
Mobbiltà taħt Erasmus+: Miljuni ta’ parteċipanti u Valur Miżjud Ewropew multidimensjonali, iżda jeħtieġ li jsir aktar titjib fil-kejl tal-prestazzjoni
Dwar ir-rapport Erasmus+ huwa tikketta tal-UE li hija magħrufa sew u li kellha suċċess kbir. Bejn l-2014 u l-2020, huwa se jipprovdi appoġġ ta’ aktar minn EUR 16-il biljun fl-oqsma tal-edukazzjoni u t-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport. Aħna eżaminajna l-prestazzjoni u l-valur miżjud Ewropew tal-Mobbiltà għat-Tagħlim, azzjoni ewlenija ta’ Erasmus+ li tirrappreżenta aktar minn nofs il-baġit totali u li permezz tagħha bbenefikaw aktar minn żewġ miljun persuna fil-qasam, sew studenti kif ukoll professjonisti.
Il-konklużjoni kumplessiva tagħna hija li Erasmus+ għandu effett pożittiv fuq l-attitudni tal-parteċipanti lejn l-UE u jiġġenera ħafna forom ta’ valur miżjud Ewropew - l-ebda pajjiż ma jkun jista’ jikseb effetti bħal dawn jekk jaġixxi waħdu.
Madankollu, aħna sibna li huwa diffiċli li l-prestazzjoni titkejjel peress li l-indikaturi mhumiex kompletament allinjati mal-objettivi. Aħna sibna wkoll li minkejja li ġew issimplifikati xi ftit, il-proċessi ta’ applikazzjoni u ta’ rappurtar għadhom kumplessi.
Sommarju eżekuttiv
Dwar Erasmus+
IErasmus+ (“il-Programm”) huwa programm tal-UE li jappoġġa l-azzjonijiet fl-oqsma tal-edukazzjoni u t-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport, b'baġit totali ta’ EUR 16.45 biljun għall-perjodu 2014-2020. L-għan tiegħu huwa li jagħti l-opportunità lill-istudenti u lill-persunal biex jiksbu ħiliet u biex jiżviluppaw fil-livell personali, soċjoedukattiv u f’dak professjonali permezz ta’ studju, taħriġ, esperjenzi professjonali jew attivitajiet ta’ volontarjat barra minn pajjiżhom. Huwa għandu wkoll l-għan li jtejjeb il-kwalità u jistimula l-innovazzjoni, l-eċċellenza u l-internazzjonalizzazzjoni f’organizzazzjonijiet li jaħdmu f’dawn it-tliet oqsma.
IIObjettiv importanti ħafna ta’ Erasmus+ huwa li jgħin lill-pajjiżi Ewropej jimmodernizzaw u jtejbu s-sistemi ta’edukazzjoni u taħriġ tagħhom, filwaqt li jirrinfurzaw ir-rwol tagħhom bħala motivaturi għat-tkabbir, l-impjieg, il-kompetittività, l-innovazzjoni u l-koeżjoni soċjali.
IIIErasmus+ ikopri l-Edukazzjoni Għolja (HE), l-Edukazzjoni u Taħriġ Vokazzjonali (ETV), l-Edukazzjoni Skolastika (SE), l-Edukazzjoni għall-Adulti, iż-Żgħażagħ u l-Isport. L-attivitajiet u l-proġetti li jistgħu jiġu ffinanzjati taħt Erasmus+ jitqassmu f’Azzjonijiet Ewlenin (KA). Il-Programm jiġi, fil-biċċa l-kbira (80 %), implimentat taħt ġestjoni indiretta mill-Aġenziji Nazzjonali (AN).
X’awditjajna
IVAħna eżaminajna l-prestazzjoni u l-Valur Miżjud Ewropew (EAV) tal-Programm, billi ffukajna fuq il-KA1, il-Mobbiltà għat-Tagħlim tal-individwi (“Mobbiltà Erasmus+” jew “Mobbiltà”) fir-rigward tal-Edukazzjoni u Taħriġ, li tirrappreżenta aktar minn nofs l-allokazzjoni baġitarja tal-Programm għall-perjodu 2014-2020. Sa Jannar 2018, aktar minn 2.3 miljun persuna fil-qasam, sew studenti kif ukoll professjonisti, kienu bbenefikaw minn din il-mobbiltà.
X'sibna
VAħna wasalna għall-konklużjoni kumplessiva li Erasmus+ huwa tikketta tal-UE li hija magħrufa sew u li kellha suċċess kbir. Il-Programm jiġġenera ħafna forom ta’ EAV li jmorru lil hinn mir-rekwiżiti legali. Erasmus+ għandu rwol ewlieni fit-tisħiħ tal-mobbiltà għat-tagħlim barra mill-pajjiż u għandu effett pożittiv fuq l-attitudni tal-parteċipanti lejn l-UE. L-ebda pajjiż ma jkun jista’ jikseb effetti bħal dawn jekk jaġixxi waħdu.
VIB’mod partikolari, aħna sibna li:
- Mobbiltà Erasmus+ tipprovdi forom differenti ta’ EAV minbarra dawk meħtieġa mill-bażi legali, bħal approċċ strateġiku għall-mobbiltà, sens akbar ta’ identità Ewropea u multilingwiżmu;
- il-biċċa l-kbira mill-miri għall-indikaturi ssettjati fil-bażi legali qed jintlaħqu. Madankollu, dawn l-indikaturi mhumiex allinjati għalkollox mal-objettivi ġenerali u speċifiċi stipulati fir-Regolament, u dan jagħmel il-kejl tal-prestazzjoni diffiċli. L-indikaturi kwalitattivi huma bbażati l-aktar fuq il-perċezzjonijiet tal-parteċipanti, li nġabru permezz ta’ intervisti u stħarriġiet;
- Erasmus+ jintroduċi bosta innovazzjonijiet fir-rigward tas-simplifikazzjoni amministrattiva għall-Mobbiltà, għalkemm il-proċessi ta’ applikazzjoni u ta’ rappurtar għadhom kumplessi;
- il-Faċilità innovattiva ta’ Garanzija ta' Self lill-Istudenti ma tatx ir-riżultati mistennija, u dan wassal biex il-Kummissjoni tirrialloka l-fondi rilevanti.
X'nirrakkomandaw
VIIB’mod partikolari, aħna nirrakkomandaw li jenħtieġ li l-Kummissjoni:
- tipproponi elementi addizzjonali tal-EAV meta tkun qed tfassal u timplimenta l-programm Erasmus li jmiss. Jenħtieġ li dawn l-elementi kollha jiġu prijoritizzati fl-istadju tal-evalwazzjoni tal-proġett, jiġu mmonitorjati u jsiru rapporti dwarhom;
- tkompli tiżviluppa l-indikaturi li jikkontribwixxu għall-kejl tal-punt sa fejn ikunu ntlaħqu l-objettivi ġenerali u speċifiċi tal-Programm, u tipprijoritizza l-prestazzjoni fl-allokazzjoni tal-fondi;
- tkompli tissimplifika l-iskema sabiex tnaqqas il-piż amministrattiv, tiffaċilita l-applikazzjonijiet u r-rappurtar għall-benefiċjarji u għall-parteċipanti individwali u tibqa’ tuża somom f’daqqa, rati fissi u spejjeż għal kull unità, iżda meta jkun meħtieġ, taġġusta l-ammonti tal-għotjiet. Barra minn hekk, jenħtieġ li hija ttejjeb l-għodod tal-IT u tkompli tikkompjuterizza l-proċeduri;
- tippromwovi l-introduzzjoni tal-mobbiltà tal-istudenti fil-KA1 u tqis il-possibbiltà li tapplika aktar flessibbiltà għall-istudenti tal-PhD;
- tevalwa l-possibbiltà li tintroduċi mill-ġdid il-finanzjament għat-tagħlim tradizzjonali tal-lingwi fil-klassi; u
- tipproponi bidliet xierqa biex il-Faċilità ta’ Garanzija ta' Self lill-Istudenti tkun tinkludi l-mobbiltà kemm ta’ dawk li jkunu qed jagħmlu d-dottorat kif ukoll ta’ studenti universitarji tal-ewwel grad.
Introduzzjoni
01Erasmus+ jappoġġa l-azzjonijiet fl-oqsma tal-edukazzjoni u t-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport, b’baġit totali ta’ EUR 16.45 biljun għall-perjodu 2014-2020. Huwa għandu l-għan li jagħti l-opportunità lill-istudenti u lill-persunal biex jiksbu ħiliet u biex jiżviluppaw fil-livell personali, soċjoedukattiv u f’dak professjonali permezz ta’ studju, taħriġ, esperjenzi professjonali jew attivitajiet ta’ volontarjat barra minn pajjiżhom. Il-Programm għandu wkoll l-għan li jtejjeb il-kwalità u jistimula l-innovazzjoni, l-eċċellenza u l-internazzjonalizzazzjoni tal-organizzazzjonijiet f’dawn it-tliet oqsma. Barra minn hekk, Erasmus+ għandu l-objettiv li jgħin lill-pajjiżi Ewropej jimmodernizzaw u jtejbu s-sistemi tagħhom ta’ edukazzjoni u taħriġ, kif ukoll jirrinfurzaw ir-rwol tagħhom bħala motivaturi għat-tkabbir, l-impjieg, il-kompetittività, l-innovazzjoni u l-koeżjoni soċjali.
02Skont ir-regolament li jistabbilixxi l-Programm1 (minn hawn 'il quddiem “ir-Regolament”), huwa għandu jikkontribwixxi, fost oħrajn, sabiex jinkisbu l-objettivi tal-istrateġija Ewropa 20202, inkluża l-mira ewlenija fil-qasam tal-edukazzjoni. Għandu jikkontribwixxi wkoll għall-objettivi tal-qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ (“ET 2020”), inklużi l-parametri referenzjarji korrispondenti3;
03Erasmus+ jikkombina l-programmi mill-perjodu 2007-2013 taħt Programm wieħed. L-attivitajiet u l-proġetti li huwa jiffinanzja jitqassmu f’Azzjonijiet Ewlenin (KA), kif jidher fil-Figura 1.
Figura 1
Struttura tal-Programm Erasmus+ għall-perjodu 2014-2020
Sors: Il-QEA.
Fl-aħħar mill-aħħar, il-Kummissjoni Ewropea (Direttorat Ġenerali għall-Edukazzjoni, iż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Kultura) hija responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ Erasmus+. Hija timmaniġġja l-baġit u tistabbilixxi l-prijoritajiet, il-miri u l-kriterji. Hija tiggwida u timmonitorja l-implimentazzjoni, is-segwitu u l-evalwazzjoni tal-Programm fil-livell Ewropew. Il-Kummissjoni Ewropea hija wkoll responsabbli għas-superviżjoni u l-koordinazzjoni tal-istrutturi inkarigati mill-implimentazzjoni tal-Programm fil-livell nazzjonali.
05L-implimentazzjoni tal-Programm Erasmus+ hija fil-biċċa l-kbira (80 %) ibbażata fuq ġestjoni indiretta (ara l-Figura 2). Il-Kummissjoni Ewropea tiddelega l-implimentazzjoni lill-Aġenziji Nazzjonali (AN) stabbiliti f’kull pajjiż tal-Programm. L-Aġenziji Nazzjonali huma responsabbli għall-ġestjoni tal-istadji kollha taċ-ċiklu tal-ħajja tal-proġett. Dawn jiġu nnominati mill-awtorità/awtoritajiet nazzjonali, li jaħtru wkoll korp tal-awditjar indipendenti, skont ir-Regolament Finanzjarju.
Figura 2
Ġestjoni ta’ Erasmus+
Sors: Il-QEA.
L-aktar parti sinifikanti tal-Programm, f’termini tal-Baġit tal-UE, hija l-KA1. Din tinkludi proġetti ta’ mobbiltà għall-istudenti u għall-persunal fl-edukazzjoni għolja, fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u fl-edukazzjoni għall-adulti, kif ukoll għall-persunal fl-edukazzjoni skolastika u għaż-żgħażagħ. Barra minn hekk, il-KA1 tipprevedi lawrji ta’ Master Konġunti taħt il-Programm Erasmus Mundus u self għall-istudji fil-livell ta' Master taħt il-Programm Erasmus+.
07Il-mobbiltà għat-tagħlim ipprovduta taħt il-KA1 (spostament fiżiku lejn pajjiż li ma jkunx il-pajjiż ta’ residenza, għal finijiet ta’ studju, taħriġ jew tagħlim informali jew formali, ara l-Anness I għal eżempji) hija maħsuba biex ittejjeb il-livell tal-kompetenzi u tal-ħiliet ewlenin, b’mod partikolari fir-rigward tar-rilevanza tagħhom għas-suq tax-xogħol u l-kontribut tagħhom għal soċjetà koeżiva. Barra dan, l-azzjoni “Mobbiltà” hija mezz importanti biex tiġi promossa l-inklużjoni ta’ persuni li jkunu ġejjin minn ambjenti żvantaġġati.
08Il-Figura 3 turi d-distribuzzjoni tal-baġit bejn il-partijiet differenti tal-Programm.
Figura 3
Allokazzjoni baġitarja għall-perjodu 2014-2020
Sors: Il-QEA.
Il-pajjiżi li jipparteċipaw fil-Programm Erasmus+ jinqasmu f’żewġ gruppi, kif jidher fil-Figura 4:
- Pajjiżi tal-Programm: l-Istati Membri tal-UE flimkien mal-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u t-Turkija; u
- 145 pajjiż sieħeb (pajjiżi ġirien u l-bqija tad-dinja).
Figura 4
Erasmus+ huwa programm globali
Sors: Il-QEA.
Ambitu u approċċ tal-awditjar
10Aħna eżaminajna l-prestazzjoni u l-Valur Miżjud Ewropew (EAV) tal-Programm Erasmus+. Fir-rigward tal-Edukazzjoni u Taħriġ, aħna iffukajna l-awditu fuq il-KA1 (Mobbiltà), li tikkostitwixxi aktar minn nofs l-allokazzjoni baġitarja tal-Programm. Il-proġetti taħt il-KA2 u l-KA3 għandhom perjodu ta’ implimentazzjoni ta’ bosta snin u, fl-2017, il-biċċa l-kbira tagħhom kienu fl-istadju tal-implimentazzjoni u/jew tal-ikkuntrattar.
11B'mod partikolari, aħna eżaminajna jekk:
- Mobbiltà Erasmus+ tipprovdix l-EAV mistenni;
- ir-riżultati ta’ din l-azzjoni jitkejlux b’mod xieraq; u
- l-innovazzjonijiet introdotti taħtha tejbux il-Programm.
