L-għajnuna għall-iżvilupp li tingħata mill-UE lill-Kenja
Dwar ir-rapport:
F’dan l-awditu, aħna eżaminajna l-użu tal-għajnuna għall-iżvilupp li ngħatat lill-Kenja permezz tal-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp (FEŻ), li jirrappreżentaw is-sors prinċipali ta’ finanzjament mill-UE għal dan il-pajjiż. Il-Kenja rċeviet EUR 435 miljun mill-FEŻ għall-perjodu 2014-2020. Aħna eżaminajna l-proċess għall-allokazzjoni tal-għajnuna li tingħata mill-FEŻ u sibna li huwa ma ppermettiex li l-għajnuna tkun marbuta mal-prestazzjoni, il-governanza u l-impenn għar-riformi strutturali min-naħa tal-pajjiżi. Aħna sibna li l-għajnuna kienet mifruxa fost ħafna oqsma u li l-Kummissjoni ma kinitx spjegat kif u għalfejn is-setturi appoġġati jkunu jassistu l-aktar lill-Kenja biex tnaqqas il-faqar. Għalkemm b’mod ġenerali l-proġetti awditjati wasslu l-outputs u l-eżiti mistennija tagħhom, l-impatt tagħhom fuq l-iżvilupp kumplessiv tal-pajjiż kien għadu ma ġiex iddimostrat. Aħna nirrakkomandaw li jerġa’ jitqies l-approċċ għall-allokazzjoni tal-għajnuna li tingħata lill-pajjiżi AKP fuq il-bażi tax-xogħol li wettaqna fil-Kenja. Nirrakkomandaw ukoll li jiġu prijoritizzati ċerti setturi fil-Kenja filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari biex l-għajnuna tiġi ffukata fuq il-kisba ta’ riżultati.
Rapport speċjali tal-QEA skont l-Artikolu 287(4), it-tieni subparagrafu, TFUE.
Sommarju eżekuttiv
IDan l-awditu ffoka fuq l-effettività tal-għajnuna għall-iżvilupp li ngħatat lill-Kenja permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp, li jirrappreżenta s-sors prinċipali ta’ finanzjament mill-UE għal dan il-pajjiż. Ir-rapport juża wkoll l-eżempju tal-Kenja biex jivvaluta l-metodoloġija għall-allokazzjoni tal-għajnuna għall-iżvilupp li tingħata mill-UE u biex jgħin fit-tfassil ta’ azzjonijiet ġodda fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss.
IISkont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-objettiv primarju tal-għajnuna għall-iżvilupp huwa li jitnaqqas u, fuq terminu twil, jinqered il-faqar. Aħna eżaminajna jekk il-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna kinux immiraw il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp b’mod effettiv fejn jista’ jikkontribwixxi l-aktar għat-tnaqqis tal-faqar fil-Kenja. Aħna sibna li s-SEAE u l-Kummissjoni mhux dejjem urew li huma għamlu l-aħjar għażliet biex jintlaħaq dan l-għan.
IIIIl-qafas legali ma jippermettix li l-allokazzjoni u d-distribuzzjoni tal-għajnuna fost il-pajjiżi AKP ikunu marbuta ma’ kundizzjonijiet speċifiċi rigward il-prestazzjoni, il-governanza, u l-impenn għar-riformi strutturali jew il-kontroll tal-korruzzjoni min-naħa tal-pajjiżi benefiċjarji. Il-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna allokaw madwar 90 % tal-finanzjament tal-Kenja bl-użu ta’ formula, mingħajr ma wettqu valutazzjoni speċifika huma stess tal-ostakli u l-objettivi relatati mal-iżvilupp tal-pajjiż. L-allokazzjonijiet tal-pajjiż lanqas ħadu inkunsiderazzjoni għotjiet jew self minn donaturi oħra.
IVL-allokazzjoni mogħtija lill-Kenja taħt il-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp kienet ta’ EUR 435 miljun, li hija ekwivalenti għal madwar 0.6 % tad-dħul mit-taxxa tal-pajjiż. Dan l-ammont kien ikopri biss frazzjoni żgħira tal-ħtiġijiet ta’ żvilupp tal-Kenja u kien mifrux fost ħafna oqsma. Il-Programm Indikattiv Nazzjonali bejn l-UE u l-Kenja għall-perjodu 2014-2020 ma kienx fih spjegazzjoni dwar kif u għalfejn is-setturi magħżula jkunu jassistu lill-Kenja aktar minn setturi oħra biex tnaqqas il-faqar.
VBosta ekonomiji li esperjenzaw avvanzi konsiderevoli f’dak li jirrigwarda l-iżvilupp għaddew minn trasformazzjoni – minn agrikoli saru industrijali. Fil-Kenja, dan ma seħħx: l-agrikoltura għadha tikkontribwixxi għal terz tal-PDG tal-pajjiż, filwaqt li l-manifattura tirrappreżenta biss 10 %, l-istess bħal 40 sena ilu. Barra minn hekk, skont il-projezzjonijiet tan-NU, il-popolazzjoni tal-Kenja se tiżdied miċ-ċifra attwali ta’ 48 miljun għal madwar 85 miljun sal-2050. Ir-rata ta’ urbanizzazzjoni tal-pajjiż ukoll qed tiżdied rapidament. Dan ifisser li hemm domanda dejjem akbar għal opportunitajiet ta’ xogħol, speċjalment fl-ibliet u madwarhom, kif ukoll fost iż-żgħażagħ.
VIL-akbar allokazzjoni tal-finanzjament taħt il-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp, li tammonta għal EUR 190 miljun (44 % tat-total), żdiedet għal EUR 228.5 miljun b’segwitu għar-rieżami ta’ nofs it-terminu, u marret għas-settur fokali “Sigurtà alimentari u reżiljenza għal xokkijiet klimatiċi”. Sehem sinifikanti tal-appoġġ li jingħata mill-UE f’dan is-settur mar għal komunitajiet f’reġjuni tal-art aridi u semiaridi u għal bdiewa b’azjenda agrikola żgħira, bl-għan li jingħataw sigurtà alimentari u introjtu ogħla. Dan l-appoġġ x’aktarx itejjeb l-istandard tal-għajxien ta’ dawn il-komunitajiet, iżda ma jgħinx biex isir progress lejn il-kummerċjalizzazzjoni tal-biedja u l-espansjoni tal-agroindustrija.
VIIGħalkemm, fih innifsu, l-appoġġ li jingħata mill-UE għall-infrastruttura tal-enerġija u tat-trasport huwa xi ħaġa pożittiva, l-ammont totali (EUR 175 miljun) mhuwiex biżżejjed biex jintlaħqu l-objettivi ambizzjużi ħafna stabbiliti fil-Programm Indikattiv Nazzjonali. B’kont meħud tal-perċezzjoni ta’ korruzzjoni mifruxa fil-Kenja, aħna sibna li l-appoġġ dirett li jingħata mill-UE għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni huwa limitat.
VIIIAħna eżaminajna kampjun ta’ azzjonijiet fil-Kenja, li jkopri 53 % tan-nefqa mġarrba taħt l-10 Fond Ewropew għall-Iżvilupp. Għalkemm b’mod ġenerali dawn il-proġetti wasslu l-outputs u l-eżiti mistennija tagħhom, l-impatt tagħhom fuq l-iżvilupp kumplessiv tal-pajjiż għadu ma ġiex iddimostrat.
IXIbbażat fuq l-eżempju tal-Kenja, aħna nirrakkomandaw li l-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna:
- jeżaminaw il-metodu tal-UE għall-allokazzjoni tal-finanzjament fost il-pajjiżi Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, filwaqt li jinvolvu lill-Parlament, lill-Kunsill u lill-Istati Membri kif xieraq;
- jintroduċu kundizzjonijiet speċifiċi li jistabbilixxu rabta ċara bejn l-allokazzjonijiet finanzjarji u l-prestazzjoni preċedenti tal-pajjiż, kif ukoll l-impenn tal-Gvern lejn ir-riformi strutturali, inkluż l-istat tad-dritt;
- jivvalutaw jekk, u jispjegaw kif, x’aktarx li l-ammonti allokati lil u fi ħdan kull settur fokali fil-Kenja jilħqu massa kritika suffiċjenti biex jiksbu riżultati sinifikanti;
- jagħtu prijorità lil setturi fil-Kenja li għandhom il-potenzjal li jattiraw investiment dirett barrani, joħolqu impjiegi u jkabbru l-esportazzjonijiet, kif ukoll lill-azzjonijiet li jappoġġaw l-istat tad-dritt, inkluża l-ġlieda kontra l-korruzzjoni.
Introduzzjoni
Il-Kenja
01Wara l-Etjopja, il-Kenja għandha t-tieni l-akbar ekonomija fir-reġjun tal-Afrika tal-Lvant, ekonomija li tirrappreżenta 19 % tal-output reġjonali1, u r-raba’ l-akbar ekonomija fl-Afrika sub-Saħarjana. Mill-2014 ’il hawn, il-Bank Dinji kklassifika lill-Kenja bħala pajjiż b’introjtu medju baxx. Il-graffs fl-Anness I juru l-iżvilupp tal-bniedem fil-Kenja.
02Il-popolazzjoni tal-Kenja żdiedet minn 8 miljun fl-1960 għal madwar 47 miljun fl-2016. Skont il-projezzjonijiet tan-NU, il-popolazzjoni tal-Kenja se tilħaq madwar 85 miljun sal-20502. Il-Figura 1 turi dan it-tkabbir tal-popolazzjoni.
Figura 1
Żieda fil-popolazzjoni tal-Kenja
Sors: il-QEA, ibbażat fuq data pprovduta mill-Bank Dinji.
Madwar 75 % tal-Kenjani jgħixu f’żoni rurali. Madankollu, mis-sena 2000 ’il hawn, il-popolazzjoni urbana żdiedet b’aktar mid-doppju. L-għadd ta’ persuni li jgħixu fl-ibliet tal-Kenja huwa mistenni li jaqbeż it-22 miljun sal-2030 u jilħaq madwar 40 miljun (kważi nofs il-popolazzjoni mistennija) sal-20503. Aktar minn terz tal-popolazzjoni urbana tgħix fl-ibliet il-kbar ta’ Nairobi u Mombasa.
04Aktar minn 20 % tal-popolazzjoni tal-Kenja tbati minn nuqqas ta’ nutrizzjoni. Din iċ-ċifra hija anqas minn dik ta’ 25 sena ilu, meta kienet madwar 35 %. Fl-2016, 36 % tal-popolazzjoni kienet taħt il-linja tal-faqar, li jfisser li kienu qed jgħixu b’inqas minn USD 1.90 kuljum4. Din iċ-ċifra naqset mill-2005 ’l hawn, meta kienet 43 %. L-istatistika nazzjonali tiddefinixxi l-faqar bħala sitwazzjoni fejn persuna tkun tgħix b’anqas minn EUR 30 fix-xahar f’żoni rurali u EUR 60 fix-xahar f’żoni urbani. Ibbażat fuq din id-definizzjoni, 56 % tal-foqra fil-Kenja jgħixu f’kontej b’artijiet aridi u semiaridi (ASAL)5.
05Għal dawn l-aħħar 10 snin, it-tkabbir reali tal-PDG tal-Kenja kien f'medja ta’ aktar minn 5 %. Madankollu, mill-2003 sal-2018, it-tkabbir kien taħt il-medja tar-reġjun6. Skont l-aħħar studju speċifiku tal-Bank Dinji dwar l-ekonomija tal-Kenja, kieku l-ekonomija Kenjana kienet kibret malajr daqs il-pari tagħha fl-Afrika Sub-Saħarjana matul il-perjodu 2004-2014, l-introjtu medju tal-Kenjani kien ikun 15 % ogħla sal-2014 milli kien fl-2003. Kieku t-tkabbir ekonomiku tal-Kenja kien laħaq l-ekwivalent ta’ dak li nkiseb mill-pari Asjatiċi tagħha, l-introjtu per capita tagħha kieku kien ikun 45 % ogħla7.
06Il-konsum domestiku, xprunat mit-tkabbir tal-popolazzjoni, kien dak li kkontribwixxa l-aktar għat-tkabbir tal-PDG8. Fattur ewlieni ieħor kien l-investiment pubbliku9. Il-bilanċ kummerċjali tal-Kenja, inkluż mal-Istati Membri tal-UE, kien konsistentement negattiv. It-Tabella 1 turi l-indikaturi makroekonomiċi prinċipali tal-Kenja, u l-Anness II jinkludi t-tabelli u l-graffs li jikkaratterizzaw l-ekonomija tal-pajjiż.
Tabella 1
Indikaturi makroekonomiċi (perċentwal)
| 2016 | 2017(e) | 2018(p) | 2019(p) | |
| Tkabbir reali tal-PDG | 5.8 | 4.9 | 5.3 | 5.9 |
| Tkabbir reali tal-PDG per capita | 3.2 | 2.6 | 2.8 | 3.2 |
| Inflazzjoni tal-Indiċi tal-Prezzijiet għall-Konsumatur (CPI) | 6.3 | 8.0 | 6.4 | 5.5 |
| Bilanċ baġitarju (% tal-PDG) | − 8.2 | − 9.3 | − 7.8 | − 6.6 |
| Kont kurrenti (% tal-PDG) | − 5.2 | − 6.1 | − 5.6 | − 5.2 |
Sors: il-QEA, ibbażat fuq 2018 African Economic Outlook tal-AfDB (e: estimi, p: previżjonijiet).
Skont il-Kummissjoni10, il-Kenja hija l-ekonomija ewlenija fir-reġjun, iżda l-progress li sar lejn l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju ma kienx komplet. L-effetti ta’ nixfiet rikorrenti serji juru l-fraġilità tal-iżvilupp soċjoekonomiku tal-pajjiż. L-għoti ta’ spinta lill-kompetittività, l-investiment immirat lejn il-ħolqien ta’ aktar impjiegi, kif ukoll l-indirizzar tal-vulnerabbiltajiet u t-tkomplija tal-proċess ta’ riforma huma prijoritajiet ekonomiċi ewlenin.
Għajnuna għall-iżvilupp
08L-Artikolu 208 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jiddikjara li l-objettiv prinċipali tal-politika ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE huwa t-tnaqqis u, eventwalment, il-qerda tal-faqar. L-Artikolu 21(2)(d) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jinkludi fost l-objettivi tal-azzjoni esterna tal-UE li “tagħti appoġġ għall-iżvilupp sostenibbli fuq il-pjan ekonomiku, soċjali u ambjentali tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, bl-għan primarju li jinqered il-faqar”.
09L-OECD tiddefinixxi l-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp (ODA) f’termini tal-objettiv prinċipali tagħha, li huwa l-promozzjoni tal-iżvilupp ekonomiku u l-benessri tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw11. L-għajnuna għall-iżvilupp hija maħsuba biex tnaqqas il-faqar, inkluż li tgħin lill-pajjiż benefiċjarju jagħmel l-ekonomija tiegħu aktar kompetittiva, u b’hekk jinħolqu l-impjiegi.
10Fl-2011, il-Kummissjoni adottat dokument strateġiku ġdid, l-Aġenda għall-Bidla12, bl-għan li jiżdiedu l-impatt u l-effettività tal-politika tal-UE għall-iżvilupp. F’dan id-dokument hija tiddikjara li, miż-żewġ prijoritajiet tagħha (flimkien mal-governanza tajba), prijorità waħda hija t-tkabbir ekonomiku inklużiv u sostenibbli għall-iżvilupp tal-bniedem, u tirreferi għalih bħala li huwa kruċjali għat-tnaqqis fit-tul tal-faqar.
L-għajnuna għall-iżvilupp li tingħata mill-UE lill-Kenja
11Il-Ftehim ta’ Cotonou, li ġie ffirmat f’Ġunju 2000 għal perjodu ta’ 20 sena13, jipprovdi l-qafas legali prinċipali għall-għajnuna għall-iżvilupp li tingħata mill-UE lill-pajjiżi Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP) u lill-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej tal-UE. Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ) huwa s-sors prinċipali ta’ finanzjament taħt il-Ftehim ta’ Cotonou għal dawn il-pajjiżi, inkluża l-Kenja. Il-FEŻ huwa magħmul minn kontribuzzjonijiet li jingħataw mill-Istati Membri tal-UE, iżda ma jagħmilx parti mill-baġit tal-UE. Kull perjodu finanzjarju tal-FEŻ ġeneralment idum bejn ħames sa seba’ snin.
12Taħt il-11-il FEŻ, 75 pajjiż AKP irċevew finanzjament. Hemm 80 pajjiż AKP, iżda Kuba, il-Guinea Ekwatorjali u s-Sudan ma kinux eliġibbli għall-għajnuna, minħabba li ma kinux iffirmaw il-Ftehim ta’ Cotonou jew ma kinux irratifikaw l-emendi tiegħu. Il-Bahamas ma riedx fondi tal-FEŻ, filwaqt li l-Afrika t’Isfel hija suġġetta għal arranġamenti differenti skont il-ftehim, u għaldaqstant ma tikkwalifikax għall-finanzjament taħt il-FEŻ.
13Hemm Regolament tal-Kunsill14 li jipprovdi l-qafas ġenerali għall-programmazzjoni u l-implimentazzjoni tal-FEŻ. Huwa għandu l-għan li jiżgura l-konsistenza ma’ oqsma oħra ta’ azzjoni tal-UE, inklużi l-prinċipji u l-oqfsa rilevanti tal-politika għall-iżvilupp, bħall-Kunsens Ewropew dwar l-Iżvilupp u l-Aġenda għall-Bidla. Hemm ukoll ftehim intern fost l-Istati Membri tal-UE fi ħdan il-Kunsill, li fost affarijiet oħra jirregola l-kontribuzzjoni pagabbli minn kull Stat Membru, li tiġi determinata bl-użu ta’ “koeffiċjent tal-kontribuzzjoni”.
14Minħabba li l-FEŻ huwa intergovernattiv, il-Parlament Ewropew għandu rwol aktar limitat milli għandu għal strumenti oħra tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp iffinanzjati mill-baġit tal-UE. Pereżempju, huwa ma għandu l-ebda rwol fl-istabbiliment tal-baġit tal-FEŻ u r-regoli tiegħu, jew fl-allokazzjoni ta’ riżorsi; dawn il-kompiti jibqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Istati Membri tal-UE.
15Il-Kumitat tal-FEŻ, li huwa magħmul minn rappreżentanti mill-Istati Membri tal-UE, huwa involut fil-programmazzjoni tal-FEŻ u fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tiegħu: huwa jagħti l-opinjoni tiegħu dwar id-Dokumenti ta’ Strateġija tal-Pajjiż jew Reġjonali skont il-Ftehim ta’ Cotonou.
16Pass importanti f’dak li jirrigwarda l-programmazzjoni tal-FEŻ huwa l-iffirmar konġunt tal-Programmi Indikattivi Nazzjonali (PIN), min-naħa tal-Kummissjoni Ewropea u l-pajjiż sieħeb. PIN huwa strateġija konġunta li tistabbilixxi l-prijoritajiet għall-azzjoni tal-UE matul il-perjodu tal-FEŻ kopert minnha. L-infiq taħt il-PIN tal-Kenja għall-10 FEŻ (2008-2013) u l-11-il FEŻ (2014-2020) kien jammonta għal EUR 392 miljun u EUR 435 miljun rispettivament. Għall-11-il FEŻ, dan kien ekwivalenti għal madwar 0.6 % tad-dħul mit-taxxa tal-Kenja.
17Il-PIN jidentifikaw tliet setturi għal kull pajjiż li fuqhom jenħtieġ li l-għajnuna tal-UE tkun iffukata. Abbażi tal-Programmi Indikattivi Nazzjonali, il-Kummissjoni Ewropea timmaniġġja programmi u proġetti speċifiċi. Is-SEAE jaħdem mal-Kummissjoni tul iċ-ċiklu kollu tal-programmazzjoni, l-ippjanar u l-implimentazzjoni tal-għajnuna għall-iżvilupp. Il-pajjiżi AKP għandhom ir-responsabbiltà li jistabbilixxu l-objettivi u l-prijoritajiet li fuqhom huma bbażati l-PIN tagħhom, kif ukoll li jagħżlu l-proġetti u jikkonkludu kuntratti.
18Minbarra l-allokazzjoni tal-finanzjament speċifiku għall-pajjiż li tingħata lill-Kenja taħt il-FEŻ (il-“pakkett bilaterali” tiegħu), l-UE tipprovdi lill-pajjiż finanzjament taħt il-Programm Indikattiv Reġjonali tal-FEŻ għall-Afrika tal-Lvant, l-Afrika tan-Nofsinhar u l-Oċean Indjan (2014-2020), il-Fond Fiduċjarju ta’ Emerġenza tal-UE għall-Afrika u l-Għajnuna Umanitarja tal-UE. L-ammont totali involut jirrappreżenta bejn wieħed u ieħor 16 % tal-pakkett bilaterali li jingħata lill-Kenja taħt il-FEŻ. Kien hemm ukoll finanzjament mil-linji baġitarji tematiċi tad-DCI, li jammonta għal EUR 45 miljun matul il-perjodu 2014-2020.
Ambitu u approċċ tal-awditjar
19L-awditu li wettaqna jiffoka fuq l-effettività tal-għajnuna għall-iżvilupp bilaterali li ġiet ipprovduta lill-Kenja permezz tal-FEŻ. Huwa ma jkoprix strumenti oħra bħalma huma l-għajnuna umanitarja jew il-programm reġjonali tal-FEŻ elenkati fil-paragrafu 18. Attwalment għaddejjin diskussjonijiet dwar is-suċċessur tal-Ftehim ta’ Cotonou, li skada fi Frar 2020. Madankollu, mill-1 ta’ Marzu 2020, il-miżuri tranżizzjonali estendew l-applikazzjoni tal-Ftehim ta’ Cotonou sa Diċembru 2020. Dan l-awditu juża l-eżempju tal-Kenja biex jivvaluta l-metodoloġija għall-allokazzjoni tal-finanzjament, kemm fost il-pajjiżi AKP differenti kif ukoll fost is-setturi f’kull pajjiż. Il-valutazzjoni li wettaqna tar-riżultati tal-proġetti tista’ tgħin biex jitjieb it-tfassil ta’ azzjonijiet ġodda fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss.
20Il-mistoqsija prinċipali tal-awditjar tagħna kienet jekk il-Kummissjoni u s-SEAE kinux immiraw il-finanzjament taħt il-FEŻ b’mod effettiv fejn jista’ jikkontribwixxi l-aktar għat-tnaqqis tal-faqar fil-Kenja. Biex inwieġbu din il-mistoqsija, aħna eżaminajna:
- jekk il-Kummissjoni u s-SEAE kinux iddeċidew l-ammont kumplessiv ta’ finanzjament allokat lill-Kenja taħt il-11-il FEŻ (2014-2020) fuq il-bażi ta’ analiżi soda;
- jekk il-Kummissjoni kinitx għażlet, għall-11-il FEŻ, setturi fokali fil-Kenja fejn l-għajnuna tista’ tikkontribwixxi l-aktar għat-tnaqqis tal-faqar;
- jekk l-għajnuna tal-UE, li diġà twasslet lill-Kenja taħt l-10 FEŻ, kinitx effettiva.
Aħna bbażajna l-osservazzjonijiet tagħna fuq is-sorsi ta’ evidenza għall-awditjar li ġejjin:
- rieżami ta’ dokumentazzjoni dwar politiki, proċeduri u azzjonijiet relatati mal-għajnuna għall-iżvilupp li ngħatat lill-Kenja mill-UE;
- intervisti mal-membri tal-persunal mid-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għall-Kooperazzjoni Internazzjonali u l-Iżvilupp (id-DĠ DEVCO) u s-SEAE;
- intervisti li twettqu fil-Kenja mal-membri tal-persunal mid-Delegazzjoni tal-UE u l-ministeri tal-Gvern tal-Kenja;
- intervisti li twettqu fil-Kenja ma’ għażla, li kienet saret bl-assistenza tad-delegazzjoni tal-UE, ta’ rappreżentanti mis-settur privat, ma’ donaturi u ma’ partijiet ikkonċernati oħra, inklużi akkademiċi, ekonomisti, organizzazzjonijiet internazzjonali u organizzazzjonijiet mhux governattivi (ara l-lista ta’ laqgħat fl-Anness III).
