Rapport Speċjali
11 2023

Appoġġ mill-UE għad-diġitalizzazzjoni tal-iskejjel: Investimenti sinifikanti, iżda l-Istati Membri jonqsilhom fokus strateġiku fl-użu tal-finanzjament mogħti mill-UE

Dwar ir-rapport:L-UE tissupplimenta u tappoġġa lill-Istati Membri fid-diġitalizzazzjoni tal-iskejjel tagħhom taħt programmi u miżuri varji ffinanzjati mill-baġit tal-UE.

F’dan l-awditu, eżaminajna jekk l-azzjoni ffinanzjata mill-UE appoġġatx sew id-diġitalizzazzjoni tal-iskejjel. Nikkonkludu li, b’mod ġenerali, din għenet lill-iskejjel fl-isforzi ta’ diġitalizzazzjoni tagħhom, iżda l-Istati Membri kien jonqsilhom fokus strateġiku fl-użu tal-finanzjament mogħti mill-UE. Barra minn hekk, minkejja mira ambizzjuża tal-UE biex l-iskejjel kollha jiġu konnessi mal-internet tal-gigabits sal-2025, għadd żgħir biss ta’ skejjel għandhom konnessjonijiet rapidi bħal dawn biex jagħmlu l-aħjar użu mill-potenzjal tal-edukazzjoni diġitali.

Nirrakkomandaw li l-Kummissjoni tippromwovi l-azzjonijiet tal-UE b’mod aktar attiv u, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, issaħħaħ ir-rabta bejn l-objettivi tal-UE, l-istrateġiji nazzjonali jew reġjonali għad-diġitalizzazzjoni tal-iskejjel u l-finanzjament mogħti mill-UE għall-iskejjel. Jenħtieġ ukoll li l-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib u tħeġġeġ lill-Istati Membri biex l-iskejjel kollha jiġu konnessi mal-internet tal-gigabits sal-2025.

Rapport speċjali tal-QEA skont l-Artikolu 287(4), it-tieni subparagrafu, TFUE.

Din il-pubblikazzjoni hija disponibbli bi 24 lingwa fil-format li ġejt:
PDF
PDF Rapport tal-awditjar dwar l-użu tal-finanzjament mill-UE għad-diġitalizzazzjoni tal-iskejjel

Sommarju eżekuttiv

I Fl-UE, l-Istati Membri għandhom responsabbiltà sħiħa għat-tfassil tal-politika tal-edukazzjoni u l-organizzazzjoni tal-iskejjel tagħhom. L-UE tissupplimenta u tappoġġa l-azzjonijiet li jittieħdu mill-Istati Membri, u tipprovdi appoġġ finanzjarju sinifikanti għad-diġitalizzazzjoni tal-iskejjel. Għal dan il-fini, hija tuża strumenti varji bħall-Fondi taħt il-Politika ta’ Koeżjoni, il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, u l-programm Erasmus+. Ammonti sinifikanti ġew żborżati jew se jiġu żborżati bejn l-2014 u l-2026 permezz ta’ wieħed minn dawn il-programmi bil-ħsieb li tissaħħaħ l-edukazzjoni diġitali.

II F’dan l-awditu, ivvalutajna azzjonijiet li ġew iffinanzjati mill-baġit tal-UE b’appoġġ għall-edukazzjoni diġitali fl-iskejjel. Eżaminajna jekk l-azzjonijiet tal-Kummissjoni appoġġawx sew id-diġitalizzazzjoni tal-iskejjel. Qisna wkoll jekk l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u dawk lokali fl-Istati Membri użawx il-finanzjament disponibbli mill-UE kif intenzjonat biex jappoġġaw id-diġitalizzazzjoni tal-iskejjel, u jekk l-iskejjel kinux konnessi suffiċjentement mal-internet tal-gigabits biex il-miri tal-UE jintlaħqu. Ir-rapport tagħna għandu l-għan li jgħin lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali tal-Istati Membri jindirizzaw b’mod aktar effettiv l-isfidi tad-diġitalizzazzjoni tal-iskejjel matul il-perjodu 2021-2027. Nikkonkludu li, b’mod ġenerali, dawn il-miżuri għenu lill-iskejjel fl-isforzi ta’ diġitalizzazzjoni tagħhom, iżda li l-Istati Membri kien jonqsilhom fokus strateġiku fl-użu tal-finanzjament mogħti mill-UE.

III Fl-2018, il-Kummissjoni adottat Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali biex tappoġġa l-Istati Membri fl-indirizzar tal-isfidi għall-edukazzjoni diġitali. Dan il-Pjan kien jinkludi l-iskejjel. Madankollu, l-Istati Membri li żorna jew ma kinux ikkonkretizzaw l-objettivi tal-Pjan ta’ Azzjoni fl-istrateġiji nazzjonali (jew reġjonali) tagħhom, jew ma kinux aġġornaw l-istrateġiji tagħhom għall-perjodu 2021-2027, jew inkella ma kinux ifformulaw strateġiji ddedikati għad-diġitalizzazzjoni tal-iskejjel tagħhom. Sibna wkoll li l-azzjonijiet iffinanzjati mill-UE mhux dejjem ġew inkorporati sew fl-istrateġiji nazzjonali jew reġjonali għad-diġitalizzazzjoni tal-iskejjel, minkejja li dan seta’ naqqas ir-riskju ta’ interventi frammentati ffinanzjati mill-baġit tal-UE u għen biex jinkiseb impatt akbar.

IV Fil-biċċa l-kbira mill-każijiet, il-proġetti ffinanzjati mill-UE wasslu l-outputs intenzjonati tagħhom iżda xorta waħda kien hemm fatturi li pprevenew lill-iskejjel milli jagħmlu l-aħjar użu mill-finanzjament mogħti mill-UE. Għall-miżuri li kellhom jiġu ffinanzjati mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, kien hemm nuqqasijiet fil-mod kif ġew iddefiniti l-istadji importanti u l-miri li kellhom jintlaħqu mill-Istati Membri, b’mod partikolari għar-riżultati li kellhom jinkisbu f’termini ta’ titjib tal-edukazzjoni diġitali. Sibna li l-istimi tal-kostijiet li ġew aċċettati mill-Kummissjoni matul in-negozjati tal-pjanijiet nazzjonali għal żewġ miżuri eżaminati għal dan l-awditu kienu fil-fatt sinifikattivament differenti mill-kostijiet reali mġarrba matul l-implimentazzjoni. Barra minn hekk, l-iskejjel ma kinux involuti suffiċjentement fl-istabbiliment tal-ħtiġijiet.

V Kważi l-istudenti kollha issa jużaw apparati diġitali, iżda ħafna skejjel għadhom jirrappurtaw tagħmir insuffiċjenti, jew ħtiġijiet ta’ taħriġ ulterjuri għall-għalliema. Sibna wkoll li spiss hemm nuqqas ta’ approċċ formali lejn l-użu tal-ICT fil-klassi, u għaldaqstant dan jipprevieni lill-iskejjel milli jisfruttaw il-potenzjal sħiħ tad-diġitalizzazzjoni.

VI Il-Kummissjoni ma għandha l-ebda data komprensiva dwar l-ammonti kumplessivi tal-finanzjament mill-UE li ntefqu għad-diġitalizzazzjoni tal-iskejjel. Huma biss ftit l-Istati Membri li jivvalutaw ir-riżultati li huma kisbu bl-appoġġ finanzjarju mill-UE għat-titjib tal-edukazzjoni diġitali fl-iskejjel. L-indikaturi speċifiċi għall-programm ma kinux informattivi, u tnejn biss mis-sitt Stati Membri li żorna kellhom approċċi biex jimmonitorjaw sistematikament il-progress li l-iskejjel kienu għamlu f’termini ta’ diġitalizzazzjoni b’riżultat tal-appoġġ finanzjarju mill-UE.

VII Fl-2016, il-Kummissjoni stabbiliet miri għall-Istati Membri biex l-iskejjel jiġu konnessi mal-internet tal-gigabits sal-2025 u biex ikunu jistgħu jużaw tagħmir tal-IT tal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku u jadottaw modi innovattivi ta’ tagħlim u apprendiment. Madankollu, fl-2022, għadd żgħir biss ta’ skejjel setgħu fil-fatt jużaw konnessjonijiet tal-gigabits. L-Istati Membri kellhom approċċi li jvarjaw għall-promozzjoni tal-konnessjoni tal-iskejjel iżda, minħabba nuqqas ta’ ppjanar strateġiku strett, flimkien ma’ dewmien fl-implimentazzjoni ta’ programmi ddedikati, jikber ir-riskju li l-UE ma tilħaqx il-mira tal-2025 għall-internet tal-gigabits.

VIII Fuq il-bażi ta’ dawn il-konklużjonijiet, nirrakkomandaw li l-Kummissjoni:

  • tippromwovi l-azzjonijiet tal-UE taħt il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali b’mod aktar attiv sabiex jissaħħaħ l-impatt tagħhom;
  • tieħu azzjoni biex issaħħaħ ir-rabta bejn l-objettivi tal-pjan ta’ azzjoni għall-edukazzjoni diġitali, l-istrateġiji nazzjonali jew reġjonali, u l-finanzjament mogħti mill-UE għall-iskejjel; u
  • timmonitorja u tħeġġeġ l-ilħuq tal-mira li l-iskejjel kollha jiġu konnessi mal-internet tal-gigabits sal-2025.

Introduzzjoni

L-edukazzjoni diġitali u d-diġitalizzazzjoni tal-iskejjel

01 L-edukazzjoni diġitali għandha l-għan li tippermetti li l-istudenti jirnexxu fil-ħajja, isiru ċittadini involuti, u jintegraw aħjar fis-suq tax-xogħol f’dinja dejjem aktar diġitalizzata1. Fl-istħarriġiet tagħha dwar l-iskejjel imwettqa fl-2013 u fl-2018, il-Kummissjoni kienet diġà osservat li politiki speċifiċi u miżuri ta’ appoġġ fil-livell tal-iskejjel – bħal tagħmir aħjar jew l-iżvilupp professjonali tal-għalliema – jistgħu jikkontribwixxu għal riżultati ta’ apprendiment aħjar, iżda wkoll li l-użu tat-teknoloġija tal-informazzjoni u l-aċċess għal internet veloċi kienu jvarjaw sinifikattivament bejn l-iskejjel2. Studju li twettaq fl-2018 mill-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) enfasizza li l-istudenti fl-iskejjel li kienu mgħammra tajjeb b’kompjuters u li kienu konnessi mal-internet setgħu jiksbu riżultati ta’ apprendiment aħjar3.

02 Il-kompetenzi u l-ħiliet diġitali, u d-disponibbiltà ta’ infrastruttura u tagħmir diġitali, saru aktar rilevanti minn qatt qabel fil-livelli edukattivi kollha minn mindu faqqgħet il-pandemija tal-COVID-19. Il-pandemija xeħtet dawl fuq il-fatt li s-sistemi skolastiċi, fi kważi l-Istati Membri kollha, ma kinux ippreparati tajjeb għat-tagħlim mill-bogħod, minħabba li l-iskejjel ma kinux konnessi sew mal-internet u kien hemm nuqqas ta’ tagħmir diġitali adatt għall-istudenti u l-għalliema4. Kien hemm ukoll ħtieġa li l-għalliema jkunu kunfidenti u jkollhom ħiliet fl-użu tat-teknoloġija diġitali biex jappoġġaw it-tagħlim tagħhom, flimkien ma’ metodi ta’ tagħlim innovattivi, u jiżguraw li l-istudenti kollha setgħu jipparteċipaw fl-edukazzjoni diġitali.

03 Fl-UE, l-Istati Membri huma responsabbli għat-tfassil tal-politika tal-edukazzjoni, l-għoti ta’ tagħmir lill-iskejjel, is-sorveljanza tal-kontenut tat-tagħlim, u t-taħriġ tal-għalliema u tal-istudenti. Barra minn hekk, fi ħdan l-Istati Membri, ir-responsabbiltajiet jistgħu jiġu allokati f’livelli differenti (jiġifieri nazzjonali, reġjonali jew lokali). Kwalunkwe kooperazzjoni transfruntiera bejn l-Istati Membri fil-qasam tal-edukazzjoni hija volontarja, u mhijiex neċessarjament marbuta mal-użu tal-fondi tal-UE. Sadanittant, l-UE tista’ tappoġġa u tissupplimenta l-azzjonijiet tal-Istati Membri5.

04 Ir-rwol tal-Kummissjoni fid-diġitalizzazzjoni tal-iskejjel huwa li tissupplimenta u tappoġġa l-azzjonijiet tal-Istati Membri, filwaqt li tirrispetta bis-sħiħ ir-responsabbiltà tagħhom għall-kontenut tat-tagħlim u l-organizzazzjoni tas-sistemi edukattivi.

05 Biex l-edukazzjoni diġitali tirnexxi, hija meħtieġa wkoll id-diġitalizzazzjoni tal-iskejjel: il-forniment ta’ internet b’veloċità għolja lill-iskejjel, u l-għoti ta’ tagħmir fl-għamla ta’ hardware bħal laptops jew tablets lill-klassijiet, lill-għalliema u lill-istudenti; l-iżgurar li l-għalliema u membri oħra tal-persunal tal-iskejjel ikollhom il-ħiliet diġitali li jeħtieġu; il-forniment ta’ materjal u pjattaformi sikuri tal-apprendiment diġitali li jkunu adegwati; kif ukoll l-użu ta’ kurrikuli u approċċi ta’ apprendiment aġġornati.

06 Fl-2020, kien hemm aktar minn 65 miljun student u għalliem irreġistrat f’aktar minn 200 000 skola primarja u sekondarja fis-27 Stat Membru6.

Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni għall-Edukazzjoni Diġitali

07 F’Novembru 2017, fis-Summit ta’ Gothenburg, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni pproklamaw, fil-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, li kulħadd għandu d-dritt għal edukazzjoni, taħriġ u tagħlim (apprendiment) tul il-ħajja ta’ kwalità u inklużivi sabiex jinżammu u jinkisbu ħiliet li jippermettulhom jipparteċipaw bis-sħiħ fis-soċjetà u jimmaniġġjaw b’suċċess it-tranżizzjonijiet fis-suq tax-xogħol7. Il-Kummissjoni kkontribwiet għal dawn id-diskussjonijiet billi ppreżentat il-viżjoni tagħha għal Żona Ewropea tal-Edukazzjoni biex jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tal-edukazzjoni u tal-kultura bħala motivaturi għall-impjiegi, il-ġustizzja soċjali u ċ-ċittadinanza attiva, kif ukoll jiġi pprovdut mezz biex l-identità Ewropea tiġi esperjenzata fid-diversità kollha tagħha8. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri identifikaw l-innovazzjoni u t-teknoloġiji diġitali bħala fattur ewlieni għal edukazzjoni aħjar, qasam li fih l-Ewropa kienet perċepita bħala li għadha lura meta mqabbla ma’ reġjuni oħra.

08 F’Jannar 2018, il-Kummissjoni ħarġet l-ewwel Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali tagħha (minn hawn ’il quddiem “Pjan ta’ Azzjoni”), kif imħabbar fil-kontribut tagħha għas-summit ta’ Gothenburg9. Il-Pjan fih għadd ta’ azzjonijiet fi tliet oqsma ta’ prijorità, li permezz tagħhom il-Kummissjoni kienet biħsiebha tappoġġa s-sistemi ġenerali tal-edukazzjoni u t-taħriġ tal-Istati Membri fis-setturi kollha tal-edukazzjoni permezz tal-iskambju tal-aħjar prattiki, kif ukoll tqanqal u żżid l-użu bi skop tal-prattiki diġitali u innovattivi tal-edukazzjoni (ara l-Figura 1).

Figura 1 – Prijoritajiet tal-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali 2018 tal-Kummissjoni

Sors: il-QEA.

09 Il-Kummissjoni aġġornat il-Pjan ta’ Azzjoni tagħha f’Settembru 2020. Il-Pjan aġġornat joffri viżjoni strateġika fit-tul li tkopri l-perjodu 2021-2027. Huwa jkompli bl-elementi prinċipali tal-Pjan ta’ Azzjoni inizjali, iżda jieħu kont ukoll tal-iżviluppi l-aktar reċenti fl-edukazzjoni diġitali. Jiffoka fuq żewġ oqsma ta’ prijorità u azzjonijiet ewlenin li għandhom jiġu segwiti fis-snin li ġejjin, li huma rilevanti mhux biss għall-iskejjel iżda wkoll għall-edukazzjoni postsekondarja (pereżempju fl-universitajiet) jew għat-taħriġ vokazzjonali (ara l-Figura 2).

10 Il-Kummissjoni tqis il-Pjan ta’ Azzjoni bħala faċilitatur ewlieni għat-titjib tal-litteriżmu, il-ħiliet u l-kapaċità diġitali fil-livelli kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ, u għal-livelli kollha tal-ħiliet diġitali. Hija tuża wkoll il-Pjan bħala dokument ta’ referenza għas-Semestru Ewropew, iċ-ċiklu tal-UE ta’ koordinazzjoni tal-politika ekonomika, fiskali, tax-xogħol u soċjali bejn il-politiki baġitarji u ekonomiċi tal-Istati Membri. F’dan il-qafas, abbażi tal-proposti tal-Kummissjoni, kull sena l-Kunsill għamel rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż (CSRs) fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ. Il-Figura 3 turi l-Istati Membri fejn ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill kienu jirreferu għal investimenti fid-diġitalizzazzjoni tal-iskejjel jew fl-2019 jew inkella fl-2020.

Figura 3 – Stati Membri b’CSRs relatati mad-diġitalizzazzjoni tal-iskejjel

Sors: analiżi mill-QEA; is-Semestru Ewropew, ir-Rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż.

Il-mira tal-konnettività tal-UE għall-iskejjel ta’ gigabit waħda kull sekonda sal-2025

11 Billi s-servizzi u l-applikazzjonijiet il-ġodda tad-data jirrikjedu networks ta’ kapaċità dejjem ogħla, il-Kummissjoni stabbiliet miri tal-konnettività strateġiċi fl-2016 għall-motivaturi soċjoekonomiċi prinċipali kollha bħalma huma l-iskejjel. Skont dawn il-miri, jenħtieġ li l-iskejjel kollha jkollhom konnessjoni broadband b’veloċità għolja sal-2025, u dan ifisser aċċess għal konnessjonijiet tal-internet li joffru veloċitajiet downlink u uplink ta’ mill-inqas gigabit waħda kull sekonda10. Il-konnessjoni tal-iskejjel mal-broadband b’veloċità għolja tkun tiffaċilita modi innovattivi ta’ tagħlim u apprendiment, kif ukoll tippermetti lill-għalliema u lill-istudenti jibbenefikaw minn materjali ta’ apprendiment aġġornati, u għaldaqstant issaħħaħ il-ħiliet diġitali. Dawn il-miri segwew l-Aġenda Diġitali għall-Ewropa li ġiet adottata fl-2010, fejn il-Kummissjoni ddikjarat li jenħtieġ li ċ-ċittadini kollha tal-UE jkollhom aċċess għall-broadband ta’ 30 Mbps sal-202011.

