
“Bosta dewmien fis-Sistemi tal-IT doganali: x’mar ħażin?”
Dwar ir-rapport F’dan l-awditu, aħna eżaminajna jekk huwiex probabbli li l-programm Dwana 2020, flimkien mal-leġiżlazzjoni doganali relatata, iwasslu għall-implimentazzjoni tas-sistemi tal-IT meħtieġa għat-titjib tal-operazzjonijiet doganali fl-UE. Aħna sibna li l-implimentazzjoni ta’ dawn is-sistemi kienet suġġetta għal bosta dewmien, u minħabba dan, xi wħud mis-sistemi ewlenin mhux se jkunu disponibbli sal-2020, id-data ta' skadenza stabbilita fil-Kodiċi Doganali tal-Unjoni. Id-dewmien kien dovut għal diversi fatturi, b’mod partikolari: it-tibdil fl-ambitu tal-proġett, l-insuffiċjenza tar-riżorsi li ġew allokati mill-UE u mill-Istati Membri, u l-proċess deċiżjonali li ħa fit-tul minħabba l-istruttura ta’ governanza b’diversi livelli.
Sommarju eżekuttiv
IL-Unjoni Doganali hija waħda mill-pilastri tas-Suq Uniku. Il-modernizzazzjoni tal-proċessi doganali, ibbażat fuq l-iżvilupp ta’ sistemi ġodda tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni (IT), hija element importanti għall-funzjonament tal-Unjoni Ewropea (UE). Din il-modernizzazzjoni hija mistennija li ssaħħaħ, b’mod partikolari, l-attività ekonomika u t-tkabbir ekonomiku, u żżid is-sikurezza u s-sigurtà taċ-ċittadini tal-UE. Dawn il-benefiċċji għandhom jipprovdu l-inċentivi meħtieġa biex l-Istati Membri jinvestu fis-sistemi tal-IT doganali.
IIId-Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar id-Dwana Elettronika, il-Kodiċi Doganali Modernizzat (MCC), u finalment il-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (KDU) wittew it-triq għall-immodernizzazzjoni tal-Unjoni Doganali u ddettaljaw is-sistemi tal-IT meħtieġa biex dan iseħħ. Il-programm Dwana 2020 jiffinanzja l-komponenti tal-Unjoni tas-sistemi tal-IT. Jeħtieġ li l-Istati Membri jiżviluppaw il-komponenti nazzjonali relatati (komponenti mhux tal-Unjoni) u jħallsu l-ispejjeż assoċjati. L-implimentazzjoni tas-sistemi tal-IT hija regolata minn proċess deċiżjonali b’diversi livelli, li jinvolvi diversi korpi.
IIIL-awditu tagħna eżamina jekk huwiex probabbli li l-programm Dwana 2020, flimkien mal-leġiżlazzjoni doganali relatata, iwasslu għall-implimentazzjoni tas-sistemi tal-IT meħtieġa għat-titjib tal-operazzjonijiet doganali fl-UE. Aħna wettaqna dan l-awditu matul l-istadju ta’ implimentazzjoni bil-ħsieb li nikkontribwixxu għad-diskussjonijiet dwar il-programm Dwana li jmiss, li se jinbeda fl-2021. Eżaminajna jekk il-programm jiżgurax l-implimentazzjoni f’waqtha tas-sistemi tal-IT u, fejn applikabbli, identifikajna r-raġunijiet għad-dewmien. L-awditu kien fil-biċċa l-kbira bbażat fuq l-analiżi ta’ dokumenti tal-Kummissjoni, fuq minuti u rapporti tal-Kumitati u tal-Gruppi ta’ Ħidma, kif ukoll fuq ir-riżultati ta’ stħarriġ li ntbagħat lill-Istati Membri.
IVAħna sibna li l-implimentazzjoni tas-sistemi l-ġodda tal-IT għall-Unjoni Doganali kienet suġġetta għal bosta dewmien, u minħabba dan, xi wħud mis-sistemi ewlenin mhux se jkunu disponibbli sal-2020, id-data ta' skadenza stabbilita fil-KDU. Id-dewmien kien dovut għal diversi fatturi, b’mod partikolari: it-tibdil fl-ambitu tal-proġett, l-insuffiċjenza tar-riżorsi li ġew allokati mill-UE u mill-Istati Membri, u l-proċess deċiżjonali li ħa fit-tul minħabba l-istruttura ta’ governanza b’diversi livelli. Aħna osservajna wkoll li l-Kummissjoni ma rrappurtatx id-dewmien b’mod xieraq, u li l-objettivi u l-arranġamenti ta’ rappurtar tal-programm Dwana 2020 mhumiex adatti għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tas-sistemi tal-IT. Għall-bidu, l-iżvilupp tas-sistemi tal-IT ġie fil-biċċa l-kbira deċentralizzat, bil-ħsieb li jitnaqqas ir-riskju li dawn ma jiġux implimentati, iżda dan sar għad-detriment tal-effiċjenza.
VAħna nirrakkomandaw li l-Kummissjoni:
- tipproponi li l-objettivi tal-programm Dwana li jmiss jkunu espliċitament relatati mas-sistemi previsti tal-IT li għad iridu jiġu żviluppati u tipproponi objettivi li jkunu preċiżi u jistgħu jitkejlu;
- tiżgura li t-tagħlimiet li nsiltu mill-programmi preċedenti jittieħdu debitament inkunsiderazzjoni u tipprovdi informazzjoni adegwata lill-Istati Membri biex dawn ikunu jistgħu jieħdu deċiżjoni infurmata dwar l-ambitu tal-proġetti fi żmien debitu;
- timmonitorja r-riskji li Stat Membru ma jkunx jista’ jirrispetta d-dati ta’ skadenza għall-implimentazzjoni tal-komponenti nazzjonali u tidentifika, fi stadju bikri, soluzzjonijiet potenzjali u tiffaċilita l-applikazzjoni tagħhom fil-livell nazzjonali, kif ukoll l-użu aktar mifrux ta’ żvilupp kollaborattiv tas-sistemi tal-IT;
- tissimplifika l-governanza tal-iżvilupp ta’ sistemi tal-IT doganali, billi tiżgura komunikazzjoni aktar effiċjenti u aktar rapida mal-Istati Membri, pereżempju permezz tal-użu ta’ soluzzjonijiet addizzjonali għall-iskambju ta’ informazzjoni biex id-deċiżjonijiet ikunu jistgħu jittieħdu mingħajr ebda dewmien;
- tinforma lill-partijiet ikkonċernati kollha involuti fl-implimentazzjoni tas-sistemi tal-IT kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f’dak tal-Istati Membri, b’mod f’waqtu u trasparenti, dwar dewmien fl-implimentazzjoni u fl-infiq għall-komponenti tal-Unjoni u ta’ dawk nazzjonali, u tistabbilixxi arranġamenti ta’ rappurtar u indikaturi xierqa dwar il-livell kumplessiv ta’ implimentazzjoni u dwar il-proġetti individwali.
Introduzzjoni
L-Unjoni Doganali hija waħda mill-pilastri tas-Suq Uniku fl-Unjoni Ewropea
01Fl-2018, l-Unjoni Ewropea (UE) tiċċelebra l-50 anniversarju minn meta twaqqfet l-Unjoni Doganali. L-essenza tal-Unjoni Doganali hija n-nuqqas ta’ dazji doganali fil-fruntieri interni bejn l-Istati Membri, kif ukoll l-istabbiliment ta’ dazji doganali komuni fuq l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi.
02Il-funzjonament tal-UE bħala wieħed mill-akbar blokok kummerċjali, jiddependi fuq il-fluss effiċjenti tal-merkanzija ’l ġewwa u ’l barra mill-Unjoni Doganali, kif ukoll fuq il-moviment liberu tal-merkanzija fiż-żona tas-Suq Uniku. Skont l-istatistika l-aktar reċenti li hija disponibbli, l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet flimkien ammontaw għal madwar EUR 3,7 triljun1. Dan juri l-importanza tal-kummerċ u tal-Unjoni Doganali għall-prosperità tal-UE.
03Minbarra dan, id-dazji doganali fuq l-importazzjonijiet jikkostitwixxu parti importanti mid-dħul tal-UE. Fl-2017, dawn ammontaw għal EUR 20,3 biljun, li jirrappreżenta 15 % tal-baġit totali tal-UE.
Il-modernizzazzjoni tal-Unjoni Doganali ilha fuq l-aġenda tal-UE mill-2003
04Bosta atturi ewlenin ilhom jesprimu l-ħtieġa li l-Unjoni Doganali tiġi mmodernizzata minn mindu nħolqot. Jeħtieġ li t-titjib ikun jinkludi d-diġitalizzazzjoni2, l-introduzzjoni ta’ ambjent mingħajr karti u t-tnaqqis tal-burokrazija żejda, biex b’hekk jissaħħu l-attività ekonomika u t-tkabbir. Jeħtieġ ukoll li t-titjib jirrinforza s-sikurezza u s-sigurtà taċ-ċittadini tal-UE, u jippermetti li d-dazji jinġabru b’mod aktar effiċjenti. Il-benefiċċji għall-konsumaturi u għan-negozji tal-UE li jġib miegħu t-titjib fil-kummerċ tal-UE huma mistennija li jipprovdu inċentiv għall-Istati Membri biex jinvestu fis-sistemi tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni (IT) doganali.
05Fl-2003, il-Kummissjoni stabbiliet l-objettiv li jinkiseb ambjent sempliċi u mingħajr karti għad-dwana u l-kummerċ3. Il-pubblikazzjoni tad-Deċiżjoni dwar id-Dwana Elettronika4 fl-2008 enfassizat aktar l-importanza ta’ dan l-objettiv. F’Ġunju 2008, daħal fis-seħħ il-Kodiċi Doganali Modernizzat (MCC)5. Dan kellu l-għan li jimmodernizza l-Unjoni Doganali, inkluż l-iżvilupp ta’ diversi sistemi tal-IT li kienu intenzjonati li jsiru kompletament operazzjonali sa Ġunju 2013. Għal bosta raġunijiet, inkluż id-dewmien fl-implimentazzjoni tas-sistemi tal-IT meħtieġa6, l-MCC qatt ma ġie applikat fil-prattika.
06F’Ottubru 2013 ġie adottat il-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (KDU)7 li ssostitwixxa l-MCC u li, għal darb’oħra, kellu l-objettiv li jagħmel tranżizzjoni lejn ambjent mingħajr karti u għall-iskambju ta’ informazzjoni bbażat fuq sistemi tal-IT. Il-KDU ilu applikabbli minn Mejju 2016, b’perjodu tranżitorju sa tmiem l-2020 għall-implimentazzjoni tas-sistemi tal-IT. Is-sistemi tal-IT relatati mal-KDU kienu simili għal dawk li qabel kienu meħtieġa għall-MCC.