- żjarat lil attivitajiet iffinanzjati mill-UE fil-qasam, li jkopru 53 % (bil-valur) ta’ azzjonijiet li ġew iffinanzjati taħt l-10 FEŻ fil-Kenja.
Aħna eżaminajna l-programmazzjoni tal-11-il FEŻ (2014-2020). Biex nistabbilixxu kuntest speċifiku għall-pajjiż għall-valutazzjonijiet li wettaqna, aħna eżaminajna x-xejriet ekonomiċi u dawk relatati mal-iżvilupp tal-bniedem fil-Kenja, filwaqt li identifikajna l-oqsma ta’ potenzjal tal-pajjiż u l-problemi prinċipali li jxekklu l-iżvilupp ekonomiku tiegħu u t-tnaqqis sostenibbli tal-faqar. Aħna eżaminajna wkoll l-esperjenzi ta’ pajjiżi oħra.
23Eżaminajna r-riżultati ta’ proġetti li ġew iffinanzjati taħt l-10 FEŻ (2008-2013), minħabba li fiż-żmien meta wettaqna l-awditu, kien għad ma kienx hemm riżultati disponibbli rigward proġetti li ġew iffinanzjati taħt il-11-il FEŻ. Is-setturi fokali li ntgħażlu taħt l-10 FEŻ kienu simili għal dawk taħt il-11-il FEŻ. It-Tabella 2 turi l-proġetti li ġew koperti mill-awditu.
Tabella 2
Kopertura tal-awditjar
| Ammont awditjat mill-10 FEŻ (miljun EUR) |
Kopertura tal-awditjar bħala % tas-settur | Finanzjament taħt l-10 FEŻ għal kull settur (miljun EUR) |
||
| Infrastruttura | Triq Merille-Marsabit | 88.2 | 49 % | 178.6 |
| Toroq Turistiċi (Pont fuq ix-Xmara Galana) | 13.0 | 7 % | ||
| Toroq Urbani | 31.0 | 17 % | ||
| Total awditjat għall-Infrastruttura | 132.2 | 74 % | ||
| Agrikoltura u Żvilupp Rurali | Programm ta’ titjib taċ-ċereali fil-Kenja | 27.1 | 16 % | 167.2 |
| Proġett ta’ Riċerka għall-Produttività Agrikola | 4.0 | 2 % | ||
| Żieda fil-Produttività u l-Profittabbiltà, kif ukoll Prattika Agrikola Tajba f’żoni ASAL | 9.5 | 6 % | ||
| Proġett għall-Fond ta’ Kontinġenza f’Każ ta’ Nixfa | 9.7 | 6 % | ||
| Ġestjoni ta’ Perjodi ta’ Nixfa f’żoni ASAL | 11.8 | 7 % | ||
| Proġetti ta’ appoġġ għall-għajxien fiż-żoni ASAL | 1.7 | 1 % | ||
| Total awditjat għall-Agrikoltura | 63.8 | 38 % | ||
| Governanza, Kummerċ u Kooperazzjoni | Programm dwar l-Istandards u l-Aċċess għas-Suq (SMAP) | 12.1 | 27 % | 45.6 |
| Total awditjat għall-Governanza | 12.1 | 27 % | ||
| Total għall-10 FEŻ |
208.1 | 53 % | 391.4 |
Sors: il-QEA.
Għal dawn il-proġetti, aħna vvalutajna jekk ir-riżultati tal-għajnuna li ngħatat lill-Kenja mill-UE setgħux jiġu ddimostrati f’termini ta’15:
- outputs: dak li jiġi prodott jew imwettaq bir-riżorsi (inputs, attivitajiet u proċessi) allokati għal intervent (eż. toroq mibnija),
- eżiti: bidliet li joriġinaw minn intervent (eż. aċċessibbiltà mtejba għal żona minħabba kostruzzjoni ta’ triq),
- impatti: il-konsegwenzi soċjoekonomiċi fuq terminu twil li jistgħu jiġu osservati wara li intervent ikun ġie kkompletat.
Osservazzjonijiet
Il-Kummissjoni u s-SEAE allokaw finanzjament lill-Kenja f’konformità mal-Aġenda għall-Bidla, iżda l-proċess ma kienx jinkludi valutazzjoni speċifika tal-ostakli u l-objettivi relatati mal-iżvilupp tal-pajjiż
25Ir-rwol tal-għajnuna għall-iżvilupp internazzjonali huwa li tingħata assistenza lill-pajjiżi benefiċjarji fl-isforzi proprji tagħhom biex jiżviluppaw. Bħalma huwa rikonoxxut fl-Aġenda għall-Bidla, jenħtieġ li l-assistenza tal-UE għall-iżvilupp tiġi allokata skont il-ħtiġijiet, il-kapaċitajiet, l-impenji u l-prestazzjoni tal-pajjiż, kif ukoll l-impatt potenzjali tal-għajnuna mill-UE16. Dan jirrikjedi analiżi komprensiva tal-ħtiġijiet u l-impenn tal-pajjiż f’dak li jirrigwarda l-iżvilupp u l-bidla.
26Għalhekk, aħna vvalutajna jekk il-Kummissjoni u s-SEAE, meta ddeċidew l-ammont kumplessiv ta’ finanzjament taħt il-11-il FEŻ (2014-2020), kinux wettqu valutazzjoni soda tal-ħtiġijiet, il-kapaċità ta’ użu jew ta’ “assorbiment” tal-għajnuna, l-impenn għar-riforma u l-prestazzjoni preċedenti tal-Kenja. Aħna vvalutajna wkoll jekk huma kinux ħadu inkunsiderazzjoni l-kontribuzzjonijiet li kienu ngħataw lill-Kenja mill-Istati Membri tal-UE u minn donaturi oħra, inkluż l-appoġġ dirett li kien ingħata mill-Istati Membri tal-UE.
Il-Kummissjoni allokat 90 % tal-fondi tal-FEŻ lill-Kenja billi użat approċċ standardizzat li ġie applikat għall-pajjiżi AKP kollha
27Fil-prinċipju, il-pajjiżi AKP kollha huma eliġibbli għal finanzjament skont il-ftehim ta’ Cotonou (ara l-paragrafu 11). Taħt il-11-il FEŻ, l-ewwel pass fil-proċedura ta’ allokazzjoni kien għalhekk li l-finanzjament totali taħt il-FEŻ (EUR 15-il biljun) jiġi distribwit fost il-75 pajjiż eliġibbli. Il-passi prinċipali biex jiġu deċiżi l-allokazzjonijiet tal-pajjiżi kienu tlieta: a) formula bl-użu ta’ spreadsheet b’data komparabbli u aġġornata dwar il-pajjiżi, b) aġġustament kwalitattiv u c) aġġustamenti ulterjuri b’segwitu għal laqgħa tal-Kumitat tal-FEŻ:
- Il-formula kienet ibbażata fuq ħames indikaturi: il-popolazzjoni; l-introjtu nazzjonali gross per capita; l-Indiċi tal-Assi Umani; l-Indiċi tal-Vulnerabbiltà Ekonomika; u l-Indikaturi Dinjija tal-Governanza, li minnhom l-aħħar tlieta huma indikaturi komposti. L-indikaturi kollha ġew normalizzati biex ivarjaw minn 1 sa 6 (ħlief dawk għall-popolazzjoni, li kienu jvarjaw minn 0 sa 6.3). Wara, il-ħames indikaturi ġew immultiplikati flimkien.
- Imbagħad, il-Kummissjoni applikat aġġustament kwalitattiv biex tieħu kont ta’ aspetti li ma setgħux jiġu kkwantifikati faċilment permezz tal-formula, b’mod partikolari l-impatt potenzjali. Dawn l-aġġustamenti ammontaw għal 7.5 % tat-total inizjali.
- Fil-Laqgħa tal-Kumitat tal-FEŻ, li saret f’Settembru 2013, seħħ skambju ta’ fehmiet fost l-Istati Membri li rriżulta f’aġġustamenti ulterjuri ta’ 3 % tat-total inizjali. Dawn l-aġġustamenti rriflettew diversi punti ta’ tħassib, bħalma huma l-bidliet meta mqabbla mal-FEŻ preċedenti kif ukoll il-kuntest politiku u dak ta’ sigurtà.
Il-Ftehim ta’ Cotonou appella biex l-allokazzjonijiet tal-pajjiżi jiġu “msejsa fuq kriterji standard, oġġettivi u trasparenti rigward il-ħtiġijiet u l-prestazzjoni”. Il-formula li ntużat mill-Kummissjoni għall-allokazzjonijiet tal-11-il FEŻ kienet tikkonforma ma’ dan ir-rekwiżit billi ntużaw indikaturi komuni li huma disponibbli għall-pajjiżi AKP kollha (ara l-paragrafu 27 (a)). Filwaqt li dawn l-indikaturi juru l-iskala tal-ħtiġijiet differenti tal-pajjiżi, huma ma jgħidu xejn dwar x’inhuma effettivament dawn il-ħtiġijiet, jew dwar in-nuqqas fil-finanzjament li jeħtieġ li jingħalaq sabiex dawn jiġu indirizzati.
29Tlieta minn dawn l-indikaturi (l-Introjtu Gross Nazzjonali, l-Indiċi tal-Assi Umani u l-Indiċi tal-Vulnerabbiltà Ekonomika) jintużaw bħala kriterji għall-klassifikazzjoni tal-pajjiżi bħala li huma l-anqas żviluppati. Dan ifisser li dawn il-punteġġi huma simili għall-biċċa l-kbira mill-pajjiżi l-anqas żviluppati (LDCs). L-Indikaturi Dinjija tal-Governanza, li huma l-indikaturi prinċipali użati biex jitqies l-impatt potenzjali, ukoll ma jurux varjazzjoni kbira bejn il-pajjiżi.
30Il-Kummissjoni u s-SEAE stabbilew l-allokazzjoni finanzjarja tal-Kenja mingħajr ma wettqu valutazzjoni speċifika huma stess tal-ostakli u l-objettivi relatati mal-iżvilupp tal-pajjiż. Barra minn hekk, l-allokazzjonijiet tal-pajjiż ma ħadux inkunsiderazzjoni l-ammonti jew l-objettivi ta’ għotjiet jew self minn pajjiżi jew organizzazzjonijiet oħra.
31Aħna sibna wkoll li l-proċess tal-allokazzjoni ma jippermettix li l-allokazzjoni tal-għajnuna tkun marbuta ma’ kundizzjonijiet speċifiċi rigward il-prestazzjoni, il-governanza, l-impenn għar-riformi strutturali jew il-kontroll tal-korruzzjoni min-naħa tal-pajjiż benefiċjarju. Pereżempju, għalkemm il-Kenja baqgħet fost il-21 % tal-pajjiżi li jinsabu isfel nett fil-klassifika tal-Indiċi ta’ Transparency International dwar il-Perċezzjoni tal-Korruzzjoni, aħna ma sibna l-ebda evidenza li dan il-fatt kien wassal lill-UE biex tehmeż kundizzjonijiet addizzjonali mal-finanzjament li jingħata lill-pajjiż taħt il-FEŻ. Il-Kenja kompliet tirċievi livell simili ta’ finanzjament bħalma kienet tirċievi taħt il-FEŻ preċedenti. L-Anness IV, li jippreżenta estratt mid-dokument Global Corruption Barometer Africa 2019 Citizens’ Views and Experiences of Corruption, maħruġ minn Transparency International, jiddeskrivi l-problema tal-korruzzjoni fil-Kenja.
32Il-formula rendiet allokazzjoni inizjali ta’ EUR 395 miljun lill-Kenja. Dan l-ammont żdied għal EUR 435 miljun minħabba l-iskala tal-isfida relatata mat-tnaqqis tal-faqar, l-importanza tal-integrazzjoni u l-istabbiltà reġjonali għall-pajjiż, u r-rieda tal-Gvern li jiddelega setgħat lir-reġjuni. Billi l-Laqgħa tal-Kumitat tal-FEŻ ma wasslitx għal aktar bidliet, l-allokazzjoni finali ammontat għal EUR 435 miljun.
Pajjiżi b’popolazzjonijiet kbar bħall-Kenja rċevew finanzjament li kien proporzjonalment anqas
33Billi l-Kummissjoni allokat 90 % tal-fondi purament permezz tal-formula, aħna eżaminajna l-implikazzjonijiet tagħha b’aktar reqqa. Aħna sibna li, f'konformità mal-għan tagħha, il-Kummissjoni kienet allokat aktar fondi lill-ifqar pajjiżi taħt il-11-il FEŻ milli taħt l-10 FEŻ. Is-sehem tal-allokazzjoni totali riċevuta mil-LDCs u mill-pajjiżi b’introjtu baxx (LICs) taħt il-11-il FEŻ kien ta’ 85 %, meta mqabbel mas-sehem riċevut taħt l-10 FEŻ, li kien ta’ 80 %.
34Meta l-formula tal-allokazzjoni ġiet żviluppata, kriterju wieħed li ntuża għall-valutazzjoni tax-xerqien tagħha kien kemm din kienet tirreplika mill-qrib l-allokazzjonijiet tal-FEŻ preċedenti (ara l-Anness V). Din ir-replikazzjoni nkisbet parzjalment billi fil-formula tnaqqas l-impatt tal-indikatur tal-popolazzjoni, li rriżulta f’ammont sinifikattivament anqas ta’ għajnuna għal kull persuna għall-pajjiżi b’popolazzjonijiet akbar. Pereżempju, l-Etjopja (85 miljun persuna) u r-Repubblika Demokratika tal-Kongo (68 miljun persuna) irċevew għajnuna mill-UE ta’ anqas minn EUR 8 għal kull persuna, filwaqt li pajjiżi b’popolazzjonijiet iżgħar, bħalma huma l-Gambja (1.8 miljun persuna) u l-Guinea-Bissau (1.5 miljun persuna), irċevew aktar minn EUR 100 għal kull persuna. Il-Kenja, li fiż-żmien meta twettqet l-allokazzjoni kellha popolazzjoni relattivament kbira li tammonta għal 42 miljun, irċeviet EUR 9 għal kull persuna. Il-Figura 2 turi l-allokazzjonijiet li rriżultaw mill-formula qabel ma sar l-aġġustament kwalitattiv.
Figura 2
Għajnuna taħt il-11-il FEŻ għal-LDCs u l-LICs, għal kull persuna
Sors: il-QEA, ibbażat fuq l-ispreadsheet tal-allokazzjoni li ntużat mid-DĠ DEVCO (bl-esklużjoni ta’ pajjiżi b’popolazzjonijiet ta’ anqas minn 1 000 000 persuna biex jiġu evitati d-distorsjonijiet17).
Ir-raġuni għalfejn il-pajjiżi b’popolazzjonijiet akbar irċevew ammont sinifikattivament anqas ta’ għajnuna għal kull persuna kienet li l-indikatur għall-popolazzjoni kien kemm limitat għal 40 miljun persuna18 kif ukoll ibbażat mhux fuq il-popolazzjoni totali tal-pajjiż, iżda pjuttost fuq l-għerq kwadrat tagħha. Il-Kaxxa 1 tiddeskrivi kif il-formula tnaqqas l-impatt tal-popolazzjoni.
Kaxxa 1
Kif il-formula tnaqqas l-impatt tal-popolazzjoni
LDC bi 80 miljun persuna loġikament ikun ikollu 20 darba aktar il-ħtiġijiet ta’ LDC b’4 miljun persuna (bis-suppożizzjoni li dawn kellhom l-istess punteġġi għall-indikaturi l-oħra). Madankollu, minħabba l-limitu massimu tal-popolazzjoni ta’ 40 miljun, u l-użu tal-għerq kwadrat tal-popolazzjoni, dan ikun jirċievi biss tliet darbiet aktar il-finanzjament.
| Pajjiż A | Pajjiż B | |
| Popolazzjoni (miljun) | 80 | 4 |
| Limitu massimu tal-popolazzjoni | 40 | m/a |
| Għerq kwadrat | √40 | √4 |
| Riżultat | = 6.3 | = 2 |
Għalkemm il-popolazzjoni kienet tirrappreżenta biss wieħed mill-ħames indikaturi li fil-formula tal-allokazzjoni tal-11-il FEŻ huma pponderati ndaqs, hija kellha impatt sinifikanti fuq l-allokazzjoni tar-riżorsi fost l-LDCs. Kieku l-Kummissjoni ma llimitatx il-popolazzjoni, pajjiżi akbar kieku kienu jirċievu l-biċċa l-kbira mill-finanzjament.
Il-programmazzjoni tal-11-il FEŻ ma jiddimostrax suffiċjentement li l-għajnuna titwassal fejn tista’ tikkontribwixxi l-aktar għat-tnaqqis tal-faqar
37Jenħtieġ li l-għajnuna tkun iffukata fuq l-indirizzar tal-problemi li l-aktar ixekklu l-iżvilupp tal-pajjiż benefiċjarju. Biex tkun effettiva, l-għajnuna trid (flimkien ma’ kontribuzzjonijiet oħra) tilħaq massa kritika (jiġifieri riżorsi umani u finanzjarji li jkunu suffiċjenti biex jiġu ġġenerati riżultati sinifikanti)19, iżda jenħtieġ li pajjiż (jew settur, jew proġett) ma jirċevix aktar fondi milli huwa jista’ jassorbi.
38Dawn il-prinċipji huma rikonoxxuti wkoll fl-Aġenda għall-Bidla u fl-istruzzjonijiet għall-programmazzjoni tal-11-il FEŻ20. L-Aġenda għall-Bidla tenfasizza li “l-UE trid tfittex li timmira r-riżorsi tagħha fejn huma meħtieġa l-aktar biex tindirizza t-tnaqqis tal-faqar u fejn jistgħu jkollhom l-akbar impatt”21. L-istruzzjonijiet għall-programmazzjoni jiddikjaraw li jenħtieġ li l-għażla tas-settur tqis jekk l-appoġġ tal-UE jilħaqx massa kritika f’termini ta’ għarfien, riżorsi umani jew riżorsi finanzjarji, sabiex jiġu ġġenerati riżultati sinifikanti u li jistgħu jitkejlu22.
39Għalhekk, aħna vvalutajna jekk il-Kummissjoni u s-SEAE kinux għażlu, taħt il-11-il FEŻ, setturi fokali fil-Kenja fejn: (a) l-għajnuna setgħet tikkontribwixxi l-aktar għat-tnaqqis tal-faqar, u (b) l-għajnuna kienet sostanzjali biżżejjed biex tiġġenera riżultati sinifikanti. Aħna vvalutajna wkoll jekk il-Kummissjoni u s-SEAE kinux ikkoordinaw b’mod effettiv mal-Istati Membri tal-UE u ma’ donaturi oħra.
40L-Aġenda għall-Bidla tiddikjara li t-tkabbir ekonomiku inklużiv u sostenibbli għall-iżvilupp tal-bniedem huwa kruċjali għat-tnaqqis fit-tul tal-faqar, u tistabbilih bħala waħda mill-prijoritajiet tagħha. L-iżvilupp ekonomiku jiddependi minn bosta fatturi li fuqhom id-donaturi jista’ jkollhom impatt – il-governanza, il-qafas regolatorju, l-infrastruttura, kif ukoll il-kapital uman, soċjali u finanzjarju.
Ir-raġunament għall-għażla tas-settur mhuwiex suffiċjentement ċar
41L-għażla tas-setturi kienet tikkostitwixxi eżerċizzju konġunt imwettaq mill-Kummissjoni u s-SEAE. Dan irriżulta fl-approvazzjoni ta’ programm pluriennali indikattiv għal kull pajjiż sieħeb, li ġie ffirmat minn dak il-pajjiż. Is-setturi fokali tal-Programm Indikattiv Nazzjonali (PIN) bejn l-UE u l-Kenja għall-perjodu 2014-2020 irċevew il-finanzjament li ġej:
- sigurtà alimentari u reżiljenza għal xokkijiet klimatiċi – EUR 190 miljun (44 %);
- infrastruttura sostenibbli – EUR 175 miljun (40 %);
- obbligu ta’ rendikont tal-istituzzjonijiet pubbliċi – EUR 60 miljun (14 %);
- miżuri ta’ appoġġ (mhux settur fokali) – EUR 10 miljun (2 %).
Kull wieħed minn dawn it-tliet setturi fokali kien jinkludi firxa wiesgħa ta’ oqsma. Pereżempju, is-settur “Sigurtà alimentari u reżiljenza għal xokkijiet klimatiċi” kien jinkludi t-trasformazzjoni ta’ prattiki tal-bdiewa b’azjenda agrikola żgħira, il-governanza tal-art, l-emerġenzi f’każ ta’ nixfa, il-flus għall-vittmi ta’ nixfa, u l-infrastruttura komunitarja reżistenti għall-klima. Is-settur “Infrastruttura sostenibbli” kien jinkludi l-infrastruttura tat-trasport u l-enerġija. Is-settur “Obbligu ta’ rendikont tal-istituzzjonijiet pubbliċi” jinkludi l-elezzjonijiet, il-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi, l-amministrazzjoni tal-ġustizzja, l-għajnuna legali, u l-alternattivi għall-priġunerija. Il-fatt li l-finanzjament tal-Kenja huwa mifrux f’tant oqsma jżid ir-riskju li dan ma jilħaqx il-massa kritika meħtieġa, fi kwalunkwe settur uniku, biex jikseb riżultati sinifikanti.
43Il-Kummissjoni bbażat l-għażla tagħha ta’ setturi fuq il-pjan ta’ żvilupp nazzjonali tal-Kenja (“Vision 2030”) u fuq il-programmi ta’ implimentazzjoni tagħha magħrufa bħala Pjanijiet fuq Terminu Medju23. Dawn id-dokumenti jkopru għadd kbir ta’ oqsma, li jvarjaw minn aspetti soċjali bħall-isport, l-akkomodazzjoni u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri sa diversi setturi ekonomiċi bħat-turiżmu, is-servizzi finanzjarji u l-kummerċ. Għalhekk, il-Kummissjoni setgħet għażlet ħafna setturi oħra minbarra s-setturi fokali attwali, filwaqt li tibqa’ konformi ma’ Vision 2030.
44Il-PIN Kenjan kien jinkludi raġunament dwar għalfejn is-setturi fokali magħżula kienu importanti. Madankollu, huwa ma kienx jinkludi evalwazzjoni komprensiva tal-potenzjal ta’ tnaqqis tal-faqar ta’ setturi oħra u tal-kapaċità tal-UE biex tindirizzahom. Lanqas ma sibna evidenza ta’ xi valutazzjoni ta’ dan it-tip barra mill-PIN. Għalhekk ma kienx ċar għalfejn il-Kummissjoni u s-SEAE kienu qiesu li l-għoti ta’ appoġġ lis-setturi magħżula, minflok lil setturi oħra, ikun jgħin l-aktar lill-Kenja biex tnaqqas il-faqar.
45Il-Kummissjoni u s-SEAE ma spjegawx għalfejn kienu għażlu li ma jappoġġawx is-settur tal-manifattura direttament. Ħafna ekonomiji li esperjenzaw avvanz konsiderevoli f’dak li jirrigwarda l-iżvilupp għaddew minn trasformazzjoni – minn agrikoli saru industrijali24. Fil-Kenja, dan ma seħħx: l-agrikoltura għadha tikkontribwixxi għal terz tal-PDG tal-pajjiż, filwaqt li l-manifattura tirrappreżenta biss 10 %, l-istess bħal 40 sena ilu25. Il-manifattura għandha potenzjal kbir f’dak li jirrigwarda l-ħolqien ta’ impjiegi (inkluż għal persuni b’livell baxx ta’ edukazzjoni), it-titjib fil-bilanċ kummerċjali tal-Kenja u l-istimular ta’ setturi oħra, bħalma huma l-agrikoltura u l-ġestjoni tar-riżorsi naturali26.
