
Missjonijiet ta’ Osservazzjoni Elettorali – saru sforzi biex jingħata segwitu għar-rakkomandazzjonijiet, iżda jeħtieġ li jkun hemm monitoraġġ aħjar
Dwar ir-rapport l-UE tosserva elezzjonijiet li jsiru madwar id-dinja kollha bħala mezz biex tippromwovi d-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt. Madwar xahrejn wara Jum l-Elezzjoni, il-missjonijiet ta’ osservazzjoni jagħmlu rakkomandazzjonijiet lill-pajjiż ospitanti bil-ħsieb li jsir titjib fil-qafas elettorali tiegħu. Aħna vvalutajna l-appoġġ li ġie pprovdut għall-implimentazzjoni ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet f’erba’ pajjiżi: il-Ghana, il-Ġordan, in-Niġerja u s-Sri Lanka. Aħna sibna li s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u l-Kummissjoni kienu għamlu sforzi raġonevoli biex jappoġġaw l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet bl-użu tal-għodod li kellhom għad-dipożizzjoni tagħhom. Minkejja dan, jeħtieġ li jkun hemm aktar konsultazzjoni fuq il-post u li l-missjonijiet ta’ segwitu jitwettqu aktar ta’ spiss. Fl-aħħar nett, la teżisti stampa ġenerali ċentralizzata tar-rakkomandazzjonijiet u lanqas ma ssir valutazzjoni sistematika tal-istatus ta’ implimentazzjoni tagħhom. Il-Qorti tagħmel għadd ta' rakkomandazzjonijiet biex isir aktar titjib f’dawn l-aspetti.
Sommarju eżekuttiv
IL-osservazzjoni elettorali hija għodda importanti għall-promozzjoni tad-demokrazija, tad-drittijiet tal-bniedem, u tal-istat tad-dritt. Elezzjonijiet immaniġġjati tajjeb jistgħu jikkontribwixxu għat-trasferiment paċifiku tas-setgħa politika. Għal dawn il-finijiet, l-Unjoni Ewropea (UE) tosserva l-elezzjonijiet madwar id-dinja kollha.
IIIl-Missjonijiet ta’ Osservazzjoni Elettorali tal-UE (MOE tal-UE) joħorġu dikjarazzjoni preliminari ftit wara Jum l-Elezzjoni, li tiġi segwita, xahrejn wara, b’rapport finali komprensiv li jkun fih rakkomandazzjonijiet dwar kif il-qafas għal elezzjonijiet futuri jista’ jittejjeb. Ir-rakkomandazzjonijiet jiġu ppreżentati lill-awtoritajiet tal-pajjiż ospitanti, li mhumiex impenjati formalment biex jimplimentawhom. Minkejja dan, huwa essenzjali li dawn ir-rakkomandazzjonijiet jingħatalhom segwitu sabiex l-impatt tal-osservazzjoni elettorali jiġi mmassimizzat. Jekk il-pajjiż ospitanti ma jindirizzax in-nuqqasijiet elettorali, ikun hemm riskju li d-dgħufijiet jibqgħu u saħansitra jiżdiedu qabel elezzjonijiet futuri.
IIIL-iskop prinċipali tal-awditu kien li jiġi eżaminat jekk is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u l-Kummissjoni Ewropea kinux ipprovdew appoġġ għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet mill-pajjiżi ospitanti. Għal dan il-fini, l-awditu kopra s-segwitu li ngħata mill-MOE tal-UE f’erba’ pajjiżi: il-Ghana, il-Ġordan, in-Niġerja u s-Sri Lanka, b’fokus fuq l-elezzjonijiet li ġew osservati wara l-2010.
IVAħna eżaminajna jekk ir-rakkomandazzjonijiet kinux ġew abbozzati u ppreżentati b’tali mod li jiffaċilita l-implimentazzjoni tagħhom. F’dan il-kuntest, aħna eżaminajna wkoll jekk il-partijiet interessati fil-pajjiżi ospitanti kinux ġew ikkonsultati dwar ir-rakkomandazzjonijiet biex b’hekk titrawwem is-sjieda lokali, u b’dan il-mod tiżdied il-probabbiltà li dawn jiġu implimentati. Sussegwentement, aħna ċċekkjajna jekk is-SEAE u l-Kummissjoni Ewropea kinux użaw l-għodod li kien hemm għad-dispożizzjoni tagħhom biex jappoġġaw l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-MOE tal-UE. L-għodod l-aktar importanti ġew identifikati bħala l-Missjonijiet ta' Segwitu Elettorali (EFMs), id-djalogu politiku u l-assistenza elettorali. Fl-aħħar nett, aħna eżaminajna l-isforzi li saru għall-monitoraġġ tar-riżultati fuq il-post.
VAħna sibna li s-SEAE u l-Kummissjoni kienu għamlu sforzi raġonevoli biex jappoġġaw l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-MOE tal-UE, u li kienu użaw l-għodod li kien hemm għad-dispożizzjoni tagħhom għal din il-fini. Il-preżentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-MOE tal-UE tjiebet fi snin reċenti, iżda jeħtieġ li jkun hemm aktar konsultazzjoni fuq il-post. Is-SEAE u l-Kummissjoni ħadu sehem fi djalogu politiku u pprovdew assistenza elettorali biex jappoġġaw l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet, iżda l-EFMs ma jitwettqux spiss daqskemm jistgħu. Fl-aħħar nett, la teżisti stampa ġenerali ċentralizzata tar-rakkomandazzjonijiet u lanqas ma ssir valutazzjoni sistematika tal-istatus ta’ implimentazzjoni tagħhom.
VIFuq il-bażi tal-awditu, aħna nirrakkomandaw, fost affarijiet oħra, li s-SEAE:
- jiżgura, permezz ta’ kontroll sistematiku tal-kwalità fuq il-format qabel il-pubblikazzjoni tar-rapport finali, li l-MOE tal-UE jsegwu l-linji gwida dwar l-abbozzar kif ukoll il-mudell għalih;
- jiżgura sistematikament li t-Tim Ewlieni jikkonsulta l-partijiet interessati fil-pajjiż ospitanti dwar ir-rakkomandazzjonijiet qabel ma r-rapport jiġi ffinalizzat;
- jiżgura li d-diskussjoni madwar mejda mal-partijiet interessati tiġi skedata mill-inqas erbat ijiem tax-xogħol wara r-rilaxx tar-rapport, biex b’hekk il-parteċipanti jkollhom biżżejjed żmien isiru familjari mar-rapport u mar-rakkomandazzjonijiet tiegħu qabel il-laqgħa;
- meta possibbli, iwettaq EFMs fil-pajjiżi li ospitaw MOE tal-UE, fi żmien adatt bejn l-elezzjonijiet, dment li s-sitwazzjoni politika jew tas-sigurtà fil-pajjiż ospitanti tkun tippermetti li dan isir.
- jistabbilixxi depożitarju ċċentralizzat għar-rakkomandazzjonijiet tal-MOE tal-UE; u
- jittraċċa l-progress rigward l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-MOE tal-UE fuq bażi regolari.
Introduzzjoni
Dwar il-Missjonijiet ta’ Osservazzjoni Elettorali tal-UE
01L-osservazzjoni elettorali hija għodda importanti għall-promozzjoni tad-demokrazija, tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istat tad-dritt. Elezzjonijiet immaniġġjati tajjeb jistgħu jikkontribwixxu għat-trasferiment paċifiku tas-setgħa politika. Għal dawn il-finijiet, l-Unjoni Ewropea (UE) tosserva elezzjonijiet madwar id-dinja kollha. Minn meta l-metodoloġija ta’ osservazzjoni elettorali tal-UE ġiet stabbilita fis-sena 2000, l-UE wettqet 138 Missjoni ta’ Osservazzjoni Elettorali (MOE tal-UE)1 f’66 pajjiż fl-Afrika, fil-Lvant Nofsani, fl-Asja u fl-Amerika Latina.
02Id-Dikjarazzjoni tal-Prinċipji li saret min-Nazzjonijiet Uniti tiddeskrivi l-osservazzjoni elettorali kif ġej: il-ġbir sistematiku, komprensiv u preċiż ta’ informazzjoni; l-analiżi imparzjali u professjonali ta’ din l-informazzjoni; u t-tislit ta’ konklużjonijiet dwar in-natura tal-proċessi elettorali, abbażi tal-ogħla standards għall-preċiżjoni tal-informazzjoni u għall-imparzjalità tal-analiżi2.
03Il-Manwal għall-Osservazzjoni Elettorali tal-UE (“il-Manwal”) jiddeskrivi l-bażi loġika għall-MOE tal-UE kif ġej: L-elezzjonijiet jipprovdu mezz biex il-poplu jesprimi r-rieda tiegħu liberament meta jagħżel il-gvern tiegħu, u jipprovdu opportunità lill-gruppi biex isemmgħu leħinhom politiku f’kompetizzjoni ma’ oħrajn mingħajr ma jduru għall-vjolenza, kif ukoll jikkontribwixxu għat-trasferiment paċifiku tas-setgħa politika. F’dan ir-rigward, l-osservazzjoni elettorali mill-UE tista’ tikkomplementa u ssaħħaħ inizjattivi oħra tal-UE relatati mal-ġestjoni ta’ kriżijiet u l-konsolidazzjoni tal-paċi fil-pajjiżi sħab3.
04Mingħajr ma jindaħlu fl-organizzazzjoni tal-elezzjoni nfisha, l-osservaturi elettorali tal-UE jiġbru u janalizzaw il-fatti rigward il-proċess elettorali u jipprovdu valutazzjoni indipendenti.
05Wara stedina minn pajjiż ospitanti, il-MOE tal-UE jitwettqu biss meta l-UE tqis li missjoni ta’ osservazzjoni tkun utli u li din tista’ ssaħħaħ il-proċess demokratiku. Qabel taċċetta kull stedina, l-UE twettaq Missjoni Esploratorja (ExM), normalment bejn erba’ u sitt xhur qabel Jum l-Elezzjoni, biex taċċerta jekk MOE tal-UE sħiħa tkunx utli, ta’ min jirrakkomandaha u fattibbli. L-ExMs tipikament idumu ġimagħtejn, u jivvalutaw ukoll il-livell sa fejn kwalunkwe rakkomandazzjoni ta’ MOE tal-UE preċedenti jkunu ġew implimentati, fil-każ ta’ MOE tal-UE ripetuti.
06Kultant, l-UE tista’ tiddeċiedi li ssegwi proċess elettorali mill-qrib anke jekk il-kundizzjonijiet kollha għat-twettiq ta’ MOE tal-UE (pereżempju: il-kundizzjonijiet ta’ sigurtà) ma jkunux issodisfati. F’każijiet oħra, anke jekk il-kundizzjonijiet ikunu ssodisfati, jista’ jkun li s-SEAE ma jarax il-ħtieġa għal MOE tal-UE sħiħa4. Hemm ukoll tipi oħra ta’ missjonijiet li jistgħu jitwettqu. Fil-każ ta’ tħassib dwar is-sigurtà, titqies il-possibbiltà li jitwaqqaf Tim ta’ Valutazzjoni Elettorali (EAT). L-UE tista’ twettaq ukoll missjoni iżgħar, bħal Missjoni ta’ Esperti Elettorali (EEM). L-EEMs jitwettqu minn timijiet ta’ minn żewġ sa erba’ esperti li jwettqu l-istess valutazzjoni tal-proċess elettorali bħala MOE tal-UE, iżda ma jwettqux osservazzjoni ta’ Jum l-Elezzjoni fil-postijiet tal-votazzjoni. Ir-riżultati tal-EEMs ma jiġux ippubblikati, għalkemm xi EEMs jikkondividu r-rakkomandazzjonijiet tagħhom mal-awtoritajiet tal-pajjiż ospitanti. L-EATs ukoll ma jwettqux osservazzjoni sistematika ta’ Jum l-Elezzjoni fil-postijiet tal-votazzjoni, iżda huma simili għall-MOE tal-UE fis-sens li huma jikkonsistu f’Tim Ewlieni sħiħ u possibbilment Osservatur Kap li jkunu ibbażati fil-belt kapitali.
07L-Unjoni Ewropea tista’ twettaq ukoll Missjonijiet ta' Segwitu Elettorali (EFMs) f’xi żmien bejn l-elezzjonijiet, bħala parti mill-attivitajiet ġenerali ta’ segwitu. Il-kompitu prinċipali tal-EFM huwa li tivvaluta l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet li jkunu saru matul MOE tal-UE preċedenti. EFMs huma missjonijiet żgħar li jitwettqu minn Kap tal-Missjoni (normalment Osservatur Kap), espert elettorali/politiku, espert legali u, fejn ikun xieraq, uffiċjal tal-istampa. Dawn huma akkumpanjati wkoll minn rappreżentanti mid-Diviżjoni Elettorali tas-SEAE għad-Demokrazija u l-Osservazzjoni Elettorali, u meta possibbbli, rappreżentanti mill-Kummissjoni Ewropea. Jenħtieġ li dawn tal-aħħar jiffukaw fuq l-assistenza offruta mill-UE u mill-Istati Membri tagħha, u jfittxu azzjonijiet potenzjali li jistgħu jiġu ffinanzjati taħt programmazzjoni futura. Dawn jinkludu miżuri fuq terminu qasir qabel elezzjonijiet li jkunu ġejjin, wara r-rakkomandazzjonijiet tal-MOE tal-UE. L-EFMs jistgħu joffru wkoll rakkomandazzjonijiet addizzjonali, li jibnu fuq il-progress li jkun sar u jiffukaw l-attenzjoni mill-ġdid fuq il-kwistjonijiet l-aktar urġenti qabel elezzjonijiet ġodda.
Ir-rwol tal-istituzzjonijiet tal-UE u l-indipendenza tal-MOE tal-UE
08Ir-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà/il-Viċi President tal-Kummissjoni (HR/VP) għandu r-responsabbiltà politika biex jiddeċiedi l-pajjiżi prijoritarji għall-osservazzjoni elettorali annwali tal-UE (wara konsultazzjoni mal-Istati Membri u mal-Parlament Ewropew), jieħu d-deċiżjoni finali dwar it-twettiq u jissorvelja l-funzjonament ġenerali tal-MOE tal-UE.
09Il-MOE tal-UE normalment jitmexxew minn Membru tal-Parlament Ewropew (MEP), li jinħatar mill-HR/VP u jaġixxi bħala l-Osservatur Kap għall-MOE tal-UE. Is-SEAE jipprovdi appoġġ għal kwistjonijiet politiċi u elettorali, filwaqt li s-Servizz tal-Istrumenti tal-Politika Barranija (FPI) huwa inkarigat mill-aspetti operazzjonali, tas-sigurtà u dawk finanzjarji.
10Il-Manwal5 jiddikjara li l-osservaturi elettorali tal-UE huma obbligati jkunu strettament imparzjali u li ma juru l-ebda preġudizzju lejn xi naħa jew oħra fi proċess elettorali. Huwa jgħid ukoll li MOE tal-UE hija politikament indipendenti minn kull proġett ta’ assistenza teknika ffinanzjata mill-UE li jista’ jkun qed iseħħ fil-pajjiż li jkun qed jiġi osservat6. L-indipendenza tal-osservaturi elettorali hija mnaqqxa wkoll fid-Dikjarazzjoni tal-Prinċipji tan-NU7.