L-appoġġ finanzjarju tal-UE

12 L-Istati Membri jistgħu jużaw l-appoġġ finanzjarju mill-UE għad-diġitalizzazzjoni tal-iskejjel permezz ta’ strumenti varji, li kull wieħed minnhom għandu l-objettivi u l-karatteristiċi speċifiċi tiegħu:

  • Il-Fondi taħt il-Politika ta’ Koeżjoni:
  •  Għall-perjodu 2014-2020, l-investimenti fit-tisħiħ tal-aċċess għal u t-titjib tal-użu u l-kwalità tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT), kif ukoll tal-edukazzjoni u t-taħriġ, kienu objettivi tematiċi tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) u l-Fond Soċjali Ewropew (FSE), li huma tnejn mill-Fondi taħt il-Politika ta’ Koeżjoni (magħrufa wkoll bħala l-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (FSIE). L-UE tuża dawn il-fondi biex tikkofinanzja investimenti f’oqsma bħall-iżvilupp ibbilanċjat tar-reġjuni u l-iżvilupp tal-ħaddiema, iż-żgħażagħ u dawk kollha li qed ifittxu impjieg12. Għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020, il-baġit totali għall-FEŻR u l-FSE kien ta’ EUR 329 biljun, li minnhom huwa stmat li EUR 44.6 biljun ġew allokati għal dawn iż-żewġ objettivi tematiċi. Madankollu, id-diġitalizzazzjoni tal-iskejjel ma kinitx objettiv speċifiku tal-Fondi. Din hija r-raġuni għaliex l-Istati Membri ma għandhomx għalfejn jipprovdu informazzjoni dettaljata dwar l-ammonti li ntefqu għal dan l-iskop (ara l-paragrafu 71).
  •  Għas-snin mill-2020 sal-2022, l-Assistenza fl-Irkupru għall-Koeżjoni u għat-Territorji tal-Ewropa (REACT-EU) ġiet stabbilita taħt l-inizjattiva NextGenerationEU (NGEU), fi ħdan il-qafas tal-Fondi taħt il-Politika ta’ Koeżjoni 2014-202013. Minn baġit totali ta’ EUR 44.5 biljun, l-Istati Membri setgħu jużaw fondi biex jappoġġaw id-diġitalizzazzjoni tal-iskejjel. L-Istati Membri setgħu jitolbu li l-miżuri tar-REACT-EU jiġu ffinanzjati bis-sħiħ mill-baġit tal-UE.
  •  Għall-perjodu 2021-2027, l-Istati Membri jistgħu jużaw ukoll il-Fondi taħt il-Politika ta’ Koeżjoni għad-diġitalizzazzjoni tal-iskejjel tagħhom, prinċipalment għal investimenti fl-infrastruttura tal-aċċess14 u biex jappoġġaw l-akkwiżizzjoni ta’ ħiliet diġitali15.
  • Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF)16:

L-RRF hija strument temporanju taħt l-NGEU, u l-għan tagħha huwa li timmitiga l-impatt ekonomiku u soċjali tal-pandemija tal-COVID-19. Hija mmaniġġjata direttament mill-Kummissjoni. Sa tmiem l-2026, l-Istati Membri se jirċievu appoġġ mill-UE bil-kundizzjoni li huma jilħqu ċerti miri ta’ prestazzjoni u stadji importanti għall-investimenti u r-riformi ddefiniti fil-Pjanijiet Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRPs). L-Istati Membri jistgħu jużaw l-appoġġ mill-UE biex jiffinanzjaw investimenti fl-iżvilupp tal-ħiliet diġitali u fit-tranżizzjoni diġitali tal-iskejjel. Minn baġit totali ta’ EUR 723.8 biljun (bi prezzijiet attwali) disponibbli għall-RRF, identifikajna 21 Stat Membru li, skont l-RRPs tagħhom, għażlu li jinvestu aktar minn EUR 11-il biljun f’miżuri li jappoġġaw id-diġitalizzazzjoni tal-iskejjel tagħhom17.

  • Il-programm Erasmus+18:

Fost affarijiet oħra, dan il-programm jappoġġa t-tagħlim ibbażat fuq l-ICT, l-edukazzjoni miftuħa u l-prattiki innovattivi fl-era diġitali, u jindirizza wkoll it-trasformazzjoni diġitali billi jiżviluppa l-livell ta’ tħejjija, ir-reżiljenza u l-kapaċità diġitali:

  •  Għall-perjodu 2014-2020, il-programm kellu baġit totali ta’ EUR 14.9-il biljun, li madwar EUR 1.6 biljun minnhom ġew allokati għal proġetti ta’ sħubija strateġika transnazzjonali għall-edukazzjoni skolastika, b’EUR 100 miljun speċifikament iddedikati għal proġetti għat-tisħiħ tal-użu tal-ICT fit-tagħlim u fl-apprendiment. Il-Kummissjoni użat ukoll il-programm biex tiffinanzja l-azzjonijiet taħt il-Pjan ta’ Azzjoni tal-2018.
  •  Għall-perjodu 2021-2027, l-ambitu tal-programm twessa’ biex jappoġġa attivitajiet u proġetti għat-twettiq tal-Pjan ta’ Azzjoni aġġornat u t-trasformazzjoni diġitali tal-iskejjel19. Il-programm għandu baġit totali ta’ EUR 26.2 biljun. Ma hemm l-ebda allokazzjoni speċifika għad-diġitalizzazzjoni iżda l-fondi jistgħu jintużaw biex jappoġġaw l-azzjonijiet tal-perjodu 2021-2027 taħt il-Pjan ta’ Azzjoni u għal sħubijiet strateġiċi ta’ innovazzjoni, inklużi proġetti għall-edukazzjoni diġitali fl-iskejjel. It-tranżizzjoni diġitali hija waħda mill-erba’ prijoritajiet trażversali tal-programm.
  • Il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa

Fil-perjodu 2021-2027, il-parti diġitali tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa20, strument tal-UE mmaniġġjat direttament mill-Kummissjoni li jipprovdi appoġġ finanzjarju għall-ħolqien ta’ infrastruttura interkonnessa sostenibbli, tipprovdi baġit ta’ aktar minn EUR 2 biljun biex tiġi appoġġata, fost affarijiet oħra, l-implimentazzjoni ta’ sistemi 5G fl-hekk imsejħa Komunitajiet 5G, u li jista’ jintuża għall-konnessjoni tal-iskejjel.

Ġestjoni u użu tal-Fondi tal-UE

13 Għall-programmi taħt il-Politika ta’ Koeżjoni, l-awtoritajiet nazzjonali jew reġjonali fl-Istati Membri huma inkarigati mill-għażla u l-monitoraġġ ta’ proġetti fi ħdan il-programmi operazzjonali u mill-ħlas tal-appoġġ. Il-Kummissjoni tikkofinanzja l-kostijiet relatati mal-proġetti skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fir-regoli ġenerali applikabbli u dawk tal-programmi rispettivi.

14 Taħt l-RRF, l-Istati Membri daħħlu fis-seħħ il-miżuri ddefiniti fl-RRPs nazzjonali. Kull RRP jiġi allokat appoġġ f’konformità mal-kostijiet stmati tal-miżuri inklużi fih, sa ammont massimu stipulat mir-Regolament dwar l-RRF. Għall-kuntrarju tal-programmi taħt il-Politika ta’ Koeżjoni, il-finanzjament mogħti mill-UE mhuwiex relatat mal-kostijiet reali mġarrba, iżda l-Kummissjoni tiżborża l-ammonti allokati lill-RRPs ladarba l-Istat Membru jkun laħaq is-settijiet predefiniti rilevanti tal-istadji importanti u l-miri. L-istadji importanti huma kisbiet kwalitattivi, bħad-dħul fis-seħħ ta’ linji gwida dwar il-finanzjament. Il-miri huma kisbiet kwantitattivi, bħall-akkwiżizzjoni ta’ għadd iddefinit ta’ apparati diġitali għall-iskejjel. L-Anness IV jagħti ħarsa ġenerali lejn il-miri u l-istadji importanti għall-miżuri li jappoġġaw id-diġitalizzazzjoni tal-iskejjel fl-Istati Membri li żorna.

15 Tipikament, l-Istati Membri jużaw il-Fondi taħt il-Politika ta’ Koeżjoni u l-RRF biex jappoġġaw l-infrastruttura u t-tagħmir tal-ICT fl-iskejjel, jipprovdu taħriġ għall-għalliema, jew jiżviluppaw materjal edukattiv (ara l-Kaxxa 1).

Kaxxa 1

Eżempji tal-użu tal-Fondi taħt il-Politika ta’ Koeżjoni għad-diġitalizzazzjoni tal-iskejjel

Il-Greċja tiffinanzja l-pjattaformi ta’ apprendiment diġitali u t-taħriġ tal-għalliema permezz tal-FEŻR u l-FSE.

Il-Kroazja għandha azzjoni unika għad-diġitalizzazzjoni tal-iskejjel pubbliċi kollha sal-2023, inklużi t-tagħmir tal-ICT u t-taħriġ għall-għalliema.

L-Italja tappoġġa prinċipalment l-akkwiżizzjoni ta’ tagħmir tal-IT għal-laboratorji tal-kompjuter tal-iskejjel (ara l-Istampa 1), u t-taħriġ fil-kompetenzi diġitali għall-għalliema.

Stampa 1 – Laboratorju tal-kompjuter fi skola Taljana, iffinanzjat mill-FEŻR

Sors: il-QEA.

Bl-istess mod, il-Polonja użat l-appoġġ taħt il-FEŻR u l-FSE biex tiffinanzja l-konnessjoni tal-iskejjel mal-internet tal-gigabits, tgħammarhom b’laboratorji tal-kompjuter, tipprovdi taħriġ għall-għalliema, u tiżviluppa materjal tal-apprendiment diġitali.

Eżempji ta’ investimenti fid-diġitalizzazzjoni tal-iskejjel fi ħdan l-RRF

Fi ħdan l-RRF, l-RRP nazzjonali tal-Ġermanja kien jinkludi l-finanzjament ta’ apparati ta’ self għall-għalliema fi skejjel pubbliċi u f’dawk privati, pjattaforma nazzjonali tal-edukazzjoni diġitali, u ċentri ta’ eċċellenza tal-edukazzjoni għall-iżvilupp ulterjuri tal-ħiliet diġitali tal-għalliema.

Il-Greċja se tappoġġa prinċipalment it-tagħmir diġitali għall-iskejjel, għall-għalliema u għall-istudenti, kif ukoll id-diġitalizzazzjoni tal-kontenut edukattiv u tas-sistemi ta’ apprendiment interattiv.

L-Italja se tinvesti prinċipalment fil-konnessjoni tal-iskejjel mal-internet b’veloċità għolja, fit-taħriġ għall-għalliema u l-membri l-oħra tal-persunal tal-iskejjel, fil-klassijiet innovattivi, u fl-iżvilupp tal-ħiliet diġitali tal-istudenti.

16 L-azzjonijiet meħuda mill-Kummissjoni għall-appoġġ tad-diġitalizzazzjoni tal-iskejjel, inklużi dawk li jappoġġaw il-Pjan ta’ Azzjoni, huma prinċipalment iffinanzjati mill-programm Erasmus+, li l-Kummissjoni timmaniġġja direttament (ara l-Kaxxa 2).

Kaxxa 2

Azzjonijiet meħuda mill-Kummissjoni għall-appoġġ tad-diġitalizzazzjoni tal-iskejjel fl-Istati Membri

Sabiex tappoġġa l-livell ta’ tħejjija tal-iskejjel u ta’ organizzazzjonijiet ta’ taħriġ oħra għad-diġitalizzazzjoni, il-Kummissjoni żviluppat SELFIE, li hija għodda online bla ħlas biex tgħin lill-iskejjel, lill-għalliema u lill-istudenti jivvalutaw fejn jinsabu fir-rigward tal-apprendiment fl-era diġitali.

Biex tippromwovi l-iżvilupp tal-ħiliet diġitali fl-iskejjel, il-Kummissjoni espandiet il-Ġimgħa Ewropea tal-Ikkowdjar, li hija azzjoni ffinanzjata taħt il-Programm Ewropa Diġitali. Hija titmexxa minn voluntiera li jippromwovu l-ikkowdjar u l-litteriżmu diġitali sabiex jgħinu aktar żgħażagħ jiksbu għarfien bażiku dwar l-ikkowdjar u l-ħsieb komputazzjonali.

Pjattaforma online, eTwinning, tappoġġa l-iskejjel, l-għalliema u l-istudenti fl-użu tal-ICT biex ikollhom konnessjoni minn naħa għal oħra tal-fruntiera, u tgħinhom jaħdmu flimkien fuq proġetti. Is-servizzi ta’ appoġġ nazzjonali kofinanzjati mill-UE fl-Istati Membri u fil-pajjiżi msieħba jgħinu biex il-pjattaforma tiġi promossa fil-livell nazzjonali.

Fl-aħħar nett, l-iskejjel u organizzazzjonijiet edukattivi oħra jistgħu jibbenefikaw minn għotjiet individwali għal proġetti ta’ sħubija strateġika transnazzjonali relatati mad-diġitalizzazzjoni.

Ambitu u approċċ tal-awditjar

17 F’dan l-awditu, ivvalutajna azzjonijiet b’appoġġ għall-edukazzjoni diġitali fl-iskejjel. Eżaminajna speċifikament jekk:

  • l-azzjonijiet meħuda mill-Kummissjoni, b’mod partikolari taħt il-programm Erasmus+, kinux jappoġġaw sew id-diġitalizzazzjoni tal-iskejjel;
  • l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali fl-Istati Membri użawx il-finanzjament disponibbli mill-UE taħt il-Politika ta’ Koeżjoni kif intenzjonat;
  • fid-dawl tal-implimentazzjoni tal-RRF li se tkompli għaddejja sal-2026, l-Istati Membri indirizzawx sew id-diġitalizzazzjoni tal-iskejjel fl-RRPs tagħhom; u
  • l-Istati Membri kinux ikkonkretizzaw il-mira strateġika tal-2025 tal-Kummissjoni21 fi strateġiji jew approċċi nazzjonali biex l-iskejjel jiġu konnessi mal-internet tal-gigabits, u jekk il-konnettività reali tal-iskejjel hijiex fit-triq it-tajba biex tilħaq dik il-mira.

18 Għal dan il-fini, għażilna sitt Stati Membri: il-Ġermanja, il-Greċja, il-Kroazja, l-Italja, l-Awstrija u l-Polonja. Għall-Ġermanja, fejn ir-reġjuni (Bundesländer) għandhom responsabbiltà esklużiva għall-politika tal-edukazzjoni, għażilna l-Land ta’ Nordrhein-Westfalen, li huwa r-reġjun bl-akbar popolazzjoni ta’ skejjel u studenti. Fil-perjodu 2014-2020, dawn l-Istati Membri kienu jew nefqu ammonti sinifikanti ta’ finanzjament taħt il-Politika ta’ Koeżjoni (FSIE) fuq id-diġitalizzazzjoni tal-iskejjel tagħhom, jew attwalment jużaw appoġġ mir-REACT-EU għal dak l-iskop, jew inkella kienu inkludew miżuri ddedikati fl-RRPs tagħhom li għandhom jiġu ffinanzjati mill-RRF sa tmiem l-2026. Sa tmiem l-2021, madwar EUR 2.6 biljun f’finanzjament taħt il-Politika ta’ Koeżjoni kienu tħallsu jew ġew impenjati għad-diġitalizzazzjoni tal-iskejjel. Attwalment EUR 1.1 biljun oħra huma disponibbli taħt ir-REACT-EU. Minbarra dan, se jiġu żborżati aktar minn EUR 7 biljun sal-2026 lil erbgħa minn dawn l-Istati Membri, li jagħżlu li jużaw l-RRF għall-istess skop, bil-kundizzjoni li jilħqu b’mod sodisfaċenti l-istadji importanti u l-miri ddefiniti fl-RRPs (ara l-Figura 4).

Figura 4 – Fondi tal-UE allokati għad-diġitalizzazzjoni tal-iskejjel fl-Istati Membri li żorna

Nota: l-ammonti taħt il-FSIE li tħallsu jew ġew impenjati sal-31.12.2021, jew li ġew ibbaġitjati għar-REACT-EU. Għall-RRF, l-ammonti bbażati fuq il-kostijiet stmati inklużi fl-RRPs li għandhom jiġu ffinanzjati mill-ġdid ladarba l-istadji importanti u l-miri jintlaħqu b’mod sodisfaċenti sal-2026 (ara l-Anness I).

Sors: il-QEA, ibbażat fuq data pprovduta mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri.

19 Fis-sitt Stati Membri kollha, irrieżaminajna l-istrateġiji u l-approċċi għad-diġitalizzazzjoni tal-iskejjel. Minbarra dan, eżaminajna kampjun ta’ 61 azzjoni jew proġett li ġew iffinanzjati jew li se jiġu ffinanzjati mill-FEŻR, mill-FSE, mill-RRF, u mill-programm Erasmus+, li lkoll kellhom l-għan li jappoġġaw id-diġitalizzazzjoni tal-iskejjel. Għażilna dawn il-proġetti jew minħabba s-sinifikat finanzjarju tagħhom, jew inkella minħabba r-rilevanza tagħhom għall-edukazzjoni diġitali fl-iskejjel. Il-fokus tax-xogħol li wettaqna kien fuq kemm dawn il-proġetti kienu inkorporati sew fl-istrateġiji nazzjonali għad-diġitalizzazzjoni tal-iskejjel. Ivvalutajna wkoll kemm dawn kienu effettivi fit-tisħiħ tal-edukazzjoni diġitali fl-iskejjel. Minbarra dan, żorna 35 skola li kienu bbenefikaw, b’xi mod jew ieħor, minn appoġġ mill-UE li ngħata fi ħdan il-proġetti awditjati (ara l-Anness II).

20 F’kooperazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali u dawk reġjonali rilevanti, wettaqna wkoll stħarriġ online ta’ aktar minn 49 000 skola primarja u sekondarja f’Nordrhein-Westfalen (il-Ġermanja), il-Greċja, il-Kroazja, l-Italja u l-Polonja. Dan l-istħarriġ kopra madwar kwart tal-iskejjel fl-UE. L-iskop tiegħu kien li jikseb informazzjoni aġġornata, li ma kinitx disponibbli b’mod ieħor, dwar il-konnettività tal-gigabits reali tal-iskejjel, ir-rwol tal-edukazzjoni diġitali, kif ukoll l-użu tal-għodod u l-azzjonijiet tal-UE f’dan il-qasam (ara l-ispjegazzjoni fl-Anness III). Ma stħarriġniex l-iskejjel Awstrijaċi, minħabba li l-awtoritajiet nazzjonali ddeċidew li ma jappoġġjawniex fit-trażmissjoni tal-kwestjonarji tagħna lill-iskejjel.

21 Fl-aħħar nett, ibbażajna fuq sejbiet mir-rapporti speċjali preċedenti tagħna, bħal dawk dwar l-infrastruttura tal-broadband b’veloċità għolja f’żoni urbani u rurali22, u dwar il-valutazzjoni mill-Kummissjoni tal-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza23.

22 Wettaqna l-awditu tagħna fl-2021 u fl-2022 u koprejna l-perjodu mill-2015 sal-2021. Ma koprejniex l-użu tal-Fondi taħt il-Politika ta’ Koeżjoni 2021-2027, billi l-Kummissjoni kienet għadha ma kkompletatx il-valutazzjoni tagħha tal-abbozz ta’ programmi għall-biċċa l-kbira mill-Istati Membri sa tmiem ix-xogħol tal-awditjar li wettaqna fuq il-post f’Ġunju 2022.

23 Iddeċidejna li nwettqu dan l-awditu fid-dawl tal-isforzi akbar imwettqa mill-Kummissjoni biex tappoġġa lill-Istati Membri fid-diġitalizzazzjoni tal-iskejjel, u tal-ammonti sinifikanti ta’ appoġġ mill-UE disponibbli għall-Istati Membri għal dak l-iskop, b’mod partikolari b’rispons għall-pandemija tal-COVID-19.