46Il-Bank Dinji kkaratterizza lill-Kenja bħala nazzjon intraprenditorjali, filwaqt li osserva li l-pajjiż għandu bażi ta’ manifattura27. Għalhekk, x’aktarx li azzjoni sistematika biex jitneħħew il-problemi strutturali f’dan is-settur tista’ twassal għal tkabbir ekonomiku progressiv. Jenħtieġ li jiġi enfasizzat ukoll li l-espansjoni tas-settur tal-manifattura ġiet ikkonfermata, aktar tard, bħala waħda mill-prijoritajiet iddikjarati fil-pjan regolatorju ta’ żvilupp tal-President Kenjan, magħruf bħala l-“Big 4 Agenda”. Barra minn hekk, it-tkabbir tal-popolazzjoni u l-urbanizzazzjoni rapidi jfissru li hemm domanda dejjem akbar għal opportunitajiet ta’ xogħol fost iż-żgħażagħ fl-ibliet u madwarhom. In-nuqqas li tiġi ssodisfata din id-domanda jista’ joħloq diffikultajiet soċjali addizzjonali.
47Eżempju ieħor jikkonċerna s-settur tal-ICT tal-Kenja, li kiber b’10.9 % fl-201728, u l-pajjiż huwa magħruf għall-kapaċità tiegħu fis-servizzi innovattivi. Flimkien mas-settur privat, il-Gvern Kenjan ilu mill-2008 jiżviluppa belt teknoloġika magħrufa bħala t-Teknopoli ta' Konza, li se tospita università ġdida tat-teknoloġija kif ukoll kumpaniji tal-ICT, tal-inġinerija u tal-bijoteknoloġija. Hemm pjanijiet biex il-belt il-ġdida, li għadha teħtieġ investiment estensiv fl-infrastruttura, issir żona ekonomika speċjali bil-faċilitajiet lokali kollha (akkomodazzjoni, sptarijiet, eċċ.). L-innovazzjoni u l-ekonomija diġitali għandhom potenzjal li jżidu l-esportazzjonijiet li jipprovdu valur miżjud għoli u li joħolqu l-impjiegi; din hija r-raġuni għalfejn il-pajjiżi żviluppati jonfqu fondi pubbliċi biex jippromwovu dawn l-affarijiet.
Filwaqt li l-koordinazzjoni tad-donaturi kienet estensiva, hija kellha influwenza limitata fuq l-għażla tas-setturi fokali
48Fil-PIN, il-Kummissjoni tiddeskrivi xi attivitajiet li huma mmirati lejn il-koordinazzjoni tal-azzjoni tagħha ma’ donaturi oħra (jiġifieri gruppi ta’ ħidma ta’ donaturi tas-settur u djalogu politiku konġunt). Id-dokument fih ukoll matriċi li turi s-setturi fejn donaturi oħra, inklużi pajjiżi terzi, huma involuti. Din il-matriċi hija ppreżentata fil-qosor fil-Figura 3, u tenfasizza s-setturi fokali tal-11-il FEŻ. Madankollu, aħna ma sibna l-ebda evidenza li l-koordinazzjoni ma’ donaturi oħra kienet influwenzat l-għażla tas-setturi min-naħa tal-Kummissjoni.
Figura 3
Sommarju tal-matriċi tad-donaturi
Sors: il-QEA, ibbażat fuq il-PIN bejn l-UE u l-Kenja għall-perjodu 2014-2020.
Minbarra din il-matriċi, flimkien ma’ disa’ Stati Membri u l-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), il-Kummissjoni wettqet programmazzjoni konġunta u, f’Mejju 2015, l-Istrateġija ta’ Kooperazzjoni Konġunta tal-UE b’Sostenn għall-Pjan fuq Terminu Medju tal-Kenja għall-2014-2017 ġiet ippubblikata. L-ewwel Strateġija ta’ Kooperazzjoni Konġunta tal-UE wriet it-tqassim ippjanat tax-xogħol biex jiġu indirizzati erba’ setturi ta’ prijorità għall-programmazzjoni konġunta tal-UE għall-perjodu 2014-2017. Madankollu, peress li l-eżerċizzju tal-istrateġija jsegwi l-perjodu ta’ implimentazzjoni tal-Pjanijiet fuq Terminu Medju ta’ ħames snin, din l-Istrateġija Konġunta ma ġietx ippubblikata qabel Mejju 2015, kważi sena wara l-PIN, u għalhekk hija ma kinitx influwenzat l-għażla tal-Kummissjoni f’dak li jirrigwarda s-setturi fokali.
50Mill-10 Stati Membri li għandhom preżenza fil-Kenja, 8 huma involuti fis-settur tal-infrastruttura, filwaqt li 7 huma involuti fis-settur tal-enerġija jew f’dak tat-trasport, jew inkella fit-tnejn. Skont l-istimi fl-Istrateġija Konġunta għall-2018-202229, l-ammont totali ta’ kontribuzzjonijiet minn donaturi tal-UE/tal-BEI/tal-Istati Membri lis-settur tal-infrastruttura għandu mnejn jitla’ sa EUR 2 353.4 miljun għall-perjodu ta’ ħames snin (EUR 470.68 miljun fis-sena). Dan l-ammont jinkludi wkoll is-sottosettur tal-ilma/tas-sanitazzjoni u dak tal-akkomodazzjoni, li fihom l-UE mhijiex involuta. Il-biċċa l-kbira mill-finanzjament, jekk mhux kollu kemm hu, li jingħata minn donaturi oħra se jingħata fil-forma ta’ selfa.
L-azzjonijiet għat-tkabbir u l-produttività żdiedu, iżda l-appoġġ settorjali kien primarjament iffukat fuq il-bdiewa b’azjenda agrikola żgħira u r-reġjuni ASAL
51Is-settur fokali “Sigurtà alimentari u Reżiljenza għal xokkijiet klimatiċi” jiffoka fuq il-popolazzjoni rurali tal-Kenja, filwaqt li jappoġġa l-azzjonijiet maħsuba biex:
- jissaħħu s-sistemi stabbiliti għall-mitigazzjoni tal-konsegwenzi negattivi ta’ perjodi ta’ nixfa fil-ġejjieni;
- jiġi ttrasformat il-mudell agrikolu tal-bdiewa b’azjenda agrikola żgħira minn biedja ta’ sussistenza għal biedja bħala negozju;
- tiġi żviluppata infrastruttura reżistenti għall-klima u jsir titjib fil-governanza tal-art biex jiġu żgurati l-paċi u s-sigurtà.
Sa tmiem Jannar 2020, 85 % tal-finanzjament allokat għas-settur kien ġie kkuntrattat. L-Anness VII jagħti ħarsa ġenerali aktar dettaljata lejn is-sitt azzjonijiet fis-settur. L-akbar azzjoni hija “AgriFI”, programm ta’ EUR 45 miljun li se jinkludi kemm element ta’ għotja ta’ EUR 20 miljun għan-negozji kif ukoll komponent ta’ finanzjament imħallat ta’ EUR 10 miljun flimkien mal-BEI. Hija se tappoġġa l-iżvilupp u l-adozzjoni ta’ servizzi ġodda biex tgħin lill-bdiewa b’azjenda agrikola iżgħar jipprovdu valur miżjud għall-prodotti tagħhom u jikkummerċjalizzawhom. It-tieni l-akbar azzjoni hija “Agri-biz”, programm b’valur ta’ EUR 43.5 miljun, li minnhom EUR 20 miljun se jitħalltu ma’ finanzjament mill-Bank Afrikan tal-Iżvilupp (AfDB). Il-proġett se jiġi kkofinanzjat ukoll mill-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura (FAO) u mill-Aġenzija Daniża għall-Iżvilupp Internazzjonali (DANIDA). Il-programm għandu l-għan li jappoġġa l-iżvilupp ta’ opportunitajiet ta’ negozju u impjieg kemm għaż-żgħażagħ kif ukoll għan-nisa f’żoni rurali.
53Tliet proġetti b’valur ta’ EUR 20 miljun, EUR 30 miljun u EUR 30.5 miljun, rispettivament, jaqgħu taħt l-istrateġija “It-Tmiem ta’ Emerġenzi f’Każ ta’ Nixfa” tal-Gvern Kenjan. Wieħed minnhom jiffoka fuq l-appoġġ li jingħata għall-ġestjoni u l-koordinazzjoni tar-riskju ta’ nixfa, ieħor fuq l-infrastrutturi reżistenti għall-klima biex titjieb il-provvista tal-ilma u s-sanitazzjoni f’reġjuni ASAL, u t-tielet wieħed fuq l-appoġġ li jingħata għall-għajxien reżiljenti u għall-ġestjoni tar-riskju ta’ nixfa. Is-settur jinkludi wkoll proġett ta’ EUR 16.5 miljun, li jappoġġa l-proċess ta’ trasformazzjoni tas-settur agrikolu u għal governanza deċentralizzata tal-art. Il-proġett għandu l-għan li jsaħħaħ is-sigurtà alimentari tal-bdiewa b’azjenda agrikola żgħira u tal-komunitajiet tal-pastoralisti permezz ta’ aċċess imtejjeb għal servizzi agrikoli u għall-art.
54Mill-art Kenjana, 17 % biss hija adatta għall-produzzjoni tal-għelejjel, u din tinsab f’żoni fejn fihom jgħixu 80 % tal-popolazzjoni. Jenħtieġ volum għoli ta’ investiment f’sistemi ta’ irrigazzjoni sabiex tiżdied iż-żona tal-art li tinħadem u biex l-għelieqi eżistenti jsiru aktar produttivi. Fl-istess ħin, madwar 87 % tal-bdiewa Kenjani jaħdmu anqas minn 2 ettari ta’ art, filwaqt li bejn wieħed u ieħor 67 % jaħdmu anqas minn ettaru wieħed30. Dawn l-azjendi agrikoli żgħar ma għandhomx il-kapaċità biex jiksbu kreditu għal investimenti fit-teknoloġija ta’ produzzjoni (bħal makkinarju jew serer) u f’infrastrutturi kbar oħra.
55Il-Bank Dinji rrapporta li l-Kenja qed titlef ammont sinifikanti ta’ introjtu billi mhijiex qed tipprovdi valur miżjud għall-komoditajiet agrikoli tagħha31. L-agroindustrija, li għandha potenzjal kbir li żżid id-dħul mill-esportazzjoni u toħloq l-impjiegi, tiddependi minn produzzjoni stabbli. Anki jekk il-bdiewa b’azjenda agrikola żgħira jżidu l-produttività tagħhom u jibdew ibigħu parti mir-rendiment tagħhom, huma mhumiex se jkunu jistgħu jipprovdu l-volumi u l-kwalità stabbli li jkunu meħtieġa għall-agroindustrija. Filwaqt li xi wħud mill-proġetti taħt il-11-il FEŻ effettivament jiffukaw fuq l-integrazzjoni tal-bdiewa b’azjenda agrikola żgħira fil-ktajjen tal-valur, l-għadd għoli ta’ dawn il-bdiewa per se jagħmel l-organizzazzjoni tal-produzzjoni agrikola aktar ineffiċjenti għall-agroindustrija.
L-għajnuna li tingħata lill-infrastruttura hija rilevanti, iżda l-pjanijiet mhumiex realistiċi fid-dawl tal-finanzjament disponibbli
56Fil-PIN, is-settur fokali ‟Infrastruttura sostenibbli” kien jinkludi żewġ sottosetturi, dak tal-enerġija u dak tat-trasport, u jiddikjara objettivi speċifiċi għal kull wieħed minnhom:
- l-iżvilupp ta’ servizzi tal-enerġija aktar effiċjenti u li jirrispettaw l-ambjent, u li huma aċċessibbli għal kulħadd;
- l-iżvilupp ta’ sistema tat-trasport aktar effiċjenti u sikura biex tiżdied il-produttività u jitnaqqas l-impatt negattiv fuq l-ambjent.
Biex jintlaħqu dawn l-objettivi, il-PIN stabbilixxa aktar minn 20 inizjattiva, li jinkludu:
- azzjonijiet intensivi fl-użu tar-riżorsi bħalma huma l-iżvilupp tal-kapaċità ta’ ġenerazzjoni, ta’ trażmissjoni u ta’ distribuzzjoni, u s-sistemi deċentralizzati mhux kollegati mal-grilja;
- sorsi ġodda ta’ enerġija solari u eolika;
- programmi ta’ effiċjenza fl-enerġija għall-unitajiet domestiċi (it-tisjir u d-dawl);
- networks tat-trasport (eż. it-toroq, il-portijiet, it-trasport pubbliku, it-traffiku mhux motorizzat, l-intermodalità).
Aħna nqisu li l-indirizzar tal-ħtiġijiet tal-infrastruttura huwa rilevanti għall-iżvilupp tal-Kenja. Madankollu, l-allokazzjoni ta’ EUR 175 miljun mhijiex biżżejjed biex jiġu implimentati l-pjanijiet kollha elenkati fil-PIN. Il-ħtiġijiet tal-infrastruttura fil-Kenja jammontaw għal USD 3 biljun fis-sena għas-settur tat-trasport u USD 2 biljun għas-settur tal-enerġija32. Għalhekk, aħna nqisu li l-għanijiet tal-PIN mhumiex realistiċi u li l-allokazzjoni għas-settur fokali tal-infrastruttura mhijiex suffiċjenti biex tagħmel impatt sinifikanti.
59Il-PIN ma kien jinkludi l-ebda spjegazzjoni ta’ kif din l-għajnuna mill-UE, b’valur ta’ EUR 175 miljun, tista’ tgħin biex jiġu implimentati dawn il-pjanijiet ambizzjużi ħafna. Huwa ddikjara biss f’termini ġenerali li l-mod ippreferut ta’ finanzjament ikun permezz ta’ finanzjament imħallat, li jkun magħmul minn għotjiet tal-UE mħalltin ma’ self minn istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej (inkluż il-BEI), u permezz ta’ sfruttament tal-opportunitajiet għal sħubija pubblika-privata (PPP). Ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni li intervistajna wkoll semmew il-finanzjament imħallat u l-PPP bħala modi biex tinkiseb massa kritika. Madankollu, il-Kummissjoni ma stmatx l-ingranaġġ mistenni mill-finanzjament imħallat, u aħna ma sibna l-ebda analiżi li turi kif l-ammont ta’ EUR 175 miljun allokat għal dan is-settur ikun jikseb riżultati sinifikanti.
60F’Diċembru 2019, 85 % tal-fondi f’dan is-settur kienu ġew ikkuntrattati jew impenjati (ara l-Anness VII). Dan l-appoġġ jikkonsisti f’ħames azzjonijiet, li erbgħa minnhom fihom element ta’ finanzjament imħallat. Il-Programm ta’ Mobbiltà Urbana, b’valur ta’ EUR 45 miljun, huwa l-akbar azzjoni u għandu l-għan li jtejjeb is-sostenibbiltà u l-effiċjenza tal-mobbiltà urbana fil-Kenja. Proġett ta’ EUR 30 miljun se jipprovdi appoġġ fir-reġjuni ASAL għal toroq rurali reżistenti għall-klima u se jiġi implimentat permezz ta’ finanzjament imħallat magħmul minn self mill-Agence française de développement (AFD). Għall-proġett tal-Port ta’ Mombasa, huwa previst ammont ta’ kważi EUR 20 miljun għal finanzjament imħallat ma’ self mill-BEI, u l-għan tiegħu huwa li jżid il-kapaċità u l-effiċjenza fil-port.
61Fil-qasam tal-enerġija, EUR 32 miljun ġew iddedikati għall-Pjattaforma ta’ Investiment għall-Afrika biex jappoġġaw lis-settur tal-enerġija fil-Kenja. Sa issa, ġew ikkuntrattati EUR 7 miljun għal finanzjament imħallat ma’ self mill-AFD, u EUR 25 miljun addizzjonali huma ppjanati għal finanzjament imħallat ma’ self minn istituzzjoni finanzjarja oħra. L-għanijiet tal-appoġġ huma li (1) iżid il-produzzjoni sostenibbli tal-enerġija, l-aċċess għall-enerġija u l-effiċjenza fl-enerġija permezz ta’ appoġġ mis-settur privat u (2) iżid ir-reżiljenza, l-istabbiltà u l-effiċjenza tal-grilja elettrika tal-Kenja. Ammont addizzjonali ta’ EUR 22 miljun ġie pprovdut b’appoġġ għas-setturi tal-enerġija u t-trasport fil-Kenja permezz ta’ għotja u assistenza teknika li jiffukaw fuq it-titjib tal-governanza f’dawn is-setturi fil-Kenja.
62L-intervisti li wettaqna mal-Kummissjoni u mas-SEAE kkonfermaw li, filwaqt li l-Gvern Kenjan kien insista partikolarment dwar l-inklużjoni tal-infrastruttura bħala settur fokali, id-deċiżjoni li din tiġi estiża biex tinkludi l-enerġija kienet pjuttost ir-riżultat tal-politika tal-UE. L-Aġenda għall-Bidla tispeċifika li l-enerġija hija wieħed mill-oqsma prinċipali ta’ prijorità għall-għajnuna tal-UE fil-ġejjieni.
L-għajnuna għas-settur tal-governanza ma kinitx tiffoka direttament fuq il-ġlieda kontra l-korruzzjoni
63Is-settur “Obbligu ta’ rendikont tal-istituzzjonijiet pubbliċi” ġie allokat EUR 60 miljun, u huwa mmirat lejn tliet oqsma: l-elezzjonijiet, il-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi, u l-ġustizzja. Il-benefiċjarji tal-attivitajiet f’dan is-settur fokali se jinkludu wkoll l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Sa tmiem Jannar 2020, 100 % tal-azzjonijiet f’dan is-settur kienu ġew ikkuntrattati (ara l-Anness VII).
64L-għan tal-appoġġ għall-elezzjonijiet kien li jiżgura li, fl-elezzjonijiet tal-2017, isir titjib bi tqabbil ma’ dawk preċedenti f’termini ta’ tħejjija, operazzjonijiet tal-votazzjoni u konformità mal-Kostituzzjoni. B’kollox, ingħataw EUR 5 miljun għal dan il-fini.
65L-għan tal-appoġġ għas-sistema ġudizzjarja huwa li aktar Kenjani jkollhom aċċess għaliha. B’kollox, ġew ikkuntrattati EUR 29 miljun għall-proġett, li l-għan tiegħu huwa li jtejjeb l-aċċess għall-ġustizzja għal komunitajiet foqra u marġinalizzati permezz ta’ għajnuna legali, kif ukoll li jipprovdi alternattivi għall-priġunerija.
66L-għan tal-appoġġ għall-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi huwa li tiżdied it-trasparenza tagħha kemm fil-livell ċentrali kif ukoll f’dak tal-kontej. L-appoġġ mill-UE, fil-forma ta’ appoġġ baġitarju, huwa ppjanat għal bosta partijiet taċ-ċiklu tal-ġestjoni, bħall-eżekuzzjoni baġitarja, il-kontabbiltà, l-awditjar u s-sorveljanza. B’kollox, ġew allokati EUR 26 miljun għall-azzjoni, li fiha kemm komponent tal-appoġġ baġitarju ta’ EUR 23.5 miljun kif ukoll komponent tal-appoġġ komplementari ta’ EUR 2.5 miljun.
67Ma kien hemm l-ebda analiżi komprensiva, la fil-PIN u lanqas f’xi dokument ieħor, dwar kif l-UE kienet għażlet l-interventi biex jissaħħaħ l-istat tad-dritt u b’hekk titjieb il-governanza. Pereżempju, aħna ma sibna l-ebda raġunament dwar għalfejn il-Kummissjoni u s-SEAE kienu għażlu alternattivi għall-priġunerija u għajnuna legali għal persuni ifqar. L-ebda parti minn dan l-appoġġ ma kienet iffukata direttament fuq il-korruzzjoni, minkejja li ntwera li dan tal-aħħar għandu effett detrimentali fuq it-tkabbir, il-kummerċ internazzjonali, l-aċċess miftuħ għas-suq, l-influssi ta’ investiment barrani, il-kompetittività tan-negozji u l-produttività33. L-Indiċi ta’ Transparency International dwar il-Perċezzjoni tal-Korruzzjoni għall-2018 jikklassifika lill-Kenja fil-144 post (minn 180 pajjiż), b’hekk ipoġġiha mal-21 % li jinsabu isfel nett fil-klassifika. Kważi dawk kollha li intervistajna34 minn organizzazzjonijiet mhux governattivi fil-Kenja identifikaw il-korruzzjoni bħala wieħed mill-akbar ostakli għall-iżvilupp tal-pajjiż.
B’mod ġenerali, il-proġetti taħt l-10 FEŻ wasslu l-outputs u l-eżiti mistennija, iżda l-impatt tagħhom fuq l-iżvilupp kumplessiv tal-Kenja kien għadu ma ġiex iddimostrat
68
Aħna eżaminajna kampjun ta’ azzjonijiet fil-Kenja, li jkopri 53 % tan-nefqa taħt l-10 FEŻ (ara t-Tabella 2 u l-Anness VI). Ivvalutajna jekk dawn l-azzjonijiet kinux kisbu l-outputs, l-eżiti u l-impatt mistennija tagħhom.
L-appoġġ li ngħata mill-UE għat-toroq tejjeb l-aċċess għal servizzi bażiċi, iżda l-kontribut tiegħu għall-iżvilupp ekonomiku ma ġiex iddimostrat
69L-akbar proġett fis-settur tal-infrastruttura kien dak tat-triq Merille-Marsabit, li rċieva 24.8 % tal-għajnuna li dwarha kien intlaħaq qbil (EUR 88 miljun) u ġie kkompletat f’Mejju 2017. L-objettiv ta’ dan il-proġett kien li jinkiseb tkabbir ekonomiku ogħla li jkun sostenibbli u ekwu. Dan l-objettiv ma kienx rifless biss fl-indikaturi tal-kummerċ u f’dawk tat-tkabbir tal-PDG, iżda kien rifless ukoll f’indikaturi li jkejlu l-koeffiċjent Gini (miżura ta’ inugwaljanza) kif ukoll fl-għadd ta’ nies foqra, ir-rata ta’ impjieg, il-kumdità tal-passiġġieri u s-sikurezza fit-toroq.
- F’termini ta’ outputs, dan il-proġett tejjeb 122 km ta’ triq taż-żrar billi din issa hija pavimentata. Dan jirrappreżenta 3 % tat-3 600 km ta’ toroq prinċipali internazzjonali fil-Kenja. Huwa tejjeb ukoll 6 km ta’ toroq urbani fil-belt ta’ Marsabit.
- F’termini ta’ eżiti attribwibbli għat-titjib li sar fis-superfiċe tat-toroq, huwa naqqas il-ħin tal-ivvjaġġar. Diversi partijiet ikkonċernati ddeskrivew kif il-vjaġġ ta’ 800 km minn Moyale għal Nairobi kien normalment jieħu tlett ijiem, b’waqfiet f’Marsabit u Isiolo, u bir-riskju li l-vetturi jeħlu fit-tajn; issa l-vjaġġ jista’ jsir f’ġurnata. L-ispejjeż operatorji naqsu: pereżempju, it-tariffi għall-kiri ta’ trakkijiet u n-nollijiet tax-xarabanks naqsu b’terz. It-traffiku medju ta’ kuljum żdied minn 123 vettura fl-2014 għal 543 vettura f’Jannar 2020, ammont li, għalkemm żdied b’mod sostanzjali, għadu baxx35.
Għalkemm dan ma kienx tkejjel, ir-rappreżentanti tal-Gvern fil-livell tal-kontej u xi organizzazzjonijiet internazzjonali kkonfermaw li sar titjib fl-aċċess għas-servizzi tas-saħħa u tal-edukazzjoni, kif ukoll għal prodotti agrikoli. Barra minn hekk, il-kuritur reġjonali li jinkludi dan il-proġett kien strumentali biex tiżdied is-sigurtà alimentari fir-reġjun36. Għaldaqstant, il-proġett kiseb l-eżiti soċjali tiegħu fil-forma ta’ titjib fl-aċċess għal servizzi bażiċi. Madankollu, kien għad ma kienx hemm xi evidenza li t-triq kienet stimulat tkabbir ekonomiku.