Aħna għażilna li nżuru ħames pajjiżi tal-Programm: l-Estonja, in-Norveġja, il-Polonja, ir-Rumanija u Spanja. Il-kriterji tagħna għall-għażla tal-pajjiżi kienu: (i) l-għadd ta’ parteċipanti li huma jirċievu u jibagħtu; (ii) pajjiż li jirċievi u jibgħat għadd relattivament baxx ta’ parteċipanti; (iii) il-firxa ġeografika fl-Istati Membri tal-UE u (iv) pajjiż wieħed mhux tal-UE.
13Aħna ksibna evidenza minn:
- intervisti ma’ partijiet ikkonċernati ta’ Erasmus+, inklużi:
- il-persunal tal-Kummissjoni u tal-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI), li huwa responsabbli għall-ġestjoni ta’ Erasmus+;
- l-Aġenziji Nazzjonali, l-awtoritajiet nazzjonali, il-benefiċjarji u l-parteċipanti mill-ħames pajjiżi tal-Programm magħżula.
- analiżi tad-dokumentazzjoni u tal-proċeduri relatati ma’ Erasmus+.
- analiżi tad-data, inkluża l-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu (MTE) ta’ Erasmus+ għall-perjodu 2014-20164. Din l-evalwazzjoni ġiet ippubblikata fil-31 ta’ Jannar 2018, wara tmiem il-perjodu tal-awditjar tagħna. Aħna analizzajna dan id-dokument ewlieni u sibna li ħafna minnu kien jikkorrobora s-sejbiet tagħna. Fejn ikun xieraq, aħna nirreferu għall-MTE u għas-sejbiet tagħha.
Osservazzjonijiet
Il-mobbiltà Erasmus+ toħloq aktar forom ta’ Valur Miżjud Ewropew minn dawk meħtieġa mir-Regolament
Il-mobbiltà Erasmus+ tipprovdi l-Valur Miżjud Ewropew kif meħtieġ mir-Regolament
14Il-Programm għandu jappoġġa biss dawk l-azzjonijiet u l-attivitajiet li jippreżentaw EAV potenzjali u, b’mod partikolari, dawk li għandhom: karattru transnazzjonali, partikolarment fir-rigward tal-mobbiltà u l-kooperazzjoni mmirati lejn il-kisba ta' impatt sistemiku sostenibbli; komplementarjetà u sinerġija ma' programmi u politiki oħra fil-livell nazzjonali, tal-Unjoni u internazzjonali, u kontribut għall-użu effettiv tal-għodod ta' trasparenza u rikonoxximent tal-Unjoni5.
Karattru transnazzjonali u impatt sistemiku
15Il-karattru transnazzjonali huwa fih innifsu preżenti. L-istudju, it-taħriġ jew il-kollokamenti f'impjieg barra mill-pajjiż huma l-kundizzjoni sine qua non tal-azzjonijiet ta’ mobbiltà fil-KA1: mobbiltà ta’ individwi għal finijiet ta’ studju, kollokament, kors ta' taħriġ, osservazzjoni f'sitwazzjoni ta' xogħol jew tagħlim. Sa Jannar 2018, aktar minn 2.3 miljun persuna fil-qasam, sew studenti kif ukoll professjonisti, kienu bbenefikaw mill-mobbiltà Erasmus+ fi ħdan l-oqsma tal-Edukazzjoni u Taħriġ u ż-Żgħażagħ6. Il-Figura 5 turi l-għadd ta’ parteċipanti li bbenefikaw mill-mobbiltà Erasmus+, skont il-pajjiż, matul il-perjodu 2014-2016.
Figura 5
Għadd ta’ każijiet ta’ mobbiltà Erasmus+, skont il-pajjiż, matul il-perjodu 2014-2016
Sors: Il-QEA.
Il-mobbiltà tfasslet bl-għan li jinkseb impatt sistemiku fuq is-sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ tal-Programm u tal-pajjiżi sħab7. F’dan l-istadju, l-istituzzjonijiet u l-iskejjel li żorna kienu għadhom ma jistgħux juru li l-proġetti tagħhom kellhom effett sistemiku partikolari, la fuq l-istituzzjonijiet tagħhom u lanqas fil-livell nazzjonali.
17Il-Kummissjoni tirrikonoxxi l-fatt li l-effett sistemiku fuq is-sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ huwa inqas viżibbli, u li l-evidenza tal-isfruttament tar-riżultati tal-proġetti minn dawk li jfasslu l-politika u l-involviment effettiv ta’ dawn tal-aħħar meta ma jkunux inklużi fil-proġett innifsu mhux dejjem ikunu ċari8 u li teżisti biss evidenza aneddotali li l-programm qed ibiddel l-approċċi tal-istituzzjonijiet għall-pedagoġija u għall-gruppi fil-mira tagħhom9.
18Fil-fatt, kif iddikjarat fil-bażi legali, il-proġetti individwali mhumiex meħtieġa jkollhom impatt sistemiku. Huwa r-riżultat kumulattiv ta’ dawk il-proġetti li jenħtieġ li jikkontribwixxi għall-ksib ta’ impatt sistemiku, u għaldaqstant, impatt bħal dan jista’ jkun viżibbli biss fi tmiem il-Programm. Il-Gwida tal-Programm tiddikjara li, “fuq perjodu twil, l-effett ikkombinat tal-bosta eluf ta’ proġetti appoġġati minn din l-Azzjoni Ewlenija huwa mistenni jħalli impatt fuq is-sistemi tal-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ fil-pajjiżi parteċipanti, biex b’hekk jistimula r-riformi tal-politika”10.
Komplementarjetà u sinerġija ma' programmi u politiki oħra
19Il-komplementarjetà u s-sinerġija ma' programmi u politiki oħra huma intenzjonati li jiġu primarjament żgurati mill-kontribut tal-Programm Erasmus+ għall-ilħuq tal-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020, inklużi l-miri ewlenin fil-qasam tal-edukazzjoni. Jenħtieġ li huwa jikkontribwixxi wkoll għall-ilħuq tal-objettivi tal-qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ (il-parametri referenzjarji għall-mobbiltà li jinsabu f’“ET 2020”)11;
20Għalkemm huwa minnu li Erasmus+ jikkontribwixxi għall-parametri referenzjarji għall-mobbiltà, ma hemm l-ebda rabta evidenti bejn il-KA1 u l-indikatur għall-mira ewlenija fil-qasam tal-edukazzjoni stipulat fl-Anness I tar-Regolament, kif spjegat fil-paragrafi 57 u 58 hawn taħt.
21Il-Kummissjoni stabbiliet ir-rabta bejn, minn naħa waħda, Erasmus+ u, min-naħa l-oħra, Ewropa 2020 u ET 2020: il-Programm għandu l-għan li jagħti spinta lill-ħiliet, l-impjegabbiltà u l-modernizzazzjoni tas-sistemi tal-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ, kif ukoll li jappoġġa l-azzjonijiet, il-proġetti ta’ kooperazzjoni u l-għodod marbuta mal-prijoritajiet ta’ politika fil-qafas ta’ ET 2020. B’dan il-mod, huwa jikkontribwixxi wkoll għall-implimentazzjoni tal-istrateġija Ewropa 2020, b’mod partikolari tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ. L-investiment li jsir taħt Erasmus+ se jkun ta’ benefiċċju għall-individwi, għall-istituzzjonijiet u għas-soċjetà fl-intier tagħha, għaldaqstant, jikkontribwixxi għall-impjiegi, it-tkabbir u l-kompetittività u jsaħħaħ il-prosperità u l-inklużjoni soċjali12.
22Fil-pajjiżi tal-Programm li żorna, aħna sibna li, fil-fatt, il-miżuri ta’ mobbiltà jagħtu spinta lill-ħiliet u l-impjegabbiltà, notevolment fis-settur tal-ETV. Fil-livell tal-Programm, l-Evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu fiha evidenza li l-istudenti tal-HE u tal-ETV li pparteċipaw fil-mobbiltà għandhom prospetti aħjar fir-rigward ta’ impjieg u salarji meta mqabbla ma’ oħrajn bħalhom li ma pparteċipawx, għalkemm ħafna minn din l-evidenza sa issa hija relatata ma’ programmi predeċessuri.
23Il-feedback mill-parteċipanti jiżvela li huma ferm sodisfatti bil-Programm ta’ mobbiltà Erasmus+ u bl-effett tiegħu fuq l-impjegabbiltà tagħhom. Pereżempju, 93.8 % ta’ dawk li wieġbu sa Jannar 2018 iddikjaraw li huma kienu żiedu l-kompetenzi ewlenin tagħhom. Fost il-membri tal-persunal, 93 % jgħidu li huma tgħallmu prattiki tajbin ġodda, u 75 % jiddikjaraw li kienu rritornaw b’ħiliet prattiċi li huma rilevanti għall-impjieg attwali tagħhom. Minnhom, 79.1 % ddikjaraw li huma kienu żiedu l-impjegabbiltà tagħhom13. Dan il-feedback, għalkemm huwa informattiv u inkoraġġanti, jista’ jkun suġġettiv (ara l-paragrafi 80 sa 82).
24Ir-Rapport Annwali Erasmus+ 2015 jistipula r-rabta bejn il-programm u żviluppi oħra ta’ politiki tal-UE, bħall-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (edukazzjoni u taħriġ biex jerġgħu jiġu stabbiliti l-impjiegi u t-tkabbir), u jiddikjara li matul l-2015, Erasmus+ implimenta l-aġendi politiċi eżistenti tal-UE bl-għan li tiġi promossa l-mobbiltà inklużiva għat-tagħlim u l-kooperazzjoni bejn id-diversi partijiet ikkonċernati involuti fis-setturi tal-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ14.
25Xi Stati Membri jużaw fondi oħra tal-UE biex jiffinanzjaw il-mobbiltà permezz tal-mekkaniżmi ta’ Erasmus+. Pereżempju, fl-2016, il-Polonja adattat il-Programm Operazzjonali tagħha tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE) biex tiffinanzja 2 500 parteċipant fil-kategorija tal-Edukazzjoni Skolastika u 17 200 parteċipant fil-kategorija tal-ETV ta’ Erasmus+. Dawk l-istudenti żvantaġġati jirċievu wkoll fondi addizzjonali mill-FSE.
Kontribut għall-użu effettiv tal-għodod ta' trasparenza u rikonoxximent tal-UE
Trasparenza
26Il-Gwida tal-Programm tiddikajra li “l-attivitajiet li jservu għat-tixrid u l-isfruttament tar-riżultati huma mod kif tintwera l-ħidma li saret bħala parti mill-proġett Erasmus+. Il-kondiviżjoni tar-riżultati, il-lezzjonijiet miksubin u r-riżultati u s-sejbiet lil hinn mill-organizzazzjonijiet parteċipanti ser jippermettu sabiex komunità usa’ tibbenefika minn ħidma li tkun irċeviet finanzjament mill-UE”15.
27Il-pjattaformi ta’ disseminazzjoni tad-DĠ EAC għal Erasmus+ ġibdu l-attenzjoni għal aktar minn 80 storja ta’ suċċess. Abbażi ta’ dawn l-istejjer, li ntgħażlu fl-2015 u fl-2016, ġew prodotti 120 skeda informattiva u 10 vidjos, li taw aktar viżibbiltà lil dawn il-proġetti. Dawn ġew promossi permezz tal-midja soċjali, fuq is-siti web u fil-fuljett tal-aħbarijiet tad-DĠ EAC, kif ukoll waqt avvenimenti. Fl-2017, il-Kummissjoni bdiet tippubblika ta’ kull xahar fuljett tal-aħbarijiet online dwar Erasmus+, li fih għadd ta’ stejjer ta’ suċċess. Il-paġna Facebook ta’ Erasmus+ hija l-paġna prinċipali tal-Kummissjoni speċifika għad-DĠ (bi kważi 300 000 segwaċi).
28Pjattaforma ġdida (VALOR, jew Pjattaforma ta’ Disseminazzjoni tar-Riżultati tal-Proġetti) ġiet stabbilita għal Erasmus+ biex toffri stampa ġenerali komprensiva tal-proġetti ffinanzjati taħt il-Programm u biex tiġbed l-attenzjoni għal eżempji ta’ prattiki tajbin u għal stejjer ta’ suċċess. Il-pjattaforma tagħmel disponibbli prodotti, riżultati tanġibbli u outputs intellettwali li jirriżultaw mill-proġetti ffinanzjati. Hija tagħti aċċess għall-internet miftuħ għal deskrizzjonijiet, riżultati u informazzjoni ta’ kuntatt għall-proġett kollha ffinanzjati taħt il-Programm Erasmus+, kif ukoll xi wħud mill-proġetti ffinanzjati taħt il-programmi predeċessuri tiegħu.
29Aħna sibna evidenza li l-ħames pajjiżi li saritilhom żjara u l-Kummissjoni huma attivi ħafna fid-disseminazzjoni tar-riżultati tal-proġetti tagħhom.
Rikonoxximent
30Erasmus+ iħeġġeġ ir-rikonoxximent ta’ krediti ggwadanjati matul il-mobbiltà. Ir-rikonoxximent ta’ krediti ma kienx meqjus li kien problematiku mill-benefiċjarji u mill-parteċipanti li ltqajna magħhom matul l-awditu li wettaqna. Fl-2016, ġiet irrappurtata rata ta’ rikonoxximent ta’ 100 % għall-edukazzjoni għolja (73 % fl-2013) u ta’ 77 % għall-ETV16. Il-ħtieġa li l-istudenti jiggwadanjaw krediti tiżgura li huma jkunu assidwi matul il-perjodu ta’ mobbiltà tagħhom.
31Fil-kuntest tal-ETV, is-sistema tal-Europass tiċċertifika l-element internazzjonali tat-taħriġ u tagħti lill-impjegati potenzjali aktar aċċertament, u b’hekk tiżdied l-impjegabbiltà tal-istudenti tal-ETV.
Erasmus+ jipprovdi Valur Miżjud Ewropew b’modi addizzjonali
32L-EAV ta’ Erasmus+ jista’ jiġi ddefinit bħala l-effett pożittiv li l-Programm iġib miegħu, u li mingħajru dan ma kienx possibbli. Abbażi ta’ din id-definizzjoni, aħna identifikajna modi addizzjonali li bihom l-azzjoni “Mobbiltà” tipprovdi EAV, li jkun aktar mill-EAV previst mir-Regolament.