11Il-MOE tal-UE huma atipiċi, fis-sens li huma indipendenti mill-UE. Missjonijiet ta’ osservazzjoni minn gruppi oħra, bħall-Uffiċċju tal-OSKE għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (ODIHR), il-Commonwealth, il-Carter Centre u l-Unjoni Afrikana, jikkummentaw dwar il-proċess elettorali f’isem l-organizzazzjoni prinċipali tagħhom. Madankollu, il-MOE tal-UE ma jikkummentawx f’isem l-UE. Il-Manwal jiddikjara li MOE tal-UE hija politikament indipendenti fis-sejbiet u l-konklużjonijiet tagħha. Huwa jgħid ukoll li, għalkemm ikun hemm kooperazzjoni mill-qrib mal-istituzzjonijiet tal-UE, MOE tal-UE topera taħt mandat separat u distint minn dak tas-SEAE, tal-Kummissjoni Ewropea u tad-Delegazzjoni tal-UE li tkun preżenti fil-pajjiż8.
Qafas legali u amministrattiv għall-MOE tal-UE
12L-osservazzjoni elettorali tal-UE hija ggwidata mill-prinċipji tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem, l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-libertajiet fundamentali kif inhuma ddefiniti fit-Trattati9. Hija ggwidata wkoll mill-Ftehim ta’ Cotonou10.
13Il-MOE tal-UE huma rregolati f’aktar dettall mir-Regolament li jistabbilixxi strument ta’ finanzjament għad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja (ir-Regolament tal-EIDHR)11, li jissettja l-objettiv għall-MOE tal-UE, fejn jiddikjara li “Huma jinsabu fl-aħjar pożizzjoni biex jipprovdu kemm stima informata ta' proċessi elettorali u rakkomandazzjonijiet għat-titjib ulterjuri tagħhom fil-kuntest tal-kooperazzjoni tal-Unjoni u d-djalogu politiku ma' pajjiżi terzi.”
14Wara l-adozzjoni tar-Regolament tal-EIDHR fl-2014, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-arranġamenti ta’ implimentazzjoni għall-MOE tal-UE12 u l-anness tagħha mbagħad ipprovdew aktar dettalji, prinċipalment rigward ir-rwoli tal-persunal tal-MOE tal-UE u r-rimunerazzjoni tagħhom.
15Filwaqt li, sadanittant, ħafna aspetti relatati mal-MOE tal-UE nbidlu, bħall-istruttura istituzzjonali wara t-Trattat ta’ Lisbona, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni mis-sena 200013 tibqa’ d-dokument ta’ gwida prinċipali għall-objettivi u l-metodoloġija tal-MOE tal-UE. Din il-komunikazzjoni tistipula l-qafas ta’ politika ġenerali għall-MOE tal-UE.
16Il-qafas metodoloġiku għall-MOE tal-UE li fih l-akbar reqqa huwa l-Manwal. Wara l-adozzjoni tiegħu, il-Manwal ġie ppubblikat għall-ewwel darba fl-2002 u ġie rivedut f’żewġ okkażjonijiet, fl-2008 u fl-2016.
17Mill-adozzjoni tagħha ’l hawn, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ġiet issupplimentata b’dokumenti formali oħra li jissettjaw l-objettivi għall-osservazzjoni elettorali. Iż-żidiet l-aktar importanti kienu l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-2009 dwar l-appoġġ għad-demokrazija fir-relazzjonijiet esterni tal-UE, u l-Qafas Strateġiku u Pjan ta’ Azzjoni tal-UE tal-2012 dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija (aġġornati għall-perjodu 2015-19). Dawn id-dokumenti għamlu enfasi akbar fuq is-segwitu għall-MOE tal-UE u fuq il-kooperazzjoni tal-Istati Membri tal-UE f’dan ir-rigward.
Finanzjament tal-MOE tal-UE
18Il-MOE tal-UE jiġu implimentati mill-FPI taħt ġestjoni diretta. L-ispiża ta’ MOE tal-UE tvarja sinifikattivament skont iċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull missjoni. Madankollu, abbażi taċ-ċifri l-aktar reċenti disponibbli, l-ispiża medja hija ta’ EUR 3.5 miljun. L-allokazzjoni baġitarja għall-osservazzjoni elettorali mill-2015 sal-2017 ammontat għal medja ta’ madwar EUR 44 miljun kull sena. Dan jippermetti li f’sena jitwettqu bejn wieħed u ieħor 10-12-il MOE tal-UE, 8 EEMs u 4 EFMs. L-EEMs u l-ExMs jitwettqu taħt kuntratt qafas u jqumu massimu ta’ EUR 300 000 kull waħda. L-ispiża ta’ EFM normalment ma taqbiżx EUR 100 00014.
Relazzjoni mal-OSKE
19L-Istati Membri kollha tal-UE huma wkoll Stati parteċipanti fl-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE). L-ODIHR iwettaq osservazzjoni elettorali fl-Istati parteċipanti tal-OSKE. L-UE u l-ODIHR jużaw metodoloġija kumparabbli. Għal dawn ir-raġunijiet, normalment l-UE ma tosservax elezzjonijiet fir-reġjun tal-OSKE. Dan il-ftehim bejn ġentlomi li ntlaħaq bejn l-UE u l-OSKE jmur lura għall-ewwel snin tad-deċennju 2000, u mhuwiex ibbażat fuq ftehim bil-miktub.
L-istruttura ta’ MOE tal-UE u ċ-ċiklu ta’ osservazzjoni elettorali
20Elezzjoni mhijiex avveniment ta’ jum wieħed, iżda proċess li jinkludi diversi stadji. Il-perjodu elettorali jista’ jitqies li jibda mat-tnedija tal-kampanja elettorali, li t-twaqqit tagħha jista’ jkun differenti minn pajjiż għal ieħor. Il-perjodu elettorali jintemm bl-għeluq tal-proċedura tal-ilmenti wara l-elezzjonijiet. Il-MOE tal-UE jkopru kull fażi taċ-ċiklu elettorali: il-fażi ta’ qabel l-elezzjoni, Jum l-Elezzjoni nnifsu, u l-fażi ta’ wara l-elezzjoni. Minbarra l-osservazzjoni elettorali, il-Kummissjoni Ewropea tipprovdi wkoll assistenza elettorali, jiġifieri appoġġ tekniku jew materjali ġenerali għall-proċess elettorali.
21Ladarba stedina tkun ġiet aċċettata, il-pajjiż ospitanti jiffirma Memorandum ta’ Qbil mal-Unjoni Ewropea li jistabbilixxi d-dettalji bażiċi li jirrigwardaw il-missjoni. Dan ikopri l-aspett tas-sigurtà u l-aspett loġistiku tal-MOE tal-UE, iżda mhux il-missjoni ta' segwitu jew ir-rakkomandazzjonijiet għal riforma elettorali fil-futur.
22L-osservaturi tal-UE jistgħu jkunu osservaturi fuq terminu twil jew terminu qasir. Osservaturi fuq terminu twil ikunu bbażati f’reġjuni fil-pajjiż ospitanti kollu u jkunu preżenti mit-tnedija tal-kampanja sat-tħabbir tar-riżultati finali u sal-għeluq tal-proċedura tal-ilmenti15. Osservaturi fuq terminu qasir ikopru erja ġeografika wiesgħa għal ftit jiem qabel u wara Jum l-Elezzjoni. Barra minn hekk, ikun hemm Tim Ewlieni, li normalment ikun magħmul minn 8 sa 10 esperti u li jkun ibbażat fil-belt kapitali16.
23L-esperti tat-Tim Ewlieni jispeċjalizzaw f’aspetti differenti tal-ambjent elettorali u jistgħu, pereżempju, jinkludu analista legali, analista tal-midja, u uffiċjal tal-istampa (ara l-Figura 1). It-Tim Ewlieni, taħt it-tmexxija tal-Osservatur Deputat Kap, jikkontribwixxi għar-rapporti kollha tal-missjoni, inkluż ir-rapport finali tal-MOE tal-UE.
Figura 1
Struttura ta’ MOE tal-UE
Sors: Il-Manwal.
Ikkuntrattat mill-Kummissjoni, fornitur ta’ servizz jipprovdi appoġġ loġistiku, appoġġ għas-sigurtà u appoġġ amministrattiv għall-MOE tal-UE17.
25MOE tal-UE toħroġ dikjarazzjoni preliminari pubblika ftit wara Jum l-Elezzjoni (normalment fi żmien jumejn) f’konferenza stampa mmexxija mill-Osservatur Kap. Rapport finali komprensiv jinħareġ fi żmien xahrejn mill-ikkompletar tal-proċess elettorali, u jkun fih rakkomandazzjonijiet għall-awtoritajiet tal-pajjiż ospitanti dwar kif il-qafas għal elezzjonijiet futuri jista’ jittejjeb18 (ara l-Figura 2).
Figura 2
Ċiklu ta’ Osservazzjoni Elettorali tal-UE
Sors: Il-QEA, ibbażat fuq il-Manwal.
Rakkomandazzjonijiet u segwitu għall-osservazzjoni elettorali
26Skont id-Dikjarazzjoni tal-Prinċipji tan-NU, jenħtieġ li meta jkun possibbli, osservazzjoni elettorali internazzjonali toffri rakkomandazzjonijiet għat-titjib tal-integrità u l-effettività tal-proċessi elettorali u dawk relatati, filwaqt li ma tindaħalx f’dawn il-proċessi u għaldaqstant ma tfixkilhomx19.
27Fir-rapporti finali tagħhom, il-MOE tal-UE jkopru l-14-il qasam ta’ valutazzjoni li ġejjin20: (i) il-kuntest politiku; (ii) il-qafas legali (inkluża s-sistema elettorali); (iii) l-amministrazzjoni elettorali; (iv) ir-reġistrazzjoni tal-votanti; (v) ir-reġistrazzjoni tal-partiti u tal-kandidati; (vi) il-kampanja elettorali; (vii) il-vjolenza elettorali; (viii) il-midja; (ix) il-kontenut online relatat mal-elezzjoni; (x) l-ilmenti u l-appelli; (xi) id-drittijiet tal-bniedem (inkluża l-parteċipazzjoni tan-nisa, tal-minoritajiet u tal-persuni b’diżabbiltà); (xii) ir-rwol tas-soċjetà ċivili; (xiii) jum l-elezzjoni; (xiv) ir-riżultati u l-ambjent ta’ wara l-elezzjoni. Studju li l-Parlament Ewropew wettaq fl-2012 stama li madwar 90 % tar-rakkomandazzjonijiet tal-MOE tal-UE jissuġġerixxu bidliet fil-qafas legali tal-pajjiż ospitanti, jew inkella riforma elettorali21.
28Il-pajjiżi li huma suġġetti għal MOE tal-UE ma daħlux għal impenn formali biex jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet elettorali, lil hinn mill-obbligi eżistenti tagħhom bħala firmatarji għal konvenzjonijiet internazzjonali bħad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi. Fil-fatt, il-MOE tal-UE joperaw f’ambjent differenti minn, pereżempju, l-OSKE, li l-Istati parteċipanti tiegħu ffirmaw dokument li jobbligahom formalment biex jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet22.
29L-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-MOE tal-UE tista’ tiġi appoġġata b’ħafna modi differenti. L-għodod prinċipali li hemm għad-dispożizzjoni tas-SEAE u tal-Kummissjoni huma:
- id-djalogu politiku mal-pajjiż ospitanti;
- il-Missjonijiet ta' Segwitu Elettorali (EFMs);
- l-assistenza elettorali li tingħata mill-UE.
Ambitu u approċċ tal-awditjar
30Is-suġġett ta’ dan l-awditu kienu l-MOE tal-UE, b’fokus partikolari fuq is-segwitu għar-rakkomandazzjonijiet maħruġa minn dawn il-missjonijiet. Il-mistoqsija prinċipali tal-awditjar kienet “Is-SEAE u l-Kummissjoni jagħmlu sforzi raġonevoli biex jappoġġaw l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Missjonijiet ta’ Osservazzjoni Elettorali tal-UE?”
31Segwitu effettiv mhuwiex biss essenzjali għall-promozzjoni ta’ riforma elettorali fil-pajjiżi ospitanti, iżda huwa wkoll il-muftieħ għall-massimizzazzjoni tal-impatt tal-investiment li jkun diġà twettaq fil-missjonijiet ta’ osservazzjoni. Bħalma huwa spjegat fil-paragrafu 18, l-allokazzjoni medja għall-MOE tal-UE hija ta’ EUR 44 miljun kull sena. Din tirrappreżenta kwart mill-fondi totali disponibbli taħt l-EIDHR. Il-Manwal jenfasizza l-importanza tas-segwitu billi jiddikjara li s-segwitu għar-rakkomandazzjonijiet tal-MOE tal-UE huwa prijorità ewlenija għall-istituzzjonijiet tal-UE23. Barra minn hekk, skont l-OSKE24, l-osservazzjoni elettorali tkun biss ta’ benefiċċju sal-livell fejn dawn ir-rakkomandazzjonijiet tingħatalhom kunsiderazzjoni serja u jiġu indirizzati b’mod effettiv. Jekk dan ma jsirx, ikun hemm riskju reali li n-nuqqasijiet u l-vulnerabbiltajiet elettorali jippersistu, u li probabbilment jiżdiedu.
32Il-Qorti ilha ma twettaq awditu tal-prestazzjoni fil-qasam tal-appoġġ elettorali mill-199625. Barra minn hekk, il-pubblikazzjoni ta’ dan ir-rapport speċjali hija skedata b’tali mod li dan jalimenta d-diskussjonijiet ta’ qabel l-analiżi ta' nofs it-terminu tar-Regolament tal-EIDHR, li se jsiru mill-Kummissjoni qabel sal-31 ta’ Marzu 2018.
33L-awditu, li twettaq bejn Jannar u Mejju 2017, kien ikopri erba’ pajjiżi ospitanti bħala każijiet fejn tista’ tintwera l-effettività tas-segwitu tal-MOE tal-UE: il-Ghana, il-Ġordan, in-Niġerja u s-Sri Lanka, b’fokus fuq l-elezzjonijiet li ġew osservati wara l-2010. Twettqu kontrolli fuq il-post fil-Ghana u fil-Ġordan. Aħna użajna żewġ kriterji prinċipali biex nagħżlu l-pajjiżi għal dan l-awditu. L-ewwel nett, kien jenħtieġ li l-pajjiżi jkunu ospitaw mill-inqas żewġ MOE tal-UE preċedenti, u l-aktar waħda reċenti kellha tkun fl-2015 jew fl-2016. It-tieni nett, aħna mmirajna għal firxa ġeografika.
34Kienu twettqu żewġ MOE tal-UE fil-Ġordan u fin-Niġerja fi snin reċenti. Fil-Ghana, l-elezzjonijiet preċedenti fl-2012 kienu ġew koperti minn EEM biss, iżda r-rakkomandazzjonijiet għal riforma elettorali nħarġu xorta waħda. Normalment, ir-rakkomandazzjonijiet tal-EEM ma jiġux ippubblikati. Madankollu, fil-każ tal-Ghana, ir-rakkomandazzjonijiet kienu ġew kondiviżi mal-Kummissjoni Elettorali, mal-istituzzjonijiet tal-UE u mal-Istati Membri tal-UE, u setgħu jservu ta’ bażi għall-assistenza elettorali tal-UE. Is-Sri Lanka ntgħażlet speċifikament minħabba li EFM kienet ġiet skedata għar-rebbiegħa tal-2017, u aħna ppjanajna li nakkumpanjaw l-EFM. Is-SEAE iddeċieda li jipposponi l-EFM fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-pajjiż, iżda s-Sri Lanka xorta waħda ġiet koperta mill-awditu permezz ta’ eżami dokumentarju.