24 Dan l-awditu għandu l-għan li jgħin lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali tal-Istati Membri jindirizzaw b’mod aktar effettiv l-isfidi tad-diġitalizzazzjoni tal-iskejjel matul il-perjodu 2021-2027.

Osservazzjonijiet

L-Istati Membri għamlu biss użu limitat mill-appoġġ tal-Kummissjoni għad-diġitalizzazzjoni tal-iskejjel tagħhom

Fil-biċċa l-kbira mill-Istati Membri kien hemm strateġiji ddedikati għad-diġitalizzazzjoni tal-iskejjel

25 Il-Pjan ta’ Azzjoni għandu l-għan li jappoġġa lill-Istati Membri fl-indirizzar tal-isfidi għall-edukazzjoni diġitali billi jipprovdi għodod li jgħinu lill-edukaturi u lill-ħarrieġa jagħmlu użu aħjar mit-teknoloġija. Dan jinkludi l-iżvilupp ta’ ħiliet diġitali rilevanti, kif ukoll evidenza u analiżi aħjar. L-aġġornament tal-2020 tal-Pjan irrinforza dawn l-ambizzjonijiet (ara l-Figura 2). Eżaminajna jekk l-Istati Membri li żorna kinux adottaw jew aġġornaw l-istrateġiji tagħhom stess biex jappoġġaw id-diġitalizzazzjoni tal-iskejjel tagħhom u jekk kinux inkorporaw elementi tal-Pjan ta’ Azzjoni indirizzati lill-iskejjel fl-istrateġiji tagħhom minn mindu ġie adottat il-Pjan fl-2018.

26 Matul il-perjodu 2014-2020, il-Greċja u l-Kroazja ma kellhom l-ebda strateġija ddedikata għad-diġitalizzazzjoni tal-iskejjel. Fil-Greċja, l-istrateġija nazzjonali għad-diġitalizzazzjoni tal-2016 semmiet id-diġitalizzazzjoni tal-iskejjel bħala waħda minn diversi prijoritajiet u rreferiet għar-rwol tal-appoġġ mill-UE f’dan il-proċess. Madankollu, hija ma stabbilietx skeda ta’ żmien ċara għall-implimentazzjoni. Il-Kroazja kellha diversi strateġiji nazzjonali għall-konnettività u l-edukazzjoni li kienu jinkludu wkoll l-iskejjel, u proġett iddedikat għad-diġitalizzazzjoni tal-iskejjel li kien ibbażat fuq l-Istrateġija għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u t-Teknoloġija tal-2014 (ara l-paragrafu 59).

27 Għall-perjodu 2014-2020, l-Italja kienet diġà stabbiliet l-istrateġija tagħha għad-diġitalizzazzjoni tal-iskejjel fil-“Pjan Nazzjonali għad-Diġitalizzazzjoni tal-Iskejjel”. Fl-2020, hija adottat strateġija nazzjonali għall-kompetenzi diġitali, li kienet tkopri wkoll l-iskejjel.

28 Il-Polonja kienet żviluppat diversi strateġiji ġenerali u proġetti globali b’rilevanza għad-diġitalizzazzjoni tal-iskejjel. Madankollu, sal-2022, kienet għadha ma ġietx żviluppata strateġija mmirata għad-diġitalizzazzjoni tal-edukazzjoni (inklużi l-iskejjel), u lanqas ma kien ġie żviluppat il-pjan biex jiġi implimentat l-RRP.

29 Fl-2019, il-Ġermanja kienet stabbiliet programm ta’ appoġġ nazzjonali ddedikat għad-diġitalizzazzjoni tal-iskejjel (id-DigitalPakt Schule 2019-2024). Minbarra dan, fil-livell reġjonali, Nordrhein-Westfalen adotta strateġija ddedikata għall-iskejjel (Digitalstrategie Schule NRW – Lehren und Lernen in der digitalen Welt) fl-2020, meta l-Awstrija adottat ukoll l-istrateġija tagħha stess (8-Punkte-Plan).

Kienu biss ftit l-Istati Membri li kienu inkorporaw elementi tal-Pjan ta’ Azzjoni fl-istrateġiji tagħhom

30 L-Italja biss irreferiet għall-Pjan ta’ Azzjoni fl-istrateġija rilevanti. Il-ministeru rilevanti kien diġà appoġġa kull waħda mill-azzjonijiet tal-Pjan tal-2018 bl-azzjonijiet tiegħu stess, u kellu l-intenzjoni li jagħmel dan meta jimplimenta l-istrateġija nazzjonali għall-kompetenzi diġitali.

31 Fil-Ġermanja, ir-reġjuni kienu qablu dwar qafas ta’ gwida għall-edukazzjoni diġitali li kien jirreferi għal DigComp, li huwa qafas Ewropew ta’ kompetenza diġitali għaċ-ċittadini. Dan jiddeskrivi l-ħiliet l-aktar importanti li l-persuni jeħtieġu sabiex jipparteċipaw fid-dinja diġitali, u huwa rilevanti wkoll għall-iskejjel. Madankollu, l-ebda element ieħor tal-Pjan ta’ Azzjoni ma kien ġie adottat b’mod espliċitu fl-istrateġija tar-reġjun li żorna.

32 Fil-Greċja, sa tmiem l-2022, l-ebda waħda mill-istrateġiji ma kienet tirreferi għall-Pjan ta’ Azzjoni, filwaqt li fil-Kroazja, l-awtoritajiet qiesu l-Pjan aġġornat bħala punt tat-tluq għat-tħejjija tal-Pjan ta’ Żvilupp tas-Sistema Nazzjonali tal-Edukazzjoni tagħhom għall-perjodu mill-2022 sal-2027 iżda ma kinux iddefinew azzjonijiet konkreti sa tmiem l-2022.

33 Fl-Awstrija, il-Pjan ta’ Azzjoni ma ttiħidx inkunsiderazzjoni b’mod espliċitu meta tħejjiet l-istrateġija nazzjonali, primarjament minħabba li l-pilastri prinċipali tagħha tfasslu qabel ma l-Pjan ġie ppubblikat fl-2018. Fil-Polonja, l-ebda waħda mill-istrateġiji ma kienet tirreferi għal – jew tinkorpora b’mod ċar – elementi tal-Pjan ta’ Azzjoni, għalkemm iż-żjara tal-awditjar li wettaqna wriet li xi proġetti fil-fatt indirizzaw ftit mill-azzjonijiet prijoritarji tagħha.

Ħafna skejjel ma kinux konxji mill-azzjonijiet rilevanti meħuda mill-Kummissjoni għad-diġitalizzazzjoni tal-iskejjel

34 Permezz tal-Pjan ta’ Azzjoni, il-Kummissjoni tappoġġa direttament id-diġitalizzazzjoni tal-iskejjel b’għodod online bla ħlas u b’azzjonijiet li huma disponibbli għall-iskejjel kollha. L-aktar rilevanti minn dawn kienu SELFIE, il-Ġimgħa Ewropea tal-Ikkowdjar u eTwinning (ara l-Kaxxa 2). Għalhekk eżaminajna kemm il-Kummissjoni kienet effettiva biex tilħaq l-iskejjel fl-Istati Membri b’dawn l-azzjonijiet.

35 Il-Kummissjoni infurmatna li, b’mod ġenerali, diversi miljuni ta’ studenti u persuni oħra f’ħafna Stati Membri, kif ukoll barra mit-territorju tal-UE, kienu għamlu użu minn SELFIE, il-Ġimgħa Ewropea tal-Ikkowdjar, u eTwinning. Pereżempju, sa tmiem l-2022, SELFIE kellha aktar minn 3 miljun student u għalliem irreġistrat f’aktar minn 20 000 skola fl-UE. Madankollu, meta staqsejna lill-iskejjel fl-istħarriġ tagħna dwar dawn l-għodod, il-biċċa l-kbira qalu li jew ma kinux familjari magħhom jew inkella ma kinux użawhom. L-istħarriġ li wettaqna kkonferma wkoll li SELFIE – l-inizjattiva l-aktar ġdida – kienet bil-bosta l-għodda li l-iskejjel kienu l-inqas familjari magħha, segwita mill-Ġimgħa Ewropea tal-Ikkowdjar. B’kuntrast ma’ dan, kien hemm biss ftit skejjel fil-Greċja, fil-Kroazja u fl-Italja li ma kinux konxji minn eTwinning (ara l-Figura 5).

Figura 5 – Sehem tal-iskejjel mistħarrġa li ma kinux konxji mill-azzjonijiet magħżula, meħuda mill-Kummissjoni, li jappoġġaw id-diġitalizzazzjoni tal-iskejjel

Sors: stħarriġ imwettaq mill-QEA.

36 L-analiżi li wettaqna tad-data mill-Kummissjoni u tal-istatistika tal-Eurostat dwar l-iskejjel għall-2020, li jkopru l-Istati Membri kollha, turi wkoll li kien hemm differenzi sinifikanti bejn l-Istati Membri f’termini tas-sehem ta’ studenti u għalliema li jużaw SELFIE. Spanja u l-Portugall kienu minn ta’ quddiem, filwaqt li fi Stati Membri oħra bilkemm kien hemm xi skejjel li użaw l-għodda (ara l-Figura 6).

Figura 6 – Sehem ta’ studenti u għalliema li jużaw SELFIE fl-Istati Membri

Sors: il-QEA, ibbażat fuq data pprovduta mill-Kummissjoni u mill-Eurostat.

37 Fl-Istati Membri li żorna, sibna li r-raġuni prinċipali għalfejn SELFIE ma ntużatx kienet minħabba nuqqas ta’ sensibilizzazzjoni tal-iskejjel individwali dwar l-għodda, u l-fatt li din ma kinitx ġiet integrata fl-istrateġiji nazzjonali jew reġjonali għall-edukazzjoni diġitali. Fil-Kroazja u l-Awstrija, l-iskejjel użaw għodod nazzjonali b’karatteristiċi simili li kienu ġew żviluppati qabel SELFIE. Nosservaw li l-għan kumplessiv ta’ SELFIE għandu mnejn jiġi pperikolat jekk hija jkollha tikkompeti mal-għodod u l-proċessi li l-iskejjel diġà qed jużaw. Il-Kummissjoni spjegat l-għadd kbir ta’ utenti rreġistrati fi Spanja u l-Portugall (li ma kinux parti mill-għażla tagħna ta’ Stati Membri) bil-fatt li l-ministeri tal-edukazzjoni nazzjonali ppromwovew attivament l-użu ta’ SELFIE fl-iskejjel.

38 Bl-istess mod, l-użu tal-azzjonijiet taħt eTwinning kien ivarja sinifikattivament bejn l-Istati Membri li żorna. Pereżempju, fl-Italja, il-ministeru rilevanti kien organizza taħriġ speċifiku biex jappoġġa l-għalliema fl-użu tal-għodda u biex jippromwovi l-inizjattiva fl-iskejjel. Fi Stati Membri oħra, il-ministeri tal-edukazzjoni nazzjonali jew reġjonali ma kinux ħeġġew speċifikament lill-iskejjel biex jipparteċipaw f’attivitajiet tal-UE, jew ma kinux integrawhom fil-kurrikulu.

Id-diġitalizzazzjoni ma kellhiex prijorità fi proġetti ta’ sħubija strateġika għall-iskejjel

39 Permezz ta’ sħubijiet strateġiċi li jinvolvu l-iskejjel u organizzazzjonijiet oħra attivi fil-qasam tal-edukazzjoni, il-Kummissjoni għandha l-għan li tappoġġa l-iżvilupp, it-trasferiment u/jew l-implimentazzjoni ta’ prattiki innovattivi fil-livelli organizzattivi, lokali, reġjonali, nazzjonali jew Ewropej. Għalkemm id-diġitalizzazzjoni ma kinitx objettiv espliċitu tal-programm Erasmus+ fil-perjodu 2014-2020, il-linji gwida tal-Kummissjoni ħeġġew lill-iskejjel biex japplikaw bi proġetti għat-tagħlim ibbażat fuq l-ICT, l-edukazzjoni miftuħa u l-prattiki innovattivi f’era diġitali. Mill-2020 ’il hawn, il-linji gwida enfasizzaw ulterjorment l-iżvilupp ta’ ekosistemi tal-edukazzjoni diġitali bi prestazzjoni għolja u l-użu aħjar tat-teknoloġiji diġitali għat-tagħlim u l-apprendiment. Għaldaqstant eżaminajna l-punt sa fejn Erasmus+ għen lill-iskejjel fl-isforzi ta’ diġitalizzazzjoni tagħhom.

40 Fil-kuntest tal-programm Erasmus+, sibna li l-Kummissjoni ma kinitx iddefiniet ulterjorment il-kunċett ta’ “diġitalizzazzjoni”, u ma kinitx iċċarat l-impatt li għandu jinkiseb bil-finanzjament. Il-kriterji tal-għażla għall-proġetti ma kinux enfasizzaw b’mod partikolari l-proġetti relatati mal-ICT jew id-diġitalizzazzjoni tal-iskejjel. Qabel il-pandemija tal-COVID-19, kien hemm aktar minn 8 700 proġett għal sħubijiet bejn l-iskejjel u sħubijiet strateġiċi bejn l-iskejjel u organizzazzjonijiet oħra, li l-Kummissjoni kienet ilha li approvat mill-2015. Nistmaw li sehem negliġibbli biss ta’ proġetti fl-Istati Membri li żorna kellhom l-għan li jżidu l-kompetenzi diġitali jew l-adozzjoni ta’ metodi ta’ apprendiment ġodda bbażati fuq l-ICT fl-iskejjel. F’Awwissu 2020, b’rispons għall-pandemija tal-COVID-19, il-Kummissjoni nediet sejħa addizzjonali li permezz tagħha pprovdiet EUR 100 miljun addizzjonali biex tippromwovi l-livell ta’ tħejjija għall-edukazzjoni diġitali, li kienet immirata lejn l-iskejjel u entitajiet edukattivi oħra24. Madankollu, sal-2022, il-proġetti finanzjarjament appoġġati taħt is-sejħa kienu għadhom għaddejjin u r-riżultati kienu għadhom mhumiex disponibbli.

41 Fil-kampjun tagħna ta’ 10 proġetti għal sħubijiet strateġiċi li kienu jinvolvu elementi ta’ diġitalizzazzjoni u li kienu bdew qabel l-2020, sibna li, fejn ma kinux iddewmu minħabba l-pandemija tal-COVID-19, il-proġetti inkwistjoni kienu kisbu l-outputs intenzjonati u appoġġaw il-parteċipanti b’soluzzjonijiet innovattivi ta’ apprendiment u tagħlim. Madankollu, l-impatt tagħhom kien fil-biċċa l-kbira limitat għall-parteċipanti. Dawn ma kinux inkorporati fi jew marbuta ma’ strateġiji ta’ diġitalizzazzjoni nazzjonali jew reġjonali, u l-koordinazzjoni ma’ azzjonijiet oħra ffinanzjati mill-UE jew iffinanzjati nazzjonalment ma kinitx rekwiżit. Kien biss fi tnejn mill-proġetti li awditjajna li l-approċċi ġodda ta’ apprendiment kienu saru parti integrali mill-kurrikulu tal-iskola. Madankollu, għal dawn il-proġetti wkoll, ma kien hemm l-ebda informazzjoni disponibbli dwar jekk l-approċċi kinux ġew disseminati lill-iskejjel li ma kinux ipparteċipaw fil-proġett.

L-appoġġ finanzjarju mill-UE kkontribwixxa għad-diġitalizzazzjoni tal-iskejjel iżda kien hemm dgħufijiet fl-allokazzjoni tal-finanzjament

L-azzjonijiet iffinanzjati mill-UE mhux dejjem kienu inkorporati sew fl-istrateġiji nazzjonali għad-diġitalizzazzjoni tal-iskejjel

42 Approċċ strateġiku u kkoordinat fi ħdan l-Istati Membri jew ir-reġjuni għal investimenti fl-infrastruttura skolastika, l-iżvilupp professjonali tal-għalliema, u d-disponibbiltà ta’ kontenut elettroniku u ta’ kunċetti għat-tagħlim diġitali jipprometti impatt akbar fuq l-integrazzjoni tal-edukazzjoni diġitali fl-iskejjel. F’dan l-isfond, eżaminajna jekk l-azzjonijiet iffinanzjati mill-UE fl-Istati Membri li żorna kinux għall-inqas inkorporati sew fl-istrateġiji nazzjonali jew reġjonali aġġornati għad-diġitalizzazzjoni tal-iskejjel.

43 Sibna li l-azzjonijiet iffinanzjati mill-UE mhux dejjem kienu inkorporati sew fl-istrateġiji nazzjonali għad-diġitalizzazzjoni tal-iskejjel. Dan huwa spjegat ukoll mill-fatt li ma jeżisti l-ebda rekwiżit legali bħal dan fil-leġiżlazzjoni tal-UE (jew dik nazzjonali). Minħabba dan il-kuntest, nosservaw li l-istrateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti, li kienu prekundizzjoni biex l-Istati Membri jew ir-reġjuni jirċievu Fondi taħt il-Politika ta’ Koeżjoni għal investimenti fl-oqsma tar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u l-innovazzjoni, ma kinux jirrikjedu b’mod espliċitu azzjonijiet immirati lejn id-diġitalizzazzjoni tal-iskejjel25.

44 Fil-Ġermanja (Nordrhein-Westfalen), id-Digitalstrategie Schule NRW kienet tinkludi apparati ta’ self għall-għalliema (fl-aħħar mill-aħħar iffinanzjati mill-RRF) u għall-istudenti (iffinanzjati taħt ir-REACT-EU). Madankollu, kemm il-pjattaforma nazzjonali ppjanata tal-edukazzjoni kif ukoll l-appoġġ għaċ-ċentri ta’ eċċellenza tal-edukazzjoni (ara l-Kaxxa 1), ma kienu inkorporati fl-ebda strateġija għad-diġitalizzazzjoni. Sa nofs l-2022, huma baqgħu miżuri iżolati għall-appoġġ tad-diġitalizzazzjoni fl-iskejjel, minħabba li ma kien hemm l-ebda qafas ta’ governanza biex jiġi żgurat li l-Länder, li huma l-atturi prinċipali fl-edukazzjoni fil-Ġermanja, u li għandhom responsabbiltà esklużiva għall-edukazzjoni skolastika, jużaw is-servizzi ppjanati għall-iskejjel tagħhom. Fl-opinjoni tagħna, dan jista’ jnaqqas sinifikattivament il-valur miżjud tagħhom għall-iskejjel.

45 Fil-Greċja u l-Polonja, proġetti ffinanzjati mill-UE bħall-akkwiżizzjoni ta’ apparati ma kinux inkorporati fi strateġija ddedikata għad-diġitalizzazzjoni tal-iskejjel fil-perjodu 2014-2020. Bħala parti minn strateġija ġenerali biex jiġi żviluppat u espandut l-użu ta’ metodi ta’ tagħlim moderni bbażati fuq l-ICT għal-livelli u t-tipi kollha ta’ edukazzjoni, il-Kroazja kienet inkorporat id-diġitalizzazzjoni tal-iskejjel fi proġett uniku li beda fl-2015, u għaldaqstant setgħet tieħu approċċ fil-biċċa l-kbira olistiku għad-diġitalizzazzjoni tal-iskejjel tagħha. Fl-istrateġija Awstrijaka għall-appoġġ tad-diġitalizzazzjoni tal-iskejjel, l-azzjonijiet iffinanzjati mill-UE kellhom rwol ċentrali sa fejn il-forniment ta’ apparati lill-istudenti kien l-element finanzjarjament l-aktar importanti tagħha.