Is-sistema tal-Karti
33L-istituzzjonijiet kollha tal-HE tal-pajjiżi li qed jipparteċipaw fil-Programm (kemm dawk li jibagħtu studenti kif ukoll dawk li jirċievu) iridu jiksbu l-Karta Erasmus għall-Edukazzjoni Għolja (ECHE). Din il-Karta, li ġiet żviluppata taħt il-Programm preċedenti, tiggranatixxi l-kwalità tal-korsijiet li jingħataw fl-Ewropa kollha. L-ebda pajjiż ma jkun jista’ jistabbilixxi sistema bħal din waħdu. Aħna sibna każijiet fejn l-universitajiet kienu applikaw għall-Karta sempliċiment biex ikollhom waħda bħala marka ta’ kwalità. Il-Programm Erasmus+ żviluppa r-rikonoxximent tal-krediti ggwadanjati matul il-perjodu ta’ mobbiltà. Il-Karta ffaċilitat bil-kbir dan il-proċess.
34Erasmus+ qed iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-ETV biex japplikaw għall-Karta tal-ETV. Din il-Karta, li nħolqot reċentement, hija wkoll garanzija tal-kwalità u tagħti spinta lir-reputazzjoni u l-attraenza ta’ istituzzjoni tal-ETV. Bl-istess mod, aħna sibna każijiet fejn l-istituzzjonijiet tal-ETV kienu applikaw għall-Karta tal-ETV sempliċiment biex ikollhom waħda bħala marka ta’ kwalità.
Figura 6
Il-Karta tal-ETV f’xi wħud mill-pajjiżi li saritilhom żjara
Sors: Il-QEA.
Netwerk ta’ kooperazzjoni u armonizzazzjoni tal-kurrikuli universitarji
35Il-mobbiltà għenet biex tiġi stimulata l-kooperazzjoni bejn l-universitajiet, billi ħolqot uffiċċji internazzjonali kkomplementati minn sistema ta’ dokumentazzjoni u għodod standard biex jappoġġaw il-mobbiltà tal-istudenti u tal-persunal. Fil-kurrikuli universitarji sar xi tibdil biex tiġi ffaċilitata l-mobbiltà tal-istudenti, billi ġew sinkronizzati s-semestri, il-perjodi ta’ studju u d-disponibbiltà tal-korsijiet fil-pajjiżi. Din il-kooperazzjoni tiffaċilita wkoll it-trasferiment ta’ krediti u r-rikonoxximent reċiproku ta’ moduli kkompletati u ta’ diplomi miksuba matul il-perjodu ta’ mobbiltà.
36Fis-setturi tal-HE u tal-ETV jiġu konklużi Ftehimiet ta’ Tagħlim (LA) bejn l-istudenti u l-istituzzjonijiet riċeventi. Dawn huma forma ta’ garanzija istituzzjonalizzata li l-krediti li jiġu ggwadanjati matul il-perjodu ta’ mobbiltà se jiġu rikonoxxuti. L-iffirmar ta’ LA huwa indikatur importanti ta’ previżjoni għar-rikonoxximent tal-mobbiltà li jsir aktar tard17.
37Fil-proġetti li żorna, il-mobbiltà tal-persunal tal-HE u tal-Iskejjel, kif ukoll tal-istudenti tal-ETV wasslet għal kooperazzjoni u għal skambji sussegwenti barra mill-Programm Erasmus+.
Approċċ strateġiku għall-mobbiltà
38Taħt Erasmus+, huma l-istituzzjonijiet tal-HE, l-istituzzjonijiet tal-ETV u l-iskejjel li japplikaw biex il-proġetti ta’ Mobbiltà jiġu approvati, u mhux l-istudenti/l-għalliema individwali. Meta mqabbel ma’ programmi preċedenti, din hija bidla importanti li, fil-fehma tagħna, tikkontribwixxi għall-iżvilupp istituzzjonali. Dan huwa ta’ benefiċċju għall-istituzzjonijiet tal-HE li jridu jipproponu u jimplimentaw strateġija ta’ internazzjonalizzazzjoni. Il-fornituri tal-ETV u l-iskejjel iridu jfasslu Pjan għall-Iżvilupp Ewropew, li jkun jistipula kif il-proġett ta’ mobbiltà propost ikun jaqbel mal-ħtiġijiet tal-istituzzjoni u mal-iżvilupp kumplessiv tagħha.
39Dan l-approċċ strateġiku jgħin biex tiġi żgurata l-adeżjoni tal-maniġment għall-objettivi tal-proġett, kif ukoll biex ir-rabtiet u l-għarfien espert jinżammu aktar fit-tul, u b’hekk jinħloq valur miżjud aktar sostenibbli.
EAV tal-mobbiltà tal-persunal tat-tagħlim
40Jenħtieġ li l-persunal tat-tagħlim li jkun ibbenefika minn perjodu ta’ mobbiltà, meta jirritorna, jimplimenta fil-prattika dak li jkun tgħallem. Pereżempju, il-persunal tal-università fl-Estonja u l-persunal tal-ETV fil-Polonja ddikjaraw li huma użaw l-esperjenza li kisbu matul il-perjodu ta’ mobbiltà tagħhom fl-istituzzjonijiet tal-pajjiżi ta’oriġini.
Multilingwiżmu
41Wieħed mill-objettivi speċifiċi tal-Programm huwa li jtejjeb l-istruzzjoni u t-tagħlim tal-lingwi u jippromwovi d-diversità lingwistika tal-UE. Il-ħiliet lingwistiċi jikkontribwixxu għall-mobbiltà, l-impjegabbiltà u l-iżvilupp personali taċ-ċittadini Ewropej.
42Wieħed mill-indikaturi stipulati fl-Anness I tar-Regolament huwa l-perċentwal ta' parteċipanti li jiddikjaraw li huma tejbu l-ħiliet lingwistiċi tagħhom. Il-punteġġ għal dan l-indikatur huwa ta’ aktar minn 96 %18 (iżda ara wkoll il-paragrafu 81). Il-mobbiltà barra mill-pajjiż hija strumentali biex jinkiseb riżultat bħal dan.
43In-nuqqas ta’ ħiliet lingwistiċi xorta jista’ jxekkel lill-istudenti li jkunu qed jipparteċipaw fil-mobbiltà, b’mod partikolari barra mis-settur tal-HE. L-intervisti li wettaqna mal-parteċipanti wrew li, b’mod partikolari fis-settur tal-ETV, in-nuqqas ta’ ħiliet lingwistiċi jista’ jkun ta’ xkiel għall-parteċipanti u jipprevjeni li l-kollokament ta’ mobbiltà jwassal direttament għal impjieg. Pereżempju, minħabba n-nuqqas ta’ kapaċità lingwistika, l-istudenti tal-ETV Spanjoli li ltqajna magħhom ma setgħux isibu impjieg fi tmiem il-perjodu ta’ mobbiltà tagħhom f’Berlin. Skont il-wiġġieba għall-Konsultazzjoni Pubblika Miftuħa li tappoġġa l-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu, l-ostakli lingwistiċi huma l-ostaklu l-aktar frekwenti għall-ilħuq tal-objettivi tal-Programm19.
Mobbiltà transkonfinali u internazzjonali
44Fil-biċċa l-kbira mill-pajjiżi, il-mobbiltà hija parti importanti mill-istrateġija għall-edukazzjoni. Pereżempju, in-Norveġja timmira li 20 % tal-istudenti jipparteċipaw fil-mobbiltà transkonfinali, l-Estonja stabbiliet portal -StudyinEstonia- biex tattira studenti barranin, u Spanja tixtieq tikkoopera b’mod aktar intensiv mal-Amerika t'Isfel, billi tikkontribwixxi għall-istabbiliment ta’ uffiċċji internazzjonali u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet. Erasmus+ huwa mezz u mudell importanti ħafna biex jinkiseb dan (ara l-Figura 5).
Erasmus+ bħala parti mill-politika tal-iżvilupp u tal-viċinat tal-UE
45Il-fondi disponibbli mill-Baġit tal-UE, kif previst f’diversi strumenti esterni20, taħt Erasmus+, huwa intenzjonat li jippromwovu d-dimensjoni internazzjonali tal-HE. Dan il-finanzjament jiġi allokat għal azzjonijiet relatati ma’ mobbiltà għat-tagħlim bejn il-pajjiżi tal-Programm u l-pajjiżi sħab. Il-mobbiltà tal-istudenti u tal-persunal lejn u minn pajjiżi sħab, iffinanzjata permezz tal-allokazzjoni mid-DCI, trid tiffoka fuq oqsma li huma rilevanti għall-iżvilupp inklużiv u sostenibbli tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw21.
46B’dan il-mod, Erasmus+ huwa forma ta’ setgħa ta' persważjoni u ta’ diplomazija tal-UE, li hija EAV politiku. Il-politiki tal-iżvilupp u tal-viċinat jiġu implimentati permezz tal-Programm, notevolment permezz tal-mobbiltà fl-HE ma’ pajjiżi sħab (ara l-Figura 5).
47Taħt il-programm predeċessur, dawn il-proġetti ġew eżaminati fil-livell tal-UE. Taħt Erasmus+, il-proġetti jiġu eżaminati f’kull pajjiż tal-Programm. Dan jista’ jwassal għal tnaqqis fil-kwalità, billi f’kull pajjiż jintgħażel għadd minimu ta’ proġetti.
Prominenza u prestiġju akbar tal-ETV
48Perċentwal ta’ 17 % tal-baġit totali ta’ Erasmus+ huwa assenjat għall-ETV. Dan jikkumpensa għall-fondi nazzjonali limitati disponibbli għall-iskambji tal-istudenti, l-għalliema u l-persunal fis-settur tal-ETV. Barra dan, l-iskambji tal-istudenti tal-ETV jikkontribwixxu biex l-istituzzjonijiet tal-ETV -u l-ETV innifsu- ikunu aktar attraenti u prestiġjużi. L-għadd ta’ studenti u ta’ membri tal-persunal li jipparteċipaw fil-mobbiltà fis-settur tal-ETV qiegħed dejjem jiżdied (ara l-Figura 7).
Figura 7
Żieda sinifikanti fil-mobbiltà fis-settur tal-ETV (studenti u persunal)
Sors: Il-Kummissjoni Ewropea.
Is-settur tal-ETV iqarreb il-Programm Erasmus+ lejn varjetà akbar ta’ ċittadini
49L-inklużjoni tal-ETV tqarreb il-Programm Erasmus+ lejn varjetà akbar ta’ ċittadini, minħabba li jittratta firxa usa’ ta’ oqsma inqas akkademiċi (eż. il-catering jew ix-xogħol relatat mal-karrozzerija ta’ vetturi). Barra dan, l-inklużjoni ta’ dixxiplini bħal dawn taħt Erasmus+ tippermetti li l-istudenti li jkunu ġejjin minn ambjenti żvantaġġati jkollhom l-opportunità li jibbenefikaw mill-mobbiltà. Ħafna mill-istudenti tal-ETV li ltqajna magħhom qatt ma kienu telqu minn pajjiżhom, jew saħansitra mir-reġjun tagħhom, qabel ma bbenefikaw mill-perjodu ta’ mobbiltà. L-Anness II juri eżempji tat-tipi ta’ mobbiltà fis-settur tal-ETV fl-iskejjel/fil-pajjiżi li saritilhom żjara.
Sens akbar ta’ identità Ewropea
50Il-parteċipanti tal-mobbiltà li ltqajna magħhom iddikjaraw li din il-parteċipazzjoni żiedet is sens ta’ identità Ewropea tagħhom. L-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu sabet ukoll li l-parteċipazzjoni fil-Programm ta’ mobbiltà Erasmus+ stimulat sens ta’ appartenenza Ewropea (19 % aktar minn dawk li ma pparteċipawx). Barra dan, il-pubbliku ġenerali jipperċepixxi l-Programm, u l-Mobbiltà b’mod partikolari billi hija l-parti l-aktar viżibbli, bħala wieħed mill-pilastri tal-identità Ewropea u bħala benefiċċju konkret li l-UE tipprovdi liċ-ċittadini tagħha. Erasmus+ huwa waħda mit-tikketti l-aktar rikonoxxibbli tal-UE.
51Għaldaqstant, Erasmus+ jiġġenera ħafna forom ta’ EAV li jmorru lil hinn mir-rekwiżiti legali. Fil-fatt, Erasmus+ għandu rwol ewlieni fit-tisħiħ tal-mobbiltà għat-tagħlim barra mill-pajjiż u għandu effett pożittiv ħafna fuq l-attitudni tal-parteċipanti lejn l-UE. L-ebda pajjiż ma jkun jista’ jikseb effetti bħal dawn jekk jaġixxi waħdu.
Il-kejl tal-prestazzjoni tal-azzjoni “Mobbiltà” ta’ Erasmus+ għandu xi dgħufijiet f’ċerti oqsma ewlenin
52Il-ġestjoni effikaċi tal-prestazzjoni, inkluż l-evalwazzjoni u l-monitoraġġ, teħtieġ l-iżvilupp ta’ indikaturi tal-prestazzjoni speċifiċi, li jitkejlu u realistiċi tal-prestazzjoni li jistgħu jitkejlu maż-żmien u li jirriflettu l-loġika tal-intervenzjoni (loġika ta’ intervent)22. Din il-loġika ta’ intervent hija ppreżentata fil-Figura 8.
Figura 8
Mudell tal-Loġika ta’ Intervent tal-KA1 “Mobbiltà” tal-Programm Erasmus+
Sors: Il-QEA.
L-objettivi ġenerali ta’ Erasmus+, f’dak li jikkonċerna l-Edukazzjoni u Taħriġ, huma li jikkontribwixxi għal dawn li ġejjin: l-ilħuq tal-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020, inkluża l-mira ewlenija fil-qasam tal-edukazzjoni; l-ilħuq tal-objettivi tal-qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ (ET 2020) kif ukoll il-parametri referenzjarji korrispondenti; l-iżvilupp sostenibbli ta' pajjiżi sħab fil-qasam tal-edukazzjoni għolja; u l-promozzjoni tal-valuri Ewropej f'konformità mal-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea23. L-objettivi speċifiċi għall-Edukazzjoni u Taħriġ li huma rilevanti għall-KA1 “Mobbiltà” huma stipulati fl-Artikolu 5.