35Billi kważi nofs il-MOE tal-UE jitwettqu fl-Afrika26, aħna għażilna li nkopru żewġ pajjiżi Afrikani, kif ukoll pajjiż Asjatiku u pajjiż fl-Ewropa tal-Viċinat. Għal mappa tal-MOE tal-UE ara l-Anness I.
36L-ewwel nett, aħna vvalutajna l-formulazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet, inkluż il-livell sa fejn il-partijiet interessati fil-pajjiż ospitanti kienu ġew ikkonsultati biex is-sjieda lokali tiġi żgurata. Aħna eżaminajna wkoll jekk l-ExMs kinux ħadu inkunsiderazzjoni rakkomandazzjonijiet preċedenti waqt it-tħejjija tal-MOE tal-UE li kien imiss.
37Aħna mbagħad eżaminajna l-użu tal-għodod prinċipali disponibbli għas-SEAE u għall-Kummissjoni biex jappoġġaw l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-MOE tal-UE. L-għodod għas-segwitu vvalutati fl-awditu kienu limitati għal dawk deskritti fil-paragrafu 29. Tabilħaqq qisna li hemm għodod oħra biex titħeġġeġ l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet, bħall-inċentiva speċjali taħt l-Iskema Ġeneralizzata ta’ Preferenzi, SĠP+27, azzjonijiet f’fora internazzjonali, id-djalogu politiku tal-Parlament Ewropew u l-appoġġ baġitarju. Madankollu, dawn l-għodod mhumiex inkużi fl-ambitu ta’ dan l-awditu.
38Fl-aħħar nett, aħna vvalutajna l-monitoraġġ li s-SEAE u l-Kummissjoni wettqu tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet, il-kondiviżjoni tal-aħjar prattika u t-tagħlimiet meħuda.
39Ir-responsabbiltà aħħarija għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet hija f’idejn il-gvernijiet tal-pajjiżi ospitanti. Għalkemm l-iżgurar tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-MOE tal-UE huwa waħda mill-miri tar-rapporti finali tal-MOE tal-UE, huwa importanti li jiġi osservat li l-iskop tal-awditu ma kienx li ssir valutazzjoni tal-istat tar-riforma elettorali fil-pajjiżi ospitanti. Barra minn hekk, ir-rabta kawżali bejn l-isforzi tal-UE biex tappoġġa l-implimentazzjoni u r-riżultati reali mhijiex b’saħħitha biżżejjed biex aħna nisiltu konklużjonijiet f’dan ir-rigward.
Osservazzjonijiet
PARTI I – Ir-rakkomandazzjonijiet tjiebu fi snin reċenti, iżda hija meħtieġa aktar konsultazzjoni fuq il-post
40Għal din it-taqsima, aħna eżaminajna t-tħejjija tar-rakkomandazzjonijiet tal-MOE tal-UE minn żewġ perspettivi: il-preżentazzjoni tagħhom fi ħdan ir-rapporti finali u l-konsultazzjonijiet tat-Tim Ewlieni mal-partijiet interessati tal-pajjiż ospitanti. Preżentazzjoni standard tkun tiffaċilita l-kumparabbiltà fuq tul ta’ żmien. Il-konsulenza dwar abbozzi ta’ rakkomandazzjonijiet hija l-muftieħ għall-iżgurar tal-preċiżjoni u għall-promozzjoni tas-sjieda lokali, biex fl-aħħar mill-aħħar il-probabbiltà li dawn jiġu implimentati mill-pajjiż ospitanti tiżdied.
Ir-rakkomandazzjonijiet huma aktar kumparabbli u l-preżentazzjoni tagħhom hija aktar standardizzata, iżda l-linji gwida ma jiġux segwiti dejjem
41Għal din it-taqsima, aħna qisna r-rapporti finali minn dawn l-elezzjonijiet:
- il-Ghana: 2016;
- il-Ġordan: 2013 u 2016;
- in-Niġerja: 2011 u 2015;
- is-Sri Lanka: 2015.
Valutazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet hija ppreżentata fl-Anness II.
42Permezz tal-proġett Osservazzjoni Elettorali u Appoġġ Demokratiku (EODS), iffinanzjat mill-UE, is-SEAE jipprovdi lit-Tim Ewlieni indipendenti tal-MOE tal-UE b’appoġġ metodoloġiku għall-abbozzar tar-rapport finali tal-MOE tal-UE. Is-SEAE huwa inkarigat ukoll mit-twettiq ta’ kontroll tal-kwalità fuq ir-rapporti finali, billi jivvaluta l-forma tal-abbozz ta’ rapport kif ukoll iċ-ċarezza tar-rakkomandazzjonijiet proposti28. Is-SEAE u d-Delegazzjonijiet tal-UE jikkummentaw dwar jekk ir-rakkomandazzjonijiet humiex kostruttivi fil-kuntest speċifiku tal-pajjiż, u jistgħu jagħtu parir dwar il-prijoritizzazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet.
43Is-SEAE (permezz tal-proġett EODS) introduċa linji gwida dwar l-abbozzar fl-2012, li kienu jinkludu mudell għar-rakkomandazzjonijiet. Il-linji gwida ġew riveduti f’Lulju 2016. Ir-rapporti li vvalutajna, ippubblikati wara l-2010, kollha kemm huma kienu bbażaw il-preżentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet fuq il-mudell.
44B’mod ġenerali, aħna sibna li r-rapporti tal-MOE tal-UE li nkitbu wara l-pubblikazzjoni tal-linji gwida kien fihom inqas rakkomandazzjonijiet, li kienu ppreżentati aħjar.
45L-għoti ta’ wisq rakkomandazzjonijiet jista’ jkun kontroproduttiv għal ħafna raġunijiet. Pereżempju, l-awtoritajiet tal-pajjiż ospitanti jistgħu ma jlaħħqux magħhom u x-xogħol tad-Delegazzjonijiet tal-UE biex jappoġġaw l-implimentazzjoni jista’ jsir aktar ikkumplikat. B’riżultat ta’ dan, hemm riskju li r-rakkomandazzjonijiet l-aktar importanti ma jingħatawx biżżejjed attenzjoni fid-diskussjonijiet ta’ segwitu. Il-linji gwida jissuġġerixxu massimu ta’ 30 rakkomandazzjoni. Ir-rapporti ta’ wara l-linji gwida kien fihom bejn 20 u 30 rakkomandazzjoni. Dan huwa titjib fuq is-snin preċedenti, fejn pereżempju ir-rapport tal-2011 għan-Niġerja kien fih daqs 50 rakkomandazzjoni.
46Il-Manwal jipprovdi ħarsa ġenerali komprensiva lejn il-MOE tal-UE, li tkopri l-aspetti prinċipali kollha indirizzati mill-osservaturi fuq il-post. Il-Manwal jiddikjara li sabiex tiġi żgurata l-aċċessibbiltà għall-partijiet interessati kollha, jenħtieġ li r-rapport finali jevita lingwaġġ tekniku ħafna29. Filwaqt li kultant huwa indispensabbli li jintuża lingwaġġ tekniku sabiex jiġi evitat fehim skorrett, aħna sibna użu eċċessiv ta’ kliem twil, ta’ sentenzi twal, tat-temp passat, u ta’ lingwaġġ u akronomi tekniċi ħafna. Minkejja dan, il-biċċa l-kbira mill-partijiet interessati intervistati fil-pajjiżi ospitanti qali li huma fehmu r-rakkomandazzjonijiet, li jindika li dawn tal-aħħar jistgħu jinftiehmu mill-qarrej espert, iżda mhux neċessarjament mill-pubbliku ġenerali. Tabilħaqq, riforma elettorali tista’ tkopri ħafna oqsma differenti, filwaqt li tinvolvi l-partijiet interessati f’diversi oqsma. Għaldaqstant, rakkomandazzjonijiet li jistgħu jinftiehmu minn kulħadd jistgħu jkunu ta’ benefiċċju biex firxa wiesgħa ta’ atturi jiġu involuti fi sforzi ta’ titjib tas-sistema elettorali.
47Il-partijiet interessati intervistati qiesu li, b’mod ġenerali, ir-rakkomandazzjonijiet kienu kostruttivi u ddettaljati biżżejjed mingħajr ma kienu preskrittivi wisq, kriterju li wkoll huwa meħtieġ fil-linji gwida dwar l-abbozzar.
48Filwaqt li l-linji gwida jipprovdu mudell għat-tqassim tar-rakkomandazzjonijiet, dan mhux dejjem jiġi segwit. Pereżempju, mhux dejjem ikun espliċitu jew ċar biżżejjed liema korp ikun qed jiġi indirizzat mir-rakkomandazzjoni. Bħala eżempju, 22 rakkomandazzjoni fir-rapport tal-2016 għall-Ġordan huma indirizzati lil-“leġiżlatura” inġenerali, li jħalli xi ambigwità dwar liema istituzzjoni għandha tippreżenta proposta leġiżlattiva. Analiżi tar-rakkomandazzjonijiet tal-2016 li saru minn proġett ta’ assistenza elettorali ffinanzjat mill-UE u implimentat mill-UNDP turi li, fil-fatt, il-biċċa l-kbira minn dawn ir-rakkomandazzjonijiet kien imisshom ġew indirizzati lill-Gvern.
49Ir-rapport tal-MOE tal-UE tal-2016 għall-Ghana indirizza tmien rakkomandazzjonijiet lil aktar minn destinatarju wieħed30: lill-“Kummissjoni Elettorali/il-Parlament”, lill-“Kumitat tal-Qorti/il-Parlament” jew lill-“Ministru tal-Komunikazzjoni, il-Parlament”. Għalkemm id-destinatarji huma responsabbli b’mod konġunt għat-tibdil leġiżlattiv, għadu mhuwiex ċar liema istituzzjoni għandha r-responsabbiltà primarja għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet. Il-MOE tal-UE tista’ tiffaċilita l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet billi tiddetermina, f’konsultazzjoni mal-awtoritajiet tal-pajjiż ospitanti, liema istituzzjoni għandha r-responsabbiltà primarja.
50Inġenerali, bħalma huwa stipulat fil-Manwal, ir-rakkomandazzjonijiet kienu bbażati fuq eżempji konkreti li ngħataw fil-korp prinċipali tar-rapport, biex juru l-problemi li skattaw ir-rakkomandazzjoni31. Madankollu, ma ntużat l-ebda kontroreferenza bejn ir-rakkomandazzjonijiet u l-korp prinċipali tar-rapport, minkejja li dawn huma meħtieġa mill-mudell. Dan għamilha diffiċli biex jinstabu t-taqsimiet korrispondenti fil-korp prinċipali tar-rapport.
51Minkejja xi titjib fi snin reċenti, element ieħor li kultant kien nieqes kien li ssir referenza għall-obbligi bbażati fuq konvenzjonijiet internazzjonali. Filwaqt li l-linji gwida jitolbu biss li din tiġi inkluża fejn dawn l-obbligi jkunu japplikaw għar-rakkomandazzjonijiet, aħna ltqajna ma’ rakkomandazzjonijiet li ma kellhomx din ir-referenza minkejja li kienet integrata b’mod ċar fid-dritt internazzjonali32.
52Fir-rapport tal-2016 għall-Ġordan, l-ebda waħda mir-rakkomandazzjonijiet ma tindika liema liġi nazzjonali hija affettwata mir-rakkomandazzjoni, minkejja li l-linji gwida jagħtu x’jifhmu li l-MOE tal-UE jivvalutaw dan l-aspett33.
53Ir-rapporti kollha fihom għadd ta’ rakkomandazzjonijiet prijoritarji. Għalkemm il-prijoritizzazzjoni mhijiex eżerċizzju ħafif, ta’ min josserva li r-raġunament għall-għażla tar-rakkomandazzjonijiet prijoritarji ma ġiex iddokumentat. Barra minn hekk, il-linji gwida dwar l-abbozzar ma jirrikjedux dokumentazzjoni bħal din. Ir-rapport tal-2016 għall-Ġordan huwa l-uniku wieħed li ddeskriva l-bażi loġika għall-prijoritizzazzjoni sa ċertu punt, u li fi ħdanu r-rakkomandazzjonijiet kienu maqsumin fi tliet kategoriji: rakkomandazzjonijiet prijoritarji, fuq terminu qasir, u fuq terminu twil.
54Il-proporzjon ta’ rakkomandazzjonijiet prijoritarji fir-rapporti l-aktar reċenti tal-MOE tal-UE għall-pajjiżi koperti mill-awditu kien ivarja minn 23 % sa 45 % tal-għadd totali ta’ rakkomandazzjonijiet.
55Mis-sitt34 rapporti finali tal-MOE tal-UE, tnejn biss, jiġifieri dak tal-2016 għall-Ġordan u dak tal-2011 għan-Niġerja, qasmu r-rakkomandazzjonijiet f’dawk fuq terminu twil u dawk fuq terminu qasir. Ir-rapporti l-oħra ma rreferew għall-ebda medda ta’ żmien għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet. Għalkemm dan mhuwiex meħtieġ mil-linji gwida, medda ta’ żmien bħal din tista’ tiffaċilita l-prijoritizzazzjoni ta’ azzjonijiet mill-pajjiżi ospitanti, u b’hekk tħaffef l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet.
Il-MOE tal-UE ltaqgħu mal-partijiet interessati b’mod estensiv qabel Jum l-Elezzjoni, iżda ma kkonsultawhomx dwar ir-rakkomandazzjonijiet
56Rigward il-konsultazzjoni tal-partijiet interessati, aħna ffukajna fuq il-MOE tal-UE l-aktar reċenti fil-pajjiżi koperti mill-awditu, sabiex niżguraw li l-informazzjoni li ksibna kienet korretta u kompleta kemm jista’ jkun.
57Aħna sibna evidenza li matul il-proċess ta’ tfassil tar-rapport finali tal-MOE tal-UE, il-kwartieri ġenerali tas-SEAE fi Brussell u, fil-biċċa l-kbira mill-każijiet, id-Delegazzjonijiet tal-UE wkoll, kienu ġew ikkonsultati fl-erba’ pajjiżi kollha dwar ir-rakkomandazzjonijiet għall-MOE tal-UE l-aktar reċenti. Dan kien iddokumentat f’emails u f’kummenti żgħar fid-dokumenti.
Konsultazzjoni qabel Jum l-Elezzjoni
58Saru laqgħat biex il-kwistjonijiet elettorali jiġu diskussi ma’ varjetà wiesgħa ta’ partijiet interessati fil-pajjiżi ospitanti qabel Jum l-Elezzjoni. Dawn il-laqgħat jissemmew f’rapporti interim u rapporti interni. Madankollu, l-ebda wieħed mir-rapporti ma jipprovdi dettalji dwar l-eżitu ta’ dawn il-konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati, minkejja l-fatt li l-linji gwida dwar l-abbozzar jitolbu li opinjonijiet diverġenti jiġu ddokumentati. Fl-intervista, bosta esperti tat-Tim Ewlieni spjegaw li l-informazzjoni kienet ġiet iddokumentata f’xi noti, iżda li dawn in-noti kienu baqgħu għandhom u ma kinux inħażnu f’livell ċentrali.
