Rapport Speċjali
24 2022

Azzjonijiet dwar il-Gvern elettroniku li huma mmirati lejn in-negozji L-azzjonijiet tal-Kummissjoni ġew implimentati, iżda d-disponibbiltà tas-servizzi elettroniċi għadha tvarja fl-UE kollha

Dwar ir-rapport:Fid-dawl tal-importanza li kulma jmur qiegħda tiżdied tas-servizzi diġitali, dan ir-rapport jivvaluta l-effettività tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni 2016 immirat lejn it-trawwim tal-Gvern elettroniku fl-UE. Aħna sibna li l-Kummissjoni kkompletat b’suċċess l-attivitajiet koperti mill-awditu tagħna.

Hija appoġġat ukoll l-implimentazzjoni tas-servizzi diġitali fl-Istati Membri permezz tal-finanzjament, l-appoġġ tekniku u t-trawwim tal-kollaborazzjoni. Madankollu, mhux is-servizzi diġitali kollha huma disponibbli fl-UE kollha, u dan minħabba dewmien fl-Istati Membri.

Il-monitoraġġ min-naħa tal-Kummissjoni kien illimitat għal xi azzjonijiet individwali aktar milli l-implimentazzjoni tal-Pjan fl-intier tiegħu.

Barra minn hekk, ma kien hemm l-ebda strateġija globali għall-promozzjoni tas-soluzzjonijiet relatati mal-Gvern elettroniku li kienu disponibbli fil-livell tal-UE fost l-utenti ewlenin.

Aħna nagħmlu għadd ta’ rakkomandazzjonijiet biex nindirizzaw dawn il-problemi:

Rapport speċjali tal-QEA skont l-Artikolu 287(4), it-tieni subparagrafu, TFUE.

Din il-pubblikazzjoni hija disponibbli bi 24 lingwa fil-format li ġejt:
PDF
PDF Rapport speċjali: Rapport tal-awditjar dwar l-azzjonijiet “tal-Gvern elettroniku” għan-negozji tal-UE

Sommarju eżekuttiv

I Mis-snin disgħin ’il hawn, il-Gvern elettroniku ġie promoss fil-livell tal-UE. Il-Gvern elettroniku jirreferi għall-użu li jsir mit-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni biex is-servizzi tal-gvern jitwasslu liċ-ċittadini u lin-negozji b’mod aktar effettiv u aktar effiċjenti. Huwa għandu l-għan li jnaqqas il-piżijiet amministrattivi fuq iċ-ċittadini u n-negozji billi jagħmel l-interazzjonijiet tagħhom mal-awtoritajiet pubbliċi aktar mgħaġġla, aktar konvenjenti u kosteffettivi, u b’hekk jistimula l-kompetittività u t-tkabbir ekonomiku.

II Fl-2016, il-Kummissjoni adottat il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar il-Gvern elettroniku għall-2016-2020. Il-Pjan ta’ Azzjoni kien maħsub li jservi bħala katalist biex jikkoordina l-isforzi u r-riżorsi ta’ modernizzazzjoni tas-settur pubbliku fil-qasam tal-Gvern elettroniku. Huwa kien jinkludi 25 azzjoni li kellhom jiġu implimentati mill-Kummissjoni. Il-Pjan ta’ Azzjoni ma kellux baġit dedikat iżda kien appoġġat permezz ta’ programmi differenti u miżuri ta’ akkumpanjament li kienu disponibbli għall-Istati Membri.

III Minħabba l-importanza dejjem tiżdied tas-servizzi diġitali, kif uriet il-pandemija tal-COVID-19, u l-finanzjament sostanzjali għad-diġitalizzazzjoni b’mod ġenerali, aħna ddeċidejna li nwettqu dan l-awditu biex ninfurmaw lil dawk li jfasslu l-politika dwar il-kwistjonijiet li jaffettwaw it-tfassil u l-implimentazzjoni tal-miżuri tal-UE li jippromwovu l-Gvern elettroniku.

IV Aħna vvalutajna jekk l-azzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-Gvern elettroniku kinux effettivi. Għal dan il-għan, aħna eżaminajna t-tfassil kumplessiv tal-azzjonijiet kif ukoll l-arranġamenti għall-monitoraġġ u l-implimentazzjoni. Aħna ffukajna l-valutazzjoni tagħna rigward l-implimentazzjoni fuq l-azzjonijiet immirati lejn in-negozji, għaliex il-Gvern elettroniku huwa importanti biex jiġu indirizzati l-frammentazzjoni u l-ostakli regolatorji, u għaldaqstant in-negozji jkunu jistgħu jespandu u joperaw lil hinn mill-fruntieri.

V Aħna kkonkludejna li l-azzjonijiet tal-Kummissjoni kienu biss parzjalment effettivi biex irawmu kemm l-implimentazzjoni kif ukoll l-adozzjoni tas-soluzzjonijiet relatati mal-Gvern elettroniku mill-Istati Membri. Il-Kummissjoni kkompletat l-azzjonijiet tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Gvern elettroniku għall-2016-2020 li huma koperti mill-awditu tagħna. Madankollu, mhux is-servizzi pubbliċi diġitali kollha li ġew żviluppati reċentement huma disponibbli fl-UE kollha, u dan minħabba dewmien fil-livell tal-Istati Membri.

VI Għalkemm il-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Gvern elettroniku għall-2016-2020 issodisfa l-ħtiġijiet identifikati fil-konsultazzjonijiet u l-valutazzjonijiet, huwa kien jinkludi biss azzjonijiet li kellhom jiġu implimentati mill-Kummissjoni nfisha, u għaldaqstant kien diffiċli li tintlaħaq il-viżjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni li jkun hemm amministrazzjonijiet pubbliċi u istituzzjonijiet pubbliċi miftuħa, effiċjenti u inklużivi fl-UE sal-2020.

VII Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma mmonitorjatx b’mod komprensiv l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni fl-intier tiegħu. L-indikaturi eżistenti tal-Gvern elettroniku (il-Parametru referenzjarju tal-Gvern elettroniku u l-Indiċi tal-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali) ma kinux konnessi direttament mal-ebda waħda mill-azzjonijiet li ġew implimentati taħt il-Pjan ta’ Azzjoni, u għalhekk ma kinux adatti biex ikejlu l-impatt kumplessiv tiegħu. Aħna nosservaw li l-proposta li saret mill-Kummissjoni fl-2021 għall-programm ta’ politika “Perkors għad-Deċennju Diġitali” introduċiet qafas ta’ kooperazzjoni li jagħmilha possibbli li jingħata segwitu għall-progress li jsir mill-Istati Membri lejn l-ilħuq tal-miri diġitali stabbiliti fil-livell tal-UE.

VIII Il-Kummissjoni appoġġat l-implimentazzjoni tas-soluzzjonijiet relatati mal-Gvern elettroniku mill-Istati Membri permezz ta’ proġetti ffinanzjati mill-UE u billi pprovdiet appoġġ tekniku. Barra minn hekk, il-Kummissjoni appoġġat b’mod attiv il-kollaborazzjoni u l-iskambji ta’ prattika tajba b’ħafna modi, inkluż permezz ta’ gruppi ta’ esperti u pjattaformi. Dan l-appoġġ ġie apprezzat mill-Istati Membri li żorna.

IX Ma kien hemm l-ebda strateġija globali għall-promozzjoni tas-soluzzjonijiet relatati mal-Gvern elettroniku li kienu disponibbli fil-livell tal-UE fost l-utenti ewlenin. Il-promozzjoni mill-Kummissjoni tas-soluzzjonijiet relatati mal-Gvern elettroniku kienet limitata, u hija ma kellha l-ebda perspettiva tal-azzjonijiet li ttieħdu f’dan ir-rigward mill-Istati Membri, minkejja li l-isforzi kkoordinati setgħu wasslu għal riżultati aħjar.

X Il-Kummissjoni ma vvalutatx is-sensibilizzazzjoni tan-negozji dwar is-servizzi disponibbli tal-Gvern elettroniku, u ġeneralment ma analizzatx il-ħtiġijiet f’dan il-qasam, minkejja li dan huwa pass ewlieni fl-adozzjoni tas-servizzi tal-Gvern elettroniku. L-unika eċċezzjoni kienet studju u programm ta’ għarfien u tagħlim fost l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju fil-qasam tas-suq tal-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji.

XI Aħna nirrakkomandaw li jenħtieġ li l-Kummissjoni:

  • issaħħaħ il-qafas ta’ implimentazzjoni biex tħeġġeġ lill-Istati Membri jikkompletaw is-servizzi tal-Gvern elettroniku; u
  • tiżviluppa strateġija komprensiva għall-promozzjoni effettiva tas-servizzi tal-Gvern elettroniku.

Introduzzjoni

Importanza tal-Gvern elettroniku fl-UE

01 Il-Gvern elettroniku jirreferi għall-użu li jsir mit-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICTs) biex is-servizzi tal-gvern jitwasslu liċ-ċittadini u lin-negozji b’mod aktar effettiv u effiċjenti. Huwa mistenni li jżid l-effettività u l-effiċjenza billi jnaqqas (i) l-ispejjeż u l-ħinijiet tat-tranżazzjonijiet1; (ii) is-silos amministrattivi tal-informazzjoni; u (iii) il-piż amministrattiv fuq iċ-ċittadini u n-negozji billi jagħmel l-interazzjonijiet tagħhom mal-awtoritajiet pubbliċi aktar mgħaġġla, aktar konvenjenti u inqas għaljin, u b’hekk jixpruna l-kompetittività u t-tkabbir ekonomiku2.

02 Fis-snin disgħin, ittieħdu l-ewwel inizjattivi relatati mal-Gvern elettroniku fil-livell Ewropew. Minn dak iż-żmien ’il hawn:

  • il-Kummissjoni ħarġet Komunikazzjonijiet u Pjanijiet ta’ Azzjoni3 f’intervalli regolari u stabbiliet programmi speċifiċi ta’ finanzjament, b’mod partikolari biex trawwem l-użu tal-ICTs sabiex jiġu żgurati servizzi transfruntiera (fi kliem ieħor, biex tiġi żgurata l-interoperabbiltà bejn diversi servizzi);
  • fil-livell tal-Istati Membri, l-importanza tal-Gvern elettroniku ġiet enfasizzata f’bosta dikjarazzjonijiet ministerjali4. Dawn id-dikjarazzjonijiet kienu jinkludu wkoll azzjonijiet numerużi li l-Istati Membri kienu qed jikkommettu għalihom, iżda talbu wkoll lill-Kummissjoni tieħu għadd ta’ azzjonijiet permezz ta’ Pjanijiet ta’ Azzjoni u ssuġġerew li jenħtieġ li l-Kummissjoni torganizza governanza konġunta tal-Pjanijiet ta’ Azzjoni dwar il-Gvern elettroniku (għal perspettiva kompleta lejn l-iżviluppi li saru fl-UE mill-2006 ’il hawn ara l-Anness I).

03 Fl-2016, bħala parti mill-Istrateġija għal Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa, il-Kummissjoni adottat il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar il-Gvern elettroniku għall-perjodu 2016-2020. Hija identifikat 25 azzjoni, li 5 minnhom ġew miżjuda wara li f’Mejju 2017 saret ir-reviżjoni ta’ nofs it-terminu tal-Istrateġija għal Suq Uniku Diġitali. Il-Pjan ta’ azzjoni kien jinkludi azzjonijiet li kienu ta’ natura differenti ħafna. Xi wħud kienu mmirati speċifikament lejn in-negozji (pereżempju “Tippreżenta inizjattiva biex tiffaċilita l-użu ta’ soluzzjonijiet diġitali tul iċ-ċiklu tal-ħajja ta’ kumpanija” jew “Tniedi proġett pilota fuq il-Prinċipju “ta’ darba biss” għan-negozji”). Oħrajn kienu ta’ interess għaċ-ċittadini kollha (pereżempju “Tevalwa l-possibbiltà li tapplika l-prinċipju ta’ darba biss għaċ-ċittadini f’kuntest transfruntier” jew “Tinforza l-leġiżlazzjoni agroalimentari tal-UE dwar il-bejgħ bl-Internet u l-informazzjoni tal-konsumatur”). Għal lista sħiħa ta’ azzjonijiet, ara l-Anness II.

04 Il-Pjan ta’ Azzjoni ma kienx segwit minn Pjan ta’ Azzjoni ġdid wara l-2020 iżda minn bosta inizjattivi oħra, li l-aktar rilevanti minnhom huma:

  • il-Programm Ewropa Diġitali5 li ġie approvat mil-leġiżlaturi b’baġit kumplessiv ippjanat ta’ EUR 7.5 biljun (fi prezzijiet attwali). Huwa jiffoka biex iwassal it-teknoloġija diġitali lin-negozji, liċ-ċittadini u lill-amministrazzjonijiet pubbliċi u se jipprovdi finanzjament għal proġetti f’ħames oqsma (is-supercomputing, l-intelliġenza artifiċjali, iċ-ċibersigurtà, il-ħiliet diġitali avvanzati, u l-iżgurar li jsir użu wiesa’ mit-teknoloġiji diġitali fl-ekonomija u s-soċjetà kollha);
  • Komunikazzjoni maħruġa mill-Kummissjoni dwar “Il-Kumpass Diġitali tal-2030: l-approċċ Ewropew għad-Deċennju Diġitali”. B’rabta ma’ dan, il-Kummissjoni għamlet proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-Programm ta’ Politika tal-2030 “Il-Perkors għad-Deċennju Diġitali”. Iż-żewġ dokumenti jistipulaw il-miri diġitali speċifiċi, li l-UE kollha kemm hi mistennija li tilħaq sa tmiem id-deċennju. Il-miri għad-diġitalizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi jinkludu: l-aċċess online għal servizzi pubbliċi ewlenin, l-aċċess għal rekords mediċi, u l-użu li jsir minn soluzzjoni ta’ identifikazzjoni (ID) diġitali.

05 Id-data tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi6 wriet li s-servizzi tal-Gvern elettroniku huma ta’ rilevanza akbar għan-negozji milli għall-individwi. In-negozji jinżammu lura mill-frammentazzjoni u l-ostakli regolatorji, filwaqt li jsir aktar diffiċli għalihom li jespandu u joperaw lil hinn mill-fruntieri fi ħdan is-Suq Uniku tal-UE7.

06 L-impatt li l-pandemija tal-COVID-19 kellha fuq l-ekonomija globali u fuq il-ħajja taċ-ċittadini enfasizza l-importanza tas-servizzi diġitali fl-oqsma kollha tal-ekonomija u s-soċjetà tal-UE. It-teknoloġiji l-ġodda ħallew lin-negozji u s-servizzi pubbliċi jiffunzjonaw u żguraw li l-kummerċ fl-UE kollha kompla jiċċirkola liberament. Huma għenu wkoll biex iċ-ċittadini jibqgħu konnessi ma’ xulxin, biex jaħdmu mill-bogħod, u biex jappoġġaw l-edukazzjoni kontinwa taż-żgħażagħ.

Rwoli u responsabbiltajiet

07 Bħalma enfasizzaw il-ministri rilevanti fid-Dikjarazzjoni li għamlu fl-2017, it-trasformazzjoni diġitali tal-amministrazzjoni pubblika hija sforz kollettiv fil-livell Ewropew kif ukoll fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali, filwaqt li ħadu inkunsiderazzjoni d-diviżjoni rispettiva tal-kompetenzi8. Skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà, ir-responsabbiltà għad-diġitalizzazzjoni tas-servizzi governattivi fil-livelli nazzjonali u reġjonali essenzjalment hija tal-Istati Membri. Madankollu, il-Kummissjoni hija responsabbli għall-isfidi transfruntiera u tranżnazzjonali, b’mod partikolari billi tevita l-akkumulazzjoni tal-ostakli elettroniċi li jistgħu jipprevienu lill-amministrazzjonijiet pubbliċi milli jkunu konnessi flimkien, u liċ-ċittadini u n-negozji milli jsibu u jużaw is-servizzi pubbliċi diġitali disponibbli f’pajjiżi oħra li mhumiex tagħhom9.

08 Għalhekk, il-progress li jsir dwar il-Gvern elettroniku fl-UE jiddependi mhux biss mill-Kummissjoni iżda wkoll mir-rieda politika u l-ambizzjoni tal-Istati Membri. Bħalma enfasizzat il-Kummissjoni fl-Istate-of-play report on digital public administration and interoperability in Europe li ħarġet fl-2020, sakemm il-gvernijiet ma jqisux b’mod kontinwu l-Gvern elettroniku bħala prijorità ewlenija fl-aġenda politika, l-isforzi se jkunu għalxejn u mhux sostenibbli.

09 Fil-livell tal-UE, id-Direttorat Ġenerali għan-Networks tal-Komunikazzjonijiet, il-Kontenut u t-Teknoloġija (DĠ CONNECT) tal-Kummissjoni huwa responsabbli għall-koordinazzjoni tal-qasam ta’ politika tal-Gvern elettroniku. Minħabba l-varjetà tal-25 azzjoni kkonċernata mill-Pjan ta’ Azzjoni għall-2016-2020, kienu involuti madwar 11-il Direttorat Ġenerali, li kull wieħed minnhom kien responsabbli għal azzjoni waħda jew aktar (ara l-Anness II).

10 Bl-istess mod, fil-livell tal-Istati Membri, diversi amministrazzjonijiet pubbliċi huma responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet speċifiċi relatati mal-Gvern elettroniku. Dawn jinkludu mhux biss ministeri jew aġenziji ċentrali, iżda wkoll awtoritajiet reġjonali u lokali, bħal muniċipalitajiet jew gvernijiet reġjonali.

11 Biex jiġi kkoordinat il-Pjan ta’ Azzjoni, twaqqaf “Bord ta’ Tmexxija tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Gvern elettroniku”. Huwa kien ippresedut mill-Kummissjoni u kien jinkludi lir-rappreżentanti tal-Istati Membri responsabbli għall-istrateġiji nazzjonali għall-Gvern elettroniku tagħhom.

Finanzjament tal-implimentazzjoni tal-Gvern elettroniku

12 Il-Pjan ta’ Azzjoni għall-2016-2020 ma kellux baġit dedikat. Madakollu, l-azzjonijiet dwar il-Gvern elettroniku b’mod ġenerali huma appoġġati permezz ta’ sorsi differenti ta’ finanzjament mill-UE. It-Tabella 1 tipprovdi dettalji tas-sorsi prinċipali ta’ finanzjament mill-UE (għall-perjodu 2014-2020) u l-istimi tagħna tal-allokazzjonijiet baġitarji għall-proġetti u l-azzjonijiet dwar il-Gvern elettroniku.