07Biex tikkonforma mar-rekwiżiti tad-Deċiżjoni dwar id-Dwana Elettronika u l-KDU, il-Kummissjoni stabbiliet dokumenti ta’ pjannar strateġiku għall-iżvilupp ta’ sistemi tal-IT doganali rilevanti, jiġifieri l-Pjan Strateġiku Pluriennali8 u l-Programm ta’ Ħidma għall-KDU9. Il-Pjan Strateġiku Pluriennali jieħu inkunsiderazzjoni l-iskeda ta’ implimentazzjoni tal-Programm ta’ Ħidma għall-KDU, iżda jinkludi sistemi addizzjonali tal-IT li jeħtieġ li jiġu żviluppati.
Il-programm Dwana 2020 huwa l-għodda finanzjarja attwali għall-implimentazzjoni tas-sistemi tal-IT meħtieġa
08L-UE tiffinanzja l-iżvilupp ta’ sistemi ġodda tal-IT indikati fil-Pjan Strateġiku Pluriennali kif ukoll il-manutenzjoni tas-sistemi tal-IT eżistenti taħt programm ġenerali fil-qasam tad-dwana. Dan il-programm “Dwana 2020”10 jipprovdi fondi għall-komponenti UE tas-sistemi tal-IT (komponenti tal-Unjoni). Dawn huma riżorsi (bħal hardware, software, konnessjonijiet tan-netwerk) u servizzi li jappoġġaw is-sistemi tal-IT li huma komuni għall-UE u għall-Istati Membri. L-Istati Membri huma mistennija jiżviluppaw il-komponenti nazzjonali (komponenti mhux tal-Unjoni) u jġarrbu l-ispejjeż assoċjati11.
09Il-Kummissjoni stabbiliet il-programm Dwana 2020 biex “jappoġġa l-funzjonament u l-modernizzazzjoni tal-Unjoni Doganali sabiex is-suq intern jissaħħaħ permezz ta’ kooperazzjoni bejn il-pajjiżi parteċipanti, l-awtoritajiet doganali tagħhom u l-uffiċjali tagħhom.” Il-baġit totali ta’ dan il-programm jammonta għal EUR 523 miljun fuq perjodu ta’ seba’ snin (jiġifieri madwar EUR 75 miljun fis-sena)12. Il-programm Dwana 2020 huwa kontinwazzjoni tal-programmi “Dwana” preċedenti li l-ewwel wieħed fosthom inbeda fl-1991 u l-aħħar wieħed ngħalaq fl-2013. Il-Kummissjoni tipproponi pakkett ta’ EUR 950 miljun għall-programm Dwana fi ħdan il-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027.
10Tliet kwarti mill-baġit ta’ Dwana 2020 huwa ddedikat għall-bini tal-kapaċitajiet tal-IT, imsejħa s-Sistemi ta’ Informazzjoni Ewropej (EIS) fir-Regolament dwar il-programm Dwana 2020. Dan il-baġit ikopri l-iżvilupp, l-operat u l-manutenzjoni tal-komponenti UE ta’ dawn is-sistemi EIS (komponenti tal-Unjoni). Il-25 % li jifdal mill-baġit jiġi allokat għal azzjonijiet oħra relatati mal-funzjonament u mal-modernizzazzjoni tal-Unjoni Doganali, jiġifieri għal azzjonijiet konġunti (bħal gruppi ta’ proġetti u timijiet ta’ esperti) kif ukoll għat-taħriġ.
Il-governanza tal-implimentazzjoni tas-sistemi tal-IT fl-Unjoni Doganali hija magħmula minn diversi livelli
11Il-Figura 1 turi l-istruttura ta’ governanza tal-implimentazzjoni tas-sistemi tal-IT fl-Unjoni Doganali. Il-governanza hija bbażata fuq għadd ta’ korpi li jinteraġixxu bejniethom, fosthom il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-interessi kummerċjali, b’mod partikolari l-Grupp tal-Politika Doganali (CPG), il-Grupp ta’ Koordinazzjoni dwar id-Dwana Elettronika (ECCG) u l-Grupp ta’ Kuntatt dwar il-Kummerċ (TCG). Id-Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali (DĠ TAXUD) huwa inkarigat mill-implimentazzjoni tal-programm Dwana 2020 u jippresiedi dawn il-gruppi. Biex jintlaħaq ftehim dwar proġetti individwali jkunu jridu jsiru bosta diskussjonijiet dwar kwistjonijiet tekniċi, operazzjonali, legali u finanzjarji, bl-involviment ta’ esperti mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri.
Figura 1
Struttura ta’ governanza għall-implimentazzjoni tal-Pjan Strateġiku Pluriennali u l-proġetti relatati mad-Dwana elettronika
Sors: Il-QEA, ibbażat fuq l-Anness III - Skema ta’ Governanza tal-Pjan Strateġiku Pluriennali, Reviżjoni tal-2017.
Ambitu u metodoloġija tal-awditjar
12L-awditu tagħna vvaluta jekk huwiex probabbli li l-programm Dwana 2020, flimkien mal-leġiżlazzjoni doganali relatata, iwasslu għall-implimentazzjoni tas-sistemi tal-IT meħtieġa għat-titjib tal-operazzjonijiet doganali fl-UE. Aħna ffukajna fuq l-iżvilupp tal-komponenti tal-Unjoni ta’ sistemi ġodda tal-IT. Fir-rigward tal-komponenti nazzjonali, aħna eżaminajna biss ir-rwol superviżorju li l-Kummissjoni għandha fil-koordinazzjoni tal-implimentazzjoni, mill-Istati Membri, tas-sistemi tal-IT nazzjonali tagħhom. Aħna ma koprejniex l-azzjonijiet l-oħra previsti fil-programm Dwana 2020, b’mod partikolari l-azzjonijiet konġunti, l-attivitajiet ta’ taħriġ u l-operat u l-manutenzjoni tas-sistemi eżistenti tal-IT.
13L-awditu tagħna twettaq matul l-istadju ta’ implimentazzjoni tal-programm. Dan l-approċċ ippermettielna nwettqu analiżi ta’ nofs it-terminu dwar l-iżvilupp tas-sistemi tal-IT u nikkontribwixxu fi żmien debitu għad-diskussjonijiet dwar il-programm Dwana li jmiss, li se jinbeda fl-2021 (ara l-paragrafu 9).
14Aħna eżaminajna jekk il-programm jiżgurax l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tas-sistemi tal-IT b’mod f’waqtu. Fejn kien applikabbli, aħna identifikajna r-raġunijiet għad-dewmien. Analizzajna wkoll l-aspetti relatati mal-arranġamenti ta’ tfassil, ta’ monitoraġġ u ta’ rappurtar13. L-awditu kien ibbażat fuq analiżi ta’ dokumenti tal-Kummissjoni, fuq minuti u rapporti tal-Kumitati u tal-Gruppi ta’ Ħidma li fihom jipparteċipaw il-Kummissjoni u l-Istati Membri, u fuq intervisti mal-persunal tal-Kummissjoni fid-DĠ TAXUD.
15Sabiex niksbu fehim approfondit dwar l-implimentazzjoni tal-komponenti nazzjonali ta’ sistemi ġodda tal-IT mill-Istati Membri, aħna wettaqna stħarriġ tat-28 awtorità doganali nazzjonali.
Osservazzjonijiet
L-implimentazzjoni ta’ sistemi ġodda tal-IT għad-dwana kienet suġġetta għal bosta dewmien
16L-iżvilupp rapidu tal-IT jippreżenta kontinwament opportunitajiet, sfidi u domandi ġodda mill-utenti inġenerali. Dan huwa wkoll il-każ fil-qasam tad-dwana, li jirrikjedi li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jipprovdu soluzzjonijiet flessibbli u li jkunu jistgħu jirreaġixxu b’aġilità għal avvenimenti esterni. Għaxar snin wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni dwar id-Dwana Elettronika, aħna osservajna li kien sar progress fl-iżvilupp tas-sistemi tal-IT. Madankollu, xi wħud minn dawn is-sistemi għadhom ma ġewx implimentati bis-sħiħ.
17Il-Pjan Strateġiku Pluriennali 2017 jinkludi 31 proġett tal-IT li għandhom jiġu implimentati mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri. Dawn huma maħsuba biex jiġu żviluppati sistemi ġodda jew biex dawk eżistenti jiġu aġġornati, bil-ħsieb li b’dan il-mod jimmodernizzaw l-Unjoni Doganali u jiżguraw li l-KDU jiġi applikat b’mod sħiħ. Id-dati ta' skadenza għat-twettiq tal-proġetti tal-IT ġew gradwalment posposti. Ir-reviżjonijiet tal-Pjan Strateġiku Pluriennali tal-2016 u tal-2017 wasslu biex id-dati tal-implimentazzjoni tas-sistemi tal-IT jiġu posposti għal 28 % u 42 % tal-proġetti rispettivament.
18Il-graff ippreżentata fl-Anness II tindika l-għadd ta’ snin addizzjonali meħtieġa għat-twettiq ta’ kull proġett tal-IT. Dan il-kalkolu rriżulta mit-tqabbil tad-dati ta’ skadenza stabbiliti għat-twettiq tal-proġetti fil-Pjan Strateġiku Pluriennali 2017 u dawk stabbiliti fl-ippjanar inizjali. L-analiżi tagħna turi li d-data inizjali ta’ twettiq inżammet għal erba’ proġetti, iżda ħafna proġetti oħra kienu suġġetti għal dewmien u erba’ proġetti ġew posposti b’ħames snin jew aktar.
L-implimentazzjoni ta’ xi wħud mis-sistemi ewlenin tal-IT meħtieġa mill-Kodiċi Doganali tal-Unjoni se tiddewwem sa wara l-2020
19L-implimentazzjoni sħiħa tal-KDU tiddependi fuq id-disponibbiltà ta’ ċertu kwantità ta’ sistemi tal-IT fil-Kummissjoni u fl-Istati Membri. Għalkemm ilu applikabbli mill-2016, il-KDU jipprevedi perjodu tranżitorju sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2020, biex jippermetti l-iżvilupp, mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri, tas-17-il sistema tal-IT meħtieġa.