Konsultazzjoni waqt l-abbozzar tar-rapport finali tal-MOE tal-UE
59Il-linji gwida jiddikjaraw b’mod espliċitu li d-diskussjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-MOE tal-UE mal-partijiet interessati tagħti opportunità li jiġi kkoreġut kull fehim skorrett mill-missjoni, u tiffaċilita l-identifikazzjoni tal-prijoritajiet. Huwa importanti li varjetà ta’ interlokuturi jiġu mistoqsija dwar kull rakkomandazzjoni35. Is-SEAE spjega wkoll li, waqt li r-rapport ikun qed jinkiteb, jenħtieġ li l-MOE tal-UE tikkonsulta lill-partijiet interessati lokali dwar ir-rakkomandazzjonijiet fl-istess żmien li tkun qed tiddiskutihom mal-kwartieri ġenerali tas-SEAE.
60Għalkemm ħafna kwistjonijiet ġew diskussi mal-partijiet interessati lokali u jista’ jkun li l-esperti tat-Tim Ewlieni kienu diġà qed iqisu xi rakkomandazzjonijiet mill-bidu nett, aħna ma stajniex insibu evidenza li dawn kienu ġew ikkonsultati dwar ir-rakkomandazzjonijiet f’xi wieħed mill-pajjiżi koperti mill-awditu. Dan kien ikkonfermat matul il-laqgħat tagħna mal-partijiet interessati lokali, li lkoll qalu li fil-fatt ma kinux ġew ikkonsultati dwar ir-rakkomandazzjonijiet. Fl-intervista, bosta esperti tat-Tim Ewlieni qalu li huma jemmnu li l-konsultazzjoni mal-partijiet interessati dwar ir-rakkomandazzjonijiet tista’ tidher bħala li tikkontradixxi l-prinċipju tal-indipendenza. Madankollu, aħna ma nqisux li konsultazzjoni dwar it-test tar-rakkomandazzjonijiet tkun tikkontradixxi l-indipendenza. Wara kollox, il-konsulenza mal-partijiet interessati hija prattika li tikkonforma mhux biss mal-linji gwida tas-SEAE, iżda wkoll mad-Dikjarazzjoni tal-Prinċipji tan-NU, li tiddikjara li l-missjonijiet ta’ osservazzjoni elettorali internazzjonali jistgħu jwettqu wkoll laqgħat privati ma’ dawk involuti fl-organizzazzjoni ta’ elezzjonijiet ġenwinament demokratiċi f’pajjiż, biex jiddiskutu s-sejbiet, il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-missjoni36.
61Aħna lanqas ma sibna evidenza li kienu seħħew diskussjonijiet dwar il-kwistjonijiet l-aktar tekniċi f’xi wieħed mill-erba’ pajjiżi. B'riżultat ta' dan, xi esperti fil-qasam ikkontestaw xi rakkomandazzjonijiet wara l-pubblikazzjoni tar-rapporti finali. Li kieku t-Tim Ewlieni kien ikkonsulta l-partijiet interessati dwar l-aspetti tekniċi tar-rakkomandazzjonijiet, dawn l-aspetti tekniċi setgħu ġew iċċarati mill-bidu nett. Il-konsultazzjoni matul it-tħejjija tar-rakkomandazzjonijiet hija importanti, billi hemm riskju li xi differenzi fil-perċezzjoni li jitfaċċaw wara l-pubblikazzjoni tar-rapport finali jistgħu jimminaw kemm ir-rakkomandazzjonijiet tal-MOE tal-UE kif ukoll l-implimentazzjoni tagħhom.
62Is-SEAE spjega li, qabel jitlaq mill-pajjiż ospitanti, l-Osservatur Kap jagħmel żjarat ta’ kortesija għand il-partijiet interessati ewlenin, li matulhom jiġu diskussi kwistjonijiet relatati mar-rakkomandazzjonijiet. Madankollu, aħna ma sibniex evidenza li tiddokumenta dawn il-laqgħat, u b’hekk ma stajniex nikkonfermaw il-kontenut tagħhom.
Konsultazzjoni wara l-pubblikazzjoni tar-rapport finali tal-MOE tal-UE
63Wara l-MOE tal-UE l-aktar reċenti, saru diskussjonijiet madwar mejda mal-partijiet interessati fl-erba’ pajjiżi kollha, b’firxa ta’ partijiet interessati lokali mistiedna biex jiddiskutu r-rapport finali u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu wara l-pubblikazzjoni, matul iż-żjara ta’ ritorn tal-Osservatur Kap. Fil-biċċa l-kbira, dawn id-diskussjonijiet kienu inklużivi, għalkemm partit politiku wieħed fil-Ġordan u organizzazzjoni waħda tas-soċjetà ċivili fil-Ghana sostnew li ma kinux ġew mistiedna għal-laqgħa.
64Matul iż-żjara ta’ ritorn, l-Osservatur Kap tipikament jibqa’ fil-pajjiż ospitanti għal xi ftit jiem. Ir-rapport finali jiġi kondiviż mal-partijiet interessati wara li jkun ġie ppreżentat formalment lill-awtoritajiet tal-pajjiż u wara konferenza stampa. Billi l-Osservatur Kap idum biss żmien qasir fil-pajjiż, fl-erba’ pajjiżi kollha, id-diskussjoni madwar mejda mal-partijiet interessati ġiet skedata kmieni wisq (immedjatament, jew minn jum sa jumejn) wara l-konferenza stampa biex il-parteċipanti jkunu jistgħu jsiru familjari mal-kontenut tar-rapport finali u mar-rakkomandazzjonijiet tiegħu, u, konsegwentement, l-ambitu għal djalogu utli kien limitat. Fejn Osservatur Kap ma jkunx jista’ jibqa’ aktar fit-tul fil-pajjiż ospitanti, huwa jista’ juża l-alternattiva li jiddelega r-responsabbiltà lill-Osservatur Deputat Kap, biex dan jippresiedi d-diskussjoni madwar mejda.
65Rapport dwar iż-żjara ta’ ritorn jitfassal wara ż-żjara, u kultant jiddeskrivi fil-qosor għadd ta’ tagħlimiet meħuda. Ir-rapporti tal-erba’ pajjiżi kollha koperti mill-awditu ddikjaraw li l-partijiet interessati kienu semmew il-problema ta’ nuqqas ta’ żmien bejn ir-rilaxx tar-rapport finali u d-diskussjonijiet madwar mejda mal-partijiet interessati. Għalkemm din il-kwistjoni kienet diġà tqajmet fl-2015 fir-rapport għas-Sri Lanka dwar iż-żjara ta’ ritorn, il-problema baqgħet hemm għaż-żjarat ta’ ritorn fil-Ġordan fl-2016 u fil-Ghana fl-2017, fejn bosta partijiet interessati ġibdu l-attenzjoni għal din il-kwistjoni f’laqgħat mat-tim tal-awditjar.
66Hemm biss linji gwida limitati fis-seħħ li jistabbilixxu l-istruttura taż-żjara ta’ ritorn. Id-Delegazzjonijiet tal-UE sabu li l-linji gwida ma kinux ċari rigward ir-responsabbiltà għall-organizzazzjoni taż-żjara ta’ ritorn; xi Delegazzjonijiet tal-UE għamlu l-arranġamenti prattiċi kollha, filwaqt li oħrajn użaw il-fornitur ta’ servizz tal-MOE tal-UE, li kien għadu jopera fi żmien iż-żjara ta’ ritorn. Fil-Ghana, id-diskussjoni madwar mejda mal-partijiet interessati ġiet organizzata mill-Grupp ta’ Ħidma Elettorali Speċjali, kopresedut mill-UE u mill-UNDP. It-twaqqit taż-żjara ta’ ritorn kienet tvarja wkoll bejn il-pajjiżi, skont id-disponibbiltà tal-MEP li kien fir-rwol ta’ Osservatur Kap. Iż-żjarat ta’ ritorn fil-Ghana, fil-Ġordan u fis-Sri Lanka seħħew bejn wieħed u ieħor xahrejn wara Jum l-Elezzjoni, filwaqt li ż-żjara fin-Niġerja seħħet wara sitt xhur.
L-Osservatur Kap Santiago Fisas jgħaddi r-rapport finali tal-MOE tal-UE lil Attahiru Jega, President tal-Kummissjoni Elettorali Nazzjonali Indipendenti tan-Niġerja.
Sors: Is-SEAE.
PARTI II – Intużaw djalogu politiku u assistenza elettorali bħala għodod għall-appoġġ tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet, iżda l-EFMs ma twettqux spiss daqs kemm setgħu
67Għal din it-taqsima, aħna vvalutajna l-għodod prinċipali li ntużaw mis-SEAE u mill-Kummissjoni għall-appoġġ tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-MOE tal-UE: djalogu politiku mal-awtoritajiet tal-pajjiżi ospitanti, EFMs u assistenza elettorali. Biex l-impatt tal-osservazzjoni elettorali jiġi mmassimizzat, huwa essenzjali li r-rakkomandazzjonijiet tal-MOE tal-UE jiġu indirizzati fi djalogu politiku mal-pajjiżi ospitanti, u li l-komplementarjetajiet tal-assistenza elettorali rigward ir-rakkomandazzjonijiet tal-MOE tal-UE jiġu żgurati.
68Hemm ħafna raġunijiet għalfejn rakkomandazzjoni tista’ ma tiġix implimentata. Pereżempju, il-pajjiżi ospitanti jistgħu ma jkunux iridu jew ma jkunux jistgħu jagħtu segwitu għar-rakkomandazzjonijiet elettorali, minħabba:
- nuqqas ta’ rieda politika jew appoġġ fil-parlament;
- nuqqas ta’ għarfien espert professjonali, riżorsi finanzjarji jew żmien għall-implimentazzjoni tar-riformi;
- tifqigħa ta’ gwerra, instabbiltà jew inkwiet ċivili;
- tħassib fost il-kontropartijiet nazzjonali li r-rakkomandazzjonijiet mhumiex konvinċenti, immirati biżżejjed jew xierqa għall-kuntest nazzjonali37.
Filwaqt li fl-aħħar mill-aħħar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-MOE tal-UE tiddependi mir-rieda politika tal-pajjiżi ospitanti u l-kapaċità tiegħu għall-implimentazzjoni, is-SEAE u l-Kummissjoni għandhom għadd ta’ għodod għad-dispożizzjoni tagħhom biex jappoġġaw lill-pajjiżi ospitanti. Dawn jinkludu d-djalogu politiku mal-awtoritajiet nazzjonali li jitwettaq primarjament mid-Delegazzjonijiet tal-UE u mill-EFMs, u li kien jinvoli diskussjonijiet li kemm is-SEAE kif ukoll il-Kummissjoni jipparteċipaw fihom.
70Barra minn hekk, l-implimentazzjoni tista’ tiġi appoġġata minn tipi differenti ta’ finanzjament mill-UE, bħal permezz ta’ programmi ta’ assistenza elettorali, immaniġġjati mid-Direttorat Ġenerali għall-Kooperazzjoni Internazzjonali u l-Iżvilupp (DĠ DEVCO) u mid-Direttorat Ġenerali għall-Viċinat u n-Negozjati għat-Tkabbir (DĠ NEAR). Aħna vvalutajna r-rabta bejn ir-rakkomandazzjonijiet tal-MOE tal-UE u l-programmazzjoni ta’ assistenza elettorali ffinanzjata mill-UE. F’dan il-kuntest, aħna eżaminajna wkoll l-isforzi tad-Delegazzjoni tal-UE biex tikkoordina l-assistenza elettorali mal-Istati Membri tal-UE.
Djalogu politiku seħħ, iżda ċerti korpi tal-pajjiżi ospitanti jixtiequ li ssir aktar diskussjoni
71Il-MOE tal-UE topera taħt mandat separat u distint minn dak tal-istituzzjonijiet tal-UE. Huwa biss wara l-preżentazzjoni tar-rapport finali fil-pajjiż ospitanti li d-Delegazzjoni tal-UE u l-Istati Membri jsiru responsabbli għall-ippjanar u t-twettiq ta’ attivitajiet biex is-segwitu għar-rakkomandazzjonijiet tal-MOE tal-UE jiġi appoġġat38.
72L-appoġġ tad-Delegazzjoni tal-UE għall-implimentazzjoni tal-MOE tal-UE tibda biss ladarba MOE tal-UE tingħalaq u r-rapport finali jkun twassal lill-awtoritajiet nazzjonali. Minn dak il-punt ’il quddiem, id-djalogu politiku tal-UE mal-pajjiż ospitanti għandu rwol importanti fl-appoġġ tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet.
73Ir-Regolament tal-EIDHR jiddikjara li l-MOE tal-UE jinsabu “fl-aħjar pożizzjoni biex jipprovdu kemm stima informata ta' proċessi elettorali u rakkomandazzjonijiet għat-titjib ulterjuri tagħhom fil-kuntest tal-kooperazzjoni tal-Unjoni u d-djalogu politiku ma' pajjiżi terzi”39.
74Id-djalogu politiku huwa kruċjali għall-promozzjoni tas-sjieda nazzjonali u għas-segwitu tar-rakkomandazzjonijiet tal-MOE tal-UE, billi l-pajjiżi ospitanti mhumiex impenjati formalment f’dan ir-rigward.
75Evalwazzjoni reċenti tal-MOE tal-UE ssuġġeriet li ssir referenza għall-ħruġ u l-importanza tar-rakkomandazzjonijiet fil-Memorandum ta’ Qbil li jippreċedi kull MOE tal-UE40. Aħna nemmnu li din ir-referenza għar-rakkomandazzjonijiet fil-Memorandum ta’ Qbil tista’ tipprovdi lid-Delegazzjonijiet tal-UE b’punt tat-tluq utli għat-twettiq ta’ diskussjonijiet mal-awtoritajiet tal-pajjiż ospitanti wara l-elezzjonijiet.
76Id-djalogu politiku mal-pajjiż ospitanti huwa previst fil-Ftehim ta’ Cotonou41 għall-Ghana u n-Niġerja, fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni għall-Ġordan42 u fil-Ftehim ta’ Kooperazzjoni mas-Sri Lanka43. Skont l-Artikolu 8 tal-Ftehim ta’ Cotonou, l-objettiv ta’ dan id-djalogu huwa “l-iskambju tal-informazzjoni, it-tkattir tal-komprensjoni reċiproka u l-aġevolazzjoni tat-twaqqif ta’ prijoritajiet miftiehma”.
77Ir-rakkomandazzjonijiet tal-MOE tal-UE, jew kwistjonijiet li huma jindirizzaw, tqajmu fil-laqgħat annwali ta’ djalogu politiku ta’ livell għoli fl-erba’ pajjiżi ospitanti kollha koperti mill-awditu. Dawn ġew diskussi wkoll fi gruppi ta’ ħidma għad-drittijiet tal-bniedem.