71It-triq Merille-Marsabit tgħaddi minn żona skarsament popolata fejn il-biċċa l-kbira mill-persuni jaqilgħu l-għajxien tagħhom mit-trobbija tal-bhejjem li jirgħu. Dan huwa stil ta’ ħajja tradizzjonali, fejn il-persuni jiċċaqalqu spiss biex isibu żoni adatti għall-annimali tagħhom u jikkunsmaw relattivament ftit prodotti manifatturati. Minħabba l-klima ostili, ammont limitat biss ta’ veġetazzjoni jikber hemmhekk, u ftit li xejn hemm industrija bejn Marsabit u Merille jew madwar iż-żewġt ibliet.
72It-triq Merille-Marsabit hija parti mill-awtostrada li tgħaqqad il-belt kapitali Kenjana, Nairobi, mal-belt kapitali Etjopjana, Addis Ababa, u għandha l-potenzjal li żżid il-kummerċ bejn iż-żewġ pajjiżi. Madankollu, il-fatt li t-triq għadha tintuża relattivament ftit (ara l-paragrafu 69 (b)) jindika li l-istat tat-triq ma kienx l-ostaklu prinċipali għat-tkabbir fil-kummerċ. Anki jekk il-543 vettura ta’ kuljum kollha kemm huma kienu trakkijiet li jittrasportaw merkanzija, dawn xorta waħda jkunu jirrappreżentaw biss frazzjoni tal-volumi ta’ trasport fil-Kenja. Żewġ ostakli kbar għall-kummerċ bejn il-Kenja u l-Etjopja kienu n-nuqqas min-naħa tal-Etjopja li tidħol fi ftehimiet kummerċjali reġjonali vinkolanti kif ukoll is-sitwazzjoni instabbli ta’ sigurtà fuq in-naħa Etjopjana tal-fruntiera, u dan wassal biex il-passaġġ minn ġewwa r-reġjun ma jkunx wieħed sikur37.
Terz tal-għajnuna li ngħatat lill-Kenja taħt l-10 FEŻ appoġġat lill-bdiewa b’azjenda agrikola żgħira f’reġjuni ASAL, li l-impatt tagħhom fuq l-ekonomija inġenerali tal-Kenja huwa baxx
73L-UE pprovdiet finanzjament ta’ EUR 110.7 miljun (32 % tal-finanzjament totali lill-Kenja) f’reġjuni ASAL, fejn il-biedja pastorali u dik agropastorali għandhom rwol dominanti. Il-kontej ASAL jospitaw 51 % tal-popolazzjoni kumplessiva tal-Kenja u 56 % tal-foqra tal-Kenja, fejn il-persuni “foqra” huma ddefiniti bħala li huma dawk li jgħixu b’anqas minn EUR 30 fix-xahar f’żoni rurali u EUR 60 fix-xahar f’żoni urbani38.
74Il-proġett ta’ Prattika Agrikola Tajba kellu l-għan li jtejjeb l-għarfien dwar l-agrikoltura ta’ konservazzjoni u l-prattiki agrikoli tajbin fost il-bdiewa b’azjenda agrikola żgħira f’żoni aridi u semiaridi, kif ukoll li jiżviluppa rabtiet mas-swieq u jżid is-sigurtà alimentari.
- F’termini ta’ outputs, 40 000 bidwi (0.42 % tal-bdiewa Kenjani kollha) issa qed jużaw metodi ġodda.
- F’termini ta’ eżiti, ir-rendimenti medji għal kull ettaru ta’ ċereali u ħemes ta’ dawk il-bdiewa li jipprattikaw dawn il-metodi żdiedu b’121 % u 98 % rispettivament, filwaqt li l-ispejjeż tal-produzzjoni naqsu bi 22 % għaċ-ċereali u bi 19 % għall-ħemes. Prattiki agrikoli tajba, ladarba jiġu stabbiliti, ma jiddependux minn sorsi ġodda ta’ finanzjament biex ikomplu jwasslu riżultati, u dan jagħti lill-proġett element qawwi ta’ sostenibbiltà.
L-Awtorità Nazzjonali għall-Ġestjoni ta’ Perjodi ta’ Nixfa (National Drought Management Authority - NDMA) implimentat proġetti biex titjieb ir-reżiljenza tal-komunitajiet ASAL għan-nixfiet.
- F’termini ta’ outputs, dawn il-proġetti appoġġaw l-istabbiliment ta’ għodod preventivi u tejbu l-kapaċitajiet lokali f’dak li jirrigwarda l-ġestjoni effiċjenti ta’ episodji ta’ nixfa permezz ta’ 10 proġetti ta’ tħejjija strateġika f’10 kontej.
- F’termini ta’ eżiti, dawn il-proġetti naqqsu l-konsegwenzi fatali tan-nixfiet. Skont l-NDMA, ir-rata ta' mwiet tal-bhejjem irrappurtati f’xi pajjiżi kienet sinifikattivament aktar baxxa meta mqabbla mas-70 % rreġistrati matul in-nixfa li seħħet preċedentement mill-2009 sal-2011; pereżempju, l-imwiet tal-bhejjem irrappurtati mill-kontej ta’ Marsabit u Samburu kienu f'rata ta' bejn 20 % u 40 %, filwaqt li l-Kontea ta’ Isiolo rrappurtat li ma kien hemm l-ebda każ ta’ mewt.
Fir-rigward tal-impatt, dawn il-proġetti żiedu s-sigurtà alimentari f’żoni ASAL u għenu lill-Kenja biex tipprogressa fl-Indiċi Globali tal-Ġuħ. Fl-2018, il-Kenja kisbet punteġġ ta’ 23.2, li jfisser tnaqqis minn 28.0 li kienet kisbet fl-2010. Madankollu, il-produzzjoni agrikola ta’ bdiewa b’azjenda agrikola żgħira f’żoni ASAL fil-biċċa l-kbira tintuża għall-awtokonsum. Dan seta’ wassal għal limitazzjoni tal-impatt fuq l-iżvilupp kumplessiv tal-Kenja.
Il-proġett SMAP ikkontribwixxa għal żieda fl-esportazzjonijiet ta’ prodotti ortikulturali
77Il-Programm dwar l-Istandards u l-Aċċess għas-Suq (SMAP) kellu l-għan li jżid il-kompetittività u l-aċċess għas-suq tal-prodotti ortikulturali tal-Kenja permezz ta’ titjib fis-sikurezza tal-ikel. Eżempju wieħed tal-outputs tiegħu kien il-forniment ta’ tagħmir lis-Servizz ta’ Spezzjoni tas-Saħħa tal-Pjanti fil-Kenja (Kenya Plant Health Inspection Service — KEPHIS) għat-twettiq ta' analiżi fil-laboratorju. L-eżiti tiegħu kienu jinkludu t-tneħħija ta’ fażola mil-lista ta’ esportazzjonijiet ristretti lejn l-UE. Eżempju ieħor huwa l-ħolqien ta’ żona ħielsa mid-dubbien tal-frott, għall-kultivaturi tal-mangu, li tinsab fil-proċess li tiġi stabbilita.
78Aħna sibna li SMAP kien ikkontribwixxa kemm għall-volumi tal-esportazzjoni kif ukoll għall-iżvilupp ekonomiku. Investiment ta’ EUR 12.1 miljun (3 % tal-finanzjament totali) appoġġa istituzzjoni li għandha rwol ċar u indispensabbli fil-proċess ta’ esportazzjoni ta’ prodotti agrikoli. L-esportazzjonijiet ta’ prodotti ortikulturali żdiedu fi snin reċenti. Filwaqt li dan il-progress ma jistax jiġi attribwit għal SMAP waħdu, il-proġett fil-fatt kien ikkontribwixxa għal dan. Barra minn hekk, iż-żieda fil-volumi tal-esportazzjoni turi li l-prodotti ortikulturali tal-Kenja għandhom potenzjal ta’ esportazzjoni, u li KEPHIS qed jgħin biex dan il-potenzjal jiġi realizzat. Il-Figura 4 turi ż-żieda fl-esportazzjoni ta’ prodotti ortikulturali.
Figura 4
Żieda fl-esportazzjoni ta’ prodotti ortikulturali
Sors: il-QEA, ibbażat fuq KEPHIS.
Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
79Dan l-awditu ffoka fuq l-effettività tal-għajnuna għall-iżvilupp bilaterali li ġiet ipprovduta lill-Kenja permezz tal-FEŻ, li huwa s-sors prinċipali ta’ finanzjament mill-UE. Aħna eżaminajna jekk il-Kummissjoni u s-SEAE humiex jimmiraw il-FEŻ b’mod effettiv fejn jista’ jikkontribwixxi l-aktar għat-tnaqqis tal-faqar fil-Kenja. Aħna nikkonkludu li l-Kummissjoni u s-SEAE ma ddimostrawx li l-għajnuna li l-UE tat lill-Kenja kienet ibbażata suffiċjentement fuq il-ħtiġijiet speċifiċi tal-pajjiż u li din twasslet fejn setgħet tikkontribwixxi l-aktar għat-tnaqqis tal-faqar. Sibna wkoll li l-azzjonijiet iffinanzjati mill-UE, li eżaminajna taħt l-10 FEŻ, kienu wasslu l-outputs u l-eżiti mistennija, iżda l-impatt fuq l-iżvilupp kumplessiv tal-Kenja għadu ma ġiex iddimostrat.
80Il-fondi allokati lill-Kenja taħt il-11-il FEŻ ammontaw għal EUR 435 miljun, li kien ekwivalenti għal madwar 0.6 % tad-dħul mit-taxxa tal-Kenja. Il-Kummissjoni u s-SEAE allokaw madwar 90 % tal-finanzjament lill-Kenja bl-użu ta’ formula, mingħajr ma wettqu valutazzjoni speċifika huma stess tal-ostakli u l-objettivi relatati mal-iżvilupp tal-pajjiż. L-allokazzjonijiet tal-pajjiż lanqas ħadu inkunsiderazzjoni għotjiet jew self minn donaturi oħra.
81L-allokazzjoni tal-finanzjament taħt il-FEŻ ħadet inkunsiderazzjoni l-Indikaturi Dinjija tal-Governanza, iżda l-proċess ma permettiex li l-għajnuna tkun marbuta mal-progress li sar fir-rigward tal-prestazzjoni, il-governanza u l-impenn għar-riformi strutturali min-naħa tal-pajjiżi benefiċjarji. Minkejja li l-Kenja ftit li xejn għamlet progress fil-promozzjoni tal-istat tad-dritt u fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni matul l-aħħar għexieren ta’ snin, aħna ma sibna l-ebda evidenza li dan il-fatt kien wassal lill-UE biex tehmeż kundizzjonijiet addizzjonali mal-finanzjament li jingħata lill-pajjiż taħt il-FEŻ .
82Aħna sibna li, f'konformità mal-għan tagħha, il-Kummissjoni kienet allokat aktar fondi lill-ifqar pajjiżi taħt il-11-il FEŻ milli kienet għamlet taħt l-10 FEŻ. Is-sehem tal-allokazzjoni totali li rċevew il-pajjiżi l-anqas żviluppati (LDCs) u l-pajjiżi b’introjtu baxx (LICs) kien ta’ 85 %, meta mqabbel mat-80 % taħt l-10 FEŻ.
83Madankollu, il-formula tal-allokazzjoni tat anqas għajnuna għal kull persuna lill-pajjiżi b’popolazzjonijiet akbar. Dan kien minħabba li l-indikatur għall-popolazzjoni kien limitat għal 40 miljun persuna u bbażat mhux fuq il-popolazzjoni totali tal-pajjiż, iżda pjuttost fuq l-għerq kwadrat tagħha. Kieku l-Kummissjoni ma applikatx dan il-limitu massimu, pajjiżi akbar kieku kienu jirċievu l-biċċa l-kbira mill-finanzjament (ara l-paragrafi 25 sa 36).
Rakkomandazzjoni 1 – Jitqies mill-ġdid l-approċċ għall-allokazzjoni tal-għajnuna għall-iżvilupp li tingħata mill-UEIbbażat fuq l-eżempju tal-Kenja, jenħtieġ li l-Kummissjoni u s-SEAE:
- jeżaminaw il-metodu tal-UE għall-allokazzjoni tal-finanzjament fost il-pajjiżi AKP, filwaqt li jinvolvu lill-Parlament, lill-Kunsill u lill-Istati Membri kif xieraq;
- jintroduċu kundizzjonijiet speċifiċi li jistabbilixxu rabta ċara bejn l-allokazzjonijiet finanzjarji u l-prestazzjoni preċedenti tal-pajjiż, kif ukoll l-impenn tal-Gvern fir-rigward tar-riformi strutturali, inkluż l-istat tad-dritt.
Data mmirata għall-implimentazzjoni: tmiem l-2022.
84Minkejja li l-finanzjament disponibbli kien ikopri biss frazzjoni żgħira tal-ħtiġijiet ta’ żvilupp tal-Kenja, il-fondi kienu mifruxa fost ħafna oqsma, inklużi l-agrikoltura, l-emerġenzi f’każ ta’ nixfa, l-infrastruttura tal-enerġija u tat-trasport, l-elezzjonijiet, il-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi u s-sistema ġudizzjarja. Il-PIN tal-Kenja għall-perjodu 2014-2020 ma kien jinkludi l-ebda valutazzjoni ta’ jekk, u kif, il-fondi tal-FEŻ li ġew allokati għal dawn iż-żoni jkunux jilħqu massa kritika suffiċjenti biex jiksbu riżultati sinifikanti. Lanqas ma kien jispjega kif l-għoti ta’ appoġġ lis-setturi magħżula, minflok lil setturi oħra, ikun jappoġġaw aktar lill-Kenja biex tnaqqas il-faqar (ara l-paragrafi 41 sa 44).
Rakkomandazzjoni 2 – Tiġi vvalutata l-massa kritika meta jintgħażlu s-setturi fokali fil-KenjaJenħtieġ li l-Kummissjoni u s-SEAE jivvalutaw jekk, u jispjegaw kif, x'aktarx li l-ammonti allokati lil u fi ħdan kull settur fokali jilħqu massa kritika suffiċjenti biex jiksbu riżultati sinifikanti.
Data mmirata għall-implimentazzjoni: tmiem l-2022.
85Pereżempju, aħna ma sibna l-ebda raġunament dwar għalfejn il-Kummissjoni u s-SEAE kienu għażlu li ma jappoġġawx is-settur tal-manifattura direttament. Ħafna ekonomiji li esperjenzaw avvanzi konsiderevoli f’dak li jirrigwarda l-iżvilupp għaddew minn trasformazzjoni – minn agrikoli saru industrijali. Fil-Kenja, dan ma seħħx: l-agrikoltura għadha tikkontribwixxi għal terz tal-PDG tal-pajjiż, filwaqt li l-manifattura tirrappreżenta biss 10 %, l-istess bħal 40 sena ilu. Eżempju ieħor jikkonċerna s-settur tal-ICT tal-Kenja, li kiber b’10.9 % fl-2017, u l-pajjiż huwa magħruf għall-kapaċità tiegħu fis-servizzi innovattivi (ara l-paragrafi 45 sa 47).
86L-akbar allokazzjoni tal-finanzjament taħt il-11-il FEŻ, b’valur ta’ EUR 190 miljun (44 % tat-total), kienet għas-settur fokali “Sigurtà alimentari u reżiljenza għal xokkijiet klimatiċi”. Il-biċċa l-kbira mill-appoġġ f’dan is-settur mar għall-komunitajiet ASAL u għall-bdiewa b’azjenda agrikola żgħira, bl-għan li jingħataw sigurtà alimentari u introjtu ogħla. Dan l-appoġġ x’aktarx itejjeb l-istandard tal-għajxien ta’ dawn il-komunitajiet, iżda ma jgħinx biex isir progress lejn il-kummerċjalizzazzjoni tal-biedja u l-espansjoni tal-agroindustrija (ara l-paragrafi 51 sa 55).
87Il-PIN alloka EUR 175 miljun għas-settur tal-infrastruttura u elenka għadd ta’ ambizzjonijiet, inklużi sforzi intensivi fl-użu tar-riżorsi bħalma huma l-iżvilupp ta’ sorsi ġodda ta’ enerġija solari u eolika u networks tat-trasport (bħal toroq u portijiet). Mingħajr ma nixħtu dubju fuq l-importanza ta’ dawn il-pjanijiet, aħna nqisu li l-ammont huwa żgħir wisq biex jiġu implimentati dawn il-pjanijiet kollha jew biex jinfluwenza b’mod sostanzjali l-iżvilupp tas-settur (ara l-paragrafi 56 sa 62).
88Is-settur “Obbligu ta’ rendikont tal-istituzzjonijiet pubbliċi” rċieva EUR 60 miljun, u huwa mmirat lejn tliet sistemi: l-elezzjonijiet, il-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi u l-ġustizzja. Minkejja li l-istat tad-dritt dgħajjef u l-korruzzjoni huma meqjusa bħala ostakli serji għall-iżvilupp tal-Kenja, l-għajnuna tal-UE mhijiex qed tindirizzahom direttament. Aħna ma sibna l-ebda spjegazzjoni dwar għalfejn il-finanzjament kien immirat lejn l-alternattivi għall-priġunerija u l-għajnuna legali għal persuni ifqar minflok biex tiġi miġġielda direttament il-korruzzjoni (ara l-paragrafi 63 sa 67).
89Aħna eżaminajna wkoll kampjun ta’ azzjonijiet fil-Kenja, li jkopri 53 % tan-nefqa taħt l-10 FEŻ, u vvalutajna jekk dawn l-azzjonijiet kinux kisbu l-outputs, l-eżiti u l-impatt mistennija tagħhom. Għalkemm b’mod ġenerali dawn il-proġetti kienu wasslu l-outputs u l-eżiti mistennija tagħhom, aħna ma sibna l-ebda evidenza li huma kien kellhom impatt viżibbli fuq l-iżvilupp kumplessiv tal-pajjiż (ara l-paragrafi 45 sa 78).
Rakkomandazzjoni 3 – Jiġu prijoritizzati l-iżvilupp ekonomiku sostenibbli u l-istat tad-dritt fil-KenjaJenħtieġ li l-Kummissjoni u s-SEAE jagħtu prijorità lis-setturi li għandhom il-potenzjal li jattiraw investiment dirett barrani, joħolqu impjiegi u jkabbru l-esportazzjonijiet, kif ukoll lill-azzjonijiet li jappoġġaw l-istat tad-dritt, inkluża l-ġlieda kontra l-korruzzjoni.
Data mmirata għall-implimentazzjoni: tmiem l-2022.
Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla III, immexxija mis-Sinjura Bettina JAKOBSEN, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tas-16 ta’ Ġunju 2020.
Għall-Qorti tal-Awdituri
Klaus-Heiner LEHNE
Il-President
Annessi
Anness I – Indikaturi tal-iżvilupp tal-bniedem fil-Kenja
Figura 5a
Kontribuzzjoni medja tal-kontej għall-Prodott Domestiku Gross fil-Kenja għall-perjodu 2013-2017
Sors: il-QEA, ibbażat fuq data pprovduta mill-Bank Dinji.
Figura 5b
Indiċi tal-Iżvilupp tal-Bniedem
Sors: il-QEA, ibbażat fuq l-Indiċijiet u l-Indikaturi tal-Iżvilupp tal-Bniedem: 2018 Statistical Update, UNDP.
Figura 5c
Rati tal-faqar fil-Kenja
Sors: il-QEA, ibbażat fuq l-Istħarriġ dwar il-Baġit Domestiku integrat tal-Kenja 2015/2016.
Figura 5d
Perċentwal tal-popolazzjoni li qed tgħix fuq inqas minn USD 1.90 kuljum
Sors: il-QEA, ibbażat fuq data pprovduta mill-Bank Dinji, l-Indikaturi tal-Iżvilupp fid-Dinja, Ottubru 2019, Proporzjon tal-faqar b’rata ta’ USD 1.90 kuljum (% tal-popolazzjoni).
Figura 5e
Popolazzjoni tal-Kenja, skont il-kontea
Sors: il-QEA, ibbażat fuq l-Istħarriġ dwar il-Baġit Domestiku integrat tal-Kenja 2015/2016.
Figura 5f
Nuqqas ta’ nutrizzjoni
Sors: il-QEA, ibbażat fuq data pprovduta mill-Bank Dinji, l-Indikaturi tal-Iżvilupp fid-Dinja, Ottubru 2019.
Anness II – Ċifri u tabelli dwar l-ekonomija tal-Kenja
Figura 6
Sehem tas-setturi ekonomiċi fil-PDG mill-2006 sal-2016
Sors: il-QEA, ibbażat fuq data pprovduta mill-Bank Dinji, l-Indikaturi tal-Iżvilupp fid-Dinja, is-Sehem tas-setturi ekonomiċi fil-PDG tal-Kenja.
Tabella 3
PDG skont is-settur (perċentwal tal-PDG bil-prezzijiet kurrenti)
| 2011 | 2016 | 2017 | |
| Agrikoltura, forestrija, sajd u kaċċa li minnhom is-sajd | 29.3 0.8 |
35.6 0.8 |
31.5 0.5 |
| Minjieri u barrieri li minnhom iż-żejt | 1.0 – |
0.9 – |
0.8 – |
| Manifattura | 13.1 | 10.0 | 8.4 |
| Elettriku, gass u ilma | 2.1 | 2.6 | 2.5 |
| Kostruzzjoni | 4.9 | 5.5 | 5.8 |
| Kummerċ bl-ingrossa u bl-imnut; tiswija ta’ vetturi; oġġetti tad-dar; ristoranti u lukandi li minnhom ir-ristoranti u l-lukandi | 10.5 1.5 |
8.7 0.8 |
8.4 0.8 |
| Trasport, ħażna u komunikazzjoni | 9.8 | 9.6 | 9.1 |
| Servizzi ta’ finanzi, proprjetà immobbli u negozji | 15.2 | 14.7 | 14.9 |
| Amministrazzjoni pubblika u difiża, sigurtà | 4.7 | 4.4 | 4.3 |
| Servizzi oħrajn | 9.4 | 7.9 | 14.3 |
| Prodott domestiku gross bi prezzijiet / spiża tal-fattur bażiċi | 100.0 | 100.0 | 100.0 |
Sors: l-AfDB, 2018 African Economic Outlook.
Tabella 4
Bilanċ ta’ kont kurrenti (perċentwal tal-PDG)
| 2009 | 2014 | 2015 | 2016 | 2017(e) | 2018(p) | 2019(p) | |
| Bilanċ kummerċjali Esportazzjoni ta’ merkanzija Importazzjoni ta’ merkanzija | − 13.4 12.2 25.6 |
− 17.4 10.1 27.6 |
− 13.1 9.4 22.5 |
− 11.2 8.1 19.3 |
− 11.9 7.7 19.6 |
− 11.7 7.0 18.7 |
− 12.3 7.3 19.6 |
| Servizzi | 2.9 | 2.7 | 2.1 | 2.4 | 2.7 | 2.7 | 3.1 |
| Introjtu tal-fattur (primarju) | − 0.4 | − 1.4 | − 1.1 | − 1.0 | − 1.2 | − 1.0 | − 0.9 |
| Trasferimenti attwali | 6.2 | 5.7 | 5.4 | 4.6 | 4.3 | 4.4 | 4.9 |
| Bilanċ tal-kont kurrenti | − 4.6 | − 10.4 | − 6.7 | − 5.2 | − 6.1 | − 5.6 | − 5.2 |
Sors: il-QEA, ibbażat fuq 2018 African Economic Outlook tal-AfDB.
Figura 7
Kummerċ bejn l-UE u l-Kenja
Sors: il-QEA, ibbażat fuq data pprovduta mill-Unjoni Ewropea, Trade in goods with Kenya, l-Eurostat.
Figura 8
Qgħad fil-Kenja u l-Indiċi tal-Vulnerabbiltà Ekonomika
Sors: il-QEA, ibbażat fuq l-Indikaturi tal-Iżvilupp fid-Dinja tal-Bank Dinji, Ottubru 2019.
