stħarriġna lill-NCOs nazzjonali, 3 biss mis-27 li wieġbu ddikjaraw li setgħu jkejlu l-kollokamenti f’impjieg. Iż-żewġ diffikultajiet prinċipali għal dan huma:

  • l-impjegaturi jistgħu jirtiraw offerti ta’ impjieg mingħajr ma jinnotifikaw jekk il-post tax-xogħol ikunx imtela’ minn persuna li kienet qed tfittex x-xogħol fuq l-“EURES” (21 Stat Membru ddikjaraw dan);
  • ma jsirx segwitu sistematiku tal-offerti ta’ impjieg li jittellgħu fuq l-EURES (eż. l-offerti jingħalqu wara perjodu definit ta’ żmien standard) (16-il Stat Membru).

Kemm l-NCOs tar-Renju Unit kif ukoll dawk tal-Ġermanja ma għadhomx ikejlu dan l-indikatur għall-bażijiet tad-data proprji tagħhom rigward l-offerti ta’ impjieg, iżda jkunu jippreferu jkejlu l-effettività bi tqabbil ma’ indikatur tal-eżiti, bħar-rata tal-qgħad. Attwalment, il-Kummissjoni qed tirrevedi s-sistema ta’ evalwazzjoni tal-prestazzjoni tal-EURES, inklużi l-indikaturi tal-prestazzjoni tiegħu, iżda biħsiebha żżomm l-indikatur relatat mal-kollokamenti f’impjieg. Biex dan ikun affidabbli, se jkun meħtieġ li l-Kummissjoni tegħleb id-diffikultajiet imsemmija hawn fuq.

Konklużjonjiet u rakkomandazzjonijiet

62

B’mod ġenerali, aħna nikkonkludu li l-Kummissjoni Ewropea stabbiliet bosta għodod biex tiżgura l-moviment liberu tal-ħaddiema. Madankollu, dawn jistgħu jsiru aħjar. Barra minn hekk, ma jistax jiġi identifikat liema azzjonijiet iffinanzjati mill-UE biex jiffaċilitaw il-mobbiltà tal-ħaddiema jaqgħu taħt l-FSE, filwaqt li l-effettività ta’ dawk imwettqa taħt il-programm EaSI ma tistax tiġi mmonitorjata b’mod adegwat.

63

Il-Kummissjoni tipprovdi għadd ta’ għodod biex tinforma lill-ħaddiema dwar id-drittijiet tagħhom. Madankollu, kemm iċ-ċittadini huma konxji minn dawn l-għodod mhuwiex magħruf. Hemm bosta mezzi kif il-ħaddiema jistgħu jirrappurtaw każijiet ta’ diskriminazzjoni kontra l-moviment liberu, iżda ma teżistix stampa sħiħa ta’ dawn il-każijiet. Restrizzjonijiet oħra għall-moviment liberu għadhom jeżistu, minkejja l-azzjonijiet meħuda mill-Kummissjoni (ara l-paragrafi 14 sa 28).

64

L-Istħarriġ dwar il-Forza tax-Xogħol (SFX) huwa l-istrument prinċipali tal-Kummissjoni għall-ġbir ta’ data dwar il-mobbiltà tal-ħaddiema, iżda dan ma jipprovdix stampa sħiħa tal-flussi u x-xejriet tal-mobbiltà tal-ħaddiema. Teżisti data aħjar fl-Istati Membri, iżda l-ħidma biex tinġabar data komparabbli fil-livell Ewropew bil-għan li jingħata appoġġ għall-mobbiltà tal-ħaddiema għadha xogħol fl-idejn (ara l-paragrafi 29 sa 34).

65

Il-mobbiltà tal-ħaddiema tista’ tingħata appoġġ finanzjarju mill-UE permezz tal-FSE u tal-programm EaSI. Is-similarità tal-objettivi rispettivi tagħmilha diffiċli li jkun hemm komplementarjetà bejniethom. Il-mod ta’ kif l-FSE qed jintuża mill-Istati Membri kollha għall-appoġġ tal-mobbiltà tal-ħaddiema mhuwiex magħruf mill-Kummissjoni. Il-qafas ta’ monitoraġġ tal-EaSI għandu għadd ta’ dgħufijiet. Il-finanzjament li jintuża fi ħdan il-programm EaSI ftit li xejn kellu impatt f’termini ta’ kollokamenti f’impjieg reġistrati meta mqabbel mal-għadd ta’ ħaddiema mobbli (ara l-paragrafi 35 sa 50).

66

Il-portal tal-EURES ma jistax jiżviluppa f’għodda vera ta’ kollokament fl-Ewropa jekk in-nuqqasijiet, bħar-rata baxxa ta’ offerti ta’ impjieg ippubblikati fuqu, ma jiġux indirizzati (ara l-paragrafi 51 sa 60).

67

Għalhekk, aħna nirrakkomandaw:

Rakkomandazzjoni 1 - Jitkejjel kemm iċ-ċittadini tal-UE huma konxji mill-għodod eżistenti għall-għoti ta’ informazzjoni dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema u r-rappurtar tad-diskriminazzjoni

  1. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tkejjel il-livelli ta’ kemm iċ-ċittadini huma konxji mill-eżistenza ta’ EURES, L-EWROPA TIEGĦEK u SOLVIT.
  2. Ladarba l-livelli ta’ sensibilizzazzjoni jkunu magħrufa, jenħtieġ li mbagħad il-Kummissjoni u l-Istati Membri jużaw din id-data għall-orjentament effettiv u l-promozzjoni ta’ dawn l-għodod.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: Lulju 2018.

Rakkomandazzjoni 2 - Isir użu aħjar tal-informazzjoni disponibbli sabiex jiġu identifikati t-tipi ta’ diskriminazzjoni kontra l-moviment liberu

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tagħmel aktar użu ta’ data li tkun faċilment disponibbli fl-Istati Membri, sabiex tipprovdi indikazzjoni aħjar tal-oqsma ta’ diskriminazzjoni u kif dawn ivarjaw minn Stat Membru għal ieħor. Permezz ta’ din l-informazzjoni, l-azzjonijiet li jindirizzaw id-diskriminazzjoni ikunu jistgħu jiġu mmirati aħjar.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: Diċembru 2018.

Rakkomandazzjoni 3 - Isir titjib fil-ġbir u fl-użu tad-data dwar xejriet u flussi fil-mobbiltà tal-ħaddiema u l-iżbilanċi fis-suq tax-xogħol

Jenħtieġ li l-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri, ittejjeb il-ġbir tad-data dwar il-mobbiltà tal-ħaddiema kif ukoll il-kumparabbiltà ta’ din id-data, jiġifieri l-kompożizzjoni ta’ dawk il-ħaddiema li jittrażlokaw, u l-potenzjal li l-mobbiltà tal-ħaddiema għandha biex indirizza l-iżbilanċi fis-suq tax-xogħol.

Huwa mistenni li dawn l-analiżijiet imbagħad iwasslu għal interventi mmirati li jindirizzaw l-iżbilanċi fil-ħiliet u fis-suq tax-xogħol. Dan ikun irid jiġi żviluppat qabel ma jibda l-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss biex ikun jista’ jintuża mill-Istati Membri meta jkunu qed jiddeċiedu dwar l-ammont ta’ finanzjament li jallokaw għall-programmi Ewropej, bħall-FSE.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: Marzu 2020.

Rakkomandazzjoni 4 - Isir titjib fit-tfassil tal-finanzjament li jingħata mill-UE biex tiġi indirizzata l-mobbiltà tal-ħaddiema

Attwalment, il-mobbiltà tal-ħaddiema hija indirizzata speċifikament permezz tal-FSE u tal-programm EaSI. Jenħtieġ li l-Kummissjoni teżamina kif jista’ jsir titjib fit-tfassil tal-finanzjament li jingħata mill-UE, biex jiġu żgurati l-komplementarjetà u monitoraġġ aħjar tal-prestazzjoni ta’ dan il-finanzjament.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: Marzu 2020 (fil-kuntest tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali l-ġdid).

Rakkomandazzjoni 5 - Isir titjib fil-monitoraġġ tal-effettività tal-EaSI-EURES, speċjalment fir-rigward ta’ kollokamenti f’impjieg

  1. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tirfina l-qafas ta’ monitoraġġ tagħha għall-proġetti CBP taħt l-EaSI-EURES biex b’hekk ikun hemm rabta ċara bejn il-miri, l-outputs u r-riżultati fl-istadju tal-applikazzjonijiet li, min-naħa tiegħu, se jippermetti titjib fir-rappurtar ta’ monitoraġġ fi tmiem il-proġett kif ukoll l-aggregazzjoni tar-riżultati tas-CBP fil-livell tal-programmi.
  2. Jenħtieġ li l-Kummissjoni ttejjeb is-sistema ta’ evalwazzjoni tal-prestazzjoni tal-EaSI-EURES billi tipprovdi speċifikazzjonijiet dettaljati għall-ġbir u l-analiżi tad-data lill-Istati Membri, li fuq il-bażi tagħhom l-Istati Membri jkunu jistgħu jiżguraw il-ġbir ta’ data affidabbli dwar l-attivitajiet tal-EURES, speċjalment dwar il-kollokamenti f’impjieg.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: Lulju 2018.

Rakkomandazzjoni 6 - Jiġu indirizzati l-limitazzjonijiet tal-Portal tal-EURES dwar il-mobbiltà fix-xogħol

Jenħtieġ li l-Istati Membri jindirizzaw il-limitazzjonijiet attwali tal-Portal tal-EURES dwar il-mobbiltà fix-xogħol, biex sal-2018 dan il-portal isir għodda vera ta’ kollokament u reklutaġġ fl-Ewropa. Dan jista’ jinkiseb billi:

  1. jiġi żgurat li fuq l-EURES jittella’ proporzjon akbar ta’ offerti ta’ impjieg ippubblikati mill-PES, li jimplika li l-Istati Membri jridu jindirizzaw il-kundizzjonijiet li jippermettu lill-impjegaturi jiddeċiedu li jagħżlu li ma jtellgħux l-offerti ta’ impjieg tagħhom fuq l-EURES;
  2. tittejjeb il-kwalità tal-avviżi ta’ postijiet tax-xogħol battala, li jimplika li l-PES tal-Istati Membri jridu jiżguraw li, fuq il-Portal tal-EURES dwar il-mobbiltà fix-xogħol, jitqiegħdu biss l-offerti li jkollhom informazzjoni ta’ kwalità tajba eż. id-data ta’ skadenza għall-applikazzjonijiet, it-tip ta’ impjieg offrut, dettalji tas-salarju, u l-lok tal-impjieg. L-għoti ta’ din l-informazzjoni jwassal għal riżultati aħjar kemm għall-persuni li jkunu qed ifittxu x-xogħol kif ukoll għall-impjegaturi.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: Lulju 2019.

Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla II, immexxija mis-Sinjura Iliana IVANOVA, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tal-24 ta' Jannar 2018.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Klaus-Heiner LEHNE
President

Annessi

Anness I

Ħarsa ġenerali lejn il-valutazzjoni li wettaqna tal-azzjonijiet meħuda mill-Kummissjoni fir-rigward tal-ostakli li jaffettwaw il-mobbiltà tal-ħaddiema

Ostakli Responsabbiltajiet Il-Kummissjoni ħadet azzjoni? Liema kienu l-elementi prinċipali tal-azzjoni tal-Kummissjoni L-ostaklu li jxekkel il-mobbiltà tal-ħaddiema qed jiġi indirizzat b’mod effettiv, mill-perspettiva ta’ ħaddiem? Spjegazzjoni tal-valutazzjoni tagħna
Nuqqas ta’ informazzjoni dwar id-drittijiet legali għall-moviment liberu tal-ħaddiema Il-Kummissjoni Ewropea Iva Il-Kummissjoni waqqfet:
L-EWROPA TIEGĦEK
EURES
SOLVIT
Iva1 L-EWROPA TIEGĦEK u EURES jipprovdu bażi tajba biex tinkiseb informazzjoni dwar id-drittijiet tal-individwi u dwar is-swieq tax-xogħol nazzjonali.
SOLVIT hija sistema robusta għal ilmenti kontra t-trattament inġust minn amministrazzjonijiet nazzjonali, u PARIRI TAL-EWROPA TIEGĦEK jipprovdi l-possibbiltà li jiġu kkuntattjati l-esperti legali.
Nuqqas ta’ informazzjoni suffiċjenti dwar opportunitajiet ta’ xogħol Il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri Iva Il-Kummissjoni tamministra l-Portal tal-EURES dwar il-mobbiltà fix-xogħol, b’mod konġunt mal-PES nazzjonali.
Fit-13 ta’ Diċembru 2016, il-Kummissjoni ppreżentat proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex jemenda r-regoli tal-UE dwar il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali. L-għan huwa li r-regoli attwali jiġu mmodernizzati sabiex jiġi żgurat li dawn ikunu ġusti, u ċari u biex ikunu jistgħu jiġu infurzati aktar faċilment, biex b’hekk tiġi pprovduta aktar trasparenza u ċarezza legali f’bosta oqsma ta’ koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali. Il-proposta tal-Kummissjoni ntbagħtet lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għal diskussjoni.
Ma ġiex indirizzat għalkollox Il-Portal tal-EURES dwar il-mobbiltà fix-xogħol għadu ġabra mhux kompleta ta’ offerti ta’ impjieg, minħabba li ma fihx l-offerti ta’ impjieg kollha li huma aċċessibbli fil-PES nazzjonali.
Ta’ spiss, l-offerti ta’ impjieg li jkunu fuq EURES u li jkunu ttellgħu mill-PES nazzjonali ma jkunux kompleti, u b’hekk il-valur tagħhom huwa limitat għal dawk il-ħaddiema li jkunu interessati jaħdmu barra minn pajjiżhom.
Differenzi fis-sigurtà soċjali Il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri Iva Ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 u r-regolament ta’ implimentazzjoni tiegħu jindirizzaw l-aspetti prinċipali li ġejjin:
  • l-espansjoni tal-oqsma tas-sigurtà soċjali koperti mir-regolament biex jinkludu skemi statutorji ta’ qabel l-irtirar;
  • it-tisħiħ tal-prinċipju ġenerali tat-trattament indaqs u l-prinċipju tal-esportabbiltà tal-benefiċċji;
  • l-introduzzjoni tal-prinċipju tal-amministrazzjoni tajba: l-istituzzjonijiet tal-Istati Membri huma obbligati jikkooperaw ma’ xulxin u jipprovdu assistenza reċiproka għall-benefiċċju taċ-ċittadini;
  • it-twaqqif ta’ sistema speċjali (l-Iskambju Elettroniku ta’ Informazzjoni dwar is-Sigurtà Soċjali — EESSI) biex ikun jista’ jsir skambju sikur ta’ data bejn l-istituzzjonijiet nazzjonali permezz ta’ mezzi elettroniċi; f’Lulju 2017, il-Kummissjoni Ewropea niedet is-softwer għal dan l-iskambju elettroniku. Issa, l-Istati Membri għandhom sentejn biex jgħaqqdu s-sistemi nazzjonali tagħhom sabiex ikun jista’ jsir skambju elettroniku komplut tad-data għall-iskopijiet tal-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali.

Id-Direttiva 2014/50/UE dwar il-ksib u l-preżervazzjoni tad-drittijiet għal pensjoni supplimentari ġiet adottata fis-16 ta’ April 2014. Hija tistabbilixxi standards minimi għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-pensjoni tal-ħaddiema mobbli.
F’Diċembru 2016, bħala parti mill-pakkett dwar il-Mobbiltà tal-Ħaddiema, il-Kummissjoni pproponiet reviżjoni tar-Regolament Nru 883/2004 u tar-Regolament ta’ implimentazzjoni Nru 987/2009. Ir-reviżjoni tiffoka fuq rabta aktar mill-qrib tal-pagament tal-benefiċċji mal-Istat Membru li jkun ġabar il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, biex b’hekk is-sistema tkun aktar ġusta u ekwa.
Ma ġiex indirizzat għalkollox Attwalment, l-Istati Membri qed iqiegħdu aktar enfasi fuq forom supplimentari ta’ introjtu tal-irtirar, li jissupplimentaw l-iskemi bażiċi nazzjonali tal-irtirar. Id-Direttiva 98/49/KE dwar is-salvagwardja tad-drittijiet tal-pensjoni supplimentari ta’ persuni impjegati u dawk li jaħdmu għal rashom ma tkoprix it-“trasferibbiltà” tal-pensjonijiet supplimentari, jiġifieri l-kapaċità li l-persuni jitittrasferixxu dawn l-intitolamenti tal-pensjoni meta jittrażlokaw għal Stat Membru differenti (li madankollu diġà huwa possibbli fl-iskemi nazzjonali tal-irtirar).
Dan in-nuqqas ta’ trasferibbiltà jista’ jkun ta’ diżinċentiv serju għall-mobbiltà tal-ħaddiema.
Id-Direttiva 2014/50/UE li nħarġet reċentement tfittex li tindirizza dan. Din tkopri r-rekwiżiti minimi sabiex tiżdied il-mobbiltà tal-ħaddiema minn Stat Membru għal ieħor permezz ta' titjib fil-ksib u l-preżervazzjoni tad-drittijiet għal pensjoni supplimentari. L-Istati Membri huma mistennija li jittrasponuha fil-leġiżlazzjoni nazzjonali sa Mejju 2018.
Rikonoxximent ta’ diplomi professjonali u akkademiċi Il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri Iva Rikonoxximent awtomatiku ta’ diplomi universitarji
Twaqqif ta’ qafas Ewropew għal professjonijiet regolati
Il-Karta Professjonali Ewropea (KPE) hija għodda ġdida li tiffaċilita r-rikonoxximent, u li saret disponibbli mit-18 ta’ Jannar 2016 biss. L-adozzjoni ta’ din l-għodda mill-ewwel grupp ta’ professjonijiet seħħet fit-30.6.2017: 3 239 applikazzjoni għal KPE ġew irreġistrati, u nħarġu 1390 KPE.
Iva

Għar-rikonoxximent ta’ kwalifiki fil-professjonijiet regolati
Ir-rapport tal-2016 dwar il-mobbiltà tal-ħaddiema jidentifika li r-rikonoxximent ta’ diplomi professjonali jibqa’ ostaklu importanti għall-mobbiltà.

Il-Kummissjoni waqqfet bażi tad-data li tinkludi l-professjonijiet regolati fl-Istati Membri u li tindika l-awtoritajiet kompetenti li għandhom jiġu kkonsultati dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki u tad-diplomi. L-awditu żvela li, meta din tkun ġiet implimentata sew, ir-rikonoxximent tad-diplomi regolati jaħdem tajjeb, u jkun hemm rata pożittiva għolja ta’ aċċettazzjoni tal-applikazzjonijiet ippreżentati.

Il-KPE tista’ tiġi estiża għal professjonijiet mobbli oħra li jissodisfaw il-kriterji stipulati fid-Direttiva dwar il-Kwalifiki Professjonali. Madankollu, ma hemmx data ssettjata għal din l-estensjoni, li se titqies wara li tkun inkisbet aktar esperjenza prattika rigward il-funzjonament tagħha, u suġġett għal konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati kollha, inklużi l-awtoritajiet tal-Istati Membri. Attwalment, il-Kummissjoni qed tivvaluta l-esperjenzi tal-ewwel sena tal-operat tal-KPE.
Ma ġiex indirizzat għalkollox

għar-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali

1Billi s-sensibilizzazzjoni ġenerali dwar l-eżistenza ta’ dawn is-sistemi ma ġietx evalwata, ma jistax jiġi stabbilit jekk il-ħaddiema kollha li huma interessati jaħdmu fi Stat Membru ieħor humiex konxji minn dawn l-għodod.

Anness II

Ħarsa ġenerali lejn il-valutazzjoni li wettaqna tat-23 proġett CBP taħt l-EaSI-EURES eżaminati