20Skont il-Pjan Strateġiku Pluriennali 2017, sebgħa minn dawn is-sistemi tal-IT14 mhux se jkunu jistgħu jiġu implimentati kompletament sad-data ta' skadenza tal-2020. Skont il-Kummissjoni, ir-rata kumplessiva ta’ implimentazzjoni tal-KDU fi tmiem l-2020 se tkun bejn wieħed u ieħor ta’ 75 %. Madankollu, dan il-kalkolu huwa bbażat fuq it-twettiq tal-istadji importanti f’dak li jirrigwarda l-komponenti tal-Unjoni, u mhux meta s-sistemi jkunu lesti biex jintużaw. Barra minn hekk, aħna sibna li l-proġetti li ddewmu jinkludu sistemi li huma essenzjali għall-operat ta’ proċeduri doganali ewlenin (importazzjoni, tranżitu u esportazzjoni), jew għall-aġġornament tagħhom. L-Istati Membri, fir-risposti tagħhom għall-istħarriġ tagħna, qiesu li dawn is-sistemi kienu kruċjali għall-funzjonament effiċjenti u għall-modernizzazzjoni tal-Unjoni Doganali (ara l-Figura 2).
Figura 2
Pjan Strateġiku Pluriennali tal-2017 għal 17-il proġett relatati mal-KDU15
Sors: Il-QEA, ibbażat fuq il-Pjan Strateġiku Pluriennali 2017 (għal deskrizzjoni dettaljata tal-proġetti tal-IT, jekk jogħġbok ara l-Anness I)
F’Jannar 2018, il-Kummissjoni rrappurtat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-KDU u infurmathom li d-data ta’ skadenza tiegħu tal-2020 mhix se tiġi rispettata. F’Marzu 2018, hija ppreżentat proposta biex il-KDU jiġi emendat kif ukoll biex il-perjodu tranżitorju għall-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet jiġi estiż sal-2025.
Hemm ir-riskju li d-data ta’ skadenza l-ġdida proposta tal-2025 li ġiet proposta ma tiġix rispettata
22Ir-reviżjoni tal-Pjan Strateġiku Pluriennali 2017 wasslet biex il-Kummissjoni jkollha konċentrazzjoni sinifikanti ta’ xogħol fil-perjodu mill-2023 sal-2025, fejn sitt sistemi16 li jirriżultaw minn proġetti estensivi huma previsti li jsiru operazzjonali17. Barra minn hekk, għadd sostanzjali ta’ Stati Membri waqgħu lura fl-implimentazzjoni tas-sistemi tagħhom tal-IT18. B’riżultat ta’ dan, hemm ir-riskju li anke d-dati ta’ skadenza li ġew skedati mill-ġdid mhumiex se jiġu rispettati u li d-data ta’ skadenza prevista fil-KDU terġa’ tiġi estiża aktar sa wara l-2025.
It-tibdil fl-ambitu, l-insuffiċjenza tar-riżorsi allokati u l-proċess deċiżjonali li ħa fit-tul kienu r-raġunijiet prinċipali għad-dewmien
23L-eżaminar li wettaqna tal-implimentazzjoni ta’ proġetti tal-IT doganali, inkluża analiżi approfondita ta’ ħames proġetti19 u r-risposti tal-Istati Membri għall-istħarriġ tagħna, żvelaw li r-raġunijiet prinċipali għad-dewmien kienu dawn li ġejjin:
- It-tibdil fl-ambitu ta’ xi wħud mill-proġetti, li żied il-kumplessità tagħhom (ara l-paragrafi 24 sa 25);
- L-insuffiċjenza tar-riżorsi allokati mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri għall-implimentazzjoni tas-sistemi tal-IT (ara l-paragrafi 26 sa 32);
- Il-proċess deċiżjonali li ħa fit-tul minħabba l-istruttura ta’ governanza b’diversi livelli20 li kienet tinvolvi l-Kummissjoni u l-Istati Membri (ara l-paragrafi 33 sa 36).
Tibdil fl-ambitu ta’ xi wħud mill-proġetti
24Il-Kummissjoni bbażat il-kronoloġija għall-iżvilupp u t-tnedija tas-sistemi doganali fuq l-istudju relatat mal-Pjan Regolatorju tal-IT li ġie kkompletat fl-2012, u kkonkludiet li d-data ta’ skadenza tal-2020 kienet realistika għall-implimentazzjoni tal-proġetti tal-IT previsti f’dak il-perjodu.
25Mis-17-il proġett, li kienu diġà previsti fl-MCC, il-predeċessur tal-KDU, 12 laħqu ċertu livell ta’ maturità21. Madankollu, matul id-diskussjonijiet suċċessivi, il-Kummissjoni u l-Istati Membri qablu li jibdlu b’mod sinifikanti l-ambitu ta’ xi wħud mis-sistemi tal-IT. Barra minn hekk, ċerti żviluppi tas-sistemi tal-IT ġew trasferiti mil-livell tal-Istati Membri għal dak tal-UE. Dan irriżulta f’żieda sostanzjali fl-ammont ta’ xogħol tal-Kummissjoni, bir-riżultat li l-kronoloġija oriġinali stabbilita ma setgħetx tintlaħaq.
Insuffiċjenza tar-riżorsi allokati mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri
Il-baġit tal-Kummissjoni (komponenti tal-Unjoni)
26Il-Kummissjoni bbażat il-ħtiġijiet tar-riżorsi għall-programm Dwana 2020 fuq l-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-UE fir-rigward tal-IT għall-qasam tal-politika doganali, stabbilita fil-Pjan Strateġiku Pluriennali 2012.
27L-ewwel indikazzjoni importanti li l-baġit li kien disponibbli taħt il-programm Dwana 2020 seta’ ma jkunx suffiċjenti dehret fl-2015 fil-qafas tal-proġett ta’ aġġornament għas-Sistema ta' Kontroll tal-Importazzjoni. Id-Dokument ta’ Viżjoni maqbul mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri indika li għandu jittieħed approċċ aktar ċentralizzat għall-iżvilupp tas-sistema, meta mqabbel mal-pjanijiet oriġinali. Huwa ppropona baġit totali rivedut għall-implimentazzjoni ta’ madwar EUR 170 miljun, aktar mid-doppju tal-istimi preċedenti. B’konsegwenza ta’ dan, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-baġit li jifdal għall-bini tal-kapaċitajiet fl-IT taħt il-programm Dwana 2020 kien baxx wisq biex ikopri l-ispiża għall-implimentazzjoni ta’ din is-sistema.
28Il-Kummissjoni ddeċidiet li timmitiga l-problema billi:
- Taqsam il-proġett fi blokok u tistabbilixxi perjodu ta’ implimentazzjoni itwal li jmur lil hinn mill-2020 bil-ħsieb li b’hekk tuża l-baġit allokat għall-programmi Dwana futuri; u
- Tikseb riżorsi addizzjonali għall-baġit allokat għall-bini tal-kapaċitajiet fl-IT taħt il-programm Dwana 2020. Dawn l-isforzi kellhom biss suċċess parzjali.
Il-previżjonijiet tal-Kummissjoni fir-rigward tar-rekwiżiti baġitarji għall-2021-2025 huma sinifikattivament ogħla minn dawk għall-2014-2020. Il-Figura 3 turi l-istima tal-ħtiġijiet baġitarji għas-sistemi tal-IT sa tmiem il-perjodu ta’ programmazzjoni ta’ Dwana 2020 u l-ħtiġijiet baġitarji akbar previsti għal wara l-2020. Skont l-istima tal-Kummissjoni, għall-perjodu li jmiss tal-programm Dwana, se tkun teħtieġ madwar EUR 100 – EUR 115-il miljun fis-sena biex iżżomm is-sistemi kollha tal-IT operattivi u biex ittemm il-proġetti l-oħra li kienu previsti fil-Pjan Strateġiku Pluriennali u li ġew posposti għal wara l-2020.
Figura 3
Stima tal-ħtiġijiet baġitarji għall-implimentazzjoni tar-reviżjoni tal-Pjan Strateġiku Pluriennali 2017
Sors: Dokumenti ta’ ħidma tal-Kummissjoni.
Il-baġit tal-Istati Membri (komponenti nazzjonali)
30L-istħarriġ tagħna tal-Istati Membri wera li għall-biċċa l-kbira minnhom (67 %) waħda mir-raġunijiet prinċipali li wasslet għall-implimentazzjoni tardiva tal-KDU kienet l-insuffiċjenza tal-baġit allokat fil-livell nazzjonali. Il-Kummissjoni saret taf li xi wħud mill-Istati Membri ma kinux se jallokaw biżżejjed fondi lill-amministrazzjonijiet doganali biex dawn ikunu jistgħu jikkonformaw minnufih mal-Pjan Strateġiku Pluriennali wara l-approvazzjoni tal-Programm ta' Ħidma għall-KDU fl-2014. Il-Kummissjoni infurmatna li dan kien parzjalment dovut għall-kriżi makroekonomika internazzjonali li faqqgħet fl-2008. Fir-Rapport Speċjali Nru 19/2017, aħna diġà konna enfasizzajna li l-finanzjament insuffiċjenti tas-sistemi tal-IT trans-Ewropej jista’ jdewwem l-implimentazzjoni tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni22.
31Il-Kummissjoni kompliet tappella lill-Istati Membri biex jagħmlu disponibbli r-riżorsi nazzjonali u investigat alternattivi oħra biex tirriżolvi l-problema tal-insuffiċjenza tal-baġits fl-Istati Membri, pereżempju billi tiffaċilita l-kooperazzjoni fost l-Istati Membri (ara l-Kaxxa 1).
Kaxxa 1
Żvilupp kollaborattiv ta’ komponenti nazzjonali minn grupp ta’ Stati Membri
Il-Kummissjoni ħeġġet lill-Istati Membri biex jagħżlu li jikkollaboraw flimkien fl-iżvilupp ta’ komponenti nazzjonali, pjuttost milli kull Stat Membru jaħdem għalih waħdu. Fil-qasam tat-tassazzjoni, id-DĠ TAXUD kellu esperjenza pożittiva fir-rigward ta’ dan it-tip ta’ żvilupp kollaborattiv tas-sistemi tal-IT.
Fl-2017, l-Estonja ħejjiet proġett għall-istabbiliment ta’ tim ġdid ta’ esperti magħmul minn bosta rappreżentanti tal-Istati Membri biex flimkien jiżviluppaw il-komponenti nazzjonali tas-sistemi tal-IT doganali. Pereżempju dan it-tim ta’ esperti kien iħejji proċeduri ta’ akkwist komuni biex jikseb ekonomiji ta’ skala. Il-proġett ġie approvat mill-Kummissjoni u se jirċievi finanzjament mill-Programm ta’ Ħidma ta’ Dwana 2020 għall-2018. Kien hemm 15-il Stat Membru li esprimew l-interess tagħhom li jipparteċipaw f’dan it-tip ta’ azzjoni.