Il-miri speċifikati qed jintlaħqu, iżda xi indikaturi mhumiex allinjati għalkollox mal-objettivi ġenerali u speċifiċi stipulati fir-Regolament
Jeħtieġ li jsir titjib f’xi wħud mill-indikaturi stipulati fir-Regolament sabiex iservu aħjar il-qafas ta’ valutazzjoni tal-prestazzjoni
54Il-Programm għandu sett ta’ indikaturi għall-evalwazzjoni tiegħu24. Dawn l-indikaturi huma deskritti bħala “li jistgħu jitkejlu u li huma rilevanti”25 u “maħsuba biex ikejlu sa fejn l-objettivi ġenerali u speċifiċi tal-Programm ikunu ntlaħqu”26. L-indikaturi ssettjati għall-KA1 “Mobbiltà” jidhru fil-Figura 9.
Figura 9
Indikaturi għall-evalwazzjoni tal-Programm
Sors: L-Anness I tar-Regolament.
Aħna eżaminajna jekk dawn l-indikaturi humiex xierqa. Il-Kummissjoni ssostni li l-programm jinsab fit-triq it-tajba biex jilħaq jew jaqbeż il-maġġoranza l-kbira tal-miri.
Il-mod kif il-proġetti ffinanzjati fil-qafas tal-azzjoni “Mobbiltà” jikkontribwixxu għall-ilħuq tal-mira ewlenija ta’ Ewropa 2020 fil-qasam tal-edukazzjoni mhuwiex ċar
56L-indikaturi ta’ Ewropa 2020 ġew issettjati mill-Kunsill. Il-Kummissjoni rrappurtat li l-indikaturi marbuta mal-mira ewlenija ta’ Ewropa 2020 fil-qasam tal-edukazzjoni, jiġifieri l-kisba ta’ lawrja fil-livell ta’ edukazzjoni terzjarja u t-tluq bikri mill-iskola wrew progress kontinwu (…) Fl-2016, ir-rata ta’ tluq bikri mill-iskola fl-UE kienet ta’ 10.8 %27 li hija żewġ punti deċimali aktar baxxa minn dik tal-2015 (…) Fl-istess ħin, il-perċentwal medju ta’ persuni li għandhom bejn it-30 u l-34 sena u li kisbu lawrja fil-livell ta’ edukazzjoni terzjarja fl-UE żdied bi tliet punti deċimali għal 39.0 %28 fl-201629.
57Madankollu, il-mod kif il-proġetti ffinanzjati fil-qafas tal-azzjoni “Mobbiltà”jikkontribwixxu għall-ilħuq ta’ dawn il-miri ewlenin fil-qasam tal-edukazzjoni mhuwiex ċar. Barra dan, anke jekk huma kkontribwew biex jintlaħqu dawn il-miri ewlenin, dan il-kontribut ma jistax jiġi distint minn dak ta’ azzjonijiet oħra, kemm nazzjonali kif ukoll tal-UE, u lanqas ma jista’ jitkejjel separatament.
58Għaldaqstant, ma hemm l-ebda rabta evidenti bejn l-azzjoni “Mobbiltà”, jew saħansitra Erasmus+ fl-intier tiegħu, u l-indikaturi relatati mal-mira ewlenija fil-qasam tal-edukazzjoni. Madankollu, dawn l-indikaturi ta’ Ewropa 2020 mhumiex allinjati mal-objettivi ġenerali u speċifiċi stipulati fir-Regolament, kif meħtieġ mill-Artikolu 5(2).
Billi l-parametru referenzjarju għall-mobbiltà fih biss riżultati parzjali, mhuwiex qed jitkejjel kif suppost
59Fl-2011, l-Istati Membri qablu dwar il-parametru referenzjarju tal-UE għall-mobbiltà fl-edukazzjoni għolja30, li permezz tiegħu fl-2020, mill-inqas 20 % tal-gradwati fl-edukazzjoni għolja jridu jkunu għamlu perjodu ta’ studju jew taħriġ relatat mal-edukazzjoni għolja (inklużi kollokamenti f'impjieg) barra minn pajjiżhom.
60Huma ssettjaw ukoll parametru referenzjarju għall-mobbiltà għal finijiet ta’ tagħlim fis-settur tal-ETV: sal-2020, mill-inqas 6 % tal-gradwati fl-ETV iridu jkunu għamlu perjodu ta’ studju jew taħriġ relatat mal-ETV (inklużi kollokamenti f'impjieg) barra minn pajjiżhom.
61Il-mobbiltà fl-edukazzjoni għolja taħt il-Programm Erasmus+ hija motivatur ewlieni biex jiġi ssodisfat il-parametru referenzjarju għall-mobbiltà f’dan is-settur. Il-parametru referenzjarju għall-mobbiltà huwa marbut b’mod ċar mal-KA1. Madankollu, Erasmus+ mhuwiex l-uniku programm li jikkontribwixxi għall-mobbiltà, u għaldaqstant il-kontribut tiegħu ma jistax jiġi ddeterminat għalkollox.
62Barra dan, skont analiżi li twettqet miċ-Centru għar-Riċerka dwar it-Tagħlim tul il-Ħajja (CRELL), id-data li fuqha huwa bbażat dan il-parametru referenzjarju31 hija disponibbli biss fuq bażi parzjali ħafna, u mhijiex kumparabbli fil-livell Ewropew32. Għaldaqstant, ir-riżultati għal dan l-indikatur mhumiex preċiżi.
63It-twettiq ta’ valutazzjoni komprensiva tal-livell ta’ mobbiltà fl-ETV mhuwiex possibbli minħabba d-disponibbiltà limitata tad-data. L-Eurostat wettaq stħarriġ pilota biex jivvaluta l-mobbiltà għat-tagħlim fl-ETV, li ġie kkompletat fi tmiem l-2015. Ir-riżultati wrew li fis-17-il pajjiż tal-Programm li pparteċipaw fl-istħarriġ, madwar 3.1 % tal-istudenti tal-ETV kienu ħadu sehem fil-mobbiltà għat-tagħlim.
64Billi dan l-indikatur fih biss riżultati parzjali, mhuwiex qed jitkejjel kif suppost.
L-indikaturi (ġenerali) kwantitattivi jipprovdu informazzjoni utli, għalkemm jeħtieġ li xi wħud mid-definizzjonijiet jiġu armonizzati u rfinati
65Dawn l-indikaturi huma relatati speċifikament mal-azzjoni “Mobbiltà” u jiġu rrappurtati u mmonitorjati mill-Kummissjoni. Il-progress li sar (sa tmiem l-2016) lejn l-ilħuq tal-miri għal dawn l-indikaturi, li huma ssettjati fil-Programm ta' Ħidma Annwali tad-DĠ EAC, huwa ppreżentat fil-qosor fil-Figura 10.
Figura 10
Indikaturi (ġenerali) kwantitattivi
Sors: Ir-Rapport Annwali tal-Attività, id-DĠ EAC, 2016.
L-azzjoni Mobbiltà Erasmus+ tippromwovi l-inklużjoni tal-istudenti li għandhom inqas opportunitajiet. Mhuwiex ċar għalfejn l-indikatur fil-bażi legali jiġbor flimkien din il-kategorija ta’ parteċipanti ma’ dik ta’ persuni bi bżonnijiet speċjali. Barra dan, skont ir-Rapport Annwali ta’ Erasmus+ 2016, il-Programm ikompli jiġġieled kontra l-ostakli għall-mobbiltà billi jsir aktar inklużiv għal dawk li jkunu ġejjin minn ambjent żvantaġġat u għal dawk bi bżonnijiet speċjali33. Għaldaqstant, din it-terminoloġija mhijiex qed tintuża b’mod konsistenti.
67Kważi 205 000 parteċipant li ġejjin minn ambjenti żvantaġġati u li għandhom inqas opportunitajiet ibbenefikaw minn Erasmus+ billi ħadu sehem f’attivitajiet ta’ mobbiltà transnazzjonali matul il-perjodu 2014-201734. L-azzjoni Mobbiltà Erasmus+ offriet esperjenzi ġodda barra mill-pajjiż lil ħafna persuni li kieku ma kinux jistgħu jħallsu l-ispejjeż.
68Id-definizzjoni ta’ “żvantaġġati/inqas opportunitajiet” tvarja f’kull pajjiż tal-Programm. Pereżempju fi Spanja, il-benefiċjarji kollha li jirċievu għotja pubblika għall-istudji huma inklużi f’din il-kategorija. Fil-fatt, skont id-data tal-Kummissjoni, aktar minn 35 % tal-parteċipanti tal-mobbiltà li ġejjin minn ambjenti żvantaġġati huma minn Spanja.
69Konsegwentement, ir-riżultati għal dan l-indikatur ma jirriflettux is-sitwazzjoni reali ta’ din il-mobbiltà fil-pajjiżi tal-UE. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li waħda mill-problemi prinċipali li affettwaw l-analiżi tax-xejriet tal-parteċipazzjoni hija n-nuqqas ta’ definizzjoni armonizzata, fis-setturi kollha, ta’ persuni li jkollhom inqas opportunitajiet u li jkunu ġejjin minn ambjenti żvantaġġati, kif ukoll li l-kwalità tad-data dwar il-parteċipazzjoni ta’ gruppi żvantaġġati mhijiex ċara minħabba diversi definizzjonijiet u prattiki35.
70Dawn it-tliet indikaturi jkejlu l-outputs tal-Programm u jgħinu biex jintwera l-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni. Għaldaqstant, huma jipprovdu ftit li xejn informazzjoni dwar l-eżiti u l-impatt tal-Programm (ara l-Figura 8).
L-indikaturi relatati mal-Edukazzjoni u Taħriġ qed jiġu ssodisfati, iżda ma jindirizzawx il-punt sa fejn ikunu ntlaħqu l-objettivi ġenerali u speċifiċi tal-Programm
71L-indikaturi relatati mal-Edukazzjoni u Taħriġ li jissemmew fl-Anness I tar-Regolament huma speċifiċi għall-Programm. Il-progress li sar taħt dawn l-indikaturi għall-2016 jintwera fil-Figura 11 u fil-Figura 12 ta’ hawn taħt, u jindika li l-biċċa l-kbira mill-miri qed jintlaħqu.
72L-indikaturi relatati mal-Edukazzjoni u t-Taħriġ, elenkati bl-ittri (a) sa (d) fil-Figura 11, huma indikaturi tal-output. Minkejja li dawn l-indikaturi kwantitattivi huma utli, huma ma jkejlux bis-sħiħ “(il-punt) sa fejn l-objettivi ġenerali u speċifiċi tal-Programm ikunu ntlaħqu”, notevolment l-objettivi speċifiċi, kif meħtieġ fl-Anness I tar-Regolament.
Figura 11
Indikaturi tal-output
Sors: Ir-Rapport Annwali tal-Attività, id-DĠ EAC, 2016.
L-indikaturi (e) sa (g) huma indikaturi tal-eżitu li jipprovdu informazzjoni dwar il-benefiċċji tal-parteċipazzjoni fil-Programm. L-indikatur (f) huwa kejl suġġettiv, li huwa bbażat fuq il-perċezzjoni tal-individwu, kif jiġi rrappurtat fi tmiem il-perjodu ta’ mobbiltà.
Figura 12
Indikaturi tal-eżitu
Sors: Ir-Rapport Annwali tal-Attività, id-DĠ EAC, 2016.
Il-Kummissjoni tirrikonoxxi l-limitazzjonijiet ta’ dawn l-indikaturi, billi huma fil-biċċa l-kbira bbażati fuq il-kontribut tal-KA1 ipperċepit u rrappurtat mill-benefiċjarjii36. Hija tiddikjara li r-Rapporti Nazzjonali, li fuqhom hija bbażata l-MTE, jirrappurtaw titjib fil-livell tal-kompetenzi u tal-ħiliet ewlenin tal-persuni li qed jitgħallmu, iżda hija tirrikonoxxi l-fatt li dan huwa fil-biċċa l-kbira bbażat fuq il-perċezzjonijiet irrappurtati mill-parteċipanti nfushom37.
It-Tabella operattiva tipprovdi informazzjoni f’ħin reali dwar l-outputs u l-eżiti
75Fl-2016, il-Kummissjoni niedet it-Tabella operattiva Erasmus+ tagħha, li hija maħżen virtwali tad-data uniku li jiġbor fih l-informazzjoni kollha li tiġi rreġistrata mill-Aġenziji Nazzjonali u mill-benefiċjarji. Din it-tabella operattiva tiġi aġġornata fuq bażi ta’ kuljum u tipprovdi f’ħin reali data kwalitattiva u kwantitattiva relatata mal-implimentazzjoni tal-Programm f’termini ta’ proġetti, għotjiet, parteċipanti u organizzazzjonijiet involuti fil-Programm. Hija tirreġistra l-istħarriġ u d-dikjarazzjonijiet ta’ wara l-perjodu ta’ mobbiltà tal-parteċipanti u l-benefiċjarji.
76Skont it-Tabella operattiva, il-livell ta’ sodisfazzjoni tal-parteċipanti huwa għoli: 95.8 % kienu sodisfatti bl-esperjenza tagħhom ta’ mobbiltà għat-tagħlim (sa Jannar 2018) u 80 % ħassew li kienu mħejjija aħjar biex isibu impjieg. Ibbażat fuq l-istħarriġ u d-dikjarazzjonijiet ta’ wara l-perjodu ta’ mobbiltà, Erasmus+ huwa tabilħaqq ta’ suċċċess.
Fl-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu, is-sorsi li jintużaw biex titkejjel il-prestazzjoni huma fil-biċċa l-kbira stħarriġiet u feedback mill-parteċipanti
77Ir-rapport tal-MTE dwar il-Programm Erasmus+ ġie ppreżentat fil-31 ta’ Jannar 201838. Huwa jibbaża fuq: ir-Rapporti Nazzjonali mill-pajjiżi tal-Programm, rapport ta’ evalwazzjoni maħruġ minn kuntrattur estern, studji oħra analizzati, l-esperjenza li nkisbet fil-ġestjoni tal-programm, u aktar minn miljun risposta mibgħuta mill-partijiet interessati kollha. Fir-rigward ta’ Erasmus+, huwa jkopri l-perjodu 2014-2016.
78Is-sorsi użati għall-MTE huma fil-biċċa l-kbira stħarriġiet u feedback mill-parteċipanti: l-evalwazzjoni kkombinat għadd ta’ tekniki għall-ġbir u l-analiżi tad-data. Il-biċċa l-kbira mir-riżultati jinkisbu minn taħlita ta’ evidenza… ibbażata fuq stħarriġiet tal-benefiċjarji, feedback irrappurtat mill-benefiċjarji nfushom, kif ukoll intervisti kwalitattivi u studji tal-każijiet39. Barra minn hekk, waqt Konsultazzjoni Pubblika Miftuħa nġabru l-opinjonijiet tal-pubbliku ġenerali u tal-gruppi interessati.