78Pereżempju fil-Ghana, fl-2012 il-Missjoni ta’ Esperti Elettorali rrakkomandaw li l-leġiżlazzjoni dwar id-dritt għall-informazzjoni għandha tiġi żviluppata biex jitjiebu t-trasparenza u l-obbligu ta’ rendikont tal-affarijiet pubbliċi, inkluż is-settur elettorali. Il-progress li sar f’dan ir-rigward intlaqa’ b’mod pożittiv matul id-djalogu politiku relatat mal-Artikolu 8 li sar f’Ġunju 2016.
79Fil-Ġordan, dawn il-kwistjonijiet jiġu diskussi fis-Sottokumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem, li huwa magħmul mill-awtoritajiet tal-Ġordan, is-SEAE u l-ambaxxaturi tal-UE għall-pajjiż. Fil-laqgħa l-aktar reċenti tagħhom f’Ottubru 2016, id-Delegazzjoni tal-UE u l-uffiċċju ġeografiku tas-SEAE qajmu bosta kwistjonijiet ewlenin mid-dikjarazzjoni preliminari, li sussegwentement saru rakkomandazzjonijiet tal-MOE tal-UE fir-rapport finali. Dawn kienu jinkludu r-restrizzjonijiet fuq id-drittijiet ta’ kandidati żgħażagħ li joħorġu għall-elezzjoni, l-ambitu għat-tisħiħ tal-ugwaljanza tal-vot, u r-restrizzjonijiet fuq l-aċċess tal-osservaturi domestiċi għat-tabulazzjoni tar-riżultati44.
80B’mod simili, fid-Djalogu bejn l-UE u n-Niġerja dwar id-Drittijiet tal-Bniedem f’Novembru 2016, id-Delegazzjoni tal-UE u l-Ministeru Niġerjan għall-Affarijiet Barranin skambjaw ideat dwar kif tista’ tiġi sostnuta riforma elettorali, pereżempju bir-rinforzar tal-mezzi ta’ involviment ċivili, kwistjoni li ġiet indirizzata minn rakkomandazzjoni tal-MOE tal-UE45.
81Fis-Sri Lanka, il-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Governanza, l-Istat tad-Dritt u d-Drittijiet tal-Bniedem iltaqa’ għall-ewwel darba f’Jannar 2016. Fil-laqgħa, l-awtoritajiet tas-Sri Lanka u l-UE ddiskutew riforma elettorali u segwitu għar-rakkomandazzjonijiet tal-MOE tal-UE, bħala wieħed mill-14-il punt fuq l-aġenda. Il-grupp ta’ ħidma qabel li jieħu żewġ passi: li jintroduċi riforma elettorali taħt il-kostituzzjoni l-ġdida u li jistabbilixxi kwota minima ta’ 25 % għar-rappreżentazzjoni parlamentari tan-nisa.
82F’kull wieħed mill-pajjiżi koperti mill-awditu, id-Delegazzjonijiet tal-UE organizzaw ukoll laqgħat oħra ma’ kontropartijiet ewlenin fil-livell ta’ ħidma, bħall-ministeri u l-Kummissjoni Elettorali, biex jiddiskutu kwistjonijiet relatati mar-rakkomandazzjonijiet tal-MOE tal-UE. Madankollu, huma ma ddokumentawx l-eżitu ta’ dawn il-laqgħat fil-livell ta’ ħidma.
83Filwaqt li parti kbira mid-djalogu politiku kienet tikkonċerna prijoritajiet oħra, aħna sibna li l-korpi tal-pajjiżi ospitanti kienu ħerqana biex jiddiskutu r-rakkomandazzjonijiet tal-MOE tal-UE ulterjurment. Kemm fil-Ghana kif ukoll fil-Ġordan, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-kumitati legali parlamentari esprimew din ix-xewqa. Dawn il-kumitati pproponew l-organizzazzjoni ta’ sessjonijiet ta’ ħidma biex tiġi diskussa l-implimentazzjoni possibbli tar-rakkomandazzjonijiet tal-MOE tal-UE mad-Delegazzjoni tal-UE, billi ma kinux familjari mar-rapport finali qabel iż-żjara tal-awditjar tagħna. Dan juri li hemm lok biex jiżdiedu l-attivitajiet relatati mad-djalogu politiku għall-appoġġ tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet46.
L-EFMs ma twettqux spiss daqskemm setgħu
84Il-Manwal jiddikjara li l-EFMs jistgħu jitwettqu biex jieħdu kont tal-mod kif ir-rakkomandazzjonijiet fir-rapport finali jkunu ġew ittrattati, biex jikkontribwixxu għad-djalogu politiku kontinwu mal-pajjiż dwar id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem, u biex jidentifikaw oqsma għal riforma u intervent futuri. Missjonijiet ta’ segwitu jistgħu, meta jkun possibbli u xieraq, jitmexxew mill-eks Osservatur Kap tal-MOE tal-UE l-aktar reċenti li tkun twettqet fil-pajjiż ospitanti partikolari. Kull sena jitwettqu bejn wieħed u ieħor erba’ EFMs, li jfisser li mhux il-pajjiżi kollha li jospitaw MOE tal-UE jerġgħu jinżaru awtomatikament għal EFM. Is-SEAE, f’kooperazzjoni mill-qrib mad-Delegazzjoni tal-UE, jieħu deċiżjoni dwar it-twettiq u t-twaqqit tal-EFMs.
85L-uniku pajjiż fil-kampjun li kien ospita EFM kien in-Niġerja. Matul l-awditu, kienet qed tiġi diskussa EFM possibbli fis-Sri Lanka, iżda s-SEAE iddeċieda li jipposponiha peress li l-pajjiż kien għaddej minn riforma politika sinifikanti. Din id-deċiżjoni kienet appoġġata mid-Delegazzjoni tal-UE fis-Sri Lanka.
86Fin-Niġerja, fejn kienet twettqet EFM minn Mejju sa Ġunju 2014, id-Delegazzjoni tal-UE kkonfermat li, b’mod ġenerali, din tqieset bħala utli u f’waqtha. L-EFM kienet wettqet laqgħat b’viżibbiltà għolja, identifikat oqsma kritiċi li kienu jeħtieġu jiġu indirizzati immedjatament, u għamlet rakkomandazzjonijiet biex dawn jitqiesu mill-awtoritajiet Niġerjani, mill-Assemblea Nazzjonali, mill-midja u mis-soċjetà ċivili47.
87L-EFM fasslet ċart dwar l-istatus ta’ implimentazzjoni ta’ rakkomandazzjonijiet preċedenti tal-MOE tal-UE, u organizzat diskussjoni madwar mejda mal-partijiet interessati biex tiddiskuti u tapprova r-rakkomandazzjonijiet. Is-sejbiet tal-EFM intużaw ukoll mill-EEM sussegwenti li twettqet fin-Niġerja mid-19 ta’ Novembru sas-16 ta’ Diċembru 2014.
88Fil-pajjiżi koperti mill-awditu li ma kinux ospitaw EFM fil-perjodu ta’ bejn l-elezzjonijiet, il-maġġoranza kbira tal-partijiet interessati nazzjonali li ġew intervistati qiesu li EFM kienet tkun tipprovdi impuls politiku utli permezz ta’ laqgħat b’viżibbiltà għolja. Kif inhu spjegat fil-paragrafu 18, meta jitqiesu l-flus diġà investiti fil-MOE tal-UE, l-EFMs ma jirrappreżentawx spiża sostanzjali, iżda s-segwitu jista’ jibbenefika ħafna iktar minnhom jekk jintużaw aktar frekwentement.
L-assistenza elettorali appoġġat l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-MOE tal-UE
89L-UE hija waħda mill-atturi fuq quddiem nett fil-qasam tal-assistenza elettorali, u tipprovdi appoġġ tekniku u materjali għall-proċessi elettorali f’ħafna pajjiżi sħab. Għall-kuntrarju tal-MOE tal-UE, li tiffoka fuq l-elezzjonijiet infushom, l-assistenza elettorali tista’ tiġi pprovduta permezz taċ-ċiklu elettorali u normalment tkun usa’ fl-ambitu tagħha. L-assistenza elettorali tista’ tinkludi appoġġ professjonali fl-istabbiliment ta’ qafas legali, l-għoti ta’ materjal u tagħmir għall-votazzjoni, jew għajnuna fir-reġistrazzjoni tal-partiti politiċi u tal-votanti. Hija tista’ tinkludi wkoll appoġġ lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili f’oqsma bħall-edukazzjoni għall-votanti jew it-taħriġ ta’ osservaturi lokali, kif ukoll appoġġ lill-midja48. Fil-biċċa l-kbira mill-każijiet, l-assistenza elettorali hija ffinanzjata mill-fondi ġeografiċi – il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp, l-Istrument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u l-Istrument Ewropew ta’ Viċinat.
Votanta Ghanjana titfa’ l-vot tagħha.
Sors: Is-SEAE.
Il-Manwal josserva żieda sinifikanti fil-finanzjament u l-kopertura tal-assistenza elettorali tal-UE fi snin reċenti49. Minkejja dan, il-Kummissjoni ma setgħetx tipprovdilna stampa finanzjarja ġenerali tal-assistenza elettorali għall-pajjiżi riċevituri kollha50. Ir-raġuni għal dan hija li l-appoġġ li jiffoka fuq oqsma oħra jinkludi wkoll komponenti mmirati lejn il-promozzjoni tar-riforma elettorali. Barra minn hekk, id-Delegazzjonijiet tal-UE fil-pajjiżi koperti mill-awditu mhux kollha żammew stampa ġenerali dokumentata tal-programmi ta’ assistenza elettorali tal-UE u tal-Istati Membri.
91Għalkemm MOE tal-UE hija politikament indipendenti minn kull proġett ta’ assistenza teknika ffinanzjata mill-UE li tista’ tkun qed isseħħ fil-pajjiż li qed jiġi osservat51, il-Kummissjoni identifikat il-komplementarjetà bħala fattur ewlieni. Hija kkonkludiet li l-osservazzjoni elettorali u l-assistenza elettorali huma attivitajiet differenti iżda, essenzjalment, jenħtieġ li dawn jitqiesu u jiġu pprogrammati b’mod komplementari52.
92Aktar reċentement, l-importanza tal-komplementarjetà reġgħet ittenniet fil-gwida tal-Kummissjoni dwar l-assistenza elettorali53 u fir-Regolament tal-EIDHR tal-201454.
93Billi l-maġġoranza tar-rakkomandazzjonijiet tal-MOE tal-UE huma relatati mar-riforma legali fil-pajjiżi ospitanti, l-implimentazzjoni tagħhom tiddependi ħafna aktar mir-rieda politika tal-gvern tal-pajjiż ospitanti milli mill-għoti ta’ finanzjament mill-UE. Minkejja dan, aħna sibna bosta oqsma fejn kien possibbli li ssir rabta bejn il-finanzjament u r-rakkomandazzjonijiet, u fejn ir-rabta kienet saret ukoll spiss fil-programmazzjoni u l-formulazzjoni tal-assistenza elettorali tal-UE (ara l-Kaxxa 1).
94Barra minn hekk, l-eżerċizzju ta’ programmazzjoni tal-UE jsegwi skeda ta’ żmien matul is-sena, li mhux neċessarjament tikkoinċidi mal-pubblikazzjoni tar-rapporti finali tal-MOE tal-UE wara elezzjoni. Madankollu, rakkomandazzjonijiet minn MOE tal-UE preċedenti jistgħu jintużaw f’eżerċizzji ta’ programmazzjoni sussegwenti.
95Huwa importanti l-fatt li ma sibniex każijiet fejn l-assistenza elettorali tal-UE kienet f’kuntrast dirett mar-rakkomandazzjonijiet. Dan huwa dovut għall-fatt li l-informazzjoni miġbura matul il-MOE tal-UE kienet diġà magħrufa, sa ċertu punt, mill-maniġers tal-programmi, b’riżultat ta’ xogħolhom mal-pajjiż ospitanti. Pereżempju, aħna ltqajna ma’ proġett fis-Sri Lanka li kien ġie ffirmat tliet xhur qabel il-finalizzazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-MOE tal-UE. Il-proġett kien jikkonforma bis-sħiħ mar-rakkomandazzjonijiet.
Kaxxa 1
Eżempji ta’ rakkomandazzjonijiet tal-MOE tal-UE li kienu marbuta mal-assistenza elettorali tal-UE
Fis-Sri Lanka, fil-perjodu 2015-17 qed tiġi implimentata għotja li tammonta għal total ta’ EUR 1.2 miljun għal proġett intitolat “Ensuring Electoral integrity in the Electoral Process through Independent Election Observation and Remedial Action” (Niżguraw l-Integrità elettorali fil-Proċess Elettorali, permezz ta’ Osservazzjoni Elettoral Indipendenti u Azzjoni ta’ Rimedju)55. Ir-rakkomandazzjoni li ġejja saret fir-rapport finali tal-MOE tal-UE tal-2015: L-abbuż mir-riżorsi tal-Istat, inklużi r-riżorsi umani, għall-finijiet tal-kampanji jista’ jiġi evitat b’mod aktar effettiv permezz ta’ infurzar aħjar u billi dawk li jwettqu l-abbuż jinżammu responsabbli. L-għotja tinkludi bosta miżuri għall-prevenzjoni tal-abbuż mir-riżorsi tal-Istat, li jinfirxu mill-istabbiliment ta’ kriterji ta’ rappurtar sal-iżvilupp ta’ network ta’ avukati li jkunu jieħdu f’idejhom każijiet relatati mal-użu skorrett ta’ fondi pubbliċi matul il-perjodu tal-kampanja.
Fil-Ghana, għotja ta’ EUR 5 miljun għall-assistenza elettorali intitolata “Support to Independent Government Institutions involved in the electoral process” (Appoġġ għal Istituzzjonijiet Indipendenti tal-Gvern li huma involuti fil-proċess elettorali) ilha tiġi implimentata mill-2015 ’il hawn. Waħda mir-rakkomandazzjonijiet tal-EEM tal-2012 kienet li l-Kummissjoni Elettorali ssaħħaħ il-komunikazzjoni mal-partiti politiċi. L-għotja tinkludi bosta miżuri għal dan il-fini, bħal sessjonijiet ta’ ħidma, seminars u pjattaformi ta’ Kumitati bejn il-Partiti, biex id-djalogu mal-partiti politiċi jiġi promoss.
Is-SEAE u l-Kummissjoni qiesu t-tfassil ta’ din l-għotja bħala eżempju tajjeb ta’ approċċ ta’ ċiklu elettorali reali, fejn intuża l-perjodu ta’ bejn l-elezzjonijiet biex tiżdied il-kapaċità tal-korpi elettorali prinċipali qabel l-elezzjonijiet li kien imiss.
Rigward il-koordinazzjoni tad-Delegazzjoni tal-UE mal-Istati Membri tal-UE, l-analiżi li wettaqna tal-assistenza elettorali preċedenti u dik li għadha għaddejja fil-pajjiżi koperti mill-awditu turi li ma kienx hemm trikkib dirett bejn l-assistenza tal-UE u dik iffinanzjata mill-Istati Membri tal-UE. Dan huwa attribwibbli għall-fatt li d-Delegazzjonijiet tal-UE organizzaw laqgħat mal-Istati Membri tal-UE li kienu preżenti fil-pajjiż biex jiddiskutu l-assistenza elettorali.