Isem tal-proġett Stati Membri parteċipanti Għotja tal-UE li ngħatat (massimu) Rata ta’ eżekuzzjoni Objettivi Linja bażi Miri Monitoraġġ
Kwalitattiva Kwantitattiva Output Eżitu Output Eżitu
2015/0062 EURADRIA 2015 IT, SI, HR 193,159.97 82.95 % 12345789 Iva Le* Iva Le Iva Le
2015/0272 EURADRIA 2016 IT, SI 198,014.90 76.23 % 123467 Iva Le* Iva Le Iva Le
VS/2015/0096 Northen Ireland/ Rep of Ireland 2015 IE, UK 220,663.32 82.46 % 1235789 Iva Le* Iva Le Le Le
VS/2015/0283 Northern Ireland/Rep of Ireland 2016 IE, UK 221,283.35 86.01 % 12345689 Iva Le* Iva Iva Le Le
VS/2015/0065 Galicia-North Portugal 2015 ES, PT 205,581.27 65.69 % 124578 Iva Le* Le Le Iva Iva
VS/2015/0279 Galicia-North Portugal 2016 ES, PT 233,254.30 69.11 % 1234567810 Iva Le* Le Iva Iva Le
VS/2015/0066 Bayern-Tschechien 2015 DE, CZ 335,107.34 68.98 % 123478 Iva Iva Iva Le Iva Le
VS/2015/0284 Bayern-Tschechien 2016 DE, CZ 708,075.60 82.95 % 123478 Iva Iva Iva Iva Iva Iva
VS/2015/0072 Oberrhein 2015 DE, FR, (SW) 485,053.56 76.22 % 123478 Iva Le Le Le Iva Iva
VS/2015/0314 Oberrhein 2016 DE, FR, (SW) 460,806.23 91.20 % 12345678 Iva Le Le Iva Iva Le
VS/2015/0068 Oresund 2015 DK, SE 198,172.19 84.70 % 123489 Iva Iva Iva Iva Iva Iva
VS/2015/0278 Oresund 2016 DK, SE 195,512.96 80.97 % 1234569 Iva Iva Iva Iva Iva Iva
VS/2015/0082 Scheldemond 2015 NL, BE 213,504.91 71.24 % 123678 Le Iva Iva Le Iva Iva
VS/2015/0285 Scheldemond 2016 NL, BE 214,281.46 77.29 % 123456789 Iva Iva Iva Le Iva Iva
VS/2015/0084 ERW-ERMN-EMR 2015 DE, BE, NL 617,629.20 87.99 % 1234578 Iva Le Iva Le Iva Iva
VS/2015/00281 ERW-ERMN-EMR 2016 DE, BE, NL 671,117.63 72.60 % 123456789 Iva Le Iva Le Iva Iva
VS/2015/0095 Triregio 2015 DE, CZ, PL 216,130.78 85.32 % 12345789 Iva Le* Iva Le Iva Le
VS/2015/0266 Triregio 2016 DE, CZ, PL 261,093.85 77.22 % 1234568910 Iva Le* Iva Le Iva Iva
VS/2015/0101 Grande Region 2015 FR, BE, DE, LU 600,000 100.00 % 123478 Iva Iva Le Le Iva Iva
VS/2015/0277 Grande Region 2016 FR, BE, DE, LU 646,242.28 97.87 % 123456789 Iva Iva Le Le Iva Le
VS/2015/0111 Pannonia 2015 HU, AT 254,188.53 86.23 % 123458 Le Le Iva Iva Iva Le
VS/2015/0268 Pannonia 2016 HU, AT 278,728 98.04 % 12345689 Iva Iva Le Iva Le Le
VS/2015/0287 Beskydy 2016 CZ, PL, SK 272,124.90 43.58 % 12345678910 Iva Le Iva Iva Iva Le

Noti:

Objettivi: juru n-numru tal-attività magħżula: (1) Servizzi għall-klijenti, mogħtija lill-ħaddiema (2) Servizzi għall-klijenti, mogħtija lill-impjegaturi (3) Faċilitazzjoni tat-tlaqqigħ ta’ impjiegi (4) One stop shop (5) Tfassil u implimentazzjoni ta’ Servizzi innovattivi (6) Monitoraġġ tal-kollokamenti (7) Monitoraġġ tal-mobbiltà (8) Tisħiħ tal-kooperazzjoni CBP (9) Proġetti ta’ kollokament speċifiku (eż. SMEs) (10) Ħolqien ta’ korpi ta’ assistenza ġodda.

* LE jfisser li hemm statistika li għandha mnejn tintuża għal-linja bażi kwantitattiva iżda li ma tintużax b’mod konsistenti (ma ngħatatx segwitu).

Ir-risposti tal-Kummissjoni

Sommarju eżekuttiv

I

Fl-2018, l-UE se tiċċelebra l-50 anniversarju tar-regolament li stabbilixxa għall-ewwel darba l-moviment liberu tal-ħaddiema. Il-Kummissjoni temmen li filwaqt li sar ħafna progress mill-1968 ’l hawn fil-qasam tal-mobbiltà tal-ħaddiema Ewropej, kif juru ċ-ċifri msemmija mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA), għad hemm il-ħtieġa li jiġi żgurat li r-regoli u l-istrumenti tal-UE jiġu infurzati b’mod ġust, sempliċi u effettiv. Din il-ħtieġa wasslet biex il-Kummissjoni tipproponi, fil-programm ta’ ħidma tagħha għall-2018, l-istabbiliment ta’ Awtorità Ewropea tax-Xogħol. Dan ir-rapport speċjali tal-QEA jipprovdi analiżi u rakkomandazzjonijiet utli f’dan il-kuntest.

III

L-attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni huma inklużi fi strateġiji u attivitajiet ta’ komunikazzjoni għal kull strument u għodda rilevanti. Il-Kummissjoni tqis li l-effikaċja tal-azzjonijiet iffinanzjati taħt l-EaSI li jiffaċilitaw il-mobbiltà tal-ħaddiema hija, b’mod ġenerali, issorveljata b’mod xieraq.

IV

Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li għad hemm ostakli li jxekklu l-mobbiltà. Din hija r-raġuni għaliex il-mobbiltà għadha fuq quddiem fl-aġenda tagħha permezz tat-tisħiħ tal-leġislazzjoni u tal-istrumenti ewlenin tagħha kif ukoll tal-preżentazzjoni ta’ inizjattivi ambizzjużi ġodda.

V

Huwa fil-fatt għal din ir-raġuni li l-Kummissjoni introduċiet dispożizzjonijiet speċifiċi dwar dan is-suġġett fil-proposta tagħha għal Regolament tal-EURES. L-Istati Membri kollha issa jenħtieġ li jikkontribwixxu fl-analiżi skont l-Artikolu 30 tar-Regolament (UE) 2016/589. Il-Kummissjoni tistenna li, maż-żmien, dan se jtejjeb id-disponibbiltà u l-kwalità tad-data dwar fejn hemm nuqqas ta’ ħaddiema, u fejn hemm numru eċċessiv.

VI

L-FSE diġà jidentifika 18-il prijorità ta’ investiment. Ħafna mill-prijoritajiet ta’ investiment “settorjali” għandhom l-għan li jgħinu lin-nies isibu impjieg (jew impjieg aħjar) u li jiżguraw opportunitajiet fil-ħajja aktar ġusti għal kulħadd. Tali appoġġ għalhekk issaħħaħ il-possibbiltajiet għall-ħaddiema li jsibu impjieg fejn ikollhom bżonn, kemm fl-Istati Membru tagħhom kif ukoll barra minnu. Barra minn hekk, hemm bżonn li l-Istati Membri u r-reġjuni jissodisfaw ukoll l-hekk imsejħa kriterji ta’ konċentrazzjoni tematiċi (ara l-Art. 4 tar-Regolament 1304/2013). Kull prijorità ta’ investiment li tiżdied ma’ dan tista’ tkun ta’ kontribut biex din l-attenzjoni tiddgħajjef.

VII

Il-Kummissjoni tikkonċedi li s-sinerġiji jistgħu jkunu żviluppati aktar u qed tagħmel ħilitha biex jitjiebu r-riżultati tal-programmi tagħha kif ukoll biex tagħmilhom aktar trasparenti permezz ta’ sistema ta’ monitoraġġ aħjar.

VIII

Il-mudell standard għar-rapport finali tekniku dwar l-implimentazzjoni jinkludi taqsima dwar ir-riżultati tal-appoġġ fil-parti kwantitattiva, fejn ikunu jridu jiddaħħlu l-għadd ta’ dispożizzjonijiet ta’ informazzjoni, konsulenzi, kollokamenti u tas-servizzi ta’ reklutaġġ. Dan huwa wieħed mill-indikaturi, li huwa speċifikament relatat ma’ servizzi li normalment jiġu pprovduti mill-isħubijiet transfruntiera. Hemm għalhekk bażi ċara għal rappurtar konsistenti matul il-programm.

Barra minn hekk, il-koordinaturi tal-proġetti normalment jispjegaw ir-riżultati tagħhom f’aktar dettall fil-parti kwalitattiva tar-rapport, fejn l-indikaturi kwantitattivi miksuba permezz tas-sħubija transfruntiera, pereż. l-għadd ta’ kollokamenti maħluqa, ikunu indikati u spjegati. Dawn l-indikaturi sussegwentement jiġu disseminati u kkomunikati permezz ta’ rapporti ta’ monitoraġġ dwar proġetti u organizzazzjonijiet iffinanzjati mill-EaSI disponibbli fuq EUROPA (bħalissa hemm seba’ (7) volumi disponibbli għall-pubbliku; dik li jmiss qiegħed jitħejja).

IX

Dan il-proporzjon huwa mistenni li jiżdied hekk kif ir-Regolament (UE) 2016/589 jiġi implimentat bis-sħiħ.

Il-Kummissjoni tinnota li hija r-responsabbiltà ta’ dawk li jkollhom id-data dwar il-portali nazzjonali dwar l-impjiegi biex jiżġuraw il-kwalità intrinsika u teknika tad-data f’dan il-qasam, kif indikat fir-Regolament (UE) 2016/589. Fi ħdan il-qafas imfassal b’dan ir-Regolament, il-Kummissjoni titħalla mill-fornituri nazzjonali tad-data li tikseb data dwar il-portali nazzjonali dwar l-impjiegi iżda ma għandhiex is-setgħa li tikkoreġi jew li temenda d-data tagħhom. F’każ li jinstabu xi diskrepanzi tekniċi, inċidenti jew data skaduta hija se tirrapporta dan lill-fornitur nazzjonali tad-data ikkonċernat u titlob lill-fornituri tad-data biex jieħdu l-azzjoni meħtieġa. Dan il-mandat biex tinforma dwar l-anomaliji ma jkoprix il-possibbiltà li jsiru kummenti fuq il-kwalità intrinsika (il-kontenut) ta’ data dwar postijiet tax-xogħol battala.

X

Il-Kummissjoni tenfasizza li r-rwol tal-persunal tal-EURES huwa li jipprovdi kemm informazzjoni kif ukoll gwida lill-ħaddiema u li jassisti fit-tlaqqigħ u fil-kollokament. Il-kuntatti ma’ ħaddiema li jkunu qegħdin ifittxu informazzjoni jew li jkollhom mistoqsijiet speċifiċi bil-għan li tinstab soluzzjoni għal dawn il-kwistjonijiet wkoll jitqiesu bħala riżultati utli ta’ appoġġ għall-popolazzjoni fil-mira.

Il-grad sa liema jinkiseb b’suċċess xi kollokament għandu jitkejjel f’relazzjoni mal-għadd ta’ talbiet speċifiċi għal assistenza b’kollokament. Ir-rati ta’ kollokament jistgħu jvarjaw skont il-popolazzjoni fil-mira (il-livell ta’ esperjenza u l-ħiliet xierqa) u skont in-natura tal-post tax-xogħol battal (kemm ikun diffiċli, jew ma jkunx, li jimtela). Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni ma tistabbilixxi l-ebda miri ta’ referenza jew punti ta’ riferiment dwar liema tkun, b’mod ġenerali, rata ta’ kollokament ta’ suċċess.

XI
  1. Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni u tenfasizza li diġà qiegħda tieħu miżuri biex iżżid l-użu tal-għodod eżistenti.
  2. Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni;

    Il-ħidma tal-Awtorità Ewropej tax-Xogħol li hija ppjanata li tiġi stabbilita (ara t-tweġiba għal § I) għandha tgħin lill-Kummissjoni biex tagħmel aktar użu ta’ tali informazzjoni.