79Il-laqgħat tagħna mal-kompilaturi tar-Rapporti Nazzjonali fil-ħames pajjiżi li saritilhom żjara indikaw diffikultajiet li jirriżultaw min-nuqqas ta’ data robusta li tgħin biex jiġu vvalutati l-impatti tal-Programm.
Il-kwestjonarju ta’ wara l-perjodu ta’ mobbiltà għall-parteċipanti huwa suġġettiv u kumpless
80Wara l-ikkompletar tal-perjodu ta’ mobbiltà, kull parteċipant irid jimla kwestjonarju biex jevalwa s-sodisfazzjoni kumplessiv u l-aspetti speċifiċi tal-parteċipazzjoni fil-Programm, bħar-rikonoxximent tal-mobbiltà mill-istituzzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini, iż-żieda fis-sens ta’ identità Ewropea u t-titjib fil-ħiliet lingwistiċi.
81Dan il-feedback mill-parteċipanti huwa utli iżda, minħabba li huwa suġġettiv, ma għandux jintuża bħala l-istrument prinċipali ta’ kejl għall-valutazzjoni tal-kwalità u tar-riżultati ta’ perjodu ta’ mobbiltà. Il-feedback huwa ferm aktar suġġettiv, minħabba li l-pagament finali, għalkemm mhuwiex ikkundizzjonat minn awtovalutazzjoni pożittiva, jingħata lill-istudenti bil-kundizzjoni li jiġi kkompletat il-kwestjonarju.
82L-istudenti li ltqajna magħhom qalu li l-kwestjonarji kienu kumplessi wisq (b’mod partikolari għall-ETV) u li fihom wisq lingwaġġ tekniku tal-UE. Xi studenti rrappurtaw diffikultajiet biex jimlew il-kwestjonarji. Pereżempju, l-AN Norveġiża ddikjarat li l-mistoqsijiet mhumiex xierqa għall-istudenti tal-ETV.
Minn sena għal sena, ftit li xejn kien hemm kontinwità fil-prijoritajiet li jissemmew fil-Programmi ta' Ħidma Annwali għal Erasmus+
83Fl-2014, il-Kummissjoni stabbiliet prijoritajiet ta’ politika għall-Programm Erasmus+. Xi wħud minn dawn inżammu fl-AWP sussegwenti, filwaqt li oħrajn ma tkomplewx u ġew introdotti prijoritajiet ta’ politika ġodda.
84Il-prijorità “Bidliet sistemiċi tas-sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ bil-ħsieb li tiżdied ir-rilevanza tagħhom għas-suq tax-xogħol, permezz tat-tisħiħ tal-opportunitajiet ta’ tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol”, li ġiet introdotta fl-2014, ma ġietx inkluża fl-AWP sussegwenti.
85Fir-rigward tal-ETV, l-ebda waħda mill-prijoritajiet tal-2014 ma nżammet fl-AWP tal-2017. Madankollu, kull sena ġew introdotti prijoritajiet addizzjonali. Fir-rigward tal-HE, il-prijorità “żieda fil-livelli ta’ kisba” tneħħiet mill-AWP tal-2017 u minflokha ġew introdotti prijoritajiet ġodda.
86Dawn il-prijoritajiet huma rilevanti, madankollu l-ebda mira jew indikatur kwantitattivi ma ġew issettjati. Huwa diffiċli li jiġi ddeterminat sa liema punt intlaħqu l-objettivi ta’ dawn il-prijoritajiet, u r-raġuni għalfejn ħafna ma tkomplewx. Minn sena għal sena, ftit li xejn kien hemm kontinwità fil-prijoritajiet stabbiliti mid-DĠ EAC fl-AWP għal Erasmus+.
L-allokazzjoni tal-fondi mhix ibbażata fuq il-prestazzjoni
87Jenħtieġ li l-allokazzjoni tal-fondi tkun ibbażata fuq il-prestazzjoni biex tippromwovi l-użu effiċjenti u effettiv tar-riżorsi. Ir-Regolament jirrikjedi li l-kriterji użati biex titkejjel il-prestazzjoni jiffukaw fuq “il-livell ta' eżiti (outputs) annwali li saru u l-livell ta’ ħlasijiet (pagamenti) annwali li saru”40.
88Aħna ma nqisux li dawn il-kriterji huma suffiċjenti għall-kejl tal-prestazzjoni tal-Programm. Huma ikejlu sempliċiment kemm jista’ jintnefaq (inputs u outputs). Il-prestazzjoni tkopri wkoll l-eżiti u l-impatt, kif huwa rikonoxxut fir-Regolament41.
89Bħala konklużjoni, jeħtieġ li jsir aktar titjib fil-kejl tal-prestazzjoni tal-azzjoni “Mobbiltà” ta’ Erasmus+ f’ċerti oqsma ewlenin. Il-miri qed jintlaħqu iżda l-indikaturi mhumiex allinjati għalkollox mal-objettivi ġenerali u speċifiċi stipulati fir-Regolament, u dan jagħmel il-kejl tal-prestazzjoni diffiċli.
Erasmus+ introduċa bosta innovazzjonijiet, iżda xi wħud minnhom għadhom ma laħqux il-maturità
Il-konsolidazzjoni taħt Erasmus+ hija ta’ suċċess
90Erasmus+ jikkombina l-programmi mill-perjodu 2007-2013 taħt Programm wieħed (ara l-Figura 1). Fir-rigward tal-mobbiltà, huwa jinkludi l-Programmi preċedenti Erasmus (HE), Leonardo (ETV) u Comenius (SE). L-Aġenziji Nazzjonali li ltqajna magħhom - u f’dokument mid-Diretturi kollha tal-Aġenziji Nazzjonali42- iqisu li dan huwa pożittiv. Il-fatt li hemm tikketta unika jżid il-viżibbiltà kemm fil-livell politiku u kif ukoll f’dak pubbliku, u jikkontribwixxi biex jiżdied is-sens ta’ identità Ewropea (ara l-paragrafu 50).
L-approċċ ta’ ġestjoni indiretta huwa pożittiv
91L-approċċ ta’ ġestjoni indiretta43 jżid l-effettività tal-proġetti. Minħabba li huma qrib il-benefiċjarji, l-Aġenziji Nazzjonali jistgħu jikkontribwixxu aħjar għat-titjib tal-kwalità tal-proposti għall-proġetti u tal-implimentazzjoni tagħhom, billi jadattawhom għad-diversità tas-sistemi nazzjonali ta’ edukazzjoni u taħriġ. Il-benefiċjarji li intervistajna kkonfermaw li l-Aġenziji Nazzjonali kienu ta’ għajnuna kbira u pprovdew feedback tajjeb matul il-fażijiet tal-applikazzjoni u tal-implimentazzjoni, u li huma organizzaw avvenimenti u korsijiet ta' taħriġ biex jiffaċilitaw l-aċċess għall-Programm.
Erasmus+ jintroduċi bosta innovazzjonijiet fir-rigward tas-simplifikazzjoni amministrattiva, għalkemm il-proċessi ta’ applikazzjoni u ta’ rappurtar għadhom kumplessi
92Jenħtieġ li l-implimentazzjoni tal-Programm tiġi ssimplifikata billi jitnaqqsu r-rekwiżiti formali u burokratiċi għall-benefiċjarji u l-Istati Membri44. Biex il-Programm ikun ta’ suċċess, huwa vitali li jiġu ssimplifikati l-organizzazzjoni u l-ġestjoni, u li tingħata attenzjoni sostnuta għat-tnaqqis tal-infiq amministrattiv45.
93Minoranza biss tal-Aġenziji Nazzjonali (36 %) iqisu li Erasmus+ huwa ta’ piż inqas mill-programmi predeċessuri46. Il-benefiċjarji u l-parteċipanti għadhom isibu l-programm kumpless (l-applikazzjonijiet, l-implimentazzjoni, ir-rappurtar). Il-parteċipanti li intervistajna sabu li l-applikazzjoni għall-proġetti u r-rappurtar għall-ETV kienu ripetittivi, billi l-istess informazzjoni kellha tiġi pprovduta diversi drabi. Organizzazzjonijiet iżgħar ikkunsidraw li l-ħtieġa li jiddeskrivu l-“impatt Ewropew” tal-proġetti ta’ mobbiltà individwali tagħhom kienet eċċessiva.
94Fi kważi kull pajjiż, il-parteċipanti lmentaw dwar il-proċeduri amministrattivi kumplessi relatati mal-applikazzjonijiet u r-rappurtar47. Aħna sibna li xi studenti jqisu li l-LA huwa kkumplikat biex jimtela u li, malli jaslu, l-istudenti jistgħu jsibu li l-kontenut ta’ kors ikun inbidel. Xi drabi, il-katalgi tal-korsijiet ma jiġux aġġornati. Dan jista’ jikkawża diżappunt, billi xi studenti, malli jaslu, isibu li l-kors li xtaqu jsegwu ma jkunx għadu jeżisti.
95Skont xi wħud mill-parteċipanti li ltqajna magħhom, il-formoli ta' applikazzjoni kienu kumplessi wisq għall-iskejjel. Diffikultà partikolari tikkonsisti fl-istabbiliment tal-mod kif il-proġetti se jilħqu l-objettivi fil-Pjan għall-Iżvilupp Ewropew. Għas-sejħa għall-applikazzjonijiet tal-2018, il-formoli ta' applikazzjoni ġew issimplifikati.
96Il-Kummissjoni pproduċiet Gwida komprensiva tal-Programm li kienet maħsuba biex tgħin lill-organizzazzjonijiet benefiċjarji u lill-parteċipanti individwali. Din tiġi aġġornata kull sena. Madankollu, huwa diffiċli li jiġu identifikati l-bidliet li saru minn sena għal sena fil-Gwidi tal-Programmi, billi dawn mhumiex indikati. L-Aġenziji Nazzjonali li żorna ddikjaraw li huma japprezzaw jekk ikollhom manwal online (attwalment f’format pdf) bid-dokumenti sors kollha -u aġġornamenti mmarkati- f’dokument uniku. Minn dak iż-żmien 'il hawn, il-Gwida tal-Programm 2017 saret disponibbli online.
97Xi wħud mill-istituzzjonijiet li ltqajna magħhom ħassew li r-regoli relatati mal-mobbiltà fl-HE mal-pajjiżi sħab48 kienu kumplessi wisq. Matul l-ewwel sena, l-implimentazzjoni ta’ dan it-tip ta’ mobbiltà kienet diffiċli ħafna u l-ftehim finanzjarju bejn l-università u l-AN ġie mmodifikat 10 darbiet. F’dan il-qasam, l-objettiv tas-simplifikazzjoni għadu ma ntlaħaqx.
Is-somom f’daqqa, ir-rati fissi u l-ispejjeż għal kull unità huma għodod tajbin għas-simplifikazzjoni, iżda jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura li jiġu evitati l-effetti mhux mixtieqa
98L-implimentazzjoni ta’ Erasmus+ ġiet issimplifikata bl-użu ta’ finanzjament b’somom f'daqqa, b’rati fissi u bi spejjeż għal kull unità. L-analiżi ta' nofs it-terminu dwar is-simplifikazzjoni tal-għotjiet49 sabet li l-użu ta’ dan il-finanzjament wassal għal ħafna benefiċċji finanzjarji u mhux finanzjarji fl-implimentazzjoni tal-Programm. Huwa ssimplifika l-ippjanar baġitarju, ir-rappurtar lill-Aġenziji Nazzjonali u l-kontabbiltà. Barra dan, l-analiżi sabet li, minħabba t-tnaqqis tal-piż amministrattiv, il-benefiċjarji tal-programmi jistgħu jiffukaw fuq il-kontenut tal-proġetti matul l-istadju tal-ippjanar, kif ukoll fuq l-ilħuq tal-għanijiet tal-proġett tagħhom matul l-istadju tal-implimentazzjoni.
99Aħna sibna li l-partijiet ikkonċernati japprezzaw l-introduzzjoni ta’ somom f’daqqa, rati fissi u spejjeż għal kull unità li ssimplifikaw il-ġestjoni finanzjarja tal-programm.
100Madankollu, sabiex jittejjeb l-aċċess għal Erasmus+, jenħtieġ li l-għotjiet maħsuba biex jappoġġaw il-mobbiltà tal-individwi jiġu aġġustati għall-ispejjeż ta' għajxien (għoli tal-ħajja) u ta' sussistenza tal-pajjiż ospitanti50.
101Is-somom f’daqqa, ir-rati fissi u l-ispejjeż għal kull unità huma stipulati fil-Gwida tal-Programm u huma maqsumin fi tliet gruppi: pajjiżi b’għoli tal-ħajja simili, ogħla u aktar baxx. Xi studenti u istituzzjonijiet li ltqajna magħhom irrappurtaw li l-għotjiet ta’ Erasmus+ mhumiex suffiċjenti biex ikopru l-ispejjeż, u li huma jkollhom jirrikorru għal finanzjament addizzjonali, billi jħallsu mill-flus li jkunu faddlu huma stess, jew billi jitolbu l-għajnuna mingħand il-ġenituri. Dan jista’ jiskoraġixxi lill-istudenti żvantaġġati milli jieħdu sehem.
102Aħna sibna li l-ammonti tal-għotjiet ma jiġux aġġustati biex jirriflettu l-ispejjeż reali għall-parteċipanti, fil-każ fejn il-pajjiż riċeventi jkun jipprovdi sussidji speċifiċi, eż. fi Franza, il-kera ta’ student ta’ spiss titħallas mill-Istat, u dan ifisser li dawn il-parteċipanti jinsabu f’sitwazzjoni vantaġġuża.
103L-ispejjeż għal kull unità bbażati fuq firxiet tad-distanzi ma jiħdux kont tal-eżistenza jew tal-frekwenza ta’ konnessjonijiet, u lanqas tad-differenzi fil-prezzijiet bejn id-destinazzjonijiet turistiċi u l-postijiet ġeografikament imbiegħdin. L-użu ta’ kalkulatur tad-distanzi jiffacorixxi lil dawk li joqogħdu fi bliet kbar li jkollhom ajruporti.