Sors: il-QEA, ibbażat fuq l-indiċi retrospettiv tal-vulnerabbiltà ekonomika tal-Fondation pour les études et recherches sur le développement international (Ferdi), aġġornament tal-2015.
Anness III – Lista ta’ intervisti li saru matul l-awditu
Aħna ltqajna mal-organizzazzjonijiet li ġejjin matul il-missjoni tal-awditjar li wettaqna fil-Kenja, mill-4 sal-14 ta’ Frar 2019:
- Il-Kamra tal-Kummerċ Ġermaniża
- Il-Kamra tal-Kummerċ Franċiża
- L-Assoċjazzjoni Ġermaniża dwar in-Negozju fil-Kenja
- Il-Kamra tal-Kummerċ Amerikana
- Il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin
- It-Teżor Nazzjonali (NAO)
- Il-Ministeru tat-Trasport, l-Infrastruttura, id-Djar u l-Iżvilupp Urban
- Il-Ministeru tal-Agrikoltura
- Il-Ministeru tal-Informazzjoni, il-Komunikazzjoni u t-Teknoloġija
- L-Awtorità tal-Iżvilupp ta’ Konza Technopolis
- Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI)
- Kreditanstalt für Wiederaufbau (KfW)
- Il-Bank Afrikan tal-Iżvilupp (AfDB)
- Agence française de développement (AFD)
- Rappreżentanti mid-Danimarka, Franza, il-Ġermanja, ir-Renju Unit, in-Netherlands, l-Italja u l-Iżvezja
- USAID tal-Kenja
- Il-Bank Dinji, l-uffiċċju reġjonali
- L-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura (FAO)
- L-Assoċjazzjoni tal-Manifatturi tal-Kenja (Kenya Association of Manufacturers)
- Servizz ta’ Spezzjoni tas-Saħħa tal-Pjanti fil-Kenja (KEPHIS)
- Żjarat lil proġetti tat-toroq, u żjarat lil proġetti relatati ma’ nixfiet u proġetti agrikoli
- Rappreżentanti mill-Awtorità tal-Awtostradi tal-Kenja (Kenya Highways Authority): KENHA
- Rappreżentanti mill-Kontej ta’ Marsabit, Isiolo u Laikipia
- Rappreżentanti mis-Servizz dwar l-Organiżmi Selvaġġi tal-Kenja (Kenya Wildlife Service — KWS)
- Rappreżentanti mill-Kooperattiva tan-Nisa ta’ Anolei, l-Iskola Sekondarja tal-Bniet ta’ LogLogo, l-Iskola Postsekondarja tal-Bniet ta’ Isiolo, l-Iskola Primarja ta’ Kamboe, il-Programm ta’ Tilqim għall-Bhejjem
Barra minn hekk, l-esperti indipendenti mill-organizzazzjonijiet li ġejjin ipparteċipaw f’sessjoni ta’ ħidma biex jiddiskutu r-rilevanza tas-setturi fokali magħżula mill-UE:
- Massa Kritika (grupp ta’ sensibilizzazjoni dwar iċ-ċikliżmu)
- Inizjattiva Flone (li tappoġġa lin-nisa fis-settur tat-trasport)
- Alleanza ta’ Assoċjazzjonijiet tar-Residenti tal-Kenja (Kenya Alliance of Resident Associations)
- Istitut għar-Riċerka u l-Analiżi fil-qasam tal-Ordni Pubbliku fil-Kenja (Kenya Institute for Public Policy Research and Analysis — KIPPRA)
- Kummissjoni Nazzjonali tal-Kenja dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (Kenya National Commission on Human Rights)
- Soċjetà tas-Salib l-Aħmar fil-Kenja
- Istitut għall-Istudji dwar l-Iżvilupp, l-Università ta’ Nairobi
- Il-Bank Dinji
- Amnesty International fil-Kenja
Anness IV – Perċezzjoni tal-korruzzjoni fil-Kenja
| 67 % | Jaħsbu li l-korruzzjoni żdiedet fit-12-il xahar preċedenti |
| 45 % | Tal-utenti tas-servizz pubbliku ħallsu tixħima fit-12-il xahar preċedenti |
| 71 % | Jaħsbu li l-Gvern tagħhom qed jagħmel biċċa xogħol ħażina rigward l-indirizzar tal-korruzzjoni |
| 54 % | Jaħsbu li ċ-ċittadini ordinarji jistgħu jagħmlu differenza fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni |
Tabella 5
Fehmiet u esperjenzi taċ-ċittadini fir-rigward tal-korruzzjoni
| Rati tat-tixħim1 | 2015 | 2019 |
| Rata kumplessiva tat-tixħim | 37 % | 45 % |
| Skejjel pubbliċi | 9 % | 14 % |
| Kliniċi pubbliċi u ċentri tas-saħħa | 11 % | 18 % |
| Dokumenti tal-identità | 39 % | 38 % |
| Utilitajiet | 20 % | 35 % |
| Pulizija | 49 % | 48 % |
| Il-livell tal-korruzzjoni nbidel fit-12-il xahar preċedenti? | 2015 | 2019 |
| Żdied | 64 % | 67 % |
| Naqas | 18 % | 18 % |
| Baqa’ l-istess | 14 % | 10 % |
| Ma nafx | 4 % | 5 % |
| Irrifjutaw li jwieġbu | 0 % | 0 % |
| Persuni ordinarji jistgħu jagħmlu differenza fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni? | 2015 | 2019 |
| Iva | 58 % | 54 % |
| Le | 35 % | 36 % |
| La iva u lanqas le | 6 % | 5 % |
| Ma nafx/Irrifjutaw li jwieġbu | 2 % | 5 % |
| Korruzzjoni skont l-istituzzjoni2 | 2015 | 2019 |
| President/Prim Ministru | 27 % | 36 % |
| Membri tal-Parlament | 45 % | 47 % |
| Uffiċjali tal-Gvern | 46 % | 47 % |
| Uffiċjali tal-Gvern Lokali | 36 % | 45 % |
| Pulizija | 75 % | 66 % |
| Imħallfin u Maġistrati | 33 % | 28 % |
| Mexxejja reliġjużi | 13 % | 12 % |
| NGOs | - | 16 % |
| Diriġenti tan-Negozju | 38 % | 31 % |
| Mexxejja tradizzjonali | 12 % | 14 % |
| Fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-Gvern qed jagħmel biċċa xogħol tajba, jew ħażina? | 2015 | 2019 |
| Tajba | 27 % | 25 % |
| Ħażina | 70 % | 71 % |
| Ma nafx | 3 % | 4 % |
| Irrifjutaw li jwieġbu | 0 % | 0 % |
1Ibbażat fuq persuni li użaw dawn is-servizzi pubbliċi fit-12-il xahar preċedenti
2Perċentwal li jaħsbu li l-biċċa l-kbira mill-persuni jew kollha kemm huma f’dawn l-istituzzjonijiet huma korrotti
Sors: il-QEA, ibbażat fuq “Global corruption barometer Africa 2019 citizens’ views and experiences of corruption”.
Anness V – Tqabbil tal-allokazzjonijiet tal-pajjiż taħt l-10 u l-11-il FEŻ
Figura 9
L-allokazzjonijiet finali taħt l-11-il FEŻ bi tqabbil ma’ dawk taħt l-10 FEŻ (wara l-approvazzjoni mill-Istati Membri)
Sors: il-QEA, ibbażat fuq l-ispreadsheet tal-allokazzjoni taħt il-11-il FEŻ li ntużat mid-DEVCO.
Anness VI – Azzjonijiet iffinanzjati taħt l-10 FEŻ
| Sottosettur | Deskrizzjoni | miljun EUR ikkuntrattati | % tal-allokazzjoni totali |
| Infrastruttura | |||
| Bini ta’ Toroq | Ix-Xmara Merille sat-Triq Marsabit, it-Toroq rurali fir-Reġjun tal-Lvant tal-Kenja, il-links tat-toroq neqsin u l-faċilitajiet tat-trasport mhux motorizzat (NMT) f’Nairobi, it-Titjib tat-Toroq lejn u fi ħdan il-Park Nazzjonali Mt. Kenya u l-Park Nazzjonali Aberdare, u l-Kostruzzjoni ta’ pont fuq ix-Xmara Galana, il-Park Nazzjonali Tsavo East. | 177.6 | 45.4 % |
| Agrikoltura u Żvilupp Rurali | |||
| Żvilupp tas-settur Agrikolu | Riċerka dwar il-Produttività Agrikola (ASAL), L-Iżvilupp tal-Katina tal-Valur tas-Sorgu, L-Introduzzjoni mill-Ġdid u l-Kummerċjalizzazzjoni tal-Manjoka għal Għajxien Aħjar permezz tal-Mudell tal-Katina tal-Valur Sħiħa, il-Produttività tal-Kafè, ld-diversifikazzjoni tal-Għajxien permezz tas-sorgu u l-iżvilupp tal-katina tal-valur tal-fażola ħadra, il-programm ta’ titjib taċ-ċereali fil-Kenja, u Żieda fil-produttività u l-profittabbiltà tal-bdiewa b’azjenda agrikola żgħira permezz tal-promozzjoni u l-espansjoni tal-GAP u tas-CA f’żoni produttivi Semiaridi. | 46.2 | 11.8 % |
| Ġestjoni tar-Riskju ta’ Nixfa | Għajxien Aħjar għall-Pastoralisti f’Samburu, Titjib fir-Reżiljenza tal-Komunità għan-Nixfiet permezz ta’ Sistemi Innovattivi Bbażati fuq is-Suq, Rispons u Reżiljenza Aħjar tal-Komunità għall-Każijiet ta’ Nixfa, Il-Faċilità Ambjentali Komunitarja II, Ġestjoni ta’ Perjodi ta’ Nixfa f’Żoni ASAL, Il-Promozzjoni u t-Tisħiħ tal-Intrapriżi u s-Sistemi tas-Suq f’Żoni ASAL Suxxettibli għan-Nixfa, Għajxien Sostenibbli Permezz tal-Iżvilupp tal-Katina tal-Valur għal Komunitajiet tal-Pastoralisti f’Turkana, Assigurazzjoni għall-Bhejjem Ibbażata fuq Indiċi, Xjenza li tipprovdi informazzjoni għat-tfassil ta’ azzjonijiet u deċiżjonijiet ta’ politika fil-livell tal-komunità, Titjib fil-kwalità u fil-kwantità tas-servizzi tal-ekosistema, Il-Programm dwar il-Protezzjoni tat-Torrijiet tal-Ilma u l-Mitigazzjoni u l-Adattament għat-Tibdil fil-Klima, u Missjoni Indipendenti ta’ Ġbir ta’ Informazzjoni fil-Foresta ta’ Embobut. | 40.4 | 10.3 % |
| Reżistenza u Reżiljenza għan-Nixfiet | Fond ta’ Kontinġenza f’Każ ta’ Nixfa | 9.7 | 2.5 % |
| Bini ta’ Istituzzjonijiet | Assistenza Teknika lill-NDMA, u l-Ġestjoni ta’ Perjodi ta’ Nixfa fir-reġjun ASAL | 14.4 | 3.7 % |
| Żvilupp Rurali | Inizjattivi Komunitarji għall-Iżvilupp | 19.2 | 4.9 % |
| Governanza, Kummerċ u Kooperazzjoni | |||
| Appoġġ għad-Devoluzzjoni | Diversi proġetti li jappoġġaw id-devoluzzjoni u l-iżvilupp ekonomiku lokali | 17.6 | 4.5 % |
| Appoġġ għas-soċjetà ċivili | It-tisħiħ tas-soċjetà ċivili biex tipparteċipa b’mod aktar effettiv fil-governanza demokratika u r-riformi, it-Tnaqqis tad-Disparitajiet permezz tal-Programm ta’ Obbligu ta’ Rendikont tal-Governanza. | 4.0 | 1.0 % |
| Elezzjonijiet | Appoġġ għar-Riforma Elettorali u l-Proċess ta’ Referendum Kostituzzjonali | 2.4 | 0.6 % |
| Appoġġ legali u ġudizzjarju | Assistenza Teknika lill-Ministeru tal-Ġustizzja | 0.9 | 0.2 % |
| Żvilupp Kummerċjali u tas-Settur Privat | Appoġġ għan-Negozjati tal-FSE Komprensiv, il-Programm dwar l-Istandards u l-Aċċess għas-Suq (SMAP) bejn l-UE u l-Kenja - Komponent tas-settur privat ta’ SMAP, Komponent tal-KEPHIS ta’ SMAP, SMAP (KEBS), SMAP (DVS), Assistenza Teknika għal SMAP, Forniment ta’ Apparat tal-Laboratorju għal KEBS, DVS u KEPHIS, Ftehim ta’ Amministrazzjoni mal-Bank Dinji. | 14.1 | 3.6 % |
| Kooperazzjoni Teknika | Proġetti ta’ Assistenza Teknika lil diversi Ministeri tal-Gvern | 7.4 | 1.9 % |
| Mhux ikkuntrattat | 37.4 | 9.6 % | |
| Total | 391.4 | 100.0 % | |
Sors: il-QEA, ibbażat fuq data pprovduta mill-Kummissjoni.
It-triq Merille-Marsabit (kontribuzzjoni mill-FEŻ: EUR 88 miljun li jirrappreżentaw 22 % tal-10 FEŻ u 50 % tas-settur “Infrastruttura tat-trasport”) kienet l-aħħar sezzjoni tal-awtostrada b’tul ta’ 1 495 km li tgħaqqad lil Nairobi ma’ Addis Ababa fl-Etjopja. L-objettiv ta’ dan il-proġett kien li jinkiseb tkabbir ekonomiku ogħla li jkun sostenibbli u ekwu. Dan l-objettiv ma kienx rifless biss fl-indikaturi tal-kummerċ u f’dawk tat-tkabbir tal-PDG, iżda anki fil-koeffiċjent Gini (miżura ta’ inugwaljanza) u fl-għadd ta’ nies foqra, ir-rata ta’ impjieg, il-kumdità tal-passiġġieri u s-sikurezza fit-toroq, u dan jindika komponent soċjali aktar b’saħħtu.
It-toroq turistiċi f’parks nazzjonali (kontribuzzjoni mill-FEŻ: EUR 13-il miljun) iffukaw primarjament fuq it-tkabbir tal-għadd ta’ viżitaturi f’parks nazzjonali, pereżempju bit-titjib ta’ toroq ta’ aċċess fil-Park Nazzjonali Mount Kenya u fil-Park Nazzjonali Aberdares.
Il-proġetti għat-titjib tat-toroq urbani f’Nairobi (kontribuzzjoni mill-FEŻ ta’ EUR 31 miljun) iffukaw fuq it-tkabbir ekonomiku ekwu permezz ta’ titjib tal-operazzjonijiet tat-traffiku u l-ġestjoni tat-traffiku fi ħdan il-Belt ta’ Nairobi u l-periferija tagħha. Lil hinn mill-istituzzjonijiet immirati għall-bini tal-kapaċitajiet, firxa wiesgħa ta’ parteċipanti soċjali u ekonomiċi huma mistennija li jibbenefikaw minn aċċessibbiltà akbar, tnaqqis fl-ispejjeż tat-trasport, żvilupp tas-settur privat u opportunitajiet ta’ impjieg. Eżempji ta’ indikaturi li ntużaw għall-proġett kienu: ir-rata ta’ tkabbir tal-PDG, il-koeffiċjent Gini, iċ-ċifri tal-kummerċ, l-għadd ta’ nies foqra, ir-rata tal-qgħad, it-tnaqqis tat-tniġġis u ż-żieda fil-kumdità u s-sikurezza.
L-objettiv tal-programm ta’ titjib taċ-ċereali (kontribuzzjoni mill-FEŻ: EUR 27.1 miljun) kien li jappoġġa lill-bdiewa b’azjenda agrikola żgħira biex jilħqu livell ogħla billi jaqilbu minn agrikoltura ta’ sussistenza għal agrikoltura kummerċjali permezz ta’ titjib fir-rendimenti ta’ għadd ta’ għelejjel.
L-iskop tal-proġett dwar il-Produttività Agrikola (kontribuzzjoni mill-FEŻ: EUR 4 miljun) kien li jtejjeb il-benessri tal-unitajiet domestiċi f’reġjuni aridi u semiaridi (ASAL) permezz ta’ titjib fil-produttività, il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti u l-livelli ta’ introjtu. Huwa kellu l-għan li jnaqqas l-għadd ta’ bdiewa ddedikati għat-trobbija tal-bhejjem li jirgħu, li jgħixu taħt il-linja tal-faqar, kif ukoll li jnaqqas il-proporzjon ta’ tfal b’defiċjenzi relatati man-nutrizzjoni.
L-azzjonijiet li jiffukaw fuq Prattika Agrikola Tajba (kontribuzzjoni mill-FEŻ: EUR 9.5 miljun) kellhom l-għan li jappoġġaw lill-bdiewa b’azjenda agrikola żgħira, primarjament fl-agrikoltura ta’ sussistenza, biex ikabbru l-produttività tagħhom.
L-iskop tal-Fond ta’ Kontinġenza f’Każ ta’ Nixfa (kontribuzzjoni mill-FEŻ: EUR 9.7 miljun) kien li jħaffef ir-rispons għal episodji ta’ nixfa bil-ħsieb li tiġi protetta l-bażi tal-assi eżistenti tal-Kenja billi tinħoloq riżerva ta’ finanzjament minn qabel li tkun tista’ tintuża mingħajr il-ħtieġa li wieħed jistenna li jiġu ssodisfati l-wegħdiet ta’ għajnuna. Dan huwa mistenni li jtejjeb ir-reżiljenza tal-komunitajiet ASAL għan-nixfiet u jnaqqas l-għadd ta’ persuni li jkunu jirrikjedu assistenza alimentari.
L-objettiv tal-proġetti taħt l-Appoġġ għall-Għajxien (kontribuzzjoni mill-FEŻ ta’ EUR 1.7 miljun) kien li tiġi promossa d-diversifikazzjoni tat-trobbija tal-bhejjem, jiġu ffaċilitati swieq robusti għall-bhejjem u l-prodotti tal-bhejjem u tiġi kkonsolidata l-bażi tal-għarfien għat-titjib tat-tibdil fil-klima u l-orjentazzjoni tas-suq.
Il-Programm dwar l-Istandards u l-Aċċess għas-Suq (SMAP) (kontribuzzjoni mill-FEŻ ta’ EUR 12.1 miljun) fis-settur “Obbligu ta’ rendikont tal-istituzzjonijiet pubbliċi” kellu l-għan li jsaħħaħ il-qafas legali u l-infrastruttura istituzzjonali għall-ittestjar u ċ-ċertifikazzjoni ta’ prodotti bbażati fuq il-pjanti u l-annimali. Filwaqt li wieħed mill-għanijiet tal-proġett kien li jappoġġa l-esportazzjonijiet, il-partijiet ikkonċernati li jibbenefikaw mill-ittestjar tal-prodotti fil-laboratorju kienu jinkludu wkoll lill-bdiewa b’azjenda agrikola żgħira.
Anness VII – Azzjonijiet iffinanzjati taħt il-11-il FEŻ
| Infrastruttura Sostenibbli | ||||
| Nru tal-FEŻ | Sottosettur | Deskrizzjoni | Miljun EUR Ikkuntrattati | % tal-allokazzjoni totali |
| Il-11-il FEŻ | Trasport u enerġija | Appoġġ għas-Setturi tal-Enerġija u t-Trasport fil-Kenja | 12.8 | 2.9 % |
| Infrastruttura | Kontribuzzjoni lill-Faċilità ta’ Investiment Afrikana biex jiġu appoġġati s-setturi tal-Enerġija u t-Trasport fil-Kenja - Port ta’ Mombasa | 19.6 | 4.5 % | |
| Trasport | Programm dwar il-Mobbiltà Urbana | - | 0.0 % | |
| Enerġija | Kontribuzzjoni lill-Pjattaforma ta’ Investiment għall-Afrika (AIP) b’appoġġ għas-Settur tal-Enerġija fil-Kenja | 7.0 | 1.6 % | |
| Toroq rurali | Toroq rurali reżistenti għall-klima, permezz ta’ finanzjament imħallat mill-Faċilità ta’ Investiment Afrikana-AFIF (flimkien mal-AFD). | 30.0 | 6.9 % | |
| Total għas-settur | 69.3 | 15.9 % | ||
| Sigurtà alimentari u reżiljenza għal xokkijiet klimatiċi | ||||
| Nru tal-FEŻ | Sottosettur | Deskrizzjoni | Miljun EUR Ikkuntrattati | % tal-allokazzjoni totali |
| Il-11-il FEŻ | Żvilupp tas-settur Agrikolu | Appoġġ għall-proċess ta’ trasformazzjoni tas-settur agrikolu u għal governanza deċentralizzata tal-artd> | 15.8 | 3.6 % |
| Ġestjoni tar-Riskju ta’ Nixfa | It-Tmiem ta’ Emerġenzi f’Każ ta’ Nixfa: Appoġġ għall-ġestjoni u l-koordinazzjoni tar-riskju ta’ nixfa | 29.7 | 6.8 % | |
| Reżistenza u Reżiljenza għan-Nixfiet | It-Tmiem ta’ Emerġenzi f’Każ ta’ Nixfa: Infrastrutturi reżistenti għall-klima għal provvista u sanitazzjoni aħjar tal-ilma f’żoni ASAL | 19.3 | 4.4 % | |
| Reżistenza u Reżiljenza għan-Nixfiet | It-Tmiem ta’ Emerġenzi f’Każ ta’ Nixfa: Appoġġ għall-għajxien reżiljenti u l-ġestjoni tar-riskju ta’ nixfa | 30.1 | 6.9 % | |
| Żvilupp tas-settur Agrikolu | Agri-biz: Impjiegi deċenti għaż-Żgħażagħ u n-Nisa fil-Katini tal-Valur Agrikoli fil-Kenja | 23.2 | 5.3 % | |
| Żvilupp tas-settur Agrikolu | Agri-Fi: Appoġġ għall-agrikoltura produttiva | 45.0 | 10.3 % | |
| Total għas-settur | 163.0 | 37.5 % | ||
| Obbligu ta’ rendikont tal-istituzzjonijiet pubbliċi | ||||
| Il-11-il FEŻ | Assistenza elettorali | Programm ta’ Assistenza fit-Tul għall-Elezzjonijiet (LEAP) | 5.0 | 1.1 % |
| Stat tad-Dritt | Programm għall-Għoti ta’ Setgħat Legali u t-Twassil tal-Għajnuna (PLEAD) | 29.1 | 6.7 % | |
| Ġestjoni tal-finanzi pubbliċi | Obbligu ta’ Rendikont Pubbliku u Twassil ta’ Servizzi (PASEDE) | 26.0 | 6.0 % | |
| Total għas-settur | 60.1 | 13.8 % | ||
| Miżura ta’ appoġġ | ||||
| Il-11-il FEŻ | Miżura ta’ appoġġ | Miżura ta’ appoġġ | 2.9 | 0.7 % |
| Kooperazzjoni u djalogu | Faċilità ta’ kooperazzjoni u djalogu | 5.0 | 1.1 % | |
| Total għas-settur | 7.9 | 1.8 % | ||
| TOTAL | 300.4 | 69.0 % | ||
Sors: il-QEA, ibbażat fuq data pprovduta mill-Kummissjoni.
Glossarju
Aġenda għall-Bidla: Il-pjan ta’ azzjoni tal-UE għall-politika tal-iżvilupp, li jintroduċi sensiela ta’ prinċipji u prijoritajiet ewlenin biex jitjiebu l-impatt u l-effettività tal-assistenza.
Delegazzjoni tal-UE: Struttura tal-Kummissjoni Ewropea li tirrappreżenta l-interessi tal-UE u taċ-ċittadini tagħha f’pajjiżi ospitanti madwar id-dinja.