  3. Il-Kummissjoni tinnota li din ir-rakkomandazzjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Safejn hija milquta minnha, il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni u tenfasizza li diġà qiegħda tieħu miżuri biex iżżid l-użu ta’ għodod eżistenti.

  4. Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni fis-sens li għandha l-għan li teżamina kif it-tfassil ta’ finanzjament tal-UE għall-mobbiltà tal-ħaddiema jista’ jittejjeb b’mod ġenerali fi ħdan il-qafas tat-tħejjija għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss.
XII

(e)Il-Kummissjoni tinnota li r-rakkomandazzjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

(f)Il-Kummissjoni tinnota li r-rakkomandazzjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Il-Kummissjoni se tkompli bl-isforzi tagħha sabiex jiġu indirizzati l-limitazzjonijiet tagħha, billi taċċetta s-suġġerimenti mill-QEA permezz ta’ monitoraġġ aktar mill-qrib tad-dispożizzjoni marbuta mal-esklużjoni fakultattiva ta’ min iħaddem u billi tappoġġa l-isforzi tal-Istati Membri li jtejbu fil-livell tagħhom il-kwalità tal-postijiet tax-xogħol battala li jiġu reklamati.

Introduzzjoni

08

L-awtorità leġiżlattiva ddeċidiet fl-2017 biex tirrevedi l-limiti bejn it-tliet assi tal-programm EaSI, u daħħlet aktar flessibbiltà u għalhekk bil-possibbiltà ta’ finanzjament addizzjonali għall-assi EURES.

Osservazzjonijiet

18

Il-portal EURES dwar il-mobbiltà tal-ħaddiema huwa s-sit fuq id-dominju europa.eu li l-aktar li ġie kkonsultat fl-2017 (sal-4/12/2017) hekk kif kellu 14,12-il miljun żjara u rawh 46,2 miljun ruħ. Il-Kummissjoni tifhem li ż-żewġ (2) kriterji msemmija mill-QEA (tiftix bil-web jew kumbinazzjoni) huma pjuttost effiċjenti. Il-Kummissjoni temmen ukoll li dan huwa riflessjoni ta’ ħidma effettiva ta’ għarfien fil-konkret mill-isħab iddedikati.

30

L-Istħarriġ dwar il-Forza tax-Xogħol (LFS) huwa s-sors prinċipali, peress li huwa stħarriġ armonizzat, li jippermetti komparabilità sinifikanti madwar il-pajjiżi parteċipanti. Id-data rapportata (li tiffoka fuq iċ-ċittadinanza jew il-pajjiż tat-twelid) hija aggregata sa livell li jkun irid jissodisfa l-kriterji ta’ affidabilità tal-kampjuni fl-isħarriġ.

Il-Kummissjoni tenfasizza li l-LFS għandha valur għoli fl-analiżi tal-mobbiltà tal-ħaddiema fi ħdan l-UE. Dan il-valur tal-LFS huwa rikonoxxut kullimkien fid-dinja akkademika u fir-riċerka dwar linji ta’ politika, u jiġi użat b’mod wiesa’ ħafna sabiex jiġu mwieġba mistoqsijiet dwar il-mobilità fi ħdan l-UE, il-migrazzjoni, eċċ.

31

Il-limitazzjonijiet fl-LFS innotati mill-QEA huma ttrattati b’mod progressiv fis-sistema tal-istatistika. Madankollu, għandu jiġi nnutat li l-istħarriġ tal-LFS mhux imfassal biex ikopri b’mod speċifiku nies u migranti li jkunu qegħdin jiċċaqilqu fi ħdan l-UE, iżda l-popolazzjoni kollha.

L-ewwel inċiż: L-Istati Membri jippruvaw jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni tal-barranin u japplikaw metodi sabiex jirranġaw sitwazzjoni fejn ma jkunx hemm reazzjoni sodisfaċenti. Pereżempju, xi pajjiżi jużaw in-nazzjonalità fil-korrezzjoni ta’ nuqqas ta’ reazzjoni fil-proċedura ta’ ppeżar tagħhom. Spiss jiġu ppreżentati kwestjonarji u intervisti anki b’lingwi barranin.

L-Istati Membri flimkien mal-Eurostat iwettqu ħidma biex iżidu r-rati ta’ reazzjoni b’mod ġenerali.

It-tieni inċiż: Filwaqt li r-regola ta’ 12-il xahar twassal għal sottovalutazzjoni tal-migrazzjoni riċenti ħafna u tal-għadd ta’ ħaddiema li jkunu preżenti għal żmien qasir u b’mod staġjonali, din tagħti stampa globali aktar konsistenti tas-suq tax-xogħol, anki rigward barranin.

It-tielet inċiż: L-għan kumplessiv huwa li jkun hemm kampjun kbir biżżejjed li jippermetti li ssir analiżi ta’ spettru wiesa’ ta’ karatteristiċi u mġiba tas-suq tax-xogħol skont iċ-ċittadinanza u/jew il-pajjiż tat-twelid, f’livell affidabbli. Ħafna drabi dan ikun il-każ għall-Istati Membri l-kbar u fl-Ewropa tal-Punent, iżda mhux fil-każ tal-pajjiżi jew ir-reġjuni kollha.

Jekk l-LFS ma jippermettix analiżi affidabbli skont iċ-ċittadinanza u/jew il-pajjiż tat-twelid f’xi pajjiżi u reġjuni, dan jista’ jindika li l-fenomenu taċ-ċaqlieq fi ħdan l-UE u l-migrazzjoni f’dawk il-pajjiżi huwa rari jew saħansitra negliġibbli.

32

Sabiex jiġu analizzati l-flussi tal-mobilità tal-ħaddiema, il-Kummissjoni l-ewwel tagħmel użu minn data armonizzata pprovduta mill-Eurostat (prinċipalment data demografika tal-LFS). Il-Kummissjoni tagħmel użu mill-kompendju msemmi mfassal mal-Istati Membri f’każ li jkun hemm bżonn ta’ analiżi aktar dettaljata.

Dawn is-sorsi addizzjonali ta’ data, għalkemm mhux armonizzati mill-Eurostat, jistgħu tabilħaqq ikunu ta’ valur kbir f’ċerti każijiet fejn ma jkun hemm l-ebda data oħra disponibbli affidabbli jew komparabbli. Pereżempju, dan kien il-każ fir-rapport tal-2015 dwar il-Funzjonament tal-Arranġamenti Tranżitorji dwar il-Moviment Ħieles tal-Ħaddiema mill-Kroazja.

Minbarra l-ġbir tad-data fil-livell nazzjonali dwar is-sigurtà soċjali, ġie stabbilit il-ġbir komprensiv ta’ data fil-livell tal-UE, relatat mal-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali bejn l-Istati Membri (ara l-Artikolu 91 tar-Regolament (KE) Nru 987/2009) sabiex jiġi evalwat il-funzjonament tar-regoli ta’ koordinazzjoni tal-UE dwar is-sigurtà soċjali.

34

Il-Kummissjoni tenfasizza li hija introduċiet dispożizzjonijiet rilevanti fil-proposta tagħha għal Regolament tal-EURES preċiżament bil-għan li jitjieb il-ġbir tad-data fir-rigward ta’ nuqqasijiet jew eċċessi fl-għadd ta’ ħaddiema. L-Istati Membri kollha issa jenħtieġ li jikkontribwixxu fl-analiżi skont l-Artikolu 30 tar-Regolament (UE) 2016/589. Il-Kummissjoni tistenna li, maż-żmien, dan se jtejjeb id-disponibbiltà tad-data.

40

Il-Kummissjoni għażlet li twettaq stħarriġ ta’ darba fost l-Istati Membri fl-2015, fi żmien meta l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri kienu spiċċaw l-ipprogrammar tagħhom, biex jiġi identifikat sa liema grad il-mobbiltà tal-ħaddiema kienet ġiet ipprogrammata taħt l-FSE. Barra minn dan, filwaqt li ma ssorveljatx il-progress fejn jidħlu dawn l-azzjonijiet b’mod sistematiku, il-Kummissjoni għażlet li tappoġġja lill-Istati Membri billi organizzat attività ta’ tagħlim u ta’ netwerking reċiproku bejn EURES u l-FSE bejn is-17 u t-18 ta’ Novembru 2015. L-attività ġabret flimkien lill-persunal ta’ ġestjoni u lill-maniġers tal-proġetti tal-FSE għall-proġetti dwar il-mobbiltà tal-ħaddiema fi ħdan l-UE, u marbuta ma’ EURES, sabiex jiġu identifikati prattiċi tajba. L-avveniment wera l-opportunitajiet li jista’ joffri l-FSE biex jiġu żviluppati l-attivitajiet tal-EURES u indika li xi ftit Stati Membri ħolqu xi ħaġa ġdida marbuta ma’ servizzi.

41

L-FSE diġà jidentifika 18-il prijorità. Ħafna mill-prijoritajiet ta’ investiment “settorjali” għandhom l-għan li jgħinu lin-nies isibu impjieg (jew impjieg aħjar) u li jiżguraw opportunitajiet aktar ġusti fil-ħajja ta’ kulħadd. Tali appoġġ għalhekk isaħħaħ il-possibbilitajiet għall-ħaddiema li jsibu impjieg fejn ikollhom bżonn, kemm fl-Istati Membru tagħhom kif ukoll barra minnu.

Barra minn hekk, hemm bżonn li l-Istati Membri u r-reġjuni jissodisfaw ukoll l-hekk imsejħa kriterji ta’ konċentrazzjoni tematiċi (ara l-Art. 4 tar-Regolament 1304/2013). Kull prijorità ta’ investiment li tiżdied ma’ dan tista’ tkun ta’ kontribut biex din l-attenzjoni tiddgħajjef.

Ara t-tweġiba komuni tal-Kummissjoni għall-paragrafi 42 u 43

Il-Kummissjoni tqis li l-EaSI huwa kumplimentari għall-FSE fejn jidħol li jintlaħaq l-għan ta’ Ewropa 2020 dwar l-impjiegi u l-esklużjoni soċjali billi jmexxi ‘l quddiem l-innovazzjoni soċjali. Il-loġika ewlenija għall-promozzjoni tal-innovazzjoni soċjali permezz tal-FSE jixbah l-approċċ tal-proġetti tal-EaSI, li jikkonsistu fl-ittestjar, l-evalwar u fl-aħħar nett li l-innovazzjonijiet jiġu skalati ‘l fuq.