97Bħala eżempju ta’ assistenza kkoordinata, fl-2016 il-Kummissjoni adottat programm komprensiv imsejjaħ Enhanced Support to Democratic Governance in Jordan (Appoġġ Imsaħħaħ għall-Governanza Demokratika fil-Ġordan, b’kontribuzzjoni mill-UE ta’ EUR 15-il miljun. Biex jiżdiedu s-sinerġiji, l-Istati Membri tal-UE li kienu preżenti f’Amman ġwe mistoqsija jekk ikunx jinteressahom l-implimentazzjoni u l-kofinanzjament tal-programm. L-Aġenzija Spanjola ta’ Kooperazzjoni AECID iddeċidiet li tikkofinanzja l-programm b’ammont addizzjonali ta’ EUR 2 miljun u li timplimenta l-komponent dwar l-appoġġ għas-soċjetà ċivili.
PARTI III – Ma teżistix stampa ġenerali ċentralizzata tar-rakkomandazzjonijiet u l-istatus ta’ implimentazzjoni tagħhom
98F’din il-parti tal-awditu, aħna analizzajna l-isforzi li saru mis-SEAE biex jimmonitorja r-rakkomandazzjonijiet tal-MOE tal-UE f’livell ċentralizzat u biex jittraċċa l-implimentazzjoni tagħhom fil-pajjiżi ospitanti. Is-sensibilizzazzjoni, fil-livell ċentrali, dwar il-progress li sar jgħin biex attivitajiet ta’ segwitu fil-futur jiġu mmirati aħjar. F’dan il-kuntest, aħna vvalutajna wkoll l-identifikazzjoni tal-aħjar prattika u l-proċessi ta’ tagħlimiet meħuda li hemm stabbiliti.
Ma hemmx depożitarju ċċentralizzat għar-rakkomandazzjonijiet tal-MOE tal-UE
99Minħabba l-mobbiltà tal-persunal, il-MOE tal-UE jibqgħu qasam partikolarment diffikultuż fir-rigward tal-preservazzjoni tal-memorja istituzzjonali. Pereżempju, huwa relattivament rari li membru tal-persunal jibqa’ fl-istess Delegazzjoni tal-UE għal żewġ elezzjonijiet konsekuttivi. Id-Diviżjoni tas-SEAE għad-Demokrazija u l-Osservazzjoni Elettorali tipprovdi punt fokali importanti għall-osservazzjoni elettorali fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-UE56.
100Barra minn hekk, billi l-MEP jiġi nnominat temporanjament bħala l-Osservatur Kap u billi l-esperti tat-Tim Ewlieni jiġu rreklutati għal MOE waħda tal-UE kull darba, hemm ħtieġa qawwija li x-xogħol imwettaq jiġi ddokumentat u maħżun f’livell ċentrali għal referenza fil-futur. L-attivitajiet tal-MOE tal-UE huma rrappurtati f’rapporti interim, rapporti interni u rapporti dwar iż-żjarat ta’ ritorn. Madankollu, dawn ir-rapporti ma fihomx biżżejjed dettall dwar il-konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati.
101Lura fl-2012, studju kkummissjonat mill-Parlament Ewropew issuġġerixxa li għandu jkun hemm stabbilita database biex tiżgura t-traċċar ċentrali tal-istatus ta’ implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet57. Madankollu, għadu ma jeżistix depożitarju ċċentralizzat għar-rakkomandazzjonijiet tal-MOE tal-UE.
102Il-proġett EODS għandu sit web b’arkivju estensiv. Dan jista’ jimmitiga l-impatt tal-mobbiltà tal-persunal peress li jiffunzjona bħala alternattiva għall-memorja istituzzjonali interna. L-esperti tal-proġetti jħarrġu lit-Timijiet Ewlenin u lil osservaturi oħra sabiex jibnu l-kapaċità u l-metodoloġija tal-osservazzjoni elettorali tal-UE.
103Billi ma hemmx depożitarju ċċentralizzat għar-rakkomandazzjonijiet tal-MOE tal-UE, l-esperti tat-Timijiet Ewlenin li jħejju rakkomandazzjonijiet ġodda dwar suġġetti simili ma għandhomx aċċess faċli għar-rakkomandazzjonijiet skont il-pajjiż u/jew it-tema. L-istess jgħodd għal kollegi f’istituzzjonijiet oħra tal-UE li għandhom interess partikolari fil-pajjiż.
104Bħala eżempju wieħed, l-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani (OAS) stabbiliet database ta’ dan it-tip għall-ħżin ta’ rakkomandazzjonijiet. L-utenti tad-database jistgħu jfittxu skont il-pajjiż, is-sena, u t-tmien oqsma tematiċi li ġejjin: ġustizzja elettorali, midja, finanzjament politiku, organizzazzjoni elettorali, is-sessi, gruppi mhux irrappreżentati biżżejjed, teknoloġija elettorali, kif ukoll is-sistema politika u l-ordinament ġuridiku.
Ma hemmx valutazzjoni sistematika tal-progress fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet
105Aħna vvalutajna wkoll jekk is-SEAE ivvalutax u ddokumentax b’mod regolati l-istatus ta’ implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-MOE tal-UE.
106Kien diġà fl-2014 li s-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni rrapporta li jenħtieġ li jkun hemm segwitu ċentrali robust tar-rakkomandazzjonijiet. Huwa ssuġġerixxa wkoll li d-Delegazzjonijiet tal-UE għandhom jirrappurtaw lis-SEAE u lill-FPI dwar ir-rispons li l-pajjiżi ospitanti jagħtu għar-rakkomandazzjonijiet tal-MOE tal-UE58.
107Attwalment, ir-rapport tal-ExM huwa l-uniku post fejn valutazzjoni tal-istatus ta’ implimentazzjoni hija meħtieġa sistematikament. Għar-rapporti kollha tal-ExM, is-SEAE jipprovdi mudell bi grilja strutturata għall-valutazzjoni tal-istatus ta’ implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet preċedenti kollha tal-MOE tal-UE għal dak il-pajjiż, wieħed wieħed. Madankollu, kif inhu spjegat fil-paragrafu 5, jenħtieġ li jiġi osservat il-fatt li l-iskop prinċipali tar-rapporti tal-ExM mhuwiex li jkun hemm valutazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet preċedenti. L-ExMs iservu bħala bażi biex jiġi deċiż jekk għandhiex titwettaq MOE tal-UE jew le.
108Fi tlieta mill-pajjiżi koperti mill-awditu (il-Ghana 2016, il-Ġordan 2016 u n-Niġerja 2015), il-grilja fir-rapport tal-ExM ma kinitx imtliet. Minflok, ir-rapporti kien fihom paragrafu b’deskrizzjoni ġenerali tal-istatus ta’ implimentazzjoni. Għas-Sri Lanka, il-grilja kienet imtliet iżda l-ebda analiżi komprensiva ma kienet twettqet. B’riżultat ta’ dan, ir-rappurtar fl-erba’ pajjiżi kollha ma kienx komprensiv, u pprovda sommarju aktar milli valutazzjoni ddettaljata tal-istatus ta’ implimentazzjoni. Għalhekk, aħna nikkonkludu li l-ExMs tilfu l-opportunità li jivvalutaw l-istatus ta’ implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet preċedenti. Filwaqt li l-istatus ta’ implimentazzjoni ma ġiex ivvalutat fir-rapporti tal-ExM, aħna ltqajna ma’ eżempji ta’ valutazzjonijiet bħal dawn f’dokumenti oħra. Pereżempju, l-EFM tal-2014 fin-Niġerja wettqet analiżi ta’ dan it-tip.
109Fil-Ġordan, il-proġett ta’ assistenza elettorali ffinanzjat mill-UE u implimentat mill-UNDP jista’ jservi ta’ eżempju rilevanti ta’ kif valutazzjoni bħal din tista’ ssir. Bejn Marzu 2016 u Jannar 2017 tħejjew erba’ rapporti li jivvalutaw l-istatus ta’ implimentazzjoni ta’ kull waħda mir-rakkomandazzjonijiet tal-MOE tal-UE tal-2013. Bl-użu ta’ sistema ta’ dawl tat-traffiku għall-valutazzjoni tal-istatus ta’ implimentazzjoni (ara l-Figura 3), dan il-“proġett ta’ traċċar” jipprovdi lid-Delegazzjoni tal-UE f’Amman u lis-SEAE fi Brussell b’ħarsa ġenerali lejn il-progress li hija f’waqtha u ddettaljata. Skont l-UNDP, il-proġett juża metodoloġija flessibbli u għalhekk, potenzjalment, jista’ jiġi rreplikat f’pajjiżi oħra. Il-proġett analizza wkoll ir-rakkomandazzjonijiet tal-2016 bil-ħsieb li jiffaċilita l-implimentazzjoni tagħhom qabel l-elezzjonijiet lokali f’Awwissu 2017.
Figura 3
Klassifikazzjoni tal-progress li sar fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-MOE tal-UE tal-2013 fil-Ġordan
Sors: Proġett iffinanzjat mill-UE u implimentat mill-UNDP: “Support to the Electoral Cycle in Jordan” (Appoġġ għaċ-Ċiklu Elettorali fil-Ġordan).
Filwaqt li hemm inizjattivi li jivvalutaw l-istatus ta’ implimentazzjoni, ma hemm l-ebda proċess kontinwu stabbilit li permezz tiegħu titwettaq analiżi sistematika wara kull MOE tal-UE. Is-SEAE spjega li d-Delegazzjonijiet tal-UE ġeneralment ma għandhomx biżżejjed persunal, u xi kultant ma jkollhomx l-għarfien approfondit meħtieġ biex jivvalutaw ir-riforma elettorali fil-pajjiż.
111Kultant, l-istatus ta’ implimentazzjoni jiġi vvalutat fi proġetti ta’ assistenza elettorali ffinanzjati mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp jew mill-Istrument Ewropew ta’ Viċinat, iżda dan mhuwiex il-każ fil-pajjiżi ospitanti kollha tal-MOE tal-UE li jibbenefikaw mill-assistenza elettorali.
112F’Ġunju 2017, id-DĠ NEAR approva proġett taħt l-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni59 biex jivvaluta l-livell ta’ implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet (primarjament mill-MOE tal-ODIHR60) fil-pajjiżi kandidati u l-pajjiżi kandidati potenzjali fil-Balkani tal-Punent.
113Sabiex tkejjel il-prestazzjoni tal-MOE tal-UE inġenerali, il-Kummisjoni tuża indikaturi li huma stipulati fil-Programm indikattiv pluriennali61. Dawn huma indikaturi tal-output, bħall-għadd ta’ osservaturi mħarrġa. Madankollu, ma hemm l-ebda indikatur ċar tar-riżultat għall-MOE tal-UE li jippermettu li l-Kummissjoni tkejjel il-prestazzjoni tagħhom. Il-kwalità mhux uniformi tal-indikaturi tar-riżultati fil-livell tal-istrumenti ġiet osservata wkoll f’evalwazzjoni reċenti dwar l-EIDHR62.
Twettaq eżerċizzju ta’ prattika tajba reċentement, iżda l-proċess ta’ tagħlimiet meħuda ma jkoprix is-segwitu sistematikament
114F’Ġunju 2017, is-SEAE ippubblika x-xogħol tiegħu “Beyond Election Day” (Wara Jum l-Elezzjoni). Dan jipprovdi l-ewwel ħarsa ġenerali komprensiva lejn l-għodod stabbiliti għas-segwitu tar-rakkomandazzjonijiet tal-MOE tal-UE. Id-dokument mhux biss jispjega, b’mod approfondit, l-għodod li jinsabu għad-dispożizzjoni tal-UE, iżda jipprovdi wkoll għadd kbir ta’ eżempji ta’ prattika tajba f’kuntesti differenti u juri varjetà ta’ modi ta’ kif is-segwitu jista’ jitrawwem. Id-dokument se jservi ta’ sors ta’ informazzjoni għal dawk li, bħad-Delegazzjoni tal-UE, huma inkarigati mir-rakkomandazzjonijiet tal-MOE tal-UE li ġejjin.
115Wara kull MOE tal-UE, jitwettaq eżerċizzju relatat mat-tagħlimiet meħuda. Dan l-eżerċizzju, immaniġġjat mill-FPI, huwa sistematiku u jkopri l-aspetti loġistiċi u ta’ sigurtà kollha tal-missjoni. Barra minn hekk, wara kull MOE tal-UE, is-sede tas-SEAE torganizza laqgħa ta’ informazzjoni mat-Tim Ewlieni biex jiġu diskussi l-kontenut tar-rapport finali tal-MOE tal-UE, kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet. Dawn il-laqgħat jistgħu jindirizzaw kwistjonijiet metodoloġiċi, iżda jseħħu qabel ma r-rapport jiġi ffinalizzat u ma jiġux iddokumentati għal referenza futura.
116Flimkien mal-EODS, is-SEAE regolarment jorganizza seminars dwar it-tagħlimiet meħuda fir-rigward tal-aspetti metodoloġiċi, l-aktar reċentement f’April 2017.
117F’April 2016, is-SEAE talab input mid-Delegazzjonijiet tal-UE li kienu ospitaw MOE tal-UE, rigward l-azzjoni tagħhom biex jappoġġaw segwitu għar-rakkomandazzjonijiet. Jekk ikun standardizzat u jitwettaq regolarment, eżerċizzju bħal dan għandu l-potenzjal li jservi ta’ punt tat-tluq għall-kondiviżjoni ta’ tagħlimiet meħuda mill-attivitajiet ta’ segwitu fid-Delegazzjonijiet kollha tal-UE. Madankollu, filwaqt li dawn ir-rapporti kienu utli u għenu biex tingħata ħarsa ġenerali lejn is-sitwazzjoni attwali f’ċertu punt fiż-żmien, huma kienu inkonsistenti fil-livell ta’ dettall li pprovdew.
Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
118Aħna nikkonkludu li s-SEAE u l-Kummissjoni għamlu sforzi raġonevoli biex jappoġġaw l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet li saru mill-MOE tal-UE bl-użu tal-għodod li kienu hemm għad-dipożizzjoni tagħhom. Minkejja dan, jistgħu jsiru ċerti aġġustamenti għall-proċess biex dan l-appoġġ ikompli jissaħħaħ. Għalhekk, aħna qed nagħmlu għadd ta’ rakkomandazzjonijiet lis-SEAE.
Ir-rakkomandazzjonijiet tal-MOE tal-UE tjiebu fi snin reċenti, iżda aktar konsultazzjoni hija meħtieġa fuq il-post
119Ir-rapporti finali u l-preżentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tjiebu fi snin reċenti, wara l-introduzzjoni tal-linji gwida tas-SEAE dwar l-abbozzar. Dan probabbilment jiffaċilita l-kumparabbiltà fuq tul ta’ żmien fil-futur. Madankollu, hemm oqsma fejn il-linji gwida ma jiġux segwiti. Barra minn hekk, ir-rapporti mhumiex konsistenti meta jirreferu għal medda ta’ żmien għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet. Minbarra dan, it-Tim Ewlieni ma huwiex meħtieġ jiddokumenta l-bażi loġika wara l-prijoritizzazzjoni (ara l-paragrafi 41 sa 55).