104B’segwitu għall-kummenti li saru mill-Aġenziji Nazzjonali, il-Kummissjoni għamlet aġġustamenti f’ċerti elementi għas-sejħa għall-applikazzjonijiet tal-2017, pereżempju billi introduċiet pagamenti supplimentari għall-ispejjeż għaljin għall-ivvjaġġar domestiku. Barra dan, abbażi tal-evidenza pprovduta mill-analiżi ta' nofs it-terminu dwar is-simplifikazzjoni tal-għotjiet, ir-regoli ta’ finanzjament aġġustati se japplikaw mill-201851.
L-introduzzjoni ta’ sistemi tal-IT kienet problematika, iżda l-biċċa l-kbira mill-problemi issa ġew riżolti
105L-introduzzjoni ta’ għadd kbir ta’ għodod tal-IT fil-bidu tal-Programm ikkawżat konfużjoni għall-Aġenziji Nazzjonali u għall-applikanti. L-għodod tal-IT li ġew ipprovduti mill-Kummissjoni kienu inizjalment ta’ kwalità varjabbli u ġew introdotti tard. L-Għodda għall-Mobbiltà (Mobility Tool) kienet meqjusa bħala inaffidabbli u mhux faċli għall-utenti, u ħafna problemi ttieħdu inkunsiderazzjoni biss b’mod gradwali (eż. eForms, EPlusLink u OEET). Il-pajjiżi kollha li żorna rrappurtaw problemi fl-integrazzjoni tal-għodod il-ġodda, li ma kinux ġew ittestjati qabel l-introduzzjoni tagħhom.
106Il-Kummissjoni rriżolviet il-biċċa l-kbira mill-problemi bl-introduzzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni għall-IT tal-2016 tagħha. It-titjib ġie kkonfermat mill-Aġenziji Nazzjonali matul iż-żjarat tagħna.
107Aħna sibna li l-Aġenziji Nazzjonali, il-benefiċjarji u l-parteċipanti jixtiequ jirċievu aktar dokumentazzjoni elettronika, bl-għan li Erasmus+ ikun jinvolvi sistema mingħajr karti. Ħafna dokumenti ta’ Erasmus+ kienu għadhom jiġu stampati fuq il-karti.
L-Appoġġ Lingwistiku Online huwa għodda utli. Madankollu, il-korsijiet mhux online ffinanzjati taħt il-programm preċedenti huma kkunsidrati bħala essenzjali
108Wieħed mill-objettivi speċifiċi ta’ Erasmus+ huwa li jtejjeb l-istruzzjoni u t-tagħlim tal-lingwi.
109Il-Kummissjoni ħolqot l-Appoġġ Lingwistiku Online (OLS), li jagħti l-opportunità lill-istudenti biex jivvalutaw il-ħiliet tagħhom fil-lingwa barranija li huma jużaw fl-istudju jew fix-xogħol li jagħmlu fil-pajjiż ospitanti, kif ukoll li jsegwu kors lingwistiku online biex itejbu l-livell tagħhom.
110Il-parteċipanti kollha tal-mobbiltà jridu jikkompletaw valutazzjoni lingwistika online biex jevalwaw il-ħiliet lingwistiċi tagħhom qabel u wara l-ikkompletar tal-perjodu ta’ mobbiltà tagħhom. Dawn ir-riżultati jipprovdu data kwantifikabbli dwar it-titjib li sar f’dawn il-ħiliet. It-test OLS huwa obbligatorju sabiex jinkiseb il-pagament finali tal-għotjiet.
111Aħna sibna li f’bosta każijiet il-punteġġi li nkisbu fil-kwestjonarju malli ġie kkompletat il-perjodu ta’ mobbiltà jindikaw li l-ħiliet lingwistiċi baqgħu l-istess jew saħansitra naqsu. Skont il-Kummissjoni, it-tnaqqis evidenti fil-livelli lingwistiċi bejn l-ewwel valutazzjoni u dik finali jirrifletti nuqqas ta’ motivazzjoni min-naħa tal-parteċipanti minħabba n-nuqqas ta’ inċentivi f’dan l-istadju tal-mobbiltà tagħhom. Għaldaqstant, jenħtieġ li dawn it-testijiet finali, għalkemm essenzjali, jiġu ttrattati b’attenzjoni meta jitkejjel it-titjib li sar fil-kapaċità lingwistika.
112Skont xi istituzzjonijiet tal-HE, it-testijiet OLS ma jiġġenerawx ċertifikati ta’ kompetenzi lingwistiċi li jissodisfaw il-kriterji ta’ rikonoxximent imposti minn ħafna universitajiet Ewropej. Fil-fatt, il-Grupp Coimbra, li huwa grupp ta’ universitajiet, jemmen li hemm enfasi żejda fuq it-testijiet tal-lingwa online u li l-appoġġ li jingħata għall-korsijiet lingwistiċi effettivi fuq il-post huwa dgħajjef52.
113Xi parteċipanti tal-ETV huma wkoll diżappuntati minħabba l-fatt li, taħt Erasmus+, ma hemmx korsijiet lingwistiċi mhux online, li l-programm preċedenti seta’ jiffinanzja. Fl-Estonja, pereżempju, hil-fatt li ma hemmx korsijiet lingwistiċi f’awditorju huwa diżappuntanti, billi dawn kienu jinkoraġġixxu aktar lill-persuni li kienu qed jitgħallmu.
Figura 13
Eżempji ta’ kummenti dwar l-OLS mill-istituzzjonijiet tal-ETV li saritilhom żjara
Sors: Il-QEA.
Il-Faċilità ta’ Garanzija ta' Self lill-Istudenti ma laħqitx l-aspettattivi
114Il-Faċilità ta' Garanzija ta’ Self lill-Istudenti tipprovdi garanziji parzjali lil intermedjarji finanzjarji fir-rigward ta' self li jingħata “bl-aktar termini favorevoli possibbli” lil studenti li jkunu qed jistudjaw biex jiksbu lawrja tat-tieni ċiklu, bħal lawrja tal-Master, f’pajjiż ieħor tal-Programm53.
115Il-Faċilità hija mmaniġġjata u implimentata mill-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI) f’isem il-Kummissjoni. Il-perċentwal tal-baġit totali ta’ Erasmus+ li ġie oriġinarjament assenjat għal din il-Faċilità jilħaq it-3.5 %.
116L-objettiv kien li jiġu pprovduti EUR 3 biljun f’self lil 200 000 student tal-Master sal-2020, b’hekk tiġi stimulata l-mobbiltà tal-istudenti fl-Ewropa, f’konformità mal-mira referenzjarja ta’ 20 % għall-Mobbiltà tal-UE.
117Il-Ftehim ta’ Delega li ġie konkluż bejn il-Kummissjoni u l-FEI jipprovdi inċentivi mmirati sabiex dan tal-aħħar jagħżel intermedjarju finanzjarju minn kull wieħed mill-pajjiżi tal-Programm, sabiex jiġi żgurat li l-istudenti minn dawn il-pajjiżi kollha jkollhom aċċess għall-Faċilità54. Minkejja li l-FEI wettaq stħarriġ tas-suq li żvela l-interess sinifikanti ta’ dawn l-intermedjarji, u l-fatt li l-FEI ppromwova b’mod attiv il-Faċilità ma’ aktar minn 120 istituzzjoni finanzjarja, ħafna minnhom ma ġewx attirati mis-sejħiet sussegwenti għal espressjonijiet ta’ interess. Fi tmiem l-2017, l-iskema kienet qed topera biss permezz ta’ intermedjarju wieħed, kemm fi Franza u fit-Turkija (studenti li joħorġu mill-pajjiż biss), kif ukoll fi Spanja (studenti li joħorġu u jidħlu fil-pajjiż).
118Sa dak iż-żmien, 358 student tal-Master biss kienu rċevew dan is-self. Għalkemm il-feedback mill-istudenti parteċipanti kien pożittiv, li 77 % minnhom ikkonfermaw li ma kinux ikunu jistgħu jistudjaw għal-lawrja tal-Master tagħhom barra minn pajjiżhom mingħajr is-self garantit permezz tal-iskema, il-mira ta’ massimu 200 000 student55 x’aktarx li ma tintlaħaqx. Fi tmiem l-2017 il-Kummissjoni rriallokat il-fondi rilevanti.
119Waħda mir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ interess mill-intermedjarji finanzjarji tista’ tkun li r-Regolament għandu nuqqas ta’ flessibbiltà fir-rigward tal-protezzjoni għall-mutwatarji, u ma jiħux biżżejjed kont tal-prattiki standard tas-suq. Din il-protezzjoni hija stabbilita b’mod speċifiku fil-paragrafu 2 tal-Anness II tar-Regolament.
120Barra dan, il-Faċilità tkopri popolazzjoni fil-mira ristretta (studenti tal-Master), filwaqt li teskludi segmenti mdaqqsin ta’ studenti, u dan ikompli jnaqqas l-interess tal-intermedjarji finanzjarji.
121Fl-2017, il-FEI kkonkluda ftehimiet mal-Universitajiet tal-Lussemburgu u ta’ Ċipru, li permezz tagħhom dawn tal-aħħar l-istudenti tal-Master li jkunu ġejjin minn barra l-pajjiż se jkunu jistgħu jiddifferixxu l-ħlas tat-tagħlim u tal-ispejjeż ta’ akkomodazzjoni tagħhom għal sentejn, taħt garanziji maqbula taħt il-Faċilità. Dan l-approċċ innovattiv huwa pożittiv, billi l-universitajiet qed ikollhom rwol dejjem aktar importanti fil-finanzjament tal-edukazzjoni għolja.
Jeħtieġ li tingħata attenzjoni għal karatteristiċi oħra ġodda ta’ Erasmus+
L-istudenti ma għadx għandhom il-possibbiltà li jipparteċipaw fil-mobbiltà taħt il-KA1
122L-istudenti ma għadx għandhom il-possibbiltà li jipparteċipaw fil-mobbiltà taħt il-KA1. L-Aġenziji Nazzjonali u l-iskejjel tal-pajjiżi li saritilhom żjara kienu diżappuntati minħabba li din il-mobbiltà ma tistax issir aktar. Barra dan, huwa anomalu li l-istudenti tal-istess età jistgħu jipparteċipaw fil-mobbiltà fis-settur tal-ETV, iżda li l-istudenti ma jistgħux jagħmlu dan taħt il-KA1.
Ħafna istituzzjonijiet tal-ETV għandhom diffikultajiet biex isibu sħab u ta’ spiss ikollhom jirrikorru għal intermedjarji
123L-istituzzjonijiet tal-ETV li żorna rrappurtaw diffikultajiet biex isibu sħab għal mobbiltà ta’ kwalità għolja. Eżempji ta’ dawn id-diffikultajiet huma ppreżentati fil-Figura 14. Xi istituzzjonijiet jirrikorru għal intermedjarji, u din l-għażla tista tkun għalja u tnaqqas il-finanzjament disponibbli għall-mobbiltà. L-istituzzjonijiet tal-ETV li saritilhom żjara japprezzaw jekk ikollhom aktar appoġġ mill-Kummissjoni u mill-Aġenziji Nazzjonali biex isibu sħab.
124Barra dan, filwaqt li l-Programm Leonardo kien ikopri spejjeż bħal żjarat ta’ tħejjija għall-għalliema biex jispezzjonaw is-sħab ospitanti l-ġodda, dan ma għadux il-każ taħt il-Programm Erasmus+. L-istituzzjonijiet tal-ETV esprimew ix-xewqa li jkollhom aktar appoġġ biex il-persunal amministrattiv u l-għalliema jkunu jistgħu jakkumpanjaw lill-istudenti fil-bidu u fi tmiem il-perjodu ta’ mobbiltà, kif ukoll iwettqu żjarat ta’ tħejjija. Iż-żjarat ta’ akkumpanjament huma importanti ħafna billi l-istudenti ta’ spiss ikunu adolexxenti u, għal ħafna minnhom, din tkun l-ewwel darba barra minn pajjiżhom.
125Reċentement, il-Kummissjoni ħolqot mappa online tad-detenturi tal-Karta tal-ETV, li permezz tagħha l-kulleġġi jistgħu jfittxu sħubiji ma’ kulleġġi barra mill-pajjiż li jitqiesu li huma affidabbli.
Figura 14
Diffikultajiet biex jinstabu sħab - Kummenti li saru mill-istituzzjonijiet tal-ETV li saritilhom żjara
Sors: Il-QEA.
Jeħtieġ li jkun hemm flessibbiltà għall-istudenti tal-PhD
126Taħt skemi preċedenti, kien possibbli li jiġu organizzati programmi qosra u intensivi li kienu apprezzati ħafna, speċjalment mill-istudenti tal-PhD. Attwalment, il-perjodu minimu permess huwa ta’ tliet xhur. L-istituzzjonijiet tal-Edukazzjoni Għolja li żorna sostnew li dawn l-istudenti jeħtieġu aktar flessibbiltà u li perjodu ta’ xahar jirrifletti aħjar id-disponibbiltà tagħhom.
Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
127Aħna sibna li Erasmus+ huwa tikketta tal-UE li hija magħrufa sew u li kellha suċċess kbir. Il-Programm jiġġenera ħafna forom ta’ EAV, li ħafna minnhom imorru lil hinn mir-rekwiżiti legali. Il-miri qed jintlaħqu iżda jeħtieġ li jsir aktar titjib fil-qafas ta’ valutazzjoni tal-prestazzjoni tal-azzjoni “Mobbiltà” ta’ Erasmus+ f’ċerti oqsma ewlenin, biex b’hekk jitkejjel il-punt sa fejn ikunu ntlaħqu l-objettivi ġenerali u speċifiċi. Ġew introdotti karatteristiċi innovattivi u miżuri ta’ simplifikazzjoni, iżda xi partijiet ikkonċernati jqisu li xi aspetti ewlenin għadhom kumplessi.
128L-azzjonijiet “Mobbiltà” ta’ Erasmus+ jissodisfaw il-kriterji tal-EAV stipulati fil-bażi legali (ara l-paragrafi 14 sa 31). Aħna identifikajna modi addizzjonali li bihom dawn l-azzjonijiet jiġġeneraw l-EAV (ara l-paragrafi 32 sa 51).
Rakkomandazzjoni 1
Jenħtieġ li l-Kummissjoni tipproponi elementi addizzjonali tal-EAV meta tkun qed tfassal u timplimenta l-programm Erasmus li jmiss. Dawn l-elementi kollha għandhom jiġu prijoritizzati fl-istadju tal-evalwazzjoni tal-proġett, jiġu mmonitorjati u jsiru rapporti dwarhom.
Data mmirata għall-implimentazzjoni: l-ewwel semestru tal-2021.