Fil-qasam tal-mobbiltà tal-ħaddiema u l-aċċess għas-swieq tax-xogħol hemm komplimentaritajiet mal-FSE. Il-proġetti tal-EaSI għandhom għamla transnazzjonali filwaqt li l-azzjonijiet tal-FSE jiġu implimentati fi ħdan l-ambitu ta’ Stat Membru taħt regoli nazzjonali. L-azzjonijiet tal-FSE jiffokaw fuq l-għoti ta’ appoġġ lil ħaddiema individwali fil-livell nazzjonali (l-għoti ta’ informazzjoni u servizzi, miżuri attivi tas-suq tax-xogħol) filwaqt li l-EsSI jipprovdi appoġġ orizzontali lill-funzjonament tan-netwerk Ewropew għat-tfittxija tal-impjiegi (EURES), kollu kemm hu. L-EaSI jappoġġa wkoll proġetti li jippermettu li jintlaħqu gruppi partikolari fil-mira madwar l-UE, skont l-istess regoli, biex b’hekk jiġi żgurat trattament ugwali kif ukoll loġika ta’ programm (jiġifieri skemi ta’ mobbiltà mmirati bħal pereż. dak lejn ħaddiema żgħażagħ mobbli, L-ewwel impjieg EURES tiegħek). Għalhekk, il-finanzjament tal-EsSI jikkumplimenta, bis-servizzi speċifiċi tiegħu, l-offerta aktar ġenerali fil-livell nazzjonali ta’ informazzjoni, assistenza u gwida pprovduti lill-ħaddiema interessati fil-mobbilità.

Kif deher minn ħidma ta’ riċerka li saret dan l-aħħar, ir-razzjonalizzazzjoni ta’ ċerti regoli bejn il-fondi tista’ tkun ta’ għajnuna biex jiġi mmassimizzat il-potenzjal ta’ tali kumplimentaritajiet u sinerġiji bejn l-EaSI u l-FSE.

45

Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li ħafna proġetti CBP għandhom attivitajiet li huma rikorrenti peress li għandhom l-għan li jservu l-ħtiġijiet tal-popolazzjoni fil-mira b’modi li individwi jkunu tradizzjonalment ħadmu bihom. Madankollu, sabiex tinkoraġġixxi wkoll l-innovazzjoni fit-twassil ta’ servizzi f’reġjuni transfruntiera, il-Kummissjoni, fis-sejħa għal proposti tal-2016, introduċiet fergħa speċifika fis-sejħa għall-proposti billi qiegħda tistieden applikazzjonijiet għal forom jew attivitajiet ġodda relatati ma’ kooperazzjoni transfruntiera/sħubijiet transfruntiera ġodda. Intgħażel proġett wieħed taħt din il-linja.

46

Il-Kummissjoni tagħraf l-importanza tal-użu ta’ linja bażi kwantitattiva u ta’ miri kwantitattivi biex jitkejjel il-progress u tenfasizza li l-mudelli tagħha li jippreżentaw applikazzjonijiet għal proġetti u jirrappurtaw fuq ir-riżultati għandhom l-għan li jiffaċilitaw l-għoti ta’ din id-data.

47

Il-Kummissjoni tagħraf l-importanza tar-rabta bejn l-outputs u r-riżultati iżda tapprezza ukoll id-diffikultà li jkollhom il-benefiċjarji tal-proġetti biex jirrapportaw f’anqas minn sena dwar tali konnessjonijiet. Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni qiegħda tara jekk forsi jkunx aħjar li tippermetti perjodu ta’ implimentazzjoni itwal għal proġetti magħżula taħt is-sejħiet għal proposti f’dan il-qasam.

Tweġiba komuni tal-Kummissjoni għall-paragrafi 49 u 50

Is-sistema preżenti ta’ monitoraġġ fis-seħħ tinkludi l-Indikaturi Ewlenin tal-Prestazzjoni (KPIs) li jgħinu fil-monitoraġġ tas-sħubijiet transfruntiera fil-livell tal-programm.

L-aħħar rapport ta’ monitoraġġ tal-prestazzjoni reċenti tal-EaSI għall-2015-20161 janalizza l-kopertura ta’ sħubiji transfruntiera permezz ta’ ċerti KPIs. Huwa previst li fl-2018 issir reviżjoni u analiżi kritika tas-sistema sħiħa tal-KPIs fil-qafas tal-kuntratt li jmiss ta’ monitoraġġ tal-prestazzjoni tal-programm EaSI.

Il-mudell standard għar-rapport finali tekniku dwar l-implimentazzjoni jinkludi taqsima dwar ir-riżultati tal-appoġġ fil-parti kwantitattiva, fejn ikunu jridu jiddaħħlu l-għadd ta’ dispożizzjonijiet ta’ informazzjoni, konsulenzi, kollokamenti u tas-servizzi ta’ reklutaġġ. Dan huwa wieħed mill-indikaturi, li huwa speċifikament relatat ma’ servizzi li normalment jiġu pprovduti mill-isħubijiet transfruntiera. Hemm għalhekk bażi ċara għal rappurtar konsistenti matul il-programm.

Barra minn hekk, il-koordinaturi tal-proġetti normalment jispjegaw ir-riżultati tagħhom f’aktar dettall fil-parti kwalitattiva tar-rapport, fejn l-indikaturi kwantitattivi miksuba permezz tas-sħubija transfruntiera, pereż. l-għadd ta’ kollokamenti maħluqa, ikunu indikati u spjegati. Dawn l-indikaturi sussegwentement jiġu disseminati u kkomunikati permezz ta’ rapporti ta’ monitoraġġ dwar proġetti u organizzazzjonijiet iffinanzjati mill-EaSI disponibbli fuq EUROPA (bħalissa hemm seba’ (7) volumi disponibbli għall-pubbliku; dik li jmiss qiegħed jitħejja)2.

53

Il-Kummissjoni tinnota li l-proporzjon ta’ postijiet tax-xogħol battala disponibbli fil-livell nazzjonali li jkunu disponibbli fuq il-Portal tal-EURES jiddependi ħafna fuq l-Istat Membru. Dan il-proporzjon huwa ppreżentat kull sena fit-Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Suq Uniku ppubblikata mill-Kummissjoni (ara http://ec.europa.eu/internal_market/scoreboard/).

Dan il-proporzjon huwa mistenni li jiżdied hekk kif ir-Regolament (UE) 2016/589 jiġi implimentat bis-sħiħ, kif jingħad aktar ‘l fuq.

54

Il-Kummissjoni taċċetta li jista’ jkun hemm proporzjonijiet li qegħdin jonqsu f’ċerti Stati Membri. L-implimentazzjoni sħiħa tar-Regolament (UE) 2016/589 għandu jsolvi din il-kwistjoni.

55

Il-mekkaniżmu ta’ esklużjoni fakultattiva li tirreferi għalih b’mod espliċitu l-Qorti jirrekjedi li t-talba tiġi “debitament ġustifikata fuq il-bażi tar-rekwiżiti tal-ħiliet u tal-kompetenzi marbuta mal-impjieg”. Għaldaqstant, l-eċċezzjoni għandha tkun ibbażata fuq raġunijiet oġġettivi minn impjegatur individwali u teħtieġ skrutinju mill-fornitur tad-data (PES jew xort’oħra). Il-Kummissjoni se tissorvelja l-applikazzjoni korretta ta’ din id-dispożizzjoni.

56

Il-Kummissjoni tikkonċedi li l-livell attwali ta’ trasparenza tad-data fejn jidħlu postijiet tax-xogħol battala ma jirrappreżentax il-postijiet tax-xogħol battala kollha fis-suq tax-xogħol.

Wieħed mill-objettivi ewlenin tar-Regolament EURES il-ġdid, (UE) 2016/589) huwa li tiżdied it-trasparenza fl-iskambju tal-informazzjoni fost il-Membri u l-Imsieħba tal-EURES billi jagħmlu disponibbli fuq il-Portal tal-Impjiegi tal-EURES il-postijiet tax-xogħol battala kollha disponibbli pubblikament permezz tal-PES u Membri u Imsieħba oħra tal-EURES. L-att bażiku introduċa lista komuni u eżawrjenti ta’ eċċezzjonijiet, biex tiġi kondiviża fil-livell tal-UE, ta’ dawk il-postijiet tax-xogħol battala li jkunu disponibbli pubblikament fil-livell nazzjonali. Dan huwa titjib sostanzjali imqabbel ma’ qabel, meta, pereżempju, xi pajjiżi ma għamlux disponibbli dawk il-postijiet tax-xogħol battala marbuta ma’ kuntratti ta’ perjodu limitat (ta’ inqas minn sitt xhur). Barra minn hekk, ir-Regolament ma għadux jippermetti li d-data disponibbli fil-livell reġjonali mal-PES tiġi eskluża peress li l-obbligu jkopri l-postijiet battala kollha pubblikament disponibbli fil-pussess tal-PES.

Barra minn hekk, is-sistemi nazzjonali ta’ ammissjoni, li għandhom jiġu stabbilit mill-Istati Membri sa Mejju 2018 skont ir-Regolament għandhom jaraw li jdaħħlu fin-netwerk organizzazzjonijiet oħra, bħal ma huma s-servizzi tat-tielet settur jew tal-impjieg privat. Dan l-approċċ jista’ jsaħħaħ is-sħubija pubblika-privata dwar it-trasparenza tas-swieq tax-xogħol nazzjonali u b’hekk imbagħad is-suq tax-xogħol Ewropew.

Jekk ikunu implimentati kif xieraq, fis-snin li ġejjin dawn il-miżuri mistennija jżidu sostanzjalment in-numru ta’ postijiet tax-xogħol battala disponibbli u jindirizzaw il-kwistjoni identifikata.

Stima tas-sehem tas-suq totali (UE) hija diffiċli biex issir, u jkun xieraq li wieħed iħares lejn pajjiżi differenti u fatturi diversi li jiddeterminaw l-ishma tas-suq. Meta wieħed iqabbel iċ-ċifri mill-Portal tal-EURES mal-għadd totali ta’ postijiet tax-xogħol battala fil-pajjiżi pprovduti mill-Eurostat, is-servizzi tal-Kummissjoni kisbu riżultati differenti (ara t-Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Suq Uniku).

L-ishma ta’ postijiet tax-xogħol battala disponibbli fuq il-bażijiet tad-data tal-PES jiddependu fost affarijiet oħra fuq il-missjoni tal-amministrazzjoni tal-PES u l-ġestjoni tal-kwalità li huma jiggarantixxu.

Hija l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tissorvelja dan flimkien mal-Istati Membri fil-qafas tas-sistema ta’ kejl tal-prestazzjoni tal-EURES li għandha tibda topera fl-2018, f’konformità mal-Artikolu 9(2), il-punt c) ta’ dan ir-Regolament.

Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

62

Il-Kummissjoni tqis li l-effettività tal-azzjonijiet iffinanzjati taħt l-EaSI li jiffaċilitaw il-mobbiltà tal-ħaddiema, b’mod ġenerali, tista’ tiġi ssorveljata b’mod xieraq.