120It-Timijiet Ewlenin iddiskutew, b’mod estensiv, kwistjonijiet relatati mar-rakkomandazzjonijiet mal-partijiet interessati fil-pajjiżi ospitanti qabel Jum l-Elezzjoni, iżda la ddokumentaw l-eżitu ta’ dawn il-laqgħat u lanqas ma kkondividew in-noti tagħhom mal-kwartieri ġenerali tas-SEAE. Il-MOE tal-UE koperti mill-awditu kkonsultaw lis-SEAE u, fil-biċċa l-kbira mill-każijiet, lid-Delegazzjonijiet tal-UE, iżda ma kkonsultawx lill-partijiet interessati fil-pajjiżi ospitanti dwar l-abbozz ta’ rakkomandazzjonijiet (ara l-paragrafi 56 sa 62).
121Wara l-preżentazzjoni tar-rapport finali, f’kull pajjiż saru diskussjonijiet madwar mejda mal-partijiet interessati, u fil-biċċa l-kbira kienu inklużivi. Madankollu, dawn ġew skedati kmieni wisq wara l-konferenza stampa biex il-parteċipazzjoni jkunu jistgħu jsiru familjari mal-kontenut tar-rapport finali u mar-rakkomandazzjonijiet tiegħu. Barra minn hekk, hemm biss linji gwida limitati li huma stabbiliti għall-organizzazzjoni taż-żjara ta’ ritorn (ara l-paragrafi 63 sa 66).
Intużaw djalogu politiku u assistenza elettorali bħala għodod għall-appoġġ tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet, iżda l-EFMs ma twettqux spiss daqs kemm setgħu
122F’diskussjonijiet politiċi mal-awtoritajiet tal-pajjiżi ospitanti, id-Delegazzjonijiet tal-UE qajmu kwistjonijiet li kienu inklużi fir-rakkomandazzjonijiet tal-MOE tal-UE. Iżda għad hemm lok biex l-attivitajiet relatati mad-djalogu politiku jkomplu jiżdiedu, peress li aħna osservajna rieda biex tiġi diskussa l-implimentazzjoni possibbli tar-rakkomandazzjonijiet tal-MOE tal-UE fil-parlamenti tal-pajjiżi ospitanti (ara l-paragrafi 71 sa 83).
123In-Niġerja kienet l-uniku pajjiż fil-kampjun li fih twettqet EFM, u d-Delegazzjoni tal-UE qisitha bħala f’waqtha u utli. Fil-pajjiżi l-oħra koperti mill-awditu, il-maġġoranza vasta tal-partijiet interessati nazzjonali intervistati laqgħu b’mod pożittiv il-possibbiltà ta’ EFM bejn l-elezzjonijiet, biex titqajjem sensibilizzazzjoni dwar ir-rakkomandazzjonijiet permezz ta’ laqgħat b’viżibbiltà għolja. L-EFMs ma jinvolvux spejjeż sostanzjali, iżda s-segwitu jkun jibbenefika ħafna minnhom li kieku jintużaw aktar frekwentement (ara l-paragrafi 84 sa 88).
124Aħna sibna għadd kbir ta’ każijiet fejn kien possibbli li ssir rabta bejn l-assistenza elettorali u r-rakkomandazzjonijiet tal-MOE tal-UE, u fejn il-Kummissjoni kienet qieset ir-rakkomandazzjonijiet tal-MOE tal-UE meta fasslet il-programmi. Dan saħħaħ il-komplementarjetà bejn l-osservazzjoni elettorali u l-assistenza elettorali (ara l-paragrafi 89 sa 97).
Ma teżistix stampa ġenerali ċentralizzata tar-rakkomandazzjonijiet u l-istatus ta’ implimentazzjoni tagħhom
125Minħabba n-natura indipendenti tal-MOE tal-UE u l-mobbiltà tal-persunal fid-Delegazzjonijiet tal-UE u fis-SEAE, hemm ħtieġa qawwija li l-memorja istituzzjonali tiġi ppreservata permezz ta’ mezzi oħra. Ma hemmx depożitarju ċċentralizzat għall-ħżin tar-rakkomandazzjonijiet, sabiex ikunu faċilment aċċessibbli għall-esperti tat-Timijiet Ewlenin jew għall-persunal tal-UE (ara l-paragrafi 99 sa 104).
126Filwaqt li sibna eżempji tajbin ta’ xogħol li jittraċċa l-istatus ta’ implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet, ma kienx hemm proċess sistematiku għall-valutazzjoni u l-ħżin regolari tad-dettalji dwar l-istatus (ara l-paragrafi 105 sa 113).
127Reċentement, is-SEAE wettaq xogħol komprensiv biex jelenka l-għodod stabbiliti u biex jiġbor l-aħjar prattika għas-segwitu tar-rakkomandazzjonijiet tal-MOE tal-UE, iżda ma hemmx proċess sistematiku ta’ tagħlimiet meħuda għaddej biex jingħata segwitu (ara l-paragrafi 114 sa 117).
Rakkomandazzjoni 1 - Linji gwida dwar l-abbozzar
Jenħtieġ li s-SEAE:
- jiżgura, permezz ta’ kontroll sistematiku tal-kwalità fuq il-format tar-rapport finali qabel dan jiġi ppubblikat, li l-MOE tal-UE jsegwu l-linji gwida dwar l-abbozzar kif ukoll il-mudell għalih;
- jaġġorna l-linji gwida dwar l-abbozzar biex jitolbu li l-MOE tal-UE jiddokumentaw il-bażi loġika wara l-prijoritizzazzjoni u li jiddiskutu mal-partijiet interessati dwar medda ta’ żmien (fil-qosor, medja, jew fit-tul) għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet.
Perjodu ta’ żmien: Tmiem l-2018.
Rakkomandazzjoni 2 - Konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati
Jenħtieġ li s-SEAE:
- jiżgura sistematikament li t-Tim Ewlieni jikkonsulta l-partijiet interessati fil-pajjiż ospitanti dwar ir-rakkomandazzjonijiet qabel ma r-rapport jiġi ffinalizzat;
- jitlob li l-eżitu tal-konsultazzjonijiet tal-MOE tal-UE mal-partijiet interessati jiġu ddokumentati u maħżuna ċentralment.
Perjodu ta’ żmien: Nofs l-2018.
Rakkomandazzjoni 3 - Żjarat ta’ ritorn u diskussjonijiet madwar mejda
Jenħtieġ li s-SEAE:
- jiċċara r-rwoli u r-reponsabbiltajiet għall-organizzazzjoni taż-żjara ta’ ritorn;
- jiżgura li d-diskussjoni madwar mejda mal-partijiet interessati tiġi skedata mill-inqas erbat ijiem tax-xogħol wara r-rilaxx tar-rapport, biex b’hekk il-parteċipanti jkollhom biżżejjed żmien isiru familjari mar-rapport u mar-rakkomandazzjonijiet tiegħu qabel il-laqgħa.
Perjodu ta’ żmien: Nofs l-2018.
Rakkomandazzjoni 4 - Irfinar tal-għodda
Jenħtieġ li s-SEAE:
- jirreferi, fil-Memoranda ta' Qbil, għall-fatt li l-MOE tal-UE li jkun se jsir se jippreżenta xi rakkomandazzjonijiet, u jenfasizza l-importanza tagħhom;
- meta possibbli, iwettaq EFMs fil-pajjiżi li ospitaw MOE tal-UE, fi żmien adatt bejn l-elezzjonijiet, dment li s-sitwazzjoni politika jew tas-sigurtà fil-pajjiż ospitanti tkun tippermetti li dan isir.
Perjodu ta’ żmien: Il-bidu tal-2019.
Rakkomandazzjoni 5 - Monitoraġġ u riżultati
Jenħtieġ li s-SEAE:
- jistabbilixxi depożitarju ċċentralizzat għar-rakkomandazzjonijiet tal-MOE tal-UE;
- jittraċċa l-progress rigward l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-MOE tal-UE fuq bażi regolari;
- fil-kuntest tal-koordinazzjoni tal-UE, jitlob lid-Delegazzjonijiet tal-UE biex jirrappurtaw, regolarment, dwar l-attivitajiet imwettqa fil-pajjiżi ospitanti għall-appoġġ tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet. Jenħtieġ li dan jalimenta proċess ta’ tagħlimiet meħuda dwar is-segwitu.
Perjodu ta’ żmien: Il-bidu tal-2019.
Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla III, immexxija mis-Sur Karel PINXTEN, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu, fil-laqgħa tagħha tas-16 ta’ Novembru 2017.
Għall-Qorti tal-Awdituri

Klaus-Heiner LEHNE
President
Annessi
Anness I
Mappa tal-MOE tal-UE
Sors: Il-QEA, ibbażat fuq il-Manwal.
Anness II
Graffs dwar il-valutazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet
Anness III
Ħarsa ġenerali lejn il-proġetti ta’ assistenza elettorali fil-Ghana, fil-Ġordan, fin-Niġerja u fis-Sri Lanka
| Pajjiż | Proġett | Strument ta' finanzjament | Allokazzjoni mill-UE (EUR) | Perjodu ta’ implimentazzjoni | Total għal kull pajjiż (ammont arrotondat ta’ euro) |
|---|---|---|---|---|---|
| Il-Ghana | |||||
| Appoġġ għal Istituzzjonijiet Indipendenti tal-Gvern li huma involuti fil-proċess elettorali (2010) | FEŻ63 | 11 500 000 | 2010-2018 | ||
| Appoġġ għal Istituzzjonijiet Indipendenti tal-Gvern li huma involuti fil-proċess elettorali (2015) | FEŻ | 5 000 000 | 2015-2022 | ||
| Strengthening Transparency, Accountability and Responsiveness (STAR-Ghana) programme (Programm ta’ Tisħiħ tat-Trasparenza, tal-Obbligu ta’ Rendikont u tal-Kapaċità ta’ Rispons (STAR-Ghana)) | FEŻ | 3 100 000 | 2011-2020 | ||
| Strengthening Transparency, Accountability and Responsiveness in Ghana: -Star Ghana II (Tisħiħ tat-Trasparenza, tal-Obbligu ta’ Rendikont u tal-Kapaċità ta’ Rispons fil-Ghana: Star Ghana II) | FEŻ | 2 800 000 | 2016-2020 | ||
| Support to National Commission for Civic Education 2014-16 (Appoġġ għall-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Ċivika 2014-16) | IcSP64 | 100 000 | 2014-2018 | ||
| ''Building and Consolidating National Capacities for Conflict Prevention'’ (Bini u Konsolidazzjoni tal-Kapaċitajiet Nazzjonali għall-Prevenzjoni tal-Kunflitt) | IcSP | 370 000 | 2015-2019 | ||
| Support to enhancing women’s participation in elections (Appoġġ għat-tisħiħ tal-parteċipazzjoni tan-nisa fl-elezzjonijiet) | EIDHR | 2 400 000 | 2010-2014 | ||
| Support to Credible Elections, Peace and National cohesion (Appoġġ għal Elezzjonijiet Kredibbli, għall-Paċi u għall-Koeżjoni nazzjonali) | EIDHR | 300 000 | 2010-2014 | ||
| Promoting electoral integrity in Ghana – 2016 and beyond (Promozzjoni tal-integrità elettorali fil-Ghana – l-2016 u wara) | EIDHR | 290 000 | 2016-2020 | ||
| Total għall-Ghana: | 25 860 000 | ||||
| Il-Ġordan | |||||
| Support for Partnership Reform and Inclusive Growth (Appoġġ għar-Riforma fis-Sħubija u Tkabbir Inklużiv) (SPRING) | ENPI65 | 5 000 000 | 2012-2017 | ||
| Support to the Electoral Cycle in Jordan (Appoġġ għaċ-Ċiklu Elettorali fil-Ġordan) | ENPI | 2 000 000 | 2012-2017 | ||
| Support to Democratic Governance (Appoġġ għall-Governanza Demokratika) | ENPI | 10 000 000 | 2011-2019 | ||
| Enhanced Support to Democratic Governance in Jordan (Appoġġ Imsaħħaħ għall-Governanza Demokratika fil-Ġordan) | ENI66 | 15 000 000 | 2017-2021 | ||
| Domestic Electoral Observation of the 2016 Parliamentary Elections in Jordan (Osservazzjoni Elettorali Domestika tal-Elezzjonijiet Parlamentari tal-2016 fil-Ġordan) | EIDHR | 300 000 | 2016 (2.5 xahar) |
||
| Total għall-Ġordan: | 32 300 000 | ||||
| In-Niġerja | |||||
| EC-UNDP Partnership, Support to the Electoral Cycle, Phase II (Sħubija bejn il-KE u l-UNDP, Appoġġ għaċ-Ċiklu Elettorali, il-Fażi II) | FEŻ | 16 000 000 | 2009-2011 | ||
| Support to Nigeria's Electoral Cycle 2012-15 (Appoġġ għaċ-Ċiklu Elettorali tan-Niġerja 2012-2015) | FEŻ | 20 000 000 | 2012-2015 | ||
| Additional Support to Nigeria's Electoral Cycle (Appoġġ Addizzjonali għaċ-Ċiklu Elettorali tan-Niġerja) | FEŻ | 15 000 000 | 2014-2015 | ||
| Mitigation of Violence in Elections (Mitigazzjoni tal-Vjolenza fl-Elezzjonijiet) | IcSP | 1 000 000 | 2014-2015 | ||
| Skeda Informattiva ta’ Azzjoni "EU Support to Democratic Governance in Nigeria” (Appoġġ mill-UE għall-Governanza Demokratika fin-Niġerja) (UE-SDGN), appoġġ għaċ-ċiklu elettorali li għadu għaddej, inklużi l-elezzjonijiet ġenerali tal-2019 | FEŻ | 26 500 000 | 2016-2020 | ||
| Total għan-Niġerja: | 79 000 000 | ||||
| Is-Sri Lanka | |||||
| Support to local observers (Appoġġ għall-osservaturi lokali) | IcSP | 1 200 000 | 2015-2017 | ||
| Total għas-Sri Lanka: | 1 200 000 | ||||
Akronimi u abbrevjazzjonijiet
DĠ NEAR: Direttorat Ġenerali għall-Viċinat u n-Negozjati għat-Tkabbir
DĠ DEVCO: Direttorat Ġenerali għall-Kooperazzjoni Internazzjonali u l-Iżvilupp
EAT: Tim ta’ Valutazzjoni Elettorali
EEM: Missjoni ta’ Esperti Elettorali
EFM: Missjoni ta' Segwitu Elettorali
EIDHR: Strument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem
EODS: Osservazzjoni Elettorali u Appoġġ Demokratiku
ExM: Missjoni Esploratorja
FPI: Servizz tal-Istrumenti tal-Politika Barranija
HR/VP: Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà/Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea
MEP: Membru tal-Parlament Ewropew
MOE tal-UE: Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali tal-Unjoni Ewropea
OAS: Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani
ODIHR: Uffiċċju tal-OSKE għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem
OSKE: Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa
SEAE: Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna
UNDP: Programm ta' Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti
Noti finali
1 Dan jinkludi Timijiet ta’ Valutazzjoni Elettorali, li huma missjonijiet iżgħar ibbażati prinċipalment fil-belt kapitali.
2 Id-Dikjarazzjoni tal-Prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Osservazzjoni Elettorali Internazzjonali 2005, p. 2, il-punt 4.