Tabella 1 – Allokazzjonijiet baġitarji stmati għall-azzjonijiet dwar il-Gvern elettroniku fi programmi differenti matul il-perjodu 2014-2020

  Programm Ammont (miljun EUR)
Ġestjoni ċentrali mill-Kummissjoni Settur tat-Telekomunikazzjoni tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE)

Jiffinanzja fost affarijiet oħra l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ infrastrutturi ta’ data u servizzi diġitali fl-UE kollha biex jappoġġaw l-introduzzjoni tagħhom f’oqsma ewlenin ta’ interess pubbliku, pereżempju l-portal tal-Ġustizzja Elettronika jew is-Sistema ta’ Interkonnessjoni tar-Reġistri Kummerċjali.
704
Orizzont 2020

Jiffinanzja fost affarijiet oħra soluzzjonijiet innovattivi għall-amministrazzjonijiet pubbliċi u għall-ħolqien ta’ settur pubbliku modern, iffaċilitat mill-ICT.
192
Soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà għall-amministrazzjonijiet pubbliċi, in-negozji u ċ-ċittadini Ewropej (ISA2)

Jiffinanzja soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà, inklużi soluzzjonijiet diġitali għas-servizzi pubbliċi transfruntiera u transsettorjali interoperabbli, kif ukoll għall-iskambju ta’ prattiki tajbin u l-promozzjoni ta’ soluzzjonijiet relatati mal-Gvern elettroniku.
131
Programm ta’ Appoġġ għal Riformi Strutturali

Jiffinanzja proġetti ta’ assistenza teknika li jgħinu lill-Istati Membri jimplimentaw tkabbir li jtejjeb ir-riformi istituzzjonali, strutturali u amministrattivi, inkluża d-diġitalizzazzjoni mtejba.
61
(Il-Kummissjoni u l-Istati Membri)
Ġestjoni kondiviża
Fondi li jimplimentaw il-politika ta’ koeżjoni (Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej)

Jistgħu jikkofinanzjaw proġetti għad-diġitalizzazzjoni tas-settur pubbliku (livell nazzjonali u lokali), intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, u t-tnedija tal-broadband.
3 940
  5 028

Nota: L-istimi huma bbażati fuq l-ammont dedikat għall-Infrastrutturi ta’ Servizzi Diġitali (għall-FNE); informazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni (għall-Orizzont 2020 u l-Programm ta’ Appoġġ għal Riformi Strutturali); l-ammonti allokati għal “servizzi u applikazzjonijiet tal-Gvern elettroniku” (għall-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej).

Sors: il-QEA, ibbażat fuq informazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni.

13 Fil-perjodu 2021-2027, diversi sorsi ta’ finanzjament mill-UE se jkunu disponibbli biex jappoġġaw id-diġitalizzazzjoni b’mod ġenerali u l-azzjonijiet dwar il-Gvern elettroniku b’mod partikolari. L-allokazzjonijiet baġitarji għal xi wħud minnhom għad iridu jiġu determinati:

  • kemm il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE) kif ukoll il-fondi li jimplimentaw il-politika ta’ koeżjoni se jibqgħu disponibbli;
  • taħt fergħa waħda tal-Programm Ewropa Diġitali l-ġdid (ara l-paragrafu 04), huwa ppjanat appoġġ (b’baġit ta’ EUR 1.1 biljun), fost affarijiet oħra, għall-interoperabbiltà u biex l-amministrazzjonijiet pubbliċi jkunu jistgħu jużaw u jaċċessaw teknoloġiji diġitali tal-ogħla livell;
  • il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza li ġiet adottata fl-2021 tirrikjedi li l-Istati Membri jallokaw mill-inqas 20 % tal-baġit totali tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tagħhom għal miżuri li jikkontribwixxu għall-objettivi diġitali. F’Lulju 2022, 25 pjan ta’ dan it-tip kienu ġew adottati u n-nefqa totali relatata mal-objettivi diġitali tammonta għal EUR 127 biljun, li tirrappreżenta 26 % tat-total. Aktar minn terz (36 %, EUR 46 biljun) huwa allokat għad-diġitalizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi, inkluża d-diġitalizzazzjoni tat-trasport.

Ambitu u approċċ tal-awditjar

14 Minħabba r-rilevanza tal-Gvern elettroniku għall-korpi pubbliċi, in-negozji u ċ-ċittadini, l-għan tagħna kien li ninfurmaw lil dawk li jfasslu l-politika billi nixħtu dawl fuq it-tfassil tal-miżuri tal-UE li jrawmu l-Gvern elettroniku u li nenfasizzaw l-impedimenti għall-implimentazzjoni b’suċċess tagħhom.

15 Meta tiġi kkunsidrata l-importanza dejjem akbar tas-servizzi diġitali, kif uriet il-pandemija tal-COVID-19, u l-finanzjament sinifikanti li qed jiġi allokat għad-diġitalizzazzjoni b’mod ġenerali (ara l-paragrafi 12-13), aħna ddeċidejna li nwettqu dan l-awditu tal-Pjan ta’ Azzjoni għall-2016-2020. Barra minn hekk, aħna ma awditjajna l-ebda waħda mill-inizjattivi diġitali preċedenti tal-Kummissjoni li ġew implimentati mill-2001 ’l hawn (ara l-paragrafu 02 u l-Anness I), bl-eċċezzjoni tal-azzjonijiet tal-UE fil-qasam speċifiku tal-kura tas-saħħa transfruntiera10.

16 Aħna saqsejna jekk l-azzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-Gvern elettroniku kinux effettivi. Biex inwieġbu din il-mistoqsija, ivvalutajna jekk:

  1. il-Kummissjoni fasslitx l-azzjonijiet tagħha dwar il-Gvern elettroniku b’mod xieraq;
  2. il-Kummissjoni mmonitorjatx l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Gvern elettroniku għall-2016-2020 b’mod xieraq;
  3. l-azzjonijiet dwar il-Gvern elettroniku li huma mmirati lejn in-negozji laħqux l-iskop tagħhom; u
  4. il-Kummissjoni ppromwovietx l-iskambju ta’ prattiki tajbin u s-servizzi pubbliċi diġitali li ġew stabbiliti reċentement b’mod xieraq.

17 Il-perjodu kopert minn dan l-awditu kien dak li matulu tfassal u ġie implimentat il-Pjan ta’ Azzjoni għall-2016-2020. Ħarisna wkoll lejn it-tfassil tal-azzjonijiet ta’ wara l-2020 (ara l-paragrafu 04) fejn rilevanti, sabiex nivverifikaw jekk id-dgħufijiet ġewx indirizzati u jekk it-tagħlimiet meħuda mill-Pjan ta’ Azzjoni għall-2016-2020 ittiħdux inkunsiderazzjoni.

18 Għar-raġunijiet iddikjarati fil-paragrafu 05, iffukajna l-awditu tagħna biex inwieġbu s-submistoqsijiet (c) u (d) (ara l-paragrafu 16) dwar 6 mill-25 azzjoni fil-Pjan ta’ Azzjoni għall-2016-2020 li kienu direttament relatati man-negozji (ara t-Tabella 2).

Tabella 2 – Azzjonijiet immirati lejn in-negozji li huma inklużi fl-ambitu tal-awditu

Nru Azzjoni Bażi legali li kienet diġà stabbilita meta ġie adottat l-Pjan ta’ Azzjoni
2 Tiġi aċċellerata l-adozzjoni tal-identifikazzjoni elettronika, l-Awtentikazzjoni u s-Servizzi Fiduċjarji (servizzi tal-eIDAS), inklużi l-eID u l-Firma elettronika Ir-Regolament (UE) Nru 910/2014
7 Tiġi ppreżentata proposta għall-Gateway Diġitali Unika (jiġifieri punt ta’ aċċess uniku għall-informazzjoni, il-proċeduri u s-servizzi ta’ assistenza online)  
9 Tiġi stabbilita, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, l-interkonnessjoni obbligatorja tar-reġistri kummerċjali tal-Istati Membri kollha Id-Direttiva 2012/17/UE
10 Tiġi żviluppata aktar l-interkonnessjoni elettronika tar-reġistri ta’ insolvenza Ir-Regolament (UE) 2015/848
11 Tiġi ppreżentata inizjattiva biex tiffaċilita l-użu ta’ soluzzjonijiet diġitali matul iċ-ċiklu tal-ħajja ta’ kumpanija  
13 Jitnieda proġett pilota fuq il-prinċipju ta’ “darba biss” għan-negozji.  

Sors: il-QEA.

19 Aħna eżaminajna evidenza minn firxa ta’ sorsi:

  • analiżi mhux fuq il-post tad-dokumenti rilevanti mwettqa mill-Kummissjoni, kif ukoll kwestjonarji kkompletati minn u intervisti mal-persunal tal-Kummissjoni;
  • analiżi tad-dokumenti rilevanti rigward kampjun ta’ erba’ Stati Membri (id-Danimarka, il-Ġermanja, il-Polonja u r-Rumanija) kif ukoll kwestjonarji kkompletati minn u intervisti mal-persunal mis-servizzi pubbliċi rilevanti f’dawn il-pajjiżi. L-għażla tal-Istati Membri kienet ibbażata fuq il-progress li sar fil-Gvern elettroniku tal-Istat Membru rispettiv filwaqt li ġie żgurat li l-kampjun kien jinkludi Stati Membri li ssieħbu fl-UE qabel kif ukoll wara l-2004;
  • analiżi ta’ kampjun ta’ 24 proġett iffinanzjat mill-UE li huma mmaniġġjati b’mod ċentrali: 13-il proġett tal-FNE, 8 azzjonijiet tal-ISA2 u 3 proġetti tal-Orizzont 2020. L-Anness III jinkludi lista kompleta tal-proġetti magħżula. Aħna għażilna dawn il-proġetti abbażi tal-istat ta’ implimentazzjoni, il-materjalità, u l-firxa ġeografika tagħhom (sa fejn hu possibbli, li huma konnessi mal-erba’ Stati Membri magħżula);
  • intervisti mal-partijiet ikkonċernati rilevanti, jiġifieri organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) Ewropej11;
  • analiżi tal-letteratura akkademika, studji esperti u parametri referenzjarji internazzjonali jew prattiki tajbin.

Osservazzjonijiet

It-tfassil tal-azzjonijiet dwar il-Gvern elettroniku tjieb matul iż-żmien

20 Il-Pjanijiet ta’ Azzjoni għandhom l-għan li jikkontribwixxu għat-tfassil jew ir-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni, l-istrumenti u l-inizjattivi eżistenti tal-UE. Dawn mhumiex legalment vinkolanti. Il-Kummissjoni użat il-Pjanijiet ta’ Azzjoni dwar il-Gvern elettroniku bħala strumenti politiċi biex tavvanza l-modernizzazzjoni tal-amministrazzjonijiet pubbliċi fl-Unjoni Ewropea kollha.

21 Jenħtieġ li l-Kummissjoni tfassal azzjonijiet, li jkunu adatti biex jegħlbu n-nuqqasijiet relatati mal-Gvern elettroniku u tieħu kont tar-riżultati li joħorġu mill-evalwazzjonijiet, mill-fehmiet tal-partijiet ikkonċernati permezz ta’ konsultazzjonijiet, u mill-valutazzjonijiet tal-impatt (obbligatorji għall-interventi finanzjarji l-ġodda kollha, li jinvolvu nfiq sinifikanti, jiġifieri aktar minn EUR 5 miljun u meħtieġa għall-inizjattivi tal-Kummissjoni li x’aktarx ikollhom impatti ekonomiċi, ambjentali jew soċjali sinifikanti)12.

22 Għalhekk, aħna vvalutajna jekk il-Kummissjoni fasslitx b’mod xieraq:

  • il-Pjan ta’ Azzjoni għall-2016-2020; u
  • l-azzjonijiet relatati mal-Gvern elettroniku ta’ wara l-2020.

L-azzjonijiet inklużi fil-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Gvern elettroniku għall-2016-2020 ma laħqux il-viżjoni tiegħu

23 Il-Pjan ta’ Azzjoni nbena fuq viżjoni u tliet prijoritajiet ta’ politika (ara l-Kaxxa 1).

Kaxxa 1

Viżjoni u prijoritajiet ta’ politika tal-Pjan ta’ Azzjoni

Viżjoni: Sal-2020, jenħtieġ li l-amministrazzjonijiet pubbliċi u l-istituzzjonijiet pubbliċi fl-Unjoni Ewropea jkunu miftuħa, effiċjenti u inklużivi, filwaqt li jkunu jipprovdu servizzi pubbliċi diġitali mingħajr fruntieri, personalizzati, faċli għall-utent, minn tarf sa tarf liċ-ċittadini u lin-negozji kollha fl-UE. Approċċi innovattivi jintużaw biex jitfasslu u jitwasslu servizzi aħjar f’konformità mal-ħtiġijiet u d-domandi taċ-ċittadini u n-negozji. L-amministrazzjonijiet pubbliċi jużaw l-opportunitajiet offruti mill-ambjent diġitali l-ġdid biex jiffaċilitaw l-interazzjonijiet tagħhom mal-partijiet ikkonċernati u ma’ xulxin.

Prijoritajiet ta’ politika:

  • Biex l-amministrazzjoni pubblika tiġi mmodernizzata bl-ICT, bl-użu ta’ faċilitaturi ewlenin;
  • Biex tkun permessa l-mobilità transfruntiera b’servizzi pubbliċi diġitali interoperabbli;
  • Biex tiġi ffaċilitata l-interazzjoni diġitali bejn l-amministrazzjonijiet u ċ-ċittadini/in-negozji għal servizzi pubbliċi ta’ kwalità għolja.

Sors: Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar il-Gvern elettroniku għall-2016-2020.

24 Sabiex jiġu indirizzati l-prijoritajiet u fl-aħħar mill-aħħar tintlaħaq il-viżjoni ta’ amministrazzjoni pubblika miftuħa, effiċjenti u faċli għall-utent fl-UE, il-Pjan ta’ Azzjoni identifika 25 azzjoni, li kull waħda minnhom hija marbuta ma’ waħda mill-prijoritajiet. L-azzjonijiet kienu ta’ natura differenti u kienu jinkludu, fost oħrajn, il-preżentazzjoni ta’ atti legali, l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet tekniċi jew appoġġ lill-Istati Membri (ara l-Anness II għall-azzjonijiet kollha). Aħna nikkonkludu li dawn irriflettew il-ħtiġijiet identifikati fl-evalwazzjonijiet rilevanti kif ukoll il-feedback riċevut mill-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri, ir-rappreżentanti tan-negozji, taċ-ċittadini u tal-partijiet ikkonċernati. Il-Kaxxa 2 tippreżenta eżempji ta’ xi wħud mill-ħtiġijiet u l-azzjonijiet relatati.

Kaxxa 2

Eżempji tal-ħtiġijiet tal-partijiet ikkonċernati u r-riflessjoni tagħhom fil-Pjan ta’ Azzjoni għall-2016-2020

Il-ħtieġa li:

  • jiġu żviluppati soluzzjonijiet għall-iskambji ta’ informazzjoni mingħajr karti bejn amministrazzjonijiet differenti ġiet indirizzata mill-azzjonijiet 6, 14, 15, 16, 17, 21 u 22 tal-Pjan ta’ Azzjoni;
  • jiġi żgurat li l-informazzjoni li tingħata lil amministrazzjoni pubblika jeħtieġ biss li tiġi pprovduta darba (il-prinċipju ta’ “darba biss”) ġiet indirizzata mill-azzjonijiet 6, 13 u 18;
  • ikun hemm sistemi nazzjonali interoperabbli biex jiżguraw servizzi transkonfinali ġiet indirizzata mill-azzjonijiet 4 u 6;
  • tiġi appoġġata aktar it-tranżizzjoni għall-Akkwist elettroniku ġiet indirizzata mill-azzjonijiet 1, 5 u 6.

Għal-lista kompleta ta’ azzjonijiet ara l-Anness II.

Sors: il-QEA.

25 Minkejja l-fatt li r-rapport ta’ evalwazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Gvern elettroniku għall-2011-201513 identifika n-natura volontarja tal-attivitajiet tal-Istati Membri bħala r-raġuni prinċipali għal azzjonijiet pendenti jew mhux kompleti, l-azzjonijiet kollha fil-Pjan ta’ Azzjoni għall-2016-2020 kienu mmirati lejn il-Kummissjoni biss, mingħajr l-ebda obbligu għall-Istati Membri.

26 Madankollu, għall-biċċa l-kbira mill-azzjonijiet obbligi ta’ dan it-tip ġew inklużi fl-atti legali rilevanti li kienu diġà eżistenti qabel il-Pjan ta’ Azzjoni (pereżempju l-azzjonijiet 9 u 10; ara t-Tabella 2) jew li ġew introdotti bħala riżultat tal-Pjan ta’ Azzjoni (pereżempju l-azzjoni 7). Għal azzjoni waħda (l-azzjoni 2) il-bażi legali eżistenti ma poġġiet l-ebda obbligu fuq l-Istati Membri biex jimplimentaw skema tal-eID, minkejja l-fatt li mezzi siguri tal-eID huma element essenzjali biex jiġi żgurat suq uniku diġitali.

27 Billi l-azzjonijiet fil-Pjan ta’ Azzjoni kienu mmirati biss lejn il-Kummissjoni, l-iskadenzi għall-implimentazzjoni tagħhom ma kkunsidrawx iż-żmien meħtieġ għall-Istati Membri biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom li kienu jirriżultaw minn atti legali rilevanti. F’xi każijiet, l-iskadenzi għall-implimentazzjoni stabbiliti fl-atti legali kienu jestendu lil hinn mid-durata tal-Pjan ta’ Azzjoni u d-data tal-viżjoni tiegħu tal-2020 (ara l-eżempji fil-Kaxxa 3). Barra minn hekk, billi l-viżjoni ta’ amministrazzjoni pubblika miftuħa, effiċjenti u faċli għall-utent fl-UE kienet tinkludi s-servizzi pubbliċi kollha fil-livelli governattivi kollha (mil-livell tal-UE sa dak nazzjonali sa dak lokali), din kienet tkun tista’ tintlaħaq biss permezz tal-implimentazzjoni f’waqtha tal-azzjonijiet rilevanti fil-livell tal-UE kif ukoll f’dak tal-Istati Membri.

Kaxxa 3

Azzjonijiet leġiżlattivi tal-Kummissjoni li jirrikjedu azzjoni mill-Istati Membri

Azzjoni 11 (l-użu ta’ soluzzjonijiet diġitali matul iċ-ċiklu tal-ħajja ta’ kumpanija): L-Istati Membri kellhom sa Awwissu 2021 biex jittrasponu d-Direttiva (UE) 2019/1151 bil-possibbiltà li jestendu l-iskadenza b’sena sa Awwissu 2022.