Il-Kummissjoni tiġbed l-attenzjoni għar-rapporti ta’ monitoraġġ maħruġa dwar il-proġett fl-iskema L-Ewwel Impjieg EURES Tiegħek taħt l-assi kif ukoll għall-azzjonijiet EURES-EaSI mill-Kummissjoni għall-monitoraġġ tal-effettività ta’ proġetti EaSI b’mod ġenerali. Ir-rapport riċenti ta’ monitoraġġ dwar proġetti u organizzazzjonijiet iffinanzjat mill-EaSI (volum 73) jinkludi 15-il proġett iffinanzjati minn EaSI-EURES li jinkludu firxa wiesgħa ta’ data, bħal:

  • ir-riżultati tal-proġetti, l-impatti mkejla, il-kisbiet, il-lezzjonijiet meħuda,
  • id-dimensjoni transnazzjonali, l-istrateġija ta’ disseminazzjoni,
  • il-valur miżjud Ewropew, il-miżuri ta’ sostenibilità,
  • miżuri ta’ ugwaljanza bejn is-sessi,
  • informazzjoni dwar l-attivitajiet implimentati, il-koordinatur tal-proġett u l-imsieħba, is-sit web.
63

Iċ-ċifri juru li kien hemm użu pjuttost impressjonanti tal-għodod eżistenti, b’mod partikolari l-portal dwar il-mobbiltà tax-xogħol tal-EURES. Fil-fatt, jeżistu diversi kanali biex jirċievu l-informazzjoni dwar il-mobbiltà tal-ħaddiema u biex isiru rapport dwar xi xkiel. Il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li jkun utli li jinħoloq “single stop shop” – u dan huwa fil-qalba tal-proposta tagħha li jmiss għall-istabbiliment ta’ Awtorità Ewropea dwar ix-Xogħol.

64

Il-Kummissjoni tenfasizza li l-LFS għandha valur qawwi fl-analiżi tal-mobbiltà tal-ħaddiema fi ħdan l-UE. Dan il-valur tal-LFS huwa rikonoxxut kullimkien fid-dinja akkademika u fir-riċerka dwar linji ta’ politika, u jiġi użat b’mod wiesa’ ħafna sabiex jiġu mwieġba mistoqsijiet dwar il-mobilità fi ħdan l-UE, il-migrazzjoni, eċċ.

65

Il-Kummissjoni tikkonċedi li s-sinerġiji jistgħu jkunu żviluppati aktar u qed tagħmel ħilitha biex jitjiebu r-riżultati tal-programmi tagħha kif ukoll biex tagħmilhom aktar trasparenti permezz ta’ sistema ta’ monitoraġġ aħjar.

66

Il-Kummissjoni tqis li se jkun meħtieġ li n-nuqqasijiet imsemmija mill-QEA f’dan il-paragrafu, kif ukoll oħrajn (bħal pereżempju d-disponibbiltà ta’ CVs), jiġu indirizzati sabiex il-portal tal-EURES isir għodda ta’ kollokament tassew Ewropea.

67. Rakkomandazzjoni 1 — Jitkejjel il-livell ta’ għarfien fost iċ-ċittadini tal-UE dwar l-għodod eżistenti ta’ għoti ta’ informazzjoni dwar il-libertà ta’ moviment tal-ħaddiema u tar-rappurtar dwar diskriminazzjoni

L-attivitajiet biex jitqajjem għarfien fost iċ-ċittadini u n-negozji tal-UE (inkluż fost il-popolazzjoni fil-mira) huma parti mill-istrateġiji u l-attivitajiet ta’ komunikazzjoni ta’ kull strument u għodda rilevanti. L-effettività ta’ dawn l-attivitajiet se titkejjel ukoll permezz tal-ħidma (ex-post) ta’ evalwazzjoni.

(a) Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni u tenfasizza li diġà qiegħda tieħu miżuri, b’mod partikolari biex iżżid l-użu tal-portal L-Ewropa Tiegħek u biex titqajjem sensibilizzazzjoni dwar SOLVIT, kif indikat fil-Pjan ta’ Azzjoni adottat fit-2 ta’ Mejju 2017.

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni twettaq miżuri li jtejbu “t-traċċabilità” ta’ dawn il-portali, inkluż permezz tal-ottimizzazzjoni tal-magni tat-tiftix.

(b) Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni u tenfasizza li diġà qiegħda tieħu miżuri biex iżżid l-użu tal-għodod eżistenti. Madankollu dawn se jiġu affettwati mid-dispożizzjonijiet dwar il-promozzjoni tal-portal diġitali uniku li se jiġi stabbilit u li r-Regolament tiegħu bħalissa qiegħed jiġi nnegozjat fil-Parlament Ewropew u fil-Kunsill.

Id-data ta’ implimentazzjoni fil-mira: Id-data ta’ implimentazzjoni fil-mira prevista tiddependi, fost affarijiet oħra, fuq in-negozjati li għaddejjin bħalissa dwar ir-Regolament tal-portal diġitali uniku u fuq il-perkors ta’ implimentazzjoni ta’ xi wħud mill-inizjattivi taħt il-Pjan ta’ Azzjoni ta’ SOLVIT.

Rakkomandazzjoni 2 - Isir użu aħjar tal-informazzjoni disponibbli sabiex jiġu identifikati t-tipi ta’ diskriminazzjoni kontra l-libertà ta’ moviment

Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni.

Il-ħidma tal-Awtorità Ewropea tax-Xogħol (AEX) li hija ppjanata (ara t-tweġiba għal § I) għandha tgħin lill-Kummissjoni biex tagħmel aktar użu ta’ tali informazzjoni.

Id-data ta’ implimentazzjoni fil-mira prevista (Diċembru 2018) se tkun tiddependi wkoll fuq it-tlestija tal-proċedura leġiżlattiva rigward il-proposta għal regolament li jistabbilixxi l-ELA.

Rakkomandazzjoni 3 - Titjib fil-ġbir u l-użu ta’ data dwar ix-xejriet u l-flussi tal-mobilità tal-ħaddiema u l-iżbilanċi fis-suq tax-xogħol

Il-Kummissjoni tinnota li r-rakkomandazzjoni hija parzjalment indirizzata lill-Istati Membri.

Safejn hija milquta minnha, il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni u tenfasizza li diġà qiegħda tieħu miżuri f’din id-direzzjoni.

Il-ħtieġa kienet ġiet rikonoxxuta fil-proposta tagħha għal Regolament EURES ippreżentata fl-2014. L-Artikolu 29 tal-att bażiku adottat mill-PE u mill-Kunsill, ir-Regolament (UE) 2016/589 jirreferi għall-bżonn li jiġu ssorveljati u ppubblikati l-flussi u x-xejriet tal-mobbiltà tal-ħaddiema u l-Artikolu 30 jintroduċi l-obbligu li kull Stat Membru jipprovdi informazzjoni dwar in-nuqqas ta’ ħaddiema, u fejn hemm ħaddiema b’eċċess, fis-swieq tax-xogħol nazzjonali u settorjali, b’attenzjoni partikolari lejn il-gruppi l-aktar vulnerabbli fis-suq tax-xogħol u r-reġjuni l-aktar milquta mill-qgħad, u jagħmlu t-titjib mitlub.

Il-Kummissjoni qiegħda flimkien mal-Istati Membri taħdem biex ittejjeb id-data disponibbli taħt l-Istħarriġ dwar il-Forza tax-Xogħol u mas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi (PES) bil-għan li tidentifika l-potenzjal ta’ mobbiltà tal-ħaddiema.

L-għan li jitjieb il-ġbir tad-data dwar in-nuqqas u l-eċċess tal-ħaddiema huwa tabilħaqq dak li jintuża b’mod aktar dirett fl-ipprogrammar tal-attivitajiet ta’ tqabbil u reklutaġġ għal EURES.

Rakkomandazzjoni 4 - Titjib tat-tfassil tal-finanzjament tal-UE biex tiġi indirizzata l-mobilità tal-ħaddiema

Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni fis-sens li għandha l-għan li teżamina kif it-tfassil tal-finanzjament tal-UE għall-mobilità tal-ħaddiema jista’ jittejjeb b’mod ġenerali fi ħdan il-qafas tat-tħejjija għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss.

Il-Kummissjoni bħalissa qiegħda tħejji l-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss u tinsab għaddejja b’għadd ta’ studji biex tivvaluta s-sitwazzjoni fir-rigward tal-FSE u l-EaSI.

Il-Kummissjoni hija tal-fehma li taħt ir-reġim attwali l-komplimentarjetà hija żgurata b’mod adegwat. Għall-futur (wara l-2020), il-Kummissjoni ser tqiegħed il-komplimentarjetà fil-qalba tal-proposta/i tagħha.

Rakkomandazzjoni 5 - Titjib tal-monitoraġġ tal-effettività EaSI- EURES, speċjalment f’dak li għandu x’jaqsam ma’ kollokamenti f’impjieg

(a) Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni u se tkompli bl-isforzi tagħha sabiex ittejjeb il-monitoraġġ tal-EURES, inklużi r-riżultati taħt proġetti ffinanzjati mill-EaSI taħt l-assi EURES.

Il-Kummissjoni se taħdem mill-qrib flimkien mal-benefiċjarji tal-proġetti biex jittejjeb l-għoti tad-data għal dan il-għan fl-istadju ta’ rapportar tal-proġetti.

(b) Il-Kummissjoni tinnota li r-rakkomandazzjoni hija parzjalment indirizzata lill-Istati Membri. Sakemm tolqot lilha, il-Kummissjoni taċċetta din ir-rakkomandazzjoni.

Fl-2016, il-Kummissjoni nediet it-tħejjija ta’ sistema ta’ kejl tal-prestazzjoni għall-EURES skont l-Artikolu 32 tar-Regolament (UE) 2016/589, li ilu fis-seħħ mit-12 ta’ Mejju 2016. L-iskop tar-rieżami huwa li titjieb is-sistema ta’ rappurtar għall-EURES, notevolment fejn jidħlu l-kollokazzjonijiet ta’ impjiegi. L-intenzjoni tal-Kummissjoni hija li tadotta att ta’ implimentazzjoni dwar l-ispeċifikazzjonijiet dettaljati uniformi għall-ġbir u l-analiżi tad-data sabiex jiġi mmonitorjat u evalwat il-funzjonament tan-netwerk tal-EURES. Ir-rekwiżiti ta’ monitoraġġ għal proġetti tal-EaSI taħt l-assi tal-EURES se jiġu allinjati mar-rekwiżiti tas-sistema ta’ kejl tal-prestazzjoni ladarba tidħol fis-seħħ.