Fiż-żmien meta twettaq l-awditu, it-tim ta’ esperti kien għadu ma bediex ix-xogħol tiegħu u għalhekk ma kienx possibbli li jiġu vvalutati r-riżultati ta’ din l-inizjattiva.
L-Istati Membri jżommu 20 % tal-fondi miġbura mid-dazji doganali bħala spejjeż tal-ġbir u t-80 % li jifdal jmorru għall-baġit tal-UE bħala dħul. Ir-rata ta’ żamma għall-ispejjeż tal-ġbir tkun biżżejjed23 biex tippermetti lill-Istati Membri jkopru l-infiq li jġarrbu għall-implimentazzjoni tas-sistemi tal-IT doganali. Madankollu, aħna osservajna li l-ebda Stat Membru ma kien indika li huwa għamel dan. Minflok, huma użaw il-fondi mill-baġit nazzjonali u l-fondi strutturali tal-UE biex jiffinanzjaw l-iżvilupp tas-sistemi tal-IT doganali.
Proċess deċiżjonali li ħa fit-tul minħabba l-istruttura ta’ governanza b’diversi livelli li kienet tinvolvi l-Kummissjoni u l-Istati Membri
33L-iżvilupp tas-sistemi tal-IT doganali jirrikjedi l-involviment, il-koordinazzjoni mill-qrib u l-qbil ta’ għadd kbir ta’ atturi f’bosta livelli fil-Kummissjoni u fl-Istati Membri (ara l-paragrafu 11). Minbarra l-kumplessità tal-iżvilupp tal-IT fih innifsu, il-proċess deċiżjonali jsir aktar kumpless minħabba l-karatteristiċi nazzjonali speċifiċi tal-operazzjonijiet doganali, u minħabba d-differenzi bejn l-Istati Membri f’dak li jirrigwarda l-progress u l-kapaċitajiet tagħhom fl-IT doganali.
34Il-Kummissjoni, fir-rwol ta’ koordinazzjoni tagħha, diġà esperjenzat din l-istruttura ta’ governanza fil-kuntest tal-implimentazzjoni tas-sistemi doganali eżistenti, b’mod partikolari tas-sistema ta’ tranżitu tal-ewwel ġenerazzjoni (is-Sistema l-Ġdida ta’ Tranżitu Kompjuterizzata). Dan wera li l-ilħuq ta’ qbil dwar l-aspetti kollha tal-implimentazzjoni ta’ proġett huwa kompitu diffiċli li jieħu fit-tul24.
35Minħabba l-kumplessità tal-proġetti tal-IT doganali, il-Kummissjoni applikat sett ta’ stadji importanti dettaljati għal kull proġett biex tiffaċilita l-ippjanar u l-monitoraġġ tal-operazzjonijiet. Dawn l-istadji importanti jinqasmu skont il-fażijiet prinċipali tal-proġetti, u jirreferu għall-approvazzjoni tad-dokumenti jew tal-azzjonijiet relatati mill-Istati Membri rrappreżentati fil-korpi ta’ governanza25.
36Aħna eżaminajna l-applikazzjoni ta’ dawn l-istadji importanti fil-kampjun tagħna ta’ ħames proġetti (ara l-paragrafu 23). Fil-każijiet kollha, kien hemm dewmien fil-qbil bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri dwar l-istadji importanti inizjali (Dokument ta’ Ġustifikazzjoni Ekonomika u/jew Dokument ta’ Viżjoni)26.
Il-Kummissjoni damet ma rrappurtat id-dewmien
37Immedjatament wara li ġew adottati d-dokumenti ewlenin ta’ ppjanar fl-2013 u fl-2014, xi wħud mill-Istati Membri u r-rappreżentanti tal-kummerċ (bħal importaturi, aġenti doganali, kumpaniji tat-trasport u operaturi loġistiċi) bdew jiddubitaw il-fattibbiltà tal-iskedi ta’ żmien għall-ikkompletar tal-proġetti tal-IT. Minkejja dan, fl-2016, id-dokumenti u r-rapporti uffiċjali tal-Kummissjoni dwar l-ippjanar strateġiku komplew jindikaw li s-sistemi kollha tal-IT meħtieġa mill-KDU u bosta proġetti oħra tal-Pjan Strateġiku Pluriennali li mhumiex meħtieġa mill-KDU se jiġu implimentati sal-2020 (ara l-Kaxxa 2).
Kaxxa 2
Ir-rappurtar tal-Kummissjoni (sal-2016) indika li s-sistemi tal-IT se jiġu implimentati sal-2020
Fl-ebda wieħed mir-rapporti tal-Kummissjoni dwar il-progress ta’ Dwana 2020 għas-snin 2014, 2015 u 2016, ma ssemma r-riskju li s-sistemi tal-IT meħtieġa mill-KDU jistgħu ma jiġux implimentati sal-2020 (ara l-paragrafu 46).
Fir-rapport tal-2016 dwar il-progress fil-qasam tad-Dwana elettronika (ippubblikat f’Lulju 2017), il-Kummissjoni rrikonoxxiet li bosta proġetti kienu ddewmu. Madankollu, b’kont meħud tal-progress li sar fl-2016, hija ddikjarat li l-implimentazzjoni f’waqtha tal-proġetti kienet għadha fattibbli.
Informazzjoni simili ġiet ippreżentata fir-rapporti dwar il-progress fil-qasam tad-Dwana elettronika għas-snin 2014 u 2015.
Meta l-Kummissjoni identifikat problemi relatati mad-disponibbiltà ta’ riżorsi u mad-dewmien potenzjali fl-implimentazzjoni tal-Programm ta’ Ħidma tal-KDU f’Ġunju 2014, hija ma biddlitx id-dati ta’ skadenza la f’dan il-Programm ta' Ħidma u lanqas fil-Pjan Strateġiku Pluriennali. Minflok, hija ħolqot pjan operazzjonali ġdid ibbażat fuq ir-riżorsi interni u pproponiet li timmaniġġjah b’mod parallel. Dan irriżulta biex il-Pjan Strateġiku Pluriennali / Programm ta' Ħidma tal-KDU ntużaw esternament filwaqt li l-pjan operazzjonali, li kien jirrappreżenta r-realtà, intuża prinċipalment internament. Mill-2015 ’il quddiem, il-pjan operazzjonali intern kien jindika dati ta' skadenza li kienu itwal minn dawk fil-Pjan Strateġiku Pluriennali / Programm ta' Ħidma tal-KDU, u kien jinkludi proġetti li għandhom jiġu implimentati wara d-data ta' skadenza tal-2020 prevista fil-KDU.
39Għalhekk, iż-żewġ għodod ta’ ppjanar għall-iżvilupp tas-sistemi tal-IT doganali kienu jeżistu b’mod parallel sal-2017 meta ġew irrikonċiljati b’segwitu ta’ rieżaminar (“kontroll tar-realtà”) li twettaq mill-Kummissjoni. Dan l-eżerċizzju ta’ rieżaminar irriżulta fir-reviżjoni tal-Pjan Strateġiku Pluriennali tal-2017, u minħabba fiha, id-dati ta’ skadenza għat-tnedija ta’ bosta sistemi tal-IT imxew għal wara d-data ta' skadenza tal-2020 li kienet legalment vinkolanti u prevista fil-KDU. B’riżultat ta’ dan, il-Kummissjoni kienet obbligata li tħejji aġġornament tal-Programm ta’ Ħidma tal-KDU u tipproponi emenda għar-Regolament dwar il-KDU (ara l-paragrafu 21).
40L-eżistenza taż-żewġ għodod ta’ ppjanar turi li l-Kummissjoni kienet konxja tad-dewmien. Id-deċiżjoni li din l-informazzjoni ma tiġix inkluża fir-rappurtar uffiċjali tagħha, ma ppermettietx li l-partijiet ikkonċernati (bħall-Parlament Ewropew, l-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE li mhumiex irrappreżentati fl-istruttura ta’ governanza ta’ Dwana 2020 kif ukoll il-kumpaniji u ċ-ċittadini kkonċernati) ikunu kompletament infurmati, f’ħin reali, dwar ir-riskju ta’ dewmien.
L-approċċ inizjali magħżul għall-iżvilupp ma kienx l-aktar wieħed kosteffiċjenti
41Fit-tfassil tal-programm Dwana 2020, il-Kummissjoni wettqet studju biex tiddetermina d-dati ta’ skadenza għall-implimentazzjoni tas-sistemi tal-IT u l-baġit meħtieġ għall-komponenti tal-Unjoni (ara l-paragrafu 26). L-approċċ magħżul għall-iżvilupp ġie fil-biċċa l-kbira deċentralizzat. Dan kien minkejja l-fatt li l-implimentazzjoni ċentralizzata kienet l-alternattiva l-aktar kosteffiċjenti (ara l-Kaxxa 3).
Kaxxa 3
L-approċċ ta’ żvilupp ċentralizzat ma ġiex aċċettat mill-Istati Membri
Fil-Valutazzjoni tagħha tal-Impatt, il-Kummissjoni ppreżentat erba’ xenarji għall-programm Dwana 2020, li essenzjalment kienu differenti fil-livell ta’ ċentralizzazzjoni tal-iżvilupp mill-Kummissjoni, jew fil-livell ta’ deċentralizzazzjoni mill-Istati Membri individwali. L-alternattiva l-aktar ċentralizzata għall-implimentazzjoni tas-sistemi tal-IT kienet tinvolvi l-kondiviżjoni tal-iżvilupp komuni għall-implimentazzjoni tal-proċess ewlieni kollu ta’ żdoganar u tal-interfaċċa tiegħu għan-negozjanti.
Din is-soluzzjoni ċentralizzata kienet tirrikjedi baġit ogħla għall-programm Dwana 2020 (stmat f’ammont ta’ madwar EUR 200 miljun aktar, meta mqabbel mal-alternattiva magħżula). Madankollu, hija offriet ukoll ekonomiji ta’ skala sinifikanti (kull euro investit b’mod ċentralizzat seta’ jiġġenera ffrankar ta’ EUR 4 għall-Istati Membri).
Dan ix-xenarju ma ntgħażilx billi l-Istati Membri qiesu li soluzzjoni deċentralizzata setgħet tissodisfa b’mod aktar xieraq ir-rekwiżiti nazzjonali speċifiċi u timmitiga r-riskju li proġett ifalli.