3 Is-SEAE, is-Servizz tal-Istrumenti tal-Politika Barranija tal-Kummissjoni Ewropea, “Handbook for EU Election Observation, third edition” (Manwal għall-Osservazzjoni Elettorali tal-UE, it-tielet edizzjoni), 2016, p. 16-17.
4 Il-Manwal, p. 126-127.
5 Il-Manwal, p. 37.
6 Il-Manwal, p. 23.
7 Id-Dikjarazzjoni tal-Prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Osservazzjoni Elettorali Internazzjonali, 2005, l-Artikolu 19.
8 Il-Manwal, p. 37.
9 It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-Artikoli 2 u 21; u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 8.
10 Il-Ftehim ta’ Cotonou huwa ftehim ta’ sħubija bejn l-UE u 78 pajjiż Afrikan, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP), iffirmat f’Ġunju 2000, rivedut fl-2005 u fl-2010. L-Artikolu 9 jiddikjara: “Ir-rispett lejn id-drittijiet umani u l-libertajiet fundamentali, kif ukoll ir-rispett lejn id-drittijiet soċjali fundamentali, demokrazija mwaqqfa fuq ir-regola tal-liġi u tmexxija trasparenti u b'responsabbiltà huma parti integrali mill-iżvilupp sostenibbli.”
11 Ir-Regolament (UE) Nru 235/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2014 li jistabbilixxi strument ta’ finanzjament għad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja (ĠU L 77, 15.3.2014, p. 85), l-Objettiv 4 (Anness).
12 Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tad-29.10.2014 li tadotta l-Arranġamenti ta’ Implimentazzjoni għall-Missjonijiet ta’ Osservazzjoni Elettorali C(2014 7782 final.
13 COM(2000) 191 final tal-11 ta’ April 2000 “EU Election Assistance and Observation” (Assistenza u Osservazzzjoni Elettorali tal-UE). Sussegwentement, il-Komunikazzjoni ġiet approvata mill-Parlament Ewropew fir-Riżoluzzjoni tiegħu tal-15.3.2001, u mill-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-31.5.2001.
14 Billi sa issa l-UE wettqet ftit li xejn EATsm u billi l-ebda EAT ma hija koperta mill-awditu, aħna ma nipprovdux dettalji dwar l-ispejjeż tal-EATs.
15 Il-Manwal, p. 24.
16 Il-Manwal, p. 128.
17 Il-Manwal, p. 130.
18 Il-Manwal, p. 26.
19 Id-Dikjarazzjoni tal-Prinċipji tan-NU għall-Osservazzjoni Elettorali, 2005.
20 Il-Manwal, p. 35.
21 Il-Parlament Ewropew, “Study - Following-up on recommendations of EU election observation missions” (Studju - Segwitu għar-rakkomandazzjonijiet tal-missjonijiet ta’ osservazzjoni elettorali tal-UE), 2012, p. 9.
22 L-Istati parteċipanti tal-OSKE ffirmaw id-Dokument ta’ Istanbul 1999 tal-OSKE, u għalhekk huma impenjati biex jagħtu segwitu fil-pront għall-valutazzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet elettorali tal-ODIHR.
23 Il-Manwal, p. 185.
24 Il-Manwal tal-OSKE dwar is-Segwitu għar-Rakkomandazzjonijiet Elettorali, p. 5.
25 Ir-Rapport Speċjali Nru 4/96 dwar il-kontijiet tal-unità Elettorali Ewropea stabbilita mill-Azzjoni ta’ Politika Konġunta Komuni dwar l-Affarijiet Barranin u s-Sigurtà, rigward l-osservazzjoni tal-elezzjonijiet tal-Palestina (ĠU C 57, 24.2.1997).
26 Kważi nofs (48 %) il-MOE jew l-EEMs iseħħu fl-Afrika, skont id-dokument tal-aħjar prattika “Beyond Election Day” (Wara Jum l-Elezzjoni), p. 10, ippubblikat fit-8.6.2017.
27 L-SĠP+ hija mmaniġġjata mid-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ (DĠ Kummerċ) u tagħti lill-pajjiżi sħab aċċess bla dazju għall-maġġoranza tal-esportazzjonijiet tagħhom lill-UE. Il-pajjiżi sħab iridu jirratifikaw u jimplimentaw 27 konvenzjoni internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u f’dak tad-drittijiet tax-xogħol.
28 Il-Manwal, p. 183.
29 Il-Manwal, p. 183.
30 Ir-rapport finali tal-MOE tal-2016 għall-Ghana, ir-Rakkomandazzjonijiet 5, 6, 7, 14, 17, 18, 19 u 20.
31 Il-Manwal, p. 184.
32 Fil-Ġordan fl-2016, erba’ rakkomandazzjonijiet prijoritarji u erba’ rakkomandazzjonijiet oħra ma jirreferux għall-obbligi bbażati fuq konvenzjonijiet internazzjonali. Referenza għall-konvenzjonijiet internazzjonali kienet tkun rilevanti b’mod speċjali għar-rakkomandazzjoni prijoritarja P15, li tirreferi għal-libertà tal-espressjoni.
33 EU election observation practical guidelines on drafting recommendations (Linji gwida prattiċi tal-osservazzjoni elettorali tal-UE dwar l-abbozzar tar-rakkomandazzjonijiet), 2016, p. 8.
34 Ir-rapport finali tal-2016 għall-Ghana, tal-2013 għall-Ġordan, tal-2016 għall-Ġordan, tal-2011 għan-Niġerja, tal-2015 għan-Niġerja u tal-2015 għas-Sri Lanka.
35 Practical guidelines on drafting recommendations (Linji gwida dwar l-abbozzar tar-rakkomandazzjonijiet), is-sottotaqsima “Consulting with other observers and stakeholders and finalising recommendations” (Konsulenza ma’ osservaturi u partijiet interessati oħra u l-iffinalizzar tar-rakkomandazzjonijiet), p. 4.
36 Id-Dikjarazzjoni tal-Prinċipji tan-NU għall-Osservazzjoni Elettorali Internazzjonali, 2005, il-punt 7.
37 Il-Manwal tal-OSKE dwar is-Segwitu għar-Rakkomandazzjonijiet Elettorali, p. 13.
38 Il-Manwal, p. 185.
39 Ir-Regolament tal-EIDHR, l-Objettiv 4.
40 Evaluation of EU Election Observation Activities (Evalwazzjoni tal-Attivitajiet ta’ Osservazzjoni Elettorali tal-UE), ir-Rakkomandazzjoni Addizzjonali 8 fil-p. 4.
41 L-Artikolu 8 tal-Ftehim ta’ Cotonou.
42 L-Artikoli 3 sa 5 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan, 2002.
43 L-Artikoli 1 u 2 tal-Ftehim ta' Kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Demokratika Soċjalista tas-Sri Lanka dwar is-Sħubija u l-Iżvilupp, 1995.
44 Ir-rapport finali tal-2016 għall-Ġordan inħareġ fil-5.12.2016. Ir-rakkomandazzjonijiet prijoritaji korrispondenti huma Nri P2, P3, P6, P11, P13, P15.
45 Ir-rapport finali tal-2015 għan-Niġerja, ir-Rakkomandazzjoni 28 dwar it-tisħiħ tal-involviment ċivili.
46 L-evalwazzjoni tal-MOE tal-UE reċenti għamlet saħansitra aktar f’dan ir-rigward, billi ddikjarat li jista’ jsir aktar biex is-segwitu għar-rakkomandazzjonijiet tal-MOE jiġi sistemizzat, b’użu aktar konsistenti tal-politiki, id-djalogu politiku u l-istrumenti disponibbli tal-UE, “Evaluation of EU Election Observation Activities” (Evalwazzjoni tal-Attivitajiet ta’ Osservazzjoni Elettorali tal-UE), p. 35.
47 Ir-rapport finali tal-EFM tal-2014 fin-Niġerja, p. 5.
48 COM(2000) 191 final, p. 4.
49 Il-Manwal, p. 23.
50 Għal ħarsa ġenerali lejn il-proġetti ta’ assistenza elettorali tal-UE, kemm dawk preċedenti kif ukoll dawk li għadhom għaddejjin fil-pajjiżi koperti mill-awditu, ara l-Anness III.
51 Il-Manwal, p. 23.
52 COM(2000) 191 final, p. 5.
53 Il-Gwida Metodoloġika tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-Assistenza Elettorali, 2006, id-Daħla u p. 13.
54 Ir-Regolament tal-EIDHR, l-Objettiv 4 (Anness).
55 Mill-Istrument li jikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi (IcSP).
56 Preċedentement, aħna kkritikajna n-nuqqas ta’ dan il-punt fokali fir-Rapport Speċjali Nru 4/96.
57 Il-Parlament Ewropew, “Study - Following up on recommendations of EU election observation missions” (Studju - Segwitu għar-rakkomandazzjonijiet tal-missjonijiet ta’ osservazzjoni elettorali tal-UE), 2012, p. 17-18.
58 Is-Servizz tal-Awditjar Intern, l-ittra dwar il-ġestjoni tal-awditjar tal-MOE, 10.4.2014, p. 6.
59 Support to the follow-up of electoral recommendations in the Western Balkans (Appoġġ għas-segwitu tar-rakkomandazzjonijiet fil-Balkani tal-Punent), referenza: IPA 2016/039-858.12/MC/Elections.
60 L-uniċi eċċezzjonijiet huma l-MOE tal-UE għall-Kosovo fl-2013 u fl-2014.
61 Il-Programm indikattiv pluriennali tal-EIDHR għall 2014-17, l-Anness I, p. 30.
62 Valutazzjoni Esterna tal-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem, (2014 – nofs l-2017), ir-Rapport Finali, Ġunju 2017, il-Volum 1 – ir-Rapport Prinċipali, p. 42.
63 Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ).
64 L-Istrument li jikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi (IcSP).
65 L-Istrument Ewropew ta’ Viċinat u Sħubija (ENPI, użat matul l-2007-14).
66 L-Istrument Ewropew ta’ Viċinat (ENI).
| Avveniment | Data |
|---|---|
| Adozzjoni tal-Memorandum ta' Ppjanar tal-Awditjar (APM) / Bidu tal-awditu | 24.1.2017 |
| L-abbozz ta’ analiżi jintbagħat uffiċjalment lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna | 28.9.2017 |
| Adozzjoni tar-rapport finali wara l-proċedura kontradittorja | 16.11.2017 |
| Ir-risposti uffiċjali tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jaslu bil-lingwi kollha | 15.12.2017 |
Tim tal-awditjar
Ir-rapporti speċjali tal-QEA jippreżentaw ir-riżultati tal-awditi tal-prestazzjoni u tal-konformità tagħha f'dak li jirrigwarda oqsma baġitarji jew suġġetti ta' ġestjoni speċifiċi. Il-QEA tagħżel u tfassal dawn il-kompiti tal-awditjar biex timmassimizza l-impatt tagħhom billi tqis ir-riskji għall-prestazzjoni jew għall-konformità, il-livell ta' introjtu jew ta' nfiq involut, l-iżviluppi li jkunu għad iridu jseħħu u l-interess politiku u pubbliku.
Dan l-awditu tal-prestazzjoni twettaq mill-Awla III, li hija mmexxija minn Karel Pinxten, Membru tal-QEA, u li hija responsabbli għall-awditjar tal-oqsma ta' nfiq ta’ azzjoni esterna, sigurtà u ġustizzja.
L-awditu tmexxa minn Ville Itälä, Membru tal-QEA, b'appoġġ minn Turo Hentilä, Kap tal-kabinett; Helka Nykänen, Attaché tal-kabinett; Beatrix Lesiewicz, Maniġer prinċipali; Kristina Maksinen, Kap tal-kompitu. It-tim tal-awditjar kien magħmul minn Balázs Kaszap, Jiri Lang u Erika Söveges.
It-tieni ringiela: Helka Nykänen, Turo Hentilä, Beatrix Lesiewicz, Erika Söveges, Jiri Lang, Balázs Kaszap
Kuntatt
IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI
12, rue Alcide De Gasperi
1615 Luxembourg
LUXEMBOURG
Tel. +352 4398-1
Mistoqsijiet: eca.europa.eu/mt/Pages/ContactForm.aspx
Sit web: eca.europa.eu
Twitter: @EUAuditors
Ħafna informazzjoni addizzjonali dwar l-Unjoni Ewropea hija disponibbli fuq l-Internet.
Jista’ jsir aċċess għaliha permezz tas-server Europa (http://europa.eu).
Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2017
| ISBN 978-92-872-8721-2 | ISSN 1977-5741 | doi:10.2865/082523 | QJ-AB-17-022-MT-N | |
| HTML | ISBN 978-92-872-8776-2 | ISSN 1977-5741 | doi:10.2865/52462 | QJ-AB-17-022-MT-Q |
© L-Unjoni Ewropea, 2017
Għal kull użu jew riproduzzjoni ta’ ritratti jew materjal ieħor li ma jaqax taħt id-drittijiet tal-awtur tal-Unjoni Ewropea, irid jintalab il-permess direttament mingħand id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur.
KIF TIKKUNTATTJA LILL-UE
Personalment
Madwar l-Unjoni Ewropea kollha hemm mijiet ta’ ċentri ta’ informazzjoni tal-Europe Direct. Tista’ ssib l-indirizz tal-eqreb ċentru għalik f’dan is-sit: https://europa.eu/european-union/contact_mt
Bit-telefown jew bil-posta elettronika
Europe Direct huwa servizz li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar l-Unjoni Ewropea. Tista’ tikkuntattja dan is-servizz:
- bit-telefown bla ħlas: 00 800 6 7 8 9 10 11 (ċerti operaturi jafu jimponu ħlas għal dawn it-telefonati),
- fuq dan in-numru standard: +32 22999696, jew
- bil-posta elettronika permezz: https://europa.eu/european-union/contact_mt
KIF ISSIB TAGĦRIF DWAR L-UE
Onlajn
L-informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE hija disponibbli fuq is-sit web Europa fuq: http://europa.eu
Pubblikazzjonijiet tal-UE
Tista’ tniżżel mill-internet jew tordna l-pubblikazzjonijiet tal-UE, li xi wħud minnhom huma bla ħlas u xi oħrajn bil-ħlas, mill-EU Bookshop fl-indirizz li ġej: http://op.europa.eu/eubookshop. Kopji multipli ta’ pubblikazzjonijiet bla ħlas tista’ tiksibhom billi tikkuntattja lil Europe Direct jew liċ-ċentru tal-informazzjoni lokali tiegħek (ara http://europa.eu/contact).
Il-liġi tal-UE u dokumenti relatati
Għal aċċess għall-informazzjoni legali tal-UE, inkluż il-liġijiet kollha tal-UE mill-1951 ’l hawn, fil-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali kollha, żur is-sit EUR-Lex hawnhekk: http://eur-lex.europa.eu
Dejta Miftuħa mill-UE
Il-portal tad-Dejta Miftuħa mill-UE (http://data.europa.eu/euodp) jipprovdi aċċess għal settijiet tad-dejta mill-UE. Id-dejta tista’ titniżżel mill-internet u tintuża mill-ġdid bla ħlas, kemm għal skopijiet kummerċjali kif ukoll mhux kummerċjali.