46 Għalkemm fl-Italja xi azzjonijiet iffinanzjati mill-programmi taħt il-Politika ta’ Koeżjoni 2014-2020 kienu inkorporati sew fil-Pjan Nazzjonali għad-Diġitalizzazzjoni tal-Iskejjel (ara l-paragrafu 27), pjan ta’ azzjoni ġdid li jappoġġa l-istrateġija ġenerali l-ġdida dwar il-kompetenzi diġitali kien jirreferi għal azzjonijiet għad-diġitalizzazzjoni tal-iskejjel biss sa fejn dawn kellhom jiġu ffinanzjati mill-RRF. Madankollu, għalkemm f’Ġunju 2022 l-Italja kienet adottat is-School 4.0 plan biex l-iskejjel jiġu mgħammra bi klassijiet innovattivi, hija ma kinitx aġġornat l-istrateġija speċifika tagħha għad-diġitalizzazzjoni tal-iskejjel. B’riżultat ta’ dan, hemm nuqqas ta’ speċifikazzjoni ta’ kif l-azzjonijiet iffinanzjati mill-RRF se jiġu kkomplementati minn azzjonijiet oħra tal-UE ffinanzjati mill-programmi taħt il-Politika ta’ Koeżjoni 2021-2027, jew minn azzjonijiet iffinanzjati nazzjonalment li kienu meħtieġa biex jiġi żgurat li l-azzjonijiet iffinanzjati mill-RRF kienu effettivi bis-sħiħ.

47 Il-Greċja, li qed tippjana investimenti sostantivi fid-diġitalizzazzjoni tal-iskejjel li għandhom jiġu ffinanzjati mill-RRF sal-2025 (ara l-Anness I), ippreżentat strateġija globali fl-2021 għat-trasformazzjoni diġitali tas-soċjetà u l-ekonomija (il-“Bibbja għat-Trasformazzjoni Diġitali 2020-2025”), li tkopri wkoll l-edukazzjoni u l-iskejjel. Madankollu, sal-2022, kien hemm biss stima approssimattiva tal-baġit meħtieġ għal azzjonijiet biex jikkomplementaw il-miżuri ffinanzjati mill-RRF, u l-ministeru rilevanti ma kienx ikkonkretizza l-prijoritajiet fis-settur tal-edukazzjoni fi pjanijiet ta’ azzjoni konkreti.

48 Billi, fl-Istati Membri li żorna, l-azzjonijiet iffinanzjati mill-UE normalment kienu (bl-eċċezzjoni tal-Kroazja) interventi uniċi, bħall-akkwiżizzjoni ta’ apparati għall-għalliema jew l-istudenti, jew it-taħriġ għall-għalliema, nuqqas ta’ integrazzjoni fl-istrateġiji nazzjonali jew reġjonali rilevanti jżid ir-riskju ta’ użu frammentat tal-fondi tal-UE, u għaldaqstant jaffettwa negattivament l-impatt potenzjali tagħhom.

Il-finanzjament mogħti mill-UE ppermetta li l-Istati Membri jappoġġaw id-diġitalizzazzjoni tal-iskejjel, iżda xi drabi dan sempliċiment issostitwixxa l-finanzjament nazzjonali li kien diġà ġie allokat

49 Kemm il-Fondi taħt il-Politika ta’ Koeżjoni 2014-2020 kif ukoll l-appoġġ mill-RRF huma suġġetti għall-kundizzjoni li ma jissostitwux in-nefqa strutturali pubblika jew ekwivalenti minn Stat Membru, li ma jissostitwux in-nefqa baġitarja nazzjonali rikorrenti, u li jkunu addizzjonali għall-appoġġ ipprovdut taħt programmi u strumenti oħra tal-UE (il-prinċipju tal-addizzjonalità)26. Għalhekk eżaminajna jekk l-azzjonijiet iffinanzjati mill-UE għad-diġitalizzazzjoni tal-iskejjel kinux konformi ma’ dan il-prinċipju.

50 Fil-kampjun tagħna, sibna azzjonijiet għad-diġitalizzazzjoni tal-iskejjel fil-Ġermanja (Nordrhein-Westfalen) li ġew inklużi retroattivament fl-RRP Ġermaniż: fil-bidu tal-2020, l-awtoritajiet reġjonali kienu diġà ddeċidew li jiffinanzjaw l-apparati rispettivi għall-għalliema mill-baġit reġjonali. Din il-miżura issa se tiġi ffinanzjata mill-ġdid mill-RRF. Dan l-approċċ kien konformi mar-regoli applikabbli u għalhekk kien ġie aċċettat mill-Kummissjoni matul in-negozjati tal-RRP Ġermaniż. Madankollu, filwaqt li dan jikkonforma formalment mal-prinċipju tal-addizzjonalità u l-possibbiltà ta’ retroattività kif stabbilit fil-leġiżlazzjoni rilevanti27, inqisu li ma hemm l-ebda valur miżjud intrinsiku tal-finanzjament mogħti mill-UE permezz tal-RRF f’każ bħal dan.

L-azzjonijiet iffinanzjati mill-UE kkontribwew għad-diġitalizzazzjoni tal-iskejjel iżda r-riżultati mistennija tal-miżuri li għandhom jiġu ffinanzjati mill-RRF ma ġewx iddefiniti b’mod ċar

51 Fl-Istati Membri li użaw il-Fondi taħt il-Politika ta’ Koeżjoni għad-diġitalizzazzjoni tal-iskejjel, eżaminajna jekk il-proġetti rrispondewx għall-ħtiġijiet reali tal-iskejjel u jekk kinux kisbu l-outputs intenzjonati tagħhom. Billi fl-2022 il-biċċa l-kbira mill-miżuri appoġġati mill-RRF kienu biss għadhom se jibdew fl-Istati Membri li żorna, ivvalutajna kemm kienet ċara d-definizzjoni tal-istadji importanti u l-miri biex jiġi mmarkat il-progress. Ivvalutajna wkoll liema riżultati kienu mistennija mill-investimenti. Minbarra dan, ivvalutajna miżuri individwali fil-Ġermanja (apparati għall-għalliema) u fl-Awstrija (apparati għall-istudenti) fl-iskejjel li kienu diġà bbenefikaw minnhom.

52 Fl-ambitu tal-Fondi taħt il-Politika ta’ Koeżjoni, il-proġetti ffinanzjati mill-UE li rrieżaminajna kienu jinvolvu normalment aspetti individwali tad-diġitalizzazzjoni, bħax-xiri ta’ tagħmir tal-ICT, it-taħriġ tal-għalliema, jew il-forniment ta’ materjal tal-apprendiment diġitali lill-iskejjel permezz ta’ pjattaformi ddedikati. L-analiżi li wettaqna sabet li l-proġetti kisbu l-output intenzjonat tagħhom fil-biċċa l-kbira mill-każijiet, iżda identifikajna diversi fatturi li pprevenew lill-iskejjel li żorna milli jagħmlu l-aħjar użu mill-appoġġ mogħti mill-UE (ara l-Kaxxa 3).

Kaxxa 3

Eżempji ta’ fatturi li jipprevienu l-aħjar eżiti għall-proġetti ffinanzjati mill-UE

Fil-Greċja u fl-Italja, veloċitajiet baxxi tal-konnettività u networks inadegwati fil-binjiet tal-iskejjel ipprevenew lil ħafna skejjel milli jagħmlu l-aħjar użu mit-tagħmir iffinanzjat mill-UE, b’mod partikolari għall-applikazzjonijiet cloud jew il-pjattaformi tal-edukazzjoni. Iż-żewġ Stati Membri t-tnejn li huma organizzaw taħriġ iddedikat fl-ICT għall-għalliema bl-appoġġ mill-UE, iżda dan kien jirrappreżenta biss proporzjon relattivament żgħir tal-għalliema kollha. B’riżultat ta’ dan, il-biċċa l-kbira mill-iskejjel li wieġbu għall-istħarriġ tagħna xorta raw ħtieġa konsiderevoli li l-għalliema jsiru diġitalment kompetenti u kunfidenti.

Fil-Polonja, bħal fil-Greċja, il-biċċa l-kbira mill-iskejjel użaw regolarment materjal tal-apprendiment diġitali ffinanzjat mill-UE. Madankollu, minħabba restrizzjonijiet baġitarji, l-istudenti ma kellhomx apparati adatti biex jużaw effettivament il-materjal fil-klassi, b’mod partikolari barra mil-lezzjonijiet iddedikati għall-ICT. Fiż-żewġ Stati Membri, l-istudenti wkoll ma tħallewx iġibu l-apparati tagħhom stess fil-biċċa l-kbira mill-iskejjel, minkejja li dan huwa magħruf li jżid l-użu tagħhom mill-istudenti għal skopijiet ta’ studju. B’kuntrast ma’ dan, bħala parti mill-istrateġija tal-Italja għad-diġitalizzazzjoni, il-ministeru rilevanti ħeġġeġ lill-istudenti biex iġibu l-apparati tagħhom stess magħhom l-iskola.

53 Fejn l-Istati Membri jużaw l-RRF għad-diġitalizzazzjoni tal-iskejjel, l-istadji importanti u l-miri li jeħtiġilhom jilħqu b’mod sodisfaċenti għall-iżborż tal-appoġġ taħt l-RRF normalment isemmu inputs jew outputs bħall-ammonti investiti, l-apparati akkwistati, jew l-għadd ta’ għalliema mħarrġa. Awditu ieħor minn dawk li wettaqna kien diġà sab li xi stadji importanti u miri kienu nieqsa miċ-ċarezza, li mhux l-istadji ewlenin kollha kienu koperti, u li dawn ikejlu l-output aktar milli l-impatt28. Min-natura tagħhom, l-indikaturi tal-impatt għandhom perjodu ta’ żmien itwal, li jista’ ma jkunx adatt għall-iskeda ta’ żmien limitata għall-implimentazzjoni tal-RRF. Madankollu, l-evitar tal-indikaturi tal-impatt jillimita b’mod konsiderevoli l-possibbiltà li tiġi vvalutata l-prestazzjoni tal-miżuri. Barra minn hekk, f’dan l-awditu sibna eżempji ta’ dgħufijiet fid-definizzjoni tal-istadji importanti u l-miri, li ma kinitx tirreferi għar-riżultati mistennija għad-diġitalizzazzjoni tal-iskejjel. Konsegwentement, l-iżborż sħiħ tal-fondi lill-Istati Membri jista’ jseħħ, anki jekk f’dak l-istadju fl-iskejjel ikunu nkisbu riżultati baxxi biss jew ma nkiseb l-ebda riżultat (ara l-Kaxxa 4).

Kaxxa 4

Riżultati mistennija mhux ċari għall-miżuri ffinanzjati mill-RRF fl-iskejjel

Fl-Italja u fl-Awstrija, il-miżuri li jinsabu fl-RRPs nazzjonali kienu jinvolvu wkoll riforma tas-settur tal-edukazzjoni mmirata lejn it-tisħiħ tal-offerta ta’ servizzi ta’ taħriġ mill-kindergarten sal-università (l-Italja), jew l-aċċess ġust u ugwali għal ħiliet diġitali bażiċi għall-istudenti kollha tas-sekondarja tal-ewwel livell (l-Awstrija). Madankollu, il-progress reali f’termini tal-edukazzjoni diġitali li l-iskejjel suppost jiksbu għadu mhux ċar dwar il-livell tal-istadji importanti u l-miri ddefiniti għal dawn il-miżuri.

Fil-Ġermanja, l-iżborż sħiħ tal-appoġġ għall-miżura tal-apparati għall-għalliema jingħata bil-kundizzjoni li l-għalliema jkunu osservaw titjib fl-infrastruttura diġitali disponibbli u fl-użu tal-media diġitali fl-iskejjel (ara l-Anness IV). Madankollu, għadu mhux ċar x’riżultati għall-edukazzjoni diġitali huma mistennija mill-investiment.

Fil-Greċja, il-miżura tal-investiment għad-diġitalizzazzjoni tal-iskejjel tinvolvi 11-il sottoproġett (azzjoni) fil-livell nazzjonali, li jvarjaw minn tagħmir interattiv għall-iskejjel, taħriġ għall-għalliema, u apparati għall-istudenti u l-għalliema, sal-iżvilupp ta’ ċentri ta’ innovazzjoni u servizzi diġitali għall-iskejjel u l-universitajiet. Jenħtieġ li l-miżura tkun akkumpanjata minn strateġija ta’ riforma komprensiva biex jiġu aġġornati l-kurrikuli, jiġu razzjonalizzati s-servizzi u jiġu mmonitorjati l-eżiti edukattivi. Madankollu, għall-iżborż sħiħ tal-appoġġ (mira tal-ikkompletar), il-Greċja trid tinstalla, sa tmiem l-2024, minimu ta’ biss 36 000 sistema ta’ apprendiment interattiv bħal whiteboards, laptops, jew proġekters interattivi għall-klassijiet fl-iskejjel primarji u sekondarji, minkejja li dan huwa biss wieħed minn ħafna sottoproġetti ffinanzjati mill-RRF għat-titjib tal-edukazzjoni diġitali.

54 Fl-ambitu tal-RRF, l-appoġġ mill-UE jiġi żborżat meta Stat Membru jilħaq b’mod sodisfaċenti l-miri u l-istadji importanti ddefiniti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni dwar l-RRP nazzjonali kif adottata mill-Kunsill. Għall-investimenti ffinanzjati mill-RRF fid-diġitalizzazzjoni tal-iskejjel, l-Istati Membri kienu normalment jistmaw l-ammonti inklużi fl-RRP billi jużaw data minn azzjonijiet simili fil-passat fejn tali data kienet disponibbli, għalkemm – minħabba l-urġenza tal-istrument – mingħajr it-twettiq ta’ kwalunkwe analiżi kost-benefiċċji qabel l-inklużjoni tagħhom fl-RRP. Matul in-negozjati għall-RRPs nazzjonali, dawn l-istimi mbagħad ġew ivverifikati u vvalidati mill-Kummissjoni29.

55 B’kuntrast ma’ forom oħra ta’ appoġġ mill-UE, taħt l-RRF il-kostijiet reali tal-miżuri mġarrba mill-Istati Membri jistgħu jkunu ogħla jew aktar baxxi mill-ammonti inklużi fl-RRP nazzjonali30. F’żewġ Stati Membri, sibna li l-istimi tal-kostijiet għaż-żewġ miżuri li diġà qed jiġu implimentati kienu sinifikattivament ogħla mill-kostijiet reali mġarrba matul l-implimentazzjoni (ara l-Kaxxa 5). Il-Kummissjoni tuża dawn l-istimi tal-kostijiet biex tistabbilixxi l-kontribuzzjoni finanzjarja lill-Istat Membru31.

Kaxxa 5

Eżempji ta’ kostijiet ta’ investiment sinifikattivament aktar baxxi għall-miżuri ffinanzjati mill-RRF li jappoġġaw id-diġitalizzazzjoni tal-iskejjel

Fil-Ġermanja, l-RRF tappoġġa l-istabbiliment ta’ pjattaforma nazzjonali tal-edukazzjoni diġitali. Meta l-Kummissjoni vvalutat l-RRP nazzjonali, l-ambitu tal-pjattaforma kien li tinħoloq “ekosistema taż-żona tal-edukazzjoni”. Billi l-investiment intenzjonat ma kellu l-ebda preċedent, il-kostijiet assoċjati mal-proġett ta’ EUR 630 miljun kienu għalhekk ġew stmati biss f’termini ġenerali ħafna u mingħajr ma l-ministeru rilevanti seta’ jikkwantifika l-benefiċċji ta’ pjattaforma bħal din. Saż-żmien taż-żjara li wettaqna f’April 2022, il-ministeru stma l-kostijiet f’ammont inqas minn EUR 500 miljun, bit-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) eskluża. Dan l-ammont huwa ferm inqas mill-EUR 529 miljun li ġew stmati mill-Ġermanja bħala kost, mingħajr il-VAT, għal din il-miżura matul in-negozjati tagħha mal-Kummissjoni.

Fl-Italja, bħala parti mill-investiment ta’ EUR 261 miljun, il-ministeru rilevanti nieda proċedura pubblika ta’ sejħa għal offerti biex aktar minn 9 900 skola jiġu konnessi mal-internet tal-gigabits u ta kuntratti qafas b’valur totali ta’ EUR 166 miljun lil 4 kuntratturi. Dan huwa EUR 18-il miljun inqas mill-kostijiet li l-ministeru rilevanti kien stma għal dan l-istadju tal-proċedura. Barra minn hekk, l-investiment totali ppjanat jinkludi wkoll EUR 41 miljun f’VAT, li hija dħul nazzjonali u mhux kost li għandu jintrefa’ mill-Istat Membru. Il-verifiki ex ante mwettqa mill-Kummissjoni fir-rigward tal-istimi tal-kostijiet għal din il-miżura meta ġie nnegozjat l-RRP nazzjonali, ma qabdux l-inklużjoni tal-VAT.

Il-mod kif l-RRF hija mfassla jfisser li l-ammonti eċċessivi li ma jkunux intefqu fuq miżura jikkostitwixxu de facto appoġġ baġitarju għall-Istat Membru inkwistjoni.

L-iskejjel ma kinux involuti suffiċjentement fl-istabbiliment tal-ħtiġijiet u għaldaqstant tnaqqas l-impatt tal-finanzjament mill-UE

56 L-istrateġiji nazzjonali jew reġjonali għad-diġitalizzazzjoni tal-iskejjel jistgħu jservu biss bħala punt tat-tluq għad-definizzjoni ta’ x’jenħtieġ li jinkiseb mill-iskejjel u x’jeħtieġu speċifikament dawk l-iskejjel. Għaldaqstant huwa importanti li l-ħtiġijiet tal-iskejjel jiġu ddeterminati f’livell xieraq, u bil-ħsieb li jitjiebu l-eżiti tal-apprendiment għall-istudenti. Għal dan il-fini, eżaminajna kemm l-Istati Membri li żorna kienu ħadu sew kont tal-ħtiġijiet tal-iskejjel meta ddefinew il-proġetti ffinanzjati mill-UE.

57 Il-mod kif l-iskejjel jistgħu jesprimu l-ħtiġijiet tagħhom għad-diġitalizzazzjoni jvarja sinifikattivament fl-Istati Membri li żorna. Pereżempju, fil-Ġermanja, l-awtoritajiet tal-iskejjel lokali huma responsabbli għall-konnessjoni tal-iskejjel tagħhom u jgħammruhom b’apparati, filwaqt li l-Land rispettiv jiddefinixxi l-politika tal-edukazzjoni, iħallas is-salarji tal-għalliema, u jipprovdilhom taħriġ. Fil-Kroazja, entità pubblika unika hija responsabbli għall-infrastruttura, kif ukoll għat-taħriġ tal-għalliema fl-ICT u għall-forniment ta’ software għal materjal tal-apprendiment diġitali fl-iskejjel pubbliċi. Fl-Italja, l-iskejjel għandhom livell ta’ awtonomija fix-xiri ta’ tagħmir u servizzi, filwaqt li l-Ministeru għall-Edukazzjoni huwa responsabbli għall-organizzazzjoni ta’ taħriġ għall-għalliema u appoġġ ieħor.