Azzjoni 7 (Gateway Diġitali Unika): Xi wħud mill-artikoli fir-Regolament (UE) 2018/1724 japplikaw minn Diċembru 2023 ’il quddiem.

Il-politika ta’ wara l-2020 proposta mill-Kummissjoni tindirizza n-nuqqasijiet, iżda għadha ma ġietx adottata

28 Meta kienet qed tfassal id-dokumenti ta’ politika dwar il-Gvern elettroniku ta’ wara l-2020 (ara l-paragrafu 04), il-Kummissjoni bbażat lilha nfisha fuq id-dokumenti meħtieġa mil-Linji Gwida għal Regolamentazzjoni Aħjar u ħadet kont debitu tal-ħtiġijiet li kienu ġew identifikati. Madankollu, billi l-proposta għall-programm ta’ politika “Perkors għad-Deċennju Diġitali” għadha għaddejja mill-proċess leġiżlattiv (minn Settembru 2022) u għalhekk tista’ tiġi emendata, għadu mhuwiex ċar jekk l-ambitu u l-prijoritizzazzjoni tal-miri tad-Deċiżjoni li fl-aħħar mill-aħħar tiġi adottata humiex se jikkorrispondu għall-ħtiġijiet reali.

29 Għalkemm il-programm ta’ politika “Perkors għad-Deċennju Diġitali” propost ma jinkludix azzjonijiet speċifiċi għall-Istati Membri, kull Stat Membru jkollu jippreżenta lill-Kummissjoni pjan direzzjonali strateġiku nazzjonali għad-Deċennju Diġitali, li għandu jkun konsistenti ma’, u jikkontribwixxi għall-ilħuq tal-objettivi u l-miri diġitali tal-UE stabbiliti (ara l-Kaxxa 4).

Kaxxa 4

Miri li għandhom jintlaħqu għad-diġitalizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi

Il-miri fil-proposta għad-diġitalizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi fil-programm ta’ politika “Perkors għad-Deċennju Diġitali”:

  • 100 % forniment aċċessibbli online ta’ servizzi pubbliċi ewlenin għaċ-ċittadini u n-negozji tal-Unjoni;
  • 100 % taċ-ċittadini tal-Unjoni jkollhom aċċess għar-rekords mediċi tagħhom;
  • mill-inqas 80 % taċ-ċittadini tal-Unjoni jużaw soluzzjoni ta’ identifikazzjoni diġitali (ID).

Sors: Il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-Programm ta’ Politika tal-2030 “Il-Perkors għad-Deċennju Diġitali”.

30 Fir-rigward tat-tliet miri definiti fil-programm ta’ politika “Perkors għad-Deċennju Diġitali” aħna nosservaw dan li ġej:

  • Il-Mira (1) tirreferi għas-“servizzi pubbliċi ewlenin” iżda dawn la ġew definiti fil-Komunikazzjoni dwar il-Kumpass Diġitali tal-2030 u lanqas fil-proposta għall-programm ta’ politika “Perkors għad-Deċennju Diġitali”. In-nuqqas ta’ definizzjoni komuni fil-livell tal-UE jista’ jirriżulta f’interpretazzjonijiet differenti mill-Istati Membri u għaldaqstant f’servizzi pubbliċi nazzjonali differenti li jkunu aċċessibbli online.
  • Il-Mira (3) tirreferi għall-użu li jsir miċ-ċittadini, iżda peress li ċ-ċittadini ma jistgħux jiġu sfurzati jużaw is-soluzzjonijiet tal-eID, l-ilħuq ta’ din il-mira huwa lil hinn mill-kontroll ta’ kwalunkwe amministrazzjoni pubblika.

31 Aħna nosservaw ukoll li l-proposta tal-Kummissjoni introduċiet qafas ta’ kooperazzjoni mal-Istati Membri. F’konformità mal-qafas, l-Istati Membri jkunu meħtieġa jallinjaw il-pjanijiet direzzjonali nazzjonali mal-objettivi u l-miri diġitali tal-UE, u jirrappurtaw lill-Kummissjoni dwar il-progress li jkunu għamlu fl-ilħuq tal-miri diġitali tal-2030 fi żmien debitu. Għaldaqstant, il-qafas jipprovdi bażi għall-Kummissjoni biex tmexxi l-implimentazzjoni tal-politika u tivvaluta l-progress li jkun sar.

L-arranġamenti ta’ monitoraġġ għall-Pjan ta’ Azzjoni għall-2016-2020 ma kinux kompleti

32 Il-monitoraġġ huwa meħtieġ biex dawk li jfasslu l-politika u l-partijiet ikkonċernati jkunu jistgħu jevalwaw jekk l-implimentazzjoni tal-politika hijiex miexja “fit-triq it-tajba” u jekk l-objettivi jkunux qed jintlaħqu14. Għal dak il-għan, jenħtieġ li l-Kummissjoni15 tistabbilixxi, fost affarijiet oħra, rabta ċara bejn l-objettivi tal-politika u l-indikaturi ewlenin xierqa li jieħdu kont tal-arranġamenti meħtieġa biex tinġabar biżżejjed evidenza fil-waqt.

33 Għalhekk, aħna vvalutajna jekk il-Kummissjoni kinitx:

  • immonitorjat b’mod xieraq l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni;
  • stabbiliet sistema xierqa biex timmonitorja jekk il-miri diġitali stabbiliti fil-Kumpass Diġitali tal-2030 kinux intlaħqu.

Ma saret l-ebda valutazzjoni komprensiva tal-Pjan ta’ Azzjoni

34 La l-viżjoni u lanqas il-prijoritajiet ta’ politika tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Gvern elettroniku għall-2016-2020 (ara l-Kaxxa 1) ma kienu speċifiċi biżżejjed biex jippermettu l-kejl tal-ilħuq tagħhom. Għalhekk, il-Kummissjoni ma stabbiliet l-ebda qafas ta’ monitoraġġ speċifiku li kien jinkludi sett ta’ indikaturi tal-prestazzjoni biex jivvaluta l-progress tal-azzjonijiet u l-prijoritajiet ta’ politika, kif ukoll il-punt sa fejn intlaħqu. Bl-istess mod, il-Kummissjoni ma ħejjiet la evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu u lanqas finali tal-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni.

35 Aħna sibna li l-Kummissjoni ffukat biss fuq il-monitoraġġ tal-progress lejn l-ikkompletar tal-azzjonijiet individwali. Hija ma mmonitorjatx l-impatt tagħhom. L-e-Government Action Plan Dashboard segwa biss jekk xi azzjoni kinitx ġiet ikkompletata jew kienet għadha għaddejja.

36 Barra minn hekk, il-Kummissjoni ddiskutiet il-progress mal-Istati Membri fil-laqgħat tal-Bord ta’ Tmexxija (ara l-paragrafu 11) u s-subgruppi rilevanti tiegħu. Għall-azzjonijiet individwali, skambji ta’ dan it-tip saru wkoll waqt laqgħat regolari tal-gruppi ta’ esperti rilevanti, bħall-Grupp ta’ Esperti tal-eIDAS, il-Grupp ta’ Koordinazzjoni tal-Gateway Diġitali Unika, u l-Grupp ta’ Esperti tal-FNE.

37 Madankollu, il-Kummissjoni ma talbet l-ebda feedback sistematiku mingħand l-Istati Membri biex issegwi l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet speċifiċi fil-livell nazzjonali.

38 Minkejja dan, għal xi azzjonijiet inklużi fil-Pjan ta’ Azzjoni (azzjoni 1 – l-Akkwist elettroniku, azzjoni 2 – l-eIDAS, azzjoni 4 – il-Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà, u azzjoni 7 – il-Gateway Diġitali Unika), id-dipartimenti rilevanti tal-Kummissjoni stabbilew arranġamenti speċifiċi ta’ monitoraġġ. Il-Kaxxa 5 tagħti eżempju.

Kaxxa 5

Arranġamenti speċifiċi ta’ monitoraġġ għall-Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà

L-implimentazzjoni tal-Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà (azzjoni 4), hija mmonitorjata permezz tal-Osservatorju tal-Qafas Nazzjonali għall-Interoperabbiltà fuq il-bażi ta’ aktar minn 70 indikatur ewlieni tal-politika (pereżempju l-eżistenza ta’ punti uniċi ta’ kuntatt fl-oqsma tal-informazzjoni rilevanti għaċ-ċittadini u n-negozji jew l-użu tal-internet għall-interazzjoni mal-awtoritajiet pubbliċi). Ir-riżultati jintwerew f'sensiela ta' tabelli ta' valutazzjoni tad-data u dashboards u jiddaħħlu fir-rapport tas-sitwazzjoni attwali dwar l-amministrazzjoni pubblika diġitali u l-interoperabbiltà annwali.

Sors: il-QEA.

39 Minflok qafas ta’ monitoraġġ speċifiku, il-Kummissjoni użat l-indikaturi eżistenti tagħha, b’mod partikolari l-Parametru referenzjarju tal-Gvern elettroniku u l-Indiċi tal-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali (DESI) għall-monitoraġġ (ara l-Kaxxa 6).

Kaxxa 6

Indikaturi tal-Gvern elettroniku

Kull sena mill-2001 ’l hawn, il-Kummissjoni ppubblikat ir-Rapport dwar il-Parametru Referenzjarju tal-Gvern elettroniku li jipprovdi informazzjoni intuwittiva dwar l-użu li jsir mill-ICTs fis-settur pubbliku. Il-pajjiżi jiġu kkumparati mad-disponibbiltà u l-karatteristiċi tas-servizzi pubbliċi diġitali. Huwa jivvaluta l-prestazzjoni kumplessiva tal-Gvern elettroniku fl-Istati Membri, fuq skala minn 0 % sa 100 %.

Kull sena mill-2015 ’l hawn, il-Kummissjoni ppubblikat ukoll kull sena l-Indiċi tal-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali (DESI), li juri l-progress li sar fir-rigward tal-Gvern elettroniku fl-Istati Membri kollha. Huwa indiċi kompost, li jimmonitorja l-prestazzjoni diġitali kumplessiva tal-Ewropa u jsegwi l-evoluzzjoni tal-Istati Membri tal-UE fir-rigward tal-kompetittività diġitali. Id-DESI beda b’ħames dimensjonijiet, li aktar tard tnaqqsu għal erbgħa, inklużi s-servizzi pubbliċi diġitali (Gvern elettroniku). Huwa jimmonitorja d-domanda għal u l-forniment tas-servizzi tal-Gvern elettroniku kif ukoll il-politiki u l-implimentazzjoni tad-data miftuħa.

Sors: il-QEA.

40 Il-Parametru Referenzjarju tal-Gvern elettroniku ħa inkunsiderazzjoni l-prijoritajiet ta’ politika ta’ livell għoli tal-Pjan ta’ Azzjoni għall-2011-2015 u l-Pjan ta’ Azzjoni għall-2016-2020 (ara l-Kaxxa 1). Madankollu, l-objettiv prinċipali tiegħu huwa li janalizza s-sitwazzjoni attwali tas-servizzi diġitali pprovduti mill-amministrazzjonijiet pubbliċi tal-Ewropa b’mod ġenerali minflok ma jimmonitorja l-implimentazzjoni u l-ilħuq tal-Pjanijiet ta’ Azzjoni. L-indikaturi użati taħt il-Parametru Referenzjarju tal-Gvern elettroniku ma huma marbuta direttament mal-ebda waħda mill-azzjonijiet li ġew implimentati taħt il-Pjan ta’ Azzjoni, u għaldaqstant ir-rapporti dwar il-Parametru Referenzjarju tal-Gvern elettroniku mhumiex adattati biex ikejlu l-ilħuq tagħhom.

41 L-istess jgħodd għad-DESI, fejn tlieta minn ħames indikaturi li jiffurmaw id-dimensjoni tad-DESI tas-servizzi pubbliċi diġitali, huma fil-fatt indikaturi tal-Parametru Referenzjarju tal-Gvern elettroniku. B’riżultat ta’ dan, il-Kummissjoni ma tista’ torbot ir-riżultati tal-ebda indikatur mar-riżultati u l-impatt tal-Pjan ta’ Azzjoni fl-Istati Membri.

42 Aħna kkumparajna l-punteġġ kumplessiv tal-Parametru referenzjarju tal-Gvern elettroniku skont il-pajjiż fil-bidu u fit-tmiem tal-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni. Aħna sibna li l-punteġġ medju (is-27 Stat Membru kollha, l-EU-27) żdied minn 58.5 % fil-bidu għal 71.9 % fi tmiem l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni. L-Istati Membri kollha avvanzaw fit-twassil tas-servizzi tal-Gvern elettroniku. Madankollu, xi pajjiżi avvanzaw ferm aktar (pereżempju l-Ungerija u l-Lussemburgu) minn oħrajn (pereżempju l-Iżvezja u l-Ġermanja) (ara l-Figura 1). Il-bidla fil-punteġġ ma tistax tkun marbuta mal-azzjonijiet tal-Kummissjoni, minħabba n-nuqqas ta’ indikaturi xierqa marbuta ma’ dawn l-azzjonijiet. L-azzjonijiet u l-lievi ewlenin f’dan ir-rigward jiddependu mill-Istati Membri nfushom (ara l-paragrafu 08).

Figura 1 – Punteġġ kumplessiv tal-Parametru Referenzjarju tal-Gvern elettroniku skont il-pajjiż, l-2017 kif imqabbel mal-2020

Sors: il-QEA, ibbażat fuq id-data tar-Rapport dwar il-Parametru Referenzjarju tal-Gvern elettroniku.

43 Nosservaw ukoll li, peress li l-Kummissjoni biddlet il-metodoloġija użata biex tiġbor subsett ta’ indikaturi fl-2021, il-Parametru Referenzjarju ma jistax jintuża biex jikkumpara l-progress tal-prestazzjoni tal-Gvern elettroniku fl-Istati Membri qabel u wara l-2020. Dan ġie rikonoxxut mill-Kummissjoni fir-Rapport dwar il-Parametru Referenzjarju. Barra minn hekk, il-punteġġi tal-Gvern elettroniku skont il-pajjiż fir-Rapport dwar il-Parametru Referenzjarju tal-Gvern elettroniku tal-2021 huma inkonsistenti minħabba li ġew aggregati bħala l-medja ta’ żewġ indikaturi stmati b’metodoloġiji differenti mingħajr ma saru l-aġġustamenti xierqa.

44 Fil-qafas tal-Parametru Referenzjarju tal-Gvern elettroniku, il-Kummissjoni tkejjel ukoll il-prestazzjoni tal-pajjiżi bi tqabbil mal-avvenimenti tal-ħajja. L-avvenimenti tal-ħajja huma sett tas-servizzi pubbliċi diġitali l-aktar komuni kemm għan-negozji kif ukoll għaċ-ċittadini. L-avvenimenti tal-ħajja tan-negozju jinkludu l-bidu ta’ negozju u l-operazzjonijiet kummerċjali bikrija (pereżempju r-reġistrazzjoni tal-kumpanija jew tal-impjegati) u l-operazzjonijiet kummerċjali regolari (pereżempju d-dikjarazzjoni u l-ħlas tat-taxxi online)16.

45 L-analiżi tar-riżultati għall-avvenimenti tal-ħajja tan-negozju inklużi fil-Parametru Referenzjarju tal-Gvern elettroniku turi żieda fil-punteġġ medju tal-EU-27 minn 71.1 % fil-bidu għal 79.9 % fi tmiem l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni (ara l-Figura 2). Ir-riżultati juru li:

  • is-servizzi tal-Gvern elettroniku għan-negozji huma aktar maturi minn dawk offruti liċ-ċittadini;
  • il-maġġoranza tal-amministrazzjonijiet Ewropej irnexxielhom itejbu s-servizzi diġitali għan-negozji, u l-proċess ġie wkoll aċċellerat mill-pandemija tal-COVID-19;
  • kien hemm żvilupp irregolari fl-Istati Membri. Xi pajjiżi, il-biċċa l-kbira dawk taħt il-punteġġ medju (bħall-Ungerija, is-Slovakkja u l-Lussemburgu) kisbu progress sinifikanti f’dan il-perjodu. B’kuntrast ma’ dan, pajjiżi oħra (bħall-Iżvezja u d-Danimarka) raw ftit tnaqqis matul l-istess perjodu.

Figura 2 – Punteġġ tal-Parametru Referenzjarju tal-Gvern elettroniku għall-avvenimenti tal-ħajja tan-negozju skont il-pajjiż, l-2017 kif imqabbel mal-2020

Sors: il-QEA, ibbażat fuq id-data tar-Rapport dwar il-Parametru Referenzjarju tal-Gvern elettroniku.

Il-politika ta’ wara l-2020 proposta mill-Kummissjoni tħejji għal sistema ta’ monitoraġġ

46 Bħalma diġà ġie ddikjarat fil-paragrafi 30-31, għall-kuntrarju tal-Pjan ta’ Azzjoni għall-2016-2020, il-programm ta’ politika “Perkors għad-Deċennju Diġitali” l-ġdid li ġie propost jinkludi miri kwantifikati u jipprevedi qafas li jirrikjedi lill-Istati Membri jirrappurtaw dwar il-progress fi żmien tajjeb billi jipprovdu d-data u l-istatistika rilevanti. Barra minn hekk:

  • għal kull mira diġitali jenħtieġ li l-Kummissjoni tistipula indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni fl-atti ta’ implimentazzjoni ladarba d-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ. Il-Kummissjoni tista’ taġġorna l-indikaturi meta jkun meħtieġ biex tieħu kont tal-iżviluppi teknoloġiċi;
  • Il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, hija meħtieġa tiddefinixxi t-trajettorji għall-ilħuq ta’ kull waħda mill-miri diġitali, li mbagħad iservu bħala bażi għall-monitoraġġ u l-pjanijiet direzzjonali strateġiċi nazzjonali għad-Deċennju Diġitali.
  • ir-rapport ta’ progress annwali previst għall-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jista’ jidentifika miżuri u azzjonijiet li għandhom jittieħdu mill-Istati Membri f’oqsma fejn il-progress li jsir lejn il-miri diġitali jkun meqjus insuffiċjenti.

47 Skont il-proposta, il-monitoraġġ ikun jiddependi fuq verżjoni mtejba tad-DESI, jiġifieri li tkun tirrifletti l-miri stabbiliti. Aħna sibna li l-edizzjoni tal-2021 tad-DESI kienet diġà ġiet adattata (i) biex tallinjah sa ċertu punt mal-miri inklużi fil-programm ta’ politika “Perkors għad-Deċennju Diġitali”, (ii) biex ittejjeb il-metodoloġija u (iii) biex tieħu kont tal-iżviluppi teknoloġiċi u ta’ politika l-aktar reċenti. Id-DESI issa huwa strutturat madwar l-erba’ dimensjonijiet tal-Kumpass Diġitali tal-2030, li jissostitwixxi l-istruttura preċedenti ta’ ħames dimensjonijiet (ara l-Kaxxa 6).