Faqar: L-istat li fih individwu ma jkollux ir-riżorsi biex jissodisfa ħtiġijiet bażiċi ta’ sussistenza u jiġi mċaħħad mill-opportunità li jipparteċipa fis-soċjetà.
Finanzjament imħallat: Kombinament ta’ self u għotjiet bl-iskop li jiġi mmobilizzat kapital addizzjonali.
Fond Ewropew għall-Iżvilupp: L-istrument prinċipali li permezz tiegħu l-UE tipprovdi għajnuna għall-iżvilupp kemm lill-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku kif ukoll lill-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej.
Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju: Miri globali biex jitnaqqsu l-faqar u l-manifestazzjonijiet tiegħu sal-2015. Ġew stabbiliti minn mexxejja dinjija u minn istituzzjonijiet kbar ta’ żvilupp fis-Summit tal-Millennju tan-NU li sar f’Settembru 2000.
Il-Bank Ewropew tal-Investiment: Il-bank tal-UE, li huwa l-proprjetà tal-Istati Membri tal-UE u jirrappreżenta l-interessi tagħhom. Huwa jaħdem mill-qrib mal-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE biex jimplimenta l-politika tal-UE.
Indikatur tal-eżitu: Varjabbli li jista’ jitkejjel u li jipprovdi informazzjoni għall-evalwazzjoni tal-konsegwenzi tal-outputs għall-benefiċjarji.
Indikatur tal-impatt: Varjabbli li jista’ jitkejjel u li jipprovdi informazzjoni dwar il-konsegwenzi fit-tul ta’ proġett jew ta’ programm ikkompletat, li jistgħu jkunu soċjoekonomiċi, ambjentali jew finanzjarji.
Indikatur tal-input: Varjabbli li jista’ jitkejjel u li jipprovdi informazzjoni dwar il-mezzi umani, finanzjarji, fiżiċi, amministrattivi u regolatorji li jintużaw għall-implimentazzjoni ta’ proġett jew ta’ programm.
Indikatur tal-output (imsejjaħ ukoll indikatur tal-proċess): Varjabbli li jista’ jitkejjel u li jipprovdi informazzjoni għall-evalwazzjoni ta’ dak li jiġi prodott jew li jinkiseb minn proġett jew programm.
Programmazzjoni tal-għajnuna għall-iżvilupp: Proċess deċiżjonali li matulu s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u l-Kummissjoni jistabbilixxu strateġiji, prijoritajiet u allokazzjonijiet ta’ għajnuna.
Riżultat: L-effett immedjat ta’ proġett jew ta’ programm malli jiġi kkompletat, bħat-titjib fl-impjegabbiltà tal-parteċipanti f’kors jew it-titjib fl-aċċessibbiltà wara l-kostruzzjoni ta’ triq ġdida.
Sostenibbiltà: L-abbiltà ta’ proġett għall-iżvilupp biex isostni r-riżultati tiegħu sakemm ikun meħtieġ (jiġifieri l-kwalità li jkun suffiċjentement stabbilit sew, awtosuffiċjenti u/jew iffinanzjat biex ikompli).
Lista ta’ abbrevjazzjonijiet
AFD: Agence française de développement
AfDB: Il-Bank Afrikan tal-Iżvilupp
AK: Agrikoltura ta’ konservazzjoni
AKP: Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku
ASAL: Artijiet aridi u semiaridi
BEI: Il-Bank Ewropew tal-Investiment
DCI: Strument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp
DEVCO: Id-Direttorat Ġenerali għall-Iżvilupp u l-Kooperazzjoni
DĠ: Id-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea
ECHO: Id-Direttorat Ġenerali għall-Għajnuna Umanitarja u l-Protezzjoni Ċivili
EVI: Indiċi tal-vulnerabbiltà ekonomika
FAO: L-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti
FEŻ: Fond Ewropew għall-Iżvilupp
FMI: Fond Monetarju Internazzjonali
GAP: Prattika agrikola tajba
HAI: Indiċi tal-assi umani
ICT: Teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni
ILO: L-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol
IPP-GAP: Żieda fil-produttività u l-profittabbiltà kif ukoll prattiki agrikoli tajba f’żoni semiaridi
KEBS: L-Istitut Kenjan tal-Istandards
KEPHIS: Servizz ta’ Spezzjoni tas-Saħħa tal-Pjanti fil-Kenja
LDC: Pajjiż l-anqas żviluppat
LIC: Pajjiż b’introjtu baxx
LMIC: Pajjiżi b’introjtu baxx u medju
NDMA: L-Awtorità Nazzjonali għall-Ġestjoni ta’ Perjodi ta’ Nixfa
NGO: Organizzazzjoni nongovernattiva
NU: In-Nazzjonijiet Uniti
ODA: Għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp
OECD: L-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi
PDG: Prodott domestiku gross
PIN: Programm indikattiv nazzjonali
PPP: Sħubija pubblika-privata
SEAE: Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna
SMAP: Programm dwar l-Istandards u l-Aċċess għas-Suq
TFUE: It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea
WGI: Indikaturi dinjija tal-governanza
Risposti tal-Kummissjoni Ewropea u tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna
Sommarju eżekuttiv
Il-Kenja hija demokrazija li tiffunzjona, l-akbar ekonomija u l-aktar waħda diversifikata fl-Afrika tal-Lvant u ċentru reġjonali għat-trasport, il-finanzi u l-kummerċ. Saret pajjiż bi dħul medju inferjuri fl-2014, l-uniku wieħed fl-Afrika tal-Lvant flimkien mas-Sudan. Il-Kenja hija kontributur tat-truppi għall-missjoni tal-Unjoni Afrikana għaż-żamma tal-paċi fis-Somalja (AMISOM) u qed tospita madwar 0.5 miljun refuġjat mis-Somalja u s-Sudan t’Isfel. Il-Kenja hija pajjiż strateġiku fil-Qarn tal-Afrika usa’ li miegħu l-UE tikkondividi interessi, valuri liberali u demokratiċi, u aġendi multilaterali. Din għandha l-potenzjal li jkollha rwol ta’ stabbilizzazzjoni fir-reġjun.
Id-demokrazija fil-Kenja tibqa’ fraġli u l-pajjiż qed iħabbat wiċċu ma’ inugwaljanzi persistenti, qasma etnika u kwistjonijiet ta’ governanza, bħall-korruzzjoni u l-vjolenza elettorali. Dawn għandhom jiġu indirizzati, peress li jistgħu jfixklu kemm il-prevalenza tal-istat tad-dritt kif ukoll l-iżvilupp ekonomiku fil-pajjiż. Wara li ġie elett mill-ġdid fl-2017, il-President Uhuru Kenyatta nieda pjan ta’ żvilupp ambizzjuż - l-aġenda tiegħu tal-“Erbgħa l-Kbar”, qawwa l-ġlieda kontra l-korruzzjoni - li wasslet għall-arrest ta’ għadd ta’ politiċi ta’ profil għoli, u beda pjan ta’ rikonċiljazzjoni mal-mexxej tal-oppożizzjoni.
F’dan il-kuntest, u wara li kien hemm xi mumenti diffiċli matul l-elezzjonijiet ġenerali tal-2017 fil-Kenja, l-UE lesta taġġorna r-relazzjonijiet tagħha ma’ dan il-pajjiż. Permezz tad-djalogu u l-kooperazzjoni tagħha, l-UE diġà kkontribwiet għall-progress ekonomiku u soċjali tal-Kenja. L-UE issa qed tfittex li tistabbilixxi sħubija mal-Kenja, sħubija, li tespandi l-investimenti b’appoġġ għall-aġenda tal-“Erbgħa l-Kbar”; l-approfondiment tad-djalogu u l-kooperazzjoni dwar kwistjonijiet ta’ interess komuni, bħall-iżvilupp sostenibbli u li joħloq l-impjiegi, il-ġlieda kontra t-terroriżmu jew l-indirizzar tat-tibdil fil-klima; u li tiżdied il-paċi u s-sigurtà fir-reġjun usa’ u fuq aġendi multilaterali.
B’appoġġ mill-kooperazzjoni tal-UE, il-Kenja esperjenzat progress ekonomiku, soċjali u istituzzjonali konsiderevoli.
- Il-proporzjon ta’ nies li jgħixu taħt il-linja internazzjonali tal-faqar (USD 1.90 kull jum f’2011 PPP) naqas minn 43.6 % fl-2005/2006 għal 35.6 % fl-2015/2016. L-inċidenza tal-faqar hija fost l-aktar baxxa fl-Afrika tal-Lvant u hija aktar baxxa mill-medja reġjonali tal-Afrika sub-Saħarjana.
- Fl-aħħar klassifika tal-Bank Dinji fuq il-Faċilità li Biha Jsir in-Negozju 2020, l-attrazzjoni tal-investituri lejn il-Kenja tjiebet b’6 postijiet oħra fil-pożizzjoni 56 minn 190 ekonomija. Dan it-tielet titjib wassal lill-Kenja mill-pożizzjoni 92 fl-2017, għall-pożizzjoni 80 fl-2018 u għall-pożizzjoni 61 fl-2019. Fl-2019, l-Ambaxxatur tal-UE mexxa laqgħa ta’ negozju mal-President Kenyatta li tat l-opportunità lir-rappreżentanti tas-settur privat li jsemmgħu t-tħassib tagħhom u li jagħmlu sejħa għal riformi.
- L-Unjoni Ewropea ilha taħdem bla waqfien favur l-ugwaljanza bejn is-sessi, b’mod partikolari fix-xena politika. Fl-2010, il-Kenja adottat kostituzzjoni ġdida li biddlet radikalment l-organizzazzjoni tal-istituzzjonijiet politiċi tagħha. Fost id-dispożizzjonijiet tagħha kien hemm klawżoli għal rappreżentanza akbar tas-sessi. L-Unjoni Ewropea tkompli tappoġġa inizjattivi li għandhom l-għan li jrawmu l-ugwaljanza bejn is-sessi. Fl-2019, l-Unjoni Ewropea, pereżempju, iffinanzjat parzjalment programm tar-realtà tat-televiżjoni li rnexxa ħafna, turi l-kelma “Ms President”.
Introduzzjoni
Paragrafi 8 - 10 - Għajnuna għall-iżvilupp
Il-politika tal-UE għall-iżvilupp għandha titwettaq fil-qafas tal-prinċipji u l-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni. L-Artikolu 21 tat-Trattat jinkludi fost l-objettivi tal-azzjoni esterna tal-UE li (d) jitrawwem l-iżvilupp ekonomiku, soċjali u ambjentali sostenibbli ta’ pajjiżi li qed jiżviluppaw, bl-għan primarju li jinqered il-faqar. L-Artikolu 208 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jiddikjara li l-objettiv primarju tal-politika ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE huwa t-tnaqqis u, eventwalment, il-qerda tal-faqar.
Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/322 tat-2 ta’ Marzu 2015 dwar l-implimentazzjoni tal-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ), li jistabbilixxi li jenħtieġ li l-kooperazzjoni tal-FEŻ tikkontribwixxi għal:
- it-trawwim ta' żvilupp ekonomiku, soċjali u ambjentali sostenibbli u inklużiv;
- il-konsolidazzjoni u s-sostenn tad-demokrazija, tal-istat tad-dritt, tal-governanza tajba, tad-drittijiet tal-bniedem u tal-prinċipji rilevanti tad-dritt internazzjonali; kif ukoll
- l-implimentazzjoni ta' approċċ ibbażat fuq id-drittijiet li jinkludi d-drittijiet kollha tal-bniedem
Għalhekk, il-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE tqis il-bilanċ tal-għanijiet kumplessi li għandhom jiġu mfittxija fil-politika tal-iżvilupp.
Il-Kummissjoni u s-SEAE jqisu li huwa importanti li l-għajnuna għall-iżvilupp tal-UE lill-Kenja tiġi vvalutata fil-qafas tal-qafas legali tal-kooperazzjoni tal-UE għall-iżvilupp
Osservazzjonijiet
Paragrafi 25–36 — l-allokazzjoni tal-FEŻ b’mod ġenerali
Paragrafi 27–32 — Il-Kummissjoni allokat 90 % tal-fondi tal-FEŻ lill-Kenja bl-użu ta’ approċċ standardizzat applikat għall-pajjiżi kollha tal-AKP.
Il-metodoloġija użata għall-allokazzjoni tal-fondi lill-pajjiżi tal-FEŻ hija parti mill-proċess ta’ programmazzjoni ġenerali u mhux eżerċizzju separat.
Il-Kummissjoni u s-SEAE allokaw fondi lill-Kenja abbażi tal-valutazzjoni tal-ħtiġijiet, il-kapaċitajiet u l-prestazzjoni tal-pajjiż artikolati permezz ta’ analiżi kwantitattiva u kwalitattiva f’konformità mal-kriterji stabbiliti fl-Aġenda għall-Bidla u l-Ftehim ta’ Cotonou. Il-Kummissjoni u s-SEAE jfakkru li l-istabbiliment tal-prijoritajiet ta’ żvilupp ta’ kull pajjiż u l-istima (u l-paragunar) tad-diskrepanzi fil-finanzjament kienu barra l-objettiv tal-metodoloġija ta’ allokazzjoni.
Kwalunkwe metodu ta’ allokazzjoni finanzjarja jeħtieġ valutazzjonijiet komparabbli. Il-ħtiġijiet speċifiċi u l-prestazzjoni fl-imgħoddi tal-Kenja kienu riflessi fl-indikaturi li ntgħażlu għall-mudell ta’ allokazzjoni. L-aġġustament kwalitattiv ta opportunità addizzjonali biex tiġi koperta l-valutazzjoni speċifika tal-pajjiż u biex tiġi aġġustata l-allokazzjoni inizjali sa 25 %, u dan irriżulta f’aġġustament ta’ 10 % fil-każ tal-Kenja. L-Istati Membri rrevedew il-valutazzjoni finali u kkunsidraw li hija xierqa, peress li ma ġie propost l-ebda aġġustament ieħor.
Il-Kummissjoni u s-SEAE vvalutaw u qabblu l-pajjiżi billi użaw indikaturi komparabbli ta’ bżonn (b’kont meħud, inter alia, ta’ xejriet ta’ żvilupp ekonomiku u soċjali/tal-bniedem u t-triq tat-tkabbir kif ukoll indikaturi ta’ vulnerabbiltà u fraġilità) kapaċità u prestazzjoni kif mitlub fil-Ftehim ta’ Cotonou u l-Aġenda għall-Bidla kif ġej:
- Popolazzjoni (P); Korrelazzjoni pożittiva: iżjed ma tkun kbira l-popolazzjoni, iżjed tkun kbira l-allokazzjoni.
- Dħul Nazzjonali Gross per capita (DNG p/c), indikatur tal-ħtieġa u l-kapaċità u indikatur tal-faqar; Korrelatat b’mod negattiv: aktar ma jkun għoli d-DNG per capita, aktar tkun baxxa l-allokazzjoni.
- Indiċi dwar l-Assi Umani (Human Asset Index, HAI), indikatur tal-ħtieġa li jirrifletti l-istat tal-iżvilupp tal-bniedem f’pajjiż b’rabta mill-qrib mal-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju (Millennium Development Goals, MDG); Korrelatat b’mod negattiv: aktar ma jkun għoli l-HAI per capita, aktar tkun baxxa l-allokazzjoni.
- Indiċi ta’ Vulnerabbiltà Ekonomika (Economic Vulnerability Index, EVI), indikatur ta’ vulnerabbiltà u fraġilità li jkejjel il-limitazzjonijiet strutturali għat-tkabbir irrappreżentat mill-esponiment għal xokkijiet eżoġeni u l-inċidenza ta’ xokkijiet eżoġeni; Korrelazzjoni pożittiva: aktar ma tkun għolja l-vulnerabbiltà, iktar tkun kbira l-allokazzjoni.
- Indikaturi tal-Governanza Dinjija (World Governance Indicators, WGI), indikatur ta’ impenji, prestazzjoni u impatt li jaggregaw sitt dimensjonijiet ta’ governanza: għalhekk, il-governanza, l-istat tad-dritt u l-kontroll tal-korruzzjoni jidhru fil-formula u d-dgħufijiet fl-istat tad-dritt u fil-kontroll tal-korruzzjoni kellhom impatt negattiv fuq l-allokazzjoni tal-Kenja.
Peress li l-biċċa l-kbira tal-indikaturi msemmija hawn fuq huma komposti, il-Kenja ġiet ivvalutata f’ħafna dimensjonijiet ta’ ħtiġijiet u prestazzjoni, u mqabbla dwar dawn ma’ pajjiżi oħra tal-AKP:
- Il-valur prodott mill-ekonomija per capita;
- Il-popolazzjoni mhijiex mitmugħa biżżejjed;
- Ir-rata ta’ mwiet għal tfal li għandhom ħames snin jew anqas;
- Il-proporzjon gross ta’ reġistrazzjoni fl-iskola sekondarja;
- Il-proporzjon tal-litteriżmu fl-adulti;
- Il-bogħod tal-pajjiż;
- Il-konċentrazzjoni tal-esportazzjoni tal-merkanzija u l-instabbiltà tal-esportazzjonijiet ta’ oġġetti u servizzi;
- L-ishma tal-agrikoltura, il-forestrija u s-sajd fl-ekonomija u l-instabbiltà tal-produzzjoni Agrikola;
- Is-sehem tal-popolazzjoni f’żoni kostali baxxi: Il-vittmi ta’ diżastri naturali
- Il-Vuċi u r-Responsabbiltà;
- L-Istabbiltà Politika u n-Nuqqas ta’ Vjolenza; L-Effettività tal-Gvern;
- Il-Kwalità Regolatorja;
- L-Istat tad-Dritt;
- Il-Kontroll tal-Korruzzjoni39.
Prestazzjoni relattivament fqira fl-istat tad-dritt u l-kontroll tal-korruzzjoni baxxew l-allokazzjoni lill-Kenja iżda ma naqqsuhiex għal żero peress li l-prestazzjoni fil-governanza tinteraġixxi ma’ kriterji oħra ta’ bżonn u kapaċità. L-għan tal-allokazzjoni ma kienx li jeskludi pajjiżi minn kooperazzjoni bilaterali futura bbażata fuq indikatur wieħed jew subsett ta’ indikaturi. Dan ma jkunx konformi mal-Ftehim ta’ Cotonou. L-impenn tal-pajjiżi għall-bidla strutturali huwa kriterju mhux definit li ma kienx previst fil-gwida politika.
B’mod parallel mal-proċess ta’ allokazzjoni, id-Delegazzjonijiet tal-UE analizzaw il-ħtiġijiet tal-pajjiżi sħab u l-objettivi tal-iżvilupp skont il-Pjanijiet ta’ Żvilupp Nazzjonali tagħhom. Fil-każ tal-Kenja, l-istrateġija għall-iżvilupp tal-pajjiż: Il-“Viżjoni 2030” hija integrata fil-Programm Indikattiv Nazzjonali (PIN), u għalhekk twettqet valutazzjoni komprensiva tal-ħtiġijiet għall-pajjiż.
Paragrafi 32–36 — Pajjiżi b’popolazzjoni kbira bħall-Kenja rċevew finanzjament li kien proporzjonalment anqas
L-objettiv tal-allokazzjoni kien li jiġu assenjati aktar fondi lill-pajjiżi l-aktar fil-bżonn, kif stabbilit fl-Aġenda għall-Bidla. Dan l-objettiv inkiseb b’żieda ta’ allokazzjonijiet lill-pajjiżi l-inqas żviluppati (Least Developed Countries, LDCs) u pajjiżi bi dħul baxx (Low-Income Countries, LICs) u tnaqqis tal-allokazzjonijiet lil pajjiżi bi dħul medju superjuri (Upper-Middle Income Countries, UMICs) u pajjiżi bi dħul għoli (High-Income Countries, HICs), kif rikonoxxut mill-QEA. L-objettiv ma kienx li tiġi rreplikata l-allokazzjoni tal-10 FEŻ, kif jidher mill-fatt li l-allokazzjonijiet tal-11-il FEŻ kienu differenti minn dawk tal-10 FEŻ (ara l-Anness V).
Il-Kenja rċeviet proporzjonalment inqas finanzjament minħabba li hija fost l-iktar pajjiżi popolati tal-AKP. Limitu massimu għall-popolazzjoni huwa prattika komuni f’mudelli ta’ allokazzjoni ta’ għajnuna, bħal allokazzjoni bbażata fuq il-prestazzjoni użata mill-banek ta’ żvilupp multilaterali. Dan huwa essenzjali “biex jiġi evitat li l-aktar pajjiżi popolati jirċievu ishma kbar mill-ammont totali ta’ għajnuna”40.
Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma tużax l-istess “għajnuna per capita” bħala kriterju għall-allokazzjoni tal-għajnuna u ma tqisx il-ksib ta’ livelli simili ta’ għajnuna għal kull persuna madwar il-pajjiżi kollha bħala punt ta’ riferiment ideali għall-allokazzjoni tal-għajnuna. Dan l-approċċ jinjora wkoll l-ekonomiji tad-dinamiki ta’ skala fl-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp (Official Development Assistance, ODA).
Paragrafi 37–67 — il-programmazzjoni tal-11-il FEŻ fil-Kenja
Paragrafi 37-40: “Aġenda għall-Bidla”
Il-linji gwida ta’ programmazzjoni tal-Kummissjoni jindikaw li biex tintlaħaq massa kritika meta jintgħażel settur, jenħtieġ li jitqiesu l-għarfien, ir-riżorsi umani (inkluża l-kapaċità għad-djalogu dwar il-politika) u r-riżorsi finanzjarji. L-Aġenda għall-Bidla tfassal il-programmazzjoni billi timpenja ruħha li żżid ir-riżorsi għal i) governanza tajba, drittijiet tal-bniedem u demokrazija u ii) it-tkabbir ekonomiku inklużiv u sostenibbli għall-iżvilupp tal-bniedem. Taħt din it-tieni prijorità, l-Aġenda għall-Bidla tiffoka fuq il-protezzjoni soċjali, is-saħħa u l-edukazzjoni, ambjent tan-negozju aktar b’saħħtu u integrazzjoni reġjonali aktar profonda u agrikoltura u enerġija sostenibbli.
It-tkabbir ekonomiku inklużiv u sostenibbli huwa kruċjali għat-tnaqqis fit-tul tal-faqar u x-xejriet ta’ tkabbir huma importanti daqs ir-rati ta’ tkabbir. Għal dan il-għan, l-UE għandha l-għan li tinkoraġġixxi tkabbir aktar inklużiv, ikkaratterizzat mill-ħila tan-nies li jipparteċipaw fil-ħolqien tal-ġid u tal-impjiegi, u li jibbenefikaw minnhom. Il-promozzjoni tax-xogħol deċenti li jkopri l-ħolqien tax-xogħol, il-garanzija tad-drittijiet fuq il-post tax-xogħol, il-ħarsien soċjali u d-djalogu soċjali hija vitali.
Paragrafi 41–47 — Ir-raġunament għall-għażla tas-settur mhuwiex suffiċjentement ċar
Il-Kummissjoni u s-SEAE għażlu s-setturi fokali li kienu se jappoġġaw fl-2014, abbażi tal-pjan ta’ żvilupp nazzjonali tal-Kenja (“Viżjoni 2030”) u l-programmi ta’ implimentazzjoni tiegħu magħrufa bħala Pjan ta’ Terminu Medju. Għall-għażla tas-subsetturi tal-agrikoltura u t-trasport, l-Evalwazzjoni tal-Kooperazzjoni tal-Unjoni Ewropea mal-Kenja 2006–2012, li kienet diġà mxiet ’l quddiem sew fiż-żmien tal-formulazzjoni tal-Programm Indikattiv Nazzjonali (PIN) tal-11-il FEŻ , ipprovdiet raġunament addizzjonali għaliex l-appoġġ għal dawk iż-żoni kellu potenzjal sinifikanti ta’ tnaqqis tal-faqar u għalhekk jenħtieġ li jitkompla. L-Unjoni Ewropea aġġustat il-PIN tal-11-il FEŻ fl-2018 għall-aġenda l-Erbgħa l-Kbar, billi orjentat mill-ġdid l-ewwel settur fokali relatat mal-agrikoltura għall-“Ħolqien tal-impjiegi u r-reżiljenza”.