58 Sibna li l-iskejjel mhux dejjem kienu suffiċjentement involuti fil-proċess tal-akkwiżizzjoni biex jesprimu l-ħtiġijiet tagħhom, jew ma setgħux jieħdu approċċ strateġiku għall-edukazzjoni diġitali. Għaldaqstant jista’ jkun li l-proġetti ffinanzjati mill-UE jilħqu l-miri tagħhom u jikkontribwixxu għall-iżvilupp diġitali tal-iskejjel, iżda dawn jibqgħu frammentati u ma għandhom l-ebda impatt sinifikanti fuq id-diġitalizzazzjoni tal-iskejjel fl-intier tagħhom (ara l-Kaxxa 6).

Kaxxa 6

Dgħufijiet fl-istabbiliment tal-ħtiġijiet tal-iskejjel

Fil-Ġermanja (Nordrhein-Westfalen), l-allokazzjoni ta’ fondi lil-Länder għal apparati ta’ self ġodda għall-għalliema segwiet koeffiċjent tad-distribuzzjoni nazzjonali bbażat fuq id-dħul mit-taxxa u l-popolazzjoni tagħhom, iżda mhux fuq l-għadd ta’ għalliema li fil-fatt kienu jeħtieġu apparat ġdid. L-awtoritajiet tal-iskejjel ukoll mhux dejjem kienu ħadu kont suffiċjenti tal-ħtiġijiet tal-għalliema meta akkwistaw l-apparati: fi tnejn mill-erba’ skejjel li żorna, l-apparati l-ġodda kienu inkompatibbli mat-tagħmir eżistenti, l-għalliema ma tħallewx jinstallaw is-software li huma kienu jeħtieġu għat-tagħlim, jew l-apparati ma kinux adatti għat-twettiq ta’ kompiti amministrattivi. Għalhekk l-għalliema komplew jużaw apparati privati.

Fil-Greċja, l-akkwiżizzjoni ta’ tagħmir tal-ICT ġiet immaniġġjata ċentralment mill-ministeru rilevanti. Fl-2016 u l-2017, l-iskejjel kellhom jiddikjaraw il-ħtiġijiet tagħhom għal tagħmir tal-IT, iżda l-ministeru ma kienx ħareġ gwida u lanqas ma kien stabbilixxa qafas formali għall-użu tat-teknoloġiji diġitali fil-klassi. Dan għamilha diffiċli għall-iskejjel biex jistabbilixxu x’tip ta’ tagħmir kien l-aktar adatt għall-ħtiġijiet tagħhom. Minħabba dewmien sinifikanti fil-proċess ta’ akkwist, l-iskejjel irċevew it-tagħmir tard fl-2021 biss jew kienu għadhom qed jistennewh fl-2022, meta l-ħtiġijiet tagħhom u t-teknoloġija tat-tagħmir kienu diġà nbidlu.

Fl-Italja, il-ministeru rilevanti organizza sejħiet kompetittivi individwali matul iż-żmien, u dan ippermetta li l-iskejjel japplikaw għall-appoġġ taħt il-Politika ta’ Koeżjoni għal proġett speċifiku bħal laboratorju ġdid tal-kompjuter. L-iskop primarju kien li jiġi kkanalizzat baġit limitat lill-iskejjel li jissodisfaw ċerti kriterji, bħall-post fejn jinsabu jew l-isfond soċjali tal-istudenti tagħhom. Għalkemm dan l-approċċ indirizza l-objettivi tal-programm operazzjonali, l-iskejjel kellhom jispeċifikaw ħtieġa u jiddefinixxu “proġett” għal kull sejħa minflok ma setgħu jiddeterminawh fuq il-bażi ta’ approċċ strateġiku ta’ diġitalizzazzjoni għall-iskola tagħhom.

Fil-Polonja, in-nuqqas ta’ strateġija globali għad-diġitalizzazzjoni tal-iskejjel wassal biex l-iskejjel kellhom japplikaw għal appoġġ minn varjetà ta’ sorsi, iffinanzjati mill-UE jew nazzjonalment.

59 Għall-Fondi taħt il-Politika ta’ Koeżjoni, u fl-Istati Membri li żorna, il-Kroazja biss kienet ħadet approċċ bl-użu tal-appoġġ mill-UE fi ħdan azzjoni unika biex jiġu kkoordinati l-investimenti fit-tagħmir tal-ICT, l-iżvilupp professjonali tal-għalliema u l-kontenut elettroniku sabiex l-iskejjel kollha jkunu jistgħu jużaw metodi u tekniki moderni ta’ tagħlim, u prattiki innovattivi ta’ tagħlim u apprendiment b’mod sistematiku. L-Istati Membri l-oħra normalment spjegaw il-ħtieġa kumplessiva għal appoġġ mill-fatt li l-konnettività tal-iskejjel u l-ħiliet diġitali huma taħt il-medja, kif jintwera minn studji jew evalwazzjonijiet nazzjonali jew internazzjonali. Xi drabi, il-programmi operazzjonali rreferew ukoll għal objettivi ta’ livell ogħla bħat-tnaqqis tal-għadd ta’ persuni li jitilqu kmieni mill-iskola, jew it-titjib tal-ħiliet tal-għalliema u tal-istudenti inġenerali. F’każijiet bħal dawn, l-azzjonijiet li jappoġġaw id-diġitalizzazzjoni kienu kkomplementati spiss minn azzjonijiet mhux relatati mad-diġitalizzazzjoni, u ma kienx ċar x’riżultati speċifiċi l-iskejjel kienu mistennija jiksbu bl-isforzi ta’ diġitalizzazzjoni tagħhom.

Ħafna skejjel għadhom ma jisfruttawx il-potenzjal tad-diġitalizzazzjoni

60 Kurrikuli u pjanijiet ta’ taħriġ xierqa li jħeġġu lill-għalliema u lill-istudenti jadottaw teknoloġiji ġodda fis-suġġetti kollha tal-iskola huma motivatur ewlieni tal-adozzjoni ta’ teknoloġiji diġitali fl-iskejjel. Id-disponibbiltà u l-kwalità tal-materjali ta’ struzzjoni huma fihom infushom kundizzjoni għad-diġitalizzazzjoni tal-iskejjel, iżda ma jiggarantux apprendiment aħjar. L-iskejjel u l-għalliema jeħtiġilhom għaldaqstant ikunu jistgħu jużaw dawn ir-riżorsi biex isaħħu l-apprendiment u t-tagħlim, b’mod partikolari fir-rigward tal-ICT fl-edukazzjoni32.

61 Sabiex l-ICT jiġu integrati fil-ħajja skolastika ta’ kuljum fuq bażi kemm jista’ jkun wiesgħa, l-iskejjel jeħtieġu wkoll approċċ li jappoġġa l-użu tal-edukazzjoni diġitali fil-klassi. Tali appoġġ jista’ jkun informali, pereżempju billi l-għalliema jingħataw pariri dwar il-benefiċċji tal-edukazzjoni u t-taħriġ diġitali inġenerali, jew permezz ta’ strateġiji formali jew dikjarazzjonijiet bil-miktub bħal “politika elettronika” adottata fil-livell tal-iskola. Dan jista’ jgħin ukoll lill-iskejjel biex jistabbilixxu aħjar il-ħtiġijiet tagħhom stess.

62 Fl-istħarriġ tagħna, staqsejna lill-iskejjel dwar it-tagħmir li kien disponibbli, il-fehma tagħhom dwar il-ħiliet tal-għalliema fl-użu tat-teknoloġiji diġitali fl-apprendiment u t-tagħlim, u fejn huma raw li għad hemm l-akbar ħtieġa għal azzjoni. Skont ir-risposti li rċevejna, kważi l-iskejjel kollha li wieġbu jużaw apparati diġitali b’xi mod jew ieħor. Madankollu, ir-risposti jissuġġerixxu li għad hemm differenzi sinifikanti fil-kwantità u l-kwalità tat-tagħmir disponibbli għall-iskejjel, kemm l-għalliema jitqiesu li huma mħejjija sew għat-tagħlim diġitali, u kemm ta’ spiss u fejn fil-fatt jintuża t-tagħlim diġitali (ara l-Anness III).

63 Għalkemm l-Istati Membri li żorna kienu introduċew lezzjonijiet obbligatorji tal-ICT għal ċerti klassijiet, jew kienu tal-inqas qed jippjanaw li jagħmlu dan, ħafna skejjel li wieġbu għall-istħarriġ tagħna qalu li, barra mil-lezzjonijiet iddedikati għall-ICT, inqas minn terz tal-istudenti jużaw apparat diġitali għat-tagħlim fl-iskola mill-inqas darba fil-ġimgħa. Dan ifisser li f’ħafna skejjel l-użu tal-ICT għadu mhuwiex komuni fis-suġġetti kollha (ara l-Figura 7).

Figura 7 – Sehem ta’ studenti li jużaw apparat diġitali barra mil-lezzjonijiet iddedikati għall-ICT

Sors: stħarriġ imwettaq mill-QEA.

64 La l-programmi operazzjonali għall-perjodu 2014-2020 u lanqas l-RRPs nazzjonali li eżaminajna ma kienu jirrikjedu li l-iskejjel li jibbenefikaw mill-appoġġ tal-UE jkollhom strateġiji jew kunċetti fis-seħħ biex jiżguraw l-użu wiesa’ tat-teknoloġiji diġitali għal skopijiet ta’ tagħlim.

65 Fl-Istati Membri li żorna, l-Awstrija biss legalment tirrikjedi li l-iskejjel, li kienu pparteċipaw fil-miżura ffinanzjata mill-RRF biex l-istudenti tagħhom jiġu mgħammra b’apparati diġitali, jistabbilixxu pjan ta’ żvilupp u ta’ implimentazzjoni biex jappoġġa l-edukazzjoni billi jintużaw l-ICT u l-media diġitali biex jiġu ddefiniti objettivi u azzjonijiet fuq żmien qasir, medju u twil33. Madankollu, il-ministeru rilevanti ma kellu l-ebda informazzjoni aġġornata dwar kemm skejjel kienu fil-fatt ikkonformaw ma’ dan ir-rekwiżit legali.

66 Fil-Ġermanja, il-ministeru reġjonali għall-edukazzjoni fil-Land ta’ Nordrhein-Westfalen ipprovda lill-iskejjel b’qafas ta’ referenza għall-kwalità tal-iskejjel, u fl-2018 kien għamel il-kunċetti tal-media diġitali obbligatorji fl-iskejjel bil-ħsieb li jintegra l-adozzjoni ta’ metodi ta’ tagħlim diġitali. Fl-Italja, prinċipalment minħabba l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 fuq l-iskejjel, fl-2020 il-Ministeru għall-Edukazzjoni talab lill-iskejjel biex jadottaw pjan għal tagħlim diġitali integrat. Fil-Greċja, l-iskejjel setgħu jagħżlu li jinkorporaw il-ħiliet diġitali fil-pjanijiet ta’ żvilupp tagħhom fuq bażi volontarja.

67 Għalhekk staqsejna lill-iskejjel jekk kellhomx strateġija (jew kunċett) formali għall-użu tat-teknoloġiji diġitali għal skopijiet ta’ tagħlim. Dawn il-kunċetti jista’ jkun li jinvolvu l-infrastruttura tal-IT eżistenti u mixtieqa tal-iskejjel, it-taħriġ kontinwu fl-ICT għall-għalliema, l-użu konxju ta’ apparati diġitali, l-użu ta’ pjattaformi u materjal tal-apprendiment diġitali għal skopijiet ta’ tagħlim, jew iċ-ċibersigurtà. Mill-inqas nofs l-iskejjel li wieġbu għall-istħarriġ tagħna fil-fatt kellhom kunċetti bħal dawn fis-seħħ (ara l-Figura 8).

Figura 8 – Sehem ta’ skejjel bi strateġija jew kunċett formali għall-użu tat-teknoloġiji diġitali għal skopijiet ta’ tagħlim

Sors: stħarriġ imwettaq mill-QEA.

68 L-analiżi li wettaqna tar-risposti għall-istħarriġ tindika wkoll li l-iskejjel li ma għandhomx politika elettronika fis-seħħ jużaw l-ICT inqas matul it-tagħlim tagħhom. Fl-opinjoni tagħna, dan jenfasizza l-importanza ta’ approċċi formali mill-iskejjel għall-użu tal-potenzjal tad-diġitalizzazzjoni bl-aktar mod effettiv.

Huma biss ftit l-Istati Membri li jivvalutaw ir-riżultati li nkisbu bl-appoġġ mill-UE għad-diġitalizzazzjoni tal-iskejjel

69 Id-diġitalizzazzjoni tal-iskejjel mhijiex għan fiha nnifisha, iżda hija proċess miftuħ biex jiġu appoġġati l-iżvilupp tal-ħiliet tal-istudenti u t-titjib tal-eżiti tat-tagħlim. L-akkwiżizzjoni ta’ apparati jew it-taħriġ tal-għalliema huma għaldaqstant prerekwiżit għad-diġitalizzazzjoni effettiva tal-iskejjel, iżda fihom infushom mhumiex indikattivi tal-kwalità tal-edukazzjoni diġitali fl-iskejjel. Il-monitoraġġ tal-proċess tad-diġitalizzazzjoni jagħmilha aktar faċli li jiġi stabbilit jekk ir-riżorsi użati humiex effettivi biex jinkisbu riżultati għall-istudenti. Il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni huma wkoll rilevanti għall-valutazzjoni tal-effettività, l-effiċjenza u l-impatt tal-appoġġ mill-UE34. Għal din ir-raġuni, eżaminajna jekk il-Kummissjoni u l-Istati Membri li żorna kellhomx proċeduri għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-progress li l-iskejjel kienu għamlu fl-edukazzjoni diġitali bl-għajnuna tal-fondi tal-UE.

70 Mill-2013 ’il hawn, il-Kummissjoni appoġġat l-Istudju Internazzjonali dwar il-Litteriżmu fil-Kompjuter u fl-Informazzjoni, li kull ħames snin jivvaluta l-għarfien fl-ICT tal-istudenti u l-għalliema f’pajjiżi magħżula madwar id-dinja. L-Istati Membri tal-UE li pparteċipaw fl-istudju l-aktar reċenti li kien disponibbli (2018) kienu d-Danimarka, ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, Franza, il-Lussemburgu, il-Portugall u l-Finlandja. L-istudju li jmiss se jitwettaq fl-2023.

71 Sadanittant, il-Kummissjoni ma għandha l-ebdadata komprensiva dwar l-ammonti kumplessivi li ntefqu għad-diġitalizzazzjoni tal-iskejjel. Billi l-edukazzjoni diġitali jew id-diġitalizzazzjoni tal-iskejjel ma kinux objettiv tematiku espliċitu tal-Fondi taħt il-Politika ta’ Koeżjoni fil-perjodu 2014-2020, l-Istati Membri ma kinux obbligati jiġbru u jirrappurtaw tali data lill-Kummissjoni. Minbarra dan, il-Kummissjoni ma timmonitorjax speċifikament il-kontribuzzjoni tal-finanzjament tal-UE għall-edukazzjoni diġitali.

72 Ma kien hemm ukoll l-ebda rekwiżit għal dawk l-Istati Membri li jużaw il-fondi tal-UE għad-diġitalizzazzjoni tal-iskejjel biex iwettqu valutazzjonijiet speċifiċi tal-progress li l-iskejjel ikunu għamlu fl-edukazzjoni diġitali bl-għajnuna tal-fondi tal-UE. L-indikaturi li l-Istati Membri kienu meħtieġa jiddefinixxu għall-fini tal-monitoraġġ tal-output u r-riżultati tal-programmi operazzjonali fl-ambitu tal-Fondi taħt il-Politika ta’ Koeżjoni35 ffukaw fuq il-prijorità ta’ investiment fl-intier tagħha. Dawn l-indikaturi kienu jew f’livell għoli wisq biex jipprovdu informazzjoni dwar il-progress li l-iskejjel kienu għamlu f’termini ta’ diġitalizzazzjoni, jew inkella kienu limitati għal azzjonijiet uniċi bħall-perċentwal ta’ għalliema li kienu kkompletaw korsijiet ta’ taħriġ biex itejbu l-ħiliet diġitali tagħhom.

73 Bl-istess mod, minħabba n-natura temporanja tal-RRF, il-Kummissjoni ma talbitx lill-Istati Membri li kienu qed jużawha biex jinkludu stadji importanti ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni fl-RRPs tagħhom jew għall-evalwazzjoni tal-miżuri li jappoġġaw id-diġitalizzazzjoni tal-iskejjel. Għaldaqstant, b’mod ġenerali ma hemm l-ebda rekwiżit għall-Istati Membri biex jivvalutaw jekk il-miżuri ffinanzjati mill-RRF irriżultawx f’titjib reali fl-edukazzjoni diġitali.

74 Fl-Istati Membri li żorna, sibna li l-Kroazja u l-Italja biss kellhom approċċi fis-seħħ biex jimmonitorjaw sistematikament il-progress tad-diġitalizzazzjoni tal-iskejjel li rċevew appoġġ mill-UE (ara l-Kaxxa 7).

Kaxxa 7

Eżempji ta’ monitoraġġ tal-progress fid-diġitalizzazzjoni tal-iskejjel

Fl-Italja, il-Ministeru għall-Edukazzjoni introduċa sistema ta’ monitoraġġ (l-Osservatorju għall-Iskola Diġitali) fejn kull sena huwa juża pjattaforma ta’ rappurtar diġitali biex jiġbor data kwantitattiva dwar il-konnettività tal-binjiet tal-iskejjel, l-użu ta’ apparati u tagħmir teknoloġiku, u l-ħiliet diġitali tal-istudenti.

Fil-Kroazja, bħala wieħed mill-outputs ewlenin tal-proġett għad-diġitalizzazzjoni tal-iskejjel Kroati li huwa ffinanzjat mill-Fondi taħt il-Politika ta’ Koeżjoni, l-awtoritajiet nazzjonali jimmonitorjaw il-maturità elettronika tal-iskejjel espressa fuq ħames livelli. Skejjel diġitalment maturi huma dawk b’livell għoli ta’ integrazzjoni tal-ICT, fejn l-użu tal-ICT ma jiddependix aktar fuq l-entużjażmu tal-individwi, iżda fuq approċċ sistematiku. Dan il-monitoraġġ juża data mill-awtovalutazzjonijiet imwettqa mill-iskejjel, u mill-evalwazzjonijiet esterni mwettqa minn 151 skola li pparteċipaw fl-ewwel fażi tal-proġett.

75 Fl-Istati Membri l-oħra, ir-riżultati ġeneralment ġew immonitorjati biss għal proġetti individwali, u ma kien jeżisti l-ebda arranġament biex jiġi evalwat regolarment l-impatt tal-miżuri ffinanzjati mill-UE fuq l-edukazzjoni diġitali. Dan jagħmilha diffiċli li jiġi vvalutat il-punt sa fejn l-appoġġ mill-UE tejjeb id-diġitalizzazzjoni tal-iskejjel.

Huma biss ftit l-iskejjel li jistgħu jużaw il-konnettività tal-gigabits

Il-konnettività reali ta’ ħafna skejjel għadha baxxa

76 Id-disponibbiltà ta’ konnessjonijiet u networks tal-internet veloċi fl-iskejjel hija prerekwiżit biex ikun jista’ jintuża tagħmir tal-IT tal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku. Għaldaqstant eżaminajna jekk l-Istati Membri li żorna kinux ikkonkretizzaw il-mira strateġika tal-2025 għall-konnettività tal-gigabits stabbilita mill-Kummissjoni fi strateġiji jew approċċi nazzjonali għall-konnessjoni tal-iskejjel kollha tagħhom sal-2025, u jekk il-konnettività reali tal-iskejjel tippermettilhomx jagħmlu użu tajjeb mill-ICT.