48 Billi l-proposta għad-Deċiżjoni dwar il-programm ta’ politika “Perkors għad-Deċennju Diġitali” għadha għaddejja mill-proċess leġiżlattiv (minn Settembru 2022), il-Kummissjoni għażlet li tintroduċi bidliet fid-DESI gradwalment, li jfisser li sa issa għadha ma tkoprix il-miri kollha. B’mod partikolari, żewġ miri diġitali minn tlieta (2 u 3, ara l-Kaxxa 4) ma ġewx inklużi direttament fid-DESI: il-mira (1) ġiet inkluża, iżda billi għad m’hemmx definizzjoni ta’ servizzi pubbliċi “ewlenin” (ara l-paragrafu 30), mhuwiex ċar x’se jitkejjel.

Il-Kummissjoni implimentat il-Pjan ta’ Azzjoni iżda l-azzjonijiet fil-livell tal-Istati Membri ffaċċjaw dewmien

49 Il-Pjan ta’ Azzjoni kien jinkludi azzjonijiet ta’ diversi tipi, bħall-ħtieġa li l-Kummissjoni tagħmel proposti leġiżlattivi, tipprovdi soluzzjonijiet diġitali u tniedi proġetti pilota.

50 Minbarra l-azzjonijiet tal-Kummissjoni, l-Istati Membri kienu f’ċerti każijiet obbligati li jieħdu azzjonijiet fuq il-bażi ta’ atti legali li jew kienu diġà jeżistu qabel il-Pjan ta’ Azzjoni (ara t-Tabella 2), jew ġew stabbiliti b’riżultat tiegħu.

51 Għalhekk aħna vvalutajna jekk:

  • il-Kummissjoni kinitx ikkompletat l-azzjonijiet tagħha fi żmien tajjeb;
  • l-Istati Membri kinux ikkonformaw mal-obbligi legali tagħhom.

Il-Kummissjoni implimentat l-azzjonijiet inklużi fil-Pjan ta’ Azzjoni

52 Abbażi tal-analiżi li wettaqna tad-dokumenti rilevanti, aħna sibna li l-Kummissjoni kkompletat is-sitt azzjonijiet tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Gvern elettroniku għall-2016-2020 li ġew inklużi fl-ambitu tal-awditu. Għad-dettalji, ara t-Tabella 3 u l-Anness IV.

Tabella 3 – Implimentazzjoni tal-azzjonijiet dwar il-Gvern elettroniku inklużi fl-ambitu tal-awditu

Azzjoni Stat ta’ implimentazzjoni Dettalji tal-azzjonijiet tal-Kummissjoni li ġew implimentati
Azzjoni 2 -tiġi aċċellerata l-adozzjoni tal-identifikazzjoni elettronika, l-Awtentikazzjoni u s-Servizzi Fiduċjarji (servizzi tal-eIDAS), inklużi l-eID u l-Firma elettronika Implimentata Il-Kummissjoni tistabbilixxi, twettaq manutenzjoni u taġġorna pjattaformi ta’ servizzi ewlenin (jiġifieri hubs ċentrali li jippermettu l-konnettività trans-Ewropea) u interfaċċi, inklużi l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, is-software u l-appoġġ tekniku għall-konnessjoni tal-applikazzjonijiet nazzjonali.

Biex taċċellera l-adozzjoni, il-Kummissjoni stabbiliet forums ta’ skambju, esternalizzat l-istudji rilevanti, organizzat seminars u wettqet attivitajiet ta’ infurzar ibbażati fuq l-ilmenti riċevuti. Madankollu, aktar bidliet sinifikanti fl-adozzjoni huma mistennija mir-Regolament eIDAS il-ġdid li ġie propost f’Ġunju 2021.
Azzjoni 7 -tiġi ppreżentata proposta għall-Gateway Diġitali Unika (jiġifieri punt ta’ aċċess uniku għall-informazzjoni, il-proċeduri u s-servizzi ta’ assistenza online) Implimentata Il-Kummissjoni ppreżentat il-proposta, li sussegwentement ġiet approvata bħala att regolatorju (ir-Regolament (UE) 2018/1724).
Azzjoni 9 - tiġi stabbilita, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, l-interkonnessjoni obbligatorja tar-reġistri kummerċjali tal-Istati Membri kollha Implimentata Il-Kummissjoni tistabbilixxi, twettaq manutenzjoni u taġġorna pjattaformi ta’ servizzi ewlenin (jiġifieri hubs ċentrali li jippermettu l-konnettività trans-Ewropea) u interfaċċi, inklużi l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, is-software u l-appoġġ tekniku għall-konnessjoni tar-reġistri nazzjonali. Ara wkoll il-paragrafu 52.
Azzjoni 10 - tiġi żviluppata aktar l-interkonnessjoni elettronika tar-reġistri ta’ insolvenza Implimentata
Azzjoni 11 - tiġi ppreżentata inizjattiva biex tiffaċilita l-użu ta’ soluzzjonijiet diġitali matul iċ-ċiklu tal-ħajja ta’ kumpanija Implimentata Il-Kummissjoni ppreżentat il-proposta, li sussegwentement ġiet approvata bħala att regolatorju (id-Direttiva (UE) 2019/1151 li temenda d-Direttiva (UE) 2017/1132).
Azzjoni 13 - Jitnieda proġett pilota fuq il-prinċipju ta’ “darba biss” għan-negozju. Implimentata Il-proġett pilota tnieda.

Sors: il-QEA.

53 Aħna sibna li filwaqt li l-azzjonijiet 9 u 10 ġew implimentati, is-sistemi żviluppati ma kellhomx għodda għall-ipproċessar tal-pagamenti peress li l-iżvilupp tagħha ġarrab dewmien (ara l-Kaxxa 7 għad-dettalji). L-iżvilupp ta’ għodda għall-pagamenti ma kienx rekwiżit legali. Madankollu, filwaqt li s-sistemi jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa mill-atti regolatorji, in-nuqqas ta’ għodda għall-pagamenti iġiegħel lill-utenti jerġgħu lura għall-pjattaformi nazzjonali jekk ikollhom bżonn informazzjoni jew dokumenti li għalihom ikun dovut il-ħlas ta’ tariffa.

Kaxxa 7

L-implimentazzjoni mdewma tal-għodda għall-ipproċessar tal-pagamenti għall-azzjonijiet 9 u 10

Permezz tas-Sistema ta’ Interkonnessjoni tar-Reġistri Kummerċjali, l-utenti tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika għandhom aċċess għad-dokumenti tal-kumpanija, inkluża informazzjoni essenzjali meħtieġa minn atti legali. Ċerti dokumenti huma mingħajr ħlas, iżda l-Istati Membri huma permessi jimponu tariffa għall-oħrajn. Il-Kummissjoni abbandunat il-pjanijiet inizjali biex tiżviluppa sistema ċentrali ta’ pagament li tkun tipproċessa l-pagamenti u toħroġ fatturi lill-prenditur. Minflok, qed tikkunsidra li tiżviluppa sistema deċentralizzata ta’ pagament, li testernalizza l-pagament tad-dokumenti tal-kumpanija direttament lill-fornitur tas-sistema ta’ pagament tar-reġistru kummerċjali nazzjonali li jkun qed ibigħ id-dokument. Il-Kummissjoni tistma li s-sistema tista’ tiġi attivata fl-aħħar tliet xhur tal-2023.

Bl-istess mod, il-Kummissjoni għadha ma implimentatx għodda għall-ipproċessar tal-pagamenti għall-interkonnessjoni tar-reġistri ta’ insolvenza (l-azzjoni 10). Minflok, biħsiebha tuża l-istess soluzzjoni bħalma ntużat għas-Sistema ta’ Interkonnessjoni tar-Reġistri Kummerċjali.

Sors: il-QEA.

54 Aħna vvalutajna wkoll jekk il-Kummissjoni kinitx tat segwitu għar-rakkomandazzjonijiet tal-evalwazzjoni li wettqet fir-rigward tar-Regolament eIDAS tal-2014 b’rabta mal-azzjoni 2 (l-eIDAS). Ir-Regolament fittex li joħloq qafas uniku għall-identifikazzjoni elettronika (eID) u s-servizzi fiduċjarji, u għaldaqstant ikun aktar faċli li jitwasslu servizzi fl-UE kollha, irrispettivament mill-pajjiż fejn dawn isiru. Ir-Regolament ma armonizzax l-eIDs nazzjonali iżda ppermetta li jkun hemm rikonoxximent reċiproku permezz ta’ proċess ta’ notifika u evalwazzjoni bejn il-pari.

55 L-evalwazzjoni tar-Regolament eIDAS ħarġet fl-2021. Hija identifikat id-dgħufijiet li ġejjin:

  • Ir-Regolament ma kienx jirrikjedi li l-Istati Membri jipprovdu liċ-ċittadini u n-negozji tagħhom eID biex jippermettu aċċess sigur għas-servizzi pubbliċi online. Anke meta għamlu dan, ma kinux obbligati li jinnotifikaw skemi ta’ dan it-tip. Barra dan, l-evalwazzjoni kkonkludiet li għadd limitat biss ta’ servizzi pubbliċi joffru l-awtentikazzjoni tal-eIDAS jew huma konnessi mal-infrastruttura, u ċerti erruri tekniċi qed iżommu lill-utenti milli jawtentikaw b’mod effettiv.
  • Il-qafas tal-eID ma setax jindirizza domandi tas-suq ġodda fost l-oħrajn minħabba (i) il-limitazzjoni tiegħu għas-settur pubbliku u biex jiżgura aċċess transfruntier għas-servizzi pubbliċi (jiġifieri, is-servizzi mmirati mir-Regolament eIDAS kienu jikkonċernaw perċentwal żgħir tal-popolazzjoni tal-UE), (ii) il-kumplessità għall-fornituri ta’ servizzi privati online biex jiġu konnessi mas-sistema u (iii) id-disponibbiltà insuffiċjenti fl-Istati Membri kollha.
  • Il-qafas huwa bbażat fuq sistemi nazzjonali tal-eID li jsegwu standards diversi u b’hekk ixekklu l-użu li jsir mis-servizzi tal-eIDAS; nuqqas identifikat ukoll minn proġett tal-FNE (ara l-Kaxxa 8).

Kaxxa 8

Qafas ibbażat fuq sistemi nazzjonali tal-eID li jsegwu standards diversi

Proġett wieħed tal-FNE (2016-EU-IA-0064) ippromwova l-użu li l-fornituri ta’ servizzi privati jagħmlu mill-eID. Jekk fornitur ta’ servizz irid jikkonferma l-identità tal-klijenti tiegħu, huwa jrid ikun konness ma’ nodu nazzjonali speċifiku tal-eIDAS. Il-proġett kellu l-għan li joħloq konnessjoni bejn ħames fornituri ta’ servizzi privati​li kull wieħed minnhom jopera pjattaforma ta’ cloud (li joffri servizzi privati) ma’ ħames nodi differenti tal-eIDAS (Spanja, in-Norveġja, id-Danimarka, in-Netherlands u l-Iżlanda, rispettivament). Konnessjoni ta’ dan it-tip tippermetti li tintalab, tiġi riċevuta u tiġi pproċessata d-data dwar l-identifikazzjoni.

L-implimentazzjoni kienet soġġetta għal diffikultajiet u dewmien peress li pajjiżi differenti kellhom politiki differenti biex jaċċessaw in-nodi nazzjonali tal-eIDAS.

Fi Spanja, l-Iżlanda, u n-Norveġja kienet possibbli konnessjoni diretta. Madankollu, il-fornituri ta’ servizzi fin-Netherlands kellhom jaċċessaw nodu intermedju. Għad-Danimarka, il-fornituri ta’ servizzi kellhom jiżviluppaw u jimplimentaw interfaċċa ta’ integrazzjoni speċjali biex jaċċessaw in-nodu tal-eIDAS Daniż. L-iżvilupp ta’ software addizzjonali bl-użu ta’ standards tekniċi differenti għamel il-proċess ta’ konnessjoni kumpless u li jieħu ż-żmien.

Sors: il-QEA.

56 Aħna sibna li b’rispons għal dawn id-dgħufijiet, ir-reviżjoni proposta tar-regolament eIDAS tirrikjedi li kull Stat Membru joħroġ Kartiera tal-Identità Diġitali tal-UE lill-persuni fiżiċi u ġuridiċi kollha tal-UE sabiex jiġi żgurat li jkollhom aċċess sigur, fdat u mingħajr xkiel għas-servizzi pubbliċi u privati transfruntiera. Kull Stat Membru jrid jinnotifika wkoll mill-inqas skema ta’ identifikazzjoni elettronika waħda, inkluż mill-inqas mezz ta’ identifikazzjoni wieħed. Konsegwentement, huwa biss ladarba tibda tintuża l-Kartiera li ma tibqax meħtieġa l-armonizzazzjoni tal-istandards tekniċi tan-nodi nazzjonali tal-eIDAS, peress li l-fornituri ta’ servizzi mhux se jkollhom għalfejn jiġu konnessi mas-sistema.

57 Peress li r-Regolament dwar il-Gateway Diġitali Unika ġie adottat b’riżultat tal-azzjoni 7 (il-Gateway Diġitali Unika), aħna vvalutajna wkoll jekk il-Kummissjoni kinitx ikkonformat mar-rekwiżit tar-Regolament il-ġdid, jiġifieri li tiżviluppa u twettaq manjutenzjonijiet fuq l-interfaċċa komuni tal-utent (inkluża magna tat-tiftix u għodod għall-feedback riċevut mill-utenti). Il-Gateway Diġitali Unika tiffaċilita l-aċċess online għal informazzjoni, proċeduri amministrattivi, u servizzi ta’ assistenza li ċ-ċittadini u n-negozji tal-UE jistgħu jkunu jeħtieġu f’pajjiż ieħor tal-UE.

58 Aħna sibna li l-Kummissjoni kienet żviluppat l-interfaċċa, jiġifieri l-punt ta’ dħul uniku, li huwa l-Portal Your Europe (ara l-Figura 3). Permezz tal-portal, l-utenti jiġu konnessi mal-paġni web nazzjonali rilevanti fejn ikun jinsab is-servizz li jkunu qed ifittxu. Sa mhux aktar tard minn Diċembru 2023, l-Istati Membri jridu jiddiġitalizzaw 21 proċedura biex jagħmluhom aċċessibbli permezz tal-portal. Eżempji ta’ proċeduri li huma rilevanti għan-negozji huma: li jitolbu permess għal attività kummerċjali jew li jirreġistraw bħala impjegatur għall-pensjonijiet u s-sigurtà soċjali. L-ewwel servizzi disponibbli fuq dan il-portal tnedew fit-12 ta’ Diċembru 2020.

Figura 3 – Il-Gateway Diġitali Unika

(*) Amministrazzjonijiet pubbliċi, avukati, imħallfin, nutara, professjonisti.

Sors: il-QEA.

59 Fir-rigward tal-azzjonijiet 7 (il-Gateway Diġitali Unika)13 (il-proġett pilota fuq il-prinċipju ta’ darba biss għan-negozju), aħna sibna li l-proġett pilota ffinanzjat mill-programm ta’ riċerka tal-UE Orizzont 2020 (il-proġett “TOOP”, finanzjament ta’ EUR 8 miljun) seta’ jagħmel avvanzi fl-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ “darba biss”. L-għan tal-prinċipju huwa li ċ-ċittadini u n-negozji jipprovdu informazzjoni darba biss lil amministrazzjoni pubblika fl-UE. Il-proġett ħoloq arkitettura ta’ soluzzjonijiet li tgħaqqad flimkien 40 sistema ta’ informazzjoni. Barra dan, il-pjan ta’ azzjoni dwar l-arkitettura li ġie żviluppat taħt il-proġett sar parti mir-Regolament dwar il-Gateway Diġitali Unika. B’riżultat ta’ dan, il-proġett, li beda fl-2017 bl-interoperabbiltà bħala l-fokus prinċipali tiegħu, ġie adattat meta ġie adottat ir-Regolament għall-Gateway Diġitali Unika biex b’hekk is-sistema teknika deskritta fir-regolament setgħet tiġi implimentata.

L-implimentazzjoni ta’ xi servizzi pubbliċi diġitali ddewmet fl-Istati Membri

60 Għalkemm il-Pjan ta’ Azzjoni kien jinkludi biss azzjonijiet għall-Kummissjoni, id-disponibbiltà tas-soluzzjonijiet diġitali tiddependi fil-biċċa l-kbira mill-implimentazzjoni tal-azzjonijiet kumplimentari fil-livell tal-Istati Membri. Għall-azzjonijiet inklużi fl-ambitu tal-awditu, aħna sibna li minkejja l-isforzi li saru mill-Kummissjoni, tlieta minn sitt azzjonijiet ġew implimentati biss parzjalment minħabba rispons insuffiċjenti jew imdewwem mill-Istati Membri (ara t-Tabella 4). B’riżultat ta’ dan, l-azzjonijiet tal-Kummissjoni bejn l-2016 u l-2020 għadhom ma rriżultawx f’bidliet sostanzjali għan-negozji u ċ-ċittadini fl-UE kollha.

Tabella 4 – Implimentazzjoni tas-soluzzjonijiet relatati mal-Gvern elettroniku fil-livell tal-Istati Membri

Azzjoni meħuda mill-Kummissjoni Azzjoni relatata fil-livell tal-Istati Membri Stat ta’ implimentazzjoni fil-livell tal-Istati Membri
Azzjoni 2 -tiġi aċċellerata l-adozzjoni tal-identifikazzjoni elettronika, l-Awtentikazzjoni u s-Servizzi Fiduċjarji (servizzi tal-eIDAS), inklużi l-eID u l-Firma elettronika Implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 Implimentata parzjalment
Azzjoni 7 -tiġi ppreżentata proposta għall-Gateway Diġitali Unika (jiġifieri punt ta’ aċċess uniku għall-informazzjoni, il-proċeduri u s-servizzi ta’ assistenza online) Implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/1724 Implimentata parzjalment

(skadenza għall-implimentazzjoni: Diċembru 2023
Azzjoni 9 - tiġi stabbilita, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, l-interkonnessjoni obbligatorja tar-reġistri kummerċjali tal-Istati Membri kollha Implimentazzjoni tad-Direttiva 2012/17/UE, id-Direttiva (UE) 2017/1132 u d-Direttiva (UE) 2019/1151 Implimentata b’dewmien
Azzjoni 10 - tiġi żviluppata aktar l-interkonnessjoni elettronika tar-reġistri ta’ insolvenza Implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2015/848 Implimentata parzjalment
Azzjoni 11 - tiġi ppreżentata inizjattiva biex jiġi ffaċilitat l-użu ta’ soluzzjonijiet diġitali matul iċ-ċiklu tal-ħajja ta’ kumpanija Implimentazzjoni tad-Direttiva (UE) 2019/1151 li temenda d-Direttiva (UE) 2017/1132 Implimentata parzjalment
Azzjoni 13 - Jitnieda proġett pilota fuq il-prinċipju ta’ “darba biss” għan-negozju. Parteċipazzjoni fil-proġett pilota Implimentata

Sors: il-QEA.