Rakkomandazzjoni 6 - L-indirizzar tal-limitazzjonijiet tal-portal dwar il-mobbiltà tal-impjiegi tal-EURES

Il-Kummissjoni tinnota li din ir-rakkomandazzjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

  1. Il-Kummissjoni tinnota li din ir-rakkomandazzjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
  2. Il-Kummissjoni tinnota li din ir-rakkomandazzjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Il-Kummissjoni se tkompli bl-isforzi tagħha sabiex jiġu indirizzati l-limitazzjonijiet tagħha, billi taċċetta s-suġġerimenti mill-QEA permezz ta’ monitoraġġ aktar mill-qrib tad-dispożizzjoni marbuta mal-esklużjoni fakultattiva ta’ min iħaddem u billi tappoġġa l-isforzi tal-Istati Membri li jtejbu fil-livell tagħhom il-kwalità tal-postijiet tax-xogħol battala li jiġu reklamati

Glossarju u abbrevjazzjonijiet

Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA): L-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles hija l-organizzazzjoni intergovernattiva tal-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Iżvizzera, li twaqqfet għall-promozzjoni tal-kummerċ ħieles u l-kooperazzjoni ekonomika bejn il-membri tagħha, ġewwa l-Ewropa u fid-dinja kollha.

Età lavorattiva: L-età bejn il-15 u l-64 sena (kategorizzazzjoni li tintuża mill-EUROSTAT); għandu jiġi nnutat li, f’pubblikazzjonijiet bħar-Rapport dwar il-mobbiltà tal-ħaddiema, il-Kummissjoni taġġusta din il-kategorija għall-età ta’ bejn l-20 u l-64 sena, u li dik hija d-definizzjoni li tintuża f’dan ir-rapport.

EU-28: It-28 Stat Membru kollha tal-Unjoni.

Fond Soċjali Ewropew (FSE): Il-Fond Soċjali Ewropew għandu l-għan li jsaħħaħ il-koeżjoni ekonomika u soċjali fi ħdan l-Unjoni Ewropea billi jtejjeb l-impjieg u l-opportunitajiet ta’ xogħol (prinċipalment permezz ta' miżuri ta' taħriġ), filwaqt li jħeġġeġ livell għoli ta’ impjieg u l-ħolqien ta' aktar impjiegi u impjiegi aħjar.

Fondi strutturali u ta' investiment Ewropej (FSIE): Aktar minn nofs il-finanzjament mill-UE jitwassal permezz tal-ħames fondi strutturali u ta’ investiment Ewropej. Huma jiġu mmaniġġjati b’mod konġunt mill-Kummissjoni Ewropea u mill-Istati Membri tal-UE. L-iskop ta’ dawn il-fondi huwa li jsir investiment fil-ħolqien tal-impjiegi u f’ekonomija u ambjent Ewropej sostenibbli u b’saħħithom.

Ġestjoni diretta: Metodu ta’ kif il-baġit tal-UE jiġi implimentat b’mod dirett mid-dipartimenti tal-Kummissjoni.

Ġestjoni kondiviża: Metodu ta' implimentazzjoni tal-baġit tal-UE li fih il-Kummissjoni Ewropea tiddelega kompiti ta' implimentazzjoni lill-Istati Membri, filwaqt li żżomm ir-responsabbiltà baġitarja finali.

Ħaddiem transkonfinali: Kwalunkwe ċittadin tal-UE jew tal-EFTA li jaħdem f’pajjiż tal-UE jew tal-EFTA li ma jkunx dak li fih ikun residenti.

Ħaddiem: It-terminu jinkludi kemm dawk impjegati kif ukoll dawk reġistrati bħala persuni li qed ifittxu x-xogħol jew bħala ċittadini qiegħda.

Ħaddiema attivi: Kull persuna li hija impjegata jew qiegħda(definizzjoni skont l-Istħarriġ tal-UE dwar il-Forza tax-Xogħol).

Ħaddiema mobbli (“movers”): Iċ-ċittadini tal-EU-28 li jmorru fi Stat Membru ieħor jew f’pajjiż tal-EFTA li ma jkunx il-pajjiż taċ-ċittadinanza tagħhom, biex ifittxu impjieg jew biex jintegraw fis-suq tax-xogħol fuq bażi ta’ perjodu ta’ żmien twil jew permanentement.

Ħaddiema mobbli reċenti: Dawk il-ħaddiema li jkunu għexu f’pajjiż tal-UE li ma jkunx il-pajjiż taċ-ċittadinanza tagħhom għal mhux aktar minn 10 snin.

Il-Karta Professjonali Ewropea (KPE): hija ċertifikat elettroniku maħruġ permezz tal-ewwel proċedura għar-rikonoxximent ta’ kwalifiki li hija kompletament online u disponibbli fl-UE kollha.

Il-mobbiltà tal-ħaddiema fuq medda twila ta’ żmien: tfisser li xi ħadd imur jaħdem fi Stat Membru ieħor għal perjodu ta’ mill-inqas sena.

Impjiegi u Innovazzjoni Soċjali (EaSI): Programm tal-UE li l-assi “EURES” tiegħu għandu l-għan li jappoġġa attivitajiet għall-promozzjoni tal-mobbiltà volontarja ġeografika għall-ħaddiema fuq bażi ġusta u għall-kontribuzzjoni għal livell għoli ta’ impjiegi ta’ kwalità u sostenibbli.

Libertà tal-moviment (LtM): u tar-residenza għaċ-ċittadini tal-UE hija prinċipju li ġie stabbilit bit-Trattat ta’ Maastricht fl-1992. It-tneħħija gradwali tal-fruntieri interni skont il-ftehimiet ta’ Schengen ġiet segwita mill-adozzjoni tad-Direttiva 2004/38/KE dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament ġewwa l-UE. Din il-libertà hija differenti mill-moviment liberu tal-ħaddiema.

Linja bażi: Linji bażi jservu biex jiġi stabbilit valur referenzjarju li bi tqabbil miegħu l-miri jiġu sussegwentement issettjati u vvalutati.

Mobbiltà ta' ritorn: Il-moviment migratorju ta’ ċittadini tal-EU-28 lura lejn il-pajjiż taċ-ċittadinanza tagħhom minn Stat Membru ieħor.

Mobbiltà tal-ħaddiema (LM): Id-dritt taċ-ċittadini kollha tal-UE għall-moviment liberu tal-ħaddiema, kif iddefinit fl-Artikolu 45 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE. Dan jinkludi d-drittijiet tal-moviment u tar-residenza għall-ħaddiema, id-drittijiet tad-dħul u tar-residenza għall-membri tal-familja, u d-dritt tax-xogħol fi Stat Membru ieħor kif ukoll ta’ trattament li jkun ugwali għal dak taċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru. F’xi pajjiżi japplikaw restrizzjonijiet għaċ-ċittadini tal-Istati Membri l-ġodda.

Netwerk tas-Servizzi Ewropej tax-Xogħol (EURES): In-netwerk Ewropew tal-organizzazzjonijiet tas-suq tax-xogħol għandu l-għan li jiffaċilita l-libertà tal-moviment tal-ħaddiema ġewwa l-Unjoni. In-netwerk huwa magħmul minn: l-Uffiċċju Ewropew ta’ Koordinazzjoni (ECO), l-Uffiċċji Nazzjonali ta’ Koordinazzjoni (NCOs), is-Sħab tal-EURES u s-Sħab Assoċjati tal-EURES. Imniedi fl-1993, l-EURES jippermetti li jsir skambju ta’ informazzjoni dwar offerti ta’ impjieg u applikazzjonijiet għall-impjieg, u jipprovdi wkoll informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol. Huwa jagħmel din l-informazzjoni disponibbli permezz ta’ Portal dwar il-mobbiltà fix-xogħol. Minbarra l-Istati Membri tal-EU-28, in-Norveġja, l-Iżlanda, il-Liechtenstein u l-Iżvizzera jipparteċipaw ukoll f’dan in-netwerk. B’mod ġenerali, hemm aktar minn 850 konsulent tal-EURES li huma attivi fin-netwerk, u li jipprovdu appoġġ u konsulenza.

Objettiv tematiku (OT): Objettiv li huwa mistenni jirċievi appoġġ mill-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej. L-objettivi tematiċi jistabbilixxu rabta mal-objettivi strateġiċi fil-livell tal-UE.

Output: Dak li jiġi prodott jew jitwettaq bir-riżorsi allokati għal intervent (eż. korsijiet ta’ taħriġ mogħtija lil żgħażagħ qiegħda, għadd ta’ impjanti tad-drenaġġ jew kilometri ta’ toroq mibnija, eċċ.).

Perjodu ta' programmazzjoni: Il-qafas pluriennali li fih l-infiq li jsir mill-Fondi Strutturali u mill-Fond ta' Koeżjoni jiġi ppjanat u implimentat.

Programm Operazzjonali (PO): Programm li jistipula l-prijoritajiet u l-objettivi speċifiċi ta' Stat Membru u li jiddeskrivi kif il-finanzjament (kofinanzjament mill-UE u kofinanzjament pubbliku nazzjonali u privat) ikun se jintuża matul perjodu partikolari ta’ żmien (ġeneralment seba' snin) biex jiffinanzja proġetti. Dawn il-proġetti jridu jikkontribwixxu għal ċertu għadd ta’ objettivi ddefiniti fil-livell tal-UE. Il-PO jistgħu jirċievu finanzjament mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), mill-Fond ta’ Koeżjoni u mill-FSE. PO jitħejja mill-Istat Membru u jrid jiġi approvat mill-Kummissjoni qabel ma jkunu jistgħu jsiru pagamenti mill-baġit tal-UE.

Riżultat: L-effetti immedjati tal-programm fuq id-destinatarji (eż. trainees li jkunu sabu impjieg, tnaqqis fis-sustanzi niġġiesa f’ilma mormi ttrattat, tnaqqis fil-ħin għall-ivvjaġġar, eċċ.).

Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi (PES): Dawk l-organizzazzjonijiet, fl-Istati Membri, li huma responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ politiki attivi fis-suq tax-xogħol u li jipprovdu servizzi tal-impjiegi ta’ kwalità fl-interess pubbliku. Huma jistgħu jkunu parti mill-ministeri, il-korpi pubbliċi jew il-korporazzjonijiet rilevanti li jaqgħu taħt id-dritt pubbliku.

Sħubijiet transkonfinali (CBP): huma ragruppamenti ta’ Membri tal-EURES u tas-sħab assoċjati tiegħu, li jirċievu appoġġ finanzjarju mill-EaSI. Ir-ragruppamenti huma involuti f’kooperazzjoni fuq terminu twil fl-Istati Membri kollha biex jagħtu appoġġ għall-mobbiltà ta’ ħaddiema transkonfinali. Huma jinvolvu lis-servizzi reġjonali jew lokali tax-xogħol, lis-sħab soċjali u lil organizzazzjonijiet oħra (bħal kmamar tal-kummerċ, unions, universitajiet, awtoritajiet lokali, eċċ.) ta’ mill-inqas żewġ Stati Membri ġirien.