Aktar tard, matul id-diskussjonijiet individwali dwar l-ambitu tal-proġetti, l-Istati Membri talbu lill-UE biex ċerti komponenti tas-sistemi tal-IT jiġu żviluppati fil-livell ċentrali. Dan wassal għal soluzzjoni aktar kosteffiċjenti minħabba ekonomiji ta’ skala, iżda kien jirrikjedi aktar riżorsi mill-programm Dwana 2020 li ma kinux previsti (ara l-paragrafu 27).
L-objettivi u l-arranġamenti ta’ rappurtar tal-programm Dwana 2020 mhumiex adatti għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tas-sistemi tal-IT
43L-objettivi speċifiċi u operazzjonali għall-implimentazzjoni tas-sistemi tal-IT fil-programm Dwana 2020 huma ġenerali wisq biex jintużaw għall-monitoraġġ u r-rappurtar (eż. “kompjuterizzazzjoni” jew “l-iżvilupp, it-titjib, it-tħaddim u l-appoġġ tas-Sistemi ta’ Informazzjoni Ewropej għad-dwana”). Barra minn hekk, minħabba li s-sistemi speċifiċi tal-IT li jridu jiġu żviluppati ma ġewx ippreżentati fost l-objettivi msemmija hawn fuq tal-programm Dwana 2020, dawn mhux qed jiġu mmonitorjati b’mod xieraq fir-rapporti eżistenti.
44Il-Qafas għall-Kejl tal-Prestazzjoni (PMF) żviluppat għall-valutazzjoni tal-programm Dwana 2020 jippreskrivi erba’ indikaturi għall-implimentazzjoni ta’ sistemi ġodda tal-IT:
- l-għadd ta’ proġetti tal-IT fil-fażi ta’ “riċerka”;
- l-għadd ta’ proġetti tal-IT fil-fażi ta’ “żvilupp”;
- l-għadd ta’ sistemi ġodda tal-IT fil-fażi “operattiva”; u
- il-proporzjon ta’ proġetti tal-IT li għandhom status “aħdar”.
Aħna sibna li l-ewwel tliet indikaturi ma għandhomx mira u li l-mira stabbilita għar-raba’ indikatur kienet biss li 50 % tal-proġetti tal-IT iridu jkunu konformi mar-rekwiżiti (status “aħdar”). Din il-mira ma kinitx utli minħabba l-fatt li proġett jista’ jingħata status “aħdar” sempliċiment bħala konsegwenza ta’ reviżjoni tal-Pjan Strateġiku Pluriennali, mingħajr ma jkun sar ebda progress reali fl-implimentazzjoni tas-sistema tal-IT. Għalhekk, l-erba’ indikaturi żviluppati għall-valutazzjoni tal-implimentazzjoni tas-sistemi tal-IT ma jippermettux li jekk ikun hemm dewmien, dan jinqabad u jiġi rrappurtat.
46Il-Kummissjoni tippubblika rapporti annwali dwar il-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni tal-programm Dwana 2020. Fit-tliet rapporti ta’ dan it-tip li ġew ippubblikati saż-żmien meta sar l-awditu (2014, 2015 u 2016), l-informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tas-sistemi tal-IT hija limitata. It-tliet rapporti kollha jiddikjaraw li l-iżviluppi l-ġodda qed iseħħu fil-biċċa l-kbira skont kif ippjanat. Ir-rapporti dwar il-progress fil-qasam tad-Dwana elettronika għat-tliet snin imsemmija hawn fuq fihom informazzjoni aktar dettaljata dwar il-livell ta’ implimentazzjoni tas-sistemi tal-IT, iżda ma jipprovdux informazzjoni dwar ir-riskju li d-dati ta' skadenza previsti ma jiġux rispettati. Minħabba d-dewmien fl-iżvilupp u fit-tnedija tas-sistemi l-ġodda tal-IT, ir-rapporti dwar il-progress ta’ Dwana 2020 ma pprovdewx stampa bbilanċjata u komprensiva27 tal-implimentazzjoni tal-programm.
47Il-Kummissjoni tirċievi informazzjoni, fuq bażi regolari, dwar l-ispejjeż imġarrba mill-Istati Membri għall-iżvilupp tal-komponenti nazzjonali tas-sistemi tal-IT. Din l-informazzjoni tiġi kkompilata u ppreżentata fir-rapporti dwar il-progress fil-qasam tad-Dwana elettronika. Madankollu, l-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri la hi kompleta u lanqas ma hi kumparabbli. Minħabba din il-limitazzjoni, li aħna kkonfermajna fl-istħarriġ tagħna, ma stajniex nistmaw l-ispejjeż totali (komponenti tal-Unjoni u komponenti nazzjonali) għall-iżvilupp tas-sistemi tal-IT. Jekk l-informazzjoni dwar l-ammonti li jkunu ntnefqu ma tkunx affidabbli, il-Kummissjoni ma tkunx tista’ tevalwa b’mod xieraq jekk l-implimentazzjoni tal-proġetti tal-IT għall-modernizzazzjoni tal-Unjoni Doganali tkunx effettiva u jekk tipprovdix valur għall-flus.
Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
48Il-proċessi doganali jista’ jkollhom infuwenza sinifikanti ħafna fuq il-kummerċ, il-ġbir ta’ dazji u s-sikurezza u s-sigurtà taċ-ċittadini. Il-modernizzazzjoni ta’ dawn il-proċessi hija element ewlieni għall-funzjonament tal-UE. Għaxar snin wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni dwar id-Dwana Elettronika, aħna osservajna li kien sar progress fl-iżvilupp ta’ sistemi tal-IT bl-għan li jinħoloq ambjent mingħajr karti fid-dwana u l-kummerċ. Madankollu, dawn is-sistemi għadhom ma ġewx implimentati kompletament.
49Aħna nikkonkludu li:
- Mis-17-il sistema tal-IT meħtieġa mill-KDU hemm 7 li mhumiex se jiġu implimentati sad-data ta’ skadenza tal-2020. Xi wħud minnhom huma sistemi ewlenin bħall-aġġornament tas-Sistema tal-Kontroll tal-Importazzjoni u l-Iżdoganar Ċentralizzat għall-Importazzjoni fil-qafas tal-KDU (ara l-paragrafi 19 sa 21).
- Hemm riskju li d-data ta' skadenza l-ġdida tal-2025 ma tiġix rispettata (ara l-paragrafu 22).
- Il-kronoloġija oriġinali għall-implimentazzjoni tas-sistemi tal-IT, stabbilita mill-Kummissjoni, ma baqgħetx fattibbli minħabba bidliet fl-ambitu ta’ ċerti proġetti (ara l-paragrafi 24 sa 25).
- L-ispejjeż reali għall-iżvilupp ta’ sistemi tal-IT għall-komponenti tal-Unjoni kienu sinifikattivament ogħla minn dawk stmati fil-pjan inizjali, u l-Kummissjoni ma allokatx biżżejjed riżorsi għal dawn il-proġetti (ara l-paragrafi 26 sa 29).
- L-insuffiċjenza tal-baġit allokat mill-Istati Membri kienet waħda mir-raġunijiet prinċipali għad-dewmien (ara l-paragrafi 30 sa 32).
- It-tul tal-proċess deċiżjonali dewwem l-implimentazzjoni ta’ xi wħud mis-sistemi tal-IT minħabba l-istruttura ta’ governanza b’diversi livelli li kienet tinvolvi l-Kummissjoni u l-Istati Membri (ara l-paragrafi 33 sa 36).
- Il-Kummissjoni damet ma rrappurtat id-dewmien fl-implimentazzjoni tas-sistemi tal-IT (ara l-paragrafi 37 sa 40).
- Id-deċiżjoni dwar kemm l-iżvilupp tas-sistemi tal-IT kellu jiġi ċentralizzat fil-livell tal-UE mhux dejjem kienet immexxija minn kunsiderazzjonijiet ta’ kosteffiċjenza, iżda wkoll mir-rekwiżiti nazzjonali speċifiċi tal-Istati Membri u mir-riskji li proġett ifalli (ara l-paragrafi 41 u 42).
- L-objettivi u l-arranġamenti ta’ rappurtar tal-programm Dwana 2020 mhumiex adatti għall-monitoraġġ xieraq tal-implimentazzjoni tas-sistemi tal-IT (ara l-paragrafi 43 sa 47).
Aħna nirrakkomandaw li l-Kummissjoni tieħu kont tat-tagħlimiet li nsiltu mill-programm Dwana 2020 u tal-approċċ tiegħu għall-ġestjoni tal-proġetti tal-IT kif inhu spjegat fil-Pjan Strateġiku Pluriennali għall-Programmi Dwana futuri.
Rakkomandazzjoni 1 - It-tfassil tal-programm li jkun orjentat lejn l-implimentazzjoni ta’ sistemi tal-IT
Għall-programm Dwana li jmiss, jenħtieġ li l-Kummissjoni tipproponi:
- objettivi li jkunu espliċitament relatati mas-sistemi previsti tal-IT li għad iridu jiġu żviluppati; u
- objettivi li jkunu preċiżi u jistgħu jitkejlu.
Data mmirata għall-implimentazzjoni: 2020
Rakkomandazzjoni 2 - Isir titjib fl-istimi relatati maż-żmien, mar-riżorsi u mal-ambitu tal-proġetti tal-IT
Għall-programmi Dwana futuri, jenħtieġ li l-Kummissjoni:
- fit-tħejjija tal-iskedi ta’ żmien u l-allokazzjonijiet tar-riżorsi, tiżgura li t-tagħlimiet li nsiltu mill-programmi preċedenti (bħar-riskji relatati mal-ambjent tal-IT u l-kumplessità tal-proġetti) jittieħdu debitament inkunsiderazzjoni; u
- tipprovdi informazzjoni adegwata lill-Istati Membri biex dawn ikunu jistgħu jieħdu deċiżjoni infurmata dwar l-ambitu tal-proġetti fi żmien debitu.
Data mmirata għall-implimentazzjoni: 2020
Rakkomandazzjoni 3 - Jiġi ffaċilitat żvilupp kooperattiv tas-sistemi tal-IT
Jenħtieġ li l-Kummissjoni:
- timmonitorja r-riskju li Stat Membru ma jkunx jista’ jirrispetta d-dati ta' skadenza għall-implimentazzjoni tal-komponenti nazzjonali u tidentifika, fi stadju bikri, soluzzjonijiet potenzjali kif ukoll tiffaċilita l-applikazzjoni tagħhom fil-livell nazzjonali; u
- tiffaċilita użu aktar mifrux ta’ żvilupp kollaborattiv tas-sistemi tal-IT bejn l-Istati Membri.