61 Fir-rigward tal-azzjoni 2 (l-eIDAS), ir-rispons mill-Istati Membri kien volontarju. B’riżultat ta’ dan, fi tmiem l-2021, jiġifieri ħames snin wara li r-Regolament daħal fis-seħħ, disa’ Stati Membri, li jirrappreżentaw 41 % tal-popolazzjoni, kienu għadhom mhumiex parti mill-qafas. Dan l-għadd sinifikanti ta’ Stati Membri mhux parteċipanti jillimita b’mod sinifikanti l-possibbiltajiet għaċ-ċittadini u n-negozji li jkollhom interazzjonijiet elettroniċi aktar siguri, mgħaġġla u effiċjenti.

62 Għall-azzjoni 9 (l-interkonnessjoni tar-reġistri kummerċjali) u l-azzjoni 10 (l-interkonnessjoni tar-reġistri ta’ insolvenza), il-Kummissjoni kellha tistabbilixxi u taġġorna l-pjattaforma ta’ servizzi ewlenija u l-interfaċċa, filwaqt li l-Istati Membri kellhom jiddiġitalizzaw ir-reġistri kummerċjali u ta’ insolvenza nazzjonali tagħhom u jgħaqqduhom mas-sistema (ara l-Figura 4). Il-Kummissjoni użat il-portal tal-Ġustizzja Elettronika bħala interfaċċa, u l-finanzjament mill-FNE kien disponibbli biex jappoġġa lill-Istati Membri (imsejħa “servizzi ġeneriċi” mill-FNE).

Figura 4 – Sistema ta’ Interkonnessjoni tar-Reġistri Kummerċjali (BRIS)

(*) Amministrazzjonijiet pubbliċi, avukati, imħallfin, nutara, professjonisti.

Sors: il-QEA.

63 Fir-rigward tal-azzjoni 9 (l-interkonnessjoni tar-reġistri kummerċjali), is-Sistema ta’ Interkonnessjoni tar-Reġistri Kummerċjali bdiet topera fit-8 Ġunju 2017 u tippermetti lill-utenti jfittxu informazzjoni dwar il-kumpaniji rreġistrati fi kwalunkwe pajjiż tal-UE (flimkien mal-Liechtenstein u n-Norveġja). Il-funzjoni tat-tiftix u l-informazzjoni bażika huma tradotti mil-lingwi nazzjonali rilevanti għal-lingwi uffiċjali kollha tal-UE. Sitt Stati Membri esperjenzaw dewmien fil-konnessjoni17, fejn l-aħħar wieħed ġie konness f’Marzu 2022, kważi ħames snin wara l-iskadenza stabbiliti fid-Direttiva rilevanti u biss wara li l-Kummissjoni kienet irreferietu lill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja f’Lulju 2021. Matul l-2021, f’termini ta’ użu, saru bejn 17 300 u 39 100 tfittxija kull xahar.

64 Fir-rigward tas-sistema għall-azzjoni 10 (l-interkonnessjoni tar-reġistri ta’ insolvenza), ir-regolament ta’ implimentazzjoni rilevanti kien jirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw l-interkonnessjoni sat-30 ta’ Ġunju 2021. F’Lulju 2022, 17 biss minn 26 Stat Membru kienu konnessi (id-Danimarka, ma kinitx marbuta bir-Regolament18). Hemm 519 oħra li qegħdin fil-proċess ta’ żvilupp u ttestjar. Għall-4 Stati Membri20 li jifdal, il-Kummissjoni għadha qed tistenna feedback. Sakemm id-disa’ Stati Membri li jifdal jiġu konnessi, l-utenti ma jistgħux ifittxu permezz ta’ magna tat-tiftix multilingwi uniformi għall-entitajiet insolventi li jkunu reġistrati f’dawn l-Istati Membri. Punt ta’ aċċess elettroniku pubbliku ċentrali ta’ dan it-tip għad-data dwar id-debituri li jkunu soġġetti għal proċedimenti ta’ insolvenza huwa ta’ użu partikolari għall-kredituri eżistenti jew potenzjali, jew għall-partijiet terzi li jkunu indirettament affettwati minn proċedimenti ta’ dan it-tip. Matul l-2021, saru bejn 2 500 u 6 500 tfittxija kull xahar.

65 B’riżultat tal-azzjoni 11 (l-użu ta’ soluzzjonijiet diġitali matul iċ-ċiklu tal-ħajja ta’ kumpanija), l-Istati Membri kellhom jittrasponu d-Direttiva (UE) 2019/1151 dwar l-għodod u l-proċessi diġitali fil-liġi dwar il-kumpaniji fil-liġi nazzjonali sa Awwissu 2021, sakemm ma nnotifikawx lill-Kummissjoni li kienu qed japplikaw l-estensjoni possibbli ta’ sena. Fiż-żmien li wettaqna l-awditu, 17-il Stat Membru kienu pprovdew notifika ta’ dan it-tip. Dan jindika li l-kumpaniji fil-maġġoranza tal-Istati Membri għadhom ma jistgħux jużaw għodod u proċessi diġitali biex joħolqu kumpaniji, jirreġistraw fergħat u jippreżentaw dokumenti u informazzjoni online.

66 Aħna nosservaw li l-maġġoranza tal-Istati Membri li jeħtieġu aktar żmien għall-implimentazzjoni tal-azzjoni 2 (l-eIDAS), l-azzjoni 10 (l-interkonnessjoni tar-reġistri ta’ insolvenza) u l-azzjoni 11 (l-użu ta’ soluzzjonijiet diġitali matul iċ-ċiklu tal-ħajja ta’ kumpanija) kellhom punteġġ tal-Parametru referenzjarju tal-Gvern elettroniku li kien taħt il-medja tal-UE kemm fl-2017 kif ukoll fl-2020 (ara l-Figura 1).

67 Bħalma diġà ġie ddikjarat (ara t-Tabella 1 u l-paragrafu 62), l-Istati Membri jistgħu jirċievu finanzjament biex jgħaqqdu flimkien is-sistemi tagħhom mal-pjattaformi żviluppati mill-Kummissjoni. L-Istati Membri użaw il-finanzjament mill-FNE b’mod partikolari għal:

  • l-azzjoni 2 (l-eIDAS), EUR 25.35 miljun għal 26 Stat Membru;
  • l-azzjoni 9 (l-interkonnessjoni tar-reġistri kummerċjali), EUR 2.44 miljun għal 10 Stati Membri;
  • u l-azzjoni 10 (l-interkonnessjoni tar-reġistri ta’ insolvenza), EUR 1.16 miljun għal 7 Stati Membri;

Abbażi tal-awditu li wettaqna ta’ kampjun ta’ proġetti ffinanzjati mill-UE (ara l-paragrafu 19), aħna sibna li d-disponibbiltà tal-finanzjament mill-UE kienet meqjusa bħala opportunità minn xi Stati Membri, u xprunathom biex jimplimentaw is-servizzi tal-Gvern elettroniku. Il-proġetti tal-FNE għenu wkoll biex jiġu identifikati ċerti żvantaġġi ta’ soluzzjonijiet eżistenti (ara l-Kaxxa 8).

68 Kien hemm 23 mill-24 proġett u azzjoni awditjati (jiġifieri dawk li ġew iffinalizzati saż-żmien meta wettaqna l-awditu) li laħqu l-objettivi ddikjarati. B’mod partikolari, huma żguraw l-interoperabbiltà tas-soluzzjonijiet żviluppati u użaw mill-ġdid l-elementi kostitwenti eżistenti tal-FNE (jiġifieri infrastrutturi ta’ servizzi diġitali bażiċi, li huma faċilitaturi ewlenin biex jerġgħu jintużaw f’servizzi diġitali aktar kumplessi) jew l-infrastrutturi ta’ servizzi diġitali (jiġifieri soluzzjonijiet li jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-proġetti fl-UE kollha, filwaqt li jipprovdu servizzi interoperabbli trans-Ewropej ta’ interess komuni).

69 L-Istati Membri li intervistajna apprezzaw l-appoġġ tekniku kontinwu pprovdut mill-Kummissjoni meta użaw l-infrastrutturi ta’ servizzi diġitali ffinanzjati mill-FNE jew kienu jeħtieġu li jintegraw is-sistemi ta’ Stati Membri oħra, li implimentaw dawn l-infrastrutturi ta’ servizzi diġitali, speċjalment għas-servizzi tal-eIDAS. Fl-opinjoni tagħhom, l-azzjonijiet tal-Kummissjoni ppermettew li jiġu żviluppati interkonnessjonijiet sostenibbli bejn id-diversi sistemi tal-Istati Membri.

Il-Kummissjoni tabilħaqq rawmet l-iskambju ta’ prattiki tajbin, iżda naqset milli tippromwovi servizzi pubbliċi diġitali ġodda

70 Id-dikjarazzjonijiet ministerjali l-aktar reċenti (ara l-paragrafu 02) irrikonoxxew l-importanza li jiġi promoss l-iskambju ta’ prattiki tajbin, u li jinħolqu rabtiet bejn l-awtoritajiet rilevanti u s-servizzi pubbliċi diġitali disponibbli. Bl-istess mod, il-Parlament Ewropew saħaq fuq 21l-importanza li jiġu promossi prattiki tajbin.

71 Għalhekk, aħna vvalutajna jekk il-Kummissjoni kinitx, b’mod xieraq:

  • rawmet il-kollaborazzjoni u l-iskambju ta’ prattiki tajbin;
  • ippromwoviet is-servizzi pubbliċi diġitali disponibbli l-ġodda.

Il-Kummissjoni ħolqot ħafna opportunitajiet għall-kollaborazzjoni u l-iskambju ta’ prattiki tajbin

72 Aħna vvalutajna l-għodod, li l-Kummissjoni użat biex trawwem l-iskambju ta’ prattiki tajbin. Aħna sibna li hija mhux biss ħolqot gruppi fejn il-partijiet ikkonċernati setgħu jiltaqgħu, iżda li kienet ffinanzjat ukoll proġetti speċifiċi f’dan ir-rigward.

73 Dawn il-gruppi kienu jinkludu:

  • il-Bord ta’ Tmexxija tal-Pjan ta’ Azzjoni (ara l-paragrafu 11), li kien jiltaqa’ darbtejn jew tliet darbiet fis-sena u fejn l-Istati Membri kienu jippreżentaw il-progress tagħhom dwar l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet relatati mal-Gvern elettroniku jew eżempji ta’ prattiki tajbin u sfidi li kienu jikkonċernaw l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet speċifiċi. Peress li l-Pjan ta’ Azzjoni wasal fi tmiemu, il-Bord waqqaf l-attivitajiet tiegħu fl-2021;
  • gruppi ta’ esperti għal suġġetti jew soluzzjonijiet speċifiċi, bħal grupp ta’ esperti tal-eIDAS (l-azzjoni 2), Grupp ta’ koordinazzjoni għall-Gateway Diġitali Unika (l-azzjoni 7), grupp ta’ esperti għal-liġi dwar il-kumpaniji (l-azzjonijiet 9 u 11) u grupp ta’ esperti dwar l-interoperabbiltà tas-servizzi pubbliċi Ewropej. Dawn il-gruppi ta’ esperti qed ikomplu joperaw.

74 Il-proġetti kkonċernati kienu ffinanzjati prinċipalment taħt:

  • il-Programm ISA2, fejn il-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ prattiki tajbin kienu fil-fatt elementi ewlenin tal-politika għall-interoperabbiltà u l-azzjonijiet ta’ appoġġ tal-Kummissjoni (ara l-Artikoli 3 u 8 tad-Deċiżjoni (UE) 2015/2240). Eżempju ta’ inizjattiva komprensiva ħafna hija l-Pjattaforma Joinup ippreżentata fil-Kaxxa 9 (iffinanzjata taħt żewġ azzjonijiet tal-Programm ISA2 inklużi fil-kampjun awditjat li jammonta għal EUR 6 miljun). Wara li ntemm il-Programm ISA2, il-Kummissjoni pprovdiet finanzjament ulterjuri għall-Pjattaforma Joinup taħt il-Programm Ewropa Diġitali tal-inqas għall-2021 u l-2022;
  • Orizzont 2020, li prinċipalment ta lok għal inizjattivi ad hoc għal kwistjonijiet speċifiċi. Eżempju wieħed huwa l-proġett SCOOP4C, li bena komunità ta’ partijiet ikkonċernati li kkondividiet esperjenzi u prattika tajba fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ darba biss (il-finanzjament taħt l-Orizzont 2020 kien jammonta għal EUR 1 miljun). Madankollu, ma hemm l-ebda evidenza li l-attivitajiet tal-komunità baqgħu għaddejjin wara li ntemm il-finanzjament għall-proġett, minkejja li l-kwistjoni għadha rilevanti.

Kaxxa 9

Pjattaforma Joinup – il-pjattaforma tal-UE dedikata għall-kooperazzjoni u l-iskambju tal-interoperabbiltà

Il-Kummissjoni stabbiliet il-Pjattaforma Joinup fl-2011 biex tipprovdi ċentru komuni li jippermetti lill-amministrazzjonijiet pubbliċi, lin-negozji u liċ-ċittadini jikkondividu u jużaw mill-ġdid is-soluzzjonijiet tal-IT u l-prattiki tajbin, u tiffaċilita l-komunikazzjoni u l-kollaborazzjoni dwar proġetti tal-IT fl-Ewropa kollha. Il-Pjattaforma Joinup tiffoka fuq il-Gvern elettroniku, l-interoperabbiltà semantika u s-software b’sors miftuħ. Il-karatteristiċi prinċipali huma dawn li ġejjin:

  • Il-Pjattaforma Joinup taħdem bħala katalgu, fejn l-utenti jistgħu faċilment isibu u jniżżlu soluzzjonijiet diġà żviluppati. Hija fiha aktar minn 2 800 soluzzjoni ta’ interoperabbiltà, jiġifieri għodod ta’ software lesti jew servizzi li jistgħu jerġgħu jintużaw, inklużi l-FNE, l-eID, il-Firma elettronika, l-e-Saħħa u l-Akkwist elettroniku;
  • Il-Pjattaforma Joinup fiha komunitajiet ta’ prattika, bħall-Arkitettura ta’ Referenza Ewropea għall-Interoperabbiltà, il-Qsim u l-Użu mill-ġdid ta' soluzzjonijiet tal-IT, il-komunita għall-Osservatorju tal-Qafas Nazzjonali għall-Interoperabbiltà, l-Osservatorju tas-Sors Miftuħ u s-Servizzi Pubbliċi Innovattivi;
  • Il-Pjattaforma Joinup hija wkoll il-punt tad-dħul għall-Akkademja tal-Interoperabbiltà, li hija mfassla biex ixxerred l-għarfien u tippromwovi skambji bejn l-ispeċjalisti tal-gvern diġitali u r-riċerkaturi. L-Akkademja tal-Interoperabbiltà fiha tipi differenti ta’ riżorsi ta’ tagħlim u korsijiet li jvarjaw minn avvenimenti tal-ħajja (pereżempju sessjonijiet ta’ ħidma, webinars, skejjel staġjonali u taħriġ) sa korsijiet b’ritmu awtonomu (pereżempju li jkunu animati bis-sħiħ, jew animati parzjalment bl-użu mill-ġdid ta’ materjali eżistenti).

Fl-2021, il-pjattaforma kellha madwar 18 000 utent irreġistrat. Żaruha kważi nofs miljun darba u kien hemm aktar minn 1 000 000 li raw il-paġna.

Sors: il-QEA.

75 Abbażi tal-analiżi li wettaqna tal-erba’ azzjonijiet tal-Programm ISA2 (ara l-Anness III), il-minuti tal-laqgħat tal-Bord ta’ Tmexxija u l-gruppi ta’ esperti, kif ukoll intervisti mal-persunal fl-Istati Membri, aħna nikkonkludu li l-Kummissjoni pprovdiet appoġġ tajjeb għall-kollaborazzjoni u l-iskambju ta’ prattiki tajbin, u li l-iskambji bejn il-partijiet ikkonċernati saru dwar kwistjonijiet ta’ interess għalihom.

76 Aħna sibna wkoll li l-Kummissjoni ħadet kont debitu tal-ħtieġa li tkompli trawwem il-kooperazzjoni u l-prattika tajba meta tkun qed tħejji l-programmi għall-perjodu 2021-2027:

  • il-programmi ta’ ħidma li jimplimenta l-Programm Ewropa Diġitali għall-2021 u l-2022 jinkludi azzjonijiet ta’ koordinazzjoni u ta’ appoġġ bl-għan primarju li jippromwovi l-kooperazzjoni u/jew li jipprovdi appoġġ għall-politiki tal-UE;
  • mekkaniżmu għall-kooperazzjoni annwali bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni huwa previst fil-proposta għall-programm ta’ politika “Perkors għad-Deċennju Diġitali”, (ara l-paragrafu 31).

Il-Kummissjoni ma ppromwovietx servizzi pubbliċi diġitali b’mod komprensiv u kkoordinat

77 Aħna vvalutajna l-attivitajiet promozzjonali tal-Kummissjoni fir-rigward tas-servizzi pubbliċi diġitali, u sibna li ma kellhomx strateġija globali. Fil-prattika, il-promozzjoni kienet ġenerali jew inkella marbuta ma’ azzjonijiet jew programmi ta’ finanzjament speċifiċi fejn meħtieġ mill-bażi legali.

78 F’termini tal-promozzjoni ġenerali tagħha tal-politika dwar il-Gvern elettroniku u/jew is-soluzzjonijiet relatati mal-Gvern elettroniku, il-Kummissjoni aġixxiet permezz ta’:

  • il-bullettin tal-Gvern elettroniku li jinħareġ darba fix-xahar għall-abbonati, u li jipprovdi l-aħbarijiet l-aktar reċenti dwar is-servizzi pubbliċi diġitali transfruntiera tal-UE, il-cloud tas-servizzi pubbliċi, u l-innovazzjoni tas-settur pubbliku;
  • Il-grupp eGovernment4EU fuq il-pjattaforma Futurium. Dan kien aċċessibbli għall-pubbliku ġenerali u pprovda informazzjoni dwar il-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Gvern elettroniku għall-2016-2020 u l-politika futura tal-gvern diġitali. Il-grupp fuq il-pjattaforma ma għadux jiġi aġġornat, peress li l-Pjan ta’ Azzjoni wasal fi tmiemu;
  • media soċjali (Facebook, LinkedIn and Twitter).