77 Filwaqt li l-Kummissjoni timmonitorja l-progress ġenerali lejn il-miri tal-konnettività għall-unitajiet domestiċi fil-livell tal-UE permezz tal-Indiċi tal-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali, hija għandha biss informazzjoni limitata dwar il-konnettività reali tal-iskejjel, u ma timmonitorjahiex b’mod speċifiku. L-Istati Membri kollha li żorna mmonitorjaw il-progress kumplessiv fil-konnettività tal-iskejjel tagħhom, iżda osservajna xi diffikultajiet fil-valutazzjoni tal-konnettività reali fil-Ġermanja, l-Awstrija u l-Polonja. Fil-Ġermanja (Nordrhein-Westfalen), l-informazzjoni dwar il-konnettività reali kienet kontradittorja. Il-ministeru reġjonali stħarreġ l-iskejjel regolarment, iżda d-data tiegħu ddevjat sinifikattivament mid-data miġbura fil-livell federali mill-fornituri tas-servizzi tat-telekomunikazzjoni. Fl-Awstrija, l-awtoritajiet kellhom biss informazzjoni skaduta, minħabba li kienu ilhom ma jistħarrġu l-iskejjel sa mill-bidu tal-pandemija tal-COVID-19. Kien hemm ukoll diffikultajiet tekniċi fit-tqabbil tal-indirizzi tal-iskejjel mad-data fl-atlas nazzjonali tal-broadband, li huwa s-sors ewlieni ta’ informazzjoni għad-disponibbiltà tal-gigabits. Fil-Polonja, il-monitoraġġ diġà kopra aktar minn 85 % tal-iskejjel, u kien qed jiżdied bil-progress li sar fil-konnessjoni tal-iskejjel.

78 Il-miri tal-2025 tal-Kummissjoni jimmiraw biss lejn id-disponibbiltà ta’ konnessjonijiet tal-gigabits, u mhux lejn l-użu reali tas-servizzi mill-iskejjel. Fl-Istati Membri koperti mill-awditu li wettaqna, il-kuntratti mal-fornituri tat-telekomunikazzjoni wrew li proporzjon żgħir biss tal-iskejjel mistħarrġa fil-fatt jużaw konnessjonijiet broadband tal-gigabits u għaldaqstant jistgħu jagħmlu l-aħjar użu mill-potenzjal tal-ICT fl-edukazzjoni diġitali (ara l-Figura 9).

Figura 9 – Il-veloċità tad-download tal-iskejjel skont il-kuntratti mal-fornituri tat-telekomunikazzjoni

Sors: stħarriġ imwettaq mill-QEA.

79 Fl-Istati Membri kollha li żorna osservajna wkoll li infrastruttura inadegwata tipprevieni lil ħafna skejjel milli jagħmlu l-aħjar użu mill-konnessjonijiet disponibbli għat-tagħlim. Ħafna mill-binjiet tal-iskejjel huma qodma u jeħtieġ li jiġu aġġornati b’kejbils tan-network xierqa u Wi-Fi fil-klassijiet.

Xi Stati Membri jista’ jkun li ma jilħqux il-mira tal-gigabits tal-2025

80 Sibna li l-Istati Membri kellhom approċċi li jvarjaw fil-mod kif ippromwovew il-konnettività tal-gigabits tal-iskejjel tagħhom. Fil-Ġermanja (Nordrhein-Westfalen), il-Gvern reġjonali kellu l-għan li l-iskejjel kollha jiġu konnessi sa tmiem l-2022. L-Awstrija ppjanat li l-iskejjel federali tagħha biss jiġu konnessi sa tmiem l-2023, jiġifieri 10 % biss tal-iskejjel kollha. Ir-responsabbiltà għall-konnessjoni ta’ skejjel oħra hija f’idejn l-awtoritajiet tal-iskejjel lokali, li jista’ jkun – jew le – li jistinkaw biex l-iskejjel li jaqgħu taħt il-kompetenza tagħhom ikollhom konnessjonijiet rapidi. Il-Kroazja u l-Italja għandhom l-għan li l-binjiet tal-iskejjel jiġu konnessi sal-2025, iżda l-proċessi ta’ akkwist tagħhom stabbilew miri għall-ikkompletar tax-xogħlijiet għal nofs l-2026 biss. Il-Greċja tipprevedi li l-amministrazzjonijiet pubbliċi – inklużi l-iskejjel kollha – jiġu konnessi sal-2027 (ara l-Figura 10).

Figura 10 – Miri tal-Istati Membri għall-konnettività tal-gigabits tal-iskejjel

Sors: il-QEA.

81 Skont l-aġġornament l-aktar reċenti ta’ studju tal-Kummissjoni dwar il-Pjanijiet Nazzjonali tal-Broadband fl-EU-27, huma biss ftit l-Istati Membri li jinsabu qrib li jilħqu – jew li diġà laħqu – anki l-miri tal-Aġenda Diġitali għall-Ewropa stabbiliti għall-2020, li kienu inqas ambizzjużi mill-mira tas-Soċjetà tal-Gigabits36. L-istudju ma ffukax speċifikament fuq l-iskejjel, iżda kkonkluda li l-Istati Membri jridu jintensifikaw l-isforzi tagħhom sabiex jilħqu – jew jersqu qrib li jilħqu – il-miri tas-Soċjetà tal-Gigabits sal-2025. Fl-opinjoni tagħna, in-nuqqas ta’ ppjanar strateġiku strett fl-Istati Membri u ta’ programmi ddedikati għall-konnessjoni tal-iskejjel, ikkombinat ma’ dewmien fl-implimentazzjoni ta’ tali programmi, jagħmilha improbabbli li l-iskejjel kollha fl-UE jkunu konnessi mal-internet tal-gigabits sal-2025.

82 Erbgħa biss mis-sitt Stati Membri li żorna (il-Ġermanja, l-Italja, l-Awstrija u l-Polonja) kienu adottaw programmi ta’ appoġġ iddedikati biex jaċċelleraw il-konnessjoni tal-iskejjel, li għalihom il-Polonja kienet diġà użat finanzjament mill-UE qabel l-2021. Madankollu, fl-Italja, minkejja żieda sinifikanti fl-għadd ta’ binjiet tal-iskejjel konnessi sa mill-bidu tal-programm fl-2020, diġà kien hemm dewmien sinifikanti fl-implimentazzjoni tal-programm f’xi reġjuni, u għaldaqstant dan iqiegħed f’riskju l-ilħuq kumplessiv tal-mira tal-2025.

Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

83 Nikkonkludu li l-azzjonijiet appoġġati mill-UE għenu lill-iskejjel fl-isforzi ta’ diġitalizzazzjoni tagħhom, iżda li l-Istati Membri kien jonqsilhom fokus strateġiku fl-użu tal-finanzjament mogħti mill-UE.

84 Il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali tal-Kummissjoni għandu l-għan li jappoġġa lill-Istati Membri fl-indirizzar tal-isfidi għall-edukazzjoni diġitali billi jipprovdi għodod li jgħinu lill-edukaturi u lill-ħarrieġa jagħmlu użu aħjar mit-teknoloġija, pereżempju billi jiżviluppaw ħiliet diġitali rilevanti u jipprovdu evidenza u analiżi aħjar. Madankollu, sal-2022, mhux l-Istati Membri kollha li żorna kellhom strateġiji ddedikati għad-diġitalizzazzjoni tal-iskejjel tagħhom, u l-biċċa l-kbira minnhom ma kinux ikkonkretizzaw l-objettivi tal-pjan ta’ azzjoni fl-istrateġiji tagħhom (ara l-paragrafi 25-29).

85 Filwaqt li l-iskejjel f’xi Stati Membri rnexxielhom jadottaw xi elementi importanti tal-pjan ta’ azzjoni, ħafna skejjel fi Stati Membri oħra fil-biċċa l-kbira kienu għadhom ma jafux b’dawn l-aspetti. Sa ma faqqgħet il-COVID-19, id-diġitalizzazzjoni ma kinitx prijorità fil-proġetti ta’ sħubija strateġika tal-iskejjel iffinanzjati taħt il-programm Erasmus+: ftit proġetti biss appoġġaw id-diġitalizzazzjoni, u r-riżultati tagħhom kienu fil-biċċa l-kbira limitati għal parteċipanti diretti fil-proġett (ara l-paragrafi 30-41).

Rakkomandazzjoni 1 – Jiġu promossi l-azzjonijiet tal-UE taħt il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali b’mod aktar attiv u jissaħħaħ l-impatt tas-sħubijiet strateġiċi

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tippromwovi b’mod aktar attiv l-azzjonijiet tagħha stess, bħal SELFIE u l-Ġimgħa Ewropea tal-Ikkowdjar, taħt il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali, pereżempju permezz ta’ kooperazzjoni eqreb mal-iskejjel, u ssaħħaħ l-impatt tal-azzjonijiet ta’ sħubija strateġika fuq id-diġitalizzazzjoni tal-iskejjel.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: sa tmiem l-2024

86 L-Istati Membri mhux dejjem irnexxielhom jinkludu azzjonijiet iffinanzjati mill-UE fi strateġiji nazzjonali jew reġjonali għad-diġitalizzazzjoni tal-iskejjel, xi ħaġa li setgħet naqqset ir-riskju ta’ interventi frammentati ffinanzjati mill-baġit tal-UE u setgħet tgħin biex jinkiseb impatt akbar. Kien hemm ukoll xi Stati Membri li ma kinux aġġornaw l-istrateġiji tagħhom għall-perjodu 2021-2027, u fejn ma kienx ċar kif l-azzjonijiet li jikkomplementaw il-miżuri ffinanzjati mill-UE jkunu jiġu ffinanzjati (ara l-paragrafi 42-48).

87 L-azzjonijiet iffinanzjati mill-UE, li ġew eżaminati għal dan l-awditu, kienu jikkonformaw formalment mal-prinċipju tal-addizzjonalità. Madankollu, sibna wkoll każijiet fejn Stat Membru kien inkluda retroattivament miżura fil-Pjan nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza, li ssostitwiet il-finanzjament nazzjonali li kien diġà ġie allokat qabel ma daħlet fis-seħħ il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Filwaqt li dan huwa konformi mal-leġiżlazzjoni, ma hemm l-ebda valur miżjud intrinsiku fil-finanzjament ta’ każ bħal dan (ara l-paragrafi 49 u 50).

88 Fil-biċċa l-kbira mill-każijiet, il-proġetti ffinanzjati mill-UE eżaminati matul dan l-awditu wasslu l-outputs intenzjonati tagħhom iżda kien għad hemm fatturi li pprevenew lill-iskejjel li żorna milli jagħmlu l-aħjar użu mill-finanzjament tal-UE. Għall-miżuri appoġġati mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, identifikajna nuqqasijiet fil-mod kif ġew iddefiniti l-istadji importanti u l-miri. B’mod partikolari, l-ebda waħda mill-miri u l-ebda wieħed mill-istadji importanti ma kienu jirreferu għar-riżultati mistennija li l-miżuri kellhom jiksbu f’termini ta’ titjib fl-edukazzjoni diġitali. Barra minn hekk, l-istimi tal-kostijiet li ġew aċċettati mill-Kummissjoni matul in-negozjati tal-pjanijiet nazzjonali għal żewġ miżuri eżaminati għal dan l-awditu kienu fil-fatt sinifikattivament differenti mill-kostijiet reali mġarrba matul l-implimentazzjoni, u dan jirriżulta f’ammonti eċċessivi li jikkostitwixxu de facto appoġġ baġitarju għall-Istati Membri. Fl-aħħar nett, l-iskejjel spiss ma kinux involuti suffiċjentement fl-istabbiliment tal-ħtiġijiet tagħhom stess, u dan jista’ jnaqqas l-impatt tal-appoġġ mill-UE (ara l-paragrafi 51-59).

89 Kważi l-iskejjel kollha issa jużaw apparati diġitali iżda d-disponibbiltà ta’ tagħmir tal-ICT għall-iskejjel jew ta’ taħriġ iddedikat għall-għalliema ma tiggarantix apprendiment aħjar fuq bażi wiesgħa jekk l-iskejjel ma jkollhom l-ebda approċċ biex jappoġġaw l-użu tal-edukazzjoni diġitali fil-klassi. Ħafna skejjel għadhom jirrappurtaw tagħmir insuffiċjenti, jew ħtiġijiet ulterjuri għat-taħriġ tal-għalliema, u hemm ukoll ħafna li għadhom ma adottawx approċċ formali għall-użu tal-ICT fil-klassi. Dan jista’ jipprevenihom milli jisfruttaw il-potenzjal sħiħ tad-diġitalizzazzjoni (ara l-paragrafi 60-68).

90 Il-Kummissjoni għad ma għandhiexdata komprensiva dwar l-ammonti kumplessivi li ntefqu għad-diġitalizzazzjoni tal-iskejjel. Huma biss ftit l-Istati Membri li jivvalutaw ir-riżultati li huma kisbu bl-appoġġ finanzjarju tal-UE għat-titjib tal-edukazzjoni diġitali fl-iskejjel, billi ma kien hemm l-ebda rekwiżit bħal dan. L-indikaturi speċifiċi għall-programm ma kinux informattivi, u tnejn biss mis-sitt Stati Membri li żorna kellhom approċċi biex jimmonitorjaw sistematikament il-progress li l-iskejjel kienu għamlu f’termini ta’ diġitalizzazzjoni b’riżultat tal-appoġġ finanzjarju mill-UE (ara l-paragrafi 69-75).

Rakkomandazzjoni 2 – Jintrabat aktar mill-qrib il-finanzjament mill-UE mal-objettivi, il-ħtiġijiet u l-eżiti mistennija għall-iskejjel

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tieħu azzjoni, fejn xieraq f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, biex issaħħaħ ir-rabta:

  1. bejn l-objettivi tal-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali, l-appoġġ mill-UE, u l-istrateġiji nazzjonali jew reġjonali għad-diġitalizzazzjoni tal-iskejjel;
  2. bejn l-appoġġ mill-UE għad-diġitalizzazzjoni tal-iskejjel u l-objettivi, il-ħtiġijiet, u l-eżiti skalabbli ddefiniti b’mod ċar għall-iskejjel.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: sa tmiem l-2027

91 Fl-2016, il-Kummissjoni stabbiliet miri għall-Istati Membri biex l-iskejjel jiġu konnessi mal-internet tal-gigabits sal-2025 u jkunu jistgħu jużaw tagħmir tal-IT tal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku u jadottaw modi innovattivi ta’ tagħlim u apprendiment. Il-Kummissjoni għandha biss informazzjoni limitata dwar il-konnettività reali tal-iskejjel u ma timmonitorjahiex b’mod speċifiku. Għadd żgħir biss ta’ skejjel jistgħu fil-fatt jużaw konnessjonijiet tal-gigabits, u għaldaqstant jagħmlu l-aħjar użu mill-potenzjal tal-ICT fl-edukazzjoni diġitali (ara l-paragrafi 76-79).

92 L-Istati Membri kellhom approċċi li jvarjaw għall-promozzjoni tal-konnessjoni tal-iskejjel: xi wħud kellhom programmi ta’ appoġġ nazzjonali ddedikati filwaqt li oħrajn ma kellhom l-ebda strateġija speċifika. Nuqqas ta’ ppjanar strateġiku strett u dewmien fl-implimentazzjoni ta’ programmi ddedikati jagħmluha improbabbli li l-iskejjel kollha fl-UE jilħqu l-mira tal-2025 għall-internet tal-gigabits (ara l-paragrafi 80-82).

Rakkomandazzjoni 3 – Jiġi mmonitorjat u jitħeġġeġ l-ilħuq tal-miri tal-konnettività għall-iskejjel kollha

F’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri u r-reġjuni, jenħtieġ li l-Kummissjoni:

  1. tistabbilixxi mekkaniżmu biex perjodikament tinġabar data aġġornata għall-monitoraġġ tal-konnettività reali tal-iskejjel, u tirrapporta dwar l-eżitu; u
  2. tħeġġeġ lill-Istati Membri biex l-iskejjel kollha jiġu konnessi mal-internet tal-gigabits sal-2025.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: sa tmiem l-2025

Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla II, immexxija mis-Sra Annemie Turtelboom, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tal-15 ta’ Marzu 2023.

 