Data mmirata għall-implimentazzjoni: 2020
Rakkomandazzjoni 4 - Il-governanza tiġi ssimplifikata billi jsir titjib fil-komunikazzjoni
Jenħtieġ li l-Kummissjoni tissimplifika l-governanza tal-iżvilupp tas-sistemi tal-IT doganali, billi tiżgura komunikazzjoni aktar effiċjenti u aktar rapida mal-Istati Membri, pereżempju bl-użu ta’ soluzzjonijiet addizzjonali għall-iskambju ta’ informazzjoni biex id-deċiżjonijiet ikunu jistgħu jittieħdu mingħajr ebda dewmien.
Data mmirata għall-implimentazzjoni: 2020
Rakkomandazzjoni 5 - Ir-rappurtar dwar l-implimentazzjoni tas-sistemi tal-IT ikun trasparenti
Jenħtieġ li l-Kummissjoni:
- tinforma lill-partijiet ikkonċernati kollha involuti fl-implimentazzjoni tas-sistemi tal-IT kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f’dak tal-Istati Membri, b’mod f’waqtu u trasparenti, dwar dewmien fl-implimentazzjoni u fl-infiq għall-komponenti tal-Unjoni u ta’ dawk nazzjonali; u
- tistabbilixxi arranġamenti ta’ rappurtar u indikaturi xierqa dwar il-livell kumplessiv ta’ implimentazzjoni u dwar il-proġetti individwali fil-Qafas għall-Kejl tal-Prestazzjoni tal-Programmi Dwana li jmiss, u tippubblika d-dokumenti ta’ rappurtar meħtieġa.
Data mmirata għall-implimentazzjoni: 2021
Dan ir-Rapport Speċjali ġie adottat mill-Awla V, immexxija mis-Sur Lazaros S. LAZAROU, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tas-26 ta’ Settembru 2018
Għall-Qorti tal-Awdituri

Klaus-Heiner LEHNE
President
Annessi
Anness I
Deskrizzjoni tal-proġetti tal-IT
| SISTEMI MEĦTIEĠA MILL-KDU | |
|---|---|
| Deċiżjonijiet Doganali tal-KDU | Il-proġett għandu l-għan li jarmonizza l-proċessi relatati mal-applikazzjoni għal deċiżjoni doganali, mat-teħid tad-deċiżjonijiet u mal-ġestjoni tad-deċiżjonijiet fl-UE kollha. |
| Informazzjoni Vinkolanti dwar it-Tariffi (BTI) tal-KDU | Il-proġett għandu l-għan li jipprovdi aġġornament tas-sistema trans-Ewropea EBTI-3 u tas-sistema Sorveljanza 2 eżistenti f’konformità mal-KDU u mad-dispożizzjonijiet tiegħu (eż. bidliet fil-perjodu ta’ validità). Il-proġett huwa marbut mill-qrib mas-sistema Sorveljanza 3. |
| Aġġornament tal-Operaturi Ekonomiċi Awtorizzati (AEO) tal-KDU | Il-proġett għandu l-għan li jtejjeb il-proċessi tan-negozju relatati mal-applikazzjonijiet u l-awtorizzazzjonijiet tal-AEO filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-bidliet fid-dispożizzjonijiet legali tal-KDU. |
| Sistema Awtomatizzata tal-Esportazzjoni (AES) tal-KDU | Dan il-proġett jimplimenta r-rekwiżiti tal-KDU għall-esportazzjoni u l-ħruġ u huwa magħmul minn żewġ komponenti: trans-Ewropea (AES) u nazzjonali (aġġornament tas-Sistemi Nazzjonali ta’ Esportazzjoni). |
| Aġġornament tas-Sistema Ġdida ta' Tranżitu Kompjuterizzata (NCTS) tal-KDU | L-għan ta’ dan il-proġett trans-Ewropew huwa l-aġġornament tas-sistema eżistenti li tawtomatizza l-proċeduri ta’ tranżitu u l-kontroll tal-movimenti koperti taħt il-proċedura TIR ġewwa l-UE. |
| Sistema tal-Esportatur Reġistrat (REX) tal-KDU | Il-proġett REX għandu l-għan li jimplimenta sistema li tipprovdi informazzjoni aġġornata u kompleta dwar esportaturi reġistrati stabbiliti f'pajjiżi terzi li jesportaw merkanzija lejn l-UE skont arranġamenti kummerċjali preferenzjali. |
| Subsistema ta’ Reġistrazzjoni u Identifikazzjoni tal-Operaturi Ekonomiċi 2 (EORI 2) tal-KDU | Dan il-proġett għandu l-għan li jaġġorna s-sistema EORI trans-Ewropea eżistenti li tirreġistra u tidentifika l-operaturi ekonomiċi tal-UE kif ukoll dawk ta’ pajjiżi terzi. |
| Notifika tal-Wasla, Notifika tal-Preżentazzjoni u tal-Ħażna Temporanja fil-qafas tal-KDU | L-għan ta’ dan il-proġett huwa li jiddefinixxi l-proċessi għan-Notifika tal-Wasla tal-mezzi tat-trasport, għall-Preżentazzjoni tal-merkanzija u għad-Dikjarazzjoni għall-Ħżin Temporanju u li jappoġġa l-armonizzazzjoni fost l-Istati Membri. |
| Ġestjoni tal-Garanzija (GUM) tal-KDU | Dan il-proġett għandu l-għan li jiżgura l-ġestjoni effettiva u effiċjenti tat-tipi differenti ta’ garanziji. Il-proġett għandu kemm komponent trans-Ewropew kif ukoll komponent nazzjonali. |
| Dokumenti bit-Tagħrif Ewlieni (INF) tal-KDU għal Proċeduri Speċjali | L-għan ta’ dan il-proġett huwa li jiżviluppa sistema trans-Ewropea ġdida għall-kooperazzjoni amministrattiva u l-iskambju standardizzat ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali fl-Istati Membri. |
| Proċeduri Speċjali tal-KDU | Dan il-proġett għandu l-għan li jaċċellera, jiffaċilita u jarmonizza l-Proċeduri Speċjali madwar l-Unjoni billi jipprovdi mudelli komuni ta' proċessi ta' negozju. |
| Sorveljanza 3 tal-KDU | Dan il-proġett għandu l-għan li jipprovdi aġġornament tas-sistema Sorveljanza 2+ biex ikunu jistgħu jiġu pproċessati elementi ta’ data addizzjonali mid-dikjarazzjonijiet għal titijib fl-analiżi tar-riskju doganali, il-ġlieda kontra l-frodi, l-analiżi tas-suq, kontrolli ta’ wara r-rilaxx u skopijiet statistiċi. |
| Aġġornament tas-Sistema tal-Kontroll tal-Importazzjoni (ICS 2) tal-KDU għat-tisħiħ tas-Sigurtà tal-Katina ta’ Provvista fid-Dħul | Il-proġett għandu l-għan li joħloq sistema trans-Ewropea ġdida li tissostitwixxi l-ICS eżistenti. L-objettiv prinċipali huwa li tissaħħaħ is-sigurtà tal-katina ta’ provvista billi jiġi ottimizzat l-iskambju ta’ informazzjoni dwar il-merkanzija bil-quddiem u billi jiġu indirizzati d-dgħufijiet tal-proċessi ta’ sikurezza u ta’ sigurtà u/jew il-kwalità tad-data sabiex isir titjib fl-analiżi tar-riskju. |
| Aġġornament tas-Sistemi Nazzjonali tal-Importazzjoni (NIS) tal-KDU | Il-proġett għandu l-għan li jimplimenta r-rekwiżiti kollha tal-KDU relatati mal-qasam tal-importazzjoni fil-livell nazzjonali. Huwa jkopri d-dikjarazzjonijiet doganali nazzjonali tas-sistemi tal-ipproċessar kif ukoll ta’ sistemi relatati oħra. |
| Żdoganar Ċentralizzat għall-Importazzjoni (CCI) tal-KDU | Il-proġett għandu l-għan li joħloq sistema trans-Ewropea biex in-negozjanti jkunu jistgħu jiċċentralizzaw il-preżentazzjoni tad-dikjarazzjonijiet doganali tagħhom għall-importazzjonijiet f’amministrazzjoni doganali waħda filwaqt li l-merkanzija tiġi ppreżentata fiżikament fi Stat(i) Membru/i ieħor/oħra. |
| Prova ta’ Status tal-Unjoni (PoUS) tal-KDU | Il-proġett għandu l-għan li joħloq sistema trans-Ewropea ġdida għall-ħżin, il-ġestjoni u l-irkupru tad-dokumenti elettroniċi tal-Prova ta’ Status tal-Unjoni. |
| Ġestjoni uniformi tal-utenti u firem diġitali tal-KDU - UUM&DS (Aċċess Dirett min-Negozjanti għall-EIS) | Il-Proġett UUM&DS għandu l-għan li jimplimenta sistema li tipprovdi lin-negozjanti b’aċċess dirett u armonizzat għal servizzi ġodda fil-livell tal-UE kollha, inklużi s-servizzi ċentralizzati. |
| SISTEMI MHUX MEĦTIEĠA MILL-KDU (imsemmija fir-rapport) | |
| Sistema ta’ Punt Uniku ta’ Kuntatt tal-UE għad-dwana | L-objettiv tas-sistema ta’ Punt Uniku ta’ Kuntatt tal-UE għad-dwana huwa li l-operaturi ekonomiċi jkunu jistgħu jippreżentaw elettronikament l-informazzjoni kollha meħtieġa mil-leġiżlazzjoni doganali kif ukoll minn dik mhux doganali għall-moviment transkonfinali ta’ merkanzija fl-istess żmien. |
| COPIS (Sistema kontra l-Falsifikazzjoni u l-Piraterija) | COPIS hija intenzjonata biex issaħħaħ il-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali billi ttejjeb il-kooperazzjoni u l-kondiviżjoni ta’ informazzjoni bejn id-detenturi tad-drittijiet u l-amministrazzjonijiet doganali tal-Istati Membri u bejn l-uffiċċji doganali kollha tal-Istati Membri. |
| Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Klassifikazzjoni (CLASS) | Il-proġett għandu l-għan li jiżviluppa sistema ta’ informazzjoni dwar il-klassifikazzjoni tariffarja li tipprovdi pjattaforma unika fejn kull informazzjoni ta' klassifikazzjoni tkun faċilment disponibbli u aċċessibbli. |
| Netwerk Komuni ta’ Komunikazzjoni 2 (CCN2) | CCN2 huwa evoluzzjoni tas-CCN attwali, li huwa infrastruttura tan-netwerk magħluqa u sekurizzata pprovduta mill-Kummissjoni biex tiffaċilita l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali fil-qasam tad-dwana u t-tassazzjoni. |
| Disponibbiltà għolja tal-kapaċitajiet operazzjonali tad-DĠ TAXUD | Fil-qafas ta’ dan il-proġett, il-Kummissjoni biħsiebha tipprovdi kapaċitajiet ta’ infrastruttura b’disponibbiltà għolja għall-hosting ta’ komponenti ta’ sistemi doganali u ta’ servizzi tal-IT fl-UE. |
Anness II
Snin addizzjonali meħtieġa għat-twettiq ta’ kull proġett tal-IT, meta mqabbel mal-ippjanar inizjali
Sors: Il-QEA, ibbażat fuq il-Pjanijiet Strateġiċi Pluriennali tal-2017, l-2016 u l-2014; u d-dokumentazzjoni relatata mal-proġett dwar l-aġġornament tas-Sistema tal-Kontroll tal-Importazzjoni tal-KDU (għal deskrizzjoni dettaljata tal-proġetti tal-IT, jekk jogħġbok ara l-Anness I).