79 F’termini tal-istrateġija ta’ komunikazzjoni mitluba mill-bażi legali rilevanti, għall-azzjoni 7, il-Kummissjoni nediet il-kampanja ta’ promozzjoni tagħha f’Diċembru 2020 meta bdiet topera l-Gateway Diġitali Unika (ara l-paragrafu 58). Aħna sibna li din kienet komprensiva u nqisuha prattika tajba li l-Kummissjoni kienet tiddiskuti l-kampanja u l-avvenimenti nazzjonali rispettivi mal-koordinaturi nazzjonali kull xahar waqt il-vidjokonferenzi (imsejħa “Kafetteriji ta’ komunikazzjoni”). Il-Figura 5 tippreżenta d-data dwar l-għadd ta’ żjarat li saru fil-Portal Your Europe.

Figura 5 – L-għadd ta’ żjarat li saru fil-Portal Your Europe (f’miljuni)

Sors: il-QEA, ibbażat fuq id-data pprovduta mill-Kummissjoni Ewropea (DĠ GROW).

80 Bl-istess mod, id-Deċiżjoni li tistabbilixxi l-Programm ISA2 kienet tirrikjedi l-promozzjoni tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija, il-Qafas u l-Arkitettura ta’ Referenza Ewropej għall-Interoperabbiltà, kif ukoll tal-ispeċifikazzjonijiet u l-istandards rilevanti. Aħna sibna li l-kampanja ta’ promozzjoni kienet proattiva u komprensiva. Minbarra li stabbilixxa u opera l-Pjattaforma Joinup (ara l-paragrafu 74 u l-Kaxxa 9), il-Programm ISA2 iffinanzja azzjoni (li kienet tammonta għal EUR 3.62 miljun) li ppromwoviet il-kollaborazzjoni u ffaċilitat l-interazzjoni bejn il-partijiet ikkonċernati tal-programm.

81 Fl-aħħar nett, l-FNE kienet tirrikjedi wkoll li tiġi implimentata strateġija ta’ komunikazzjoni. Aħna sibna li:

  • strateġija ta’ dan it-tip ġiet żviluppata biex jiġu promossi s-soluzzjonijiet tal-FNE li kienu primarjament ta’ interess għall-iżviluppaturi tas-soluzzjonijiet. Il-persunal li intervistajna fl-Istati Membri kienu pożittivi dwar dawn is-soluzzjonijiet u kkonfermaw li reġgħu użawhom, b’mod partikolari għas-servizzi transfruntiera. L-użu mill-ġdid tal-Infrastrutturi ta’ Servizzi Diġitali huwa maħsub li jiżgura żvilupp aktar mgħaġġel, eħfef u kosteffettiv tas-servizzi diġitali bl-użu ta’ teknoloġiji eżistenti, minflok ma kull organizzazzjoni tiżviluppa servizzi ta’ dan it-tip b’mod indipendenti. Skont id-dashboard tal-użu mill-ġdid tal-FNE, sa tmiem l-2021, intużaw elementi kostitwenti fi 353 proġett fil-biċċa l-kbira fl-UE kollha;
  • il-Kummissjoni sa issa għadha ma organizzatx kampanji speċifiċi ta’ sensibilizzazzjoni jew promozzjonali biex l-utenti potenzjali jkunu konxji li teżisti s-Sistema ta’ Interkonnessjoni tar-Reġistri Kummerċjali (li ilha topera mill-2017) jew tas-sistema għall-interkonnessjoni tar-reġistri ta’ insolvenza (li ilha topera mill-2021), li t-tnejn li huma ġew żviluppati taħt l-FNE. Il-Kummissjoni infurmatna li għandha l-pjan li jkollha kampanja ta’ dan it-tip (i) għas-Sistema ta’ Interkonnessjoni tar-Reġistri Kummerċjali ladarba l-għodda għall-ipproċessar tal-pagamenti tkun disponibbli (ara l-Kaxxa 7) u (ii) għas-sistema għall-interkonnessjoni tar-reġistri ta’ insolvenza ladarba l-Istati Membri kollha jkunu konnessi magħha (sa issa 17 huma konnessi) (ara l-paragrafu 64). Fi tmiem l-2021, il-Kummissjoni nediet kampanja ta’ komunikazzjoni online għall-Portal tal-Ġustizzja Elettronika, iżda saret biss referenza limitata ħafna għas-Sistema ta’ Interkonnessjoni tar-Reġistri Kummerċjali.

82 Għalkemm is-sensibilizzazzjoni tal-utenti hija essenzjali biex tiġi żgurata l-adozzjoni tas-servizzi tal-Gvern elettroniku, aħna sibna li l-Kummissjoni la vvalutat kemm in-negozji kienu konxji, u lanqas ma analizzat il-ħtiġijiet f’dan il-qasam. Ir-rappreżentanti tal-assoċjazzjonijiet tan-negozji Ewropej li intervistajna ddikjaraw li n-negozji huma konxji tas-servizzi tal-Gvern elettroniku li l-liġi tobbligahom li jużaw, iżda huma ferm inqas konxji ta’ kwalunkwe servizz ieħor ta’ dan it-tip.

83 Aħna sibna li minkejja dan kien hemm aspett wieħed, l-eIDAS, fejn il-Kummissjoni esternalizzat studju biex jiġi analizzat is-suq tal-identifikazzjoni elettronika, l-awtentikazzjoni u s-servizzi fiduċjarji u biex jiġi żviluppat u operat programm pilota għas-sensibilizzazzjoni dwar dawn is-soluzzjonijiet fost l-SMEs:

  • l-istudju li nħareġ fl-2019 sab livell ġeneralment baxx ta’ sensibilizzazzjoni dwar is-soluzzjonijiet tal-eIDAS fost l-SMEs. Dan instab li kien ostaklu ewlieni;
  • il-programm pilota kien qed jopera fi tmiem l-2018 u kien jinkludi programm ta’ għarfien u tagħlim, eIDAS Toolkit for SMEs, u strateġija għall-promozzjoni tas-Sett ta’ għodod għall-SMEs. Il-programm ta’ għarfien u tagħlim u l-eIDAS Toolkit for SMEs għadhom disponibbli online. Barra minn hekk, l-Osservatorju tal-eIDAS (pjattaforma kollaborattiva online li tniedet mill-Kummissjoni) joħloq komunità virtwali ta’ partijiet ikkonċernati li għandha l-għan li trawwem fehim komuni tal-kwistjonijiet relatati mal-implimentazzjoni u l-adozzjoni tar-Regolament eIDAS.

84 Għalkemm l-istudju rrakkomanda li jenħtieġ li s-Sett ta’ għodod jiġi żviluppat aktar biex jieħu kont tal-ħtiġijiet aktar speċifiċi tal-utenti, u li jenħtieġ li tiġi stabbilita struttura ta’ governanza dejjiema tal-partijiet ikkonċernati, inklużi l-Istati Membri u r-rappreżentanti reġjonali, l-assoċjazzjonijiet tal-SMEs u l-fornituri ta’ servizzi, il-Kummissjoni ma ħadet l-ebda azzjoni f’dan ir-rigward. Il-Kummissjoni ma pprovdiet l-ebda ġustifikazzjoni għalfejn ir-rakkomandazzjoni mill-istudju ma ġietx implimentata.

85 Aħna vvalutajna wkoll jekk il-Kummissjoni kellhiex xi perspettiva tal-attivitajiet promozzjonali li twettqu mill-Istati Membri, u jekk fittxitx (i) li tikkoordina attivitajiet ta’ dan it-tip, jekk ikun hemm; jew (ii) li xxerred prattiki tajbin f’dan ir-rigward. Aħna sibna li l-Kummissjoni ma għandha l-ebda perspettiva tal-azzjonijiet li l-Istati Membri ħadu biex jippromwovu soluzzjonijiet Ewropej jew nazzjonali relatati mal-Gvern elettroniku. Konsegwentement, hija ma identifikatx prattiki tajbin, jew kienet f’pożizzjoni li tikkoordina attivitajiet eżistenti.

Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

86 Il-konklużjoni kumplessiva tagħna hija li l-azzjonijiet tal-Kummissjoni kienu biss parzjalment effettivi biex irawmu kemm l-implimentazzjoni kif ukoll l-adozzjoni tas-soluzzjonijiet relatati mal-Gvern elettroniku mill-Istati Membri. Għalkemm il-Kummissjoni kkompletat l-azzjonijiet stipulati fil-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Gvern elettroniku għall-2016-2020 li ġie kopert mill-awditu tagħna, mhux is-servizzi pubbliċi diġitali li ġew żviluppati reċentement kollha huma disponibbli fl-UE kollha, minħabba azzjonijiet li qed jiddewmu fl-Istati Membri. Barra dan, il-Kummissjoni ma ppromwovietx dawn is-servizzi b’mod komprensiv fost in-negozji u l-utenti b’mod ġenerali.

87 Għalkemm il-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Gvern elettroniku għall-2016-2020 issodisfa l-ħtiġijiet identifikati mill-konsultazzjonijiet u l-valutazzjonijiet, huwa kien jinkludi biss azzjonijiet li kellhom jiġu implimentati mill-Kummissjoni nfisha, u għaldaqstant kien diffiċli li tintlaħaq il-viżjoni ddikjarata. Il-Pjan ta’ Azzjoni ma kien jinkludi l-ebda obbligu għall-Istati Membri, minkejja li r-rapport ta’ evalwazzjoni għall-Pjan ta’ Azzjoni preċedenti kien identifika n-natura volontarja tal-attivitajiet tal-Istati Membri bħala nuqqas ewlieni. Minkejja dan, dan ġie mmitigat mill-fatt li għall-biċċa l-kbira mill-azzjonijiet l-atti legali rilevanti li kienu diġà jeżistu qabel il-Pjan ta’ Azzjoni, jew inkella li ġew adottati b’riżultat tiegħu, kienu jinkludu obbligi ta’ dan it-tip. Madankollu, f’xi każijiet l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet tkompliet wara l-2020, u għaldaqstant id-data tat-tmiem tal-Pjan ta’ Azzjoni (ara l-paragrafi 23-27).

88 Aħna nosservaw li l-proposta li saret mill-Kummissjoni fl-2021 li tistabbilixxi l-programm ta’ politika “Perkors għad-Deċennju Diġitali” introduċiet qafas ta’ kooperazzjoni li jippermetti lill-Kummissjoni tagħti segwitu għall-progress li jsir mill-Istati Membri fuq bażi annwali lejn l-ilħuq tal-miri diġitali stabbiliti fil-livell tal-UE. Madankollu, waħda mit-tliet miri hija definita b’mod vag, bir-riskju li tista’ tiġi interpretata b’mod differenti mill-Istati Membri, li min-naħa tagħhom jistgħu jipperikolaw l-ilħuq tal-mira. Skont il-proposta tal-2021 li tistabbilixxi l-programm ta’ politika “Perkors għad-Deċennju Diġitali”, jenħtieġ li l-Kummissjoni tiddefinixxi l-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni għal kull mira diġitali fl-atti ta’ implimentazzjoni (ara l-paragrafi 28-31 u 46-48).

89 Il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni kien frammentat peress li l-Kummissjoni ma kinitx stabbiliet qafas ta’ monitoraġġ (inklużi l-indikaturi) għall-Pjan ta’ Azzjoni kollu kemm hu. Madankollu, qafas ta’ dan it-tip kien stabbilit għal għadd ta’ azzjonijiet individwali (erba’ mis-sitta koperti mill-awditu tagħna). L-indikaturi eżistenti tal-Gvern elettroniku (il-Parametru Referenzjarju tal-Gvern elettroniku u l-Indiċi tal-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali) li jiġu ppubblikati kull sena mill-Kummissjoni ma kienu konnessi direttament mal-ebda waħda mill-azzjonijiet li ġew implimentati taħt il-Pjan ta’ Azzjoni, u konsegwentement ma kinux adatti biex ikejlu l-impatt tiegħu (ara l-paragrafi 32-45).

90 Il-Kummissjoni kkompletat is -sitt azzjonijiet immirati lejn in-negozji u għalhekk li ġew koperti mill-awditu tagħna. Hija appoġġjat wkoll l-implimentazzjoni tas-soluzzjonijiet relatati mal-Gvern elettroniku mill-Istati Membri permezz ta’ proġetti ffinanzjati mill-UE, u billi pprovdiet appoġġ tekniku, li ġie apprezzat mill-persunal fl-Istati Membri li intervistajna (ara l-paragrafi 49-69).

91 Minkejja dawn l-isforzi, tlieta mis-sitt azzjonijiet ġew implimentati biss parzjalment fl-UE kollha. F’żewġ każijiet (l-interkonnessjoni tar-reġistri ta’ insolvenza u s-soluzzjonijiet diġitali matul iċ-ċiklu tal-ħajja ta’ kumpanija) dan kien dovut għal dewmien f’bosta Stati Membri (għal xi wħud minnhom il-Kummissjoni ma għandha l-ebda informazzjoni dwar il-progress). F’każ wieħed (l-identifikazzjoni elettronika, l-awtentikazzjoni u s-servizzi fiduċjarji, l-eIDAS), ir-regolament rilevanti ħalla l-għażla fakultattiva f’idejn l-Istati Membri biex jaġixxu. B’riżultat ta’ dan, l-azzjonijiet tal-Kummissjoni bejn l-2016 u l-2020 għadhom ma rriżultawx f’bidliet sostanzjali għan-negozji u ċ-ċittadini fl-UE kollha. Azzjoni oħra (is-Sistema ta’ Interkonnessjoni tar-Reġistri Kummerċjali) ġiet implimentata b’dewmien f’xi Stati Membri, iżda s-soluzzjoni ilha disponibbli fl-Istati Membri kollha minn Marzu 2022 (ara l-paragrafi 60-65).

92 Aħna nosservaw li fil-proposta tal-2021 li tistabbilixxi l-programm ta’ politika “Perkors għad-Deċennju Diġitali”, il-Kummissjoni introduċiet il-kunċett ta’ (i) pjanijiet direzzjonali għad-Deċennju Diġitali li għandhom jitħejjew mill-Istati Membri; u (ii) trajettorji li għandhom jiġu definiti għal kull Stat Membru bil-ħsieb li jintlaħqu l-miri diġitali. Madankollu, billi l-proposta għadha għaddejja mill-proċess leġiżlattiv (minn Settembru 2022), hija jaf tkun soġġetta għal emendi (ara l-paragrafu 46).

93 Fir-rigward tal-eIDAS, il-Kummissjoni ppreżentat proposta fl-2021 biex temenda r-regolament eżistenti b’rispons għal evalwazzjoni tiegħu. Hija tindirizza l-biċċa l-kbira tad-dgħufijiet, u – l-aktar importanti – issa tirrikjedi li kull Stat Membru jipprovdi skema ta’ identifikazzjoni elettronika (ara l-paragrafi 54-56).

Rakkomandazzjoni 1 – Jissaħħaħ il-qafas ta’ implimentazzjoni biex l-Istati Membri jiġu mħeġġa jikkompletaw is-servizzi tal-Gvern elettroniku

Minħabba l-proposta li saret mill-Kummissjoni għal Deċiżjoni li tistabbilixxi l-Programm ta’ Politika tal-2030 “Perkors għad-Deċennju Diġitali”, jenħtieġ li l-Kummissjoni tħeġġeġ l-iżvilupp ulterjuri tas-servizzi tal-Gvern elettroniku u l-monitoraġġ tagħhom billi:

  1. tiddefinixxi b’mod inekwivoku t-termini użati fil-miri diġitali sabiex ikunu jistgħu jiġu applikati bl-istess mod fl-UE kollha;
  2. tanalizza l-pjanijiet direzzjonali nazzjonali għad-Deċennju Diġitali u tieħu l-azzjoni meħtieġa jekk tiġġudika li l-politiki, il-miżuri u l-azzjonijiet stipulati fihom ma jkunux biżżejjed, li jpoġġi f’riskju l-ilħuq f’waqtu tal-miri stabbiliti fid-Deċiżjoni;
  3. tieħu azzjoni jekk l-Istati Membri jesperjenzaw dewmien fl-ilħuq tal-miri diġitali meta mqabbla mat-trajettorji ppjanati tagħhom.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: wara l-adozzjoni ta’ proposta għal Deċiżjoni li tistabbilixxi l-Programm ta’ Politika “Perkors għad-Deċennju Diġitali”, f’konformità mal-iskadenzi definiti fid-Deċiżjoni

94 Il-Kummissjoni rawmet b’mod attiv il-kollaborazzjoni u l-iskambji ta’ prattiki tajbin f’ħafna modi (pereżempju gruppi ta’ esperti, u pjattaformi), u dan kien meqjus bħala pożittiv mill-persunal fl-Istati Membri. Fid-dokument ta’ politika propost tagħha ta’ wara l-2020 “Perkors għad-Deċennju Diġitali”, il-Kummissjoni kkunsidrat b’mod xieraq il-ħtieġa li tkompli dan l-appoġġ (ara l-paragrafi 70-76).

95 Il-Kummissjoni ma kellhiex strateġija globali biex tippromwovi fost l-utenti ewlenin is-soluzzjonijiet relatati mal-Gvern elettroniku li kienu disponibbli fil-livell tal-UE. Dan kien ifisser li l-attivitajiet ta’ promozzjoni tagħha ma kinux komprensivi jew ikkoordinati. Hija ppromwoviet biss soluzzjonijiet fejn kien meħtieġ minn atti legali rilevanti, u għalhekk ma kopriethomx kollha (ara l-paragrafi 77-78).

96 Meta l-Kummissjoni wettqet kampanji ta’ komunikazzjoni, dawn kienu tajbin. Madankollu, għalkemm il-Kummissjoni ppromwoviet soluzzjonijiet tekniċi żviluppati mill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa fost l-iżviluppaturi, għadha ma ppromwovietx servizzi ġodda, bħas-Sistema ta’ Interkonnessjoni tar-Reġistri Kummerċjali u s-sistema għall-interkonnessjoni tar-reġistri ta’ insolvenza, fost l-utenti. Barra dan, il-Kummissjoni ma għandha l-ebda perspettiva tal-azzjonijiet meħuda mill-Istati Membri biex jippromwovu soluzzjonijiet nazzjonali jew Ewropej relatati mal-Gvern elettroniku, minkejja li l-isforzi kkoordinati jistgħu jwasslu għal riżultati aħjar (ara l-paragrafi 79-81 u 85).