Fir-rigward tas-settur agrikolu, l-akbar vantaġġ komparattiv tal-Kenja jista’ jkun it-titjib tal-katini tal-valur agrikolu fl-ipproċessar. Il-Kummissjoni tixtieq tinnota li dan kien il-fokus ta’ żewġ proġetti ffinanzjati mill-11-il FEŻ imsejħa Appoġġ għal agrikoltura ta’ skala żgħira produttiva, adattata u integrata fis-suq, inkluża kontribuzzjoni għall-Faċilità ta’ Investiment għall-Afrika (AgriFi) u “Agri-biz: Impjiegi diċenti għaż-Żgħażagħ u n-Nisa fil-Katini ta’ Valur Agrikolu fil-Kenja” (AgriBiz).
Il-Kummissjoni u s-SEAE jaqblu li l-urbanizzazzjoni u t-tkabbir tal-popolazzjoni huma muturi ewlenin li jeħtieġu l-ħolqien ta’ impjiegi fl-ibliet u madwarhom. Ta’ min jinnota, madankollu, li ammont sinifikanti ta’ appoġġ kien skedat għat-titjib tal-infrastruttura urbana (l-10 FEŻ: Ħoloq Neqsin - Toroq urbani ta’ Nairobi; Il-11-il FEŻ : Il-Programm ta’ Mobilità Urbana ta’ Nairobi), u b’hekk kien immirat lejn it-tneħħija ta’ wieħed mill-ostakoli ewlenin biex jinfetaħ il-potenzjal sħiħ ta’ Nairobi għall-ħolqien tal-impjiegi. Il-Kummissjoni tixtieq ukoll tenfasizza li l-ħolqien tal-impjiegi ma jistax jimmaterjalizza biss fil-manifattura iżda wkoll fis-servizzi. Wieħed mis-setturi ewlenin tas-servizzi ta’ Nairobi huwa dak tas-servizzi finanzjarji. L-appoġġ tal-UE mmirat lejn l-aċċess għall-finanzjament fl-agrikoltura u l-enerġija (element importanti fil-PIN tal-11-il FEŻ) għandu impatt ta’ benefiċċju dirett fuqu.
Il-Kummissjoni u s-SEAE jappoġġaw riformi fl-ambjent tan-negozju permezz tal-involviment tagħha mas-settur privat lokali u l-Gvern tal-Kenja, li jippromwovu proċessi ta’ akkwist u deċiżjonijiet ta’ investiment trasparenti u ġusti li jipprovdu opportunitajiet għas-settur tal-manifattura lokali, bħall-Programm tal-10 FEŻ Programm ta’ Standards u Aċċess għas-Suq (Standards and Market Access Programme, SMAP).
Il-Kummissjoni taqbel mal-QEA li s-settur tal-ICT tal-Kenja huwa dinamiku u għandu potenzjal sinifikanti għall-ħolqien tal-impjiegi. Għal din ir-raġuni, il-Viċi President Eżekuttiv tal-Kummissjoni Margrethe Vestager żaret il-Kenja fil-bidu tal-2020, li kien segwit b’laqgħa konġunta ta’ Delegazzjoni UE/NU mal-Ministru tal-ICT tal-Kenja. B’mod ġenerali, dan is-settur qed jiġi kkunsidrat kif xieraq fil-fażi attwali ta’ qabel il-programmazzjoni tal-UE għal strument suċċessur għall-11-il FEŻ.
Paragrafi 48–50 — Il-koordinazzjoni tad-donaturi kellha influwenza limitata fl-għażla tas-setturi fokali
Il-Kummissjoni u s-SEAE jixtiequ jenfasizzaw li qed jikkooperaw mill-qrib ma’ donaturi oħra fi gruppi ta’ ħidma settorjali. B’hekk huma kienu konxji sew, kif intwera wkoll mill-matriċi tad-donaturi tal-PIN, tal-prijoritajiet ta’ donaturi oħra. Il-kooperazzjoni ma’ donaturi oħra tinfluwenza l-għażla tas-setturi fokali tal-Kummissjoni u tas-SEAE. Filwaqt li l-Programm Indikattiv Nazzjonali (PIN), il-Programm Indikattiv Reġjonali (PIR) u l-interventi tematiċi tal-Kummissjoni kkombinati kkostitwixxew rispons komprensiv u laħqu ammonti sostanzjali, waħedhom kienu jiffaċċjaw riskju li jkunu inqas mill-ħtiġijiet, li kienu kbar wisq għal kwalunkwe sieħeb tal-iżvilupp individwali. Madankollu, l-effett ikkombinat tal-isforzi minn diversi Sħab tal-Iżvilupp saħħaħ l-impatt ta’ kull Sieħeb tal-Iżvilupp.
Filwaqt li huwa minnu li l-Istrateġija Konġunta ta’ Kooperazzjoni ppubblikata fl-2015, bħala dokument, ma setgħetx tinfluwenza l-programmazzjoni tal-Programm Indikattiv Nazzjonali tal-11-il FEŻ li sar sena qabel, dan ma għandux jaħbi l-fatt li diġà kienet teżisti kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri tal-UE u d-dinamika li rriżultat fl-Istrateġija Konġunta ta’ Kooperazzjoni fl-2014. Għalhekk, il-formulazzjoni tal-Programm Indikattiv Nazzjonali tal-11-il FEŻ qieset mhux biss l-oqsma speċifiċi li fihom l-Istati Membri tal-UE (inklużi l-Istituti tal-Finanzi tal-Iżvilupp tal-Istati Membri) kif ukoll il-Bank Ewropew tal-Investiment kienu attivi, iżda wkoll l-orizzonti ta’ ppjanar varjati. Pereżempju, fir-rigward tal-appoġġ għall-agrikoltura, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2015)7454 final, meħuda fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-11-il FEŻ, tistipula t-tkomplija tal-appoġġ ta’ politika konġunta fis-settur agrikolu. Dan l-appoġġ ta’ politika konġunta fis-settur agrikolu beda matul l-10 FEŻ bejn l-UE, il-Ġermanja u l-Iżvezja. Din id-Deċiżjoni influwenzat l-għażla tas-setturi għall-11-il FEŻ.
Paragrafi 51–55 — L-għajnuna għall-agrikoltura appoġġat is-sigurtà alimentari, iżda ma ffukatx biżżejjed fuq it-tkabbir u l-produttività tas-settur
Il-Kummissjoni u s-SEAE jixtiequ jenfasizzaw li diversi studji juru li l-potenzjal ta’ tnaqqis tal-faqar tal-investimenti fis-settur agrikolu fl-Afrika huwa ogħla minn dak fis-setturi l-oħra kollha. Pereżempju, il-Bank Dinji qies li “l-effett ta’ parteċipazzjoni tat-tkabbir agrikolu (fuq it-tnaqqis tal-faqar) bħala medja huwa 1.5 darbiet sa darbtejn akbar minn dak tas-setturi mhux agrikoli”41). Wara r-Rieżami ta’ Nofs it-Terminu tal-11-il FEŻ, is-settur ġie orjentat mill-ġdid mis-“Sigurtà tal-ikel u r-reżiljenza għax-xokkijiet tal-klima” għall-“Ħolqien tal-impjiegi u r-reżiljenza” u l-allokazzjoni għas-settur żdiedet għal EUR 228.5 miljun. Għalhekk, l-appoġġ tal-UE lill-Kenja ġie aġġustat b’mod preċiż biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet tal-ħolqien tal-impjiegi għaż-żgħażagħ fil-Kenja, l-appoġġ għall-agro-industrija u għall-agro-proċessar. Pereżempju, minn Mejju 2020, il-programm AgriFi Kenja pprovda għotjiet lil 14-il kumpanija, il-kofinanzjament ta’ pjanijiet ta’ negozju mmirati lejn 124,545 bidwi żgħir, bil-mira li jinħolqu mill-inqas 10,000 impjieg dirett addizzjonali.
Il-Kummissjoni tixtieq ukoll tenfasizza li parti kbira mill-fondi tal-PIN kienu qed jiffukaw fuq it-tkabbir u l-produttività tal-agrikoltura. Minn EUR 145.5 miljun, aktar minn nofs il-fondi allokati għall-ewwel settur fokali (60 %) appoġġaw it-tkabbir tas-settur u l-produttività (minimu ta’ EUR 88.5 miljun permezz tat-taħlit tal-programm AgriFi (EUR 45 miljun) u t-taħlit tal-programm Agrikolu (EUR 43.5 miljun). Barra minn hekk, EUR 36.6 miljun għadhom qed jiġu implimentati mill-10 FEŻ, il-Programm ta’ Tisħiħ taċ-Ċerjali tal-Kenja (Kenya Cereal Enhancement Programme, KCEP) u l-Produttività u l-Profittabbiltà Mtejba u l-Prattika Agrikola Tajba f’Żoni ASAL (IPP-GAP) li jikkontribwixxu wkoll għat-tkabbir u l-produttività fis-settur agrikolu.
Paragrafi 56–62 — L-għajnuna li tingħata lill-infrastruttura hija rilevanti iżda l-pjanijiet mhumiex realistiċi fid-dawl tal-finanzjament disponibbli
L-infrastruttura sostenibbli tas-settur fokali ntgħażlet abbażi tal-esperjenza miġbura matul l-10 FEŻ , l-evalwazzjoni li kienet għaddejja dak iż-żmien tal-appoġġ tal-UE lill-Kenja 2006–2012 u l-opinjonijiet b’saħħithom li kellu l-gvern tal-pajjiż sieħeb urew li l-impatt tagħha fuq it-tkabbir ekonomiku kien għoli.
Il-Kummissjoni taqbel mal-QEA li EUR 175 miljun huma ftit wisq meta mqabbla mal-ħtiġijiet fis-settur tal-infrastruttura. Madankollu, l-PIN tal-11-il FEŻ ġie żviluppat bl-għarfien li (a) fondi oħra tal-UE kienu qed jidħlu f’dawn l-oqsma permezz ta’ programmi tematiċi u reġjonali42, u li t-taħlit jista’ jsaħħaħ b’mod sinifikanti l-impatt tal-għotjiet tal-UE; (b) l-azzjonijiet tal-Istati Membri tal-UE jtejbu l-impronta tal-UE; (c) ikun hemm finanzjament minn Sħab ta’ Żvilupp oħra. Jekk il-ħtiġijiet għal settur ewlieni huma kbar wisq għal Sieħeb tal-Iżvilupp waħdu, l-unika triq ’il quddiem hija li r-riżorsi jinġabru flimkien, billi tiġi applikata waħda mit-temi ewlenin tal-Aġenda għall-Bidla.
L-ammont ta’ appoġġ tal-UE għall-infrastruttura tal-enerġija u tat-trasport fil-Programm Indikattiv Nazzjonali (EUR 175 miljun) irid jiġi aggregat b’fondi li ġejjin mill-programmi tematiċi u reġjonali tal-UE; li mmoltiplikaw l-effett billi jitħalltu ma’ self mill-Istituti tal-Finanzi tal-Iżvilupp (Development Finance Institutes, DFI). Il-modalità ta’ taħlit, li twassal għal għotjiet tal-UE b’self mid-DFI, kienet prevista wkoll bħala l-modalità ta’ implimentazzjoni ppreferuta fil-Programm Indikattiv Nazzjonali tal-11-il FEŻ.
Barra minn hekk, il-Kummissjoni tenfasizza li meta jiġu kkunsidrati modalitajiet ta’ finanzjament ġodda bħat-taħlit u l-garanziji baġitarji, wieħed għandu jikkunsidra r-riżorsi finanzjarji ingranati u mhux biss il-komponent ta’ għotja użat (jew fondi proviżjonati fil-każ ta’ garanziji). Ir-rapport tal-QEA jiffoka fuq il-komponent tal-għotja biss meta jindirizza l-operazzjonijiet ta’ taħlit, u b’hekk ma jagħtix kont tal-effett ta’ ingranaġġ ta’ dawn il-fondi li jista’ jilħaq fattur ta’ għaxra. Huwa importanti li dan jiġi ssottolinjat billi huwa konformi mal-Aġenda ta’ Azzjoni ta’ Addis Ababa u l-objettiv tal-ingranaġġ tal-fondi tas-settur privat sabiex jitnaqqas id-distakk ta’ finanzjament eżistenti bħalissa biex jintlaħqu l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (Sustainable Development Goals, SDG).
Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, il-Kummissjoni u s-SEAE jixtiequ jtennu li l-Unjoni Ewropea ma taħdimx waħedha u li l-fondi tagħha huma kumplimentari għal dawk allokati minn donaturi oħra. Sabiex jittejbu s-sinerġiji, l-Unjoni Ewropea impenjat ruħha f’eżerċizzju ta’ programmazzjoni konġunt fil-Kenja mal-Istati Membri tal-UE rrappreżentati fil-pajjiż u l-Bank Ewropew tal-Investiment.
Paragrafi 63–67 — L-għajnuna għas-settur tal-governanza ma kinitx tiffoka direttament fuq il-ġlieda kontra l-korruzzjoni
Il-Kummissjoni u s-SEAE jaqblu li l-korruzzjoni hija wieħed mill-ikbar ostakli għall-iżvilupp tal-Kenja, madankollu hija sfida tas-soċjetà b’għeruq sodi li ma jistgħux jiġu indirizzati direttament. L-appoġġ ta’ sistemi elettorali biex tiġi introdotta l-emerġenza ta’ politika bbażata fuq kwistjonijiet, il-promozzjoni tal-aċċess għall-ġustizzja, u ż-żieda fit-trasparenza tal-finanzi pubbliċi huma aspetti importanti biex is-soċjetà Kenjana tiġi megħjuna tagħmel it-tranżizzjoni minn kuntratt soċjali xprunat mill-korruzzjoni u l-patroċinju ta’ demokrazija li tiffunzjona b’mod modern.
Fir-rigward tal-għażla li ssir enfasi fuq l-aċċess għall-ġustizzja għall-foqra u l-alternattivi għall-priġunerija, l-għażla saret b’mod ċar f’konformità mal-politika tal-UE dwar il-ġustizzja u d-drittijiet tal-bniedem. Id-deċiżjoni qieset in-nuqqas ta’ aċċess sinifikanti għall-ġustizzja għall-foqra fil-pajjiż, il-kundizzjonijiet inumani u l-affollament eċċessiv fil-ħabsijiet u l-faċilitajiet ta’ detenzjoni Kenjani, minħabba l-użu estensiv u spiss abbużiv tad-detenzjoni qabel il-proċedimenti.
L-intervent tal-UE dwar il-ġustizzja fil-Kenja kellu wkoll l-għan li jtejjeb il-kwalità u l-effiċjenza tas-sistema tal-ġustizzja kriminali, inkluż il-bini tal-kapaċità u l-iżvilupp organizzattiv għall-Uffiċċju tad-Direttur tal-Prosekuzzjoni Pubblika (Office of the Director of Public Prosecution, ODPP). Fil-prinċipju, jenħtieġ li t-tisħiħ tas-sistema/katina tal-ġustizzja kriminali u, b’mod partikolari, l-ODPP jippermetti lill-pajjiż sieħeb biex jaġġorna l-kapaċitajiet tiegħu biex jinvestiga u jipproċedi kontra każijiet kriminali, inklużi każijiet ta’ korruzzjoni.
Barra minn hekk, l-appoġġ tal-UE għall-Kenja ffoka fuq il-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi. Intwera li t-titjib fil-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi huwa assoċjat ma’ titjib fil-perċezzjonijiet tal-korruzzjoni, wara li ġie kkontrollat għal fatturi oħra. It-titjib tal-kontrolli tal-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi jidher li huwa aktar importanti mit-titjib fit-trasparenza. Għalhekk, it-tisħiħ tal-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi - l-eżekuzzjoni tal-baġit, il-kontabilità, l-awditjar u s-sorveljanza - għandu influwenza fuq il-korruzzjoni u huwa mira raġonevoli tar-riformi meta l-objettiv huwa li l-korruzzjoni titrażżan.
L-Unjoni Ewropea kkontribwixxiet ukoll għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni permezz ta’ attivitajiet diplomatiċi. L-Ambaxxaturi tal-UE qajmu regolarment din il-kwistjoni meta ltaqgħu mal-kontropartijiet fil-livelli kollha tal-Gvern tal-Kenja u b’mod partikolari fl-okkażjoni tad-djalogu fuq l-Artikolu 8. Fl-aħħar nett, jenħtieġ li l-ġlieda tal-President Kenyatta kontra l-korruzzjoni mnedija wara li ġie elett mill-ġdid fl-2018 tiġi rikonoxxuta.
L-aħħar iżda mhux l-inqas, il-Kummissjoni u s-SEAE jixtiequ jenfasizzaw li l-korruzzjoni mhijiex l-uniku indikatur tal-impenn ta’ pajjiż għal riformi strutturali. Fl-aħħar klassifika tal-Bank Dinji fuq il-Faċilità li Biha Jsir in-Negozju 2020, l-attrazzjoni tal-Kenja għall-investituri tjiebet b’6 postijiet oħra meta mqabbel mas-sena ta’ qabel, u mxiet għall-pożizzjoni 56 minn 190 ekonomija, filwaqt li fl-2017 il-pajjiż kien fil-pożizzjoni 92 fl-2017.
Paragrafi 68–78 — l-impatt/il-kisbiet tal-10 FEŻ fil-Kenja
Paragrafi 69–72 — L-appoġġ li ngħata mill-UE għat-toroq tejjeb l-aċċess għal servizzi bażiċi, iżda l-kontribut tiegħu għall-iżvilupp ekonomiku mhuwiex iddimostrat
Il-Kummissjoni tqis li l-appoġġ tal-UE għat-toroq tejjeb l-aċċess għas-servizzi bażiċi, u li dan l-impatt jista’ jiġi traċċat. It-triq ta’ Merille-Marsabit, mibnija bil-fondi tal-UE, hija eżempju tajjeb. It-traffiku medju ta’ kuljum għall-perjodu minn Diċembru 2018 sa Jannar 2020 kien ta’ 543 vettura tal-kategoriji kollha fiż-żewġ direzzjonijiet. Din hija żieda ta’ madwar 22 % mill-2017, u ta’ kważi 400 % mill-2014. Din id-data turi impatt sinifikanti ħafna fuq dak li qabel kien parti ferm traskurata u mbiegħda tal-Kenja.
Il-biċċa l-kbira tas-sħab fil-proġett tal-UE jirrikonoxxu l-impatt ekonomiku qawwi trasformattiv tat-triq. Il-fabbrika tal-ħalib tal-iġmla, li ġiet miżjura mill-QEA, ipprovdiet aktar evidenza korroborattiva. Il-fabbrika espandiet u żiedet il-bejgħ tagħha. Issa l-ħalib jista’ jiġi ttrasportat fiha minn żona ferm usa’, u se jipprovdi dħul lill-fornituri, preċiżament minħabba t-triq iffinanzjata mill-UE. Din hija illustrazzjoni tajba tal-impatt ekonomiku tat-triq fuq il-popolazzjoni tar-reġjun.
Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li n-nuqqas ta’ triq huwa biss wieħed mill-ostakli għall-kummerċ bejn l-Etjopja u l-Kenja. Attivitajiet oħra ffinanzjati mill-UE bħall-operazzjonalizzazzjoni aktar sħiħa tal-post tal-fruntiera ta’ waqfa waħda f’Moyale (iffinanzjat permezz ta’ programm tal-Programm Indikattiv Reġjonali tal-11-il FEŻ ) jew inizjattivi tal-Kummissjoni bħall-Inizjattiva attwali tal-Qarn tal-Afrika (mal-Bank Dinji u l-Bank Afrikan tal-Iżvilupp), li għandha l-għan li tegħleb l-effetti negattivi tas-segregazzjoni reġjonali, qed tindirizza dawn l-ostakoli l-oħra.
Paragrafi 73–76 — Terz tal-għajnuna li ngħatat lill-Kenja taħt l-10 FEŻ appoġġat lill-bdiewa b’azjenda agrikola żgħira f’reġjuni ASAL, li l-impatt tagħhom fuq l-ekonomija inġenerali tal-Kenja huwa baxx
Il-Kummissjoni tixtieq tindika li l-għajnuna tal-10 FEŻ tal-Kenja fis-settur tal-agrikoltura kellha objettivi usa’ mill-impatt fuq l-ekonomija ġenerali tal-Kenja. Il-Kummissjoni tqis li jenħtieġ li l-impatt tal-proġetti jiġi vvalutat fid-dawl tal-objettiv tagħhom fi żmien it-tfassil u l-approvazzjoni, li jinkludu t-titjib tas-sigurtà tal-ikel, it-titjib fit-tħejjija u r-reżiljenza għall-perjodi ta’ nixfa, u l-kontribut għat-tnaqqis tal-faqar fiż-żoni rurali, permezz ta’ produttività mtejba u aċċess għas-swieq.
Il-Kummissjoni taqbel mal-QEA li t-titjib tal-katini tal-valur agrikoli fl-ipproċessar jista’ jikkontribwixxi biex jiżdied il-qligħ mill-esportazzjoni u jinħolqu l-impjiegi. Il-Kummissjoni tixtieq ittenni li l-integrazzjoni tal-bdiewa ż-żgħar fil-katini ta’ valur tal-agro-proċessar kienet l-enfasi tal-proġetti AgriFi u AgriBiz imsemmija hawn fuq.
Konklużjonijiet
Il-Kummissjoni u s-SEAE jikkunsidraw li l-għajnuna tal-UE mogħtija lill-Kenja kienet ibbażata fuq il-ħtiġijiet speċifiċi tal-Kenja u primarjament diretta lejn l-objettiv globali tal-UE li jitnaqqas il-faqar kif minqux fit-Trattat tal-UE. Peress li r-riżorsi huma limitati u fil-kuntest tal-iżvilupp soġġetti għall-volatilità, hemm bżonn li jsiru għażliet fil-fażi tal-programmazzjoni u jiġu adattati matul l-implimentazzjoni biex tingħata attenzjoni għal xokkijiet esterni u interni. Dawn l-għażliet kienu razzjonali, ibbażati fuq analiżi soda u s-saħħa eżistenti tal-kooperazzjoni tal-UE, filwaqt li jinkorporaw ukoll oqsma u approċċi ġodda u bbażati fuq approċċ ta’ sħubija mal-Kenja li l-Gvern tagħha talab u appoġġa bis-sħiħ is-setturi magħżula.
Il-QEA tirrikonoxxi wkoll impatt u f’termini ta’ bini tar-reżiljenza tal-Kenja fil-paragrafi 69, 75 u 78 tar-rapport tagħha. B’riżultat ta’ dan, il-Kummissjoni u s-SEAE jqisu li l-impatt tal-programmi f’termini ta’ benesseri soċjali u reżiljenza nazzjonali għandu jkun rikonoxxut mill-QEA. Pereżempju, is-serje ta’ programmi “Ħidma biex tintemm l-emerġenza tal-Perjodi ta’ Nixfa” li għandha l-għan li ssaħħaħ ir-reżiljenza tal-Kenja kienet tant ta’ suċċess li l-Gvern tal-Kenja ddeċieda li jieħu f’idejh u jiffinanzja l-Awtorità Nazzjonali għall-Ġestjoni tan-Nixfiet (National Drought Management Authority, NDMA) mill-baġit tal-Istat. L-NDMA issa hija aġenzija tal-Gvern tal-Kenja li għandha l-mandat li tistabbilixxi mekkaniżmi li jiżguraw li n-nixfa ma twassalx għal emerġenzi u li l-impatti tat-tibdil fil-klima jkunu mitigati biżżejjed.
Rakkomandazzjonijiet
Rakkomandazzjoni 1 - Kunsiderazzjoni mill-ġdid tal-approċċ għall-allokazzjoni tal-għajnuna għall-iżvilupp tal-UESkont l-eżitu tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja li għaddejja għall-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali (Neighbourhood, Development and International Cooperation Instrument, NDICI), il-bażi legali proposta mill-Kummissjoni għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) 2021–2027 li jmiss, il-Kummissjoni u s-SEAE jaċċettaw ir-rakkomandazzjoni 1.a) u ma jaċċettawx ir-rakkomandazzjoni 1.b).