129Għalkemm il-biċċa l-kbira mill-miri speċifikati għall-programm qed jintlaħqu, aħna sibna li l-indikaturi mhumiex allinjati għalkollox mal-objettivi ġenerali u speċifiċi stipulati fir-Regolament, u dan jagħmel il-kejl tal-prestazzjoni diffiċli. Għalhekk, jeħtieġ li jsir aktar titjib fil-qafas ta’ valutazzjoni tal-prestazzjoni tal-azzjoni “Mobbiltà” ta’ Erasmus+ f’ċerti oqsma ewlenin (ara l-paragrafi 52 sa 88). L-impatt sistemiku tal-azzjoni “Mobbiltà” għadu ma ntweriex (ara l-paragrafi 16 sa 18).
130Il-biċċa l-kbira mill-indikaturi huma kwantitattivi u bbażati fuq l-output. Dawk kwalitattivi huma bbażati l-aktar fuq il-perċezzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati u tal-parteċipanti, li nġabru permezz ta’ intervisti u stħarriġiet. Il-feedback mill-parteċipanti huwa utli iżda, billi jista’ jkun suġġettiv, ma għandux jintuża bħala l-istrument prinċipali ta’ kejl għall-valutazzjoni tal-kwalità u tar-riżultati tal-azzjonijiet ta’ mobbiltà (ara l-paragrafi 54 sa 82).
131Il-kriterji tal-prestazzjoni, stabbiliti bir-Regolament, għall-allokazzjoni tal-fondi jkejlu sempliċiment l-inputs u l-outputs, u mhux l-eżiti u l-impatti. Fil-fehma tagħna, il-prestazzjoni trid tiġi eżaminata f’termini tal-progress li sar lejn l-ilħuq tal-objettivi, sabiex ikun hemm konformità mar-Regolament. Barra dan, minn sena għal sena, ftit li xejn hemm kontinwità fil-prijoritajiet ta’ politika għall-Programm Erasmus+ (ara l-paragrafi 83 sa 88).
Rakkomandazzjoni 2
Jenħtieġ li l-Kummissjoni:
- tkompli tiżviluppa u tippubblika l-indikaturi li jikkontribwixxu għall-kejl tal-punt sa fejn ikunu ntlaħqu l-objettivi ġenerali u speċifiċi tal-Programm;
- tfassal kriterji biex tiżgura li l-allokazzjoni tal-fondi tkun ibbażata fuq il-prestazzjoni fl-ilħuq tal-objettivi, sabiex tippromwovi użu effiċjenti u effettiv tar-riżorsi.
Data mmirata għall-implimentazzjoni: l-ewwel semestru tal-2021.
132Erasmus+ introduċa bosta innovazzjonijiet pożittivi, notevolment biex jissimplifika u jnaqqas il-piż amministrattiv għall-parteċipanti, l-istituzzjonijiet benefiċjarji u l-Aġenziji Nazzjonali. Madankollu, għadu jeħtieġ li jsir titjib biex il-parteċipazzjoni tkun inqas oneruża u aktar attraenti għall-benefiċjarji, notevolment fil-proċessi ta’ applikazzjoni u ta’ rappurtar. Minoranza biss tal-Aġenziji Nazzjonali (36 %) iqisu li Erasmus+ huwa ta’ piż inqas mill-programmi predeċessuri (ara l-paragrafi 90 sa 97).
133Is-somom f’daqqa, ir-rati fissi u l-ispejjeż għal kull unità huma għodod tajbin għas-simplifikazzjoni, iżda jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura li jiġu evitati effetti mhux iġġustifikati (ara l-paragrafi 98 sa 104).
134L-introduzzjoni ta’ sistemi tal-IT kienet problematika ħafna għall-ewwel, iżda l-biċċa l-kbira mill-problemi kienu ġew riżolti sa tmiem l-2017. Minkejja dan, l-MTE sabet li “jenħtieġ li l-proċeduri u l-għodda tal-ġestjoni tal-IT isiru aktar faċli biex jintużaw, sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv fuq il-korpi ta’ implimentazzjoni u l-benefiċjarji”56. Jeħtieġ li jitħeġġeġ l-użu tal-applikazzjonijiet elettroniċi (ara l-paragrafi 105 sa 107).
Rakkomandazzjoni 3
Jenħtieġ li l-Kummissjoni tkompli tissimplifika l-iskema sabiex tnaqqas il-piż amministrattiv. B’mod partikolari, jenħtieġ li hija:
- tiffaċilita l-proċessi ta’ applikazzjoni u ta’ rappurtar għall-benefiċjarji u l-parteċipanti individwali;
- iżżomm l-approċċ ta’ somom f’daqqa, rati fissi u spejjeż għal kull unità, filwaqt li taġġusta l-ammonti tal-għotjiet meta jkun meħtieġ;
- ittejjeb l-għodod tal-IT u tkompli tikkompjuterizza l-proċeduri.
Data mmirata għall-implimentazzjoni: l-2019.
135L-Appoġġ Lingwistiku Online huwa għodda komplementari għall-awtotagħlim u l-ittestjar tal-livell lingwistiku. Madankollu, dan jista’ fil-futur jiġi ssupplimentat b’korsijiet mhux online ffinanzjati taħt il-programm preċedenti (ara l-paragrafi 108 sa 113).
Rakkomandazzjoni 4
Jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta jekk il-finanzjament għat-tagħlim tradizzjonali tal-lingwi fil-klassi jistax jiġi introdott mill-ġdid.
Data mmirata għall-implimentazzjoni: l-2021.
136Fir-rigward tal-Faċilità ta’ Garanzija ta' Self lill-Istudenti, il-parteċipazzjoni tal-intermedjarji finanzjarji hija limitata, u l-impatt intenzjonat mhuwiex qed jinkiseb. Il-FEI fittex soluzzjonijiet innovattivi u flessibbli. L-espansjoni tal-portafoll tas-self potenzjali għal ċikli oħra fil-programm suċċessur tista’ żżid l-attraenza tal-iskema għall-intermedjarji finanzjarji (ara l-paragrafi 114 sa 121).
Rakkomandazzjoni 5
Jenħtieġ li l-Kummissjoni:
- tipproponi bidliet regolatorji u leġiżlattivi xierqa biex twessa’ l-ambitu tal-Faċilità ta’ Garanzija ta' Self lill-Istudenti, u b’hekk tinkludi l-mobbiltà kemm ta’ dawk li jkunu qed jagħmlu d-dottorat kif ukoll ta’ studenti universitarji tal-ewwel grad;
- tieħu azzjoni xierqa biex tħeġġeġ lill-pajjiżi tal-Programm sabiex jiżguraw li l-Istituzzjonijiet Promozzjonali Nazzjonali tagħhom jipparteċipaw fil-Faċilità eżistenti.
Data mmirata għall-implimentazzjoni: (a) l-ewwel semestru tal-2021, (b) l-2018.
137Aħna sibna domanda sinifikanti għall-introduzzjoni mill-ġdid tal-mobbiltà tal-istudenti fl-Azzjoni Ewlenija 1 ta’ Erasmus+ (ara l-paragrafu 122).
138Il-perjodu minimu ta’ mobbiltà ta’ tliet xhur għall-istudenti tal-PhD mhuwiex dejjem xieraq. Dawn l-istudenti jeħtieġu aktar flessibbiltà (ara l-paragrafu 126).
Rakkomandazzjoni 6
Jenħtieġ li l-Kummissjoni:
- tippromwovi l-introduzzjoni tal-mobbiltà tal-istudenti taħt il-KA1; u
- tqis il-possibbiltà li tapplika aktar flessibbiltà fid-durata tal-perjodu ta’ mobbiltà tal-istudenti tal-PhD. Perjodu ta’ xahar jirrifletti aħjar id-disponibbiltà ta’ dawn l-istudenti.
Data mmirata għall-implimentazzjoni: (a) l-2020, (b) l-ewwel semestru tal-2021.
Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla IV, immexxija mis-Sur Neven MATES, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tat-3 ta’ Lulju 2018.
Għall-Qorti tal-Awdituri

Klaus-Heiner LEHNE
President
Annessi
Anness I
Eżempji ta’ proġetti ta’ mobbiltà taħt l-Azzjoni Ewlenija 1 f’setturi differenti tal-edukazzjoni
Edukazzjoni Għolja
Proġett universitarju, il-Lussemburgu - Bejn l-1.7.14 u l-31.10.15
Il-proġett tal-Università tal-Lussemburgu ppermetta lil 469 student li jibbenefikaw mill-mobbiltà (3 xhur) u lil 20 membru tal-persunal li jipparteċipaw fil-mobbiltà (6 sa 12-il xahar).
Baġit: EUR 792 400
Edukazzjoni u Taħriġ Vokazzjonali
Lycée technique pour Professions de Santé, il-Lussemburgu - Bejn l-1.10.14 u t-30.9.15
Din l-iskola vokazzjonali fil-qasam tas-saħħa niedet proġett ta’ mobbiltà għat-tagħlim bl-objettiv li żżid il-kwalità tat-taħriġ professjonali billi:
- tipprovdi sitwazzjonijiet li fihom l-istudenti jiffaċċjaw kuntest professjonali u soċjokulturali differenti
- tiżviluppa l-kapaċità ta’ riflessjoni u d-disponibbiltà tagħhom fir-rigward ta’ metodi differenti ta’ ħidma
- iżżid il-ħiliet lingwistiċi tagħhom fil-Ġermaniż u fil-Franċiż, speċjalment l-użu ta’ termini professjonali u mediċi korretti
Baġit: EUR 96 950
Edukazzjoni Skolastika
Vrije Basisschool Roezemoes, il-Belġju - Bejn l-1.9.14 u l-31.8.15
Din l-iskola bagħtet erba’ għalliema barra minn pajjiżhom (tmint ijiem) għal skopijiet ta’ taħriġ.
Baġit: EUR 6 580
Edukazzjoni għall-Adulti
Librerija Pubblika ta’ Bergen – in-Norveġja - 2015
Il-proġett kien jinkludi skambju mal-Librerija Rosengarden f’Malmo dwar inizjattivi relatati mal-edukazzjoni għall-migranti.
Baġit: EUR 8 840
Anness II
Eżempji ta’ mobbiltà fl-istituzzjonijiet tal-ETV li saritilhom żjara
| Istituzzjonijiet tal-ETV li saritilhom żjara mill-QEA | Mobbiltà | ||
|---|---|---|---|
| Pajjiżi Riċeventi | Oqsma | ||
| L-Estonja | Studenti | Id-Danimarka Il-Finlandja Franza L-Iżlanda L-Italja Spanja Ir-Renju Unit |
Mekkanika tal-karozzi Lukandi Tisjir Ħami Elettriku Industrija tal-injam |
| Persunal | Id-Danimarka Il-Finlandja Franza Il-Ġermanja Spanja |
Ħjata Tindif Tisjir Loġistika Elettriku |
|
| In-Norveġja | Studenti | L-Awstrija L-Iżlanda |
Attivitajiet fil-beraħ Trobbija tan-nagħaġ Taħriġ taż-żwiemel |
| Persunal | L-Awstrija L-Iżlanda Is-Slovenja |
Attivitajiet fil-beraħ Trobbija tan-nagħaġ Taħriġ taż-żwiemel Konservazzjoni tan-natura |
|
| Il-Polonja | Studenti | Il-Portugall | Tisjir |
| Persunal | Il-Portugall | Tisjir | |
| Ir-Rumanija | Studenti | Spanja It-Turkija |
Programmi viżivi Photoshop Kirurġija Emerġenza Ostetriċja Ġinekoloġija |
| Persunal | Id-Danimarka Spanja It-Turkija |
Studji fil-qasam tal-kura tas-saħħa Ċibernetika Mentoraġġ bejn il-pari Kontabbiltà Assistenza medika |
|
| Spanja | Studenti | Il-Ġermanja L-Irlanda L-Italja |
Xogħol relatat mal-karrozzerija ta’ vetturi IT |
| Persunal | Il-Ġermanja L-Italja Il-Polonja |
Osservazzjoni f'sitwazzjoni ta' xogħol | |
Sors: Il-QEA.
Abbrevjazzjonijiet u akronimi
AN: Aġenzija/Aġenziji Nazzjonali
AWP: Programm ta’ Ħidma Annwali
DCI: Strument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp
DĠ EAC: Id-Direttorat Ġenerali għall-Edukazzjoni, iż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Kultura fil-Kummissjoni Ewropea huwa l-fergħa eżekuttiva tal-Unjoni Ewropea, li hija responsabbli għall-politika dwar l-edukazzjoni, il-kultura, iż-żgħażagħ, il-lingwi u l-isport.
EAV: Valur Miżjud Ewropew
ETV: Edukazzjoni u Taħriġ Vokazzjonali
FEI: Fond Ewropew tal-Investiment
FSE: Fond Soċjali Ewropew
HE: Edukazzjoni Għolja
KA: Azzjoni Ewlenija
LA: Ftehim ta’ Tagħlim
MTE: Evalwazzjoni ta' nofs it-terminu
OLS: Appoġġ Lingwistiku Online
SE: Edukazzjoni Skolastika
Glossarju
Comenius: Programm preċedenti ta' mobbiltà għall-iskejjel.
Erasmus: Programm preċedenti ta' mobbiltà għall-Edukazzjoni Għolja.
ET 2020: Edukazzjoni u Taħriġ 2020 huwa l-qafas għall-kooperazzjoni fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ fl-UE kollha, li ġie adottat fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta’ Mejju 2009.
Europass: Portafoll ta’ ħames dokumenti li jgħinu liċ-ċittadini jikkomunikaw aħjar il-ħiliet u l-kwalifiki tagħhom meta japplikaw għal impjieg jew biex jistudjaw fl-Ewropa. Dawn id-dokumenti huma s-CV tal-Europass u l-Passaport tal-Lingwi, kif ukoll tliet dokumenti li jistgħu jinħarġu għaċ-ċittadini li jkunu kisbu esperjenza ta’ mobbiltà f’pajjiż Ewropew ieħor (Europass Mobility) jew li jkunu kkompletaw programm formali ta’ edukazzjoni jew taħriġ vokazzjonali (Suppliment taċ-ċertifikat) jew programm ta’ edukazzjoni għolja (Suppliment tad-diploma).
Faċilità ta’ Garanzija ta' Self lill-Istudenti: Inizjattiva tal-UE mmaniġġjata u implimentata mill-FEI f’isem il-Kummissjoni Ewropea, li tniedet f’Diċembru 2014 fil-kuntest ta’ Erasmus+, biex tipprovdi garanziji parzjali lill-intermedjarji finanzjarji fir-rigward ta’ self li jingħata lill-istudenti li jkunu qed jistudjaw biex jiksbu lawrja tal-Master barra minn pajjiżhom.