97 Il-Kummissjoni ma vvalutatx is-sensibilizzazzjoni tan-negozji dwar is-servizzi disponibbli tal-Gvern elettroniku, u ma analizzatx il-ħtiġijiet f’dan il-qasam, minkejja li dan huwa pass ewlieni fl-adozzjoni tas-servizzi tal-Gvern elettroniku. L-unika eċċezzjoni hawnhekk kienet is-suq tal-eIDAS: il-Kummissjoni wettqet studju u operat programm pilota ta’ għarfien u tagħlim fost l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju. Fost l-oħrajn, huwa rriżulta f’sett ta’ għodod għal dawn l-intrapriżi. Għalkemm l-istudju rrakkomanda li jenħtieġ li s-sett ta’ għodod jiġi żviluppat aktar, il-Kummissjoni ma ħadet l-ebda azzjoni f’dan ir-rigward (ara l-paragrafi 82-84).

Rakkomandazzjoni 2 – Tiġi żviluppata strateġija komprensiva għall-promozzjoni effettiva tas-servizzi tal-Gvern elettroniku

Sabiex jiġi pprovdut appoġġ aktar effettiv għall-adozzjoni ulterjuri tas-servizzi tal-Gvern elettroniku fl-Ewropa kollha, jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżviluppa strateġija komprensiva biex tippromwovi s-servizzi tal-Gvern elettroniku b’mod effettiv, li tkun ibbażata fuq valutazzjoni tal-livell ta’ sensibilizzazzjoni dwar is-servizzi disponibbli tal-Gvern elettroniku fost l-utenti. Jenħtieġ li l-istrateġija tieħu kont tal-attivitajiet imwettqa f’dan ir-rigward mill-Istati Membri sabiex jiġu ffaċilitati l-isforzi tagħhom jew inkella biex jiġi żgurat li l-isforzi ma jkunux duplikati.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: tmiem l-2024

Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla IV, immexxija mis-Sur Mihails Kozlovs, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tal-11 ta’ Ottubru 2022.

 

Għall-Qorti tal-Awdituri

Tony Murphy
Il-President

Annessi

Anness I – Żviluppi tal-Gvern elettroniku fl-UE mill-2006 ’l hawn

Sors: il-QEA.

Anness II – Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Gvern elettroniku – lista ta’ azzjonijiet

Prijorità ta’ politika Azzjoni Data mmirata DĠ responsabbli
Tiġi mmodernizzata l-amministrazzjoni pubblika bl-ICT, bl-użu ta’ faċilitaturi diġitali ewlenin;
  1. Tiġi appoġġjata t-tranżizzjoni tal-Istati Membri lejn l-akkwist elettroniku u l-użu sħiħ tar-reġistri tal-kuntratti.
2019 GROW
  1. Tiġi aċċellerata l-adozzjoni tas-servizzi tal-eIDAS, inklużi l-eID u l-Firma elettronika.
2016 CNECT
  1. Tiġi żgurata s-sostenibbiltà fuq terminu twil tal-infrastruttura ta’ servizzi diġitali transfruntiera.
2018 CNECT
  1. Tiġi ppreżentata verżjoni riveduta tal-Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà (QEI) u tiġi appoġġjata l-adozzjoni tiegħu mill-amministrazzjonijiet nazzjonali.
2016-2019 DIGIT
  1. Jiġi kkordinat l-iżvilupp ta’ prototip għal Katalgu Ewropew tal-istandards tal-ICT għall-akkwist pubbliku.
2017 GROW
  1. Il-Kummissjoni se tuża l-elementi kostitwenti komuni bħall-infrastrutturi ta’ servizzi diġitali tal-FNE u se ssegwi l-Qafas Ewropew għall-interoperabbiltà. Hija se tintroduċi gradwalment il-prinċipji “diġitali b’mod awtomatiku” u ta’ “darba biss”, il-fatturazzjoni elettronika u l-Akkwist elettroniku u se tivvaluta l-implikazzjoni ta’ implimentazzjoni possibbli tal-prinċipju ta’ “ebda legat”.
2016-2019 DIGIT
Tiġi permessa l-mobilità transfruntiera b’servizzi pubbliċi diġitali interoperabbli
  1. Tiġi ppreżentata proposta għal Gateway Diġitali Unika.
2017 GROW
  1. Il-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika jsir punt uniku ta’ kuntatt għal informazzjoni dwar kwistjonijiet ta’ ġustizzja Ewropea.
2016 ĠUSTIZZJA
  1. Tiġi stabbilita, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, l-interkonnessjoni obbligatorja tar-reġistri kummerċjali tal-Istati Membri kollha.
2017 JUST
  1. Tiġi żviluppata aktar l-interkonnessjoni elettronika tar-reġistri ta’ insolvenza.
2019 ĠUSTIZZJA
  1. Tiġi ppreżentata inizjattiva biex tiffaċilita l-użu ta’ soluzzjonijiet diġitali matul iċ-ċiklu tal-ħajja ta’ kumpanija.
2017 JUST
  1. Tiġi ppreżentata proposta leġiżlattiva biex jiġi estiż il-Mekkaniżmu Elettroniku Uniku għar-reġistrazzjoni u l-pagament tal-VAT.
2016 TAXUD
  1. Jitnieda proġett pilota fuq il-prinċipju ta’ “darba biss” għan-negozju.
2016 CNECT
  1. Jiġi stabbilit punt uniku ta’ kuntatt għal skopijiet ta’ rappurtar fit-trasport marittimu u jiġu diġitalizzati dokumenti elettroniċi tat-trasport.
2018 MOVE (ma’ TAXUD)
  1. Jiġi kkompletat is-setup tal-Iskambju Elettroniku ta’ Informazzjoni dwar is-Sigurtà Soċjali.
2019 EMPL
  1. Jiġi żviluppat aktar il-portal Ewropew dwar il-Mobilità fix-Xogħol EURES.
2017 EMPL
  1. Jingħata appoġġ lill-Istati Membri fl-iżvilupp tas-servizzi tal-e-Saħħa transfruntiera.
2016-2018 SANTE
Tiġi ffaċilitata l-interazzjoni diġitali bejn l-amministrazzjonijiet u ċ-ċittadini/ in-negozji għal servizzi pubbliċi ta’ kwalità għolja.
  1. Tiġi evalwata l-possibbiltà li jiġi applikat il-prinċipju ta’ “darba biss” għaċ-ċittadini f’kuntest transfruntier.
2019 CNECT
  1. Jiġi aċċellerat l-użu u l-adozzjoni tal-infrastruttura tad-data dwar id-Direttiva INSPIRE.
2016-2020 ENV
  1. Jiġu ttrasformati s-siti web tiegħu biex jappoġġja l-impenn u l-parteċipazzjoni dejjem akbar taċ-ċittadini u n-negozji fil-programmi u t-tfassil tal-politika tal-UE.
2018 COMM
-
  1. Pjattaforma tal-IT għall-iskambju ta’ evidenza elettronika bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji (ġdida’ Mejju 2017).
2019 JUST
-
  1. Kontroll Uffiċjali Elettroniku għall-ikel u l-prodotti mill-pjanti – jiġi implimentat ambjent kompletament dematerjalizzat biex isostni l-moviment liberu u sigur ta’ ikel u prodotti mill-pjanti sikuri (ġdida Mejju 2017).
2020 SANTE
-
  1. Tiġi infurzata l-leġiżlazzjoni agroalimentari tal-UE fil-bejgħ bl-Internet u l-informazzjoni tal-konsumatur (ġdida Mejju 2017).
2020 SANTE
-
  1. Karta “Gvern Diġitali għaċ-Ċittadini” (ġdida Mejju 2017).
2017 CNECT
-
  1. Azzjonijiet “Tranżizzjoni Diġitali Urbana” (ġdida Mejju 2017).
2018 REGIO u CNECT

Sors: il-QEA.

Anness III – Lista ta’ proġetti ffinanzjati mill-UE li ġew awditjati

Fond Azzjoni/Proġett Nru Isem tal-Azzjoni/Proġett Kontribuzzjoni mill-UE (f’euro)
Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa 2014-PL-IM-0002 Stabbiliment u operat tas-Servizz ta’ Proxy Pan-Ewropew fil-livell nazzjonali fil-Polonja 200 000
Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa 2014-DK-IM-0004 Nodu tal-eID Daniż u operazzjonijiet 150 000
Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa 2015-DE-IA-0065 TREATS (Servizzi ta’ Awtentikazzjoni Trans-Ewropej) 560 378
Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa 2015-DK-IA-0091 Integrazzjoni tas-servizzi elettroniċi Daniżi mal-gateway nazzjonali tal-eID 909 528
Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa 2016-IT-IA-0007 Sistema ta’ Interkonnessjoni tar-Reġistri Kummerċjali (BRIS) IT 178 306
Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa 2016-RO-IA-0041 Sistema Elettronika Rumena għall-interkonnessjoni tal-Uffiċċju Nazzjonali tar-Reġistri Kummerċjali mal-BRIS 332 221
Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa 2016-ES-IA-0047 Interkonnessjoni tar-Reġistri ta’ Insolvenza (IRI) Spanja 118 266
Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa 2016-EU-IA-0064 eID@Cloud - Integrazzjoni tal-identifikazzjoni elettronika fil-pjattaformi cloud Ewropej skont ir-Regolament eIDAS 676 723
Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa 2016-EU-IA-0074 IRI għall-Ewropa 711 248
Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa 2017-SK-IA-0005 Interkonnessjoni tar-Reġistri ta’ Insolvenza IRI għas-Slovakkja 104 625
Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa 2017-CY-IA-0023 Interkonnessjoni tar-Reġistri ta’ Insolvenza - Ċipru 229 998
Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa 2017-HU-IA-0027 Integrazzjoni tar-Reġistru Kummerċjali Ungeriż għall-BRIS tal-UE 216 489
Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa 2017-RO-IA-0038 Operazzjoni u Manutenzjoni għall-Punt ta’ Aċċess tal-BRIS Rumena 37 978
ISA2 2016.05 Inizjattiva ta’ Interoperabbiltà tal-Akkwist Pubbliku Ewropea 7 682 403
ISA2 2016.11 Rappurtar Kummerċjali Awtomatiku 149 927
ISA2 2016.20 Joinup – Pjattaforma Kollaborattiva u Katalgu Ewropej 5 473 606
ISA2 2016.22 Bini ta’ Komunità u Użu Effettiv tal-Pjattaformi Kollaborattivi 502 328
ISA2 2016.27 CAMSS – Standards u Speċifikazzjonijiet tal-Metodu ta’ Valutazzjoni Komuni 1 208 659
ISA2 2016.30 Sensibilizzazzjoni tal-Interoperabbiltà – Attivitajiet ta’ Komunikazzjoni 3 620 012
ISA2 2016.31 Kondiviżjoni u Użu mill-ġdid 3 036 585
ISA2 2017.05 Rekwiżiti ta’ Interoperabbiltà għall-Implimentazzjoni tal-Gateway Diġitali Unika 220 000
Orizzont 2020 737460 Il-Proġett tal-Prinċipju ta’ Darba Biss (TOOP) 7 996 708
Orizzont 2020 737492 Komunità ta’ Partijiet Ikkonċernati għall-prinċipju ta’ darba biss: Tnaqqis tal-piż amministrattiv għaċ-ċittadini (SCOOP4C) 992 480
Orizzont 2020 870635 Ewropa Diġitali għal Kulħadd (DE4A) 7 997 861

Sors: il-QEA.

Anness IV – Implimentazzjoni tal-azzjonijiet inklużi fl-ambitu tal-awditu

Azzjoni
Bażi Legali
Responsabbiltajiet tal-Kummissjoni Responsabbiltajiet tal-Istati Membri Sitwazzjoni attwali
2. Tiġi aċċellerata l-adozzjoni tas-servizzi tal-eIDAS, inklużi l-eID u l-Firma elettronika.

Ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal transazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern u li jħassar id-Direttiva 1999/93/KE
  1. Tistabbilixxi, twettaq manutenzjoni u taġġorna l-Pjattaforma ta’ Servizzi Ewlenin, inklużi l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, is-software u l-appoġġ tekniku għall-konnessjoni tal-pjattaformi tal-eIDAS nazzjonali (nodi)
  2. Tistabbilixxi forums ta’ skambju
  3. Testernalizza l-istudji rilevanti
  4. Torganizza seminars
  5. Twettaq attivitajiet ta’ infurzar ibbażati fuq l-ilmenti riċevuti
  1. Jiżviluppaw skema tal-eIDAS
  2. Jiżviluppaw il-pjattaforma tal-eIDAS nazzjonali (nodu) bl-użu ta’ finanzjament taħt il-Proġetti tas-Servizzi Ġeneriċi tal-FNE
  3. Jinnotifikaw skema/i
  1. 18-il Stat Membru kienu nnotifikaw (14) jew innotifikaw minn qabel (4) sistemi tal-eID. Dan ifisser li 9 Stati Membri għadhom mhumiex qed jipparteċipaw.
  2. Il-finanzjament mill-FNE għall-eID u l-Firma elettronika kien jammonta għal EUR 20.39 miljun għall-Pjattaformi tas-Servizzi Ewlenin u EUR 25.35 miljun għal 72 proġett tas-Servizzi Ġeneriċi f’26 pajjiż.
  3. B’kont meħud tan-nuqqasijiet tar-Regolament eIDAS, f’Ġunju 2021 il-Kummissjoni ppreżentat proposta għal regolament ġdid li jistabbilixxi qafas għall-Identità Diġitali Ewropea.
7. Tiġi ppreżentata proposta għall-Gateway Diġitali Unika (jiġifieri punt ta’ aċċess uniku għall-informazzjoni, il-proċeduri u s-servizzi ta’ assistenza online).

Ir-Regolament (UE) 2018/1724 li jistabbilixxi Gateway Diġitali Unika li tipprovdi aċċess għal informazzjoni, għal proċeduri u għas-servizzi ta’ assistenza u ta’ soluzzjoni tal-problemi u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012
  1. Tippreżenta proposta għal att legali
  2. Timplimenta r-Regolament dwar il-Gateway Diġitali Unikua: l-iżvilupp, id-disponibbiltà, il-monitoraġġ, l-aġġornament, il-manutenzjoni, is-sigurtà u l-hosting tal-Portal Your Europe (l-interfaċċa komuni tal-utent), inklużi l-magna tat-tiftix, ir-repożitorju għal-links, il-faċilità ta’ sejbien komuni għas-servizzi ta’ assistenza, l-għodod għall-feedback riċevut mill-utenti.
  1. Jiddiġitalizzaw 21 proċedura li għandhom jiġu offruti online taħt ir-Regolament dwar il-Gateway Diġitali Unika
  2. Jiżviluppaw, jagħmlu disponibbli, jimmonitorjaw, jaġġornaw, iwettqu manjutenzjoni u jiżguraw l-applikazzjonijiet tal-ICT relatati mas-siti web u mal-paġni web li jmexxu u li huma marbuta mal-interfaċċa komuni tal-utent (Your Europe)
  1. L-ewwel servizzi tnedew fit-12 ta’ Diċembru 2020 u huma disponibbli mill-punt ta’ dħul uniku fuq il-portal Your Europe.
  2. Sa tmiem l-2023, Your Europe se joffri aċċess għal 21 proċedura online fil-pajjiżi kollha tal-UE li se jkunu kompletament iddiġitalizzati mingħajr il-ħtieġa ta’ burokrazija.
9. Tiġi stabbilita, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, l-interkonnessjoni obbligatorja tar-reġistri kummerċjali tal-Istati Membri kollha.

Id-Direttiva 2012/17/UE mħassra bid-Direttiva(UE) 2017/1132

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/884

Id-Direttiva (UE) 2019/1151 li temenda d-Direttiva (UE) 2017/1132

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/2244 (li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/884)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1042 (li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/2244)
  1. Tistabbilixxi, twettaq manutenzjoni u taġġorna l-Pjattaforma ta’ Servizzi Ewlenin u l-interfaċċa (il-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika), inklużi l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, is-software u l-appoġġ tekniku għall-konnessjoni tar-reġistri nazzjonali
  1. Jiddiġitalizzaw ir-reġistri nazzjonali
  2. Iqabbdu r-reġistri nazzjonali bl-użu ta’ finanzjament taħt il-Proġetti tas-Servizzi Ġeneriċi tal-FNE
  1. Aktar minn erba’ snin minn meta ġiet attivata s-Sistema ta’ Interkonnessjoni tar-Reġistri Kummerċjali, il-Kummissjoni għadha ma implimentatx l-għodda għall-ipproċessar tal-pagamenti tas-Sistema ta’ Interkonnessjoni tar-Reġistri Kummerċjali.
  2. Il-finanzjament mill-FNE kien jammonta għal EUR 8 miljun għall-Pjattaformi ta’ Servizzi Ewlenin u EUR 2.44 miljun għal 16-il proġett tas-Servizzi Ġeneriċi f’10 pajjiżi.
10. Tiġi żviluppata aktar l-interkonnessjoni elettronika tar-reġistri ta’ insolvenza.

Ir-Regolament (UE) 2015/848

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/917
  1. Tistabbilixxi, twettaq manutenzjoni u taġġorna l-Pjattaforma ta’ Servizzi Ewlenin u l-interfaċċa (il-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika), inklużi l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, is-software u l-appoġġ tekniku għall-konnessjoni tar-reġistri nazzjonali
  1. Jiddiġitalizzaw ir-reġistri nazzjonali
  2. Iqabbdu r-reġistri nazzjonali bl-użu ta’ finanzjament taħt il-Proġetti tas-Servizzi Ġeneriċi tal-FNE
  1. 17 biss mis-26 (jiġifieri 27 tneħħi wieħed li għażel li ma jkomplix jipparteċipa) Stat Membru li kienu konnessi. Ħamsa oħra qegħdin fil-proċess ta’ żvilupp u ttestjar. Dan ifisser li erba’ Stati Membri għadhom mhumiex qed jipparteċipaw.
  2. Il-finanzjament mill-FNE kien jammonta għal EUR 1.16 miljun għal erba’ Proġetti tas-Servizzi Ġeneriċi f’seba’ pajjiżi.
11. Tiġi ppreżentata inizjattiva biex tiffaċilita l-użu ta’ soluzzjonijiet diġitali matul iċ-ċiklu tal-ħajja ta’ kumpanija.