Għall-Qorti tal-Awdituri

Tony Murphy
Il-President

Annessi

Anness I – Miżuri ffinanzjati mill-RRF għad-diġitalizzazzjoni tal-iskejjel

Stat Membru Komponent Titolu Baġit
(miljun EUR)
Il-Belġju F.2.3 – Il-fibra ottika, il-5G u t-teknoloġiji ġodda It-titjib fil-konnettività tal-iskejjel (interna), iżda wkoll tal-35 park kummerċjali fil-Wallonia – ir-Reġjun ta’ Walloon 70
J.4.1 – Edukazzjoni 2.0 “Digisprong” tal-Komunità Fjamminga 318
“Bidla diġitali għall-iskejjel ta’ Brussell” fir-Reġjun ta’ Brussell Kapitali 5
“Trasformazzjoni diġitali tal-edukazzjoni” tal-komunità li titkellem bil-Ġermaniż 5
Il-Bulgarija C.1 – Edukazzjoni u ħiliet Ċentri STEM u innovazzjoni fl-edukazzjoni - diġitalizzazzjoni 122
Ir-Repubblika Ċeka 3.1 – L-innovazzjoni fl-edukazzjoni fil-kuntest tad-diġitalizzazzjoni Implimentazzjoni tal-kurrikulu rivedut u l-ħiliet diġitali tal-għalliema 22
Tagħmir diġitali għall-iskejjel 169
Il-Ġermanja 3.1 – Diġitalizzazzjoni tal-edukazzjoni Apparati ta’ self għall-għalliema 420
Pjattaforma nazzjonali tal-edukazzjoni 529
Ċentri ta’ eċċellenza tal-edukazzjoni 172
L-Estonja 3 – Stat diġitali Kostruzzjoni ta’ networks tal-broadband b’kapaċità għolja ħafna li jinkludu l-iskejjel 24
L-Irlanda 2 – L-aċċellerazzjoni u l-espansjoni tar-riformi u t-trasformazzjoni diġitali Programm li jipprovdi infrastruttura diġitali u finanzjament għall-iskejjel 64
Il-Greċja 3.2 – Edukazzjoni, edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali, u ħiliet Trasformazzjoni diġitali tal-edukazzjoni 365
Spanja 3.1 – Innovazzjoni fl-edukazzjoni fil-kuntest tad-diġitalizzazzjoni Trasformazzjoni diġitali tal-edukazzjoni 1 412
Franza C.7 – Diġitalizzazzjoni tal-Istat, it-territorji, l-intrapriżi, u l-kultura Titjib diġitali tal-amministrazzjoni tas-sistema edukattiva 35
Kontinwità edukattiva: it-trasformazzjoni diġitali tal-iskejjel 131
L-Italja 1.2 – Konnessjonijiet tal-internet veloċi (Broadband u 5G) Skejjel Konnessi 261
4.1 – Tisħiħ tal-forniment ta’ servizzi edukattivi: min-nurseries sal-universitajiet Tagħlim u taħriġ diġitali integrati dwar it-trasformazzjoni diġitali għall-persunal tal-iskola 800
Ħiliet ġodda u lingwi ġodda 1 100
Skola 4.0: skejjel innovattivi, wajers, klassijiet ġodda u workshops 2 100
Ċipru L.5.1 – Modernizzazzjoni tas-sistema edukattiva, titjib tal-ħiliet u taħriġ mill-ġdid Riforma 2: Sistema ġdida ta’ evalwazzjoni ta’ għalliem u skola - diġitali 0.3
Riforma 4: It-trasformazzjoni diġitali tal-unitajiet tal-iskola bil-għan li jittejbu l-ħiliet u l-ħiliet diġitali relatati mal-edukazzjoni STEM 13.8
Il-Latvja 2 – Trasformazzjoni diġitali L-għeluq tad-distakk diġitali għal studenti soċjalment vulnerabbli u istituzzjonijiet edukattivi 15
3 – Tnaqqis tal-inugwaljanza L-iżvilupp ta’ infrastruttura u tagħmir ta’ istituzzjonijiet edukattivi 31
Il-Litwanja 3 – Trasformazzjoni diġitali għat-tkabbir Produzzjoni ta’ kontenut u riżorsi tal-edukazzjoni diġitali 20
4 – Edukazzjoni ta’ kwalità u aċċessibbli għaċ-ċiklu tal-ħajja kollu Sottomiżura 6: Trasformazzjoni tal-edukazzjoni diġitali 10
L-Ungerija C.1 – Demografija u edukazzjoni pubblika Żvilupp ta’ edukazzjoni pubblika kompetittiva bl-użu tat-teknoloġija tas-seklu 21 391
In-Netherlands P.4 – Tisħiħ tas-suq tax-xogħol, il-pensjonijiet u l-edukazzjoni orjentata lejn il-futur Laboratorju Nazzjonali tal-Edukazzjoni AI 36
Laptops u tablets għall-edukazzjoni online u ibrida biex jiġi miġġieled u mmitigat it-telf tal-apprendiment 24
L-Awstrija 2 – Rkupru diġitali Il-forniment ta’ apparati diġitali għall-utent aħħari lill-istudenti u l-konnessjoni tal-iskejjel federali 172
Il-Polonja C – Trasformazzjoni diġitali Kundizzjonijiet ekwi għall-iskejjel b’apparati multimedjali mobbli – investimenti relatati mal-issodisfar tal-istandards minimi tat-tagħmir 550
Kompetenzi fl-elettronika 184
Attrezzament ta’ skejjel/istituzzjonijiet b’apparati u infrastruttura tal-ICT adegwati biex tittejjeb il-prestazzjoni ġenerali tas-sistema edukattiva 621
Il-Portugall C.20 – Skola Diġitali Tranżizzjoni Diġitali fl-Edukazzjoni 500
Edukazzjoni Diġitali (l-Azores) 38
Programm biex tiġi aċċellerata d-diġitalizzazzjoni tal-edukazzjoni (Madeira) 21
Ir-Rumanija C.15 – Edukazzjoni Programm ta’ taħriġ waqt is-servizz għall-persunal tat-tagħlim 80
Il-forniment ta’ tagħmir u riżorsi tat-teknoloġija diġitali għall-iskejjel 479
Skola Online: Pjattaforma ta’ valutazzjoni u żvilupp tal-kontenut 79
Is-Slovenja 7 – Trasformazzjoni diġitali tas-settur pubbliku u tal-amministrazzjoni pubblika Diġitalizzazzjoni tal-edukazzjoni, ix-xjenza u l-isport 67
12 – Tisħiħ tal-kompetenzi, speċjalment dawk diġitali u dawk meħtieġa minn impjiegi ġodda u t-tranżizzjoni ekoloġika Rinnovazzjoni tas-sistema edukattiva għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali - ħiliet diġitali 1
It-trasformazzjoni komprensiva (sostenibbiltà u reżiljenza) tal-edukazzjoni ekoloġika u diġitali - ħiliet diġitali 28
Is-Slovakkja C.7 – Edukazzjoni għas-seklu 21 Riforma tal-kontenut u tal-forma tal-edukazzjoni – Riforma tal-kurrikulu u tal-kotba tal-iskola – Ittestjar diġitali u għodod diġitali 20
Tħejjija u żvilupp tal-għalliema għal kontenut u forma ġodda ta’ tagħlim – Edukazzjoni diġitali tal-għalliema 17
Infrastruttura diġitali fl-iskejjel 187
Infrastruttura diġitali fl-iskejjel - kapaċità amministrattiva 5
    Total 11 714

Anness II – Skejjel u proġetti li saritilhom żjara għal dan l-awditu

Sors: Mapep ipprovduti mill-Eurostat.

Anness III – Stħarriġ tal-QEA dwar l-Iskejjel

Skop

L-iskop tal-istħarriġ tagħna kien li tinkiseb informazzjoni aġġornata u rappreżentattiva dwar il-konnettività reali tal-iskejjel, ir-rwol tal-edukazzjoni diġitali, u l-użu tal-għodod u l-azzjonijiet tal-UE f’dan il-qasam, li ma kinitx disponibbli b’mod ieħor.

Twettiq tal-istħarriġ

Wettaqna l-istħarriġ online bejn Frar u Mejju 2022 billi użajna EUSurvey, li hija għodda pprovduta mill-Kummissjoni għal stħarriġiet online. Il-kwestjonarju ntbagħat lill-kapijiet ta’ 49 512-il skola f’5 Stati Membri b’taħriġ għal-Livelli 1-3 tal-Klassifikazzjoni Standard Internazzjonali tal-Edukazzjoni (ISCED), jiġifieri għall-edukazzjoni primarja u dik sekondarja tal-ewwel livell u tat-tieni livell. L-ISCED hija l-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ riferiment għall-organizzazzjoni tal-programmi edukattivi u l-kwalifiki relatati skont il-livelli u l-oqsma żviluppati mill-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura.

Il-parteċipazzjoni fl-istħarriġ kienet volontarja u l-ebda data personali ma nġabret jew ġiet evalwata.

Stedinna lill-ministeri tal-Istati Membri kkonċernati minn dan l-awditu biex jinnotifikaw lill-iskejjel dwar il-pubblikazzjoni li jmiss tal-istħarriġ. L-awtoritajiet fil-Ġermanja (Nordrhein-Westfalen), il-Greċja, il-Kroazja, l-Italja u l-Polonja kienu infurmaw minn qabel lill-iskejjel dwar l-istħarriġ, u ħeġġew il-parteċipazzjoni.

L-iskejjel Awstrijaċi ma kinux koperti minn dan l-istħarriġ billi l-awtoritajiet nazzjonali ddeċidew li ma jappoġġjawniex biex il-kwestjonarji tagħna jintbagħtu lill-iskejjel tagħhom.

Rata ta’ rispons

B’kollox, irċevejna tweġibiet validi minn 16 142 skola, jiġifieri rata ta’ rispons kumplessiva ta’ madwar 33 %. Ir-rata ta’ rispons kienet l-ogħla fil-Kroazja (madwar 49 %) u l-aktar baxxa fl-Italja (madwar 26 %).

Mistoqsijiet prinċipali tal-istħarriġ

  1. X’inhi l-veloċità tad-download fl-iskola tiegħek skont il-kuntratt mal-fornitur tat-telekomunikazzjoni?
  2. L-iskola tiegħek għandha strateġija formali (kunċett) għall-użu tat-teknoloġiji diġitali għal skopijiet ta’ tagħlim?
  3. Liema minn dawn l-apparati diġitali jintużaw mill-istudenti tiegħek għal skopijiet ta’ tagħlim fl-iskola?
  4. L-istudenti jistgħu jġibu laptops jew tablets li huma kompletament iffinanzjati b’mod privat għal-lezzjonijiet tal-iskola?
  5. Kemm mill-istudenti tiegħek jużaw laptops jew tablets li huma kompletament iffinanzjati b’mod privat mill-inqas darba fil-ġimgħa matul il-lezzjonijiet tal-iskola?
  6. Sa liema punt taqbel li l-għadd ta’ apparati diġitali disponibbli għall-istudenti fl-iskola tiegħek għal skopijiet ta’ tagħlim huwa suffiċjenti?
  7. Sa liema punt taqbel li l-kwalità tal-apparati diġitali disponibbli għall-istudenti fl-iskola tiegħek għal skopijiet ta’ tagħlim hija suffiċjenti?
  8. Kemm mill-istudenti tiegħek jużaw apparat diġitali (kompjuter desktop, laptop, tablet, eċċ.) mill-inqas darba fil-ġimgħa biex jitgħallmu fl-iskola, minbarra l-użu matul il-lezzjonijiet iddedikati għall-ICT?
  9. Kemm-il darba jitwettqu l-attivitajiet ta’ apprendiment diġitali li ġejjin matul il-lezzjonijiet?
    1. Tiftix fuq l-internet biex tinġabar informazzjoni
    2. Użu ta’ programm tal-word processing, tal-ispreadsheets jew ta’ preżentazzjoni (eż. Word, Excel, PowerPoint)
    3. Ikkowdjar/ipprogrammar ta’ apps, programmi u/jew robots
    4. Użu ta’ teknoloġiji u apparati diġitali waqt ħidma fuq proġetti
    5. Apprendiment bi programmi ta’ taħriġ online, logħob, apps u kwiżżijiet
    6. Komunikazzjoni bejn l-għalliema u l-istudenti, u fost l-istudenti
    7. Użu ta’ software u pjattaformi edukattivi online
  10. X’perċentwal ta’ għalliema jużaw tagħmir li huwa kompletament iffinanzjat b’mod privat għal skopijiet ta’ tagħlim fl-iskola tiegħek?
  11. Sa liema punt taqbel li l-għadd ta’ apparati diġitali disponibbli għall-għalliema għal skopijiet ta’ tagħlim huwa suffiċjenti fl-iskola tiegħek?
  12. Sa liema punt taqbel li l-kwalità tal-apparati diġitali disponibbli għall-għalliema għal skopijiet ta’ tagħlim hija suffiċjenti fl-iskola tiegħek?
  13. Sa liema punt taqbel li l-maġġoranza tal-għalliema fl-iskola tiegħek għandhom il-ħiliet u l-fiduċja meħtieġa fl-użu effettiv tat-teknoloġiji diġitali għall-apprendiment u t-tagħlim?
  14. Kemm mill-għalliema tiegħek attendew taħriġ dwar l-użu tat-teknoloġiji diġitali fil-klassi fl-aħħar sentejn skolastiċi (2019/2020 u 2020/2021)?
  15. Bħala medja, kemm-il siegħa ta’ taħriġ irċevew l-għalliema dwar l-użu tat-teknoloġiji diġitali fil-klassi fl-aħħar sentejn skolastiċi (2019/2020 u 2020/2021)?
  16. Fejn tara li hemm l-akbar ħtieġa għal azzjoni?
    1. Titjib tal-veloċità tal-internet tal-iskola
    2. Titjib tal-LAN/Wi-Fi mingħajr fili tal-iskola (untethered/mingħajr fili)
    3. Akkwiżizzjoni ta’ apparati diġitali għall-istudenti (kompjuters desktop, laptops, tablets)
    4. Akkwiżizzjoni ta’ apparati diġitali għall-għalliema (kompjuters desktop, laptops, tablets)
    5. Akkwiżizzjoni ta’ whiteboards interattivi u/jew tagħmir ieħor tal-klassi
    6. L-iżvilupp ta’ kontenut ta’ apprendiment diġitali, għodod faċli għall-utent u pjattaformi sikuri
    7. Taħriġ għall-għalliema biex ikunu diġitalment kompetenti u kunfidenti
    8. Korsijiet addizzjonali għall-istudenti dwar l-użu tat-teknoloġiji diġitali (eż. klassijiet tal-ikkowdjar)
    9. L-appoġġ għas-sistema edukattiva billi jittejbu l-kundizzjonijiet għall-edukazzjoni mill-bogħod, b’mod partikolari b’rabta mal-pandemija tal-COVID-19
  17. Liema mill-għodod/pjattaformi/azzjonijiet appoġġati mill-UE taf, qed tuża jew ipparteċipajt fihom?
    1. SELFIE (Għodda ta’ awtovalutazzjoni għal skejjel b’kapaċità diġitali)
    2. eTwinning (Network edukattiv)
    3. DIGComp (Qafas Ewropew ta’ Kompetenza Diġitali għaċ-Ċittadini)
    4. School Education Gateway (punt ta’ dħul uniku għall-għalliema, il-mexxejja tal-iskejjel, dawk li jfasslu l-politika, l-esperti u professjonisti oħra fil-qasam tal-edukazzjoni skolastika)
    5. Future Classroom Lab (ipprovdut mill-European School net u jinkludi korsijiet ta’ taħriġ, gruppi ta’ ħidma, eċċ.)
    6. Living Schools Lab
    7. Hackathon tal-Edukazzjoni Diġitali
    8. Ġimgħa Ewropea tal-Ikkowdjar
    9. Proġetti li jippromwovu sħubijiet internazzjonali bejn l-iskejjel (eż. skambji, kondiviżjoni tal-għarfien)

Sors: stħarriġ imwettaq mill-QEA.

Anness IV – Stadji importanti u miri għall-miżuri tal-RRF li jappoġġaw id-diġitalizzazzjoni tal-iskejjel fl-Istati Membri li żorna

Stat Membru Miżura Stadji importanti u miri Skeda ta’ żmien indikattiva
Il-Ġermanja 3.1.1 Programm ta’ investiment għall-apparati tal-għalliema Stadju importanti: Pubblikazzjoni tal-ftehim amministrattiv bejn il-Gvern Federali tal-Ġermanja u l-korpi governattivi fil-livell tal-Länder għall-implimentazzjoni ta’ dan l-investiment. 3/2021
Mira: Żborż ta’ mill-inqas EUR 475 miljun għall-forniment ta’ tagħmir diġitali għall-għalliema. 3/2022
Stadju importanti: Evalwazzjoni tal-bidliet fl-infrastruttura diġitali u fl-użu tal-media diġitali fl-iskejjel. Ir-rapport ta’ evalwazzjoni tal-programm jikkonferma li l-għalliema osservaw titjib fl-infrastruttura diġitali disponibbli u l-użu tal-media diġitali fl-iskola. 4/2025
3.1.2 Pjattaforma Nazzjonali tal-Edukazzjoni Stadju importanti: Dħul fis-seħħ tal-linji gwida dwar il-finanzjament għall-prototipi tal-pjattaforma tal-edukazzjoni tal-metapjattaforma dwar l-edukazzjoni, kif ukoll għall-proġetti ta’ riċerka transkompatibbli aċċessibbli mill-istudenti u l-għalliema. Skont ir-riżultat ta’ dawn il-proġetti, id-dimensjonijiet ewlenin tal-ispeċifikazzjonijiet tal-proġett huma ċċarati u għandha titnieda l-proċedura ta’ akkwist. 3/2022
Stadju importanti: Tnedija tal-verżjoni beta tal-pjattaforma tal-edukazzjoni, bis-servizzi u l-funzjonijiet kollha li ġew identifikati fid-deskrizzjoni funzjonali bħala prijorità għolja mill-Ministeru Federali għall-Edukazzjoni u r-Riċerka. Dawn il-funzjonijiet jinkludu l-aċċess għall-informazzjoni, il-profil tal-utent, il-kollaborazzjoni, il-ġestjoni tal-identità u tal-aċċess, iċ-chat-bot, il-flussi tax-xogħol, l-inbox. It-tnedija għandha tkun akkumpanjata minn awditi addizzjonali tas-sigurtà u tal-protezzjoni tad-data u minn testijiet tat-tagħbija li jkunu ta’ suċċess. 9/2023
Stadju importanti: Pubblikazzjoni ta’ rapport ta’ evalwazzjoni finali b’deċiżjoni dwar il-futur tal-pjattaforma tal-edukazzjoni, b’valutazzjoni li tikkonferma li l-proġett kien ta’ suċċess skont il-kriterji ta’ monitoraġġ tal-proġett. Il-proġett għandu jkun ta’ suċċess jekk it-tkomplija tal-pjattaforma tal-edukazzjoni tkun rakkomandata jew jekk jiġi stabbilit li s-servizzi u l-funzjonijiet tal-prototipi għandhom jittieħdu u jitkomplew minn partijiet interessati oħra fuq il-bażi tar-riżultati tal-proġett. 9/2024
3.1.3 Ċentri ta’ eċċellenza tal-edukazzjoni Stadju importanti: Dħul fis-seħħ tal-ewwel linji gwida dwar il-finanzjament u sejħa għall-offerti għal aġenzija li teżegwixxi l-proġetti għall-programm ġenerali . 12/2021
Mira: Approvazzjoni ta’ mill-inqas 45 proġett ta’ riċerka. 9/2022
Stadju importanti: Dħul fis-seħħ ta’ tliet linji gwida addizzjonali dwar il-finanzjament. 9/2022
Il-Greċja Trasformazzjoni Diġitali tal-Edukazzjoni Mira: Installazzjoni ta’ mill-inqas 36 000 sistema ta’ apprendiment interattiv (inklużi whiteboards, laptops, proġekters interattivi u kejbils interni) għal klassijiet tal-iskejjel primarji u sekondarji. 12/2024
L-Italja Investiment 3: Konnessjonijiet tal-internet veloċi (Ultra Broadband u 5G) Stadju importanti: L-għoti tal-kuntratti pubbliċi kollha għal proġetti ta’ konnessjoni aktar mgħaġġla (inklużi “skejjel konnessi”). 6/2022
Mira: Mill-inqas 9 000 skola addizzjonali jiġu pprovduti konnettività ta’ mill-inqas 1 Gbps. 6/2026
Investiment 2.1: Tagħlim u taħriġ diġitali integrati dwar it-trasformazzjoni diġitali għall-persunal tal-iskola Mira: Taħriġ ta’ mill-inqas 650 000 maniġer tal-iskola, għalliem u membru tal-persunal amministrattiv fl-edukazzjoni diġitali integrata u t-tranżizzjoni diġitali. 12/2024
Investiment 3.1: Ħiliet ġodda u lingwi ġodda Mira: F’mill-inqas 8 000 skola, jiġu attivati proġetti ta’ gwida STEM li jkunu mmirati lejn l-iżvilupp u d-diġitalizzazzjoni tal-pjattaforma diġitali nazzjonali STEM għall-monitoraġġ u t-tixrid ta’ informazzjoni u data għat-tipi kollha ta’ skejjel, l-istituti tekniċi u professjonali, u l-universitajiet. 6/2025
Mira: Mill-inqas 1 000 kors tal-lingwa u kors metodoloġiku fis-sena pprovduti lill-għalliema kollha. 6/2025
Investiment 3.2: Skola 4.0: skejjel innovattivi, wajers, klassijiet ġodda u workshops Stadju importanti: Il-pjan “Skola 4.0” għat-trawwim tat-tranżizzjoni diġitali tas-sistema skolastika Taljana huwa adottat mill-Ministeru għall-Edukazzjoni. 6/2022
Mira: Trasformazzjoni ta’ 100 000 klassi f’ambjenti ta’ apprendiment innovattivi, adattivi u flessibbli skont il-Pjan “Skola 4.0”. L-investiment għandu jġib it-teknoloġiji tat-tagħlim l-aktar innovattivi kollha li jintużaw għat-tagħlim (bħall-ikkowdjar u l-apparati tar-robotika, l-apparati tar-realtà virtwali u l-apparati diġitali avvanzati għat-tagħlim inklużiv) fl-iskejjel primarji u dawk sekondarji. 12/2025
Il-Polonja C2.1.2 Kundizzjonijiet ekwi għall-iskejjel b’apparati multimedjali mobbli – investimenti relatati mal-issodisfar tal-istandards minimi tat-tagħmir Mira: 465 000 kompjuter portabbli ġdid għad-dispożizzjoni tal-għalliema. 9/2023
Mira: 735 000 kompjuter portabbli ġdid għad-dispożizzjoni tal-istudenti. 9/2025
C2.1.3 Kompetenzi elettroniċi Stadju importanti: Il-ħolqien ta’ Ċentru ta’ Żvilupp ta’ Kompetenza Diġitali (DCDC) 12/2022
Mira: T1 - 1 500 koordinatur diġitali, medja ta’ wieħed għal kull muniċipalità (gmina) fil-Polonja 6/2023
Mira: T2 - 2 477 koordinatur diġitali ġdid, mill-inqas wieħed għal kull muniċipalità (gmina) fil-Polonja 9/2025
Mira: T1 - 190 000 persuna addizzjonali mħarrġa fil-kompetenzi diġitali, inkluż il-litteriżmu diġitali. 9/2024
Mira: T2 - 380 000 persuna addizzjonali mħarrġa fil-kompetenzi diġitali, inkluż il-litteriżmu diġitali. 6/2026
C2.2.1 Tagħmir ta’ skejjel/istituzzjonijiet b’tagħmir u infrastruttura tal-ICT adegwati biex tittejjeb il-prestazzjoni ġenerali tas-sistema edukattiva Stadju importanti: Konsultazzjoni pubblika dwar il-qafas li jiddefinixxi l-proċeduri għad-distribuzzjoni tat-tagħmir tal-ICT u għall-forniment ta’ infrastruttura lill-iskejjel. 9/2022
Stadju importanti: Qafas li jiddefinixxi l-proċeduri għad-distribuzzjoni ta’ tagħmir tal-ICT u għall-forniment ta’ infrastruttura lill-iskejjel. 6/2023
Mira: 100 000 klassi fi skejjel mgħammra b’konnessjoni tan-Network ta’ Żona Lokali (LAN) 9/2025
Mira: 100 000 klassi fi skejjel vokazzjonali u istituzzjonijiet tal-edukazzjoni ġenerali mgħammra b’għodod tal-IT li jippermettu tagħlim mill-bogħod. 3/2025
Mira: 16 000 laboratorju tal-intelliġenza artifiċjali (IA) u tax-Xjenza, it-Teknoloġija, l-Inġinerija u l-Matematika (STEM) stabbiliti fl-iskejjel. 9/2025
Stadju importanti: Diġitalizzazzjoni tas-sistema ta’ eżami. 12/2025
L-Awstrija Riforma: 2.B.1 Aċċess ġust u ugwali tal-istudenti għall-kompetenza diġitali bażika Stadju importanti: Dħul fis-seħħ tal-Att dwar id-Diġitalizzazzjoni tal-Iskejjel. 3/2021
Stadju importanti: Dħul fis-seħħ tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni. 12/2021
Stadju importanti: L-evalwazzjoni tal-liġi ġiet ikkompletata u ppubblikata mill-Ministeru responsabbli. 6/2025
Investiment: 2.B.2 Forniment ta’ apparati diġitali għall-utent aħħari lill-istudenti Stadju importanti: Id-deċiżjoni ta’ aġġudikazzjoni dwar l-offerta ppubblikata għall-apparati diġitali ġiet iffinalizzata u ppubblikata. 6/2021
Mira: Il-kunsinna tal-apparati għall-5 u s-6 grad (l-ewwel u t-tieni sena tas-sekondarja tal-ewwel livell) għandha tiġi kkompletata. 12/2021
Mira: Il-kunsinna tal-apparati għall-5 u s-6 gradi l-ġodda għandha tiġi kkompletata, sabiex l-istudenti matul l-ewwel erba’ snin tal-iskola sekondarja jkunu ġew ipprovduti b’apparat. 12/2023
Mira: Il-kunsinna tal-apparati għall-ewwel sena taċ-ċiklu l-ġdid ta’ erba’ snin ġiet ikkompletata. 12/2024