Sit web “L-Ewropa Tiegħek”: Sit web immaniġġjat mill-Kummissjoni Ewropea li jipprovdi informazzjoni, għajnuna u parir dwar id-drittijiet tal-UE għaċ-ċittadini u n-negozji tal-UE (jiġifieri vjaġġar, xogħol, xiri, opportunitajiet ta’ finanzjament, negozjar u proċeduri).

SOLVIT: hija s-sistema tal-Kummissjoni Ewropea li permezz tagħha ċ-ċittadini jistgħu jirrappurtaw ilment kontra regoli jew deċiżjonijiet inġusti li jkunu saru mill-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri.

Stħarriġ dwar il-Forza tax-Xogħol (SFX): L-istħarriġ tal-UE fuq kampjun ta’ unitajiet domestiċi Ewropej, li jipprovdi data annwali u ta’ kull tliet xhur dwar il-parteċipazzjoni ta’ persuni ta’ 15-il sena u aktar, fis-suq tax-xogħol.

Strateġija Ewropa 2020: L-istrateġija, fuq 10 snin, tal-Unjoni Ewropea għall-impjiegi u t-tkabbir tniedet fl-2010 biex toħloq il-kundizzjonijiet għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv.

Noti finali

1 It-tliet libertajiet l-oħra huma l-moviment liberu tal-merkanzija, il-moviment liberu tal-kapital u l-moviment liberu tas-servizzi. Għall-kuntrarju tal-moviment liberu tal-ħaddiema, “ħaddiema barranin ikkollokati” huma impjegati sekondati minn impjegatur biex iwettqu servizz fi Stat Membru ieħor fuq bażi temporanja. Għaldaqstant, il-ħaddiema barranin ikkollokati jaqgħu taħt il-kategorija ta’ moviment liberu tas-servizzi, u għalhekk dan l-aspett mhuwiex fl-ambitu tal-awditu tagħna.

2 KUMM(2010) 2020 finali tat-3.3.2010.

3 L-Artikolu 162 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

4 L-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 1304/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Soċjali Ewropew (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 470).

5 Il-bord ta’ esperti kien magħmul minn: riċerkatur universitarju speċjalizzat fil-mobbiltà tal-ħaddiema fl-Ewropa, membru ta’ trade union b’esperjenza, mir-Reġjun akbar ta’ madwar il-Lussemburgu, u rappreżentant tal-grupp ta’ Min Iħaddem fil-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew.

6 http://europa.eu/youreurope/index.htm.

7 https://ec.europa.eu/eures/public/mt/homepage.

8 Study on Impact of Branding for EU services for Skills and Qualifications (Studju dwar l-Impatt tal-Immarkar għas-servizzi tal-UE għal Ħiliet u Kwalifiki), ir-Rapport Finali, is-17 ta’ Marzu 2017.

9 Id-Direttiva 2014/54/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar miżuri li jiffaċilitaw l-eżerċizzju tad-drittijiet konferiti fuq ħaddiema fil-kuntest tal-moviment liberu tal-ħaddiema (ĠU L 128, 30.4.2014, p. 8).

10 COM(2013) 236 final tas-26.4.2013 “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar miżuri li jiffaċilitaw l-eżerċizzju tad-drittijiet konferiti fuq ħaddiema fil-kuntest tal-moviment liberu tal-ħaddiema”.

11 Is-sorsi l-oħra huma d-data demografika tal-Eurostat, id-data tal-Ewrobarometru, id-data amministrattiva, id-data tal-OECD u d-data nazzjonali.

12 Għan-nuqqasijiet identifikati mill-Kummissjoni, ara “Compendium of data sources on EU citizens residing/working in other EU Member States” (Kompendju tas-sorsi ta’ data dwar iċ-ċittadini tal-UE li jgħixu/jaħdmu fi Stati Membri oħra tal-UE), Diċembru 2016.

13 Ir-Regolament (UE) 2016/589 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ April 2016 dwar netwerk Ewropew ta' servizzi tal-impjiegi (EURES), aċċess tal-ħaddiema għas-servizzi ta' mobbiltà u integrazzjoni ulterjuri tas-swieq tax-xogħol u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 492/2011 u (UE) Nru 1296/2013 (ĠU L 107, 22.4.2016, p. 1).

14 Il-Kummissjoni Ewropea, “A comparison of shortage and surplus occupations based on analyses of data from the European Public Employment Services and Labour Force Surveys” (Tqabbil tan-nuqqas u l-eċċess ta’ okkupazzjonijiet, ibbażat fuq analiżijiet tad-data tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi Ewropej u l-Istħarriġiet dwar il-Forza tax-Xogħol), Frar 2017.

15 Ara https://www.gov.uk/government/publications/tier-2-shortage-occupation-list.

16 Ir-Regolament (UE) Nru 1304/2013.

17 Il-Kummissjoni Ewropea, “The analysis of the outcome of the negotiations concerning the Partnership Agreements and ESF Operational Programmes, for the programming period 2014-2020” (L-analiżi tal-eżitu tan-negozjati dwar il-Ftehimiet ta’ Sħubija u l-Programmi Operazzjonali tal-FSE, għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020), Settembru 2016.

18 Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).

19 L-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1296/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar Programm tal-Unjoni Ewropea għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali (“EaSI”) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 283/2010/UE li tistabbilixxi Faċilità Ewropea ta' Mikrofinanzjament Progress għall-impjiegi u l-inklużjoni soċjali (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 238).

20 Il-finanzjament għal dawn il-proġetti CBP li ġew eżaminati ammonta għal EUR 3.5 miljun fl-2015 u għal EUR 4.4 miljun fl-2016.

21 L-ispejjeż għall-iżvilupp ta’ dan il-portal biex jittellgħu l-offerti ta’ impjieg ammontaw għal EUR 5 miljun fl-2016.

22 Study on Impact of Branding for EU services for Skills and Qualifications, ir-Rapport Finali, is-17 ta’ Marzu 2017.

23 L-Artikolu 32 tar-Regolament (UE) 2016/589..

 

1 http://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=738&pubId=8041&furtherPubs=yes

2 http://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=738&langId=en&pubId=8047&furtherPubs=yes

3 http://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=738&langId=en&pubId=8047&furtherPubs=yes.

Avveniment Data
Adozzjoni tal-APM / Bidu tal-awditu 26.10.2016
L-abbozz tar-rapport jintbagħat uffiċjalment lill-Kummissjoni (jew lil parti awditjata oħra) 17.11.2017
Adozzjoni tar-rapport finali wara l-proċedura kontradittorja 24.1.2018
Ir-risposti uffiċjali tal-Kummissjoni (jew ta’ parti awditjata oħra) riċevuti bil-lingwi kollha 6.2.2018

Ir-rapporti speċjali tal-QEA jippreżentaw ir-riżultati tal-awditi li twettaq ta’ politiki u programmi tal-UE, jew ta’ suġġetti relatati mal-ġestjoni minn oqsma speċifiċi tal-baġit tal-UE. Il-QEA tagħżel u tfassal dawn il-kompiti tal-awditjar biex timmassimizza l-impatt tagħhom billi tqis ir-riskji għall-prestazzjoni jew għall-konformità, il-livell ta' introjtu jew ta' nfiq involut, l-iżviluppi li jkunu għad iridu jseħħu u l-interess politiku u pubbliku.

Dan l-awditu tal-prestazzjoni twettaq mill-Awla II tal-Awditjar li hija mmexxija minn Iliana Ivanova, Membru tal-QEA u li tispeċjalizza fl-oqsma ta’ nfiq ta’ Investiment għall-koeżjoni, it-tkabbir u l-inklużjoni. L-awditu tmexxa minn George Pufan, Membru tal-QEA.

Kuntatt

IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI
12, rue Alcide De Gasperi
1615 Luxembourg
LUXEMBOURG

Tel. +352 4398-1
Mistoqsijiet: eca.europa.eu/mt/Pages/ContactForm.aspx
Sit web: eca.europa.eu
Twitter: @EUAuditors

Ħafna informazzjoni addizzjonali dwar l-Unjoni Ewropea hija disponibbli fuq l-Internet.
Jista’ jsir aċċess għaliha permezz tas-server Europa (http://europa.eu).

Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2018

PDF ISBN 978-92-872-9277-3 ISSN 1977-5741 doi:10.2865/56560 QJ-AB-18-003-MT-N
HTML ISBN 978-92-872-9303-9 ISSN 1977-5741 doi:10.2865/67108 QJ-AB-18-003-MT-Q

© L-Unjoni Ewropea, 2018

Għal kull użu jew riproduzzjoni ta’ ritratti jew materjal ieħor li ma jaqax taħt id-drittijiet tal-awtur tal-Unjoni Ewropea, irid jintalab il-permess direttament mingħand id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur.

KIF TIKKUNTATTJA LILL-UE

Personalment
Madwar l-Unjoni Ewropea kollha hemm mijiet ta’ ċentri ta’ informazzjoni tal-Europe Direct. Tista’ ssib l-indirizz tal-eqreb ċentru għalik f’dan is-sit: https://europa.eu/european-union/contact_mt

Bit-telefown jew bil-posta elettronika
Europe Direct huwa servizz li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar l-Unjoni Ewropea. Tista’ tikkuntattja dan is-servizz:

  • bit-telefown bla ħlas: 00 800 6 7 8 9 10 11 (ċerti operaturi jafu jimponu ħlas għal dawn it-telefonati),
  • fuq dan in-numru standard: +32 22999696, jew
  • bil-posta elettronika permezz: https://europa.eu/european-union/contact_mt

KIF ISSIB TAGĦRIF DWAR L-UE

Onlajn
L-informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE hija disponibbli fuq is-sit web Europa fuq: http://europa.eu

Pubblikazzjonijiet tal-UE
Tista’ tniżżel mill-internet jew tordna l-pubblikazzjonijiet tal-UE, li xi wħud minnhom huma bla ħlas u xi oħrajn bil-ħlas, mill-EU Bookshop fl-indirizz li ġej: https://op.europa.eu/mt/web/general-publications/publications. Kopji multipli ta’ pubblikazzjonijiet bla ħlas tista’ tiksibhom billi tikkuntattja lil Europe Direct jew liċ-ċentru tal-informazzjoni lokali tiegħek (ara http://europa.eu/contact).

Il-liġi tal-UE u dokumenti relatati
Għal aċċess għall-informazzjoni legali tal-UE, inkluż il-liġijiet kollha tal-UE mill-1951 ’l hawn, fil-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali kollha, żur is-sit EUR-Lex hawnhekk: http://eur-lex.europa.eu

Dejta Miftuħa mill-UE
Il-portal tad-Dejta Miftuħa mill-UE (http://data.europa.eu/euodp) jipprovdi aċċess għal settijiet tad-dejta mill-UE. Id-dejta tista’ titniżżel mill-internet u tintuża mill-ġdid bla ħlas, kemm għal skopijiet kummerċjali kif ukoll mhux kummerċjali.