Abbrevjazzjonijiet
CPG: Grupp tal-Politika Doganali
DĠ TAXUD: Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali
ECCG: Grupp ta’ Koordinazzjoni dwar id-Dwana Elettronika
EIS: Sistemi ta’ Informazzjoni Ewropej
IT: Teknoloġija tal-Informazzjoni
KDU: Kodiċi Doganali tal-Unjoni
MCC: Kodiċi Doganali Modernizzat
PMF: Qafas għall-Kejl tal-Prestazzjoni
TCG: Grupp ta’ Kuntatt dwar il-Kummerċ
Glossarju
Id-deskrizzjoni tal-proġetti tal-IT imsemmija fir-rapport tingħata fl-Anness I.
Ambitu ta’ proġett: Dak li jkun inkluż fil-proġett, jew eskluż minnu. L-Istitut tal-Ġestjoni ta’ Proġett jiddefinixxi l-ambitu ta’ proġett bħala x-xogħol li jeħtieġ jitwettaq biex jitwassal prodott, servizz, jew riżultat bil-karatteristiċi u l-funzjonijiet speċifikati.
Dokument ta’ Ġustifikazzjoni Ekonomika u Dokument ta’ Viżjoni: Dokumenti għall-fażijiet inizjali ta’ proġett għall-iżvilupp ta’ sistemi tal-IT, li fihom l-ispeċifikazzjoni dettaljata tal-ambitu ta’ kull proġett u li jippreċiedu d-deċiżjoni għat-tnedija tax-xogħlijiet tekniċi tal-IT.
Kodiċi Doganali Modernizzat: Dan il-kodiċi daħal fis-seħħ fl-24 ta’Ġunju 2008, b’dispożizzjoni li huwa kellu jkun applikabbli sa mhux aktar tard mill-24 ta’ Ġunju 2013. Madankollu, huwa qatt ma ġie applikat peress li tħassar u ġie sostitwit bil-Kodiċi Doganali tal-Unjoni.
Kodiċi Doganali tal-Unjoni: Dan jipprovdi qafas komprensiv għar-regoli u l-proċeduri tad-dwana fit-territorju doganali tal-UE, adattat għar-realtajiet kummerċjali moderni u għall-għodod ta’ komunikazzjoni. Huwa daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2016, iżda xi wħud mill-arranġamenti tranżitorji għadhom japplikaw, b’mod partikolari għall-formalitajiet doganali li għadhom qed jinbidlu gradwalment għal sistemi elettroniċi.
Komponenti nazzjonali tas-sistemi tal-IT (komponenti mhux tal-Unjoni): Dawk il-komponenti kollha tas-sistemi tal-IT li mhumiex identifikati bħala komponenti tal-Unjoni (l-Anness II C tar-Regolament (UE) Nru 1294/2013). L-Istati Membri jħallsu għall-ispejjeż relatati mal-akkwist, l-iżvilupp, l-installazzjoni, il-manutenzjoni u l-operat ta’ kuljum tal-komponenti mhux tal-Unjoni.
Komponenti UE tas-sistemi tal-IT (komponenti tal-Unjoni): Riżorsi (bħal hardware, software, konnessjonijiet tan-netwerk) u servizzi li jappoġġaw is-sistemi tal-IT li huma komuni għall-pajjiżi parteċipanti (l-Anness II B tar-Regolament (UE) Nru 1294/2013). L-UE tħallas għall-akkwist, l-iżvilupp, l-installazzjoni, il-manutenzjoni u l-operat ta’ kuljum tal-komponenti tal-Unjoni.
Pjan Strateġiku Pluriennali: Għodda ta’ ġestjoni u ppjanar li ġiet imfassla mill-Kummissjoni fi sħubija mal-Istati Membri skont l-Artikolu 8(2) tad-Deċiżjoni dwar id-Dwana Elettronika. Dan il-pjan jistabbilixxi qafas strateġiku u stadji importanti biex il-proġetti tal-IT jiġu mmaniġġjati b’mod koerenti u effettiv.
Programm ta’ ħidma għall-Kodiċi Doganali tal-Unjoni: Il-programm ta’ ħidma ġie stabbilit skont l-Artikolu 280 tal-KDU. Huwa jinkludi miżuri tranżitorji relatati mas-sistemi elettroniċi u l-iskeda ta’ żmien applikabbli għall-każijiet fejn is-sistemi kienu għadhom mhumiex operattivi sad-data ta’ applikazzjoni tal-KDU (l-1 ta’ Mejju 2016).
Qafas għall-Kejl tal-Prestazzjoni: Sistema ta’ monitoraġġ li tkejjel il-progress tal-programm Dwana 2020 permezz ta’ 86 indikatur, magħmula minn 68 indikatur tal-output/tar-riżultati u 18-il indikatur tal-impatt.
Rapport dwar il-progress tal-programm Dwana 2020: Rapport annwali li jimmonitorja l-implimentazzjoni tal-programm skont l-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 1294/2013.
Rapporti dwar il-progress fil-qasam tad-Dwana elettronika: Rapport annwali li jevalwa l-progress li jkun sar biex id-dwana tinbidel għal ambjent mingħajr karti skont l-Artikolu 12 tad-Deċiżjoni 70/2008/KE.
Rappreżentanti tal-kummerċ: Dawn huma operaturi bħal importaturi, aġenti doganali, kumpaniji tat-trasport u operaturi loġistiċi. Huma membri tal-Grupp ta’ Kuntatt dwar il-Kummerċ, li huwa pjattaforma ta’ laqgħat informali għal konsultazzjonijiet kummerċjali, fil-livell tal-Unjoni, dwar l-implimentazzjoni ta’ kwistjonijiet relatati mad-dwana u l-iżviluppi tal-politika doganali.
Tim ta’ esperti: It-timijiet ta’ esperti huma għodda li ġiet stabbilita fil-qafas tal-azzjonijiet konġunti tal-programm Dwana 2020 biex l-għarfien espert jinġabar flimkien b’diversi modi; fuq bażi reġjonali, tematika, temporanja jew permanenti. Din l-għodda tippermetti li l-Istati Membri jsaħħu l-kooperazzjoni tagħhom fl-implimentazzjoni ta’ politiki.
Noti finali
1 Sors: Statistika tal-Eurostat dwar il-Kummerċ dinji għall-2017.
2 L-Organizzazzjoni Dinjija Doganali (WCO) tqis ukoll li d-diġitalizzazzjoni hija karatteristika ewlenija tal-immodernizzazzjoni tad-dwana u żviluppat Mudell ta’ Maturità għad-Dwana Diġitali.
3 Ara l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-24 ta’ Lulju 2003 intitolata “A simple and paperless environment for customs and trade” (Ambjent sempliċi u mingħajr karti għad-dwana u l-kummerċ).
4 Id-Deċiżjoni Nru 70/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Jannar 2008 dwar ambjent mingħajr karti għad-dwana u l-kummerċ (ĠU L 23, 26.1.2008, p. 21) (id-Deċiżjoni dwar id-Dwana Elettronika).
5 Ir-Regolament (KE) Nru 450/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (Kodiċi Doganali Modernizzat) (MCC) (ĠU L 145, 4.6.2008, p. 1), li tħassar bir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1). L-MCC daħal fis-seħħ fl-24 ta’Ġunju 2008, iżda kien jipprevedi li se jkun applikabbli sa mhux aktar tard mill-24 ta’ Ġunju 2013.
6 Ara l-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (tfassil mill-ġdid) (COM (2012) 64 final), li ġiet adottata mill-Kummissjoni fl-20 ta’ Frar 2012.
7 Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (riformulazzjoni) (ĠU L 269. 10.10.2013, p. 1) (ir-Regolament dwar il-KDU).
8 Il-Pjan Strateġiku Pluriennali huwa għodda ta’ ġestjoni u ppjanar li ġiet imfassla mill-Kummissjoni fi sħubija mal-Istati Membri f’konformità mal-Artikolu 8(2) tad-Deċiżjoni dwar id-Dwana Elettronika. Huwa jistabbilixxi qafas strateġiku u stadji importanti għall-ġestjoni tal-proġetti tal-IT. Kull reviżjoni tiġi ppubblikata mid-DĠ TAXUD wara li tkun ġiet approvata.
9 Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta’ April 2014 li tistabbilixxi l-Programm ta' Ħidma għall-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (2014/255/UE) (ĠU L 134, 7.5.2014, p. 46) (Programm ta’ Ħidma għall-KDU 2014), li tħassret bid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/578 tal-11 ta’ April 2016 li tistabbilixxi Programm ta’ Ħidma relatat mal-iżvilupp u t-tnedija tas-sistemi elettroniċi previsti fil-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 99, 15.4.2016, p. 6) (il-Programm ta’ Ħidma għall-KDU 2016).
10 Ir-Regolament (UE) Nru 1294/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi programm ta’ azzjoni għad-dwana fl-Unjoni Ewropea għall-perjodu 2014-2020 (Dwana 2020) u jirrevoka d-Deċiżjoni Nru 624/2007/KE (ĠU L 347 tal-20.12.2013, p. 209).
11 Ċerti Stati Membri qed jużaw il-fondi strutturali tal-UE biex ikopru xi wħud minn dawn l-ispejjeż.
12 Dan il-baġit ma jinkludix l-iżviluppi tal-IT iffinanzjati biss mill-Istati Membri (komponenti nazzjonali). Aħna ma stajniex nirrappurtaw dwar l-ispejjeż totali tas-sistemi (ara l-paragrafu 47).
13 Aħna ħadna inkunsiderazzjoni wkoll il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet inklużi fir-Rapport Speċjali Nru 19/2017 “Proċeduri ta’ importazzjoni: xi nuqqasijiet fil-qafas legali u implimentazzjoni ineffettiva għandhom impatt fuq l-interessi finanzjarji tal-UE”.