Sors: il-QEA, ibbażat fuq dokumenti tal-Kunsill.

Abbrevjazzjonijiet

CSR: Rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż

FEŻR: Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali

FSE: Fond Soċjali Ewropew

FSIE: Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej

ICT: Teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni

ISCED: Klassifikazzjoni Standard Internazzjonali tal-Edukazzjoni

NGEU: NextGenerationEU

NRW: Nordrhein-Westfalen

REACT-EU: Assistenza fl-Irkupru għall-Koeżjoni u għat-Territorji tal-Ewropa

RRF: Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza

RRP: Pjan għall-Irkupru u r-Reżiljenza

VAT: Taxxa fuq il-valur miżjud

Glossarju

Diġitalizzazzjoni tal-iskejjel: Fil-kuntest ta’ dan ir-rapport, il-proċess ta’ introduzzjoni tal-ICT sistematikament fit-tagħlim u l-apprendiment fl-iskejjel.

Diġitalizzazzjoni: L-introduzzjoni tat-teknoloġija diġitali u tal-informazzjoni diġitalizzata fil-proċessi u fil-kompiti.

Ekosistema tal-edukazzjoni diġitali: Infrastruttura diġitali għall-apprendiment u t-tagħlim li tappoġġa l-aspetti kollha ta’ sistema edukattiva diġitalment ittrasformata.

Erasmus+: Programm tal-UE li jappoġġa l-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport fl-Ewropa.

Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza: Il-mekkaniżmu ta’ appoġġ finanzjarju tal-UE biex jiġi mmitigat l-impatt ekonomiku u soċjali tal-pandemija tal-COVID-19 u jiġi stimulat l-irkupru f’nofs it-terminu, filwaqt li tiġi promossa t-trasformazzjoni ekoloġika u diġitali.

Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali: Fond taħt il-politika ta’ koeżjoni li jsaħħaħ il-koeżjoni ekonomika u soċjali fl-UE billi jiffinanzja investimenti li jnaqqsu l-iżbilanċi bejn ir-reġjuni.

Fond Soċjali Ewropew: Fond taħt il-politika ta’ koeżjoni għall-ħolqien ta’ opportunitajiet edukattivi u ta’ impjieg kif ukoll għat-titjib tas-sitwazzjoni ta’ persuni li jinsabu f’riskju ta’ faqar. Ġie sostitwit mill-Fond Soċjali Ewropew Plus.

Fondi taħt il-politika ta’ koeżjoni: Jipprovdu appoġġ finanzjarju fi ħdan il-qafas tal-Politika ta’ Koeżjoni tal-UE, permezz ta’ programmi pluriennali, li jikkomplementa l-interventi nazzjonali, reġjonali u lokali. Il-fondi rilevanti għal dan l-awditu huma l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) u l-Fond Soċjali Ewropew (FSE).

Gigabit: Unità ta’ kejl ta’ informazzjoni diġitali, ekwivalenti għal 1 000 000 000 bits.

Internet tal-gigabits: Servizz tal-Internet li joffri veloċità tal-konnessjoni ta’ gigabit waħda kull sekonda.

NextGenerationEU: Pakkett ta’ finanzjament biex jgħin lill-Istati Membri tal-UE jirkupraw mill-impatt ekonomiku u soċjali tal-pandemija tal-COVID-19.

Politika ta’ koeżjoni: Il-politika tal-UE li għandha l-għan li tnaqqas id-disparitajiet ekonomiċi u soċjali bejn ir-reġjuni u l-Istati Membri billi tippromwovi l-ħolqien tal-impjiegi, il-kompetittività tan-negozji, it-tkabbir ekonomiku, l-iżvilupp sostenibbli, kif ukoll l-kooperazzjoni transfruntiera u interreġjonali.

Programm operazzjonali: Qafas għall-implimentazzjoni tal-proġetti ta’ koeżjoni ffinanzjati mill-UE f’perjodu stabbilit, li jirrifletti l-prijoritajiet u l-objettivi stabbiliti fi ftehimiet ta’ sħubija bejn il-Kummissjoni u Stati Membri individwali.

REACT-EU: Programm tan-NextGenerationEU li jipprovdi finanzjament addizzjonali għall-programmi li jeżistu taħt il-politika ta’ koeżjoni biex jappoġġa l-irkupru mill-kriżi filwaqt li jippromwovi trasformazzjoni ekoloġika u diġitali.

Semestru Ewropew: Ċiklu annwali li jipprovdi qafas għall-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri tal-UE u għall-monitoraġġ tal-progress.

Tim tal-awditjar

Ir-rapporti speċjali tal-QEA jippreżentaw ir-riżultati tal-awditi li twettaq ta’ politiki u programmi tal-UE, jew ta’ suġġetti relatati mal-ġestjoni minn oqsma baġitarji speċifiċi. Il-QEA tagħżel u tfassal dawn il-kompiti tal-awditjar biex timmassimizza l-impatt tagħhom billi tqis ir-riskji għall-prestazzjoni jew għall-konformità, il-livell ta’ introjtu jew ta’ nfiq involut, l-iżviluppi li jkunu għad iridu jseħħu u l-interess politiku u pubbliku.

Dan l-awditu tal-prestazzjoni twettaq mill-Awla II tal-Awditjar li tispeċjalizza f’Investiment għall-koeżjoni, it-tkabbir u l-inklużjoni, u li hija mmexxija minn Annemie Turtelboom, Membru tal-QEA. L-awditu tmexxa minn Pietro Russo, Membru tal-QEA, li ngħata appoġġ minn Chiara Cipriani, Kap tal-Kabinett u Benjamin Jakob, Attaché tal-Kabinett; Niels-Erik Brokopp, Maniġer Prinċipali; Sven Kölling, Kap tal-Kompitu; Fabio Fattore, Marija Grgurić, Marina Karystinou, Rene Reiterer, u Angelika Zych, Awdituri. Miłosz Aponowicz, Kyriaki Kofini, u Mark Smith ipprovdew appoġġ lingwistiku.

Mix-xellug għal-lemin: Fabio Fattore, Niels-Erik Brokopp, Benjamin Jakob, Pietro Russo, Sven Kölling, Angelika Zych, Marina Karystinou, Rene Reiterer.

Noti finali

1 Il-Kummissjoni Ewropea, 2022.

2 Survey of Schools: ICT in education: benchmarking access, use and attitudes to technology in Europe’s schools, 2013, u 2nd Survey of Schools: ICT in Education, 2019.

3 (2020), PISA 2018 Results (Volume V): Effective Policies, Successful Schools, p. 113, PISA, OECD Publishing, Pariġi.

4 (2020), Strengthening online learning when schools are closed: The role of families and teachers in supporting students during the COVID-19 crisis; OECD Publishing, Pariġi.

5 L-Artikolu 165(1) tat-TFUE.

6 Il-Kummissjoni Ewropea, Eurydice National Education Systems.

7 Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, Gothenburg, 2017.

8 Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-kontribuzzjoni tagħha għal-laqgħa tal-Mexxejja f’Gothenburg, COM(2017) 673 tal-14 ta’ Novembru 2017.

9 Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali,COM(2018) 22, is-17 ta’ Jannar 2018.

10 Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar Konnettività għal Suq Uniku Diġitali Kompetittiv - Lejn Soċjetà Ewropea tal-Gigabits, COM(2016) 587, l-14 ta’ Settembru 2016.

11 Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar aġenda diġitali għall-Ewropa, COM(2010) 245, id-19 ta’ Mejju 2010.

12 Il-punti (2) u (10) tal-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013.

13 Ir-Regolament (UE) 2020/2221.

14 Ir-Regolament (UE) 2021/1058 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta’ Koeżjoni.

15 Ir-Regolament (UE) 2021/1057 li jistabbilixxi l-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+).

16 Ir-Regolament (UE) 2021/241.

17 Għal lista ta’ miżuri li identifikajna fl-RRPs, ara l-Anness I.

18 Ir-Regolament (UE) Nru 1288/2013.

19 Ir-Regolament (UE) 2021/817.

20 Ir-Regolament (UE) 2021/1153.

21 Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar Konnettività għal Suq Uniku Diġitali Kompetittiv - Lejn Soċjetà Ewropea tal-Gigabits, COM(2016) 587.

22 Ir-Rapport Speċjali 12/2018 “Broadband fl-Istati Membri tal-UE: minkejja l-progress li sar, mhumiex se jintlaħqu l-miri kollha ta’ Ewropa 2020”.

23 Ir-Rapport Speċjali 21/2022 “Il-valutazzjoni mill-Kummissjoni tal-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza: inġenerali xierqa iżda fadal riskji fl-implimentazzjoni”.

24 Coronavirus response: Extraordinary Erasmus+ calls to support digital education readiness and creative skills.

25 L-Artikolu 19 flimkien mal-Anness XI tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013.

26 L-Artikolu 95(2) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 u l-Artikoli 5(1) u 9 tar-Regolament (UE) 2021/241. Ara wkoll ir-Rapport Analitiku 01/2023 tagħna “Finanzjament mill-UE permezz tal-politika ta’ koeżjoni u l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza: analiżi komparattiva”, il-paragrafu 44.

27 L-Artikoli 9 u 17 tar-Regolament (UE) 2021/241.

28 Ir-Rapport Speċjali 21/2022 – “Il-valutazzjoni mill-Kummissjoni tal-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza: inġenerali xierqa iżda fadal riskji fl-implimentazzjoni”, il-paragrafi 82-84, u 89.

29 Ir-Rapport Speċjali 21/2022, il-paragrafi 66-72.

30 Ir-Rapport Analitiku 01/2023, il-paragrafu 43.

31 L-Artikolu 20(4) tar-Regolament (UE) 2021/241.

32 (2020), PISA 2018 Results (Volume V): Effective Policies, Successful Schools, p. 112, PISA, OECD Publishing, Pariġi.

33 L-Artikolu 2(1) tal-liġi federali dwar il-finanzjament tad-diġitalizzazzjoni tas-sistema skolastika Awstrijaka (ix-Schuldigitalisierungsgesetz).

34 L-Artikolu 34 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 u l-Artikolu 54 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013.

35 L-Artikolu 27(4) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013.

36 Updated Study on National Broadband Plans in the EU27, 2021.

Kuntatt

IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI
12, rue Alcide De Gasperi
1615 Luxembourg
LUXEMBOURG

Tel. +352 4398-1
Mistoqsijiet: www.eca.europa.eu/mt/contact
Sit web: eca.europa.eu
Twitter: @EUAuditors

Ħafna informazzjoni addizzjonali dwar l-Unjoni Ewropea hija disponibbli fuq l-Internet.
Jista’ jsir aċċess għaliha permezz tas-server Europa (https://europa.eu).

Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2023

PDF ISBN 978-92-847-9911-4 ISSN 1977-5741 doi:10.2865/08553 QJ-AB-23-011-MT-N
HTML ISBN 978-92-847-9907-7 ISSN 1977-5741 doi:10.2865/072766 QJ-AB-23-011-MT-Q

DRITT TAL-AWTUR

© L-Unjoni Ewropea, 2023

Il-politika tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) dwar l-użu mill-ġdid hija stabbilita fid-Deċiżjoni Nru 6-2019 tal-QEA dwar il-politika tad-data miftuħa u l-użu mill-ġdid ta’ dokumenti.

Sakemm ma jkunx indikat mod ieħor (eż. f’avviżi individwali dwar id-drittijiet tal-awtur), il-kontenut tad-dokumenti tal-QEA li jkun proprjetà tal-UE huwa liċenzjat taħt il-liċenzja Creative Commons Attribution 4.0 International (CC BY 4.0). Għalhekk, bħala regola ġenerali, l-użu mill-ġdid huwa awtorizzat dment li jingħata kreditu xieraq u li kwalunkwe bidla tiġi indikata. Dawk li jużaw mill-ġdid il-kontenut tad-dokumenti tal-QEA ma jistgħux ibiddlu s-sinifikat jew il-messaġġ oriġinali. Il-QEA ma għandhiex tkun responsabbli għal kwalunkwe konsegwenza relatata mal-użu mill-ġdid.

Irid jinkiseb permess addizzjonali jekk kontenut speċifiku juri individwi privati identifikabbli, eż. f’ritratti li jkun fihom il-membri tal-persunal tal-QEA, jew jekk ikun jinkludi xogħlijiet ta’ parti terza.

Fejn ikun inkiseb tali permess, dan għandu jikkanċella u jissostitwixxi l-permess ġenerali msemmi hawn fuq u għandu jindika b’mod ċar kwalunkwe restrizzjoni dwar l-użu.

Biex tuża jew tirriproduċi kontenut li ma jkunx proprjetà tal-UE, jista’ jkun meħtieġ li titlob il-permess direttament mingħand id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur.

Figura 2 – Ikoni: Din il-figura tfasslet bl-użu ta’ riżorsi minn Flaticon.com. © Freepik Company S.L. Id-drittijiet kollha huma riżervati.

Software jew dokumenti li jkunu koperti mid-drittijiet ta’ proprjetà industrijali, bħal privattivi, trademarks, disinji rreġistrati, logos u ismijiet, huma esklużi mill-politika tal-QEA dwar l-użu mill-ġdid.

Il-familja ta’ siti web istituzzjonali tal-Unjoni Ewropea, fid-dominju europa.eu, tipprovdi links għas-siti ta’ partijiet terzi. Peress li l-QEA ma għandha l-ebda kontroll fuq dawn, inti mħeġġeġ tirrieżamina l-politiki tagħhom dwar il-privatezza u dwar id-drittijiet tal-awtur.

Użu tal-logo tal-QEA

Ma jistax isir użu mil-logo tal-QEA mingħajr ma jinkiseb il-kunsens tagħha minn qabel.

KIF TIKKUNTATTJA LILL-UE

Personalment
Madwar l-Unjoni Ewropea kollha hemm mijiet ta’ ċentri tal-Europe Direct. Tista’ ssib l-­indirizz tal-eqreb ċentru għalik online (european-union.europa.eu/contact-eu/meet-us_mt).

Bit-telefown jew bil-miktub
Europe Direct huwa servizz li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar l-Unjoni Ewropea. Tista’ tikkuntattja lil dan is-servizz:

  • bit-telefown bla ħlas: 00 800 6 7 8 9 10 11 (ċerti operaturi jafu jimponu ħlas għal dawn it-telefonati),
  • fuq dan in-numru standard: +32 22999696,
  • permezz ta’ din il-formola:european-union.europa.eu/contact-eu/write-us_mt.

KIF ISSIB TAGĦRIF DWAR L-UE

Online
L-informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE hija disponibbli fuq is-sit web Europa (european-union.europa.eu).

Pubblikazzjonijiet tal-UE
Tista’ tara jew tordna l-pubblikazzjonijiet tal-UE minn op.europa.eu/mt/publications. Kopji multipli ta’ pubblikazzjonijiet bla ħlas tista’ tiksibhom billi tikkuntattja lil Europe Direct jew liċ-ċentru tad-dokumentazzjoni lokali tiegħek (european-union.europa.eu/contact-eu/meet-us_mt).

Il-liġi tal-UE u dokumenti relatati
Għal aċċess għall-informazzjoni legali tal-UE, inkluż il-liġijiet kollha tal-UE mill-1951 ’l hawn, fil-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali kollha, żur is-sit EUR-Lex (eur-lex.europa.eu).

Data miftuħa tal-UE
Il-portal data.europa.eu jagħti aċċess għal settijiet tad-data miftuħa mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-UE. Dawn jistgħu jitniżżlu u jerġgħu jintużaw mingħajr ħlas, għal skopijiet kummerċjali u mhux kummerċjali. Il-portal jagħti aċċess ukoll għal għadd kbir ta’ settijiet tad-data mill-pajjiżi Ewropej.