Leonardo da Vinci: Programm preċedenti ta' mobbiltà għall-Edukazzjoni u Taħriġ Vokazzjonali.
Mobbiltà għat-tagħlim: Spostament fiżiku lejn pajjiż li ma jkunx il-pajjiż ta’ residenza, għal finijiet ta’ studju, taħriġ jew tagħlim mhux formali jew informali; din il-mobbiltà tista’ tkun ukoll fil-forma ta’ traineeships, apprendistati, skambji taż-żgħażagħ, attivitajiet ta’ volontarjat, tagħlim jew parteċipazzjoni f’attività ta’ żvilupp professjonali.
Pajjiżi tal-Programm u pajjiżi sħab: Il-pajjiżi eliġibbli jinqasmu f’żewġ gruppi: il-pajjiżi tal-Programm (l-Istati Membri tal-UE flimkien mal-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u t-Turkija) u 145 pajjiż sieħeb li huma mxerrdin mad-dinja kollha.
Parametru referenzjarju għall-mobbiltà: l-indikatur relatat ma’ Erasmus+ li huwa wieħed mill-miri ssettjati taħt ET 2020.
Strateġija Ewropa 2020: L-istrateġija, fuq 10 snin, tal-Unjoni Ewropea għall-impjiegi u t-tkabbir, li tniedet fl-2010 biex toħloq il-kundizzjonijiet għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv.
Tabella operattiva: maħżen virtwali tad-data fil-Kummissjoni, li jiġbor fih l-informazzjoni kollha dwar Erasmus+ li tiġi rreġistrata mill-Aġenziji Nazzjonali u mill-benefiċjarji. Din it-tabella operattiva tiġi aġġornata fuq bażi ta’ kuljum u tipprovdi f’ħin reali data kwalitattiva u kwantitattiva relatata mal-implimentazzjoni tal-Programm.
Noti finali
1 L-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 1288/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi “Erasmus+”: il-programm tal-Unjoni għall-edukazzjoni, taħriġ, żgħażagħ u sport u li jħassar id-Deċiżjonijiet Nru 1719/2006/KE, Nru 1720/2006/KE u Nru 1298/2008/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 50).
2 KUMM (2010) 2020 finali tat-3 ta’ Marzu 2010 “EWROPA 2020 Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv”.
3 Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta’ Mejju 2009 dwar qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ ("ET 2020") - 2009/C 119/02.
4 COM(2018) 50 final tal-31 ta’ Jannar 2018 “Evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-programm Erasmus+ (2014-2020)” akkumpanjat minn SWD(2018) 40 final.
5 L-Artikolu 3 tar-Regolament.
6 Sors: It-Tabella operattiva tad-DĠ EAC.
7 L-Artikolu 3 tar-Regolament.
8 SWD(2018) 40, p. 2.
9 Ibid, p. 36.
10 Il-Gwida tal-Programm, il-Kummissjoni Ewropea, id-Direttorat Ġenerali għall-Edukazzjoni u l-Kultura, Brussell, 2016, p. 35.
11 L-Artikolu 4 tar-Regolament.
12 SWD(2015) 161 final, p. 86.
13 Sors: It-Tabella operattiva tad-DĠ EAC.
14 Ir-Rapport Annwali Erasmus+ 2015, p. 3 u 4.
15 Il-Gwida tal-Programm, p. 322.
16 Ir-Rapport Annwali tal-Attività 2016 tad-DĠ EAC.
17 SWD(2018) 40, p. 26.
18 Sors: It-Tabella operattiva tad-DĠ EAC.
19 SWD(2018) 40, p. 26.
20 L-Istrument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI), l-Istrument Ewropew ta’ Viċinat (ENI), l-Istrument ta' Sħubija għall-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi (PI), l-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA) u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ), għall-perjodu 2016-2020.
21 L-Artikolu 18(4) tar-Regolament.
22 Il-Premessa (30) tar-Regolament.
23 L-Artikolu 4 tar-Regolament.
24 L-Anness I tar-Regolament.
25 L-Artikolu 5(2) tar-Regolament.
26 L-Anness I tar-Regolament.
27 Il-perċentwal fil-mira ta’ Ewropa 2020 relatat mal-persuni li jitilqu kmieni mill-iskola huwa ta’ “inqas minn 10 %”, http://ec.europa.eu/eurostat/web/education-and-training/eu-benchmarks.
28 Il-perċentwal fil-mira ta’ Ewropa 2020 relatat mal-persuni li għandhom bejn it-30 u l-34 sena u li kisbu lawrja fil-livell ta’ edukazzjoni terzjarja huwa ta’ “mill-inqas 40 %”, http://ec.europa.eu/eurostat/web/education-and-training/eu-benchmarks.
29 Ir-Rapport Annwali tal-Attività, id-DĠ EAC, 2016.
30 http://ec.europa.eu/eurostat/web/education-and-training/eu-benchmarks
31 Education and Training Monitor (Monitoraġġ tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ), il-Kummissjoni Ewropea (2016), p. 77.
32 Learning Mobility Technical Report (Rapport Tekniku dwar il-Mobbiltà għat-Tagħlim), il-Kummissjoni Ewropea/JRC (2015).
33 Ir-Rapport Annwali Erasmus+ 2016, p. 20.
34 Sors: It-Tabella operattiva tad-DĠ EAC.
35 SWD(2018) 40, p. 17 u 20.
36 SWD(2018) 40, p. 22.
37 Ibid, p. 23.
38 Skont l-Artikolu 21 tar-Regolament, il-Kummissjoni kellha tippreżenta l-MTE sal-31 ta’ Diċembru 2017.
39 SWD(2018) 40, p. 15.
40 L-Artikolu 18(8) tar-Regolament.
41 Il-Premessa (30) u l-Artikolu 21(1) tar-Regolament.
42 Erasmus+ expectations for the future: a contribution from the NA Directors Education and Training (Aspettattivi ta’ Erasmus+ għall-futur: kontribut mid-Diretturi tal-Aġenziji Nazzjonali fl-Edukazzjoni u t-Taħriġ), il-15 ta’ Marzu 2017.
43 Ara l-paragrafu 5.
44 Il-Premessa (42) tar-Regolament.
45 Il-Premessa (3) tar-Regolament.
46 SWD(2018) 40, p. 68.
47 SWD(2018) 40, in-nota 318 f’qiegħ il-paġna u p. 67.
48 Ara l-paragrafu 46 hawn fuq.
49 Mid-term review of Simplified Grants used in the Erasmus+ Programme (Analiżi ta' nofs it-terminu ta’ Għotjiet Issimplifikati użati fil-Programm Erasmus+) (2017), is-Sommarju eżekuttiv, p. 6.
50 Il-Premessa (40) tar-Regolament.
51 Commission Decision C(2017) 6864 of 17.10.2017 amending Commission Decision C(2013) 8550 authorising the use of lump sums, reimbursement on the basis of unity costs and flat-rate financing under the “Erasmus+” Programme (Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2017) 6864 tas-17.10.2017 li temenda d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2013) 8550 li tawtorizza l-użu ta’ somom f’daqqa, ir-rimborż fuq il-bażi ta’ spejjeż għal kull unità u l-finanzjament b'rata fissa taħt il-Programm “Erasmus+”).
52 Id-dokument ta’ pożizzjoni tal-Grupp Coimbra dwar Erasmus+, li ġie adottat fit-3 ta’ Mejju 2017. Il-Grupp Coimbra huwa assoċjazzjoni ta’ universitajiet Ewropej bi standard internazzjonali għoli.
53 L-Artikolu 20 tar-Regolament.
54 Idem.
55 Il-paġna 104 tal-Gwida tal-Programm 2016.
56 COM(2018) 50, p. 6.
1 http://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/PDF/?uri=CELEX:52009XG0528(01)&from=EN
2 Partikolarment pożittivi fost il-partijiet ikkonċernati fil-livell tal-UE fis-setturi tal-edukazzjoni skolastika u għolja, filwaqt li l-perċezzjonijiet huma aktar imħalltin fost il-partijiet ikkonċernati fil-livell tal-UE fis-settur tal-isport u fost il-partijiet ikkonċernati nazzjonali. Pereżempju, l-allinjament tajjeb tal-programm mal- Immodernizzar tal-komunikazzjoni tal-Edukazzjoni Għolja, l-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet jew l-attenzjoni li qed tingħata dejjem aktar lit-tagħlim imsejjes fuq ix-xogħol (ErasmusPro) spiss kienu stmati.
3 Għalkemm l-isfidi mhux dejjem ikunu jidhru b’mod espliċitu; Pereżempju, il-gwida tal-Programm 2017 tippreżenta fil-qosor il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà (il-parti li tiddeskrivi l-SVE) bħala mezz biex jgħin li “jissolvew sitwazzjonijiet diffikultużi” mingħajr ma tispeċifika dawn tal-aħħar.
4 C(2013) 8550 tal-4 ta’ Diċembru 2013 tawtorizza l-użu tal-għotjiet simplifikati.
| Avveniment | Data |
|---|---|
| Adozzjoni tal-APM / Bidu tal-awditu | 22.11.2016 |
| L-abbozz tar-rapport jintbagħat uffiċjalment lill-Kummissjoni (jew lil parti awditjata oħra) | 27.4.2018 |
| Adozzjoni tar-rapport finali wara l-proċedura kontradittorja | 3.7.2018 |
| Ir-risposti uffiċjali tal-Kummissjoni (jew ta’ parti awditjata oħra) riċevuti bil-lingwi kollha | 26.7.2018 |
Tim tal-awditjar
Ir-rapporti speċjali tal-QEA jippreżentaw ir-riżultati tal-awditi li twettaq ta’ politiki u programmi tal-UE, jew ta’ suġġetti relatati mal-ġestjoni minn oqsma speċifiċi tal-baġit. Il-QEA tagħżel u tfassal dawn il-kompiti tal-awditjar biex timmassimizza l-impatt tagħhom billi tqis ir-riskji għall-prestazzjoni jew għall-konformità, il-livell ta’ introjtu jew ta’ nfiq involut, l-iżviluppi li jkunu għad iridu jseħħu u l-interess politiku u pubbliku.
Dan l-awditu tal-prestazzjoni twettaq mill-Awla IV tal-Awditjar, Regolamentazzjoni tas-swieq u ekonomija kompetittiva, li hija mmexxija minn Neven Mates, Membru tal-QEA. L-awditu tmexxa minn Rimantas Šadžius, Membru tal-QEA, li ngħata appoġġ minn Mindaugas Pakštys, Kap tal-Kabinett Litwan, Tomas Mackevičius, Attaché tal-Kabinett, kif ukoll Aušra Maziukaitė u Niamh Carey, Assistenti tal-Kabinett; Paul Stafford, Maniġer Prinċipali; Maria Echanove, Kap tal-Kompitu; Sandra Dreimane, Agnieszka Plebanowicz, Bogdan Sinca u Timothy Upton, Awdituri. Michael Pyper ipprovda appoġġ lingwistiku.
Kuntatt
IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI
12, rue Alcide De Gasperi
1615 Luxembourg
LUXEMBOURG
Tel. +352 4398-1
Mistoqsijiet: eca.europa.eu/mt/Pages/ContactForm.aspx
Sit web: eca.europa.eu
Twitter: @EUAuditors
Ħafna informazzjoni addizzjonali dwar l-Unjoni Ewropea hija disponibbli fuq l-Internet.
Jista’ jsir aċċess għaliha permezz tas-server Europa (http://europa.eu).
Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2018
| ISBN 978-92-847-0438-5 | ISSN 1977-5741 | doi:10.2865/971491 | QJ-AB-18-017-MT-N | |
| HTML | ISBN 978-92-847-0494-1 | ISSN 1977-5741 | doi:10.2865/09045 | QJ-AB-18-017-MT-Q |
© L-Unjoni Ewropea, 2018
Għal kull użu jew riproduzzjoni ta’ ritratti jew materjal ieħor li ma jaqax taħt id-drittijiet tal-awtur tal-Unjoni Ewropea, irid jintalab il-permess direttament mingħand id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur.
KIF TIKKUNTATTJA LILL-UE
Personalment
Madwar l-Unjoni Ewropea kollha hemm mijiet ta’ ċentri ta’ informazzjoni tal-Europe Direct. Tista’ ssib l-indirizz tal-eqreb ċentru għalik f’dan is-sit: https://europa.eu/european-union/contact_mt
Bit-telefown jew bil-posta elettronika
Europe Direct huwa servizz li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar l-Unjoni Ewropea. Tista’ tikkuntattja dan is-servizz:
- bit-telefown bla ħlas: 00 800 6 7 8 9 10 11 (ċerti operaturi jafu jimponu ħlas għal dawn it-telefonati),
- fuq dan in-numru standard: +32 22999696, jew
- bil-posta elettronika permezz: https://europa.eu/european-union/contact/write-to-us_mt
KIF ISSIB TAGĦRIF DWAR L-UE
Onlajn
L-informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE hija disponibbli fuq is-sit web Europa fuq: https://europa.eu/european-union/contact_mt
Pubblikazzjonijiet tal-UE
Tista’ tniżżel mill-internet jew tordna l-pubblikazzjonijiet tal-UE, li xi wħud minnhom huma bla ħlas u xi oħrajn bil-ħlas, mill-EU Bookshop fl-indirizz li ġej: https://op.europa.eu/mt/publications. Kopji multipli ta’ pubblikazzjonijiet bla ħlas tista’ tiksibhom billi tikkuntattja lil Europe Direct jew liċ-ċentru tal-informazzjoni lokali tiegħek (ara https://europa.eu/european-union/contact_mt).
Il-liġi tal-UE u dokumenti relatati
Għal aċċess għall-informazzjoni legali tal-UE, inkluż il-liġijiet kollha tal-UE mill-1951 ’l hawn, fil-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali kollha, żur is-sit EUR-Lex hawnhekk: http://eur-lex.europa.eu
Dejta Miftuħa mill-UE
Il-portal tad-Dejta Miftuħa mill-UE (http://data.europa.eu/euodp/mt/home?) jipprovdi aċċess għal settijiet tad-dejta mill-UE. Id-dejta tista’ titniżżel mill-internet u tintuża mill-ġdid bla ħlas, kemm għal skopijiet kummerċjali kif ukoll mhux kummerċjali.