14 Proġetti tal-KDU li ġew posposti għal wara l-2020: Sistema Awtomatizzata tal-Esportazzjoni tal-KDU, Aġġornament tas-Sistema Ġdida ta' Tranżitu Kompjuterizzata tal-KDU, Ġestjoni tal-Garanziji tal-KDU, Proċeduri Speċjali tal-KDU, Żdoganar Ċentralizzat għall-Importazzjoni tal-KDU, Prova ta' Status tal-Unjoni tal-KDU u Aġġornament tas-Sistema ta’ Kontroll tal-Importazzjoni tal-KDU.
15 L-ippjanar tal-aġġornament tas-Sistema ta’ Kontroll tal-Importazzjoni jirreferi biss għall-ewwel parti tal-proġett. Il-partijiet l-oħra se jitwasslu wara l-2020.
16 Barra minn hekk, it-tieni parti tal-aġġornament tas-Sistema ta’ Kontroll tal-Importazzjoni tal-KDU se sseħħ ukoll f’dan il-perjodu, għalkemm l-ippjanar tat-tieni parti tal-proġett għadha mhix inkluża fil-Pjan Strateġiku Pluriennali 2017.
17 Dan it-tip ta’ konċentrazzjoni jmur kontra l-konklużjonijiet tal-grupp tal-proġett Dwana 2020 dwar l-impatti tar-rekwiżiti tal-KDU fuq l-Istati Membri, li skonthom għandu jiġi evitat li bosta sistemi kbar jitniedu fl-istess żmien. Il-Kummissjoni rrikonoxxiet wkoll li l-UE għadha qatt ma esperjenzat tranżizzjoni massiva bħal din, u li se tkun suġġetta għal ħafna riskji operazzjonali kemm fil-livell tekniku kif ukoll f’dak tal-koordinazzjoni.
18 Aħna qabbilna l-istadju attwali (kif irrappurtaw l-Istati Membri fl-istħarriġ tagħna) ma’ dak previst fil-Pjan Strateġiku Pluriennali għall-ewwel tliet xhur tal-2018.
19 Erba’ proġetti tal-KDU: Sistema tal-Esportaturi Rreġistrati, Sorveljanza 3, Aġġornament tas-Sistema ta' Kontroll tal-Importazzjoni u Żdoganar Ċentralizzat għall-Importazzjoni kif ukoll proġett ieħor li mhuwiex tal-KDU: Punt Uniku ta’ Kuntatt tal-UE (ara l-Anness I).
20 Mill-24 Stat Membru li rrispondew għall-istħarriġ tagħna, 19 indikaw li l-istrutturi attwali ta’ governanza kienu adatti jekk jittieħed kont taċ-ċirkustanzi, madankollu, 14-il Stat Membru ammettew li l-metodu ta’ ħidma u l-proċess deċiżjonali jistgħu jittejbu aktar.
21 Skont l-Immudellar tal-Proċess ta’ Negozju (BPM), l-utenti jew ir-rekwiżiti funzjonali tas-sistemi kienu diġà ġew iddefiniti.
22 Ara l-paragrafi 33 sa 38 tar-Rapport Speċjali Nru 19/2017.
23 Fl-2017, l-Istati Membri żammew aktar minn EUR 4 biljun bħala spejjeż tal-ġbir. Fil-livell tal-Istat Membru individwali, l-ammonti li nżammu kienu jvarjaw bejn EUR 3 miljun u EUR 1 biljun.
24 Iż-żmien meħtieġ għall-iżvilupp tas-Sistema l-Ġdida ta’ Tranżitu Kompjuterizzata - 12-il sena - ittieħed inkunsiderazzjoni meta kien qed jiġi stmat iż-żmien meħtieġ għall-iżvilupp tas-sistemi l-ġodda, fl-ewwel edizzjoni tad-Dokument ta’ Studju dwar l-Istima Globali għall-Pjan Regolatorju tal-IT.
25 Il-Grupp tal-Politika Doganali (CPG) u l-Grupp ta’ Koordinazzjoni dwar id-Dwana Elettronika (ECCG).
26 F’żewġ każijiet (Sorveljanza 3 u Sistema tal-Esportaturi Rreġistrati), kien possibbli li tintlaħaq u tinżamm id-data ta' skadenza oriġinali (Pjan Strateġiku Pluriennali 2014) għat-twettiq tal-proġetti. F’żewġ każijiet oħra (Żdoganar Ċentralizzat għall-Importazzjoni u l-aġġornament tas-Sistema ta’ Kontroll tal-Importazzjoni), il-proġetti nqasmu f’fażijiet u b’hekk it-twettiq finali tagħhom ġie estiż għal wara l-2020. Fir-rigward tal-Punt Uniku ta’ Kuntatt tal-UE, il-proġett inqasam f’bosta subproġetti u għadu mhux magħruf meta se jitwettaq kompletament.
27 Ir-rapporti dwar il-progress ta’ Dwana 2020 fihom biss paġna waħda ddedikata għas-sistemi l-ġodda tal-IT (minn madwar 15-il paġna) billi 4 biss mit-68 indikatur (tal-outputs u tar-riżultati) huma relatati mas-sistemi l-ġodda tal-IT.
| Avveniment | Data |
|---|---|
| Il-Memorandum ta’ Ppjanar tal-Awditjar (APM) jiġi adottat / L-awditu jinbeda | 29.11.2017 |
| L-abbozz ta’ rapport jintbagħat uffiċjalment lill-Kummissjoni (jew lill-entità l-oħra awditjata) | 12.7.2018 |
| Ir-rapport finali jiġi adottat wara l-proċedura kontradittorja | 26.9.2018 |
| Ir-risposti uffiċjali tal-Kummissjoni (jew tal-entità l-oħra awditjata) jaslu bil-lingwi kollha | Bl-Ingliż: 5.10.2018 Bil-lingwi l-oħra: 7.11.2018 |
Tim tal-awditjar
Dan ir-rapport speċjali tal-QEA jippreżenta r-riżultati tal-awditi li twettaq ta’ politiki u programmi tal-UE, jew ta’ suġġetti relatati mal-ġestjoni minn oqsma speċifiċi tal-baġit. Il-QEA tagħżel u tfassal dawn il-kompiti tal-awditjar biex timmassimizza l-impatt tagħhom billi tqis ir-riskji għall-prestazzjoni jew għall-konformità, il-livell ta’ introjtu jew ta’ nfiq involut, l-iżviluppi li jkunu għad iridu jseħħu u l-interess politiku u pubbliku.
Dan l-awditu tal-prestazzjoni twettaq mill-Awla V tal-Awditjar, Finanzjament u Amministrazzjoni tal-Unjoni, li hija mmexxija minn Lazaros S. Lazarou, Membru tal-QEA. L-awditu tmexxa minn Eva Lindström, Membru tal-QEA, b’appoġġ minn Katharina Bryan, Kap tal-Kabinett u Johan Stålhammar, Attaché tal-Kabinett; Alberto Gasperoni, Maniġer Prinċipali; José Parente, Kap tal-Kompitu; Jitka Benešová, Josef Edelmann, u Ilze Ozola, Awdituri.
Kuntatt
IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI
12, rue Alcide De Gasperi
1615 Luxembourg
LUXEMBOURG
Tel. +352 4398-1
Mistoqsijiet: eca.europa.eu/mt/Pages/ContactForm.aspx
Sit web: eca.europa.eu
Twitter: @EUAuditors
Ħafna informazzjoni addizzjonali dwar l-Unjoni Ewropea hija disponibbli fuq l-Internet.
Jista’ jsir aċċess għaliha permezz tas-server Europa (http://europa.eu).
Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2018
| ISBN 978-92-847-0912-0 | ISSN 1977-5741 | doi:10.2865/756008 | QJ-AB-18-023-MT-N | |
| HTML | ISBN 978-92-847-0961-8 | ISSN 1977-5741 | doi:10.2865/002166 | QJ-AB-18-023-MT-Q |
© L-Unjoni Ewropea, 2018
Għal kull użu jew riproduzzjoni ta’ ritratti jew materjal ieħor li ma jaqax taħt id-drittijiet tal-awtur tal-Unjoni Ewropea, irid jintalab il-permess direttament mingħand id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur.
* ©L-Unjoni Ewropea, 2012, sors: Il-PE/Thierry Roge
KIF TIKKUNTATTJA LILL-UE
Personalment
Madwar l-Unjoni Ewropea kollha hemm mijiet ta’ ċentri ta’ informazzjoni tal-Europe Direct. Tista’ ssib l-indirizz tal-eqreb ċentru għalik f’dan is-sit: https://europa.eu/european-union/contact_mt
Bit-telefown jew bil-posta elettronika
Europe Direct huwa servizz li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar l-Unjoni Ewropea. Tista’ tikkuntattja dan is-servizz:
- bit-telefown bla ħlas: 00 800 6 7 8 9 10 11 (ċerti operaturi jafu jimponu ħlas għal dawn it-telefonati),
- fuq dan in-numru standard: +32 22999696, jew
- bil-posta elettronika permezz: https://europa.eu/european-union/contact_mt
KIF ISSIB TAGĦRIF DWAR L-UE
Onlajn
L-informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE hija disponibbli fuq is-sit web Europa fuq: https://europa.eu/european-union/index_mt
Pubblikazzjonijiet tal-UE
Tista’ tniżżel mill-internet jew tordna l-pubblikazzjonijiet tal-UE, li xi wħud minnhom huma bla ħlas u xi oħrajn bil-ħlas, mill-EU Bookshop fl-indirizz li ġej: https://op.europa.eu/mt/publications. Kopji multipli ta’ pubblikazzjonijiet bla ħlas tista’ tiksibhom billi tikkuntattja lil Europe Direct jew liċ-ċentru tal-informazzjoni lokali tiegħek (ara https://europa.eu/european-union/contact_mt).
Il-liġi tal-UE u dokumenti relatati
Għal aċċess għall-informazzjoni legali tal-UE, inkluż il-liġijiet kollha tal-UE mill-1951 ’l hawn, fil-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali kollha, żur is-sit EUR-Lex hawnhekk: http://eur-lex.europa.eu/homepage.html?locale=mt
Dejta Miftuħa mill-UE
Il-portal tad-Dejta Miftuħa mill-UE (http://data.europa.eu/euodp) jipprovdi aċċess għal settijiet tad-dejta mill-UE. Id-dejta tista’ titniżżel mill-internet u tintuża mill-ġdid bla ħlas, kemm għal skopijiet kummerċjali kif ukoll mhux kummerċjali.