Fir-rigward tar-rakkomandazzjoni 1.a), il-Kummissjoni u s-SEAE jixtiequ jenfasizzaw li d-determinazzjoni dettaljata tal-allokazzjoni ta’ fondi taqa’ taħt il-kompetenza tal-Kummissjoni biex teżegwixxi l-baġit u tiġġestixxi l-programmi (l-Artikolu 17 tat-Trattat tal-UE), abbażi ta’ kriterji adottati mill-koleġiżlaturi għal din l-allokazzjoni - ara l-kriterji ta’ allokazzjoni fl-Artikolu 11(2) tal-“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew (PE) u l-Kunsill li jistabbilixxi l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali”, (NDICI)43.
F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni, kif għamlet fil-passat, se tinforma kif xieraq lill-istituzzjonijiet tal-UE kkonċernati dwar il-metodu ta’ allokazzjoni ta’ fondi bejn pajjiżi terzi, inklużi l-pajjiżi tal-AKP. Jenħtieġ li jiġi enfasizzat li, peress li l-Kummissjoni pproponiet li tintegra l-kooperazzjoni mal-pajjiżi tal-AKP fil-baġit tal-UE, ir-rwol tal-Parlament Ewropew se jissaħħaħ meta mqabbel mar-rwol tiegħu taħt il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp, b’mod partikolari fir-rigward tas-setgħat leġiżlattivi, baġitarji u ta’ kontroll. Il-modalitajiet eżatti tal-involviment tal-Istati Membri taħt il-kumitat tal-NDICI, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew fil-governanza tal-NDICI għad iridu jiġu diskussi fin-negozjati leġiżlattivi tal-NDICI.
Rigward ir-rakkomandazzjoni 1.b), il-Kummissjoni u s-SEAE ma jaċċettawhiex għal żewġ raġunijiet ewlenin. L-ewwel nett, il-Kummissjoni u s-SEAE jqisu t-tifsira ta’ “introduzzjoni ta’ kundizzjonijiet speċifiċi” mhux ċara fil-kuntest tal-allokazzjonijiet, peress li l-prestazzjoni u l-impenji tal-pajjiżi kienu fost il-kriterji użati, flimkien mal-ħtiġijiet u l-impatt, fl-allokazzjoni tal-11-il FEŻ. Il-kriterji ta’ prestazzjoni inkludew l-istat tad-dritt u l-kontroll tal-korruzzjoni bħala dimensjonijiet tal-governanza.
It-tieni, il-Kummissjoni u s-SEAE jqisu li l-introduzzjoni tal-kunċett ta’ “kundizzjonalità” (kif implikat mill-kliem tar-rakkomandazzjoni) tmur lil hinn mill-kriterji tal-“impenji” jew il-“prestazzjoni” tal-pajjiżi sħab fl-allokazzjoni tal-kooperazzjoni bilaterali futura (abbażi ta’ indikatur wieħed jew subsett ta’ indikaturi). Dan ma jkunx konformi mal-Ftehim ta’ Cotonou jew, fir-rigward tal-futur, mat-test propost mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 11(2) tal-NDICI, li jipprovdi li l-programmi ġeografiċi għandhom ikunu bbażati fuq:
“(a) il-ħtiġijiet tas-sħab, stabbiliti fuq il-bażi ta’ kriterji speċifiċi li jqisu l-popolazzjoni, il-faqar, l-inugwaljanza, l-iżvilupp tal-bniedem, il-vulnerabbiltà ekonomika u ambjentali, u r-reżiljenza tal-istat u tas-soċjetà;
(b) il-kapaċitajiet tas-sħab li jiġġeneraw u jaċċessaw riżorsi finanzjarji u l-kapaċitajiet tagħhom ta’ assorbiment;
(c) l-impenji u l-prestazzjoni tas-sħab, stabbiliti fuq kriterji bħar-riforma politika u l-iżvilupp ekonomiku u soċjali;
(d) l-impatt potenzjali tal-finanzjament tal-Unjoni fil-pajjiżi u r-reġjuni sħab”.
In-negozjati leġiżlattivi għall-adozzjoni tal-NDICI għadhom ma ġewx konklużi u l-Kummissjoni u s-SEAE, sakemm joħorġu r-riżultati ta’ dawn in-negozjati, mhumiex f’pożizzjoni li jaċċettaw din ir-rakkomandazzjoni.
Rakkomandazzjoni 2 — Valutazzjoni tal-massa kritika fl-għażla tas-setturi fokali fil-KenjaIl-Kummissjoni u s-SEAE jaċċettaw ir-rakkomandazzjoni 2, bil-fehim li titqies il-massa kritika f’termini ta’ għarfien, riżorsi umani (inkluża l-kapaċità għad-djalogu dwar il-politika) u riżorsi finanzjarji.
Fil-Kunsens Ewropew Ġdid għall-Iżvilupp tal-2017, l-UE u l-Istati Membri impenjaw ruħhom li jsaħħu l-kooperazzjoni billi jżidu l-użu ta’ programmazzjoni konġunta u implimentazzjoni konġunta. Fl-Istrument propost ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI) skont il-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss, il-programmazzjoni konġunta hija l-approċċ ippreferut. Il-kunċett ta’ massa kritika se jkollu jitqies fil-kuntest tal-isforz konġunt tal-UE u l-Istati Membri lejn objettiv komuni u mhux għal organizzazzjoni waħda waħedha. Nimxu ’l quddiem, l-NDICI propost se jżid il-kapaċità tal-garanziji baġitarji, u b’hekk isaħħaħ il-kapaċità tal-Kummissjoni li tingrana fondi mis-settur privat u li tilħaq il-massa kritika.
Rakkomandazzjoni 3 — Tingħata prijorità lill-iżvilupp ekonomiku sostenibbli u l-istat tad-dritt fil-KenjaIl-Kummissjoni u s-SEAE jaċċettaw parzjalment ir-rakkomandazzjoni 3. Is-SEAE u l-Kummissjoni se jagħtu prijorità lill-iżvilupp ekonomiku sostenibbli fil-Kenja, iżda ma jistgħux jimpenjaw ruħhom, fiż-żmien tal-awditu, li jagħtu prijorità lill-istat tad-dritt u lis-setturi bil-potenzjal li jattiraw investimenti diretti barranin u jkabbru l-esportazzjonijiet. Dawn is-setturi jistgħu ma jkunux fejn se jinkiseb l-akbar impatt fuq it-tnaqqis tal-faqar u jistgħu jkunu oqsma li sħab oħra tal-iżvilupp jistgħu jkunu f’pożizzjoni aħjar biex jappoġġaw.
Il-Kummissjoni u s-SEAE se jkomplu jaħdmu mal-Kenja fil-qafas tat-Trattat ta’ Lisbona u jappoġġaw il-qerda tal-faqar u l-iżvilupp sostenibbli, kif stabbilit ukoll fl-Aġenda 2030 u l-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli tagħha (Aġenda 2030) għas-sħubijiet internazzjonali futuri kollha tal-UE.
Barra minn hekk, ta’ min jinnota li l-Artikolu 12 tal-NDICI propost jistabbilixxi li l-programmi indikattivi Pluriennali (Multiannual Indicative Programmes, MIPs) għandhom jistabbilixxu l-oqsma ta’ prijorità magħżula għall-finanzjament tal-Unjoni u li dawn l-MIPs għandhom jinbnew fuq:
“(a) strateġija nazzjonali jew reġjonali fil-forma ta’ pjan ta’ żvilupp jew dokument simili jew
(b) dokument qafas li jistabbilixxi l-politika tal-Unjoni lejn is-sieħeb jew is-sħab konċernati, inkluż dokument konġunt bejn l-Unjoni u l-Istati Membri.”
Minbarra l-prijoritizzazzjoni tas-setturi skont il-Pjan ta’ Żvilupp Nazzjonali tal-pajjiż sieħeb u l-prijoritajiet u l-interessi tal-Istati Membri tal-UE kif stabbilit mill-NDICI, il-prijoritajiet tal-Kummissjoni fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp għall-perjodu li jmiss ta’ 5 snin jinkludu l-Patt Ekoloġiku, it-teknoloġiji diġitali u tad-data, is-sħubijiet ta’ migrazzjoni, it-tkabbir sostenibbli u l-impjiegi u l-governanza, il-paċi u s-sigurtà. F’dan il-kuntest, il-promozzjoni tat-tkabbir sostenibbli u l-ħolqien ta’ impjiegi deċenti huma fost il-prijoritajiet tal-kooperazzjoni attwali u futura tal-UE.
Il-Kummissjoni u s-SEAE jixtiequ jissottolinjaw li anke f’pajjiż bi dħul baxx bħall-Kenja, jenħtieġ li ċerti fondi jibqgħu jingħataw prijorità biex tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-pajjiż u biex jiġu appoġġati l-ifqar nies (inklużi r-refuġjati u l-komunitajiet ospitanti). Barra minn hekk, (i) mhux biss il-mobilizzazzjoni tal-investiment dirett barrani; li jgħodd iżda wkoll il-mobilizzazzjoni ta’ riżorsi domestiċi (bħal pensjonijiet, fondi) u ta’ rimessi għal użi produttivi; (ii) jenħtieġ li l-ġlieda kontra l-marġinalizzazzjoni, l-inugwaljanza u l-faqar f’żoni żvantaġġati ma tiġix injorata.
Noti finali
1 Il-Bank Afrikan tal-Iżvilupp, 2018 African Economic Outlook: Kenya Country Note, p. 1.
2 Il-Bank Dinji (2010), Demographic transition and growth in Kenya, Wolfgang Fengler.
3 Il-Bank Dinji (2016), Kenya Urbanization Review, p. 25.
4 Id-Database tal-Bank Dinji: https://data.worldbank.org/indicator/SI.POV.DDAY?locations=KE.
5 L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika tal-Kenja: Kenya Integrated Household Budget Survey 2015/2016, pp. 44, 46 u 49.
6 Il-Grupp tal-Bank Dinji: 2018 Kenya Ecomomic Update, p. 43 (is-snin mill-2011 sal-2018). Il-Grupp tal-Bank Dinji (2016): Kenya Country Economic Memorandum: From Economic Growth to Jobs and Shared Prosperity, p. ix u 2 (is-snin mill-2003 sal-2014).
7 Il-Grupp tal-Bank Dinji (2016): Kenya Country Economic Memorandum: From Economic Growth to Jobs and Shared Prosperity, p. ix u 2.
8 Il-Bank Afrikan tal-Iżvilupp, 2018 African Economic Outlook: Country Note Kenya, p. 2.
9 Il-Grupp tal-Bank Dinji, 2018 Kenya Economic Update, p. 5.
10 EU-Kenya cooperation, National Indicative Programme 2014-2020.
11 https://www.oecd.org/dac/financing-sustainable-development/development-finance-standards/official-development-assistance.htm
12 KUMM(2011) 637 finali: Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, “Inżidu l-impatt tal-Politika tal-UE għall-Iżvilupp: Aġenda għall-Bidla”.
13 Il-Ftehim ta’ Cotonou skada fi Frar 2020.
14 Għall-11-il FEŻ, ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/322 tat-2 ta’ Marzu 2015 dwar l-implimentazzjoni tal-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp.
15 Ir-Rapport Speċjali Nru 21/2015 tal-QEA: “Analiżi tar-riskji relatati ma’ approċċ orjentat lejn ir-riżultati, għal azzjoni tal-UE fl-iżvilupp u l-kooperazzjoni”.
16 Aġenda għall-Bidla, p. 9.
17 Għal Tuvalu, pereżempju, li għandu l-iżgħar popolazzjoni ta’ LDCs ta’ 10 000 persuna biss, l-ammont riċevut kien ta’ EUR 380 għal kull persuna.
18 Il-limitu massimu applikat għal erba’ LDCs/LICs (il-Kenja, it-Tanzanija, ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u l-Etjopja) u LMIC wieħed (in-Niġerja).
19 Struzzjonijiet għall-programmazzjoni tal-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ) u l-Istrument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI) – 2014-2020, p. 2 tal-Anness II.
20 Struzzjonijiet għall-programmazzjoni tal-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ) u l-Istrument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI) – 2014-2020.
21 Aġenda għall-Bidla, p. 9.
22 Struzzjonijiet għall-programmazzjoni, p. 2 tal-Anness II.
23 Vision 2030 ġie adottat fl-10.6.2008 u jkopri l-perjodu 2008-2030. Pjanijiet fuq Terminu Medju qed isiru għal perjodi ta’ ħames snin. It-tieni Pjan fuq Terminu Medju jkopri l-perjodu 2013-2017, bejn wieħed u ieħor l-istess perjodu kopert mill-11-il FEŻ.
24 Simone Raudino. Development Aid and Sustainable Economic Growth in Africa. Il-Kapitolu 3, pp. 79-129. Ara wkoll Uchenna R. Efobi u Simplice Asongu (Ed.) Financing Sustainable Development in Africa, pp. 421-450. Ara wkoll: Carol Newman. (Ed.) Manufacturing transformation, pp. 1-23.
25 Dianah Ngui, Jacob Chege, u Peter Kimuyu. Kenya’s Industrial Development. Artiklu f’Manufacturing Transformation. Ed. Carol Newman, p. 80.
26 Carol Newman, etc. (Ed.) Manufacturing transformation, p. 5. Ara wkoll: Uchenna R. Efobi u Simplice Asongu (Ed.) Financing Sustainable Development in Africa, pp. 428-429.
27 Il-Grupp tal-Bank Dinji (2016): Kenya Country Economic Memorandum: From Economic Growth to Jobs and Shared Prosperity, pp. xvii u vii.
28 L-AfDB, 2018 African Economic Outlook: Kenya Country Note, p. 9.
29 L-Istrateġija Ewropea ta’ Kooperazzjoni Konġunta mal-Kenja għall-2018-2022.
30 Il-Bank Dinji: Kenya Economic Update. Unbundling the Slack in Private Sector Investment. Transforming Agriculture Sector Productivity and Linkages to Poverty Reduction, pp. 30-31.
31 Ibid, p. 31.
32 L-AfBD, 2018 African Economic Outlook: Kenya Coutry Note, pp. 8 u 9.
33 Integrity risks for international businesses in Kenya. Rapport li ġie ppubblikat minn U4 Anti-Corruption u Transparency International, pp. 2-5.
34 Inklużi r-rappreżentanti mid-Delegazzjoni tal-UE fil-Kenja u minn organizzazzjonijiet Ewropej, bħall-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Kamra tal-Kummerċ Ġermaniża.
35 Għall-finijiet ta’ tqabbil, medja ta’ 37 000 vettura ta’ kull tip jgħaddu kuljum mis-Sabasaba Junction – Makupa Causeway – Changamwe (~3.2 km). Minn dawn, madwar 12 000 huma trakkijiet tqal. Is-sezzjonijiet tat-triq li huma barra miż-żona kummerċjali, jiġifieri Miritini – Mazeras – Mariakani (~26 km) jaraw medja ta’ 9 500 vettura kuljum, inkluż 4 300 trakk tqil. Sors: Mombasa to Mariakani (A109) Road. Preliminary and Detailed Engineering Design. Environmental and Social Impact Assessment (Esia) Report, pp. 153-154.
36 USAID study of Kenya–Ethiopia trade corridor: A pathway to agricultural development, regional economic integration and food security, 2018, p. 1.
37 Ibid., pp. 43 u 22.
38 L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika tal-Kenja: Kenya Integrated Household Budget Survey 2015/2016, pp. 44, 46 u 49.
39 Għall-kejl tal-popolazzjoni u d-DNG per capita (f’dollari internazzjonali kurrenti), intużaw iċ-ċifri tal-Bank Dinji tal-2012. (ara https://databank.worldbank.org/reports.aspx?source=world-development-indicators). L-indikaturi l-oħra huma parti mill-indikaturi komposti msemmija hawn fuq: HAI, EVI u WGI. Għall-proċess tal-allokazzjoni, intużaw iċ-ċifri tal-2011 għall-Indikaturi tal-Governanza Dinjija tal-Bank Dinji u ċ-ċifri tal-2012 għad-DESA tan-NU, l-EVI u l-HAI. Għad-definizzjonijiet attwali dettaljati ta’ dawn l-indikaturi, ara http://info.worldbank.org/governance/wgi/, https://www.un.org/development/desa/dpad/least-developed-country-category/evi-indicators-ldc.html, u https://www.un.org/development/desa/dpad/least-developed-country-category/hai-indicators.html.
40 Jekk jogħġbok ara P. Guillaumont u al. “Kif titqies il-vulnerabbiltà fil-Kriterji għall-allokazzjoni tal-Għajnuna u n-nuqqas ta’ kapital uman ukoll: intejbu l-Allokazzjoni Bbażata fuq il-Prestazzjoni”, 2017
41 Ara: Down to Earth: Agriculture and Poverty Reduction in Africa, Luc Christiaensen and Lionel Demery, Bank Dinji, 2007
42 Pereżempju, il-Proġett tat-Triq “Malindi – Lunga Lunga/Horohoro - Bagamoyo: Fażi I” b’kontribuzzjoni mill-UE ta’ EUR 30 miljun mill-Programm Indikattiv Reġjonali tal-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp u l-Proġett tal-Enerġija mir-Riħ tal-Lag Torana b’kontribuzzjoni tal-UE ta’ EUR 25 miljun (sehem ta’ ekwità preferut) mill-Fond Fiduċjarju għall-Infrastruttura UE-Afrika.
43 Il-Kummissjoni u s-SEAE jinnotaw li r-referenzi magħmula fit-tweġibiet għall-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI) propost huma mingħajr preġudizzju għall-eżitu tal-proċedura leġiżlattiva jew ma jippreġudikawx l-eżitu tal-proċedura leġiżlattiva li għaddejja.
Kronoloġija
| Avveniment | Data |
|---|---|
| Il-Memorandum ta’ Ppjanar tal-Awditjar (APM) jiġi adottat / L-awditu jinbeda | 16.10.2018 |
| L-abbozz ta’ rapport jintbagħat uffiċjalment lill-Kummissjoni (jew lill-entità l-oħra awditjata) |
13.3.2020 |
| Ir-rapport finali jiġi adottat wara l-proċedura kontradittorja | 16.6.2020 |
| Ir-risposti uffiċjali tal-Kummissjoni (jew tal-entità l-oħra awditjata) jaslu bil-lingwi kollha | 23.7.2020 |
Kuntatt
IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI
12, rue Alcide De Gasperi
1615 Luxembourg
LUXEMBOURG
Tel. +352 4398-1
Mistoqsijiet: eca.europa.eu/mt/Pages/ContactForm.aspx
Sit web: eca.europa.eu
Twitter: @EUAuditors
Ħafna informazzjoni addizzjonali dwar l-Unjoni Ewropea hija disponibbli fuq l-Internet.
Jista’ jsir aċċess għaliha permezz tas-server Europa (http://europa.eu).
Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2020
| ISBN 978-92-847-4820-4 | ISSN 1977-5741 | doi:10.2865/569840 | QJ-AB-20-013-MT-N | |
| HTML | ISBN 978-92-847-4786-3 | ISSN 1977-5741 | doi:10.2865/60328 | QJ-AB-20-013-MT-Q |
DRITTIJIET TAL-AWTUR
© L-Unjoni Ewropea, 2020.
Il-politika tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) dwar l-użu mill-ġdid hija implimentata bid-Deċiżjoni Nru 6-2019 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar il-politika tad-data miftuħa u l-użu mill-ġdid ta’ dokumenti.
Sakemm ma jkunx indikat mod ieħor (eż. f’avviżi individwali dwar id-drittijiet tal-awtur), il-kontenut tad-dokumenti tal-QEA, li huwa proprjetà tal-UE, huwa liċenzjat taħt il-liċenzja Creative Commons Attribution 4.0 International (CC BY 4.0). Dan ifisser li l-użu mill-ġdid huwa awtorizzat, dment li l-awturi jingħataw kreditu xieraq u li l-bidliet jiġu indikati. Il-persuni li jużaw mill-ġdid dan il-kontenut ma jistgħux ibiddlu s-sinifikat jew il-messaġġ oriġinali tad-dokumenti. Il-QEA ma għandhiex tkun responsabbli għal kwalunkwe konsegwenza relatata mal-użu mill-ġdid.
Inti meħtieġ tikseb drittijiet addizzjonali ċari jekk kontenut speċifiku juri individwi privati identifikabbli, pereżempju f’ritratti li jkun fihom il-membri tal-persunal tal-QEA, jew jekk ikun jinkludi xogħlijiet ta’ parti terza. Fejn ikun inkiseb permess, tali permess għandu jikkanċella l-permess ġenerali msemmi hawn fuq u għandu jindika b’mod ċar kwalunkwe restrizzjoni dwar l-użu.
Biex tuża jew tirriproduċi kontenut li ma jkunx proprjetà tal-UE, inti jista’ jkun li jkollok titlob il-permess direttament mingħand id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur.
Software jew dokumenti li jkunu koperti mid-drittijiet ta’ proprjetà industrijali, bħal privattivi, trademarks, disinji rreġistrati, logos u ismijiet, huma esklużi mill-politika tal-QEA dwar l-użu mill-ġdid u inti ma għandekx il-liċenzja biex tużahom.
Il-familja ta’ Siti Web istituzzjonali tal-Unjoni Ewropea, fi ħdan id-dominju europa.eu, tipprovdi links għal siti ta’ partijiet terzi. Peress li dawn ma jaqgħux taħt il-kontroll tal-QEA, inti mħeġġeġ biex teżamina l-politiki tagħhom dwar il-privatezza u dwar id-drittijiet tal-awtur.
Użu tal-logo tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri
Ma jistax isir użu mil-logo tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri mingħajr ma jinkiseb il-kunsens tagħha minn qabel.
Kif tikkuntattja lill-UE
Personalment
Madwar l-Unjoni Ewropea kollha hemm mijiet ta’ ċentri ta’ informazzjoni tal-Europe Direct. Tista’ ssib l-indirizz tal-eqreb ċentru għalik f'dan is-sit: https://europa.eu/european-union/contact_mt
Bit-telefown jew bil-posta elettronika
Europe Direct huwa servizz li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar l-Unjoni Ewropea. Tista’ tikkuntattja dan is-servizz:
- bit-telefown bla ħlas: 00 800 6 7 8 9 10 11 (ċerti operaturi jafu jimponu ħlas għal dawn it-telefonati),
- fuq dan in-numru standard: +32 22999696, jew
- bil-posta elettronika permezz: https://europa.eu/european-union/contact_mt
Kif issib tagħrif dwar l-UE
Onlajn
L-informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE hija disponibbli fuq is-sit web Europa fuq: https://europa.eu/european-union/index_mt
Pubblikazzjonijiet tal-UE
Tista’ tniżżel mill-internet jew tordna l-pubblikazzjonijiet tal-UE, li xi wħud minnhom huma bla ħlas u xi oħrajn bil-ħlas, minn: https://op.europa.eu/mt/publications. Kopji multipli ta’ pubblikazzjonijiet bla ħlas tista’ tiksibhom billi tikkuntattja lil Europe Direct jew liċ-ċentru tal-informazzjoni lokali tiegħek (ara https://europa.eu/european-union/contact_mt).
Il-liġi tal-UE u dokumenti relatati
Għal aċċess għall-informazzjoni legali tal-UE, inkluż il-liġijiet kollha tal-UE mill-1952 ’l hawn, fil-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali kollha, żur is-sit EUR-Lex hawnhekk: http://eur-lex.europa.eu
Dejta Miftuħa mill-UE
Il-portal tad-Dejta Miftuħa mill-UE (https://copenhagenizeindex.eu/) jipprovdi aċċess għal settijiet tad-dejta mill-UE. Id-dejta tista’ titniżżel mill-internet u tintuża mill-ġdid bla ħlas, kemm għal skopijiet kummerċjali kif ukoll mhux kummerċjali.