Id-Direttiva (UE) 2019/1151 li temenda d-Direttiva (UE) 2017/1132
  1. Tippreżenta proposta għal att legali
  1. Jimplimentaw id-Direttiva (UE) 2019/1151
  1. L-Istati Membri kellhom jittrasponu d-Direttiva (UE) 2019/1151 sa Awwissu 2021, sakemm ma ddikjarawx li kienu qed japplikaw l-estensjoni possibbli ta’ sena. 17-il Stat Membru ddikjaraw li kienu qed jużaw l-estensjoni.
13. Jitnieda proġett pilota fuq il-prinċipju ta’ “darba biss” għan-negozju.
  1. Tniedi proġetti pilota
  1. Il-konsorzju ta’ 51 organizzazzjoni tat-TOOP kien jikkonsisti f’19-il amministrazzjoni nazzjonali (jew korpi awtorizzati minnhom) minn 17-il Stat Membru differenti u żewġ Pajjiżi Assoċjati.
  1. Inħolqot arkitettura ta’ soluzzjonijiet li tgħaqqad flimkien 40 sistema ta’ informazzjoni.
  2. Il-pjan ta’ azzjoni dwar l-arkitettura żviluppa taħt il-proġett sar parti mir-Regolament dwar il-Gateway Diġitali Unika u l-outputs tekniċi ngħaddew lill-FNE.
  3. “TOOP Book”, li ġie ppubblikat fl-2021 (https://www.springer.com/gp/book/9783030798505).
  4. Finanzjament taħt Orizzont 2020 ta’ 98.52 % tal-baġit kumplessiv tal-proġetti ta’ EUR 8.12 miljun.

Sors: il-QEA.

Akronimi u abbrevjazzjonijiet

DESI: Indiċi tal-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali

DĠ CONNECT: Direttorat Ġenerali għan-Networks tal-Komunikazzjonijiet, il-Kontenut u t-Teknoloġija

DĠ DIGIT: Direttorat Ġenerali għall-Informatika

DĠ GROW: Direttorat Ġenerali għas-Suq Intern, l-Industrija, l-Intraprenditorija u l-SMEs

DĠ: Direttorat Ġenerali

eID: identifikazzjoni elettronika

eIDAS: Identifikazzjoni elettronika, Awtentikazzjoni u Servizzi fiduċjarji

FNE: Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa

ICT: Teknoloġija tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni

ISA2: Soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà għall-amministrazzjonijiet pubbliċi, in-negozji u ċ-ċittadini Ewropej

SMEs: Intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju

Glossarju

Avvenimenti tal-ħajja (Parametru referenzjarju tal-Gvern elettroniku): Pakketti tas-servizzi tal-gvern li normalment jiġu pprovduti minn bosta aġenziji tal-gvern madwar tema komuni mill-perspettiva taċ-ċittadin jew l-intraprenditur ikkonċernat. Il-Parametru referenzjarju tal-Gvern elettroniku jkopri tmien avvenimenti tal-ħajja (dominji tal-gvern).

Big data: Ammonti kbar ta’ data mhux strutturata meħuda minn sorsi diversi, kif ukoll l-ipproċessar, il-ġbir, il-ħżin u l-analiżi tagħha biex jiġu żvelati mudelli, xejriet u assoċjazzjonijiet sinifikattivi.

Cloud (Computing): L-ipproċessar u l-ħżin mill-bogħod tad-data permezz tal-internet.

eID: Servizz tal-eIDAS biex jiġi ffaċilitat ir-rikonoxximent reċiproku tal-iskemi nazzjonali ta’ identifikazzjoni elettronika bejn l-Istati Membri.

eIDAS: Identifikazzjoni elettronika u servizzi fiduċjarji għal tranżazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern.

Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa: Strument tal-UE li jipprovdi appoġġ finanzjarju għall-ħolqien ta’ infrastruttura interkonnessa sostenibbli fis-setturi tal-enerġija, tat-trasport, kif ukoll tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni.

Faċilitaturi ewlenin (Parametru referenzjarju tal-Gvern elettroniku): Għodod diġitali bħall-identifikazzjoni elettronika (eID), dokumenti elettroniċi, posta diġitali li jappoġġjaw l-identifikazzjoni u l-komunikazzjoni siguri bejn utent u servizz tal-gvern.

Firma elettronika: Servizz tal-eIDAS li jagħti appoġġ lill-amministrazzjonijiet pubbliċi u n-negozji fl-użu tal-firem elettroniċi.

Gateway Diġitali Unika: Punt uniku ta’ aċċess għal informazzjoni, proċeduri u servizzi ta’ assistenza online.

Indiċi tal-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali (DESI): Għodda għall-monitoraġġ tal-prestazzjoni diġitali kumplessiva tal-UE u l-insegwiment tal-progress li jsir mill-Istati Membri lejn il-kompetittività diġitali.

Infrastrutturi ta’ Servizzi Diġitali (DSIs): Qafas li jipprovdi appoġġ għall-proġetti fl-UE kollha biex jiġu stabbiliti servizzi diġitali interoperabbli; huwa jikkonsisti fi pjattaformi ta’ servizzi ewlenin u servizzi ġeneriċi.

Intelliġenza Artifiċjali: L-użu li jsir mill-kompjuters biex tiġi ssimulata l-intelliġenza tal-bniedem permezz ta’ kapaċitajiet bħat-tagħlim u s-soluzzjoni tal-problemi.

Interoperabbiltà: L-abbiltà ta’ sistema li tikkomunika u taħdem ma’ sistemi oħra, inkluż permezz tal-iskambju tad-data.

ISA²: Programm tal-UE li jkun ta appoġġ lill-iżvilupp tas-servizzi pubbliċi transkonfinali u transsettorjali interoperabbli.

Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali: Applikazzjoni għall-ħżin ta’ data u dokumenti personali b’mod diġitali.

Parametru referenzjarju tal-Gvern elettroniku: indikatur li jikkumpara l-mod kif il-gvernijiet f’36 pajjiż Ewropew iwasslu s-servizzi pubbliċi diġitali.

Pjan ta’ azzjoni dwar l-arkitettura: Fil-kuntest tat-teknoloġija tal-informazzjoni, dan huwa dijagramma ġenerika użata biex tintwera l-arkitettura ta’ livell għoli tas-sistemi ta’ intrapriża fuq livell kunċettwali, loġiku jew fiżiku. Hija turi l-komponenti prinċipali u l-interrelazzjonijiet ta’ bejniethom.

Pjan ta’ azzjoni dwar l-IT: Għodda jew dokument ta’ ppjanar li organizzazzjoni tat-teknoloġija tal-informazzjoni toħloq sabiex tiggwida l-prijoritajiet, il-proġetti, il-baġits, il-persunal u inizjattivi oħra relatati mal-istrateġija tal-IT tagħha. Pjan ta’ azzjoni dwar l-IT jiddeskrivi fil-qosor l-għanijiet futuri tal-organizzazzjoni u jiddokumenta l-passi speċifiċi meħtieġa biex dawn jintlaħqu.

Pjattaformi ta’ Servizzi Ewlenin: Hubs ċentrali li jippermettu l-konnettività trans-Ewropea. Din il-parti ta’ infrastruttura ta’ servizz diġitali hija mmaniġġjata, implimentata u operata mill-Kummissjoni.

Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika: Sit web tal-UE li jinkludi informazzjoni dwar is-sistemi legali, l-għajnuna legali, il-bażijiet ta’ data ġuridika u r-reġistri ta’ insolvenza u tal-proprjetà tal-Istati Membri.

Prinċipju ta’ darba biss: Prinċipju li n-nies u n-negozji jenħtieġ li jkollhom biex jipprovdu informazzjoni lil amministrazzjoni pubblika fl-UE darba biss, u li l-amministrazzjonijiet jenħtieġ li jikkondividu din l-informazzjoni ma’ xulxin.

Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà: Dokument ta’ gwida li jistipula approċċ komuni lejn il-konnessjoni flimkien tat-twassil tas-servizzi pubbliċi diġitali fl-UE kollha.

Servizzi fiduċjarji: Forniment u preservazzjoni ta’ ċertifikati diġitali użati biex jinħolqu u jiġu vvalidati l-firem elettroniċi u jiġu awtentikati l-firmatarji, jew biex jiġu awtentikati s-siti web.

Servizzi Ġeneriċi: Servizzi ta’ gateway li jorbtu biċċa waħda jew aktar tal-infrastruttura nazzjonali mal-pjattaforma/i ta’ servizzi ewlenin.

Software b’sors miftuħ (OSS): Software li l-kodiċi tas-sors tiegħu jista’ jintuża, jiġi modifikat u kondiviż b’mod liberu minn kulħadd.

Suq Uniku Diġitali: Żona mingħajr fruntieri interni għas-servizzi diġitali

Tim tal-awditjar

Ir-rapporti speċjali tal-QEA jippreżentaw ir-riżultati tal-awditi li twettaq ta’ politiki u programmi tal-UE, jew ta’ suġġetti relatati mal-ġestjoni minn oqsma speċifiċi tal-baġit. Il-QEA tagħżel u tfassal dawn il-kompiti tal-awditjar bil-għan li dawn iħallu impatt massimu billi tqis ir-riskji għall-prestazzjoni jew għall-konformità, il-livell ta’ introjtu jew ta’ nfiq involut, l-iżviluppi futuri u l-interess politiku u pubbliku.

Dan l-awditu tal-prestazzjoni twettaq mill-Awla IV tal-Awditjar, Regolamentazzjoni tas-swieq u ekonomija kompetittiva, li hija mmexxija minn Mihails Kozlovs, Membru tal-QEA. L-awditu tmexxa minn Ivana Maletić, Membru tal-QEA, li ngħatat appoġġ minn Sandra Diering, Kap tal-Kabinett u Tea Vlainic, Attaché tal-Kabinett; Marion Colonerus, Maniġer Prinċipali; Agnieszka Plebanowicz, Kap tal-Kompitu; Maria Echanove, u Stefan‑Razvan Hagianu, Awdituri. Mark Smith ipprovda appoġġ lingwistiku.

Mix-xellug għal-lemin: Maria Echanove, Marion Colonerus, Stefan-Razvan Hagianu, Ivana Maletić, Agnieszka Plebanowicz, Tea Vlainic, Sandra Diering.

Noti finali

1 United Nations E-government Knowledgebase.

2 Is-Servizz ta’ Riċerka tal-Parlament Ewropew, Analiżi fil-fond, e-Government: Using technology to improve public services and democratic participation, Settembru 2015, p. 1.

3 Il-Pjan ta’ Azzjoni eEurope 2002 għall-perjodu 2001-2002, il-Pjan ta’ Azzjoni eEurope 2005 għall-perjodu 2003-2005, il-Pjan ta’ Azzjoni eGovernment 2010 għall-perjodu 2006-2010 u l-Pjan ta’ Azzjoni għall-perjodu 2011-2015.

4 Eżempji reċenti: 2017 Tallinn Ministerial Declaration on e-Government; 2020 Berlin Declaration on Digital Society and Value-Based Digital Government.

5 Ir-Regolament (UE) 2021/694 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Programm Ewropa Diġitali u li jħassar id-Deċiżjoni (UE) 2015/2240.

6 L-OECD (2015), “Use of e-government services by individuals and businesses”, f’Government at a Glance 2015, OECD Publishing, Pariġi.

7 “Strateġija għal Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa”; COM(2015) 192 final.

8 2017 Tallinn Ministerial Declaration on e-Government.

9 Introduction to the National Interoperability Framework Observatory.

10 Ir-Rapport Speċjali Nru 07/2019 “Azzjonijiet tal-UE fil-qasam tal-kura tas-saħħa transkonfinali: ambizzjonijiet sinifikanti, iżda tenħtieġ ġestjoni aħjar” ħares lejn l-implimentazzjoni ta’ Direttiva li tkopri settur speċifiku ħafna: il-kura tas-saħħa transkonfinali.

11 Business Europe, EuroChambres – l-Assoċjazzjoni tal-Kmamar Ewropej tal-Kummerċ u l-Industrija, European Digital SME Alliance, SMEunited.

12 Better Regulation Guidelines.

13 SWD(2016) 108 final.

14 Better Regulation Toolbox tal-Kummissjoni.

15 Better Regulation Guidelines tal-Kummissjoni.

16 Il-lista sħiħa tal-avvenimenti tal-ħajja użata hija deskritta fir-Rapport dwar il-Parametru referenzjarju tal-Gvern elettroniku nnifsu.

17 Is-sitt Stati Membri huma: il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, l-Irlanda, il-Portugall u r-Rumanija.

18 F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka għażlet li ma tadottax ir-Regolament (UE) 2015/848, u la hi marbuta bih u lanqas mhi soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu.

19 Il-ħames Stati Membri huma: il-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, l-Italja, in-Netherlands u s-Slovenja.

20 L-erba’ Stati Membri huma: il-Bulgarija, il-Greċja, l-Ungerija u l-Portugall.

21 Ir-Rapport dwar pjan ta’ azzjoni 2016-2020 tal-UE dwar gvern elettroniku, il-Parlament Ewropew, Mejju 2017, A8-0178/2017.

Kuntatt

IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI
12, rue Alcide De Gasperi
1615 Luxembourg
LUXEMBOURG

Tel. +352 4398-1
Mistoqsijiet: eca.europa.eu/mt/Pages/ContactForm.aspx
Sit web: eca.europa.eu
Twitter: @EUAuditors

Ħafna informazzjoni addizzjonali dwar l-Unjoni Ewropea hija disponibbli fuq l-Internet.
Jista’ jsir aċċess għaliha permezz tas-server Europa (https://europa.eu).

Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2022

PDF ISBN 978-92-847-8967-2 ISSN 1977-5741 doi:10.2865/401784 QJ-AB-22-022-MT-N
HTML ISBN 978-92-847-8988-7 ISSN 1977-5741 doi:10.2865/986938 QJ-AB-22-022-MT-Q

DRITTIJIET TAL-AWTUR

© L-Unjoni Ewropea, 2022

Il-politika tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) dwar l-użu mill-ġdid hija stabbilita fid-Deċiżjoni Nru 6-2019 tal-QEA dwar il-politika tad-data miftuħa u l-użu mill-ġdid ta’ dokumenti.

Sakemm ma jkunx indikat mod ieħor (eż. f’avviżi individwali dwar id-drittijiet tal-awtur), il-kontenut tal-QEA, li huwa proprjetà tal-UE, huwa liċenzjat taħt il-liċenzja Creative Commons Attribution 4.0 International (CC BY 4.0). Għalhekk, bħala regola ġenerali, l-użu mill-ġdid huwa awtorizzat dment li jingħata kreditu xieraq u li kwalunkwe bidla tiġi indikata. Il-persuni li jużaw mill-ġdid dan il-kontenut ma jistgħux ibiddlu s-sinifikat jew il-messaġġ oriġinali tad-dokumenti. Il-QEA ma għandhiex tkun responsabbli għal kwalunkwe konsegwenza relatata mal-użu mill-ġdid.

Irid jinkiseb permess addizzjonali jekk kontenut speċifiku juri individwi privati identifikabbli, eż. f’ritratti li jkun fihom il-membri tal-persunal tal-QEA, jew jekk ikun jinkludi xogħlijiet ta’ parti terza.

Fejn ikun inkiseb tali permess, dan għandu jikkanċella u jissostitwixxi l-permess ġenerali msemmi hawn fuq u għandu jindika b’mod ċar kwalunkwe restrizzjoni dwar l-użu.

Biex tuża jew tirriproduċi kontenut li ma jkunx proprjetà tal-UE, jista’ jkun meħtieġ li titlob il-permess direttament mingħand id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur:

  • Figuri 3 u 4 – Ikoni: dawn il-figuri tfasslu bl-użu ta’ riżorsi minn Flaticon.com. © Freepik Company S.L. Id-drittijiet kollha huma riżervati.

Software jew dokumenti li jkunu koperti mid-drittijiet ta’ proprjetà industrijali, bħal privattivi, trademarks, disinji rreġistrati, logos u ismijiet, huma esklużi mill-politika tal-QEA dwar l-użu mill-ġdid.

Il-familja ta’ siti web istituzzjonali tal-Unjoni Ewropea, fi ħdan id-dominju europa.eu, tipprovdi links għal siti ta’ partijiet terzi. Peress li l-QEA ma għandha l-ebda kontroll fuqhom, dawn, inti mħeġġeġ biex tirrieżamina l-politiki tagħhom dwar il-privatezza u dwar id-drittijiet tal-awtur.

Użu tal-logos ta’ Your Europe u tal-Ġustizzja Elettronika

Ma jistax isir użu mil-logos ta’ Your Europe u tal-Ġustizzja Elettronika mingħajr ma jinkiseb il-kunsens tal-Kummissjoni Ewropea minn qabel.

Użu tal-logo tal-QEA

Ma jistax isir użu mil-logo tal-QEA mingħajr ma jinkiseb il-kunsens tagħha minn qabel.

KIF TIKKUNTATTJA LILL-UE

Personalment
Madwar l-Unjoni Ewropea kollha hemm mijiet ta’ ċentri tal-Europe Direct. Tista’ ssib l-­indirizz tal-eqreb ċentru għalik online (european-union.europa.eu/contact-eu/meet-us_mt).

Bit-telefown jew bil-miktub
Europe Direct huwa servizz li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar l-Unjoni Ewropea. Tista’ tikkuntattja lil dan is-servizz:

  • bit-telefown bla ħlas: 00 800 6 7 8 9 10 11 (ċerti operaturi jafu jimponu ħlas għal dawn it-telefonati),
  • fuq dan in-numru standard: +32 22999696,
  • permezz ta’ din il-formola:european-union.europa.eu/contact-eu/write-us_mt.

KIF ISSIB TAGĦRIF DWAR L-UE

Online
L-informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE hija disponibbli fuq is-sit web Europa (european-union.europa.eu).

Pubblikazzjonijiet tal-UE
Tista’ tara jew tordna l-pubblikazzjonijiet tal-UE minn op.europa.eu/mt/publications. Kopji multipli ta’ pubblikazzjonijiet bla ħlas tista’ tiksibhom billi tikkuntattja lil Europe Direct jew liċ-ċentru tad-dokumentazzjoni lokali tiegħek (european-union.europa.eu/contact-eu/meet-us_mt).

Il-liġi tal-UE u dokumenti relatati
Għal aċċess għall-informazzjoni legali tal-UE, inkluż il-liġijiet kollha tal-UE mill-1951 ’l hawn, fil-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali kollha, żur is-sit EUR-Lex (eur-lex.europa.eu).

Data miftuħa tal-UE
Il-portal data.europa.eu jagħti aċċess għal settijiet tad-data miftuħa mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-UE. Dawn jistgħu jitniżżlu u jerġgħu jintużaw mingħajr ħlas, għal skopijiet kummerċjali u mhux kummerċjali. Il-portal jagħti aċċess ukoll għal għadd kbir ta’ settijiet tad-data mill-pajjiżi Ewropej.